Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Settembru 2022 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tiddetermina, skont l-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-eżistenza ta' riskju ċar ta' ksur serju mill-Ungerija tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni (2018/0902R(NLE))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 2, 4(3) u 7(1) tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-protokolli tagħha,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra t-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Kunsill tal-Ewropa,
– wara li kkunsidra l-Lista tal-Kriterji tal-Istat tad-Dritt adottata mill-Kummissjoni ta' Venezja fil-106 sessjoni plenarja tagħha f'Venezja fil-11-12 ta' Marzu 2016,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2014 bit-titolu "Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt" (COM(2014)0158),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2018 dwar proposta li titlob lill-Kunsill jiddetermina, skont l-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-eżistenza ta' riskju ċar ta' ksur serju mill-Ungerija tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-16 ta' Jannar 2020(2) u tal-5 ta' Mejju 2022(3) dwar is-seduti ta' smigħ li għaddejjin bħalissa skont l-Artikolu 7(1) TUE fir-rigward tal-Polonja u l-Ungerija,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2021 dwar ksur tal-liġi tal-UE u tad-drittijiet taċ-ċittadini LGBTIQ fl-Ungerija b'riżultat tal-bidliet legali adottati mill-Parlament Ungeriż(4),
– wara li kkunsidra l-kapitoli tal-pajjiżi dwar l-Ungerija fir-Rapporti dwar l-Istat tad-Dritt tal-Kummissjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 105(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport interim tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0217/2022),
A. billi l-Unjoni hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett lejn id-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jappartjenu lil minoranzi, kif stabbilit fl-Artikolu 2 TUE u kif rifless fil-Karta u inkorporat fit-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, u billi dawk il-valuri, li huma komuni għall-Istati Membri jikkostitwixxu l-pedament tad-drittijiet li jgawdu dawk li jgħixu fl-Unjoni;
B. billi kif jidher mill-Artikolu 49 tat-TUE, li jipprevedi l-possibbiltà li kull Stat Ewropew japplika sabiex isir membru tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea hija komposta minn stati li impenjaw ruħhom liberament u volontarjament favur il-valuri komuni msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE, li jirrispettaw dawn il-valuri u li jimpenjaw ruħhom li jippromwovuhom, billi d-dritt tal-UE huwa bbażat fuq il-premessa fundamentali li kull Stat Membru jikkondividi mal-Istati Membri l-oħra kollha, u jirrikonoxxi li dawn l-Istati Membri jikkondividu miegħu, dawn l-istess valuri(5);
C. billi dik il-premessa timplika u tiġġustifika l-eżistenza ta' fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rikonoxximent ta' dawn il-valuri u, għaldaqstant, l-osservanza tad-dritt tal-UE li jimplimentahom(6);
D. billi l-konformità ta' Stat Membru mal-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 tat-TUE hija kundizzjoni għat-tgawdija tad-drittijiet kollha li jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-Trattati għal dak l-Istat Membru; billi kwalunkwe ksur tal-valuri fundamentali tal-UE minn gvern ta' Stat Membru inevitabbilment jimplika attakk fuq il-libertà personali, id-drittijiet politiċi u soċjali taċ-ċittadini, kif ukoll il-ġid u l-benesseri tagħhom; billi l-Ungerija nnifisha ssottoskriviet għall-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE;
E. billi l-prinċipju tal-kooperazzjoni leali fl-Artikolu 4(3) tat-TUE jistabbilixxi obbligu fuq l-Unjoni u l-Istati Membri biex jassistu lil xulxin fit-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mit-Trattati b'rispett reċiproku sħiħ, u fuq l-Istati Membri biex jieħdu kwalunkwe miżura xierqa, ġenerali jew b'mod partikolari, biex jiżguraw it-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni;
F. billi l-Artikolu 19 tat-TUE jesprimi b'mod konkret il-valur tal-istat tad-dritt affermat fl-Artikolu 2 tat-TUE, jagħti r-responsabbiltà li tiġi żgurata l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-UE lill-Istati Membri kollha u l-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet tal-individwi skont dik il-liġi lill-qrati u lit-tribunali nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja(7);
G. billi kwalunkwe riskju ċar ta' ksur serju min-naħa ta' Stat Membru tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE ma jikkonċernax biss lill-Istat Membru individwali fejn jimmaterjalizza r-riskju iżda għandu impatt fuq l-Istati Membri l-oħra, fuq il-fiduċja reċiproka ta' bejniethom, u fuq in-natura proprja tal-Unjoni u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tagħha skont id-dritt tal-Unjoni;
H. billi l-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 7 tat-TUE mhuwiex limitat għall-obbligi skont it-Trattati, bħal fl-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u billi l-Unjoni tista' tivvaluta l-eżistenza ta' riskju ċar ta' ksur serju tal-valuri komuni f'oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Istati Membri;
I. billi għal diversi snin is-sitwazzjoni fl-Ungerija ma ġietx indirizzata biżżejjed u għad fadal ħafna tħassib, u sadanittant qamu ħafna kwistjonijiet ġodda, li qed ikollhom impatt negattiv fuq l-immaġni tal-Unjoni, kif ukoll l-effettività u l-kredibbiltà tagħha fid-difiża tad-drittijiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija globalment, u li juru l-ħtieġa li jiġu indirizzati permezz ta' azzjoni konċertata tal-Unjoni;
J. billi wara d-delegazzjoni ad hoc tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern f'Budapest, l-Ungerija, mid-29 ta' Settembru sal-1 ta' Ottubru 2021, il-maġġoranza tal-membri tad-delegazzjoni għad għandhom tħassib serju dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fil-pajjiż; billi d-delegazzjoni kkonkludiet li s-sitwazzjoni ma tjibitx mill-2018, iżda minflok marret għall-agħar;
K. billi l-Gvern Ungeriż jinjora l-prinċipju tal-primat tad-dritt tal-UE kif minqux fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda huwa stess juża l-Qorti tal-Ġustizzja biex jagħmel rikorsi biex jieħu azzjoni kontra atti Ewropej eżistenti;
L. billi l-Parlament Ungeriż adotta riżoluzzjoni fid-19 ta' Lulju 2022 li titlob li s-setgħat tal-Parlament Ewropew jiġu limitati, u li l-Membri tal-PE jinħatru aktar milli jiġu eletti;
M. billi l-koeżistenza paċifika ta' gruppi etniċi differenti għandha effetti pożittivi fuq il-ġid kulturali u l-prosperità tan-nazzjon;
N. billi l-imblukkar ta' miżuri restrittivi kontra r-Russja fil-Kunsill idgħajjef l-isforzi tal-Unjoni biex tipproteġi l-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE fl-UE u lil hinn minnha, u jikkostitwixxi problema ta' sigurtà għall-Unjoni Ewropea;
Il-funzjonament tas-sistema kostituzzjonali u elettorali
O. billi fit-13 ta' Lulju 2022, fil-kapitolu tal-pajjiż dwar l-Ungerija tar-Rapport tal-2022 dwar l-Istat tad-Dritt, il-Kummissjoni indikat li t-trasparenza u l-kwalità tal-proċess leġiżlattiv jibqgħu sors ta' tħassib, u l-Gvern Ungeriż ilu juża s-setgħat ta' emerġenza tiegħu b'mod estensiv, anke f'oqsma mhux relatati mal-pandemija tal-COVID-19 kif invoka inizjalment; billi l-implimentazzjoni ineffettiva minn organi statali tas-sentenzi tal-qrati Ewropej u nazzjonali hija sors ta' tħassib; billi t-trusts ta' interess pubbliku li jirċievu finanzjament pubbliku sinifikanti u ġestiti minn membri tal-bord qrib il-gvern attwali saru operattivi;
P. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni kkoordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha(8), il-Parlament qies li d-deċiżjoni tal-Gvern Ungeriż li jtawwal l-istat ta' emerġenza b'mod indefinit, li jawtorizza lilu nnifsu biex jiggverna b'digriet mingħajr limiti ta' żmien, u li jdgħajjef is-sorveljanza ta' emerġenza tal-Parlament Ungeriż, kienet totalment inkompatibbli mal-valuri Ewropej; billi fir-rakkomandazzjoni tiegħu dwar il-Programm ta' Riforma tal-Ungerija tal-2020 tal-20 ta' Lulju 2020 u hu u jwassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-Ungerija tal-2020(9), il-Kunsill irrakkomanda li jiġi żgurat li kwalunkwe miżura ta' emerġenza tkun strettament proporzjonata, limitata fiż-żmien u skont l-istandards Ewropej u internazzjonali, li ma jinterferixxux mal-attivitajiet tan-negozju u l-istabbiltà tal-ambjent regolatorju, u l-involviment effettiv tas-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati fil-proċess tat-tfassil tal-politika;
Q. billi fit-tieni rapport interim ta' konformità tiegħu adottat fil-25 ta' Settembru 2020, il-Grupp ta' Stati tal-Kunsill tal-Ewropa kontra l-Korruzzjoni (GRECO) laqa' l-emendi għall-Att dwar l-Assemblea Nazzjonali biex id-dispożizzjonijiet li jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-Membri tal-PE milli jkunu involuti f'ċerti attivitajiet, isiru aktar operattivi billi jiġu previsti konsegwenzi aktar ċari f'każ li dawn il-kwistjonijiet ma jiġux riżolti mill-Membri tal-PE inkwistjoni; billi, madankollu, ir-rapport sab ukoll li miżuri aktar determinati għadhom meħtieġa biex jittejjeb il-qafas attwali tal-integrità tal-Parlament Ungeriż, b'mod partikolari biex jittejjeb il-livell ta' trasparenza u konsultazzjoni fil-proċess leġiżlattiv (inkluża l-introduzzjoni ta' regoli dwar l-interazzjonijiet mal-lobbyists), biex jiġi adottat kodiċi ta' kondotta għall-Membri tal-PE (li jkopri b'mod partikolari diversi sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal kunflitt ta' interess), biex jiġu żviluppati aktar regoli li jobbligaw lill-Membri tal-PE jiżvelaw b'mod ad hoc kunflitti potenzjali bejn il-ħidma parlamentari tagħhom u l-interessi privati tagħhom, biex jiġi żgurat format uniformi ta' dikjarazzjonijiet tal-assi u biex tiġi rieżaminata l-immunità vasta li jgawdu minnha l-Membri tal-PE kif ukoll biex jiġu żgurati s-superviżjoni u l-infurzar effettivi tar-regoli ta' kondotta, il-kunflitt ta' interess u d-dikjarazzjonijiet tal-assi;
R. billi f'dikjarazzjoni maħruġa fl-20 ta' Novembru 2020, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa ħeġġet lill-Parlament Ungeriż biex jipposponi l-votazzjoni dwar abbozzi ta' liġijiet minħabba l-biża' li diversi proposti li jinsabu fil-pakkett leġiżlattiv kumpless u li ġew ippreżentati mingħajr konsultazzjoni minn qabel u huma relatati ma' kwistjonijiet inkluż il-funzjonament tal-ġudikatura, il-liġi elettorali, l-istrutturi nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, l-iskrutinju fuq il-fondi pubbliċi u d-drittijiet tal-bniedem ta' persuni LGBTI, jistgħu jservu biex idgħajfu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem fl-Ungerija; billi fl-opinjoni tagħha tat-2 ta' Lulju 2021 dwar l-emendi kostituzzjonali adottati mill-Parlament Ungeriż f'Diċembru 2020, il-Kummissjoni ta' Venezja nnotat bi tħassib li l-emendi kostituzzjonali ġew adottati matul stat ta' emerġenza, mingħajr ebda konsultazzjoni pubblika u l-memorandum ta' spjegazzjoni huwa magħmul biss minn tliet paġni; billi l-Kummissjoni ta' Venezja indikat ukoll li l-Artikoli 6, 9, u 11 tad-Disa' Emenda li temenda l-Liġi Fundamentali tal-Ungerija dwar id-dikjarazzjonijiet ta' gwerra, il-kontroll tal-forzi tad-difiża Ungeriżi u l-"ordni legali speċjali" li jappartjenu għall-istat ta' gwerra, l-istat ta' emerġenza u l-istat ta' periklu, prinċipalment iħallu l-ispeċifikazzjoni tal-parti l-kbira tad-dettalji għall-atti kardinali, li eventwalment jistgħu jqajmu mistoqsijiet serji rigward l-ambitu tas-setgħat tal-istat matul stati ta' eċċezzjoni; billi, fir-rigward tal-abolizzjoni tal-Kunsill tad-Difiża Nazzjonali u l-għoti tas-setgħat tiegħu lill-Gvern, il-Kummissjoni ta' Venezja indikat li, filwaqt li din fir-realtà ma tmurx kontra l-istandards Ewropej, din twassal għal konċentrazzjoni ta' setgħat ta' emerġenza f'idejn l-eżekuttiv li ma tistax titqies bħala sinjal inkoraġġanti, b'mod partikolari fin-nuqqas ta' kwalunkwe kjarifika fil-memorandum ta' spjegazzjoni għall-proporzjon jew in-neċessità ta' tali modifika;
S. billi fit-12 ta' Frar 2021, il-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa nnota sitwazzjoni ġeneralment negattiva f'termini ta' awtogovernanza lokali u reġjonali fl-Ungerija, minħabba nuqqas ġenerali ta' konformità mal-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali u esprima tħassib dwar tendenza ċara lejn ir-riċentralizzazzjoni, in-nuqqas ta' konsultazzjoni effettiva u l-interferenza sinifikanti mill-istat fil-funzjonijiet muniċipali; billi l-kungress enfasizza wkoll ċerti nuqqasijiet fis-sitwazzjoni ta' awtogovernanza lokali fil-pajjiż, bħan-nuqqas ta' riżorsi finanzjarji disponibbli għall-awtoritajiet lokali u n-nuqqas ta' kapaċità tagħhom li jirreklutaw persunal ta' kwalità għolja;
T. billi l-bidliet li saru fil-liġi elettorali matul is-snin permezz tat-tfassil mill-ġdid tal-kostitwenzi u l-kumpens għar-rebbieħa qed ikunu ta' żvantaġġ għall-partiti tal-oppożizzjoni; billi fl-opinjoni konġunta tagħhom tat-18 ta' Ottubru 2021 dwar l-emendi tal-2020 għal-leġiżlazzjoni elettorali fl-Ungerija, il-Kummissjoni ta' Venezja u l-OSKE Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) saħqu li l-ħeffa fl-adozzjoni u n-nuqqas ta' konsultazzjonijiet pubbliċi sinifikanti kienu partikolarment inkwetanti fil-każ tal-leġiżlazzjoni elettorali, li m'għandhiex titqies bħala strument politiku; billi l-Kummissjoni ta' Venezja u l-OSKE ODIHR għamlu wkoll ir-rakkomandazzjoni ewlenija biex jiġu emendati t-Taqsima 3 u t-Taqsima 68 tal-Att CLXVII tal-2020 dwar l-Emenda ta' Ċerti Atti relatati mal-Elezzjonijiet, billi jitnaqqas b'mod sinifikanti l-għadd ta' kostitwenzi b'membru wieħed u l-għadd ta' pajjiżi li fihom kull partit jeħtieġ li jinnomina kandidati fl-istess waqt sabiex ikun jista' jmexxi lista nazzjonali ta' kandidati, kif ukoll għadd ta' rakkomandazzjonijiet ulterjuri;
U. billi l-elezzjonijiet demokratiċi organizzati b'kondizzjonijiet ekwivalenti huma ta' importanza kbira għan-natura demokratika tas-soċjetajiet tagħna; billi bi tweġiba għat-tħassib dwar l-ekwità tal-elezzjonijiet u l-appelli mis-soċjetà ċivili, l-OSKE ddeċidiet li tibgħat missjoni ta' osservazzjoni elettorali internazzjonali fuq skala sħiħa għall-elezzjonijiet ġenerali u r-referendum li saru fit-3 ta' April 2022, li hija okkorrenza rari għal Stati Membri tal-UE; billi fid-dikjarazzjoni tas-sejbiet u l-konklużjonijiet preliminari ppubblikata fl-4 ta' April 2022, il-missjoni internazzjonali ta' osservazzjoni elettorali tal-OSKE sabet li l-elezzjonijiet u r-referendum kienu amministrati tajjeb u ġestiti b'mod professjonali iżda mxekkla min-nuqqas ta' kondizzjonijiet ekwivalenti; billi l-kontestanti, fil-parti l-kbira, setgħu jagħmlu kampanja libera iżda, filwaqt li l-kampanja kienet kompetittiva kienet ukoll negattiva ħafna fit-ton u kkaratterizzata minn sovrapożizzjoni mifruxa bejn il-koalizzjoni fil-gvern u l-Gvern, filwaqt li n-nuqqas ta' trasparenza u sorveljanza insuffiċjenti tal-finanzi tal-kampanja kienet ta' benefiċċju ulterjuri għall-koalizzjoni fil-gvern; billi l-mod li bih ħafna tilwimiet elettorali ġew ittrattati mill-kummissjonijiet elettorali u l-qrati ma kienx jipprovdi rimedju legali effettiv; billi fir-rapport finali tagħha ppubblikat fid-29 ta' Lulju 2022, il-missjoni internazzjonali ta' osservazzjoni elettorali tal-OSKE indikat li ħafna rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-ODIHR għadhom fil-biċċa l-kbira mhux indirizzati, inkluż dwar id-drittijiet tal-vot, il-prevenzjoni tal-użu ħażin tar-riżorsi amministrattivi u ċ-ċajpir tal-funzjonijiet tal-istat u tal-partit, il-libertà tal-media, il-finanzjament tal-kampanji, u l-osservazzjoni taċ-ċittadini; billi għall-kuntrarju ta' prattika internazzjonali tajba, il-leġiżlazzjoni Ungeriża tippermetti devjazzjonijiet sa 20 % mill-għadd medju ta' votanti għal kull kostitwenza b'mandat uniku, u għall-kuntrarju tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-Parlament Ungeriż ma rrevediex il-limiti tal-kostitwenzi li qabżu l-limitu ta' devjazzjoni stabbilit wara l-elezzjonijiet tal-2018; billi d-distribuzzjoni inugwali tal-votanti fost il-kostitwenzi, b'devjazzjonijiet mill-medja sa 33 %, tikkontesta l-prinċipju tal-ugwaljanza tal-votazzjoni;
V. billi fl-24 ta' Mejju 2022, il-Parlament Ungeriż adotta l-10 Emenda għal-Liġi Fundamentali biex jippermetti lill-Gvern jiddikjara stat ta' periklu f'każ ta' kunflitt armat, gwerra jew diżastru umanitarju f'pajjiż ġar; billi emenda wkoll l-Att dwar il-Ġestjoni tad-Diżastri, li jippermetti lill-Gvern jieħu preċedenza fuq l-atti tal-Parlament permezz ta' digrieti ta' emerġenza fi kwalunkwe żona matul stat ta' periklu ddikjarat minħabba kunflitt armat, gwerra jew diżastru umanitarju f'pajjiż ġar, bil-potenzjal li jissospendi jew jirrestrinġi l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali lil hinn minn dak permess f'ċirkostanzi ordinarji; billi fit-8 ta' Ġunju 2022, il-Parlament Ungeriż adotta l-Att VI tal-2022 dwar l-Eliminazzjoni tal-Konsegwenzi fl-Ungerija ta' Kunflitt Armat u Diżastru Umanitarju f'Pajjiż Ġar, li daħal fis-seħħ fl-istess jum; billi dan l-att jawtorizza lill-Gvern biex jestendi l-effett ta' digrieti tal-Gvern ta' emerġenza sakemm l-istat ta' periklu jkun intemm mill-Gvern;
W. billi l-Liġi Fundamentali ġiet emendata 10 darbiet mill-adozzjoni tagħha; billi l-atti kardinali jkopru 35 suġġett u issa jammontaw għal aktar minn 300 biċċa leġiżlazzjoni li ġew adottati mill-2011, ħafna drabi mingħajr konsultazzjoni pubblika anke jekk id-drittijiet fundamentali ġew affettwati;
X. billi f'dikjarazzjoni konġunta maħruġa fl-2013, il-presidenti tal-Qrati Kostituzzjonali Ungeriżi u Rumeni enfasizzaw ir-responsabbiltà speċjali tal-qrati kostituzzjonali f'pajjiżi rregolati b'maġġoranza ta' żewġ terzi; billi r-Raba' Emenda għal-Liġi Fundamentali stipulat li d-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi Fundamentali kellhom jitħassru; billi l-Qorti Kostituzzjonali qiegħda tiddependi dejjem aktar fuq il-kunċett tal-identità kostituzzjonali fid-deċiżjonijiet tagħha; billi fil-ġurisprudenza, il-kunċett ta' identità kostituzzjonali huwa ddeterminat fuq bażi ta' każ b'każ filwaqt li jieħu preċedenza fuq il-Liġi Fundamentali; billi l-Gvern Ungeriż qed ifittex dejjem aktar rikors għall-Qorti Kostituzzjonali biex jevita li jkollu jinforza s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (QĠUE); billi fit-18 ta' Mejju 2022, il-Qorti Kostituzzjonali mblukkat ir-referenda dwar il-pjanijiet tal-Gvern li jibni kampus f'Budapest għall-Università ta' Fudan u li jestendi l-benefiċċji tal-qgħad għal massimu ta' disa' xhur mill-perjodu attwali ta' tliet xhur;
Y. billi qed jiżdied il-qbil fost l-esperti li l-Ungerija m'għadhiex demokrazija; billi skont l-Indiċi tad-Demokrazija V-Dem tal-2019 tal-Università ta' Gothenburg, l-Ungerija saret l-ewwel Stat Membru awtoritarju tal-UE; billi l-Ungerija ġiet identifikata bħala "reġim ibridu", inkwantu tilfet l-istatus ta' "demokrazija semikonsolidata" fir-rapport Nations in Transit 2020 ta' Freedom House; billi l-Ungerija hija meqjusa "demokrazija difettuża" u kklassifikat fis-56 minn 167 pajjiż (pożizzjoni waħda inqas mill-2020) fl-Indiċi tad-Demokrazija 2022 tal-Economist Intelligence Unit; billi skont l-Indiċi tad-Demokrazija V-Dem tal-2022, mill-Istati Membri tal-UE, l-Ungerija ilha waħda mill-akbar awtokratizzaturi fid-dinja għal dawn l-aħħar għaxar snin;
L-indipendenza tal-ġudikatura u ta' istituzzjonijiet oħra u d-drittijiet tal-imħallfin
Z. billi fit-13 ta' Lulju 2022, fil-kapitolu tal-pajjiż dwar l-Ungerija tar-Rapport tal-2022 dwar l-Istat tad-Dritt, il-Kummissjoni indikat li, fir-rigward tal-indipendenza ġudizzjarja, it-tħassib espress fil-kuntest tal-proċedura tal-Artikolu 7(1) tat-TUE mibdija mill-Parlament Ewropew, kif ukoll f'Rapporti preċedenti dwar l-Istat tad-Dritt, għadu ma ġiex indirizzat, kif kien il-każ għar-rakkomandazzjoni rilevanti li saret fl-ambitu tas-Semestru Ewropew; billi dan it-tħassib huwa relatat b'mod partikolari mal-isfidi ffaċċjati mill-Kunsill Ġudizzjarju Nazzjonali (NJC) indipendenti fil-kontrobilanċ tas-setgħat tal-President tal-Uffiċċju Nazzjonali għall-Ġudikatura (NOJ), ir-regoli dwar l-elezzjoni tal-President tal-Qorti Suprema (Kúria), u l-possibbiltà ta' deċiżjonijiet diskrezzjonali fir-rigward tal-ħatriet u l-promozzjonijiet ġudizzjarji, l-allokazzjoni tal-kawżi u l-bonusijiet lill-imħallfin u lill-eżekuttivi tal-qorti; billi fir-rigward tal-effiċjenza u l-kwalità, is-sistema ġudizzjarja għandha prestazzjoni tajba f'termini tat-tul tal-proċedimenti u għandha livell ġeneralment għoli ta' diġitalizzazzjoni, u billi s-salarji tal-imħallfin u l-prosekuturi qed ikomplu jiżdiedu gradwalment; billi fis-26 ta' Awwissu 2022, diversi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili talbu li l-Ministru tal-Ġustizzja tindirizza l-problemi tal-ġudikatura Ungeriża wara li wettqu konsultazzjonijiet wiesgħa mal-pubbliku ġenerali u mal-esperti, inklużi organi awtogovernattivi u rappreżentattivi tal-ġudikatura u tal-Kummissjoni ta' Venezja;
AA. billi fis-sentenza tagħha tat-23 ta' Novembru 2021 fil-Kawża C-564/19 IS "Illégalité de l'ordonnance de renvoi", il-QĠUE tat is-sentenza li l-Artikolu 267 tat-TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-qorti suprema ta' Stat Membru milli tiddikjara li talba għal deċiżjoni preliminari minn qorti inferjuri hija illegali minħabba li d-domandi preliminari ma jkunux rilevanti u neċessarji għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali; billi l-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-UE jirrikjedi lill-qorti inferjuri tinjora tali deċiżjoni tal-qorti suprema nazzjonali; billi l-Artikolu 267 tat-TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li proċedimenti dixxiplinari jitressqu kontra mħallef nazzjonali għar-raġuni li jkun għamel rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-QĠUE skont dik id-dispożizzjoni;
AB. billi f'dikjarazzjoni maħruġa fl-14 ta' Diċembru 2018, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa talbet lill-President tal-Ungerija biex jirritorna lill-Parlament Ungeriż il-pakkett leġiżlattiv dwar il-qrati amministrattivi; billi fl-opinjoni tagħha tad-19 ta' Marzu 2019 dwar il-Liġi dwar il-Qrati Amministrattivi u l-Liġi dwar id-Dħul fis-Seħħ tal-Liġi dwar il-Qrati Amministrattivi u Ċerti Regoli Tranżizzjonali, il-Kummissjoni ta' Venezja ddikjarat li l-iżvantaġġ ewlieni tal-mudell organizzattiv u amministrattiv adottat għall-qrati amministrattivi huwa li setgħat estensivi ħafna jinsabu kkonċentrati f'idejn ftit partijiet ikkonċernati u ma hemm ebda sistemi ta' kontrokontrolli effettivi biex jikkontrobattu dawn is-setgħat;
AC. billi fir-rapport tagħha tal-21 ta' Mejju 2019, wara ż-żjara fl-Ungerija mill-4 sat-8 ta' Frar 2019, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa nnotat li serje ta' riformi fil-ġudikatura tal-Ungerija matul is-snin tal-2010 kienu qajmu tħassib dwar l-effetti tagħhom fuq l-indipendenza tal-ġudikatura u, li fis-sistema tal-qrati ordinarji, kien tqajjem tħassib dwar l-effettività tas-superviżjoni eżerċitata mill-NJC fuq il-President tal-NOJ wara l-anomaliji reċenti osservati fir-relazzjoni bejn dawk l-istituzzjonijiet ġudizzjarji b'referenza għall-proċeduri ta' ħatra; billi, filwaqt li laqa' l-emendi reċenti li saru fil-leġiżlazzjoni oriġinali dwar il-qrati amministrattivi b'reazzjoni għall-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja, il-Kummissarju ma kinitx persważa li l-emendi kienu biżżejjed biex jindirizzaw it-tħassib serju identifikat mill-Kummissjoni ta' Venezja;
AD. billi fl-2019, il-Parlament Ungeriż iddeċieda li jipposponi d-dħul fis-seħħ tal-pakkett leġiżlattiv dwar il-qrati amministrattivi u l-Gvern iddikjara li kien abbanduna l-idea li jintroduċi qrati amministrattivi separati; billi diversi elementi importanti tal-pakkett ġew introdotti permezz ta' serje ta' emendi leġiżlattivi adottati bejn l-2019 u l-2021;
AE. billi f'dikjarazzjoni maħruġa fit-28 ta' Novembru 2019, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa ħeġġet lill-Parlament Ungeriż jimmodifika liġi li taffettwa l-indipendenza tal-ġudikatura; billi l-Kummissarju qieset li d-dispożizzjonijiet li jiftħu l-possibbiltà biex l-awtoritajiet amministrattivi jintroduċu lmenti kostituzzjonali wara deċiżjonijiet sfavorevoli mill-qrati ordinarji qajmu tħassib dwar li jinżammu garanziji għal proċessi ġusti għall-ilmentatur individwali u, flimkien mal-bidliet proposti dwar il-kwalifiki u l-ħatriet tal-imħallfin u l-uniformità tal-ġurisprudenza, il-miżuri leġiżlattivi jirriskjaw ukoll li jnaqqsu l-indipendenza tal-imħallfin individwali fid-dmirijiet ewlenin tagħhom u li joħolqu ġerarkiji eċċessivi fis-sistema ġudizzjarja;
AF. billi fl-opinjoni tagħha tas-16 ta' Ottubru 2021 dwar l-emendi għall-Att dwar l-Organizzazzjoni u l-Amministrazzjoni tal-Qrati u l-Att dwar l-Istatus Legali u r-Remunerazzjoni tal-Imħallfin adottati mill-Parlament Ungeriż f'Diċembru 2020, il-Kummissjoni ta' Venezja tenniet ir-rakkomandazzjonijiet dwar ir-rwol tal-President tal-NOJ espressi fl-opinjoni tagħha tal-2012 li ma ġewx indirizzati; billi l-Kummissjoni ta' Venezja rrakkomandat ukoll l-istabbiliment ta' kundizzjonijiet ċari, trasparenti u prevedibbli għall-imħallfin issekondati biex jiġu assenjati f'pożizzjoni ogħla wara l-perjodu ta' sekondar; billi l-Kummissjoni ta' Venezja għamlet diversi rakkomandazzjonijiet relatati mal-allokazzjoni tal-kawżi, mas-setgħa tal-President tal-Kúria li jżid il-membri tal-panels aġġudikanti, mad-deċiżjonijiet dwar l-uniformità u mal-kompożizzjoni tal-kmamar fil-proċedura tal-ilmenti dwar l-uniformità; billi l-Kummissjoni ta' Venezja osservat ukoll li r-reġim tal-ħatra tal-President tal-Kúria introdott bl-emendi tal-2019 jista' joħloq riskji serji ta' politiċizzazzjoni u jkollu konsegwenzi importanti għall-indipendenza tal-ġudikatura, jew il-perċezzjoni tagħha mill-pubbliku, meta jitqies ir-rwol kruċjali ta' din il-pożizzjoni fis-sistema ġudizzjarja;
AG. billi fit-tieni rapport interim ta' konformità tiegħu adottat fil-25 ta' Settembru 2020, il-GRECO nnota li ma ġie rrappurtat ebda progress ulterjuri fir-rigward tal-imħallfin u t-tliet rakkomandazzjonijiet mhux implimentati li fadal, u li s-sejbiet tiegħu stess dwar is-setgħat tal-President tal-NOJ (kemm fir-rigward tal-proċess tal-ħatra jew il-promozzjoni ta' kandidati għal pożizzjonijiet ġudizzjarji kif ukoll il-proċess ta' assenjazzjoni mill-ġdid tal-imħallfin) baqgħu ta' sinifikat speċjali; billi fir-rigward tal-prosekuturi, il-GRECO laqa' d-dħul fis-seħħ tal-emendi leġiżlattivi li jagħmlu l-involviment ta' kummissarju dixxiplinari obbligatorju fi proċedimenti dixxiplinari, iżda ma setax jikkorrobora jekk kienx hemm konformità mar-rakkomandazzjoni 17 tiegħu (proċedimenti dixxiplinari fir-rigward tal-prosekuturi); billi ma nkiseb ebda progress fir-rigward tal-estensjoni tal-mandat tal-Prosekutur Ġenerali, tal-immunità vasta li jgawdu l-prosekuturi u tal-iżvilupp ta' kriterji li jiggwidaw it-tneħħija ta' każijiet mingħand prosekuturi subordinati;
AH. billi fil-komunikazzjoni tiegħu mal-Gvern tal-Ungerija fil-15 ta' April 2021, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati wera l-fehma li l-ħatra tal-President tal-Kúria tista' titqies bħala attakk fuq l-indipendenza tal-ġudikatura u tentattiv biex il-ġudikatura tiġi sottomessa għar-rieda tal-fergħa leġiżlattiva, bi ksur tal-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat; billi r-Rapporteur Speċjali enfasizza wkoll il-fatt partikolarment inkwetanti li l-President tal-Kúria ġie elett minkejja l-oġġezzjoni ċara tal-NJC, u indika li d-deċiżjoni li tiġi injorata l-opinjoni negattiva espressa mill-NJC tista' tiġi interpretata bħala dikjarazzjoni politika mill-maġġoranza fil-Gvern; billi skont ir-Rapporteur Speċjali, l-effett ewlieni - jekk mhux l-għan ewlieni - tar-riformi tas-sistema ġudizzjarja kien li jfixkel il-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja, li huwa protett mill-kostituzzjoni, u li jippermetti lill-fergħat leġiżlattivi u eżekuttivi jinterferixxu fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja;
AI. billi fid-deċiżjoni tiegħu tat-2 ta' Diċembru 2021 dwar is-superviżjoni msaħħa pendenti tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) f'Gazsó Group vs L-Ungerija, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fakkar li l-grupp ta' kawżi inkwistjoni kien jikkonċerna l-problema strutturali tat-tul eċċessiv tal-proċedimenti ċivili, kriminali u amministrattivi u n-nuqqas ta' rimedji domestiċi effettivi; billi l-Kumitat tal-Ministri nnota b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-abbozz ta' liġi li jintroduċi rimedju kumpensatorju għal proċedimenti ċivili eċċessivament twal, iżda appella bil-qawwa lill-awtoritajiet biex jiżguraw li dan ikun konformi mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; billi fid-dawl tal-importanza tal-kwistjoni, in-natura teknika tagħha u t-tmiem tal-iskadenza stabbilita mill-QEDB fis-sentenza pilota tagħha għas-16 ta' Ottubru 2016, il-Kumitat tal-Ministri ħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet biex jesploraw kwalunkwe possibbiltà biex iħaffu l-ippjanar tagħhom;
AJ. billi fid-9 ta' Marzu 2022, fir-riżoluzzjoni interim tiegħu dwar is-superviżjoni msaħħa pendenti tal-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-QEDB f'Baka vs L-Ungerija, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa ħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet biex iżidu l-isforzi tagħhom biex isibu modi, f'kooperazzjoni mill-qrib mas-Segretarjat tal-Kumitat tal-Ministri, biex jintroduċu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li deċiżjoni mill-Parlament Ungeriż għad-denunzja tal-President tal-Kúria tkun soġġetta għal sorveljanza effettiva minn korp ġudizzjarju indipendenti skont il-każistika tal-QEDB; billi l-Kumitat tal-Ministri fakkar ukoll, għal darb'oħra, l-impenn tal-awtoritajiet li jevalwaw il-leġiżlazzjoni domestika dwar l-istatus tal-imħallfin u l-amministrazzjoni tal-qrati, u ħeġġiġhom jippreżentaw il-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni tagħhom, inklużi l-garanziji u s-salvagwardji li jipproteġu lill-imħallfin minn interferenzi indebiti, sabiex il-Kumitat tal-Ministri jkun jista' jagħmel valutazzjoni sħiħa dwar jekk it-tħassib rigward l-"effett dissważiv" fuq il-libertà tal-espressjoni tal-imħallfin ikkawżat mill-ksur f'dawn il-każijiet kienx tneħħa;
AK. billi l-Ungerija kklassifikat fid-69 post minn 139 pajjiż fl-Indiċi tal-Istat tad-Dritt tal-2021 tal-World Justice Project (tnaqqis ta' żewġ postijiet meta mqabbel mas-sena preċedenti) u tokkupa l-aħħar post (31 minn 31) fir-reġjun tal-UE, l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles u l-Amerka ta' Fuq;
Il-korruzzjoni u l-kunflitti ta' interess
AL. billi fit-13 ta' Lulju 2022, fil-kapitolu tal-pajjiż dwar l-Ungerija tar-Rapport tal-2022 dwar l-Istat tad-Dritt, il-Kummissjoni indikat li l-implimentazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-miżuri skont l-istrateġija kontra l-korruzzjoni 2020-2022 ġiet posposta u li ma tħabbret l-ebda strateġija ġdida, u li għad hemm nuqqasijiet fir-rigward tal-lobbjar u r-"revolving doors"; kif ukoll tal-finanzjament tal-partiti politiċi u tal-kampanji; billi l-mekkaniżmi ta' kontroll indipendenti għadhom insuffiċjenti biex jidentifikaw il-korruzzjoni u għad hemm tħassib dwar in-nuqqas ta' kontrolli sistematiċi u s-sorveljanza insuffiċjenti tad-dikjarazzjonijiet tal-assi u tal-interessi kif ukoll in-nuqqas ta' regoli dwar il-kunflitt ta' interess għat-trusts ta' interess pubbliku; billi n-nuqqas ta' rekord robust ta' investigazzjonijiet ta' allegazzjonijiet ta' korruzzjoni li jikkonċernaw uffiċjali ta' livell għoli u ċ-ċirku immedjat tagħhom jibqa' ta' tħassib serju, għalkemm infetħu xi każijiet ġodda ta' korruzzjoni ta' livell għoli; billi n-nuqqas ta' rieżami ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet li l-korruzzjoni ma tiġix investigata u mħarrka għadu kawża ta' tħassib, b'mod partikolari f'ambjent fejn ir-riskji ta' klijenteliżmu, favoritiżmu u nepotiżmu fl-amministrazzjoni pubblika ta' livell għoli għadhom ma ġewx indirizzati; ;
AM. billi fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub lill-Kummissarju Hahn għas-seduta ta' smigħ tal-11 ta' Novembru 2019 dwar il-kwittanza tal-2018 lill-Kummissjoni, il-Kummissjoni indikat li, għall-perjodu 2014-2020, ġew aċċettati u implimentati korrezzjonijiet finanzjarji b'rata fissa fl-Ungerija wara awditu orizzontali tal-akkwist pubbliku fejn ġew identifikati nuqqasijiet serji fil-funzjonament tas-sistema ta' ġestjoni u kontroll fir-rigward tal-kontroll tal-proċeduri ta' akkwist pubbliku;
AN. billi fir-rakkomandazzjoni tiegħu tat-12 ta' Lulju 2022 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Ungerija għall-2022 u hi u tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-2022 tal-Ungerija, il-Kunsill irrakkomanda li l-Ungerija għandha tieħu azzjoni biex issaħħaħ il-qafas kontra l-korruzzjoni, inkluż billi ttejjeb l-isforzi tal-prosekuzzjoni u l-aċċess għall-informazzjoni pubblika, u ssaħħaħ l-indipendenza ġudizzjarja, kif ukoll biex ittejjeb il-kwalità u t-trasparenza tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet permezz ta' djalogu soċjali effettiv, involviment ma' partijiet ikkonċernati oħra u valutazzjonijiet tal-impatt regolari, u biex ittejjeb il-kompetizzjoni fl-akkwist pubbliku;
AO. billi fl-10 ta' Ġunju 2021, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi ddikjara fir-Rapport ta' Attività tiegħu tal-2020 li kien irrakkomanda li l-Kummissjoni tirkupra 2,2 % tal-pagamenti li saru permezz tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali għall-perjodu 2016-2020; billi dan huwa l-ogħla perċentwal ta' pagamenti li għandhom jiġu rkuprati fost l-Istati Membri kollha u huwa ferm ogħla mill-medja ta' 0,29 %; billi twettqet frodi kontra l-fondi għall-iżvilupp tal-UE allokati lill-Ungerija; billi flimkien ma' livell għoli ta' korruzzjoni, kien hemm żieda fl-inugwaljanza soċjali u fil-faqar, li mhux biss iwassal għal nuqqas kbir ta' sigurtà fost il-popolazzjoni iżda jikkostitwixxi wkoll ksur tad-drittijiet fundamentali;
AP. billi f'Novembru 2021 il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-Ungerija fejn issottolinjat il-problemi relatati mal-indipendenza tal-ġudikatura, il-prosekuzzjoni ineffettiva tal-korruzzjoni u n-nuqqasijiet fl-akkwist pubbliku li jistgħu jkunu ta' riskju għall-interessi finanzjarji tal-UE; billi fl-ittra tagħha, il-Kummissjoni ddeskriviet problemi sistemiċi u nuqqas ta' obbligu ta' rendikont għall-korruzzjoni billi ressqet 16-il mistoqsija speċifika lill-awtoritajiet Ungeriżi dwar kwistjonijiet bħall-kunflitti ta' interess, il-benefiċjarji tal-finanzjament tal-UE, u garanziji ta' rieżami ġudizzjarju minn qrati indipendenti; billi minkejja dan it-tħassib, il-Kummissjoni dewmet l-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt(10) sa April 2022;
AQ. billi fil-5 ta' April 2022, il-President tal-Kummissjoni ħabbret li l-Kummissarju għall-Baġit u l-Amministrazzjoni Johannes Hahn kien informa lill-awtoritajiet Ungeriżi dwar il-pjanijiet tal-Kummissjoni li tkompli għall-pass li jmiss u tiskatta formalment ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt, prinċipalment fuq tħassib dwar il-korruzzjoni; billi l-Kummissjoni finalment bdiet il-proċedura formali kontra l-Ungerija skont ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt billi ħarġet notifika bil-miktub fis-27 ta' April 2022; billi fl-20 ta' Lulju 2022, il-Kummissjoni ddeċidiet li tinforma lill-Ungerija bl-intenzjoni tagħha li tagħmel proposta għal deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill u tagħtiha l-opportunità li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha;
AR. billi fis-6 ta' April 2022, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat avviż formali addizzjonali lill-Ungerija biex tiżgura t-traspożizzjoni korretta tad-Direttiva 2014/24/UE dwar l-akkwist pubbliku(11), id-Direttiva 2014/23/UE dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni(12) u d-Direttiva 2014/25/UE dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali(13); billi, skont il-Kummissjoni, il-liġi Ungeriża tippermetti applikazzjoni aktar estensiva ta' eċċezzjonijiet fir-rigward ta' raġunijiet ta' sigurtà u għal kuntratti ssussidjati permezz ta' benefiċċji fiskali, u dawn l-eċċezzjonijiet iwasslu għal esklużjoni usa' tal-kuntratti mill-obbligi skont id-dritt tal-UE; billi, barra minn hekk, il-Kummissjoni temmen li l-bidliet fil-liġi Ungeriża dwar il-minjieri, li jipprevedu l-possibbiltà li jingħataw konċessjonijiet ta' estrazzjoni mingħajr proċeduri trasparenti ta' sejħiet għall-offerti, imorru kontra l-prinċipju tat-trasparenza;
AS. billi fid-19 ta' Mejju 2022, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija rigward it-traspożizzjoni inkorretta tad-Direttiva (UE) 2017/1371 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali(14);
AT. billi fit-tieni rapport interim tiegħu dwar il-konformità adottat fil-25 ta' Settembru 2020, il-GRECO nnota li l-Ungerija kienet għadha implimentat jew ittrattat b'mod sodisfaċenti ħamsa biss mit-18-il rakkomandazzjoni fir-Raba' Rapport ta' Evalwazzjoni tar-Raba' Ċiklu u kkonkluda li l-livell ġeneralment baxx ta' konformità mar-rakkomandazzjonijiet baqa' "globalment mhux sodisfaċenti";
AU. billi l-Ungerija ddeċidiet li ma tipparteċipax f'kooperazzjoni msaħħa għall-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jew li tieħu sehem f'kooperazzjoni msaħħa fost il-prosekuturi tal-UE;
AV. billi fir-rieżami tekniku tiegħu tar-rapport dwar l-istat ta' konservazzjoni għall-komponent Ungeriż tal-proprjetà transkonfinali tal-Wirt Dinji "Fertö/Neusiedlersee Cultural Landscape" kkompilat f'Mejju 2021, il-Kunsill Internazzjonali tal-UNESCO dwar il-Monumenti u s-Siti kkonkluda li l-proġett Sopron Fertö Lake Resort, fid-daqs u l-forma ppreżentati tiegħu, ikun ta' ħsara għall-awtentiċità u l-integrità tal-proprjetà tal-Patrimonju Dinji transkonfinali;
AW. billi l-Ungerija kklassifikat fit-73 post mill-180 pajjiż u territorju koperti mill-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni tal-2021 ta' Transparency International (tnaqqis ta' post wieħed meta mqabbel mas-sena preċedenti) u l-klassifikazzjoni tagħha ilha nieżla b'mod kostanti mill-2012 'l hawn;
Privatezza u protezzjoni tad-data
AX. billi fir-rapport tal-missjoni wara d-delegazzjoni ad hoc tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern f'Budapest mid-29 ta' Settembru sal-1 ta' Ottubru 2021, tqajjem tħassib dwar in-nuqqas ta' salvagwardji fir-rigward tas-sorveljanza fil-leġiżlazzjoni attwali, mingħajr kontrolli u bilanċi u rimedji reali; billi tqajjem tħassib ukoll dwar l-allegat użu tas-software ta' spjunaġġ Pegasus tal-NSO Group u żieda fis-sorveljanza min-naħa tal-istat fil-konfront ta' attivisti, ġurnalisti, avukati u politiċi;
AY. billi f'Lulju 2021, b'informazzjoni miksuba permezz ta' bażi tad-data żvelata, il-portal investigattiv Direkt36 żvela li madwar 300 ċittadin Ungeriż, inklużi ġurnalisti indipendenti, sidien tal-media, avukati, politiċi, negozjanti li jikkritikaw il-Gvern u eks uffiċjali tal-istat, kienu fil-mira tas-software ta' spjunaġġ Pegasus mingħajr l-għarfien tagħhom bejn l-2018 u l-2021; billi fir-rimarki preliminari tiegħu dwar is-software ta' spjunaġġ modern ippubblikati fil-15 ta' Frar 2022, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data kkonkluda li l-użu mifrux ta' software ta' spjunaġġ avvanzat ħafna bħal Pegasus għandu l-potenzjal li jikkawża riskji u danni bla preċedent mhux biss għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali iżda anke għad-demokrazija u l-istat tad-dritt, elenka serje ta' passi u miżuri bħala garanzija kontra l-użu illegali ta' software ta' spjunaġġ, u ddikjara li projbizzjoni fuq l-iżvilupp u l-użu ta' software ta' spjunaġġ bil-kapaċità ta' Pegasus fl-UE tkun l-aktar għażla effettiva biex jitħarsu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali; billi l-media favur il-Gvern fl-Ungerija bilkemm qatt irrappurtat dwar Pegasus;
AZ. billi fid-deċiżjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2022 dwar is-superviżjoni msaħħa pendenti tal-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-QEDB f'Szabó u Vissy vs L-Ungerija, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fakkar li l-każ inkwistjoni kien jikkonċerna l-ksur tad-dritt tal-applikanti għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħhom u għall-korrispondenza tagħhom minħabba l-leġiżlazzjoni Ungeriża dwar miżuri ta' sorveljanza sigrieta relatati mas-sigurtà nazzjonali, li ma kellhomx salvagwardji preċiżi, effettivi u komprensivi biżżejjed dwar l-ordni, l-eżekuzzjoni u r-rimedju potenzjali ta' dawk il-miżuri; billi l-Kumitat tal-Ministri enfasizza wkoll li s-sorveljanza sigrieta għandha titqies bħala att intrużiv ħafna li potenzjalment jinterferixxi mad-drittijiet għal-libertà tal-espressjoni u l-privatezza u jhedded il-pedamenti ta' soċjetà demokratika, filwaqt li jfakkar li bi tweġiba għas-sentenza tal-QEDB, l-awtoritajiet ħabbru fl-2017 il-ħtieġa għal riforma leġiżlattiva; billi l-Kumitat tal-Ministri nnota bi tħassib serju li l-proċess leġiżlattiv kien għadu fi stadju preliminari u li l-awtoritajiet ma kienu ppreżentaw l-ebda żvilupp rilevanti ieħor, u għalhekk talab bil-qawwa lill-awtoritajiet biex jadottaw b'mod urġenti l-miżuri meħtieġa biex il-leġiżlazzjoni domestika ssir kompletament konformi mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, jistabbilixxu skeda ta' żmien għall-proċess leġiżlattiv u jippreżentaw abbozz ta' proposta leġiżlattiva lill-Kumitat;
BA. billi fit-13 ta' Lulju 2022, fil-kapitolu tal-pajjiż dwar l-Ungerija tar-Rapport tal-2022 dwar l-Istat tad-Dritt, il-Kummissjoni indikat li l-indipendenza funzjonali u l-effettività tal-Awtorità tal-Media jeħtieġ li jissaħħu, u li d-direzzjoni kontinwa ta' ammonti sinifikanti ta' reklamar mill-Istat lill-media favur il-Gvern toħloq kundizzjonijiet mhux ekwi fix-xenarju tal-media; billi l-media tas-servizz pubbliku topera f'sistema istituzzjonali kumplessa, fost tħassib dwar l-indipendenza editorjali u finanzjarja tagħha, u l-professjonisti tal-media jkomplu jiffaċċjaw sfidi fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom, inkluża s-sorveljanza tal-ġurnalisti investigattivi; billi l-aċċess għall-informazzjoni pubblika għadu qed jiġi ostakolat taħt stat ta' periklu;
BB. billi fil-15 ta' Lulju 2022, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill-Ungerija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talli kisret ir-regoli tat-telekomunikazzjoni tal-UE bid-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Media Ungeriż għal raġunijiet dubjużi ħafna li jirrifjuta l-applikazzjoni ta' Klubrádió għall-użu tal-ispettru tar-radju; billi l-Kummissjoni kkonkludiet li r-rifjut tal-Kunsill tal-Media Ungeriż li jġedded id-drittijiet ta' Klubrádió kienu sproporzjonati u mhux trasparenti, u li, f'dan il-każ partikolari, il-liġi nazzjonali Ungeriża dwar il-media kienet ġiet applikata b'mod diskriminatorju, bi ksur tad-Direttiva (UE) 2018/1972 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi(15) u tal-libertà tal-espressjoni;
BC. billi l-Fondazzjoni tal-Istampa u l-Media tal-Ewropa Ċentrali (KESMA) twaqqfet fil-11 ta' Settembru 2018; billi l-konsolidazzjoni ta' aktar minn 470 organizzazzjoni tal-media taħt il-kappa tal-KESMA kellha impatti f'termini ta' tnaqqis fl-ispazju disponibbli għall-media indipendenti u tal-oppożizzjoni u fil-limitu tal-aċċess ta' ċittadini Ungeriżi għall-informazzjoni; billi l-fondi li ntefqu għall-media pubblika u l-KESMA ntużaw biex isegwu l-propaganda tal-Gvern u biex jiġu skreditati l-Oppożizzjoni u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs); billi l-ambjent tal-media jista' jkun imxekkel favur il-Gvern permezz tal-manipulazzjoni tas-sjieda tal-media, il-ħakma tal-istat ta' regolaturi u ta' stabbilimenti li qabel kienu indipendenti, id-dħul mir-reklamar tal-Gvern u l-għoti ta' liċenzji - metodi replikati f'partijiet oħra fl-Ewropa;
BD. billi fis-sentenza tagħha tat-8 ta' Ottubru 2019 fil-kawża Szurovecz vs L-Ungerija, il-QEDB ikkonkludiet li kien sar ksur tal-libertà tal-espressjoni bin-nuqqas ta' aċċess tal-media għall-faċilitajiet ta' akkoljenza tal-applikanti għall-ażil; billi s-superviżjoni tal-eżekuzzjoni ta' dik is-sentenza għadha pendenti;
BE. billi fis-sentenzi tagħha tat-3 ta' Diċembru 2019 fil-kawża Scheiring u Szabó vs L-Ungerija, u fit-2 ta' Diċembru 2021 fil-kawża Szél vs L-Ungerija, il-QEDB ikkonkludiet li kien sar ksur tal-libertà tal-espressjoni fir-rigward tal-wiri ta' strixxuni fil-Parlament Ungeriż; billi s-superviżjoni tal-eżekuzzjoni ta' dawk is-sentenzi għadha pendenti;
BF. billi fis-sentenza tagħha tal-20 ta' Jannar 2020 fil-kawża Magyar Kétfarkú Kutya Párt vs L-Ungerija, il-QEDB ikkonkludiet li kien sar ksur tal-libertà tal-espressjoni bil-ħruġ ta' penali ta' applikazzjoni mobbli ta' partit politiku li permezz tagħha l-votanti setgħu jieħdu ritratt, itellgħu u jikkummentaw anonimament dwar il-voti invalidi mitfugħa f'referendum dwar l-immigrazzjoni fl-2016; billi s-superviżjoni tal-eżekuzzjoni ta' dik is-sentenza għadha pendenti;
BG. billi f'dikjarazzjoni maħruġa fit-23 ta' Marzu 2020, ir-Rappreżentant tal-OSKE għal-Libertà tal-Media esprima t-tħassib tiegħu dwar id-dispożizzjonijiet fl-abbozz ta' liġi Ungeriż b'rispons għall-coronavirus, li seta' jkollhom impatt negattiv fuq il-ħidma tar-rappurtaġġ tal-media dwar il-pandemija;
BH. billi fis-sentenza tagħha tas-26 ta' Mejju 2020 fil-kawża Mándli et al vs L-Ungerija, il-QEDB ikkonkludiet li kien sar ksur tal-libertà tal-espressjoni bis-sospensjoni tal-akkreditament tal-applikanti bħala ġurnalisti fil-Parlament Ungeriż; billi s-superviżjoni tal-eżekuzzjoni ta' dik is-sentenza għadha pendenti;
BI. billi, fl-24 ta' Lulju 2020, it-tkeċċija tal-kap editur tal-portal tal-aħbarijiet indipendenti ewlieni tal-Ungerija Index.hu wassal għar-riżenja kollettiva ta' aktar minn 70 ġurnalist li pprotestaw kontra l-indħil ċar u l-pressjoni governattiva fuq l-organizzazzjoni tal-media tagħhom;
BJ. billi skont l-ewwel Snapshot ta' Mapping Media Freedom iffinanzjat mill-Kummissjoni u maħruġ f'Lulju 2020, il-kriżi tal-COVID-19 x'aktarx kellha l-akbar effett fuq il-libertà tal-media fl-Ungerija meta mqabbla mal-pajjiżi Ewropej l-oħra kollha, peress li l-isfidi eżistenti ġew aggravati u tfaċċaw kwistjonijiet ġodda; billi l-leġiżlazzjoni l-ġdida adottata matul l-istat ta' emerġenza fl-Ungerija biex tiġġieled it-tixrid ta' informazzjoni "falza" jew "distorta" kkawżat inċertezza u awtoċensura fost il-mezzi tax-xandir u l-operaturi tal-media;
BK. billi fil-memorandum tagħha dwar il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-media fl-Ungerija ppubblikat fit-30 ta' Marzu 2021, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa indikat li l-effetti kkombinati ta' awtorità regolatorja tal-media li mhijiex ħielsa minn kontroll politiku u minn intervent sostnut u preġudikat mill-istat fis-suq tal-media dgħajfu l-kundizzjonijiet għall-pluraliżmu tal-media u l-libertà tal-espressjoni fl-Ungerija; billi l-Kummissarju kkonkludiet ukoll li d-dibattitu politiku ħieles u l-iskambju liberu ta' diversi opinjonijiet, li huma l-prerekwiżiti biex is-soċjetajiet demokratiċi jirnexxu, ġew ristretti ħafna, b'mod partikolari barra mill-belt kapitali;
BL. billi f'dikjarazzjoni wara ż-żjara tagħha fl-Ungerija mill-15 sat-22 ta' Novembru 2021, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni indikat li l-interventi tal-Ungerija fis-settur tal-media matul dawn l-aħħar għaxar snin jistgħu joħolqu riskji għad-drittijiet tal-bniedem fl-elezzjonijiet li ġejjin; billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU kompliet tispeċifika li bl-eżerċitar ta' influwenza fuq il-korpi regolatorji tal-media, l-għoti ta' fondi statali sostanzjali b'appoġġ għall-media li tiffavorixxi l-Gvern, l-iffaċilitar tal-espansjoni u l-iżvilupp tal-media li ssegwi linja editorjali favur il-Gvern, u l-ostraċizzazzjoni tal-organi tal-istampa u l-ġurnalisti li jirrapportaw b'mod kritiku dwar il-Gvern, l-awtoritajiet biddlu s-sura tas-settur tal-media b'mod proattiv u fl-isforzi tagħhom biex joħolqu "bilanċ" dgħajfu d-diversità, il-pluraliżmu u l-indipendenza tal-media;
BM. billi fl-4 ta' April 2022, fid-dikjarazzjoni tagħha tas-sejbiet u l-konklużjonijiet preliminari wara l-elezzjonijiet parlamentari u r-referendum, il-missjoni internazzjonali ta' osservazzjoni elettorali tal-OSKE qalet li l-preġudizzju u n-nuqqas ta' bilanċ fl-aħbarijiet segwiti flimkien mal-assenza ta' dibattiti bejn il-kontestanti prinċipali llimitaw l-opportunità tal-votanti li jagħmlu għażla infurmata; billi fid-29 ta' Lulju 2022, fir-rapport finali tagħha, il-missjoni internazzjonali ta' osservazzjoni elettorali tal-OSKE enfasizzat li kampanji estensivi ta' reklamar tal-Gvern u kopertura tal-aħbarijiet preġudikata fil-media pubblika u privata pprovdew pjattaforma ta' kampanja mifruxa għall-partit fil-gvern;
BN. billi fit-8 ta' April 2022, l-Uffiċċju Elettorali Nazzjonali Ungeriż iddikjara illegali l-kampanja nazzjonali tal-NGOs fir-referendum dwar l-aċċess tat-tfal għal informazzjoni dwar l-orjentazzjoni sesswali u kwistjonijiet ta' identità tal-ġeneru - li fiha ħeġġew liċ-ċittadini jitfgħu voti invalidi - kienet illegali, u impona multi fuq 16-il NGO Ungeriża differenti li kienu pparteċipaw fil-kampanja referendarja;
BO. billi l-Ungerija kklassifikat fil-85 post mill-180 pajjiż u territorju koperti mill-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2022 ta' Reporters Mingħajr Fruntieri u, fl-analiżi għar-reġjun tal-Ewropa u l-Asja Ċentrali, hija elenkata fost il-pajjiżi li intensifikaw liġijiet diġà ħorox kontra l-ġurnalisti;
Il-libertà akkademika
BP. billi fis-sentenza tagħha tas-6 ta' Ottubru 2020 fil-Kawża C-66/18, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija ("Enseignement supérieur"), il-QĠUE ddeċidiet li bl-adozzjoni tal-miżuri previsti fl-Artikolu 76(1)(a) u (b) tal-Liġi Nru CCIV tal-2011 dwar l-edukazzjoni għolja nazzjonali, kif emendata, l-Ungerija naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 13, 14 (3) u 16 tal-Karta, l-Artikolu 49 tat-TFUE u l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern(16), kif ukoll il-ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ; billi l-Università tal-Ewropa Ċentrali kellha titlaq minn Budapest;
BQ. billi f'Ottubru 2018 il-Gvern Ungeriż iddeċieda li jwaqqa' l-istudji dwar il-ġeneru minn lista ta' programmi ta' lawrja ta' Masters eliġibbli għall-akkreditazzjoni u l-finanzjament pubbliku;
BR. billi fit-2 ta' Lulju 2019 il-Parlament Ungeriż adotta emendi għal għadd ta' liġijiet dwar is-sistema istituzzjonali u l-finanzjament tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, u b'hekk neħħa l-awtonomija tal-Akkademja tax-Xjenzi; billi fil-31 ta' Awwissu 2020 il-maniġment prestiġjuż tal-Università tat-Teatru u l-Arti tal-Films (SZFE) irriżenja bi protesta dwar l-impożizzjoni ta' bord maħtur mill-Gvern; billi l-Ministeru tat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni ħatar ħames membri fil-bord tal-amministrazzjoni l-ġdid, u rrifjuta l-membri proposti mis-senat tal-università; billi żewġ terzi mit-33 fondazzjoni għall-amministrazzjoni ta' assi ta' interess pubbliku li jwettqu dmirijiet pubbliċi li nħolqu sa tmiem l-2021 se jkunu qed jamministraw istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li qabel kienu mmexxija mill-Istat;
BS. billi fl-opinjoni tagħha tat-2 ta' Lulju 2021 dwar l-emendi kostituzzjonali adottati mill-Parlament Ungeriż f'Diċembru 2020, il-Kummissjoni ta' Venezja enfasizzat il-ħtieġa li jiġi kkunsidrat mill-ġdid l-Artikolu 7 tad-Disa' Emenda relatata mal-Artikolu 38 tal-Kostituzzjoni u l-introduzzjoni ta' fondazzjoni għall-amministrazzjoni ta' assi ta' interess pubbliku li jwettqu dmirijiet pubbliċi fil-Liġi Fundamentali; billi l-Kummissjoni ta' Venezja ssuġġeriet li dawn il-fondazzjonijiet għandhom jiġu rregolati mil-liġi statutorja minflok, bid-dmirijiet rilevanti kollha ta' trasparenza u responsabbiltà għall-ġestjoni tal-fondi tagħhom (pubbliċi u privati) stabbiliti b'mod ċar, kif ukoll salvagwardji xierqa ta' indipendenza għall-kompożizzjoni u l-funzjonament tal-bord tal-amministrazzjoni; billi l-Kummissjoni ta' Venezja semmiet ukoll li dawn il-liġijiet għandhom iqisu r-rwol sinifikanti tal-universitajiet bħala postijiet ta' ħsieb liberu u argumentazzjoni, filwaqt li jipprevedu l-miżuri kollha dovuti biex jiggarantixxu l-ħarsien xieraq tal-indipendenza akkademika u l-awtonomija istituzzjonali;
BT. billi fid-dikjarazzjoni tagħha wara ż-żjara fl-Ungerija mill-15 sat-22 ta' Novembru 2021, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta' opinjoni u espressjoni ħeġġet lill-awtoritajiet Ungeriżi jipproteġu l-libertà akkademika b'mod effettiv u jirrispettaw id-drittijiet tal-professuri u l-istudenti, fid-dawl tar-riskji marbuta mal-privatizzazzjoni tal-universitajiet pubbliċi għall-awtonomija tal-akkademiċi;
Il-libertà ta' reliġjon
BU. billi fil-21 ta' Diċembru 2018 għaddiet emenda komprensiva għall-Att dwar il-Knisja tal-2011; billi, skont il-Gvern Ungeriż, din l-emenda kienet tiftaħ toroq legali għall-komunitajiet reliġjużi biex japplikaw, quddiem il-Qorti Metropolitana ta' Budapest, għall-istatus ta' assoċjazzjoni reliġjuża, knisja rreġistrata jew knisja inkorporata; billi s-superviżjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-QEDB fil-kawża Magyar Keresztény Mennonita Egyház et al vs L-Ungerija, li sabet ksur tad-dritt għal-libertà ta' assoċjazzjoni moqri fid-dawl tad-dritt għal-libertà tar-reliġjon minħabba t-tneħħija mir-reġistru tal-knejjes, għadha pendenti;
BV. billi fl-opinjoni tagħha tat-2 ta' Lulju 2021 dwar l-emendi kostituzzjonali adottati mill-Parlament Ungeriż f'Diċembru 2020, il-Kummissjoni ta' Venezja rrakkomandat li s-sistema tal-iskejjel pubbliċi trid tipprovdi kurrikulu oġġettiv u pluralista li jevita l-indottrinazzjoni u d-diskriminazzjoni fuq kull bażi, filwaqt li jirrispetta l-konvinzjonijiet tal-ġenituri u l-libertà tagħhom li jagħżlu bejn lezzjonijiet reliġjużi u sekulari;
BW. billi fit-13 ta' Lulju 2022, fil-kapitolu tal-pajjiż dwar l-Ungerija tar-Rapport tal-2022 dwar l-Istat tad-Dritt, il-Kummissjoni indikat li l-pressjoni fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mhix tonqos; billi fis-27 ta' Lulju 2022, diversi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili indikaw li l-abbozz ta' liġi ppreżentat mill-Gvern li jemenda r-regoli dwar il-konsultazzjoni pubblika "fl-interess li jintlaħaq ftehim mal-Kummissjoni Ewropea" joffri biss soluzzjonijiet foloz; billi l-Kummissjoni indikat ukoll li t-tisħiħ tal-parteċipazzjoni pubblika fit-tfassil tal-liġijiet huwa għan importanti, iżda jkun jirrikjedi, l-ewwel u qabel kollox, rieda governattiva reali, implimentazzjoni sinifikanti tal-liġijiet eżistenti u garanziji ħafna aktar effettivi minn dawk inklużi fl-abbozz ta' liġi;
Il-libertà ta' assoċjazzjoni
BX. billi fis-sentenza tagħha tat-18 ta' Ġunju 2020 fil-Kawża C-78/18, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (trasparenza tal-assoċjazzjonijiet), il-QĠUE kkonkludiet li bl-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet(17) tal-Liġi Nru LXXVI tal-2017 dwar it-Trasparenza tal-Organizzazzjonijiet li jirċievu Appoġġ minn Barra, l-Ungerija kienet introduċiet restrizzjonijiet diskriminatorji u mhux ġustifikati fuq donazzjonijiet barranin lil organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bi ksur tal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 63 tat-TFUE u l-Artikoli 7, 8 u 12 tal-Karta; billi l-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-awtoritajiet Ungeriżi fit-18 ta' Frar 2021 inkwantu li ma kinux ħadu l-miżuri meħtieġa biex jirrispettaw is-sentenza; billi fl-20 ta' Lulju 2021, fil-kapitolu tal-pajjiż dwar l-Ungerija tar-Rapport tal-2021 dwar l-Istat tad-Dritt, il-Kummissjoni indikat li l-Parlament Ungeriż kien ħassar il-liġi u introduċa regoli ġodda dwar il-kontrolli tal-legalità għas-soċjetà ċivili, u li kien għad hemm pressjoni fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li huma kritiċi fil-konfront tal-Gvern; billi t-tkissir sistematiku tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali ċekken l-ispazju għall-partiti tal-Oppożizzjoni u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, it-trade unions u gruppi ta' interess, u ma ħalla l-ebda spazju għal djalogu soċjali u konsultazzjoni;
BY. billi l-adozzjoni tal-liġi l-ġdida ma kinitx preċeduta minn konsultazzjoni pubblika ta' kwalunkwe tip u l-NGOs lanqas ma ġew ikkonsultati direttament, b'kontradizzjoni mar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja mill-opinjoni tagħha tal-20 ta' Ġunju 2017 li l-konsultazzjoni pubblika għandha tinvolvi, sa fejn ikun possibbli, l-organizzazzjonijiet kollha tas-soċjetà ċivili li l-istatus, il-finanzjament jew l-isferi ta' operazzjoni tagħhom jiġu affettwati bħala riżultat tad-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni; billi skont il-liġi l-ġdida, dawn l-organizzazzjonijiet issa jistgħu jiġu soġġetti għal spezzjonijiet finanzjarji regolari mill-Uffiċċju tal-Awditjar tal-Istat; billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma mħassba li l-Uffiċċju tal-Awditjar tal-Istat, li l-funzjoni ewlenija tiegħu hi li jissorvelja l-użu tal-fondi pubbliċi, u mhux id-donazzjonijiet privati, se jintuża biex issir aktar pressjoni fuqhom; billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili wissew li bil-liġi l-ġdida dwar l-NGOs, l-istat se jindaħal fl-awtonomija tal-assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet stabbiliti abbażi tad-dritt ta' assoċjazzjoni u fil-privatezza taċ-ċittadini li jiddefendu l-interess pubbliku, u li l-liġi hija ta' detriment għall-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni u għad-demokrazija kollha kemm hi; billi l-Uffiċċju tal-Awditjar tal-Istat beda kontrolli fuq għexieren ta' NGOs fis-17 ta' Mejju 2022, fejn talab il-politiki kontabilistiċi u ta' ġestjoni tal-flus tagħhom;
BZ. billi fit-23 ta' Lulju 2021, tħabbar li ma ntlaħaq l-ebda ftehim mill-istati donaturi taż-Żona Ekonomika Ewropea u tal-Għotjiet tan-Norveġja - l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja - dwar il-ħatra ta' operatur ta' fond għall-ġestjoni tal-finanzjament għas-soċjetà ċivili fl-Ungerija; billi b'riżultat ta' dan, l-ebda programm mhu se jiġi implimentat matul il-perjodu ta' finanzjament attwali, li jannulla l-finanzjament ta' EUR 214.6 miljun li kien twarrab għall-Ungerija;
CA. billi fl-opinjoni konġunta tagħhom tas-17 ta' Diċembru 2018 dwar it-Taqsima 253 tal-Att XLI tal-20 ta' Lulju 2018 li jemenda ċerti liġijiet tat-taxxa u liġijiet relatati oħra, u dwar it-taxxa speċjali tal-immigrazzjoni, il-Kummissjoni ta' Venezja u l-OSKE/ODIHR qalu li t-taxxa ta' 25 % fuq l-għajnuna finanzjarja għal attività ta' appoġġ għall-immigrazzjoni mwettqa fl-Ungerija jew fuq l-għajnuna finanzjarja għall-operazzjonijiet ta' organizzazzjoni b'sede fl-Ungerija li twettaq attività ta' appoġġ għall-immigrazzjoni, ma tissodisfax ir-rekwiżit tal-legalità u tikkostitwixxi ndħil mhux ġustifikat fid-drittijiet għal-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni tal-NGOs affettwati;
CB. billi fir-rapport tagħha tal-21 ta' Mejju 2019 wara żjara fl-Ungerija mill-4 sat-8 ta' Frar 2019, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa enfasizzat li ċerti miżuri leġiżlattivi stigmatizzaw u kkriminalizzaw attivitajiet tas-soċjetà ċivili li għandhom jitqiesu bħala leġittimi għalkollox f'soċjetà demokratika, u jeżerċitaw effett dissważiv kontinwu fuq l-NGOs, filwaqt li nnotat li xi wħud mid-dispożizzjonijiet legali huma eċċezzjonalment vagi, arbitrarji u mhux implimentati fil-prattika;
CC. billi fir-rapport tiegħu tal-11 ta' Mejju 2020 wara żjara fl-Ungerija mill-10 sas-17 ta' Lulju 2019, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti osserva li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fuq id-drittijiet tal-migranti fl-Ungerija esperjenzaw diversi ostakli fit-twettiq tal-ħidma leġittima u importanti tagħhom bħala konsegwenza tal-emendi leġiżlattivi, ir-restrizzjonijiet finanzjarji u miżuri operattivi u prattiċi oħra meħuda mill-awtoritajiet rilevanti; billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU nnotat ukoll li għadd ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kienu soġġetti għal kampanji ta' malafama, li f'xi każijiet ġew segwiti minn investigazzjonijiet amministrattivi jew kriminali;
Id-dritt għal trattament ugwali, inklużi d-drittijiet LGBTIQ
CD. billi fit-13 ta' Lulju 2022, fil-kapitolu dwar l-Ungerija tar-Rapport tal-2022 dwar l-Istat tad-Dritt, il-Kummissjoni indikat li l-Kummissarju Ungeriż għad-Drittijiet Fundamentali kien kiseb aktar kompetenzi, iżda l-akkreditament tiegħu tnaqqas wara tħassib dwar l-indipendenza tiegħu; billi bejn l-14 u l-25 ta' Marzu 2022, fir-rapport u r-rakkomandazzjonijiet tas-sessjoni virtwali tas-Sottokumitat għall-Akkreditament tagħha, l-Alleanza Globali tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem irrakkomandat li l-Kummissarju għad-Drittijiet Fundamentali jitbaxxa għal status B, peress li s-Sottokumitat ma kienx irċieva l-evidenza bil-miktub meħtieġa biex jiġi stabbilit li l-Kummissarju kien qed iwettaq il-mandat tiegħu b'mod effettiv fir-rigward ta' gruppi vulnerabbli bħall-minoranzi etniċi, il-persuni LGBTIQ, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ir-rifuġjati u l-migranti, jew b'rabta ma' kwistjonijiet importanti tad-drittijiet tal-bniedem bħall-pluraliżmu tal-media, l-ispazju ċiviku u l-indipendenza ġudizzjarja; billi s-Sottokumitat kien tal-fehma li l-Kummissarju kien qed jaġixxi b'mod li jikkomprometti serjament il-konformità mal-Prinċipji ta' Pariġi dwar il-kriterji tal-istandards għall-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; billi s-Sottokumitat innota wkoll problemi fil-proċess tal-għażla u l-ħatra u fir-relazzjonijiet tax-xogħol u l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;
CE. billi fil-15 ta' Ġunju 2021, il-Parlament Ungeriż adotta liġi oriġinarjament maħsuba biex tiġġieled il-pedofilija, li, wara emendi proposti minn membri parlamentari tal-partit Fidesz fil-gvern, fiha klawżoli li jipprojbixxu kwalunkwe referenza għall-omosesswalità u r-riassenjament tal-ġeneru fil-preżenza ta' minorenni; billi l-liġi tipprojbixxi kwalunkwe referenza għall-omosesswalità u r-riassenjament tal-ġeneru waqt il-lezzjonijiet tal-edukazzjoni sesswali, u tistipula li tali lezzjonijiet issa jistgħu jsiru biss minn organizzazzjonijiet reġistrati; billi l-bidliet fil-Liġi dwar ir-Reklamar tan-Negozju u l-Liġi dwar il-Media jirrikjedu li reklami u kontenut fejn jidhru persuni LGBTI jridu jiġu kklassifikati bħala Kategorija V (jiġifieri mhux rakkomandati għall-minorenni); billi l-assoċjazzjoni tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru ma' atti kriminali bħall-pedofilija hija inaċċettabbli u twassal għal aktar diskriminazzjoni u stigmatizzazzjoni fil-konfront tal-minoranzi sesswali; billi, b'konsegwenza tar-regoli nazzjonali li jipprojbixxu jew jillimitaw l-aċċess għal kontenut li juri l-hekk imsejħa "diverġenza mill-identità personali li tikkorrispondi għas-sess mat-twelid, bidla fis-sess jew omosesswalità" għal individwi taħt it-18-il sena, il-Gvern Ungeriż ħareġ digriet li fih ordna lill-bejjiegħa tal-kotba għat-tfal igeżwru kotba u media li juru l-omosesswalità f'"pakkett magħluq" u jipprojbixxu l-bejgħ ta' kotba jew media li juru relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess jew bidliet fil-ġeneru f'distanza ta' 200 metru minn kwalunkwe skola jew knisja; billi dan kien japplika għall-ktieb tal-istejjer għat-tfal A Fairytale for Everyone, ippubblikat minn Labrisz;
CF. billi fit-2 ta' Diċembru 2021, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-awtoritajiet Ungeriżi biex tindikalhom li bl-impożizzjoni ta' obbligu li tingħata informazzjoni dwar diverġenza minn "rwoli tas-sessi tradizzjonali", l-Ungerija kienet qed tillimita l-libertà tal-espressjoni tal-awturi u tal-pubblikaturi tal-kotba (l-Artikolu 11 tal-Karta) u tiddiskrimina fuq bażi ta' orjentazzjoni sesswali b'mod mhux ġustifikat (l-Artikolu 21 tal-Karta), u tapplika b'mod skorrett ir-regoli tal-UE dwar prattiki kummerċjali żleali skont id-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiki kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern(18);
CG. billi fil-15 ta' Lulju 2022, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirreferi lill-Ungerija lill-QĠUE fir-rigward tar-regoli nazzjonali tagħhom li jfittxu li jipprojbixxu jew jillimitaw l-aċċess għall-kontenut li juri l-hekk imsejħa "diverġenza mill-identità personali li tikkorrispondi għas-sess mat-twelid, bidla fis-sess jew omosesswalità" għal individwi taħt it-18-il sena; billi l-Kummissjoni kkonkludiet li dawn ir-regoli, b'mod partikolari, imorru kontra d-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva(19), id-Direttiva 2000/31/KE dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern(20), kif ukoll id-dinjità tal-bniedem, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata kif ukoll id-dritt għan-nondiskriminazzjoni, kif minquxa rispettivament fl-Artikoli 1, 7, 11 u 21 tal-Karta; billi l-Kummissjoni indikat ukoll li minħabba l-gravità ta' dan il-ksur, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jiksru wkoll il-valuri komuni stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE; billi fit-22 ta' Ġunju 2021, 18-il Stat Membru tal-UE aderixxew ma' dikjarazzjoni fil-marġni tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali, li fiha opponew l-adozzjoni tal-liġi;
CH. billi fil-21 ta' Mejju 2019, fir-rapport tagħha wara ż-żjara fl-Ungerija bejn l-4 u t-8 ta' Frar 2019, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa ddeskriviet kif l-Ungerija qed tmur lura fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa, ir-rappreżentanza politika tan-nisa hija baxxa ferm, u li, fil-politika tal-gvern, il-kwistjonijiet tan-nisa huma assoċjati mill-qrib mal-affarijiet tal-familja u l-awtoritajiet ma baqgħux jimplimentaw strateġija speċifika dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;
CI. billi f'dikjarazzjoni maħruġa fid-29 ta' April 2020, l-Espert Indipendenti tan-NU dwar il-ħarsien mill-vjolenza u d-diskriminazzjoni bbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru ħeġġeġ lill-Ungerija tneħħi l-leġiżlazzjoni proposta li ċċaħħad lill-persuni transġeneru u ta' ġeneru varjanti mid‑dritt għar-rikonoxximent legali u l-awtodeterminazzjoni;
CJ. billi fl-osservazzjonijiet konklużivi tiegħu tat-3 ta' Marzu 2020 dwar is-sitt rapport perjodiku tal-Ungerija, il-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal talab lill-Gvern Ungeriż jaġixxi, jadotta strateġija, u jipprovdi informazzjoni u appoġġ lil tfal vulnerabbli, inklużi miżuri speċifiċi mmirati lejn il-bniet, it-tfal Rom, it-tfal migranti u li jkunu qed ifittxu ażil kif ukoll it-tfal leżbjani, omosesswali, bisesswali, transġeneru u intersesswali; billi l-Kumitat qajjem ukoll tħassib serju dwar it-tfal b'diżabilità li jiġu mċaħħda mill-familji tagħhom u li jgħixu f'istituzzjonijiet, miżuri insuffiċjenti mill-awtoritajiet Ungeriżi biex itemmu l-istituzzjonalizzazzjoni u jippromwovu l-aċċess għas-saħħa, servizzi ta' riabilitazzjoni u attivitajiet inklużivi oħra, il-każijiet ta' abbuż sesswali tat-tfal u maltrattament ta' tfal b'diżabilità f'kura istituzzjonali, in-nuqqas ta' informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta' tfal b'diżabilità Rom, u l-istigma kontinwa mġarrba mit-tfal b'diżabilità;
CK. billi fil-5 ta' Mejju 2020, il-Parlament Ungeriż adotta riżoluzzjoni li fiha rrifjuta r-ratifika tal-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul);
CL. billi fis-sentenza tagħha tas-16 ta' Lulju 2020, fil-kawża Rana vs L-Ungerija, il-QEDB ikkonstatat ksur tad-dritt għar-rispett għall-ħajja privata fil-każ ta' raġel transġeneru mill-Iran li kien ingħata ażil fl-Ungerija iżda ma setgħax jibdel ismu u l-ġeneru tiegħu legalment f'dak il-pajjiż; billi fid-deċiżjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2022 dwar is-superviżjoni msaħħa pendenti tal-eżekuzzjoni, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa nnota bi tħassib li l-awtoritajiet Ungeriżi ma kienu ħadu l-ebda miżura biex joħolqu soluzzjoni xierqa għal ċittadini ta' pajjiżi terzi stabbiliti legalment li japplikaw għal rikonoxximent legali tal-ġeneru; billi, barra minn hekk, f'Mejju 2020 il-Parlament Ungeriż adotta leġiżlazzjoni li għamlet ir-rikonoxximent legali tal-ġeneru impossibbli għall-persuni transġeneru Ungeriżi;
CM. billi f'dikjarazzjoni maħruġa fl-14 ta' Ġunju 2021, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa ħeġġet lill-Membri Parlamentari Ungeriżi biex jirrifjutaw abbozzi ta' emendi li jipprojbixxu d-diskussjoni dwar l-identità sesswali u tal-ġeneru u d-diversità; billi fl-opinjoni tagħha tat-13 ta' Diċembru 2021 dwar il-kompatibbiltà mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem tal-Att LXXIX tal-2021 li jemenda ċerti atti għall-protezzjoni tat-tfal, il-Kummissjoni ta' Venezja kkonkludiet li l-emendi qajla jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u ħeġġet lill-awtoritajiet Ungeriżi jirrevokaw għadd ta' dispożizzjonijiet;
CN. billi fl-opinjoni tagħha tat-2 ta' Lulju 2021 dwar l-emendi kostituzzjonali adottati mill-Parlament Ungeriż f'Diċembru 2020, il-Kummissjoni ta' Venezja rrakkomandat li l-emenda kostituzzjonali rigward iż-żwieġ bħala l-unjoni ta' raġel u mara, u ż-żieda li "[L]-omm għandha tkun mara, il-missier għandu jkun raġel", ma għandhiex tintuża bħala opportunità biex jiġu rtirati l-liġijiet eżistenti dwar il-protezzjoni ta' individwi li mhumiex eterosesswali, jew biex jiġu emendati dawk il-liġijiet għall-iżvantaġġ tagħhom; billi l-Kummissjoni ta' Venezja rrakkomandat ukoll li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-emendi kostituzzjonali, speċjalment fl-abbozzar tal-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni, għandhom jitwettqu b'mod li l-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni fuq kull bażi, inkluż abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru, jiġi implimentat bir-reqqa; billi nnotat ukoll li l-emenda "[L]-Ungerija għandha tipproteġi d-dritt tat-tfal għal awtoidentità li tikkorrispondi għas-sess tagħhom mat-twelid" għandha titħassar jew tiġi modifikata biex jiġi żgurat li ma jkollhiex l-effett li ċċaħħad id-drittijiet ta' persuni transġeneru għar-rikonoxximent legali tal-identità tal-ġeneru miksuba tagħhom;
CO. billi fl-opinjoni tagħha tat-18 ta' Ottubru 2021 dwar l-emendi għall-Att dwar it-Trattament Ugwali u l-Promozzjoni ta' Opportunitajiet Indaqs u għall-Att dwar il-Kummissarju għad-Drittijiet Fundamentali kif adottat mill-Parlament Ungeriż f'Diċembru 2020, il-Kummissjoni ta' Venezja indikat li hemm riskji assoċjati mal-fużjoni tal-korpi tal-ugwaljanza mal-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem inklużi, iżda mhux limitati għal, tradizzjonijiet, proċeduri legali u approċċi differenti li l-istituzzjonijiet jista' jkollhom fis-seħħ u osservat li l-kolliżjoni tal-kompetenzi li diġà jgawdi l-Kummissarju skont l-Att CXI u dawk miksuba fil-kapaċità tiegħu bħala suċċessur tal-Awtorità Ungeriża tat-Trattament Ugwali, hija dimostrazzjoni ċara ta' riskju li jista' jdgħajjef l-effettività tal-ħidma fil-qasam tal-promozzjoni tal-ugwaljanza u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni;
CP. billi f'dikjarazzjoni maħruġa fit-13 ta' Jannar 2022, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa affermat li kien ta' dispjaċir kbir li l-Gvern Ungeriż kien iddeċieda li jwettaq referendum nazzjonali dwar l-aċċess tat-tfal għall-informazzjoni dwar kwistjonijiet ta' orjentazzjoni sesswali u identità tal-ġeneru fl-istess jum tal-elezzjonijiet parlamentari, peress li dan kompla jikkontribwixxi għall-istrumentalizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni LGBTIQ; billi fid-29 ta' Lulju 2022, fir-rapport finali tagħha, il-missjoni internazzjonali ta' osservazzjoni elettorali tal-OSKE enfasizzat li l-qafas legali tar-referendum huwa fil-biċċa l-kbira inadegwat u ma jipprevedix kundizzjonijiet ekwi għall-kampanji ta' referendum, u b’hekk ma jissodisfax ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin skont il-prattika tajba internazzjonali, u skont emenda tal-2018, il-gvern għandu drittijiet sħaħ tal-kampanja meta jkun l-inizjatur ta' referendum, għall-kuntrarju ta' prattika tajba internazzjonali, u l-awtoritajiet mhumiex obbligati jipprovdu lill-elettorat informazzjoni oġġettiva dwar il-kwistjonijiet tar-referendum jew il-pożizzjonijiet tal-proponenti u l-avversarji, li jisfidaw il-kapaċità tal-votanti li jagħmlu għażla infurmata; billi r-referendum kontra l-persuni LGBTIQ li sar fl-Ungerija fit-3 ta' April 2022 ma kienx validu peress li l-ebda għażla ("iva" jew "le") ma kisbet 50 % tal-voti; billi r-referendum ġie kkritikat b'mod wiesa' bħala wieħed li jikser il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni;
CQ. billi fid-29 ta' Lulju 2022, fir-rapport finali tagħha, il-missjoni internazzjonali ta' osservazzjoni elettorali tal-OSKE enfasizzat li inqas minn 20 % tal-kandidati kollha kienu nisa, u dan jillimita b'mod sinifikanti l-opportunità li tissaħħaħ ir-rappreżentanza baxxa tan-nisa fil-politika nazzjonali fl-Ungerija; billi l-proporzjon ta' nisa fil-Parlament Ungeriż elett fl-2022 huwa ta' 14 %;
CR. billi fl-osservazzjonijiet konklużivi tiegħu tal-25 ta' Marzu 2022 dwar it-tieni u t-tielet rapport ikkombinati tal-Ungerija, il-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità esprima tħassib li l-persuni b'diżabilità ma għandhomx mekkaniżmu biex jieħdu deċiżjoni b'mod awtonomu, u rrakkomanda li l-Ungerija temenda l-leġiżlazzjoni tagħha biex tiżgura li t-teħid ta' deċiżjonijiet appoġġjat jirrispetta d-dinjità, l-awtonomija, ir-rieda u l-preferenzi tal-persuni b'diżabilità fl-eżerċizzju tal-kapaċità ġuridika tagħhom; billi l-Kumitat irrakkomanda wkoll li l-Ungerija tfassal mill-ġdid il-miżuri tagħha u tidderieġi mill-ġdid il-baġits tagħha f'servizzi ta' appoġġ ibbażati fil-komunità, bħall-assistenza personali, bil-għan li tippermetti li l-persuni b'diżabilità jgħixu b'mod indipendenti u ugwali fil-komunità;
Id-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi, inklużi r-Rom u l-Lhud, u l-protezzjoni kontra dikjarazzjonijiet ta' mibegħda kontra tali minoranzi
CS. billi fid-9 ta' Ġunju 2021 il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha ma tikkonformax bis-sħiħ mar-regoli tal-UE li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni skont id-Direttiva 2000/43/KE tal-Kunsill li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità(21) u d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(22), li jirrikjedu li l-Istati Membri jistabbilixxu sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi għad-diskriminazzjoni; billi f'Lulju 2020 seħħet bidla fundamentali meta l-Ungerija emendat ir-reġim nazzjonali ta' sanzjonijiet, u obbligat lill-qrati jagħtu kumpens morali għal diskriminazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali biss fil-forma ta' servizzi ta' taħriġ jew edukazzjoni u mhux fil-forma ta' pagament ta' darba; billi l-Parlament Ewropew talab ripetutament lill-Istati Membri jindirizzaw l-anti-Żingariżmu permezz ta' miżuri leġiżlattivi u ta' politika effettivi;
CT. billi fit-2 ta' Diċembru 2021, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija rigward it-traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/JHA dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali(23), peress li l-qafas legali Ungeriż jonqos milli jikkriminalizza l-iskużar fil-pubbliku, iċ-ċaħda jew it-trivjalizzazzjoni gravi ta' reati internazzjonali u ma jiżgurax li motivazzjoni razzista u ksenofobika titqies bħala ċirkostanza aggravanti jew li tali motivazzjoni titqies mill-qrati nazzjonali għal kwalunkwe reat imwettaq;
CU. billi fl-osservazzjonijiet konklużivi tagħha tas-6 ta' Ġunju 2019 dwar ir-rapporti perjodiċi kkombinati mit-tmintax sal-ħamsa u għoxrin dwar l-Ungerija, il-Kumitat tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali indika li kien allarmat ħafna bil-prevalenza ta' diskors ta' mibegħda razzista kontra r-Rom, il-migranti, ir-rifuġjati, il-persuni li jfittxu ażil u minoranzi oħra, li jixpruna l-mibegħda u l-intolleranza u xi drabi jinċita l-vjolenza lejn tali gruppi, b'mod partikolari minn politiċi ewlenin u fil-media, inkluż fuq l-internet; billi, b'mod partikolari, il-Kumitat kien ferm allarmat dwar rapporti li personalitajiet pubbliċi, inkluż fl-ogħla livelli, kienu għamlu dikjarazzjonijiet li jistgħu jippromwovu l-mibegħda razzjali, b'mod partikolari bħala parti mill-kampanja tal-gvern kontra l-immigranti u r-rifuġjati li bdiet fl-2015, u fil-preżenza u l-operat ta' organizzazzjonijiet li jippromwovu l-mibegħda razzjali; billi, filwaqt li jieħu nota tal-informazzjoni pprovduta dwar il-miżuri meħuda biex tittejjeb is-sitwazzjoni tar-Rom, inkluż fl-oqsma tas-saħħa u l-edukazzjoni, kif ukoll permezz tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Inklużjoni Soċjali tal-2011, il-Kumitat baqa' mħasseb ħafna dwar il-persistenza tad-diskriminazzjoni kontra r-Rom u s-segregazzjoni u l-faqar estrem li jiffaċċjaw;
CV. billi fil-ħames opinjoni tiegħu dwar l-Ungerija adottat fis-26 ta' Mejju 2020, il-Kumitat Konsultattiv dwar il-Konvenzjoni Qafas għall-Protezzjoni tal-Minoranzi Nazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa indika li filwaqt li l-Ungerija żammet il-politika tagħha li tappoġġja l-minoranzi nazzjonali abbażi ta' qafas leġiżlattiv solidu, għad hemm bżonn li jiġu indirizzati d-diffikultajiet strutturali li jiffaċċjaw ir-Rom fl-isferi kollha tal-ħajja pubblika u privata, inklużi l-edukazzjoni, l-impjiegi, l-akkomodazzjoni u l-aċċess għall-kura tas-saħħa; billi l-Kumitat enfasizza li jeħtieġ li jittieħdu miżuri urġenti sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni tar-Rom, jiġi miġġieled it-tluq bikri mill-iskola, u tiġi promossa edukazzjoni inklużiva u ta' kwalità, inkluż f'żoni segregati; billi indika wkoll li fir-reġjuni żvantaġġati, hemm bżonn ta' komplementarjetà aktar b'saħħitha bejn il-politiki nazzjonali u lokali sabiex jiġu pprovduti soluzzjonijiet fit-tul għall-problemi tal-impjiegi u tal-akkomodazzjoni, filwaqt li l-aċċess għall-kura tas-saħħa u għas-servizzi soċjali jibqa' soġġett għal ostakli prattiċi serji, prinċipalment għad-detriment tan-nisa u t-tfal Rom;
CW. billi fid-deċiżjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2022 dwar is-superviżjoni msaħħa pendenti tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-QEDB f'Horváth u Kiss vs l-Ungerija, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fakkar li l-każ inkwistjoni kien jikkonċerna t-tqegħid ħażin diskriminatorju u r-rappreżentanza żejda tat-tfal Rom fi skejjel speċjali għal tfal b'diżabilità mentali, u li l-istat kien taħt obbligu pożittiv li jevita li jipperpetwa prattiki diskriminatorji; billi l-Kumitat tenna bil-qawwa l-istedina tiegħu lill-awtoritajiet biex jipprovdu eżempji li juru l-effikaċja tar-rimedji amministrattivi u ġudizzjarji kontra s-sejbiet tal-kumitati esperti u biex jikkompletaw id-data statistika pprovduta f'dan ir-rigward, ħeġġeġ lill-awtoritajiet jissupplimentaw l-informazzjoni statistika b'data diżaggregata skont l-etniċità li tindika l-għadd ta' appelli ppreżentati f'każijiet ta' tfal Rom u tenna bil-qawwa l-istedina tiegħu lill-awtoritajiet biex jipprovdu aktar informazzjoni dwar kwalunkwe proċedura rilevanti quddiem il-Kummissarju għad-Drittijiet Fundamentali;
CX. billi s-superviżjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-QEDB f'Balázs vs l-Ungerija li jikkonċernaw ksur tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni moqrija flimkien mal-projbizzjoni ta' trattament inuman jew degradanti minħabba n-nuqqas tal-awtoritajiet li jwettqu investigazzjonijiet effettivi dwar il-kwistjoni ta' motivi razzjali possibbli wara t-trattament ħażin impost fuq l-applikanti Rom minn aġenti tal-infurzar tal-liġi, għadha pendenti;
CY. billi fid-29 ta' Lulju 2022, il-mexxejja tal-gruppi politiċi tal-Parlament adottaw dikjarazzjoni li tikkundanna d-dikjarazzjonijiet apertament razzisti tal-Prim Ministru Viktor Orbán dwar il-fatt li ma jixtiqx li l-poplu Ungeriż isir "razza mħallta", u ssottolinjaw li dawn id-dikjarazzjonijiet jiksru l-valuri tagħna, li huma minquxa wkoll fit-Trattati tal-UE;
Id-drittijiet fundamentali tal-migranti, il-persuni li jfittxu ażil u r-rifuġjati
CZ. billi fis-sentenza tagħha tad-19 ta' Marzu 2020 fil-Kawża C-564/18, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Tompa), il-QĠUE ddeċidiet li d-Direttiva 2013/32/UE dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali(24) tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi miċħuda bħala inammissibbli għar-raġuni li l-applikant wasal fit-territorju ta' Stat Membru kkonċernat minn stat li fih dik il-persuna ma kinitx esposta għal persekuzzjoni jew riskju ta' offiża gravi, jew li fih huwa ggarantit livell suffiċjenti ta' protezzjoni; billi l-QĠUE kkonkludiet li d-direttiva tipprekludi wkoll leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi limitu ta' żmien ta' tmint ijiem li fih qorti li tkun qed tisma' appell kontra deċiżjoni li tirrifjuta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli għandha tagħti deċiżjoni, meta dik il-qorti ma tkunx tista' tiżgura, f'tali limitu ta' żmien, li r-regoli sostantivi u l-garanziji proċedurali li jgawdi l-applikant skont id-dritt tal-UE jkunu effettivi;
DA. billi fis-sentenza tagħha tat-2 ta' April 2020 fil-Kawżi Magħquda C-715/17, C-718/17 u C‑719/17, inkluża l-Kummissjoni vs l-Ungerija (mekkaniżmu temporanju għar-rilokazzjoni ta' applikanti għal protezzjoni internazzjonali), il-QĠUE ddeċidiet li billi naqset milli tindika f'intervalli regolari, u mill-inqas kull tliet xhur, għadd xieraq ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu rilokati malajr fit-territorju tagħha, l-Ungerija, mill-25 ta' Diċembru 2015, naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601(25) u konsegwentement naqset milli tissodisfa l-obbligi sussegwenti tagħha ta' rilokazzjoni skont l-Artikolu 5(4) sa (11) ta' dik id-deċiżjoni;
DB. billi fl-14 ta' Mejju 2020, fil-Kawżi Magħquda C-924/19 PPU u C‑925/19 PPU, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság u Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság, il-QĠUE ddeċidiet li d-Direttiva 2008/115/KE dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment(26) u d-Direttiva 2013/33/UE li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali(27) ifissru li l-obbligu impost fuq ċittadin ta' pajjiż terz li jibqa' permanentement f'żona ta' tranżitu li l-perimetru tagħha jkun ristrett u magħluq, li fi ħdanha l-movimenti ta' dan iċ-ċittadin ikunu limitati u kkontrollati, u li fiha ma jistax legalment jitlaq volontarjament, fi kwalunkwe direzzjoni, jidher li huwa ċaħda tal-libertà, ikkaratterizzata minn "detenzjoni" fis-sens ta' dawn id-direttivi; billi l-QĠUE indikat li d-dritt tal-UE jipprekludi għadd ta' dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Ungeriża;
DC. billi fis-sentenza tagħha tas-17 ta' Diċembru 2020 fil-Kawża C-808/18, Il-Kummissjoni vs l-Ungerija ("Accueil des demandeurs de protection internationale"), il-QĠUE ddeċidiet li l-Ungerija naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont id-Direttivi 2008/115/KE, 2013/32/UE u 2013/33/UE billi: i) tipprevedi li l-applikazzjonijiet għall‑protezzjoni internazzjonali minn ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni apolidi jistgħu jsiru biss fiż-żoni ta' tranżitu ta' Röszke u Tompa, filwaqt li tillimita drastikament l-għadd ta' applikanti awtorizzati biex jidħlu f'dawk iż-żoni ta' tranżitu kuljum; ii) stabbiliet sistema ta' detenzjoni sistematika tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali fiż-żoni ta' tranżitu ta' Röszke u Tompa; iii) tippermetti t-tneħħija taċ-ċittadini kollha ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju tagħha, mingħajr ma tosserva l-proċeduri u s-salvagwardji stabbiliti fl-acquis; u iv) għamlet l-eżerċizzju mill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali tad-dritt tagħhom li jibqgħu fit-territorju tagħha soġġett għal kundizzjonijiet li jmorru kontra d-dritt tal-UE; billi fis-27 ta' Jannar 2021, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) ħabbret li kienet se tissospendi l-operazzjonijiet tagħha fl-Ungerija, wara s-sentenza tal-QĠUE; billi fit-12 ta' Novembru 2021, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirreferi lill-Ungerija lill-QĠUE talli naqset milli tikkonforma mas-sentenza u talbet li l-QĠUE tordna l-ħlas ta' penali finanzjarji (Kawża C-123/22);
DD. billi fid-9 ta' Ġunju 2021, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni u opinjoni motivata lill-awtoritajiet Ungeriżi talli naqsu milli jittrasponu bis-sħiħ id-Direttiva 2013/32/UE fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar l-intervista personali, l-iskrinjar mediku, il-garanziji għat-tfal u ż-żgħażagħ mhux akkumpanjati u dwar il-proċedura ta' eżami tal-ażil;
DE. billi fil-15 ta' Lulju 2021, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirreferi lill-Ungerija lill-QĠUE billi qieset li l-proċedura l-ġdida tal-ażil hija inkompatibbli mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 18 tal-Karta (il-Kawża C‑823/21 Il-Kummissjoni vs l-Ungerija);
DF. billi fis-sentenza tagħha tas-16 ta' Novembru 2021 fil-Kawża C-821/19, Il-Kummissjoni vs l-Ungerija ("Incrimination de l'aide aux demandeurs d'asile"), il-QĠUE ddeċidiet li l-Ungerija naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont: i) l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32/UE billi ppermettiet li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi miċħuda bħala inammissibbli għar-raġuni li l-applikant wasal fit-territorju tagħha minn Stat li fih dik il-persuna ma kinitx esposta għal persekuzzjoni jew riskju ta' ħsara serja, jew li fih kien iggarantit livell suffiċjenti ta' protezzjoni; ii) l-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/32/UE kif ukoll l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2013/33/UE billi tikkriminalizza fil-liġi nazzjonali tagħha l-azzjonijiet ta' kull persuna li, b'rabta ma' attività organizzattiva, tipprovdi assistenza biex issir jew tiġi ppreżentata applikazzjoni għall-ażil fit-territorju tagħha, meta jkun jista' jiġi stabbilit lil hinn minn kull dubju raġonevoli li din il-persuna kienet taf li dik l-applikazzjoni ma setgħetx tiġi aċċettata skont dik il-liġi; u iii) l-Artikolu 8(2), l-Artikolu 12(1), punt (c), u l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/32/UE kif ukoll l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2013/33/UE billi pprekludiet lil kwalunkwe persuna ssuspettata li wettqet tali reat mid-dritt li tidħol fil-fruntieri esterni tagħha;
DG. billi fir-rapport tagħha tal-21 ta' Mejju 2019, wara żjara fl-Ungerija mill-4 sat-8 ta' Frar 2019, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa sabet li l-pożizzjoni kontra l-immigrazzjoni u l-persuni li jfittxu ażil adottata mill-Gvern Ungeriż mill-2015 'l hawn irriżultat f'qafas leġiżlattiv li jdgħajjef l-akkoljenza ta' dawk li jfittxu ażil u l-integrazzjoni ta' rifuġjati rikonoxxuti kif preskritt mill-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;
DH. billi fir-rapport tiegħu tas-17 ta' Marzu 2020, wara żjara fl-Ungerija fl-2018, il-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura u t-Trattament jew Pieni Inumani jew Degradanti enfasizza li ma sar xejn miż-żjara ad hoc tal-Kumitat fl-2017 biex jiġu stabbiliti salvagwardji effettivi għall-prevenzjoni tat-trattament ħażin ta' persuni ritornati mill-uffiċjali tal-pulizija Ungeriża permezz taċ-ċint tal-fruntiera lejn is-Serbja, u kien ċar ukoll li għad ma kien hemm l-ebda rimedju legali kapaċi li joffri protezzjoni effettiva lil dawn il-persuni kontra t-tneħħija furzata u/jew ir-refoulement tagħhom, inkluż ir-refoulement tal-katina;
DI. billi fl-osservazzjonijiet konklużivi tiegħu tas-6 ta' Ġunju 2019 dwar ir-rapporti perjodiċi kkombinati mit-tmintax sal-ħamsa u għoxrin dwar l-Ungerija, il-Kumitat tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali esprima tħassib dwar is-sitwazzjoni allarmanti tal-persuni li jfittxu ażil, ir-rifuġjati u l-migranti u dwar rapporti li l-prinċipju ta' non-refoulement ma kienx qed jiġi rispettat bis-sħiħ fil-liġi u fil-prattika; billi l-Kumitat kien ferm allarmat ukoll dwar l-użu eċċessiv ta' forza u vjolenza rrappurtat minn uffiċjali tal-infurzar tal-liġi kontra ċittadini ta' pajjiżi terzi li jinstabu fi kwalunkwe post fl‑Ungerija, filwaqt li wettqu "push-backs" għal dawk qrib il-fruntiera mas-Serbja, b'riżultat ta' korrimenti u ħsara fiżika;
DJ. billi fis-sentenza tagħha tat-2 ta' Marzu 2021 f'R.R. et al vs l-Ungerija, il-QEDB sabet li n-nuqqas ta' ikel ipprovdut lill-ewwel applikant (R.R.) u l-kundizzjonijiet ta' soġġorn tal-applikanti l-oħra (mara tqila u tfal) kienu wasslu għal ksur tal-projbizzjoni ta' trattament inuman jew degradanti; billi l-QEDB sabet ukoll li s-soġġorn tal-applikanti fiż-żona ta' tranżitu kien jammonta għal ċaħda de facto tal-libertà u li n-nuqqas ta' kwalunkwe deċiżjoni formali tal-awtoritajiet u kwalunkwe proċediment li permezz tiegħu l-legalità tad-detenzjoni tagħhom setgħet tiġi deċiża malajr minn qorti kien wassal għal ksur tad-dritt għal-libertà u s-sigurtà; billi fis-sentenzi tagħha tal-24 ta' Frar 2022 f'M.B.K. et al vs l-Ungerija u tat-2 ta' Ġunju 2022 f'H.M. et al vs l-Ungerija, il-QEDB waslet għal konklużjonijiet simili; billi s-superviżjoni msaħħa tal-eżekuzzjoni ta' dawk is-sentenzi għadha pendenti;
DK. billi fir-rapport tiegħu tal-11 ta' Mejju 2020 wara żjara fl-Ungerija fl-2019, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti tenna t-talba tiegħu lill-Gvern Ungeriż li ssir rivalutazzjoni sinifikanti tas-sitwazzjoni attwali u tal-politiki ta' migrazzjoni tagħha u indika li l-Ungerija għandha ttemm l-hekk imsejħa sitwazzjoni ta' kriżi, li ma tikkorrispondix mar-realtà u għandha impatt negattiv serju fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, tal-persuni li jfittxu ażil, il-libertà tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u s-setgħa tal-ġudikatura u tneħħi l-miżuri restrittivi l-oħra kollha b'karatteristiċi u konsegwenzi simili;
DL. billi fis-sentenza tagħha tat-8 ta' Lulju 2021 f'Shahzad vs l-Ungerija, il-QEDB sabet li l-applikant kien soġġett għal tkeċċija "kollettiva" peress li s-sitwazzjoni individwali tiegħu ma kinitx ġiet aċċertata mill-awtoritajiet, li ma kinux ipprovdew modi ġenwini u effettivi biex jidħol fl-Ungerija, l-applikant ma kienx tneħħa riżultat tal-imġiba tiegħu u ma kellux rimedju legali adegwat disponibbli għalih; billi s-superviżjoni msaħħa tal-eżekuzzjoni ta' dik is-sentenza għadha pendenti;
DM. billi fid-deċiżjoni tiegħu tat-2 ta' Diċembru 2021 dwar is-superviżjoni msaħħa pendenti tal-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-QEDB f'Ilias u Ahmed vs l-Ungerija, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fakkar li dan il-każ jikkonċerna ksur tal-obbligu proċedurali skont l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li jiġu vvalutati r-riskji ta' trattament ħażin qabel l-applikanti li jfittxu l-ażil jitneħħew lejn is-Serbja billi jibbaża fuq preżunzjoni ġenerali ta' "pajjiż terz sikur", innota b'dispjaċir kbir li ma ttieħed l-ebda pass lejn it-twettiq tar-rivalutazzjoni meħtieġa tal-preżunzjoni leġiżlattiva ta' "pajjiż terz sikur" fir-rigward tas-Serbja u tenna bis-sħiħ l-istedina tiegħu biex issir tali valutazzjoni mill-ġdid mingħajr aktar dewmien u f'konformità mar-rekwiżiti tal-każistika tal-QEDB, u li jiġu ppreżentati r-raġunijiet u l-eżitu tagħha; billi l-Kumitat innota wkoll bi tħassib serju li, minkejja t-tħassib li esprima fid-deċiżjoni preċedenti tiegħu, il-prattika ta' tneħħijiet furzati mingħajr proċedura ordnata tkompliet, u tenna bil-qawwa t-talba tiegħu lill-awtoritajiet Ungeriżi biex jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti li jirriżultaw mis-sentenza tal-QEDB u biex jiżguraw li r-ritorni furzati jkunu inkwadrati minn proċeduri u salvagwardji ordnati, b'mod partikolari fir-rigward tad-dritt ta' kull persuna li tfittex ażil kif stabbilit mid-dritt internazzjonali;
DN. billi s-superviżjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-QEDB f'Nabil et al vs l-Ungerija dwar ksur tad-dritt għal-libertà u għas-sigurtà tal-applikanti għall-ażil, minħabba d-detenzjoni tagħhom sakemm jiġu eżaminati l-merti tat-talbiet għall-ażil tagħhom, għadha pendenti;
DO. billi fil-komunikazzjoni tagħha tat-12 ta' Awwissu 2022 indirizzata lill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa indikat li l-aċċess għall-proċedura tal-ażil u għal valutazzjoni tar-riskju sostantiva u individwali sar prattikament impossibbli fl-Ungerija minħabba l-miżuri konsekuttivi u li jikkoinċidu li l-Gvern ilu li adotta mill-2015; billi l-applikanti potenzjali għall-ażil jew jiġu rrifjutati milli jidħlu legalment fit-territorju jew, bi ftit eċċezzjonijiet, jiġu obbligati jitilqu mill-Ungerija u jgħaddu minn skrinjar minn qabel permezz tal-proċedura tal-Ambaxxata qabel ma jkunu jistgħu jippreżentaw talba għal protezzjoni internazzjonali; billi dan iż-żarmar gradwali tas-sistema tal-ażil kien akkumpanjat b'mod konsistenti u xprunat minn diskors aħrax kontra l-migranti adottat mill-Gvern Ungeriż, li kompla jdgħajjef l-akkoljenza u l-protezzjoni tar-rifuġjati u l-applikanti għall-ażil fil-pajjiż;
Drittijiet Ekonomiċi u Soċjali
DP. billi fir-rakkomandazzjoni tiegħu tat-12 ta' Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Ungerija tal-2022 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-Ungerija tal-2022, il-Kunsill irrakkomanda li titkompla l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-gruppi l-aktar vulnerabbli, b'mod partikolari permezz tat-titjib tal-ħiliet, u l-estensjoni tat-tul tal-benefiċċji tal-qgħad biex tittejjeb l-adegwatezza tal-assistenza soċjali u jiġi żgurat aċċess għal servizzi essenzjali u akkomodazzjoni adegwata għal kulħadd; billi huwa rrakkomanda li jitjiebu l-eżiti tal-edukazzjoni u tiżdied il-parteċipazzjoni ta' gruppi żvantaġġati, b'mod partikolari r-Rom, f'edukazzjoni ġenerali ta' kwalità u li jittejjeb l-aċċess għal servizzi ta' kura preventiva u primarja ta' kwalità;
DQ. billi fl-osservazzjonijiet konklużivi tiegħu tat-3 ta' Marzu 2020 dwar is-sitt rapport perjodiku tal-Ungerija, il-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal irrakkomanda li l-Ungerija għandha tkompli tinvesti f'miżuri biex jintemm il-faqar, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lit-tfal Rom u lit-tfal li jgħixu f'żoni soċjoekonomikament żvantaġġati u qajjem tħassib serju dwar l-għadd ta' studenti li jitilqu kmieni mill-iskola, ħafna minnhom minn ambjenti żvantaġġati, l-allokazzjoni ta' skejjel pubbliċi lil komunitajiet reliġjużi, li tista' tikkontribwixxi għas-segregazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon u t-twemmin, is-segregazzjoni kontinwa tat-tfal Rom fl-edukazzjoni, id-distakk fl-edukazzjoni bejn it-tfal Rom u dawk mhux Rom, in-nuqqas ta' data uffiċjali dwar it-tfal Rom fl-edukazzjoni, il-bullying, l-abbuż u l-esklużjoni li jiffaċċjaw it-tfal fl-iskejjel, b'mod partikolari, it-tfal LGBTI u l-użu ta' metodi ta' dixxiplina fl-iskejjel li ma jipproteġux lit-tfal mill-vjolenza fiżika u mentali;
DR. billi fil-11 ta' Frar 2022, il-Gvern Ungeriż ħareġ digriet ta' emerġenza li ddetermina s-"servizzi minimi meħtieġa" li jridu jiġu pprovduti matul strajk skont il-liġi dwar l-istrajkijiet u interpretahom b'mod tant vast li għamilha impossibbli li jsir strajk; billi d-digriet illimita d-drittijiet tal-għalliema li kienu ħabbru pjanijiet ta' strajk fis-16 ta' Marzu 2022;
DS. billi minn mindu ġiet adottata l-projbizzjoni tar-residenza abitwali fi spazju pubbliku, diversi qrati ordinarji talbu lill-Qorti Kostituzzjonali tannulla l-leġiżlazzjoni li tallega li l-liġi mhijiex kostituzzjonali għal diversi raġunijiet; billi wara dewmien twil wisq, il-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet il-petizzjonijiet kollha ppreżentati mill-qrati ordinarji għar-raġunijiet kollha u ċaħdet li tqis is-sottomissjonijiet kollha li ma jappoġġjawx ir-raġunament tal-gvern; billi fil-każ tal-kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar, is-sistema tas-sigurtà soċjali tiffoka primarjament fuq l-illegalità tal-preżenza ta' persuni mingħajr dar f'żoni pubbliċi u fuq miżuri punittivi, minflok fuq l-inklużjoni soċjali;
°
° °
1. Itenni li t-tħassib tiegħu huwa relatat mal-kwistjonijiet li ġejjin fl-Ungerija:
–
il-funzjonament tas-sistema kostituzzjonali u elettorali,
–
l-indipendenza tal-ġudikatura u ta' istituzzjonijiet oħra u d-drittijiet tal-imħallfin,
id-dritt għal trattament ugwali, inklużi d-drittijiet LGBTIQ,
–
id-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi, inklużi r-Rom u l-Lhud, u l-protezzjoni kontra dikjarazzjonijiet ta' mibegħda kontra tali minoranzi,
–
id-drittijiet fundamentali tal-migranti, il-persuni li jfittxu ażil u r-rifuġjati,
–
id-drittijiet ekonomiċi u soċjali;
2. Jemmen li, meqjusa flimkien, il-fatti u t-tendenzi, kif juru r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament, jirrappreżentaw theddida sistemika kontra l-valuri tal-Artikolu 2 tat-TUE u jikkostitwixxu riskju ċar ta' ksur serju tagħhom; jesprimi tħassib serju dwar l-isforzi intenzjonati u sistematiċi tal-Gvern Ungeriż biex idgħajjef il-valuri fundaturi tal-Unjoni minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE, u jikkundannahom; jenfasizza li dawn ix-xejriet marru għall-agħar b'mod sostanzjali mill-attivazzjoni tal-Artikolu 7(1) tat-TUE; jisħaq li l-Gvern Ungeriż jerfa' r-responsabbiltà għar-restawr tal-konformità mad-dritt tal-UE u l-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE u jesprimi dispjaċir kbir li n-nuqqas ta' azzjoni deċiżiva min-naħa tal-UE kkontribwixxa għal kollass tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Ungerija, li biddel il-pajjiż f'reġim ibridu ta' awtokrazija elettorali, skont l-indiċijiet rilevanti;
3. Jiddeplora l-inkapaċità tal-Kunsill li jagħmel progress sinifikattiv fil-proċeduri li għaddejjin tal-Artikolu 7(1) tat-TUE; iħeġġeġ lill-Kunsill jiżgura li s-seduti ta' smigħ isiru mill-inqas darba għal kull Presidenza matul il-proċeduri li għaddejjin dwar l-Artikolu 7 tat-TUE u biex jindirizza wkoll żviluppi ġodda li jaffettwaw l-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali; jistieden lill-Kunsill jippubblika minuti komprensivi wara kull seduta ta' smigħ; jenfasizza li m'hemmx bżonn ta' unanimità fil-Kunsill sabiex jiġi identifikat riskju ċar ta' ksur serju tal-valuri tal-Unjoni skont l-Artikolu 7(1), u lanqas biex jiġu indirizzati rakkomandazzjonijiet konkreti lill-Istati Membri inkwistjoni, u biex jiġu pprovduti skadenzi għall-implimentazzjoni ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet; itenni t-talba għall-Kunsill biex jagħmel dan, filwaqt li jissottolinja li kwalunkwe dewmien ulterjuri għal tali azzjoni jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju tal-istat tad-dritt mill-Kunsill innifsu; jisħaq li l-Istati Membri għandhom obbligu li jaġixxu flimkien u jtemmu l-attakki fuq il-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE; jistieden lill-Kunsill joħroġ rakkomandazzjonijiet lill-Ungerija malajr kemm jista' jkun sabiex jiġu rrimedjati l-kwistjonijiet imsemmija fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2018 u f'din ir-riżoluzzjoni, u jitlobha timplimenta s-sentenzi u r-rakkomandazzjonijiet kollha msemmija, inklużi dawk relatati mal-elezzjonijiet ġenerali li saru fit-3 ta' April 2022; jinsisti li fil-proċedimenti kollha relatati mal-Artikolu 7 tat-TUE, il-Parlament għandu jkun jista' jippreżenta l-proposta motivata tiegħu lill-Kunsill, jattendi s-seduti ta' smigħ tal-Artikolu 7 tat-TUE u jkun infurmat minnufih u bis-sħiħ f'kull stadju tal-proċedura;
4. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jagħtu aktar attenzjoni lill-iżżarmar sistemiku tal-istat tad-dritt, kif ukoll lill-interazzjoni bejn id-diversi każijiet ta' ksur tal-valuri identifikati fir-riżoluzzjonijiet tiegħu; jissottolinja li jekk il-ksur tal-istat tad-dritt jitħalla mhux ikkontrollat, l-istituzzjonijiet demokratiċi jiġu mminati u eventwalment jiġu affettwati d-drittijiet tal-bniedem u l-ħajja ta' kulħadd fil-pajjiż fejn ikun sar il-ksur; jisħaq li l-Unjoni għandha tiddefendi l-valuri kollha minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE b'determinazzjoni ugwali;
5. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-għodod disponibbli biex tindirizza riskju ċar ta' ksur serju mill-Ungerija tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, b'referenza partikolari għal proċeduri ta' ksur sommarji, applikazzjonijiet għal miżuri interim quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u azzjonijiet rigward in-nuqqas ta' implimentazzjoni tas-sentenzi tal-Qorti; ifakkar fl-importanza tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt u jilqa' d-deċiżjoni li dan jiġi skattat fil-każ tal-Ungerija, għalkemm wara dewmien twil u b'kamp ta' applikazzjoni limitat; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni immedjata skont ir-regolament fir-rigward ta' ksur ieħor tal-istat tad-dritt, b'mod partikolari dawk relatati mal-indipendenza tal-ġudikatura u raġunijiet oħra indirizzati fl-ittra li l-Kummissjoni bagħtet lill-Ungerija fid-19 ta' Novembru 2021; jissottolinja l-fatt li l-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt hija għodda komplementari għall-proċedura skont l-Artikolu 7, hija applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha u ilha infurzabbli minn Jannar 2021, u jistieden lill-Kummissjoni twettaq l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex tiżgura l-infurzar effettiv tiegħu; jinnota r-riskju ta' użu ħażin tal-fondi fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u jtenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex toqgħod lura milli tapprova l-pjan tal-Ungerija sakemm tkun ikkonformat bis-sħiħ mar-rakkomandazzjonijiet kollha speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew fil-qasam tal-istat tad-dritt u sakemm tkun implimentat is-sentenzi rilevanti kollha tal-QĠUE u tal-QEDB; jistenna li l-Kummissjoni teskludi kwalunkwe riskju tal-programmi fl-ambitu tal-politika ta' koeżjoni li jikkontribwixxu għall-użu ħażin tal-fondi tal-UE jew għall-ksur tal-istat tad-dritt qabel ma tapprova l-ftehimiet ta' sħubija u l-programmi tal-politika ta' koeżjoni; jistieden lill-Kummissjoni tapplika r-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni(28) u r-Regolament Finanzjarju(29) b'mod aktar strett sabiex tindirizza kwalunkwe użu diskriminatorju tal-fondi tal-UE għal raġunijiet motivati politikament; iqis li l-applikazzjoni ta' dawn l-istrumenti għall-protezzjoni tal-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE hija saħansitra aktar urġenti fi żmien meta dawn il-valuri qed jiġu mhedda mill-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-azzjonijiet li qed tieħu kontra l-UE;
6. Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura li r-riċevituri jew il-benefiċjarji finali tal-fondi tal-UE ma jiġux miċħuda dawn il-fondi fil-każ li jiġu applikati sanzjonijiet skont il-Mekkaniżmu ta' Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt, kif stabbilit fl-Artikolu 5(4) u (5), tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt; jistieden lill-Kummissjoni ssib modi kif tqassam il-fondi tal-UE permezz tal-gvernijiet lokali u l-NGOs jekk il-gvern ikkonċernat ma jikkooperax fir-rigward tan-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-istat tad-dritt;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lis-soċjetà ċivili indipendenti fl-Ungerija li tissalvagwardja l-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE, b'mod partikolari, billi tuża l-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri; itenni s-sejħa tiegħu lill-Kummissjoni biex tadotta strateġija komprensiva tas-soċjetà ċivili għall-protezzjoni u l-iżvilupp tal-ispazju ċiviku fi ħdan l-Unjoni li tintegra l-għodod eżistenti kollha u tiddeskrivi sett ta' miżuri konkreti li jipproteġu u jsaħħu l-ispazju ċiviku;
8. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jidħlu minnufih f'negozjati mal-Parlament dwar mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fil-forma ta' ftehim interistituzzjonali, inkluż ċiklu ta' politika permanenti fost l-istituzzjonijiet tal-UE;
9. Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, b'mod partikolari dawk li jinsabu fil-proposta 25 dwar l-istat tad-dritt, il-valuri demokratiċi u l-identità Ewropea, u jtenni l-ħtieġa li tissaħħaħ il-proċedura għall-protezzjoni tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni u li jiġu ċċarati d-determinazzjoni u l-konsegwenzi tal-ksur tal-valuri fundamentali;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, kif ukoll lin-Nazzjonijiet Uniti.
Ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 1).
Dispożizzjonijiet li jimponu obbligi ta' reġistrazzjoni, dikjarazzjoni u pubblikazzjoni fuq ċerti kategoriji ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jirċievu direttament jew indirettament appoġġ minn barra l-pajjiż li jaqbeż ċertu limitu u li jipprevedu l-possibbiltà li jiġu applikati penali għal organizzazzjonijiet li ma jikkonformawx ma' dawk l-obbligi.
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 80).