Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2022/2039(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0164/2022

Testi mressqa :

A9-0164/2022

Dibattiti :

PV 07/06/2022 - 10
CRE 07/06/2022 - 10

Votazzjonijiet :

PV 08/06/2022 - 16.4
CRE 08/06/2022 - 16.4

Testi adottati :

P9_TA(2022)0235

Testi adottati
PDF 198kWORD 64k
L-Erbgħa, 8 ta' Ġunju 2022 - Strasburgu
Il-Politika Barranija, ta' Sigurtà u ta' Difiża tal-UE wara l-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna
P9_TA(2022)0235A9-0164/2022

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2022 lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-Politika Barranija, ta' Sigurtà u ta' Difiża tal-UE wara l-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (2022/2039(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Titoli II, III u V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u l-impenji stabbiliti fil-preambolu għall-implimentazzjoni ta' Politika Estera, ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni, u b'mod partikolari l-Artikoli 10(1) u (2), 13(2), 14(1) u 16(1), 24(1), 26, 36, 41, 42(2), (3), (6) u (7), 44, 45, 46 u l-Protokoll Nru 10 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni "Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża - Għal Unjoni Ewropea li tipproteġi liċ-ċittadini, il-valuri u l-interessi tagħha u tikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali", approvat mill-Kunsill fil-21 ta' Marzu 2022 u mill-Kunsill Ewropew fil-25 ta' Marzu 2022,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Versailles tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-UE tal-11 ta' Marzu 2022,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-18 ta' Mejju 2022 bit-titolu "L-Analiżi tad-Diskrepanzi fl-Investimenti fid-Difiża u l-Approċċ Futur" (JOIN(2022)0024),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Frar 2022 dwar l-implimentazzjoni tal-politika estera u ta' sigurtà komuni – rapport annwali 2021(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Frar 2022 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni – rapport annwali 2021(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Frar 2022 bit-titolu "Kontribut tal-Kummissjoni għad-difiża Ewropea" (COM(2022)0060),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Marzu 2017 intitolata "L-implikazzjonijiet kostituzzjonali, legali u istituzzjonali ta' politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni: possibilitajiet offruti mit-Trattat ta' Liżbona,"(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' April 2022 dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta' Marzu 2022, inklużi l-aħħar żviluppi tal-gwerra kontra l-Ukrajna u s-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja u l-implimentazzjoni tagħhom(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2022 dwar il-ħtieġa ta' pjan ta' azzjoni urġenti tal-UE biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel kemm fl-UE kif ukoll barra l-UE fid-dawl tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Marzu 2022 dwar l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna(7),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet dwar l-Ukrajna tal-mexxejja tal-Parlament tas-16 u l-24 ta' Frar 2022,

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar l-eżitu finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa ta' Mejju 2022,

–  wara li kkunsidra l-komunikat tas-Summit ta' Brussell maħruġ mill-Kapijiet tal-Istat u l-Gvern li pparteċipaw fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana fi Brussell fl-14 ta' Ġunju 2021,

–  wara li kkunsidra l-Analiżi u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Riflessjoni Maħtur mis-Segretarju Ġenerali tan-NATO tal-25 ta' Novembru 2020 bit-titolu "NATO 2030: United for a New Era" (NATO 2030: Magħquda għal Era Ġdida),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-2 ta' Marzu 2022 dwar l-aggressjoni kontra l-Ukrajna, fl-24 ta' Marzu 2022 dwar il-konsegwenzi umanitarji tal-aggressjoni kontra l-Ukrajna u fis-7 ta' April 2022 dwar is-sospensjoni tad-drittijiet ta' sħubija tal-Federazzjoni Russa fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra(8), li jinkludi Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv u li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2017,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill dwar miżuri restrittivi tal-UE kontra r-Russja fuq il-gwerra tagħha fl-Ukrajna,

–  wara li kkunsidra Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra(9) (il-"Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit"),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 118 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0164/2022),

A.  billi l-aggressjoni militari mhux ipprovokata u mhux ġustifikata mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna, wara l-invażjoni Russa tal-Georgia fl-2008 u azzjonijiet aggressivi oħra madwar id-dinja, hija ksur sfaċċat tal-liġi internazzjonali, tal-Karta tan-NU u tal-prinċipji minquxa fl-Att finali ta' Ħelsinki tal-1975, tal-Memorandum ta' Budapest tal-1994 u tal-Karta ta' Pariġi għal Ewropa Ġdida tal-21 ta' Novembru 1990, u timmina serjament is-sigurtà u l-istabbiltà Ewropej u dawk globali;

B.  billi l-Federazzjoni Russa ma rrispettatx l-ordni maħruġa mill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja fis-16 ta' Marzu 2022 li talbet b'mod ċar lir-Russja tissospendi immedjatament l-operazzjonijiet militari tagħha u tiżgura li kwalunkwe unità armata militari jew irregolari li tista' tkun immexxija jew appoġġjata minnha, kif ukoll kwalunkwe organizzazzjoni u persuna li tista' tkun taħt il-kontroll jew it-tmexxija tagħha, ma jieħdu l-ebda pass biex jibqgħu għaddejjin bl-operazzjonijiet militari eżistenti;

C.  billi l-invażjoni Russa tal-Ukrajna tikkostitwixxi attakk kontra l-ordni ta' paċi Ewropew innifsu u b'hekk thedded il-pedamenti li fuqhom inbniet il-politika estera, ta' sigurtà u ta' difiża tal-Unjoni; billi t-tentattivi persistenti tar-Russja biex toħloq instabilità fil-viċinat tal-Unjoni u globalment u biex iddgħajjef u tirrevedi bil-qawwa l-ordni tas-sigurtà Ewropea jirrikjedu li l-Unjoni ssaħħaħ b'mod sostanzjali u determinat il-koeżjoni u l-effikaċja tal-politika barranija, ta' sigurtà u ta' difiża tagħha;

D.  billi eluf ta' Ukreni tilfu ħajjithom fil-gwerra li nbdiet mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna u li ilha għaddejja mill-2014; billi eluf sfaw midruba u aktar minn 10 miljun persuna ġew sfurzati jitilqu minn djarhom jew ħarbu lejn pajjiżi ġirien;

E.  billi l-forzi armati Russi qegħdin jibbombardjaw deliberatament u indiskriminatament infrastrutturi ċivili, inklużi djar u postijiet ta' kenn, skejjel materni, skejjel, sptarijiet, faċilitajiet ta' emerġenza u kura u stazzjonijiet tal-ferroviji u tal-karozzi tal-linja;

F.  billi skont il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, dawn l-attakki qegħdin jikkawżaw tbatija umana bla qies u huma delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità; billi t-tortura u l-qtil ta' persuni ċivili u l-għadd dejjem akbar ta' rapporti ta' traffikar tal-bnedmin, vjolenza sesswali, sfruttament, stupru u abbuż li n-nisa u t-tfal qegħdin jiffaċċjaw huma delitti tal-gwerra atroċi li jeħtieġ li jiġu investigati u dokumentati b'mod urġenti sabiex l-awturi jkunu jistgħu jiġu pproċessati; billi għadha għaddejja investigazzjoni internazzjonali dwar id-delitti mwettqa f'Bucha; billi l-invażjoni tal-Ukrajna tista' tikkostitwixxi delitt ta' aggressjoni kif definit fl-Artikolu 8a tal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-atroċitajiet imwettqa mill-armata Russa u l-proxies tagħha jissodisfaw id-definizzjoni ta' ġenoċidju li tinsab fil-Konvenzjoni tan-NU tal-1948; billi d-deċiżuri u l-awturi jeħtiġilhom jitressqu quddiem il-ġustizzja kriminali internazzjonali;

G.  billi l-invażjoni Russa tal-Ukrajna reġgħet ġabet gwerra fl-Ewropa u aħna l-Ewropej fl-Unjoni Ewropea issa rridu nużaw id-determinazzjoni u r-riżoluzzjoni kollha tagħna biex nipproteġu u niddefendu din l-Unjoni, u l-valuri u l-prinċipji li tirrappreżenta, inkluż il-prinċipju ta' integrità territorjali, sovranità nazzjonali u l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli;

H.  billi n-nuqqas ta' tweġiba adegwata għall-aggressjonijiet Russi kontra l-Georgia fl-2008 u kontra l-Ukrajna fl-2014 inkoraġġew lir-Russja tkompli bil-kampanji militari u politiċi aggressivi tagħha, inkluż l-invażjoni fuq skala kbira tal-Ukrajna, b'dan il-mod, iddgħajjef u timmina l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli u l-istabbiltà fl-Ewropa u fi bnadi oħra;

I.  billi l-għan strateġiku tad-dinja ħielsa huwa li tgħin lill-Ukrajna biex fl-aħħar mill-aħħar tegħleb lill-aggressur Russu u terġa' tikseb kontroll fuq it-territorju tagħha rikonoxxut internazzjonalment;

J.  billi l-gwerra tal-Federazzjoni Russa ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna u l-attakk tagħha kontra l-ordni ta' paċi Ewropew qed iseħħu fl-isfond ta' repressjoni severa kontra s-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni politika fir-Russja, bil-għan li tiġi żgurata s-sopravivenza ta' reġim dejjem aktar totalitarju;

K.  billi d-difiża tal-Ewropa hija l-ewwel u qabel kollox obbligu għad-demokraziji Ewropej kollha; billi dan l-obbligu jrid ikollu miri adegwati ta' kapaċità finanzjarja u militari li jkunu ekwivalenti għalih; billi l-Unjoni ddeċidiet li tagħmel il-parti tagħha biex tiġġieled it-tentattivi tal-Federazzjoni Russa biex teqred il-pedamenti tas-sigurtà u l-istabbiltà internazzjonali, inkluż f'kooperazzjoni mill-qrib man-NATO, is-sisien tad-difiża kollettiva tal-membri tagħha; billi fit-18 ta' Mejju 2022, il-Finlandja u l-Iżvezja ppreżentaw uffiċjalment l-applikazzjonijiet tagħhom biex jingħaqdu man-NATO; billi huwa importanti li l-alleati kollha tan-NATO jirratifikaw malajr il-protokolli tal-adeżjoni tal-Finlandja u tal-Iżvezja; billi t-Turkija qed turi nuqqas ta' rieda li tilqa' l-applikazzjonijiet tal-Finlandja u tal-Iżvezja biex jingħaqdu man-NATO; billi l-Artikolu 42(7) tat-TUE jibqa' element importanti tal-arkitettura tas-sigurtà Ewropea li jipprovdi appoġġ u protezzjoni għall-Istati Membri kollha tal-UE; billi l-Parlament esprima l-gratitudni sinċiera tiegħu għall-assistenza u l-kooperazzjoni mġedda tal-Istati Uniti fir-rigward tal-protezzjoni u l-għoti ta' difiża territorjali Ewropea;

L.  billi l-Ukrajna għandha dritt fundamentali għall-awtodifiża skont l-Artikolu 51 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti; billi l-Parlament ifaħħar lill-poplu tal-Ukrajna għall-kuraġġ tiegħu fid-difiża ta' pajjiżu u l-valuri komuni tagħna ta' libertà u demokrazija u mhux ser jabbandunahom;

M.  billi l-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Marzu 2022 dwar l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, talab lill-istituzzjonijiet tal-UE jaħdmu biex jagħtu status ta' kandidat lill-Ukrajna u, sadanittant, ikomplu jaħdmu lejn l-integrazzjoni tagħha fis-suq uniku tal-UE skont il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukrajna;

N.  billi, skont il-mandat imġedded tal-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea fl-Ukrajna (EUAM Ukraine), il-missjoni ser tiżgura kooperazzjoni mill-qrib mal-Qorti Kriminali Internazzjonali, mal-aġenzija tal-Unjoni Eurojust u mal-Istati Membri li jieħdu azzjoni li tappoġġja direttament l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati internazzjonali fl-Ukrajna;

O.  billi l-Parlament għandu jibda analiżi profonda tar-raġunijiet għaliex l-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u s-sħab tagħha b'mentalità simili fil-komunità internazzjonali ma rnexxilhomx jiskoraġġixxu l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja fuq l-Ukrajna, li tikser il-Karta tan-NU u għalhekk tikkostitwixxi attakk fuq il-qalba stess tal-ordni ta' paċi u sigurtà tal-Ewropa, il-valuri u l-prosperità tagħha, kif ukoll il-pedamenti demokratiċi tagħha, u jieħu kont tat-tagħlimiet mill-iżbalji preċedenti fil-politika vis-à-vis ir-Russja, l-ewwel fosthom in-nuqqas li tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied medjat mill-UE tat-12 ta' Awwissu 2008, kif ukoll l-investigazzjoni tal-każijiet ta' ksur tas-sanzjonijiet imposti mill-2014;

P.  billi l-Kunsill irrikonoxxa fil-Boxxla Strateġika li s-sigurtà u l-istabbiltà fil-Balkani tal-Punent kollha għadhom mhumiex ċertezza u li hemm riskju ta' riperkussjonijiet potenzjali mid-deterjorament attwali tas-sitwazzjoni tas-sigurtà Ewropea;

Q.  billi hemm ħtieġa urġenti li tiżdied it-tħejjija sabiex ikun jista jiġi indirizzat l-ispettru sħiħ ta' kriżijiet li ġejjin, b'mod partikolari l-kriżijiet umanitarji u ta' sigurtà; billi l-Unjoni jeħtieġ tuża l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha, b'enfasi fuq l-impenn f'waqtu, biex tipproteġi l-Unjoni u ċ-ċittadini tagħha, il-valuri u l-interessi tagħha, u biex tikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali; billi hemm bżonn li l-Unjoni taħdem mal-alleati tagħha;

R.  billi n-nisa, il-bniet u l-gruppi vulnerabbli huma affettwati b'mod sproporzjonat minn kunflitti armati; billi l-parteċipazzjoni kostruttiva tan-nisa u l-bniet fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti u fir-rikostruzzjoni wara l-kunflitti żżid is-sostenibbiltà tal-paċi; billi l-istituzzjonijiet tal-UE impenjaw ruħhom li jintegraw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fi ħdan il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi III, li jinkludi l-oqsma kollha tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) u l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK);

S.  billi rwol attiv tal-Parlament, u l-appoġġ politiku u l-iskrutinju demokratiku tiegħu fit-tfassil ta' politika ta' difiża komuni għall-Unjoni u l-istabbiliment ta' difiża komuni, jafferma u jsaħħaħ il-pedamenti rappreżentattivi u demokratiċi tal-Unjoni;

T.  billi l-funzjonament tal-Unjoni huwa bbażat fuq id-demokrazija rappreżentattiva u billi ċ-ċittadini tal-UE huma rappreżentati direttament fil-livell tal-Unjoni fil-Parlament;

U.  billi kull istituzzjoni tal-UE għandha tuża b'mod sħiħ is-setgħat mogħtija lilha mit-Trattati, u skont il-proċeduri, il-kundizzjonijiet u l-finijiet previsti minnhom; billi l-istituzzjonijiet għandhom jipprattikaw kooperazzjoni leali u reċiproka;

V.  billi l-kompetenza tal-Unjoni fi kwistjonijiet relatati mal-PESK tkopri l-oqsma kollha tal-politika barranija u l-kwistjonijiet kollha relatati mas-sigurtà tal-Unjoni, inkluż it-tfassil progressiv ta' politika ta' difiża komuni li tista' twassal għal difiża komuni meta l-Kunsill Ewropew, filwaqt li jaġixxi b'mod unanimu, jiddeċiedi dan, f'konformità mal-Artikoli 24 u 42(2) tat-TUE;

W.  billi r-rwol speċifiku tal-Parlament fil-politika estera, ta' sigurtà u ta' difiża tal-Unjoni huwa definit fit-Trattati;

X.  billi l-Parlament għandu, flimkien mal-Kunsill, jeżerċita l-funzjoni baġitarja tiegħu f'dan il-qasam kif previst fl-Artikolu 41 tat-TUE, u għandu jeżerċita l-funzjoni ta' konsultazzjoni politika tiegħu kif previst fl-Artikolu 36 tat-TUE;

Y.  billi fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill dwar il-politika estera, ta' sigurtà u ta' difiża, l-eżekuttiv tal-Unjoni Ewropea huwa magħmul mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, mill-Kunsill, mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà, u mill-aġenziji subordinati; billi l-Artikolu 24 TUE jgħid li "l-Istati Membri għandhom isostnu l-politika esterna u ta' sigurtà tal-Unjoni attivament u mingħajr riżerva fi spirtu ta' lealtà u solidarjetà reċiproka" u li "għandhom joqogħdu lura minn kull azzjoni li tkun kontra l-interessi tal-Unjoni jew li x'aktarx tagħmel ħsara għall-effikaċja tagħha bħala forza b'koeżjoni fir-relazzjonijiet internazzjonali";

Z.  billi l-Parlament huwa l-unika istituzzjoni li tista' teżerċita b'mod leġittimu l-funzjoni ta' kontroll politiku u sorveljanza fuq l-eżekuttiv fil-livell tal-Unjoni;

AA.  billi l-approfondiment tal-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża fost l-Istati Membri fil-livell tal-Unjoni għandu jimxi id f'id mat-tisħiħ tas-sorveljanza u tal-kontroll parlamentari, kemm mill-Parlament Ewropew kif ukoll mill-parlamenti nazzjonali;

AB.  billi l-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), flimkien mal-Kummissjoni fejn xieraq, jagħti lill-Parlament Ewropew il-fehmiet dettaljati tiegħu rigward ir-rakkomandazzjonijiet ta' hawn taħt, b'mod partikolari meta dawn ikunu marbuta mal-funzjoni baġitarja u ta' kontroll politiku tal-Parlament fuq il-politika estera, ta' sigurtà u ta' difiża tal-Unjoni;

AC.  billi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u s-sħab skont l-Artikoli 42(2), 45 u 46 tat-TUE għandha tibbenefika mill-identità legali, il-privileġġi u l-immunitajiet previsti mit-Trattati;

AD.  billi l-Unjoni għandha l-għan li tippromwovi soċjetajiet paċifiċi u inklużivi għall-iżvilupp sostenibbli, tagħti aċċess għall-ġustizzja lil kulħadd u tibni istituzzjonijiet effettivi, responsabbli u inklużivi fil-livelli kollha;

AE.  billi, flimkien mal-alleati tagħha, l-Unjoni jrid ikollha l-għan li tiddefendi l-paċi u s-sigurtà tagħha sabiex tipprovdi lill-kontinent u lir-residenti tiegħu l-paċi u s-sigurtà li jistħoqqilhom; billi l-gwerra fl-Ukrajna kixfet id-difetti tal-arkitettura tas-sigurtà globali attwali;

AF.  billi, minħabba n-natura multidimensjonali tal-azzjonijiet ostili tar-Russja, huwa importanti li titqies u titfassal id-difiża ta' Ewropa libera b'mod olistiku billi tinkorpora l-oqsma kritiċi kollha, fosthom id-difiża, il-kooperazzjoni internazzjonali, il-midja u l-infrastruttura ċivili kritika, it-teknoloġija, il-ktajjen tal-provvista u l-enerġija;

AG.  billi l-Unjoni qiegħda tesperjenza l-aktar theddida diretta għas-sigurtà territorjali tagħha minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija; billi l-kriżi attwali wriet il-ħtieġa għal diskussjoni dwar il-baġit tal-UE, b'mod partikolari minħabba d-diskussjoni li għaddejja dwar liema tip ta' tagħmir jew appoġġ militari jista' jiġi pprovdut mill-Unjoni;

AH.  billi d-diżinformazzjoni u l-propaganda jridu jiġu miġġielda b'mod urġenti, legalment u teknikament, speċjalment fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali tal-UE fil-Balkani tal-Punent u fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant;

AI.  billi l-Boxxla Strateġika ġiet adottata mill-Kunsill f'Marzu 2022; billi l-Boxxla Strateġika għandha l-għan li tagħti lill-Unjoni l-għodod biex tkun fornitur effettiv tas-sigurtà f'ambjent ostili u attur globali aktar assertiv għall-paċi u s-sigurtà tal-bniedem;

AJ.  billi l-inizjattivi kollha tal-UE li għandhom l-għan li jsaħħu d-difiża Ewropea għandhom jiġu aġġornati regolarment f'konformità mas-sejbiet tal-Boxxla Strateġika u r-reviżjonijiet futuri tal-analiżi tat-theddid;

AK.  billi kwalunkwe riżorsa addizzjonali allokata biex tintlaħaq il-mira ta' nfiq ta' 2 % tal-PDG fuq id-difiża għandha tintuża b'mod koordinat u kooperattiv, filwaqt li jsir użu sħiħ mill-istrumenti tad-difiża tal-UE biex jingħelbu n-nuqqasijiet fil-kapaċitajiet u tissaħħaħ id-difiża Ewropea;

AL.  billi l-użu sħiħ tal-isforzi biex jiġu żviluppati kapaċitajiet konġunti ta' difiża tal-UE, b'mod partikolari l-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) u l-Fond Ewropew għad-Difiża (FEŻ), ser jgħin biex bl-istess mod tiżdied is-sigurtà tal-alleati tan-NATO u tal-Istati Membri;

AM.  billi l-Istati Membri għandhom jevitaw azzjonijiet mhux ikkoordinati li jistgħu jkomplu jaggravaw il-frammentazzjoni u d-duplikazzjoni fil-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża tal-Unjoni, u b'hekk jagħmlu użu aħjar mill-flus tal-kontribwenti;

AN.  billi l-infurzar tas-sanzjonijiet jibqa' wieħed mill-elementi ewlenin fis-sett ta' għodod li l-Unjoni għandha fil-ġlieda kontra l-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, u billi għaldaqstant iridu jkunu disponibbli l-mezzi kollha fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri biex jiġi żgurat li s-sanzjonijiet jiġu infurzati bis-sħiħ; billi l-Kunsill aġixxa malajr u b'mod magħqud u s'issa adotta ħames pakketti ta' sanzjonijiet kontra r-Russja minħabba l-gwerra tagħha fl-Ukrajna, inklużi sanzjonijiet individwali bħall-iffriżar tal-assi u r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, sanzjonijiet ekonomiċi mmirati lejn is-setturi finanzjarji, tal-kummerċ, tal-enerġija, tat-trasport, tat-teknoloġija u tad-difiża, ir-restrizzjonijiet tal-midja, il-miżuri diplomatiċi, ir-restrizzjonijiet fuq ir-relazzjonijiet ekonomiċi mal-Krimea u Sevastopol u ż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern ta' Donetsk u Luhansk, u miżuri li jikkonċernaw il-kooperazzjoni ekonomika;

AO.  billi l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna qed ikollha konsegwenzi sekondarji li qegħdin ikollhom impatt fuq il-livell makro tar-relazzjonijiet internazzjonali, l-alleanzi globali, il-produzzjoni industrijali u l-ktajjen tal-provvista, u b'hekk qegħdin ikollhom impatt fuq is-sigurtà tal-ikel u l-għajxien tan-nies;

AP.  billi r-Repubblika Popolari taċ-Ċina, permezz tad-dikjarazzjonijiet u l-atti tagħha, qiegħda turi appoġġ u simpatija għall-pożizzjoni tar-Russja, tippromwovi n-narrattiva u l-gideb ovvju tar-Russja u turi nuqqas ta' rieda li tapprova bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna;

AQ.  billi l-PESK hija abbozzata u implimentata mill-Kunsill Ewropew u mill-Kunsill, li jaġixxu b'mod unanimu, ħlief fejn it-Trattati jipprevedu eċċezzjonijiet bħal fl-Artikolu 24 tat-TUE;

AR.  billi l-Parlament, bħala rappreżentanza diretta taċ-ċittadini tal-UE fil-livell tal-Unjoni, għandu rwol uniku fl-istituzzjonijiet tal-UE u għandu rwol ċentrali biex jiżgura li t-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, inkluż fil-qasam tal-politika barranija, ikun allinjat max-xewqat taċ-ċittadini, kif iddikjarat fir-rapport finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa;

1.  Jirrakkomanda lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà:

   (a) li jtennu appoġġ b'saħħtu għall-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna skont il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment; li jipprovdu l-għajnuna materjali, militari, finanzjarja u umanitarja kollha meħtieġa lill-Ukrajna, u jippreparaw biex jikkontribwixxu kemm jista' jkun għall-bini mill-ġdid tal-pajjiż wara l-gwerra, peress li d-demokrazija u l-libertà huma dipendenti fuq il-prosperità u l-istabbiltà ekonomika; li jistabbilixxu b'mod urġenti strument legali li jippermetti li jiġu kkonfiskati assi u fondi Russi ffriżati u jintużaw bħala reparazzjonijiet u għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna;
   (b) li jibnu fuq id-determinazzjoni u l-għaqda murija fil-bidu tal-gwerra tal-Ukrajna u jwettqu b'mod urġenti l-livell konġunt ta' ambizzjoni tagħhom; li jagħmlu progress ġenwin fil-politika barranija u l-kooperazzjoni għad-difiża fil-livell tal-Unjoni, kif espress fid-Dikjarazzjoni ta' Versailles u fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 u tal-25 ta' Marzu 2022;
   (c) li jaqblu li l-VP/RGħ għandu jkun preżenti ex officio f'formati ta' negozjar mibdija jew immexxija mill-Istati Membri tal-UE;
   (d) li jintroduċu votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata f'ċerti oqsma tal-politika barranija, kif diġà previsti mit-Trattati, pereżempju l-adozzjoni ta' reġimi ta' sanzjonijiet personali tal-UE, u jistinkaw biex jestendu l-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata għall-politika barranija fil-Kunsill, sabiex tiżdied l-effikaċja tal-politika barranija tal-UE;
   (e) li jiżguraw li l-Istati Membri jaderixxu mal-prinċipji tat-Trattati, speċjalment l-Artikolu 24 TUE, li jgħid li "l-Istati Membri għandhom isostnu l-politika esterna u ta' sigurtà tal-Unjoni attivament u mingħajr riżerva fi spirtu ta' lealtà u solidarjetà reċiproka";
   (f) li jagħmlu progress rapidu fl-istabbiliment ta' unjoni tad-difiża b'objettivi aktar ambizzjużi fuq terminu qasir, medju u twil billi jimplimentaw l-azzjonijiet konkreti stabbiliti fil-Boxxla Strateġika, li jservu bħala punt tat-tluq għall-implimentazzjoni tad-difiża komuni tal-UE, skont id-dispożizzjoni stabbilita fl-Artikolu 42(2) tat-TUE;
   (g) li jintensifikaw il-kooperazzjoni ma' sħab tal-istess fehma madwar id-dinja, speċjalment mal-alleati trans-Atlantiċi tan-NATO, sabiex tinżamm l-aktar unità b'saħħitha possibbli fid-difiża tal-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, u b'hekk jiġu promossi u difiżi l-paċi, il-prinċipji demokratiċi u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u jiġi żgurat li d-dipendenzi ekonomiċi ma jkollhomx prevalenza fuq id-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u l-valuri li tirrappreżenta l-Unjoni; li jenfasizzaw, b'mod partikolari, tali kooperazzjoni ma' pajjiżi fin-Nofsinhar Globali u jużaw il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-istrateġija ta' gateway globali għal dak il-għan; li jenfasizzaw il-ħtieġa għal kooperazzjoni internazzjonali rigward it-tħassib dwar is-sigurtà tal-ikel;
   (h) li jistabbilixxu kunsill regolari tal-ministru għad-difiża tal-UE;
   (i) li jagħmlu l-awtonomija strateġika tal-Unjoni għan ġenerali fl-oqsma kollha u approċċ fundamentali u olistiku għall-politika estera, ta' sigurtà u ta' difiża u l-azzjoni esterna tagħha, li jagħtuha l-kapaċità taġixxi waħedha meta jkun meħtieġ u mas-sħab meta jkun possibbli u għaldaqstant tkun tista' taqdi rwol importanti fix-xena internazzjonali; li joħolqu għodod biex tiġi miġġielda l-koerċizzjoni ekonomika u biex jinkisbu, malajr kemm jista' jkun, is-sovranità tal-ikel u s-sigurtà sħiħa tal-provvisti tal-enerġija biex jitnaqqsu d-dipendenzi tal-enerġija; li jiżguraw ukoll li l-ktajjen tal-provvista jkunu diversifikati biex jikkumbattu d-dipendenzi strateġiċi fuq il-materja prima; li jiżguraw, f'dan il-kuntest, li jkun hemm ukoll reċiproċità fl-investiment u fil-politika kummerċjali;
   (j) li jaħdmu ma' alleati u sħab biex jindirizzaw il-konsegwenzi sekondarji tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, inkluża s-sigurtà tal-ikel f'pajjiżi li mhumiex fl-UE, b'mod partikolari fil-viċinat tal-Unjoni;
   (k) li jiġġieldu u jopponu l-propaganda u l-kampanji ta' diżinformazzjoni fl-Unjoni u fil-viċinat tagħha u jagħtu spinta lill-kooperazzjoni mas-sħab fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali tal-UE u madwar id-dinja, inkluż billi jistabbilixxu b'mod urġenti l-kapaċitajiet legali u tekniċi meħtieġa biex isir dan, biex hekk jiġi miġġieled l-indħil barrani malizzjuż, bħal dak tar-Russja qabel u matul il-gwerra tagħha ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna; li jsaħħu l-kapaċitajiet tat-Task Force East StratCom tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna; li jkollhom politika ta' komunikazzjoni proattiva, multilingwi u strateġika;
  

Dwar is-segwitu għall-adozzjoni tal-Boxxla Strateġika

   (l) li jisiltu tagħlimiet mill-użu tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi sabiex jappoġġjaw lill-Ukrajna, itejbu l-kapaċità tagħha li taġixxi u jibnu fuq il-mekkaniżmu ta' koordinament, li ġie implimentat għall-ewwel darba matul il-kriżi fl-Ukrajna; li jikkunsidraw li jtejbu l-Faċilità Ewropea għall-Paċi għall-bqija tal-perjodu finanzjarju 2021–2027; li jikkunsidraw modi biex isaħħu s-sigurtà u r-reżiljenza tas-sħab assoċjati tal-UE billi jużaw il-possibbiltajiet li fetħet il-Boxxla Strateġika u jżidu l-assistenza lill-Georgia u lill-Moldova fil-qafas tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi;
   (m) li jniedu b'mod urġenti diskussjoni bil-ħsieb li tiġi stabbilita faċilità finanzjarja oħra barra mill-baġit li tindirizza ċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-kapaċitajiet militari fil-livell tal-UE, bħal għar-RuŻ u l-akkwist konġunt, il-manutenzjoni konġunta, it-taħriġ u s-sigurtà tal-provvista;
   (n) li jsaħħu u jaġġornaw b'mod sinifikanti l-kondiviżjoni u l-kooperazzjoni tal-intelligence fost l-Istati Membri, inkluż fil-livell tal-Unjoni, u ma' sħab tal-istess fehma; li jtejbu r-riżorsi u l-kapaċitajiet finanzjarji u tekniċi taċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-UE u tad-Direttorat tal-Intelligence tal-Persunal Militari tal-Unjoni Ewropea; li jinvolvu ruħhom f'aġġornamenti sistematiċi, regolari u frekwenti tal-analiżi tat-theddid, kif ittieħed impenn favuru fil-Boxxla Strateġika; jisħqu li l-analiżi tat-theddid għandha ssaħħaħ il-kultura strateġika tal-Unjoni u tipprovdi gwida dwar il-prijoritizzazzjoni tal-objettivi ta' politika fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża;
   (o) li jagħtu finanzjament permanenti tal-Unjoni liċ-Ċentru Satellitari tal-UE biex ikun jista' jibqa' jagħti l-kontribuzzjonijiet tiegħu għall-azzjonijiet tal-Unjoni fl-oqsma tal-immaġnijiet spazjali u l-ġbir ta' intelligence, inkluż b'appoġġ għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK;
   (p) li jaħdmu malajr fuq l-implimentazzjoni tal-aspetti l-aktar urġenti tal-Boxxla Strateġika, inkluż l-operazzjonalizzazzjoni ulterjuri tal-Artikolu 42(7) tat-TUE b'kont meħud tal-qafas kostituzzjonali speċifiku u l-arranġamenti ta' sigurtà tal-Istati Membri kollha, u jieħdu passi konkreti biex issaħħu r-reżiljenza tal-infrastruttura kritika fl-Unjoni, itejbu s-sigurtà tal-provvista, jiksbu impenji preċiżi u sodi mill-Istati Membri fir-rigward ta' nfiq aħjar għad-difiża u sforzi konġunti biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fil-kapaċitajiet, b'mod partikolari fil-qasam tal-faċilitaturi strateġiċi, it-taħriġ konġunt u l-edukazzjoni militari, iżidu l-isforzi biex tingħata spinta lill-komunikazzjoni strateġika, u jsaħħu s-sett ta' għodod biex jiġi indirizzat it-theddid ibridu u ċibernetiku u biex tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni; li jiżviluppaw aktar il-politika tal-Unjoni dwar iċ-ċiberdifiża; li jaħdmu biex jistabbilixxu attribuzzjoni kollettiva għal attakki ċibernetiċi malizzjużi; li jagħmlu użu sħiħ mir-reġimi ta' sanzjonijiet ċibernetiċi tal-UE kontra individwi, entitajiet u korpi responsabbli għad-diversi attakki ċibernetiċi mmirati lejn l-Ukrajna jew li huma involuti fihom; li jtejbu l-protezzjoni u s-sigurtà tal-istituzzjonijiet fl-Unjoni kontra l-attakki ċibernetiċi, fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri; li jsaħħu b'mod urġenti l-kapaċitajiet taċ-ċiberdifiża tal-korpi li għandhom rwol strateġiku fir-rispons immedjat għall-kunflitti;
   (q) li javvanzaw il-ħidma biex tiġi abbozzata u operazzjonalizzata l-proposta għal strument ta' kapaċità ta' skjerament rapidu, u minħabba l-importanza sinifikanti tagħha għall-arkitettura tas-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni, dan jilħaq kapaċità operazzjonali ħafna aktar qabel l-2025;
   (r) li jirrevedu b'urġenza l-kunċett tal-kapaċità ta' skjerament rapidu, li mhuwiex ambizzjuż biżżejjed, u terġa' tfassal l-istruttura kumplessa tiegħu li ma tirrispondix b'mod adegwat għall-ħtieġa urġenti tal-Unjoni li jkollha unità militari multinazzjonali permanenti affidabbli ħafna li jeħtiġilha tinkludi brigata tal-art multinazzjonali ta' madwar 5 000 truppa u komponenti tal-ajru, marittimi u tal-forzi speċjali, u li l-elementi ewlenin tagħha jeħtiġilhom ikunu lesti li jiċċaqilqu fi żmien jumejn jew tlett ijiem;
   (s) li jiċċaraw, bħala kwistjoni ta' urġenza, kif l-Artikolu 44 TUE ser jiġi implimentat fil-prattika biex tiżdied il-flessibbiltà tal-PSDK billi grupp ta' Stati Membri, li huma lesti u kapaċi, jitħallew jippjanaw u jwettqu missjonijiet u operazzjonijiet taħt il-qafas tal-UE f'isem l-Unjoni kollha;
   (t) li jfittxu li jdaħħlu lir-Renju Unit f'qafas għal kooperazzjoni komuni dwar kwistjonijiet ta' difiża u ta' politika barranija permezz taż-żieda ta' dispożizzjonijiet rilevanti fil-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit, biex hekk jiġu massimizzati l-possibbiltajiet għall-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit;
   (u) li jaħdmu malajr lejn l-istabbiliment ta' kwartieri ġenerali militari tal-UE, li jiffunzjona b'mod sħiħ, billi jitwaħħdu l-istruttura tal-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija u d-Direttorat tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija biex jinħoloq kwartieri ġenerali operazzjonali ċivili-militari komplut, b'kont meħud tal-ambjent tas-sigurtà l-ġdid;
   (v) li jistabbilixxu ċentru konġunt ta' għarfien tas-sitwazzjoni, li jkun għodda kruċjali għat-titjib tal-prospettiva strateġika u tal-awtonomija strateġika tal-Unjoni;
   (w) li jagħmlu użu sħiħ mill-inizjattivi tal-UE għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet, b'mod partikolari l-FEŻ u l-PESCO, biex jimlew mill-ġdid ir-riżervi militari tal-Istati Membri u jsaħħu l-kapaċitajiet ta' difiża tal-Unjoni, inkluż id-difiża mill-ajru u mill-missili, filwaqt li jżidu l-effiċjenza tal-PESCO; li jirrikonoxxu l-valur miżjud ta' aktar kooperazzjoni ma' pajjiżi tal-istess fehma dwar ċerti proġetti konkreti f'dan il-kuntest;
   (x) li jsaħħu b'mod sinifikanti l-PSDK ċivili f'termini ta' persunal disponibbli, taħriġ ta' qabel l-iskjerament, integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-baġit tagħha, u jiżguraw li l-missjonijiet tagħha jiffokaw primarjament fuq il-ħtiġijiet tas-sigurtà, il-ġustizzja u l-istat tad-dritt tal-popolazzjoni lokali, u li sorveljanza parlamentari b'saħħitha fuq is-settur tas-sigurtà ċivili u t-trasparenza jiġu inkorporati biex il-modernizzazzjoni u r-riformi jsiru aktar sostenibbli;
   (y) li jżidu b'mod sinifikanti l-investiment fil-kontroll, in-nonproliferazzjoni u d-diżarm reġjonali u globali tal-armi, b'mod partikolari b'approċċi multilaterali li jnaqqsu t-tixrid tal-armi ta' qerda massiva u l-mezzi ta' kunsinna tagħhom;
   (z) li jappoġġjaw il-ħidma kruċjali tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika biex tiżgura s-sikurezza tal-faċilitajiet nukleari fl-Ukrajna; li jsaħħu l-arkitettura globali tan-nonproliferazzjoni, id-diżarm u l-kontroll tal-armi ta' qerda massiva; li jkomplu jsaħħu l-kapaċità ta' tħejjija tas-setturi kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari tagħhom;
   (aa) li jħeġġu lill-Kummissjoni tippreżenta, mingħajr dewmien, reġim ta' sigurtà tal-provvista għad-difiża kif mitlub mill-Kunsill Ewropew fl-2013, u li saret kwistjoni tal-akbar urġenza minħabba s-sitwazzjoni attwali tas-sigurtà;
   (ab) li jtejbu l-inklużjoni tan-nisa u l-gruppi emarġinati fil-prevenzjoni tal-kunflitti, ir-riżoluzzjoni, il-medjazzjoni u n-negozjati għall-paċi fl-oqsma kollha, u jagħtu attenzjoni speċifika lill-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa, il-bniet u l-gruppi emarġinati fil-PESK u l-PSDK, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt;
  

Dwar l-impatt fuq il-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK

   (ac) li jirrieżaminaw u jsaħħu, jekk meħtieġ u mingħajr dewmien, il-mandat tal-EUAM Ukraine u tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntieri (EUBAM) għall-Moldova u l-Ukrajna, skont il-ħtiġijiet espressi mill-awtoritajiet tal-Ukrajna u tal-Moldova, biex jadattaw għar-realtà ġeopolitika l-ġdida u jappoġġjaw minnufih u b'mod effiċjenti lill-awtoritajiet tal-Ukrajna u tal-Moldova;
   (ad) li jaħdmu biex jiżguraw it-tiġdid tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li jippermettu li l-operazzjonijiet tal-PSDK iwettqu kompiti kritiċi għas-sigurtà globali;
   (ae) li jtejbu l-ġenerazzjoni tal-forzi u jsaħħu l-persunal, il-kapaċità ta' rispons, ir-riżorsi u l-komunikazzjoni strateġika għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet kollha tal-PSDK, b'mod partikolari dawk affettwati mix-xenarju ta' theddid deterjorat, partikolarment il-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-UE fil-Georgia u l-Operazzjoni ALTHEA fil-Bożnija-Ħerzegovina, fejn fil-każ ta' din tal-aħħar jiġu żgurati disponibbiltà u prontezza adegwati ta' riżervi suffiċjenti fil-każ li s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Bożnija-Ħerzegovina tiddeterjora;
   (af) li jtejbu l-kapaċità tal-intelligence tal-operazzjonijiet tal-PSDK fuq il-post u jirrafforzaw l-għarfien tas-sitwazzjoni;
   (ag) li jsaħħu r-reżiljenza tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK fuq il-post kontra attakki ċibernetiċi u ibridi, bħal kampanji ta' diżinformazzjoni mfassla biex jagħmlu ħsara lill-kredibbiltà tagħhom f'għajnejn il-popolazzjonijiet lokali;
   (ah) li jitolbu li l-pajjiżi fejn hemm skjerati l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK tal-UE jappoġġjaw il-bini tal-kapaċità għal dawk il-missjonijiet u l-operazzjonijiet biex ikunu jistgħu jintemmu l-kuntratti tagħhom ma' kumpaniji privati tas-sigurtà militari li huma allegatament involuti fi ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
  

Dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO

   (ai) li jiffinalizzaw b'mod rapidu l-ħidma fuq it-tielet Dikjarazzjoni Konġunta UE-NATO u jiżguraw li l-objettivi u l-prijoritajiet tal-Boxxla Strateġika jitqiesu kif xieraq fl-abbozzar tal-Kunċett Strateġiku tan-NATO u sussegwentement adottat fis-Summit ta' Madrid; li jiżguraw li l-Boxxla Strateġika u l-kunċett strateġiku tan-NATO jkunu allinjati u jwasslu għal żieda fil-komplementarjetà strateġika;
   (aj) li jżidu b'mod sinifikanti l-finanzjament u jaċċeleraw l-implimentazzjoni tal-proġetti relatati mal-proġett kruċjali tal-mobbiltà militari f'kooperazzjoni mill-qrib man-NATO; li jissottolinjaw l-importanza kruċjali li tittejjeb l-infrastruttura tat-trasport tal-Ewropa u li jiġu ssimplifikati l-proċeduri doganali biex it-truppi jkunu jistgħu jiġu skjerati madwar l-Ewropa b'mod f'waqtu;
   (ak) li jimpenjaw ruħhom fl-Unjoni u man-NATO, ma' pajjiżi rilevanti li mhumiex fl-UE u mal-Ukrajna nnifisha biex jiddiskutu l-garanziji tas-sigurtà għall-Ukrajna;
   (al) li jħeġġu lill-Istati Membri tal-UE jżidu l-baġits u l-investimenti tad-difiża tagħhom u jirrikonoxxu l-mira tan-NATO ta' nefqa ta' 2 % tal-PDG fuq id-difiża, biex jitneħħew il-lakuni eżistenti fil-kapaċitajiet u tiġi żgurata protezzjoni xierqa għar-residenti tal-UE minħabba ż-żieda fit-theddida militari fil-viċinat immedjat tal-Unjoni maħluqa mir-Russja;
   (am) li jinkoraġġixxu lin-NATO żżid aktar il-preżenza avvanzata msaħħa tagħha fl-Istati Membri tal-UE li huma ġeografikament l-eqreb tal-aggressur Russu u tal-kunflitt;
  

Dwar it-tkabbir u r-relazzjonijiet ma' pajjiżi fil-viċinat Ewropew

   (an) li jirrikonoxxu li l-integrazzjoni Ewropea tal-Balkani tal-Punent hija essenzjali għall-istabbiltà u s-sigurtà fit-tul tal-Unjoni Ewropea, u huwa għalhekk li l-Parlament irid jagħti lil dawk il-pajjiżi prospett kredibbli li jissieħbu fl-UE; li jappellaw għal assistenza politika u ekonomika akbar, flimkien ma' kooperazzjoni aktar mill-qrib għall-kummerċ u s-sigurtà, mas-sħab tal-Unjoni fil-Balkani tal-Punent u fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, inkluż fl-oqsma ta' gwerra kimika, bijoloġika, radjoloġika u nukleari, iċ-ċibersigurtà u r-reżiljenza ta' entitajiet kritiċi, bħala parti mill-politika Ewropea tal-viċinat;
   (ao) li jirrieżaminaw l-politika Ewropea tal-viċinat bil-għan li jiġi vvalutat bir-reqqa l-impatt li l-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna għandha fuq il-kooperazzjoni fi ħdan is-Sħubija tal-Lvant; li jiżviluppaw, barra minn hekk, proposti dwar kif jistgħu jkomplu jissaħħu r-rabtiet mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant f'kuntest ikkaratterizzat minn aggressjoni militari diretta u theddid tanġibbli ieħor għas-sigurtà, kampanji mmirati ta' diżinformazzjoni u l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-konfrontazzjoni mar-Russja, inkluż għall-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Moldova u l-Georgia u l-progress kontinwat ta' riformi relatati;
   (ap) li jsaħħu l-preżenza diplomatika u l-impenn tal-Unjoni f'pajjiżi li juru interess f'kooperazzjoni msaħħa mal-Unjoni, b'mod partikolari l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u dawk fil-Balkani tal-Punent, u f'pajjiżi fejn l-indħil Russu jhedded l-istabbiltà, is-sigurtà jew il-perkors demokratiku tagħhom;
   (aq) li jsaħħu b'mod urġenti l-istrateġija tat-tkabbir tal-Unjoni filwaqt li jiżguraw li l-politika tat-tkabbir, il-prospetti tal-adeżjoni u l-proċess tal-adeżjoni jikkontribwixxu għat-tisħiħ tas-sigurtà u l-istabbiltà, id-demokrazija u l-istat tad-dritt flimkien mal-prosperità ekonomika u soċjali, filwaqt li jżommu l-kredibbiltà, il-koerenza u l-effikaċja tal-azzjoni tal-UE u l-koeżjoni interna tal-UE;
  

Dwar l-iskrutinju parlamentari

   (ar) li jinvolvu lill-Parlament fl-implimentazzjoni u l-iskrutinju ulterjuri xierqa tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi, li hija strument barra l-baġit; li jiżguraw li l-Parlament ikun involut b'mod sinifikanti fl-iskrutinju, l-implimentazzjoni u r-rieżami regolari tal-Boxxla Strateġika; li jrawmu skambji mal-ministri nazzjonali fil-Parlament Ewropew dwar suġġetti li huma prijoritajiet attwali tal-UE; li jfakkru fir-rwol importanti tal-parlamenti nazzjonali fl-Istati Membri, jissottolinjaw ir-rwol ewlieni li l-Assemblea Parlamentari tan-NATO jista' jkollha u jappellaw għal tisħiħ ulterjuri tar-relazzjonijiet tal-Parlament mal-Assemblea Parlamentari tan-NATO;
   (as) li jissostitwixxu d-dikjarazzjoni unilaterali dwar ir-responsabbiltà politika bi ftehim bilaterali mal-VP/RGħ, li tistabbilixxi l-aspetti kollha tar-relazzjoni tagħhom;
  

Dwar kwistjonijiet baġitarji

   (at) li jkollhom l-objettiv li l-Parlament ikollu funzjoni baġitarja komprensiva fil-politika ta' sigurtà u ta' difiża estera, bħalma jipprevedu l-Artikoli 14(1), 16(1) u 41 tat-TUE, b'mod partikolari għal deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikoli 42(2), 45 u 46 tat-TUE;
   (au) li jħeġġu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jonoraw ir-rieda politika espressa permezz tad-Dikjarazzjoni ta' Versailles, u jappoġġjaw bis-sħiħ u jsaħħu l-livell ta' ambizzjoni tal-komunikazzjoni konġunta tat-18 ta' Mejju 2022 dwar id-diskrepanzi fl-investimenti fid-difiża u l-approċċ futur, sabiex jingħalqu malajr id-diskrepanzi identifikati f'din il-komunikazzjoni u mir-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża filwaqt li jiġi żgurat valur miżjud Ewropew reali; b'hekk jagħmlu valutazzjonijiet xierqa tal-mezzi finanzjarji komuni tal-Unjoni u tal-istrumenti meħtieġa għal politika ta' sigurtà u ta' difiża tal-UE aktar effettiva u kredibbli, filwaqt li jappoġġjaw il-possibbiltajiet għal sinerġiji ma' fondi oħra tal-UE, bħal li l-FEŻ jiġi kkomplementat b'task force ta' akkwist konġunt u mekkaniżmu ta' akkwist konġunt li b'hekk isaħħu s-sigurtà tal-Istati Membri tal-UE u jipprovdu sigurtà adegwata lil kulħadd fl-Unjoni;
   (av) li jagħmlu użu sħiħ mill-possibbiltajiet għall-finanzjament mill-baġit tal-Unjoni previsti fit-Trattati, kif propost fil-komunikazzjoni konġunta dwar id-diskrepanzi fl-investimenti fid-difiża u l-approċċ futur, biex jiffaċilitaw u jwettqu reviżjoni tal-possibbiltajiet għal finanzjament fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali bil-ħsieb li jiġu pprovduti l-fondi miżjuda meħtieġa għall-istrumenti tal-UE u l-inizjattivi rilevanti tal-UE fil-qasam tad-difiża; li jsaħħu l-FEŻ u jżidu l-għadd u r-rilevanza tal-proġetti kollaborattivi tal-industrija tad-difiża; li jnaqqsu l-piż burokratiku fuq il-kumpaniji li japplikaw għal sejħiet għall-offerti, speċjalment l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju; li jespandu l-Faċilità Ewropea għall-Paċi u l-proġett tal-Mobbiltà Militari; li jiffaċilitaw il-finanzjament tal-ġenerazzjoni tal-forzi għall-operazzjonijiet tal-PSDK, l-iskjeramenti militari u l-eżerċizzji diretti; u jimplimentaw malajr il-miżuri proposti bħala l-kontribut tal-Kummissjoni għad-difiża Ewropea;
   (aw) li jiżguraw li l-proposta tal-baġit għall-2023 tinkludi finanzjament xieraq għall-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, iċ-Ċentru Satellitari tal-UE, il-PESCO, il-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE prevista taħt il-baġit tal-PESK u, taħt dak l-istess titolu u taħt titoli oħra kif xieraq, il-finanzjament għall-inċentivi msemmija hawn fuq f'konformità mat-Trattati;
   (ax) li jissemplifikaw u jikkoordinaw l-isforzi mħabbra mill-Istati Membri biex iżidu l-infiq fuq id-difiża, u jiżviluppaw malajr il-pjan konġunt bejn il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex l-UE takkwista b'mod konġunt sistemi militari, biex jintlaħaq l-aħjar livell ta' konsistenza u impatt għas-sigurtà kollettiva u d-difiża territorjali tal-Ewropa, bil-ħsieb li jiġu evitati duplikazzjoni u frammentazzjoni;
   (ay) li jtejbu l-possibbiltajiet ta' finanzjament għall-industrija tad-difiża Ewropea billi t-tagħmir militari jitneħħa mil-lista ta' attivitajiet esklużi tal-Bank Ewropew tal-Investiment;
  

Dwar l-Ukrajna

   (az) li jipprovdu, mingħajr dewmien, armi f'konformità mal-ħtiġijiet espressi mill-awtoritajiet Ukreni, b'mod partikolari bl-użu tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi u l-mekkaniżmu tal-kamra tal-ikklerjar, u fl-ambitu tal-ftehimiet bilaterali tal-Istati Membri mal-Ukrajna;
   (ba) li jirrikonoxxu li d-Dikjarazzjoni ta' Versailles tagħraf l-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Ukrajna u l-applikazzjoni tagħha għal sħubija fl-UE u tingħata status ta' kandidat għall-UE bħala sinjal politiku ċar ta' solidarjetà mal-poplu tal-Ukrajna;
   (bb) li jirrafforzaw il-fatt li l-Ukrajna, bħal kwalunkwe pajjiż ieħor, għandha d-dritt sovran li tiddeċiedi waħedha dwar l-alleanzi politiċi u l-integrazzjoni ekonomika tagħha, mingħajr ndħil minn pajjiżi terzi;
   (bc) li jappoġġjaw l-investigazzjoni ta' delitti tal-gwerra mwettqa mir-Russja fl-Ukrajna, inkluż billi jappellaw għal tribunal speċjali tan-NU; li jiżguraw li l-awturi ta' delitti tal-gwerra u ksur tad-drittijiet tal-bniedem jinżammu responsabbli u jappellaw lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha biex jassistu lill-Ukrajna fl-investigazzjonijiet internazzjonali tagħha dwar id-delitti tal-gwerra;
  

Dwar is-sanzjonijiet

   (bd) li jiżguraw monitoraġġ komprensiv tas-sanzjonijiet tal-UE u l-implimentazzjoni tagħhom u joħorġu gwida lill-Istati Membri dwar kif jimplimentaw u jinfurzaw kif xieraq dawk is-sanzjonijiet; li jippromulgaw sanzjonijiet sekondarji fuq entitajiet u pajjiżi mhux tal-UE li jiffaċilitaw b'mod attiv l-evażjoni tas-sanzjonijiet tal-Unjoni kontra r-Russja; li jaħdmu ma' sħab internazzjonali biex jistudjaw fid-dettall l-impatt s'issa tas-sanzjonijiet fuq ir-Russja; li jikkomunikaw ma' pajjiżi mhux tal-UE u speċjalment ma' pajjiżi kandidati tal-UE u jħeġġu aktar allinjament mal-miżuri restrittivi tal-UE;
   (be) li isaħħu l-kapaċità tal-Kummissjoni li timplimenta miżuri restrittivi u kull ġimgħa jippubblikaw statistika ewlenija;
   (bf) li jindirizzaw il-livelli differenti ta' implimentazzjoni ta' sanzjonijiet immirati kontra individwi marbuta mal-Kremlin madwar l-Istati Membri u jinfluwenzaw lil dawk l-Istati Membri li għadhom m'għamlux hekk ħalli jagħtu l-assistenza militari, finanzjarja u umanitarja kollha meħtieġa lill-Ukrajna u jimponu embargo sħiħ fuq l-importazzjonijiet ta' gass, żejt u faħam mir-Russja fl-UE;
   (bg) li jibagħtu offensiva diplomatika fl-istati kollha li astjenew jew ivvotaw kontra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU biex jispjegaw il-gravità tal-aggressjoni Russa u l-ħtieġa għal rispons unanimu mill-komunità internazzjonali;
   (bh) li jsegwu approċċ olistiku fir-rigward tal-Federazzjoni Russa u jabbandunaw kwalunkwe impenn selettiv ma' Moska fid-dawl tal-atroċitajiet u d-delitti tal-gwerra orkestrati mill-elit politiku tar-Russja u mwettqa mit-truppi Russi, u mill-alleati u l-merċenarji tagħhom fl-Ukrajna u bnadi oħra; li jżommu responsabbli lid-deċiżuri responsabbli għal dawn l-atti u jressquhom quddiem il-ġustizzja internazzjonali;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

(1) Testi adottati, P9_TA(2022)0039.
(2) Testi adottati, P9_TA(2022)0040.
(3) ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14.
(4) ĠU C 263, 25.7.2018, p. 125.
(5) Testi adottati, P9_TA(2022)0121.
(6) Testi adottati, P9_TA(2022)0099.
(7) Testi adottati, P9_TA(2022)0052.
(8) ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3.
(9) ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10.

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Settembru 2022Avviż legali - Politika tal-privatezza