Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2022 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda l-Annessi IV u V tar-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-pollutanti organiċi persistenti (COM(2021)0656 – C9-0396/2021 – 2021/0340(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2021)0656),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9‑0396/2021),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-8 ta' Diċembru 2021(1),
– wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tad-29 ta’ Ġunju 2022, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A9-0092/2022),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt(2);
2. Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni annessa ma’ din ir-riżoluzzjoni;
3. Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fit-3 ta’ Mejju 2022 (Testi adottati, P9_TA(2022)0130).
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-4 ta’ Ottubru 2022 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2022/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda l-Annessi IV u V tar-Regolament (UE) 2019/1021 dwar il-pollutanti organiċi persistenti
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, ir-Regolament (UE) 2022/2400.)
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fl-okkażjoni tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2400(1) dwar l-inklużjoni tal-kodiċi tal-iskart 17 05 04 "ħamrija u ġebel minbarra dawk imsemmija f'17 05 03" fil-parti 2 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2019/1021
L-inklużjoni fil-parti 2 tal-Anness V tal-kodiċi tal-iskart għal "ħamrija u ġebel għajr dawk imsemmija f'170503" ma għandhiex tinftiehem li tiffavorixxi r-rimi tal-ħamrija bħala skart minflok ir-rimedju bil-ħsieb li tiġi evitata l-ġenerazzjoni tal-iskart.
Fejn ir-rimi joffri l-aħjar għażla għall-immaniġġjar tal-iskart ambjentali, id-deroga eċċezzjonali mit-trattament distruttiv hija soġġetta għar-rekwiżiti tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament (UE) 2019/1021."
Ir-Regolament (UE) 2022/2400 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 li jemenda l-Annessi IV u V tar-Regolament (UE) 2019/1021 dwar il-pollutanti organiċi persistenti (ĠU L 317, 9.12.2022, p. 24).