Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2022/2899(DEA)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0490/2022

Testi mressqa :

B9-0490/2022

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 24/11/2022 - 5.7

Testi adottati :

P9_TA(2022)0416

Testi adottati
PDF 127kWORD 45k
Il-Ħamis, 24 ta' Novembru 2022 - Strasburgu
Ebda oġġezzjoni għal att delegat: valur tal-limitu minimu għall-ikklerjar għal pożizzjonijiet miżmuma f'kuntratti tad-derivattivi tal-komoditajiet OTC u kuntratti tad-derivattivi OTC oħrajn
P9_TA(2022)0416B9-0490/2022

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Novembru 2022 li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-regolament delegat tal-Kummissjoni tat-18 ta' Ottubru 2022 li jemenda l-istandards tekniċi regolatorji stabbiliti fir-Regolament ta' Delega Nru (UE) Nru 149/2013 fir-rigward tal-valur tal-limitu minimu għall-ikklerjar għal pożizzjonijiet miżmuma f'kuntratti tad-derivattivi tal-komoditajiet OTC u kuntratti tad-derivattivi OTC oħrajn (C(2022)7413 – 2022/2899(DEA))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-regolament delegat tal-Kummissjoni (C(2022)7413),

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ottubru 2022, li permezz tagħha hija talbet lill-Parlament jiddikjara li mhux se joġġezzjona għar-regolament delegat,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, bid-data 17 ta' Novembru 2022,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet(1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(4) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' standards tekniċi ta' regolamentazzjoni ppreżentati fit-3 ta' Ġunju 2022 mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) skont it-tieni subparagrafu, tal-Artikolu 10(4), tar-Regolament (UE) Nru 648/2012,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,

A.  billi r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 149/2013(2) jispeċifika, fost l-oħrajn, il-valuri tal-limiti minimi għall-ikklerjar għall-fini tal-obbligu tal-ikklerjar; billi skont ir-raba' subparagrafu, tal-Artikolu 10(4), tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) tirrieżamina perjodikament il-valuri ta' dawk il-limiti minimi għall-ikklerjar u tipproponi standards tekniċi regolatorji biex temendahom; billi għal xi ġurisdizzjonijiet ta' pajjiżi terzi, għadha ma ġiet adottata l-ebda deċiżjoni dwar l-ekwivalenza, għalhekk il-kuntratti eżegwiti fis-swieq f'dawk il-ġurisdizzjonijiet ta' pajjiżi terzi jitqiesu OTC u, għalkemm jiġu kklerjati minn kontropartijiet ċentrali rikonoxxuti (CCPs), jgħoddu għal-limiti minimi għall-ikklerjar;

B.  billi reċentement il-prezzijiet tal-komoditajiet żdiedu, u ġew aggravati b'mod sinifikanti mill-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna; billi ż-żieda fil-prezzijiet u l-volatilità estrema fis-swieq tad-derivattivi tal-enerġija dan l-aħħar wasslu għal appelli għal marġni ogħla mis-CCPs għall-kumpaniji tal-enerġija biex ikopru l-iskoperturi relatati; billi din is-sitwazzjoni ħolqot pressjoni ta' likwidità fuq il-kontropartijiet nonfinanzjarji, bħalma huma l-kumpaniji tal-enerġija, peress li l-kollateral iddepożitat mas-CCPs tal-Unjoni normalment jiġi pprovdut fi flus kontanti; billi l-kumpaniji tal-enerġija, li spiss ikollhom inqas assi likwidi biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-marġni, jistgħu jiġu mġiegħla jnaqqsu l-pożizzjonijiet tagħhom jew iħalluhom iħħeġġjati b'mod mhux xieraq, u dan jesponihom għal varjazzjonijiet ulterjuri fil-prezzijiet; billi l-kumpaniji tal-enerġija għandhom iżommu l-kapaċità finanzjarja u l-likwidità biex jiżguraw il-provvisti u x-xiri ta' komoditajiet relatati mal-enerġija fuq terminu medju – filwaqt li jippreservaw l-istabbiltà finanzjarja – għall-benefiċċju tal-unitajiet domestiċi u n-negozji tal-Unjoni;

C.  billi l-Kummissjoni talbet lill-ESMA, fit-13 ta' Settembru 2022 (permezz tal-ittra Ares(2022)6980063), tikkunsidra jekk ir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 149/2013 għandux jiġi emendat temporanjament biex itaffi xi wħud minn dawn il-piżijiet; billi l-ESMA wieġbet fit-22 ta' Settembru 2022 (permezz tal-ittra ESMA24-436-1414) u indikat li ppreżentat l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji tagħha (ESMA70-451-114) dwar il-limiti minimi għall-ikklerjar tal-komoditajiet fit-3 ta' Ġunju 2022 lill-Kummissjoni fejn ġie propost li l-limitu minimu għall-ikklerjar tal-komoditajiet jiżdied b'EUR 1 biljun, biex b'hekk jilħaq total ta' EUR 4 biljun; billi l-ESMA kkonfermat l-adegwatezza taż-żieda proposta u stiednet lill-Kummissjoni tadotta dik il-miżura mill-aktar fis possibbli;

D.  billi l-Kummissjoni għalhekk adottat ir-regolament delegat li jżid il-valur tal-limitu minimu għall-ikklerjar għall-pożizzjonijiet miżmuma f'derivattivi ta' komoditajiet OTC stipulat fir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 149/2013 minn EUR 3 biljun għal EUR 4 biljun;

E.  billi r-regolament delegat għandu jidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta' urġenza sabiex tittaffa ż-żieda fil-pressjoni ta' likwidità fuq il-kumpaniji tal-enerġija;

1.  Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-regolament delegat;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.
(2) Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 149/2013 tad-19 ta' Diċembru 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-arranġamenti tal-ikklerjar indiretti, l-obbligu tal-ikklerjar, ir-reġistru pubbliku, l-aċċess għal ċentru tan-negozjar, kontropartijiet nonfinanzjarji, tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskji għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP (ĠU L 52, 23.2.2013, p. 11).

Aġġornata l-aħħar: 1 ta' Marzu 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza