Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2022 dwar l-ispostament furzat tal-persuni bħala konsegwenza tal-kunflitt dejjem jikber fil-Kongo tal-Lvant (RDK) (2022/2957(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK),
– wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tal-10 ta' Ottubru 2022 dwar it-tfal u l-kunflitt armat fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa tat-18 ta' Diċembru 1979 (CEDAW),
– wara li kkunsidra r-raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949 dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Pajżani fi żmien ta' Gwerra, u l-protokolli addizzjonali tal-1977 u l-2005 tagħha,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC) tal-20 ta' Novembru 1989,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-OHCHR-MONUSCO ta' Lulju 2020 bit-titolu "Report on violations of human rights and international humanitarian law by the Allied Democratic Forces armed group and by members of the defence and security forces in Beni territory, North Kivu province and Irumu and Mambasa territories, Ituri province, between 1 January 2019 and 31 January 2020" (Rapport dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-grupp armat tal-Forzi Demokratiċi Alleati u minn membri tal-forzi tad-difiża u tas-sigurtà fit-territorju ta' Beni, fil-provinċja ta' Kivu tat-Tramuntana u fit-territorji ta' Irumu u ta' Mambasa, fil-provinċja ta' Ituri, bejn l-1 ta' Jannar 2019 u l-31 ta' Jannar 2020),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-4 ta' Lulju 2022 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Josep Borrell, dwar is-sitwazzjoni tal-parti tal-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli(1),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali(2),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) qed tkompli tiddeterjora, b'mod partikolari fil-parti tal-Grigal tal-pajjiż, minħabba gruppi armati barranin u domestiċi, inkluż l-M23 b'rabtiet mar-Rwanda; billi xi gruppi ribelli għandhom rabtiet mal-Uganda u mal-Burundi kif ukoll lealtà rrappurtata lejn l-ISIS u ġew implikati f'bosta massakri, li kkawżaw l-ispostament ta' eluf ta' ċivili, u hemm rapporti li gruppi armati kienu qed jirreklutaw it-tfal u jwettqu vjolenza sesswali u sessista mifruxa ħafna;
B. billi mill-20 ta' Ottubru 2022 'il hawn, l-avvanzi mill-M23 wasslu għall-ispostament ta' eluf ta' persuni minn Rutshuru lejn Kanyaruchinya u Kibati, fit-Tramuntana tal-belt ta' Goma, u lejn it-territorju ta' Lubero, u b'hekk komplew jiżdiedu mas-sitt miljun ruħ li diġà ġew spostati internament;
C. billi mill-20 ta' Ottubru 2022 'il hawn huwa stmat li mal-183 000 ruħ, l-aktar nisa u tfal, ġew spostati, biex b'hekk it-total laħaq aktar minn 232 000 ċivili fil-parti tal-Lvant tal-pajjiż; billi 2.4 miljun tifel u tifla Kongoliżi taħt l-età ta' ħames snin qed ibatu minn malnutrizzjoni akuta globali; billi ħafna tfal ġew separati mill-ġenituri u l-kustodji tagħhom meta n-nies bdew jaħarbu mill-attakki tar-ribelli; billi huwa stmat li mas-7.5 miljun ruħ bħalissa jeħtieġu l-assistenza u ma għandhom l-ebda aċċess għall-ilma u għal faċilitajiet tas-sanità;
D. billi l-provinċji tal-Lvant tar-RDK ta' Ituri u Kivu sofrew żewġ deċennji ta' kunflitt ċikliku kkaratterizzat minn massakri taċ-ċivili u vjolenza minn gruppi armati, filwaqt li l-awtoritajiet tal-gvern naqsu milli jżommu gruppi mhux statali responsabbli għad-delitti tal-passat;
E. billi f'Ottubru 2022 ġie rrappurtat li fil-kunflitt reċenti mal-forzi ribelli tal-M23 unitajiet tal-armata Kongoliża u l-alleati tagħhom kienu responsabbli ta' ksur massiv tad-drittijiet tal-bniedem; billi ġew irrappurtati wkoll abbużi serji bħat-tħaddim tat-tfal;
F. billi l-ġurnalisti li jkopru l-kunflitt jiffaċċjaw fastidju, theddid u arresti li kulma jmur qed jiżdiedu;
G. billi l-proċess ta' Luanda aġevolat mill-Angola għandu l-għan li jwettaq medjazzjoni bejn ir-RDK u r-Rwanda fir-rigward tal-kunflitt fil-Lvant tar-RDK; billi l-Komunità tal-Afrika tal-Lvant (EAC), li tagħha r-Repubblika Demokratika tal-Kongo saret membru f'Marzu 2022, tat bidu għal proċess fuq żewġ binarji mmirat biex itemm l-instabilità fil-Lvant tal-Kongo: diskussjonijiet politiċi mal-gruppi ribelli li esprimew ir-rieda li jieqfu mill-ġlied u jiddiżarmaw, flimkien mal-iskjerament ta' forza militari tal-Afrika tal-Lvant;
1. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-eskalazzjoni tal-vjolenza u s-sitwazzjoni umanitarja allarmanti u li qed tiddeterjora fir-RDK, ikkawżata b'mod partikolari mill-kunflitti armati fil-provinċji tal-Lvant; jiddeplora t-telf tal-ħajjiet u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tar-RDK; jiddeplora l-fatt li l-kunflitt ħalla mas-27 miljun Kongoliż u Kongoliża fil-bżonn ta' assistenza umanitarja u li l-għadd ta' persuni spostati internament fir-RDK qed jiżdied, u huwa stmat li mas-sitt miljun ruħ ġew spostati sal-ġurnata tal-lum, inklużi 515 000 rifuġjat;
2. Jitlob lill-UE u lil sħab internazzjonali oħra jipprovdu għajnuna umanitarja lir-reġjun; jinsisti li l-għajnuna umanitarja ffinanzjata mill-UE għandha tkun immirata lejn l-għajnuna lill-persuni vulnerabbli, bħas-superstiti tal-vjolenza sesswali u t-titjib tad-determinanti soċjali tas-saħħa; jitlob lill-UE tkompli żżid il-finanzjament tagħha għall-iżvilupp u dak umanitarju għar-RDK għall-perjodu ta' programmazzjoni 2021-2027; iħeġġeġ lin-naħat kollha jippermettu u jaġevolaw l-aċċess umanitarju għal dawk kollha li jinsabu fil-bżonn u jagħmlu possibbli r-ritorn volontarju u sikur tal-persuni spostati;
3. Jikkundanna bil-qawwa l-aggressjoni brutali li għadha għaddejja minn gruppi armati; jitlob li l-grupp armat M23 jirtira mill-pożizzjonijiet tiegħu u jiddiżarma, u li l-gruppi armati kollha fir-reġjun jerġgħu jingħaqdu fid-djalogu Inter-Kongoliż (il-proċess ta' Nairobi) bi tħejjija għad-diżarm, id-demobilizzazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid fil-komunità; jistieden lill-atturi statali kollha fir-reġjun jieqfu minn kull kooperazzjoni mal-M23 u ma' gruppi armati oħra fir-reġjun; iħeġġeġ lill-gvernijiet kollha kkonċernati jiżguraw li kwalunkwe soluzzjoni politika li tinstab ma tkunx tinkludi amnestija għal dawk responsabbli ta' delitti internazzjonali gravi u li l-kmandanti tal-M23 li wettqu abbużi ma jitħallewx jintegraw fil-forzi armati tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo;
4. Iħeġġeġ lir-Rwanda biex ma tappoġġax lir-ribelli tal-M23; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimponu sanzjonijiet kontra l-awturi tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Lvant tar-RDK permezz tal-Mekkaniżmu Globali ta' Sanzjoni b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem; jitlob li s-sanzjonijiet kontra l-kmandanti għolja tal-M23 jibqgħu jinżammu u jiġu estiżi biex jinkludu lil dawk li jkunu għadhom kif instabu responsabbli ta' abbużi serji, kif ukoll lill-uffiċjali għolja mir-reġjun kollu li kienu kompliċi fl-abbużi tal-grupp armat;
5. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-firxa sħiħa ta' theddid u ksur u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem li jgħaddu minnhom in-nisa u l-bniet f'kunflitt armat, u jirrikonoxxi li n-nisa u l-bniet jinsabu partikolarment f'riskju peress li spiss ikunu speċifikament fil-mira u f'riskju akbar ta' vjolenza f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt u ta' wara kunflitt, fatt li jipprevjeni l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċessi ta' paċi; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tħaffef l-isforzi tagħha biex teqred il-pjaga tal-vjolenza sesswali u sessista fil-kunflitti armati fil-Lvant tar-RDK, tipproteġi lill-vittmi, ittemm l-impunità għall-awturi, u tiggarantixxi l-aċċess għall-ġustizzja, ir-riparazzjonijiet u r-rimedju għas-superstiti;
6. Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tieħu passi konkreti biex twaqqaf il-vjolenza li għadha għaddejja, speċjalment billi tinkoraġġixxi l-promozzjoni tad-djalogu u soluzzjonijiet mhux vjolenti, u billi tappoġġa l-proċess ta' medjazzjoni reġjonali, il-proċess ta' Luanda, mibdi mill-President tal-Angola João Lourenço; jenfasizza li l-Istati Partijiet kollha tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant (EAC), il-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC) u l-Konferenza Internazzjonali dwar ir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar (ICGLR) iridu jirrispettaw il-prinċipji maqbula permezz tal-Konklavi tal-Kapijiet ta' Stat tal-Afrika tal-Lvant u l-proċess ta' medjazzjoni ta' Luanda; jissottolinja bil-qawwa l-ħtieġa ta' kooperazzjoni transfruntiera fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani;
7. Jappella għall-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' skrutinju formali bħala parti mill-isforzi aktar mifruxa fir-riforma tas-settur tas-sigurtà, biex jiġu investigati l-kandidati għat-tneħħija u biex jiġi żgurat li l-forzi tas-sigurtà jaġixxu b'mod li jkun konsistenti mad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u mal-istandards tad-dritt umanitarju;
8. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE jiżguraw li l-istrateġija li jmiss tal-UE għar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani tirrifletti b'mod adegwat l-isfidi numerużi u serji tad-drittijiet tal-bniedem u dawk umanitarji kemm fil-livell ta' pajjiż kif ukoll f'dak reġjonali, b'mod partikolari fir-RDK;
9. Jistieden lill-pajjiżi ġirien tar-RDK jżidu l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu lill-kuntrabandu ta' minerali ta' kunflitt li jgħaddu minn pajjiżhom u l-kummerċ illeċitu ta' riżorsi naturali li qed iqabbad il-kunflitt; jisħaq fuq kemm hu importanti li jsiru aktar sforzi biex jinqata' l-finanzjament għall-gruppi armati involuti fil-kummerċ illeċitu tar-riżorsi naturali, inklużi d-deheb u l-prodotti tal-organiżmi selvaġġi; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatti u l-effiċjenza tar-Regolament (UE) 2017/821 fir-rieżami tagħha tal-funzjonament u l-effikaċja ta' dan ir-regolament;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Unjoni Afrikana, lill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo kif ukoll ta' pajjiżi oħra tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant.