Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/2112(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0063/2022

Testi mressqa :

A9-0063/2022

Dibattiti :

PV 04/05/2022 - 6
CRE 04/05/2022 - 6

Votazzjonijiet :

PV 04/05/2022 - 8.10

Testi adottati :

P9_TA(2022)0150

Testi adottati
PDF 201kWORD 68k
L-Erbgħa, 4 ta' Mejju 2022 - Strasburgu
Kwittanza 2020: Baġit ġenerali tal-UE – Il-Kumitat tar-Reġjuni
P9_TA(2022)0150A9-0063/2022
Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Mejju 2022 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020, Taqsima VII - Il-Kumitat tar-Reġjuni (2021/2112(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020 (COM(2021)0381 – C9‑0264/2021)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kumitat tar-Reġjuni lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-awditi interni mwettqa fl-2020,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2020, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2020 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(5), u b'mod partikolari l-Artikoli 59, 118, 260, 261 u 262 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0063/2022),

1.  Jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kumitat tar-Reġjuni għas-sena finanzjarja 2020;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex tiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU L 57, 27.2.2020.
(2) ĠU C 436, 28.10.2021, p. 1-206
(3) ĠU C 430, 25.10.2021, p. 7
(4) ĠU C 436, 28.10.2021, p. 207-211
(5) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1


2. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Mejju 2022 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni (2021/2112(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020, Taqsima VII - Il-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0063/2022),

A.  billi fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tixtieq tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni billi jittejbu t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u billi jiġi implimentat il-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u l-governanza tajba tar-riżorsi umani;

B.  billi l-Kumitat tar-Reġjuni (il-"Kumitat") jirrappreżenta lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u jinvolvihom fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni u jsegwi l-missjonijiet tiegħu ta' tfassil aħjar tal-liġijiet u t-tisħiħ tad-demokrazija tal-Unjoni minn isfel għal fuq billi jikkondividi l-opinjonijiet tagħhom dwar il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li għandhom impatt dirett fuq ir-reġjuni u l-bliet;

C.  billi l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma responsabbli għal terz tal-infiq pubbliku u żewġ terzi tal-investiment pubbliku, flimkien mal-fatt li għandhom kompetenzi f'oqsma ewlenin bħall-edukazzjoni, l-iżvilupp ekonomiku u l-koeżjoni, l-ambjent, il-protezzjoni soċjali, is-saħħa u s-servizzi ta' interess ġenerali f'ħafna Stati Membri;

D.  billi l-konsultazzjoni tal-Kumitat mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill hija obbligatorja f'ċerti każijiet, il-Kumitat jista' wkoll jadotta opinjonijiet fuq inizjattiva proprja tiegħu filwaqt li jgawdi minn qasam wiesa' għal riferiment kif stabbilit fit-Trattat, li jippermettilu li jiġi kkonsultat mill-Parlament;

E.  billi, wara t-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 u meta wieħed iqis is-sitwazzjoni fir-reġjuni tal-Unjoni, il-Kumitat iffoka minnufih fuq li jinforma lill-koleġiżlatur tal-Unjoni dwar il-ħtiġijiet konkreti li kienu qed jesperjenzaw l-awtoritajiet nazzjonali u lokali fil-prattika biex jiġġieldu l-pandemija u l-konsegwenzi tagħha;

F.  billi l-Kumitat żviluppa pjan ta' azzjoni għall-COVID-19 u nieda pjattaforma ta' skambju dwar il-COVID-19 biex jassisti, jinforma, jinvolvi u jirrappreżenta lir-reġjuni u lill-bliet;

G.  billi l-Kumitat, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Lulju 2020, adotta tliet prijoritajiet politiċi għall-mandat tal-2020-2025, akkumpanjati minn tliet kampanji ta' komunikazzjoni: "Inressqu lill-Ewropa eqreb taċ-ċittadini: Id-demokrazija u l-futur tal-UE"; "Il-ġestjoni tat-trasformazzjonijiet soċjetali fundamentali: Nibnu komunitajiet reġjonali u lokali reżiljenti"; "Il-koeżjoni, il-valur fundamentali tagħna: Politiki tal-UE bbażati fuq il-post";

H.  billi l-Kumitat identifika disa' inizjattivi ewlenin biex jagħmel l-azzjoni tiegħu aktar strateġika u biex tħalli impatt akbar: (1) Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, (2) Ir-rispons għall-COVID-19 marbut mas-saħħa, (3) Il-Pjan ta' Azzjoni għall-Implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, (4) Il-Patt CoR4Climate, (5) Il-futur tal-kooperazzjoni transfruntiera, (6) Il-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, (7) Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, (8) Il-viżjoni fit-tul għaż-Żoni Rurali, u (9) Il-baġit tal-Kumitat Strateġiku – l-iżgurar ta' sehem ġust mir-riżorsi għall-Kumitat;

I.  billi t-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 għamlitha neċessarja għall-Kumitat li jirrieżamina u jadatta l-funzjonament intern u l-metodi ta' ħidma tiegħu sabiex ikompli jwettaq il-missjoni tiegħu;

1.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti") ma identifikat l-ebda nuqqas sinifikanti fir-rigward tas-suġġetti awditjati relatati mar-riżorsi umani u l-akkwist għall-Kumitat;

2.  Jenfasizza l-fatt li l-Qorti kkonkludiet li, fuq il-bażi tax-xogħol ta' awditu tagħha, il-pagamenti b'mod globali għan-nefqa amministrattiva tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inkluż i-Kumitat, għas-sena finanzjarja 2020 kienu ħielsa minn żbalji materjali; jilqa' l-fatt li l-Qorti ma sabet l-ebda kwistjoni speċifika relatata mar-regolarità tat-tranżazzjonijiet;

3.  Huwa konxju li l-Kapitolu 9 "Amministrazzjoni" tar-Rapport Annwali tal-Qorti huwa ffukat fuq in-nefqa fuq ir-riżorsi umani, il-bini, it-tagħmir, l-enerġija, il-komunikazzjoni u t-teknoloġija tal-informazzjoni u li l-Qorti tindika li din in-nefqa hija ta' riskju baxx;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

4.  Jinnota li l-baġit tal-Kumitat għall-2020 kien jammonta għal EUR 101,5 miljun (żieda ta' 2,8 % meta mqabbel mal-baġit għall-2019 ta' EUR 98,75 miljun); jinnota li l-baġit tal-Kumitat, fil-biċċa l-kbira tiegħu, huwa ta' natura amministrattiva bil-parti l-kbira tiegħu użata għan-nefqa relatata mar-riżorsi umani, mal-bini u l-għamara, mat-tagħmir u mal-ispejjeż operatorji varji;

5.  Jinnota sa tmiem l-2020 kienu ġew impenjati EUR 94,1 miljun (92,7 %) mill-approprjazzjonijiet kollha u li kienu tħallsu EUR 83,6 miljun (82,4 %); josserva li kien hemm EUR 7,4 miljun li ma ġewx impenjati fi tmiem l-2020 u għalhekk ġew irritornati fil-baġit tal-Unjoni, li huwa ammont konsiderevolment ogħla minn dak tal-2019, fejn EUR 0,4 miljun (inqas minn 0,5 %) ma ġewx impenjati; jirrikonoxxi li l-approprjazzjonijiet mhux impenjati huma prinċipalment minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u jħeġġeġ lill-Kumitat itejjeb il-monitoraġġ u l-ġestjoni tal-approprjazzjonijiet disponibbli;

6.  Jinnota li l-iffrankar relatat mal-COVID-19 għall-2020 huwa stmat li kien aktar minn EUR 11-il miljun, u sar prinċipalment fl-oqsma tal-laqgħat tal-membri u l-indennizzi tal-ivvjaġġar (EUR 120 046 riportati għall-2021), l-interpretazzjoni, il-missjonijiet u, f'livell inqas, l-ispejjeż operattivi tal-bini; jinnota li n-nefqa addizzjonali kkawżata direttament mill-pandemija tal-COVID-19 kienet pjuttost limitata, prinċipalment fil-qasam tas-servizzi mediċi (inqas minn EUR 100 000) u tas-salarji tal-persunal (aktar minn EUR 400 000);

7.  Jinnota li l-Kumitat ma jagħmilx trasferiment ta' tlaqqit speċifiku wieħed fi tmiem is-sena iżda jwettaq rieżamijiet tal-implimentazzjoni tal-baġit f'intervalli regolari matul is-sena ta' implimentazzjoni tal-baġit; jinnota li fl-2020 il-Kumitat issottometta ħames trasferimenti ta' approprjazzjonijiet lill-awtorità baġitarja ta' madwar EUR 6,6 miljun (jew 6,5 % tal-baġit tiegħu) li minnhom EUR 4,9 miljun biss ġew awtorizzati mill-awtorità baġitarja u mwettqa mill-Kumitat, fil-biċċa l-kbira mill-oqsma li pproduċew iffrankar sostanzjali (laqgħat tal-membri u indennizzi tal-ivvjaġġar, interpretazzjoni u missjonijiet) fl-oqsma li kellhom bżonn jissaħħu (inklużi l-IT, il-bini, il-komunikazzjoni u l-għarfien espert estern);

8.  Jinnota xejra negattiva fir-rata globali ta' eżekuzzjoni għall-pagamenti (82,4 % fl-2020, 88,8 % fl-2019 u 91,0 % fl-2018); jinnota li fl-2020 din kienet prinċipalment dovuta għall-kanċellazzjoni ta' għadd kbir ta' laqgħat u avvenimenti minħabba r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar imposti bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19;

9.  Jinnota li, minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet konsegwenti fuq l-ivvjaġġar, il-laqgħat minn nofs Marzu sa nofs Mejju 2020 tħassru, filwaqt li minn nofs Mejju ġew organizzati laqgħat mill-bogħod u ibridi; jieħu nota tad-deċiżjoni tal-bureau tal-Kumitat li jistabbilixxi indennizz fiss għall-parteċipazzjoni f'laqgħa mill-bogħod għall-membri tiegħu ta' EUR 200 (meta mqabbel mal-indennizz fiss għall-parteċipazzjoni f'laqgħa standard ta' EUR 323) biex ikopri l-ispejjeż imġarrba waqt it-tħejjija tal-laqgħat u l-parteċipazzjoni fihom, diment li l-membru kien effettivament imwaqqaf milli jattendi l-laqgħa fiżikament u li l-attendenza kienet awtorizzata; josserva li fid-9 ta' Ottubru 2020, il-Bureau stabbilixxa indennizz simili għal-laqgħat mill-bogħod għall-esperti u l-kelliema;

10.  Jinnota li mill-2020, il-membri jistgħu jiksbu rimborż ta' 100 % tal-ispejjeż tal-kors tal-lingwa tagħhom (minflok 66 % bħal qabel), sa ammont massimu ta' EUR 1 200 fis-sena, sabiex tiġi appoġġjata l-parteċipazzjoni tagħhom f'laqgħat mill-bogħod li mhux dejjem ikollhom servizzi ta' interpretazzjoni; jinnota li ġew ittrasferiti EUR 27 500 għal-linja baġitarja rilevanti fl-2020 b'appoġġ għal dik il-bidla; iħeġġeġ lill-Kumitat jiżgura korrelazzjoni raġonevoli bejn it-taħriġ lingwistiku u l-ħtiġijiet u d-dmirijiet tal-membru rikjedenti;

11.  Jinnota li fil-qasam tal-akkwist pubbliku, ġew organizzati 18-il sejħa għall-offerti b'valur ta' aktar minn EUR 15 000, li minnhom intrebħu tmienja fl-2020; jinnota li tħassru tliet proċeduri minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u li s-seba' proċeduri li jifdal kienu skedati biex jiġi ffirmat il-kuntratt tagħhom fl-2021; josserva b'sodisfazzjon li ġew organizzati sitt proċeduri f'isem il-Kumitat mis-servizzi konġunti kondiviżi mill-Kumitat u mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-"KESE");

Ġestjoni interna, prestazzjoni, kontroll intern

12.  Jilqa' t-tnedija fl-2020 tal-programm ta' riforma tal-Kumitat, "Going for IMPact!", li l-intenzjoni tiegħu hija li jimmodernizza l-amministrazzjoni tiegħu, li juża r-riżorsi tiegħu b'mod aktar effiċjenti u li jżid l-impatt tiegħu u l-ammont ta' nies li jilħaq; jinnota li ġew identifikati erba' raggruppamenti sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi u jenfasizza r-raggruppament dwar it-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19; japprezza l-analiżi inklużiva tal-prijoritajiet tal-Kumitat (li tinkludi suġġerimenti mill-persunal), flimkien ma' eżerċizzju ta' simplifikazzjoni amministrattiva; huwa konxju li b'riżultat ta' dan inħolqu disa' task forces mhux ġerarkiċi li jmorru lil hinn minn servizz wieħed u li ġiet ippreżentata organigramma ġdida fis-7 ta' Diċembru 2020;

13.  Jilqa' l-kooperazzjoni qawwija bejn il-Kumitat u l-Kummissjoni, peress li l-kontribut tal-Kumitat, li jinkludi l-fehmiet tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, huwa importanti għal proċess ta' valutazzjoni ta' politika bbilanċjata, b'mod partikolari fir-rigward tal-pjattaforma Fit for Future, il-Pjattaforma REFIT u n-network RegHub, kif ukoll il-kontribut tal-Kumitat għall-pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u s-Summit Soċjali ta' Porto fl-2021; jenfasizza li l-Kumitat stabbilixxa grupp ta' kuntatt bejn il-Kumitat u r-Renju Unit biex jipprovdi qafas għall-kooperazzjoni politika;

14.  Jilqa' l-impenn tal-Kumitat li jsaħħaħ l-involviment tiegħu fiċ-ċiklu politiku u leġiżlattiv sħiħ tal-Unjoni, filwaqt li jibni fuq il-kooperazzjoni mal-Parlament u mal-Kummissjoni; jemmen li l-involviment akbar tal-Kumitat fl-istadji kollha tal-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni jkun ta' benefiċċju sabiex l-awtoritajiet reġjonali u lokali jitpoġġew fil-qalba tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni, b'mod partikolari wara l-pandemija tal-COVID-19;

15.  Jinnota li l-Kumitat adotta 8 riżoluzzjonijiet u 48 opinjoni fl-2020 (meta mqabbla ma' 5 riżoluzzjonijiet u 49 opinjoni fl-2019); iqis li, minħabba d-diffikultajiet biex jiġu adottati opinjonijiet permezz ta' konsultazzjonijiet fi ħdan l-iskadenzi interistituzzjonali stretti fil-bidu tal-pandemija tal-COVID-19, il-Kumitat irrikorra għall-adozzjoni ta' opinjonijiet fuq inizjattiva proprja, abbażi ta' dokumenti tal-Kummissjoni, biex jikkontribwixxi b'mod effettiv u f'waqtu għar-rispons tal-Unjoni għall-pandemija;

16.  Jinnota l-isforzi tal-Kumitat fit-tixrid tal-opinjonijiet tiegħu flimkien ma' rapporti u attivitajiet oħra, li wkoll jikkontribwixxu biex tinkiseb il-missjoni tiegħu; jirrikonoxxi li l-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni regolarment tqis l-opinjonijiet tal-Kumitat; jistieden lill-Kumitat jiżgura li kull opinjoni tiġi kondiviża mal-Membri tal-kumitati rilevanti tal-Parlament u jintalab b'mod uffiċjali u sistematiku ħin għal diskors fil-preżentazzjoni tal-abbozzi ta' rapporti tal-Parlament, f'konformità mal-ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-Parlament u l-Kumitat;

17.  Huwa konxju li twettqu eżerċizzji ta' konformità u effettività fl-2019 u fl-2020 biex jiġi vvalutat sa liema punt il-Kumitat ikkonforma mas-16-il standard ta' kontroll intern u sa liema punt kienet effettiva l-implimentazzjoni tagħhom; jissottolinja li t-task force dwar "Is-simplifikazzjoni tal-ambjent amministrattiv" fasslet sett ta' miżuri ta' simplifikazzjoni amministrattiva, li ħafna minnhom qed jiġu implimentati bħalissa; jinnota b'sodisfazzjon li fl-2020 twettaq eżerċizzju ta' kontroll ex post u li ma ġiet identifikata l-ebda kwistjoni ewlenija minbarra l-ħtieġa li jiġu aġġornati l-proċeduri bil-miktub bħala riżultat tal-metodi l-ġodda ta' ħidma mingħajr l-użu ta' karti; jinnota li s-servizz ċentrali ta' verifika tal-Kumitat ipproċessa aktar minn 13 000 fajl, u li 318-il tranżazzjoni vverifikata (meta mqabbla ma' 381 fl-2019) jew ġew ikkoreġuti jew miċħuda;

18.  Huwa konxju li l-Kumitat, sabiex jikkonforma mar-Regolament Finanzjarju, qabbad espert estern biex iwettaq analiżi tal-kosteffettività; japprezza li, sabiex jitnaqqas kwalunkwe riskju ta' użu mhux xieraq tal-baġit, il-Kumitat ħoloq ambjent ta' kontroll intern immonitorjat b'mod ċentrali flimkien ma' mudell finanzjarju parzjalment deċentralizzat b'tali mod li jiżgura li t-tranżazzjonijiet finanzjarji kollha jkunu soġġetti għal verifika minn aġent verifikatur indipendenti; jinnota li l-Kumitat nieda pjan ta' azzjoni pluriennali għal reviżjoni u simplifikazzjoni gradwali tal-ambjent ta' kontroll intern eżistenti; jitlob lill-Kumitat jirrapporta dwar il-progress tal-implimentazzjoni ta' dak il-pjan li bdiet fl-2021 u li se tkompli fl-2022;

Riżorsi umani, ugwaljanza u benesseri tal-persunal

19.  Jinnota li l-għadd ta' pożizzjonijiet fil-pjan ta' stabbiliment jammonta għal 491 li l-Kumitat iqis bħala insuffiċjenti; jinnota li l-Kumitat jirrikorri għar-reklutaġġ ta' persunal bil-kuntratt għal sostituzzjonijiet għal perjodu ta' żmien minn medju sa twil u għal proġetti speċifiċi, li jinvolvi r-riskju ta' telf konsiderevoli ta' għarfien u għarfien espert għall-Kumitat meta dawk il-kuntratti jintemmu; jappoġġja lill-Kumitat hekk kif qed ikompli jinnegozja t-tkabbir tal-pjan ta' stabbiliment tiegħu; jinnota li r-rata ta' okkupazzjoni tal-pjan ta' stabbiliment tal-Kumitat hija ta' 96,3 % (meta mqabbla ma' mira ta' mill-inqas 96 %); jinnota li fi tmiem l-2020, il-forza tax-xogħol totali kienet ta' 601 (li tinkludi kemm il-persunal statutorju kif ukoll dak mhux statutorju), meta mqabbla ma' 610 fi tmiem l-2019; iħeġġeġ lill-Kumitat, f'dan il-kuntest, biex japprofondixxi l-kooperazzjoni amministrattiva tiegħu mal-KESE permezz tal-arranġament ta' servizzi konġunti biex jiġbor flimkien il-persunal sabiex ikompli jiżviluppa aktar sinerġiji;

20.  Josserva li l-arranġamenti tax-xogħol flessibbli huma aċċessibbli għall-maġġoranza kbira tal-persunal tal-Kumitat iżda li x-xogħol part-time u l-liv tal-ġenituri jintużaw minn għadd limitat ta' persunal, li minnhom in-nisa jirrappreżentaw 77,5 % u 78,72 % rispettivament; huwa konxju li l-Kumitat jipprovdi sessjonijiet ta' sensibilizzazzjoni għall-persunal dwar l-arranġamenti ta' xogħol flessibbli u jirrakkomanda li l-Kumitat jimpenja ruħu f'komunikazzjoni aktar intensiva dwar il-vijabbiltà u l-benefiċċji ta' dawk l-arranġamenti u li jiżgura li l-użu tal-arranġamenti ta' xogħol flessibbli ma jkunx ta' żvantaġġ għalihom bi kwalunkwe mod fil-progress fil-karriera tal-membri tal-persunal rilevanti; jilqa' l-istħarriġ tal-persunal dwar it-telexogħol u l-flessibbiltà fix-xogħol li minnu l-maniġers u persunal ieħor jistgħu jieħdu tagħlimiet u jibnu reġimi ta' xogħol flessibbli għall-futur;

21.  Jinnota li t-telexogħol kien diġà jintuża b'mod mifrux qabel il-pandemija tal-COVID-19, iżda li t-tagħmir tal-IT, l-esperjenza u l-kultura tat-telexogħol meħtieġa ma kinux għadhom preżenti fil-Kumitat kollu; josserva li s-servizzi tal-IT tal-Kumitat għamlu sforzi sinifikanti biex l-organizzazzjoni kollha tkun tista' taħdem b'mod kompletament mill-bogħod; jirrimarka li l-persunal malajr ġie mħarreġ dwar l-użu tal-pjattaformi online differenti;

22.  Josserva b'sodisfazzjon ir-rata ta' assorbiment tal-kompetizzjoni interna ġenerali li ntemmet fl-2019 ("riżerva ta' talent") b'100 % tal-ħatriet għall-grupp AST/SC u għall-grupp AST u 81 % tal-ħatriet għall-grupp AD ġejjin mil-lawrjati; jilqa' l-istrateġija ta' ġestjoni mtejba tat-talent prevista għall-2022, li għandha l-għan li timplimenta skema ta' mobbiltà interna aktar dinamika;

23.  Jinsab imħasseb dwar il-12-il każ possibbli ta' stress eċċessiv irrapportati fl-2020 iżda jirrikonoxxi s-segwitu personalizzat mill-Kumitat tal-assenzi biex tiġi ffaċilitata r-riintegrazzjoni wara assenza fit-tul; jisħaq fuq l-importanza tal-uffiċjal mediku u tal-ħaddiem tas-servizz soċjali tal-Kumitat biex jipprovdu appoġġ u jżommu kuntatt ma' persuni f'diffikultà; iħeġġeġ lill-Kumitat iżomm il-fokus fuq il-prevenzjoni primarja biex jitnaqqsu r-riskji psikosoċjali u l-istress eċċessiv kif ukoll il-viżti mediċi annwali;

24.  Jinnota li l-proporzjon tal-ġeneri fil-persunal tal-Kumitat fl-2020 kien ta' 55,8 % nisa, meta mqabbel ma' 56 % fl-2019; jesprimi dispjaċir għad-distribuzzjoni żbilanċjata fil-maniġment intermedju (32,4 % nisa) u superjuri (25 % nisa); jissottolinja li din hija kwistjoni rikorrenti u jtenni t-talba lill-Kumitat biex ikompli bl-isforzi tiegħu biex jikseb bilanċ bejn il-ġeneri fil-livelli ġerarkiċi kollha; jinnota li l-mira ta' 40 % nisa f'pożizzjonijiet maniġerjali stabbilita fil-pjan ta' azzjoni għal opportunitajiet indaqs bħalissa tidher li tista' tintlaħaq (37,5 % f'Marzu 2021); jilqa' b'mod partikolari l-inċentivi speċifiċi biex b'mod attiv in-nisa jiġu mħeġġa japplikaw għal karigi maniġerjali bħar-rikonoxximent formali tar-responsabbiltajiet maniġerjali taħt il-livell tal-kap tal-unità, il-programm ta' mentoraġġ imniedi fl-2019 u l-korisjiet ta' taħriġ premaniġerjali; iħeġġeġ lill-Kumitat biex jagħmel l-isforzi kollha meħtieġa sabiex jilħaq l-istrateġija tiegħu ta' ħames snin dwar l-opportunitajiet indaqs u biex ikun aktar ambizzjuż fil-pjanijiet ta' azzjoni annwali li jimplimentaw l-istrateġija; jilqa' u jinkoraġġixxi, b'mod partikolari, azzjonijiet li jikkontribwixxu għal rappreżentanza bbilanċjata tal-ġeneri fil-bordijiet tas-selezzjoni u arranġamenti tax-xogħol aktar flessibbli;

25.  Jinnota li l-Kumitat jimpjega persunal mill-Istati Membri kollha bl-eċċezzjoni ta' Stat Membru wieħed; jilqa' l-inizjattivi tal-Kumitat biex tiżdied il-viżibbiltà tal-pożizzjonijiet vakanti tiegħu, b'mod partikolari bl-użu ta' ambaxxaturi tal-persunal u bil-ħolqien ta' "reputazzjoni ta' min iħaddem" pożittiva; jitlob lill-Kumitat ikompli jieħu passi biex jikseb distribuzzjoni ġeografika xierqa fost il-persunal tiegħu, b'fokus partikolari fuq il-livell ta' maniġment;

26.  Fuq nota pożittiva, jenfasizza li wara l-ħatra ta' uffiċjal għall-opportunitajiet indaqs fl-2019, fl-2020 ġiet stabbilita task force bejn is-servizzi biex l-opportunitajiet indaqs jiġu integrati fil-politiki kollha tar-riżorsi umani u biex titħejja l-istrateġija ta' ħames snin (2022-2027); jifraħ lill-inizjattiva li jinħolqu punti ta' kuntatt għal kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-ġeneru, mal-komunità LGBTIQ u mad-diżabilitajiet sabiex jiġu mħeġġa l-inizjattivi minn isfel għal fuq u jingħata kontribut biex il-Kumitat isir post tax-xogħol aktar inklużiv;

27.  Huwa konxju mill-każ ta' fastidju rrapportat lill-KESE minn informatur u trażmess lill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) f'Awwissu 2020, li jikkonċerna membru tal-persunal tal-Kumitat li jaħdem fis-servizzi konġunti u jinvolvi wkoll allegazzjonijiet ta' ġestjoni ħażina u irregolaritajiet finanzjarji; jistieden lill-Kumitat u lill-KESE jirrapportaw b'mod konġunt lill-Parlament dwar l-eżitu tal-investigazzjoni mill-OLAF kif ukoll dwar kwalunkwe verifika interna ulterjuri jew miżura li tinsab pendenti fuq investigazzjoni;

28.  Jilqa' d-diskussjonijiet intensivi bejn il-Kumitat, ir-rappreżentanti tal-persunal, is-servizzi interni rilevanti kollha u membri oħra tal-persunal involuti fid-deċiżjoni dwar il-ħarsien tad-dinjità tal-persunal, il-ġestjoni tal-konflitt u l-ġlieda kontra l-fastidju psikoloġiku u sesswali fil-Kumitat u l-gwida li takkumpanjaha, adottata fl-2021; japprezza l-organizzazzjoni ta' azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni tal-persunal u l-approċċ ta' tolleranza żero tal-Kumitat lejn il-fastidju kif ukoll il-kors ta' taħriġ online dedikat; jissuġġerixxi li l-Kumitat jagħmel użu minn attivitajiet ta' komunikazzjoni alternattivi dwar suġġetti rilevanti relatati mal-opportunitajiet indaqs, id-diversità u l-inklużjoni biex jiġi evitat u ġestit il-konflitt fuq il-post tax-xogħol; jilqa' l-kostituzzjoni ta' bord konsultattiv dwar il-fastidju;

29.  Jinnota li, biex tiġi ssalvagwardjata d-data personali, ma tinġabar l-ebda data dwar il-persunal b'diżabilità iżda jirrimarka li b'riżultat ta' dan qed jiġu mxekkla valutazzjoni reali tas-sitwazzjoni u l-elaborazzjoni ta' politiki adegwati f'dak il-qasam; jinnota li, madankollu, il-politika tal-Kumitat dwar l-opportunitajiet indaqs tinkludi għadd ta' passi prattiċi u miżuri konkreti li għandhom l-għan li jipprovdu ambjent tax-xogħol inklużiv; jilqa' l-fatt li l-istrateġija konġunta dwar il-bini tal-Kumitat u tal-KESE tqis bis-sħiħ id-diżabbiltà;

30.  Jinnota li l-Kumitat ospita 47 trainee fl-2020, li kollha ngħataw għotja fix-xahar u somma f'daqqa addizzjonali ta' EUR 100 biex ikopru l-ispejjeż relatati mat-telexogħol; jiddispjaċih li ġew offruti żjarat ta' studju mingħajr ħlas lil tmien trainees flimkien ma' tliet żjarat ta' studju qosra li bdew fl-2019 u komplew fl-2020; itenni l-appell tiegħu lill-Kumitat biex jiżgura li t-trainees kollha tiegħu jirċievu remunerazzjoni diċenti;

Qafas etiku u trasparenza

31.  Jilqa' l-eżitu tal-ewwel fażi tal-proċess ta' medjazzjoni bejn il-Kumitat u s-Sur McCoy, eks kontrollur finanzjarju u awditur intern, bl-iffirmar f'Diċembru 2019 ta' ftehim politiku dwar il-prinċipji li jirregolaw ir-riżoluzzjoni tal-każ ta' żvelar ta' informazzjoni bona fide tas-Sur McCoy; ifakkar li, abbażi tar-riżoluzzjoni ta' kwittanza tal-2017, saret il-ħatra ta' membru tal-Parlament bħala medjatur u li l-partijiet kollha daħlu fi proċess ta' medjazzjoni biex jintemm it-tilwim bejn il-Kumitat u s-Sur McCoy, bl-għan li tintlaħaq soluzzjoni amikevoli; jirrikonoxxi li l-Kumitat segwa l-laqgħat ta' medjazzjoni skedati mas-Sur McCoy; huwa konxju li t-tieni stadju tal-medjazzjoni konkluż fid-9 ta' Lulju 2021 bil-kontribut tal-medjatur tal-Parlament, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament, is-Sur McCoy u l-President u s-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat u l-iffirmar ta' soluzzjoni finanzjarja finali; huwa konxju, finalment, li l-Kumitat, wara l-approvazzjoni tat-trasferiment mill-awtoritajiet baġitarji, eżegwixxa b'suċċess il-pagament miftiehem lis-Sur McCoy f'Novembru 2021; jirrikonoxxi l-ħidma li saret minn rapporteurs u shadow rapporteurs suċċessivi għall-kwittanza tal-Kumitat tul dawn l-aħħar għoxrin sena li, flimkien mal-proċess ta' medjazzjoni u l-assistenza tas-Servizz Legali tal-Parlament, ikkontribwew għar-riżoluzzjoni tal-kwistjoni li kienet ilha pendenti; jiddispjaċih ħafna dwar il-ħsara konsiderevoli kkawżata lis-Sur McCoy u jiddikjara li dan il-każ ma kellux jibqa' mhux solvut għal aktar minn tmintax-il sena; jesprimi s-sodisfazzjon sinċier tiegħu għall-konklużjoni ta' dan il-każ u jappoġġja l-azzjonijiet tal-Kumitat sabiex jiżgura li sitwazzjoni bħal din ma tkunx tista' terġa' tinqala';

32.  Jirrikonoxxi li l-Ftehim tas-16 ta' April 2014 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea dwar ir-reġistru tat-trasparenza għal organizzazzjonijiet u individwi li jaħdmu għal rashom involuti fit-tfassil tal-politika u fl-implimentazzjoni tal-politika tal-UE(1) u l-Ftehim Interistituzzjonali tal-20 ta' Mejju 2021 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar reġistru tat-trasparenza obbligatorju(2), filwaqt li jippermettu l-involviment volontarju tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, ma jkoprux l-attivitajiet tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentawhom; joġġezzjona, madankollu, għall-fehma tal-Kumitat li l-użu tar-reġistru tat-trasparenza stabbilit minn dawk il-ftehimiet għandu rilevanza limitata u għandu riżervi dwar il-validità tal-Gwida Prattika dwar l-interazzjoni tal-persunal ma' entitajiet esterni (li tmur lura għall-2018); ifakkar fl-importanza ta' livell għoli ta' trasparenza fir-rigward tal-laqgħat ta' lobbjar li jistgħu jinfluwenzaw lill-Kumitat fir-rwol konsultattiv tiegħu għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni u għalhekk, itenni t-talba tiegħu lill-Kumitat biex jingħaqad mal-ftehim Interistituzzjonali dwar reġistru ta' trasparenza obbligatorju;

33.  Jesprimi dispjaċir għall-fatt li 66 membru tal-persunal biss ħadu sehem f'waħda jew aktar mit-13-il sessjoni ta' taħriġ dwar kwistjonijiet etiċi li ġew organizzati fl-2020; iħeġġeġ lill-Kumitat isib modi kif iżid il-parteċipazzjoni tal-persunal f'attivitajiet bħal dawn; jinnota b'sodisfazzjon l-istħarriġ dwar is-sensibilizzazzjoni tal-persunal dwar l-etika li tnieda sa tmiem l-2019 u s-segwitu tiegħu fil-qafas tal-awditu intern dwar l-istess kwistjoni; jitlob lill-Kumitat jibqa' jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti f'Settembru 2020 u jirrapporta dwar l-eżiti fi żmien xieraq;

34.  Jilqa' d-dħul fis-seħħ fis-26 ta' Jannar 2020 tal-kodiċi ta' kondotta tal-Kumitat u l-fatt li s-Segretarju Ġenerali mhu konxju tal-ebda ksur; jesprimi dispjaċir, madankollu, għall-fatt li f'Jannar 2021, kien għad hemm 146 dikjarazzjoni finanzjarja mill-membri u mis-sostituti li kienu għadhom ma ġewx sottomessi minkejja l-obbligu skont il-kodiċi ta' kondotta li jagħmlu dan; iħeġġeġ lill-Kumitat jikseb id-dikjarazzjonijiet finanzjarji neqsin, billi jagħmel użu sħiħ mill-għażliet disponibbli skont il-kodiċi ta' kondotta;

35.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-intranet tal-Kumitat għandu paġni ddedikati għall-qafas etiku applikabbli għall-membri tal-persunal; jilqa' l-pubblikazzjoni tiegħu fuq is-sit web tal-Kumitat ukoll, minbarra l-kodiċi ta' kondotta tal-Kumitat u l-lista ta' dikjarazzjonijiet finanzjarji neqsin; jirrakkomanda li l-Kumitat iżid il-viżibbiltà ta' dawk id-dokumenti fir-rigward tal-pubbliku;

Diġitalizzazzjoni, ċibersigurtà, protezzjoni tad-data

36.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li ħafna proċessi ta' ħidma ġew diġitalizzati b'riżultat tal-pandemija tal-COVID-19 u li l-laqgħat kollha saru mill-bogħod jew f'forma ibrida minn Marzu 2020, filwaqt li l-membri kollha tal-persunal ġew mgħammra bl-għodod tal-IT meħtieġa biex jaħdmu mid-dar; jifraħ lill-Kumitat għat-titjib sinifikanti tal-portal tal-membri, Phoenix u tal-għodda tal-fluss tax-xogħol tad-dokumenti Adonis; jinnota li sar progress kontinwu fir-rigward tal-fatturazzjoni elettronika, fl-akkwist elettroniku u fil-flussi ta' ħidma finanzjarji mingħajr karti, li ġie stabbilit grupp ta' ħidma dwar il-firem elettroniċi, li ġew implimentati verżjonijiet ġodda tal-magni tat-tiftix biex jappoġġjaw aħjar il-laqgħat online għall-membri filwaqt li tfasslu miżuri speċifiċi, li tnediet sistema ta' votazzjoni elettronika għall-membri tal-Kumitat, li l-applikazzjonijiet li diġà kienu jeżistu ġew adattati b'mod sinifikanti biex jappoġġjaw aħjar lill-membri u lill-persunal tal-Kumitat u li sar progress fl-implimentazzjoni tal-għodod ta' traduzzjoni megħjuna mill-kompjuter;

37.  Jinnota li l-pandemija tal-COVID-19 imbuttat lill-Kumitat biex iħaffef b'mod sostanzjali l-implimentazzjoni ta' għadd ta' proġetti tal-IT u tal-vidjokonferenzi fl-2020, b'investiment addizzjonali sussegwenti ta' madwar EUR 2,7 miljun; jinnota li l-Kumitat nefaq EUR 6 392 372 fuq proġetti u tagħmir tal-IT fl-2020 (meta mqabbel ma' EUR 4 033 320 fl-2019); jinnota li apparti l-istrateġija diġitali tal-Kumitat għall-2019, ġew żviluppati proġetti oħra biex tiġi ddiġitalizzata l-amministrazzjoni tal-Kumitat u tiġi żgurata l-effiċjenza tagħha; jaqbel mad-dikjarazzjoni tal-Kumitat li s-servizzi tal-IT tiegħu ilhom strutturalment sottoffinanzjati għal snin twal u li t-trasferimenti baġitarji ma jistgħux jissostitwixxu l-finanzjament strutturalment sod meħtieġ għas-servizzi kollha tal-IT; jinnota, b'mod partikolari, it-tħassib tal-Kumitat dwar il-kostijiet u l-ispejjeż ġenerali għal organizzazzjonijiet iżgħar ta' regoli futuri vinkolanti komuni dwar iċ-ċibersigurtà għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha tal-Unjoni kif imsemmi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà għad-Deċennju Diġitali(3);

38.  Jilqa' l-ħolqien ta' viċi uffiċjal tal-protezzjoni tad-data biex jiggarantixxi l-kontinwità tal-operat u jsaħħaħ il-kapaċitajiet tal-Kumitat f'dak il-qasam speċifiku; iħeġġeġ lill-Kumitat jieħu azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni u jorganizza korsijiet ta' taħriġ għall-membri tal-persunal li jittrattaw id-data personali; jinnota li, fuq talba tal-EDPS, il-Kumitat fassal it-trasferimenti ta' data personali lejn pajjiżi terzi u kkonkluda li ma ġiet affettwata l-ebda attività; jinnota li l-Kumitat iffirma r-"reġistrazzjoni" marbuta ma' kuntratt qafas interistituzzjonali ma' Microsoft u li ma għadx għandu fis-seħħ ftehimiet ta' liċenzji individwali separati mal-Microsoft; japprezza l-politika attiva tal-Kumitat dwar it-teknoloġija b'sors miftuħ; jinkoraġġixxi lill-Kumitat ikompli jipprijoritizza t-teknoloġiji b'sors miftuħ sabiex iżomm kontroll fuq is-sistemi tekniċi tiegħu stess, jevita d-dipendenza u l-intrappolament tal-klijentela, jipprovdi salvagwardji aktar b'saħħithom fir-rigward tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data ta' utenti, kif ukoll iżid is-sigurtà u t-trasparenza għall-pubbliku;

Bini u sigurtà

39.  Huwa konxju li l-Kumitat u l-KESE qed jimplimentaw l-istrateġija tagħhom dwar il-bini fit-tul li tiffoka fuq il-konċentrazzjoni ġeografika u l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-allokazzjonijiet tal-uffiċċji; jinnota li l-grupp ta' ħidma responsabbli kkunsidra li huwa essenzjali li jkun hemm bini addizzjonali b'kapaċità ta' madwar 200 persuna sabiex ikunu jistgħu jinħolqu kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin; jinnota li dik l-analiżi wasslet lill-Kumitat u lill-KESE biex jinnegozjaw il-kiri tal-bini B100 mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u li l-abbozz tal-ftehim amministrattiv ġie approvat mill-bureaus tal-Kumitat u tal-KESE fl-aħħar trimestru tal-2020; huwa konxju li l-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat dewmien fil-proċess;

40.  Jenfasizza li wara t-tpartit tal-binjiet B68/TRE74 tal-Kumitat u tal-KESE mal-binja VMA tal-Kummissjoni, l-iffrankar se jibda jinħass fl-2023 minħabba l-ispiża aktar baxxa biex jinkera l-bini VMA sħiħ meta mqabbel mal-kiri tal-binjiet B68/TRE74 u li dak l-iffrankar se jkun biżżejjed biex ikopri l-kera tal-binja B100;

41.  Jilqa' t-titjib fl-oqsma ewlenin fi ħdan l-istrateġija dwar il-bini, jiġifieri r-rinnovazzjoni tal-bini eżistenti biex jinħolqu spazji tax-xogħol aktar tajbin għas-saħħa allinjati mal-istandards ergonomiċi, jiżdied il-livell ta' sigurtà, jitnaqqas il-konsum tal-elettriku u jkun hemm allinjament mal-obbligi ambjentali;

42.  Jinnota li l-ħidma preparatorja għall-implimentazzjoni tas-sistema l-ġdida ta' ġestjoni tal-eVisitors bdiet fl-2020 u li s-sistema tal-eVisitors kienet kompletament funzjonali f'Novembru 2021, li ppermettiet il-ġestjoni effiċjenti tal-istediniet u r-reġistrazzjoni online ta' viżitaturi esterni; ifakkar lill-Kumitat li d-data personali tal-viżitaturi għandha tinżamm biss għaż-żmien meħtieġ biex tiġi pproċessata ż-żjara;

43.  Jinnota li, wara l-akkwiżizzjoni tal-binja B100 f'Settembru 2021, it-testijiet u t-tnaqqis tal-asbestos għadhom għaddejjin; jistieden lill-Kumitat u lill-KESE jimmonitorjaw perjodikament il-kundizzjonijiet ta' dik il-binja u jżommu lill-persunal infurmat f'kull mument kif xieraq; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2021 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mill-asbestos(4);

Ambjent u sostenibbiltà

44.  Jilqa' l-integrazzjoni tal-istandards tas-sostenibbiltà, tal-ambjent u tal-aċċessibbiltà, inklużi dawk tal-iskema ta' ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) tal-Unjoni, bħala parti mill-istrateġija dwar il-bini tal-Kumitat u tal-KESE; jinnota li minn meta ġiet stabbbilita s-sistema ta' ġestjoni ambjentali tagħhom, il-Kumitat u l-KESE ħadu diversi azzjonijiet bil-għan li jtejbu l-prestazzjoni enerġetika tal-bini tagħhom u jnaqqsu l-impronta tal-karbonju tagħhom; huwa konxju li jinsab għaddej studju dwar in-newtralità karbonika tal-Kumitat u tal-KESE sal-2030; jilqa' l-parteċipazzjoni tal-Kumitat fl-iskema tal-Parlament ta' kumpens għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra;

45.  Jilqa' l-adozzjoni mill-Kumitat tal-politika li jitwaqqaf l-użu tal-karti fi Frar 2020 u josserva li, minn dak iż-żmien 'l hawn, il-biċċa l-kbira tal-flussi tax-xogħol saru kompletament mingħajr karti; jilqa' l-fatt li l-ammont ta' karti użat minn kull persuna kuljum fl-2020 naqas bi 52 % meta mqabbel mal-2019 u b'81 % meta mqabbel mal-2015;

46.  Jinnota li l-Kumitat għandu politika ta' mobilità sostenibbli stabbilita li hi mmonitorjata permezz ta' stħarriġ tal-persunal kull tliet snin; josserva b'sodisfazzjon li l-politika dwar il-mobilità tinkludi rimborż ta' 50 % tal-biljetti staġjonali tat-trasport pubbliku, roti tas-servizz għal skopijiet ta' vjaġġar professjonali lokali, 237 stazzjon fejn jintrabtu r-roti, għadd ta' spazji ta' parkeġġ għall-karozzi ibridi jew elettriċi u l-organizzazzjoni ta' għadd ta' avvenimenti ta' sensibilizzazzjoni kull sena;

47.  Jilqa' l-kuntratt qafas interistituzzjonali li jagħti lill-Kumitat aċċess għall-Helpdesk tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku, li tiffoka fuq l-iżvilupp sostenibbli, kwistjonijiet ambjentali u l-aspetti soċjali tal-akkwist pubbliku; jinnota li l-Kumitat japplika l-politika ambjentali tiegħu f'kull proċess ta' akkwist rilevanti, xi ħaġa li tiġi skrinjata wkoll bħala parti mill-EMAS; jilqa' l-fatt li l-elettriku kkunsmat mill-Kumitat huwa pprovdut esklussivament minn enerġija ekoloġika minn sorsi sostenibbli;

48.  Jenfasizza l-kampanja dwar il-"Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali" mmirata lejn il-mobilizzazzjoni tal-membri tal-Kumitat u tal-kostitwenti akbar tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jittieħdu azzjonijiet pożittivi biex jiġu mħeġġa l-iżvilupp sostenibbli u t-tranżizzjoni ekoloġika (jiġifieri l-ekoloġizzazzjoni urbana, l-effiċjenza enerġetika tal-bini, il-mobilità sostenibbli eċċ.), filwaqt li jittieħed vantaġġ mill-kooperazzjoni msaħħa mad-Direttorat għall-Komunikazzjoni tal-Parlament u bil-parteċipazzjoni attiva tal-Membri Parlamentari;

Komunikazzjoni u multilingwiżmu

49.  Ifakkar fl-importanza li l-Kumitat jiżviluppa viżibbiltà akbar fil-media u fuq l-internet u l-media soċjali sabiex tagħmel xogħolha magħruf; jilqa' l-evalwazzjoni komprensiva esterna tal-istrateġija ta' komunikazzjoni tal-Kumitat għall-2015-2020; jifhem li l-pandemija tal-COVID-19 sfurzat l-aċċellerazzjoni diġitali tal-komunikazzjoni pubblika; jisħaq fuq l-importanza li jiġi mmassimizzat l-għadd ta' nies li jilħaq il-Kumitat permezz tal-ħolqien ta' sinerġiji bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-aktar minn miljun politiku reġjonali u lokali elett li huma rrappreżentati mill-Kumitat; iħeġġeġ lill-Kumitat jieħu vantaġġ mill-opportunitajiet offruti mill-preżenza tiegħu fuq il-media soċjali u fl-istess ħin jesplora l-użu possibbli ta' pjattaformi b'sors miftuħ alternattivi;

50.  Jilqa' l-involviment tal-Kumitat fil-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, li jassisti dak l-eżerċizzju demokratiku fl-ilħuq tal-atturi reġjonali u lokali; iħeġġeġ ukoll lill-Kumitat jassisti lill-membri tiegħu biex jipparteċipaw fi djalogi lokali maċ-ċittadini dwar kwistjonijiet Ewropej;

51.  Jissottolinja l-kampanji u l-attivitajiet imwettqa fl-2020 immirati lejn gruppi ta' interess, b'mod partikolari l-memoranda ta' qbil u l-pjanijiet ta' azzjoni mal-assoċjazzjonijiet Ewropej u nazzjonali li jirrappreżentaw interessi lokali u reġjonali li jinkludu klawżoli dwar kwistjonijiet ta' kooperazzjoni u komunikazzjoni; jifhem li l-pandemija tal-COVID-19 ġiegħlet lill-Kumitat iwaqqaf temporanjament id-djalogi maċ-ċittadini tiegħu; jirrakkomanda li d-djalogi taċ-ċittadini jitmexxew online biex tiġi żgurata l-kontinwità ta' din l-attività importanti biex l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jitqarrbu lejn il-poplu tal-Ewropa;

52.  Jilqa', fil-qasam tal-komunikazzjoni, iż-żewġ avvenimenti ewlenin organizzati fl-2020; jirrimarka li l-Kumitat ilu jikkoordina l-Konferenza Ewropea dwar il-Komunikazzjoni Pubblika (EuropPCom) mill-2011 u li fl-2020 dan l-avveniment sar virtwalment f'Ġunju u f'Diċembru, u laħaq madwar 2 500 espert tal-komunikazzjoni; jenfasizza l-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet, avveniment magħruf li jinvolvu 'il fuq minn 10 000 parteċipant u 800 sieħeb, u l-Barometru Reġjonali u Lokali l-ġdid, ippreżentat f'Ottubru 2020 u jirrikonoxxi li ż-żewġ inizjattivi t-tnejn li huma jikkontribwixxu għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, flimkien mal-proġett maħluq speċifikament għal dak il-għan, "Mil-livell lokali għal dak Ewropew", imniedi fi tmiem l-2020, li jinvolvi 50 reġjun u belt f'panels taċ-ċittadini lokali, transfruntiera u transnazzjonali;

53.  Jitlob lill-Kumitat ikompli bl-isforzi tiegħu biex itejjeb il-viżibbiltà tal-istudji prodotti minnu; jissottolinja li, minbarra l-pubblikazzjoni online tagħhom, hemm bżonn ta' promozzjoni proattiva tal-istudji fil-konfront tal-partijiet ikkonċernati kollha; jinkoraġġixxi lill-Kumitat jagħmel kuntatt mal-Parlament biex iżid il-kooperazzjoni, pereżempju permezz tal-organizzazzjoni ta' laqgħat u avvenimenti konġunti;

54.  Jistieden lill-Kumitat jipprovdi appoġġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, inklużi dawk li mhumiex rappreżentati uffiċjalment fil-Kumitat, dwar kwistjonijiet relatati mal-opportunitajiet u n-networking tal-Unjoni;

Il-kooperazzjoni interistituzzjonali

55.  Jilqa' l-kooperazzjoni bilaterali dejjem akbar u dejjem aktar effettiva bejn il-Parlament u l-Kumitat; iħeġġeġ kemm lill-Parlament kif ukoll lill-Kumitat jkomplu l-laqgħat regolari bejn il-Presidenti u l-Viċi Presidenti tagħhom u jtejbu l-kooperazzjoni strutturata bejn ir-rapporteurs rispettivi u kemm il-gruppi politiċi kif ukoll il-korpi preparatorji li fihom jorganizzaw ruħhom il-membri tagħhom; jilqa' d-deċiżjoni tal-bureau tal-Kumitat f'Novembru 2020 li jniedi Network Ewropew ta' Kunsilliera Reġjonali u Lokali tal-UE, li se jkun allinjat mal-azzjoni pilota tal-Parlament Nibnu l-Ewropa flimkien mal-Entitajiet Lokali (BELE); jinnota, barra minn hekk, il-kollaborazzjoni kontinwa dwar kwistjonijiet politiċi ewlenin mal-Kummissjoni permezz ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni u mat-Triju ta' Presidenzi tal-Kunsill permezz ta' pjanijiet ta' azzjoni konġunti; jemmen li l-kooperazzjoni politika tal-Kumitat mal-Parlament, mal-Kunsill u mal-Kummissjoni għandha tkun aktar sistematika minħabba l-importanza tal-Kumitat bħala r-rappreżentant taċ-ċittadini tal-Unjoni fir-reġjuni u fil-bliet;

56.  Jenfasizza li l-ftehimiet globali l-ġodda dwar il-livell ta' servizz konklużi fl-2020 mad-DĠ Baġit, DĠ DIGIT u l-Uffiċċju tal-Paymaster tal-Kummissjoni naqqsu b'mod sinifikanti l-għadd ta' ftehimiet, wittew it-triq għal titjib fil-puntwalità tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni u estendew il-possibbiltà li jiġi żgurat l-użu ta' applikazzjonijiet tal-IT interistituzzjonali ġodda tal-Unjoni;

57.  Jenfasizza l-adozzjoni tal-ftehim ta' kooperazzjoni amministrattiva l-ġdid bejn il-Kumitat u l-KESE li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 2021 li jsaħħaħ il-governanza tal-kooperazzjoni u l-mekkaniżmi ta' kontroll biex tiġi żgurata ġestjoni effiċjenti tas-servizzi konġunti; jinnota b'sodisfazzjon li l-Kumitat iqis li l-ftehim il-ġdid huwa aktar modern u aktar sempliċi mill-ftehim l-antik u li se jkun strumentali fil-ħolqien ta' sinerġiji ulterjuri bejn il-Kumitat u l-KESE:

58.  Itenni l-pożizzjoni li esprima fir-rakkomandazzjonijiet preċedenti dwar il-kwittanza dwar il-ħtieġa li jiġi implimentat bis-sħiħ il-ftehim ta' kooperazzjoni ffirmat bejn il-Parlament u l-Kumitat u l-KESE, li bih total ta' 60 traduttur, inklużi 24 mill-Kumitat, ġew ittrasferiti għall-Parlament bi skambju għall-aċċess għas-servizzi tas-Servizz Ewropew ta' Riċerka Parlamentari; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq in-nuqqas ta' persunal tal-Kumitat f'oqsma politiċi, li għandu impatt negattiv fuq it-twettiq tal-mandat tiegħu;

Pandemija tal-COVID-19

59.  Huwa konxju li l-pandemija tal-COVID-19 influwenzat b'mod sinifikanti l-attività tal-Kumitat, b'mod partikolari minħabba li l-Membri tiegħu normalment jivvjaġġaw lejn il-bini tal-Kumitat sa sitt darbiet fis-sena biex jiddibattu l-opinjonijiet u r-riżoluzzjonijiet tiegħu; jirrikonoxxi l-isforzi kollettivi li żguraw appoġġ kontinwu għall-attivitajiet politiċi tal-Kumitat;

60.  Jinnota li l-pjan ta' kontinwità tal-operat (BCP), li ilu stabbilit mill-2009, ippermetta reazzjoni inizjali iżda nstab li ma kienx tajjeb għall-iskop tiegħu; jilqa' r-reviżjoni profonda tal-BCP li tnediet fi tmiem l-2020 biex jitqiesu t-tagħlimiet meħuda mill-ġestjoni tal-pandemija tal-COVID-19; jifhem li l-pandemija kixfet l-impatt ta' akkumulazzjoni ta' nuqqasijiet ta' investimenti strutturali f'xi oqsma ta' attivitajiet tal-Kumitat, speċjalment fir-rigward tal-IT; jemmen li dawk it-tagħlimiet meħuda mill-kriżi tal-COVID-19, b'mod partikolari, għandhom jibqgħu parti integrali mill-mod futur kif jopera l-Kumitat;

61.  Japprezza l-approċċ li s-saħħa u s-sikurezza tal-membri u tal-persunal ġew l-ewwel sakemm l-organizzazzjoni adattat għas-sitwazzjoni li qed tevolvi kontinwament; jisħaq li l-inizjattivi ta' komunikazzjoni fil-qasam tar-riżorsi umani kienu vettur ta' stabbiltà u sigurtà għall-persunal matul il-pandemija tal-COVID-19; josserva li l-membri tal-persunal intalbu ma jirreġistrawx is-sigħat speċifiċi tat-telexogħol tagħhom sabiex ikun hemm il-flessibbiltà meħtieġa biex jikkombinaw ir-responsabbiltajiet tax-xogħol u dawk personali; jinnota, barra minn hekk, li l-membri tal-persunal li ffaċċjaw diffikultajiet soċjali jew mediċi tħallew jaħdmu bit-telexogħol minn barra l-pajjiż f'ċirkostanzi speċifiċi u li ġie applikat ukoll permess ġenerali b'mod temporanju, li rriżulta f'110 membri tal-persunal li b'mod eċċezzjonali kienu qed jaħdmu bit-telexogħol minn barra l-pajjiż fl-2020; jilqa' d-djalogu mniedi mar-rappreżentanti tal-persunal, inkluż stħarriġ dwar it-telexogħol;

62.  Jappoġġja l-approċċ tal-Kumitat, li jagħti prijorità lir-riżultati fuq l-għadd tas-sigħat tax-xogħol, li juża ġestjoni bbażata fuq il-fiduċja u jiżgura d-dritt għall-iskonnessjoni, b'mod partikolari permezz tal-politika interna l-ġdida dwar il-posta elettronika; jilqa' l-miżuri addizzjonali bħall-istabbiliment ta' grupp ta' membri tal-persunal voluntiera biex jgħinu lill-kollegi matul il-perjodu tal-lockdown;

63.  Jinnota l-isforz biex tinxtered informazzjoni dwar suġġetti psikosoċjali u suġġetti relatati mar-Reġim Komuni tal-Assigurazzjoni tal-Mard tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni; jinnota wkoll l-għadd ta' ħatriet fl-2020, 246, fis-servizz soċjali, primarjament relatati mal-istress, il-konflitti u l-problemi personali jew tal-familja u r-riżultati pożittivi tal-mekkaniżmu ta' tagħlim biex wieħed jitgħallem ikampa;

64.  Jisħaq li l-attivitajiet ewlenin ġew segwiti matul il-pandemija tal-COVID-19, biex b'hekk il-Kumitat seta' jirrappreżenta lill-politiċi reġjonali u lokali eletti fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni, u b'hekk jappoġġja lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fl-indirizzar tas-sitwazzjoni ta' kriżi preżenti;

65.  Iħeġġeġ lill-Kumitat jintegra t-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19 fl-istrateġija ta' ġestjoni interna tiegħu f'termini tal-kontinwità tal-operat u ta' ġestjoni tal-kriżijiet, il-kapaċità ta' rispons tal-IT, ir-reżiljenza tal-organizzazzjoni, id-dmir ta' diliġenza lejn il-persunal, il-komunikazzjoni effettiva u l-proċessi ta' ħidma flessibbli, sabiex jiġi żviluppat stil ta' ġestjoni orjentat lejn ir-riżultati li fuqu jista' jinkiseb bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

(1) ĠU L 277, 19.9.2014, p. 11.
(2) ĠU L 207, 11.6.2021, p. 1
(3) ĠU C 67, 8.2.2022, p. 81
(4) Testi adottati P9_TA(2021)0427.

Aġġornata l-aħħar: 26 ta' Awwissu 2022Avviż legali - Politika tal-privatezza