Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2022 li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-finanzjament privat responsabbli ta' litigazzjoni (2020/2130(INL))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Settembru 2005 li tadotta l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew(1),
– wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2020 dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE(2),
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar prinċipji komuni għall-mekkaniżmi tar-rimedju kollettiv inġuntiv u kompensatorju fl-Istati Membri fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet mogħtija skont id-Dritt tal-Unjoni,
– wara li kkunsidra l-Istudju mwettaq mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew "Il-Finanzjament Privat Responsabbli ta' Litigazzjoni" ta' Marzu 2021,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 47 u 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0218/2022),
A. billi l-Istati Membri għandhom responsabbiltà primarja li jagħmlu disponibbli għajnuna legali adegwata għal dawk li m'għandhomx biżżejjed riżorsi bil-għan li jiżguraw aċċess għall-ġustizzja għal kulħadd, f'konformità mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; billi l-għajnuna legali pubblika u l-prosekuzzjoni pubblika huma u jridu jibqgħu l-mekkaniżmi ċentrali biex jiggarantixxu d-dritt fundamentali għal rimedju effettiv u għal proċess ġust;
B. billi l-finanzjament kummerċjali ta' litigazzjoni minn partijiet terzi (TPLF) huwa prattika li qed tikber fejn investituri privati ("il-finanzjaturi ta' litigazzjoni") li mhumiex parti f'tilwima jinvestu fi proċedimenti legali u jħallsu spejjeż legali u spejjeż oħra, bi skambju għal sehem minn kwalunkwe ammont mogħti eventwali; billi r-rimedju kollettiv huwa biss tip wieħed ta' litigazzjoni li fiha attwalment jintuża t-TPLF, b'eżempji oħra li jkunu l-arbitraġġ, il-proċedimenti ta' insolvenza, l-irkupru tal-investiment, il-pretensjonijiet tal-antitrust u oħrajn;
C. billi t-TPLF jista', jekk ikun regolat kif xieraq, jintuża aktar ta' spiss bħala għodda biex jappoġġja l-aċċess għall-ġustizzja, speċjalment f'pajjiżi fejn l-ispejjeż legali huma għoljin ħafna, jew għan-nisa u l-gruppi emarġinati b'ostakli addizzjonali għall-finanzjament; billi t-TPLF jista' jgħin dejjem aktar biex jiżgura li l-każijiet ta' interess pubbliku jitressqu quddiem il-qorti u jnaqqas l-iżbilanċi ekonomiċi sinifikanti li jeżistu bejn il-korporazzjonijiet u dawk iċ-ċittadini li jfittxu rimedju, u b'hekk jiżgura responsabbiltà korporattiva xierqa;
D. billi r-rapport tal-British Institute of International and Comparative Law (BIICL) dwar "State of Collective Redress in the EU in the context of the Commission Recommendation" (L-Istat tar-Rimedju Kollettiv fl-UE fil-kuntest tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni) jenfasizza li, f'xi Stati Membri, il-finanzjament minn partijiet terzi sar fattur essenzjali biex jitwettaq ir-rimedju kollettiv(3); billi r-Rapport tal-Kummissjoni COM(2018)0040 dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti tal-2013 dwar ir-rimedju kollettiv jenfasizza l-fatt li t-TPLF huwa aspett ewlieni tar-rimedju kollettiv, li għandu dimensjoni transfruntiera importanti(4);
E. billi l-finanzjaturi ta' litigazzjoni involuti fi proċedimenti legali jistgħu jaġixxu fl-interess ekonomiku tagħhom stess, aktar milli fl-interess tar-rikorrenti; billi jistgħu jfittxu li jikkontrollaw il-litigazzjoni u jitolbu eżitu li jħallilhom l-akbar redditu u fl-inqas ammont ta' żmien(5); billi huwa essenzjali li jiġi żgurat li d-danni adegwati jitħallsu lill-vittmi;
F. billi, filwaqt li t-TPLF huwa virtwalment ineżistenti fl-Ewropa, huwa fenomenu li qed jikber fl-arbitraġġ dwar l-investiment li jimmultiplika l-għadd u l-volum ta' pretensjonijiet ta' investituri privati kontra l-Istati;
G. billi, skont id-data disponibbli, il-finanzjaturi ta' litigazzjoni jistgħu, f'ċerti Stati Membri, jitolbu sehem sproporzjonat tar-rikavati li jaqbżu r-redditi tipiċi ta' tipi oħra ta' investimenti; billi l-ammonti mitluba mill-finanzjaturi ta' litigazzjoni normalment ivarjaw madwar l-Unjoni minn 20 % sa 50 % tal-ammont mogħti (6), iżda barra mill-Unjoni tali pretensjonijiet jistgħu f'xi każijiet jirrappreżentaw redditi fuq l-investiment sa 300 %; billi għandhom jiġu introdotti regoli biex jiġi żgurat li t-tariffi mħallsa lill-finanzjaturi ta' litigazzjoni jkunu proporzjonati u li l-ammont mogħti jingħata l-ewwel lir-rikorrenti, qabel ma titħallas it-tariffa lill-finanzjatur ta' litigazzjoni;
H. billi t-TPLF mhuwiex l-uniku mod kif jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ġustizzja, u huma disponibbli strumenti oħra, bħall-għajnuna legali jew l-assigurazzjoni tal-ispejjeż legali, biex jiffaċilitaw tali aċċess, u jeżistu wkoll rimedji extraġudizzjarji biex jinstab rimedju, bħall-medjazzjoni, l-ADR/ODR, l-Ombudsman jew permezz ta' sistemi ta' lmentar ġestiti mill-kumpaniji; billi dawk is-soluzzjonijiet jistgħu jirriżultaw f'kumpens aktar rapidu u aktar adegwat għar-rikorrenti għalkemm dawn ir-rimedji mhux dejjem ikunu neċessarjament effettivi biżżejjed biex jipprovdu rimedju adegwat; billi r-rikorrenti għandhom dejjem jingħataw il-possibbiltà li jfittxu direttament rimedju ġudizzjarju;
I. billi t-TPLF huwa prevalenti fl-Awstralja, fl-Istati Uniti tal-Amerka, fil-Kanada, fir-Renju Unit u fin-Netherlands, u xi wħud iqisuh bħala fattur ewlieni biex jiġi żgurat li l-aċċess għall-ġustizzja jkun disponibbli(7), madankollu, hemm ukoll tħassib dwar prattiki abbużivi f'xi ġuriżdizzjonijiet; billi, id-data empirika(8) turi li l-finanzjaturi ta' litigazzjoni jagħżlu fil-maġġor parti kawżi li jirrappreżentaw l-aħjar redditu potenzjali, u ma jinvestux f'kawżi li jqisuhom riskjużi wisq jew li ma jrendux biżżejjed profitt;
J. billi huwa diffiċli li jiġi ddeterminat l-għadd ta' finanzjaturi ta' litigazzjoni, b'mill-inqas 45 finanzjatur bħal dawn li bħalissa huwa magħruf li qed joperaw fl-UE; billi, għalkemm fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, il-prattika tat-TPLF s'issa kienet limitata fil-firxa tagħha, hija mistennija li jkollha rwol dejjem akbar fis-snin li ġejjin, iżda għadha fil-biċċa l-kbira mhux regolata fl-Unjoni, minkejja l-fatt li tista' tippreżenta mhux biss benefiċċji, iżda wkoll riskji materjali għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja li jeħtieġ li jiġu indirizzati;
K. billi fil-vakwu regolatorju attwali hemm riskju li l-finanzjaturi ta' litigazzjoni joperaw b'mod mhux trasparenti, bir-riżultat li l-qrati jistgħu, xi drabi, jagħtu ammonti lil rikorrenti mingħajr ma jirrealizzaw li sehem mill-ammont mogħti, li xi kultant jaf ikun sproporzjonat, sussegwentement jiġi dirett mill-ġdid lejn il-finanzjaturi ta' litigazzjoni a skapitu tar-rikorrenti; billi tali nuqqas ta' trasparenza jista' jfisser ukoll li anke l-benefiċjarji potenzjali ftit li xejn ikollhom għarfien dwar id-distribuzzjoni tal-ammonti mogħtija jew il-ftehimiet ta' finanzjament, b'mod partikolari fejn japplika mekkaniżmu ta' nonparteċipazzjoni fi ħdan is-sistemi ta' rimedji kollettivi; billi, fin-nuqqas ta' standards minimi komuni fil-livell tal-Unjoni, hemm riskju ta' frammentazzjoni u żbilanċi regolatorji fil-qasam tal-finanzjament ta' litigazzjoni;
L. billi d-Direttiva (UE) 2020/1828 tidentifika opportunitajiet u tistabbilixxi salvagwardji relatati mal-finanzjament ta' litigazzjoni, li, madankollu, huma limitati għal azzjonijiet rappreżentattivi f'isem il-konsumaturi skont l-ambitu ta' dik id-Direttiva, u għalhekk ma tirregolax tipi oħra ta' azzjoni, bħal dawk relatati mad-drittijiet tan-negozju jew tal-bniedem, jew kategoriji ta' rikorrenti, bħall-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem jew il-ħaddiema; billi għandhom japplikaw miżuri u salvagwardji effettivi għat-tipi kollha ta' pretensjonijiet;
Introduzzjoni
1. Josserva li, għalkemm ir-rikors għal finanzjament ta' litigazzjoni minn partijiet terzi għadu limitat, huwa prattika li qed tikber fl-Unjoni, li għandha rwol dejjem akbar fis-sistemi ġudizzjarji ta' xi Stati Membri, kif ukoll fil-mod kif iċ-ċittadini Ewropej jistgħu jaċċessaw il-ġustizzja, b'mod partikolari fir-rigward ta' każijiet transfruntiera. Jinnota li l-finanzjament ta' litigazzjoni s'issa huwa fil-biċċa l-kbira mhux regolat fil-livell tal-Unjoni;
2. Jinnota li r-regolamentazzjoni tat-TPLF għandha timxi id f'id ma' politiki li jtejbu l-aċċess għall-ġustizzja għar-rikorrenti, pereżempju billi jitnaqqsu l-ispejjeż legali, billi jiġi pprovdut finanzjament pubbliku adegwat lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur, jew billi jiġu promossi prattiki oħra bħall-għajnuna legali jew il-finanzjament kollettiv; jistieden lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar din il-kwistjoni u jużaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 20 tad-Direttiva (UE) 2020/1828 f'dak li għandu x'jaqsam mal-iżgurar ta' aċċess effettiv għall-ġustizzja;
3. Huwa konvint li sabiex jiġi żgurat l-aċċess għall-ġustizzja għal kulħadd u li s-sistemi ġudizzjarji jipprijoritizzaw ir-rimedju għall-partijiet li jkunu ġarrbu ħsara, u mhux l-interessi tal-investituri privati li jistgħu jkunu qed ifittxu biss opportunitajiet kummerċjali minn tilwim legali, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti standards minimi komuni fil-livell tal-Unjoni, li jindirizzaw l-aspetti ewlenin rilevanti għat-TPLF, inklużi t-trasparenza, il-ġustizzja u l-proporzjonalità;
4. Jisħaq li l-għan ta' tali reġim regolatorju jkun li jirregola l-attivitajiet ta' finanzjament ta' litigazzjoni minn finanzjaturi ta' litigazzjoni. Jirrimarka li tali reġim għandu jirregola l-attivitajiet ta' finanzjament fir-rigward tat-tipi kollha ta' pretensjonijiet, irrispettivament min-natura tal-pretensjonijiet, u li għandu jkun mingħajr preġudizzju għal-liġi internazzjonali, tal-Unjoni u nazzjonali eżistenti li jippermettu li jitressqu l-pretensjonijiet, b'mod partikolari l-liġi dwar il-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, dwar il-protezzjoni ambjentali, u l-liġi li tirregola l-proċedimenti ta' insolvenza jew ir-responsabbiltà;
5. Jemmen li l-istabbiliment ta' standards minimi komuni tal-Unjoni għat-TPLF se jippermetti lil-leġiżlaturi jeżerċitaw sorveljanza effettiva u jiżguraw b'mod adegwat li l-interessi tar-rikorrenti jiġu protetti; jirrimarka li l-mekkaniżmi regolatorji volontarji u l-kodiċijiet ta' kondotta jista' jkollhom rwol pożittiv, iżda s'issa ma ġewx sottoskritti mill-maġġoranza l-kbira tal-finanzjaturi, u b'hekk ir-rikorrenti tħallew esposti b'mod sinifikanti;
Ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tal-finanzjaturita' litigazzjoni
6. Jirrakkomanda l-istabbiliment ta' sistema ta' awtorizzazzjoni għall-finanzjaturi ta' litigazzjoni, u b'hekk jiġi żgurat li jiġu pprovduti opportunitajiet effettivi għar-rikorrenti biex isir użu mit-TPLF u li jitwaqqfu salvagwardji adegwati, inkluż permezz tal-introduzzjoni ta' rekwiżiti tal-governanza korporattiva u setgħat superviżorji biex jiġu protetti r-rikorrenti u biex jiġi żgurat li l-finanzjament jiġi pprovdut biss minn entitajiet li jkunu impenjati li jikkonformaw mal-istandards minimi f'termini ta' trasparenza, governanza u adegwatezza tal-kapital, u li josservaw relazzjoni fiduċjarja fir-rigward tar-rikorrenti u l-benefiċjarji intenzjonati; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li din is-sistema ma toħloqx piż amministrattiv eċċessiv għall-Istati Membri jew għall-finanzjaturi ta' litigazzjoni;
Il-kwistjonijiet etiċi
7. Jirrakkomanda li l-finanzjaturi ta' litigazzjoni jkunu obbligati jirrispettaw dmir ta' diliġenza fiduċjarju li jirrikjedi li jaġixxu fl-aħjar interessi ta' rikorrent; jemmen li l-finanzjaturi ta' litigazzjoni ma jistax ikollhom kontroll mhux dovut fuq il-proċedimenti legali li jiffinanzjaw; tali kontroll fuq il-proċedimenti legali jrid ikun ir-responsabbiltà tar-rikorrenti u tar-rappreżentanti legali tagħhom; tali kontroll fuq il-proċedimenti legali ffinanzjati jista' jikkonsisti kemm f'kontroll formali, bħal permezz ta' arranġamenti kuntrattwali, kif ukoll kontroll informali, bħal permezz ta' theddid biex jiġi rtirat il-finanzjament;
8. Jissottolinja li jistgħu jinqalgħu kunflitti ta' interess meta jkun hemm relazzjonijiet mhux xierqa bejn il-finanzjaturi ta' litigazzjoni, l-entitajiet rappreżentattivi, id-ditti legali, l-aggregaturi, inklużi l-pjattaformi għall-ġbir tal-pretensjonijiet u għad-distribuzzjoni tal-ammonti, u entitajiet oħra li jistgħu jkunu involuti fil-pretensjonijiet u jkollhom interess fl-eżitu ta' każ fil-qorti; jinnota li hemm tendenza dejjem akbar ta' finanzjaturi ta' litigazzjoni li jaqblu li jiffinanzjaw ditti legali f'serje ta' kawżi futuri (finanzjament ta' portafoll)(9); jirrakkomanda li jiġu adottati salvagwardji li jevitaw kunflitti ta' interess potenzjali, jistabbilixxu d-drittijiet tar-rikorrenti u jeħtieġu li jiġu ddivulgati d-dettalji tar-relazzjonijiet bejn il-finanzjaturi ta' litigazzjoni u l-partijiet involuti l-oħra;
9. Jemmen li, ħlief għal ċirkostanzi eċċezzjonali u strettament irregolati, il-finanzjaturi ta' litigazzjoni ma għandhomx jitħallew jabbandunaw partijiet iffinanzjati f'litigazzjoni – fl-ebda stadju tal-proċess ta' litigazzjoni – u jħallu lir-rikorrenti responsabbli waħidhom għall-kostijiet kollha tal-litigazzjoni, li probabbilment ikunu ddeċidew favur il-litigazzjoni biss minħabba li kien involut il-finanzjatur; jisħaq, għalhekk, li l-arranġamenti kuntrattwali abbażi ta' finanzjament kondizzjonali għandhom jitqiesu nulli;
10. Jemmen li, bħar-rikorrenti, il-finanzjaturi ta' litigazzjoni għandhom ikunu responsabbli mill-kostijiet tal-konvenuti li jirriżultaw minn litigazzjoni bla suċċess, bħal minħabba l-aġġudikazzjoni ta' kostijiet avversi; jisħaq li r-regolamentazzjoni għandha tipprevjeni lill-finanzjaturi ta' litigazzjoni milli jillimitaw ir-responsabbiltà tagħhom għall-kostijiet fil-każ ta' eżitu mingħajr suċċess;
L-inċentivi u l-limiti fuq l-irkupru
11. Iqis li l-leġiżlazzjoni għandha timponi limiti fuq il-proporzjon tal-ammont mogħti li l-finanzjaturi ta' litigazzjoni huma intitolati li jirċievu fil-każ ta' litigazzjoni b'suċċess jew soluzzjoni u abbażi ta' arranġament kuntrattwali; jemmen li huwa biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali li l-arranġamenti bejn il-finanzjaturi ta' litigazzjoni u r-rikorrenti għandhom jiżvijaw mir-regola ġenerali li jitħallas minimu ta' 60 % tas-saldu gross jew tad-danni lir-rikorrenti;
Id-divulgazzjoni u t-trasparenza
12. Iqis li għandu jkun hemm trasparenza fir-rigward tal-involviment ta' finanzjament ta' litigazzjoni fi proċedimenti legali, inklużi obbligi għar-rikorrenti u l-avukati tagħhom li jiddivulgaw ftehimiet ta' finanzjament lill-qrati fuq inizjattiva tal-qorti jew wara talba li jkun ressaq il-konvenut quddiem il-qorti, u li jinformaw lill-qorti dwar l-eżistenza ta' finanzjament kummerċjali u l-identità tal-finanzjatur għall-każ inkwistjoni; iqis li l-qorti għandha tinforma lill-konvenut dwar l-eżistenza ta' TPLF u l-identità tal-finanzjatur; jinnota li, bħalissa, il-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi u l-konvenuti ħafna drabi ma jkunux konxji li pretensjoni tkun iffinanzjata minn attur kummerċjali;
Is-setgħat tal-awtoritajietsuperviżorji u r-rieżami mill-qrati u mill-awtoritajiet amministrattivi
13. Huwa tal-fehma li l-awtoritajiet superviżorji, il-qrati u l-awtoritajiet amministrattivi, fejn xieraq f'konformità mal-liġi proċedurali nazzjonali, għandu jkollhom is-setgħat li jiffaċilitaw l-infurzar tal-leġiżlazzjoni adottata biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti hawn fuq; jirrakkomanda l-istabbiliment ta' sistema ta' lmenti li ma twassalx għal kostijiet eċċessivi jew piż amministrattiv eċċessiv għall-Istati Membri; iqis li l-awtoritajiet superviżorji, il-qrati u l-awtoritajiet amministrattivi, fejn xieraq f'konformità mal-liġi proċedurali nazzjonali, għandu jkollhom is-setgħat li jindirizzaw prattiki abbużivi minn finanzjaturi awtorizzati ta' litigazzjoni, filwaqt li ma jfixklux l-aċċess għall-ġustizzja għar-rikorrenti u l-benefiċjarji fil-mira;
L-aspetti finali
14. Jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib u tanalizza l-iżvilupp tal-finanzjament ta' litigazzjoni ta' partijiet terzi fl-Istati Membri, kemm f'termini tal-qafas legali kif ukoll tal-prattika, b'attenzjoni partikolari għall-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2020/1828; jitlob ukoll lill-Kummissjoni, wara l-iskadenza għall-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2020/1828, jiġifieri l-25 ta' Ġunju 2023, u b'kont meħud tal-effetti ta' dik id-Direttiva, biex tippreżenta, abbażi tal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, proposta għal Direttiva biex jiġu stabbiliti standards minimi komuni fil-livell tal-Unjoni dwar il-finanzjament kummerċjali ta' litigazzjoni minn partijiet terzi, skont ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Anness għal dan;
15. Iqis li l-proposta mitluba mhux se jkollha implikazzjonijiet finanzjarji;
o o o
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-anness lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.
Il-Parlament tal-Awstralja kkonkluda li "l-livell ta' setgħa u influwenza li għandhom il-finanzjaturi ta' litigazzjoni f'azzjonijiet kollettivi jagħti lok għal sitwazzjonijiet fejn l-interessi finanzjarji tagħhom jiġu qabel dawk tal-attur rappreżentattiv u tal-membri kollettivi", ara l-Kummissjoni tar-Riforma tal-Liġi tal-Awstralja (2019): An Inquiry into Class Action Proceedings and Third-Party Litigation funders (Inkjesta dwar il-Proċedimenti ta' Azzjoni Kollettiva u l-Partijiet Terzi Finanzjaturi ta' Litigazzjoni), p 19.
Studju tal-EPRS (2021): Responsible private funding of litigation (Il-finanzjament privat responsabbli ta' litigazzjoni). Anness - State of play on the EU private litigation funding landscape and on the current EU rules applicable to private litigation funding (Is-sitwazzjoni attwali dwar ix-xenarju tal-finanzjament ta' litigazzjoni privata tal-UE u dwar ir-regoli attwali tal-UE applikabbli għall-finanzjament ta' litigazzjoni privata).
Ara https://www.biicl.org/documents/1881_StudyontheStateofCollectiveRedress.pdf, p. 269: "L-opinjoni ġenerali tal-approċċ tar-Renju Unit għall-finanzjament minn partijiet terzi kienet favorevoli u r-rispondenti kklassifikaw id-disponibbiltà ta' tali finanzjament bħala fattur ewlieni fid-deċiżjoni tagħhom li jipparteċipaw fi proċedimenti kollettivi. L-esperjenza ta' finanzjament minn partijiet terzi ta' pretensjonijiet kollettivi fil-prattika kienet, b'mod ġenerali, waħda pożittiva. Ħadd minn dawk li wieġbu ma kellu xi esperjenza ta' organizzazzjoni li ppruvat tiffinanzja pretensjoni kontra kompetitur. Ħadd minn dawk li wieġbu ma kellu esperjenza fejn finanzjatur kien ipprova jikkontrolla l-litigazzjoni b'mod eċċessiv għalkemm avukat wieħed iddeskriva sitwazzjoni fejn finanzjatur kien irtira l-finanzjament f'nofs il-pretensjoni li wasslet għal soluzzjoni prematura tal-każ".
Ara l-Kummissjoni tar-Riforma tal-Liġi tal-Awstralja (2019): An Inquiry into Class Action Proceedings and Third-Party Litigation funders (Inkjesta dwar il-Proċedimenti ta' Azzjoni Kollettiva u l-Partijiet Terzi Finanzjaturi ta' litigazzjoni), p 34.
Studju tal-EPRS (2021): Responsible litigation funding. (Il-finanzjament ta' litigazzjoni responsabbli.) State of play on the EU private litigation funding landscape and on the current EU rules applicable to private litigation funding (Is-sitwazzjoni attwali dwar ix-xenarju tal-finanzjament ta' litigazzjoni privata tal-UE u dwar ir-regoli attwali tal-UE applikabbli għall-finanzjament ta' litigazzjoni privata), p. 28-29.
ANNESS GĦAL RIŻOLUZZJONI:
RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar ir-regolamentazzjoni ta' finanzjament ta' litigazzjoni ta' partijiet terzi
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw it-talba tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni Ewropea(1),
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz ta' att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(2),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1) Il-finanzjament ta' litigazzjoni minn partijiet terzi huwa prattika li qed tiżviluppa f'suq tas-servizzi ta' litigazzjoni mingħajr ma hemm stabbilit qafas leġiżlattiv speċifiku fil-livell tal-Unjoni. Minkejja l-fatt li l-finanzjaturi ta' litigazzjoni huma stabbiliti u joperaw b'mod regolari f'diversi Stati Membri, domestikament jew bejn il-fruntieri, s'issa kienu soġġetti għal regoli u prattiki nazzjonali differenti fis-suq intern, fejn jeżistu f'din iż-żona regoli frammentati b'mod ġenerali u saħansitra vakwu leġiżlattiv, skont l-Istat Membru kkonċernat. Regoli u prattiki diverġenti fl-Istati Membri x'aktarx jikkostitwixxu ostaklu għall-funzjonament tas-suq intern. Nuqqas ta' ċarezza dwar it-termini li fuqhom jistgħu joperaw il-partijiet terzi finanzjaturi kummerċjali ta' litigazzjoni ("finanzjaturi ta' litigazzjoni") mhuwiex kompatibbli mal-funzjonament xieraq tas-suq intern, b'mod partikolari meta jitqies li jista' jkun possibbli li jiġu ffinanzjati każijiet transfruntiera biss permezz ta' parti terza, u dawk il-każijiet huma partikolarment attraenti għall-finanzjaturi ta' litigazzjoni. Id-diverġenzi fil-qafas legali applikabbli f'kull Stat Membru jinvolvu riskju ta' diskriminazzjoni fl-aċċess għall-ġustizzja bejn ir-rikorrenti fi Stati Membri differenti, b'mod partikolari b'element transfruntier, kif ukoll riskju ta' forum shopping mill-finanzjaturi ta' litigazzjoni, li jistgħu jiġu influwenzati mill-element favorevoli ta' ċerti regoli nazzjonali dwar l-istabbiliment tagħhom, il-liġi applikabbli għall-ftehimiet ta' finanzjament u r-regoli proċedurali nazzjonali.
(2) Id-dritt tal-Unjoni jfittex li jiżgura bilanċ bejn li jingħata aċċess għall-ġustizzja u jiġu pprovduti salvagwardji xierqa għal dawk involuti fil-proċedimenti, biex jipprevjeni li d-dritt tagħhom li jaċċessaw il-ġustizzja tiġi sfruttata b'mod inġust. Meta l-finanzjaturi ta' litigazzjoni jipprovdu finanzjament għal proċedimenti legali bi skambju għal sehem minn kwalunkwe kumpens mogħti, jista' jinħoloq riskju ta' inġustizzja. Dak ir-riskju jinkludi li l-finanzjaturi ta' litigazzjoni jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ mir-rikorrenti, jew minn dawk li jirrappreżentaw, inkluż fejn rilevanti l-konsumaturi li l-interessi tagħhom ikunu rrappreżentati minn entitajiet kwalifikati, biex jaqdu l-finijiet tagħhom stess u jimmassimizzaw ir-redditu tagħhom stess, u b'hekk iħallu lir-rikorrenti jew lill-benefiċjarji fil-mira b'sehem inqas mill-ammont mogħti potenzjali. Ir-riskji jistgħu jkunu partikolarment akuti meta dawk li jkunu qed jistennew li jibbenefikaw minn litigazzjoni jkunu konsumaturi jew vittmi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li jistgħu jilqgħu l-involviment ta' finanzjatur ta' litigazzjoni li jkun lest li jħallas għall-proċedimenti, mingħajr ma jirrealizzaw li l-interessi tagħhom jistgħu jinqalbu favur l-interessi proprji tal-finanzjatur ta' litigazzjoni.
(3) L-istabbiliment ta' qafas komuni tal-Unjoni ta' standards minimi għal finanzjament kummerċjali responsabbli ta' litigazzjoni minn partijiet terzi jgħin biex jippromwovi l-aċċess għall-ġustizzja u jiżgura responsabbiltà korporattiva xierqa. Tabilħaqq, ta' spiss jeżisti żbilanċ ekonomiku sinifikanti bejn il-kumpaniji u ċ-ċittadini li jfittxu rimedju, u l-finanzjament ta' litigazzjoni minn partijiet terzi jista' jgħin biex inaqqas dak l-iżbilanċ jekk ir-riskji assoċjati jiġu mitigati, u tali finanzjament jopera f'komplementarjetà ma' miżuri oħra li jeliminaw l-ostakli għall-aċċess għall-ġustizzja. Għal dak il-għan, huwa kruċjali li jiġi żgurat bilanċ meħtieġ bejn it-titjib tal-aċċess tar-rikorrenti għall-ġustizzja u salvagwardji xierqa biex tiġi evitata litigazzjoni abbużiva. Il-finanzjament responsabbli ta' litigazzjoni minn partijiet terzi jista' jnaqqas il-kostijiet, jagħmilhom aktar prevedibbli, jissimplifika proċeduri mhux meħtieġa u jipprovdi servizzi effiċjenti b'kostijiet li jkunu proporzjonati mal-ammonti inkwistjoni.
(4) Peress li s-suq intern jiffaċilita ż-żieda fil-kummerċ transfruntier, peress li t-tilwim qed isir dejjem aktar transfruntier, u peress li l-attivitajiet tal-finanzjaturi ta' litigazzjoni huma ta' natura globali, hemm riskju potenzjali ta' diverġenzi materjali fl-approċċi tal-Istati Membri għas-salvagwardji u l-protezzjonijiet meħtieġa fir-rigward tal-finanzjament kummerċjali ta' litigazzjoni minn partijiet terzi. L-approċċi volontarji kellhom suċċess sa ċertu punt iżda mhux dejjem ġew sottoskritti mill-maġġoranza tal-atturi tal-industrija, u, fi kwalunkwe każ, miżuri mhux leġiżlattivi ma jkunux xierqa fid-dawl ta' tali riskji materjali, pereżempju għal kategoriji vulnerabbli ta' ċittadini, inkluż minn pajjiżi terzi.
(5) Din id-Direttiva għandha l-għan li tirregola l-finanzjament kummerċjali ta' litigazzjoni minn partijiet terzi, prattika li biha entitajiet ta' partijiet terzi mhux involuti direttament f'tilwima jinvestu għal profitt fi proċedimenti legali, tipikament bi skambju għal perċentwal ta' kwalunkwe saldu jew ammont mogħti (minn hawn 'il quddiem "finanzjament ta' litigazzjoni minn partijiet terzi"). Il-finanzjament ta' litigazzjoni minn partijiet terzi jkopri sitwazzjonijiet li fihom attur kummerċjali jinvesti għall-profitt u jaġixxi biex jippromwovi l-interessi kummerċjali tiegħu; għalhekk ma jinkludix il-forniment ta' fondi biex tiġi sponsorjata l-litigazzjoni abbażi ta' karità jew abbażi ta' donazzjonijiet, fejn il-finanzjatur sempliċiment ikollu l-għan li jirkupra l-kostijiet imġarrba, jew attivitajiet simili mwettqa fuq bażi ta' pro bono publico. Din id-Direttiva għandha wkoll l-għan li tistabbilixxi salvagwardji, minn naħa waħda, biex tiżgura aċċess effiċjenti għall-ġustizzja u l-protezzjoni tal-interessi tal-partijiet fit-tilwima u, min-naħa l-oħra, biex tipprevjeni kunflitti ta' interess, litigazzjoni abbużiva kif ukoll l-allokazzjoni sproporzjonata ta' għotjiet monetarji lil finanzjaturi ta' litigazzjoni.
(6) It-terminu "finanzjatur ta' litigazzjoni" jenħtieġ li jinftiehem li jirreferi għal kwalunkwe impriża li mhijiex parti fil-proċedimenti, iżda li tidħol fi ftehim ta' finanzjament ta' litigazzjoni minn partijiet terzi (minn hawn 'il quddiem "ftehim ta' finanzjament minn partijiet terzi") fir-rigward ta' dawk il-proċedimenti. F'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-kunċett ta' "impriża" jinkludi kwalunkwe entità involuta f'attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus legali tagħha u mill-mod kif tiġi ffinanzjata, u għalhekk tinkludi kwalunkwe persuna ġuridika, inklużi l-ġenituri, is-sussidjarji jew l-affiljati tagħha u tista' tinkludi fornituri professjonali ta' finanzjament ta' litigazzjoni, fornituri ta' servizzi finanzjarji, ditti ta' ġestjoni ta' pretensjonijiet jew fornituri ta' servizzi oħra. Il-kunċett ta' finanzjatur ta' litigazzjoni mhuwiex maħsub biex jinkludi avukati li jirrappreżentaw parti fi proċedimenti legali, jew fornituri regolati ta' servizzi tal-assigurazzjoni lil tali parti.
(7) F'konformità mat-tradizzjonijiet legali u mal-awtonomija tal-Istati Membri, huwa f'idejn kull Stat Membru li jiddetermina jekk, u sa liema punt, il-forniment ta' finanzjament ta' litigazzjoni jenħtieġ li jkun permess fi ħdan l-ordinament ġuridiku tiegħu stess. Meta l-Istati Membri jagħżlu li jippermettu tali finanzjament ta' litigazzjoni minn partijiet terzi, din id-Direttiva tipprevedi standards minimi għall-protezzjoni tar-rikorrenti ffinanzjati, sabiex dawk li jistgħu jirrikorru għal finanzjament ta' litigazzjoni fl-Unjoni jkunu koperti minn livell minimu ta' protezzjoni, li jkun konsistenti madwar l-Unjoni.
(8) F'dawk l-Istati Membri fejn il-kostijiet legali jistgħu jirrappreżentaw ostaklu sinifikanti għall-aċċess għall-ġustizzja, madankollu, l-Istati Membri jistgħu jkunu jixtiequ jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni li tippermetti finanzjament ta' litigazzjoni minn partijiet terzi u f'dak il-każ jenħtieġ li jistabbilixxu kundizzjonijiet u salvagwardji ċari li jkunu f'konformità ma' din id-Direttiva. Filwaqt li din id-Direttiva ma tapplikax biss għal azzjonijiet rappreżentattivi, l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu miżuri bil-għan li jiżguraw li l-kostijiet tal-proċedimenti relatati ma' azzjonijiet rappreżentattivi ma jipprevjenux lill-entitajiet kwalifikati milli jeżerċitaw b'mod effettiv id-dritt tagħhom li jfittxu rimedju, f'konformità mad-Direttiva (UE) 2020/1828 u b'mod partikolari l-Artikolu 20 tagħha.
(9) Meta tkun permessa attività ta' finanzjament ta' litigazzjoni minn partijiet terzi, hija meħtieġa sistema għall-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni ta' finanzjaturi ta' litigazzjoni minn korpi amministrattivi indipendenti fl-Istati Membri li tiżgura li tali finanzjaturi ta' litigazzjoni jissodisfaw il-kriterji u l-istandards minimi stabbiliti f'din id-Direttiva. Il-finanzjaturi ta' litigazzjoni jenħtieġ li jkunu soġġetti għal sorveljanza b'mod simili għal dak tas-sistema ta' superviżjoni prudenzjali eżistenti applikabbli għall-fornituri ta' servizzi finanzjarji.
(10) Il-finanzjaturi ta' litigazzjoni attivi fl-Unjoni jenħtieġ li jkunu meħtieġa jwettqu n-negozju tagħhom minn ġewwa l-Unjoni, ikunu awtorizzati fl-Unjoni, u jikkonkludu l-ftehimiet tagħhom ta' finanzjament minn partijiet terzi soġġetti għal-liġijiet tal-Istat Membru tal-proċedimenti jew, jekk ikun differenti, tal-Istat Membru tar-rikorrent jew tal-benefiċjarji fil-mira, sabiex jiġi żgurat li tkun adegwata s-superviżjoni skont id-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali.
(11) L-awtoritajiet superviżorji fi ħdan l-Unjoni li jagħtu awtorizzazzjonijiet għat-twettiq ta' attivitajiet ta' finanzjament ta' litigazzjoni minn partijiet terzi jenħtieġ li jingħataw is-setgħa li jirrikjedu li l-finanzjaturi ta' litigazzjoni jikkonformaw mal-kriterji minimi stabbiliti minn din id-Direttiva. Tali kriterji jenħtieġ li jinkludu dispożizzjonijiet relatati mal-kunfidenzjalità, l-indipendenza, il-governanza, it-trasparenza, l-adegwatezza tal-kapital, u l-osservanza ta' dmir fiduċjarju għar-rikorrenti u għall-benefiċjarji fil-mira. L-awtoritajiet superviżorji jenħtieġ li jingħataw is-setgħa li jagħmlu kwalunkwe ordni meħtieġa, inkluża s-setgħa li jirċievu applikazzjonijiet mingħand il-finanzjaturi ta' litigazzjoni għall-awtorizzazzjoni u li jiddeċiedu dwarhom, li jiġbru kwalunkwe informazzjoni, jagħtu, jiċħdu jew jirtiraw kwalunkwe awtorizzazzjoni jew li jimponu kwalunkwe kundizzjoni, restrizzjoni jew penali fuq kwalunkwe finanzjatur ta' litigazzjoni, kif ukoll li jinvestigaw lmenti mingħajr dewmien mhux dovut kontra kwalunkwe finanzjatur ta' litigazzjoni li jwettaq attivitajiet fil-ġuriżdizzjoni tagħhom imressqa minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, bl-eċċezzjoni tal-konvenut. It-tħassib imqajjem minn konvenut rigward il-finanzjatur ta' litigazzjoni matul il-proċedimenti legali li jkunu għaddejjin jenħtieġ li jiġi indirizzat mill-qorti jew mill-awtorità amministrattiva rilevanti.
(12) Fost kriterji oħra ta' awtorizzazzjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jirrikjedu lill-finanzjaturi ta' litigazzjoni juru li għandhom biżżejjed kapital biex jissodisfaw l-obbligi finanzjarji tagħhom. In-nuqqas ta' rekwiżiti ta' adegwatezza tal-kapital joħloq riskju li finanzjatur ta' litigazzjoni li mhuwiex kapitalizzat biżżejjed jidħol fi ftehim ta' finanzjament minn partijiet terzi u ma jkunx lest jew kapaċi sussegwentement ikopri l-kostijiet tal-litigazzjoni li jkun qabel li jappoġġja, inklużi l-kostijiet jew it-tariffi meħtieġa biex jippermettu lill-proċedimenti jilħqu l-konklużjoni tagħhom, jew kwalunkwe aġġudikazzjoni ta' kostijiet avversi. Dan jista' jesponi lir-rikorrenti li jiddependu mill-finanzjaturi ta' litigazzjoni għal riskju ta' telf ekonomiku materjali mhux previst, u għar-riskju tal-abbandun ta' proċedimenti li kieku kienu jkunu vijabbli minħabba ċ-ċirkostanzi kummerċjali jew id-deċiżjonijiet tal-finanzjatur ta' litigazzjoni.
(13) Il-finanzjaturi ta' litigazzjoni jenħtieġ li jkunu marbuta bid-dmir li jaġixxu b'mod ġust, trasparenti, effiċjenti u fl-aħjar interessi tar-rikorrenti u tal-benefiċjarji fil-mira tal-pretensjonijiet. In-nuqqas ta' rekwiżit li l-interessi tar-rikorrenti u tal-benefiċjarji fil-mira jitqiegħdu qabel l-interessi proprji ta' finanzjatur ta' litigazzjoni jaf joħloq ir-riskju li l-proċedimenti jiżvijaw b'mod li fl-aħħar jispiċċaw iservu l-interessi tal-finanzjatur ta' litigazzjoni, aktar milli dawk tar-rikorrent.
(14) Sabiex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni tar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva, il-ftehimiet konklużi li jsiru ma' finanzjaturi ta' litigazzjoni li ma jkollhomx l-awtorizzazzjoni meħtieġa jenħtieġ li ma jkollhom l-ebda effett legali. Il-piż biex jinkisbu l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa jenħtieġ li jaqa' fuq il-finanzjaturi ta' litigazzjoni nfushom, u għalhekk ir-rikorrenti u l-benefiċjarji fil-mira jenħtieġ li jiġu kkumpensati fir-rigward ta' kwalunkwe dannu kkawżat minn finanzjatur ta' litigazzjoni li ma jkollux l-awtorizzazzjoni meħtieġa.
(15) Din id-Direttiva jenħtieġ li tirregola l-attivitajiet tal-finanzjaturi ta' litigazzjoni, iżda jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu jew reġim regolatorju ieħor, bħal regoli eżistenti li jirregolaw il-forniment ta' servizzi finanzjarji li jistgħu japplikaw, u tirrispetta wkoll it-tradizzjonijiet legali tal-Istati Membri, l-awtonomija tagħhom u d-deċiżjonijiet tagħhom rigward l-adegwatezza li jiġi permess finanzjament ta' litigazzjoni fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom.
(16) Sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni konsistenti ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji tagħhom japplikaw din id-Direttiva f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet superviżorji ta' Stati Membri oħra. Il-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji jenħtieġ li tiġi organizzata fil-livell tal-Unjoni biex tiġi evitata d-diverġenza tal-istandards superviżorji, li tista' tipperikola l-funzjonament xieraq tas-suq intern.
(17) Il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkoordina l-attivitajiet tal-awtoritajiet superviżorji u tiffaċilita l-ħolqien ta' network ta' kooperazzjoni xieraq għal dan il-għan. L-awtoritajiet superviżorji jenħtieġ li jkunu jistgħu jikkonsultaw lill-Kummissjoni kif meħtieġ, u l-Kummissjoni jenħtieġ li titħalla toħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet, avviżi tal-aħjar prattiki jew opinjonijiet konsultattivi lill-awtoritajiet superviżorji dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, u fir-rigward ta' kwalunkwe inkonsistenza apparenti fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva. L-awtoritajiet superviżorji jenħtieġ li jaqsmu d-dettalji tal-attivitajiet tagħhom mal-Kummissjoni biex jiffaċilitaw il-koordinazzjoni, inkluż il-kondiviżjoni tad-dettalji tad-deċiżjonijiet kollha meħuda u tal-finanzjaturi ta' litigazzjoni li jawtorizzaw.
(18) Sabiex jiġi ffaċilitat il-forniment ta' servizzi ta' finanzjament transfruntier ta' litigazzjoni f'dawk l-Istati Membri fejn ikun permess skont id-dritt nazzjonali, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jikkooperaw, jaqsmu l-informazzjoni u l-aħjar prattiki, u jenħtieġ li jkunu meħtieġa jqisu bis-sħiħ id-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni ta' xulxin. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li informazzjoni u gwida komprensivi u ċari dwar l-eżistenza ta' għażliet ta' finanzjament għall-pretensjonijiet, kif ukoll dwar il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti li japplikaw għall-finanzjament tal-pretensjonijiet, ikunu kompletament u liberament aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha li jistgħu jfittxu rimedju, inkluż għall-gruppi l-aktar vulnerabbli. F'konformità mal-Artikolu 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrikonoxxu b'mod reċiproku l-awtorizzazzjonijiet minn qabel u għalhekk awtomatikament jagħtu awtorizzazzjoni lill-finanzjaturi ta' litigazzjoni li joperaw fit-territorju tagħhom li jkunu ġew awtorizzati joperaw fi Stat Membru ieħor, dment li l-awtorizzazzjoni inizjali tibqa' valida. Meta awtorità superviżorja fi Stat Membru riċeventi tkun konxja minn irregolaritajiet fl-imġiba tal-finanzjatur ta' litigazzjoni, hija għandha tinforma direttament lill-awtorità superviżorja responsabbli.
(19) L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li d-deċiżjonijiet rigward il-proċedimenti legali rilevanti, inklużi d-deċiżjonijiet dwar is-saldu, ma jiġux influwenzati bla bżonn mill-finanzjatur ta' litigazzjoni b'mod li jkun ta' detriment għall-interessi tar-rikorrenti kkonċernati minn dik l-azzjoni.
(20) Sabiex jiġi rrimedjat kwalunkwe żbilanċ fl-għarfien jew fir-riżorsi bejn finanzjatur ta' litigazzjoni u rikorrent, fil-valutazzjoni tal-adegwatezza ta' ftehim ta' finanzjament minn partijiet terzi, il-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi jenħtieġ li jqisu l-livell ta' ċarezza u trasparenza ta' tali ftehimiet, u l-grad safejn kwalunkwe riskju u benefiċċju ġie ppreżentat b'mod trasparenti lir-rikorrenti jew dawk irrappreżentati mir-rikorrent u mwettaq b'mod konxju minnhom.
(21) Il-ftehimiet ta' finanzjament minn partijiet terzi jenħtieġ li jiġu ppreżentati lir-rikorrenti f'lingwa li jifhmu, u jenħtieġ li jistabbilixxu b'mod ċar u f'termini xierqa l-firxa ta' eżiti possibbli, kif ukoll kwalunkwe riskju u limitazzjoni rilevanti.
(22) L-adegwatezza tas-superviżjoni tal-finanzjaturi ta' litigazzjoni u tal-ftehimiet ta' finanzjament ta' partijiet terzi ma tistax tiġi żgurata meta jkun hemm nuqqas ta' obbligi fuq il-finanzjaturi ta' litigazzjoni biex ikunu trasparenti fir-rigward tal-attivitajiet tagħhom. Dan jinkludi t-trasparenza vis-à-vis il-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi, il-konvenuti u r-rikorrenti. Għalhekk jenħtieġ li jiġu stabbiliti obbligi biex il-qorti jew l-awtorità amministrattiva rilevanti jiġu infurmati bl-eżistenza ta' finanzjament kummerċjali u l-identità tal-finanzjatur, kif ukoll biex jiġu ddivulgati b'mod komplut il-ftehimiet ta' finanzjament minn partijiet terzi lill-qrati jew lill-awtoritajiet amministrattivi, fuq it-talba tagħhom jew fuq it-talba tal-konvenut lill-qorti u soġġetti għal limitazzjonijiet xierqa biex tiġi protetta kwalunkwe kunfidenzjalità meħtieġa. Il-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi jenħtieġ li jingħataw is-setgħa li jaċċessaw l-informazzjoni rilevanti dwar l-attività kollha ta' finanzjament ta' litigazzjoni minn partijiet terzi rilevanti għall-proċedimenti legali taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Barra minn hekk, il-konvenuti jenħtieġ li jiġu mgħarrfa mill-qorti jew mill-awtorità amministrattiva bl-eżistenza ta' finanzjament ta' litigazzjoni minn partijiet terzi, u bl-identità tal-finanzjatur.
(23) Il-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi jenħtieġ li jingħataw is-setgħa, fejn ftehim ta' finanzjament minn partijiet terzi jkun rilevanti għall-każ quddiemhom, li jivvalutaw jekk il-ftehim ta' finanzjament minn partijiet terzi jikkonformax ma' din id-Direttiva u, f'konformità mal-Artikolu 16, li jirreveduh jekk ikun meħtieġ, jew fuq talba ta' parti fil-proċedimenti, jew fuq l-inizjattiva tal-qorti jew tal-awtorità amministrattiva, jew wara azzjoni mressqa quddiemhom kontra d-deċiżjoni amministrattiva ta' awtorità superviżorja li tkun saret finali;
(24) Il-finanzjaturi ta' litigazzjoni jenħtieġ li jistabbilixxu proċessi interni ta' governanza tajba biex jevitaw kunflitti ta' interess bejn il-finanzjatur ta' litigazzjoni u r-rikorrenti. Il-konformità mar-rekwiżiti ta' trasparenza jenħtieġ li tiżgura li r-rikorrenti jkunu konxji bis-sħiħ ta' kwalunkwe relazzjoni li l-finanzjatur ta' litigazzjoni jista' jkollu ma' konvenuti, avukati, finanzjaturi ta' litigazzjoni oħrajn, jew kwalunkwe parti terza oħra, li tista' toħloq kunflitt attwali jew perċepit.
(25) Il-finanzjaturi ta' litigazzjoni jenħtieġ li fl-ebda każ ma jitolbu kumpens inġust, sproporzjonat jew mhux raġonevoli għad-detriment tar-rikorrenti. Il-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi jenħtieġ li jingħataw is-setgħa li jivvalutaw ftehimiet ta' finanzjament ta' litigazzjoni minn partijiet terzi rilevanti għall-każ quddiemhom, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi u l-isfond li fih ġie konkluż il-ftehim, sabiex jiddeterminaw b'mod effettiv jekk huwiex ġust u jikkonformax ma' din id-Direttiva u l-leġiżlazzjoni rilevanti kollha tal-Unjoni u dik nazzjonali.
(26) Meta l-ftehimiet ta' finanzjament minn partijiet terzi jippermettu lill-finanzjaturi ta' litigazzjoni jirċievu sehem minn kwalunkwe gwadann jew minn ċerti tariffi bi prijorità fir-rigward ta' kwalunkwe ammont mogħti allokat lir-rikorrenti, l-ammont disponibbli li jrid jingħata jista' jitnaqqas b'tali mod li r-rikorrenti jibqgħu bi ftit jew xejn f'idejhom. Għalhekk, ftehimiet ta' finanzjament minn partijiet terzi jenħtieġ li dejjem jiżguraw li kwalunkwe ammont jitħallas lir-rikorrent l-ewwel, jiġifieri li l-intitolament tar-rikorrent jieħu prijorità fuq dak tal-finanzjatur. Il-finanzjaturi ta' litigazzjoni jenħtieġ li ma jitħallewx jirrikjedu l-prijoritizzazzjoni tal-gwadann tagħhom stess.
(27) Peress li f'ċerti Stati Membri s-sehem ta' kwalunkwe gwadann riċevut mill-finanzjaturi ta' litigazzjoni jista' jnaqqas kwalunkwe eżenzjoni miksuba mir-rikorrenti, jenħtieġ li l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi jeżerċitaw sorveljanza fuq il-valur u l-proporzjon ta' dan is-sehem biex jipprevjenu kwalunkwe allokazzjoni sproporzjonata ta' għotjiet monetarji lill-finanzjaturi ta' litigazzjoni. Ħlief f'ċirkostanzi eċċezzjonali, meta sehem minn kwalunkwe gwadann mitlub minn finanzjatur ta' litigazzjoni jdgħajjef l-ammont mogħti, inklużi l-ammonti kollha tad-danni, il-kostijiet, it-tariffi u spejjeż oħra, disponibbli għar-rikorrenti u għall-benefiċjarji fil-mira għal 60 % jew inqas, dan jenħtieġ li jkun preżunt inġust u invalidu.
(28) Jenħtieġ li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet addizzjonali biex jiġi żgurat li l-finanzjaturi ta' litigazzjoni ma jinfluwenzawx bla bżonn id-deċiżjonijiet tar-rikorrenti matul il-proċedimenti, jiġifieri b'mod li jkun ta' benefiċċju għall-finanzjatur ta' litigazzjoni nnifsu għad-detriment tar-rikorrent. B'mod partikolari, il-finanzjaturi ta' litigazzjoni jenħtieġ li ma jinfluwenzawx bla bżonn id-deċiżjonijiet dwar kif jiġu segwiti l-kawżi, liema interessi jiġu prijoritizzati, jew jekk ir-rikorrenti jenħtiġx li jaċċettaw kwalunkwe eżitu, ammont mogħti jew saldu partikolari.
(29) Il-finanzjaturi ta' litigazzjoni jenħtieġ li ma jitħallewx jirtiraw il-finanzjament li jkunu qablu li jipprovdu, ħlief f'ċirkostanzi limitati kif stabbilit f'din id-Direttiva jew fil-liġi nazzjonali adottata skont din id-Direttiva, sabiex il-finanzjament ma jiġi rtirat fl-ebda stadju tal-proċess tal-litigazzjoni, għad-detriment ta' rikorrenti jew ta' benefiċjarji fil-mira, minħabba li jinbidlu l-interessi kummerċjali jew l-inċentivi tal-finanzjatur ta' litigazzjoni.
(30) Meta l-finanzjaturi ta' litigazzjoni jkunu appoġġjaw jew iffinanzjaw proċedimenti li ma jkunux ta' suċċess, jenħtieġ li jkunu responsabbli b'mod konġunt mar-rikorrenti għal kwalunkwe kost avvers li jkunu kkawżaw lill-konvenuti u li jistgħu jingħataw mill-qrati jew mill-awtoritajiet amministrattivi. Il-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi jenħtieġ li jingħataw setgħat adegwati biex jiżguraw l-effettività ta' tali obbligu, u l-ftehimiet ta' finanzjament minn partijiet terzi jenħtieġ li ma jeskludux ir-responsabbiltà għal tali kostijiet avversi.
(31) Il-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri jenħtieġ li jkunu intitolati li jiddeterminaw kwalunkwe aġġudikazzjoni ta' kostijiet avversi f'konformità mal-liġi nazzjonali, inkluż permezz tad-dipendenza fuq kwalunkwe evidenza xjentifika, statistika jew teknika skont ir-rilevanza tal-każ, jew permezz tad-dipendenza fuq kwalunkwe espert, assessur jew kontabilist tat-taxxa, kif jista' jkun xieraq fiċ-ċirkostanzi tal-proċedimenti.
(32) Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti, b'mod partikolari, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, din id-Direttiva jenħtieġ li tkun interpretata u applikata f'konformità ma' dawk id-drittijiet u l-prinċipji, inklużi dawk relatati mad-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, kif ukoll id-dritt għal difiża.
(33) Peress li l-objettivi ta' din id-Direttiva, jiġifieri li tiżgura l-armonizzazzjoni tar-regoli tal-Istati Membri applikabbli għall-finanzjaturi ta' litigazzjoni u l-attivitajiet tagħhom, u għalhekk tiżgura aċċess għall-ġustizzja, filwaqt li tintroduċi standards minimi komuni għall-protezzjoni tad-drittijiet ta' rikorrenti ffinanzjati u ta' benefiċjarji fil-mira fi proċedimenti ffinanzjati kompletament jew parzjalment minn ftehimiet ta' finanzjament minn partijiet terzi, li japplikaw fl-Istati Membri kollha li fihom mhuwiex permess il-finanzjament ta' litigazzjoni, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri peress li l-finanzjaturi ta' litigazzjoni joperaw f'bosta Stati Membri u huma soġġetti għal regoli u prattiki nazzjonali differenti, iżda pjuttost jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, minħabba l-iskala tas-suq emerġenti tal-finanzjament ta' litigazzjoni minn partijiet terzi, il-ħtieġa li jiġu evitati regoli u prattiki diverġenti li x'aktarx jikkostitwixxu ostaklu għall-funzjonament xieraq tas-suq intern u l-"forum shopping" mill-finanzjaturi ta' litigazzjoni li jfittxu li jottimizzaw ir-regoli nazzjonali. L-Unjoni tista' għalhekk tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.
(34) F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li, f'każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument ta' spjegazzjoni wieħed jew aktar, li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti ta' strumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta' tali dokumenti hija ġustifikata.
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Kapitolu I
Dispożizzjonijiet Ġenerali
Artikolu 1
Suġġett u skop
Din id-Direttiva tfittex li tistabbilixxi regoli minimi applikabbli għall-partijiet terzi finanzjaturi ta' litigazzjoni u l-attivitajiet awtorizzati tagħhom, u tipprovdi qafas biex tappoġġja u tipproteġi r-rikorrenti ffinanzjati u l-benefiċjarji fil-mira, inkluż fejn rilevanti dawk li l-interessi tagħhom huma rrappreżentati minn entitajiet kwalifikati, fi proċedimenti ffinanzjati kompletament jew parzjalment minn finanzjament ta' litigazzjoni minn partijiet terzi. Hija tistabbilixxi salvagwardji għall-prevenzjoni ta' kunflitti ta' interess, litigazzjoni abbużiva kif ukoll l-allokazzjoni sproporzjonata ta' għotjiet monetarji lil finanzjaturi ta' litigazzjoni, filwaqt li tiżgura li l-finanzjament ta' litigazzjoni minn partijiet terzi jippermetti b'mod xieraq lir-rikorrenti u lill-benefiċjarji fil-mira jkollhom aċċess għall-ġustizzja, u tiżgura r-responsabbiltà korporattiva.
Artikolu 2
Kamp ta' applikazzjoni
Din id-Direttiva tapplika għal partijiet terzi finanzjaturi kummerċjali ta' litigazzjoni (minn hawn ’il quddiem "finanzjaturi ta' litigazzjoni") u għal ftehimiet kummerċjali ta' finanzjament minn partijiet terzi (minn hawn ’il quddiem "ftehimiet ta' finanzjament minn partijiet terzi"), irrispettivament min-natura tal-pretensjonijiet relatati. Għandha tkun mingħajr preġudizzju għal-liġi internazzjonali, tal-Unjoni u nazzjonali eżistenti li tippermetti li jitressqu l-pretensjonijiet, b'mod partikolari l-liġi dwar il-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, dwar il-protezzjoni ambjentali, u l-liġi li tirregola l-proċedimenti ta' insolvenza jew ir-responsabbiltà;
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) "finanzjatur ta' litigazzjoni" tfisser kwalunkwe impriża kummerċjali li tidħol fi ftehim ta' finanzjament minn partijiet terzi fir-rigward tal-proċedimenti, anke jekk ma tkunx parti f'dawk il-proċedimenti, lanqas avukat u lanqas professjonist legali ieħor li jirrappreżenta parti f'tali proċedimenti, jew fornitur ta' servizzi tal-assigurazzjoni regolati lil parti f'tali proċedimenti, u li jkollha l-għan primarju li tirċievi redditu fuq investiment li tagħmel billi tipprovdi finanzjament fir-rigward ta' dawk il-proċedimenti jew li takkwista vantaġġ kompetittiv f'suq speċifiku;
(b) "rikorrent" tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tressaq jew li jkollha l-ħsieb li tressaq proċedimenti kontra parti oħra quddiem qorti jew awtorità amministrattiva;
(c) "qorti jew awtorità amministrattiva" tfisser qorti kompetenti, awtorità amministrattiva, korp tal-arbitraġġ jew korp ieħor inkarigat milli jiddeċiedi dwar il-proċedimenti, skont id-dritt nazzjonali;
(d) "benefiċjarju fil-mira" tfisser persuna li hija intitolata li tirċievi sehem minn ammont mogħti fi proċedimenti u li l-interessi tagħha fil-proċedimenti huma rrappreżentati mir-rikorrent iffinanzjat jew minn entità kwalifikata li tressaq l-azzjoni bħala parti tar-rikorrent f'isem dik il-persuna matul l-azzjonijiet rappreżentattivi;
(e) "proċedimenti" tfisser kwalunkwe litigazzjoni ċivili jew kummerċjali domestika jew transfruntiera, jew kwalunkwe proċedura ta' arbitraġġ volontarju jew mekkaniżmu alternattiv għas-soluzzjoni tat-tilwim, li permezz tiegħu jintalab rimedju quddiem qorti jew awtorità amministrattiva fl-Unjoni fir-rigward ta' tilwima;
(f) "entità kwalifikata" tfisser organizzazzjoni li tirrappreżenta l-interessi tal-konsumaturi u maħtura bħala kwalifikata skont id-Direttiva (UE) 2020/1828;
(g) "awtorità superviżorja" tfisser awtorità pubblika maħtura minn Stat Membru biex tkun responsabbli għall-għoti, is-sospensjoni jew l-irtirar tal-awtorizzazzjoni għall-finanzjaturi ta' litigazzjoni, u għas-superviżjoni tal-attivitajiet tal-finanzjaturi ta' litigazzjoni;
(h) "ftehim ta' finanzjament minn partijiet terzi" tfisser ftehim li fih finanzjatur ta' litigazzjoni jaqbel li jiffinanzja l-kostijiet kollha tal-proċedimenti jew parti minnhom biex bi skambju jirċievi sehem mill-ammont monetarju mogħti lir-rikorrent jew tariffa ta' suċċess, sabiex il-finanzjatur ta' litigazzjoni jiġi rimborżat għall-finanzjament li jkun ipprovda u, fejn applikabbli, tiġi koperta r-remunerazzjoni għas-servizz ipprovdut, ibbażata kompletament jew parzjalment fuq l-eżitu tal-proċedimenti. Din id-definizzjoni tkopri l-ftehimiet kollha li fihom jintlaħaq qbil dwar tali gwadann, kemm jekk offrut bħala servizz indipendenti, kif ukoll jekk miksub permezz ta' xiri jew assenjazzjoni tal-pretensjoni.
Kapitolu II
Approvazzjoni tal-attivitajiet tal-finanzjaturi ta' litigazzjoni fi ħdan l-Unjoni
Artikolu 4
Sistema ta' awtorizzazzjoni
1. L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw f'konformità mal-liġi nazzjonali jekk jistgħux jiġu offruti ftehimiet ta' finanzjament minn partijiet terzi fir-rigward ta' proċedimenti fil-ġuriżdizzjoni tagħhom, għall-benefiċċju ta' rikorrenti jew benefiċjarji fil-mira residenti fit-territorju tagħhom.
2. Fejn attivitajiet ta' finanzjament minn partijiet terzi jkunu permessi, l-Istati Membri għandhom joħolqu sistema għall-awtorizzazzjoni u għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-finanzjaturi ta' litigazzjoni fit-territorju tagħhom. Dik is-sistema għandha tinkludi l-ħatra ta' dipartiment superviżorju jew awtorità superviżorja indipendenti inkarigati bl-għoti, bis-sospensjoni jew bl-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet għall-finanzjaturi ta' litigazzjoni u bis-superviżjoni tal-attivitajiet tal-finanzjaturi ta' litigazzjoni.
3. Is-sistema ta' awtorizzazzjoni prevista f'dan l-Artikolu għandha tapplika biss għall-attivitajiet marbuta mal-offerta ta' ftehimiet ta' finanzjament minn partijiet terzi minn finanzjaturi ta' litigazzjoni. Meta l-finanzjaturi ta' litigazzjoni jkunu wkoll il-fornituri ta' servizzi oħra legali, finanzjarji jew ta' ġestjoni tal-pretensjonijiet taħt is-superviżjoni ta' awtorità oħra fl-Unjoni, din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe sistema ta' superviżjoni u awtorizzazzjoni li teżisti fir-rigward ta' dawk is-servizzi l-oħra.
Artikolu 5
Kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jagħtu jew iżommu biss awtorizzazzjonijiet, kemm jekk għal litigazzjoni domestika jew inkella transfruntiera jew għal proċedimenti oħra, lill-finanzjaturi ta' litigazzjoni li jikkonformaw ma' din id-Direttiva, u li jissodisfaw, minbarra kwalunkwe kriterju ta' adegwatezza jew kriterju ieħor kif jista' jiġi stabbilit fil-liġi nazzjonali, tal-inqas il-kriterji li ġejjin:
(a) iwettqu n-negozju tagħhom permezz ta' uffiċċju rreġistrat fi Stat Membru, u japplikaw għal awtorizzazzjoni u jżommuha f'dak l-istess Stat Membru;
(b) jimpenjaw ruħhom li jikkonkludu ftehimiet ta' finanzjament minn partijiet terzi soġġetti għal-liġijiet tal-Istat Membru ta' kwalunkwe proċediment fil-mira, jew, jekk differenti, tal-Istat Membru tar-rikorrent jew tal-benefiċjarji fil-mira;
(c) juru għas-sodisfazzjon tal-awtorità superviżorja li għandhom proċeduri u strutturi ta' governanza stabbiliti biex jiżguraw il-konformità kontinwa tagħhom ma' din id-Direttiva, mar-rekwiżiti ta' trasparenza u mar-relazzjonijiet fiduċjarji li din id-Direttiva tipprevedi, u li stabbilew proċeduri interni biex jipprevjenu kunflitt ta' interess bejnhom u l-konvenuti fi proċedimenti li jinvolvu l-finanzjatur ta' litigazzjoni;
(d) jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' adegwatezza tal-kapital stabbiliti fl-Artikolu 6; u
(e) jissodisfaw lill-awtorità superviżorja li għandhom il-governanza u l-proċeduri stabbiliti biex jiżguraw li d-dmir fiduċjarju previst fl-Artikolu 7 jiġi rilaxxat u rrispettat.
2. L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu b'mod reċiproku l-awtorizzazzjoni mogħtija lil finanzjatur ta' litigazzjoni fi Stat Membru ieħor u għalhekk jippermettulhom b'mod awtomatiku joperaw fl-Istat Membru tagħhom, dment li l-awtorizzazzjoni inizjali tibqa' valida.
3. Is-sistema ta' awtorizzazzjoni stabbilita skont l-Artikolu 4 għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jirregola l-forniment ta' servizzi finanzjarji, l-attività ta' investiment, jew il-protezzjoni tal-konsumatur.
Artikolu 6
Adegwatezza tal-kapital
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jkollhom is-setgħa li jivverifikaw jekk il-finanzjaturi ta' litigazzjoni jistax ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom f'kull ħin riżorsi finanzjarji adegwati biex jissodisfaw l-obbligazzjonijiet tagħhom skont il-ftehimiet tagħhom ta' finanzjament minn partijiet terzi. B'mod partikolari, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jiżguraw li l-finanzjaturi ta' litigazzjoni jkollhom il-kapaċità li:
(a) iħallsu d-djun kollha li jirriżultaw mill-ftehimiet tagħhom ta' finanzjament minn partijiet terzi meta jsiru dovuti u pagabbli; u
(b) jiffinanzjaw l-istadji kollha ta' kwalunkwe proċediment li jkunu impenjaw ruħhom għalih, inkluż għall-proċess u għal kwalunkwe appell sussegwenti.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-finanzjaturi ta' litigazzjoni jitħallew juru li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 billi jipprovdu ċertifikazzjoni jew attestazzjoni li skema ta' assigurazzjoni, fejn ikun meħtieġ, tkopri kompletament il-kostijiet kollha msemmija fil-paragrafu 1.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jkollhom is-setgħa li jivverifikaw jekk il-finanzjaturi ta' litigazzjoni jkunux jistgħu jżommu aċċess f'kull ħin għal-likwidità minima meħtieġa biex iħallsu bis-sħiħ il-kostijiet avversi prevedibbli kollha fil-proċedimenti kollha li jkunu ffinanzjaw. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi tagħhom ikunu jistgħu jitolbu lill-finanzjaturi ta' litigazzjoni jipprovdu sigurtà għall-kostijiet fil-forom ammessi mil-liġi nazzjonali, f'każ li r-rikorrent jitlob dan abbażi ta' tħassib speċifiku motivat.
4. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu fond tal-assigurazzjoni speċifiku biex ikopri l-kostijiet kollha pendenti tar-rikorrenti li jkunu involvew ruħhom bona fide f'litigazzjoni, f'każ li finanzjatur ta' litigazzjoni jsir insolventi matul il-proċedura ta' litigazzjoni. Meta tali fond jiġi stabbilit minn Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jiżgura li jkun ġestit u ffinanzjat pubblikament permezz ta' tariffi annwali pagabbli minn finanzjaturi ta' litigazzjoni awtorizzati.
Artikolu 7
Dmir fiduċjarju
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jingħataw is-setgħa jivverifikaw li l-finanzjaturi ta' litigazzjoni jkollhom il-governanza u l-proċeduri interni stabbiliti biex jiżguraw li l-ftehimiet ta' finanzjament minn partijiet terzi li jidħlu fihom ikunu bbażati fuq relazzjoni fiduċjarja u li jimpenjaw ruħhom skont dawk il-ftehimiet li jaġixxu b'mod ġust, trasparenti u li josservaw id-dmir fiduċjarju ta' diliġenza li jeżiġi li jaġixxu fl-aħjar interessi ta' rikorrent.
2. Meta rikorrent ikollu l-ħsieb li jagħmel pretensjoni f'isem ħaddieħor fi proċedimenti, bħal meta r-rikorrent ikun entità kwalifikata li tirrappreżenta lill-konsumaturi, il-finanzjatur ta' litigazzjoni għandu jkollu l-obbligu ta' dmir fiduċjarju fil-konfront ta' tali benefiċjarji fil-mira. Il-finanzjaturi ta' litigazzjoni għandhom ikunu obbligati jaġixxu b'mod li jkun konsistenti mad-dmir fiduċjarju tagħhom matul il-proċedimenti. Fil-każ ta' kunflitt bejn l-interessi tal-finanzjatur ta' litigazzjoni u dawk tar-rikorrenti jew tal-benefiċjarji fil-mira, il-finanzjatur ta' litigazzjoni għandu jimpenja ruħu li jqiegħed l-interessi tar-rikorrenti jew tal-benefiċjarji fil-mira qabel l-interessi tiegħu stess.
Kapitolu III
Setgħat tal-awtoritajiet superviżorji u l-koordinazzjoni bejniethom
Artikolu 8
Setgħat tal-awtoritajiet superviżorji
1. Fejn ftehimiet ta' finanzjament minn partijiet terzi huma permessi f'konformità mal-Artikolu 4, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li awtorità superviżorja pubblika indipendenti tkun responsabbli għas-sorveljanza tal-awtorizzazzjoni ta' finanzjaturi ta' litigazzjoni stabbiliti fil-ġuriżdizzjoni tagħha, filwaqt li jiġu offruti ftehimiet ta' finanzjament minn partijiet terzi lil rikorrenti u lil benefiċjarji fil-mira fil-ġuriżdizzjoni tagħha, jew fir-rigward ta' proċedimenti fil-ġuriżdizzjoni tagħha.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li proċedura ta' lment tkun stabbilita għal kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tixtieq tqajjem tħassib quddiem awtorità superviżorja fir-rigward tal-konformità ta' finanzjatur ta' litigazzjoni mal-obbligi tiegħu skont din id-Direttiva u l-liġi nazzjonali applikabbli.
3. Minkejja l-proċedura ta' lment imsemmija fil-paragrafu 2, fil-każ ta' proċedimenti legali li jkunu jinsabu għaddejjin li jinvolvu l-finanzjatur ta' litigazzjoni, it-tħassib imqajjem mill-konvenut f'tali proċedimenti rigward il-konformità ta' finanzjatur ta' litigazzjoni mal-obbligi tiegħu skont din id-Direttiva u l-liġi nazzjonali applikabbli għandu jiġi trattat mill-qorti jew mill-awtorità amministrattiva kompetenti f'konformità mal-Artikolu 16(2).
4. Kull awtorità superviżorja għandha b'mod partikolari tingħata s-setgħa u tkun meħtieġa li:
(a) tirċievi applikazzjonijiet mingħand il-finanzjaturi ta' litigazzjoni għall-awtorizzazzjoni u kwalunkwe informazzjoni li tkun meħtieġa għall-finijiet tal-kunsiderazzjoni ta' dawk l-applikazzjonijiet, u tiddeċiedi dwar kwalunkwe applikazzjoni bħal din fil-ħin;
(b) tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex tagħti jew tiċħad l-awtorizzazzjoni lil kwalunkwe finanzjatur ta' litigazzjoni applikant, tirtira kwalunkwe awtorizzazzjoni, jew timponi kundizzjonijiet, restrizzjonijiet jew penali fuq kwalunkwe finanzjatur ta' litigazzjoni awtorizzat;
(c) tiddeċiedi dwar l-adegwatezza u l-idoneità ta' finanzjatur ta' litigazzjoni, inkluż b'referenza għall-esperjenza, għar-reputazzjoni, għall-proċessi interni biex jiġu evitati u riżolti l-kunflitti ta' interess, u għall-għarfien tiegħu;
(d) tippubblika fuq is-sit web tagħha kwalunkwe deċiżjoni meħuda skont il-punt (b), filwaqt li tqis kif xieraq il-kunfidenzjalità kummerċjali;
(e) tivvaluta mill-inqas kull sena jekk finanzjatur ta' litigazzjoni awtorizzat ikunx għadu qed jikkonforma mal-kriterji għall-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1) u tiżgura li tali awtorizzazzjoni tiġi sospiża jew irtirata jekk il-finanzjatur ta' litigazzjoni ma jkunx għadu qed jikkonforma ma' wieħed jew iktar minn dawk il-kriterji. Tali sospensjoni jew irtirar ma għandhomx jaffettwaw id-drittijiet tar-rikorrenti u tal-benefiċjarji tal-proċedimenti li fihom jista' jkun involut il-finanzjatur; u
(f) skont is-sistema msemmija fl-Artikolu 9, tirċievi u tinvestiga l-ilmenti b'rabta mal-imġiba ta' finanzjatur ta' litigazzjoni u l-konformità ta' tali finanzjatur ta' litigazzjoni mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu IV ta' din id-Direttiva u kwalunkwe rekwiżit ieħor applikabbli skont il-liġi nazzjonali.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-finanzjaturi ta' litigazzjoni jkunu meħtieġa jinnotifikaw awtorità superviżorja mingħajr dewmien żejjed dwar kwalunkwe bidla li taffettwa l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti tal-adegwatezza tal-kapital stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 6. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-finanzjaturi ta' litigazzjoni jiċċertifikaw kull sena li huma jkunu għadhom konformi ma' dawk il-paragrafi.
6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jissorveljaw ir-relazzjonijiet fiduċjarji bejn il-finanzjaturi ta' litigazzjoni u r-rikorrenti u l-benefiċjarji fil-mira b'mod ġenerali, u jkunu jistgħu jagħmlu struzzjonijiet u ordnijiet biex jiżguraw li l-interessi tar-rikorrenti u dawk tal-benefiċjarji fil-mira jkunu protetti.
Artikolu 9
Investigazzjonijiet u lmenti
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm stabbilita sistema tal-ilmenti li tippermetti li l-ilmenti jiġu riċevuti u investigati kif imsemmi fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 8.
2. Skont is-sistema tal-ilmenti msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jingħataw is-setgħa jivvalutaw mingħajr dewmien żejjed jekk finanzjatur ta' litigazzjoni jkunx konformi ma' kwalunkwe obbligu jew kundizzjoni assoċjati mal-awtorizzazzjoni tiegħu, mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva u ma' kwalunkwe rekwiżit ieħor applikabbli skont il-liġi nazzjonali.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-eżerċitar tas-sorveljanza tagħhom fir-rigward tal-konformità tal-finanzjaturi ta' litigazzjoni ma' obbligi jew kundizzjonijiet assoċjati mal-awtorizzazzjoni tagħhom, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jingħataw is-setgħa li
(i) jinvestigaw ilmenti riċevuti minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika f'konformità mal-Artikolu 8(2) u soġġett għall-Artikolu 8(3);
(ii) jinvestigaw ilmenti minn kwalunkwe awtorità superviżorja oħra jew mill-Kummissjoni;
(iii) jibdew investigazzjonijiet fuq bażi ex officio,
(iv) jibdew investigazzjonijiet wara rakkomandazzjoni minn qorti jew awtorità amministrattiva li jkollha tħassib li jirriżulta minn kwalunkwe proċediment quddiem tali qorti jew awtorità amministrattiva rigward il-konformità ta' finanzjatur ta' litigazzjoni mal-obbligi jew mal-kundizzjonijiet assoċjati mal-awtorizzazzjoni tiegħu.
Artikolu 10
Koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji tagħhom japplikaw din id-Direttiva f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet superviżorji ta' Stati Membri oħra.
2. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja u tikkoordina l-attivitajiet tal-awtoritajiet superviżorji fit-twettiq tal-funzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva, u għandha tlaqqa' u tippresjedi network ta' awtoritajiet superviżorji. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 11 sabiex tissupplimenta din id-Direttiva billi tistabbilixxi l-modalitajiet għall-kooperazzjoni fi ħdan in-network tal-awtoritajiet superviżorji, u għandha tirrevedihom perjodikament, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet superviżorji.
3. L-awtoritajiet superviżorji jistgħu jikkonsultaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe kwistjoni li tinvolvi l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva. Il-Kummissjoni tista' toħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet, avviżi dwar l-aħjar prattiki u opinjonijiet konsultattivi għall-awtoritajiet superviżorji dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, u b'rabta ma' kwalunkwe inkonsistenza apparenti f'dan ir-rigward, jew b'rabta mas-superviżjoni ta' kwalunkwe finanzjatur ta' litigazzjoni. Il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi wkoll ċentru ta' kompetenza biex tipprovdi għarfien espert kwalifikat lill-qorti jew lill-awtoritajiet amministrattivi li jkunu qed ifittxu parir dwar kif għandhom jiġu vvalutati l-attivitajiet tal-finanzjaturi ta' litigazzjoni fi ħdan l-Unjoni.
4. Kull awtorità superviżorja għandha tistabbilixxi lista ta' finanzjaturi ta' litigazzjoni awtorizzati, tikkomunikaha lill-Kummissjoni u tagħmel dik il-lista disponibbli għall-pubbliku. L-awtoritajiet superviżorji għandhom jaġġornaw dik il-lista kull meta jkun hemm bidliet fiha u jinfurmaw lill-Kummissjoni skont dan.
5. Kull awtorità superviżorja għandha tikkomunika, fuq talba, lill-Kummissjoni u lil awtoritajiet superviżorji oħra, id-dettalji tad-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward tas-superviżjoni tal-finanzjaturi ta' litigazzjoni, inklużi dettalji tad-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 8(4), il-punt (b).
6. Meta finanzjatur ta' litigazzjoni jkun talab awtorizzazzjoni minn awtorità superviżorja, u sussegwentement ifittex awtorizzazzjoni mingħand awtorità oħra, tali awtoritajiet superviżorji għandhom jikkoordinaw u jaqsmu l-informazzjoni sa fejn ikun xieraq, bil-għan li jieħdu deċiżjonijiet konsistenti, filwaqt li b'mod xieraq iqisu r-regoli nazzjonali diverġenti.
7. Meta finanzjatur ta' litigazzjoni jkun awtorizzat minn awtorità superviżorja fi Stat Membru, iżda jkun jixtieq joffri ftehim ta' finanzjament minn partijiet terzi għall-benefiċċju ta' rikorrent jew ta' benefiċjarju fil-mira ieħor fi Stat Membru ieħor, jew għal proċedimenti fi Stat Membru ieħor, huwa għandu jippreżenta prova tal-awtorizzazzjoni mill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju tiegħu. Meta awtorità superviżorja f'dak l-Istat Membru l-ieħor tkun konxja minn irregolaritajiet fl-imġiba tal-finanzjatur ta' litigazzjoni, hija għandha tinforma direttament lill-awtorità superviżorja responsabbli.
Artikolu 11
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 10(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin minn ... [id-data tad-dħul fis-seħħ tal-att leġiżlattiv bażiku jew kwalunkwe data oħra stabbilita mill-koleġiżlaturi].
Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.
3. Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 10(2) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data iktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 10(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien [xahrejn] min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'[xahrejn] fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Kapitolu IV
Ftehimiet ta' finanzjament minn partijiet terzi u attivitajiet tal-finanzjaturi ta' litigazzjoni
Artikolu 12
Kontenut tal-ftehimiet ta' finanzjament minn partijiet terzi
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun meħtieġ li l-ftehimiet ta' finanzjament minn partijiet terzi jiġu provduti bil-miktub f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fih ikunu residenti r-rikorrent u l-benefiċjarji fil-mira, u jiġu ppreżentati b'mod ċar u li jinftiehem faċilment u jinkludu bħala minimu:
a. il-kostijiet u l-ispejjeż differenti li l-finanzjatur ta' litigazzjoni se jkopri;
b. is-sehem ta' kwalunkwe ammont mogħti jew tariffa li se jitħallsu lill-finanzjatur ta' litigazzjoni jew lil kwalunkwe parti terza oħra, jew kwalunkwe kost finanzjarju ieħor li jkun se jiġġarrab, direttament jew indirettament, mir-rikorrenti, mill-benefiċjarji fil-mira, jew mit-tnejn li huma;
c. referenza għar-responsabbiltà tal-finanzjatur ta' litigazzjoni fir-rigward ta' kostijiet avversi, f'konformità mal-Artikolu 18 ta' din id-Direttiva;
d. klawżola li tispeċifika li kwalunkwe ammont mogħti li minnu jistgħu jitnaqqsu t-tariffi tal-finanzjatur l-ewwel jitħallas bis-sħiħ lir-rikorrenti li mbagħad jistgħu sussegwentement iħallsu kwalunkwe somma miftiehma lill-finanzjaturi ta' litigazzjoni bħala tariffi jew kummissjoni, filwaqt li jinżammu tal-inqas l-ammonti minimi previsti f'din id-Direttiva;
e. ir-riskji li r-rikorrenti, il-benefiċjarji fil-mira jew it-tnejn li huma qed jassumu, inklużi:
i. l-ambitu għall-eskalazzjoni tal-kostijiet fil-litigazzjoni, u kif dan ikollu impatt fuq l-interessi finanzjarji tar-rikorrenti, tal-benefiċjarji jew tat-tnejn li huma;
ii. iċ-ċirkostanzi ddefiniti b'mod strett li fihom jista' jiġi tterminat il-ftehim ta' finanzjament minn partijiet terzi u r-riskji għar-rikorrenti, għall-benefiċjarji jew għat-tnejn li huma f'dak ix-xenarju, u
iii. kwalunkwe riskju potenzjali li jkollhom jitħallsu kostijiet avversi, inklużi ċirkostanzi li fihom l-assigurazzjoni tal-kostijiet avversi jew l-indennizzi jistgħu ma jkoprux tali skopertura.
f. dikjarazzjoni ta' ċaħda ta' responsabbiltà fir-rigward tan-nonkundizzjonalità tal-finanzjament b'rabta mal-passi proċedurali;
g. dikjarazzjoni ta' nuqqas ta' kunflitt ta' interess mill-finanzjatur ta' litigazzjoni.
Artikolu 13
Rekwiżiti ta' trasparenza u l-evitar tal-kunflitti ta' interess
1. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-finanzjaturi ta' litigazzjoni jistabbilixxu politika u jimplimentaw proċessi interni biex jiġu evitati u riżolti l-kunflitti ta' interess. Dik il-politika u dawk il-proċessi interni għandhom ikunu xierqa għan-natura, l-iskala u l-kumplessità tan-negozju tal-finanzjatur ta' litigazzjoni, u għandhom jiġu stabbiliti bil-miktub u magħmula disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-finanzjatur ta' litigazzjoni. Dawn għandhom jiġu msemmija wkoll b'mod ċar f'anness għal kwalunkwe ftehim ta' finanzjament minn partijiet terzi.
2. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-finanzjaturi ta' litigazzjoni jiddivulgaw lil rikorrent u lil benefiċjarji fil-mira fil-ftehim ta' finanzjament minn partijiet terzi l-informazzjoni kollha li tista' raġonevolment tiġi perċepita bħala li għandha l-potenzjal li twassal għal kunflitt ta' interess. Id-divulgazzjonijiet tal-finanzjaturi ta' litigazzjoni għandhom jinkludi tal-inqas dan li ġej:
(a) id-dettalji ta' kwalunkwe arranġament li jeżisti, finanzjarju jew mod ieħor, bejn il-finanzjatur ta' litigazzjoni u kwalunkwe impriża oħra li jkunu relatati mal-proċedimenti, inkluż kwalunkwe arranġament ma' kwalunkwe entità kwalifikata rilevanti, aggregatur tal-pretensjonijiet, avukati, jew parti interessata oħra;
(b) id-dettalji ta' kwalunkwe konnessjoni rilevanti bejn il-finanzjatur ta' litigazzjoni u konvenut fil-proċedimenti, b'mod partikolari b'rabta ma' kwalunkwe sitwazzjoni ta' kompetizzjoni.
Artikolu 14
Ftehimiet u klawżoli invalidi
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ftehimiet ta' finanzjament minn partijiet terzi konklużi ma' persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma jkunux awtorizzati jaġixxu bħala finanzjatur ta' litigazzjoni ma jkollhom l-ebda effett legali.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet terzi finanzjaturi ma jitħallewx jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ta' rikorrent matul il-proċedimenti b'mod li jibbenefika lill-finanzjatur ta' litigazzjoni nnifsu għad-detriment tar-rikorrent. Għal dak il-għan, kwalunkwe klawżola fi ftehimiet ta' finanzjament minn partijiet terzi li tagħti lil finanzjatur ta' litigazzjoni s-setgħa li jieħu jew jinfluwenza deċiżjonijiet fir-rigward tal-proċedimenti ma għandu jkollha l-ebda effett legali. Kwalunkwe tali klawżola jew arranġament li jikkonsistu, fost l-oħrajn, minn dan li ġej ma għandu jkollhom l-ebda effett legali:
(a) l-għoti ta' setgħa espliċita lil finanzjatur ta' litigazzjoni biex jieħu jew jinfluwenza deċiżjonijiet matul il-proċedimenti, bħal fir-rigward ta' pretensjonijiet speċifiċi segwiti, is-soluzzjoni tal-kawża, jew il-ġestjoni tal-ispejjeż assoċjati mal-proċedimenti;
(b) l-għoti ta' kapital jew kwalunkwe riżorsa oħra b'valur monetarju għall-finijiet ta' proċedimenti, kontinġenti fuq l-approvazzjoni minn partijiet terzi finanzjaturi tal-użu speċifiku tagħhom.
3. L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-ftehimiet li fihom il-finanzjatur ta' litigazzjoni jkollu l-garanzija li se jirċievi redditu minimu fuq l-investiment tiegħu qabel ma rikorrent jew benefiċjarju fil-mira jkun jista' jirċievi s-sehem tiegħu ma jkollhom l-ebda effett legali.
4. Fin-nuqqas ta' ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn ftehim ta' finanzjament ta' litigazzjoni jagħti d-dritt lil finanzjatur ta' litigazzjoni għal sehem ta' kwalunkwe ammont mogħti li jdgħajjef is-sehem disponibbli għar-rikorrent u għall-benefiċjarji fil-mira għal 60 % jew inqas tal-ammont mogħti totali, inklużi l-ammonti kollha tad-danni, il-kostijiet, it-tariffi u spejjeż oħrajn, tali ftehim ma għandu jkollu l-ebda effett legali.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ftehimiet ta' finanzjament minn partijiet terzi ma jkunx fihom dispożizzjonijiet li jillimitaw ir-responsabbiltà ta' finanzjatur ta' litigazzjoni fil-każ ta' ordni għal kostijiet avversi wara proċedimenti bla suċċess. Id-dispożizzjonijiet bl-għan li jillimitaw ir-responsabbiltà ta' finanzjatur ta' litigazzjoni għall-kostijiet ma għandu jkollhom l-ebda effett legali.
6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-ftehimiet ta' finanzjament minn partijiet terzi ma jippermettux l-irtirar ta' dak il-finanzjament, ħlief f'ċirkostanzi preskritti ddefiniti mil-liġi nazzjonali skont l-Artikolu 15(1).
7. Ir-rikorrenti u l-benefiċjarji fil-mira għandhom jiġu indennizzati fir-rigward ta' kwalunkwe telf ikkawżat minn finanzjatur ta' litigazzjoni li jkun daħal fi ftehim ta' finanzjament minn partijiet terzi li jinstab li jkun invalidu. Id-drittijiet tar-rikorrenti u tal-benefiċjarji fil-mira tal-proċedimenti ma għandhomx jiġu affettwati.
Artikolu 15
Terminazzjoni ta' ftehimiet ta' finanzjament minn partijiet terzi
1. L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-terminazzjoni unilaterali ta' ftehim ta' finanzjament minn partijiet terzi minn finanzjatur ta' litigazzjoni mingħajr il-kunsens infurmat tar-rikorrent, ħlief meta qorti jew awtorità amministrattiva tkun tat lill-finanzjatur ta' litigazzjoni l-permess li jittermina l-ftehim, wara li tkun ikkunsidrat jekk l-interessi tar-rikorrent u tal-benefiċjarji fil-mira jkunux protetti b'mod adegwat minkejja t-terminazzjoni.
2. Għandu jkun meħtieġ li jingħata avviż suffiċjenti kif previst fil-liġi nazzjonali sabiex jiġi tterminat il-ftehim ta' finanzjament minn partijiet terzi.
Kapitolu V
Rieżami mill-qrati jew mill-awtoritajiet amministrattivi
Artikolu 16
Divulgazzjoni tal-ftehim ta' finanzjament minn partijiet terzi
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rikorrenti jew ir-rappreżentanti tagħhom ikunu meħtieġa jinfurmaw lill-qorti jew lill-awtorità amministrattiva rilevanti bl-eżistenza ta' ftehim ta' finanzjament minn partijiet terzi u bl-identità tal-finanzjatur ta' litigazzjoni u jipprovdu, fuq talba tal-qorti jew tal-awtorità amministrattiva jew tal-konvenut, lill-qorti jew lill-awtorità amministrattiva rilevanti, kopja kompluta u mhux redatta ta' tali ftehimiet ta' finanzjament minn partijiet terzi relatati mal-proċedimenti kkonċernati lill-qorti jew lill-awtorità amministrattiva rilevanti fl-iktar stadju bikri ta' dawk il-proċedimenti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-konvenuti jiġu mgħarrfa mill-qorti jew mill-awtorità amministrattiva bl-eżistenza ta' ftehim ta' finanzjament minn partijiet terzi, u bl-identità tal-finanzjatur ta' litigazzjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi jingħataw is-setgħa jirrieżaminaw il-ftehim ta' finanzjament minn partijiet terzi f'konformità mal-Artikolu 17, fuq it-talba ta' parti fil-proċedimenti, meta dik il-parti jkollha dubji ġustifikati fir-rigward tal-konformità ta' tali ftehim ta' finanzjament minn partijiet terzi ma' din id-Direttiva u ta' kwalunkwe liġi nazzjonali oħra applikabbli, jew fuq inizjattiva proprja.
Artikolu 17
Rieżami ta' ftehimiet ta' finanzjament minn partijiet terzi mill-qrati jew mill-awtoritajiet amministrattivi
L-Istati Membri għandhom jaħtru l-qorti jew l-awtorità amministrattiva kompetenti biex twettaq il-kompiti ġudizzjarji u amministrattivi differenti previsti f'din id-Direttiva. Tali ħatra għandha b'mod partikolari tispeċifika li l-qorti jew l-awtorità amministrattiva li quddiemha titressaq kawża ffinanzjata privatament għandha twettaq kontrolli, mingħajr dewmien żejjed u fuq it-talba ta' parti fil-proċedimenti jew fuq inizjattiva proprja, dwar l-impatt tal-ftehimiet ta' finanzjament fuq il-kawżi li jitressqu quddiemha, billi teżerċita s-setgħat:
(a) li tagħmel ordnijiet jew tagħti struzzjonijiet li huma vinkolanti fuq finanzjatur ta' litigazzjoni, bħal pereżempju li tirrikjedi li l-finanzjatur ta' litigazzjoni jipprovdi l-finanzjament kif miftiehem fil-ftehim ta' finanzjament minn partijiet terzi rilevanti jew li tirrikjedi li l-finanzjatur ta' litigazzjoni jagħmel bidliet fir-rigward tal-finanzjament rilevanti;
(b) li tivvaluta l-konformità ta' kull ftehim ta' finanzjament minn partijiet terzi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva, b'mod partikolari mad-dmir fiduċjarju dovut lil rikorrenti u lil benefiċjarji fil-mira skont l-Artikolu 7, u, fejn jinstab li dak il-ftehim ma jkunx konformi, tordna lill-finanzjatur ta' litigazzjoni jagħmel il-bidliet meħtieġa, jew tiddikjara klawżola bħala nulla u bla effett f'konformità mal-Artikolu 14;
(c) li tevalwa l-konformità ta' kull ftehim ta' finanzjament minn partijiet terzi fir-rigward tar-rekwiżiti ta' trasparenza skont l-Artikolu 13;
(d) li tivvaluta jekk ftehim ta' finanzjament minn partijiet terzi jagħtix id-dritt lil finanzjatur ta' litigazzjoni għal sehem inġust, sproporzjonat jew mhux raġonevoli ta' kwalunkwe ammont mogħti kif deskritt fl-Artikolu 14(4), u biex tannulla jew taġġusta tali ftehimiet skont dan. L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw li meta jagħmlu tali valutazzjoni, il-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti jistgħu jqisu l-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi tal-proċedimenti fil-mira jew li jkunu jinsabu għaddejjin inkluż, kif xieraq:
(i) il-partijiet li jkunu involuti fil-kawża, kif ukoll il-benefiċjarji fil-mira tal-proċedimenti, u dak li fehmu li ġie miftiehem fir-rigward tal-ammont li l-finanzjatur ta' litigazzjoni jirċievi skont il-ftehim ta' finanzjament, meta eżitu jkun ta' suċċess;
(ii) il-valur probabbli ta' kwalunkwe ammont mogħti;
(iii) il-valur ta' kontribuzzjoni finanzjarja ta' finanzjatur ta' litigazzjoni u l-proporzjon tal-kostijiet kumplessivi tar-rikorrent li jiġi ffinanzjat mill-finanzjatur ta' litigazzjoni, u
(iv) il-proporzjon ta' kwalunkwe ammont mogħti li r-rikorrent u l-benefiċjarji fil-mira huwa previst li jirċievu;
(e) li tiġi imposta kwalunkwe penali li l-qorti jew l-awtorità amministrattiva tqis xierqa biex tiġi żgurata l-konformità ma' din id-Direttiva;
(f) li ssir konsultazzjoni jew jitfittex għarfien espert minn persuni b'għarfien u indipendenza xierqa biex jassistu fit-twettiq tas-setgħat ta' valutazzjoni tal-qorti jew tal-awtorità amministrattiva, inkluż minn kwalunkwe espert kwalifikat kif xieraq jew minn awtoritajiet superviżorji.
Artikolu 18
Responsabbiltà għall-kostijiet avversi
1. Meta l-parti rikorrenti ma jkollhiex biżżejjed riżorsi biex tkopri l-kostijiet avversi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi jingħataw is-setgħa li jagħmlu ordnijiet tal-kostijiet kontra l-finanzjaturi ta' litigazzjoni, kemm b'mod konġunt mar-rikorrenti kif ukoll separatament, wara eżitu bla suċċess fil-proċedimenti. F'każ bħal dan, il-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi jistgħu jirrikjedu li l-finanzjaturi ta' litigazzjoni jħallsu kwalunkwe kost avvers xieraq, filwaqt li jqisu:
(a) il-valur u l-proporzjon ta' kwalunkwe ammont mogħti li l-finanzjatur ta' litigazzjoni jkun irċieva kieku l-pretensjoni kienet ta' suċċess;
(b) il-punt sa fejn kwalunkwe kost li ma jitħallasx minn finanzjatur ta' litigazzjoni jaqa' minflok fuq konvenut, ir-rikorrent, jew kwalunkwe benefiċjarju fil-mira ieħor;
(c) l-imġiba tal-finanzjatur ta' litigazzjoni matul il-proċedimenti u, b'mod partikolari, il-konformità tiegħu ma' din id-Direttiva u jekk l-imġiba tiegħu kkontribwietx għall-kost kumplessiv tal-proċedimenti; u
(d) il-valur tal-investiment inizjali tal-finanzjatur ta' litigazzjoni.
Kapitolu VI
Dispożizzjonijiet finali
Artikolu 19
Sanzjonijiet
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għal ksur ta' dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu implimentati. Is-sanzjonijiet previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom, [sa .../mingħajr dewmien], jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dawk ir-regoli u dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha [, mingħajr dewmien,] bi kwalunkwe emenda sussegwenti li tolqothom.
2. L-awtoritajiet superviżorji jistgħu b'mod partikolari jimponu multi proporzjonati kkalkolati abbażi tal-fatturat ta' impriża, jirtiraw temporanjament jew b'mod indefinit l-awtorizzazzjoni biex joperaw, u jistgħu jimponu sanzjonijiet amministrattivi xierqa oħra.
Artikolu 20
Rieżami
1. Il-Kummissjoni għandha, mhux iktar tard minn ...[(...) snin wara d-data tal-applikazzjoni ta' din id-Direttiva], twettaq evalwazzjoni ta' din id-Direttiva u tippreżenta rapport dwar is-sejbiet ewlenin lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. L-evalwazzjoni għandha titwettaq f'konformità mal-linji gwida tal-Kummissjoni dwar regolamentazzjoni aħjar. Fir-rapport, il-Kummissjoni għandha, b'mod partikolari, tivvaluta l-effettività tad-Direttiva, b'attenzjoni partikolari għal-livell ta' tariffi jew ta' mgħax imnaqqsa mill-ammonti mogħtija lir-rikorrenti, inkluż minn tal-benefiċjarji fil-mira, favur il-finanzjaturi ta' litigazzjoni, l-impatt li l-finanzjaturi ta' litigazzjoni għandhom fuq il-livell ta' attività ta' soluzzjoni ta' tilwim u l-punt sa fejn il-finanzjament ta' litigazzjoni minn partijiet terzi ppermetta aċċess aħjar għall-ġustizzja.
2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, għall-ewwel darba sa ...[(...) snin wara d-data ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva] u sussegwentement kull sena, bl-informazzjoni li ġejja meħtieġa għall-preparazzjoni tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1:
(a) l-identità, in-numru u t-tip ta' entitajiet li huma rikonoxxuti bħala finanzjaturi ta' litigazzjoni awtorizzati;
(b) kwalunkwe bidla f'dik il-lista u r-raġunijiet għaliha;
(c) in-numru u t-tip ta' proċedimenti li huma ffinanzjati kompletament jew parzjalment minn finanzjatur ta' litigazzjoni;
(d) l-eżiti ta' dawk il-proċedimenti f'termini tal-ammonti miksuba mill-finanzjaturi ta' litigazzjoni meta mqabbla mal-ammonti mogħtija lir-rikorrenti u lill-benefiċjarji fil-mira.
Artikolu 21
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa... [jum/xahar/sena], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan minnufih.
Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri minn ... [jum/xahar/sena].
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew jinkludu referenza għaliha meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 22
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 23
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.