Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2022 dwar theddid globali għad-dritt għall-abort: il-possibbiltà li l-Qorti Suprema tirrevoka d-dritt għall-abort fl-Istati Uniti (2022/2665(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tal-1966,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa tal-1979,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Razzjali tal-1965,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra tal-1984,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità tal-2006,
– wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU maqbula fl-2015 u, b'mod partikolari, l-għanijiet 1, 3 u 5 dwar it-tmiem tal-faqar, dwar is-saħħa tajba u l-benesseri, u dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, rispettivament,
– wara li kkunsidra l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing tal-1995 u l-eżiti tal-konferenzi ta' reviżjoni tagħha,
– wara li kkunsidra l-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) tal-1994 fil-Kajr, il-Programm ta' Azzjoni tagħha, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-konferenzi ta' rieżami tagħha,
– wara li kkunsidra s-Summit ta' Nairobi tal-2019 dwar l-ICPD+25 bit-tema "Accelerating the Promise" (Inħaffu l-Wegħda), u l-impenji tal-partijiet ikkonċernati rigward is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati,
– wara li kkunsidra s-Serje ta' Informazzjoni dwar is-Saħħa u d-Drittijiet Sesswali u Riproduttivi tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) tal-2020,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-1950,
– wara li kkunsidra l-gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tal-2015 bit-titolu "Safe abortion: technical and policy guidance for health systems" (Abort sikur: gwida teknika u strateġika għas-sistemi tas-saħħa),
– wara li kkunsidra l-gwida tad-WHO tat-8 ta' Marzu 2022 bit-titolu "Abortion care guideline" (Linja gwida dwar il-kura relatata mal-abort),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-OHCHR tal-14 ta' Settembru 2021 bit-titolu "UN experts denounce further attacks against right to safe abortion and Supreme Court complicity" (L-esperti tan-NU jiddenunzjaw l-attakki ġodda kontra d-dritt għall-abort sikur u l-kompliċità tal-Qorti Suprema),
– wara li kkunsidra r-rapport dwar l-istat tal-popolazzjoni dinjija tal-Fond tan-NU għall-Popolazzjoni (UNFPA) ta' Marzu 2022 bit-titolu "Seeing the Unseen: The case for action in the neglected crisis of unintended pregnancy" (Naraw dak li ma jidhirx: Il-ħtieġa ta' azzjoni biex tintemm il-kriżi minsija tat-tqala mhux intenzjonata),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Pew Research Center tas-6 ta' Mejju 2022 bit-titolu "America's Abortion Quandary" (Id-dilemma Amerikana dwar l-Abort),
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerka,
– wara li kkunsidra l-kawża Roe vs Wade, 410 U.S. 113 (1973),
– wara li kkunsidra l-abbozz inizjali tal-opinjoni tal-maġġoranza tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti Nru 19-1392(1) miktub mill-Imħallef Samuel Alito dwar il-kawża Thomas E. Dobbs, State Health Officer of the Mississippi Department of Health, et al. vs Jackson Women's Health Organization, et al., datat fi Frar 2022 u żvelat lill-istampa f'Mejju 2022,
– wara li kkunsidra l-Abbozz ta' Liġi tas-Senat 8 (SB 8) u l-Abbozz ta' Liġi tal-Kamra 1515 (HB 1515) f'Texas bit-titolu "Relating to abortion, including abortions after detection of an unborn child's heartbeat; authorizing a private civil right of action' (Dwar l-aborti, inklużi l-aborti wara d-detezzjoni tal-qalb tħabbat tat-tarbija fil-ġuf, li jawtorizza d-dritt ċivili ta' azzjoni lill-persuni privati għal azzjoni), ta' Settembru 2021,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika tal-2014,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tal-2009 (il-“Karta”),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2021 dwar il-liġi tal-istat ta' Texas (Stati Uniti tal-Amerka) dwar l-abort(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar is-sitwazzjoni tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fl-UE, fil-kuntest tas-saħħa tan-nisa(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2021 dwar l-ewwel anniversarju tal-projbizzjoni de facto tal-abort fil-Polonja(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2019 dwar ir-rigressjoni attwali tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE(5),
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-Għoti tas-Setgħa lin-Nisa fl-azzjoni esterna tal-UE 2021–2025 (GAP III),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Frar 2021 dwar l-isfidi li ġejjin għad-drittijiet tan-nisa fl-Ewropa: aktar minn 25 sena wara d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2022 dwar l-impatt tal-gwerra kontra l-Ukrajna fuq in-nisa(7),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi skont id-WHO, l-abort huwa element essenzjali ta' servizzi tal-kura tas-saħħa komprensivi u madwar 45 % tal-aborti kollha mhumiex sikuri, li minnhom 97 % iseħħu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw(8); billi skont l-UNFPA(9), huwa stmat li kull sena jseħħu 121 miljun tqala mhux intenzjonata, u aktar minn 60 % minnhom jintemmu f'abort; billi f'dawn l-aħħar snin, l-opponenti tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati u tal-awtonomija tan-nisa kellhom influwenza sinifikanti fuq il-liġi u l-politika nazzjonali u, fil-livell globali, inkluż f'diversi Stati Membri, ittieħdu inizjattivi retrogressivi; billi ż-żieda tal-lemin estrem qed tikkontribwixxi wkoll għal dan ir-rigress fid-dritt tan-nisa għall-abort, li qed jimmanifesta ruħu madwar id-dinja;
B. billi l-Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa osserva li l-kriminalizzazzjoni tas-servizzi tal-abort ma sservi ta' ebda deterrent; billi, kif innotat mill-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet, fejn l-abort huwa kriminalizzat u soġġett għal restrizzjonijiet legali, it-terminazzjoni sikura tat-tqala mhijiex possibbli għan-nisa kollha, minħabba s-sitwazzjoni soċjoekonomika tagħhom, u b'hekk issir privileġġ ta' nisa soċjalment vantaġġati, filwaqt li n-nisa b'riżorsi limitati huma mġiegħla jirrikorru għal aborti mhux sikuri u klandestini li jpoġġu lil ħajjithom u lis-saħħa tagħhom f'riskju; billi, skont id-WHO, "il-proporzjon ta' aborti mhux sikuri huwa ogħla b'mod sinifikanti f'pajjiżi b'liġijiet restrittivi ħafna fir-rigwatd tal-abort milli f'pajjiżi b'liġijiet inqas restrittivi"(10);
C. billi l-abort mhux sikur huwa l-kawża ewlenija iżda li tista' tiġi evitata ta' mwiet u mard assoċjati mat-tqala; billi n-nuqqas ta' aċċess għall-kura relatata mal-abort sikura u legali huwa kwistjoni kritika tas-saħħa pubblika u tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-projbizzjoni tal-abort u li n-nisa jkunu mġiegħla jfittxu aborti mhux sikuri u klandestini, jirriżultaw f'żieda fil-mortalità u l-morbożità assoċjati mat-tqala;
D. billi l-Qorti Suprema tal-Istati Uniti stabbiliet preċedent fil-kawża storika Roe vs Wade (1973), li aktar tard ġie affermat fil-kawżi Planned Parenthood v Casey (1992) u Whole Woman's Health vs Hellerstedt (2016), li jiggarantixxi d-dritt kostituzzjonali għall-abort legali qabel ma l-fetu jsir vijabbli fl-Istati Uniti; billi l-iżvelar reċenti ta' abbozz ta' opinjoni ta' maġġoranza inizjali tal-Qorti Suprema miktub mill-Inħallef Samuel Alito fil-każ ta' Thomas E. Dobbs, State Health Officer of the Mississippi Department of Health vs Jackson Women's Health Organization jwassal għar-revoka tas-sentenza Roe vs Wade u jreġġa' lura d-drittijiet kostituzzjonali fl-Istati Uniti; billi l-Qorti Suprema hija mistennija toħroġ deċiżjoni finali qabel l-aħħar ta' Ġunju 2022; billi l-abbozz ta' opinjoni żvelat jirrappreżenta l-aktar eżitu detrimentali għad-drittijiet tal-abort f'termini ta' dak li l-Qorti Suprema tista' tiddeċiedi, billi jippermetti lill-istati jipprojbixxu l-abort fi kwalunkwe punt tat-tqala u jiftaħ il-possibbiltà ta' projbizzjonijiet sħaħ fuq l-abort, li hija eventwalità li tneħħi l-protezzjonijiet li d-drittijiet eżistenti tan-nisa u l-bniet fl-Istati Uniti jagħtuhom;
E. billi l-ħajja tan-nisa u l-bniet madwar l-Istati Uniti tkun affettwata minn deċiżjoni tal-Qorti Suprema li tista' tirrevoka s-sentenza Roe vs Wade, u l-konsegwenzi dannużi jiġu esperjenzati bl-aktar mod akut minn individwi f'sitwazzjonijiet vulnerabbli; billi s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati oħra jistgħu wkoll jiġu affettwati b'mod negattiv jekk is-sentenza Roe vs Wade tiġi rrevokata; billi r-restrizzjonijiet jew il-projbizzjoni fuq id-dritt għall-abort fl-Istati Uniti jkollhom impatt sproporzjonat fuq in-nisa fqar, b'mod partikolari n-nisa razzjalizzati, inklużi n-nisa suwed, in-nisa Ispaniċi u n-nisa indiġeni, kif ukoll in-nisa minn inħawi rurali, il-persuni LGBTIQ, in-nisa b'diżabilità, l-adolexxenti, in-nisa migranti, inklużi l-migranti irregolari, u l-unitajiet domestiċi b'ġenitur wieħed immexxija minn nisa; billi s-servizzi ta' abort pubbliku jistgħu jipprovdu aċċess universali għal abort sikur u legali għan-nisa kollha, inklużi dawk f'sitwazzjonijiet soċjoekonomiċi vulnerabbli;
F. billi l-abbozz ta' opinjoni żvelat tal-Qorti jsegwi l-isforzi reċenti bla waqfien fil-livell tal-istat biex irażżan u jipprojbixxi d-drittijiet tal-abort fl-Istati Uniti, u billi mill-2011, l-istati tal-Istati Uniti għaddew kważi 500 liġi li jirrestrinġu l-aċċess għall-abort; billi r-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għall-abort se jġiegħlu lin-nies, b'mod partikolari dawk li ma għandhomx riżorsi jew informazzjoni, jivvjaġġaw distanzi twal, iġorru t-tqala għal żmien twil kontra r-rieda tagħhom, jew jirrikorru għal aborti awtoġestiti mhux sikuri fi djarhom, u jagħmluhom ukoll vulnerabbli għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni kriminali;
G. billi dan l-aħħar Texas għadda l-hekk imsejjaħ Abbozz ta' Liġi tas-Senat 8 (SB 8), li jipprojbixxi l-abort wara l-bidu tal-impulsi kardijaċi tal-fetu, jiġifieri wara madwar sitt ġimgħat ta' tqala, mingħajr ebda eċċezzjoni għall-istupru, l-inċest jew għal kundizzjonijiet tas-saħħa tal-fetu li jkunu inkompatibbli mal-ħajja sostnuta wara t-twelid; billi l-Qorti Suprema tal-Istati Uniti ppermettiet li l-liġi tidħol fis-seħħ u l-istat ta' Texas seta' jevadi rieżami fil-qorti tal-kostituzzjonalità tagħha billi jassolvi lill-uffiċjali tal-gvern milli jinfurzaw il-liġi u joħloq perkors legali għaċ-ċittadini, bi premju ta' USD 10 000, biex iħarrku lil kull min jipprovdi kura relatata mal-abort jew jassisti lil xi ħadd biex jikseb abort bi ksur tal-projbizzjoni, peress li mingħajr ma jkun hemm entità unika responsabbli għall-infurzar tagħha, ikun aktar diffiċli li l-liġi tiġi kkontestata; billi d-dispożizzjoni li tippermetti liċ-ċittadini jħarrku lil kull min jipprovdi servizzi ta' abort tiftaħ il-bibien beraħ għall-fastidju;
H. billi mill-inqas 12-il stat ippromulgaw, introduċew jew innotifikaw l-intenzjoni tagħhom li jintroduċu liġijiet li jikkupjaw l-SB 8 ta' Texas; billi l-leġiżlaturi ta' Idaho u Oklahoma reċentement għaddew liġijiet li jipprojbixxu l-abort b'abbozzi ta' liġi mmudellati fuq l-SB 8, inkluż mill-mument tal-fertilizzazzjoni fil-każ ta' Oklahoma;
I. billi jekk il-Qorti Suprema tiddeċiedi li tannulla d-deċiżjoni Roe vs Wade, id-deċiżjoni dwar il-legalità tal-aborti terġa' lura lejn l-Istati; billi 13-il Stat diġà ppromulgaw l-hekk imsejħa liġijiet ta' attivazzjoni li jipprojbixxu l-abort, li huma maħsuba biex jipprojbixxu jew jillimitaw l-aċċess għall-abort immedjatament jekk id-deċiżjoni Roe vs Wade tiġi annullata; billi, ma' dawn it-13-il Stat, hemm total ta' 26 Stat li se jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-abort jew x'aktrax jagħmlu hekk jekk il-protezzjoni kostituzzjonali titneħħa, peress li Stati oħra jistgħu jippruvaw jew jerġgħu jdaħħlu fis-seħħ liġijiet ta' qabel l-1973, bħal Michigan, Wisconsin u West Virginia, jew li jippromulgaw restrizzjonijiet ta' abort li reċentement ġew imblukkati mill-qrati, bħal Alabama, Georgia, Iowa, Ohio u South Carolina;
J. billi kważi l-imwiet kollha li jirriżultaw minn aborti mhux sikuri jseħħu f'pajjiżi fejn l-abort huwa ristrett ħafna; billi huwa stmat li l-għadd annwali ta' mwiet relatati mat-tqala fl-Istati Uniti minħabba aborti mhux sikuri jiżdied b'21 %(11) sat-tieni sena wara li tidħol fis-seħħ il-projbizzjoni; billi tali mwiet jistgħu jiġu evitati għalkollox;
K. billi fost it-tfajliet adolexxenti ta' bejn il-15 u d-19-il sena, il-kumplikazzjonijiet fit-tqala u fit-twelid huma l-kawża ewlenija tal-mewt globalment; billi l-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (12) ħeġġeġ lill-Istati jiddekriminalizzaw l-abort u jiżguraw li t-tfajliet ikollhom aċċess għal servizzi ta' abort sikuri; billi l-projbizzjonijiet possibbli fuq l-abort jistgħu jreġġgħu lura r-rati dejjem anqas tat-tqala fost l-adolexxenti fl-Istati Uniti; billi l-ommijiet adolexxenti huma ferm aktar probabbli li jwaqqfu l-istudji tagħhom u jiffaċċjaw il-qgħad, u b'hekk jaggrava ċ-ċiklu tal-faqar;
L. billi hemm tħassib dejjem akbar dwar il-protezzjoni tad-data fil-kuntest tal-possibbiltà li d-deċiżjoni Roe vs Wade tiġi annullata; billi permezz ta' apps ta' traċċar mestrwali jew għodod ta' ġeolokalizzazzjoni u magni tat-tiftix, tista' tinġabar data dwar persuni li jkunu kkuntattjaw klinika tal-abort, xtraw pillola għall-abort jew fittxew għall-informazzjoni; billi n-nies jistgħu potenzjalment jiġu individwati jew l-informazzjoni miġbura tista' tiġi użata kontrihom(13);
M. billi l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u l-gruppi ta' riflessjoni konservattivi li jappartjenu għal-lemin Kristjan tal-Istati Uniti kienu qed jiffinanzjaw il-moviment kontra l-għażla globalment; billi dan il-finanzjament kien sinifikanti; billi jekk id-deċiżjoni Roe vs Wade tiġi annullata, dan jista' jwassal għal żieda fil-fluss tal-flus bi pressjoni mġedda mill-gruppi kontra l-għażla madwar id-dinja;
N. billi jekk il-Qorti Suprema tannulla d-deċiżjoni Roe vs Wade, dan jista' jixpruna jew jinkoraġġixxi l-movimenti kontra l-għażla biex jagħmlu pressjoni fuq il-gvernijiet u l-qrati barra mill-Istati Uniti biex ineħħu d-drittijiet tal-abort u jippreġudikaw il-kisbiet importanti li saru matul dawn l-aħħar deċennji, fejn aktar minn 60 pajjiż(14) irriformaw il-liġijiet u l-politiki tagħhom dwar l-abort biex ineħħu r-restrizzjonijiet u l-ostakli;
O. billi minkejja l-progress ġenerali fil-protezzjoni tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati madwar id-dinja, inkluż fl-Ewropa, ir-rigress tad-dritt ta' aċċess għal abort sikur u legali huwa ta' tħassib serju; billi l-annullament ta' Roe vs Wade jista' jsaħħaħ il-moviment kontra l-abort fl-Unjoni Ewropea; billi l-Polonja hija l-uniku Stat Membru tal-UE li neħħiet motiv għall-abort mil-liġijiet tagħha, peress li t-Tribunal Kostituzzjonali illeġittimu ddeċieda fit-22 ta' Ottubru 2020 li jneħħi d-drittijiet li ilhom stabbiliti tan-nisa Pollakki u din id-deċiżjoni wasslet għal projbizzjoni de facto tal-abort; billi l-abort huwa pprojbit f'Malta; billi l-abort mediku fil-bidu tat-tqala mhuwiex legali fis-Slovakkja u mhuwiex disponibbli fl-Ungerija; billi fl-Italja qed jonqos l-aċċess għall-abort ukoll(15); billi l-aċċess għall-kura relatata mal-abort qed jiġi miċħud fi Stati Membri oħra tal-UE, bħal dan l-aħħar fil-Kroazja(16);; billi huwa imperattiv li l-UE u l-Istati Membri tagħha jiddefendu s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati u jenfasizzaw li d-drittijiet tan-nisa huma inaljenabbli, u li ma jistgħux jitneħħew jew jiddgħajfu; billi huwa kruċjali għall-UE u l-Istati Membri tagħha li jkomplu jagħmlu progress biex jiżguraw l-aċċess għal kura relatata mal-abort sikura, legali u f'waqtha f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet u l-evidenza tad-WHO;
P. billi d-drittijiet sesswali u riproduttivi, inkluż l-abort sikur u legali, jikkostitwixxu dritt fundamentali; billi l-kriminalizzazzjoni, id-dewmien u ċ-ċaħda tal-aċċess għal kura relatata mal-abort sikura u legali jikkostitwixxu forma ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet; billi diversi korpi tad-drittijiet tal-bniedem sostnew li ċ-ċaħda ta' abort sikur u legali tista' tammonta għal tortura jew trattament krudili, inuman u degradanti; billi l-aborti mhux sikuri li jwasslu għall-mewt fil-kuntest tal-projbizzjonijiet tal-abort għandhom jinftiehmu bħala "qtil arbitrarju speċifiku għal ġeneru, fejn huma vittmi biss in-nisa, bħala konsegwenza tad-diskriminazzjoni minquxa fil-liġi"(17);
Q. billi l-korpi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem affermaw ripetutament u b'mod konsistenti li l-kriminalizzazzjoni u r-restrizzjoni tal-abort jiksru l-obbligi internazzjonali tal-Istati fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li huma protetti fil-liġi internazzjonali u l-liġi Ewropea relatati mad-drittijiet tal-bniedem, bħal fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; billi l-fatt li n-nisa jiġu mġiegħla jfittxu aborti klandestini, jivvjaġġaw lejn pajjiżi oħra għal din il-proċedura jew iżommu t-tqala tagħhom sat-terminu kontra r-rieda tagħhom huwa ksur tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-bniet għall-ħajja, l-integrità fiżika u mentali, l-ugwaljanza, in-nondiskriminazzjoni u s-saħħa; billi l-prinċipju tad-dritt internazzjonali ta' nonretrogressjoni jipprojbixxi lill-Istati milli jieħdu passi li jimminaw, jirrestrinġu jew ineħħu d-drittijiet jew l-intitolamenti eżistenti fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi u s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati;
R. billi d-dikjarazzjoni tal-esperti tan-NU maħruġa f'Settembru 2021(18), tenfasizza li "d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa huma drittijiet fundamentali li ma jistgħux ikunu subordinati għal kunsiderazzjonijiet kulturali, reliġjużi jew politiċi", u li "l-influwenza tal-indħil b'motivazzjoni ideoloġika u reliġjuża fi kwistjonijiet ta' saħħa pubblika kienet partikolarment detrimentali għas-saħħa u l-benessri tan-nisa u l-bniet";
S. billi l-garanzija tal-aċċess għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati komprensivi, l-edukazzjoni u s-servizzi komprensivi dwar is-sesswalità u r-relazzjonijiet, inklużi l-ippjanar tal-familja, il-metodi ta' kontraċezzjoni u l-abort sikur, legali u mingħajr ħlas, kif ukoll ir-rispett għall-awtonomija u l-kapaċità ta' kull persuna li tieħu deċiżjonijiet ħielsa u infurmati dwar ġisimha u l-ħajja tagħha, huma prekundizzjonijiet biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ugwaljanza soċjali u ekonomika; billi l-aċċess ekwu għall-kura relatata mal-abort jippermetti lin-nisa jeżerċitaw kontroll akbar fuq ġisimhom u jsaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jtejbu l-benessri ekonomiku tagħhom;
T. billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-eliminazzjoni globali tal-faqar u l-isfruttament, u l-iżgurar ta' ħajja b'saħħitha u benessri għal kulħadd huma għanijiet fundamentali stabbiliti fl-SDGs 5, 1 u 3 rispettivament; billi b'mod aktar speċifiku, l-iżgurar ta' aċċess universali għas-saħħa sesswali u riproduttiva, u l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza u ta' prattiki dannużi fil-konfront tan-nisa u l-bniet huma miri fl-ambitu tal-SDGs 3 u 5; billi l-Istati Membri kollha tan-NU, inklużi l-Istati Uniti u l-Istati Membri tal-UE, assumew dmirijiet, impenji u obbligi biex jirrispettaw u jippromwovu dawn l-SDGs u l-miri tagħhom;
1. Jikkundanna bil-qawwa r-rigress fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa u s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati li qed iseħħu globalment, inkluż fl-Istati Uniti u f'xi Stati Membri tal-UE; ifakkar li s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati huma drittijiet fundamentali tal-bniedem li għandhom jipproteġu u jissaħħew u bl-ebda mod ma jistgħu jiddgħajfu jew jiġu rtirati; huwa mħasseb ferm b'mod partikolari dwar kemm tali projbizzjonijiet se jikkontribwixxi għat-trawma esperjenzata mill-vittmi tal-istupru u tal-inċest;
2. Jesprimi s-solidarjetà soda tiegħu u l-appoġġ tiegħu għan-nisa u l-bniet fl-Istati Uniti, kif ukoll għal dawk involuti kemm fl-għoti kif ukoll fil-promozzjoni tad-dritt u l-aċċess għal kura relatata mal-abort legali u sikura f'ċirkostanzi ta' sfida bħal dawn;
3. Ifakkar lill-Qorti Suprema tal-Istati Uniti dwar l-importanza li tiġi rispettata l-kawża storika ta' Roe vs Wade (1973) u l-protezzjonijiet kostituzzjonali riżultanti tad-dritt għall-abort fl-Istati Uniti;
4. Jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe rigress tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet kostituzzjonali; jitlob li tittieħed azzjoni biex jiġi salvagwardjat id-dritt għal abort sikur u legali fl-Istati Uniti u biex l-Istati Uniti joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura rigressiva; jistieden lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Uniti fil-livelli kollha, f'konformità mal-linja gwida tad-WHO dwar il-kura relatata mal-abort, jiddekriminalizzaw bis-sħiħ l-aċċess għas-servizzi tal-abort u l-forniment tagħhom, jiggarantixxu servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttivi sikuri, legali, mingħajr ħlas u ta' kwalità għolja fit-territorji tagħhom u jagħmluhom faċilment aċċessibbli għan-nisa u l-bniet kollha;
5. Jistieden lill-Gvern tal-Istat ta' Texas iħassar malajr l-Abbozz ta' Liġi tal-8 dwar is-Senat; jistieden lill-Gvernijiet tal-Istati ta' Idaho u Oklahoma jirrevokaw il-liġijiet simili tagħhom, inkluż l-Abbożż ta' Liġi HB 4327 (Oklahoma); jistieden lill-26 Stat tal-Istati Uniti b'liġijiet ta' attivazzjoni, liġijiet dwar il-kotba u miżuri oħra li jikkonċernaw projbizzjonijiet u restrizzjonijiet fuq l-abort biex jirrevokawhom u jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tagħhom tkun konformi mad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa protetti fil-livell internazzjonali u mal-istandards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;
6. Jinsab imħasseb ħafna dwar il-fatt li l-projbizzjonijiet u restrizzjonijiet oħra fuq l-abort jaffettwaw b'mod sproporzjonat lin-nisa fqar, b'mod partikolari n-nisa razzjalizzati, inklużi n-nisa Suwed, in-nisa Hispaniċi u n-nisa Indiġeni, kif ukoll in-nisa minn żoni rurali, il-persuni LGBTIQ, in-nisa b'diżabilità, l-adolexxenti, in-nisa migranti, inklużi l-migranti irregolari, u l-unitajiet domestiċi b'ġenitur wieħed immexxija minn nisa; jenfasizza li n-nisa li, minħabba ostakli finanzjarji jew loġistiċi, ma jaffordjawx jivvjaġġaw lejn kliniċi tas-saħħa riproduttiva fi Stati jew pajjiżi ġirien, huma f'riskju akbar li jiġu sottomessi għal proċeduri perikolużi u ta' theddida għall-ħajja, u li jiġu mġiegħla jkomplu bit-tqala tagħhom kontra r-rieda tagħhom, li huwa ksur tad-drittijiet tal-bniedem u forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru(19);
7. Jilqa' l-fatt li l-leġiżlazzjoni federali tal-Att dwar is-Saħħa u l-Protezzjoni tan-Nisa (WHPA), li għandha l-għan li tipproteġi d-dritt għall-kura relatata mal-abort fl-Istati Uniti kollha, ġiet adottata fil-Kamra tar-Rappreżentanti, iżda jiddispjaċih ħafna għall-fatt li għaddietx mis-Senat; jistieden lill-Gvern tal-Istati Uniti u/jew awtoritajiet rilevanti oħra tal-Istati Uniti biex jirrispettaw, jissodisfaw u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-bniet, inklużi d-drittijiet tagħhom għall-ħajja, il-privatezza, is-saħħa u l-ugwaljanza, u n-nondiskriminazzjoni, kif ukoll il-libertà tagħhom mid-diskriminazzjoni, il-vjolenza u t-tortura jew trattament krudili, inuman u degradanti, billi jistabbilixxu u jappoġġjaw protezzjonijiet legali federali għall-aċċess għal servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttivi sikuri, legali u ta' kwalità għolja, inkluż l-abort, għan-nisa u l-bniet kollha;
8. Iħeġġeġ lill-President Joe Biden u l-amministrazzjoni tiegħu jsaħħu l-isforzi tagħhom u jkomplu jappoġġjaw id-drittijiet tal-abort, u jħeġġu jiżgura aċċess għal abort sikur u legali; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Istati Uniti jagħmel aktar sforzi sabiex jiżgura li l-abort u l-kontraċezzjoni jiġu integrati fl-għoti tal-informazzjoni, l-edukazzjoni u s-servizzi adattati għall-età u komprensivi fil-qasam tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, u li jkunu aċċessibbli għal kulħadd; jilqa' l-fatt li l-finanzjament tal-Istati Uniti reġa' ngħata lill-UNFPA, l-aġenzija tan-NU għas-saħħa sesswali u riproduttiva, u jistieden lill-Gvern tal-Istati Uniti u/jew awtoritajiet rilevanti oħra tal-Istati Uniti biex ikomplu jappoġġjaw is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati u biex jagħmlu dan fin-NU u f'fora multilaterali oħra;
9. Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Istati Uniti u/jew awtoritajiet rilevanti oħra tal-Istati Uniti biex jiżguraw protezzjoni federali, kostituzzjonali u statutorja adegwata għad-dritt li tintemm tqala u jħeġġeġ ukoll lill-Gvern tal-Istati Uniti biex jiddekriminalizza kompletament l-abort. Dan jirrikjedi mhux biss li tintemm il-penalizzazzjoni tan-nisa u l-bniet u ta' persuni tqal oħra, il-fornituri tal-kura tas-saħħa u oħrajn li jassistu fis-servizzi tal-abort, iżda wkoll it-tneħħija tal-abort mill-istatuti tal-liġi kriminali tal-istat u l-abolizzjoni tal-liġijiet, il-politiki u l-prattiki punittivi l-oħra kollha;
10. Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Gvern tal-Istati Uniti u/jew lil awtoritajiet rilevanti oħra tal-Istati Uniti jneħħu wkoll l-ostakli kollha għas-servizzi tal-abort, inkluż il-kunsens jew in-notifika ta' partijiet terzi, il-perjodi ta' stennija obbligatorji u l-awtorizzazzjoni mill-imħallfin jew mill-bordijiet mediċi, u jiggarantixxu aċċess f'waqtu għall-kura relatata mal-abort fil-pajjiż kollu; jistieden lill-Gvern tal-Istati Uniti jiżgura li s-servizz jiġi pprovdut mingħajr diskriminazzjoni, fastidju, koerċizzjoni, biża' jew intimidazzjoni, b'rispett xieraq għall-kunfidenzjalità u għall-privatezza tan-nisa u bi protezzjoni u rispett xierqa għall-fornituri tal-kura tas-saħħa;
11. Jistieden lill-Gvern tal-Istati Uniti u/jew lil awtoritajiet rilevanti oħra tal-Istati Uniti biex jirregolaw ir-rifjuti li jipprovdu servizzi legali ta' abort mill-fornituri tal-kura tas-saħħa, inkluż abbażi tal-klawżola ta' "kuxjenza", b'mod li ma jiċħadx lin-nisa l-aċċess għall-abort;
12. Jinsab imħasseb dwar il-ġbir u l-użu ħażin ta' data dwar individwi li jfittxu servizzi ta' abort; jistieden lill-Gvern tal-Istati Uniti jiżgura li l-liġijiet u l-politiki dwar il-protezzjoni tad-data jkunu konformi mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u jiggarantixxi li l-ipproċessar ta' informazzjoni personali sensittiva, bħal data u informazzjoni relatati mas-saħħa, jirrispetta d-drittijiet tal-individwi u jkun ibbażat fuq il-kunsens liberu, speċifiku, infurmat u espliċitu tagħhom għall-ġbir u l-ipproċessar ta' data personali; jistieden lis-servizzi ta' distribuzzjoni diġitali jiżguraw li l-apps kollha jirrispettaw il-liġijiet dwar l-użu u l-protezzjoni tad-data;
13. Jirrikonoxxi r-rwol li għandhom l-NGOs bħala fornituri ta' servizzi u bħala promoturi għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fl-Istati Uniti, u jħeġġiġhom ikomplu bil-ħidma tagħhom; jafferma li dawn l-NGOs jeħtieġu finanzjament xieraq sabiex joperaw; jissottolinja li s-servizzi pprovduti minn dawn l-NGOs jirrispondu għall-ħtiġijiet u d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-bniet; jissottolinja li l-ħidma tagħhom ma tistax tissostitwixxi r-responsabbiltà tal-Istat li jiggarantixxi aċċess għal servizzi ta' abort pubbliċi, legali u sikuri;
14. Jistieden lill-Gvern tal-Istati Uniti jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura l-appoġġ soċjali, b'mod partikolari fil-każijiet ta' familji b'omm weħidha u t-tqala fost l-adolexxenti, inkluż permezz tal-kura universali tat-tfal u l-kura tas-saħħa;
15. Jistieden lill-Gvern tal-Istati Uniti jiffirma u jirratifika(20) l-konvenzjonijiet u l-protokolli tan-NU u reġjonali kollha li fadal dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa tal-1979;
16. Jinsab imħasseb ħafna dwar il-konsegwenzi potenzjali għad-drittijiet tan-nisa madwar id-dinja, jekk il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti tirrevoka lil Roe vs Wade; jinsab imħasseb ħafna dwar il-possibbiltà ta' effett dissważiv fuq il-prijoritizzazzjoni u l-finanzjament għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, li diġà ġew deprijoritizzati u sottofinanzjati b'mod qawwi kemm fl-Istati Uniti kif ukoll globalment; jenfasizza bi tħassib li f'pajjiżi li jiddependu ħafna mill-għajnuna tal-Istati Uniti għall-programmi tas-saħħa pubblika, ir-revoka tagħha jista' jkollu impatt fuq l-impenn ta' dawk il-gvernijiet li jipprovdu abort u drittijiet riproduttivi oħra;
17. Jilqa' l-iżviluppi pożittivi reċenti dwar id-drittijiet tal-abort fl-Arġentina, il-Messiku, l-Ekwador, il-Kolombja u ċ-Ċilì li jimmarkaw passi importanti 'l quddiem fl-Amerika t'Isfel fir-rigward tad-drittijiet tan-nisa, kif ukoll f'pajjiżi oħra madwar id-dinja, bħall-Angola, l-Indja, il-Kenja, New Zealand, l-Irlanda ta' Fuq, il-Korea t'Isfel u t-Tajlandja;
18. Jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tan-nisa u l-bniet fil-formulazzjoni ta' liġijiet u politiki li jaffettwawhom u li jappartjenu għad-drittijiet tal-bniedem tagħhom, inklużi s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, b'mod partikolari l-kura relatata mal-abort, u li jingħataw ġustizzja u rimedju legali meta jinkisru d-drittijiet tagħhom;
19. Jenfasizza n-nuqqas ta' aċċess għall-kontraċezzjoni u l-ħtiġijiet eżistenti mhux issodisfati(21); jenfasizza li n-nisa għandhom responsabbiltà sproporzjonata għall-kontraċezzjoni, li għandha tinqasam mal-irġiel; jenfasizza l-ħtieġa, f'dan ir-rigward, li jiġu żviluppati u promossi kontraċettivi għall-irġiel bil-għan li jitnaqqsu l-każijiet ta' tqala mhux intenzjonata; jenfasizza li għandha tingħata prijorità lill-ġlieda kontra l-vjolenza sesswali u lill-edukazzjoni komprensiva, adattata għall-età u bbażata fuq l-evidenza dwar is-sesswalità u r-relazzjonijiet għal kulħadd, firxa ta' metodi u provvisti ta' kontraċezzjoni ta' kwalità għolja, aċċessibbli, sikuri, affordabbli u, fejn xieraq, mingħajr ħlas, u konsulenza għall-ippjanar tal-familja, kif ukoll servizzi tas-saħħa;
20. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri joffru l-appoġġ kollu possibbli, inkluż appoġġ finanzjarju, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bbażati fl-Istati Uniti li jipproteġu, jippromwovu u jipprovdu s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fil-pajjiż, bħala espressjoni tal-impenn sod tagħhom favur dawn id-drittijiet; jistieden ukoll lill-Istati Membri joffru rifuġju sikur għall-professjonisti mediċi kollha li jistgħu jkunu f'riskju ta' persekuzzjoni legali jew forom oħra ta' fastidju b'riżultat tax-xogħol leġittimu tagħhom fl-għoti ta' kura relatata mal-abort;
21. Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha tal-UE jużaw l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex isaħħu l-azzjonijiet tagħhom biex jiġġieldu r-rigress fid-drittijiet tan-nisa u s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, inkluż billi jikkumpensaw għal kwalunkwe tnaqqis possibbli fil-finanzjament tal-Istati Uniti għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati globalment, u billi jippromwovu u jipprijoritizzaw bil-qawwa l-aċċess universali għal abort sikur u legali u għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati oħra fir-relazzjonijiet esterni tagħhom;
22. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jħeġġu lill-Gvern tal-Istati Uniti jistabbilixxi protezzjonijiet legali federali għad-dritt għall-abort, u jqajmu dawn il-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet tagħhom mal-Istati Uniti fil-livelli kollha u fil-fora internazzjonali rilevanti kollha, filwaqt li jirrimarka li dawn jikkostitwixxu forma ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet; jistieden ukoll lid-Delegazzjoni tal-UE għall-Istati Uniti tagħti prijorità lis-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fl-involviment tagħha mal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Uniti u fl-implimentazzjoni lokali tagħha tal-GAP III;
23. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw bil-qawwa s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati għal kulħadd, inkluż billi jippromwovu protezzjonijiet legali msaħħa fil-fruntieri tal-UE u t-tneħħija tal-ostakli għat-tgawdija ta' dawn id-drittijiet;
24. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinkludu d-dritt għall-abort fil-Karta;
25. Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lid-delegazzjonijiet tal-UE u lill-ambaxxati tal-Istati Membri madwar id-dinja biex b'mod proattiv jilħqu u jipproteġu lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jaħdmu fuq is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, speċjalment f'pajjiżi fejn hemm restrizzjonijiet fuq id-dritt u l-aċċess għall-abort;
26. Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Kummissarju inkarigat mill-ugwaljanza bejn il-ġeneri biex jikkunsidraw, fil-każ li s-sentenza Roe vs Wade tiġi revokata, li jikkundannaw u jiddenunzjaw dan il-ksur tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati tan-nisa u d-dritt tagħhom għall-kura tas-saħħa, kif ukoll l-inċertezza legali li dan se jikkawża fl-iskambji tagħhom mal-uffiċjali tal-Istati Uniti;
27. Jissottolinja li, f'konformità mal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing u l-Programm ta' Azzjoni tal-ICPD, jeħtieġ li jitħares id-dritt tal-individwi kollha għall-awtonomija u integrità fiżika u li jiġi żgurat l-aċċess għal servizzi essenzjali li jippermettu l-eżerċizzju konkret ta' dan id-dritt; jenfasizza li l-aċċess għall-kura tas-saħħa huwa dritt fundamentali tal-bniedem, u li huwa l-obbligu tal-istat li jipprovdi u jiggarantixxi l-kura tas-saħħa għal kulħadd; jappella għal approċċ globali komprensiv fil-pakkett essenzjali tas-saħħa sesswali u riproduttiva, inklużi miżuri għall-prevenzjoni u l-evitar ta' aborti mhux sikuri u klandestini, kif ukoll l-għoti ta' kura wara l-abort, li għandhom jiġu integrati fl-istrateġiji, il-politiki u l-programmi universali għall-kopertura tas-saħħa; jiddeplora l-fatt li l-kura tas-saħħa mhijiex aċċessibbli għal kulħadd fl-Istati Uniti; ifakkar li l-faqar huwa marbut mill-qrib mal-kontinwazzjoni furzata u sfurzata tat-tqala u man-nuqqas ta' abort sikur u legali;
28. Jafferma mill-ġdid li l-abort għandu dejjem ikun deċiżjoni volontarja bbażata fuq talba ta' persuna, u mogħti b'mod liberu, f'konformità mal-istandards mediċi u d-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà, l-affordabbiltà u s-sikurezza abbażi tal-linji gwida tad-WHO; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aċċess universali għal abort sikur u legali, u rispett għad-dritt għal-libertà, il-privatezza u l-aħjar kura tas-saħħa li tista' tinkiseb;
29. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiddekriminalizzaw l-abort u jneħħu u jiġġieldu l-ostakli għall-abort sikur u legali u l-aċċess għall-kura tas-saħħa u s-servizzi sesswali u riproduttivi; jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu aċċess għal servizzi ta' abort sikuri, legali u mingħajr ħlas, għal servizzi u provvisti tal-kura tas-saħħa ta' qabel it-twelid u materna, ippjanar tal-familja volontarju, kontraċezzjoni, servizzi favur iż-żgħażagħ, kif ukoll għall-prevenzjoni, it-trattament, il-kura u l-appoġġ tal-HIV, mingħajr diskriminazzjoni;
30. Jikkundanna l-fatt li n-nisa ma jkunux jistgħu jaċċessaw is-servizzi tal-abort minħabba prattika komuni f'xi wħud mill-Istati Membri tal-prattikanti mediċi, u f'xi okkażjonijiet, ta' istituzzjonijiet mediċi sħaħ, li jirrifjutaw li jipprovdu servizzi tas-saħħa abbażi tal-klawżola tal-"kuxjenza", li twassal għaċ-ċaħda tal-kura relatata mal-abort għal raġunijiet ta' reliġjon jew kuxjenza, u li tipperikola l-ħajja u d-drittijiet tan-nisa; jinnota li din il-klawżola spiss tintuża wkoll f'sitwazzjonijiet fejn kwalunkwe dewmien jista' jipperikola l-ħajja jew is-saħħa tal-pazjent;
31. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża bis-sħiħ il-kompetenza tagħha fil-politika tas-saħħa, u tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri biex jiggarantixxu aċċess universali għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fil-qafas tal-Programm l-UE għas-Saħħa għall-2021-2027; biex jippromwovu l-informazzjoni u l-edukazzjoni dwar is-saħħa; biex isaħħu s-sistemi nazzjonali tas-saħħa u l-konverġenza 'l fuq tal-istandards tal-kura tas-saħħa sabiex jitnaqqsu l-inugwaljanzi fis-saħħa fi ħdan u bejn l-Istati Membri; u biex jiffaċilitaw l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri fir-rigward tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati; jistieden lill-Istati Membri jipprogressaw lejn kopertura tas-saħħa universali, li għaliha s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati huma essenzjali;
32. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-President tal-Istati Uniti tal-Amerka u l-amministrazzjoni tiegħu, il-Kungress tal-Istati Uniti u lill-Qorti Suprema tal-Istati Uniti.
Rapport tal-UNFPA dwar l-istat tal-popolazzjoni dinjija, Seeing the Unseen: The case for action in the neglected crisis of unintended pregnancy", Marzu 2022.
Il-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, Kumment Ġenerali Nru 20 tas-6 ta' Diċembru 2016 dwar l-implimentazzjoni tad-drittijiet tat-tfal matul l-adolexxenza, Paragrafu 60.
Inkluż, fost l-oħrajn, il-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (1999), il-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (1969), il-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fiż-Żona tad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (1988), il-Protokoll għall-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem għat-Tneħħija tal-Piena tal-Mewt (1990), l-Ewwel u t-Tieni Protokolli Fakultattivi għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (1966 u 1989, rispettivament), il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (1966), il-Protokoll Fakultattiv għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (2008), il-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti (2002), il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (1989), il-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar Proċedura ta' Komunikazzjoni (2011), il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom (1990), il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Rifuġjati (1951), il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat (2006), il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità (2006) u l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (2006).
Rapport tal-UNFPA dwar l-istat tal-popolazzjoni dinjija, Seeing the Unseen: The case for action in the neglected crisis of unintended pregnancy', 30 ta' Marzu 2022 (Naraw dak li ma jidhirx: Il-ħtieġa ta' azzjoni biex tintemm il-kriżi minsija tat-tqala mhux intenzjonata).