Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2022/2702(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0300/2022

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

CRE 08/06/2022 - 16.5
PV 09/06/2022 - 6.3

Testi adottati :

P9_TA(2022)0239

Testi adottati
PDF 136kWORD 50k
Il-Ħamis, 9 ta' Ġunju 2022 - Strasburgu
Il-ksur tal-libertà tal-media u tas-sikurezza tal-ġurnalisti fil-Georgia
P9_TA(2022)0239RC-B9-0300/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2022 dwar il-ksur tal-libertà tal-media u tas-sikurezza tal-ġurnalisti fil-Georgia (2022/2702(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Georgia, b'mod partikolari dik tas-16 ta' Settembru 2020 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-UE mal-Georgia(1),

–  wara li kkunsidra ż-żjara reċenti tar-Rappreżentant tal-OSKE għal-Libertà tal-Media fil-Georġia fit-28 u d-29 ta' April 2022,

–  wara li kkunsidra l-ftehim milħuq bejn il-forzi politiċi tal-Georgia fid-19 ta' April 2021, bil-medjazzjoni tal-President tal-Kunsill Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Georgia, min-naħa l-oħra, li daħal fis-seħħ b'mod sħiħ fl-1 ta' Lulju 2016(2),

–  wara li kkunsidra l-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-Ġurnalisti Mingħajr Fruntieri għall-2021 u l-2022,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tagħhom, li ilu fis-seħħ mill-1 ta' Lulju 2016, il-Georgia u l-UE impenjaw ruħhom li jiżviluppaw djalogu politiku bil-għan li jsaħħu r-rispett għall-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluża l-libertà tal-media;

B.  billi l-Georgia ppreżentat l-applikazzjoni tagħha għal sħubija fl-UE fit-3 ta' Marzu 2022, u b'hekk uriet l-aspirazzjonijiet Ewropej tal-poplu tal-Georgia, li jgawdu minn appoġġ kbir fost il-pubbliku u fl-ispettru politiku kollu, inkluża l-oppożizzjoni;

C.  billi l-libertà ta' espressjoni, il-libertà tal-media u s-sikurezza tal-ġurnalisti huma elementi essenzjali ta' demokrazija vibranti u l-protezzjoni tagħhom mill-awtoritajiet hija indikatur importanti għall-konsolidazzjoni tad-demokrazija; billi midja pluralistika, ħielsa u indipendenti hija pedament fundamentali tad-demokrazija u wieħed mill-pilastri ewlenin fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni;

D.  billi l-Ftehim tad-19 ta' April 2021, bil-medjazzjoni tal-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, issottolinja l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-perċezzjonijiet ta' ġustizzja politiċizzata, fost oħrajn, billi tiġi adottata u implimentata riforma ambizzjuża tal-ġudikatura biex jiżdiedu l-indipendenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tas-sistema ġudizzjarja;

E.  billi fil-5 ta' Lulju 2021 aktar minn 50 ġurnalist, rappreżentant tal-media u dimostrant paċifiku ġew attakkati b'mod vjolenti minn attivisti prinċipalment tal-lemin estrem meta kienu qegħdin ikopru l-Pride's March for Dignity ta' Tbilisi, avveniment li fl-aħħar mill-aħħar ġie kkanċellat bil-forza; billi Alexander Lashkarava, cameraman għal TV Pirveli, miet ftit wara dan l-attakk minħabba l-korrimenti li sofra;

F.  billi l-ambjent tal-media tal-Georgia, wara diversi snin ta' titjib, iddeterjora b'mod rapidu matul dawn l-aħħar ftit snin u għadd kbir bla preċedent ta' attakki fiżiċi vjolenti kontra ġurnalisti seħħew fil-Georgia minn meta seħħet il-vjolenza tal-massa kontra l-Pride March ta' Tbilisi fil-5 ta' Lulju 2021, li wasslet għal dikjarazzjonijiet ta' tħassib minn diversi organizzazzjonijiet internazzjonali fid-difiża tal-libertà tal-media u għat-tnaqqis sinifikanti fil-grad tal-Georgia fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa (minn punteġġ ta' 71.36 u klassifikazzjoni ta' 60 minn 180 fl-2021 għal punteġġ ta' 59.9 u klassifikazzjoni ta' 89 minn 180 fl-2022);

G.  billi l-għadd ta' attakki verbali fuq il-ġurnalisti u l-għadd ta' kawżi ta' malafama, inklużi dawk imnedija minn uffiċjali tal-gvern u individwi assoċjati mal-partit fil-gvern, kontra rappreżentanti tal-media u kumpaniji kritiċi qiegħed jiżdied; billi kif osservat Transparency International Georgia, il-bidla fil-prattika ġudizzjarja tpoġġi l-oneru tal-prova fuq il-ġurnalisti, minkejja dispożizzjoni mhux ambigwa li tiddikjara l-kuntrarju fil-liġi tal-Georgia; billi l-ġurnalisti, b'mod partikolari dawk minn kanali tal-media kritiċi dwar il-gvern, jiffaċċjaw diffikultajiet biex jaċċessaw informazzjoni li għandha tkun disponibbli għall-pubbliku;

H.  billi kien hemm nuqqas ta' trasparenza u effett utli fl-investigazzjonijiet, li wassal għal impressjoni mifruxa ta' impunità għal dawk ħatja ta' reati kontra ġurnalisti;

I.  billi fl-4 ta' April 2022, il-Qorti tal-Belt ta' Tbilisi kkundannat sitt persuni għal ħames snin ħabs minħabba l-attakk fuq żewġ cameramen u ġurnalist matul l-attakki vjolenti kontra l-Pride March f'Tbilisi fil-5 ta' Lulju 2021;

J.  billi fis-16 ta' Mejju 2022, Nika Gvaramia, direttur tal-istazzjon televiżiv Mtavari, ġie kkundannat għal tliet snin u nofs ħabs skont l-Artikolu 220 tal-Kodiċi Kriminali dwar akkużi dubjużi ta' ħasil tal-flus, tixħim u falsifikazzjoni ta' dokumenti relatati mal-attivitajiet tal-passat tiegħu bħala direttur ta' Rustavi 2 TV, sentenza li ġiet perċepita b'mod mifrux fil-Georgia bħala tentattiv biex jissikket leħen kritiku ta-gvern attwali; billi dan il-każ diġà ġie vvalutat b'mod negattiv mid-Difensur Pubbliku tal-Georgia fl-2019;

K.  billi investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet selettivi mmirati lejn dawk li jopponu l-gvern attwali jimminaw il-fiduċja tal-pubbliku mhux biss fl-istituzzjonijiet ġudizzjarji, iżda wkoll fil-gvern innifsu, filwaqt li r-ripetizzjoni ta' każijiet simili kontra s-sidien ta' media marbuta mal-oppożizzjoni timmina l-isforzi mmirati biex tiżdied l-indipendenza tal-ġudikatura;

L.  billi l-eks President Mikheil Saakashvili, li s-saħħa tiegħu kienet qiegħda tiddeterjora b'mod kostanti, finalment ġie rilokat fi sptar ċivili wara opinjonijiet minn tobba indipendenti li l-kundizzjoni tiegħu ma kinitx ser titjieb mod ieħor;

M.  billi r-riforma tal-liġi dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi tagħti lill-Kummissjoni Nazzjonali tal-Komunikazzjonijiet tal-Georgia (GNCC) id-dritt li taħtar maniġers speċjali fil-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni li jinfurzaw id-deċiżjonijiet tal-GNCC;

N.  billi nfetħu kawżi l-qorti kontra sidien oħra ta' mezzi tal-media kritiċi, jew kontra l-qraba tagħhom, prinċipalment David Kezerashvili ta' Formula TV u Vakhtang Tsereteli, il-fundatur tal-istazzjon indipendenti TV Pirveli; billi f'Jannar 2022 il-Qorti tal-Belt ta' Tbilisi ddeċidiet li l-fundaturi ta' TBC Bank u l-partit politiku Lelo for Georgia, Mamuka Khazaradze u Badri Japaridze, kif ukoll Avtandil Tsereteli, missier Vakhtang Tsereteli, kienu ħatja ta' frodi u kkundannathom għal seba' snin ħabs; billi s-sentenza tagħhom ġiet madankollu mibdula, peress li l-istatut tal-limitazzjonijiet għall-frodi kien skada;

O.  billi l-Georgia bdiet tesperjenza żieda fid-diżinformazzjoni Russa u fil-propaganda kontra l-UE f'dawn l-aħħar snin u speċjalment mill-invażjoni Russa tal-Ukrajna, immirata lejn in-nisa, il-komunità LGBTQI+, l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u l-minoranzi etniċi, b'mod partikolari;

P.  billi ħafna ġurnalisti ġew ikkonfermati li huma fost membri tas-soċjetà tal-Georgia li l-konverżazzjonijiet tagħhom kienu ġew irreġistrati, kif muri mir-rivelazzjonijiet dwar l-interċezzjonijiet telefoniċi illegali mifruxa f'Settembru 2021;

Q.  billi għadu ma ngħata ebda riżultat tanġibbli mill-investigazzjonijiet dwar il-każ tal-ġurnalist tal-Ażerbajġan Afgan Mukhtarli, li f'Mejju 2017 inħataf fil-Georgia u ġie ttrasportat illegalment fuq il-fruntiera mal-Ażerbajġan biex jiġi pproċessat f'Baku, allegatament b'kollużjoni ma' uffiċjali tas-sigurtà tal-Georgia;

1.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-deterjorament sinifikanti tas-sitwazzjoni tal-media u s-sikurezza tal-ġurnalisti fil-Georgia f'dawn l-aħħar snin, minkejja l-qafas legali sod tal-Georgia biex tiggarantixxi l-libertà ta' espressjoni u l-libertà tal-media;

2.  Jikkundanna l-għadd dejjem jikber ta' każijiet ta' intimidazzjoni, theddid u vjolenza kontra ġurnalisti u l-persekuzzjoni tagħhom, inkluż għadd dejjem jikber ta' investigazzjonijiet kriminali dwar il-ħaddiema u s-sidien tal-media; jistieden lill-awtoritajiet Georgjani jinvestigaw bir-reqqa kwalunkwe każ ta' vjolenza u jħarrku lil dawk responsabbli għall-inċitament u t-twettiq ta' attakki vjolenti kontra ġurnalisti u ħaddiema oħra tal-media, li b'hekk jirrimedjaw l-impressjoni ta' impunità għal tali reati; jistieden lill-Georgia tillimita l-użu ta' kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika mmirati lejn id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u r-rappreżentanti tal-media, li jservu biex ifixklu l-ħidma kritika u indipendenti tagħhom;

3.  Jistieden lill-Georgia tiżgura l-libertà tal-media, li għandha tinvolvi indipendenza editorjali, sjieda trasparenti tal-media u kopertura pluralistika, imparzjali u nondiskriminatorja tal-fehmiet politiċi fl-ipprogrammar minn xandara privati u, b'mod partikolari, minn xandara pubbliċi, speċjalment matul il-kampanji elettorali; jistieden lill-Georgia tiggarantixxi aċċess mingħajr xkiel għall-informazzjoni li suppost tkun disponibbli għall-pubbliku u tiżgura s-sikurezza, il-protezzjoni u l-għoti tas-setgħa lill-ġurnalisti u professjonisti oħra tal-media;

4.  Jikkundanna s-sentenza ta' Nika Gvaramia, id-direttur tal-istazzjon televiżiv ewlieni favur l-oppożizzjoni Mtavari, fis-16 ta' Mejju 2022, li enfasizzat in-nuqqas ta' fiduċja persistenti fis-sistema ġudizzjarja tal-Georgia; japprova s-sejħa minn Reporters mingħajr fruntieri għal rieżami tal-kundanna ta' Nika Gvaramia; jenfasizza, għal darb'oħra, il-ħtieġa urġenti li l-gvern ġenwinament javvanza r-riforma tal-ġudikatura permezz ta' proċess wiesa' u inklużiv bejn il-partiti bil-għan li tiżdied l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura, f'konformità mal-impenji meħuda bħala sieħeb assoċjat tal-UE;

5.  Jistieden lir-rappreżentanti kollha tal-Gvern tal-Georgia biex joqogħdu lura milli jużaw retorika aggressiva u trattament diskriminatorju fil-konfront tar-rappreżentanti tal-media fil-Georgia u biex jippromwovu approċċ tolleranti li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem fid-dikjarazzjonijiet pubbliċi tagħhom;

6.  Jiddenunzja bil-qawwa n-nuqqas persistenti ta' investigazzjonijiet jew prosekuzzjonijiet diliġenti ta' dawk responsabbli għall-vjolenza kontra ġurnalisti u dimostranti paċifiċi fil-marċ ta' Tbilisi Pride fil-5 ta' Lulju 2021; jinsisti li l-impunità għall-awturi ta' tali atti fl-ebda ċirkostanza ma tista' tiġi ttollerata, peress li jiksru kemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali kif ukoll l-impenji internazzjonali u Ewropej tal-Georgia, u jitlob li jitwettqu investigazzjonijiet effettivi dwar l-inċidenti tal-5 ta' Lulju 2021; jikkundanna d-diskriminazzjoni kontinwa kontra l-persuni LGBTQI+; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Georgjani jimplimentaw bis-sħiħ leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u kontra d-diskriminazzjoni fil-prattika;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet Georgjani jwettqu investigazzjonijiet effettivi fl-iskandlu tal-interċettazzjonijiet telefoniċi u jistabbilixxu mekkaniżmi xierqa għas-superviżjoni demokratika tas-sorveljanza u l-ġbir tad-data mill-istituzzjonijiet tal-Istat;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi garantit ambjent tax-xogħol sikur u favorevoli għall-ġurnalisti, il-ħaddiema tal-media u l-mezzi tal-media, kemm fil-leġiżlazzjoni kif ukoll fil-prattika, inkluż għal dawk il-ġurnalisti li jfittxu rifuġju mir-Russja, il-Belarussja u reġimi awtoritarji oħra; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Georgia tagħmel użu mill-kooperazzjoni internazzjonali biex ittejjeb l-ambjent tal-media u l-leġiżlazzjoni rilevanti f'konformità mal-aħjar prattiki internazzjonali;

9.  Ifaħħar lil Nino Lomjaria, id-Difensur Pubbliku tal-Georgia, għall-azzjonijiet tagħha fis-salvagwardja tal-libertà tal-media, minkejja l-attakki regolari mill-gvern;

10.  Jirrikonoxxi x-xenarju varjat u pluralistiku tal-media fil-Georgia, iżda jiddispjaċih dwar ir-relazzjoni estremament mimlija tensjoni bejn il-partit fil-gvern u l-mezzi tal-media kritiċi, kif ukoll bejn il-partiti tal-oppożizzjoni u l-media favur il-gvern; jiddeplora bil-qawwa l-polarizzazzjoni tax-xenarju tal-media, li tirrifletti l-polarizzazzjoni dejjem akbar u dannuża tax-xenarju politiku;

11.  Itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Georgjani biex iżommu lura milli jindaħlu fil-libertà tal-media jew milli jsegwu kawżi ġudizzjarji b'motivazzjoni politika kontra s-sidien jew ir-rappreżentanti tal-media;

12.  Jistieden lill-awtoritajiet Georgjani jeħilsu lill-eks President Mikhail Saakashvili mill-ħabs għal raġunijiet umanitarji sabiex ikun jista' jsegwi trattament mediku xieraq barra mill-pajjiż;

13.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda kostanti fid-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni Russa fil-Georgia, fil-kuntest tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna, u jħeġġeġ lill-Gvern tal-Georgia jiżviluppa programmi ta' edukazzjoni dwar il-litteriżmu fil-media għaċ-ċittadini tiegħu, jappoġġa lis-soċjetà ċivili fil-ħolqien ta' mekkaniżmi ta' verifika tal-fatti, u jieħu passi attivi biex jipprevjeni kampanji ta' diżinformazzjoni minn atturi barranin jew domestiċi kontra l-pajjiż, gruppi jew persuni vulnerabbli, bħal dawk li jgħixu f'komunitajiet ta' minoranza etnika jew f'żoni milquta minn kunflitti, u partiti politiċi;

14.  Iħeġġeġ lill-atturi politiċi kollha tal-Georgia joqogħdu lura milli jisfruttaw it-tentattivi ta' diżinformazzjoni Russi biex jimmiraw l-avversarji politiċi rispettivi tagħhom, peress li dan jikkontribwixxi biss għat-tixrid ulterjuri tad-diżinformazzjoni u jipperikola l-koeżjoni soċjali u d-demokrazija;

15.  Iħeġġeġ lill-Georgia tagħmel l-aħjar użu possibbli mill-istrumenti u l-inizjattivi kollha ddedikati għat-tisħiħ tar-reżiljenza fl-ambitu tas-Sħubija tal-Lvant u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE jipprovdu appoġġ politiku, tekniku u finanzjarju lill-media indipendenti u lis-soċjetà ċivili fil-Georgia;

16.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-rwol distruttiv tal-uniku oligarka, Bidzina Ivanishvili, fil-politika u l-ekonomija tal-Georgia, u l-livell ta' kontroll li jeżerċita fuq il-gvern u d-deċiżjonijiet tiegħu, inklużi dawk dwar il-persekuzzjoni politikament motivata tal-ġurnalisti u tal-avversarji politiċi; jinsab imħasseb ħafna dwar ir-rabtiet personali u kummerċjali esposti ta' Ivanishvili mal-Kremlin, li jiddeterminaw il-pożizzjoni tal-Gvern attwali tal-Georgia fir-rigward tas-sanzjonijiet fuq ir-Russja; jappella lill-Kunsill u lis-sħab demokratiċi jikkunsidraw li jimponu sanzjonijiet personali fuq Ivanishvili għar-rwol tiegħu fid-deterjorament tal-proċess politiku fil-Georgia;

17.  Jilqa' l-parteċipazzjoni tal-Georgia fil-programm Ewropa Kreattiva 2021-2027; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw azzjonijiet li jimmonitorjaw u jivvalutaw ir-riskji għall-pluraliżmu u l-libertà tal-media, jiddefendu l-ġurnalisti mhedda u jiffaċilitaw it-trasformazzjoni u l-kompetittività tas-settur tal-media tal-aħbarijiet fil-Georgia;

18.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Georgia jirrispettaw b'mod riżolut l-ogħla standards tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-indipendenza ġudizzjarja, il-proċessi ġusti u l-libertajiet fundamentali, inkluż fil-qasam tal-libertà tal-media, u b'hekk juru mingħajr ambigwità d-determinazzjoni politika tagħhom li jattwalizzaw l-aspirazzjonijiet Ewropej ambizzjużi tal-poplu tal-Georgia, kif tixhed l-applikazzjoni tal-pajjiż għas-sħubija fl-UE tat-3 ta' Marzu 2022; jesprimi t-twemmin tiegħu li l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu tal-Georgia jistħoqqilhom li jiġu ssodisfati u għalhekk jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jaħdmu biex jagħtu l-istatus ta' kandidat tal-UE lill-Georgia, f'konformità mal-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fuq il-bażi tal-mertu u bil-kundizzjoni li l-awtoritajiet Georgjani jissodisfaw il-kriterji kollha;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-President, il-Gvern u l-Parlament tal-Georgia.

(1) ĠU C 385, 22.9.2021, p. 40.
(2) ĠU L 261, 30.8.2014, p. 4.

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Settembru 2022Avviż legali - Politika tal-privatezza