Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2022/2700(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0310/2022

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

CRE 08/06/2022 - 16.3
PV 09/06/2022 - 6.1

Testi adottati :

P9_TA(2022)0237

Testi adottati
PDF 148kWORD 49k
Il-Ħamis, 9 ta' Ġunju 2022 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xinjiang, inklużi x-Xinjiang police files
P9_TA(2022)0237RC-B9-0310/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2022 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xinjiang, inklużi x-Xinjiang police files (2022/2700(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rapporti preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċina, b'mod partikolari dawk tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar ix-xogħol furzat u s-sitwazzjoni tal-Ujguri fir-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang(1) u tad-19 ta' Diċembru 2019 dwar is-sitwazzjoni tal-Ujguri fiċ-Ċina (China-cables)(2),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1998(3) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1999 tas-7 ta' Diċembru 2020(4) li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 36 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li jiggarantixxi liċ-ċittadini kollha d-dritt għal-libertà tat-twemmin reliġjuż, u l-Artikolu 4 tagħha, li jiddefendi d-drittijiet tal-minoranzi etniċi,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt għandhom ikunu fil-qalba tar-relazzjonijiet tal-UE maċ-Ċina, f'konformità mal-impenn tal-UE li tiddefendi dawn il-valuri fl-azzjoni esterna tagħha u mal-impenn taċ-Ċina li taderixxi għalihom fl-iżvilupp u l-kooperazzjoni internazzjonali tagħha stess;

B.  billi l-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi u għadd ta' mezzi tal-media internazzjonali, inklużi l-BBC, l-El Pais ta' Spanja, il-Le Monde ta' Franza u d-Der Spiegel tal-Ġermanja, setgħu jeżaminaw ix-Xinjiang police files;

C.  billi l-awtoritajiet responsabbli Ċiniżi ċaħdu l-allegazzjonijiet ta' ksur massiv u strutturali tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xinjiang;

D.  billi x-Xinjiang police files jiddokumentaw fid-dettall – u, għall-ewwel darba, b'għadd kbir ta' ritratti – id-dimensjonijiet tar-ripressjoni sistematika, brutali u arbitrarja fir-Reġjun Awtonomu Ujgur ta' Xinjiang;

E.  billi dan il-materjal juri r-rwol infurmat, l-appoġġ attiv u l-involviment dirett tal-Gvern Ċentrali f'Beijing, inklużi Xi Jinping u Li Keqiang, u tal-uffiċjali ewlenin tar-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang biex imexxu l-politika tal-internament tal-massa fix-Xinjiang; billi d-dokumenti jindikaw ukoll l-appoġġ infurmat u attiv tal-President Xi Jinping għall-kampanji ta' "riedukazzjoni", "azzjoni ħarxa" u "deestremifikazzjoni" tax-Xinjiang, kif ukoll għal infiq kontinwu fuq faċilitajiet ta' detenzjoni u persunal addizzjonali għall-ġestjoni tal-influss ta' detenuti;

F.  billi t-Tribunal tal-Ujguri u korpi investigattivi u organizzazzjonijiet ta' riċerka kredibbli u indipendenti oħra kkonkludew li l-ksur serju u sistemiku tad-drittijiet tal-bniedem taċ-Ċina kontra l-Ujguri u popli oħra etniċi Turkiċi jammonta għal tortura, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju(5); billi l-Gvern tal-Istati Uniti u l-korpi leġiżlattivi fl-Istati Uniti, il-Kanada, ir-Renju Unit, in-Netherlands, il-Belġju, Franza, il-Litwanja, iċ-Ċekja u l-Irlanda għamlu determinazzjonijiet simili;

G.  billi mill-2017, diversi NGOs irrappurtaw ripetutament li ċ-Ċina kienet qed issegwi d-detenzjoni tal-massa tal-Ujguri, il-Każaki u gruppi etniċi oħra li huma fil-biċċa l-kbira Musulmani fix-Xinjiang;

H.  billi l-atroċitajiet kontra l-Ujguri għandhom jitqiesu fil-kuntest tal-politiki interni u esterni ripressivi u aggressivi usa' taċ-Ċina;

1.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-fatt li l-komunità Ujgura fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ġiet sistematikament oppressa minn miżuri brutali, inklużi d-deportazzjoni tal-massa, l-indottrinazzjoni politika, is-separazzjoni tal-familja, ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà reliġjuża, il-qerda kulturali u l-użu estensiv tas-sorveljanza;

2.  Jiddikjara li l-evidenza kredibbli dwar il-miżuri ta' prevenzjoni tat-twelid u s-separazzjoni tat-tfal Ujguri mill-familji tagħhom tammonta għal delitti kontra l-umanità u tirrappreżenta riskju serju ta' ġenoċidju; jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jwaqqfu l-programmi kollha sponsorjati mill-gvern ta' xogħol furzat u sterilizzazzjoni furzata tal-massa u jtemmu minnufih kwalunkwe miżura mmirata lejn il-prevenzjoni tat-twelid fil-popolazzjoni Ujgura, inklużi aborti furzati jew sanzjonijiet għal ksur tal-kontroll tat-twelid;

3.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sentenzi eċċessivi u arbitrarji ta' ħabs mogħtija bħala riżultat ta' allegazzjonijiet ta' terroriżmu jew estremiżmu li, skont x-Xinjiang police files, fisser li fl-2018 kienu qed jinżammu 22 000 persuna, li jirrappreżentaw 12 % tal-popolazzjoni adulta Ujgura tal-Kontea ta' Konasheher(6); jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-allegati akkużi ta' stupru sistematiku, abbuż sesswali u tortura tan-nisa fil-kampijiet ta' riedukazzjoni taċ-Ċina;

4.  Iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż itemm minnufih il-prattika ta' detenzjoni arbitrarja mingħajr akkuża, proċess jew kundanna għal reati kriminali mmirati kontra l-Ujguri u popli oħra etniċi Turkiċi, jagħlaq il-kampijiet u ċ-ċentri ta' detenzjoni kollha, u jeħles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lil dawk detenuti, u jerġa' jgħaqqad lit-tfal Ujguri li jitqiegħdu bil-forza f'faċilitajiet tal-imbark immexxija mill-istat, mal-ġenituri tagħhom;

5.  Ifakkar li ċ-Ċina rratifikat il-Konvenzjoni tan-NU Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra, li tipprevedi l-projbizzjoni assoluta u mhux derogabbli tat-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani u degradanti oħra;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lill-akkademiku Ujgur u lir-Rebbieħ tal-Premju Sakharov 2019 Ilham Tohti, u biex jiżguraw, sadanittant, li jkollu aċċess regolari u mingħajr restrizzjonijiet għall-familja tiegħu u għall-avukati tal-għażla tiegħu;

7.  Itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jippermettu aċċess liberu, sinifikanti u mingħajr xkiel għar-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang u aċċess mingħajr restrizzjonijiet għall-kampijiet ta' internament għal ġurnalisti indipendenti, osservaturi internazzjonali u korpi investigattivi, inkluż, b'mod partikolari, id-detenturi ta' mandat tal-Proċeduri Speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll għaċ-ċentri ta' detenzjoni, sabiex jiġu vvalutati l-allegazzjonijiet Ċiniżi li dawn ma għadhomx operattivi;

8.  Ifakkar fil-proposti biex issir sessjoni speċjali jew dibattitu urġenti tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina u dwar l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni biex jinħoloq mekkaniżmu ta' monitoraġġ u rappurtar, f'konformità ma' sejħa globali minn mijiet ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mir-reġjuni kollha;

9.  Jiddeplora l-fatt li, fil-qafas taż-żjara tagħha fiċ-Ċina u fir-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang, l-awtoritajiet Ċiniżi ma ppermettewx li l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem ikollha aċċess sħiħ għall-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ċ-ċentri ta' detenzjoni, li waqqafha milli tara l-iskala sħiħa tal-kampijiet ta' riedukazzjoni politika fix-Xinjiang; jiddispjaċih għall-fatt li l-Kummissarju tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Bachelet naqset milli żżomm lill-Gvern Ċiniż responsabbli b'mod ċar għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-Ujguri matul iż-żjara tagħha;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissarju Għoli tippubblika immedjatament ir-rapport tant mistenni dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xinjiang, abbażi tal-korp disponibbli, wiesa' u dejjem akbar ta' evidenza tal-iskala u l-gravità tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li qed jitwettaq mill-awtoritajiet Ċiniżi;

11.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jadottaw malajr sanzjonijiet addizzjonali mmirati lejn uffiċjali Ċiniżi ta' grad għoli, bħal Chen Quanguo, Zhao Kezhi, Guo Shengkun u Hu Lianhe, kif ukoll oħrajn identifikati fix-Xinjiang police files, u individwi u entitajiet oħra, li huma involuti fi ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fir-Reġjun Awtonomu Ujgur ta' Xinjiang;

12.  Jistieden lill-Kunsill jindirizza l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xinjiang fil-Kunsill Ewropew li jmiss u jħeġġeġ lill-Istati Membri tal-G7 u tal-G20 biex bl-istess mod jindirizzaw is-suġġett;

13.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jieħdu l-passi kollha meħtieġa, f'konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju, biex itemmu dawn l-atroċitajiet u jiżguraw ir-responsabbiltà għad-delitti mwettqa, inkluż permezz ta' mekkaniżmi internazzjonali ta' responsabbiltà;

14.  Jirrikonoxxi li r-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina huma dejjem aktar ikkaratterizzati minn kompetizzjoni ekonomika u rivalità sistemika; jirrikonoxxi l-fatt li l-mexxejja tal-UE qajmu l-kwistjoni tal-ksur serju fix-Xinjiang fis-summit reċenti bejn l-UE u ċ-Ċina u jenfasizza l-importanza li din il-kwistjoni tkompli titqajjem f'kull okkażjoni u fl-ogħla livelli;

15.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jidentifikaw u jimmitigaw b'mod urġenti r-riskji relatati mal-interferenza barranija Ċiniża; jikkundanna bil-qawwa l-forom kollha ta' repressjoni transnazzjonali jew tentattivi biex jitrażżnu d-dissidenti Ċiniżi jew ir-rappreżentanti tal-komunità Ujguri li jgħixu barra mill-pajjiż;

16.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jissospendu t-trattati ta' estradizzjoni tagħhom maċ-Ċina u ma' Hong Kong;

17.  Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jippermettu lill-Ujguri kollha li jixtiequ jitilqu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina biex jagħmlu dan;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi projbizzjoni fuq l-importazzjoni tal-prodotti kollha prodotti minn xogħol furzat u fuq prodotti manifatturati mill-kumpaniji Ċiniżi kollha elenkati bħala li jisfruttaw ix-xogħol furzat; itenni l-pożizzjoni tiegħu favur direttiva ambizzjuża dwar id-diliġenza dovuta dwar is-sostenibbiltà korporattiva;

19.  Itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri jivverifikaw jekk entitajiet li joperaw fis-suq intern tal-UE humiex direttament jew indirettament involuti fil-ħolqien ta' sistemi ta' sorveljanza tal-massa fix-Xinjiang, fl-operat jew fil-bini ta' faċilitajiet ta' detenzjoni għal gruppi ta' minoranza fix-Xinjiang, jew fit-twettiq ta' tranżazzjonijiet ma' kwalunkwe persuna sanzjonata għall-abbuż ta' Ujguri u gruppi ta' minoranza oħra fix-Xinjiang; jisħaq li d-determinazzjoni ta' dawn il-fatti għandha tiskatta miżuri relatati mal-kummerċ, esklużjoni mill-akkwist pubbliku u sanzjonijiet;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika taċ-Ċina.

(1) ĠU C 445, 29.10.2021, p. 114.
(2) ĠU C 255, 29.6.2021, p. 60.
(3) ĠU L 410 I, 7.12.2020, p. 1.
(4) ĠU L 410 I, 7.12.2020, p. 13.
(5) https://uyghurtribunal.com/wp-content/uploads/2021/12/Uyghur-Tribunal-Summary-Judgment-9th-Dec-21.pdf;https://14ee1ae3-14ee-4012-91cf-a6a3b7dc3d8b.usrfiles.com/ugd/14ee1a_3f31c56ca64a461592ffc2690c9bb737.pdf; https://newlinesinstitute.org/uyghurs/the-uyghur-genocide-an-examination-of-chinas-breaches-of-the-1948-genocide-convention/ https://www.ushmm.org/genocide-prevention/reports-and-resources/the-chinese-governments-assault-on-the-uyghurs
(6) https://www.washingtonpost.com/world/2022/05/24/xinjiang-michelle-bachelet-china-uyghur/

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Settembru 2022Avviż legali - Politika tal-privatezza