Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2022 dwar il-wirt tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022 (2022/2953(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 165(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 165(4) u l-Artikolu 166(4) TFUE,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2021/2316 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 2021 dwar Sena Ewropea taż-Żgħażagħ (2022)(2),
– wara li kkunsidra l-Pjan Direzzjonali ta' Bratislava tas-16 ta' Settembru 2016,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ruma tal-25 ta' Marzu 2017,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali tal-4 ta' Marzu 2021,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-31 ta' Mejju 2017 dwar il-ħidma fost iż-żgħażagħ (CM/Rec(2017)4),
– wara li kkunsidra l-Istrateġija għas-Settur taż-Żgħażagħ għall-2030 tal-Kunsill tal-Ewropa tat-23 ta' Jannar 2020,
– wara li kkunsidra l-Karta Ewropea riveduta dwar il-Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ fil-Ħajja Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-appoġġ lir-rifuġjati żgħażagħ fit-tranżizzjoni tagħhom lejn il-ħajja adulta (CM/Rec(2019)4),
– wara li kkunsidrat ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar qafas għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ: L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027(3),
– wara li kkunsidra il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2020 għaż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (2021-2027),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2021 dwar it-tfassil tal-politika tal-edukazzjoni diġitali(4),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2017 dwar il-ħidma intelliġenti fost iż-żgħażagħ(5),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 dwar iż-Żgħażagħ u l-Futur tax-Xogħol(6),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar il-Ħidma Diġitali Fost iż-Żgħażagħ tat-3 ta' Ottubru 2019(7),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar il-Qafas għall-istabbiliment ta' Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ(8) u l-implimentazzjoni tagħha permezz tal-hekk imsejjaħ "Proċess ta' Bonn",
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2020 dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ(9),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar Ewropa soċjali b'saħħitha għal Tranżizzjonijiet Ġusti(10),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Frar 2021 dwar l-impatt tal-COVID-19 fuq iż-żgħażagħ u fuq l-isport(11),
– wara li kkunsidra d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-15 ta' Settembru 2021 magħmul mill-President tal-Kummissjoni,
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-18 ta' Ottubru 2022 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri(12),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-EU dwar it-Test taż-Żgħażagħ tal-UE,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa fir-rigward tal-edukazzjoni u ż-żgħażagħ,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u l-Artikolu 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ ("is-Sena") tħabbret mill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni fil-15 ta' Settembru 2021, filwaqt li enfasizzat l-importanza taż-żgħażagħ Ewropej fil-bini ta' futur aħjar – aktar ekoloġiku, aktar inklużiv, sostenibbli u diġitali – u li dawn jingħataw aktar opportunitajiet u opportunitajiet aħjarbilli jiġi żgurat li leħinhom jinstema , u billi jitpoġġew fiċ-ċentru tal-attenzjoni wara l-pandemija tal-COVID-19;
B. billi s-Sena kienet maħsuba biex tikseb l-erba' objettivi ġenerali, jiġifieri li ġġedded il-perspettivi pożittivi għaż-żgħażagħ u tgħinhom jegħlbu l-effetti tal-pandemija fuq ħajjithom; li tappoġġa u tagħti s-setgħa liż-żgħażagħ biex isiru ċittadini attivi u involuti; li tinforma aħjar lill-ġenerazzjonijiet żgħażagħ dwar l-opportunitajiet disponibbli għalihom mill-politiki pubbliċi fil-livelli tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali; u li tintegra l-politika dwar iż-żgħażagħ fl-oqsma ta' politika rilevanti kollha tal-Unjoni;
C. billi dawn l-objettivi jibnu fuq għadd ta' inizjattivi ta' politika tal-UE diġà fis-seħħ, mill-Garanzija Ewropea għaż-Żgħażagħ sal-Istrateġija Ewropea għaż-Żgħażagħ u d-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ tagħha, l-Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ u l-prospetti għal Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, fost l-oħrajn; billi dawn il-politiki identifikaw objettivi tant meħtieġa u urġenti biex jittejbu b'mod effettiv il-kundizzjonijiet tal-għajxien, tat-tagħlim u tax-xogħol għaż- żgħażagħ kollha, iżda l-implimentazzjoni tagħhom għadha fil-biċċa l-kbira frammentata u mhux kompluta; billi, għalhekk, is-Sena hija mistennija li sservi bħala aċċeleratur biex dawn il-politiki jiġu implimentati bis-sħiħ, permezz ta' approċċ koordinat, metodoloġija u proċess sodi, u biex iż-żgħażagħ jingħataw aktar opportunitajiet u opportunitajiet ta' parteċipazzjoni aħjar bħala dawk li jġibu l-bidla fis-soċjetà;
D. billi l-aktar aspettattiva komuni taż-żgħażagħ għas-Sena fir-rigward tad-demokrazija hija li dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jisimgħu aktar it-talbiet tagħhom u jaġixxu fuqhom (72 %) u jappoġġaw l-iżvilupp personali, soċjali u professjonali tagħhom (71 %)(13);
E. billi l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ huma fost il-mezzi ewlenin għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja pubblika u għall-aċċess għall-possibbiltajiet ta' żvilupp permezz tal-mobilità u l-opportunitajiet ta' tagħlim mhux formali u informali; billi l-ispażju ċiviku għal bosta organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ qed jiċkien f'ħafna mill-Istati Membri(14);
F. billi għad hemm disparitajiet bejn u fi ħdan l-Istati Membri, li spiss ikollhom impatt negattiv fuq iż-żgħażagħ b'inqas opportunitajiet minn żoni rurali jew remoti u dawk minn kull tip ta' minoranza fir-rigward tal-opportunitajiet għall-edukazzjoni, il-kisba tal-ħiliet u x-xogħol; billi wisq żgħażagħ fl-Ewropa jsibu ruħhom f'kundizzjonijiet ta' għajxien prekarji u jiffaċċjaw riskji finanzjarji kbar sabiex isegwu l-istudji tagħhom u jiksbu l-ħiliet u l-esperjenzi li jeħtieġu biex ikollhom bidu ta' kwalità għall-ħajja tax-xogħol tagħhom;
G. billi ż-żgħażagħ huma fost l-aktar affettwati mill-effetti sekondarji ekonomiċi, psikoloġiċi u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19 u mit-tensjonijiet ekonomiċi u politiċi kkawżati mill-gwerra ta' aggressjoni mir-Russja kontra l-Ukrajna, inklużi kontijiet li qed jogħlew bħala konsegwenza tal-kriżi devastanti tal-enerġija u l-prospetti ħżiena fid-dawl tad-degradazzjoni ambjentali li qed tiżdied, li qed tpoġġi f'riskju l-benesseri fiżiku u mentali tagħhom;
H. billi l-għodod u r-riżorsi eżistenti għaż-żgħażagħ u l-inklużjoni tagħhom fit-tfassil tal-politika spiss mhumiex disponibbli u viżibbli għal kulħadd, u b'riżultat ta' dan ħafna żgħażagħ u organizzazzjonijiet immexxija miż-żgħażagħ ma jkunux konxji minnhom, jew ma jiġux ikkonsultati jew involuti biżżejjed minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-proċessi tat-tfassil tal-politika;
I. billi, f'dan ir-rigward, is-suċċess tas-Sena m'għandux jitkejjel biss fl-isfond tan-numru ta' avvenimenti organizzati jew l-attendenza tagħhom, iżda wkoll fuq il-mekkaniżmi u l-politiki mnedija jew avvanzati biex ikollhom impatt pożittiv fuq il-pożizzjoni u r-rwol taż-żgħażagħ fis-soċjetà;
J. billi l-adozzjoni mgħaġġla ħafna tad-deċiżjoni wriet sfida kbira għall-istituzzjonijiet tal-UE u għall-partijiet ikkonċernati biex iħejju s-Sena b'mod adegwat u bl-għan li jintlaħqu l-objettivi stabbiliti; billi dan huwa aktar u aktar ta' dispjaċir minħabba l-ħtiġijiet urġenti biex titjieb il-ħajja taż-żgħażagħ fl-Ewropa; billi f'dawn iċ-ċirkostanzi, iż-żmien disponibbli ma kienx biżżejjed biex tiġi implimentata Sena sinifikanti u li tħalli impatt; billi għandhom jinsiltu tagħlimiet minn din l-esperjenza għal Snin Ewropej futuri;
K. billi s-Sena diġà qed toqrob lejn tmiemha u għaddejjin it-tħejjijiet biex jiġi żgurat l-impatt dejjiemi tagħha;
Kundizzjonijiet għall-istabbiliment u l-iskjerament tas-Snin Ewropej
1. Jilqa' s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022 bħala l-impenn qawwi tal-UE għall-ġenerazzjonijiet żgħażagħ u futuri; jisħaq li matul il-pandemija tal-COVID-19, iż-żgħażagħ kienu l-aktar milquta mill-miżuri sanitarji, u dan affettwa l-aċċess tagħhom għal ħajja soċjali u kulturali u għamel ħsara lill-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni;
2. Jiddispjaċih ħafna dwar il-kundizzjoni tat-tnedija tas-Sena, speċjalment iż-żmien mgħaġġel għall-adozzjoni tar-regolament, li dewwem l-implimentazzjoni u l-finanzjament ta' ħafna proġetti; jiddispjaċih, barra minn hekk, li din kellha impatt fuq il-komunikazzjoni dwar is-Sena fl-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u ż-żgħażagħ infushom; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni testendi s-Sena sa Jum l-Ewropa li jmiss fid-9 ta' Mejju 2023 mingħajr preġudizzju għall-bidu tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet;
3. Jiddeplora l-fatt li d-deċiżjonijiet dwar is-Snin Ewropej futuri xorta jistgħu jkunu soġġetti għal avviżi tard u jistieden lill-Kummissjoni biex tinvolvi bis-sħiħ l-istituzzjonijiet rilevanti u s-soċjetà ċivili kkonċernata ferm qabel id-data tal-bidu ta' kwalunkwe Sena Ewropea futura, sabiex jiġi massimizzat l-impatt tagħhom; jenfasizza li t-tħabbir tas-Snin ftit xhur biss qabel il-bidu ppjanat tagħhom ma jistax isir norma ġdida, peress li dan jipperikola l-effettività tal-proġett kollu; jistieden lill-Kummissjoni biex fil-futur tiżgura li s-Snin Ewropej ikunu jistgħu jitħejjew fi żmien xieraq għall-partijiet ikkonċernati kollha;
4. Jilqa' l-konferenza interistituzzjonali finali dwar is-Sena bit-titolu "Claim the future" fis-6 ta' Diċembru 2022; jilqa' wkoll il-fatt li l-kontenut ġie propost u koorganizzat miż-żgħażagħ; jirrikonoxxi li s-suġġetti magħżula ffukaw fuq Ewropa inklużiva permezz tal-edukazzjoni, Ewropa diġitali permezz tal-edukazzjoni, il-benesseri Ewropew permezz tal-integrazzjoni tal-kura tas-saħħa mentali, u l-benesseri Ewropew permezz ta' kura tas-saħħa mentali aċċessibbli; jistieden lill-Kummissjoni f'dan ir-rigward tinkludi u tirrifletti dawn is-suġġetti u l-konklużjonijiet fil-wirt tas-Sena;
5. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi komunikazzjoni li tistabbilixxi s-segwitu għas-Sena bil-ħsieb li tilħaq l-erba' objettivi tagħha, tipprovdi appoġġ għal inizjattivi ġodda u tippermettilhom jikbru, tikseb l-integrazzjoni sħiħa tal-politiki tal-UE dwar iż-żgħażagħ fl-oqsma kollha ta' politika u tniedi valutazzjoni u rappurtar lura lill-Parlament rigward il-kontribut konkret tas-Sena għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019–2027 u l-Aġenda tal-UE għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ;
6. Jenfasizza li wirt tanġibbli u konkret għandu jikkonsisti minn naħa waħda mill-implimentazzjoni ta' metodoloġija dwar kif iż-żgħażagħ jiġu involuti u jinstemgħu fl-UE kollha u min-naħa l-oħra mill-implimentazzjoni ta' politiki Ewropej u nazzjonali ġodda li jirriżultaw direttament mill-eżitu tas-Sena;
7. Jilqa' l-kontribut finanzjarju u l-inizjattivi li saru mid-diversi direttorati ġenerali tal-Kummissjoni; jinnota, madankollu, li xi wħud mill-attivitajiet deskritti kienu jseħħu fi kwalunkwe każ, jew ftit li xejn għandhom x'jaqsmu mal-objettivi tas-Sena; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara liema proġetti għadhom kif inħolqu fil-qafas tas-Sena u liema diġà kienu jeżistu u ġew ittikkettati mill-ġdid għall-fini tas-Sena; jinsisti li jkun hemm stampa ċara tal-finanzjament eżatt tas-Sena mill-Kummissjoni u l-Istati Membri;
L-iżgurar ta' impenn u involviment sinifikanti taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika u fit-teħid tad-deċiżjonijiet
8. Jenfasizza li terz taċ-ċittadini li pparteċipaw fil-panels tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa kienu żgħażagħ ta' bejn is-16 u l-25 sena; jappoġġa l-proposti li saru mill-plenarja tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa fid-9 ta' Mejju 2022, b'mod partikolari dawk li talbu direttament jew indirettament it-trawwim ta' politiki li jiffukaw fuq iż-żgħażagħ;
9. Jistieden lill-Kummissjoni tadotta "Test taż-Żgħażagħ tal-UE" sħiħ biex tiżgura l-involviment, il-parteċipazzjoni u l-impenn sinifikanti taż-żgħażagħ fit-tħejjija tal-politiki kollha tal-UE, tistabbilixxi valutazzjoni tal-impatt sistematika tal-proposti tagħha biex tiżgura li dawn jippromwovu u jirriflettu l-ħtiġijiet taż-żgħażagħ u tieħu miżuri ta' mitigazzjoni jekk ikollhom impatt negattiv; jemmen li proċess bħal dan huwa essenzjali sabiex jitqiesu l-opinjonijiet taż-żgħażagħ, jittejjeb l-impatt pożittiv tal-politiki tal-UE fuqhom u dawk isiru viżibbli għalihom b'mod ċar, peress li l-ġenerazzjoni li jmiss hija direttament ikkonċernata mill-politiki li qed jiġu mfassla llum; jisħaq li t-Test taż-Żgħażagħ tal-UE m'għandux sempliċement isir lista ta' kontroll burokratika iżda għandu jinvolvi lin-nies b'mod olistiku sabiex jilħaq l-għan tiegħu; iqis li l-eżiti tat-Test għandhom jinfurmaw u jkunu konnessi ma' proċessi diġà eżistenti bħad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ;
10. Jipproponi li jingħata segwitu għas-Sena bi djalogu strutturat regolari maż-żgħażagħ fil-Kumitat tiegħu għall-Kultura u l-Edukazzjoni, bl-idea li tiġi proposta pjattaforma demokratika għall-parteċipazzjoni miftuħa u inklużiva taż-żgħażagħ fil-proċess tat-tfassil tal-politika fil-livell tal-UE;
11. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw u jintroduċu suġġetti dwar iċ-ċittadinanza globali u tal-UE fil-kurrikuli nazzjonali u l-esperjenzi ta' mobbiltà għat-tagħlim biex jikkontribwixxu għal ċittadinanza aktar attiva u parteċipattiva, sistema politika aktar inklużiva għaż-żgħażagħ u biex jiġġieldu r-razziżmu fil-forom kollha tiegħu, id-diskriminazzjoni u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, bl-għan li jitwarrbu l-preġudizzji u jinbnew soċjetajiet inklużivi ħielsa mir-razziżmu strutturali li jippromwovu t-tolleranza, id-diversità u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi l-għodod u l-opportunitajiet meħtieġa għall-għalliema biex jinvolvu ruħhom b'mod attiv fil-ħolqien ta' qafas komuni tal-UE dwar l-edukazzjoni ċivika, pereżempju permezz ta' akkademji tat-tagħlim Erasmus+ jew Taħriġ għall-Għalliema Jean Monnet;
12. Jara potenzjal kbir li jkun hemm avvenimenti deċentralizzati li jqarrbu lill-UE lejn iż-żgħażagħ u jipproponi li jiġi stabbilit festival ta' kultura u ideat tal-UE kull sena li jrawwem dibattiti lokali u attivitajiet kulturali dwar il-kwistjonijiet topiċi kollha tal-għażla taż-żgħażagħ għall-ħabta tad-data simbolika tad-9 ta' Mejju;
It-tisħiħ ta' miżuri li jipprovdu għall-benesseri taż-żgħażagħ
13. Jissottolinja r-rabta bejn il-benesseri taż-żgħażagħ u l-opportunitajiet u l-kapaċitajiet ta' tagħlim u xogħol, kif ukoll l-istandard tal-għajxien, disponibbli għalihom fil-pajjiż fejn joqogħdu; jinnota bi tħassib li ż-żgħażagħ qed jesperjenzaw ansjetà u dannu mentali dejjem akbar ikkawżati minn, fost affarijiet oħra, l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, iż-żieda fl-għoli tal-ħajja u l-faqar enerġetiku u l-emerġenza klimatika;
14. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jabbozzaw Pjan Ewropew għall-protezzjoni tas-saħħa mentali fl-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż it-tagħlim informali u mhux formali, sabiex jieħdu ħsieb il-benesseri tal-ġenerazzjoni żagħżugħa tagħna fil-forom kollha tiegħu; jinsisti fuq l-importanza li jiġi pprovdut appoġġ psikoloġiku regolari għall-istudenti , l-għalliema u l-edukaturi bħala parti mis-sistema edukattiva; iħeġġeġ l-intensifikazzjoni tar-rabtiet bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u l-organizzazzjonijiet kulturali, taż-żgħażagħ u tal-isport kif ukoll in-networks ta' konsulenti psikoloġiċi biex jipprovdu attivitajiet ekstrakurrikulari sabiex jiżdied l-impenn soċjali taż-żgħażagħ;
15. Jinsab imħasseb dwar l-impatt sever tal-inflazzjoni, iż-żieda fil-prezzijiet tal-akkomodazzjoni u tal-utilitajiet u l-iskarsezza tal-akkomodazzjoni f'xi pajjiżi ta' destinazzjoni fuq il-mobbiltà taż-żgħażagħ, li toħloq ostaklu speċjalment lil dawk b'inqas opportunitajiet; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-programmi tal-UE jipprovdu appoġġ finanzjarju suffiċjenti liż-żgħażagħ u lill-organizzazzjonijiet immexxija miż-żgħażagħ biex iwettqu esperjenzi ta' mobbiltà, kemm jekk għal skopijiet ta' tagħlim, kif ukoll għal taħriġ jew solidarjetà; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadattaw b'mod diliġenti l-livell ta' appoġġ finanzjarju pprovdut liż-żgħażagħ għal esperjenzi ta' mobilità biex tiġi żgurata d-dimensjoni soċjalment inklużiva tal-programmi tal-UE;
Il-ġlieda kontra l-prekarjetà fost iż-żgħażagħ u l-għoti ta' bidu ta' kwalità għall-ħajja tax-xogħol
16. Itenni t-talbiet tiegħu lill-Istati Membri biex jimplimentaw il-Garanzija għat-Tfal biex jiżguraw li kull tifel u tifla fil-bżonn ikollhom aċċess għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal mingħajr ħlas u effettivi, edukazzjoni ta' kwalità inklużi attivitajiet ibbażati fl-iskola, kura tas-saħħa, u aċċess effettiv għal nutrizzjoni tajba għas-saħħa u akkomodazzjoni deċenti; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jimplimentaw il-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa li tiżgura li kull żagħżugħ u żagħżugħu j/tirċievi offerta ta' impjieg ta' kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistati u traineeships skont il-ħtiġijiet tagħhom; jilqa' l-azzjonijiet tal-Kummissjoni biex tiffaċilita l-iskambju ta' prattiki tajba u l-koordinazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali f'dan ir-rigward, u jħeġġiġha żżomm l-isforzi tagħha sakemm l-objettivi jintlaħqu bis-sħiħ;
17. Jinsisti fuq ir-rwol essenzjali tal-ħidma fost iż-żgħażagħ biex jiġu indirizzati l-isfidi li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ, b'mod partikolari fir-rigward tal-kontribut tagħha għall-iżvilupp personali, il-benesseri u l-awtorealizzazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu aħjar il-valur tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u jibnu mill-ġdid u jsaħħu b'mod sostenibbli l-istrutturi tal-ħidma fost iż-żgħażagħ kull fejn ikun meħtieġ;
18. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipproponu qafas legali komuni biex tiġi żgurata remunerazzjoni ġusta għat-traineeships u l-apprendistati; jinsisti li għandhom jiġu garantiti kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u remunerazzjoni ġusta lit-trainees kollha sabiex jiġu evitati prattiki ta' sfruttament;
19. Jisħaq li t-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol tiddependi ħafna fuq ir-rikonoxximent tal-lawrji, il-kwalifiki jew il-perjodi ta' tagħlim taż-żgħażagħ miksuba barra mill-pajjiż; jiddispjaċih li għadhom jippersistu ostakli f'dan il-qasam u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jrendu tali rikonoxximent awtomatiku, filwaqt li jisfruttaw b'mod partikolari il-possibbiltajiet offruti mid-diġitalizzazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jivvalidaw u jirrikonoxxu wkoll il-kompetenzi u l-ħiliet miksuba permezz ta' esperjenzi ta' tagħlim mhux formali u informali u l-ħidma fost iż-żgħażagħ flimkien mal-edukazzjoni formali madwar l-Unjoni u barra mill-UE; itenni li dan m'għandux idgħajjef id-dritt għal edukazzjoni għolja ta' kwalità għolja;
Investiment fil-ġenerazzjoni li jmiss permezz tal-edukazzjoni
20. Jenfasizza li l-investiment f'opportunitajiet ta' tagħlim għaż-żgħażagħ għandu impatt dirett mhux biss fuq il-ħajja futura taż-żgħażagħ bħala individwi, iżda wkoll fuq is-saħħa ekonomika u l-koeżjoni tas-soċjetà kollha kemm hi; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-isfidi li qed jiffaċċjaw iż-żgħażagħ li huma diskriminati jew li għandhom inqas opportunitajiet biex jaċċessaw livelli differenti ta' oqfsa edukattivi formali, informali u mhux formali, fost l-oħrajn nisa żgħażagħ, membri żgħażagħ tal-komunitajiet LGBTIQ+, migranti żgħażagħ, żgħażagħ li jfittxu asil u rifuġjati u studenti b'diżabbiltà u indebolimenti; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jżidu b'mod sinifikanti l-infiq pubbliku fuq l-edukazzjoni, inklużi l-edukazzjoni diġitali, it-taħriġ vokazzjonali u edukattiv, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid; jistieden lill-Kummissjoni trawwem indikaturi komuni sabiex tivvaluta l-impatt tal-investiment, inkluż NextGenerationEU, u r-riformi fl-avvanz ta' politiki ddedikati għaż-żgħażagħ u l-edukazzjoni;
21. Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jimplimentaw bis-sħiħ iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025; jilqa', għalhekk, il-progress li diġà nkiseb f'ċerti Stati Membri; jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri adegwati meħtieġa biex isaħħu l-infrastruttura diġitali, il-konnettività u l-kurrikuli edukattivi tagħhom u jħarrġu b'mod adegwat lill-għalliema u lill-edukaturi u jipprovdu linji gwida biex irawmu l-litteriżmu diġitali sabiex itejbu l-metodi ġodda ta' tagħlim u jagħtu liż-żgħażagħ l-għodod meħtieġa biex jaċċessaw b'mod effettiv l-informazzjoni, jiċħdu d-diżinformazzjoni u jindirizzaw il-vjolenza online bħall-inċitament għall-mibegħda, ir-razziżmu, l-abbuż sesswali tat-tfal online, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, il-bullying ċibernetiku u l-ghosting; ifakkar fid-disparità edukattiva eżistenti bejn il-ġeneri fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, l-arti u l-matematika (STEAM) u l-ħtieġa ta' miżuri korrettivi biex tingħalaq din il-lakuna; jistenna r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Kummissjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (2012-2027);
o o o
22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.
Shrinking space for civil society: its impact on young people and their organisations (L-ispazju jiċkien tas-soċjetà ċivili: l-impatt fuq iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet tagħhom) Resolution on Combating shrinking space with expanding opportunities for youth organisations, national youth councils and international non-governmental youth organisations(Riżoluzzjoni dwar il-Ġlieda kontra l-ispazju li qed jiċkien b'opportunitajiet li qed jespandu għall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, il-kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet internazzjonali mhux governattivi taż-żgħażagħ) Voicify: Part of Europe(Parti mill-Ewropa)