Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/2236(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0274/2022

Testi mressqa :

A9-0274/2022

Dibattiti :

PV 13/12/2022 - 19
CRE 13/12/2022 - 19

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2022 - 8.4
CRE 14/12/2022 - 8.4

Testi adottati :

P9_TA(2022)0442

Testi adottati
PDF 193kWORD 65k
L-Erbgħa, 14 ta' Diċembru 2022 - Strasburgu
Rapport annwali ta' implimentazzjoni dwar il-ftehim ta' assoċjazzjoni tal-UE mal-Georgia
P9_TA(2022)0442A9-0274/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2022 dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' assoċjazzjoni tal-UE mal-Georgia (2021/2236(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 8 u t-Titolu V, u b'mod partikolari l-Artikoli 21, 22, 36 u 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-Parti Ħamsa tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (AA) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Georgia, min-naħa l-oħra(1), li daħal fis-seħħ b'mod sħiħ fl-1 ta' Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ġunju 2022 dwar l-applikazzjoni Georgjana għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea (COM(2022)0405),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u tal-24 ta' Ġunju 2022 dwar l-applikazzjonijiet għas-sħubija tal-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Georgia,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2022 lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-Politika Barranija, ta' Sigurtà u ta' Difiża tal-UE wara l-gwerra ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna min-naħa tar-Russja(2),

–  wara li kkunsidra l-ftehim milħuq bejn il-forzi politiċi Georgjani fid-19 ta' April 2021, bil-medjazzjoni tal-President tal-Kunsill Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-"Rapport ta' Implimentazzjoni ta' Assoċjazzjoni dwar il-Georgia" tal-10 ta' Awwissu 2022 (SWD(2022)0215),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Georgia għall-2021–2027, adottata fis-16 ta' Awwissu 2022(3),

–  wara li kkunsidra l-eżitu tas-seba' laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Georgia tas-6 ta' Settembru 2022,

–  wara li kkunsidra l-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment għas-Sħubija tal-Lvant, kif stabbilit fl-Anness I ta' "Irkupru, reżiljenza u riforma: prijoritajiet tas-Sħubija tal-Lvant wara l-2020" tat-2 ta' Lulju 2021 (SWD(2021)0186),

–  wara li kkunsidra l-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2022 ppubblikat minn Reporters mingħajr Fruntieri,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni urġenti tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa tat-26 ta' Awwissu 2022 dwar l-abbozz ta' liġi b'rabta mal-emendi għall-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali adottata mill-Parlament Georgjan tas-7 ta' Ġunju 2022, l-opinjoni tiegħu tal-20 ta' Ġunju 2022 dwar l-emendi ta' Diċembru 2021 għal-liġi organika dwar il-qrati komuni, l-opinjoni urġenti tiegħu tat-2 ta' Lulju 2021 dwar l-emendi għal-liġi organika dwar il-qrati komuni, l-opinjoni konġunta urġenti tiegħu tal-5 ta' Lulju 2022 dwar l-abbozz ta' emendi riveduti għall-kodiċi elettorali, l-opinjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2020 dwar l-abbozz ta' liġi organika li temenda l-liġi organika dwar il-qrati komuni u l-opinjoni urġenti tiegħu tas-16 ta' April 2019 dwar l-għażla u l-ħatra tal-imħallfin tal-Qorti Suprema,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-OSCE tat-18 ta' Frar 2022 dwar l-emendi leġiżlattivi dwar is-Servizz tal-Ispettur tal-Istat tal-Georgia u r-rapport finali tiegħu tat-23 ta' Awwissu 2021 dwar in-nomina u l-ħatra tal-imħallfin tal-Qorti Suprema fil-Georgia,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0274/2022),

A.  billi l-Georgia ppreżentat l-applikazzjoni tagħha għal sħubija fl-UE fit-3 ta' Marzu 2022 fil-kuntest ta' appoġġ pubbliku qawwi kontinwu għall-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Georgia, kif ukoll is-sitwazzjoni ġeopolitika l-ġdida li rriżultat mill-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna;

B.  billi fil-konklużjonijiet tiegħu tat-23 u tal-24 ta' Ġunju 2022, il-Kunsill Ewropew irrikonoxxa l-perspettiva Ewropea tal-Georgia u esprima r-rieda tiegħu li jagħtiha status ta' pajjiż kandidat ladarba l-prijoritajiet speċifikati fl-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni Georgjana jkunu ġew indirizzati;

C.  billi l-Federazzjoni Russa qed tkompli bl-okkupazzjoni illegali tagħha tar-reġjuni Georgjani tal-Abkażja u Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar bi ksur tas-sovranità u l-integrità territorjali Georgjana, kif ukoll il-ftehim ta' waqfien mill-ġlied medjat mill-UE tat-12 ta' Awwissu 2008;

D.  billi l-Federazzjoni Russa u r-reġimi ta' okkupazzjoni tagħha qed ifixklu deliberatament ir-ritorn sikur u dinjituż ta' persuni spostati internament u rifuġjati li tkeċċew bil-forza bħala riżultat tat-tindif etniku mir-reġjuni Georgjani tal-Abkażja u Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar okkupati mir-Russja;

E.  billi l-Federazzjoni Russa qed tkompli l-proċess ta' annessjoni "insidjuż" tagħha tat-territorji okkupati Georgjani, inkluż permezz tal-intenzjoni tagħha li torganizza "referendum" fir-reġjun ta' Tskhinvali dwar "l-adeżjoni" mar-Russja, it-trasferiment tal-kumpless tal-proprjetà ta' Bichvinta u ż-żona tal-madwar lill-Federazzjoni Russa, u l-inkorporazzjoni ulterjuri tar-reġjuni Georgjani tal-Abkażja u Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar fis-setturi militari, ekonomiċi, tal-ġustizzja, soċjali u oħrajn tal-Federazzjoni Russa;

F.  billi d-diskriminazzjoni etnika kontinwa u ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-Georgjani fit-territorji okkupati mir-Russja tal-Georgia, il-bini ta' ċnut tal-barbed wire u ostakli artifiċjali oħra, l-għeluq twil tal-hekk imsejħa punti ta' qsim tul il-linja tal-okkupazzjoni u d-detenzjonijiet u l-ħtif illegali ta' ċittadini Georgjani mill-forzi tal-okkupazzjoni Russi jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fil-pajjiż kollu;

G.  billi mit-tnedija tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, eluf ta' Russi waslu fil-Georgia biex jaħarbu mis-sanzjonijiet tal-Punent u mill-mobilizzazzjoni ordnata minn Putin, kif ukoll għamlu għadd kbir ta' Belarussi, inklużi dawk li qed jippruvaw jaħarbu mill-persekuzzjoni;;

H.  billi r-Russja qed tkompli tuża diżinformazzjoni, attakki ċibernetiċi u metodi ibridi oħra biex timmina r-reżiljenza soċjetali u istituzzjonali tal-Georgia;

I.  billi l-Georgia qed tkompli tipparteċipa f'operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-kriżijiet ċivili u militari fl-ambitu tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) u pprovdiet 32 truppa lill-Missjoni ta' Taħriġ Militari tal-UE fir-Repubblika Ċentru-Afrikana u uffiċjal wieħed lill-Missjoni ta' Taħriġ tal-UE fil-Mali;

J.  billi saħħet l-ex President Georgjan Mikheil Saakashvili, qed tkompli tiggrava skont rapporti reċenti, u għadu mhux qed jirċievi il-kura xierqa, liema fatt iqajjem biża' għal ħajtu;

K.  billi rapport tossikoloġiku ta' Dr David E. Smith, M.D. & Associates kkonkluda li l-ittestjar tal-kampjuni tax-xagħar u tad-dwiefer ta' Mikheil Saakashvili żvela l-preżenza ta' metalli tqal u aġenti oħrajn, fost l-oħrajn, il-merkurju u l-arseniku, u li ħafna mis-sintomi patoloġiċi murija minn Mikheil Saakashvili huma r-riżultat ta' avvelenament minn metall tqil, li qed jikkontribwixxi għad-deterjorament b'rata mgħaġġla ta' saħħtu;

L.  billi fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tagħhom fis-seħħ mill-1 ta' Lulju 2016, il-Georgia u l-UE impenjaw ruħhom li jippromwovu l-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika abbażi tal-valuri u l-prinċipji komuni tagħhom tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

M.  billi l-Georgia qed tkompli tagħmel progress fl-implimentazzjoni tagħha tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA) u qed tkompli tallinja ruħha mal-acquis tal-UE u mal-istandards tal-UE; billi għalkemm l-UE hija s-sieħba kummerċjali ewlenija tal-Georgia, il-potenzjal ta' din il-kooperazzjoni għadu ma ġiex sfruttat bis-sħiħ;

N.  billi għadd ta' liġijiet kruċjali, inkluż dwar il-funzjonament tal-ġudikatura u l-proċeduri ta' ħatra ewlenin, il-proċeduri għas-sorveljanza sigrieta u x-xoljiment tas-Servizz tal-Ispettur tal-Istat, għaddew b'għaġġla liema bħala mill-Parlament Georgjan mingħajr il-konsultazzjonijiet jew l-analiżi meħtieġa tal-konformità mal-istandards tal-UE jew tal-Kunsill tal-Ewropa, kif innutat fir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2022 dwar l-Implimentazzjoni tal-Assoċjazzjoni dwar il-Georgia;

O.  billi l-Ftehim tad-19 ta' April 2021, medjat mill-President tal-Kunsill Ewropew, enfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-perċezzjonijiet tal-ġustizzja politiċizzata permezz tar-riforma ġudizzjarja sabiex jiżdiedu l-indipendenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tas-sistema ġudizzjarja;

P.  billi l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet selettivi mmirati lejn dawk li jikkritikaw il-gvern attwali jimminaw il-fiduċja pubblika mhux biss fl-istituzzjonijiet ġudizzjarji, iżda wkoll fl-awtoritajiet Georgjani;

Q.  billi s-sitwazzjoni rigward il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-media u s-sikurezza tal-ġurnalisti, li huma l-pedamenti ta' demokrazija li tiffunzjona, qed tkompli tiddeterjora u fl-2022, il-Georgia niżlet mis-60 post għad-89 post minn 180 fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa; billi l-fiduċja tal-pubbliku fil-media hija baxxa ħafna fil-Georgia;

R.  billi Nika Gvaramia, id-direttur tal-istazzjon televiżiv Mtavari, ġiet ikkundannata għal tliet snin u nofs ħabs fuq akkużi dubjużi ta' ħasil tal-flus, tixħim u falsifikazzjoni tad-dokumenti;

S.  billi l-propaganda kontra l-Punent u d-diżinformazzjoni kontra l-UE dan l-aħħar żdiedu b'mod sinifikanti fil-media u fin-networks soċjali tal-Georgia; billi l-membri tal-partit fil-gvern għadhom jużaw lingwaġġ polarizzanti u ostili meta jirreferu għall-istituzzjonijiet tal-UE u r-rappreżentanti tagħhom;

T.  billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għadha sfida, kif muri miż-żerżiqa li għamlet il-Georgia fl-Indiċi Globali tad-Disparità bejn il-Ġeneri tal-Forum Ekonomiku Dinji mid-49 post minn 154 pajjiż fl-2021 sal-55 post minn 146 pajjiż fl-2022, li jindika deterjorament fl-oqsma tal-kisba edukattiva, is-saħħa u s-sopravivenza, u l-emanċipazzjoni politika; billi l-kwistjonijiet tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika u d-diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBTQI+ għadhom jikkawżaw tħassib;

1.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jirrikonoxxi l-perspettiva Ewropea tal-Georgia, fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment; jinnota li din id-deċiżjoni hija sinjal qawwi ta' appoġġ politiku għall-aspirazzjonijiet Ewropej tal-poplu tal-Georgia u għalhekk, iħeġġeġ lill-Georgia taħtaf din l-opportunità storika; itenni li biex tingħata status ta' kandidat, jeħtieġ li l-Georgia tindirizza b'suċċess it-12-il-prijorità ewlenija indikati mill-Kummissjoni fl-opinjoni tagħha dwar l-applikazzjoni Georgjana għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, liema opinjoni ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet Georgjani jirrispettaw l-ogħla standards tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u jsegwu b'mod determinat il-prijoritajiet għal riforma stabbiliti fl-opinjoni tal-Kummissjoni u li jirriflettu l-ftehim innegozjat fid-19 ta' April 2021 sabiex juru mingħajr ambigwità d-determinazzjoni politika tagħhom li jimplimentaw l-aspirazzjonijiet Ewropej ambizzjużi tan-nazzjon, kif espress mill-applikazzjoni għal sħubija fl-UE li l-Georgia ppreżentat fit-3 ta' Marzu 2022; jilqa' l-passi immedjati meħuda mill-Georgia biex tibda l-proċess ta' ħidma biex tindirizza dawn il-prijoritajiet u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Georgjani jmexxu dan il-proċess b'mod inklużiv u trasparenti; jistieden lill-forzi politiċi Georgjani kollha jipparteċipaw b'mod kostruttiv f'dawn l-isforzi u jikkontribwixxu għalihom u jistieden lill-awtoritajiet Georgjani jqisu l-proposti mressqa mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, sabiex jiġi żgurat l-involviment sinifikanti u kredibbli tas-soċjetà ċivili fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli kollha, b'mod partikolari fir-rigward ta' dawn ir-riformi importanti; jisħaq li t-talba tal-Georgia għall-adeżjoni mal-UE se tkompli tiġi vvalutata abbażi tal-merti tagħha stess u s-suċċess tagħha fl-issodisfar tal-kriterji ta' Copenhagen għas-sħubija fl-UE, b'mod partikolari fir-rigward tar-riformi demokratiċi;

3.  Iħeġġeġ lill-Georgia tkompli l-kooperazzjoni msaħħa tagħha mal-Ukrajna u mar-Repubblika tal-Moldova fil-livelli kollha ta' governanza, tiskambja l-aħjar prattiki dwar l-issodisfar tal-kriterji ta' sħubija fl-UE għall-proċess ta' adeżjoni futur u tagħti spinta lill-kooperazzjoni reġjonali fis-Sħubija tal-Lvant;

Integrità territorjali u sigurtà

4.  Jissottolinja li l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna titlob unità u solidarjetà min-naħa tal-komunità internazzjonali, peress li din se tkun deċiżiva wkoll għar-restawr tal-integrità territorjali Georgjana, li l-komunità internazzjonali ma ddefendietx b'biżżejjed saħħa fl-2008; jilqa' r-rispons qawwi tas-soċjetà Georgjana b'appoġġ għall-Ukrajna; jagħti ġieħ lis-suldati tal-Leġjun Georgjan fl-Ukrajna li ilhom jiġġieldu kontra l-aggressuri Russi mill-2014; jistieden lill-awtoritajiet Georgjani jallinjaw ruħhom mad-dikjarazzjonijiet rilevanti tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà f'isem l-UE u mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill, f'konformità mal-ambizzjonijiet Ewropej tal-pajjiż; jistieden lill-awtoritajiet jallinjaw ruħhom mas-sanzjonijiet tal-UE u jiżguraw li s-sanzjonijiet internazzjonali relatati mal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna ma jiġux evitati permezz tal-Georgia;

5.  Jinsab imħasseb dwar ir-rapporti li l-poplu u l-entitajiet Russi allegatament qed jużaw il-Georgia biex jevitaw is-sanzjonijiet tal-Punent; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jeżaminaw aktar dawn l-allegazzjonijiet, b'mod partikolari diversi rapporti, inkluż rapport mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Ukrajna dwar il-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni, rigward ir-rabtiet ta' Bidzina Ivanishvili mar-Russja; jekk dawn l-allegazzjonijiet jiġu kkonfermati, jitlob li jiġu introdotti sanzjonijiet personali kontrih u kontra l-eqreb assoċjati tiegħu; ifakkar li l-membri tal-familja ta' Ivanishvili u l-assoċjati mill-qrib tiegħu ġew sanzjonati mill-Ukrajna għar-rabtiet tagħhom mal-Kremlin, li jinsabu wara l-pożizzjoni ambigwa tal-Gvern attwali tal-Georgia fil-konfront tar-Russja; jilqa', f'dan ir-rigward, l-adozzjoni tat-tmien pakkett ta' sanzjonijiet kontra r-Russja, li jinkludi kriterju ġdid tal-elenkar li se jippermetti lill-UE tissanzjona persuni li jiffaċilitaw il-ksur tal-projbizzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet;

6.  Itenni l-appoġġ sod tiegħu għas-sovranità u għall-integrità territorjali Georgjana fi ħdan il-fruntieri tagħha li huma rikonoxxuti internazzjonalment; jitlob li jitkomplew l-isforzi biex tinkiseb riżoluzzjoni paċifika negozjata tal-kunflitt u li tintemm l-okkupazzjoni Russa tat-territorju Georgjan; filwaqt li jirrikonoxxi l-kuntest diffiċli, iħeġġeġ lill-Georgia tkompli tinvolvi ruħha fi djalogu kostruttiv mal-popolazzjonijiet tar-reġjuni Georgjani tal-Abkażja u Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar sabiex tibni l-fiduċja u l-kunfidenza bil-ħsieb li tinstab riżoluzzjoni sostenibbli tal-kunflitti; jistieden lill-UE tkompli ssegwi l-impenn tagħha għar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt bejn ir-Russja u l-Georgia billi tuża b'mod effettiv l-istrumenti kollha disponibbli, inkluż ir-Rappreżentant Speċjali għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia, id-Diskussjonijiet Internazzjonali ta' Ġinevra, il-Mekkaniżmi għall-Prevenzjoni u r-Rispons għall-Inċidenti, il-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-UE (EUMM) fil-Georgia, u l-politika tagħha ta' nonrikonoxximent u impenn; jilqa' l-estensjoni tal-mandat l-mandat tal-EUMM fil-Georgia sal-14 ta' Diċembru 2024 sabiex hija titħalla tkompli twettaq il-kompiti tagħha li tistabbilizza u tinnormalizza s-sitwazzjoni u tibni l-fiduċja bejn il-partijiet fil-kunflitt f'ambjent ta' sigurtà dejjem aktar mimli tensjoni;

7.  Jikkundanna bil-qawwa l-okkupazzjoni illegali tar-reġjuni Georgjani tal-Abkażja u Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar mill-Federazzjoni Russa u l-attivitajiet illegali kontinwi ta' "frunterizzazzjoni" f'dawk ir-reġjuni; jesprimi tħassib dwar is-sitwazzjoni mwiegħra tas-sigurtà, umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem fit-territorji okkupati tal-Georgia, u jikkundanna bil-qawwa d-diskriminazzjoni kontra l-Georgjani etniċi fid-distretti ta' Gali u Akhalgori, il-ksur tad-dritt tagħhom li jkollhom aċċess għall-edukazzjoni bil-lingwa materna tagħhom, id-detenzjonijiet illegali, il-ħtif ta' persuni u r-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-moviment li qed iseħħu tul il-Linja tal-Konfini Amministrattivi, u l-ksur tad-dritt tal-persuni spostati internament u tar-rifuġjati mkeċċija bil-forza mit-territorji okkupati Georgjani, inkluż bħala riżultat ta' tindif etniku, li jirritornaw lejn djarhom b'sikurezza u dinjità; jissottolinja l-importanza ta' kuntatti bejn il-persuni u miżuri għall-bini tal-fiduċja bejn il-komunitajiet diviżi bil-kunflitt;

8.  Jistieden lill-Federazzjoni Russa tissodisfa l-obbligi internazzjonali tagħha skont il-ftehim ta' waqfien mill-ġlied medjat mill-UE tat-12 ta' Awwissu 2008, b'mod partikolari l-obbligu tagħha li tirtira l-persunal militari u ta' sigurtà kollu tagħha mit-territorji okkupati Georgjani u tippermetti l-istabbiliment ta' mekkaniżmi ta' sigurtà internazzjonali fihom, u tippermetti lill-EUMM aċċess mingħajr xkiel għat-territorju kollu Georgjan skont il-mandat tagħha;

9.  Jissottolinja r-rwol tal-Georgia bħala sieħeb affidabbli tas-sigurtà tal-UE permezz tal-kontribuzzjonijiet sinifikanti tagħha għall-operazzjonijiet tal-PSDK tal-UE; jistieden lill-Kunsill u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jkomplu jimpenjaw ruħhom mal-Georgia dwar il-PSDK, b'mod partikolari fid-dawl tal-interess tal-Georgia li tipparteċipa fi proġetti ta' Kooperazzjoni Strutturata Permanenti u fl-iżvilupp ta' kooperazzjoni mal-aġenziji rilevanti tal-UE;

10.  Jappella għal aktar assistenza lill-Georgia u għal sħubija msaħħa magħha fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża, kif iddikjarat fil-Boxxla Strateġika tal-UE, inkluż permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi; jilqa' l-impenn u d-determinazzjoni tal-UE li tappoġġja lill-Georgia fil-ġlieda kontra t-theddid ibridu u jilqa' r-rikonoxximent tagħha li s-sigurtà marittima fil-Baħar l-Iswed hija ta' importanza ewlenija għas-sigurtà tal-UE;

Djalogu politiku u elezzjonijiet

11.  Jiddispjaċih li l-polarizzazzjoni profonda għadha l-karatteristika li tiddefinixxi l-ambjent politiku tal-Georgia; jistieden lill-partijiet interessati politiċi kollha biex joqgħodu lura minn retorika diviżiva u aggressiva, u jgħaqqdu l-forzi tagħhom sabiex jevitaw li jipperikolaw l-għan ewlieni tas-sħubija tal-Georgia fl-UE permezz tal-implimentazzjoni ta' riformi demokratiċi, ġudizzjarji u kontra l-korruzzjoni ambizzjużi; jenfasizza l-ħtieġa li tinbena u tiżdied il-fiduċja fost il-partijiet interessati politiċi u istituzzjonali kollha, kif ukoll bejniethom u l-poplu Georgjan; jissottolinja, madankollu, li l-partit fil-gvern għandu l-biċċa l-kbira tal-għodod u għandu r-responsabbiltà prinċipali li jwettaq dan; itenni li d-dispożizzjonijiet ewlenin tal-ftehim innegozjat mill-UE tad-19 ta' April 2021 ikomplu jippreżentaw perkors lejn it-tisħiħ tad-demokrazija u l-istat tad-dritt u jnaqqsu l-polarizzazzjoni fil-Georgia u għalhekk huma riflessi fl-Aġenda ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Georgia tal-2021-2027; jiddispjaċih dwar l-irtirar tal-partit fil-gvern Georgian Dream mill-ftehim tad-19 ta' April u jistieden lill-forzi politiċi kollha biex jonoraw l-impenji li saru bħala parti mill-ftehim; jinnota li d-deċiżjoni tal-qorti li tikkundanna lill-mexxejja tal-partit Lelo for Georgia, Mamuka Khazaradze u Badri Japaridze, u l-użu tal-verdett tal-qorti biex tirtira l-mandat parlamentari ta' Japaridze huma dimostrazzjoni ċara ta' ġustizzja politiċizzata; jenfasizza li jekk aktar mexxejja politiċi se jiġu kkundannati, dan se jikkontradixxi l-intenzjonijiet iddikjarati li titnaqqas il-polarizzazzjoni;

12.  Jistieden lill-mexxejja politiċi Georgjani jwaqqfu l-attakki verbali aggressivi kontra l-Membri tal-Parlament Ewropew u rappreżentanti oħra tas-sħab Ewro-Atlantiċi, bħall-UE jew l-Istati Uniti, kif ukoll ir-retorika bla bażi u dannuża li tiddikjara l-intenzjoni allegata tas-sħab internazzjonali li "jinvolvu lill-Georgia fil-gwerra kontra r-rieda tagħha"; jinnota bi tħassib iż-żieda fil-propaganda kontra l-Punent, id-diżinformazzjoni u r-retorika fil-Georgia, li jmorru kontra l-appoġġ pubbliku li qatt ma batta u li baqa' straordinarjament għoli għall-integrazzjoni Ewro-Atlantika tal-pajjiż;

13.  Jistieden lill-awtoritajiet Georgjani jlestu r-riforma elettorali tal-pajjiż u jindirizzaw in-nuqqasijiet persistenti fil-kampanji elettorali u t-twettiq tal-elezzjonijiet fil-ħin għall-elezzjonijiet parlamentari tal-2024 u f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR, b'mod partikolari dwar il-pressjoni fuq il-votanti u l-kandidati minn uffiċjali pubbliċi u kontestanti elettorali u allegazzjonijiet ta' intimidazzjoni, koerċizzjoni u xiri ta' voti, u dwar l-użu ħażin tar-riżorsi amministrattivi matul il-proċess elettorali; jilqa' l-fatt li l-awtoritajiet Georgjani ppreżentaw għal opinjoni l-abbozz ta' emendi għall-Kodiċi Elettorali lill-OSKE/ODIHR u lill-Kummissjoni ta' Venezja u jistieden lill-awtoritajiet jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin minn dawn il-korpi qabel ma jiġu adottati l-abbozzi ta' emendi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Georgjani jindirizzaw il-kwistjoni tad-drittijiet tal-vot taċ-ċittadini Georgjani li jgħixu barra mill-pajjiż; jiddispjaċih dwar l-esklużjoni tas-Soċjetà Internazzjonali għall-Elezzjonijiet Ġusti u d-Demokrazija mill-grupp ta' ħidma parlamentari dwar ir-riforma elettorali u jitlob l-inklużjoni tagħha fil-proċess; ifakkar lill-awtoritajiet Georgjani fil-wegħda tagħhom li jbaxxu l-limitu elettorali għall-elezzjonijiet parlamentari;

14.  Jissottolinja l-ħtieġa li tiġi eliminata l-influwenza eċċessiva tal-interessi personali, fil-ħajja ekonomika, politika u pubblika bħala waħda mill-prijoritajiet identifikati mill-Kummissjoni li għandha tiġi indirizzata qabel ma l-Georgia tingħata l-istatus ta' kandidat; jirrakkomanda li tiġi indirizzata l-influwenza eċċessiva tal-interessi personali, b'mod partikolari tal-oligark, ex-Prim Ministru Bidzina Ivanishvili, b'mod sistemiku permezz ta' riformi strutturali u regolatorji f'diversi oqsma tal-ħajja politika, ekonomika u pubblika tal-pajjiż; itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill u lis-sħab demokratiċi biex jieħdu miżuri xierqa, inkluża l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet personali fuq Ivanishvili u fuq dawk l-individwi kollha li jippermettu u jkunu responsabbli għad-deterjorament tal-proċess politiku demokratiku;

15.  Jilqa' l-konsultazzjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar l-abbozz ta' liġi reċenti dwar id-"deoligarkizzazzjoni"; iħeġġeġ lill-Parlament tal-Georgia jqis kif xieraq l-opinjoni li jmiss tal-Kummissjoni ta' Venezja u jiżgura li kwalunkwe abbozz ta' liġi dwar il-kwistjoni jkun konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja meta jiġi adottat u li jkun ibbażat fuq l-objettiv li tiġi eliminata l-influwenza eċċessiva kollha ta' interessi personali fil-ħajja ekonomika, politika u pubblika permezz ta' approċċ sistemiku;

16.  Jesprimi tħassib serju dwar ir-rapport tossikoloġiku ta' Dr David E. Smith, M.D. & Associates li kkonkluda li ħafna mis-sintomi patoloġiċi murija minn Mikheil Saakashvili huma r-riżultat ta' avvelenament minn metall tqil, li qed jikkontribwixxi għad-deterjorament b'rata mgħaġġla ta' saħħtu; itenni li l-Gvern Georgjan iġorr ir-responsabbiltà sħiħa għas-saħħa u l-benessri tal-ex President u għandu jinżamm responsabbli f'każ li jiġrilu xi ħaġa; jistieden lill-President tal-Georgia tuża l-prerogattivi kostituzzjonali tagħha biex issolvi din il-kwistjoni; jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jinvolvi ruħu b'mod attiv biex jiżgura l-ħelsien tal-ex President; itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet Georgjani biex jeħilsu lill-ex President Mikheil Saakashvili u jippermettulu jirċievi trattament mediku xieraq barra mill-pajjiż skont l-Artikolu 283 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali tal-Georgia, għal raġunijiet umanitarji u bħala mezz biex titnaqqas il-polarizzazzjoni politika;

Stat tad-dritt, governanza tajba u libertà tal-media

17.  Jissottolinja l-importanza tal-implimentazzjoni ta' riforma tal-ġustizzja ambizzjuża, ġenwina u bir-reqqa abbażi ta' strateġija ta' riforma ġudizzjarja u pjan ta' azzjoni trasparenti u effettivi għal wara l-2021 permezz ta' proċess ta' konsultazzjoni wiesa', inklużiv u bejn il-partiti; jiddispjaċih li r-riforma tal-ġudikatura waqfet u saħansitra marret lura f'diversi oqsma ewlenin; jistieden lill-awtoritajiet jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati mill-Kummissjoni ta' Venezja fin-nomina u l-ħatra tal-imħallfin fil-livelli kollha, b'mod partikolari lill-Qorti Suprema u tal-Prosekutur Ġenerali sabiex il-proċess jinġieb f'konformità sħiħa mal-istandards Ewropej; jilqa' l-passi meħuda biex il-ħatra tal-Prosekutur‑Ġenerali tiġi allinjata mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja; jitlob riforma bir-reqqa tal-Kunsill Għoli tal-Ġustizzja, li għandha titwettaq qabel ma jinħatru l-bqija tal-membri tiegħu u li l-proċedura għaliha għandha tkun trasparenti u ibbażata fuq il-mertu u konformi mal-istandards Ewropej; jissottolinja l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Georgia tal-2021–2027 u l-impenji rilevanti li saru fiha mill-awtoritajiet Georgjani, b'mod partikolari fir-rigward tal-Kunsill Għoli tal-Ġustizzja u l-Prosekutur Ġenerali;

18.  Jisħaq li azzjonijiet mgħaġġla u mhux trasparenti biex isiru ħatriet ewlenin jew bidliet istituzzjonali jwasslu għal politiċizzazzjoni ulterjuri tal-ġudikatura, u hemm bżonn li jiġu indirizzati b'mod urġenti; jiddispjaċih b'mod partikolari, f'dan ir-rigward, li l-imħallfin tal-Qorti Suprema nħatru għal żmien twil qabel ma ġew indirizzati n-nuqqasijiet fil-proċess ta' nomina identifikati mill-ODIHR u mill-Kummissjoni ta' Venezja u minkejja talbiet ripetuti biex il-proċess tal-ħatra jitwaqqaf u jinġieb f'konformità mal-istandards Ewropej; itenni li n-nuqqas ta' progress fir-riforma ġudizzjarja fisser li l-kundizzjonijiet biex il-pajjiż jirċievi l-porzjon ta' EUR 75 miljun tal-assistenza makrofinanzjarja tal-UE sa Settembru 2021 ma ġewx issodisfati; jenfasizza li l-ħatriet kollha jeħtieġ li jkunu trasparenti, konformi bis-sħiħ mal-istandards Ewropej, u jsiru abbażi tal-integrità, l-indipendenza, l-imparzjalità u l-kompetenza;

19.  Jesprimi tħassib dwar il-manipulazzjoni kontinwa tal-istat u l-istaġnar fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet Georgjani biex jintensifikaw il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata; jinnota l-adozzjoni tat-tibdiliet leġiżlattivi li jistabbilixxu l-Aġenzija Kontra l-Korruzzjoni u jistieden lill-awtoritajiet Georgjani jippreżentawhom lill-Kummissjoni ta' Venezja għal opinjoni u biex jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet futuri jsaħħu l-indipendenza tal-Aġenzija Kontra l-Korruzzjoni tagħha, b'mod partikolari sabiex l-Aġenzija Kontra l-Korruzzjoni tkun tista' tindirizza b'mod rigoruż il-każijiet ta' korruzzjoni ta' livell għoli, u jipprovdulha mezzi u riżorsi adegwati biex teżerċita bis-sħiħ il-mandat tagħha; jistieden ukoll lill-awtoritajiet Georgjani jinfurzaw in-normi leġiżlattivi dwar il-prevenzjoni tal-korruzzjoni, dwar il-prinċipji tal-integrità u dwar il-kunflitti ta' interess fis-servizz pubbliku, u jiżguraw l-identifikazzjoni ta' kwalunkwe ksur tagħhom;

20.  Jistieden lill-awtoritajiet Georgjani jinvestigaw b'mod effettiv l-interċettazzjoni illegali massiva telefonika żvelata f'Settembru 2021, li jinkludu l-komunikazzjonijiet tal-kap tad-Delegazzjoni tal-UE għall-Georgia; jinsab imħasseb dwar l-emendi għall-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali Georgjana li jżidu l-għadd ta' reati li għalihom huma permessi azzjonijiet investigattivi sigrieti u t-tul ta' żmien ta' dawn l-azzjonijiet, li ġew adottati mill-Parlament Georgjan fis-7 ta' Ġunju 2022 u li ġew irrifjutati mill-president fit-22 ta' Ġunju 2022; jistieden lill-awtoritajiet Georgjani jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja maħruġa fis-26 ta' Awwissu 2022, b'mod partikolari biex jiżguraw proċess leġiżlattiv trasparenti u inklużiv billi jinkludu lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha u lis-soċjetà ċivili;

21.  Jissottolinja l-enfasi tal-opinjoni tal-Kummissjoni fuq il-governanza f'diversi livelli, il-proċess ta' deċentralizzazzjoni u r-riformi fl-amministrazzjoni pubblika sabiex tiġi stabbilita awtonomija lokali ta' standard Ewropew ta' suċċess u tiġi evitata l-konċentrazzjoni tal-poter fil-livell ċentrali; jinsisti fuq ir-rwol importanti tal-kooperazzjoni deċentralizzata bejn l-UE u l-Georgia; jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ aktar il-kapaċità amministrattiva fil-livell ċentrali u tal-gvern lokali;

22.  Jesprimi tħassib serju dwar il-fatt li, minkejja l-qafas legali sod Georgjan biex tiggarantixxi l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-media, kien hemm deterjorament fl-ambjent tal-media u s-sikurezza tal-ġurnalisti fl-2021; jikkundanna l-każijiet ta' intimidazzjoni, theddid u vjolenza kontra ġurnalisti u l-persekuzzjoni tagħhom, inkluż għadd dejjem jikber ta' investigazzjonijiet kriminali kontra l-ħaddiema u s-sidien tal-media; jistieden lill-awtoritajiet Georgjani jirrispondu fil-pront u jinvestigaw b'mod effettiv allegazzjonijiet ta' interferenza illegali u abbuż ta' poter fil-konfront tar-rappreżentanti tal-media, kif ukoll jallinjaw il-liġijiet relatati mal-libertà tal-media, bħal-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, mal-istandards u r-rakkomandazzjonijiet internazzjonali mill-Kummissjoni ta' Venezja;

23.  Jistieden lill-Georgia tiżgura l-libertà tal-media, li tinvolvi indipendenza editorjali, sjieda trasparenti tal-media u kopertura pluralistika, imparzjali u nondiskriminatorja tal-fehmiet politiċi fl-ipprogrammar minn xandara privati u, b'mod partikolari, pubbliċi, speċjalment matul il-perjodi tal-kampanji elettorali, kif ukoll tiżgura aċċess mingħajr xkiel għall-informazzjoni li suppost tkun disponibbli għall-pubbliku u s-sikurezza, il-protezzjoni u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-ġurnalisti u ta' professjonisti oħra tal-media; jistieden lir-rappreżentanti kollha tal-Gvern Georgjan biex joqogħdu lura milli jużaw retorika aggressiva u trattament diskriminatorju fil-konfront tar-rappreżentanti tal-media fil-Georgia u biex jippromwovu approċċ tolleranti li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem fid-dikjarazzjonijiet pubbliċi tagħhom;

24.  Jistieden lill-awtoritajiet Georgjani jwaqqfu l-każijiet kriminali politikament motivati u jirrevedu l-każijiet kriminali li għaddejjin kontra l-ħaddiema tal-media, is-sidien ta' mezzi tal-media li jikkritikaw il-gvern, u l-qraba tagħhom; ifakkar, f'dan ir-rigward, il-każ ta' Nika Gvaramia, direttur ta' Mtavari TV, u dak tad-diretturi u l-fundaturi ta' mezzi oħra tal-media, bħal Formula TV u Pirveli TV; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-fatt li fit-2 ta' Novembru 2022, il-Qorti tal-Appell ta' Tbilisi kkonfermat il-kundanna ta' Nika Gvaramia fuq akkużi dubjużi minkejja l-mistoqsijiet sinifikanti li tqajmu dwar il-każ, b'mod partikolari ż-żmien u l-akkużi tagħha; jistieden lill-President tal-Georgia, Salome Zourabichvili, biex tagħti l-maħfra lil Nika Gvaramia; ifakkar fil-prijoritajiet ewlenin indikati mill-Kummissjoni fl-opinjoni tagħha tas-17 ta' Ġunju 2022, inkluż l-appell lill-awtoritajiet Georgjani biex jiżguraw li l-proċeduri kriminali mressqa kontra s-sidien tal-media jissodisfaw l-ogħla standards legali; jieħu nota tad-dikjarazzjoni tad-Difensur Pubbliku tal-Georgia fis-7 ta’ Diċembru 2022, li tistieden lill-President tal-Georgia jagħmel użu mill-mekkaniżmu ta’ maħfra li jikkonċerna lil Nika Gvaramia, peress li l-każ huwa nieqes minn ġustifikazzjoni u ma jikkorrispondix mal-prinċipji fundamentali tal-liġi kriminali; jistenna li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u d-Delegazzjoni tal-UE għall-Georgia jkomplu jimmonitorjaw fil-prattika l-proċessi kollha fil-Georgia relatati ma' każijiet politikament motivati;

25.  Jistenna li l-Gvern u l-awtoritajiet Georgjani jieħdu l-obbligu tagħhom li jipprovdu sikurezza lil dawk li jagħtu kenn minn reġimi awtoritarji b'mod serju, wara rapporti li l-ġurnalisti mhux Georgjani esperjenzaw fastidju u ndħil mill-gvern fil-fruntiera Georgjana;

26.  Ifakkar li l-Georgia hija esposta ħafna għall-propaganda u l-kampanji ta' diżinformazzjoni Russi; jenfasizza l-importanza ta' sforzi kontinwi biex tiżdied ir-reżistenza tas-soċjetà Georgjana kontra kampanji bħal dawn u tentattivi biex jiġu influwenzati l-politika u l-opinjoni pubblika tal-Georgia, inkluż billi jiġu protetti l-pluraliżmu u l-indipendenza tal-media u jittejjeb il-litteriżmu medjatiku; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jkomplu jsaħħu l-kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet rilevanti Georgjani biex jindirizzaw id-diżinformazzjoni Russa u l-konsegwenzi tagħha;

27.  Jinnota li l-propaganda Russa tuża l-passat totalitarju u l-kult ta' mexxejja komunisti totalitarji bħala għodda ta' influwenza fil-Georgia; jenfasizza li l-glorifikazzjoni ta' Stalin, inkluż permezz tal-bini ta' statwi ġodda, tgħawweġ il-wirt imdemmi u krudili tal-komuniżmu u hija affront għall-miljuni ta' vittmi tat-terrur Stalinista; ifaħħar lis-soċjetà ċivili għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni Russa, inkluż permezz ta' inizjattivi bħal-Laboratorju ta' Riċerka tal-Passat Sovjetiku (SovLab);

Rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali

28.  Jikkundanna l-vjolenza mwettqa kontra parteċipanti paċifiċi tal-marċ ta' Tbilisi Pride fil-5 ta' Lulju 2021 u l-ġurnalisti li koprew l-avveniment; jiddenunzja bil-qawwa n-nuqqas ta' investigazzjonijiet diliġenti jew prosekuzzjonijiet ta' dawk responsabbli għall-organizzazzjoni tal-vjolenza; jinnota li sitt awturi tal-vjolenza ġew ikkundannati għal massimu ta' ħames snin ħabs f'April 2022, iżda jistieden lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali jwettaq investigazzjoni komprensiva u effettiva dwar l-organizzaturi u l-awturi kollha tal-vjolenza fid-dawl tal-ammont kbir ħafna ta' evidenza miġbura mill-media, is-soċjetà ċivili u d-Difensur Pubbliku Georgjan; jinnota li l-avvenimenti ppjanati għall-2022 ta' Tbilisi Pride seħħew ġewwa u li l-pulizija rreaġixxiet fil-ħin biex tipprevjeni l-indħil u l-vjolenza minn gruppi li jopponu l-avvenimenti Pride; iħeġġeġ lill-Gvern Georgjan jiddefendi d-dritt għal għaqda paċifika u l-libertà tal-espressjoni, u jistieden lill-awtoritajiet Georgjani jiżguraw is-sikurezza tad-dimostranti;

29.  Jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem b'mod partikolari dawk tan-nisa u ta' gruppi vulnerabbli oħra, bħall-komunità LGBTQI+ u l-minoranzi etniċi, u jimplimentaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u kontra d-diskriminazzjoni fil-prattika u jiġġieldu b'mod effettiv l-impunità għall-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari għal ksur serju; iħeġġeġ l-adozzjoni tal-istrateġija u l-pjan ta' azzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem 2021–2030; ifaħħar lill-Gvern Georgjan għall-ħolqien tal-Kumitat ta' Koordinazzjoni Interaġenzjali responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, taħt is-superviżjoni tal-Prim Ministru; jistieden lill-awtoritajiet Georgjani jaħdmu fuq l-istrateġija ta' deistituzzjonalizzazzjoni u l-pjan ta' azzjoni tagħha, f'konformità mar-rekwiżiti tal-Kodiċi dwar id-Drittijiet tat-Tfal, peress li l-vjolenza kontra t-tfal f'kuntest ta' familja u f'kura residenzjali, foster care u istituzzjonijiet edukattivi għadha problema sinifikanti;

30.  Jistieden lill-awtoritajiet Georgjani jkomplu jtejbu r-rappreżentanza tan-nisa u t-trattament ugwali fil-livelli kollha tal-ħajja politika, ekonomika u soċjetali biex jeqirdu l-inugwaljanza fis-suq tax-xogħol u d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa; iħeġġeġ lill-Gvern u lill-awtoritajiet Georgjani jadottaw u jimplimentaw b'mod effettiv il-leġiżlazzjoni kontra l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u domestika u l-femminiċidji, iżidu l-appoġġ għas-superstiti, u jimplimentaw programmi ta' riabilitazzjoni għall-awturi tar-reati u kampanji ta' sensibilizzazzjoni, b'mod partikolari fil-livell tal-komunità lokali;

31.  Jikkundanna d-diskriminazzjoni kontinwa tal-gruppi u l-persuni LGBTQI+, inkluż fl-oqsma tax-xogħol, tas-saħħa, soċjali u ekonomiċi, kif ukoll l-immirar tagħhom minn gruppi ta' mibegħda ultranazzjonalisti;

32.  Itenni l-importanza ta' sorveljanza indipendenti tal-istituzzjonijiet statali tal-Georgia; jesprimi tħassib serju, f'dan ir-rigward, dwar iż-żarmar tas-Servizz tal-Ispettur tal-Istat kontra r-rakkomandazzjonijiet tal-ODIHR u mingħajr konsultazzjonijiet sinifikanti minn qabel; jenfasizza r-rwol pożittiv ta' Nino Lomjaria, id-Difensur Pubbliku tal-Georgia, fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, fil-promozzjoni tal-governanza tajba, fit-tisħiħ tal-istat tad-dritt, fis-salvagwardja tal-libertà tal-media u fis-sorveljanza tal-konformità tal-politiki u l-azzjonijiet tal-eżekuttiv mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; jikkundanna t-tentattivi regolari, inkluż mill-awtoritajiet, biex tiġi mminata l-indipendenza tad-Difensur Pubbliku tal-Georgia u biex jitqajmu dubji dwar l-integrità tal-uffiċċju u l-persunal tiegħu; jilqa' l-istabbiliment ta' bord indipendenti biex jevalwa l-kandidati għall-kariga ta' difensur pubbliku u jistieden lill-maġġoranza parlamentari tagħżel wieħed mill-aħjar tliet kandidati indipendenti mressqa mill-bord mingħajr dewmien;

33.  Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fis-sorveljanza demokratika; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ politiku, tekniku u finanzjarju lis-soċjetà ċivili u lill-media indipendenti u jqassmu l-fondi ewlenin lis-soċjetà ċivili biex tingħata spinta lill-bini tal-kapaċità u l-għarfien espert;

34.  Jistieden lill-Georgia tillimita l-użu ta' kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika li jimmiraw lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u r-rappreżentanti tal-media u b'hekk ifixklu l-ħidma kritika u indipendenti tagħhom;

35.  Jesprimi tħassib dwar l-għadd ta' persuni Georgjani li jfittxu asil fl-UE u jistieden lill-awtoritajiet Georgjani jżidu l-kooperazzjoni mas-sħab Ewropej tagħhom u jieħdu aktar miżuri biex jindirizzaw din il-kwistjoni;

Relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali

36.  Jilqa' r-rekord pożittiv tal-Georgia fl-approssimazzjoni tal-liġijiet tagħha u fil-bini ta' ekonomija tas-suq li tiffunzjona bis-sħiħ; jitlob li l-opportunitajiet ippreżentati mill-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment jintużaw biex tinbena ekonomija dinamika u reżiljenti li tkun lesta biex tiġi integrata fis-suq uniku tal-UE; jilqa' wkoll il-fatt li l-UE hija s-sieħba kummerċjali ewlenija tal-Georgia, peress li madwar 21 % tal-kummerċ totali tal-Georgia huwa mal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-potenzjal tad-DCFTA li żżid il-volumi kummerċjali bejn l-UE u l-Georgia permezz ta' assistenza koordinata, b'enfasi fuq l-appoġġ għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u r-riformi strutturali, inkluż l-iżvilupp ta' infrastruttura ta' kwalità, bħal laboratorji fil-Georgia għaċ-ċertifikazzjoni tal-UE ta' standards sanitarji u fitosanitarji, u ostakli tekniċi għall-istandards kummerċjali; jilqa' l-applikazzjoni Georgjana biex tingħaqad maż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro;

37.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Georgjani jagħtu spinta lill-parteċipazzjoni tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fid-DCFTA, b'mod partikolari billi jżidu l-komunikazzjoni dwar l-opportunitajiet disponibbli għalihom, billi jtejbu l-aċċess għall-faċilitajiet tal-esportazzjoni u billi jagħmlu l-aħjar użu possibbli mill-programmi eżistenti tal-Kummissjoni ENPARD (Programm Ewropew tal-Viċinat għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali) Georgia u EU4Business;

Kooperazzjoni settorjali

38.  Itenni li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, id-DCFTA u l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni 2021–2027 jipprovdu qafas solidu biex il-Georgia titqarreb lejn l-UE permezz ta' integrazzjoni gradwali fis-suq uniku tal-UE u kooperazzjoni settorjali msaħħa;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jistabbilixxu djalogu politiku msaħħaħ u strutturat mal-Georgia u ma' pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali oħra sabiex javvanzaw aktar l-integrazzjoni ekonomika u l-armonizzazzjoni leġiżlattiva; jemmen li dan id-djalogu għandu jinkludi laqgħat fil-marġini tal-Kunsill Ewropew mal-mexxejja tal-pajjiżi rilevanti, li r-rappreżentanti tagħhom għandhom jipparteċipaw b'mod regolari fil-laqgħat tal-gruppi ta' ħidma u tal-kumitati tal-Kunsill Ewropew fuq bażi strutturata, u li dawn il-pajjiżi għandhom jiġu inklużi bħala osservaturi fil-proċedimenti tal-kumitati stabbiliti skont l-Artikolu 291 tat-TFUE u r-Regolament (UE) Nru 182/2011(4) biex jissaħħu l-orjentazzjoni lejn ir-riforma u l-għarfien amministrattiv ta' dawn il-pajjiżi;

40.  Jissottolinja l-importanza ta' titjib fit-trasport, l-enerġija u l-konnettività diġitali bħala mezz biex isir użu sħiħ mill-potenzjal ġeografiku u ekonomiku tal-Georgia fil-livelli kollha, speċjalment f'muniċipalitajiet żgħar, ta' daqs medju u rurali;

41.  Jistieden lill-Georgia ttejjeb is-settur tal-enerġija u l-konnettività tagħha, filwaqt li tiżgura s-sostenibbiltà ambjentali, issaħħaħ il-ġlieda tagħha kontra t-tibdil fil-klima u tipproteġi l-ambjent, b'mod partikolari billi tippreserva l-bijodiversità u s-siti protetti, inkluż permezz ta' allinjament leġiżlattiv ulterjuri mal-acquis tal-UE u l-politiki tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, kif ukoll billi ssaħħaħ l-amministrazzjoni Georgjana biex tippermetti t-tranżizzjoni ekoloġika;

42.  Jistieden lill-awtoritajiet Georgjani jieħdu passi kruċjali biex jisseparaw u jiċċertifikaw l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni tal-elettriku u tal-gass sabiex jaċċelleraw it-tranżizzjoni ekoloġika u jevitaw id-dipendenza enerġetika fuq ir-Russja, f'konformità mal-Pjan REPowerEU;

43.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lin-Network Ewropew tal-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni u lill-Georgia jivvalutaw il-possibbiltà li jissinkronizzaw il-grilja tal-elettriku Georgjana mal-grilja kontinentali Ewropea u li jinkludu lill-Georgia fiż-Żona Sinkronika tal-Ewropa Kontinentali;

44.  Jistieden lill-Gvern Georgjan iżid l-isforzi tiegħu biex iżid u jsostni l-iżvilupp soċjoekonomiku sabiex jiġu żgurati livelli ogħla ta' introjtu u żvilupp reġjonali; itenni l-appoġġ tiegħu għall-iżvilupp tal-kapital uman permezz tat-tisħiħ tar-rwol tas-settur privat fil-ġestjoni tas-sistema tal-edukazzjoni vokazzjonali u l-indirizzar tan-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet biex jittejbu l-prospetti ta' impjieg;

45.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Georgia jżidu l-kooperazzjoni dwar ir-reżiljenza tas-saħħa pubblika, inkluż bejn l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika, dwar il-faċilitajiet ta' riċerka u dwar il-kapaċitajiet ta' emerġenza, kif ukoll jiskambjaw l-aħjar prattiki u jaħdmu mas-soċjetà ċivili dwar l-istabbiliment ta' strateġiji epidemiċi li jiffukaw fuq l-aktar gruppi vulnerabbli, inklużi l-anzjani, il-persuni mingħajr dar, il-ħaddiema staġjonali u l-migranti;

46.  Jilqa' l-adozzjoni tal-istrateġija nazzjonali globali tal-Georgia dwar is-saħħa pubblika għall-2022–2030 u l-pjan ta' azzjoni li jakkumpanjaha, kif ukoll tal-istrateġija l-ġdida dwar is-saħħa mentali għall-2022–2030 u l-pjan ta' azzjoni li jakkumpanjaha;

47.  Jilqa' l-isforzi kontinwi tal-Georgia biex issaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali tagħha fl-infurzar tal-liġi mal-Aġenzija tal-UE għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-Aġenzija tal-UE għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL), inkluż l-iffirmar ta' arranġament ta' ħidma ġdid bejn is-CEPOL u l-Georgia fit-22 ta' Ġunju 2022, li se jsaħħaħ il-kondiviżjoni tal-għarfien, l-għarfien espert, l-aħjar prattiki u approċċi kkoordinati għat-tagħlim;

48.  Jilqa' l-adozzjoni ta' riformi tax-xogħol u jistieden lill-Gvern Georgjan jkompli jtejjeb il-qafas Georgjan għall-protezzjoni tad-drittijiet tax-xogħol, inkluż billi jiżgura sistema effettiva ta' spezzjoni tax-xogħol b'kompetenzi, kapaċitajiet u riżorsi adegwati, itejjeb il-leġiżlazzjoni ewlenija dwar ix-xogħol biex jinġieb f'konformità sħiħa mal-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u r-regolamenti tal-UE, jippromulga paga minima f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tax-xogħol, jiżviluppa skemi effettivi ta' protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u joħloq pjan ta' azzjoni għall-formalizzazzjoni tas-settur informali;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-ħolqien ta' spazju komuni għar-roaming bejn il-Georgia u l-UE permezz ta' assistenza kkoordinata b'enfasi fuq it-tnaqqis gradwali tat-tariffi tar-roaming internazzjonali bejn il-Georgia u l-UE f'konformità mar-regolamenti tal-UE, biex b'hekk jiġu protetti d-drittijiet tal-konsumaturi, kif ukoll tassisti lill-Georgia biex gradwalment tikkonforma mal-acquis tal-UE u tikkontribwixxi għall-proċess ta' integrazzjoni Ewropea tal-Georgia;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-isforzi tal-Georgia biex tippożizzjona lilha nnifisha bħala ċentru reġjonali għall-konnettività diġitali u s-servizzi diġitali u tippromwovi s-sovranità diġitali tagħha billi tiżviluppa konnettività internazzjonali strateġika u kurituri tat-trasport diġitali bejn l-Ewropa u diversi partijiet tal-Asja permezz tal-Georgia; jilqa' l-programmi ta' assistenza tal-UE b'appoġġ għad-diġitalizzazzjoni, bħall-EU4Digital u l-EaP Connect, iżda jenfasizza wkoll il-ħtieġa ta' konnettività diġitali aċċessibbli, b'mod partikolari fiż-żoni rurali, u l-isforzi li saru lejha; jilqa' l-inizjattiva ta' investiment għal broadband veloċi għall-insedjamenti rurali; jilqa' l-adozzjoni tal-istrateġija u l-pjan ta' azzjoni nazzjonali dwar iċ-ċibersigurtà għall-2021–2024; jistieden lill-awtoritajiet Georgjani jaħdmu mal-UE dwar it-tisħiħ tar-reżiljenza ċibernetika tal-pajjiż f'konformità mal-aħjar prattiki u l-leġiżlazzjoni tal-UE, b'mod partikolari d-Direttiva tal-UE dwar is-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni(5);

51.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Georgia jikkunsidraw li jżidu l-għadd ta' proġetti tan-Network trans-Ewropew tat-trasport fil-Georgia; jenfasizza l-implikazzjonijiet negattivi għas-sigurtà tal-investimenti Ċiniżi fl-infrastruttura strateġika; jiddispjaċih dwar id-dewmien kontinwu fl-iżvilupp tal-Port fil-Baħar Fond ta' Anaklia, wara li l-Gvern Georgjan ikkanċella l-kuntratt tal-proġett mal-Konsorzju għall-Iżvilupp ta' Anaklia fl-2020; jesprimi t-tama li l-Georgia taċċellera l-kostruzzjoni tal-port, f'konformità mal-objettivi strateġiċi Ewro-Atlantiċi tal-Georgia;

52.  Jilqa' l-assoċjazzjoni tal-Georgia ma' Orizzont Ewropa, il-programm ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE għall-2021–2027, li jiftaħ opportunitajiet ġodda għall-komunità xjentifika u tal-innovazzjoni tal-Georgia, u jilqa' l-impenn tal-Georgia li tibda l-proċess biex issir pajjiż terz assoċjat tal-programm Erasmus+;

Dispożizzjonijiet istituzzjonali

53.  Jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jappoġġja d-demokrazija parlamentari tal-Georgia permezz tal-iżvilupp tal-kapaċità; jiddispjaċih li l-offerta tal-Parlament Ewropew lill-Parlament Georgjana biex jiġi stabbilit Djalogu Jean Monnet ma ġietx aċċettata;

o
o   o

54.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Georgia.

(1) ĠU L 261, 30.8.2014, p. 4.
(2) Testi adottati, P9_TA(2022)0235.
(3) ĠU L 218, 23.8.2022, p. 40.
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-mekkaniżmi ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni mill-Kummissjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(5) Id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1).

Aġġornata l-aħħar: 21 ta' Awwissu 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza