Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2022/2701(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0293/2022

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

CRE 08/06/2022 - 16.4
PV 09/06/2022 - 6.2

Testi adottati :

P9_TA(2022)0238

Testi adottati
PDF 136kWORD 49k
Il-Ħamis, 9 ta' Ġunju 2022 - Strasburgu
L-istrumentalizzazzjoni tal-ġustizzja bħala strument ta' repressjoni fin-Nikaragwa
P9_TA(2022)0238RC-B9-0293/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2022 dwar l-istrumentalizzazzjoni tal-ġustizzja bħala strument ta' repressjoni fin-Nikaragwa (2022/2701(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Nikaragwa, b'mod partikolari dawk tas-16 ta' Diċembru 2021(1), it-8 ta' Lulju 2021(2), it-8 ta' Ottubru 2020, id-19 ta' Diċembru 2019(3), l-14 ta' Marzu 2019(4) u l-31 ta' Mejju 2018(5),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, f'isem l-UE, tal-15 ta' Awwissu 2021, it-8 ta' Novembru 2021 u l-14 ta' Marzu 2022,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fit-48 u d-49 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u r-rapport annwali tagħha dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa tas-7 ta' Marzu 2022,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tat-23 ta' Ġunju 2021, l-20 ta' Novembru 2021 u l-11 ta' Frar 2022,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Ġunju 2004, kif aġġornati fl-2008,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Amerka Ċentrali, min-naħa l-oħra (il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali),

–  wara li kkunsidra r-regolamenti u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-1969 (il-Patt ta' San José),

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, ir-regoli standard minimi tan-NU dwar it-trattament tal-priġunieri (ir-Regoli Nelson Mandela), ir-regoli tan-NU dwar it-trattament tal-priġunieri nisa u miżuri li ma jċaħħdux il-libertà għal trasgressuri nisa (ir-Regoli ta' Bangkok) u l-Konvenzjoni ta' Vjenna,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni A/HRC/49/L.20 dwar il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa, adottata fil-31 ta' Marzu 2022 mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tan-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi minn April 2018, ir-reġim ta' Ortega-Murillo daħħal qafas ta' repressjoni statali fin-Nikaragwa, ikkaratterizzat mill-impunità sistemika għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, id-deterjorament tal-istituzzjonijiet u l-istat tad-dritt, u l-implimentazzjoni ta' strateġija orkestrata bil-konnivenza ċara tal-ġudikatura, li għandha l-għan li ssikket kwalunkwe vuċi kuntrarja;

B.  billi mill-2018 'l hawn, b'mod sistematiku u mmirat, l-awtoritajiet tan-Nikaragwa tefgħu l-ħabs, taw fastidju u intimidaw avversarji politiċi, membri tal-oppożizzjoni, studenti u mexxejja rurali, ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, rappreżentanti tan-negozju u artisti, li ripetutament iffaċċjaw theddid ta' mewt, intimidazzjoni, kampanji ta' malafama online, fastidju, sorveljanza, attakki, persekuzzjoni ġudizzjarja u ċaħda arbitrarja tal-libertà; billi, minkejja dawn il-bosta riskji, il-ġurnalisti u difensuri oħra tad-drittijiet tal-bniedem qed ikomplu jiżvolġu rwol essenzjali fil-monitoraġġ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem fin-Nikaragwa;

C.  billi, f'dawn l-aħħar snin, ir-reġim ta' Ortega-Murillo adotta u applika qafas regolatorju dejjem aktar repressiv;

D.  billi, sal-lum, skont il-Mekkaniżmu Speċjali ta' Monitoraġġ għan-Nikaragwa (MESENI), mill-inqas 182 avversarju politiku qed jinżammu l-ħabs f'kundizzjonijiet inumani li mhumiex konformi mal-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, bħar-Regoli Nelson Mandela; billi sebgħa minn dawn il-priġunieri politiċi kienu prekandidati presidenzjali għall-elezzjonijiet tal-2021; billi l-kritiċi tar-reġim tan-Nikaragwa ġew soġġetti għal abbużi sistematiċi fil-ħabs, inkluż trattament inuman, umiljanti u degradanti li jammonta għal tortura, u li wassal għall-mewt tal-priġunier politiku u eks mexxej tar-ribelli Hugo Torres, fost l-oħrajn; billi l-awtoritajiet tan-Nikaragwa taw fastidju anke lill-familji u l-qraba ta' priġunieri politiċi, li sofrew persekuzzjoni u theddid;

E.  billi n-nuqqas ta' separazzjoni tas-setgħat u l-kontroll sħiħ tal-istituzzjonijiet min-naħa tar-reġim tan-Nikaragwa wasslu biex il-ġudikatura u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku kellhom ibaxxu rashom għar-rieda tar-reġim, b'disprezz totali tal-istat tad-dritt, l-indipendenza ġudizzjarja u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u, b'hekk, tad-demokrazija, sabiex jiġi stabbilit dittatorjat fin-Nikaragwa;

F.  billi l-qrati tan-Nikaragwa taw verdetti ta' ħtija u sentenzi ħorox lil kull min esprima opinjoni kuntrarja f'seduti bil-magħluq li naqsu milli jirrispettaw garanziji bażiċi ta' proċess ġust;

G.  billi l-imħallfin u l-prosekuturi f'dawn il-proċessi kisru konsistentement l-obbligu ta' proċess ġust; billi, f'nota pubblika, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku kiser il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza;

H.  billi t-trażżin u r-repressjoni kostanti ġiegħlu eluf ta' Nikaragwani jaħarbu mill-pajjiż; billi qed jiġu osservati xejriet simili ta' repressjoni fejn l-attakki fuq il-libertà ta' espressjoni intensifikaw; billi t-theddid tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku fil-konfront ta' diversi ġurnalisti u ħaddiema tal-midja wassal biex ħafna minnhom jitilqu min-Nikaragwa biex ifittxu protezzjoni;

I.  billi fl-2022, ir-reġim ta' Ortega-Murillo pprojbixxa kważi 400 organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ u ċaħħadhom mill-istatus legali tagħhom; billi l-Knisja Kattolika kienet ukoll vittma tar-reġim ta' Ortega-Murillo, bħalma kienu, fost l-oħrajn, l-Akkademja Lingwistika tan-Nikaragwa, membri ta' komunitajiet indiġeni u gruppi minoritarji oħra;

J.  billi r-reġim ta' Ortega-Murillo kiser id-dritt internazzjonali, speċjalment il-Konvenzjoni ta' Vjenna, meta attakka l-kwartieri ġenerali u okkupa l-bini tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, li tkeċċiet min-Nikaragwa fil-25 ta' April 2022;

K.  billi, wara inizjattiva b'appoġġ qawwi organizzata mis-soċjetà ċivili, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU stabbilixxa Grupp ta' Esperti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem biex jinvestiga bir-reqqa u b'mod indipendenti kull allegat ksur u abbuż tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq minn April 2018, inkluż mil-lat ta' dimensjoni tal-ġeneru; billi kemm l-UE kif ukoll l-Istati Uniti imponew sanzjonijiet fuq in-Nikaragwa;

1.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli r-repressjoni sistematika fil-konfront tal-partiti politiċi tal-oppożizzjoni, it-trażżin tal-atturi tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-midja, ħaddiema oħra tal-midja, ġurnalisti, kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom, studenti u membri tal-Knisja Kattolika, fost l-oħrajn, u l-korruzzjoni persistenti tal-uffiċjali tar-reġim tan-Nikaragwa;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-mewt ta' Hugo Torres fil-ħabs;

3.  Jikkundanna l-arrest ta' Patri Manuel Salvador García, li ilu f'arrest preventiv mill-1 ta' Ġunju 2022, u jitlob il-ħelsien immedjat tiegħu;

4.  Itenni l-appell tiegħu għall-estradizzjoni immedjata ta' Alessio Casimirri lejn l-Italja;

5.  Jikkundanna d-detenzjoni abbużiva, in-nuqqas ta' garanziji proċesswali u l-kundanni illegali ta' priġunieri politiċi fin-Nikaragwa; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jirristabbilixxu l-garanziji għall-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet ċivili u politiċi għaċ-ċittadini Nikaragwani kollha, iwaqqfu l-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika, l-istampa u s-soċjetà ċivili, jeħilsu minnufih u bla kundizzjonijiet lil dawk miżmuma arrestati minn April 2018 'l hawn, jannullaw il-proċedimenti legali kontrihom u jippermettu r-ritorn sikur tar-rifuġjati u l-eżiljati kollha lejn djarhom;

6.  Jappella li l-istat tad-dritt, is-separazzjoni tas-setgħat u l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura jerġgħu jiġu stabbiliti u li l-awtoritajiet pubbliċi jirrispettaw il-kodiċi kriminali u l-preżunzjoni tal-innoċenza u jieqfu jikkriminalizzaw l-oppożizzjoni;

7.  Jikkundanna s-sentenzi ġudizzjarji illeġittimi li jikkonfermaw biss l-intenzjoni repressiva tar-reġim tan-Nikaragwa u li l-imħallfin saru għodda ta' repressjoni b'responsabbiltà għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

8.  Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea żżomm lir-reġim tan-Nikaragwa responsabbli, b'mod partikolari l-imħallfin tiegħu, għar-repressjoni fil-pajjiż u l-proċedimenti ġudizzjarji fil-konfront ta' personalitajiet tal-oppożizzjoni u kritiċi oħra; jistieden lill-Kunsill jibda minnufih il-proċedimenti biex jinkludi l-imħallfin li ġejjin fil-lista ta' individwi sanzjonati mill-UE: Nadia Camila Tardencilla, Angel Jeancarlos Fernández González, Ulisa Yaoska Tapia Silva, Rosa Velia Baca Cardoza, Veronica Fiallos Moncada, Luden Martin Quiroz García, Karen Vanesa Chavarría, Felix Ernesto Salmerón Moreno, Nancy Aguirre Gudiel, William Irving Howard López, Erick Ramón Laguna Averruz, Melvin Leopoldo Vargas García, Irma Oralia Laguna Cruz u Rolando Sanarrusia, fost l-oħrajn, kif ukoll l-imħallfin tal-Qorti tal-Appell ta' Managua li kienu wkoll involuti fiċ-ċaħda tad-drittijiet proċedurali u sostantivi tal-persuni kundannati illegalment: Octavio Rothschuh Andino, Ángela Dávila u Argentina Solís;

9.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex, skont l-Artikoli 13 u 14 tal-Istatut ta' Ruma, jiftħu investigazzjoni formali dwar in-Nikaragwa u Daniel Ortega permezz tal-Qorti Kriminali Internazzjonali għal delitti kontra l-umanità skont l-Artikolu 7 tal-Istatut ta' Ruma;

10.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għaċ-ċittadini tan-Nikaragwa li jipprotestaw b'mod paċifiku kontra r-reġim ta' Ortega-Murillo; jiddispjaċih ħafna li ma ttieħdet l-ebda azzjoni ġudizzjarja li tiżgura ġustizzja u riparazzjoni għall-vittmi ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem mir-repressjoni tal-2018 'l hawn;

11.  Iħeġġeġ lin-Nikaragwa tirrevoka l-leġiżlazzjoni li għaddiet mill-2018 u li ċċekken bla bżonn l-ispazju ċiviku u demokratiku, partikolarment il-Liġi Speċjali dwar iċ-Ċiberkriminalità (il-Liġi 1042), il-Liġi 1040 dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Aġenti Barranin, u l-Liġi 1055 dwar id-Difiża tad-Drittijiet taċ-Ċittadini għall-Indipendenza, is-Sovranità u l-Awtodeterminazzjoni għall-Paċi, kif ukoll ir-riforma tal-Kodiċi tal-Proċeduri Kriminali; ifakkar li, fid-dawl tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali, in-Nikaragwa għandha l-obbligu li tirrispetta u tikkonsolida l-prinċipji tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem; itenni t-talba tiegħu li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi attwali, tiskatta l-klawżola demokratika tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;

12.  Jenfasizza li l-korpi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, għandhom jitħallew imorru lura n-Nikaragwa; jiddeplora n-nuqqas ta' kooperazzjoni tal-awtoritajiet tan-Nikaragwa mal-mekkaniżmi reġjonali u internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-UE tappoġġja l-mandat tat-tliet membri indipendenti tal-Grupp ta' Esperti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fin-Nikaragwa, imwaqqaf reċentement mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u tikkollabora mill-qrib magħhom bil-ħsieb li tippromwovi l-obbligu ta' rendikont għall-ksur u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa;

13.  Jikkundanna l-fatt li kważi 400 NGO ġew imġiegħla jieqfu jaħdmu fin-Nikaragwa, inkluża l-Akkademja Lingwistika tan-Nikaragwa; jistieden lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa ma jibqgħux iġiegħlu lill-NGOs jagħlqu bla bżonn u jirristabbilixxu l-personalità ġuridika tal-organizzazzjonijiet, il-partiti politiċi, l-universitajiet u l-organi tal-istampa li ġew imġiegħla jagħlqu arbitrarjament, kif ukoll jirritornaw kwalunkwe assi, dokumentazzjoni u tagħmir sekwestrat illegalment;

14.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ir-repressjoni tal-midja ħielsa u indipendenti fil-pajjiż, li ġiegħlet lil aktar minn 100 ġurnalist jeżiljaw ruħhom;

15.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsegwu mill-qrib is-sitwazzjoni fuq il-post permezz tar-rappreżentanti lokali u l-ambaxxati tagħhom fin-Nikaragwa; jistieden lid-delegazzjoni tal-UE u lill-Istati Membri li għandhom missjonijiet diplomatiċi fil-pajjiż jimplimentaw bis-sħiħ il-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, jagħtu l-appoġġ xieraq kollu lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem miżmuma arrestati, inkluż permezz ta' żjarat fil-ħabs u monitoraġġ tal-proċess ġudizzjarju, jikkundannaw pubblikament l-abbużi kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-midja indipendenti u jappoġġjaw il-ħidma tagħhom; jistieden lid-delegazzjoni tal-UE u lill-Istati Membri jużaw l-istrumenti kollha disponibbli biex iżidu l-appoġġ tagħhom għall-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, jiffaċilitaw il-ħruġ ta' viżi ta' emerġenza fejn xieraq, u jipprovdu kenn temporanju fl-Istati Membri tal-UE għal raġunijiet umanitarji;

16.  Jiddispjaċih ħafna li r-rappreżentanti tan-Nikaragwa vvutaw kontra t-tkeċċija tar-Russja mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU għall-atroċitajiet imwettqa mill-forzi tagħha waqt il-gwerra fl-Ukrajna u li n-Nikaragwa astjeniet fuq ir-Riżoluzzjoni ES-11/1 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-2 ta' Marzu 2022 li tikkundanna l-invażjoni tal-Ukrajna min-naħa tar-Russja u titlob l-irtirar sħiħ tal-forzi Russi;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-Parlament tal-Amerka Ċentrali, lill-Grupp ta' Lima, kif ukoll lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tan-Nikaragwa.

(1) Testi adottati, P9_TA(2021)0513.
(2) ĠU C 99, 1.3.2022, p. 204.
(3) ĠU C 255, 29.6.2021, p. 65.
(4) ĠU C 23, 21.1.2021, p. 126.
(5) ĠU C 76, 9.3.2020, p. 164.

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Settembru 2022Avviż legali - Politika tal-privatezza