Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2022/3001(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0559/2022

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/12/2022 - 6.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2022)0449

Testi adottati
PDF 119kWORD 47k
Il-Ħamis, 15 ta' Diċembru 2022 - Strasburgu
90 sena wara l-Holodomor: ir-rikonoxximent tal-qtil tal-massa bil-ġuħ bħala ġenoċidju
P9_TA(2022)0449RC-B9-0559/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2022 dwar id-90 sena wara l-Holodomor: ir-rikonoxximent tal-qtil tal-massa bil-ġuħ bħala ġenoċidju (2022/3001(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukrajna u r-Russja, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar il-kommemorazzjoni tal-Holodomor, il-karestija artifiċjali tal-Ukrajna (1932-1933)(1),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u trattati u strumenti oħra tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti dwar l-anniversarji tal-Holodomor adottati fis-sessjonijiet plenarji tal-Assemblea Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Verkhovna Rada tal-Ukrajna tal-2003 li tiddikjara l-karestija intenzjonata bħala att ta' ġenoċidju, il-Liġi Ukrena tat-28 ta' Novembru 2006 dwar il- "Holodomor fl-Ukrajna tal-1932 u l-1933" u l-appell mill-Verkhovna Rada tal-Ukrajna fis-16 ta' Novembru 2022 lill-parlamenti tad-dinja dwar ir-rikonoxximent tal-Holodomor tal-1932 u l-1933 bħala ġenoċidju tal-poplu Ukren,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Konvenzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju tikkriminalizza numru ta' atti mwettqa bil-ħsieb li jinqered, b'mod sħiħ jew parzjalment, grupp nazzjonali, etniku, razzjali jew reliġjuż: il-qtil ta' membri tal-grupp, il-kawża ta' ħsara fiżika jew mentali serja lill-membri tal-grupp, l-impożizzjoni b'mod intenzjonali ta' kundizzjonijiet tal-ħajja maħsuba li jġibu magħhom qerda fiżika sħiħa jew parzjali, l-impożizzjoni ta' miżuri maħsuba biex jimpedixxu t-twelid fi ħdan il-grupp, u t-trasferiment furzat tat-tfal tal-grupp lejn grupp ieħor;

B.  billi l-karestija tal-Holodomor tal-1932 u l-1933, li kkawżat il-mewt ta' miljuni ta' Ukreni, kienet ippjanata b'mod ċiniku u implimentata b'mod krudili mir-reġim Sovjetiku sabiex idaħħal bil-forza l-politika ta' kollettivizzazzjoni tal-agrikoltura tal-Unjoni Sovjetika u sabiex irażżan l-poplu Ukren u l-identità nazzjonali tiegħu; billi metodi krudili simili ntużaw mir-reġim Sovjetiku f'partijiet oħra tal-Unjoni Sovjetika, b'mod partikolari fil-Każakistan, il-Belarussja, il-Kawkasu tat-Tramuntana u bnadi oħra; billi s-soppressjoni tal-identità Ukrena twettqet ukoll permezz tar-renju ta' terrur kontra dawk li għandhom l-identità kulturali Ukrena;

C.  billi l-evidenza turi li r-reġim Sovjetiku kkonfiska b'mod intenzjonat il-ħsad taċ-ċereali u għalaq il-fruntieri biex jipprevjeni lill-Ukreni milli jaħarbu mill-karestija; billi fl-1932 u l-1933 l-Unjoni Sovjetika esportat ċereali mit-territorju tal-Ukrajna waqt li n-nies kienu qed imutu bil-ġuħ; billi l-qtil ta' Ukreni fil-biċċa l-kbira tagħhom rurali spiss kien ikun akkumpanjat minn propaganda li titfa t-tort fuq ir-raħħala u tpenġihom bħala ħatja għall-karestija;

D.  billi l-gwerra Russa ta' aggressjoni li għaddejja kontra l-Ukrajna, il-qerda tal-infrastruttura tal-enerġija u agrikola tagħha, l-imblukkar tal-esportazzjoni taċ-ċereali Ukreni u s-serq ta' miljuni ta' tunnellati ta' ċereali mir-Russja ikkawżaw mill-ġdid biża' ta' karestija artifiċjali fuq skala kbira, speċjalment fin-Nofsinhar Globali, li jiddependi fuq iċ-ċereali affordabbli tal-Ukrajna;

E.  billi d-delitti Sovjetiċi ma rċevewx evalwazzjoni legali u morali ċara mill-komunità internazzjonali; billi l-ħabi ta' fatti inkriminanti u l-glorifikazzjoni tar-reġim totalitarju Sovjetiku u l-qawmien mill-ġdid tal-kult tal-personalità ta' Stalin fir-Russja, laħqu l-qofol tagħhom billi r-Russja tal-lum hija sponsor statali tat-terroriżmu u stat li juża mezzi terroristiċi, u f'ripetizzjoni ta' delitti orribbli kontra l-poplu Ukren fi żminijietna, bħall-"Kholodomor" li għaddej bħalissa, it-tentattiv tar-Russja li tħalli l-poplu Ukren imut ffriżat permezz tal-qerda mmirata tal-infrastruttura tal-enerġija ċivili tal-Ukrajna matul ix-xitwa;

F.  billi sa Diċembru 2022 il-parlamenti jew istituzzjonijiet rappreżentattivi oħra fil-livell tal-istat ta' aktar minn 20 pajjiż kienu rrikonoxxew lill-Holodomor bħala ġenoċidju jew bħala reat kontra l-poplu Ukren u kontra l-umanità;

G.  billi l-2022 u l-2023 jimmarkaw d-90 anniversarju tal-Holodomor;

1.  Jirrikonoxxi l-Holodomor, il-karestija artifiċjali tal-1932 u l-1933 fl-Ukrajna, ikkawżat minn politika intenzjonata tar-reġim Sovjetiku, bħala ġenoċidju hekk kif ġie kommess bil-ħsieb li jeqred grupp ta' nies billi ġegħilhom jgħixu f'kundizzjonijiet ta' ħajja kkalkulati biex jikkawżaw il-qerda fiżika tiegħu;

2.  Ifakkar lill-vittmi kollha tal-Holodomor u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Ukren li sofra f'din it-traġedja, b'mod partikolari s-superstiti li baqa' tal-Holodomor u l-familji tagħhom; jonora lil dawk li mietu bħala konsegwenza ta' dawn id-delitti mwettqa minn reġim totalitarju Sovjetiku;

3.  Jikkundanna bil-qawwa dawn l-atti ġenoċidali tar-reġim totalitarju Sovjetiku, li rriżultaw fil-mewt ta' miljuni ta' Ukreni u għamlu ħsara sinifikanti lill-pedamenti tas-soċjetà Ukrena;

4.  Jistieden lill-pajjiżi kollha, b'mod partikolari lill-Federazzjoni Russa u l-pajjiżi l-oħra li nħolqu wara x-xoljiment tal-Unjoni Sovjetika, biex jiftħu l-arkivji tagħhom dwar il-karestija artifiċjali tal-1932 u l-1933 fl-Ukrajna;

5.  Jistieden lill-pajjiżi u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali kollha li għadhom ma rrikonoxxewx lill-Holodomor bħala ġenoċidju biex jagħmlu dan mingħajr dewmien; jistieden lill-Federazzjoni Russa, bħala s-suċċessur primarju tal-Unjoni Sovjetika, tirrikonoxxi uffiċjalment lill-Holodomor u tiskuża ruħha għal dawk id-delitti;

6.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-pajjiżi terzi jippromwovu s-sensibilizzazzjoni dwar dawn l-avvenimenti u reati oħra mwettqa mir-reġim Sovjetiku billi jinkorporaw l-għarfien storiku dwarhom fil-programmi edukattivi u ta' riċerka sabiex jippruvaw jipprevjenu traġedji simili fil-futur;

7.  Jiddeplora l-fatt li d-90 anniversarju tal-Holodomor qed iseħħ filwaqt li r-Russja qed tkompli bil-gwerra ta' aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, qed tikser is-sovranità u l-integrità territorjali ta' dak il-pajjiż u qed tfittex li teqred l-Ukrajna bħala Stat nazzjon u l-identità u l-kultura tal-poplu tagħha; jikkundanna, barra minn hekk, il-fatt li l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna ħolqot kriżi globali tal-ikel, fejn ir-Russja qerdet u serqet mill-ħażniet taċ-ċereali tal-Ukrajna u kompliet tagħmilha diffiċli għall-Ukrajna biex tesporta ċ-ċereali lejn il-pajjiżi l-aktar fil-bżonn;

8.  Jikkundanna l-manipulazzjoni tar-reġim Russu attwali tal-memorja storika għall-fini tas-sopravivenza tar-reġim; itenni, f'dan ir-rigward, il-kundanna tiegħu għall-għeluq furzat mill-awtoritajiet Russi tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet ċivili - l-International Memorial Society u taċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem "Memorial" - att li enfasizza l-ideoloġija reviżjonista tar-reġim Russu attwali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, lill-istituzzjonijiet pubbliċi u privati, u lis-soċjetà ċivili kollha jiddenunzjaw attivament u jiċħdu t-tentattivi kollha maħsuba biex jgħawġu l-fatti storiċi jew jimmanipulaw l-opinjoni pubblika fl-Ewropa permezz ta' narrattivi storiċi foloz li jiġu vvintati u mxerrda biex jappoġġaw l-ideoloġija u s-sopravivenza tar-reġimi kriminali; jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u lill-Istati Membri jappoġġaw lill-akkademja u lis-soċjetà ċivili fid-dokumentazzjoni, fir-riċerka u fl-edukazzjoni dwar ir-ripressjoni politika u d-delitti totalitarji fl-Unjoni Sovjetika;

9.  Jikkundanna, bl-aktar mod qawwi, il-forom kollha ta' totalitarjaniżmu; jiddispjaċih li r-reati mwettqa mir-reġim totalitarju Sovjetiku għadhom ma ġewx evalwati mill-perspettiva tad-dritt internazzjonali, li l-awturi ta' dawn id-delitti ma tressqux quddiem il-ġustizzja u li dawn id-delitti qatt ma ġew ikkundannati b'mod ċar mill-komunità internazzjonali; jitlob valutazzjoni komprensiva, storika u legali tar-reġim Sovjetiku u dibattitu pubbliku trasparenti dwar ir-reati tiegħu, li huwa ta' importanza kbira għall-bini ta' storja u tifkira Ewropej komuni u b'hekk tissaħħaħ ukoll ir-reżiljenza tas-soċjetajiet tagħna għat-theddid modern għad-demokrazija; itenni li valutazzjoni tar-reġim Sovjetiku u ta' dibattitu pubbliku trasparenti dwar ir-reati tiegħu huwa l-aktar importanti għar-Russja nnifisha, bil-għan li tiżdied is-sensibilizzazzjoni pubblika, tinbena r-reżiljenza kontra d-diżinformazzjoni u n-narrattivi storiċi mgħawġa u tipprevjeni li reati simili jiġu ripetuti;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lis-servizzi responsabbli tal-Parlament Ewropew biex minnufih jittraduċu din ir-riżoluzzjoni għar-Russu u għall-Ukren;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Verkhovna Rada, lill-President u lill-Gvern tal-Ukrajna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

(1) ĠU C 15 E, 21.1.2010, p. 78.

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Marzu 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza