Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/2203(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0165/2022

Testi mressqa :

A9-0165/2022

Dibattiti :

PV 06/07/2022 - 17
CRE 06/07/2022 - 17

Votazzjonijiet :

PV 07/07/2022 - 9.8

Testi adottati :

P9_TA(2022)0298

Testi adottati
PDF 201kWORD 62k
Il-Ħamis, 7 ta' Lulju 2022 - Strasburgu
Attivitajiet Finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment - rapport annwali 2021
P9_TA(2022)0298A9-0165/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2022 dwar l-attivitajiet finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment – rapport annwali 2021 (2021/2203(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 15, 126, 174, 175, 177, 208, 209, 271, 308 u 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Protokoll Nru 5 tat-Trattati dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI),

–  wara li kkunsidra l-approvazzjoni mill-BEI tar-ratifika tal-Ftehim ta' Pariġi mill-UE tas-7 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra d-dokument tal-Grupp tal-BEI bit-titolu "Proċeduri tal-Mekkaniżmu tal-Ilmenti", ippubblikat fit-13 ta' Novembru 2018,

–  wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "EIB energy lending policy" (Il-politika tal-BEI dwar is-self fis-settur tal-enerġija), ippubblikat fl-14 ta' Novembru 2019,

–  wara li kkunsidra l-adozzjoni tal-Pjan direzzjonali tal-Bank Klimatiku 2021-2025 mill-Bord tad-Diretturi tal-BEI fil-11 ta' Novembru 2020, u l-istrateġija klimatika l-ġdida tal-BEI tal-15 ta' Novembru 2020,

–  wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "The EIB Group Operational Plan 2021" (Il-Pjan Operazzjonali 2021 tal-Grupp tal-BEI), ippubblikat fl-20 ta' Jannar 2021,

–  wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "EIB Investment Report 2020/2021: Building a smart and green Europe in the COVID-19 era" (Rapport dwar l-Investiment 2020/2021 tal-BEI: Nibnu Ewropa intelliġenti u ekoloġika fl-era tal-COVID-19), ippubblikat fil-21 ta' Jannar 2021,

–  wara li kkunsidra d-dokument tal-BEI tal-2020 bit-titolu "Financial Report" (Rapport Finanzjarju), ippubblikat fit-3 ta' Mejju 2021, u r-rapport tiegħu tal-2020 bit-titolu "Financing and Borrowing Activities" (Attivitajiet ta' Finanzjament u Teħid ta' Self), ippubblikat fil-5 ta' Mejju 2021,

–  wara li kkunsidra d-dokument tal-BEI bit-titolu "Operations Evaluation – Activity Report 2020 and Work Programme 2021-2023" (Evalwazzjoni tal-Operazzjonijiet – Rapport tal-Attività 20202 u Programm ta' Ħidma 2021-2023), ippubblikat fit-3 ta' Ġunju 2021,

–  wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-BEI tal-14 ta' Ġunju 2021 bit-titolu "A partnership with Africa: How the European Investment Bank delivers on EU policies in Africa and our future plans for development and partnership across the continent" (Sħubija mal-Afrika: Kif il-Bank Ewropew tal-Investiment iwettaq il-politiki tal-UE fl-Afrika u l-pjanijiet futuri tagħna għall-iżvilupp u s-sħubija fil-kontinent kollu),

–  wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "EIB Group Charter for Internal Audit" (Il-Karta għall-Awditjar Intern tal-Grupp tal-BEI), ippubblikat fid-29 ta' Lulju 2021,

–  wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "EIB Group anti-fraud policy" (Il-politika kontra l-frodi tal-Grupp tal-BEI), ippubblikat fil-5 ta' Awwissu 2021 u r-Rapport tal-Attività 2020 tal-BEI bit-titolu "Fraud Investigations" (Investigazzjonijiet Kontra l-Frodi), ippubblikat fid-29 ta' Lulju 2021,

–  wara li kkunsidra d-dokument tal-Grupp tal-BEI bit-titolu "Risk Management Disclosure Report 2020" (Rapport ta' Divulgazzjoni 2020 dwar il-Ġestjoni tar-Riskji), ippubblikat fid-9 ta' Awwissu 2021,

–  wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "EIB Group evaluation policy" (Il-politika ta' evalwazzjoni tal-Grupp tal-BEI), ippubblikat fid-19 ta' Awwissu 2021,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress 2020 dwar id-Diversità u l-Inklużjoni tal-BEI, ippubblikat fit-12 ta' Ottubru 2021,

–  wara li kkunsidra d-dokument tal-BEI bit-titolu "Cohesion Orientation 2021-2027" (Orjentazzjoni favur il-Koeżjoni 2021-2027), ippubblikat fit-13 ta' Ottubru 2021,

–  wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "The EIB Climate Adaptation Plan" (Il-Pjan ta' Adattament għat-Tibdil fil-Klima tal-BEI), ippubblikat fis-26 ta' Ottubru 2021,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Tripartitiku bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-Bank Ewropew tal-Investiment, li daħal fis-seħħ f'Novembru 2021,

–  wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "Il-Politika ta' Trasparenza tal-Grupp tal-BEI", ippubblikat fit-18 ta' Novembru 2021, u d-dokument tal-Grupp tal-BEI bit-titolu "Whistleblowing Policy" (Il-Politika dwar l-Iżvelar ta' Informazzjoni Protetta), ippubblikat fl-24 ta' Novembru 2021,

–  wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "EIB Investment Survey 2021 – European Union overview" (Stħarriġ dwar l-Investiment 2021 tal-BEI – Ħarsa ġenerali lejn l-Unjoni Ewropea), ippubblikat fit-2 ta' Diċembru 2021,

–  wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "EIB Group Corporate Governance Report 2020" (Ir-Rapport 2020 dwar il-Governanza Korporattiva tal-Grupp tal-BEI), ippubblikat fid-9 ta' Diċembru 2021,

–  wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "EIB Impact Report 2020: Climate action, environmental sustainability and innovation for decarbonisation (Rapport tal-Impatt 2020 tal-BEI: Azzjoni klimatika, sostenibbiltà ambjentali u innovazzjoni għad-dekarbonizzazzjoni), ippubblikat fl-20 ta' Diċembru 2021, ir-rapport tal-BEI bit-titolu "The path to a better planet: Adapting to climate change and aligning with the Paris Agreement" (It-triq lejn pjaneta aħjar: Adattament għat-tibdil fil-klima u allinjament mal-Ftehim ta' Pariġi), ippubblikat fit-28 ta' Ottubru 2021, u d-dokument bit-titolu "EIB Climate Adaptation Plan: Supporting the EU adaptation strategy to build resilience to climate change" (Pjan ta' Adattament għat-Tibdil fil-Klima tal-BEI: Appoġġ għall-istrateġija ta' adattament tal-UE biex tinbena r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima), ippubblikat fis-26 ta' Ottubru 2021,

–  wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "The EIB Group PATH Framework – Supporting counterparties on their pathways to align with the Paris Agreement" (Il-Qafas PATH tal-Grupp tal-BEI – Appoġġ lill-kontropartijiet fil-perkorsi tagħhom biex jallinjaw mal-Ftehim ta' Pariġi), ippubblikat fis-26 ta' Ottubru 2021,

–  wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "EIB Investment Report 2021/2022 – Key Findings: Recovery as a springboard for change" (Rapport dwar l-Investiment 2021/2022 tal-BEI – Sejbiet Ewlenin: L-irkupru bħala imbuttatura għall-bidla), ippubblikat fit-12 ta' Jannar 2022,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-attività 2020 tal-BEI bit-titolu "Crisis Solutions" (Soluzzjonijiet għall-Kriżi), ippubblikat fl-20 ta' Jannar 2021 u r-rapport tal-attività 2021 tiegħu bit-titolu "The Innovation Response" (Ir-Rispons għall-Innovazzjoni), ippubblikat fis-27 ta' Jannar 2022,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tat-30 ta' Marzu 2022 fil-Kawża T-299/20, KF vs BEI,

–  wara li kkunsidra l-kummenti tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Awwissu 2021 dwar l-Abbozz ta' Qafas ta' Sostenibbiltà Ambjentali u Soċjali (ESSF) tal-Grupp tal-BEI,

–  wara li kkunsidra l-każijiet 1065/2020/PB, 1251/2020/PB u 1252/2020/PB li jikkonċernaw il-BEI, li ġew deċiżi mill-Ombudsman Ewropew fil-21 ta' April 2022,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman Ewropew fil-każ 2168/2019/KR dwar kif l-Awtorità Bankarja Ewropea ttrattat it-tluq tal-ex Direttur Eżekuttiv tagħha biex isir CEO ta' lobby ta' industrija finanzjarja, u d-deċiżjoni tagħha fil-każ OI/3/2021/KR dwar kif l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża ttrattat l-applikazzjonijiet tal-ex Kap Eżekuttiv tagħha biex jieħu pożizzjonijiet għolja f'Airbus,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tas-26 ta' Mejju 2021 bit-titolu "L-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-baġit tal-UE: wasal iż-żmien li l-kliem jissarraf f'azzjoni",

–  wara li kkunsidra l-Politika Ambjentali u Soċjali tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp ta' April 2019,

–  wara li kkunsidra l-Pjan Operazzjonali 2022-2024 tal-Grupp tal-BEI, ippubblikat fis-27 ta' Jannar 2022,

–  wara li kkunsidra l-Qafas ta' Sostenibbiltà Ambjentali u Soċjali tal-Grupp tal-BEI, adottat fit-2 ta' Frar 2022,

–  wara li kkunsidra r-Rispons Urġenti ta' Solidarjetà mal-Ukrajna tal-BEI, adottat fl-4 ta' Marzu 2022,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2020 bit-titolu "Strateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà – Lejn Ambjent Ħieles mit-Tossiċità" (COM(2020)0667),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Jannar 2020 dwarha(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 – Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna" (COM(2020)0380) u "Strateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent" (COM(2020)0381),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2020 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva" (COM(2020)0098),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Mejju 2021 bit-titolu "Perkors għal Pjaneta b'Saħħitha għal Kulħadd – Pjan ta' Azzjoni tal-UE: Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija" (COM(2021)0400),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2022 bit-titolu "REPowerEU: Azzjoni Ewropea Konġunta għal enerġija aktar affordabbli, sikura u sostenibbli" (COM(2022)0108),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Marzu 2021 li jistabbilixxi l-Programm InvestEU(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta(3) u r-Regolament (UE) 2021/1229 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2021 dwar il-faċilità ta' self għas-settur pubbliku taħt il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali(5),

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2019 ta' Counter Balance bit-titolu "Is the EIB up to the task in tackling fraud and corruption? Challenges for the EU Bank's governance framework" (Il-BEI kapaċi jiġġieled il-frodi u l-korruzzjoni? Sfidi għall-qafas ta' governanza tal-Bank tal-UE),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2020 dwar l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja: il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess wara l-impjieg fis-servizz pubbliku(6),

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Ombudsman Ewropew tat-22 ta' Lulju 2016 lill-President tal-BEI dwar il-kwistjoni tal-kunflitt ta' interess u t-tweġiba tal-President tal-BEI tal-31 ta' Jannar 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' spezzjoni tal-Ombudsman Ewropew tat-18 ta' Mejju 2022 fil-każ OI/1/2021/KR dwar kif il-Kummissjoni Ewropea tittratta l-isfida ta' sitwazzjonijiet tat-tip "revolving door" li jinvolvu l-(ex) membri tal-persunal tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0165/2022),

A.  billi, skont l-Artikolu 309 tat-TFUE, il-BEI għandu l-kompitu li jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi tal-UE, inkluż permezz ta' diversi strumenti ta' investiment bħal self, ekwitajiet, garanziji, faċilitajiet għall-kondiviżjoni tar-riskji u servizzi ta' konsulenza;

B.  billi, fl-2021, il-BEI ffirma self ta' madwar EUR 95 biljun u appoġġa madwar 430 000 intrapriża żgħira u medja (SMEs) u kumpanija b'kapitalizzazzjoni medja, li huma s-sinsla tas-suq uniku tal-UE; billi EUR 75 biljun kienu marbuta mal-operazzjonijiet tal-Grupp tal-BEI u s-self li fadal kien fil-qafas tal-Fond Ewropew ta' Garanzija; billi EUR 20,7 biljun tal-finanzjament tal-Grupp tal-BEI appoġġa l-innovazzjoni, inklużi l-investiment fid-diġitalizzazzjoni u l-promozzjoni tal-ħiliet u t-taħriġ għad-dinja diġitali, u b'hekk ikkontribwixxa b'mod sostanzjali għall-kompetittività u l-impjiegi globali tal-UE; billi l-ammont totali tal-firma huwa aktar minn kwalunkwe bank multilaterali ieħor u rekord għall-BEI;

C.  billi r-Russja attakkat lill-Ukrajna fl-24 ta' Frar 2022, u dan ħoloq kriżi umanitarja fl-Ukrajna u ħalla impatt kbir ħafna fuq is-sitwazzjoni ekonomika u tas-sigurtà fl-UE u l-viċinat tagħha; billi, fl-4 ta' Marzu, il-Bord tad-Diretturi tal-BEI approva Pakkett ta' Solidarjetà f'każ ta' Emerġenza għall-Ukrajna ta' EUR 668 miljun, segwit minn pagamenti sussegwenti lill-Gvern tal-Ukrajna għall-aktar ħtiġijiet urġenti; billi l-BEI wiegħed EUR 4 biljun matul Stand Up for Ukraine, avveniment globali ta' ġbir ta' fondi biex jappoġġa lill-vittmi tal-invażjoni Russa u jappoġġa lir-rifuġjati tal-gwerra Ukreni fl-Istati Membri, bl-għan li jiffinanzja infrastruttura soċjali ewlenija, inklużi l-akkomodazzjoni, l-iskejjel, l-isptarijiet u l-kindergartens;

D.  billi l-pandemija tal-coronavirus kienet xokk globali kbir ħafna b'konsegwenzi soċjali u ekonomiċi estensivi; billi matul il-pandemija, il-BEI ffirma self b'valur ta' madwar EUR 6,3 biljun bħala parti mir-rispons għall-COVID-19 fis-settur tas-saħħa, inklużi proġetti għall-infrastruttura tas-saħħa u l-isptarijiet u t-tagħmir mediku, kif ukoll għat-tisħiħ tas-sistema tas-saħħa medika b'interventi ta' tħejjija għall-pandemiji; billi r-riżorsi mobilizzati matul il-pandemija kienu mira attraenti għall-frodi u l-korruzzjoni, kif issottolinjat fir-Rapport tal-Attività tal-2020 tal-BEI dwar l-Investigazzjonijiet Kontra l-Frodi; billi l-BEI għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li r-riżorsi jaslu għand il-benefiċjarji intenzjonati tagħhom;

E.  billi l-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tal-kriżi tal-COVID-19 u l-aggressjoni militari illegali, mhux provokata u mhux ġustifikata kontra l-Ukrajna u l-invażjoni tagħha kellhom impatt kbir fuq it-tkabbir ġust, inklużiv u sostenibbli, l-investiment, ir-reżiljenza, l-impjiegi, l-edukazzjoni u l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi; billi l-inflazzjoni għolja u l-prezzijiet jiżdiedu tal-enerġija, tal-fjuwil u tal-ikel jaffettwaw b'mod sproporzjonat lill-unitajiet domestiċi l-aktar żvantaġġati fis-soċjetà;

Kummenti ġenerali

1.  Jisħaq fuq ir-rwol fundamentali tal-BEI bħala l-bank pubbliku tal-UE u l-unika istituzzjoni finanzjarja internazzjonali li tappartjeni kompletament lill-Istati Membri u hija kompletament iggwidata mill-politiki u l-istandards tal-UE fl-appoġġ għall-irkupru soċjali u ekonomiku u fl-immirar tal-investimenti biex l-objettivi tal-UE jintlaħqu; jieħu nota tar-Rapport dwar l-Investment 2021/2022 tal-BEI u tal-Pjan Operazzjonali 2022-2024 tal-Grupp tal-BEI; jilqa' l-investiment rekord tal-BEI ta' kważi EUR 95 biljun ta' finanzjament fl-2021 u l-enfasi tal-bank fuq l-isfidi fit-tul tal-UE tat-tibdil fil-klima, il-koeżjoni soċjali u t-trasformazzjoni diġitali;

2.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-aggressjoni militari illegali, mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna u l-invażjoni tagħha, kif ukoll l-involviment tal-Belarussja f'din l-aggressjoni; jissottolinja l-fatt li l-gwerra ħolqot kriżi umanitarja gravi u kellha impatt kbir ħafna fuq is-sitwazzjoni ekonomika u tas-sigurtà fl-UE u l-viċinat tagħha, li jeħtieġ li tiġi riflessa b'mod aktar wiesa' fl-attivitajiet u l-pjanijiet ta' investiment tal-BEI;

3.  Jilqa' r-reazzjoni tal-BEI għall-invażjoni Russa tal-Ukrajna bl-approvazzjoni tal-Pakkett ta' Solidarjetà f'każ ta' Emerġenza, li jikkonsisti, fost l-oħrajn, minn appoġġ finanzjarju immedjat ta' EUR 668 miljun lill-awtoritajiet Ukreni billi jaċċelera l-iżborżi fl-ambitu tas-self eżistenti u minn impenn biex jiġi aċċelerat l-għoti ta' EUR 1,3 biljun oħra; jinnota li dan il-pakkett jinkludi kemm appoġġ finanzjarju immedjat kif ukoll appoġġ għall-infrastruttura fuq terminu medju u fit-tul, inklużi sforzi ta' bini mill-ġdid hekk kif terġa' tiġi stabbilita Ukrajna ħielsa u indipendenti wara l-gwerra; jistieden lill-BEI jaħdem fuq pjanijiet ta' azzjoni biex jiġu inċentivati l-investimenti diretti tal-UE fl-Ukrajna, inklużi proġetti ekonomiċi u soċjali wara l-gwerra, bħal skejjel akkomodazzjoni soċjali u sptarijiet; jenfasizza l-importanza ta' sforzi kkoordinati fir-rispons għall-kriżi fl-Ukrajna;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu malajr mekkaniżmu ta' rappurtar biex jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar kwalunkwe assi u l-assi kollha miżmuma f'istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej minn persuni fiżiċi u ġuridiċi Russi u Belarussi b'rabtiet mar-reġimi ta' Putin u Lukashenka, inkluż fil-Grupp tal-BEI fejn rilevanti; jistieden lill-BEI jkun viġilanti ħafna u jsegwi mill-qrib is-sanzjonijiet u l-miżuri ġodda miftiehma mill-Kunsill; ifakkar li l-BEI waqqaf l-operazzjonijiet tiegħu fir-Russja wara l-annessjoni illegali tal-Krimea fl-2014; jistenna wkoll li l-BEI jwaqqaf l-involviment ta' kwalunkwe sieħeb Russu dirett jew indirett involut fi proġetti ta' investiment, inkluż permezz ta' intermedjarji finanzjarji;

5.  Jistieden lill-Istati Membri, fil-kapaċità tagħhom bħala azzjonisti, biex iżidu l-kapitalizzazzjoni tal-BEI ħalli jippermettu aktar self fit-tul u strumenti innovattivi għall-finanzjament ta' proġetti b'potenzjal kbir f'termini ta' sostenibbiltà, vantaġġi soċjali u innovazzjoni f'oqsma ta' politika fundamentali tal-UE bħad-diġitalizzazzjoni u t-trasformazzjoni ekoloġika filwaqt li tinżamm il-klassifikazzjoni tal-kreditu għolja attwali tal-BEI;

6.  Jilqa' l-fatt li l-BEI appoġġa aktar minn 430 000 SME li, fl-2021, kienu jimpjegaw 4,5 miljun ruħ; jistieden lill-BEI, madankollu, jipprovdi kapital ta' tkabbir addizzjonali biex l-SMEs ikunu jistgħu jespandu l-operazzjonijiet tagħhom; jinnota li l-prezzijiet attwali għoljin tal-enerġija jħallu impatt ukoll fuq il-kompetittività tal-SMEs; jistieden lill-BEI jivvaluta jekk il-livell attwali ta' appoġġ għall-SMEs huwiex biżżejjed fil-kuntest tal-prezzijiet tal-enerġija għoljin u tal-kostijiet jiżdiedu tal-materja prima;

7.  Ifaħħar il-fatt li rekord ta' EUR 20,7 biljun mill-finanzjament tal-BEI marru biex tiġi appoġġata l-innovazzjoni fl-2021, inkluż l-investiment fid-diġitalizzazzjoni u l-promozzjoni tal-ħiliet u t-taħriġ għad-dinja diġitali; iqis li dan it-tip ta' investiment huwa ta' importanza fundamentali biex tinżamm il-kompetittività tal-Ewropa u tiġi segwita l-awtonomija strateġika tal-UE u huwa partikolarment rilevanti għall-impjegati f'setturi li jirrikjedu aġġustament u rikwalifikazzjoni sinifikanti;

8.  Jilqa' l-Orjentazzjoni l-ġdida favur il-Koeżjoni, li permezz tagħha l l-BEI jimpenja ruħu li jżid l-attivitajiet ta' self għal 45 % tas-self totali tal-EU-27 fir-reġjuni ta' koeżjoni sal-2025 u għal 23 % fir-reġjuni l-anqas żviluppati; jisħaq fuq l-importanza ta' aktar azzjoni klimatika fir-reġjuni kkonċernati, bl-għan li tiġi promossa l-konverġenza ekonomika, soċjali u territorjali u tranżizzjoni ġusta li ma tħalli lil ħadd lura, u jisħaq li l-investimenti għandhom jintgħażlu abbażi tal-mertu finanzjarju, ekonomiku u tekniku; jistieden lill-BEI jkompli jindirizza n-nuqqasijiet sistemiċi li jipprevjenu lil ċerti reġjuni jew pajjiżi milli jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet finanzjarji tal-BEI, fost l-oħrajn billi jsaħħaħ l-isforzi tiegħu biex jespandi l-attivitajiet ta' self tiegħu billi jipprovdi assistenza teknika, tisħiħ tal-kapaċitajiet u appoġġ konsultattiv, speċjalment fl-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, l-infrastruttura, l-appoġġ lill-SMEs u proġetti bl-għan tal-ġenerazzjoni ta' impjiegi ta' kwalità għolja, u billi jipprijoritizza proġetti li jnaqqsu l-inugwaljanzi u jippromwovu d-diversità u l-inklużjoni soċjali; jappella, f'dan ir-rigward, għal aktar appoġġ għal servizzi ta' konsulenza bħall-Assistenza Konġunta ta' Appoġġ għal Proġetti fir-Reġjuni Ewropej (JASPERS), l-Assistenza Ewropea għall-Enerġija Lokali (ELENA) u l-Fi-Compass;

9.  Ifaħħar it-tempestività tal-Fond Ewropew ta' Garanzija biex jikkontribwixxi għat-taffija tal-impatti soċjali u ekonomiċi negattivi tal-pandemija tal-COVID-19, inkluż billi jappoġġa lill-SMEs; jinnota li, fil-31 ta' Diċembru 2021, il-BEI approva EUR 23,2 biljun f'operazzjonijiet tal-Fond Ewropew ta' Garanzija (95 % tal-EUR 24,4 biljun disponibbli), li jirrappreżentaw madwar terz ta' dak li normalment il-Grupp tal-BEI jinvesti f'sena; jinnota li, mingħajr trasparenza rigward il-benefiċjarji finali tiegħu, huwa diffiċli li jinsiltu konklużjonijiet dwar l-impatt tal-fond fuq l-ekonomija Ewropea; jitlob, għalhekk, li ssir valutazzjoni bir-reqqa tal-fond, li tevalwa sa liema punt l-involviment tal-BEI ġab valur miżjud u sa liema punt il-fond laħaq l-objettivi tiegħu hekk kif l-istrument jitneħħa gradwalment, u l-livell ta' trasparenza fl-implimentazzjoni tiegħu; jitlob li l-valutazzjoni ssir disponibbli għall-pubbliku; jilqa' l-fatt li qed issir evalwazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Garanzija u jistenna b'ħerqa li jirċeviha;

10.  Jieħu nota tal-Qafas il-ġdid ta' Sostenibbiltà Ambjentali u Soċjali (ESSF); jilqa' l-adozzjoni tal-finanzi sostenibbli bħala mudell operattiv; jitlob l-implimentazzjoni rapida tiegħu u li l-BEI jistabbilixxi proċeduri ċari u stretti dwar kif issir id-diliġenza dovuta; jitlob, barra minn hekk, li d-dispożizzjonijiet kollha fl-ESSF jiġu riflessi b'mod xieraq fil-kuntratti u li l-prinċipju "la tagħmilx ħsara sinifikanti" jiġi applikat fl-operazzjonijiet kollha tal-BEI;

11.  Jilqa' l-iffirmar tal-ftehim InvestEU bejn il-BEI u l-Kummissjoni fis-7 ta' Marzu 2022 u l-fatt li l-Fond Ewropew tal-Investiment huwa sieħeb eżekuttiv separat; jitlob l-implimentazzjoni rapida taċ-Ċentru ta' Konsulenza l-ġdid tal-InvestEU u jissottolinja l-ħtieġa li jitħaffu n-negozjati ma' sħab eżekuttivi oħra;

Bank klimatiku

12.  Jilqa' l-fatt li 43 % tas-self fl-2021 kien relatat mal-klima u l-ambjent – żieda minn 40 % fl-2020 – u jfaħħar l-intenzjoni li l-mira ta' self għall-klima tintlaħaq fl-2022; jilqa' wkoll il-fatt li – bl-esklużjoni tal-mandat tal-Fond Ewropew ta' Garanzija, li jirrigwarda speċifikament l-SMEs milquta mill-pandemija – is-sehem ta' finanzjament ekoloġiku tal-BEI fil-fatt żdied għal 51 %; itenni li l-flussi finanzjarji kollha tal-BEI għandhom ikunu konsistenti għalkollox mal-kisba ta' emissjonijiet żero netti sa mhux aktar tard mill-2050 u mal-objettiv klimatiku aktar ambizzjuż tal-UE għall-2030; jissottolinja li t-tranżizzjoni klimatika trid tkun inklużiva u ġusta; jisħaq li l-investimenti ekoloġiċi jridu jkunu vijabbli u l-BEI jeħtieġlu jżomm affidabbiltà kreditizja għolja (AAA); jistieden lill-BEI, f'dan ir-rigward, jisfrutta s-self, l-istrumenti finanzjarji, l-assistenza teknika u s-servizzi ta' konsulenza tiegħu biex jappoġġa lin-nies u lir-reġjuni li qed jiffaċċjaw sfidi soċjoekonomiċi li jirriżultaw mit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju; jenfasizza li l-Pjan direzzjonali tal-Bank Klimatiku (CBR) huwa punt ta' tluq tajjeb, iżda se tkun meħtieġa azzjoni ulterjuri biex jiġi żgurat l-allinjament mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi, filwaqt li l-objettiv ta' 1,5 °C jibqa' jista' jintlaħaq, u tranżizzjoni ġusta; itenni li bidla fuq skala kbira tista' tinkiseb biss jekk l-industrija tipparteċipa u jiġu pprovduti l-inċentivi meħtieġa għal soluzzjonijiet klimatiċi innovattivi u għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja; jitlob li l-pjanijiet ta' azzjoni kollha għall-implimentazzjoni tas-CBR isiru pubbliċi mill-aktar fis possibbli sabiex tiġi pprovduta ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet ippjanati biex jintlaħqu l-miri u biex tiġi vvalutata l-adegwatezza tagħhom;

13.  Jistenna b'ħerqa r-rieżami ta' nofs it-terminu tas-CBR u jisħaq li jrid iservi biex jagħti spinta lit-trasformazzjoni tal-istituzzjoni f'bank klimatiku ġenwin li jiffaċilita l-preservazzjoni tar-riżorsi naturali u l-protezzjoni tal-ambjent; jistenna li s-self kollu jiġi armonizzat mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi, filwaqt li l-objettiv ta' 1,5 ºC jibqa' jista' jintlaħaq, u mal-impenji klimatiċi u ambjentali tal-UE; jitlob li r-rieżami ta' nofs it-terminu tas-CBR jinkludi valutazzjoni solida ta' alternattivi b'intensità inqas qawwija ta' karbonju u tal-emissjonijiet tal-"Ambitu 3" għal kull proġett; jistenna rapporti tal-progress annwali dettaljati dwar is-CBR għall-operazzjonijiet kollha mill-2023, inkluż il-livell ta' allinjament tiegħu mal-objettivi klimatiċi tal-UE;

14.  Jilqa' l-Allinjament ta' Pariġi għall-Kontropartijiet u jistenna li jiġi implimentat bis-sħiħ; itenni l-appell tiegħu biex l-intermedjarji finanzjarji, u mhux biss il-klijenti korporattivi, ikollhom pjanijiet ta' dekarbonizzazzjoni mill-aktar fis possibbli u sa mhux aktar tard minn tmiem l-2025; jisħaq li tali rekwiżiti ġodda ma jridux ikunu għad-detriment tal-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament; jitlob li ssir enfasi fuq il-kredibbiltà tal-pjanijiet ta' dekarbonizzazzjoni fuq terminu qasir; jitlob li dawk il-pjanijiet u l-miri ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra jiġu implimentati b'mod strett u li ssir evalwazzjoni biex jiġi aċċertat jekk dawn jistgħux jiġu inklużi fi klawżoli kuntrattwali bejn il-BEI u l-klijenti tiegħu; jistenna li l-BEI jivverifika u jiżgura l-konformità b'mod sistematiku, b'mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-ESSF;

15.  Jilqa' l-investimenti jiżdiedu tal-BEI fl-enerġija fl-Ewropa, li żdiedu minn EUR 10 biljun fl-2018 għal aktar minn EUR 14-il biljun fl-2021; jistieden lill-BEI, fid-dawl tal-iżviluppi ġeopolitiċi reċenti, iħaffef u jżid l-investimenti fis-sigurtà tal-enerġija tal-UE u jafferma mill-ġdid li t-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE huwa kompatibbli mar-rwol tal-BEI bħala bank klimatiku, kif ukoll mal-għan li jitnaqqas il-faqar enerġetiku, li qed isir partikolarment gravi minħabba li l-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil qed jogħlew malajr ħafna; itenni l-istedina tiegħu lill-BEI biex jimplimenta l-prinċipju tal-effiċjenza enerġetika bis-sħiħ u jistabbilixxi objettiv li jindirizza l-faqar enerġetiku fis-self tiegħu fis-settur tal-enerġija; itenni l-appoġġ tiegħu għall-politika ta' self tal-2019 tal-BEI fis-settur tal-enerġija; jistieden lill-BEI jagħti prijorità lill-finanzjament għall-investimenti fl-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika u s-sigurtà tal-enerġija, li se jżidu l-indipendenza tal-UE minn pajjiżi terzi; jistieden lill-BEI jżid is-self għal tali proġetti biex jgħin ħalli titnaqqas malajr id-dipendenza mill-importazzjonijiet tal-enerġija u l-materja prima mir-Russja u minn pajjiżi terzi oħra;

16.  Jilqa' l-Pjan ta' Adattament għat-Tibdil fil-Klima tal-BEI u l-impenn biex is-sehem tal-azzjoni klimatika għall-adattament jiżdied għal 15 % tal-mira klimatika globali sal-2025; itenni l-appell tiegħu għal metodi ta' skrinjar armonizzati biex jivvalutaw ir-riskju klimatiku fiżiku għall-attivitajiet ta' self kollha tal-BEI, inklużi dawk imwettqa permezz ta' intermedjarji finanzjarji;

17.  Ifakkar, fid-dawl tar-rieżami ta' nofs it-terminu li jmiss tal-politika dwar is-self fis-settur tal-enerġija, fid-dikjarazzjoni tal-President Hoyer fil-konferenza stampa annwali tal-Grupp tal-BEI fis-27 ta' Jannar 2022: "Nemmnu li għandna missjoni li nikkonċentraw fuq is-sostenibbiltà u l-ilħuq tal-għanijiet ta' Pariġi bil-mezzi ta' istituzzjoni ta' investiment fit-tul. [...] Għalhekk, ma narax bidla fil-politika tagħna dwar is-self fis-settur tal-enerġija"; jistieden lill-BEI jirrispetta r-rakkomandazzjonijiet tal-Pjattaforma dwar il-Finanzi Sostenibbli u ma jibqax jiffinanzja l-assi mhux rekuperabbli u l-attivitajiet inkompatibbli mal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-istrateġiji relatati tal-UE; jistieden lill-BEI jiffoka b'mod partikolari fuq l-investimenti fi proġetti li jżidu s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija bid-diversifikazzjoni tas-sorsi u l-fornituri tal-enerġija, kif ukoll bit-tnaqqis tad-dipendenza tal-UE fuq l-enerġija minn pajjiżi terzi; iħeġġeġ lill-BEI jikkoopera mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u jiffaċilita l-finanzjament għal proġetti iżgħar, inklużi inizjattivi mmexxija mill-komunità li jiffukaw fuq sorsi ta' enerġija rinnovabbli; jistieden lill-BEI jiżgura li l-investimenti tiegħu fl-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli, li għandhom jintlaqgħu tajjeb, jikkontribwixxu wkoll għat-titjib fl-effiċjenza enerġetika;

18.  Jiddispjaċih għad-dewmien fir-rieżami tal-politika dwar is-self fis-settur tat-trasport; jistenna li titfassal proposta li tkun allinjata bis-sħiħ mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi, filwaqt li l-objettiv ta' 1,5 ºC jibqa' jista' jintlaħaq, inkluża viżjoni għar-rwol tal-BEI fid-dekarbonizzazzjoni tal-mobbiltà b'enfasi speċifika fuq it-tranżizzjoni fil-livell tal-kumpaniji; jistenna li s-self tal-BEI jnaqqas l-impatt ambjentali tat-trasport, filwaqt li jtejjeb il-kwalità u l-affordabbiltà tas-servizzi pprovduti, u jistenna li ma jingħata ebda self ġdid li jfixkel id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport jew it-tranżizzjoni lejn mobbiltà aktar sostenibbli u affordabbli mingħajr emissjonijiet; jisħaq fuq ir-riskju kbir ta' assi mhux rekuperabbli fis-settur tat-trasport; jemmen li għandu jingħata finanzjament akbar lill-mobbiltà mingħajr emissjonijiet, speċjalment l-użu tar-roti u l-iżvilupp u l-modernizzazzjoni tat-trasport pubbliku, is-servizzi multimodali, inkluż bħala parti minn proġetti ta' diżinn urban sostenibbli, u lil servizzi tat-trasport aħjar għal komunitajiet u lokalitajiet mhux moqdija biżżejjed; jitlob aktar finanzjament għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur marittimu;

Bijodiversità u sostenibbiltà

19.  Jilqa' l-istandard 4 aġġornat tal-ESSF, jiġifieri l-inklużjoni tal-"waqfien u t-treġġigħ lura tat-telfien tal-bijodiversità" bħala prinċipju, u l-limitazzjoni tal-kumpens, b'mod partikolari f'żoni b'bijodiversità kbira, u jitlob li jiġi implimentat b'mod diliġenti; jilqa' l-isforzi li saru biex jissaħħu l-valutazzjoni tar-riskji għall-bijodiversità u d-diliġenza dovuta permezz tal-Għodda Integrata għall-Valutazzjoni tal-Bijodiversità; jistenna li d-data li tintuża tkun aġġornata; huwa mħasseb, madankollu, dwar l-użu ta' data mhux aġġornata; jistenna li l-BEI jikkonforma mal-Artikoli 11 u 191 tat-TFUE u jwaqqaf l-iżborż tal-fondi, u jirtirahom jekk ikun meħtieġ, jekk jiġu stabbiliti b'mod formali evidenza jew riskju serju ta' impatti negattivi fuq il-klima, l-ambjent jew il-komunitajiet lokali, fost oħrajn permezz ta' valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali;

20.  Ifakkar fil-mira tal-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2030 biex jiġu rilaxxati mill-inqas EUR 20 biljun fis-sena għall-infiq fuq in-natura; jissottolinja li s-soċjetà inġenerali tibbenefika mir-restawr tan-natura, li huwa kritiku għal firxa wiesgħa ta' setturi ekonomiċi, u li l-kooperazzjoni tal-Istati Membri mal-BEI u ma' istituzzjonijiet finanzjarji oħra tista' tkun essenzjali biex tiġi eliminata d-diskrepanza fil-finanzjament; jirrikonoxxi l-isfidi u l-progress miksub matul l-implimentazzjoni tal-Faċilità ta' Finanzjament tal-Kapital Naturali; itenni t-talba tiegħu li jiġi pprovdut komponent ta' għotja fl-ambitu tal-faċilità jew ta' kwalunkwe strument suċċessur, bil-mudell tal-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta bħala ispirazzjoni, biex jappoġġa l-espansjoni inizjali tal-proġetti lokali u jiffaċilita l-ġenerazzjoni ta' dħul; jappella għall-varar ta' evalwazzjoni pubblika indipendenti integrata fi ħdan valutazzjoni usa' tal-appoġġ għar-restawr tal-ekosistemi u l-bijodiversità; jinnota li l-istrumenti l-ġodda se jissostitwixxu l-Faċilità ta' Finanzjament tal-Kapital Naturali fl-ambitu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027; iħeġġeġ lill-BEI, għalhekk, jeskludi mill-istrumenti l-ġodda l-proġetti ta' kumpens għall-bijodiversità f'żoni protetti u f'żoni b'bijodiversità kbira;

21.  Jinnota li l-Ukrajna u r-Russja huma produtturi ewlenin tal-għelejjel tal-ikel, inklużi l-qamħ, il-qamħirrum u x-xgħir; jinnota li l-gwerra kellha impatt gravi fuq is-settur agrikolu tal-Ukrajna; jinnota, barra minn hekk, li r-Russja u l-Belarussja huma produtturi ewlenin tal-fertilizzanti; jiddispjaċih li l-gwerra jista' jkollha effetti kollaterali kbar fuq il-ktajjen tal-provvista transfruntieri, fuq il-prezzijiet tal-ikel u l-fertilizzanti, fuq l-affordabbiltà tal-ikel fl-UE, u fuq is-sigurtà u l-affordabbiltà tal-ikel globalment; iħeġġeġ lill-BEI juża l-operazzjonijiet tiegħu biex jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-istrateġija mill-għalqa sal-platt u l-istrateġija għall-bijodiversità għall-2030, kif ukoll ir-regolamenti rilevanti u futuri kollha tal-UE dwar il-prodotti li ma jikkontribwux għad-deforestazzjoni u dwar ir-restawr li jirriżultaw minn dawn l-istrateġiji; jistieden lill-BEI ma jappoġġax attivitajiet li jxekklu t-tranżizzjoni lejn settur agrikolu kompletament sostenibbli u proġetti ta' ġestjoni tar-riżorsi naturali li ma jirrispettawx il-limiti tal-pjaneta; jitlob lill-BEI ma jappoġġa ebda forma ta' biedja industrijali jew prattiki tal-biedja li ma jikkonformawx mal-istandards tat-trattament xieraq tal-annimali tal-UE, kif stabbilit fir-rakkomandazzjoni tal-Parlament tal-20 ta' Jannar 2022 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni wara l-investigazzjoni ta' allegazzjonijiet ta' kontravvenzjonijiet u ta' amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport fl-Unjoni u lil hinn minnha(7);

22.  Itenni l-appell tiegħu biex il-BEI jappoġġa l-għanijiet tal-istrateġija tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi għas-sostenibbiltà bħala parti mill-operazzjonijiet il-ġodda tiegħu, billi jagħti spinta lill-innovazzjoni għal sustanzi kimiċi, materjali u prodotti sikuri u sostenibbli mid-diżinn, il-pjan ta' azzjoni dwar l-ekonomija ċirkolari bbażat fuq ċikli ta' materjali mhux tossiċi u l-pjan ta' azzjoni ta' tniġġis żero għall-ilma, l-arja u l-ħamrija; jilqa' l-irduppjar tal-finanzjament għall-inizjattiva Oċeani Nodfa (minn EUR 2 biljun għal EUR 4 biljun sal-2025) biex jitnaqqas l-iskart tal-plastik; jissottolinja li għandha ssir enfasi fuq proġetti li jkollhom l-għan li jsibu alternattivi sostenibbli għall-plastik li jintuża darba biss; jistieden lill-BEI ma jiffinanzjax jew ma jikkontribwixxi b'ebda mod għall-iżvilupp tal-estrazzjoni minerarja minn fond il-baħar; jilqa' d-deċiżjoni tal-BEI li jipprovdi assistenza teknika u finanzjament ta' proġetti lill-Impenn Globali dwar il-Metan;

23.  Jilqa' l-ħruġ attwali f'diversi muniti ta' bonds għal kuxjenza dwar il-klima u bonds għal kuxjenza dwar is-sostenibbiltà; jilqa', barra minn hekk, l-impenn favur l-allinjament mal-Istandard tal-UE għall-Bonds Ekoloġiċi u ma' kwalunkwe "Standard għall-Bonds Soċjali" futur, iż-żieda fit-trasparenza b'mod partikolari, u t-titjib tal-allokazzjoni tal-bonds u tar-rappurtar dwar l-impatt; jinsisti li kwalunkwe pass bħal dan li jittieħed ma jridx iwassal biex l-istandards jitnaqqsu;

Responsabbiltà soċjali, saħħa u ġeneru

24.  Jilqa' l-inklużjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema fl-istandard 8 tal-ESSF u jappella għall-implimentazzjoni stretta tiegħu; jistieden lill-BEI jiżgura li d-drittijiet tal-ħaddiema jitqiesu aħjar fl-operazzjonijiet tiegħu billi jinkludi klawżoli kuntrattwali li jirrikjedu lill-promoturi jivvalutaw ir-riskji għall-ħaddiema, u jiżgura li d-drittijiet tal-ħaddiema jiġu protetti bis-sħiħ fil-katina tal-provvista kollha; jistieden lill-BEI jgħin fl-appoġġ ta' rkupru inklużiv wara l-pandemija permezz ta' investimenti fis-settur soċjali, inklużi l-akkomodazzjoni soċjali effiċjenti fl-użu tal-enerġija, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-ħiliet, u jissottolinja l-importanza li jiġu żviluppati kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, sikuri u tajbin għas-saħħa u li jiġu rispettati d-drittijiet tal-ħaddiema;

25.  Jilqa' l-fatt li l-BEI kellu rwol ewlieni fl-appoġġ tar-rispons tal-UE għall-kriżi tas-saħħa; jistieden lill-BEI jkompli l-investimenti biex is-settur tas-saħħa pubblika jsir aktar reżiljenti, biex jitrażżnu l-impatti negattivi fit-tul tal-pandemija u biex tittejjeb it-tħejjija għal pandemiji futuri;

26.  Jissottolinja li l-investimenti għall-żvilupp li jinvolvu lin-nisa u li jqisu l-ħtiġijiet tagħhom huma aktar effettivi u sostenibbli; jistieden lill-BEI jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni sħiħa tal-impenji tal-UE dwar il-ġeneru inkluż it-tielet pjan ta' azzjoni dwar il-ġeneru, billi jiġbor b'mod sistematiku data mmirata diżaggregata skont il-ġeneru u jagħmilha pubblika; iħeġġeġ lill-BEI jivvaluta l-impatt tal-proġetti fuq il-ġeneru fi ħdan l-UE u barra l-UE, u jirrapporta dwar ir-riżultati tal-valutazzjonijiet tiegħu; iqis li għandha tinġabar data dwar proġetti biex jintwera kif dawn qed jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa; iħeġġeġ lill-BEI jivvaluta l-impatt tal-proġetti fuq il-ġeneru u jikkollabora ma' esperti indipendenti għal dan il-għan; jistieden lill-BEI jiżgura li l-assistenza ta' konsulenza u teknika tikkontribwixxi biex tavvanza l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-iżvilupp inklużiv, b'mod partikolari permezz tal-għarfien espert meħtieġ, b'enfasi partikolari fuq it-taħriġ; jenfasizza l-bżonn li jiżdied is-self lill-SMEs immexxija minn nisa biex jiġi promoss irkupru ugwali fir-rigward tal-ġeneru;

27.  Jiddispjaċih li l-BEI naqas milli jilħaq il-miri oriġinali tiegħu għall-2021 rigward l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u li n-nisa għadhom sottorappreżentati fil-karigi ta' livell għoli fil-BEI; jistieden lill-BEI, għalhekk, iżid l-isforzi tiegħu biex itejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-organizzazzjoni;

28.  Jissottolinja r-rwol tal-BEI fil-kontribut għall-issodisfar tal-prijoritajiet Ewropej; jistenna li l-bank jappoġġa l-proġetti li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u r-rakkomandazzjonijiet soċjali identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi fl-ambitu tas-Semestru Ewropew; jisħaq fuq l-importanza tad-djalogu u l-konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jħeġġeġ lill-BEI jsaħħaħ l-impenn tiegħu favur attivitajiet bħal dawn; jilqa' l-investiment tal-BEI fl-edukazzjoni u jtenni l-appell tiegħu lill-BEI biex iżid l-investimenti tiegħu fl-edukazzjoni sabiex jgħin fil-mitigazzjoni tal-impatti gravi tal-kriżi tal-COVID-19 fuq is-sistemi tal-edukazzjoni fil-livell globali;

NDICI – BEI Globali

29.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-BEI Globali u jqis li l-BEI jista' jkollu rwol ewlieni fl-appoġġ tal-interessi strateġiċi tal-UE; ifakkar li l-ambitu ġeografiku tal-BEI huwa allinjat ma' dak tal-Bank Dinji; jistenna li l-investimenti tal-BEI fil-pajjiżi terzi jkunu allinjati bis-sħiħ mal-istandards klimatiċi, tal-bijodiversità u soċjali tal-UE applikabbli għas-self intra-UE u mal-politiki ta' azzjoni esterna tal-UE, inklużi investimenti magħmula bħala sieħeb eżekuttiv fl-inizjattiva Global Gateway; jistieden lill-BEI jżid l-involviment tiegħu fil-pajjiżi anqas żviluppati u f'dawk li jesperjenzaw il-kunflitt u l-faqar estrem; jappella għal konsultazzjoni pubblika u trasparenza sħiħa dwar l-istrateġiji marbuta mal-BEI Globali b'enfasi partikolari fuq ir-rwol tal-pajjiżi benefiċjarji u kapitoli speċifiċi dwar id-diliġenza dovuta fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem; jappella għal obbligu ta' rendikont u trasparenza sħaħ tal-korp governattiv u l-Kunsill Konsultattiv tal-BEI Globali, inkluża l-pubblikazzjoni proattiva tal-aġendi u l-minuti tal-laqgħat tal-Kunsill Konsultattiv il-ġdid tiegħu; jitlob li l-persunal jingħata taħriġ xieraq fi kwistjonijiet ta' żvilupp biex jgħinhom jimplimentaw l-inizjattivi Strateġija Globali tal-UE u Tim Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara l-użu tal-garanziji fl-ambitu tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus ġestit mill-BEI u minn istituzzjonijiet finanzjarji oħra fl-implimentazzjoni tal-inizjattiva Global Gateway;

30.  Ifakkar fl-impenn globali tal-UE li tiddefendi u tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem, li huma indiviżibbli, universali u interdipendenti; iqis l-ESSF il-ġdid bħala punt ta' tluq tajjeb, iżda jtenni t-talba ripetuta tiegħu li se tkun meħtieġa azzjoni addizzjonali biex jiġi żgurat aktar titjib fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u fil-proċeduri għall-prevenzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar li l-BEI huwa marbut direttament bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; jiġbed l-attenzjoni għall-kummenti li saru mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-abbozz ta' ESSF tal-BEI u jħeġġeġ lill-BEI jikkunsidrahom bis-sħiħ u fil-pront, b'mod partikolari dawk dwar id-diliġenza dovuta fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-proċeduri ta' diliġenza dovuta tiegħu, fil-valutazzjonijiet tal-impatt dwar id-drittijiet tal-bniedem, u dwar il-ħtieġa li l-impenn ġenerali tal-BEI dwar id-drittijiet tal-bniedem ikun ankrat fir-responsabbiltà li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem; jitlob li dawn il-kwistjonijiet jiġu indirizzati fid-dikjarazzjoni li jmiss dwar id-drittijiet tal-bniedem; jemmen bis-sħiħ li l-BEI m'għandux jiżborża self f'każ ta' ritaljazzjonijiet ċari fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob lill-BEI jagħmel kull sforz biex jipproteġi lill-komunitajiet lokali, inkluż billi jirtira l-finanzjament fejn xieraq; jistenna, barra minn hekk, li tittieħed azzjoni immedjata meta klijent jew sid benefiċjarju jkun involut f'rappreżalji kontra difensur tad-drittijiet tal-bniedem jew tal-ambjent; jistenna li l-BEI jimplimenta t-talbiet fit-tul tal-Parlament biex dan jevita tali sitwazzjonijiet, b'mod partikolari billi jistabbilixxi rekwiżiti kuntrattwali, inkluż rekwiżit biex jinkiseb kunsens liberu, minn qabel u infurmat mill-komunitajiet lokali, fejn applikabbli fl-ambitu tad-dritt internazzjonali, inkluż għal proġetti ffinanzjati permezz ta' intermedjarji finanzjarji; jistenna li l-BEI jitlob lill-klijenti jwettqu valutazzjonijiet tal-impatt dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-proġetti tagħhom, kif ukoll jimmonitorja kontinwament l-implimentazzjoni tal-proġetti fuq il-post, sabiex jipprevjeni kwalunkwe abbuż, esproprjazzjoni inġusta jew vjolenza kontra l-popolazzjonijiet lokali; jitlob lill-BEI, f'dan ir-rigward, jimpenja ruħu b'mod attiv mal-komunitajiet lokali u jinfurmahom dwar id-drittijiet tagħhom kif xieraq, b'enfasi speċjali fuq l-implimentazzjoni ta' kunsens liberu, minn qabel u infurmat, inkluż l-aċċess tagħhom għall-Mekkaniżmu tal-Ilmenti;

31.  Jemmen li l-implimentazzjoni tal-BEI Globali għandha tkun tista' tiddependi minn livell adegwat ta' persunal ibbażat barra mill-kwartieri ġenerali tiegħu fil-Lussemburgu biex jiġu żgurati preżenza fuq il-post u kooperazzjoni effettiva mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u d-delegazzjonijiet tiegħu, peress li l-għarfien espert fuq il-post u s-segwitu tal-proġetti huma fundamentali għall-appoġġ lill-komunitajiet lokali; jappella għat-tisħiħ tal-persunal fuq il-post, speċjalment tal-ħaddiema lokali, sabiex il-ħtiġijiet lokali jiġu ssodisfati b'ħiliet tekniċi msaħħa, inkluż għarfien espert dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jistenna li fl-2022 jiġi ppubblikat pjan konkret tar-riżorsi umani għall-implimentazzjoni tal-BEI Globali u jistieden lill-BEI jsaħħaħ b'mod urġenti l-mekkaniżmi għall-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u mġiba projbita oħra, speċjalment bħala parti mill-isforzi biex iżid il-preżenza tiegħu barra mill-UE; iħeġġeġ lill-BEI jespandi l-kooperazzjoni tiegħu mal-awtoritajiet nazzjonali fil-pajjiżi sħab; ifakkar li l-kwartieri ġenerali reġjonali ta' Nairobi ilhom joperaw mill-2019; jilqa' d-deċiżjoni ta' Novembru 2021 biex jiġu ttrasformati fiċ-Ċentru l-ġdid tal-BEI f'Nairobi, li jiffaċilita l-kooperazzjoni mas-sħab tal-Kenja, tal-Afrika, ta' Tim Ewropa u ma' dawk globali, filwaqt li jikkontribwixxi għal riflessjoni aħjar tal-prijoritajiet ta' investimenti privati u pubbliċi, u li jespandi l-għarfien espert dwar l-azzjoni klimatika, l-innovazzjoni u l-investiment diġitali;

32.  Jisħaq fuq l-importanza tal-koerenza, l-addizzjonalità u l-effiċjenza tal-finanzjament għall-iżvilupp; jistieden lill-BEI, f'dan ir-rigward, isaħħaħ il-kooperazzjoni mas-sħab ewlenin; jistieden lill-BEI jiffaċilita l-parteċipazzjoni ta' atturi iżgħar tal-finanzjament għall-iżvilupp fl-operazzjonijiet tiegħu; jistieden lill-BEI, barra minn hekk, jagħmel enfasi akbar fuq l-inklużjoni tal-investiment privat u fuq il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi interni fil-pajjiżi inqas żviluppati;

Trasparenza u governanza

33.  Ifakkar fl-għan ġenerali li tiġi ppubblikata informazzjoni dwar il-proġetti tliet ġimgħat qabel ma jiġu approvati mill-Bord tal-BEI; huwa mħasseb dwar it-tnaqqis fit-trasparenza, speċifikament fir-rigward tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tal-informazzjoni dwar il-proġetti fil-ħin; ifakkar li fl-2010, 96,1 % tal-proġetti kollha ġew ippubblikati tliet ġimgħat qabel l-approvazzjoni tal-Bord, u dan il-perċentwal naqas għal 60 % biss fl-2020; jinnota li skont il-BEI, din ix-xejra 'l isfel hija konsegwenza tal-involviment akbar tal-BEI ma' kumpaniji fis-settur privat; jiddispjaċih dwar l-użu jiżdied ta' dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità kummerċjali; jirrikonoxxi, f'dan il-kuntest, l-importanza partikolari kemm tad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità kummerċjali, b'mod partikolari għall-SMEs, kif ukoll tat-trasparenza bħala element fundamentali fil-protezzjoni tal-prinċipji demokratiċi, inklużi d-drittijiet tal-bniedem, u jistieden lill-BEI jsib bilanċ bejn it-tnejn, filwaqt li jqis li l-fondi tal-BEI huma flus pubbliċi u għandhom dejjem ikunu soġġetti għal skrutinju pubbliku u obbligu ta' rendikont; jappella għal aktar trasparenza u obbligu ta' rendikont, inkluż fil-konfront tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Parlament b'mod partikolari; jenfasizza, barra minn hekk, li xi proġetti reċenti li kienu jirrikjedu valutazzjoni tal-impatt ambjentali ġew ippubblikati biss wara l-approvazzjoni; ifakkar, barra minn hekk, li l-aħjar standard fir-rigward tal-investituri privati huwa li l-proġetti kollha jiġu ppubblikati mill-inqas 30 jum qabel l-approvazzjoni u li l-Korporazzjoni Finanzjarja Internazzjonali (membru tal-Grupp tal-Bank Dinji), li tiffinanzja biss proġetti fis-settur privat, tippubblika valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali 60 jum qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet ta' finanzjament; ifakkar li l-kumpaniji elenkati fil-Borża għandhom joperaw skont ir-regolamenti applikabbli dwar is-suq tal-kapital, li jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-kondiviżjoni tal-informazzjoni; jiġbed l-attenzjoni għar-rakkomandazzjonijiet reċenti tal-Ombudsman Ewropew dwar il-ħtieġa li l-BEI jadotta "approċċ aktar ambizzjuż għall-prattika ta' divulgazzjoni tiegħu", li jaġixxi f'konformità mal-liġijiet tal-UE dwar it-trasparenza, u li jkun aktar trasparenti fir-rigward tal-impatt ambjentali potenzjali tal-proġetti li jiffinanzja; iħeġġeġ lill-BEI jimplimenta dawn ir-rakkomandazzjonijiet mill-aktar fis possibbli;

34.  Itenni t-talba tiegħu biex jiġi stabbilit ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament u l-BEI sabiex jittejjeb l-aċċess għad-dokumenti u d-data tal-BEI u jissaħħaħ l-obbligu ta' rendikont demokratiku, inkluża l-kapaċità li jitressqu mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub lill-BEI u li jiġu organizzati seduti ta' smigħ u djalogi ekonomiċi;

35.  Jistieden lill-BEI jżid ir-rappurtar tiegħu lill-Parlament rigward id-deċiżjonijiet tiegħu, il-progress miksub u l-impatt tal-attivitajiet ta' self tiegħu, b'mod partikolari permezz ta' djalogi strutturati regolari;

36.  Iqis il-politika l-ġdida ta' trasparenza bħala opportunità mitlufa; jistieden lill-BEI jirrifletti dwar valutazzjonijiet kritiċi u jiddispjaċih dwar il-fatt li l-BEI injora parzjalment it-talbiet ċari ħafna tal-Parlament stess biex itejjeb il-politika ta' trasparenza tiegħu f'konformità mal-aħjar prattiki u l-istandards ta' istituzzjonijiet finanzjarji oħra; jilqa' l-pubblikazzjoni ta' dikjarazzjonijiet rigward l-addizzjonalità u l-impatt għall-operazzjonijiet tal-BEI bħala parti mill-qafas tiegħu ta' kejl tal-addizzjonalità u tal-impatt; jiddispjaċih għall-fatt li l-politika l-ġdida tagħmel biss avvanzi żgħar fir-rigward tal-pubblikazzjoni proattiva, inkluż għall-proġetti ta' aktar minn EUR 50 miljun implimentati mill-intermedjarji finanzjarji, minkejja l-ħtieġa li l-BEI jopera abbażi tal-"preżunzjoni ta' divulgazzjoni" biex jissodisfa l-missjoni tiegħu bħala l-bank pubbliku tal-UE; jinnota li l-politika l-ġdida ma toħloqx obbligu għall-BEI biex jippubblika b'mod proattiv informazzjoni dwar l-għażla tal-proġetti, b'mod partikolari informazzjoni dwar id-diliġenza dovuta, qabel id-deċiżjoni tal-Bord tal-BEI, f'konformità mal-prattiki tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali; huwa mħasseb ukoll dwar l-eċċezzjonijiet għall-aċċess għad-dokumenti, abbażi tal-interessi kummerċjali ta' partijiet terzi u tad-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq(8); jiddispjaċih ukoll li l-politika ma tipprevedix divulgazzjoni f'waqtha tal-minuti tal-Bord u tal-Kumitat ta' Tmexxija; jitlob li dawn in-nuqqasijiet jiġu indirizzati b'mod urġenti; jitlob li l-politika ta' trasparenza tiġi allinjata ma' dik tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp fir-rigward tad-divulgazzjoni obbligatorja għall-intermedjarji ta' proġetti b'riskji ambjentali kbar u jtenni t-talbiet tiegħu biex ir-rekwiżiti ta' trasparenza allinjati ma' dawk għall-enerġija idroelettrika jiġu estiżi għall-proġetti kollha tal-infrastruttura, inklużi dawk iffinanzjati mill-intermedjarji finanzjarji;

37.  Jappella, f'dan ir-rigward, għal standard ambizzjuż għall-intermedjarji finanzjarji skont standards fiskali, ta' trasparenza, ambjentali u soċjali stretti; jitlob lill-BEI biex, mill-aktar fis possibbli, jemenda l-mudell tiegħu għall-klawżoli kuntrattwali dwar kwistjonijiet ambjentali u, għaldaqstant, il-kuntratti mal-intermedjarji finanzjarji li jistabbilixxu rekwiżiti dwar liema informazzjoni ambjentali trid tinġabar u tiġi ppubblikata; jisħaq, madankollu, li tali rekwiżiti ġodda ma jridux ikunu għad-detriment tal-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament;

38.  Jieħu nota tal-kodiċi ta' kondotta aġġornat u jilqa' r-regoli aktar stretti dwar il-kunflitti ta' interess u l-impenn favur rieżami perjodiku; jiddispjaċih li, minkejja li saru talbiet ripetuti, m'hemm ebda dispożizzjoni li teskludi lill-viċi presidenti milli jissorveljaw l-operazzjonijiet fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom u jinsisti li dan jiġi indirizzat fir-rieżami li jmiss;

39.  Jesprimi tħassib serju dwar in-nuqqas ta' djalogu soċjali fil-BEI, b'mod partikolari biex jiġi indirizzat it-tħassib dwar il-fastidju, l-ambjent tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol; jistenna li l-maniġment tal-BEI jiżgura tolleranza żero għall-forom kollha ta' mġiba ħażina u jimplimenta b'urġenza l-bidliet meħtieġa biex jipprevjeni l-imġiba ħażina; iħeġġeġ lill-maniġment tal-BEI jinvolvi ruħu fi djalogu ġenwin mal-persunal sabiex jindirizza t-tħassib tiegħu u jrawwem il-fiduċja u kultura ta' obbligu ta' rendikont; iħeġġeġ lill-bank jintroduċi stħarriġ u konsultazzjonijiet tal-persunal kollu tiegħu;

40.  Jitlob lill-Kummissjoni tippubblika r-raġunijiet għall-opinjoni tagħha fl-ambitu tal-proċedura prevista fl-Artikolu 19;

Tolleranza żero għall-frodi

41.  Jieħu nota tal-politika l-ġdida kontra l-frodi u jissottolinja l-importanza ta' kooperazzjoni inklużiva meta jiġu żviluppati għodod ewlenin tal-politika kontra l-frodi; huwa mħasseb li l-politika tal-BEI dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu tonqos milli tindirizza nuqqasijiet kbar, jiġifieri l-inklużjoni tar-rekwiżiti mir-raba' Direttiva tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus(9), b'mod partikolari l-pubblikazzjoni tal-verifiki "kun af lill-klijent tiegħek" qabel ma jiġi approvat kwalunkwe proġett; jiddeplora, barra minn hekk, in-nuqqas ta' titjib fl-istandards ta' trasparenza, jiġifieri li l-għoti ta' self dirett u indirett isir soġġett għall-pubblikazzjoni mill-benefiċjarji ta' data dwar it-taxxa u l-kontabbiltà tal-benefiċjarji u l-intermedjarji finanzjarji involuti fl-operazzjonijiet ta' finanzjament; jiddispjaċih għall-fatt li l-BEI ma kkummissjonax awditi indipendenti tal-applikazzjoni tiegħu tal-istandards kontra l-ħasil tal-flus; jistenna li l-BEI jallinja ruħu mal-qafas regolatorju u l-prattiki tal-UE li qed jevolvu dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu sabiex il-bank ikun jista' jipprevjeni b'mod effettiv l-involviment f'imġiba projbita u jieħu azzjoni korrettiva, b'mod partikolari billi jeskludi l-entitajiet, jirkupra l-fondi u jagħmel użu minn rimedji kuntrattwali u legali oħra;

42.  Jistieden lill-BEI jimpenja ruħu favur it-tisħiħ tal-politika tiegħu kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, inkluż billi jastjeni milli jiffinanzja benefiċjarji jew intermedjarji finanzjarji u milli jikkoopera ma' sħab finanzjarji li għandhom preċedenti negattivi bil-provi; jistieden lill-BEI jsaħħaħ il-miżuri ta' prevenzjoni u l-valutazzjonijiet tat-taxxa regolari fil-konfront tal-ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx, il-frodi tat-taxxa u fiskali u l-evażjoni tat-taxxa, kif ukoll l-ippjanar illegali u aggressiv tat-taxxa; jistieden lill-BEI jagħmel l-għoti ta' self dirett u indirett soġġett għall-pubblikazzjoni ta' data dwar it-taxxa u l-kontabbiltà għal kull pajjiż mill-benefiċjarji u għall-kondiviżjoni tad-data dwar is-sjieda benefiċjarja dwar il-benefiċjarji u l-intermedjarji finanzjarji involuti fl-operazzjonijiet ta' finanzjament, billi jinkludi klawżola speċifika fil-kuntratti li jiffirma mal-klijenti tiegħu; jistieden lill-Grupp tal-BEI jallinja l-politika tiegħu fil-konfront tal-ġuriżdizzjonijiet regolati b'mod dgħajjef, mhux trasparenti u mhux kooperattivi u l-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa mal-iżviluppi regolatorji Ewropej u internazzjonali li qed jevolvu fil-qasam tal-integrità tat-taxxa kif ukoll standards u politiki dwar il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa; jissottolinja li l-kooperazzjoni internazzjonali hija fundamentali biex il-frodi, il-korruzzjoni u mġiba oħra projbita jiġu miġġielda b'mod effettiv; jistieden lill-BEI jirreferi l-każijiet suspettati ta' mġiba projbita lill-awtoritajiet fl-UE kif ukoll barra minnha għal aktar investigazzjoni u prosekuzzjoni kriminali, u jipprovdi assistenza kif mitluba;

43.  Itenni t-talba tiegħu biex jiġi sospiż il-finanzjament meta l-awtoritajiet lokali jkunu ġew innotifikati u/jew involvew ruħhom fi proċeduri legali kontra ksur possibbli tal-leġiżlazzjoni rilevanti, tal-inqas sakemm jingħalqu l-investigazzjonijiet u l-proċessi ġudizzjarji fil-livell nazzjonali;

44.  Ifakkar li l-Kummissjoni talbet lill-BEI jikkondividi aktar informazzjoni dwar l-applikazzjoni effettiva ta' klawżoli kuntrattwali li jippermettu lill-BEI jwaqqaf jew jirtira l-finanzjament u jistenna li l-Parlament ikollu aċċess sħiħ għal din l-informazzjoni; jistenna monitoraġġ bir-reqqa li jqis bis-sħiħ it-tħassib espress minn partijiet rilevanti u partijiet ikkonċernati, b'mod partikolari għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt;

45.  Itenni t-talba tiegħu lill-BEI biex isaħħaħ l-awtonomija u l-effiċjenza tal-Uffiċċju tal-Mekkaniżmu tal-Ilmenti u tat-Taqsima ta' Investigazzjonijiet dwar il-Frodi tiegħu; huwa mħasseb ħafna li kien hemm mill-inqas rapport wieħed ċar ħafna tal-Mekkaniżmu tal-Ilmenti tal-BEI li kkonkluda li l-istandards ambjentali u soċjali tal-BEI kienu nkisru; jilqa', għalhekk, il-fatt li l-bank ħa azzjoni wara rapport tal-Mekkaniżmu tal-Ilmenti biex jissospendi l-iżborż; jemmen, madankollu, li hemm tagħlimiet x'jinsiltu dwar it-titjib tal-iskrinjar tal-konformità tal-proġetti mal-politiki proprji tal-bank u fir-rigward tal-informazzjoni lill-pubbliku dwar il-proġetti; jirrakkomanda li għall-proġetti kumplessi, il-bank għandu jitlob l-assistenza ta' esperti ambjentali u soċjali lokali sabiex jivvaluta l-proġetti b'aktar reqqa u jikseb fehim aħjar ta' kuntesti speċifiċi; jistieden lill-BEI, barra minn hekk, jiżgura li l-istandards jiġu rispettati tul iċ-ċiklu kollu tal-proġett u jieħu azzjoni korrettiva fejn ma jkunx hemm konformità mal-istandards, jew billi jieħu azzjoni ta' rimedju effettiva, sinifikanti u immedjata, fejn possibbli, jew billi jwaqqaf il-proġett malajr; jesprimi tħassib li, fejn proġett jista' jinvolvi kunflitt ta' interess, għadu mhuwiex ċar kif il-ħsara kkawżata se tiġi mitigata; jistieden lill-BEI jimpenja ruħu li jirrinforza l-kultura ta' trasparenza tiegħu billi jkompli jsaħħaħ ir-rappreżentanza tal-interessi etiċi, b'mod partikolari billi jintroduċi reġistru ta' trasparenza li jirrikjedi lill-membri tal-kumitat ta' tmexxija tal-bank jiddivulgaw il-laqgħat tagħhom mar-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess; iħeġġeġ lill-BEI, barra minn hekk, jevita l-impjieg wara kariga pubblika mingħajr perjodu suffiċjenti ta' preklużjoni, li għandu jiġi stabbilit b'kunsiderazzjoni xierqa tar-rakkomandazzjonijiet reċenti tal-Ombudsman Ewropew fir-rigward tal-Awtorità Bankarja Ewropea u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, peress li dan jikkostitwixxi riskju mhux biss għar-reputazzjoni tal-BEI iżda anki għall-indipendenza tiegħu;

46.  Jilqa' l-ftehim ta' ħidma mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u jitlob li jiġi implimentat b'mod sħiħ u diliġenti, b'mod partikolari fir-rigward tar-rappurtar;

47.  Jilqa' l-iffirmar tal-ftehim ta' ħidma bejn il-BEI u l-Europol fid-29 ta' Ottubru 2021, li jfittex li jiffaċilita l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-għarfien espert fil-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni; jistenna li dan il-ftehim jiġi implimentat bis-sħiħ;

48.  Itenni t-talba tiegħu lill-BEI biex itejjeb ir-relazzjoni tiegħu mal-Ombudsman Ewropew u mal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi;

49.  Jilqa' l-ftehim tripartitiku mġedded bejn il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-BEI u l-Kummissjoni, li jsaħħaħ id-drittijiet tal-awditjar tal-qorti fir-rigward tad-dħul u n-nefqa tal-UE ġestiti mill-BEI, filwaqt li jirrispetta kif xieraq id-dispożizzjonijiet eżistenti dwar il-kunfidenzjalità tad-data; jinnota, madankollu, li d-data relatata mal-attivitajiet tal-fondi proprji tal-BEI tibqa' barra mill-kamp ta' applikazzjoni u l-mandat tal-awditi tal-qorti;

o
o   o

50.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment.

(1) ĠU C 270, 7.7.2021, p. 2.
(2) ĠU L 107, 26.3.2021, p. 30.
(3) ĠU L 231, 30.6.2021, p. 1.
(4) ĠU L 274, 30.7.2021, p. 1.
(5) ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1.
(6) ĠU C 270, 7.7.2021, p. 113.
(7) Testi adottati, P9_TA(2022)0015.
(8) Id-Direttiva 2014/57/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar sanzjonijiet kriminali għal abbuż tas-suq (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 179).
(9) Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

Aġġornata l-aħħar: 30 ta' Novembru 2022Avviż legali - Politika tal-privatezza