Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2022/2962(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0505/2022

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 24/11/2022 - 5.17

Testi adottati :

P9_TA(2022)0426

Testi adottati
PDF 144kWORD 52k
Il-Ħamis, 24 ta' Novembru 2022 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu
P9_TA(2022)0426RC-B9-0505/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2022 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu (2022/2962(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eġittu,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Portavuċi tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar l-Eġittu,

–  wara li kkunsidra l-Politika tal-Viċinat tal-UE u l-komunikazzjoni konġunta tad-9 ta' Frar 2021 bit-titolu "Sħubija mġedda mal-Viċinat tan-Nofsinhar – Aġenda ġdida għall-Mediterran" (JOIN(2021)0002),

–  wara li kkunsidra t-13-il laqgħa Interparlamentari bejn l-UE u l-Eġittu li saret fid-29 ta' Settembru 2022,

–  wara li kkunsidra l-memorandum ta' qbil bejn l-UE, l-Eġittu u Iżrael dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-kummerċ, tat-trasport u tal-esportazzjoni ta' gass naturali lejn l-Unjoni Ewropea, iffirmat fil-Kajr fil-15 ta' Ġunju 2022,

–  wara li kkunsidra l-aħħar dikjarazzjoni mill-Portavuċi għall-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Eġittu,

–  wara li kkunsidra r-Rieżami Perjodiku Universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar l-Eġittu għall-2019-2020,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tat-8 ta' Novembru 2022 li tappella għall-ħelsien immedjat ta' Alaa Abd El-Fattah,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-piena tal-mewt, dwar it-tortura, dwar il-libertà ta' espressjoni, dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTI,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u l-Karta Għarbija tad-Drittijiet tal-Bniedem, li kollha ġew ratifikati mill-Eġittu,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Eġittu, b'mod partikolari l-Artikolu 52 dwar il-projbizzjoni tal-forom kollha ta' tortura, l-Artikolu 73 dwar il-libertà ta' għaqda u l-Artikolu 93 dwar in-natura vinkolanti tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Eġittu ospita s-27 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (COP27) f'Sharm El-Sheikh, billi dan l-avveniment internazzjonali xeħet l-attenzjoni fuq ir-repressjoni domestika tal-Eġittu kontra l-ilħna paċifiċi u leġittimi tas-soċjetà ċivili;

B.  billi fl-2021 l-Eġittu nieda l-istrateġija nazzjonali tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-djalogu nazzjonali tiegħu, li uffiċjalment kellhom l-għan li jtejbu r-rekord tiegħu b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem u jistabbilixxu ambjent politiku aktar inklużiv; billi f'April 2022, tnieda l-Kumitat Eġizzjan tal-Maħfriet Presidenzjali, inkarigat bil-kompitu li jwettaq investigazzjonijiet għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar każijiet ta' priġunieri li s-sitwazzjoni tagħhom ma tikkonformax mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-kumitat injora l-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem fil-passat kif ukoll dak li għadu għaddej u ma kien hemm l-ebda bidla sostanzjali sena wara t-tnedija tal-istrateġija nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-djalogu nazzjonali tal-Eġittu; billi s-Sottokumitat għall-Kwistjonijiet Politiċi, id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija – Kwistjonijiet Internazzjonali u Reġjonali, li tnissel mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Eġittu u l-Unjoni Ewropea, iservi bħala qafas għad-diskussjoni tal-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem bejn iż-żewġ partijiet; billi l-laqgħa li jmiss ta' dan is-sottokumitat hija skedata għat-8 ta' Diċembru 2022 fil-Kajr;

C.  billi l-Eġittu ma emenda l-ebda biċċa leġiżlazzjoni rilevanti qabel ma ospita l-COP27, inkluż fir-rigward tad-dritt għal-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni u għal-libertà tal-media, minkejja li l-għoti ta' spazju lis-soċjetà ċivili huwa impenn konġunt minqux fil-prijoritajiet tas-sħubija UE-Eġittu u stipulat fil-Kostituzzjoni Eġizzjana; billi l-istat ta' emerġenza, fis-seħħ mill-2017, għadu ma tneħħiex; billi l-proċessi tal-massa u d-detenzjoni tal-massa għadhom għaddejjin, fejn il-qrati militari u ta' emerġenza tas-sigurtà tal-istat jipproċessaw għexieren ta' eluf ta' ċivili; billi fit-8 ta' Lulju 2021 ir-Rapporteurs Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet għal-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem waqt il-ġlieda kontra t-terroriżmu esprimew b'mod konġunt it-tħassib tagħhom dwar il-Liġi tal-Eġittu tal-2019 dwar l-Organizzazzjonijiet Nongovernattivi (NGOs), il-Liġi tiegħu tal-2018 kontra l-Kriminalità Ċibernetika u tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni, il-Liġi tal-2015 dwar l-Entitajiet Terroristiċi u l-Liġi tal-2013 dwar il-Laqgħat Pubbliċi u d-Dimostrazzjonijiet Paċifiċi; billi skont il-Kummissjoni Eġizzjana għad-Drittijiet u l-Libertajiet, il-Gvern Eġizzjan żamm kważi 734 individwu f'detenzjoni madwar 18-il gvernaturat bejn l-1 ta' Ottubru u l-14 ta' Novembru 2022;

D.  billi d-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Alaa Abd El-Fattah, li ġie detenut arbitrarjament għall-biċċa l-kbira ta' dawn l-aħħar għaxar snin fuq akkużi mhux sostanzjati, f'Novembru 2022 interrompa l-istrajk tal-ġuħ tiegħu, li kien beda f'April 2022, wara li ġie mitmugħ bil-forza wara esperjenza li kważi ħallietu mejjet fiċ-ċella tal-ħabs tiegħu; billi mill-bidu tal-COP27 huwa kien waqaf ukoll milli jixrob l-ilma; billi Alaa għad ma kellu l-ebda aċċess konsulari għall-uffiċjali tar-Renju Unit u billi l-avukat tiegħu ma tħalliex iżuru; billi l-familja ta' Alaa tħalliet iżżuru b'mod sporadiku fil-passat wara pressjoni internazzjonali;

E.  billi l-Gvern Eġizzjan eskluda gruppi indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem milli jipparteċipaw fil-COP27 permezz ta' proċess ta' reġistrazzjoni sigriet ikkontrollat mill-gvern li għarbel il-gruppi kollha biex jelimina dawk kritiċi tal-Gvern Eġizzjan, ta' restrizzjonijiet bla bżonn għal-libertà ta' għaqda paċifika barra mill-post tal-COP27 u ta' dewmien mhux ġustifikat fil-ħruġ ta' viżi lil dawk li jivvjaġġaw minn barra l-pajjiż; billi kienu biss xi gruppi indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem u d-difensur tad-drittijiet Sanaa Seif li setgħu jipparteċipaw bis-saħħa tal-assistenza ta' organizzazzjonijiet internazzjonali;

F.  billi d-difensuri tad-drittijiet tan-nisa, tal-persuni LGBTIQ+ u d-difensuri tad-drittijiet tal-Kopti għadhom qed jiġu ffastidjati, intimidati, arrestati u detenuti, bħal fil-każ ta' Patrick George Zaki, li għadu soġġett għal projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u li għadu qed jiffaċċja proċess quddiem qorti ta' emerġenza tal-istat wara li kkritika l-politika tal-gvern tiegħu fil-konfront tal-Insara Kopti, u fil-konfront tal-influencers nisa tal-media soċjali Haneen Hossam u Mawada Al Adham, li ġew ikkundannati għal tliet snin u sentejn ħabs fuq akkużi foloz dwar moralità fl-2020 wara li żifnu b'mod informali f'vidjos fuq TikTok;

G.  billi d-disa' laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni tal-UE u l-Eġittu li saret fl-20 ta' Ġunju 2022 u l-prijoritajiet ta' sħubija 2021-2027 adottati fid-19 ta' Ġunju 2022 tennew l-impenn taż-żewġ partijiet li jippromwovu d-demokrazija, il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-opportunitajiet indaqs;

H.  billi l-Eġittu ilu żmien twil sieħeb strateġiku tal-UE, li magħha jikkondividi għanijiet komuni ta' konsolidament ta' stabbiltà, paċi u prosperità fir-reġjuni tal-Mediterran u tal-Lvant Nofsani u billi għandu rwol importanti għall-istabbiltà fir-reġjun; billi l-UE hija l-akbar sieħeb ekonomiku tal-Eġittu u s-sors ewlieni ta' investiment barrani tiegħu; billi f'Ġunju 2022, l-UE u l-Eġittu adottaw prijoritajiet ta' sħubija f'ħafna oqsma, inklużi s-sigurtà, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-riforma ġudizzjarja; billi l-Eġittu appoġġa r-riżoluzzjoni tan-NU li tikkundanna l-annessjoni tar-reġjuni Ukreni min-naħa tar-Russja u jkompli jappoġġa l-isforzi tal-UE u l-isforzi internazzjonali biex tintemm il-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna; billi l-Eġittu ffirma memorandum ta' qbil mal-UE u Iżrael biex jitnaqqsu l-importazzjonijiet tal-gass mir-Russja wara l-aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna; billi l-Kummissjoni allokat EUR 100 miljun lill-Eġittu mill-Faċilità għall-Ikel u r-Reżiljenza biex tgħinu jindirizza n-nuqqas ta' ikel li rriżulta mill-gwerra ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna;

1.  Jiddeplora bil-qawwa n-nuqqas kontinwu ta' drittijiet u libertajiet politiċi bażiċi fl-Eġittu, inkluż fil-kuntest tal-organizzazzjoni tal-Konferenza COP27 f'Sharm El-Sheikh; jiddispjaċih li l-COP27 ma wasslitx għal titjib fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

2.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi ċ-ċensura, il-fastidju u l-intimidazzjoni mill-awtoritajiet Eġizzjani tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tal-Eġittu, li seħħew saħansitra fil-bini internazzjonali tan-NU, kif ukoll il-mewġa ġdida ta' arresti u detenzjonijiet fil-kuntest tal-COP27; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-Gvern tal-Ġermanja, li fit-13 ta' Novembru 2022 ressaq ilment kontra l-awtoritajiet Eġizzjani minħabba s-sorveljanza tas-sigurtà eċċessiva fil-konfront tal-parteċipanti fil-paviljun Ġermaniż tal-COP27; jiddeplora l-fatt li NGOs Eġizzjani indipendenti ġew irrifjutati reġistrazzjoni ta' darba għall-COP27 u li ftit biss minnhom irnexxielhom jattendu, u biss bis-saħħa tal-fatt li l-organizzazzjonijiet internazzjonali tawhom il-badges tagħhom stess; jiddeplora l-fatt li l-awtoritajiet Eġizzjani għażlu organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li ma jikkritikawx lill-awtoritajiet; jissottolinja li, bħala partijiet ikkonċernati leġittimi, il-komunitajiet lokali u l-NGOs mis-Sinaj kellhom jitħallew jieħdu sehem fil-COP27, peress li kienet qed isseħħ fis-Sinaj; jiddeplora l-proċess sigriet tal-Eġittu li juża kriterji tal-għażla li ma ġewx żvelati biex jeskludi NGOs tad-drittijiet tal-bniedem li huma kritiċi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani biex ma jieħdu l-ebda miżura ta' ritaljazzjoni kontra dawk id-difensuri u l-attivisti Eġizzjani tad-drittijiet tal-bniedem li pubblikament esprimew tħassib dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu matul il-COP27;

3.  Jikkundanna bil-qawwa d-detenzjonijiet arbitrarji u l-arresti preventivi kontinwi fl-Eġittu ta' għexieren ta' eluf ta' priġunieri minħabba twemmin, li ħafna minnhom jinsabu detenuti f'kundizzjonijiet inumani mingħajr aċċess għal proċess ġust jew drittijiet bażiċi, kif muri fil-ħabsijiet politiċi tal-Eġittu f'Wadi Natroun u Badr; jinnota li frazzjoni limitata tal-priġunieri politiċi tal-Eġittu nħelsu jew ingħataw il-maħfra mill-Kumitat tal-Maħfriet Presidenzjali f'April 2022, bil-ħelsien ta' bejn 800 u 1000 priġunier minn arrest preventiv arbitrarju; jenfasizza li mill-inqas 1 953 Eġizzjan ġew arrestati u detenuti arbitrarjament minn dak iż-żmien 'l hawn, skont l-NGOs Eġizzjani u Amnesty International;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jeħilsu minnufih lil Mohamed "Oxygen" Ibrahim, Mohamed Adel, Alaa Abd El-Fattah, it-tliet avukati li fl-2020 irċevew il-premju tad-drittijiet tal-bniedem tal-Kunsill tal-Għaqdiet Ewropej tal-Avukati Ibrahim Metwally Hegazy, Mohamed El Baqer u Hoda Abdelmoniem, kif ukoll Ezzat Ghoneim, Ahmed Amasha, Abdel Moneim Aboul Fotouh, Mohamed El Kassas, Ziad Abu El Fadl, Aisha El Shater, Mohamed Abo Houraira, Manal Agrama, Marwa Arafa, Hala Fahmy, Safaa El Korbagy, Tawfik Ghanim, Seif Thabit, Safwan Thabit, Sherif al Rouby, Anas El-Beltagy, Ahmed Douma, Mohamed Adel Fahmy, Nermin Hussein, Haneen Hossam, Mawadda el-Adham, Ismail Iskandarani, Seif Fateen, Hisham Genena, Omar Mohammed Ali, Aymen Moussa, Omar el Hout, Ahmed Moussa Abd El Khaleq u Ahmed Fayez, fost ħafna oħrajn detenuti inġustament; jisħaq li dawk in-nisa u l-irġiel huma difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti, attivisti paċifiċi, politiċi, influencers nisa tal-media soċjali jew negozjanti Eġizzjani li rrifjutaw li jbigħu l-assi tagħhom lill-militar; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jneħħu l-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar ta' Patrick George Zaki u Mahinour Al Masry;

5.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lid-difensur tad-drittijiet tal-bniedem u attivist paċifiku Brittaniku-Eġizzjan Alaa Abd El-Fattah, li ngħata l-premju Deutsche Welle u Reporters Mingħajr Fruntieri; huwa ġie detenut arbitrarjament għall-biċċa l-kbira ta' dawn l-aħħar għaxar snin fuq akkużi mhux sostanzjati, għat-talbiet paċifiċi u leġittimi tiegħu għal aktar drittijiet u libertajiet, u l-każ tiegħu assolutament mhuwiex wieħed iżolat, u jippermettulu jitlaq minnufih lejn ir-Rejnu Unit; jenfasizza li kemm il-Kanċillier tal-Ġermanja Olaf Scholz kif ukoll il-President Franċiż Emmanuel Macron talbu l-ħelsien tiegħu;

6.  Itenni l-akbar kundanna tiegħu tal-użu mifrux tat-tortura mill-apparat tas-sigurtà tal-Eġittu; ifakkar li r-rivoluzzjoni tal-Eġittu tal-25 ta' Jannar 2011 bdiet bħala protesta pubblika kontra l-protesta kontra l-pulizija wara t-tortura u l-qtil tal-blogger Khaled Said, fost l-oħrajn; iħeġġeġ lill-Eġittu jikkoopera bis-sħiħ mal-investigazzjoni tal-awtoritajiet Taljani dwar il-qtil tal-istudent Taljan tal-PhD Giulio Regeni, li ġie ttorturat sal-mewt minn uffiċjali tas-sigurtà fl-2016; itenni, b'mod partikolari, it-talba tiegħu biex il-Ġeneral Tariq Sabir, il-Kurunell Athar Kamel Mohamed Ibrahim, il-Kurunell Uhsam Helmi u l-Maġġur Magdi Ibrahim Abdelal Sharif jiġu nnotifikati bil-proċedura ġudizzjarja kontrihom fl-Italja; jikkundanna bl-aktar mod qawwi t-tortura għall-mewt tal-ekonomista Ayman Hadhoud, li miet fil-5 ta' Marzu 2022 wara li ġie ġie furzat jgħib u nżamm arrestat minn uffiċjali tas-sigurtà wara l-kritika tiegħu dwar il-politiki ekonomiċi, u jiddeplora bil-qawwa n-nuqqas ta' kwalunkwe awtopsja indipendenti u investigazzjoni kredibbli mill-Prosekuzzjoni Pubblika tal-Eġittu;

7.  Iħeġġeġ lill-Eġittu jeħles lill-ġurnalisti kollha, 21 b'kollox, li bħalissa jinsabu l-ħabs sempliċement talli għamlu xogħolhom, kif dokumentat mir-Reporters Mingħajr Fruntieri u mill-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti; jissottolinja d-dritt tal-Eġizzjani kollha li jkollhom aċċess għall-informazzjoni mingħajr iċ-ċensura tal-gvern tagħhom; jinnota d-deċiżjoni, meħuda taħt pressjoni fil-bidu tal-konferenza COP27, li jingħata aċċess għal xi siti web ta' NGOs tad-drittijiet tal-bniedem u gazzetti indipendenti bħal Medium, Mada Masr jew Human Rights Watch; jisħaq, madankollu, li tali siti web għandhom dejjem jibqgħu aċċessibbli għall-Eġizzjani anke wara l-konferenza;

8.  Iħeġġeġ għalhekk lill-awtoritajiet Eġizzjani jeħilsu lill-ġurnalisti kollha li kienu detenuti minn Novembru 2022 'il quddiem: Khaled Abdelwahab Radwan, Ahmed Fayez, Alaa Abdelfattah, Ismail Alexandrani, Mohamed Ibrahim (magħruf ukoll bħala Mohamed Oxygen), Ahmed Allaam, Hamdi al-Zaeem, Tawfik Ghanem, Rabie al-Sheikh, Adallah Shusha, Khaled Sahloob, Bahaa al-Din Ibrahim Nemat Allah, Hisham Abdel Aziz, Mohamed Said Fahmy, Badr Mohamed Badr, Raouf Ebeid, Mostafa Saad, Mohamed Mostafa Moussa, Mahmoud Saad Diab u Amr Shnin;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jwaqqfu d-diskriminazzjoni u jiggarantixxu ugwaljanza effettiva għall-Eġizzjani kollha quddiem il-liġi u fil-prattika, kif stipulat fil-kostituzzjoni, irrispettivament mill-fidi jew it-twemmin tagħhom; jindika d-diskriminazzjoni li ilha teżisti kontra l-minoranzi, bħall-minoranza Kopta u l-poplu tal-fidi Bahá'í; jistieden lill-Eġittu jirrevedi l-liġijiet tiegħu dwar il-blasfemija biex jiżgura l-protezzjoni tal-libertà ta' kuxjenza u d-drittijiet tal-minoranzi reliġjużi;

10.  Iħeġġeġ lill-Eġittu jirrispetta l-istandards internazzjonali bażiċi dwar il-libertà ta' assoċjazzjoni u jirrevoka l-Liġi repressiva tiegħu dwar l-NGOs 149/2019, li tissubordina l-attivitajiet kollha għall-kontroll tal-gvern; jikkondividi t-tħassib espress mill-esperti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU dwar l-ħażna ta' armi legali tal-Eġittu biex irażżan il-libertà ta' assoċjazzjoni, ta' espressjoni, tal-istampa u tad-dritt ta' għaqda paċifika bl-iskuża tal-ġlieda kontra t-terroriżmu; iħeġġeġ lill-Eġittu jemenda jew jirrevoka wkoll il-Liġi tiegħu tal-2018 kontra l-Kriminalità Ċibernetika u tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni, il-Liġi tiegħu tal-2015 dwar l-Entitajiet Terroristiċi u l-Liġi tal-2013 dwar il-Laqgħat Pubbliċi u d-Dimostrazzjonijiet Paċifiċi; jistieden għal darb'oħra lill-awtoritajiet Eġizzjani jagħlqu l-każ 173/2011, magħruf bħala l-"Każ ta' Finanzjament Barrani", u jneħħu l-projbizzjonijiet kollha fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi kontra 31 impjegat ta' NGOs tad-drittijiet tal-bniedem;

11.  Jistieden lill-Parlament Eġizzjan jaċċellera l-adozzjoni tiegħu ta' liġi komprensiva dwar il-vjolenza kontra n-nisa, b'mod partikolari l-qtil tal-unur; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jtennu l-oppożizzjoni tagħhom għall-mutilazzjoni ġenitali femminili u jħarrku b'mod effettiv lil dawk li jkomplu jipprattikawha; jirrakkomanda li l-awtoritajiet Eġizzjani jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom mal-UE biex isibu modi ġodda sabiex ikomplu jipproteġu aktar lin-nisa minn abbuż sesswali u vjolenza abbażi tal-ġeneru; jikkundanna bil-mod l-aktar qawwi possibbli l-qtil abbażi tal-ġeneru;

12.  Jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jtemmu l-arresti u l-prosekuzzjonijiet għal relazzjonijiet sesswali konsenswali bejn adulti, inklużi relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess jew relazzjonijiet ibbażati fuq l-espressjoni tal-ġeneru, u jeħilsu minnufih lill-persuni LGBTIQ+ li għadhom detenuti arbitrarjament, spiss f'kundizzjonijiet inumani;

13.  Jilqa' l-bidliet legali reċenti li l-Eġittu għamel dwar it-tħaddim tat-tfal u ż-żwieġ tat-tfal; jistieden, madankollu, lill-awtoritajiet Eġizzjani jkomplu jsaħħu l-implimentazzjoni tal-liġi dwar iż-żwieġ tat-tfal u jsaħħu s-sistemi tal-iskejjel, u s-servizzi pubbliċi tal-protezzjoni tat-tfal billi jipprevjenu u jirrispondu għall-abbuż tat-tfal ħalli jkomplu jipproteġu aktar lit-tfal kontrih;

14.  Iħeġġeġ lill-Eġittu jabolixxi l-piena tal-mewt, u jiddikjara moratorju immedjat fuq l-applikazzjoni tagħha; jiddeplora deterjorament tal-Eġittu f'dawn l-aħħar għaxar snin bħala wieħed mill-agħar trasgressuri fid-dinja rigward il-piena kapitali, inkluż għat-trasgressuri żgħażagħ;

15.  Itenni s-sejħa tiegħu lill-Istati Membri kollha tal-UE u lid-delegazzjoni tal-UE biex jattendu l-proċessi ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti u uffiċjali ta' trade unions Eġizzjani u barranin u biex iżuruhom fid-detenzjoni;

16.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jappoġġjaw mekkaniżmu ta' monitoraġġ u rappurtar dwar ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU; ifakkar li UE għandha tintegra t-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-iskambji ta' livell għoli kollha tagħha ma' uffiċjali Eġizzjani, inkluż il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Eġittu; jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jisħqu fuq l-interkonnettività bejn l-iżvilupp demokratiku u t-tkabbir; jistieden lin-NU tistabbilixxi kriterji għall-pajjiżi ospitanti dwar l-aċċess għas-soċjetà ċivili u l-libertà ta' espressjoni f'laqgħat futuri tal-COP u konferenzi simili tan-NU;

17.  Itenni s-sejħa tiegħu għal rieżami profond u komprensiv tar-relazzjonijiet tal-UE mal-Eġittu fid-dawl tal-progress limitat ħafna dwar ir-rekord tal-Eġittu rigward id-drittijiet tal-bniedem u tar-repressjoni tiegħu tad-dissens, minkejja l-appoġġ kontinwu minn sħab Ewropej; iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jieħu pożizzjoni pubblika soda dwar il-ħtieġa li l-Eġittu jeħles lill-priġunieri politiċi, jagħmel progress konkret rigward id-drittijiet tal-bniedem, itemm u jinvestiga t-tortura u jabbanduna l-użu massiv tiegħu tal-arrest preventiv abbużiv u tal-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar biex irażżan id-dissens reali jew perċepit bħala kundizzjoni neċessarja biex jittejbu r-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni tal-UE mal-Eġittu; itenni s-sejħa tiegħu lill-Istati Membri tal-UE biex jikkunsidraw l-adozzjoni ta' sanzjonijiet immirati kontra dawk l-aktar responsabbli għar-repressjoni brutali fil-pajjiż; jappella għal aktar trasparenza dwar il-forom kollha ta' appoġġ finanzjarju jew taħriġ ipprovdut lill-Eġittu mill-UE, mill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u mill-Bank Ewropew tal-Investiment;

18.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tal-UE jirrispettaw bis-sħiħ il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE tal-21 ta' Awwissu 2013 li ħabbru s-sospensjoni tal-liċenzji tal-esportazzjoni għal kwalunkwe tagħmir użat għar-repressjoni interna, inkluża t-teknoloġija ta' sorveljanza użata biex jiġu rintraċċati l-ilħna ta' dissens;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu.

Aġġornata l-aħħar: 1 ta' Marzu 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza