Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2022 dwar l-istatus ta' kandidat tal-Ukrajna, tar-Repubblika tal-Moldova u tal-Georgia (2022/2716(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra l-applikazzjonijiet għas-sħubija mal-UE mressqa mill-Ukrajna, mir-Repubblika tal-Moldova u mill-Georgia,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Ukrajna tat-30 ta' Mejju 2022,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Versailles tal-10 u l-11 ta' Marzu 2022,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ġunju 2022 dwar l-applikazzjonijiet għas-sħubija mal-UE mressqa mill-Ukrajna (COM(2022)0407), mir-Repubblika tal-Moldova (COM(2022)0406) u mill-Georgia (COM(2022)0405),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-mexxejja tal-Gruppi Politiċi tiegħu indirizzata lill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern fid-dawl tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Ġunju 2022,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Federazzjoni Russa ilha mill-24 ta' Frar 2022 twettaq gwerra, mhux ipprovokata, mhux ġustifikata u illegali, ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna; billi l-Ukrajna applikat għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea fit-28 ta' Frar 2022, u r-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia għamlu dan fit-3 ta' Marzu 2022;
B. billi l-applikazzjonijiet ġew fl-isfond tal-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna, li twettqet fuq skala bla preċedent fl-istorja moderna Ewropea u li matulha twettqu ta' delitti tal-gwerra li jafu jammontaw għal ġenoċidju kontra l-popolazzjoni Ukrena, kif ukoll tal-okkupazzjoni kontinwa ta' partijiet mit-territorji tal-Georgia u tar-Repubblika tal-Moldova; billi l-Ukrajna qed tiddefendi l-ordni ta' sigurtà Ewropew u l-prinċipji li fuqhom inbena, bħall-Att Finali ta' Helsinki u l-Karta ta' Pariġi għal Ewropa Ġdida;
C. billi skont l-Artikolu 49 tat-TUE, "kull Stat Ewropew li jirrispetta l-valuri msemmija fl-Artikolu 2 u jimpenja ruħu sabiex jippromwovihom jista' japplika sabiex isir membru tal-Unjoni";
D. billi ma hemm l-ebda "rotta rapida" għas-sħubija mal-UE u billi l-adeżjoni tibqa' proċess ibbażat fuq il-mertu u strutturat li jirrikjedi l-issodisfar tal-kriterji ta' sħubija mal-UE u hija dipendenti fuq l-implimentazzjoni effettiva tar-riformi u t-traspożizzjoni tal-acquis tal-UE;
E. billi l-Kunsill talab eċċezzjonalment malajr li l-Kummissjoni tissottometti l-opinjonijiet tagħha dwar l-applikazzjonijiet għas-sħubija fl-UE tal-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia;
F. billi d-Dikjarazzjoni ta' Versailles tal-10 u l-11 ta' Marzu 2022 iddikjarat ir-rikonoxximent tal-Kunsill Ewropew tal-aspirazzjonijiet Ewropej u l-għażla Ewropea tal-Ukrajna;
G. billi l-poplu tal-Ukrajna, tar-Repubblika tal-Moldova u tal-Georgia ilhom snin sħaħ juru b'mod konsistenti appoġġ sod għar-rotta Ewropea tal-pajjiżi tagħhom, filwaqt li jħaddnu l-prinċipji u l-valuri Ewropej; billi aspirazzjonijiet simili li dak li jkun jgħix f'pajjiż ħieles, sovran u demokratiku huma espressi mill-maġġoranza tal-poplu tal-Belarussja li topponi r-reġim ta' Lukashenka appoġġat mir-Russja;
H. billi l-iżviluppi tal-passat urew li n-nuqqas ta' tkabbir għandu prezz strateġiku enormi u jista' jdgħajjef is-sigurtà u l-istabbiltà fil-kontinent tagħna;
I. billi r-relazzjonijiet tal-UE mal-Ukrajna, mar-Repubblika tal-Moldova u mal-Georgia huma bbażati fuq ftehimiet ta' assoċjazzjoni ambizzjużi u żoni ta' kummerċ ħieles approfonditi u komprensivi (AA/DCFTAs), li joħolqu ambjent li jwassal għal approssimazzjoni leġiżlattiva u integrazzjoni ekonomika, li huma elementi kruċjali ta' proċess ta' adeżjoni futur; billi l-implimentazzjoni sħiħa tal-AA/DCFTAs għad trid tinkiseb;
J. billi l-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia kollha ressqu ż-żewġ kwestjonarji tal-adeżjoni mal-UE fi żmien rekord, fatt li juri mhux biss l-impenn kbir tagħhom favur il-valuri tal-UE, iżda anki l-kapaċità kbira u r-rieda qawwija tagħhom li jilħqu dawn l-objettivi;
K. billi fis-17 ta' Ġunju 2022, il-Kummissjoni ppubblikat opinjonijiet dwar it-tliet applikazzjonijiet, li jirrakkomandaw li l-Kunsill jikkonferma l-prospettivi tal-Ukrajna, tar-Repubblika tal-Moldova u tal-Georgia li jsiru Stati Membri tal-UE;
L. billi fl-opinjonijiet tagħha, il-Kummissjoni rrakkomandat li l-Ukrajna u r-Repubblika tal-Moldova jingħataw l-istatus ta' kandidat bil-fehim li jittieħdu ċerti miżuri ta' riforma, bħal fl-oqsma tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; billi fil-każ tal-Georgia, il-Kummissjoni rrakkomandat li tingħata l-istatus ta' kandidat ladarba jkunu ġew indirizzati l-prijoritajiet indikati;
M. billi l-għoti ta' status ta' kandidat jibgħat messaġġ qawwi ta' tama u solidarjetà liċ-ċittadini tat-tliet pajjiżi u juri li l-Unjoni Ewropea hija determinata li tilqa' l-isfidi attwali u twettaq il-viżjoni futura tagħha;
1. Jilqa' l-applikazzjonijiet għas-sħubija tal-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia bħala espressjoni tal-aspirazzjonijiet Ewropej tal-poplu u x-xewqa tagħhom li jgħixu b'mod paċifiku u sikur f'pajjiżi ħielsa, demokratiċi u prosperi li jżommu relazzjonijiet tajba ta' viċinat mal-pajjiżi Ewropej kollha u jimpenjaw ruħhom f'kooperazzjoni dejjem eqreb mal-Istati Membri tal-UE;
2. Jilqa' r-rakkomandazzjoni formali tal-Kummissjoni li jingħata l-istatus ta' kandidat tal-UE lill-Ukrajna u lir-Repubblika tal-Moldova u prospettiva Ewropea għall-Georgia;
3. Jistieden lill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern li se jiltaqgħu bħala l-Kunsill Ewropew fit-23 u l-24 ta' Ġunju 2022 biex, bla dewmien, jagħtu l-istatus ta' kandidat tal-UE lill-Ukrajna u lir-Repubblika tal-Moldova, u biex jagħtu l-istess status lill-Georgia ladarba l-gvern tagħha jkun kiseb il-prijoritajiet indikati fl-opinjoni tal-Kummissjoni; jissottolinja li l-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern iridu jerfgħu r-responsabbiltà storika tagħhom u jagħtu sinjali politiċi ċari;
4. Jenfasizza li l-għoti ta' status ta' kandidat mill-Unjoni Ewropea se jkun ekwivalenti għal turija ta' tmexxija, determinazzjoni u viżjoni fil-kuntest tal-lum tal-gwerra brutali Russa ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna u tentattiv ta' definizzjoni mill-ġdid tal-ambjent ġeopolitiku u jibgħat messaġġ politiku ċar li l-pajjiżi inkwistjoni għażlu b'mod irriversibbli d-direzzjoni Ewropea, li ġiet aċċettata mis-sħab Ewropej tagħhom, u m'għandhiex tkun is-suġġett ta' ndħil minn xi parti terza; itenni li l-UE trid tkompli tkun sieħeb affidabbli u attur ġeopolitiku kredibbli li tirrispetta l-prinċipji u l-valuri tagħha stess billi turi solidarjetà ma' dawk li jiddefendu l-istess ideali;
5. Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu r-rieda politika biex jagħtu spinta ġdida lill-proċess ta' tkabbir u jwettqu l-wegħdiet tagħhom permezz ta' passi pożittivi konkreti fil-proċessi ta' adeżjoni ta' pajjiżi li jfittxu li jissieħbu fl-Unjoni u li jistħoqqilhom li jkunu parti mill-familja Ewropea; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-UE li se jiltaqgħu fit-23 u fl-24 ta' Ġunju 2022 biex jagħtu l-approvazzjoni tagħhom għall-proċess ta' tkabbir tal-Balkani tal-Punent, li bħalissa huwa mblukkat;
6. Ifakkar li sabiex tinżamm il-kredibbiltà tal-proċess ta' tkabbir tal-UE u jiġi żblukkat il-poter trasformattiv tiegħu, l-impenn fit-tul fil-konfront tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent irid jinżamm u l-binarju parallel tagħhom jeħtieġ li jkompli mingħajr interruzzjoni b'aktar dinamiżmu abbażi tal-mertu, l-allinjament politiku, is-solidarjetà fi kwistjonijiet internazzjonali u l-impenji miftiehma;
7. Jissottolinja li l-adeżjoni mal-UE trid isseħħ f'konformità mal-Artikolu 49 tat-TUE, abbażi tar-rispett għall-proċeduri rilevanti u bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfati l-kriterji stabbiliti, b'mod partikolari l-hekk imsejħa kriterji ta' Copenhagen għas-sħubija fl-UE, u tibqa' proċess ibbażat fuq il-mertu li jirrikjedi l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi rilevanti, b'mod partikolari fl-oqsma tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, l-ekonomija tas-suq u l-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE;
8. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia juru mingħajr ambigwità d-determinazzjoni politika tagħhom li jimplimentaw l-ambizzjonijiet Ewropej tal-poplu tagħhom billi jtejbu b'mod sinifikanti l-progress b'riformi sostanzjali sabiex jissodisfaw b'mod effettiv il-kriterji għas-sħubija fl-UE mill-aktar fis possibbli;
9. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jittieħed vantaġġ mill-esperjenzi tal-Ukrajna, tar-Repubblika tal-Moldova u tal-Georgia bl-implimentazzjoni tal-AA/DCFTAs rispettivi tagħhom bħala bażi għall-proċess ta' adeżjoni li jmiss, biex b'hekk it-tliet pajjiżi jkunu jistgħu jintegraw gradwalment aktar fis-suq uniku tal-UE u jsaħħu l-kooperazzjoni settorjali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħejju strutturi interni u jipprovdu riżorsi addizzjonali, kif ukoll aktar assistenza teknika u appoġġ politiku;
10. Jirrikonoxxi li l-Ukreni, il-Moldovani u l-Georgjani appoġġaw b'mod kontinwu orjentazzjoni pro-Ewropea ta' pajjiżhom u jistħoqqilhom jgħixu f'pajjiżi ħielsa, demokratiċi u prosperi li jkunu membri kburin u attivi tal-familja Ewropea; jikkonkludi li l-Kunsill Ewropew li jmiss jista' jieħu l-ewwel pass importanti lejn it-twettiq tal-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu tat-tliet pajjiżi;
11. Itenni l-impenn tal-UE favur is-sovranità, l-integrità territorjali u l-indipendenza politika tal-Ukrajna, tar-Repubblika tal-Moldova u tal-Georgia fi ħdan il-fruntieri tagħhom rikonoxxuti fuq livell internazzjonali, u jappoġġa l-isforzi tagħhom biex jinfurzaw bis-sħiħ dawk il-prinċipji; jissottolinja l-importanza tal-għaqda u s-solidarjetà tal-Istati Membri f'dan ir-rigward;
12. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jaġġornaw il-politika tas-Sħubija tal-Lvant sabiex din tkun tista' tibqa' strument trasformattiv u sinifikanti fil-kuntest attwali tal-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, li thedded ukoll is-sigurtà tal-pajjiżi ġirien tal-Ukrajna u taffettwa l-istabbiltà fir-reġjun kollu kemm hu; itenni l-ħtieġa ta' kooperazzjoni reġjonali u integrazzjoni akbar bejn il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant;
13. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jistabbilixxu djalogu politiku msaħħaħ u strutturat mal-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali sabiex javvanzaw aktar l-integrazzjoni ekonomika u l-armonizzazzjoni leġiżlattiva kif ukoll l-inklużjoni gradwali fil-ħidma u l-proċedimenti tal-istituzzjonijiet tal-UE, fejn xieraq;
14. Itenni t-talba tiegħu lill-istituzzjonijiet tal-UE biex iħaffu l-passi meħtieġa biex it-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE jsir aktar effiċjenti;
15. Jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu favur it-tkabbir, li għalih ma hemm ebda alternattiva u li huwa aktar minn qatt qabel investiment ġeostrateġiku f'UE stabbli, b'saħħitha u magħquda; jemmen bis-sħiħ li l-prospett ta' sħubija sħiħa fl-UE għall-pajjiżi li qed jistinkaw biex isiru Stati Membri tal-UE huwa fl-interess politiku, ekonomiku u ta' sigurtà tal-Unjoni stess;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-presidenti, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Georgia u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.