Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/2239(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0126/2022

Testi mressqa :

A9-0126/2022

Dibattiti :

PV 02/05/2022 - 15
CRE 02/05/2022 - 15

Votazzjonijiet :

PV 03/05/2022 - 8.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2022)0136

Testi adottati
PDF 192kWORD 62k
It-Tlieta, 3 ta' Mejju 2022 - Strasburgu
Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Agrikoltura Organika
P9_TA(2022)0136A9-0126/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Mejju 2022 dwar il-pjan ta' azzjoni tal-UE għall-agrikoltura organika (2021/2239(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 39, 192(1) u 349 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi li ntlaħaq fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP21),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Marzu 2021 dwar pjan ta' azzjoni għall-iżvilupp tal-produzzjoni organika (COM(2021)0141),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2021 dwar l-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013(5),

–  wara li kkunsidra Regolament (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2021 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli, (UE) Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, (UE) Nru 251/2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u (UE) Nru 228/2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni(6),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2021 dwar il-pjan ta' azzjoni għall-iżvilupp tal-agrikoltura organika,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2018 dwar strateġija Ewropea għall-promozzjoni tal-għelejjel li fihom il-proteini – Inħeġġu l-produzzjoni tal-pjanti leguminużi u li fihom il-proteini fis-settur agrikolu Ewropew(7),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Ottubru 2020 dwar l-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-22 ta' Settembru 2021 dwar il-Pjan ta' Azzjoni għall-iżvilupp tal-produzzjoni organika tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni tat-2 ta' Diċembru 2021 dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-biedja organika,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A9-0126/2022),

A.  billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar pjan ta' azzjoni għall-iżvilupp tal-produzzjoni organika (pjan ta' azzjoni organiku, PAO) tenfasizza li l-Patt Ekoloġiku, u l-istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" u l-istrateġija għall-bijodiversità, li jagħmlu parti minnu, huma kruċjali għall-ġestjoni tat-tranżizzjoni lejn sistema tal-ikel aktar sostenibbli, b'mod partikolari t-tisħiħ tal-isforzi tal-bdiewa biex jipproteġu l-ambjent, jippreservaw il-bijodiversità u jindirizzaw it-tibdil fil-klima; billi l-agrikoltura b'mod ġenerali, u l-agrikoltura organika b'mod partikolari għandhom rwol ewlieni fil-kisba ta' dan l-objettiv;

B.  billi wara 12-il xahar, il-lista ta' kważi l-leġiżlazzjoni sekondarja kollha meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2018/848 issa hija lesta, għalkemm dan mhuwiex il-każ għar-regolament delegat li jirregola l-produzzjoni tal-melħ organiku;

C.  billi r-regolament delegat se jkollu jagħti prijorità lill-proċessi naturali, mingħajr addittivi jew emissjonijiet tal-karbonju matul it-tħejjija, li jikkaratterizzaw il-melħ tal-baħar biex dan jingħata ċertifikazzjoni organika;

D.  billi s-sistema tal-ikel tal-Ewropa trid tipprovdi ikel prodott b'mod sostenibbli u nutrittiv bi prezzijiet affordabbli u tiżgura s-sigurtà tal-ikel b'mod li jiżgura soċjetà b'saħħitha u pjaneta b'saħħitha, jikkontribwixxi għall-benesseri soċjali u ekonomiku, jipproteġi s-saħħa kemm tal-ekosistemi kif ukoll taċ-ċittadini Ewropej, u jiżgura l-profittabbiltà tal-produzzjoni agrikola u għalhekk għajxien ġust għall-bdiewa; billi huwa essenzjali li jiġi żgurat li ż-żieda fl-ammont ta' art użata għall-biedja organika tikkorrispondi mal-kapaċità tas-suq li jassorbi l-prodotti organiċi;

E.  billi r-Regolament (UE) 2018/848 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi jobbliga lill-bdiewa jikkonformaw ma' perjodu ta' konverżjoni li matulu jridu japplikaw ir-regoli kollha dwar il-produzzjoni organika;

F.  billi dan il-perjodu jista' jdum sa tliet snin; billi matul dan il-perjodu, il-bdiewa jkollhom iġarrbu spejjeż ogħla tal-produzzjoni mingħajr ma jibbenefikaw minn prezzijiet ogħla tas-suq għall-prodotti organiċi;

G.  billi l-agrikoltura organika toffri benefiċċji ambjentali varji, inkluż tnaqqis fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra, u għandha l-potenzjal li tgħin lis-settur agrikolu jaqdi r-rwol tiegħu fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, fl-adattament għat-tibdil fil-klima u fl-indirizzar ta' sfidi ewlenin bħat-telf ta' impjiegi f'żoni rurali, il-fertilità tal-ħamrija u t-telfien tal-bijodiversità, kif ukoll fil-promozzjoni tar-reżiljenza għall-isfidi ekonomiċi;

H.  billi d-diversità agrikola u ktajjen iqsar bejn il-bdiewa u l-konsumaturi huma elementi importanti għal sistema tal-ikel sostenibbli u tajba għas-saħħa;

I.  billi l-biedja organika tista' tikkontribwixxi għall-kisba ta' bilanċ ambizzjuż f'termini ta' sostenibbiltà minn perspettiva ekonomika, soċjali u ambjentali, filwaqt li trawwem il-protezzjoni tal-ħamrija, tal-ilma u tal-bijodiversità u l-benessri tal-annimali, u toffri liż-żgħażagħ opportunitajiet biex jagħżlu l-professjoni tal-biedja;

J.  billi l-istandards ambjentali u tal-benessri tal-annimali fl-UE huma fost l-ogħla fid-dinja; billi l-art agrikola organika għandha 30 % aktar bijodiversità, hija ta' benefiċċju għad-dakkara u tillimita l-użu tal-fertilizzanti artifiċjali u l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti;

K.  billi l-biedja organika tista' tikkontribwixxi wkoll għar-rivitalizzazzjoni taż-żoni rurali, il-ħolqien tal-impjiegi, is-sostenibbiltà ta' azjendi agrikoli żgħar, u b'hekk tqarreb il-konsumaturi u l-produtturi, issaħħaħ il-konnessjonijiet mal-ekonomija lokali u tistimola multiplikaturi ekonomiċi pożittivi; billi l-politika agrikola komuni (PAK) il-ġdida tintroduċi miżuri ambizzjużi ġodda biex tinkoraġġixxi l-produzzjoni sostenibbli, inkluża l-biedja organika;

L.  billi huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-konsumaturi, li qed jagħtu importanza dejjem akbar lill-kwalità ta' dak li jieklu, u s-settur tal-forniment tal-ikel, ikunu f'pożizzjoni li jagħmlu għażliet infurmati u konxji meta jixtru l-ikel;

M.  billi huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu infurmati kif xieraq dwar il-benefiċċji tal-konsum ta' prodotti organiċi u li jkunu protetti minn tikketti, imballaġġ u reklamar deliberatament qarrieqa;

N.  billi fl-2019, l-erja agrikola totali tal-UE li tintuża għall-biedja organika kibret għal 13.8-il miljun ettaru; billi bħalissa din tkopri 8.5 % tal-erja agrikola totali utilizzata tal-UE; billi bejn l-2010 u l-2019 il-valur tas-suq organiku tal-UE żdied b'aktar mid-doppju;

O.  billi l-bejgħ bl-imnut ta' prodotti organiċi żdied minn EUR 18 biljun għal EUR 41 biljun fil-perjodu 2009-2019; billi ż-żieda fil-produzzjoni organika hija akbar mill-iżvilupp tas-suq organiku f'partijiet tal-UE u hemm differenzi sinifikanti fil-konsum organiku fl-Istati Membri kollha; billi l-produzzjoni ta' prodotti organiċi hija baxxa ħafna jew ineżistenti f'ċerti partijiet tal-UE, u hemm disparitajiet kbar bejn l-Istati Membri, li jvarjaw minn 0,5 % sa 26,5 % taż-żona disponibbli ddedikata għas-settur;

P.  billi l-PAO jinkludi 23 azzjoni, li jipprovdu bażi solida għall-iżvilupp tas-settur organiku b'mod sostenibbli; billi huwa previst rieżami ta' nofs it-terminu tal-PAO fl-2024 u ġie stabbilit "Jum Organiku tal-UE" annwali, li jirrappreżenta opportunità biex jittejbu l-viżibbiltà u r-rikonoxximent tal-biedja organika u titqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji tal-produzzjoni organika, peress li l-bdiewa organiċi huma meqjusa bħala "l-pijunieri tal-agrikoltura sostenibbli"

Q.  billi r-Regolament (UE) 2018/848, li se japplika mill-1 ta' Jannar 2022, għandu l-għan b'mod partikolari li jżid il-fiduċja tal-konsumaturi fil-prodotti organiċi permezz ta' kontrolli u regoli aktar stretti għall-importazzjonijiet;

R.  billi l-linji gwida strateġiċi għal akkwakultura tal-UE aktar sostenibbli u kompetittiva għall-perjodu 2021 sal-2030 ġew ippubblikati f'Mejju 2021 u se jiġu żviluppati fil-Pjanijiet Strateġiċi Nazzjonali;

Kummenti ġenerali

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar pjan ta' azzjoni għall-iżvilupp tal-produzzjoni organika, l-objettiv li tiżdied iż-żona agrikola tal-UE allokata għall-biedja organika sal-2030 permezz tal-iżvilupp tal-provvista u d-domanda, u r-rikonoxximent mill-Kummissjoni tal-biedja organika bħala wieħed mill-komponenti ewlenin fit-triq tal-UE lejn sistemi tal-ikel aktar sostenibbli, bl-użu ta' prattiki agrikoli aktar sostenibbli, l-użu aktar effiċjenti ta' sorsi rinnovabbli, l-iżgurar ta' standards ogħla għall-benessri tal-annimali u għajnuna biex jiġi żgurat dħul ogħla għall-bdiewa Ewropej;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tas-sehem taż-żona agrikola tal-UE allokata għall-biedja organika; iqis li l-iżvilupp tal-biedja organika, li jwassal għal ħafna esternalitajiet u benefiċċji pożittivi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, il-bijodiversità u l-protezzjoni tal-ħamrija se jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" u tal-istrateġiji għall-bijodiversità; jirrikonoxxi, fl-istess ħin, il-potenzjal għal mudelli ta' produzzjoni u metodi ta' biedja sostenibbli oħra bħall-produzzjoni integrata u l-kontroll bijoloġiku, li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku;

3.  Jissottolinja li s-sehem tal-art agrikola allokat għall-biedja organika jvarja b'mod sinifikanti fost l-Istati Membri; jenfasizza li dan għandu jitqies meta jiġu żviluppati politiki u strumenti mmirati lejn it-tisħiħ tal-produzzjoni organika u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari għall-appoġġ tagħha lill-Istati Membri li għadhom lura;

4.  Jinsisti li l-miżuri u l-istrumenti kollha proposti f'dan ir-rigward għandhom ikunu bbażati fuq analiżijiet bir-reqqa u valutazzjonijiet tal-impatt; huwa tal-fehma li l-leġiżlazzjoni u l-PAO iridu jipprovdu biżżejjed spazju għall-flessibbiltà biex jitqiesu d-differenzi fin-natura u l-kundizzjonijiet tal-agrikoltura organika fl-Istati Membri;

5.  Jirrimarka li, bl-introduzzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848 il-ġdid dwar il-produzzjoni organika fl-2022, il-Kummissjoni jeħtieġilha tiżgura tranżizzjoni ordnata u mkejla mil-leġiżlazzjoni l-antika tal-UE relatata mas-settur organiku sabiex dan is-settur jkun jista' jiffamiljarizza ruħu mar-regoli l-ġodda malajr u b'mod affidabbli; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt tar-regolament il-ġdid ħames snin wara l-implimentazzjoni tiegħu, bil-ħsieb li tagħmel kwalunkwe aġġustament meħtieġ;

6.  Jissottolinja li l-iżvilupp u t-tkabbir tas-settur organiku u taż-żoni organiċi, kif previst fl-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt", bi rwol ewlieni fir-rivitalizzazzjoni u ż-żamma ta' żoni rurali vibranti, iridu jkunu mmexxija mis-suq u akkumpanjati minn żviluppi olistiċi fil-katina tal-provvista, inkluż l-ipproċessar, kif ukoll miżuri ta' politika li jistimulaw aktar provvista u domanda għall-ikel organiku u li jiżguraw il-fiduċja tal-konsumatur;

7.  Jenfasizza li l-kombinazzjoni ta' dawn l-approċċi għandha tippermetti żvilupp ibbilanċjat, f'konformità mal-kapaċità tas-suq li jassorbi l-produzzjoni organika, sabiex tiġi salvagwardjata l-profittabbiltà futura tas-suq organiku u l-biedja organika fl-UE;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa, f'dan il-kuntest, li jitneħħew il-piżijiet amministrattivi eċċessivi; jenfasizza li l-benefiċċji ambjentali tal-biedja organika m'għandhomx jiġu appoġġjati biss mill-konsumaturi ta' prodotti organiċi li lesti jħallsu prezz ogħla, iżda l-baġit tal-PAK għandu wkoll jippremja b'mod xieraq lill-bdiewa organiċi għall-beni pubbliċi speċifiċi li huma jipprovdu permezz tal-protezzjoni tal-ambjent u tar-riżorsi naturali, permezz tat-tnaqqis tal-inputs u permezz tal-appoġġ ta' standards ogħla fil-qasam tal-benessri tal-annimali;

9.  Jenfasizza li l-istimulazzjoni tas-sostenibbiltà u r-reżiljenza agrikola tas-sistema tal-ikel tal-UE għandha tkun prijorità, u li l-biedja organika hija element ewlieni biex jintlaħqu l-objettivi ambjentali u klimatiċi; iqis li l-innovazzjoni sostenibbli fi prattiki bħall-biedja organika u, b'mod aktar ġenerali, l-agroekoloġija jistgħu jwasslu għal diversità akbar fis-sistemi tal-biedja;

10.  Jissottolinja li l-koeżistenza ta' sistemi differenti tal-biedja hija importanti, peress li d-diversità hija essenzjali għas-sigurtà u r-reżiljenza tas-sistema tal-ikel, u hija ta' benefiċċju għall-iżvilupp sostenibbli; jirrimarka li m'hemm l-ebda mudell uniku ta' biedja li jaqbel mal-pajjiżi u r-reġjuni kollha, u jenfasizza li l-benefiċċji tal-mudelli differenti ta' biedja sostenibbli għandhom jiġu rikonoxxuti;

11.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jkomplu jiżdiedu r-rendimenti organiċi sabiex tiġi evitata żieda fl-impronta ekoloġika mill-produzzjoni tal-ikel f'pajjiżi mhux tal-UE filwaqt li ssir aktar konverżjoni għall-mudell tal-biedja organika fir-reġjuni tal-UE;

12.  Jirrimarka li biex pjan ta' azzjoni tal-UE jirnexxi, dan għandu jistimula u jimmobilizza l-Istati Membri, kif ukoll l-awtoritajiet reġjonali u lokali, filwaqt li jqis l-ispeċifiċitajiet u l-punti ta' tluq differenti tagħhom; jemmen li l-PAO reġjonali u lokali, fejn rilevanti, għandu jkollhom rwol ukoll fl-iżvilupp tas-settur organiku;

13.  Jesprimi l-fehma, għalhekk, li l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jistabbilixxu l-istrateġiji nazzjonali tagħhom stess għall-biedja organika u jiżviluppaw il-PAO nazzjonali u/jew reġjonali tagħhom stess, f'koordinazzjoni mal-Pjanijiet Strateġiċi Nazzjonali, li għandu jkollhom livell għoli ta' ambizzjoni għall-iżvilupp tal-biedja organika, b'objettivi, azzjonijiet, skedi ta' żmien u baġits realistiċi u konkreti, inklużi inċentivi għall-bdiewa, li jiffaċilitaw l-għażla u jappoġġaw inizjattivi minn isfel għal fuq;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li dawn il-kundizzjonijiet jiġu rispettati bis-sħiħ meta tapprova l-Pjanijiet Strateġiċi Nazzjonali ppreżentati mill-Istati Membri u tiżgura li jkun hemm biżżejjed riżorsi finanzjarji disponibbli, flimkien mal-għodod l-aktar effettivi, biex jintlaħqu l-objettivi rilevanti f'termini tal-iżvilupp tas-settur; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu skambjati l-għarfien u l-aħjar prattiki, peress li xi Stati Membri għandhom aktar esperjenza fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' pjanijiet nazzjonali ambizzjużi;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi tali skambji fil-qafas tal-laqgħat pubbliċi ta' segwitu ppjanati; jenfasizza li l-PAO nazzjonali għandhom joħolqu prevedibbiltà u ċarezza għall-bdiewa u l-industrija, biex b'hekk jinkoraġġixxu l-iżvilupp tas-settur organiku u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti organiċi;

16.  Jilqa' l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tar-regolament dwar il-biedja organika biex jinkludi ċerti prodotti marbuta mill-qrib mal-agrikoltura, li mhumiex elenkati fl-Anness I tat-TFUE, bħall-melħ; jesprimi t-tħassib tiegħu, madankollu, dwar ir-rapport dwar il-melħ organiku ppubblikat fis-6 ta' Awwissu 2021 mill-Grupp ta' Esperti għall-Pariri Tekniċi dwar il-Produzzjoni Organika (EGTOP), peress li dan huwa favur l-estensjoni tat-tikketta organika tal-UE għal metodi ta' produzzjoni li ma jikkonformawx mal-prinċipji tar-Regolament (UE) 2018/848; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex ma ssegwix il-parir tal-EGTOP;

17.  Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati kollha, speċjalment il-bdiewa u l-assoċjazzjonijiet organiċi, il-kooperattivi, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-industrija agroalimentari tul il-katina tal-valur, il-bejjiegħa agroalimentari bl-ingrossa, ir-rappreżentanti tal-konsumaturi u tas-settur privat u l-industrija tal-ospitalità, inklużi l-fornituri tal-ikel fuq skala kbira u l-assoċjazzjonijiet tal-edukazzjoni tal-ikel, kif ukoll iċ-ċittadini, fi proċess konsultattiv meta jfasslu, jadottaw, jirrevedu u jimplimentaw il-PAO nazzjonali u/jew reġjonali tagħhom sabiex jiksbu l-aħjar sinerġiji possibbli u jilħqu l-objettiv ta' żona akbar allokata għall-biedja organika kif stabbilit fil-Pjan Strateġiku Nazzjonali tagħhom;

18.  Jirrikonoxxi li l-produzzjoni organika toffri redditi ekonomiċi aħjar għall-bdiewa, iżda spiss tinvolvi spejjeż ogħla tal-produzzjoni u, għalhekk, tirrikjedi li l-prezzijiet tas-suq u l-appoġġ dirett ikunu biżżejjed biex dawk l-ispejjeż jiġu koperti ħalli l-bdiewa jiksbu qligħ ġust;

19.  Jindika li prezzijiet ogħla għall-konsumatur jistgħu jirrappreżentaw ostaklu għall-espansjoni iżda li bħalissa huma meħtieġa biex isostnu s-settur organiku; ifakkar li f'xi każijiet ma hemm l-ebda suq għall-prodotti agrikoli organiċi, u dan iġiegħel lill-bdiewa jbigħuhom bħala prodotti agrikoli konvenzjonali bi prezz aktar baxx;

20.  Ifakkar li l-biedja organika tinvolvi standards ta' produzzjoni għoljin ħafna; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-affordabbiltà u b'hekk l-aċċessibbiltà tal-prodotti organiċi; jenfasizza bil-qawwa li l-produtturi għandhom jiġu appoġġjati fil-proċess ta' konverżjoni għall-produzzjoni organika u għandhom jibbenefikaw mill-valur miżjud tal-biedja organika; jinnota li, bħal fil-każ tal-prodotti konvenzjonali, distribuzzjoni aħjar tal-valur bejn l-atturi fil-katina tal-ikel organiku tkun ta' benefiċċju kemm għall-bdiewa kif ukoll għall-konsumaturi;

21.  Jirrikonoxxi li l-iżvilupp tas-settur organiku se jippermetti ekonomiji ta' skala fl-ipproċessar u l-loġistika li se jżidu l-effiċjenza u jwasslu għal spejjeż aktar baxxi; jenfasizza l-importanza tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Inġusti għall-iżvilupp tas-settur u biex jiġi żgurat li l-bejjiegħa bl-imnut ma jkollhomx marġnijiet ta' profitt eċċessivament għoljin fuq prodotti organiċi; iqis ukoll li l-prodotti organiċi jistgħu jiġu inklużi fil-programmi fl-ambitu tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn, sakemm tkun disponibbli provvista suffiċjenti;

22.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni qed taħdem biex ittejjeb il-benessri ġenerali tal-annimali u jirrimarka li mill-istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2020 dwar l-agrikoltura u l-PAK ħareġ li 80 % taċ-ċittadini tal-UE jassoċjaw il-biedja organika ma' rispett akbar għall-benessri tal-annimali; jissottolinja, f'dan il-kuntest, l-importanza li tiġi appoġġjata t-trobbija organika tal-bhejjem;

23.  Jissottolinja l-importanza li jitħaffef l-iżvilupp tal-akkwakultura organika u s-suq tagħha fl-UE, kif ukoll li tissaħħaħ id-domanda tal-konsumaturi għal dawn il-prodotti u l-fiduċja fihom; jenfasizza li wieħed minn kull erba' prodotti tas-sajd ġej mill-akkwakultura; jirrimarka, madankollu, li peress li l-biċċa l-kbira tal-konsum ta' dawn il-prodotti huwa fornut mill-importazzjonijiet, li jirrappreżentaw 60 % tal-provvista totali, hemm potenzjal kbir ta' tkabbir li jeħtiġilna nieħdu vantaġġ minnu sabiex niżviluppaw l-akkwakultura Ewropea b'mod ġenerali u l-akkwakultura organika b'mod partikolari;

24.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu kkoordinati l-miżuri dwar l-akkwakultura organika mal-linji gwida strateġiċi l-ġodda għal akkwakultura tal-UE aktar sostenibbli u kompetittiva għall-perjodu 2021 sal-2030 u l-iżvilupp tas-settur fl-Istati Membri u r-reġjuni;

Nistimulaw id-domanda u niżguraw il-fiduċja tal-konsumatur

25.  Jappoġġja lill-Kummissjoni fil-promozzjoni u l-kondiviżjoni ulterjuri tal-informazzjoni dwar il-logo organiku tal-UE fost il-konsumaturi, inkluż permezz ta' skemi għall-iskejjel, li għandhom jagħtu sehem akbar lill-prodotti organiċi meta l-iskemi għall-iskejjel jiġu riveduti, kif ukoll f'istituzzjonijiet oħra bħad-djar tal-kura; jappoġġja l-promozzjoni tal-logos organiċi lokali li jeżistu f'diversi Stati Membri u li joffru mill-inqas l-istess garanziji bħal-logo organiku tal-UE u li jintużaw flimkien miegħu; jinnota li l-iskemi tal-iskejjel għandhom ikunu l-bażi għal diskussjoni pedagoġika dwar in-nutrizzjoni u l-ikel sostenibbli u jkunu akkumpanjati minn miżuri li għandhom l-għan li jinfurmaw u jedukaw lit-tfal dwar dieti aħjar;

26.  Jenfasizza li huwa ta' importanza kbira li jingħata segwitu għall-istħarriġ tal-konsumaturi dwar il-prodotti organiċi permezz ta' azzjonijiet intiżi biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji tal-biedja organika għas-saħħa, il-benessri u kwalità għolja tal-ħajja, filwaqt li jiġi żgurat li l-fiduċja tal-konsumatur fis-sikurezza u s-sostenibbiltà tal-metodi tal-biedja konvenzjonali fl-Unjoni ma tiġix imminata; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi pprovduta informazzjoni preċiża biex jiġi żgurat li l-inizjattivi l-ġodda li qed jiġu żviluppati dwar it-tikkettar sostenibbli tal-ikel ma jdgħajfux il-logo organiku tal-UE jew joħolqu konfużjoni għall-konsumatur fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni u t-tifsira rispettivi tagħhom;

27.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar tikketti, imballaġġ u reklamar qarrieqa li jagħmluha diffiċli għall-konsumaturi biex jiddistingwu prodotti konvenzjonali minn prodotti organiċi; jinnota li r-Regolament (UE) 2018/848 u l-kontrolli indipendenti frekwenti huma l-bażi għall-fiduċja tal-konsumaturi fil-prodotti organiċi u jistieden lill-Istati Membri jikkomunikaw b'mod ċar dwar il-logo organiku tal-UE;

28.  Jenfasizza r-rwol li għandhom is-supermarkets u d-diversi ktajjen tal-provvista tal-ikel fil-promozzjoni u l-appoġġ tal-logo organiku tal-UE; jistenna l-inizjattivi futuri tal-Kummissjoni mmirati biex jiggwidaw aħjar lill-konsumaturi fl-għażla tagħhom tal-ikel permezz ta' kampanji ta' tikkettar, promozzjoni u informazzjoni, ibbażati fuq pedamenti xjentifiċi sodi, indipendenti u operattivi u metodoloġiji kompleti u koerenti; jinnota li t-tikkettar obbligatorju li jindika l-oriġini tal-prodotti tal-ikel tal-UE għandu l-potenzjal li jżid b'mod sinifikanti t-trasparenza u t-traċċabbiltà, u b'hekk jiġġieled il-frodi u l-metodi ta' produzzjoni illegali, u jtejjeb wkoll il-fiduċja tal-konsumaturi;

29.  Ifakkar li r-rekwiżiti tal-kċejjen professjonali huma differenti minn dawk tal-unitajiet domestiċi; jenfasizza l-importanza li jinħoloq valur miżjud għall-katina tal-provvista u li jiżdied il-livell tal-ipproċessar tal-prodotti organiċi biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-kċejjen professjonali;

30.  Jemmen li r-rieżami tal-akkwist pubbliku ekoloġiku (APE) tal-2019 għandu jiġi ppubbliċizzat aħjar fl-Istati Membri sabiex itejjeb is-sensibilizzazzjoni u jservi bħala stimolu qawwi għal azzjoni mmirata lejn il-promozzjoni tal-produzzjoni organika u biex jappoġġja dieta aktar ambjentali u tajba għas-saħħa f'istituzzjonijiet bħall-iskejjel, l-isptarijiet, id-djar tal-anzjani u l-ħabsijiet, u jista' wkoll inaqqas l-ammont ta' skart ta' prodotti organiċi fl-Istati Membri li għandhom surplus; jemmen li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom imexxu bl-eżempju fil-faċilitajiet tagħhom stess; iqis li sabiex jiżdied l-użu tal-APE, huwa essenzjali li jkun hemm koordinazzjoni mas-settur permezz tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tiegħu sabiex jiġi żgurat li l-akkwist jaħdem bla xkiel;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-investigazzjonijiet tagħha dwar l-ostakli strutturali u loġistiċi attwali u tippromwovi l-użu tal-kriterji tal-APE fl-Istati Membri, kif ukoll ta' azzjonijiet biex jittejbu l-informazzjoni, l-edukazzjoni u l-promozzjoni ta' prodotti organiċi sabiex din il-miżura ssir aktar effettiva; jirrimarka li ż-żieda fl-użu tal-APE għandha tiġi deċiża fil-livell nazzjonali skont id-domanda nazzjonali u l-miri stabbiliti fil-PAO nazzjonali; jemmen li l-APE jrid jagħmel enfasi qawwija fuq il-prodotti organiċi tal-UE, li se jistimula il-produzzjoni u jgħin lill-UE tilħaq il-miri klimatiċi tagħha;

32.  Jenfasizza li l-produzzjoni u l-ipproċessar organiċi jridu jiġu żviluppati b'mod xieraq fil-livelli reġjonali u lokali, bl-involviment tal-bdiewa organiċi lokali; jappoġġja l-iżvilupp ta' sistemi tal-ikel sostenibbli reġjonali bbażati fuq il-kooperazzjoni li tinvolvi l-partijiet interessati kollha tal-ikel; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' data vverifikata dwar l-użu ta' prodotti organiċi f'kantins pubbliċi u ristoranti;

33.  Jirrimarka li l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali, flimkien mal-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa u l-bejjiegħa agroalimentari bl-ingrossa jiżvolġu rwol importanti fl-appoġġ tal-istrutturar tas-settur organiku f'termini ta' produzzjoni, ipproċessar kollettiv, loġistika u kummerċ, l-iffaċilitar tal-aċċess għall-art għall-bdiewa organiċi, l-iffaċilitar tal-kooperazzjoni bejn il-produtturi nfushom, bejn il-produtturi u l-konsumaturi u mas-servizzi tal-ikel;

34.  Jenfasizza, barra minn hekk, ir-rwol li għandhom jiżvolġu l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali fis-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar it-tipi kollha ta' metodi ta' biedja sostenibbli, fil-provvista ta' prodotti organiċi fil-kantins u fl-iżvilupp ta' programmi edukattivi għall-iskejjel preprimarji u l-iskejjel;

35.  Jirrimarka, f'dan il-kuntest, li s-swieq tal-bdiewa fil-livell lokali u reġjonali huma għodda effettiva biex jitnaqqas id-distakk bejn il-produtturi u l-konsumaturi u għandhom jiġu promossi; ifakkar ukoll li l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa jipprovdu assistenza teknika siewja ħafna lill-bdiewa organiċi u lil dawk fil-proċess ta' konverżjoni, li hija kruċjali għall-implimentazzjoni ta' dawn il-prattiki, u li teħtieġ finanzjament adegwat mill-PAK u minn sorsi oħra;

36.  Jenfasizza li l-awtoritajiet kollha jeħtiġilhom jiżguraw li l-qafas regolatorju jkompli jippermetti u jistimula l-iżvilupp tas-settur, filwaqt li l-piżijiet amministrattivi jinżammu f'livell minimu; ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali f'ħafna Stati Membri ilhom żmien involuti fl-appoġġ tal-iżvilupp tal-biedja organika, b'mod partikolari permezz tal-ġestjoni u l-implimentazzjoni ta' programmi ta' żvilupp rurali;

37.  Jenfasizza li, meta jiġu involuti l-awtoritajiet lokali u reġjonali, huwa meħtieġ approċċ li jieħu kont tal-karatteristiċi tal-post, f'konformità mal-istandards tal-Aġenda Territorjali 2030, biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet differenti taż-żoni rurali, periurbani u urbani madwar l-Ewropa;

38.  Jissottolinja li s-suċċess tal-PAO se jiddependi fuq l-involviment aktar b'saħħtu tas-settur privat biex tiġi stimulata d-domanda u jingħata introjtu ġust lill-bdiewa, speċjalment f'pajjiżi bi swieq u produzzjoni organiċi inqas żviluppati; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika sett ta' strumenti li jippermettu lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-ktajjen tal-bejgħ bl-imnut biex jgħinu b'mod attiv fil-promozzjoni u l-għoti ta' informazzjoni dwar l-importanza tal-konsum organiku u fil-ħolqien ta' ktajjen tal-provvista lokali ta' prodotti organiċi; jissottolinja li żieda fil-produzzjoni organika trid tiġi primarjament minn domanda privata ogħla u mhux esklussivament minn inċentivi politiċi;

39.  Jaċċentwa l-importanza tat-titjib tat-trasparenza fil-katina tal-provvista tal-ikel organiku u ta' traċċabbiltà aħjar tal-proċessi kollha ta' produzzjoni u distribuzzjoni f'konformità mat-talbiet tal-konsumaturi Ewropej li jkollhom aktar informazzjoni dwar l-oriġini u l-metodi ta' produzzjoni tal-prodotti tal-ikel li jikkunsmaw; jilqa' l-inizjattivi volontarji mill-bejjiegħa bl-imnut biex jixtru prodotti ta' konverżjoni bi prezz ogħla u jemmen li inizjattivi bħal dawn għandhom jiġu promossi;

40.  Jieħu nota tad-diffikultajiet li l-bejjiegħa bl-imnut qed jiffaċċjaw fil-kummerċjalizzazzjoni ta' dawn il-prodotti ta' konverżjoni lill-konsumaturi minħabba n-nuqqas ta' regoli armonizzati dwar il-kummerċjalizzazzjoni u jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta miżuri biex tiffaċilita l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom, bħal pereżempju permezz tat-tikkettar armonizzat;

41.  Jissottolinja li huwa essenzjali għall-Kummissjoni, għall-Istati Membri u għall-partijiet ikkonċernati li jimpenjaw ruħhom b'mod attiv fl-identifikazzjoni ta' modi li bihom il-mekkaniżmi eżistenti ta' ċertifikazzjoni u ta' kontroll jistgħu jsiru aktar robusti biex tiġi evitata l-frodi fil-produzzjoni u fil-kummerċ organiku;

42.  Jemmen li l-mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni u kontroll iridu jkunu aktar adattati għar-realtà fil-prattika għall-bdiewa organiċi u l-proċess irid jiġi ssimplifikat, inkluż permezz ta' soluzzjonijiet tal-IT;

43.  Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-proċeduri għall-awtorizzazzjoni tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni; jenfasizza li l-proċess ta' ċertifikazzjoni fil-konverżjoni għall-biedja organika għadu kkumplikat u diffiċli biex jiġi implimentat u dan għandu jiġi ffaċilitat, speċjalment għall-bdiewa ż-żgħar; iqis li l-bdiewa għandhom jiġu appoġġjati biex ikopru l-ispejjeż taċ-ċertifikazzjoni;

44.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' sistemi Ewropej armonizzati għaċ-ċertifikazzjoni tal-inputs għall-biedja organika sabiex tiġi evitata l-proliferazzjoni ta' ċertifikazzjonijiet privati b'rekwiżiti u sistemi ta' kontroll differenti; jistieden lill-Kummissjoni taċċellera l-armonizzazzjoni tagħha fl-UE kollha permezz tal-PAO;

45.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kontrolli doganali permezz ta' mekkaniżmi ta' kontroll diretti u unifikati f'koordinazzjoni mal-Istati Membri u f'konformità sħiħa mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, sabiex jiġu evitati l-frodi alimentari, il-falsifikazzjoni u l-importazzjonijiet ta' prodotti li ma jikkonformawx mal-istandards tal-produzzjoni organika tal-UE, kif ukoll biex jiġi evitat ir-riskju li s-settur organiku tal-UE jitqiegħed fi żvantaġġ kompetittiv minħabba nuqqas ta' konverġenza globali tal-istandards u żieda fl-ispejjeż għall-konsumaturi; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa għal involviment akbar tal-awtoritajiet doganali rilevanti sabiex jiġu ggarantiti l-kwalità u s-sikurezza tal-prodotti organiċi u tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta bejn il-produtturi ġewwa u barra l-UE;

46.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas, fil-pjan ta' azzjoni organika, ta' kwalunkwe referenza għad-diffikultajiet u l-ispejjeż kbar maħluqa għas-settur minħabba l-ħtieġa li jiġu stabbiliti miżuri xierqa matul il-kultivazzjoni, il-ħsad, it-trasport, il-ħżin u l-ipproċessar biex il-prodotti mhux awtorizzati bħalma huma, pereżempju, l-OĠM, jinżammu barra mill-katina tal-produzzjoni organika;

47.  Jisħaq li l-prodotti agrikoli ta' oriġini tal-UE huma rikonoxxuti internazzjonalment għall-kwalità għolja tagħhom; iqis li huma meħtieġa azzjonijiet pożittivi u li jippromwovu l-kummerċ biex il-prodotti organiċi tal-UE jiġu promossi aktar fuq livell internazzjonali; jirrikonoxxi, f'dan ir-rigward, ir-rwol potenzjali tal-politika ta' promozzjoni tal-UE għall-produzzjoni organika; jissottolinja li din għandha tirrikonoxxi l-firxa wiesgħa ta' metodi, prattiki u prodotti ta' produzzjoni sostenibbli fl-UE;

48.  Jirrimarka li l-indikazzjonijiet ġeografiċi, li huma appoġġjati mill-politika ta' promozzjoni tal-UE, jikkontribwixxu b'mod qawwi għat-tkabbir ekonomiku f'ħafna żoni rurali u huma emblematiċi tal-agrikoltura Ewropea; jitlob li l-Kummissjoni tinforma lill-Parlament dwar il-potenzjal għall-espansjoni tas-suq organiku u tħaffef in-negozjati li għaddejjin biex tinkiseb il-bidla minn ekwivalenza għal konformità mal-istandards tal-UE għall-importazzjonijiet ta' prodotti organiċi;

49.  Jappoġġja t-tranżizzjoni lejn sistemi tal-ikel sostenibbli; huwa tal-fehma li l-azzjoni fil-livell tal-UE, inkluża b'mod partikolari l-istrateġija tal-Patt Ekoloġiku, għandu jkollha l-għan li b'mod regolari toħloq sensibilizzazzjoni ambjentali fuq skala globali; jiddispjaċih għall-fatt li l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles kultant ma jagħtux biżżejjed attenzjoni lid-differenzi kbar fl-istandards tal-produzzjoni agrikola bejn l-UE u pajjiżi terzi fir-rigward tal-protezzjoni ambjentali u l-benesseri tal-annimali, u dan jiskoraġġixxi lill-bdiewa tal-UE minn investimenti ambjentali ulterjuri, inkluż fil-produzzjoni organika;

Nistimulaw il-konverżjoni u nsaħħu l-katina tal-valur kollha

50.  Iqis li, sabiex jiġu ssodisfati l-ambizzjonijiet tal-Pjanijiet Strateġiċi Nazzjonali, huwa essenzjali li jkun hemm baġit tal-PAK adegwat, kif ukoll kompatibbiltà ma' fondi jew programmi Ewropej oħra, biex jinħolqu inċentivi biex il-bdiewa jitħeġġu jikkonvertu għal prattiki ta' biedja organika u jżommu dawn il-prattiki, permezz ta' miżuri ta' żvilupp rurali b'riżorsi adegwati jew ekoskemi finanzjarjament attraenti, jew kombinazzjoni tat-tnejn;

51.  Jitlob li l-ekoskemi jkunu aċċessibbli kemm għall-bdiewa konvenzjonali kif ukoll għal dawk organiċi u li jitfasslu b'mod li jagħmilhom kompatibbli mal-miżuri agroambjentali klimatiċi u komplementari għalihom; ifakkar fl-importanza li l-bdiewa organiċi jiġu appoġġjati lil hinn mill-fażi ta' konverżjoni; jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw it-tiġdid ġenerazzjonali fil-biedja organika permezz tal-politiki pubbliċi rilevanti, jippromwovu l-intraprenditorija tal-biedja fost in-nisa u jappoġġjaw l-iżvilupp ta' azjendi agrikoli organiċi żgħar u ta' daqs medju vijabbli;

52.  Jiddispjaċih dwar it-tnaqqis fil-baġit tal-PAK matul dawn l-aħħar żewġ deċennji fl-istess ħin meta r-rekwiżiti imposti fuq is-settur agrikolu kibru; jinnota li skont il-PAK attwali, 1,8 % biss tal-baġit qed jintefaq fuq miżuri ta' appoġġ għall-biedja organika u jilqa' l-fatt li l-PAK il-ġdida, b'mod partikolari permezz tal-ekoskemi u l-miżuri ta' żvilupp rurali, tippermetti lill-Istati Membri aktar flessibbiltà biex iżidu l-ammonti ddedikati għas-settur organiku;

53.  Jinnota l-potenzjal tal-ktajjen tal-provvista tal-ikel qosra, lokali u staġjonali, u intelliġenti u l-opportunitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni diretta, inklużi s-swieq tal-bdiewa, għall-produtturi organiċi u l-ekonomiji rurali biex iwasslu benefiċċji ambjentali u tal-benesseri tal-annimali, filwaqt li jiżguraw ukoll l-introjtu, jippreservaw u joħolqu l-impjiegi, jiżguraw il-vitalità taż-żoni rurali u jnaqqsu d-distakk bejn il-produtturi u l-konsumaturi tal-UE; jirrimarka li l-iżvilupp tas-suq huwa essenzjali għall-iżvilupp sostenibbli tas-settur organiku;

54.  Jistieden lill-Istati Membri jallokaw biżżejjed riżorsi għal investimenti li jiffaċilitaw l-iżvilupp ta' ktajjen tal-ikel qosra, bħal pereżempju permezz ta' żieda fl-għadd ta' biċċeriji mobbli jew faċilitajiet tal-ipproċessar fl-azjendi agrikoli; iqis li l-użu tal-ktajjen tal-provvista lokali għandu jiġi promoss fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku; jisħaq li l-enfasi fuq il-produzzjoni lokali u l-ktajjen qosra m'għandhiex twassal għal ostakli addizzjonali fis-suq intern tal-UE;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu rwol attiv fit-titjib tal-istruttura tal-ktajjen tal-provvista organika u fil-bini tal-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi organiċi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw "interventi settorjali" u l-miżuri kollha disponibbli biex itejbu l-organizzazzjoni tal-produtturi organiċi fis-setturi rilevanti kollha u biex jgħinuhom f'każ ta' produzzjoni eċċessiva temporanja;

56.  Jirrimarka li l-azjendi agrikoli organiċi, li l-produzzjoni tagħhom hija iżgħar f'termini ta' volum u għalhekk aktar għalja, jista' jkollhom inqas setgħa ta' negozjar fil-kuntratti kummerċjali u għalhekk jistgħu jkunu partikolarment vulnerabbli għal prattiki kummerċjali inġusti, speċjalment fil-forma ta' dewmien fil-pagamenti għal prodotti li jitħassru malajr, kanċellazzjonijiet tal-aħħar minuta jew l-obbligu li l-fornituri jħallsu għall-prodotti mhux mibjugħa u moħlija; jissottolinja l-ħtieġa ta' kundizzjonijiet kuntrattwali ċari u rikonoxximent ġust tal-ħidma tal-produtturi agrikoli organiċi u jemmen li għandhom jiġu promossi għodod bħalma huma l-kuntratti tal-katina tal-provvista;

57.  Jilqa' l-appoġġ tal-Kummissjoni għall-iżvilupp tal-bijodistretti, imsejħa wkoll ekoreġjuni, fi ħdan l-Istati Membri, peress li dawn huma ta' natura multifunzjonali, jippromwovu l-ktajjen tal-provvista qosra u joħolqu sinerġiji, fost l-oħrajn, bejn il-bdiewa, il-konsumaturi, il-kumpaniji tal-ipproċessar, il-bejjiegħa bl-imnut, l-industrija tal-ospitalità u tal-catering, u l-intrapriżi kulturali; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Istati Membri informazzjoni dwar l-istrumenti li jistgħu jużaw biex jippromwovu l-iżvilupp tal-bijodistretti, filwaqt jagħtu attenzjoni speċjali liż-żoni urbanizzati; jinnota li s-suċċess tagħhom jiddependi minn integrazzjoni reġjonali b'saħħitha u l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

58.  Jisħaq fuq l-importanza fundamentali tal-espansjoni tal-iskambju strutturat tal-għarfien u tal-aħjar prattiki dwar il-biedja organika fost l-Istati Membri u l-bdiewa; jenfasizza l-benefiċċji tal-intensifikazzjoni tal-kollaborazzjoni bejn ix-xjenzati, l-universitajiet tax-xjenza agrikola u s-settur tal-edukazzjoni inġenerali, is-servizzi konsultattivi jew il-konsulenti, il-bdiewa u l-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet tagħhom, u s-soċjetà; jenfasizza r-rwol importanti li s-servizzi ta' konsulenza għall-azjendi agrikoli indipendenti għandu jkollhom fl-iżvilupp tal-produzzjoni organika li l-Istati Membri jeħtieġ li jinkludu fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom u jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu allokati riżorsi finanzjarji suffiċjenti għalihom;

59.  Jinnota li r-rapport taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka bit-titolu "Modelling environmental and climate ambition in the agricultural sector with the CAPRI model"(8) (Nippjanaw l-ambizzjoni ambjentali u klimatika fis-settur agrikolu skont il-mudell CAPRI) indika li hemm bżonn ta' żidiet fil-produttività fir-rigward tal-biedja organika u l-ġestjoni tan-nutrijenti, li jistgħu jittejbu, fost l-oħrajn, permezz ta' biedja ta' preċiżjoni, teknoloġiji diġitali ġodda u tekniki innovattivi oħra;

60.  Jinnota li l-għodod diġitali innovattivi għandhom il-potenzjal li jżidu b'mod sinifikanti t-trasparenza u t-traċċabbiltà, u b'hekk jiġġieldu l-frodi u l-metodi ta' produzzjoni illegali, u jtejbu wkoll il-fiduċja tal-konsumaturi; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni, inkluż permezz tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, tiżgura użu akbar tat-teknoloġiji diġitali, bħall-biedja ta' preċiżjoni u l-blockchain fil-biedja organika; jisħaq, madankollu, li dawn it-teknoloġiji jikkomplementaw l-approċċ ta' sostenibbiltà sistemika tal-biedja organika u li jridu jiġu żgurati l-privatezza, il-profittabbiltà u l-indipendenza tal-bdiewa fir-rigward tad-data;

Intejbu l-kontribut tal-biedja organika għas-sostenibbiltà

61.  Itenni l-importanza tar-riċerka u l-innovazzjoni għas-sostenibbiltà tas-settur tal-biedja organika u biex jintlaħqu l-aspettattivi tas-soċjetà dwar il-bijodiversità, it-tibdil fil-klima u l-adattament għat-tibdil fil-klima, il-benesseri tal-annimali u l-użu effiċjenti tar-riżorsi, u jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li talloka finanzjament ta' Orizzont Ewropa biex tappoġġja dawn l-għanijiet; jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq il-ħtieġa li r-riċerka u l-innovazzjoni jinkoraġġixxu l-konverżjoni għall-agrikoltura organika, inkluża l-produzzjoni tal-bhejjem, biex jinstabu alternattivi għal ċerti inputs kemm fil-biedja kif ukoll fl-ipproċessar sabiex jiżdiedu r-rendimenti u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-għalf tal-proteini, il-vitamini, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, b'mod partikolari soluzzjonijiet ta' bijokontroll, il-fertilizzanti u r-riżorsi ġenetiċi neċessarji għall-iżvilupp ulterjuri ta' sistemi tal-biedja robusti u tiżdied it-tolleranza għan-nixfa, il-pesti u l-mard; jistieden lill-Kummissjoni tistimula u trawwem il-kooperazzjoni bejn il-komunitajiet tar-riċerka li jaħdmu fuq l-ikel u l-biedja organiċi u konvenzjonali, b'mod partikolari permezz tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għall-produttività u s-sostenibbiltà agrikoli;

62.  Iħeġġeġ approċċ ibbażat fuq ix-xjenza rigward il-fertilità tal-ħamrija u l-ħtieġa li jiġu żviluppati, aċċettati u inċentivati innovazzjonijiet f'sorsi ġodda ta' nutrijenti tal-pjanti fil-biedja organika, inklużi żieda fir-riċiklaġġ tan-nutrijenti permezz ta' pproċessar adegwat u separazzjoni tan-nutrijenti u, fejn adatt u xieraq, prodotti fertilizzanti prodotti minn sorsi rinnovabbli, bħall-iskart tal-bijomassa u d-demel tal-annimali biex jiġu evitati defiċits ta' nutrijenti fit-tul; ifakkar fl-importanza tad-demel tal-bhejjem bħala fertilizzant organiku u jinkoraġġixxi l-użu sostenibbli tiegħu fiċ-ċiklu tal-kultivazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-materjali riċiklati ġodda li fihom nutrijenti essenzjali tal-pjanti (il-fosforu, il-potassju u n-nitroġenu) għaż-żieda futura tagħhom mal-lista ta' materjali ta' input fir-Regolament (UE) 2018/848, f'konformità mal-prinċipji tal-biedja organika u l-iżgurar tal-kwalità, is-sikurezza u l-fiduċja tal-konsumaturi;

63.  Jitlob aktar riċerka u informazzjoni dwar il-benefiċċji potenzjali tal-użu tal-bijostimulanti tal-pjanti u t-tejjieba tal-ħamrija b'bażi bijoloġika fis-sistemi tal-biedja organika u kif dawn jikkontribwixxu għall-assorbiment tan-nutrijenti u l-prestazzjoni aħjar f'dan il-mudell ta' produzzjoni, sabiex jingħata lok għall-adozzjoni usa' tagħhom u jiġi megħjun it-tnaqqis tad-distakk bejn ir-rendimenti organiċi u dawk konvenzjonali; jirrimarka li l-promozzjoni tal-użu ta' kombinazzjoni adegwata speċifika għall-azjendi agrikoli ta' nutrijenti esterni differenti, b'mod addizzjonali għall-iffissar bijoloġiku tan-nitroġenu, tista' tindirizza l-isfida tal-iżbilanċi fil-baġits tan-nutrijenti fis-sistemi tal-biedja organika;

64.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tiġi żviluppata l-produzzjoni ta' proteini organiċi tal-pjanti u li tiġi stimulata l-produzzjoni ta' legumi organiċi, inkluż fis-sistemi ta' foraġġ, fl-Unjoni Ewropea, sabiex titnaqqas id-dipendenza tas-settur organiku fuq l-importazzjonijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal pjan strateġiku ddedikat f'dan ir-rigward;

65.  Jilqa' l-kontribut tal-biedja organika għat-tnaqqis tal-użu tal-pestiċidi sintetiċi u jistieden lill-Kummissjoni biex, meta tkun qed tabbozza l-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi, tiddefinixxi prodotti ta' bijokontroll u żżid id-disponibbiltà ta' soluzzjonijiet ta' bijokontroll u sustanzi naturali, li għandhom potenjal għal użu ħafna usa', billi ttejjeb u tħaffef il-proċess ta' evalwazzjoni u awtorizzazzjoni;

66.  Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Frar 2017 dwar pestiċidi b'riskju baxx ta' oriġini bijoloġika(9) u jisħaq fuq il-ħtieġa li jappoġġjaw l-iżvilupp ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti alternattivi sikuri, effettivi u affordabbli, u li jħeġġu l-użu usa' tagħhom, b'mod partikolari billi jiffaċilitaw kemm il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għal sustanzi bażiċi kif ukoll l-estensjoni tal-użu tagħhom, bħala komponent importanti fl-iżvilupp tal-produzzjoni organika; jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu l-kundizzjonijiet għal aċċess ugwali għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u fertilizzanti organiċi fl-Istati Membri; jisħaq li r-residwi tal-pestiċidi, li huma preżenti fl-ambjent, jistgħu potenzjalment jaffettwaw il-prodotti organiċi wkoll;

67.  Jirrimarka li jeħtieġ li l-bdiewa organiċi, li jiggarantixxu standards ambjentali għoljin fil-produzzjoni, ma jinżammux responsabbli għal riskji barra mill-kontroll tagħhom u jistieden lill-Kummissjoni tkompli tippromwovi l-armonizzazzjoni fit-trattament tas-sejbiet tar-residwi tal-pestiċidi;

68.  Jenfasizza l-importanza tad-disponibbiltà suffiċjenti ta' żrieragħ organiċi ta' kwalità għolja, ta' materjal eteroġenju u ta' varjetajiet ta' pjanti b'rendiment għoli, varjetajiet indiġeni u varjetajiet adattati lokalment; jindika l-potenzjal tagħhom fit-tisħiħ tar-reżiljenza kontra l-mard tal-pjanti u l-impatt tat-tibdil fil-klima; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom, inkluż permezz ta' azzjonijiet speċifiċi, biex itejbu l-funzjonament tas-suq taż-żrieragħ organiċi u jemmen li l-perjodi ta' tranżizzjoni jkunu utli biex jinkiseb dan; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jiġu allokati riżorsi finanzjarji suffiċjenti għar-riċerka dwar iż-żrieragħ u t-trobbija tal-annimali organiċi;

69.  Jenfasizza l-importanza li jiġu appoġġjati programmi għall-preservazzjoni u l-għażla ta' razez lokali li, minħabba r-robustezza tagħhom, ikunu partikolarment adatti għall-biedja organika; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi appoġġjat it-tnissil tradizzjonali tal-għelejjel għall-iżvilupp ta' varjetajiet b'saħħithom u reżiljenti kif ukoll il-ħtieġa ta' metodi moderni, sostenibbli u innovattivi fl-iżvilupp ta' żrieragħ u prattiki agrikoli organiċi ġodda, filwaqt li jinżamm livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent;

70.  Jenfasizza, f'dan il-kuntest, ir-rwol li l-innovazzjonijiet xjentifiċi fit-tnissil tal-pjanti jistgħu jaqdu, b'mod partikolari fit-titjib tar-reżistenza tal-varjetajiet, fit-trawwim tad-diversità tar-riżorsi ġenetiċi u fit-tisħiħ tas-sistemi tal-produzzjoni tal-ikel, filwaqt li jfakkar li l-użu taż-żrieragħ ġenetikament modifikati (OĠM) mhuwiex permess fl-agrikoltura organika;

71.  Jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li testendi l-analiżi tal-Osservatorji tas-Suq tal-UE għall-prodotti organiċi; jisħaq fuq l-importanza li jiġi intensifikat il-ġbir u tittejjeb id-disponibbiltà ta' data preċiża u f'waqtha, inkluż fil-livell reġjonali, dwar is-settur organiku sabiex jiġu apprezzati aħjar l-effetti ambjentali, ekonomiċi u soċjali tiegħu;

72.  Jemmen li din għandha tinkludi data dwar il-kontribut tas-settur għas-sostenibbiltà ambjentali, flimkien ma' data dwar il-produzzjoni, l-ipproċessar, il-konsum, inkluż fis-settur tal-ospitalità u fil-canteens pubbliċi, dwar il-kummerċ fi ħdan l-UE u ma' pajjiżi mhux tal-UE u dwar il-prezzijiet mal-ħruġ mill-azjendi agrikoli u bl-imnut, il-preferenzi tal-konsumaturi, l-istrutturi tal-katina tal-provvista, il-valur miżjud u s-sehem tal-bdiewa fil-ktajjen tal-provvista; huwa konvint li din id-data hija essenzjali sabiex titfassal u tiġi mmonitorjata politika tal-UE dwar il-produzzjoni organika u tittieħed azzjoni biex jiġu rrimedjati l-iżbilanċi bejn il-provvista u d-domanda, jiġu evalwati x-xejriet tal-konsum u tal-produzzjoni u jiżdiedu t-trasparenza u l-fiduċja fis-settur;

73.  Jirrikonoxxi l-potenzjal ta' spazju komuni Ewropew tad-data dwar l-agrikoltura biex jiżdiedu l-għarfien u l-fiduċja tal-konsumaturi, kif ukoll biex tittejjeb it-traċċabbiltà fil-katina tal-provvista organika; jisħaq li sabiex tiġi stimulata d-domanda, huwa essenzjali li jiġu identifikati l-ħtiġijiet tal-konsumaturi permezz ta' valutazzjonijiet rilevanti; jistieden lill-Istati Membri jikkomunikaw aħjar dwar ir-riżultati ekonomiċi tas-settur organiku; jistieden lill-Kummissjoni twettaq studji u analiżi komprensivi tal-impatt li żieda fil-biedja organika jista' jkollha kemm f'termini ta' tibdil fil-klima kif ukoll f'termini ta' sigurtà tal-ikel fl-Unjoni Ewropea;

o
o   o

74.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 270, 7.7.2021, p. 2.
(2) ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1.
(3) ĠU C 67, 8.2.2022, p. 25.
(4) Testi adottati, P9_TA(2021)0425.
(5) ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1.
(6) ĠU L 435, 6.12.2021, p. 262.
(7) ĠU C 390, 18.11.2019, p. 2.
(8) Barreiro Hurle, J., Bogonos, M., Himics, M., Hristov, J., Perez Dominguez, I., Sahoo, A., Salputra, G., Weiss, F., Baldoni, E. u Elleby, C., Modelling environmental and climate ambition in the agricultural sector with the CAPRI model, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2021.
(9) ĠU C 252, 18.7.2018, p. 184.

Aġġornata l-aħħar: 26 ta' Awwissu 2022Avviż legali - Politika tal-privatezza