Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2022/0179(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0187/2022

Testi mressqa :

A9-0187/2022

Dibattiti :

PV 04/07/2022 - 16
CRE 04/07/2022 - 16

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2022 - 6.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2022)0271

Testi adottati
PDF 136kWORD 46k
It-Tlieta, 5 ta' Lulju 2022 - Strasburgu
Adozzjoni tal-euro mill-Kroazja fl-1 ta' Jannar 2023 *
P9_TA(2022)0271A9-0187/2022

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2022 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tal-euro mill-Kroazja fl-1 ta' Jannar 2023 (COM(2022)0282 – C9-0195/2022 – 2022/0179(NLE))

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tal-euro mill-Kroazja fl-1 ta' Jannar 2023 (COM(2022)0282),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 140(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Konverġenza 2022 tal-Kummissjoni u r-Rapport ta' Konverġenza tal-Bank Ċentrali Ewropew ta' Ġunju 2022,

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar it-tkabbir taż-żona tal-euro(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ġunju 2007 dwar it-titjib tal-proċess ta' konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-proċeduri ta' tkabbir ulterjuri taż-żona euro(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0187/2022),

A.  billi l-Artikolu 140 tat-TFUE jipprevedi l-ilħuq ta' grad għoli ta' konverġenza sostenibbli b'referenza għal jekk kull Stat Membru ikunx issodisfa dawn il-kriterji: il-ksib ta' livell għoli ta' stabbiltà fil-prezzijiet; is-sostenibbiltà tal-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern, meta l-Istat Membru ma jkunx soġġett għal proċedura ta' defiċit eċċessiv kif deskritt fil-Protokoll Nru 12 anness mat-Trattati; l-osservanza tal-marġni ta' fluttwazzjoni normali previsti mill-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju; u d-durabbiltà tal-konverġenza miksuba mill-Istat Membru u l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea kif jidher fil-livelli tar-rati tal-imgħax f'perjodi fit-tul ("il-kriterji ta' Maastricht");

B.  billi l-Kroazja kkonformat mal-kriterji ta' Maastricht skont l-Artikolu 140 tat-TFUE u l-Protokoll Nru 13 dwar il-kriterji ta' konverġenza anness mat-Trattati, u l-leġiżlazzjoni tal-Kroazja ġiet evalwata mill-Kummissjoni u mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) bħala kompletament kompatibbli mar-rekwiżiti tat-TFUE u l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew;

C.  billi t-TFUE jitlob eżami ta' fatturi oħra rilevanti għall-integrazzjoni u l-konverġenza ekonomiċi li għandhom jitqiesu fil-valutazzjoni, inklużi l-iżviluppi tal-bilanċ tal-pagamenti u l-integrazzjoni tas-swieq tal-prodotti, dawk tax-xogħol u dawk finanzjarji; billi l-Kummissjoni tqis li l-Kroazja tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-euro anke b'rabta ma' dawn il-kriterji addizzjonali;

D.  billi, abbażi tal-prassi komuni u kif sar diversi drabi fil-passat, għall-fini tal-valutazzjoni tal-kriterju tal-istabbiltà fil-prezzijiet, il-Kummissjoni teskludi minn fost il-pajjiżi bl-aħjar prestazzjoni dawk li r-rati tal-inflazzjoni tagħhom ma jistgħux jitqiesu bħala punt ta' riferiment sinifikanti għal Stati Membri oħra, u għalhekk eskludiet mill-valutazzjoni żewġ Stati Membri bħala dawk bl-aħjar prestazzjoni;

E.  billi ċ-ċirkostanzi attwali, bħaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u l-invażjoni illegali u mhux provokata tal-Ukrajna mir-Russja kellhom impatt fuq diversi indikaturi użati fir-rapporti ta' konverġenza u jirrikjedu riflessjoni adegwata dwar l-implimentazzjoni tagħhom; billi l-aderenza ma' dawk il-kriterji tikkontribwixxi għall-integrazzjoni fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja u għall-istabbiltà fit-tul tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja;

F.  billi, bid-dħul fis-seħħ tal-qafas ta' kooperazzjoni mill-qrib fl-1 ta' Ottubru 2020, il-BĊE kiseb ir-responsabbiltà għas-superviżjoni diretta ta' tmien istituzzjonijiet sinifikanti u għas-sorveljanza ta' 15-il istituzzjoni inqas sinifikanti fil-Kroazja;

G.  billi l-Kroazja impenjat ruħha li timplimenta għadd ta' miżuri wara d-dħul tagħha fil-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju (ERM II) f'Lulju 2020 fl-erba' oqsma li ġejjin: il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, l-ambjent tan-negozju, il-governanza tas-settur pubbliku u l-qafas tal-insolvenza;

H.  billi r-rapporteur żar il-Latvja biex jivvaluta kemm il-pajjiż huwa lest biex jidħol fiż-żona tal-euro;

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni;

2.  Huwa favur l-adozzjoni tal-euro mill-Kroazja fl-1 ta' Jannar 2023;

3.  Jinnota li l-Kroazja tissodisfa l-kriterji kollha għall-adozzjoni tal-euro bħala riżultat ta' sforzi ambizzjużi, determinati, kredibbli u sostenibbli min-naħa tal-Gvern Kroat u tal-poplu Kroat;

4.  Jinnota li l-valutazzjonijiet pożittivi tal-Kummissjoni u tal-BĊE saru fl-isfond tax-xokk tal-COVID-19, li ħa aktar fit-tul milli kien mistenni inizjalment, u l-irkupru ekonomiku sussegwenti fl-2021; jinnota, madankollu, li l-invażjoni mhux provokata u illegali tal-Ukrajna mir-Russja li bdiet fl-24 ta' Frar 2022 kellha impatt limitat fuq id-data storika użata għat-tħejjija tar-rapporti ta' konverġenza; huwa konvint, għalhekk, li l-Kroazja tinsab għalkollox lesta biex tadotta l-euro sa mill-1 ta' Jannar 2023;

5.  Jissottolinja li, minkejja s-sitwazzjoni soċjoekonomika diffiċli ġġenerata mill-kriżi tas-saħħa u ż-żieda l-aktar reċenti fil-prezzijiet tal-enerġija, l-adozzjoni tal-euro mill-Kroazja u l-fatt li l-Kroazja ssodisfat il-kriterji meħtieġa jirrappreżentaw sinjal politiku qawwi tal-vijabbiltà u l-attraenza tal-munita unika tal-Unjoni; jilqa', għalhekk, l-isforzi sostnuti li saru mill-Gvern Kroat f'dan ir-rigward; jemmen li l-adozzjoni tal-euro mill-Kroazja se tikkontribwixxi għar-reżiljenza u l-unità tal-Unjoni u ssaħħaħ l-immaġni pożittiva tagħha fir-reġjun, b'mod partikolari peress li dan huwa l-ewwel proċess sinifikanti ta' integrazzjoni tal-UE wara Brexit;

6.  Jenfasizza li l-adozzjoni tal-euro se ssaħħaħ l-ekonomija tal-Kroazja u se tkun ta' benefiċċju għaċ-ċittadini u għall-kumpaniji tagħha, peress li se tagħmel l-ekonomija tal-pajjiż aktar reżiljenti, se tattira aktar investiment barrani, se żżid il-fiduċja tal-investituri internazzjonali u se tnaqqas il-kambji tal-muniti, u dan se jkollu effett rilevanti fis-settur tat-turiżmu vitali tal-pajjiż;

7.  Jilqa' l-ħidma tal-Gvern Kroat dwar it-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali tal-Kroazja, l-isforzi biex itejjeb l-ambjent tan-negozju, u l-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti ta' riformi strutturali li jikkontribwixxu għal tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv; jilqa' b'mod partikolari l-isforzi biex isaħħaħ l-indipendenza istituzzjonali tal-Hrvatska narodna banka; jistieden lill-awtoritajiet Kroati jkomplu jsaħħu l-qafas istituzzjonali biex jiżguraw il-kwalità regolatorja;

8.  Jappella għall-implimentazzjoni rapida u effettiva tar-riformi u l-investimenti tal-Pjan tal-Kroazja għall-Irkupru u r-Reżiljenza li se jagħtu spinta lit-tkabbir u jsaħħu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tagħha;

9.  Jenfasizza li l-konverġenza fis-superviżjoni bankarja tikkontribwixxi għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja billi tiżgura l-applikazzjoni ta' standards superviżorji uniformi; jenfasizza, barra minn hekk, li s-sħubija tal-Kroazja fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku permezz ta' kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE żgurat mod bla xkiel biex tissieħeb fl-Unjoni Bankarja;

10.  Jistieden lill-awtoritajiet Kroati jkomplu l-kampanja ta' informazzjoni u komunikazzjoni tajba tagħhom dwar l-adozzjoni tal-euro;

11.  Jistieden lill-awtoritajiet Kroati jkomplu għaddejjin fid-direzzjoni attwali ta' tħejjijiet prattiċi biex jiżguraw proċess ta' bidla mingħajr xkiel;

12.  Jinnota li skont ir-Rapport ta' Konverġenza 2022 tal-Kummissjoni, il-livell tal-prezzijiet fil-Kroazja diġà kiseb livell ogħla ta' konverġenza tal-prezzijiet maż-żona tal-euro minn Stati Membri oħra meta ngħaqdu maż-żona tal-euro; jistenna għalhekk sforzi sostnuti mill-Gvern Kroat biex jiżgura li tinkiseb aktar konverġenza tal-prezzijiet b'mod sostenibbli u li l-introduzzjoni tal-euro ma twassalx għal żidiet artifiċjali fil-prezzijiet;

13.  Jistieden lill-Gvern Kroat ikompli bl-azzjonijiet tiegħu sabiex iwettaq l-impenn li jimplimenta pjan ta' azzjoni ġdid kontra l-ħasil tal-flus sal-2023;

14.  Jistieden lill-Kunsill jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

15.  Jitlob lill-Kunsill jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Grupp tal-Euro u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 249.
(2) ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 251

Aġġornata l-aħħar: 30 ta' Novembru 2022Avviż legali - Politika tal-privatezza