Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2022 dwar in-Nikaragwa, b'mod partikolari l-arrest tal-Isqof Rolando Álvarez (2022/2827(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Nikaragwa, b'mod partikolari dik tas-16 ta' Diċembru 2021 dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa(1) u dik tad-9 ta' Ġunju 2022 dwar l-istrumentalizzazzjoni tal-ġustizzja bħala strument ta' repressjoni fin-Nikaragwa(2),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, b'mod partikolari l-Artikolu 18 tagħha dwar il-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 10 tagħha dwar il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, u l-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari l-Artikolu 12 tagħha dwar il-libertà tal-kuxjenza u tar-reliġjon,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u r-Regoli Standard Minimi tan-NU dwar it-Trattament tal-Priġunieri (ir-Regoli Nelson Mandela),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1720 tal-14 ta' Ottubru 2019 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa(3),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tal-14 ta' Marzu 2022 dwar il-kundanna ta' priġunieri politiċi,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem tal-Uffiċċju tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tad-9 ta' Mejju 2022 dwar ir-repressjoni tas-soċjetà ċivili min-naħa tan-Nikaragwa u r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-24 ta' Frar 2022 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa u d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem qabel id-49 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fis-7 ta' Marzu 2022,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni Nru 49/3 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-31 ta' Marzu 2022 dwar il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa,
– wara li kkunsidra l-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Amerka Ċentrali, min-naħa l-oħra(4) (il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fid-19 ta' Awwissu 2022, il-pulizija nazzjonali tan-Nikaragwa għamlet rejd bil-forza fuq il-kurja veskovili ta' Matagalpa biex tarresta arbitrarjament lill‑Isqof Rolando Álvarez wara impass ta' ġimagħtejn, flimkien ma' ħames qassisin, żewġ seminaristi u cameraman, li issa qegħdin fil-ħabs ta' El Chipote; billi l-Isqof Álvarez kellu rwol importanti bħala medjatur fid-Djalogu Nazzjonali tal-2018, talab b'mod kostanti djalogu paċifiku u motivat fin-Nikaragwa u kkritika l-għeluq ta' seba' stazzjonijiet tar-radju Kattoliċi operati mid-djoċesi ta' Matagalpa fl-1 ta' Awwissu 2022;
B. billi l-istqarrija tal-pulizija ma tatx raġuni għall-arresti, iżda qalet li kienu parti minn investigazzjoni mibdija fil-5 ta' Awwissu 2022 dwar attivitajiet "destabbilizzanti u provokattivi" fil-pajjiż; billi l-pulizija aktar tard ikkonfermat li kienu għaddejjin "inkjesti ġudizzjarji"; billi sigħat wara, il-Viċi President tan-Nikaragwa Rosario Murillo f'diskors sostna li l-pulizija kienet qed terġa' tistabbilixxi l-ordni f'Matagalpa u li l-arrest tal-isqof kien "neċessarju";
C. billi n-Nunzju Appostoliku għan-Nikaragwa, Monsinjur Waldemar Stanisław Sommertag, tkeċċa mill-pajjiż f'Marzu 2022, Padre Manuel Salvador García ġie arrestat f'Ġunju 2022, l-Assoċjazzjoni tal-Missjonijiet tal-Karità tal-Ordni ta' Santa Tereża ta' Kalkutta ġiet iddikjarata illegali u tkeċċiet f'Lulju 2022, u l-pulizija allegatament ipprojbixxiet purċissjonijiet reliġjużi skedati għat-13 u l-14 ta' Awwissu 2022; billi ħames qassisin oħra, Uriel Vallejos, Vicente Martínez, Sebastián López, Mangel Hernández u Dani García, marru f'eżilju minħabba l-arrest tal-Isqof Álvarez; billi fl-2019, l-Isqof Silvio Báez kien imġiegħel imur f'eżilju wara theddid fuq ħajtu rikonoxxut mill-Vatikan; billi fl-1 ta' Settembru 2022, l-awtoritajiet tan-Nikaragwa kkundannaw lill-monsinjur Leonardo José Urbina Rodríguez għal piena ta' 30 sena ħabs; billi dawn huma biss ftit eżempji ta' atti ta' repressjoni mmirati lejn membri tal-Knisja Kattolika Rumana fin-Nikaragwa;
D. billi mill-2018 'l hawn, ir-reġim tan-Nikaragwa wettaq inkarċerazzjoni sistematika u ripetuta, fastidju u intimidazzjoni fil-konfront ta' prekandidati presidenzjali, mexxejja tal-oppożizzjoni u mexxejja reliġjużi – partikolarment mill-Knisja Kattolika Rumana – kif ukoll studenti u mexxejja rurali, ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, persuni LGBTI u rappreżentanti tan-negozju;
E. billi minn dak iż-żmien 'l hawn, fin-Nikaragwa stabbilixxa ruħu qafas ta' repressjoni mill-istat, ikkaratterizzat minn impunità sistemika għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, deterjorament tal-istituzzjonijiet u l-istat tad-dritt, u kollużjoni bejn is-setgħat tal-eżekuttiv u l-ġudikatura;
F. billi l-attakki fuq il-libertà tal-espressjoni, tal-kuxjenza u tar-reliġjon intensifikaw u billi t-theddid min-naħa tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku fil-konfront ta' diversi ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem bħala kritiċi tar-reġim u membri tal-Knisja Kattolika Rumana – minħabba l-isforzi ta' medjazzjoni tagħhom fit-taħditiet nazzjonali tal-2018 u għax ikkundannaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq fil-kuntest tal-kriżi attwali fin-Nikaragwa – wassal lil ħafna minnhom jitilqu min-Nikaragwa biex ifittxu protezzjoni;
G. billi kif ġie ċċarat mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-detenturi ta' mandat ta' proċedura speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, dawk miżmuma l-ħabs ġew arrestati għal raġunijiet inkompatibbli mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa;
H. billi l-għeluq tal-istazzjonijiet tar-radju Kattoliċi u ta' żewġ stazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni komunitarji oħra ftit wara, b'użu eċċessiv tal-forza, huma l-aħħar f'lista twila ta' aktar minn 1 700 organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u mill-inqas 40 organizzazzjoni tan-nisa, diversi partiti politiċi, assoċjazzjonijiet tal-midja u universitajiet li sfaw attakkati mir-reġim tan-Nikaragwa;
I. billi din is-sena r-reġim tan-Nikaragwa awtorizza l-preżenza militari Russa fil-pajjiż, li hija evidenza ċara tar-relazzjoni b'saħħitha u l-appoġġ komuni eżistenti bejn ir-reġim ta' Ortega-Murillo u r-reġim ta' Putin;
1. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli r-repressjoni u l-arrest ta' membri tal-Knisja Kattolika Rumana fin-Nikaragwa, b'mod partikolari l-arrest tal-Isqof Rolando Álvarez; iħeġġeġ lir-reġim tan-Nikaragwa jtemm immedjatament ir-repressjoni u jerġa' jistabbilixxi r-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem, fosthom il-libertà tal-espressjoni, tar-reliġjon u tat-twemmin; jitlob il-ħelsien immedjat u inkondizzjonat ta' dawk kollha arrestati arbitrarjament, inklużi l-Isqof Álvarez u dawk miżmuma miegħu, u li l-proċedimenti legali kollha kontrihom, inklużi s-sentenzi li ngħataw, jiġu annullati;
2. Jiddeplora u jikkundanna bil-qawwa d-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa u l-eskalazzjoni fir-repressjoni kontra l-Knisja Kattolika, esponenti tal-oppożizzjoni, is-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti, ir-raħħala, l-istudenti u l-popolazzjoni indiġena, fost l-oħrajn, kif ukoll l-arrest arbitrarju tagħhom sempliċement talli jkunu eżerċitaw il-libertajiet fundamentali tagħhom, it-trattament inuman u degradanti fil-konfront tagħhom u d-deterjorament tal-kundizzjoni ta' saħħithom;
3. Jikkundanna d-detenzjoni abbużiva, in-nuqqas ta' garanziji proċesswali u l-mod illegali li bih qed jiġu kkundannati l-priġunieri politiċi fin-Nikaragwa; jenfasizza li s-sistema ġudizzjarja mhijiex indipendenti mill-fergħa eżekuttiva; jesprimi tħassib dwar il-manipulazzjoni tal-liġi kriminali u l-użu tas-sistema ġudizzjarja bħala strument għall-kriminalizzazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet ċivili u politiċi;
4. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni ta' aktar minn 206 priġunier politiku miżmuma fin-Nikaragwa minn April 2018, skont il-Mekkaniżmu Speċjali ta' Monitoraġġ għan-Nikaragwa (MESENI), u jitlob il-ħelsien immedjat tagħhom, l-annullament tal-proċedimenti legali fil-konfront tagħhom, u li r-rifuġjati u l-eżiljati kollha jitħallew jirritornaw bla periklu lejn djarhom; iħeġġeġ lir-reġim tan-Nikaragwa jtemm l-użu ta' trattament krudili u inuman u jirrispetta l-integrità fiżika, id-dinjità, il-libertà u d-dritt ta' aċċess għall-kura medika ta' dawk li jinsabu l-ħabs, kif ukoll tal-familji tagħhom; iżomm lir-reġim responsabbli biex jiżgura li l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni jkunu konformi mal-obbligi u l-istandards legali internazzjonali tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem bħar-Regoli Standard Minimi tan-NU dwar it-Trattament tal-Priġunieri;
5. Jiddeplora l-fatt li fis-7 ta' Settembru 2022 ingħalqu 100 NGO oħra, u b'hekk it-total ta' NGOs li ngħalqu fin-Nikaragwa din is-sena tela' għal 1 850; jistieden lir-reġim tan-Nikaragwa jieqaf jagħlaq l-NGOs u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili arbitrarjament u jirristabbilixxi l-leġittimità tal-organizzazzjonijiet, il-partiti politiċi, l-organizzazzjonijiet reliġjużi, l-assoċjazzjonijiet u l-mezzi tal-media, l-universitajiet u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem kollha li ngħalqu arbitrarjament, kif ukoll jirritorna l-proprjetà, l-assi, id-dokumenti u t-tagħmir li ġew sekwestrati indebitament u jirristabbilixxi l-istatus ġuridiku leġittimu tagħhom;
6. Jikkundanna l-annullament tal-partiti politiċi tal-oppożizzjoni u n-nuqqas ta' libertà li jorganizzaw u jipparteċipaw fl-elezzjonijiet muniċipali tas-6 ta' Novembru 2022; iħeġġeġ ir-ristabbiliment tal-amministrazzjonijiet leġittimi fil-ġuriżdizzjonijiet ta' El Cuá, San Sebastián de Yalí, Santa María de Pantasma, Murra u El Almendro;
7. Iħeġġeġ bil-qawwa lin-Nikaragwa tirrevoka kull leġiżlazzjoni li tirrestrinġi bla bżonn l-ispazju ċiviku u demokratiku adottata mill-2018 'l hawn; itenni l-appell tiegħu lill-UE biex tkompli tappoġġja lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-qraba tal-priġunieri politiċi li qegħdin fin-Nikaragwa kif ukoll dawk li qegħdin f'eżilju, inklużi l-qassisin Uriel Vallejos, Vicente Martínez, Sebastián López, Mangel Hernández u Dani García fost l-oħrajn;
8. Jenfasizza r-rwol kruċjali tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u l-membri tal-Knisja Kattolika Rumana fin-Nikaragwa;
9. Jistieden lir-reġim tan-Nikaragwa jippermetti b'urġenza r-ritorn ta' organizzazzjonijiet internazzjonali fil-pajjiż, fosthom il-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, bil-għan li jsir monitoraġġ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;
10. Jistieden lir-reġim tan-Nikaragwa jimplimenta r-Riżoluzzjoni Nru 49/3 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, li tistabbilixxi, għal perjodu ta' sena, it-twaqqif ta' grupp ta' esperti tad-drittijiet tal-bniedem bl-inkarigu li jissorveljaw investigazzjonijiet kredibbli, imparzjali u eżawrjenti, jippreservaw l-evidenza u jiżguraw l-obbligu ta' rendikont għall-ksur serju li seħħ mill-2018 'l hawn; jistieden lill-istituzzjonijiet tan-Nikaragwa jiżguraw li ma tippersistix l-impunità fir-rigward tal-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem li seħħew, filwaqt li jipprovdu lill-vittmi aċċess għall-ġustizzja u riparazzjoni sħiħa;
11. Jistieden lin-Nikaragwa tibda djalogu nazzjonali inklużiv biex tiġi żgurata soluzzjoni paċifika u demokratika għal din il-kriżi politika, soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem;
12. Jistieden lill-UE tkompli tagħti prijorità, permezz tal-azzjoni esterna u d-djalogu tagħha, lill-promozzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-ugwaljanza u l-libertà tal-midja, u tikkollabora mal-komunità internazzjonali biex tiddefendi d-djalogu, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa; jitlob lid-Delegazzjoni tal-UE għan-Nikaragwa ssegwi b'attenzjoni l-iżviluppi li qegħdin iseħħu fil-pajjiż, fosthom billi tissorvelja l-proċessi u żżur lill-mexxejja tal-oppożizzjoni u lill-kritiċi tal-gvern li qegħdin il-ħabs jew arrestati d-dar; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li bl-assistenza tagħha għal kooperazzjoni ssaħħaħ l-appoġġ għas-soċjetà ċivili – partikolarment id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem – u li bl-ebda mod ma tikkontribwixxi għall-politiki repressivi attwali tal-awtoritajiet tan-Nikaragwa;
13. Ifakkar li fid-dawl tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali, in-Nikaragwa hija obbligata tirrispetta u tikkonsolida l-prinċipji tal-istat tad-dritt, tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem, speċifikament fir-rigward tad-dispożizzjonijiet deskritti fit-Titolu I; itenni t-talba tiegħu li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi attwali, tiskatta l-klawżola demokratika tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;
14. Itenni l-appell tiegħu biex l-imħallfin u l-prosekuturi tan-Nikaragwa jiddaħħlu malajr fil-lista ta' individwi sanzjonati mill-UE u biex il-lista ta' individwi u entitajiet sanzjonati tiġi estiża tinkludi lil Daniel Ortega u ċ-ċirku tal-qalba tiegħu;
15. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex, f'konformità mal-Artikoli 13 u 14 tal-Istatut ta' Ruma, jiftħu investigazzjoni formali dwar in-Nikaragwa u Daniel Ortega – permezz tal-Qorti Kriminali Internazzjonali – għal delitti kontra l-umanità;
16. Itenni l-appell tiegħu għall-estradizzjoni immedjata ta' Alessio Casimirri lejn l-Italja;
17. Jitlob lill-Konferenza tal-Presidenti tiegħu tawtorizza missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni li tintbagħat tissorvelja s-sitwazzjoni fin-Nikaragwa;
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-Parlament tal-Amerka Ċentrali, lill-Grupp ta' Lima, lill-Vatikan, kif ukoll lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tan-Nikaragwa.