L-istatus ta' kandidat tal-Ukrajna, tar-Repubblika tal-Moldova u tal-Georgia
135k
47k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2022 dwar l-istatus ta' kandidat tal-Ukrajna, tar-Repubblika tal-Moldova u tal-Georgia (2022/2716(RSP))
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra l-applikazzjonijiet għas-sħubija mal-UE mressqa mill-Ukrajna, mir-Repubblika tal-Moldova u mill-Georgia,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Ukrajna tat-30 ta' Mejju 2022,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Versailles tal-10 u l-11 ta' Marzu 2022,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ġunju 2022 dwar l-applikazzjonijiet għas-sħubija mal-UE mressqa mill-Ukrajna (COM(2022)0407), mir-Repubblika tal-Moldova (COM(2022)0406) u mill-Georgia (COM(2022)0405),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-mexxejja tal-Gruppi Politiċi tiegħu indirizzata lill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern fid-dawl tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Ġunju 2022,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Federazzjoni Russa ilha mill-24 ta' Frar 2022 twettaq gwerra, mhux ipprovokata, mhux ġustifikata u illegali, ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna; billi l-Ukrajna applikat għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea fit-28 ta' Frar 2022, u r-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia għamlu dan fit-3 ta' Marzu 2022;
B. billi l-applikazzjonijiet ġew fl-isfond tal-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna, li twettqet fuq skala bla preċedent fl-istorja moderna Ewropea u li matulha twettqu ta' delitti tal-gwerra li jafu jammontaw għal ġenoċidju kontra l-popolazzjoni Ukrena, kif ukoll tal-okkupazzjoni kontinwa ta' partijiet mit-territorji tal-Georgia u tar-Repubblika tal-Moldova; billi l-Ukrajna qed tiddefendi l-ordni ta' sigurtà Ewropew u l-prinċipji li fuqhom inbena, bħall-Att Finali ta' Helsinki u l-Karta ta' Pariġi għal Ewropa Ġdida;
C. billi skont l-Artikolu 49 tat-TUE, "kull Stat Ewropew li jirrispetta l-valuri msemmija fl-Artikolu 2 u jimpenja ruħu sabiex jippromwovihom jista' japplika sabiex isir membru tal-Unjoni";
D. billi ma hemm l-ebda "rotta rapida" għas-sħubija mal-UE u billi l-adeżjoni tibqa' proċess ibbażat fuq il-mertu u strutturat li jirrikjedi l-issodisfar tal-kriterji ta' sħubija mal-UE u hija dipendenti fuq l-implimentazzjoni effettiva tar-riformi u t-traspożizzjoni tal-acquis tal-UE;
E. billi l-Kunsill talab eċċezzjonalment malajr li l-Kummissjoni tissottometti l-opinjonijiet tagħha dwar l-applikazzjonijiet għas-sħubija fl-UE tal-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia;
F. billi d-Dikjarazzjoni ta' Versailles tal-10 u l-11 ta' Marzu 2022 iddikjarat ir-rikonoxximent tal-Kunsill Ewropew tal-aspirazzjonijiet Ewropej u l-għażla Ewropea tal-Ukrajna;
G. billi l-poplu tal-Ukrajna, tar-Repubblika tal-Moldova u tal-Georgia ilhom snin sħaħ juru b'mod konsistenti appoġġ sod għar-rotta Ewropea tal-pajjiżi tagħhom, filwaqt li jħaddnu l-prinċipji u l-valuri Ewropej; billi aspirazzjonijiet simili li dak li jkun jgħix f'pajjiż ħieles, sovran u demokratiku huma espressi mill-maġġoranza tal-poplu tal-Belarussja li topponi r-reġim ta' Lukashenka appoġġat mir-Russja;
H. billi l-iżviluppi tal-passat urew li n-nuqqas ta' tkabbir għandu prezz strateġiku enormi u jista' jdgħajjef is-sigurtà u l-istabbiltà fil-kontinent tagħna;
I. billi r-relazzjonijiet tal-UE mal-Ukrajna, mar-Repubblika tal-Moldova u mal-Georgia huma bbażati fuq ftehimiet ta' assoċjazzjoni ambizzjużi u żoni ta' kummerċ ħieles approfonditi u komprensivi (AA/DCFTAs), li joħolqu ambjent li jwassal għal approssimazzjoni leġiżlattiva u integrazzjoni ekonomika, li huma elementi kruċjali ta' proċess ta' adeżjoni futur; billi l-implimentazzjoni sħiħa tal-AA/DCFTAs għad trid tinkiseb;
J. billi l-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia kollha ressqu ż-żewġ kwestjonarji tal-adeżjoni mal-UE fi żmien rekord, fatt li juri mhux biss l-impenn kbir tagħhom favur il-valuri tal-UE, iżda anki l-kapaċità kbira u r-rieda qawwija tagħhom li jilħqu dawn l-objettivi;
K. billi fis-17 ta' Ġunju 2022, il-Kummissjoni ppubblikat opinjonijiet dwar it-tliet applikazzjonijiet, li jirrakkomandaw li l-Kunsill jikkonferma l-prospettivi tal-Ukrajna, tar-Repubblika tal-Moldova u tal-Georgia li jsiru Stati Membri tal-UE;
L. billi fl-opinjonijiet tagħha, il-Kummissjoni rrakkomandat li l-Ukrajna u r-Repubblika tal-Moldova jingħataw l-istatus ta' kandidat bil-fehim li jittieħdu ċerti miżuri ta' riforma, bħal fl-oqsma tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; billi fil-każ tal-Georgia, il-Kummissjoni rrakkomandat li tingħata l-istatus ta' kandidat ladarba jkunu ġew indirizzati l-prijoritajiet indikati;
M. billi l-għoti ta' status ta' kandidat jibgħat messaġġ qawwi ta' tama u solidarjetà liċ-ċittadini tat-tliet pajjiżi u juri li l-Unjoni Ewropea hija determinata li tilqa' l-isfidi attwali u twettaq il-viżjoni futura tagħha;
1. Jilqa' l-applikazzjonijiet għas-sħubija tal-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia bħala espressjoni tal-aspirazzjonijiet Ewropej tal-poplu u x-xewqa tagħhom li jgħixu b'mod paċifiku u sikur f'pajjiżi ħielsa, demokratiċi u prosperi li jżommu relazzjonijiet tajba ta' viċinat mal-pajjiżi Ewropej kollha u jimpenjaw ruħhom f'kooperazzjoni dejjem eqreb mal-Istati Membri tal-UE;
2. Jilqa' r-rakkomandazzjoni formali tal-Kummissjoni li jingħata l-istatus ta' kandidat tal-UE lill-Ukrajna u lir-Repubblika tal-Moldova u prospettiva Ewropea għall-Georgia;
3. Jistieden lill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern li se jiltaqgħu bħala l-Kunsill Ewropew fit-23 u l-24 ta' Ġunju 2022 biex, bla dewmien, jagħtu l-istatus ta' kandidat tal-UE lill-Ukrajna u lir-Repubblika tal-Moldova, u biex jagħtu l-istess status lill-Georgia ladarba l-gvern tagħha jkun kiseb il-prijoritajiet indikati fl-opinjoni tal-Kummissjoni; jissottolinja li l-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern iridu jerfgħu r-responsabbiltà storika tagħhom u jagħtu sinjali politiċi ċari;
4. Jenfasizza li l-għoti ta' status ta' kandidat mill-Unjoni Ewropea se jkun ekwivalenti għal turija ta' tmexxija, determinazzjoni u viżjoni fil-kuntest tal-lum tal-gwerra brutali Russa ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna u tentattiv ta' definizzjoni mill-ġdid tal-ambjent ġeopolitiku u jibgħat messaġġ politiku ċar li l-pajjiżi inkwistjoni għażlu b'mod irriversibbli d-direzzjoni Ewropea, li ġiet aċċettata mis-sħab Ewropej tagħhom, u m'għandhiex tkun is-suġġett ta' ndħil minn xi parti terza; itenni li l-UE trid tkompli tkun sieħeb affidabbli u attur ġeopolitiku kredibbli li tirrispetta l-prinċipji u l-valuri tagħha stess billi turi solidarjetà ma' dawk li jiddefendu l-istess ideali;
5. Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu r-rieda politika biex jagħtu spinta ġdida lill-proċess ta' tkabbir u jwettqu l-wegħdiet tagħhom permezz ta' passi pożittivi konkreti fil-proċessi ta' adeżjoni ta' pajjiżi li jfittxu li jissieħbu fl-Unjoni u li jistħoqqilhom li jkunu parti mill-familja Ewropea; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-UE li se jiltaqgħu fit-23 u fl-24 ta' Ġunju 2022 biex jagħtu l-approvazzjoni tagħhom għall-proċess ta' tkabbir tal-Balkani tal-Punent, li bħalissa huwa mblukkat;
6. Ifakkar li sabiex tinżamm il-kredibbiltà tal-proċess ta' tkabbir tal-UE u jiġi żblukkat il-poter trasformattiv tiegħu, l-impenn fit-tul fil-konfront tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent irid jinżamm u l-binarju parallel tagħhom jeħtieġ li jkompli mingħajr interruzzjoni b'aktar dinamiżmu abbażi tal-mertu, l-allinjament politiku, is-solidarjetà fi kwistjonijiet internazzjonali u l-impenji miftiehma;
7. Jissottolinja li l-adeżjoni mal-UE trid isseħħ f'konformità mal-Artikolu 49 tat-TUE, abbażi tar-rispett għall-proċeduri rilevanti u bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfati l-kriterji stabbiliti, b'mod partikolari l-hekk imsejħa kriterji ta' Copenhagen għas-sħubija fl-UE, u tibqa' proċess ibbażat fuq il-mertu li jirrikjedi l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi rilevanti, b'mod partikolari fl-oqsma tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, l-ekonomija tas-suq u l-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE;
8. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia juru mingħajr ambigwità d-determinazzjoni politika tagħhom li jimplimentaw l-ambizzjonijiet Ewropej tal-poplu tagħhom billi jtejbu b'mod sinifikanti l-progress b'riformi sostanzjali sabiex jissodisfaw b'mod effettiv il-kriterji għas-sħubija fl-UE mill-aktar fis possibbli;
9. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jittieħed vantaġġ mill-esperjenzi tal-Ukrajna, tar-Repubblika tal-Moldova u tal-Georgia bl-implimentazzjoni tal-AA/DCFTAs rispettivi tagħhom bħala bażi għall-proċess ta' adeżjoni li jmiss, biex b'hekk it-tliet pajjiżi jkunu jistgħu jintegraw gradwalment aktar fis-suq uniku tal-UE u jsaħħu l-kooperazzjoni settorjali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħejju strutturi interni u jipprovdu riżorsi addizzjonali, kif ukoll aktar assistenza teknika u appoġġ politiku;
10. Jirrikonoxxi li l-Ukreni, il-Moldovani u l-Georgjani appoġġaw b'mod kontinwu orjentazzjoni pro-Ewropea ta' pajjiżhom u jistħoqqilhom jgħixu f'pajjiżi ħielsa, demokratiċi u prosperi li jkunu membri kburin u attivi tal-familja Ewropea; jikkonkludi li l-Kunsill Ewropew li jmiss jista' jieħu l-ewwel pass importanti lejn it-twettiq tal-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu tat-tliet pajjiżi;
11. Itenni l-impenn tal-UE favur is-sovranità, l-integrità territorjali u l-indipendenza politika tal-Ukrajna, tar-Repubblika tal-Moldova u tal-Georgia fi ħdan il-fruntieri tagħhom rikonoxxuti fuq livell internazzjonali, u jappoġġa l-isforzi tagħhom biex jinfurzaw bis-sħiħ dawk il-prinċipji; jissottolinja l-importanza tal-għaqda u s-solidarjetà tal-Istati Membri f'dan ir-rigward;
12. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jaġġornaw il-politika tas-Sħubija tal-Lvant sabiex din tkun tista' tibqa' strument trasformattiv u sinifikanti fil-kuntest attwali tal-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, li thedded ukoll is-sigurtà tal-pajjiżi ġirien tal-Ukrajna u taffettwa l-istabbiltà fir-reġjun kollu kemm hu; itenni l-ħtieġa ta' kooperazzjoni reġjonali u integrazzjoni akbar bejn il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant;
13. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jistabbilixxu djalogu politiku msaħħaħ u strutturat mal-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali sabiex javvanzaw aktar l-integrazzjoni ekonomika u l-armonizzazzjoni leġiżlattiva kif ukoll l-inklużjoni gradwali fil-ħidma u l-proċedimenti tal-istituzzjonijiet tal-UE, fejn xieraq;
14. Itenni t-talba tiegħu lill-istituzzjonijiet tal-UE biex iħaffu l-passi meħtieġa biex it-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE jsir aktar effiċjenti;
15. Jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu favur it-tkabbir, li għalih ma hemm ebda alternattiva u li huwa aktar minn qatt qabel investiment ġeostrateġiku f'UE stabbli, b'saħħitha u magħquda; jemmen bis-sħiħ li l-prospett ta' sħubija sħiħa fl-UE għall-pajjiżi li qed jistinkaw biex isiru Stati Membri tal-UE huwa fl-interess politiku, ekonomiku u ta' sigurtà tal-Unjoni stess;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-presidenti, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Georgia u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Ġunju 2022 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 fir-rigward ta’ miżura speċifika biex jingħata appoġġ temporanju eċċezzjonali skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) b’rispons għall-impatt tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna (COM(2022)0242 – C9-0185/2022 – 2022/0166(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: L-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2022)0242),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 42 u l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0185/2022),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekomomiku u Soċjali Ewropew tas-16 ta’ Ġunju 2022(1),
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill permezz tal-ittra tas-17 ta’ Ġunju 2022 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 163 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-23 ta' Ġunju 2022 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2022/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 fir-rigward ta’ miżura speċifika biex jingħata appoġġ temporanju eċċezzjonali skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) b’rispons għall-impatt tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Ġunju 2022 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u r-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali (COM(2022)0135 – C9-0126/2022 – 2022/0090(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: L-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2022)0135),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 194(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0126/2022),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekomomiku u Soċjali Ewropew tat-18 ta’ Mejju 2022(1),
– wara li kkonsulta l-Kumitat tar-Reġjuni,
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli skont l-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-25 ta’ Mejju 2022, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 163 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-23 ta’ Ġunju 2022 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2022/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1938 u (KE) Nru 715/2009 fir-rigward tal-ħżin tal-gass
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2022 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda r-Regolament (UE) 2021/953 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta' ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19. (COM(2022)0050 – C9-0031/2022 – 2022/0031(COD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2022)0050),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 21(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9‑0031/2022),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill permezz tal-ittra tal-15 ta’ Ġunju 2022 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu,
– wara li kkunsidra l-ittra mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9‑0138/2022),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-23 ta' Ġunju 2022 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2022/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2021/953 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta' ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2022 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2021/954 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta' ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) fir-rigward ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19 (COM(2022)0055 – C9-0032/2022 – 2022/0030(COD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2022)0055),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 77(2), il-punt (c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9‑0032/2022),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill permezz tal-ittra tal-15 ta’ Ġunju 2022 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0137/2022),
1. Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari hawn taħt imsemmija;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-23 ta' Ġunju 2022 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2022/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2021/954 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri matul il-pandemija tal-COVID-19
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, ir-Regolament (UE) 2022/1035.)
Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2022: finanzjament tal-ispejjeż ta' akkoljenza tan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna
135k
46k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2022 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2022 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022 - il-finanzjament tal-ispejjeż ta' akkoljenza tan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna (09095/2022 – C9-0182/2022 – 2022/0126(BUD))
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022, adottat b'mod definittiv fl-24 ta' Novembru 2021(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021-2027(3) (ir-"Regolament dwar il-QFP"),
– wara li kkunsidrat il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020, bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda(4),
– wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta' Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom(5),
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit emendatorju Nru 3/2022, adottat mill-Kummissjoni fit-22 ta' April 2022 (COM(2022)0262),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2022, adottata mill-Kunsill fis-16 ta' Mejju 2022 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew dakinhar stess (09095/2022 – C9-0182/2022),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 94 u 96 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0181/2022),
A. billi l-Kummissjoni tipproponi li l-baġit tal-Unjoni jikkontribwixxi ammont totali ta' EUR 400 miljun fl-ambitu tal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi (BMVI) għall-finanzjament tal-ewwel spejjeż ta' akkoljenza u reġistrazzjoni tal-persuni li qed jaħarbu mill-Ukrajna, wara l-gwerra illegali, mhux provokata u mhux ġustifikata ta' aggressjoni mwettqa mill-Federazzjoni Russa fil-konfront tal-Ukrajna mill-24 ta' Frar 2022;
B. billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2022 huwa wieħed mill-elementi li qed jintużaw biex jintlaħaq l-ammont propost ta' EUR 400 miljun, flimkien ma' emendi għall-programmi ta' ħidma tal-Faċilità Tematika AMIF u BMVI għall-2021-2022 li jrendu disponibbli ammont ta' EUR 124 miljun fil-forma ta' assistenza ta' emerġenza fl-ambitu ta' kull programm, u mal-proposta għal trasferiment tal-awtorità baġitarja (DEC 11/2022) għal tisħiħ tal-AMIF b'EUR 52,2 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn u EUR 74 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament;
C. billi l-impatt nett tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2022 fuq in-nefqa jammonta għal żieda ta' EUR 99,8 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn għall-AMIF, u żieda ta' EUR 176 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament magħmula minn EUR 76 miljun għall-AMIF u EUR 100 miljun għall-BMVI;
1. Jilqa' l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2022, kif imressaq mill-Kummissjoni;
2. Ifakkar fl-impenn tal-Parlament li jattiva l-istrumenti baġitarji disponibbli kollha tal-Unjoni biex ikompli jipprovdi l-aktar appoġġ ekonomiku u finanzjarju b'saħħtu lill-Ukrajna u lin-nies li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna; itenni l-ħtieġa ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri u ta' miżuri komuni bħala rispons għall-fluss ta' miljuni ta' rifuġjati li qed jaħarbu mill-Ukrajna, inkluża r-riallokazzjoni tar-rifuġjati; jissottolinja l-importanza li jitkompla jingħata appoġġ lir-Repubblika tal-Moldova għat-trasferiment ta' persuni lejn Stati Membri fil-kuntest tal-Pjattaforma ta' Solidarjetà; iħeġġeġ b'mod partikolari lill-Kummissjoni tipprogramma u tuża l-fondi intiżi għal programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera bejn l-Ukrajna u l-Istati Membri għall-perjodu 2021-2027 biex iżżid ir-reżiljenza tal-komunitajiet li jgħixu fil-fruntiera fid-dawl tal-kriżi attwali tar-rifuġjati;
3. Ifakkar li l-Parlament kien żgura tisħiħ tal-BMVI ta' EUR 1 biljun fin-negozjati tal-QFP biex il-programm ikun jista' jilħaq bis-sħiħ l-objettivi tiegħu; jiddispjaċih ħafna li l-Kummissjoni għażlet li tnaqqas il-pakkett BMVI biex tikkumpensa għat-tisħiħ taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga b'EUR 63 miljun u l-Europol b'EUR 185 miljun tul il-QFP attwali; isostni l-pożizzjoni tiegħu li kompiti ġodda għall-aġenziji jeħtieġu riżorsi ġodda u ma għandhomx isiru għad-detriment ta' programmi jew aġenziji eżistenti;
4. Jissottolinja li la l-fond tal-NGEU, il-komponent tiegħu tal-Fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u lanqas il-flessibbiltà fl-ambitu tal-QFP attwali mhuma biżżejjed biex ikopru bis-sħiħ il-ħtiġijiet finanzjarji ġġenerati mill-gwerra fl-Ukrajna; jipprevedi, barra minn hekk, li s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Unjoni tkompli tiddeterjora fix-xhur li ġejjin u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jistabbilixxu b'mod urġenti l-mekkaniżmi ta' solidarjetà u kumpens meħtieġa;
5. Jinsab imħasseb ħafna li l-QFP diġà laħaq il-limiti tiegħu u mhuwiex adattat biex ikompli jindirizza d-diversi kriżijiet interni u esterni b'mod sostenibbli; jindika, b'mod partikolari, il-ħtieġa li jiżdied il-limitu massimu tal-Intestatura 4 sabiex jirrifletti l-ħtiġijiet finanzjarji reali għall-ġestjoni tal-migrazzjoni u tal-fruntieri tal-Unjoni; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni twettaq rieżami fil-fond tal-funzjonament tal-QFP attwali u tipproċedi bi proposta leġiżlattiva għal reviżjoni komprensiva tal-QFP mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-ewwel trimestru tal-2023; jistenna li tali reviżjoni tqis l-implikazzjonijiet fit-tul tal-gwerra fl-Ukrajna u l-miżuri ta' emerġenza meħuda;
6. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2022;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 2/2022 ġie adottat b'mod definittiv u biex tiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2022 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni minn Franza – EGF/2022/001 FR/Air France (COM(2022)0201 – C9-0170/2022 – 2022/0143(BUD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2022)0201 – C9‑0170/2022),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013(1) ("ir-Regolament dwar il-FEG"),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027(2) ("ir-Regolament dwar il-QFP"), u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda(3), , u b'mod partikolari l-punt 9 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-ittri mill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u mill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0183/2022]),
A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qed ibatu mill-konsegwenzi tal-globalizzazzjoni u mill-bidliet teknoloġiċi u ambjentali, bħall-bidliet fix-xejriet kummerċjali dinjija, it-tilwim kummerċjali, bidliet sinifikanti fir-relazzjonijiet kummerċjali tal-Unjoni jew fil-kompożizzjoni tas-suq intern u kriżijiet finanzjarji jew ekonomiċi, kif ukoll it-tranżizzjoni għal ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju filwaqt li l-mobilità ssir aċċessibbli għal kulħadd, jew bħala konsegwenza tad-diġitalizzazzjoni jew tal-awtomatizzazzjoni;
B. billi l-Unjoni estendiet il-kamp ta' applikazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) biex tipprovdi appoġġ finanzjarju f'każ ta' kwalunkwe avveniment kbir ta' ristrutturar, u b'hekk tkopri l-effetti ekonomiċi tal-kriżi tal-coronavirus;
C. billi Franza ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2022/001 FR/Air France għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara 282 spostament fis-settur ekonomiku kklassifikati taħt id-diviżjoni 33 tan-NACE Reviżjoni 2 (Tiswija u installazzjoni ta' makkinarju u tagħmir) u 51 (Trasport bl-ajru) primarjament fi tnax-il reġjun NUTS Franċiżi kollha tat-tieni livell fil-kontinent(4) u erba' reġjuni NUTS Franċiżi tat-tieni livell ekstra-Ewropej(5), f'perjodu ta' referenza għall-applikazzjoni mill-1 ta' Lulju 2021 sal-1 ta' Novembru 2021;
D. billi l-applikazzjoni tirrigwarda 282 ħaddiem issensjati li l-attività tagħhom fil-kumpanija Air France u żewġ sussidjarji tagħha(6) waqfet matul il-perjodu ta' referenza, filwaqt li 1 298 ħaddiem ġew issensjati qabel jew wara l-perjodu ta' referenza bħala konsegwenza tal-istess avvenimenti li wasslu għall-waqfien tal-attività tal-ħaddiema ssensjati matul il-perjodu ta' referenza u għalhekk l-1 580 ħaddiema kollha se jitqiesu wkoll bħala benefiċjarji eliġibbli;
E. billi l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-intervent tal-Artikolu 4(2), il-punt (a) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi l-waqfien tal-attività ta' mill-inqas 200 ħaddiem issensjati fuq perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema ssensjati f'fornituri u produtturi downstream u/jew persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet;
F. billi l-Air France ntlaqtet serjament mill-kriżi tal-COVID-19, li kkawżat tnaqqis qawwi fl-introjtu u fit-traffiku;
G. billi r-ristrutturar tas-sussidjarji reġjonali tal-Air France f'Hop qajjem tħassib soċjali anke qabel ma bdiet il-kriżi tal-COVID-19, u matul il-pandemija, l-Air France ddeċidiet li tnaqqas drastikament il-kapaċità ta' Hop kemm f'termini ta' persunal kif ukoll ta' inġenji tal-ajru;
H. billi l-awtoritajiet Franċiżi implimentaw diversi miżuri, bħas-self garantit mill-Istat, biex jappoġġjaw lil Air France, iżda l-kumpanija xorta kellha tieħu miżuri addizzjonali biex tiffaċċja l-kriżi, inklużi operazzjonijiet ta' tnaqqis fid-daqs, definizzjoni mill-ġdid tan-network domestiku, u semplifikazzjoni tal-funzjonijiet ta' appoġġ, li wasslu għal tnaqqis fil-persunal;
I. billi l-Kummissjoni ddikjarat li l-kriżi tas-saħħa rriżultat fi kriżi ekonomika, stabbiliet pjan ta' rkupru għall-ekonomija u enfasizzat ir-rwol tal-FEG bħala għodda ta' emerġenza(7);
J. billi l-kumpaniji tal-ajru fl-Ewropa ffaċċjaw problemi u sfidi serji minħabba l-kompetizzjoni globali u billi huma meħtieġa miżuri biex tissaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema tal-linji tal-ajru fil-livell tal-Unjoni u jiġi żgurat li dan is-settur importanti jibqa' kompetittiv u postijiet tax-xogħol deċenti jinżammu fl-Unjoni;
K. billi l-FEG m'għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 186 miljun (fi prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament dwar il-QFP;
L. billi l-Unjoni għandha twol importanti f'li tipprovdi s-solidarjetà meħtieġa permezz tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG, li għandu l-għan li jintegra mill-ġdid malajr lill-benefiċjarji f'impjieg deċenti u sostenibbli fi ħdan jew barra s-settur ta' attività inizjali tagħhom, filwaqt li jħejjihom għal ekonomija Ewropea aktar ekoloġika u aktar diġitali;
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament dwar il-FEG huma ssodisfati u li Franza hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 17 742 607, jiġifieri 85 % tal-ispiża totali ta' EUR 20 873 656, li tinkludi biss in-nefqa għal servizzi personalizzati;
2. Jinnota li l-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw l-applikazzjoni fil-21 ta' Jannar 2022, u li l-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fl-10 ta' Mejju 2022 u nnotifikatha lill-Parlament fl-istess jum;
3. Jinnota li l-applikazzjoni hija marbuta ma' 1 580 ħaddiem issensjati b'kollox li l-attività tagħhom waqfet; jilqa' l-fatt li Franza qed tistenna li l-benefiċjarji eliġibbli kollha (benefiċjarji fil-mira) se jipparteċipaw fil-miżuri;
4. Ifakkar li l-impatti soċjali tas-sensji huma mistennija li jkunu importanti għal Franza, b'mod partikolari fir-reġjun Île-de-France, fejn seħħew 57 % tas-sensji; jinnota li l-amministrazzjoni tax-xogħol Franċiża speċifikat li r-ristrutturar ta' Air France affettwa l-bilanċ tal-impjiegi fit-territorji kkonċernati; jenfasizza li r-reġjuni u s-setturi ekonomiċi li qed jiffaċċjaw diffikultajiet jeħtieġu rispons Ewropew integrat u komuni biex jappoġġjaw ir-reżiljenza tagħhom;
5. Jirrimarka li 56 % tal-ħaddiema ssensjati huma nisa u 30,8 % għandhom aktar minn 54 sena; jinnota wkoll li 96 mill-ħaddiema ssensjati għandhom diżabilità;
6. Jinnota li Franza bdiet tipprovdi servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fl-1 ta' Frar 2021 u li, għalhekk, il-perjodu ta' eliġibbiltà għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se jkun mill-1 ta' Frar 2021 sa 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni ta' finanzjament;
7. Ifakkar li s-servizzi personalizzati li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema jikkonsistu mill-azzjonijiet li ġejjin: servizzi ta' konsulenza u gwida vokazzjonali, taħriġ, inklużi kompetenzi orizzontali, tiġdid tal-ħiliet, titjib tal-ħiliet, internships u taħriġ vokazzjonali, kontribuzzjoni għall-ħolqien ta' negozji, benefiċċji ta' reklutaġġ, benefiċċju ta' impjieg mill-ġdid rapidu, żidiet fis-salarji kif ukoll assistenza intensiva fit-tiftix ta' impjiegi; jenfasizza l-importanza li jiġu pprovduti malajr opportunitajiet ta' xogħol fl-Unjoni lill-ħaddiema kwalifikati li ngħataw is-sensja;
8. Itenni, f'dak il-kuntest, ir-rwol importanti li l-Unjoni għandu jkollha f'li tagħmel disponibbli l-kwalifiki meħtieġa għat-trasformazzjoni ġusta u diġitali f'konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u miri ta' politiki Ewropej ewlenin; jappoġġja bil-qawwa l-fatt li l-FEG ikompli juri solidarjetà mal-persuni affettwati u jżomm l-attenzjoni fuq l-impatt tar-ristrutturar fuq il-ħaddiema f'dak li fadal mill-perjodu QFP; jitlob li l-applikazzjonijiet futuri jimmassimizzaw il-koerenza tal-politika;
9. Jilqa' l-fatt li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati tfassal minn Franza b'konsultazzjoni mal-persunal u mar-rappreżentanti tal-unions(8);
10. Jilqa' l-fatt li Air France stabbiliet pakkett estensiv ta' miżuri attivi tas-suq tax-xogħol immirati biex jgħinu lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja, f'konformità mal-obbligi legali tagħha.
11. Jirrimarka li Air France regolarment toffri taħriġ għall-persunal tagħha li fih tingħata attenzjoni lill-ħiliet u lill-ħiliet diġitali meħtieġa f'ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, bħala parti mill-"Pjan għall-Iżvilupp tal-Ħiliet" u jilqa' l-fatt li dak it-taħriġ jibqa' disponibbli għall-ħaddiema spostati għat-tul tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-miżuri tal-FEG; jisħaq fuq l-importanza li l-ħaddiema jkunu ppreparati għal ekonomija tal-Unjoni ekoloġika u diġitali u taħdem favur tranżizzjonijiet doppji;
12. Jinnota li t-trasformazzjoni diġitali u ekoloġika se jkollha wkoll effett fuq is-suq tax-xogħol speċjalment fis-settur tal-avjazzjoni; għalhekk għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-edukazzjoni kwalifikata, inkluż it-taħriġ vokazzjonali u l-promozzjoni tal-hekk imsejħa sistema ta' apprendistat doppju, li wriet li hija effettiva f'xi Stati Membri;
13. Jenfasizza li l-awtoritajiet Franċiżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni;
14. Itenni li l-għajnuna mill-FEG ma tridx tissostitwixxi azzjonijiet li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi, jew kwalunkwe allowance jew dritt tal-ħaddiema ssensjati, biex tiġi żgurata l-addizzjonalità sħiħa tal-allokazzjoni;
15. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni minn Franza (EGF/2022/001 FR/Air France)
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, id-Deċiżjoni (UE) 2022/1164.)
Île-de-France (FR10), Nord Pas de Calais (FRE1), Alsace (FRF1), Pays de la Loire (FRG0), Bretagne (FRH0), Aquitaine (FRI1), Languedoc Roussillon (FRJ1), Midi Pyrénées (FRJ2), Auvergne (FRK1), Rhône Alpes (FRK2), Provence Alpes Côte d'Azur (FRL0) u Corse (FRM0).
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2022 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni mill-Greċja – EGF/2021/008 EL/Attica electrical equipment manufacturing (COM(2022)0248 – C9-0190/2022 – 2022/0170(BUD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2022)0248 – C9‑0190/2022),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013(1) ("ir-Regolament dwar il-FEG"),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027(2) ("ir-Regolament dwar il-QFP"), u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda(3), u b'mod partikolari l-punt 9 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-ittri tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0185/2022),
A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qed ibatu mill-konsegwenzi tal-globalizzazzjoni u mill-bidliet teknoloġiċi u ambjentali, bħall-bidliet fix-xejriet kummerċjali dinjija, it-tilwim kummerċjali, bidliet sinifikanti fir-relazzjonijiet kummerċjali tal-Unjoni jew fil-kompożizzjoni tas-suq intern u kriżijiet finanzjarji jew ekonomiċi, kif ukoll it-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju, jew bħala konsegwenza tad-diġitalizzazzjoni jew tal-awtomatizzazzjoni;
B. billi l-Unjoni estendiet il-kamp ta' applikazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) biex tipprovdi appoġġ finanzjarju f'każ ta' kwalunkwe avveniment kbir ta' ristrutturar, u b'hekk tkopri l-effetti ekonomiċi tal-kriżi tal-coronavirus;
C. billi l-Greċja ressqet l-applikazzjoni EGF/2021/008 EL/Attica electrical equipment manufacturing għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara li 206 ħaddiema ġew issensjati fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 27 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' tagħmir elettriku) fir-reġjun NUTS 2 ta' Attica (EL30) fil-Greċja, f'perjodu ta' referenza għall-applikazzjoni mill-1 ta' April 2021 sal-1 ta' Ottubru 2021;
D. billi l-applikazzjoni tirrigwarda 206 ħaddiem issensjat li l-attività tagħhom waqfet f'sitt kumpaniji(4) matul il-perjodu ta' referenza, u li kollha se jitqiesu bħala benefiċjarji eliġibbli; billi 180 mill-ħaddiema ssensjati huma rġiel (87,4 %) u 26 huma nisa (12,6 %); billi 26 mill-ħaddiema ssensjati għandhom inqas minn 30 sena (12,6 %), 137 għandhom bejn 30 u 54 sena (66,5 %) u 43 għandhom aktar minn 54 sena (20,9 %); billi 167 mill-ħaddiema ssensjati għandhom edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell jew inqas (81,1 %), 6 għandhom edukazzjoni sekondarja għolja jew postsekondarja (2,9 %) u 33 għandhom edukazzjoni terzjarja (16,0 %);
E. billi l-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi l-waqfien mill-attività ta' mill-anqas 200 ħaddiem issensjat fuq perjodu ta' referenza ta' sitt xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess settur ekonomiku definit fid-diviżjoni NACE Reviżjoni 2 u li jinsabu f'reġjun wieħed jew f'żewġ reġjuni kontigwi kif definit fil-livell NUTS 2 fi Stat Membru;
F. billi n-nefqa fuq apparat domestiku ġdid fil-Greċja kienet affettwata ħafna l-ewwel mill-kriżi ekonomika fis-snin mill-2008 sal-2016 (tnaqqis ta' 35 %) u t-tieni mill-pandemija tal-COVID-19 (tnaqqis ta' 50 % bejn l-2019 u l-2020), wara li kienet irkuprat b'9,5 % bejn l-2017 u l-2019;
G. billi l-ħiliet diġitali bażiċi tal-popolazzjoni Griega għadhom sottożviluppati u għadhom lura mill-medja tal-Unjoni, u dan jimplika riskju għoli ta' distakk teknoloġiku u illitteriżmu diġitali; billi, skont l-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI) 2021 tal-Kummissjoni Ewropea(5), il-Greċja kklassifikat fit-22 post minn fost is-27 Stat Membru rigward l-integrazzjoni tat-teknoloġiji diġitali fl-attivitajiet kummerċjali u 23 % biss tal-individwi għandhom ħiliet diġitali ogħla minn dawk bażiċi, meta mqabbla mal-medja tal-Unjoni li hija ta' 31 %;
H. billi f'dak il-kuntest, it-telf tal-kompetittività tal-impjant tal-produzzjoni ta' Pitsos minħabba taħlita ta' fatturi, bħan-nuqqas ta' awtomatizzazzjoni u manifattura avvanzata, l-ispejjeż għoljin tal-produzzjoni tal-apparat domestiku tal-elettriku, skarsezza fil-provvista domestika tal-komponenti elettriċi, id-deċiżjoni meħuda mill-maniġers ta' BSH-Pitsos li ma jappoġġjawx l-investimenti kapitali meħtieġa biex jottimizzaw il-faċilità tal-produzzjoni tal-impjant u d-deċiżjoni li l-produzzjoni tiġi rilokata fit-Turkija bil-ħsieb li l-ispejjeż tal-produzzjoni jkunu aktar baxxi (filwaqt li d-dipartiment tad-ditta, tal-bejgħ u tas-servizz inżamm fil-Greċja) wasslu għat-tħabbira tal-għeluq tal-impjant ta' produzzjoni ta' Pitsos f'Settembru 2017; billi l-produzzjoni ġiet estiża sal-bidu tal-2021, u 166 ħaddiem ingħataw is-sensja fl-2021;
I. billi 40 ħaddiem ingħataw is-sensja f'ħames intrapriżi oħra, li ffaċċjaw l-isfidi ta' adattament għall-ekonomija diġitali li qed tinbidel malajr;
J. billi, għalkemm ir-rata tal-qgħad fil-Greċja ilha tonqos gradwalment sa mill-2013, meta laħqet l-ogħla livell tagħha ta' 27,5 %, il-Greċja għad għandha rati tal-qgħad għoljin ħafna; billi, fl-2021, ir-rata tal-qgħad fil-Greċja ta' 14,7 % kienet it-tieni l-ogħla fl-Unjoni, meta mqabbla mal-medja tal-Unjoni li kienet ta' 7,0 %(6);
K. billi l-FEG ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 186 miljun (fi prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament QFP;
L. billi l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG għandhom ikunu diretti primarjament lejn miżuri attivi ta' politika tas-suq tax-xogħol u servizzi personalizzati li jkollhom l-għan li jintegraw mill-ġdid malajr lill-benefiċjarji f'impjieg deċenti u sostenibbli fi ħdan jew barra s-settur ta' attività inizjali tagħhom, filwaqt li jħejjuhom għal ekonomija Ewropea aktar ekoloġika u aktar diġitali;
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2)(b), tar-Regolament dwar il-FEG ġew issodisfati, u li l-Greċja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 495 830 fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, somma li tirrappreżenta 85 % tal-ispiża totali ta' EUR 1 759 800, u li tinkludi n-nefqa għal servizzi personalizzati ta' EUR 1 689 800 u n-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG ta' EUR 70 000(7);
2. Jinnota li l-awtoritajiet Griegi ppreżentaw l-applikazzjoni fil-21 ta' Diċembru 2021, u li l-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fit-30 ta' Mejju 2022 u nnotifikatha lill-Parlament fl-istess jum; iqis li l-perjodu ta' valutazzjoni għandu jitnaqqas sabiex il-benefiċjarji fil-mira jingħataw l-għajnuna meħtieġa b'inqas dewmien;
3. Jinnota li l-applikazzjoni hija marbuta ma' 206 ħaddiema ssensjati b'kollox li l-attività tagħhom waqfet; jilqa' l-fatt li l-Greċja tistenna li l-benefiċjarji eliġibbli kollha se jipparteċipaw fil-miżuri (benefiċjarji fil-mira);
4. Ifakkar li l-impatt soċjali tas-sensji huwa mistenni li jkun sinifikanti għar-reġjun ta' Attica fil-Greċja, li kellu l-ogħla numru ta' persuni qiegħda fil-Greċja f'Diċembru 2021 (342 744, li jirrappreżentaw 31 % tal-persuni qiegħda Griegi rreġistrati), u fejn 24,1 % tal-popolazzjoni tinsab f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali(8);
5. Jinnota li 81,1 % tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandhom edukazzjoni sekondarja baxxa jew inqas u se jiffaċċjaw diffikultajiet biex isibu opportunitajiet ta' impjieg mill-ġdid;
6. Jinnota li l-Greċja se tibda tipprovdi s-servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira hekk kif id-deċiżjoni għall-mobilizzazzjoni tiġi adottata mill-awtorità baġitarja, u li n-nefqa fuq il-miżuri b'hekk se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mid-data li fiha l-Greċja tibda tipprovdi servizzi personalizzati sa 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta' Finanzjament(9);
7. Ifakkar li s-servizzi personalizzati li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema jikkonsistu mill-azzjonijiet li ġejjin: konsulenza professjonali, taħriġ fil-ħiliet diġitali, taħriġ u edukazzjoni vokazzjonali, edukazzjoni għolja, kontribut għall-bidu ta' negozju, u diversi benefiċċji;
8. Itenni, f'dak il-kuntest, ir-rwol importanti li l-Unjoni għandu jkollha biex tipprovdi l-kwalifiki meħtieġa għat-trasformazzjoni ġusta f'konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jappoġġja bil-qawwa l-fatt li mill-2021 sal-2027 il-FEG se jkompli juri solidarjetà mal-persuni affettwati, u jżomm l-attenzjoni fuq l-impatt tar-ristrutturar fuq il-ħaddiema, u jitlob li l-applikazzjonijiet futuri jimmassimizzaw il-koerenza politika;
9. Jilqa' l-fatt li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal mill-Greċja b'konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema u ma' għadd ta' impjegati preċedenti;
10. Jilqa' l-fatt li t-taħriġ fil-ħiliet diġitali ġie inkluż bħala element orizzontali fit-tfassil tal-azzjonijiet proposti, li se jikkontribwixxi għat-tixrid tal-ħiliet orizzontali meħtieġa fl-età industrijali diġitali kif ukoll f'ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, f'konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament dwar il-FEG;
11. Jinnota li l-Greċja bdiet iġġarrab in-nefqa amministrattiva sabiex timplimenta l-FEG fl-1 ta' Marzu 2022 u li għaldaqstant, in-nefqa fuq attivitajiet ta' tħejjija, ta' ġestjoni, ta' informazzjoni u ta' pubbliċità, ta' kontroll u ta' rapportar se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta' Marzu 2022 sa 31 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta' Finanzjament;
12. Jistieden lill-Kummissjoni timminimizza ż-żmien meħud biex tivvaluta t-talbiet għal assistenza mill-FEG u timmobilizza l-FEG b'mod aktar mgħaġġel, sabiex tnaqqas il-pressjoni fuq is-sistemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali tar-reġjuni affettwati;
13. Jisħaq li l-awtoritajiet Griegi kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni;
14. Itenni li, biex tiġi żgurata l-addizzjonalità sħiħa tal-allokazzjoni, l-għajnuna mill-FEG ma tridx tissostitwixxi azzjonijiet jew kwalunkwe allowance jew drittijiet tal-ħaddiema ssensjati li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi, kif ukoll l-azzjonijiet meħtieġa mill-Istati Membri biex itejbu l-kompetittività tal-kumpaniji, b'mod partikolari l-SMEs, u l-kapaċità tagħhom li jadattaw għall-ekonomija diġitali li għaddejja minn trasformazzjoni rapida, l-azzjonijiet maħsuba biex isaħħu l-ħiliet diġitali tal-ħaddiema bil-għan li jindirizzaw ir-riskju ta' distakk teknoloġiku u illitteriżmu diġitali, il-miżuri intiżi biex isaħħu l-kapaċità tal-akkwist tal-popolazzjoni, kif ukoll aktar politiki mmirati li jkunu attivi dwar l-impjiegi biex jiġġieldu l-qgħad u jiffaċilitaw ir-riintegrazzjoni tal-ħaddiema ssensjati fis-suq tax-xogħol;
15. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
17. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
18. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni mill-Greċja (EGF/2021/008 EL/Attica electrical equipment manufacturing)
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, id-Deċiżjoni (UE) 2022/1163.)
Bl-eċċezzjoni ta' studji formali ta' durata ta' aktar minn sentejn, li se jkunu eliġibbli sal-iskadenza għall-preżentazzjoni tar-rapport finali.
Qamħirrum ġenetikament modifikat DP4114 × MON 810 × MIR604 × NK603 u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn jewtlieta mill-eventi uniċi DP4114, MON 810, MIR604 u NK603
233k
60k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2022 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, li jikkonsistu minn jew li jkunu prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat DP4114 × MON 810 × MIR604 × NK603 u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn jew tlieta mill-eventi uniċi DP4114, MON 810, MIR604 u NK603, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D081155/01 – 2022/2694(RSP))
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, li jikkonsistu minn jew li jkunu prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat DP4114 × MON 810 × MIR604 × NK603 u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn jew tlieta mill-eventi uniċi DP4114, MON 810, MIR604 u NK603, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D081155/01),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 19(3) tiegħu,
– wara li kkunsidra l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf imsemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, tas-16 ta' Mejju 2022, li matulha ma ngħatat ebda opinjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(2),
– wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fis-26 ta' Jannar 2022, u ppubblikata fis-7 ta' Marzu 2022(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati ("OĠM")(4),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 112(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,
A. billi fit-2 ta' Mejju 2018, Pioneer Overseas Corporation, ibbażata fil-Belġju, ressqet applikazzjoni f'isem il-kumpanija Pioneer Hi-Bred International, Inc., ibbażata fl-Istati Uniti, applikazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' ikel, ta' ingredjenti tal-ikel u ta' għalf li fihom, li jikkonsistu jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat DP4114 × MON 810 × MIR604 × NK603 ("il-qamħirrum GM"), f'konformità mal-Artikolu 5 u mal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 ("l-applikazzjoni"); billi l-applikazzjoni kopriet ukoll it-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom qamħirrum ĠM, jew li jikkonsistu minn tali qamħirrum, għal użi oħra għajr l-ikel u l-għalf, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni;
B. billi, barra minn hekk, l-applikazzjoni kopriet it-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn jew jiġu prodotti minn għaxar sottokombinazzjonijiet tal-eventi ta' trasformazzjoni uniċi li jikkostitwixxu l-qamħirrum ĠM;
C. billi s-sottokombinazzjoni MON 810 × NK603, diġà ġiet awtorizzata bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2045(5); billi l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni għalhekk ikopri l-qamħirrum ĠM u d-disa' sottokombinazzjonijiet li jifdal fl-applikazzjoni(6);
D. billi, fis-26 ta' Jannar 2022, l-EFSA adottat opinjoni favorevoli fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tal-qamħirrum ĠM, li ġiet ippubblikata fis-7 ta' Marzu 2022;
E. billi l-qamħirrum ĠM ġie prodott permezz ta' trasformazzjoni konvenzjonali biex jiġu kkombinati erba' avvenimenti uniċi ta' qamħirrum ĠM: DP4114, MON 810, MIR604 u NK603; billi l-qamħirrum ĠM jagħti tolleranza għal żewġ erbiċidi (glufosinat u glifosat) u jipproduċi ħames proteini tal-insettiċidi(7) ("tossini Bt");
F. billi ma ġiet ippreżentata l-ebda data sperimentali mill-applikant għad-disa' sottokombinazzjonijiet, li ma kinux ġew ivvalutati qabel mill-EFSA(8); billi minkejja dak in-nuqqas ta' data sperimentali, l-EFSA kkonkludiet li dawk is-sottokombinazzjonijiet ma joħolqux tħassib dwar is-sikurezza;
Nuqqas ta' valutazzjoni tal-erbiċidi komplementari
G. billi r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 503/2013(9) jirrikjedi valutazzjoni dwar jekk il-prattiki agrikoli mistennija jinfluwenzawx l-eżitu tal-punti tat-tmiem studjati; billi, skont dak ir-Regolament ta' Implimentazzjoni, dan huwa speċjalment rilevanti għal pjanti tolleranti għall-erbiċidi;
H. billi hemm numru ta' studji li juru li l-għelejjel ĠM li jittolleraw l-erbiċidi jirriżultaw f'użu akbar ta' erbiċidi komplementari, fil-biċċa l-kbira minħabba li jfeġġ ħaxix ħażin li jittollera l-erbiċidi(10); billi, b'konsegwenza ta' dan, huwa mistenni li l-qamħirrum ĠM jiġi espost għal dożi kemm ogħla kif ukoll ripetuti ta' glifosat u ta' erbiċidi tal-glifosat, u li għalhekk jista' jkun hemm kwantità ogħla ta' residwi u l-prodotti tad-dekompożizzjoni tagħhom ("metaboliti") fil-ħsad;
I. billi l-glufosinat huwa kklassifikat bħala sustanza tossika għar-riproduzzjoni 1B u għalhekk jissodisfa l-"kriterji ta' limitu" stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(11); billi l-approvazzjoni għall-użu tal-glufosinat fl-Unjoni skadiet fil-31 ta' Lulju 2018(12);
J. billi l-EFSA kkonkludiet f'Novembru 2015 li huwa improbabbli li l-glifosat huwa karċinoġeniku u l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi kkonkludiet f'Marzu 2017 li l-ebda klassifikazzjoni ma kienet iġġustifikata; billi, għall-kuntrarju, fl-2015, l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer, l-aġenzija speċjalizzata fil-kanċer tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, ikklassifikat il-glifosat bħala sustanza probabbilment karċinoġenika għall-bnedmin; billi għadd ta' studji xjentifiċi oħra reċenti rieżaminati bejn il-pari jikkonfermaw il-potenzjal karċinoġeniku tal-glifosat(13);
K. billi l-valutazzjoni tar-residwi ta' erbiċidi u tal-metaboliti misjuba fi pjanti ĠM titqies li ma taqax taħt il-kompetenza tal-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati ("il-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM") u għalhekk ma ssirx bħala parti mill-proċess ta' awtorizzazzjoni għall-OĠM; billi dan huwa problematiku peress li l-mod kif l-erbiċidi komplementari jiġu dekomposti mill-pjanta ĠM ikkonċernata, u l-kompożizzjoni u għaldaqstant it-tossiċità tal-metaboliti, jistgħu jiġu affettwati mill-modifika ġenetika stess(14);
Mistoqsijiet pendenti dwar it-tossini Bt
L. billi t-tossiċità tat-tossini Bt ġiet ivvalutata abbażi ta' studji dwar l-għalf, bl-użu biss ta' proteini tal-Bt iżolati prodotti mill-batterji; billi ftit li xejn jista' jiġi attribwit sinifikat għal testijiet tossikoloġiċi mwettqa bil-proteini waħedhom, minħabba l-fatt li t-tossini Bt fl-għelejjel ĠM, bħall-qamħirrun, il-qoton u l-fażola tas-sojja, huma intrinsikament aktar tossiċi minn tossini Bt iżolati; billi dan huwa minħabba li l-inibituri tal-proteażi (PI), preżenti fit-tessut tal-pjanti, jistgħu jżidu t-tossiċità tat-tossini Bt billi jdewmu d-degradazzjoni tagħhom; billi dan il-fenomenu ntwera f'għadd ta' studji xjentifiċi, inkluż wieħed imwettaq għal Monsanto tletin sena ilu li wera li anke l-preżenza ta' livelli estremament baxxi ta' PI saħħet it-tossiċità tat-tossini Bt sa 20 darba(15);
M. billi din it-tossiċità akbar ma titqiesx fil-valutazzjonijiet tar-riskju tal-EFSA, minkejja li hija rilevanti għall-pjanti Bt kollha approvati għall-importazzjoni jew għall-kultivazzjoni fl-Unjoni; billi r-riskji għall-bnedmin u għall-annimali li jikkonsmaw ikel u għalf li fih tossini Bt u li jirriżultaw minn din it-tossiċità akbar minħabba l-interazzjoni bejn it-tossini PI u Bt ma jistgħux, għalhekk, jiġu esklużi;
N. billi għadd ta' studji juru li ġew osservati effetti kollaterali li jistgħu jaffettwaw is-sistema immunitarja wara esponiment għal tossini Bt u li xi tossini Bt jista' jkollhom karatteristiċi aġġuvanti(16), li jfisser li dawn jistgħu jżidu l-allerġeniċità ta' proteini oħra li jiġu f'kuntatt magħhom;
O. billi studju xjentifiku sab li t-tossiċità tat-tossini Bt tista' tissaħħaħ ukoll permezz ta' interazzjoni mar-residwi mill-bexx bl-erbiċidi u li huma meħtieġa aktar studji dwar l-effetti kombinatorji ta' events ta' trasformazzjoni multiplu (għelejjel ĠM li ġew immodifikati biex ikunu tolleranti għall-erbiċidi u jipproduċu insettiċidi fil-forma ta' tossini Bt)(17); billi l-valutazzjoni tal-interazzjoni potenzjali ta' residwi tal-erbiċidi u l-metaboliti tagħhom mat-tossini Bt titqies, madankollu, li ma taqax taħt il-kompetenza tal-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM u għalhekk ma ssirx bħala parti mill-valutazzjoni tar-riskju;
Għelejjel Bt: effetti fuq organiżmi li mhumiex fil-mira tal-prodott
P. billi, għall-kuntrarju tal-użu ta' insettiċidi, meta l-esponiment ikun fil-ħin tal-bexx u għal żmien limitat wara, l-użu ta' għelejjel Bt ĠM iwassal għal esponiment kontinwu tal-organiżmi fil-mira u dawk li mhux fil-mira għat-tossini Bt;
Q. billi s-suppożizzjoni li t-tossini Bt juru modalità ta' azzjoni waħda speċifika għall-mira ma tistax tibqa' titqies bħala korretta u l-effetti fuq organiżmi mhux fil-mira ma jistgħux jiġu esklużi(18); billi ġie rrappurtat li għadd dejjem akbar ta' organiżmi mhux fil-mira jiġu affettwati b'ħafna modi; billi 39 pubblikazzjoni rieżaminati bejn il-pari li jirrappurtaw effetti negattivi sinifikanti tat-tossini Bt fuq ħafna speċijiet "barra mill-firxa" jissemmew f'ħarsa ġenerali reċenti(19);
Kummenti tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru u tal-partijiet ikkonċernati
R. billi l-Istati Membri ssottomettew ħafna kummenti kritiċi lill-EFSA matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur(20);
S. billi analiżi dettaljata minn organizzazzjoni tar-riċerka indipendenti tiddikjara, fost l-oħrajn, li l-opinjoni tal-EFSA dwar l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-qamħirrum ĠM ma jistax jingħad li tissodisfa r-rekwiżiti għall-valutazzjoni tal-effetti sinerġetiċi jew antagonistiċi potenzjali li jirriżultaw mill-kombinazzjoni tal-events ta' trasformazzjoni, fir-rigward tat-tossikoloġija u li, għalhekk, il-valutazzjoni tossikoloġika mwettqa mill-EFSA mhijiex aċċettabbli(21);
Il-ħarsien tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni
T. billi rapport tal-2017 mir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar id-dritt għall-ikel sab li, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-pestiċidi perikolużi għandhom impatti katastrofiċi fuq is-saħħa(22); billi l-Mira 3.9 tal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli ("SDG") tan-NU għandha l-għan li sal-2030 tnaqqas b'mod sostanzjali n-numru ta' mwiet u mard minn sustanzi kimiċi perikolużi u t-tniġġis u l-kontaminazzjoni tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija(23); billi l-awtorizzazzjoni tal-importazzjoni tal-qamħirrum ĠM iżżid id-domanda għal din l-għalla, li hija maħsuba bl-erbiċidi bbażati fuq il-glufosinat u l-glifosat, u b'hekk iżżid l-esponiment tal-ħaddiema u tal-ambjent f'pajjiżi terzi; billi r-riskju ta' esponiment akbar tal-ħaddiema u tal-ambjent huwa ta' tħassib partikolari b'rabta mal-għelejjel ĠM li jittolleraw l-erbiċidi, minħabba l-volumi ogħla ta' erbiċidi użati;
U. billi, skont studju rieżaminat bejn il-pari ppubblikat fl-2020, Roundup, wieħed mill-erbiċidi bbażati fuq il-glifosat l-aktar użati fid-dinja jista' jikkawża telfien tal-bijodiversità, u b'hekk jagħmel lill-ekosistemi aktar vulnerabbli għat-tniġġis u t-tibdil fil-klima(24);
V. billi l-Unjoni, bħala parti għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika tan-NU ("NU KDB"), għandha r-responsabbiltà li tiżgura li l-attivitajiet li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni jew il-kontroll tagħha ma jagħmlux ħsara lill-ambjent ta' Stati oħra(25);
W. billi r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jiddikjara li l-ikel jew l-għalf ĠM ma jridx ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, u jirrikjedi li l-Kummissjoni tqis kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti fid-dritt tal-Unjoni u fatturi leġittimi oħra rilevanti għall-kwistjoni taħt kunsiderazzjoni meta tkun qed tabbozza d-deċiżjoni tagħha; billi fatturi leġittimi bħal dawn għandhom jinkludu l-obbligi tal-Unjoni skont il-UN SDGs, il-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima u n-NU KDB;
Proċess deċiżjonali mhux demokratiku
X. billi l-vot fis-16 ta' Mejju 2022 tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf imsemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 ma ta l-ebda opinjoni, jiġifieri l-awtorizzazzjoni ma kinitx appoġġjata minn maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri;
Y. billi l-Kummissjoni tirrikonoxxi bħala problematiku l-fatt li d-deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni tal-OĠM qegħdin jibqgħu jiġu adottati mill-Kummissjoni mingħajr maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri favurihom, u dan ġeneralment jirrappreżenta tabilħaqq l-eċċezzjoni għall-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti iżda saret in-norma għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-ikel u l-għalf ĠM;
Z. billi, fit-tmien leġiżlatura tiegħu, il-Parlament adotta total ta' 36 riżoluzzjoni li joġġezzjonaw għat-tqegħid fis-suq ta' OĠM għall-ikel u l-għalf (33 riżoluzzjoni) u għall-kultivazzjoni ta' OĠM fl-Unjoni (tliet riżoluzzjonijiet); billi, fid-disa' leġiżlatura tiegħu, il-Parlament diġà adotta 27 oġġezzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' OĠM; billi l-ebda minn dawk l-OĠM ma kellhom maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri favur l-awtorizzazzjoni tagħhom; billi r-raġunijiet għaliex l-Istati Membri ma jappoġġjawx l-awtorizzazzjonijiet jinkludu n-nuqqas ta' rispett għall-prinċipju ta' prekawzjoni fil-proċess tal-awtorizzazzjoni u tħassib xjentifiku relatat mal-valutazzjoni tar-riskju;
AA. billi minkejja r-rikonoxximent tagħha stess tan-nuqqasijiet demokratiċi, in-nuqqas ta' appoġġ mill-Istati Membri u l-oġġezzjonijiet tal-Parlament, il-Kummissjoni qiegħda tkompli tawtorizza l-OĠM;
AB. billi mhija meħtieġa l-ebda bidla fil-liġi biex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi li ma tawtorizzax OĠM meta ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri favur fil-Kumitat ta' Appell(26);
1. Iqis li dan l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni pprovduti fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003;
2. Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, peress li mhuwiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, li huwa, f'konformità mal-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(27), li jipprovdi l-bażi biex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tal-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, u l-interessi ambjentali u tal-konsumatur, fir-rigward tal-ikel u l-għalf ĠM, filwaqt li jiġi żgurat il-funzjonament effettiv tas-suq intern;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;
4. Jistieden lill-Kummissjoni ma tawtorizzax l-importazzjoni ta' għelejjel ĠM li huma tolleranti għall-erbiċidi, minħabba ż-żieda assoċjata fl-użu ta' erbiċidi komplementari u għalhekk iż-żieda fir-riskji għall-bijodiversità, għas-sikurezza tal-ikel u għas-saħħa tal-ħaddiema;
5. Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni fl-aħħar irrikonoxxiet, f'ittra datata l-11 ta' Settembru 2020 lill-Membri, il-ħtieġa li tqis is-sostenibbiltà fir-rigward ta' deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni dwar OĠM(28); jesprimi d-diżappunt kbir tiegħu, madankollu, li, minn dak iż-żmien 'l hawn il-Kummissjoni kompliet tawtorizza OĠM għall-importazzjoni fl-Unjoni, minkejja l-oġġezzjonijiet kontinwi mill-Parlament u mill-maġġoranza tal-Istati Membri li jivvutaw kontra;
6. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għal darba oħra, tqis l-obbligi tal-Unjoni skont il-ftehimiet internazzjonali, bħall-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima, in-NU KDB u l-SDGs tan-NU; itenni l-appell tiegħu li l-abbozzi ta' atti ta' implimentazzjoni jkunu akkumpanjati minn memorandum ta' spjegazzjoni li jispjega kif dawn jirrispettaw il-prinċipju ta' "la tagħmilx ħsara"(29);
7. Jistieden lill-EFSA titlob data dwar l-impatt tal-konsum tal-ikel u l-għalf derivati minn pjanti ĠM fuq il-mikrobijoma intestinali;
8. Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex ma tawtorizza ebda sottokombinazzjoni ta' eventi ĠM ta' trasformazzjoni multipli sakemm dawn ma jkunux ġew evalwati bir-reqqa mill-EFSA abbażi ta' data sperimentali kompleta mressqa mill-applikant;
9. Iqis, b'mod aktar speċifiku, li l-approvazzjoni ta' varjetajiet ta' pjanti ĠM li għalihom ma ġiet ipprovduta ebda data sperimentali dwar is-sikurezza, li lanqas ġew ittestjati, jew li lanqas biss għadhom ġew maħluqa, tmur kontra l-prinċipji tal-liġi ġenerali dwar l-ikel, kif stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 178/2002;
10. Jenfasizza li l-emendi adottati mill-Parlament Ewropew fis-17 ta' Diċembru 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011(30), li ġew adottati fil-Parlament bħala bażi għan-negozjati mal-Kunsill, jiddikjaraw li l-Kummissjoni ma għandhiex tawtorizza OĠM meta ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri favurihom; jinsisti li l-Kummissjoni tirrispetta din il-pożizzjoni u jistieden lill-Kunsill jipproċedi bil-ħidma tiegħu u jadotta approċċ ġenerali dwar dan il-fajl bħala kwistjoni ta' urġenza;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
––––––––––––––––––––––––––– Fit-tmien mandat tiegħu, il-Parlament adotta 36 riżoluzzjoni li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni tal-OĠM. Barra minn hekk, fid-disa' mandat tiegħu, il-Parlament adotta r-riżoluzzjonijiet li ġejjin:Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat MZHG0JG (SYN-ØØØJG-2), skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 202, 28.5.2021, p. 11).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata A2704-12 (ACS-GMØØ5-3) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 202, 28.5.2021, p. 15).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 89034 × 1507 × MON 88017 × 59122 × DAS-40278-9, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina żewġ, tlieta jew erba' mill-eventi uniċi MON 89034, 1507, MON 88017, 59122 u DAS-40278-9 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 202, 28.5.2021, p. 20).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn qoton ġenetikament modifikat LLCotton25 (ACS-GHØØ1-3) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 208, 1.6.2021, p. 2).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 89788 (MON-89788-1), li jikkonsistu minn tali fażola tas-sojja jew li huma prodotti minnha skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 208, 1.6.2021, p. 7).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom qamħirrum ġenetikament modifikat MON 89034 × 1507 × NK603 × DAS-40278-9 u s-subkombinazzjonijiet MON 89034 × NK603 × DAS-40278-9, 1507 × NK603 × DAS-40278-9 u NK603 × DAS-40278-9, li jikkonsistu minn tali qamħirrum jew li huma prodotti minnu, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 208, 1.6.2021, p. 12).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × 1507 × 5307 × GA21, li jikkonsistu minn tali qamħirrum jew li huma prodotti minnu u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn, tlieta, erbgħa jew ħamsa mill-eventi uniċi Bt11, MIR162, MIR604, 1507, 5307 u GA21 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 208, 1.6.2021, p. 18).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Mejju 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87708 × MON 89788 × A5547-127, li jikkonsistu minnha jew li huma prodotti minnha, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 323, 11.8.2021, p. 7).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 × MON 89034 × MIR162 × NK603, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn jew tlieta mill-eventi uniċi MON 87427, MON 89034, MIR162 u NK603, u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1111, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 415, 13.10.2021, p. 2).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata SYHT0H2 (SYN-ØØØH2-5), skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 415, 13.10.2021, p. 8).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 × MON 87460 × MON 89034 x MIR162 x NK603, ikunu jikkonsistu minnu jew li jkunu magħmulin minnu, u l-qamħirrum ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn, tlieta jew erbgħa mill-avvenimenti MON 87427, MON 87460, MON 89034, MIR162 u NK603, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 415, 13.10.2021, p. 15).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87751 × MON 87701 × MON 87708 × MON 89788, li jikkonsistu minnha jew li huma prodotti minnha, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 445, 29.10.2021, p. 36).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 × MON 89034 × MIR162 × MON 87411 u l-qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn jew tlieta mill-eventi uniċi MON 87427, MON 89034, MIR162 u MON 87411, li jikkonsistu minnhom jew li huma prodotti minnhom, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 445, 29.10.2021, p. 43).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MIR604 (SYN-IR6Ø4-5) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 445, 29.10.2021, p. 49).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li ġġedded l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 88017 (MON-88Ø17-3), li jikkonsistu minnu jew li huma prodotti minnu, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 445, 29.10.2021, p. 56).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li ġġedded l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 89034 (MON-89Ø34-3), li jikkonsistu minnu jew li huma prodotti minnu skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 445, 29.10.2021, p. 63).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2021 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat GHB614 × T304-40 × GHB119 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 474, 24.11.2021, p. 66).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2021 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MZIR098 (SYN-ØØØ98-3), li jikkonsistu minnu jew li jkunu prodotti minnu, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 474, 24.11.2021, p. 74).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2021 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DAS-81419-2 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 99, 1.3.2022, p. 45).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2021 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DAS-81419-2 × DAS–44406–6, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 99, 1.3.2022, p. 52).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2021 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, li jikkonsistu minn jew li jkunu prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 × MIR162 × MON810 × NK603 u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn jew tlieta mill-eventi uniċi 1507, MIR162, MON810 u NK603, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 99, 1.3.2022, p. 59).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2021 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li ġġedded l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt 11 (SYN-BTØ11-1), li jikkonsistu minnu jew li huma prodotti minnu skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 99, 1.3.2022, p. 66).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2022 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li ġġedded l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat GHB614 (BCS-GHØØ2-5) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2022)0024).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2022 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li ġġedded l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat GHB614 (BCS-GHØØ2-5) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2022)0025).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 2022 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, li jikkonsistu minn jew ikunu prodotti mill-qoton ġenetikament modifikat GHB811 (BCS-GH811-4), skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2022)0062).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 2022 dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-kolza ġenetikament modifikata 73496 (DP-Ø73496-4) li jikkonsistu minnha jew li huma prodotti minnha, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2022)0063).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' April 2022 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87769 × MON 89788, li jikkonsistu minnha jew li huma prodotti minnha, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2022)0115).
Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2045 tad-19 ta' Diċembru 2018 li ġġedded l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom il-qamħirrum ġenetikament immodifikat NK603 × MON 810 (MON-ØØ6Ø3-6 × MON-ØØ81Ø-6), li jkunu jikkonsistu minnu, jew li jkunu magħmulin minnu, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 327, 21.12.2018, p. 65).
Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 503/2013 tat-3 ta' April 2013 dwar applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta' ikel u għalf ġenetikament modifikat skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemendaw ir-Regolamenti (KE) Nru 641/2004 u (KE) Nru 1981/2006 (ĠU L 157, 8.6.2013, p. 1).
Ara, pereżempju, Bonny, S., "Genetically Modified Herbicide-Tolerant Crops, Weeds, and Herbicides: Overview and Impact" (Għelejjel Ġenetikament Modifikati Tolleranti għall-Erbiċidi, Ħaxix Ħażin, u Erbiċidi: Ħarsa Ġenerali u Impatt), Environmental Management, Jannar 2016, 57(1), pp. 31-48, https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pubmed/26296738 u Benbrook, C.M., "Impacts of genetically engineered crops on pesticide use in the U.S. – the first sixteen years" (L-impatti ta' għelejjel ġenetikament modifikati fuq l-użu tal-pestiċidi fl-Istati Uniti – l-ewwel sittax-il sena), Environmental Sciences Europe, 28 ta' Settembru 2012, Vol 24(1), https://enveurope.springeropen.com/articles/10.1186/2190-4715-24-24
Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).
Dan huwa fil-fatt il-każ għall-glifosat, kif iddikjarat fl-EFSA "Review of the existing maximum residue levels for glyphosate according to Article 12 of Regulation (EC) No 396/2005" (Rieżami tal-EFSA tal-livelli massimi ta' residwi eżistenti għall-glifosat skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 396/2005), EFSA Journal 2018;16(5):5263, p. 12, https://www.efsa.europa.eu/fr/efsajournal/pub/5263
Għal rieżami, ara Rubio-Infante, N., Moreno-Fierros, L., "An overview of the safety and biological effects of Bacillus thuringiensis Cry toxins in mammals" (Ħarsa ġenerali lejn l-effetti tas-sikurezza u dawk bijoloġiċi tal-Bacillus thuringiensis tat-tossini Cry fil-mammiferi), Journal of Applied Toxicology, Mejju 2016, 36(5), pp. 630 648,https://onlinelibrary.wiley.com/doi/full/10.1002/jat.3252.
Ara, pereżempju, Hilbeck, A., Otto, M. "Specificity and combinatorial effects of Bacillus thuringiensis Cry toxins in the context of GMO risk assessment" (L-ispeċifiċità u l-effetti kombinati tat-tossini Cry Bacillus thuringiensis fil-kuntest tal-valutazzjoni tar-riskju tal-OĠM), Frontiers in Environmental Science 2015, 3:71, https://doi.org/10.3389/fenvs.2015.00071
Kumment ta' Testbiotech dwar il-valutazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat DP4114 × MON810 × MIR604 × NK603 u sottokombinazzjonijiet għall-użu tiegħu bħala ikel u għalf, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003) (applikazzjoni EFSA-GMO-NL-2018-150) minn Pioneer.
Il-Kummissjoni "tista'", u mhux "għandha", tkompli bl-awtorizzazzjoni jekk ma jkun hemm l-ebda maġġoranza kwalifikata ta' Stati Membri favur il-Kumitat ta' Appell, skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 (l-Artikolu 6(3)).
Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).
Qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 × T25 × DAS-40278-9 u s-sottokombinazzjoni tiegħu T25 × DAS-40278-9
210k
57k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2022 dwar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/797 tad-19 ta' Mejju 2022 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, li jikkonsistu jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 × T25 × DAS-40278-9 u s-sottokombinazzjoni tiegħu T25 × DAS-40278-9, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D080148/03 – 2022/2713(RSP))
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/797 tad-19 ta' Mejju 2022 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, li jikkonsistu, jew li għandhom prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 × T25 × DAS-40278-9 u s-sottokombinazzjoni tiegħu T25 × DAS-40278-9, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D080148/03)(1),
– wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 19(3) tiegħu,
– wara li kkunsidra l-votazzjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf imsemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, tal-1 ta' April 2022, li fiha ma ngħatat ebda opinjoni, kif ukoll il-votazzjoni tal-Kumitat tal-Appell tas-26 ta' April 2022, li fiha wkoll ma ngħatat ebda opinjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(3),
– wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fid-29 ta' Ottubru 2021, u ppubblikata fit-13 ta' Diċembru 2021(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati ("OĠMs")(5),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 112(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,
A. billi, fit-12 ta' Diċembru 2019, Pioneer Overseas Corporation ressaq applikazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf li fihom, li jikkonsistu minn jew li huma prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 × T25 × DAS-40278-9 (il-"qamħirrum ĠM") f'konformità mal-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003; billi l-applikazzjoni kopriet ukoll it-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom qamħirrum ĠM, jew li jikkonsistu minn tali qamħirrum, għal użi oħra għajr l-ikel u l-għalf, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni;
B. billi, fid-29 ta' Ottubru 2021, l-EFSA adottat opinjoni favorevoli fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tal-qamħirrum ĠM, li ġiet ippubblikata fit-13 ta' Diċembru 2021;
C. billi l-qamħirrum ĠM bi tliet events ta' trasformazzjoni multipli ġie prodott b'inkroċjar konvenzjonali biex jiġu mħallta tliet avvenimenti ta' qamħirrum GM uniċi: NK603 li jagħti tolleranza lill-erbiċidi li fihom il-glifosat; T25 li jagħti tolleranza lill-erbiċidi li fihom il-glufosinat-ammonju; u DAS-40278-9 li jikkatalizza d-degradazzjoni tal-klassi ġenerali tal-erbiċidi magħrufa bħala aryloxyphenoxypropionates (AOPP) u li jagħti tolleranza għall-erbiċidi li fihom 2,4-D(6);
D. billi s-subkombinazzjoni ta' NK603 x T25 u s-subkombinazzjoni ta' NK603 x DAS-40278-9 kienu ġew ivvalutati qabel mill-EFSA; billi ma ġiet ippreżentata l-ebda data sperimentali mill-applikant għas-subkombinazzjoni DAS-40278-9 x T25, li qabel ma ġietx ivvalutata mill-EFSA; billi minkejja dan, l-EFSA kkonkludiet li din is-subkombinazzjoni ma toħloqx tħassib dwar is-sikurezza;
Nuqqas ta' valutazzjoni tal-erbiċidi komplementari
E. billi r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 503/2013(7) jirrikjedi valutazzjoni dwar jekk il-prattiki agrikoli mistennija jinfluwenzawx l-eżitu tal-punti tat-tmiem studjati; billi, skont dak ir-Regolament ta' Implimentazzjoni, dan huwa speċjalment rilevanti għal pjanti tolleranti għall-erbiċidi;
F. billi hemm numru ta' studji li juru li l-għelejjel ĠM li jittolleraw l-erbiċidi jirriżultaw f'użu akbar ta' erbiċidi komplementari, fil-biċċa l-kbira minħabba li jfeġġ ħaxix ħażin li jittollera l-erbiċidi(8); billi, b'konsegwenza ta' dan, wieħed jistenna li l-qamħirrum ĠM se jkun espost kemm għal dożi ogħla kif ukoll għal dożi ripetuti ta' erbiċidi tal-glifosat, tal-glufosinate, tal-AOPP u tat-2,4-D u li, għalhekk, kwantità ogħla ta' residwi u l-prodotti ta' diżaggregazzjoni tagħhom ("metaboliti") jistgħu jkunu preżenti fil-ħsad;
G. billi l-glufosinat huwa kklassifikat bħala sustanza tossika għar-riproduzzjoni 1B u għalhekk jissodisfa l-"kriterji ta' limitu" stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(9); billi l-approvazzjoni għall-użu tal-glufosinat fl-Unjoni skadiet fil-31 ta' Lulju 2018(10);
H. billi l-EFSA kkonkludiet f'Novembru 2015 li huwa improbabbli li l-glifosat huwa karċinoġeniku u l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi kkonkludiet f'Marzu 2017 li l-ebda klassifikazzjoni ma kienet iġġustifikata; billi, għall-kuntrarju, fl-2015, l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer, l-aġenzija speċjalizzata fil-kanċer tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, ikklassifikat il-glifosat bħala sustanza probabbilment karċinoġenika għall-bnedmin; billi għadd ta' studji xjentifiċi oħra reċenti rieżaminati bejn il-pari jikkonfermaw il-potenzjal karċinoġeniku tal-glifosat(11);
I. billi artiklu xjentifiku reċenti rieżaminat bejn il-pari minn espert involut fl-iżvilupp ta' pjanti ĠM iqajjem dubji dwar is-sikurezza tal-għelejjel ĠM li huma tolleranti għat-2,4-D minħabba d-degradazzjoni tiegħu fi prodotti ta' dekompożizzjoni ċitotossiċi(12);
J. billi l-valutazzjoni tar-residwi ta' erbiċidi u l-metaboliti misjuba fi pjanti ĠM hija kkunsidrata li ma taqax taħt il-kompetenza tal-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati u għalhekk ma titwettaqx bħala parti mill-proċess ta' awtorizzazzjoni għall-OĠMs; billi dan huwa problematiku peress li l-mod kif l-erbiċidi komplementari jiġu dekomposti mill-pjanta ĠM ikkonċernata, u l-kompożizzjoni u għaldaqstant it-tossiċità tal-metaboliti, jistgħu jiġu affettwati mill-modifika ġenetika stess(13);
Kummenti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri
K. billi l-Istati Membri ssottomettew ħafna kummenti kritiċi lill-EFSA matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur(14); billi dawk il-kummenti kritiċi jinkludu li l-interazzjoni bejn l-erbiċidi, ir-residwi u l-metaboliti tagħhom użati fuq il-qamħirrum ĠM ma tistax tiġi eskluża u dan il-cocktail kimiku qatt ma ġie ttestjat minn perspettiva tossikoloġika qabel, u jista' jaffettwa s-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u l-ambjent u billi hemm ġene betalattamażi derivat mill-vettur ("bla") fil-qamħirrum ĠM, ġene ta' reżistenza għall-antibijotiċi li jinattiva peniċillini ta' importanza kritika;
L. billi skont awtorità kompetenti ta' Stat Membru(15), filwaqt li l-applikant isostni li l-informazzjoni xjentifika fl-applikazzjoni hija kunfidenzjali, dan imur kontra l-Konvenzjoni ta' Aarhus li tistabbilixxi d-dritt tal-pubbliku li jaċċessa l-informazzjoni ambjentali;
Il-ħarsien tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni
M. billi rapport tal-2017 mir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar id-dritt għall-ikel sab li, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-pestiċidi perikolużi għandhom impatti katastrofiċi fuq is-saħħa(16); billi l-Mira 3.9 tal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli ("SDG") tan-NU għandha l-għan li sal-2030 tnaqqas b'mod sostanzjali n-numru ta' mwiet u mard minn sustanzi kimiċi perikolużi u t-tniġġis u l-kontaminazzjoni tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija(17); billi l-awtorizzazzjoni tal-importazzjoni tal-qamħirrum ĠM iżżid id-domanda għal din l-għalla li hija maħsuba biex tiġi ttrattata bl-erbiċidi tal-glufosinate, tal-glifosat, tal-AOPP u tat-2,4-D, u b'hekk iżżid l-esponiment tal-ħaddiema u tal-ambjent f'pajjiżi terzi; billi r-riskju ta' esponiment akbar tal-ħaddiema u tal-ambjent huwa ta' tħassib partikolari b'rabta mal-għelejjel ĠM li jittolleraw l-erbiċidi, minħabba l-volumi ogħla ta' erbiċidi użati;
N. billi, skont studju evalwat bejn il-pari ppubblikat fl-2020, Roundup, wieħed mill-erbiċidi bbażati fuq il-glifosat l-aktar użati fid-dinja jista' jikkawża telfien tal-bijodiversità, u b'hekk jagħmel lill-ekosistemi aktar vulnerabbli għat-tniġġis u t-tibdil fil-klima(18);
O. billi l-Unjoni, bħala parti għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika tan-NU ("NU KDB"), għandha r-responsabbiltà li tiżgura li l-attivitajiet li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni jew il-kontroll tagħha ma jagħmlux ħsara lill-ambjent ta' Stati oħra(19);
P. billi r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jiddikjara li l-ikel jew l-għalf ĠM ma jridx ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, u jirrikjedi li l-Kummissjoni tqis kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti fid-dritt tal-Unjoni u fatturi leġittimi oħra rilevanti għall-kwistjoni taħt kunsiderazzjoni meta tkun qed tabbozza d-deċiżjoni tagħha; billi fatturi leġittimi bħal dawn għandhom jinkludu l-obbligi tal-Unjoni skont il-UN SDGs, il-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima u n-NU KDB;
Proċess deċiżjonali mhux demokratiku
Q. billi l-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf ma ta l-ebda opinjoni, li jfisser li l-awtorizzazzjoni ma kinitx appoġġjata minn maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri; billi l-votazzjoni fis-26 ta' April 2022 tal-Kumitat tal-Appell imsemmi fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, għal darb'oħra ma tat l-ebda opinjoni; billi 14-il Stat Membru vvutaw kontra (li jirrappreżentaw 35,72 % tal-popolazzjoni tal-UE) u 3 Stati Membri astjenew (li jirrappreżentaw 34,53 % tal-popolazzjoni), 10 Stati Membri biss ivvotaw favur (li jirrappreżentaw 29,75 % tal-popolazzjoni);
R. billi l-Kummissjoni tirrikonoxxi bħala problematiku l-fatt li d-deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni tal-OĠM qegħdin jibqgħu jiġu adottati mill-Kummissjoni mingħajr maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri favurihom, u dan ġeneralment jirrappreżenta tabilħaqq l-eċċezzjoni għall-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti iżda saret in-norma għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-ikel u l-għalf ĠM;
S. billi, fit-tmien leġiżlatura tiegħu, il-Parlament adotta total ta' 36 riżoluzzjoni li joġġezzjonaw għat-tqegħid fis-suq ta' OĠMs għall-ikel u l-għalf (33 riżoluzzjoni) u għall-kultivazzjoni ta' OĠMs fl-Unjoni (tliet riżoluzzjonijiet); billi, fid-disa' leġiżlatura tiegħu, il-Parlament diġà adotta 27 oġġezzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' OĠMs; billi l-ebda minn dawk l-OĠMs ma kellhom maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri favur l-awtorizzazzjoni tagħhom; billi r-raġunijiet għaliex l-Istati Membri ma jappoġġjawx l-awtorizzazzjonijiet jinkludu n-nuqqas ta' rispett għall-prinċipju ta' prekawzjoni fil-proċess tal-awtorizzazzjoni u tħassib xjentifiku relatat mal-valutazzjoni tar-riskju;
T. billi minkejja r-rikonoxximent tagħha stess tan-nuqqasijiet demokratiċi, in-nuqqas ta' appoġġ mill-Istati Membri u l-oġġezzjonijiet tal-Parlament, il-Kummissjoni qiegħda tkompli tawtorizza l-OĠMs;
U. billi mhija meħtieġa l-ebda bidla fil-liġi biex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi li ma tawtorizzax OĠMs meta ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri favur fil-Kumitat ta' Appell(20);
1. Iqis li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2022/797 tisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003;
2. Iqis li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2022/797 mhijiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, billi mhijiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, f'konformità mal-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(21), huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward tal-ikel u l-għalf ĠM, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, u l-interessi tal-ambjent u tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effikaċi tas-suq intern;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2022/797;
4. Jistieden lill-Kummissjoni ma tawtorizzax l-importazzjoni ta' għelejjel ĠM li huma tolleranti għall-erbiċidi, minħabba ż-żieda assoċjata fl-użu ta' erbiċidi komplementari u għalhekk iż-żieda fir-riskji għall-bijodiversità, għas-sikurezza tal-ikel u għas-saħħa tal-ħaddiema;
5. Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni fl-aħħar irrikonoxxiet, f'ittra datata l-11 ta' Settembru 2020 lill-Membri, il-ħtieġa li tqis is-sostenibbiltà fir-rigward ta' deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni dwar OĠMs(22); jesprimi d-diżappunt kbir tiegħu, madankollu, li, minn dak iż-żmien 'l hawn il-Kummissjoni kompliet tawtorizza OĠMs għall-importazzjoni fl-Unjoni, minkejja l-oġġezzjonijiet kontinwi mill-Parlament u mill-maġġoranza tal-Istati Membri li jivvutaw kontra;
6. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għal darba oħra, tqis l-obbligi tal-Unjoni skont il-ftehimiet internazzjonali, bħall-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima, in-NU KDB u l-SDGs tan-NU; itenni t-talba tiegħu li l-abbozzi ta' atti ta' implimentazzjoni jkunu akkumpanjati minn memorandum ta' spjegazzjoni li jispjega kif dawn jirrispettaw il-prinċipju ta' "la tagħmilx ħsara"(23);
7. Jenfasizza li l-emendi adottati mill-Parlament Ewropew fis-17 ta' Diċembru 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011(24), li ġew adottati fil-Parlament bħala bażi għan-negozjati mal-Kunsill, jiddikjaraw li l-Kummissjoni ma għandhiex tawtorizza OĠMs meta ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri favurihom; jinsisti li l-Kummissjoni tirrispetta din il-pożizzjoni u jistieden lill-Kunsill jipproċedi bil-ħidma tiegħu u jadotta approċċ ġenerali dwar dan il-fajl bħala kwistjoni ta' urġenza;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
––––––––––––––––––––––––––– Fit-tmien leġiżlatura tiegħu, il-Parlament adotta 36 riżoluzzjoni li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni tal-OĠMs. Barra minn hekk, fid-disa' leġiżlatura tiegħu, il-Parlament adotta r-riżoluzzjonijiet li ġejjin:Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat MZHG0JG (SYN-ØØØJG-2), skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 202, 28.5.2021, p. 11).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata A2704-12 (ACS-GMØØ5-3) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 202, 28.5.2021, p. 15).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 89034 × 1507 × MON 88017 × 59122 × DAS-40278-9, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina żewġ, tlieta jew erba' mill-eventi uniċi MON 89034, 1507, MON 88017, 59122 u DAS-40278-9 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 202, 28.5.2021, p. 20).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn qoton ġenetikament modifikat LLCotton25 (ACS-GHØØ1-3) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 208, 1.6.2021, p. 2).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 89788 (MON-89788-1), li jikkonsistu minn tali fażola tas-sojja jew li huma prodotti minnha skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 208, 1.6.2021, p. 7).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom qamħirrum ġenetikament modifikat MON 89034 × 1507 × NK603 × DAS-40278-9 u s-subkombinazzjonijiet MON 89034 × NK603 × DAS-40278-9, 1507 × NK603 × DAS-40278-9 u NK603 × DAS-40278-9, li jikkonsistu minn tali qamħirrum jew li huma prodotti minnu, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 208, 1.6.2021, p. 12).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × 1507 × 5307 × GA21, li jikkonsistu minn tali qamħirrum jew li huma prodotti minnu u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn, tlieta, erbgħa jew ħamsa mill-eventi uniċi Bt11, MIR162, MIR604, 1507, 5307 u GA21 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 208, 1.6.2021, p. 18).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Mejju 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87708 × MON 89788 × A5547-127, li jikkonsistu minnha jew li huma prodotti minnha, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 323, 11.8.2021, p. 7).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 × MON 89034 × MIR162 × NK603, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn jew tlieta mill-eventi uniċi MON 87427, MON 89034, MIR162 u NK603, u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1111, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 415, 13.10.2021, p. 2).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata SYHT0H2 (SYN-ØØØH2-5), skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 415, 13.10.2021, p. 8).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 × MON 87460 × MON 89034 x MIR162 x NK603, ikunu jikkonsistu minnu jew li jkunu magħmulin minnu, u l-qamħirrum ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn, tlieta jew erbgħa mill-avvenimenti MON 87427, MON 87460, MON 89034, MIR162 u NK603, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 415, 13.10.2021, p. 15).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87751 × MON 87701 × MON 87708 × MON 89788, li jikkonsistu minnha jew li huma prodotti minnha, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 445, 29.10.2021, p. 36).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 × MON 89034 × MIR162 × MON 87411 u l-qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn jew tlieta mill-eventi uniċi MON 87427, MON 89034, MIR162 u MON 87411, li jikkonsistu minnhom jew li huma prodotti minnhom, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(ĠU C 445, 29.10.2021, p. 43).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MIR604 (SYN-IR6Ø4-5) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 445, 29.10.2021, p. 49).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li ġġedded l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 88017 (MON-88Ø17-3), li jikkonsistu minnu jew li huma prodotti minnu, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 445, 29.10.2021, p. 56).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li ġġedded l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 89034 (MON-89Ø34-3), li jikkonsistu minnu jew li huma prodotti minnu skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 445, 29.10.2021, p. 63).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2021 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat GHB614 × T304-40 × GHB119 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 474, 24.11.2021, p. 66).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2021 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MZIR098 (SYN-ØØØ98-3), li jikkonsistu minnu jew li jkunu prodotti minnu, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 474, 24.11.2021, p. 74).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2021 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DAS-81419-2 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 99, 1.3.2022, p. 45).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2021 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DAS-81419-2 × DAS–44406–6, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 99, 1.3.2022, p. 52).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2021 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, li jikkonsistu minn jew li jkunu prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 × MIR162 × MON810 × NK603 u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn jew tlieta mill-eventi uniċi 1507, MIR162, MON810 u NK603, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 99, 1.3.2022, p. 59).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2021 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li ġġedded l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt 11 (SYN-BTØ11-1), li jikkonsistu minnu jew li huma prodotti minnu skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 99, 1.3.2022, p. 66).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2022 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata GMB151 (BCS-GM151-6), skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2022)0024).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2022 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li ġġedded l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat GHB614 (BCS-GHØØ2-5) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2022)0025).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 2022 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat GHB811 (BCS-GH811-4), skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2022)0062).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 2022 dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-kolza ġenetikament modifikata 73496 (DP-Ø73496-4) li jikkonsistu minnha jew li huma prodotti minnha, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2022)0063).Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' April 2022 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87769 × MON 89788, li jikkonsistu minnha jew li huma prodotti minnha, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2022)0115).
Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 503/2013 tat-3 ta' April 2013 dwar applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta' ikel u għalf ġenetikament modifikat skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemendaw ir-Regolamenti (KE) Nru 641/2004 u (KE) Nru 1981/2006 (ĠU L 157, 8.6.2013, p. 1).
Ara, pereżempju, Bonny, S., "Genetically Modified Herbicide-Tolerant Crops, Weeds, and Herbicides: Overview and Impact" (Għelejjel, Ħaxix Ħażin, u Erbiċidi Ġenetikament Modifikati Tolleranti għall-Erbiċidi), Environmental Management, Jannar 2016;57(1), pp. 31-48, https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pubmed/26296738 u Benbrook, C.M., "Impacts of genetically engineered crops on pesticide use in the U.S. - the first sixteen years" (L-impatti ta' għelejjel modifikati ġenetikament fuq l-użu tal-pestiċidi fl-Istati Uniti - l-ewwel sittax-il sena), Environmental Sciences Europe; 28 ta' Settembru 2012, Vol. 24(1), https://enveurope.springeropen.com/articles/10.1186/2190-4715-24-24
Ir-regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).
Dan huwa fil-fatt il-każ għall-glifosat, kif iddikjarat fl-EFSA "Review of the existing maximum residue levels for glyphosate according to Article 12 of Regulation (EC) No 396/2005 (Rieżami tal-EFSA tal-livelli massimi ta' residwi eżistenti għall-glifosat skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 396/2005), EFSA Journal 2018;16(5):5263, p. 12,https://www.efsa.europa.eu/fr/efsajournal/pub/5263
Il-Kummissjoni "tista'", u mhux "għandha", tkompli bl-awtorizzazzjoni jekk ma jkun hemm l-ebda maġġoranza kwalifikata ta' Stati Membri favur il-Kumitat ta' Appell, skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 (l-Artikolu 6(3)).
Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).
Nomina ta' membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri – kandidat NL
120k
42k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2022 dwar il-ħatra proposta ta' Stephanus Abraham Blok għall-kariga ta' Membru tal-Qorti tal-Awdituri (C9-0150/2022 – 2022/0805(NLE))
– wara li kkunsidra l-Artikolu 286(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu l-Kunsill ikkonsulta lill-Parlament (C9‑0150/2022),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 129 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0180/2022),
A. billi, bl-ittra tat-8 ta' April 2022, il-Kunsill ikkonsulta lill-Parlament Ewropew dwar il-ħatra proposta ta' Stephanus Abraham Blok għall-kariga ta' Membru tal-Qorti tal-Awdituri;
B. billi l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament imbagħad ipproċeda biex jevalwa l-kwalifiki tas-Sur Blok, b'mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 286(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; billi, fit-twettiq ta' din l-evalwazzjoni, il-kumitat irċieva curriculum vitae mingħand is-Sur Blok kif ukoll it-tweġibiet tiegħu għall-kwestjonarju miktub li kien indirizzat lilu;
C. billi l-kumitat imbagħad ipproċeda b'seduta ta' smigħ mas-Sur Blok fil-15 ta' Ġunju 2022, li matulha hu għamel stqarrija preliminari u wara wieġeb għall-mistoqsijiet li saru mill-membri tal-kumitat;
1. Jagħti opinjoni favorevoli dwar il-proposta tal-Kunsill għall-ħatra ta' Stephanus Abraham Blok għall-kariga ta' Membru tal-Qorti tal-Awdituri;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Qorti tal-Awdituri, kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet tal-awditjar tal-Istati Membri.
It-tiġdid tal-Ftehim dwar il-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil ***
121k
39k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2022 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonċerna t-tiġdid tal-Ftehim dwar il-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil (14207/2021 – C9-0478/2021 – 2021/0336(NLE))
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (14207/2021),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/781/KE tas-6 ta' Ġunju 2005 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil(1),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 186 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C9‑0478/2021),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 105(1) u (4), u l-Artikolu 114(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A9-0176/2022),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għat-tiġdid tal-ftehim;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika Federattiva tal-Brażil.
Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi Barranin f’Materji Ċivili jew Kummerċjali: l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea ***
121k
39k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2022 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta' Sentenzi Barranin f'Materji Ċivili jew Kummerċjali (13494/2021 – C9-0465/2021 – 2021/0208(NLE))
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (13494/2021),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta' Sentenzi Barranin f'Materji Ċivili jew Kummerċjali (13494/2021 ADD 1),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 81(2), punt (a), u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C9‑0465/2021),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 105(1) u (4) u l-Artikolu 114(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0177/2022),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konvenzjoni;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
Qtugħ illegali ta' siġar fl-UE
177k
59k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2022 dwar il-qtugħ illegali ta' siġar fl-UE (2022/2523(RSP))
– wara li kkunsidra l-Artikolu 227 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 4, 191, 230 u 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam(1) (ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa(2) (id-Direttiva dwar il-Ħabitats),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent(3) (id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid tad-Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali(4) (ir-Regolament ta' Aarhus),
– wara li kkunsidra l-każ ta' ksur INFR(2020)2033 inkluż fil-pakkett ta' ksur tal-Kummissjoni tal-12 ta' Frar 2020,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 – Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna" (COM(2020)0380),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2021 bit-titolu "L-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Foresti għall-2030" (COM(2021)0572),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-17 ta' Novembru 2021 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni kif ukoll l-esportazzjoni mill-Unjoni ta' ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 (COM(2021)0706), bil-għan li titrażżan id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti kkważata mill-UE,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-15 ta' Diċembru 2021 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali u li tissostitwixxi d-Direttiva 2008/99/KE (COM(2021)0851), u l-komunikazzjoni li takkumpanjaha (COM(2021)0814),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1767 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 2021 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1367/2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali(5),
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-qtugħ illegali tas-siġar fl-UE (O-000020/2022 – B9‑0016/2022),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 136(5) u l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,
A. billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet irċieva l-Petizzjonijiet 0289/2015, 0625/2018, 1248/2019, 0408/2020, 0722/2020 u 1056/2021 li jqajmu tħassib dwar il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u każijiet speċifiċi ta' prattiki bi ksur tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE f'xi Stati Membri, inklużi fl-aħħar foresti primarji u antiki li fadal fl-Ewropa, u li jitolbu miżuri preventivi biex jitnaqqsu r-riskju u l-iskala kbira tal-ħsara ambjentali u t-theddid għall-ħajja u l-benesseri tal-bniedem;
B. billi l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam huwa attività ta' tħassib serju li tirriżulta fi ħsara ambjentali, telf tal-bijodiversità u degradazzjoni tal-ekosistema, deżertifikazzjoni u erożjoni tal-ħamrija li jwasslu għal diżastri naturali bħal valangi, u li rriżultat fil-qerda jew il-ħsara ta' diversi siti ta' Natura 2000 u foresti primarji u antiki; billi l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam tas-siġar jista' jirriżulta fl-estinzjoni ta' speċijiet protetti u ħabitats speċifiċi għal speċijiet differenti ta' pjanti u annimali minħabba li dawk involuti f'attivitajiet illegali għandhom it-tendenza li jinjoraw liġijiet li jipproteġu riżorsi forestali ta' valur;
C. billi l-Europol tistima li r-reati ambjentali jiġġeneraw dħul daqs it-traffikar tad-drogi iżda b'ħafna inqas riskji ta' detezzjoni u pieni(6);
D. billi l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam huwa fattur ewlieni fid-degradazzjoni tal-foresti, fid-deforestazzjoni u fit-tibdil fil-klima li jikkontribwixxi għad-deterjorament tal-kwalità tal-arja; billi l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam tas-siġar jirrappreżenta bejn 15 % u 30 % tal-produzzjoni internazzjonali tal-injam, u għandu konsegwenzi ambjentali, soċjali u ekonomiċi ulterjuri; billi l-biċċa l-kbira tal-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam jibqa' ma jiġix identifikat, b'tali mod li jxekkel l-isforzi tal-UE biex tilħaq l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Liġi dwar il-Klima u l-istrateġija għall-bijodiversità; billi l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam iseħħ ta' spiss ħafna f'uħud mill-aktar foresti ta' kwalità għolja u kkonservati bl-aqwa mod fl-UE;
E. billi l-prodotti tal-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam jinbiegħu fl-UE bħala injam iċċertifikat(7); billi l-iskemi ta' ċertifikazzjoni ewlenin eżistenti mhumiex kapaċi jilħqu bis-sħiħ il-ħtiġiet tal-leġislazzjoni applikabbli; billi l-iskemi ewlenin ivvalutati fir-rapport tal-Kummissjoni ta' Lulju 2021 dwar l-iskemi ta' ċertifikazzjoni u verifika fis-settur tal-foresti għandhom lakuni fid-definizzjonijiet tal-legalità tagħhom u r-rekwiżiti legali tagħhom huma limitati fil-kamp ta' applikazzjoni jew ta' natura ambigwa; billi filwaqt li jipprovdu approċċ sistematiku għat-trasferiment tal-pretensjonijiet tul il-katina tal-provvista, fil-biċċa l-kbira tagħhom, dawn ma jinkludux il-kapaċità sistematika li jiġu vverifikati – f'ħin reali jew mod ieħor – it-tranżazzjonijiet ta' volumi, speċijiet u kwalitajiet bejn l-entitajiet, u b'hekk iħallu s-sistemi vulnerabbli għall-manipulazzjoni u l-frodi; billi l-iskemi ta' ċertifikazzjoni ewlenin kollha għandhom l-isfida f'dak li jikkonċerna l-identifikazzjoni u l-indirizzar b'mod effettiv il-kwistjonijiet ta' korruzzjoni, is-sistemi stabbiliti għall-identifikazzjoni ta' każijiet ta' korruzzjoni huma relattivament limitati u r-riskju ta' frodi ma jkopruhx sew(8);
F. billi l-foresti huma essenzjalment bjar tal-karbonju li jgħinu fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;
G. billi l- qtugħ illegali tas-siġar għall-injam għandu effetti soċjoekonomiċi negattivi sinifikanti, bil-komunitajiet lokali u responsabbli jiġu mċaħħda mill-għajxien ekonomiku tagħhom minħabba l-kummerċjalizzazzjoni illeċita ta' injam maqtugħ illegalment, li min-naħa tiegħu jinkoraġġixxi d-delinkwenza u għandu effett detrimentali fuq l-iżvilupp lokali sostenibbli u n-negozji leġittimi; billi l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam huwa ta' spiss assoċjat mal-evażjoni tat-taxxa, li tippermetti lil dawk li jaqtgħu b'mod illegali s-siġar għall-injam inaqqsu l-valur tas-suq tal-prodotti forestali, li jwassal għal distorsjoni tas-suq u għal kompetizzjoni inġusta; billi l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam jiġġenera telf ta' dħul għall-gvern mil-lat ta' taxxi mitlufa u dazji, u jikkontribwixxi għal żieda fil-kostijiet tal-ġestjoni tal-foresti u kostijiet ta' tranżazzjoni; billi l-injam spiss jinqata' fi Stat Membru wieħed iżda jiġi kkummerċjalizzat f'ieħor; billi l-biċċa l-kbira tal-injam illegali jiġi nnegozjat u użat bħala injam maqtugħ legalment;
H. billi hemm nuqqas ta' data konsistenti, armonizzata u komparabbli dwar il-qtugħ tas-siġar għall-injam fl-UE, kif ukoll definizzjoni komuni tal-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam;
I. billi f'xi każijiet dawk li jaqtgħu s-siġar b'mod illegali kienu vjolenti fil-konfront tal-uffiċjali forestali, il-gwardji forestali, l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, l-attivisti ambjentali u l-ġurnalisti investigattivi, u din il-vjolenza rriżultat f'telf ta' ħajjiet f'mill-inqas sitt każijiet u bosta episodji ta' vjolenza u intimidazzjoni kontra dawk responsabbli mill-protezzjoni tal-foresti;
J. billi jeżistu problemi li joriġinaw min-nuqqas ta' definizzjoni rikonoxxuta fuq livell internazzjonali tal-attivitajiet koperti mill-kunċett ta' "qtugħ illegali tas-siġar għall-injam"; billi dan in-nuqqas ta' preċiżjoni huwa lakuna legali serja;
K. billi l-korruzzjoni u l-frodi huma l-fatturi mexxejja ewlenin tal-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, u jwasslu għal infurzar mhux suffiċjenti u impunità. billi dan ikompli jkabbar id-diversi attivitajiet kriminali, bħall-finanzjament tal-kunflitti u l-ħasil tal-flus; billi hija meħtieġa azzjoni tal-UE biex jitwaqqfu l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u d-deforestazzjoni, kif ukoll biex jitrażżan il-kummerċ ta' injam maħsud illegalment u prodotti magħmula minn injam maħsud illegalment;
L. billi, skont il-Eurojust, ir-reati ambjentali saru r-raba' l-aktar attività kriminali mifruxa fil-livell internazzjonali;
M. billi r-Regolament tal-UE dwar l-Injam jistabbilixxi r-regoli għat-tqegħid fis-suq tal-injam u tal-prodotti tal-injam u għandu jimpedixxi l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam; billi l-Kummissjoni biħsiebha tħassar ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam permezz tal-proposta tagħha għal regolament dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni kif ukoll l-esportazzjoni min-naħa tal-Unjoni ta' ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti; billi l-Unjoni Ewropea għandha tappoġġja lill-Istati Membri fejn hemm nuqqas ta' governanza tajba tal-foresti fil-ġlieda kontra l-kriminalità u l-kriminalità organizzata li għandhom fil-mira l-foresti, u għandha tippromwovi l-protezzjoni ambjentali, inklużi l-protezzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti skont id-Direttiva 2008/99/KE tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali(9) u f'konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-istrateġija għall-bijodiversità, il-Pjan ta' Azzjoni għat-Tniġġis Żero u l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari;
N. billi l-attivitajiet illegali jwasslu għal prattiki mhux sostenibbli, inaqqsu l-valur tal-foresti u jirriżultaw fid-deprezzament tad-diversi servizzi ambjentali, ekonomiċi u soċjali li l-foresti jipprovdu, u b'hekk iwasslu għal deforestazzjoni u degradazzjoni totali tal-foresti;
O. billi l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam huwa marbut mal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u mal-vjolenza, kif ukoll ma' reati marbuta ma' frodi u korruzzjoni bħal ħasil tal-flus u evażjoni tat-taxxa;
P. billi hemm bosta proċeduri ta' ksur miftuħa kontra Stati Membri għal allegat nuqqas ta' implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE f'dan ir-rigward;
Q. billi skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u fondi oħra ġestiti mill-Istati Membri, is-sidien tal-foresti bħalissa huma eliġibbli għal kumpens għal servizzi forestali ambjentali u klimatiċi, appoġġ għall-konservazzjoni, ir-restawr u l-protezzjoni tal-foresti, u kumpens għaż-żoni forestali ta' Natura 2000 u l-manutenzjoni u l-attivitajiet li jtejbu r-reżiljenza u l-valur ambjentali tal-ekosistemi tal-foresti;
R. billi l-pjanijiet ta' ġestjoni tal-foresti tal-Istati Membri ma jikkorrispondux mal-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità fil-foresti, u għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku; jinnota li mhux il-pjanijiet għall-ġestjoni tas-siti ta' Natura 2000 kollha jirrikonoxxu l-valur espliċitu tal-foresti primarji u antiki, u li l-miżuri ta' konservazzjoni ta' foresti protetti b'mod strett ma jeskludux għalkollox il-qtugħ tas-siġar għall-injam, u dan jista' jkun inkompatibbli mal-konservazzjoni fit-tul ta' foresti primarji u antiki;
1. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw u jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni ambjentali eżistenti tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni taġixxi b'mod aktar rapidu, effettiv u trasparenti, inkluż permezz ta' għoti ta' segwitu regolari għall-każijiet, u biex tiftaħ proċeduri ta' ksur sabiex jiġu rimedjati l-każijiet kollha ta' nuqqas ta' konformità; jistieden lill-Kummissjoni talloka riżorsi suffiċjenti sabiex jingħeleb id-dewmien attwali; jemmen li livell suffiċjenti ta' persunal kwalifikat u riżorsi huwa kruċjali għall-implimentazzjoni u l-infurzar b'suċċess tal-politiki tal-UE;
2. Jinnota li l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam għadu problema fl-UE; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-impatt negattiv ta' każijiet ta' qtugħ illegali tas-siġar għall-injam fuq il-foresti Ewropej, il-ħabitats selvaġġi, is-suq intern u l-azzjoni klimatika tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu valutazzjoni bir-reqqa tal-kawżi soċjoekonomiċi ta' fenomeni bħal dawn u jimplimentaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE u dik nazzjonali sabiex jiġu żviluppati b'mod effettiv miżuri konkreti u immedjati għall-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam sabiex jiġi evitat li dan isir xejra, filwaqt li jitqiesu l-obbligi skont id-direttivi dwar in-natura u l-miri skont l-istrateġija tal-bijodiversità li ġew approvati mill-Istati Membri; jesprimi tħassib li l-prezzijiet dejjem jogħlew tal-materjali u tal-enerġija u l-klassifikazzjoni żero għall-emissjonijiet tal-bijomassa skont l-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet jistgħu jżidu l-pressjoni fuq il-foresti lil hinn mil-livelli sostenibbli, inkluż bħala riżultat tal-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam peress li l-marġnijiet ta' profitt għoljin huma f'kuntrast mar-riskju negliġibbli, filwaqt li jitqiesu wkoll il-kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi eżistenti għall-persuni li jgħixu f'żoni remoti u rurali tal-UE;
3. Jesprimi tħassib dwar kif il-prattika li kulma jmur qed tikber tal-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam fl-UE se timmina l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità u l-istrateġija għall-foresti, peress li se tirrappreżenta n-nuqqas li jiġu protetti d-diversità ekoloġika unika u l-aħħar foresti primordjali u antiki li fadal, ir-restawr u l-konservazzjoni tal-ħabitats naturali u l-ispeċijiet tal-flora u l-fawna selvaġġi, u se timmina l-miri għaż-żoni protetti b'mod effettiv u strett;
4. Jisħaq fuq il-fatt li d-deforestazzjoni hija responsabbli għal 20 % tal-emissjonijiet tas-CO2 globali; huwa mħasseb dwar l-impatt negattiv li l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam għandu fuq id-deżertifikazzjoni, l-erożjoni tal-ħamrija u fenomeni bħall-għargħar; jisħaq fuq il-fatt li d-deforestazzjoni hija marbuta wkoll mal-estinzjoni ta' bosta speċijiet li jitilfu l-ħabitats tagħhom bħala riżultat tal-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam;
5. Jistieden lill-prosekuturi u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jinvestigaw sa fejn tippermettilhom il-liġi l-każijiet kollha ta' qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, kif ukoll it-trasport, il-ħżin, id-distribuzzjoni u l-bejgħ tal-injam illegali;
6. Jissottolinja li l-kisba ta' ġestjoni sostenibbli tal-foresti, il-protezzjoni u l-konservazzjoni tagħhom, ibbażata fuq indikaturi u livelli li jistgħu jitkejlu, hija kwistjoni ewlenija għall-futur tal-forestrija Ewropea; jappoġġja l-introduzzjoni ta' sistema ta' ċertifikazzjoni qrib in-natura biex tinżamm il-firxa sħiħa tad-diversità bijoloġika, jiġu żgurati l-produttività u r-reżiljenza fit-tul, u jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali, ekonomiċi u tas-soċjetà;
7. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa biex jitwettaq kontroll bir-reqqa ħalli jiġi ttraċċat l-injam użat mill-kumpaniji Ewropej bil-għan li tiġi żgurata konformità sħiħa mar-Regolament tal-UE dwar l-Injam;
8. Jenfasizza bil-qawwa li l-Kummissjoni għandha tiżgura li ammonti adegwati ta' riżorsi finanzjarji fi ħdan il-pjanijiet strateġiċi nazzjonali jiġu ddedikati għar-restawr tal-bijodiversità fiż-żoni milquta l-aktar gravement mill-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam; ifakkar li skont ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-9 ta' Ġunju 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030, l-Istati Membri għandhom jilħqu mill-inqas 10 % tan-nefqa annwali fuq il-bijodiversità fil-qafas finanzjarju pluriennali; jinnota b'dispjaċir li l-mira ta' finanzjament għall-bijodiversità f'xi Stati Membri hija inferjuri sew għall-10 % miftiehma;
9. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti s'issa għadha ma tiddefinixxix la l-limiti jew il-meded bħala parametri riferenzjarji għall-kundizzjoni mixtieqa tal-foresti u lanqas biżżejjed kriterji b'rabta mas-saħħa tal-ekosistemi, il-bijodiversità u t-tibdil fil-klima; jitlob, għaldaqstant, li l-indikaturi u l-limiti ġodda meħtieġa għal ġestjoni sostenibbli tal-foresti li tista' tiġi implimentata;
10. Jistieden lill-Istati Membri kollha jiżguraw li s-sistemi ta' traċċar tal-injam ippreparat ikunu kompletament operattivi u li s-sanzjonijiet forestali jkunu proporzjonati u dissważivi sabiex jiġi skoraġġut b'mod effettiv il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam; jesprimi tħassib qawwi li l-penali attwalment mhumiex proporzjonali għall-valur tal-prodotti tal-injam u li l-operaturi xi drabi jirċievu biss penali ta' twissija jew penali amministrattiva baxxa ħafna; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu mezzi biex itejbu l-attivitajiet tal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-forestrija, iżidu n-numru tal-uffiċjali għall-infurzar tal-liġi meta neċessarju, biex jipproċedu b'mod effettiv b'azzjoni legali u jibdew proċedimenti kriminali f'każijiet ta' qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, abbażi tal-evidenza miksuba mill-pulizija jew mogħtija lill-pulizija minn partijiet terzi; jitlob li jiġu previsti proċedimenti kriminali, inkluż kontra persuni privati, fir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali;
11. Jistieden lill-Istati Membri kollha jaqsmu l-aħjar prattiki tagħhom fost l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi bil-għan li jagħtu spinta lill-ġlieda kontra l-prattiki illegali relatati kollha;
12. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni ambjentali, kif ukoll il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja li jikkonċernaw il-pjanijiet ta' ġestjoni tal-foresti, jingħata f'konformità mar-Regolament ta' Aarhus;
13. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu vvalutati b'mod korrett l-impatti ambjentali tal-pjanijiet ta' ġestjoni tal-foresti u li l-Istati Membri jirrevedu dawk li ma jikkonformawx mal-leġiżlazzjoni nazzjonali;
14. Jiddeplora l-attakki fuq l-uffiċjali forestali, il-gwardji forestali, l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, l-attivisti ambjentali u l-ġurnalisti investigattivi, inklużi l-attakki fatali, u jfakkar li dawn l-attakki spiss jitwettqu jew minn individwi jew minn gruppi organizzati tajjeb u mgħammra tajjeb involuti fil-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, li jżidu l-vjolenza u l-intimidazzjonijiet frekwenti;
15. Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali u tal-UE jieħdu azzjoni dissważiva u soda biex jiżguraw konformità sħiħa mal-liġi ambjentali nazzjonali u tal-UE; jinnota li d-dgħufijiet proċedurali u n-nuqqas ta' kontrolli jnaqqsu l-effettività fil-prattika tar-Regolament dwar l-Injam; iħeġġeġ lill-koleġiżlaturi tal-UE jaħtfu l-opportunità ppreżentata min-negozjati dwar il-proposta għal regolament dwar il-prodotti ħielsa mid-deforestazzjoni (COM(2021)0706), sabiex jieħdu t-tagħlimiet mill-implimentazzjoni u l-infurzar tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam u sabiex itejbu l-istatus tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet dwar il-kwantità u l-kwalità tal-kontrolli tagħhom, ir-relazzjonijiet u l-interazzjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri oħra u ma' awtoritajiet nazzjonali oħra u mal-Kummissjoni; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod strett id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni rilevanti attwalment fis-seħħ biex jipprojbixxu l-użu u t-tqegħid fis-suq tal-UE ta' injam illegali; jitlob li l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam jitqies bħala reat kriminali, ikun soġġett għal sanzjonijiet kriminali xierqa u li jiġi inkluż fil-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva riveduta dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tad-dritt kriminali, u jitlob li jkun hemm kooperazzjoni Ewropea msaħħa fil-ġlieda kontra il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam; jitlob definizzjoni uniformi tal-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam bħala reat ambjentali fl-Istati Membri kollha sabiex tiġi garantita l-applikazzjoni ta' proċeduri u penali armonizzati għall-istess qtugħ illegali tas-siġar għall-injam fl-UE kollha;
16. Jenfasizza l-importanza ta' miżuri preventivi biex jitnaqqsu d-danni ambjentali u ekonomiċi u t-theddid għall-ħajja tal-bniedem ikkawżati mill-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam; jirrikonoxxi li sar xi progress reċenti fil-livell tal-Istati Membri, b'titjib irrappurtat fit-traċċar tal-injam ippreparat, u r-reviżjoni u t-tisħiħ tal-penali previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali intiża sabiex tiġġieled il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam; jenfasizza l-ħtieġa ta' pjanijiet ta' restawr adegwati ta' żoni ambjentali deterjorati fl-Istati Membri kkonċernati; ifakkar li approċċ Ewropew ikkoordinat u miżuri ta' prevenzjoni jistgħu jgħinu fil-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam; jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kwalità u l-kompletezza tas-sistemi ta' monitoraġġ tal-foresti tagħhom sabiex ikunu jistgħu jaslu għal konklużjonijiet sodi dwar l-effikaċja tal-pjanijiet ta' ġestjoni tal-foresti fi ħdan in-network Natura 2000; jinnota li biex tiġi żgurata valutazzjoni sodisfaċenti tal-effikaċja tal-miżuri relatati ma' Natura 2000, il-monitoraġġ għandu jinvolvi l-ġbir ta' aktar data dwar żoni fi ħdan u barra n-network u dwar il-kwalità tal-ġestjoni tal-konservazzjoni;
17. Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-Regolament tal-UE dwar l-Injam sabiex testendi l-applikazzjoni tiegħu għall-injam u l-prodotti tal-injam kollha mibjugħa fis-suq Ewropew bil-għan li tiżgura kundizzjonijiet ekwi u tevita kompetizzjoni inġusta;
18. Jenfasizza l-interess kbir tal-pubbliku fil-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, kif espress anke fil-Petizzjonijiet 1248/2019, 0408/2020, 0722/2020 u 1056/2021 indirizzati lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet, li b'denunċja taż-żidiet fil-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, spiss minħabba l-infurzar dgħajjef tal-leġiżlazzjoni tal-UE f'żoni protetti jew minħabba sistemi ta' sorveljanza bis-satelliti mwaqqfa, kif ukoll għadd dejjem ogħla ta' każijiet ta' aggressjoni fil-konfront ta' ħaddiema forestali, attivisti u ġurnalisti.
19. Jistieden lill-Istati Membri jadottaw miżuri xierqa ta' infurzar tal-liġi sabiex jiġġieldu l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, u jipproteġu d-difensuri ambjentali, il-ġurnalisti u l-informaturi; jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu t-twaqqigħ mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta' kawżi relatati mal-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam; jirrikonoxxi r-rwol attiv u l-involviment tas-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet nongovernattivi u d-difensuri tal-ambjent, fil-promozzjoni ta' azzjoni klimatika u l-protezzjoni tal-bijodiversità, u jappella biex l-UE tappoġġja dawn l-attivitajiet; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi ggarantita l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-qafas ta' trasparenza stabbilit fl-Artikolu 13 tal-Ftehim ta' Pariġi;
20. Jistieden lill-Kummissjoni tmexxi l-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam fuq livell globali u tippromwovi l-implimentazzjoni ta' definizzjoni unika, ċara u rikonoxxuta internazzjonalment tat-tip ta' attivitajiet li jaqgħu taħt il-kunċett ta' "qtugħ illegali tas-siġar għall-injam" bil-għan li jiġu indirizzati l-lakuni legali attwali li jippermettu n-nuqqas ta' konformità mal-istandard; jilqa' bħala l-ewwel pass il-proposta għal regolament dwar prodotti mingħajr deforestazzjoni;
21. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw frekwentement id-data disponibbli bbażata kemm fuq il-monitoraġġ fuq il-post kif ukoll fuq teknoloġiji ta' telerilevament, bħall-immaġnijiet satellitari tas-siti forestali kollha ta' Natura 2000, jieħdu miżuri xierqa, inkluż it-tnedija ta' proċeduri ta' ksur, fejn tinsab evidenza ta' ħsara lil dawn is-siti jew il-qerda tagħhom, u jagħmlu dawn il-valutazzjonijiet u l-miżuri pubbliċi; jenfasizza li l-immaġnijiet bis-satellita huma aktar effettivi jekk jiġu kkombinati ma' data fuq il-post u għalhekk li d-data fuq il-post m'għandhiex tiġi traskurata; jistieden lill-Istati Membri jirrimedjaw il-ħsara li saret fuq ħabitats forestali protetti jew ħabitats ta' speċijiet forestali protetti f'sit ta' Natura 2000 milqut mid-deforestazzjoni u l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam;
22. Jisħaq fuq il-fatt li l-Kummissjoni jeħtieġ li tinforza l-konformità mad-dritt tal-UE; jifhem li l-oneru tal-provi biex tintwera l-eżistenza ta' ksur huwa f'idejn il-Kummissjoni, li jaf ma tiddependi fuq l-ebda preżunzjoni f'każijiet ta' ksur; jenfasizza, madankollu, li filwaqt li l-Kummissjoni kkonfermat li l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni tibqa' prijorità, it-tul ta' xi każijiet ta' ksur, anke meta l-Kummissjoni jkollha biżżejjed evidenza, jissuġġerixxi mod ieħor; jiddikjara li huwa irresponsabbli li fi żmien meta l-leġiżlazzjoni ambjentali hija l-leġiżlazzjoni l-aktar miksura u l-Patt Ekoloġiku Ewropew ġab miegħu inizjattivi ġodda, id-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent tal-Kummissjoni huwa konsistentement u kontinwament nieqes mill-persunal; jiddeplora l-fatt li l-assi insostitwibbli qed jintilfu minħabba n-nuqqas ta' azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni u t-tnaqqis fil-baġit tal-UE għall-persunal; jipproponi li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jistabbilixxu l-prioritajiet tagħhom b'mod tajjeb;
23. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sistematiku mill-iżviluppi teknoloġiċi disponibbli kollha, bħat-telerilevament, sabiex tiżgura konformità sħiħa mar-Regolament tal-UE dwar l-Injam u b'hekk tkun tista' teżamina b'mod komprensiv il-qagħda tal-foresti tal-Ewropa;
24. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu u jiżviluppaw kooperazzjoni tal-pulizija li tinvolvi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha fil-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta' reati kriminali fil-forestrija u l-kummerċ fl-injam ippreparat li ġej minn tali attivitajiet; jissottolinja li l-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Istati Membri għandhom jivvalutaw b'mod sistematiku l-effettività tal-kooperazzjoni tal-pulizija u jtejbuha b'mod perjodiku;
25. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jevalwaw b'attenzjoni l-konsegwenzi potenzjalment negattivi li l-promozzjoni tal-bijomassa tal-foresti bħala fattur mexxej fil-qasam tal-enerġija jaf ikollha fuq il-foresti tal-UE, b'mod partikolari fi ħdan il-qafas tan-negozjati tal-pakkett "Lesti għall-Mira ta' 55 %" u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli(10) (RED III).
26. Jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-fenomenu tal-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u l-konsegwenzi tiegħu, inkluż fl-akkwist pubbliku ekoloġiku u t-trasparenza għall-konsumaturi fir-rigward tal-ismijiet tal-kumpaniji li jinnegozjaw l-injam maqtugħ illegalment;
27. Jistieden lill-Kummissjoni tkun viġilanti dwar l-implimentazzjoni xierqa tar-Regolament dwar l-Injam, id-Direttiva dwar il-Ħabitats, id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika u l-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi(11), kif ukoll ir-Regolament ta' Aarhus, peress li d-diskrepanza fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE tirrappreżenta fattur abilitanti li jwassal għall-kriminalità ambjentali; jinnota li l-ksur ta' dawn jista' jwassal għal diżastri ambjentali u ekoloġiċi bħad-degradazzjoni u l-erożjoni tal-ħamrija, l-uqigħ tal-art, l-għargħar, l-estinzjoni ta' speċijiet selvaġġi uniċi, id-deforestazzjoni u l-għajbien tal-aħħar foresti primarji u antiki li fadal fl-UE;
28. Jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina l-problemi leġiżlattivi attwali u ttejjeb il-kontrolli tagħha bil-għan li telimina kwalunkwe lakuna legali li tippermetti l-użu ta' injam maħsud illegalment fl-UE bħalma hu attwalment il-każ b'tekniki bħat-taħlit ta' injam maħsud b'mod legali ma' injam maħsud b'mod illegali sabiex tiġi ċċertifikata l-oriġini ta' dan l-injam;
29. Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-politika kummerċjali tagħha biex twaqqaf il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam fil-livell internazzjonali; jisħaq fuq il-fatt li l-importazzjoni ta' injam maħsud illegalment minn pajjiżi mhux tal-UE tfixkel is-suq Ewropew u toħloq sitwazzjoni inġusta għall-produtturi Ewropej; ifakkar li l-użu ta' dan l-injam illegali jagħmel ħsara wkoll lil dawk il-komunitajiet li minnhom jinħasad dan l-injam u jippromwovi wkoll it-tkomplija tal-ħsad illegali tal-injam u r-reati kollha assoċjat miegħu; jilqa' s-sett ta' regoli ta' diliġenza dovuta obbligatorji għal kumpaniji li jixtiequ jqiegħdu ċerti komoditajiet fis-suq tal-UE proposti mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha għal regolament dwar prodotti mingħajr deforestazzjoni;
30. Jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni tal-proġetti mmirati lejn il-promozzjoni tal-ġestjoni tal-foresti qrib in-natura u l-protezzjoni, ir-restawr u l-konservazzjoni ambjentali, filwaqt li jiġu appoġġjati l-komunitajiet dipendenti fuq ir-riżorsi tal-forestrija billi jiġu żviluppati ktajjen tal-provvista qosra u l-ekoturiżmu; jissuġġerixxi l-iżvilupp ta' governanza tal-foresti demokratika u proġetti f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali, li qed jaħdmu mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati u l-komunitajiet lokali, li huma l-aktar milquta direttament u indirettament mill-bidliet ambjentali u l-effetti soċjoekonomiċi negattivi tal-produzzjoni u l-kummerċ tal-injam ippreparat;
31. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jesploraw aktar possibbiltajiet ta' kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u l-prevenzjoni tiegħu; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tipprovdi pjattaforma ta' kooperazzjoni għall-Istati Membri biex jiżviluppaw u jtejbu aktar l-għodod diġitali nazzjonali għall-monitoraġġ tal-foresti, għar-rappurtar ta' każijiet ta' qtugħ illegali tas-siġar u biex jippermettu intervent transfruntier rapidu u effettiv kontra l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam;
32. Jistieden lill-Istati Membri jassumu r-responsabbiltà primarja tagħhom għall-protezzjoni tal-ambjent, inklużi l-foresti u jiżguraw is-sikurezza tal-uffiċjali forestali; ifakkar li l-korruzzjoni fi ħdan l-istituzzjonijiet pubbliċi tibqa' fattur importanti li jwassal għall-impunità għall-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u reati kontra l-attivisti ambjentali;
33. Jistieden lill-Istati Membri biex, kemm jista' jkun, jarmonizzaw ir-regoli tagħhom dwar il-kontroll tal-injam maħsud illegalment bil-għan, sabiex jimpedixxu li r-rotot ta' distribuzzjoni ta' injam illegali jiġu sfruttati taħt il-leġiżlazzjoni ta' dawk l-Istati Membri fejn il-kontrolli huma dgħajfa;
34. Jistieden lill-prosekuturi, l-investigaturi, il-gwardji u l-esperti finanzjarji jgħaqqdu l-forzi u jiġbru flimkien l-għarfien espert tagħhom bil-għan li l-kriminalità organizzata tiġi individwata, investigata u mressqa quddiem il-liġi malajr u b'suċċess;
35. Ifakkar li l-fondi tal-UE jistgħu jkunu disponibbli għall-kumpens għal servizzi forestali ambjentali u klimatiċi, it-titjib tar-reżiljenza u l-valur ambjentali tal-ekosistemi tal-foresti, ir-restawr, il-konservazzjoni u l-protezzjoni tal-foresti, u l-kumpens għal żoni tal-foresti ta' Natura 2000, inkluż għas-sidien forestali żgħar;
36. Jissuġġerixxi l-introduzzjoni ta' sorveljanza regolari (inkluża għassa tas-sigurtà/tal-pulizija u sorveljanza tal-ajru) fil-foresti u f'żoni fejn l-injam jiġi ttrasportat, jew fejn il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam jew it-trasport u l-kummerċ ta' injam minn tali attivitajiet ġie rrappurtat; jenfasizza l-ħtieġa tas-sensibilizzazzjoni tal-pulizija dwar ir-reat ta' qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u jistieden lill-Istati Membri jwettqu taħriġ speċjali għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi biex jgħammruhom b'għodod prattiċi u jipprovduhom bil-ħiliet u l-għarfien li jeħtieġu għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' attività ta' qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, kif ukoll il-protezzjoni ta' attivisti ambjentali, informaturi u persunal responsabbli għall-ġestjoni tal-foresti; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkooperaw sabiex jiżguraw l-użu intelliġenti tar-riżorsi għall-prevenzjoni tal-implimentazzjoni irregolari ta' din il-miżura;
37. Ifakkar li l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam spiss huwa marbut ma' forom oħra ta' kriminalità, bħat-traffikar illeċitu, il-korruzzjoni, il-frodi, il-ħasil tal-flus, li fil-biċċa l-kbira għandhom dimensjoni transfruntiera; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li l-informazzjoni dwar il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam titqies bħala essenzjali għall-investigazzjoni ta' tipi oħra ta' reati serji kif ukoll li din l-informazzjoni tiġi kondiviża mal-Europol sabiex jiġu ffaċilitati l-investigazzjonijiet transfruntiera;
38. Jenfasizza li l-istabbiliment ta' Prosekutur Ekoloġiku tal-UE, permezz tal-estensjoni tal-mandat tal-UPPE, f'konformità mal-Artikolu 86(4) tat-TFUE, huwa mod kif jittejbu l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE u biex jiġu miġġielda r-reati ambjentali serji b'dimensjoni transfruntiera;
40. Jenfasizza l-importanza li tiżdied id-disponibbiltà ta' data trasparenti u ta' kwalità għolja u jieħu nota tal-mira tal-istrateġija l-ġdida tal-UE għall-foresti biex jittejjeb il-ġbir armonizzat tad-data f'dan ir-rigward; jemmen li huwa essenzjali li nibnu fuq strutturi eżistenti, b'mod partikolari l-inventarji nazzjonali tal-foresti u s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Foresti għall-Ewropa sabiex jittejjeb ir-rispons operazzjonali tal-forzi tal-pulizija fl-indirizzar tal-aspetti tal-kriminalità tal-forestrija; jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' data f'waqtha, frekwenti u komparabbli fl-Istati Membri kollha kemm għall-varjabbli bażiċi kif ukoll għal varjabbli applikati relatati mal-foresti; jappoġġja, għaldaqstant, il-proposta għal qafas għall-Osservazzjoni, ir-Rappurtar u l-Ġbir tad-Data fil-qasam tal-Foresti għall-UE kollha; jistieden lill-Istati Membri jiġbru d-data dwar attivitajiet ta' spezzjoni, l-għadd ta' każijiet ta' ksur stabbiliti u t-tipi u d-daqs tas-sanzjonijiet imposti;
41. Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar il-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u l-għodod disponibbli għar-rappurtar, jiġifieri permezz ta' kampanji ta' komunikazzjoni mmirati; jistieden lill-Istati Membri jinkludu n-nozzjoni tal-preservazzjoni tal-foresti fil-kurrikuli akkademiċi għat-tfal, bħala parti mill-konservazzjoni tal-wirt naturali;
42. Jisħaq fuq il-fatt li l-litigazzjoni ambjentali tirrikjedi li l-professjonisti tal-liġi jkollhom għarfien u kompetenzi speċifiċi; jissuġġerixxi, għalhekk, li l-Istati Membri jsaħħu l-komponent ambjentali tal-istudji universitarji fil-qasam tal-liġi;
43. Jenfasizza li l-użu ta' teknoloġiji ta' telerilevament bħall-immaġnijiet satellitari biex jikkomplementa l-ġbir ta' data tal-inventarju minn fuq il-post u l-ispezzjonijiet jistgħu jgħinu lill-awtoritajiet kompetenti fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali biex dawn jidentifikaw attività ta' qtugħ illegali tas-siġar għall-injam b'aktar preċiżjoni u ħeffa; jenfasizza l-ħtieġa li din id-data tiġi kkalibrata ma' data miġbura permezz ta' monitoraġġ ibbażat fuq il-post sabiex jiġi żgurat li s-sejbiet huma preċiżi; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-għodod li jitpoġġew għad-dispożizzjoni miċ-Ċentru Satellitari tal-UE biex isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom fil-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam; jinnota li filwaqt li l-qtugħ tal-foresti jista' jiġi identifikat permezz tal-immaġnijiet satellitari, jibqa' sfida li ssir distinzjoni bejn il-qtugħ legali u l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam; jenfasizza li l-effikaċja tar-riżorsi bbażati fuq is-satelliti għat-trażżin tal-qtugħ illegali tas-siġar tiddependi fuq il-kapaċità tal-awtoritajiet li jużaw l-informazzjoni u jikkoordinawha ma' għodod u bażijiet ta' data oħra (ibbażati fuq l-art) ta' monitoraġġ; jemmen li l-immaġnijiet satellitari jistgħu jikkomplementaw l-ispezzjonijiet fuq il-post u d-data tal-inventarju fuq il-post bħala assi prezzjuż għall-identifikazzjoni tal-qtugħ illegali tas-siġar u jistgħu jgħinu biex indirettament tiġi dedotta l-eżistenza ta' qtugħ illegali tas-siġar għall-injam permezz tal-preżenza ta' toroq barra miż-żoni permessi;
44. Ifakkar fir-rwol essenzjali li l-innovazzjoni teknoloġika għandha fil-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u kontra l-kriminalità ambjentali b'mod ġenerali; jistieden lill-Kummissjoni talloka finanzjament għall-appoġġ teknoloġiku għall-Istati Membri, li jippermetti lill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi nazzjonali jużaw l-aqwa għodod;
45. Jisħaq fuq il-fatt li missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni f'żoni milquta mill-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam tgħin fil-valutazzjoni tar-realtà fuq il-post, tal-fatturi ewlenin li jwasslu għall-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u l-effetti fuq il-popolazzjoni lokali, kif ukoll fl-identifikazzjoni tal-mod kif wieħed jipproċedi f'każijiet speċifiċi;
46. Jappella lill-Kummissjoni tiżgura li l-UE ma tappoġġjax inizjattivi u proġetti li jwasslu għall-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u d-deforestazzjoni, jew li għandhom effetti dannużi oħra bħal dawn fuq l-ambjent;
47. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
In-Nota ta' Briefing għall-Awtoritajiet Kompetenti (AK) li jimplimentaw ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam Ġunju – Settembru 2020 tiddikjara: "Għad li l-injam fornit lill-IKEA minn VGSM ġie ċċertifikat mill-Kunsill tal-Amministrazzjoni Forestali (FSC), ir-rapport jiddikjara li 'l fuq min-nofs tal-injam maħsud fi Velyky Bychkiv minn April sa Ġunju 2018 ma kienx konformi mal-istandards tal-FSC u kien fil-fatt maqtugħ illegalment".
Il-Kummissjoni Ewropea, Rapport: Studju dwar l-Iskemi ta' Ċertifikazzjoni u Verifika fis-Settur tal-Foresti u għall-Prodotti bbażati fuq l-Injam, Lulju 2021;
Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).
Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).
Rapport dwar l-implimentazzjoni u t-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs)
195k
65k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2022 dwar l-implimentazzjoni u t-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) (2022/2002(INI))
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tan-NU bit-titolu "Transforming our World – the 2030 Agenda for Sustainable Development" (Nittrasformaw id-Dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli), adottata waqt is-Summit tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fil-25 ta' Settembru 2015 fi New York (l-Aġenda 2030),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-18 ta' Novembru 2020 bit-titolu "It-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU — Approċċ komprensiv" (SWD(2020)0400),
– wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tad-Dipartiment tal-Affarijiet Ekonomiċi u Soċjali tan-NU tal-2022 bit-titolu "SDG Good Practices – A compilation of success stories and lessons in SDG implementation – Second Edition" (Prattiki Tajba tal-SDG – Kumpilazzjoni ta' stejjer ta' suċċess u lezzjonijiet fl-implimentazzjoni tal-SDG – It-Tieni Edizzjoni),
– wara li kkunsidra r-Rapport tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli Globali tal-2019,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-17 ta' Frar 2021 dwar it-tisħiħ tal-kontribut tal-UE għall-multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli (JOIN(2021)0003),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni tat-30 ta' Ġunju 2017 dwar il-Kunsens Ewropew Ġdid għall-Iżvilupp – "Id-Dinja tagħna, id-Dinjità tagħna, il-Futur tagħna"(1),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-28 ta' Jannar 2019 bit-titolu "2019 EU report on Policy Coherence for Development" (Rapport tal-UE tal-2019 dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp) (SWD(2019)0020),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u dwar id-Diversità Bijoloġika,
– wara li kkunsidra l-Ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC (COP21) li saret f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015 (il-Ftehim ta' Pariġi),
– wara li kkunsidra l-preżentazzjoni fis-6 ta' Marzu 2015 mil-Latvja u l-Kummissjoni f'isem l-UE u l-Istati Membri tagħha lill-UNFCCC tal-kontribut stabbilit fil-livell nazzjonali tal-UE u l-Istati Membri tagħha,
– wara li kkunsidra l-preżentazzjoni fis-17 ta' Diċembru 2020 mill-Ġermanja u l-Kummissjoni f'isem l-UE u l-Istati Membri tagħha lill-UNFCCC tal-aġġornament tal-kontribut stabbilit fil-livell nazzjonali tal-UE u l-Istati Membri tagħha,
– wara li kkunsidra t-Tielet Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp, li saret f'Addis Ababa mit-13 sas-16 ta' Lulju 2015,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni tat-30 ta' Ġunju 2017 dwar il-Kunsens Ewropew Ġdid għall-Iżvilupp – "Id-Dinja tagħna, id-Dinjità tagħna, il-Futur tagħna"(2),
– wara li kkunsidra l-programmi ta' ħidma tal-Kummissjoni tal-2020 (COM(2020)0037), tal-2021 (COM(2020)0690) u tal-2022 (COM(2021)0645), u r-referenzi tagħhom għall-SDGs,
– wara li kkunsidra l-integrazzjoni tal-SDGs fil-qafas għal Regolamentazzjoni Aħjar, inkluża l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' April 2021 bit-titolu "Regolazzjoni aħjar: Ningħaqdu flimkien biex nagħmlu liġijiet aħjar" (COM(2021)0219), id-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-3 ta' Novembru 2021 bit-titolu "Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar" (SWD(2021)0305), u s-sett ta' għodod ta' Novembru 2021 tiegħu, inkluża l-għodda l-ġdida #19 dwar l-SDGs,
– wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2022 bit-titolu "New threats to human security in the Anthropocene Demanding greater solidarity" (Theddid ġdid għas-sigurtà tal-bniedem fl-Antropoċen li jitlob solidarjetà akbar),
– wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) dwar l-Oċean u l-Krijosfera fi Klima li qed Tinbidel tal-2019,
– wara li kkunsidra s-sitt rapport ta' valutazzjoni tal-IPCC tat-28 ta' Frar 2022 bit-titolu "Climate Change 2022: Impacts, Adaptation and Vulnerability" (Tibdil fil-Klima 2022: Impatti, Adattament u Vulnerabbiltà),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009(3),
– wara li kkunsidra l-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri 2015-2030, li ġie adottat mill-Istati Membri tan-NU fit-Tielet Konferenza Dinjija tan-NU dwar it-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri fit-18 ta' Marzu 2015,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2022 dwar il-ħtieġa ta' pjan ta' azzjoni urġenti tal-UE biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel kemm fl-UE kif ukoll barra l-UE fid-dawl tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna(4),
– wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU bit-titolu "Our Common Agenda" (L-Aġenda Komuni Tagħna), ippreżentat lill-Assemblea Ġenerali tan-NU, u mogħti mandat mir-Riżoluzzjoni 76/6 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-15 ta' Novembru 2021,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar il-perspettiva tal-ġeneru fil-kriżi tal-COVID-19 u fil-perjodu ta' wara l-kriżi(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar ir-rapport strateġiku annwali dwar l-implimentazzjoni u t-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs)(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2014 dwar l-UE u l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015(7),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Diċembru 2019 bit-titolu "Building a sustainable Europe by 2030 – Progress thus far and next steps" (Nibnu Ewropa sostenibbli sal-2030 – Il-progress sa issa u l-passi li jmiss),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Ottubru 2018,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2017 bit-titolu "A sustainable European future: The EU response to the 2030 Agenda for Sustainable Development" ("Futur Ewropew sostenibbli: Ir-rispons tal-UE għall-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli"),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2017 dwar azzjoni tal-UE għas-sostenibbiltà(8),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna(9),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta' April 2019 dwar "Lejn Unjoni dejjem aktar sostenibbli sal-2030",
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2016 dwar is-segwitu u r-rieżami tal-Aġenda 2030(10),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-15 ta' Mejju 2019 dwar l-evalwazzjoni tas-7 Pjan ta' Azzjoni Ambjentali (COM(2019)0233),
– wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2030 (COM(2020)0652),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tal-2019 bit-titolu "The European environment — state and outlook 2020: Knowledge for transition to a sustainable Europe" (L-ambjent Ewropew – l-istat u l-prospetti għall-2020: Għarfien għal tranżizzjoni għal Ewropa sostenibbli),
– wara li kkunsidra r-rapport ta' monitoraġġ tal-Eurostat għall-2021 dwar il-progress lejn l-SDGs fil-kuntest tal-UE,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2021 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: L-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2021(11),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-19 ta' Settembru 2018 bit-titolu "Indikaturi aktar adatti għall-evalwazzjoni tal-SDGs – il-kontribut tas-soċjetà ċivili"(12),
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-2021 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-14 ta' Ġunju 2021, bit-titolu "The Decade of Action for the Sustainable Development Goals" (Id-Deċennju ta' Azzjoni għall-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2021 bit-titolu "Approċċ komprensiv biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tan-NU għall-iżvilupp sostenibbli – Nibnu mill-ġdid aħjar mill-kriżi tal-COVID-19",
– wara li kkunsidra r-rapport speċjali 26/2020 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu "Ambjent tal-baħar: il-protezzjoni tal-UE hija wiesgħa iżda mhux approfondita",
– wara li kkunsidra d-dokument ta' riflessjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Jannar 2019 bit-titolu "Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030" (COM(2019)0022), b'mod partikolari l-Anness III bit-titolu "Sommarju tal-kontribut tal-Pjattaforma ta' Bosta Partijiet Interessati tal-SDG dwar id-Dokument ta' Riflessjoni 'Lejn Ewropa sostenibbli sal-2030'" tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel skont l-Artikolu 58 tar-Regoli ta' Proċedura,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A9-0174/2022),
A. billi fil-livell Ewropew u internazzjonali, mhux se jkun hemm ġustizzja klimatika mingħajr żvilupp ambjentalment, soċjalment u ekonomikament sostenibbli u inklużiv; billi l-ilħuq tal-SDGs huwa għalhekk prerekwiżit essenzjali biex tinkiseb tranżizzjoni ekwa u ġusta skont il-Ftehim ta' Pariġi u l-Patt Ekoloġiku Ewropew;
B. billi l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 għadu mhuwiex kompletament magħruf, iżda diġà wassal għal livell sinifikanti ta' rigress tal-SDGs, speċjalment fil-pajjiżi tan-Nofsinhar Globali li għandhom sistemi tal-kura tas-saħħa dgħajfa u fejn ir-rati tat-tilqim għadhom baxxi ħafna, u wassal għal aktar inugwaljanzi u faqar; billi skont ir-"Rapport tal-2021 dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp Sostenibbli" tan-NU, il-pandemija tal-COVID-19 tista' twassal għal "deċennju mitluf" għall-iżvilupp sostenibbli; billi l-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs) intlaqtu partikolarment ħażin minħabba l-vulnerabbiltà tagħhom għal xokkijiet esterni; billi ambjent b'saħħtu huwa pilastru fundamentali għall-iżvilupp sostenibbli; billi l-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem kien stmat li bata minn "tnaqqis qawwi u mingħajr preċedent" fl-2020 għall-ewwel darba fit-30 sena minn meta beda jsir il-kejl; billi r-rata ta' faqar estrem żdiedet fl-2020 għall-ewwel darba f'20 sena; billi, min-naħa l-oħra, il-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 jippreżentaw opportunità sinifikanti biex is-soċjetajiet tagħna jissawru mill-ġdid sabiex jissodisfaw l-aspirazzjonijiet tal-SDGs; billi qabel il-pandemija tal-COVID-19, kien hemm lakuna finanzjarja globali annwali stmata ta' USD 2,5 triljun bejn il-finanzjament u dak li kien meħtieġ biex jintlaħqu l-SDGs; billi skont stima partikolari, fil-bidu tal-2021, l-inċertezza ekonomika u n-nuqqas fl-infiq għall-irkupru relatat mal-pandemija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw żiedu din il-lakuna b'50 % għal USD 3,7 triljun; billi l-Kumitat Speċjali l-ġdid tal-Parlament dwar il-pandemija tal-COVID-19: tagħlimiet meħuda u rakkomandazzjonijiet għall-futur jista' jinvestiga l-impatt tal-pandemija fuq l-SDGs;
C. billi skont ir-Rapport tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli Globali maħruġ fl-2019 u l-Indiċi tal-SDGs tal-2020 tan-Network ta' Soluzzjonijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDSN) tan-NU, l-ebda pajjiż, inkluż kwalunkwe pajjiż Ewropew, ma jinsab fit-triq it-tajba biex jilħaq l-SDGs kollha sal-2030; billi skont ir-Rapport Ewropew dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-2021, għall-ewwel darba mill-adozzjoni tal-SDGs, il-punteġġ medju tal-Indiċi tal-SDGs tal-UE ma żdiedx fl-2020; billi l-Ewropa tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq biss 26 – jew 15 % – tal-169 mira, skont il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-NU; billi skont l-Indiċi tal-SDGs tal-SDSN tal-2021, il-pajjiżi tal-OECD huma fl-eqreb pożizzjoni li jilħqu l-miri tal-Aġenda 2030, iżda jiġġeneraw l-akbar effetti kollaterali negattivi, li jimmina l-kapaċità ta' pajjiżi oħra li jilħqu l-miri tagħhom;
D. billi r-realtajiet ġeopolitiċi u umanitarji ġodda li ħolqot l-invażjoni illegali tar-Russja u l-gwerra fl-Ukrajna qed ikollhom impatt enormi fuq l-ilħuq globali tal-SDGs, speċjalment fir-rigward tal-ġlieda kontra l-inugwaljanzi, il-faqar u l-ġuħ, u jistgħu jimpedixxu l-iskeda ta' żmien għat-twettiq tagħhom sal-2030; billi huwa meħtieġ b'mod urġenti impetu politiku mġedded biex jintlaħqu l-SDGs sabiex jitqies l-impatt tal-COVID-19 u l-konsegwenzi globali tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja; billi hemm bżonn, f'dan il-kuntest, li jiġu ffinanzjati sorsi tal-enerġija rinnovabbli sabiex jiġi żgurat l-allinjament mal-objettivi tal-Aġenda 2030 u tiġi evitata pressjoni finanzjarja globali futura fis-settur tal-enerġija;
E. billi l-UE hija obbligata li tinkorpora l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-politiki interni jew esterni kollha li jistgħu jaffettwaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif stabbilit fl-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; billi l-ilħuq ta' allinjament fil-politiki kollha tal-UE huwa kruċjali biex jintlaħqu l-SDGs madwar id-dinja; billi l-koerenza tal-politika għall-iżvilupp sostenibbli hija approċċ biex jiġu integrati d-diversi dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli b'mod olistiku fl-istadji kollha tat-tfassil tal-politika u hija element ewlieni tal-isforz tal-UE biex timplimenta l-Aġenda 2030; billi l-Kummissjoni, fid-dokument ta' ħidma tal-persunal tagħha tat-18 ta' Novembru 2021 bit-titolu "Delivering on the UN's Sustainable Development Goals – A comprehensive approach" (Inwettqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU – Approċċ komprensiv), impenjat ruħha li tieħu approċċ ta' "gvern sħiħ" għall-implimentazzjoni tal-SDGs, ikkoordinat mill-President von der Leyen; billi t-tranżizzjoni lejn ekonomija tal-benesseri li tagħti lura lill-pjaneta aktar milli tieħu, inkorporata fit-tmien programm ta' azzjoni ambjentali tal-UE u minquxa fl-objettivi prijoritarji tagħha tal-2030 u l-2050, se tirrikjedi li l-UE tiżviluppa approċċ aktar olistiku għat-tfassil tal-politika;
F. billi l-Parlament, il-Kunsill u l-Kunsill Ewropew, f'diversi okkażjonijiet mill-adozzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli fl-2015, talbu lill-Kummissjoni tadotta strateġija globali biex timplimenta bis-sħiħ l-SDGs;
G. billi hemm interdipendenza qawwija bejn il-kriżijiet tas-saħħa, il-kriżijiet ambjentali u l-kriżijiet klimatiċi; billi kriżijiet bħal dawn se jiżdiedu fis-snin li ġejjin, b'mod partikolari bħala riżultat tat-tibdil fil-klima u t-telfien tal-bijodiversità;
H. billi l-kapaċità li tinkiseb data biex jimtlew l-indikaturi tal-SDGs hija limitata f'diversi pajjiżi li qed jiżviluppaw, u dan jista' jfixkel serjament il-valutazzjoni tal-progress;
I. billi l-lakuna bejn il-persuni u l-pajjiżi l-aktar sinjuri u dawk l-aktar foqra qed tiżdied fuq bażi kontinwa; billi t-tnaqqis tal-inugwaljanzi (SDG 10) għandu importanza strateġika u għandu jkun fil-qalba tal-isforzi komuni biex tintlaħaq l-Aġenda 2030;
J. billi l-SDGs ikopru l-kwistjonijiet ewlenin kollha li qed tiffaċċja l-umanità u mhumiex marbuta biss mal-politiki tal-iżvilupp, iżda jikkonċernaw ukoll politiki pubbliċi usa' fil-livell Ewropew;
K. billi meta impenjat ruħha għat-twettiq tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-UE rrikonoxxiet li d-dinjità tal-individwu hija fundamentali u li l-għanijiet u l-miri tal-aġenda għandhom jintlaħqu għan-nazzjonijiet, in-nies u s-segmenti kollha tas-soċjetà;
L. billi l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali għandhom ukoll ir-responsabbiltà li jiżguraw li l-iżvilupp sostenibbli jiġi integrat fil-proċeduri tagħhom, sabiex jitkissru s-silos;
M. billi ż-żieda fl-inugwaljanzi, it-tibdil fil-klima, it-telfien tal-bijodiversità u fil-produzzjoni tal-iskart huma elementi indirizzati mill-SDGs; billi dawn kollha huma ta' detriment għall-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-bniedem;
N. billi l-pjattaforma ta' diversi partijiet ikkonċernati ta' livell għoli tal-UE dwar l-implimentazzjoni tal-SDGs, li damet għaddejja mill-2017 sal-2019, ġiet stabbilita biex tappoġġja u tagħti pariri lill-Kummissjoni u pprovdiet forum għall-iskambju ta' esperjenzi u l-aħjar prattiki fis-setturi kollha u fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE billi laqqgħet flimkien partijiet ikkonċernati mis-soċjetà ċivili, mill-organizzazzjonijiet mhux governattivi u mis-setturi privati u korporattivi;
O. billi fid-dawl ta' dan kollu ta' hawn fuq, strateġija ta' governanza Ewropea li tintegra l-SDGs f'approċċ trażversali tippermetti allinjament akbar bejn il-politiki pubbliċi u l-effiċjenza fihom; billi pereżempju l-SDG 14 (ħajja taħt l-ilma), li jappella għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar għall-iżvilupp sostenibbli, għandu jiġi implimentat bħala parti minn politika marittima integrata;
P. billi l-progress globali tal-SDG mhuwiex mifhum sew minħabba kapaċitajiet ta' monitoraġġ insuffiċjenti, b'mod partikolari, fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
Q. billi l-pandemija tal-COVID-19 aggravat ħafna l-problemi eżistenti tad-dejn fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li pperikola aktar l-isforzi tagħhom biex jimmobilizzaw biżżejjed riżorsi biex jilħqu l-SDGs; billi għaldaqstant, huma meħtieġa b'mod urġenti aktar sforzi f'termini ta' serħan mid-dejn biex jiġu evitati inadempjenzi mifruxa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jiġu ffaċilitati l-investimenti fl-irkupru u fl-SDGs;
R. billi skont is-sitt rapport tal-IPCC tal-2022, it-tibdil fil-klima naqqas is-sigurtà tal-ikel u tal-ilma, u dan fixkel l-isforzi biex jintlaħqu l-SDGs;
S. billi l-SDGs għandhom dimensjoni sottonazzjonali u lokali;
T. billi l-oċeani huma riżerva enormi ta' bijodiversità u r-regolaturi primarji tal-klima globali; billi l-konservazzjoni tagħhom hija kritika għall-iżvilupp sostenibbli, tikkontribwixxi għall-qerda tal-faqar u tipprovdi għajxien sostenibbli u sigurtà tal-ikel għal biljuni ta' nies;
U. billi l-SDGs huma universali u indiviżibbli; billi dawn huma komuni u applikabbli għall-atturi kollha, inklużi s-setturi pubbliċi u privati, is-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali;
V. billi s-17-il SDG bil-169 mira rispettiva tagħhom u l-indikaturi li jakkumpanjawhom jirrappreżentaw l-uniku qafas kondiviż fuq livell globali u maqbul mill-aspett politiku għal politiki bbażati fuq l-evidenza;
Introduzzjoni
1. Jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu għall-Aġenda 2030, is-17-il SDG tagħha u l-wegħda li l-ebda persuna u pajjiż ma jitħalla jibqa' lura; jisħaq li, fid-dawl tal-pandemiji attwali u futuri u l-konsegwenzi tal-gwerra fl-Ukrajna, l-Aġenda 2030 tipprovdi perkors uniku lejn ekonomija tal-benesseri biex tinbena mill-ġdid dinja aktar ekwa, ġusta, inklużiva, sostenibbli u reżiljenti; jirrikonoxxi li l-SDGs huma tħassib komuni tal-umanità; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tindirizza t-tibdil fil-klima u tirrispetta u tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem, id-dritt għas-saħħa, il-komunitajiet lokali, ir-rifuġjati u l-migranti, it-tfal, il-gruppi ta' minoranza, il-persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, id-dritt għall-iżvilupp, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-ekwità interġenerazzjonali;
2. Ifakkar li għad fadal inqas minn tmien snin biex jintlaħqu l-miri tal-Aġenda 2030 għall-iżvilupp sostenibbli u li s-snin 20 tas-seklu 21 ġew iddikjarati bħala d-Deċennju ta' Azzjoni tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli;
3. Jissottolinja li t-twettiq tal-Aġenda 2030 se jikkontribwixxi għall-ksib ta' tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ekwa u inklużiva, f'konformità mal-ambizzjonijiet u l-azzjonijiet tal-UE deskritti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Kumpass Diġitali tal-2030;
Governanza
4. Jilqa' l-impenn tal-President tal-Kummissjoni li ssegwi approċċ ta' "gvern sħiħ" lejn l-implimentazzjoni tal-SDGs tal-UE u għall-integrazzjoni tal-SDGs fil-portafoll ta' kull Kummissarju; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-President tagħha jkomplu juru kif l-approċċ ta' "gvern sħiħ" għall-SDGs qed jiġi implimentat fil-livell tal-UE; jafferma, madankollu, li approċċ bħal dan jista' jkun effettiv biss bi tmexxija fl-ogħla livell u bi pjan konkret biex tiġi żgurata azzjoni komprensiva fil-Kummissjoni kollha; jesprimi dispjaċir għall-fatt li mill-2019 'l hawn, ma kien hemm l-ebda Kummissarju responsabbli għall-implimentazzjoni u l-koordinazzjoni interni u esterni tal-SDGs, li rriżulta f'approċċ frammentat, li jmur kontra l-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli; jipproponi, barra minn hekk, li l-Kummissjoni tinnomina Mibgħut Speċjali għall-SDGs, li għandu jwieġeb lill-Kummissarju responsabbli, biex jippromwovi azzjoni konsistenti dwar l-SDGs globalment permezz tal-azzjonijiet esterni tal-UE;
5. Itenni li biex jintlaħqu l-SDGs, l-Aġenda 2030 tirrikjedi livell b'saħħtu ta' leġittimità tas-soċjetà u żvolta politika ġenwina, li jista' jinkiseb biss jekk l-SDGs jitqiesu bħala opportunità għaċ-ċittadini; jenfasizza l-importanza tal-mezzi tax-xandir f'dan ir-rigward; ifakkar li l-importanza tal-involviment strutturat tal-partijiet ikkonċernati u s-sħubijiet bejn diversi partijiet ikkonċernati huma fil-qalba tal-SDGs; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-mandat tal-pjattaforma ta' diversi partijiet ikkonċernati ma ġġeddidx fl-2019 u jitlob li dan jerġa' jiddaħħal b'mod urġenti jew li jitwaqqaf mekkaniżmu ġdid għal involviment strutturat, b'rappreżentanza bbilanċjata, diversifikata u demokratika li jkopri l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet ibbażati fil-komunità, is-settur privat (inklużi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u l-organizzazzjonijiet immexxija mill-produtturi), it-trade unions, il-kooperattivi, l-akkademja u l-istituzzjonijiet tar-riċerka, il-gvernijiet reġjonali u lokali u l-gruppi emarġinati; jissottolinja r-rwol ewlieni ta' kull waħda minn dawn il-partijiet ikkonċernati, peress li dawn jimmonitorjaw mill-qrib l-implimentazzjoni tal-SDGs mill-gvernijiet u jikkontribwixxu direttament għall-iżvilupp sostenibbli; jappella għal involviment u konsultazzjoni aktar b'saħħithom ma' dawn il-gruppi; jisħaq li l-pjattaforma ta' diversi partijiet ikkonċernati għandha tikkomunika b'mod sistematiku mal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ġenwina tal-Istati Membri;
6. Jirrikonoxxi li nuqqas ta' obbligu ta' rendikont, trasparenza u governanza tajba għandhom impatt negattiv qawwi fuq l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 kemm fil-pajjiżi żviluppati kif ukoll f'dawk li qed jiżviluppaw u jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu promossi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-integrità biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-SDGs u biex il-progress jiġi mmonitorjat b'mod konsistenti;
7. Jisħaq fuq il-fatt li l-isforzi biex l-SDGs jiġu integrati fil-politiki interni u esterni tal-UE għandhom imorru lil hinn minn eżerċizzju ta' mmappjar; ifakkar li ħafna politiki interni tal-UE mhux biss jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-SDGs, iżda għandhom ukoll impatt konsegwenzjali ekoloġiku, soċjali u ekonomiku kbir ħafna fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-gruppi u l-popolazzjonijiet vulnerabbli; jinsisti, għalhekk, li sabiex isir aktar progress fil-livell globali, l-azzjoni interna u esterna tal-UE trid tiġi kkoordinata aktar; jenfasizza l-importanza ta' approċċ integrat, li jkun jirrikjedi soluzzjonijiet sistemiċi; jirrikonoxxi l-progress li sar fil-bini tal-kapaċitajiet, iżda jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-allinjament u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-bini tal-kapaċitajiet madwar l-UE;
8. Iħeġġeġ bil-qawwa aktar koerenza politika għall-iżvilupp fil-pakkett leġiżlattiv storiku "Lesti għall-mira ta' 55 %"(13), il-politika agrikola komuni, il-politika komuni tas-sajd, il-politika kummerċjali komuni u l-ħidma tal-Kummissjoni b'mod ġenerali; jesprimi dispjaċir għall-fatt li n-nuqqas ta' strateġija ta' implimentazzjoni tal-SDGs jagħmilha aktar diffiċli li tinkiseb koerenza politika, minħabba n-nuqqas ta' miri ċari, li jistgħu jitkejlu u marbuta biż-żmien li tirrapporta fuqhom l-UE kollha għall-SDGs kollha; jitlob li l-iżvilupp sostenibbli jingħata prijorità u jiġi integrat fiċ-ċiklu kollu tal-politika (tfassil, implimentazzjoni u evalwazzjoni), u li d-dimensjonijiet kollha tiegħu jiġu kkunsidrati sistematikament fil-valutazzjonijiet tal-impatt u r-rekwiżiti ta' żvelar u rapportar estern; jipproponi awditu intern mill-Kummissjoni biex jiġi żgurat l-allinjament bejn il-politiki interni u esterni tal-UE; jisħaq li l-SDGs għandhom jiffurmaw is-sinsla tal-politiki pubbliċi Ewropej;
9. Jitlob lill-Kummissjoni tadotta strateġija ġdida ta' livell għoli għall-implimentazzjoni tal-Aġenda tal-UE għall-2030, kif kien mitlub mill-Kunsill Ewropew f'Ottubru 2018, li tibni fuq ir-riżoluzzjonijiet u d-direttivi ta' politika tal-UE li għandhom l-għan li jilħqu l-SDGs, peress li fadal inqas minn tmien snin biex tintlaħaq l-Aġenda 2030 u, għalhekk, hija meħtieġa implimentazzjoni urġenti, f'konformità mad-Deċennju ta' Azzjoni biex jintlaħqu l-Għanijiet Globali; jemmen li strateġija bħal din għandha tiddefinixxi, bħala minimu:
(a)
qafas ta' governanza ġdid, immexxi minn Kummissarju wieħed ta' livell għoli li jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-SDGs fil-portafolli kollha u li jikkonsulta sistematikament il-pjattaforma l-ġdida ta' diversi partijiet ikkonċernati;
(b)
sett rivedut ta' miri konkreti li jistgħu jitkejlu, għall-UE kollha, marbuta biż-żmien biex jissaħħu l-ambizzjoni tal-UE u miżuri konkreti biex dawn jintlaħqu;
(c)
sistema ta' monitoraġġ u indikaturi aġġornati, li jqisu l-impatt intern u estern tal-UE fuq il-progress globali tal-SDG;
(d)
pjan finanzjarju uniku biex jintlaħqu l-objettivi tal-SDGs tal-UE, marbuta mal-miri msemmija hawn fuq;
(e)
pjan għad-diplomazija dwar l-SDGs tal-UE u l-kooperazzjoni internazzjonali, immexxija minn Mibgħut Speċjali għall-SDGs, biex tiġi żgurata kondiviżjoni ekwa tal-piżijiet u kundizzjonijiet ekwivalenti;
jistieden lill-Presidenti tal-Parlament, tal-Kummissjoni u tal-Kunsill jakkumpanjaw din l-istrateġija b'dikjarazzjoni interistituzzjonali li ġġedded l-impenn tal-UE għall-Aġenda 2030; jisħaq li din l-istrateġija għandha tiġi ppubblikata sa mhux aktar tard minn Ġunju 2023, sabiex l-UE jkollha rwol ewlieni fit-tisħiħ tal-Aġenda 2030 fis-Summit dwar l-SDG f'Settembru 2023; jisħaq li l-istrateġija għandha tiġi rieżaminata regolarment u akkumpanjata minn miżuri korrettivi f'oqsma li fihom il-progress jitqies bħala wieqaf jew insuffiċjenti;
10. Jissottolinja li l-koordinazzjoni fi ħdan u bejn l-istituzzjonijiet tal-UE hija prerekwiżit biex tiżdied l-effettività tal-azzjonijiet tal-UE; jappella għall-ħolqien ta' task force interistituzzjonali biex jiġi ffaċilitat id-djalogu strutturat dwar l-SDGs, li jikkonsisti f'rappreżentanti mill-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill; iqis li t-task force, li għandha titlaqqa' kull tliet xhur, għandha tassumi r-responsabbiltà li tikkoordina l-isforzi tal-UE biex twettaq l-SDGs internament u globalment; jinsab fiduċjuż li l-Kummissjoni se taġġorna b'mod regolari lill-koleġiżlaturi dwar l-iżviluppi tal-politika u l-miżuri meħuda għall-implimentazzjoni tal-SDGs;
11. Jilqa' l-integrazzjoni tal-SDGs fir-reviżjoni tal-2021 tas-sett ta' għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar, inklużi l-komunikazzjoni, il-linji gwida u s-sett ta' għodod innifsu, b'mod partikolari l-għodda ddedikata għall-implimentazzjoni tal-SDGs u l-indikazzjoni tal-indikaturi rilevanti tal-SDGs għad-diversi tipi ta' impatti;
12. Huwa tal-fehma li l-adozzjoni tal-istrateġija ta' implimentazzjoni komprensiva l-ġdida għandha tkun ibbażata fuq approċċ minn isfel għal fuq, preċedut minn immappjar tal-SDGs u proċess ta' konsultazzjoni parteċipattiv pubbliku wiesa', strutturat, inklużiv u sinifikattiv, akkumpanjat minn pjan għal sensibilizzazzjoni u djalogu sinifikanti maċ-ċittadini, inklużi s-soċjetà ċivili, ir-rappreżentanti tal-industrija rilevanti u, b'mod aktar ġenerali, is-settur privat, it-trade unions, l-akkademja, il-gvernijiet reġjonali u lokali, il-minoranzi u l-gruppi vulnerabbli;
13. Jistieden lill-Kummissjoni tantiċipa l-Aġenda tan-NU li jmiss wara l-2030 bi pjan direzzjonali ta' miri u miżuri biex jiġu ppjanati l-għanijiet ta' żviluppi sostenibbli li jmiss;
Monitoraġġ
14. Jitlob lill-Parlament jaħtar rapporteur permanenti dwar l-implimentazzjoni tal-SDGs biex jaħdem mal-Bureau u mal-kumitati kollha, kif ukoll mal-pjattaforma ta' diversi partijiet ikkonċernati; jipproponi wkoll li kull kumitat għandu jaħtar Membru responsabbli għat-twettiq tal-SDGs u li dawn il-Membri responsabbli għandhom jiltaqgħu bejniethom u mar-rapporteur permanenti fuq bażi trimestrali biex jiġi żgurat l-allinjament;
15. Jenfasizza li l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali għandhom ukoll rwol x'jaqdu biex jiżguraw li l-iżvilupp sostenibbli jiġi integrat fil-proċeduri u li jitkissru s-silos; jenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni u l-kontribut tal-Parlament għall-Forum Politiku ta' Livell Għoli annwali dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (HLPF), u tar-rwol li jista' jkollu rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-SDGs f'dan ir-rigward;
16. Jafferma li fehim aħjar tal-impatt reali tal-UE fuq il-progress tal-SDGs fl-UE u globalment jista' jinkiseb biss billi jiġu indirizzati l-lakuni eżistenti fid-data, inkluż in-nuqqas ta' data diżaggregata u dgħufijiet fis-sistemi ta' informazzjoni, billi jissaħħaħ l-użu ta' data statistika eżistenti minn varjetà ta' sorsi u jiġu aċċettati d-data tal-fruntiera u l-intelliġenza artifiċjali, f'konformità mar-regolamenti u r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data; jemmen li huwa kruċjali li jiġi mmonitorjat il-progress fuq il-169 mira sekondarja kollha; jitlob lill-UE żżid b'mod sinifikanti l-kooperazzjoni teknika mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex tindirizza l-lakuna fid-data globali maħluqa minn kapaċitajiet ta' monitoraġġ insuffiċjenti u metodoloġiji inkonsistenti;
17. Jilqa' r-rapporti annwali ta' monitoraġġ tal-Eurostat dwar l-SDGs; jappella għal rieżami annwali tas-sett ta' indikaturi tal-SDGs tal-Eurostat bil-parteċipazzjoni sistematika tal-gvernijiet reġjonali u lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, f'konformità mar-rieżami tal-2021; jenfasizza li l-iżvilupp sostenibbli huwa intrinsikament transkonfinali u transsettorjali; jafferma r-rieda tiegħu li jindirizza l-effetti kollaterali negattivi li għandha l-implimentazzjoni tal-SDGs fuq reġjuni oħra; jilqa' l-ħidma li bdiet il-Eurostat għal dan l-għan u l-ewwel tentattiv biex jiġu kkwantifikati parzjalment tali effetti kollaterali, iżda jisħaq li din il-metodoloġija jeħtieġ li tiġi żviluppata aktar biex tqis b'mod suffiċjenti l-impronta globali tal-UE(14); jitlob li l-indikatur stabbilit għal kull għan jiġi estiż lil hinn mil-limitu massimu tiegħu ta' sitta biex iqis l-azzjoni esterna tal-UE, il-ktajjen tal-provvista u tal-valur Ewropej u l-konsegwenzi kollaterali tal-konsum tal-UE;
18. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu implimentati l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2019 dwar l-ekonomija tal-benesseri u jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, twettaq mingħajr dewmien it-tabella operattiva u s-sett ta' indikaturi "Lil hinn mill-PDG", kif stabbilit fit-tmien programm ta' azzjoni ambjentali tal-UE, li jpoġġi lin-nies u l-benesseri tagħhom fiċ-ċentru tat-tfassil tal-politika; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-implimentazzjoni ta' miżuri alternattivi ta' progress fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-SDGs tagħha, bħall-Indiċi tal-Progress Soċjali;
19. Jisħaq li għandu jiġi stabbilit livell minimu ta' diżaggregazzjoni statistika u ta' data, allinjat mal-qafas globali ta' monitoraġġ tal-SDGs u fir-rigward ta' kull SDG fl-UE, li jkopri, fejn xieraq, il-post ġeografiku, il-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, l-introjtu, il-livell edukattiv, l-età, ir-razza, l-etniċità, l-istatus migratorju, l-indeboliment u karatteristiċi oħra, u għandu jqis il-prinċipji tal-approċċ għad-data bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem; jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tistabbilixxi indikaturi biex titkejjel l-inugwaljanza f'dan ir-rigward; jistieden lill-Eurostat twettaq il-ħidma preparatorja meħtieġa kollha biex tinkludi dan il-livell ta' diżaggregazzjoni fir-rapporti ta' monitoraġġ li jmiss, f'konformità mal-linji gwida u l-prijoritajiet stabbiliti mill-Interaġenziji u mill-Grupp Interaġenzjali ta' Esperti dwar l-indikaturi tal-SDGs u adattati għall-kuntest tal-UE;
20. Ifakkar li r-rieżamijiet nazzjonali volontarji huma l-għodda ewlenija ta' obbligu ta' rendikont fl-Aġenda 2030; ifakkar fl-importanza ta' rieżamijiet nazzjonali bħala mod kif jiġu identifikati t-tensjonijiet u l-kompromessi bejn l-SDGs u jiġi ġġenerat proċess iterattiv ta' aġġustament tal-politiki fid-dawl tal-progress lejn il-miri; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jipparteċipaw fir-rieżamijiet nazzjonali volontarji u jqisu u jimplimentaw b'mod sinifikattiv ir-rakkomandazzjonijiet li jsiru f'din l-okkażjoni; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rieżami volontarju tal-UE fil-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-2023 u sussegwentement kull sena wara, u tinsisti għal aktar standardizzazzjoni tar-rieżamijiet volontarji nazzjonali, b'enfasi fuq kull waħda mill-kompetenzi esklużivi u kondiviżi tal-UE, iżda li jkun fihom ukoll valutazzjoni tal-impatt aggregat pożittiv u negattiv tal-UE u tal-Istati Membri tagħha fuq il-progress globali tal-SDG; iqis li tali rieżami għandu jkun ibbażat fuq sett ta' indikaturi tal-SDG rivedut u għandu jkopri l-prijoritajiet interni, id-diplomazija, u l-azzjoni internazzjonali biex jiġu rrestawrati u protetti l-beni komuni globali u jiġu indirizzati l-effetti kollaterali internazzjonali tal-politiki interni tal-UE, kif ukoll l-aspetti pożittivi u negattivi tal-azzjoni tal-UE;
21. Jirrikonoxxi l-importanza ta' rieżamijiet lokali volontarji u rieżamijiet sottonazzjonali volontarji għall-implimentazzjoni ta' kull SDG; jistieden lill-Kummissjoni tikkonsulta u tinforma lill-Parlament dwar ir-rieżami volontarju tal-UE qabel is-Summit tal-SDG tal-2023; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żviluppat rieżami regolari tal-implimentazzjoni tal-SDGs fil-livell reġjonali u lokali fl-UE; jilqa', f'dan ir-rigward, il-ħidma tal-Programm tan-NU għall-Insedjamenti Umani; iħeġġeġ l-iżvilupp ulterjuri tal-inizjattiva tan-NU "Il-lokalizzazzjoni tal-SDGs" biex jiġu aċċellerati u jiżdiedu l-isforzi biex jintlaħqu l-SDGs sal-2030; ifaħħar il-ħidma taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka fir-rigward tal-lokalizzazzjoni tal-Aġenda 2030 u l-Manwal Ewropew għar-Rieżamijiet Lokali Volontarji tal-SDG, li joffri indikaturi uffiċjali u sperimentali utli biex tiġi stabbilita sistema effettiva ta' monitoraġġ lokali tal-SDG immirata speċifikament lejn il-bliet Ewropej; jilqa' l-proġett pilota "Il-monitoraġġ tal-SDGs fir-reġjuni tal-UE – Il-mili tal-lakuni fid-data", mibdi mill-Parlament Ewropew, li se jiddefinixxi u jittestja sett armonizzat ta' indikaturi għar-reġjuni tal-UE biex jimmonitorjaw l-ilħuq tal-SDGs u jwittu t-triq għal proċess ta' rieżami sistematiku fir-reġjuni tal-UE;
22. Jistieden lill-Kummissjoni tqis il-progress li jkun sar u s-sejbiet tar-rapport annwali tal-Eurostat dwar il-monitoraġġ tal-SDGs kull sena matul id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni; jistenna li l-programm ta' ħidma annwali tal-Kummissjoni jinkludi l-SDGs bħala prijorità annwali, inklużi proposti konkreti għal inizjattivi leġiżlattivi jew mhux leġiżlattivi maħsuba biex jikkontribwixxu għall-ilħuq tagħhom u biex l-SDGs jiġu integrati bis-sħiħ fil-programm ta' ħidma annwali tal-Kummissjoni;
23. Jirrikonoxxi l-importanza tar-rapportar tas-settur privat għall-implimentazzjoni tal-SDGs; jenfasizza li r-rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà u d-diliġenza dovuta, meta jkun soġġett għal awditi rilevanti, jista' jkun qafas importanti biex iħeġġeġ obbligu ta' rendikont akbar fis-settur privat fir-rigward tal-impatt soċjali u ambjentali tal-kumpaniji u l-kontribut tagħhom għall-ilħuq tal-SDGs; iħeġġeġ lill-atturi kollha fis-soċjetà, inklużi l-entitajiet privati, biex jinvolvu ruħhom f'rapportar volontarju regolari dwar l-implimentazzjoni tal-SDGs;
24. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi forum online għall-iskambju tal-aħjar prattiki għal inizjattivi fil-livell lokali biex jintlaħqu l-SDGs, bil-forum organizzat mill-SDGs; jipproponi li l-eżistenza ta' dan il-forum tiġi promossa bħala parti mill-azzjoni esterna u interna tal-UE dwar l-ilħuq tal-SDGs;
Baġit u finanzjament
25. Jissottolinja li l-baġit tal-UE, flimkien mal-pakkett ta' rkupru Next Generation EU, huma għodda kruċjali għall-implimentazzjoni tal-SDGs, minħabba d-daqs ikkombinat tagħhom ta' EUR 1,8 triljun, l-ilħuq fit-tul u d-dimensjoni multinazzjonali tagħhom(15);
26. Jinnota bi tħassib li d-dejn pubbliku fin-Nofsinhar Globali kien diġà f'livelli mingħajr preċedent qabel il-COVID-19, li rriżulta f'porzjon dejjem akbar ta' baġits pubbliċi li bdew jintużaw biex jitħallsu djun esterni, u b'hekk ġiet affettwata l-abbiltà tal-gvernijiet li jiffinanzjaw u jipprovdu servizzi pubbliċi bażiċi b'mod adegwat; jinsab allarmat li l-kriżi attwali aggravat dawn il-vulnerabbiltajiet tad-dejn li kienu jeżistu minn qabel; jappella għall-ħolqien ta' mekkaniżmu multilaterali għall-ġestjoni tad-dejn, taħt l-awspiċji tan-NU, biex jindirizza l-kriżi tad-dejn fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u r-rekwiżiti ta' finanzjament tal-Aġenda 2030;
27. Jissottolinja l-importanza li jitkejjel il-kontribut tal-UE għall-SDGs b'mod preċiż u komprensiv, peress li din hija kundizzjoni essenzjali għall-kisba ta' koerenza politika għall-iżvilupp sostenibbli; jilqa' l-miri tan-nefqa tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) tal-Kummissjoni fir-rigward ta' għanijiet speċifiċi tal-SDGs u l-isforzi tagħha biex tittraċċa n-nefqa tal-baġit tal-UE fuq il-klima, il-bijodiversità, l-arja nadifa, il-migrazzjoni u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri(16); jilqa' l-fatt li, f'firxa ta' politiki, qed jiġu stabbiliti sistemi għar-rapportar tal-SDGs, inkluż fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp; jesprimi dispjaċir, madankollu, għall-fatt li, minkejja l-impenn tal-Kummissjoni ta' Novembru 2020, ma sarx biżżejjed progress biex jiġu ttraċċati r-riżorsi u n-nefqa relatati mal-SDGs fl-intier tagħhom – minbarra l-qasam tal-azzjoni esterna, kif deskritt fir-rieżami tal-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri – u biex jiġu segwiti l-inkonsistenzi fost l-infiq, li t-tnejn li huma jfixklu l-abbiltà tal-UE u tal-pajjiżi terzi li jilħqu l-SDGs, b'mod partikolari fil-qasam tal-agrikoltura; jinsisti, għalhekk, fuq il-ħtieġa ta' traċċar komprensiv tan-nefqa tal-SDG bl-użu ta' metodoloġiji dedikati, pereżempju, b'referenza għall-inugwaljanzi (SDG 10) u l-importanza strateġika tagħhom għall-implimentazzjoni tal-SDGs kollha; itenni li dan se jinvolvi li wieħed imur oltre mill-eżerċizzju ta' mmappjar eżistenti li jseħħ fir-rapport annwali dwar il-ġestjoni u l-prestazzjoni għall-baġit tal-UE; jinnota bi tħassib li matul dawn l-aħħar ftit snin, il-livell ta' konċessjonalità tal-ODA naqas gradwalment għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod ġenerali, u għal-LDCs, b'mod partikolari, u jistieden lill-UE tilħaq il-mira tagħha li mill-inqas 20 % tal-ODA tkun allokata għall-iżvilupp tal-bniedem bħala għodda essenzjali biex jintlaħqu l-SDGs; jisħaq fuq il-ħtieġa li d-donaturi jagħtu prijorità lill-finanzjament ibbażat fuq l-għotjiet, speċjalment lil-LDCs, fid-dawl tal-piżijiet tad-dejn mhux sostenibbli tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tagħti spinta lill-għodod ta' finanzjament attwali sabiex jinkisbu emissjonijiet żero netti fl-operazzjonijiet u l-ktajjen tal-provvista Ewropej sal-2030;
28. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi ffinanzjat taħriġ għall-bini tal-kapaċitajiet għall-SMEs sabiex jitgħallmu kif jimplimentaw l-SDGs fl-attivitajiet ta' kuljum tagħhom;
29. Jilqa' l-isforzi li saru biex l-SDGs jiġu integrati fis-Semestru Ewropew b'mod komprensiv, inkluż permezz tal-Istħarriġiet Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli u l-integrazzjoni tal-monitoraġġ annwali tal-Eurostat dwar l-SDGs bħala parti mill-pakkett tar-rebbiegħa tas-Semestru Ewropew; itenni l-appoġġ tiegħu għall-integrazzjoni tal-indikaturi tal-bijodiversità fis-Semestru Ewropew; iħeġġeġ lill-Istati Membri jgħollu l-livell ta' ambizzjoni tar-risponsi nazzjonali tagħhom għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030; jilqa' ċ-ċentralità tal-SDGs fil-pakkett tal-ħarifa, b'mod partikolari r-rakkomandazzjoni li l-Istati Membri jsegwu strateġija "lil hinn mill-PDG" biex jinkorporaw bis-sħiħ l-SDGs fir-risponsi nazzjonali tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tkompli r-riforma tas-Semestru Ewropew biex tibbilanċja l-prijoritajiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali, sabiex tixpruna trasformazzjoni soċjali, ambjentali u ekonomika fit-tul u ttejjeb l-integrazzjoni tal-Aġenda 2030, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-Patt Ekoloġiku Ewropew fil-livelli kollha, filwaqt li tinvolvi bis-sħiħ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u tikkomplementa r-riformi u l-investimenti fl-Istati Membri; iqis li riforma bħal din għandha tiżgura li l-koordinazzjoni tal-politika Ewropea tal-SDGs ma twassalx għal proċess ta' politika parallel għas-Semestru Ewropew, iżda minflok tikkonsisti f'approċċ integrat u koerenti bbażat fuq patt ġdid ta' żvilupp sostenibbli; jistenna li l-proċess tas-Semestru jsaħħaħ il-kapaċitajiet tal-Istati Membri fil-monitoraġġ tal-progress fl-implimentazzjoni tal-SDGs;
30. Jappoġġja l-Patt Ekoloġiku Ewropew; jappella għal fehim akbar tar-rwol sinerġistiku tal-SDGs fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima u jenfasizza, f'dak il-kuntest, l-utilità tal-SDGs, b'mod partikolari l-SDG 13, u l-opportunità li ssir ħidma fuq il-kompromessi u l-koerenza politika fi ħdan il-qafas tal-SDGs;
31. Jitlob immappjar komprensiv tal-pakketti finanzjarji tal-politiki, il-programmi u l-fondi tal-UE, li ġew imsaħħa mill-fondi addizzjonali ta' Next Generation EU, biex tinħoloq Ewropa aktar ekoloġika, aktar diġitali u aktar reżiljenti, inkluż l-immappjar ta' jekk l-investimenti u r-riformi strutturali segwiti fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jallinjawx mal-objettivi tal-Aġenda 2030 u jagħmlux aktar progress fihom; jitlob li l-metodoloġija tat-traċċar klimatiku u l-prinċipju "la tagħmilx ħsara sinifikanti" fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll il-prijoritajiet soċjali u demografiċi stabbiliti mill-SDGs u mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, jiġu implimentati bis-sħiħ;
32. Jissottolinja li l-finanzjament pubbliku u privat irid ikun allinjat mal-SDGs; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkorpora l-Aġenda 2030 fil-politiki u l-leġiżlazzjoni ekonomiċi u finanzjarji; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, f'kuntest li fih l-ODA tibqa' riżorsa skarsa, jiffukaw l-operazzjonijiet ta' taħlit f'dawk l-oqsma li fihom jistgħu jżidu l-valur fl-ekonomija lokali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex b'mod aktar ġenerali jagħtu prijorità lis-sħubijiet mal-intrapriżi domestiċi tal-LDCs li jsegwu mudelli ta' negozju sostenibbli u inklużivi;
33. Jenfasizza l-importanza li s-settur pubbliku u privat jaħdmu flimkien biex jippromwovu u jiffinanzjaw l-iżvilupp sostenibbli; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-istituzzjonijiet finanzjarji jiddefinixxu u jadottaw strateġiji u miri biex jallinjaw il-portafolli finanzjarji mal-SDGs u jirrapportaw regolarment dwar il-progress; jappella għal diskussjonijiet u involviment fil-fond mas-settur privat biex jitħeġġeġ il-finanzjament privat u jissaħħaħ il-ħolqien ta' linji gwida annwali dwar il-ħidma tal-SDG(s) għall-mikrointrapriżi u l-SMEs, l-akkademja u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, b'mod partikolari minħabba tħassib dwar is-sostenibbiltà tad-dejn, jadottaw approċċ prudenti għall-finanzjament imħallat u jiżguraw li l-finanzjament kollu mmobilizzat permezz tat-taħlit jissodisfa l-effettività tal-iżvilupp, is-sostenibbiltà u l-prinċipji ta' finanzjament imħallat tal-Kumitat ta' Għajnuna għall-Iżvilupp tal-OECD;
34. Jinnota li l-UE għad ma għandha l-ebda pjan magħżul biex tiffinanzja l-SDGs; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal b'mod urġenti tali pjan, filwaqt li żżomm f'moħħha l-lakuna annwali stmata ta' wara l-COVID-19 fil-finanzjament tal-SDG ta' USD 3,7 triljun(17); jissottolinja li n-nuqqas ta' pjan bħal dan, inklużi miri kwantifikabbli definiti b'mod ċar, jipprojbixxi t-traċċar komprensiv tal-infiq tal-SDG fl-ambitu tal-baġit tal-UE;
35. Jitlob lill-UE tissodisfa l-wegħdiet tal-SDGs li tinvesti fl-edukazzjoni u t-taħriġ tar-rifuġjati u l-migranti biex tiżgura li jkunu jistgħu jilħqu l-potenzjal tagħhom fi ħdan il-komunitajiet u l-ekonomiji tan-nazzjonijiet ospitanti tagħhom;
36. Jieħu nota tal-bidliet fl-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp, kif deskritt fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-14 ta' Ġunju 2021; jistieden lill-Kummissjoni tqiegħed l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 fil-qalba tal-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp il-ġdida sabiex tagħmilha ta' impatt akbar, effiċjenti, koordinata u inklużiva; jissottolinja l-potenzjal ta' arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp kompletament funzjonali biex timtela l-lakuna globali fil-finanzjament tal-SDG; jappella għal kooperazzjoni u allinjament akbar bejn il-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, il-banek nazzjonali tal-iżvilupp u atturi finanzjarji żgħar u ta' daqs medju oħra, b'enfasi partikolari fuq proġetti ta' investiment taħt il-valur ta' EUR 5 miljun, biex jinkiseb impatt akbar tal-SDG; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa qafas u gwida komuni dwar il-verifika olistika tas-sostenibbiltà tal-finanzjament tal-UE, skont l-approċċ ta' Tim Ewropa biex jiġu żgurati kemm l-effettività kif ukoll l-effiċjenza fil-politiki Ewropej tal-iżvilupp; jitlob li jiġi sfruttat l-approċċ ta' Tim Ewropa biex tiġi żgurata koordinazzjoni mill-qrib bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha biex tinkiseb l-Aġenda 2030; jistieden lill-UE tkun minn ta' quddiem fil-mobilizzazzjoni ta' riżorsi finanzjarji adegwati mill-pajjiżi żviluppati biex jiġu appoġġjati t-trasformazzjonijiet tal-SDGs u l-ħtieġa urġenti ta' adattament għat-tibdil fil-klima fl-aktar pajjiżi vulnerabbli; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-arkitettura finanzjarja Ewropea l-ġdida għall-iżvilupp issegwi l-għan li tirrestawra s-Sistema Multilaterali ta' Finanzi Uffiċjali (MSOF), sabiex jintemm is-self mhux sostenibbli ta' xi pajjiżi li mhumiex membri tal-MSOF;
37. Jisħaq fuq l-urġenza li jiżdiedu l-ambizzjoni u l-azzjoni fir-rigward tal-mitigazzjoni, l-adattament u l-finanzjament f'dan id-deċennju kritiku biex jiġu indirizzati l-lakuni bejn l-Istati Membri dwar kwistjonijiet ambjentali;
38. Jisħaq fuq l-importanza li jitkomplew l-isforzi biex jintlaħqu l-SDGs u jtenni li anke fi żminijiet ta' restrizzjonijiet baġitarji, l-edukazzjoni tibqa' dritt fundamentali u investiment essenzjali biex jippermetti l-ilħuq tal-SDGs kollha u jissottolinja r-rwol importanti tal-UE permezz tal-assistenza umanitarja u sħubijiet aktar b'saħħithom ma' partijiet differenti tad-dinja, inkluża l-Afrika;
39. Jissottolinja r-rwol ewlieni li għandhom l-edukazzjoni, il-kultura, l-isport u l-programmi rispettivi tagħhom tal-UE fl-ilħuq tal-SDGs u jappella għat-tisħiħ tad-dimensjoni internazzjonali tagħhom filwaqt li jirrikonoxxi s-setgħa tad-diplomazija bejn il-persuni;
40. Jisħaq fuq l-importanza tal-SDG 4.1, li l-għan tiegħu huwa ċiklu sħiħ u ta' kwalità ta' edukazzjoni primarja u sekondarja fuq perjodu ta' 12-il sena bla ħlas għal kulħadd; ifakkar li l-livelli attwali ta' nfiq tal-gvern f'pajjiżi b'introjtu baxx u b'introjtu medju inferjuri ma jilħqux il-livelli meħtieġa biex jintlaħqu l-SDGs; ifakkar li l-finanzjament estern huwa essenzjali biex jiġu appoġġjati l-opportunitajiet edukattivi tal-ifqar nies fid-dinja; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-assistenza għall-iżvilupp biex jintlaħaq l-objettiv ta' aċċess universali għall-edukazzjoni permezz tal-appoġġ baġitarju tal-UE, li wera l-effiċjenza tiegħu fil-qasam tal-edukazzjoni;
41. Jinkoraġġixxi lill-mexxejja dinjija jikkunsidraw il-konnettività u l-aċċess għall-infrastruttura diġitali, bħall-aċċess għal network ta' kwalità u bi prezz raġonevoli, bħala dritt derivat mid-dritt fundamentali għall-edukazzjoni;
42. Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina u tappoġġja lill-Istati Membri b'rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u l-iskambju tal-aħjar prattiki biex itejbu l-kwalità u l-inklużività tas-sistemi edukattivi tagħhom u jagħlqu d-diskrepanzi bejn il-ġeneri u dawk soċjoekonomiċi fil-ksib tal-ħiliet bażiċi u fl-adozzjoni tax-xjenza, it-teknoloġija, l-arti, l-inġinerija u l-matematika f'konformità mal-viżjoni taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tal-UE u l-SDG 4;
43. Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-GreenComp, il-qafas Ewropew ta' kompetenza għas-sostenibbiltà, biex jiżviluppaw approċċ sistematiku lejn l-iżvilupp ta' mentalità ta' sostenibbiltà bejn l-etajiet u l-livelli edukattivi li jikkombina r-rilevanza għar-realtajiet lokali, reġjonali u nazzjonali ma' approċċ konsistenti fiż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Istati Membri biex jikkompletaw iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025, bħala pass intermedju essenzjali lejn l-ilħuq tal-miri stabbiliti fl-SDG 4;
44. Iħeġġeġ in-networking bejn is-setturi edukattivi mhux formali u formali biex jinħolqu komunitajiet ta' tagħlim professjonali li jappoġġjaw lill-għalliema hekk kif dawn jinnovaw il-prattiki pedagoġiċi, irawmu litteriżmi multipli, jiffaċilitaw is-sjieda tal-istudenti u jrawmu l-intelliġenza emozzjonali u r-reżiljenza tagħhom fid-dawl tal-biżgħat u l-inċertezzi; jiġbed l-attenzjoni għall-esperjenza tal-assoċjazzjonijiet sportivi u kulturali fil-livell lokali f'dan ir-rigward;
45. Jinsisti li l-awtoritajiet edukattivi jinvestu biex itejbu l-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali b'infrastrutturi tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku, proċessi ta' diġitalizzazzjoni u rabtiet mat-triangolu tal-għarfien, li jallinjaw is-settur mal-għanijiet ta' sostenibbiltà ambjentali u soċjali u jpoġġuh f'pożizzjoni li jipprovdi perkorsi alternattivi għall-iżvilupp tal-ħiliet li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-SDGs;
46. Ifakkar lill-edukaturi dwar ir-rwol essenzjali tal-edukazzjoni bikrija tat-tfal fit-trawwim ta' attitudnijiet u valuri fit-tfal żgħar li jwasslu għall-iżvilupp ta' mentalitajiet ta' sostenibbiltà u biex jinvolvu lill-familji tagħhom ħalli jikkunsidraw modi kif huma wkoll jistgħu jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà kemm bħala individwi kif ukoll bħala komunità;
47. Jinkoraġġixxi l-intraprenditorija taż-żgħażagħ bħala mekkaniżmu biex jintlaħqu l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli fl-UE u lil hinn minnha b'għodod Ewropej bħall-Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ u l-programm ta' edukazzjoni u sensibilizzazzjoni dwar l-iżvilupp, minħabba l-potenzjal li jittejbu r-rati ta' impjieg, jiġi żgurat għajxien deċenti għal gruppi vulnerabbli u jiġu żviluppati soluzzjonijiet innovattivi;
48. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li tlieta mill-erba' miri tal-SDG 14 (ħajja taħt l-ilma) tal-2020 ma ntlaħqux mill-UE; jesprimi dispjaċir, barra minn hekk, għall-fatt li fl-2020, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri sabet li, filwaqt li kien hemm qafas stabbilit għall-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar, l-azzjonijiet tal-UE ma kinux irrestawraw l-ibħra għal status ambjentali tajjeb, u lanqas is-sajd għal livelli sostenibbli fl-ibħra kollha; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet ta' dan ir-rapport fil-pjan ta' azzjoni li jmiss tagħha biex tikkonserva r-riżorsi tas-sajd u tipproteġi l-ekosistemi tal-baħar, kif ukoll fl-azzjonijiet li ġejjin fl-ambitu tal-istrateġija tal-bijodiversità;
49. Ifakkar li l-kriżijiet klimatiċi u tal-bijodiversità huma interkonnessi u jeħtieġ li jiġu indirizzati b'mod koerenti u flimkien; jenfasizza li huma meħtieġa b'mod urġenti miri legalment vinkolanti għar-restawr tan-natura biex jiġi indirizzat it-tnaqqis drastiku tal-bijodiversità fl-UE u jintlaħqu l-SDGs 14 u 15 ħalli jgħinu biex tittaffa l-kriżi klimatika u tinbena r-reżiljenza; jesprimi dispjaċir, f'dan ir-rigward, għad-dewmien tal-proposta għal liġi tal-UE dwar ir-restawr tan-natura u jappella għall-pubblikazzjoni rapida tagħha;
50. Jissottolinja l-importanza tal-SDG 17 (sħubijiet għall-għanijiet); jinnota, fil-qafas tas-sħubijiet globali u l-bini tal-kapaċitajiet, ir-rwol innovattiv ta' inizjattivi b'sors miftuħ, bħall-inizjattiva tal-Għanijiet ta' Żvilupp Intern, li għandhom l-għan li jedukaw, jispiraw u jagħtu s-setgħa lin-nies biex ikunu forza pożittiva għall-bidla fis-soċjetà, u b'hekk jaċċelleraw il-progress lejn l-ilħuq tal-SDGs;
Kooperazzjoni multilaterali
51. Jinsisti li se jkunu meħtieġa impenn politiku globali mġedded u kooperazzjoni multilaterali intensifikata sabiex l-UE u s-sħab tagħha jagħmlu progress sinifikattiv fit-tmien snin li ġejjin; jappella għal impenji orjentati lejn l-azzjoni f'dak li huwa l-ilħuq tal-SDGs sas-Summit tal-SDGs tal-2023, li se jimmarka l-punt tan-nofs tal-perjodu ta' implimentazzjoni tal-Aġenda 2030; ifakkar li, bħala l-aktar proġett ta' integrazzjoni ta' suċċess fid-dinja, b'rekord ta' promozzjoni b'suċċess tal-multilateraliżmu, u bħala entità globali li tistabbilixxi l-istandards, l-UE tinsab f'pożizzjoni unika biex taċċellera l-progress fl-SDG 17 (sħubijiet għall-għanijiet); jistieden, għalhekk, lill-UE tassumi rwol ta' tmexxija fil-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-2022 u fis-Summit tal-SDGs tal-2023 fid-definizzjoni ta' din l-iżvolta politika; jissuġġerixxi li l-President tal-Kummissjoni tkun involuta b'mod attiv f'kull Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli;
52. Jinsab allarmat dwar il-fatt li t-telfien tal-bijodiversità u tas-servizzi tal-ekosistema se jimmina l-progress f'madwar 80 % tal-miri vvalutati għall-SDGs; ifakkar li r-restawr ekoloġiku huwa essenzjali għall-implimentazzjoni tal-approċċ "Saħħa Waħda"; jappella lill-UE tindirizza l-kawżi ewlenin li jwasslu għat-telfien tal-bijodiversità u tintegra l-obbligi għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi fil-politiki usa' tal-iżvilupp;
53. Jissottolinja, li d-dritt internazzjonali evolva biex iħaddan kunċetti ġodda bħall-wirt komuni tal-umanità, l-iżvilupp sostenibbli u l-ġenerazzjonijiet futuri, iżda jisħaq li ma hemm l-ebda mekkaniżmu permanenti internazzjonali għall-monitoraġġ u l-indirizzar tal-ħsara u l-qerda ambjentali li jibdel b'mod sinifikanti l-beni komuni globali jew is-servizzi tal-ekosistema;
54. Jisħaq fuq il-fatt li l-Ewropa qed tiffaċċja l-akbar sfidi tal-SDGs fl-oqsma tas-sistemi tal-ikel sostenibbli, l-enerġija bi prezz raġonevoli, nadifa, l-agrikoltura, il-klima u l-bijodiversità (SDGs 2, 12, 13, 14 u 15); jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa analiżi komparattiva robusta tal-SDG 6 (ilma nadif u sanità) u l-SDG 14 (ħajja taħt l-ilma), speċjalment fid-dawl tal-Konferenza tan-NU dwar l-Oċeani f'Lisbona f'Ġunju 2022 u l-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli f'Lulju 2022, peress li x-xejriet ma jistgħux jiġu kkalkulati minħabba data komparabbli insuffiċjenti matul l-aħħar ħames snin; jistieden lill-Kummissjoni tenfasizza l-ħtieġa ta' produzzjoni u konsum sostenibbli, speċjalment fir-rigward tal-fehim tal-konsumaturi dwar kif l-imġiba tal-konsum tagħhom tħalli impatt fuq l-SDGs; jisħaq li l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki ma' pajjiżi sħab tista' tipprovdi lill-UE u lill-Istati Membri tagħha b'għarfien sinifikanti fir-rigward ta' inizjattivi u azzjonijiet individwali li jistgħu jittieħdu biex jintlaħqu l-għanijiet "Lesti għall-mira ta' 55 %", u li l-UE tista' wkoll taqsam l-esperjenza u l-aħjar prattiki tagħha ma' pajjiżi sħab; jemmen li, minħabba l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja u l-impatt tagħha, fost l-oħrajn, fuq is-settur tal-ikel, il-progress f'uħud mill-SDGs, b'mod partikolari 1, 2 u 10 jista' mhux biss jimxi bil-mod, iżda jitreġġa' lura, kemm fl-UE kif ukoll globalment; jinsab partikolarment imħasseb dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel, l-impatt tagħhom fuq l-LDCs u ż-żieda li tirriżulta fil-faqar, in-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel, il-malnutrizzjoni u l-ġuħ;
55. Ifakkar li t-tibdil fil-klima se jpoġġi dejjem aktar pressjoni fuq il-produzzjoni u l-aċċess tal-ikel, speċjalment f'reġjuni vulnerabbli, filwaqt li jdgħajjef is-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni; jenfasizza l-konklużjonijiet tar-rapport tal-IPCC tal-2022, li skonthom it-tisħin globali se jdgħajjef progressivament is-saħħa tal-ħamrija u s-servizzi tal-ekosistema, li se jimmina l-produttività tal-ikel f'ħafna reġjuni fuq l-art u fl-oċeani; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jibqgħu impenjati bis-sħiħ għall-involvimenti u l-obbligi internazzjonali tagħhom dwar il-klima u l-bijodiversità u għall-Patt Ekoloġiku, inklużi l-istrateġija għall-bijodiversità u l-istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt", speċjalment f'kuntest li fih il-kriżi tal-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna wrew kemm il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp huma vulnerabbli għat-tfixkil tas-suq globali tal-ikel;
56. Jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-ksib ta' effetti kollaterali pożittivi, speċjalment fin-Nofsinhar Globali, u d-dħul f'ċirku virtuż fi sħubijiet internazzjonali; jissottolinja s-sinifikat tad-dimensjoni esterna, peress li l-UE tirrappreżenta biss 19 % tal-prestazzjoni ekonomika globali u 5,6 % tal-popolazzjoni dinjija, biż-żewġ ishma dejjem jonqsu; jirrimarka li l-ilħuq tal-SDG 10 huwa l-lieva strateġika li se tagħti s-setgħa lis-sħab tagħna jpoġġu lilhom infushom fit-triq lejn l-iżvilupp sostenibbli;
57. Jisħaq fuq il-fatt li mill-inqas 85 % tal-azzjoni esterna l-ġdida kollha implimentata permezz tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali se tkun meħtieġa tinkorpora l-ġeneru bħala objettiv sinifikanti jew prinċipali, kif definit mill-indikatur tal-politika tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri tal-Kumitat ta' Għajnuna għall-Iżvilupp tal-OECD, u mill-inqas 5 % ta' dawn l-azzjonijiet għandu jkollhom l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet bħala objettivi ewlieni; itenni li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Istati Membri għandhom iqisu s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi bħala prijorità fil-proċess ta' programmazzjoni tal-UE, inkluż fil-programmazzjoni konġunta; jinsisti fuq l-implimentazzjoni rapida u sħiħa tar-rekwiżit fil-programm ta' azzjoni ambjentali tal-UE sal-2030 li l-ġeneru jiġi integrat fil-politiki klimatiċi u ambjentali kollha, inkluż billi tiġi inkorporata perspettiva tal-ġeneru fl-istadji kollha tal-proċess tat-tfassil tal-politika;
58. Jistieden lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri, kif xieraq, jippreżentaw ir-riżultati rilevanti miksuba dwar l-implimentazzjoni tal-ħames SDGs prijoritarji fil-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli 2022 li jmiss, jiġifieri, l-SDGs 4 (edukazzjoni ta' kwalità), 5 (ugwaljanza bejn il-ġeneri), 14 (ħajja taħt l-ilma), 15 (ħajja fuq l-art), u 17 (sħubijiet għall-għanijiet); jisħaq fuq l-importanza tal-involviment attiv tal-Parlament fil-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u li għandu jkun parti integrali mid-delegazzjoni tal-UE; jistenna, għalhekk, li l-Membri tal-Parlament jitħallew jattendu l-laqgħat ta' koordinazzjoni tal-UE u jkollhom garanzija ta' aċċess għad-dokumenti matul is-summit kollu;
o o o
59. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi u lin-Nazzjonijiet Uniti.
Eurostat, il-Kummissjoni Ewropea, "EU SDG Indicator set 2021 – Result of the review in preparation of the 2021 edition of the EU SDG monitoring report" (Sett ta' Indikaturi tal-SDGs tal-UE għall-2021 – Riżultat tar-rieżami fit-tħejjija tal-edizzjoni tal-2021 tar-rapport ta' monitoraġġ tal-SDGs tal-UE), 2021.
Dipartiment Tematiku għall-Affarijiet Baġitarji, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, "The Sustainable Development Goals in the EU budget'" (L-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli fil-baġit tal-UE), 2021.
Dipartiment Tematiku għall-Affarijiet Baġitarji, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, "Budgetary control of the Sustainable Development Goals in the EU budget – What measures are in place to ensure effective implementation?" (Kontroll Baġitarju tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli fil-baġit tal-UE – X'miżuri huma stabbiliti biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva?), 2021.
OECD, "Global Outlook on Financing for Sustainable Development 2021 – A New Way to Invest for People and Planet" (Perspettiva Globali dwar l-Iżvilupp Sostenibbli 2021 – Mod Ġdid kif Ninvestu fin-Nies u l-Pjaneta), Pariġi, 2020.
Implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza
243k
77k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2022 dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (2021/2251(INI))
– wara li kkunsidra l-Artikolu 175 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza(1) (ir-Regolament dwar l-RRF),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni(2) (ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2021 dwar id-dritt għall-informazzjoni tal-Parlament rigward il-valutazzjoni li għaddejja tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar il-fehmiet tal-Parlament dwar il-valutazzjoni li qed issir mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-7 ta' April 2022 dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta' Marzu 2022, inklużi l-aħħar żviluppi tal-gwerra kontra l-Ukrajna u s-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja u l-implimentazzjoni tagħhom(5), u tad-19 ta' Mejju 2022 dwar il-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tal-gwerra Russa fl-Ukrajna għall-UE – it-tisħiħ tal-kapaċità tal-UE li taġixxi(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2022 dwar l-istat tad-dritt u l-approvazzjoni potenzjali tal-Pjan Nazzjonali ta' Rkupru (RRF) tal-Polonja(7),
– wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2106 tat-28 ta' Settembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza billi jistabbilixxi l-indikaturi komuni u l-elementi dettaljati tat-tabella ta' valutazzjoni tal-irkupru u r-reżiljenza(8),
– wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2105 tat-28 ta' Settembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza bid-definizzjoni ta' metodoloġija għar-rapportar dwar in-nefqa soċjali(9),
– wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-20 ta' Ottubru 2021 dwar l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2021(10),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2021 bit-titolu "Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2022" (COM(2021)0740),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2021 bit-titolu "L-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tal-2022: Valutazzjoni Kumplessiva" (COM(2021)0900),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2021 bit-titolu "Analysis of the euro area economy" (Analiżi tal-ekonomija taż-żona tal-euro) li jakkumpanja d-dokument "Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro" (SWD(2021)0362),
– wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni tal-1 ta' Diċembru 2021 dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza(11),
– wara li kkunsidra l-ewwel rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità Għall-Irkupru u r-Reżiljenza (COM(2022)0075) ippubblikat fl-1 ta' Marzu 2022,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2022 bit-titolu "REPowerEU: Azzjoni Ewropea Konġunta għal enerġija aktar affordabbli, sikura u sostenibbli" (COM(2022)0108),
– wara li kkunsidra l-analiżi konġunta tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u tal-Kunsill tal-Muniċipalitajiet u r-Reġjuni Ewropej (CEMR) dwar l-involviment tal-muniċipalitajiet, il-bliet u r-reġjuni fit-tħejjija tal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u r-riżultati tal-konsultazzjoni mmirata tagħhom tas-27 ta' April 2022 bit-titolu "Implementation of the Recovery and Resilience Facility: the perspective of local and regional authorities" (L-Implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza: il-perspettiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-10 ta' Marzu 2022 dwar l-istat tad-dritt u l-konsegwenzi tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea(12), u tal-5 ta' Mejju 2022 dwar is-seduti ta' smigħ li għaddejjin bħalissa skont l-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) rigward il-Polonja u l-Ungerija(13),
– wara li kkunsidra t-tabella ta' valutazzjoni tal-irkupru u r-reżiljenza u l-analiżijiet tematiċi tagħha kif ukoll il-preżentazzjonijiet lill-Parlament(14),
– wara li kkunsidra l-Avviż tal-Kummissjoni tat-12 ta' Frar 2021 bit-titolu "Gwida teknika dwar l-applikazzjoni ta' "ma tagħmilx ħsara sinifikanti" skont ir-Regolament dwar l-Irkupru u r-Reżiljenża" (C(2021)1054),
– wara li kkunsidra l-analiżi u l-briefings tas-servizzi ta' riċerka tiegħu dwar l-RRF(15),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni,
– wara li kkunsidra l-ittri tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0171/2022),
A. billi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) hija l-element ewlieni tal-pakkett ta' stimolu ta' Next Generation EU (NGEU);
B. billi EUR 672,5 biljun f'għotjiet u self se jkunu disponibbli biex jiffinanzjaw miżuri nazzjonali mfassla biex itaffu l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19 (minn hawn 'il quddiem "il-pandemija"); billi l-Parlament inizjalment kien favur sehem akbar ta' għotjiet fl-RRF;
C. billi l-finanzjament tal-RRF jappoġġa oqsma ewlenin ta' politika bħat-tranżizzjoni ekoloġika, it-trasformazzjoni diġitali, il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, ir-reżiljenza istituzzjonali u t-tħejjija għall-kriżijiet, kif ukoll it-tfal u ż-żgħażagħ, inklużi l-edukazzjoni u l-ħiliet;
D. billi l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja fl-24 ta' Frar 2022 wasslet lill-UE biex timponi sanzjonijiet ekonomiċi mingħajr preċedent; billi l-kunflitt iġġenerat mir-Russja wassal biex għadd kbir ta' ċittadini Ukreni jitilqu mill-Ukrajna u jivvjaġġaw lejn l-UE u jmorru jgħixu fiha; billi l-invażjoni militari se tiġġenera konsegwenzi ekonomiċi u soċjali fil-kontinent Ewropew kollu, b'mod partikolari fil-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant, inkluż fir-rigward tal-ħtieġa urġenti li titnaqqas id-dipendenza enerġetika fuq il-fjuwils fossili importati;
E. billi l-UE qed issofri diffikultajiet fl-aċċess għal ċerta materja prima kritika b'konsegwenzi possibbli għall-implimentazzjoni tal-RRF;
F. billi l-pandemija kellha effett devastanti fuq is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tan-nies u n-negozji fl-Ewropa; billi l-ekonomija tal-UE rat tnaqqis sinifikanti matul il-pandemija; billi n-negozji tal-UE, u b'mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), ġew affettwati mill-pandemija b'konsegwenzi negattivi għat-tkabbir u l-kompetittività tal-UE kif ukoll għall-produttività u l-kapaċità tagħhom li joħolqu l-impjiegi; billi s-suq uniku tal-UE huwa l-ixprun ewlieni għat-tkabbir fl-UE u għandu jissaħħaħ u jiġi protett mill-effetti negattivi tal-pandemija, filwaqt li fl-istess ħin għandhom jiġu promossi l-investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni; billi xi pajjiżi għal darb'oħra raw żieda aktar mill-medja fil-qgħad matul il-pandemija; billi n-nisa, iż-żgħażagħ, il-persuni akbar fl-età, il-persuni b'diżabilità u l-familji kbar huma f'riskju akbar minħabba dan l-iżvilupp; billi s-settur tas-saħħa tal-UE ġġebbed sal-limiti tiegħu matul il-pandemija u r-reżiljenza tiegħu ġiet ittestjata u affettwata serjament; billi r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ għadha ogħla mir-rata ġenerali tal-qgħad; billi ż-żgħażagħ għandhom riskju ogħla ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali, kif ukoll riskju konsiderevoli għall-aċċess tagħhom għal impjiegi ta' kwalità;
G. billi l-iżvilupp kostanti tal-ħiliet diġitali, kif ukoll l-iżvilupp ta' ħiliet b'potenzjal ekonomiku bħal ħiliet ekoloġiċi jew intraprenditorjali, huma essenzjali għal suq tax-xogħol Ewropew kompetittiv, b'saħħtu, inklużiv u orjentat lejn il-futur u għandhom joħolqu aċċess u opportunitajiet għal kull ċittadin Ewropew għal impjiegi ta' kwalità; billi l-istess japplika għall-edukazzjoni vokazzjonali, il-ħiliet fil-kummerċ u l-ħiliet għall-ħajja; billi l-UE jeħtieġ li tegħleb kwalunkwe spariġġ fil-ħiliet sabiex tagħmel użu effettiv mill-kapital uman tagħha; billi l-aċċess għal infrastruttura diġitali xierqa u għat-taħriġ dwar il-ħiliet diġitali għandu jkun disponibbli għal kulħadd sabiex jiġi evitat li jitwessa' d-distakk fost in-nies fir-rigward tal-litteriżmu diġitali u jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għal kulħadd fis-sistema tal-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol;
H. billi, biex ikunu eliġibbli għall-finanzjament, l-NRRPs iridu jinkludu riformi u investimenti li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tas-sitt pilastri tar-Regolament dwar l-RRF, u li jirrispettaw l-objettivi ġenerali u speċifiċi, il-prinċipji orizzontali u l-ħdax-il kriterju ta' valutazzjoni stabbiliti fir-Regolament dwar l-RRF;
I. billi d-djalogu u t-trasparenza bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri huma kruċjali għall-implimentazzjoni ottimali tal-RRF;
J. billi l-Kummissjoni, li hija responsabbli għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-RRF, trid tinforma regolarment lill-Parlament dwar l-istatus tal-valutazzjoni tal-NRRPs, u kif il-miri u l-istadji importanti ġew implimentati mill-Istati Membri, inkluż il-kontribut tagħhom għall-progress biex jintlaħqu l-miri ekoloġiċi u diġitali; billi l-Kummissjoni hija meħtieġa tqis il-fehmiet tal-Parlament;
K. billi l-Istati Membri jridu jistabbilixxu u jżommu sistemi ta' kontroll b'saħħithom u jwettqu l-verifiki meħtieġa biex jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-RRF;
L. billi r-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt iservu biex jidentifikaw l-isfidi tal-istat tad-dritt u jgħinu lill-Istati Membri jsibu soluzzjonijiet bl-appoġġ tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri l-oħra;
M. billi r-Regolament jipprovdi l-possibbiltà għal Stat Membru li jagħmel talba motivata biex jiġi emendat l-NRRP tiegħu fil-perjodu ta' implimentazzjoni, jekk iċ-ċirkostanzi oġġettivi jiġġustifikaw tali azzjoni;
N. billi l-kontroll demokratiku u l-iskrutinju parlamentari fuq l-implimentazzjoni tal-RRF huma possibbli biss bl-involviment sħiħ tal-Parlament u bil-kunsiderazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet kollha tiegħu fl-istadji kollha, u billi l-Parlament se jkompli jiskrutinizza l-implimentazzjoni tal-RRF;
O. billi sal-31 ta' Lulju 2022, il-Kummissjoni se tippreżenta rapport ta' rieżami dwar l-implimentazzjoni tal-RRF lill-Parlament u lill-Kunsill;
Mitigazzjoni tal-impatt soċjali u ekonomiku tal-kriżi
1. Jenfasizza li l-RRF hija strument bla preċedent ta' solidarjetà u pedament tal-istrument NGEU, li jispiċċa fl-2026, bħala l-għodda prinċipali fir-rispons tal-UE għall-pandemija għat-tħejjija tal-ekonomiji tal-UE biex jaffaċċjaw sfidi ġodda;
2. Ifakkar li r-rispons tal-UE għall-pandemija kien determinat, koordinat, komprensiv, f'waqtu u bbażat fuq is-solidarjetà, u dan wassal għal użu estensiv tal-istrumenti eżistenti u l-użu ta' strumenti ta' finanzjament addizzjonali; ifakkar ukoll li l-Istati Membri ħadu miżuri fiskali mdaqqsa b'reazzjoni għall-pandemija u b'appoġġ għall-irkupru (5,2 % tal-prodott gross domestiku (PGD) fl-2021 u 2,8 % tal-PGD fl-2022);
3. Jenfasizza l-effett stabbilizzanti tal-RRF għall-Istati Membri fi żmien ta' inċertezza ekonomika kbira, it-trażżin tal-kriżi u l-mitigazzjoni tal-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali negattivi tagħha u l-appoġġ lill-gvernijiet biex iżommu l-livelli ta' investiment filwaqt li jwieġbu għal pressjoni enormi fuq il-baġits nazzjonali;
4. Jissottolinja, barra minn hekk, ir-rwol strumentali tal-RRF fit-trawwim tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, fil-prevenzjoni tal-frammentazzjoni tas-suq intern u fl-approfondiment tad-diverġenzi makroekonomiċi;
5. Jilqa' l-fatt li anke jekk l-effetti ekonomiċi tal-RRF ma jistgħux jinħallu kompletament minn żviluppi oħra, jidher ġust li jiġi konkluż li, s'issa, l-RRF kellha effetti pożittivi fuq il-PDG u li l-implimentazzjoni effettiva tagħha se tkun fundamentali għat-tkabbir ekonomiku tal-UE; jenfasizza r-rwol tal-RRF fil-protezzjoni tal-ispazju fiskali tal-Istati Membri mix-xokk ekonomiku sostanzjali tal-pandemija; jirrikonoxxi li filwaqt li l-impatt ewlieni fuq it-tkabbir tal-PDG huwa mistenni li jseħħ matul is-snin ta' wara, l-RRF diġà għenet tipproteġi l-ekonomiji u ċ-ċittadini tal-UE mill-aktar impatti akuti tal-pandemija u qed jikkontribwixxi b'mod pożittiv għall-irkupru u r-reżiljenza tal-UE, inklużi l-koeżjoni ekonomika u soċjali, l-impjiegi, il-produttività, il-kompetittività, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, u suq intern li jiffunzjona tajjeb b'SMEs b'saħħithom; jisħaq li jeżistu diverġenzi sinifikanti fost l-Istati Membri fir-rigward tar-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali, li għandhom impatt fuq id-dinamika ta' rkupru irregolari; jirrimarka li l-RRF tikkatalizza t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u għandha rwol ewlieni fit-tisħiħ tat-tranżizzjoni sostenibbli u l-benesseri tan-nies għal ekonomija reżiljenti, ġusta, inklużiva, kompetittiva u valida għall-futur fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti ambizzjużi;
6. Josserva l-impatt imdaqqas tal-istrument NGEU kif stmat mill-Kummissjoni, il-BĊE u l-FMI, b'mod partikolari b'żieda fit-tkabbir tal-PDG sa 1,5 punt perċentwali ogħla milli mingħajr l-investiment tal-NGEU, meta implimentat b'mod effettiv;
7. Jinnota, barra minn hekk, li l-Kummissjoni tipprevedi li l-għotjiet tal-RRF se jiffinanzjaw 24 % tal-miżuri totali ta' appoġġ għall-irkupru fl-2022; jenfasizza l-effetti kollaterali makroekonomiċi pożittivi u l-potenzjal ta' riformi u investiment immirati sew; jirrimarka li l-għotjiet tal-RRF se jkomplu jipprovdu appoġġ fiskali sostanzjali lill-Istati Membri u għalhekk jistgħu jippermettulhom iwettqu riformi strutturali u investimenti b'effetti dejjiema fuq l-irkupru u r-reżiljenza tal-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu minn din l-opportunità;
8. Jirrimarka li implimentazzjoni b'suċċess u trasparenti tal-RRF tikkontribwixxi biex l-ekonomiji u s-soċjetajiet tal-UE jsiru aktar sostenibbli, inklużivi u reżiljenti, aktar kompetittivi fuq terminu twil, aktar awtonomi strateġikament u mħejjija aħjar għall-isfidi attwali u dawk futuri; jisħaq li implimentazzjoni b'suċċess tal-NRRPs se trawwem il-konverġenza ekonomika u soċjali u l-koeżjoni territorjali, u tnaqqas l-inugwaljanzi soċjali;
9. Jemmen li sabiex l-RRF tilħaq l-objettivi ġenerali tagħha u tappoġġa lill-UE biex tirpilja mill-kriżi, u timmassimizza l-impatt fit-tul fuq l-ekonomija u s-soċjetà tal-UE, huwa imperattiv li l-Istati Membri jimplimentaw bir-reqqa u f'waqtu r-riformi u l-investimenti miftiehma; ifakkar li l-RRF hija mekkaniżmu bbażat fuq il-prestazzjoni, fejn il-finanzjament jiġi żborżat ladarba jitwettqu l-istadji importanti u l-miri relatati mal-miżuri; ifakkar li l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali u ta' dawk responsabbli għall-iżvilupp ta' dawk il-politiki hija kruċjali għas-suċċess tal-RRF, kif iddikjarat fl-Artikolu 28 tar-Regolament dwar l-RRF;
10. Iwissi li l-RRF se ttaffi biss l-impatt soċjali u ekonomiku tal-kriżi jekk il-fondi jiġu assorbiti u jintefqu b'mod effettiv, sabiex jilħqu l-ekonomija reali u lin-nies; jistieden lill-Istati Membri jieħdu d-deċiżjonijiet xierqa rigward l-istrutturi amministrattivi u r-riżorsi umani ddedikati biex jiżguraw in-nefqa f'waqtha tal-fondi tal-RRF;
11. Jissottolinja li l-pandemija enfasizzat il-ħtieġa li tiżdied l-awtonomija strateġika tal-Unjoni fil-ktajjen tal-provvista ewlenin u fl-infrastrutturi u s-servizzi kritiċi; jinnota li l-investimenti tal-RRF fit-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali għandhom jikkontribwixxu biex tiżdied l-awtonomija strateġika u l-indipendenza tal-UE, b'mod partikolari biex titnaqqas id-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili importati; jinnota li skont il-Kummissjoni, l-RRF mistennija tagħti spinta kbira lill-implimentazzjoni tal-istrateġija industrijali tal-UE u b'hekk jiġu żviluppati aktar l-industriji tal-UE;
12. Jenfasizza li l-pakketti ta' riformi u investimenti, b'mod partikolari dawk li jsaħħu t-tkabbir fl-ambitu tal-RRF, għandhom jiġġeneraw ukoll valur miżjud tal-UE; jinnota li skont il-Kummissjoni, l-effetti tal-PDG madwar l-UE huma madwar terz akbar meta jitqiesu b'mod espliċitu l-effetti kollaterali mill-miżuri tal-pajjiżi individwali; jenfasizza li l-pakketti ta' riformi u investimenti fl-ambitu tal-RRF għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-prijoritajiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-aġenda diġitali, u għall-promozzjoni u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd;
13. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk kienx hemm duplikazzjoni bla bżonn ta' investimenti fl-NRRPs ta' Stati Membri ġirien u biex tassisti lill-Istati Membri jevitaw sovrapożizzjoni bla bżonn;
14. Jiddeplora l-fatt li n-nisa(16), it-tfal(17), iż-żgħażagħ, l-anzjani u l-gruppi vulnerabbli kienu dawk l-iktar milquta mill-kriżi tal-COVID-19; ifakkar fil-ħtieġa li tiġi żgurata l-inklużività sabiex l-UE ma tħalli lil ħadd jibqa' lura, u li hija tindirizza l-impatti soċjoekonomiċi speċifiċi għall-ġeneru fit-triq tagħha lejn l-irkupru, u li għadd ta' konsegwenzi speċifiċi għall-ġeneru tal-kriżi ma jiġux indirizzati mill-NRRPs; jilqa' t-titjib tal-aċċessibbiltà u l-kwalità tal-faċilitajiet tal-kura, iżda jiddeplora l-fatt li dawn għadhom limitati wisq;
15. Itenni l-importanza tas-sitt pilastri sabiex jipprovdu lill-Istati Membri bi struttura biex jipproponu u jimplimentaw riformi u investimenti li jindirizzaw it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, l-ekonomija, il-produttività u l-kompetittività, il-koeżjoni soċjali u territorjali, ir-reżiljenza tas-saħħa u istituzzjonali, u miżuri għat-tfal u ż-żgħażagħ; jenfasizza li l-Istati Membri kollha huma meħtieġa mir-Regolament dwar l-RRF li jinkludu fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom miżuri li jindirizzaw il-pilastri kollha; jiddeplora l-fatt li mhux l-Istati Membri kollha għażlu li jirrispettaw l-istruttura tal-pilastri tar-Regolament li kienet se tippermetti monitoraġġ aktar faċli;
Aspetti ta' finanzjament tal-RRF
16. Jinnota li fis-26 NRRP li ġew ippreżentati s'issa, l-Istati Membri talbu total ta' EUR 331,7 biljun f'għotjiet mit-EUR 338 biljun disponibbli; jinnota, barra minn hekk, li mhux l-Istati Membri kollha, fl-NRRPs attwali tagħhom, talbu l-ammont sħiħ tal-għotjiet disponibbli għalihom kif imsemmi fl-Artikolu 11 tar-Regolament dwar l-RRF;
17. Huwa mħasseb, madankollu, li seba' Stati Membri biss talbu self li jammonta għal total ta' EUR 166 biljun mit-EUR 385,8 biljun disponibbli għal self, li jħalli ammont konsiderevoli disponibbli f'każ li l-Istati Membri jkunu jeħtieġu self fi stadju ulterjuri; huwa mħasseb ħafna li l-interess limitat fil-komponent tas-self jista' jwassal għal opportunitajiet mitlufa u jipprevjeni lill-RRF milli tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha; jissottolinja li jekk l-Istati Membri li l-NRRPs tagħhom diġà ġew approvati ikunu jixtiequ jitolbu self, se jkun hemm bżonn li l-NRRP rispettiv jiġi emendat, fejn rilevanti bis-sett addizzjonali ta' riformi u investimenti, stadji importanti u miri, mingħajr ma jitreġġgħu lura l-miżuri diġà implimentati; iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw il-potenzjal sħiħ tal-RRF, inkluż is-self, biex jiġġieldu l-effetti tal-pandemija u l-isfidi futuri;
18. Jagħti lill-Kummissjoni l-kompitu li tanalizza r-raġunijiet għaliex l-Istati Membri ma talbux self sal-ammont sħiħ tal-allokazzjoni tagħhom, li jista' jipprevjeni lill-RRF milli tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha; ifakkar li Stat Membru jista' jitlob appoġġ fil-forma ta' self fil-ħin tal-preżentazzjoni ta' pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jew f'mument differenti sal-31 ta' Awwissu 2023, f'konformità mar-Regolament dwar l-RRF fis-seħħ;
19. Ifakkar li, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament dwar l-RRF, ċirkostanzi oġġettivi jippermettu lil Stat Membru jagħmel talba motivata lill-Kummissjoni biex jagħmel proposta biex jemenda jew jissostitwixxi l-pjan approvat; ifakkar li jekk il-Kummissjoni tqis li r-raġunijiet imressqa mill-Istat Membru jiġġustifikaw emenda tal-NRRP, hija għandha tivvaluta l-NRRP emendat f'konformità mal-Artikolu 19 u tressaq proposta għal deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament; ifakkar li tali talba għal emenda tinvolvi proċedura ta' valutazzjoni u approvazzjoni identika għall-ewwel proċedura ta' valutazzjoni u approvazzjoni tal-pjanijiet, jistieden lill-Istati Membri jqisu bir-reqqa r-riskju li jdewmu l-implimentazzjoni tal-NRRPs ġenerali; jinnota li s'issa l-ebda Stat Membru ma talab biex jemenda jew jissostitwixxi l-pjan approvat; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-Artikolu 21 fir-Regolament dwar l-RRF, jinnota li ż-żieda potenzjali fil-kostijiet tal-NRRPs minħabba l-inflazzjoni sinifikanti tista' tirriżulta f'talbiet tal-Istati Membri biex jaġġornaw l-NRRPs;
20. Jinnota li l-iżvilupp tal-PDG tal-Istati Membri bħalissa huwa previst li jvarja mit-tbassir tal-Kummissjoni għall-ħarifa 2020, u dan iwassal għal bidliet mistennija fl-ammonti tal-għotjiet disponibbli għall-Istati Membri għat-tieni perjodu ta' finanzjament ta' 30 % tal-RRF; jirrimarka li bidliet sinifikanti fil-porzjon tal-għotja allokat jistgħu jirrikjedu emendi għall-RRPs;
21. Jenfasizza li l-appoġġ mill-RRF għandu jirrispetta l-prinċipju tal-addizzjonalità kif imsemmi fl-Artikolu 9 tar-Regolament dwar l-RRF; jistenna bil-ħerqa data iktar granulari u diżaggregata li tippermetti fehim aħjar tal-impatti tal-addizzjonalità tal-RRF; iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu informazzjoni trasparenti u f'waqtha lill-Kummissjoni sabiex jiġi żgurat rappurtar effettiv tal-impatt tal-RRF; itenni l-importanza tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Irkupru u r-Reżiljenza biex tingħata informazzjoni bażika liċ-ċittadini dwar il-progress ġenerali fl-implimentazzjoni tal-RRPs; jistieden lill-Kummissjoni żżid il-livell ta' trasparenza u viżwalizzazzjoni tad-data fit-Tabella ta' Valutazzjoni, u għal rappurtar aktar dettaljat, li jiffoka fuq l-indikaturi tal-eżitu u tal-impatt aktar milli fuq il-produzzjoni, kif ukoll li jiżgura analiżi kwalitattiva tar-riformi u tal-investimenti proposti;
22. Jinnota li tnax-il arranġament operazzjonali biss ġew iffirmati bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri sa nofs Ġunju 2022; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffirmaw arranġamenti operazzjonali malajr kemm jista' jkun u jitlob li l-Kummissjoni tikkomunika dawk l-arranġamenti lill-Parlament; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jippubblikaw l-arranġamenti operazzjonali, il-ftehimiet ta' finanzjament u ta' self tagħhom f'waqtu, sabiex tiġi żgurata trasparenza aħjar u tissaħħaħ ir-responsabbiltà;
23. Josserva li 21 Stat Membru rċevew prefinanzjament sa massimu ta' 13 % tal-allokazzjoni totali tagħhom, li Stat Membru wieħed ma talabx prefinanzjament u li sebgħa s'issa talbu l-ewwel pagamenti mill-RRF, filwaqt li Stat Membru wieħed talab it-tieni pagament;
24. Itenni li d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-Faċilità u l-NRRPs ma għandhomx inaqqsu r-ritmu tal-proċess ta' rkupru wara l-pandemija jew inaqqsu l-livell ta' reżiljenza tal-Unjoni;
25. Ifakkar li r-Regolament dwar l-RRF jipprevedi l-possibbiltà li fl-NRRPs jiġu inklużi l-miżuri mibdija mill-1 ta' Frar 2020 'il quddiem u li xi Stati Membri għamlu użu minn din il-possibbiltà;
26. Jilqa' d-djalogu bikri bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fit-tħejjija tat-talbiet għall-pagament u d-disponibbiltà tal-Kummissjoni fil-valutazzjoni tat-talbiet għall-pagament; iħeġġiġha tkompli tevalwa bir-reqqa jekk l-istadji importanti u l-miri humiex konformi u f'waqthom, filwaqt li tikkonsulta esperti rilevanti fejn meħtieġ; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni rapida tal-pagamenti u tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti;
27. Ifakkar fil-ħtieġa tal-proċediment malajr tal-introduzzjoni ta' pakkett ta' riżorsi proprji ġodda biex ikun kopert il-ħlas lura b'mod sħiħ tal-istrument NGEU u b'mod partikolari tal-RRF, sa mhux aktar tard mill-2058, skont il-pjan direzzjonali stabbilit fil-Ftehim Interistituzzjonali konkluż f'Diċembru 2020 mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni; jieħu nota tal-ħruġ ta' "Bonds Ekoloġiċi Ewropej" biex jiffinanzjaw is-sehem tan-nefqa rilevanti għall-klima fl-RRF; jinnota li l-ewwel offerti ta' bonds ekoloġiċi mill-Kummissjoni kienu fil-biċċa l-kbira sottoskritti żżejjed;
28. Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ il-kontribut tal-istrumenti ta' finanzjament tal-UE, b'mod partikolari tal-RRF, biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali inklużi dawk ikkawżati mill-aggressjoni u l-invażjoni militari Russa mhux provokata u mhux ġustifikata kontra l-Ukrajna;
29. Jinsab imħasseb li din l-aggressjoni kontra l-Ukrajna u s-sanzjonijiet ġustifikati li ħadet l-UE bħala rispons kontra r-Russja u l-Belarussja se jkollhom impatt serju fuq l-irkupru ekonomiku u soċjali u fuq l-istrateġija ta' reżiljenza tal-Unjoni; jinnota li l-impatt tagħhom fuq l-Istati Membri huwa eteroġenju; jinsab imħasseb dwar l-effetti mhux uniformi fuq l-ekonomija tal-UE, il-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali li jġibu magħhom u saħansitra ż-żieda fl-inugwaljanza soċjali, b'mod partikolari minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel; jenfasizza li l-inflazzjoni tista' wkoll potenzjalment twassal għal bidla negattiva fl-eżitu mistenni tal-RRF u l-kostijiet stmati tal-NRRPs tal-Istati Membri; jistenna t-tkomplija tad-determinazzjoni, l-unità u l-ħeffa tar-rispons tal-UE għal din il-kriżi l-ġdida;
30. Jisħaq, għal darb'oħra, fuq it-talba tiegħu għal aktar sanzjonijiet inkluż embargo sħiħ u immedjat fuq diversi importazzjonijiet tal-enerġija Russi u l-abbandun tal-infrastruttura relatata f'konformità mar-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' April 2022, u għal pjan biex tkompli tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE, li inter alia se jirrikjedi rikalibrazzjoni tal-politika Ewropea dwar l-enerġija, filwaqt li jitqiesu l-gradi differenti ta' dipendenza enerġetika fuq l-importazzjonijiet Russi tal-fjuwils fossili fl-Istati Membri kollha;
31. Jinsab imħasseb li s-sitwazzjoni attwali fl-Ukrajna qed ikollha impatt qawwi fuq il-prezzijiet tal-enerġija u jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-indipendenza u s-sigurtà tal-enerġija, li jiġu diversifikati s-sorsi tal-enerġija, inkluż permezz tas-sorsi tal-enerġija tal-UE, u li titħaffef it-tranżizzjoni tal-enerġija; jisħaq fuq ir-rwol tal-RRF fit-tnedija tar-RePowerEU u jissottolinja li s-self disponibbli fl-ambitu tal-RRF jista' jintuża fil-biċċa l-kbira biex jissupplimenta l-inizjattiva tar-RePowerEU u biex javvanza l-investimenti fit-tranżizzjoni tal-enerġija, inkluż l-iżvilupp ta' enerġija nadifa; jistenna li l-RRF, għalhekk, tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għas-sovranità tal-enerġija tal-UE permezz tal-effiċjenza enerġetika, id-diversifikazzjoni u l-investimenti fit-tranżizzjoni ekoloġika ġusta;
32. Jilqa', f'dan ir-rigward, id-diversi miżuri fl-NRRPs immirati lejn it-tisħiħ tat-tranżizzjoni tal-enerġija u s-sigurtà tal-enerġija u miżuri li jsaħħu l-awtonomija strateġika, it-tnaqqis tad-dipendenza tal-Istati Membri fuq l-enerġija tal-fjuwils fossili importata, u l-aċċellerazzjoni tad-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija, l-effiċjenza enerġetika u l-iżvilupp ta' enerġiji nodfa; jenfasizza li l-proġetti transfruntiera, it-titjib tal-interkonnessjoni tan-networks tal-enerġija Ewropej u s-sinkronizzazzjoni sħiħa tal-grilji tal-enerġija madwar l-UE għandhom jiġu promossi biex issaħħu s-sinerġiji u l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE u jirriflettu tħassib komuni u prijoritajiet kondiviżi;
33. Jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament dwar l-RRF fil-kuntest tal-inizjattiva REPowerEU u jesprimi l-impenn tiegħu li jadotta l-pożizzjoni tiegħu dwar il-proposta mingħajr dewmien; iħeġġeġ lill-Istati Membri, f'każ li ma jkollhomx l-intenzjoni li jużaw l-ammont sħiħ tal-allokazzjoni massima tagħhom ta' self tal-RRF, biex jinfurmaw uffiċjalment lill-Kummissjoni; jilqa', f'dan il-kuntest, il-proposta biex tinċentiva l-aħjar użu tas-self disponibbli fl-ambitu tal-RRF, inkluż billi tipproponi riallokazzjoni tas-self lil Stati Membri oħra li qed jiffaċċjaw sfidi addizzjonali bħala konsegwenza tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna u billi tippermetti lill-Istati Membri jitolbu self ogħla minn 6,8 % tal-introjtu nazzjonali gross (ING) tagħhom, bil-ħsieb partikolari li jiġu mmitigati l-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u enerġetiċi tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja għall-UE, u l-effetti sekondarji tal-miżuri restrittivi tal-UE kontra r-Russja u l-Belarussja;
34. Jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' miżuri li jgħinu lir-rifuġjati mill-Ukrajna, b'mod partikolari bl-akkomodazzjoni, il-kura soċjali u tat-tfal, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni, li jgħinu biex tittaffa s-sitwazzjoni soċjoekonomika tagħhom; jisħaq, għalhekk, li għandu jiġi żgurat livell ogħla ta' investiment f'dan ir-rigward;
Pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (NRRPs)
35. Jilqa' l-fatt li 24 NRRP ġew approvati u josserva li sa nofs Ġunju 2022, Stat Membru wieħed kien għadu ma ressaqx l-NRRP tiegħu; jinnota wkoll li NRRP wieħed jonqsu valutazzjoni mill-Kummissjoni; iħeġġeġ lill-pajjiż b'valutazzjoni pendenti ta’ NRRP jibda diskussjonijiet kostruttivi mal-Kummissjoni sabiex il-pjan ikun lest għall-approvazzjoni mingħajr aktar dewmien; jistieden lill-Kummissjoni tapplika b'mod diliġenti r-Regolament dwar l-RRF biex tiżgura l-konformità mal-11-il kriterju ta' valutazzjoni kif stabbilit fir-Regolament, meta tivvaluta l-pjanijiet li fadal;
36. Jinnota l-fatt li l-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni kkonkludew li l-NRRPs approvati kollha jindirizzaw is-sitt pilastri kollha tal-RRF u jissodisfaw b'mod sodisfaċenti l-kriterji ta' valutazzjoni kollha kif stabbiliti fir-Regolament dwar l-RRF u jirrappreżentaw pakkett ibbilanċjat ta' riformi u investimenti; iqis li l-Istati Membri setgħu jallinjaw aħjar l-NRRPs tagħhom mas-sitt pilastri tal-RRF u r-rekwiżiti tar-Regolament dwar l-RRF;
37. Ifakkar lill-Kummissjoni li l-konformità mal-istat tad-dritt u mal-Artikolu 2 tat-TFUE huma prerekwiżiti biex ikun hemm aċċess għall-fond u li l-mekkaniżmu ta' kondizzjonalità tal-istat tad-dritt ikun applikabbli bis-sħiħ għall-RRF; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iżommu lura milli japprovaw l-abbozz tal-NRRP tal-Ungerija sakemm jippersisti t-tħassib dwar l-osservanza tal-istat tad-dritt, dwar l-indipendenza tal-ġudikatura u dwar il-prevenzjoni u l-identifikazzjoni ta' frodi, kunflitti ta' interess u korruzzjoni, u l-ġlieda kontrihom, jinsisti li l-istadji importanti u l-miri relatati mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-istabbiliment ta' sistema ta' kontroll adegwata, l-indipendenza tal-ġudikatura u l-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tal-frodi u l-ġlieda kontra l-frodi, il-kunflitti ta' interess u l-korruzzjoni huma prekondizzjonijiet u jridu jiġu ssodisfati qabel il-preżentazzjoni tal-ewwel talba għal pagament u jfakkar li ebda pagament fl-ambitu tal-RRF ma jista' jsir qabel ma jiġu ssodisfati; ifakkar lill-Istati Membri li n-nuqqas ta' konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar l-RRF u d-dewmien sussegwenti fl-approvazzjoni tal-NRRPs jaffettwa serjament il-kapaċità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jindirizzaw b'mod adegwat l-impatt tal-pandemija fuq il-komunitajiet, in-negozji u ċ-ċittadini tagħhom u jistgħu jwasslu biex is-sitwazzjoni ekonomika lokali u reġjonali tmur għall-agħar fuq perjodu fit-tul; jiddeplora l-fatt li, minħabba l-azzjonijiet tal-Gvern Pollakk u dak Ungeriż, il-finanzjament tal-RRF għadu ma laħaqx lill-poplu u lir-reġjuni tal-Polonja u l-Ungerija;
38. Ifakkar li l-ebda miżura ma għandha tiġi ffinanzjata fl-ambitu tal-RRF jekk tmur kontra l-valuri tal-UE minquxa fl-Artikolu 2 TUE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmonitorja b'reqqa kbira r-riskji għall-interessi finanzjarji tal-UE fl-implimentazzjoni tal-RRF u kwalunkwe ksur jew ksur potenzjali tal-prinċipji tal-istat tad-dritt u tieħu azzjoni immedjata jekk l-interessi finanzjarji tal-UE jintlaqtu b'mod negattiv; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, f'konformità mar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt, tkun partikolarment stretta mal-Istati Membri biex jikkonformaw mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif minqux fl-Artikolu 22 ta' dak ir-Regolament;
39. Ifakkar, barra minn hekk, li l-osservanza tal-istat tad-dritt u l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi tal-UE għandhom jiġu evalwati kontinwament matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-RRF u li l-Kummissjoni trid iżżomm lura milli tiżborża l-finanzjament u, fejn applikabbli, tirkupra l-fondi, f'każ li dawn il-kundizzjonijiet ma jibqgħux jiġu ssodisfati;
40. Jinnota li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tiddikjara li l-NRRPs approvati kollha jistennew li jilħqu l-mira ekoloġika ta' mill-inqas 37 % stabbilita fir-Regolament dwar l-RRF u li n-nefqa globali fuq il-klima tal-NRRPs approvati kollha tilħaq kważi EUR 220 biljun; jirrimarka, madankollu, li l-analiżijiet esterni tal-infiq jidentifikaw ċifri aktar baxxi fir-rigward tal-infiq ekoloġiku; jenfasizza f'dan ir-rigward li l-istadji importanti u l-miri assoċjati mal-miżuri relatati mal-klima kellhom jiġu definiti b'tali mod li jiġi żgurat li l-miżuri implimentati jkunu ta' appoġġ għall-klima kif imħabbar; jissottolinja li l-NRRPs għandhom jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluża l-bijodiversità; jinnota t-tħassib eżistenti dwar jekk il-miżuri rilevanti kollha jikkontribwixxux b'mod effettiv għall-kisba tal-objettivi;
41. Ifakkar li l-NRRPs jeħtieġ li jkunu konsistenti mal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECPs) u l-aġġornamenti tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2018/1999(18); jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-kontribut tal-investimenti allokati għat-tranżizzjoni ekoloġika fl-ambitu tal-NRRPs għall-kisba tal-miri l-ġodda tal-2030 dwar il-klima u l-enerġija stabbiliti fl-NECPs riveduti rispettivi;
42. Ifakkar li l-RRF għandha tikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-azzjoni dwar il-bijodiversità fil-politiki tal-Unjoni; jinnota li diversi NRRPs jikkontribwixxu għall-bijodiversità iżda jinsisti li l-Istati Membri setgħu użaw l-RRF aktar biex itejbu l-bijodiversità;
43. Iwissi kontra r-riskju ta' "greenwashing" fl-implimentazzjoni tal-NRRPs, b'mod partikolari fir-rigward ta' xi miżuri mmarkati bħala li jikkontribwixxu għal rekwiżiti ta' nfiq ekoloġiku, inklużi dawk dwar ir-rinnovazzjoni tal-bini effiċjenti fl-użu tal-enerġija;
44. Jinnota li l-NRRPs approvati kollha huma mistennija jilħqu l-mira diġitali ta' mill-inqas 20 % stabbilita fir-Regolament dwar l-RRF, filwaqt li xi Stati Membri saħansitra allokaw aktar minn nofs il-fondi tal-RRF tagħhom għal miżuri li jikkwalifikaw għall-mira diġitali, u li l-ispiża diġitali kumplessiva tal-NRRPs kollha approvati tilħaq kważi 29 % jew EUR 130 biljun; jilqa' l-enfasi qawwija fl-NRRPs fuq l-appoġġ lill-SMEs u d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, inkluż is-settur tas-saħħa, u l-ħiliet diġitali, id-diġitalizzazzjoni tan-negozju, il-konnettività, ir-riċerka u l-iżvilupp diġitali u t-teknoloġiji avvanzati; jinnota li żewġ terzi tal-Istati Membri inkludew awtovalutazzjoni tas-sigurtà għall-investimenti fil-kapaċitajiet diġitali u l-konnettività fl-NRRPs tagħhom;
45. Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li skont ir-Regolament dwar l-RRF, l-investimenti fit-teknoloġiji diġitali għandhom jirrispettaw il-prinċipji tal-interoperabbiltà, l-effiċjenza fl-enerġija u l-protezzjoni tad-data personali, jippermettu l-parteċipazzjoni tal-SMEs u n-negozji ġodda, u jippromwovu l-użu ta' soluzzjonijiet b'sors miftuħ; jenfasizza li s-sejħiet għall-akkwist diġitali jridu jitfasslu bir-reqqa, b'mod partikolari biex jiġi żgurat l-aċċess tal-SMEs għall-investiment pubbliku rilevanti;
46. Jinnota li diversi NRRPs fihom proposti ta' investiment għall-konnettività 5G; ifakkar li l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-koerenza u l-komplementarjetà fl-użu tal-konnettività 5G, il-broadband mobbli u l-infrastruttura fiż-żoni kollha sabiex ħadd ma jitħalla jibqa' lura;
47. Jissottolinja l-importanza li l-NRRPs jiddedikaw kważi 50 % tan-nefqa totali jew EUR 203 biljun għal miżuri li jkunu ta' benefiċċju għall-funzjonament tajjeb tas-suq uniku, it-titjib tal-ambjent tan-negozju u l-promozzjoni ta' investimenti privati; itenni l-importanza tas-settur privat fl-implimentazzjoni b'suċċess tal-RRF; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-investimenti privati b'rabta mal-proġetti ffinanzjati mill-RRF billi jneħħu l-ostakli mhux meħtieġa kollha li jipprevjenu lill-SMEs milli jaċċessaw il-finanzjament rilevanti tal-RRF, u għal dan il-għan, jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi analiżijiet dettaljati tal-aċċess tas-settur privat għall-finanzjament tal-RRF; jitlob lill-Istati Membri jimplimentaw l-NRRPs skont skeda trasparenti li tippermetti lis-settur privat jippjana l-attivitajiet u l-proġetti tagħhom skont il-miżuri rilevanti;
48. Jinnota li l-Kummissjoni tistma li l-infiq soċjali fl-NRRPs jammonta għal madwar 20 % tal-għotjiet u s-self mitluba; josserva li din in-nefqa tiffoka fuq inċentivi għall-impjiegi lil gruppi żvantaġġati speċifiċi, riformi ta' leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-impjiegi u regolazzjoni tal-kuntratti ta' xogħol; ifakkar li l-konsegwenzi soċjali tal-pandemija kienu diversi u kienu ta' piż mhux ugwali u sproporzjonat għal gruppi bi dħul aktar baxx u vulnerabbli filwaqt li fl-istess ħin saħħew il-ħtieġa għal servizzi pubbliċi; jiddispjaċih li l-miżuri ta' investiment soċjali kienu pjuttost limitati għall-infrastruttura soċjali u li wħud biss mill-NRRPs fihom miżuri għall-iżvilupp ta' servizzi tal-kura xierqa u miżuri ta' appoġġ temporanji;
49. Jappoġġa l-għan tal-Kummissjoni li, permezz tal-RRF, tibni suq tax-xogħol iktar reżiljenti u inklużiv, filwaqt li jinnota li l-miżuri rilevanti għandhom jippromwovu impjiegi ta' kwalità għolja;
50. Jirrimarka li l-NRRPs kollha approvati s'issa jindirizzaw l-isfidi soċjali u tal-impjiegi, inkluż permezz ta' miżuri għat-titjib tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, il-promozzjoni tat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid ta' ħiliet u l-modernizzazzjoni tal-istituzzjonijiet u s-servizzi tas-suq tax-xogħol, kif ukoll tas-sistemi tal-ħarsien soċjali u tal-kura tas-saħħa; jiddispjaċih li xi Stati Membri għadhom lura fit-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-pjanijiet tagħhom;
51. Jissottolinja l-importanza ta' riformi u investimenti fir-reżiljenza tas-saħħa, ekonomika, soċjali u istituzzjonali biex jiżdiedu t-tħejjija għall-kriżijiet u l-kapaċità ta' rispons għall-kriżijiet, li jammontaw għal iktar minn 17 % tal-allokazzjonijiet totali tal-NRRPs, li jirrappreżentaw EUR 76 biljun; jenfasizza li skont il-Kummissjoni taħt dan il-pilastru tal-RRF, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw 789 miżura marbuta ma' 1 900 stadju importanti u mira; jenfasizza li l-COVID-19 uriet l-importanza li tittejjeb ir-reżiljenza tal-istituzzjonijiet pubbliċi għax-xokkijiet;
52. Jinnota li l-NRRPs approvati jipprevedu nefqa fuq miżuri relatati mal-kura tas-saħħa ta' EUR 37 biljun, li tikkorrispondi għal 8 % tan-nefqa totali tal-NRRPs; josserva li l-ogħla kontribuzzjoni hija allokata għar-rinnovazzjoni u l-espansjoni ta' infrastruttura tal-isptar segwiti mit-tisħiħ tal-kura primarja u l-prevenzjoni, it-tranżizzjoni diġitali fil-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul; jistenna li dawn il-miżuri relatati mas-saħħa jikkontribwixxu biex jiżdiedu l-kapaċità u r-reżiljenza tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u t-tħejjija tagħhom għal kriżijiet futuri; jinsab imħasseb li ħafna Stati Membri ma inkludewx miżuri suffiċjenti biex il-kura tas-saħħa mentali ssir aċċessibbli u bi prezz raġonevoli għall-gruppi tal-etajiet kollha, u jenfasizza li s-saħħa mentali għandha tirrappreżenta parti integrali mill-irkupru soċjoekonomiku tal-UE mill-pandemija u mill-prijorità tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol; jinsab imħasseb li xi Stati Membri ma inkludewx miżuri suffiċjenti biex jindirizzaw l-isfidi tal-kura tas-saħħa pubblika li ilhom jeżistu;
53. Josserva li l-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika għandha prominenza f'ħafna NRRPs b'investiment mistenni ta' madwar EUR 1,8 biljun fit-tisħiħ tal-amministrazzjoni pubblika; jisħaq li l-NRRPs jistgħu jikkontribwixxu bl-għan li jżidu l-kapaċità tal-amministrazzjonijiet pubbliċi biex jamministraw il-fondi Ewropej b'mod effettiv fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali; jissottolinja li l-benefiċċji tar-riformi jmorru lil hinn mill-ispejjeż assoċjati tagħhom, u dan għandu jwassal għal impatti pożittivi konkreti fuq iċ-ċittadini;
54. Jinnota li l-NRRPs approvati jipprevedu nefqa ddedikata għat-tfal u ż-żgħażagħ, inklużi l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-ħiliet, ta' EUR 49 biljun, li tikkorrispondi għal madwar 11,5 % tan-nefqa totali tal-NRRPs; jinnota li l-ammont jirrappreżenta l-ewwel pass biex jiġi żgurat li l-miżuri koordinati ddedikati għall-ġenerazzjoni li jmiss jiġu implimentati fis-27 Stat Membru kollha; huwa mħasseb li ħafna NRRPs ma jirriflettux kif xieraq l-ambizzjonijiet stabbiliti mill-Garanzija Ewropea għat-Tfal u li dawn jirriflettu parzjalment biss dawk tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa; jiddeplora l-fatt li żewġ Stati Membri għażlu li ma jinkludux fil-pjanijiet tagħhom miżuri speċifikament iddedikati għat-tfal u ż-żgħażagħ iżda ppreferew jippreżentaw miżuri li jrawmu l-ħiliet u l-ħiliet diġitali għaċ-ċittadini kollha;
55. Josserva li kważi l-NRRPs kollha approvati fihom investiment fl-edukazzjoni diġitali, li jammonta għal madwar 30 % tal-infiq totali fuq l-edukazzjoni; jilqa' b'sodisfazzjon l-enfasi fuq il-modernizzazzjoni tas-sistemi edukattivi fl-Istati Membri;
56. Jinnota li b'kollox, s'issa, l-Istati Membri ressqu 228 miżura b'enfasi fuq l-appoġġ għat-tfal u ż-żgħażagħ; jinnota li 74 % tal-miżuri jiffukaw fuq l-edukazzjoni ġenerali, vokazzjonali u għolja u l-kapaċità tat-taħriġ, kif ukoll l-aċċessibbiltà, l-aċċessibbiltà tal-prezzijiet, il-kwalità u l-inklużività, inklużi d-diġitalizzazzjoni u l-infrastruttura; jinnota wkoll li 14 % tal-miżuri jittrattaw l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, it-tluq bikri mill-iskola u l-faqar tat-tfal; jinnota li 12 % tal-miżuri jiffukaw fuq il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ permezz tal-ħolqien tal-impjiegi, ir-reklutaġġ, l-inċentivi għat-tranżizzjoni tal-impjiegi u l-appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom; jenfasizza li l-Parlament talab lill-Istati Membri jiddedikaw tal-inqas 2 % tal-baġit ta' kull NRRP għall-kultura u 10 % għall-edukazzjoni; jinnota li 16-il Stat Membru inkludew miżuri relatati mal-kultura fl-NRRPs tagħhom; jemmen li l-Istati Membri setgħu użaw l-RRF aktar biex jappoġġaw dawk is-setturi;
57. Jitlob lill-Kummissjoni tkompli timmonitorja l-implimentazzjoni tas-sitt pilastri u tiżgura li d-data granulari tkun disponibbli fit-tabella ta' valutazzjoni tal-RRF; jitlob lill-Kummissjoni tiffaċilita metodi aktar reġjonali għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni permezz tat-tabella ta' valutazzjoni u jilqa' l-inizjattivi ta' monitoraġġ fil-livell tal-UE u dak nazzjonali li jsaħħu l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-RRF; jinnota b'mod pożittiv li diversi Stati Membri jipprovdu data fil-livell reġjonali u jistieden lill-Istati Membri l-oħra jipprovdu data fil-livell reġjonali;
58. Jissottolinja li l-RRF trid tintuża biex tissostitwixxi n-nefqa baġitarja nazzjonali rikorrenti, sakemm dan ma jkunx debitament iġġustifikat; jinnota li l-Kummissjoni approvat NRRPs biss biex tkopri l-ispejjeż inizjali tat-twaqqif u t-tnedija tar-riformi; ifakkar lill-Istati Membri li l-RRF trid tiġi implimentata b'mod li ma jdgħajjifx ir-responsabbiltà tagħhom għall-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi dettalji dwar il-valutazzjoni tal-konformità ma' dan il-prinċipju orizzontali u kwalunkwe ġustifikazzjoni relatata;
59. Jirrimarka li l-prinċipju ta' "la tagħmilx ħsara sinifikanti" ġie evalwat għal kull miżura mill-Kummissjoni f'konformità mal-gwida teknika tagħha; jenfasizza li l-applikazzjoni tal-kriterji ta' "la tagħmilx ħsara sinifikanti" kif żviluppati fin-nota ta' gwida tal-Kummissjoni trid tevita miżuri li jagħmlu ħsara lill-ambjent; jitlob lill-Kummissjoni tiżvela l-valutazzjonijiet sottomessi ta' "la tagħmilx ħsara sinifikanti" u jenfasizza li l-Kummissjoni għandha teżamina u timmonitorja bir-reqqa r-rispett sħiħ ta' dan il-prinċipju matul il-fażi ta' implimentazzjoni; jinnota li sabiex jikkonformaw mal-prinċipju, xi Stati Membri kellhom itejbu ċerti miżuri; jinnota li konformità mal-prinċipju ġabet magħha inkonsistenzi inizjali bejn ir-rekwiżiti tal-Kummissjoni u dawk tal-Bank Ewropew tal-Investiment u tal-Fond Ewropew tal-Investiment għall-pajjiżi li pprovdewlhom il-pakketti InvestEU mal-fondi tal-RRF, li setgħu wasslu għal dewmien fil-proċess tal-implimentazzjoni;
60. Josserva li maġġoranza kbira tal-NRRPs jinkludu taqsima speċifika li tispjega kif il-pjan jindirizza tħassib u sfidi relatati mal-ġeneru; jinnota li l-NRRPs fihom miżuri li jiffukaw fuq il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u t-tnaqqis tad-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri, iżda jesprimi diżappunt li naqsu milli jinkludu spjegazzjoni dedikata dwar kif il-pjan jindirizza tħassib u sfidi relatati mal-ġeneri; jissottolinja l-importanza ta' servizzi ta' kura pubblika ta' kwalità għolja biex itaffu l-piż tax-xogħol ta' kura mhux imħallas li bħalissa huwa kopert l-aktar minn nisa b'konsegwenzi negattivi fuq il-PDG; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi studju biex tivverifika sa liema punt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' impjiegi f'setturi fejn ġeneru wieħed ikun rappreżentat b'mod predominanti u l-miżuri ta' akkumpanjament jikkontribwixxu b'mod suffiċjenti biex tiżdied il-preżenza tal-ġeneru l-inqas rappreżentat f'dawk is-setturi;
61. Jinnota li 20 Stat Membru jipprevedu proġetti transfruntiera fl-NRRPs tagħhom li jiffukaw l-aktar fuq l-infrastruttura, bħall-konnessjonijiet ferrovjarji jew tal-elettriku, l-idroġenu, it-teknoloġija quantum, il-konnettività 5G, il-kapaċitajiet tal-cloud u ċ-ċentri tal-innovazzjoni; jinsab diżappuntat li l-NRRPs ma inkludewx numru għoli ta' proġetti transfruntiera sabiex jissaħħu l-effett konsegwenzjali u jingħata kontribut lill-valur miżjud tal-UE; jinnota li 20 Stat Membru jipprevedu proġetti transfruntiera bħal Proġetti Importanti ta' Interess Ewropew Komuni fl-NRRPs tagħhom li jiffukaw l-aktar fuq l-infrastruttura; jistieden lill-Istati Membri jiċċaraw ir-rwol tal-partijiet ikkonċernati rilevanti fit-tnedija u l-implimentazzjoni tal-proġetti multinazzjonali, fejn rilevanti; jemmen li miżuri transfruntiera ulterjuri kellhom jiġu inklużi fl-NRRPs sabiex jissaħħaħ l-effett ta' tixrid tagħhom u tingħata spinta lill-valur miżjud tal-UE;
62. Jinnota, b'mod partikolari, l-importanza ta' proġetti transfruntiera relatati mat-trażmissjoni tal-enerġija fl-Istati Membri kollha; jemmen li fil-kuntest attwali, l-NRRPs kienu jibbenefikaw aktar minn aktar proġetti transfruntiera, b'mod partikolari fil-qasam tal-enerġija; jisħaq li dawn l-investimenti huma kruċjali għall-kisba tas-sovranità tal-enerġija u t-tranżizzjoni ekoloġika; jissottolinja li s-sitwazzjoni attwali turi kemm hija kruċjali d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija tal-UE u l-funzjonament xieraq tas-suq intern għall-elettriku bejn l-Istati Membri; jappella għat-titjib tal-interkonnessjoni tan-networks tal-enerġija Ewropej u għas-sinkronizzazzjoni sħiħa tal-grilji tal-enerġija madwar l-UE; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza li jiżdiedu l-isforzi biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika sabiex jiġi limitat it-tkabbir mistenni tad-domanda għall-elettriku;
63. Josserva li ebda Stat Membru ma ppropona li jittrasferixxi l-fondi strutturali lill-NRRP tiegħu, li żewġ Stati Membri biss qed jippjanaw li jipprovdu l-pakketti InvestEU tagħhom b'fondi tal-RRF u li erba’ Stati Membri biss biħsiebhom jinkorporaw l-ispejjeż tal-appoġġ tekniku fl-NRRPs tagħhom; jiddispjaċih li d-dispożizzjoni għat-trasferiment tal-fondi tal-RRF lill-kompartimenti nazzjonali ta' InvestEU ma ntużatx sal-potenzjal sħiħ tagħha; ifakkar li s-sinerġiji fost il-fondi differenti tal-UE huma essenzjali għal irkupru xieraq u r-reżiljenza konsolidata tal-Unjoni u jfakkar lill-Istati Membri li l-użu ta' din id-dispożizzjoni jikkontribwixxi għat-tisħiħ tas-sinerġiji;
64. Ifakkar li skont ir-Regolament dwar l-RRF, il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza jridu jkunu konsistenti wkoll mal-informazzjoni inkluża mill-Istati Membri fil-Ftehimiet ta' Sħubija u fil-programmi operattivi taħt il-fondi tal-Unjoni; itenni li din id-dispożizzjoni mhijiex biss importanti biex jiġu evitati l-finanzjament doppju jew l-irduppjar tal-objettivi, iżda wkoll biex jiġi żgurat approċċ ikkoordinat u jiġu massimizzati l-benefiċċji tal-finanzjament tal-UE; jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi analiżi dwar kif din il-koordinazzjoni tkun żgurata; jinnota li l-adozzjoni tal-NRRPs wasslet f'xi każijiet għal dewmien fl-adozzjoni tal-Ftehimiet ttal-Ftehimiet ta' Sħubija u huwa mħasseb dwar il-konsegwenzi ta' dan id-dewmien; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jevitaw aktar dewmien fit-tħejjija u fl-adozzjoni tal-Ftehimiet ta' Sħubija u jitlob li dan id-dewmien jiġi indirizzat minnufih;
65. Jenfasizza li s-sinerġiji u l-koerenza bejn l-RRF u programmi oħra ta' finanzjament tal-Unjoni huma essenzjali sabiex jiġi żgurat irkupru xieraq u reżiljenza konsolidata tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jrawmu sinerġiji bejn l-NRRPs u programmi oħra ta' finanzjament tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Ftehimiet ta' Sħubija; jistaqsi kif il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri biex irawmu sinerġiji mal-NRRPs ta' Stati Membri oħra;
66. Ifakkar lill-Istati Membri li l-NRRPS huma mistennija jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi kollha, jew subsett sinifikanti minnhom, identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, inklużi l-aspetti fiskali u r-rakkomandazzjonijiet li jsiru skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011(19) fejn xieraq, indirizzati lill-Istat Membru kkonċernat jew sfidi identifikati f'dokumenti rilevanti oħra adottati uffiċjalment mill-Kummissjoni fil-kuntest tas-Semestru Ewropew; jinnota l-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-NRRPs kollha jindirizzaw mill-inqas subsett sinifikanti tal-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet tas-Semestru Ewropew rilevanti iżda li mhumiex indirizzati l-isfidi kollha;
67. Jirrikonoxxi l-impatt pożittiv tar-riformi fiskali meħtieġa fl-Istati Membri li huma inklużi f'xi pjanijiet nazzjonali, filwaqt li jiddeplora l-fatt li l-ebda wieħed mill-Istati Membri kkonċernati minn rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiz (CSR) dwar l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus ma indirizza dawk l-isfidi fl-NRRPs tagħhom;
68. Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa b'mod adegwat l-ilħuq tal-istadji importanti u l-miri kollha, inklużi dawk relatati mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) fl-NRRPs fil-fażi ta' żborż tal-Faċilità u biex tnaqqas b'mod proporzjonali l-pagamenti, abbażi tal-importanza tal-objettivi u l-miri, jekk l-istadji importanti u l-miri miftiehma ma jintlaħqux b'mod sodisfaċenti, inkluż li ma jiġux jaqgħux lura għall-istadji importanti u l-miri miksuba qabel; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni, jekk ikun meħtieġ, tagħmel użu mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament, biex tkun tista' tirkupra għotjiet jew titlob għal ħlas lura kmieni ta' self f'każ ta' ksur tal-obbligi tal-Istati Membri skont il-ftehimiet ta' finanzjament;
69. Jinnota li, skont il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, l-Istati Membri kollha rċevew klassifikazzjoni A għal kważi l-kriterji kollha pprovduti fir-Regolament dwar l-RRF; ifakkar li, skont il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, l-Istati Membri kollha rċevew klassifikazzjoni B għall-kriterji li jevalwaw jekk l-ispejjeż totali stmati tal-NRRPs humiex raġonevoli; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ispejjeż ikunu plawżibbli u li qed issir analiżi xierqa tal-ispejjeż sabiex jiġu indirizzati l-frodi u l-korruzzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tevalwa bir-reqqa t-twettiq sodisfaċenti tal-istadji importanti u tal-miri qabel taċċetta talbiet għal pagament, u tiżgura wkoll li l-istadji importanti u l-miri li nkisbu qabel ma treġġgħux lura;
Mekkaniżmi ta' trasparenza, monitoraġġ u kontroll
70. Jisħaq fuq l-importanza tat-trasparenza u l-ġestjoni proċedurali bla xkiel matul il-proċessi u l-prattika tal-akkwist; jappella, f'dan ir-rigward, biex l-Istati Membri jiżguraw ugwaljanza u ġustizzja, u b'mod partikolari aċċess għal kulħadd, inklużi intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, fil-proċess tal-akkwist;
71. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jniedu l-akkwist pubbliku għall-implimentazzjoni tal-miżuri fil-ħin sabiex jiżguraw it-tlestija tagħhom f'konformità mal-kalendarju tal-istadji importanti u l-miri;
72. Jisħaq li t-trasparenza hija fundamentali għal sistema ta' monitoraġġ b'saħħitha tal-NRRPs li tippermetti impenn pubbliku sinifikanti; itenni d-dispjaċir tiegħu li l-Kunsill irrifjuta l-ħolqien, bl-appoġġ tal-Parlament u tal-Kummissjoni, ta' pjattaforma online fejn il-benefiċjarji finali jiġu ppubbliċizzati; josserva, li min-natura tal-istrumenti, il-kontroll jiffoka fuq il-kisba tar-riżultati u fuq l-outputs minflok fuq il-verifiki tal-ispejjeż; jinnota li dan l-approċċ jista' jissimplifika l-implimentazzjoni u jikkontribwixxi għall-kisba tar-riżultat mixtieq; iwissi li, mingħajr monitoraġġ kif suppost, dan jista' jagħmel id-detezzjoni tal-abbuż tal-fondi tal-UE waħda aktar diffiċli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, madankollu, tieħu l-miżuri xierqa biex tiżgura l-identifikazzjoni bikrija ta' abbużi mill-fondi tal-UE; jistedinha timmonitorja b'mod rigoruż kwalunkwe okkorrenza possibbli ta' finanzjament doppju u, jekk tali okkorrenzi jiġu kkonfermati, tgħaddi għall-irkupru tal-fondi mingħajr dewmien;
73. Jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-awtorità baġitarja dwar l-użu tas-sistemi tal-IT stabbiliti mill-Kummissjoni għall-Istati Membri biex jirrapportaw l-informazzjoni rilevanti dwar l-implimentazzjoni tal-NRRPs;
74. Iħeġġeġ l-Istati Membri jiġbru u jirreġistraw data dwar ir-riċevituri u l-benefiċjarji finali tal-finanzjament tal-Unjoni f'format elettroniku standardizzat u interoperabbli u jużaw l-għodda unika għall-analiżi tad-data u għall-għoti ta' punti għar-riskju pprovduta mill-Kummissjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinsisti fuq l-użu tas-sistema ta' monitoraġġ integrata u interoperabbli inkluża għodda unika għall-estrazzjoni tad-data u għall-valutazzjoni tar-riskju (ARACHNE) għall-infiq kollu tal-RRF, u tiżgura li ARACHNE tkun interoperabbli mas-software u s-settijiet tad-data rilevanti kollha biex il-piż amministrattiv jinżamm baxx kemm jista' jkun; barra minn hekk, itenni l-importanza li jiġu diġitalizzati r-rappurtar, il-monitoraġġ u l-verifiki kollha;
75. Ifakkar li l-Istati Membri għandhom jiġbru u jiżguraw l-aċċess tad-data dwar is-sid(ien) benefiċjarju(i) tar-riċevitur tal-fondi u l-benefiċjarji tal-programm u jtenni l-importanza li tiġi żgurata t-trasparenza tal-benefiċjarji finali, mingħajr ma jitqiegħed piż żejjed fuq ir-rappurtar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippubblikaw data aġġornata perjodikament dwar il-benefiċjarji finali u dwar fondi trasferiti, għal raġunijiet ta' fiduċja pubblika u trasparenza; jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistema integrata, interoperabbli u faċli biex tintuża li jkun fiha informazzjoni dwar il-proġetti kollha kofinanzjati mill-UE, il-benefiċjarji u s-sidien benefiċjarji, kuntratturi u sottokuntratturi u li tkun tista' taggrega l-ammonti kollha riċevuti mill-istess benefiċjarju jew minn sid benefiċjarju;
76. Ifakkar lill-Kummissjoni li fl-evalwazzjoni tal-NRRPs u tat-talbiet għal pagament, hija tista' tiġi megħjuna minn esperti u jistedinha tagħmel użu sħiħ minn din id-dispożizzjoni, fejn rilevanti, b'mod partikolari jekk ma jkollhiex il-kapaċità interna li tiskrutinizza bir-reqqa l-pjanijiet jew jekk intlaħqux l-istadji importanti u l-miri; iqajjem dubji dwar il-kapaċità suffiċjenti tal-Kunsill biex janalizza l-NRRPs kif suppost jew it-talbiet għal pagamenti u jitlob li jiġi żgurat li jiġu indirizzati b'mod adegwat;
77. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-valutazzjoni tal-istadji importanti u l-miri miksuba mill-Istati Membri bħala parti mill-NRRPs tagħhom ikunu bbażati fuq valutazzjoni komprensiva u trasparenti tal-istadji importanti u l-miri fid-dimensjonijiet kollha tagħhom, b'mod partikolari l-kwalità tagħhom;
78. Ifakkar li l-Istati Membri huma meħtieġa jistabbilixxu sistemi robusti ta' kontroll u ta' verifika sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u biex jipprevjenu u jindirizzaw il-frodi, il-korruzzjoni u l-kunflitti ta' interess u jiżguraw it-trasparenza, u li l-Kummissjoni hija responsabbli biex tiżgura li dawn is-sistemi jkunu fis-seħħ u jiffunzjonaw bis-sħiħ qabel jiġu approvati l-ewwel pagamenti; ifakkar li l-pagamenti għandhom jiġu żborżati malli jintlaħqu l-istadji importanti u l-miri;
79. Jinnota li l-Kummissjoni tiddependi ħafna fuq l-Istati Membri biex jivverifikaw bir-reqqa l-implimentazzjoni tal-NRRP; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura monitoraġġ, awditjar u infurzar effettiv tal-implimentazzjoni sħiħa ta' dawn ir-rekwiżiti u timmonitorja l-konformità kontinwa ma' kwalunkwe miżura bħal din matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura mekkaniżmu b'saħħtu għall-awditjar regolari tas-sistemi ta' kontroll tal-Istati Membri;
80. Itenni r-rwol importanti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali u korpi u aġenziji rilevanti oħra tal-UE fl-appoġġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni matul l-implimentazzjoni tal-NGEU, u jistieden lil dawn l-istituzzjonijiet u l-korpi jagħmlu użu sħiħ mill-prerogattivi tagħhom skont ir-Regolament dwar l-RRF u leġiżlazzjoni rilevanti oħra biex jipprevjenu, jidentifikaw, jikkoreġu u jinvestigaw il-frodi, il-korruzzjoni u l-kunflitti ta’ interess sabiex jiskrutinizzaw bir-reqqa l-infiq kollu tal-RRF; ifakkar li dawk il-korpi u l-aġenziji tal-UE għandhom jingħataw ir-riżorsi adegwati biex iwettqu l-kompiti tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera ma' dawn l-istituzzjonijiet u l-korpi u tiżgura li jkun hemm fis-seħħ kapaċitajiet ta' kontroll adegwati u li l-Istati Membri jagħtuhom aċċess sħiħ għall-informazzjoni rilevanti kollha biex jeżerċitaw il-prerogattivi tagħhom;
81. Jilqa' l-Forum dwar l-Infurzar tal-Liġi tal-NGEU kif ukoll l-Operazzjoni Sentinel, li b'mod kooperattiv għandu jgħin fil-prevenzjoni u fil-ġlieda kontra t-theddid kontra l-fondi tal-NGEU u, b'mod aktar wiesa', it-theddid kontra l-benessri finanzjarju tal-Unjoni, u jidentifika l-vulnerabbiltajiet fis-sistemi nazzjonali ta' allokazzjoni;
82. Itenni l-importanza li l-Kummissjoni twettaq monitoraġġ kontinwu, inkluż ex post, tan-nefqa tal-RRF, l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tad-data, li tiżgura trasparenza sħiħa flimkien mal-Istati Membri sabiex tanalizza r-riżultati tal-RRF, u tidentifika u tindirizza kwalunkwe dgħufija f'dan ir-rigward;
83. Ifakkar li fil-qafas tal-proċedura ta' kwittanza lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 319 tat-TFUE, il-RRF għandha tkun soġġetta għal rappurtar skont ir-rappurtar finanzjarju u ta' rendikont integrat imsemmi fl-Artikolu 247 tar-Regolament Finanzjarju, u, b'mod partikolari, separatament fir-Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni;
Governanza, trasparenza u viżibbiltà tal-implimentazzjoni tal-RRF
84. Itenni r-rwol tal-Parlament fl-iskrutinju tal-implimentazzjoni tal-RRF, b'mod partikolari permezz ta' ħames dibattiti plenarji li saru fl-2021, żewġ riżoluzzjonijiet adottati, erba' Djalogi dwar l-Irkupru u r-Reżiljenza li saru mal-Kummissjoni fl-2021, 20 laqgħa tal-grupp ta' ħidma ddedikat dwar l-istrutinju tal-RRF, mistoqsijiet parlamentari, u l-fluss regolari ta' informazzjoni u talbiet ad hoc għal informazzjoni mill-Kummissjoni; ifakkar li l-Artikolu 25 tar-Regolament dwar l-RRF jitlob lill-Kummissjoni tittrażmetti d-dokumenti u l-informazzjoni rilevanti fl-istess ħin u b'termini ugwali kemm lill-Parlament Ewropew kif ukoll lill-Kunsill; jinnota l-bidu kajman tal-proċess xieraq tal-fluss tad-dokumenti u d-diffikultajiet li ltaqa' magħhom il-Parlament rigward l-aċċess għall-informazzjoni rċevuta mill-Kummissjoni u trażmessa mill-Istati Membri; jilqa' l-fatt li minn dak iż-żmien 'l hawn ġew stabbiliti proċeduri ta' komunikazzjoni aħjar u jitlob li jinżamm dan il-fluss ta' informazzjoni;
85. Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi approċċ miftuħ, trasparenti u kostruttiv matul id-Djalogi dwar l-Irkupru u r-Reżiljenza u tosserva d-dispożizzjoni tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament dwar l-RRF fir-rigward tal-interazzjonijiet regolari mal-Parlament; ifakkar li l-kooperazzjoni interistituzzjonali stabbilita permezz tal-RRF għandha ssir standard minimu fil-programmi kollha ta' finanzjament;
86. Jistieden lill-parlamenti nazzjonali u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti, f'konformità mal-oqfsa legali nazzjonali, isegwu l-eżempju tal-Parlament u jiskrutinizzaw l-implimentazzjoni tal-NRRPs tagħhom b'mod miftuħ, trasparenti u demokratiku;
87. Jiddispjaċih li fl-Istati Membri kollha, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, is-sħab soċjali, l-akkademja jew partijiet ikkonċernati rilevanti oħra ma kinux involuti biżżejjed, fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-NRRPs, f'konformità mal-qafas legali nazzjonali, u jappella għall-involviment tagħhom ibbażat fuq prinċipji ċari u trasparenti, fl-implimentazzjoni tal-NRRPs sal-limitu massimu possibbli skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali;
88. Ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, is-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħra huma fuq quddiem nett fl-implimentazzjoni lokali tal-NRRPs u jfakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li l-involviment u l-koordinazzjoni xierqa mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, is-sħab soċjali, u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-pjanijiet huma deċiżivi għas-suċċess tal-irkupru fl-Unjoni u huwa essenzjali għall-effikaċja u s-sjieda wiesa' tal-NRRPs; jistieden lill-Kummissjoni tesplora modi biex tistabbilixxi djalogu mar-rappreżentanti fil-livell tal-UE tal-partijiet ikkonċernati rilevanti tal-RRF;
89. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw ċarezza fid-distribuzzjoni ta' responsabbiltajiet u sistemi ta' ġestjoni adegwati tal-fondi tal-RRF biex iqisu l-ħtiġijiet speċifiċi taċ-ċittadini fil-livelli reġjonali u lokali, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni u t-trattament ugwali; ifakkar li l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-NRRPs għandha tirrispetta l-liġijiet rilevanti kollha f'konformità mal-oqfsa legali nazzjonali;
90. Jistenna li r-rapport ta' rieżami dwar l-implimentazzjoni tal-RRF imħejji mill-Kummissjoni jipprovdi data u analiżi estensivi dwar il-kontribuzzjonijiet tal-NRRPs għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inkluż l-impatt tal-NRRPs fuq il-ġeneri u l-kontribut effettiv tagħhom għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, kif ukoll l-appoġġ għall-SMEs u l-awtonomija strateġika;
91. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk il-miri ta' nfiq speċifikati legalment ta' 37 % ta' nfiq ekoloġiku u ta' 20 % ta' nfiq diġitali x'aktarx jintlaħqu kif ippjanat matul il-fażi ta' implimentazzjoni tal-RRF u, fejn rilevanti, tappella lill-Istati Membri jieħdu l-passi meqjusa neċessarji biex tikseb dawk il-miri fejn huma jantiċipaw li jistgħu ma jintlaħqux, bl-appoġġ tal-Kummissjoni meta mitqies neċessarju;
92. Jistenna li r-rapport ta' rieżami dwar l-implimentazzjoni tal-RRF imħejji mill-Kummissjoni jipprovdi informazzjoni dwar l-ostakli, fejn rilevanti, li jipprevjenu l-implimentazzjoni adegwata tal-NRRPs;
93. Jilqa' t-tnedija f'Diċembru 2021 tat-tabella ta' valutazzjoni tal-irkupru u r-reżiljenza, li se tippermetti lil kull ċittadin jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-RRF; jinnota li, f'konformità mal-att delegat dwar l-indikaturi komuni, l-Istati Membri jeħtiġilhom jirrappurtaw dwar diversi indikaturi, inkluż għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-SMEs appoġġati; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb u ssaħħaħ il-kapaċitajiet tat-tabella ta' valutazzjoni biex tiżgura livell għoli ta' viżibbiltà u responsabbiltà għall-RRF; jilqa' l-fatt li t-tabella ta' valutazzjoni fiha data diżaggregata skont il-ġeneri għal indikaturi espressi bħala għadd ta' persuni;
94. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinforza d-dispożizzjoni li l-Istati Membri għandhom jipprovdu d-data meħtieġa biex jirrapportaw dwar il-progress fir-rigward tas-sitt pilastri tar-Regolament dwar l-RRF u b'hekk jippermettu lil kull ċittadin jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-RRF; jiddeplora l-fatt li, madankollu, l-Istati Membri ma kinux lesti jipprovdu aktar data granulari biex tiddaħħal fit-tabella ta' valutazzjoni tal-irkupru u tar-reżiljenza; jinnota li aktar data granulari kienet tippermetti liċ-ċittadini jżommu aħjar lill-gvernijiet tagħhom responsabbli;
95. Jenfasizza li wieħed mill-għanijiet tar-Regolament dwar l-RRF huwa li jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi soċjali tal-UE u jenfasizza l-importanza li jkun hemm metodoloġiji fis-seħħ li juru l-progress tal-implimentazzjoni tiegħu u kif dan jikkontribwixxi għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-att delegat dwar in-nefqa soċjali u t-tabella ta' valutazzjoni tar-reżiljenza mhux se jkun biżżejjed biex jiġu segwiti u rrappurtati d-dimensjonijiet u l-impatti soċjali u tal-ġeneru tal-RRF; jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti aħjar it-traċċar tal-implimentazzjoni tal-20 prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali permezz ta' indikaturi soċjali u tal-ġeneru komplementari inklużi fl-analiżi tematika tat-tabella ta' valutazzjoni;
96. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta indikaturi komplementari inklużi fl-analiżi tematika tat-tabella ta' valutazzjoni biex tittraċċa l-prestazzjoni tal-Istati Membri dwar il-bijodiversità u l-koeżjoni u l-kompetittività;
97. Ifakkar li skont ir-Regolament dwar l-RRF, il-Kummissjoni jeħtiġilha timplimenta azzjonijiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni relatati mal-Faċilità; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, permezz tal-uffiċċji ta' rappreżentanza tagħha fl-Istati Membri u f'kooperazzjoni mal-Uffiċċji ta' Kollegament tal-Parlament Ewropew fl-Istati Membri, biex tniedi avvenimenti fl-Istati Membri li jippromwovu t-tabella ta' valutazzjoni u tippreżenta l-analiżijiet differenti mwettqa mill-Kummissjoni, inkluż fuq is-sitt pilastri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippubblika analiżi dettaljata dwar l-effetti pożittivi tal-RRF billi tenfasizza l-prattiki tajbin fl-implimentazzjoni tal-NRRPs nazzjonali u r-rakkomandazzjonijiet biex jingħelbu l-ostakli għall-implimentazzjoni u jittejjeb l-użu effettiv tal-fondi;
98. Jinnota li l-amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali qed jiffaċċjaw sfida konsiderevoli biex jassorbu l-finanzjament kollu tal-RRF fi spazju tant qasir ta' żmien; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġa b'mod attiv lill-Istati Membri biex jassorbu dawk il-fondi, sabiex il-fondi tal-RRF jintefqu b'suċċess madwar l-Unjoni;
99. Jibqa' impenjat u għandu l-intenzjoni li jagħmel użu sħiħ mill-firxa ta' possibbiltajiet offruti mir-Regolament dwar l-RRF biex jivvaluta, jiskrutinizzaw u jippromwovi l-RRF, inkluż permezz ta' avvenimenti u attivitajiet inkluż fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali;
100. Jilqa' l-inizjattiva tal-Ombudsman tal-UE li tħejji prinċipji ta' prattika tajba għal trasparenza tal-gvern fl-użu tal-fondi għall-irkupru;
101. Jinnota li l-NRRPs tal-Istati Membri jirrappurtaw dwar l-istrateġiji ta' komunikazzjoni tagħhom; jiddeplora, madankollu, il-fatt li mingħajr standard ċar, tali kampanji ta' komunikazzjoni huma previsti li jkunu differenti ħafna, u b'hekk jillimitaw il-viżibbiltà tal-RRF u tal-finanzjament kumplessiv tal-UE; jilqa' l-fatt li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri segwew ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni billi fasslu siti web speċifiċi fejn tintwera informazzjoni relatata mal-RRF, iżda jiddispjaċih dwar il-fatt li hemm differenzi kbar fid-dettalji tal-informazzjoni li ġiet ippubblikata dwarhom;
102. Jappella li jkun hemm aktar armonizzazzjoni tal-informazzjoni disponibbli għaċ-ċittadini dwar l-implimentazzjoni nazzjonali u dwar l-istrateġiji ta' komunikazzjoni nazzjonali relatati mal-RRF sabiex jitrawmu t-trasparenza u r-responsabbiltà, u b'hekk tissaħħaħ is-sjieda tal-implimentazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tirrakkomanda approċċ u standard armonizzati biex tintwera informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-RRF fil-livell nazzjonali/reġjonali, u titlob lill-Istati Membri jaderixxu ma' dan l-istandard jew jispjegaw id-devjazzjonijiet minnu;
Lezzjonijiet miksuba mill-RRF sa issa
103. Itenni l-importanza ta' implimentazzjoni b'suċċess tal-RRF mill-Istati Membri sabiex jiġi żgurat l-impatt fit-tul fuq l-ekonomija u s-soċjetà tal-UE; jenfasizza li r-rieżami tal-qafas ta' governanza ekonomika tal-UE se jkun l-opportunità li jittieħdu tagħlimiet mis-suċċessi iżda wkoll min-nuqqasijiet tal-RFF; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tesplora u tippreżenta xenarji differenti dwar kif it-tagħlimiet meħuda mit-tfassil u mill-implimentazzjoni tal-RRF jistgħu jispiraw ir-rieżami tal-qafas ta' governanza makroekonomika tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tal-kisba ta' aktar trasparenza, demokrazija, involviment, koordinazzjoni u sorveljanza;
104. Jissottolinja li l-RRF uriet l-importanza ta' involviment qawwi tal-Parlament Ewropew, flimkien mal-Kunsill, fid-definizzjoni tal-prijoritajiet komuni tal-UE, ir-rispons għall-isfidi l-ġodda u t-tfassil ta' linji gwida politiċi u mekkaniżmi ta' governanza sottostanti, kif ukoll fl-iskrutinju tal-implimentazzjoni għal sjieda Ewropea b'saħħitha; jafferma mill-ġdid li l-Parlament għandu jkun fuq l-istess livell tal-Kunsill fl-iskrutinju tal-implimentazzjoni tal-Faċilità u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li t-trattament ugwali għaż-żewġ istituzzjonijiet jiġi applikat f'inizjattivi futuri tal-UE; jenfasizza l-importanza tal-atti delegati fit-tisħiħ tar-responsabbiltà demokratika u l-leġittimità tal-proċess;
105. Jinnota b'mod pożittiv li l-appoġġ tal-UE, ipprovdut għal riformi u investimenti fil-forma ta' pakketti flimkien ma' inċentivi, kellu rwol strumentali fit-tisħiħ tas-sjieda nazzjonali tal-RRF u tas-Semestru Ewropew abbażi ta' prijoritajiet komuni tal-UE; barra minn hekk, jenfasizza li djalogi soċjali u territorjali sinifikanti b'livell għoli ta' involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fi ħdan il-qafas legali nazzjonali, huma essenzjali għas-sjieda nazzjonali, l-implimentazzjoni b'suċċess u r-responsabbiltà demokratika u li dawn għandhom jissaħħu u jiġu applikati b'mod aktar diliġenti u jistgħu jispiraw inizjattivi u mekkaniżmi futuri fl-UE u fl-Istati Membri tagħha;
106. Jirrikonoxxi, abbażi tal-eżempju tajjeb tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, bħala parti mill-NGEU, il-valur miżjud qawwi ta' rispons komuni, modern u effettiv tal-UE li jista' jiġi mobilizzat malajr biex ilaħħaq ma' kriżijiet u sfidi ġodda;
107. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra bis-sħiħ il-fehmiet tal-Parlament fir-rapport ta' rieżami li ġej dwar l-implimentazzjoni tal-RRF, li l-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament u lill-Kunsill sal-31 ta' Lulju 2022; jistieden lill-Kummissjoni tqis ukoll il-kontribut tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha f'dak ir-rapport;
o o o
108. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri;
Parlament Ewropew, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali, COVID-19 and its economic impact on women and women's poverty – Insights from 5 European Countries (Il-COVID-19 u l-impatt ekonomiku tagħha fuq in-nisa u l-faqar fost in-nisa – informazzjoni intuwittiva minn 5 Pajjiżi Ewropej), Mejju 2021. https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2021/693183/IPOL_STU(2021)693183_EN.pdf
Eurochild, Growing up in lockdown: Europe's children in the age of COVID-19 (Dawk li kibru matul il-lockdown: it-tfal tal-Ewropa fl-era tal-COVID-19), 17 ta' Novembru 2020. https://www.eurochild.org/resource/growing-up-in-lockdown-europes-children-in-the-age-of-covid-19/
Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).
Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).
Miżuri ta' inklużjoni fil-qafas ta' Erasmus+ 2014-2020
144k
48k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2022 dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' inklużjoni fil-qafas ta' Erasmus+ 2014-2020 (2021/2009(INI))
– wara li kkunsidra l-Artikoli 6, 10, 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi "Erasmus+": il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE(1),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2021 li jistabbilixxi Erasmus+: il-Programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni u taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013(2),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-31 ta' Jannar 2018 intitolat "Evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-programm Erasmus+ (2014-2020)" (COM(2018)0050),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Novembru 2017 intitolata "It-tisħiħ tal-identità Ewropea permezz tal-Edukazzoni u l-Kultura – Il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għal-laqgħa tal-Mexxejja f'Gothenburg, is-17 ta' Novembru 2017" (COM(2017)0673),
– wara li kkunsidra l-Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali(3),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2020 intitolata "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025" (COM(2020)0698), li tibni fuq il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2016 dwar l-ugwaljanza tal-LGBTIQ,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Settembru 2020 intitolata "Unjoni ta' ugwaljanza: Pjan ta' azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu 2020-2025"(COM(2020)0565), li tfittex li taġġorna d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità(4) (Id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2020 dwar miżuri effikaċi biex Erasmus+, Ewropa Kreattiva u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jsiru iktar "ekoloġiċi"(5),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A9-0158/2022),
A. billi l-mobilità hija parti importanti ħafna mit-tagħlim diġitali u li jsir b'mod personali; billi l-għoti ta'opportunitajiet ugwali u inklużivi għal kulħadd huwa, u għandu jkompli jkun, inerenti għall-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u billi n-nies minn kull sfond u qasam tal-ħajja jridu jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ u b'mod ugwali minn Erasmus+; jenfasizza li Erasmus+ jibbenefika mhux biss lill-parteċipanti tiegħu iżda lil komunitajiet u soċjetajiet sħaħ u jissodisfa l-ambizzjonijiet tal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli Nru 4 tan-NU; jinnota li dan iwassal għal soċjetajiet iktar demokratiċi, iktar b'saħħithom u iktar koeżivi u reżiljenti;
B. billi r-Regolament dwar Erasmus+ 2014-2020 jitfa' enfasi fuq il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-parteċipazzjoni ta' nies bi bżonnijiet speċjali jew b'inqas opportunitajiet, kif definit fl-“Istrateġija ta' Inklużjoni u Diversità ta' Erasmus+”, u jinkludi persuni b'diżabilità, bi problemi ta' saħħa, b'diffikultajiet edukattivi, b'differenzi kulturali, u li jaffaċċjaw ostakli ekonomiċi, ġeografiċi u soċjali; jissottolinja li l-programm Erasmus+ attwali (2021-2027) jimxi id f'id ukoll mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali;
C. billi l-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt qawwi fuq is-settur tal-edukazzjoni kollu kemm hu, u kompliet tiggrava l-inugwaljanzi eżistenti fl-aċċess għall-edukazzjoni u enfasizzat il-ħtieġa li jinżammu miżuri ta' inklużjoni f'Erasmus+ u li jsir kwalunkwe titjib meħtieġ;
D. billi ma ġiet stabbilita l-ebda strateġija ta' inklużjoni armonizzata u obbligatorja fil-livell Ewropew għall-programm Erasmus+ 2014-2020, nuqqas li llimita l-impatt tal-miżuri ta' inklużjoni fi ħdan il-programm;
E. billi l-mobilità fiżika tippermetti l-immersjoni f'kulturi oħra u interazzjoni ottimali magħhom, u billi l-iskambji u t-tagħlim virtwali huma komplement prezzjuż għall-mobilità fiżika, iżda ma joffrux l-istess kwalità ta' esperjenza u benefiċċji;
F. billi l-pandemija aċċellerat it-tranżizzjoni diġitali u enfasizzat l-importanza li jkun hemm ħiliet diġitali tajbin; jissottolinja l-fatt li Erasmus+ jista' jikkontribwixxi għat-titjib u t-taħriġ mill-ġdid ta' ħiliet diġitali b'mod sinifikanti;
G. billi l-esperjenza ta' mobilità offruta minn Erasmus+ tista' tkun esperjenza trasformattiva għall-parteċipanti, u tista' tinfluwenza b'mod pożittiv il-ħiliet ta' komunikazzjoni tagħhom, il-kunfidenza fihom infushom, l-aċċettazzjoni tagħhom, il-ħsieb kritiku, l-iżvilupp personali u professjonali, l-impjegabilità, il-benesseri tagħhom u l-fehim tal-benefiċċji ta' Ewropa magħquda billi tipprovdi opportunitajiet ta' tagħlim inklużiv li jarrikkixxi ħajjithom u jippermettilhom jesperjenzaw il-wirt lingwistiku u kulturali tal-Ewropa filwaqt li jiksbu għarfien tul il-ħajja;
H. billi l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-programm Erasmus+ 2014-2020 ippubblikata mill-Kummissjoni fl-2018 issottolinjat il-ħtieġa li jintlaħqu iktar persuni b'inqas opportunitajiet u organizzazzjonijiet iżgħar fir-reġjuni kollha;
1. Jinnota b'sodisfazzjon l-perċezzjoni pożittiva b'mod ġenerali dwar kif il-miżuri ta' inklużjoni żviluppaw matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 ta' Erasmus+;
2. Jenfasizza li Erasmus+ għandu jappoġġja l-pjanijiet ta' internazzjonalizzazzjoni tal-partijiet ikkonċernati u tal-parteċipanti tal-programm li jikkontribwixxu biex jitneħħew l-ostakli fiżiċi, psikoloġiċi, soċjali, soċjoekonomiċi, lingwistiċi u tipi oħra ta' ostakli għall-mobilità fit-tagħlim u proġetti Ewropej u li joffru informazzjoni ċara u dettaljata u appoġġ kwalitattiv għall-parteċipanti minn gruppi sottorappreżentati u dawk bi bżonnijiet speċifiċi;
3. Jisħaq fuq il-ħtieġa kruċjali għal fondi u għotjiet imfassla apposta, bħall-prefinanzjament, l-għotijiet supplimentari, il-ħlas bil-quddiem u s-somom f'’daqqa, biex tiżdied il-parteċipazzjoni ta' nies b'inqas opportunitajiet jew minn sfondi żvantaġġati, hekk kif l-ostakli finanzjarji jibqgħu wieħed mill-ikbar ostakli fl-Erasmus+; jisħaq fuq il-ħtieġa, f'dan ir-rigward, li jiġu applikati regoli flessibbli biex jipprovdu ammont finanzjarju suffiċjenti biex ikopri l-bżonnijiet tagħhom, speċjalment l-ispejjeż tal-ħajja tagħhom;
4. Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tiżviluppa għodod ta' finanzjament ta' Erasmus+ u tistabbilixxi sinerġiji ma' programmi oħra;
5. Jisħaq li l-ammont ta' flus żborżati permezz ta' għotjiet ta' mobilità għadu insuffiċjenti f'xi każijiet, u jista' jikkostitwixxi raġuni għall-esklużjoni soċjali għal dawk l-istudenti u l-familji li ma jaffordjawx il-mobilità; jitlob għal żieda fil-baġit 2023 għall-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri ta' inklużjoni f'Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà;
6. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex jiġi żgurat li l-għodod diġitali eżistenti jaħdmu sew u fil-livell sħiħ tagħhom, u biex jiġu ttrattati mingħajr dewmien il-kwistjonijiet persistenti serji relatati mal-għodod tal-IT tal-Erasmus+, li qed ifixklu mhux biss il-parteċipazzjoni ta' organizzazzjonijiet iżgħar, ta' persuni b'inqas opportunitajiet, ta' parteċipanti anzjani u persunal li jgħin fil-burokrazija amministrattiva, iżda wkoll il-parteċipazzjoni ta' kull tip ta' benefiċjarji; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel il-proċess għall-għodod tal-IT introdotti ġodda eħfef u aċċessibbli għall-gruppi kollha u biex tittestjahom fuq skala kbira biżżejjed qabel l-implimentazzjoni tagħhom;
7. Jinnota li l-ostakli amministrattivi jipprevjenu ħafna studenti potenzjali milli jieħdu sehem fil-programm; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tnaqqas il-burokrazija u tissimplifika l-proċeduri għall-aċċess tal-finanzjament bil-għan li tissimplifika l-proċess u tagħmilha iktar faċli biex jinftiehem u tagħmlu iktar aċċessibbli; jissottolinja li l-piż amministrattiv jikkostitwixxi ostaklu għall-aċċess għal kulħadd u jolqot l-iktar lil dawk b'inqas opportunitajiet jew bi bżonnijiet speċjali; jisħaq fuq l-importanza li jiġu pprovduti proċeduri ta' applikazzjoni fil-lingwi Ewropej kollha;
8. Ifaħħar ir-rwol tal-għalliema, iż-żgħażagħ u l-ħaddiema soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-assoċjazzjonijiet u l-persunal edukattiv bħala l-forzi li jmexxu l-istituzzjonijiet parteċipanti biex titqajjem il-kuxjenza dwar il-programm, billi jinfurmaw u jappoġġjaw lil studenti futuri u jidentifikaw il-persuni b'inqas opportunitajiet; jinnota li mingħajrhom, il-biċċa l-kbira tal-parteċipanti, speċjalment dawk b'inqas opportunitajiet, ma jkunux jistgħu jieħdu sehem; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-aġenziji nazzjonali biex jivvalutaw u jirrikonoxxu l-ħidma tagħhom li hija spiss volontarja, biex jappoġġjawhom billi jiffaċilitaw il-mobilità tagħhom stess u jipprovdulhom finanzjament u appoġġ adegwati, filwaqt li jakkumpanjaw lill-parteċipanti b'inqas opportunitajiet u joffrulhom taħriġ speċifiku adattat għall-bżonnijiet tagħhom; jinnota l-importanza li jiġu aġġornati diversi għodod li huma jużaw biex jidentifikaw il-parteċipanti possibbli u biex jippersonalizzaw aħjar l-esperjenza ta' Erasmus+ sabiex jindirizzaw il-ħtiġijiet ta' kull parteċipant individwali;
9. Jisħaq fuq l-importanza li jiġi pprovdut it-taħriġ u l-appoġġ xieraq lill-edukaturi biex jinnavigaw b'mod effettiv l-isfidi u l-opportunitajiet u li jitrawwem l-iskambju ta' prattiki tajba fil-qasam;
10. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-aġenziji nazzjonali jiffaċilitaw iktar seminars edukattivi għall-persunal ta' Erasmus+ biex iwettaq il-proġetti, jiżviluppa metodi inklużivi u jesplora modi ġodda biex jilħqu l-benefiċjarji futuri tal-programm;
11. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-aġenziji nazzjonali jipprovdu appoġġ aħjar lill-organizzazzjonijiet ta' bażi fl-oqsma kollha, inklużi l-organizzazzjonijiet immexxija mill-komunità u organizzazzjonijiet iżgħar, b'mod partikolari fir-reġjuni l-iktar imbiegħda, il-gżejjer u ż-żoni remoti, muntanjużi, rurali u inqas aċċessibbli, u jiżguraw li r-riżorsi u l-proġetti jiġu mqassma b'mod ġust f'kull Stat Membru;
12. Jisħaq fuq l-importanza li jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju u materjali aħjar lill-persunal, minbarra t-taħriġ ulterjuri u l-għarfien espert addizzjonali, sabiex ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom mal-parteċipanti u l-familji u l-benefiċjarji tagħhom, sabiex jitjiebu l-aċċess u t-tisħiħ tas-suċċess u l-impatt tal-proġetti, filwaqt li jiġi żgurat li l-mobilità u l-proġetti jimxu bla xkiel; jinnota li l-aġenziji nazzjonali fl-Istati Membri jistgħu jipprovdu għajnuna sinifikanti billi jidentifikaw il-ħtiġijiet tal-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet f'dan il-qasam u jipprovdu l-appoġġ meħtieġ;
13. Jinnota l-effett pożittiv tal-mobilità tat-tfal tal-iskola fuq perjodu qasir biex jegħlbu ostakli mentali u psikosoċjali, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-aġenziji nazzjonali jrawmu proġetti ta' mobilità mmirati lejn tfal u adolexxenti;
14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jorganizzaw kampanji ta' informazzjoni mmirati, kemm online kif ukoll offline, biex iżidu l-kuxjenza u s-sensibilizzazzjoni fost iċ-ċittadini dwar il-benefiċċji ta' Erasmus+ permezz ta' kooperazzjoni mal-midja u l-mezzi tal-midja soċjali f'faċilitajiet ta' tagħlim pubbliku bħal libreriji, skejjel u universitajiet;
15. Jitlob lill-aġenziji nazzjonali kollha biex jaħtru uffiċjali dedikati għall-inklużjoni u d-diversità sabiex jilħqu direttament lil studenti bi bżonnijiet speċjali u/jew b'inqas opportunitajiet; jistieden, f'dan ir-rigward, lil dawk l-organizzazzjonijiet li ntgħażlu biex jimplimentaw azzjonijiet ta' Erasmus+ biex jaħtru persuni ta' kuntatt dedikati għal persuni b'inqas opportunitajiet, u jfakkar li l-informazzjoni dwar is-servizzi ta' appoġġ għal persuni bi bżonnijiet speċjali għandha tkun ċara, aġġornata, kompluta; u faċli biex tkun aċċessata;
16. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex ittejjeb il-linji gwida għall-politiki nazzjonali li se jippermettu l-parteċipazzjoni aħjar tal-istudenti li jiffaċċjaw problemi tas-saħħa, differenzi kulturali u ostakli ekonomiċi, ġeografiċi u soċjali, u biex tiskrutinizza u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tagħhom;
17. Jappoġġja l-inizjattivi kollha tal-UE li għandhom l-għan li jiffaċilitaw il-mobilità tal-istudenti, bħall-applikazzjoni tal-mowbajl Erasmus+, "Erasmus mingħajr karti" u l-Kard Ewropea tal-Istudenti; jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-qrib il-possibilità li tgħaqqad iktar mill-qrib l-Erasmus+ ma' programmi oħrajn u sabiex trawwem il-kooperazzjoni transettorjali, inkluż l-Interrail, sabiex jitrawmu iktar inklużjoni u ugwaljanza li se jtejbu l-aċċess għal għażliet ta' mobilità aħjar u iktar ekoloġiċi, b'mod partikolari għal dawk b'inqas opportunitajiet; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel ukoll l-inizjattiva DiscoverEU iktar inklużiva, u tippermetti li iktar nies jipparteċipaw;
18. Jisħaq li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-kompetenzi lingwistiċi, speċjalment għall-parteċipanti b'inqas opportunitajiet; jitlob, għalhekk, appoġġ immirat u speċifiku għall-grupp għat-tagħlim tal-lingwi bi tħejjija għall-mobilità u jinsisti li dan l-appoġġ m'għandux ikun limitat għal korsijiet online;
19. Jirrikonoxxi r-rwol importanti ta' "Support, Advanced Learning and Training Opportunities (SALTO) Inclusion & Diversity" għall-implimentazzjoni ta' miżuri ta' inklużjoni għat-taqsima Erasmus+ Youth, u jinnota li l-estensjoni tal-istrateġiji ta' inklużjoni għat-taqsima tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ fil-perjodu ta' programmazzjoni attwali se jkollha tiġi segwita mill-qrib, peress li l-gruppi fil-mira huma differenti; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-aġenziji nazzjonali jaħdmu iktar mill-qrib mal-aġenziji tal-impjiegi sabiex jiffaċilitaw l-integrazzjoni tal-istudenti adulti fil-programm Erasmus+ 2021-2027;
20. Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' data – kemm kwantitattiva kif ukoll kwalitattiva – affidabbli dwar il-parteċipazzjoni tal-persuni b'inqas opportunitajiet fil-programm Erasmus+; peress li tali data tista' tintuża biex tidentifika lejn liema gruppi għandhom ikunu mmirati l-miżuri ta' inklużjoni, jissottolinja l-ħtieġa li jiġu żviluppati skemi ta' evalwazzjoni biex jipproduċu statistiċi ċari u jiġu vvalutati b'mod xieraq iktar kwistjonijiet problematiċi sabiex tinħoloq għodda ta' ġestjoni u tmexxija għall-miżuri ta' inklużjoni, bl-użu ta' metodi li jirrispettaw bis-sħiħ ir-regolamenti dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data u li ma jżidux piżijiet amministrattivi żejda għall-organizzazzjonijiet u l-parteċipanti; jafferma mill-ġdid il-ħtieġa għal iktar bini ta' kapaċità għall-persunal fir-rigward ta' indikaturi u sistemi ta' monitoraġġ għall-inklużjoni;
21. Jisħaq dwar l-importanza li jiġu ffinanzjati iktar riċerka u studji madwar l-UE kollha dwar l-inklużjoni fil-perjodu ta' programmazzjoni attwali sabiex jiġi vvalutat l-impatt tal-miżuri meħuda mill-aġenziji nazzjonali u l-partijiet ikkonċernati fl-involviment ta' organizzazzjonijiet u nies b'inqas opportunitajiet; jenfasizza l-importanza li jinżammu rekords u statistiċi li għandhom iservu bħala bażi għal konsultazzjonijiet dwar programmi futuri;
22. Jitlob li l-bżonnijiet speċifiċi tal-persuni b'diżabilità jitqiesu sabiex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tagħhom fil-programm billi jiġu offruti mobilità ibrida bħala preparazzjoni għall-perjodu ta' mobilità, jingħataw l-oppportunità li jiġu akkumpanjati, u jingħataw akkomodazzjoni xierqa u aċċessibbli u servizzi ta' appoġġ speċjalizzat abbażi tal-ħtiġijiet tagħhom; jisħaq dwar il-ħtieġa li tinġabar ir-reazzjoni tagħhom wara l-perjodu ta' mobilità sabiex titjieb il-parteċipazzjoni ta' benefiċjarji futuri; jissottolinja l-ħtieġa għal appoġġ, gwida u għodod speċifiċi li jippermettu lill-persuni b'diżabilità jirreġistraw u jipparteċipaw fil-programm Erasmus+; ifakkar fil-persuni li jakkumpanjawhom għandu jkollhom ukoll aċċess għal fondi u għotjiet sabiex jipparteċipaw fil-programm ta' mobilità;
23. Jisħaq fuq l-importanza tal-programm Erasmus+ fil-promozzjoni tal-valuri tat-tolleranza u d-diversità; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi sinerġiji bejn il-pjan ta' azzjoni tal-UE kontra r-razziżmu u Erasmus+ sabiex jiġu indirizzati ħtiġijiet speċifiċi u jiġi miġġieled ir-razziżmu fil-forom kollha tiegħu;
24. Jilqa' l-iżvilupp ta' proġetti ta' Erasmus+ relatati ma' u ffukati fuq it-titjib tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-inklużjoni tan-nisa fis-setturi kollha tal-edukazzjoni, speċjalment fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, l-arti u l-matematika (STEAM), u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex ikomplu jagħtu viżibbiltà lill-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki u l-azzjonijiet tagħhom;
25. Jilqa' l-proġetti li jippromwovu u jqajmu kuxjenza dwar id-diversità sesswali u jħeġġu r-rispett għall-persuni LGBTIQ+, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex toħloq rabtiet ġenwini bejn l-Istrateġija tal-UE għall-Ugwaljanza LGBTIQ u l-programm Erasmus+;
26. Jenfasizza l-ħtieġa għal soluzzjonijiet immirati u approċċ ibbażat fuq il-ħtiġijiet għal opportunitajiet ta' mobilità relatati mat-tagħlim għal nies minn gruppi emarġinati sabiex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tagħhom fil-programm u jiġi żgurat li jiksbu appoġġ adegwat, filwaqt li jiġi kkunsidrat li l-ostakli finanzjarji u istituzzjonali jibqgħu wieħed mill-akbar ostakli għall-parteċipazzjoni tagħhom;
27. Jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti kollha rigward Erasmus+ tkun aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità, b'mod partikolari permezz ta' għodod online adattati u mingħajr ostakli fil-lingwi Ewropej kollha; ifakkar li l-proċessi ta' ppjanar u evalwazzjoni għandhom ikunu mingħajr ostakli; jilqa' t-twaqqif ta' "Erasmus Days" u jisħaq fuq l-importanza tar-rwol tal-parteċipanti preċedenti tal-Erasmus+ u tan-networks ta' alumni fil-promozzjoni tal-programm b'mod wiesa' u li jservi bħala punt wieħed potenzjali għall-istudenti futuri kollha;
28. Jitlob lill-Istati Membri biex jevalwaw il-politiki eżistenti tagħhom u jadottaw programmi u azzjonijiet immirati lejn studenti b'inqas opportunitajiet u bżonnijiet speċjali, mill-etajiet u sfondi kollha, sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni f'Erasmus+, speċjalment f'termini ta' mobilità, u biex jitrawmu l-iskambji ta' prattiki tajba f'dan il-qasam; jinnota r-rwol ewlieni tal-aġenziji nazzjonali u l-organizzazzjonijiet volontarji biex jiffaċilitaw dan il-proċess;
29. Jissottolinja l-impatt pożittiv tal-programm Erasmus+ f'pajjiżi terzi bħala fattur fil-proċess ta' integrazzjoni Ewropea u fit-tisħiħ tal-viżibbiltà tal-UE; jisħaq fuq il-ħtieġa għal sħubijiet aħjar u iktar inklussività tal-proġetti ta' Erasmus+ f'pajjiżi assoċjati u pajjiżi oħra eliġibbli, notevolment fil-Balkani tal-Punent u l-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-konsultazzjoni internazzjonali – kemm diġitali kif ukoll b'mod personali – bejn l-aġenziji nazzjonali fl-Istati Membri u l-pajjiżi parteċipanti bil-għan li jiġu skambjati prattiki tajba; jinnota li dan ikompli jsaħħaħ il-kooperazzjoni tagħhom u jippermettilhom jimplimentaw soluzzjonijiet, ideat u tagħlimiet ġodda fuq il-post li se jżidu n-numru ta' parteċipanti fil-programm Erasmus+;
30. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tingħata iktar flessibbiltà lill-programm Erasmus+ f'każ ta' kriżi, kif jidher mill-bidu tal-gwerra fl-Ukrajna; jilqa' l-miżuri mħabbra mill-Kummissjoni li jippermettu lill-istudenti Ukreni u lill-persunal edukattiv milquta mill-gwerra jkomplu bl-edukazzjoni u l-attivitajiet professjonali tagħhom fl-Ukrajna u fi kwalunkwe Stat Membru; jitlob li l-istudenti Ukreni jingħataw iktar assistenza u li jingħata appoġġ addizzjonali biex isostnu l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u l-komunità akkademika tal-Ukrajna;
31. Jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tal-Gvern tar-Renju Unit li ma jieħux sehem f'Erasmus+ għall-perjodu ta' programmazzjoni attwali wara l-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea, li jikkostitwixxi telf ta' opportunitajiet għaż-żgħażagħ kemm fl-UE kif ukoll fir-Renju Unit;
32. Jisħaq dwar l-importanza li titrawwem il-mobilità għall-istudenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) sabiex jintlaħqu żgħażagħ minn kull sfond, u jinnota b'sodisfazzjon iż-żieda fl-opportunitajiet għall-mobilità fit-tul tagħhom maħluqa matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020;
33. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jużaw is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ u l-avvenimenti relatati biex jippromwovu effettivament l-opportunitajiet offruti mill-programm Erasmus+, partikolarment għal dawk b'inqas opportunitajiet u dawk minn sfondi żvantaġġati, bil-ħsieb li jiġi żgurat li s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ ikollha impatt effettiv, speċjalment għall-kundizzjonijiet tal-għajxien, l-opportunitajiet ta' edukazzjoni u l-parteċipazzjoni demokratika taż-żgħażagħ; jiddispjaċih għall-fatt li l-baġit allokat għas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ mhuwiex biżżejjed biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-inizjattiva;
34. Ifakkar fl-importanza kbira li jiġi żgurat ir-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki u l-perjodi ta' tagħlim fil-kuntest taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni bħala għodda kumplimentari biex il-miżuri ta' inklużjoni fi ħdan Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jsiru kompletament effettivi;
35. Jilqa' l-adozzjoni reċenti mill-Kummissjoni tal-qafas ta' miżuri 2021-2027 bl-għan li jiżdiedu d-diversità u l-inklużjoni fil-programmi attwali Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, u jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni nazzjonali futura ta' dan il-qafas u li jżomm lill-Parlament infurmat fuq bażi annwali; jenfasizza li l-implimentazzjoni sħiħa ta' qafas iddedikat ta' miżuri ta' inklużjoni tista' sservi bħala esperjenza utli u referenza għal programmi oħra tal-UE li għandhom impatt dirett fuq il-ħajja taċ-ċittadini bħall-Ewropa Kreattiva u l-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri;
36. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Montenegro, min-naħa l-oħra(1), li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2010,
– wara li kkunsidra l-applikazzjoni tal-Montenegro għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea tal-15 ta' Diċembru 2008,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Montenegro biex jissieħeb fl-Unjoni Ewropea (COM(2010)0670), id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-16 u s-17 ta' Diċembru 2010 biex jingħata status ta' pajjiż kandidat lill-Montenegro u d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tad-29 ta' Ġunju 2012 biex jinfetħu n-negozjati ta' adeżjoni mal-Montenegro,
– wara li kkunsidra l-adeżjoni tal-Montenegro man-NATO fil-5 ta' Ġunju 2017,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f'Salonka fid-19 u l-20 ta' Ġunju 2003,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Sofija tas-Summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent tas-17 ta' Mejju 2018 u l-Aġenda ta' Prijoritajiet ta' Sofija,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Zagreb tas-Summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent tas-6 ta' Mejju 2020,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Brdo tas-Summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent tas-6 ta' Ottubru 2021,
– wara li kkunsidra s-Summit ta' Sofija tal-10 ta' Novembru 2020, id-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja tal-Balkani tal-Punent dwar is-Suq Reġjonali Komuni tad-9 ta' Novembru u d-Dikjarazzjoni ta' Sofija dwar l-Aġenda Ekoloġika għall-Balkani tal-Punent tal-10 ta' Novembru 2020,
– wara li kkunsidra l-Proċess ta' Berlin varat fit-28 ta' Awwissu 2014,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2020 intitotala "It-titjib tal-proċess tal-adeżjoni - Perspettiva kredibbli tal-UE għall-Balkani tal-Punent" (COM(2020)0057),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2020 intitolata "Pjan Ekonomiku u ta' Investiment għall-Balkani tal-Punent" (COM(2020)0641),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1529 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Settembru 2021 li jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA III)(2),
– wara li kkunsidra r-rapport speċjali 01/2022 tal-10 ta' Jannar 2022 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titlu "L-appoġġ mogħti mill-UE għall-istat tad-dritt fil-Balkani tal-Punent: minkejja l-isforzi li saru, jippersistu problemi fundamentali",
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ottubru 2021 intitolata "Komunikazzjoni tal-2021 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE" (COM(2021)0644), akkumpanjata mid-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni intitolat "Montenegro 2021 Report" (Rapport 2021 dwar il-Montenegro) (SWD(2021)0293),
– wara li kkunsidra l-ħarsa ġenerali u l-valutazzjoni għal kull pajjiż tal-Programm ta' Riforma Ekonomika tal-Montenegro ppubblikata mill-Kummissjoni f'Lulju 2021,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet konġunti tad-djalogu ekonomiku u finanzjarju bejn l-UE, il-Balkani tal-Punent u t-Turkija, adottati mill-Kunsill fit-12 ta' Lulju 2021,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' April 2020 intitolata "Appoġġ lill-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra l-COVID-19 u l-irkupru wara l-pandemija" (COM(2020)0315),
– wara li kkunsidra l-ħames laqgħa tal-Konferenza mal-Montenegro dwar l-Adeżjoni fil-livell tad-deputati tat-30 ta' Ġunju 2020 fi Brussell, li fiha nfetħu n-negozjati dwar l-aħħar kapitolu taħt eżami analitiku, il-Kapitolu 8 (politika tal-kompetizzjoni),
– wara li kkunsidra l-Konferenzi Intergovernattivi ta' Adeżjoni UE-Montenegro tat-22 ta' Ġunju 2021 u tat-13 ta' Diċembru 2021,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja ta' Marzu u ta' Mejju 2021 dwar l-abbozzi ta' emendi riveduti għal-liġi dwar is-Servizz ta' Prosekuzzjoni tal-Istat u għall-opinjonijiet preċedenti tagħha,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-Balkani tal-Punent, wara s-Summit 2020(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-pajjiż,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet adottati fl-okkażjoni tal-20 laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (KPSA) UE-Montenegro, li saret fit-2 ta' Diċembru 2021,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-Tieni Summit bejn il-Parlament Ewropew u l-Presidenti tal-Balkani tal-Punent, tat-28 ta' Ġunju 2021, ikkonvokat mill-President tal-Parlament Ewropew mal-mexxejja tal-parlamenti tal-Balkani tal-Punent,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2021 dwar ir-Rapporti tal-Kummissjoni 2019-2020 dwar il-Montenegro(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2021 dwar il-kooperazzjoni fir-rigward tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fil-Balkani tal-Punent(5),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0151/2022),
A. billi kull pajjiż tat-tkabbir huwa ġġudikat fuq il-bażi tal-merti tiegħu u billi l-implimentazzjoni tar-riformi neċessarji tiddetermina l-kalendarju u l-progress tal-adeżjoni;
B. billi, fost il-pajjiżi kandidati, il-Montenegro huwa dak li għamel l-aktar progress fil-proċess tan-negozjati tiegħu, billi fetaħ it-33 kapitolu kollha taħt eżami analitiku tal-acquis tal-UE u għalaq proviżorjament tlieta;
C. billi 80 % taċ-ċittadini tiegħu jappoġġaw is-sħubija futura tal-pajjiż mal-UE;
D. billi l-perjodu ta' wara l-elezzjonijiet tal-2020 kien ikkaratterizzat minn polarizzazzjoni profonda bejn il-maġġoranza l-ġdida fil-gvern u l-oppożizzjoni, kif ukoll fi ħdan l-istess maġġoranza; billi l-bojkotts u n-nuqqas ta' impenn kostruttiv min-naħa tal-atturi parlamentari kollha ostakolaw il-proċess deċiżjonali fil-Parlament;
E. billi, matul il-Konferenza Intergovernattiva tat-22 ta' Ġunju 2021, il-Montenegro aċċetta l-metodoloġija ta' tkabbir riveduta bbażata fuq raggruppamenti tematiċi tal-kapitoli tan-negozjati u l-introduzzjoni gradwali ta' politiki u programmi individwali tal-UE;
F. billi l-Unjoni Ewropea hija l-ikbar sieħeb kummerċjali tal-Montenegro u fl-2020 kienet tirrappreżenta 38 % tal-esportazzjonijiet totali u 44 % tal-importazzjonijiet totali; billi l-UE hija l-akbar fornitur ta' assistenza finanzjarja lill-Montenegro u billi l-Montenegro jibbenefika minn assistenza ta' qabel l-adeżjoni fl-ambitu tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA), fejn irċieva total ta' EUR 504,9 miljun bejn l-2007 u l-2020;
G. billi l-UE wriet kostantement l-impenn tagħha favur il-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u mmobilizzat EUR 3,3 biljun biex tindirizza l-kriżi tas-saħħa immedjata u timmitiga l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19;
H. billi l-assistenza fl-ambitu tal-IPA III hija bbażata fuq kundizzjonalità stretta u tipprevedi l-modulazzjoni u s-sospensjoni tal-assistenza f'każ ta' rigress b'rabta mad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;
I. billi l-Montenegro huwa espost għal indħil barrani u għal kampanji ta' diżinformazzjoni malizzjużi li joriġinaw mir-Russja u minn pajjiżi oħra;
Impenn favur it-tkabbir
1. Jilqa' l-impenn kontinwu tal-Montenegro favur l-integrazzjoni Ewropea u l-appoġġ sod min-naħa taċ-ċittadini tiegħu għas-sħubija mal-UE; jissottolinja li l-progress fin-negozjati jibqa' jiddependi mir-rispett tal-parametri referenzjarji interim relatati mal-istat tad-dritt;
2. Josserva li t-33 kapitolu eżaminati nfetħu kollha, iżda jiddispjaċih li l-ebda wieħed minnhom ma ngħalaq mill-2017, fatt li naqqas l-andament tar-riżultati pożittivi tal-Montenegro kif ukoll l-istatus bħala l-iktar pajjiż avvanzat fil-Balkani tal-Punent fil-progress tiegħu lejn l-adeżjoni mal-UE; jilqa' l-fatt li l-Montenegro aċċetta l-metodoloġija tat-tkabbir riveduta; jinkoraġġixxi lill-Montenegro jkompli jiffoka speċifikament fuq l-ilħiq tal-parametri referenzjarji interim li fadal fil-Kapitoli 23 u 24, u mbagħad, fuq l-għeluq tal-kapitoli;
3. Itenni li impenn politiku bejn il-partiti u demokrazija parlamentari li tiffunzjona huma meħtieġa għar-riformi relatati mal-UE u jappella għal djalogu politiku kostruttiv u inklużiv u għall-impenn tal-partiti parlamentari kollha biex jegħlbu l-klima politika polarizzata ta' bħalissa u jsaħħu l-funzjonament u l-koordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-istat sabiex tinkiseb stabbiltà politika u jitkompla l-progress sostanzjali tiegħu fir-riformi ewlenin relatati mal-UE, b'mod partikolari r-riformi elettorali u ġudizzjarji u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni;
4. Jinnota l-vot ta' sfiduċja fil-konfront tal-gvern fl-4 ta' Frar 2022 u d-destituzzjoni konsegwenti tal-President tal-Parlament u tal-Kopresident tal-KPSA UE-Montenegro; jinnota li l-President tal-Montenegro kien ħatar lill-mexxej tal-partit URA bħala Prim Ministru ddeżinjat inkarigat biex jifforma gvern;
5. Jilqa' l-gvern ta' minoranza l-ġdid magħmul minn partiti pro-Ewropej, li jintlaqa' speċjalment tajjeb fid-dawl tal-invażjoni reċenti tal-Ukrajna mir-Russja u l-influwenza kontinwa ta' partiti u narrattivi politiċi pro-Russi fil-pajjiż; jilqa' l-elezzjoni ta' president ġdid, u jappella għall-ħatra tal-kopresident tal-KPSA UE-Montenegro mill-aktar fis possibbli; jemmen li d-determinazzjoni politika tal-gvern il-ġdid tista' tgħin biex jitħaffef il-proċess ta' riforma tant meħtieġ, li jirrifletti kemm il-ħidma tal-Montenegro fuq il-valuri Ewropej kif ukoll ir-rieda ta' maġġoranza kbira ħafna ta' ċittadini Montenegrini li jissieħbu mal-Unjoni Ewropea;
6. Jitlob li jerġa' jinbeda djalogu inklużiv fost il-partiti parlamentari kollha u l-partijiet ikkonċernati rilevanti bil-għan li tinbena pjattaforma pro-Ewropea u demokratika b'saħħitha li tkun tista' tiżgura l-istabbiltà meħtieġa u tnaqqas il-polarizzazzjoni politika u r-radikalizzazzjoni f'konformità mal-kostituzzjoni, ir-rispett għall-proċessi, in-normi u l-istandards demokratiċi u l-aspirazzjonijiet pro-Ewropej ta' maġġoranza kbira ħafna taċ-ċittadini tal-Montenegro;
7. Jinnota l-protesti kontra l-formazzjoni possibbli ta' gvern ta' minoranza organizzata mill-Front Demokratiku u l-Montenegro Demokratiku; jistieden lill-partiti politiċi kollha jesprimu l-fehmiet tagħhom fl-ambitu tal-proċeduri demokratiċi istituzzjonalizzati u jżommu lura milli jeskalaw it-tensjonijiet;
8. Jikkundanna bil-qawwa l-appoġġ espress għall-Federazzjoni Russa minn dimostranti u xi mexxejja politiċi dakinhar tal-bidu tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, iżda jinnota l-iskala relattivament żgħira ta' dawn id-dimostrazzjonijiet; ifakkar l-interess persistenti u kontinwu tar-Russja li tiddestabbilizza l-pajjiż u r-reġjun kollu tal-Balkani tal-Punent u li tiddevjah mill-perkors Ewropew tiegħu permezz tat-tixrid ta' diżinformazzjoni manipulattiva u influwenza fuq atturi statali u mhux statali;
9. Jinnota li l-ħidma intensifikat wara l-finalizzazzjoni tant mistennija tal-ħatriet għall-istrutturi amministrattivi fil-qasam tal-istat tad-dritt; jiddispjaċih li l-pożizzjonijiet ewlenin fl-istrutturi tan-negozjati baqgħu vakanti għal żmien twil; jinnota l-isforzi biex tiġi kkonsolidata u aġġornata l-istruttura tan-negozjati fl-2021; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jerġgħu jistabbilixxu mill-aktar fis possibbli struttura tan-negozjati totalment funzjonali; jinnota li d-dewmien fil-ħatra ta' negozjaturi u kapijiet ta' gruppi ta' ħidma ewlenin irid jiġi segwit minn passi oħra biex il-proċess tal-adeżjoni jinżamm bħala prijorità politika;
10. Jilqa' l-allinjament kontinwu u sħiħ tal-Montenegro mal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-UE, inkluż il-kundanna tiegħu tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna u l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-aħħar sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja, inkluża l-projbizzjoni fuq it-titjiriet Russi li jtiru fuq l-ispazju tal-ajru tiegħu u li jużaw l-ajruporti tiegħu, il-projbizzjoni ta' tranżazzjonijiet mal-Bank Ċentrali tar-Russja u l-projbizzjoni fuq il-mezzi tax-xandir ta' propaganda Russa, Russia Today u Sputnik; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra l-assistenza ekonomika u finanzjarja tal-UE għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li flimkien mal-UE qed jimponu sanzjonijiet kontra r-Russja, sabiex jiġu mmitigati l-konsegwenzi tal-kriżi hi u tiżviluppa;
11. Jilqa' l-adozzjoni mill-Montenegro tal-mekkaniżmu ta' protezzjoni temporanja tiegħu stess għall-persuni li qed jaħarbu mill-Ukrajna, li jagħtihom id-dritt li jibqgħu fil-pajjiż għal sena, u jilqa' l-kontribut tal-Montenegro għall-għajnuna umanitarja lill-Ukrajna;
12. Jappella għall-qbid tal-assi tal-persuni sanzjonati mill-awtoritajiet Montenegrini u li jiġi żgurat li l-pajjiż ma jsirx żona sikura għall-ħabi tal-assi tal-oligarki Russi mhedda b'sanzjonijiet internazzjonali; iħeġġeġ lill-gvern ikompli jieħu l-passi meħtieġa biex l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex jimplimentaw is-sanzjonijiet adottati;
13. Jilqa' l-parteċipazzjoni attiva tal-Montenegro fil-missjonijiet u fl-operazzjonijiet tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni tal-UE, kif ukoll f'missjonijiet internazzjonali oħra; jissottolinja l-importanza tal-alleanza strateġika tal-Montenegro mal-UE u man-NATO; jikkundanna t-tentattivi fis-settur tal-gvern, tas-sigurtà u f'dak militari biex jqajmu dubju dwar l-orjentazzjoni strateġika tagħha; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Montenegrini jikkooperaw kemm mal-UE kif ukoll man-NATO għal dak li għandu x'jaqsam ma' reżiljenza għall-indħil barrani, diżinformazzjoni barranija manipulattiva u ċibersigurtà;
14. Iħeġġeġ lill-Montenegro jagħmel l-aħjar użu mill-finanzjament tal-UE disponibbli fl-ambitu tal-IPA III u l-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment għall-Balkani tal-Punent sabiex isaħħaħ il-bini tal-istituzzjonijiet u jrawwem żvilupp ekonomiku u demokratiku, speċjalment fl-oqsma tal-istat tad-dritt, tal-libertajiet fundamentali u tal-benesseri taċ-ċittadini tiegħu; jenfasizza li kwalunkwe investiment irid ikun f'konformità mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi u l-miri ta' dekarbonizzazzjoni tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib il-prestazzjoni u tiżgura valutazzjoni sistematika tal-impatt tal-finanzjament tal-UE;
Demokrazija u stat tad-dritt
15. Jinsab imħasseb ħafna dwar it-tensjonijiet politiċi kontinwi bejn u fi ħdan il-poter eżekuttiv u dak leġiżlattiv, u l-imblukkar reċenti tas-sessjonijiet parlamentari, li għandu impatt dirett fuq il-ħeffa u l-progress tar-riformi tal-Montenegro relatati mal-UE u li jkompli jnaqqas ir-ritmu tal-proċess ta' adeżjoni mal-UE; ifakkar li l-uniku mod kif il-proċess deċiżjonali jista' jiġi influwenzat f'isem il-kostitwenti huwa li jinvolvu ruħhom fil-proċessi politiċi; jistieden lill-awtoritajiet leġiżlattivi u eżekuttivi jtejbu l-koordinazzjoni u jagħtu prijorità lill-inizjattivi leġiżlattivi għall-implimentazzjoni tar-riformi tal-UE; itenni li r-rieda politika, id-djalogu wiesa' bejn il-partiti u appoġġ parlamentari funzjonali, kif ukoll il-funzjonament xieraq tal-istituzzjonijiet demokratiċi huma essenzjali għall-progress tal-Montenegro fin-negozjati tal-adeżjoni;
16. Jilqa' l-ħatriet reċenti fil-Qorti Suprema u l-Qorti tal-Appell, u ta' membri ġodda tal-Kunsill tal-Prosekuzzjoni, inkluż membru magħżul minn rappreżentanti tal-NGOs; jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' progress kumplessiv fir-riforma tas-sistema ġudizzjarja, inklużi l-ħatriet li għadhom pendenti għall-istituzzjonijiet indipendenti ewlenin u l-ġudikatura, inkluż il-ħatra ta' mħallfin tal-Qorti Kostituzzjonali l-ġdida; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Montenegrini jieħdu passi ulterjuri biex isaħħu l-indipendenza u l-funzjonament tal-ġudikatura u ta' korpi oħra tal-infurzar tal-liġi, kif ukoll biex jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar ir-riskji tal-politiċizzazzjoni tal-Kunsill tal-Prosekuzzjoni; iħeġġeġ li jkun hemm segwitu għar-rakkomandazzjonijiet relatati mal-ġudikatura magħmula mill-Grupp ta' Stati tal-Kunsill tal-Ewropa kontra l-Korruzzjoni (GRECO);
17. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis serjament ir-rapport speċjali 01/2022 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tagħha, li jfisser li tadatta l-investimenti tagħha relatati mal-istat tad-dritt fil-Balkani tal-Punent, inkluż fil-Montenegro; jistieden lill-UE u lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jistabbilixxu qafas għal kooperazzjoni produttiva bejn l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent sabiex jiġi żgurat li l-UPPE jkun jista' jeżerċita b'mod effettiv il-kompetenzi tiegħu fil-qasam tal-fondi tal-UE;
18. Jilqa' l-fatt li l-Parlament tal-Montenegro adotta l-Liġi emendata dwar l-Awtonomija Lokali, li tipprevedi li l-elezzjonijiet lokali f'14-il muniċipalità għandhom isiru fl-istess data; jiddispjaċih, madankollu, dwar id-deċiżjoni reċenti li jissejħu elezzjonijiet fi 12-il muniċipalità f'data differenti; itenni, għal darb' oħra, l-appelli tiegħu biex iħeġġeġ lill-Montenegro jorganizza elezzjonijiet lokali simultanjament fil-pajjiż kollu sabiex iġib aktar stabbiltà fid-demokrazija tiegħu, jevita l-kampanji kostanti u jtaffi l-klima politika mimlija tensjoni;
19. Jinnota li huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġi armonizzat il-qafas legali elettorali u jiġu rregolati l-aspetti ewlenin kollha tal-elezzjonijiet permezz ta' proċess inklużiv, ferm qabel l-elezzjonijiet li jmiss; jilqa' t-tkomplija tal-ħidma tal-Kumitat dwar ir-Riforma tal-Leġiżlazzjoni Elettorali minkejja l-interruzzjonijiet inizjali, u jistenna li dan jaħdem b'mod diliġenti lejn il-kisba ta' riforma sinifikanti; jinnota li l-istrument tad-Djalogu Jean Monnet fil-Montenegro jista' jkun ta' għajnuna fil-bini tal-kunsens meħtieġ għat-trawwim ta' kultura parlamentari demokratika;
20. Jinsab inkwetat dwar il-korruzzjoni prevalenti fil-pajjiż u jħeġġeġ lill-Montenegro jżid ir-rispons tal-ġustizzja kriminali għall-korruzzjoni f'livell għoli u joħloq kundizzjonijiet għall-funzjonament effettiv u indipendenti tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji u tal-korpi indipendenti li jittrattaw il-korruzzjoni, inklużi l-Aġenzija Kontra l-Korruzzjoni u l-Uffiċċju tal-Prosekuturi Speċjali, biex jiffunzjonaw b'mod effettiv u ħieles minn influwenza politika, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO; jistieden lill-awtoritajiet Montenegrini jniedu investigazzjonijiet bir-reqqa ta' kwalunkwe għemil ħażin espost mill-Pandora Papers;
21. Jilqa' l-progress fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u fil-kooperazzjoni internazzjonali tal-pulizija, b'mod partikolari fit-titjib tal-aċċess għall-aġenziji tal-infurzar tal-liġi għal bażijiet tad-data ewlenin u ż-żieda fl-għadd ta' investigaturi u esperti, u ż-żieda fl-għadd ta' każijiet ta' kriminalità organizzata investigati u li ttieħdu passi kontrihom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Montenegrini jkomplu jindirizzaw in-nuqqasijiet eżistenti fit-trattament ta' każijiet ta' kriminalità organizzata u l-qbid u l-konfiska ta' assi kriminali;
22. Jilqa' l-kooperazzjoni kostruttiva tal-Montenegro mal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tal-UE, bħall-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), il-Europol, u l-Eurojust, li jassistu lill-Montenegro fil-ġestjoni tal-fruntieri u fil-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera, inkluż it-traffikar ta' armi, drogi, bnedmin u fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu; jinnota bħala eżempju pożittiv l-intervent tal-pulizija f'Mojkovac biex jiġi indirizzat it-traffikar tas-sigaretti fil-Montenegro u jtenni li huma meħtieġa aktar miżuri sabiex jiġi indirizzat il-kuntrabandu tad-drogi u tas-sigaretti fil-pajjiż, speċjalment fiż-Żona Ħielsa tal-Port ta' Bar;
23. Jilqa' l-adozzjoni tal-Istrateġija dwar il-Migrazzjoni u r-Riintegrazzjoni tal-Persuna Rimpatrijati fil-Montenegro għall-perjodu 2021-2025; jinnota li l-pjan direzzjonali għall-kooperazzjoni bejn il-Montenegro u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil ġie ffirmat f'Diċembru 2021;
24. Jiddispjaċih dwar il-progress limitat li sar fl-implimentazzjoni tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u jitlob li l-proċess tat-tfassil tal-Istrateġija l-ġdida għar-Riforma tal-Amministrazzjoni Pubblika jkun inklużiv u trasparenti; jesprimi tħassib dwar bidliet fil-Liġi dwar l-Impjegati taċ-Ċivil u l-Impjegati tal-Istat, li baxxew ir-reklutaġġ ibbażat fuq il-mertu u l-indipendenza tal-impjegati taċ-ċivil, u pperikolaw il-kapaċità tal-Montenegro li jżomm il-persunal ta' esperjenza fil-proċess ta' adeżjoni mal-UE; jenfasizza l-ħtieġa ta' sistema ta' reklutaġġ ibbażata fuq il-mertu għall-impjegati taċ-ċivil u l-importanza tad-depolitiċizzazzjoni tas-servizz pubbliku;
25. Jilqa' r-rwol pożittiv tas-soċjetà ċivili fil-Montenegro u jinkoraġġixxi t-tisħiħ ulterjuri tal-parteċipazzjoni sinifikanti tagħha fir-riformi u l-iżgurar li jkun hemm mekkaniżmi ta' konsultazzjoni u kooperazzjoni funzjonali billi jittejbu l-oqfsa legali u istituzzjonali tal-pajjiż, kif ukoll jiġi ggarantit l-involviment ta' esperti indipendenti, tas-soċjetà ċivili u tal-partijiet ikkonċernati lokali fil-leġiżlazzjoni ewlenija;
26. Jilqa' l-ewwel Assemblea taċ-Ċittadini organizzata fl-4 ta' Novembru 2021 mill-Parlament tal-Montenegro b'kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew; jilqa' l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini u l-impenn tagħhom għat-tfassil ta' politiki kontra l-korruzzjoni; jistieden lill-awtoritajiet Montenegrini jsegwu u jimplimentaw il-konklużjonijiet tal-Assemblea dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u jenfasizza l-importanza li dan l-eżerċizzju ta' suċċess jitkompla fil-futur;
Rispett tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem
27. Jinnota l-progress limitat fil-qasam tal-libertà tal-espressjoni; jinkoraġġixxi lill-Montenegro jintensifika l-isforzi tiegħu biex jiġġieled kontra d-diżinformazzjoni, id-diskors ta' mibegħda, il-fastidju online, ir-rapportar politikament ikkondizzjonat u l-influwenza barranija fil-media Montenegrina; jissottolinja l-importanza tal-iskambju tal-aħjar prattiki mal-Istati Membri tal-UE u man-NATO, kif ukoll li jiġi kkonvokat djalogu mas-soċjetà ċivili tal-Balkani tal-Punent u s-settur privat tagħha sabiex żviluppi inkwetanti jiġu identifikati fi stadju bikri u jiġu żviluppati kontromiżuri adegwati xierqa kontra t-tixrid ta' diżinformazzjoni manipulattiva minn pajjiżi terzi, b'enfasi fuq ir-riċerka u l-analiżi u l-inklużjoni tal-aħjar prattiki fir-reġjun;
28. Jistieden lill-Kummissjoni tibni l-infrastruttura meħtieġa biex tipproduċi reazzjonijiet ibbażati fuq l-evidenza għal theddid ta' diżinformazzjoni fil-Balkani tal-Punent: jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jadotta attitudni iktar proattiva, li tiffoka fuq it-tisħiħ tal-kredibbiltà tal-UE fir-reġjun u fuq l-espansjoni tal-monitoraġġ StratCom biex jiffoka fuq it-theddid ta' diżinformazzjoni transfruntiera li joriġina mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-ġirien tagħhom; jistieden lill-Montenegro jieħu azzjonijiet deċiżivi u sistemiċi lejn l-identifikazzjoni u ż-żarmar ta' fabbriki ta' diżinformazzjoni; jistieden lill-politiċi u lill-personalitajiet pubbliċi jikkundannaw bil-qawwa kwalunkwe messaġġ li jfittex li jippolarizza lis-soċjetà u jikkomprometti l-fiduċja fil-media u l-valuri demokratiċi ewlenin;
29. Jinnota li l-ġbir ta' data diżaggregata relatata mar-razziżmu u mad-diskors u r-reati ta' mibegħda omo/transfobiċi għadu subottimali; ifakkar fil-konklużjonijiet tal-2020 mir-rapport ta' monitoraġġ tal-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza (ECRI) tal-Kunsill tal-Ewropa, li ddikjaraw li r-rakkomandazzjonijiet preċedenti ma kinux ġew implimentati(6); ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament fl-aħħar riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Montenegro, li sar appell għal din il-miżura, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet jimplimentawha(7);
30. Jesprimi tħassib dwar il-livell għoli ta' polarizzazzjoni fil-panorama medjatiku, b'mod partikolari dwar il-volum dejjem akbar ta' kampanji ta' diżinformazzjoni barranin u nazzjonali u theddid ċibernetiku u ibridu, inkluż mir-Russja u miċ-Ċina, li jxerrdu narrattivi etnonazzjonalisti li jħallu impatt negattiv fuq il-proċessi demokratiċi fil-pajjiż u għaldaqstant jipperikolaw il-perspettiva Ewropea; jinsab imħasseb dwar iż-żieda fid-dejn pubbliku tal-Montenegro ma' istituzzjonijiet finanzjarji barranin u kumpaniji minn pajjiżi awtoritarji mhux tal-UE; itenni l-appoġġ tiegħu għad-disponibbiltà tal-gvern li jimplimenta s-sanzjonijiet tal-UE kontra l-mezzi ta' propaganda Russi;
31. Jissottolinja l-importanza tal-libertà u l-indipendenza tal-media, ta' rapportar ta' kwalità għolja u ta' titjib tal-litteriżmu medjatiku bħala kruċjali fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni manipulattiva; jistieden lill-Montenegro, lill-Istati Membri, lis-SEAE u lid-Delegazzjoni tal-UE fil-Montenegro jkomplu jwettqu kampanji ta' komunikazzjoni u ta' viżibbiltà iktar attivi u effettivi biex jenfasizzaw ir-rwol u l-importanza tal-assistenza tal-UE fil-Montenegro u jiġġieldu d-diżinformazzjoni kontra l-UE; inkluż bil-ħolqien ta' post ta' komunikazzjoni strateġika reġjonali fil-Balkani tal-Punent; jilqa' l-interess tal-Montenegro li jikkoopera mal-UE permezz tal-Pjan ta' Azzjoni għad-Demokrazija (EDAP) u l-ħidma importanti tat-Task Force għall-Komunikazzjoni Strateġika tas-SEAE għall-Balkani tal-Punent;
32. Jistieden lill-awtoritajiet Montenegrini jieħdu passi konkreti biex jibnu r-reżiljenza u ċ-ċibersigurtà peress li l-pajjiż qed jiffaċċja pressjoni dejjem akbar minn interferenza minn pajjiżi terzi li jfittxu li jikkompromettu s-sovranità u l-orjentazzjoni tiegħu favur il-Punent, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-inizjattivi u l-programmi rilevanti tal-UE u tan-NATO; jilqa' l-Istrateġija l-ġdida dwar iċ-Ċibersigurtà tal-Montenegro 2022-2026 u jitlob li l-proċess leġiżlattiv li jistabbilixxi l-Aġenzija għaċ-Ċibersigurtà jimxi 'l quddiem mingħajr dewmien;
33. Jikkundanna bil-qawwa l-attakki u l-fastidju fil-konfront tal-ġurnalisti u jitlob li dawn jiġu investigati, sanzjonati, u li jkun hemm segwitu ġudizzjarju effettiv; jilqa' l-introduzzjoni ta' pieni iktar ħorox għal theddid tal-ġurnalisti jew attakki fuqhom permezz tal-adozzjoni ta' emendi għall-Kodiċi Kriminali; jistieden lill-partiti politiċi kollha jieħdu passi ulterjuri biex jiżguraw il-kundizzjonijiet għall-ħidma ta' media indipendenti u ħielsa, inkluż appoġġ għar-rapportar fl-interess pubbliku, finanzjament trasparenti, standards regolatorji kondiviżi u ambjent tax-xogħol sikur ħieles minn attakki u theddid;
34. Jilqa' xi passi pożittivi li saru, fosthom kummissjoni ad hoc għall-monitoraġġ tal-vjolenza kontra l-media, it-tisħiħ tal-qafas legali sabiex il-ġurnalisti u ħaddiema oħra fil-qasam tal-media jkunu protetti b'mod effettiv u r-reviżjoni tal-liġijiet dwar il-media u dwar il-politika editorjali tax-xandar pubbliku RTCG, li sar iktar pluralistiku, u l-konsultazzjonijiet pubbliċi dwar strateġija għall-media għall-perjodu 2021-2025; jissottolinja l-importanza tal-indipendenza tar-regolaturi tal-media u tax-xandar tas-servizz pubbliku tal-Montenegro, u jappella għal iktar sforzi biex l-RTCG jiġi ttrasformat f'servizz pubbliku reali u b'mod ġenerali biex jittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni;
35. Jikkundanna l-atti vjolenti kollha mwettqa matul id-dimostrazzjonijiet f'Cetinje, b'rabta mal-inawgurazzjoni tal-Metropolitanat tal-Montenegro u tal-Littoral tal-Knisja Ortodossa Serba; jikkundanna l-indħil Serb f'dan ir-rigward; jappella għat-tolleranza reliġjuża f'konformità mal-kostituzzjoni tal-Montenegro u l-valuri u l-prinċipji Ewropej;
36. Jinnota li l-indħil barrani jista' jitwettaq ukoll permezz tal-istrumentalizzazzjoni ta' istituti reliġjużi; jikkundanna l-isforzi tar-Russja biex tisfrutta t-tensjonijiet etniċi fil-Balkani tal-Punent sabiex tħeġġeġ il-kunflitti, tifred il-komunitajiet u xxerred diżinformazzjoni manipulattiva, li jistgħu jwasslu għad-destabbilizzazzjoni tar-reġjun kollu;
37. Jinnota dewmien ieħor fiċ-ċensiment tal-popolazzjoni u tal-akkomodazzjoni fil-Montenegro, u jistenna li dan jitwettaq matul din is-sena f'konformità mal-istandards tal-UE u dawk internazzjonali, b'mod miftuħ u trasparenti, mingħajr biża' ta' intimidazzjoni għall-minoranzi nazzjonali kollha rikonoxxuti; jistieden lill-awtoritajiet jevitaw kwalunkwe politiċizzazzjoni tal-proċess;
38. Jilqa' l-identità multietnika tal-pajjiż u jitlob li tiġi promossa iktar u li tiġi rispettata fil-livelli kollha, inklużi l-lingwi użati, il-wirt kulturali u t-tradizzjonijiet tal-komunitajiet lokali, kif ukoll li jiġu protetti d-drittijiet politiċi tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet politiċi kollha tal-minoranzi nazzjonali, b'mod partikolari peress li wħud minnhom ma għadx għandhom rappreżentanti ta' partiti ta' minoranza fil-Parlament tal-Montenegro;
39. Jikkundanna bil-qawwa l-attakki verbali u fiżiċi kontra kwalunkwe minoranza kif ukoll l-intimidazzjoni tal-minoranzi, inklużi l-minoranzi nazzjonali; jiddispjaċih li l-gruppi vulnerabbli, inklużi r-Rom u l-Eġizzjani, ikomplu jesperjenzaw diversi forom ta' diskriminazzjoni u diffikultajiet biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom; jilqa' l-adozzjoni tal-istrateġija għall-inklużjoni tar-Rom u tal-Eġizzjani 2021-2025, li tagħti attenzjoni speċjali lill-antiżingariżmu u jħeġġeġ lill-awtoritajiet ikomplu jżidu l-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, jiżguraw aċċess ġust għall-edukazzjoni, il-ġustizzja, l-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa u s-suq tax-xogħol, u jieħdu miżuri effettivi kontra d-diskors ta' mibegħda;
40. Jistieden lill-awtoritajiet Montenegrini jirrikonoxxu t-tradizzjoni u l-wirt kulturali tal-komunità Kroata fil-Bajja multietnika ta' Kotor; jinnota bi tħassib l-avviż ta' żgumbrament sal-15 ta' April 2022 li rċeviet l-Assemblea Nazzjonali Kroata f'Tivat;
41. Jinnota li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza kontra t-tfal jibqgħu ta' tħassib serju, u li dan kompla jiddeterjora iktar matul il-pandemija tal-COVID-19; jitlob li jittejbu s-servizzi ta' appoġġ speċjalizzat għan-nisa, il-gruppi żvantaġġati u l-vittmi ta' abbuż domestiku, u jistieden lill-Montenegro jipprovdi finanzjament adegwat għal dan il-għan, inkluż lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jipprovdu tali appoġġ; jilqa' l-proposta li jiġu introdotti sanzjonijiet iktar ħarxa għall-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal;
42. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Montenegrini jimplimentaw bir-reqqa l-istandards tal-Konvenzjoni ta' Istanbul, iniedu kampanji ta' sensibilizzazzjoni tal-pubbliku, jinkoraġġixxu r-rapportar ta' vjolenza domestika f'kundizzjonijiet sikuri, u jżidu l-għadd ta' uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u ta' mħallfin imħarrġa tajjeb u sensittivi għall-ġeneru sabiex jiżguraw l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni xierqa ta' tali reati; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Montenegrini jimplimentaw miżuri effettivi kontra l-fastidju sesswali, inkluż fuq il-post tax-xogħol; jibqa' inkwetat bil-frekwenza ta' diskors ta' mibegħda u sessiżmu dirett lejn in-nisa fil-politika u fil-ħajja pubblika u jappella għall-adozzjoni ta' miżuri legali u ta' politika biex tiġi promossa l-parteċipazzjoni politika tan-nisa;
43. Jilqa' l-istabbiliment tal-Kunsill għad-Drittijiet tat-Tfal; jenfasizza l-ħtieġa li jittejjeb iktar it-trattament tat-tfal fil-proċeduri ta' qorti ċivili u ġustizzja li tkun iktar adattata għat-tfal; jiddeplora l-protezzjoni insuffiċjenti tal-vittmi, speċjalment tan-nisa u tat-tfal inkluż matul u wara proċeduri tal-qorti relatati mal-kustodja; jistieden lill-korpi kollha tal-istat jindirizzaw din il-kwistjoni b'mod sistematiku abbażi tal-ogħla standards ta' protezzjoni u appoġġ u l-aħjar prattiki Ewropej;
44. Jilqa' l-progress li sar fil-qasam tal-protezzjoni u tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ u l-ewwel sħubija bejn persuni tal-istess sess f'Lulju 2021, u l-organizzazzjoni paċifika tal-Pride fl-2021; jistieden lill-Montenegro jkompli jarmonizza u jemenda liġijiet u regolamenti oħra, b'mod partikolari dwar il-benefiċċji soċjali u r-residenza, sabiex jimplimenta bis-sħiħ il-liġi dwar is-sħubija reġistrata; jappella għal iktar miżuri kontra d-diskors ta' mibegħda, l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni tal-komunità LGBTIQ, u biex jittejjeb l-aċċess tagħhom għall-ġustizzja, l-impjiegi, l-akkomodazzjoni u l-kura tas-saħħa, fost l-oħrajn billi jiġi żgurat l-aċċess għat-terapija ormonali għall-persuni trans u tiġi rispettata l-integrità fiżika u mentali tagħhom;
45. Jistieden lill-Montenegro jinkludi b'mod xieraq lis-soċjetà ċivili LGBTIQ fil-ħidma tal-grupp ta' ħidma l-ġdid dwar ir-rikonoxximent legali tal-ġeneru, li għandu jaħdem għar-rikonoxximent legali tal-ġeneru bbażat fuq l-awtodeterminazzjoni;
46. Jiddispjaċih li l-persuni b'diżabilità jibqgħu jiffaċċjaw diversi forom ta' diskriminazzjoni, li ġiet aggravata mill-pandemija tal-COVID-19, u jiddeplora n-nuqqas ta' allinjament tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità; jilqa' l-fatt li r-riforma tas-Sistema Nazzjonali ta' Determinazzjoni tad-Diżabilità tinsab għaddejja u jappella għall-implimentazzjoni effettiva ta' strateġiji li jindirizzaw il-lakuni fir-rispett tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità fis-setturi u l-politiki kollha, inklużi l-kura tas-saħħa, is-suq tax-xogħol u fi proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji; jenfasizza l-ħtieġa urġenti għal strateġija ta' deistituzzjonalizzazzjoni;
Rikonċiljazzjoni u relazzjonijiet tajbin ta' viċinat
47. Ifaħħar ir-rwol kostruttiv tal-Montenegro fil-kooperazzjoni reġjonali u jilqa' l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet li ttieħdu fl-ambitu tas-Suq Reġjonali Komuni tal-Balkani tal-Punent; jappella għal azzjoni konkreta biex jinstabu u jiġu implimentati soluzzjonijiet definiti u vinkolanti għal tilwim bilaterali li ilu għaddej b'mod kostruttiv u fi spirtu ta' viċinat tajjeb, inkluż tilwim dwar il-fruntieri ma' pajjiżi ġirien u inklużi l-kwistjonijiet ta' demarkazzjoni mal-Kroazja u s-Serbja;
48. Jenfasizza li l-kooperazzjoni ekonomika reġjonali kollha fil-Balkani tal-Punent għandha tkun inklużiva u aċċettabbli għas-sitt pajjiżi kollha, tistabbilixxi kooperazzjoni fuq bażi ugwali, filwaqt li ssaħħaħ iktar l-allinjament mal-istandards tal-UE u mal-acquis; jesprimi, f'dan il-kuntest, il-fehma kawta tiegħu rigward l-inizjattiva "Open Balkan", li ma tkoprix is-sitt pajjiżi kollha, u jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li din għandha tkun ibbażata fuq ir-regoli tal-UE u ġġib biss impatti pożittivi fuq il-proċess ta' integrazzjoni fl-UE;
49. Jilqa' t-tneħħija tat-tariffi tar-roaming bejn il-Montenegro u ħames stati oħra tal-Balkani tal-Punent mill-1 ta' Lulju 2021; iħeġġeġ lill-gvern u lill-Kummissjoni jinnegozjaw pjan li jwassal għall-eliminazzjoni rapida tat-tariffi tar-roaming bejn il-Montenegro u l-Istati Membri tal-UE;
50. Jinnota l-kooperazzjoni kontinwa tal-Montenegro fl-ambitu tal-Proċess tad-Dikjarazzjoni ta' Sarajevo; jilqa' l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni dwar Srebrenica tas-17 ta' Ġunju 2021; jilqa' l-ewwel attendenza li qatt seħħet mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Montenegro għall-kommemorazzjoni konġunta tal-vittmi tal-kamp ta' Morinj; josserva li mill-2006 saru biss tmien proċessi għal delitti tal-gwerra u ġew ipproċessati biss awturi ta' reati fil-livelli baxxi; jissottolinja li ma għandu jkun hemm l-ebda tolleranza għat-tiċħid tal-ġenoċidju, għar-retorika xewwiexa jew għall-glorifikazzjoni tal-kriminali tal-gwerra;
51. Iħeġġeġ lill-Montenegro jintensifika l-isforzi tiegħu biex jagħti prijorità u jikkastiga b'mod proattiv id-delitti tal-gwerra u l-glorifikazzjoni tagħhom u jiċċara x'sar minnhom il-persuni nieqsa; ifakkar fil-ħtieġa li jinfetħu l-arkivji tas-servizz sigriet tal-eks Jugoslavja u li jiġu segwiti l-proċeduri legali għat-trasferiment tal-fajls rilevanti fl-arkivji tal-istat tal-Montenegro;
52. Jistieden lill-awtoritajiet Montenegrini jikkonformaw bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet dwar is-suċċessjoni tal-eks Repubblika Soċjalista Federali tal-Jugoslavja, speċjalment fir-rigward ta' riżorsi militari;
Ekonomija
53. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-rata ta' qgħad persistentement għolja, b'mod partikolari fost in-nisa u ż-żgħażagħ, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet iżidu l-isforzi tagħhom biex itejbu l-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol u jindirizzaw l-eżodu ta' mħuħ, id-disparitajiet bejn il-ġeneri fl-impjiegi u fil-pagi, u d-disponibbiltà ta' kura tat-tfal affordabbli; itenni l-bżonn ta' allinjament aħjar tas-sistema edukattiva mas-suq tax-xogħol; jinnota l-irkupru tas-suq tax-xogħol u jilqa' l-passi lejn l-implimentazzjoni tal-Programm ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ;
54. Jinnota l-aħbar dwar l-inizjattiva "Europe Now", li għandha l-għan li tikseb standards ta' għajxien ogħla u ekonomija iktar kompetittiva permezz ta' mudell ta' tkabbir ekonomiku iktar sostenibbli u inklużiv;
55. Jesprimi tħassib dwar l-istabbiltà makroekonomika sostenibbli u l-vulnerabbiltà dejjem akbar tal-Montenegro minħabba ż-żieda tad-dejn pubbliku tiegħu, b'mod partikolari maċ-Ċina, u s-self il-ġdid ta' EUR 750 miljun li l-Gvern ħa mingħajr ma kkonsulta lill-Parlament; jilqa' l-isforzi li saru biex jitnaqqsu dawn il-vulnerabbiltajiet fiskali, inklużi dawk relatati maċ-Ċina; jistieden lill-Kummissjoni tagħti segwitu għas-sitwazzjoni makroekonomika u l-vulnerabbiltà fir-rapport li jmiss tal-pajjiż; jinnota li l-investimenti minn pajjiżi terzi u kumpaniji barranin f'setturi strateġiċi jistgħu jagħtu lok għar-riskju li jinħolqu dipendenzi ekonomiċi mhux ġustifikati;
56. Josserva bi tħassib l-impatt negattiv tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-ekonomija tal-Montenegro; jinnota s-sinjali inkoraġġanti tal-irkupru ekonomiku tal-Montenegro fl-2021 wara reċessjoni profonda fl-2020, u jilqa' l-previżjoni ta' tkabbir ekonomiku b'saħħtu fil-Montenegro; jappella għal ippjanar ekonomiku u finanzjarju iktar sostenibbli kif ukoll rispons iktar f'waqtu u kostruttiv biex tiġi minimizzata l-ħsara kkawżata mill-pandemija lill-gruppi soċjali fl-iktar sitwazzjonijiet vulnerabbli; jistieden lill-gvern jorganizza djalogu soċjali ġenwin fil-proċess ta' rkupru ta' wara l-pandemija;
57. Jilqa' l-iżborż ta' EUR 60 miljun mill-pakkett ta' Assistenza Makrofinanzjarja b'rabta mal-COVID-19 immirat lejn il-mitigazzjoni tal-impatti ekonomiċi tal-pandemija u l-preservazzjoni tal-istabbiltà makroekonomika, kif ukoll il-mobilizzazzjoni ta' EUR 14,2 biljun mill-IPA III biex jingħata appoġġ lis-sħab tal-Balkani tal-Punent biex jissodisfaw ir-rekwiżiti għas-sħubija mal-Unjoni Ewropea;
58. Jilqa' l-aħbar dwar id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi u l-iżvilupp ta' servizzi tal-gvern elettroniċi tranżazzjonali biex jissaħħaħ l-irkupru ekonomiku; jistieden lill-gvern Montenegrin jippromwovi l-inklużjoni diġitali tal-gruppi soċjali kollha, u jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' miżuri preventivi mmirati u inċentivi biex jiġu legalizzati n-negozji u l-impjegati informali, peress li settur informali kbir ikompli jfixkel l-iżvilupp ekonomiku u soċjali fil-Montenegro;
59. Jilqa' l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-programm Orizzont Ewropa 2021-2027;
60. Jikkundanna bil-qawwa l-hekk imsejħa skema ta' "passaport tad-deheb" u jiddispjaċih dwar l-estensjoni tagħha sa Diċembru 2022 minkejja dikjarazzjonijiet preċedenti li l-iskema se titneħħa gradwalment u mingħajr konsultazzjoni usa' tal-istituzzjonijiet rilevanti; iħeġġeġ lill-Montenegro jieħu iktar azzjoni biex jipprevjeni l-ħasil tal-flus; jisħaq fuq il-fatt li ċ-ċittadinanza b'investiment iġġib magħha riskji għas-sigurtà u potenzjal għall-korruzzjoni, għall-ħasil tal-flus u għall-evażjoni tat-taxxa; jistieden lill-Montenegro jtemm l-iskema minnufih; jinnota bi tħassib li bejn Diċembru 2020 u l-2022 ingħatat iċ-ċittadinanza lil kważi 200 ċittadin Russu;
Ambjent, enerġija u trasport
61. Jilqa' l-adozzjoni ta' pjan nazzjonali ta' adattament għat-tibdil fil-klima u jħeġġeġ lill-Montenegro jaċċelera r-riformi f'konformità mal-qafas ta' politika tal-UE għall-klima u l-enerġija għall-2030 u jsaħħaħ il-proċeduri ta' implimentazzjoni tiegħu; jistieden lill-awtoritajiet jagħmlu l-aħjar użu mill-assistenza ta' qabel l-adeżjoni tal-UE disponibbli għal dan ir-rigward sabiex jersqu lejn l-għeluq tal-parametri referenzjarji tal-Kapitolu 27 (ambjent u tibdil fil-klima);
62. Jilqa' l-pakkett dwar l-enerġija nadifa adottat f'Novembru 2021; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jagħmlu progress fl-abbozzar tal-pjan nazzjonali tagħhom għall-enerġija u l-klima, filwaqt li jiffokaw fuq sorsi ta' enerġija rinnovabbli sostenibbli u jevitaw investimenti ġodda f'infrastruttura bbażata fuq il-gass fossili u l-faħam u jippreżentawh lis-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija għar-rakkomandazzjonijiet tiegħu; jistieden lill-Montenegro jżid l-isforzi tiegħu biex inaqqas it-telf min-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku tiegħu, jiddiversifika s-sorsi rinnovabbli tiegħu u jnaqqas id-dipendenza tiegħu fuq il-ġenerazzjoni tal-enerġija idroelettrika vulnerabbli għat-tibdil fil-klima; jilqa' s-sospensjoni tal-ftehimiet ta' konċessjoni għal impjanti tal-enerġija idroelettrika żgħar li ma segwewx l-istandards ambjentali xierqa u jitlob li l-proġetti l-ġodda kollha jirrispettaw l-istandards ambjentali tal-UE, tal-għajnuna mill-Istat u tal-konċessjonijiet tal-UE; iħeġġeġ lill-awtoritajiet itejbu l-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-miżuri għall-kwalità tal-arja f'żoni mniġġsa;
63. Jiddispjaċih li t-tħaddim tal-impjant ta' produzzjoni tal-enerġija bil-faħam ta' Pljevlja kompla wara li qabeż l-għadd ta' sigħat ta' tħaddim u jtenni t-talba urġenti tiegħu lill-awtoritajiet Montenegrini biex iġibuh immedjatament konformi mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija; jinnota b'kawtela ż-żieda fil-kost ta' EUR 15-il miljun għar-rikostruzzjoni ppjanata tal-impjant f'konformità mal-istandards ambjentali, li għadha ma bdietx; jistieden lill-awtoritajiet jippubblikaw l-istudju tal-fattibbiltà u s-sejbiet tal-investigazzjoni tal-prosekutur ġenerali dwar il-proċess tal-offerti, u jikkunsidraw pjan ta' tranżizzjoni komprensiv bil-ħsieb tal-għeluq ippjanat tal-impjant;
64. Itenni l-istedina tiegħu lill-Montenegro biex jieħu miżuri urġenti biex jippreserva ż-żoni protetti b'mod effettiv, u jħeġġu jkompli jidentifika siti potenzjali Natura 2000; jilqa' l-proklamazzjoni ta' tliet żoni tal-baħar protetti (Platamuni, Katič u Stari Ulcinj) u n-nomina tal-foresti tal-fagu fil-Park Nazzjonali ta' Biogradska Gora għall-inklużjoni fil-lista tal-patrimonju dinji tal-UNESCO; jesprimi tħassib dwar il-ħsara li saret lil korpi tal-ilma u xmajjar b'rabta ma' proġetti tal-infrastruttura, inklużi l-Lag Skadar, Sinjajevina, Komarnica u oħrajn; jiddispjaċih li minkejja l-progress inizjali l-kwistjoni tas-Sinjajevina għadha ma ssolvietx; jissottolinja l-ħtieġa ta' valutazzjoni u konformità mad-Direttiva dwar il-Ħabitats u mad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Montenegrini jinfurzaw pieni effettivi, dissważivi u proporzjonati għar-reati ambjentali kollha u jeradikaw il-korruzzjoni f'dan is-settur;
65. Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' progress fir-riformi settorjali ewlenin fil-politika tat-trasport; jistieden lill-Montenegro jkompli jimplimenta l-Istrateġija tiegħu għall-Iżvilupp tat-Trasport u jsaħħaħ il-kapaċitajiet amministrattivi għall-implimentazzjoni tan-networks trans-Ewropej; jissottolinja li fil-Balkani tal-Punent, is-settur tal-kostruzzjoni huwa fost l-iktar vulnerabbli għall-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni; jissottolinja li l-investimenti fl-infrastruttura jeħtieġ li jikkonformaw mal-istandards tal-UE dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali u l-analiżijiet tal-kostijiet u l-benefiċċji filwaqt li jirrispettaw ir-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku u l-għajnuna mill-Istat;
66. Jinnota ż-żieda fl-interess taċ-Ċina li tinvesti fil-Balkani tal-Punent u fi proġetti tal-infrastruttura tat-trasport fil-Montenegro bħala parti mill-Inizjattiva tagħha "Belt and Road"; jilqa' l-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment għall-Balkani tal-Punent u l-Inizjattiva ta' Gateway Globali tal-UE bħala alternattivi iktar ekoloġiċi u trasparenti għall-finanzjament ta' proġetti tal-infrastruttura;
67. Jinnota b'dispjaċir il-ħsara li saret lir-Riżerva tal-Bijosfera tal-Baċir tax-Xmara Tara u lill-Park Nazzjonali ta' Durmitor, sit ta' patrimonju tal-UNESCO, minħabba l-bini tal-awtostrada Bar-Boljare; jistieden lill-Montenegro jimplimenta miżuri ta' tiġdid tas-sodda tax-xmara u jimmonitorja mill-qrib l-impatt ambjentali tal-kostruzzjoni tal-infrastruttura tat-trasport; jesprimi tħassib li l-kost tal-awtostrada Bar-Boljare kien fil-biċċa l-kbira sottovalutat u li ma ttieħdet l-ebda azzjoni minkejja proċeduri ta' akkwist pubbliku mhux ċari, nuqqas ta' dokumentazzjoni tal-ippjanar u tħassib ekoloġiku; jinnota li l-applikazzjoni tal-Montenegro għal kofinanzjament mill-Qafas ta' Investiment tal-Balkani tal-Punent għadha pendenti;
68. Jistieden lill-Montenegro jindirizza r-rimi illegali tal-iskart u jieħu passi ulterjuri biex itejjeb il-proċeduri tal-ippjanar għall-faċilitajiet tal-ilma mormi bil-għan li jħaffef il-kostruzzjoni tagħhom; jinnota n-nuqqas ta' progress u l-kostijiet dejjem jiżdiedu fil-bini ta' impjanti essenzjali għat-trattament tal-ilma mormi għall-prevenzjoni tat-tniġġis bid-drenaġġ f'seba' muniċipalitajiet;
69. Iħeġġeġ lill-Montenegro jintensifika l-azzjoni tiegħu dwar ir-riformi istituzzjonali u leġiżlattivi dwar il-kaċċa u s-sajd, b'enfasi partikolari fuq iż-żoni protetti u l-ispeċijiet protetti;
o o o
70. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Montenegro.
Il-konklużjonijiet tal-ECRI dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-Montenegro soġġetti għal segwitu interim, 2 ta' Ġunju 2020, https://rm.coe.int/ecri-conclusions-on-the-implementation-of-the-recommendations-in-respe/16809e8273.
– wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta wara s-Sitt Summit bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana (UA) li sar mis-17 sat-18 ta' Frar 2022 bit-titolu "Viżjoni Konġunta għall-2030",
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 bit-titolu "Il-Patt Ekoloġiku Ewropew" (COM(2019)0640),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tad-9 ta' Marzu 2020 bit-titolu "Lejn strateġija komprensiva mal-Afrika" (JOIN(2020)0004),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2021 bit-titolu "Strateġija ġdida UE-Afrika – sħubija għal żvilupp sostenibbli u inklużiv"(1),
– wara li kkunsidra l-"Aġenda 2063: L-Afrika Li Rridu" tal-UA,
– wara li kkunsidra l-inizjattivi tal-UA mnedija biex tinkiseb l-Aġenda 2063, inkluż l-Iżvilupp Industrijali Aċċellerat għall-Afrika, il-Programm għall-Iżvilupp Infrastrutturali għall-Afrika, l-Ispinta lill-Kummerċ Intra-Afrikan u l-Viżjoni Afrikana fuq it-Tħaffir,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Frar 2021 bit-titolu "Rieżami tal-Politika Kummerċjali – Politika Kummerċjali Miftuħa, Sostenibbli u Assertiva" (COM(2021)0066),
– wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (FSE), dawk konklużi u dawk li qed jiġu nnegozjati, bejn l-UE u l-14-il pajjiż u reġjun tal-Afrika sub-Saħarjana, u ftehimiet oħra ta' kummerċ ħieles tal-UE mal-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Assemblea tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-UA tat-2 ta' Lulju 2018 dwar iż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Kontinentali Afrikana (AfCFTA)(2),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Kigali tal-Assemblea tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-UA ta' Lulju 2016 dwar l-eżitu tal-irtirar tal-Assemblea tal-Unjoni Afrikana, b'mod partikolari l-paragrafu 5 dwar il-finanzjament tal-Unjoni(3),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Settembru 2018 bit-titolu "Alleanza ġdida Afrika-Ewropa għall-Investiment u għall-Impjiegi Sostenibbli: nieħdu s-sħubija tagħna għall-investiment u għall-impjiegi fil-livell li jmiss" (COM(2018)0643),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2018 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE(4),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-25 ta' Settembru 2020 mill-Ministri tal-Finanzi tal-G7 dwar l-Inizjattiva dwar is-Sospensjoni tas-Servizz tad-Dejn u s-serħan mid-dejn għall-pajjiżi vulnerabbli,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-1 ta' Diċembru 2021 dwar il-Portal Globali (JOIN(2021)0030),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta' Lulju 2021 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera (COM(2021)0564),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-25 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru (GAP III) – Aġenda Ambizzjuża għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u l-Għoti tas-Setgħa lin-Nisa fl-Azzjoni Esterna tal-UE" (JOIN(2020)0017),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tad-9 ta' Frar 2021 bit-titolu "Sħubija mġedda mal-Viċinat tan-Nofsinhar: Aġenda Ġdida għall-Mediterran" (JOIN(2021)0002) u d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal li jakkumpanjaha (SWD(2021)0023),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2022 dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru III(5),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 tal-20 ta' Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta' skema ta' liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta' injam fil-Komunità Ewropea(6) u l-Ftehimiet ta' Sħubija Volontarja assoċjati bejn l-UE u l-pajjiżi sħab,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-17 ta' Novembru 2021 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni kif ukoll l-esportazzjoni mill-Unjoni ta' ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti (COM(2021)0706),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2021 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar diliġenza dovuta korporattiva u obbligu ta' rendikont korporattiv(7),
– wara li kkunsidra l-Kimberley Process u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2021 dwar l-implimentazzjoni tal-Iskema ta' Ċertifikazzjoni Kimberley Process(8),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli(9),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-22 ta' Settembru 2021 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' skema ġeneralizzata ta' preferenzi tariffarji (COM(2021)0579),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Frar 2021 dwar il-Pjan ta' Azzjoni ġdid għall-Ekonomija Ċirkolari(10),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2021 dwar strateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent(11),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2021 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar politika u liġi dwar il-migrazzjoni legali(12),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Forum Afrika-Ewropa tal-Gvernijiet Lokali u Reġjonali tal-15 ta' Frar 2022,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-organizzazzjonijiet tan-negozju tas-Seba' Forum UE-Afrika dwar in-Negozju tal-14 ta' Frar 2022,
– wara li kkunsidra d-dokument ta' eżitu tal-Forum tal-OSĊ tal-Ġimgħa Afrika-Ewropa ta' Frar 2022 bit-titolu "No decision about us without us!" ("L-ebda deċiżjoni dwarna mingħajrna!"),
– wara li kkunsidra l-eżiti konġunti tal-perkors taż-żgħażagħ tal-Ġimgħa Afrika-Ewropa ta' Frar 2022,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Konferenza tan-NU dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) tal-2021 dwar l-Iżvilupp Ekonomiku fl-Afrika, bit-titolu "Reaping the potential benefits of the African Continental Free Trade Area for inclusive growth" ("Il-kisba tal-benefiċċji potenzjali taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Kontinentali Afrikana għat-tkabbir inklużiv"),
– wara li kkunsidra l-Alleanza Afrika-Ewropa għall-Investiment u għall-Impjiegi Sostenibbli,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet fir-rapport finali tal-Bord Konsultattiv Presidenzjali tal-Afrika t'Isfel dwar ir-Riforma Agrarja u l-Agrikoltura tal-4 ta' Mejju 2019,
– wara li kkunsidra r-rapport tat-Task Force dwar l-Ekonomija Diġitali UA-UE tat-13 ta' Ġunju 2019 bit-titolu "New Africa-Europe Digital Economy Partnership: Accelerating the Achievement of the Sustainable Development Goals" ("Sħubija Ġdida Afrika-Ewropa għall-Ekonomija Diġitali: L-aċċellerazzjoni tal-Kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli"),
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-2021 dwar l-Għajnuna tal-UE għall-Progress tal-Kummerċ,
– wara li kkunsidra d-djalogu bejn diversi partijiet ikkonċernati għall-kawkaw sostenibbli, li jiffoka fuq is-settur tal-kawkaw fi tnejn mill-pajjiżi ta' produzzjoni ewlenin, il-Kosta tal-Avorju u l-Ghana,
– wara li kkunsidra d-diskors ta' Nana Akufo-Addo, President tal-Ghana, tat-12 ta' Diċembru 2021 lill-Parlament Ewropew fi Strasburgu,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-2 ta' Marzu 2022 dwar l-aggressjoni kontra l-Ukrajna,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Marzu 2022 dwar is-salvagwardja tas-sigurtà tal-ikel u t-tisħiħ tar-reżiljenza tas-sistemi tal-ikel (COM(2022)0133),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2021,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A9-0169/2022),
A. billi l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Afrika għandhom relazzjoni politika, ekonomika u kulturali importanti u li ilha żmien twil; billi s-Sitt Summit tal-UE u tal-Unjoni Afrikana (UA) fl-2022 wassal għal ftehim dwar "Viżjoni Konġunta għall-2030", strateġija konġunta ġdida ta' benefiċċju reċiproku li ssaħħaħ ir-rabtiet bejn iż-żewġ unjonijiet u tippermetti kooperazzjoni aktar mill-qrib dwar kwistjonijiet ta' konverġenza reċiproka fl-oqsma tal-kummerċ, l-iżvilupp, is-sigurtà u l-governanza tajba; billi l-għan tagħha huwa li tmexxi 'l quddiem il-prijoritajiet komuni tagħna billi tippreserva flimkien l-interessi u l-beni pubbliċi komuni tagħna, is-sigurtà u l-prosperità taċ-ċittadini tagħna, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-għoti tas-setgħa lin-nisa fl-isferi kollha tal-ħajja, ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt, l-azzjonijiet għall-konservazzjoni tal-ambjent u tal-bijodiversità, it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv, il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi, l-appoġġ għad-drittijiet tat-tfal u l-inklużjoni taż-żgħażagħ u ta' dawk l-aktar żvantaġġati; billi ż-żewġ unjonijiet jirrikonoxxu l-importanza tas-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni; billi din is-sħubija mġedda se tkun ibbażata fuq il-ġeografija, ir-rikonoxximent tal-istorja, ir-rabtiet umani, ir-rispett għas-sovranità, ir-rispett reċiproku u r-responsabbiltà, il-valuri kondiviżi, l-ugwaljanza bejn is-sħab u l-impenji reċiproċi; billi l-UE u l-UA impenjaw ruħhom li jsaħħu s-sħubija strateġika tagħhom sabiex flimkien jiffaċċjaw sfidi ġodda, bħat-tibdil fil-klima, l-irkupru ta' wara l-pandemija u l-bini ta' reżiljenza għal xokkijiet futuri;
B. billi l-paċi hija prekundizzjoni għall-iżvilupp sostenibbli u għal ambjent stabbli ta' kummerċ u ta' investiment; billi l-kuntest ġeopolitiku globali kien soġġett għal bidla konsiderevoli mill-invażjoni illegali, mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa fl-24 ta' Frar 2022, inkluż fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika; billi l-Assemblea Ġenerali tan-NU kkundannat l-aggressjoni kontra l-Ukrajna mir-Russja b'maġġoranza kbira fir-riżoluzzjoni tagħha tat-2 ta' Marzu 2022, inkluż bl-appoġġ mill-UA, li 28 mill-istati membri tagħha jappoġġaw ir-riżoluzzjoni; billi 16 mill-istati membri tagħha astjenew u disgħa għażlu li ma jivvutawx; billi l-invażjoni tar-Russja u l-konsegwenzi tal-gwerra qed ikollhom riperkussjonijiet devastanti għall-ktajjen tal-valur u tal-provvista globali, b'mod partikolari għall-aċċess għall-qamħ u għal komoditajiet oħra, li qed ipoġġi ħafna aktar miljuni ta' nies f'riskju ta' nuqqas ta' ikel; billi s-sigurtà tal-ikel fil-kontinent Afrikan qed tiġi affettwata b'mod partikolarment ħażin; billi l-Afrika ta' Fuq timporta 60 % tal-qamħ u ta' għelejjel oħra tal-ikel tagħha mill-Ukrajna u mir-Russja, u diversi pajjiżi Afrikani qed jiffaċċjaw skarsezzi fl-importazzjonijiet ta' fertilizzanti; billi l-interruzzjoni tal-ktajjen tal-provvista kkawżata mill-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna tista' twassal għal irvellijiet minħabba l-ikel u għal inkwiet soċjali;
C. billi l-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) sal-2030 trid issir il-linja gwida ċentrali u l-parametru referenzjarju ta' suċċess tal-kooperazzjoni UE-Afrika, inkluż il-kontribut tar-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment fil-ġlieda kontra l-faqar;
D. billi l-migrazzjoni hija parti mill-SDG 10.7, li għandu l-għan li jiffaċilita l-migrazzjoni u l-mobbilità ordnati, sikuri, regolari u responsabbli tal-persuni;
E. billi r-Reviżjoni tal-Politika Kummerċjali tal-UE tirrikonoxxi l-importanza strateġika tal-approfondiment tal-impenn mal-kontinent Afrikan u l-istati Afrikani billi tipproponi diversi linji ta' azzjoni biex jissaħħu r-rabtiet kummerċjali u ekonomiċi bejn l-UE u l-Afrika; billi l-Ewropa u l-Afrika huma kontinenti ġirien li l-prosperità u l-istabbiltà tagħhom huma interkonnessi mill-qrib u jeħtieġ li jiġu appoġġati minn integrazzjoni ekonomika aktar mill-qrib u aktar ġusta;
F. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-akbar fornituri ta' Għajnuna għall-Kummerċ (AfT) fid-dinja, u li dawn jammontaw għal 38 % tal-kontribuzzjonijiet globali; billi l-Afrika kompliet tirċievi l-akbar sehem ta' impenji tal-AfT fl-2019; billi l-UE biħsiebha żżid is-sehem tal-AfT tal-UE allokat lill-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs) biex tgħin tirdoppja s-sehem tagħhom tal-esportazzjonijiet globali, peress li fl-2020, is-sehem tal-LDCs tal-esportazzjonijiet globali kien għadu 1 % u s-sehem tagħhom tal-esportazzjonijiet lejn l-UE kien għadu 2 %;
G. billi l-UE għandha ssegwi approċċ ta' "Tim Ewropa" fil-kooperazzjoni tagħha mal-Afrika, inkluż aktar koordinazzjoni bejn id-direttorati ġenerali differenti tal-Kummissjoni, l-istituzzjonijiet Ewropej ta' finanzjament għall-iżvilupp, l-aġenziji Ewropej ta' kreditu għall-esportazzjoni, il-banek kummerċjali u l-Istati Membri tal-UE;
H. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha jikkostitwixxu l-aktar sieħeb kummerċjali importanti għall-Afrika, u billi l-valur tal-kummerċ żdied għal EUR 288 biljun fl-2021 minn valur baxx ta' EUR 225 biljun fl-2020 b'riżultat tal-pandemija tal-COVID-19; billi d-defiċit kummerċjali favur l-UE naqas minn EUR 24 biljun fl-2020 għal EUR 4 biljun fl-2021; billi skont il-ftehimiet kummerċjali eżistenti u l-preferenzi unilaterali tal-UE għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, 90 % tal-esportazzjonijiet Afrikani jgawdu minn aċċess għas-suq uniku tal-UE mingħajr dazju u mingħajr kwoti; billi fl-2021, aktar minn 65 % tal-prodotti importati lejn l-UE mill-Afrika kienu prodotti primarji bħall-ikel u x-xorb, il-materja prima u l-enerġija, u billi fl-2021, 68 % tal-prodotti esportati mill-UE lejn l-Afrika kienu prodotti manifatturati; billi din l-istruttura kummerċjali tirrifletti l-iżbilanċ strutturali u l-interdipendenza tal-ekonomiji involuti, u għalhekk iżżomm lill-kontinent Afrikan fil-valuri aktar baxxi tal-ktajjen tal-valur globali; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha ilhom għal żmien twil l-akbar sors ta' investiment, ta' assistenza uffiċjali għall-iżvilupp, ta' assistenza umanitarja u ta' finanzjament għas-sigurtà tal-Afrika;
I. billi fl-2021 l-Istati Uniti għamlu kummerċ ta' merkanzija mal-Afrika ta' madwar USD 26,7 biljun f'esportazzjonijiet u USD 37,5 biljun f'importazzjonijiet, b'valur ikkombinat ta' USD 64,2 biljun; billi minkejja l-inizjattiva Prosper Africa mnedija mill-amministrazzjoni preċedenti tal-Istati Uniti, il-kummerċ tal-Istati Uniti mal-Afrika sub-Saħarjana qed jistaġna u jirrappreżenta inqas minn 1 % tal-kummerċ kollu ta' merkanzija tal-Istati Uniti;
J. billi s-sehem tal-Afrika fil-kummerċ globali naqas b'mod kostanti matul dawn l-aħħar 50 sena u jammonta għal 2,9 % tal-kummerċ dinji skont l-UNCTAD; billi l-kontinent għandu livell għoli ta' dipendenza fuq l-importazzjonijiet u fuq l-esportazzjonijiet ta' riżorsi naturali bbażati fuq il-komoditajiet; billi l-kummerċ interreġjonali jammonta biss għal 14,4 % tal-kummerċ kontinentali totali;
K. billi l-Bank Afrikan tal-Iżvilupp jistma li l-kost ekonomiku tal-kummerċ illeċitu tar-riżorsi naturali huwa ta' USD 120 biljun fis-sena, li huwa 5 % tal-prodott domestiku gross (PDG)(13) tal-Afrika;
L. billi l-livell ta' kummerċ intrakontinentali fl-Afrika huwa ferm inqas mill-potenzjal tiegħu, u t-tisħiħ tiegħu huwa essenzjali għat-trasformazzjoni strutturali ekonomika sostenibbli tal-kontinent; billi s-setturi privati Afrikani u Ewropej għandhom interess kondiviż fl-implimentazzjoni effettiva u b'suċċess tal-AfCFTA, b'mod partikolari fir-rigward tat-tkabbir ekonomiku u l-opportunitajiet ta' impjieg li din mistennija toħloq; billi d-dħul fis-seħħ tal-AfCFTA fit-30 ta' Mejju 2019 u t-tnedija tal-kummerċ taħt il-preferenzi tagħha fl-1 ta' Jannar 2021 bħala proġett ewlieni tal-Ewwel Pjan ta' Implimentazzjoni ta' Għaxar Snin (2014-2023) fl-ambitu tal-Aġenda 2063 tal-UA taw spinta ġdida lill-opportunitajiet ta' kummerċ u ta' investiment pan-Afrikani u żiedu l-konnettività Ewro-Afrikana;
M. billi l-AfCFTA se ssir l-ikbar żona ta' kummerċ ħieles tad-dinja f'termini tal-pajjiżi parteċipanti, inklużi 54 mill-55 Stat Membru tal-UA, u se toħloq suq ta' 1,2 biljun ruħ, inkluża klassi medja li qed tikber b'rata mgħaġġla, u tagħmilha t-tmien l-akbar blokk ekonomiku fid-dinja b'PDG kombinat ta' USD 3 triljun, li huwa mistenni li jiżdied b'iktar mid-doppju sal-2050; billi skont il-Bank Dinji, kull sena l-PDG tal-Afrika jista' jiżdied b'1 %, l-impjieg totali tagħha b'1,2 % u l-kummerċ intra-Afrikan bi 33 %; billi l-ħolqien tal-AfCFTA jirrappreżenta opportunità kbira għall-UE, iżda s-suċċess tagħha se jiddependi fil-biċċa l-kbira mill-kapaċità tagħha li timmobilizza l-investimenti u li trawwem skambji kummerċjali u preżenza korporattiva fl-Afrika;
N. billi fi ħdan l-AfCFTA, it-tariffi fuq 90 % tal-linji tariffarji għandhom jiġu eliminati, b'impenn mill-pajjiżi mhux l-anqas żviluppati li jilliberalizzaw it-tariffi fuq prodotti mhux sensittivi fuq ħames snin u mil-LDCs fuq 10 snin; billi 7 % tal-linji tariffarji huma fuq prodotti sensittivi u l-pajjiżi mhux l-anqas żviluppati se jilliberalizzaw it-tariffi fuq prodotti sensittivi fuq perjodu ta' 10 snin u l-LDCs fuq 13-il sena; billi 3 % tal-linji tariffarji jistgħu jiġu esklużi mil-liberalizzazzjoni; billi l-AfCFTA hija pass importanti biex jiġi eliminat il-mudell attwali għall-kummerċ formali fl-Afrika, li huwa kkaratterizzat minn ħinijiet twal ta' qsim tal-fruntieri, rekwiżiti regolatorji estensivi u taxxi għoljin;
O. billi l-AfCFTA għandha l-għan li, minbarra li tkun strument ta' liberalizzazzjoni tal-kummerċ, tkun fattur abilitanti tat-tkabbir inklużiv u l-iżvilupp sostenibbli f'konformità mal-Aġenda 2063; billi l-implimentazzjoni effettiva u kkoordinata tal-AfCFTA bħala reġim kontinentali hija essenzjali għat-tisħiħ tal-kummerċ intra-Afrikan u se tkun sfida kbira, b'saffi u impenji differenti li jirriżultaw minn ftehimiet kummerċjali, komunitajiet ekonomiċi reġjonali u unjonijiet doganali li jirrikjedu miżuri estensivi għall-iżvilupp ta' infrastruttura tat-trasport transfruntiera u faċilitazzjoni kummerċjali mtejba biex jippermettu aħjar il-ktajjen tal-valur transfruntiera; billi r-riformi ta' governanza mmirati lejn il-faċilitazzjoni tal-kummerċ, l-ostakli mhux tariffarji għall-kummerċ, il-konformità mal-istandards komuni tekniċi u dawk relatati mas-saħħa dwar il-prodotti u l-liġi tax-xogħol, ir-rimedji u s-salvagwardji kummerċjali huma essenzjali biex jintlaħqu l-aspirazzjonijiet tal-UA u biex l-AfCFTA ssir reġim effettiv u prevedibbli; billi, bħal kull ftehim kummerċjali, l-AfCFTA se toħloq effetti pożittivi u negattivi u huwa essenzjali li jkun hemm miżuri ta' appoġġ xierqa fis-seħħ biex jimmitigaw kwalunkwe effett negattiv u jiżguraw li l-AfCFTA tkun tista' tikkontribwixxi għall-avvanz tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u b'mod partikolari tiżgura li n-nisa u l-kumpaniji mmexxija miż-żgħażagħ ikunu jistgħu jibbenefikaw minn opportunitajiet ġodda;
P. billi fir-rigward tal-kummerċ u b'mod partikolari r-regoli tal-oriġini u tal-akkumulazzjoni, id-diversi arranġamenti tal-UE mal-pajjiżi Afrikani wasslu għal frammentazzjoni tal-kontinent Afrikan, u b'hekk ħolqu ostakli relatati mat-tariffi u xekklu l-bini ta' ktajjen tal-valur transfruntiera fl-AfCFTA;
Q. billi l-istati Afrikani mhumiex omoġenji; billi l-kontinent Afrikan huwa partikolarment vulnerabbli għal "xokkijiet" esterni minħabba r-rata għolja ta' dipendenza tiegħu, mhux biss fuq riżorsi finanzjarji esterni u introjtu bħar-rimessi barranin, l-investiment dirett barrani, it-turiżmu u l-għajnuna esterna, iżda wkoll fuq l-importazzjonijiet ta' prodotti manifatturati;
R. billi l-Afrika hija kontinent ta' tama u opportunità u titqies bħala tali minn għadd dejjem jikber taż-żgħażagħ tagħha; billi l-Afrika hija l-iktar kontinent żagħżugħ fid-dinja, b'età medjana ta' 19,8-il sena u 60 % tal-popolazzjoni hija taħt l-età ta' 25 sena; billi sal-2050, il-popolazzjoni tal-Afrika se tkun irduppjat, minn madwar 1,2 biljun ruħ għal madwar 2,4 biljun, u billi, sal-istess sena, 50 % tal-popolazzjoni globali taħt l-età ta' 25 sena se tkun fl-Afrika, li se tkun sfida sinifikanti għall-ekonomiji u l-governanza demokratika tal-pajjiżi Afrikani u se jkollha impatt fuq il-ġeopolitika, il-kummerċ globali u l-migrazzjoni; billi llum l-Afrika tospita erba' darbiet aktar tfal mill-Ewropa u billi 70 % tal-popolazzjoni tal-Afrika sub-Saħarjana għandha inqas minn 30 sena; billi ż-żieda fil-popolazzjoni u l-għadd dejjem jiżdied ta' individwi tal-klassi medja se jirrikjedu żieda proporzjonali fil-provvisti tal-ikel, u għalhekk is-settur agroalimentari għandu jiftaħ opportunitajiet ekonomiċi u ta' impjieg għaż-żgħażagħ Afrikani, li l-parteċipazzjoni tagħhom fis-settur se tkun essenzjali wkoll biex tiġi żgurata s-sostituzzjoni ġenerazzjonali u biex tiġġedded is-sistema agroalimentari; billi ż-żgħażagħ tal-Afrika jeħtieġu edukazzjoni ta' kwalità u opportunitajiet ta' impjieg u negozju biex ikunu jistgħu jikkontribwixxu għat-tkabbir u l-iżvilupp sostenibbli ta' pajjiżhom; billi l-popolazzjoni tal-Ewropa qed tixjieħ u ħafna setturi ekonomiċi diġà qed jirrapportaw nuqqas ta' ħaddiema kwalifikati u problemi biex isibu apprendisti; billi t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u taż-żgħażagħ fl-Afrika tikkontribwixxi kemm għat-tkabbir ekonomiku kif ukoll għall-avvanz tal-pożizzjoni tagħhom fis-soċjetà;
S. billi l-għan tal-SDG ta' Żero Ġuħ huwa li jintemm il-ġuħ sal-2030 u li tinkiseb sigurtà tal-ikel u nutrizzjoni mtejba; billi l-progress fir-rigward ta' dan l-għan naqas f'dawn l-aħħar snin, b'aktar minn 800 miljun persuna fuq il-pjaneta tagħna li għad iridu jsofru l-ġuħ kull lejl; billi l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) bassret li l-għadd ta' persuni fl-Afrika li jsofru l-ġuħ se jiżdied b'mod sinifikanti minn 280 għal 300 miljun, u b'hekk sal-2030 se titpoġġa fuq l-istess livell mal-Asja bħala r-reġjuni bl-ogħla għadd ta' persuni b'nuqqas ta' nutrizzjoni; billi l-insigurtà tal-ikel marret għall-agħar fil-kontinent u 21 % tal-popolazzjoni kienet qed issofri minn malnutrizzjoni fl-2020; billi s-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Sistemi tal-Ikel tal-2021 stabbilixxa li dawn ix-xejriet mhux mixtieqa qed jiġu xprunati miż-żieda fil-frekwenza u l-intensità tal-kunflitt, il-varjabbiltà fil-klima u l-estremitajiet klimatiċi, it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u r-reċessjonijiet ekonomiċi, u l-livelli għoljin ta' inugwaljanza, u li dawn tal-aħħar żdiedu minħabba t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku fl-2020, li kien prinċipalment konsegwenza tal-miżuri ta' konteniment minħabba l-COVID-19 madwar id-dinja;
T. billi t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali huma theddid eżistenzjali għall-Afrika, l-UE u d-dinja kollha, u jirrikjedu rispons konġunt u investimenti sostantivi fir-reżiljenza; billi r-relazzjonijiet kummerċjali UE-Afrika jrid ikollhom rwol kruċjali fl-indirizzar tat-tranżizzjoni klimatika u fit-trawwim ta' sforzi komuni biex jinkisbu tkabbir sostenibbli, żvilupp ekonomiku inklużiv u aċċess għall-beni pubbliċi, b'mod partikolari permezz tal-promozzjoni ta' ktajjen tal-provvista sostenibbli u d-diversifikazzjoni tal-kummerċ fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju; billi l-UE impenjat ruħha li ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050 u li tissepara t-tkabbir ekonomiku tagħha mill-użu tar-riżorsi; billi l-pajjiżi Afrikani s'issa ftit li xejn ikkontribwew u qed jikkontribwixxu għall-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, irrispettivament minn jekk dawn jitkejlux permezz ta' emissjonijiet storiċi, attwali jew mistennija u f'termini totali jew per capita, filwaqt li l-produzzjoni, l-istil ta' ħajja u d-drawwiet tal-konsum fl-UE jikkontribwixxu għat-tibdil fil-klima; billi l-effetti tat-tibdil fil-klima se jkunu katastrofiċi, b'mod partikolari għal ħafna stati Afrikani, li wħud minnhom se jkunu fost l-agħar li se jintlaqtu; billi fl-Afrika sub-Saħarjana, il-kostijiet ta' adattament biex jiġu evitati l-kostijiet saħansitra ogħla ta' għajnuna addizzjonali f'każ ta' diżastru huma stmati li se jkunu USD 30-50 biljun fis-sena matul l-għaxar snin li ġejjin, jew 2-3 % tal-PDG reġjonali; billi s-27 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP27) se ssir fl-istat Afrikan tal-Eġittu fl-2022; billi t-tranżizzjoni lejn dinja dekarbonizzata trid tkun ġusta u ekwa; billi l-UE pproponiet li l-aċċess għall-enerġija jsir wieħed mill-pilastri ewlenin tal-kooperazzjoni mal-Afrika fl-ambitu tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;
U. billi l-UE u l-UA ħabbru pakkett ta' investiment Afrika-Ewropa ta' EUR 150 biljun fuq perjodu ta' sitt snin, b'medja ta' EUR 25 biljun fis-sena, li se jappoġġa ambizzjonijiet komuni għall-Aġenda 2030 u l-Aġenda UA 2063 u se jkollu komponenti dwar l-investiment, is-saħħa u l-edukazzjoni; billi dawn l-investimenti ma għandhomx iżidu mal-piż tad-dejn tal-pajjiżi Afrikani;
V. billi madwar 34 % tal-unitajiet domestiċi Afrikani jgħixu taħt il-linja tal-faqar internazzjonali ta' USD 1,90 kuljum, u madwar 40 % tal-ġid totali tal-kontinent huwa proprjetà ta' madwar 0,0001 % tal-popolazzjoni tiegħu; billi għad hemm disparitajiet kbar fl-iżvilupp tal-pajjiżi Afrikani; billi minħabba t-tkabbir rapidu mistenni tal-popolazzjoni Afrikana, huwa saħansitra aktar essenzjali li jiġi żgurat li din tkun akkumpanjata minn żvilupp sostenibbli, edukazzjoni ta' kwalità u ħolqien ta' impjiegi deċenti;
W. billi madwar pajjiż wieħed biss minn kull tliet pajjiżi Afrikani għandu programmi nazzjonali tal-pajjiżi għax-xogħol deċenti, li ġew stabbiliti bħala l-mezz ewlieni ta' twassil għall-appoġġ tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) imfassal apposta għall-prijoritajiet u l-eżiti ta' kull pajjiż;
X. billi l-Kummissjoni nediet l-Inizjattiva dwar il-Kawkaw Sostenibbli, immexxija b'mod konġunt mid-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ u d-Direttorat Ġenerali għas-Sħubijiet Internazzjonali u ffokata fuq il-Ghana u l-Kosta tal-Avorju, u bil-Kamerun bħala osservatur, u l-objettivi ewlenin huma li jiġi żgurat introjtu sostenibbli għall-għajxien għall-bdiewa, li tinkiseb l-eliminazzjoni tat-tħaddim tat-tfal fil-katina tal-provvista tal-kawkaw u li tinkiseb l-eliminazzjoni tad-deforestazzjoni għall-finijiet tal-ħolqien ta' pjantaġġuni tal-kawkaw;
Y. billi r-rapport tal-UNICEF/ILO 2021 dwar it-tħaddim tat-tfal jindika li t-tħaddim tat-tfal ilu jiżdied fl-Afrika sub-Saħarjana mill-2012 u li din ix-xejra 'l fuq se tkompli minħabba l-effetti mifruxa tal-pandemija;
Z. billi l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi ekonomiċi tagħha fl-2020 tefgħu t-tkabbir fl-Afrika kollha lura u jista' jkun li tefgħu lil 30 miljun persuna addizzjonali fil-faqar u aggravaw il-prevalenza tat-tħaddim tat-tfal; billi l-pakketti għall-irkupru ta' wara l-pandemija juru bidla enormi fil-kunsens politiku; billi l-kapaċità tal-fondi pubbliċi li jappoġġaw l-irkupru tvarja minn reġjun għal ieħor, u din tikkawża riskju imminenti li jiġu aggravati l-inugwaljanzi; billi sa Marzu 2022 r-rata sħiħa tat-tilqim ma kinitx ogħla minn 15 % fl-Afrika (meta mqabbla ma' 73 % fl-UE); billi miljuni ta' vaċċini se jkollhom jinqerdu qabel ma jkunu jistgħu jintużaw f'nazzjonijiet ifqar minħabba data ta' skadenza li qed toqrob malajr; billi l-UE u l-UA impenjaw ruħhom li jappoġġaw is-sovranità tas-saħħa Afrikana sħiħa sabiex il-kontinent ikun jista' jirreaġixxi għal emerġenzi futuri tas-saħħa pubblika, u impenjaw ruħhom li jappoġġaw, għal dan l-għan, aġenda komuni għall-manifattura tal-vaċċini u tal-mediċini, u għall-iżvilupp ta' servizzi dijanjostiċi u terapewtiċi u tal-prodotti tas-saħħa fl-Afrika, inkluż permezz ta' investiment fil-kapaċitajiet ta' produzzjoni, it-trasferimenti volontarji tat-teknoloġiji u t-tisħiħ tal-qafas regolatorju sabiex jippermetti aċċess ekwu għall-vaċċini u għas-servizzi dijanjostiċi u terapewtiċi; billi l-Parlament jilqa' l-miżuri kollha b'appoġġ għas-sistema tas-saħħa Afrikana u l-kapaċitajiet tas-saħħa tal-kontinent;
AA. billi rkupru sostenibbli u inklużiv fl-Afrika mill-COVID-19 se jirrikjedi USD 1 triljun addizzjonali fis-sena, minbarra d-distakk annwali ta' USD 2,5 triljun fil-finanzjament għall-SDGs li kien hemm qabel il-kriżi; billi dan l-isforz jikkostitwixxi opportunità importanti ta' investiment; billi l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) żied l-isforzi tiegħu biex jgħin lis-sħab Afrikani jirrispondu għall-kriżi ekonomika u tas-saħħa tal-COVID-19 billi pprovda EUR 5 biljun biex jappoġġa aktar minn EUR 12-il biljun f'investiment privat u pubbliku trasformattiv fl-Afrika kollha fl-2020;
AB. billi s-Sitt Summit UE-UA enfasizza l-urġenza tal-kontribut tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO ) għall-ġlieda kontra l-pandemija u għall-irkupru tal-ekonomija globali, u impenja lill-partijiet biex jaħdmu b'mod kostruttiv lejn ftehim dwar rispons komprensiv tad-WTO għall-pandemija li jinkludi aspetti relatati mal-kummerċ u dawk relatati mal-proprjetà intellettwali; billi l-Kummissjoni Ewropea u l-gvernijiet tal-Istati Uniti, l-Indja u l-Afrika t'Isfel laħqu proposta ta' kompromess fid-WTO li għandha tiġi ppreżentata lill-istati membri tad-WTO u li tiffaċilita eżenzjoni ta' ċerti regoli tal-proprjetà intellettwali, b'mod partikolari ċerti kriterji ta' dispożizzjonijiet ta' liċenzjar obbligatorju fl-ambitu tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPS), filwaqt li għadha ma tinkludix dispożizzjonijiet rigward għodod dijanjostiċi, apparati u trattamenti kif mitlub mill-Istati Afrikani; billi għad trid tinbeda diskussjoni usa' fid-WTO;
AC. billi l-istqarrija għall-istampa għar-rapport tal-Workshop dwar il-Bijodiversità u l-Pandemiji tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-servizzi Ekosistemiċi tinnota li "r-riskju tal-pandemija jista' jitnaqqas b'mod sinifikanti billi jitnaqqsu l-attivitajiet tal-bniedem li jixprunaw it-telf tal-bijodiversità, permezz ta' konservazzjoni akbar ta' żoni protetti, u permezz ta' miżuri li jnaqqsu l-isfruttament mhux sostenibbli ta' reġjuni b'bijodiversità għolja";
AD. billi skont il-Fond Monetarju Internazzjonali, madwar 60 % tal-pajjiżi b'introjtu baxx huma f'riskju għoli li jidħlu f'dejn moruż jew diġà jinsabu fih b'riżultat tal-kriżi tal-COVID-19, filwaqt li fl-2015 dik il-figura kienet inqas minn 30 %; billi l-gvernijiet ta' pajjiżi b'dejn kbir kemm fl-Ewropa kif ukoll fl-Afrika jsibuha diffiċli biex jimmobilizzaw l-investiment tant meħtieġ fil-prekundizzjonijiet għall-iżvilupp ekonomiku, bħal forza tax-xogħol kwalifikata u infrastruttura moderna;
AE. billi s-Segretarjat tal-AfCFTA stabbilixxa Fond ta' Aġġustament tal-AfCFTA ta' USD 1 biljun, iffinanzjat mill-Bank Afrikan għall-Esportazzjoni u l-Importazzjoni (Afreximbank), li għandu l-għan li jappoġġa lil pajjiżi li jsofru minn telf ta' introjtu mit-taxxa fuq żmien qasir b'riżultat tat-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tat-tariffi tagħhom; billi s-segretarjat tal-AfCFTA jistma li l-ħtieġa attwali hija ta' madwar USD 7 biljun;
AF. billi l-UE hija l-akbar importatur u esportatur ta' prodotti agroalimentari fid-dinja; billi minkejja l-fatt li l-Afrika għandha l-aktar raba' li jinħadem fid-dinja, il-pajjiżi tal-UA huma importaturi netti tal-ikel, u l-bdiewa tagħhom jipproduċu inqas mill-potenzjal tagħhom, parzjalment minħabba l-effetti ta' ċerti politiki u prattiki domestiċi Ewropej fuq il-prezzijiet li l-bdiewa Afrikani jistgħu jiksbu għall-prodotti tagħhom fis-swieq lokali, miżjuda b'tariffi li jagħmlu l-esportazzjonijiet tal-ikel ipproċessat mill-Afrika mhux kompetittivi; billi l-esportazzjonijiet tat-trab tal-ħalib tal-UE appoġġati mill-politika agrikola komuni lejn l-Afrika tal-Punent żdiedu, u billi t-triplikar tal-esportazzjonijiet minn mindu l-UE neħħiet il-kwoti tal-ħalib tagħha fl-2015 kellu konsegwenzi serji għal ħafna rgħajja u bdiewa lokali li l-prezzijiet tal-ħalib tagħhom ma jistgħux jikkompetu mal-prezzijiet baxxi ħafna għat-trab tal-ħalib; billi r-rispett ta' kundizzjonijiet ġusti għall-kummerċ UE-Afrika fi prodotti agrikoli għandu jkun il-linja bażi għall-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet tal-UE u tal-Afrika ta' ikel u prodotti agrikoli oħra, flimkien mal-ħtieġa li jiġi żgurat li l-esportazzjonijiet agrikoli ma jikkontradixxux l-għan li jiġi stabbilit settur tal-ikel aktar reżiljenti fl-Afrika; billi biex tiġi avvanzata l-agrikoltura sostenibbli fiż-żewġ kontinenti, għandu jkun hemm lok għal mudelli ta' riforma agrikola fl-Afrika u fl-Ewropa li joffru lill-bdiewa dinjità, isaħħu r-reżiljenza domestika u reġjonali u li jistgħu jisfruttaw il-potenzjal għaż-żewġ kontinenti biex jiżguraw nutrizzjoni abbundanti u jsiru awtosuffiċjenti fl-ikel, kif ukoll kontributuri għas-sigurtà tal-ikel f'reġjuni oħra tad-dinja; billi l-biedja mill-familji tipprevedi sa 70 % tal-provvista tal-ikel fil-kontinent li fil-fatt tiġi kkunsmata mill-Afrikani, minflok ma titkabbar bl-iskop li tiġi esportata; billi skont ir-Rapport tal-2016 dwar l-Iżvilupp tal-Bniedem fl-Afrika tal-Programm ta' Żvilupp tan-NU, l-inugwaljanza bejn il-ġeneri qed tiswa 6 % tal-PDG tar-reġjun lill-Afrika sub-Saħarjana, u dan jipperikola l-isforzi tal-kontinent biex jikseb żvilupp uman inklużiv u tkabbir ekonomiku; billi l-ugwalizzazzjoni tal-aċċess tan-nisa għall-inputs agrikoli tista' żżid il-produzzjoni tal-għelejjel b'sa 19 %, tagħti spinta lill-PDG agrikolu u globali u toħroġ mijiet ta' eluf ta' persuni mill-faqar(14);
AG. billi fl-2020, kien hemm żieda ta' kważi 40 % fl-għadd ta' persuni affettwati mill-insigurtà tal-ikel meta mqabbel mas-sena preċedenti; billi l-gwerra fl-Ukrajna turi l-interkonnettività tas-sigurtà tal-ikel u s-suq globali, u d-dipendenza ta' xi pajjiżi Afrikani fuq l-importazzjonijiet tal-ikel minn għadd żgħir ta' pajjiżi jew reġjuni esportaturi; billi d-dipendenza żejda tista' tħalli lill-pajjiżi vulnerabbli għal xokkijiet esterni; billi l-inizjattiva Missjoni ta' Reżiljenza Alimentari u Agrikola ġiet ippreżentata fis-Summit tal-G7 fl-24 ta' Marzu 2022, b'miżuri konkreti biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel globalment, u b'mod partikolari fil-pajjiżi Afrikani l-aktar milquta mill-interruzzjoni fil-produzzjoni tal-ikel li rriżultat mill-gwerra fl-Ukrajna; billi stħarriġ tal-unitajiet domestiċi mill-Fond Monetarju Internazzjonali sab li t-twessigħ tal-aċċess għal sistemi ta' twissija bikrija u informazzjoni dwar il-prezzijiet tal-ikel u t-temp, anke permezz ta' test sempliċi jew messaġġ bil-vuċi biex il-bdiewa jiġu infurmati dwar meta jħawlu, isaqqu jew jiffertilizzaw l-għelejjel tagħhom, jista' jippermetti agrikoltura intelliġenti fil-livell klimatiku u għandu l-potenzjal li jnaqqas ir-riskju tal-insigurtà tal-ikel bi 30 punt perċentwali;
AH. billi l-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju f'pajjiżi bi dħul baxx u medju fl-Afrika jsofru, f'termini ta' kummerċ intra-Afrikan, minn kostijiet sinifikanti ta' tranżazzjoni u dewmien ikkawżati minn relazzjonijiet transfruntiera limitati bejn il-banek, kwistjonijiet b'disponibbiltà tal-munita barranija, kostijiet tas-servizz għoljin għall-intermedjarji u l-ħtieġa li l-muniti tal-bejgħ u tax-xiri jiġu kklassifikati kontra d-dollaru Amerikan; billi l-iżviluppi teknoloġiċi u l-kooperazzjoni bejn il-banek ċentrali bħal dawk fl-ambitu tas-Sistema ta' Pagament u Saldu Pan-Afrikana jistgħu joffru soluzzjoni għal din il-problema;
AI. billi qed isiru negozjati fl-AfCFTA dwar il-liberalizzazzjoni ppjanata tas-servizzi, li jibdew b'ħames setturi ta' prijorità identifikati mill-UA, jiġifieri t-trasport, it-turiżmu, il-komunikazzjoni, is-servizzi finanzjarji u kummerċjali; billi s-servizzi jirrappreżentaw 54 % tal-PDG Afrikan u 75 % tal-investiment dirett barrani;
AJ. billi l-Istrateġija tal-UA dwar it-Trasformazzjoni Diġitali għall-Afrika (2020-2030) tipprevedi suq uniku diġitali sikur għall-Afrika sal-2030, fejn il-moviment tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital ikun żgurat u l-individwi u n-negozji jkunu jistgħu jaċċessaw u jinvolvu ruħhom mingħajr xkiel f'attivitajiet online f'konformità mal-AfCFTA; billi l-ekonomija diġitali fl-Afrika toffri prospetti għal żieda fil-ħolqien tal-impjiegi, b'mod partikolari għall-SMEs, li jipprovdu madwar 80 % tal-impjiegi madwar il-kontinent u huma s-sinsla tal-ekonomija Afrikana; billi d-diġitalizzazzjoni tal-kummerċ u l-promozzjoni ta' sistemi ta' kummerċ mingħajr karti għandhom potenzjal sinifikanti li jappoġġaw kummerċjanti fuq skala żgħira, inklużi intrapriżi mmexxija min-nisa u intraprendituri żgħażagħ; billi jinħtieġ investiment sostantiv fl-infrastruttura tal-Internet biex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni diġitali tal-popolazzjoni Afrikana, li minnha 33 % biss kellhom aċċess għall-internet fl-2021; billi s-sħab Afrikani tagħna qed ifittxu wkoll b'mod attiv l-assistenza tal-UE fit-tisħiħ tal-infrastruttura diġitali tal-Afrika u fl-iżgurar ta' konnettività xierqa u aċċess għall-internet fil-kontinent kollu; billi l-Afrika għadha lura ferm wara l-Istati Uniti, iċ-Ċina u sa ċertu punt l-Ewropa f'dak li għandu x'jaqsam mal-iżviluppi teknoloġiċi diġitali; billi skont l-UNCTAD, l-Afrika tammonta għal inqas minn 1 % tal-esportazzjonijiet globali ta' servizzi tanġibbli b'mod diġitali;
1. Jafferma li r-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment UE-Afrika jiffurmaw parti mill-isforz konġunt tagħna biex jintlaħqu l-SDGs tan-NU sal-2030 u l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi; jisħaq li l-Afrika hija prijorità ġeografika ewlenija fl-istrateġija kummerċjali l-ġdida tal-UE, u jissotolinja l-importanza ta' djalogu aktar robust bejn l-UE u l-Afrika; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-UE għandha tinvesti aktar sforzi biex tieħu s-sħubija lil hinn mir-relazzjoni tradizzjonali "donatur-riċevitur"; jisħaq li l-modernizzazzjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment UE-UA tista' ġġib benefiċċji enormi f'termini tal-istimolu tat-tkabbir ekonomiku, l-integrazzjoni reġjonali, it-tnaqqis tal-faqar u l-ħolqien tal-impjiegi, tista' tikkontribwixxi għall-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 u għat-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali tal-ekonomiji tal-pajjiżi kemm fl-UE kif ukoll fl-UA, kif ukoll fost is-sħab kummerċjali globali tagħna, u trid taderixxi mal-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp kif minqux fl-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; jissottolinja li l-prossimità ġeografika u r-rabtiet storiċi u kulturali li ilhom żmien twil qed jissaħħu dejjem aktar permezz ta' skambji kummerċjali li qed jikbru; jisħaq li l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili trid tkun pedament tal-istrateġija UE-UA biex jintlaħqu l-SDGs tan-NU;
2. Jistieden lill-Kummissjoni tapprofondixxi u tistruttura aħjar il-kooperazzjoni tagħha mas-sħab Afrikani tagħna u għalhekk tistabbilixxi djalogu politiku regolari ta' livell għoli, li jinkludi dimensjoni parlamentari li tinvolvi wkoll lill-Parlament Ewropew; jitlob li dan id-djalogu jiġi kkomplementat minn skambju fil-livell ta' raggruppamenti reġjonali, kif ukoll stati individwali, u minn djalogu parallel mal-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà ċivili fl-Afrika u l-UE bħala elementi vitali fl-avvanz tas-sħubija ugwali tal-UE mal-Afrika;
3. Jisħaq fuq l-importanza li tinħoloq bażi infrastrutturali u industrijali reżiljenti, kompetittiva u soda fl-Afrika, kif stabbilit fl-Aġenda 2063 tal-UA, bl-għan li jiġu żviluppati ktajjen tal-valur reżiljenti u ta' pproċessar b'valur miżjud għoli ta' materja prima fl-Afrika bħala perkors ewlieni lejn il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-intrapriżi u l-investituri Ewropej, inkluż il-BEI, japplikaw teknoloġiji ta' produzzjoni moderni, sostenibbli u, fejn possibbli, newtrali għall-klima fi proġetti ta' industrijalizzazzjoni Afrikani; jinsisti li s-sħab soċjali jkunu involuti fl-istadji kollha tal-promozzjoni tal-industrijalizzazzjoni; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li jingħata appoġġ lill-Afrika fit-tfassil tal-politiki makroekonomiċi, fiskali, monetarji u kummerċjali indipendenti tagħha u jistieden lill-Kummissjoni tippermetti lill-pajjiżi tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OSAKP) jipproteġu l-industriji ġodda tagħhom, inkluż permezz ta' appoġġ tekniku u finanzjarju, u tipprevedi d-dritt li ssir leġiżlazzjoni f'dak ir-rigward; jisħaq li l-isforzi għall-ħarsien tal-ambjent għandhom jitqiegħdu fiċ-ċentru tal-politiki u l-programmi ta' kooperazzjoni b'appoġġ għall-industrijalizzazzjoni u l-ħolqien ta' impjiegi deċenti fl-Afrika, li għandhom jiġu stabbiliti u implimentati mill-partijiet ikkonċernati kollha responsabbli miż-żewġ kontinenti;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi investimenti sostenibbli biex timxi lejn ekonomija ħielsa mill-karbonju, f'konformità mal-wegħda tagħha fil-Patt Klimatiku ta' Glasgow, filwaqt li tiżgura forniment u ġestjoni responsabbli u sostenibbli tar-riżorsi naturali u tal-materja prima, kif ukoll l-immaniġġjar sostenibbli tal-iskart f'konformità mal-objettivi tagħha tal-Patt Ekoloġiku;
5. Jissottolinja r-rwol fundamentali tal-istituzzjonijiet, l-awtoritajiet u l-infrastruttura statali li jiffunzjonaw, u jqis li n-nuqqas tagħhom jista' jkun ostaklu kbir għall-kummerċ; jisħaq, f'dan ir-rigward, li l-pajjiżi Afrikani kollha għandhom itejbu ċ-ċertezza legali, peress li din hija vitali għall-iżvilupp ta' kwalunkwe tip ta' kummerċ; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-kontropartijiet Afrikani tagħha biex tiggarantixxi ambjent tan-negozju li jwassal għall-investiment;
6. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-proposti ekonomiċi u kummerċjali tal-Aġenda l-ġdida għall-Mediterran, adottata mill-Kummissjoni fid-9 ta' Frar 2021, jiġu adattati għas-sitwazzjoni ta' emerġenza attwali; jappella għall-implimentazzjoni bla xkiel tal-proġetti relatati mal-kummerċ fl-ambitu tal-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment mill-aktar fis possibbli;
7. Jissottolinja li l-UE teħtieġ pedament kompletament ġdid għas-sħubija ekonomika tagħha mal-Afrika, fuq bażi ugwali u bbażata fuq l-ugwaljanza, ir-rispett reċiproku u l-fehim, inklużi l-isfidi li jiffaċċjaw is-sħab Afrikani fil-kuntest tar-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment, filwaqt li jitqiesu d-dinamiċi li qed jinbidlu u jiġu indirizzati l-iżbilanċi u n-nuqqasijiet kontinwi; jemmen li din hija opportunità unika biex jerġgħu jitqajmu r-relazzjonijiet kummerċjali bejn iż-żewġ kontinenti, u li s-Summit stabbilixxa perkors għall-UE u l-UA biex jinvolvu ruħhom fi sħubija mġedda, ta' benefiċċju reċiproku u sostenibbli bbażata fuq is-solidarjetà u l-kooperazzjoni, u biex jissawru mill-ġdid ir-relazzjonijiet ekonomiċi, kummerċjali u tan-negozju bl-għan li jagħtu s-setgħa lill-Afrika, inkluż billi jiżguraw relazzjonijiet kummerċjali ġusti u etiċi li jiffavorixxu l-integrazzjoni kontinentali Afrikana; jissotolinja li r-relazzjoni kummerċjali UE-Afrika għandha tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tax-xogħol, il-governanza tajba, l-istat tad-dritt u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi dawn l-elementi fil-kuntest tar-relazzjonijiet kummerċjali UE-Afrika;
8. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tgħin biex jintemm ir-rwol ta' "mili u tlestija" tan-nazzjonijiet Afrikani billi tappoġġa sistema b'diversi partijiet ikkonċernati li tippermetti lin-nazzjonijiet tal-UA jipproduċu t-tilqim tagħhom stess, kapaċità li diġà ntweriet fil-produzzjoni tal-vaċċini kontra l-HIV, li se tiftaħ spazji għall-iżvilupp ta' potenzjal xjentifiku u tnaqqas id-dipendenza fuq għadd żgħir ta' korporazzjonijiet madwar id-dinja;
9. Jisħaq li r-rispons tal-UE għall-isforzi globali tat-tilqim biex tiġi mmitigata l-pandemija tal-COVID-19 wassal għal tfixkil fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika; jissotolinja li l-eżiti tas-Sitt Summit UE-UA għandhom ikunu punt ta' tluq ġdid għall-avvanz tar-relazzjonijiet UE-Afrika; jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha mas-sħab Afrikani b'mod bilaterali u strutturat u ssegwi impenn reġjonali u multilaterali biex tavvanza r-relazzjonijiet UE-Afrika; jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha mal-Parlament dwar diskussjoni dwar il-kompromess tal-eżenzjoni tat-TRIPS innegozjat mill-"quad" tal-UE, l-Istati Uniti, l-Indja u l-Afrika t'Isfel; jistieden lill-Kummissjoni tibqa' flessibbli u prammatika fid-diskussjonijiet fid-WTO bl-għan li jintlaħaq kompromess dwar eżenzjoni tat-TRIPS immirata u temporanja ma' membri oħra tad-WTO sabiex timxi lejn konklużjoni u riżultati sinifikattivi dwar aspetti relatati mal-kummerċ u s-saħħa mit-12-il Konferenza Ministerjali;
10. Itenni l-importanza tal-paċi għal żvilupp soċjali, ambjentali u ekonomiku pożittiv; jieħu nota tan-nuqqas ta' appoġġ għar-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU li tikkundanna l-aggressjoni kontra l-Ukrajna fost ħafna gvernijiet Afrikani, u li l-appoġġ tal-Afrika għall-pożizzjonijiet tal-UE ma jistax jitqies bħala xi ħaġa garantita; jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jesploraw il-varjetà ta' raġunijiet għax-xettiċiżmu, u jżidu l-isforzi diplomatiċi biex jibnu pożizzjonijiet komuni kontra l-aggressjoni militari fiż-żewġ kontinenti;
11. Jappoġġa l-objettivi u l-aspirazzjonijiet tal-AfCFTA kif espressi fil-preambolu tagħha; jappoġġa wkoll l-aspirazzjonijiet tal-Aġenda 2063 li jinħoloq suq kontinentali bil-moviment liberu tal-persuni, tal-kapital, tal-beni u tas-servizzi, sabiex tiġi approfondita l-integrazzjoni ekonomika tal-kontinent Afrikan; iqis l-AfCFTA bħala inizjattiva ambizzjuża għall-integrazzjoni ekonomika li tippreżenta opportunità kbira għall-pajjiżi Afrikani biex jagħtu spinta lit-tkabbir inklużiv, jippermettu l-iżvilupp sostenibbli, inaqqsu l-faqar u jtejbu l-istandards tal-għajxien, jiġġeneraw għadd kbir ta' impjiegi deċenti, iżidu l-kompetittività tal-pajjiżi Afrikani, jippromwovu t-teknoloġija u l-enerġija ekoloġiċi, iżidu s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, jiġġieldu l-korruzzjoni u jippromwovu l-governanza tajba, u jiksbu trasformazzjonijiet strutturali fl-istati parteċipanti; jistieden lill-UE tappoġġa b'mod attiv lill-AfCFTA; jisħaq li l-indikaturi fil-kejl tas-suċċess ekonomiku fl-Afrika u fl-UE għandhom jittejbu u jiġu diversifikati lil hinn mit-tkabbir tal-PDG u jirrakkomanda li ssir referenza wkoll għal indikaturi bħall-koeffiċjent Gini, l-Indikatur tal-Progress Ġenwin, l-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem, l-indiċi Theil biex titkejjel id-diversifikazzjoni tal-esportazzjoni, l-indikaturi relatati mad-diskriminazzjoni bejn il-ġeneri, u b'mod partikolari r-rapporti ta' progress tal-SDG;
12. Ifakkar li bejn l-2014 u l-2020, l-UE allokat aktar minn EUR 74 miljun f'finanzjament għall-istabbiliment tal-AfCFTA permezz tal-Programm Pan-Afrikan tagħha, u li l-finanzjament intuża għall-bini tal-kapaċità fin-negozjati, ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Ftehim AfCFTA; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu l-appoġġ finanzjarju u tekniku tagħhom għall-implimentazzjoni tal-AfCFTA; jinnota li biex l-AfCFTA twettaq il-wegħdiet tagħha u tmur lil hinn mis-sempliċi liberalizzazzjoni tal-kummerċ biex toħroġ lin-nies mill-faqar, il-pajjiżi fl-Afrika jeħtieġu l-ispazju politiku biex jadottaw politiki li jsaħħu l-konsistenza bejn il-miżuri kummerċjali, l-objettivi ta' diversifikazzjoni, ir-rispons għall-ħtiġijiet tal-popolazzjoni, is-sostenibbiltà u t-tkabbir inklużiv;
13. Jistieden lill-Kummissjoni kemm tal-UA kif ukoll tal-UE biex jiffaċilitaw l-iżvilupp tal-ktajjen tal-valur reġjonali u ta' infrastruttura reġjonali aħjar fl-Afrika; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' investimenti konsistenti u sorveljanza pubblika fl-iżvilupp ta' infrastruttura sostenibbli ġenerali u transfruntiera; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jsir investiment sinifikanti fl-infrastruttura tat-trasport, fil-konnettività u fid-diġitalizzazzjoni sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ reġjonali u b'hekk id-diversifikazzjoni u r-reżiljenza tal-ktajjen tal-valur lokali, reġjonali u kontinentali; jinnota li t-tneħħija tal-ostakli għall-kummerċ intra-Afrikan tista' tiffaċilita t-tkabbir tal-ktajjen tal-valur reġjonali, li jistgħu jiffaċilitaw l-internazzjonalizzazzjoni tal-kumpaniji Afrikani, u b'mod partikolari tal-SMEs; jisħaq li l-Global Gateway għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-infrastruttura biex jiżdied il-kummerċ intra-Afrikan u jistieden lis-sħab tal-UA jwieġbu għall-proposti ta' Tim Ewropa għal proġetti ta' infrastruttura konġunti; jistieden kemm lill-UE kif ukoll lis-sħab Afrikani jimplimentaw il-proġetti prijoritarji identifikati b'mod konġunt mingħajr aktar dewmien, u joħolqu opportunitajiet ta' profitt relatati mal-proġetti għall-kumpaniji lokali u opportunitajiet ta' impjieg għall-popolazzjoni lokali, filwaqt li josservaw b'mod strett l-istandards ambjentali u tax-xogħol għoljin u l-Ftehim ta' Pariġi; jissottolinja l-ħtieġa ta' aktar żvilupp tal-infrastruttura għaż-żoni rurali, u jirrimarka li fl-Afrika sub-Saħarjana, madwar 40 % tal-ikel bażiku li qed jiġi ttrasportat ma jwassalx sas-suq minħabba infrastruttura fqira u n-nuqqas ta' faċilitajiet ta' tkessiħ u ħżin; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-UA jidentifikaw il-ktajjen tal-valur reġjonali bejn l-UE u l-Afrika, lil hinn mill-flussi kummerċjali bilaterali, u jwettqu analiżi SWOT, b'mod partikolari bil-ħsieb li jiġu identifikati perkorsi għad-delokalizzazzjoni f'pajjiż qrib u oqsma ta' kollaborazzjoni bħall-ekonomija ċirkolari u l-ekoloġizzazzjoni tal-ktajjen tal-provvista; jisħaq fuq l-importanza li jiġu żviluppati aktar l-infrastruttura u l-konnessjonijiet bejn l-Afrika sub-Saħarjana u l-Afrika ta' Fuq, u bejn l-Afrika tal-Punent u l-Afrika tal-Lvant;
14. Jissottolinja l-importanza li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jiġu inklużi fir-relazzjonijiet kummerċjali UE-Afrika bħala komponent essenzjali biex jitrawwem tkabbir inklużiv u sostenibbli; jisħaq li r-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment għandhom il-potenzjal li jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u li jikkontribwixxu għall-għoti tas-setgħa ekonomika u soċjali lin-nisa u għal ekonomiji u soċjetajiet aktar ugwali u reżiljenti; iqis li s-sħubija UE-Afrika għandha tipprovdi appoġġ partikolari lill-intraprenditorija tan-nisa u ż-żgħażagħ f'żoni rurali u urbani, inkluż permezz ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi żgħar, u biex tagħmel dan huwa essenzjali li jiġi appoġġat l-aċċess ugwali għar-riżorsi ekonomiċi u produttivi bħas-servizzi finanzjarji, kif ukoll għas-swieq, u li jiġu salvagwardjati d-drittijiet tal-art; jilqa' l-ħidma tal-Kummissjoni dwar il-ġbir u l-analiżi tad-data għal fehim aħjar tal-impatt tal-politika kummerċjali fuq in-nisa; jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha mas-sħab Afrikani biex tippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-għoti tas-setgħa lin-nisa fir-relazzjonijiet kummerċjali UE-Afrika; jistieden lill-Kummissjoni tintegra r-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment bejn l-UE u l-Afrika; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi kapitoli awtonomi dwar il-ġeneru fl-FSE; jenfasizza r-rwol essenzjali tan-nisa rurali fl-ekonomiji agrikoli u rurali madwar il-kontinent Afrikan, b'mod partikolari fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel; ifakkar li kważi nofs ix-xogħol agrikolu fl-Afrika jsir min-nisa; jappella sabiex jiġu żviluppati skambji bejn l-imprendituri nisa Afrikani u Ewropej permezz ta' pjattaformi li jippermettu n-networking, il-kondiviżjoni tal-esperjenzi u l-produzzjoni ta' proġetti komuni; jinkoraġġixxi l-avvanz tad-drittijiet tal-wirt għan-nisa u l-bniet u jistieden lill-UE tappoġġa lill-pajjiżi sħab, b'mod partikolari fir-rigward tar-rikonoxximent tagħhom tad-dritt sħiħ tan-nisa għad-drittijiet tal-art;
15. Jissotolinja l-ħtieġa li jiġi stabbilit djalogu pubbliku-privat kostruttiv u li l-kulturi jkunu jistgħu jevolvu bil-ħsieb tal-iżvilupp ta' network intelliġenti ta' ekosistemi, u l-ibridizzazzjoni eventwali tal-isferi pubbliċi u privati; jisħaq li, f'dan l-isfond, l-UE trid tkompli taħdem mal-pajjiżi Afrikani biex tiffaċilita u tippromwovi l-investiment privat fil-kontinent, peress li l-investiment pubbliku waħdu mhuwiex biżżejjed; jappella għal żieda ulterjuri fis-sħubijiet trilaterali pubbliċi u privati biex jiġu żviluppati rabtiet kummerċjali ġodda f'setturi ta' interess komuni bħall-enerġija, l-industrija, it-trasport;
16. Jisħaq fuq ir-rwol ewlieni attribwit lill-Pjan ta' Investiment Estern tal-UE, u b'mod partikolari l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli bħala l-ewwel pilastru tiegħu, fit-tiswir tal-politika kummerċjali u ta' investiment tal-UE lejn l-Afrika, b'mod parallel mal-FSE; ifakkar fl-enfasi tiegħu fuq it-titjib tal-klima tal-investiment fil-pajjiżi sħab; jisħaq li l-impenn tal-UE li tingħata spinta lill-investiment tas-settur privat biex jintlaħqu l-SDGs irid ikun ekwivalenti għall-istabbiliment ta' obbligi mandatorji tad-diliġenza dovuta fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, tad-drittijiet soċjali u f'dak ambjentali, abbażi tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, li għandhom japplikaw għall-katina tal-valur kollha u jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-ġustizzja;
17. Jistieden lill-Kummissjoni kemm tal-UA kif ukoll tal-UE biex joħolqu u jiffaċilitaw il-kundizzjonijiet meħtieġa biex il-pajjiżi Afrikani jbiddlu n-natura tal-integrazzjoni tagħhom fl-ekonomija dinjija, minn sorsi ta' komoditajiet primarji, għal esportaturi ta' prodotti intermedji u finali, filwaqt li jżommu spazju politiku għas-salvagwardja tal-industriji li għadhom jibdew; jirrakkomanda kooperazzjoni msaħħa mal-universitajiet u faċilitajiet oħra ta' riċerka fl-Afrika sabiex tiġi stabbilita pjattaforma għall-iskambju tat-teknoloġija u tal-għarfien; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-opportunità li l-iżvilupp u l-investiment fis-swieq emerġenti jirrappreżentaw għaż-żewġ kontinenti, b'mod partikolari fis-settur tal-manifattura; jisħaq ukoll fuq l-importanza li jissaħħu r-rabtiet bejn in-negozji tal-UE u dawk Afrikani f'dan ir-rigward, sabiex jgħinu fil-ħolqien tal-valur u jgħollu l-istandards u għalhekk itejbu l-kompetittività;
18. Jisħaq li l-isforzi mmirati lejn id-diversifikazzjoni tal-katina tal-provvista joħolqu opportunitajiet għaż-żewġ kontinenti u jemmen li l-UE u l-UA għandhom jaħdmu flimkien biex joħolqu l-kundizzjonijiet u l-inċentivi meħtieġa biex jappoġġaw id-diversifikazzjoni tal-investimenti u l-produzzjoni tal-kumpaniji tal-UE u dawk Afrikani;
19. Itenni li l-UE u l-UA jikkondividu interess komuni f'sistema ta' kummerċ multilaterali stabbli u bbażata fuq ir-regoli, li tikkontribwixxi għall-avvanz tat-tkabbir ekonomiku fl-UE u fil-kontinent Afrikan; jenfasizza li r-riforma u l-modernizzazzjoni tad-WTO u tal-ġabra ta' regoli tad-WTO huma qasam importanti għall-kooperazzjoni bejn l-UE u l-UA, u jistieden lis-sħab jaħdmu flimkien biex joħolqu kummerċ ġust u ekwu u arkitettura finanzjarja globali permezz tar-rivitalizzazzjoni tad-WTO, inkluża l-finalizzazzjoni taċ-Ċiklu ta' Doha biex jitqiesu aħjar l-interessi tal-pajjiżi fin-Nofsinhar Globali, kif miftiehem mis-sħubija fid-WTO;
20. Jenfasizza li l-inizjattiva Għajnuna għall-Kummerċ immexxija mid-WTO għandha l-għan li tgħin lill-pajjiżi l-anqas żviluppati, b'mod partikolari, biex jibnu l-kapaċità min-naħa tal-provvista u l-infrastruttura relatata mal-kummerċ li jeħtieġu biex jimplimentaw u jibbenefikaw mill-ftehimiet tad-WTO u, b'mod aktar ġenerali, jespandu l-kummerċ tagħhom; jemmen li, f'dan is-sens, din l-inizjattiva hija komponent ewlieni fir-relazzjonijiet kummerċjali mal-Afrika, b'mod partikolari wara l-kriżi tal-COVID-19;
21. Jirrimarka li l-aġenda Għajnuna għall-Kummerċ għandu jkollha rwol fil-mobilizzazzjoni tar-riżorsi biex jiġu indirizzati r-restrizzjonijiet relatati mal-kummerċ, il-finanzjament tal-ħtiġijiet tal-infrastruttura u l-għajnuna għall-bini tal-kapaċità tal-pajjiżi Afrikani biex jistabbilixxu strutturi regolatorji xierqa;
22. Jissottolinja l-importanza li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni fost id-WTO, l-UNCTAD, l-ILO, il-Programm tan-NU għall-Ambjent, l-FAO u korpi oħra tal-NU biex tinżamm il-viżjoni multilaterali ħajja billi tiġi xprunata aġenda komuni għall-prosperità kondiviża u f'konformità mal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp;
23. Jisħaq li governanza globali responsabbli u trasparenti għandu jkollha parteċipazzjoni akbar tal-korpi parlamentari, peress li d-deputati parlamentari eletti direttament jistgħu jservu ta' rabta kruċjali bejn iċ-ċittadini u s-sistema multilaterali; jenfasizza l-importanza tal-ħidma tal-Konferenza Parlamentari dwar id-WTO organizzata b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u l-Unjoni Interparlamentari, u jappella għal aktar sforzi biex jiżdied l-involviment tad-deputati parlamentari mill-Afrika u b'mod partikolari l-Parlament Pan-Afrikan; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li d-deputati parlamentari jkollhom aċċess aħjar għan-negozjati kummerċjali u jkunu involuti fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u tar-reviżjoni tad-WTO; jitlob li jissaħħaħ ir-rwol kemm tal-Parlament Ewropew kif ukoll tal-Parlament Pan-Afrikan, kif ukoll tal-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri kollha tad-WTO fil-fażi mandatorja tan-negozjati internazzjonali dwar il-kummerċ u l-investiment;
24. Jisħaq li r-relazzjoni mġedda UE-Afrika għandu jkollha l-aħjar interessi kondiviżi taż-żewġ kontinenti fil-qalba tagħha u għandha tibni fuq sħubija b'saħħitha; jikkonkludi li sħubija bejn partijiet ugwali, ibbażata fuq kooperazzjoni sħiħa bejn l-UA u l-UE, hija rispons xieraq għall-kompetituri globali; huwa konvint li, jekk il-kompetizzjoni ġeopolitika tal-UE hija xprunata biss minn demarkazzjoni minn potenzi dinjija oħra, it-tkomplija tal-politika tradizzjonali ta' influwenza xxekkel il-kooperazzjoni ta' benefiċċju reċiproku; jirrimarka li l-kompetizzjoni ġusta tal-interessi mhijiex skonoxxuta fl-ekonomiji tas-suq u li s-sħab Afrikani jirriżervaw id-dritt li jibbenefikaw minn sitwazzjoni ta' domanda favur tagħhom;
25. Huwa konvint li l-interessi tal-UE, bħall-aċċess għall-materja prima, it-tiswir tar-relazzjonijiet ekonomiċi għall-promozzjoni tal-ekonomija tal-UE, u l-ġestjoni tal-migrazzjoni, jiġifieri billi jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tagħha, jistgħu jiġu segwiti l-aħjar permezz ta' sħubija ġdida bejn partijiet ugwali; huwa konvint li sħubija ġdida bejn partijiet ugwali tista' tippermetti lill-UE ssaħħaħ b'mod effettiv l-awtonomija strateġika tagħha;
26. Jenfasizza li l-UE għandha tiffavorixxi impenn kostruttiv fl-aspetti kollha tal-migrazzjoni, l-ispostament furzat u l-mobilità, filwaqt li taħdem biex tiżgura li l-migrazzjoni sseħħ b'mod sikur u regolat tajjeb; iqis li huwa essenzjali li tinbena strateġija kondiviża fit-tul biex torbot il-politiki dwar il-kummerċ, l-iżvilupp u l-migrazzjoni, kif stabbilit f'diversi konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, b'mod partikolari dawk adottati fis-16 ta' Diċembru 2021, peress li strateġija bħal din jista' jkollha rwol ewlieni fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' bnedmin u r-rotot ta' migrazzjoni illegali mill-pajjiżi Afrikani lejn l-UE;
27. Jissottolinja li t-titjib tal-kwalità tal-kummerċ interkontinentali se jirrikjedi r-regolarizzazzjoni tal-mobbiltà u l-migrazzjoni fil-kontinent Afrikan; jinsisti – għalkemm il-politika kummerċjali tista', f'ċerti ċirkostanzi, timminimizza l-migrazzjoni furzata permezz tal-ħolqien tal-impjiegi – li la l-politika kummerċjali tal-UE u lanqas l-għajnuna għall-iżvilupp tagħha m'għandhom jintużaw biex tiġi żgurata l-kooperazzjoni ta' pajjiżi mhux tal-UE dwar il-migrazzjoni, peress li dan jista' jdgħajjef il-prinċipji u l-valuri tal-UE u l-objettiv primarju tat-tnaqqis tal-faqar; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-migrazzjoni furzata tista' tiġi riżolta biss billi jinħolqu perkorsi legali, tissaħħaħ il-protezzjoni internazzjonali u jiġu indirizzati l-kriżijiet usa' ta' żvilupp, politiċi, klimatiċi u umanitarji li jwasslu għal spostament furzat;
28. Jinnota l-impatt tal-COVID-19 fuq il-ktajjen tal-provvista; jinsisti fuq l-importanza li jinbnew ktajjen tal-provvista aktar reżiljenti fid-dinja ta' wara l-pandemija kemm fl-UE kif ukoll fl-UA billi tissaħħaħ l-awtonomija strateġika, jiġu identifikati d-dipendenzi, jiġu indirizzati aħjar il-vulnerabbiltajiet u t-tfixkil fil-provvista, tiġi diversifikata l-produzzjoni u jsir aktar investiment f'intrapriżi li jbiddlu l-qagħda attwali li jkunu integraw l-objettivi soċjali, ambjentali u tas-saħħa fil-mudelli tan-negozju tagħhom; ifakkar fl-impenn tal-Parlament favur il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-inizjattivi kummerċjali mmirati lejn il-kisba tal-objettivi tiegħu, inkluż iżda mhux limitat għall-mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera, il-proposta leġiżlattiva dwar id-diliġenza dovuta obbligatorja, u l-proposta dwar prodotti li ma jikkontribwixxux għad-deforestazzjoni; jinsisti li l-Kummissjoni jeħtiġilha timmonitorja bir-reqqa l-impatt ta' dawn l-inizjattivi fuq il-kummerċ bejn l-UE u l-Afrika u tippreżenta miżuri ta' akkumpanjament biex ittaffi kwalunkwe tfixkil li jista' jkun hemm fuq perjodu qasir; jinsab konvint li fit-tul dawn l-inizjattivi leġiżlattivi se jirriżultaw f'ktajjen tal-valur globali aktar reżiljenti u sostenibbli, li jkunu ta' benefiċċju għaċ-ċittadini u n-negozji kemm fl-UE kif ukoll fl-Afrika;
29. Jiddispjaċih dwar l-impatt kbir tal-invażjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Ukrajna mwettqa mill-Federazzjoni Russa fuq iż-żieda fil-prezz tal-enerġija, tal-fjuwils, tal-materja prima u tal-prodotti agrikoli, li qed tikkawża żieda qawwija fl-ispejjeż tal-produzzjoni li qed tipperikola l-kontinwità tal-produzzjoni u tista' twassal għal interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista; jappella għal azzjoni msaħħa fil-livell internazzjonali biex jiġi żgurat li l-proċess deċiżjonali politiku jkollu s-sigurtà tal-ikel fil-qalba tiegħu, sabiex tiġi evitata skarsezza u tiġi żgurata s-sigurtà nutrizzjonali fl-aktar pajjiżi vulnerabbli, b'mod partikolari fil-kontinent Afrikan, u li s-sigurtà tal-ikel tiġi indirizzata bis-saħħa ta' mezzi kummerċjali u jiġu evitati ostakli lill-kummerċ internazzjonali tal-ikel u tal-materja prima;
30. Jemmen li l-UE tista' tikkontribwixxi biex titnaqqas b'mod sinifikanti d-dipendenza attwali tal-Afrika fuq l-importazzjonijiet ta' ikel, żrieragħ, fertilizzanti u pestiċidi permezz ta' appoġġ finanzjarju u tekniku, djalogu politiku, skambju ta' għarfien u teknoloġiji ġodda u billi tippromwovi l-innovazzjoni Afrikana;
31. Jitlob li jkun hemm offensiva ta' investiment Ewropea-Afrikana fuq skala kbira li tipprovdi inċentivi għal żieda sinifikanti fl-investiment privat fl-istati Afrikani u tippermetti investiment pubbliku komprensiv fl-infrastruttura u fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jilqa', f'dan il-kuntest, l-impenn li sar fis-Sitt Summit UA-UE biex jiġu mobilizzati EUR 150 biljun bħala parti mill-Global Gateway; jitlob li din l-inizjattiva ta' investiment tiġi estiża b'mod sinifikanti, flimkien mal-Istati Membri tal-UE;
32. Jitlob li l-offensiva ta' investiment tiffoka primarjament fuq proġetti biex jiġu żviluppati u estiżi l-enerġiji rinnovabbli, jiġu żgurati l-provvisti tal-ilma u l-miżuri ta' aġġustament tal-klima, u tinbena infrastruttura pubblika; jistenna li l-proġetti kollha ta' investiment jinvolvu kumpaniji sħab Afrikani u jagħtu attenzjoni mill-qrib lill-ħolqien ta' impjiegi lokali u l-approfondiment tal-ktajjen tal-valur Afrikani; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika proġetti ta' investiment xierqa f'koordinazzjoni mas-sħab lokali, reġjonali u statali fl-Afrika u tiżgura l-implimentazzjoni tagħhom;
33. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimpenjaw ruħhom biex jappoġġaw lill-pajjiżi Afrikani fl-implimentazzjoni ta' azzjoni klimatika ambizzjuża u ġusta; jisħaq li l-finanzjament tal-UE fl-ambitu tal-Istrument il-ġdid ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali jrid jintuża biex jippromwovi approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem li jpoġġi lill-komunitajiet lokali u lill-popli indiġeni fiċ-ċentru tal-isforzi klimatiċi, ambjentali u ta' żvilupp, billi jibda bil-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili u tal-komunità;
34. Jinnota li l-mekkaniżmi ta' finanzjament imħallat preċedenti ma rnexxilhomx jistimulaw biżżejjed investiment privat; jitlob, għalhekk, li l-inizjattiva ta' investiment tinkludi lill-SMEs lokali, li jagħtu kontribut speċjali għad-diversifikazzjoni tal-ekonomija u għall-ħolqien tal-impjiegi;
35. Jenfasizza li l-UE għandha tapprofondixxi r-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali tagħha mal-Afrika permezz ta' investimenti li joħolqu impjiegi deċenti u jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem, tax-xogħol u dawk marbuta mal-ambjent; jissottolinja d-diskrepanza fl-aċċess għall-finanzjament fir-reġjuni u l-pajjiżi Afrikani, li hija dovuta għal diversi fatturi; jissottolinja li l-enfasi għandha titqiegħed fuq l-investimenti f'infrastruttura ġdida, bħall-infrastruttura diġitali u ekoloġika, u l-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli; jilqa' l-Ftehim Qafas ta' Kooperazzjoni fi Proġetti ffirmat f'Ottubru 2021 bejn il-BEI u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ); jilqa' l-Memorandum ta' Ftehim iffirmat fl-2021 bejn il-BERŻ u l-Bank Afrikan għall-Iżvilupp għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli tas-settur privat fl-Afrika; jistieden lill-Kummissjoni trawwem l-investiment fil-kontinent Afrikan permezz ta' strumenti finanzjarji innovattivi biex jiżdiedu l-flussi ta' kapital u jitnaqqsu r-riskji; iħeġġeġ lill-UE u lill-pajjiżi Afrikani jesploraw in-negozjazzjoni ta' ftehimiet ta' faċilitazzjoni tal-investiment sostenibbli, kif imħabbar fir-Rieżami tal-Politika Kummerċjali tal-UE(15), li jsaħħu l-kapaċità tal-gvernijiet li jirregolaw fl-interess pubbliku, u jibbilanċjaw id-drittijiet u l-obbligi tal-investituri u l-komunitajiet bi tħassib ambjentali; ifakkar fl-importanza ewlenija ta' investiment konsistenti fis-servizzi pubbliċi, fil-kapaċitajiet ta' riċerka u fil-promozzjoni ta' setturi ekonomiċi li fihom il-pajjiżi jew ir-reġjuni għandhom il-potenzjal li jiksbu vantaġġ komparattiv; jirrakkomanda li tingħata spinta lill-opportunitajiet ta' investiment fl-Afrika, b'mod partikolari billi jiġu pprovduti aktar kapital ta' riskju u garanziji mmirati lejn l-iffaċilitar tal-investimenti; jilqa' l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus (EFSD+) li jippermetti lill-istituzzjonijiet finanzjarji għall-iżvilupp jieħdu aktar riskju fil-programmi ta' investiment tagħhom; ifakkar li l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa dwar il-finanzjament għall-iżvilupp enfasizzat il-ħtieġa li jiġu mmobilizzati aktar riżorsi nazzjonali biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;
36. Iħeġġeġ lill-pajjiżi Afrikani, fi żmien meta l-UNICA jirrapporta li ħafna mit-trattati ta' investiment konklużi fis-snin disgħin u fil-bidu tas-snin elfejn reċentement skadew jew waslu biex jiskadu, biex jirrieżaminaw u jirriformaw it-trattati tagħhom dwar l-investiment u t-tassazzjoni doppja skont il-ħtiġijiet ta' żvilupp tagħhom; jemmen li s-CFTA tal-Afrika u l-isforzi kontinwi għall-integrazzjoni reġjonali jipprovdu opportunità tajba biex jiġi bbilanċjat mill-ġdid ir-reġim tal-investiment internazzjonali sabiex dan isir responsabbli, ekwu u jwassal għall-iżvilupp sostenibbli;
37. Jenfasizza li l-ftehim bejn l-UE u l-OSAKP inizjalat f'April 2021 ma fihx mekkaniżmi biex tiġi infurzata d-diliġenza dovuta dwar l-istandards ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipju ta' kunsens liberu, minn qabel u infurmat, li huma saħansitra aktar vitali minħabba l-impenji tal-ftehim biex jiġu ffaċilitati l-ftehimiet internazzjonali ta' investiment; jisħaq li l-UE għandha tqis il-livelli differenti ta' żvilupp u tiżgura li l-ftehimiet kummerċjali tagħha jkunu konsistenti mal-prijoritajiet ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali tas-sħab tagħha;
38. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-BEI, bħala l-fergħa ta' self tal-UE, biex iħejju skema ta' mikrokreditu effettiva u faċilment aċċessibbli u, f'dan ir-rigward, biex isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom biex jappoġġaw l-iżvilupp tas-settur privat fl-Afrika; jistieden lill-BEI, f'dan ir-rigward, jiddedika aktar fondi lill-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju Afrikani permezz tal-baġit imħallat tal-EFSD+; jissottolinja, f'dan il-kuntest, il-potenzjal għoli tal-mikrofinanzjament biex tingħata aktar setgħa lill-SMEs u lill-bdiewa lokali; jirrakkomanda l-istabbiliment ta' skemi ta' mikrokreditu li joffru aċċess għall-kreditu mingħajr il-ħtieġa ta' kollateral jew garanziji finanzjarji oħra; jenfasizza l-importanza ta' skema bħal din għall-emanċipazzjoni tan-nisa u ż-żgħażagħ, li l-aċċess tagħhom għall-finanzjament jeħtieġ li jittejjeb b'mod sinifikanti; jitlob, f'dan ir-rigward, miżuri ta' akkumpanjament xierqa, bħal assistenza u konsulenza teknika u legali, kif ukoll alleanzi ma' sħab lokali fuq il-post, sabiex dawn il-mikrokrediti jsiru verament aċċessibbli; iqis li l-appoġġ għall-ekonomija soċjali u l-kooperattivi, kif ukoll l-iskemi ta' mikrokreditu, se jikkontribwixxu għall-formalizzazzjoni tant meħtieġa tal-ekonomija informali, permezz ta' strateġiji ċari bbażati fuq ir-Rakkomandazzjoni 204 tal-ILO;
39. Jistieden lill-UE żżid l-appoġġ tagħha lill-pajjiżi Afrikani u lill-UA fil-ġlieda kontra l-flussi finanzjarji illeċiti u l-evażjoni tat-taxxa mill-kumpaniji, u jappella għal inizjattivi biex jiġi żgurat li l-korporazzjonijiet ma jikkontribwixxux għal tali ħruġ ta' kapital minn pajjiżi Afrikani; ifakkar li l-Afrika titlef madwar USD 88,6 biljun f'ħarba illeċita tal-kapital kull sena, li huwa ekwivalenti għal 3,7 % tal-PDG tal-kontinent; jitlob li jsiru sforzi konġunti biex jiġi żgurat li t-taxxi jitħallsu fejn jinħolqu profitti u valur ekonomiku reali, sabiex l-erożjoni kontinwa tal-bażi tat-taxxa u t-trasferiment tal-profitti jitwaqqfu; jappella għal aktar kooperazzjoni bejn l-UA u l-UE u l-Istati Membri tagħhom fil-promozzjoni internazzjonali ta' miżuri li jindirizzaw kwistjonijiet ta' trasparenza tat-taxxa korporattiva, inkluża kooperazzjoni mtejba fir-rigward tad-Direttiva tal-UE dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju(16); jistieden lill-Kummissjoni tindirizza wkoll il-flussi finanzjarji illeċiti u l-evażjoni tat-taxxa fl-iskemi tagħha tal-AfT u billi tinkludi l-kapitoli rispettivi meta tinnegozja l-modernizzazzjoni tal-FSE;
40. Jenfasizza li l-LDCs għandhom interess fis-ċsistemi kummerċjali multilaterali bbażati fuq ir-regoli u jappoġġawhom b'mod qawwi u li l-integrazzjoni tagħhom fis-sistema kummerċjali internazzjonali għandha tittejjeb; huwa konxju mill-fatt li t-trattament speċjali u differenzjat huwa prinċipju fundatur tad-WTO; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu jistgħu jeżerċitaw bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom skont id-dispożizzjonijiet ta' trattament speċjali u differenzjali tad-WTO, b'mod partikolari biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel tagħhom; huwa tal-fehma li d-dipendenza żejda fuq pajjiż jew reġjun ġeografiku wieħed għal kwalunkwe prodott partikolari tista' tħalli lill-pajjiżi vulnerabbli għal xokkijiet esterni, sitwazzjoni li jista' jkollha impatt ta' ħsara enormi fuq is-sigurtà tal-ikel tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jemmen, għalhekk, li l-Kummissjoni għandha tappoġġa lis-sħab Afrikani tagħna fid-diversifikazzjoni tal-flussi kummerċjali tagħhom sabiex tiżdied ir-reżiljenza tagħhom; jitlob li jsiru sforzi konġunti mas-sħab Afrikani tal-UE fil-livell tad-WTO biex jinstabu soluzzjonijiet multilaterali għad-diviżjonijiet ewlenin fil-kwistjonijiet tal-politika agrikola globali, kif diskuss fil-Kumitat għall-Agrikoltura tad-WTO;
41. Jenfasizza l-ħtieġa li jittwettqu regoli kummerċjali multilaterali li jappoġġaw agrikoltura sostanzjali u sostenibbli bbażata fuq riformi agrarji komprensivi f'diversi stati Afrikani sabiex tiġi garantita s-sigurtà tal-ikel madwar il-kontinent; jisħaq, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-protezzjoni u l-promozzjoni tad-dritt tal-komunitajiet lokali li jkollhom aċċess għar-riżorsi naturali bħall-art u l-ilma, u li jikkontrollawhom; jiddeplora l-fatt li l-ħtif tal-art huwa komuni immens fl-Afrika; jinsab imħasseb dwar l-iskala tal-akkwist tal-art minn investituri barranin fl-Afrika, li huwa kkonċentrat fil-pajjiżi bi strutturi ta' governanza aktar dgħajfa u jista' jirrappreżenta theddida għas-sigurtà tal-ikel u għall-aċċess għall-art u l-ilma; jisħaq fuq l-importanza li jitnieda proċess inklużiv li jkollu l-għan li jiggarantixxi l-parteċipazzjoni effettiva tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-komunitajiet lokali fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki u l-azzjonijiet relatati mal-ħtif tal-art; jitlob li l-Linji Gwida Volontarji dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art jiġu osservati fil-proġetti kollha li jippromwovu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-art, inkluż fil-kummerċ, u wkoll li jkun hemm miżuri li jiżguraw li l-proġetti ma jipperikolawx id-drittijiet tal-art tal-bdiewa b'azjendi agrikoli żgħar, partikolarment in-nisa; iħeġġeġ lill-UE u lill-Afrika biex, barra minn hekk, jirrikonoxxu u jipproteġu d-drittijiet tal-popli indiġeni għas-sjieda u l-kontroll konswetudinarji tal-artijiet u r-riżorsi naturali tagħhom, kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni u l-Konvenzjoni 169 tal-ILO, u jikkonformaw mal-prinċipju tal-kunsens liberu, minn qabel u infurmat;
42. Jenfasizza li s-sħubija kummerċjali bejn l-UE u l-Afrika trid tissalvagwardja d-dritt tal-pajjiżi Afrikani għas-sovranità tal-ikel, tiżgura l-konformità mal-prinċipji tas-sostenibbiltà u qatt ma għandha ddgħajjef is-sigurtà tal-ikel, is-sikurezza tal-ikel u l-kwalità tal-ikel u lanqas ma għandha tixpruna d-deforestazzjoni jew id-degradazzjoni tal-ambjent; jenfasizza li dan se jirrikjedi impenji akbar fiż-żewġ kontinenti u t-tisħiħ ta' sistemi agroalimentari sikuri, reżiljenti u sostenibbli sabiex jiżdiedu l-isforzi biex jintlaħaq l-SDG ta' "Żero ġuħ" fl-2030 u tiġi appoġġata azzjoni konġunta biex jittaffa t-tibdil fil-klima; jidentifika l-ħtieġa li jiġu ristrutturati l-ktajjen tal-valur sabiex aktar mill-partijiet tal-ipproċessar u mill-partijiet li jżidu l-valur tal-produzzjoni iseħħu fil-pajjiżi tal-oriġini; itenni l-importanza tar-rispett għall-prodotti b'denominazzjoni ta' oriġini protetta; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-istrumenti ta' investiment, bħal Global Gateway u Ewropa Globali, jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' settur agrikolu sostenibbli fl-Afrika f'konformità mal-SDGs, u tappoġġa l-implimentazzjoni tal-AfCFTA għall-kummerċ agrikolu intra-Afrikan; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-edukazzjoni u t-taħriġ biex tavvanza u tippromwovi prattiki agrikoli sostenibbli, bħall-agroekoloġija, fl-Afrika u biex tavvanza inizjattivi eżistenti fl-Afrika; ifakkar il-fatt li l-kapaċità tal-agroekoloġija li tirrikonċilja d-dimensjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali tas-sostenibbiltà ġiet rikonoxxuta fir-rapporti storiċi mill-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima u mill-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-servizzi Ekosistemiċi, kif ukoll mill-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Għarfien, Xjenzi u Teknoloġiji Agrikoli għall-Iżvilupp immexxija mill-Bank Dinji u mill-FAO; jistieden lill-UE u lill-Afrika jassumu rwol ewlieni fil-konklużjoni ta' ftehim dinji ambizzjuż fil-ħmistax-il Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika; jinnota, f'dan il-kuntest, li l-agrikoltura sostenibbli u n-nutrizzjoni aktar sostenibbli fl-Ewropa jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi Afrikani;
43. Jissottolinja d-dipendenza asimmetrika ta' xi pajjiżi Afrikani fuq l-importazzjonijiet agrikoli għas-sigurtà tal-ikel; Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-konsegwenzi tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja fuq il-provvista ta' ċerti prodotti agrikoli tal-ikel, l-aktar iċ-ċereali, fid-dawl tad-dipendenza sinifikanti ta' ħafna stati fuq dawn l-importazzjonijiet, kif ukoll dwar it-tfixkil fil-katina tal-provvista globali u ż-żiedet fil-prezzijiet li qed iwasslu għal insigurtà tal-ikel globali, speċjalment fil-kontinent Afrikan; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tivvaluta l-impatt tal-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukraina fuq l-importazzjonijiet taċ-ċereali u s-sigurtà tal-ikel u jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni bikrija kontra kriżijiet umanitarji possibbli; jenfasizza, barra minn hekk, it-tfixkil li l-konflitt armat qed jikkawża lill-esportazzjonijiet Afrikani lejn ir-Russja ta' ċerti prodotti, bħall-frott taċ-ċitru, il-kafè u t-te; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-pajjiżi Afrikani biex tiżgura l-aċċess għall-prodotti agrikoli, tuża s-sett ta' għodod kummerċjali eżistenti biex tindirizza u tiffaċilita l-aċċess għall-prodotti agrikoli għas-sħab Afrikani tagħna, u tappoġġjahom biex jagħtu spinta lill-produzzjoni agrikola tagħhom sabiex isaħħu r-reżiljenza tal-ikel tagħhom;
44. Ifakkar li, meta jitqies li l-esportazzjonijiet agroalimentari tal-UE lejn l-Afrika fl-2020 kellhom valur ta' EUR 17,6 biljun u l-importazzjonijiet mill-Afrika kellhom valur ta' EUR 16,5 biljun, il-pajjiżi Afrikani huma destinazzjonijiet importanti għall-esportazzjonijiet tal-UE, u l-UE għadha l-akbar suq tal-esportazzjoni għall-prodotti agrikoli u tal-ikel mill-Afrika; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li l-importazzjonijiet mill-Afrika, u speċjalment il-prodotti agroalimentari, jissodisfaw l-istandards tal-UE dwar is-saħħa, is-sikurezza u l-kwalità, inklużi dawk relatati mal-użu tal-ormoni, l-antibijotiċi u l-organiżmi ġenetikament modifikati; jenfasizza li għandhom jiġu offruti appoġġ tekniku u taħriġ biex jiġi żgurat li l-atturi fl-Afrika jkollhom l-opportunità u l-għarfien espert biex jissodisfaw dawn l-istandards; huwa konvint li l-UE, bħala attur globali ewlieni fis-settur agroalimentari, għandha tikkoopera mal-pajjiżi Afrikani fl-iżvilupp ulterjuri tal-punti ta' riferiment u l-istandards internazzjonali għal sistemi tal-ikel sostenibbli, ibbażati fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, il-kompetizzjoni ġusta, il-prinċipju ta' prekawzjoni, il-protezzjoni ambjentali u l-benessri tal-annimali, f'konformità mar-regoli tad-WTO; jirrimarka li l-UE hija impenjata li tappoġġa u tippromwovi t-tranżizzjoni globali lejn sistemi agroalimentari sostenibbli mas-sħab kollha tagħha, f'konformità mal-objettivi tal-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" u l-SDGs; jirrimarka li l-UE u l-Afrika jikkondividu l-objettiv li jittrasformaw il-mod kif nipproduċu, inqassmu u nikkunsmaw l-ikel tagħna; jirrimarka, għalhekk, li l-kooperazzjoni bejn l-UE u s-sħab Afrikani tagħha trid tiffoka fuq il-kwistjoni ċentrali tal-provvista tal-ikel, bi programmi mfassla apposta għall-kooperazzjoni bejn l-UE u l-bdiewa Afrikani u l-SMEs, investimenti mmirati fl-iżvilupp agrikolu sostenibbli, networks tat-trasport moderni u infrastruttura xierqa għall-ħżin li jipprovdu lill-bdiewa Afrikani l-mezzi biex il-biedja ssir reżistenti għall-isfidi relatati mal-klima;
45. Huwa favur koerenza politika aktar b'saħħitha fil-livell tal-UE fil-kuntest tal-kummerċ agroalimentari, minħabba l-implikazzjonijiet globali tal-politika agrikola komuni u l-kummerċ agrikolu fuq il-progress lejn il-kisba tal-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli; jappella sabiex l-UE tqis il-konklużjonijiet tat-Task Force għall-Afrika Rurali dwar il-ħtieġa ta' investiment fil-ktajjen alimentari Afrikani, b'enfasi fuq il-komoditajiet b'valur miżjud; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jaħdmu b'mod attiv mas-sħab Afrikani biex joħolqu sinerġiji bejn l-istrateġija UE-Afrika u l-Patt Ekoloġiku Ewropew, b'mod partikolari d-dimensjoni esterna tal-istrateġija "mill-għalqa sal-platt";
46. Jissottolinja l-importanza li għandhom ir-riċerka u l-innovazzjoni biex il-bdiewa jiġu mħeġġa jadottaw prattiki agrikoli sostenibbli u ekosistemi agrikoli u sistemi tal-ikel produttivi fl-artijiet aridi; jappella, f'dan ir-rigward biex it-tranżizzjoni ġusta tinkludi dipendenza akbar fuq il-kontributi tal-għarfien tradizzjonali Afrikan, speċjalment rigward il-prattiki agrikoli, is-sajd u l-protezzjoni tal-foresti, u b'hekk tingħata s-setgħa lill-poplu Afrikan u lill-komunitajiet lokali;
47. Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' rikonoxximent tal-importanza strateġika tal-art tal-merħliet, li jkopru madwar 43 % tas-superfiċje tal-art Afrikana u għaldaqstant huma bjar tal-karbonju importanti; jenfasizza l-importanza tal-appoġġ tal-azjendi agrikoli żgħar, tal-pastoraliżmu u ta' sistemi tradizzjonali/lokali oħra tal-ikel sabiex isaħħu r-reżiljenza tagħhom u jagħtu spinta lill-kontribut tagħhom għas-sigurtà tal-ikel, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi u l-konservazzjoni tal-bijodiversità; jinnota, pereżempju, li d-drittijiet għall-mergħat u l-mergħat komunitarji huma drittijiet tal-użu tal-art tradizzjonali bbażati fuq id-dritt komuni u mhux fuq drittijiet titolizzati tas-sjieda; jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-komunitajiet lokali u l-partijiet ikkonċernati lokali, tiżviluppa strateġija biex dan il-potenzjal jiġi ottimizzat permezz tal-ġestjoni sostenibbli tar-ragħa bħal ma jiġi pprattikat mir-rgħajja; jappella sabiex jiġu indirizzati t-tensjonijiet soċjali bejn il-popolazzjonijiet agrikoli stabbiliti u l-komunitajiet pastorali nomadiċi, speċjalment f'reġjuni b'kunflitti etnoreliġjużi sovrapposti;
48. Jirrakkomanda li tinqaleb it-tendenza mhux mixtieqa tal-għadd dejjem jikber ta' persuni li jbatu minn nuqqas ta' sigurtà tal-ikel fl-Afrika billi jiġu integrati l-politiki umanitarji, ta' żvilupp u ta' konsolidazzjoni tal-paċi f'żoni milquta minn kunflitti, billi tiżdied ir-reżiljenza għall-klima fis-sistemi tal-ikel kollha, billi tissaħħaħ ir-reżiljenza ta' dawk l-aktar vulnerabbli għall-avversità ekonomika, billi jsir intervent tul il-ktajjen tal-provvista tal-ikel biex jitnaqqas il-kost tal-ikel nutrittiv u biex jiżdied il-valur nutrittiv tal-prodotti tal-ikel, billi jiġu indirizzati l-faqar u l-inugwaljanzi strutturali, jiġi żgurat li l-interventi jkunu favur il-foqra u jkunu inklużivi, u billi jissaħħu l-ambjenti tal-ikel u tinbidel l-imġiba tal-konsumatur biex jiġu promossi, inkluż permezz ta' miżuri kummerċjali, xejriet djetetiċi b'impatti pożittivi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent; jissottolinja l-ħtieġa ta' politiki sostenibbli u innovattivi li jippermettu lill-Istati Afrikani "jagħmlu qabżiet kbar" relattivament mat-teknoloġiji u prattiki agrikoli aktar antiki u li jniġġsu aktar, bil-għan li tinkiseb tranżizzjoni ekoloġika u soċjali lejn prattiki agroalimentari sostenibbli; jenfasizza r-rwol ċentrali tas-settur agrikolu u dak tal-ikel fl-ekonomija Afrikana u fl-għoti ta' opportunitajiet ta' xogħol deċenti u sostenibbli fiż-żoni rurali fil-ħafna azjendi agrikoli żgħar jew azjendi agrikoli tal-familja permezz ta' miżuri li jsaħħu r-reżiljenza, il-modernizzazzjoni sostenibbli tal-prattiki agrikoli, il-kwalità mtejba tal-prodotti u d-diversifikazzjoni tal-prodotti; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa n-negozji agrikoli lokali u żżid il-kapaċità tal-azjendi agrikoli żgħar u tal-familja li jikkompetu ma' farms korporattivi fuq skala kbira; jinsab imħasseb dwar l-espansjoni dejjem akbar ta' dawk l-azjendi agrikoli industrijalizzati ħafna bbażati fuq il-monokulturi, li jikkontribwixxu għall-intensifikar tal-inugwaljanzi soċjali u jżidu l-erożjoni tal-ħamrija u t-telf li għaddej tal-bijodiversità; jenfasizza l-importanza tal-bdiewa għat-tisħiħ tal-ekonomiji ċirkolari fid-diversi reġjuni Afrikani; jilqa' l-proposta tat-Task Force għall-Afrika Rurali għall-istabbiliment ta' ġemellaġġ bejn l-UE u l-Afrika li jgħaqqad il-korpi agrikoli tal-Istati Membri tal-UE u tal-pajjiżi sħab fl-Afrika li permezz tagħhom sħab impenjati u komparabbli jkunu jistgħu jikkondividu l-aħjar prattiki u l-għarfien;
49. Jissottolinja li l-użu tal-pestiċidi fl-agrikoltura intensiva fl-Afrika jista' jkollu impatt fuq is-saħħa tal-ħaddiema li ftit għandhom aċċess għal taħriġ dwar il-protezzjoni tal-pjanti u l-kura tas-saħħa, minbarra li jikkawża ħsara ambjentali; jappella sabiex ikun hemm edukazzjoni u taħriġ f'approċċi sostenibbli għall-protezzjoni tal-pjanti u alternattivi għall-pestiċidi kif ukoll il-minimizzazzjoni tal-esponiment għal sustanzi perikolużi; jiddenunzja l-istandards doppji applikati mill-UE fir-rigward tal-pestiċidi meta tippermetti l-esportazzjoni ta' sustanzi perikolużi li huma pprojbiti fl-UE lejn pajjiżi Afrikani u pajjiżi terzi oħra; jitlob, għalhekk, li r-regoli attwali tal-UE jiġu emendati sabiex tiġi eliminata din l-inkoerenza legali, f'konformità mal-Konvenzjoni ta' Rotterdam tal-1998 u mal-Patt Ekoloġiku Ewropew;
50. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-pajjiżi Afrikani jiġu megħjuna jnaqqsu l-użu tal-pestiċidi pprojbiti fl-UE permezz tal-iżvilupp ta' sistemi alternattivi għall-kontroll tal-pesti; jenfasizza l-inkonsistenza tal-UE li tippermetti esportazzjonijiet lejn pajjiżi Afrikani u pajjiżi oħra mhux tal-UE ta' pestiċidi li mhumiex permessi fis-suq uniku tal-UE; jitlob it-tmiem rapidu ta' din l-inkonsistenza, peress li din tikkontradixxi kompletament l-ispirtu tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;
51. Jirrimarka li meta mqabbla ma' reġjuni oħra tad-dinja, id-distribuzzjoni tal-valur miżjud fil-ktajjen tal-valur agrikoli hija fil-biċċa l-kbira sfavorevoli għall-bdiewa żgħar Afrikani, kif jista' jiġi osservat fl-effetti tal-konċentrazzjoni tas-suq fuq il-bdiewa u l-pajjiżi li jipproduċu l-kawkaw; jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Ghana u tal-Kosta tal-Avorju li jistabbilixxu differenzjal tal-introjtu għall-għajxien għall-kawkaw; jilqa' t-twaqqif tal-Inizjattiva tal-UE dwar il-Kawkaw Sostenibbli u jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lis-settur privat kollu jimpenja ruħu biex iħallas prezzijiet ġusti lill-bdiewa tal-kawkaw li jippermettulhom jipproduċu b'mod sostenibbli, mingħajr it-tħaddim tat-tfal; ifakkar li r-relazzjonijiet u l-inizjattivi kummerċjali UE-Afrika, bħal dik dwar il-kawkaw, iridu jiddependu fuq monitoraġġ u obbligu ta' rendikont trasparenti u affidabbli; jappella sabiex jiġi żgurat approċċ b'diversi partijiet ikkonċernati permezz ta' mekkaniżmi speċifiċi biex is-soċjetà ċivili tiġi involuta fl-iżvilupp ta' strateġiji u politiki settorjali; jikkondividi l-fehmiet espressi mill-Koalizzjoni tal-Kawkaw li l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-diliġenza dovuta li qed titħejja, inkluż ir-regolament dwar id-deforestazzjoni, għandu jkollha l-għan li tipprovdi introjtu għall-għajxien għall-bdiewa tal-kawkaw bħala pass essenzjali fil-kisba ta' settur tal-kawkaw sostenibbli;
52. Jinsab imħasseb li l-politika kummerċjali tal-UE lejn l-Afrika hija frammentata ħafna; itenni li l-FSE differenti għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-integrazzjoni intra-Afrikana u għall-iżvilupp ta' mudell kummerċjali ġust u sostenibbli u għat-tnaqqis tal-faqar; josserva li l-fehmiet rigward l-evalwazzjoni tas-suċċess tal-FSE huma differenti, b'xi wħud fl-UE u fl-Afrika jargumentaw li l-FSE konklużi jew innegozjati f'dawn l-aħħar għaxar snin ma jissodisfawx biżżejjed ir-rekwiżiti ta' sħubija ġdida u kienu primarjament immirati lejn l-infurzar tal-interessi tal-UE, filwaqt li josservaw li l-esportazzjonijiet tal-UE lejn l-istati tal-FSE kienu ta' detriment għall-produzzjoni lokali, speċjalment fis-settur agrikolu, u jiddispjaċihom li l-għanijiet importanti tal-FSE bħad-diversifikazzjoni tal-ktajjen tal-valur u l-promozzjoni tal-integrazzjoni reġjonali fl-Afrika ma ntlaħqux, u li l-esportazzjonijiet ewlenin baqgħu jkunu l-prodotti agrikoli u l-materja prima, u jqisu wkoll, barra minn hekk, li dan huwa raġuni waħda għall-kritika frekwenti jew saħansitra ċ-ċaħda tal-FSE f'ħafna stati Afrikani; mill-banda l-oħra oħrajn fl-UE u l-UA jargumentaw li l-FSE jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli f'konformità mal-SDGs u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u jippromwovuh, inaqqsu l-faqar, irawmu l-flussi kummerċjali intra-Afrikani, itejbu l-integrazzjoni reġjonali, jikkontribwixxu għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ u t-tneħħija ta' ostakli bla bżonn għall-kummerċ, iżidu l-aċċess għas-suq għan-negozji għas-swieq tal-UE u tal-Afrika, b'mod partikolari għall-SMEs, jippromwovu investimenti pubbliċi u privati fl-Afrika, jippromwovu prattiki agrikoli tajbin u sostenibbli, u jrawmu relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Afrika, b'kont meħud tal-eżiti tas-Summit UE-UA, u filwaqt li jemmnu wkoll li sabiex jaqdu dan ir-rwol bis-sħiħ u jwasslu għall-integrazzjoni tal-ktajjen tal-valur tal-UE u tal-Afrika, il-FSE jridu jiġu implimentati u modernizzati biex jinkludu dispożizzjonijiet li jappoġġaw il-ktajjen tal-valur transfruntiera, inklużi oqsma addizzjonali bħall-kummerċ tas-servizzi, l-investiment, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-kompetizzjoni, li jserrħu moħħ in-negozji u l-investituri dwar l-ambjent tan-negozju f'dawk il-pajjiżi;
53. Iqis li l-ftehimiet ta' sħubija ekonomika għandhom itejbu l-kapaċità tal-pajjiżi Afrikani li jisfruttaw l-opportunitajiet kummerċjali fl-oqsma tas-sigurtà tal-ikel, tal-kura tas-saħħa u tat-tnaqqis tal-faqar;
54. Ifakkar li t-talba tal-UE li jiġu pprojbiti t-taxxi tal-esportazzjoni fuq il-materja prima ilha żmien twil ostaklu fil-proċess tan-negozjati dwar il-ftehimiet ta' sħubija ekonomika; jisħaq li għal dawk l-ekonomiji li kważi esklużivament jibbażaw id-dħul tagħhom fuq l-isfruttament tar-riżorsi naturali, il-projbizzjoni ta' tali taxxi tista' żżommhom f'dipendenza fuq l-għajnuna, filwaqt li xxekkel id-diversifikazzjoni ekonomika tagħhom; jisħaq fuq id-dritt tal-pajjiżi Afrikani li jirregolaw il-materja prima fl-interess pubbliku tagħhom u jistieden lill-UE żżomm lura milli tadotta politika kummerċjali li, bħala regola ġenerali, tipprojbixxi lill-pajjiżi Afrikani milli jimponu taxxi tal-esportazzjoni fuq il-materja prima, sakemm din tkun kompatibbli mad-WTO;
55. Itenni t-talba tiegħu li qabel ma jiġu nnegozjati FSE ġodda, titwettaq analiżi fil-fond tal-impatt tal-FSE fuq l-ekonomiji lokali, l-integrazzjoni reġjonali, id-diversifikazzjoni ekonomika u l-SDGs; jitlob li l-FSE jiġu modernizzati billi fihom jiżdiedu kapitoli b'saħħithom, vinkolanti u infurzabbli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli allinjati mal-Ftehim ta' Pariġi; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, taħdem mas-sħab Afrikani tagħna biex tavvanza l-kummerċ ġust u sostenibbli, b'mod partikolari permezz ta' kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli fl-FSE, u taħdem mas-sħab tagħna dwar ir-rieżami li jmiss tal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli; jisħaq, barra minn hekk, fuq l-importanza li jiġi inkluż l-objettiv tal-ġlieda kontra x-xogħol furzat u t-tħaddim tat-tfal fil-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli tal-ftehimiet kummerċjali tal-Unjoni, minħabba l-prevalenza tagħhom fis-settur agrikolu; jappella għall-monitoraġġ sistematiku, trasparenti u bbażat fuq l-evidenza mill-partijiet interessati kollha, inklużi s-soċjetà ċivili u l-komunitajiet tal-UE u Afrikani, l-awtoritajiet lokali u l-parlamenti nazzjonali, tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali bejn l-UE u l-Afrika u għall-konformità mal-prinċipji tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp u tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli; jitlob li ssir analiżi fil-fond dwar l-impatt tal-FSE u l-ftehimiet kummerċjali eżistenti fuq il-pajjiżi Afrikani biex jiġi ddeterminat sa liema punt dawn huma kompatibbli mal-isforzi biex jiġi appoġġat il-proċess tal-AfCFTA u l-integrazzjoni kontinentali fl-Afrika u l-ħtieġa li dawn ikunu konsistenti mal-SDGs u l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; jitlob li jsir aġġustament tad-dispożizzjonijiet tal-FSE, skont ir-riżultati; jistieden lill-Kummissjoni biex fejn ikun xieraq, meta tirrevedi l-FSE, tindirizza, timmitiga u tevita kwalunkwe effett potenzjali li jista' jfixkel l-objettivi tal-iżvilupp tas-suq intra-Afrikan, f'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab Afrikani tagħna; jenfasizza li l-FSE jeħtieġ li jappoġġaw l-iżvilupp ulterjuri tal-AfCFTA; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-FSE ikunu bażi għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn il-partijiet b'mod li jkun ta' benefiċċju reċiproku, filwaqt li jitqiesu l-livelli rispettivi ta' żvilupp tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali lill-SMEs, u tappoġġa lill-SMEs Afrikani li jesportaw lejn l-UE b'assistenza teknika; Jinnota li sabiex l-FSE jsiru aktar attraenti, jeħtieġ li l-ftehimiet ikopru elementi addizzjonali, bħall-bini tal-kapaċità, l-inkoraġġiment tan-nisa biex jipparteċipaw fl-ekonomija, inkluż fl-agrikoltura, u l-investiment f'opportunitajiet għaż-żgħażagħ fil-pajjiżi Afrikani;
56. Ifakkar li l-implimentazzjoni tal-kapitoli dwar is-sostenibbiltà trid tkun akkumpanjata b'mod parallel minn bini tal-kapaċità permezz tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE u investimenti oħra biex il-pajjiżi sħab jiġu megħjuna jonoraw l-impenji tagħhom(17), u li l-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu involuti fil-monitoraġġ(18);
57. Jilqa' r-riforma tar-Regolament dwar l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP)(19) u r-rwol tagħha fiż-żieda tal-opportunitajiet kummerċjali, l-iffaċilitar tad-diversifikazzjoni tal-esportazzjoni għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-avvanz tal-iżvilupp sostenibbli u l-iżgurar tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tax-xogħol, il-protezzjoni ambjentali, l-iżvilupp sostenibbli, il-governanza tajba u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jinnota li diversi pajjiżi Afrikani mhux ser jibqgħu jitqiesu LDCs fil-futur qarib u jenfasizza l-ħtieġa li tiġi appoġġata t-tranżizzjoni bla xkiel tagħhom għall-istatus tal-SĠP; huwa tal-fehma li dawn il-pajjiżi jistgħu jibbenefikaw mill-istatus tal-SPĠ+ u jħeġġiġhom jikkunsidraw li japplikaw, filwaqt li jistieden lill-Kummissjoni tindirizza b'mod proattiv lil dawn il-kandidati potenzjali u toffrilhom appoġġ fil-ħidma sabiex jissodisfaw il-kriterji, u tiżgura tranżizzjoni bla xkiel minn pajjiż sieħeb bl-istatus ta' LDC għall-istatus tal-SĠP+; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-SĠP tkun komplementari għal inizjattivi oħra ta' politika kummerċjali fil-kontinent Afrikan; jistieden lill-pajjiżi fir-reġjun li jibbenefikaw mill-iskemi tal-SPĠ u "Kollox ħlief Armi" biex jaħdmu biex isaħħu l-implimentazzjoni effettiva tal-impenji internazzjonali tagħhom;
58. Jappella għal żieda fl-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp relatati ma' prodotti u teknoloġiji ekoloġiċi; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura li l-implimentazzjoni tar-regoli futuri tal-UE dwar id-diliġenza dovuta relatata mas-sostenibbiltà korporattiva u mal-prodotti li ma jikkontribwixxux għad-deforestazzjoni tinkoraġġixxi relazzjonijiet ta' akkwist fit-tul u prattiki ta' xiri mtejba, filwaqt li tiżgura paga li tiggarantixxi l-għajxien għall-ħaddiema u introjtu li jiggarantixxi l-għajxien għall-bdiewa b'azjendi agrikoli żgħar u tiżgura r-rispett għall-ambjent u l-involviment sinifikanti tal-partijiet ikkonċernati, inkluż tad-detenturi tad-drittijiet, fl-istadji kollha tal-proċess ta' diliġenza dovuta; Ifakkar li l-Afrika tospita bijodiversità eċċezzjonali; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-isfruttament żejjed tar-riżorsi naturali u l-impatt tat-tnaqqis tal-bijodiversità fuq il-livelli ta' reżiljenza; jinsab partikolarment imħasseb li l-pass tad-deforestazzjoni qed jiżdied fl-Afrika, b'mod partikolari fil-baċir tax-xmara Kongo, li fl-2020 kien jinsab fit-tieni post wara l-Brażil f'termini tat-telf tal-foresti primarji, u fil-Kamerun, u jinsab ukoll imħasseb dwar il-kuntrabandu ta' speċijiet ta' organiżmi selvaġġi rari; jirrimarka li l-qerda tal-foresti tropikali Afrikani twassal għal telf irriversibbli tal-bijodiversità u tal-bjar tal-karbonju, kif ukoll tal-artijiet u tal-modi ta' ħajja tal-komunitajiet indiġeni; ifakkar li l-foresti jikkontribwixxu b'mod sinifikanti biex jintlaħqu l-miri klimatiċi, jipproteġu l-bijodiversità u jipprevjenu d-deżertifikazzjoni u l-erożjoni estrema tal-ħamrija; jenfasizza r-rwol tal-ilma bħala pedament ewlieni għar-reżiljenza soċjali u ekonomika, speċjalment fil-kuntest tas-sigurtà tal-ikel u dik nutrizzjonali, u l-fatt li hemm ir-riskju li l-ilma jsir riżorsa skarsa; jemmen, għalhekk, li għandha tingħata importanza akbar lill-provvista tal-ilma; jisħaq li d-deżertifikazzjoni u l-kwantitajiet kbar ta' ġurati aggravaw is-sitwazzjoni diġà diffiċli tas-sigurtà tal-ikel fl-Afrika u li l-pandemija tal-COVID-19 u l-problemi ekonomiċi u loġistiċi sussegwenti xeħtu dawl fuq il-potenzjal li s-swieq lokali u reġjonali jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet u n-nuqqasijiet fis-sistema globali tal-ikel; iqis li sħubija kummerċjali trid tkun ibbażata fuq mudelli u teknoloġiji li jkunu adatti sewwa għall-mudelli agrikoli, l-ekonomiji u l-għelejjel tal-pajjiżi Afrikani, u fuq il-kollaborazzjoni, b'mod partikolari permezz tat-taħriġ u tal-iskambji ta' għarfien, li jagħtu s-sjieda, l-indipendenza u d-dritt ta' inizjattiva lill-bdiewa;
59. Jenfasizza l-importanza tal-bliet u l-irħula fil-promozzjoni tal-ispirtu ta' kummerċ ġust; ifaħħar lill-Kummissjoni għat-tnedija tal-Premju Bliet tal-UE għal Kummerċ Ġust u Etiku; ifaħħar lill-Viċi President u lill-Kummissarju għall-Kummerċ Valdis Dombrovskis għall-impenn tiegħu li jkompli din l-inizjattiva importanti; jistieden lill-Kummissjoni tfittex kooperazzjoni mal-Kummissjoni tal-UA biex issaħħaħ il-kooperazzjoni diretta bejn il-bliet u l-irħula fiż-żewġ kontinenti, sabiex jiġu promossi relazzjonijiet kummerċjali ġusti u etiċi u tiżdied il-viżibbiltà tal-ħafna inizjattivi rispettivi tal-kunsilli tal-bliet;
60. Jemmen li issa aktar minn qatt qabel wara l-pandemija tal-COVID-19, fuq livell globali, u speċjalment fir-rigward tal-Afrika, għandhom jittieħdu approċċi ġodda għal relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bbażati fuq kummerċ ġust u etiku u fuq il-prinċipji ta' solidarjetà u kooperazzjoni;
61. Jilqa' d-dikjarazzjoni maqbula mil-laqgħa tal-mexxejja tal-gvernijiet lokali u reġjonali tal-Istati Membri tal-UA u tal-UE fil-15 ta' Frar 2022 fi Brussell, li enfasizzat fost l-oħrajn li mingħajr l-involviment tal-gvernijiet lokali u reġjonali, 65 % tal-169 mira li jirfdu l-SDGs mhux se jintlaħqu;
62. Jilqa' l-ftehim tal-Kunsill tal-Ministri tal-AfCFTA dwar ir-regoli komuni tal-oriġini għall-blokk għal 87,7 % tal-merkanzija jew 3 800 linja tariffarja koperti mill-AfCFTA; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tarmonizza r-regoli tal-oriġini u tiżviluppa proposta għal regoli ta' oriġini unifikati għall-kummerċ mal-pajjiżi Afrikani kollha, abbażi tar-regoli maqbula reċentement fl-AfCFTA, biex jissostitwixxu t-taħlita ta' regoli ta' oriġini fid-diversi ftehimiet u arranġamenti kummerċjali tal-UE mar-reġjuni u l-pajjiżi Afrikani; huwa konvint li dan ikun ukoll ta' benefiċċju għall-kumpaniji u l-awtoritajiet doganali tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tesplora aktar possibilitajiet u miżuri biex issaħħaħ ir-rabtiet u s-sinerġiji bejn id-diversi arranġamenti kummerċjali tal-UE mal-pajjiżi Afrikani u l-AfCFTA; jilqa' l-għan tal-AfCFTA li ttejjeb id-differenzjazzjoni reġjonali u l-espansjoni u l-interkonnessjoni tas-sistemi tal-infrastruttura; jistieden lill-UE tinvolvi ruħha mas-Segretarjat tal-AfCFTA biex tavvanza l-bini tal-kapaċità u l-appoġġ tekniku għall-implimentazzjoni tal-AfCFTA;
63. Jilqa' l-fatt li f'Novembru 2021, il-BEI fetaħ l-ewwel ċentru tiegħu fl-Afrika, fil-kapitali tal-Kenja Najrobi;
64. Japprezza l-inizjattiva mill-Kunsill u l-Kummissjoni li jorganizzaw l-ewwel Ġimgħa tal-Afrika u l-Ewropa, li saret fi Frar 2022 fi Brussell; jilqa' l-ħidma produttiva ta' diversi eluf ta' rappreżentanti minn organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, awtoritajiet lokali, is-settur kulturali u s-settur tan-negozju; jenfasizza li involviment aħjar tal-UE maż-żgħażagħ Afrikani u mad-dijaspora Afrikana fl-UE jista' jtejjeb strutturalment ir-relazzjoni bejn l-UE u l-Afrika fuq żmien fit-tul; jiddispjaċih, f'dan il-kuntest, li l-Parlament Ewropew ma kienx aktar involut u li l-avvenimenti seħħew matul il-ġimgħa tal-plenarja tal-Parlament fi Strasburgu, u jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni, qabel l-inizjattivi li jmiss, ta' kooperazzjoni akbar bejn il-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-organizzazzjonijiet tan-negozju; jistieden lill-Kummissjoni torganizza l-Ġimgħa Afrika-Ewropa fuq bażi annwali, u tinkludi liż-żgħażagħ, speċjalment lin-nisa u l-bniet, fid-diskussjonijiet organizzati matul il-Ġimgħa Afrika-Ewropa;
65. Jistieden lill-Kummissjoni tiffoka l-edizzjonijiet futuri tas-Summit tan-Negozju bejn l-UE u l-Afrika fuq il-potenzjal li l-alternattivi ta' produzzjoni ekonomika u sostenibbli lokali, bħall-prodotti organiċi u ta' kummerċ ġust, il-kooperattivi tal-bdiewa fuq skala żgħira u l-partijiet ikkonċernati tal-ekonomija soċjali, jista' jkollhom fil-bini ta' sħubija kummerċjali aktar sostenibbli u ġusta bejn l-Afrika u l-UE;
66. Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied l-involviment tal-partijiet ikkonċernati, b'mod partikolari l-assoċjazzjonijiet tan-negozju tal-SMEs mill-kontinent Afrikan kollu u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dejjem aktar importanti kemm mill-UE kif ukoll mill-UA, fid-dibattiti li jistabbilixxu d-dimensjoni l-ġdida tal-kummerċ, l-investiment u l-kooperazzjoni ekonomika, li hija mmirata lejn relazzjonijiet ġusti u etiċi;
67. Jinnota li n-networks tat-trasport huma faċilitaturi kritiċi tal-kummerċ u l-ekonomiji prosperi; jisħaq fuq il-ħtieġa li ż-żoni rurali u urbani Afrikani jiġu konnessi aħjar biex tiġi żgurata interkonnettività akbar fi ħdan il-pajjiżi Afrikani u l-kontinent Afrikan; jenfasizza li l-proposti ta' Tim Ewropa għat-twettiq ta' proġetti infrastrutturali jridu jibnu fuq il-ħtiġijiet identifikati mill-UA fil-Programm għall-Iżvilupp tal-Infrastruttura għall-Afrika; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-partijiet interessati lokali u reġjonali jkunu involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar in-natura u l-volum tal-proġetti infrastrutturali; ifakkar il-fatt li madwar 53 % tat-toroq fl-Afrika mhumiex pavimentati u huma iżolati miċ-ċentri tal-kummerċ, u li inqas minn nofs il-popolazzjoni fiż-żoni rurali għandha aċċess għal toroq funzjonali s-sena kollha, li juri l-ħtieġa li jsir investiment mhux biss fi proġetti emblematiċi; jitlob ukoll investimenti fil-loġistika tal-katina tat-tkessiħ u f'faċilitajiet moderni ta' ħżin u loġistika mtejba b'mod ġenerali bejn il-postijiet ta' produzzjoni u ta' konsum li jippermettu lill-bdiewa jwasslu l-prodotti agrikoli tagħhom fuq ċerti distanzi, anke minħabba l-urbanizzazzjoni rapida tal-Afrika, u b'hekk jikkontribwixxu biex tintemm l-insigurtà tal-ikel; jinnota li network tat-trasport li jiffunzjona u investimenti fi proġetti infrastrutturali jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-ekonomiji Afrikani; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiffaċilita l-investiment fi proġetti infrastrutturali Afrikani permezz tal-istrumenti kummerċjali u ta' investiment tagħha għall-Afrika;
68. Jinkoraġġixxi dibattitu wiesa' bil-għan li jiġu kkunsidrati mill-ġdid il-mudelli u l-pjanijiet biex tiġi żviluppata l-infrastruttura u biex jiġu identifikati mudelli ta' mobilità alternattivi u soluzzjonijiet ta' mobilità moderni għas-seklu 21 għal kulħadd fir-reġjuni kif ukoll madwar il-kontinent, abbażi tat-tagħlimiet meħuda fl-UE u f'pajjiżi industrijalizzati oħra, sabiex jiġu evitati l-iżbalji li saru hemmhekk;
69. Jenfasizza li l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali li jipprovdu lin-nies il-ħiliet meħtieġa mis-suq tax-xogħol huma fatturi ewlenin għall-iżvilupp; jemmen, f'dan il-kuntest, li l-kooperazzjoni bejn l-universitajiet, l-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-programmi ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali miż-żewġ kontinenti jeħtieġ li tissaħħaħ; huwa tal-fehma, f'dan ir-rigward, li l-inizjattivi ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali mmexxija mis-settur privat u l-intraprenditorija fl-Afrika għandhom jiġu appoġġati u kkoordinati aħjar, peress li l-pandemija enfasizzat l-importanza kemm tal-ħiliet diġitali kif ukoll tal-metodi ta' tagħlim diġitali;
70. Jikkondividi l-viżjoni fit-tul li jinħoloq ftehim kummerċjali, ta' kooperazzjoni u ta' żvilupp komprensiv bejn il-kontinenti tal-Afrika u tal-UE, li tibni fuq l-AfCFTA; jissottolinja li ftehim ta' kummerċ u kooperazzjoni bejn il-kontinenti irid ikun preċedut minn żvilupp sinifikanti ta' suq intra-Afrikan robust u reżiljenti; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-rwol tal-impenn tal-politika kummerċjali tal-UE mal-Afrika fl-iżvilupp tas-suq intra-Afrikan; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea taġġorna regolarment lill-Parlament dwar l-objettiv fit-tul ta' ftehim kummerċjali u ta' kooperazzjoni bejn il-kontinenti, b'mod partikolari permezz tad-diversi strumenti ta' politika relatati mal-Afrika;
71. Jappella għall-implimentazzjoni responsabbli u rapida tal-impenji dwar il-kummerċ u l-investiment miftiehma fis-Summit UE-UA tal-2022, u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tirrapporta strutturalment lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-impenji dwar il-kummerċ u l-investiment mill-kumitati rilevanti;
72. Jilqa' l-Inizjattiva tal-UE għall-Enerġija Ekoloġika bejn l-Afrika u l-UE u l-appoġġ kontinwu tagħha għas-Suq Uniku Afrikan tal-Elettriku; jenfasizza li l-aċċess għall-enerġija għandu jkun garantit bi prezz affordabbli għal kulħadd bħala ġid komuni u dritt bażiku, u li l-aċċess għall-enerġija u d-domanda futura għall-enerġija huma kwistjonijiet ewlenin li l-UE u l-Afrika għandhom jindirizzaw flimkien; jinnota l-ħtieġa li jiġi sfruttat il-potenzjal il-ġdid tal-enerġija rinnovabbli u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-Afrika u li jsir investiment f'setturi b'valur miżjud ogħla, bħall-azzar ekoloġiku u l-idroġenu ekoloġiku, b'mod partikolari billi tittejjeb il-kooperazzjoni teknoloġika u jiżdiedu l-esportazzjonijiet tal-enerġija nadifa; jirrimarka li l-assistenza teknika fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tas-suq tal-enerġija hija meħtieġa u għandha tiġi pprovduta permezz tal-kooperazzjoni UE-Afrika, kif ukoll l-iżvilupp ta' standards komuni; jirrimarka li l-kooperazzjoni fl-enerġija sostenibbli għandha tkun waħda mill-karatteristiċi ewlenin tal-Global Gateway fir-rigward tal-Afrika; jilqa' l-impenn fil-qafas tal-Global Gateway li jiġu mobilizzati EUR 2,4 biljun f'għotjiet għall-Afrika sub-Saħarjana u EUR 1,08 biljun għall-Afrika ta' Fuq biex jiġu appoġġati l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika, it-tranżizzjoni ġusta u l-ekoloġizzazzjoni tal-ktajjen tal-valur lokali; jitlob approċċ ta' investiment intelliġenti fir-rigward tal-ġeneri fis-settur tal-enerġija li jagħti s-setgħa lin-nisa bħala mexxejja, ħaddiema u konsumaturi fil-qasam tal-enerġija;
73. Jinsisti fuq l-importanza li jinbnew sħubijiet biex tittejjeb is-sostenibbiltà tal-ktajjen tal-valur tal-materja prima, abbażi tal-pjan ta' azzjoni tal-materja prima kritika u li jsir użu mill-istrumenti kollha tal-politika esterna tal-UE;
74. Jappella sabiex titqies ir-rabta bejn is-saħħa pubblika u l-bijodiversità, f'konformità mal-approċċ ta' "Saħħa Waħda" tan-NU, u jilqa' t-tħabbira tal-inizjattiva NaturAfrica, li għandha l-għan li tipproteġi l-organiżmi selvaġġi u l-ekosistemi fl-Afrika, u r-rieżami tal-pjan ta' azzjoni kontra t-traffikar ta' speċijiet selvaġġi; jinnota li l-letteratura akkademika identifikat xi hotspots globali għall-mard żoonotiku emerġenti fl-Afrika; jirrakkomanda l-iżvilupp ta' valutazzjonijiet tal-impatt tar-riskju ta' mard pandemiku u emerġenti u li dawn jiġu inkorporati fi proġetti ewlenin ta' żvilupp u użu tal-art iffaċilitati mis-sħubija mġedda bejn l-UE u l-UA, kif ukoll ir-riforma tal-għajnuna finanzjarja għall-użu tal-art sabiex il-benefiċċji u r-riskji għall-bijodiversità u s-saħħa jiġu rikonoxxuti u mmirati b'mod espliċitu; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li toħroġ gwida għall-kumpaniji u l-investituri tal-UE attivi fl-Afrika fir-rigward tad-direttiva futura għal diliġenza dovuta korporattiva sostenibbli(20); jistieden lill-UE u lill-UA jippromwovu sħubija intergovernattiva ġdida dwar is-saħħa u l-kummerċ bil-għan li jitnaqqsu r-riskji tal-mard żoonotiku fil-kummerċ internazzjonali tal-organiżmi selvaġġi; jisħaq li l-inizjattiva NaturAfrika għandha tiġi żviluppata b'konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati kollha, b'attenzjoni partikolari għad-drittijiet tal-komunitajiet lokali, tal-popli indiġeni u tan-nisa; jissottolinja li din għandha tappoġġa lill-gvernijiet Afrikani u lill-popolazzjonijiet lokali biex jindirizzaw il-kawżi ewlenin tat-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni ambjentali b'mod olistiku u sistematiku, inkluż billi toffri appoġġ lin-networks ta' żoni protetti ġestiti tajjeb; jitlob l-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet ambizzjużi relatati mal-bijodiversità ispirati mill-approċċ "Saħħa Waħda" tan-NU meta jiġu mmodernizzati l-FSE; iqis li l-UE għandha tikkontribwixxi għat-twettiq tal-Ħajt il-Kbir l-Aħdar fir-reġjun tas-Saħel, li se jikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex titwaqqaf id-deżertifikazzjoni ulterjuri u b'hekk se jissalvagwardja l-introjtu mill-agrikoltura;
75. Jissottolinja li d-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri jridu jkunu fiċ-ċentru tal-kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE u l-UA, b'enfasi speċjali fuq l-impatt ta' teknoloġiji emerġenti u innovattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-inklużjoni tan-nisa fl-ekonomija; jenfasizza l-potenzjal li l-kummerċ diġitali jista' jkollu għall-avvanz u t-titjib tal-faċilitazzjoni tal-kummerċ fl-Afrika, u jistieden lill-Kummissjoni tavvanza l-kapaċitajiet diġitali biex tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-FSE u l-implimentazzjoni tal-AfCFTA; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-aġenda diġitali UE-UA fl-involviment tagħha mas-sħab strateġiċi globali tagħha;
76. Jinnota li l-kondiviżjoni tal-għarfien u l-iżvilupp tal-ħiliet fl-Afrika jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' relazzjoni kummerċjali sostenibbli; jissottolinja l-potenzjal li l-infrastruttura diġitali għandha biex tistimula l-ekonomija Afrikana u tixpruna l-innovazzjoni fil-kontinent; jitlob kooperazzjoni msaħħa dwar l-aġendi diġitali UE-UA bbażata fuq il-prinċipji tal-governanza demokratika, regoli multilaterali ta' appoġġ għall-kummerċ, mekkaniżmi regolatorji effettivi fil-qasam diġitali kollu u mekkaniżmi ta' governanza minn globali għal lokali għall-infrastruttura tad-data u diġitali li jqiegħdu l-iżvilupp iffokat fuq il-persuni fil-qalba tagħhom; jieħu nota tal-ħolqien tat-Task Force dwar l-Ekonomija Diġitali UA-UE; jenfasizza li r-relazzjonijiet diġitali bejn l-UE u l-UA għandhom jippromwovu l-ispinta tal-Afrika għat-trasformazzjoni diġitali u jirrispettaw id-dritt tal-gvernijiet li jżommu s-sjieda tad-data u jirregolaw l-ekonomija diġitali tagħhom skont il-ħtiġijiet ta' żvilupp tagħhom u bil-ħsieb li tinkiseb dinja diġitali aktar ibbilanċjata; jistieden lill-UE tappoġġa t-tkabbir diġitali tal-pajjiżi Afrikani bl-għajnuna tal-pjattaformi tal-UNCTAD maħluqa biex jiżguraw gwadanji ta' żvilupp sostenibbli mit-trasformazzjonijiet diġitali; jenfasizza li t-trasformazzjoni diġitali trid tkun konsistenti mal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data;
77. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Unjoni Afrikana, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-istati membri tal-Unjoni Afrikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-AfCFTA.
Artikolu tal-FAO tal-11 ta' Frar 2019 bit-titolu "FAO calls for urgent action to curb corruption, illicit exploitation of forests" ("Il-FAO issejjaħ għal azzjoni urġenti biex jitrażżnu l-korruzzjoni u l-isfruttament illeċitu tal-foresti"), aċċessat fl-1 ta' Ġunju 2022. Disponibbli fis-sit web: https://www.fao.org/africa/news/detail-news/en/c/1180700/
Artikolu mill-Programm ta' Żvilupp tan-NU fl-Etjopja tat-13 ta' Ottubru 2016 bit-titolu "Gender gap costs sub-Saharan Africa $US95 billion a year: UND" ("Id-differenza bejn il-ġeneri tiswa lill-Afrika sub-Saħarjana $US95 biljun fis-sena: UND"), aċċessat fit-3 ta' Ġunju 2022. Disponibbli fis-sit web: https://www.et.undp.org/content/ethiopia/en/home/presscenter/pressreleases/2016/08/28/gender-gap-costs-sub-saharan-africa-us95-billion-a-year-new-undp-report.html
Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Frar 2021, bit-titolu "Rieżami tal-Politika Kummerċjali - Politika Kummerċjali Miftuħa, Sostenibbli u Assertiva" (COM(2021)0066).
Id-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar (ĠU L 330, 15.11.2014, p. 1).
Dokument ta' diskussjoni tal-German Development Institute ta' Jannar 2016 bit-titolu "Can Rules of Origin in Sub-Saħaran Africa be Harmonized? A Political Economy Exploration’.
Dokument ta' diskussjoni tal-German Development Institute ta' Jannar 2016 bit-titolu "Can Rules of Origin in Sub-Saħaran Africa be Harmonized? A Political Economy Exploration’.
Ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1).
Il-proposta tal-Kummissjoni tat-23 ta' Frar 2022 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 (COM(2022)0071),
Il-futur tal-politika ta' investiment internazzjonali tal-UE
205k
61k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2022 dwar il-futur tal-politika ta' investiment internazzjonali tal-UE (2021/2176(INI))
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1219/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 li jistabbilixxi arranġamenti tranżizzjonali għal ftehimiet bilaterali ta' investiment bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi(1),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 912/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi qafas għall-ġestjoni tar-responsabbiltà finanzjarja marbuta mat-tribunali għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-istati stabbiliti permezz ta' ftehimiet internazzjonali li għalihom l-Unjoni Ewropea hija Parti(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta' qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli(3),
– wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-opinjoni 2/15 tagħha tas-16 ta' Mejju 2017 dwar il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u r-Repubblika ta' Singapore, is-sentenza tagħha tas-6 ta' Marzu 2018 fil-kawża C‑284/16 (deċiżjoni preliminari dwar Ir-Repubblika Slovakka vs Achmea BV), l-opinjoni 1/17 tagħha tat-30 ta' April 2019 dwar il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn il-Kanada u l-UE u l-Istati Membri tagħha, is-sentenza tagħha tat-2 ta' Settembru 2021 fil-kawża C‑741/19 (deċiżjoni preliminari dwar Ir-Repubblika tal-Moldova vs Komstroy LLC), u s-sentenza tagħha tas-26 ta' Ottubru 2021 fil-kawża C‑109/20 (deċiżjoni preliminari dwar Ir-Repubblika tal-Polonja vs PL Holdings Sàrl),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2011 dwar il-politika Ewropea futura ta' investiment internazzjonali(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar ostakoli għall-kummerċ u l-investiment(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2015 dwar l-impatt estern tal-politika kummerċjali u tal-investiment tal-UE fuq l-inizjattivi pubbliċi-privati f'pajjiżi barra l-UE(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment(7),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-6 ta' April 2020 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1219/2012 li jistabbilixxi arranġamenti tranżizzjonali għal ftehimiet bilaterali ta' investiment bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (COM(2020)0134),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Frar 2021, bit-titolu "Rieżami tal-Politika Kummerċjali – Politika Kummerċjali Miftuħa, Sostenibbli u Assertiva" (COM(2021)0066),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Kummerċ għal kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment'' (COM(2015)0497),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 bit-titolu "Pjan ta' Investiment għall-Ewropa" (COM(2014)0903),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2020 dwar l-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE: l-1 ta' Jannar 2019 – il-31 ta' Diċembru 2019 (COM(2020)0705),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, adottat fit-12 ta' Diċembru 2015,
– wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra(8), li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2021, u b'mod partikolari t-Titolu II tiegħu dwar is-servizzi u l-investiment,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-2014 dwar it-Trasparenza fl-Arbitraġġ bejn l-Investituri u l-Istati bbażat fuq it-Trattati, li daħlet fis-seħħ fit-18 ta' Ottubru 2017 (il-Konvenzjoni ta' Mauritius),
– wara li kkunsidra l-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment konklużi mill-UE, b'mod partikolari l-ftehimiet tat-"tieni ġenerazzjoni" ma' pajjiżi bħall-Kanada, Singapore, il-Vjetnam u l-Ġappun,
– wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli, adottata fl-2015, b'mod partikolari s-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tagħha,
– wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, kif approvati mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2011,
– wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 24 tal-10 ta' Awwissu 2017 tal-Kumitat għad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tan-NU dwar l-obbligi tal-Istati skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali fil-kuntest tal-attivitajiet ta' negozju,
– wara li kkunsidra r-rapporti dwar l-investiment fid-dinja tal-2019, l-2020 u l-2021 tal-Konferenza tan-NU dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD),
– wara li kkunsidra l-Qafas tal-UNCTAD tal-2015 għal Politika ta' Investiment għall-Iżvilupp Sostenibbli,
– wara li kkunsidra n-noti dwar il-kwistjonijiet fil-ftehim ta' investiment internazzjonali tal-UNCTAD dwar każijiet ta' soluzzjoni ta' tilwim bejn investituri u stati: fatti u ċifri għall-2019 u l-2020,
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-2018 tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) dwar l-investiment internazzjonali intitolat "Societal benefits and costs of International Investment Agreements: a critical review of aspects and available empirical evidence" (Benefiċċji u spejjeż soċjetali tal-Ftehimiet ta' Investiment Internazzjonali: rieżami kritiku tal-aspetti u evidenza empirika disponibbli),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-OECD tal-2014 dwar l-investiment internazzjonali bit-titolu "Investment Treaties and Shareholder Claims for Reflective Loss: Insights from Advanced Systems of Corporate Law" (Trattati ta' Investiment u Talbiet tal-Azzjonisti għal Telf Rifless: Informazzjoni Intuwittiva minn Sistemi Avvanzati tad-Dritt tal-Kumpaniji),
– wara li kkunsidra l-mandat mogħti lill-Grupp ta' Ħidma III tal-Kummissjoni tan-NU dwar il-Liġi Internazzjonali tal-Kummerċ (UNCITRAL) fl-2017 biex jaħdem fuq riforma possibbli tas-soluzzjoni ta' tilwim bejn investituri u stati,
– wara li kkunsidra d-direttivi ta' negozjar maħruġa mill-Kunsill fl-2018 li jawtorizzaw lill-Kummissjoni tinnegozja, f'isem l-UE u fil-qafas tal-UNCITRAL, konvenzjoni li tistabbilixxi qorti multilaterali għas-soluzzjoni ta' tilwim dwar l-investiment, u l-proposta sussegwenti tal-UE dwarha,
– wara li kkunsidra l-proċess ta' modernizzazzjoni tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija, li nbeda fl-2017, u l-proposta tat-test tal-UE dwaru,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Italja li tirtira mit-Trattat tal-Karta tal-Enerġija mill-1 ta' Jannar 2015,
– wara li kkunsidra l-Ftehim għat-terminazzjoni ta' Trattati Bilaterali dwar l-Investiment bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea(9),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-15 ta' Jannar 2019 dwar il-konsegwenzi legali tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f'Achmea u dwar il-protezzjoni tal-investiment fl-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Istati Uniti, il-Messiku u l-Kanada li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2020, u b'mod partikolari l-kapitolu 14 tiegħu dwar l-investiment,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika Reġjonali Komprensiva tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2022, u b'mod partikolari l-kapitolu 10 tiegħu dwar l-investiment,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar il-Kwistjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Korporazzjonijiet Tranżnazzjonali u Intrapriżi Oħra ppreżentat lill-Assemblea Ġenerali tan-NU fis-27 ta' Lulju 2021 bit-titolu "Human rights-compatible international investment agreements" (Ftehimiet ta' investiment internazzjonali kompatibbli mad-drittijiet tal-bniedem),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A9-0166/2022),
A. billi, mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, l-investiment dirett barrani baqa' kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea, kif minqux fl-Artikolu 3(1)(e), l-Artikolu 206 u l-Artikolu 207 tat-TFUE; billi l-perkors tar-riforma tal-politika ta' investiment internazzjonali tal-UE jeħtieġ li jkompli jaċċellera u jissaħħaħ biex jindirizza l-isfidi attwali;
B. billi l-UE hija l-akbar destinazzjoni u sors tad-dinja ta' investimenti internazzjonali eżoġeni u endoġeni; billi dawn jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli tal-UE u għall-ħolqien tal-impjiegi, għalkemm l-evidenza empirika disponibbli ma wrietx li hemm relazzjoni kawżali diretta bejn il-ftehimiet internazzjonali ta' investiment u l-attrazzjoni ta' investiment dirett barrani;
C. billi l-flussi ta' investiment dirett barrani (IDB) globali, li kienu diġà ilhom jonqsu mill-2015, esperjenzaw tnaqqis drammatiku fl-2020 (-38 %)(10) minħabba l-kriżi tal-COVID-19; billi ż-żieda tal-IDB endoġenu u eżoġenu għadha element ewlieni fit-triq lejn l-irkupru għall-UE u għal ħafna ekonomiji oħra;
D. billi skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ċerti partijiet tal-politika ta' investiment internazzjonali tal-UE, jiġifieri l-investimenti barranin mhux diretti ("investimenti ta' portafoll") u r-reġim li jirregola s-soluzzjoni ta' tilwim bejn l-investituri u l-istati, huma kompetenza kondiviża tal-l-UE u tal-Istati Membri tagħha;
E. billi madwar 1 500 Trattat Bilaterali dwar l-Investiment ratifikati mill-Istati Membri qabel it-Trattat ta' Lisbona għadhom fis-seħħ, u jinkludu l-mudell l-antik ta' soluzzjoni ta' tilwim bejn investituri u stati, bħal fil-każ tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija; billi, mit-Trattat ta' Lisbona, l-ebda wieħed mill-ftehimiet internazzjonali ta' investiment innegozjati mill-UE ma daħal fis-seħħ;
F. billi l-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu l-għan li jwieġeb għall-isfidi tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali; billi l-politiki kollha tal-UE jeħtieġ li jikkontribwixxu għal dawn l-għanijiet, inkluża l-politika ta' investiment; billi huma meħtieġa investimenti sostanzjali madwar id-dinja sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU u jkun hemm irkupru mill-pandemija tal-COVID-19; billi l-ħidma kontra t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali, u l-ħolqien ta' kundizzjonijiet ta' investiment aktar attraenti u l-appoġġ għan-negozji huma fost is-sitt prijoritajiet(11) tal-UE bejn l-2019 u l-2024;
G. billi l-IDB u l-politika ta' investiment tal-UE għandu jkollhom ukoll rwol ewlieni fil-kisba tal-objettivi ta' awtonomija strateġika miftuħa, fid-diversifikazzjoni tal-ktajjen tal-provvista u fil-kontribut għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli, il-ħolqien tal-impjiegi u l-integrazzjoni fil-ktajjen tal-valur globali, kif ukoll fl-isforzi tal-promozzjoni ta' kundizzjonijiet għall-investituri tal-UE fi swieq barranin li jirriflettu l-livell ta' ftuħ li l-investituri barranin igawdu fl-UE, filwaqt li jitqiesu l-livelli ta' żvilupp tal-pajjiżi terzi u l-ħtieġa li jiġi previst trattament differenzjat;
H. billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiffaċċjaw distakk ta' USD 2,5 triljun f'finanzjament annwali biex jintlaħqu l-SDGs sal-2030; billi l-IDB huwa strument għall-finanzjament tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-SDGs korrispondenti; billi tali kapital jista' jappoġġja l-ħolqien tal-impjiegi u t-titjib soċjali u ambjentali kif stabbilit fl-SDGs; billi l-għan li jiġi attirat l-investiment għandu jimxi id f'id mar-rikonoxximent, fil-kuntest tal-ftehimiet internazzjonali ta' investiment, li l-partijiet għal dawn il-ftehimiet għandhom ifittxu li jtejbu l-livelli tagħhom ta' protezzjoni ambjentali jew tal-ħaddiema, u ma jdgħajfuhomx jew inaqqsuhom;
I. billi t-tassonomija tal-UE għandha l-għan li tiffaċilita l-bidla tal-investimenti minn attivitajiet ekonomiċi mhux sostenibbli għal dawk li huma meħtieġa għall-kisba tas-sostenibbiltà ambjentali, u b'mod aktar speċifiku tan-newtralità klimatika fit-30 sena li ġejjin;
J. billi l-politika ta' investiment tinkludi miżuri bħat-tneħħija tal-ostakli mhux dovuti għall-investiment, il-monitoraġġ tal-impatt tal-investiment barrani fuq l-awtonomija strateġika, is-sigurtà nazzjonali u l-ekonomija reali, u t-tfassil ta' għodod oħra biex jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw l-investiment dirett f'setturi u postijiet fejn huwa l-aktar meħtieġ; billi l-biċċa l-kbira tal-ftehimiet internazzjonali ta' investiment jiffokaw fuq il-protezzjoni tal-investiment, b'aġġudikazzjoni jew bla aġġudikazzjoni bejn investituri u stati;
K. billi l-għadd ta' każijiet ta' soluzzjoni ta' tilwim bejn investituri u stati (ISDS) qed jiżdied kull sena, inkluż kontra l-Istati Membri; billi madwar 15 % tal-każijiet magħrufa li tressqu kontra l-Istati Membri fl-2020 kienu tilwim intra-UE;
L. billi l-biċċa l-kbira tat-trattati dwar l-investiment ma jispeċifikawx kif għandhom jiġu aċċertati l-kunċetti ta' "reparazzjoni sħiħa" u "valur ġust tas-suq" ta' investiment; billi l-bordijiet, f'dan l-aħħar deċennju, interpretaw b'mod predominanti dawn il-kunċetti billi użaw tekniki ta' valutazzjoni "li jħarsu' l quddiem" ibbażati fuq metodi tal-fluss tal-flus skontat (DCF), li f'ħafna każijiet wasslu biex il-bordijiet iddeċidew dwar ammonti ta' kumpens ferm ogħla mill-ammonti aggregati tan-nefqa effettivament imġarrba mill-investituri fil-pajjiżi ospitanti;
M. billi l-UE twettaq rwol ta' tmexxija globali fir-riforma tal-politika ta' investiment; billi mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona twettqet riforma sinifikanti tal-politika ta' investiment fil-livell Ewropew u f'dak internazzjonali, fuq l-insistenza u bl-appoġġ tal-Parlament; billi l-UE nediet u kkonkludiet ftehimiet internazzjonali ta' investiment ma' pajjiżi sħab, irriformat id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-investiment, issostitwiet l-ISDS bis-sistema ta' qorti tal-investiment, nediet negozjati multilaterali għal qorti tal-investiment, ipproponiet leġiżlazzjoni biex tirregola s-sussidji barranin, u adottat leġiżlazzjoni għall-iskrinjar tal-investiment dirett barrani eżoġenu; billi dawn l-iżviluppi huma passi sinifikanti fid-direzzjoni t-tajba għal politika ta' investiment modernizzata u sostenibbli; billi għad fadal ħafna xi jsir biex din l-aġenda ta' riforma titmexxa 'l quddiem;
N. billi r-rikors dejjem jiżdied mill-investituri għal partijiet terzi biex jiffinanzjaw il-litigazzjoni tagħhom bi skambju għal redditu jew interess finanzjarju ieħor fl-eżitu ta' tilwima (finanzjament minn partijiet terzi) aggrava l-iżbilanċi li jirfdu l-prattiki ta' kumpens f'litigazzjoni, billi kompla jnaqqas ir-riskji għall-investituri li jagħmlu talba, u b'hekk żied l-inċentivi biex jiżdied l-għadd ta' talbiet; billi l-finanzjament minn partijiet terzi jista' jżid is-setgħa ta' negozjar tar-rikorrenti għad-detriment ta' stati b'riżorsi limitati u oqfsa regolatorji aktar dgħajfa;
1. Jissottolinja li l-investiment jista' u għandu jkollu impatt pożittiv fuq it-tkabbir ekonomiku sostenibbli, il-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp sostenibbli, u għandu jikkontribwixxi għall-SDGs; jisħaq, għalhekk, fuq l-importanza tiegħu għat-trasformazzjoni tal-ekonomija tal-UE; jirrimarka li dan l-impatt pożittiv jiddependi fuq il-kapaċità tal-gvernijiet li jirregolaw l-investimenti barranin; jirrimarka li l-investimenti eżoġeni u endoġeni jridu jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-ekonomija reali; jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina l-politika ta' investiment tal-UE biex tiżgura l-konsistenza mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u mal-SDGs, kif ukoll mal-valuri tal-UE, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali kif definit mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;
2. Jemmen li l-politika ta' investiment tal-UE jeħtieġ li tissodisfa l-aspettattivi tal-investituri u tal-istati benefiċjarji, kif ukoll l-interessi ekonomiċi usa' u l-objettivi tal-politika esterna tal-UE; ifakkar fit-talba tiegħu għal qafas ta' politika integrat u koerenti, li jippromwovi investimenti ta' kwalità għolja u sostenibbli; jilqa' l-isforzi mwettqa mill-Kummissjoni mill-2010 biex tirriforma l-politika ta' investiment tal-Unjoni f'dik id-direzzjoni; iqis li l-politika ta' investiment internazzjonali tal-UE jeħtieġ li tiġi riformata aktar sabiex tindirizza aħjar varjetà ta' sfidi u tkompli t-trasformazzjoni tagħha f'qafas ta' politika integrat u koerenti;
3. Iqis li l-ftehimiet internazzjonali ta' investiment għandhom jiffaċilitaw investimenti sostenibbli ekoloġiċi, sensittivi għall-ġeneru u inklużivi, jipproteġu b'mod adegwat lill-investituri, jikkontribwixxu għar-reżiljenza tas-suq uniku filwaqt li jissalvagwardjaw l-ispazju politiku fl-istati ospitanti, u jinkoraġġixxu l-iskambju tal-aħjar prattiki, ħiliet u għarfien espert, f'konformità mal-Linji Gwida tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) għall-intrapriżi multinazzjonali dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva;
4. Jinsab imħasseb li skont l-OECD, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw iffaċċjaw nuqqas ta' USD 1,7 triljun fl-2020 minħabba l-kriżi tal-COVID-19, minbarra d-diskrepanza fil-finanzjament eżistenti ta' USD 2,5 triljun; jenfasizza li l-politika ta' investiment tal-UE għandha tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari l-pajjiżi Afrikani, biex jattiraw l-IDB u jnaqqsu d-diskrepanza fil-finanzjament biex jintlaħqu l-SDGs;
5. Iqis li l-kumpaniji tal-UE jeħtieġu protezzjoni adegwata għall-investimenti tagħhom fi swieq barranin; jirrimarka li l-investimenti protetti, kif ikkodifikat fil-ftehimiet internazzjonali ta' investiment tal-UE, m'għandhomx jinkludu forom spekulattivi ta' investiment, strumenti finanzjarji jew investimenti ta' portafoll li jistgħu jinżammu għal skopijiet spekulattivi; jistieden lill-Kummissjoni tibni fuq il-ftehimiet internazzjonali ta' investiment reċenti(12) biex teskludi strumenti ta' dejn pubbliku mill-kamp ta' applikazzjoni tagħhom; iqis li l-istrumenti finanzjarji li jistgħu jiġu rtirati fi kwalunkwe ħin ma jeħtiġux protezzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex ittejjeb id-definizzjoni ta' investimenti protetti sabiex jiġi żgurat li l-ftehimiet internazzjonali ta' investiment jipproteġu biss l-investimenti li jagħmlu impenn sostanzjali ta' kapital jew riżorsi oħra għal numru minimu ta' snin, li fir-rigward ikun hemm teħid ta' riskju u aspettattiva ta' profitt; huwa tal-fehma li l-investimenti protetti għandhom jikkontribwixxu b'mod effettiv għall-iżvilupp tal-pajjiż ospitanti; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw dan il-kriterju kif definit fid-dritt internazzjonali fid-definizzjoni ta' investimenti protetti għal ftehimiet futuri;
Aċċess għas-suq
6. Jilqa' l-fatt li l-ftehimiet ta' investiment reċenti jiffokaw b'mod pożittiv fuq l-aċċess għas-suq u l-liberalizzazzjoni tal-investiment u jfittxu t-tneħħija tal-ostakli għall-istabbiliment u l-operat tal-investituri tal-UE fi swieq barranin;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tfittex kundizzjonijiet għall-investituri tal-UE fi swieq barranin li jirriflettu l-livell ta' ftuħ li l-investituri barranin igawdu fl-UE, filwaqt li tqis il-livell ta' żvilupp ta' pajjiżi terzi u l-ħtieġa li jiġi previst trattament differenzjat; jenfasizza l-ħtieġa li l-ftehimiet internazzjonali ta' investiment jissalvagwardjaw il-kapaċità tal-istati li jirregolaw l-investimenti barranin fil-ġurisdizzjoni tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-ostakli għall-istabbiliment u l-operat tal-investituri tal-UE fi swieq barranin, inklużi l-prattiki diskriminatorji; jilqa' l-enfasi tal-Kummissjoni fuq l-infurzar tal-impenji eżistenti u jissottolinja li dan għandu japplika wkoll għall-impenji relatati mal-investiment;
8. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproteġi b'mod strett l-ispazji politiċi tal-UE u tal-Istati Membri, b'mod partikolari dwar l-enerġija, l-agrikoltura, is-sajd, il-qasam awdjoviżiv, it-telekomunikazzjoni u l-kwistjonijiet diġitali, kif ukoll is-servizzi pubbliċi, meta tilliberalizza l-investimenti; jenfasizza li l-liberalizzazzjoni tal-investimenti għandha timxi id f'id ma' salvagwardji biex tiġi evitata l-instabbiltà ekonomika, speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
9. Jissottolinja l-importanza li jinżammu, jissaħħu u jiġu implimentati l-klawżoli fil-ftehimiet ta' investiment kollha li jipprojbixxu t-tnaqqis tal-istandards, peress li dawn huma kritiċi biex tiġi evitata ġirja lejn l-aktar livell baxx fil-pajjiżi li għandhom l-għan li jattiraw l-investiment barrani; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tanalizza l-effettività ta' tali klawżoli, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex tiżgura li l-politika tat-tassazzjoni u l-finanzjament għall-iżvilupp ikunu allinjati biex jappoġġjaw "ġirja lejn l-aktar livell għoli";
Faċilitazzjoni tal-investiment
10. Jirrimarka li l-faċilitazzjoni tal-investiment tista' tikkontribwixxi biex jiġu sfruttati l-opportunitajiet ta' investiment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, u biex jinkisbu l-SDGs billi tgħin ħalli jiġu mmobilizzati livelli ogħla ta' investiment biex jiġu promossi t-tkabbir inklużiv u sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar, peress li tappoġġja preżenza aktar fit-tul ta' investituri barranin fl-ekonomija ospitanti u ttejjeb ir-rabtiet bejn l-investituri barranin u l-kumpaniji lokali; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex itejbu l-klima tal-investiment fil-ġurisdizzjoni tagħhom, kemm permezz ta' għodod ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp kif ukoll permezz ta' ftehimiet bilaterali; jemmen li l-faċilitazzjoni tal-investiment ukoll hija strument tajjeb għat-titjib tal-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku tal-UE;
11. Jisħaq li l-ftehimiet internazzjonali dwar il-faċilitazzjoni tal-investiment għandhom jappoġġjaw u jinċentivaw investimenti li javvanzaw l-iżvilupp sostenibbli u jevitaw inċentivi għal investimenti li jikkawżaw ħsara lill-ambjent, lill-klima jew lis-soċjetà; jinnota li d-dħul mit-taxxa huwa kruċjali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jipprovdu servizzi pubbliċi bażiċi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem fil-livell multilaterali biex tippromwovi faċilitazzjoni tal-investiment sostenibbli li ma ssirx permezz ta' ħelsien mit-taxxa kompetittiv; jenfasizza li l-introduzzjoni ta' miżuri innovattivi għall-faċilitazzjoni tal-investiment tista' tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-SDGs billi tgħin biex jiġu mmobilizzati livelli ogħla ta' investiment biex jiġu promossi t-tkabbir inklużiv u sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar, peress li tappoġġja preżenza aktar fit-tul ta' investituri barranin fl-ekonomija ospitanti, u biex jiġu żviluppati rabtiet aħjar bejn l-investituri barranin u l-kumpaniji lokali;
12. Jirrikonoxxi r-rwol li ħadet l-UE fin-negozjati tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) rigward l-Inizjattiva Konġunta dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għall-Iżvilupp; jissottolinja li aktar minn żewġ terzi tal-membri tad-WTO qed jipparteċipaw f'dawn in-negozjati; jemmen li hija meħtieġa kawtela fid-dawl tal-kamp ta' applikazzjoni wiesa' ħafna tal-ftehim li qed jiġi nnegozjat; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li dawn in-negozjati jirrispettaw ir-regoli tal-Ftehim ta' Marrakexx tad-WTO, li jirrikjedu kunsens u trasparenza ġenerali;
13. Jissottolinja l-importanza ta' approċċ ġenerali tal-UE fir-rigward tal-faċilitazzjoni tal-investiment kemm fil-livell bilaterali kif ukoll f'dak multilaterali, b'enfasi globali fuq il-kooperazzjoni, inklużi l-bini tal-kapaċità u l-assistenza teknika, b'mod partikolari fir-rigward tal-appoġġ għad-diġitalizzazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jilqa' l-ħidma tal-Kummissjoni fuq ftehimiet awtonomi ġodda ta' faċilitazzjoni tal-investiment, li jiffokaw fuq l-appoġġ għal investimenti sostenibbli u inklużivi; jitlob lill-Kummissjoni, f'dak il-kuntest, taħdem favur negozjati mas-sħab Afrikani li jevitaw il-ħolqien ta' piżijiet amministrattivi għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li tispeċifika t-tip ta' investimenti sostenibbli li se jiġu ffaċilitati; jieħu nota tal-fatt li dispożizzjonijiet simili dwar il-faċilitazzjoni tal-investiment qed jiġu nnegozjati fil-Protokoll ta' Investiment futur taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Kontinentali Afrikana; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġja dawk in-negozjati;
14. Jappoġġja lill-Kummissjoni fl-approċċ tagħha, fil-livell tad-WTO, biex tiżgura, permezz ta' firewall b'saħħtu, li d-dixxiplini għall-faċilitazzjoni tal-investiment ma jkunux jistgħu jiġu importati f'tilwim bejn l-investitur u l-istat; jemmen li t-tilwim li jinqala' taħt l-Inizjattiva Konġunta dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għall-Iżvilupp għandu jiġi solvut permezz ta' medjazzjoni u kooperazzjoni;
15. Jissottolinja li d-dispożizzjonijiet dwar il-faċilitazzjoni tal-investiment kemm fil-livell bilaterali kif ukoll f'dak tad-WTO m'għandhomx jiffukaw biss fuq il-ħolqien ta' obbligi għall-awtoritajiet pubbliċi fil-pajjiżi ospitanti, iżda għandhom jiċċaraw ukoll l-obbligi tal-pajjiżi ta' oriġini u tal-investituri nazzjonali tagħhom rigward l-investimenti tagħhom f'pajjiżi terzi; jenfasizza, f'dak ir-rigward, il-ħtieġa li jiġu integrati dispożizzjonijiet infurzabbli fir-rigward tar-responsabbiltà soċjali korporattiva, id-drittijiet tal-bniedem u d-diliġenza dovuta ambjentali, kif ukoll salvagwardji kontra l-korruzzjoni f'oqfsa ta' faċilitazzjoni tal-investiment; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi kapitolu infurzabbli dwar l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet kollha ta' faċilitazzjoni tal-investiment ma' pajjiżi terzi, kif ukoll mekkaniżmi ta' monitoraġġ dwar l-attivitajiet appoġġati mill-flussi tal-IDB;
16. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal strument biex jiġu indirizzati d-distorsjonijiet ikkawżati minn sussidji barranin li jikkostitwixxu forma inġusta ta' investiment, u jitlob l-adozzjoni rapida tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jidħlu f'negozjati fil-livell tad-WTO bil-għan li jindirizzaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, b'mod partikolari fil-qasam tas-sussidji industrijali;
17. Jilqa' d-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-IDB fl-2019; jirrimarka li dan il-mekkaniżmu ta' skrinjar għandu l-għan li jistabbilixxi kooperazzjoni u potenzjalment jillimita l-investimenti barranin f'setturi strateġiċi sabiex jipproteġi l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, kif ukoll janalizza u jiskrinja każijiet fejn l-akkwist jew il-kontroll ta' kumpanija, infrastruttura jew teknoloġija partikolari jistgħu joħolqu riskju għas-sigurtà jew għall-ordni pubbliku fl-UE;
18. Jissottolinja l-importanza ta' dan il-mekkaniżmu bħala pass lejn monitoraġġ aħjar tal-kontribut tal-IDB għall-interessi strateġiċi tal-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proċess ta' rieżami li jmiss tagħha, tipprovdi data aktar granulari dwar jekk il-flussi ta' IDB endoġenu jappoġġjawx attivitajiet ekonomiċi sostenibbli u investimenti greenfield, tivvaluta għażliet differenti għall-monitoraġġ tal-attivitajiet appoġġjati minn flussi eżoġeni, u tivvaluta l-possibbiltà li tispeċifika aktar jekk setturi oħra għandhomx jitqiesu bħala setturi strateġiċi; barra minn hekk, jitlob lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li ssaħħaħ il-mekkaniżmu ta' skrinjar tal-investiment dirett barrani tal-UE biex, bi qbil mal-Istati Membri, tagħtiha s-setgħa li timblokka investiment li joħloq riskju għas-sigurtà u l-ordni pubbliku;
19. Jistieden lil dawk l-Istati Membri li għad m'għandhomx wieħed, jistabbilixxu tali mekkaniżmu nazzjonali ta' skrinjar tal-investiment dirett barrani sabiex jiżguraw li l-kooperazzjoni Ewropea tkun effettiva;
Kompatibbiltà tal-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment mal-prijoritajiet tal-UE
20. Jinnota li għadd dejjem jikber ta' proċedimenti legali quddiem it-tribunali tal-investiment huma mmirati lejn miżuri ambjentali; jiddispjaċih għall-fatt li diversi pajjiżi, inklużi l-Istati Membri, qegħdin jiġu mfittxija b'rabta mal-politiki dwar il-klima, it-tneħħija gradwali tal-fjuwils fossili, jew it-tranżizzjoni ġusta;
21. Jenfasizza li l-isforzi globali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima se jirrikjedu tranżizzjoni rapida lejn l-enerġija rinnovabbli u azzjoni rapida min-naħa tal-gvern biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw konsistenza bejn l-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment u l-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-politiki ambjentali, id-drittijiet tax-xogħol u d-drittijiet tal-bniedem, billi jeskludu mill-protezzjoni tat-trattati investimenti fil-fjuwils fossili jew kwalunkwe attività oħra li toħloq ħsara sinifikanti għall-ambjent u d-drittijiet tal-bniedem, u billi jinkludu dispożizzjonijiet fil-kapitoli dwar l-iżvilupp sostenibbli li jgħinu l-konformità mal-Ftehim ta' Pariġi, it-trattati internazzjonali dwar ix-xogħol u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jtejbu l-qafas domestiku li jirregola l-investiment barrani;
22. Jinnota bi tħassib l-asimmetrija ta' ċerti Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment li permezz tagħhom l-investituri barranin jistgħu jiftħu kawżi kontra l-istati f'dak li għandu x'jaqsam ma' investiment, filwaqt li l-gvernijiet, il-ħaddiema u l-komunitajiet affettwati ma jistgħux jiftħu proċeduri ta' arbitraġġ fil-konfront ta' korporazzjonijiet transnazzjonali li jonqsu milli jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, is-saħħa pubblika jew il-liġijiet dwar ix-xogħol u l-ambjent; jenfasizza li, bl-istess mod, il-Qorti Multilaterali tal-Investiment (MIC) hija maħsuba biss biex tiġġudika f'każijiet fejn l-investituri barranin iħarrku lill-istati;
23. Jirrimarka li anke fin-nuqqas ta' proċeduri legali, it-theddida espliċita jew impliċita ta' rikors għal kawżi ta' investiment tista' ttejjeb il-pożizzjoni tal-investituri fin-negozjati mal-istati (l-"effett dissważiv"); jenfasizza f'dan ir-rigward li l-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment reċenti tal-UE jistipulaw il-prinċipju li l-gvernijiet għandhom id-dritt li jirregolaw l-objettivi leġittimi tal-politika pubblika(13), inkluż b'mod li jista' jaffettwa ħażin l-operat ta' investiment jew l-aspettattiva ta' profitti tal-investitur; jissottolinja, madankollu, li dan id-dritt ma jwaqqafx lill-istati milli jkollhom jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti fil-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment, u lanqas ma jipprekludi pretensjonijiet ta' investiment jew danni wara l-eżerċizzju ta' dak id-dritt; jinsab imħasseb li t-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi jista' għalhekk jiddewwem jew id-deċiżjonijiet jiddgħajjfu;
24. Jissottolinja li, b'riżultat ta' dan, jistgħu jintefqu aktar fondi pubbliċi biex jiġi kkumpensat is-settur tal-fjuwils fossili milli jkun il-każ mingħajr it-theddida ta' litigazzjoni dwar l-investiment, u b'hekk ikun aktar għali u saħansitra aktar diffiċli għall-istati biex jieħdu miżuri ta' tranżizzjoni tal-enerġija, u li jirrappreżentaw sussidju ġenerali pprovdut mill-kontribwenti lis-settur tal-fjuwils fossili;
25. Jinnota li f'bosta każijiet ta' arbitraġġ bejn l-investitur u l-istat, in-negozji sfidaw azzjonijiet li l-istati ddikjaraw li ħadu biex jindirizzaw tħassib lokali jew inkwiet dwar l-impatt ta' proġett; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu d-dritt ta' locus standi għal partijiet terzi affettwati fi Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment futuri; jemmen li t-tribunali għandhom isegwu l-ġurisprudenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja u jqisu l-każijiet inammissibbli meta d-determinazzjonijiet tal-fatti jew tad-dritt jistgħu jippreġudikaw il-komunitajiet lokali jew indiġeni li mhumiex parti mill-proċedimenti ta' investiment; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw it-trasparenza u jappoġġjaw l-involviment tal-komunitajiet lokali vulnerabbli, u b'mod partikolari tal-popli indiġeni milquta minn attivitajiet estrattivi jew tal-qtugħ tas-siġar għall-injam, fin-negozjati u l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment, peress li l-investimenti barranin jista' jkollhom impatti estensivi fuq il-komunitajiet lokali;
Approċċ riformat
26. Jilqa' l-mudell il-ġdid ta' ftehim ta' protezzjoni tal-investiment imfassal mill-Kummissjoni fl-2015 bħala pass fid-direzzjoni t-tajba; jinnota, madankollu, li l-ebda ftehim li jinkludih għadu ma daħal fis-seħħ; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu li l-UE u l-Istati Membri tagħha m'għandhomx jiffirmaw jew jirratifikaw trattati ġodda dwar il-protezzjoni tal-investiment li jinkludu l-mekkaniżmu ISDS; jissottolinja l-importanza li jsiru riformi proċedurali għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-istat; jilqa' l-fatt li s-sistema ta' qorti tal-investiment tinkludi l-ħolqien ta' roster fiss ta' arbitri, mekkaniżmu ta' appell, kodiċi ta' kondotta għall-arbitri u trasparenza mtejba fil-proċedimenti ta' arbitraġġ; jinnota li s-sistema ta' qorti tal-investiment għadha tikkostitwixxi arbitraġġ internazzjonali u jenfasizza li, għall-kuntrarju tal-qrati nazzjonali, l-arbitri fuq ir-roster tas-sistema ta' qorti tal-investiment ikollhom id-diskrezzjoni li mhux bilfors iqisu l-liġijiet rilevanti ta' interess pubbliku meta jinterpretaw id-dispożizzjonijiet sostantivi minquxa fil-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment; jiddispjaċih li l-arbitri xorta jitħallsu fuq bażi ta' każ b'każ;
27. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja bis-sħiħ u taċċellera n-negozjati biex tespandi l-obbligi tal-investituri u l-infurzar tagħhom; jemmen li l-obbligi tal-investituri m'għandhomx jiġu inklużi biss fil-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment tal-UE, iżda għandhom japplikaw ukoll permezz ta' strumenti internazzjonali vinkolanti u infurzabbli separati, u permezz ta' oqfsa domestiċi robusti għad-drittijiet tal-bniedem u d-diliġenza dovuta ambjentali; jinnota li l-progress f'dawn l-oqsma u t-tisħiħ kontinwu tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment tal-UE għandhom jiżguraw li l-investituri tal-UE f'pajjiżi mhux tal-UE, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, juru b'mod trasparenti l-istrateġiji tagħhom biex jikkontribwixxu b'mod attiv għall-kisba tal-SDGs u l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi, u jkunu soġġetti għal mekkaniżmi ta' responsabbiltà, b'mod partikolari billi jipprovdu aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi f'dawk il-pajjiżi;
28. Jilqa' d-dispożizzjonijiet fil-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment rigward l-obbligi ambjentali, tax-xogħol u tar-responsabbiltà korporattiva għall-istati u l-investituri, kif ukoll klawżoli li jistipulaw il-prinċipju orizzontali li l-istandards m'għandhomx jitnaqqsu biex jattiraw l-investiment; jiddispjaċih, madankollu, għall-fatt li r-riforma tal-obbligi tal-investituri ma mxietx b'mod parallel mar-riforma tal-ISDS;
29. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw id-dħul fis-seħħ tal-istrument dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem(14), li bħalissa qed jitfassal mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, li għandu l-għan li jirregola l-attivitajiet ta' kumpaniji u ditti transnazzjonali;
30. Jilqa' l-fatt li, mill-2016, l-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment tal-UE li fihom klawżoli ta' protezzjoni tal-investiment jinkludu kliem aktar preċiż għal xi standards ta' protezzjoni, kif ukoll id-dritt ta' regolamentazzjoni; jissottolinja li l-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment tal-UE m'għandhomx jippermettu li jintużaw standards ta' protezzjoni wiesgħa biex jiġu kkontestati politiki pubbliċi leġittimi; iqis li l-istandards ta' protezzjoni għandhom jiffukaw speċifikament fuq il-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwi bejn l-investituri barranin u domestiċi, il-prevenzjoni u l-offerta ta' rimedju f'każijiet fejn l-investituri tal-UE f'pajjiżi mhux tal-UE jiġu diskriminati, jiġu miċħuda l-aċċess għall-ġustizzja, jew jitilfu kompletament it-tgawdija tal-investiment tagħhom għall-benefiċċju tal-istat ospitanti, inkluż fi żminijiet ta' gwerra, u b'mod reċiproku għal investituri mhux tal-UE fl-UE; jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jevitaw l-inklużjoni ta' terminoloġija ambigwa fi klawżoli sostantivi, u jkomplu jirrevedu l-istandards ta' protezzjoni abbażi tal-evidenza disponibbli;
31. Jissottolinja l-fatt li l-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment tal-UE nnegozjati wara l-2009 għadhom jinkludu klawżoli ta' estinzjoni li jipprevjenu t-terminazzjoni faċli; jieħu nota tan-negozjati reċenti li fihom il-partijiet qablu dwar klawżola ta' estinzjoni ta' ħames snin bil-possibbiltà li jaqblu dwar estensjoni ta' ħames snin addizzjonali f'każ li ma tinstab l-ebda sostituzzjoni; jistieden lill-Istati Membri u lill-partijiet kontraenti l-oħra jinnewtralizzaw il-klawżoli ta' estinzjoni fil-ftehimiet attwali, u jqassru b'mod sinifikanti l-klawżoli ta' estinzjoni fil-ftehimiet ta' investiment ġodda;
32. Jenfasizza li kemm skont id-dritt internazzjonali konswetudinarju kif ukoll skont id-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, l-individwi huma meħtieġa jfittxu rimedju quddiem il-qrati domestiċi qabel ma jibdew proċeduri internazzjonali kontra l-istat għal atti illegali; jiddispjaċih għall-fatt li d-dritt tal-investiment internazzjonali, għall-kuntrarju, normalment ma teħtieġx l-eżawriment tar-rimedji domestiċi; jemmen, li l-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment għandhom jirrikjedu li, qabel ma investituri barrani jkun jista' jirrikorri għal tribunal tal-arbitraġġ, jiġi eżawrit kwalunkwe rikors permezz ta' sistemi ġudizzjarji nazzjonali, bħal fil-każ tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li fil-każ ta' ċaħda serja tal-ġustizzja fil-qrati domestiċi, l-investituri barranin għandhom ikunu jistgħu jfittxu direttament soluzzjoni tat-tilwim internazzjonali;
Ratifika tal-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment
33. Jirrimarka li d-dewmien fir-ratifika mill-Istati Membri tal-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment tal-UE jdewwem is-sostituzzjoni tat-trattati bilaterali dwar l-investiment (TBI) b'dispożizzjonijiet aktar trasparenti u moderni li jipproteġu b'mod ugwali lill-investituri kollha tal-UE f'pajjiżi terzi; jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw il-ftehimiet ta' investiment konklużi tal-UE; jistieden lill-UE taħdem b'mod konġunt mal-pajjiżi sħab biex tirrevedi u ttejjeb kontinwament l-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment tagħha, ladarba jidħlu fis-seħħ, skont il-linji żviluppati f'dan ir-rapport; jistenna li l-Istati Membri jiżguraw il-konsistenza tal-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment mal-valuri u l-objettivi tal-UE;
Kumpens
34. Jirrimarka li l-metodoloġiji tad-DCF, ġeneralment użati għall-kalkolu tal-kumpens fil-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment, mhumiex metodu ta' valutazzjoni affidabbli għal proġetti ta' investiment li jinsabu fi stadju bikri jew dawk bi flussi ta' introjtu futuri inċerti; jissottolinja li l-użu ta' tali metodi mill-bordijiet ta' arbitraġġ jirrappreżenta devjazzjoni sinifikanti minn prinċipji u prattiki ta' kumpens stabbiliti sew fis-sistemi legali nazzjonali u internazzjonali barra mill-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment, li jipprevedu marġini ta' diskrezzjoni ferm aktar limitati għall-aġġudikazzjoni; jissottolinja li d-danni konsiderevoli mogħtija mit-tribunali tal-investiment imponew piż finanzjarju sinifikanti u li qed jiżdied fuq l-istati rispondenti; jirrimarka li l-użu ta' metodi ta' valutazzjoni ġeneralment użati mill-aġġudikaturi huwa kontroversjali ħafna minħabba l-marġni wiesa' ħafna ta' diskrezzjoni tagħhom u d-dipendenza fuq suppożizzjonijiet kumplessi ħafna u intrinsikament spekulattivi; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta fil-fond u tipprevedi regoli u salvagwardji korrettivi u orjentati lejn it-trasparenza fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kumpens fil-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment tal-UE, inkluż l-użu ta' klawżoli aktar b'saħħithom li jipprevjenu l-użu ta' danni punittivi; jitlob li l-kumpens jiġi limitat għal-livell tal-ispejjeż mitlufa, li jirrifletti l-ammont tan-nefqa eliġibbli li fil-fatt iġġarrbet mill-investituri; jissottolinja li l-approċċi ta' bbilanċjar għandhom, kif xieraq, jiddeterminaw għotjiet ta' kumpens taħt dan il-limitu massimu, filwaqt li jitqiesu elementi kuntestwali bħan-nuqqas ta' konformità mill-impriżi mal-obbligi jew l-impenji legali jew kuntrattwali tagħhom;
35. Jinnota li l-użu dejjem jiżdied mill-investituri ta' partijiet terzi biex jiffinanzjaw il-litigazzjoni tagħhom bi skambju għal redditu fl-eżitu ta' għotja (finanzjament minn partijiet terzi) qiegħed iżid inċentivi biex jiżdied in-numru ta' talbiet; jieħu nota tal-progress li sar biex il-finanzjament minn partijiet terzi għat-tilwim bejn l-investitur u l-istat isir aktar trasparenti; jilqa' f'dan ir-rigward l-isforzi li saru mill-Kummissjoni fil-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment reċenti tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja dispożizzjonijiet addizzjonali li jirregolaw il-finanzjament ta' partijiet terzi għal tilwim bejn l-investitur u l-istat fil-kuntest ta' negozjati internazzjonali, sabiex din il-prattika tiġi limitata b'mod strett, minħabba li tinkoraġġixxi għotjiet kbar b'mod abbużiv;
Trattati bilaterali dwar l-investiment
36. Jiġbed l-attenzjoni għall-eluf ta' TBI eżistenti tal-Istati Membri li għadhom jipproteġu l-investimenti fil-fjuwils fossili, li fihom dispożizzjonijiet skaduti li jmorru kontra l-objettivi u l-valuri tal-UE, inklużi standards ta' protezzjoni wesgħin wisq u rekwiżiti dgħajfa dwar it-trasparenza u l-ISDS, u mhumiex konformi mal-proposta tal-UE għal MIC; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jtemmu jew jimmodernizzaw it-TBI tagħhom sabiex dawn jibdew jikkonformaw ma' mudell riformat ta' Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment tal-UE, u saħansitra ma' dan ir-rapport;
37. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li t-TBI tal-Istati Membri kollha jkunu kompatibbli bis-sħiħ mad-dritt tal-UE u jkunu konsistenti mal-objettivi u l-valuri tal-UE; jappoġġja lill-Kummissjoni biex tapplika b'mod strett il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tan-negozjar, l-iffirmar u l-konklużjoni mill-Istati Membri ta' ftehimiet ġodda, f'konformità ma' politika modernizzata ta' investiment tal-UE u s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE; ifakkar fl-obbligu tal-Istati Membri li jemendaw it-TBI tagħhom f'konformità mal-Artikolu 351 tat-TFUE; jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja l-konformità ma' dawn l-obbligi u tinforma regolarment lill-Parlament dwar il-progress miksub; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiftaħ proċeduri ta' ksur meta jkun meħtieġ biex tiżgura l-konformità tat-TBI tal-Istati Membri mad-dritt tal-UE;
38. Jappoġġja lill-Kummissjoni fl-iżvilupp ta' linji gwida interpretattivi li għandhom jiġu segwiti mill-Istati Membri fuq il-linji tar-riformi sostantivi u proċedurali msemmija f'dan ir-rapport, sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni unifikata ta' politika ta' investiment tal-UE modernizzata u tiġi garantita kompatibbiltà sħiħa mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni tuża dan il-mudell aġġornat bħala bażi għall-awtorizzazzjoni ta' TBI ġodda tal-Istati Membri;
Trattat tal-Karta tal-Enerġija (TKE)
39. Jirrimarka li t-TKE huwa l-aktar ftehim ta' investiment kontenzjuż fid-dinja llum; jappoġġja l-isforzi biex jiġi mmodernizzat it-TKE u l-pożizzjoni tal-UE li teskludi l-protezzjoni għall-biċċa l-kbira tal-investimenti fil-fjuwils fossili; jemmen, madankollu, li l-pożizzjoni tal-UE m'għandhiex tagħti protezzjoni lill-investimenti f'attivitajiet ekonomiċi meqjusa bħala "ta' ħsara sinifikanti" skont id-dritt tal-UE, u li l-iskeda ta' żmien għat-tneħħija gradwali tal-protezzjoni tal-investimenti eżistenti fil-fjuwils fossili għandha titqassar b'mod sinifikanti sabiex ma tiġix imminata l-kisba tal-objettivi klimatiċi tal-UE; jitlob it-tmiem tas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-istat fit-TKE; jissottolinja li l-emendar tat-TKE jirrikjedi l-unanimità tal-partijiet kontraenti kollha li jivvutaw fil-konferenza annwali; jinsab imħasseb li l-Parlament m'għandux l-istess livell ta' aċċess għat-testi tan-negozjati dwar il-modernizzazzjoni tal-TKE bħalma kellu matul in-negozjati ta' trattati oħra;
40. Jinsab imħasseb li ħafna partijiet kontraenti jidhru li ma jaqsmux l-ambizzjonijiet tal-UE fil-qasam tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli u t-tranżizzjoni tal-enerġija, minkejja l-fatt li kollha kemm huma huma wkoll firmatarji tal-Ftehim ta' Pariġi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura l-allinjament tat-TKE mal-Ftehim ta' Pariġi u l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, filwaqt li tippreserva l-kapaċità tal-UE li tiżviluppa miżuri ta' politika pubblika konsistenti mal-impenn tagħha li ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050;
41. Jieħu nota tal-fatt li l-Italja nnotifikat id-deċiżjoni tagħha li tirtira mit-TKE mill-1 ta' Jannar 2015; jinnota li l-pajjiżi li rratifikaw jew aderixxew għat-TKE jistgħu jtemmu s-sħubija tagħhom 12-il xahar wara n-notifika tal-irtirar; jiddispjaċih li l-investimenti mwettqa qabel id-data tal-ħruġ għadhom protetti għal 20 sena, iżda jilqa' l-fatt li l-protezzjoni tintemm immedjatament għall-investimenti ġodda kollha;
42. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li TKE rivedut jipproteġi d-dritt tal-istati li jirregolaw, ikun konformi mad-dritt tal-UE u mal-politika ta' investiment tal-UE, li jipprojbixxi immedjatament lill-investituri tal-fjuwils fossili milli jfittxu lill-partijiet kontraenti biex isegwu politiki li jeliminaw gradwalment il-fjuwils fossili f'konformità mal-impenji tagħhom skont il-Ftehim ta' Pariġi, u li l-protezzjoni tal-investiment tingħata biss lil investituri reali u mhux lil investituri purament finanzjarji jew spekulattivi; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika l-istudju legali tagħha li janalizza l-effetti potenzjali tal-irtirar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jibdew iħejju ħruġ koordinat mit-TKE, u ftehim li jeskludi l-applikazzjoni tal-klawżola ta' estinzjoni bejn il-partijiet kontraenti li jixtiequ jippreżentaw formalment lill-Kunsill u lill-Parlament fil-każ li l-objettivi tan-negozjati msemmija hawn fuq ma jintlaħqux sa Ġunju 2022;
43. Jilqa' l-kjarifika tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Komstroy tagħha li d-dispożizzjonijiet tal-ISDS fit-TKE mhumiex applikabbli fil-każ ta' tilwim intra-UE; jinnota li bħalissa għaddejjin mill-inqas 73 każ intra-UE, inklużi aktar minn 40 każ ta' arbitraġġ ta' investiment intra-UE bbażati fuq it-TKE; jinnota bi tħassib kbir li s-sentenza Achmea ma skoraġġietx lit-tribunali tal-arbitraġġ milli jkomplu jisimgħu tilwim dwar l-investiment intra-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel l-almu tagħha biex tasserixxi dawn is-sentenzi fil-proċedimenti ta' arbitraġġ intra-UE li għaddejjin bħalissa; jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, għalhekk, jadottaw ftehim inter se dwar in-nuqqas ta' applikabbiltà tat-TKE għat-tilwim intra-UE; jappoġġja t-talba minn diversi Stati Membri għal deċiżjoni ġdida mill-Qorti tal-Ġustizzja, u jqis li din għandha toffri kjarifika definittiva dwar il-kwistjoni, biex jiġi evitat li kwalunkwe arbitraġġ futur intra-UE jkun ammissibbli taħt it-TKE;
44. Jirrimarka li, filwaqt li se jkun diffiċli li jiġu infurzati kwalunkwe għotjiet possibbli f'każijiet intra-UE fil-qrati tal-UE, il-kawżi skont ir-regoli taċ-Ċentru Internazzjonali għas-Soluzzjoni ta' Tilwim dwar l-Investiment xorta jistgħu jiġu infurzati fil-qrati ta' pajjiżi terzi; jinnota li dawn il-qrati jistgħu jordnaw li l-assi tal-istat(15) tal-UE jew tal-Istati Membri tal-UE jiġu ssekwestrati;
45. Jissottolinja li r-rispett għas-sentenzi tal-qrati tal-UE, u speċjalment tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, għandu jitqies matul il-proċess tal-għażla għall-arbitri għal rosters tas-sistema ta' qorti tal-investiment futuri;
46. Jilqa' l-fatt li l-Grupp ta' Ħidma III tal-UNCITRAL ilu mill-2017 jinvolvi ruħu f'deliberazzjonijiet dwar riforma multilaterali possibbli tal-ISDS; jinnota li 60 stat qablu b'kunsens li l-ħidma tal-UNCITRAL trid tindirizza l-għażliet ta' riforma strutturali; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tinvolvi ruħha b'mod kostruttiv fid-diskussjonijiet tal-UNCITRAL, kif ukoll tinkoraġġixxi n-negozjati dwar suġġetti bħal iffriżar regolatorju, l-eżawriment tar-rimedji, id-drittijiet ta' partijiet terzi u d-danni, li rċevew attenzjoni limitata, u tqishom fil-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment futuri tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-ħidma tagħha fl-UNCITRAL sabiex tipproteġi l-kapaċità tal-istat li jirregola, u tiżgura trasparenza sħiħa;
47. Jappoġġja n-negozjati li għaddejjin bħalissa fil-Grupp ta' Ħidma III tal-UNCITRAL li fihom l-UE u l-Istati Membri tagħha qed isegwu l-istabbiliment ta' mekkaniżmu permanenti biex isolvu tilwim dwar l-investiment: il-Qorti Multilaterali tal-Investiment (MIC); jilqa' t-tmexxija globali li l-UE qed tipprovdi f'dawn in-negozjati; jenfasizza, madankollu, li din il-proposta ma tkoprix il-modernizzazzjoni ta' standards sostantivi ta' protezzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-korp ta' liġijiet li l-imħallfin mill-MIC japplikaw jibbilanċja l-interpretazzjoni ta' dispożizzjonijiet sostantivi u drittijiet minquxa fi Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment ma' liġijiet nazzjonali rilevanti ta' interess pubbliku li ġew promulgati demokratikament; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-imħallfin ma jitħallsux fuq bażi ta' każ b'każ; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi r-riforma u l-modernizzazzjoni ta' dawn l-istandards f'fora internazzjonali xierqa;
48. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fin-negozjati dwar il-MIC l-introduzzjoni ta' regoli li jistabbilixxu, b'mod trasparenti, il-kumpens li għandu jitħallas mill-istati, u tippromwovi metodi ta' valutazzjoni stretti li jippermettu biss kumpens għal spejjeż mitlufa fin-negozjati ta' riforma tal-UNCITRAL li għaddejjin bħalissa;
49. Jikkritika bil-qawwa d-dewmien sinifikanti fir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Mauritius; jistieden lill-Istati Membri jadottaw mingħajr dewmien il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tagħha, f'isem l-UE; jirrimarka s-sentenzi reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar kompetenzi esklużivi u kondiviżi fir-rigward tar-ratifika tat-trattati internazzjonali, li jistgħu joffru gwida dwar l-iżblukkar tar-ratifika ta' din il-Konvenzjoni;
Politika ta' investiment tal-UE lil hinn mill-aġġudikazzjoni bejn l-investituri u l-istati
50. Jinnota li, fuq skala globali fl-2017, l-2019 u l-2020, ġew itterminati aktar trattati dwar l-investiment minn Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment ġodda konklużi; jissottolinja li l-aktar Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment megareġjonali konklużi reċentement jużaw approċċ dejjem aktar kawt għall-aġġudikazzjoni bejn l-investitur u l-istat;
51. Jitlob l-appoġġ tal-UE għat-tisħiħ tas-sistemi ġuridiċi nazzjonali u l-istat tad-dritt fil-pajjiżi sħab permezz ta' assistenza teknika fil-livell tal-UE, li jiżgura ambjent favorevoli għall-investiment barrani filwaqt li jindirizza l-fallimenti sistemiċi li għandhom impatt negattiv fuq l-iżvilupp sostenibbli f'dawn il-pajjiżi;
52. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija ta' investiment barrani tal-UE biex tinċentiva u tipproteġi l-investimenti sostenibbli, fid-dimensjonijiet kollha tagħhom, mingħajr ma neċessarjament tiddependi fuq aġġudikazzjoni bejn l-investitur u l-istat, kif ukoll taġġorna l-mudell ta' protezzjoni tal-investiment tagħha adottat fl-2015 f'konformità mat-talbiet ta' din ir-riżoluzzjoni, biex tipprovdi gwida għan-negozjar ta' ftehimiet ġodda jew aġġornati tal-UE;
o o o
53. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
Patt Ekoloġiku Ewropew; Ewropa lesta għall-era diġitali; ekonomija għas-servizz tan-nies; Ewropa aktar b'saħħitha fid-dinja; promozzjoni tal-istil ta' ħajja Ewropew tagħna; spinta ġdida għad-demokrazija Ewropea.
Bħall-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn l-UE u l-Kanada (l-Anness 8b, paragrafu 4 li jiddefinixxi d-dejn pubbliku bħala strument ta' dejn ta' kwalunkwe livell ta' gvern ta' Parti), is-CPTPP u t-TBI tal-2009 bejn l-UEBL (l-Unjoni Ekonomika Belgo-Lussemburgiża) u l-Kolombja.
Inkluż dwar is-saħħa pubblika, is-servizzi soċjali, l-edukazzjoni pubblika, is-sikurezza, l-ambjent jew il-morali pubblika, il-protezzjoni soċjali jew tal-konsumatur, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data, jew il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-diversità kulturali.
Strument legalment vinkolanti li jirregola d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-attivitajiet ta' korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra https://www.ohchr.org/en/hr-bodies/hrc/wg-trans-corp/igwg-on-tnc.
Il-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta' Deċiżjonijiet ta' Arbitraġġ Barranin, magħrufa wkoll bħala l-"Konvenzjoni ta' Arbitraġġ ta' New York".