Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2022 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Istatistika dwar l-Input u l-Output Agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1165/2008, (KE) Nru 543/2009, (KE) Nru 1185/2009 u d-Direttiva 96/16/KE (COM(2021)0037 – C9-0009/2021 – 2021/0020(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2021)0037),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 338(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0009/2021),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tas-17 ta’ Ġunju 2022, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A9-0285/2021),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Japprova d-dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament u l-Kunsill annessa ma' din ir-riżoluzzjoni, li se tiġi ppubblikata fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
3. Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni anness ma' din ir-riżoluzzjoni, li se tiġi ppubblikata fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
4. Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-4 ta’ Ottubru 2022 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2022/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika dwar l-input u l-output agrikoli, li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 617/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1165/2008, (KE) Nru 543/2009 u (KE) Nru 1185/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 96/16/KE
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, ir-Regolament (UE) 2022/2379.)
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA MILL-PARLAMENT EWROPEW U MILL-KUNSILL FIR-RIGWARD TAR-REGOLAMENT (UE) 2022/2379, FIR-RIGWARD TAL-IMPORTANZA LI JIĠI STABBILIT FL-ISTATI MEMBRI KOLLHA REĠISTRU MIŻMUM MILL-AWTORITAJIET NAZZJONALI KOMPETENTI DWAR L-UŻU TA' PRODOTTI GĦALL-PROTEZZJONI TAL-PJANTI FL-AGRIKOLTURA
Bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" u l-Istrateġija għall-Bijodiversità jenfasizzaw il-ħtieġa għal tranżizzjoni lejn sistema tal-ikel sostenibbli, b'mod partikolari billi jitnaqqsu l-użu u r-riskju tal-pestiċidi b'50 % sal-2030 u billi jiżdiedu l-biedja organika u l-karatteristiċi tal-pajsaġġ rikki fil-bijodiversità fuq l-art agrikola.
Skont ir-Regolament (UE) 2022/2379 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(1) (SAIO), il-ġbir sħiħ tad-data dwar l-użu ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti minn utenti professjonali f'attività agrikola, jiġifieri kopertura ta' 95 % tal-użu f'kull Stat Membru, jista' jinkiseb biss meta jkun applikabbli skont il-liġi tal-Unjoni rekwiżit legali għall-utenti professjonali tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti biex jittrażmettu r-rekords tagħhom f'format elettroniku lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirrikonoxxu l-importanza tal-introduzzjoni ta' tali rekwiżit fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u jimpenjaw ruħhom li jaħdmu flimkien għal dak il-għan.
DIKJARAZZJONI TAL-KUMMISSJONI B’RABTA MAR-REGOLAMENT (UE) 2022/2379, FIR-RIGWARD TAL-ĦIDMA LI GĦADDEJJA BIEX TIĠI ŻGURATA D-DISPONIBBILTÀ F’FORMAT ELETTRONIKU TAR-REKORDS LI GĦANDHOM JINŻAMMU MILL-UTENTI PROFESSJONALI TAL-PRODOTTI GĦALL-PROTEZZJONI TAL-PJANTI SKONT L-ARTIKOLU 67(1) TAR-REGOLAMENT (KE) NRU 1107/2009
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt jistabbilixxu tnaqqis fl-użu u r-riskju tal-pestiċidi kimiċi bħala objettiv ewlieni għall-Unjoni. Sabiex jiġu żgurati politiki effettivi u li jħallu impatt, data robusta u komprensiva dwar l-użu tal-pestiċidi fil-livell tal-farms hija kruċjali. Il-ħidma li għaddejja biex tiġi żgurata d-disponibbiltà f’format elettroniku tar-rekords miżmuma mill-utenti professjonali tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti hija fattur abilitanti importanti għall-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar dwar il-pestiċidi li huma parti mir-Regolament (UE)2022/2379 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (SAIO).
Għalhekk, il-Kummissjoni ħejjiet abbozz ta’ Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 67(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(3), fir-rigward tal-kontenut u l-format tar-rekords tal-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għandhom jinżammu mill-utenti professjonali skont l-Artikolu 67(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.
Dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, jekk jiġi adottat kif previst bħalissa, jirregola ż-żamma tar-rekords meħtieġa skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 fid-dettall, inkluż billi jidentifika l-elementi li għandhom jiġu rreġistrati mill-utenti professjonali, u billi jiżgura li dawk ir-rekords ikunu disponibbli f’format elettroniku sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2025.
L-abbozz ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni bħalissa qed jiġi diskuss fil-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, Taqsima Fitofarmaċewtiċi - Leġiżlazzjoni. Il-Kummissjoni biħsiebha tikseb l-opinjoni tal-kumitat skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4) fix-xhur li ġejjin.
Il-Kummissjoni biħsiebha tadotta dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni qabel tmiem l-2022.
Ir-Regolament (UE) 2022/2379 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar l-istatistika dwar l-input u l-output agrikoli, li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 617/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1165/2008, (KE) Nru 543/2009, (KE) Nru 1185/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 96/16/KE (ĠU L 315, 7.12.2022, p. 1).
Ir-Regolament (UE) 2022/2379 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar l-istatistika dwar l-input u l-output agrikoli, li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 617/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1165/2008, (KE) Nru 543/2009 u (KE) Nru 1185/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 96/16/KE (ĠU L 315, 7.12.2022, p. 1).
Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).
Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).