Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2022 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2020 u l-2021 (2021/2186(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu, li jiddikjara li l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”), b'mod partikolari l-Artikoli 2(1), 20 u 21 tagħha,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1534 tas-16 ta' Settembru 2021 dwar l-iżgurar tal-protezzjoni, tas-sikurezza u tat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-ġurnalisti u ta' professjonisti oħra fil-media fl-Unjoni Ewropea(1),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Diċembru 2021 dwar Ewropa aktar inklużiva u protettiva: l-estensjoni tal-lista ta' reati fl-UE għad-diskors ta' mibegħda u r-reati ta' mibegħda (COM(2021)0777),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2020 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija ta' Ugwaljanza Bejn is-Sessi għall-2020-2025" (COM(2020)0152),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ġunju 2020 bit-titolu "Strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020-2025)" (COM(2020)0258),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025" (COM(2020)0698),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2021 dwar il-proklamazzjoni tal-UE bħala Żona ta' Libertà LGBTIQ(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar is-sitwazzjoni tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fl-UE, fil-kuntest tas-saħħa tan-nisa(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2021 dwar ksur tal-liġi tal-UE u tad-drittijiet taċ-ċittadini LGBTIQ fl-Ungerija b'riżultat tal-bidliet legali adottati mill-Parlament Ungeriż(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2021 dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ fl-UE(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2020 dwar l-istabbiliment ta' Mekkaniżmu tal-UE għad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2019 dwar id-diskriminazzjoni pubblika u d-diskors ta' mibegħda kontra persuni LGBTI, inklużi żoni mingħajr LGBTI(7),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma ta' Skrutinju tal-Frontex tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tiegħu, kif stabbiliti fir-rapport tal-kumitat tal-14 ta' Lulju 2021 dwar l-investigazzjoni ta' ġbir ta' informazzjoni dwar il-Frontex rigward l-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-14 ta' Ottubru 2021 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ għall-2020‑2025"(8),
– wara li kkunsidra d-dibattitu fil-Kumitat għall-Affarijiet Kurrenti tal-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa, u r-rapporti sussegwenti tiegħu tas-17 ta' Mejju 2021 bit-titolu "ir-rwol tal-awtoritajiet lokali fir-rigward tas-sitwazzjoni u tad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ fil-Polonja" u tas-17 ta' Ġunju 2021 bit-titolu "Il-protezzjoni tal-persuni LGBTIQ fil-kuntest ta' diskors ta' mibegħda u ta' diskriminazzjoni dejjem jiżdiedu kontra persuni LGBTI: ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali",
– wara li kkunsidra r-rapporti tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, b'mod partikolari r-rapporti tagħha dwar id-drittijiet fundamentali għas-snin 2020 u 2021,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Diċembru 2020 dwar l-istrateġija biex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-UE (COM(2020)0711),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-10 ta' Diċembru 2021 bit-titolu "Il-Protezzjoni tad-Drittijiet Fundamentali fl-Era Diġitali – Rapport Annwali tal-2021 dwar l-Applikazzjoni tal-Karta tal-UE tad-Drittijiet Fundamentali" (COM(2021)0819),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0224/2022),
A. billi skont l-Artikolu 2 tat-TUE, l-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi; billi l-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE jridu jiġu difiżi mill-istituzzjonijiet tal-UE u minn kull Stat Membru individwali fil-politiki kollha tagħhom; billi l-Kummissjoni, flimkien mal-Parlament u l-Kunsill, hija responsabbli skont it-Trattati biex tiggarantixxi r-rispett għall-istat tad-dritt bħala valur fundamentali tal-Unjoni u biex tiżgura li d-dritt, il-valuri u l-prinċipji tal-UE jiġu rispettati u osservati;
B. billi l-Artikolu 151 tat-TFUE jirreferi għad-drittijiet soċjali fundamentali bħal dawk stabbiliti fil-Karta Soċjali Ewropea; billi l-Unjoni għadha ma aderietx mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, minkejja l-obbligu tagħha li tagħmel dan skont l-Artikolu 6(2) tat-TUE;
C. billi fl-2020 u l-2021, il-miżuri restrittivi għall-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 interferew ma' firxa wiesgħa ta' drittijiet fundamentali, bħad-dritt għal-libertà ta' moviment u għal-libertà ta' għaqda, id-dritt għall-ħajja privata u tal-familja, inkluż il-protezzjoni tad-data personali, u d-dritt għall-edukazzjoni, għax-xogħol u għas-sigurtà soċjali; billi l-pandemija aggravat l-isfidi u l-inugwaljanzi eżistenti fl-oqsma kollha tal-ħajja, filwaqt li affettwat b'mod partikolari lill-gruppi vulnerabbli, u pprovokat żieda f'inċidenti ta' natura razzista;
D. billi d-dritt għal trattament ugwali u nondiskriminazzjoni huwa dritt fundamentali minqux fl-Artikoli 2 u 3(3) tat-TUE, fl-Artikoli 8, 10, 19 u 157 tat-TFUE u fl-Artikoli 21 u 23 tal-Karta;
E. billi t-terminu "Rom" ikopri l-persuni u t-tfal kollha ta' oriġini Rom, Kalè, Manouches, Lovara, Rissende, Boyash, Domare, Kalderash u Sinti; billi d-definizzjoni l-ġdida ta' Rom hija aħjar biex tinkludi anki lil dawk stigmatizzati bħala żingari mingħajr oriġini etnika korrispondenti, bħall-Eġizzjani, l-Ashkali jew it-Travellers; billi l-komunitajiet Rom jibqgħu fost l-aktar gruppi vulnerabbli u oppressi fl-UE;
F. billi l-kriżi tas-saħħa spiss intużat bħala pretest biex jiġu attakkati l-minoranzi, inklużi l-migranti, persuni bi sfond ta' migrazzjoni u r-Rom, li diġà kienu soġġetti għal diskriminazzjoni razzjali u etnika, diskors ta' mibegħda u reati ta' mibegħda; billi n-nisa u t-tfal Rom, li spiss ikunu soġġetti għal diskriminazzjoni multipla jew forom intersezzjonali ta' diskriminazzjoni, huma fost l-aktar gruppi u individwi mhedda fl-Istati Membri u fil-pajjiżi ta' adeżjoni u f'dawk kandidati, hekk kif jiffaċċjaw ostakli saħansitra agħar mill-irġiel Rom fil-popolazzjoni ġenerali, u spiss jgħixu f'insedjamenti foqra, rurali jew urbani – spiss informali – b'aċċess limitat għall-edukazzjoni, għax-xogħol u għas-servizzi tas-saħħa, mingħajr ebda aċċess għas-sanitazzjoni jew għall-ilma nadif, u stennija ta' għomor iqsar – sitwazzjoni li kompliet tiġi aggravata bil-pandemija tal-COVID-19;
G. billi fl-20 ta' Mejju 2022 il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa adotta rakkomandazzjoni dwar il-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda, li tipprovdi gwida mhux vinkolanti dwar kif għandu jiġi indirizzat dan il-fenomenu; billi l-Kumitat ta' Esperti dwar il-Ġlieda kontra r-Reati ta' Mibegħda, stabbilit reċentement, ġie inkarigat bil-kompitu li, sa tmiem l-2023, iħejji għall-Kumitat tal-Ministri abbozz ta' rakkomandazzjoni dwar ir-reati ta' mibegħda;
H. billi l-fatt li b'mod deliberat id-drittijiet ta' ċerti gruppi minoritarji jiġu mmirati f'uħud mill-Istati Membri ħoloq u stabbilixxa momentum bnadi oħra, kif attestat mir-rigress tad-drittijiet tan-nisa u tal-persuni LGBTIQ; billi dawn huma strateġiji deliberati bl-għan li jdgħajfu l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-UE minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE; billi l-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa adotta riżoluzzjoni li fiha fakkar ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet lokali fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ u stedinhom jaħtru "Espert Lokali dwar l-Ugwaljanza u d-Diversità"; billi l-Kumitat tar-Reġjuni fformula bosta suġġerimenti għar-rwol attiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni fil-konfront tal-persuni LGBTIQ u fil-protezzjoni minnha;
I. billi matul il-lockdowns tal-COVID-19, il-persuni LGBTIQ, b'mod partikolari ż-żgħażagħ, kienu esposti għal rati ogħla mill-medja ta' vjolenza domestika u vjolenza abbażi tal-ġeneru minħabba diskriminazzjoni dovuta għall-fatt li huma LGBTIQ; billi l-persuni LGBTIQ huma aktar vulnerabbli għall-problema ta' persuni mingħajr dar, sitwazzjoni aggravata bil-lockdowns tal-COVID-19;
J. billi l-libertà tal-media hija wieħed mill-pilastri u waħda mill-garanziji ta' demokrazija li tiffunzjona u tal-istat tad-dritt; billi l-libertà, il-pluraliżmu u l-indipendenza tal-media u s-sikurezza tal-ġurnalisti huma komponenti kruċjali tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni, u huma essenzjali għall-funzjonament demokratiku tal-UE u tal-Istati Membri tagħha; billi l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jadottaw qafas legali u regolatorju li jrawwem l-iżvilupp ta' media ħielsa, indipendenti u pluralistika; billi l-fastidju online, it-theddid u l-kawżi kontra l-ġurnalisti, speċjalment il-ġurnalisti investigattivi, minn politiċi u personalitajiet pubbliċi prominenti, inklużi membri tal-gvern, qed ikomplu jiżdiedu f'uħud mill-Istati Membri; billi każijiet ta' interferenza politika fil-media ġew irrapportati fl-Istati Membri kollha; billi l-ġurnalisti jkomplu jiffaċċjaw l-ostakli biex jiksbu aċċess għall-informazzjoni u għad-dokumenti pubbliċi;
K. billi l-kriminalizzazzjoni tal-ġurnalisti minħabba xogħolhom hija kwistjoni partikolarment gravi; billi l-ġurnalisti ma għandhomx jispiċċaw il-ħabs jew jiġu mhedda b'sentenza ta' ħabs minħabba malafama; billi l-Istati Membri ma għandhomx jimponu sanzjonijiet kriminali għal reati tal-media ħlief f'każijiet fejn drittijiet fundamentali oħra jkunu ġew imxekkla serjament, u għandhom jiżguraw li dawn is-sanzjonijiet ma jiġux applikati b'mod diskriminatorju jew arbitrarju fil-konfront tal-ġurnalisti;
L. billi r-rivelazzjonijiet li diversi pajjiżi, inklużi Stati Membri tal-UE, għamlu użu mill-ispyware ta' sorveljanza Pegasus fil-konfront ta' ġurnalisti, politiċi, u atturi oħra huma estremament allarmanti u apparentement jikkonfermaw il-perikli tal-użu ħażin tat-teknoloġija ta' sorveljanza biex tikkomprometti d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;
M. billi l-iżvelar ta' informazzjoni protetta huwa aspett fundamentali tal-libertà ta' espressjoni u jiżvolġi rwol ċentrali fid-detezzjoni u fir-rapportar ta' atti illeċiti, u fit-tisħiħ tal-akkontabbiltà demokratika u tat-trasparenza; billi l-iżvelar ta' informazzjoni protetta jirrappreżenta sors ewlieni ta' informazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u fl-investigazzjoni, fl-identifikazzjoni u fil-pubbliċizzazzjoni ta' każijiet ta' korruzzjoni fis-settur pubbliku u f'dak privat; billi l-protezzjoni adegwata tal-informaturi fil-livell tal-UE, nazzjonali u internazzjonali, kif ukoll ir-rikonoxximent tar-rwol importanti li l-informaturi jiżvolġu fis-soċjetà, huma prerekwiżiti biex tiġi żgurata l-effettività ta' dan ir-rwol;
N. billi wħud mill-Istati Membri oħra għadhom ma implimentawx ir-rekwiżiti kollha tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva(9), u b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw l-indipendenza tar-regolaturi tas-suq tal-media nazzjonali;
O. billi fl-24 ta' Ġunju 2021, il-Parlament adotta riżoluzzjoni komprensiva dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, li tistabbilixxi l-viżjoni tiegħu dwar il-kwistjoni fl-Istati Membri; billi din ir-riżoluzzjoni tirrikonoxxi n-nuqqasijiet, tilqa' l-progress u tagħmel sensiela ta' proposti biex tiżgura aċċess għal prodotti mestrwali għal kulħadd, edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità, kontraċezzjoni moderna bħala strateġija għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, kura riproduttiva sikura u legali, aċċess għal trattamenti tal-fertilità, kif ukoll kura relatata mal-maternità, mat-tqala u mat-twelid għal kulħadd;
P. billi skont stħarriġ tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali dwar il-vjolenza kontra n-nisa, il-vittmi ta' vjolenza mis-sieħeb jirrapportaw l-aktar inċidenti serji lill-pulizija f'14 % biss tal-każijiet, u żewġ terzi tal-vittmi nisa sistematikament ma jirrapportawx il-vjolenza lill-awtoritajiet, minħabba biża' jew nuqqas ta' informazzjoni dwar id-drittijiet tal-vittmi, jew minħabba twemmin ġenerali li l-vjolenza minn sieħeb intimu hija kwistjoni privata li ma għandhiex tiġi ppubliċizzata;
Q. billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija ksur gravi tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u tikkostitwixxi ostaklu kbir għall-ilħiq tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-soċjetà; billi n-nisa u l-bniet jibqgħu affettwati b'mod sproporzjonat mill-vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluż il-vjolenza sesswali, il-fastidju u l-mutilazzjoni ġenitali femminili fost forom oħra, kif ukoll il-vjolenza domestika u l-vjolenza minn sieħeb intimu; billi dawn l-atti ta' vjolenza jistgħu jitwettqu kemm fil-pubbliku kif ukoll fil-privat;
R. billi l-fenomenu tal-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru qed jiżdied, fejn fl-UE, waħda minn kull ħames nisa ta' età bejn it-18-il sena u d-29 sena rrapportaw li sofrew fastidju sesswali online; billi l-isfera pubblika diġitali trid tipprovdi ambjent sikur għal kulħadd, inklużi n-nisa u l-bniet; billi ma għandu jkun hemm l-ebda impunità fl-ambjent online; billi f'żewġ rapporti leġiżlattivi fuq inizjattiva proprja, il-Parlament stieden lill-Kummissjoni tressaq proposti dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza ċibernetika u dwar iż-żieda fil-vjolenza abbażi tal-ġeneru bħala qasam ġdid ta' kriminalità elenkat fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE;
S. billi f'ħafna Stati Membri, il-miżuri ta' lockdown u ta' tbegħid soċjali attwati matul il-pandemija tal-COVID-19 spiċċaw assoċjati ma' żieda esponenzjali fil-prevalenza u fl-intensità ta' każijiet ta' vjolenza minn sieħeb intimu, vjolenza psikoloġika u kontroll koerċittiv u vjolenza ċibernetika, kif ukoll ma' żieda ta' 60 % fl-għadd ta' telefonati ta' emerġenza rrapportati mill-vittmi ta' vjolenza domestika; billi r-rekwiżit li jibqgħu d-dar u ż-żieda allarmanti fil-pandemija "fantażma" tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru għamluha diffiċli għan-nisa u għat-tfal biex jiksbu aċċess għal protezzjoni effettiva, servizzi ta' appoġġ u ġustizzja u wrew kemm ir-riżorsi u l-istrutturi ta' appoġġ ma kinux biżżejjed u li l-vittmi kellhom aċċess limitat għas-servizzi ta' appoġġ, fejn ħafna sfaw mingħajr protezzjoni adegwata u f'waqtha; billi l-Istati Membri għandhom jikkondividu l-aħjar prattiki f'miżuri speċifiċi biex jipprovdu lill-vittmi b'assistenza f'waqtha u aċċessibbli, inkluż l-istabbiliment ta' sistemi biex jintbagħtu messaġġi ta' emerġenza jew jinħolqu punti ta' kuntatt biex tintalab l-għajnuna fl-ispiżeriji u fis-supermarkets; billi għal diversi raġunijiet, minkejja l-prevalenza tal-fenomenu, il-vjolenza kontra n-nisa minn sieħeb intimu baqgħet mhux irrappurtata biżżejjed fl-UE mill-vittmi u mill-familji, mill-ħbieb, mill-konoxxenzi u mill-ġirien tagħhom, speċjalment matul il-pandemija tal-COVID-19; billi hemm nuqqas sinifikanti ta' data komprensiva, komparabbli u diżaggregata skont il-ġeneru, liema nuqqas irendi diffiċli valutazzjoni sħiħa tal-impatt tal-kriżi;
T. billi fl-Istati Membri l-ksur tad-drittijiet tat-tfal ikompli b'riżultat ta' vjolenza, abbuż, sfruttament, faqar, esklużjoni soċjali u diskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon, tad-diżabilità, tal-ġeneru, tal-identità sesswali, tal-età, tal-etniċità, ta' migrazzjoni jew status ta' residenza; billi fl-UE kważi 25 % tat-tfal taħt it-18-il sena huma f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali; billi l-faqar iċaħħad lit-tfal minn opportunitajiet edukattivi, indukrar, kura tas-saħħa, ikel u akkomodazzjoni adegwati, appoġġ mill-familja u saħansitra protezzjoni mill-vjolenza, u jista' jkollu effetti li jdumu ħafna; billi l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali indikat li l-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal hija wkoll kwistjoni ta' drittijiet fundamentali u ta' obbligi legali; billi l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal hija objettiv espliċitu tal-politiki tal-UE u tal-Karta, li tirrikjedi li l-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja fl-azzjonijiet kollha tal-UE;
U. billi l-pandemija tal-COVID-19 poġġiet pressjoni bla preċedent fuq it-tfal u l-familji fl-UE kollha, speċjalment dawk li diġà kienu ekonomikament jew soċjalment żvantaġġati; billi tfal minn sfondi soċjoekonomiċi żvantaġġati spiss ma jkollhomx tagħmir tal-IT adegwat, aċċess għall-internet u spazju u kundizzjonijiet xierqa biex jaħdmu, fatt li kompla jaggrava l-inugwaljanzi eżistenti fl-apprendiment matul il-pandemija; billi l-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri li ttieħdu b'rispons għaliha żiedu r-riskju li t-tfal jkunu esposti għall-vjolenza, inkluż l-isfruttament u l-abbuż sesswali tat-tfal iffaċilitati mit-teknoloġija; billi għalkemm ġew ippreżentati inqas applikazzjonijiet għall-ażil tat-tfal, il-kundizzjonijiet ta' akkoljenza tat-tfal baqgħu inadegwati f'diversi Stati Membri;
V. billi skont l-Artikolu 47 tal-Karta, id-dritt fundamentali għal rimedju effettiv jirrikjedi aċċess għal tribunal indipendenti; billi l-influwenza politika jew il-kontroll tal-ġudikatura u ostakli simili għall-indipendenza tal-imħallfin individwali ripetutament irriżultaw f'sitwazzjoni fejn il-ġudikatura ma setgħetx taqdi r-rwol tagħha li tivverifika b'mod indipendenti l-użu arbitrarju tal-poter mill-fergħa eżekuttiva u l-fergħa leġiżlattiva tal-gvern; billi sistema ġudizzjarja effettiva, indipendenti u imparzjali hija essenzjali għall-iżgurar tal-istat tad-dritt u għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet ċivili taċ-ċittadini fl-UE;
W. billi l-pandemija tal-COVID-19 ħarġet fid-deher in-nuqqas li tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ta' persuni miżmuma taħt arrest preventiv qabel is-smigħ tal-kawża; billi filwaqt li l-prattiki relatati mal-użu tal-arrest preventiv matul il-pandemija tal-COVID-19 kienu jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor, f'għadd ta' Stati Membri d-dewmien fis-seduti tal-qorti u fl-investigazzjonijiet irriżulta f'perjodi itwal ta' arrest preventiv; billi l-persuni mċaħħda mil-libertà tagħhom kienu aktar vulnerabbli għat-tifqigħa tal-COVID-19 mill-popolazzjoni ġenerali minħabba l-kundizzjonijiet ta' konfinament li għexu fihom għal perjodi twal ta' żmien; billi l-għeluq tal-qrati u/jew id-dewmien fis-seduti u fl-investigazzjonijiet ikkawżaw konfużjoni u inċertezza għas-suspettati, speċjalment għal dawk miżmuma taħt arrest, li ftit li xejn kellhom idea meta kien se jsir il-proċess tagħhom, u kemm kienu se jdumu aktar taħt arrest;
X. billi d-dritt internazzjonali jikkonferma li wieħed ma jistax jinżamm taħt arrest għar-raġuni unika li jkun qed ifittex ażil; billi d-detenzjoni trid għaldaqstant tintuża biss fl-aħħar istanza u għal skop ġustifikat; billi għal persuni apolidi de jure kif ukoll de facto, in-nuqqas ta' status legali jew ta' dokumentazzjoni tagħhom ifisser li jirriskjaw li jinżammu f'detenzjoni b'mod indefinit, u dan huwa illegali skont id-dritt internazzjonali;
Y. billi l-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020-2025) trid tipprovdi qafas għal azzjoni biex tiġi evitata l-impunità legali u soċjali, filwaqt li tiżdied is-sigurtà u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini kollha tal-UE;
Z. billi s-salvagwardja tal-bijodiversità u tal-ekosistemi hija fundamentali għall-iżvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima, fejn il-perjodu 2021-2030 ġie ddeżinjat bħala d-Deċennju tan-NU dwar ir-Restawr tal-Ekosistema; billi l-Kummissjoni ħabbret li l-adozzjoni ta' inizjattivi leġiżlattivi kruċjali dwar il-protezzjoni ambjentali, inkluża liġi ewlenija dwar ir-restawr tan-natura, kellha tiġi posposta b'diversi xhur; billi l-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu l-għan li jipproteġi, jippreserva u jsaħħaħ il-kapital naturali tal-UE u jipproteġi s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini tagħha mir-riskji u l-impatti relatati mal-ambjent; billi għadd ta' inizjattivi leġiżlattivi proposti se jkollhom impatt pożittiv fuq il-livell ta' protezzjoni ambjentali, kif minqux fl-Artikolu 37 tal-Karta;
L-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali
1. Jissottolinja l-fatt li l-istat tad-dritt huwa pedament tad-demokrazija, iżomm is-separazzjoni tal-poteri, jiżgura l-akkontabbiltà, jikkontribwixxi għall-fiduċja fl-istituzzjonijiet pubbliċi u jiggarantixxi l-prinċipji tal-legalità, taċ-ċertezza tad-dritt, tal-projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi, tal-indipendenza ġudizzjarja, tal-imparzjalità u tal-ugwaljanza quddiem il-liġi; jisħaq li l-istat tad-dritt u l-indipendenza ġudizzjarja b'mod partikolari huma kritiċi biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jgawdu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom;
2. Itenni li l-istat tad-dritt, il-libertà u l-pluraliżmu tal-media u l-ġlieda b'mod effettiv kontra l-korruzzjoni huma l-pedament tas-soċjetajiet tagħna u huma valuri fundamentali tal-UE li jaffettwaw id-drittijiet fundamentali kollha; jinnota b'dispjaċir, madankollu, li f'uħud mill-Istati Membri l-ksur ta' dawn il-prinċipji huwa persistenti u joħloq theddida serja għad-distribuzzjoni ġusta, legali u imparzjali tal-fondi tal-UE;
3. Iqis li l-istat tad-dritt huwa marbut mill-qrib mar-rispett tad-demokrazija u tad-drittijiet fundamentali u jenfasizza li d-deterjorament ta' wieħed minn dawn il-valuri, ikun liema jkun, jikkostitwixxi attakk fuq il-pilastri tal-Unjoni kif stipulat fit-TUE; itenni l-bosta appelli magħmula minnu biex il-kamp ta' applikazzjoni tar-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt jitwessa' b'tali mod li jinkludi l-valuri kollha tal-Artikolu 2 tat-TUE sabiex jipprovdu stampa ġenerali olistika tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri kollha; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu mill-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħha, inkluża l-proċedura prevista fl-ambitu tal-Mekkaniżmu ta' Kundizzjonalità tal-Istat tad-Dritt, biex tindirizza dan il-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt, tad-demokrazija u tad-drittijiet fundamentali;
4. Jikkundanna bil-qawwa l-ksur gravi tal-prinċipji tal-istat tad-dritt f'uħud mill-Istati Membri, li qiegħed jikkawża periklu serju fir-rigward tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali; iqis li f'uħud mill-każijiet dan il-ksur huwa ta' natura sistemika; jenfasizza r-rabta bejn id-deterjorament tal-istandards tal-istat tad-dritt u l-ksur tad-drittijiet fundamentali, bħal dak imwettaq fil-qasam tal-ġudikatura, l-attakki kontra l-ġurnalisti u l-media ħielsa, inkluż l-użu ta' forza eċċessiva min-naħa tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi matul il-protesti u fil-fruntieri tal-UE, in-nuqqas ta' garanziji u ta' proċess ġust għad-detenuti, l-inċitament għall-mibegħda min-naħa ta' atturi politiċi, żieda fil-poter tal-awtoritajiet li jwettqu sorveljanza tal-massa u l-ġbir mifrux ta' data interċettata, u restrizzjonijiet imposti fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jirċievu finanzjament barrani jew abbażi tal-affiljazzjoni reliġjuża tagħhom; jikkundanna ulterjorment l-isforzi ta' wħud mill-gvernijiet tal-Istati Membri biex idgħajfu s-separazzjoni tal-poteri u l-indipendenza tal-ġudikatura; jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu, b'mod partikolari, dwar deċiżjonijiet li jixħtu dubju fuq il-preminenza tad-dritt Ewropew u jistieden lill-Kummissjoni tuża l-mezzi kollha disponibbli biex tieħu azzjoni kontra dawn l-attakki;
5. Jenfasizza li skont l-Artikolu 2 tat-TUE, l-UE hija unjoni bbażata fuq l-istat tad-dritt, u li l-infurzar tad-dritt tal-UE huwa kruċjali biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jeżerċitaw kif xieraq id-drittijiet fundamentali tagħhom; jiddispjaċih li, f'dan ir-rigward, il-Kummissjoni użat is-sett ta' għodod tal-infurzar tagħha inqas, b'mod partikolari billi tat bidu għal għadd dejjem jonqos ta' proċeduri ta' ksur; jinnota, għalhekk, li ċ-ċittadini tal-UE qed ikollhom dejjem aktar jirrikorru għal-litigazzjoni biex jiksbu t-tgawdija tad-drittijiet fundamentali tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa din il-litigazzjoni billi tistabbilixxi fond apposta ta' għajnuna finanzjarja għal-litigazzjoni strateġika għad-drittijiet tal-Karta;
6. Jisħaq li minkejja bosta riżoluzzjonijiet u rapporti tiegħu, u minkejja diversi proċedimenti ta' ksur u deċiżjonijiet mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (QĠUE) u mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) fl-2020 u fl-2021, is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea qed tkompli tiddeterjora; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' kapaċità tal-Kummissjoni li tirrispondi b'mod xieraq għat-tħassib varju tal-Parlament rigward id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali f'diversi Stati Membri; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' monitoraġġ u infurzar komprensivi tal-konformità mal-valuri kollha tal-Artikolu 2 tat-TUE; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi monitoraġġ komprensiv f'rapport annwali dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali bħala parti mill-mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;
7. Jisħaq fuq il-fatt li huwa essenzjali li s-sentenzi tal-qrati jiġu infurzati, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE, u jikkundanna n-nuqqas ta' konformità mas-sentenzi tal-QĠUE u tal-qrati nazzjonali mill-awtoritajiet pubbliċi kkonċernati; jenfasizza li s-sentenzi tal-QĠUE jridu jiġu implimentati fil-ħin u mill-aktar fis possibbli f'konformità mat-Trattati, b'mod partikolari dawk is-sentenzi li jfittxu li jipprevjenu d-diskriminazzjoni abbażi tas-sess, tar-razza, tal-kulur, tal-oriġini etnika jew soċjali, tal-karatteristiċi ġenetiċi, tal-lingwa, tar-reliġjon jew tat-twemmin, tal-opinjoni politika jew ta' kwalunkwe opinjoni oħra, tal-appartenenza għal minoranza nazzjonali, tal-proprjetà, tat-twelid, tad-diżabilità, tal-età jew tal-orjentazzjoni sesswali;
8. Itenni li l-korruzzjoni hija theddida serja għad-demokrazija, għall-istat tad-dritt u għat-trattament ġust taċ-ċittadini kollha; jenfasizza r-rabta bejn il-korruzzjoni u l-ksur tad-drittijiet fundamentali f'għadd ta' oqsma bħall-indipendenza tal-ġudikatura, il-libertà tal-media u l-libertà tal-espressjoni tal-ġurnalisti u tal-informaturi, il-faċilitajiet ta' detenzjoni, l-aċċess għad-drittijiet soċjali, u t-traffikar tal-bnedmin; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jiġġieldu kontra l-korruzzjoni b'mod determinat u joħolqu strumenti effettivi biex jipprevjenu, jiġġieldu u jissanzjonaw il-korruzzjoni u jiġġieldu kontra l-frodi, kif ukoll jimmonitorjaw b'mod regolari l-użu tal-fondi pubbliċi; jistieden lill-Kummissjoni tissokta minnufih il-monitoraġġ u r-rapportar annwali tagħha fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, b'referenza għall-istituzzjonijiet tal-UE u għall-Istati Membri;
9. Jisħaq li n-nuqqas ta' azzjoni u approċċ laxk fil-konfront ta' strutturi oligarkiċi u tal-ksur sistemiku tal-istat tad-dritt idgħajfu l-Unjoni Ewropea kollha u jikkompromettu l-fiduċja taċ-ċittadini tagħha; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li flus il-kontribwenti qatt ma jispiċċaw fil-bwiet ta' dawk li jikkompromettu l-valuri kondiviżi tal-UE;
10. Jissottolinja l-fatt li l-miżuri ta' emerġenza li rriżultaw fil-konċentrazzjoni tal-poteri u derogi għad-drittijiet fundamentali żiedu r-riskju ta' korruzzjoni; jistieden lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jiżguraw li fil-prattika jiġu applikati b'mod effettiv leġiżlazzjoni u oqfsa istituzzjonali adegwati għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u li l-gvernijiet jaġixxu bi trasparenza u b'akkontabbiltà; jistieden lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, isegwu mill-qrib il-linji gwida li ħareġ il-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) tal-Kunsill tal-Ewropa fl-2020 għall-prevenzjoni tar-riskji ta' korruzzjoni fil-kuntest tal-pandemija;
11. Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-problemi strutturali f'uħud mill-Istati Membri fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura u tal-awtonomija tas-servizzi ta' prosekuzzjoni jikkompromettu l-aċċess taċ-ċittadini għall-ġustizzja u għandhom impatt negattiv fuq id-drittijiet u l-libertajiet tagħhom; ifakkar li n-nuqqasijiet fl-istat tad-dritt fi Stat Membru wieħed għandhom impatt fuq l-Unjoni kollha kemm hi u jaffettwaw id-drittijiet tan-nies kollha fl-UE; jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jipproteġu lill-imħallfin u lill-prosekuturi minn attakki u minn kwalunkwe tentattiv li ssir pressjoni fuqhom u li għaldaqstant tikkomprometti l-ħidma tagħhom;
12. Jisħaq li skont l-Artikolu 47 tal-Karta, id-dritt fundamentali għal rimedju effettiv jirrikjedi aċċess għal tribunal indipendenti; jinnota l-isfidi dejjem jiżdiedu maħluqa mill-qrati kostituzzjonali nazzjonali u minn uħud mill-politiċi; jinsisti li l-Istati Membri jeħtiġilhom jikkonformaw bis-sħiħ mad-dritt tal-UE u mad-dritt internazzjonali kif ukoll mas-sentenzi tal-QĠUE u tal-QEDB, inklużi dawk relatati mal-indipendenza ġudizzjarja; jikkundanna n-nuqqas ta' konformità ta' għadd ta' Stati Membri, inklużi l-Polonja u l-Ungerija, ma' bosta liġijiet tal-UE u sentenzi tal-qorti Ewropea; jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw ir-rwol kruċjali tal-QĠUE u tal-QEDB u jikkonformaw mad-deċiżjonijiet tagħhom;
13. Itenni l-kundanna tiegħu tal-prattika ta' prosekuzzjoni u fastidju tal-imħallfin li jikkritikaw lill-Gvern Pollakk; jistieden lill-Gvern Pollakk jirriforma bir-reqqa s-sistema dixxiplinari għall-imħallfin f'konformità mas-sentenzi tal-QĠUE, u jerġa' jdaħħal l-imħallfin kollha li tneħħew mill-pożizzjonijiet tagħhom mill-Awla Dixxiplinari illegali tal-Qorti Suprema, inklużi dawk l-imħallfin li għadhom ma tħallewx jiġġudikaw minkejja li appellaw b'suċċess is-sospensjoni tagħhom mill-Awla f'qorti tal-ġustizzja; jistieden lill-awtoritajiet Pollakki jikkonformaw mad-diversi sentenzi tal-QĠUE u tal-QEDB rigward il-kompożizzjoni u l-organizzazzjoni tat-"Tribunal Kostituzzjonali" illeġittimu u tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema sabiex jikkonformaw mal-istandards ta' indipendenza ġudizzjarja li l-Polonja impenjat ruħha li tirrispetta;
14. Jilqa' l-proċeduri ta' ksur imnedija mill-Kummissjoni kontra l-Ungerija u l-Polonja bħala parti mill-pakkett ta' ksur ta' Lulju 2021 fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni LGBTIQ u tal-ksur tad-dritt tal-UE, fejn din kienet l-ewwel darba li l-Kummissjoni tat bidu għal proċeduri ta' ksur speċifikament biex tissalvagwardja d-drittijiet tagħhom; jieħu nota tal-opinjoni motivata tal-Kummissjoni indirizzata lill-gvern Ungeriż dwar il-liġi "kontra l-persuni LGBTIQ" kif ukoll tar-risposta tal-gvern, u jistieden lill-Kummissjoni tipproċedi bil-proċedura ta' ksur billi tressaq il-każ quddiem il-QĠUE; jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Qorti Għolja ta' Budapest li tannulla l-obbligu li tiġi stampata dikjarazzjoni ta' ċaħda ta' responsabbiltà fil-kotba tat-tfal fl-Ungerija, u jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-iżvilupp tal-każ bl-għan li tivvaluta l-passi neċessarji li jmiss fil-proċedura ta' ksur; jinsab imħasseb bin-nuqqas ta' segwitu b'rabta ma' proċeduri ta' ksur rigward iż-żoni Pollakki "liberi minn LGBT" u bin-nuqqas ta' kooperazzjoni sinċiera min-naħa tal-awtoritajiet Pollakki, u jistieden lill-Kummissjoni tibgħat opinjoni motivata lill-Gvern Pollakk;
15. Jinnota li f'Ottubru 2021, skont l-Artikolu 265 tat-TFUE, il-Parlament nieda azzjoni legali kontra l-Kummissjoni quddiem il-QĠUE minħabba li naqset milli taġixxi u tapplika r-Regolament dwar il-Kundizzjonalità tal-Istat tad-Dritt(10), kif kien talab f'żewġ riżoluzzjonijiet fl-2021, liema azzjoni ttieħdet wara li l-Kummissjoni offriet tweġibiet li ma kinux sodisfaċenti u pruvat tikseb iktar ħin; jiddispjaċih dwar il-fatt li sa tmiem l-2021, il-Kummissjoni kienet għadha ma weġbitx għall-istedina tal-Parlament biex jiġi attivat l-Artikolu 6(1) tar-regolament u lill-Ungerija u lill-Polonja kienet bagħtitilhom biss talbiet għall-informazzjoni;
16. Itenni l-pożizzjoni tiegħu rigward ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità tal-Istat tad-Dritt, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2021 u li huwa direttament applikabbli fl-intier tiegħu fl-Unjoni Ewropea u fl-Istati Membri kollha tagħha għall-fondi kollha tal-baġit tal-UE, inklużi r-riżorsi allokati minn dak iż-żmien 'l hawn permezz ta' EUR 800 biljun tan-NextGenerationEU, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza temporanja; ifakkar li r-Regolament dwar il-Kundizzjonalità tal-Istat tad-Dritt jipprovdi definizzjoni ċara tal-istat tad-dritt, li trid tinftiehem b'rabta mal-valuri l-oħra tal-Unjoni, inklużi d-drittijiet fundamentali u n-nondiskriminazzjoni; huwa tal-fehma li d-diskriminazzjoni promossa mill-istati kontra l-minoranzi għandha impatt dirett fuq il-proġetti li fuqhom l-Istati Membri jiddeċiedu li jonfqu l-flus tal-UE, u għalhekk taffettwa direttament il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tattiva minnufih il-proċedura prevista fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità tal-Istat tad-Dritt;
17. Ifakkar li għadha ma ngħatat l-ebda tweġiba xierqa lill-inizjattiva tal-Parlament dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, li għandu jiġi rregolat bi ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jidħlu immedjatament f'negozjati mal-Parlament dwar ftehim interistituzzjonali skont l-Artikolu 295 tat-TFUE;
18. Jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni u fil-protezzjoni tal-valuri tal-UE minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE u fil-Karta; jisħaq fuq il-kontribut ewlieni tagħhom biex jiddefendu l-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri, jagħtu vuċi lill-persuni vulnerabbli u emarġinati, u jiżguraw l-aċċess għal servizzi soċjali kruċjali; jirrikonoxxi li spazju ċiviku f'saħħtu huwa prerekwiżit għad-demokrazija, għall-istat tad-dritt u għad-drittijiet fundamentali; jisħaq li l-Unjoni għandha għalhekk timpenja ruħha favur il-preservazzjoni u t-trawwim ta' spazju ċiviku fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew, inkluż permezz tal-adozzjoni ta' strateġija ddedikata għal dak il-għan;
19. Jilqa' l-istabbiliment rapidu ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew effiċjenti, indipendenti u totalment operazzjonali sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi fl-Unjoni Ewropea; jenfasizza l-importanza li tiġi appoġġata u msaħħa l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew;
20. Ifakkar li l-pandemija tal-COVID-19, speċjalment fil-fażijiet bikrija tagħha, tat lok għal ksur gravi tal-libertà ta' moviment u tal-libertà ta' xogħol u d-deterjorament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien, inkluż għall-ħaddiema staġjonali u transfruntiera madwar l-Unjoni; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li r-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet fundamentali li rriżultaw mill-pandemija jitneħħew hekk kif is-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika tippermetti li dan isir, u li d-drittijiet u l-libertajiet kollha jiġu restawrati bis-sħiħ;
21. Jenfasizza r-rigress tal-istat tad-dritt f'ħafna Stati Membri fuq perjodi differenti u minn livelli differenti ta' awtorità, mil-livell eżekuttiv permezz ta' proċeduri bħall-aċċellerazzjoni tal-liġijiet waqt emerġenzi statali, għal-livell lokali bħall-abbużi pervażivi mill-awtoritajiet tal-pulizija; ifakkar li l-użu tas-setgħa diskrezzjonali għandu jkun ikkontrollat minn rieżamijiet ġudizzjarji jew rieżamijiet indipendenti oħra u li r-rimedji disponibbli għandhom ikunu ċari u aċċessibbli faċilment, b'mod partikolari fil-każ ta' abbużi, inkluż l-aċċess għal ombudsperson jew forma oħra ta' ġuriżdizzjoni mhux kontenzjuża; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi biex jipprevjenu, jikkoreġu u jippenalizzaw l-abbuż tas-setgħat diskrezzjonali u jipprovdu raġunijiet adegwati għad-deċiżjonijiet tagħhom, b'mod partikolari meta jaffettwaw id-drittijiet tal-individwi;
22. Jinsab imħasseb bil-fatt li l-pandemija tal-COVID-19 u r-risponsi sussegwenti kellhom riperkussjonijiet bla preċedent fuq il-funzjonament tal-qrati u fuq il-kapaċità ta' eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża, fejn il-kapaċità tal-avukati li jikkonsultaw lill-klijenti tagħhom ġiet ristretta b'mod sever; jissottolinja l-fatt li l-aċċess għall-għases tal-pulizija u għall-qrati kien limitat b'mod sever, u bosta seduti fil-qrati ġew posposti jew saru online; jisħaq li dawn il-miżuri kellhom implikazzjonijiet serji fuq il-kapaċità tal-persuni arrestati, imħarrka jew f'detenzjoni biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal proċess ġust;
23. Jisħaq li l-pandemija tal-COVID-19 ma teħlisx lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi mill-obbligu tagħhom li jibbilanċjaw bir-reqqa l-interessi involuti u milli jużaw is-setgħat tagħhom b'mod li jikkonforma mal-obbligi tagħhom b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar li fejn ikun seħħ ksur tad-drittijiet tal-bniedem b'rabta mal-pulizija u mal-użu tal-forza, l-Istati Membri jeħtiġilhom iwettqu investigazzjonijiet fil-pront, bir-reqqa, effettivi u indipendenti, u jiżguraw li dawk kollha responsabbli jinżammu akkontabbli fi proċessi ġusti;
24. Jesprimi tħassib dwar l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq il-persuni f'detenzjoni; jisħaq li wħud mill-Istati Membri adottaw miżuri biex inaqqsu l-popolazzjonijiet tal-ħabsijiet, iżda spiss fuq bażi temporanja biss; jissottolinja l-fatt li l-UE qed tħabbat wiċċha ma' kriżi li ilha għaddejja ta' popolazzjoni eċċessiva fil-ħabsijiet, ikkawżata primarjament mir-rikors eċċessiv għall-arrest preventiv qabel is-smigħ tal-kawża(11); jinsab imħasseb biż-żieda fil-problemi tas-saħħa mentali fost il-persuni taħt arrest preventiv; ifakkar li ż-żamma ta' persuni legalment innoċenti taħt arrest preventiv qabel is-smigħ tal-kawża hija aċċettabbli biss bħala miżura eċċezzjonali tal-aħħar istanza u jistieden lill-Istati Membri jillimitaw id-dipendenza fuq l-arrest preventiv qabel is-smigħ tal-kawża u jesploraw alternattivi għalih; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' standards tal-UE marbuta mal-arrest preventiv qabel is-smigħ tal-kawża, li għandhom jistabbilixxu s-sentenza minima neċessarja qabel l-impożizzjoni ta' arrest preventiv qabel is-smigħ tal-kawża sabiex l-awturi ta' reati minuri jiġu eżentati; huwa tal-fehma li individwi ma għandhomx jinżammu fil-ħabs għal perjodu itwal mil-limitu legali waqt li jkunu qed jistennew proċess u li l-każijiet iridu jitressqu quddiem il-qorti fi żmien raġonevoli; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi standards minimi relatati mal-kundizzjonijiet fil-ħabs u f'detenzjoni fl-UE;
Id-dritt għal trattament ugwali
25. Jisħaq bi tħassib li prattiki diskriminatorji jkomplu jseħħu abbażi ta' raġunijiet tas-sess, tar-razza, tal-kulur, tal-oriġini etnika jew soċjali, tal-karatteristiċi ġenetiċi, tal-lingwa, tar-reliġjon jew tat-twemmin, tal-opinjoni politika jew ta' kwalunkwe opinjoni oħra, tas-sħubija f'minoranza nazzjonali, tal-proprjetà, tat-twelid, tad-diżabilità, tal-età, tal-orjentazzjoni sesswali jew tal-identità tal-ġeneru; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi politiki pubbliċi mmirati lejn l-eliminazzjoni ta' tali diskriminazzjoni, u tiżgura li d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija(12) tiġi implimentata b'mod xieraq u sħiħ; jemmen li l-Kummissjoni għandha tibda proċeduri ta' ksur kontra l-Istati Membri li jonqsu milli jagħmlu dan;
26. Jenfasizza li, skont ir-rapporti annwali dwar id-drittijiet fundamentali tal-Aġenzija tal-UE għad-drittijiet fundamentali, ħafna Stati Membri jsegwu prattiki, politiki u liġijiet istituzzjonali diskriminatorji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li jimplimentaw u jinfurzaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni, iniedu proċedimenti ta' ksur kontra l-Istati Membri li ma jittrasponux jew ma jimplimentawx bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni tal-UE kontra d-diskriminazzjoni, u jintensifikaw il-miżuri għall-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni istituzzjonali, b'mod partikolari min-naħa tal-infurzar tal-liġi u tas-sistema ġudizzjarja, li jista' jkollha impatt aktar serju fuq individwi minn gruppi f'sitwazzjonijiet vulnerabbli; ifakkar fil-ħtieġa urġenti li tiġi estiża l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni lil hinn mill-impjieg permezz ta' approċċ orizzontali u intersezzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżblukkaw id-Direttiva dwar it-Trattament Ugwali mingħajr aktar dewmien u mingħajr ma jbaxxu l-istandards;
27. Jisħaq li, skont ir-rapport tal-2021 dwar id-drittijiet fundamentali tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, l-Istati Membri għandhom itejbu b'mod sinifikanti l-effettività tal-miżuri u tal-arranġamenti istituzzjonali tagħhom għall-applikazzjoni korretta u sħiħa tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali(13), b'mod partikolari billi jsaħħu l-indipendenza tal-korpi tal-ugwaljanza billi jiżguraw li jkollhom il-mandat u r-riżorsi xierqa li jeħtieġu biex iwettqu b'mod effettiv il-kompiti assenjati lilhom fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-nondiskriminazzjoni;
28. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha fil-ġlieda kontra r-razziżmu, inkluż billi tipproponi leġiżlazzjoni ambizzjuża; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tiżgura segwitu xieraq tal-pjan ta' azzjoni tal-UE kontra r-razziżmu 2020-2025(14) u tistabbilixxi mekkaniżmi effiċjenti ta' monitoraġġ u evalwazzjoni biex jitkejjel il-progress;
29. Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni ħatret koordinatur tad-drittijiet tal-vittmi, adottat l-ewwel strateġija tagħha dwar id-drittijiet tal-vittmi u stabbiliet pjattaforma għad-drittijiet tal-vittmi; jisħaq, madankollu, li l-isfidi għall-aċċess għall-ġustizzja, b'mod partikolari għall-vittmi f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, u għall-indipendenza ġudizzjarja baqgħu jippersistu f'diversi Stati Membri;
30. Jitlob li jkun hemm mekkaniżmu ta' integrazzjoni għall-kooperazzjoni u għall-koordinazzjoni tal-politiki nazzjonali u tal-UE dwar l-ugwaljanza, li jiżgura li l-forom kollha ta' diskriminazzjoni, speċjalment dawk intersezzjonali, jitqiesu fir-rieżami u fl-adozzjoni tal-politiki, inkluż permezz ta' valutazzjonijiet tal-impatt fuq l-ugwaljanza b'mod regolari u indirizzat b'mod trasparenti f'konformità ma' għanijiet u skedi ta' żmien ċari, abbażi tal-evidenza u bl-użu ta' indikaturi tal-prestazzjoni; jitlob li tiġi stabbilita kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, mal-organizzazzjonijiet ta' appoġġ, mal-komunitajiet u mal-persuni li qed jiffaċċjaw diskriminazzjoni filwaqt li jiġu żgurati riżorsi adegwati biex tittieħed azzjoni u jitwettqu miżuri ta' monitoraġġ;
31. Jikkundanna ż-żieda fl-attakki fuq il-persuni LGBTIQ u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu miżuri biex itemmu dawn l-attakki u jiggarantixxu ugwaljanza effettiva għall-persuni LGBTIQ fl-oqsma kollha;
32. Jikkundanna l-approċċ meħud minn xi gvernijiet tal-UE li jadottaw leġiżlazzjoni permezz ta' proċeduri aċċellerati mingħajr konsultazzjonijiet pubbliċi jew saħansitra, f'każijiet eċċezzjonali, bidliet kostituzzjonali bħala mod li jiġu leġittimizzati politiki diskriminatorji li altrimenti ma jkunux jistgħu jiġu lleġiżlati, bħal dispożizzjonijiet immirati speċifikament lejn persuni LGBTIQ; jinnota li l-bidliet approvati għall-kostituzzjoni Ungeriża u l-abbozz ta' liġi "kontra l-persuni LGBTIQ" adottat f'Ġunju 2021 mill-Parlament Ungeriż huma eżempji notevoli ta' vjolazzjoni tad-dritt għal trattament ugwali u għall-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni; jilqa' l-fatt li 18-il Stat Membru ppubblikaw dikjarazzjoni konġunta li tikkundanna l-emendi kontra l-LGBT fil-Liġi tal-Ungerija dwar il-Protezzjoni tat-Tfal; jilqa' l-fatt li 16-il Stat Membru tennew l-appoġġ tagħhom għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fil-konfront tal-persuni LGBTIQ; jisħaq li l-promozzjoni tal-proġett Ewropew bla dubju tinkludi l-promozzjoni tat-tolleranza, tal-aċċettazzjoni, tan-nondiskriminazzjoni u tat-trattament ugwali;
33. Jinsab imħasseb dwar rapporti ta' forza eċċessiva, brutalità min-naħa tal-pulizija u kondotta ħażina fil-konfront tar-Rom fl-UE kollha, li jikkorrispondu ma' dak li sabet l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali fl-2020, u dan żvela wkoll il-fatt li r-Rom ikollhom iġarrbu faqar mifrux, kundizzjonijiet tal-għajxien inadegwati, saħħa fqira, esklużjoni mis-suq tax-xogħol u fastidju; jikkundanna l-esklużjoni soċjali persistenti u l-anti‑Żingariżmu li jwasslu għall-kriminalizzazzjoni sproporzjonata tar-Rom u jistieden lill-Kummissjoni tressaq leġiżlazzjoni aħjar u miżuri ta' politika speċifiċi biex tipprevjeni tali inċidenti u ssir ġustizzja mal-vittmi, filwaqt li tpoġġi l-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu fil-qalba tal-politiki tal-UE;
34. Jiddeplora l-fatt li għadd sinifikanti ta' Rom fl-UE għadhom jgħixu f'insedjamenti emarġinati f'kundizzjonijiet estremament prekarji u f'ċirkostanzi soċjoekonomiċi foqra ħafna, u spiss ma jkollhomx aċċess għal ilma tax-xorb nadif, elettriku, akkomodazzjoni sikura u adegwata, edukazzjoni, impjieg, kura tas-saħħa, faċilitajiet tad-drenaġġ u ġbir tal-iskart; ifakkar li s-sitwazzjoni fl-insedjamenti tar-Rom tikser b'mod ċar id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali u għandha ramifikazzjonijiet serji, speċjalment għat-tfal Rom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jsegwu r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom(15) kif ukoll il-qafas strateġiku tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni għall-2020-2030(16) u jagħmlu użu sħiħ mill-finanzjament tal-UE u dak nazzjonali għal dan il-għan; jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-monitoraġġ tal-progress tal-Istati Membri u tieħu passi ulterjuri skont dan;
35. Jiddeplora l-fatt li l-prattika tas-segregazzjoni fl-iskejjel tat-tfal minn gruppi ta' minoranza tibqa' kwistjoni sinifikanti fl-Ewropa; jenfasizza li prattiki bħal dawn spiss joriġinaw minn dijanjożi ħażina ta' dawn it-tfal b'diżabilitajiet intellettwali abbażi taċ-ċirkostanzi soċjali jew personali tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-politiki ta' inklużjoni tagħhom biex jipprevjenu dawn il-prattiki diskriminatorji, kemm jekk intenzjonati kif ukoll jekk mhux intenzjonati, u jistabbilixxu mekkaniżmi superviżorji sabiex, fejn meħtieġ, jirrieżaminaw u jreġġgħu lura deċiżjonijiet dijanjostiċi;
36. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-involviment xieraq tal-korpi tal-protezzjoni soċjali u legali fir-rigward tat-tfal u t-tutela soċjali f'komunitajiet Rom emarġinati sabiex jiġi żgurat li t-tfal jirċievu l-protezzjoni u l-kura li jeħtieġu għall-benesseri u għall-iżvilupp tagħhom, filwaqt li jiġu rispettati l-aħjar interessi tagħhom, u jistabbilixxu proċeduri mfassla apposta għall-ħtiġijiet differenti tal-komunitajiet Rom emarġinati sabiex iwettqu dmirijiethom bl-istess mod bħalma jagħmlu għat-tfal mill-maġġoranza tal-popolazzjoni;
37. Jenfasizza li l-qafas strateġiku l-ġdid tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni jistabbilixxi miri ambizzjużi f'seba' oqsma ewlenin: in-nondiskriminazzjoni, l-inklużjoni, il-parteċipazzjoni, l-edukazzjoni, l-impjieg, is-saħħa u l-akkomodazzjoni, u jservi ta' qafas ta' monitoraġġ aktar b'saħħtu b'firxa ta' miri kwantifikabbli u li jistgħu jitkejlu biex jiġi segwit il-progress; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura segwitu xieraq għall-istrateġija u għall-progress; iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinfurzaw il-projbizzjoni tat-tfassil ta' profili razzjali jew etniċi fl-infurzar tal-liġi, fil-miżuri kontra t-terroriżmu u fil-kontrolli tal-migrazzjoni, kif ukoll il-vjolenza min-naħa tal-pulizija, u jiżguraw l-akkontabbiltà;
38. Jinsab inkwetat li l-politiki tat-terroriżmu u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu setgħu wasslu għal diskriminazzjoni u ostilità kontra ċerti gruppi, inklużi komunitajiet ta' kulur, komunitajiet Musulmani, movimenti, attivisti u organizzazzjonijiet kontra r-razziżmu; jiddispjaċih li f'uħud mill-każijiet dawk il-politiki jinkludu d-deleġittimizzazzjoni, il-kriminalizzazzjoni jew it-tentattiv ta' kriminalizzazzjoni ta' diskorsi politiċi, reliġjużi u diskorsi oħra, li jistgħu jirriżultaw fi prattiki diskriminatorji tal-infurzar tal-liġi, bħat-tfassil ta' profili razzjali u reliġjużi, u effetti soċjali usa' bħall-awtoċensura u t-tnaqqis tal-ispazju għas-soċjetà ċivili;
39. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li torganizza konsultazzjoni pubblika dwar l-aġġornament tad-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità(17) bħala parti mill-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020‑2025), bil-għan li ssaħħaħ b'mod effettiv l-assistenza u l-protezzjoni pprovduta lill-vittmi, inklużi l-vittmi tat-terroriżmu, u tirrikonoxxi l-importanza li tiġi ppreservata d-dinjità tagħhom; jistieden lill-istituzzjonijiet ikkonċernati jipprovdu salvagwardji biex tiġi evitata kwalunkwe vittimizzazzjoni sussegwenti li tkun ġejja minn umiljazzjoni u attakki fuq l-immaġni tal-vittmi li jkunu ġejjin minn setturi soċjali relatati mal-awtur tal-attakki;
40. Itenni t-talbiet tiegħu lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri kollha tal-UE biex jindirizzaw b'mod effettiv sfidi bħall-isfruttament sesswali tat-tfal, il-pornografija tat-tfal, il-protezzjoni ta' tfal migranti mhux akkumpanjati, is-sitwazzjoni ta' tfal b'diżabilità istituzzjonalizzati, il-protezzjoni tat-tfal li jkunu sofrew abbuż domestiku u l-isfruttament fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll it-tfal neqsin;
41. Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni qieset ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament u adottat strateġija ambizzjuża għad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità għall-perjodu 2021-2030(18); jafferma mill-ġdid l-importanza fundamentali tal-implimentazzjoni tal-miżuri proposti u tal-iżvilupp ulterjuri ta' miżuri nazzjonali sabiex jiġi żgurat li l-persuni b'diżabilità ma jkunux żvantaġġati u ma ssirx diskriminazzjoni kontrihom f'termini ta' impjieg, edukazzjoni u inklużjoni soċjali u li d-drittijiet tagħhom kif previsti fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità jiġu ggarantiti bis-sħiħ;
42. Jinsab imħasseb ħafna dwar iż-żieda fil-faqar u fl-esklużjoni soċjali, b'mod partikolari b'konsegwenza tal-pandemija tal-COVID-19, kif ukoll fid-diskors ta' mibegħda u fir-reati ta' mibegħda; jesprimi tħassib ulterjuri dwar il-pressjoni partikolari u bla preċedent li l-pandemija poġġiet fuq individwi f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, inklużi n-nisa, individwi minn gruppi razzjalizzati, migranti u persuni b'diżabilità; jesprimi tħassib kbir dwar il-fatt li l-kriżi tal-COVID-19 intużat dejjem iżjed bħala pretest biex jiġu attakkati gruppi f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, inklużi migranti, persuni bi sfond ta' immigrazzjoni u r-Rom, li diġà huma soġġetti għal diskriminazzjoni razzjali u etnika, diskors ta' mibegħda u reati ta' mibegħda;
43. Jenfasizza li l-pandemija tal-COVID-19 ħarġet fid-dieher lakuni serji fil-kapaċità u fil-livell tat-tħejjija tas-sistemi tal-kura tas-saħħa, tal-edukazzjoni, tal-impjieg u tal-protezzjoni soċjali tal-Istati Membri; jemmen bis-sħiħ li l-Istati Membri jeħtiġilhom itejbu ħafna s-sistemi tal-kura tas-saħħa, tal-protezzjoni soċjali u tal-assistenza soċjali tagħhom biex jiżguraw li jipprovdu appoġġ sħiħ lil kulħadd, b'mod partikolari lill-persuni l-aktar vulnerabbli, anki matul kriżi, u b'hekk jipproteġu b'mod adegwat id-drittijiet tas-saħħa, ekonomiċi u soċjali ta' kulħadd;
44. Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-pandemija tal-COVID-19 affettwat b'mod sproporzjonat lill-komunitajiet Rom emarġinati minħabba kundizzjonijiet ħżiena ta' akkomodazzjoni, aċċess limitat għall-ilma, għall-elettriku u għas-sanitazzjoni, u nuqqas ta' aċċess għall-internet u tagħmir xieraq tal-IT, li ħallew liż-żgħażagħ Rom jaqgħu lura saħansitra aktar fl-edukazzjoni skolastika; jinsab partikolarment imħasseb dwar il-fatt li l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq ir-Rom amplifikat l-inugwaljanzi u kebbset il-preġudizzju, inklużi l-każijiet ta' vjolenza min-naħa tal-pulizija; jinnota b'dispjaċir li f'ħafna okkażjonijiet matul il-pandemija r-Rom spiċċaw akkużati meta kienu bla ħtija; jinnota li kienu esposti għal stigmatizzazzjoni, diskriminazzjoni u diskors ta' mibegħda li rabat il-virus mal-etniċità tagħhom; jiddeplora l-fatt li wħud min-networks tal-media u soċjali spiss iddeskrivew lir-Rom bħala periklu għas-saħħa pubblika responsabbli għat-tixrid tal-virus; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw il-politiki tagħhom biex jindirizzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali li jkollhom iġarrbu l-komunitajiet Rom, b'attenzjoni speċjali għad-drittijiet tan-nisa u tat-tfal Rom;
45. Jisħaq li l-akkomodazzjoni hija neċessità fundamentali u li l-aċċess għall-akkomodazzjoni, b'mod partikolari l-assistenza għall-akkomodazzjoni, huma dritt fundamentali, peress li ċ-ċittadini li ma jkollhomx akkomodazzjoni ma jistgħux jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà jew jeżerċitaw id-drittijiet fundamentali kollha tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jaċċettaw, mingħajr dewmien, li għandhom jintrabtu bl-Artikolu 31 tal-Karta Soċjali Ewropea riveduta dwar id-dritt għall-akkomodazzjoni; jesprimi tħassib partikolari dwar il-fatt li ż-żgħażagħ huma mċaħħda minn akkomodazzjoni minħabba ż-żieda enormi fil-prezzijiet tad-djar, speċjalment f'ċerti żoni urbani;
46. Jirrikonoxxi li l-faqar huwa forma oħra ta' diskriminazzjoni li twassal għal ksur tad-drittijiet fundamentali, speċjalment ta' dawk il-gruppi li d-drittijiet tagħhom huma diġà l-aktar affettwati, bħan-nisa, il-migranti, il-persuni Suwed u ta' kulur u l-minoranzi etniċi, il-komunità LGBTIQ u t-tfal; jenfasizza l-vulnerabbiltà partikolari tat-tfal u l-impatt li l-faqar għandu fuqhom u fuq l-iżvilupp fiżiku u psikoloġiku tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki biex inaqqsu l-faqar, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lit-tfal; jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu aċċess għall-kura tas-saħħa, għal edukazzjoni ta' kwalità u għal akkomodazzjoni fuq bażi ugwali għal kulħadd u jtemmu t-tnaqqis tas-servizzi pubbliċi, li wassal għal rati ogħla ta' faqar u, fuq kollox, ta' inugwaljanza; ifakkar li d-drittijiet ekonomiċi u soċjali huma drittijiet fundamentali; itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jikkunsidraw id-drittijiet fundamentali filwaqt li jagħmlu proposti ta' politika ekonomika;
47. Jisħaq li l-Istati Membri għandhom jieħdu passi biex jiggarantixxu d-dritt għal impjieg ta' kwalità tajba li jista' jiġi rikonċiljat mal-ħajja u mal-iżvilupp personali u tal-familja, peress li dan huwa l-aħjar mod biex jintemm il-faqar; jirrikonoxxi li dan id-dritt jinkiser b'mod ċar fil-każ tal-isfruttament u l-abbuż tal-ħaddiema; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-ispezzjonijiet tax-xogħol u jieħdu miżuri biex itemmu l-abbuż tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni teżamina liema passi huma meħtieġa għall-adeżjoni tal-UE mal-Karta Soċjali Ewropea, u tipproponi qafas ta' żmien għal dak il-għan;
48. Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' progress fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji fis-servizzi tal-kura, li għandu konsegwenzi drammatiċi fuq il-persuni akbar fl-età, li jeħtieġu dawn is-servizzi biex jgħixu ħajja dinjituża u jibqgħu integrati fis-soċjetà; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom sabiex jiġġieldu kull forma ta' diskriminazzjoni kontra l-persuni akbar fl-età u jiggarantixxu l-ħtiġijiet u d-drittijiet tagħhom; jissottolinja l-importanza li jiġu appoġġati inizjattivi marbuta mat-tixjiħ attiv;
49. Jenfasizza li d-disponibbiltà tas-servizzi online madwar l-UE hija waħda mill-prekundizzjonijiet fundamentali għall-inklużjoni sħiħa tas-soċjetà fl-Ewropa; josserva li xi partijiet tal-UE għadhom mhumiex koperti minn servizzi online ta' kwalità tajba, spiss fiż-żoni rurali, u li dan jista' jservi biex jitwessa' d-distakk fl-inugwaljanza fost l-Ewropej; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaċċelleraw it-trasformazzjoni diġitali tal-UE, li għandha tiffoka fuq il-benesseri tal-ġenerazzjonijiet kollha b'mod ugwali u tindirizza s-sikurezza online;
50. Ifakkar fl-importanza li b'mod sistematiku tinġabar data dwar l-ugwaljanza obbligatorja u diżaggregata u li jiġu żviluppati indikaturi biex jitkejjel u jiġi rrapportat il-progress tal-istrateġiji tal-UE kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġbru data dwar l-ugwaljanza diżaggregata skont l-oriġini razzjali u etnika, kif ukoll karatteristiċi protetti oħra, sabiex jiddokumentaw ir-razziżmu u jiżviluppaw politiki pubbliċi li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-persuni affettwati b'mod reali u effettiv, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ id-dritt fundamentali għall-privatezza, il-protezzjoni tad-data personali u l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE u nazzjonali;
Ir-razziżmu strutturali
51. Jirrikonoxxi u jikkundanna l-eżistenza tar-razziżmu strutturali fl-UE minħabba sterjotipi pperpetwati minn diskorsi li jiddiskriminaw kontra minoranzi etniċi fl-oqsma kollha ta' ħajjithom; jinsab imħasseb ħafna dwar il-forom individwali, strutturali u istituzzjonali ta' razziżmu u ta' ksenofobija fl-UE u d-diskriminazzjoni li qed tiżdied kontra l-Għarab, l-Ewropej Suwed, il-persuni ta' dixxendenza Asjatika, il-Lhud, il-Musulmani, u r-Rom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jtemmu l-prattiki, il-politiki u l-liġijiet istituzzjonali diskriminatorji;
52. Jissottolinja l-fatt li l-moviment Black Lives Matter immobilizza soċjetajiet madwar id-dinja biex jindirizzaw ir-razziżmu u d-diskriminazzjoni mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-protesti kontra r-razziżmu wara l-mewt ta' George Floyd(19), li tafferma mill-ġdid li l-ħajja tas-suwed tgħodd (Black Lives Matter); itenni l-appoġġ tiegħu għall-protesti mifruxa kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni li seħħew fil-bliet kapitali u fil-bliet Ewropej madwar id-dinja kollha wara l-mewt ta' George Floyd fl-2020; jappoġġa s-sejħa tad-dimostranti biex tittieħed pożizzjoni kontra l-oppressjoni u r-razziżmu strutturali fl-Ewropa; jilqa' l-ħatra f'Mejju 2021 tal-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra r-Razziżmu, l-organizzazzjoni tas-Summit tal-UE għall-Ġlieda Kontra r-Razziżmu, il-ħolqien ta' forum permanenti għall-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-4 ta' Marzu 2022 dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-antisemitiżmu; jilqa', barra minn hekk, ir-rikonoxximent tal-Kummissjoni Ewropea, għall-ewwel darba, tal-eżistenza tar-razziżmu strutturali fil-pjan ta' azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-Razziżmu 2020-2025 u l-istabbiliment ta' miżuri konkreti biex jiġu indirizzati r-razziżmu u d-diskriminazzjoni etnika fl-UE;
53. Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jindirizzaw il-kawżi fundamentali tar-razziżmu strutturali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri biex jindirizzaw inugwaljanzi strutturali persistenti f'oqsma ewlenin bħas-sistema tal-ġustizzja kriminali, l-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni, l-impjiegi, il-kura tas-saħħa, il-beni u s-servizzi; jissottolinja r-rwol importanti tal-edukazzjoni u tal-media fil-ġlieda kontra n-narrattivi razzisti u d-dekostruzzjoni tal-preġudizzji u tal-isterjotipi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu t-taħriġ kontra r-razziżmu;
54. Jistieden lill-Istati Membri jadottaw pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali kontra r-razziżmu sa tmiem l-2022 u jipprijoritizzaw azzjoni li tindirizza n-nuqqas ta' aċċess għall-ġustizzja u l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi sostnuti f'oqsma bħall-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-impjiegi u l-edukazzjoni, li jeħtieġ li jiġu rikonoxxuti bħala ostakli kbar għat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet fundamentali u ostakli ewlenin għall-inklużjoni u għall-ugwaljanza; jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja u tiżgura segwitu xieraq għal dawn il-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali u għall-pjan ta' azzjoni tal-UE; jitlob ukoll lill-Kummissjoni timmonitorja r-razziżmu u d-diskriminazzjoni u tieħu azzjoni kontrihom fl-Istati Membri, inkluż billi tagħti bidu għal proċeduri ta' ksur biex tippromwovi l-applikazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni;
55. Jenfasizza s-sentimenti razzisti u ksenofobiċi dejjem jikbru espressi minn uħud mill-individwi li jinfluwenzaw l-opinjoni, mill-politiċi u mill-media, li kkontribwew għall-ħolqien ta' ambjent ostili għad-difensuri u għall-organizzazzjonijiet li jaħdmu kontra r-razziżmu; jistieden lill-Istati Membri sabiex jittrasponu u japplikaw bis-sħiħ id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li motivazzjoni razzista jew ksenofobika titqies bħala ċirkostanza aggravanti, jew, inkella, li l-qrati jkunu jistgħu jqisu tali motivazzjoni fid-determinazzjoni tal-penali;
56. Jinsab imħasseb ħafna dwar l-eżistenza u t-tixrid kontinwu ta' movimenti tal-lemin estrem fl-UE, speċjalment gruppi neo-Faxxisti u neo-Nazisti; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri urġenti biex jipprojbixxu b'mod effettiv dawn il-gruppi; jitlob, intant, li ssir aktar riċerka rigward il-pedamenti, il-bażi għas-sħubija u b'mod partikolari l-finanzjament li jappoġġa tali gruppi bil-għan li tiġi identifikata l-possibbiltà ta' interferenza barranija; jisħaq fuq il-ħtieġa li fil-kurrikuli tal-istorja jingħata aktar spazju għal apprendiment oġġettiv u fattwali dwar ideoloġiji razzjali jew etniċi differenti, bħall-iskjavitù, il-kolonjaliżmu jew il-faxxiżmu, u l-forom u l-oriġini tagħhom, inkluż l-użu ħażin tax-xjenza għall-ġustifikazzjoni tagħhom, kif ukoll il-konsegwenzi tagħhom u l-fdalijiet possibbli tagħhom fiż-żminijiet tal-lum sabiex jiġi miġġieled il-qawmien mill-ġdid ripetut ta' dawn l-ideoloġiji;
57. Ifakkar fil-ħtieġa li tingħata attenzjoni mill-qrib lid-diġitalizzazzjoni u l-preġudizzji soċjali potenzjali li jistgħu jiġu introdotti fit-teknoloġiji ġodda; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati r-riskji potenzjali tal-IA mhux bħala problema teknoloġika, iżda bħala problema tas-soċjetà, speċjalment għal individwi minn gruppi razzjalizzati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri biex jipprevjenu li t-teknoloġiji l-ġodda, inkluża l-IA, jaggravaw id-diskriminazzjoni, l-inugwaljanzi eżistenti u l-faqar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li s-sistemi tal-IA jkunu ggwidati mill-prinċipji tat-trasparenza, l-ispjegabbiltà, il-ġustizzja u l-akkontabbiltà u li jitwettqu awditi indipendenti biex jiġi evitat li dawn is-sistemi jaggravaw ir-razziżmu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw ukoll id-distakk bejn il-ġeneri u b'rabta mad-diversità fis-setturi tal-ICT u tax-xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika (STEM), b'mod partikolari fl-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda, inkluża l-IA, u b'mod partikolari, f'pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet;
58. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali u tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi(20) sabiex jiġġieldu r-razziżmu persistenti kontra persuni ta' oriġini, etniċità jew kulur differenti; jikkundanna l-fatt li l-minoranzi razzjali, etniċi, lingwistiċi u reliġjużi għadhom jiffaċċjaw razziżmu strutturali u istituzzjonali b'għeruq fondi, diskriminazzjoni, reati ta' mibegħda u diskors ta' mibegħda, nuqqas ta' aċċess għall-ġustizzja, u inugwaljanzi soċjoekonomiċi sostnuti li huma ostakli kbar għalihom biex igawdu bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali tagħhom, l-inklużjoni soċjali u l-ugwaljanza bħala ċittadini tal-UE fl-isferi kollha tal-ħajja, inklużi l-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-impjiegi;
Il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, id-drittijiet tan-nisa u d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ +
59. Jiddenunzja l-fatt li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija waħda mill-aktar forom mifruxa ta' vjolenza fl-UE, fejn stħarriġ imwettaq mill-UE żvela li mara waħda minn kull tliet nisa fl-Unjoni – jiġifieri 62 miljun mara – sofriet vjolenza fiżika jew sesswali f'xi punt mill-età ta' 15-il sena, u li aktar minn nofs dawn in-nisa (55 %) sofrew fastidju sesswali; jirrimarka li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija forma ta' diskriminazzjoni u ksur tad-drittijiet fundamentali, kif ukoll ir-riżultat ta' sterjotipi tal-ġeneri, strutturi eteropatrijarkali, asimmetriji tal-poter u inugwaljanzi strutturali u istituzzjonali; jissottolinja l-importanza li jiġi applikat approċċ intersezzjonali u ċċentrat fuq il-vittmi għall-politiki u għall-miżuri kollha biex tiġi indirizzata l-vjolenza abbażi tal-ġeneru; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri javvanzaw l-isforzi tagħhom f'dik id-direzzjoni;
60. Jisħaq fuq l-importanza tal-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru fil-forom kollha tagħha u l-avvanz tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tad-drittijiet tan-nisa; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2022 għal direttiva dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika(21), li tipproponi miżuri b'rabta mal-kriminalizzazzjoni ta' ċerti forom ta' vjolenza, inkluż il-kriminalizzazzjoni ta' stupru fuq il-bażi ta' nuqqas ta' kunsens u ta' ċerti forom ta' vjolenza ċibernetika, kif ukoll miżuri għall-protezzjoni tal-vittmi u għal titjib fl-aċċess għall-ġustizzja, fl-appoġġ għall-vittmi u fil-prevenzjoni, u tinkludi dispożizzjonijiet dwar l-intersezzjonalità; jissottolinja d-dimensjoni transfruntiera tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u jinsisti li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru trid tiġi indirizzata fil-livell Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni żżid il-vjolenza abbażi tal-ġeneru mal-lista ta' reati partikolarment serji minquxa fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE;
61. Iħeġġeġ lill-Kunsill jikkonkludi r-ratifika tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul); jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Bulgarija, iċ-Ċekja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja u s-Slovakkja għadhom ma rratifikawx il-konvenzjoni u jtenni t-talba tiegħu lil dawk il-pajjiżi biex jagħmlu dan; jirrimarka li l-Konvenzjoni ta' Istanbul għandha tinftiehem bħala l-istandard minimu biex tiġi eradikata l-vjolenza abbażi tal-ġeneru; jikkundanna bil-qawwa t-tentattivi f'uħud mill-Istati Membri, b'mod partikolari fil-Polonja, biex jirrevokaw il-miżuri li ttieħdu diġà fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Istanbul u fil-ġlieda kontra l-vjolenza u biex jirtiraw mill-Konvenzjoni;
62. Jikkundanna l-azzjonijiet tal-movimenti kontra l-ġeneru u kontra l-femminiżmu li jattakkaw b'mod sistematiku d-drittijiet tan-nisa u tal-LGBTIQ; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jirċievu appoġġ u finanzjament mill-Unjoni ma jippromwovux id-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru; jilqa' l-ewwel strateġija li qatt kien hemm tal-UE dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ u jikkundanna ulterjorment il-każijiet dejjem jiżdiedu ta' diskriminazzjoni, reati ta' mibegħda u vjolenza kontra persuni LGBTIQ; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura segwitu xieraq għall-istrateġija;
63. Jikkundanna r-reazzjonijiet qawwija kontinwi u persistenti f'uħud mill-Istati Membri, b'mod partikolari fil-Polonja, fis-Slovakkja, fil-Kroazja u fil-Litwanja, kontra d-drittijiet tan-nisa, inkluż kontra s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati; ifakkar li koerċizzjoni riproduttiva u ċ-ċaħda ta' kura sikura u legali f'każ ta' abort huma wkoll forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; jissottolinja l-fatt li l-QEDB iddeċidiet f'diversi okkażjonijiet li l-liġijiet restrittivi dwar l-abort u n-nuqqas ta' implimentazzjoni jiksru d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u tal-bniet u l-awtonomija b'rabta ma' ġisimhom; jiddenunzja n-nuqqas ta' aċċess għall-abort għan-nisa f'ħafna pajjiżi, u jikkundanna l-imwiet ta' mill-inqas erba' nisa fil-Polonja minħabba l-applikazzjoni ta' regolamenti li jipprojbixxu l-abort tista' tgħid kważi fiċ-ċirkostanzi kollha; iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu passi effettivi biex jirrimedjaw tali ksur eżistenti tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet tan-nisa u jistabbilixxu l-mekkaniżmi meħtieġa biex jipprevjenu l-okkorrenza tagħhom fil-futur; jistieden lill-Kummissjoni tqis l-abort bħala dritt fundamentali, tneħħi kwalunkwe ostaklu għall-aċċess għalih u tiżgura li dan jitwettaq fis-sistemi tal-kura tas-saħħa pubblika u tagħmel enfasi akbar fuq id-drittijiet tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fir-rapporti annwali tagħha dwar l-istat tad-dritt;
64. Jikkundanna bil-qawwa d-diskriminazzjoni u s-segregazzjoni tan-nisa Rom fil-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa materna; jilqa' l-fatt li ċ-Ċekja adottat liġi ta' kumpens għall-vittmi ta' sterilizzazzjoni furzata u illegali, u jinnota li l-Gvern tas-Slovakkja mexa pass 'il quddiem meta fl-2021 skuża ruħu, iżda għalissa ma ġiet proposta l-ebda liġi ta' kumpens; iqis li d-dritt ta' aċċess għall-kura tas-saħħa, b'mod partikolari għas-saħħa sesswali u riproduttiva, jikkostitwixxi dritt fundamentali għan-nisa li għandu jissaħħaħ u li fl-ebda każ ma għandu jitnaqqas jew jitneħħa;
65. Jistieden lill-Istati Membri kollha jirrispettaw l-awtonomija ta' ġisem il-persuni kollha, b'mod partikolari billi jipprojbixxu l-mutilazzjoni ġenitali intersesswali, l-hekk imsejħa prattiki ta' "terapija ta' konverżjoni", u l-isterilizzazzjoni furzata tal-persuni trans bħala prekundizzjoni biex jingħataw rikonoxximent legali tal-ġeneru; itenni li l-liġijiet dwar ir-rikonoxximent tal-ġeneru għandhom jiġu adottati f'konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, biex b'hekk ir-rikonoxximent tal-ġeneru jkun aċċessibbli, affordabbli, amministrattiv, rapidu u bbażati fuq l-awtodeterminazzjoni;
66. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu rikonoxxuti s-sħubijiet kollha għall-finijiet ta' libertà ta' moviment, inkluż għas-sħab mhux mill-UE ta' ċittadini tal-UE; jinsab allarmat bin-nuqqas kontinwu tal-implimentazzjoni tas-sentenza tal-QĠUE fil-Kawża C-673/16, Coman u Hamilton, li rrikonoxxiet li t-terminu "konjuġi" jinkludi konjuġi tal-istess sess skont il-liġijiet tal-UE dwar il-libertà ta' moviment; jiġbed l-attenzjoni għas-sottomissjoni ta' lment lill-Kummissjoni b'rabta ma' kawża identika (A.B. u K.V. vs ir-Rumanija – Nru tal-applikazzjoni 17816/21; jisħaq li n-nuqqas ta' azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni wasslet biex il-kwerelanti Coman u Hamilton iressqu l-kawża quddiem il-QEDB biex jippruvaw jiżguraw rimedju legali (Coman et al. vs ir-Rumanija – applikazzjoni Nru 2663/21); itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tiftaħ proċeduri ta' ksur għan-nuqqas ta' implimentazzjoni tal-kawża Coman u Hamilton;
67. Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni li fl-2022 tippubblika proposta għal regolament dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-filjazzjoni fost l-Istati Membri, li għandu l-għan li joħloq ċertezza legali għall-familji qawsalla fl-UE kollha;
68. Jenfasizza ż-żieda inkwetanti fil-vjolenza abbażi tal-ġeneru u fil-vjolenza domestika matul il-pandemija tal-COVID-19; ifaħħar ir-rispons veloċi minn uħud mill-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex jimplimentaw miżuri li jgħinu lill-vittmi tal-vjolenza domestika, bħaż-żieda fl-għadd ta' linji telefoniċi għall-għajnuna u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni, u l-introduzzjoni ta' skemi ta' kliem kodiċi fl-ispiżeriji, ċentri ta' konsulenza pop-up fi ħwienet tal-merċa jew applikazzjonijiet moħbija biex jiġi ffaċilitat ir-rapportar tal-vjolenza domestika u l-abbuż; jirrimarka, madankollu, dwar in-nuqqas ġenerali ta' postijiet ta' kenn jew għażliet oħra ta' akkomodazzjoni sikura għas-superstiti; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Istati Membri jallokaw finanzjament adegwat għall-postijiet ta' kenn eżistenti biex jgħinuhom iżidu l-kapaċitajiet tagħhom, kif ukoll jiffaċilitaw l-istabbiliment ta' postijiet ta' kenn addizzjonali u faċilitajiet ta' akkomodazzjoni sikura għas-superstiti, inkluż għall-minorenni li jakkumpanjawhom; jistieden lill-Istati Membri, barra minn hekk, biex jiżguraw li s-servizzi għas-superstiti jitqiesu bħala essenzjali u jibqgħu miftuħa, u jkunu kkomplementati b'taħriġ adegwat u speċjalizzat għall-forzi tal-pulizija kif ukoll risponsi ġudizzjarji mmirati bl-għan li jiżdied il-livell ta' tħejjija għall-futur;
69. Jiddispjaċih dwar ir-reazzjonijiet qawwija kontra d-drittijiet tan-nisa u tal-bniet, fejn uħud mill-Istati Membri fittxew li jreġġgħu lura s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, billi użaw il-pandemija tal-COVID-19 bħala pretest biex jillimitaw l-aċċess għall-abort, għall-kontraċezzjoni u għas-servizzi ġinekoloġiċi; jissottolinja l-fatt li f'uħud mill-Istati Membri, minkejja l-pandemija, kien hemm tentattivi biex jiġu ristretti l-protezzjonijiet legali eżistenti għall-aċċess tan-nisa għall-kura f'każ ta' abort, inkluża l-introduzzjoni ta' kundizzjonijiet rigressivi li jridu jiġu ssodisfati qabel ma jkunu jistgħu jiġu amministrati l-aborti, bħal konsulenza obbligatorja u preġudikata jew perjodi ta' stennija; jikkundanna b'mod partikolari iktar minn 20 tentattiv parlamentari fis-Slovakkja biex jiġi limitat l-aċċess għall-aborti matul dan il-perjodu; jenfasizza bil-qawwa li s-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati jridu jiġu rikonoxxuti bħala essenzjali u jridu jkunu disponibbli, anke matul emerġenzi tas-saħħa globali, minħabba n-natura sensittività għaż-żmien ta' dawn is-servizzi;
70. Jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li r-rispons għall-kriżi tal-COVID-19 jinkorpora perspettiva tal-ġeneru u bbaġitjar skont il-ġeneru, kif ukoll valutazzjonijiet tal-impatt ex post fir-rigward tal-ġeneri, kif propost fl-istrateġija tal-Kummissjoni dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għall-2020-2025; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jiżguraw l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-politiki u fl-azzjonijiet kollha tal-UE;
Il-libertajiet
71. Ifakkar fl-importanza li jiġu difiżi l-libertà, il-pluraliżmu u l-indipendenza tal-media, filwaqt li jiġu żgurati t-trasparenza fis-sjieda tal-media u r-regolamentazzjoni tal-konċentrazzjoni tas-suq, kif ukoll il-protezzjoni tal-ġurnalisti; jemmen li r-regoli vinkolanti tal-UE li jipprovdu protezzjoni robusta u konsistenti għall-media indipendenti u għall-ġurnalisti minn kawżi vessatorji maħsuba biex isikktuhom jew jintimidawhom fl-UE huma ferm meħtieġa sabiex jgħinu biex din il-prattika abbużiva tintemm; jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi tagħha f'dan ir-rigward, inkluż billi tipproponi miżuri vinkolanti u tipproteġi u tippromwovi l-finanzjament għall-ġurnaliżmu investigattiv;
72. Jikkundanna l-użu ta' kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPPs), li qed jintużaw biex isikktu u jintimidaw lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi difensuri tad-drittijiet LGBTI li jikkritikaw abbużi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li s-SLAPPs huma biss waħda mit-theddidiet għal media ħielsa u pluralista, b'oħrajn inklużi l-pressjoni u l-imperattivi kummerċjali, il-pressjoni politika, l-awtoċensura ġurnalistika dwar kwistjonijiet ta' kontroversja partikolari, il-prekarjetà tal-karrieri tal-ġurnalisti u l-ammont kbir ta' xogħol li jiffaċċjaw, il-pressjoni li jħossu biex iżommu l-aċċess għal sorsi tal-ogħla livell permezz ta' rapportar mhux kritiku, u l-prospettiva li l-promozzjonijiet professjonali tagħhom jiġu annullati jekk jiksru suppożizzjonijiet taċiti u internalizzati rigward il- "linja" xierqa li għandha tittieħed dwar kwistjonijiet partikolarment kontroversjali, b'mod partikolari fir-rigward tal-politika barranija; jistieden lill-Istati Membri jipproteġu u jiżviluppaw media indipendenti, pluralista u ħielsa; jikkundanna, f'dan ir-rigward, kwalunkwe miżura mmirata biex issikket il-media kritika u tikkomprometti l-libertà u l-pluraliżmu tal-media; jissottolinja l-ħtieġa urġenti li jiġu miġġielda s-SLAPPs kollha; jilqa' l-inizjattiva reċenti tal-Kummissjoni li toħroġ rakkomandazzjoni dwar l-iżgurar tal-protezzjoni, tas-sikurezza u tal-awtonomizzazzjoni tal-ġurnalisti fl-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni twettaq mingħajr dewmien l-impenn tagħha b'rabta mal-Att dwar il-Libertà tal-Media;
73. Jinsab imħasseb dwar ir-rapporti li wħud mill-awtoritajiet tal-Istati Membri użaw l-ispyware Pegasus għal finijiet politiċi jew għal finijiet oħra mhux ġustifikati biex jispjunaw fuq ġurnalisti, politiċi, avukati, atturi tas-soċjetà ċivili u individwi oħra, bi ksur tad-dritt tal-UE u tal-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE u fil-Karta; jinsab imħasseb dwar l-użu tal-Pegasus kontra ġurnalisti, attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, personalitajiet tal-oppożizzjoni u avukati fl-UE u barra mill-UE; ifakkar li Pegasus huwa biss wieħed mill-ħafna eżempji ta' programmi abbużati minn entitajiet statali għall-fini tat-twettiq ta' sorveljanza tal-massa illeċita kontra ċittadini innoċenti; jilqa' l-istabbiliment ta' kumitat ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew dwar Pegasus, li se jinvestiga l-allegat użu ħażin tal-għodod ta' sorveljanza u l-ambitu tal-allegat ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE u fil-Karta u jipprovdi salvagwardji u rakkomandazzjonijiet;
74. Jenfasizza li l-kampanji ta' malafama kontra l-persuni LGBTIQ u kontra s-soċjetà ċivili b'mod aktar ġenerali huma aktar prevalenti fl-Istati Membri fejn il-libertà tal-media qed tiġi attakkata; jikkundanna bil-qawwa l-kampanji ta' malafama kontinwi fil-media pubblika kontra l-imħallfin, il-ġurnalisti u l-politiċi li jikkritikaw lill-gvern attwali, inklużi s-SLAPPs mibdija minn aġenziji tal-gvern, uffiċjali tal-gvern, kumpaniji statali jew individwi b'rabtiet mill-qrib mal-koalizzjonijiet tal-gvern fl-Ewropa kollha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża l-għodod leġiżlattivi u eżekuttivi kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tipprevjeni dawn l-azzjonijiet intimidatorji, li jipperikolaw il-libertà tal-espressjoni; jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-ġurnalisti, timmonitorja u tirrapporta attakki kontra l-ġurnalisti, kif ukoll kawżi maħsuba biex isikktu jew jintimidaw lill-media indipendenti, u jiggarantixxu aċċess għar-rimedji legali xierqa;
75. Jiddispjaċih dwar il-fatt li s-sikurezza tal-ġurnalisti mhijiex garantita b'mod universali; jissottolinja l-importanza tal-pluraliżmu tal-media u l-ħtieġa li l-ġurnalisti jiġu protetti minn theddid u attakki sabiex tiġi evitata l-awtoċensura u jiġu żgurati l-libertà tal-espressjoni u d-dritt għall-informazzjoni u tiġi salvagwardjata l-professjoni ġurnalistika; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-istrumenti għall-valutazzjoni tal-miżuri meħuda mill-gvernijiet li jistgħu jikkompromettu l-libertà tal-informazzjoni u tal-pluraliżmu;
76. Jikkundanna l-attakki, id-detenzjonijiet u l-vjolenza fil-konfront tal-ġurnalisti waqt il-protesti, li ma ħallewhomx jirrapportaw u għaldaqstant lanqas biss ma ħallewhom jagħmlu xogħolhom; jesprimi tħassib kbir rigward il-każijiet ta' brutalità min-naħa tal-pulizija waqt il-protesti, b'mod partikolari fil-konfront tal-ġurnalisti, u jitlob akkontabbiltà għal dan l-għemil; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw is-sikurezza u l-protezzjoni tal-ġurnalisti, b'mod partikolari waqt il-protesti;
77. Jisħaq li skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, ċerti restrizzjonijiet jistgħu jitqiegħdu b'mod legali fuq id-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika sabiex jiġu protetti s-saħħa pubblika jew interessi leġittimi oħra, iżda dawn iridu jkunu previsti bil-liġi u jkunu meħtieġa u proporzjonati għal għan speċifiku; jesprimi tħassib kbir dwar xi projbizzjonijiet ġenerali ta' protesti kif ukoll dwar ċerti projbizzjonijiet u restrizzjonijiet b'rabta mal-protesti imposti matul il-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li laqgħat pubbliċi oħra ta' daqs simili saru mingħajr ma ġew affettwati, kif ukoll dwar l-użu tal-forza kontra dimostranti paċifiċi; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-Istati Membri għandhom livelli ta' limitu differenti għall-użu tal-forza u tal-armi mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għaż-żamma tal-ordni pubbliku; jistieden lill-Istati Membri jipproteġu d-drittijiet fundamentali meta jadottaw miżuri u liġijiet ristrettivi rigward il-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni u jiffaċilitaw ambjent fejn il-kritika tkun parti minn dibattitu f'saħħtu dwar kwalunkwe kwistjoni ta' interess pubbliku;
78. Jinsab imħasseb ħafna bl-attakki, il-fastidju, il-vjolenza u t-theddid fil-konfront tal-ġurnalisti, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ta' individwi oħra li jesponu interferenza barranija u kampanji ta' diżinformazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri, fil-kuntest ta' diżinformazzjoni, inċidenti qarrieqa u propaganda politika li qed jiżdied b'rata mgħaġġla, jinkludu fil-kurrikuli tagħhom, attivitajiet immirati, adattati skont l-età, iffukati fuq l-iżvilupp tal-ħsieb kritiku, tal-litteriżmu medjatiku u tal-ħiliet diġitali; jitlob enfasi akbar iddedikata għall-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza li tiffoka fuq id-drittijiet fundamentali, id-demokrazija u l-parteċipazzjoni fl-affarijiet pubbliċi;
79. Jinnota li l-pożizzjonijiet ta' diversi Stati Membri fil-klassifikazzjonijiet tal-libertà tal-istampa internazzjonali niżlu; jenfasizza r-rwol insostitwibbli tal-media tas-servizz pubbliku u jisħaq li huwa essenzjali li tiġi żgurata u tinżamm l-indipendenza tagħha mill-interferenza politika; jikkundanna bil-qawwa t-theddid għal-libertà tal-media, inkluż il-fastidju u l-attakki mmirati lejn ġurnalisti u informaturi, in-nuqqas ta' kunsiderazzjoni għall-protezzjoni legali tagħhom kif ukoll il-ħtif tal-media jew azzjonijiet immotivati politikament fis-settur tal-media;
80. Jinsab imħasseb ħafna dwar id-deterjorament ulterjuri tal-libertà tal-media fl-Ungerija, fil-Polonja u fis-Slovenja u r-riformi varji stabbiliti mill-koalizzjonijiet fil-gvern sabiex jitnaqqsu d-diversità u jiġu msikkta l-vuċijiet kritiċi fil-media; jinsab imħasseb ulterjorment dwar in-nuqqas ta' sett ta' prinċipji trasparenti u ċari għad-distribuzzjoni tar-reklamar lill-mezzi tal-media mill-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali f'uħud mill-Istati Membri; jiddispjaċih ħafna dwar id-deterjorament fis-sitwazzjoni ekonomika tal-media matul il-pandemija tal-COVID-19 u jqis li għandhom jittieħdu miżuri speċifiċi biex jittaffa l-impatt tal-pandemija fuq il-mezzi tal-media;
81. Jesprimi tħassib dwar il-ħolqien ta' korpi kkontrollati mill-gvern li jimmaniġġjaw partijiet kbar tax-xenarju tal-media u l-ħtif tal-mezzi tal-media tas-servizz pubbliku biex iservu l-interessi partiġjani; ifakkar li fejn is-sjieda tal-media tibqa' kkonċentrata ħafna, kemm jekk f'idejn il-gvern kif ukoll jekk f'idejn privati, din tikkostitwixxi riskju sinifikanti għad-diversità tal-informazzjoni u għall-fehmiet rappreżentati fil-kontenut tal-media; ifakkar li l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, inkluża l-libertà tal-espressjoni artistika, u l-libertà tal-media huma fundamentali għad-demokrazija u għall-istat tad-dritt u jħeġġeġ lill-Istati Membri jiggarantixxu l-indipendenza tal-awtoritajiet tal-media tagħhom; ifakkar li d-dritt li wieħed ifittex, jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat kemm jekk bil-fomm, kif ukoll bil-miktub jew f'forma stampata, fil-forma ta' arti, jew permezz ta' kwalunkwe media oħra, huwa komponent tal-libertà tal-espressjoni artistika;
82. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni xierqa tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva, b'attenzjoni partikolari għall-indipendenza tar-regolaturi tal-media, għat-trasparenza tas-sjieda tal-media u għal-litteriżmu medjatiku; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu effettiv mill-proċeduri ta' ksur f'sitwazzjonijiet fejn l-Istati Membri jimplimentaw dawn id-dispożizzjonijiet b'mod skorrett jew mhux komplut;
83. Jinnota li wħud mill-miżuri meħuda mill-Istati Membri b'rispons għall-COVID-19 kellhom impatt gravi fuq id-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data, li l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data ma ġewx ikkonsultati bis-sħiħ, li n-neċessità u l-proporzjonalità mhux dejjem kienu ċari, u li f'bosta każijiet ma kienx hemm bażi ġuridika solida u ma saret l-ebda evalwazzjoni xierqa; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jevalwaw is-sitwazzjoni mingħajr dewmien;
84. Jesprimi tħassib kbir dwar l-infurzar dgħajjef u mhux uniformi tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data(22), fejn hemm riskju li r-regolament ma jkunx qawwi daqs kemm maħsub u ma jipprovdix protezzjoni reali liċ-ċittadini tal-UE; jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni injorat it-talba tal-Parlament biex tvara proċedimenti ta' ksur kontra l-Irlanda talli naqset mill tinforza r-regolament kif xieraq;
85. Jinsab imħasseb dwar il-linji gwida interni tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni tar-rekords u tal-arkivji, li huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess għad-dokumenti(23), u dwar l-esklużjoni ta' messaġġi testwali mill-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli dwar l-aċċess għad-dokumenti, u li dan ġie kkwalifikat bħala "amministrazzjoni ħażina" mill-Ombudsman Ewropew; jiddispjaċih dwar il-fatt li wħud mill-Istati Membri fixklu l-eżerċizzju effettiv tad-dritt taċ-ċittadini għall-aċċess tad-dokumenti, billi ttardjaw bla bżonn jew saħansitra neħħew l-iskadenzi għat-talbiet ta' aċċess għad-dokumenti; jenfasizza li dan mhux biss wassal għal nuqqas ta' fiduċja fl-awtoritajiet fost iċ-ċittadini tal-UE, iżda kkomprometta wkoll il-pluraliżmu tal-media fl-UE;
Is-sitwazzjoni u l-ksur tad-drittijiet fundamentali fil-fruntieri esterni tal-UE
86. Jisħaq li, li jiġu salvati l-ħajjiet huwa obbligu legali skont id-dritt internazzjonali u d-dritt tal-UE; jikkundanna bil-qawwa l-proċedimenti kriminali mibdija minn uħud mill-Istat Membri kontra l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u individwi li pprovdew assistenza umanitarja lill-migranti; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li ma jkunx hemm prosekuzzjoni kontra individwi u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jassistu lill-migranti għal raġunijiet umanitarji;
87. Jikkundanna l-fatt li wħud mill-Istati Membri adottaw liġijiet, politiki u prattiki li jikkompromettu l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-bniedem tar-rifuġjati, tal-persuni li jfittxu l-ażil u tal-migranti, fuq l-art u fuq il-baħar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqiegħdu d-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, tal-persuni li jfittxu l-ażil u tar-rifuġjati, kif ukoll il-prinċipju tal-kondiviżjoni tar-responsabbiltà, fiċ-ċentru tal-politiki tagħhom dwar il-migrazzjoni u l-ażil;
88. Jikkundanna bil-qawwa l-każijiet ta' pushbacks u l-ksur tad-drittijiet fundamentali u l-vjolenza fil-fruntieri esterni tal-UE fil-konfront tal-migranti, tar-rifuġjati u tal-persuni li jfittxu l-ażil, kif iddenunzjat mill-istituzzjonijiet bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni(24), kif ukoll il-kriminalizzazzjoni tal-ħaddiema u tal-attivisti umanitarji u l-użu tal-finanzjament tal-UE, li serva b'mod sproporzjonat biex jinbnew faċilitajiet magħluqa u jissaħħu l-fruntieri esterni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema kompluta ta' monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali biex jinvestigaw l-allegazzjonijiet kollha ta' pushbacks u ksur tad-drittijiet fundamentali u jżidu t-trasparenza tal-miżuri li jittieħdu fil-fruntieri esterni, kif mitlub mill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali(25); jistieden lill-Kummissjoni tniedi proċeduri ta' ksur fejn ikun hemm indikazzjonijiet ta' pushbacks u vjolenza;
89. Jesprimi tħassib kbir dwar l-informazzjoni li ġiet ippubblikata dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) filwaqt li jirrikonoxxi l-involviment fil-pushbacks u l-għarfien tagħha dwarhom; jistieden lill-Frontex tapplika l-Artikolu 46 tar-regolament tagħha(26) u tissospendi l-operazzjonijiet kollha fl-Istati Membri fejn iseħħu tali każijiet u tipprovdi trasparenza u akkontabbiltà totali għall-attivitajiet operazzjonali tal-organizzazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga u tieħu l-miżuri meħtieġa biex ittemm dawn il-prattiki fil-Frontex;
90. Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu u japplikaw il-proċeduri xierqa biex jiżguraw li l-individwi jinstemgħu qabel ma jintbagħtu lura fi Stat Membru ġar, u li dawn jiġu notifikati formalment bid-deċiżjoni meħuda; jiddenunzja l-fatt li l-migranti u dawk li jkunu qed ifittxu l-ażil li jinqabdu wara li jaqsmu fruntiera interna jew esterna tal-UE ma jiġux mismugħa sistematikament qabel ma jintbagħtu lura fi Stat Membru ġar, u lanqas ma jiġu nnotifikati dwar dan; ifakkar fl-obbligu tal-Istati Membri li jiggarantixxu b'mod effettiv id-dritt għal proċess ġust u d-dritt tal-ugwaljanza quddiem il-liġi għall-persuni kollha;
91. Jesprimi tħassib kbir dwar il-minorenni mhux akkumpanjati li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-UE, b'mod partikolari l-fruntieri tal-Lvant u tan-Nofsinhar tagħha, u jistieden lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni speċifika lis-sitwazzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati f'dawn il-punti ta' qsim;
92. Jinsab imħasseb dwar iż-żieda fl-użu tat-teknoloġija fil-fruntieri, fejn xi tipi ta' teknoloġija jistgħu jkunu intrużivi ħafna; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi ta' monitoraġġ indipendenti fil-fruntieri, li għandhom ikopru wkoll il-monitoraġġ tal-attivitajiet ta' sorveljanza fil-fruntieri, u jiżguraw il-konformità mad-drittijiet fundamentali;
Ir-reati ta' mibegħda u d-diskors ta' mibegħda
93. Jinsab imħasseb dwar iż-żieda fid-diskors ta' mibegħda u fil-kampanji ta' malafama fl-Istati Membri kollha, li spiss jitwettqu minn uffiċjali pubbliċi ta' livell għoli jew politiċi ewlenin u jkunu speċifikament immirati lejn il-media, l-NGOs u ċerti gruppi soċjali jew minoranzi, bħall-persuni LGBTIQ; jisħaq li l-impatt tagħhom fuq l-ispazju ċiviku huwa inkontestabbli, u joħloq ambjent mhux sikur għas-soċjetà ċivili u għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jinsab allarmat b'bosta eżempji ta' attakki, fis-sena 2021 waħedha, fuq uffiċċji u persunal LGBTIQ f'diversi Stati Membri;
94. Jikkundanna kull tip ta' reat ta' mibegħda, diskors ta' mibegħda u akkużi mingħajr ebda bażi jew ifformulati mala fede, kemm offline kif ukoll online, immotivati minn diskriminazzjoni bbażata fuq kwalunkwe raġuni bħas-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali; jesprimi tħassib dwar ir-reati ta' mibegħda u r-reati relatati mal-inċitament għad-diskriminazzjoni jew għall-vjolenza li seħħew matul il-pandemija tal-COVID-19, u li wasslu għall-istigmatizzazzjoni ta' xi individwi partikolarment vulnerabbli; ifakkar li r-razziżmu u l-ksenofobija huma reati, mhux opinjonijiet;
95. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill li testendi l-lista ta' reati fl-UE għad-diskors ta' mibegħda u għar-reati ta' mibegħda u jistieden lill-Kunsill jaħdem b'mod diliġenti lejn l-adozzjoni unanima tagħha; ifakkar fil-ħtieġa li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jaħdmu f'kooperazzjoni mal-kumpaniji tal-internet sabiex jipprovdu salvagwardji adegwati u jimplimentaw bir-reqqa l-Kodiċi ta' Kondotta dwar il-Ġlieda Kontra d-Diskors ta' Mibegħda Online Illegali;
Il-protezzjoni tal-ambjent
96. Jenfasizza l-Artikolu 37 tal-Karta, li jafferma li fil-politiki tal-Unjoni jridu jiġu integrati miżuri biex jinkiseb livell għoli ta' protezzjoni ambjentali u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent;
97. Jistieden lill-Kummissjoni tadotta l-inizjattivi leġiżlattivi rilevanti mingħajr dewmien u twettaq l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni ppjanata ulterjuri f'konformità mal-iskeda ta' żmien oriġinali; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li t-tħassib ambjentali rilevanti jiġi kkunsidrat fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-politiki u għall-inizjattivi kollha; jemmen li s-sostenibbiltà trid tkun il-prinċipju ta' gwida tal-politiki makroekonomiċi kollha biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija ambjentalment sostenibbli, filwaqt li jiġu protetti u jinħolqu impjiegi sostenibbli, sabiex tiġi indirizzata waħda mill-aktar theddidiet sinifikanti li qatt iffaċċjat l-umanità;
98. Jitlob li jkun hemm implimentazzjoni madwar l-UE kollha tal-Konvenzjoni ta' Aarhus, li torbot id-drittijiet ambjentali mad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li l-ħsara ambjentali u n-nuqqas minn xi awtoritajiet pubbliċi li jipprovdu informazzjoni dwar riskji ambjentali serji li għalihom jiġu esposti ċerti individwi, jista' jkollhom konsegwenzi gravi u ta' ħsara għall-individwi; jitlob li l-ġurnalisti, l-attivisti, l-NGOs, id-difensuri tad-drittijiet, l-informaturi u l-għassiesa pubbliċi li jaħdmu f'dawn l-oqsma jkunu protetti;
o o o
99. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1).
Ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta' kundizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 1).
Proċessi Ġusti, "Europe: Increase in pre-trail detention rates erodes rule of law" (L-Ewropa: Żieda fir-rati ta' żamma taħt arrest qabel il-proċess tgħawwar l-istat tad-dritt), 28 ta' April 2021.
Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55).
Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22).
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Settembru 2020 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Pjan ta' azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu 2020-2025" (COM(2020)0565),
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Ottubru 2020 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni" (COM(2020)0620).
Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57).
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2021 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità 2021-2030" (COM(2021)0101).
Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16).
Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, "IOM calls for end to pushbacks and violence against migrants at EU external borders (L-IOM tappella biex jintemmu l-pushbacks u l-vjolenza kontra l-migranti fil-fruntieri esterni tal-UE)", id-9 ta' Frar 2021.
Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).