Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 9 ta' Ġunju 2022 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xinjiang, inklużi x-Xinjiang police files
 L-istrumentalizzazzjoni tal-ġustizzja bħala strument ta' repressjoni fin-Nikaragwa
 Il-ksur tal-libertà tal-media u tas-sikurezza tal-ġurnalisti fil-Georgia
 L-istat tad-dritt u l-approvazzjoni potenzjali tal-Pjan Nazzjonali ta' Rkupru (RRF) tal-Polonja
 Strument għal akkwist internazzjonali ***I
 Id-dritt ta' inizjattiva tal-Parlament
 Theddid globali għad-dritt għall-abort: il-possibbiltà li l-Qorti Suprema tirrevoka d-dritt għall-abort fl-Istati Uniti
 It-talba biex titlaqqa' Konvenzjoni għar-reviżjoni tat-Trattati
 Strument kummerċjali ġdid biex jiġu pprojbiti l-prodotti magħmula bix-xogħol furzat

Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xinjiang, inklużi x-Xinjiang police files
PDF 148kWORD 49k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2022 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xinjiang, inklużi x-Xinjiang police files (2022/2700(RSP))
P9_TA(2022)0237RC-B9-0310/2022

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rapporti preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċina, b'mod partikolari dawk tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar ix-xogħol furzat u s-sitwazzjoni tal-Ujguri fir-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang(1) u tad-19 ta' Diċembru 2019 dwar is-sitwazzjoni tal-Ujguri fiċ-Ċina (China-cables)(2),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1998(3) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1999 tas-7 ta' Diċembru 2020(4) li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 36 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li jiggarantixxi liċ-ċittadini kollha d-dritt għal-libertà tat-twemmin reliġjuż, u l-Artikolu 4 tagħha, li jiddefendi d-drittijiet tal-minoranzi etniċi,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt għandhom ikunu fil-qalba tar-relazzjonijiet tal-UE maċ-Ċina, f'konformità mal-impenn tal-UE li tiddefendi dawn il-valuri fl-azzjoni esterna tagħha u mal-impenn taċ-Ċina li taderixxi għalihom fl-iżvilupp u l-kooperazzjoni internazzjonali tagħha stess;

B.  billi l-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi u għadd ta' mezzi tal-media internazzjonali, inklużi l-BBC, l-El Pais ta' Spanja, il-Le Monde ta' Franza u d-Der Spiegel tal-Ġermanja, setgħu jeżaminaw ix-Xinjiang police files;

C.  billi l-awtoritajiet responsabbli Ċiniżi ċaħdu l-allegazzjonijiet ta' ksur massiv u strutturali tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xinjiang;

D.  billi x-Xinjiang police files jiddokumentaw fid-dettall – u, għall-ewwel darba, b'għadd kbir ta' ritratti – id-dimensjonijiet tar-ripressjoni sistematika, brutali u arbitrarja fir-Reġjun Awtonomu Ujgur ta' Xinjiang;

E.  billi dan il-materjal juri r-rwol infurmat, l-appoġġ attiv u l-involviment dirett tal-Gvern Ċentrali f'Beijing, inklużi Xi Jinping u Li Keqiang, u tal-uffiċjali ewlenin tar-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang biex imexxu l-politika tal-internament tal-massa fix-Xinjiang; billi d-dokumenti jindikaw ukoll l-appoġġ infurmat u attiv tal-President Xi Jinping għall-kampanji ta' "riedukazzjoni", "azzjoni ħarxa" u "deestremifikazzjoni" tax-Xinjiang, kif ukoll għal infiq kontinwu fuq faċilitajiet ta' detenzjoni u persunal addizzjonali għall-ġestjoni tal-influss ta' detenuti;

F.  billi t-Tribunal tal-Ujguri u korpi investigattivi u organizzazzjonijiet ta' riċerka kredibbli u indipendenti oħra kkonkludew li l-ksur serju u sistemiku tad-drittijiet tal-bniedem taċ-Ċina kontra l-Ujguri u popli oħra etniċi Turkiċi jammonta għal tortura, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju(5); billi l-Gvern tal-Istati Uniti u l-korpi leġiżlattivi fl-Istati Uniti, il-Kanada, ir-Renju Unit, in-Netherlands, il-Belġju, Franza, il-Litwanja, iċ-Ċekja u l-Irlanda għamlu determinazzjonijiet simili;

G.  billi mill-2017, diversi NGOs irrappurtaw ripetutament li ċ-Ċina kienet qed issegwi d-detenzjoni tal-massa tal-Ujguri, il-Każaki u gruppi etniċi oħra li huma fil-biċċa l-kbira Musulmani fix-Xinjiang;

H.  billi l-atroċitajiet kontra l-Ujguri għandhom jitqiesu fil-kuntest tal-politiki interni u esterni ripressivi u aggressivi usa' taċ-Ċina;

1.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-fatt li l-komunità Ujgura fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ġiet sistematikament oppressa minn miżuri brutali, inklużi d-deportazzjoni tal-massa, l-indottrinazzjoni politika, is-separazzjoni tal-familja, ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà reliġjuża, il-qerda kulturali u l-użu estensiv tas-sorveljanza;

2.  Jiddikjara li l-evidenza kredibbli dwar il-miżuri ta' prevenzjoni tat-twelid u s-separazzjoni tat-tfal Ujguri mill-familji tagħhom tammonta għal delitti kontra l-umanità u tirrappreżenta riskju serju ta' ġenoċidju; jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jwaqqfu l-programmi kollha sponsorjati mill-gvern ta' xogħol furzat u sterilizzazzjoni furzata tal-massa u jtemmu minnufih kwalunkwe miżura mmirata lejn il-prevenzjoni tat-twelid fil-popolazzjoni Ujgura, inklużi aborti furzati jew sanzjonijiet għal ksur tal-kontroll tat-twelid;

3.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sentenzi eċċessivi u arbitrarji ta' ħabs mogħtija bħala riżultat ta' allegazzjonijiet ta' terroriżmu jew estremiżmu li, skont x-Xinjiang police files, fisser li fl-2018 kienu qed jinżammu 22 000 persuna, li jirrappreżentaw 12 % tal-popolazzjoni adulta Ujgura tal-Kontea ta' Konasheher(6); jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-allegati akkużi ta' stupru sistematiku, abbuż sesswali u tortura tan-nisa fil-kampijiet ta' riedukazzjoni taċ-Ċina;

4.  Iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż itemm minnufih il-prattika ta' detenzjoni arbitrarja mingħajr akkuża, proċess jew kundanna għal reati kriminali mmirati kontra l-Ujguri u popli oħra etniċi Turkiċi, jagħlaq il-kampijiet u ċ-ċentri ta' detenzjoni kollha, u jeħles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lil dawk detenuti, u jerġa' jgħaqqad lit-tfal Ujguri li jitqiegħdu bil-forza f'faċilitajiet tal-imbark immexxija mill-istat, mal-ġenituri tagħhom;

5.  Ifakkar li ċ-Ċina rratifikat il-Konvenzjoni tan-NU Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra, li tipprevedi l-projbizzjoni assoluta u mhux derogabbli tat-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani u degradanti oħra;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lill-akkademiku Ujgur u lir-Rebbieħ tal-Premju Sakharov 2019 Ilham Tohti, u biex jiżguraw, sadanittant, li jkollu aċċess regolari u mingħajr restrizzjonijiet għall-familja tiegħu u għall-avukati tal-għażla tiegħu;

7.  Itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jippermettu aċċess liberu, sinifikanti u mingħajr xkiel għar-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang u aċċess mingħajr restrizzjonijiet għall-kampijiet ta' internament għal ġurnalisti indipendenti, osservaturi internazzjonali u korpi investigattivi, inkluż, b'mod partikolari, id-detenturi ta' mandat tal-Proċeduri Speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll għaċ-ċentri ta' detenzjoni, sabiex jiġu vvalutati l-allegazzjonijiet Ċiniżi li dawn ma għadhomx operattivi;

8.  Ifakkar fil-proposti biex issir sessjoni speċjali jew dibattitu urġenti tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina u dwar l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni biex jinħoloq mekkaniżmu ta' monitoraġġ u rappurtar, f'konformità ma' sejħa globali minn mijiet ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mir-reġjuni kollha;

9.  Jiddeplora l-fatt li, fil-qafas taż-żjara tagħha fiċ-Ċina u fir-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang, l-awtoritajiet Ċiniżi ma ppermettewx li l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem ikollha aċċess sħiħ għall-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ċ-ċentri ta' detenzjoni, li waqqafha milli tara l-iskala sħiħa tal-kampijiet ta' riedukazzjoni politika fix-Xinjiang; jiddispjaċih għall-fatt li l-Kummissarju tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Bachelet naqset milli żżomm lill-Gvern Ċiniż responsabbli b'mod ċar għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-Ujguri matul iż-żjara tagħha;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissarju Għoli tippubblika immedjatament ir-rapport tant mistenni dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xinjiang, abbażi tal-korp disponibbli, wiesa' u dejjem akbar ta' evidenza tal-iskala u l-gravità tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li qed jitwettaq mill-awtoritajiet Ċiniżi;

11.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jadottaw malajr sanzjonijiet addizzjonali mmirati lejn uffiċjali Ċiniżi ta' grad għoli, bħal Chen Quanguo, Zhao Kezhi, Guo Shengkun u Hu Lianhe, kif ukoll oħrajn identifikati fix-Xinjiang police files, u individwi u entitajiet oħra, li huma involuti fi ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fir-Reġjun Awtonomu Ujgur ta' Xinjiang;

12.  Jistieden lill-Kunsill jindirizza l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xinjiang fil-Kunsill Ewropew li jmiss u jħeġġeġ lill-Istati Membri tal-G7 u tal-G20 biex bl-istess mod jindirizzaw is-suġġett;

13.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jieħdu l-passi kollha meħtieġa, f'konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju, biex itemmu dawn l-atroċitajiet u jiżguraw ir-responsabbiltà għad-delitti mwettqa, inkluż permezz ta' mekkaniżmi internazzjonali ta' responsabbiltà;

14.  Jirrikonoxxi li r-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina huma dejjem aktar ikkaratterizzati minn kompetizzjoni ekonomika u rivalità sistemika; jirrikonoxxi l-fatt li l-mexxejja tal-UE qajmu l-kwistjoni tal-ksur serju fix-Xinjiang fis-summit reċenti bejn l-UE u ċ-Ċina u jenfasizza l-importanza li din il-kwistjoni tkompli titqajjem f'kull okkażjoni u fl-ogħla livelli;

15.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jidentifikaw u jimmitigaw b'mod urġenti r-riskji relatati mal-interferenza barranija Ċiniża; jikkundanna bil-qawwa l-forom kollha ta' repressjoni transnazzjonali jew tentattivi biex jitrażżnu d-dissidenti Ċiniżi jew ir-rappreżentanti tal-komunità Ujguri li jgħixu barra mill-pajjiż;

16.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jissospendu t-trattati ta' estradizzjoni tagħhom maċ-Ċina u ma' Hong Kong;

17.  Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jippermettu lill-Ujguri kollha li jixtiequ jitilqu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina biex jagħmlu dan;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi projbizzjoni fuq l-importazzjoni tal-prodotti kollha prodotti minn xogħol furzat u fuq prodotti manifatturati mill-kumpaniji Ċiniżi kollha elenkati bħala li jisfruttaw ix-xogħol furzat; itenni l-pożizzjoni tiegħu favur direttiva ambizzjuża dwar id-diliġenza dovuta dwar is-sostenibbiltà korporattiva;

19.  Itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri jivverifikaw jekk entitajiet li joperaw fis-suq intern tal-UE humiex direttament jew indirettament involuti fil-ħolqien ta' sistemi ta' sorveljanza tal-massa fix-Xinjiang, fl-operat jew fil-bini ta' faċilitajiet ta' detenzjoni għal gruppi ta' minoranza fix-Xinjiang, jew fit-twettiq ta' tranżazzjonijiet ma' kwalunkwe persuna sanzjonata għall-abbuż ta' Ujguri u gruppi ta' minoranza oħra fix-Xinjiang; jisħaq li d-determinazzjoni ta' dawn il-fatti għandha tiskatta miżuri relatati mal-kummerċ, esklużjoni mill-akkwist pubbliku u sanzjonijiet;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika taċ-Ċina.

(1) ĠU C 445, 29.10.2021, p. 114.
(2) ĠU C 255, 29.6.2021, p. 60.
(3) ĠU L 410 I, 7.12.2020, p. 1.
(4) ĠU L 410 I, 7.12.2020, p. 13.
(5) https://uyghurtribunal.com/wp-content/uploads/2021/12/Uyghur-Tribunal-Summary-Judgment-9th-Dec-21.pdf;https://14ee1ae3-14ee-4012-91cf-a6a3b7dc3d8b.usrfiles.com/ugd/14ee1a_3f31c56ca64a461592ffc2690c9bb737.pdf; https://newlinesinstitute.org/uyghurs/the-uyghur-genocide-an-examination-of-chinas-breaches-of-the-1948-genocide-convention/ https://www.ushmm.org/genocide-prevention/reports-and-resources/the-chinese-governments-assault-on-the-uyghurs
(6) https://www.washingtonpost.com/world/2022/05/24/xinjiang-michelle-bachelet-china-uyghur/


L-istrumentalizzazzjoni tal-ġustizzja bħala strument ta' repressjoni fin-Nikaragwa
PDF 136kWORD 49k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2022 dwar l-istrumentalizzazzjoni tal-ġustizzja bħala strument ta' repressjoni fin-Nikaragwa (2022/2701(RSP))
P9_TA(2022)0238RC-B9-0293/2022

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Nikaragwa, b'mod partikolari dawk tas-16 ta' Diċembru 2021(1), it-8 ta' Lulju 2021(2), it-8 ta' Ottubru 2020, id-19 ta' Diċembru 2019(3), l-14 ta' Marzu 2019(4) u l-31 ta' Mejju 2018(5),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, f'isem l-UE, tal-15 ta' Awwissu 2021, it-8 ta' Novembru 2021 u l-14 ta' Marzu 2022,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fit-48 u d-49 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u r-rapport annwali tagħha dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa tas-7 ta' Marzu 2022,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tat-23 ta' Ġunju 2021, l-20 ta' Novembru 2021 u l-11 ta' Frar 2022,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Ġunju 2004, kif aġġornati fl-2008,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Amerka Ċentrali, min-naħa l-oħra (il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali),

–  wara li kkunsidra r-regolamenti u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-1969 (il-Patt ta' San José),

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, ir-regoli standard minimi tan-NU dwar it-trattament tal-priġunieri (ir-Regoli Nelson Mandela), ir-regoli tan-NU dwar it-trattament tal-priġunieri nisa u miżuri li ma jċaħħdux il-libertà għal trasgressuri nisa (ir-Regoli ta' Bangkok) u l-Konvenzjoni ta' Vjenna,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni A/HRC/49/L.20 dwar il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa, adottata fil-31 ta' Marzu 2022 mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tan-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi minn April 2018, ir-reġim ta' Ortega-Murillo daħħal qafas ta' repressjoni statali fin-Nikaragwa, ikkaratterizzat mill-impunità sistemika għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, id-deterjorament tal-istituzzjonijiet u l-istat tad-dritt, u l-implimentazzjoni ta' strateġija orkestrata bil-konnivenza ċara tal-ġudikatura, li għandha l-għan li ssikket kwalunkwe vuċi kuntrarja;

B.  billi mill-2018 'l hawn, b'mod sistematiku u mmirat, l-awtoritajiet tan-Nikaragwa tefgħu l-ħabs, taw fastidju u intimidaw avversarji politiċi, membri tal-oppożizzjoni, studenti u mexxejja rurali, ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, rappreżentanti tan-negozju u artisti, li ripetutament iffaċċjaw theddid ta' mewt, intimidazzjoni, kampanji ta' malafama online, fastidju, sorveljanza, attakki, persekuzzjoni ġudizzjarja u ċaħda arbitrarja tal-libertà; billi, minkejja dawn il-bosta riskji, il-ġurnalisti u difensuri oħra tad-drittijiet tal-bniedem qed ikomplu jiżvolġu rwol essenzjali fil-monitoraġġ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem fin-Nikaragwa;

C.  billi, f'dawn l-aħħar snin, ir-reġim ta' Ortega-Murillo adotta u applika qafas regolatorju dejjem aktar repressiv;

D.  billi, sal-lum, skont il-Mekkaniżmu Speċjali ta' Monitoraġġ għan-Nikaragwa (MESENI), mill-inqas 182 avversarju politiku qed jinżammu l-ħabs f'kundizzjonijiet inumani li mhumiex konformi mal-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, bħar-Regoli Nelson Mandela; billi sebgħa minn dawn il-priġunieri politiċi kienu prekandidati presidenzjali għall-elezzjonijiet tal-2021; billi l-kritiċi tar-reġim tan-Nikaragwa ġew soġġetti għal abbużi sistematiċi fil-ħabs, inkluż trattament inuman, umiljanti u degradanti li jammonta għal tortura, u li wassal għall-mewt tal-priġunier politiku u eks mexxej tar-ribelli Hugo Torres, fost l-oħrajn; billi l-awtoritajiet tan-Nikaragwa taw fastidju anke lill-familji u l-qraba ta' priġunieri politiċi, li sofrew persekuzzjoni u theddid;

E.  billi n-nuqqas ta' separazzjoni tas-setgħat u l-kontroll sħiħ tal-istituzzjonijiet min-naħa tar-reġim tan-Nikaragwa wasslu biex il-ġudikatura u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku kellhom ibaxxu rashom għar-rieda tar-reġim, b'disprezz totali tal-istat tad-dritt, l-indipendenza ġudizzjarja u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u, b'hekk, tad-demokrazija, sabiex jiġi stabbilit dittatorjat fin-Nikaragwa;

F.  billi l-qrati tan-Nikaragwa taw verdetti ta' ħtija u sentenzi ħorox lil kull min esprima opinjoni kuntrarja f'seduti bil-magħluq li naqsu milli jirrispettaw garanziji bażiċi ta' proċess ġust;

G.  billi l-imħallfin u l-prosekuturi f'dawn il-proċessi kisru konsistentement l-obbligu ta' proċess ġust; billi, f'nota pubblika, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku kiser il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza;

H.  billi t-trażżin u r-repressjoni kostanti ġiegħlu eluf ta' Nikaragwani jaħarbu mill-pajjiż; billi qed jiġu osservati xejriet simili ta' repressjoni fejn l-attakki fuq il-libertà ta' espressjoni intensifikaw; billi t-theddid tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku fil-konfront ta' diversi ġurnalisti u ħaddiema tal-midja wassal biex ħafna minnhom jitilqu min-Nikaragwa biex ifittxu protezzjoni;

I.  billi fl-2022, ir-reġim ta' Ortega-Murillo pprojbixxa kważi 400 organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ u ċaħħadhom mill-istatus legali tagħhom; billi l-Knisja Kattolika kienet ukoll vittma tar-reġim ta' Ortega-Murillo, bħalma kienu, fost l-oħrajn, l-Akkademja Lingwistika tan-Nikaragwa, membri ta' komunitajiet indiġeni u gruppi minoritarji oħra;

J.  billi r-reġim ta' Ortega-Murillo kiser id-dritt internazzjonali, speċjalment il-Konvenzjoni ta' Vjenna, meta attakka l-kwartieri ġenerali u okkupa l-bini tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, li tkeċċiet min-Nikaragwa fil-25 ta' April 2022;

K.  billi, wara inizjattiva b'appoġġ qawwi organizzata mis-soċjetà ċivili, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU stabbilixxa Grupp ta' Esperti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem biex jinvestiga bir-reqqa u b'mod indipendenti kull allegat ksur u abbuż tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq minn April 2018, inkluż mil-lat ta' dimensjoni tal-ġeneru; billi kemm l-UE kif ukoll l-Istati Uniti imponew sanzjonijiet fuq in-Nikaragwa;

1.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli r-repressjoni sistematika fil-konfront tal-partiti politiċi tal-oppożizzjoni, it-trażżin tal-atturi tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-midja, ħaddiema oħra tal-midja, ġurnalisti, kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom, studenti u membri tal-Knisja Kattolika, fost l-oħrajn, u l-korruzzjoni persistenti tal-uffiċjali tar-reġim tan-Nikaragwa;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-mewt ta' Hugo Torres fil-ħabs;

3.  Jikkundanna l-arrest ta' Patri Manuel Salvador García, li ilu f'arrest preventiv mill-1 ta' Ġunju 2022, u jitlob il-ħelsien immedjat tiegħu;

4.  Itenni l-appell tiegħu għall-estradizzjoni immedjata ta' Alessio Casimirri lejn l-Italja;

5.  Jikkundanna d-detenzjoni abbużiva, in-nuqqas ta' garanziji proċesswali u l-kundanni illegali ta' priġunieri politiċi fin-Nikaragwa; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jirristabbilixxu l-garanziji għall-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet ċivili u politiċi għaċ-ċittadini Nikaragwani kollha, iwaqqfu l-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika, l-istampa u s-soċjetà ċivili, jeħilsu minnufih u bla kundizzjonijiet lil dawk miżmuma arrestati minn April 2018 'l hawn, jannullaw il-proċedimenti legali kontrihom u jippermettu r-ritorn sikur tar-rifuġjati u l-eżiljati kollha lejn djarhom;

6.  Jappella li l-istat tad-dritt, is-separazzjoni tas-setgħat u l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura jerġgħu jiġu stabbiliti u li l-awtoritajiet pubbliċi jirrispettaw il-kodiċi kriminali u l-preżunzjoni tal-innoċenza u jieqfu jikkriminalizzaw l-oppożizzjoni;

7.  Jikkundanna s-sentenzi ġudizzjarji illeġittimi li jikkonfermaw biss l-intenzjoni repressiva tar-reġim tan-Nikaragwa u li l-imħallfin saru għodda ta' repressjoni b'responsabbiltà għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

8.  Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea żżomm lir-reġim tan-Nikaragwa responsabbli, b'mod partikolari l-imħallfin tiegħu, għar-repressjoni fil-pajjiż u l-proċedimenti ġudizzjarji fil-konfront ta' personalitajiet tal-oppożizzjoni u kritiċi oħra; jistieden lill-Kunsill jibda minnufih il-proċedimenti biex jinkludi l-imħallfin li ġejjin fil-lista ta' individwi sanzjonati mill-UE: Nadia Camila Tardencilla, Angel Jeancarlos Fernández González, Ulisa Yaoska Tapia Silva, Rosa Velia Baca Cardoza, Veronica Fiallos Moncada, Luden Martin Quiroz García, Karen Vanesa Chavarría, Felix Ernesto Salmerón Moreno, Nancy Aguirre Gudiel, William Irving Howard López, Erick Ramón Laguna Averruz, Melvin Leopoldo Vargas García, Irma Oralia Laguna Cruz u Rolando Sanarrusia, fost l-oħrajn, kif ukoll l-imħallfin tal-Qorti tal-Appell ta' Managua li kienu wkoll involuti fiċ-ċaħda tad-drittijiet proċedurali u sostantivi tal-persuni kundannati illegalment: Octavio Rothschuh Andino, Ángela Dávila u Argentina Solís;

9.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex, skont l-Artikoli 13 u 14 tal-Istatut ta' Ruma, jiftħu investigazzjoni formali dwar in-Nikaragwa u Daniel Ortega permezz tal-Qorti Kriminali Internazzjonali għal delitti kontra l-umanità skont l-Artikolu 7 tal-Istatut ta' Ruma;

10.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għaċ-ċittadini tan-Nikaragwa li jipprotestaw b'mod paċifiku kontra r-reġim ta' Ortega-Murillo; jiddispjaċih ħafna li ma ttieħdet l-ebda azzjoni ġudizzjarja li tiżgura ġustizzja u riparazzjoni għall-vittmi ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem mir-repressjoni tal-2018 'l hawn;

11.  Iħeġġeġ lin-Nikaragwa tirrevoka l-leġiżlazzjoni li għaddiet mill-2018 u li ċċekken bla bżonn l-ispazju ċiviku u demokratiku, partikolarment il-Liġi Speċjali dwar iċ-Ċiberkriminalità (il-Liġi 1042), il-Liġi 1040 dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Aġenti Barranin, u l-Liġi 1055 dwar id-Difiża tad-Drittijiet taċ-Ċittadini għall-Indipendenza, is-Sovranità u l-Awtodeterminazzjoni għall-Paċi, kif ukoll ir-riforma tal-Kodiċi tal-Proċeduri Kriminali; ifakkar li, fid-dawl tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali, in-Nikaragwa għandha l-obbligu li tirrispetta u tikkonsolida l-prinċipji tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem; itenni t-talba tiegħu li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi attwali, tiskatta l-klawżola demokratika tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;

12.  Jenfasizza li l-korpi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, għandhom jitħallew imorru lura n-Nikaragwa; jiddeplora n-nuqqas ta' kooperazzjoni tal-awtoritajiet tan-Nikaragwa mal-mekkaniżmi reġjonali u internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-UE tappoġġja l-mandat tat-tliet membri indipendenti tal-Grupp ta' Esperti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fin-Nikaragwa, imwaqqaf reċentement mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u tikkollabora mill-qrib magħhom bil-ħsieb li tippromwovi l-obbligu ta' rendikont għall-ksur u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa;

13.  Jikkundanna l-fatt li kważi 400 NGO ġew imġiegħla jieqfu jaħdmu fin-Nikaragwa, inkluża l-Akkademja Lingwistika tan-Nikaragwa; jistieden lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa ma jibqgħux iġiegħlu lill-NGOs jagħlqu bla bżonn u jirristabbilixxu l-personalità ġuridika tal-organizzazzjonijiet, il-partiti politiċi, l-universitajiet u l-organi tal-istampa li ġew imġiegħla jagħlqu arbitrarjament, kif ukoll jirritornaw kwalunkwe assi, dokumentazzjoni u tagħmir sekwestrat illegalment;

14.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ir-repressjoni tal-midja ħielsa u indipendenti fil-pajjiż, li ġiegħlet lil aktar minn 100 ġurnalist jeżiljaw ruħhom;

15.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsegwu mill-qrib is-sitwazzjoni fuq il-post permezz tar-rappreżentanti lokali u l-ambaxxati tagħhom fin-Nikaragwa; jistieden lid-delegazzjoni tal-UE u lill-Istati Membri li għandhom missjonijiet diplomatiċi fil-pajjiż jimplimentaw bis-sħiħ il-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, jagħtu l-appoġġ xieraq kollu lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem miżmuma arrestati, inkluż permezz ta' żjarat fil-ħabs u monitoraġġ tal-proċess ġudizzjarju, jikkundannaw pubblikament l-abbużi kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-midja indipendenti u jappoġġjaw il-ħidma tagħhom; jistieden lid-delegazzjoni tal-UE u lill-Istati Membri jużaw l-istrumenti kollha disponibbli biex iżidu l-appoġġ tagħhom għall-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, jiffaċilitaw il-ħruġ ta' viżi ta' emerġenza fejn xieraq, u jipprovdu kenn temporanju fl-Istati Membri tal-UE għal raġunijiet umanitarji;

16.  Jiddispjaċih ħafna li r-rappreżentanti tan-Nikaragwa vvutaw kontra t-tkeċċija tar-Russja mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU għall-atroċitajiet imwettqa mill-forzi tagħha waqt il-gwerra fl-Ukrajna u li n-Nikaragwa astjeniet fuq ir-Riżoluzzjoni ES-11/1 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-2 ta' Marzu 2022 li tikkundanna l-invażjoni tal-Ukrajna min-naħa tar-Russja u titlob l-irtirar sħiħ tal-forzi Russi;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-Parlament tal-Amerka Ċentrali, lill-Grupp ta' Lima, kif ukoll lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tan-Nikaragwa.

(1) Testi adottati, P9_TA(2021)0513.
(2) ĠU C 99, 1.3.2022, p. 204.
(3) ĠU C 255, 29.6.2021, p. 65.
(4) ĠU C 23, 21.1.2021, p. 126.
(5) ĠU C 76, 9.3.2020, p. 164.


Il-ksur tal-libertà tal-media u tas-sikurezza tal-ġurnalisti fil-Georgia
PDF 136kWORD 50k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2022 dwar il-ksur tal-libertà tal-media u tas-sikurezza tal-ġurnalisti fil-Georgia (2022/2702(RSP))
P9_TA(2022)0239RC-B9-0300/2022

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Georgia, b'mod partikolari dik tas-16 ta' Settembru 2020 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-UE mal-Georgia(1),

–  wara li kkunsidra ż-żjara reċenti tar-Rappreżentant tal-OSKE għal-Libertà tal-Media fil-Georġia fit-28 u d-29 ta' April 2022,

–  wara li kkunsidra l-ftehim milħuq bejn il-forzi politiċi tal-Georgia fid-19 ta' April 2021, bil-medjazzjoni tal-President tal-Kunsill Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Georgia, min-naħa l-oħra, li daħal fis-seħħ b'mod sħiħ fl-1 ta' Lulju 2016(2),

–  wara li kkunsidra l-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-Ġurnalisti Mingħajr Fruntieri għall-2021 u l-2022,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tagħhom, li ilu fis-seħħ mill-1 ta' Lulju 2016, il-Georgia u l-UE impenjaw ruħhom li jiżviluppaw djalogu politiku bil-għan li jsaħħu r-rispett għall-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluża l-libertà tal-media;

B.  billi l-Georgia ppreżentat l-applikazzjoni tagħha għal sħubija fl-UE fit-3 ta' Marzu 2022, u b'hekk uriet l-aspirazzjonijiet Ewropej tal-poplu tal-Georgia, li jgawdu minn appoġġ kbir fost il-pubbliku u fl-ispettru politiku kollu, inkluża l-oppożizzjoni;

C.  billi l-libertà ta' espressjoni, il-libertà tal-media u s-sikurezza tal-ġurnalisti huma elementi essenzjali ta' demokrazija vibranti u l-protezzjoni tagħhom mill-awtoritajiet hija indikatur importanti għall-konsolidazzjoni tad-demokrazija; billi midja pluralistika, ħielsa u indipendenti hija pedament fundamentali tad-demokrazija u wieħed mill-pilastri ewlenin fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni;

D.  billi l-Ftehim tad-19 ta' April 2021, bil-medjazzjoni tal-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, issottolinja l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-perċezzjonijiet ta' ġustizzja politiċizzata, fost oħrajn, billi tiġi adottata u implimentata riforma ambizzjuża tal-ġudikatura biex jiżdiedu l-indipendenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tas-sistema ġudizzjarja;

E.  billi fil-5 ta' Lulju 2021 aktar minn 50 ġurnalist, rappreżentant tal-media u dimostrant paċifiku ġew attakkati b'mod vjolenti minn attivisti prinċipalment tal-lemin estrem meta kienu qegħdin ikopru l-Pride's March for Dignity ta' Tbilisi, avveniment li fl-aħħar mill-aħħar ġie kkanċellat bil-forza; billi Alexander Lashkarava, cameraman għal TV Pirveli, miet ftit wara dan l-attakk minħabba l-korrimenti li sofra;

F.  billi l-ambjent tal-media tal-Georgia, wara diversi snin ta' titjib, iddeterjora b'mod rapidu matul dawn l-aħħar ftit snin u għadd kbir bla preċedent ta' attakki fiżiċi vjolenti kontra ġurnalisti seħħew fil-Georgia minn meta seħħet il-vjolenza tal-massa kontra l-Pride March ta' Tbilisi fil-5 ta' Lulju 2021, li wasslet għal dikjarazzjonijiet ta' tħassib minn diversi organizzazzjonijiet internazzjonali fid-difiża tal-libertà tal-media u għat-tnaqqis sinifikanti fil-grad tal-Georgia fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa (minn punteġġ ta' 71.36 u klassifikazzjoni ta' 60 minn 180 fl-2021 għal punteġġ ta' 59.9 u klassifikazzjoni ta' 89 minn 180 fl-2022);

G.  billi l-għadd ta' attakki verbali fuq il-ġurnalisti u l-għadd ta' kawżi ta' malafama, inklużi dawk imnedija minn uffiċjali tal-gvern u individwi assoċjati mal-partit fil-gvern, kontra rappreżentanti tal-media u kumpaniji kritiċi qiegħed jiżdied; billi kif osservat Transparency International Georgia, il-bidla fil-prattika ġudizzjarja tpoġġi l-oneru tal-prova fuq il-ġurnalisti, minkejja dispożizzjoni mhux ambigwa li tiddikjara l-kuntrarju fil-liġi tal-Georgia; billi l-ġurnalisti, b'mod partikolari dawk minn kanali tal-media kritiċi dwar il-gvern, jiffaċċjaw diffikultajiet biex jaċċessaw informazzjoni li għandha tkun disponibbli għall-pubbliku;

H.  billi kien hemm nuqqas ta' trasparenza u effett utli fl-investigazzjonijiet, li wassal għal impressjoni mifruxa ta' impunità għal dawk ħatja ta' reati kontra ġurnalisti;

I.  billi fl-4 ta' April 2022, il-Qorti tal-Belt ta' Tbilisi kkundannat sitt persuni għal ħames snin ħabs minħabba l-attakk fuq żewġ cameramen u ġurnalist matul l-attakki vjolenti kontra l-Pride March f'Tbilisi fil-5 ta' Lulju 2021;

J.  billi fis-16 ta' Mejju 2022, Nika Gvaramia, direttur tal-istazzjon televiżiv Mtavari, ġie kkundannat għal tliet snin u nofs ħabs skont l-Artikolu 220 tal-Kodiċi Kriminali dwar akkużi dubjużi ta' ħasil tal-flus, tixħim u falsifikazzjoni ta' dokumenti relatati mal-attivitajiet tal-passat tiegħu bħala direttur ta' Rustavi 2 TV, sentenza li ġiet perċepita b'mod mifrux fil-Georgia bħala tentattiv biex jissikket leħen kritiku ta-gvern attwali; billi dan il-każ diġà ġie vvalutat b'mod negattiv mid-Difensur Pubbliku tal-Georgia fl-2019;

K.  billi investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet selettivi mmirati lejn dawk li jopponu l-gvern attwali jimminaw il-fiduċja tal-pubbliku mhux biss fl-istituzzjonijiet ġudizzjarji, iżda wkoll fil-gvern innifsu, filwaqt li r-ripetizzjoni ta' każijiet simili kontra s-sidien ta' media marbuta mal-oppożizzjoni timmina l-isforzi mmirati biex tiżdied l-indipendenza tal-ġudikatura;

L.  billi l-eks President Mikheil Saakashvili, li s-saħħa tiegħu kienet qiegħda tiddeterjora b'mod kostanti, finalment ġie rilokat fi sptar ċivili wara opinjonijiet minn tobba indipendenti li l-kundizzjoni tiegħu ma kinitx ser titjieb mod ieħor;

M.  billi r-riforma tal-liġi dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi tagħti lill-Kummissjoni Nazzjonali tal-Komunikazzjonijiet tal-Georgia (GNCC) id-dritt li taħtar maniġers speċjali fil-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni li jinfurzaw id-deċiżjonijiet tal-GNCC;

N.  billi nfetħu kawżi l-qorti kontra sidien oħra ta' mezzi tal-media kritiċi, jew kontra l-qraba tagħhom, prinċipalment David Kezerashvili ta' Formula TV u Vakhtang Tsereteli, il-fundatur tal-istazzjon indipendenti TV Pirveli; billi f'Jannar 2022 il-Qorti tal-Belt ta' Tbilisi ddeċidiet li l-fundaturi ta' TBC Bank u l-partit politiku Lelo for Georgia, Mamuka Khazaradze u Badri Japaridze, kif ukoll Avtandil Tsereteli, missier Vakhtang Tsereteli, kienu ħatja ta' frodi u kkundannathom għal seba' snin ħabs; billi s-sentenza tagħhom ġiet madankollu mibdula, peress li l-istatut tal-limitazzjonijiet għall-frodi kien skada;

O.  billi l-Georgia bdiet tesperjenza żieda fid-diżinformazzjoni Russa u fil-propaganda kontra l-UE f'dawn l-aħħar snin u speċjalment mill-invażjoni Russa tal-Ukrajna, immirata lejn in-nisa, il-komunità LGBTQI+, l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u l-minoranzi etniċi, b'mod partikolari;

P.  billi ħafna ġurnalisti ġew ikkonfermati li huma fost membri tas-soċjetà tal-Georgia li l-konverżazzjonijiet tagħhom kienu ġew irreġistrati, kif muri mir-rivelazzjonijiet dwar l-interċezzjonijiet telefoniċi illegali mifruxa f'Settembru 2021;

Q.  billi għadu ma ngħata ebda riżultat tanġibbli mill-investigazzjonijiet dwar il-każ tal-ġurnalist tal-Ażerbajġan Afgan Mukhtarli, li f'Mejju 2017 inħataf fil-Georgia u ġie ttrasportat illegalment fuq il-fruntiera mal-Ażerbajġan biex jiġi pproċessat f'Baku, allegatament b'kollużjoni ma' uffiċjali tas-sigurtà tal-Georgia;

1.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-deterjorament sinifikanti tas-sitwazzjoni tal-media u s-sikurezza tal-ġurnalisti fil-Georgia f'dawn l-aħħar snin, minkejja l-qafas legali sod tal-Georgia biex tiggarantixxi l-libertà ta' espressjoni u l-libertà tal-media;

2.  Jikkundanna l-għadd dejjem jikber ta' każijiet ta' intimidazzjoni, theddid u vjolenza kontra ġurnalisti u l-persekuzzjoni tagħhom, inkluż għadd dejjem jikber ta' investigazzjonijiet kriminali dwar il-ħaddiema u s-sidien tal-media; jistieden lill-awtoritajiet Georgjani jinvestigaw bir-reqqa kwalunkwe każ ta' vjolenza u jħarrku lil dawk responsabbli għall-inċitament u t-twettiq ta' attakki vjolenti kontra ġurnalisti u ħaddiema oħra tal-media, li b'hekk jirrimedjaw l-impressjoni ta' impunità għal tali reati; jistieden lill-Georgia tillimita l-użu ta' kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika mmirati lejn id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u r-rappreżentanti tal-media, li jservu biex ifixklu l-ħidma kritika u indipendenti tagħhom;

3.  Jistieden lill-Georgia tiżgura l-libertà tal-media, li għandha tinvolvi indipendenza editorjali, sjieda trasparenti tal-media u kopertura pluralistika, imparzjali u nondiskriminatorja tal-fehmiet politiċi fl-ipprogrammar minn xandara privati u, b'mod partikolari, minn xandara pubbliċi, speċjalment matul il-kampanji elettorali; jistieden lill-Georgia tiggarantixxi aċċess mingħajr xkiel għall-informazzjoni li suppost tkun disponibbli għall-pubbliku u tiżgura s-sikurezza, il-protezzjoni u l-għoti tas-setgħa lill-ġurnalisti u professjonisti oħra tal-media;

4.  Jikkundanna s-sentenza ta' Nika Gvaramia, id-direttur tal-istazzjon televiżiv ewlieni favur l-oppożizzjoni Mtavari, fis-16 ta' Mejju 2022, li enfasizzat in-nuqqas ta' fiduċja persistenti fis-sistema ġudizzjarja tal-Georgia; japprova s-sejħa minn Reporters mingħajr fruntieri għal rieżami tal-kundanna ta' Nika Gvaramia; jenfasizza, għal darb'oħra, il-ħtieġa urġenti li l-gvern ġenwinament javvanza r-riforma tal-ġudikatura permezz ta' proċess wiesa' u inklużiv bejn il-partiti bil-għan li tiżdied l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura, f'konformità mal-impenji meħuda bħala sieħeb assoċjat tal-UE;

5.  Jistieden lir-rappreżentanti kollha tal-Gvern tal-Georgia biex joqogħdu lura milli jużaw retorika aggressiva u trattament diskriminatorju fil-konfront tar-rappreżentanti tal-media fil-Georgia u biex jippromwovu approċċ tolleranti li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem fid-dikjarazzjonijiet pubbliċi tagħhom;

6.  Jiddenunzja bil-qawwa n-nuqqas persistenti ta' investigazzjonijiet jew prosekuzzjonijiet diliġenti ta' dawk responsabbli għall-vjolenza kontra ġurnalisti u dimostranti paċifiċi fil-marċ ta' Tbilisi Pride fil-5 ta' Lulju 2021; jinsisti li l-impunità għall-awturi ta' tali atti fl-ebda ċirkostanza ma tista' tiġi ttollerata, peress li jiksru kemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali kif ukoll l-impenji internazzjonali u Ewropej tal-Georgia, u jitlob li jitwettqu investigazzjonijiet effettivi dwar l-inċidenti tal-5 ta' Lulju 2021; jikkundanna d-diskriminazzjoni kontinwa kontra l-persuni LGBTQI+; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Georgjani jimplimentaw bis-sħiħ leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u kontra d-diskriminazzjoni fil-prattika;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet Georgjani jwettqu investigazzjonijiet effettivi fl-iskandlu tal-interċettazzjonijiet telefoniċi u jistabbilixxu mekkaniżmi xierqa għas-superviżjoni demokratika tas-sorveljanza u l-ġbir tad-data mill-istituzzjonijiet tal-Istat;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi garantit ambjent tax-xogħol sikur u favorevoli għall-ġurnalisti, il-ħaddiema tal-media u l-mezzi tal-media, kemm fil-leġiżlazzjoni kif ukoll fil-prattika, inkluż għal dawk il-ġurnalisti li jfittxu rifuġju mir-Russja, il-Belarussja u reġimi awtoritarji oħra; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Georgia tagħmel użu mill-kooperazzjoni internazzjonali biex ittejjeb l-ambjent tal-media u l-leġiżlazzjoni rilevanti f'konformità mal-aħjar prattiki internazzjonali;

9.  Ifaħħar lil Nino Lomjaria, id-Difensur Pubbliku tal-Georgia, għall-azzjonijiet tagħha fis-salvagwardja tal-libertà tal-media, minkejja l-attakki regolari mill-gvern;

10.  Jirrikonoxxi x-xenarju varjat u pluralistiku tal-media fil-Georgia, iżda jiddispjaċih dwar ir-relazzjoni estremament mimlija tensjoni bejn il-partit fil-gvern u l-mezzi tal-media kritiċi, kif ukoll bejn il-partiti tal-oppożizzjoni u l-media favur il-gvern; jiddeplora bil-qawwa l-polarizzazzjoni tax-xenarju tal-media, li tirrifletti l-polarizzazzjoni dejjem akbar u dannuża tax-xenarju politiku;

11.  Itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Georgjani biex iżommu lura milli jindaħlu fil-libertà tal-media jew milli jsegwu kawżi ġudizzjarji b'motivazzjoni politika kontra s-sidien jew ir-rappreżentanti tal-media;

12.  Jistieden lill-awtoritajiet Georgjani jeħilsu lill-eks President Mikhail Saakashvili mill-ħabs għal raġunijiet umanitarji sabiex ikun jista' jsegwi trattament mediku xieraq barra mill-pajjiż;

13.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda kostanti fid-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni Russa fil-Georgia, fil-kuntest tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna, u jħeġġeġ lill-Gvern tal-Georgia jiżviluppa programmi ta' edukazzjoni dwar il-litteriżmu fil-media għaċ-ċittadini tiegħu, jappoġġa lis-soċjetà ċivili fil-ħolqien ta' mekkaniżmi ta' verifika tal-fatti, u jieħu passi attivi biex jipprevjeni kampanji ta' diżinformazzjoni minn atturi barranin jew domestiċi kontra l-pajjiż, gruppi jew persuni vulnerabbli, bħal dawk li jgħixu f'komunitajiet ta' minoranza etnika jew f'żoni milquta minn kunflitti, u partiti politiċi;

14.  Iħeġġeġ lill-atturi politiċi kollha tal-Georgia joqogħdu lura milli jisfruttaw it-tentattivi ta' diżinformazzjoni Russi biex jimmiraw l-avversarji politiċi rispettivi tagħhom, peress li dan jikkontribwixxi biss għat-tixrid ulterjuri tad-diżinformazzjoni u jipperikola l-koeżjoni soċjali u d-demokrazija;

15.  Iħeġġeġ lill-Georgia tagħmel l-aħjar użu possibbli mill-istrumenti u l-inizjattivi kollha ddedikati għat-tisħiħ tar-reżiljenza fl-ambitu tas-Sħubija tal-Lvant u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE jipprovdu appoġġ politiku, tekniku u finanzjarju lill-media indipendenti u lis-soċjetà ċivili fil-Georgia;

16.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-rwol distruttiv tal-uniku oligarka, Bidzina Ivanishvili, fil-politika u l-ekonomija tal-Georgia, u l-livell ta' kontroll li jeżerċita fuq il-gvern u d-deċiżjonijiet tiegħu, inklużi dawk dwar il-persekuzzjoni politikament motivata tal-ġurnalisti u tal-avversarji politiċi; jinsab imħasseb ħafna dwar ir-rabtiet personali u kummerċjali esposti ta' Ivanishvili mal-Kremlin, li jiddeterminaw il-pożizzjoni tal-Gvern attwali tal-Georgia fir-rigward tas-sanzjonijiet fuq ir-Russja; jappella lill-Kunsill u lis-sħab demokratiċi jikkunsidraw li jimponu sanzjonijiet personali fuq Ivanishvili għar-rwol tiegħu fid-deterjorament tal-proċess politiku fil-Georgia;

17.  Jilqa' l-parteċipazzjoni tal-Georgia fil-programm Ewropa Kreattiva 2021-2027; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw azzjonijiet li jimmonitorjaw u jivvalutaw ir-riskji għall-pluraliżmu u l-libertà tal-media, jiddefendu l-ġurnalisti mhedda u jiffaċilitaw it-trasformazzjoni u l-kompetittività tas-settur tal-media tal-aħbarijiet fil-Georgia;

18.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Georgia jirrispettaw b'mod riżolut l-ogħla standards tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-indipendenza ġudizzjarja, il-proċessi ġusti u l-libertajiet fundamentali, inkluż fil-qasam tal-libertà tal-media, u b'hekk juru mingħajr ambigwità d-determinazzjoni politika tagħhom li jattwalizzaw l-aspirazzjonijiet Ewropej ambizzjużi tal-poplu tal-Georgia, kif tixhed l-applikazzjoni tal-pajjiż għas-sħubija fl-UE tat-3 ta' Marzu 2022; jesprimi t-twemmin tiegħu li l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu tal-Georgia jistħoqqilhom li jiġu ssodisfati u għalhekk jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jaħdmu biex jagħtu l-istatus ta' kandidat tal-UE lill-Georgia, f'konformità mal-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fuq il-bażi tal-mertu u bil-kundizzjoni li l-awtoritajiet Georgjani jissodisfaw il-kriterji kollha;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-President, il-Gvern u l-Parlament tal-Georgia.

(1) ĠU C 385, 22.9.2021, p. 40.
(2) ĠU L 261, 30.8.2014, p. 4.


L-istat tad-dritt u l-approvazzjoni potenzjali tal-Pjan Nazzjonali ta' Rkupru (RRF) tal-Polonja
PDF 136kWORD 49k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2022 dwar l-istat tad-dritt u l-approvazzjoni potenzjali tal-Pjan Nazzjonali ta' Rkupru (RRF) tal-Polonja (2022/2703(RSP))
P9_TA(2022)0240RC-B9-0317/2022

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 1, 2, 7(1) u 19 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza(1) (ir-Regolament RRF),

–  wara li kkunsidra l-proposta motivata tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2017 skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE rigward l-istat tad-dritt fil-Polonja: proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar id-determinazzjoni ta' riskju ċar ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja (COM(2017)0835),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Marzu 2018 dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex jiġi attivat l-Artikolu 7(1) tat-TUE minħabba s-sitwazzjoni fil-Polonja(2),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Mejju 2022 għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Polonja tal-2022 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-Polonja tal-2022 (COM(2022)0622) (minn issa 'l quddiem "ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew tal-2022"),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar id-determinazzjoni ta' riskju ċar ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar ir-rapport tal-2020 tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2021 dwar it-tfassil ta' linji gwida għall-applikazzjoni tar-reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2021 dwar il-libertà tal-media u d-deterjorament ulterjuri tal-istat tad-dritt fil-Polonja(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2021 dwar il-kriżi tal-istat tad-dritt fil-Polonja u l-preċedenza tad-dritt tal-UE(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2022 dwar l-istat tad-dritt u l-konsegwenzi tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2022 dwar is-seduti ta' smigħ li għaddejjin bħalissa skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE fir-rigward tal-Polonja u l-Ungerija(9),

–  wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill tal-1 ta' Ġunju 2022 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Polonja (COM(2022)0268),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tas-7 ta' Ġunju 2022 dwar l-istat tad-dritt u l-approvazzjoni potenzjali tal-pjan nazzjonali ta' rkupru (RRF) tal-Polonja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, kif stabbilit fl-Artikolu 2 tat-TUE, u kif inhuma riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u inkorporati fit-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; billi dawk il-valuri, li huma komuni għall-Istati Membri u li għalihom l-Istati Membri kollha ssottoskrivew liberament, jikkostitwixxu l-pedament tad-drittijiet li jgawdu dawk li jgħixu fl-Unjoni;

B.  billi kwalunkwe riskju ċar li Stat Membru jikser serjament il-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE ma jikkonċernax biss lill-Istat Membru individwali fejn jimmaterjalizza r-riskju, iżda għandu impatt ukoll fuq l-Istati Membri l-oħra, fuq il-fiduċja reċiproka ta' bejniethom u fuq in-natura nnifisha tal-Unjoni u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet tagħha kif ukoll id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tagħha skont id-dritt tal-Unjoni;

C.  billi l-bidliet mibdija mill-Gvern Pollakk, b'mod partikolari fis-sistema ġudizzjarja, wasslu għal erożjoni serja tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt;

D.  billi d-deċiżjoni meħuda fl-1 ta' Ġunju 2022 mill-Kulleġġ tal-Kummissarji dwar proposta għal deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Polonja allegatament ma ġietx deċiża b'mod unanimu;

E.  billi, matul is-sessjoni plenarja ta' Ottubru 2021, il-President tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen, iddeskriviet tliet kriterji għall-approvazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Polonja: ix-xoljiment tal-awla dixxiplinari tal-qorti suprema; ir-riforma tal-proċedimenti dixxiplinari għall-imħallfin; u r-riintegrazzjoni mill-ġdid tal-imħallfin sospiżi mill-awla dixxiplinari;

F.  billi l-Parlament talab ripetutament lill-Kummissjoni u lill-Kunsill joqogħdu lura milli japprovaw l-abbozz ta' pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Polonja sakemm il-Gvern tal-Polonja jimplimenta s-sentenzi tal-QĠUE u tal-qrati internazzjonali b'mod sħiħ u xieraq, u jiżguraw li l-valutazzjoni tal-pjan tiggarantixxi l-konformità mar-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż, b'mod partikolari dwar is-salvagwardja tal-indipendenza ġudizzjarja;

G.  billi r-riformi fil-Polonja fil-qasam tal-ġustizzja għadhom għaddejjin u l-abbozzi ta' liġi reċenti li qed jitressqu għall-votazzjoni u l-proposti li qed jiġu diskussi ma indirizzawx b'mod effettiv it-tħassib kollu rigward l-indipendenza tal-korpi ġudizzjarji u l-proċeduri dixxiplinari inkwistjoni; billi s-Senat Pollakk qed jipprova jemenda dawn il-proposti biex iġibhom konformi mal-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja; billi diversi mħallfin għadhom qed jiffaċċjaw proċeduri dixxiplinari u/jew ma reġgħux ġew integrati;

H.  billi reċentement l-awtoritajiet Pollakki ħadu għadd ta' miżuri li huma f'kontradizzjoni diretta mat-tliet kondizzjonijiet stabbiliti mill-President tal-Kummissjoni, fost l-oħrajn, is-sospensjoni fi Frar 2022 ta' mħallef Pollakka talli applikat id-dritt Ewropew u s-sentenzi tal-qrati Ewropej; billi, barra minn hekk, il-President tal-Polonja ħatar aktar minn 200 imħallef ġdid, l-hekk imsejħa "neomħallfin", li kienu nnominati b'mod difettuż (fuq talba tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura (neo-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura)), inklużi erba' ħatriet fil-Qorti Suprema; billi, barra minn hekk, fl-10 ta' Marzu 2022, fuq talba tal-Ministru tal-Ġustizzja; it-"Tribunal Kostituzzjonali", politiċizzat u kompletament subordinat (bil-parteċipazzjoni tal-hekk imsejħa "imħallfin sostituti"), dgħajjef il-validità tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-Polonja billi qajjem dubji dwar il-kapaċità tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-qrati Pollakki li jeżaminaw il-korrettezza tal-ħatra tal-imħallfin u l-indipendenza tan-neo-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura;

I.  billi r-Regolament dwar l-RRF jistabbilixxi b'mod ċar il-kondizzjonijiet meħtieġa għat-tħejjija, l-approvazzjoni u l-implimentazzjoni ta' pjan nazzjonali, u b'mod partikolari, fl-Artikolu 19 u fl-Anness V, il-11-il kriterju ta' valutazzjoni tal-Kummissjoni, u b'mod partikolari jekk l-arranġamenti proposti mill-Istat Membru kkonċernat humiex mistennija jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu l-korruzzjoni, il-frodi u l-kunflitti ta' interess meta jintużaw il-fondi pprovduti fl-ambitu tal-RRF; billi r-Regolament dwar l-RRF jirrikjedi li l-korpi inkarigati bil-kontroll u s-superviżjoni jkollhom is-setgħa legali u l-kapaċità amministrattiva li jeżerċitaw il-kompiti tagħhom b'mod indipendenti u billi l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill innifsu jenfasizza li protezzjoni ġudizzjarja effettiva hija prerekwiżit għall-funzjonament ta' sistema ta' kontroll intern;

J.  billi, fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew tal-2022, il-Kummissjoni ddikjarat li l-indipendenza, l-effiċjenza u l-kwalità tas-sistema ġudizzjarja huma komponenti essenzjali f'dan ir-rigward u li fil-Polonja, l-istat tad-dritt iddeterjora u l-indipendenza ġudizzjarja għadha ta' tħassib serju, u li dan ġie nnotat ukoll f'diversi deċiżjonijiet tal-QĠUE u tal-QEDB;

K.  billi, fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew tal-2022, il-Kummissjoni rrakkomandat li l-Polonja tieħu azzjoni fl-2022 u fl-2023, fost l-oħrajn, biex ittejjeb il-klima għall-investiment tagħha, b'mod partikolari billi tissalvagwardja l-indipendenza ġudizzjarja u tiżgura konsultazzjonijiet pubbliċi effettivi u l-involviment tas-sħab soċjali fil-proċess tat-tfassil tal-politika;

L.  billi l-RRF hija mistennija li ttaffi l-ekonomiji u ċ-ċittadini tal-UE mill-impatti l-aktar akuti tal-pandemija tal-COVID-19 u hija mistennija li tikkontribwixxi b'mod pożittiv għall-irkupru u r-reżiljenza tal-UE u tikkatalizza t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali jekk jiġu implimentati b'mod effettiv filwaqt li tosserva b'mod strett l-istat tad-dritt u l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi tal-UE;

M.  billi l-Kummissjoni tqis li l-pjan tal-Polonja jinkludi stadji importanti relatati mal-indipendenza tal-ġudikatura biex tittejjeb il-klima tal-investiment u jiddaħħlu fis-seħħ il-kondizzjonijiet għal implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza; billi ma jista' jsir l-ebda żborż fl-ambitu tal-RRF sakemm jintwera t-twettiq ta' dawk l-istadji importanti;

N.  billi, f'konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament dwar l-RRF, ebda pjan adottat wara l-31 ta' Diċembru 2021 mhuwa eliġibbli għall-prefinanzjament;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-valutazzjoni pożittiva tal-Kummissjoni fl-1 ta' Ġunju 2022, tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Polonja, li ġie ppreżentat mill-Polonja fit-3 ta' Mejju 2021, meta jitqies il-ksur eżistenti u kontinwu tal-pajjiż tal-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE, inkluż tal-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura; itenni li l-eżistenza ta' tali ksur ġiet dokumentata sew minn ħafna sentenzi tal-qorti, valutazzjonijiet u pożizzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE, inklużi fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament u fil-proċeduri li għadhom għaddejjin skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE, kif ukoll minn organizzazzjonijiet internazzjonali; ifakkar li l-konformità mad-deċiżjonijiet tal-QĠUE u tal-QEDB u l-konformità mal-preminenza tad-dritt tal-UE mhumiex negozjabbli u ma jistgħux jiġu ttrattati bħala pedina ta' negozjar;

2.  Jiddispjaċih li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-RRP ma jipprevedux ir-riintegrazzjoni immedjata tal-imħallfin kollha sospiżi b'mod illegali fil-pożizzjonijiet preċedenti tagħhom u jħeġġeġ lill-Gvern tal-Polonja jaċċelera b'mod sinifikanti l-proċess tar-riintegrazzjoni tagħhom fil-pożizzjonijiet preċedenti tagħhom, u lill-Kummissjoni biex timmonitorja u tiffaċilita dan il-proċess; iqis li rieżami ġudizzjarju tad-deċiżjoni dwar is-sospensjoni jista' jipproċedi waqt li l-imħallfin ikunu fil-kariga; jiddeplora u jikkundanna l-prattiki attwali kontra xi mħallfin, li ġew trasferiti lejn dipartiment ieħor u/jew ġew imġiegħla jmorru fuq liv mar-ritorn tagħhom jew li ġew affettwati minn tattiċi simili bi ksur ta' diversi sentenzi tal-Qorti Pollakka u tal-Qorti Ewropea;

3.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kunsill biex japprova l-pjan nazzjonali tal-Polonja fl-ambitu tal-RRF biss darba li tkun ikkonformat bis-sħiħ mar-rekwiżiti tar-Regolament dwar l-RRF, u b'mod partikolari l-Artikolu 22 tiegħu, speċjalment bil-għan li jiġu ssalvagwardjati l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra l-kunflitt ta' interess u l-frodi, u mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż kollha tas-Semestru Ewropew fil-qasam tal-istat tad-dritt u darba li tkun implimentat is-sentenzi rilevanti kollha tal-QĠUE u tal-QEDB; ifakkar li l-kooperazzjoni bbażata fuq ir-rikonoxximent reċiproku u l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, l-Unjoni Ewropea u l-awtoritajiet tagħhom ma tistax tiffunzjona jekk ikun hemm nuqqasijiet fir-rigward tal-istat tad-dritt;

4.  Ifakkar li l-konformità mal-istat tad-dritt u mal-Artikolu 2 tat-TUE huma prerekwiżiti biex jinkiseb aċċess għall-fond, li l-mekkaniżmu ta' kondizzjonalità tal-istat tad-dritt huwa applikabbli bis-sħiħ għall-RRF u li m'għandha tiġi ffinanzjata ebda miżura fl-ambitu tal-RRF li tmur kontra l-valuri tal-UE minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE; ifakkar li l-Kummissjoni trid timmonitorja b'mod kostanti u b'reqqa kbira r-riskji għall-interessi finanzjarji tal-UE fl-implimentazzjoni tal-RRF u kwalunkwe ksur jew ksur potenzjali tal-prinċipji tal-istat tad-dritt, u tieħu azzjoni immedjata jekk l-interessi finanzjarji tal-UE tkun tista' ssirilhom ħsara, f'konformità mar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt u r-Regolament dwar l-RRF;

5.  Jinsisti li l-istadji importanti u l-miri relatati mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-istabbiliment ta' sistema ta' kontroll adegwata, l-indipendenza tal-ġudikatura u l-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tal-frodi u l-ġlieda kontra l-frodi, il-kunflitti ta' interess u l-korruzzjoni huma prekondizzjonijiet u jridu jiġu ssodisfati qabel il-preżentazzjoni tal-ewwel talba għal pagament u jfakkar li ebda pagament fl-ambitu tal-RRF ma jista' jsir qabel ma jiġu ssodisfati;

6.  Iqis li ma jista' jsir l-ebda pagament lill-Polonja fl-ambitu tal-RRF sa ma jiġu implimentati bis-sħiħ is-sentenzi rilevanti kollha tal-QĠUE u tal-QEDB; jisħaq li l-Kummissjoni u l-Kunsill huma politikament responsabbli quddiem il-Parlament għall-azzjonijiet tagħhom;

7.  Jirrikonoxxi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-għeluq tal-Awla Dixxiplinari illegali tal-Qorti Suprema u t-trasferiment tal-funzjonijiet dixxiplinari lil awla oħra tal-Qorti Suprema bħala waħda mill-kondizzjonijiet essenzjali għar-rilaxx ta' fondi fl-ambitu tal-RRF; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tapplika mekkaniżmu ta' verifika robust kif ukoll perjodu ta' prova biex tiżgura li l-awla l-ġdida tissodisfa l-kriterji ta' qorti indipendenti u imparzjali stabbilita bil-liġi kif meħtieġ skont l-Artikolu 19 tat-TUE qabel ir-rilaxx ta' kwalunkwe fondi; jissottolinja l-ħtieġa li tinżamm b'mod strett l-iskeda ta' żmien prevista fl-RRP;

8.  Ifakkar li l-Polonja hija marbuta bl-ordni tal-QĠUE u xorta trid tħallas penali ta' kuljum ta' EUR 1 miljun sa ma tindirizza d-deċiżjonijiet relatati mal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tiskrutinizza r-riforma tas-sistema dixxiplinari sabiex tiżgura li tkun strettament konformi mad-deċiżjonijiet tal-QĠUE;

9.  Jiddispjaċih li l-kwistjonijiet rigward it-"Tribunal Kostituzzjonali" illeġittimu u l-"Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura" (NCJ) li jdgħajfu l-imparzjalità u l-indipendenza tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura mhumiex indirizzati fl-"istadji importanti"; jistieden lill-Kummissjoni tiftaħ proċedura ta' ksur dwar din il-kwistjoni mingħajr dewmien;

10.  Jiddeplora n-nuqqas ta' informazzjoni, speċjalment għall-Parlament, rigward in-negozjati bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Pollakki; jistenna li l-Kummissjoni tinforma lill-Parlament malajr u regolarment dwar kwalunkwe żvilupp rilevanti;

11.  Ifakkar, barra minn hekk, li l-adeżjoni għall-istat tad-dritt u l-ġestjoni finanzjarja soda tal-fondi tal-UE għandhom jiġu evalwati kontinwament matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-RRF u li l-ilħuq sodisfaċenti tal-istadji importanti u tal-miri u l-pagamenti relatati jippresupponu li ma kien hemm ebda treġġigħ lura tal-miżuri relatati mal-istadji importanti u l-miri li diġà ntlaħqu b'mod sodisfaċenti; jisħaq li l-Kummissjoni jeħtiġilha toqgħod lura milli tiżborża l-finanzjament u, meta jkun applikabbli, tirkupra l-fondi, fil-każ li tali kondizzjonijiet ma jibqgħux jiġu ssodisfati;

12.  Ifakkar li l-Kummissjoni, bħala l-gwardjan tat-Trattati, għandha tuża l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tiżgura l-konformità mal-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE u l-preminenza tad-dritt tal-UE;

13.  Ifakkar li l-għan tal-RRF huwa li tagħti spinta lill-irkupru u r-reżiljenza tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, inkluża l-Polonja; jiddeplora l-fatt li, minħabba l-azzjonijiet tal-Gvern Pollakk, il-finanzjament tal-RRF għadu ma laħaqx lill-poplu u lir-reġjuni tal-Polonja;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17.
(2) ĠU C 129, 5.4.2019, p. 13.
(3) ĠU C 385, 22.9.2021, p. 317.
(4) ĠU C 81, 18.2.2022, p. 27.
(5) ĠU C 99, 1.3.2022, p. 146.
(6) ĠU C 117, 11.3.2022, p. 151.
(7) ĠU C 184, 5.5.2022, p. 154.
(8) Testi adottati, P9_TA(2022)0074.
(9) Testi adottati, P9_TA(2022)0204.


Strument għal akkwist internazzjonali ***I
PDF 149kWORD 57k
Riżoluzzjoni
Test
Anness
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2022 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess ta' prodotti u servizzi ta' pajjiżi terzi għas-suq intern tal-akkwist pubbliku tal-Unjoni u l-proċeduri li jappoġġjaw in-negozjati marbuta mal-aċċess tal-prodotti u s-servizzi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku ta' pajjiżi terzi (COM(2016)0034 – C9-0018/2016 – 2012/0060(COD))
P9_TA(2022)0241A9-0337/2021

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2012)0124) u l-proposta emendata (COM(2016)0034),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0018/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-27 ta' April 2016(1),

–  wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-30 ta’ Marzu 2022, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 60 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0454/2013),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tas-16 ta' Ottubru 2019 dwar ħidma mhux mitmuma mit-tmien leġiżlatura parlamentari,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur,

–  wara li kkunsidra l-ittra mingħand il-Kumitat għall-Affarijiet Legali,

–  wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A9-0337/2021),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt(2);

2.  Japprova d-dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament u l-Kunsill annessa ma' din ir-riżoluzzjoni, li se tiġi ppubblikata fis-serje L tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea flimkien mal-att leġiżlattiv finali;

3.  Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet mill-Kummissjoni annessi ma’ din ir-riżoluzzjoni; waħda dwar ir-rieżami tar-Regolament dwar l-Istrument għal Akkwist Internazzjonali, li se tiġi ppubblikata fis-serje L ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea flimkien mal-att leġiżlattiv finali, u waħda dwar il-kompetenza esklużiva, li se tiġi ppubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fid-9 ta’ Ġunju 2022 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2022/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess ta' operaturi ekonomiċi, prodotti u servizzi ta' pajjiżi terzi għas-swieq tal-akkwist pubbliku u tal-konċessjoni tal-Unjoni u l-proċeduri li jappoġġjaw in-negozjati marbuta mal-aċċess tal-operaturi ekonomiċi, il-prodotti u s-servizzi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku u tal-konċessjoni ta' pajjiżi terzi (Strument għal Akkwist Internazzjonali - IPI)

P9_TC1-COD(2012)0060


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, ir-Regolament (UE) 2022/1031.)

ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠISLATTIVA

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA MILL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL FIR-RIGWARD TAR-REGOLAMENT (UE) 2022/1031(3)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirrikonoxxu li r-regoli dwar il-komitoloġija maqbula f'dan l-istrument ma jippreġudikawx l-eżitu ta' negozjati leġiżlattivi oħra li għaddejjin jew futuri u m'għandhomx jitqiesu bħala preċedent għal fajls leġiżlattivi oħra.

DIKJARAZZJONI MILL-KUMMISSJONI DWAR IR-RIEŻAMI TAR-REGOLAMENT DWAR L-ISTRUMENT GĦAL AKKWIST INTERNAZZJONALI (REGOLAMENT (UE) 2022/1031)

Meta twettaq rieżami tal-kamp ta' applikazzjoni, tal-funzjonament u tal-effiċjenza tar-Regolament (UE) 2022/1031, f'konformità mal-Artikolu 14 tiegħu, il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll il-ħtieġa li teżenta mill-applikazzjoni tiegħu kwalunkwe wieħed mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma benefiċjarji tal-arranġament ġenerali msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, u b'mod partikolari l-benefiċjarji tal-arranġament speċjali ta' inċentivi għall-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba kif definit fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 978/2012. Fir-rieżami, il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari lis-setturi li huma kkunsidrati strateġiċi fir-rigward tal-akkwist pubbliku tal-UE.

DIKJARAZZJONI MILL-KUMMISSJONI DWAR IL-KOMPETENZA ESKLUŻIVA FIR-RIGWARD TAR-REGOLAMENT (UE) 2022/1031

Kif ikkonfermat fl-Opinjoni 2/15 tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parteċipazzjoni ta' operaturi ekonomiċi, prodotti u servizzi ta' pajjiżi terzi fil-proċeduri ta' akkwist tal-Unjoni taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni li għaliha, kif iddikjarat b'mod espliċitu fl-Artikolu 3(1)(e) TFUE, l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva. Għalhekk, l-Istati Membri u l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti tagħhom ma għandhom jadottaw jew iżommu l-ebda miżura leġiżlattiva jew miżura oħra ġeneralment applikabbli li tirregola l-aċċess minn operaturi ekonomiċi, prodotti u servizzi ta' pajjiżi terzi lil hinn minn dawk applikati skont dan ir-Regolament u leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni.

(1) ĠU C 264, 20.7.2016, p. 110.
(2) Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fl-14.12.2021 (Testi adottati P9_TA(2021)0497).
(3) Ir-Regolament (UE) 2022/1031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 2022 dwar l-aċċess ta’ operaturi ekonomiċi, prodotti u servizzi ta’ pajjiżi terzi għas-swieq tal-akkwist pubbliku u tal-konċessjoni tal-Unjoni u l-proċeduri li jappoġġjaw in-negozjati marbuta mal-aċċess tal-operaturi ekonomiċi, il-prodotti u s-servizzi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku u tal-konċessjoni ta’ pajjiżi terzi (Strument għal Akkwist Internazzjonali — IPI) (ĠU L 173, 30.6.2022, p. 1).


Id-dritt ta' inizjattiva tal-Parlament
PDF 165kWORD 55k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2022 dwar id-dritt ta' inizjattiva tal-Parlament (2020/2132(INI))
P9_TA(2022)0242A9-0142/2022

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea(TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, kif emendat(1) (Il-Ftehim Qafas tal-2010),

–  wara li kkunsidra il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet(2) (Il-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar it-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli tal-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2019 dwar l-istat tad-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew rigward il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew rigward il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa(7),

–  wara li kkunsidra l-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss ta' bejn l-2019 u l-2024 ippreżentati mill-President tagħha, Ursula von der Leyen, fis-16 ta' Lulju 2019 bit-titolu "A Union that strives for more – My agenda for Europe" (Unjoni li tirsisti għal aktar – L-aġenda tiegħi għall-Ewropa),

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' Lulju 2020 ikkummissjonat mill-Parlament u bit-titolu "The European Parliament's right of initiative" (Id-dritt ta' inizjattiva tal-Parlament Ewropew),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A9-0142/2022),

A.  billi, l-Artikolu 15 TUE jispeċifika li l-Kunsill Ewropew jeħtieġ li ma jeżerċitax funzjonijiet leġiżlattivi;

B.  billi l-Parlament huwa l-unika istituzzjoni tal-UE eletta demokratikament u direttament miċ-ċittadini; billi, għall-kuntrarju tas-sistemi kostituzzjonali tal-Istati Membri, il-Parlament ma għandu l-ebda dritt ta' inizjattiva leġiżlattiva dirett ġenerali, li, skont l-Artikolu 17(2) TUE, huwa tal-Kummissjoni, ħlief fejn it-Trattati jiddikjaraw mod ieħor;

C.  billi t-Trattati jagħtu dritt ta' inizjattiva leġiżlattiva indirett minħabba li, skont l-Artikolu 225 TFUE, "il-Parlament Ewropew jista', b'maġġoranza tal-Membri komponenti tiegħu, jitlob lill-Kummissjoni tissottometti proposti adegwati fuq dawk il-kwistjonijiet li dwarhom ikun iqis li hu neċessarju li jsir att tal-Unjoni sabiex jiġu implimentata t-Trattati";

D.  billi l-Artikolu 225 TFUE jistipula wkoll li "jekk il-Kummissjoni ma tippreżentax proposta, din għandha tinforma lill-Parlament Ewropew bir-raġunijiet";

E.  billi r-rapporti fuq inizjattiva proprja u r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament jikkostitwixxu għodda importanti għall-istabbiliment tal-aġenda politika tal-UE;

F.  billi fl-ambitu tal-Ftehim Qafas tal-2010, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tirrapporta dwar is-segwitu konkret għal kwalunkwe talba tal-Parlament biex tippreżenta proposta skont l-Artikolu 225 TFUE fi żmien tliet xhur wara l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni rilevanti fil-plenarja; billi, meta l-Kummissjoni ma tikkonformax ma' dan l-obbligu, dan jista' jikkostitwixxi nuqqas ta' aġir skont l-Artikolu 265 TFUE;

G.  billi terz biss tal-proċeduri ta' inizjattiva leġiżlattiva u mhux leġiżlattiva tal-Parlament sal-2019 jistgħu jitqiesu li kellhom suċċess u l-biċċa l-kbira tar-rapporti fuq inizjattiva proprja leġiżlattivi (INLs) adottati mill-2011 'l hawn ma ġew segwiti minn ebda preżentazzjoni ta' proposti xierqa mill-Kummissjoni sal-2019(8);

H.  billi l-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet jistipula li l-Kummissjoni jeħtiġilha tadotta komunikazzjoni speċifika dwar is-segwitu għal talbiet bħal dawn u li jekk "tiddeċiedi li ma tippreżentax proposta, b'reazzjoni għal tali talba, ser tinforma lill-istituzzjoni kkonċernata bir-raġunijiet dettaljati, u tipprovdi, fejn xieraq, analiżi tal-alternattivi possibbli u tirrispondi għal kwalunkwe kwistjoni mqajma mill-koleġiżlaturi b'rabta mal-analiżi dwar 'valur miżjud Ewropew' u dwar 'kemm tqum in-non-Ewropa'";

I.  billi t-Trattati jagħtu lill-Parlament drittijiet ta' inizjattiva diretti fir-rigward tal-kompożizzjoni tiegħu stess, l-elezzjoni tal-Membri tiegħu u l-Istatut tagħhom, l-Istatut tal-Ombudsman Ewropew u d-dritt ta' inkjesta tal-Parlament, li għalihom tapplika proċedura speċjali, u fir-rigward tat-tnedija ta' proċeduri relatati mar-rispett tal-istat tad-dritt u r-reviżjonijiet tat-Trattat;

J.  billi d-drittijiet ta' inizjattiva diretti tal-Parlament għadhom 'il bogħod milli jkunu biżżejjed biex jippermettulu jirrappreżenta leħen iċ-ċittadini, is-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej, u dan effettivament iħalli lill-Kummissjoni b'monopolju fuq l-eżerċizzju tal-inizjattiva leġiżlattiva;

K.  billi rwol aktar prominenti għall-Parlament fl-istabbiliment tal-aġenda tal-Unjoni permezz tat-tisħiħ tad-dritt ta' inizjattiva tal-Parlament jirrikjedi wkoll l-estensjoni tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja għal oqsma ta' politika oħrajn u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni interistituzzjonali;

L.  billi l-Parlament ipproduċa inizjattiva leġiżlattiva partikolarment ambizzjuża dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, adottata f'Ottubru 2016(9) u 2020(10) billi stieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jidħlu f'negozjati mal-Parlament dwar ftehim interistituzzjonali f'konformità mal-Artikolu 295 TFUE; billi l-istat tad-dritt huwa wieħed mill-oqsma fejn jista' jiġi żviluppat id-dritt ta' inizjattiva tal-Parlament;

M.  billi l-għoti ta' dritt ta' inizjattiva dirett lill-Parlament jibbilanċja mill-ġdid il-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni;

N.  billi l-evidenza empirika turi li s-suċċess tal-inizjattivi tal-Parlament essenzjalment jiddependi fuq il-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet segwita mill-Kunsill (maġġoranza kwalifikata jew unanimità)(11);

O.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-istat tad-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa, il-Parlament fakkar li "fil-każ ta' reviżjoni futura possibbli tat-Trattati, id-dritt ta' inizjattiva leġiżlattiva jista' jiġi attribwit ukoll lill-Parlament bħala r-rappreżentant dirett taċ-ċittadini tal-UE"; billi l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa kient, fost affarijiet oħra, opportunità storika biex tiġi promossa r-riforma tad-demokrazija Ewropea u tat-Trattati bl-involviment taċ-ċittadini;

P.  billi fuq il-pjattaforma diġitali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, id-demokrazija Ewropea kienet waħda mill-kwistjonijiet li kisbet l-aktar kontributi miċ-ċittadini;

Q.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli tal-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament ippropona "li f'konformità ma' prattika komuni f'għadd ta' Stati Membri, iż-żewġ kmamar tal-leġiżlatura tal-UE, il-Kunsill u, b'mod partikolari, il-Parlament, bħala l-unika istituzzjoni eletta direttament miċ-ċittadini, jenħtieġ li jingħataw id-dritt ta' inizjattiva leġiżlattiva, mingħajr preġudizzju għall-prerogattiva leġiżlattiva bażika tal-Kummissjoni";

R.  billi r-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament jiddeterminaw ir-regoli għall-abbozzar u l-adozzjoni tar-riżoluzzjonijiet skont l-Artikolu 225 TFUE; billi teżisti distinzjoni fil-prattika bejn ir-rapporti fuq inizjattiva proprja (INI) u r-rapporti INL; billi l-Ftehim Qafas tal-2010 u l-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet ma jagħmlux distinzjoni bħal din;

Id-dritt(ijiet) ta' inizjattiva dirett(i) tal-Parlament stabbilit(i) mit-Trattati

1.  Jenfasizza u jiddispjaċih li l-Parlament, minkejja li huwa l-unika istituzzjoni tal-UE eletta direttament, m'għandux dritt ta' inizjattiva dirett ġenerali;

2.  Jissottolinja li t-Trattat ta' Lisbona diġà jagħti drittijiet ta' inizjattiva diretti lill-Parlament, filwaqt li jirrikonoxxi l-kompetenza tiegħu li jorganizza lilu nnifsu, il-funzjoni ta' skrutinju tiegħu u l-leġittimità demokratika tiegħu bħala l-unika istituzzjoni tal-UE eletta b'mod dirett;

3.  Jenfasizza li fi struttura istituzzjonali fejn il-Parlament għad ma għandux dritt ta' inizjattiva dirett ġenerali, il-proċeduri leġiżlattivi speċjali li jniedi jkollhom dinjità kostituzzjonali speċjali u preminenza fuq il-proċeduri leġiżlattivi ordinarji;

4.  Ifakkar li f'dawn l-aħħar 20 sena, il-Parlament ripetutament għamel użu minn tali drittijiet leġiżlattivi speċjali, minkejja li huma daqstant insuffiċjenti; jiddispjaċih, madankollu, li dawn il-proċeduri leġiżlattivi speċjali rarament ġew konklużi b'suċċess minħabba n-nuqqas ta' qbil min-naħa tal-Kummissjoni u tal-Kunsill(12);

5.  Jenfasizza li l-Parlament għamel użu mid-dritt ta' inizjattiva tiegħu billi nieda proċedura tal-istat tad-dritt skont l-Artikolu 7 TUE; jikkundanna n-nuqqas ta' segwitu min-naħa tal-Kunsill għal din il-proċedura u għat-talbiet ripetuti sussegwenti tal-Parlament għal azzjoni u jirrimarka li n-nuqqas tal-Kunsill li jagħmel użu effettiv mill-Artikolu 7 TUE jkompli jdgħajjef l-integrità tal-valuri komuni Ewropej, il-fiduċja reċiproka u l-kredibbiltà tal-Unjoni b'mod ġenerali; iqis li huwa essenzjali li tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa u immedjata tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni(13) filwaqt li jitħares ir-rwol tal-Parlament bħala koleġiżlatur; iqis li l-Unjoni għadha strutturalment mhux lesta biex tiġġieled ir-rigress fir-rigward tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali u l-ksur tagħhom fl-Istati Membri; jemmen li d-deterjorament b'rabta ma' dawn il-kwistjonijiet f'diversi Stati Membri wera l-ħtieġa ta' kooperazzjoni interistituzzjonali ġenwina; jiddispjaċih ħafna dwar in-nuqqas ta' rispons xieraq għall-inizjattiva tal-Parlament dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali u jtenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jidħlu mingħajr dewmien f'negozjati mal-Parlament dwar ftehim interistituzzjonali;

6.  Itenni l-proposta motivata tiegħu dwar l-eżistenza ta' riskju ċar ta' ksur serju min-naħa tal-Ungerija tal-valuri li l-Unjoni hija msejsa fuqhom; itenni t-tħassib serju tiegħu li l-proċeduri standard għas-seduti ta' smigħ ma jiżgurawx it-trattament ugwali tal-Parlament, minn naħa waħda, u l-Kummissjoni u terz tal-Istati Membri, min-naħa l-oħra, f'dik li hija preżentazzjoni ta' proposta motivata u f'termini ta' aċċess għall-informazzjoni; jesprimi d-dispjaċir tiegħu li s-seduti ta' smigħ għadhom ma rriżultaw f'ebda progress sinifikanti rigward l-indirizzar tar-riskji ċari ta' ksur serju tal-valuri tal-UE;

7.  Jiddispjaċih għall-fatt li tliet Stati Membri għadhom ma rratifikawx il-liġi elettorali emendata tal-Unjoni Ewropea li ġiet adottata fl-2018;

8.  Jiddispjaċih ukoll għall-fatt li l-Kunsill sal-lum irrifjuta li jinnegozja mal-Parlament dwar id-dritt ta' inkjesta tiegħu, minkejja li dan imur kontra l-Artikolu 226 TFUE u l-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera, u b'hekk iħalli dispożizzjoni tat-Trattat mhux implimentata minkejja d-dmir li jagħmel dan;

9.  Jilqa' l-adozzjoni tal-Istatut il-ġdid tal-Ombudsman Ewropew, b'segwitu għall-inizjattiva tal-Parlament, peress li dan jiżgura li l-istatut ikun konsistenti mat-Trattat ta' Lisbona;

Id-drittijiet ta' inizjattiva tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew stabbiliti bit-Trattati

10.  Jiddispjaċih li fil-qasam tal-politika ekonomika u monetarja, l-Artikolu 121 TFUE jipprevedi biss li l-Parlament jiġi infurmat; jinnota wkoll li l-Kunsill eżerċita l-Artikolu 121 TFUE bħala dritt ta' inizjattiva de facto f'dan il-qasam, u jitlob aktar responsabbiltajiet għall-Parlament bħala l-unika istituzzjoni tal-UE li tirrappreżenta leħen iċ-ċittadini;

11.  Jirrikonoxxi, barra minn hekk, li l-Artikolu 68 TFUE ġie eżerċitat bħala dritt ta' inizjattiva de facto mill-Kunsill Ewropew fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja; jenfasizza l-fatt li l-Kunsill Ewropew mhuwiex koleġiżlatur, u li l-adozzjoni mill-Kunsill Ewropew ta' programmi operattivi pluriennali f'dan il-qasam mingħajr l-ebda obbligu li jikkonsulta mal-Parlament jew mal-Kummissjoni għandha tiġi riveduta minħabba l-impatt partikolarment serju ta' dawn il-politiki fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini; jitlob li l-Parlament u l-Kunsill jingħataw din il-kompetenza fuq termini ugwali f'reviżjoni li jmiss tat-Trattat;

12.  Jinnota li skont l-Artikolu 76 TFUE, il-Kunsill, permezz ta' kwart tal-Istati Membri tiegħu, għandu dritt ta' inizjattiva li huwa simultanju ma' dak tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni dwar il-liġi amministrattiva u l-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali;

13.  Jinnota li dawn l-iżviluppi huma parti minn xejra usa' lejn żbilanċ dejjem akbar bejn il-Kunsill, il-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni fis-setgħa tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-oqsma kollha ta' politika, fi gradi differenti; jisħaq li din il-prattika tnawwar l-arkitettura istituzzjonali tal-UE kif stabbilita mit-Trattati; jemmen li l-bilanċ għandu jerġa' jiġi stabbilit favur il-leġittimità demokratika permezz ta' drittijiet ekwivalenti għall-Parlament;

14.  Jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' trasparenza fl-użu tad-dritt ta' inizjattiva indirett tal-Kunsill stabbilit fl-Artikolu 241 TFUE; jitlob lill-Kunsill jippubblika, b'mod faċli għall-utent u fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea, it-talbiet kollha magħmula bl-użu ta' din il-bażi legali u jinsisti fuq it-talba tiegħu biex il-Kunsill jiżgura l-ogħla livell possibbli ta' trasparenza fl-atti kollha tiegħu(14), f'konformità sħiħa mar-regoli tal-UE dwar l-aċċess għad-dokumenti;

Id-dritt ta' inizjattiva indirett tal-Parlament stabbilit bit-Trattati

15.  Ifakkar li mit-Trattat ta' Maastricht, il-Parlament, b'rikonoxximent tal-leġittimità demokratika unika tiegħu, kiseb id-dritt li jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposti leġiżlattivi;

16.  Jinnota li f'konformità mal-Artikolu 225 TFUE, it-talbiet iridu jkunu fil-kompetenza tal-Unjoni u li attwalment l-uniku obbligu tal-Kummissjoni huwa li tinforma lill-Parlament bir-raġunijiet tagħha għan-nuqqas ta' preżentazzjoni ta' proposta;

17.  Ifakkar li l-Parlament u l-Kummissjoni qablu li jkomplu jsaħħu dan id-dritt permezz tal-Ftehim Qafas tal-2010; jinnota li l-Kummissjoni impenjat ruħha li tirrapporta dwar is-segwitu tagħha għat-talbiet tal-Parlament fi żmien tliet xhur u, jekk ikun deċiż hekk mill-kulleġġ, tippreżenta proposta leġiżlattiva;

18.  Jemmen li wasal iż-żmien li tintwera rieda politika aktar ambizzjuża u għalhekk jitlob li jiġi kkunsidrat rieżami tal-Ftehim Qafas tal-2010 bil-għan li jiġu żgurati drittijiet ta' inizjattiva aktar b'saħħithom għall-Parlament;

19.  Jiddispjaċih għall-fatt li, sal-2019, fis-segwitu tagħha għar-rapporti ta' inizjattiva leġiżlattiva tal-Parlament adottati skont l-Artikolu 225 TFUE, il-Kummissjoni kienet ippreżentat proposti leġiżlattivi b'segwitu għat-talbiet tal-Parlament f'minoranza tal-każijiet biss(15); jiddispjaċih ukoll għall-fatt li l-iskadenzi biex il-Kummissjoni twieġeb għat-talbiet tal-Parlament u tressaq proposti leġiżlattivi ma ġewx rispettati fil-biċċa l-kbira tal-każijiet;

20.  Iqis li l-uniku obbligu tal-Kummissjoni li tinforma lill-Parlament bir-raġunijiet tagħha għalfejn ma tatx segwitu għal INL adottata minn maġġoranza tal-Membri komponenti tal-Parlament huwa dgħajjef wisq, u għalhekk jilqa' bl-aktar mod qawwi l-appoġġ tal-President tal-Kummissjoni von der Leyen għad-dritt ta' inizjattiva tal-Parlament u l-impenn meħud biex il-Kummissjoni dejjem twieġeb b'att leġiżlattiv għat-talbiet tal-Parlament skont l-Artikolu 225 TFUE, b'rispett sħiħ għall-prinċipji tal-proporzjonalità, tas-sussidjarjetà u tat-tfassil aħjar tal-liġijiet; jistenna li l-Kummissjoni żżomm dan l-impenn biex tniedi leġiżlazzjoni b'segwitu għall-adozzjoni ta' kwalunkwe talba bħal din mill-Parlament adottata mill-maġġoranza tal-Membri komponenti tiegħu f'INL; iqis li kemm dan l-impenn kif ukoll is-setgħa tal-Parlament li jinfluwenza l-aġenda tal-UE għandhom jissaħħu;

21.  Ifaħħar lill-Kulleġġ tal-Kummissarji attwali talli wieġeb għat-talbiet kollha tal-Parlament fil-ħin(16), ħlief f'każ wieħed(17); jenfasizza, barra minn hekk, li f'każ wieħed biss talba ma rriżultatx fi proposta leġiżlattiva; iqis li dan juri li ġie stabbilit preċedent interistituzzjonali u jistenna li l-Kummissjoni tkompli tirrispetta l-impenn tagħha li twieġeb għat-talbiet kollha;

22.  Jemmen li r-riflessjoni dwar id-dritt ta' inizjattiva tal-Parlament għandha timxi id f'id ma' riflessjoni usa' dwar l-inizjattiva politika fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE;

23.  Jissuġġerixxi li s-segwitu għall-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) għandu jittejjeb u jisħaq li jekk il-Kummissjoni tonqos milli tippubblika l-intenzjonijiet tagħha fl-iskadenzi mogħtija, jew tkun stabbiliet f'komunikazzjoni li ma għandhiex l-intenzjoni li tieħu azzjoni fuq IĊE li tkun issodisfat ir-rekwiżiti proċedurali u tkun konformi mat-Trattati, b'mod partikolari l-valuri fundamentali tal-Unjoni mnaqqxa fl-Artikolu 2 TUE, il-Parlament jista' jiddeċiedi li jagħti segwitu għall-IĊE b'INL;

Il-futur tad-dritt(ijiet) ta' inizjattiva tal-Parlament

24.  Huwa konvint bis-sħiħ li dritt ta' inizjattiva ġenerali u dirett ikompli jsaħħaħ il-leġittimità demokratika tal-Unjoni, jagħti s-setgħa liċ-ċittadini tal-Unjoni u jirrifletti l-evoluzzjoni matul iż-żmien tal-kompetenzi tal-Unjoni u tal-istituzzjonijiet tagħha lejn demokrazija Ewropea aktar b'saħħitha;

25.  Huwa tal-fehma li l-Parlament, bħala l-unika istituzzjoni tal-UE eletta direttament, għandu jingħata d-dritt li jipproponi leġiżlazzjoni;

26.  Jemmen bis-sħiħ li t-Trattati għandhom jiġu riveduti sabiex il-Parlament, bħala l-unika istituzzjoni tal-UE eletta direttament u għalhekk l-istituzzjoni li tirrappreżenta leħen iċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, jingħata dritt ġenerali u dirett li jniedi leġiżlazzjoni; jisħaq li l-Parlament għandu jniedi l-proċedura skont l-Artikolu 48 TUE biex jistabbilixxi tali dritt ta' inizjattiva leġiżlattiva; huwa tal-fehma li d-dritt ta' inizjattiva tal-Parlament għandu tal-anqas japplika f'dawk l-oqsma ta' politika fejn il-Parlament għandu s-setgħa li jippromulga leġiżlazzjoni bħala koleġiżlatur;

27.  Jisħaq li l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa kienet opportunità bla preċedent biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet attwali u jingħata impetu ġdid lid-demokrazija Ewropea u jħeġġeġ bil-qawwa li tiġi segwita r-rakkomandazzjoni tal-parteċipanti fil-Konferenza favur dritt ta' inizjattiva ġenwin għall-Parlament;

28.  Itenni d-dinjità kostituzzjonali speċjali u rinforzata tal-kwistjonijiet li bħalissa l-Parlament għandu d-dritt ta' inizjattiva fir-rigward tagħhom, u għalhekk iqis li tali dritt esklużiv għandu jiġi estiż għall-kwistjonijiet fejn il-leġittimità demokratika u s-sovranità tal-Unjoni huma partikolarment rilevanti;

29.  Jinnota li d-drittijiet ta' inizjattiva attwali tal-Parlament jinkludu proċeduri leġiżlattivi speċjali differenti, bħal fil-każ ta' regolamenti relatati mal-kompożizzjoni tiegħu stess, l-elezzjoni tal-Membri tiegħu u l-Istatut tagħhom, l-Istatut tal-Ombudsman Ewropew kif ukoll id-dritt ta' inkjesta tal-Parlament;

30.  Iqis li t-Trattati bilkemm jirregolaw tali proċeduri u jitlob ftehim interistituzzjonali ġdid bejn it-tliet istituzzjonijiet iddedikat esklużivament għal din il-kwistjoni, b'rispett sħiħ għad-dinjità kostituzzjonali speċjali tiegħu u filwaqt li tissaħħaħ il-leġittimità demokratika tal-Unjoni Ewropea; iqis li dan il-ftehim interistituzzjonali l-ġdid jista' jikkontempla miżuri biex jiġi evitat li l-fajls jiġu mblukkati istituzzjonalment;

31.  Jikkunsidra li r-regoli interni tal-Parlament għandhom jirriflettu aħjar in-natura speċjali ta' dawn il-proċeduri leġiżlattivi; jirrakkomanda, b'mod partikolari, li meta l-adozzjoni ta' att mill-Parlament tkun tirrikjedi l-approvazzjoni jew il-kunsens tal-Kunsill u l-opinjoni jew il-kunsens tal-Kummissjoni, il-Parlament għandu, b'segwitu għall-votazzjoni dwar l-att propost, jidħol fi proċedura ta' konsultazzjoni ma' dawn l-istituzzjonijiet; huwa wkoll tal-fehma li l-Parlament għandu jissimplifika l-proċeduri biex jinbidlu tali atti proposti b'segwitu għal tali konsultazzjonijiet;

32.  Jemmen li l-estensjoni tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja u d-definizzjoni ta' proċedura leġiżlattiva ordinarja fejn il-Parlament igawdi d-dritt ta' inizjattiva għandhom jitqiesu bħala proċessi komplementari;

33.  Iqis li r-rikonoxximent ta' dritt ta' inizjattiva dirett tal-Parlament ma jeskludix il-possibbiltà li l-Kummissjoni żżomm dritt simultanju jew iżżomm monopolju tal-inizjattiva bħal fil-qasam tal-baġit; jista' jipprevedi wkoll li l-Kunsill ikollu dritt ta' inizjattiva dirett f'oqsma definiti b'mod strett; jitlob lit-tliet istituzzjonijiet jirriflettu dwar kif id-drittijiet ta' inizjattiva simultanji jistgħu jikkoeżistu b'mod effettiv u jiġu implimentati fil-prattika;

34.  Jimpenja ruħu li juża bis-sħiħ, jiżviluppa u jkompli jsaħħaħ il-potenzjal ta' dritt ta' inizjattiva indirett tal-Parlament kif previst fit-Trattati u żviluppat aktar fi ftehimiet interistituzzjonali u permezz tal-impenn tal-President tal-Kummissjoni von der Leyen;

35.  Iqis li l-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet għandu rwol essenzjali fl-iżgurar ta' kooperazzjoni sinċiera u trasparenti fiċ-ċiklu leġiżlattiv kollu kemm hu u jippermetti li jinkiseb fehim aħjar u reċiproku dwar il-pożizzjonijiet rispettivi tal-istituzzjonijiet differenti;

36.  Jitlob valutazzjoni konġunta tal-funzjonament tal-Ftehim Qafas tal-2010 u l-ħtieġa ta' reviżjoni mmirata biex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet u l-perjodi ta' żmien tiegħu relatati mad-dritt ta' inizjattiva indirett tal-Parlament ikunu jistgħu jiġu rispettati b'mod effettiv; jitlob ukoll lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jivvalutaw flimkien mal-Parlament x'reviżjoni trid issir għall-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet bil-għan li jiġu eliminati l-ostakli li jista' jkun hemm għas-setgħat tal-Parlament li jipproponi inizjattivi leġiżlattivi;

37.  Iqis li huwa xieraq li jiġu rieżaminati r-rekwiżiti, il-proċeduri u r-regoli interni tiegħu, anke fir-rigward tal-abbozzar ta' rapporti ta' inizjattiva leġiżlattiva skont l-Artikolu 225 TFUE biex jiġi żgurat li l-proposti jkunu ffokati u sostanzjati sew; jissuġġerixxi s-simplifikazzjoni tal-proċeduri deskritti fir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament għall-abbozzar u l-adozzjoni ta' riżoluzzjonijiet skont l-Artikolu 225 TFUE biex jiġi żgurat li kwalunkwe talba lill-Kummissjoni għal inizjattiva leġiżlattiva titqies b'mod adegwat, filwaqt li dejjem jiġi rispettat il-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, irrispettivament mir-riżoluzzjoni parlamentari li tinkludi t-talba;

38.  Jimpenja ruħu li jiffavorixxi dawn l-istrumenti bħala l-mezz primarju biex tintalab il-preżentazzjoni tal-proposti leġiżlattivi mill-Kummissjoni; jindika, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li t-talbiet jiġu indirizzati lill-Kummissjoni waħedha u li jiġi żgurat li l-kontenut tar-rapporti ta' inizjattiva leġiżlattiva jibqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tas-suġġett tar-rapport skont kif ikun ġie deċiż; jissottolinja li l-adozzjoni ta' rapporti ffokati u sostanzjati sew skont l-Artikolu 225 TFUE min-naħa tal-Parlament tirrikjedi li tiġi żgurata l-kapaċità teknika u amministrattiva meħtieġa;

39.  Jisħaq fuq l-importanza li tiġi żgurata kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni matul iċ-ċiklu tal-ħajja tar-rapporti ta' inizjattiva leġiżlattiva sabiex jiġi żgurat li l-proċess ikun kemm jista' jkun effettiv, trasparenti u inklużiv; jenfasizza r-rwoli tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati u tal-Konferenza tal-Presidenti f'dan ir-rigward;

40.  Jenfasizza li l-Parlament jirrispetta bis-sħiħ il-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, li jenfasizza l-ħtieġa ta' analiżi minn qabel tal-valur miżjud Ewropew, kif ukoll valutazzjoni dwar il-kost tan-non-Ewropa, u li għandu struttura biex jitwettqu attivitajiet ta' valutazzjoni tal-impatt, sa fejn ikun possibbli li dan isir, qabel ma jippreżenta rapport INL sabiex tissaħħaħ il-valutazzjoni tal-valur miżjud Ewropew prevista fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet;

41.  Jemmen li l-Kummissjoni, meta tivvaluta l-prinċipji tas-sussidjarjetà, tal-proporzjonalità u tat-tfassil aħjar tal-liġijiet bħala parti mis-segwitu tagħha għat-talbiet tal-Parlament għal proposti leġiżlattivi skont l-Artikolu 225 TFUE, għandha tqis kif xieraq l-analiżijiet ta' akkumpanjament li jikkonċernaw il-valur miżjud Ewropew u l-kost tan-non-Ewropa prodotti mill-Parlament; jirrimarka li fl-ambitu tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, il-Kummissjoni diġà hija obbligata twieġeb għal kwalunkwe kwistjoni mqajma mill-koleġiżlaturi fir-rigward ta' tali analiżijiet;

42.  Jemmen, barra minn hekk, li l-Kummissjoni għandha torbot b'mod ċar l-abbozzi tal-proposti adottati b'segwitu għal proposta mill-Parlament skont l-Artikolu 225 TFUE mar-rapporti INL rilevanti, filwaqt li tipprovdi "impronta ta' influwenza leġiżlattiva" ċara;

43.  Jimpenja ruħu li jrawwem koordinazzjoni aktar b'saħħitha mal-Kumitat tar-Reġjuni u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali billi jqis debitament l-opinjonijiet tagħhom fi ħdan il-qafas tal-Artikolu 225 TFUE;

44.  Itenni li l-aċċessibbiltà, l-etika u t-trasparenza huma ta' importanza kbira u jridu jiggwidaw l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE; jitlob li l-informazzjoni rilevanti kollha dwar ir-rapporti ta' inizjattiva leġiżlattiva, bħall-passi proċedurali interni jew is-segwitu tal-Kummissjoni, tkun faċilment disponibbli online fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea;

45.  Itenni l-importanza tal-fażi preleġiżlattiva u jfakkar fir-rwol tal-Parlament kif previst fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet u fil-Ftehim Qafas tal-2010; jitlob it-tħaffif tal-ħidma fuq l-istabbiliment ta' bażi ta' data leġiżlattiva konġunta, kif stipulat fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet;

46.  Ifakkar fl-importanza tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili għal-leġittimità demokratika tal-UE; jitlob lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE jinvolvuhom b'mod sinifikanti fit-teħid tad-deċiżjonijiet fl-istadji kollha taċ-ċiklu tal-politika;

o
o   o

47.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.
(2) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(3) ĠU C 252, 18.7.2018, p. 215.
(4) ĠU C 252, 18.7.2018, p. 201.
(5) ĠU C 449, 23.12.2020, p. 90.
(6) ĠU C 270, 7.7.2021, p. 71.
(7) ĠU C 362, 8.9.2021, p. 6.
(8) Parlament Ewropew, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali, studju bit-titolu "The European Parliament' s right of initiative" (Id-dritt ta' inizjattiva tal-Parlament Ewropew), Brussell, 2020, p. 55 u 57.
(9) Riżoluzzjoni tal-25 ta' Ottubru 2016 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (ĠU C 215, 19.6.2018, p. 162).
(10) Riżoluzzjoni tas-7 ta' Ottubru 2020 dwar l-istabbiliment ta' Mekkaniżmu tal-UE għad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali (ĠU C 395, 29.9.2021, p. 2).
(11) Parlament Ewropew, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali, studju bit-titolu "The European Parliament' s right of initiative" (Id-dritt ta' inizjattiva tal-Parlament Ewropew), Brussell, 2020, p. 12.
(12) Ibid., p. 34-35.
(13) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 1.
(14) Riżoluzzjoni tas-17 ta' Jannar 2019 dwar l-inkjesta strateġika OI/2/2017 tal-Ombudsman dwar it-trasparenza tad-diskussjonijiet leġiżlattivi fil-korpi preparatorji tal-Kunsill tal-UE (ĠU C 411, 27.11.2020, p. 149).
(15) Parlament Ewropew, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali, studju bit-titolu "The European Parliament' s right of initiative" (Id-dritt ta' inizjattiva tal-Parlament Ewropew), Brussell, 2020, p. 54.
(16)––––––– Tweġibiet mill-Kummissjoni għar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament li ġejjin:ir-riżoluzzjoni tat-8 ta' Ottubru 2020 li tinkludi rakkomandazzjonijiet għall-Kummissjoni bit-titolu "Digital finance: emerging risks in crypto-assets – regulatory and supervisory challenges in the area of financial services, institutions and markets" (Finanzi Diġitali: riskji emerġenti relatati mal-kriptoassi – sfidi regolatorji u superviżorji fil-qasam tas-servizzi, l-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji" (ĠU C 395, 29.9.2021, p. 72);ir-riżoluzzjoni tat-22 ta' Ottubru 2020 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar qafas legali tal-UE biex titwaqqaf u titreġġa' lura d-deforestazzjoni globali li l-UE hija responsabbli għaliha (ĠU C 404, 6.10.2021, p. 175);ir-riżoluzzjoni tal-20 ta' Ottubru 2020 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni bit-titolu "Att dwar is-Servizzi Diġitali: adattament tar-regoli tad-dritt kummerċjali u ċivili għall-entitajiet kummerċjali li joperaw online" (ĠU C 404, 6.10.2021, p. 31);ir-riżoluzzjoni tal-20 ta' Ottubru 2020 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni bit-titolu "Att dwar is-Servizzi Diġitali: Titjib tal-funzjonament tas-Suq Uniku" (ĠU C 404, 6.10.2021, p. 2);ir-riżoluzzjoni tal-20 ta' Ottubru 2020 b'rakkomandazzjonijiet għall-Kummissjoni dwar qafas tal-aspetti etiċi tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati (ĠU C 404, 6.10.2021, p. 63);ir-riżoluzzjoni tal-20 ta' Ottubru 2021 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar reġim ta' responsabbiltà ċivili għall-intelliġenza artifiċjali (ĠU C 404, 6.10.2021, p. 107);ir-riżoluzzjoni tal-21 ta' Jannar 2021 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar id-dritt ta' skonnessjoni (ĠU C 456, 10.11.2021, p. 161).
(17) Tweġiba mill-Kummissjoni għar-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-13 ta' Mejju 2020 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni bit-titolu "Xibka ta' sikurezza biex jiġu protetti l-benefiċjarji ta' programmi tal-UE: l-istabbiliment ta' pjan ta' kontinġenza għall-QFP" (ĠU C 323, 11.8.2021, p. 2).


Theddid globali għad-dritt għall-abort: il-possibbiltà li l-Qorti Suprema tirrevoka d-dritt għall-abort fl-Istati Uniti
PDF 228kWORD 63k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2022 dwar theddid globali għad-dritt għall-abort: il-possibbiltà li l-Qorti Suprema tirrevoka d-dritt għall-abort fl-Istati Uniti (2022/2665(RSP))
P9_TA(2022)0243B9-0299/2022

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa tal-1979,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Razzjali tal-1965,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra tal-1984,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità tal-2006,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU maqbula fl-2015 u, b'mod partikolari, l-għanijiet 1, 3 u 5 dwar it-tmiem tal-faqar, dwar is-saħħa tajba u l-benesseri, u dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, rispettivament,

–  wara li kkunsidra l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing tal-1995 u l-eżiti tal-konferenzi ta' reviżjoni tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) tal-1994 fil-Kajr, il-Programm ta' Azzjoni tagħha, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-konferenzi ta' rieżami tagħha,

–  wara li kkunsidra s-Summit ta' Nairobi tal-2019 dwar l-ICPD+25 bit-tema "Accelerating the Promise" (Inħaffu l-Wegħda), u l-impenji tal-partijiet ikkonċernati rigward is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati,

–  wara li kkunsidra s-Serje ta' Informazzjoni dwar is-Saħħa u d-Drittijiet Sesswali u Riproduttivi tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) tal-2020,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-1950,

–  wara li kkunsidra l-gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tal-2015 bit-titolu "Safe abortion: technical and policy guidance for health systems" (Abort sikur: gwida teknika u strateġika għas-sistemi tas-saħħa),

–  wara li kkunsidra l-gwida tad-WHO tat-8 ta' Marzu 2022 bit-titolu "Abortion care guideline" (Linja gwida dwar il-kura relatata mal-abort),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-OHCHR tal-14 ta' Settembru 2021 bit-titolu "UN experts denounce further attacks against right to safe abortion and Supreme Court complicity" (L-esperti tan-NU jiddenunzjaw l-attakki ġodda kontra d-dritt għall-abort sikur u l-kompliċità tal-Qorti Suprema),

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar l-istat tal-popolazzjoni dinjija tal-Fond tan-NU għall-Popolazzjoni (UNFPA) ta' Marzu 2022 bit-titolu "Seeing the Unseen: The case for action in the neglected crisis of unintended pregnancy" (Naraw dak li ma jidhirx: Il-ħtieġa ta' azzjoni biex tintemm il-kriżi minsija tat-tqala mhux intenzjonata),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Pew Research Center tas-6 ta' Mejju 2022 bit-titolu "America's Abortion Quandary" (Id-dilemma Amerikana dwar l-Abort),

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerka,

–  wara li kkunsidra l-kawża Roe vs Wade, 410 U.S. 113 (1973),

–  wara li kkunsidra l-abbozz inizjali tal-opinjoni tal-maġġoranza tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti Nru 19-1392(1) miktub mill-Imħallef Samuel Alito dwar il-kawża Thomas E. Dobbs, State Health Officer of the Mississippi Department of Health, et al. vs Jackson Women's Health Organization, et al., datat fi Frar 2022 u żvelat lill-istampa f'Mejju 2022,

–  wara li kkunsidra l-Abbozz ta' Liġi tas-Senat 8 (SB 8) u l-Abbozz ta' Liġi tal-Kamra 1515 (HB 1515) f'Texas bit-titolu "Relating to abortion, including abortions after detection of an unborn child's heartbeat; authorizing a private civil right of action' (Dwar l-aborti, inklużi l-aborti wara d-detezzjoni tal-qalb tħabbat tat-tarbija fil-ġuf, li jawtorizza d-dritt ċivili ta' azzjoni lill-persuni privati għal azzjoni), ta' Settembru 2021,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika tal-2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tal-2009 (il-“Karta”),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2021 dwar il-liġi tal-istat ta' Texas (Stati Uniti tal-Amerka) dwar l-abort(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar is-sitwazzjoni tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fl-UE, fil-kuntest tas-saħħa tan-nisa(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2021 dwar l-ewwel anniversarju tal-projbizzjoni de facto tal-abort fil-Polonja(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2019 dwar ir-rigressjoni attwali tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE(5),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-Għoti tas-Setgħa lin-Nisa fl-azzjoni esterna tal-UE 2021–2025 (GAP III),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Frar 2021 dwar l-isfidi li ġejjin għad-drittijiet tan-nisa fl-Ewropa: aktar minn 25 sena wara d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2022 dwar l-impatt tal-gwerra kontra l-Ukrajna fuq in-nisa(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi skont id-WHO, l-abort huwa element essenzjali ta' servizzi tal-kura tas-saħħa komprensivi u madwar 45 % tal-aborti kollha mhumiex sikuri, li minnhom 97 % iseħħu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw(8); billi skont l-UNFPA(9), huwa stmat li kull sena jseħħu 121 miljun tqala mhux intenzjonata, u aktar minn 60 % minnhom jintemmu f'abort; billi f'dawn l-aħħar snin, l-opponenti tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati u tal-awtonomija tan-nisa kellhom influwenza sinifikanti fuq il-liġi u l-politika nazzjonali u, fil-livell globali, inkluż f'diversi Stati Membri, ittieħdu inizjattivi retrogressivi; billi ż-żieda tal-lemin estrem qed tikkontribwixxi wkoll għal dan ir-rigress fid-dritt tan-nisa għall-abort, li qed jimmanifesta ruħu madwar id-dinja;

B.  billi l-Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa osserva li l-kriminalizzazzjoni tas-servizzi tal-abort ma sservi ta' ebda deterrent; billi, kif innotat mill-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet, fejn l-abort huwa kriminalizzat u soġġett għal restrizzjonijiet legali, it-terminazzjoni sikura tat-tqala mhijiex possibbli għan-nisa kollha, minħabba s-sitwazzjoni soċjoekonomika tagħhom, u b'hekk issir privileġġ ta' nisa soċjalment vantaġġati, filwaqt li n-nisa b'riżorsi limitati huma mġiegħla jirrikorru għal aborti mhux sikuri u klandestini li jpoġġu lil ħajjithom u lis-saħħa tagħhom f'riskju; billi, skont id-WHO, "il-proporzjon ta' aborti mhux sikuri huwa ogħla b'mod sinifikanti f'pajjiżi b'liġijiet restrittivi ħafna fir-rigwatd tal-abort milli f'pajjiżi b'liġijiet inqas restrittivi"(10);

C.  billi l-abort mhux sikur huwa l-kawża ewlenija iżda li tista' tiġi evitata ta' mwiet u mard assoċjati mat-tqala; billi n-nuqqas ta' aċċess għall-kura relatata mal-abort sikura u legali huwa kwistjoni kritika tas-saħħa pubblika u tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-projbizzjoni tal-abort u li n-nisa jkunu mġiegħla jfittxu aborti mhux sikuri u klandestini, jirriżultaw f'żieda fil-mortalità u l-morbożità assoċjati mat-tqala;

D.  billi l-Qorti Suprema tal-Istati Uniti stabbiliet preċedent fil-kawża storika Roe vs Wade (1973), li aktar tard ġie affermat fil-kawżi Planned Parenthood v Casey (1992) u Whole Woman's Health vs Hellerstedt (2016), li jiggarantixxi d-dritt kostituzzjonali għall-abort legali qabel ma l-fetu jsir vijabbli fl-Istati Uniti; billi l-iżvelar reċenti ta' abbozz ta' opinjoni ta' maġġoranza inizjali tal-Qorti Suprema miktub mill-Inħallef Samuel Alito fil-każ ta' Thomas E. Dobbs, State Health Officer of the Mississippi Department of Health vs Jackson Women's Health Organization jwassal għar-revoka tas-sentenza Roe vs Wade u jreġġa' lura d-drittijiet kostituzzjonali fl-Istati Uniti; billi l-Qorti Suprema hija mistennija toħroġ deċiżjoni finali qabel l-aħħar ta' Ġunju 2022; billi l-abbozz ta' opinjoni żvelat jirrappreżenta l-aktar eżitu detrimentali għad-drittijiet tal-abort f'termini ta' dak li l-Qorti Suprema tista' tiddeċiedi, billi jippermetti lill-istati jipprojbixxu l-abort fi kwalunkwe punt tat-tqala u jiftaħ il-possibbiltà ta' projbizzjonijiet sħaħ fuq l-abort, li hija eventwalità li tneħħi l-protezzjonijiet li d-drittijiet eżistenti tan-nisa u l-bniet fl-Istati Uniti jagħtuhom;

E.  billi l-ħajja tan-nisa u l-bniet madwar l-Istati Uniti tkun affettwata minn deċiżjoni tal-Qorti Suprema li tista' tirrevoka s-sentenza Roe vs Wade, u l-konsegwenzi dannużi jiġu esperjenzati bl-aktar mod akut minn individwi f'sitwazzjonijiet vulnerabbli; billi s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati oħra jistgħu wkoll jiġu affettwati b'mod negattiv jekk is-sentenza Roe vs Wade tiġi rrevokata; billi r-restrizzjonijiet jew il-projbizzjoni fuq id-dritt għall-abort fl-Istati Uniti jkollhom impatt sproporzjonat fuq in-nisa fqar, b'mod partikolari n-nisa razzjalizzati, inklużi n-nisa suwed, in-nisa Ispaniċi u n-nisa indiġeni, kif ukoll in-nisa minn inħawi rurali, il-persuni LGBTIQ, in-nisa b'diżabilità, l-adolexxenti, in-nisa migranti, inklużi l-migranti irregolari, u l-unitajiet domestiċi b'ġenitur wieħed immexxija minn nisa; billi s-servizzi ta' abort pubbliku jistgħu jipprovdu aċċess universali għal abort sikur u legali għan-nisa kollha, inklużi dawk f'sitwazzjonijiet soċjoekonomiċi vulnerabbli;

F.  billi l-abbozz ta' opinjoni żvelat tal-Qorti jsegwi l-isforzi reċenti bla waqfien fil-livell tal-istat biex irażżan u jipprojbixxi d-drittijiet tal-abort fl-Istati Uniti, u billi mill-2011, l-istati tal-Istati Uniti għaddew kważi 500 liġi li jirrestrinġu l-aċċess għall-abort; billi r-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għall-abort se jġiegħlu lin-nies, b'mod partikolari dawk li ma għandhomx riżorsi jew informazzjoni, jivvjaġġaw distanzi twal, iġorru t-tqala għal żmien twil kontra r-rieda tagħhom, jew jirrikorru għal aborti awtoġestiti mhux sikuri fi djarhom, u jagħmluhom ukoll vulnerabbli għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni kriminali;

G.  billi dan l-aħħar Texas għadda l-hekk imsejjaħ Abbozz ta' Liġi tas-Senat 8 (SB 8), li jipprojbixxi l-abort wara l-bidu tal-impulsi kardijaċi tal-fetu, jiġifieri wara madwar sitt ġimgħat ta' tqala, mingħajr ebda eċċezzjoni għall-istupru, l-inċest jew għal kundizzjonijiet tas-saħħa tal-fetu li jkunu inkompatibbli mal-ħajja sostnuta wara t-twelid; billi l-Qorti Suprema tal-Istati Uniti ppermettiet li l-liġi tidħol fis-seħħ u l-istat ta' Texas seta' jevadi rieżami fil-qorti tal-kostituzzjonalità tagħha billi jassolvi lill-uffiċjali tal-gvern milli jinfurzaw il-liġi u joħloq perkors legali għaċ-ċittadini, bi premju ta' USD 10 000, biex iħarrku lil kull min jipprovdi kura relatata mal-abort jew jassisti lil xi ħadd biex jikseb abort bi ksur tal-projbizzjoni, peress li mingħajr ma jkun hemm entità unika responsabbli għall-infurzar tagħha, ikun aktar diffiċli li l-liġi tiġi kkontestata; billi d-dispożizzjoni li tippermetti liċ-ċittadini jħarrku lil kull min jipprovdi servizzi ta' abort tiftaħ il-bibien beraħ għall-fastidju;

H.  billi mill-inqas 12-il stat ippromulgaw, introduċew jew innotifikaw l-intenzjoni tagħhom li jintroduċu liġijiet li jikkupjaw l-SB 8 ta' Texas; billi l-leġiżlaturi ta' Idaho u Oklahoma reċentement għaddew liġijiet li jipprojbixxu l-abort b'abbozzi ta' liġi mmudellati fuq l-SB 8, inkluż mill-mument tal-fertilizzazzjoni fil-każ ta' Oklahoma;

I.  billi jekk il-Qorti Suprema tiddeċiedi li tannulla d-deċiżjoni Roe vs Wade, id-deċiżjoni dwar il-legalità tal-aborti terġa' lura lejn l-Istati; billi 13-il Stat diġà ppromulgaw l-hekk imsejħa liġijiet ta' attivazzjoni li jipprojbixxu l-abort, li huma maħsuba biex jipprojbixxu jew jillimitaw l-aċċess għall-abort immedjatament jekk id-deċiżjoni Roe vs Wade tiġi annullata; billi, ma' dawn it-13-il Stat, hemm total ta' 26 Stat li se jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-abort jew x'aktrax jagħmlu hekk jekk il-protezzjoni kostituzzjonali titneħħa, peress li Stati oħra jistgħu jippruvaw jew jerġgħu jdaħħlu fis-seħħ liġijiet ta' qabel l-1973, bħal Michigan, Wisconsin u West Virginia, jew li jippromulgaw restrizzjonijiet ta' abort li reċentement ġew imblukkati mill-qrati, bħal Alabama, Georgia, Iowa, Ohio u South Carolina;

J.  billi kważi l-imwiet kollha li jirriżultaw minn aborti mhux sikuri jseħħu f'pajjiżi fejn l-abort huwa ristrett ħafna; billi huwa stmat li l-għadd annwali ta' mwiet relatati mat-tqala fl-Istati Uniti minħabba aborti mhux sikuri jiżdied b'21 %(11) sat-tieni sena wara li tidħol fis-seħħ il-projbizzjoni; billi tali mwiet jistgħu jiġu evitati għalkollox;

K.  billi fost it-tfajliet adolexxenti ta' bejn il-15 u d-19-il sena, il-kumplikazzjonijiet fit-tqala u fit-twelid huma l-kawża ewlenija tal-mewt globalment; billi l-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (12) ħeġġeġ lill-Istati jiddekriminalizzaw l-abort u jiżguraw li t-tfajliet ikollhom aċċess għal servizzi ta' abort sikuri; billi l-projbizzjonijiet possibbli fuq l-abort jistgħu jreġġgħu lura r-rati dejjem anqas tat-tqala fost l-adolexxenti fl-Istati Uniti; billi l-ommijiet adolexxenti huma ferm aktar probabbli li jwaqqfu l-istudji tagħhom u jiffaċċjaw il-qgħad, u b'hekk jaggrava ċ-ċiklu tal-faqar;

L.  billi hemm tħassib dejjem akbar dwar il-protezzjoni tad-data fil-kuntest tal-possibbiltà li d-deċiżjoni Roe vs Wade tiġi annullata; billi permezz ta' apps ta' traċċar mestrwali jew għodod ta' ġeolokalizzazzjoni u magni tat-tiftix, tista' tinġabar data dwar persuni li jkunu kkuntattjaw klinika tal-abort, xtraw pillola għall-abort jew fittxew għall-informazzjoni; billi n-nies jistgħu potenzjalment jiġu individwati jew l-informazzjoni miġbura tista' tiġi użata kontrihom(13);

M.  billi l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u l-gruppi ta' riflessjoni konservattivi li jappartjenu għal-lemin Kristjan tal-Istati Uniti kienu qed jiffinanzjaw il-moviment kontra l-għażla globalment; billi dan il-finanzjament kien sinifikanti; billi jekk id-deċiżjoni Roe vs Wade tiġi annullata, dan jista' jwassal għal żieda fil-fluss tal-flus bi pressjoni mġedda mill-gruppi kontra l-għażla madwar id-dinja;

N.  billi jekk il-Qorti Suprema tannulla d-deċiżjoni Roe vs Wade, dan jista' jixpruna jew jinkoraġġixxi l-movimenti kontra l-għażla biex jagħmlu pressjoni fuq il-gvernijiet u l-qrati barra mill-Istati Uniti biex ineħħu d-drittijiet tal-abort u jippreġudikaw il-kisbiet importanti li saru matul dawn l-aħħar deċennji, fejn aktar minn 60 pajjiż(14) irriformaw il-liġijiet u l-politiki tagħhom dwar l-abort biex ineħħu r-restrizzjonijiet u l-ostakli;

O.  billi minkejja l-progress ġenerali fil-protezzjoni tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati madwar id-dinja, inkluż fl-Ewropa, ir-rigress tad-dritt ta' aċċess għal abort sikur u legali huwa ta' tħassib serju; billi l-annullament ta' Roe vs Wade jista' jsaħħaħ il-moviment kontra l-abort fl-Unjoni Ewropea; billi l-Polonja hija l-uniku Stat Membru tal-UE li neħħiet motiv għall-abort mil-liġijiet tagħha, peress li t-Tribunal Kostituzzjonali illeġittimu ddeċieda fit-22 ta' Ottubru 2020 li jneħħi d-drittijiet li ilhom stabbiliti tan-nisa Pollakki u din id-deċiżjoni wasslet għal projbizzjoni de facto tal-abort; billi l-abort huwa pprojbit f'Malta; billi l-abort mediku fil-bidu tat-tqala mhuwiex legali fis-Slovakkja u mhuwiex disponibbli fl-Ungerija; billi fl-Italja qed jonqos l-aċċess għall-abort ukoll(15); billi l-aċċess għall-kura relatata mal-abort qed jiġi miċħud fi Stati Membri oħra tal-UE, bħal dan l-aħħar fil-Kroazja(16);; billi huwa imperattiv li l-UE u l-Istati Membri tagħha jiddefendu s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati u jenfasizzaw li d-drittijiet tan-nisa huma inaljenabbli, u li ma jistgħux jitneħħew jew jiddgħajfu; billi huwa kruċjali għall-UE u l-Istati Membri tagħha li jkomplu jagħmlu progress biex jiżguraw l-aċċess għal kura relatata mal-abort sikura, legali u f'waqtha f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet u l-evidenza tad-WHO;

P.  billi d-drittijiet sesswali u riproduttivi, inkluż l-abort sikur u legali, jikkostitwixxu dritt fundamentali; billi l-kriminalizzazzjoni, id-dewmien u ċ-ċaħda tal-aċċess għal kura relatata mal-abort sikura u legali jikkostitwixxu forma ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet; billi diversi korpi tad-drittijiet tal-bniedem sostnew li ċ-ċaħda ta' abort sikur u legali tista' tammonta għal tortura jew trattament krudili, inuman u degradanti; billi l-aborti mhux sikuri li jwasslu għall-mewt fil-kuntest tal-projbizzjonijiet tal-abort għandhom jinftiehmu bħala "qtil arbitrarju speċifiku għal ġeneru, fejn huma vittmi biss in-nisa, bħala konsegwenza tad-diskriminazzjoni minquxa fil-liġi"(17);

Q.  billi l-korpi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem affermaw ripetutament u b'mod konsistenti li l-kriminalizzazzjoni u r-restrizzjoni tal-abort jiksru l-obbligi internazzjonali tal-Istati fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li huma protetti fil-liġi internazzjonali u l-liġi Ewropea relatati mad-drittijiet tal-bniedem, bħal fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; billi l-fatt li n-nisa jiġu mġiegħla jfittxu aborti klandestini, jivvjaġġaw lejn pajjiżi oħra għal din il-proċedura jew iżommu t-tqala tagħhom sat-terminu kontra r-rieda tagħhom huwa ksur tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-bniet għall-ħajja, l-integrità fiżika u mentali, l-ugwaljanza, in-nondiskriminazzjoni u s-saħħa; billi l-prinċipju tad-dritt internazzjonali ta' nonretrogressjoni jipprojbixxi lill-Istati milli jieħdu passi li jimminaw, jirrestrinġu jew ineħħu d-drittijiet jew l-intitolamenti eżistenti fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi u s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati;

R.  billi d-dikjarazzjoni tal-esperti tan-NU maħruġa f'Settembru 2021(18), tenfasizza li "d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa huma drittijiet fundamentali li ma jistgħux ikunu subordinati għal kunsiderazzjonijiet kulturali, reliġjużi jew politiċi", u li "l-influwenza tal-indħil b'motivazzjoni ideoloġika u reliġjuża fi kwistjonijiet ta' saħħa pubblika kienet partikolarment detrimentali għas-saħħa u l-benessri tan-nisa u l-bniet";

S.  billi l-garanzija tal-aċċess għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati komprensivi, l-edukazzjoni u s-servizzi komprensivi dwar is-sesswalità u r-relazzjonijiet, inklużi l-ippjanar tal-familja, il-metodi ta' kontraċezzjoni u l-abort sikur, legali u mingħajr ħlas, kif ukoll ir-rispett għall-awtonomija u l-kapaċità ta' kull persuna li tieħu deċiżjonijiet ħielsa u infurmati dwar ġisimha u l-ħajja tagħha, huma prekundizzjonijiet biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ugwaljanza soċjali u ekonomika; billi l-aċċess ekwu għall-kura relatata mal-abort jippermetti lin-nisa jeżerċitaw kontroll akbar fuq ġisimhom u jsaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jtejbu l-benessri ekonomiku tagħhom;

T.  billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-eliminazzjoni globali tal-faqar u l-isfruttament, u l-iżgurar ta' ħajja b'saħħitha u benessri għal kulħadd huma għanijiet fundamentali stabbiliti fl-SDGs 5, 1 u 3 rispettivament; billi b'mod aktar speċifiku, l-iżgurar ta' aċċess universali għas-saħħa sesswali u riproduttiva, u l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza u ta' prattiki dannużi fil-konfront tan-nisa u l-bniet huma miri fl-ambitu tal-SDGs 3 u 5; billi l-Istati Membri kollha tan-NU, inklużi l-Istati Uniti u l-Istati Membri tal-UE, assumew dmirijiet, impenji u obbligi biex jirrispettaw u jippromwovu dawn l-SDGs u l-miri tagħhom;

1.  Jikkundanna bil-qawwa r-rigress fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa u s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati li qed iseħħu globalment, inkluż fl-Istati Uniti u f'xi Stati Membri tal-UE; ifakkar li s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati huma drittijiet fundamentali tal-bniedem li għandhom jipproteġu u jissaħħew u bl-ebda mod ma jistgħu jiddgħajfu jew jiġu rtirati; huwa mħasseb ferm b'mod partikolari dwar kemm tali projbizzjonijiet se jikkontribwixxi għat-trawma esperjenzata mill-vittmi tal-istupru u tal-inċest;

2.  Jesprimi s-solidarjetà soda tiegħu u l-appoġġ tiegħu għan-nisa u l-bniet fl-Istati Uniti, kif ukoll għal dawk involuti kemm fl-għoti kif ukoll fil-promozzjoni tad-dritt u l-aċċess għal kura relatata mal-abort legali u sikura f'ċirkostanzi ta' sfida bħal dawn;

3.  Ifakkar lill-Qorti Suprema tal-Istati Uniti dwar l-importanza li tiġi rispettata l-kawża storika ta' Roe vs Wade (1973) u l-protezzjonijiet kostituzzjonali riżultanti tad-dritt għall-abort fl-Istati Uniti;

4.  Jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe rigress tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet kostituzzjonali; jitlob li tittieħed azzjoni biex jiġi salvagwardjat id-dritt għal abort sikur u legali fl-Istati Uniti u biex l-Istati Uniti joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura rigressiva; jistieden lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Uniti fil-livelli kollha, f'konformità mal-linja gwida tad-WHO dwar il-kura relatata mal-abort, jiddekriminalizzaw bis-sħiħ l-aċċess għas-servizzi tal-abort u l-forniment tagħhom, jiggarantixxu servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttivi sikuri, legali, mingħajr ħlas u ta' kwalità għolja fit-territorji tagħhom u jagħmluhom faċilment aċċessibbli għan-nisa u l-bniet kollha;

5.  Jistieden lill-Gvern tal-Istat ta' Texas iħassar malajr l-Abbozz ta' Liġi tal-8 dwar is-Senat; jistieden lill-Gvernijiet tal-Istati ta' Idaho u Oklahoma jirrevokaw il-liġijiet simili tagħhom, inkluż l-Abbożż ta' Liġi HB 4327 (Oklahoma); jistieden lill-26 Stat tal-Istati Uniti b'liġijiet ta' attivazzjoni, liġijiet dwar il-kotba u miżuri oħra li jikkonċernaw projbizzjonijiet u restrizzjonijiet fuq l-abort biex jirrevokawhom u jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tagħhom tkun konformi mad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa protetti fil-livell internazzjonali u mal-istandards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

6.  Jinsab imħasseb ħafna dwar il-fatt li l-projbizzjonijiet u restrizzjonijiet oħra fuq l-abort jaffettwaw b'mod sproporzjonat lin-nisa fqar, b'mod partikolari n-nisa razzjalizzati, inklużi n-nisa Suwed, in-nisa Hispaniċi u n-nisa Indiġeni, kif ukoll in-nisa minn żoni rurali, il-persuni LGBTIQ, in-nisa b'diżabilità, l-adolexxenti, in-nisa migranti, inklużi l-migranti irregolari, u l-unitajiet domestiċi b'ġenitur wieħed immexxija minn nisa; jenfasizza li n-nisa li, minħabba ostakli finanzjarji jew loġistiċi, ma jaffordjawx jivvjaġġaw lejn kliniċi tas-saħħa riproduttiva fi Stati jew pajjiżi ġirien, huma f'riskju akbar li jiġu sottomessi għal proċeduri perikolużi u ta' theddida għall-ħajja, u li jiġu mġiegħla jkomplu bit-tqala tagħhom kontra r-rieda tagħhom, li huwa ksur tad-drittijiet tal-bniedem u forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru(19);

7.  Jilqa' l-fatt li l-leġiżlazzjoni federali tal-Att dwar is-Saħħa u l-Protezzjoni tan-Nisa (WHPA), li għandha l-għan li tipproteġi d-dritt għall-kura relatata mal-abort fl-Istati Uniti kollha, ġiet adottata fil-Kamra tar-Rappreżentanti, iżda jiddispjaċih ħafna għall-fatt li għaddietx mis-Senat; jistieden lill-Gvern tal-Istati Uniti u/jew awtoritajiet rilevanti oħra tal-Istati Uniti biex jirrispettaw, jissodisfaw u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-bniet, inklużi d-drittijiet tagħhom għall-ħajja, il-privatezza, is-saħħa u l-ugwaljanza, u n-nondiskriminazzjoni, kif ukoll il-libertà tagħhom mid-diskriminazzjoni, il-vjolenza u t-tortura jew trattament krudili, inuman u degradanti, billi jistabbilixxu u jappoġġjaw protezzjonijiet legali federali għall-aċċess għal servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttivi sikuri, legali u ta' kwalità għolja, inkluż l-abort, għan-nisa u l-bniet kollha;

8.  Iħeġġeġ lill-President Joe Biden u l-amministrazzjoni tiegħu jsaħħu l-isforzi tagħhom u jkomplu jappoġġjaw id-drittijiet tal-abort, u jħeġġu jiżgura aċċess għal abort sikur u legali; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Istati Uniti jagħmel aktar sforzi sabiex jiżgura li l-abort u l-kontraċezzjoni jiġu integrati fl-għoti tal-informazzjoni, l-edukazzjoni u s-servizzi adattati għall-età u komprensivi fil-qasam tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, u li jkunu aċċessibbli għal kulħadd; jilqa' l-fatt li l-finanzjament tal-Istati Uniti reġa' ngħata lill-UNFPA, l-aġenzija tan-NU għas-saħħa sesswali u riproduttiva, u jistieden lill-Gvern tal-Istati Uniti u/jew awtoritajiet rilevanti oħra tal-Istati Uniti biex ikomplu jappoġġjaw is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati u biex jagħmlu dan fin-NU u f'fora multilaterali oħra;

9.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Istati Uniti u/jew awtoritajiet rilevanti oħra tal-Istati Uniti biex jiżguraw protezzjoni federali, kostituzzjonali u statutorja adegwata għad-dritt li tintemm tqala u jħeġġeġ ukoll lill-Gvern tal-Istati Uniti biex jiddekriminalizza kompletament l-abort. Dan jirrikjedi mhux biss li tintemm il-penalizzazzjoni tan-nisa u l-bniet u ta' persuni tqal oħra, il-fornituri tal-kura tas-saħħa u oħrajn li jassistu fis-servizzi tal-abort, iżda wkoll it-tneħħija tal-abort mill-istatuti tal-liġi kriminali tal-istat u l-abolizzjoni tal-liġijiet, il-politiki u l-prattiki punittivi l-oħra kollha;

10.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Gvern tal-Istati Uniti u/jew lil awtoritajiet rilevanti oħra tal-Istati Uniti jneħħu wkoll l-ostakli kollha għas-servizzi tal-abort, inkluż il-kunsens jew in-notifika ta' partijiet terzi, il-perjodi ta' stennija obbligatorji u l-awtorizzazzjoni mill-imħallfin jew mill-bordijiet mediċi, u jiggarantixxu aċċess f'waqtu għall-kura relatata mal-abort fil-pajjiż kollu; jistieden lill-Gvern tal-Istati Uniti jiżgura li s-servizz jiġi pprovdut mingħajr diskriminazzjoni, fastidju, koerċizzjoni, biża' jew intimidazzjoni, b'rispett xieraq għall-kunfidenzjalità u għall-privatezza tan-nisa u bi protezzjoni u rispett xierqa għall-fornituri tal-kura tas-saħħa;

11.  Jistieden lill-Gvern tal-Istati Uniti u/jew lil awtoritajiet rilevanti oħra tal-Istati Uniti biex jirregolaw ir-rifjuti li jipprovdu servizzi legali ta' abort mill-fornituri tal-kura tas-saħħa, inkluż abbażi tal-klawżola ta' "kuxjenza", b'mod li ma jiċħadx lin-nisa l-aċċess għall-abort;

12.  Jinsab imħasseb dwar il-ġbir u l-użu ħażin ta' data dwar individwi li jfittxu servizzi ta' abort; jistieden lill-Gvern tal-Istati Uniti jiżgura li l-liġijiet u l-politiki dwar il-protezzjoni tad-data jkunu konformi mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u jiggarantixxi li l-ipproċessar ta' informazzjoni personali sensittiva, bħal data u informazzjoni relatati mas-saħħa, jirrispetta d-drittijiet tal-individwi u jkun ibbażat fuq il-kunsens liberu, speċifiku, infurmat u espliċitu tagħhom għall-ġbir u l-ipproċessar ta' data personali; jistieden lis-servizzi ta' distribuzzjoni diġitali jiżguraw li l-apps kollha jirrispettaw il-liġijiet dwar l-użu u l-protezzjoni tad-data;

13.  Jirrikonoxxi r-rwol li għandhom l-NGOs bħala fornituri ta' servizzi u bħala promoturi għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fl-Istati Uniti, u jħeġġiġhom ikomplu bil-ħidma tagħhom; jafferma li dawn l-NGOs jeħtieġu finanzjament xieraq sabiex joperaw; jissottolinja li s-servizzi pprovduti minn dawn l-NGOs jirrispondu għall-ħtiġijiet u d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-bniet; jissottolinja li l-ħidma tagħhom ma tistax tissostitwixxi r-responsabbiltà tal-Istat li jiggarantixxi aċċess għal servizzi ta' abort pubbliċi, legali u sikuri;

14.  Jistieden lill-Gvern tal-Istati Uniti jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura l-appoġġ soċjali, b'mod partikolari fil-każijiet ta' familji b'omm weħidha u t-tqala fost l-adolexxenti, inkluż permezz tal-kura universali tat-tfal u l-kura tas-saħħa;

15.  Jistieden lill-Gvern tal-Istati Uniti jiffirma u jirratifika(20) l-konvenzjonijiet u l-protokolli tan-NU u reġjonali kollha li fadal dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa tal-1979;

16.  Jinsab imħasseb ħafna dwar il-konsegwenzi potenzjali għad-drittijiet tan-nisa madwar id-dinja, jekk il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti tirrevoka lil Roe vs Wade; jinsab imħasseb ħafna dwar il-possibbiltà ta' effett dissważiv fuq il-prijoritizzazzjoni u l-finanzjament għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, li diġà ġew deprijoritizzati u sottofinanzjati b'mod qawwi kemm fl-Istati Uniti kif ukoll globalment; jenfasizza bi tħassib li f'pajjiżi li jiddependu ħafna mill-għajnuna tal-Istati Uniti għall-programmi tas-saħħa pubblika, ir-revoka tagħha jista' jkollu impatt fuq l-impenn ta' dawk il-gvernijiet li jipprovdu abort u drittijiet riproduttivi oħra;

17.  Jilqa' l-iżviluppi pożittivi reċenti dwar id-drittijiet tal-abort fl-Arġentina, il-Messiku, l-Ekwador, il-Kolombja u ċ-Ċilì li jimmarkaw passi importanti 'l quddiem fl-Amerika t'Isfel fir-rigward tad-drittijiet tan-nisa, kif ukoll f'pajjiżi oħra madwar id-dinja, bħall-Angola, l-Indja, il-Kenja, New Zealand, l-Irlanda ta' Fuq, il-Korea t'Isfel u t-Tajlandja;

18.  Jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tan-nisa u l-bniet fil-formulazzjoni ta' liġijiet u politiki li jaffettwawhom u li jappartjenu għad-drittijiet tal-bniedem tagħhom, inklużi s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, b'mod partikolari l-kura relatata mal-abort, u li jingħataw ġustizzja u rimedju legali meta jinkisru d-drittijiet tagħhom;

19.  Jenfasizza n-nuqqas ta' aċċess għall-kontraċezzjoni u l-ħtiġijiet eżistenti mhux issodisfati(21); jenfasizza li n-nisa għandhom responsabbiltà sproporzjonata għall-kontraċezzjoni, li għandha tinqasam mal-irġiel; jenfasizza l-ħtieġa, f'dan ir-rigward, li jiġu żviluppati u promossi kontraċettivi għall-irġiel bil-għan li jitnaqqsu l-każijiet ta' tqala mhux intenzjonata; jenfasizza li għandha tingħata prijorità lill-ġlieda kontra l-vjolenza sesswali u lill-edukazzjoni komprensiva, adattata għall-età u bbażata fuq l-evidenza dwar is-sesswalità u r-relazzjonijiet għal kulħadd, firxa ta' metodi u provvisti ta' kontraċezzjoni ta' kwalità għolja, aċċessibbli, sikuri, affordabbli u, fejn xieraq, mingħajr ħlas, u konsulenza għall-ippjanar tal-familja, kif ukoll servizzi tas-saħħa;

20.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri joffru l-appoġġ kollu possibbli, inkluż appoġġ finanzjarju, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bbażati fl-Istati Uniti li jipproteġu, jippromwovu u jipprovdu s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fil-pajjiż, bħala espressjoni tal-impenn sod tagħhom favur dawn id-drittijiet; jistieden ukoll lill-Istati Membri joffru rifuġju sikur għall-professjonisti mediċi kollha li jistgħu jkunu f'riskju ta' persekuzzjoni legali jew forom oħra ta' fastidju b'riżultat tax-xogħol leġittimu tagħhom fl-għoti ta' kura relatata mal-abort;

21.  Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha tal-UE jużaw l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex isaħħu l-azzjonijiet tagħhom biex jiġġieldu r-rigress fid-drittijiet tan-nisa u s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, inkluż billi jikkumpensaw għal kwalunkwe tnaqqis possibbli fil-finanzjament tal-Istati Uniti għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati globalment, u billi jippromwovu u jipprijoritizzaw bil-qawwa l-aċċess universali għal abort sikur u legali u għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati oħra fir-relazzjonijiet esterni tagħhom;

22.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jħeġġu lill-Gvern tal-Istati Uniti jistabbilixxi protezzjonijiet legali federali għad-dritt għall-abort, u jqajmu dawn il-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet tagħhom mal-Istati Uniti fil-livelli kollha u fil-fora internazzjonali rilevanti kollha, filwaqt li jirrimarka li dawn jikkostitwixxu forma ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet; jistieden ukoll lid-Delegazzjoni tal-UE għall-Istati Uniti tagħti prijorità lis-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fl-involviment tagħha mal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Uniti u fl-implimentazzjoni lokali tagħha tal-GAP III;

23.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw bil-qawwa s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati għal kulħadd, inkluż billi jippromwovu protezzjonijiet legali msaħħa fil-fruntieri tal-UE u t-tneħħija tal-ostakli għat-tgawdija ta' dawn id-drittijiet;

24.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinkludu d-dritt għall-abort fil-Karta;

25.  Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lid-delegazzjonijiet tal-UE u lill-ambaxxati tal-Istati Membri madwar id-dinja biex b'mod proattiv jilħqu u jipproteġu lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jaħdmu fuq is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, speċjalment f'pajjiżi fejn hemm restrizzjonijiet fuq id-dritt u l-aċċess għall-abort;

26.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Kummissarju inkarigat mill-ugwaljanza bejn il-ġeneri biex jikkunsidraw, fil-każ li s-sentenza Roe vs Wade tiġi revokata, li jikkundannaw u jiddenunzjaw dan il-ksur tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati tan-nisa u d-dritt tagħhom għall-kura tas-saħħa, kif ukoll l-inċertezza legali li dan se jikkawża fl-iskambji tagħhom mal-uffiċjali tal-Istati Uniti;

27.  Jissottolinja li, f'konformità mal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing u l-Programm ta' Azzjoni tal-ICPD, jeħtieġ li jitħares id-dritt tal-individwi kollha għall-awtonomija u integrità fiżika u li jiġi żgurat l-aċċess għal servizzi essenzjali li jippermettu l-eżerċizzju konkret ta' dan id-dritt; jenfasizza li l-aċċess għall-kura tas-saħħa huwa dritt fundamentali tal-bniedem, u li huwa l-obbligu tal-istat li jipprovdi u jiggarantixxi l-kura tas-saħħa għal kulħadd; jappella għal approċċ globali komprensiv fil-pakkett essenzjali tas-saħħa sesswali u riproduttiva, inklużi miżuri għall-prevenzjoni u l-evitar ta' aborti mhux sikuri u klandestini, kif ukoll l-għoti ta' kura wara l-abort, li għandhom jiġu integrati fl-istrateġiji, il-politiki u l-programmi universali għall-kopertura tas-saħħa; jiddeplora l-fatt li l-kura tas-saħħa mhijiex aċċessibbli għal kulħadd fl-Istati Uniti; ifakkar li l-faqar huwa marbut mill-qrib mal-kontinwazzjoni furzata u sfurzata tat-tqala u man-nuqqas ta' abort sikur u legali;

28.  Jafferma mill-ġdid li l-abort għandu dejjem ikun deċiżjoni volontarja bbażata fuq talba ta' persuna, u mogħti b'mod liberu, f'konformità mal-istandards mediċi u d-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà, l-affordabbiltà u s-sikurezza abbażi tal-linji gwida tad-WHO; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aċċess universali għal abort sikur u legali, u rispett għad-dritt għal-libertà, il-privatezza u l-aħjar kura tas-saħħa li tista' tinkiseb;

29.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiddekriminalizzaw l-abort u jneħħu u jiġġieldu l-ostakli għall-abort sikur u legali u l-aċċess għall-kura tas-saħħa u s-servizzi sesswali u riproduttivi; jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu aċċess għal servizzi ta' abort sikuri, legali u mingħajr ħlas, għal servizzi u provvisti tal-kura tas-saħħa ta' qabel it-twelid u materna, ippjanar tal-familja volontarju, kontraċezzjoni, servizzi favur iż-żgħażagħ, kif ukoll għall-prevenzjoni, it-trattament, il-kura u l-appoġġ tal-HIV, mingħajr diskriminazzjoni;

30.  Jikkundanna l-fatt li n-nisa ma jkunux jistgħu jaċċessaw is-servizzi tal-abort minħabba prattika komuni f'xi wħud mill-Istati Membri tal-prattikanti mediċi, u f'xi okkażjonijiet, ta' istituzzjonijiet mediċi sħaħ, li jirrifjutaw li jipprovdu servizzi tas-saħħa abbażi tal-klawżola tal-"kuxjenza", li twassal għaċ-ċaħda tal-kura relatata mal-abort għal raġunijiet ta' reliġjon jew kuxjenza, u li tipperikola l-ħajja u d-drittijiet tan-nisa; jinnota li din il-klawżola spiss tintuża wkoll f'sitwazzjonijiet fejn kwalunkwe dewmien jista' jipperikola l-ħajja jew is-saħħa tal-pazjent;

31.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża bis-sħiħ il-kompetenza tagħha fil-politika tas-saħħa, u tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri biex jiggarantixxu aċċess universali għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fil-qafas tal-Programm l-UE għas-Saħħa għall-2021-2027; biex jippromwovu l-informazzjoni u l-edukazzjoni dwar is-saħħa; biex isaħħu s-sistemi nazzjonali tas-saħħa u l-konverġenza 'l fuq tal-istandards tal-kura tas-saħħa sabiex jitnaqqsu l-inugwaljanzi fis-saħħa fi ħdan u bejn l-Istati Membri; u biex jiffaċilitaw l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri fir-rigward tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati; jistieden lill-Istati Membri jipprogressaw lejn kopertura tas-saħħa universali, li għaliha s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati huma essenzjali;

32.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-President tal-Istati Uniti tal-Amerka u l-amministrazzjoni tiegħu, il-Kungress tal-Istati Uniti u lill-Qorti Suprema tal-Istati Uniti.

(1) https://www.politico.com/news/2022/05/02/supreme-court-abortion-draft-opinion-00029473
(2) ĠU C 132, 24.3.2022, p. 189.
(3) ĠU C 81, 18.2.2022, p. 43.
(4) ĠU C 205, 20.5.2022, p. 44.
(5) ĠU C 449, 23.12.2020, p. 102.
(6) ĠU C 465, 17.11.2021, p. 160.
(7) Testi adottati, P9_TA(2022)0206.
(8) https://www.who.int/news-room/fact-sheets/detail/abortion
(9) Rapport tal-UNFPA dwar l-istat tal-popolazzjoni dinjija, Seeing the Unseen: The case for action in the neglected crisis of unintended pregnancy", Marzu 2022.
(10) https://www.who.int/news-room/fact-sheets/detail/abortion
(11)  https://ncpolicywatch.com/2022/05/05/study-shows-an-abortion-ban-may-lead-to-a-21-increase-in-pregnancy-related-deaths/
(12) Il-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, Kumment Ġenerali Nru 20 tas-6 ta' Diċembru 2016 dwar l-implimentazzjoni tad-drittijiet tat-tfal matul l-adolexxenza, Paragrafu 60.
(13)  https://www.vice.com/en/article/m7vzjb/location-data-abortion-clinics-safegraph-planned-parenthood
(14) https://reproductiverights.org/maps/worlds-abortion-laws/
(15) https://search.coe.int/cm/Pages/result_details.aspx?ObjectId=0900001680687bdc; http://www.refreg.ep.parl.union.eu/RegData/etudes/BRIE/2018/608853/IPOL_BRI(2018)608853_EN.pdf
(16) https://www.roda.hr/en/news/support-for-accessible-safe-and-legal-termination-of-pregnancy-in-croatia.html
(17) https://view.officeapps.live.com/op/view.aspx?src=https%3A%2F%2Fwww.ohchr.org%2Fsites%2Fdefault%2Ffiles%2FHRBodies%2FHRC%2FRegularSessions%2FSession35%2FDocuments%2FA_HRC_35_23_AUV.docx&wdOrigin=BROWSELINK
(18) https://www.ohchr.org/en/statements/2021/09/united-states-un-experts-denounce-further-attacks-against-right-safe-abortion
(19) https://www.ohchr.org/Documents/Issues/Women/WRGS/SexualHealth/INFO_Abortion_WEB.pdf
(20) Inkluż, fost l-oħrajn, il-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (1999), il-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (1969), il-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fiż-Żona tad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (1988), il-Protokoll għall-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem għat-Tneħħija tal-Piena tal-Mewt (1990), l-Ewwel u t-Tieni Protokolli Fakultattivi għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (1966 u 1989, rispettivament), il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (1966), il-Protokoll Fakultattiv għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (2008), il-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti (2002), il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (1989), il-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar Proċedura ta' Komunikazzjoni (2011), il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom (1990), il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Rifuġjati (1951), il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat (2006), il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità (2006) u l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (2006).
(21) Rapport tal-UNFPA dwar l-istat tal-popolazzjoni dinjija, Seeing the Unseen: The case for action in the neglected crisis of unintended pregnancy', 30 ta' Marzu 2022 (Naraw dak li ma jidhirx: Il-ħtieġa ta' azzjoni biex tintemm il-kriżi minsija tat-tqala mhux intenzjonata).


It-talba biex titlaqqa' Konvenzjoni għar-reviżjoni tat-Trattati
PDF 161kWORD 45k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2022 dwar it-talba biex titlaqqa' Konvenzjoni għar-reviżjoni tat-Trattati (2022/2705(RSP))
P9_TA(2022)0244B9-0307/2022

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

⎯  wara li kkunsidra r-rapport tad-9 ta' Mejju 2022 dwar l-eżitu finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (il-Konferenza),

⎯  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Mejju 2022 dwar is-segwitu għall-konklużjonijiet tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa(1),

⎯  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli tal-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea(2) u tat-13 ta' Frar 2019 dwar l-istat tad-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-verżjoni attwali tat-Trattati daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009 u billi l-Unjoni Ewropea ffaċċjat diversi kriżijiet u sfidi bla preċedent minn dak iż-żmien 'l hawn;

B.  billi fid-9 ta' Mejju 2022 il-Konferenza temmet il-ħidma tagħha u ppreżentat il-konklużjonijiet tagħha, li fihom 49 proposta u 326 miżura;

C.  billi minbarra l-proposti leġiżlattivi, il-ftuħ ta' proċess ta' riformi istituzzjonali huwa meħtieġ sabiex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet u jiġu ssodisfati l-aspettattivi ta' dan il-proċess ta' parteċipazzjoni taċ-ċittadini;

D.  billi politiki ġodda u, f'xi każijiet, emendi tat-Trattat, huma meħtieġa mhux bħala mezz fihom infushom, iżda fl-interessi taċ-ċittadini kollha tal-UE, peress li għandhom l-għan li jsawru mill-ġdid l-UE b'mod li jsaħħaħ il-kapaċità tagħha li taġixxi, kif ukoll il-leġittimità demokratika u r-responsabbiltà tagħha;

1.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Konferenza tad-9 ta' Mejju 2022;

2.  Jirrimarka li f'konformità mat-test fundatur tal-Konferenza, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni impenjaw ruħhom li jsegwu b'mod effettiv il-konklużjonijiet tal-Konferenza, kull wieħed minnhom fl-ambitu tal-kompetenzi tiegħu u f'konformità mat-Trattati;

3.  Jinnota li diversi proposti tal-Konferenza jirrikjedu emendi għat-Trattati, u li l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali tal-Parlament għandu jħejji proposti għal emendi tat-Trattat kif xieraq;

4.  Jirrimarka, speċjalment wara l-aktar kriżijiet reċenti, li t-Trattati jeħtieġ li jiġu emendati b'mod urġenti biex jiġi żgurat li l-Unjoni jkollha l-kompetenza li tieħu azzjoni aktar effettiva matul kriżijiet futuri;

5.  Jissottometti lill-Kunsill, skont il-proċedura ta' reviżjoni ordinarja stabbilita fl-Artikolu 48 tat-TUE, għal dawk ir-raġunijiet, il-proposti li ġejjin għall-emendar tat-Trattati, fost l-oħrajn:

   li tissaħħaħ il-kapaċità tal-Unjoni li taġixxi billi tirriforma l-proċeduri tal-votazzjoni, inkluż li tippermetti deċiżjonijiet fil-Kunsill b'votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata minflok b'unanimità f'oqsma rilevanti, bħall-adozzjoni ta' sanzjonijiet u l-hekk imsejħa klawżoli "passerelle", u f'każ ta' emerġenza;
   li jiġu adattati l-kompetenzi konferiti lill-Unjoni fit-Trattati, speċjalment fl-oqsma tas-saħħa, t-theddid transkonfinali għas-saħħa, fit-tlestija tal-unjoni tal-enerġija bbażata fuq l-effiċjenza enerġetika u l-enerġiji rinnovabbli mfassla f'konformità mal-ftehimiet internazzjonali biex jittaffa t-tibdil fil-klima, fid-difiża, u fil-politiki soċjali u ekonomiċi; li jiġi żgurat li l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jiġi implimentat bis-sħiħ u li jiġi inkorporat il-progress soċjali fl-Artikolu 9 tat-TFUE marbut ma' Protokoll dwar il-Progress Soċjali fit-Trattati; li jiġi appoġġat it-tisħiħ tal-kompetittività u r-reżiljenza tal-ekonomija tal-UE, b'attenzjoni speċjali mogħtija lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u l-kontrolli tal-kompetittività u li jiġu promossi investimenti orjentati lejn il-futur iffukati fuq it-tranżizzjoni ġusta, ekoloġika u diġitali;
   li l-Parlament jingħata drittijiet sħaħ ta' kodeċiżjoni dwar il-baġit tal-UE, u d-dritt li jibda, jemenda jew iħassar il-leġiżlazzjoni;
   li tissaħħaħ il-proċedura għall-protezzjoni tal-valuri li fuqhom hija msejsa l-UE u li jiġu ċċarati d-determinazzjoni u l-konsegwenzi tal-ksur tal-valuri fundamentali (l-Artikolu 7 tat-TUE u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea);

6.  Jipproponi b'mod aktar speċifiku li l-Artikoli tat-Trattat li ġejjin jiġu emendati kif ġej:

   l-Artikolu 29 tat-TUE
""Il-Kunsill għandu jadotta deċiżjonijiet li għandhom jiddefinixxu l-atteġġjament tal-Unjoni lejn materja partikolari ta' natura ġeografika jew tematika. Meta deċiżjoni tipprevedi l-interruzzjoni jew it-tnaqqis, parzjali jew għalkollox, tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ma' pajjiż terz wieħed jew aktar, il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-linji tal-politika nazzjonali tagħhom ikunu konformi mal-pożizzjonijiet tal-Unjoni.""
   l-Artikolu 48(7) ir-raba' subparagrafu tat-TUE
""Għall-adozzjoni ta' dawn id-deċiżjonijiet, il-Kunsill Ewropew għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata kif definit fl-Artikolu 238(3), punt (b), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, li għandha tingħata bil-maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu.""

7.  Jistieden lill-Kunsill iressaq dawn il-proposti direttament lill-Kunsill Ewropew għall-eżami, bil-għan li tissejjaħ Konvenzjoni magħmula minn rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali, tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-Istati Membri, tal-Parlament u tal-Kummissjoni;

8.  Jemmen li r-rappreżentanti tas-sħab soċjali tal-UE, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, is-soċjetà ċivili tal-UE u l-pajjiżi kandidati għandhom jiġu mistiedna bħala osservaturi għall-Konvenzjoni;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P9_TA(2022)0141.
(2) ĠU C 252, 18.7.2018, p. 201.
(3) ĠU C 449, 23.12.2020, p. 90.


Strument kummerċjali ġdid biex jiġu pprojbiti l-prodotti magħmula bix-xogħol furzat
PDF 137kWORD 48k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2022 dwar strument kummerċjali ġdid biex jiġu pprojbiti l-prodotti magħmula bix-xogħol furzat (2022/2611(RSP))
P9_TA(2022)0245B9-0291/2022

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-15 ta' Settembru 2021 mogħti mill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-23 ta' Frar 2022 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 (COM(2022)0071),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Frar 2022 dwar ix-xogħol deċenti madwar id-dinja għal tranżizzjoni globali ġusta u rkupru sostenibbli (COM(2022)0066),

–  wara li kkunsidra l-gwida maħruġa mill-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna fit-12 ta' Lulju 2021 dwar id-diliġenza dovuta għan-negozji tal-UE biex jiġi indirizzat ir-riskju ta' xogħol furzat fl-operazzjonijiet u l-ktajjen tal-provvista tagħhom,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar ix-xogħol furzat u s-sitwazzjoni tal-Ujguri fir-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2021 dwar ix-xogħol furzat fil-fabbrika Linglong u l-protesti ambjentali fis-Serbja(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2021 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar diliġenza dovuta korporattiva u obbligu ta' rendikont korporattiv(3),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tal-1930 dwar ix-Xogħol Furzat u l-Protokoll tagħha tal-2014,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-ILO tal-1990 dwar l-Agħar Forom tax-Xogħol tat-Tfal;

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar strument kummerċjali ġdid biex jiġu pprojbiti l-prodotti magħmula bix-xogħol furzat (O-000018/2022 – B9-0015/2022),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,

A.  billi l-Konvenzjoni tal-ILO tal-1930 dwar ix-Xogħol Furzat (Nru 29) tiddefinixxi x-xogħol furzat bħala bħala "kull xogħol jew servizz li jittieħed minn individwu b'theddid u li l-individwu ma jkunx offra volontarjament li jagħmlu"; billi l-ILO tuża 11-il indikatur biex tiġi identifikata l-eżistenza ta' xogħol furzat; billi dawn l-indikaturi huma: abbuż minn xi vulnerabbiltà, qerq, restrizzjoni tal-moviment, iżolament, vjolenza fiżika u sesswali, intimidazzjoni u theddid, żamma ta' dokumenti tal-identità, żamma ta' pagi, jasar ta' dejn, kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien abbużivi u sahra eċċessiva; billi xi drabi tkun meħtieġa l-preżenza ta' aktar minn wieħed mill-indikaturi elenkati sabiex tiġi determinata l-preżenza ta' xogħol furzat;

B.  billi, skont l-istimi tal-ILO, 25 miljun persuna madwar id-dinja bħalissa jinsabu f'sitwazzjoni ta' xogħol furzat u, minn dawn, 20,8 miljun jagħmlu xogħol furzat impost privatament u 4,1 miljun qegħdin f'xogħol furzat impost mill-istat; billi n-nisa u t-tfajliet jammontaw għal 61 % ta' dawk li jagħmlu xogħol furzat; billi l-ħaddiema migranti huma speċjalment vulnerabbli għax-xogħol furzat; billi l-pandemija tal-COVID-19 iggravat is-sitwazzjoni;

C.  billi l-aħħar stimi globali tal-ILO jindikaw li, fil-bidu tal-2020, 160 miljun tifel u tifla kienu involuti fit-tħaddim tat-tfal globalment, jiġifieri kważi wieħed jew waħda minn kull għaxart itfal fid-dinja kollha; billi 79 miljun tifel u tifla – kważi nofs dawk kollha involuti fit-tħaddim tat-tfal – huma vittmi tal-agħar forom ta' tħaddim tat-tfal, f'xogħol perikoluż li jipperikola b'mod dirett is-saħħa, is-sikurezza u l-iżvilupp morali tagħhom;

D.  billi r-riċerka wriet li x-xogħol furzat jimpedixxi l-iżvilupp sostenibbli u għandu impatt negattiv fuq il-faqar, l-inugwaljanza u l-governanza interġenerazzjonali, u jħeġġeġ il-korruzzjoni u l-flussi finanzjarji illeċiti;

E.  billi l-ekonomija tal-UE hija konnessa ma' miljuni ta' ħaddiema madwar id-dinja permezz tal-ktajjen tal-provvista globali; billi l-konsumaturi tal-UE jridu jkunu ċerti li l-prodotti li jixtru jkunu manifatturati b'mod sostenibbli u ġust li jiżgura xogħol deċenti għal dawk li jipproduċuhom;

F.  billi x-xogħol furzat huwa fattur estern bla prezz li joħnoq l-innovazzjoni u l-produttività, u jagħti vantaġġ kompetittiv inġust lin-negozji u lill-gvernijiet li jappoġġjawh;

G.  billi, fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2021, il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen affermat li l-Kummissjoni se tipproponi projbizzjoni fuq prodotti fis-suq tal-UE li jkunu saru permezz ta' xogħol furzat;

H.  billi fil-proposta tagħha għal Direttiva dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva, il-Kummissjoni tistabbilixxi obbligi ta' diliġenza dovuta għal kumpaniji kbar li jaqbżu ċertu limitu u għal ċerti kumpaniji oħra f'setturi partikolarment sensittivi, biex jiġu identifikati, evitati, imnaqqsa u kkunsidrati l-impatti negattivi attwali u potenzjali fuq id-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tax-xogħol, u fuq l-ambjent tul il-ktajjen tal-provvista globali;

I.  billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Frar 2022 dwar ix-xogħol deċenti madwar id-dinja għal tranżizzjoni globali ġusta u rkupru sostenibbli (COM(2022)0066) tiddeskrivi l-pjanijiet tal-Kummissjoni li tħejji inizjattiva leġiżlattiva ġdida, li se tkun qed tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-UE ta' prodotti magħmula b'xogħol furzat, inkluż tħaddim tat-tfal furzat; billi l-inizjattiva l-ġdida tkopri kemm il-prodotti domestiċi kif ukoll dawk importati u tgħaqqad projbizzjoni ma' qafas ta' infurzar robust u bbażat fuq ir-riskju;

J.  billi x-xogħol furzat huwa fenomenu kumpless u projbizzjoni fuq il-prodotti tax-xogħol furzat mhux se tkun biżżejjed biex ix-xogħol furzat jinqered u l-kwistjoni tiġi indirizzata mill-għeruq tagħha; billi sabiex tittratta din il-kwistjoni globali, l-UE għandha tiffoka wkoll fuq id-djalogu ma' pajjiżi terzi, l-assistenza teknika, il-bini tal-kapaċità u s-sensibilizzazzjoni; billi l-UE għandha taħdem ukoll attivament fil-livell multilaterali biex jinstabu soluzzjonijiet kollettivi sabiex jinqered ix-xogħol furzat;

K.  billi għadd ta' kumpaniji fl-UE jsegwu diversi settijiet ta' linji gwida volontarji u sovrapposti dwar imġiba responsabbli fin-negozju, iżda l-adozzjoni tagħhom għad trid titjieb; billi sabiex dan jiġi indirizzat, l-UE diġà għandha fis-seħħ regoli obbligatorji ta' diliġenza dovuta f'setturi speċifiċi bħall-injam u s-sorsi tal-hekk imsejħa minerali ta' kunflitt;

L.  billi l-effikaċja tal-esklużjonijiet tal-prodotti tax-xogħol furzat tiddependi minn diversi fatturi bħall-perċentwal tad-domanda settorjali globali li tipparteċipa fil-bojkott; l-ispejjeż u l-vijabbiltà għad-ditti esportaturi tad-devjazzjoni tal-kummerċ, ir-riallokazzjoni tal-kummerċ jew it-trasformazzjoni tal-prodott; is-saħħa tal-fornituri fis-suq; u kif il-gvern ospitanti jirrispondi għal pressjoni esterna;

M.  billi hemm bżonn taħlita ta' diversi għodod biex jiġu solvuti problemi differenti relatati max-xogħol furzat;

N.  billi sabiex tkun kompatibbli mad-WTO, kull esklużjoni ta' prodott trid tkun strutturata sabiex jiġi evitat il-ksur ta' impenji ta' kummerċ ħieles u ma ssirx diskriminazzjoni skont l-oriġini ġeografika; billi l-Artikolu XX tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ jipprovdi l-bażi legali li tiġġustifika deċiżjonijiet relatati mal-esklużjoni ta' prodott; billi kwalunkwe esklużjoni bħal din trid tkun ibbażata fuq l-evidenza u ssir wara konsultazzjoni mal-partijiet affettwati;

O.  billi l-introduzzjoni ta' projbizzjoni fuq il-prodotti magħmula b'xogħol furzat hija prijorità politika kemm tal-Parlament kif ukoll tal-UE kollha kemm hi;

1.  Jappella għal strument kummerċjali ġdid li jkun kompatibbli mad-WTO u jikkomplementa r-regoli dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva, jipprojbixxi l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' prodotti magħmula jew trasportati b'xogħol furzat u li jkun ikkomplementat b'miżuri għall-kummerċ intra-UE; jisħaq li kwalunkwe qafas evetwali fil-livell tal-UE jrid ikun proporzjonat, nondiskriminatorju u effettiv, filwaqt li jirrispetta l-impenn favur sistema kummerċjali miftuħa u bbażata fuq ir-regoli; jenfasizza li l-proposta l-ġdida tista' tkun ibbażata fuq l-aħjar prattiki ta' pajjiżi li għandhom leġiżlazzjoni simili, bħall-Istati Uniti u l-Kanada;

2.  Jisħaq li d-determinazzjoni ta' jekk ikunx sar użu minn xogħol furzat għandha tkun ibbażata fuq l-indikaturi rilevanti tal-ILO, inkluż il-"Hard to see, harder to count – Survey guidelines to estimate forced labour of adults and children" tagħha;

3.  Iqis li l-istrument il-ġdid għandu jippermetti projbizzjonijiet fuq prodotti ta' xogħol furzat minn sit ta' produzzjoni, importatur jew kumpanija partikolari, dawk minn reġjun partikolari fil-każ ta' xogħol furzat sponsorjat mill-istat u dawk minn flotta jew bastiment tal-merkanzija partikolari;

4.  Iqis li, skont l-istrument il-ġdid tal-UE, l-awtoritajiet pubbliċi, fuq inizjattiva tagħhom stess jew minn informazzjoni li jkunu rċevew, għandhom iżommu prodotti fil-fruntiera tal-UE meta jqisu li hemm biżżejjed evidenza li dawn il-prodotti jkunu saru jew inġarru b'xogħol furzat; jirrimarka li l-importatur li l-merkanzija tiegħu tkun inżammet għandu mbagħad jingħata l-opportunità li jiċħad din l-akkuża billi juri li l-oġġetti ma jkunux saru jew inġarru b'xogħol furzat, li mbagħad jista' jwassal għar-rilaxx tal-oġġetti; jenfasizza li l-evidenza biex tingħata prova ta' nuqqas ta' xogħol furzat trid tkun ibbażata fuq l-istandards tal-ILO;

5.  Jinnota li l-prodotti għandhom jiġu sekwestrati meta l-awtoritajiet pubbliċi, abbażi ta' evidenza suffiċjenti, isibu li fil-manifattura u t-trasporta tal-oġġetti jkun sar użu minn xogħol furzat, jew jekk il-prodotti jkunu ġew minn reġjun partikolari fejn ix-xogħol furzat impost mill-istat ikun prevalenti; jenfasizza li l-merkanzija maqbuda tiġi rilaxxata jekk il-kumpanija tkun tista' tagħti prova li ma jkunx sar użu minn xogħol furzat jew li jkun ġie effettwat xi rimedju u li l-indikaturi ta' xogħol furzat ma jkunux għadhom preżenti;

6.  Jirrikonoxxi li għadd ta' kumpaniji fl-UE diġà qed jagħmlu sforzi biex jiżguraw li fil-ktajjen tal-provvista tagħhom ma jseħħux prattiki li jmorru kontra d-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tal-ħaddiema; jistieden lill-Kummissjoni toffri lill-kumpaniji, partikolarment lill-SMEs, appoġġ tekniku u appoġġ xieraq ieħor biex jallinjaw ruħhom mar-regoli l-ġodda u b'hekk jevitaw piżijiet bla bżonn; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tivvaluta l-implimentazzjoni tal-istrument u l-impatt tiegħu fuq il-kumpaniji fl-UE;

7.  Jemmen li l-Kummissjoni, partikolarment l-Uffiċjal Kap tal-Infurzar għall-Kummerċ, kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali, jeħtieġ jingħataw is-setgħa li jiftħu investigazzjonijiet; jinnota li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom ikunu jistgħu jieħdu azzjoni abbażi ta' informazzjoni pprovduta minn partijiet ikkonċernati, NGOs jew ħaddiema affettwati u permezz ta' proċedura ta' lmenti formalizzata u sikura, pereżempju permezz tal-Punt ta' Dħul Uniku;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-istrument il-ġdid tal-UE jkun jirrikjedi li l-kumpaniji responsabbli jipprovdu rimedju lill-ħaddiema affettwati qabel ma jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni; jappella li jsir monitoraġġ tal-azzjonijiet rimedjali u korrettivi f'kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u t-trade unions;

9.  Jemmen li għandha tinħoloq sistema ta' koordinazzjoni fil-livell tal-UE biex jingħata appoġġ lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u tiġi żgurata t-trasparenza tal-proċeduri kollha varati;

10.  Jisħaq li l-kumpaniji jistgħu jintalbu mill-awtoritajiet pubbliċi jiżvelaw informazzjoni rilevanti dwar sussidjarji, fornituri, sottofornituri, kuntratturi u sħab fin-negozju fil-katina tal-provvista, bil-kunsiderazzjoni dovuta għall-kunfidenzjalità kummerċjali; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, toħloq linji gwida biex jgħinu lill-kumpaniji fil-ħolqien ta' proċess ta' mmappjar tal-katina tal-provvista sabiex tiġi identifikata x'tikkostitwixxi informazzjoni rilevanti; jenfasizza li database pubblika li jkun fiha informazzjoni dwar fornituri individwali, ir-riskju li joħolqu jew, min-naħa l-oħra, evidenza ta' xogħol deċenti, tista' tnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-kumpaniji;

11.  Jappella biex tinħoloq u tinżamm lista pubblika ta' entitajiet, reġjuni u prodotti sanzjonati;

12.  Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni ma' sħab tal-istess fehma biex jintemm ix-xogħol furzat mad-dinja kollh u jiġi żgurat li prodotti magħmula b'xogħol furzat ma jiġux kummerċjalizzati; jinnota l-bżonn ta' sforzi konġunti biex jiġi żgurat li l-projbizzjoni ma tkunx tista' tiġi evitata u li l-oġġetti suspettati li ġew prodotti b'xogħol furzat ma jkunux jistgħu jiġu indirizzati lejn rotot oħra;

13.  Jemmen li sabiex ikun hemm bidla globalment, l-UE għandha taħdem mill-qrib mas-sħab tagħha permezz ta' azzjoni u investigazzjonijiet konġunti; jappella għal rwol attiv għad-Delegazzjonijiet tal-UE biex jiddjalogaw ma' pajjiżi terzi u partijiet ikkonċernati fuq kwistjonijiet relatati mal-leġiżlazzjoni l-ġdida;

14.  Jirrimarka li l-istrument kummerċjali l-ġdid li jipprojbixxi l-prodotti magħmula b'xogħol furzat għandu jkun koerenti u komplementari għal inizjattivi oħra ta' diliġenza dovuta u d-dispożizzjonijiet attwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u s-sostenibbiltà; jirrimarka li dan għandu jiġi kkunsidrat fir-rieżami tal-pjan ta' azzjoni fi 15-il punt dwar il-kapitoli tal-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli (TSD) u fil-kapitoli sussegwenti tat-TSD fil-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles tal-UE;

15.  Jappella għall-użu ta' investiment pubbliku u privat biex tiġi żviluppata kapaċità addizzjonali ta' produzzjoni mingħajr xogħol furzat fil-ktajjen tal-provvista affettwati;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri.

(1) ĠU C 445, 29.10.2021, p. 114.
(2) Testi adottati, P9_TA(2021)0511.
(3) ĠU C 474, 24.11.2021, p. 11.

Avviż legali - Politika tal-privatezza