Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2022 dwar strument kummerċjali ġdid biex jiġu pprojbiti l-prodotti magħmula bix-xogħol furzat (2022/2611(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-15 ta' Settembru 2021 mogħti mill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-23 ta' Frar 2022 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 (COM(2022)0071),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Frar 2022 dwar ix-xogħol deċenti madwar id-dinja għal tranżizzjoni globali ġusta u rkupru sostenibbli (COM(2022)0066),
– wara li kkunsidra l-gwida maħruġa mill-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna fit-12 ta' Lulju 2021 dwar id-diliġenza dovuta għan-negozji tal-UE biex jiġi indirizzat ir-riskju ta' xogħol furzat fl-operazzjonijiet u l-ktajjen tal-provvista tagħhom,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar ix-xogħol furzat u s-sitwazzjoni tal-Ujguri fir-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2021 dwar ix-xogħol furzat fil-fabbrika Linglong u l-protesti ambjentali fis-Serbja(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2021 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar diliġenza dovuta korporattiva u obbligu ta' rendikont korporattiv(3),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tal-1930 dwar ix-Xogħol Furzat u l-Protokoll tagħha tal-2014,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-ILO tal-1990 dwar l-Agħar Forom tax-Xogħol tat-Tfal;
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar strument kummerċjali ġdid biex jiġu pprojbiti l-prodotti magħmula bix-xogħol furzat (O-000018/2022 – B9-0015/2022),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,
A. billi l-Konvenzjoni tal-ILO tal-1930 dwar ix-Xogħol Furzat (Nru 29) tiddefinixxi x-xogħol furzat bħala bħala "kull xogħol jew servizz li jittieħed minn individwu b'theddid u li l-individwu ma jkunx offra volontarjament li jagħmlu"; billi l-ILO tuża 11-il indikatur biex tiġi identifikata l-eżistenza ta' xogħol furzat; billi dawn l-indikaturi huma: abbuż minn xi vulnerabbiltà, qerq, restrizzjoni tal-moviment, iżolament, vjolenza fiżika u sesswali, intimidazzjoni u theddid, żamma ta' dokumenti tal-identità, żamma ta' pagi, jasar ta' dejn, kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien abbużivi u sahra eċċessiva; billi xi drabi tkun meħtieġa l-preżenza ta' aktar minn wieħed mill-indikaturi elenkati sabiex tiġi determinata l-preżenza ta' xogħol furzat;
B. billi, skont l-istimi tal-ILO, 25 miljun persuna madwar id-dinja bħalissa jinsabu f'sitwazzjoni ta' xogħol furzat u, minn dawn, 20,8 miljun jagħmlu xogħol furzat impost privatament u 4,1 miljun qegħdin f'xogħol furzat impost mill-istat; billi n-nisa u t-tfajliet jammontaw għal 61 % ta' dawk li jagħmlu xogħol furzat; billi l-ħaddiema migranti huma speċjalment vulnerabbli għax-xogħol furzat; billi l-pandemija tal-COVID-19 iggravat is-sitwazzjoni;
C. billi l-aħħar stimi globali tal-ILO jindikaw li, fil-bidu tal-2020, 160 miljun tifel u tifla kienu involuti fit-tħaddim tat-tfal globalment, jiġifieri kważi wieħed jew waħda minn kull għaxart itfal fid-dinja kollha; billi 79 miljun tifel u tifla – kważi nofs dawk kollha involuti fit-tħaddim tat-tfal – huma vittmi tal-agħar forom ta' tħaddim tat-tfal, f'xogħol perikoluż li jipperikola b'mod dirett is-saħħa, is-sikurezza u l-iżvilupp morali tagħhom;
D. billi r-riċerka wriet li x-xogħol furzat jimpedixxi l-iżvilupp sostenibbli u għandu impatt negattiv fuq il-faqar, l-inugwaljanza u l-governanza interġenerazzjonali, u jħeġġeġ il-korruzzjoni u l-flussi finanzjarji illeċiti;
E. billi l-ekonomija tal-UE hija konnessa ma' miljuni ta' ħaddiema madwar id-dinja permezz tal-ktajjen tal-provvista globali; billi l-konsumaturi tal-UE jridu jkunu ċerti li l-prodotti li jixtru jkunu manifatturati b'mod sostenibbli u ġust li jiżgura xogħol deċenti għal dawk li jipproduċuhom;
F. billi x-xogħol furzat huwa fattur estern bla prezz li joħnoq l-innovazzjoni u l-produttività, u jagħti vantaġġ kompetittiv inġust lin-negozji u lill-gvernijiet li jappoġġjawh;
G. billi, fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2021, il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen affermat li l-Kummissjoni se tipproponi projbizzjoni fuq prodotti fis-suq tal-UE li jkunu saru permezz ta' xogħol furzat;
H. billi fil-proposta tagħha għal Direttiva dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva, il-Kummissjoni tistabbilixxi obbligi ta' diliġenza dovuta għal kumpaniji kbar li jaqbżu ċertu limitu u għal ċerti kumpaniji oħra f'setturi partikolarment sensittivi, biex jiġu identifikati, evitati, imnaqqsa u kkunsidrati l-impatti negattivi attwali u potenzjali fuq id-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tax-xogħol, u fuq l-ambjent tul il-ktajjen tal-provvista globali;
I. billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Frar 2022 dwar ix-xogħol deċenti madwar id-dinja għal tranżizzjoni globali ġusta u rkupru sostenibbli (COM(2022)0066) tiddeskrivi l-pjanijiet tal-Kummissjoni li tħejji inizjattiva leġiżlattiva ġdida, li se tkun qed tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-UE ta' prodotti magħmula b'xogħol furzat, inkluż tħaddim tat-tfal furzat; billi l-inizjattiva l-ġdida tkopri kemm il-prodotti domestiċi kif ukoll dawk importati u tgħaqqad projbizzjoni ma' qafas ta' infurzar robust u bbażat fuq ir-riskju;
J. billi x-xogħol furzat huwa fenomenu kumpless u projbizzjoni fuq il-prodotti tax-xogħol furzat mhux se tkun biżżejjed biex ix-xogħol furzat jinqered u l-kwistjoni tiġi indirizzata mill-għeruq tagħha; billi sabiex tittratta din il-kwistjoni globali, l-UE għandha tiffoka wkoll fuq id-djalogu ma' pajjiżi terzi, l-assistenza teknika, il-bini tal-kapaċità u s-sensibilizzazzjoni; billi l-UE għandha taħdem ukoll attivament fil-livell multilaterali biex jinstabu soluzzjonijiet kollettivi sabiex jinqered ix-xogħol furzat;
K. billi għadd ta' kumpaniji fl-UE jsegwu diversi settijiet ta' linji gwida volontarji u sovrapposti dwar imġiba responsabbli fin-negozju, iżda l-adozzjoni tagħhom għad trid titjieb; billi sabiex dan jiġi indirizzat, l-UE diġà għandha fis-seħħ regoli obbligatorji ta' diliġenza dovuta f'setturi speċifiċi bħall-injam u s-sorsi tal-hekk imsejħa minerali ta' kunflitt;
L. billi l-effikaċja tal-esklużjonijiet tal-prodotti tax-xogħol furzat tiddependi minn diversi fatturi bħall-perċentwal tad-domanda settorjali globali li tipparteċipa fil-bojkott; l-ispejjeż u l-vijabbiltà għad-ditti esportaturi tad-devjazzjoni tal-kummerċ, ir-riallokazzjoni tal-kummerċ jew it-trasformazzjoni tal-prodott; is-saħħa tal-fornituri fis-suq; u kif il-gvern ospitanti jirrispondi għal pressjoni esterna;
M. billi hemm bżonn taħlita ta' diversi għodod biex jiġu solvuti problemi differenti relatati max-xogħol furzat;
N. billi sabiex tkun kompatibbli mad-WTO, kull esklużjoni ta' prodott trid tkun strutturata sabiex jiġi evitat il-ksur ta' impenji ta' kummerċ ħieles u ma ssirx diskriminazzjoni skont l-oriġini ġeografika; billi l-Artikolu XX tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ jipprovdi l-bażi legali li tiġġustifika deċiżjonijiet relatati mal-esklużjoni ta' prodott; billi kwalunkwe esklużjoni bħal din trid tkun ibbażata fuq l-evidenza u ssir wara konsultazzjoni mal-partijiet affettwati;
O. billi l-introduzzjoni ta' projbizzjoni fuq il-prodotti magħmula b'xogħol furzat hija prijorità politika kemm tal-Parlament kif ukoll tal-UE kollha kemm hi;
1. Jappella għal strument kummerċjali ġdid li jkun kompatibbli mad-WTO u jikkomplementa r-regoli dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva, jipprojbixxi l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' prodotti magħmula jew trasportati b'xogħol furzat u li jkun ikkomplementat b'miżuri għall-kummerċ intra-UE; jisħaq li kwalunkwe qafas evetwali fil-livell tal-UE jrid ikun proporzjonat, nondiskriminatorju u effettiv, filwaqt li jirrispetta l-impenn favur sistema kummerċjali miftuħa u bbażata fuq ir-regoli; jenfasizza li l-proposta l-ġdida tista' tkun ibbażata fuq l-aħjar prattiki ta' pajjiżi li għandhom leġiżlazzjoni simili, bħall-Istati Uniti u l-Kanada;
2. Jisħaq li d-determinazzjoni ta' jekk ikunx sar użu minn xogħol furzat għandha tkun ibbażata fuq l-indikaturi rilevanti tal-ILO, inkluż il-"Hard to see, harder to count – Survey guidelines to estimate forced labour of adults and children" tagħha;
3. Iqis li l-istrument il-ġdid għandu jippermetti projbizzjonijiet fuq prodotti ta' xogħol furzat minn sit ta' produzzjoni, importatur jew kumpanija partikolari, dawk minn reġjun partikolari fil-każ ta' xogħol furzat sponsorjat mill-istat u dawk minn flotta jew bastiment tal-merkanzija partikolari;
4. Iqis li, skont l-istrument il-ġdid tal-UE, l-awtoritajiet pubbliċi, fuq inizjattiva tagħhom stess jew minn informazzjoni li jkunu rċevew, għandhom iżommu prodotti fil-fruntiera tal-UE meta jqisu li hemm biżżejjed evidenza li dawn il-prodotti jkunu saru jew inġarru b'xogħol furzat; jirrimarka li l-importatur li l-merkanzija tiegħu tkun inżammet għandu mbagħad jingħata l-opportunità li jiċħad din l-akkuża billi juri li l-oġġetti ma jkunux saru jew inġarru b'xogħol furzat, li mbagħad jista' jwassal għar-rilaxx tal-oġġetti; jenfasizza li l-evidenza biex tingħata prova ta' nuqqas ta' xogħol furzat trid tkun ibbażata fuq l-istandards tal-ILO;
5. Jinnota li l-prodotti għandhom jiġu sekwestrati meta l-awtoritajiet pubbliċi, abbażi ta' evidenza suffiċjenti, isibu li fil-manifattura u t-trasporta tal-oġġetti jkun sar użu minn xogħol furzat, jew jekk il-prodotti jkunu ġew minn reġjun partikolari fejn ix-xogħol furzat impost mill-istat ikun prevalenti; jenfasizza li l-merkanzija maqbuda tiġi rilaxxata jekk il-kumpanija tkun tista' tagħti prova li ma jkunx sar użu minn xogħol furzat jew li jkun ġie effettwat xi rimedju u li l-indikaturi ta' xogħol furzat ma jkunux għadhom preżenti;
6. Jirrikonoxxi li għadd ta' kumpaniji fl-UE diġà qed jagħmlu sforzi biex jiżguraw li fil-ktajjen tal-provvista tagħhom ma jseħħux prattiki li jmorru kontra d-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tal-ħaddiema; jistieden lill-Kummissjoni toffri lill-kumpaniji, partikolarment lill-SMEs, appoġġ tekniku u appoġġ xieraq ieħor biex jallinjaw ruħhom mar-regoli l-ġodda u b'hekk jevitaw piżijiet bla bżonn; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tivvaluta l-implimentazzjoni tal-istrument u l-impatt tiegħu fuq il-kumpaniji fl-UE;
7. Jemmen li l-Kummissjoni, partikolarment l-Uffiċjal Kap tal-Infurzar għall-Kummerċ, kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali, jeħtieġ jingħataw is-setgħa li jiftħu investigazzjonijiet; jinnota li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom ikunu jistgħu jieħdu azzjoni abbażi ta' informazzjoni pprovduta minn partijiet ikkonċernati, NGOs jew ħaddiema affettwati u permezz ta' proċedura ta' lmenti formalizzata u sikura, pereżempju permezz tal-Punt ta' Dħul Uniku;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-istrument il-ġdid tal-UE jkun jirrikjedi li l-kumpaniji responsabbli jipprovdu rimedju lill-ħaddiema affettwati qabel ma jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni; jappella li jsir monitoraġġ tal-azzjonijiet rimedjali u korrettivi f'kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u t-trade unions;
9. Jemmen li għandha tinħoloq sistema ta' koordinazzjoni fil-livell tal-UE biex jingħata appoġġ lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u tiġi żgurata t-trasparenza tal-proċeduri kollha varati;
10. Jisħaq li l-kumpaniji jistgħu jintalbu mill-awtoritajiet pubbliċi jiżvelaw informazzjoni rilevanti dwar sussidjarji, fornituri, sottofornituri, kuntratturi u sħab fin-negozju fil-katina tal-provvista, bil-kunsiderazzjoni dovuta għall-kunfidenzjalità kummerċjali; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, toħloq linji gwida biex jgħinu lill-kumpaniji fil-ħolqien ta' proċess ta' mmappjar tal-katina tal-provvista sabiex tiġi identifikata x'tikkostitwixxi informazzjoni rilevanti; jenfasizza li database pubblika li jkun fiha informazzjoni dwar fornituri individwali, ir-riskju li joħolqu jew, min-naħa l-oħra, evidenza ta' xogħol deċenti, tista' tnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-kumpaniji;
11. Jappella biex tinħoloq u tinżamm lista pubblika ta' entitajiet, reġjuni u prodotti sanzjonati;
12. Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni ma' sħab tal-istess fehma biex jintemm ix-xogħol furzat mad-dinja kollh u jiġi żgurat li prodotti magħmula b'xogħol furzat ma jiġux kummerċjalizzati; jinnota l-bżonn ta' sforzi konġunti biex jiġi żgurat li l-projbizzjoni ma tkunx tista' tiġi evitata u li l-oġġetti suspettati li ġew prodotti b'xogħol furzat ma jkunux jistgħu jiġu indirizzati lejn rotot oħra;
13. Jemmen li sabiex ikun hemm bidla globalment, l-UE għandha taħdem mill-qrib mas-sħab tagħha permezz ta' azzjoni u investigazzjonijiet konġunti; jappella għal rwol attiv għad-Delegazzjonijiet tal-UE biex jiddjalogaw ma' pajjiżi terzi u partijiet ikkonċernati fuq kwistjonijiet relatati mal-leġiżlazzjoni l-ġdida;
14. Jirrimarka li l-istrument kummerċjali l-ġdid li jipprojbixxi l-prodotti magħmula b'xogħol furzat għandu jkun koerenti u komplementari għal inizjattivi oħra ta' diliġenza dovuta u d-dispożizzjonijiet attwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u s-sostenibbiltà; jirrimarka li dan għandu jiġi kkunsidrat fir-rieżami tal-pjan ta' azzjoni fi 15-il punt dwar il-kapitoli tal-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli (TSD) u fil-kapitoli sussegwenti tat-TSD fil-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles tal-UE;
15. Jappella għall-użu ta' investiment pubbliku u privat biex tiġi żviluppata kapaċità addizzjonali ta' produzzjoni mingħajr xogħol furzat fil-ktajjen tal-provvista affettwati;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri.