Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2022 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2021 dwar il-Kosovo (2021/2246(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa, u l-Kosovo, min-naħa l-oħra, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 2016(1),
– wara li kkunsidra l-ftehim qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kosovo dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Kosovo fi programmi tal-Unjoni, li ilhom fis-seħħ mill-1 ta' Awwissu 2017(2),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f'Tessaloniki tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Sofija tas-summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent tas-17 ta' Mejju 2018,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Zagreb tas-summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent tas-6 ta' Mejju 2020,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Brdo tas-summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent tas-6 ta' Ottubru 2021,
– wara li kkunsidra l-Proċess ta' Berlin imniedi fit-28 ta' Awwissu 2014, u t-tmien Summit tal-Proċess ta' Berlin tal-5 ta' Lulju 2021,
– wara li kkunsidra s-Summit ta' Sofija tal-10 ta' Novembru 2020, id-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja tal-Balkani tal-Punent dwar is-Suq Reġjonali Komuni tad-9 ta' Novembru 2020 u d-Dikjarazzjoni ta' Sofija dwar l-Aġenda Ekoloġika għall-Balkani tal-Punent tal-10 ta' Novembru 2020,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-10 ta' Ġunju 1999, l-Opinjoni Konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) tat-22 ta' Lulju 2010 dwar il-konformità mad-dritt internazzjonali tad-dikjarazzjoni unilaterali ta' indipendenza fir-rigward tal-Kosovo, u r-riżoluzzjoni 64/298 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tad-9 ta' Settembru 2010 li rrikonoxxiet il-kontenut tal-opinjoni tal-QIĠ u laqgħet id-disponibbiltà tal-UE li tiffaċilita d-djalogu bejn is-Serbja u l-Kosovo,
– wara li kkunsidra l-ewwel ftehim dwar il-prinċipji li jirregolaw in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn il-gvernijiet tas-Serbja u l-Kosovo tad-19 ta' April 2013, u l-ftehimiet tal-25 ta' Awwissu 2015, u d-djalogu ffaċilitat mill-UE li għadu għaddej għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/904 tat-3 ta' Ġunju 2021 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (EULEX Kosovo)(3), li estendiet il-mandat tal-missjoni sal-14 ta' Ġunju 2023,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2020 bit-titolu "It-titjib tal-proċess tal-adeżjoni – Perspettiva kredibbli tal-UE għall-Balkani tal-Punent" (COM(2020)0057),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2020 bit-titolu "Pjan Ekonomiku u ta' Investiment għall-Balkani tal-Punent" (COM(2020)0641), u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2020 bit-titolu "Guidelines for the Implementation of the Green Agenda for the Western Balkans" (Linji Gwida għall-Implimentazzjoni tal-Aġenda Ekoloġika għall-Balkani tal-Punent) (SWD(2020)0223),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1529 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Settembru 2021 li jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA III)(4),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ottubru 2021 bit-titolu ''Komunikazzjoni dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE 2021'' (COM(2021)0644), akkumpanjata mid-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu "Kosovo 2021 Report" (Rapport tal-2021 dwar il-Kosovo) (SWD(2021)0292),
– wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' April 2021 dwar il-programm ta' riforma ekonomika tal-Kosovo 2021-2023 (SWD(2021)0093) u l-konklużjonijiet konġunti tad-djalogu ekonomiku u finanzjarju bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent u t-Turkija adottati mill-Kunsill fit-12 ta' Lulju 2021,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' April 2020 bit-titolu "Appoġġ lill-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra l-COVID-19 u l-irkupru wara l-pandemija" (COM(2020)0315),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viżas fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (Kosovo) (COM(2016)0277) u l-pożizzjoni tiegħu tat-28 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta tal-Kummissjoni(5),
– wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-Unjoni Ewropea dwar l-elezzjonijiet muniċipali tal-2021 fil-Kosovo,
– wara li kkunsidra r-raba' laqgħa tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kosovo, fi Brussell fis-7 ta' Diċembru 2021,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tkabbir u l-proċess ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni tal-14 ta' Diċembru 2021,
– wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tal-10 ta' Jannar 2022 bit-titolu "L-appoġġ mogħti mill-UE għall-istat tad-dritt fil-Balkani tal-Punent: minkejja l-isforzi li saru, jippersistu problemi fundamentali",
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-Balkani tal-Punent, wara s-summit tal-2020(6),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet adottati fis-seba' u t-tmien laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (KPSA) UE-Kosovo li saru fl-4 u l-5 ta' Novembru 2021 u d-9 u l-10 ta' Marzu 2022,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-Tieni Summit bejn il-Parlament Ewropew u l-Presidenti tal-Parlamenti tal-Balkani tal-Punent, tat-28 ta' Ġunju 2021, konvokat mill-President tal-Parlament Ewropew mal-mexxejja tal-parlamenti tal-Balkani tal-Punent,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-pajjiż,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2021 dwar ir-Rapporti tal-Kummissjoni 2019-2020 dwar il-Kosovo(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2021 dwar il-kooperazzjoni fir-rigward tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fil-Balkani tal-Punent(8),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0179/2022),
A. billi kull pajjiż tat-tkabbir huwa ġġudikat abbażi tal-merti tiegħu stess u billi l-kalendarju u l-progress tal-adeżjoni jiġi determinat mill-implimentazzjoni tar-riformi neċessarji;
B. billi ħames Stati Membri ma rrikonoxxewx lill-Kosovo bħala stat indipendenti;
C. billi d-demokrazija u l-istat tad-dritt huma l-valuri fundamentali li fuqhom hija msejsa l-UE; billi huma meħtieġa riformi profondi u komprensivi biex jiġu indirizzati l-isfidi li għad fadal f'dawn l-oqsma;
D. billi ftehim komprensiv ta' normalizzazzjoni legalment vinkolanti bejn is-Serbja u l-Kosovo huwa kruċjali għaż-żewġ pajjiżi biex jagħmlu progress fil-perkorsi Ewropej rispettivi tagħhom; billi ftehim bħal dan jikkontribwixxi bil-kbir għat-tisħiħ tal-istabbiltà ġenerali tar-reġjun;
E. billi l-Kosovo ma ngħatax il-liberalizzazzjoni tal-viża, għalkemm ilu li ssodisfa l-parametri referenzjarji kollha sa mill-2018;
F. billi l-Kosovo għamel progress sostanzjali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata;
G. billi l-Unjoni Ewropea hija l-ikbar sieħeb kummerċjali tal-Kosovo u fl-2020 kienet tirrappreżenta 33 % tal-esportazzjonijiet totali u 50 % tal-importazzjonijiet totali;
H. billi l-UE tibqa' s-sieħeb strateġiku ewlieni tal-Kosovo u tappoġġja l-impenn tal-Kosovo favur l-integrazzjoni Ewropea, b'mod partikolari permezz tal-IPA III, il-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment għall-Balkani tal-Punent u l-assistenza makrofinanzjarja;
I. billi l-UE hija l-akbar fornitur ta' assistenza finanzjarja lill-Kosovo u billi l-Kosovo jibbenefika minn assistenza ta' qabel l-adeżjoni fl-ambitu tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA), fejn irċieva total ta' EUR 1,21 biljun bejn l-2007 u l-2020;
J. billi l-Kummissjoni adottat pakkett ta' EUR 70 miljun fl-ambitu tal-IPA II biex tgħin fil-finanzjament tal-aċċess tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għall-vaċċini kontra l-COVID-19 akkwistati mill-Istati Membri tal-UE;
K. billi l-assistenza fl-ambitu tal-IPA III hija bbażata fuq kundizzjonalità stretta u tipprevedi l-modulazzjoni u s-sospensjoni tal-assistenza f'każ ta' rigress b'rabta mad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;
Impenn favur it-tkabbir
1. Jilqa' l-impenn kontinwu tal-Kosovo li jagħmel progress fir-riformi relatati mal-UE u l-kunsens enormi fost il-partiti politiċi dwar l-integrazzjoni Ewropea u t-tħaddin ta' identità Ewropea u l-appoġġ pubbliku għalihom; jinnota l-maġġoranza qawwija tal-gvern fil-Parlament tal-Kosovo wara l-elezzjonijiet ġenerali u jistieden lill-gvern jagħmel użu mill-maġġoranza stabbli tiegħu biex javvanza b'mod urġenti r-riformi meħtieġa;
2. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jagħtu prijorità lit-tkabbir u jimplimentaw il-benefiċċji mwiegħda ladarba l-kundizzjonijiet ikunu ġew issodisfati, kif ukoll itejbu l-iskambju ta' informazzjoni maċ-ċittadini tal-UE dwar it-tkabbir;
3. Jilqa' ż-żieda fl-istabbiltà politika u l-impenn qawwi tal-gvern biex ikompli javvanza fil-perkors Ewropew tiegħu, kif muri mill-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Aġenda Ewropea għar-Riforma II u tal-Programm Nazzjonali għall-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni 2022–2026; jissottolinja l-ħtieġa li jissaħħu l-kapaċitajiet amministrattivi u li tiġi stabbilita struttura ta' koordinazzjoni koerenti fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Kosovo għall-implimentazzjoni effettiva tagħhom;
4. Ifaħħar it-tmexxija paċifika u ordnata tal-elezzjonijiet leġiżlattivi bikrija tal-14 ta' Frar 2021 u l-elezzjonijiet muniċipali tas-17 ta' Ottubru u l-14 ta' Novembru 2021; jiddispjaċih, madankollu, dwar ir-rappreżentanza baxxa tan-nisa fil-poloz tal-vot u kompetizzjoni politika limitata u l-libertà tal-għażla u tal-espressjoni fil-muniċipalitajiet Kosovo-Serbi, kif innutat fir-rapporti tal-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali tal-UE;
5. Jilqa' t-twaqqif mill-Assemblea tal-Kosovo ta' Kummissjoni ad hoc għar-riforma elettorali fit-13 ta' April 2021; jistieden lill-Kosovo jindirizza b'mod urġenti n-nuqqasijiet li ilhom jeżistu fil-proċess elettorali, b'mod partikolari fir-rigward tar-regoli tal-kampanja, il-votazzjoni minn ċittadini barra mill-pajjiż u l-preċiżjoni tal-listi tal-votanti; jiddispjaċih għall-fatt li ħafna mir-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali preċedenti tal-UE mill-2013 għadhom ma ġewx indirizzati u jissottolinja li dawn ir-riformi li ilhom li saru jeħtieġu impenn politiku qawwi mill-partiti politiċi u mis-soċjetà ċivili u l-involviment sinifikanti tagħhom;
6. Jiddispjaċih ħafna li l-Kunsill naqas milli jimplimenta s-sistema ta' vjaġġar mingħajr viża għall-Kosovo; jenfasizza s-solidarjetà sħiħa u s-simpatiji tiegħu maċ-ċittadini tal-pajjiż; itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri fil-Kunsill biex jipproċedu b'mod urġenti bl-adozzjoni ta' sistema ta' vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Kosovo, peress li l-Kosovo għadu l-uniku pajjiż fil-Balkani tal-Punent mingħajr sistema ta' liberalizzazzjoni tal-viża, minkejja li ili li ssodisfa l-punti ta' riferiment kollha sa mill-2018;
7. Jissottolinja li n-nuqqas ta' liberalizzazzjoni tal-viża jxekkel l-implimentazzjoni tal-programmi tal-UE u jaffettwa direttament liċ-ċittadini tal-Kosovo filwaqt li jinkoraġġixxi n-networks kriminali; jinnota li dewmien ulterjuri jikkomprometti l-kredibbiltà u r-reputazzjoni tal-UE bħala sieħeb affidabbli u attur ġeopolitiku serju, u għalhekk jista' jkollu impatt ukoll fuq id-djalogu bejn il-Kosovo u s-Serbja; jenfasizza li l-liberalizzazzjoni tal-viża għandha l-potenzjal li tqarreb il-Kosovo lejn l-UE billi tiffaċilita l-ivvjaġġar, l-iskambji kulturali u edukattivi, kif ukoll in-negozju;
8. Jappoġġja bis-sħiħ l-applikazzjoni tal-Kosovo għal sħubija fil-Kunsill tal-Ewropa u jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE jappoġġjaw il-kandidatura tiegħu, kif ukoll il-kandidaturi tiegħu biex jissieħeb ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra;
9. Jinnota wkoll l-intenzjoni tal-Kosovo li japplika għal sħubija fl-Unjoni Ewropea fl-2022, bil-għan li jikseb status ta' kandidat, iżda jisħaq li m'hemm l-ebda proċedura rapida għal kwalunkwe pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali u jfakkar li l-pajjiżi kollha li jaspiraw li jsiru Stati Membri se jiġu ġġudikati fuq il-merti tagħhom stess f'termini ta' twettiq, implimentazzjoni u konformità mas-sett ta' kriterji u valuri Ewropej komuni;
10. Jissottolinja li l-progress fin-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mas-Serbja abbażi tar-rikonoxximent reċiproku huwa prekundizzjoni meħtieġa għaż-żewġ pajjiżi biex javvanzaw fil-perkors Ewropew tagħhom; jirrikonoxxi li l-Kosovo huwa impenjat bis-sħiħ li jagħmel progress fin-negozjati mas-Serbja dwar is-soluzzjoni ta' kwistjonijiet pendenti b'mod ta' benefiċċju reċiproku u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kosovo biex jiffokaw mill-ġdid l-isforzi tagħhom fuq l-avvanz u t-twettiq tal-proċess ta' djalogu bejn Pristina-Belgrad, u biex ma jerġgħux jiddiżappuntaw liċ-ċittadini billi japplikaw b'mod prematur għas-sħubija fl-UE;
11. Jisħaq li l-indipendenza tal-Kosovo hija irriversibbli; jilqa' l-fatt li l-Iżrael irrikonoxxa l-Kosovo fl-4 ta' Settembru 2020; jiddispjaċih madankollu, għall-fatt li ħames Stati Membri tal-UE għadhom ma rrikonoxxewx il-Kosovo, u jtenni l-appell tiegħu biex jagħmlu dan immedjatament u jaffermaw mill-ġdid il-perspettiva tal-UE tal-Kosovo; jinnota li l-UE hija l-akbar donatur, sieħeb kummerċjali u investitur tal-Kosovo;
12. Jinnota li l-invażjoni Russa tal-Ukrajna hija sors ta' tħassib kbir għall-Balkani tal-Punent, b'mod partikolari għaċ-ċittadini tal-Kosovo; jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal-Assemblea tal-Kosovo li kkundannat bil-qawwa l-aggressjoni militari u l-invażjoni tal-Ukrajna min-naħa tal-Federazzjoni Russa, u jfaħħar lill-Kosovo għall-allinjament rapidu tiegħu mal-UE billi adotta sanzjonijiet kontra r-Russja u għas-solidarità qawwija li huwa esprima mal-Ukrajna. Dan jippożizzjonah bħala sieħeb affidabbli u li għandu sisien profondi fl-alleanza Ewropea u transatlantika; jilqa' r-rieda tal-Kosovo li jospita rifuġjati Ukreni u l-adozzjoni ta' miżuri biex jappoġġjawhom, inkluża l-implimentazzjoni tal-programm "Journalists in Residence" (Ġurnalisti Residenti), li jippermetti lill-ġurnalisti Ukreni jgħixu u jaħdmu fil-Kosovo; jinnota b'serħan il-moħħ li dan l-aħħar ma ġie rrappurtat l-ebda theddid serju għas-sigurtà u l-integrità territorjali tal-Kosovo; jissottolinja li integrazzjoni b'suċċess tat-Tramuntana u sforzi ulterjuri biex titjieb il-ħajja ta' kuljum tas-Serbi tal-Kosovo jistgħu jagħtu kontributi essenzjali għas-sitwazzjoni ġenerali tal-istabbiltà u s-sigurtà fil-pajjiż;
13. Jilqa' l-għoti tal-istatus ta' pajjiż kandidat tal-UE lill-Ukrajna u lill-Moldova fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Ġunju 2022; ifakkar, madankollu, li sabiex tinżamm il-kredibbiltà tal-proċess ta' tkabbir tal-UE, l-impenn fit-tul lejn is-sitt pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent, inkluż il-Kosovo, irid jinżamm u t-trajettorja parallela tagħhom jeħtieġ li tkompli mingħajr interruzzjoni abbażi tal-mertu, l-allinjament politiku, is-solidarjetà fuq kwistjonijiet internazzjonali u l-impenji miftiehma; jitlob li jkun hemm aktar dinamiżmu fil-proċess tat-tkabbir;
Id-demokrazija u l-istat tad-dritt
14. Jilqa' l-isforzi akbar fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, inkluż permezz tal-adozzjoni tal-istrateġija dwar l-istat tad-dritt u l-pjan ta' azzjoni għall-2021–2026 u jissottolinja li l-implimentazzjoni hija kruċjali; ifaħħar lill-Kosovo talli tela' 17-il post fl-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni ta' Transparency International għall-2021; iħeġġeġ lill-Kosovo jkompli jtejjeb ir-rekord tiegħu fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata ta' livell għoli u biex jinvestiga b'mod sħiħ ir-rabtiet possibbli kollha mal-poter politiku; jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo jkomplu jsaħħu l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tagħhom ta' każijiet ta' kriminalità organizzata, inklużi każijiet ta' traffikar ta' bnedmin u traffikar ta' drogi, u jkunu aktar attivi fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus;
15. Ifaħħar l-isforzi tal-Kosovo fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti u dawk fir-ripatrijazzjoni u l-integrazzjoni ta' ġellieda barranin; iħeġġeġ lill-Kosovo jadotta strateġija ġdida għall-prevenzjoni tal-estremiżmu vjolenti u r-radikaliżmu li jwassal għat-terroriżmu, filwaqt li jżomm f'moħħu li l-implimentazzjoni tal-istrateġija preċedenti ffaċċjat nuqqas ta' koordinazzjoni istituzzjonali u għodod finanzjarji; jappella għal kooperazzjoni reġjonali attiva fil-ġlieda kontra attivitajiet terroristiċi potenzjali u t-tfixkil tal-flussi finanzjarji destinati għall-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll għal aktar koordinazzjoni u skambju ta' informazzjoni bejn is-servizzi ta' sigurtà rilevanti u l-aġenziji tar-Repubblika tal-Kosovo u tal-UE;
16. Jinsab imħasseb li l-ġudikatura għadha ineffiċjenti u vulnerabbli għall-indħil politiku; jilqa', f'dan ir-rigward, il-proposti għar-riforma tas-sistema ta' prosekuzzjoni u jissottolinja li l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja għandha titqies bis-sħiħ fl-implimentazzjoni tagħhom; jenfasizza li dan huwa tal-akbar importanza biex jiġu żgurati l-indipendenza u l-integrità politika irriversibbli tal-ġudikatura u biex jittejbu l-obbligu ta' rendikont u t-trasparenza tas-sistema ġudizzjarja tal-Kosovo;
17. Iħeġġeġ lill-Kosovo jżid l-isforzi tiegħu biex iżid il-kapaċitajiet tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, jinforza d-dikjarazzjonijiet tal-assi u jikkonfiska l-assi kriminali; jinnota, f'dan il-kuntest, il-proposta għal aġenzija ġdida dwar il-konfiska ċivili tal-assi u jtenni l-ħtieġa li l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja titqies bis-sħiħ qabel ma titkompla l-leġiżlazzjoni;
18. Jieħu nota tal-pjanijiet tal-gvern għall-iskrutinju tal-imħallfin u l-prosekuturi, u jissottolinja l-importanza tal-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja; jisħaq li l-iskrutinju għandu jintuża bħala l-aħħar alternattiva u jinsisti li r-riżervi tal-UE u tal-Istati Uniti dwar paraliżi possibbli tas-sistema tal-ġustizzja ma għandhomx jiġu injorati; iħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet tal-Kosovo biex jagħmlu użu sħiħ mill-mekkaniżmi u l-istrumenti diġà eżistenti biex itejbu minnufih l-indipendenza, il-professjonaliżmu, l-effikaċja u l-integrità tas-sistema ġudizzjarja tal-pajjiż; jilqa' l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet tal-Kosovo mal-UE f'dan ir-rigward;
19. Jiddispjaċih li, minkejja t-talbiet ripetuti tal-UE għal għażla ġusta, trasparenti u bbażata fuq il-mertu tal-Kap Prosekutur tal-Istat, il-Kunsill tal-Prosekuzzjoni tal-Kosovo injora dawn il-prinċipji meta kkonkluda l-proċess tal-għażla;
20. Jilqa' l-isforzi biex is-servizz ċivili u l-amministrazzjoni pubblika tal-Kosovo jiġu depolitiċizzati u professjonalizzati, u jistieden lill-Kosovo jżid ir-riformi tiegħu tal-amministrazzjoni pubblika u tal-finanzi pubbliċi f'manjiera progressiva u proporzjonata; itenni l-importanza ta' amministrazzjoni pubblika soda, depolitiċizzata u orjentata lejn iċ-ċittadini maħtura permezz ta' proċess kompetittiv, ibbażat fuq il-mertu, trasparenti u ġust; jilqa' l-progress fl-istabbiliment tar-Reġistru Nazzjonali Ċentralizzat tar-Rekords Kriminali, appoġġjat mill-UE, u jistieden lill-Kosovo jindirizza l-isfidi li fadal;
21. Jilqa' l-adozzjoni li ilha mistennija mill-Assemblea tal-Kosovo tal-liġijiet dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi u l-iżvelar tal-assi u jitlob l-implimentazzjoni rigoruża tagħhom; jiddeplora l-bojkotts kontinwi tar-rappreżentanti ta' Srpska Lista tal-Presidenza tal-Assemblea tal-Kosovo u l-assenteiżmu għoli tad-deputati fis-sessjonijiet tal-Assemblea, li jwasslu għal imblukkar ta' xi punti tal-aġenda; jilqa' l-adozzjoni fl-ewwel qari tar-Regolament il-ġdid tal-Assemblea li jintroduċi sanzjonijiet finanzjarji kontra membri parlamentari li ma jiġġustifikawx l-assenza tagħhom u jitlob l-adozzjoni u l-implimentazzjoni finali rapida tiegħu;
22. Ifaħħar lis-soċjetà ċivili vibranti u kostruttiva tal-Kosovo għall-ħidma u l-involviment tagħha; iħeġġeġ lill-gvern jistabbilixxi relazzjonijiet ta' ħidma kooperattiva magħha, ibbażata fuq fiduċja reċiproka filwaqt li jirrispetta l-indipendenza tagħha u jiżgura l-involviment sinifikattiv tagħha fil-proġetti ta' riforma rispettivi, b'mod partikolari fil-leġiżlazzjoni prinċipali;
23. Iħeġġeġ lill-gvern jindirizza t-tħassib b'mod xieraq u jimplimenta s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tal-2016 li tagħti rqajja' tal-art lill-Monasteru ta' Visoki Dečani; jinsab imħasseb li l-awtoritajiet għadhom ma implimentawx din id-deċiżjoni tal-qorti, u b'hekk dan jimmina l-impenn tal-gvern li jinforza l-istat tad-dritt u r-rispett tiegħu għal ġudikatura indipendenti, kif ukoll ir-reputazzjoni internazzjonali tal-pajjiż; jissottolinja l-importanza tal-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet kollha tal-Qorti Kostituzzjonali; jistieden lill-gvern japplika approċċ mhux selettiv għall-kunċett tal-istat tad-dritt;
24. Ifaħħar il-ħidma tal-Missjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (EULEX), li qed tassisti lill-awtoritajiet tal-Kosovo fl-istabbiliment ta' istituzzjonijiet tal-istat tad-dritt sostenibbli u indipendenti; jilqa' l-estensjoni tal-mandat tal-EULEX, kif ukoll l-iskjerament reċenti ta' unità temporanja biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Unità tal-Pulizija Ffurmata tal-EULEX; iħeġġeġ lill-Kosovo jkompli l-kooperazzjoni tiegħu mal-EULEX u mal-Awli Speċjalizzati u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat, bħala dimostrazzjoni importanti tal-impenn tiegħu għall-istat tad-dritt;
25. Jilqa' l-arranġament ta' ħidma bejn il-Pulizija tal-Kosovo u l-Europol ta' Lulju 2020, li se jikkostitwixxi l-bażi għal kooperazzjoni msaħħa fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u l-estremiżmu, u jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo jagħmlu użu sħiħ minn dan il-potenzjal; jissottolinja, f'dan il-kuntest, li l-Interpol hija strument importanti fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; jiddispjaċih li l-Kosovo għadu mhuwiex membru tal-Interpol, minkejja d-diversi tentattivi tiegħu biex jissieħeb u jitlob l-inklużjoni tal-Kosovo fl-Interpol u lill-Istati Membri tal-UE biex jappoġġjaw b'mod proattiv l-isforzi tal-Kosovo biex jingħaqad ma' din l-organizzazzjoni;
26. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport Speċjali 01/2022 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, sabiex tiżgura impatt effettiv fuq l-istat tad-dritt mill-assistenza finanzjarja tal-UE fil-Balkani tal-Punent, b'mod partikolari billi tiżviluppa linji gwida fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-IPA III li jikkonċernaw il-modulazzjoni u skrutinju parlamentari aktar strett tal-fondi; jistieden lill-Kummissjoni torbot il-finanzjament aktar mill-qrib mal-progress dwar l-istat tad-dritt, iżżid l-appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) u l-istrumenti tal-midja indipendenti, u ttejjeb ir-rappurtar u l-monitoraġġ tal-proġetti, kif mitlub ripetutament mill-Parlament; jitlob, f'dan ir-rigward, li tiġi żgurata koordinazzjoni aħjar tal-programmi tal-istat tad-dritt appoġġjati minn donaturi internazzjonali;
27. Jistieden lill-UE u lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jistabbilixxu qafas għal kooperazzjoni produttiva bejn l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent sabiex jiġi żgurat li l-UPPE jkun jista' jeżerċita b'mod effettiv il-kompetenzi tiegħu fil-qasam tal-fondi tal-UE, b'mod partikolari l-fondi tal-IPA III;
Rispett għal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem
28. Jinnota li l-qafas ġuridiku u istituzzjonali tal-Kosovo jiggarantixxi b'mod wiesa' l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, tal-minoranzi u tal-bniedem, imma huwa kruċjali li jiġi tassew implimentat; jistieden lill-Kosovo jintegra aħjar lit-tfal b'diżabilità fl-istituzzjonijiet edukattivi; jisħaq li huwa meħtieġ sforz akbar biex it-tfal b'diżabilità jingħataw aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità;
29. Jiddispjaċih dwar in-nuqqas tal-Assemblea tal-Kosovo li tadotta l-abbozz tal-Kodiċi Ċivili fl-ewwel qari, u jitlob li dan jiġi adottat ladarba l-Kodiċi Ċivili jerġa' jiġi ppreżentat lill-plenarja. Dan il-pass se jirriżulta fi progress tant meħtieġ għaċ-ċittadini tal-Kosovo, b'mod partikolari fit-titjib tal-kundizzjonijiet tal-aktar partijiet vulnerabbli tas-soċjetà tal-Kosovo, speċjalment in-nisa, it-tfal u l-persuni LGBTI+, u jkollu impatt pożittiv fuq l-iżvilupp ekonomiku tal-Kosovo; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-inklużjoni ta' sħubijiet bejn persuni tal-istess sess fil-leġiżlazzjoni, f'konformità mal-kostituzzjoni tal-Kosovo;
30. Jinsab imħasseb li filwaqt li l-leġiżlazzjoni u l-politiki għall-persuni LGBTI+ għamlu progress, l-implimentazzjoni għadha lura; jikkundanna kull diskors diskriminatorju u degradanti kontra l-komunità LGBTI+, inkluż dak ta' xi politiċi ta' livell għoli; jitlob, f'dan ir-rigward, li t-tmexxija tal-Kosovo tippromwovi b'mod aktar pubbliku d-drittijiet fundamentali tal-bniedem għaċ-ċittadini kollha, inklużi l-persuni LGBTI+;
31. Jiddispjaċih għall-fatt li l-inizjattivi biex tiġi involuta l-komunità Serba fl-istrutturi politiċi, soċjali u ekonomiċi tal-Kosovo huma ferm limitati; jistieden lill-Gvern tal-Kosovo u lir-rappreżentanti tas-Serbi tal-Kosovo jwettqu l-wegħda tagħhom li jimpenjaw ruħhom fid-djalogu intern u ġenwinament jinvolvu ruħhom ma' organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili fil-komunitajiet Serbi, b'mod partikolari fit-Tramuntana, bil-għan li jintegrawhom b'suċċess; jistieden lill-UE tkompli tiffaċilita u tappoġġja l-programmi interkomunitarji; jilqa' l-isforzi tal-awtoritajiet tal-Kosovo biex jiġġieldu r-razziżmu u jindirizzaw l-inċidenti interetniċi;
32. Itenni li l-istituzzjonalizzazzjoni tat-tagħlim tal-lingwi uffiċjali fil-Kosovo u l-aċċess ugwali għas-servizzi u l-informazzjoni fil-lingwi uffiċjali huma essenzjali; jilqa', f'dan ir-rigward, l-istabbiliment tad-Dipartiment tal-Istudji tal-Balkani fl-Università ta' Pristina u d-deċiżjoni li jinfetaħ ċentru lingwistiku għat-tagħlim tal-lingwi uffiċjali tal-Kosovo;
33. Itenni t-talba tiegħu għal inklużjoni akbar ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi, inklużi l-komunitajiet Rom, Ashkali, Eġizzjani, Bosnijaċi, Torok u Gorani, kif ukoll persuni b'diżabilità u persuni spostati, billi jingħataw aċċess għal kura tas-saħħa adegwata, protezzjoni soċjali, edukazzjoni, ġustizzja, akkomodazzjoni, opportunitajiet ta' impjieg u servizzi soċjali u pubbliċi oħra, u billi jiġi żgurat l-aċċess tagħhom għat-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u soċjali, filwaqt li jiġu indirizzati b'mod effiċjenti l-forom intersezzjonali ta' diskriminazzjoni li dawn il-gruppi jiffaċċjaw permezz ta' approċċ istituzzjonali sistemiku; iħeġġeġ sforzi akbar fil-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu; iħeġġeġ lill-gvern jaċċellera l-ħidma fuq strateġija u pjan ta' azzjoni ġodda għall-2021–2026 għall-inklużjoni tal-komunitajiet Rom, Ashkali u Eġizzjani fil-Kosovo;
34. Jitlob li ssir reviżjoni urġenti tal-kotba tal-iskola sekondarja, li jipprovdu informazzjoni ħażina u fihom lingwaġġ u deskrizzjonijiet diskriminatorji għall-minoranzi etniċi, il-minoranzi sesswali u n-nisa; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-gvern isegwu l-inizjattiva appoġġjata mill-UE "Appoġġ tal-Unjoni Ewropea għall-Edukazzjoni Bażika u Sekondarja", li nbdiet lejn tmiem l-2021 u għandha l-għan li taġġorna dawn il-kotba akkademiċi;
35. Ifaħħar lill-Kosovo għall-koeżistenza paċifika tal-komunitajiet reliġjużi u jistiednu jintensifika l-isforzi tiegħu biex jipprovdi lill-gruppi ta' minoranzi opportunitajiet indaqs, rappreżentanza adegwata fil-ħajja politika u kulturali u l-protezzjoni u l-promozzjoni tal-wirt kulturali, il-lingwi u t-tradizzjonijiet tal-minoranzi nazzjonali u reliġjużi tiegħu; jilqa' l-inizjattiva tal-Gvern tal-Kosovo li jikkonsulta u jiltaqa' regolarment mal-komunitajiet kollha li jgħixu fil-Kosovo bħala parti mid-djalogu intern u jilqa' l-ħolqien tal-pożizzjoni l-ġdida tal-gvern ta' Viċi Prim Ministru għall-Kwistjonijiet tal-Minoranzi u d-Drittijiet tal-Bniedem;
36. Jirrikonoxxi li l-kostituzzjoni tal-Kosovo hija progressiva ħafna f'termini ta' drittijiet tal-minoranzi; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-petizzjoni ffirmata minn kważi 500 persuna li storikament identifikaw lilhom infushom bħala Bulgari u li ġiet irreġistrata fl-Assemblea tal-Kosovo f'Mejju 2018, għadha ma ġietx ikkunsidrata u jirrakkomanda li dawk id-drittijiet jiġu minquxa fil-liġi u żgurati fil-prattika;
37. Jissottolinja li l-midja ħielsa hija waħda mill-pilastri essenzjali tad-demokrazija u li l-ġurnalisti jeħtiġilhom jiġu protetti mill-pressjoni politika; jikkundanna l-pressjoni politika li l-ġurnalisti huma soġġetti għaliha u l-użu ta' kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika biex jintimidawhom u dan iwassal ukoll għal awtoċensura; jisħaq li l-użu ta' lingwaġġ diffamatorju fil-konfront tal-ġurnalisti mhuwiex aċċettabbli; iwissi kontra kwalunkwe dikjarazzjoni li tistigmatizza lill-midja, b'mod partikolari minn uffiċjali u personalitajiet pubbliċi li għandhom jagħtu eżempju bit-tmexxija tagħhom;
38. Jinnota li x-xenarju tal-midja ġie mfixkel f'dawn l-aħħar snin, b'investimenti fuq skala kbira li jwasslu għal żieda fl-influwenza tas-settur privat fuq il-mezzi ewlenin tal-midja u li l-midja online spiss qed tintuża għal rikatti kummerċjali u politiċi; itenni l-ħtieġa li tiġi garantita t-trasparenza tal-midja, inkluż dwar is-sjieda tal-midja; jilqa' l-ħatra tal-bord il-ġdid tax-xandir pubbliku RTK permezz ta' proċess trasparenti u bbażat fuq il-mertu; jitlob li tinstab soluzzjoni sostenibbli biex tiġi żgurata l-indipendenza editorjali tal-RTK;
39. Jinsab imħasseb ħafna dwar il-livell għoli kontinwu ta' vjolenza domestika u abbażi tal-ġeneru, kif ukoll ta' vjolenza kontra t-tfal, fil-Kosovo, l-għadd ta' każijiet ta' femminiċidju u l-prestazzjoni mhux sodisfaċenti tal-ġudikatura fil-prosekuzzjoni effiċjenti tal-każijiet ta' femminiċidju u ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; jappella għall-implimentazzjoni effettiva tal-istrateġija nazzjonali kontra l-vjolenza domestika u dik abbażi tal-ġeneru; jissottolinja li l-edukazzjoni hija kruċjali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' ġeneru; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-sistema ta' protezzjoni, prevenzjoni u aġġudikazzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluż permezz ta' żieda fl-għadd ta' aġenti tal-infurzar tal-liġi u mħallfin sensittivi għall-ġeneru, appoġġ għal postijiet ta' kenn għan-nisa, għajnuna legali lill-vittmi u kampanji ta' sensibilizzazzjoni tal-pubbliku;
40. Jilqa' l-adozzjoni tal-istrateġija nazzjonali dwar il-protezzjoni kontra l-vjolenza domestika u l-vjolenza kontra n-nisa, l-abbozz ta' liġi dwar il-kumpens għall-vittmi ta' reati u l-adozzjoni tar-reviżjonijiet dwar l-għajnuna legali bla ħlas, li tiggarantixxi għajnuna legali bla ħlas lill-vittmi ta' vjolenza domestika, vjolenza abbażi tal-ġeneru u vjolenza sesswali; jilqa' l-isforzi tal-Kosovo biex itejjeb il-koordinazzjoni ġenerali dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, iżda jitlob lill-Kosovo jagħmel aktar progress fil-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u fl-avvanz tad-drittijiet tan-nisa, inkluż billi jipprijoritizza l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u kooperazzjoni akbar mas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari mal-organizzazzjonijiet tan-nisa;
41. Jinsab allarmat ħafna li l-pajjiżi ta' adeżjoni mal-UE fil-Balkani tal-Punent qed jintlaqtu partikolarment ħażin minn interferenza barranija u kampanji ta' diżinformazzjoni li joriġinaw mir-Russja u miċ-Ċina; jinsab allarmat li l-Ungerija u s-Serbja qed jgħinu liċ-Ċina u lir-Russja bl-objettivi ġeopolitiċi tagħhom; jikkundanna, b'mod partikolari, il-kampanji ta' diżinformazzjoni li ilhom għaddejjin mill-mezz ta' proprjetà Russa bil-lingwa Serba Sputnik Serbia, li b'mod regolari jxerred il-miżinformazzjoni biex jiżra' tensjonijiet etniċi, jipprova jiddilleġittma s-sovranità tal-Kosovo, jiddestabbilizza l-governanza tiegħu u jikkomprometti r-relazzjonijiet tal-Kosovo mal-UE;
42. Jirrakkomanda li jiġu organizzati djalogi mas-soċjetà ċivili tal-Balkani tal-Punent u s-settur privat biex jiġu kkoordinati l-isforzi kontra d-diżinformazzjoni fir-reġjun, b'enfasi fuq ir-riċerka u l-analiżi u l-inklużjoni ta' għarfien espert reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni tibni l-infrastruttura meħtieġa biex tipproduċi reazzjonijiet ibbażati fuq l-evidenza għat-theddid ta' diżinformazzjoni kemm fuq terminu qasir kif ukoll fit-tul fil-Balkani tal-Punent; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jadotta attitudni aktar proattiva, li tiffoka fuq il-bini tal-kredibbiltà tal-UE fir-reġjun, aktar milli fuq id-difiża tagħha, u fuq l-espansjoni tal-monitoraġġ tat-Task Force għall-Komunikazzjoni Strateġika (StratCom) tas-SEAE biex tiffoka fuq it-theddid ta' diżinformazzjoni transfruntiera li joriġina mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-ġirien tagħhom;
43. Jitlob, f'dan il-kuntest, lill-UE ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għall-Kosovo, u l-kooperazzjoni magħha b'mod urġenti fl-indirizzar tad-diżinformazzjoni u fil-ġlieda kontra l-attivitajiet ibridi li jfittxu li jikkompromettu l-perspettiva tal-UE tar-reġjun, b'mod partikolari dawk mir-Russja u miċ-Ċina;
Ir-rikonċiljazzjoni u r-relazzjonijiet tajbin ta' viċinat
44. Jilqa' l-parteċipazzjoni attiva tal-Kosovo fil-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni reġjonali, inkluż is-Suq Reġjonali Komuni u l-Aġenda Ekoloġika għall-Balkani tal-Punent; jilqa' d-diversi ftehimiet ta' kooperazzjoni bilaterali bejn il-Kosovo u l-Maċedonja ta' Fuq u l-Albanija;
45. Jilqa' l-kooperazzjoni tas-sitt pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fi ħdan is-Suq Reġjonali Komuni; jinnota li s-Suq Reġjonali Komuni qed joħloq suq integrat ta' 18-il miljun persuna u huwa kompetittiv ħafna; jistieden lill-Gvern tal-Kosovo jimpenja ruħu b'mod kostruttiv fl-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali għas-Suq Reġjonali Komuni, b'mod partikolari fir-rigward tan-negozjati mhux solvuti dwar erba' ftehimiet dwar il-mobilità u r-rikonoxximent tad-diplomi;
46. Jenfasizza li l-kooperazzjoni ekonomika reġjonali kollha fil-Balkani tal-Punent għandha tkun inklużiva u aċċettabbli għas-sitt pajjiżi kollha, tistabbilixxi kooperazzjoni fuq bażi ugwali, filwaqt li ssaħħaħ aktar l-allinjament mal-istandards tal-UE u mal-acquis; jesprimi, f'dan il-kuntest, il-fehma kawta tiegħu rigward l-inizjattiva "Open Balkan", li ma tkoprix is-sitt pajjiżi kollha, u jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li din għandha tkun ibbażata fuq ir-regoli tal-UE u ġġib biss impatti pożittivi fuq il-proċess ta' integrazzjoni fl-UE;
47. Jikkonferma mill-ġdid l-appoġġ inekwivoku tiegħu għad-djalogu bejn Belgrad u Pristina ffaċilitat mill-UE u jfaħħar il-ħidma tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina, Miroslav Lajčák; itenni l-importanza ta' impenn kostruttiv min-naħa tal-awtoritajiet kemm tas-Serbja kif ukoll tal-Kosovo sabiex jintlaħaq ftehim komprensiv ta' normalizzazzjoni legalment vinkolanti, ibbażat fuq rikonoxximent reċiproku, li huwa kruċjali għaż-żewġ pajjiżi biex javvanzaw tul il-perkorsi Ewropej rispettivi tagħhom u li se jikkontribwixxi għall-istabbiltà u għall-prosperità reġjonali; jistenna li l-UE twettaq b'mod aktar effettiv medjazzjoni bejn il-partijiet, bil-għan li jingħeleb l-istaġnar attwali u jitlob li l-ftehimiet kollha tal-passat bejn Belgrad u Pristina jiġu rispettati u implimentati bis-sħiħ b'rieda tajba u fil-ħin, inkluż l-Assoċjazzjoni/il-Komunità tal-Muniċipalitajiet b'maġġoranza Serba, li hija parti importanti mill-proċess sħiħ ta' normalizzazzjoni fl-indirizzar tal-ħtiġijiet tal-komunità Serba, iżda li m'għandhiex tikkomprometti l-funzjonament tal-istituzzjonijiet tal-Kosovo;
48. Jistieden lis-SEAE jistabbilixxi mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għall-verifika tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet kollha li ntlaħqu s'issa u jirrapporta perjodikament lill-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni attwali; jistieden lill-atturi tal-UE jappoġġjaw lill-awtoritajiet tal-Kosovo, inkluż billi jipprovdu garanziji konkreti ta' sigurtà u opportunitajiet għall-integrazzjoni soċjoekonomika, meta jaħdmu lejn l-Assoċjazzjoni/Komunità ta' Muniċipalitajiet b'Maġġoranza Serba, b'konsistenza mal-kostituzzjoni tal-Kosovo, u bħala parti minn ftehim reċiproku;
49. Jappella għal involviment attiv, kostruttiv u aktar ġenwin mir-rappreżentanti tal-Kosovo fid-djalogu ffaċilitat mill-UE mmexxi mir-Rappreżentant Speċjali tal-UE, li jfittex ftehim komprensiv, sostenibbli u legalment vinkolanti f'konformità mad-dritt internazzjonali; itenni l-appell tiegħu biex tittejjeb il-kwalità tal-proċess ta' djalogu permezz tal-parteċipazzjoni tan-nisa, inkluż fit-tim tan-negozjati, tiżdied it-trasparenza lejn il-pubbliku u jkun hemm involviment sinifikanti tas-soċjetà ċivili;
50. Itenni d-dispjaċir tiegħu dwar il-fatt li l-Pont ta' Mitrovica għadu ma nfetaħx għat-traffiku kollu, minkejja t-tlestija tax-xogħlijiet ta' rinnovazzjoni; jissottolinja li l-ftuħ mill-ġdid tal-pont huwa tal-akbar importanza għall-moviment liberu taċ-ċittadini u sabiex jingħelbu d-diviżjonijiet interkomunali u jitrawwem il-proċess ta' rikonċiljazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi lejn il-finalizzazzjoni u l-implimentazzjoni sħiħa tal-proġett iffinanzjat mill-UE; jistieden lill-awtoritajiet tas-Serbja u tal-Kosovo jippromwovu l-kuntatti interpersonali bejn il-komunitajiet lokali sabiex isaħħu d-djalogu, inkluż fil-livell mhux governattiv;
51. Jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tal-Gvern tal-Kosovo li jirrifjuta proposta minn medjaturi internazzjonali li tippermetti l-ġbir tad-dokumenti ta' votazzjoni tal-votanti eliġibbli fit-territorju tal-Kosovo fl-elezzjonijiet Serbi tat-3 ta' April 2022, kif kienet il-prattika preċedentement, u li biha kkomprometta l-impenn tal-gvern li jħares id-drittijiet ċivili u politiċi taċ-ċittadini kollha tiegħu, inklużi l-membri ta' gruppi ta' minoranza;
52. Jistieden kemm lis-Serbja kif ukoll lill-Kosovo jżidu l-isforzi u jipprovdu soluzzjonijiet fir-rigward tal-kwistjonijiet tal-persuni neqsin u tal-ġustizzja għad-delitti tal-gwerra, kif ukoll jippermettu aċċess għal postijiet rilevanti fejn jinsabu l-fdalijiet tal-persuni neqsin; jistieden lill-Gvern tal-Kosovo jindirizza wkoll dawn is-suġġetti bħala parti mid-djalogu bejn Belgrad u Pristina u jistabbilixxi kooperazzjoni bejn il-Kosovo u s-Serbja; jisħaq li l-ħolqien ta' qorti speċjali għad-delitti ta' wara l-gwerra u l-kooperazzjoni magħha għandhom ikunu prijorità; jesprimi s-simpatija profonda tiegħu lill-familji tal-persuni neqsin u jħeġġeġ lill-gvern jieħu ħsieb b'mod partikolari li jżommhom infurmati u japplika mod ta' komunikazzjoni aktar sensittiv;
53. Jiddispjaċih dwar l-attivitajiet ta' destabbilizzazzjoni fil-fruntiera fit-Tramuntana tal-Kosovo f'Settembru 2021; jikkundanna bil-qawwa t-theddid militari li wriet is-Serbja, u jistieden lill-Kosovo u lis-Serbja jindirizzaw il-kwistjonijiet kollha permezz tad-djalogu; jiddeplora diversi każijiet ta' uffiċjali li ma tħallewx jidħlu fit-territorji tal-Kosovo jew tas-Serbja; jistieden liż-żewġ partijiet jittrattaw iż-żjarat kollha b'mod li jkun ta' benefiċċju għall-proċess ta' normalizzazzjoni;
54. Ifakkar fil-ħtieġa li jinfetħu l-arkivji tas-servizzi sigrieti Jugoslavi (UDBA) u tas-servizz sigrieti Jugoslavi tal-Armata tal-Poplu (KOS) fir-reġjun kollu sabiex ir-reati u l-organizzazzjonijiet kriminali tal-era komunista jiġu investigati bir-reqqa u indirizzati; jinnota li meta l-passat jiġi trattat b'mod trasparenti jservi ta' pass li jwassal għal aktar demokratizzazzjoni, responsabbiltà u saħħa istituzzjonali fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent kollu kemm hu;
55. Itenni s-sostenn tiegħu għall-inizjattiva li tiġi stabbilita Kummissjoni Reġjonali għall-istabbiliment tal-fatti dwar id-delitti tal-gwerra u ksur ieħor gravi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa fit-Territorju tal-Eks Jugoslavja (RECOM); jenfasizza l-importanza tal-ħidma mwettqa mill-Uffiċċju Reġjonali għall-Kooperazzjoni bejn iż-Żgħażagħ (RYCO) u jilqa' l-parteċipazzjoni attiva tal-Kosovo; jilqa' l-bidu b'suċċess reċenti tal-programm ta' skambji bilaterali tar-RYCO bejn klassijiet ta' skejjel fil-Balkani tal-Punent; itenni l-ħtieġa li jintlaħqu ż-żgħażagħ mill-muniċipalitajiet tat-Tramuntana u li jiġu integrati fl-istrutturi soċjoekonomiċi tal-pajjiż;
56. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kosovo u s-Serbja adottaw il-Pjan Direzzjonali ta' Implimentazzjoni tal-Ftehimiet dwar l-Enerġija, li huwa pass importanti 'l quddiem fid-djalogu ffaċilitat mill-UE bil-ħsieb li jinkisbu riżultati konkreti għaċ-ċittadini kollha;
57. Jilqa' l-bidu, mill-1 ta' Lulju 2021, tal-implimentazzjoni ta' żona bla ħlas tar-roaming fil-Balkani tal-Punent kollha, li tinvolvi lill-Kosovo, li qed ittejjeb il-konnettività u ġġib benefiċċji tanġibbli u konkreti għaċ-ċittadini u għan-negozji fir-reġjun; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jaħdmu mal-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent sabiex jeliminaw it-tariffi tar-roaming bejn il-Balkani tal-Punent u l-Unjoni Ewropea;
58. Ifaħħar l-inizjattivi kulturali u taż-żgħażagħ, bħall-festival annwali tal-arti transfruntier "Mirëdita, Dobar Dan!", li jippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-artisti u l-attivisti fil-Kosovo u fis-Serbja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kosovo u tas-Serbja, inkluż fil-livell lokali, biex ikomplu jibnu fuq inizjattivi pożittivi bħal dawn u jużaw il-wirt kulturali bħala mezz biex jgħaqqdu flimkien komunitajiet differenti; iħeġġeġ l-istabbiliment ta' xandar pubbliku multinazzjonali u multilingwi li jippromwovi l-paċi u r-rikonċiljazzjoni fost il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, fuq l-eżempju ta' ARTE;
59. Jitlob lill-UE tkompli ssaħħaħ il-politika barranija u l-kooperazzjoni fis-sigurtà, id-diplomazija pubblika u s-sħubijiet internazzjonali sabiex jinkiseb progress fir-rikonċiljazzjoni; jilqa' l-impenn imġedded tal-alleati tal-UE, b'mod partikolari l-ħatra ta' mibgħuta speċjali tal-Istati Uniti, tar-Renju Unit u tal-Ġermanja għall-Balkani tal-Punent; jitlobhom jimpenjaw ruħhom f'kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib mal-mibgħut tal-UE bl-għan li jsaħħu l-influwenza u jipprovdu pariri u appoġġ koerenti;
60. Jirrikonoxxi l-kontribut importanti tal-Forza tal-Kosovo (KFOR) u tal-istati parteċipanti fil-bini u fiż-żamma ta' ambjent sikur u sigur għaċ-ċittadini kollha fil-Kosovo u fl-iffaċilitar tal-integrazzjoni Ewro-Atlantika tal-Balkani tal-Punent; ifakkar fl-importanza tal-KFOR għall-iżvilupp kontinwu tal-Forza tas-Sigurtà tal-Kosovo billi tipprovdi pariri, taħriġ u bini tal-kapaċità;
61. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Uffiċċju tal-UE fil-Kosovo biex iżidu l-isforzi tagħhom fit-tisħiħ tal-viżibbiltà u fil-promozzjoni tar-rwol, tal-isforzi u tal-benefiċċji ta' sħubija aktar mill-qrib bejn l-UE u l-Kosovo;
Riformi soċjoekonomiċi
62. Jilqa' l-iżviluppi pożittivi fit-tkabbir ekonomiku tal-Kosovo; jilqa' l-fatt li l-Kosovo se jibbenefika wkoll mis-suq uniku diġitali tal-UE, minħabba l-potenzjal kbir tad-diġitalizzazzjoni għall-iżvilupp tal-ekonomija tal-Kosovo;
63. Jilqa' l-passi meħuda mill-gvern bil-għan li titnaqqas l-ekonomija informali; jiddispjaċih, madankollu, dwar il-fatt li l-ekonomija informali kbira tal-Kosovo għadha qed tfixkel l-iżvilupp tas-settur privat tagħha; jinnota l-eżistenza ta' strateġija u ta' pjan ta' azzjoni korrispondenti biex jiġu indirizzati l-kawżi sottostanti tal-informalità, iżda jappella għal implimentazzjoni aktar effettiva; jinnota l-perċentwal kbir ta' influssi ta' rimessi personali fil-PDG tal-Kosovo;
64. Ifaħħar lill-Kosovo għall-ġestjoni tajba tiegħu tal-pandemija tal-COVID-19, inkluż il-proċess ta' vaċċinazzjoni; jilqa' l-fatt li l-Kosovo xtara biss vaċċini kontra l-COVID-19 prodotti u ċċertifikati mill-UE, mir-Renju Unit u mill-Istati Uniti u li qed isir progress fil-ħidma biex il-Kosovo jikkwalifika għaċ-ċertifikat COVID diġitali Ewropew;
65. Jilqa' l-miżuri ta' emerġenza tal-gvern u l-ħolqien ta' 25 000 impjieg ġdid permezz tal-pakkett ta' rkupru tiegħu; jissottolinja, madankollu, li l-assistenza għall-gruppi l-aktar affettwati mill-pandemija kienet limitata; iħeġġeġ lill-Kosovo jipprovdi appoġġ fiskali mmirat tajjeb u temporanju relatat mal-pandemija lill-unitajiet domestiċi u lin-negozji vulnerabbli; jisħaq li l-irkupru ta' wara l-pandemija se jiddependi b'mod sinifikanti mill-kapaċità tal-awtoritajiet li jindirizzaw l-isfidi strutturali u mill-implimentazzjoni effettiva tal-pakketti ta' appoġġ ekonomiku;
66. Jilqa' l-iżborż ta' pakkett ta' assistenza makrofinanzjarja b'rabta mal-COVID-19 immirat lejn il-mitigazzjoni tal-impatti ekonomiċi tal-pandemija u l-preservazzjoni tal-istabbiltà makroekonomika, kif ukoll il-mobilizzazzjoni ta' EUR 14,2 biljun mill-IPA III biex jingħata appoġġ lis-sħab tal-Balkani tal-Punent biex jissodisfaw ir-rekwiżiti għas-sħubija mal-Unjoni Ewropea;
67. Jissottolinja li l-implimentazzjoni ta' riformi kemm fundamentali kif ukoll strutturali tibqa' essenzjali għall-irkupru ekonomiku u l-iżvilupp soċjali, peress li l-isforzi biex tiġi indirizzata l-korruzzjoni, jitjieb l-istat tad-dritt, tissaħħaħ it-trasparenza u jissaħħu l-istituzzjonijiet u d-djalogu soċjali se jikkontribwixxu wkoll biex jattiraw investimenti diretti barranin lejn il-pajjiż; jistieden lill-Kosovo jkompli jallinja ruħu mal-acquis tas-suq uniku tal-UE u jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo u lill-Kummissjoni jkomplu jappoġġjaw lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju sabiex jiżviluppaw ekonomija aktar b'saħħitha u aktar reżiljenti;
68. Jissottolinja li l-provvista inadegwata u mhux affidabbli tal-elettriku hija waħda mir-restrizzjonijiet fuq il-kompetittività tal-Kosovo u li n-nuqqas ta' sigurtà tal-enerġija jwassal għal kostijiet sinifikanti għan-negozji u jirrappreżenta ostaklu kbir biex jiġi attirat investiment dirett barrani ta' kwalità għolja; iħeġġeġ lill-Kosovo jżid l-isforzi biex jagħmel użu mill-potenzjal għall-effiċjenza enerġetika;
69. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jirriformaw is-sistema edukattiva sabiex tipprovdi lill-istudenti bil-ħiliet u bl-għarfien meħtieġa mis-suq tax-xogħol; jissottolinja l-ħtieġa li jittejbu l-kwalità u r-rilevanza tas-sistema edukattiva biex jiżdiedu l-impjiegi u jiġu mmitigati l-ispariġġi fil-ħiliet; jistieden lill-atturi rilevanti jinkludu persuni li jappartjenu għal gruppi ta' minoranza fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta' miżuri dwar l-impjiegi u jipprovdu edukazzjoni statali ugwali u nondiskriminatorja fil-lingwi minoritarji;
70. Jitlob li jsiru aktar sforzi biex in-nisa jiġu integrati fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' progress fl-implimentazzjoni tad-drittijiet tax-xogħol tan-nisa, l-istereotipizzazzjoni tal-ġeneru, l-iżbilanċi bejn il-ġeneri u d-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi fis-suq tax-xogħol; jindika differenzi sinifikanti bejn il-ġeneri fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u fil-kwalità tax-xogħol, azzjoni insuffiċjenti dwar il-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol, diskriminazzjoni fid-dispożizzjonijiet legali relatati mal-leave tal-maternità, u n-nuqqas ta' kapaċità ta' faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal u għall-edukazzjoni ta' qabel l-iskola; jilqa' l-għadd dejjem jikber ta' boroż ta' studju għal studenti nisa fis-suġġetti STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika);
71. Jinsab imħasseb dwar l-emigrazzjoni kontinwa u t-tnaqqis demografiku, li qed iċaħħdu lill-Kosovo minn ħaddiema b'livell għoli ta' ħiliet li tant huma meħtieġa, inklużi l-ħaddiema tal-kura tas-saħħa, u li qed ikollhom impatt detrimentali fuq is-sistema tal-kura tas-saħħa, u jistieden lill-Kosovo jintroduċi miżuri soċjoekonomiċi komprensivi biex jindirizza dawn l-isfidi; jilqa' t-tnedija ta' riformi biex tittejjeb il-kapaċità tas-servizzi tal-impjiegi tal-Kosovo u l-implimentazzjoni ta' politiki attivi rilevanti tas-suq tax-xogħol, inklużi t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol;
72. Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżviluppa strateġija reġjonali li tindirizza l-qgħad persistenti fost iż-żgħażagħ u l-eżodu dejjem jikber tal-imħuħ billi jiġu indirizzati l-ispariġġi fil-ħiliet bejn is-sistema edukattiva u s-suq tax-xogħol, tittejjeb il-kwalità tat-tagħlim, u jiġi żgurat finanzjament adegwat għal miżuri attivi tas-suq tax-xogħol u skemi ta' taħriġ vokazzjonali, flimkien ma' faċilitajiet adegwati għall-indukrar tat-tfal u għall-edukazzjoni ta' qabel l-iskola; iħeġġeġ l-estensjoni tal-programm ta' boroż ta' studju tal-Kulleġġ tal-Ewropa biex jinkludi wkoll studenti mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, flimkien ma' dawk mill-pajjiżi tal-Viċinat Ewropew;
73. Jenfasizza l-ħtieġa ta' investiment fid-diġitalizzazzjoni bħala mod kif jiġi minimizzat id-distakk diġitali u jiġi żgurat aċċess ugwali għall-internet, inkluż għall-aktar gruppi vulnerabbli u għan-nies li jgħixu fiż-żoni rurali; jinnota l-potenzjal kbir tal-popolazzjoni taż-żgħażagħ tal-Kosovo u tad-diġitalizzazzjoni għall-iżvilupp tal-ekonomija tal-Kosovo; japprezza li l-popolazzjoni taż-żgħażagħ tal-Kosovo għandha għarfien avvanzat fit-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li l-Kosovo jista' għalhekk isir is-Silicon Valley li jmiss tal-Ewropa;
74. Iħeġġeġ lill-Kosovo jittrasforma s-settur agrikolu tiegħu sabiex iżid il-produzzjoni lokali tal-ikel u jnaqqas l-importazzjonijiet ta' oġġetti tal-ikel bażiċi;
75. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi ssimplifikata s-sistema tas-sigurtà soċjali u li tiġi stabbilita sistema ta' kumpens koerenti, ġusta u fiskalment affordabbli għall-impjiegi pubbliċi; jilqa' l-intenzjoni tal-Gvern tal-Kosovo li jittratta r-reviżjoni tal-iskema tal-pensjoni tal-veterani tal-gwerra;
76. Se jissorvelja mill-qrib il-ftehim, li jidħol fis-seħħ fl-2023, dwar it-trasferiment ta' ħabsin mid-Danimarka biex jiskontaw is-sentenzi tagħhom fiċ-ċentri korrettivi tal-Kosovo; jitlob li t-termini u l-ġestjoni ta' dan il-ftehim ikunu kompletament trasparenti u jħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti tal-Kosovo jindirizzaw id-disparità potenzjali fil-kundizzjonijiet ta' detenzjoni fil-faċilitajiet tal-Kosovo bejn il-ħabsin Daniżi u Kosovari;
L-ambjent, l-enerġija u t-trasport
77. Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima f'konformità mal-ambizzjonijiet tal-UE relatati mal-klima u li titħaffef it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, reżiljenti, sostenibbli, ċirkolari u effiċjenti fir-riżorsi, peress li l-progress f'dawn l-oqsma u l-allinjament mal-istandards tal-UE baqa' baxx;
78. Jistieden lill-gvern jaċċellera l-ħidma tiegħu fuq l-istrateġija dwar l-enerġija 2022-2030, b'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili, b'enfasi partikolari fuq provvista tal-enerġija sostenibbli u affordabbli, effiċjenza enerġetika akbar u aktar diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija f'konformità mal-Aġenda tal-Patt Ekoloġiku u l-Ftehim ta' Pariġi; jiddispjaċih dwar id-dewmien kontinwu fil-pubblikazzjoni tal-istrateġija;
79. Itenni t-tħassib tiegħu li l-maġġoranza kbira tal-enerġija tal-Kosovo ġejja mill-faħam u jappella għat-tneħħija tas-sussidji kollha fuq il-faħam mhux konformi, id-deċentralizzazzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija u t-tranżizzjoni lejn sorsi ta' enerġija rinnovabbli; jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-parti tat-Tramuntana tal-Kosovo tiġi integrata kompletament fis-sistema ta' fatturazzjoni tal-pajjiż;
80. Iħeġġeġ lill-Kosovo jirriforma u jiftaħ is-suq tal-enerġija tiegħu, inkluż l-elettriku bl-imnut, sabiex il-konsumaturi jkollhom għażla u jitkisser il-monopolju eżistenti fis-settur; jilqa' l-ftuħ ta' impjant ġdid tat-tisħin distrettwali fi Gjakova, iffinanzjat mill-fondi tal-UE, li huwa l-uniku impjant fil-Kosovo li jopera bl-użu tal-bijomassa, u li huwa mistenni li jnaqqas it-tniġġis fiż-żona b'aktar minn 90 %;
81. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-kwalità tal-arja fil-biċċa l-kbira taż-żoni urbani tal-Kosovo; jissottolinja, b'mod partikolari, li l-Kosovo, f'dawn l-aħħar snin, kiser il-limiti massimi għas-sustanzi li jniġġsu fl-arja li huma ta' theddida serja għas-saħħa taċ-ċittadini tal-Kosovo; jistieden lill-Kosovo jżomm mal-pjan nazzjonali tiegħu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, li jikkonforma mar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali(9);
82. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' ambjent f'saħħtu u l-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma u l-ekosistemi, b'enfasi partikolari fuq ix-xmajjar għall-iżvilupp tal-agrikoltura u għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-ikel u tal-ilma; ifaħħar l-isforzi biex tittejjeb il-kwalità tal-ġestjoni tal-baċini tal-ilma u l-permessi relatati; jilqa' l-verdett tal-Qorti Suprema tal-Kosovo li jissospendi l-permess tal-ilma ta' impjant idroelettriku fi Shtërpca; jitlob li jitwaqqfu l-proġetti kollha ta' digi f'żoni protetti, inklużi siti futuri ta' Natura 2000 (Emerald);
83. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' titjib fl-immaniġġjar tal-iskart, b'mod partikolari fis-separazzjoni u fir-riċiklaġġ tal-iskart, kif ukoll il-ħtieġa li jiġu introdotti miżuri ta' ekonomija ċirkolari sabiex jitnaqqas l-iskart;
84. Itenni l-appell tiegħu għall-implimentazzjoni ta' politiki sostenibbli dwar it-trasport pubbliku u l-mobilità u għall-indirizzar ta' nuqqasijiet infrastrutturali li ilhom żmien twil; jilqa' l-pjanijiet għall-modernizzazzjoni tal-ferroviji b'self mill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u b'għotjiet tal-UE;
85. Jilqa' l-adozzjoni tal-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment għall-Balkani tal-Punent li jammonta għal EUR 3,2 biljun u jistieden lill-Kosovo jagħmel użu effettiv minnu; jilqa' t-tħejjija li għaddejja bħalissa ta' ħames proġetti ewlenin dwar l-enerġija, l-infrastruttura u l-ilma u l-arja nodfa, inkluża t-taqsima Pristina-Merdare tal-"Awtostrada tal-Paċi" u t-tħejjija għal investimenti ġodda fil-provvista tal-ilma u fit-trattament tal-ilma mormi;
86. Jilqa' l-operazzjonijiet imwettqa mill-Pulizija tal-Kosovo f'kooperazzjoni mal-EULEX biex jiġi sfrattat il-qtugħ illegali tas-siġar fil-Kosovo kollu; iħeġġeġ lill-awtoritajiet rilevanti u lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar tal-pajjiż biex iżidu l-kooperazzjoni tagħhom sabiex jiġġieldu kontra dan ir-reat u reati oħra;
o o o
87. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Kosovo.
Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).