Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2022 dwar il-prospettivi għas-soluzzjoni msejsa fuq il-koeżistenza ta' żewġ Stati għal Iżrael u l-Palestina (2022/2949(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2017 dwar il-ksib tas-soluzzjoni ta' żewġ stati fil-Lvant Nofsani(1),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Jannar 2016 u tal-20 ta' Ġunju 2016 dwar il-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani,
– wara li kkunsidra l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael li sar fit-3 ta' Ottubru 2022 u l-konklużjonijiet tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Unjoni Ewropea tal-2021 dwar l-insedjamenti Iżraeljani fix-Xatt okkupat tal-Punent, inkluża Ġerusalemm tal-Lvant,
– wara li kkunsidra l-lista tal-UE ta' terroristi,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949,
– wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Oslo tal-1993 u tal-1995,
– wara li kkunsidra l-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi tal-2002,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-UE kkonfermat ripetutament l-appoġġ tagħha għas-soluzzjoni ta' żewġ stati, b'żewġ stati sovrani u demokratiċi jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà garantita, b'Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati;
B. billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta diversi riżoluzzjonijiet dwar il-kwistjoni, inkluża r-Riżoluzzjoni 2334 (2016); billi l-UE-27 għamlet referenza għal dawn ir-riżoluzzjonijiet u l-ħtieġa li dawn jiġu rispettati fid-dikjarazzjoni tagħha wara l-aħħar laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael;
C. billi, skont ir-rapport tal-2021 mill-Uffiċċju tar-Rappreżentant tal-Unjoni Ewropea, is-sena l-oħra rat rata akbar ulterjuri ta' avvanz tal-unitajiet ta' insedjament fit-Territorji Palestinjani okkupati (22 030), b'mod partikolari f'Ġerusalemm tal-Lvant fejn l-għadd ta' unitajiet ta' abitazzjoni ġodda żdied b'aktar mid-doppju meta mqabbel mal-2020 (minn 6 288 għal 14 894), bħala parti mit-tendenza ta' espansjoni kontinwa tal-insedjamenti Iżraeljani;
D. billi l-vjolenza, it-terroriżmu, inklużi l-attakki kontra l-popolazzjoni ċivili, u l-inċitament għall-vjolenza qed jiġu aggravati minn miżuri ta' provokazzjoni u retorika xewwiexa u huma inkompatibbli b'mod fundamentali mar-riżoluzzjoni paċifika tal-konflitti; billi l-Unjoni esprimiet l-kondoljanzi tagħha lill-familji tal-vittmi kollha;
E. billi l-Iżraeljani kif ukoll il-Palestinjani għandhom id-dritt li jgħixu fis-sigurtà; billi dan jinkludi d-dritt li jipproteġu t-territorju tagħhom u li jiddefendu l-interessi leġittimi tas-sigurtà tagħhom;
F. billi l-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna aggravat id-dgħufijiet u t-tensjonijiet ġeopolitiċi fir-reġjun, u l-insigurtà tal-ikel qed tiżdied f'daqqa;
G. billi, fil-11 ta' Mejju 2022, il-ġurnalista Shireen Abu Aqla nqatlet matul attakk militari Iżraeljan f'Jenin fix-Xatt okkupat tal-Punent; billi, minkejja diversi appelli biex isir dan, ma saret l-ebda investigazzjoni indipendenti dwar il-qtil tagħha, biex dawk li wettqu dan l-att kriminali ma nżammux responsabbli ta' għemilhom;
H. billi l-Qorti tal-Ġustizzja adottat deċiżjoni fit-12 ta' Novembru 2019 dwar il-politika tal-UE ta' differenzjazzjoni fil-kummerċ li tirriżulta mit-territorju tal-Istat ta' Iżrael u t-territorji Palestinjani okkupati(2); billi jeħtieġ li l-UE tapplika din id-deċiżjoni kif xieraq;
I. billi Iżrael huwa Stat demokratiku, fejn l-aħħar elezzjonijiet leġiżlattivi saru fl-1 ta' Novembru 2022; billi l-aħħar elezzjonijiet parlamentari Palestinjani saru fl-2006, li rriżultaw f'rebħa għall-Ħamas – organizzazzjoni li tinsab fil-lista tal-UE ta' terroristi – f'Gaża; billi l-aħħar elezzjonijiet presidenzjali Palestinjani saru f'Jannar 2005;
J. billi l-Istrixxa ta' Gaża ilha taħt imblokk għal 15-il sena, u b'hekk qabdet żewġ miljun abitant f'żona ta' 40 bi 11-il kilometru kwadru; billi skont l-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (UNOCHA), 53 % tal-poplu ta' Gaża jgħix taħt il-linja tal-faqar;
K. billi l-komunità internazzjonali appellat kontinwament għar-ripatrijazzjoni f'Iżrael tal-fdalijiet ta' Hadar Goldin u Oron Shaul, peress li qed jinżammu f'Gaża bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, u billi l-komunità internazzjonali esprimiet solidarjetà unanima mal-familji Goldin u Shaul;
L. billi l-awtoritajiet Iżraeljani waqqgħu infrastruttura ewlenija ffinanzjata minn donaturi internazzjonali biex jipprovdu servizzi bażiċi; billi bħalissa diversi strutturi ffinanzjati mill-UE jew mill-Istati Membri bħalissa għandhom ordnijiet ta' waqfien mix-xogħol jew ta' demolizzjoni;
M. billi, f'Ottubru 2021, il-Ministeru tad-Difiża Iżraeljan ħareġ ordni militari li nnominat sitt organizzazzjonijiet mhux governattivi Palestinjani bħala "assoċjazzjonijiet illegali" (organizzazzjonijiet terroristiċi); billi f'Awwissu 2022, saru rejds fl-uffiċċji ta' dawn l-organizzazzjonijiet, id-dokumenti ġew ikkonfiskati u t-tagħmir inqered mill-forzi Iżraeljani;
N. billi s-soċjetà ċivili fir-reġjun, u b'mod iktar speċifiku f'Iżrael, fix-Xatt tal-Punent u f'Gaża, għandha rwol ewlieni fil-bini ta' rabiet fis-soċjetà u fil-promozzjoni ta' atmosfera ta' paċi, tolleranza u nonvjolenza;
Prinċipji ġenerali
1. Itenni l-appoġġ sod tiegħu għal soluzzjoni nnegozjata ta' żewġ stati abbażi tal-linji tal-1967 b'żewġ stati sovrani, demokratiċi li jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà ggarantita, b'Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati u b'rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali;
2. Jappella għal tmiem tal-kunflitt fit-tul bejn Iżrael u l-Palestina u l-okkupazzjoni tat-territorji Palestinjani permezz tat-tkomplija ta' taħditiet ta' paċi ġenwini bejn iż-żewġ naħat abbażi tal-parametri stabbiliti għas-soluzzjoni ta' żewġ stati, bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali, li jwasslu għal ftehim dwar l-istatus permanenti negozjat u rikonoxximent reċiproku;
3. Iħeġġeġ liż-żewġ stati jtennu l-impenn tagħhom lejn is-soluzzjoni ta' żewġ stati; jitlob lill-Gvern Iżraeljan li jmiss biex jieħu impenn ċar favur is-soluzzjoni ta' żewġ stati; jistieden lill-mexxejja Iżraeljani u Palestinjani jibqgħu lura minn kull provokazzjoni fl-azzjonijiet u r-retorika, u d-deċiżjonijiet unilaterali tagħhom;
4. Jiddeplora n-nuqqas ta' riżultati tanġibbli fil-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani f'dawn l-aħħar deċennji, li rriżulta fi vjolenza u terroriżmu kontinwi, sitwazzjoni fuq il-post li qed tiddeterjora b'mod kostanti fit-territorji Palestinjani okkupati, żieda fil-frustrazzjoni fis-soċjetà Palestinjana, tensjonijiet u insigurtà dejjem akbar f'Iżrael, u l-istrumentalizzazzjoni tal-kunflitt minn gruppi terroristiċi u estremisti;
L-ostakli għas-soluzzjoni ta' żewġ stati
5. Ifakkar li l-insedjamenti huma illegali skont id-dritt internazzjonali, jappella għat-tmiem immedjat tal-bini tagħhom u jenfasizza li d-deċiżjonijiet reċenti li jiġu stabbiliti insedjamenti ġodda jimminaw iktar il-prospetti għal soluzzjoni vijabbli ta' żewġ stati, b'mod partikolari f'żona E1 u x-Xatt tal-Punent; jikkundanna l-vjolenza kontra l-abitanti tal-insedjamenti u jitlob l-obbligu ta' rendikont;
6. Jitlob lil Iżrael jikkonforma mar-responsabbiltajiet u l-obbligi tiegħu bħala setgħa okkupanti skont id-dritt internazzjonali, u jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem tal-Palestinjani;
7. Jikkundanna bil-qawwa t-terroriżmu kontinwu kontra Iżrael u jfakkar fid-dritt ta' Iżrael li jeżisti u li jiddefendi lilu nnifsu; jirrikonoxxi bis-sħiħ it-tħassib leġittimu ta' Iżrael dwar is-sigurtà u l-isfidi li qed jiffaċċja; itenni d-dritt sħiħ ta' Iżrael li jiġġieled kontra l-atti ta' vjolenza u d-dritt tiegħu li jipproteġi l-popolazzjoni ċivili tiegħu;
8. Jikkundanna u jitlob li jintemmu minnufih l-atti kollha ta' vjolenza bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, inkluż l-użu sproporzjonat tal-forza f'operazzjonijiet militari mill-Forzi tad-Difiża Iżraeljani, l-attakki terroristiċi kontra ċivili innoċenti u l-immirar tal-infrastrutturi ċivili, il-vjolenza dejjem tikber fl-insedjamenti, u l-attakki indiskriminati inklużi attakki ta' rokits imwettqa minn organizzazzjonijiet terroristiċi Palestinjani fil-lista tal-UE inklużi l-Ħamas, il-Ġiħad Iżlamika tal-Palestina, u l-Front Popolari għal-Liberazzjoni tal-Palestina;
9. Jisħaq fuq il-ħtieġa imperattiva għall-UE li taħdem fi sħubija ma' Iżrael, l-Awtorità Palestinjana, l-Istati Uniti u s-sħab Għarab fir-reġjun bl-għan tal-prevenzjoni tar-riarm tal-gruppi terroristiċi fl-Istrixxa ta' Gaża u fix-Xatt tal-Punent kif ukoll tal-kuntrabandu tal-armi, il-manifattura tar-rokits u l-bini ta' mini min-naħa ta' dawn il-gruppi; jisħaq darb'oħra fuq il-ħtieġa kruċjali tad-diżarm tal-gruppi terroristiċi kollha f'Gaża, f'konformità mal-konklużjonijiet preċedenti tal-Kunsill Affarijiet Barranin; jikkundanna l-attivitajiet inaċċettabbli mill-awtoritajiet de facto f'Gaża u, f'dan il-kuntest, itenni l-ħtieġa li l-Awtorità Palestinjana tieħu kontroll tal-Istrixxa ta' Gaża;
10. Jitlob li l-awturi ta' dawn l-atti ta' vjolenza jinżammu responsabbli, f'konformità mad-dritt internazzjonali; ifakkar li l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-istati u l-atturi mhux statali, inkluża r-responsabbiltà għall-azzjonijiet tagħhom, hija pedament għall-paċi u s-sigurtà;
11. Jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu għar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, inkluża, l-aktar reċenti, ir-Riżoluzzjoni 2334 (2016), u jenfasizza li dawn jiġu rispettati, kif imtenni mill-UE-27 fid-dikjarazzjoni tagħha wara l-aħħar laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael;
12. Jenfasizza li d-demokrazija fil-Palestina għandha tiġi appoġġjata iżjed, u jistieden lill-komunità internazzjonali tirdoppja l-isforzi tagħha li ssaħħaħ l-istituzzjonijiet tagħha bl-għan li tinkiseb unità fil-Palestina, bħala element importanti biex tintlaħaq is‑soluzzjoni ta' żewġ stati; iħeġġeġ lill-forzi Palestinjani jkomplu mingħajr dewmien l-isforzi tagħhom lejn ir-rikonċiljazzjoni, b'mod partikolari billi jsiru elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi li kienu ilhom biex isiru;
13. Jitlob li jsiru elezzjonijiet trasparenti, kredibbli u inklużivi fil-Palestina; jesprimi tħassib kbir dwar persuni affiljati ma' organizzazzjonijiet terroristiċi fil-lista tal-UE li kkandidaw ruħhom jew li jridu jikkandidaw ruħhom għal kariga politika Palestinjana; jistieden lil Iżrael jippermetti li jsiru dawn l-elezzjonijiet f'Ġerusalemm tal-Lvant; jerġa' jinsisti li l-UE u l-Parlament jeħtiġilhom ikunu jistgħu josservaw dawn l-elezzjonijiet, fuq stedina;
14. Jikkundanna l-isforzi sistematiċi tal-Awtorità Palestinjana u l-awtoritajiet de facto f'Gaża biex jagħlqu ħalq dawk li ma jaqblux, inkluż bl-arrest arbitrarju ta' kritiċi u opponenti, li spiss ikunu soġġetti għal tortura jew għal trattament ħażin ieħor, u jillimitaw il-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda;
15. Iħeġġeġ lil Iżrael iwaqqaf il-prattika mifruxa tiegħu ta' detenzjonijiet amministrattivi tal-Palestinjani, inklużi l-minorenni, mingħajr proċess, u jitlob li d-dritt għal proċess ġust jiġi rrispettat; jikkundanna l-użu ta' minorenni bħala bombi suwiċida minn gruppi militanti Palestinjani;
16. Jenfasizza li l-poplu Palestinjan għandu d-dritt li juża r-riżorsi naturali tiegħu stess, inklużi r-riżorsi tal-ilma, ir-riżorsi tal-enerġija u l-artijiet agrikoli fit-territorju tiegħu stess;
17. Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tas-suldati Iżraeljani Hadar Goldin u Oron Shaul; jiddeplora r-rifjut tal-Ħamas li jirritorna l-fdalijiet tagħhom lil Iżrael għad-dfin; jitlob li jsiru l-isforzi kollha għar-ripatrijazzjoni immedjata tal-fdalijiet tagħhom; jappella, barra minn hekk, għall-ħelsien immedjat taċ-ċittadini Iżraeljani Avraham Mengistu u Hisham Al-Sayed, li ma wettqu ebda delitt jew reat li jiġġustifika d-detenzjoni tagħhom mill-Ħamas fl-Istrixxa ta' Gaża;
18. Jistieden lill-Istat ta' Iżrael jippermetti lill-għajnuna umanitarja tilħaq lill-iktar persuni vulnerabbli, kemm fix-Xatt tal-Punent kif ukoll f'Gaża; itenni s-sejħiet tiegħu għal tmiem immedjat li jtemm l-imblokk u tittaffa l-kriżi umanitarja fl-Istrixxa ta' Gaża, filwaqt li jittieħdu l-garanziji ta' sigurtà neċessarji biex jipprevjenu l-vjolenza kontra Iżrael; itenni l-ħtieġa li jingħataw fondi tal-UE għal proġetti speċifiċi f'Gaża, f'konformità mal-mekkaniżmu trilaterali għal appoġġ finanzjarju għaċ-ċivili; jitlob li l-Membri tal-Parlament Ewropew ikollhom aċċess mingħajr xkiel għall-Istrixxa ta' Gaża;
19. Jitlob li jintemm immedjatament it-twaqqigħ tad-djar Palestinjani; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jitolbu kumpens għat-twaqqigħ tal-infrastruttura kollha ffinanzjata mill-UE fit-territorji Palestinjani okkupati;
20. Huwa mħasseb ħafna dwar l-ispazju dejjem jonqos għas-soċjetà ċivili f'Iżrael u fit-territorji okkupati fil-Palestina, u jħeġġeġ lill-UE tagħmel din il-kwistjoni prijorità fl-aġenda tad-djalogu politiku tagħha mal-Gvern Iżraeljan u mal-Awtorità Palestinjana;
Ir-rwol tal-Unjoni Ewropea
21. Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u r-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani (RSUE) biex jistabbilixxi inizjattiva Ewropea għall-paċi sabiex jerġa' jkun hemm orizzont politiku għal paċi ġust, komprensiv, dejjiemi bejn Iżrael u l-Palestina; jitlob li, għal dan il-għan, jiġi estiż il-mandat tar-RSUE sar-riżoluzzjoni effettiva ta' dan il-kunflitt dejjiemi;
22. Jitlob li din l-inizjattiva tieħu l-forma ta' konferenza internazzjonali, bħala l-ewwel pass f'qafas multilaterali mmirat lejn il-kisba ta' dan l-objettiv; jilqa' inizjattivi bħall-Format ta' Munich u jħeġġeġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri jieħdu inizjattiva Ewropea biex is-soluzzjoni msejsa fuq il-koeżistenza ta' żewġ Stati terġa' taqbad it-triq it-tajba;
23. Jistieden lill-UE tesplora mal-pajjiżi Għarab ikkonċernati kif il-ftehimiet ta' normalizzazzjoni rispettivi tagħhom ma' Iżrael jistgħu jwasslu għas-soluzzjoni ta' żewġ stati u għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun;
24. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw l-inizjattivi kollha biex jiddefendu l-obbligu ta' rendikont għall-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-ħidma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;
25. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill Affarijiet Barranin li jniedi mill-ġdid il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni ma' Iżrael; jemmen li għandu jsaħħaħ is-sħubija bejn l-UE u Iżrael, jiddiskuti kwistjonijiet relatati mal-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina u jimmira li jagħti ħajja ġdida lill-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani;
26. Iqis li l-finanzjament tal-UE għas-soċjetà ċivili huwa involviment kostruttiv lejn il-bini ta' rabtiet bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; jitlob li l-programmi tal-UE jsaħħu l-kuntatti bejn il-persuni bejn il-minoranzi etniċi u reliġjużi differenti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u l-organizzazzjonijiet tan-nisa;
27. Jissottolinja l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri jappoġġjaw inizjattivi konġunti fis-setturi soċjali u ekonomiċi, inkluż fl-ilma u fl-enerġija, li jippromwovu l-prosperità u l-iskambju soċjali bejn iż-żewġ territorji; itenni l-appoġġ tiegħu għall-istrateġija Global Gateway, li, f'sinerġija mal-pjan ekonomiku u ta' investiment għall-Viċinat tan-Nofsinhar, se tiżviluppa rabtiet kummerċjali fir-reġjun;
28. Jirrikonoxxi r-rwol imwettaq mill-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-NU għar-Rifuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib fil-provvista ta' servizzi vitali lir-rifuġjati Palestinjani; itenni l-importanza tal-edukazzjoni fil-bini tal-prospetti għal soluzzjoni ta' żewġ stati; itenni li l-mibegħda, l-inċitament għall-vjolenza u l-antisemitiżmu jmorru kontra l-valuri tal-UE u huma impediment ewlieni għar-riżoluzzjoni tal-kunflitt; itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-kotba tal-iskola u l-materjali skolastiċi kollha appoġġjati mill-fondi tal-Unjoni għandhom ikunu f'konformità mal-istandards ta' paċi, tolleranza, koeżistenza u nonvjolenza tal-UNESCO; jissottolinja li l-finanzjament tal-UE se jkollu jiġi sospiż jekk titressaq evidenza ċara u ġustifikata ta' użu ħażin;
29. Ifakkar li l-kurrikuli edukattivi kollha ffinanzjati mill-UE jridu jkunu konformi mal-istandards tal-UNESCO ta' paċi, tolleranza, koeżistenza u nonvjolenza u jikkundanna bil-qawwa d-diskors ta' mibegħda, il-vjolenza u l-antisemitiżmu li għadhom jinstabu fil-kurrikuli edukattivi tal-Awtorità Palestinjana;
o o o
30. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, lill-Knesset u lill-Gvern ta' Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.
Is-sentenza tat-12 ta' Novembru 2019, Organisation juive européenne u Vignoble Psagot Ltd vs Ministre de l’Économie et des Finances, C-363/18, ECLI:EU:C:2019:954.