Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2022/2856(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0427/2022

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 06/10/2022 - 5.2

Testi adottati :

P9_TA(2022)0349

Testi adottati
PDF 147kWORD 52k
Il-Ħamis, 6 ta' Ottubru 2022 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Haiti, b'mod partikolari fir-rigward tal-vjolenza minn gruppi organizzati
P9_TA(2022)0349RC-B9-0427/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2022 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Haiti, b'mod partikolari fir-rigward tal-vjolenza minn gruppi organizzati (2022/2856(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Haiti, b'mod partikolari dik tal-20 ta' Mejju 2021 dwar is-sitwazzjoni fil-Haiti(1),

–  wara li kkunsidra l-eżitu tar-Rieżami Perjodiku Universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar il-Haiti, adottat fl-4 ta' Lulju 2022,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2645 (2022) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-15 ta' Lulju 2022,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-2022 tal-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji dwar il-Haiti, b'mod partikolari r-rapport tat-23 ta' Settembru 2022 dwar l-impatt tat-taqlib soċjali fuq is-sitwazzjoni umanitarja,

–  wara li kkunsidra d-diskors mogħti mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Jean Victor Généus lill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-24 ta' Settembru 2022,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Generali tal-15 ta' Frar 2022 għall-Uffiċċju Integrat tan-NU fil-Haiti,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa tat-18 ta' Diċembru 1979,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tat-22 ta' Novembru 1969,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989, u t-tliet protokolli fakultattivi tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Bażiċi tan-NU dwar l-Indipendenza tal-Ġudikatura tas-6 ta' Settembru 1985,

–  wara li kkunsidra l-Karta Universali tal-Imħallef tas-17 ta' Novembru 1999 u l-Istatut tal-Imħallef Iberoamerikan ta' Mejju 2001,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku minn naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmata f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000(2) (il-Ftehim ta' Cotonou),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-26 ta' Ġunju 2012 dwar l-istrateġija ta' sħubija konġunta UE-Karibew (JOIN(2012)0018),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra(3),

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Haiti,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sitwazzjoni umanitarja fil-Haiti kompliet tiddeterjora f'dawn l-aħħar snin minħabba l-insigurtà kontinwa fil-pajjiż; billi mill-qtil tal-President Jovenel Moïse f'Lulju 2021, il-gruppi organizzati kisbu b'mod drastiku aktar setgħa, u dan ħoloq sens omnipreżenti ta' insigurtà għall-popolazzjoni Haitjana; billi l-vjolenza li qed tiżdied u l-eskalazzjoni tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem affettwaw 1,5 miljun persuna u ħallew 19 000 persuna oħra spostati internament u 1,1 miljun persuna fi bżonn ta' assistenza; billi din il-kriżi soċjopolitika u ekonomika qed tikkonverġi mal-kriżi ġenerali tal-insigurtà u tal-gruppi f'katastrofi umanitarja; billi ġie rrappurtat li kien hemm żieda fil-miżuri vjolenti użati mill-forzi uffiċjali tal-pulizija;

B.  billi fil-11 ta' Settembru 2022, il-Gvern tal-Haiti ħabbar li kien se jnaqqas is-sussidji tal-fjuwil b'madwar USD 400 miljun fi sforz biex jiżdied id-dħul għall-programmi soċjali, li wassal għal aktar taqlib u alleanzi ta' gruppi organizzati li ħatfu infrastruttura ewlenija; billi l-pajjiż ilu jesperjenza nuqqas ta' petrol għal xhur sħaħ; billi l-aċċess għat-terminal taż-żejt ta' Varreux, fejn huma kkonċentrati 70 % tal-ħażniet, huwa f'idejn gruppi armati; billi kważi 86 % tal-elettriku prodott fil-pajjiż huwa bbażat fuq prodotti petroliferi; billi minnħabba dan in-nuqqas, l-isptarijiet u ċ-ċentri tas-saħħa kellhom inaqqsu jew saħansitra jwaqqfu l-attivitajiet tagħhom;

C.  billi hemm sa 200 grupp organizzat fil-Haiti, inkluż f'Port-au-Prince, li jikkontrollaw portijiet u toroq ewlenin; billi dawn il-gruppi organizzati, li wħud minnhom għandhom rabtiet ma' atturi statali u allegati konnessjonijiet mal-politiċi, jheddu li jiddestabbilizzaw il-gvern bl-ammont akbar ta' riżorsi u armi li għandhom; billi xi politiċi u mexxejja kummerċjali Haitjani allegatament ipprovdew flus u armi lil gruppi organizzati u gruppi kriminali oħra bi skambju għat-trażżin ta' protesti kontra l-gvern; billi l-gruppi organizzati eżerċitaw is-setgħa u l-kontroll fuq it-territorju, l-aċċess għall-fjuwil u t-twassil tal-għajnuna umanitarja, filwaqt li kkontestaw l-awtorità tal-pulizija nazzjonali Haitjana u istituzzjonijiet statali oħra u xekklu l-kapaċità tal-pulizija nazzjonali li tiġġieled kontra t-traffikar tad-droga u delitti oħra;

D.  billi skont l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, bejn Jannar u l-aħħar ta' Ġunju 2022, saru 934 qtil, 684 korriment u 680 ħtif ta' persuni madwar Port-au-Prince; billi f'Lulju 2022, mewġa ta' vjolenza minn gruppi organizzati rriżultat f'aktar minn 470 qtil, li kważi nofshom seħħew fil-viċinat ta' Cité Soleil; billi l-biċċa l-kbira tal-vittmi ma kinux involuti direttament fi gruppi organizzati, iżda kienu fil-mira diretta tal-membri tal-gruppi organizzati; billi kien hemm diversi każijiet ta' stupru minn diversi persuni fuq l-istess vittma mwettqa kontra nisa u bniet, li jikkonferma l-użu sistematiku ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; billi skont rapport ta' Awwissu 2022 min-Network Nazzjonali tad-Difiża tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Haiti, għexieren ta' nisa u bniet sfaw vittmi ta' kampanji ta' stupru tal-massa mwettqa minn gruppi organizzati f'Port-au-Prince;

E.  billi l-gruppi organizzati ħadu l-kontroll tal-Palazz tal-Ġustizzja fl-10 ta' Ġunju 2022; billi l-Palazz tal-Ġustizzja kien fil-biċċa l-kbira inoperattiv mill-2018 minħabba riskji għas-sigurtà, u b'hekk fixkel l-aċċess għall-ġustizzja fil-pajjiż; billi l-fajls tal-każijiet li fihom evidenza kritika dwar massakri multipli mwettqa minn gruppi organizzati sa mill-2018 insterqu jew inqerdu, u dan ma jħalli l-ebda possibbiltà ta' rkupru;

F.  billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà volatili ħafna tal-Haiti tipperikola l-operazzjonijiet umanitarji kritiċi li fuqhom jiddependu l-persuni vulnerabbli; billi l-imblukkar totali tat-triq li twassal għall-peniżola tan-Nofsinhar, li ilu għaddej mill-2021, iżola 3,8 miljun ruħ li jgħixu fid-dipartimenti tan-Nofsinhar ta' Port-au-Prince; billi din is-sitwazzjoni waqqfet lill-aġenziji tan-NU u lill-organizzazzjonijiet umanitarji milli jgħinu lill-popolazzjoni f'dawn iż-żoni, filwaqt li n-NU tistma li 1,1 miljun persuna jeħtieġu assistenza;

G.  billi l-gruppi organizzati deliberatament serqu u kellhom fil-mira tagħhom stokkijiet ta' għajnuna alimentari inkluż fil-15 ta' Settembru 2022, meta nsteraq maħżen tal-Programm Dinji tal-Ikel f'Gonaïves, li kien fih 1 400 tunnellata metrika ta' ikel maħsub biex jitma' kważi 100 000 tifel u tifla tal-iskola u l-familji l-aktar vulnerabbli; billi fl-2022, in-NU u organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) oħra tilfu mill-inqas USD 6 miljun fi provvisti, li setgħu għenu aktar minn 410 000 persuna;

H.  billi skont il-Programm Dinji tal-Ikel, 4,4 miljun Haitjan, li jirrappreżentaw aktar minn terz tal-popolazzjoni, jiffaċċjaw nuqqas ta' sigurtà tal-ikel, u 217 000 tifel u tifla jbatu minn malnutrizzjoni moderata sa severa; billi l-Haiti hija partikolarment vulnerabbli għal xokkijiet globali fis-suq tal-ikel u tal-fjuwil minħabba li timporta 70 % taċ-ċereali tagħha; billi bħala riżultat tal-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna, il-Haiti diġà qed tesperjenza inflazzjoni ta' 26 %, li jagħmilha diffiċli għall-familji biex jaffordjaw l-ikel u ħtiġijiet oħra jew biex ibigħu għelejjel fis-swieq lokali;

I.  billi l-ġurnalisti kienu partikolarment fil-mira tal-vjolenza; billi fil-11 ta' Settembru 2022, żewġ ġurnalisti, Tayson Latigue u Frantzsen Charles, inqatlu b'arma tan-nar u wara nħaraq ġisimhom f'Cité Soleil;

J.  billi hekk kif id-drittijiet tal-bniedem u s-sitwazzjonijiet umanitarji qed ikomplu jiddeterjoraw b'mod mgħaġġel, Haitjani li jfittxu ażil tħallew b'aċċess limitat għall-protezzjoni internazzjonali u jiffaċċjaw firxa ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi ospitanti, inklużi d-detenzjoni, il-pushbacks illegali u l-estorsjoni; billi skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, bejn l-1 ta' Jannar u s-26 ta' Frar 2022, 25 765 persuna tkeċċew jew ġew deportati lura lejn il-Haiti minn pajjiżi ġirien; billi diversi NGOs wissew li l-Haitjani li jfittxu ażil qed jiġu soġġetti għal detenzjoni arbitrarja u trattament diskriminatorju u umiljanti; billi d-deportazzjoni u r-ritorn tal-migranti Haitjani qed jikkontribwixxu għad-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja fil-pajjiż;

K.  billi minħabba d-deterjorament tas-sitwazzjoni tas-sigurtà, ekonomika u soċjali, il-Gvern tal-Haiti ddeċieda li jipposponi l-bidu tas-sena skolastika mill-5 ta' Settembru għat-3 ta' Ottubru 2022, u s-sena skolastika l-ġdida għadha inċerta; billi skont il-Fond tan-NU għat-Tfal (UNICEF), nofs miljun tifel u tifla f'Port-au-Prince mid-dehra ma jmorrux skola u 1 700 skola fil-kapitali kellhom jagħlqu; billi madwar nofs il-Haitjani li għandhom 15-il sena u aktar huma illitterati, is-sistema edukattiva tal-pajjiż hija inugwali ħafna, il-kwalità tal-edukazzjoni disponibbli hija baxxa u t-tariffi għoljin mitluba għall-edukazzjoni jeskludu l-biċċa l-kbira tat-tfal minn familji b'introjtu baxx;

L.  billi l-aktar komunitajiet vulnerabbli tal-pajjiż iħabbtu wiċċhom ma' għargħar u erożjoni tal-ħamrija drammatiċi kkawżati minn deforestazzjoni severa, li jwasslu għal tnaqqis fil-produttività agrikola; billi aktar minn terz tal-popolazzjoni ma għandhiex aċċess għal ilma nadif u żewġ terzi għandha servizz sanitarju limitat jew l-ebda servizz ta' sanità; billi aktar minn nofs il-popolazzjoni tgħix taħt il-linja tal-faqar u ħafna jiddependu mill-biedja ta' sussistenza; billi l-pajjiż jiddependi ħafna mid-dħul estern; billi l-Haiti hija fost il-pajjiżi l-aktar affettwati mill-perikli klimatiċi matul dawn l-aħħar 20 sena, skont l-Indiċi tar-Riskju għall-Klima Globali tal-2021;

M.  billi l-kuntest tas-sigurtà jaffettwa ħafna l-objettivi tal-impenn tal-UE mal-Haiti, inkluża t-tnedija ta' aġenda għall-iżvilupp li tiffoka fuq riżultati sostenibbli u trasformattivi dwar kwistjonijiet bħall-edukazzjoni u s-sigurtà tal-ikel, kif ukoll l-isforzi tal-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja tal-Kummissjoni;

N.  billi s-sistema Restavek, forma moderna ta' skjavitù, għadha tiġi pprattikata fil-Haiti; billi taħt din is-sistema, it-tfal minn djar foqra, l-aktar il-bniet, jintbagħtu mill-ġenituri tagħhom biex jgħixu u jaħdmu għal familji urbani jew semiurbani; billi dawn it-tfal jistgħu aktar tard isiru vittmi ta' delitti fit-toroq jew ta' traffikar għas-sess minn gruppi kriminali;

O.  billi l-pjan ta' rispons umanitarju tan-NU għall-Haiti, li jammonta għal USD 373 miljun, ġie ffinanzjat biss 14 %; billi skont in-NU, l-għadd ta' persuni fil-bżonn ta' assistenza umanitarja huwa stmat għal madwar 1,5 miljun;

P.  billi l-Haiti hija firmatarju tal-Ftehim ta' Cotonou, li l-Artikolu 96 tiegħu jistipula li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali huwa element essenzjali tal-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku u l-UE;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-atti ta' vjolenza u qerda mwettqa minn gruppi organizzati fil-Haiti, u jiddeplora s-serq ta' provvisti ta' ikel u ta' għajnuna u l-attakki kontra l-ħaddiema umanitarji; jiddenunzja, b'mod partikolari, l-atti ta' vjolenza mwettqa fid-distrett ta' Cité Soleil ta' Port-au-Prince f'Lulju 2022 u l-vjolenza kontinwa, li ċċaħħad liċ-ċittadini mid-drittijiet bażiċi tagħhom; jikkundanna bil-qawwa l-attakk sesswali minn gruppi organizzati kontra n-nisa u l-bniet u l-użu ta' minorenni f'attivitajiet ta' gruppi organizzati; ifakkar li n-nisa u l-bniet jeħtieġu attenzjoni u għajnuna partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-protezzjoni kontra l-vjolenza sesswali;

2.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-awtoritajiet Haitjani jiżguraw governanza aħjar fil-livelli kollha tal-istat u tas-soċjetà, inkluż fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jisħaq fuq l-importanza kritika ta' ġudikatura li taħdem u kredibbli; ifakkar li l-awtoritajiet Haitjani jeħtiġilhom jindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-vjolenza minn gruppi organizzati, inkluż billi jirriformaw is-sistema ġudizzjarja u jressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja fi proċessi ġusti; jisħaq li r-responsabbiltà hija kwistjoni ta' urġenza u jenfasizza l-importanza ta' appoġġ u rimedju xierqa għall-vittmi u l-importanza ta' paċi u stabbiltà fit-tul; jappoġġja d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Speċjali Helen La Lime fis-sessjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-Uffiċċju Integrat tan-NU fil-Haiti tas-16 ta' Ġunju 2022 li tiddeskrivi kif tista' tittejjeb is-sitwazzjoni tas-sigurtà;

3.  Jappella għal approċċ tal-infurzar tal-liġi għall-kwistjonijiet ta' gruppi organizzati billi tittejjeb il-ġestjoni tal-armi illegali flimkien ma' proġetti soċjoekonomiċi u attivitajiet ta' riintegrazzjoni mmirati lejn il-ġenerazzjoni tal-impjiegi u d-dħul fil-viċinati l-aktar affettwati mill-vjolenza minn gruppi organizzati; jinsisti bil-qawwa li l-awtoritajiet Haitjani jeħtiġilhom iressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja fi proċessi ġusti u jtenni l-ħtieġa li l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi jirrispettaw in-normi u l-istandards internazzjonali rigward l-użu tal-forza meta jkunu qed jittrattaw il-protesti; ifakkar fid-dritt kostituzzjonali għal dimostrazzjonijiet paċifiċi; jissottolinja l-ħtieġa li l-Gvern tal-Haiti jindirizza d-dimensjonijiet kollha possibbli tal-vjolenza minn gruppi organizzati, inkluż permezz ta' programmi soċjali, tas-saħħa u tal-edukazzjoni, titjib fl-ilma u fis-sanità u sforzi ta' għajnuna f'każ ta' diżastru u sforzi ta' rkupru;

4.  Jitlob waqfien immedjat tal-vjolenza minn gruppi organizzati u tal-attivitajiet kriminali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jieħdu miżuri xierqa, inklużi l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, permezz tar-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem, kontra dawk involuti fi vjolenza minn gruppi organizzati, attivitajiet kriminali jew abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-korruzzjoni, jew kontra dawk li jappoġġjawhom;

5.  Jenfasizza l-importanza tal-atturi ewlenin fis-soċjetà ċivili, inklużi l-knejjes, it-trade unions, iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, il-movimenti tal-bdiewa u tan-nisa u l-NGOs; jappella għall-istabbiliment mill-ġdid tas-setgħa u l-leġittimità tal-istituzzjonijiet pubbliċi, il-kisba mill-ġdid tal-fiduċja tal-popolazzjoni, it-tmiem tal-impunità u l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet ħielsa u trasparenti wara sentejn;

6.  Jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha fil-Haiti jistabbilixxu soluzzjoni dejjiema, marbuta biż-żmien u aċċettata b'mod komuni għall-istaġnar politiku attwali biex jippermettu elezzjonijiet leġiżlattivi u presidenzjali inklużivi, paċifiċi, ħielsa, ġusti u trasparenti, f'konformità mal-istandards internazzjonali rikonoxxuti kif jippermettu l-kundizzjonijiet tas-sigurtà u t-tħejjijiet loġistiċi; jissottolinja li dan il-proċess irid jitmexxa mill-Haiti, bil-parteċipazzjoni sħiħa u ugwali tan-nisa, taż-żgħażagħ, tas-soċjetà ċivili u ta' partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, sabiex terġa' tingħata s-setgħa lil dawk magħżula b'mod liberu mill-poplu Haitjan, jiġu rrestawrati l-istituzzjonijiet demokratiċi u jiddaħħlu fis-seħħ miżuri biex jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi u soċjali;

7.  Jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni tal-Haitjani li jfittxu l-ażil fil-pajjiżi ospitanti li ħarbu lejhom; jistieden lill-awtoritajiet mill-pajjiżi ospitanti jtemmu t-tkeċċijiet u d-deportazzjonijiet kollha lejn il-Haiti hekk kif ikomplu għaddejjin il-kriżijiet tad-drittijiet tal-bniedem u umanitarji tagħha, jipprovdu b'mod urġenti lill-Haitjani b'aċċess għall-protezzjoni mingħajr diskriminazzjoni, u jipprovdu evalwazzjonijiet ġusti tal-istatus ta' rifuġjati f'konformità kemm mal-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Istatus tar-Rifuġjati kif ukoll mad-Dikjarazzjoni ta' Kartaġena dwar ir-Rifuġjati;

8.  Jistieden lill-pajjiżi li jilqgħu lill-Haitjani li jfittxu l-ażil jirrispettaw il-kriterji stabbiliti fil-konvenzjonijiet internazzjonali dwar l-ażil u r-ritorni; ifakkar li r-ritorni lejn il-Haiti huma estremament perikolużi u se jkomplu joħolqu riskji għall-ħajja sakemm il-kundizzjonijiet tas-sigurtà fil-Haiti ma jkunux tjiebu;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE jkomplu bil-kollaborazzjoni mill-qrib tagħhom mal-Uffiċċju Integrat tan-NU fil-Haiti, mat-tim speċifiku għall-pajjiż tan-NU fil-Haiti, mal-organizzazzjonijiet reġjonali u mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali bil-għan li jgħinu lill-Haiti terfa' r-responsabbiltà sabiex tikseb stabbiltà fit-tul, żvilupp sostenibbli u awtosuffiċjenza ekonomika;

10.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u lil entitajiet oħra biex iżidu l-kontribuzzjonijiet lill-pakkett ta' fondi għall-assistenza tas-sigurtà lill-Haiti sabiex tiġi appoġġjata l-assistenza internazzjonali kkoordinata; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipprovdu bini tal-kapaċitajiet, appoġġ tekniku u taħriġ kontinwi għall-awtoritajiet doganali nazzjonali, għall-awtoritajiet ta' sorveljanza tal-fruntieri u għal awtoritajiet rilevanti oħra;

11.  Jistieden b'urġenza lill-awtoritajiet Haitjani u lill-komunità internazzjonali jappoġġjaw programmi mmirati biex jiġi eliminat il-faqar u jiġu żgurati l-edukazzjoni u l-aċċess għas-servizzi soċjali, speċjalment fiż-żoni remoti tal-pajjiż;

12.  Jilqa' l-allokazzjoni ta' EUR 17-il miljun mill-UE b'appoġġ għall-aktar persuni vulnerabbli fil-Haiti u f'pajjiżi oħra tal-Karibew; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tagħti prijorità lill-għajnuna umanitarja lill-Haiti u tiżgura li l-għoti ta' għajnuna umanitarja lill-Haiti jkun marbut b'mod effiċjenti mal-istrateġija ta' żvilupp tagħha u li l-popolazzjonijiet fil-bżonn jibbenefikaw minnu b'mod dirett;

13.  Jinsisti li, fid-dawl tal-kriżi serja tal-ikel, għandha tingħata attenzjoni speċifika lill-għajnuna alimentari ta' emerġenza, filwaqt li tingħata prijorità lix-xiri ta' ikel lokali sabiex din l-għajnuna ma tikkontribwixxix biex jiġu eliminati l-bdiewa b'azjenda agrikola żgħira tal-pajjiż u l-metodi ta' biedja lokali sostenibbli;

14.  Jitlob li l-Kummissjoni tiggarantixxi sistematikament li l-għajnuna kollha, inkluża l-għajnuna umanitarja, isirilha monitoraġġ effettiv sabiex jiġi żgurat li tintuża għall-proġetti speċifiċi li tkun maħsuba għalihom; itenni t-talba tiegħu, kif stabbilit fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2021, li għadha ma twettqitx, għal awditu u rapport mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-mod li bih jintefqu l-fondi tal-UE fil-Haiti; jitlob li ssir inkjesta dwar it-trasparenza u l-effikaċja tan-network għat-tqassim tal-għajnuna;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, lill-Kunsill tal-Ministri tagħha u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta tagħha mal-UE, lill-istituzzjonijiet tal-CARIFORUM, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Haiti.

(1) ĠU C 15, 12.1.2022, p. 161.
(2) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.
(3) ĠU L 289, 30.10.2008, p. 3.

Aġġornata l-aħħar: 26 ta' Jannar 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza