Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2022 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (COM(2020)0825 – C9-0418/2020 – 2020/0361(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2020)0825),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0418/2020),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-27 ta' April 2021(1),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-1 ta' Lulju 2021(2),
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-15 ta’ Ġunju 2022, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A9-0356/2021),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt(3);
2. Jieħu nota tad-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni, li se tiġi ppubblikata fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
3. Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fl-20 ta' Jannar 2022 (Testi adottati P9_TA(2022)0014).
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-5 ta' Lulju 2022 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2022/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali)
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, ir-Regolament (UE) 2022/2065.)
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
DIKJARAZZJONI TAL-KUMMISSJONI DWAR L-APPOĠĠ TA' INTRAPRIŻI MIKRO, ŻGĦAR U TA' DAQS MEDJU U NEGOZJI ĠODDA FIL-KUNTEST TAL-ATT DWAR IS-SERVIZZI DIĠITALI
Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-importanza tal-kompetittività, l-innovazzjoni u l-investiment fis-servizzi diġitali, b'mod partikolari fir-rigward ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju u negozji ġodda. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni hija impenjata li tiffaċilita l-konformità mal-Att dwar is-Servizzi Diġitali tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju u negozji ġodda, b'mod partikolari permezz tal-mobilizzazzjoni ta' programmi rilevanti favur l-innovazzjoni, l-użu ta' teknoloġiji diġitali u l-istandardizzazzjoni.