Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2022/2047(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0279/2022

Testi mressqa :

A9-0279/2022

Dibattiti :

PV 13/12/2022 - 10
CRE 13/12/2022 - 10

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2022 - 8.6

Testi adottati :

P9_TA(2022)0444

Testi adottati
PDF 233kWORD 76k
L-Erbgħa, 14 ta' Diċembru 2022 - Strasburgu
L-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura u l-Istrateġija tal-UE għar-Relazzjonijiet Kulturali Internazzjonali
P9_TA(2022)0444A9-0279/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2022 dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura u l-Istrateġija tal-UE għar-Relazzjonijiet Kulturali Internazzjonali (2022/2047(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU (SDGs), b'mod partikolari l-SDG 17 dwar ir-rivitalizzazzjoni tal-partenarjat globali għall-iżvilupp sostenibbli,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Finali adottata mill-Konferenza Dinjija tal-Unesco dwar il-Politiki Kulturali u l-Iżvilupp Sostenibbli – MONDIACULT 2022, li saret fil-Belt tal-Messiku mit-28 sat-30 ta' Settembru 2022,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni adottata wara l-laqgħa informali tal-Ministri tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea responsabbli għall-Kultura u l-Affarijiet Ewropej, li saret f'Pariġi fit-3 ta' Mejju 2019,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tat-8 ta' Diċembru 2010 li tistabbilixxi Ftehim Parzjali Estiż dwar ir-Rotot Kulturali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-4 ta' Mejju 2017 tal-Grupp ta' Ħidma fil-qafas tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni (MMK) tal-Esperti tal-Istati Membri bit-titolu "How culture and the arts can promote intercultural dialogue in the context of the migratory and refugee crisis" (Kif il-kultura u l-arti jistgħu jippromwovu d-djalogu interkulturali fil-kuntest tal-kriżi migratorja u tar-rifuġjati),

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-17 ta' Diċembru 2019 tal-Grupp ta' Ħidma MMK tal-Esperti tal-Istati Membri bit-titolu "Sustainable cultural tourism" (Turiżmu kulturali sostenibbli),

–  wara li kkunsidra r-rapport, tal-4 ta' Ġunju 2021 tal-Grupp ta' Ħidma MMK tal-Esperti tal-Istati Membri bit-titolu "Towards gender equality in the cultural and creative sectors" (Lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-setturi kulturali u kreattivi),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-5 ta' Settembru 2022 tal-Grupp ta' Ħidma MMK tal-Esperti tal-Istati Membri bit-titolu "Strengthening cultural heritage resilience for climate change" (It-tisħiħ tar-reżiljenza tal-wirt kulturali għat-tibdil fil-klima),

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-22 ta' Settembru 2022 tal-Grupp ta' Ħidma MMK tal-Esperti tal-Istati Membri bit-titolu "Stormy Times. Nature and Humans: Cultural Courage for Change" (Żminijiet Iebsa. In-Natura u l-Bnedmin: Kuraġġ Kulturali għall-Bidla),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ruma tal-Ministri tal-Kultura tal-G20 tat-30 ta' Lulju 2021,

—  wara li kkunsidra l-Artikolu 8(2) tal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

—  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar ir-Reati Kriminali relatati mal-Proprjetà Kulturali (il-Konvenzjoni ta' Nikosija),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2018 bit-titolu "Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura" (COM(2018)0267),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-8 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Lejn strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali" (JOIN(2016)0029),

—  wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa aktar b'saħħitha – Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea" ppreżentat mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/HR) fit-28 ta' Ġunju 2016,

—  wara li kkunsidra l-linji gwida konġunti tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Istituti Nazzjonali tal-UE għall-Kultura ppubblikati f'Jannar 2021,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2018 dwar l-implimentazzjoni, ir-riżultati u l-valutazzjoni ġenerali tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018 (COM(2019)0548),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Settembru 2021 bit-titolu "Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida: Sbuħija, Sostenibbiltà, Flimkien" (COM(2021)0573),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2022 dwar il-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2019-2022 (COM(2022)0317),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2018 dwar il-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura (2019-2020),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Ġunju 2019 dwar approċċ strateġiku tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali u qafas għal azzjoni,

—  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Jannar 2018 dwar l-approċċ integrat għal konflitti u kriżijiet esterni,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Ġunju 2021 dwar l-approċċ tal-UE għall-wirt kulturali f'konflitti u kriżijiet,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Mejju 2021 dwar l-irkupru, ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà tas-setturi kulturali u kreattivi,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijet tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2018 dwar il-ħtieġa li l-wirt kulturali jitpoġġa fuq quddiem fil-politiki kollha tal-UE,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ruma tal-25 ta' Marzu 2017, approvata mill-mexxejja tas-27 Stat Membru u tal-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar l-Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2017 dwar Lejn strateġija tal-UE għar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2021 dwar il-kisba ta' eredità politika effettiva għas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar l-istatus soċjali tal-artisti(4) u tal-20 ta' Ottubru 2021 dwar is-sitwazzjoni tal-artisti u l-irkupru kulturali fl-UE(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2022 dwar ir-rwol tal-kultura, tal-edukazzjoni, tal-media u tal-isport fil-ġlieda kontra r-razziżmu(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2020 dwar l-irkupru kulturali tal-Ewropa(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2022 dwar il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2020 dwar Miżuri effikaċi biex Erasmus+, Ewropa Kreattiva u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jsiru aktar "ħodor"(9),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2021 - 2027)(10),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2021 li jistabbilixxi Erasmus+: il-Programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni u taħriġ, żgħażagħ u sport(11),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/888 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2021 li jistabbilixxi l-Programm tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà(12),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2021/2316 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 2021 dwar Sena Ewropea taż-Żgħażagħ (2022)(13),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2020/2229 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Diċembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin mill-2020 sal-2033(14),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2017/864 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 dwar Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali (2018)(15),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Unesco tal-2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari l-Artikolu 27 tagħha dwar id-dritt għal parteċipazzjoni fil-ħajja kulturali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2022 tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi bit-titolu "The Culture Fix: Creative people, places and industries" (Is-Soluzzjoni Kulturali: Nies, postijiet u industriji kreattivi),

—  wara li kkunsidra l-azzjoni preparatorja dwar il-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-UE u r-rakkomandazzjonijiet tagħha,

—  wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni tal-UE kontra t-traffikar ta' beni kulturali,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Santiago de Compostela tal-Kunsill tal-Ewropa tat-23 ta' Ottubru 1987, fl-okkażjoni tal-proklamazzjoni tal-Camino de Santiago bħala l-ewwel Rotta Kulturali Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 6 u 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-għoti ta' awtorizzazzjoni għat-tfassil ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A9-0279/2022),

A.  billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2018 dwar Aġenda Ewropea ġdida għall-kultura (COM(2018)0267) u l-Komunikazzjoni konġunta tal-2016 "Lejn strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali" (JOIN(2016)0029) kellhom rwol deċiżiv fit-tiswir tal-politiki kulturali tal-UE u tal-Istati Membri, kemm fid-dimensjoni nazzjonali kif ukoll f'dik internazzjonali tagħhom;

B.  billi l-Pjan ta' Ħidma tal-Kunsill għall-Kultura 2023-2026 se jservi bħala l-pjan direzzjonali ewlieni għall-koordinazzjoni tal-politiki kulturali tal-UE fis-snin li ġejjin u se jirrappreżenta opportunità biex jingħata lok għal bidla fundamentali li tippermetti lis-setturi kulturali u kreattivi (CCS) jadattaw għal normalità ġdida wara l-pandemija u jiżviluppaw reżiljenza fid-dawl tal-isfidi possibbli quddiemhom;

C.  billi l-kultura hija ben pubbliku, u s-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi (CCSI) għandhom jiġu appoġġati b'oqfsa ta' politika ambizzjużi, finanzjament pubbliku u privat adegwat, u ambjent favorevoli għall-ħaddiema fis-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi, kif ukoll għall-aċċess tal-udjenzi għall-kultura; billi l-Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura għandu jkollha l-għan li tippreserva, tespandi u xxerred xena kulturali vibranti u diversa li trawwem il-parteċipazzjoni ta' kulħadd, u li ma tħalli lil ħadd jibqa' lura;

D.  billi l-kreazzjoni kulturali hija mod essenzjali biex jiġu kkomunikati l-opinjonijiet, inklużi l-opinjonijiet kritiċi lejn dawk fil-poter, u billi għalhekk hija kruċjali li tiġi ggarantita l-libertà tal-espressjoni fil-kultura, inkluża l-libertà tal-espressjoni fil-media;

E.  billi l-Ewropa hija komunità kulturali, ibbażata fuq valuri u storja kondiviżi, u fuq integrazzjoni kontinwa; billi l-kultura u l-wirt kulturali, inklużi r-Rotot Kulturali Ewropej, għandhom potenzjal kbir biex jippromwovu l-valuri tal-Unjoni Ewropea, isaħħu l-identitajiet diversi tagħha u jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet tagħha fil-livell globali, kif ukoll jikkontribwixxu għas-soluzzjoni tal-isfidi globali;

F.  billi s-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018 appoġġat u ppromwoviet il-kultura u l-wirt kulturali bħala "sors kondiviż ta' tifkira, fehim, identità, djalogu, koeżjoni u kreattività għall-Ewropa"; billi l-objettivi ġenerali tas-Sena kienu li "jitħeġġu u jiġu appoġġati l-isforzi tal-Unjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali, b'kooperazzjoni mas-settur tal-wirt kulturali u s-soċjetà ċivili f'sens usa', biex jiġi protett, salvagwardat, utilizzat mill-ġdid, imsaħħaħ, ivvalorizzat u promoss il-wirt kulturali tal-Ewropa"(16); billi l-preservazzjoni, il-protezzjoni u l-promozzjoni tal-wirt kulturali fil-forom kollha jistgħu jaġixxu bħala katalist għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet interkulturali, il-paċi, id-demokrazija, l-irkupru ekonomiku sostenibbli fit-tul, it-turiżmu sostenibbli u l-iżvilupp reġjonali, kif ukoll ir-rikonċiljazzjoni u l-koeżistenza kulturali, filwaqt li jsaħħu l-involviment tal-komunitajiet lokali, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak internazzjonali;

G.  billi l-kultura toħloq benefiċċji soċjali u ekonomiċi, kemm fl-Unjoni kif ukoll barra l-Unjoni, u għandha funzjoni importanti fl-ekonomija u fil-ħolqien tal-impjiegi; billi l-industriji u s-setturi kulturali u kreattivi jirrappreżentaw mill-inqas 4,4 % tal-PDG tal-UE u jimpjegaw madwar 7,6 miljun ruħ, u b'hekk għandhom il-potenzjal li jservu ta' xprun għall-iżvilupp lokali u reġjonali; billi l-industriji u s-setturi kulturali u kreattivi għandhom livell għoli ta' frammentazzjoni, fejn aktar minn 90 % tal-kumpaniji tas-setturi kulturali u kreattivi huma intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, 33 % tal-forza tax-xogħol jaħdmu għal rashom(17) u għandhom arranġamenti ta' xogħol atipiċi; billi l-industriji u s-setturi kulturali u kreattivi jirkupraw biss sehem minimu tal-valur ekonomiku li jiġġeneraw, b'impatt negattiv fuq il-ħaddiema kulturali u kreattivi;

H.  billi l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-industriji u s-setturi kulturali u kreattivi Ewropej kien drammatiku iżda mhux uniformi fis-setturi kollha, u aggrava l-isfidi ffaċċjati mis-setturi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol spiss atipiċi tal-artisti u tal-ħaddiema kulturali; billi l-attivitajiet ibbażati fuq il-post ġew affettwati ħafna mil-lockdowns, mir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u minn miżuri oħra meħtieġa relatati mas-saħħa pubblika, filwaqt li s-setturi b'kapaċità diġitali aktar b'saħħitha kienu f'pożizzjoni aħjar biex jiffaċċjaw il-kriżi; billi xi drawwiet kulturali li ntilfu matul il-pandemija ma reġgħux irritornaw b'mod sistematiku f'uħud mis-setturi;

I.  billi l-investimenti tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) jonqsu milli jirriflettu s-sinifikat ekonomiku u soċjali enormi tal-industriji u tas-setturi kulturali u kreattivi, u dan iħalli lil dawn is-setturi konsiderevolment sottorappreżentati fl-isforz ġenerali tal-UE biex tappoġġa l-irkupru u r-reżiljenza tal-ekonomija Ewropea wara l-pandemija; billi l-Parlament appella għal mira ta' investiment ta' 2 % tal-RRF fl-industriji u fis-setturi kulturali u kreattivi u tenna l-importanza ta' investimenti xierqa fl-aġenda kulturali tal-UE(18); billi 16-il Stat Membru biss inkludew il-kultura fil-Pjanijiet Nazzjonali tagħhom għall-Irkupru u r-Reżiljenza u, għalkemm il-mira ta' 2 % intlaħqet bħala medja fil-livell tal-UE, il-maġġoranza tal-Istati Membri baqgħu ferm taħt din iċ-ċifra;

J.  billi l-Parlament, fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2007 u tal-20 ta' Ottubru 2021, talab li jissaħħu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-industriji u fis-setturi kulturali u kreattivi tal-Ewropa u li jiġi stabbilit Status Ewropew tal-Artist bħala qafas komuni għall-kundizzjonijiet tax-xogħol u standards minimi komuni għall-pajjiżi kollha tal-UE;

K.  billi l-parteċipazzjoni kulturali tista' tkun maħsuba kemm bħala parteċipazzjoni passiva kif ukoll bħala kreazzjoni attiva, irrispettivament mil-livell – ta' dilettanti jew ta' professjonisti – li fih titwettaq l-attività; billi kemm il-parteċipazzjoni kulturali attiva kif ukoll dik passiva għandhom bosta benefiċċji ekonomiċi, soċjali u għas-saħħa;

L.  billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2018 dwar Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura (COM(2018)0267) enfasizzat l-importanza tal-kultura u tal-arti fl-integrazzjoni tar-rifuġjati u ta' migranti oħra;

M.  billi l-attivitajiet artistiċi u kulturali ilhom li ġew rikonoxxuti mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO)(19) bħala ta' benefiċċju għas-saħħa, inkluża s-saħħa mentali, u għall-benesseri individwali u tas-soċjetà, b'mod partikolari bis-saħħa tan-natura u l-komponenti multidimensjonali tagħhom, inklużi l-interazzjoni soċjali, l-attivazzjoni sensorjali, l-espressjoni emozzjonali, l-istimulazzjoni konjittiva u l-attività fiżika, u l-kapaċità tagħhom li jistimulaw proċessi psikoloġiċi, komportamentali u soċjali multipli; billi l-arti u l-kultura wrew li huma imprezzabbli għar-reżiljenza tas-soċjetajiet fi żminijiet ta' kriżijiet;

N.  billi l-arti u d-dixxiplini artistiċi huma komponenti u faċilitaturi importanti kemm tal-edukazzjoni formali, informali u mhux formali kif ukoll tal-iżvilupp personali; billi t-tagħlim permezz tal-arti u tad-dixxiplini artistiċi kif ukoll it-tagħlim dwarhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-ħiliet u tal-kompetenzi, bħall-ħsieb kreattiv u ħiliet trasferibbli oħra; billi dawn il-komponenti mhumiex qed jiġu żviluppati biżżejjed fil-kurrikuli nazzjonali tal-iskejjel; billi permezz tat-tisħiħ tax-xjenza, tat-teknoloġija, tal-inġinerija, tal-arti u tal-matematika (STEAM), l-Istati Membri jistgħu jippromwovu kultura ta' innovazzjoni u kreattività li tibda minn età żgħira f'perspettiva ta' tagħlim tul il-ħajja;

O.  billi r-riċerka artistika għandha tiġi inkluża fi djalogu bejn il-pari ma' dixxiplini oħra ta' riċerka u tiġi ffinanzjata bħala tali, kemm minħabba l-valur proprju tagħha kif ukoll minħabba l-kontribut kruċjali tagħha li tagħti lok għall-innovazzjoni;

P.  billi l-programm Ewropa Kreattiva tal-UE għas-setturi kulturali u kreattivi għandu rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-arti, tal-kultura u tal-kontenut awdjoviżiv u fl-appoġġ ta' media ta' kwalità għolja, speċjalment permezz tal-appoġġ għal proġetti fil-livell lokali, kumpaniji żgħar u artisti individwali; billi jikkontribwixxi għall-istrateġija tal-Unjoni għar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali bl-għan li jiżgura l-impatt fit-tul tagħha permezz ta' approċċ min-nies għan-nies li jinvolvi n-networks kulturali, is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet lokali; billi l-biċċa l-kbira tar-riżultati fil-mira tal-Pjan ta' Ħidma tal-Kunsill għall-Kultura 2019-2022 inkisbu permezz ta' azzjonijiet previsti mill-programm;

Q.  billi r-relazzjonijiet kulturali huma komunement iddefiniti(20) bħala interazzjonijiet tranżnazzjonali reċiproċi u mhux koerċittivi bejn żewġ kulturi jew aktar, li jinkludu firxa ta' attivitajiet li jitwettqu kemm minn atturi statali kif ukoll mhux statali fl-ispazju tas-soċjetà kulturali u ċivili; billi l-eżiti ġenerali tar-relazzjonijiet kulturali huma konnettività akbar, fehim reċiproku aħjar, aktar relazzjonijiet u relazzjonijiet aktar profondi, tranżazzjonijiet ta' benefiċċju reċiproku u djalogu sostenibbli msaħħaħ bejn stati, popli, atturi mhux statali u kulturi, jiġifieri l-bini ta' soċjetajiet aktar reżiljenti;

R.  billi d-diplomazija kulturali tirrigwarda stati li jikkollaboraw ma' stati oħrajn jew mal-popli tagħhom permezz tal-kultura, b'dominanza tal-perspettiva governattiva u ta' promozzjoni f'direzzjoni waħda aktar milli tal-benefiċċji reċiproċi u l-perspettiva ta' djalogu; billi d-diplomazija kulturali hija influwenzata mill-politika inerenti fil-politika barranija, tagħti kont lill-istituzzjonijiet tal-istat rilevanti u tista' tiġi strumentalizzata biex tappoġġa objettivi ta' politika(21);

S.  billi l-isforzi tal-UE fir-relazzjonijiet kulturali internazzjonali u fid-diplomazija kulturali, li huma komponenti siewja tas-sett ta' għodod diplomatiċi tagħha, għandu jkollhom l-għan li jippromwovu valuri bħas-solidarjetà u l-fraternità, bl-involviment ta' atturi fil-livelli kollha tal-istituzzjonijiet pubbliċi u tas-soċjetà ċivili; billi l-allokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji speċifikament għar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali lil dawn l-atturi żżid b'mod konsiderevoli l-kapaċità tagħhom li jisfruttaw il-potenzjal tagħhom;

T.  billi d-dijaspori ta' pajjiżi terzi fl-UE u d-dijaspori Ewropej f'pajjiżi terzi jistgħu jkunu atturi importanti fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet kulturali bejn l-UE u pajjiżi oħra;

U.  billi l-UE ħolqot sistema speċjali magħrufa bħala l-"eċċezzjoni kulturali" fl-1993 sabiex tipproteġi l-beni u s-servizzi kulturali mir-regoli tal-kummerċ ħieles, peress li l-kultura ma għandhiex titqies bħala komodità kummerċjali u ma għandhiex tkun soġġetta għall-ħtiġijiet tas-suq;

V.  billi l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU jonqsu milli jindirizzaw b'mod espliċitu l-kultura, minkejja li l-kultura hija ben pubbliku globali u kemm dimensjoni trażversali tal-iżvilupp sostenibbli kif ukoll għan fiha nnifisha, kif muri b'mod ċar minn kampanji globali bħal #Culture2030Goal;

W.  billi t-teknoloġiji diġitali jaffettwaw l-aspetti kollha tal-ħajja kulturali, kif ukoll ix-xogħol tal-artisti, tal-ħaddiema kulturali, tal-organizzazzjonijiet u tal-istituzzjonijiet, u jistgħu jgħinuhom jiffaċilitaw l-interazzjoni ma' udjenzi differenti u jiftħu l-aċċess għax-xogħol tagħhom; billi diversi programmi u inizjattivi ta' finanzjament tal-UE qed jappoġġaw it-tranżizzjoni diġitali tas-settur, b'mod partikolari Orizzont Ewropa, Erasmus+, Ewropa Kreattiva u l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida (NEB); billi d-diġitalizzazzjoni għandha potenzjal enormi u biddlet il-modi li bihom l-industriji u s-setturi kulturali u kreattivi joħolqu, jipproduċu u jikkondividu l-kontenut, filwaqt li tat spinta lill-opportunitajiet li jagħtu lok għal tkabbir u żieda fil-parteċipazzjoni kulturali; billi d-diġitalizzazzjoni toħloq ukoll sfidi f'termini ta' diversità, remunerazzjoni ġusta u aċċess għall-kultura, u tapprofondixxi l-inugwaljanzi, inkluż bħala riżultat tan-nuqqas ta' ħiliet diġitali adegwati;

1.  Jirrikonoxxi l-implimentazzjoni kumplessiva sodisfaċenti tal-Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura u tal-komunikazzjoni konġunta bit-titolu "Lejn strateġija tal-UE għar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali"; madankollu, jinnota li l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura enfasizzat xi nuqqasijiet, l-aktar f'termini ta' prijoritajiet; jisħaq li, minkejja l-fatt li ż-żewġ dokumenti rreżistew għall-isfidi maħluqa minn kriżijiet mhux previsti bħall-pandemija tal-COVID-19, il-qafas strateġiku tagħhom jeħtieġ li jiġi aġġornat biex jistabbilixxi l-għanijiet ġenerali tal-politika kulturali tal-UE, kif ukoll l-għodod prattiċi li għandhom jintużaw biex jiġu implimentati, inkluż billi jiġi ċċarat kif il-Pjan ta' Ħidma tal-Kunsill għall-Kultura u l-Istrateġija tal-UE għar-Relazzjonijiet Kulturali Internazzjonali jikkontribwixxu biex l-Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura aġġornata ssir operazzjonali;

2.  Jirrikonoxxi li l-Pjan ta' Ħidma tal-Kunsill għall-Kultura 2023-2026 jirrappreżenta għodda essenzjali għat-tmexxija tal-istrateġiji tal-Istati Membri fl-indirizzar tal-kwistjonijiet li huma rilevanti għall-industriji u għas-setturi kulturali u kreattivi fl-Ewropa; f'dan ir-rigward, f'termini ta' prijoritajiet, il-Pjan ta' Ħidma tal-Kunsill għall-Kultura 2023-2026 għandu jiffoka fuq:

   i. L-irkupru u r-reżiljenza tal-industriji u tas-setturi kulturali u kreattivi, billi tissaħħaħ aktar il-kapaċità tagħhom li jirrispondu għal xokkijiet futuri;
   ii. Il-kultura u s-sostenibbiltà, billi l-kultura titqies bħala mutur tal-iżvilupp sostenibbli, il-benesseri u l-ġustizzja soċjali;
   iii. L-istatus u l-kundizzjonijiet tax-xogħol u soċjali tal-professjonisti kulturali u kreattivi;
   iv. Il-protezzjoni u l-promozzjoni tal-wirt kulturali;
   v. It-tisħiħ u l-iżgurar tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni effettivi tal-istrateġiji tar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali;

3.  Jenfasizza li l-Pjan ta' Ħidma tal-Kunsill 2023-2026 għandu jżid il-kollaborazzjoni fil-politika kulturali u għandu jinkludi oqfsa ta' evalwazzjoni bħala approċċ għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni; jirrimarka li l-metodi ta' ħidma previsti mill-Pjan ta' Ħidma tal-Kunsill għandhom jiġu riveduti bil-ħsieb li jkunu eħfef u aktar effettivi mil-lat proċedurali u li għandu jiġi kkunsidrat l-istabbiliment ta' gruppi ta' ħidma apposta;

4.  Ifakkar li l-Pjan ta' Ħidma tal-Kunsill għall-Kultura 2023-2026 jirrappreżenta opportunità biex isir avvanz lejn politika kulturali aktar komprensiva fil-livell tal-UE; jisħaq li din l-ambizzjoni teħtieġ finanzjament proporzjonat; ifakkar li l-industriji u s-setturi kulturali u kreattivi jirkupraw biss sehem minimu tal-valur ekonomiku li jiġġeneraw u jeħtieġu sorsi ġodda, alternattivi u stabbli ta' finanzjament;

5.  Jilqa' t-tisħiħ tal-programm Ewropa Kreattiva 2021-2027, b'mod partikolari l-irduppjar tal-baġit tiegħu meta mqabbel mal-predeċessur tiegħu, u l-enfasi aktar b'saħħitha fuq id-diversità kulturali, l-inklużjoni, il-mobilità, il-ħolqien tranżnazzjonali u l-kooperazzjoni politika, u d-diġitalizzazzjoni, l-ekoloġizzazzjoni u r-reżiljenza tal-industriji u tas-setturi kulturali u kreattivi; madankollu, jinsab inkwetat ħafna dwar il-fatt li l-programm Ewropa Kreattiva għadu sottofinanzjat b'mod sinifikanti f'termini tal-kisba tal-objettivi tiegħu u li kwalunkwe tnaqqis fil-baġit annwali għall-programm se jikkomprometti serjament l-irkupru tal-industriji u tas-setturi kulturali u kreattivi; jinsisti, għalhekk, fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat livell adegwat ta' finanzjament ta' Ewropa Kreattiva permezz ta' reviżjoni futura tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP);

6.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal offrut mill-finanzjament, mill-programmi u mill-politiki tal-UE ddedikati għall-kultura u s-sinerġiji tagħhom ma' programmi xierqa, b'mod partikolari Orizzont Ewropa, Erasmus+, il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida u oħrajn; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tisfrutta dawn is-sinerġiji, bil-ħsieb li timmassimizza l-effetti pożittivi tagħhom, kemm f'termini ta' sustanza kif ukoll ta' disponibbiltà ta' finanzjament kemm fid-dimensjoni interna kif ukoll f'dik esterna tagħhom; jinsisti li l-kultura u l-wirt kulturali għandhom jiġu integrati b'mod orizzontali fil-politiki kollha tal-UE, speċjalment fil-politiki tat-Tranżizzjoni Ekoloġika u dik Diġitali; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-iżvilupp tal-kultura u tar-riċerka teknika, u jipproteġu l-wirt naturali, storiku u artistiku, anke fl-interess tal-ġenerazzjonijiet futuri;

7.  Jirrikonoxxi li l-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni kulturali ma għandux mekkaniżmi ta' segwitu konkreti u istituzzjonalizzati; jirrakkomanda, għalhekk, l-implimentazzjoni ta' skedi ta' żmien u indikaturi speċifiċi li jistgħu jippermettu azzjonijiet ta' segwitu jew evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-Istati Membri; jappella għall-espansjoni tal-kollaborazzjoni ma' pajjiżi mhux tal-UE fi gruppi MMK, peress li ntwera li din hija ta' benefiċċju;

8.  Jiddispjaċih għall-fatt li r-rapporti prodotti fil-livell tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni għandhom influwenza diretta limitata fuq it-tfassil tal-politika fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali minħabba n-nuqqas ta' tixrid u konnettività xierqa bejn il-pajjiżi parteċipanti u l-ministeri nazzjonali; jirrakkomanda, għalhekk, li jiġu prodotti rapporti b'rakkomandazzjonijiet ta' politika ċari u konkreti, appoġġati minn approċċ ibbażat aktar fuq l-evidenza; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni xxerred informazzjoni, b'mezzi diġitali, dwar is-sejbiet tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni b'mod wiesa' fil-livell nazzjonali u tal-UE fl-akbar numru ta' lingwi possibbli;

9.  Jilqa' t-twaqqif tad-Djalogu Strutturat (SD) tal-Ilħna tal-Kultura, li jipprovdi pjattaforma għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) fis-settur kulturali biex jinvolvu ruħhom mal-Kummissjoni u fil-qafas tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni; jirrikonoxxi li d-djalogu strutturat mas-soċjetà ċivili ffaċilita l-kooperazzjoni, in-networking u l-iskambji transsettorjali; jenfasizza, madankollu, l-interazzjonijiet insuffiċjenti bejn l-MMK u l-pjattaformi ta' djalogu strutturat u għalhekk jinkoraġġixxi skambji aktar frekwenti u sistematiċi bejn il-membri tad-Djalogu Strutturat u l-MMK, kif ukoll parteċipazzjoni usa' biex jiġu inklużi s-sottosetturi kollha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsegwu b'mod regolari r-rakkomandazzjonijiet imressqa fir-rapporti finali, fil-konferenzi, fis-sessjonijiet ta' ħidma u fi kwalunkwe avveniment ieħor organizzat fi ħdan l-istrutturi tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni u tad-Djalogu Strutturat; iħeġġeġ lill-Istati Membri jsegwu dawk ir-rakkomandazzjonijiet b'bidliet konkreti fil-politika u bi pjanijiet ta' azzjoni;

10.  Jilqa' l-Proġett pilota – L-Istabbiliment ta' Hub tal-Wirt Ewropew b'appoġġ għal segwitu olistiku u kosteffettiv tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali; f'konformità mar-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar il-kisba ta' eredità politika effettiva għas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali(22); jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw il-ħolqien ta' aktar sħubijiet mas-setturi privati, pubbliċi u mingħajr skop ta' qligħ għall-preservazzjoni tal-wirt kulturali, f'konformità sħiħa mal-prinċipju tal-addizzjonalità, u jirrieżaminaw u jaġġornaw il-Qafas Ewropew għal Azzjoni dwar il-Wirt Kulturali sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-wirt kulturali fl-Ewropa ta' wara l-pandemija; jisħaq li huwa importanti li wieħed ikompli jibni fuq dan il-legat bir-riżorsi xierqa; itenni l-importanza taċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew bħala proġett li jsaħħaħ l-għarfien dwar l-għeruq kulturali u storiċi tal-UE b'mod innovattiv;

11.  Jistieden lill-Istati Membri japplikaw bis-sħiħ il-prinċipju minqux fl-Artikolu 27 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u jirrikonoxxu d-dritt għall-ħajja kulturali, artistika u xjentifika u d-drittijiet kulturali relatati bħala drittijiet tal-bniedem għal kulħadd, li jippermettu lill-individwi kollha jipparteċipaw fil-ħajja kulturali tal-komunità, igawdu l-arti u jikkondividu l-benefiċċji tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jeliminaw kwalunkwe ostaklu għat-tgawdija ta' tali drittijiet, inklużi iżda mhux limitati għal, ostakli marbuta mal-karatteristiċi soċjoekonomiċi, l-introjtu, u l-aċċessibbiltà fiżika, u jiżguraw il-kundizzjonijiet meħtieġa biex kulħadd jinvolvi ruħu liberament f'attivitajiet kulturali;

12.  Jinsisti li l-libertà tal-espressjoni artistika hija komponent ewlieni tal-kreattività u tal-produzzjoni kulturali, peress li tiżgura li x-xogħlijiet artistiċi jirriflettu d-diversità u r-rikkezza tas-soċjetajiet tagħna, u għalhekk trid tibqa' garantita għall-kreaturi kollha; jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-libertà tal-espressjoni artistika bħala indikatur awtonomu tar-rispett għall-istat tad-dritt fir-rapporti annwali tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jesploraw mogħdijiet konkreti biex jiddefendu l-libertà tal-espressjoni artistika tal-artisti f'riskju, speċjalment b'konsegwenza tal-gwerer u tal-instabbiltà ġeopolitika;

13.  Jafferma mill-ġdid l-impenn qawwi tiegħu favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u japprova l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri bħala wieħed mill-approċċi ta' politika uffiċjali tiegħu biex jiżgura l-ugwaljanza; itenni r-rwol li l-kultura jista' jkollha fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri kif ukoll fl-emanċipazzjoni ekonomika u kulturali tan-nisa u tal-minoranzi tal-ġeneru; jistieden lill-Kummissjoni tmur lil hinn mill-proposta tagħha biex tintroduċi kriterji tal-għażla li jippremjaw proġetti li jiggarantixxu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-organizzazzjoni tagħhom, tintroduċi mekkaniżmi ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni biex tinkiseb biżżejjed data dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fost il-benefiċjarji tal-programmi Ewropej differenti, u miżuri possibbli ta' titjib; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess għall-industriji u għas-setturi kulturali u kreattivi, inkluż għall-intraprenditorija, għan-nisa u għall-minoranzi tal-ġeneru;

14.  Jisħaq li l-ġbir tad-data għandu jitqies bħala prijorità trażversali ewlenija fil-Pjan ta' Ħidma tal-Kunsill għall-Kultura 2023-2026; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jaħdmu aktar fuq il-ġbir ta' data aġġornata u komparabbli dwar il-kultura, inkluż permezz tal-immappjar u l-valutazzjoni komparattiva ta' prattiki tajba u bl-involviment strutturali ta' esperti, partijiet ikkonċernati u awtoritajiet pubbliċi u l-udjenza, mhux biss mis-settur kulturali, iżda wkoll mis-setturi kollha tal-ekonomija;

15.  Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' monitoraġġ u evalwazzjoni aktar rigorużi tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet kollha fil-qafas tal-Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura u l-komunikazzjoni konġunta tal-2016 bit-titolu "Lejn strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali", kemm fil-livell strateġiku kif ukoll f'dak tal-proġett, abbażi ta' miri kwantitattivi kif ukoll kwalitattivi, u għal rappurtar sistematiku ta' standard għoli; jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa aktar indikaturi u perspettiva usa' dwar l-evalwazzjoni tar-riżultati tal-proġetti, filwaqt li tqis ukoll l-eżiti kwalitattivi bħall-bini tal-komunità u t-tagħlimiet meħuda minn proġetti li ma tkomplewx; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw is-sostenibbiltà tal-proġetti u tal-inizjattivi kulturali ffinanzjati mill-UE matul iż-żmien;

Id-dimensjoni soċjali

16.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu u jinvestu kemm fil-parteċipazzjoni attiva kif ukoll f'dik passiva tal-persuni f'attivitajiet kulturali u artistiċi, mhux biss permezz ta' kampanji ta' komunikazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni, iżda wkoll u b'mod predominanti permezz ta' miżuri ta' politika koerenti, komprensivi u inklużivi u inċentivi biex jiġu identifikati u jitneħħew l-ostakli amministrattivi, finanzjarji u lingwistiċi għall-parteċipazzjoni, inklużi dawk relatati mal-karatteristiċi soċjoekonomiċi, l-introjtu u l-aċċessibbiltà fiżika, u għal gruppi emarġinati, żvantaġġati u vulnerabbli, b'enfasi partikolari fuq żoni suburbani, rurali u iżolati, kif ukoll żoni f'riskju ta' depopolazzjoni;

17.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-attivitajiet kulturali u artistiċi eżistenti u jipprovdu aktar opportunitajiet għal parteċipazzjoni attiva, iżidu l-kapaċità li jintlaħqu udjenzi ġodda, jintegraw l-objettivi ta' parteċipazzjoni kulturali fit-tfassil tal-politika lil hinn mill-politika kulturali, u jadottaw approċċ tad-drittijiet kulturali li jitbiegħed minn enfasi dejqa fuq l-aċċess għal parteċipazzjoni sinifikanti, filwaqt li ħadd ma jitħalla jibqa' lura;

18.  Jiddispjaċih għall-fatt li l-aħħar data disponibbli miġbura mill-Eurostat dwar il-parteċipazzjoni kulturali tmur lura għall-2015; minħabba l-bidla drastika li għaddew minnha l-industriji u s-setturi kulturali u kreattivi minn dak iż-żmien 'l hawn, b'mod partikolari b'riżultat tal-pandemija tal-COVID-19 kif ukoll tal-iżviluppi teknoloġiċi innovattivi, jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi stħarriġ tal-Eurostat dwar il-parteċipazzjoni kulturali u x-xejriet fl-UE, li jiġbor u janalizza data statistika fi skali territorjali differenti (nazzjonali, reġjonali, eċċ.), b'attenzjoni speċjali għall-parteċipazzjoni f'żoni suburbani, rurali u periferiċi u fi ħdan komunitajiet soċjoekonomiċi emarġinati u gruppi żvantaġġati u vulnerabbli;

19.  Jirrikonoxxi l-ħidma mwettqa mill-Kummissjoni biex tisfrutta s-setgħa tal-kultura u tad-diversità kulturali għall-koeżjoni soċjali, il-benesseri u l-parteċipazzjoni, u għat-tisħiħ taċ-ċittadinanza ġenerali, l-għarfien tad-drittijiet u l-valuri tal-UE, u d-demokrazija; jenfasizza r-rwol tal-kultura fi żminijiet ta' kriżi u jitlob li ssir valutazzjoni ta' liema strateġiji u politiki kulturali wrew li kienu effettivi u ħallew impatt pożittiv fuq l-inklużjoni soċjali, l-opportunitajiet ta' impjieg u l-iżvilupp ekonomiku; jirrakkomanda li titkompla l-ħidma għal dan il-għan, u abbażi tal-eżiti u tat-tagħlimiet meħuda mill-proġetti u mis-sessjonijiet ta' ħidma rilevanti kollha, bħas-sessjoni ta' ħidma għall-esperti tal-Istati Membri tal-UE dwar il-kultura għall-koeżjoni soċjali li sar f'Novembru 2020, u mill-Karta ta' Porto Santo dwar id-demokrazija kulturali;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-inklużjoni tal-gruppi l-aktar emarġinati u sottorappreżentati fl-attivitajiet u fl-inizjattivi kulturali, mhux biss bħala riċevituri passivi iżda wkoll bħala dawk involuti b'mod attiv fil-kreazzjoni ta' dawn l-attivitajiet, filwaqt li jrawmu sens ta' appartenenza komuni u futur kondiviż fost in-nies kollha; jilqa', f'dan ir-rigward, it-tnedija ta' studju indipendenti intitolat "The importance of citizens' participation in culture for civic engagement and democracy – policy lessons from international research" (L-importanza tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-kultura għall-involviment ċiviku u d-demokrazija – tagħlimiet ta' politika mir-riċerka internazzjonali), u jistenna bil-ħerqa l-pubblikazzjoni tiegħu f'Novembru 2022; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkondividi r-riżultati tal-istudju u tieħu l-azzjonijiet ta' segwitu xierqa;

21.  Jissottolinja l-importanza ta' programmi kulturali fl-integrazzjoni tar-rifuġjati u l-migranti fis-soċjetajiet Ewropej, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jippromwovu l-azzjonijiet previsti fl-Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura – L-integrazzjoni tar-rifuġjati u migranti oħra;

22.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrikonoxxu r-rwol tal-arti u tal-kultura fil-promozzjoni ta' stil ta' ħajja tajjeb għas-saħħa, tas-saħħa mentali u tal-benesseri tal-individwu u tas-soċjetà; jisħaq fuq l-importanza ta' inizjattivi kulturali u artistiċi mmirati lejn it-titjib tas-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tal-persuni b'diżabilità; jesprimi dispjaċir għall-ħsara kkawżata mill-interruzzjoni ta' tali attivitajiet matul il-pandemija tal-COVID-19; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jinkludu l-arti u l-kultura bħala parti minn miżuri sħaħ ta' appoġġ psikosoċjali għall-gruppi u għall-komunitajiet l-aktar vulnerabbli u żvantaġġati;

23.  Jissottolinja l-importanza fundamentali tal-kultura għall-iżvilupp ta' identitajiet u ta' espressjoni individwali, b'mod partikolari għal dawk li spiss ikunu vittmi ta' diskriminazzjoni, pereżempju n-nisa, minoranzi etniċi u minoranzi oħra, persuni b'diżabilità u membri tal-komunità LGBTIQ+, kif ukoll għall-iżvilupp ta' fehim tas-soċjetà u tal-kompetenzi interkulturali, li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-mibegħda u r-razziżmu, u għall-bini ta' soċjetajiet paċifiċi;

24.  Jenfasizza l-importanza tal-kultura għall-edukazzjoni tul il-ħajja ta' persuni ta' kull età; jesprimi tħassib dwar ir-restrizzjoni komuni tal-kurrikuli tal-iskejjel, li għandhom it-tendenza li jirrelegaw l-arti u d-dixxiplini artistiċi għal pożizzjoni aktar marġinali meta mqabbla ma' suġġetti oħra; ifakkar fl-importanza ta' kurrikuli skolastiċi komprensivi u strutturati tajjeb, li jinkludu l-arti u d-dixxiplini artistiċi, bl-għan li jissaħħu r-responsabbiltà u l-kapaċità tal-individwu li jinvolvi ruħu f'attivitajiet kulturali, u jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu promossi l-ħiliet rilevanti; iħeġġeġ lill-Istati Membri, għalhekk, jallokaw ir-riżorsi finanzjarji u umani xierqa u l-inċentivi għall-arti u d-dixxiplini artistiċi bħala attivitajiet kurrikulari kif ukoll ekstrakurrikulari fl-istadji kollha tal-edukazzjoni, u billi jħarrġu lill-edukaturi dwar l-importanza u s-setgħa tal-kultura għas-soċjetà u għall-benesseri ġenerali; f'dan il-kuntest, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tmur lil hinn minn "approċċ STEM" u minflok tadotta bis-sħiħ "approċċ STEAM" (Xjenzi, Teknoloġiji, Inġinerija, Arti u Matematika);

25.  B'mod parallel mal-ħidma dwar il-professjonalizzazzjoni kontinwa tal-industriji u tas-setturi kulturali u kreattivi, jitlob li jiġu żviluppati strateġiji biex jappoġġaw il-ħafna artisti dilettanti fl-Ewropa;

26.  Ifakkar li l-mobilità transfruntiera tibqa' komponent essenzjali tal-karrieri tal-artisti u tal-ħaddiema kulturali, inkluż għall-artisti u għall-ħaddiema kulturali li huma ċittadini ta' pajjiżi terzi; jisħaq fuq l-importanza, għalhekk, tar-rikonoxximent reċiproku u tal-portabbiltà transfruntiera tal-kompetenzi artistiċi u tal-ħiliet u tal-kwalifiki kreattivi sabiex dan jiġi ffaċilitat; ifakkar li l-istrumenti ta' finanzjament li jappoġġaw u jżidu l-opportunitajiet għall-mobilità internazzjonali għandhom irawmu wkoll il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-artisti u tal-professjonisti kulturali, u jistimulaw kemm jista' jkun mobilità ambjentalment u soċjalment sostenibbli;

27.  Jisħaq fuq l-importanza tal-mobilità għall-istudenti u għall-professjonisti żgħażagħ fl-industriji u fis-setturi kulturali u kreattivi biex tkun possibbli edukazzjoni usa' u aktar diversifikata, li tipprovdi prospetti ta' karriera aktar konkreti u attraenti u li tippreżenta firxa wiesgħa u diversa ta' attivitajiet kulturali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw opportunitajiet ta' mobilità aħjar għal dan il-għan, inkluż permezz ta' Erasmus+ u inizjattivi Ewropej u nazzjonali oħra;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni, filwaqt li tibni fuq is-suċċess ta' "DiscoverEU", l-inizjattiva Interrail bla ħlas għaż-żgħażagħ, tikkunsidra li toħloq azzjoni fil-qafas tal-programm Erasmus+ sabiex iż-żgħażagħ Ewropej ikunu jistgħu jiksbu voucher tal-ivvjaġġar biex iżuru u jiskopru r-Rotot tal-Camino de Santiago u Rotot Kulturali Ewropej oħra;

29.  Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar l-impenji espressi permezz tar-ratifika mill-UE tal-Konvenzjoni tal-Unesco tal-2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali, relatati, b'mod partikolari, mal-iskambji ta' mobilità u l-iffaċilitar tal-ivvjaġġar lejn l-Istati Membri f'konformità mat-trattament preferenzjali tal-artisti u tal-professjonisti u ta' prattikanti kulturali oħra, kif ukoll ta' prodotti u servizzi kulturali minn pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi modi biex tiffaċilita l-mobilità tal-ħaddiema kulturali minn pajjiżi terzi, b'mod partikolari dawk li ġejjin min-Nofsinhar Globali, permezz tal-oqfsa istituzzjonali u legali xierqa, inkluża l-faċilitazzjoni tal-viżi;

30.  Jilqa' l-istabbiliment tal-iskema ta' mobilità "Culture Moves Europe" għall-professjonisti fl-industriji u fis-setturi kulturali u kreattivi fl-ambitu ta' Ewropa Kreattiva; jissottolinja li din l-iskema se tkun tista' tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha jekk tkun appoġġata minn baġit adegwat fil-futur u jekk tkun tista' tilħaq udjenza usa'; jiddispjaċih, madankollu, li għadhom jeżistu ostakli amministrattivi, finanzjarji u lingwistiċi għall-mobilità u jitlob li din l-iskema tneħħi l-ostakli strutturali li jippersistu għall-mobilità artistika u kulturali; jappella għall-promozzjoni ta' approċċi transfruntiera għall-kultura u tat-tfittxija għal sħab għall-ħolqien ta' programmi ewlenin Ewropej u internazzjonali ta' koproduzzjonijiet u ta' residenza kulturali, bl-objettiv li titrawwem il-mobilità tal-artisti u tal-kreaturi billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-atturi kollha involuti u l-iskambji tal-aħjar prattiki, inkluż ma' pajjiżi mhux tal-UE;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom biex jipprovdu informazzjoni ta' kwalità dwar il-programmi ta' mobilità u skambju għall-artisti u għall-professjonisti u għal prattikanti kulturali oħra, kif ukoll appoġġ materjali biex jiġu indirizzati t-tipi kollha ta' ostakli għall-mobilità fl-industriji u fis-setturi kulturali u kreattivi, inklużi ostakli amministrattivi, finanzjarji u lingwistiċi, kif ukoll ostakli marbuta mad-diżabilità;

Id-dimensjoni ekonomika

32.  Iqis li l-ħaddiema fl-industriji u fis-setturi kulturali u kreattivi, wara li ntlaqtu serjament mill-pandemija tal-COVID-19, jeħtiġilhom jibbenefikaw minn irkupru Ewropew ġenwin u mmirat, b'mod partikolari minħabba l-fatt li dan is-settur huwa magħmul l-aktar minn individwi kif ukoll minn organizzazzjonijiet żgħar u mikro u kumpaniji li jaħdmu abbażi ta' skemi ta' impjieg atipiċi, part-time jew ibbażati fuq proġetti u jiddependu minn introjtu irregolari u nuqqas ta' prevedibbiltà finanzjarja fit-tul; jistieden lill-Istati Membri jiddedikaw 2 % tal-baġits tagħhom għall-kultura, kif talab il-Parlament f'ħafna okkażjonijiet;

33.  Jilqa' l-appoġġ tal-Kummissjoni lill-Istati Membri fl-iżgurar ta' remunerazzjoni ġusta u fit-titjib tal-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi għall-artisti u għall-kreaturi permezz ta' djalogi ġenerali u speċifiċi għas-settur; jissottolinja li, minbarra l-miżuri li jappoġġaw l-irkupru ekonomiku tal-industriji u tas-setturi kulturali u kreattivi, l-appoġġ mill-RRF għandu jintuża b'mod partikolari biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, it-taħriġ u t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-professjonisti fl-industriji u fis-setturi kulturali u kreattivi sabiex jinżamm il-pass mal-bidliet strutturali li għaddejjin f'dawn is-setturi;

34.  Ifakkar, madankollu, li l-eteroġeneità tal-investimenti pubbliċi twassal biex l-industriji u s-setturi kulturali u kreattivi jirkupraw b'veloċitajiet differenti, u b'hekk tikkawża aktar disparitajiet fi ħdan l-ekosistema kulturali tal-UE, li teħtieġ struttura u finanzjament stabbli u affidabbli, u fl-aħħar mill-aħħar thedded id-diversità kulturali tal-Ewropa; jissottolinja li l-irkupru tal-industriji u tas-setturi kulturali u kreattivi jeħtieġ li jqis l-isforzi kontinwi lejn aktar sostenibbiltà u diġitalizzazzjoni, kif ukoll itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tar-remunerazzjoni tal-ħaddiema fl-industriji u fis-setturi kulturali u kreattivi sabiex jingħelbu l-problemi strutturali li diġà kienu jeżistu qabel il-pandemija tal-COVID-19;

35.  Ifakkar lill-Kummissjoni fl-appelli ripetuti tal-Parlament biex jiġi propost Status Ewropew tal-Artist, li jistabbilixxi qafas komuni għal kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati, ġusti u trasparenti u standards minimi komuni għall-pajjiżi kollha tal-UE, inkluża remunerazzjoni ġusta, b'rispett sħiħ għar-responsabbiltajiet tal-Istati Membri u tal-UE fir-rigward tas-suq tax-xogħol u tal-politika kulturali, sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi tal-ħaddiema kollha tal-industriji u tas-setturi kulturali u kreattivi fl-Istati Membri kollha u biex jiġu żgurati l-kundizzjonijiet sottostanti li de facto jiggarantixxu kreattività ġenwina u libertà tal-espressjoni; jistenna bil-ħerqa l-pubblikazzjoni tar-rapport rilevanti tal-MMK, mistenni sa nofs l-2023; jitlob li l-kontribut tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetajiet ċivili rilevanti, inklużi s-sħab soċjali, dwar kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni soċjali, jitqies kif xieraq bil-ħsieb li jiġi żgurat segwitu xieraq dwar din il-kwistjoni;

36.  Barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jimplimentaw id-Direttiva (UE) 2019/790 dwar id-drittijiet tal-awtur fis-suq uniku diġitali(23), u jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jittrasponu d-Direttiva fil-liġijiet nazzjonali tagħhom, filwaqt li jiggarantixxu remunerazzjoni ġusta, xierqa u proporzjonata tal-awturi u tal-artisti; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-isforzi tat-traspożizzjoni u tal-implimentazzjoni;

37.  Jinnota b'dispjaċir li l-proċeduri biex japplikaw għal finanzjament tal-UE, inklużi dawk għall-programm Ewropa Kreattiva, spiss għadhom wisq kumplikati u joħolqu ostakli bla bżonn għall-benefiċjarji potenzjali kollha, speċjalment għall-organizzazzjonijiet żgħar u mikro fl-industriji u fis-setturi kulturali u kreattivi, li l-kapaċitajiet amministrattivi tagħhom huma limitati, u li dan japplika għall-organizzazzjonijiet kemm fl-Ewropa kif ukoll f'pajjiżi terzi; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni taħdem lejn sensibilizzazzjoni akbar dwar id-diversi possibbiltajiet ta' finanzjament u tkompli tissimplifika dawn il-proċeduri biex tippermetti li grupp u varjetà usa' ta' organizzazzjonijiet, inklużi organizzazzjonijiet żgħar u ta' daqs medju fl-aktar żoni żvantaġġati, ikollhom aċċess għall-finanzjament tal-UE;

38.  Jitlob lill-Kummissjoni timplimenta l-prinċipju tal-multilingwiżmu u d-diversità kulturali meta tissimplifika dawn il-proċeduri, tippermetti applikazzjonijiet f'lingwi addizzjonali, billi tibda bil-lingwi Ewropej, sabiex tippermetti opportunità ġusta lill-organizzazzjonijiet u lill-individwi li ma għandhomx il-kapaċità jew il-mezzi biex jiżguraw it-traduzzjoni għall-Ingliż;

39.  Jilqa' l-istabbiliment reċenti ta' "finanzjament kaskata" bħala mezz biex jintlaħqu aħjar il-benefiċjarji kollha, speċjalment l-individwi u l-organizzazzjonijiet żgħar u ta' daqs medju; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa skemi bħal dawn fil-programmi kollha ta' rilevanza għall-industriji u għas-setturi kulturali u kreattivi; jagħti parir lill-Kummissjoni biex tikkunsidra, meta tistabbilixxi skemi bħal dawn li jinvolvu organizzazzjonijiet intermedjarji, il-kwistjonijiet ta' kunflitti ta' interess potenzjali bejn l-intermedjarju u r-riċevituri finali, il-kostijiet tal-overheads għall-intermedjarji fil-loġistika u l-amministrazzjoni tal-għotjiet, u l-kriterji għall-għażla u l-evalwazzjonijiet finali tal-għotjiet;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-politiki u l-inizjattivi kulturali tal-UE u dawk nazzjonali jkunu appoġġati minn finanzjament suffiċjenti, aċċess aktar faċli għall-kreditu, u kapaċitajiet, b'mod partikolari fi żminijiet ta' tbatija ekonomika severa, sabiex jgħaddu minn approċċ ta' ġestjoni tal-kriżijiet u minflok jadottaw strateġija fit-tul għall-politiki kulturali;

41.  Ifakkar fl-għan ewlieni tal-Kummissjoni li takkumpanja l-iżvilupp ta' sħubijiet kreattivi bejn is-settur kulturali u setturi oħrajn;

42.  Jenfasizza s-suċċess tal-inizjattiva Kapitali Ewropej tal-Kultura rigward l-iżvilupp ta' bliet u reġjuni madwar l-UE u f'pajjiżi assoċjati; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' finanzjament addizzjonali għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura, peress li l-pandemija tal-COVID-19, u sitwazzjoni ta' inflazzjoni dejjem tiżdied eżatt warajha, aggravaw b'mod sinifikanti l-kundizzjonijiet ta' qafas għall-implimentazzjoni tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura; jilqa' l-Monitoraġġ tal-Bliet Kulturali u Kreattivi tal-Kummissjoni, żviluppat miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, li jikkontribwixxi għall-valutazzjoni oġġettiva tal-assi kulturali u naturali tar-reġjuni u l-bliet, abbażi tar-rabta bejn il-kultura u t-turiżmu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi l-proġett ta' politika tal-Ispazji u l-Bliet Kulturali u Kreattivi, biex tippromwovi l-parteċipazzjoni kulturali u r-riġenerazzjoni soċjali u urbana;

43.  Jagħti parir lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jibnu fuq ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-MMK dwar it-Turiżmu Kulturali Sostenibbli biex jiġi żgurat li jinkiseb bilanċ korrett bejn is-salvagwardja u l-konservazzjoni tal-wirt kulturali minn naħa waħda, u t-titjib tal-aċċess għall-viżitaturi u għall-faċilitajiet min-naħa l-oħra; fl-istess ħin, iħeġġeġ lill-Istati Membri jibqgħu viġilanti dwar ir-riskji tat-turiżmu tal-massa għall-wirt kulturali kif ukoll għall-ekosistemi naturali, u jenfasizza l-ħtieġa li jinstab bilanċ bejn it-tkabbir u l-iżvilupp tas-settur tat-turiżmu fil-bliet li huma destinazzjonijiet artistiċi u turistiċi, u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini li jgħixu hemmhekk b'mod permanenti;

44.  Jirrikonoxxi l-kontribut importanti tal-inizjattiva tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida (NEB) bħala inizjattiva kreattiva u interdixxiplinari u transdixxiplinari li għandha l-għan li tilħaq il-miri tal-Patt Ekoloġiku l-Ġdid tal-UE billi tgħaqqad id-dinja tax-xjenza, tat-teknoloġija, tal-arti u tal-kultura, u tintegra s-sostenibbiltà ambjentali fil-politiki kollha tal-UE; ifakkar li din l-inizjattiva għandha tkun ibbażata fuq l-innovazzjoni fil-livelli kollha u l-parteċipazzjoni attiva u l-involviment sinifikanti tan-nies kollha, inkluż minn sfondi soċjalment żvantaġġati, u l-komunitajiet lokali; jisħaq li l-Pjan ta' Ħidma l-ġdid tal-Kunsill għall-Kultura għandu jirrifletti r-rilevanza tal-inizjattiva tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, inkluża d-dimensjoni esterna tagħha, b'riżultati abbażi ta' miri ċari; jistieden għal darb' oħra lill-Kummissjoni tippreżenta proposta malajr kemm jista' jkun biex l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida ssir programm tal-UE awtonomu ġdid u li jkun għadu kemm ġie ffinanzjat fi ħdan il-QFP li jmiss;

45.  Jenfasizza l-kontribut immens li jagħtu l-arti u l-kultura biex titqajjem kuxjenza dwar kwistjonijiet ambjentali, tal-klima u dwar is-sostenibbiltà u dwar id-dimensjoni soċjali tagħhom, u biex jispiraw bidla pożittiva fl-imġiba; ifakkar b'mod partikolari li l-għarfien tradizzjonali, li jikkostitwixxi parti mill-wirt kulturali, huwa essenzjali għat-tisħiħ tal-isforzi ta' mitigazzjoni u ta' adattament għat-tibdil fil-klima; għal dan il-għan, iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem aktar mill-qrib mal-Istati Membri u mas-soċjetà ċivili u mal-organizzazzjonijiet nazzjonali u lokali biex tqajjem kuxjenza dwar dan is-suġġett fost iċ-ċittadini u tipprovdi finanzjament speċifiku għal tali inizjattivi kulturali permezz ta' sinerġiji ma' programmi, fondi u politiki oħra tal-UE ddedikati;

46.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri biex ifasslu l-programmi kulturali tagħhom f'konformità mal-prinċipji ta' sostenibbiltà ambjentali u tal-ġlieda kontra l-kriżi klimatika, u jivvalutaw l-impatt ambjentali tal-proġetti kollha ffinanzjati mill-UE tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tagħhom; jirrakkomanda li l-partijiet ikkonċernati u l-benefiċjarji tal-finanzjament tal-UE jfittxu l-metodi u l-approċċi li l-aktar ikunu favur l-ambjent fit-tfassil, l-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-proġetti tagħhom;

47.  Jilqa' r-rapport tal-MMK dwar "Strengthening cultural heritage resilience for climate change – where the European Green Deal meets cultural heritage" (It-tisħiħ tar-reżiljenza tal-wirt kulturali għat-tibdil fil-klima – il-punt li fih jiltaqgħu l-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-wirt kulturali" u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsegwu b'mod attiv ir-rakkomandazzjonijiet u jagħmlu użu mill-eżempji ta' prattika tajba;

48.  Jirrimarka li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-kwistjonijiet ta' sostenibbiltà matul ir-restawr tal-wirt kulturali u tal-bini tradizzjonali; jirrikonoxxi l-potenzjal tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida fil-kontribut għall-protezzjoni u r-restawr tal-bliet u tal-wirt kulturali tagħhom fil-każ ta' diżastri kkawżati minn perikli naturali u perikli kkawżati mill-bniedem; jenfasizza l-ħtieġa għal aktar skambji tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri, kif ukoll ma' pajjiżi terzi, dwar il-protezzjoni, il-konservazzjoni u r-restawr tal-wirt kulturali, inklużi miżuri innovattivi biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika tal-bini eżistenti, filwaqt li dejjem jiġu ppreservati l-interess arkitettoniku jew il-karattru storiku tiegħu, filwaqt li jitqiesu b'mod speċjali l-awtentiċità u l-kwalità tar-riżultat aħħari tar-restawr sabiex jiġi evitat li jiġu affettwati l-integrità fiżika, il-koerenza arkitettonika, il-karattru storiku jew il-valur ta' bini storiku jew artistiku jew ta' ċentri storiċi, f'konformità mar-regoli nazzjonali rilevanti dwar il-konservazzjoni u l-Karta ta' Venezja tal-1964 għall-Konservazzjoni u r-Restawr tal-Monumenti u s-Siti;

49.  Ifakkar fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jistabbilixxi li l-UE għandha tiżgura li jitħares u jiġi żviluppat il-wirt kulturali Ewropew; jinsisti fuq il-fatt li ż-żamma tal-livell meħtieġ ta' protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent ma tmurx kontra l-preservazzjoni tal-wirt Ewropew; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-rapport intitolat "Strengthening cultural heritage resilience for climate change" (It-tisħiħ tar-reżiljenza tal-wirt kulturali għat-tibdil fil-klima) tal-esperti tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, ippubblikat fl-2022, jgħid b'mod ċar li l-kriżi klimatika ma tistax tissolva bi kriżi tal-wirt kulturali; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tqis dawn il-kunsiderazzjoniijiet hija u tiddeċiedi dwar l-inklużjoni ta' sustanzi soġġetti għall-awtorizzazzjoni elenkati fl-Anness XIV tar-Regolament dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH), meta tali sustanzi jkunu neċessarji għar-restawr tal-wirt kulturali; jitlob lill-Kummissjoni, f'każijiet bħal dawn, tivvaluta bir-reqqa l-benefiċċji soċjoekonomiċi li jirriżultaw mill-użu ta' tali sustanzi meta mqabbel mar-riskju li joħolqu għal saħħet il-bniedem jew għall-ambjent, biex b'hekk iż-żewġ interessi jiġu ppreservati b'mod adegwat; jitlobha tqis ukoll l-eżistenza ta' sustanzi jew teknoloġiji alternattivi idonei, f'konformità mal-Artikoli 60 u 58(2) (u ma' artikoli rilevanti oħra) tar-Regolament REACH; jisħaq fuq il-fatt li s-settur relatat mal-wirt ħa azzjonijiet eżemplari f'termini ta' rekwiżiti ġuridiċi biex jipproteġi lill-artiġjani u lill-artisti li jwettqu l-attivitajiet professjonali tagħhom; jitlob li jkun hemm eżenzjonijiet u derogi għas-settur kulturali u għall-attivitajiet relatati mal-wirt kulturali mir-regolament imsemmi hawn fuq, meta jkun il-każ, bil-għan li jiġu evitati l-għeluq jew id-delokalizzazzjoni ta' ħafna intrapriżi tal-artiġjanat u kwalunkwe impatt negattiv fuq ir-restawr, il-manutenzjoni u l-konservazzjoni tal-wirt vast tal-UE; jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej jikkonsultaw u jinvolvu lis-settur tal-wirt fid-diskussjonijiet preliminari kollha relatati mal-bidliet regolatorji jew leġiżlattivi b'impatt dirett fuq l-attivitajiet tagħhom;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jsaħħu l-kooperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa, inkluż fir-rigward tar-Rotot Kulturali, bl-għan li jippromwovu l-valuri fundamentali tad-diversità kulturali, id-djalogu interkulturali u l-iżvilupp territorjali sostenibbli ta' destinazzjonijiet inqas magħrufa, filwaqt li jippreservaw, jipproteġu u jirriabilitaw il-wirt kulturali u naturali ta' dawn is-siti;

51.  Jirrikonoxxi d-diġitalizzazzjoni bħala mezz kif jiġu massimizzati l-benefiċċji possibbli mill-wirt kulturali; jisħaq fuq l-isfidi imposti mid-diġitalizzazzjoni fuq l-industriji u s-setturi kulturali u kreattivi u l-ħtieġa tagħhom li kontinwament jikkunsidraw mill-ġdid u jsawru mill-ġdid il-mudelli tan-negozju, kif ukoll għat-taħriġ mill-ġdid tal-impjegati tal-industriji u s-setturi kulturali u kreattivi; jenfasizza l-importanza ta' finanzjament garantit għad-diġitalizzazzjoni sostenibbli, għall-preservazzjoni u għad-disponibbiltà online ta' kontenut kulturali u kreattiv u tal-wirt kulturali Ewropew tagħna; ifakkar fl-importanza tal-investiment fil-litteriżmu diġitali għal kulħadd, inkluż bħala mezz biex wieħed igawdi l-kultura;

52.  Meta tiġi indirizzata d-diġitalizzazzjoni tal-wirt kulturali, jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikunu konxji tal-iżviluppi relatati mal-metavers, billi jippreservaw il-wirt kulturali Ewropew meta jkun replikat virtwalment jew traspost b'xi mod fil-metavers;

53.  Jinnota b'mod partikolari l-kontribut pożittiv tal-Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali tal-UE u tal-Laboratorji tal-Innovazzjoni Kreattiva, li jappoġġaw lill-industriji u lis-setturi kulturali u kreattivi Ewropej fil-kapaċità tal-innovazzjoni tagħhom fl-oqsma diġitali u awdjoviżivi;

54.  Jilqa' l-inklużjoni tal-cluster "Kultura, Kreattività u Soċjetà Inklużiva" fi ħdan Orizzont Ewropa u ż-żieda fis-sejħiet għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-wirt kulturali u l-industriji u s-setturi kulturali u kreattivi, u jilqa' t-tnedija reċenti tal-Komunità ta' Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI) dwar il-Kultura u l-Kreattività tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) il-ġdid; jistenna bil-ħerqa r-riżultati ta' dawn is-sejħiet għal proposti, b'mod partikolari l-kontribut li r-riċerka u l-innovazzjoni jistgħu joffru għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali Ewropej (ICR);

55.  Jirrikonoxxi l-importanza kbira tal-assi intanġibbli u l-industriji intensivi tal-proprjetà intellettwali (PI) għat-tkabbir ekonomiku tal-UE kif ukoll għar-reżiljenza u l-viżibbiltà kulturali tagħha, filwaqt li jenfasizza r-rwol kruċjali li l-PI diġà għandha fit-trasformazzjoni diġitali tal-Ewropa; jissottolinja l-ħtieġa li tissaħħaħ b'mod suffiċjenti l-protezzjoni legali għal dawn l-assi u l-industriji biex il-kreaturi ta' xogħlijiet kulturali u kreattivi jkunu jistgħu jibbenefikaw mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħhom (DPI); jitlob lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tipproteġi l-proprjetà intellettwali tax-xenarju Ewropew diġitalizzat;

56.  Jiddispjaċih dwar l-għajbien gradwali ta' materjal kulturali f'forma stampata u r-riperkussjonijiet ta' din it-tendenza fuq is-settur tal-pubblikazzjoni, b'mod partikolari fuq id-djar tal-pubblikazzjoni u l-ħwienet tal-kotba żgħar u ta' daqs medju;

Id-dimensjoni esterna u r-relazzjonijiet kulturali internazzjonali

57.  Iqis li l-kultura u d-djalogu interkulturali joffru kontribut ewlieni għat-trawwim ta' fehim reċiproku fi ħdan soċjetà u bejn soċjetajiet differenti, u għar-restawr tal-komunikazzjoni lil hinn mill-konfini lingwistiċi fix-xena internazzjonali f'kuntesti globali diffiċli, filwaqt li juru l-valur tad-diversità kulturali u tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll jirrispettawhom u jappoġġawhom; jenfasizza r-rwol tal-UE fil-promozzjoni ta' djalogu kontinwu dwar il-politiki kulturali bejn l-Istati Membri tagħha u pajjiżi terzi, u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw finanzjament adegwat b'riżultat ta' dan, sabiex tissaħħaħ il-kapaċità internazzjonali tal-UE fil-qasam tal-kultura u biex l-industriji u s-setturi kulturali u kreattivi Ewropej, inklużi organizzazzjonijiet u artisti iżgħar, ikunu jistgħu jsiru attivi internazzjonalment;

58.  Jikkundanna l-użu tal-kultura, inkluż permezz tal-istituzzjonijiet kulturali u edukattivi tagħhom, minn gvernijiet awtoritarji b'mod partikolari, dawk li jippruvaw jiddefinixxu mill-ġdid ir-regoli u l-valuri internazzjonali billi jisfidaw l-universalità tagħhom u jeżerċitaw l-influwenza politika tagħhom bi ksur tal-libertà artistika u akkademika;

59.  Jenfasizza l-potenzjal tar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali tal-UE fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni f'pajjiżi terzi u tal-interferenza barranija fil-konfront tal-UE, u n-narrattivi ostili kontra l-UE f'reġimi illiberali u awtoritarji; jistieden lis-SEAE janalizza l-prevalenza u l-influwenza ta' atturi statali malizzjużi fir-relazzjonijiet kulturali internazzjonali Ewropej li fihom hija involuta l-UE;

60.  Jirrimarka d-differenza f'termini ta' proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet, it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi, u l-filosofija ġenerali bejn ir-"relazzjonijiet kulturali tal-UE" u d-"diplomazija kulturali tal-UE"; jissottolinja li ż-żewġ approċċi jistgħu jikkoeżistu u jikkomplementaw lil xulxin iżda li kull wieħed minnhom iservi skop differenti;

61.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' strateġija ċara u koerenti tal-UE għar-Relazzjonijiet Kulturali Internazzjonali; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiskambjaw b'mod regolari l-prattiki u t-tagħlimiet meħuda u jiżviluppaw, f'kollaborazzjoni mal-Clusters tal-Istituti Nazzjonali għall-Kultura tal-Unjoni Ewropea (EUNIC) u l-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili f'pajjiżi terzi, strateġiji koerenti, ibbażati fuq il-fehim kondiviż komuni ta' x'jikkostitwixxi r-Relazzjonijiet Kulturali Internazzjonali, inklużi passi lejn l-implimentazzjoni tagħhom u linji gwida mfassla apposta għall-attivitajiet tar-relazzjonijiet kulturali li għandhom jiġu implimentati mid-delegazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi terzi u mir-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Istati Membri; jirrakkomanda li dawn l-istrateġiji jinkludu investimenti fil-viżibbiltà tal-wirt kulturali kondiviż tal-UE u l-komunikazzjoni strateġika dwaru u l-kontribut tiegħu għall-promozzjoni tad-demokrazija u l-valuri;

62.  Jisħaq li l-UE jeħtieġ li tinvolvi ruħha fl-ICR billi tuża l-istrumenti tagħha stess, sabiex tippreżenta immaġni kulturali tal-UE fix-xena globali li hija akbar mis-somma tal-partijiet tagħha, u b'hekk tikkomplementa l-ħidma tal-istituti kulturali tal-Istati Membri barra mill-pajjiż; jappella għall-iżvilupp ta' sett ta' għodod awtonomu tal-UE stess għar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali u għad-diplomazija kulturali tagħha, abbażi tal-esperjenza tal-Istituti Nazzjonali għall-Kultura tal-Unjoni Ewropea u tal-istituti kulturali tal-Istati Membri barra mill-pajjiż u abbażi tas-sħubijiet magħhom, kif ukoll mas-setturi tas-soċjetà ċivili u kulturali ta' pajjiżi terzi; jisħaq li kwalunkwe sett ta' għodod bħal dan għandu jaħdem lejn l-implimentazzjoni ta' attivitajiet kemm biex tiġi promossa l-kultura Ewropea barra mill-Ewropa kif ukoll biex jipprovdi lis-setturi kulturali u kreattivi f'pajjiżi terzi b'bini ta' kapaċità teknika u ta' materjali u appoġġ finanzjarju, u għalhekk għandu jkun appoġġat minn riżorsi proprji u fondi suffiċjenti;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jwettqu studju biex jivvalutaw jew il-fattibbiltà tal-introduzzjoni ta' kapitolu ddedikat għar-Relazzjonijiet Kulturali Internazzjonali fl-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) – Ewropa Globali inkella t-tisħiħ tad-dimensjoni esterna ta' Ewropa Kreattiva, possibbilment permezz tal-ħolqien ta' fergħa ddedikata għall-finanzjament ta' proġetti ta' Relazzjonijiet Kulturali Internazzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE jagħmlu disponibbli finanzjament ġdid għal dan il-għan, biex jiżguraw li kwalunkwe azzjoni ġdida ma tiġix iffinanzjata għad-detriment tal-programmi eżistenti;

64.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex jiksbu pożizzjonijiet komuni tal-UE fil-fora u n-networks multilaterali u, fejn xieraq, jitkellmu b'vuċi waħda dwar kwistjonijiet li jkollhom impatt fuq ir-relazzjonijiet kulturali internazzjonali;

65.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE tkun preżenti bis-sħiħ f'avvenimenti kulturali madwar id-dinja, speċjalment dawk ta' natura globali, bħall-Expo Dinjija; jappella biex l-UE tingħata l-possibbiltà li tospita Expo Dinjija, li tkun tista' ssir fi Stati Membri differenti;

66.  Jilqa' r-rakkomandazzjonijiet ippubblikati mid-djalogu strutturat tal-Ilħna tal-Kultura dwar ir-Relazzjonijiet Kulturali Internazzjonali u jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri biex jikkunsidrawhom kif xieraq meta jiżviluppaw l-istrateġiji tar-Relazzjonijiet Kulturali Internazzjonali tagħhom; b'mod partikolari, iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri japplikaw approċċ minn isfel għal fuq, tad-drittijiet tal-bniedem, u approċċ min-nies għan-nies meta jibnu r-relazzjonijiet kulturali tagħhom ma' pajjiżi terzi, u jfasslu u jimplimentaw l-istrateġija u l-programmazzjoni tal-proġetti tar-Relazzjonijiet Kulturali Internazzjonali tagħhom b'mod li jqis il-ħtiġijiet u t-talbiet tal-pajjiżi sħab u tal-komunitajiet lokali tagħhom, filwaqt li jittrattawhom bħala sħab ugwali; jisħaq li strateġiji bħal dawn għandhom jirrispondu għall-ħtiġijiet u s-sitwazzjoni politika u soċjoekonomika speċifika ta' kull pajjiż jew reġjun sieħeb, aktar milli jkunu l-prodott ta' approċċ "wieħed tajjeb għal kulħadd"; jappella għal finanzjament xieraq għar-Relazzjonijiet Kulturali Internazzjonali fil-programmi attwali għall-kultura u l-edukazzjoni, kemm permezz tal-programmi ġeografiċi kif ukoll tematiċi tal-NDICI; jinnota li l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet lokali, inklużi l-atturi interkulturali u interreliġjużi, hija vitali fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet ibbażati fuq valuri kondiviżi, bħall-paċi, it-tolleranza u l-fehim reċiproku, u fl-iżgurar tas-sostenibbiltà fit-tul tal-proġetti ffinanzjati mill-UE;

67.  Ifaħħar il-ħidma li saret mill-istituti u mill-organizzazzjonijiet kulturali tal-Istati Membri, u mill-Clusters tal-Istituti Nazzjonali għall-Kultura tal-Unjoni Ewropea f'pajjiżi terzi; iħeġġeġ aktar kooperazzjoni bejniethom u l-iżvilupp tan-network tagħhom mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali, fejn Stati Membri iżgħar u Stati Membri b'viżibbiltà kulturali limitata jew mingħajr viżibbiltà kulturali barra mill-pajjiż, kif ukoll il-ħtiġijiet ta' rappreżentanza kulturali tagħhom jingħataw attenzjoni partikolari;

68.  Jilqa' l-fatt li diversi unitajiet tal-Kummissjoni u tas-SEAE qed jinvolvu ruħhom f'ħidma trasversali dwar ir-Relazzjonijiet Kulturali Internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jtejbu l-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni bejn l-entitajiet ikkonċernati, inkluż permezz tal-ħolqien ta' metodi ta' ħidma aktar koerenti u simplifikati, sabiex tiġi massimizzata l-effiċjenza, jiġu evitati azzjonijiet li jikkoinċidu u tiġi żgurata l-memorja istituzzjonali;

69.  Jilqa' l-ħolqien ta' punti fokali kulturali fid-delegazzjonijiet tal-UE; iħeġġeġ lid-delegazzjonijiet tal-UE jsaħħu r-rwol tagħhom, itejbu l-ħiliet tagħhom u jintegrawhom fit-timijiet politiċi tagħhom, aktar milli fit-timijiet tal-komunikazzjonijiet u tal-avvenimenti tagħhom; jappella għall-allokazzjoni tar-riżorsi baġitarji u tal-persunal meħtieġa għat-timijiet tar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali u tad-diplomazija kulturali tal-UE fil-kwartieri ġenerali tal-Kummissjoni u tas-SEAE, kif ukoll fid-delegazzjonijiet tal-UE, sabiex tiġi ffaċilitata u tissaħħaħ l-azzjoni l-kooperazzjoni kulturali mal-atturi lokali kollha rilevanti, inklużi l-istituzzjonijiet pubbliċi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-akkademja f'pajjiżi terzi;

70.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lis-SEAE jintegraw il-politiki kulturali, ir-Relazzjonijiet Kulturali Internazzjonali u d-diplomazija kulturali fit-taħriġ tal-persunal diplomatiku kollu tagħhom, sabiex titqajjem kuxjenza fost id-diplomatiċi tar-Relazzjonijiet Kulturali Internazzjonali bħala qasam ewlieni u indipendenti fi ħdan id-diplomazija pubblika, u jibnu l-kompetenzi politiċi u ta' politika xierqa fil-qasam tar-Relazzjonijiet Kulturali Internazzjonali u tad-diplomazija kulturali; jistenna bil-ħerqa r-riżultati tal-Akkademja Diplomatika Ewropea li għadha kif tnediet abbażi ta' proġett pilota tal-Parlament Ewropew u l-pubblikazzjoni f'Novembru tal-istudju dwar il-fattibilità kkummissjonat mis-SEAE;

71.  Jilqa' l-ewwel riżultati tal-Azzjoni Preparatorja tal-Ispazji Ewropej tal-Kultura; jissottolinja l-eżiti pożittivi tal-mudelli ta' kollaborazzjoni innovattivi mwettqa mis-sħab tal-proġett, abbażi ta' sejħa għal ideat maħluqa b'mod konġunt mal-partijiet ikkonċernati lokali fl-ispirtu ta' sħubija ugwali; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiffinanzja din l-azzjoni ta' suċċess kbir; iħeġġeġ lill-atturi kulturali fl-UE u f'pajjiżi terzi jesploraw aktar arranġamenti ta' kollaborazzjoni, bħall-ħolqien konġunt ta' opri tal-arti konġunti u koproduzzjonijiet internazzjonali, sabiex jitrawwem fehim reċiproku translingwistiku u transfruntier;

72.  Jisħaq li l-UE għandha l-potenzjal li ssaħħaħ is-sħubijiet ta' kooperazzjoni kulturali internazzjonali tagħha permezz tar-reġjuni ultraperiferiċi tagħha u l-pajjiżi u territorji ekstra-Ewropej (PTEE), li minn lat ġeografiku, kulturali u lingwistiku jinsabu f'salib it-toroq madwar id-dinja; jappella biex l-UE tfassal proġetti ta' kooperazzjoni kulturali internazzjonali li jinvolvu r-reġjuni ultraperiferiċi u l-PTEE sabiex titrawwem integrazzjoni reġjonali u jinbnew sħubijiet ġodda ma' pajjiżi sħab;

73.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' beni kulturali; jilqa' l-konsultazzjoni reċenti tal-Kummissjoni bi tħejjija għal pjan ta' azzjoni ġdid biex jiġi pprovdut qafas ċar, komprensiv u effettiv għall-kontribut tal-UE għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' beni kulturali, immirat lejn it-tfixkil tal-attivitajiet kriminali u l-protezzjoni tal-wirt kulturali fis-suq uniku, bħala parti mill-istrateġija tal-UE dwar il-kriminalità organizzata; jitlob kooperazzjoni aħjar bejn l-UE u pajjiżi terzi fil-preservazzjoni u l-protezzjoni tal-wirt kulturali u l-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' beni kulturali;

74.  Ifakkar kif il-wirt arkeoloġiku u kulturali jikkostitwixxi parti integrali mill-identità ta' poplu; jikkundanna, għalhekk, it-tneħħija u t-traffikar illegali ta' oġġetti kulturali; jilqa' l-isforzi li saru minn ċerti Stati Membri biex ix-xogħlijiet u l-artefatti kulturali jintbagħtu lura fil-postijiet tal-oriġini tagħhom bħala parti mill-istrateġija tal-politika esterna tagħhom u sabiex għall-pajjiżi kkonċernati jitrawwem fehim reċiproku tal-wirt kulturali ta' xulxin, kif ukoll biex jiġi appoġġat l-iżvilupp ta' politiki kulturali awtonomi f'pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jappoġġaw b'mod attiv lil dawk l-Istati Membri fil-proċessi ta' negozjar tagħhom ma' pajjiżi terzi b'approċċ olistiku u jappoġġaw b'mod attiv l-isforzi tal-Istati Membri kollha fir-rigward tal-protezzjoni u tar-reparazzjonijiet tal-wirt kulturali u storiku tagħhom, f'konformità mad-dikjarazzjoni MONDIACULT 2022;

75.  Ifakkar fl-importanza tal-promozzjoni tal-kultura bħala faċilitatur tal-iżvilupp sostenibbli, li jagħti lok għal potenzjal għoli għat-tkabbir soċjali u ekonomiku; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-kontribut tal-atturi kulturali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għall-iżvilupp sostenibbli permezz tal-parteċipazzjoni attiva tagħhom fi djalogu regolari, networks professjonali u sħubijiet bejn diversi partijiet ikkonċernati, kif ukoll permezz ta' azzjonijiet iffinanzjati mill-NDICI fil-qasam tal-kultura; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jimmonitorjaw u jirrapportaw regolarment lill-Parlament dwar l-istat ta' implimentazzjoni tal-azzjonijiet dwar il-kooperazzjoni kulturali internazzjonali u r-riżultati miksuba mill-NDICI f'dan ir-rigward;

76.  Ifakkar li, fi ħdan l-SDGs, il-promozzjoni u s-salvagwardja tal-kultura huma kemm għan fih innifsu, b'mod partikolari kif minqux fil-miri 4.7, 8.9 u 11.4, kif ukoll kontributur ewlieni għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tan-NU; jenfasizza n-natura trażversali tal-kultura u tal-proġetti kulturali, li tippermettilhom jikkontribwixxu b'mod pożittiv għall-kisba tal-SDGs kollha; jistieden lill-Kummissjoni, lid-delegazzjonijiet tal-UE għal pajjiżi terzi u lill-Istati Membri jesploraw aktar l-interkonnessjonijiet bejn il-kultura u l-politiki kulturali u l-kisba tal-SDGs kollha, inkluż permezz tal-parteċipazzjoni tal-artisti u tal-ħaddiema kulturali fi djalogu inklużiv, networks professjonali, skambji u sħubijiet bejn diversi partijiet ikkonċernati, u appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jorganizzaw aktar briefings u skambji ta' fehmiet u prattiki sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa ta' dawn il-prijoritajiet komuni;

77.  Jenfasizza l-potenzjal tal-kultura u tal-wirt kulturali tanġibbli u mhux tanġibbli bħala vettur ta' komunikazzjoni, skambju u paċi, li jippromwovi r-rikonċiljazzjoni u l-prevenzjoni tal-kunflitti; f'dan il-kuntest, iħeġġeġ kooperazzjoni msaħħa mal-Unesco dwar il-protezzjoni tal-wirt kulturali u li jiġu organizzati missjonijiet ta' ġbir ta' informazzjoni;

78.  Jitlob lill-Kummissjoni tikkundanna bil-qawwa l-qerda tal-wirt storiku, artistiku u kulturali f'kunflitti reċenti, kif ukoll il-qerda sistematika u mmotivata politikament jew ideoloġikament tal-wirt storiku, artistiku u kulturali, kif ukoll l-eradikazzjoni tal-identitajiet u tal-kulturi ta' stati sovrani, popli jew minoranzi; inkluża l-politika kontinwa tal-Ażerbajġan li tħassar u tiċħad il-wirt kulturali Armen fin-Nagorno-Karabakh u madwaru, u l-qerda intenzjonata ta' siti kulturali fl-Ukrajna bħala riżultat tal-gwerra ta' aggressjoni inġustifikata u mhux ipprovokata tar-Russja; ifakkar li l-qerda tal-wirt kulturali tista' tikkostitwixxi delitt tal-gwerra u ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u, f'dan il-kuntest, ifakkar fl-impenji meħuda mill-Istati Membri fl-ambitu tar-Responsabbiltà li tingħata Protezzjoni, inkluż fir-rigward tal-protezzjoni tal-wirt kulturali wara l-kunflitti armati kif ukoll matulhom; jappella għall-inklużjoni tal-protezzjoni tal-wirt kulturali fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni tal-UE billi jiġu pprovduti assistenza u taħriġ lis-sħab lokali fl-indirizzar tal-isfidi tas-sigurtà li jaffettwaw il-wirt kulturali; jappella għal sanzjonijiet immirati kontra l-individwi u l-entitajiet responsabbli għall-qerda, il-vandalizzazzjoni jew it-traffikar tal-wirt kulturali bħala pass importanti li jistabbilixxi d-deterrenza u jiżgura r-responsabbiltà għal tali atti;

79.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jipprovdu assistenza teknika u materjali lis-sħab fl-Istati Membri u f'pajjiżi terzi għas-sensibilizzazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet u l-għarfien meħtieġa biex il-wirt kulturali jiġi ppreservat u ġestit, inkluż permezz ta' kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u istituzzjonijiet edukattivi f'pajjiżi terzi;

80.  Iwissi lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lid-delegazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi terzi u lill-Istati Membri li r-restawr, iffinanzjat mill-UE, ta' siti ta' wirt kulturali mifnija bil-gwerra f'pajjiżi terzi ma għandux ikun ta' benefiċċju għall-belliġerenti li huma akkużati bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem, ma għandux jilleġittimizza reġimi awtoritarji, jew jinnormalizza r-relazzjonijiet magħhom;

81.  Jistieden lill-Istati Membri jqisu b'mod xieraq il-pożizzjoni tal-Parlament meta japprovaw il-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2023-2026;

o
o   o

82.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

(1) ĠU C 388, 13.11.2020, p. 30.
(2) ĠU C 334, 19.09.2018, p. 112.
(3) ĠU C 456, 10.11.2021, p. 24.
(4) ĠU C 125 E, 22.5.2008, p. 223.
(5) ĠU C 184, 5.5.2022, p. 88.
(6) ĠU C 347, 9.9.2022, p. 15.
(7) ĠU C 385, 22.9.2021, p. 152.
(8) Testi adottati, P9_TA(2022)0319.
(9) ĠU C 385, 22.09.2021, p. 2.
(10) ĠU L 189, 28.5.2021, p. 34.
(11) ĠU L 189, 28.5.2021, p. 1.
(12) ĠU L 202, 8.6.2021, p. 32.
(13) ĠU L 462, 28.12.2021, p. 1.
(14) ĠU L 437, 28.12.2020, p. 116.
(15) ĠU L 131, 20.5.2017, p. 1.
(16) ĠU L 131, 20.5.2017, p. 1.
(17) Ernst & Young, Rebuilding Europe: The cultural and creative economy before and after the COVID-19 crisis, (Nerġgħu nibnu l-Ewropa: L-ekonomija kulturali u kreattiva qabel u wara l-kriżi tal-COVID-19), Jannar 2021.
(18) Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar l-irkupru kulturali tal-Ewropa (ĠU C 385, 22.9.2021, p. 152) u fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2021 dwar is-sitwazzjoni tal-artisti u l-irkupru kulturali fl-UE (ĠU C 184, 5.5.2022, p. 88).
(19) Fancourt, D. & Finn, S., What is the evidence on the role of the arts in improving health and well-being? A scoping review, l-Uffiċċju Reġjonali tad-WHO għall-Ewropa (Health Evidence Network (HEN)) rapport ta' sinteżi 67), Copenhagen, 2019.
(20) British Council and Goethe Institut, Cultural Value – Cultural Relations in Societies in Transition: A Literature Review, 2018, p. 7.
(21) Rivera, T., Distinguishing Cultural Relations From Cultural Diplomacy: The British Council's Relationship With Her Majesty's Government, Figueroa Press, Los Angeles, 2015, pp. 9-10.
(22) ĠU C 456, 10.11.2021, p. 24.
(23) Id-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92).

Aġġornata l-aħħar: 21 ta' Awwissu 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza