Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2022/2948(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0538/2022

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 24/11/2022 - 5.18
CRE 24/11/2022 - 5.18

Testi adottati :

P9_TA(2022)0427

Testi adottati
PDF 160kWORD 53k
Il-Ħamis, 24 ta' Novembru 2022 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA fil-Qatar
P9_TA(2022)0427RC-B9-0538/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2022 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA fil-Qatar (2022/2948(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2022 dwar sħubija strateġika mar-reġjun tal-Golf,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni tat-18 ta' Mejju 2022 bit-titolu "Sħubija strateġika mal-pajjiżi tal-Golf" (JOIN(2022)0013),

–  wara li kkunsidra r-raba' djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Qatar li sar fi Brussell fit-12 ta' Settembru 2022,

–  wara li kkunsidra l-Arranġament ta' Kooperazzjoni UE-Qatar tas-7 ta' Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali tan-NU dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom tat-18 ta' Diċembru 1990,

–  wara li kkunsidra l-aħbar maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Assoċjazzjonijiet tal-Futbol (FIFA) tat-2 ta' Diċembru 2010 dwar l-għażla tal-Qatar bħala l-pajjiż fejn għandha ssir it-Tazza tad-Dinja tal-Futbol tal-2022,

–  wara li kkunsidra l-Liġijiet Nru 17, 18 u 19 adottati mill-Gvern tal-Qatar fl-2020 dwar il-libertà tal-moviment u dwar paga minima għall-ħaddiema migranti,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Human Rights Watch tal-24 ta' Ottubru 2022 bit-titolu "Qatar: Security Forces Arrest, Abuse LGBT People",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 285 tal-Kodiċi Kriminali tal-Qatar u l-Liġi Nru 17 tal-2002 dwar il-Protezzjoni tal-Komunità,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra tal-1984,

–  wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar il-piena tal-mewt,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' progress dwar il-programm ta' kooperazzjoni teknika bejn il-Gvern tal-Qatar u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tal-31 ta' Ottubru 2022,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li ġie rratifikat mill-Qatar fil-21 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Qatar, b'mod partikolari dik tal-21 ta' Novembru 2013 bit-titolu "Il-Qatar: is-sitwazzjoni tal-ħaddiema migranti"(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Qatar huwa l-ewwel pajjiż fir-reġjun li qed jorganizza t-Tazza tad-Dinja tal-FIFA; billi fl-2010 l-FIFA tat l-organizzazzjoni tat-Tazza tad-Dinja lill-Qatar mingħajr ma wettqet id-diliġenza dovuta dwar id-drittijiet tal-bniedem jew l-ambjent u mingħajr ma stabbiliet il-kundizzjonijiet għall-protezzjoni tal-ħaddiema migranti; billi l-Qatar rebaħ il-proċess ta' kandidatura biex jorganizza t-Tazza tad-Dinja tal-FIFA fost allegazzjonijiet kredibbli ta' tixħim u korruzzjoni li wasslu għal investigazzjonijiet ġudizzjarji;

B.  billi, skont l-estimi, fil-Qatar hemm aktar minn 2 miljun ċittadin barrani, li jirrappreżentaw madwar 94 % tal-forza tax-xogħol; billi l-migranti huma impjegati l-aktar fil-kostruzzjoni, fis-servizzi u fix-xogħol domestiku; billi ġie rrappurtat li d-drittijiet tal-ħaddiema f'dawn is-setturi nkisru; billi, minħabba dawn iċ-ċifri, il-Qatar għandu l-ogħla proporzjon fid-dinja ta' ħaddiema migranti meta mqabbel mal-popolazzjoni nazzjonali;

C.  billi, biex jaħdmu fil-Qatar, ħafna ħaddiema kienu mġiegħla jidħlu f'dejn mill-kumpaniji ta' reklutaġġ li talbuhom iħallsu tariffi b'mod illegali, u ħafna minnhom insterqitilhom il-paga u kienu soġġetti għal kundizzjonijiet tax-xogħol ħorox fi sħana estrema li esponiethom għar-riskju ta' mard, korriment u mewt;

D.  billi ġie rrappurtat li eluf ta' ħaddiema migranti mietu u ħafna aktar indarbu matul xogħlijiet ta' kostruzzjoni marbuta mat-Tazza tad-Dinja fil-Qatar;

E.  billi, skont l-ILO, xi kumpaniji Ewropej irrifjutaw li jipparteċipaw fil-Kumitati Konġunti, li l-għan tagħhom huwa li jlaqqgħu flimkien ir-rappreżentanti tal-maniġment u tal-ħaddiema biex jiddiskutu, jipprevjenu u jsolvu kunflitti fuq il-post tax-xogħol;

F.  billi, qabel ma ġew adottati r-riformi fil-Qatar, fl-2014 il-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Internazzjonali (ITUC) ressqet ilment kontra l-Qatar quddiem l-ILO rigward in-nuqqas tiegħu li jirrispetta l-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat tal-1930 u l-Konvenzjoni dwar l-Ispezzjoni tax-Xogħol tal-1947; billi, skont l-ITUC, il-liġijiet fil-Qatar inbidlu u l-pajjiż qed ikompli jagħmel progress fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' dawn il-bidliet;

G.  billi l-Qatar huwa l-ewwel pajjiż fil-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf (GCC) li fetaħ uffiċċju tal-proġetti tal-ILO; billi l-Qatar iffirma għadd ta' sħubijiet mal-ILO, mal-organizzazzjonijiet tan-NU u mal-Istati Membri tal-UE, bħal memorandum ta' qbil mal-Iżvezja f'Jannar 2020 u ma' Franza f'Marzu 2022, biex itejjeb id-drittijiet tal-ħaddiema; billi l-ILO nnota progress tanġibbli fil-ħames snin li wasslu għat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA tal-2022, b'mod partikolari fl-oqsma tal-governanza tal-migrazzjoni tal-ħaddiema, l-infurzar tal-liġi tax-xogħol u l-aċċess għall-ġustizzja, u t-tisħiħ tal-vuċi tal-ħaddiema u tad-djalogu soċjali; billi, skont l-ILO, għadu mhux legali għall-ħaddiema migranti li jissieħbu ma' unions jew li jwaqqfu unions;

H.  billi l-ħaddiema fil-Qatar preċedentement kienu jeħtieġu permess mill-impjegaturi tagħhom biex ibiddlu l-impjieg jew jitilqu mill-pajjiż; billi dawn ir-rekwiżiti kienu jikkostitwixxu l-aktar karatteristiċi problematiċi tas-sistema kafala ta' sponsorizzazzjoni, peress li minħabba fihom il-ħaddiema kienu dipendenti żżejjed mill-impjegaturi tagħhom u għalhekk ħolqu possibbiltajiet ta' sfruttament u xogħol furzat; billi, bħala riżultat ta' dawn il-bidliet, il-Ministeru tax-Xogħol approva madwar 420 000 applikazzjoni minn ħaddiema migranti biex ibiddlu l-impjieg fis-sentejn minn meta ġew introdotti dawn ir-riformi; billi, madankollu, ħafna ħaddiema għadhom iħabbtu wiċċhom ma' ostakli biex jitilqu mill-impjiegi tagħhom u jibdew impjiegi ġodda, bħal ritaljazzjoni mill-impjegaturi tagħhom;

I.  billi f'Marzu 2021, il-Qatar sar l-ewwel pajjiż fir-reġjun tal-Golf li adotta paga minima mhux diskriminatorja li tapplika għall-ħaddiema kollha, tan-nazzjonalitajiet kollha, fis-setturi kollha, inkluż ix-xogħol domestiku; billi, skont l-ILO, total ta' 13 % tal-forza tax-xogħol – 280 000 ruħ – ingħataw żieda fil-pagi tagħhom sal-limitu minimu l-ġdid minn meta ġiet introdotta l-leġiżlazzjoni l-ġdida;

J.  billi l-leġiżlazzjoni l-ġdida tagħti lill-ħaddiema fil-Qatar protezzjoni akbar mill-istress termiku;

K.  billi l-Qatar ħa passi biex itejjeb l-aċċess tal-ħaddiema għall-ġustizzja billi stabbilixxa pjattaforma online ġdida għall-ħaddiema biex iressqu l-ilmenti u billi ħoloq tribunali tax-xogħol ġodda biex isolvu t-tilwim;

L.  billi ġie rrappurtat, madankollu, li ħafna mill-prattiki diskriminatorji relatati mal-ħaddiema barranin għadhom fis-seħħ fil-Qatar u f'pajjiżi oħra tal-GCC, bħat-tnaqqis arbitrarju mill-pagi jew in-nuqqas ta' ħlas tal-pagi u l-konfiska tad-dokumenti tal-ivvjaġġar;

M.  billi l-Artikolu 285 tal-Kodiċi Kriminali tal-Qatar jikkastiga s-sess barra ż-żwieġ, inklużi r-relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess, b'massimu ta' seba' snin priġunerija; billi l-arresti arbitrarji ta' persuni LGBTIQ+ allegatament kienu bbażati fuq il-Liġi Nru 17 tal-2002 dwar il-Protezzjoni tal-Komunità, li, skont Human Rights Watch, tippermetti detenzjoni proviżorja mingħajr akkuża jew proċess għal massimu ta' sitt xhur jekk "jeżistu raġunijiet fondati sew biex wieħed jemmen li l-imputat seta' wettaq reat", inkluż "ksur tal-moralità pubblika", li twassal għal abbuż frekwenti ta' persuni LGBTIQ+; billi ambaxxatur tat-Tazza tad-Dinja tal-Qatar tal-FIFA għamel dikjarazzjoni omofobika pubblikament; billi seba' federazzjonijiet tal-futbol, inkluż fl-Ewropa, iddeċidew li l-plejers tagħhom jistgħu jilbsu faxxa "OneLove" bil-kuluri tal-qawsalla; billi, madankollu, il-FIFA ddeċidiet li l-plejers jistgħu jingħataw karta safra jew jitkeċċew talli jilbsu dik il-faxxa, peress li allegatament hija dikjarazzjoni politika;

N.  billi fl-2016 il-FIFA ffirmat il-prinċipji gwida tan-NU dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem, li jġiegħlu lill-FIFA toqgħod lura milli tinterferixxi fid-drittijiet tal-bniedem u tirrimedja l-effetti negattivi tal-attivitajiet tagħha fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

O.  billi fi żmien ta' insigurtà u sfidi sinifikanti għall-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli kemm fl-Ewropa kif ukoll fir-reġjun tal-Golf, u hekk kif id-dinja qed tiffaċċja l-konsegwenzi tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u tal-pandemija tal-COVID-19 kif ukoll l-imperattiv urġenti tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, l-UE għandha ħafna x'tiggwadanja minn sħubija aktar b'saħħitha u aktar strateġika mal-GCC u l-istati membri tiegħu, inkluż il-Qatar; billi fl-2021 ġew restawrati r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn il-Qatar u l-Arabja Sawdija, l-Emirati Għarab Magħquda, il-Baħrejn u l-Eġittu;

P.  billi l-Arranġament ta' Kooperazzjoni UE-Qatar iffirmat fl-2018 jipprovdi qafas għal konsultazzjonijiet politiċi u settorjali dwar oqsma ta' interess reċiproku; billi l-Qatar huwa sieħeb importanti tal-UE u r-relazzjonijiet tagħhom ikopru għadd kbir ta' oqsma importanti; billi l-Qatar għandu rwol ewlieni x'jaqdi fl-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropea għas-sigurtà tal-enerġija; billi l-impenn bejn l-UE u l-Qatar intensifika b'mod sinifikanti, li wassal għall-ftuħ ta' delegazzjoni tal-UE f'Doha fl-2022; billi l-Qatar kien kosponsor ta' riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU fi Frar 2022 li talbet lir-Russja tirtira mill-Ukrajna, u vvota favur riżoluzzjonijiet li jikkundannaw l-invażjoni Russa tal-Ukrajna;

Q.  billi r-raba' Djalogu bejn l-UE u l-Qatar dwar id-Drittijiet tal-Bniedem sar fit-12 ta' Settembru 2022; billi d-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem jirrappreżenta mument kruċjali ta' impenn biex isir avvanz fid-drittijiet tal-bniedem;

1.  Jiddeplora l-imwiet ta' eluf ta' ħaddiema migranti u l-korrimenti mġarrba mill-ħaddiema matul it-tħejjijiet għat-Tazza tad-Dinja; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji ta' dawn il-ħaddiema u jitlob responsabbiltà;

2.  Iħeġġeġ lill-Qatar jimplimenta bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni l-ġdida tiegħu li tipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiema u jżarma l-komponenti li fadal tas-sistema kafala (sponsorizzazzjoni), bħal penali għall-ħaddiema li jaħarbu;

3.  Jisħaq li l-UE hija impenjata li tappoġġa d-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet tagħha mal-Qatar, inklużi kwistjonijiet imqajma fil-kuntest tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA; jinsab imħasseb dwar rapporti li mijiet ta' eluf ta' ħaddiema migranti għadhom jiffaċċjaw liġijiet u prattiki diskriminatorji fil-Qatar; jiddeplora n-nuqqas ta' trasparenza u n-nuqqas ċar ta' valutazzjoni tar-riskju responsabbli li kkaratterizzat l-għoti tal-organizzazzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA lill-Qatar fl-2010; ifakkar il-fehma li ilu jħaddan li l-korruzzjoni fi ħdan il-FIFA hija rampanti, sistemika u b'għeruq fondi, u għadu jemmen li l-entità għamlet ħsara serja lill-immaġni u lill-integrità tal-futbol globali, minkejja l-isforzi biex tirriforma, bħall-introduzzjoni ta' rekwiżiti dwar id-drittijiet tal-bniedem;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet pubbliċi, lill-federazzjonijiet u lill-organizzazzjonijiet sportivi jirrispettaw il-valuri universali tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt meta jagħtu status ta' organizzatur għal avvenimenti sportivi kbar, kif ukoll meta jagħżlu l-isponsors; jitlob li jiġu stabbiliti kriterji ċari u karta b'valuri sodi f'dan ir-rigward; jitlob li tingħata attenzjoni partikolari, qabel ma jiġu organizzati tali avvenimenti sportivi kbar, lill-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema, lill-ugwaljanza u lin-nondiskriminazzjoni, u li jiġu stabbiliti valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali indipendenti u kredibbli;

5.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE, b'mod partikolari dawk b'kampjonati nazzjonali kbar tal-futbol, bħall-Ġermanja, Franza, l-Italja u Spanja, biex jagħmlu pressjoni fuq il-UEFA u l-FIFA biex dawn tal- aħħar iwettqu riforma fundamentali, inkluż l-introduzzjoni ta' proċeduri demokratiċi u trasparenti fl-għoti tal-organizzazzjoni tat-Tazzi tad-Dinja tal-futbol u l-implimentazzjoni stretta tad-drittijiet tal-bniedem u l-kriterji ta' sostenibbiltà għall-pajjiżi organizzaturi; jitlob b'mod urġenti li l-ksur tad-drittijiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment il-vjolenza sistematika u evidenti abbażi tal-ġeneru, isiru kriterju vinkolanti ta' esklużjoni għall-għoti tal-organizzazzjoni ta' avvenimenti sportivi internazzjonali sabiex jiġu protetti l-atleti u l-partitarji u jintemm l-isportswashing; jitlob li jitkomplew l-investigazzjonijiet, u l-prosekuzzjonijiet, dwar l-għoti tal-organizzazzjoni tat-Tazzi tad-Dinja mċappas bil-korruzzjoni; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jawtorizzaw l-aċċess għal informazzjoni arkivjata dwar l-għoti tal-organizzazzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-2022;

6.  Jirrikonoxxi l-kontribut importanti tal-ħaddiema migranti għall-ekonomija tal-Qatar u għat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA tal-2022; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Qatar iwettqu investigazzjoni sħiħa dwar l-imwiet tal-ħaddiema migranti, jiċċertifikaw il-mewt tal-ħaddiema migranti u jipprovdu riparazzjonijiet lill-familji f'każijiet fejn il-ħaddiema mietu b'riżultat tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom; jappoġġa l-isforzi tal-Qatar biex itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u r-rispett għad-drittijiet tagħhom, li tqajmu mill-komunità internazzjonali; jappella għall-implimentazzjoni sħiħa tar-riformi li ġew adottati; jilqa' l-kooperazzjoni tal-Qatar mal-ILO; jistieden lill-Qatar ikompli jimpenja ruħu mal-ILO dwar ir-riformi; jissottolinja li r-responsabbiltà korporattiva, inkluż għall-kumpaniji Ewropej, teħtieġ ir-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema u l-istess standard ta' diliġenza dovuta meħtieġa fl-UE;

7.  Jirrikonoxxi, madankollu, li l-ILO u l-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Internazzjonali jqisu r-riformi mwettqa fil-Qatar bħala eżempju għar-reġjun tal-Golf;

8.  Jisħaq li l-vittmi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem għandhom perkorsi legali biex ifittxu ġustizzja u jżommu lill-kumpaniji bbażati fl-UE responsabbli skont il-liġijiet eżistenti dwar id-diliġenza dovuta f'xi Stati Membri; jinnota l-ħidma li għaddejja fil-livell tal-UE dwar id-direttiva dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva li se tkompli tespandi tali perkorsi legali; iqis li l-kumpaniji rilevanti naqsu milli jirrispettaw bis-sħiħ l-obbligi tagħhom skont id-Direttiva 2014/95/UE(2) u dawk li jirriżultaw minn konvenzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti internazzjonalment;

9.  Jikkundanna bil-qawwa l-parteċipazzjoni tal-kumpaniji Ewropej fi kwalunkwe ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema migranti li kkawżaw, ikkontribwew jew ibbenefikaw minnu, b'mod partikolari fis-setturi tal-kostruzzjoni u tal-finanzi, matul it-tħejjija tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA tal-2022;

10.  Jilqa' l-fatt li, skont l-ILO, il-Gvern tal-Qatar irrimborża USD 320 miljun lill-vittmi tal-abbuż tal-pagi permezz tal-Fond ta' Appoġġ u Assigurazzjoni għall-Ħaddiema; jiddispjaċih, madankollu, li l-fond sar operattiv biss fl-2018, u dan wassal biex miljuni ta' ħaddiema u l-familji tagħhom baqgħu esklużi mill-applikazzjoni tiegħu; iħeġġeġ lill-Qatar iwettaq rieżami bir-reqqa tal-ġbir tad-data u l-istandards ta' inkjesta tiegħu għal każijiet ta' korrimenti jew mewt relatati max-xogħol; jitlob li l-fond jiġi estiż sabiex jinkludi l-vittmi kollha mill-bidu tax-xogħlijiet relatati mat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA tal-2022, inklużi l-imwiet kollha u abbużi oħra tad-drittijiet tal-bniedem tal-ħaddiema assoċjati mat-tħejjijiet għat-Tazza tad-Dinja, bħas-serq tal-pagi, il-korrimenti u l-imwiet kollha mhux investigati u mhux ikkumpensati; jistieden lill-FIFA tikkontribwixxi għal programm komprensiv ta' rimedju għall-familji tal-ħaddiema, bħala kumpens għall-kundizzjonijiet tax-xogħol li sofrew minnhom;

11.  Jilqa' r-riformi li l-awtoritajiet tal-Qatar adottaw f'konsultazzjoni mal-ILO biex jindirizzaw il-governanza tal-migrazzjoni tal-ħaddiema, jinfurzaw il-liġi tax-xogħol u jippermettu l-aċċess għall-ġustizzja, u biex isaħħu l-vuċi tal-ħaddiema u d-djalogu soċjali; jinnota li dawn il-bidliet diġà tejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien ta' mijiet ta' eluf ta' ħaddiema; jiddispjaċih, madankollu, li ħafna ħaddiema għadhom ma jibbenefikawx minn dawn ir-riformi, jiffaċċjaw ostakli fl-aċċess għal dan it-titjib u ritaljazzjoni mill-impjegaturi tagħhom; jinnota t-tħassib tiegħu dwar l-allegazzjonijiet dokumentati u ripetuti li l-ħaddiema domestiċi migranti huma soġġetti għal abbuż u sfruttament;

12.  Jistieden lill-Qatar jabolixxi kwalunkwe leġiżlazzjoni li tippermetti lill-kumpaniji jimponu tariffi ta' reklutaġġ fuq ħaddiema barranin;

13.  Jilqa' l-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-Qatar dwar is-sħana fuq is-siti ta' kostruzzjoni; jistieden lill-pajjiżi kollha tal-GCC jadottaw leġiżlazzjoni simili u jimplimentawha bis-sħiħ;

14.  Itenni t-talba tiegħu lill-Qatar biex jirratifika l-Konvenzjoni Internazzjonali tan-NU dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom;

15.  Iħeġġeġ lill-Qatar biex, f'kooperazzjoni mal-ILO, jiżgura li l-ħaddiema u l-impjegaturi kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw mir-riformi tas-sistema kafala dwar il-mobbiltà tal-ħaddiema, jissimplifika l-aċċess għall-ġustizzja u l-irkupru tal-pagi dovuti, u jimplimenta bis-sħiħ il-liġi dwar id-drittijiet tal-ħaddiema domestiċi; jilqa', f'dan ir-rigward, il-fatt li aktar minn 420 000 ħaddiem biddlu l-impjieg madwar il-Qatar u aktar minn 300 000 ibbenefikaw mill-introduzzjoni tal-paga minima;

16.  Jirrimarka li d-dritt ta' assoċjazzjoni u d-dritt għal organizzazzjoni awtonoma għandhom jiġu rikonoxxuti għall-ħaddiema kollha, inklużi l-migranti; jistieden lill-Gvern tal-Qatar jiżgura li l-ħaddiema jkollhom id-dritt li jassoċjaw ruħhom liberament mingħajr ritaljazzjoni u jgawdu aċċess sikur u sigur għall-ġustizzja, inkluż billi jingħaqdu u jiffurmaw unions nazzjonali;

17.  Jilqa' l-impenn kontinwu tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-Qatar, inkluż permezz tad-Djalogu bejn l-UE u l-Qatar dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li għandu jiġi intensifikat, u permezz tat-tisħiħ tal-istruttura istituzzjonali għall-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Qatar; jisħaq li l-Kumitat Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Qatar stabbilixxa interazzjoni regolari mal-istituzzjonijiet tal-UE u l-Qatar stieden lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem biex iżur il-pajjiż; jissottolinja li d-drittijiet tal-ħaddiema migranti, ir-riformi tax-xogħol, id-drittijiet tan-nisa u l-libertà ta' espressjoni huma suġġetti rikorrenti;

18.  Jistieden lill-Istati Membri u lid-Delegazzjoni tal-UE fil-Qatar jimmonitorjaw mill-qrib ir-riformi soċjali tal-Qatar, b'attenzjoni speċjali għall-implimentazzjoni konkreta tal-leġiżlazzjoni tiegħu, inkluż mill-kumpaniji Ewropej fil-Qatar, u jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jinforma regolarment lill-Parlament dwar il-progress ta' dawn ir-riformi; jilqa', f'dan ir-rigward, l-involviment tal-Ministru Qatari għax-Xogħol Ali Bin Samikh Al Marri mas-Sottokumitat tal-Parlament għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar ir-riformi li għaddejjin bħalissa u l-lakuni li għad fadal biex jiġu eliminati, u jinnota l-impenn tiegħu li jikkumpensa lil kwalunkwe ħaddiem jew lill-familji tagħhom li ma rċevewx dak li huwa dovut lilhom;

19.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Qatar ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jiżguraw li l-Kumitat Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem jikkonforma bis-sħiħ mal-prinċipji dwar l-istatus tal-istituzzjonijiet nazzjonali għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u li l-kumitat ikun jista' jwettaq il-mandat tiegħu b'mod sħiħ, effettiv u indipendenti, inkluż billi jippromwovi l-pluraliżmu u d-diversità tal-membri u l-persunal tiegħu;

20.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Qatar jinfurzaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni eżistenti li tipprojbixxi t-tortura u t-trattament ħażin;

21.  Ifakkar fl-impenn tiegħu għall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt u jistieden lill-awtoritajiet tal-Qatar jadottaw moratorju fuq din il-kwistjoni;

22.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Qatar isaħħu l-miżuri biex jiżguraw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inkluż billi jabolixxu l-fdalijiet tat-tutela tan-nisa, filwaqt li jżidu l-isforzi tagħhom biex jiksbu rappreżentanza ekwa tan-nisa fis-suq tax-xogħol formali, u fl-isferi pubbliċi u politiċi, inklużi l-Kunsill tax-Shura u l-korpi eżekuttivi, b'mod partikolari f'pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet, u jittrattaw lin-nisa u lill-irġiel b'mod ugwali bħala kapijiet tad-djar; Jistieden lill-awtoritajiet tal-Qatar jemendaw l-Att dwar in-Nazzjonalità biex jiżguraw li n-nisa u l-irġiel tal-Qatar ikollhom drittijiet ugwali li jgħaddu n-nazzjonalità tagħhom lil uliedhom u lill-konjuġi barranin tagħhom; iħeġġeġ lill-Qatar jiżgura li tinġabar data dwar il-vjolenza fuq in-nisa u li l-każijiet kollha ta' vjolenza fuq in-nisa, inkluża l-vjolenza domestika, jiġu investigati bir-reqqa, u li l-awturi jitressqu l-qorti u, jekk jinstabu ħatja, jiġu kkastigati b'sanzjonijiet xierqa;

23.  Jinnota x-xejra globali lejn id-dekriminalizzazzjoni tar-relazzjonijiet kunsenswali bejn persuni tal-istess sess; jistieden lill-Qatar jirrevoka l-Artikolu 285 tal-kodiċi kriminali u l-liġijiet l-oħra kollha relatati użati biex jikkriminalizzaw ir-relazzjonijiet sesswali kunsenswali bejn persuni tal-istess sess, u jintroduċi leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità jew l-espressjoni tal-ġeneru; jiddeplora r-rapporti ta' abbużi fil-konfront tal-komunità LGBTIQ+ mill-forzi tad-Dipartiment tas-Sigurtà Preventiva tal-Qatar u l-użu tagħhom tal-Liġi Nru 17 tal-2002 dwar il-Protezzjoni tal-Komunità, li tippermetti detenzjoni proviżorja mingħajr akkuża jew proċess għal massimu ta' sitt xhur; huwa ddiżgustat, f'dan il-kuntest, bid-deċiżjoni tal-FIFA rigward il-faxex "OneLove";

24.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Qatar jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni kollha li jattendu t-Tazza tad-Dinja tal-2022, inklużi l-mistednin internazzjonali u dawk li jgħixu fil-pajjiż, inkluż għal-libertà ta' reliġjon u twemmin tagħhom;

25.  Jinnota u jilqa' t-tħassib profond tal-Qatar espress wara l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; jilqa' d-deċiżjonijiet importanti tal-Qatar li jivvota favur ir-riżoluzzjonijiet rilevanti kollha tan-NU dwar il-kwistjoni, b'kuntrast ma' diversi membri tal-GCC;

26.  Jilqa' l-kooperazzjoni u d-djalogu bejn l-UE u l-Qatar, kif ukoll ma' stati oħra tal-Golf, li huma essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi ewlenin tal-UE, b'mod partikolari: reġjuni tal-Golf u tal-Lvant Nofsani paċifiċi u prosperi; irkupru ekonomiku b'saħħtu; provvisti tal-enerġija sostenibbli, siguri u bi prezzijiet raġonevoli; kollaborazzjoni b'saħħitha dwar it-tranżizzjoni ekoloġika; u rispons b'saħħtu għall-ħtiġijiet umanitarji u ta' żvilupp globali; jilqa', f'dan ir-rigward, in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn il-Qatar u l-ġirien tiegħu; ifaħħar ir-rwol tal-Qatar fl-assistenza għall-evakwazzjoni ta' għexieren ta' eluf ta' persuni mill-Afganistan wara l-akkwiżizzjoni vjolenti tiegħu mit-Talibani f'Settembru 2021;

27.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Istat tal-Qatar, lill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Assoċjazzjonijiet tal-Futbol, lill-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol, lill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem.

(1) ĠU C 436, 24.11.2016, p. 42.
(2) Id-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar (ĠU L 330, 15.11.2014, p. 1).

Aġġornata l-aħħar: 1 ta' Marzu 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza