Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 15 ta' Settembru 2022 - Strasburgu
Ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tad-deportazzjoni furzata ta' ċivili Ukreni lejn ir-Russja u tal-adozzjoni furzata ta' tfal Ukreni fir-Russja
 Il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Uganda u fit-Tanzanija b'rabta mal-investimenti fi proġetti tal-fjuwils fossili
 In-Nikaragwa, b'mod partikolari l-arrest tal-Isqof Rolando Álvarez
 Assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali lill-Ukrajna u t-tisħiħ tal-fond ta' proviżjonament komuni ***I
 Eżistenza ta' riskju ċar ta' ksur serju mill-Ungerija tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni
 Is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE fl-2020 u l-2021
 Il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE: it-8 Rapport dwar il-Koeżjoni
 Ir-reġjuni tal-fruntieri tal-UE: laboratorji ħajjin tal-integrazzjoni Ewropea
 L-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej ***I
 L-implimentazzjoni tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida Aġġornata għall-Ewropa: allinjament tal-infiq mal-politika
 Il-konsegwenzi tan-nixfiet, tan-nirien u ta' fenomeni meteoroloġiċi estremi oħra: żieda tal-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra it-tibdil fil-klima
 Is-sitwazzjoni fl-Istrett tat-Tajwan

Ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tad-deportazzjoni furzata ta' ċivili Ukreni lejn ir-Russja u tal-adozzjoni furzata ta' tfal Ukreni fir-Russja
PDF 142kWORD 52k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2022 dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tad-deportazzjoni furzata ta' ċivili Ukreni lejn ir-Russja u tal-adozzjoni furzata ta' tfal Ukreni fir-Russja (2022/2825(RSP))
P9_TA(2022)0320RC-B9-0388/2022

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukrajna u r-Russja, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-7 ta' April(1), tal-5 ta' Mejju(2) u tad-19 ta' Mejju(3) 2022,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' The Hague,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-protokolli anċillari tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989 u l-protokolli addizzjonali tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Ukrajna tat-30 ta' Mejju 2022,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) dwar il-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt internazzjonali li jikkonċerna d-drittijiet tal-bniedem, u dwar id-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità mwettqa fl-Ukrajna fit-13 ta' April 2022 u fl-14 ta' Lulju 2022,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament tal-Ukrajna,

–  wara li kkunsidra d-diskussjoni fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tas-7 ta' Settembru 2022 dwar l-ispostament u d-deportazzjoni furzati taċ-ċittadini Ukreni, kif ukoll l-adozzjonijiet furzati ta' tfal Ukreni fir-Russja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Human Rights Watch "'We Had No Choice': 'Filtration' and the Crime of Forcibly Transferring Ukrainian Civilians to Russia" ("Ma Kellna l-Ebda Għażla": "Filtrazzjoni" u d-Delitt ta' Trasferiment bil-Forza ta' Ċivili Ukreni lejn ir-Russja"tal-1 ta' Settembru 2022,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Federazzjoni Russa bdiet mill-ġdid gwerra ta' aggressjoni mhux ipprovokata, mhux ġustifikata u illegali kontra l-Ukrajna fl-24 ta' Frar 2022; billi r-Russja wettqet ksur massiv u serju tad-drittijiet tal-bniedem u delitti tal-gwerra mill-bidu tal-invażjoni fuq skala sħiħa tagħha tal-Ukrajna, inklużi l-qtil tal-massa ta' ċivili u priġunieri tal-gwerra, it-tortura, il-vjolenza sesswali, l-għajbien furzat, id-deportazzjoni furzata, is-sakkeġġ u t-tfixkil tal-evakwazzjoni u tal-konvojs umanitarji, li kollha kemm huma pprojbiti skont id-dritt internazzjonali u jridu jiġu pproċessati;

B.  billi l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament tal-Ukrajna (Ombudsman) jistma li mill-24 ta' Frar 2022 aktar minn 1 miljun Ukren ġew deportati bil-forza lejn il-Federazzjoni Russa, ħafna drabi sal-Lvant Imbiegħed tar-Russja; billi sorsi differenti jindikaw li dawn in-numri huma sottovalutati, bl-ogħla stimi jpoġġu n-numri għal 2,5 miljun, u li n-numri qed jiżdiedu b'mod kostanti; billi d-deportazzjonijiet furzati mill-Ukrajna, iffaċilitati mill-hekk imsejħa "kampijiet ta' filtrazzjoni", juru paralleli storiċi qawwija ma' deportazzjonijiet Sovjetiċi furzati tal-massa u ma' kampijiet ta' konċentrament tal-Gulag; billi trasferiment furzat huwa delitt tal-gwerra u delitt potenzjali kontra l-umanità;

C.  billi d-deportazzjoni furzata fuq skala kbira ta' ċivili Ukreni lejn il-Federazzjoni Russa ġiet identifikata minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-OSKE u n-NU bħala wieħed mill-aktar ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettaq mill-Federazzjoni Russa fil-gwerra ta' aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna;

D.  billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) ivverifika l-eżistenza tal-hekk imsejħa "filtrazzjoni", li tinvolvi skrinjar tas-sigurtà fuq skala kbira, obbligatorju, punittiv u abbużiv li rriżulta f'diversi ksur tad-drittijiet tal-bniedem kontra ċittadini Ukreni; billi ċ-ċivili Ukreni ġew intervistati b'mod effettiv hekk kif stennew li jgħaddu minn dan il-proċess, li varja fit-tul minn ftit sigħat għal kważi xahar; billi matul il-"filtrazzjoni", iċ-ċittadini Ukreni huma soġġetti għal interrogazzjoni dettaljata, tiftix fuq il-ġisem, xi drabi l-involviment ta' nudità furzata, u tortura; billi f'ċirkostanzi bħal dawn, in-nisa u l-bniet Ukreni huma f'riskju ta' sfruttament sesswali;

E.  billi l-proċess ta' "filtrazzjoni" huwa sistematiku u jirrappreżenta eżerċizzju ta' ġbir tad-data illegali tal-massa, u li dan jipprovdi lill-awtoritajiet Russi b'ammonti kbar ta' data personali dwar iċ-ċivili Ukreni, inkluża d-data bijometrika tagħhom; billi dan huwa ksur ċar tad-dritt għall-privatezza u jista' jpoġġi lil dawk soġġetti għalih f'riskju li jkunu fil-mira fil-futur;

F.  billi matul dan il-proċess, l-awtoritajiet Russi spiss jikkonfiskaw passaporti Ukreni u jġiegħlu lill-Ukreni jiffirmaw ftehimiet biex jibqgħu fir-Russja, u b'hekk ifixklu l-kapaċità tagħhom li jirritornaw lejn pajjiżhom, fi sforz apparenti biex tinbidel l-għamla demografika tal-Ukrajna; billi, minbarra d-deportazzjonijiet u l-adozzjonijiet furzati, ir-Russja fil-kunċett ġeopolitiku tagħha ta' "Russkij mir" ("id-dinja Russa") fit-territorji okkupati tal-Ukrajna qed twettaq Russifikazzjoni aċċellerata;

G.  billi ċ-ċittadini Ukreni li "jfallu" l-proċess ta' "filtrazzjoni" jinżammu u jiġu trasferiti lejn iċ-ċentri ta' detenzjoni u l-kolonji penali Russi, u huma jinsabu f'riskju ta' ħsara serja, inklużi tortura u trattament ħażin, jew qed jisfgħu vittmi ta' għajbien furzat; billi l-OHCHR iddokumenta rapporti kredibbli ta' tfal separati mill-familji tagħhom meta l-adult li jakkumpanjahom ma għaddiex mill-proċess ta' "filtrazzjoni";

H.  billi t-tfal li qed jaħarbu mill-gwerra, speċjalment meta ma jkunux akkumpanjati, jinsabu f'riskju akbar ta' vjolenza, abbuż u sfruttament, kif ukoll li jgħibu u jisfgħu vittmi tat-traffikar, speċjalment meta jiċċaqilqu bejn il-fruntieri, u l-bniet b'mod partikolari huma f'riskju ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru;

I.  billi l-Ombudsman Ukren, fit-3 ta' Settembru 2022, iddikjara li aktar minn 200 000 tifel u tifla kienu diġà ttieħdu bil-forza fil-Federazzjoni Russa bl-intenzjoni li jsiru disponibbli għall-adozzjoni mill-familji Russi u setgħu jivverifikaw iċ-ċirkostanzi tad-deportazzjoni furzata ta' 7 000 tifel u tifla Ukreni; billi l-awtoritajiet Russi qed jisseparaw b'mod deliberat lit-tfal Ukreni mill-ġenituri tagħhom u qed jaħtfu oħrajn minn orfanatrofji, istituzzjonijiet oħra tat-tfal u sptarijiet qabel ma jressquhom għall-adozzjoni fir-Russja; billi din l-azzjoni mill-Federazzjoni Russa hija ta' natura sistematika u fuq skala kbira, u tinkludi l-qerda tar-rekords personali tal-persuni deportati, fost reati oħra;

J.  billi l-Ukrajna ħolqot il-portal "Tfal tal-Gwerra" biex tippermetti lill-ġenituri ta' tfal mitlufa, spostati u deportati jikkondividu d-data kollha disponibbli;

K.  billi ladarba t-tfal ikunu fir-Russja stess jew fit-territorji okkupati minnha, il-proċess ta' tluq jew ta' għaqda mill-ġdid mal-kustodji tagħhom huwa tassew kumpless; billi mingħajr proċeduri formali fis-seħħ għar-ritorn tat-tfal Ukreni lejn l-Ukrajna jew għar-riunifikazzjoni tagħhom mal-kustodji u l-indokraturi tagħhom, il-proċess fil-biċċa l-kbira jaqa' fuq individwi b'appoġġ minn voluntiera lokali, NGOs u negozjati permezz ta' mezzi informali;

L.  billi fil-25 u fit-30 ta' Mejju 2022, il-President Vladimir Putin iffirma digrieti li jissimplifikaw il-proċedura għall-għoti taċ-ċittadinanza Russa liċ-ċittadini Ukreni, inklużi tfal mingħajr kura tal-ġenituri, u għall-adozzjoni tat-tfal Ukreni mill-familji Russi, u b'hekk kompla jikkomplika r-ritorn tagħhom lejn l-Ukrajna u jiffaċilita l-proċess ta' assimilazzjoni sfurzata tat-tfal Ukreni; billi mijiet ta' tfal Ukreni minn dak iż-żmien 'l hawn irċevew ċittadinanza Russa u ntbagħtu lil ġenituri ġodda fir-reġjuni differenti tar-Russja;

M.  billi d-dritt internazzjonali jipprojbixxi b'mod inekwivoku d-deportazzjoni f'territorju okkupat jew minn territorju okkupat lejn it-territorju tal-poter okkupanti, li jikkostitwixxi ksur serju tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u delitt tal-gwerra skont l-Istatut ta' Ruma tal-QKI; billi d-dritt u l-prattika internazzjonali jipprojbixxu l-adozzjoni matul jew immedjatament wara l-emerġenzi; billi l-Ukrajna adottat moratorju fuq l-adozzjonijiet bejn il-pajjiżi fil-bidu tal-gwerra; billi l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra jipprojbixxu l-poteri okkupanti milli jbiddlu l-istatus personali tat-tfal, inkluża n-nazzjonalità tagħhom;

N.  billi skont l-Artikolu II tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju, it-trasferiment furzat tat-tfal minn grupp għal ieħor, bl-intenzjoni li jeqred, kompletament jew parzjalment, grupp nazzjonali, etniku, razzjali jew reliġjuż, jikkostitwixxi ġenoċidju;

O.  billi l-anzjani, il-persuni b'diżabilità u gruppi vulnerabbli oħra jidhru li jinsabu f'riskju partikolari li jinqabdu fiż-żoni okkupati mir-Russja jew fir-Russja, peress li spiss jitqiegħdu kontra r-rieda tagħhom f'faċilitajiet bħad-djar tal-kura li jinsabu fir-Russja jew fiż-żoni okkupati mir-Russja; billi dawn il-faċilitajiet huma istituzzjonijiet magħluqa, u t-tqegħid ta' persuni vulnerabbli hemmhekk jimmina b'mod fundamentali d-dritt tagħhom għal-libertà tal-moviment;

P.  billi ċ-ċittadini Ukreni fir-Russja u fit-territorji okkupati mir-Russja jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet sinifikanti, bħan-nuqqas ta' mezzi ta' sussistenza, l-inabbiltà li jiskambjaw l-hryvnia tal-Ukrajna jew li jiġbdu fondi bl-użu ta' kards tal-bank, nuqqas ta' ħwejjeġ u oġġetti iġjeniċi, u n-nuqqas ta' kapaċità li jikkuntattjaw lill-qraba; billi ċ-ċivili Ukreni qed jiġu rilokati bil-forza f'żoni ekonomikament batuti jew iżolati fir-Russja, ħafna drabi fis-Siberja, u jitħallew mingħajr ebda mezz ta' ritorn; billi dawk li jippruvaw jitilqu mir-Russja spiss iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet biex jaqsmu mir-Russja minħabba li ma għandhomx dokumenti ta' identifikazzjoni xierqa, ikunu ħallewhom l-Ukrajna meta ħarbu mill-gwerra jew li ġew ikkonfiskati lilhom mill-awtoritajiet Russi;

Q.  billi narrattiva distorta tat-Tieni Gwerra Dinjija tinsab fl-għeruq tal-propaganda tal-Kremlin li tiġġustifika l-gwerra ta' aggressjoni li r-Russja wettqet illum kontra l-Ukrajna;

1.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-gwerra ta' aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna, kif ukoll l-involviment attiv tal-Belarussja f'din il-gwerra, u jeżiġi li r-Russja ttemm minnufih l-attivitajiet militari kollha fl-Ukrajna u tirtira mingħajr ebda kundizzjoni l-forzi u t-tagħmir militari kollha mit-territorju kollu tal-Ukrajna rikonoxxut internazzjonalment; jesprimi s-solidarjetà assoluta tiegħu mal-poplu tal-Ukrajna, jappoġġa bis-sħiħ l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment, u jissottolinja li din il-gwerra tikkostitwixxi ksur serju tal-liġi internazzjonali;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-atroċitajiet irrappurtati mwettqa mill-Forzi Armati Russi, ir-rappreżentanti tagħhom u d-diversi awtoritajiet ta' okkupazzjoni, b'mod partikolari d-deportazzjoni bil-forza ta' ċivili Ukreni, inkluż tfal, lejn ir-Russja, kif ukoll il-prattiki waħxija tar-Russja fl-hekk imsejħa "kampijiet ta' filtrazzjoni" fejn il-familji jiġu sseparati u dawk li huma meqjusa "inaffidabbli" jisparixxu;

3.  Jistieden lir-Russja tirrispetta bis-sħiħ l-obbligi tagħha skont il-liġi internazzjonali u twaqqaf minnufih id-deportazzjoni furzata u t-trasferiment bil-forza ta' ċivili Ukreni lejn ir-Russja u t-territorji okkupati minnha, kif ukoll it-trasferimenti furzati kollha ta' tfal lejn it-territorji okkupati mir-Russja u l-Federazzjoni Russa, u twaqqaf ukoll kwalunkwe adozzjoni bejn il-pajjiżi ta' tfal trasferiti mit-territorju kollu rikonoxxut internazzjonalment tal-Ukrajna; jistieden lir-Russja tirrevoka l-leġiżlazzjoni kollha li tiffaċilita l-adozzjoni tat-tfal Ukreni;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-organizzazzjonijiet internazzjonali u Ewropej, inkluż il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR), ikollhom aċċess bla xkiel biex iżuru l-kampijiet ta' "filtrazzjoni" u postijiet oħra fejn jinsabu ċ-ċittadini Ukreni wara t-trasferiment tagħhom lejn ir-Russja u t-territorji okkupati minnha, jimmonitorjaw dawk il-faċilitajiet u jassistu kemm lil dawk iċ-ċittadini Ukreni li jixtiequ jirritornaw fit-territorju tal-Ukrajna biex ikunu jistgħu jagħmlu dan, kif ukoll lil dawk iċ-ċittadini Ukreni li jixtiequ jmorru f'pajjiż terz biex ifittxu ażil u japplikaw għal status ta' rifuġjat u/jew riunifikazzjoni tal-familja mingħajr ma jgħaddu mill-Ukrajna;

5.  Jitlob il-Federazzjoni Russa tipprovdi minnufih informazzjoni dwar l-ismijiet, fejn jinsabu u l-benessri tal-Ukreni kollha detenuti jew deportati, u tawtorizza u tippermetti r-ritorn sikur taċ-ċivili Ukreni kollha, inkluż it-tfal, b'mod partikolari dawk li ġew deportati bil-forza lejn it-territorju tal-Federazzjoni Russa jew lejn it-territorji Ukreni attwalment okkupati mill-Federazzjoni Russa, billi tistabbilixxi kanali sikuri ta' komunikazzjoni u ta' vjaġġar;

6.  Jistieden lill-istati u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali kollha jagħmlu pressjoni fuq ir-Russja biex tirrispetta l-projbizzjoni tat-trasferimenti bil-forza, inkluż meta jġiegħlu liċ-ċivili jevakwaw lejn destinazzjonijiet mhux mixtieqa, u jiffaċilitaw il-passaġġ sikur taċ-ċivili lejn destinazzjoni tal-għażla tagħhom, b'mod partikolari tal-gruppi vulnerabbli;

7.  Jitlob ir-Russja tirrispetta bis-sħiħ l-obbligi tagħha u twaqqaf l-operazzjonijiet sistematiċi ta' "filtrazzjoni", twaqqaf il-proċessi kollha kontinwi ta' ġbir u żamma ta' data bijometrika, tħassar id-data miġbura illegalment u tiżgura li ċ-ċivili jkunu jistgħu jitilqu b'mod sikur u taħt superviżjoni internazzjonali lejn it-territorju kkontrollat mill-Ukrajna jekk jagħżlu li jagħmlu dan; jistieden lir-Russja tabbanduna kwalunkwe tentattiv ta' Russifikazzjoni u li ċċaħħad lill-Ukreni mill-identità nazzjonali tagħhom;

8.  Jenfasizza li t-tfal isseparati mill-ġenituri tagħhom matul il-gwerra jew waqt xi emerġenza umanitarja ma jistgħux jiġu preżunti li huma orfni u jridu jitħallew jirritornaw u jkunu jistgħu jerġgħu jingħaqdu mal-ġenituri jew mat-tuturi legali tagħhom minnufih;

9.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Federazzjoni Russa jagħtu aċċess minnufih lill-organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-OHCHR u l-UNICEF għat-tfal Ukreni kollha li ġew deportati bil-forza lejn ir-Russja u t-territorji okkupati minnha; jistieden lill-awtoritajiet Russi jiżguraw is-sikurezza u l-benessri tat-tfal Ukreni sakemm ikunu fir-Russja u fit-territorji okkupati minnha, u jipproteġuhom mill-perikli li jirriżultaw mill-gwerra u l-konsegwenzi tagħha;

10.  Jitlob il-ħolqien immedjat ta' Pakkett tal-UE dwar il-Protezzjoni tat-Tfal biex jipproteġi u jassisti lit-tfal u liż-żgħażagħ li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna, li jkun jinvolvi passaġġ sikur, protezzjoni mill-vjolenza, mill-abbuż, mill-isfruttament u mit-traffikar, kif ukoll għajnuna ta' emerġenza, sforzi ta' riunifikazzjoni tal-familja u appoġġ għar-riabilitazzjoni fit-tul;

11.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Istati Membri jindirizzaw is-sitwazzjoni mwiegħra tal-gruppi vulnerabbli, inkluż it-tfal, l-anzjani u l-persuni b'diżabbiltà fid-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-UE dwar it-trasferimenti bil-forza, u jappoġġaw lill-attivisti u lill-NGOs fuq il-post li qed jippruvaw jieħdu ħsiebhom u jiffaċilitaw ir-ritorn sikur tagħhom;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu mal-awtoritajiet Ukreni, mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u mas-soċjetà ċivili sabiex jistabbilixxu mekkaniżmi li jiddokumentaw il-fatti ta' trasferiment furzat (l-għadd u l-identitajiet tal-persuni, inkluż it-tfal, fejn jinsabu l-persuni li jkunu fallew il-proċess ta' "filtrazzjoni", il-kundizzjonijiet taż-żamma tagħhom fir-Russja, eċċ.), anki sabiex jiġi ddeterminat fejn jinsabu, biex jiġu ripatrijati b'mod partikolari kwalunkwe tfal nieqsa u biex tingħata assistenza għar-riunifikazzjoni u t-traċċar tal-familji; jisħaq fuq il-ħtieġa li tinġabar informazzjoni, bħall-ismijiet ta' individwi li għebu matul il-proċess ta' "filtrazzjoni", il-konfinament furzat tagħhom, jew it-trasferiment tagħhom lejn ir-Russja;

13.  Jistieden lill-Istati Membri, biex permezz tal-missjonijiet diplomatiċi tagħhom fir-Russja, jappoġġaw il-ħruġ ta' dokumenti tal-ivvjaġġar temporanji li jippermettu liċ-ċittadini Ukreni maqbuda fir-Russja mingħajr id-dokumenti tal-identità jew tal-ivvjaġġar tagħhom jitilqu mill-pajjiż jekk ikunu jixtiequ, u jipprovdu kenn temporanju fl-UE jekk ikun meħtieġ;

14.  Jikkundanna bil-qawwa d-digrieti Presidenzjali Russi tal-25 ta' Mejju u tat-30 ta' Mejju 2022;

15.  Iħeġġeġ lir-Russja tabbanduna l-politika tagħha ta' passaportizzazzjoni u tippermetti lill-Ukreni jżommu d-dokumenti ta' identifikazzjoni oriġinali tagħhom;

16.  Jinsisti li dawk li jwettqu delitti tal-gwerra u reati kontra l-umanità, u possibbilment ġenoċidju jew dawk bl-intenzjoni li jwettqu ġenoċidju, kif ukoll l-uffiċjali tal-gvern u l-mexxejja militari responsabbli, jeħtieġ jinżammu responsabbli; jinnota li r-rilokazzjoni u d-deportazzjoni furzati tat-tfal Ukreni, inkluż dawk minn istituzzjonijiet, lejn il-Federazzjoni Russa u t-territorji okkupati mir-Russja u l-adozzjoni furzata tagħhom mill-familji Russi jiksru l-liġi tal-Ukrajna u l-liġi internazzjonali, b'mod partikolari l-Artikolu II tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Istati Membri jappoġġaw l-isforzi tal-awtoritajiet Ukreni u internazzjonali biex jiġbru, jiddokumentaw u jippreservaw l-evidenza tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq fil-kuntest tal-gwerra Russa kontra l-Ukrajna;

17.  Jistieden lill-Gvern tal-Ukrajna jirratifika l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) biex jiffaċilita l-prosekuzzjoni tad-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità, inkluż id-deportazzjonijiet furzati, u jistieden lill-pajjiżi Ewropej kollha jiffirmaw jew jirratifikaw il-Konvenzjoni Internazzjonali tan-NU għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Furzat;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw il-proċessi internazzjonali u nazzjonali leġittimi kollha, inkluż skont il-prinċipju tal-ġuriżdizzjoni universali, u jinvestigaw l-allegati delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra bl-għan li l-awturi kollha jinżammu responsabbli quddiem qorti tal-ġustizzja, inkluż il-każijiet ta' trasferimenti bil-forza, adozzjonijiet furzati u għajbien sfurzat; jilqa' b'sodisfazzjon kbir l-investigazzjonijiet li għaddejjin mill-QKI f'dan ir-rigward;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ politiku, legali, tekniku, finanzjarju u kwalunkwe tip ieħor ta' appoġġ meħtieġ għall-istabbiliment ta' tribunal speċjali li jittratta d-delitt ta' aggressjoni mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna;

20.  Jilqa' l-adozzjoni rapida tas-sanzjonijiet mill-Kunsill u jitlob li tibqa’ tinżamm l-għaqda fost l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri fid-dawl tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, kif ukoll livell għoli ta' koordinazzjoni fost il-G7; jistieden lis-sħab kollha, b'mod partikolari lill-pajjiżi kandidati tal-UE u lill-pajjiżi kandidati potenzjali, biex jallinjaw ruħhom mal-pakketti ta' sanzjonijiet; jitlob li l-lista ta' individwi fil-mira tas-sanzjonijiet tiġi estiża, b'mod partikolari biex tinkludi l-entitajiet u l-persuni kollha identifikati bħala responsabbli għat-tħejjija u l-organizzazzjoni tad-deportazzjonijiet furzati u l-adozzjonijiet furzati, jew għat-tħaddim tal-hekk imsejħa "kampijiet ta' filtrazzjoni";

21.  Jinnota paralleli storiċi qawwija bejn id-delitti tar-Russja fl-Ukrajna u d-delitti Sovjetiċi fit-territorji okkupati mis-Sovjetiċi; jirrikonoxxi d-deportazzjonijiet tal-massa Sovjetiċi, ordnati, ippjanati u eżegwiti mir-reġim Komunista Sovjetiku u mis-sistema tal-Gulags kollha bħala delitti kontra l-umanità; jenfasizza l-importanza tal-kommemorazzjoni, tar-riċerka storika u tal-edukazzjoni dwar il-passat totalitarju sabiex tissaħħaħ is-sensibilizzazzjoni ċivika u tinbena r-reżiljenza kontra d-diżinformazzjoni; jitlob li ssir valutazzjoni storika u legali bir-reqqa u dibattitu pubbliku trasparenti dwar id-delitti Sovjetiċi, u aktar importanti fir-Russja stess, sabiex fil-futur ir-ripetizzjoni ta' reati simili ssir impossibbli;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati, lill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, lill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, lill-Qorti Kriminali Internazzjonali, lill-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukrajna, lill-awtoritajiet Belarussi, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

(1) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' April 2022 dwar il-protezzjoni tal-UE tat-tfal u ż-żgħażagħ li qed jaħarbu minħabba l-gwerra fl-Ukrajna, Testi adottati, P9_TA(2022)0120.
(2) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Mejju 2022 dwar l-impatt tal-gwerra kontra l-Ukrajna fuq in-nisa, Testi adottati, P9_TA(2022)0206.
(3) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Mejju 2022 dwar il-ġlieda kontra l-impunità għad-delitti tal-gwerra fl-Ukrajna, Testi adottati, P9_TA(2022)0218.


Il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Uganda u fit-Tanzanija b'rabta mal-investimenti fi proġetti tal-fjuwils fossili
PDF 136kWORD 48k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2022 dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Uganda u fit-Tanzanija b'rabta mal-investimenti fi proġetti tal-fjuwils fossili (2022/2826(RSP))
P9_TA(2022)0321RC-B9-0409/2022

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Uganda u t-Tanzanija,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-Libertà ta' Espressjoni Online u Offline,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, li l-Uganda hija firmatarja għaliha, u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966, irratifikat mill-Uganda fil-21 ta' Ġunju 1995, u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu, li jiggarantixxi d-dritt għal-libertà minn arrest jew detenzjoni arbitrarji,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Dritt u r-Responsabbiltà tal-Individwi, tal-Gruppi u tal-Entitajiet tas-Soċjetà li Jippromwovu u Jħarsu d-Drittijiet tal-Bniedem Rikonoxxuti Universalment, magħrufa wkoll bħala d-Dikjarazzjoni dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata fid-9 ta' Diċembru 1998,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi, adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015 u ffirmat fit-22 ta' April 2016 minn, fost l-oħrajn, il-pajjiżi kollha tal-UE, l-Uganda u t-Tanzanija,

–  wara li kkunsidra l-istrateġija konġunta UE-Afrika,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-28 ta' Lulju 2022, ivvutata minn 161 pajjiż inklużi l-Istati Membri kollha tal-UE, li tiddikjara l-aċċess għal ambjent nadif u b'saħħtu bħala dritt universali tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-proġett għall-iżvilupp tal-Lag Albert jikkonsisti f'diversi sħab, bil-kumpanija taż-żejt multinazzjonali Franċiża TotalEnergies (Total) bħala l-investitur ewlieni, flimkien ma' China National Offshore Oil Corporation, Uganda National Oil Company, u Tanzania Petroleum Development Corporation; billi l-produzzjoni mill-proġett se titwassal fil-port ta' Tanga fit-Tanzanija permezz ta' pipeline transfruntier, il-pipeline taż-żejt mhux raffinat tal-Afrika tal-Lvant (East African Crude Oil Pipeline, EACOP); billi l-EACOP tnieda fl-1 ta' Frar 2022 u huwa ppjanat li jitlesta sal-2025; billi Total bdiet żewġ proġetti ewlenin ta' esplorazzjoni taż-żejt fl-Uganda, li wieħed minnhom huwa l-proġett Tilenga, li se jinvolvi t-tħaffir għaż-żejt fiż-żona naturali protetta ta' Murchison Falls;

B.  billi l-fażijiet ta' kostruzzjoni u operazzjonali huma mistennija li jikkawżaw aktar impatti negattivi serji għall-komunitajiet fiż-żoni tal-estrazzjoni taż-żejt u tal-pipelines, inkluż li jipperikolaw ir-riżorsi tal-ilma u jagħmlu ħsara irrimedjabbli lill-għajxien tal-bdiewa, tas-sajjieda u tas-sidien tan-negozji tat-turiżmu li jiddependu mir-riżorsi naturali rikki tar-reġjun; billi l-faċilitajiet offshore tal-EACOP fuq il-kosta tat-Tanżanija se jinbnew f'żona b'riskju għoli ta' tsunami, b'perikolu għaż-żoni tal-baħar protetti; billi dawn ir-riskji ġew innotati mill-Kummissjoni għall-Valutazzjoni Ambjentali tan-Netherlands fir-"Rieżami Konsultattiv tal-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali u Soċjali ppreżentata mill-ġdid għall-EACOP", li tenfasizza b'mod partikolari li t-teknika proposta għall-qsim tal-ilma u tal-art mistagħdra (trinka miftuħa) għandha l-potenzjal għal impatti negattivi sinifikanti, b'mod partikolari fl-artijiet mistagħdra;

C.  billi r-riskji u l-impatti kkawżati mill-bjar taż-żejt u l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-pipelines diġà huma rrapportati li huma kbar ħafna, u ġew iddokumentati b'mod eżawrjenti f'bosta valutazzjonijiet tal-impatt ibbażati fil-komunità u studji esperti indipendenti; billi huwa previst li l-proġett se jipperikola r-riżervi u l-ħabitats naturali; billi minkejja t-tħabbira mis-sħab tal-proġett tal-benefiċċji ekonomiċi u tal-impjiegi tagħha, ħafna persuni mill-Afrika tal-Lvant u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Afrika tal-Lvant komplew jesprimu oppożizzjoni qawwija għall-bini tal-pipeline u l-proġetti assoċjati filwaqt li jsostnu li l-impatt tiegħu fuq il-komunitajiet lokali u l-ambjent mhux vallapena tar-riskju;

D.  billi l-biċċa l-kbira tal-produzzjoni ppjanata minn dan il-proġett taż-żejt fuq skala kbira se tiġi estratta u mibjugħa wara l-2030; billi l-estrazzjoni taż-żejt fl-Uganda tiġġenera sa 34 miljun tunnellata ta' emissjonijiet tal-karbonju fis-sena; billi l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE) wissiet f'rapport tal-2021 li l-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1,5 °C biex jiġu evitati l-aktar impatti distruttivi tat-tibdil fil-klima tirrikjedi li l-iżvilupp ġdid taż-żejt u tal-gass jieqaf immedjatament; billi diversi esperti ambjentali u tal-klima indikaw diversi nuqqasijiet kritiċi f'dawn il-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali u soċjali, filwaqt li qiesu li huwa inevitabbli li "jseħħ tixrid taż-żejt mill-EACOP matul il-ħajja tal-proġett";

E.  billi fil-komunikazzjoni tagħhom tal-24 ta' Jannar 2022, l-erba' Rapporteurs Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem esprimew it-tħassib tagħhom rigward l-arresti, l-intimidazzjoni u l-fastidju ġudizzjarju tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) li jaħdmu fis-settur taż-żejt u tal-gass fl-Uganda; billi diversi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti u atturi tas-soċjetà ċivili ġew irrapportati li sofrew kriminalizzazzjoni, intimidazzjoni u fastidju, inkluż Maxwell Atuhura, difensur tad-drittijiet ambjentali u uffiċjal fuq il-post f'Buliisa għall-NGO Africa Institute for Energy Governance, li sofra dħul furzat u arrest arbitrarju; Federica Marsi, ġurnalista Taljana, li ġiet arrestata arbitrarjament fil-25 ta' Mejju 2021; Joss Kaheero Mugisa, il-president tal-NGO Oil and Gas Human Rights Defenders Association, li qatta' 56 lejl fil-ħabs mingħajr ma ġie kkundannat minn qorti; Robert Birimuye, mexxej ta' persuni affettwati mill-proġett EACOP fid-Distrett ta' Kyotera, li ġie arrestat b'mod arbitrarju; Yisito Kayinga Muddu, koordinatur ta' Community Transformation Foundation Network – COTFONE, li sofra dħul furzat f''daru u fl-uffiċċju tiegħu fl-istess jum; u Fred Mwesigwa, li xehed fil-kawża kontra TotalEnergies fi Franza u sussegwentement ġie mhedded bi qtil;

F.  billi mill-2019, Total iffaċċjat azzjoni legali fi Franza fuq allegazzjonijiet li naqset milli tistabbilixxi pjan ta' viġilanza adegwat li jkopri r-riskji għas-saħħa, is-sikurezza, l-ambjent u d-drittijiet tal-bniedem kif meħtieġ mil-liġi Franċiża dwar id-"dmir ta' viġilanza", relatat mal-proġetti Tilenga u EACOP u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet tal-bniedem; billi l-appelli ta' Total ġew miċħuda mill-Qorti tal-Kassazzjoni Franċiża f'Diċembru 2021, il-kawża issa waslet biex tinstema' fuq il-merti tagħha u s-sentenza għadha pendenti;

G.  billi missjoni mid-delegazzjoni tal-UE u l-ambaxxati ta' Franza, il-Belġju, id-Danimarka, in-Norveġja u n-Netherlands ġiet ipprojbita milli tidħol fiż-żona taż-żejt fid-9 ta' Novembru 2021;

H.  billi kważi 118 000 persuna huma affettwati minn dawn il-proġetti taż-żejt: xi wħud kellhom id-djar tagħhom meqruda biex jiffaċilitaw il-kostruzzjoni ta' toroq ta' aċċess jew l-impjant tal-ipproċessar, oħrajn kellhom l-art kollha jew parti minnha rekwiżizzjonata u tilfu l-użu liberu tal-proprjetajiet tagħhom u b'hekk il-mezzi ta' sussistenza tagħhom, mingħajr ħlas minn qabel ta' kumpens ġust u adegwat; billi l-kumpens imħallas spiss ikun baxx wisq biex jippermetti lill-bdiewa li l-art tagħhom tkun ġiet esproprjata jixtru art komparabbli li fuqha jkunu jistgħu jkomplu bil-biedja, u peress li dan il-kumpens baxx għalhekk ixekkel serjament u, a priori, b'mod definittiv l-introjtu u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom, b'tali mod li l-persuni rilokati ma jkunux jistgħu jiġġeneraw aktar introjtu suffiċjenti biex jitimgħu lill-familji tagħhom, jibagħtu lil uliedhom l-iskola jew jaċċessaw il-kura tas-saħħa; billi d-drittijiet tal-komunitajiet indiġeni għal kunsens liberu, minn qabel u infurmat mhumiex qed jiġu rispettati f'konformità mal-istandards internazzjonali;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Uganda u fit-Tanzanija marbut ma' investimenti fi proġetti ta' fjuwils fossili, inklużi l-priġunerija illegali tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, is-sospensjoni arbitrarja tal-NGOs, is-sentenzi arbitrarji ta' ħabs u l-iżgumbrament ta' mijiet ta' persuni minn arthom mingħajr kumpens ġust u adegwat; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-arresti, l-atti ta' intimidazzjoni u l-fastidju ġudizzjarju kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-NGOs li jaħdmu fis-settur taż-żejt u l-gass fl-Uganda; jitlob lill-awtoritajiet jiżguraw li l-avukati tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u l-gruppi tas-soċjetà ċivili jkunu liberi li jwettqu xogħolhom f'komunitajiet f'riskju u jitlob li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kollha arrestati arbitrarjament jinħelsu minnufih;

2.  Jistieden lill-gvernijiet tal-Uganda u tat-Tanzanija biex jibdew miżuri konkreti biex jiżguraw li l-awtoritajiet, il-forzi tas-sigurtà u l-politiki jirrispettaw u jikkonformaw mal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem; jinsisti, b'mod partikolari, li l-UE u atturi internazzjonali oħra jżommu u jsaħħu l-approċċ integrat u koordinat tagħhom dwar l-Uganda, li jinkludi l-promozzjoni ta' governanza tajba, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, u t-tisħiħ tas-sistema ġudizzjarja u l-istat tad-dritt, u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jqajmu din il-kwistjoni ta' tħassib permezz ta' mezzi pubbliċi u diplomatiċi; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Uganda jawtorizza mill-ġdid lill-54 NGO li ngħalqu jew ġew sospiżi b'mod arbitrarju, u jagħti lil dawk il-persuni li ġew spostati mingħajr ma rċevew kumpens ġust u adegwat aċċess għall-art tagħhom;

3.  Ifakkar li aktar minn 100 000 persuna jinsabu f'riskju imminenti ta' spostament bħala riżultat tal-proġett EACOP mingħajr garanziji xierqa ta' kumpens adegwat; iħeġġeġ li dawk li ġew żgumbrati jew miċħuda l-aċċess għall-art tagħhom jiġu kkumpensati minnufih, b'mod ġust u adegwat, kif previst fil-Kostituzzjoni tal-Uganda u kif imwiegħed mill-kumpaniji; jitlob lill-awtoritajiet jieħdu passi ulterjuri biex jikkumpensaw b'mod adegwat lill-persuni għall-proprjetà u l-art mitlufa, jipproteġu d-drittijiet tal-komunitajiet lokali għas-saħħa, l-ambjent, l-għajxien tagħhom, u l-libertajiet ċiviċi, u jipprovdu rimedju lil dawk affettwati minn operazzjonijiet taż-żejt f'dawn l-aħħar deċennji; jistieden liż-żewġ gvernijiet jaġġornaw il-liġijiet domestiċi dwar l-akkwist, il-valutazzjoni u r-risistemazzjoni tal-art biex jiżguraw li dawn ikunu allinjati mal-istandards reġjonali u internazzjonali, inkluż id-dritt għal kunsens liberu, minn qabel u infurmat;

4.  Itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet tal-Uganda biex jippermettu aċċess liberu, sinifikanti u mingħajr xkiel għaż-żona taż-żejt għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-ġurnalisti indipendenti, l-osservaturi internazzjonali u r-riċerkaturi;

5.  Itenni t-talba tiegħu għal direttiva b'saħħitha u ambizzjuża dwar id-diliġenza dovuta korporattiva obbligatorja u strument internazzjonali ambizzjuż legalment vinkolanti biex ikopri l-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ambjent u tal-klima, kif deskritt fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2021 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar id-diliġenza dovuta korporattiva u l-obbligu ta' rendikont(1);

6.  Jistieden lill-UE u lill-komunità internazzjonali jeżerċitaw pressjoni massima fuq l-awtoritajiet tal-Uganda u tat-Tanzanija, kif ukoll il-promoturi tal-proġett u l-partijiet ikkonċernati, biex jipproteġu l-ambjent u jtemmu l-attivitajiet tal-estrazzjoni f'ekosistemi protetti u sensittivi, inklużi fix-xtut tal-Lag Albert, u jimpenjaw ruħhom li jużaw l-aħjar mezzi disponibbli biex jippreservaw il-kultura, is-saħħa, u l-futur tal-komunitajiet affettwati u jesploraw alternattivi f'konformità mal-impenji internazzjonali dwar il-klima u l-bijodiversità; jistieden lill-promoturi tal-proġett EACOP fl-Uganda u fit-Tanzanija jsolvu t-tilwim kollu li kellu jiġi solvut qabel it-tnedija tal-proġett, u jqisu r-riskji kollha msemmija hawn fuq, li jheddu dan il-proġett; iħeġġeġ lil TotalEnergies tieħu sena qabel ma tniedi l-proġett biex tistudja l-fattibbiltà ta' rotta alternattiva biex jiġu ssalvagwardjati aħjar l-ekosistemi protetti u sensittivi u r-riżorsi tal-ilma tal-Uganda u tat-Tanzanija, filwaqt li tillimita l-vulnerabbiltà tal-baċiri tal-iskular fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani, li huma riżorsa kritika għar-reġjun, u tesplora proġetti alternattivi bbażati fuq enerġiji rinnovabbli għal żvilupp ekonomiku aħjar;

7.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-influwenza ekonomika dejjem tikber taċ-Ċina u tar-Russja, b'mod partikolari fis-settur tal-enerġija; jinsab imħasseb f'dan ir-rigward dwar l-interess tal-awtoritajiet tal-Uganda li jiżviluppaw impjant tal-enerġija nukleari bl-għajnuna Russa; ifakkar li d-dinja demokratika imponiet miżuri restrittivi mmirati fuq il-kumpaniji u l-entitajiet Russi, inklużi dawk mis-settur tal-enerġija, b'reazzjoni għall-aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna;

8.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-President tar-Repubblika tal-Uganda, lill-President tar-Repubblika tat-Tanzanija u lill-Presidenti tal-parlamenti tal-Uganda u tat-Tanzanija.

(1) ĠU C 474, 24.11.2021, p. 11.


In-Nikaragwa, b'mod partikolari l-arrest tal-Isqof Rolando Álvarez
PDF 137kWORD 49k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2022 dwar in-Nikaragwa, b'mod partikolari l-arrest tal-Isqof Rolando Álvarez (2022/2827(RSP))
P9_TA(2022)0322RC-B9-0383/2022

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Nikaragwa, b'mod partikolari dik tas-16 ta' Diċembru 2021 dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa(1) u dik tad-9 ta' Ġunju 2022 dwar l-istrumentalizzazzjoni tal-ġustizzja bħala strument ta' repressjoni fin-Nikaragwa(2),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, b'mod partikolari l-Artikolu 18 tagħha dwar il-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 10 tagħha dwar il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, u l-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari l-Artikolu 12 tagħha dwar il-libertà tal-kuxjenza u tar-reliġjon,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u r-Regoli Standard Minimi tan-NU dwar it-Trattament tal-Priġunieri (ir-Regoli Nelson Mandela),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1720 tal-14 ta' Ottubru 2019 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tal-14 ta' Marzu 2022 dwar il-kundanna ta' priġunieri politiċi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem tal-Uffiċċju tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tad-9 ta' Mejju 2022 dwar ir-repressjoni tas-soċjetà ċivili min-naħa tan-Nikaragwa u r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-24 ta' Frar 2022 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa u d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem qabel id-49 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fis-7 ta' Marzu 2022,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni Nru 49/3 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-31 ta' Marzu 2022 dwar il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Amerka Ċentrali, min-naħa l-oħra(4) (il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fid-19 ta' Awwissu 2022, il-pulizija nazzjonali tan-Nikaragwa għamlet rejd bil-forza fuq il-kurja veskovili ta' Matagalpa biex tarresta arbitrarjament lill‑Isqof Rolando Álvarez wara impass ta' ġimagħtejn, flimkien ma' ħames qassisin, żewġ seminaristi u cameraman, li issa qegħdin fil-ħabs ta' El Chipote; billi l-Isqof Álvarez kellu rwol importanti bħala medjatur fid-Djalogu Nazzjonali tal-2018, talab b'mod kostanti djalogu paċifiku u motivat fin-Nikaragwa u kkritika l-għeluq ta' seba' stazzjonijiet tar-radju Kattoliċi operati mid-djoċesi ta' Matagalpa fl-1 ta' Awwissu 2022;

B.  billi l-istqarrija tal-pulizija ma tatx raġuni għall-arresti, iżda qalet li kienu parti minn investigazzjoni mibdija fil-5 ta' Awwissu 2022 dwar attivitajiet "destabbilizzanti u provokattivi" fil-pajjiż; billi l-pulizija aktar tard ikkonfermat li kienu għaddejjin "inkjesti ġudizzjarji"; billi sigħat wara, il-Viċi President tan-Nikaragwa Rosario Murillo f'diskors sostna li l-pulizija kienet qed terġa' tistabbilixxi l-ordni f'Matagalpa u li l-arrest tal-isqof kien "neċessarju";

C.  billi n-Nunzju Appostoliku għan-Nikaragwa, Monsinjur Waldemar Stanisław Sommertag, tkeċċa mill-pajjiż f'Marzu 2022, Padre Manuel Salvador García ġie arrestat f'Ġunju 2022, l-Assoċjazzjoni tal-Missjonijiet tal-Karità tal-Ordni ta' Santa Tereża ta' Kalkutta ġiet iddikjarata illegali u tkeċċiet f'Lulju 2022, u l-pulizija allegatament ipprojbixxiet purċissjonijiet reliġjużi skedati għat-13 u l-14 ta' Awwissu 2022; billi ħames qassisin oħra, Uriel Vallejos, Vicente Martínez, Sebastián López, Mangel Hernández u Dani García, marru f'eżilju minħabba l-arrest tal-Isqof Álvarez; billi fl-2019, l-Isqof Silvio Báez kien imġiegħel imur f'eżilju wara theddid fuq ħajtu rikonoxxut mill-Vatikan; billi fl-1 ta' Settembru 2022, l-awtoritajiet tan-Nikaragwa kkundannaw lill-monsinjur Leonardo José Urbina Rodríguez għal piena ta' 30 sena ħabs; billi dawn huma biss ftit eżempji ta' atti ta' repressjoni mmirati lejn membri tal-Knisja Kattolika Rumana fin-Nikaragwa;

D.  billi mill-2018 'l hawn, ir-reġim tan-Nikaragwa wettaq inkarċerazzjoni sistematika u ripetuta, fastidju u intimidazzjoni fil-konfront ta' prekandidati presidenzjali, mexxejja tal-oppożizzjoni u mexxejja reliġjużi – partikolarment mill-Knisja Kattolika Rumana – kif ukoll studenti u mexxejja rurali, ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, persuni LGBTI u rappreżentanti tan-negozju;

E.  billi minn dak iż-żmien 'l hawn, fin-Nikaragwa stabbilixxa ruħu qafas ta' repressjoni mill-istat, ikkaratterizzat minn impunità sistemika għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, deterjorament tal-istituzzjonijiet u l-istat tad-dritt, u kollużjoni bejn is-setgħat tal-eżekuttiv u l-ġudikatura;

F.  billi l-attakki fuq il-libertà tal-espressjoni, tal-kuxjenza u tar-reliġjon intensifikaw u billi t-theddid min-naħa tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku fil-konfront ta' diversi ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem bħala kritiċi tar-reġim u membri tal-Knisja Kattolika Rumana – minħabba l-isforzi ta' medjazzjoni tagħhom fit-taħditiet nazzjonali tal-2018 u għax ikkundannaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq fil-kuntest tal-kriżi attwali fin-Nikaragwa – wassal lil ħafna minnhom jitilqu min-Nikaragwa biex ifittxu protezzjoni;

G.  billi kif ġie ċċarat mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-detenturi ta' mandat ta' proċedura speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, dawk miżmuma l-ħabs ġew arrestati għal raġunijiet inkompatibbli mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa;

H.  billi l-għeluq tal-istazzjonijiet tar-radju Kattoliċi u ta' żewġ stazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni komunitarji oħra ftit wara, b'użu eċċessiv tal-forza, huma l-aħħar f'lista twila ta' aktar minn 1 700 organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u mill-inqas 40 organizzazzjoni tan-nisa, diversi partiti politiċi, assoċjazzjonijiet tal-midja u universitajiet li sfaw attakkati mir-reġim tan-Nikaragwa;

I.  billi din is-sena r-reġim tan-Nikaragwa awtorizza l-preżenza militari Russa fil-pajjiż, li hija evidenza ċara tar-relazzjoni b'saħħitha u l-appoġġ komuni eżistenti bejn ir-reġim ta' Ortega-Murillo u r-reġim ta' Putin;

1.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli r-repressjoni u l-arrest ta' membri tal-Knisja Kattolika Rumana fin-Nikaragwa, b'mod partikolari l-arrest tal-Isqof Rolando Álvarez; iħeġġeġ lir-reġim tan-Nikaragwa jtemm immedjatament ir-repressjoni u jerġa' jistabbilixxi r-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem, fosthom il-libertà tal-espressjoni, tar-reliġjon u tat-twemmin; jitlob il-ħelsien immedjat u inkondizzjonat ta' dawk kollha arrestati arbitrarjament, inklużi l-Isqof Álvarez u dawk miżmuma miegħu, u li l-proċedimenti legali kollha kontrihom, inklużi s-sentenzi li ngħataw, jiġu annullati;

2.  Jiddeplora u jikkundanna bil-qawwa d-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa u l-eskalazzjoni fir-repressjoni kontra l-Knisja Kattolika, esponenti tal-oppożizzjoni, is-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti, ir-raħħala, l-istudenti u l-popolazzjoni indiġena, fost l-oħrajn, kif ukoll l-arrest arbitrarju tagħhom sempliċement talli jkunu eżerċitaw il-libertajiet fundamentali tagħhom, it-trattament inuman u degradanti fil-konfront tagħhom u d-deterjorament tal-kundizzjoni ta' saħħithom;

3.  Jikkundanna d-detenzjoni abbużiva, in-nuqqas ta' garanziji proċesswali u l-mod illegali li bih qed jiġu kkundannati l-priġunieri politiċi fin-Nikaragwa; jenfasizza li s-sistema ġudizzjarja mhijiex indipendenti mill-fergħa eżekuttiva; jesprimi tħassib dwar il-manipulazzjoni tal-liġi kriminali u l-użu tas-sistema ġudizzjarja bħala strument għall-kriminalizzazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet ċivili u politiċi;

4.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni ta' aktar minn 206 priġunier politiku miżmuma fin-Nikaragwa minn April 2018, skont il-Mekkaniżmu Speċjali ta' Monitoraġġ għan-Nikaragwa (MESENI), u jitlob il-ħelsien immedjat tagħhom, l-annullament tal-proċedimenti legali fil-konfront tagħhom, u li r-rifuġjati u l-eżiljati kollha jitħallew jirritornaw bla periklu lejn djarhom; iħeġġeġ lir-reġim tan-Nikaragwa jtemm l-użu ta' trattament krudili u inuman u jirrispetta l-integrità fiżika, id-dinjità, il-libertà u d-dritt ta' aċċess għall-kura medika ta' dawk li jinsabu l-ħabs, kif ukoll tal-familji tagħhom; iżomm lir-reġim responsabbli biex jiżgura li l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni jkunu konformi mal-obbligi u l-istandards legali internazzjonali tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem bħar-Regoli Standard Minimi tan-NU dwar it-Trattament tal-Priġunieri;

5.  Jiddeplora l-fatt li fis-7 ta' Settembru 2022 ingħalqu 100 NGO oħra, u b'hekk it-total ta' NGOs li ngħalqu fin-Nikaragwa din is-sena tela' għal 1 850; jistieden lir-reġim tan-Nikaragwa jieqaf jagħlaq l-NGOs u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili arbitrarjament u jirristabbilixxi l-leġittimità tal-organizzazzjonijiet, il-partiti politiċi, l-organizzazzjonijiet reliġjużi, l-assoċjazzjonijiet u l-mezzi tal-media, l-universitajiet u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem kollha li ngħalqu arbitrarjament, kif ukoll jirritorna l-proprjetà, l-assi, id-dokumenti u t-tagħmir li ġew sekwestrati indebitament u jirristabbilixxi l-istatus ġuridiku leġittimu tagħhom;

6.  Jikkundanna l-annullament tal-partiti politiċi tal-oppożizzjoni u n-nuqqas ta' libertà li jorganizzaw u jipparteċipaw fl-elezzjonijiet muniċipali tas-6 ta' Novembru 2022; iħeġġeġ ir-ristabbiliment tal-amministrazzjonijiet leġittimi fil-ġuriżdizzjonijiet ta' El Cuá, San Sebastián de Yalí, Santa María de Pantasma, Murra u El Almendro;

7.  Iħeġġeġ bil-qawwa lin-Nikaragwa tirrevoka kull leġiżlazzjoni li tirrestrinġi bla bżonn l-ispazju ċiviku u demokratiku adottata mill-2018 'l hawn; itenni l-appell tiegħu lill-UE biex tkompli tappoġġja lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-qraba tal-priġunieri politiċi li qegħdin fin-Nikaragwa kif ukoll dawk li qegħdin f'eżilju, inklużi l-qassisin Uriel Vallejos, Vicente Martínez, Sebastián López, Mangel Hernández u Dani García fost l-oħrajn;

8.  Jenfasizza r-rwol kruċjali tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u l-membri tal-Knisja Kattolika Rumana fin-Nikaragwa;

9.  Jistieden lir-reġim tan-Nikaragwa jippermetti b'urġenza r-ritorn ta' organizzazzjonijiet internazzjonali fil-pajjiż, fosthom il-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, bil-għan li jsir monitoraġġ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;

10.  Jistieden lir-reġim tan-Nikaragwa jimplimenta r-Riżoluzzjoni Nru 49/3 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, li tistabbilixxi, għal perjodu ta' sena, it-twaqqif ta' grupp ta' esperti tad-drittijiet tal-bniedem bl-inkarigu li jissorveljaw investigazzjonijiet kredibbli, imparzjali u eżawrjenti, jippreservaw l-evidenza u jiżguraw l-obbligu ta' rendikont għall-ksur serju li seħħ mill-2018 'l hawn; jistieden lill-istituzzjonijiet tan-Nikaragwa jiżguraw li ma tippersistix l-impunità fir-rigward tal-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem li seħħew, filwaqt li jipprovdu lill-vittmi aċċess għall-ġustizzja u riparazzjoni sħiħa;

11.  Jistieden lin-Nikaragwa tibda djalogu nazzjonali inklużiv biex tiġi żgurata soluzzjoni paċifika u demokratika għal din il-kriżi politika, soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem;

12.  Jistieden lill-UE tkompli tagħti prijorità, permezz tal-azzjoni esterna u d-djalogu tagħha, lill-promozzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-ugwaljanza u l-libertà tal-midja, u tikkollabora mal-komunità internazzjonali biex tiddefendi d-djalogu, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa; jitlob lid-Delegazzjoni tal-UE għan-Nikaragwa ssegwi b'attenzjoni l-iżviluppi li qegħdin iseħħu fil-pajjiż, fosthom billi tissorvelja l-proċessi u żżur lill-mexxejja tal-oppożizzjoni u lill-kritiċi tal-gvern li qegħdin il-ħabs jew arrestati d-dar; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li bl-assistenza tagħha għal kooperazzjoni ssaħħaħ l-appoġġ għas-soċjetà ċivili – partikolarment id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem – u li bl-ebda mod ma tikkontribwixxi għall-politiki repressivi attwali tal-awtoritajiet tan-Nikaragwa;

13.  Ifakkar li fid-dawl tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali, in-Nikaragwa hija obbligata tirrispetta u tikkonsolida l-prinċipji tal-istat tad-dritt, tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem, speċifikament fir-rigward tad-dispożizzjonijiet deskritti fit-Titolu I; itenni t-talba tiegħu li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi attwali, tiskatta l-klawżola demokratika tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;

14.  Itenni l-appell tiegħu biex l-imħallfin u l-prosekuturi tan-Nikaragwa jiddaħħlu malajr fil-lista ta' individwi sanzjonati mill-UE u biex il-lista ta' individwi u entitajiet sanzjonati tiġi estiża tinkludi lil Daniel Ortega u ċ-ċirku tal-qalba tiegħu;

15.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex, f'konformità mal-Artikoli 13 u 14 tal-Istatut ta' Ruma, jiftħu investigazzjoni formali dwar in-Nikaragwa u Daniel Ortega – permezz tal-Qorti Kriminali Internazzjonali – għal delitti kontra l-umanità;

16.  Itenni l-appell tiegħu għall-estradizzjoni immedjata ta' Alessio Casimirri lejn l-Italja;

17.  Jitlob lill-Konferenza tal-Presidenti tiegħu tawtorizza missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni li tintbagħat tissorvelja s-sitwazzjoni fin-Nikaragwa;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-Parlament tal-Amerka Ċentrali, lill-Grupp ta' Lima, lill-Vatikan, kif ukoll lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tan-Nikaragwa.

(1) ĠU C 251, 30.6.2022, p. 134.
(2) Testi adottati, P9_TA(2022)0238.
(3) ĠU L 262, 15.10.2019, p. 58.
(4) ĠU L 346, 15.12.2012, p. 3.


Assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali lill-Ukrajna u t-tisħiħ tal-fond ta' proviżjonament komuni ***I
PDF 132kWORD 46k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Settembru 2022 dwar Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali lill-Ukrajna, li ssaħħaħ il-Fond ta’ Proviżjonament Komuni permezz ta’ garanziji mill-Istati Membri u permezz ta’ proviżjonament speċifiku għal xi obbligazzjonijiet finanzjarji relatati mal-Ukrajna ggarantiti skont id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE, u li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2022/1201 (COM(2022)0557 – C9-0303/2022 – 2022/0281(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: L-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2022)0557),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 212 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0303/2022),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-14 ta’ Settembru 2022, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 163 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-15 ta' Settembru 2022 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2022/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali lill-Ukrajna, li ssaħħaħ il-fond ta’ proviżjonament komuni permezz ta’ garanziji mill-Istati Membri u permezz ta’ proviżjonament speċifiku għal xi obbligazzjonijiet finanzjarji relatati mal-Ukrajna ggarantiti skont id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE, u li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2022/1201

P9_TC1-COD(2022)0281


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att finali, d-Deċiżjoni (UE) 2022/1628.)


Eżistenza ta' riskju ċar ta' ksur serju mill-Ungerija tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni
PDF 272kWORD 93k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Settembru 2022 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tiddetermina, skont l-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-eżistenza ta' riskju ċar ta' ksur serju mill-Ungerija tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni (2018/0902R(NLE))
P9_TA(2022)0324A9-0217/2022

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 2, 4(3) u 7(1) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-protokolli tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra t-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-Lista tal-Kriterji tal-Istat tad-Dritt adottata mill-Kummissjoni ta' Venezja fil-106 sessjoni plenarja tagħha f'Venezja fil-11-12 ta' Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2014 bit-titolu "Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt" (COM(2014)0158),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2018 dwar proposta li titlob lill-Kunsill jiddetermina, skont l-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-eżistenza ta' riskju ċar ta' ksur serju mill-Ungerija tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-16 ta' Jannar 2020(2) u tal-5 ta' Mejju 2022(3) dwar is-seduti ta' smigħ li għaddejjin bħalissa skont l-Artikolu 7(1) TUE fir-rigward tal-Polonja u l-Ungerija,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2021 dwar ksur tal-liġi tal-UE u tad-drittijiet taċ-ċittadini LGBTIQ fl-Ungerija b'riżultat tal-bidliet legali adottati mill-Parlament Ungeriż(4),

–  wara li kkunsidra l-kapitoli tal-pajjiżi dwar l-Ungerija fir-Rapporti dwar l-Istat tad-Dritt tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 105(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport interim tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0217/2022),

A.  billi l-Unjoni hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett lejn id-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jappartjenu lil minoranzi, kif stabbilit fl-Artikolu 2 TUE u kif rifless fil-Karta u inkorporat fit-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, u billi dawk il-valuri, li huma komuni għall-Istati Membri jikkostitwixxu l-pedament tad-drittijiet li jgawdu dawk li jgħixu fl-Unjoni;

B.  billi kif jidher mill-Artikolu 49 tat-TUE, li jipprevedi l-possibbiltà li kull Stat Ewropew japplika sabiex isir membru tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea hija komposta minn stati li impenjaw ruħhom liberament u volontarjament favur il-valuri komuni msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE, li jirrispettaw dawn il-valuri u li jimpenjaw ruħhom li jippromwovuhom, billi d-dritt tal-UE huwa bbażat fuq il-premessa fundamentali li kull Stat Membru jikkondividi mal-Istati Membri l-oħra kollha, u jirrikonoxxi li dawn l-Istati Membri jikkondividu miegħu, dawn l-istess valuri(5);

C.  billi dik il-premessa timplika u tiġġustifika l-eżistenza ta' fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rikonoxximent ta' dawn il-valuri u, għaldaqstant, l-osservanza tad-dritt tal-UE li jimplimentahom(6);

D.  billi l-konformità ta' Stat Membru mal-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 tat-TUE hija kundizzjoni għat-tgawdija tad-drittijiet kollha li jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-Trattati għal dak l-Istat Membru; billi kwalunkwe ksur tal-valuri fundamentali tal-UE minn gvern ta' Stat Membru inevitabbilment jimplika attakk fuq il-libertà personali, id-drittijiet politiċi u soċjali taċ-ċittadini, kif ukoll il-ġid u l-benesseri tagħhom; billi l-Ungerija nnifisha ssottoskriviet għall-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE;

E.  billi l-prinċipju tal-kooperazzjoni leali fl-Artikolu 4(3) tat-TUE jistabbilixxi obbligu fuq l-Unjoni u l-Istati Membri biex jassistu lil xulxin fit-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mit-Trattati b'rispett reċiproku sħiħ, u fuq l-Istati Membri biex jieħdu kwalunkwe miżura xierqa, ġenerali jew b'mod partikolari, biex jiżguraw it-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

F.  billi l-Artikolu 19 tat-TUE jesprimi b'mod konkret il-valur tal-istat tad-dritt affermat fl-Artikolu 2 tat-TUE, jagħti r-responsabbiltà li tiġi żgurata l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-UE lill-Istati Membri kollha u l-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet tal-individwi skont dik il-liġi lill-qrati u lit-tribunali nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja(7);

G.  billi kwalunkwe riskju ċar ta' ksur serju min-naħa ta' Stat Membru tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE ma jikkonċernax biss lill-Istat Membru individwali fejn jimmaterjalizza r-riskju iżda għandu impatt fuq l-Istati Membri l-oħra, fuq il-fiduċja reċiproka ta' bejniethom, u fuq in-natura proprja tal-Unjoni u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tagħha skont id-dritt tal-Unjoni;

H.  billi l-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 7 tat-TUE mhuwiex limitat għall-obbligi skont it-Trattati, bħal fl-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u billi l-Unjoni tista' tivvaluta l-eżistenza ta' riskju ċar ta' ksur serju tal-valuri komuni f'oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Istati Membri;

I.  billi għal diversi snin is-sitwazzjoni fl-Ungerija ma ġietx indirizzata biżżejjed u għad fadal ħafna tħassib, u sadanittant qamu ħafna kwistjonijiet ġodda, li qed ikollhom impatt negattiv fuq l-immaġni tal-Unjoni, kif ukoll l-effettività u l-kredibbiltà tagħha fid-difiża tad-drittijiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija globalment, u li juru l-ħtieġa li jiġu indirizzati permezz ta' azzjoni konċertata tal-Unjoni;

J.  billi wara d-delegazzjoni ad hoc tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern f'Budapest, l-Ungerija, mid-29 ta' Settembru sal-1 ta' Ottubru 2021, il-maġġoranza tal-membri tad-delegazzjoni għad għandhom tħassib serju dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fil-pajjiż; billi d-delegazzjoni kkonkludiet li s-sitwazzjoni ma tjibitx mill-2018, iżda minflok marret għall-agħar;

K.  billi l-Gvern Ungeriż jinjora l-prinċipju tal-primat tad-dritt tal-UE kif minqux fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda huwa stess juża l-Qorti tal-Ġustizzja biex jagħmel rikorsi biex jieħu azzjoni kontra atti Ewropej eżistenti;

L.  billi l-Parlament Ungeriż adotta riżoluzzjoni fid-19 ta' Lulju 2022 li titlob li s-setgħat tal-Parlament Ewropew jiġu limitati, u li l-Membri tal-PE jinħatru aktar milli jiġu eletti;

M.  billi l-koeżistenza paċifika ta' gruppi etniċi differenti għandha effetti pożittivi fuq il-ġid kulturali u l-prosperità tan-nazzjon;

N.  billi l-imblukkar ta' miżuri restrittivi kontra r-Russja fil-Kunsill idgħajjef l-isforzi tal-Unjoni biex tipproteġi l-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE fl-UE u lil hinn minnha, u jikkostitwixxi problema ta' sigurtà għall-Unjoni Ewropea;

Il-funzjonament tas-sistema kostituzzjonali u elettorali

O.  billi fit-13 ta' Lulju 2022, fil-kapitolu tal-pajjiż dwar l-Ungerija tar-Rapport tal-2022 dwar l-Istat tad-Dritt, il-Kummissjoni indikat li t-trasparenza u l-kwalità tal-proċess leġiżlattiv jibqgħu sors ta' tħassib, u l-Gvern Ungeriż ilu juża s-setgħat ta' emerġenza tiegħu b'mod estensiv, anke f'oqsma mhux relatati mal-pandemija tal-COVID-19 kif invoka inizjalment; billi l-implimentazzjoni ineffettiva minn organi statali tas-sentenzi tal-qrati Ewropej u nazzjonali hija sors ta' tħassib; billi t-trusts ta' interess pubbliku li jirċievu finanzjament pubbliku sinifikanti u ġestiti minn membri tal-bord qrib il-gvern attwali saru operattivi;

P.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni kkoordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha(8), il-Parlament qies li d-deċiżjoni tal-Gvern Ungeriż li jtawwal l-istat ta' emerġenza b'mod indefinit, li jawtorizza lilu nnifsu biex jiggverna b'digriet mingħajr limiti ta' żmien, u li jdgħajjef is-sorveljanza ta' emerġenza tal-Parlament Ungeriż, kienet totalment inkompatibbli mal-valuri Ewropej; billi fir-rakkomandazzjoni tiegħu dwar il-Programm ta' Riforma tal-Ungerija tal-2020 tal-20 ta' Lulju 2020 u hu u jwassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-Ungerija tal-2020(9), il-Kunsill irrakkomanda li jiġi żgurat li kwalunkwe miżura ta' emerġenza tkun strettament proporzjonata, limitata fiż-żmien u skont l-istandards Ewropej u internazzjonali, li ma jinterferixxux mal-attivitajiet tan-negozju u l-istabbiltà tal-ambjent regolatorju, u l-involviment effettiv tas-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati fil-proċess tat-tfassil tal-politika;

Q.  billi fit-tieni rapport interim ta' konformità tiegħu adottat fil-25 ta' Settembru 2020, il-Grupp ta' Stati tal-Kunsill tal-Ewropa kontra l-Korruzzjoni (GRECO) laqa' l-emendi għall-Att dwar l-Assemblea Nazzjonali biex id-dispożizzjonijiet li jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-Membri tal-PE milli jkunu involuti f'ċerti attivitajiet, isiru aktar operattivi billi jiġu previsti konsegwenzi aktar ċari f'każ li dawn il-kwistjonijiet ma jiġux riżolti mill-Membri tal-PE inkwistjoni; billi, madankollu, ir-rapport sab ukoll li miżuri aktar determinati għadhom meħtieġa biex jittejjeb il-qafas attwali tal-integrità tal-Parlament Ungeriż, b'mod partikolari biex jittejjeb il-livell ta' trasparenza u konsultazzjoni fil-proċess leġiżlattiv (inkluża l-introduzzjoni ta' regoli dwar l-interazzjonijiet mal-lobbyists), biex jiġi adottat kodiċi ta' kondotta għall-Membri tal-PE (li jkopri b'mod partikolari diversi sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal kunflitt ta' interess), biex jiġu żviluppati aktar regoli li jobbligaw lill-Membri tal-PE jiżvelaw b'mod ad hoc kunflitti potenzjali bejn il-ħidma parlamentari tagħhom u l-interessi privati tagħhom, biex jiġi żgurat format uniformi ta' dikjarazzjonijiet tal-assi u biex tiġi rieżaminata l-immunità vasta li jgawdu minnha l-Membri tal-PE kif ukoll biex jiġu żgurati s-superviżjoni u l-infurzar effettivi tar-regoli ta' kondotta, il-kunflitt ta' interess u d-dikjarazzjonijiet tal-assi;

R.  billi f'dikjarazzjoni maħruġa fl-20 ta' Novembru 2020, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa ħeġġet lill-Parlament Ungeriż biex jipposponi l-votazzjoni dwar abbozzi ta' liġijiet minħabba l-biża' li diversi proposti li jinsabu fil-pakkett leġiżlattiv kumpless u li ġew ippreżentati mingħajr konsultazzjoni minn qabel u huma relatati ma' kwistjonijiet inkluż il-funzjonament tal-ġudikatura, il-liġi elettorali, l-istrutturi nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, l-iskrutinju fuq il-fondi pubbliċi u d-drittijiet tal-bniedem ta' persuni LGBTI, jistgħu jservu biex idgħajfu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem fl-Ungerija; billi fl-opinjoni tagħha tat-2 ta' Lulju 2021 dwar l-emendi kostituzzjonali adottati mill-Parlament Ungeriż f'Diċembru 2020, il-Kummissjoni ta' Venezja nnotat bi tħassib li l-emendi kostituzzjonali ġew adottati matul stat ta' emerġenza, mingħajr ebda konsultazzjoni pubblika u l-memorandum ta' spjegazzjoni huwa magħmul biss minn tliet paġni; billi l-Kummissjoni ta' Venezja indikat ukoll li l-Artikoli 6, 9, u 11 tad-Disa' Emenda li temenda l-Liġi Fundamentali tal-Ungerija dwar id-dikjarazzjonijiet ta' gwerra, il-kontroll tal-forzi tad-difiża Ungeriżi u l-"ordni legali speċjali" li jappartjenu għall-istat ta' gwerra, l-istat ta' emerġenza u l-istat ta' periklu, prinċipalment iħallu l-ispeċifikazzjoni tal-parti l-kbira tad-dettalji għall-atti kardinali, li eventwalment jistgħu jqajmu mistoqsijiet serji rigward l-ambitu tas-setgħat tal-istat matul stati ta' eċċezzjoni; billi, fir-rigward tal-abolizzjoni tal-Kunsill tad-Difiża Nazzjonali u l-għoti tas-setgħat tiegħu lill-Gvern, il-Kummissjoni ta' Venezja indikat li, filwaqt li din fir-realtà ma tmurx kontra l-istandards Ewropej, din twassal għal konċentrazzjoni ta' setgħat ta' emerġenza f'idejn l-eżekuttiv li ma tistax titqies bħala sinjal inkoraġġanti, b'mod partikolari fin-nuqqas ta' kwalunkwe kjarifika fil-memorandum ta' spjegazzjoni għall-proporzjon jew in-neċessità ta' tali modifika;

S.  billi fit-12 ta' Frar 2021, il-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa nnota sitwazzjoni ġeneralment negattiva f'termini ta' awtogovernanza lokali u reġjonali fl-Ungerija, minħabba nuqqas ġenerali ta' konformità mal-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali u esprima tħassib dwar tendenza ċara lejn ir-riċentralizzazzjoni, in-nuqqas ta' konsultazzjoni effettiva u l-interferenza sinifikanti mill-istat fil-funzjonijiet muniċipali; billi l-kungress enfasizza wkoll ċerti nuqqasijiet fis-sitwazzjoni ta' awtogovernanza lokali fil-pajjiż, bħan-nuqqas ta' riżorsi finanzjarji disponibbli għall-awtoritajiet lokali u n-nuqqas ta' kapaċità tagħhom li jirreklutaw persunal ta' kwalità għolja;

T.  billi l-bidliet li saru fil-liġi elettorali matul is-snin permezz tat-tfassil mill-ġdid tal-kostitwenzi u l-kumpens għar-rebbieħa qed ikunu ta' żvantaġġ għall-partiti tal-oppożizzjoni; billi fl-opinjoni konġunta tagħhom tat-18 ta' Ottubru 2021 dwar l-emendi tal-2020 għal-leġiżlazzjoni elettorali fl-Ungerija, il-Kummissjoni ta' Venezja u l-OSKE Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) saħqu li l-ħeffa fl-adozzjoni u n-nuqqas ta' konsultazzjonijiet pubbliċi sinifikanti kienu partikolarment inkwetanti fil-każ tal-leġiżlazzjoni elettorali, li m'għandhiex titqies bħala strument politiku; billi l-Kummissjoni ta' Venezja u l-OSKE ODIHR għamlu wkoll ir-rakkomandazzjoni ewlenija biex jiġu emendati t-Taqsima 3 u t-Taqsima 68 tal-Att CLXVII tal-2020 dwar l-Emenda ta' Ċerti Atti relatati mal-Elezzjonijiet, billi jitnaqqas b'mod sinifikanti l-għadd ta' kostitwenzi b'membru wieħed u l-għadd ta' pajjiżi li fihom kull partit jeħtieġ li jinnomina kandidati fl-istess waqt sabiex ikun jista' jmexxi lista nazzjonali ta' kandidati, kif ukoll għadd ta' rakkomandazzjonijiet ulterjuri;

U.  billi l-elezzjonijiet demokratiċi organizzati b'kondizzjonijiet ekwivalenti huma ta' importanza kbira għan-natura demokratika tas-soċjetajiet tagħna; billi bi tweġiba għat-tħassib dwar l-ekwità tal-elezzjonijiet u l-appelli mis-soċjetà ċivili, l-OSKE ddeċidiet li tibgħat missjoni ta' osservazzjoni elettorali internazzjonali fuq skala sħiħa għall-elezzjonijiet ġenerali u r-referendum li saru fit-3 ta' April 2022, li hija okkorrenza rari għal Stati Membri tal-UE; billi fid-dikjarazzjoni tas-sejbiet u l-konklużjonijiet preliminari ppubblikata fl-4 ta' April 2022, il-missjoni internazzjonali ta' osservazzjoni elettorali tal-OSKE sabet li l-elezzjonijiet u r-referendum kienu amministrati tajjeb u ġestiti b'mod professjonali iżda mxekkla min-nuqqas ta' kondizzjonijiet ekwivalenti; billi l-kontestanti, fil-parti l-kbira, setgħu jagħmlu kampanja libera iżda, filwaqt li l-kampanja kienet kompetittiva kienet ukoll negattiva ħafna fit-ton u kkaratterizzata minn sovrapożizzjoni mifruxa bejn il-koalizzjoni fil-gvern u l-Gvern, filwaqt li n-nuqqas ta' trasparenza u sorveljanza insuffiċjenti tal-finanzi tal-kampanja kienet ta' benefiċċju ulterjuri għall-koalizzjoni fil-gvern; billi l-mod li bih ħafna tilwimiet elettorali ġew ittrattati mill-kummissjonijiet elettorali u l-qrati ma kienx jipprovdi rimedju legali effettiv; billi fir-rapport finali tagħha ppubblikat fid-29 ta' Lulju 2022, il-missjoni internazzjonali ta' osservazzjoni elettorali tal-OSKE indikat li ħafna rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-ODIHR għadhom fil-biċċa l-kbira mhux indirizzati, inkluż dwar id-drittijiet tal-vot, il-prevenzjoni tal-użu ħażin tar-riżorsi amministrattivi u ċ-ċajpir tal-funzjonijiet tal-istat u tal-partit, il-libertà tal-media, il-finanzjament tal-kampanji, u l-osservazzjoni taċ-ċittadini; billi għall-kuntrarju ta' prattika internazzjonali tajba, il-leġiżlazzjoni Ungeriża tippermetti devjazzjonijiet sa 20 % mill-għadd medju ta' votanti għal kull kostitwenza b'mandat uniku, u għall-kuntrarju tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-Parlament Ungeriż ma rrevediex il-limiti tal-kostitwenzi li qabżu l-limitu ta' devjazzjoni stabbilit wara l-elezzjonijiet tal-2018; billi d-distribuzzjoni inugwali tal-votanti fost il-kostitwenzi, b'devjazzjonijiet mill-medja sa 33 %, tikkontesta l-prinċipju tal-ugwaljanza tal-votazzjoni;

V.  billi fl-24 ta' Mejju 2022, il-Parlament Ungeriż adotta l-10 Emenda għal-Liġi Fundamentali biex jippermetti lill-Gvern jiddikjara stat ta' periklu f'każ ta' kunflitt armat, gwerra jew diżastru umanitarju f'pajjiż ġar; billi emenda wkoll l-Att dwar il-Ġestjoni tad-Diżastri, li jippermetti lill-Gvern jieħu preċedenza fuq l-atti tal-Parlament permezz ta' digrieti ta' emerġenza fi kwalunkwe żona matul stat ta' periklu ddikjarat minħabba kunflitt armat, gwerra jew diżastru umanitarju f'pajjiż ġar, bil-potenzjal li jissospendi jew jirrestrinġi l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali lil hinn minn dak permess f'ċirkostanzi ordinarji; billi fit-8 ta' Ġunju 2022, il-Parlament Ungeriż adotta l-Att VI tal-2022 dwar l-Eliminazzjoni tal-Konsegwenzi fl-Ungerija ta' Kunflitt Armat u Diżastru Umanitarju f'Pajjiż Ġar, li daħal fis-seħħ fl-istess jum; billi dan l-att jawtorizza lill-Gvern biex jestendi l-effett ta' digrieti tal-Gvern ta' emerġenza sakemm l-istat ta' periklu jkun intemm mill-Gvern;

W.  billi l-Liġi Fundamentali ġiet emendata 10 darbiet mill-adozzjoni tagħha; billi l-atti kardinali jkopru 35 suġġett u issa jammontaw għal aktar minn 300 biċċa leġiżlazzjoni li ġew adottati mill-2011, ħafna drabi mingħajr konsultazzjoni pubblika anke jekk id-drittijiet fundamentali ġew affettwati;

X.  billi f'dikjarazzjoni konġunta maħruġa fl-2013, il-presidenti tal-Qrati Kostituzzjonali Ungeriżi u Rumeni enfasizzaw ir-responsabbiltà speċjali tal-qrati kostituzzjonali f'pajjiżi rregolati b'maġġoranza ta' żewġ terzi; billi r-Raba' Emenda għal-Liġi Fundamentali stipulat li d-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi Fundamentali kellhom jitħassru; billi l-Qorti Kostituzzjonali qiegħda tiddependi dejjem aktar fuq il-kunċett tal-identità kostituzzjonali fid-deċiżjonijiet tagħha; billi fil-ġurisprudenza, il-kunċett ta' identità kostituzzjonali huwa ddeterminat fuq bażi ta' każ b'każ filwaqt li jieħu preċedenza fuq il-Liġi Fundamentali; billi l-Gvern Ungeriż qed ifittex dejjem aktar rikors għall-Qorti Kostituzzjonali biex jevita li jkollu jinforza s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (QĠUE); billi fit-18 ta' Mejju 2022, il-Qorti Kostituzzjonali mblukkat ir-referenda dwar il-pjanijiet tal-Gvern li jibni kampus f'Budapest għall-Università ta' Fudan u li jestendi l-benefiċċji tal-qgħad għal massimu ta' disa' xhur mill-perjodu attwali ta' tliet xhur;

Y.  billi qed jiżdied il-qbil fost l-esperti li l-Ungerija m'għadhiex demokrazija; billi skont l-Indiċi tad-Demokrazija V-Dem tal-2019 tal-Università ta' Gothenburg, l-Ungerija saret l-ewwel Stat Membru awtoritarju tal-UE; billi l-Ungerija ġiet identifikata bħala "reġim ibridu", inkwantu tilfet l-istatus ta' "demokrazija semikonsolidata" fir-rapport Nations in Transit 2020 ta' Freedom House; billi l-Ungerija hija meqjusa "demokrazija difettuża" u kklassifikat fis-56 minn 167 pajjiż (pożizzjoni waħda inqas mill-2020) fl-Indiċi tad-Demokrazija 2022 tal-Economist Intelligence Unit; billi skont l-Indiċi tad-Demokrazija V-Dem tal-2022, mill-Istati Membri tal-UE, l-Ungerija ilha waħda mill-akbar awtokratizzaturi fid-dinja għal dawn l-aħħar għaxar snin;

L-indipendenza tal-ġudikatura u ta' istituzzjonijiet oħra u d-drittijiet tal-imħallfin

Z.  billi fit-13 ta' Lulju 2022, fil-kapitolu tal-pajjiż dwar l-Ungerija tar-Rapport tal-2022 dwar l-Istat tad-Dritt, il-Kummissjoni indikat li, fir-rigward tal-indipendenza ġudizzjarja, it-tħassib espress fil-kuntest tal-proċedura tal-Artikolu 7(1) tat-TUE mibdija mill-Parlament Ewropew, kif ukoll f'Rapporti preċedenti dwar l-Istat tad-Dritt, għadu ma ġiex indirizzat, kif kien il-każ għar-rakkomandazzjoni rilevanti li saret fl-ambitu tas-Semestru Ewropew; billi dan it-tħassib huwa relatat b'mod partikolari mal-isfidi ffaċċjati mill-Kunsill Ġudizzjarju Nazzjonali (NJC) indipendenti fil-kontrobilanċ tas-setgħat tal-President tal-Uffiċċju Nazzjonali għall-Ġudikatura (NOJ), ir-regoli dwar l-elezzjoni tal-President tal-Qorti Suprema (Kúria), u l-possibbiltà ta' deċiżjonijiet diskrezzjonali fir-rigward tal-ħatriet u l-promozzjonijiet ġudizzjarji, l-allokazzjoni tal-kawżi u l-bonusijiet lill-imħallfin u lill-eżekuttivi tal-qorti; billi fir-rigward tal-effiċjenza u l-kwalità, is-sistema ġudizzjarja għandha prestazzjoni tajba f'termini tat-tul tal-proċedimenti u għandha livell ġeneralment għoli ta' diġitalizzazzjoni, u billi s-salarji tal-imħallfin u l-prosekuturi qed ikomplu jiżdiedu gradwalment; billi fis-26 ta' Awwissu 2022, diversi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili talbu li l-Ministru tal-Ġustizzja tindirizza l-problemi tal-ġudikatura Ungeriża wara li wettqu konsultazzjonijiet wiesgħa mal-pubbliku ġenerali u mal-esperti, inklużi organi awtogovernattivi u rappreżentattivi tal-ġudikatura u tal-Kummissjoni ta' Venezja;

AA.  billi fis-sentenza tagħha tat-23 ta' Novembru 2021 fil-Kawża C-564/19 IS "Illégalité de l'ordonnance de renvoi", il-QĠUE tat is-sentenza li l-Artikolu 267 tat-TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-qorti suprema ta' Stat Membru milli tiddikjara li talba għal deċiżjoni preliminari minn qorti inferjuri hija illegali minħabba li d-domandi preliminari ma jkunux rilevanti u neċessarji għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali; billi l-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-UE jirrikjedi lill-qorti inferjuri tinjora tali deċiżjoni tal-qorti suprema nazzjonali; billi l-Artikolu 267 tat-TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li proċedimenti dixxiplinari jitressqu kontra mħallef nazzjonali għar-raġuni li jkun għamel rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-QĠUE skont dik id-dispożizzjoni;

AB.  billi f'dikjarazzjoni maħruġa fl-14 ta' Diċembru 2018, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa talbet lill-President tal-Ungerija biex jirritorna lill-Parlament Ungeriż il-pakkett leġiżlattiv dwar il-qrati amministrattivi; billi fl-opinjoni tagħha tad-19 ta' Marzu 2019 dwar il-Liġi dwar il-Qrati Amministrattivi u l-Liġi dwar id-Dħul fis-Seħħ tal-Liġi dwar il-Qrati Amministrattivi u Ċerti Regoli Tranżizzjonali, il-Kummissjoni ta' Venezja ddikjarat li l-iżvantaġġ ewlieni tal-mudell organizzattiv u amministrattiv adottat għall-qrati amministrattivi huwa li setgħat estensivi ħafna jinsabu kkonċentrati f'idejn ftit partijiet ikkonċernati u ma hemm ebda sistemi ta' kontrokontrolli effettivi biex jikkontrobattu dawn is-setgħat;

AC.  billi fir-rapport tagħha tal-21 ta' Mejju 2019, wara ż-żjara fl-Ungerija mill-4 sat-8 ta' Frar 2019, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa nnotat li serje ta' riformi fil-ġudikatura tal-Ungerija matul is-snin tal-2010 kienu qajmu tħassib dwar l-effetti tagħhom fuq l-indipendenza tal-ġudikatura u, li fis-sistema tal-qrati ordinarji, kien tqajjem tħassib dwar l-effettività tas-superviżjoni eżerċitata mill-NJC fuq il-President tal-NOJ wara l-anomaliji reċenti osservati fir-relazzjoni bejn dawk l-istituzzjonijiet ġudizzjarji b'referenza għall-proċeduri ta' ħatra; billi, filwaqt li laqa' l-emendi reċenti li saru fil-leġiżlazzjoni oriġinali dwar il-qrati amministrattivi b'reazzjoni għall-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja, il-Kummissarju ma kinitx persważa li l-emendi kienu biżżejjed biex jindirizzaw it-tħassib serju identifikat mill-Kummissjoni ta' Venezja;

AD.  billi fl-2019, il-Parlament Ungeriż iddeċieda li jipposponi d-dħul fis-seħħ tal-pakkett leġiżlattiv dwar il-qrati amministrattivi u l-Gvern iddikjara li kien abbanduna l-idea li jintroduċi qrati amministrattivi separati; billi diversi elementi importanti tal-pakkett ġew introdotti permezz ta' serje ta' emendi leġiżlattivi adottati bejn l-2019 u l-2021;

AE.  billi f'dikjarazzjoni maħruġa fit-28 ta' Novembru 2019, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa ħeġġet lill-Parlament Ungeriż jimmodifika liġi li taffettwa l-indipendenza tal-ġudikatura; billi l-Kummissarju qieset li d-dispożizzjonijiet li jiftħu l-possibbiltà biex l-awtoritajiet amministrattivi jintroduċu lmenti kostituzzjonali wara deċiżjonijiet sfavorevoli mill-qrati ordinarji qajmu tħassib dwar li jinżammu garanziji għal proċessi ġusti għall-ilmentatur individwali u, flimkien mal-bidliet proposti dwar il-kwalifiki u l-ħatriet tal-imħallfin u l-uniformità tal-ġurisprudenza, il-miżuri leġiżlattivi jirriskjaw ukoll li jnaqqsu l-indipendenza tal-imħallfin individwali fid-dmirijiet ewlenin tagħhom u li joħolqu ġerarkiji eċċessivi fis-sistema ġudizzjarja;

AF.  billi fl-opinjoni tagħha tas-16 ta' Ottubru 2021 dwar l-emendi għall-Att dwar l-Organizzazzjoni u l-Amministrazzjoni tal-Qrati u l-Att dwar l-Istatus Legali u r-Remunerazzjoni tal-Imħallfin adottati mill-Parlament Ungeriż f'Diċembru 2020, il-Kummissjoni ta' Venezja tenniet ir-rakkomandazzjonijiet dwar ir-rwol tal-President tal-NOJ espressi fl-opinjoni tagħha tal-2012 li ma ġewx indirizzati; billi l-Kummissjoni ta' Venezja rrakkomandat ukoll l-istabbiliment ta' kundizzjonijiet ċari, trasparenti u prevedibbli għall-imħallfin issekondati biex jiġu assenjati f'pożizzjoni ogħla wara l-perjodu ta' sekondar; billi l-Kummissjoni ta' Venezja għamlet diversi rakkomandazzjonijiet relatati mal-allokazzjoni tal-kawżi, mas-setgħa tal-President tal-Kúria li jżid il-membri tal-panels aġġudikanti, mad-deċiżjonijiet dwar l-uniformità u mal-kompożizzjoni tal-kmamar fil-proċedura tal-ilmenti dwar l-uniformità; billi l-Kummissjoni ta' Venezja osservat ukoll li r-reġim tal-ħatra tal-President tal-Kúria introdott bl-emendi tal-2019 jista' joħloq riskji serji ta' politiċizzazzjoni u jkollu konsegwenzi importanti għall-indipendenza tal-ġudikatura, jew il-perċezzjoni tagħha mill-pubbliku, meta jitqies ir-rwol kruċjali ta' din il-pożizzjoni fis-sistema ġudizzjarja;

AG.  billi fit-tieni rapport interim ta' konformità tiegħu adottat fil-25 ta' Settembru 2020, il-GRECO nnota li ma ġie rrappurtat ebda progress ulterjuri fir-rigward tal-imħallfin u t-tliet rakkomandazzjonijiet mhux implimentati li fadal, u li s-sejbiet tiegħu stess dwar is-setgħat tal-President tal-NOJ (kemm fir-rigward tal-proċess tal-ħatra jew il-promozzjoni ta' kandidati għal pożizzjonijiet ġudizzjarji kif ukoll il-proċess ta' assenjazzjoni mill-ġdid tal-imħallfin) baqgħu ta' sinifikat speċjali; billi fir-rigward tal-prosekuturi, il-GRECO laqa' d-dħul fis-seħħ tal-emendi leġiżlattivi li jagħmlu l-involviment ta' kummissarju dixxiplinari obbligatorju fi proċedimenti dixxiplinari, iżda ma setax jikkorrobora jekk kienx hemm konformità mar-rakkomandazzjoni 17 tiegħu (proċedimenti dixxiplinari fir-rigward tal-prosekuturi); billi ma nkiseb ebda progress fir-rigward tal-estensjoni tal-mandat tal-Prosekutur Ġenerali, tal-immunità vasta li jgawdu l-prosekuturi u tal-iżvilupp ta' kriterji li jiggwidaw it-tneħħija ta' każijiet mingħand prosekuturi subordinati;

AH.  billi fil-komunikazzjoni tiegħu mal-Gvern tal-Ungerija fil-15 ta' April 2021, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati wera l-fehma li l-ħatra tal-President tal-Kúria tista' titqies bħala attakk fuq l-indipendenza tal-ġudikatura u tentattiv biex il-ġudikatura tiġi sottomessa għar-rieda tal-fergħa leġiżlattiva, bi ksur tal-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat; billi r-Rapporteur Speċjali enfasizza wkoll il-fatt partikolarment inkwetanti li l-President tal-Kúria ġie elett minkejja l-oġġezzjoni ċara tal-NJC, u indika li d-deċiżjoni li tiġi injorata l-opinjoni negattiva espressa mill-NJC tista' tiġi interpretata bħala dikjarazzjoni politika mill-maġġoranza fil-Gvern; billi skont ir-Rapporteur Speċjali, l-effett ewlieni - jekk mhux l-għan ewlieni - tar-riformi tas-sistema ġudizzjarja kien li jfixkel il-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja, li huwa protett mill-kostituzzjoni, u li jippermetti lill-fergħat leġiżlattivi u eżekuttivi jinterferixxu fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja;

AI.  billi fid-deċiżjoni tiegħu tat-2 ta' Diċembru 2021 dwar is-superviżjoni msaħħa pendenti tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) f'Gazsó Group vs L-Ungerija, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fakkar li l-grupp ta' kawżi inkwistjoni kien jikkonċerna l-problema strutturali tat-tul eċċessiv tal-proċedimenti ċivili, kriminali u amministrattivi u n-nuqqas ta' rimedji domestiċi effettivi; billi l-Kumitat tal-Ministri nnota b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-abbozz ta' liġi li jintroduċi rimedju kumpensatorju għal proċedimenti ċivili eċċessivament twal, iżda appella bil-qawwa lill-awtoritajiet biex jiżguraw li dan ikun konformi mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; billi fid-dawl tal-importanza tal-kwistjoni, in-natura teknika tagħha u t-tmiem tal-iskadenza stabbilita mill-QEDB fis-sentenza pilota tagħha għas-16 ta' Ottubru 2016, il-Kumitat tal-Ministri ħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet biex jesploraw kwalunkwe possibbiltà biex iħaffu l-ippjanar tagħhom;

AJ.  billi fid-9 ta' Marzu 2022, fir-riżoluzzjoni interim tiegħu dwar is-superviżjoni msaħħa pendenti tal-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-QEDB f'Baka vs L-Ungerija, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa ħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet biex iżidu l-isforzi tagħhom biex isibu modi, f'kooperazzjoni mill-qrib mas-Segretarjat tal-Kumitat tal-Ministri, biex jintroduċu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li deċiżjoni mill-Parlament Ungeriż għad-denunzja tal-President tal-Kúria tkun soġġetta għal sorveljanza effettiva minn korp ġudizzjarju indipendenti skont il-każistika tal-QEDB; billi l-Kumitat tal-Ministri fakkar ukoll, għal darb'oħra, l-impenn tal-awtoritajiet li jevalwaw il-leġiżlazzjoni domestika dwar l-istatus tal-imħallfin u l-amministrazzjoni tal-qrati, u ħeġġiġhom jippreżentaw il-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni tagħhom, inklużi l-garanziji u s-salvagwardji li jipproteġu lill-imħallfin minn interferenzi indebiti, sabiex il-Kumitat tal-Ministri jkun jista' jagħmel valutazzjoni sħiħa dwar jekk it-tħassib rigward l-"effett dissważiv" fuq il-libertà tal-espressjoni tal-imħallfin ikkawżat mill-ksur f'dawn il-każijiet kienx tneħħa;

AK.  billi l-Ungerija kklassifikat fid-69 post minn 139 pajjiż fl-Indiċi tal-Istat tad-Dritt tal-2021 tal-World Justice Project (tnaqqis ta' żewġ postijiet meta mqabbel mas-sena preċedenti) u tokkupa l-aħħar post (31 minn 31) fir-reġjun tal-UE, l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles u l-Amerka ta' Fuq;

Il-korruzzjoni u l-kunflitti ta' interess

AL.  billi fit-13 ta' Lulju 2022, fil-kapitolu tal-pajjiż dwar l-Ungerija tar-Rapport tal-2022 dwar l-Istat tad-Dritt, il-Kummissjoni indikat li l-implimentazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-miżuri skont l-istrateġija kontra l-korruzzjoni 2020-2022 ġiet posposta u li ma tħabbret l-ebda strateġija ġdida, u li għad hemm nuqqasijiet fir-rigward tal-lobbjar u r-"revolving doors"; kif ukoll tal-finanzjament tal-partiti politiċi u tal-kampanji; billi l-mekkaniżmi ta' kontroll indipendenti għadhom insuffiċjenti biex jidentifikaw il-korruzzjoni u għad hemm tħassib dwar in-nuqqas ta' kontrolli sistematiċi u s-sorveljanza insuffiċjenti tad-dikjarazzjonijiet tal-assi u tal-interessi kif ukoll in-nuqqas ta' regoli dwar il-kunflitt ta' interess għat-trusts ta' interess pubbliku; billi n-nuqqas ta' rekord robust ta' investigazzjonijiet ta' allegazzjonijiet ta' korruzzjoni li jikkonċernaw uffiċjali ta' livell għoli u ċ-ċirku immedjat tagħhom jibqa' ta' tħassib serju, għalkemm infetħu xi każijiet ġodda ta' korruzzjoni ta' livell għoli; billi n-nuqqas ta' rieżami ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet li l-korruzzjoni ma tiġix investigata u mħarrka għadu kawża ta' tħassib, b'mod partikolari f'ambjent fejn ir-riskji ta' klijenteliżmu, favoritiżmu u nepotiżmu fl-amministrazzjoni pubblika ta' livell għoli għadhom ma ġewx indirizzati; ;

AM.  billi fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub lill-Kummissarju Hahn għas-seduta ta' smigħ tal-11 ta' Novembru 2019 dwar il-kwittanza tal-2018 lill-Kummissjoni, il-Kummissjoni indikat li, għall-perjodu 2014-2020, ġew aċċettati u implimentati korrezzjonijiet finanzjarji b'rata fissa fl-Ungerija wara awditu orizzontali tal-akkwist pubbliku fejn ġew identifikati nuqqasijiet serji fil-funzjonament tas-sistema ta' ġestjoni u kontroll fir-rigward tal-kontroll tal-proċeduri ta' akkwist pubbliku;

AN.  billi fir-rakkomandazzjoni tiegħu tat-12 ta' Lulju 2022 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Ungerija għall-2022 u hi u tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-2022 tal-Ungerija, il-Kunsill irrakkomanda li l-Ungerija għandha tieħu azzjoni biex issaħħaħ il-qafas kontra l-korruzzjoni, inkluż billi ttejjeb l-isforzi tal-prosekuzzjoni u l-aċċess għall-informazzjoni pubblika, u ssaħħaħ l-indipendenza ġudizzjarja, kif ukoll biex ittejjeb il-kwalità u t-trasparenza tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet permezz ta' djalogu soċjali effettiv, involviment ma' partijiet ikkonċernati oħra u valutazzjonijiet tal-impatt regolari, u biex ittejjeb il-kompetizzjoni fl-akkwist pubbliku;

AO.  billi fl-10 ta' Ġunju 2021, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi ddikjara fir-Rapport ta' Attività tiegħu tal-2020 li kien irrakkomanda li l-Kummissjoni tirkupra 2,2 % tal-pagamenti li saru permezz tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali għall-perjodu 2016-2020; billi dan huwa l-ogħla perċentwal ta' pagamenti li għandhom jiġu rkuprati fost l-Istati Membri kollha u huwa ferm ogħla mill-medja ta' 0,29 %; billi twettqet frodi kontra l-fondi għall-iżvilupp tal-UE allokati lill-Ungerija; billi flimkien ma' livell għoli ta' korruzzjoni, kien hemm żieda fl-inugwaljanza soċjali u fil-faqar, li mhux biss iwassal għal nuqqas kbir ta' sigurtà fost il-popolazzjoni iżda jikkostitwixxi wkoll ksur tad-drittijiet fundamentali;

AP.  billi f'Novembru 2021 il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-Ungerija fejn issottolinjat il-problemi relatati mal-indipendenza tal-ġudikatura, il-prosekuzzjoni ineffettiva tal-korruzzjoni u n-nuqqasijiet fl-akkwist pubbliku li jistgħu jkunu ta' riskju għall-interessi finanzjarji tal-UE; billi fl-ittra tagħha, il-Kummissjoni ddeskriviet problemi sistemiċi u nuqqas ta' obbligu ta' rendikont għall-korruzzjoni billi ressqet 16-il mistoqsija speċifika lill-awtoritajiet Ungeriżi dwar kwistjonijiet bħall-kunflitti ta' interess, il-benefiċjarji tal-finanzjament tal-UE, u garanziji ta' rieżami ġudizzjarju minn qrati indipendenti; billi minkejja dan it-tħassib, il-Kummissjoni dewmet l-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt(10) sa April 2022;

AQ.  billi fil-5 ta' April 2022, il-President tal-Kummissjoni ħabbret li l-Kummissarju għall-Baġit u l-Amministrazzjoni Johannes Hahn kien informa lill-awtoritajiet Ungeriżi dwar il-pjanijiet tal-Kummissjoni li tkompli għall-pass li jmiss u tiskatta formalment ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt, prinċipalment fuq tħassib dwar il-korruzzjoni; billi l-Kummissjoni finalment bdiet il-proċedura formali kontra l-Ungerija skont ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt billi ħarġet notifika bil-miktub fis-27 ta' April 2022; billi fl-20 ta' Lulju 2022, il-Kummissjoni ddeċidiet li tinforma lill-Ungerija bl-intenzjoni tagħha li tagħmel proposta għal deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill u tagħtiha l-opportunità li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha;

AR.  billi fis-6 ta' April 2022, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat avviż formali addizzjonali lill-Ungerija biex tiżgura t-traspożizzjoni korretta tad-Direttiva 2014/24/UE dwar l-akkwist pubbliku(11), id-Direttiva 2014/23/UE dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni(12) u d-Direttiva 2014/25/UE dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali(13); billi, skont il-Kummissjoni, il-liġi Ungeriża tippermetti applikazzjoni aktar estensiva ta' eċċezzjonijiet fir-rigward ta' raġunijiet ta' sigurtà u għal kuntratti ssussidjati permezz ta' benefiċċji fiskali, u dawn l-eċċezzjonijiet iwasslu għal esklużjoni usa' tal-kuntratti mill-obbligi skont id-dritt tal-UE; billi, barra minn hekk, il-Kummissjoni temmen li l-bidliet fil-liġi Ungeriża dwar il-minjieri, li jipprevedu l-possibbiltà li jingħataw konċessjonijiet ta' estrazzjoni mingħajr proċeduri trasparenti ta' sejħiet għall-offerti, imorru kontra l-prinċipju tat-trasparenza;

AS.  billi fid-19 ta' Mejju 2022, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija rigward it-traspożizzjoni inkorretta tad-Direttiva (UE) 2017/1371 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali(14);

AT.  billi fit-tieni rapport interim tiegħu dwar il-konformità adottat fil-25 ta' Settembru 2020, il-GRECO nnota li l-Ungerija kienet għadha implimentat jew ittrattat b'mod sodisfaċenti ħamsa biss mit-18-il rakkomandazzjoni fir-Raba' Rapport ta' Evalwazzjoni tar-Raba' Ċiklu u kkonkluda li l-livell ġeneralment baxx ta' konformità mar-rakkomandazzjonijiet baqa' "globalment mhux sodisfaċenti";

AU.  billi l-Ungerija ddeċidiet li ma tipparteċipax f'kooperazzjoni msaħħa għall-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jew li tieħu sehem f'kooperazzjoni msaħħa fost il-prosekuturi tal-UE;

AV.  billi fir-rieżami tekniku tiegħu tar-rapport dwar l-istat ta' konservazzjoni għall-komponent Ungeriż tal-proprjetà transkonfinali tal-Wirt Dinji "Fertö/Neusiedlersee Cultural Landscape" kkompilat f'Mejju 2021, il-Kunsill Internazzjonali tal-UNESCO dwar il-Monumenti u s-Siti kkonkluda li l-proġett Sopron Fertö Lake Resort, fid-daqs u l-forma ppreżentati tiegħu, ikun ta' ħsara għall-awtentiċità u l-integrità tal-proprjetà tal-Patrimonju Dinji transkonfinali;

AW.  billi l-Ungerija kklassifikat fit-73 post mill-180 pajjiż u territorju koperti mill-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni tal-2021 ta' Transparency International (tnaqqis ta' post wieħed meta mqabbel mas-sena preċedenti) u l-klassifikazzjoni tagħha ilha nieżla b'mod kostanti mill-2012 'l hawn;

Privatezza u protezzjoni tad-data

AX.  billi fir-rapport tal-missjoni wara d-delegazzjoni ad hoc tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern f'Budapest mid-29 ta' Settembru sal-1 ta' Ottubru 2021, tqajjem tħassib dwar in-nuqqas ta' salvagwardji fir-rigward tas-sorveljanza fil-leġiżlazzjoni attwali, mingħajr kontrolli u bilanċi u rimedji reali; billi tqajjem tħassib ukoll dwar l-allegat użu tas-software ta' spjunaġġ Pegasus tal-NSO Group u żieda fis-sorveljanza min-naħa tal-istat fil-konfront ta' attivisti, ġurnalisti, avukati u politiċi;

AY.  billi f'Lulju 2021, b'informazzjoni miksuba permezz ta' bażi tad-data żvelata, il-portal investigattiv Direkt36 żvela li madwar 300 ċittadin Ungeriż, inklużi ġurnalisti indipendenti, sidien tal-media, avukati, politiċi, negozjanti li jikkritikaw il-Gvern u eks uffiċjali tal-istat, kienu fil-mira tas-software ta' spjunaġġ Pegasus mingħajr l-għarfien tagħhom bejn l-2018 u l-2021; billi fir-rimarki preliminari tiegħu dwar is-software ta' spjunaġġ modern ippubblikati fil-15 ta' Frar 2022, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data kkonkluda li l-użu mifrux ta' software ta' spjunaġġ avvanzat ħafna bħal Pegasus għandu l-potenzjal li jikkawża riskji u danni bla preċedent mhux biss għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali iżda anke għad-demokrazija u l-istat tad-dritt, elenka serje ta' passi u miżuri bħala garanzija kontra l-użu illegali ta' software ta' spjunaġġ, u ddikjara li projbizzjoni fuq l-iżvilupp u l-użu ta' software ta' spjunaġġ bil-kapaċità ta' Pegasus fl-UE tkun l-aktar għażla effettiva biex jitħarsu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali; billi l-media favur il-Gvern fl-Ungerija bilkemm qatt irrappurtat dwar Pegasus;

AZ.  billi fid-deċiżjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2022 dwar is-superviżjoni msaħħa pendenti tal-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-QEDB f'Szabó u Vissy vs L-Ungerija, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fakkar li l-każ inkwistjoni kien jikkonċerna l-ksur tad-dritt tal-applikanti għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħhom u għall-korrispondenza tagħhom minħabba l-leġiżlazzjoni Ungeriża dwar miżuri ta' sorveljanza sigrieta relatati mas-sigurtà nazzjonali, li ma kellhomx salvagwardji preċiżi, effettivi u komprensivi biżżejjed dwar l-ordni, l-eżekuzzjoni u r-rimedju potenzjali ta' dawk il-miżuri; billi l-Kumitat tal-Ministri enfasizza wkoll li s-sorveljanza sigrieta għandha titqies bħala att intrużiv ħafna li potenzjalment jinterferixxi mad-drittijiet għal-libertà tal-espressjoni u l-privatezza u jhedded il-pedamenti ta' soċjetà demokratika, filwaqt li jfakkar li bi tweġiba għas-sentenza tal-QEDB, l-awtoritajiet ħabbru fl-2017 il-ħtieġa għal riforma leġiżlattiva; billi l-Kumitat tal-Ministri nnota bi tħassib serju li l-proċess leġiżlattiv kien għadu fi stadju preliminari u li l-awtoritajiet ma kienu ppreżentaw l-ebda żvilupp rilevanti ieħor, u għalhekk talab bil-qawwa lill-awtoritajiet biex jadottaw b'mod urġenti l-miżuri meħtieġa biex il-leġiżlazzjoni domestika ssir kompletament konformi mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, jistabbilixxu skeda ta' żmien għall-proċess leġiżlattiv u jippreżentaw abbozz ta' proposta leġiżlattiva lill-Kumitat;

Il-libertà tal-espressjoni, inkluż il-pluraliżmu tal-media

BA.  billi fit-13 ta' Lulju 2022, fil-kapitolu tal-pajjiż dwar l-Ungerija tar-Rapport tal-2022 dwar l-Istat tad-Dritt, il-Kummissjoni indikat li l-indipendenza funzjonali u l-effettività tal-Awtorità tal-Media jeħtieġ li jissaħħu, u li d-direzzjoni kontinwa ta' ammonti sinifikanti ta' reklamar mill-Istat lill-media favur il-Gvern toħloq kundizzjonijiet mhux ekwi fix-xenarju tal-media; billi l-media tas-servizz pubbliku topera f'sistema istituzzjonali kumplessa, fost tħassib dwar l-indipendenza editorjali u finanzjarja tagħha, u l-professjonisti tal-media jkomplu jiffaċċjaw sfidi fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom, inkluża s-sorveljanza tal-ġurnalisti investigattivi; billi l-aċċess għall-informazzjoni pubblika għadu qed jiġi ostakolat taħt stat ta' periklu;

BB.  billi fil-15 ta' Lulju 2022, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill-Ungerija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talli kisret ir-regoli tat-telekomunikazzjoni tal-UE bid-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Media Ungeriż għal raġunijiet dubjużi ħafna li jirrifjuta l-applikazzjoni ta' Klubrádió għall-użu tal-ispettru tar-radju; billi l-Kummissjoni kkonkludiet li r-rifjut tal-Kunsill tal-Media Ungeriż li jġedded id-drittijiet ta' Klubrádió kienu sproporzjonati u mhux trasparenti, u li, f'dan il-każ partikolari, il-liġi nazzjonali Ungeriża dwar il-media kienet ġiet applikata b'mod diskriminatorju, bi ksur tad-Direttiva (UE) 2018/1972 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi(15) u tal-libertà tal-espressjoni;

BC.  billi l-Fondazzjoni tal-Istampa u l-Media tal-Ewropa Ċentrali (KESMA) twaqqfet fil-11 ta' Settembru 2018; billi l-konsolidazzjoni ta' aktar minn 470 organizzazzjoni tal-media taħt il-kappa tal-KESMA kellha impatti f'termini ta' tnaqqis fl-ispazju disponibbli għall-media indipendenti u tal-oppożizzjoni u fil-limitu tal-aċċess ta' ċittadini Ungeriżi għall-informazzjoni; billi l-fondi li ntefqu għall-media pubblika u l-KESMA ntużaw biex isegwu l-propaganda tal-Gvern u biex jiġu skreditati l-Oppożizzjoni u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs); billi l-ambjent tal-media jista' jkun imxekkel favur il-Gvern permezz tal-manipulazzjoni tas-sjieda tal-media, il-ħakma tal-istat ta' regolaturi u ta' stabbilimenti li qabel kienu indipendenti, id-dħul mir-reklamar tal-Gvern u l-għoti ta' liċenzji - metodi replikati f'partijiet oħra fl-Ewropa;

BD.  billi fis-sentenza tagħha tat-8 ta' Ottubru 2019 fil-kawża Szurovecz vs L-Ungerija, il-QEDB ikkonkludiet li kien sar ksur tal-libertà tal-espressjoni bin-nuqqas ta' aċċess tal-media għall-faċilitajiet ta' akkoljenza tal-applikanti għall-ażil; billi s-superviżjoni tal-eżekuzzjoni ta' dik is-sentenza għadha pendenti;

BE.  billi fis-sentenzi tagħha tat-3 ta' Diċembru 2019 fil-kawża Scheiring u Szabó vs L-Ungerija, u fit-2 ta' Diċembru 2021 fil-kawża Szél vs L-Ungerija, il-QEDB ikkonkludiet li kien sar ksur tal-libertà tal-espressjoni fir-rigward tal-wiri ta' strixxuni fil-Parlament Ungeriż; billi s-superviżjoni tal-eżekuzzjoni ta' dawk is-sentenzi għadha pendenti;

BF.  billi fis-sentenza tagħha tal-20 ta' Jannar 2020 fil-kawża Magyar Kétfarkú Kutya Párt vs L-Ungerija, il-QEDB ikkonkludiet li kien sar ksur tal-libertà tal-espressjoni bil-ħruġ ta' penali ta' applikazzjoni mobbli ta' partit politiku li permezz tagħha l-votanti setgħu jieħdu ritratt, itellgħu u jikkummentaw anonimament dwar il-voti invalidi mitfugħa f'referendum dwar l-immigrazzjoni fl-2016; billi s-superviżjoni tal-eżekuzzjoni ta' dik is-sentenza għadha pendenti;

BG.  billi f'dikjarazzjoni maħruġa fit-23 ta' Marzu 2020, ir-Rappreżentant tal-OSKE għal-Libertà tal-Media esprima t-tħassib tiegħu dwar id-dispożizzjonijiet fl-abbozz ta' liġi Ungeriż b'rispons għall-coronavirus, li seta' jkollhom impatt negattiv fuq il-ħidma tar-rappurtaġġ tal-media dwar il-pandemija;

BH.  billi fis-sentenza tagħha tas-26 ta' Mejju 2020 fil-kawża Mándli et al vs L-Ungerija, il-QEDB ikkonkludiet li kien sar ksur tal-libertà tal-espressjoni bis-sospensjoni tal-akkreditament tal-applikanti bħala ġurnalisti fil-Parlament Ungeriż; billi s-superviżjoni tal-eżekuzzjoni ta' dik is-sentenza għadha pendenti;

BI.  billi, fl-24 ta' Lulju 2020, it-tkeċċija tal-kap editur tal-portal tal-aħbarijiet indipendenti ewlieni tal-Ungerija Index.hu wassal għar-riżenja kollettiva ta' aktar minn 70 ġurnalist li pprotestaw kontra l-indħil ċar u l-pressjoni governattiva fuq l-organizzazzjoni tal-media tagħhom;

BJ.  billi skont l-ewwel Snapshot ta' Mapping Media Freedom iffinanzjat mill-Kummissjoni u maħruġ f'Lulju 2020, il-kriżi tal-COVID-19 x'aktarx kellha l-akbar effett fuq il-libertà tal-media fl-Ungerija meta mqabbla mal-pajjiżi Ewropej l-oħra kollha, peress li l-isfidi eżistenti ġew aggravati u tfaċċaw kwistjonijiet ġodda; billi l-leġiżlazzjoni l-ġdida adottata matul l-istat ta' emerġenza fl-Ungerija biex tiġġieled it-tixrid ta' informazzjoni "falza" jew "distorta" kkawżat inċertezza u awtoċensura fost il-mezzi tax-xandir u l-operaturi tal-media;

BK.  billi fil-memorandum tagħha dwar il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-media fl-Ungerija ppubblikat fit-30 ta' Marzu 2021, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa indikat li l-effetti kkombinati ta' awtorità regolatorja tal-media li mhijiex ħielsa minn kontroll politiku u minn intervent sostnut u preġudikat mill-istat fis-suq tal-media dgħajfu l-kundizzjonijiet għall-pluraliżmu tal-media u l-libertà tal-espressjoni fl-Ungerija; billi l-Kummissarju kkonkludiet ukoll li d-dibattitu politiku ħieles u l-iskambju liberu ta' diversi opinjonijiet, li huma l-prerekwiżiti biex is-soċjetajiet demokratiċi jirnexxu, ġew ristretti ħafna, b'mod partikolari barra mill-belt kapitali;

BL.  billi f'dikjarazzjoni wara ż-żjara tagħha fl-Ungerija mill-15 sat-22 ta' Novembru 2021, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni indikat li l-interventi tal-Ungerija fis-settur tal-media matul dawn l-aħħar għaxar snin jistgħu joħolqu riskji għad-drittijiet tal-bniedem fl-elezzjonijiet li ġejjin; billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU kompliet tispeċifika li bl-eżerċitar ta' influwenza fuq il-korpi regolatorji tal-media, l-għoti ta' fondi statali sostanzjali b'appoġġ għall-media li tiffavorixxi l-Gvern, l-iffaċilitar tal-espansjoni u l-iżvilupp tal-media li ssegwi linja editorjali favur il-Gvern, u l-ostraċizzazzjoni tal-organi tal-istampa u l-ġurnalisti li jirrapportaw b'mod kritiku dwar il-Gvern, l-awtoritajiet biddlu s-sura tas-settur tal-media b'mod proattiv u fl-isforzi tagħhom biex joħolqu "bilanċ" dgħajfu d-diversità, il-pluraliżmu u l-indipendenza tal-media;

BM.  billi fl-4 ta' April 2022, fid-dikjarazzjoni tagħha tas-sejbiet u l-konklużjonijiet preliminari wara l-elezzjonijiet parlamentari u r-referendum, il-missjoni internazzjonali ta' osservazzjoni elettorali tal-OSKE qalet li l-preġudizzju u n-nuqqas ta' bilanċ fl-aħbarijiet segwiti flimkien mal-assenza ta' dibattiti bejn il-kontestanti prinċipali llimitaw l-opportunità tal-votanti li jagħmlu għażla infurmata; billi fid-29 ta' Lulju 2022, fir-rapport finali tagħha, il-missjoni internazzjonali ta' osservazzjoni elettorali tal-OSKE enfasizzat li kampanji estensivi ta' reklamar tal-Gvern u kopertura tal-aħbarijiet preġudikata fil-media pubblika u privata pprovdew pjattaforma ta' kampanja mifruxa għall-partit fil-gvern;

BN.  billi fit-8 ta' April 2022, l-Uffiċċju Elettorali Nazzjonali Ungeriż iddikjara illegali l-kampanja nazzjonali tal-NGOs fir-referendum dwar l-aċċess tat-tfal għal informazzjoni dwar l-orjentazzjoni sesswali u kwistjonijiet ta' identità tal-ġeneru - li fiha ħeġġew liċ-ċittadini jitfgħu voti invalidi - kienet illegali, u impona multi fuq 16-il NGO Ungeriża differenti li kienu pparteċipaw fil-kampanja referendarja;

BO.  billi l-Ungerija kklassifikat fil-85 post mill-180 pajjiż u territorju koperti mill-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2022 ta' Reporters Mingħajr Fruntieri u, fl-analiżi għar-reġjun tal-Ewropa u l-Asja Ċentrali, hija elenkata fost il-pajjiżi li intensifikaw liġijiet diġà ħorox kontra l-ġurnalisti;

Il-libertà akkademika

BP.  billi fis-sentenza tagħha tas-6 ta' Ottubru 2020 fil-Kawża C-66/18, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija ("Enseignement supérieur"), il-QĠUE ddeċidiet li bl-adozzjoni tal-miżuri previsti fl-Artikolu 76(1)(a) u (b) tal-Liġi Nru CCIV tal-2011 dwar l-edukazzjoni għolja nazzjonali, kif emendata, l-Ungerija naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 13, 14 (3) u 16 tal-Karta, l-Artikolu 49 tat-TFUE u l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern(16), kif ukoll il-ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ; billi l-Università tal-Ewropa Ċentrali kellha titlaq minn Budapest;

BQ.  billi f'Ottubru 2018 il-Gvern Ungeriż iddeċieda li jwaqqa' l-istudji dwar il-ġeneru minn lista ta' programmi ta' lawrja ta' Masters eliġibbli għall-akkreditazzjoni u l-finanzjament pubbliku;

BR.  billi fit-2 ta' Lulju 2019 il-Parlament Ungeriż adotta emendi għal għadd ta' liġijiet dwar is-sistema istituzzjonali u l-finanzjament tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, u b'hekk neħħa l-awtonomija tal-Akkademja tax-Xjenzi; billi fil-31 ta' Awwissu 2020 il-maniġment prestiġjuż tal-Università tat-Teatru u l-Arti tal-Films (SZFE) irriżenja bi protesta dwar l-impożizzjoni ta' bord maħtur mill-Gvern; billi l-Ministeru tat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni ħatar ħames membri fil-bord tal-amministrazzjoni l-ġdid, u rrifjuta l-membri proposti mis-senat tal-università; billi żewġ terzi mit-33 fondazzjoni għall-amministrazzjoni ta' assi ta' interess pubbliku li jwettqu dmirijiet pubbliċi li nħolqu sa tmiem l-2021 se jkunu qed jamministraw istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li qabel kienu mmexxija mill-Istat;

BS.  billi fl-opinjoni tagħha tat-2 ta' Lulju 2021 dwar l-emendi kostituzzjonali adottati mill-Parlament Ungeriż f'Diċembru 2020, il-Kummissjoni ta' Venezja enfasizzat il-ħtieġa li jiġi kkunsidrat mill-ġdid l-Artikolu 7 tad-Disa' Emenda relatata mal-Artikolu 38 tal-Kostituzzjoni u l-introduzzjoni ta' fondazzjoni għall-amministrazzjoni ta' assi ta' interess pubbliku li jwettqu dmirijiet pubbliċi fil-Liġi Fundamentali; billi l-Kummissjoni ta' Venezja ssuġġeriet li dawn il-fondazzjonijiet għandhom jiġu rregolati mil-liġi statutorja minflok, bid-dmirijiet rilevanti kollha ta' trasparenza u responsabbiltà għall-ġestjoni tal-fondi tagħhom (pubbliċi u privati) stabbiliti b'mod ċar, kif ukoll salvagwardji xierqa ta' indipendenza għall-kompożizzjoni u l-funzjonament tal-bord tal-amministrazzjoni; billi l-Kummissjoni ta' Venezja semmiet ukoll li dawn il-liġijiet għandhom iqisu r-rwol sinifikanti tal-universitajiet bħala postijiet ta' ħsieb liberu u argumentazzjoni, filwaqt li jipprevedu l-miżuri kollha dovuti biex jiggarantixxu l-ħarsien xieraq tal-indipendenza akkademika u l-awtonomija istituzzjonali;

BT.  billi fid-dikjarazzjoni tagħha wara ż-żjara fl-Ungerija mill-15 sat-22 ta' Novembru 2021, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta' opinjoni u espressjoni ħeġġet lill-awtoritajiet Ungeriżi jipproteġu l-libertà akkademika b'mod effettiv u jirrispettaw id-drittijiet tal-professuri u l-istudenti, fid-dawl tar-riskji marbuta mal-privatizzazzjoni tal-universitajiet pubbliċi għall-awtonomija tal-akkademiċi;

Il-libertà ta' reliġjon

BU.  billi fil-21 ta' Diċembru 2018 għaddiet emenda komprensiva għall-Att dwar il-Knisja tal-2011; billi, skont il-Gvern Ungeriż, din l-emenda kienet tiftaħ toroq legali għall-komunitajiet reliġjużi biex japplikaw, quddiem il-Qorti Metropolitana ta' Budapest, għall-istatus ta' assoċjazzjoni reliġjuża, knisja rreġistrata jew knisja inkorporata; billi s-superviżjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-QEDB fil-kawża Magyar Keresztény Mennonita Egyház et al vs L-Ungerija, li sabet ksur tad-dritt għal-libertà ta' assoċjazzjoni moqri fid-dawl tad-dritt għal-libertà tar-reliġjon minħabba t-tneħħija mir-reġistru tal-knejjes, għadha pendenti;

BV.  billi fl-opinjoni tagħha tat-2 ta' Lulju 2021 dwar l-emendi kostituzzjonali adottati mill-Parlament Ungeriż f'Diċembru 2020, il-Kummissjoni ta' Venezja rrakkomandat li s-sistema tal-iskejjel pubbliċi trid tipprovdi kurrikulu oġġettiv u pluralista li jevita l-indottrinazzjoni u d-diskriminazzjoni fuq kull bażi, filwaqt li jirrispetta l-konvinzjonijiet tal-ġenituri u l-libertà tagħhom li jagħżlu bejn lezzjonijiet reliġjużi u sekulari;

BW.  billi fit-13 ta' Lulju 2022, fil-kapitolu tal-pajjiż dwar l-Ungerija tar-Rapport tal-2022 dwar l-Istat tad-Dritt, il-Kummissjoni indikat li l-pressjoni fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mhix tonqos; billi fis-27 ta' Lulju 2022, diversi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili indikaw li l-abbozz ta' liġi ppreżentat mill-Gvern li jemenda r-regoli dwar il-konsultazzjoni pubblika "fl-interess li jintlaħaq ftehim mal-Kummissjoni Ewropea" joffri biss soluzzjonijiet foloz; billi l-Kummissjoni indikat ukoll li t-tisħiħ tal-parteċipazzjoni pubblika fit-tfassil tal-liġijiet huwa għan importanti, iżda jkun jirrikjedi, l-ewwel u qabel kollox, rieda governattiva reali, implimentazzjoni sinifikanti tal-liġijiet eżistenti u garanziji ħafna aktar effettivi minn dawk inklużi fl-abbozz ta' liġi;

Il-libertà ta' assoċjazzjoni

BX.  billi fis-sentenza tagħha tat-18 ta' Ġunju 2020 fil-Kawża C-78/18, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (trasparenza tal-assoċjazzjonijiet), il-QĠUE kkonkludiet li bl-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet(17) tal-Liġi Nru LXXVI tal-2017 dwar it-Trasparenza tal-Organizzazzjonijiet li jirċievu Appoġġ minn Barra, l-Ungerija kienet introduċiet restrizzjonijiet diskriminatorji u mhux ġustifikati fuq donazzjonijiet barranin lil organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bi ksur tal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 63 tat-TFUE u l-Artikoli 7, 8 u 12 tal-Karta; billi l-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-awtoritajiet Ungeriżi fit-18 ta' Frar 2021 inkwantu li ma kinux ħadu l-miżuri meħtieġa biex jirrispettaw is-sentenza; billi fl-20 ta' Lulju 2021, fil-kapitolu tal-pajjiż dwar l-Ungerija tar-Rapport tal-2021 dwar l-Istat tad-Dritt, il-Kummissjoni indikat li l-Parlament Ungeriż kien ħassar il-liġi u introduċa regoli ġodda dwar il-kontrolli tal-legalità għas-soċjetà ċivili, u li kien għad hemm pressjoni fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li huma kritiċi fil-konfront tal-Gvern; billi t-tkissir sistematiku tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali ċekken l-ispazju għall-partiti tal-Oppożizzjoni u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, it-trade unions u gruppi ta' interess, u ma ħalla l-ebda spazju għal djalogu soċjali u konsultazzjoni;

BY.  billi l-adozzjoni tal-liġi l-ġdida ma kinitx preċeduta minn konsultazzjoni pubblika ta' kwalunkwe tip u l-NGOs lanqas ma ġew ikkonsultati direttament, b'kontradizzjoni mar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja mill-opinjoni tagħha tal-20 ta' Ġunju 2017 li l-konsultazzjoni pubblika għandha tinvolvi, sa fejn ikun possibbli, l-organizzazzjonijiet kollha tas-soċjetà ċivili li l-istatus, il-finanzjament jew l-isferi ta' operazzjoni tagħhom jiġu affettwati bħala riżultat tad-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni; billi skont il-liġi l-ġdida, dawn l-organizzazzjonijiet issa jistgħu jiġu soġġetti għal spezzjonijiet finanzjarji regolari mill-Uffiċċju tal-Awditjar tal-Istat; billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma mħassba li l-Uffiċċju tal-Awditjar tal-Istat, li l-funzjoni ewlenija tiegħu hi li jissorvelja l-użu tal-fondi pubbliċi, u mhux id-donazzjonijiet privati, se jintuża biex issir aktar pressjoni fuqhom; billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili wissew li bil-liġi l-ġdida dwar l-NGOs, l-istat se jindaħal fl-awtonomija tal-assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet stabbiliti abbażi tad-dritt ta' assoċjazzjoni u fil-privatezza taċ-ċittadini li jiddefendu l-interess pubbliku, u li l-liġi hija ta' detriment għall-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni u għad-demokrazija kollha kemm hi; billi l-Uffiċċju tal-Awditjar tal-Istat beda kontrolli fuq għexieren ta' NGOs fis-17 ta' Mejju 2022, fejn talab il-politiki kontabilistiċi u ta' ġestjoni tal-flus tagħhom;

BZ.  billi fit-23 ta' Lulju 2021, tħabbar li ma ntlaħaq l-ebda ftehim mill-istati donaturi taż-Żona Ekonomika Ewropea u tal-Għotjiet tan-Norveġja - l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja - dwar il-ħatra ta' operatur ta' fond għall-ġestjoni tal-finanzjament għas-soċjetà ċivili fl-Ungerija; billi b'riżultat ta' dan, l-ebda programm mhu se jiġi implimentat matul il-perjodu ta' finanzjament attwali, li jannulla l-finanzjament ta' EUR 214.6 miljun li kien twarrab għall-Ungerija;

CA.  billi fl-opinjoni konġunta tagħhom tas-17 ta' Diċembru 2018 dwar it-Taqsima 253 tal-Att XLI tal-20 ta' Lulju 2018 li jemenda ċerti liġijiet tat-taxxa u liġijiet relatati oħra, u dwar it-taxxa speċjali tal-immigrazzjoni, il-Kummissjoni ta' Venezja u l-OSKE/ODIHR qalu li t-taxxa ta' 25 % fuq l-għajnuna finanzjarja għal attività ta' appoġġ għall-immigrazzjoni mwettqa fl-Ungerija jew fuq l-għajnuna finanzjarja għall-operazzjonijiet ta' organizzazzjoni b'sede fl-Ungerija li twettaq attività ta' appoġġ għall-immigrazzjoni, ma tissodisfax ir-rekwiżit tal-legalità u tikkostitwixxi ndħil mhux ġustifikat fid-drittijiet għal-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni tal-NGOs affettwati;

CB.  billi fir-rapport tagħha tal-21 ta' Mejju 2019 wara żjara fl-Ungerija mill-4 sat-8 ta' Frar 2019, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa enfasizzat li ċerti miżuri leġiżlattivi stigmatizzaw u kkriminalizzaw attivitajiet tas-soċjetà ċivili li għandhom jitqiesu bħala leġittimi għalkollox f'soċjetà demokratika, u jeżerċitaw effett dissważiv kontinwu fuq l-NGOs, filwaqt li nnotat li xi wħud mid-dispożizzjonijiet legali huma eċċezzjonalment vagi, arbitrarji u mhux implimentati fil-prattika;

CC.  billi fir-rapport tiegħu tal-11 ta' Mejju 2020 wara żjara fl-Ungerija mill-10 sas-17 ta' Lulju 2019, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti osserva li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fuq id-drittijiet tal-migranti fl-Ungerija esperjenzaw diversi ostakli fit-twettiq tal-ħidma leġittima u importanti tagħhom bħala konsegwenza tal-emendi leġiżlattivi, ir-restrizzjonijiet finanzjarji u miżuri operattivi u prattiċi oħra meħuda mill-awtoritajiet rilevanti; billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU nnotat ukoll li għadd ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kienu soġġetti għal kampanji ta' malafama, li f'xi każijiet ġew segwiti minn investigazzjonijiet amministrattivi jew kriminali;

Id-dritt għal trattament ugwali, inklużi d-drittijiet LGBTIQ

CD.  billi fit-13 ta' Lulju 2022, fil-kapitolu dwar l-Ungerija tar-Rapport tal-2022 dwar l-Istat tad-Dritt, il-Kummissjoni indikat li l-Kummissarju Ungeriż għad-Drittijiet Fundamentali kien kiseb aktar kompetenzi, iżda l-akkreditament tiegħu tnaqqas wara tħassib dwar l-indipendenza tiegħu; billi bejn l-14 u l-25 ta' Marzu 2022, fir-rapport u r-rakkomandazzjonijiet tas-sessjoni virtwali tas-Sottokumitat għall-Akkreditament tagħha, l-Alleanza Globali tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem irrakkomandat li l-Kummissarju għad-Drittijiet Fundamentali jitbaxxa għal status B, peress li s-Sottokumitat ma kienx irċieva l-evidenza bil-miktub meħtieġa biex jiġi stabbilit li l-Kummissarju kien qed iwettaq il-mandat tiegħu b'mod effettiv fir-rigward ta' gruppi vulnerabbli bħall-minoranzi etniċi, il-persuni LGBTIQ, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ir-rifuġjati u l-migranti, jew b'rabta ma' kwistjonijiet importanti tad-drittijiet tal-bniedem bħall-pluraliżmu tal-media, l-ispazju ċiviku u l-indipendenza ġudizzjarja; billi s-Sottokumitat kien tal-fehma li l-Kummissarju kien qed jaġixxi b'mod li jikkomprometti serjament il-konformità mal-Prinċipji ta' Pariġi dwar il-kriterji tal-istandards għall-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; billi s-Sottokumitat innota wkoll problemi fil-proċess tal-għażla u l-ħatra u fir-relazzjonijiet tax-xogħol u l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

CE.  billi fil-15 ta' Ġunju 2021, il-Parlament Ungeriż adotta liġi oriġinarjament maħsuba biex tiġġieled il-pedofilija, li, wara emendi proposti minn membri parlamentari tal-partit Fidesz fil-gvern, fiha klawżoli li jipprojbixxu kwalunkwe referenza għall-omosesswalità u r-riassenjament tal-ġeneru fil-preżenza ta' minorenni; billi l-liġi tipprojbixxi kwalunkwe referenza għall-omosesswalità u r-riassenjament tal-ġeneru waqt il-lezzjonijiet tal-edukazzjoni sesswali, u tistipula li tali lezzjonijiet issa jistgħu jsiru biss minn organizzazzjonijiet reġistrati; billi l-bidliet fil-Liġi dwar ir-Reklamar tan-Negozju u l-Liġi dwar il-Media jirrikjedu li reklami u kontenut fejn jidhru persuni LGBTI jridu jiġu kklassifikati bħala Kategorija V (jiġifieri mhux rakkomandati għall-minorenni); billi l-assoċjazzjoni tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru ma' atti kriminali bħall-pedofilija hija inaċċettabbli u twassal għal aktar diskriminazzjoni u stigmatizzazzjoni fil-konfront tal-minoranzi sesswali; billi, b'konsegwenza tar-regoli nazzjonali li jipprojbixxu jew jillimitaw l-aċċess għal kontenut li juri l-hekk imsejħa "diverġenza mill-identità personali li tikkorrispondi għas-sess mat-twelid, bidla fis-sess jew omosesswalità" għal individwi taħt it-18-il sena, il-Gvern Ungeriż ħareġ digriet li fih ordna lill-bejjiegħa tal-kotba għat-tfal igeżwru kotba u media li juru l-omosesswalità f'"pakkett magħluq" u jipprojbixxu l-bejgħ ta' kotba jew media li juru relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess jew bidliet fil-ġeneru f'distanza ta' 200 metru minn kwalunkwe skola jew knisja; billi dan kien japplika għall-ktieb tal-istejjer għat-tfal A Fairytale for Everyone, ippubblikat minn Labrisz;

CF.  billi fit-2 ta' Diċembru 2021, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-awtoritajiet Ungeriżi biex tindikalhom li bl-impożizzjoni ta' obbligu li tingħata informazzjoni dwar diverġenza minn "rwoli tas-sessi tradizzjonali", l-Ungerija kienet qed tillimita l-libertà tal-espressjoni tal-awturi u tal-pubblikaturi tal-kotba (l-Artikolu 11 tal-Karta) u tiddiskrimina fuq bażi ta' orjentazzjoni sesswali b'mod mhux ġustifikat (l-Artikolu 21 tal-Karta), u tapplika b'mod skorrett ir-regoli tal-UE dwar prattiki kummerċjali żleali skont id-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiki kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern(18);

CG.  billi fil-15 ta' Lulju 2022, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirreferi lill-Ungerija lill-QĠUE fir-rigward tar-regoli nazzjonali tagħhom li jfittxu li jipprojbixxu jew jillimitaw l-aċċess għall-kontenut li juri l-hekk imsejħa "diverġenza mill-identità personali li tikkorrispondi għas-sess mat-twelid, bidla fis-sess jew omosesswalità" għal individwi taħt it-18-il sena; billi l-Kummissjoni kkonkludiet li dawn ir-regoli, b'mod partikolari, imorru kontra d-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva(19), id-Direttiva 2000/31/KE dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern(20), kif ukoll id-dinjità tal-bniedem, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata kif ukoll id-dritt għan-nondiskriminazzjoni, kif minquxa rispettivament fl-Artikoli 1, 7, 11 u 21 tal-Karta; billi l-Kummissjoni indikat ukoll li minħabba l-gravità ta' dan il-ksur, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jiksru wkoll il-valuri komuni stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE; billi fit-22 ta' Ġunju 2021, 18-il Stat Membru tal-UE aderixxew ma' dikjarazzjoni fil-marġni tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali, li fiha opponew l-adozzjoni tal-liġi;

CH.  billi fil-21 ta' Mejju 2019, fir-rapport tagħha wara ż-żjara fl-Ungerija bejn l-4 u t-8 ta' Frar 2019, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa ddeskriviet kif l-Ungerija qed tmur lura fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa, ir-rappreżentanza politika tan-nisa hija baxxa ferm, u li, fil-politika tal-gvern, il-kwistjonijiet tan-nisa huma assoċjati mill-qrib mal-affarijiet tal-familja u l-awtoritajiet ma baqgħux jimplimentaw strateġija speċifika dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

CI.  billi f'dikjarazzjoni maħruġa fid-29 ta' April 2020, l-Espert Indipendenti tan-NU dwar il-ħarsien mill-vjolenza u d-diskriminazzjoni bbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru ħeġġeġ lill-Ungerija tneħħi l-leġiżlazzjoni proposta li ċċaħħad lill-persuni transġeneru u ta' ġeneru varjanti mid‑dritt għar-rikonoxximent legali u l-awtodeterminazzjoni;

CJ.  billi fl-osservazzjonijiet konklużivi tiegħu tat-3 ta' Marzu 2020 dwar is-sitt rapport perjodiku tal-Ungerija, il-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal talab lill-Gvern Ungeriż jaġixxi, jadotta strateġija, u jipprovdi informazzjoni u appoġġ lil tfal vulnerabbli, inklużi miżuri speċifiċi mmirati lejn il-bniet, it-tfal Rom, it-tfal migranti u li jkunu qed ifittxu ażil kif ukoll it-tfal leżbjani, omosesswali, bisesswali, transġeneru u intersesswali; billi l-Kumitat qajjem ukoll tħassib serju dwar it-tfal b'diżabilità li jiġu mċaħħda mill-familji tagħhom u li jgħixu f'istituzzjonijiet, miżuri insuffiċjenti mill-awtoritajiet Ungeriżi biex itemmu l-istituzzjonalizzazzjoni u jippromwovu l-aċċess għas-saħħa, servizzi ta' riabilitazzjoni u attivitajiet inklużivi oħra, il-każijiet ta' abbuż sesswali tat-tfal u maltrattament ta' tfal b'diżabilità f'kura istituzzjonali, in-nuqqas ta' informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta' tfal b'diżabilità Rom, u l-istigma kontinwa mġarrba mit-tfal b'diżabilità;

CK.  billi fil-5 ta' Mejju 2020, il-Parlament Ungeriż adotta riżoluzzjoni li fiha rrifjuta r-ratifika tal-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul);

CL.  billi fis-sentenza tagħha tas-16 ta' Lulju 2020, fil-kawża Rana vs L-Ungerija, il-QEDB ikkonstatat ksur tad-dritt għar-rispett għall-ħajja privata fil-każ ta' raġel transġeneru mill-Iran li kien ingħata ażil fl-Ungerija iżda ma setgħax jibdel ismu u l-ġeneru tiegħu legalment f'dak il-pajjiż; billi fid-deċiżjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2022 dwar is-superviżjoni msaħħa pendenti tal-eżekuzzjoni, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa nnota bi tħassib li l-awtoritajiet Ungeriżi ma kienu ħadu l-ebda miżura biex joħolqu soluzzjoni xierqa għal ċittadini ta' pajjiżi terzi stabbiliti legalment li japplikaw għal rikonoxximent legali tal-ġeneru; billi, barra minn hekk, f'Mejju 2020 il-Parlament Ungeriż adotta leġiżlazzjoni li għamlet ir-rikonoxximent legali tal-ġeneru impossibbli għall-persuni transġeneru Ungeriżi;

CM.  billi f'dikjarazzjoni maħruġa fl-14 ta' Ġunju 2021, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa ħeġġet lill-Membri Parlamentari Ungeriżi biex jirrifjutaw abbozzi ta' emendi li jipprojbixxu d-diskussjoni dwar l-identità sesswali u tal-ġeneru u d-diversità; billi fl-opinjoni tagħha tat-13 ta' Diċembru 2021 dwar il-kompatibbiltà mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem tal-Att LXXIX tal-2021 li jemenda ċerti atti għall-protezzjoni tat-tfal, il-Kummissjoni ta' Venezja kkonkludiet li l-emendi qajla jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u ħeġġet lill-awtoritajiet Ungeriżi jirrevokaw għadd ta' dispożizzjonijiet;

CN.  billi fl-opinjoni tagħha tat-2 ta' Lulju 2021 dwar l-emendi kostituzzjonali adottati mill-Parlament Ungeriż f'Diċembru 2020, il-Kummissjoni ta' Venezja rrakkomandat li l-emenda kostituzzjonali rigward iż-żwieġ bħala l-unjoni ta' raġel u mara, u ż-żieda li "[L]-omm għandha tkun mara, il-missier għandu jkun raġel", ma għandhiex tintuża bħala opportunità biex jiġu rtirati l-liġijiet eżistenti dwar il-protezzjoni ta' individwi li mhumiex eterosesswali, jew biex jiġu emendati dawk il-liġijiet għall-iżvantaġġ tagħhom; billi l-Kummissjoni ta' Venezja rrakkomandat ukoll li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-emendi kostituzzjonali, speċjalment fl-abbozzar tal-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni, għandhom jitwettqu b'mod li l-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni fuq kull bażi, inkluż abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru, jiġi implimentat bir-reqqa; billi nnotat ukoll li l-emenda "[L]-Ungerija għandha tipproteġi d-dritt tat-tfal għal awtoidentità li tikkorrispondi għas-sess tagħhom mat-twelid" għandha titħassar jew tiġi modifikata biex jiġi żgurat li ma jkollhiex l-effett li ċċaħħad id-drittijiet ta' persuni transġeneru għar-rikonoxximent legali tal-identità tal-ġeneru miksuba tagħhom;

CO.  billi fl-opinjoni tagħha tat-18 ta' Ottubru 2021 dwar l-emendi għall-Att dwar it-Trattament Ugwali u l-Promozzjoni ta' Opportunitajiet Indaqs u għall-Att dwar il-Kummissarju għad-Drittijiet Fundamentali kif adottat mill-Parlament Ungeriż f'Diċembru 2020, il-Kummissjoni ta' Venezja indikat li hemm riskji assoċjati mal-fużjoni tal-korpi tal-ugwaljanza mal-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem inklużi, iżda mhux limitati għal, tradizzjonijiet, proċeduri legali u approċċi differenti li l-istituzzjonijiet jista' jkollhom fis-seħħ u osservat li l-kolliżjoni tal-kompetenzi li diġà jgawdi l-Kummissarju skont l-Att CXI u dawk miksuba fil-kapaċità tiegħu bħala suċċessur tal-Awtorità Ungeriża tat-Trattament Ugwali, hija dimostrazzjoni ċara ta' riskju li jista' jdgħajjef l-effettività tal-ħidma fil-qasam tal-promozzjoni tal-ugwaljanza u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni;

CP.  billi f'dikjarazzjoni maħruġa fit-13 ta' Jannar 2022, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa affermat li kien ta' dispjaċir kbir li l-Gvern Ungeriż kien iddeċieda li jwettaq referendum nazzjonali dwar l-aċċess tat-tfal għall-informazzjoni dwar kwistjonijiet ta' orjentazzjoni sesswali u identità tal-ġeneru fl-istess jum tal-elezzjonijiet parlamentari, peress li dan kompla jikkontribwixxi għall-istrumentalizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni LGBTIQ; billi fid-29 ta' Lulju 2022, fir-rapport finali tagħha, il-missjoni internazzjonali ta' osservazzjoni elettorali tal-OSKE enfasizzat li l-qafas legali tar-referendum huwa fil-biċċa l-kbira inadegwat u ma jipprevedix kundizzjonijiet ekwi għall-kampanji ta' referendum, u b’hekk ma jissodisfax ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin skont il-prattika tajba internazzjonali, u skont emenda tal-2018, il-gvern għandu drittijiet sħaħ tal-kampanja meta jkun l-inizjatur ta' referendum, għall-kuntrarju ta' prattika tajba internazzjonali, u l-awtoritajiet mhumiex obbligati jipprovdu lill-elettorat informazzjoni oġġettiva dwar il-kwistjonijiet tar-referendum jew il-pożizzjonijiet tal-proponenti u l-avversarji, li jisfidaw il-kapaċità tal-votanti li jagħmlu għażla infurmata; billi r-referendum kontra l-persuni LGBTIQ li sar fl-Ungerija fit-3 ta' April 2022 ma kienx validu peress li l-ebda għażla ("iva" jew "le") ma kisbet 50 % tal-voti; billi r-referendum ġie kkritikat b'mod wiesa' bħala wieħed li jikser il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni;

CQ.  billi fid-29 ta' Lulju 2022, fir-rapport finali tagħha, il-missjoni internazzjonali ta' osservazzjoni elettorali tal-OSKE enfasizzat li inqas minn 20 % tal-kandidati kollha kienu nisa, u dan jillimita b'mod sinifikanti l-opportunità li tissaħħaħ ir-rappreżentanza baxxa tan-nisa fil-politika nazzjonali fl-Ungerija; billi l-proporzjon ta' nisa fil-Parlament Ungeriż elett fl-2022 huwa ta' 14 %;

CR.  billi fl-osservazzjonijiet konklużivi tiegħu tal-25 ta' Marzu 2022 dwar it-tieni u t-tielet rapport ikkombinati tal-Ungerija, il-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità esprima tħassib li l-persuni b'diżabilità ma għandhomx mekkaniżmu biex jieħdu deċiżjoni b'mod awtonomu, u rrakkomanda li l-Ungerija temenda l-leġiżlazzjoni tagħha biex tiżgura li t-teħid ta' deċiżjonijiet appoġġjat jirrispetta d-dinjità, l-awtonomija, ir-rieda u l-preferenzi tal-persuni b'diżabilità fl-eżerċizzju tal-kapaċità ġuridika tagħhom; billi l-Kumitat irrakkomanda wkoll li l-Ungerija tfassal mill-ġdid il-miżuri tagħha u tidderieġi mill-ġdid il-baġits tagħha f'servizzi ta' appoġġ ibbażati fil-komunità, bħall-assistenza personali, bil-għan li tippermetti li l-persuni b'diżabilità jgħixu b'mod indipendenti u ugwali fil-komunità;

Id-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi, inklużi r-Rom u l-Lhud, u l-protezzjoni kontra dikjarazzjonijiet ta' mibegħda kontra tali minoranzi

CS.  billi fid-9 ta' Ġunju 2021 il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha ma tikkonformax bis-sħiħ mar-regoli tal-UE li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni skont id-Direttiva 2000/43/KE tal-Kunsill li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità(21) u d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(22), li jirrikjedu li l-Istati Membri jistabbilixxu sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi għad-diskriminazzjoni; billi f'Lulju 2020 seħħet bidla fundamentali meta l-Ungerija emendat ir-reġim nazzjonali ta' sanzjonijiet, u obbligat lill-qrati jagħtu kumpens morali għal diskriminazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali biss fil-forma ta' servizzi ta' taħriġ jew edukazzjoni u mhux fil-forma ta' pagament ta' darba; billi l-Parlament Ewropew talab ripetutament lill-Istati Membri jindirizzaw l-anti-Żingariżmu permezz ta' miżuri leġiżlattivi u ta' politika effettivi;

CT.  billi fit-2 ta' Diċembru 2021, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija rigward it-traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/JHA dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali(23), peress li l-qafas legali Ungeriż jonqos milli jikkriminalizza l-iskużar fil-pubbliku, iċ-ċaħda jew it-trivjalizzazzjoni gravi ta' reati internazzjonali u ma jiżgurax li motivazzjoni razzista u ksenofobika titqies bħala ċirkostanza aggravanti jew li tali motivazzjoni titqies mill-qrati nazzjonali għal kwalunkwe reat imwettaq;

CU.  billi fl-osservazzjonijiet konklużivi tagħha tas-6 ta' Ġunju 2019 dwar ir-rapporti perjodiċi kkombinati mit-tmintax sal-ħamsa u għoxrin dwar l-Ungerija, il-Kumitat tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali indika li kien allarmat ħafna bil-prevalenza ta' diskors ta' mibegħda razzista kontra r-Rom, il-migranti, ir-rifuġjati, il-persuni li jfittxu ażil u minoranzi oħra, li jixpruna l-mibegħda u l-intolleranza u xi drabi jinċita l-vjolenza lejn tali gruppi, b'mod partikolari minn politiċi ewlenin u fil-media, inkluż fuq l-internet; billi, b'mod partikolari, il-Kumitat kien ferm allarmat dwar rapporti li personalitajiet pubbliċi, inkluż fl-ogħla livelli, kienu għamlu dikjarazzjonijiet li jistgħu jippromwovu l-mibegħda razzjali, b'mod partikolari bħala parti mill-kampanja tal-gvern kontra l-immigranti u r-rifuġjati li bdiet fl-2015, u fil-preżenza u l-operat ta' organizzazzjonijiet li jippromwovu l-mibegħda razzjali; billi, filwaqt li jieħu nota tal-informazzjoni pprovduta dwar il-miżuri meħuda biex tittejjeb is-sitwazzjoni tar-Rom, inkluż fl-oqsma tas-saħħa u l-edukazzjoni, kif ukoll permezz tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Inklużjoni Soċjali tal-2011, il-Kumitat baqa' mħasseb ħafna dwar il-persistenza tad-diskriminazzjoni kontra r-Rom u s-segregazzjoni u l-faqar estrem li jiffaċċjaw;

CV.  billi fil-ħames opinjoni tiegħu dwar l-Ungerija adottat fis-26 ta' Mejju 2020, il-Kumitat Konsultattiv dwar il-Konvenzjoni Qafas għall-Protezzjoni tal-Minoranzi Nazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa indika li filwaqt li l-Ungerija żammet il-politika tagħha li tappoġġja l-minoranzi nazzjonali abbażi ta' qafas leġiżlattiv solidu, għad hemm bżonn li jiġu indirizzati d-diffikultajiet strutturali li jiffaċċjaw ir-Rom fl-isferi kollha tal-ħajja pubblika u privata, inklużi l-edukazzjoni, l-impjiegi, l-akkomodazzjoni u l-aċċess għall-kura tas-saħħa; billi l-Kumitat enfasizza li jeħtieġ li jittieħdu miżuri urġenti sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni tar-Rom, jiġi miġġieled it-tluq bikri mill-iskola, u tiġi promossa edukazzjoni inklużiva u ta' kwalità, inkluż f'żoni segregati; billi indika wkoll li fir-reġjuni żvantaġġati, hemm bżonn ta' komplementarjetà aktar b'saħħitha bejn il-politiki nazzjonali u lokali sabiex jiġu pprovduti soluzzjonijiet fit-tul għall-problemi tal-impjiegi u tal-akkomodazzjoni, filwaqt li l-aċċess għall-kura tas-saħħa u għas-servizzi soċjali jibqa' soġġett għal ostakli prattiċi serji, prinċipalment għad-detriment tan-nisa u t-tfal Rom;

CW.  billi fid-deċiżjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2022 dwar is-superviżjoni msaħħa pendenti tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-QEDB f'Horváth u Kiss vs l-Ungerija, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fakkar li l-każ inkwistjoni kien jikkonċerna t-tqegħid ħażin diskriminatorju u r-rappreżentanza żejda tat-tfal Rom fi skejjel speċjali għal tfal b'diżabilità mentali, u li l-istat kien taħt obbligu pożittiv li jevita li jipperpetwa prattiki diskriminatorji; billi l-Kumitat tenna bil-qawwa l-istedina tiegħu lill-awtoritajiet biex jipprovdu eżempji li juru l-effikaċja tar-rimedji amministrattivi u ġudizzjarji kontra s-sejbiet tal-kumitati esperti u biex jikkompletaw id-data statistika pprovduta f'dan ir-rigward, ħeġġeġ lill-awtoritajiet jissupplimentaw l-informazzjoni statistika b'data diżaggregata skont l-etniċità li tindika l-għadd ta' appelli ppreżentati f'każijiet ta' tfal Rom u tenna bil-qawwa l-istedina tiegħu lill-awtoritajiet biex jipprovdu aktar informazzjoni dwar kwalunkwe proċedura rilevanti quddiem il-Kummissarju għad-Drittijiet Fundamentali;

CX.  billi s-superviżjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-QEDB f'Balázs vs l-Ungerija li jikkonċernaw ksur tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni moqrija flimkien mal-projbizzjoni ta' trattament inuman jew degradanti minħabba n-nuqqas tal-awtoritajiet li jwettqu investigazzjonijiet effettivi dwar il-kwistjoni ta' motivi razzjali possibbli wara t-trattament ħażin impost fuq l-applikanti Rom minn aġenti tal-infurzar tal-liġi, għadha pendenti;

CY.  billi fid-29 ta' Lulju 2022, il-mexxejja tal-gruppi politiċi tal-Parlament adottaw dikjarazzjoni li tikkundanna d-dikjarazzjonijiet apertament razzisti tal-Prim Ministru Viktor Orbán dwar il-fatt li ma jixtiqx li l-poplu Ungeriż isir "razza mħallta", u ssottolinjaw li dawn id-dikjarazzjonijiet jiksru l-valuri tagħna, li huma minquxa wkoll fit-Trattati tal-UE;

Id-drittijiet fundamentali tal-migranti, il-persuni li jfittxu ażil u r-rifuġjati

CZ.  billi fis-sentenza tagħha tad-19 ta' Marzu 2020 fil-Kawża C-564/18, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Tompa), il-QĠUE ddeċidiet li d-Direttiva 2013/32/UE dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali(24) tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi miċħuda bħala inammissibbli għar-raġuni li l-applikant wasal fit-territorju ta' Stat Membru kkonċernat minn stat li fih dik il-persuna ma kinitx esposta għal persekuzzjoni jew riskju ta' offiża gravi, jew li fih huwa ggarantit livell suffiċjenti ta' protezzjoni; billi l-QĠUE kkonkludiet li d-direttiva tipprekludi wkoll leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi limitu ta' żmien ta' tmint ijiem li fih qorti li tkun qed tisma' appell kontra deċiżjoni li tirrifjuta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli għandha tagħti deċiżjoni, meta dik il-qorti ma tkunx tista' tiżgura, f'tali limitu ta' żmien, li r-regoli sostantivi u l-garanziji proċedurali li jgawdi l-applikant skont id-dritt tal-UE jkunu effettivi;

DA.  billi fis-sentenza tagħha tat-2 ta' April 2020 fil-Kawżi Magħquda C-715/17, C-718/17 u C‑719/17, inkluża l-Kummissjoni vs l-Ungerija (mekkaniżmu temporanju għar-rilokazzjoni ta' applikanti għal protezzjoni internazzjonali), il-QĠUE ddeċidiet li billi naqset milli tindika f'intervalli regolari, u mill-inqas kull tliet xhur, għadd xieraq ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu rilokati malajr fit-territorju tagħha, l-Ungerija, mill-25 ta' Diċembru 2015, naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601(25) u konsegwentement naqset milli tissodisfa l-obbligi sussegwenti tagħha ta' rilokazzjoni skont l-Artikolu 5(4) sa (11) ta' dik id-deċiżjoni;

DB.  billi fl-14 ta' Mejju 2020, fil-Kawżi Magħquda C-924/19 PPU u C‑925/19 PPU, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság u Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság, il-QĠUE ddeċidiet li d-Direttiva 2008/115/KE dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment(26) u d-Direttiva 2013/33/UE li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali(27) ifissru li l-obbligu impost fuq ċittadin ta' pajjiż terz li jibqa' permanentement f'żona ta' tranżitu li l-perimetru tagħha jkun ristrett u magħluq, li fi ħdanha l-movimenti ta' dan iċ-ċittadin ikunu limitati u kkontrollati, u li fiha ma jistax legalment jitlaq volontarjament, fi kwalunkwe direzzjoni, jidher li huwa ċaħda tal-libertà, ikkaratterizzata minn "detenzjoni" fis-sens ta' dawn id-direttivi; billi l-QĠUE indikat li d-dritt tal-UE jipprekludi għadd ta' dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Ungeriża;

DC.  billi fis-sentenza tagħha tas-17 ta' Diċembru 2020 fil-Kawża C-808/18, Il-Kummissjoni vs l-Ungerija ("Accueil des demandeurs de protection internationale"), il-QĠUE ddeċidiet li l-Ungerija naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont id-Direttivi 2008/115/KE, 2013/32/UE u 2013/33/UE billi: i) tipprevedi li l-applikazzjonijiet għall‑protezzjoni internazzjonali minn ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni apolidi jistgħu jsiru biss fiż-żoni ta' tranżitu ta' Röszke u Tompa, filwaqt li tillimita drastikament l-għadd ta' applikanti awtorizzati biex jidħlu f'dawk iż-żoni ta' tranżitu kuljum; ii) stabbiliet sistema ta' detenzjoni sistematika tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali fiż-żoni ta' tranżitu ta' Röszke u Tompa; iii) tippermetti t-tneħħija taċ-ċittadini kollha ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju tagħha, mingħajr ma tosserva l-proċeduri u s-salvagwardji stabbiliti fl-acquis; u iv) għamlet l-eżerċizzju mill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali tad-dritt tagħhom li jibqgħu fit-territorju tagħha soġġett għal kundizzjonijiet li jmorru kontra d-dritt tal-UE; billi fis-27 ta' Jannar 2021, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) ħabbret li kienet se tissospendi l-operazzjonijiet tagħha fl-Ungerija, wara s-sentenza tal-QĠUE; billi fit-12 ta' Novembru 2021, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirreferi lill-Ungerija lill-QĠUE talli naqset milli tikkonforma mas-sentenza u talbet li l-QĠUE tordna l-ħlas ta' penali finanzjarji (Kawża C-123/22);

DD.  billi fid-9 ta' Ġunju 2021, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni u opinjoni motivata lill-awtoritajiet Ungeriżi talli naqsu milli jittrasponu bis-sħiħ id-Direttiva 2013/32/UE fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar l-intervista personali, l-iskrinjar mediku, il-garanziji għat-tfal u ż-żgħażagħ mhux akkumpanjati u dwar il-proċedura ta' eżami tal-ażil;

DE.  billi fil-15 ta' Lulju 2021, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirreferi lill-Ungerija lill-QĠUE billi qieset li l-proċedura l-ġdida tal-ażil hija inkompatibbli mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 18 tal-Karta (il-Kawża C‑823/21 Il-Kummissjoni vs l-Ungerija);

DF.  billi fis-sentenza tagħha tas-16 ta' Novembru 2021 fil-Kawża C-821/19, Il-Kummissjoni vs l-Ungerija ("Incrimination de l'aide aux demandeurs d'asile"), il-QĠUE ddeċidiet li l-Ungerija naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont: i) l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32/UE billi ppermettiet li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi miċħuda bħala inammissibbli għar-raġuni li l-applikant wasal fit-territorju tagħha minn Stat li fih dik il-persuna ma kinitx esposta għal persekuzzjoni jew riskju ta' ħsara serja, jew li fih kien iggarantit livell suffiċjenti ta' protezzjoni; ii) l-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/32/UE kif ukoll l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2013/33/UE billi tikkriminalizza fil-liġi nazzjonali tagħha l-azzjonijiet ta' kull persuna li, b'rabta ma' attività organizzattiva, tipprovdi assistenza biex issir jew tiġi ppreżentata applikazzjoni għall-ażil fit-territorju tagħha, meta jkun jista' jiġi stabbilit lil hinn minn kull dubju raġonevoli li din il-persuna kienet taf li dik l-applikazzjoni ma setgħetx tiġi aċċettata skont dik il-liġi; u iii) l-Artikolu 8(2), l-Artikolu 12(1), punt (c), u l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/32/UE kif ukoll l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2013/33/UE billi pprekludiet lil kwalunkwe persuna ssuspettata li wettqet tali reat mid-dritt li tidħol fil-fruntieri esterni tagħha;

DG.  billi fir-rapport tagħha tal-21 ta' Mejju 2019, wara żjara fl-Ungerija mill-4 sat-8 ta' Frar 2019, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa sabet li l-pożizzjoni kontra l-immigrazzjoni u l-persuni li jfittxu ażil adottata mill-Gvern Ungeriż mill-2015 'l hawn irriżultat f'qafas leġiżlattiv li jdgħajjef l-akkoljenza ta' dawk li jfittxu ażil u l-integrazzjoni ta' rifuġjati rikonoxxuti kif preskritt mill-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

DH.  billi fir-rapport tiegħu tas-17 ta' Marzu 2020, wara żjara fl-Ungerija fl-2018, il-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura u t-Trattament jew Pieni Inumani jew Degradanti enfasizza li ma sar xejn miż-żjara ad hoc tal-Kumitat fl-2017 biex jiġu stabbiliti salvagwardji effettivi għall-prevenzjoni tat-trattament ħażin ta' persuni ritornati mill-uffiċjali tal-pulizija Ungeriża permezz taċ-ċint tal-fruntiera lejn is-Serbja, u kien ċar ukoll li għad ma kien hemm l-ebda rimedju legali kapaċi li joffri protezzjoni effettiva lil dawn il-persuni kontra t-tneħħija furzata u/jew ir-refoulement tagħhom, inkluż ir-refoulement tal-katina;

DI.  billi fl-osservazzjonijiet konklużivi tiegħu tas-6 ta' Ġunju 2019 dwar ir-rapporti perjodiċi kkombinati mit-tmintax sal-ħamsa u għoxrin dwar l-Ungerija, il-Kumitat tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali esprima tħassib dwar is-sitwazzjoni allarmanti tal-persuni li jfittxu ażil, ir-rifuġjati u l-migranti u dwar rapporti li l-prinċipju ta' non-refoulement ma kienx qed jiġi rispettat bis-sħiħ fil-liġi u fil-prattika; billi l-Kumitat kien ferm allarmat ukoll dwar l-użu eċċessiv ta' forza u vjolenza rrappurtat minn uffiċjali tal-infurzar tal-liġi kontra ċittadini ta' pajjiżi terzi li jinstabu fi kwalunkwe post fl‑Ungerija, filwaqt li wettqu "push-backs" għal dawk qrib il-fruntiera mas-Serbja, b'riżultat ta' korrimenti u ħsara fiżika;

DJ.  billi fis-sentenza tagħha tat-2 ta' Marzu 2021 f'R.R. et al vs l-Ungerija, il-QEDB sabet li n-nuqqas ta' ikel ipprovdut lill-ewwel applikant (R.R.) u l-kundizzjonijiet ta' soġġorn tal-applikanti l-oħra (mara tqila u tfal) kienu wasslu għal ksur tal-projbizzjoni ta' trattament inuman jew degradanti; billi l-QEDB sabet ukoll li s-soġġorn tal-applikanti fiż-żona ta' tranżitu kien jammonta għal ċaħda de facto tal-libertà u li n-nuqqas ta' kwalunkwe deċiżjoni formali tal-awtoritajiet u kwalunkwe proċediment li permezz tiegħu l-legalità tad-detenzjoni tagħhom setgħet tiġi deċiża malajr minn qorti kien wassal għal ksur tad-dritt għal-libertà u s-sigurtà; billi fis-sentenzi tagħha tal-24 ta' Frar 2022 f'M.B.K. et al vs l-Ungerija u tat-2 ta' Ġunju 2022 f'H.M. et al vs l-Ungerija, il-QEDB waslet għal konklużjonijiet simili; billi s-superviżjoni msaħħa tal-eżekuzzjoni ta' dawk is-sentenzi għadha pendenti;

DK.  billi fir-rapport tiegħu tal-11 ta' Mejju 2020 wara żjara fl-Ungerija fl-2019, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti tenna t-talba tiegħu lill-Gvern Ungeriż li ssir rivalutazzjoni sinifikanti tas-sitwazzjoni attwali u tal-politiki ta' migrazzjoni tagħha u indika li l-Ungerija għandha ttemm l-hekk imsejħa sitwazzjoni ta' kriżi, li ma tikkorrispondix mar-realtà u għandha impatt negattiv serju fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, tal-persuni li jfittxu ażil, il-libertà tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u s-setgħa tal-ġudikatura u tneħħi l-miżuri restrittivi l-oħra kollha b'karatteristiċi u konsegwenzi simili;

DL.  billi fis-sentenza tagħha tat-8 ta' Lulju 2021 f'Shahzad vs l-Ungerija, il-QEDB sabet li l-applikant kien soġġett għal tkeċċija "kollettiva" peress li s-sitwazzjoni individwali tiegħu ma kinitx ġiet aċċertata mill-awtoritajiet, li ma kinux ipprovdew modi ġenwini u effettivi biex jidħol fl-Ungerija, l-applikant ma kienx tneħħa riżultat tal-imġiba tiegħu u ma kellux rimedju legali adegwat disponibbli għalih; billi s-superviżjoni msaħħa tal-eżekuzzjoni ta' dik is-sentenza għadha pendenti;

DM.  billi fid-deċiżjoni tiegħu tat-2 ta' Diċembru 2021 dwar is-superviżjoni msaħħa pendenti tal-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-QEDB f'Ilias u Ahmed vs l-Ungerija, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fakkar li dan il-każ jikkonċerna ksur tal-obbligu proċedurali skont l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li jiġu vvalutati r-riskji ta' trattament ħażin qabel l-applikanti li jfittxu l-ażil jitneħħew lejn is-Serbja billi jibbaża fuq preżunzjoni ġenerali ta' "pajjiż terz sikur", innota b'dispjaċir kbir li ma ttieħed l-ebda pass lejn it-twettiq tar-rivalutazzjoni meħtieġa tal-preżunzjoni leġiżlattiva ta' "pajjiż terz sikur" fir-rigward tas-Serbja u tenna bis-sħiħ l-istedina tiegħu biex issir tali valutazzjoni mill-ġdid mingħajr aktar dewmien u f'konformità mar-rekwiżiti tal-każistika tal-QEDB, u li jiġu ppreżentati r-raġunijiet u l-eżitu tagħha; billi l-Kumitat innota wkoll bi tħassib serju li, minkejja t-tħassib li esprima fid-deċiżjoni preċedenti tiegħu, il-prattika ta' tneħħijiet furzati mingħajr proċedura ordnata tkompliet, u tenna bil-qawwa t-talba tiegħu lill-awtoritajiet Ungeriżi biex jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti li jirriżultaw mis-sentenza tal-QEDB u biex jiżguraw li r-ritorni furzati jkunu inkwadrati minn proċeduri u salvagwardji ordnati, b'mod partikolari fir-rigward tad-dritt ta' kull persuna li tfittex ażil kif stabbilit mid-dritt internazzjonali;

DN.  billi s-superviżjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-QEDB f'Nabil et al vs l-Ungerija dwar ksur tad-dritt għal-libertà u għas-sigurtà tal-applikanti għall-ażil, minħabba d-detenzjoni tagħhom sakemm jiġu eżaminati l-merti tat-talbiet għall-ażil tagħhom, għadha pendenti;

DO.  billi fil-komunikazzjoni tagħha tat-12 ta' Awwissu 2022 indirizzata lill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa indikat li l-aċċess għall-proċedura tal-ażil u għal valutazzjoni tar-riskju sostantiva u individwali sar prattikament impossibbli fl-Ungerija minħabba l-miżuri konsekuttivi u li jikkoinċidu li l-Gvern ilu li adotta mill-2015; billi l-applikanti potenzjali għall-ażil jew jiġu rrifjutati milli jidħlu legalment fit-territorju jew, bi ftit eċċezzjonijiet, jiġu obbligati jitilqu mill-Ungerija u jgħaddu minn skrinjar minn qabel permezz tal-proċedura tal-Ambaxxata qabel ma jkunu jistgħu jippreżentaw talba għal protezzjoni internazzjonali; billi dan iż-żarmar gradwali tas-sistema tal-ażil kien akkumpanjat b'mod konsistenti u xprunat minn diskors aħrax kontra l-migranti adottat mill-Gvern Ungeriż, li kompla jdgħajjef l-akkoljenza u l-protezzjoni tar-rifuġjati u l-applikanti għall-ażil fil-pajjiż;

Drittijiet Ekonomiċi u Soċjali

DP.  billi fir-rakkomandazzjoni tiegħu tat-12 ta' Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Ungerija tal-2022 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-Ungerija tal-2022, il-Kunsill irrakkomanda li titkompla l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-gruppi l-aktar vulnerabbli, b'mod partikolari permezz tat-titjib tal-ħiliet, u l-estensjoni tat-tul tal-benefiċċji tal-qgħad biex tittejjeb l-adegwatezza tal-assistenza soċjali u jiġi żgurat aċċess għal servizzi essenzjali u akkomodazzjoni adegwata għal kulħadd; billi huwa rrakkomanda li jitjiebu l-eżiti tal-edukazzjoni u tiżdied il-parteċipazzjoni ta' gruppi żvantaġġati, b'mod partikolari r-Rom, f'edukazzjoni ġenerali ta' kwalità u li jittejjeb l-aċċess għal servizzi ta' kura preventiva u primarja ta' kwalità;

DQ.  billi fl-osservazzjonijiet konklużivi tiegħu tat-3 ta' Marzu 2020 dwar is-sitt rapport perjodiku tal-Ungerija, il-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal irrakkomanda li l-Ungerija għandha tkompli tinvesti f'miżuri biex jintemm il-faqar, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lit-tfal Rom u lit-tfal li jgħixu f'żoni soċjoekonomikament żvantaġġati u qajjem tħassib serju dwar l-għadd ta' studenti li jitilqu kmieni mill-iskola, ħafna minnhom minn ambjenti żvantaġġati, l-allokazzjoni ta' skejjel pubbliċi lil komunitajiet reliġjużi, li tista' tikkontribwixxi għas-segregazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon u t-twemmin, is-segregazzjoni kontinwa tat-tfal Rom fl-edukazzjoni, id-distakk fl-edukazzjoni bejn it-tfal Rom u dawk mhux Rom, in-nuqqas ta' data uffiċjali dwar it-tfal Rom fl-edukazzjoni, il-bullying, l-abbuż u l-esklużjoni li jiffaċċjaw it-tfal fl-iskejjel, b'mod partikolari, it-tfal LGBTI u l-użu ta' metodi ta' dixxiplina fl-iskejjel li ma jipproteġux lit-tfal mill-vjolenza fiżika u mentali;

DR.  billi fil-11 ta' Frar 2022, il-Gvern Ungeriż ħareġ digriet ta' emerġenza li ddetermina s-"servizzi minimi meħtieġa" li jridu jiġu pprovduti matul strajk skont il-liġi dwar l-istrajkijiet u interpretahom b'mod tant vast li għamilha impossibbli li jsir strajk; billi d-digriet illimita d-drittijiet tal-għalliema li kienu ħabbru pjanijiet ta' strajk fis-16 ta' Marzu 2022;

DS.  billi minn mindu ġiet adottata l-projbizzjoni tar-residenza abitwali fi spazju pubbliku, diversi qrati ordinarji talbu lill-Qorti Kostituzzjonali tannulla l-leġiżlazzjoni li tallega li l-liġi mhijiex kostituzzjonali għal diversi raġunijiet; billi wara dewmien twil wisq, il-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet il-petizzjonijiet kollha ppreżentati mill-qrati ordinarji għar-raġunijiet kollha u ċaħdet li tqis is-sottomissjonijiet kollha li ma jappoġġjawx ir-raġunament tal-gvern; billi fil-każ tal-kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar, is-sistema tas-sigurtà soċjali tiffoka primarjament fuq l-illegalità tal-preżenza ta' persuni mingħajr dar f'żoni pubbliċi u fuq miżuri punittivi, minflok fuq l-inklużjoni soċjali;

°

° °

1.  Itenni li t-tħassib tiegħu huwa relatat mal-kwistjonijiet li ġejjin fl-Ungerija:

   il-funzjonament tas-sistema kostituzzjonali u elettorali,
   l-indipendenza tal-ġudikatura u ta' istituzzjonijiet oħra u d-drittijiet tal-imħallfin,
   il-korruzzjoni u l-kunflitti ta' interess,
   il-privatezza u l-protezzjoni tad-data,
   il-libertà tal-espressjoni, inkluż il-pluraliżmu tal-media,
   il-libertà akkademika,
   il-libertà tar-reliġjon,
   il-libertà ta' assoċjazzjoni,
   id-dritt għal trattament ugwali, inklużi d-drittijiet LGBTIQ,
   id-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi, inklużi r-Rom u l-Lhud, u l-protezzjoni kontra dikjarazzjonijiet ta' mibegħda kontra tali minoranzi,
   id-drittijiet fundamentali tal-migranti, il-persuni li jfittxu ażil u r-rifuġjati,
   id-drittijiet ekonomiċi u soċjali;

2.  Jemmen li, meqjusa flimkien, il-fatti u t-tendenzi, kif juru r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament, jirrappreżentaw theddida sistemika kontra l-valuri tal-Artikolu 2 tat-TUE u jikkostitwixxu riskju ċar ta' ksur serju tagħhom; jesprimi tħassib serju dwar l-isforzi intenzjonati u sistematiċi tal-Gvern Ungeriż biex idgħajjef il-valuri fundaturi tal-Unjoni minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE, u jikkundannahom; jenfasizza li dawn ix-xejriet marru għall-agħar b'mod sostanzjali mill-attivazzjoni tal-Artikolu 7(1) tat-TUE; jisħaq li l-Gvern Ungeriż jerfa' r-responsabbiltà għar-restawr tal-konformità mad-dritt tal-UE u l-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE u jesprimi dispjaċir kbir li n-nuqqas ta' azzjoni deċiżiva min-naħa tal-UE kkontribwixxa għal kollass tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Ungerija, li biddel il-pajjiż f'reġim ibridu ta' awtokrazija elettorali, skont l-indiċijiet rilevanti;

3.  Jiddeplora l-inkapaċità tal-Kunsill li jagħmel progress sinifikattiv fil-proċeduri li għaddejjin tal-Artikolu 7(1) tat-TUE; iħeġġeġ lill-Kunsill jiżgura li s-seduti ta' smigħ isiru mill-inqas darba għal kull Presidenza matul il-proċeduri li għaddejjin dwar l-Artikolu 7 tat-TUE u biex jindirizza wkoll żviluppi ġodda li jaffettwaw l-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali; jistieden lill-Kunsill jippubblika minuti komprensivi wara kull seduta ta' smigħ; jenfasizza li m'hemmx bżonn ta' unanimità fil-Kunsill sabiex jiġi identifikat riskju ċar ta' ksur serju tal-valuri tal-Unjoni skont l-Artikolu 7(1), u lanqas biex jiġu indirizzati rakkomandazzjonijiet konkreti lill-Istati Membri inkwistjoni, u biex jiġu pprovduti skadenzi għall-implimentazzjoni ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet; itenni t-talba għall-Kunsill biex jagħmel dan, filwaqt li jissottolinja li kwalunkwe dewmien ulterjuri għal tali azzjoni jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju tal-istat tad-dritt mill-Kunsill innifsu; jisħaq li l-Istati Membri għandhom obbligu li jaġixxu flimkien u jtemmu l-attakki fuq il-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE; jistieden lill-Kunsill joħroġ rakkomandazzjonijiet lill-Ungerija malajr kemm jista' jkun sabiex jiġu rrimedjati l-kwistjonijiet imsemmija fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2018 u f'din ir-riżoluzzjoni, u jitlobha timplimenta s-sentenzi u r-rakkomandazzjonijiet kollha msemmija, inklużi dawk relatati mal-elezzjonijiet ġenerali li saru fit-3 ta' April 2022; jinsisti li fil-proċedimenti kollha relatati mal-Artikolu 7 tat-TUE, il-Parlament għandu jkun jista' jippreżenta l-proposta motivata tiegħu lill-Kunsill, jattendi s-seduti ta' smigħ tal-Artikolu 7 tat-TUE u jkun infurmat minnufih u bis-sħiħ f'kull stadju tal-proċedura;

4.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jagħtu aktar attenzjoni lill-iżżarmar sistemiku tal-istat tad-dritt, kif ukoll lill-interazzjoni bejn id-diversi każijiet ta' ksur tal-valuri identifikati fir-riżoluzzjonijiet tiegħu; jissottolinja li jekk il-ksur tal-istat tad-dritt jitħalla mhux ikkontrollat, l-istituzzjonijiet demokratiċi jiġu mminati u eventwalment jiġu affettwati d-drittijiet tal-bniedem u l-ħajja ta' kulħadd fil-pajjiż fejn ikun sar il-ksur; jisħaq li l-Unjoni għandha tiddefendi l-valuri kollha minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE b'determinazzjoni ugwali;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-għodod disponibbli biex tindirizza riskju ċar ta' ksur serju mill-Ungerija tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, b'referenza partikolari għal proċeduri ta' ksur sommarji, applikazzjonijiet għal miżuri interim quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u azzjonijiet rigward in-nuqqas ta' implimentazzjoni tas-sentenzi tal-Qorti; ifakkar fl-importanza tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt u jilqa' d-deċiżjoni li dan jiġi skattat fil-każ tal-Ungerija, għalkemm wara dewmien twil u b'kamp ta' applikazzjoni limitat; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni immedjata skont ir-regolament fir-rigward ta' ksur ieħor tal-istat tad-dritt, b'mod partikolari dawk relatati mal-indipendenza tal-ġudikatura u raġunijiet oħra indirizzati fl-ittra li l-Kummissjoni bagħtet lill-Ungerija fid-19 ta' Novembru 2021; jissottolinja l-fatt li l-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt hija għodda komplementari għall-proċedura skont l-Artikolu 7, hija applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha u ilha infurzabbli minn Jannar 2021, u jistieden lill-Kummissjoni twettaq l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex tiżgura l-infurzar effettiv tiegħu; jinnota r-riskju ta' użu ħażin tal-fondi fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u jtenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex toqgħod lura milli tapprova l-pjan tal-Ungerija sakemm tkun ikkonformat bis-sħiħ mar-rakkomandazzjonijiet kollha speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew fil-qasam tal-istat tad-dritt u sakemm tkun implimentat is-sentenzi rilevanti kollha tal-QĠUE u tal-QEDB; jistenna li l-Kummissjoni teskludi kwalunkwe riskju tal-programmi fl-ambitu tal-politika ta' koeżjoni li jikkontribwixxu għall-użu ħażin tal-fondi tal-UE jew għall-ksur tal-istat tad-dritt qabel ma tapprova l-ftehimiet ta' sħubija u l-programmi tal-politika ta' koeżjoni; jistieden lill-Kummissjoni tapplika r-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni(28) u r-Regolament Finanzjarju(29) b'mod aktar strett sabiex tindirizza kwalunkwe użu diskriminatorju tal-fondi tal-UE għal raġunijiet motivati politikament; iqis li l-applikazzjoni ta' dawn l-istrumenti għall-protezzjoni tal-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE hija saħansitra aktar urġenti fi żmien meta dawn il-valuri qed jiġu mhedda mill-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-azzjonijiet li qed tieħu kontra l-UE;

6.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura li r-riċevituri jew il-benefiċjarji finali tal-fondi tal-UE ma jiġux miċħuda dawn il-fondi fil-każ li jiġu applikati sanzjonijiet skont il-Mekkaniżmu ta' Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt, kif stabbilit fl-Artikolu 5(4) u (5), tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt; jistieden lill-Kummissjoni ssib modi kif tqassam il-fondi tal-UE permezz tal-gvernijiet lokali u l-NGOs jekk il-gvern ikkonċernat ma jikkooperax fir-rigward tan-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-istat tad-dritt;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lis-soċjetà ċivili indipendenti fl-Ungerija li tissalvagwardja l-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE, b'mod partikolari, billi tuża l-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri; itenni s-sejħa tiegħu lill-Kummissjoni biex tadotta strateġija komprensiva tas-soċjetà ċivili għall-protezzjoni u l-iżvilupp tal-ispazju ċiviku fi ħdan l-Unjoni li tintegra l-għodod eżistenti kollha u tiddeskrivi sett ta' miżuri konkreti li jipproteġu u jsaħħu l-ispazju ċiviku;

8.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jidħlu minnufih f'negozjati mal-Parlament dwar mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fil-forma ta' ftehim interistituzzjonali, inkluż ċiklu ta' politika permanenti fost l-istituzzjonijiet tal-UE;

9.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, b'mod partikolari dawk li jinsabu fil-proposta 25 dwar l-istat tad-dritt, il-valuri demokratiċi u l-identità Ewropea, u jtenni l-ħtieġa li tissaħħaħ il-proċedura għall-protezzjoni tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni u li jiġu ċċarati d-determinazzjoni u l-konsegwenzi tal-ksur tal-valuri fundamentali;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, kif ukoll lin-Nazzjonijiet Uniti.

(1) ĠU C 433, 23.12.2019, p. 66.
(2) ĠU C 270, 7.7.2021, p. 91.
(3) Testi adottati, P9_TA(2022)0204.
(4) ĠU C 99, 1.3.2022, p. 218.
(5) Is-Sentenza tal-24 ta' Ġunju 2019, Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja, C-619/18, ECLI:EU:C:2019:531, il-paragrafu 42.
(6) Opinjoni tal-Qorti tat-18 ta' Diċembru 2014, Opinjoni skont l-Artikolu 218(11) TFUE, 2/13, ECLI:EU:C:2014:2454, il-paragrafu 168.
(7) Is-Sentenza tas-27 ta' Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses vs Tribunal de Contas, C-64/16, ECLI EU:C:2018:117, il-paragrafu 32.
(8) ĠU C 316, 6.8.2021, p. 2.
(9) ĠU C 282, 26.8.2020, p. 107.
(10) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 1).
(11) ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65.
(12) ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1.
(13) ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243.
(14) ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29.
(15) ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36.
(16) ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.
(17) Dispożizzjonijiet li jimponu obbligi ta' reġistrazzjoni, dikjarazzjoni u pubblikazzjoni fuq ċerti kategoriji ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jirċievu direttament jew indirettament appoġġ minn barra l-pajjiż li jaqbeż ċertu limitu u li jipprevedu l-possibbiltà li jiġu applikati penali għal organizzazzjonijiet li ma jikkonformawx ma' dawk l-obbligi.
(18) ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.
(19) ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.
(20) ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.
(21) ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.
(22) ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.
(23) ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55.
(24) ĠU L 180, 29.6.2013, p. 60.
(25) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 80).
(26) ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98.
(27) ĠU L 180, 29.6.2013, p. 96.
(28) ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159.
(29) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.


Is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE fl-2020 u l-2021
PDF 248kWORD 83k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2022 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2020 u l-2021 (2021/2186(INI))
P9_TA(2022)0325A9-0224/2022

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu, li jiddikjara li l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”), b'mod partikolari l-Artikoli 2(1), 20 u 21 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1534 tas-16 ta' Settembru 2021 dwar l-iżgurar tal-protezzjoni, tas-sikurezza u tat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-ġurnalisti u ta' professjonisti oħra fil-media fl-Unjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Diċembru 2021 dwar Ewropa aktar inklużiva u protettiva: l-estensjoni tal-lista ta' reati fl-UE għad-diskors ta' mibegħda u r-reati ta' mibegħda (COM(2021)0777),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2020 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija ta' Ugwaljanza Bejn is-Sessi għall-2020-2025" (COM(2020)0152),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ġunju 2020 bit-titolu "Strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020-2025)" (COM(2020)0258),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025" (COM(2020)0698),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2021 dwar il-proklamazzjoni tal-UE bħala Żona ta' Libertà LGBTIQ(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar is-sitwazzjoni tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fl-UE, fil-kuntest tas-saħħa tan-nisa(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2021 dwar ksur tal-liġi tal-UE u tad-drittijiet taċ-ċittadini LGBTIQ fl-Ungerija b'riżultat tal-bidliet legali adottati mill-Parlament Ungeriż(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2021 dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ fl-UE(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2020 dwar l-istabbiliment ta' Mekkaniżmu tal-UE għad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2019 dwar id-diskriminazzjoni pubblika u d-diskors ta' mibegħda kontra persuni LGBTI, inklużi żoni mingħajr LGBTI(7),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma ta' Skrutinju tal-Frontex tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tiegħu, kif stabbiliti fir-rapport tal-kumitat tal-14 ta' Lulju 2021 dwar l-investigazzjoni ta' ġbir ta' informazzjoni dwar il-Frontex rigward l-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-14 ta' Ottubru 2021 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ għall-2020‑2025"(8),

–  wara li kkunsidra d-dibattitu fil-Kumitat għall-Affarijiet Kurrenti tal-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa, u r-rapporti sussegwenti tiegħu tas-17 ta' Mejju 2021 bit-titolu "ir-rwol tal-awtoritajiet lokali fir-rigward tas-sitwazzjoni u tad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ fil-Polonja" u tas-17 ta' Ġunju 2021 bit-titolu "Il-protezzjoni tal-persuni LGBTIQ fil-kuntest ta' diskors ta' mibegħda u ta' diskriminazzjoni dejjem jiżdiedu kontra persuni LGBTI: ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali",

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, b'mod partikolari r-rapporti tagħha dwar id-drittijiet fundamentali għas-snin 2020 u 2021,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Diċembru 2020 dwar l-istrateġija biex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-UE (COM(2020)0711),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-10 ta' Diċembru 2021 bit-titolu "Il-Protezzjoni tad-Drittijiet Fundamentali fl-Era Diġitali – Rapport Annwali tal-2021 dwar l-Applikazzjoni tal-Karta tal-UE tad-Drittijiet Fundamentali" (COM(2021)0819),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0224/2022),

A.  billi skont l-Artikolu 2 tat-TUE, l-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi; billi l-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE jridu jiġu difiżi mill-istituzzjonijiet tal-UE u minn kull Stat Membru individwali fil-politiki kollha tagħhom; billi l-Kummissjoni, flimkien mal-Parlament u l-Kunsill, hija responsabbli skont it-Trattati biex tiggarantixxi r-rispett għall-istat tad-dritt bħala valur fundamentali tal-Unjoni u biex tiżgura li d-dritt, il-valuri u l-prinċipji tal-UE jiġu rispettati u osservati;

B.  billi l-Artikolu 151 tat-TFUE jirreferi għad-drittijiet soċjali fundamentali bħal dawk stabbiliti fil-Karta Soċjali Ewropea; billi l-Unjoni għadha ma aderietx mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, minkejja l-obbligu tagħha li tagħmel dan skont l-Artikolu 6(2) tat-TUE;

C.  billi fl-2020 u l-2021, il-miżuri restrittivi għall-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 interferew ma' firxa wiesgħa ta' drittijiet fundamentali, bħad-dritt għal-libertà ta' moviment u għal-libertà ta' għaqda, id-dritt għall-ħajja privata u tal-familja, inkluż il-protezzjoni tad-data personali, u d-dritt għall-edukazzjoni, għax-xogħol u għas-sigurtà soċjali; billi l-pandemija aggravat l-isfidi u l-inugwaljanzi eżistenti fl-oqsma kollha tal-ħajja, filwaqt li affettwat b'mod partikolari lill-gruppi vulnerabbli, u pprovokat żieda f'inċidenti ta' natura razzista;

D.  billi d-dritt għal trattament ugwali u nondiskriminazzjoni huwa dritt fundamentali minqux fl-Artikoli 2 u 3(3) tat-TUE, fl-Artikoli 8, 10, 19 u 157 tat-TFUE u fl-Artikoli 21 u 23 tal-Karta;

E.  billi t-terminu "Rom" ikopri l-persuni u t-tfal kollha ta' oriġini Rom, Kalè, Manouches, Lovara, Rissende, Boyash, Domare, Kalderash u Sinti; billi d-definizzjoni l-ġdida ta' Rom hija aħjar biex tinkludi anki lil dawk stigmatizzati bħala żingari mingħajr oriġini etnika korrispondenti, bħall-Eġizzjani, l-Ashkali jew it-Travellers; billi l-komunitajiet Rom jibqgħu fost l-aktar gruppi vulnerabbli u oppressi fl-UE;

F.  billi l-kriżi tas-saħħa spiss intużat bħala pretest biex jiġu attakkati l-minoranzi, inklużi l-migranti, persuni bi sfond ta' migrazzjoni u r-Rom, li diġà kienu soġġetti għal diskriminazzjoni razzjali u etnika, diskors ta' mibegħda u reati ta' mibegħda; billi n-nisa u t-tfal Rom, li spiss ikunu soġġetti għal diskriminazzjoni multipla jew forom intersezzjonali ta' diskriminazzjoni, huma fost l-aktar gruppi u individwi mhedda fl-Istati Membri u fil-pajjiżi ta' adeżjoni u f'dawk kandidati, hekk kif jiffaċċjaw ostakli saħansitra agħar mill-irġiel Rom fil-popolazzjoni ġenerali, u spiss jgħixu f'insedjamenti foqra, rurali jew urbani – spiss informali – b'aċċess limitat għall-edukazzjoni, għax-xogħol u għas-servizzi tas-saħħa, mingħajr ebda aċċess għas-sanitazzjoni jew għall-ilma nadif, u stennija ta' għomor iqsar – sitwazzjoni li kompliet tiġi aggravata bil-pandemija tal-COVID-19;

G.  billi fl-20 ta' Mejju 2022 il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa adotta rakkomandazzjoni dwar il-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda, li tipprovdi gwida mhux vinkolanti dwar kif għandu jiġi indirizzat dan il-fenomenu; billi l-Kumitat ta' Esperti dwar il-Ġlieda kontra r-Reati ta' Mibegħda, stabbilit reċentement, ġie inkarigat bil-kompitu li, sa tmiem l-2023, iħejji għall-Kumitat tal-Ministri abbozz ta' rakkomandazzjoni dwar ir-reati ta' mibegħda;

H.  billi l-fatt li b'mod deliberat id-drittijiet ta' ċerti gruppi minoritarji jiġu mmirati f'uħud mill-Istati Membri ħoloq u stabbilixxa momentum bnadi oħra, kif attestat mir-rigress tad-drittijiet tan-nisa u tal-persuni LGBTIQ; billi dawn huma strateġiji deliberati bl-għan li jdgħajfu l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-UE minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE; billi l-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa adotta riżoluzzjoni li fiha fakkar ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet lokali fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ u stedinhom jaħtru "Espert Lokali dwar l-Ugwaljanza u d-Diversità"; billi l-Kumitat tar-Reġjuni fformula bosta suġġerimenti għar-rwol attiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni fil-konfront tal-persuni LGBTIQ u fil-protezzjoni minnha;

I.  billi matul il-lockdowns tal-COVID-19, il-persuni LGBTIQ, b'mod partikolari ż-żgħażagħ, kienu esposti għal rati ogħla mill-medja ta' vjolenza domestika u vjolenza abbażi tal-ġeneru minħabba diskriminazzjoni dovuta għall-fatt li huma LGBTIQ; billi l-persuni LGBTIQ huma aktar vulnerabbli għall-problema ta' persuni mingħajr dar, sitwazzjoni aggravata bil-lockdowns tal-COVID-19;

J.  billi l-libertà tal-media hija wieħed mill-pilastri u waħda mill-garanziji ta' demokrazija li tiffunzjona u tal-istat tad-dritt; billi l-libertà, il-pluraliżmu u l-indipendenza tal-media u s-sikurezza tal-ġurnalisti huma komponenti kruċjali tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni, u huma essenzjali għall-funzjonament demokratiku tal-UE u tal-Istati Membri tagħha; billi l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jadottaw qafas legali u regolatorju li jrawwem l-iżvilupp ta' media ħielsa, indipendenti u pluralistika; billi l-fastidju online, it-theddid u l-kawżi kontra l-ġurnalisti, speċjalment il-ġurnalisti investigattivi, minn politiċi u personalitajiet pubbliċi prominenti, inklużi membri tal-gvern, qed ikomplu jiżdiedu f'uħud mill-Istati Membri; billi każijiet ta' interferenza politika fil-media ġew irrapportati fl-Istati Membri kollha; billi l-ġurnalisti jkomplu jiffaċċjaw l-ostakli biex jiksbu aċċess għall-informazzjoni u għad-dokumenti pubbliċi;

K.  billi l-kriminalizzazzjoni tal-ġurnalisti minħabba xogħolhom hija kwistjoni partikolarment gravi; billi l-ġurnalisti ma għandhomx jispiċċaw il-ħabs jew jiġu mhedda b'sentenza ta' ħabs minħabba malafama; billi l-Istati Membri ma għandhomx jimponu sanzjonijiet kriminali għal reati tal-media ħlief f'każijiet fejn drittijiet fundamentali oħra jkunu ġew imxekkla serjament, u għandhom jiżguraw li dawn is-sanzjonijiet ma jiġux applikati b'mod diskriminatorju jew arbitrarju fil-konfront tal-ġurnalisti;

L.  billi r-rivelazzjonijiet li diversi pajjiżi, inklużi Stati Membri tal-UE, għamlu użu mill-ispyware ta' sorveljanza Pegasus fil-konfront ta' ġurnalisti, politiċi, u atturi oħra huma estremament allarmanti u apparentement jikkonfermaw il-perikli tal-użu ħażin tat-teknoloġija ta' sorveljanza biex tikkomprometti d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;

M.  billi l-iżvelar ta' informazzjoni protetta huwa aspett fundamentali tal-libertà ta' espressjoni u jiżvolġi rwol ċentrali fid-detezzjoni u fir-rapportar ta' atti illeċiti, u fit-tisħiħ tal-akkontabbiltà demokratika u tat-trasparenza; billi l-iżvelar ta' informazzjoni protetta jirrappreżenta sors ewlieni ta' informazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u fl-investigazzjoni, fl-identifikazzjoni u fil-pubbliċizzazzjoni ta' każijiet ta' korruzzjoni fis-settur pubbliku u f'dak privat; billi l-protezzjoni adegwata tal-informaturi fil-livell tal-UE, nazzjonali u internazzjonali, kif ukoll ir-rikonoxximent tar-rwol importanti li l-informaturi jiżvolġu fis-soċjetà, huma prerekwiżiti biex tiġi żgurata l-effettività ta' dan ir-rwol;

N.  billi wħud mill-Istati Membri oħra għadhom ma implimentawx ir-rekwiżiti kollha tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva(9), u b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw l-indipendenza tar-regolaturi tas-suq tal-media nazzjonali;

O.  billi fl-24 ta' Ġunju 2021, il-Parlament adotta riżoluzzjoni komprensiva dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, li tistabbilixxi l-viżjoni tiegħu dwar il-kwistjoni fl-Istati Membri; billi din ir-riżoluzzjoni tirrikonoxxi n-nuqqasijiet, tilqa' l-progress u tagħmel sensiela ta' proposti biex tiżgura aċċess għal prodotti mestrwali għal kulħadd, edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità, kontraċezzjoni moderna bħala strateġija għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, kura riproduttiva sikura u legali, aċċess għal trattamenti tal-fertilità, kif ukoll kura relatata mal-maternità, mat-tqala u mat-twelid għal kulħadd;

P.  billi skont stħarriġ tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali dwar il-vjolenza kontra n-nisa, il-vittmi ta' vjolenza mis-sieħeb jirrapportaw l-aktar inċidenti serji lill-pulizija f'14 % biss tal-każijiet, u żewġ terzi tal-vittmi nisa sistematikament ma jirrapportawx il-vjolenza lill-awtoritajiet, minħabba biża' jew nuqqas ta' informazzjoni dwar id-drittijiet tal-vittmi, jew minħabba twemmin ġenerali li l-vjolenza minn sieħeb intimu hija kwistjoni privata li ma għandhiex tiġi ppubliċizzata;

Q.  billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija ksur gravi tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u tikkostitwixxi ostaklu kbir għall-ilħiq tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-soċjetà; billi n-nisa u l-bniet jibqgħu affettwati b'mod sproporzjonat mill-vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluż il-vjolenza sesswali, il-fastidju u l-mutilazzjoni ġenitali femminili fost forom oħra, kif ukoll il-vjolenza domestika u l-vjolenza minn sieħeb intimu; billi dawn l-atti ta' vjolenza jistgħu jitwettqu kemm fil-pubbliku kif ukoll fil-privat;

R.  billi l-fenomenu tal-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru qed jiżdied, fejn fl-UE, waħda minn kull ħames nisa ta' età bejn it-18-il sena u d-29 sena rrapportaw li sofrew fastidju sesswali online; billi l-isfera pubblika diġitali trid tipprovdi ambjent sikur għal kulħadd, inklużi n-nisa u l-bniet; billi ma għandu jkun hemm l-ebda impunità fl-ambjent online; billi f'żewġ rapporti leġiżlattivi fuq inizjattiva proprja, il-Parlament stieden lill-Kummissjoni tressaq proposti dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza ċibernetika u dwar iż-żieda fil-vjolenza abbażi tal-ġeneru bħala qasam ġdid ta' kriminalità elenkat fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE;

S.  billi f'ħafna Stati Membri, il-miżuri ta' lockdown u ta' tbegħid soċjali attwati matul il-pandemija tal-COVID-19 spiċċaw assoċjati ma' żieda esponenzjali fil-prevalenza u fl-intensità ta' każijiet ta' vjolenza minn sieħeb intimu, vjolenza psikoloġika u kontroll koerċittiv u vjolenza ċibernetika, kif ukoll ma' żieda ta' 60 % fl-għadd ta' telefonati ta' emerġenza rrapportati mill-vittmi ta' vjolenza domestika; billi r-rekwiżit li jibqgħu d-dar u ż-żieda allarmanti fil-pandemija "fantażma" tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru għamluha diffiċli għan-nisa u għat-tfal biex jiksbu aċċess għal protezzjoni effettiva, servizzi ta' appoġġ u ġustizzja u wrew kemm ir-riżorsi u l-istrutturi ta' appoġġ ma kinux biżżejjed u li l-vittmi kellhom aċċess limitat għas-servizzi ta' appoġġ, fejn ħafna sfaw mingħajr protezzjoni adegwata u f'waqtha; billi l-Istati Membri għandhom jikkondividu l-aħjar prattiki f'miżuri speċifiċi biex jipprovdu lill-vittmi b'assistenza f'waqtha u aċċessibbli, inkluż l-istabbiliment ta' sistemi biex jintbagħtu messaġġi ta' emerġenza jew jinħolqu punti ta' kuntatt biex tintalab l-għajnuna fl-ispiżeriji u fis-supermarkets; billi għal diversi raġunijiet, minkejja l-prevalenza tal-fenomenu, il-vjolenza kontra n-nisa minn sieħeb intimu baqgħet mhux irrappurtata biżżejjed fl-UE mill-vittmi u mill-familji, mill-ħbieb, mill-konoxxenzi u mill-ġirien tagħhom, speċjalment matul il-pandemija tal-COVID-19; billi hemm nuqqas sinifikanti ta' data komprensiva, komparabbli u diżaggregata skont il-ġeneru, liema nuqqas irendi diffiċli valutazzjoni sħiħa tal-impatt tal-kriżi;

T.  billi fl-Istati Membri l-ksur tad-drittijiet tat-tfal ikompli b'riżultat ta' vjolenza, abbuż, sfruttament, faqar, esklużjoni soċjali u diskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon, tad-diżabilità, tal-ġeneru, tal-identità sesswali, tal-età, tal-etniċità, ta' migrazzjoni jew status ta' residenza; billi fl-UE kważi 25 % tat-tfal taħt it-18-il sena huma f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali; billi l-faqar iċaħħad lit-tfal minn opportunitajiet edukattivi, indukrar, kura tas-saħħa, ikel u akkomodazzjoni adegwati, appoġġ mill-familja u saħansitra protezzjoni mill-vjolenza, u jista' jkollu effetti li jdumu ħafna; billi l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali indikat li l-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal hija wkoll kwistjoni ta' drittijiet fundamentali u ta' obbligi legali; billi l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal hija objettiv espliċitu tal-politiki tal-UE u tal-Karta, li tirrikjedi li l-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja fl-azzjonijiet kollha tal-UE;

U.  billi l-pandemija tal-COVID-19 poġġiet pressjoni bla preċedent fuq it-tfal u l-familji fl-UE kollha, speċjalment dawk li diġà kienu ekonomikament jew soċjalment żvantaġġati; billi tfal minn sfondi soċjoekonomiċi żvantaġġati spiss ma jkollhomx tagħmir tal-IT adegwat, aċċess għall-internet u spazju u kundizzjonijiet xierqa biex jaħdmu, fatt li kompla jaggrava l-inugwaljanzi eżistenti fl-apprendiment matul il-pandemija; billi l-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri li ttieħdu b'rispons għaliha żiedu r-riskju li t-tfal jkunu esposti għall-vjolenza, inkluż l-isfruttament u l-abbuż sesswali tat-tfal iffaċilitati mit-teknoloġija; billi għalkemm ġew ippreżentati inqas applikazzjonijiet għall-ażil tat-tfal, il-kundizzjonijiet ta' akkoljenza tat-tfal baqgħu inadegwati f'diversi Stati Membri;

V.  billi skont l-Artikolu 47 tal-Karta, id-dritt fundamentali għal rimedju effettiv jirrikjedi aċċess għal tribunal indipendenti; billi l-influwenza politika jew il-kontroll tal-ġudikatura u ostakli simili għall-indipendenza tal-imħallfin individwali ripetutament irriżultaw f'sitwazzjoni fejn il-ġudikatura ma setgħetx taqdi r-rwol tagħha li tivverifika b'mod indipendenti l-użu arbitrarju tal-poter mill-fergħa eżekuttiva u l-fergħa leġiżlattiva tal-gvern; billi sistema ġudizzjarja effettiva, indipendenti u imparzjali hija essenzjali għall-iżgurar tal-istat tad-dritt u għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet ċivili taċ-ċittadini fl-UE;

W.  billi l-pandemija tal-COVID-19 ħarġet fid-deher in-nuqqas li tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ta' persuni miżmuma taħt arrest preventiv qabel is-smigħ tal-kawża; billi filwaqt li l-prattiki relatati mal-użu tal-arrest preventiv matul il-pandemija tal-COVID-19 kienu jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor, f'għadd ta' Stati Membri d-dewmien fis-seduti tal-qorti u fl-investigazzjonijiet irriżulta f'perjodi itwal ta' arrest preventiv; billi l-persuni mċaħħda mil-libertà tagħhom kienu aktar vulnerabbli għat-tifqigħa tal-COVID-19 mill-popolazzjoni ġenerali minħabba l-kundizzjonijiet ta' konfinament li għexu fihom għal perjodi twal ta' żmien; billi l-għeluq tal-qrati u/jew id-dewmien fis-seduti u fl-investigazzjonijiet ikkawżaw konfużjoni u inċertezza għas-suspettati, speċjalment għal dawk miżmuma taħt arrest, li ftit li xejn kellhom idea meta kien se jsir il-proċess tagħhom, u kemm kienu se jdumu aktar taħt arrest;

X.  billi d-dritt internazzjonali jikkonferma li wieħed ma jistax jinżamm taħt arrest għar-raġuni unika li jkun qed ifittex ażil; billi d-detenzjoni trid għaldaqstant tintuża biss fl-aħħar istanza u għal skop ġustifikat; billi għal persuni apolidi de jure kif ukoll de facto, in-nuqqas ta' status legali jew ta' dokumentazzjoni tagħhom ifisser li jirriskjaw li jinżammu f'detenzjoni b'mod indefinit, u dan huwa illegali skont id-dritt internazzjonali;

Y.  billi l-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020-2025) trid tipprovdi qafas għal azzjoni biex tiġi evitata l-impunità legali u soċjali, filwaqt li tiżdied is-sigurtà u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini kollha tal-UE;

Z.  billi s-salvagwardja tal-bijodiversità u tal-ekosistemi hija fundamentali għall-iżvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima, fejn il-perjodu 2021-2030 ġie ddeżinjat bħala d-Deċennju tan-NU dwar ir-Restawr tal-Ekosistema; billi l-Kummissjoni ħabbret li l-adozzjoni ta' inizjattivi leġiżlattivi kruċjali dwar il-protezzjoni ambjentali, inkluża liġi ewlenija dwar ir-restawr tan-natura, kellha tiġi posposta b'diversi xhur; billi l-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu l-għan li jipproteġi, jippreserva u jsaħħaħ il-kapital naturali tal-UE u jipproteġi s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini tagħha mir-riskji u l-impatti relatati mal-ambjent; billi għadd ta' inizjattivi leġiżlattivi proposti se jkollhom impatt pożittiv fuq il-livell ta' protezzjoni ambjentali, kif minqux fl-Artikolu 37 tal-Karta;

L-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali

1.  Jissottolinja l-fatt li l-istat tad-dritt huwa pedament tad-demokrazija, iżomm is-separazzjoni tal-poteri, jiżgura l-akkontabbiltà, jikkontribwixxi għall-fiduċja fl-istituzzjonijiet pubbliċi u jiggarantixxi l-prinċipji tal-legalità, taċ-ċertezza tad-dritt, tal-projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi, tal-indipendenza ġudizzjarja, tal-imparzjalità u tal-ugwaljanza quddiem il-liġi; jisħaq li l-istat tad-dritt u l-indipendenza ġudizzjarja b'mod partikolari huma kritiċi biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jgawdu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom;

2.  Itenni li l-istat tad-dritt, il-libertà u l-pluraliżmu tal-media u l-ġlieda b'mod effettiv kontra l-korruzzjoni huma l-pedament tas-soċjetajiet tagħna u huma valuri fundamentali tal-UE li jaffettwaw id-drittijiet fundamentali kollha; jinnota b'dispjaċir, madankollu, li f'uħud mill-Istati Membri l-ksur ta' dawn il-prinċipji huwa persistenti u joħloq theddida serja għad-distribuzzjoni ġusta, legali u imparzjali tal-fondi tal-UE;

3.  Iqis li l-istat tad-dritt huwa marbut mill-qrib mar-rispett tad-demokrazija u tad-drittijiet fundamentali u jenfasizza li d-deterjorament ta' wieħed minn dawn il-valuri, ikun liema jkun, jikkostitwixxi attakk fuq il-pilastri tal-Unjoni kif stipulat fit-TUE; itenni l-bosta appelli magħmula minnu biex il-kamp ta' applikazzjoni tar-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt jitwessa' b'tali mod li jinkludi l-valuri kollha tal-Artikolu 2 tat-TUE sabiex jipprovdu stampa ġenerali olistika tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri kollha; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu mill-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħha, inkluża l-proċedura prevista fl-ambitu tal-Mekkaniżmu ta' Kundizzjonalità tal-Istat tad-Dritt, biex tindirizza dan il-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt, tad-demokrazija u tad-drittijiet fundamentali;

4.  Jikkundanna bil-qawwa l-ksur gravi tal-prinċipji tal-istat tad-dritt f'uħud mill-Istati Membri, li qiegħed jikkawża periklu serju fir-rigward tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali; iqis li f'uħud mill-każijiet dan il-ksur huwa ta' natura sistemika; jenfasizza r-rabta bejn id-deterjorament tal-istandards tal-istat tad-dritt u l-ksur tad-drittijiet fundamentali, bħal dak imwettaq fil-qasam tal-ġudikatura, l-attakki kontra l-ġurnalisti u l-media ħielsa, inkluż l-użu ta' forza eċċessiva min-naħa tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi matul il-protesti u fil-fruntieri tal-UE, in-nuqqas ta' garanziji u ta' proċess ġust għad-detenuti, l-inċitament għall-mibegħda min-naħa ta' atturi politiċi, żieda fil-poter tal-awtoritajiet li jwettqu sorveljanza tal-massa u l-ġbir mifrux ta' data interċettata, u restrizzjonijiet imposti fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jirċievu finanzjament barrani jew abbażi tal-affiljazzjoni reliġjuża tagħhom; jikkundanna ulterjorment l-isforzi ta' wħud mill-gvernijiet tal-Istati Membri biex idgħajfu s-separazzjoni tal-poteri u l-indipendenza tal-ġudikatura; jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu, b'mod partikolari, dwar deċiżjonijiet li jixħtu dubju fuq il-preminenza tad-dritt Ewropew u jistieden lill-Kummissjoni tuża l-mezzi kollha disponibbli biex tieħu azzjoni kontra dawn l-attakki;

5.  Jenfasizza li skont l-Artikolu 2 tat-TUE, l-UE hija unjoni bbażata fuq l-istat tad-dritt, u li l-infurzar tad-dritt tal-UE huwa kruċjali biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jeżerċitaw kif xieraq id-drittijiet fundamentali tagħhom; jiddispjaċih li, f'dan ir-rigward, il-Kummissjoni użat is-sett ta' għodod tal-infurzar tagħha inqas, b'mod partikolari billi tat bidu għal għadd dejjem jonqos ta' proċeduri ta' ksur; jinnota, għalhekk, li ċ-ċittadini tal-UE qed ikollhom dejjem aktar jirrikorru għal-litigazzjoni biex jiksbu t-tgawdija tad-drittijiet fundamentali tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa din il-litigazzjoni billi tistabbilixxi fond apposta ta' għajnuna finanzjarja għal-litigazzjoni strateġika għad-drittijiet tal-Karta;

6.  Jisħaq li minkejja bosta riżoluzzjonijiet u rapporti tiegħu, u minkejja diversi proċedimenti ta' ksur u deċiżjonijiet mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (QĠUE) u mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) fl-2020 u fl-2021, is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea qed tkompli tiddeterjora; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' kapaċità tal-Kummissjoni li tirrispondi b'mod xieraq għat-tħassib varju tal-Parlament rigward id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali f'diversi Stati Membri; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' monitoraġġ u infurzar komprensivi tal-konformità mal-valuri kollha tal-Artikolu 2 tat-TUE; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi monitoraġġ komprensiv f'rapport annwali dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali bħala parti mill-mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

7.  Jisħaq fuq il-fatt li huwa essenzjali li s-sentenzi tal-qrati jiġu infurzati, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE, u jikkundanna n-nuqqas ta' konformità mas-sentenzi tal-QĠUE u tal-qrati nazzjonali mill-awtoritajiet pubbliċi kkonċernati; jenfasizza li s-sentenzi tal-QĠUE jridu jiġu implimentati fil-ħin u mill-aktar fis possibbli f'konformità mat-Trattati, b'mod partikolari dawk is-sentenzi li jfittxu li jipprevjenu d-diskriminazzjoni abbażi tas-sess, tar-razza, tal-kulur, tal-oriġini etnika jew soċjali, tal-karatteristiċi ġenetiċi, tal-lingwa, tar-reliġjon jew tat-twemmin, tal-opinjoni politika jew ta' kwalunkwe opinjoni oħra, tal-appartenenza għal minoranza nazzjonali, tal-proprjetà, tat-twelid, tad-diżabilità, tal-età jew tal-orjentazzjoni sesswali;

8.  Itenni li l-korruzzjoni hija theddida serja għad-demokrazija, għall-istat tad-dritt u għat-trattament ġust taċ-ċittadini kollha; jenfasizza r-rabta bejn il-korruzzjoni u l-ksur tad-drittijiet fundamentali f'għadd ta' oqsma bħall-indipendenza tal-ġudikatura, il-libertà tal-media u l-libertà tal-espressjoni tal-ġurnalisti u tal-informaturi, il-faċilitajiet ta' detenzjoni, l-aċċess għad-drittijiet soċjali, u t-traffikar tal-bnedmin; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jiġġieldu kontra l-korruzzjoni b'mod determinat u joħolqu strumenti effettivi biex jipprevjenu, jiġġieldu u jissanzjonaw il-korruzzjoni u jiġġieldu kontra l-frodi, kif ukoll jimmonitorjaw b'mod regolari l-użu tal-fondi pubbliċi; jistieden lill-Kummissjoni tissokta minnufih il-monitoraġġ u r-rapportar annwali tagħha fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, b'referenza għall-istituzzjonijiet tal-UE u għall-Istati Membri;

9.  Jisħaq li n-nuqqas ta' azzjoni u approċċ laxk fil-konfront ta' strutturi oligarkiċi u tal-ksur sistemiku tal-istat tad-dritt idgħajfu l-Unjoni Ewropea kollha u jikkompromettu l-fiduċja taċ-ċittadini tagħha; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li flus il-kontribwenti qatt ma jispiċċaw fil-bwiet ta' dawk li jikkompromettu l-valuri kondiviżi tal-UE;

10.  Jissottolinja l-fatt li l-miżuri ta' emerġenza li rriżultaw fil-konċentrazzjoni tal-poteri u derogi għad-drittijiet fundamentali żiedu r-riskju ta' korruzzjoni; jistieden lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jiżguraw li fil-prattika jiġu applikati b'mod effettiv leġiżlazzjoni u oqfsa istituzzjonali adegwati għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u li l-gvernijiet jaġixxu bi trasparenza u b'akkontabbiltà; jistieden lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, isegwu mill-qrib il-linji gwida li ħareġ il-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) tal-Kunsill tal-Ewropa fl-2020 għall-prevenzjoni tar-riskji ta' korruzzjoni fil-kuntest tal-pandemija;

11.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-problemi strutturali f'uħud mill-Istati Membri fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura u tal-awtonomija tas-servizzi ta' prosekuzzjoni jikkompromettu l-aċċess taċ-ċittadini għall-ġustizzja u għandhom impatt negattiv fuq id-drittijiet u l-libertajiet tagħhom; ifakkar li n-nuqqasijiet fl-istat tad-dritt fi Stat Membru wieħed għandhom impatt fuq l-Unjoni kollha kemm hi u jaffettwaw id-drittijiet tan-nies kollha fl-UE; jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jipproteġu lill-imħallfin u lill-prosekuturi minn attakki u minn kwalunkwe tentattiv li ssir pressjoni fuqhom u li għaldaqstant tikkomprometti l-ħidma tagħhom;

12.  Jisħaq li skont l-Artikolu 47 tal-Karta, id-dritt fundamentali għal rimedju effettiv jirrikjedi aċċess għal tribunal indipendenti; jinnota l-isfidi dejjem jiżdiedu maħluqa mill-qrati kostituzzjonali nazzjonali u minn uħud mill-politiċi; jinsisti li l-Istati Membri jeħtiġilhom jikkonformaw bis-sħiħ mad-dritt tal-UE u mad-dritt internazzjonali kif ukoll mas-sentenzi tal-QĠUE u tal-QEDB, inklużi dawk relatati mal-indipendenza ġudizzjarja; jikkundanna n-nuqqas ta' konformità ta' għadd ta' Stati Membri, inklużi l-Polonja u l-Ungerija, ma' bosta liġijiet tal-UE u sentenzi tal-qorti Ewropea; jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw ir-rwol kruċjali tal-QĠUE u tal-QEDB u jikkonformaw mad-deċiżjonijiet tagħhom;

13.  Itenni l-kundanna tiegħu tal-prattika ta' prosekuzzjoni u fastidju tal-imħallfin li jikkritikaw lill-Gvern Pollakk; jistieden lill-Gvern Pollakk jirriforma bir-reqqa s-sistema dixxiplinari għall-imħallfin f'konformità mas-sentenzi tal-QĠUE, u jerġa' jdaħħal l-imħallfin kollha li tneħħew mill-pożizzjonijiet tagħhom mill-Awla Dixxiplinari illegali tal-Qorti Suprema, inklużi dawk l-imħallfin li għadhom ma tħallewx jiġġudikaw minkejja li appellaw b'suċċess is-sospensjoni tagħhom mill-Awla f'qorti tal-ġustizzja; jistieden lill-awtoritajiet Pollakki jikkonformaw mad-diversi sentenzi tal-QĠUE u tal-QEDB rigward il-kompożizzjoni u l-organizzazzjoni tat-"Tribunal Kostituzzjonali" illeġittimu u tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema sabiex jikkonformaw mal-istandards ta' indipendenza ġudizzjarja li l-Polonja impenjat ruħha li tirrispetta;

14.  Jilqa' l-proċeduri ta' ksur imnedija mill-Kummissjoni kontra l-Ungerija u l-Polonja bħala parti mill-pakkett ta' ksur ta' Lulju 2021 fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni LGBTIQ u tal-ksur tad-dritt tal-UE, fejn din kienet l-ewwel darba li l-Kummissjoni tat bidu għal proċeduri ta' ksur speċifikament biex tissalvagwardja d-drittijiet tagħhom; jieħu nota tal-opinjoni motivata tal-Kummissjoni indirizzata lill-gvern Ungeriż dwar il-liġi "kontra l-persuni LGBTIQ" kif ukoll tar-risposta tal-gvern, u jistieden lill-Kummissjoni tipproċedi bil-proċedura ta' ksur billi tressaq il-każ quddiem il-QĠUE; jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Qorti Għolja ta' Budapest li tannulla l-obbligu li tiġi stampata dikjarazzjoni ta' ċaħda ta' responsabbiltà fil-kotba tat-tfal fl-Ungerija, u jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-iżvilupp tal-każ bl-għan li tivvaluta l-passi neċessarji li jmiss fil-proċedura ta' ksur; jinsab imħasseb bin-nuqqas ta' segwitu b'rabta ma' proċeduri ta' ksur rigward iż-żoni Pollakki "liberi minn LGBT" u bin-nuqqas ta' kooperazzjoni sinċiera min-naħa tal-awtoritajiet Pollakki, u jistieden lill-Kummissjoni tibgħat opinjoni motivata lill-Gvern Pollakk;

15.  Jinnota li f'Ottubru 2021, skont l-Artikolu 265 tat-TFUE, il-Parlament nieda azzjoni legali kontra l-Kummissjoni quddiem il-QĠUE minħabba li naqset milli taġixxi u tapplika r-Regolament dwar il-Kundizzjonalità tal-Istat tad-Dritt(10), kif kien talab f'żewġ riżoluzzjonijiet fl-2021, liema azzjoni ttieħdet wara li l-Kummissjoni offriet tweġibiet li ma kinux sodisfaċenti u pruvat tikseb iktar ħin; jiddispjaċih dwar il-fatt li sa tmiem l-2021, il-Kummissjoni kienet għadha ma weġbitx għall-istedina tal-Parlament biex jiġi attivat l-Artikolu 6(1) tar-regolament u lill-Ungerija u lill-Polonja kienet bagħtitilhom biss talbiet għall-informazzjoni;

16.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu rigward ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità tal-Istat tad-Dritt, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2021 u li huwa direttament applikabbli fl-intier tiegħu fl-Unjoni Ewropea u fl-Istati Membri kollha tagħha għall-fondi kollha tal-baġit tal-UE, inklużi r-riżorsi allokati minn dak iż-żmien 'l hawn permezz ta' EUR 800 biljun tan-NextGenerationEU, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza temporanja; ifakkar li r-Regolament dwar il-Kundizzjonalità tal-Istat tad-Dritt jipprovdi definizzjoni ċara tal-istat tad-dritt, li trid tinftiehem b'rabta mal-valuri l-oħra tal-Unjoni, inklużi d-drittijiet fundamentali u n-nondiskriminazzjoni; huwa tal-fehma li d-diskriminazzjoni promossa mill-istati kontra l-minoranzi għandha impatt dirett fuq il-proġetti li fuqhom l-Istati Membri jiddeċiedu li jonfqu l-flus tal-UE, u għalhekk taffettwa direttament il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tattiva minnufih il-proċedura prevista fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità tal-Istat tad-Dritt;

17.  Ifakkar li għadha ma ngħatat l-ebda tweġiba xierqa lill-inizjattiva tal-Parlament dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, li għandu jiġi rregolat bi ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jidħlu immedjatament f'negozjati mal-Parlament dwar ftehim interistituzzjonali skont l-Artikolu 295 tat-TFUE;

18.  Jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni u fil-protezzjoni tal-valuri tal-UE minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE u fil-Karta; jisħaq fuq il-kontribut ewlieni tagħhom biex jiddefendu l-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri, jagħtu vuċi lill-persuni vulnerabbli u emarġinati, u jiżguraw l-aċċess għal servizzi soċjali kruċjali; jirrikonoxxi li spazju ċiviku f'saħħtu huwa prerekwiżit għad-demokrazija, għall-istat tad-dritt u għad-drittijiet fundamentali; jisħaq li l-Unjoni għandha għalhekk timpenja ruħha favur il-preservazzjoni u t-trawwim ta' spazju ċiviku fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew, inkluż permezz tal-adozzjoni ta' strateġija ddedikata għal dak il-għan;

19.  Jilqa' l-istabbiliment rapidu ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew effiċjenti, indipendenti u totalment operazzjonali sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi fl-Unjoni Ewropea; jenfasizza l-importanza li tiġi appoġġata u msaħħa l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew;

20.  Ifakkar li l-pandemija tal-COVID-19, speċjalment fil-fażijiet bikrija tagħha, tat lok għal ksur gravi tal-libertà ta' moviment u tal-libertà ta' xogħol u d-deterjorament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien, inkluż għall-ħaddiema staġjonali u transfruntiera madwar l-Unjoni; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li r-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet fundamentali li rriżultaw mill-pandemija jitneħħew hekk kif is-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika tippermetti li dan isir, u li d-drittijiet u l-libertajiet kollha jiġu restawrati bis-sħiħ;

21.  Jenfasizza r-rigress tal-istat tad-dritt f'ħafna Stati Membri fuq perjodi differenti u minn livelli differenti ta' awtorità, mil-livell eżekuttiv permezz ta' proċeduri bħall-aċċellerazzjoni tal-liġijiet waqt emerġenzi statali, għal-livell lokali bħall-abbużi pervażivi mill-awtoritajiet tal-pulizija; ifakkar li l-użu tas-setgħa diskrezzjonali għandu jkun ikkontrollat minn rieżamijiet ġudizzjarji jew rieżamijiet indipendenti oħra u li r-rimedji disponibbli għandhom ikunu ċari u aċċessibbli faċilment, b'mod partikolari fil-każ ta' abbużi, inkluż l-aċċess għal ombudsperson jew forma oħra ta' ġuriżdizzjoni mhux kontenzjuża; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi biex jipprevjenu, jikkoreġu u jippenalizzaw l-abbuż tas-setgħat diskrezzjonali u jipprovdu raġunijiet adegwati għad-deċiżjonijiet tagħhom, b'mod partikolari meta jaffettwaw id-drittijiet tal-individwi;

22.  Jinsab imħasseb bil-fatt li l-pandemija tal-COVID-19 u r-risponsi sussegwenti kellhom riperkussjonijiet bla preċedent fuq il-funzjonament tal-qrati u fuq il-kapaċità ta' eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża, fejn il-kapaċità tal-avukati li jikkonsultaw lill-klijenti tagħhom ġiet ristretta b'mod sever; jissottolinja l-fatt li l-aċċess għall-għases tal-pulizija u għall-qrati kien limitat b'mod sever, u bosta seduti fil-qrati ġew posposti jew saru online; jisħaq li dawn il-miżuri kellhom implikazzjonijiet serji fuq il-kapaċità tal-persuni arrestati, imħarrka jew f'detenzjoni biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal proċess ġust;

23.  Jisħaq li l-pandemija tal-COVID-19 ma teħlisx lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi mill-obbligu tagħhom li jibbilanċjaw bir-reqqa l-interessi involuti u milli jużaw is-setgħat tagħhom b'mod li jikkonforma mal-obbligi tagħhom b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar li fejn ikun seħħ ksur tad-drittijiet tal-bniedem b'rabta mal-pulizija u mal-użu tal-forza, l-Istati Membri jeħtiġilhom iwettqu investigazzjonijiet fil-pront, bir-reqqa, effettivi u indipendenti, u jiżguraw li dawk kollha responsabbli jinżammu akkontabbli fi proċessi ġusti;

24.  Jesprimi tħassib dwar l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq il-persuni f'detenzjoni; jisħaq li wħud mill-Istati Membri adottaw miżuri biex inaqqsu l-popolazzjonijiet tal-ħabsijiet, iżda spiss fuq bażi temporanja biss; jissottolinja l-fatt li l-UE qed tħabbat wiċċha ma' kriżi li ilha għaddejja ta' popolazzjoni eċċessiva fil-ħabsijiet, ikkawżata primarjament mir-rikors eċċessiv għall-arrest preventiv qabel is-smigħ tal-kawża(11); jinsab imħasseb biż-żieda fil-problemi tas-saħħa mentali fost il-persuni taħt arrest preventiv; ifakkar li ż-żamma ta' persuni legalment innoċenti taħt arrest preventiv qabel is-smigħ tal-kawża hija aċċettabbli biss bħala miżura eċċezzjonali tal-aħħar istanza u jistieden lill-Istati Membri jillimitaw id-dipendenza fuq l-arrest preventiv qabel is-smigħ tal-kawża u jesploraw alternattivi għalih; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' standards tal-UE marbuta mal-arrest preventiv qabel is-smigħ tal-kawża, li għandhom jistabbilixxu s-sentenza minima neċessarja qabel l-impożizzjoni ta' arrest preventiv qabel is-smigħ tal-kawża sabiex l-awturi ta' reati minuri jiġu eżentati; huwa tal-fehma li individwi ma għandhomx jinżammu fil-ħabs għal perjodu itwal mil-limitu legali waqt li jkunu qed jistennew proċess u li l-każijiet iridu jitressqu quddiem il-qorti fi żmien raġonevoli; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi standards minimi relatati mal-kundizzjonijiet fil-ħabs u f'detenzjoni fl-UE;

Id-dritt għal trattament ugwali

25.  Jisħaq bi tħassib li prattiki diskriminatorji jkomplu jseħħu abbażi ta' raġunijiet tas-sess, tar-razza, tal-kulur, tal-oriġini etnika jew soċjali, tal-karatteristiċi ġenetiċi, tal-lingwa, tar-reliġjon jew tat-twemmin, tal-opinjoni politika jew ta' kwalunkwe opinjoni oħra, tas-sħubija f'minoranza nazzjonali, tal-proprjetà, tat-twelid, tad-diżabilità, tal-età, tal-orjentazzjoni sesswali jew tal-identità tal-ġeneru; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi politiki pubbliċi mmirati lejn l-eliminazzjoni ta' tali diskriminazzjoni, u tiżgura li d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija(12) tiġi implimentata b'mod xieraq u sħiħ; jemmen li l-Kummissjoni għandha tibda proċeduri ta' ksur kontra l-Istati Membri li jonqsu milli jagħmlu dan;

26.  Jenfasizza li, skont ir-rapporti annwali dwar id-drittijiet fundamentali tal-Aġenzija tal-UE għad-drittijiet fundamentali, ħafna Stati Membri jsegwu prattiki, politiki u liġijiet istituzzjonali diskriminatorji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li jimplimentaw u jinfurzaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni, iniedu proċedimenti ta' ksur kontra l-Istati Membri li ma jittrasponux jew ma jimplimentawx bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni tal-UE kontra d-diskriminazzjoni, u jintensifikaw il-miżuri għall-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni istituzzjonali, b'mod partikolari min-naħa tal-infurzar tal-liġi u tas-sistema ġudizzjarja, li jista' jkollha impatt aktar serju fuq individwi minn gruppi f'sitwazzjonijiet vulnerabbli; ifakkar fil-ħtieġa urġenti li tiġi estiża l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni lil hinn mill-impjieg permezz ta' approċċ orizzontali u intersezzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżblukkaw id-Direttiva dwar it-Trattament Ugwali mingħajr aktar dewmien u mingħajr ma jbaxxu l-istandards;

27.  Jisħaq li, skont ir-rapport tal-2021 dwar id-drittijiet fundamentali tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, l-Istati Membri għandhom itejbu b'mod sinifikanti l-effettività tal-miżuri u tal-arranġamenti istituzzjonali tagħhom għall-applikazzjoni korretta u sħiħa tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali(13), b'mod partikolari billi jsaħħu l-indipendenza tal-korpi tal-ugwaljanza billi jiżguraw li jkollhom il-mandat u r-riżorsi xierqa li jeħtieġu biex iwettqu b'mod effettiv il-kompiti assenjati lilhom fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-nondiskriminazzjoni;

28.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha fil-ġlieda kontra r-razziżmu, inkluż billi tipproponi leġiżlazzjoni ambizzjuża; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tiżgura segwitu xieraq tal-pjan ta' azzjoni tal-UE kontra r-razziżmu 2020-2025(14) u tistabbilixxi mekkaniżmi effiċjenti ta' monitoraġġ u evalwazzjoni biex jitkejjel il-progress;

29.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni ħatret koordinatur tad-drittijiet tal-vittmi, adottat l-ewwel strateġija tagħha dwar id-drittijiet tal-vittmi u stabbiliet pjattaforma għad-drittijiet tal-vittmi; jisħaq, madankollu, li l-isfidi għall-aċċess għall-ġustizzja, b'mod partikolari għall-vittmi f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, u għall-indipendenza ġudizzjarja baqgħu jippersistu f'diversi Stati Membri;

30.  Jitlob li jkun hemm mekkaniżmu ta' integrazzjoni għall-kooperazzjoni u għall-koordinazzjoni tal-politiki nazzjonali u tal-UE dwar l-ugwaljanza, li jiżgura li l-forom kollha ta' diskriminazzjoni, speċjalment dawk intersezzjonali, jitqiesu fir-rieżami u fl-adozzjoni tal-politiki, inkluż permezz ta' valutazzjonijiet tal-impatt fuq l-ugwaljanza b'mod regolari u indirizzat b'mod trasparenti f'konformità ma' għanijiet u skedi ta' żmien ċari, abbażi tal-evidenza u bl-użu ta' indikaturi tal-prestazzjoni; jitlob li tiġi stabbilita kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, mal-organizzazzjonijiet ta' appoġġ, mal-komunitajiet u mal-persuni li qed jiffaċċjaw diskriminazzjoni filwaqt li jiġu żgurati riżorsi adegwati biex tittieħed azzjoni u jitwettqu miżuri ta' monitoraġġ;

31.  Jikkundanna ż-żieda fl-attakki fuq il-persuni LGBTIQ u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu miżuri biex itemmu dawn l-attakki u jiggarantixxu ugwaljanza effettiva għall-persuni LGBTIQ fl-oqsma kollha;

32.  Jikkundanna l-approċċ meħud minn xi gvernijiet tal-UE li jadottaw leġiżlazzjoni permezz ta' proċeduri aċċellerati mingħajr konsultazzjonijiet pubbliċi jew saħansitra, f'każijiet eċċezzjonali, bidliet kostituzzjonali bħala mod li jiġu leġittimizzati politiki diskriminatorji li altrimenti ma jkunux jistgħu jiġu lleġiżlati, bħal dispożizzjonijiet immirati speċifikament lejn persuni LGBTIQ; jinnota li l-bidliet approvati għall-kostituzzjoni Ungeriża u l-abbozz ta' liġi "kontra l-persuni LGBTIQ" adottat f'Ġunju 2021 mill-Parlament Ungeriż huma eżempji notevoli ta' vjolazzjoni tad-dritt għal trattament ugwali u għall-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni; jilqa' l-fatt li 18-il Stat Membru ppubblikaw dikjarazzjoni konġunta li tikkundanna l-emendi kontra l-LGBT fil-Liġi tal-Ungerija dwar il-Protezzjoni tat-Tfal; jilqa' l-fatt li 16-il Stat Membru tennew l-appoġġ tagħhom għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fil-konfront tal-persuni LGBTIQ; jisħaq li l-promozzjoni tal-proġett Ewropew bla dubju tinkludi l-promozzjoni tat-tolleranza, tal-aċċettazzjoni, tan-nondiskriminazzjoni u tat-trattament ugwali;

33.  Jinsab imħasseb dwar rapporti ta' forza eċċessiva, brutalità min-naħa tal-pulizija u kondotta ħażina fil-konfront tar-Rom fl-UE kollha, li jikkorrispondu ma' dak li sabet l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali fl-2020, u dan żvela wkoll il-fatt li r-Rom ikollhom iġarrbu faqar mifrux, kundizzjonijiet tal-għajxien inadegwati, saħħa fqira, esklużjoni mis-suq tax-xogħol u fastidju; jikkundanna l-esklużjoni soċjali persistenti u l-anti‑Żingariżmu li jwasslu għall-kriminalizzazzjoni sproporzjonata tar-Rom u jistieden lill-Kummissjoni tressaq leġiżlazzjoni aħjar u miżuri ta' politika speċifiċi biex tipprevjeni tali inċidenti u ssir ġustizzja mal-vittmi, filwaqt li tpoġġi l-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu fil-qalba tal-politiki tal-UE;

34.  Jiddeplora l-fatt li għadd sinifikanti ta' Rom fl-UE għadhom jgħixu f'insedjamenti emarġinati f'kundizzjonijiet estremament prekarji u f'ċirkostanzi soċjoekonomiċi foqra ħafna, u spiss ma jkollhomx aċċess għal ilma tax-xorb nadif, elettriku, akkomodazzjoni sikura u adegwata, edukazzjoni, impjieg, kura tas-saħħa, faċilitajiet tad-drenaġġ u ġbir tal-iskart; ifakkar li s-sitwazzjoni fl-insedjamenti tar-Rom tikser b'mod ċar id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali u għandha ramifikazzjonijiet serji, speċjalment għat-tfal Rom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jsegwu r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom(15) kif ukoll il-qafas strateġiku tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni għall-2020-2030(16) u jagħmlu użu sħiħ mill-finanzjament tal-UE u dak nazzjonali għal dan il-għan; jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-monitoraġġ tal-progress tal-Istati Membri u tieħu passi ulterjuri skont dan;

35.  Jiddeplora l-fatt li l-prattika tas-segregazzjoni fl-iskejjel tat-tfal minn gruppi ta' minoranza tibqa' kwistjoni sinifikanti fl-Ewropa; jenfasizza li prattiki bħal dawn spiss joriġinaw minn dijanjożi ħażina ta' dawn it-tfal b'diżabilitajiet intellettwali abbażi taċ-ċirkostanzi soċjali jew personali tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-politiki ta' inklużjoni tagħhom biex jipprevjenu dawn il-prattiki diskriminatorji, kemm jekk intenzjonati kif ukoll jekk mhux intenzjonati, u jistabbilixxu mekkaniżmi superviżorji sabiex, fejn meħtieġ, jirrieżaminaw u jreġġgħu lura deċiżjonijiet dijanjostiċi;

36.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-involviment xieraq tal-korpi tal-protezzjoni soċjali u legali fir-rigward tat-tfal u t-tutela soċjali f'komunitajiet Rom emarġinati sabiex jiġi żgurat li t-tfal jirċievu l-protezzjoni u l-kura li jeħtieġu għall-benesseri u għall-iżvilupp tagħhom, filwaqt li jiġu rispettati l-aħjar interessi tagħhom, u jistabbilixxu proċeduri mfassla apposta għall-ħtiġijiet differenti tal-komunitajiet Rom emarġinati sabiex iwettqu dmirijiethom bl-istess mod bħalma jagħmlu għat-tfal mill-maġġoranza tal-popolazzjoni;

37.  Jenfasizza li l-qafas strateġiku l-ġdid tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni jistabbilixxi miri ambizzjużi f'seba' oqsma ewlenin: in-nondiskriminazzjoni, l-inklużjoni, il-parteċipazzjoni, l-edukazzjoni, l-impjieg, is-saħħa u l-akkomodazzjoni, u jservi ta' qafas ta' monitoraġġ aktar b'saħħtu b'firxa ta' miri kwantifikabbli u li jistgħu jitkejlu biex jiġi segwit il-progress; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura segwitu xieraq għall-istrateġija u għall-progress; iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinfurzaw il-projbizzjoni tat-tfassil ta' profili razzjali jew etniċi fl-infurzar tal-liġi, fil-miżuri kontra t-terroriżmu u fil-kontrolli tal-migrazzjoni, kif ukoll il-vjolenza min-naħa tal-pulizija, u jiżguraw l-akkontabbiltà;

38.  Jinsab inkwetat li l-politiki tat-terroriżmu u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu setgħu wasslu għal diskriminazzjoni u ostilità kontra ċerti gruppi, inklużi komunitajiet ta' kulur, komunitajiet Musulmani, movimenti, attivisti u organizzazzjonijiet kontra r-razziżmu; jiddispjaċih li f'uħud mill-każijiet dawk il-politiki jinkludu d-deleġittimizzazzjoni, il-kriminalizzazzjoni jew it-tentattiv ta' kriminalizzazzjoni ta' diskorsi politiċi, reliġjużi u diskorsi oħra, li jistgħu jirriżultaw fi prattiki diskriminatorji tal-infurzar tal-liġi, bħat-tfassil ta' profili razzjali u reliġjużi, u effetti soċjali usa' bħall-awtoċensura u t-tnaqqis tal-ispazju għas-soċjetà ċivili;

39.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li torganizza konsultazzjoni pubblika dwar l-aġġornament tad-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità(17) bħala parti mill-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020‑2025), bil-għan li ssaħħaħ b'mod effettiv l-assistenza u l-protezzjoni pprovduta lill-vittmi, inklużi l-vittmi tat-terroriżmu, u tirrikonoxxi l-importanza li tiġi ppreservata d-dinjità tagħhom; jistieden lill-istituzzjonijiet ikkonċernati jipprovdu salvagwardji biex tiġi evitata kwalunkwe vittimizzazzjoni sussegwenti li tkun ġejja minn umiljazzjoni u attakki fuq l-immaġni tal-vittmi li jkunu ġejjin minn setturi soċjali relatati mal-awtur tal-attakki;

40.  Itenni t-talbiet tiegħu lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri kollha tal-UE biex jindirizzaw b'mod effettiv sfidi bħall-isfruttament sesswali tat-tfal, il-pornografija tat-tfal, il-protezzjoni ta' tfal migranti mhux akkumpanjati, is-sitwazzjoni ta' tfal b'diżabilità istituzzjonalizzati, il-protezzjoni tat-tfal li jkunu sofrew abbuż domestiku u l-isfruttament fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll it-tfal neqsin;

41.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni qieset ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament u adottat strateġija ambizzjuża għad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità għall-perjodu 2021-2030(18); jafferma mill-ġdid l-importanza fundamentali tal-implimentazzjoni tal-miżuri proposti u tal-iżvilupp ulterjuri ta' miżuri nazzjonali sabiex jiġi żgurat li l-persuni b'diżabilità ma jkunux żvantaġġati u ma ssirx diskriminazzjoni kontrihom f'termini ta' impjieg, edukazzjoni u inklużjoni soċjali u li d-drittijiet tagħhom kif previsti fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità jiġu ggarantiti bis-sħiħ;

42.  Jinsab imħasseb ħafna dwar iż-żieda fil-faqar u fl-esklużjoni soċjali, b'mod partikolari b'konsegwenza tal-pandemija tal-COVID-19, kif ukoll fid-diskors ta' mibegħda u fir-reati ta' mibegħda; jesprimi tħassib ulterjuri dwar il-pressjoni partikolari u bla preċedent li l-pandemija poġġiet fuq individwi f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, inklużi n-nisa, individwi minn gruppi razzjalizzati, migranti u persuni b'diżabilità; jesprimi tħassib kbir dwar il-fatt li l-kriżi tal-COVID-19 intużat dejjem iżjed bħala pretest biex jiġu attakkati gruppi f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, inklużi migranti, persuni bi sfond ta' immigrazzjoni u r-Rom, li diġà huma soġġetti għal diskriminazzjoni razzjali u etnika, diskors ta' mibegħda u reati ta' mibegħda;

43.  Jenfasizza li l-pandemija tal-COVID-19 ħarġet fid-dieher lakuni serji fil-kapaċità u fil-livell tat-tħejjija tas-sistemi tal-kura tas-saħħa, tal-edukazzjoni, tal-impjieg u tal-protezzjoni soċjali tal-Istati Membri; jemmen bis-sħiħ li l-Istati Membri jeħtiġilhom itejbu ħafna s-sistemi tal-kura tas-saħħa, tal-protezzjoni soċjali u tal-assistenza soċjali tagħhom biex jiżguraw li jipprovdu appoġġ sħiħ lil kulħadd, b'mod partikolari lill-persuni l-aktar vulnerabbli, anki matul kriżi, u b'hekk jipproteġu b'mod adegwat id-drittijiet tas-saħħa, ekonomiċi u soċjali ta' kulħadd;

44.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-pandemija tal-COVID-19 affettwat b'mod sproporzjonat lill-komunitajiet Rom emarġinati minħabba kundizzjonijiet ħżiena ta' akkomodazzjoni, aċċess limitat għall-ilma, għall-elettriku u għas-sanitazzjoni, u nuqqas ta' aċċess għall-internet u tagħmir xieraq tal-IT, li ħallew liż-żgħażagħ Rom jaqgħu lura saħansitra aktar fl-edukazzjoni skolastika; jinsab partikolarment imħasseb dwar il-fatt li l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq ir-Rom amplifikat l-inugwaljanzi u kebbset il-preġudizzju, inklużi l-każijiet ta' vjolenza min-naħa tal-pulizija; jinnota b'dispjaċir li f'ħafna okkażjonijiet matul il-pandemija r-Rom spiċċaw akkużati meta kienu bla ħtija; jinnota li kienu esposti għal stigmatizzazzjoni, diskriminazzjoni u diskors ta' mibegħda li rabat il-virus mal-etniċità tagħhom; jiddeplora l-fatt li wħud min-networks tal-media u soċjali spiss iddeskrivew lir-Rom bħala periklu għas-saħħa pubblika responsabbli għat-tixrid tal-virus; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw il-politiki tagħhom biex jindirizzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali li jkollhom iġarrbu l-komunitajiet Rom, b'attenzjoni speċjali għad-drittijiet tan-nisa u tat-tfal Rom;

45.  Jisħaq li l-akkomodazzjoni hija neċessità fundamentali u li l-aċċess għall-akkomodazzjoni, b'mod partikolari l-assistenza għall-akkomodazzjoni, huma dritt fundamentali, peress li ċ-ċittadini li ma jkollhomx akkomodazzjoni ma jistgħux jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà jew jeżerċitaw id-drittijiet fundamentali kollha tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jaċċettaw, mingħajr dewmien, li għandhom jintrabtu bl-Artikolu 31 tal-Karta Soċjali Ewropea riveduta dwar id-dritt għall-akkomodazzjoni; jesprimi tħassib partikolari dwar il-fatt li ż-żgħażagħ huma mċaħħda minn akkomodazzjoni minħabba ż-żieda enormi fil-prezzijiet tad-djar, speċjalment f'ċerti żoni urbani;

46.  Jirrikonoxxi li l-faqar huwa forma oħra ta' diskriminazzjoni li twassal għal ksur tad-drittijiet fundamentali, speċjalment ta' dawk il-gruppi li d-drittijiet tagħhom huma diġà l-aktar affettwati, bħan-nisa, il-migranti, il-persuni Suwed u ta' kulur u l-minoranzi etniċi, il-komunità LGBTIQ u t-tfal; jenfasizza l-vulnerabbiltà partikolari tat-tfal u l-impatt li l-faqar għandu fuqhom u fuq l-iżvilupp fiżiku u psikoloġiku tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki biex inaqqsu l-faqar, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lit-tfal; jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu aċċess għall-kura tas-saħħa, għal edukazzjoni ta' kwalità u għal akkomodazzjoni fuq bażi ugwali għal kulħadd u jtemmu t-tnaqqis tas-servizzi pubbliċi, li wassal għal rati ogħla ta' faqar u, fuq kollox, ta' inugwaljanza; ifakkar li d-drittijiet ekonomiċi u soċjali huma drittijiet fundamentali; itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jikkunsidraw id-drittijiet fundamentali filwaqt li jagħmlu proposti ta' politika ekonomika;

47.  Jisħaq li l-Istati Membri għandhom jieħdu passi biex jiggarantixxu d-dritt għal impjieg ta' kwalità tajba li jista' jiġi rikonċiljat mal-ħajja u mal-iżvilupp personali u tal-familja, peress li dan huwa l-aħjar mod biex jintemm il-faqar; jirrikonoxxi li dan id-dritt jinkiser b'mod ċar fil-każ tal-isfruttament u l-abbuż tal-ħaddiema; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-ispezzjonijiet tax-xogħol u jieħdu miżuri biex itemmu l-abbuż tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni teżamina liema passi huma meħtieġa għall-adeżjoni tal-UE mal-Karta Soċjali Ewropea, u tipproponi qafas ta' żmien għal dak il-għan;

48.  Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' progress fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji fis-servizzi tal-kura, li għandu konsegwenzi drammatiċi fuq il-persuni akbar fl-età, li jeħtieġu dawn is-servizzi biex jgħixu ħajja dinjituża u jibqgħu integrati fis-soċjetà; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom sabiex jiġġieldu kull forma ta' diskriminazzjoni kontra l-persuni akbar fl-età u jiggarantixxu l-ħtiġijiet u d-drittijiet tagħhom; jissottolinja l-importanza li jiġu appoġġati inizjattivi marbuta mat-tixjiħ attiv;

49.  Jenfasizza li d-disponibbiltà tas-servizzi online madwar l-UE hija waħda mill-prekundizzjonijiet fundamentali għall-inklużjoni sħiħa tas-soċjetà fl-Ewropa; josserva li xi partijiet tal-UE għadhom mhumiex koperti minn servizzi online ta' kwalità tajba, spiss fiż-żoni rurali, u li dan jista' jservi biex jitwessa' d-distakk fl-inugwaljanza fost l-Ewropej; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaċċelleraw it-trasformazzjoni diġitali tal-UE, li għandha tiffoka fuq il-benesseri tal-ġenerazzjonijiet kollha b'mod ugwali u tindirizza s-sikurezza online;

50.  Ifakkar fl-importanza li b'mod sistematiku tinġabar data dwar l-ugwaljanza obbligatorja u diżaggregata u li jiġu żviluppati indikaturi biex jitkejjel u jiġi rrapportat il-progress tal-istrateġiji tal-UE kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġbru data dwar l-ugwaljanza diżaggregata skont l-oriġini razzjali u etnika, kif ukoll karatteristiċi protetti oħra, sabiex jiddokumentaw ir-razziżmu u jiżviluppaw politiki pubbliċi li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-persuni affettwati b'mod reali u effettiv, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ id-dritt fundamentali għall-privatezza, il-protezzjoni tad-data personali u l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE u nazzjonali;

Ir-razziżmu strutturali

51.  Jirrikonoxxi u jikkundanna l-eżistenza tar-razziżmu strutturali fl-UE minħabba sterjotipi pperpetwati minn diskorsi li jiddiskriminaw kontra minoranzi etniċi fl-oqsma kollha ta' ħajjithom; jinsab imħasseb ħafna dwar il-forom individwali, strutturali u istituzzjonali ta' razziżmu u ta' ksenofobija fl-UE u d-diskriminazzjoni li qed tiżdied kontra l-Għarab, l-Ewropej Suwed, il-persuni ta' dixxendenza Asjatika, il-Lhud, il-Musulmani, u r-Rom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jtemmu l-prattiki, il-politiki u l-liġijiet istituzzjonali diskriminatorji;

52.  Jissottolinja l-fatt li l-moviment Black Lives Matter immobilizza soċjetajiet madwar id-dinja biex jindirizzaw ir-razziżmu u d-diskriminazzjoni mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-protesti kontra r-razziżmu wara l-mewt ta' George Floyd(19), li tafferma mill-ġdid li l-ħajja tas-suwed tgħodd (Black Lives Matter); itenni l-appoġġ tiegħu għall-protesti mifruxa kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni li seħħew fil-bliet kapitali u fil-bliet Ewropej madwar id-dinja kollha wara l-mewt ta' George Floyd fl-2020; jappoġġa s-sejħa tad-dimostranti biex tittieħed pożizzjoni kontra l-oppressjoni u r-razziżmu strutturali fl-Ewropa; jilqa' l-ħatra f'Mejju 2021 tal-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra r-Razziżmu, l-organizzazzjoni tas-Summit tal-UE għall-Ġlieda Kontra r-Razziżmu, il-ħolqien ta' forum permanenti għall-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-4 ta' Marzu 2022 dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-antisemitiżmu; jilqa', barra minn hekk, ir-rikonoxximent tal-Kummissjoni Ewropea, għall-ewwel darba, tal-eżistenza tar-razziżmu strutturali fil-pjan ta' azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-Razziżmu 2020-2025 u l-istabbiliment ta' miżuri konkreti biex jiġu indirizzati r-razziżmu u d-diskriminazzjoni etnika fl-UE;

53.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jindirizzaw il-kawżi fundamentali tar-razziżmu strutturali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri biex jindirizzaw inugwaljanzi strutturali persistenti f'oqsma ewlenin bħas-sistema tal-ġustizzja kriminali, l-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni, l-impjiegi, il-kura tas-saħħa, il-beni u s-servizzi; jissottolinja r-rwol importanti tal-edukazzjoni u tal-media fil-ġlieda kontra n-narrattivi razzisti u d-dekostruzzjoni tal-preġudizzji u tal-isterjotipi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu t-taħriġ kontra r-razziżmu;

54.  Jistieden lill-Istati Membri jadottaw pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali kontra r-razziżmu sa tmiem l-2022 u jipprijoritizzaw azzjoni li tindirizza n-nuqqas ta' aċċess għall-ġustizzja u l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi sostnuti f'oqsma bħall-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-impjiegi u l-edukazzjoni, li jeħtieġ li jiġu rikonoxxuti bħala ostakli kbar għat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet fundamentali u ostakli ewlenin għall-inklużjoni u għall-ugwaljanza; jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja u tiżgura segwitu xieraq għal dawn il-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali u għall-pjan ta' azzjoni tal-UE; jitlob ukoll lill-Kummissjoni timmonitorja r-razziżmu u d-diskriminazzjoni u tieħu azzjoni kontrihom fl-Istati Membri, inkluż billi tagħti bidu għal proċeduri ta' ksur biex tippromwovi l-applikazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni;

55.  Jenfasizza s-sentimenti razzisti u ksenofobiċi dejjem jikbru espressi minn uħud mill-individwi li jinfluwenzaw l-opinjoni, mill-politiċi u mill-media, li kkontribwew għall-ħolqien ta' ambjent ostili għad-difensuri u għall-organizzazzjonijiet li jaħdmu kontra r-razziżmu; jistieden lill-Istati Membri sabiex jittrasponu u japplikaw bis-sħiħ id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li motivazzjoni razzista jew ksenofobika titqies bħala ċirkostanza aggravanti, jew, inkella, li l-qrati jkunu jistgħu jqisu tali motivazzjoni fid-determinazzjoni tal-penali;

56.  Jinsab imħasseb ħafna dwar l-eżistenza u t-tixrid kontinwu ta' movimenti tal-lemin estrem fl-UE, speċjalment gruppi neo-Faxxisti u neo-Nazisti; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri urġenti biex jipprojbixxu b'mod effettiv dawn il-gruppi; jitlob, intant, li ssir aktar riċerka rigward il-pedamenti, il-bażi għas-sħubija u b'mod partikolari l-finanzjament li jappoġġa tali gruppi bil-għan li tiġi identifikata l-possibbiltà ta' interferenza barranija; jisħaq fuq il-ħtieġa li fil-kurrikuli tal-istorja jingħata aktar spazju għal apprendiment oġġettiv u fattwali dwar ideoloġiji razzjali jew etniċi differenti, bħall-iskjavitù, il-kolonjaliżmu jew il-faxxiżmu, u l-forom u l-oriġini tagħhom, inkluż l-użu ħażin tax-xjenza għall-ġustifikazzjoni tagħhom, kif ukoll il-konsegwenzi tagħhom u l-fdalijiet possibbli tagħhom fiż-żminijiet tal-lum sabiex jiġi miġġieled il-qawmien mill-ġdid ripetut ta' dawn l-ideoloġiji;

57.  Ifakkar fil-ħtieġa li tingħata attenzjoni mill-qrib lid-diġitalizzazzjoni u l-preġudizzji soċjali potenzjali li jistgħu jiġu introdotti fit-teknoloġiji ġodda; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati r-riskji potenzjali tal-IA mhux bħala problema teknoloġika, iżda bħala problema tas-soċjetà, speċjalment għal individwi minn gruppi razzjalizzati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri biex jipprevjenu li t-teknoloġiji l-ġodda, inkluża l-IA, jaggravaw id-diskriminazzjoni, l-inugwaljanzi eżistenti u l-faqar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li s-sistemi tal-IA jkunu ggwidati mill-prinċipji tat-trasparenza, l-ispjegabbiltà, il-ġustizzja u l-akkontabbiltà u li jitwettqu awditi indipendenti biex jiġi evitat li dawn is-sistemi jaggravaw ir-razziżmu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw ukoll id-distakk bejn il-ġeneri u b'rabta mad-diversità fis-setturi tal-ICT u tax-xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika (STEM), b'mod partikolari fl-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda, inkluża l-IA, u b'mod partikolari, f'pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet;

58.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali u tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi(20) sabiex jiġġieldu r-razziżmu persistenti kontra persuni ta' oriġini, etniċità jew kulur differenti; jikkundanna l-fatt li l-minoranzi razzjali, etniċi, lingwistiċi u reliġjużi għadhom jiffaċċjaw razziżmu strutturali u istituzzjonali b'għeruq fondi, diskriminazzjoni, reati ta' mibegħda u diskors ta' mibegħda, nuqqas ta' aċċess għall-ġustizzja, u inugwaljanzi soċjoekonomiċi sostnuti li huma ostakli kbar għalihom biex igawdu bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali tagħhom, l-inklużjoni soċjali u l-ugwaljanza bħala ċittadini tal-UE fl-isferi kollha tal-ħajja, inklużi l-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-impjiegi;

Il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, id-drittijiet tan-nisa u d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ +

59.  Jiddenunzja l-fatt li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija waħda mill-aktar forom mifruxa ta' vjolenza fl-UE, fejn stħarriġ imwettaq mill-UE żvela li mara waħda minn kull tliet nisa fl-Unjoni – jiġifieri 62 miljun mara – sofriet vjolenza fiżika jew sesswali f'xi punt mill-età ta' 15-il sena, u li aktar minn nofs dawn in-nisa (55 %) sofrew fastidju sesswali; jirrimarka li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija forma ta' diskriminazzjoni u ksur tad-drittijiet fundamentali, kif ukoll ir-riżultat ta' sterjotipi tal-ġeneri, strutturi eteropatrijarkali, asimmetriji tal-poter u inugwaljanzi strutturali u istituzzjonali; jissottolinja l-importanza li jiġi applikat approċċ intersezzjonali u ċċentrat fuq il-vittmi għall-politiki u għall-miżuri kollha biex tiġi indirizzata l-vjolenza abbażi tal-ġeneru; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri javvanzaw l-isforzi tagħhom f'dik id-direzzjoni;

60.  Jisħaq fuq l-importanza tal-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru fil-forom kollha tagħha u l-avvanz tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tad-drittijiet tan-nisa; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2022 għal direttiva dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika(21), li tipproponi miżuri b'rabta mal-kriminalizzazzjoni ta' ċerti forom ta' vjolenza, inkluż il-kriminalizzazzjoni ta' stupru fuq il-bażi ta' nuqqas ta' kunsens u ta' ċerti forom ta' vjolenza ċibernetika, kif ukoll miżuri għall-protezzjoni tal-vittmi u għal titjib fl-aċċess għall-ġustizzja, fl-appoġġ għall-vittmi u fil-prevenzjoni, u tinkludi dispożizzjonijiet dwar l-intersezzjonalità; jissottolinja d-dimensjoni transfruntiera tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u jinsisti li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru trid tiġi indirizzata fil-livell Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni żżid il-vjolenza abbażi tal-ġeneru mal-lista ta' reati partikolarment serji minquxa fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE;

61.  Iħeġġeġ lill-Kunsill jikkonkludi r-ratifika tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul); jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Bulgarija, iċ-Ċekja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja u s-Slovakkja għadhom ma rratifikawx il-konvenzjoni u jtenni t-talba tiegħu lil dawk il-pajjiżi biex jagħmlu dan; jirrimarka li l-Konvenzjoni ta' Istanbul għandha tinftiehem bħala l-istandard minimu biex tiġi eradikata l-vjolenza abbażi tal-ġeneru; jikkundanna bil-qawwa t-tentattivi f'uħud mill-Istati Membri, b'mod partikolari fil-Polonja, biex jirrevokaw il-miżuri li ttieħdu diġà fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Istanbul u fil-ġlieda kontra l-vjolenza u biex jirtiraw mill-Konvenzjoni;

62.  Jikkundanna l-azzjonijiet tal-movimenti kontra l-ġeneru u kontra l-femminiżmu li jattakkaw b'mod sistematiku d-drittijiet tan-nisa u tal-LGBTIQ; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jirċievu appoġġ u finanzjament mill-Unjoni ma jippromwovux id-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru; jilqa' l-ewwel strateġija li qatt kien hemm tal-UE dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ u jikkundanna ulterjorment il-każijiet dejjem jiżdiedu ta' diskriminazzjoni, reati ta' mibegħda u vjolenza kontra persuni LGBTIQ; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura segwitu xieraq għall-istrateġija;

63.  Jikkundanna r-reazzjonijiet qawwija kontinwi u persistenti f'uħud mill-Istati Membri, b'mod partikolari fil-Polonja, fis-Slovakkja, fil-Kroazja u fil-Litwanja, kontra d-drittijiet tan-nisa, inkluż kontra s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati; ifakkar li koerċizzjoni riproduttiva u ċ-ċaħda ta' kura sikura u legali f'każ ta' abort huma wkoll forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; jissottolinja l-fatt li l-QEDB iddeċidiet f'diversi okkażjonijiet li l-liġijiet restrittivi dwar l-abort u n-nuqqas ta' implimentazzjoni jiksru d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u tal-bniet u l-awtonomija b'rabta ma' ġisimhom; jiddenunzja n-nuqqas ta' aċċess għall-abort għan-nisa f'ħafna pajjiżi, u jikkundanna l-imwiet ta' mill-inqas erba' nisa fil-Polonja minħabba l-applikazzjoni ta' regolamenti li jipprojbixxu l-abort tista' tgħid kważi fiċ-ċirkostanzi kollha; iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu passi effettivi biex jirrimedjaw tali ksur eżistenti tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet tan-nisa u jistabbilixxu l-mekkaniżmi meħtieġa biex jipprevjenu l-okkorrenza tagħhom fil-futur; jistieden lill-Kummissjoni tqis l-abort bħala dritt fundamentali, tneħħi kwalunkwe ostaklu għall-aċċess għalih u tiżgura li dan jitwettaq fis-sistemi tal-kura tas-saħħa pubblika u tagħmel enfasi akbar fuq id-drittijiet tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fir-rapporti annwali tagħha dwar l-istat tad-dritt;

64.  Jikkundanna bil-qawwa d-diskriminazzjoni u s-segregazzjoni tan-nisa Rom fil-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa materna; jilqa' l-fatt li ċ-Ċekja adottat liġi ta' kumpens għall-vittmi ta' sterilizzazzjoni furzata u illegali, u jinnota li l-Gvern tas-Slovakkja mexa pass 'il quddiem meta fl-2021 skuża ruħu, iżda għalissa ma ġiet proposta l-ebda liġi ta' kumpens; iqis li d-dritt ta' aċċess għall-kura tas-saħħa, b'mod partikolari għas-saħħa sesswali u riproduttiva, jikkostitwixxi dritt fundamentali għan-nisa li għandu jissaħħaħ u li fl-ebda każ ma għandu jitnaqqas jew jitneħħa;

65.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jirrispettaw l-awtonomija ta' ġisem il-persuni kollha, b'mod partikolari billi jipprojbixxu l-mutilazzjoni ġenitali intersesswali, l-hekk imsejħa prattiki ta' "terapija ta' konverżjoni", u l-isterilizzazzjoni furzata tal-persuni trans bħala prekundizzjoni biex jingħataw rikonoxximent legali tal-ġeneru; itenni li l-liġijiet dwar ir-rikonoxximent tal-ġeneru għandhom jiġu adottati f'konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, biex b'hekk ir-rikonoxximent tal-ġeneru jkun aċċessibbli, affordabbli, amministrattiv, rapidu u bbażati fuq l-awtodeterminazzjoni;

66.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu rikonoxxuti s-sħubijiet kollha għall-finijiet ta' libertà ta' moviment, inkluż għas-sħab mhux mill-UE ta' ċittadini tal-UE; jinsab allarmat bin-nuqqas kontinwu tal-implimentazzjoni tas-sentenza tal-QĠUE fil-Kawża C-673/16, Coman u Hamilton, li rrikonoxxiet li t-terminu "konjuġi" jinkludi konjuġi tal-istess sess skont il-liġijiet tal-UE dwar il-libertà ta' moviment; jiġbed l-attenzjoni għas-sottomissjoni ta' lment lill-Kummissjoni b'rabta ma' kawża identika (A.B. u K.V. vs ir-Rumanija – Nru tal-applikazzjoni 17816/21; jisħaq li n-nuqqas ta' azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni wasslet biex il-kwerelanti Coman u Hamilton iressqu l-kawża quddiem il-QEDB biex jippruvaw jiżguraw rimedju legali (Coman et al. vs ir-Rumanija – applikazzjoni Nru 2663/21); itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tiftaħ proċeduri ta' ksur għan-nuqqas ta' implimentazzjoni tal-kawża Coman u Hamilton;

67.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni li fl-2022 tippubblika proposta għal regolament dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-filjazzjoni fost l-Istati Membri, li għandu l-għan li joħloq ċertezza legali għall-familji qawsalla fl-UE kollha;

68.  Jenfasizza ż-żieda inkwetanti fil-vjolenza abbażi tal-ġeneru u fil-vjolenza domestika matul il-pandemija tal-COVID-19; ifaħħar ir-rispons veloċi minn uħud mill-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex jimplimentaw miżuri li jgħinu lill-vittmi tal-vjolenza domestika, bħaż-żieda fl-għadd ta' linji telefoniċi għall-għajnuna u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni, u l-introduzzjoni ta' skemi ta' kliem kodiċi fl-ispiżeriji, ċentri ta' konsulenza pop-up fi ħwienet tal-merċa jew applikazzjonijiet moħbija biex jiġi ffaċilitat ir-rapportar tal-vjolenza domestika u l-abbuż; jirrimarka, madankollu, dwar in-nuqqas ġenerali ta' postijiet ta' kenn jew għażliet oħra ta' akkomodazzjoni sikura għas-superstiti; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Istati Membri jallokaw finanzjament adegwat għall-postijiet ta' kenn eżistenti biex jgħinuhom iżidu l-kapaċitajiet tagħhom, kif ukoll jiffaċilitaw l-istabbiliment ta' postijiet ta' kenn addizzjonali u faċilitajiet ta' akkomodazzjoni sikura għas-superstiti, inkluż għall-minorenni li jakkumpanjawhom; jistieden lill-Istati Membri, barra minn hekk, biex jiżguraw li s-servizzi għas-superstiti jitqiesu bħala essenzjali u jibqgħu miftuħa, u jkunu kkomplementati b'taħriġ adegwat u speċjalizzat għall-forzi tal-pulizija kif ukoll risponsi ġudizzjarji mmirati bl-għan li jiżdied il-livell ta' tħejjija għall-futur;

69.  Jiddispjaċih dwar ir-reazzjonijiet qawwija kontra d-drittijiet tan-nisa u tal-bniet, fejn uħud mill-Istati Membri fittxew li jreġġgħu lura s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, billi użaw il-pandemija tal-COVID-19 bħala pretest biex jillimitaw l-aċċess għall-abort, għall-kontraċezzjoni u għas-servizzi ġinekoloġiċi; jissottolinja l-fatt li f'uħud mill-Istati Membri, minkejja l-pandemija, kien hemm tentattivi biex jiġu ristretti l-protezzjonijiet legali eżistenti għall-aċċess tan-nisa għall-kura f'każ ta' abort, inkluża l-introduzzjoni ta' kundizzjonijiet rigressivi li jridu jiġu ssodisfati qabel ma jkunu jistgħu jiġu amministrati l-aborti, bħal konsulenza obbligatorja u preġudikata jew perjodi ta' stennija; jikkundanna b'mod partikolari iktar minn 20 tentattiv parlamentari fis-Slovakkja biex jiġi limitat l-aċċess għall-aborti matul dan il-perjodu; jenfasizza bil-qawwa li s-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati jridu jiġu rikonoxxuti bħala essenzjali u jridu jkunu disponibbli, anke matul emerġenzi tas-saħħa globali, minħabba n-natura sensittività għaż-żmien ta' dawn is-servizzi;

70.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li r-rispons għall-kriżi tal-COVID-19 jinkorpora perspettiva tal-ġeneru u bbaġitjar skont il-ġeneru, kif ukoll valutazzjonijiet tal-impatt ex post fir-rigward tal-ġeneri, kif propost fl-istrateġija tal-Kummissjoni dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għall-2020-2025; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jiżguraw l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-politiki u fl-azzjonijiet kollha tal-UE;

Il-libertajiet

71.  Ifakkar fl-importanza li jiġu difiżi l-libertà, il-pluraliżmu u l-indipendenza tal-media, filwaqt li jiġu żgurati t-trasparenza fis-sjieda tal-media u r-regolamentazzjoni tal-konċentrazzjoni tas-suq, kif ukoll il-protezzjoni tal-ġurnalisti; jemmen li r-regoli vinkolanti tal-UE li jipprovdu protezzjoni robusta u konsistenti għall-media indipendenti u għall-ġurnalisti minn kawżi vessatorji maħsuba biex isikktuhom jew jintimidawhom fl-UE huma ferm meħtieġa sabiex jgħinu biex din il-prattika abbużiva tintemm; jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi tagħha f'dan ir-rigward, inkluż billi tipproponi miżuri vinkolanti u tipproteġi u tippromwovi l-finanzjament għall-ġurnaliżmu investigattiv;

72.  Jikkundanna l-użu ta' kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPPs), li qed jintużaw biex isikktu u jintimidaw lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi difensuri tad-drittijiet LGBTI li jikkritikaw abbużi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li s-SLAPPs huma biss waħda mit-theddidiet għal media ħielsa u pluralista, b'oħrajn inklużi l-pressjoni u l-imperattivi kummerċjali, il-pressjoni politika, l-awtoċensura ġurnalistika dwar kwistjonijiet ta' kontroversja partikolari, il-prekarjetà tal-karrieri tal-ġurnalisti u l-ammont kbir ta' xogħol li jiffaċċjaw, il-pressjoni li jħossu biex iżommu l-aċċess għal sorsi tal-ogħla livell permezz ta' rapportar mhux kritiku, u l-prospettiva li l-promozzjonijiet professjonali tagħhom jiġu annullati jekk jiksru suppożizzjonijiet taċiti u internalizzati rigward il- "linja" xierqa li għandha tittieħed dwar kwistjonijiet partikolarment kontroversjali, b'mod partikolari fir-rigward tal-politika barranija; jistieden lill-Istati Membri jipproteġu u jiżviluppaw media indipendenti, pluralista u ħielsa; jikkundanna, f'dan ir-rigward, kwalunkwe miżura mmirata biex issikket il-media kritika u tikkomprometti l-libertà u l-pluraliżmu tal-media; jissottolinja l-ħtieġa urġenti li jiġu miġġielda s-SLAPPs kollha; jilqa' l-inizjattiva reċenti tal-Kummissjoni li toħroġ rakkomandazzjoni dwar l-iżgurar tal-protezzjoni, tas-sikurezza u tal-awtonomizzazzjoni tal-ġurnalisti fl-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni twettaq mingħajr dewmien l-impenn tagħha b'rabta mal-Att dwar il-Libertà tal-Media;

73.  Jinsab imħasseb dwar ir-rapporti li wħud mill-awtoritajiet tal-Istati Membri użaw l-ispyware Pegasus għal finijiet politiċi jew għal finijiet oħra mhux ġustifikati biex jispjunaw fuq ġurnalisti, politiċi, avukati, atturi tas-soċjetà ċivili u individwi oħra, bi ksur tad-dritt tal-UE u tal-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE u fil-Karta; jinsab imħasseb dwar l-użu tal-Pegasus kontra ġurnalisti, attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, personalitajiet tal-oppożizzjoni u avukati fl-UE u barra mill-UE; ifakkar li Pegasus huwa biss wieħed mill-ħafna eżempji ta' programmi abbużati minn entitajiet statali għall-fini tat-twettiq ta' sorveljanza tal-massa illeċita kontra ċittadini innoċenti; jilqa' l-istabbiliment ta' kumitat ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew dwar Pegasus, li se jinvestiga l-allegat użu ħażin tal-għodod ta' sorveljanza u l-ambitu tal-allegat ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE u fil-Karta u jipprovdi salvagwardji u rakkomandazzjonijiet;

74.  Jenfasizza li l-kampanji ta' malafama kontra l-persuni LGBTIQ u kontra s-soċjetà ċivili b'mod aktar ġenerali huma aktar prevalenti fl-Istati Membri fejn il-libertà tal-media qed tiġi attakkata; jikkundanna bil-qawwa l-kampanji ta' malafama kontinwi fil-media pubblika kontra l-imħallfin, il-ġurnalisti u l-politiċi li jikkritikaw lill-gvern attwali, inklużi s-SLAPPs mibdija minn aġenziji tal-gvern, uffiċjali tal-gvern, kumpaniji statali jew individwi b'rabtiet mill-qrib mal-koalizzjonijiet tal-gvern fl-Ewropa kollha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża l-għodod leġiżlattivi u eżekuttivi kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tipprevjeni dawn l-azzjonijiet intimidatorji, li jipperikolaw il-libertà tal-espressjoni; jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-ġurnalisti, timmonitorja u tirrapporta attakki kontra l-ġurnalisti, kif ukoll kawżi maħsuba biex isikktu jew jintimidaw lill-media indipendenti, u jiggarantixxu aċċess għar-rimedji legali xierqa;

75.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li s-sikurezza tal-ġurnalisti mhijiex garantita b'mod universali; jissottolinja l-importanza tal-pluraliżmu tal-media u l-ħtieġa li l-ġurnalisti jiġu protetti minn theddid u attakki sabiex tiġi evitata l-awtoċensura u jiġu żgurati l-libertà tal-espressjoni u d-dritt għall-informazzjoni u tiġi salvagwardjata l-professjoni ġurnalistika; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-istrumenti għall-valutazzjoni tal-miżuri meħuda mill-gvernijiet li jistgħu jikkompromettu l-libertà tal-informazzjoni u tal-pluraliżmu;

76.  Jikkundanna l-attakki, id-detenzjonijiet u l-vjolenza fil-konfront tal-ġurnalisti waqt il-protesti, li ma ħallewhomx jirrapportaw u għaldaqstant lanqas biss ma ħallewhom jagħmlu xogħolhom; jesprimi tħassib kbir rigward il-każijiet ta' brutalità min-naħa tal-pulizija waqt il-protesti, b'mod partikolari fil-konfront tal-ġurnalisti, u jitlob akkontabbiltà għal dan l-għemil; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw is-sikurezza u l-protezzjoni tal-ġurnalisti, b'mod partikolari waqt il-protesti;

77.  Jisħaq li skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, ċerti restrizzjonijiet jistgħu jitqiegħdu b'mod legali fuq id-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika sabiex jiġu protetti s-saħħa pubblika jew interessi leġittimi oħra, iżda dawn iridu jkunu previsti bil-liġi u jkunu meħtieġa u proporzjonati għal għan speċifiku; jesprimi tħassib kbir dwar xi projbizzjonijiet ġenerali ta' protesti kif ukoll dwar ċerti projbizzjonijiet u restrizzjonijiet b'rabta mal-protesti imposti matul il-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li laqgħat pubbliċi oħra ta' daqs simili saru mingħajr ma ġew affettwati, kif ukoll dwar l-użu tal-forza kontra dimostranti paċifiċi; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-Istati Membri għandhom livelli ta' limitu differenti għall-użu tal-forza u tal-armi mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għaż-żamma tal-ordni pubbliku; jistieden lill-Istati Membri jipproteġu d-drittijiet fundamentali meta jadottaw miżuri u liġijiet ristrettivi rigward il-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni u jiffaċilitaw ambjent fejn il-kritika tkun parti minn dibattitu f'saħħtu dwar kwalunkwe kwistjoni ta' interess pubbliku;

78.  Jinsab imħasseb ħafna bl-attakki, il-fastidju, il-vjolenza u t-theddid fil-konfront tal-ġurnalisti, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ta' individwi oħra li jesponu interferenza barranija u kampanji ta' diżinformazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri, fil-kuntest ta' diżinformazzjoni, inċidenti qarrieqa u propaganda politika li qed jiżdied b'rata mgħaġġla, jinkludu fil-kurrikuli tagħhom, attivitajiet immirati, adattati skont l-età, iffukati fuq l-iżvilupp tal-ħsieb kritiku, tal-litteriżmu medjatiku u tal-ħiliet diġitali; jitlob enfasi akbar iddedikata għall-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza li tiffoka fuq id-drittijiet fundamentali, id-demokrazija u l-parteċipazzjoni fl-affarijiet pubbliċi;

79.  Jinnota li l-pożizzjonijiet ta' diversi Stati Membri fil-klassifikazzjonijiet tal-libertà tal-istampa internazzjonali niżlu; jenfasizza r-rwol insostitwibbli tal-media tas-servizz pubbliku u jisħaq li huwa essenzjali li tiġi żgurata u tinżamm l-indipendenza tagħha mill-interferenza politika; jikkundanna bil-qawwa t-theddid għal-libertà tal-media, inkluż il-fastidju u l-attakki mmirati lejn ġurnalisti u informaturi, in-nuqqas ta' kunsiderazzjoni għall-protezzjoni legali tagħhom kif ukoll il-ħtif tal-media jew azzjonijiet immotivati politikament fis-settur tal-media;

80.  Jinsab imħasseb ħafna dwar id-deterjorament ulterjuri tal-libertà tal-media fl-Ungerija, fil-Polonja u fis-Slovenja u r-riformi varji stabbiliti mill-koalizzjonijiet fil-gvern sabiex jitnaqqsu d-diversità u jiġu msikkta l-vuċijiet kritiċi fil-media; jinsab imħasseb ulterjorment dwar in-nuqqas ta' sett ta' prinċipji trasparenti u ċari għad-distribuzzjoni tar-reklamar lill-mezzi tal-media mill-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali f'uħud mill-Istati Membri; jiddispjaċih ħafna dwar id-deterjorament fis-sitwazzjoni ekonomika tal-media matul il-pandemija tal-COVID-19 u jqis li għandhom jittieħdu miżuri speċifiċi biex jittaffa l-impatt tal-pandemija fuq il-mezzi tal-media;

81.  Jesprimi tħassib dwar il-ħolqien ta' korpi kkontrollati mill-gvern li jimmaniġġjaw partijiet kbar tax-xenarju tal-media u l-ħtif tal-mezzi tal-media tas-servizz pubbliku biex iservu l-interessi partiġjani; ifakkar li fejn is-sjieda tal-media tibqa' kkonċentrata ħafna, kemm jekk f'idejn il-gvern kif ukoll jekk f'idejn privati, din tikkostitwixxi riskju sinifikanti għad-diversità tal-informazzjoni u għall-fehmiet rappreżentati fil-kontenut tal-media; ifakkar li l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, inkluża l-libertà tal-espressjoni artistika, u l-libertà tal-media huma fundamentali għad-demokrazija u għall-istat tad-dritt u jħeġġeġ lill-Istati Membri jiggarantixxu l-indipendenza tal-awtoritajiet tal-media tagħhom; ifakkar li d-dritt li wieħed ifittex, jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat kemm jekk bil-fomm, kif ukoll bil-miktub jew f'forma stampata, fil-forma ta' arti, jew permezz ta' kwalunkwe media oħra, huwa komponent tal-libertà tal-espressjoni artistika;

82.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni xierqa tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva, b'attenzjoni partikolari għall-indipendenza tar-regolaturi tal-media, għat-trasparenza tas-sjieda tal-media u għal-litteriżmu medjatiku; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu effettiv mill-proċeduri ta' ksur f'sitwazzjonijiet fejn l-Istati Membri jimplimentaw dawn id-dispożizzjonijiet b'mod skorrett jew mhux komplut;

83.  Jinnota li wħud mill-miżuri meħuda mill-Istati Membri b'rispons għall-COVID-19 kellhom impatt gravi fuq id-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data, li l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data ma ġewx ikkonsultati bis-sħiħ, li n-neċessità u l-proporzjonalità mhux dejjem kienu ċari, u li f'bosta każijiet ma kienx hemm bażi ġuridika solida u ma saret l-ebda evalwazzjoni xierqa; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jevalwaw is-sitwazzjoni mingħajr dewmien;

84.  Jesprimi tħassib kbir dwar l-infurzar dgħajjef u mhux uniformi tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data(22), fejn hemm riskju li r-regolament ma jkunx qawwi daqs kemm maħsub u ma jipprovdix protezzjoni reali liċ-ċittadini tal-UE; jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni injorat it-talba tal-Parlament biex tvara proċedimenti ta' ksur kontra l-Irlanda talli naqset mill tinforza r-regolament kif xieraq;

85.  Jinsab imħasseb dwar il-linji gwida interni tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni tar-rekords u tal-arkivji, li huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess għad-dokumenti(23), u dwar l-esklużjoni ta' messaġġi testwali mill-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli dwar l-aċċess għad-dokumenti, u li dan ġie kkwalifikat bħala "amministrazzjoni ħażina" mill-Ombudsman Ewropew; jiddispjaċih dwar il-fatt li wħud mill-Istati Membri fixklu l-eżerċizzju effettiv tad-dritt taċ-ċittadini għall-aċċess tad-dokumenti, billi ttardjaw bla bżonn jew saħansitra neħħew l-iskadenzi għat-talbiet ta' aċċess għad-dokumenti; jenfasizza li dan mhux biss wassal għal nuqqas ta' fiduċja fl-awtoritajiet fost iċ-ċittadini tal-UE, iżda kkomprometta wkoll il-pluraliżmu tal-media fl-UE;

Is-sitwazzjoni u l-ksur tad-drittijiet fundamentali fil-fruntieri esterni tal-UE

86.  Jisħaq li, li jiġu salvati l-ħajjiet huwa obbligu legali skont id-dritt internazzjonali u d-dritt tal-UE; jikkundanna bil-qawwa l-proċedimenti kriminali mibdija minn uħud mill-Istat Membri kontra l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u individwi li pprovdew assistenza umanitarja lill-migranti; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li ma jkunx hemm prosekuzzjoni kontra individwi u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jassistu lill-migranti għal raġunijiet umanitarji;

87.  Jikkundanna l-fatt li wħud mill-Istati Membri adottaw liġijiet, politiki u prattiki li jikkompromettu l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-bniedem tar-rifuġjati, tal-persuni li jfittxu l-ażil u tal-migranti, fuq l-art u fuq il-baħar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqiegħdu d-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, tal-persuni li jfittxu l-ażil u tar-rifuġjati, kif ukoll il-prinċipju tal-kondiviżjoni tar-responsabbiltà, fiċ-ċentru tal-politiki tagħhom dwar il-migrazzjoni u l-ażil;

88.  Jikkundanna bil-qawwa l-każijiet ta' pushbacks u l-ksur tad-drittijiet fundamentali u l-vjolenza fil-fruntieri esterni tal-UE fil-konfront tal-migranti, tar-rifuġjati u tal-persuni li jfittxu l-ażil, kif iddenunzjat mill-istituzzjonijiet bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni(24), kif ukoll il-kriminalizzazzjoni tal-ħaddiema u tal-attivisti umanitarji u l-użu tal-finanzjament tal-UE, li serva b'mod sproporzjonat biex jinbnew faċilitajiet magħluqa u jissaħħu l-fruntieri esterni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema kompluta ta' monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali biex jinvestigaw l-allegazzjonijiet kollha ta' pushbacks u ksur tad-drittijiet fundamentali u jżidu t-trasparenza tal-miżuri li jittieħdu fil-fruntieri esterni, kif mitlub mill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali(25); jistieden lill-Kummissjoni tniedi proċeduri ta' ksur fejn ikun hemm indikazzjonijiet ta' pushbacks u vjolenza;

89.  Jesprimi tħassib kbir dwar l-informazzjoni li ġiet ippubblikata dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) filwaqt li jirrikonoxxi l-involviment fil-pushbacks u l-għarfien tagħha dwarhom; jistieden lill-Frontex tapplika l-Artikolu 46 tar-regolament tagħha(26) u tissospendi l-operazzjonijiet kollha fl-Istati Membri fejn iseħħu tali każijiet u tipprovdi trasparenza u akkontabbiltà totali għall-attivitajiet operazzjonali tal-organizzazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga u tieħu l-miżuri meħtieġa biex ittemm dawn il-prattiki fil-Frontex;

90.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu u japplikaw il-proċeduri xierqa biex jiżguraw li l-individwi jinstemgħu qabel ma jintbagħtu lura fi Stat Membru ġar, u li dawn jiġu notifikati formalment bid-deċiżjoni meħuda; jiddenunzja l-fatt li l-migranti u dawk li jkunu qed ifittxu l-ażil li jinqabdu wara li jaqsmu fruntiera interna jew esterna tal-UE ma jiġux mismugħa sistematikament qabel ma jintbagħtu lura fi Stat Membru ġar, u lanqas ma jiġu nnotifikati dwar dan; ifakkar fl-obbligu tal-Istati Membri li jiggarantixxu b'mod effettiv id-dritt għal proċess ġust u d-dritt tal-ugwaljanza quddiem il-liġi għall-persuni kollha;

91.  Jesprimi tħassib kbir dwar il-minorenni mhux akkumpanjati li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-UE, b'mod partikolari l-fruntieri tal-Lvant u tan-Nofsinhar tagħha, u jistieden lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni speċifika lis-sitwazzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati f'dawn il-punti ta' qsim;

92.  Jinsab imħasseb dwar iż-żieda fl-użu tat-teknoloġija fil-fruntieri, fejn xi tipi ta' teknoloġija jistgħu jkunu intrużivi ħafna; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi ta' monitoraġġ indipendenti fil-fruntieri, li għandhom ikopru wkoll il-monitoraġġ tal-attivitajiet ta' sorveljanza fil-fruntieri, u jiżguraw il-konformità mad-drittijiet fundamentali;

Ir-reati ta' mibegħda u d-diskors ta' mibegħda

93.  Jinsab imħasseb dwar iż-żieda fid-diskors ta' mibegħda u fil-kampanji ta' malafama fl-Istati Membri kollha, li spiss jitwettqu minn uffiċjali pubbliċi ta' livell għoli jew politiċi ewlenin u jkunu speċifikament immirati lejn il-media, l-NGOs u ċerti gruppi soċjali jew minoranzi, bħall-persuni LGBTIQ; jisħaq li l-impatt tagħhom fuq l-ispazju ċiviku huwa inkontestabbli, u joħloq ambjent mhux sikur għas-soċjetà ċivili u għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jinsab allarmat b'bosta eżempji ta' attakki, fis-sena 2021 waħedha, fuq uffiċċji u persunal LGBTIQ f'diversi Stati Membri;

94.  Jikkundanna kull tip ta' reat ta' mibegħda, diskors ta' mibegħda u akkużi mingħajr ebda bażi jew ifformulati mala fede, kemm offline kif ukoll online, immotivati minn diskriminazzjoni bbażata fuq kwalunkwe raġuni bħas-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali; jesprimi tħassib dwar ir-reati ta' mibegħda u r-reati relatati mal-inċitament għad-diskriminazzjoni jew għall-vjolenza li seħħew matul il-pandemija tal-COVID-19, u li wasslu għall-istigmatizzazzjoni ta' xi individwi partikolarment vulnerabbli; ifakkar li r-razziżmu u l-ksenofobija huma reati, mhux opinjonijiet;

95.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill li testendi l-lista ta' reati fl-UE għad-diskors ta' mibegħda u għar-reati ta' mibegħda u jistieden lill-Kunsill jaħdem b'mod diliġenti lejn l-adozzjoni unanima tagħha; ifakkar fil-ħtieġa li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jaħdmu f'kooperazzjoni mal-kumpaniji tal-internet sabiex jipprovdu salvagwardji adegwati u jimplimentaw bir-reqqa l-Kodiċi ta' Kondotta dwar il-Ġlieda Kontra d-Diskors ta' Mibegħda Online Illegali;

Il-protezzjoni tal-ambjent

96.  Jenfasizza l-Artikolu 37 tal-Karta, li jafferma li fil-politiki tal-Unjoni jridu jiġu integrati miżuri biex jinkiseb livell għoli ta' protezzjoni ambjentali u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent;

97.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta l-inizjattivi leġiżlattivi rilevanti mingħajr dewmien u twettaq l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni ppjanata ulterjuri f'konformità mal-iskeda ta' żmien oriġinali; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li t-tħassib ambjentali rilevanti jiġi kkunsidrat fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-politiki u għall-inizjattivi kollha; jemmen li s-sostenibbiltà trid tkun il-prinċipju ta' gwida tal-politiki makroekonomiċi kollha biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija ambjentalment sostenibbli, filwaqt li jiġu protetti u jinħolqu impjiegi sostenibbli, sabiex tiġi indirizzata waħda mill-aktar theddidiet sinifikanti li qatt iffaċċjat l-umanità;

98.  Jitlob li jkun hemm implimentazzjoni madwar l-UE kollha tal-Konvenzjoni ta' Aarhus, li torbot id-drittijiet ambjentali mad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li l-ħsara ambjentali u n-nuqqas minn xi awtoritajiet pubbliċi li jipprovdu informazzjoni dwar riskji ambjentali serji li għalihom jiġu esposti ċerti individwi, jista' jkollhom konsegwenzi gravi u ta' ħsara għall-individwi; jitlob li l-ġurnalisti, l-attivisti, l-NGOs, id-difensuri tad-drittijiet, l-informaturi u l-għassiesa pubbliċi li jaħdmu f'dawn l-oqsma jkunu protetti;

o
o   o

99.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 331, 20.9.2021, p. 8.
(2) ĠU C 474, 24.11.2021, p. 140.
(3) ĠU C 81, 18.2.2022, p. 43.
(4) ĠU C 99, 1.3.2022, p. 218.
(5) ĠU C 117, 11.3.2022, p. 2.
(6) ĠU C 395, 29.9.2021, p. 2.
(7) ĠU C 255, 29.6.2021, p. 7.
(8) ĠU C 61, 4.2.2022, p. 36.
(9) Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1).
(10) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta' kundizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 1).
(11) Proċessi Ġusti, "Europe: Increase in pre-trail detention rates erodes rule of law" (L-Ewropa: Żieda fir-rati ta' żamma taħt arrest qabel il-proċess tgħawwar l-istat tad-dritt), 28 ta' April 2021.
(12) Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55).
(13) Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22).
(14) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Settembru 2020 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Pjan ta' azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu 2020-2025" (COM(2020)0565),
(15) Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2021 dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom (ĠU C 93, 19.3.2021, p. 1).
(16) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Ottubru 2020 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni" (COM(2020)0620).
(17) Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57).
(18) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2021 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità 2021-2030" (COM(2021)0101).
(19) ĠU C 362, 8.9.2021, p. 63.
(20) Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16).
(21) COM(2022)0105.
(22) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(23) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(24) L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, "IOM calls for end to pushbacks and violence against migrants at EU external borders (L-IOM tappella biex jintemmu l-pushbacks u l-vjolenza kontra l-migranti fil-fruntieri esterni tal-UE)", id-9 ta' Frar 2021.
(25) L-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, Fundamental Rights Report 2021 (Rapport dwar id-Drittijiet Fundamentali 2021), April 2021.
(26) Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).


Il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE: it-8 Rapport dwar il-Koeżjoni
PDF 204kWORD 74k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2022 dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE: it-8 Rapport dwar il-Koeżjoni (2022/2032(INI))
P9_TA(2022)0326A9-0210/2022

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 4, 162, 174 sa 178 u 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi(1) (Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta' Koeżjoni(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1059 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea (Interreg) appoġġata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-istrumenti ta' finanzjament estern(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2020/460 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Marzu 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta' miżuri speċifiċi biex jiġu mmobilizzati investimenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri u f'setturi oħra tal-ekonomiji tagħhom b'reazzjoni għat-tifqigħa COVID‐19 (Inizjattiva ta' Investiment b'Reazzjoni għall-Coronavirus)(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005(7),

–  wara li kkunsidra l-pakkett "Fit for 55" adottat mill-Kummissjoni fl-14 ta' Lulju 2021,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 ("il-Liġi Ewropea dwar il-Klima")(8),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013(9),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2022/562 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' April 2022 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 223/2014 fir-rigward tal-Azzjoni ta' Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (CARE)(10),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 2021 li jistabbilixxi r-Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit(11),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2020/461 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Marzu 2020 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 sabiex jipprovdi assistenza finanzjarja lill-Istati Membri u lill-pajjiżi li qed jinnegozjaw l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni li jkunu affettwati serjament minn emerġenza tas-saħħa pubblika maġġuri(12) (Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea – FSUE),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni(13) (‘Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt’),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tad-29 ta' Mejju 2018 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mekkaniżmu sabiex jiġu solvuti ostakli legali u amministrattivi f'kuntest transfruntier (COM(2018)0373),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Frar 2022 bit-titlu "It-tmien Rapport dwar il-Koeżjoni: Il-koeżjoni fl-Ewropa sal-2050" (COM(2022)0034),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Mejju 2022 bit-titlu "Inpoġġu lin-nies l-ewwel, niżguraw tkabbir sostenibbli u inklużiv, nilliberaw il-potenzjal taż-żoni ultraperiferiċi tal-UE" (COM(2022)0198),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Ġunju 2021 bit-titlu "Viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE – Lejn żoni u komunitajiet rurali aktar b'saħħithom, konnessi, reżiljenti u prosperużi sal-2040" (COM(2021)0345),

–  wara li kkunsidra l-Patt ta' Amsterdam li jistabbilixxi l-Aġenda Urbana tal-UE, miftiehem waqt laqgħa informali bejn il-Ministri tal-UE responsabbli għall-kwistjonijiet urbani li saret fit-30 ta' Mejju 2016 f'Amsterdam,

–  wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat fis-17 ta' Novembru 2017 f'Gothenburg mill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima tan-NU bit-titlu "Climate Change 2022: Mitigation of Climate Change",

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-10 ta' Diċembru 2020 bit-titlu "Strateġija tal-UE għall-Irkupru Rurali"(14),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) tat-18 ta' Settembru 2020 dwar ir-rwol tal-politika strutturali u ta' koeżjoni tal-UE biex tmexxi 'l quddiem it-trasformazzjoni tal-ekonomija b'mod innovattiv u intelliġenti(15),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-KESE tal-25 ta' Settembru 2021 bit-titlu "Ir-rwol tal-politika ta' koeżjoni fil-ġlieda kontra l-inugwaljanzi fil-perjodu ta' programmazzjoni l-ġdid wara l-kriżi tal-COVID-19. Komplementarjetajiet u duplikazzjonijiet possibbli mal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) u l-pjani nazzjonali ta' rkupru"(16),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-KESE tas-27 ta' April 2021 dwar ir-rwol tal-ekonomija soċjali fil-ħolqien tal-impjiegi u fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali(17),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/402 tal-4 ta' Marzu 2021 dwar appoġġ attiv effettiv għall-impjiegi wara l-kriżi tal-COVID-19 (EASE)(18),

–  wara li kkunsidra l-inizjattiva tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida tal-Kummissjoni mnedija fl-14 ta' Ottubru 2020,

–  wara li kkunsidra l-Inizjattiva "Catching Up" tal-Kummissjoni (magħrufa wkoll bħala l-Inizjattiva "Lagging Regions") imnedija fl-2015,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU stabbiliti f'Settembru 2015 fl-ambitu tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra l-ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (COP21) f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015 (il-Ftehim ta' Pariġi),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2022 dwar il-politika ta' koeżjoni bħala strument biex jitnaqqsu d-disparitajiet fil-kura tas-saħħa u biex tittejjeb il-kooperazzjoni transfruntiera fil-qasam tas-saħħa(19),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2022 dwar ir-rwol tal-politika ta' koeżjoni fil-promozzjoni ta' trasformazzjoni innovattiva u intelliġenti kif ukoll tal-konnettività reġjonali tal-ICT(20),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Frar 2022 dwar l-isfidi għaż-żoni urbani fl-era ta' wara l-COVID-19(21),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2021 lejn sħubija aktar b'saħħitha mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE(22),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2021 dwar id-dimensjoni tal-ġeneru fil-politika ta' koeżjoni(23),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2021 dwar it-treġġigħ lura tax-xejriet demografiċi fir-reġjuni tal-UE bl-użu tal-istrumenti tal-politika ta' koeżjoni(24),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2021 dwar il-politika ta' koeżjoni u l-istrateġiji ambjentali reġjonali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima(25),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2018 dwar ir-reġjuni li għadhom lura fl-UE(26),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar il-politika ta' koeżjoni u l-ekonomija ċirkolari(27),

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-istudju bit-titlu "EU lagging regions: state of play and future challenges, ippubblikat mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tiegħu f'Settembru 2020(28),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Analitiku Nru 01/2020 tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-insegwiment tal-infiq fuq il-klima fil-baġit tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A9-0210/2022),

A.  billi fl-aħħar perjodu finanzjarju, bejn l-2014 u l-2020, il-politika ta' koeżjoni, bħala l-politika prinċipali ta' investiment pubbliku, appoġġat 'il fuq minn 1,4 miljun impriża, ikkontribwiet għal 1 544 km ta' linji ferrovjarji u toroq aktar sikuri, għenet lil 45,5 miljun persuna jintegraw fis-suq tax-xogħol u żiedet il-PDG fir-reġjuni l-inqas żviluppati b'sa 5 %;

B.  billi matul il-pandemija, ir-riskju ta' qgħad, iż-żieda fil-faqar u d-differenza bejn is-sessi kienu partikolarment notevoli fir-reġjuni inqas żviluppati tal-UE; billi d-differenza bejn is-sessi fl-impjiegi kienet kważi d-doppju ta' dik tar-reġjuni aktar żviluppati;

C.  billi minkejja li mhijiex strument ta' kriżi, il-politika ta' koeżjoni għenet lir-reġjuni jirrispondu b'mod effettiv f'emerġenzi u għal xokkijiet asimmetriċi bħall-kriżi tal-COVID-19, il-Brexit u l-kriżi attwali tar-rifuġjati kkawżata mill-invażjoni Russa fl-Ukrajna, inkluż bl-għoti ta' apoġġ lill-Istati Membri li jinsabu fuq quddiem nett f'dak li għandu x'jaqsam mal-akkoljenza ta' rifuġjati; billi din l-għajnuna ta' emerġenza, madankollu, m'għandhiex timmina l-approċċ strateġiku tal-perjodu ta' finanzjament kollu kemm hu, peress li l-politika ta' koeżjoni fiha nfisha hija politika ta' investiment fit-tul;

D.  billi hu tal-akbar importanza li l-politika ta' koeżjoni futura tiġi fformulata abbażi ta' strateġija segwita tul il-perjodu ta' finanzjament kollu, li, madankollu, tista' tiġi vvalutata mill-ġdid u aġġustata matul ir-rieżami ta' nofs it-terminu;

E.  billi r-reġjuni żviluppati tal-Lvant tal-UE qed ilaħħqu mal-kumplament tal-UE, filwaqt li diversi reġjuni b'introjtu medju u inqas żviluppati qed jesperjenzaw staġnar jew tnaqqis ekonomiku, u dan jissuġġerixxi li huma maqbudin f'nassa f'dak li għandu x'jaqsam mal-iżvilupp; billi d-distribuzzjoni tal-fondi għandha tqis l-iżvilupp tad-disparitajiet mhux biss bejn Stat Membru u ieħor iżda anke fi ħdanhom stess;

F.  billi l-konverġenza kienet xprunata minn tkabbir qawwi f'reġjuni inqas żviluppati, iżda l-benefiċċji miksuba minn spejjeż aktar baxxi u mir-redditi fuq l-investimenti tagħhom x'aktarx jonqsu maż-żmien; billi r-reġjuni inqas żviluppati se jkollhom bżonn jagħtu spinta lill-edukazzjoni u t-taħriġ, iżidu l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni u jtejbu l-kwalità tal-istituzzjonijiet tagħhom, filwaqt li jkomplu jinvestu fl-infrastruttura, sabiex iżommu tkabbir stabbli, jevitaw li jinqabdu f'nassa f'dak li għandu x'jaqsam mal-iżvilupp, jindirizzaw id-diskrepanza fil-konnettività u jiżguraw aċċess għal servizzi ta' kwalità u kundizzjonijiet ta' għajxien deċenti;

G.  billi filwaqt li l-għadd ta' persuni f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali naqas bejn l-2012 u l-2019, 20 % tal-popolazzjoni totali tal-UE għadha f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali;

H.  billi jeżistu differenzi kbar fil-kwalità tal-infrastruttura, is-servizzi, l-aċċess għall-kura tas-saħħa u għat-trasport u soluzzjonijiet ta' mobilità bejn ir-reġjuni urbani u dawk rurali;

I.  billi l-bliet u konnessjonijiet funzjonali bejn iż-żoni urbani u rurali jikkostitwixxu mutur importanti għall-iżvilupp lokali u reġjonali, il-koeżjoni u tranżizzjoni ġusta;

J.  billi ż-żieda fl-ispejjeż tal-materja prima u tal-kostruzzjoni għandha impatt negattiv dirett fuq ħafna proġetti ta' infrastruttura ffinanzjati mill-UE u tpoġġi l-implimentazzjoni tagħhom f'riskju;

K.  billi t-tnaqqis demografiku huwa aktar notevoli fir-reġjuni rurali u, sal-2050, 50 % tal-popolazzjoni tal-UE se tkun qed tgħix f'reġjun b'popolazzjoni iżgħar u ixjeħ; billi dawn l-iżviluppi x'aktarx jaffettwaw il-potenzjal tat-tkabbir u l-aċċess għas-servizzi fiż-żoni rurali; billi, fid-dawl ta' popolazzjoni li qed tixjieħ, huwa kruċjali li l-ġenerazzjonijiet żgħażagħ ikunu involuti fl-iżvilupp futur tar-reġjuni tagħhom;

L.  billi l-eżodu ta' mħuħ jaffettwa b'mod sproporzjonat lir-reġjuni inqas żviluppati u, jekk ma jiġix indirizzat, il-fenomenu se jkollu effetti permanenti u fit-tul fuq il-futur tal-Unjoni;

M.  billi l-politika ta' koeżjoni hija tal-akbar importanza fl-investiment kapitali tal-gvernijiet u tipprovdi aktar minn nofs it-total tal-finanzjament permezz ta' investiment pubbliku f'xi Stati Membri; billi l-appoġġ mogħti mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE) għandu jkun addizzjonali u mhux jieħu post in-nefqa pubblika tal-Istati Membri;

N.  billi l-mira ta' Ewropa newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju sa mhux aktar tard mill-2050 għandha tkun akkumpanjata mill-mira ta' tranżizzjoni ekwa u ġusta; billi t-tniġġis tal-arja u tal-ilma għadu ġeneralment għoli wisq f'ħafna reġjuni inqas żviluppati; billi r-reġjuni kollha tal-UE għandu jkollhom rwol sinifikanti fl-indirizzar tal-isfidi tat-tibdil fil-klima, permezz ta' miżuri kkoordinati mar-reġjuni tal-madwar;

O.  billi d-distakk fl-innovazzjoni reġjonali kiber u d-diskrepanzi fl-edukazzjoni, it-taħriġ u l-ħiliet bejn ir-reġjuni aktar u inqas żviluppati huma sikwit kbar; billi l-ħiliet huma kkonċentrati partikolarment fir-reġjuni kapitali u tfaċċa distakk kbir bejn iż-żoni urbani u dawk rurali;

P.  billi l-inizjattiva tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, permezz tat-trasformazzjoni tal-ambjent mibni, tgħaqqad il-Patt Ekoloġiku Ewropew mal-ispazji tal-għajxien kemm fiż-żoni urbani kif ukoll f'dawk rurali;

Q.  billi għad hemm disparitajiet fir-ritmi tat-tranżizzjoni diġitali fl-Ewropa; billi konnessjonijiet b'veloċità għolja ħafna huma aċċessibbli biss għal tnejn minn kull tliet residenti fl-ibliet u wieħed minn kull sitt residenti f'żoni rurali;

R.  billi l-prezzijiet tal-akkomodazzjoni u tal-enerġija qed jogħlew, u dan qed juri l-bżonn ta' akkomodazzjoni soċjali orħos u rinnovazzjoni residenzjali aċċelerata biex jiġi miġġieled il-faqar enerġetiku;

S.  billi sar progress sinifikanti fit-titjib fil-qasam tal-impjiegi u l-inklużjoni soċjali, iżda d-disparitajiet reġjonali għadhom akbar minn qabel il-kriżi finanzjarja tal-2008; billi l-politika ta' koeżjoni għandha tipprovdi risposti effiċjenti għall-indirizzar tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, il-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir, iż-żieda fil-kompetittività, il-promozzjoni tal-investiment fl-edukazzjoni, inkluż fl-edukazzjoni diġitali, is-saħħa, ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-indirizzar tal-isfidi demografiċi; billi biex il-politika ta' koeżjoni tkun tista' tissodisfa dawn il-kompiti kollha trid tkun ibbażata fuq finanzjament sod;

T.  billi r-reġjuni u ż-żoni elenkati fl-Artikolu 174 tat-TFUE jirrikjedu attenzjoni partikolari; billi l-miżuri speċifiċi u l-finanzjament addizzjonali għaż-żoni ultraperiferiċi u ż-żoni tat-Tramuntana mbiegħda b'popolazzjoni baxxa għandhom jibqgħu, sabiex ipattu għall-iżvantaġġi naturali u demografiċi gravi u permanenti ta' dawn ir-reġjuni;

U.  billi l-politika ta' koeżjoni għandha tiġi implimentata f'konformità mal-prinċipji ta' governanza tajba u b'rispett sħiħ għall-valuri komuni tal-UE stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TFUE, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-Kodiċi ta' Kondotta Ewropew dwar is-Sħubija; billi, f'diversi Stati Membri, l-istat tad-dritt iddeterjora maż-żmien; billi l-politika ta' koeżjoni għandha tikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-demokrazija u l-istat tad-dritt;

V.  billi l-pandemija tal-COVID-19 u t-tensjonijiet ġeopolitiċi attwali kkonfermaw il-bżonn ta' riflessjoni dwar il-qafas ta' governanza ekonomika, anke bis-sospensjoni temporanja (sal-2023) u r-reviżjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, u kontemplazzjoni tal-possibbiltà li l-infiq pubbliku fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni min-naħa tal-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali bħala parti mill-Fondi SIE ma jitqiesx bħala nefqa strutturali nazzjonali jew ekwivalenti kif definit fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir;

W.  billi l-baġit tal-FSUE ma joqrob xejn lejn l-ammont meħtieġ biex jingħata rispons adegwat għal diżastri naturali kbar u biex l-Ewropa turi solidarjetà mar-reġjuni milquta minn diżastri; billi din id-diskrepanza se tikber minħabba ż-żieda mistennija fid-diżastri naturali li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima u li jwasslu għal bidliet aktar drastiċi fil-ħajja tan-nies; billi l-kontribuzzjonijiet mill-fondi tal-UE jkopru biss it-treġġiegħ lura tal-istatus quo ante tal-infrastruttura u t-tagħmir, filwaqt li l-ispejjeż addizzjonali għar-rikostruzzjoni ta' strutturi aktar reżiljenti għall-klima jridu jiġu (ko)finanzjati mill-Istati Membri;

1.  Huwa konvint li biex il-politika ta' koeżjoni tkun tista' tkompli taqdi r-rwol attwali tagħha bħala vettur għall-investiment u l-ħolqien tal-impjiegi, strument għat-tnaqqis tad-disparitajiet reġjonali u interreġjonali, u mekkaniżmu ta' solidarjetà għar-reġjuni kollha tal-UE jrid ikollha finanzjament sod ibbażat fuq il-prinċipji tas-sħubija u tal-governanza f'diversi livelli; jenfasizza li dan jimplika li jiġi previst tal-inqas l-istess livell ta' finanzjament bħal fil-perjodu finanzjarju 2021-2027, anke fid-dawl tar-reċessjoni li hija mistennija, flimkien mar-riżorsi baġitarji tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) II; ifakkar li sfidi ġodda jirrikjedu fondi ġodda u jitlob li l-politika ta' koeżjoni tiżdied b'riżorsi baġitarji ġodda biex l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali jkunu jistgħu jindirizzaw l-isfidi u l-kriżijiet differenti li qed jaffettwaw l-Unjoni;

2.  Jinnota li l-Istati Membri jistgħu jagħmlu talba debitament ġustifikata għal aktar flessibbiltà fil-qafas attwali tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir għal nefqa strutturali pubblika jew ekwivalenti, appoġġata mill-amministrazzjoni pubblika permezz tal-kofinanzjament ta' investimenti attivati bħala parti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond ta' Koeżjoni (FK) u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF); ifakkar li meta jkun qed jiġi definit l-aġġustament fiskali taħt il-parti preventiva jew taħt il-parti korrettiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, il-Kummissjoni trid tivvaluta bir-reqqa din it-talba b'mod li jirrifletti l-importanza strateġika tal-investimenti kofinanzjati mill-FEŻR, mill-FK u mill-JTF;

3.  Jafferma mill-ġdid l-impenn qawwi tiegħu favur il-politika ta' koeżjoni, li tifforma parti mill-acquis communautaire u għalhekk hija inseparabbli mill-proġett Ewropew u hija bbażata fuq il-prinċipju tas-solidarjetà bejn l-Istati Membri u r-reġjuni; jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni wriet li hija għodda moderna u flessibbli li tista' tintuża malajr f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza; jenfasizza li l-għan oriġinali tal-politika ta' koeżjoni – li tippromwovi u tappoġġa l- "iżvilupp armonjuż ġenerali" tal-Istati Membri u r-reġjuni tagħha – għandu jibqa' r-rwol ewlieni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni; jenfasizza, madankollu, li l-politika ta' koeżjoni m'għandhiex issir sors ta' finanzjament biex tagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet fil-flessibbiltà baġitarja, u lanqas m'għandha tiffaċċja tnaqqis baġitarju b'reazzjoni għall-kriżi, u li bħala politika ta' investiment fit-tul, il-politika ta' koeżjoni għandha tgħin biex ir-reġjuni jitħejjew għall-isfidi tal-futur;

4.  Jiddispjaċih li d-dewmien fin-negozjati dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) wassal għal dewmien konsiderevoli fil-perjodu ta' programmazzjoni, li qed iħalli impatt fuq l-awtoritajiet maniġerjali u l-benefiċjarji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħaffu l-adozzjoni tal-ftehimiet ta' sħubija u l-programmi operattivi peress li d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni tista' twassal għal akkumulazzjoni anormali ta' pagamenti fit-tieni nofs tal-QFP attwali, li tqiegħed pressjoni addizzjonali fuq il-pagamenti matul in-negozjati dwar il-QFP ta' wara l-2027; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tivvaluta l-possibbiltà legali li toħloq żewġ partijiet distinti fi ħdan ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (RDK), jiġifieri parti relatata mal-kontenut (politika) u parti relatata mal-QFP (riżorsi finanzjarji) għall-perjodu ta' programmazzjoni ta' wara l-2027; jemmen li l-parti relatata mal-kontenut għandha tiġi nnegozjata u konkluża qabel il-parti relatata mal-QFP, biex tippermetti lill-awtoritajiet maniġerjali jibdew iħejju ruħhom fil-ħin; jenfasizza, f'dan il-qafas, il-bżonn li l-QFP li jmiss jiġi adottat malajr, sabiex l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali jkollhom viżjoni ċara tal-pakketti finanzjarji tagħhom u jkunu f'pożizzjoni li jagħmlu għażliet politiċi u jistabbilixxu l-prijoritajiet tagħhom fl-investiment;

5.  Jilqa' l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) bħala strument importanti biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija tal-coronavirus u biex l-ekonomiji u s-soċjetajiet Ewropej isiru aktar sostenibbli, reżiljenti u mħejjija aħjar għall-isfidi u l-opportunitajiet tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali; jissottolinja l-importanza li jiġu żgurati l-komplementarjetajiet u s-sinerġiji tagħha mal-politika ta' koeżjoni; jikkritika n-nuqqas ta' dimensjoni territorjali fl-RRF u jtenni l-importanza tal-prinċipju tas-sħubija fil-politiki territorjali tal-UE; jiddispjaċih li l-użu tal-RRF kien ċentralizzat ħafna u kien nieqes minn konsultazzjoni mar-reġjuni u l-muniċipalitajiet u jenfasizza li l-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-azzjonijiet tal-Unjoni jridu jqisu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 174 tat-TFUE u jikkontribwixxu għall-kisba tagħhom; iqis, barra minn hekk, li l-pjanijiet nazzjonali ta' rkupru ffinanzjati mill-RRF m'għandhomx jaffettwaw il-kapaċità li jiġu mobilizzati l-Fondi SIE;

6.  Jenfasizza li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri kkritikat il-fatt li ma saritx distinzjoni bejn il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih; jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni tal-futur għandha tagħmel din id-differenza fil-monitoraġġ tal-infiq u fil-konċentrazzjoni tematika tagħha; jenfasizza li t-tibdil fil-klima jirrappreżenta l-aktar theddida serja għas-soċjetajiet umani f'kull parti tad-dinja u taffettwa r-reġjuni kollha; jissottolinja l-bżonn, għalhekk, li jiżdiedu l-isforzi biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima u tissaħħaħ il-mitigazzjoni tiegħu; jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni trid tappoġġa l-integrazzjoni tal-azzjoni klimatika;

7.  Jilqa' l-introduzzjoni tal-JTF, min-naħa tal-Kummissjoni, b'appoġġ għar-reġjuni li qed jiffaċċjaw sfidi fit-tranżizzjoni lejn newtralità karbonika; iħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu bl-implimentazzjoni tiegħu – anke dawk li għandhom dubji – u jistieden lill-Kummissjoni tislet tagħlimiet mill-implimentazzjoni tal-JTF; jitlob li, fil-perjodu ta' programmazzjoni ta' wara l-2027 fil-livell NUTS 3 jinħoloq fond ġdid, JTF II, b'metodu ta' allokazzjoni rivedut; jemmen li l-fond għandu jiġi integrat bis-sħiħ fir-RDK, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta' sħubija u ġestjoni kondiviża; jemmen li r-reġjuni b'livell għoli ta' CO2 per capita, kif ukoll l-industriji fi tranżizzjoni, għandu jkollhom aċċess għal dan il-fond, li għandu jkun mogħni b'aktar mezzi finanzjarji mill-JTF attwali u jkollu kamp ta' applikazzjoni usa'; jitlob li l-JTF II il-ġdid jiddistingwi bejn il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, u jenfasizza l-bżonn li titfassal arkitettura sempliċi għall-politika ta' koeżjoni futura;

8.  Jilqa' l-idea ta' "la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni", li jfisser li l-ebda azzjoni m'għandha tfixkel il-proċess ta' konverġenza jew tikkontribwixxi għal disparitajiet reġjonali; jemmen li l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni għandu jkun involut fit-tfassil ta' dan il-prinċipju u li dan għandu jiġi stabbilit fil-leġiżlazzjoni sabiex il-kamp u l-modalitajiet tal-applikazzjoni tiegħu jkunu definiti b'mod ċar b'tali mod li jiġi stabbilit bħala prinċipju trasversali fil-politiki tal-UE;

9.  Jinnota li minkejja l-politika ta' koeżjoni mhijiex strument ta' kriżi, sa wara r-rieżami ta' nofs it-terminu għandu jinżamm ammont ta' flessibbiltà f'fondi mhux allokati fl-istess livell bħal fil-perjodu attwali sabiex jissaħħu r-reżiljenza u r-rispons tar-reġjuni, u tippermettilhom jindirizzaw sfidi ġodda u futuri u jassorbu xokkijiet asimmetriċi; isostni li fil-QFP ta' wara l-2027 għandha tiġi żgurata politika ta' koeżjoni b'saħħitha u b'finanzjament akbar, iżda li din il-politika m'għandhiex tintuża biex tiġi indirizzata kull sfida ġdida; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-mobilizzazzjoni tal-allokazzjonijiet ta' koeżjoni li jkunu baqgħu ma jintużawx fl-2021 għal aktar flessibbiltà mill-2022 'il quddiem sabiex jinstabu soluzzjonijiet għaż-żieda fl-ispejjeż tal-proġetti ta' infrastruttura ffinanzjati mill-UE (trasport, enerġija, diġitali eċċ.); ifakkar li l-prezz tal-materja prima u tal-kostruzzjoni jpoġġi f'riskju l-implimentazzjoni ta' ħafna proġetti infrastrutturali ffinanzjati mill-UE;

10.  Jisħaq li, fid-deċennji li ġejjin, it-tibdil fil-klima jirrappreżenta l-aktar theddida serja għas-soċjetajiet umani f'kull parti tad-dinja; ifakkar li ż-żieda fl-għadd u fl-intensità ta' diżastri naturali u fenomeni klimatiċi estremi (għargħar, maltempati, ċikluni, nixfiet, mewġiet ta' sħana, nirien fil-foresti, eċċ.) diġà hija konsegwenza viżibbli u tanġibbli tat-tibdil fil-klima; iqis li l-ispejjeż għall-Unjoni, għal kull pajjiż u għal kull reġjun – jekk ma jantiċipawx u ma jadattawx ruħhom għat-tibdil fil-klima – se jkunu għoljin ħafna; jitlob żieda sinifikanti fil-baġit tal-FSUE sabiex ir-reġjuni jiġu megħjuna jantiċipaw u jtaffu l-effetti tat-tibdil fil-klima, u li l-kamp ta' applikazzjoni tal-FSUE jitwessa' sabiex ikun jista' jappoġġa wkoll restawr aktar reżiljenti għall-klima jew kostruzzjoni ta' infrastruttura pubblika u privata; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta jekk il-baġit tal-FSUE jistax jiżdied bi speċi ta' assigurazzjoni li biha l-Istati Membri jħallsu miżata annwali bbażata fuq l-għadd ta' abitanti, li tiġi investita f'assi sikuri u titqiegħed għad-dispożizzjoni f'każ ta' kriżi;

11.  Jemmen li r-rata ta' kofinanzjament għall-mira tal-"Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir" fil-livell ta' kull prijorità, f'ċirkustanzi normali, m'għandhiex tkun ogħla minn:

   (a) 85 % għar-reġjuni inqas żviluppati u r-reġjuni ultraperiferiċi;
   (b) 75 % għar-reġjuni fi tranżizzjoni, f'każ li jinżammu;
   (c) 70 % għal reġjuni aktar żviluppati;

jemmen li t-tliet rati għandhom jiżdiedu f'sitwazzjonijiet ta' urġenza, bl-użu tal-ammont ta' flessibbiltà;

12.  Huwa tal-fehma li l-Fond ta' Koeżjoni għandu jappoġġa lil dawk l-Istati Membri li l-ING per capita tagħhom, imkejjel skont l-istandards tal-kapaċità tal-akkwist u kkalkulat abbażi tal-figuri tal-Unjoni għall-perjodu 2025-2027, ikun inqas minn 90 % tal-ING per capita medju tal-UE għall-istess perjodu ta' referenza;

13.  Jenfasizza li l-użu tal-PDG bħala l-uniku indikatur tal-iżvilupp ma jikkunsidrax is-sostenibbiltà ambjentali, l-effiċjenza tar-riżorsi, l-integrazzjoni u l-progress soċjali; ifakkar li minbarra kwistjonijiet ekonomiċi, is-saħħa, l-edukazzjoni, is-sostenibbiltà, l-ekwità u l-inklużjoni soċjali huma parti integrali mill-mudell tal-iżvilupp tal-UE; jitlob li l-PDG jiġi kkomplementat bi kriterji ġodda (eż. soċjali, ambjentali, demografiċi), sabiex tingħata stampa ġenerali soċjoekonomika aħjar tar-reġjuni, jiġu indirizzati l-prijoritajiet attwali tal-Unjoni, bħall-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u jiġu riflessi aħjar it-tranżizzjoni ekoloġika, diġitali u demografika u l-benessri taċ-ċittadini;

14.  Jissuġġerixxi l-ftuħ ta' riflessjoni dwar il-kontribut tal-politika ta' koeżjoni biex jintlaħqu l-objettivi strateġiċi fit-tul tal-UE, speċjalment fid-dawl tal-isfidi l-ġodda li ġejjin; jemmen li t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tibqa' sfida kbira li għandna niffukaw l-investimenti tagħna fuqha sabiex nevitaw l-iżvilupp ta' disparitajiet ġodda; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet maniġerjali jsaħħu d-djalogu u jingħaqdu flimkien fl-identifikazzjoni tal-objettivi strateġiċi li l-koeżjoni futura mistennija tikkontribwixxi għalihom;

15.  Jinnota li fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għad hemm reġjuni li qed jesperjenzaw tnaqqis industrijali; iħeġġeġ aktar appoġġ għat-tranżizzjoni industrijali, soċjali u ambjentali ta' dawn ir-reġjuni u jemmen li, biex jiġi indirizzat l-impatt potenzjalment negattiv tat-tranżizzjoni ta' industriji qodma bħall-azzar u l-aluminju u jingħata appoġġa lil industriji bħal dawn, ir-riżorsi tal-JTF II għandhom imorru lejn il-modernizzazzjoni tagħhom fejn possibbli, il-ħolqien ta' strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti mfassla għall-ħtiġjiet ta' kull reġjun fi tranżizzjoni industrijali, it-trawwim ta' tkabbir immexxi mill-innovazzjoni u l-iżgurar li jinfirxu l-benefiċċji tat-tkabbir;

16.  Jemmen li, filwaqt li xi reġjuni fi tranżizzjoni industrijali jiffaċċjaw sfidi speċifiċi bħad-deindustrijalizzazzjoni minħabba l-esternalizzazzjoni tal-produzzjoni industrijali lejn ekonomiji emerġenti, livelli baxxi ta' produttività u nuqqas ta' strateġija reali għal impjiegi orjentati lejn il-futur, reġjuni oħra għandhom potenzjal relattivament qawwi, bħal tradizzjoni fil-manifattura u attivitajiet ta' innovazzjoni sofistikati fl-industriji speċjalizzati lokali; jinnota li reġjuni aktar industrijalizzati huma aktar reżiljenti għal diversi xokkijiet ekonomiċi u soċjali, u jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tiżviluppa politika ambizzjuża ta' reindustrijalizzazzjoni għar-reġjuni tal-UE; jenfasizza l-importanza tal-produzzjoni u l-konsum lokali u reġjonali; jitlob, barra minn hekk, inizjattiva speċifika tal-UE b'appoġġ għar-reġjuni tal-Unjoni li għandhom rata baxxa ta' tkabbir u li huma ifqar u qed jiddevjaw kemm internament kif ukoll esternament mill-medja tal-UE, abbażi tat-tagħlimiet meħuda mill-inizjattiva "Catching Up"; itenni l-bżonn ta' tfassil ta' politika bbażat fuq il-lokalità permezz ta' analiżi xierqa ta' xejriet ta' tkabbir baxx u l-għodod meħtieġa biex jiġu indirizzati;

17.  Jinnota li fl-2019 aktar minn kwart tal-popolazzjoni tal-UE kienet qed tgħix f'reġjun fejn il-PDG reali kien għadu ma reġax lura għal-livell ta' qabel il-kriżi finanzjarja fl-2007, partikolarment fil-Greċja, Ċipru, l-Italja u Spanja; jisħaq li dawn l-istess pajjiżi reġgħu ġew affettwati b'mod aktar sinifikanti mill-kriżi ekonomika u soċjali kkawżata mill-COVID-19;

18.  Jenfasizza l-importanza li jingħata appoġġ liż-żoni rurali billi jiġu vvalutati d-diversità u l-potenzjal tagħhom, isir titjib fil-konnettività tat-trasport, il-broadband b'veloċità għolja, il-forniment ta' servizzi, id-diversifikazzjoni ekonomika u l-ħolqien tal-impjiegi, u jiġu megħjuna jirrispondu għal sfidi bħad-deżertifikazzjoni rurali, it-tixjiħ demografiku, id-depopolazzjoni u l-abbandun rurali, it-tnaqqis fil-komunitajiet b'mod ġenerali, inklużi ċ-ċentri tal-ibliet, u opportunitajiet insuffiċjenti ta' kura tas-saħħa u edukazzjoni, filwaqt li tiġi enfasizzata wkoll l-importanza ta' konnessjonijiet urbani-rurali fil-kuntest ta' żoni urbani funzjonali; jenfasizza partikolarment ir-rwol tendenzjalment prekarju tan-nisa żgħażagħ fiż-żoni rurali; huwa tal-fehma li l-inizjattiva tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida tikkontribwixxi biex iż-żoni rurali jsiru aktar attraenti; jinnota li dawn il-miżuri kollha jgħinu wkoll biex l-ibliet li qed jikbru jindirizzaw l-isfidi li qed jiffaċċjaw;

19.  Jisħaq fuq l-importanza ta' soluzzjonijiet ta' mobilità sostenibbli fl-UE kollha; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-mobilità intelliġenti u ekoloġika u l-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili bħala kontribut għall-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-pakkett "Fit for 55"; jenfasizza l-importanza tal-Patt Ekoloġiku u l-pakkett "Fit for 55" u jinnota li l-investimenti fil-livell reġjonali u lokali huma essenzjali għas-suċċess tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tappoġġa l-infiq relatat mal-klima u ssaħħaħ il-prinċipju ta' "la tagħmilx ħsara sinifikanti";

20.  Jenfasizza n-natura multidimensjonali tal-iżvilupp rurali, li tmur lil hinn mill-agrikoltura fiha nfisha; jinsisti fuq il-bżonn li jiġi implimentat mekkaniżmu ta' verifika rurali biex jiġi vvalutat l-impatt tal-inizjattivi leġiżlattivi tal-UE fuq iż-żoni rurali; jinnota, madankollu, li 11,5 % biss tal-persuni li jgħixu f'żoni rurali jaħdmu fl-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd; jitlob, għalhekk, ir-reintegrazzjoni tal-FAEŻR fil-qafas strateġiku tar-RDK bħala fond separat; jenfasizza li l-appartenenza għall-fondi tal-politika ta' koeżjoni ssaħħaħ il-possibbiltajiet u s-sinerġiji – permezz ta' approċċ integrat u b'diversi fondi – għal investimenti f'żoni rurali lil hinn mill-agrikoltura u għall-iżvilupp reġjonali; jenfasizza l-kontribut siewi għall-iżvilupp rurali mogħti mill-programm LEADER, li jfittex li jinvolvi l-atturi lokali fit-tfassil u t-twettiq tal-istrateġiji, it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-allokazzjoni tar-riżorsi għall-iżvilupp taż-żoni rurali tagħhom;

21.  Jitlob it-tisħiħ tal-Artikoli 174 u 349 tat-TFUE fil-politiki kollha tal-Unjoni sabiex jiġi promoss it-twettiq tal-objettivi stabbiliti fihom; jiddispjaċih li t-8 Rapport dwar il-Koeżjoni ma jagħtix attenzjoni partikolari lill-progress magħmul fil-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali f'reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti, bħar-reġjuni ultraperiferiċi, ir-reġjuni tat-Tramuntana mbiegħda b'densità ta' popolazzjoni baxxa ħafna, il-gżejjer, iż-żoni muntanjużi u r-reġjuni transfruntiera; ifakkar fir-rwol fundamentali tal-politika ta' koeżjoni fir-reġjuni ultraperiferiċi; jenfasizza l-importanza li jitfasslu programmi u miżuri mfassla apposta għal dawn ir-reġjuni u jenfasizza l-bżonn li jinżammu l-miżuri kollha mfassla speċifikament għalihom, peress li l-maġġoranza tar-reġjuni ultraperiferiċi għadhom fost ir-reġjuni l-inqas żviluppati u huma 6 mit-30 reġjun tal-UE bl-aktar PDG baxx per capita; jafferma mill-ġdid, f'dan il-kuntest, l-importanza ta' kooperazzjoni reġjonali dinamika sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tar-reġjuni ultraperiferiċi;

22.  Huwa konvint li r-rwol tal-ibliet, l-irħula u l-villaġġi ż-żgħar għandu jissaħħaħ sabiex jiġu appoġġati l-ekonomiji lokali u jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi u klimatiċi; jafferma mill-ġdid l-importanza tar-rabtiet urbani-rurali u l-iżvilupp ta' strateġiji bbażati fuq żoni funzjonali, b'attenzjoni partikolari għall-bliet żgħar u ta' daqs medju bil-għan li jiġi evitat it-tnaqqir ta' żoni rurali; jissottolinja l-importanza li jiġu implimentati approċċi territorjali mfassla apposta u li jsir investiment partikolarment fl-inizjattiva tal-irħula intelliġenti bil-għan li tingħata ħajja ġdida lis-servizzi rurali permezz tal-innovazzjoni diġitali u soċjali; jenfasizza l-importanza ta' sinerġiji bejn għodod ta' finanzjament differenti, bħall-FAEŻR, il-FEŻR, il-FSE+ u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura, biex jiġi indirizzat livell adegwat ta' finanzjament lejn żoni rurali permezz ta' approċċ b'diversi fondi;

23.  Itenni r-rwol tal-politika ta' koeżjoni fl-armonizzazzjoni u t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien għal kulħadd fl-Unjoni kollha; jinnota, madankollu, li qed jitfaċċaw dejjem aktar żoni żvantaġġati u foqra, inkluż f'reġjuni u żoni aktar żviluppati; jissottolinja li, filwaqt li l-bliet huma muturi reġjonali ta' tkabbir u tranżizzjoni, u l-fatt li tgħix u taħdem fih iġib miegħu ħafna vantaġġi, konċentrazzjoni għolja tal-popolazzjoni u tkabbir tal-popolazzjoni ogħla mill-medja f'ċerti żoni urbani jista' jkollhom ukoll riperkussjonijiet fuq l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni, il-livelli ta' tniġġis u l-kwalità tal-ħajja; jitlob lill-Kummissjoni, għalhekk, tressaq proposta biex l-inizjattiva tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida ssir programm tal-UE għall-QFP ta' wara l-2027, b'baġit iddedikat abbażi ta' riżorsi ġodda li jipprovdi soluzzjonijiet għall-iżvilupp ta' żoni urbani sostenibbli u innovattivi; jemmen li l-awtoritajiet urbani għandu jkollhom aċċess dirett għall-fondi tal-UE fil-futur; itenni l-importanza ta' salvagwardji li jimpedixxu l-penalizzazzjoni inġusta tal-awtoritajiet reġjonali u lokali lokalizzati f'pajjiżi li jistgħu jkunu soġġetti għall-attivazzjoni tal-mekkaniżmu tal-istat tad-dritt, u jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi modi kif tkun tista' twassal il-fondi direttament lill-benefiċjarji finali tagħhom;

24.  Jenfasizza l-importanza li jissaħħaħ l-approċċ minn isfel għal fuq għall-iżvilupp rurali u lokali, li huwa mezz għall-innovazzjoni soċjali u l-bini tal-kapaċitajiet, u b'hekk iċ-ċittadini jingħataw is-setgħa biex jieħdu s-sjieda tal-iżvilupp tal-inħawi tagħhom; jinsisti, għaldaqstant, li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll l-NGOs u ċ-ċittadini, jiġu inklużi bis-sħiħ fil-proċess deċiżjonali u tal-implimentazzjoni biex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet tagħhom jiġu indirizzati kif xieraq; jinnota li l-potenzjal li jeżisti fil-livell lokali jista' jiġi mobilizzat aħjar bit-tisħiħ u l-faċilitazzjoni tal-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD); huwa tal-fehma li s-CLLD għandu jkun obbligatorju għall-Istati Membri;

25.  Jenfasizza li s-soċjetajiet u l-ekonomiji għandhom jisfruttaw il-potenzjal kreattiv tagħhom filwaqt li jindirizzaw l-isfidi li ġġib magħha t-tranżizzjoni lejn in-newtralità karbonika, bħal fil-każ ta' reġjuni industrijali qodma, li għandhom jużaw l-industrija kreattiva bħala katalist multidixxiplinari għall-proċessi ta' tranżizzjoni, filwaqt li jintegraw ideat mill-industriji kulturali u kreattivi fil-proċessi amministrattivi; jemmen li l-awtoritajiet maniġerjali jistgħu jgħinu lir-reġjuni industrijali l-qodma; jenfasizza, għalhekk, il-bżonn ta' appoġġ għall-kooperazzjoni multidixxiplinari; jissottolinja, barra minn hekk, l-importanza tal-kultura fil-politika ta' koeżjoni, li tgħin biex jiġu żgurati reġjuni vivaċi u tiżdied l-attraenza tagħhom, jitħeġġu l-iskambji kulturali, u jiġu promossi d-diversità u s-solidarjetà;

26.  Jinnota bi tħassib l-isfidi demografiċi li qed tiffaċċja l-UE, speċjalment f'ċerti reġjuni, bħat-tixjiħ demografiku, id-depopolazzjoni taż-żoni rurali u remoti, il-pressjoni demografika fuq żoni oħra, bħaż-żoni kostali u urbani, kif ukoll il-flussi migratorji u l-wasla ta' rifuġjati; jinsisti fuq il-bżonn li jitħejja rispons immedjat għall-wasla tar-rifuġjati sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni rapida u faċli tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri, barra minn hekk, ifasslu u jimplimentaw miżuri speċifiċi biex jippromwovu t-taħriġ u l-impjieg, u jħarsu d-drittijiet fundamentali; jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-assoċjazzjonijiet professjonali u l-NGOs huma essenzjali biex jiġu identifikati u vvalutati ħtiġijiet ta' investiment speċifiċi u servizzi bażiċi għall-mobilità u l-aċċessibbiltà territorjali fiż-żoni rurali u urbani u li dawn għandhom jaqdu rwol deċiżiv bħala parteċipanti attivi fl-iżvilupp ta' strateġiji territorjali ġġenerati mill-komunitajiet lokali; jenfasizza l-importanza li jiġi inkluż rispons baġitarju speċifiku għaż-żoni rurali, inkluż biex jitreġġgħu lura x-xejriet demografiċi negattivi fil-programmi rilevanti tal-UE;

27.  Jenfasizza l-bżonn li tittejjeb l-artikolazzjoni bejn il-politika ta' koeżjoni u l-governanza ekonomika tal-UE, filwaqt li jiġi evitat approċċ punittiv; jenfasizza li s-Semestru Ewropew għandu jirrispetta l-objettivi tal-politika ta' koeżjoni skont l-Artikoli 174 u 175 tat-TFUE; jitlob il-parteċipazzjoni tar-reġjuni fit-twettiq ta' dawn l-objettivi u approċċ territorjali aktar b'saħħtu; jitlob li jinbeda proċess ta' riflessjoni dwar il-kunċett tal-kundizzjonalità makroekonomika u li tiġi esplorata l-possibbiltà li dan il-kunċett jiġi sostitwit b'forom ġodda ta' kundizzjonalità biex jiġu riflessi aħjar l-isfidi l-ġodda li għandna quddiemna; iqis li s-sitwazzjoni soċjoekonomika tal-UE, aggravata mill-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19 u l-aggressjoni Russa fuq l-Ukrajna, titlob is-sospensjoni tal-Patt ta' Stabbiltà sal-2023 u r-reviżjoni tiegħu;

28.  Josserva li xi reġjuni b'introjtu medju qed iħabbtu wiċċhom ma' "nassa ta' introjtu medju", u li sikwit ibatu minn popolazzjoni li qed tonqos u tixjieħ, industriji tal-manifattura f'diffikultà, rati baxxi ta' tkabbir, innovazzjoni, kompetittività, produttività u kwalità istituzzjonali u governattiva, nuqqas ta' progress lejn tranżizzjoni ġusta u vulnerabbiltà għax-xokkijiet ikkawżati mill-globalizzazzjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-aggravar inkwetanti ta' din it-tendenza u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu passi serji biex jindirizzaw din l-isfida u jsibu soluzzjonijiet biex dawn ir-reġjuni ma jitħallewx jibqgħu lura fit-tul iżda, minflok, jingħataw appoġġ fl-iżvilupp tal-kwalitajiet speċifiċi tagħhom;

29.  Jinnota li ħafna muturi tat-tkabbir għadhom ikkonċentrati f'reġjuni aktar żviluppati u f'żoni urbani; jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li waħda mill-isfidi ewlenin tal-politika ta' koeżjoni il jmiss se tkun li jingħata appoġġ xieraq lir-reġjuni sottożviluppati u li l-politika ta' koeżjoni għandha tnaqqas id-disparitajiet u fl-istess waqt tevita li reġjuni vulnerabbli jaqgħu lura, filwaqt li tqis ix-xejriet u d-dinamika differenti u tipprovdi appoġġ baġitarju speċifiku għaż-żoni rurali, inkluż bit-treġġigħ lura tax-xejriet demografiċi negattivi fil-programmi rilevanti tal-UE;

30.  Jinnota bi tħassib it-tnaqqis kbir fil-fondi allokati f'dawn l-aħħar snin mill-Istati Membri lill-ifqar reġjuni tagħhom; ifakkar fl-importanza li jiġi rispettat il-prinċipju tal-addizzjonalità tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-awtoritajiet nazzjonali jqisu kif xieraq il-koeżjoni interna fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' proġetti fl-ambitu tal-Fondi SIE;

31.  Jenfasizza li r-reġjuni maqbudin fin-nassa tal-introjtu medju jew li qegħdin f'riskju li jinqabdu fiha għandhom karatteristiċi differenti u jeħtieġu soluzzjonijiet imfassla apposta biex tingħata spinta lill-investimenti f'edukazzjoni ta' kwalità għolja, il-kapital uman, ir-riċerka u l-iżvilupp, it-taħriġ tal-ħaddiema, is-servizzi soċjali u l-istrateġiji ta' mitigazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiddefinixxi dawn ir-reġjuni sabiex tifhem aħjar il-fatturi strutturali li jwasslu għan-nassa tal-introjtu medju, tappoġġahom permezz ta' approċċ divrenzjat u bbażat fuq il-post u tallokalhom ammonti akbar mill-FSE+ fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss;

32.  Huwa tal-fehma li s-simplifikazzjoni għandha tkun wieħed mill-muturi ewlenin tal-politika ta' koeżjoni li jmiss; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jevitaw li jqiegħdu piż amministrattiv addizzjonali fuq l-awtoritajiet maniġerjali u jfakkar fil-bżonn li jiġi minimizzat il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet reġjonali u lokali u għall-benefiċjarji; jistieden lill-Istati Membri jevitaw ir-regolamentazzjoni żejda, jagħmlu programmi strateġiċi u konċiżi u dokumenti flessibbli, u jrendu l-ftehimiet ta' finanzjament bejn l-awtorità maniġerjali u l-benefiċjarju għodda għas-simplifikazzjoni; jinkoraġġixxi li jitkompla l-użu ta' għażliet ta' spejjeż issimplifikati (SCOs), inkluż billi jogħlew il-limiti li taħthom l-użu ta' tali SCOs għandu jkun obbligatorju; jistieden lill-Istati Membri jħaffu l-implimentazzjoni tal-koeżjoni elettronika; jissottolinja l-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni fir-rigward tal-attivitajiet ta' monitoraġġ u rappurtar; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, ittejjeb it-trasparenza tar-regoli tal-awditjar tagħha u tespandi l-użu tal-prinċipju ta' awditu uniku biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-awditi u l-verifika tal-ġestjoni tal-istess infiq; jemmen li r-relazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet maniġerjali għandha tevolvi lejn "kuntratt ta' fiduċja" mibni fuq l-iżvilupp u l-ħolqien ta' kriterji oġġettivi, u jqis li hemm bżonn tiġi introdotta tikketta li tippremja lill-awtoritajiet maniġerjali li jkunu wrew il-kapaċità tagħhom li josservaw ir-regoli u jnaqqsu r-rata ta' żball;

33.  Huwa tal-fehma li ż-żamma ta' allokazzjoni ta' fondi xierqa u adatta fl-ambitu tal-Fond ta' Koeżjoni hija partikolarment neċessarja għall-Istati Membri li għandhom defiċit kbir fl-infrastruttura tat-trasport u l-ambjent, dment li jkun hemm ġestjoni kondiviża tal-Fond;

34.  Jemmen li l-politiki strutturali nazzjonali, reġjonali u tal-UE għandhom jimxu id f'id ma' approċċ ibbażat fuq it-territorju sabiex jingħata kontribut għall-koeżjoni territorjali, jiġu indirizzati livelli differenti ta' governanza, jiġu żgurati kooperazzjoni u koordinazzjoni, u jiġi sfruttat il-potenzjal uniku tar-reġjuni, filwaqt li jiġi rikonoxxut il-bżonn ta' soluzzjonijiet imfassla apposta; jemmen, barra minn hekk, li l-politika ta' koeżjoni għandha tkun orjentata aktar lejn l-investiment fin-nies, billi l-ekonomiji reġjonali jistgħu jingħataw spinta permezz ta' taħlita effettiva ta' investimenti fl-innovazzjoni, fil-kapital uman, fil-governanza tajba u fil-kapaċità istituzzjonali;

35.  Jinnota li l-kooperazzjoni territorjali Ewropea hija wieħed mill-objettivi ewlenin tal-politika ta' koeżjoni; jenfasizza l-valur miżjud tal-kooperazzjoni territorjali b'mod ġenerali u l-kooperazzjoni transfruntiera b'mod partikolari; josserva li r-reġjuni tal-fruntiera kienu partikolarment affettwati mill-pandemija u li l-irkupru tagħhom għandu t-tendenza li jkun aktar bil-mod minn dak ta' reġjuni metropolitani; jisħaq, għalhekk, fuq l-importanza li jitneħħew l-ostakli għall-kooperazzjoni transfruntiera u jenfasizza li l-Mekkaniżmu Transfruntier Ewropew (ECBM) propost mill-Kummissjoni kien jgħin biex jitneħħew aktar minn 50 % tal-ostakli eżistenti; jiddeplora profondament l-iffriżar tal-proċess leġiżlattiv relatat mal-ECBM min-naħa tal-Kunsill; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-inizjattivi kollha meħtieġa, inkluża t-tnedija mill-ġdid tal-ECBM, biex din il-kooperazzjoni ssir aktar dinamika u effettiva għall-benefiċċju taċ-ċittadini; jenfasizza l-importanza ta' aktar finanzjament għal Interreg b'appoġġ għall-kooperazzjoni tar-reġjuni bejn il-fruntieri; jenfasizza, għalhekk, l-importanza ta' proġetti fuq skala żgħira u transfruntiera li jlaqqgħu lin-nies flimkien; jenfasizza l-importanza tal-investimenti transfruntiera f'termini ta' titjib fl-innovazzjoni, trasferiment tat-teknoloġija, soluzzjonijiet komuni u sinerġiji;

36.  Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-investimenti f'servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja fil-bini tar-reżiljenza soċjali u l-indirizzar tal-kriżijiet ekonomiċi, sanitarji u soċjali;

37.  Jinnota li r-riforma tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu finanzjarju 2021-2027 ikkontribwiet għal aktar simplifikazzjoni u flessibbiltà fl-użu tal-fondi min-naħa tal-benefiċjarji u l-awtoritajiet maniġerjali; jilqa' l-flessibbiltà proposta mill-Azzjoni ta' Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (CARE) u l-Inizjattiva ta' Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus Plus (CRII+), li wrew li l-politika ta' koeżjoni hija għodda eċċellenti f'sitwazzjonijiet ta' kriżi; ifakkar, madankollu, li l-politika ta' koeżjoni hija politika ta' investiment fit-tul u għalhekk għandu jinħoloq mekkaniżmu ddedikat ta' rispons għall-kriżijiet fl-ambitu tal-QFP li jmiss; jistieden lill-Kummissjoni tistħarreġ l-effetti prattiċi tal-miżuri ta' simplifikazzjoni u tippromwovi aktar simplifikazzjoni, inkluż fl-għamla ta' soluzzjonijiet diġitali, flessibbiltà u parteċipazzjoni taċ-ċittadini; jitlob lill-Istati Membri, għalhekk, jgħinu lill-benefiċjarji, speċjalment lill-benefiċjarji ta' proġetti fuq skala żgħira, jagħtu l-appoġġ tagħhom għal inizjattivi privati bħala ġeneraturi tal-impjiegi u r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, u jqarrbu l-politika ta' koeżjoni lejn iċ-ċittadini kollha tal-UE;

38.  Jenfasizza li r-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt jistabbilixxi r-rispett għall-istat tad-dritt bħala kundizzjoni għall-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni; iqis li hemm bżonn jissaħħaħ ir-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tuża l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tistabbilixxi modi li permezz tagħhom tiżgura li ċ-ċittadini tal-Istati Membri li għalihom ikun skatta l-Artikolu 7(1) tat-TFUE ma jiġux imċaħħda mill-benefiċċji tal-fondi tal-UE minħabba l-azzjonijiet tal-gvernijiet tagħhom, u li l-awtoritajiet reġjonali u lokali ta' dawn l-Istati Membri ma jiġux penalizzati f'każ li jkun ġie attivat il-mekkaniżmu tal-istat tad-dritt; jistenna li l-Kummissjoni, għalhekk, tqis bis-sħiħ l-aspetti tal-istat tad-dritt tul il-proċess kollu tat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni;

39.  Jistieden lill-Istati Membri jniedu strateġiji kuraġġużi biex jiftħu l-bibien għal investiment pubbliku u privat fit-tranżizzjoni ekoloġika, diġitali u demografika b'tali mod li jirristrutturaw il-mudell tal-ekonomija soċjali tas-suq tagħhom b'mod pożittiv għas-soċjetà;

40.  Jinkoraġġixxi tnaqqis fl-għadd ta' korpi intermedji involuti fil-ġestjoni u l-kontroll tal-fondi ta' koeżjoni billi jissaħħu l-koordinazzjoni u l-kompetenzi tal-korpi intermedji ta' daqs kritiku u, fejn possibbli, jiġu identifikati one-stop shops għall-benefiċjarji;

41.  Jisħaq fuq il-bżonn li jinħoloq qafas li jiggarantixxi l-istabbiltà legali b'regoli sempliċi, ċari u prevedibbli, partikolarment fir-rigward tal-ġestjoni u l-awditjar; jitlob li, kemm jista' jkun, tiġi evitata kwalunkwe applikazzjoni u interpretazzjoni retrospettiva tar-regoli; jissuġġerixxi t-tnedija ta' proċess ta' riflessjoni dwar il-limitu tar-rata ta' żball totali għal kull sena li taħtha s-sistema ta' ġestjoni u kontroll tal-programm titqies li tkun qed tiffunzjona b'mod effettiv u l-kapaċità tal-awtoritajiet maniġerjali li jirrispettaw din id-dispożizzjoni tar-regolament mingħajr ma jippenalizzaw lill-benefiċjarji; huwa tal-fehma li dan il-limitu għandu jiżdied għal 5 %;

42.  Jiddispjaċih li l-SDGs tan-NU bħal donnhom tilfu l-pass fin-narrattiva tal-UE, partikolarment fir-rigward tal-effetti tal-mitigazzjoni tal-kriżijiet, u dan qed jipperikola l-possibbiltà li jiġu implimentati sal-2030; jinkoraġġixxi li titkompla l-mobilizzazzjoni qawwija ta' fondi mill-politika ta' koeżjoni tal-UE f'termini ta' għajnuna għall-implimentazzjoni tal-SDGs fil-livell reġjonali u lokali, pereżempju fir-rigward tal-ekonomija ċirkolari; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li aspetti ta' ugwaljanza u inklużjoni għandhom jissaħħu anke iżjed fl-iżvilupp reġjonali; ifakkar fl-importanza tal-integrazzjoni tas-sessi fil-politika ta' koeżjoni u jenfasizza r-rwol speċifiku tan-nisa, partikolarment f'żoni rurali remoti, li għandhom rwol ewlieni fis-soċjetà ċivili u fit-tkabbir ekonomiku sostenibbli u fl-istess ħin jiffaċċjaw diffikultajiet fl-aċċess għas-suq tax-xogħol kif ukoll għal pagi ugwali u servizzi pubbliċi bħas-saħħa u l-kura tat-tfal;

43.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għaż-żieda fil-baġit allokat għall-perjodu 2021-2027 għall-politika ta' koeżjoni l-ġdida li, pari passu ma' enfasi qawwija fuq azzjonijiet intelliġenti, ekoloġiċi u soċjali, se tipprovdi biżżejjed kunfidenza għal proġetti innovattivi ġodda; jitlob koordinazzjoni b'saħħitha bejn dawn il-fondi u l-programmi u l-azzjonijiet tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida;

44.  Jenfasizza li l-investiment fin-nies huwa kruċjali biex jgħinhom jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom, jinkoraġġixxi l-kreattività tagħhom u jistimula l-innovazzjoni, u li ċertament il-volontarjat jista' jikkontribwixxi għalih; jemmen li għandhom jiġu ppreservati jew jinħolqu impjiegi ta' kwalità u mħallsin tajjeb, flimkien ma' taħriġ (u taħriġ mill-ġdid) sabiex jiġi miġġieled il-faqar u titħeġġeġ l-integrazzjoni tal-migranti u r-rifuġjati, filwaqt li tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali u jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jibqa' lura;

45.  Jenfasizza l-importanza li jitħares il-prinċipju tas-sħubija fil-programmazzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ kollu tal-politika ta' koeżjoni tal-UE u li tiġi stabbilita kooperazzjoni b'saħħitha bejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-NGOs u partijiet ikkonċernati oħra; jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tkun aktar attiva fil-protezzjoni tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni mit-theddid li ġej minn pressjoni fuq id-demokrazija u l-valuri tagħha f'ċerti Stati Membri;

46.  Ifakkar li l-impatt tal-Brexit ikkontribwixxa għal tfixkil fl-ekonomija, fil-kooperazzjoni interreġjonali, fl-ekosistemi tar-riċerka u fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tar-reġjuni tal-UE; jistieden lil dawk kollha involuti jkomplu jgħinu lill-awtoritajiet reġjonali u lokali li qed ibatu mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE; iqis li kwalunkwe riflessjoni dwar il-futur tal-politika ta' koeżjoni wara l-2027 titlob li jkomplu jitqiesu l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali permanenti tal-Brexit fuq ir-reġjuni tal-UE; jistieden ukoll lill-Gvern tar-Renju Unit jiffinanzja l-parteċipazzjoni tal-pajjiż fil-programmi Interreg;

47.  Ifakkar li l-Artikolu 175 tat-TFUE jgħid li l-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar il-progress li jkun sar lejn il-kisba tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali kull tliet snin; iqis li l-impatt ikkombinat tal-kriżi tal-COVID-19 u l-gwerra fl-Ukrajna jrid jiġi vvalutat fid-dettall fid-9 Rapport dwar il-Koeżjoni sa mhux aktar tard minn Mejju 2025;

48.  Jitlob aċċess aħjar għall-finanzjament biex ikunu jistgħu jsiru investimenti fit-tranżizzjoni tal-enerġija lokali, inkluż f'termini ta' effiċjenza enerġetika, distribuzzjoni deċentralizzata tal-enerġija u enfasi qawwija fuq sorsi rinnovabbli; jenfasizza l-bżonn, f'dan il-kuntest, li l-politika ta' koeżjoni tappoġġa r-rinnovazzjoni effiċjenti fl-użu tal-enerġija sabiex jiġu ffrankati r-riżorsi u tiġi żgurata akkomodazzjoni għal kulħadd; jenfasizza l-bżonn, barra minn hekk, li binjiet storikament u soċjoekonomikament sinifikanti jiġu ppreservati u ttrasformati;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibbiltà li l-infiq pubbliku fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni min-naħa tal-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-ambitu tal-Fondi SIE ma jitqiesx bħala nefqa strutturali nazzjonali jew ekwivalenti kif definit fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, speċjalment jekk dan l-infiq ma jiddevjax mit-twettiq tal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi;

50.  Jissottolinja li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom ikunu allinjati għall-politiki tal-UE sabiex il-programmi tal-politika ta' koeżjoni li jridu jsegwu r-regoli kollha dwar l-għajnuna mill-Istat ma jitpoġġewx f'pożizzjoni żvantaġġata meta mqabbla ma' politiki oħra tal-UE li huma eżentati minnha; jitlob, barra minn hekk, l-introduzzjoni ta' preżunzjoni ta' konformità mar-reġim tal-għajnuna mill-Istat, fejn possibbli, sabiex il-politiki ta' investiment tal-UE jitqiegħdu kollha fuq l-istess livell u tiġi evitata l-kompetizzjoni bejniethom;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jagħmlu sforzi biex isaħħu l-komunikazzjoni u l-viżibilità billi jtejbu l-iskambju ta' informazzjoni dwar operazzjonijiet ta' importanza strateġika u sejħiet għal proposti imminenti; jilqa' t-tnedija tad-database l-ġdida Kohesio u jitlob li s-sit ikun disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE malajr kemm jista' jkun; jenfasizza li Kohesio għandha tipprovdi data dwar il-proġetti ta' koeżjoni u territorjali kollha, inklużi dawk relatati mal-iżvilupp rurali, kofinanzjati mill-FAEŻR u l-programm Leader, u tippermetti lill-utenti jfittxu proġetti relatati mal-oqsma tematiċi tagħhom bil-għan li tiġi pprovduta pjattaforma li tikkondividi prattiki tajba u tippromwovi proġetti ta' eċċellenza;

52.  Jenfasizza li politiki oħra tal-UE jistgħu jimminaw il-koeżjoni; jilqa' l-fehma tal-Kummissjoni, għalhekk, li l-politiki orizzontali għandhom jinkorporaw il-mekkaniżmu tal-verifika reġjonali u jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta wkoll l-impatt ta' politiki oħra fuq l-effikaċja tal-politika ta' koeżjoni;

53.  Jenfasizza li l-infiq tal-politika ta' koeżjoni, bħal kif inhu l-każ bl-infiq kollu tal-UE, jista' jkun soġġett għal attivitajiet irregolari, marbuta ma' korruzzjoni u frodi; jitlob finanzjament u persunal adegwati għall-aġenziji u l-korpi rilevanti, partikolarment l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-investigazzjonijiet tagħhom kif xieraq u jirkupraw fondi użati ħażin; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni fil-fond biex tevita kwalunkwe abbuż ta' fondi tal-UE u kull ksur tal-istat tad-dritt, u tiżgura l-konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali qabel ma tapprova kwalunkwe ftehim ta' sħubija u programm fl-ambitu tal-politika ta' koeżjoni;

54.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni REPowerEU tinkludi possibbiltajiet akbar għat-trasferiment ta' allokazzjonijiet baġitarji għall-RRF mill-politika ta' koeżjoni; jissottolinja li aktar minn EUR 100 biljun f'riżorsi tal-politika ta' koeżjoni se jiġu investiti fit-tranżizzjoni tal-enerġija, id-dekarbonizzazzjoni u sorsi ta' enerġija rinnovabbli sal-2030; jitlob, għalhekk, aċċelerazzjoni fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni;

55.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta' implimentazzjoni effettiva u armonizzata fil-livell tal-UE f'dak li għandu x'jaqsam mal-pjan ta' kontinġenza biex jiġu żgurati l-provvista tal-ikel u s-sigurtà alimentari fi żminijiet ta' kriżi, kif spjegat fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar dan is-suġġett (COM(2021)0689);

56.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u lill-parlamenti nazzjonali u reġjonali tal-Istati Membri;

(1) ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159.
(2) ĠU L 231, 30.6.2021, p. 60.
(3) ĠU L 231, 30.6.2021, p. 1.
(4) ĠU L 231, 30.6.2021, p. 94.
(5) ĠU L 231, 30.6.2021, p. 21.
(6) ĠU L 99, 31.3.2020, p. 5.
(7) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487.
(8) ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1.
(9) ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187.
(10) ĠU L 109, 8.4.2022, p. 1.
(11) ĠU L 357, 8.10.2021, p. 1.
(12) ĠU L 99, 31.3.2020, p. 9.
(13) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 1.
(14) ĠU C 37, 2.2.2021, p. 16.
(15) ĠU C 429, 11.12.2020, p. 153.
(16) ĠU C 517, 22.12.2021, p. 1.
(17) ĠU C 286, 16.7.2021, p. 13.
(18) ĠU L 80, 8.3.2021, p. 1.
(19) Testi adottati, P9_TA(2022)0058.
(20) Testi adottati, P9_TA(2022)0059.
(21) Testi adottati, P9_TA(2022)0022.
(22) ĠU C 117, 11.3.2022, p. 18.
(23) ĠU C 67, 8.2.2022, p. 16.
(24) ĠU C 15, 12.1.2022, p. 125.
(25) ĠU C 494, 8.12.2021, p. 26.
(26) ĠU C 162, 10.5.2019, p. 24.
(27) ĠU C 28, 27.1.2020, p. 40.
(28) Studju "EU lagging regions: state of play and future challenges", Parlament Ewropew, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment Tematiku għall-Politika Strutturali u ta' Koeżjoni, Settembru 2020.


Ir-reġjuni tal-fruntieri tal-UE: laboratorji ħajjin tal-integrazzjoni Ewropea
PDF 194kWORD 64k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2022 dwar ir-reġjuni tal-fruntieri tal-UE: Laboratorji ħajjin tal-integrazzjoni Ewropea (2021/2202(INI))
P9_TA(2022)0327A9-0222/2022

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 4, 162, 174, 175, 176, 177,178 u 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa(1) (id-'Direttiva dwar il-Ħabitats'),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi(3) (id-Direttiva dwar l-Għasafar),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(4),

–  wara li kkunsidra l-ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (COP21) f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015 (il-Ftehim ta' Pariġi),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni tat-8 ta' Frar 2017 bit-titolu "Il-konnessjonijiet neqsin fit-trasport fir-reġjuni tal-fruntiera"(5),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2017 bit-titolu "Spinta lit-tkabbir u l-koeżjoni fir-reġjuni tal-fruntieri tal-UE" (COM(2017)0534),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Mejju 2018 dwar mekkaniżmu sabiex jiġu solvuti ostakli legali u amministrattivi f'kuntest transfruntier (il-mekkaniżmu transfruntier Ewropew)(COM(2018)0373).

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar il-politika ta' koeżjoni u l-ekonomija ċirkolari(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2018 dwar Spinta lit-tkabbir u l-koeżjoni fir-reġjuni tal-fruntieri tal-UE(7),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Kummissjoni tat-3 ta' April 2020 dwar l-Assistenza ta' Emerġenza tal-UE fil-Kooperazzjoni Transkonfinali fil-Kura tas-Saħħa relatata mal-kriżi tal-COVID-19 (C(2020)2153),

–  wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni Ewropea mit-22 ta' Lulju sal-11 ta' Ottubru 2020 dwar l-eliminazzjoni tal-ostakli transfruntiera(8),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2020 bit-titolu "Il-Kisba taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025 (COM(2020)0625),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2020/2228 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Diċembru 2020 dwar is-Sena Ewropea tal-Ferroviji (2021)(9),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni tal-5 ta' Frar 2021 bit-titolu "Servizzi pubbliċi transkonfinali fl-Ewropa"(10),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2021 bit-titolu "Strateġija lejn żona Schengen reżiljenti u li tiffunzjona bis-sħiħ" (COM(2021)0277).

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta' Koeżjoni(11),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1059 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea (Interreg) appoġġata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-istrumenti ta' finanzjament estern(12) (“Regolament dwar l-Interreg”),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Lulju 2021 bit-titolu "Reġjuni mal-Fruntieri tal-UE: Laboratorji ħajjin tal-integrazzjoni Ewropea" (COM(2021)0393),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) bit-titolu "It-Tibdil fil-Klima 2021: Il-bażi tax-xjenza fiżika. Kontribut tal-Grupp ta' Ħidma I għas-Sitt Rapport ta' Valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima", ippubblikat fis-7 ta' Awwissu 2021(13),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 2021 li jistabbilixxi r-Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni tad-29 ta' Ottubru 2021 bit-titolu "Viżjoni għall-Ewropa: il-futur tal-kooperazzjoni transfruntiera"(15),

–  wara li kkunsidra t-tliet pubblikazzjonijiet tematiċi tal-Kummissjoni u tal-Assoċjazzjoni tar-Reġjuni tal-Fruntiera Ewropej tad-9 ta' Diċembru 2021 dwar l-ostakli u s-soluzzjonijiet għall-kooperazzjoni transfruntiera fl-UE, bit-titolu "More and better cross-border public services"(16) (Iktar servizzi pubbliċi transfruntiera u aħjar), "Vibrant cross-border labour market"(17), u "Border regions for the European Green Deal"(18) (Ir-reġjuni tal-fruntiera għall-Patt Ekoloġiku Ewropew),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Assoċjazzjoni tar-Reġjuni mal-Fruntieri Ewropej tad-9 ta'Diċembru 2021 "B-solutions: "B-solutions: Solving Border Obstacle (B-solutions: Is-soluzzjoni ta' Ostakli fuq il-Fruntieri. A Compendium 2020-2021"(19),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2021 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 dwar kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (COM(2021)0891),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-IPCC tal-4 ta' April 2022 bit-titolu: "Climate Change 2022: Mitigation of Climate Change" (It-Tibdil fil-Klima tal-2022: Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A9-0222/2022),

A.  billi l-Unjoni Ewropea u l-ġirien immedjati tagħha fi ħdan l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) għandhom 40 fruntiera interna fuq l-art u reġjuni tal-fruntieri interni, u billi dawn ir-reġjuni jkopru 40 % tat-territorju tal-UE, jirrappreżentaw 30 % tal-popolazzjoni tal-UE, jipproduċu kważi terz tal-PDG tal-UE u għandhom potenzjal sinifikanti biex jagħtu spinta akbar lill-ekonomiji tagħha;

B.  billi r-reġjuni tal-fruntieri, b'mod partikolari dawk b'densità baxxa ta' popolazzjoni u, b'mod partikolari, iż-żoni rurali, għandhom it-tendenza li jesperjenzaw kundizzjonijiet ta' żvilupp anqas favorevoli u ġeneralment jiksbu riżultati ekonomiċi inqas tajbin minn reġjuni oħra fl-Istati Membri, u billi l-potenzjal ekonomiku tagħhom mhuwiex sfruttat kompletament;

C.  billi minkejja l-isforzi li saru, diversi ostakli amministrattivi, lingwistiċi u legali għadhom jippersistu u jfixklu t-tkabbir sostenibbli, l-iżvilupp soċjoekonomiku u l-koeżjoni bejn u fi ħdan ir-reġjuni tal-fruntieri; billi hija meħtieġa kooperazzjoni akbar u aktar profonda bejn l-awtoritajiet fl-Istati Membri ġirien; billi r-reġjuni tal-fruntieri jibbenefikaw minn strument legali supranazzjonali li kapaċi jaħrab il-konsegwenzi negattivi li jafu jirriżultaw minn azzjonijiet ta' Stati Membri li jifframmentaw is-Suq Uniku;

D.  billi huwa rikonoxxut li approċċ veru minn isfel għal fuq fil-politika ta' koeżjoni Ewropea għadu jeħtieġ li jiġi msaħħaħ u li l-istituzzjonijiet u l-atturi li huma qrib taċ-ċittadini, ir-Raggruppamenti Ewropej ta' Kooperazzjoni Territorjali, għandhom jiġu fdati b'ġestjoni aktar diretta ta' fondi mill-baġit tal-politika ta' koeżjoni tal-UE; billi proġetti fuq skala żgħira u transfruntiera għandhom rwol importanti f'dan ir-rigward biex ilaqqgħu lin-nies, u billi jagħmlu hekk jiftħu opportunitajiet ġodda għal żvilupp lokali sostenibbli u kooperazzjoni transfruntiera;

E.  billi ċerti setturi jiffaċċjaw ostakli speċifiċi ħafna li jkunu jeħtieġu koordinazzjoni aħjar fil-livell tal-UE, bħas-setturi tal-inbid u l-ispirti, li huma soġġetti għal piżijiet amministrattivi kbar sabiex jiġu kummerċjalizati jitqiegħdu fis-suq fil-pajjiżi ġara; billi soluzzjonijiet prattiċi, bħall-aċċess għall-punti uniċi ta' servizz, iridu jkunu aċċessibbli għall-operaturi ekonomiċi fejn possibbli;

F.  billi l-pandemija tal-COVID-19 għamlet dawk l-ostakli aktar diffiċli biex jiġu megħluba, u billi, fuq bażi ta' kuljum, ħaddiema transfruntiera jiffaċċjaw sitwazzjoni li fiha regoli tas-saħħa differenti u kontroproduttivi jiġu stabbiliti fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera;

G.  billi l-għeluq tal-fruntieri nazzjonali minħabba l-pandemija tal-COVID-19 żvela l-vulnerabbiltà u l-interdipendenza uniċi tar-reġjuni transfruntiera tal-Ewropa; billi t-tfixkil tal-moviment liberu ta' oġġetti, servizzi, persuni u tagħmir mediku essenzjali rriżulta f'konsegwenzi ekonomiċi detrimentali;

H.  billi l-għeluq temporanju tas-servizzi pubbliċi u tal-kura tas-saħħa transfruntiera hedded l-għajxien tal-ħaddiema transfruntiera u rriżulta fi tbatija finanzjarja għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) fir-reġjuni tal-fruntiera; billi l-kriżi tal-COVID-19 kienet responsabbli għall-emerġenza ta' sfidi legali u amministrattivi ġodda fir-reġjuni tal-fruntiera, bħat-telexogħol, u billi t-teleħaddiema jiffaċċjaw kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni soċjali u l-liġijiet tat-taxxa;

I.  billi l-pandemija tal-COVID-19 wasslet ukoll għal atti notevoli ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri ġirien, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak lokali;

J.  billi xi reġjuni tal-fruntieri qed jiffaċċjaw sfidi infrastrutturali kritiċi bla preċedent relatati mal-kriżi tar-rifuġjati kkawżata mill-aggressjoni militari li għaddejja bħalissa tar-Russja fl-Ukrajna; billi s-sitwazzjoni l-ġdida ta' wara l-COVID-19 tikkontribwixxi wkoll għall-vulnerabbiltà tagħhom;

K.  billi l-fruntieri nazzjonali għadhom ta' spiss ħafna jifframmentaw it-territorji naturali, u b'hekk jagħmlu l-protezzjoni u l-ġestjoni tagħhom inqas effettivi, speċjalment meta jitqies il-fatt li japplikaw oqfsa legali differenti;

L.  billi t-tluq tal-massa mir-reġjuni tal-fruntieri, speċjalment min-naħa taż-żgħażagħ u l-ħaddiema b'ħiliet speċjalizzati, juri n-nuqqas ta' opportunitajiet ekonomiċi f'reġjuni bħal dawn u jagħmilhom saħansitra inqas attraenti f'termini ta' impjiegi u żvilupp ekonomiku sostenibbli; billi hemm nuqqas ta' opportunitajiet ta' tagħlim tal-lingwi, kif ukoll nuqqas ta' inizjattivi li jqajmu kuxjenza dwar il-benefiċċji għar-residenti tal-fruntieri tat-tagħlim tal-lingwa tal-pajjiż ġar; billi mhux id-dokumenti amministrattivi kollha ġew tradotti fil-lingwa tal-Istati Membri tal-fruntiera; billi l-Istati Membri għandhom jieħdu passi biex jirrimedjaw dik is-sitwazzjoni u l-Kummissjoni għandha tagħtihom parir f'dak il-proċess;

M.  billi bir-Regolament Interreg 2021-2027 il-ġdid ir-reġjuni tal-fruntieri issa għandhom qafas ċar ta' appoġġ finanzjarju għal governanza transfruntiera msaħħa sabiex jiġi stimulat l-irkupru ekonomiku, jinħolqu azzjonijiet ambjentali komuni u jittaffew l-effetti tat-tibdil fil-klima;

N.  billi l-konklużjoni tal-Ftehimiet ta' Sħubija fil-kuntest tal-politika ta' koeżjoni 2021-2027 għadha lura, u dan idgħajjef l-allokazzjoni ta' riżorsi vitali fit-territorji fil-bżonn;

O.  billi kooperazzjoni transfruntiera frammentata u insuffiċjenti tista' twassal għal vulnerabbiltà akbar għad-diżastri naturali u avvenimenti estremi tat-temp fir-reġjuni tal-fruntieri;

P.  billi l-UE hija magħmula wkoll minn reġjuni transfruntiera marittimi bħall-gżejjer fil-Mediterran u reġjuni ultraperiferiċi fl-Oċean Atlantiku u fl-Oċean Indjan; billi l-pożizzjoni ġeografika remota ta' uħud mill-gżejjer Ewropej, flimkien mal-kundizzjoni tagħhom bħala reġjuni tal-fruntieri, jesponuhom għal taħlita ta' restrizzjonijiet fis-suq tax-xogħol u fl-oqsma tat-trasport u l-kura tas-saħħa, u dan ifixkel bil-kbir il-potenzjal tat-tkabbir tagħhom;

Q.  billi huwa rikonoxxut li l-vulnerabbiltà unika tar-reġjuni tal-fruntieri tirrikjedi bidliet fil-metodi ta' finanzjament fir-reġjuni tal-fruntieri sabiex finalment jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għar-reġjuni tal-fruntieri fil-konfront tal-art tal-qalba; Billi, barra minn hekk, huwa rrakkomandat li dawn il-bidliet jinkludu t-tnaqqis ta' "borderland billion" aġġustat għall-inflazzjoni mill-baġit ta' koeżjoni tal-Unjoni u li dan jiġi riżervat speċifikament għar-reġjuni tal-fruntiera;

R.  billi huwa stmat li l-adozzjoni tal-proposta għal regolament tal-mekkaniżmu transfruntier Ewropew (ECBM), ippubblikat f'Mejju 2018 mill-Kummissjoni fuq rakkomandazzjoni tal-Presidenza Lussemburgiża tal-Kunsill, kienet tgħin biex jingħelbu mill-inqas 30 %, u x'aktarx anke 50 %, tal-ostakli rikonoxxuti għall-kooperazzjoni transfruntiera;

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni ppubblikata mill-Kummissjoni fl-2021 intitolata "Reġjuni mal-Fruntieri tal-UE: Laboratorji ħajjin tal-Integrazzjoni Ewropea", li tinkludi informazzjoni dettaljata dwar l-ostakli li jiffaċċjaw ir-reġjuni tal-fruntieri fl-UE;

Karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni tal-fruntieri

2.  Jirrimarka li l-Artikolu 174 TFUE jirrikonoxxi l-isfidi li jiffaċċjaw ir-reġjuni tal-fruntieri u jiddikjara li l-UE għandha tagħti attenzjoni partikolari lil dawk ir-reġjuni meta tieħu azzjoni biex issaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE.

3.  Jenfasizza li l-isfidi li jiffaċċjaw ir-reġjuni tal-fruntiera, b'mod partikolari dawk bi fruntieri marittimi biss, bħala fruntieri speċifiċi bil-ħtiġijiet tagħhom stess, kif ukoll iż-żoni rurali u b'densità baxxa, ivarjaw minn reġjun għal ieħor skont iċ-ċirkostanzi legali, amministrattivi, lingwistiċi, kulturali, soċjoekonomiċi, ambjentali, demografiċi u ġeografiċi li japplikaw fir-reġjun ikkonċernat; jenfasizza l-ħtieġa ta' użu effettiv u koordinazzjoni akbar tal-fondi tal-UE biex jiġi żgurat approċċ aktar komprensiv għall-isfidi msemmija qabel; jappella għall-involviment tal-awtoritajiet u l-komunitajiet lokali u approċċi mfassla apposta li jkunu integrati, imfassla apposta u speċifiċi għar-reġjun, bħala parti minn qafas ta' governanza f'diversi livelli; jisħaq fuq il-ħtieġa li ssir riflessjoni dwar l-isfidi li jiffaċċjaw xi reġjuni tal-fruntieri marbuta mal-aggressjoni kontinwa tar-Russja fl-Ukrajna;

4.  Jirrakkomanda inizjattiva tal-UE li tipprovdi korsijiet tal-lingwa għal-lingwi tal-pajjiżi ġara bi prezz baxx għall-parteċipanti fir-reġjuni NUTS-3 kollha li t-territorju tagħhom għandu konfini ma' Stat Membru ġar; iħeġġeġ sabiex din l-inizjattiva tal-UE tkun ukoll inkarigata li tqajjem kuxjenza dwar il-benefiċċji tat-tagħlim tal-lingwa tal-pajjiż ġar;

5.  Jisħaq li piżijiet sproporzjonati, bħall-iżvantaġġi strutturali inerenti ffaċċjati mir-reġjuni tal-fruntieri kollha għandhom jiġu kkumpensati b'reġim separat għall-għajnuna reġjonali mfassla speċifikament għar-reġjuni tal-fruntieri;

6.  Jitlob li 0,26 % tal-baġit tal-politika ta' koeżjoni tal-UE jkun allokat esklużivament għall-iżvilupp tar-reġjuni tal-fruntieri fil-bidu ta' kull perjodu ta' programmazzjoni ġdid, li jibda mill-perjodu 2028-2034 ("borderland billion"); jissuġġerixxi wkoll li fejn dawn il-fondi ma jintużawx fir-reġjuni tal-fruntiera, l-ammont li jifdal għandu jerġa' lura għall-baġit ta' koeżjoni tal-UE;

7.  Jissuġġerixxi li l-"borderland billion" jiġi fdat lir-Raggruppamenti Ewropej ta' Kooperazzjoni Territorjali (EGTCs) jew lil reġjuni tal-fruntieri fejn jeżistu strutturi komparabbli; jappella sabiex l-EGTCs jew l-istrutturi komparabbli jingħataw livell għoli ta' awtonomija fir-rigward tal-użu tal-fondi u l-għażla tal-proġetti;

8.  Jitlob li l-Istati Membri jneħħu l-ostakli eżistenti u jippermettu lill-EGTCs livell ogħla ta' awtonomija fir-rigward tal-għażla tal-proġetti u l-użu tal-fondi, b'mod partikolari billi jidentifikaw l-EGTCs bħala awtoritajiet ta' ġestjoni tal-programmi Interreg f'konformità mal-Artikolu 45(4) tar-Regolament Interreg, filwaqt li jsaħħu l-kapaċità istituzzjonali u finanzjarja tal-EGTCs f'konformità mal-Artikolu 14(4) tar-Regolament Interreg jew jaħtru EGTCs bħala benefiċjarji li jimmaniġġjaw fondi għal proġetti żgħar, f'konformità mal-Artikolu 25(2) tar-Regolament Interreg; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni toħloq inċentivi għall-Istati Membri biex jagħmlu użu mill-għażliet ta' hawn fuq biex jagħtu rwol aktar sostanzjali lill-EGTCs sabiex verament jimplimentaw l-objettiv ta' politika 5 tal-politika ta' koeżjoni tal-UE għall-2021-2027: Ewropa eqreb lejn iċ-ċittadini;

9.  Jirrakkomanda li jsiru bidliet fil-Linji Gwida tal-UE dwar l-Għajnuna Reġjonali; jissuġġerixxi li, peress li inqas minn nofs il-popolazzjoni totali tal-UE tista' tirċievi għajnuna reġjonali fl-istess ħin, ir-reġjuni tal-fruntieri jingħataw prijorità fil-qafas ta' din ir-regola;

Reżiljenza permezz ta' kooperazzjoni istituzzjonali aktar profonda;

10.  Jilqa' l-progress li sar s'issa mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni tagħha tal-2017, b'mod partikolari permezz tal-inizjattiva "b-solutions", li pprovdiet appoġġ legali u amministrattiv lill-awtoritajiet tar-reġjuni tal-fruntieri u li jiġu rriżolti 90 każ ta' ostakli għall-interazzjonijiet, iżda wkoll permezz ta' appoġġ għall-iffaċilitar tal-aċċess għall-impjiegi, il-promozzjoni tal-multilingwiżmu transfruntier u l-ġbir flimkien tal-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa;

11.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jqajmu kuxjenza fost ir-reġjuni transfruntiera dwar il-possibbiltà li jirċievu appoġġ mill-Kummissjoni fl-ambitu tal-inizjattiva b-solutions; jissottolinja li l-kondiviżjoni tal-għarfien dwar b-solutions ta' suċċess tista' tikkontribwixxi biex issolvi u tipprevjeni l-emerġenza ta' ostakli amministrattivi u legali ġodda;

12.  Jissottolinja, madankollu, li b-solutions waħedhom ma jistgħux jirrappreżentaw rispons xieraq u effettiv għall-ostakli legali u amministrattivi li jaffettwaw ir-reġjuni tal-fruntieri;

13.  Jirrikonoxxi l-importanza tar-rwol li jiżvolġu l-makroreġjuni, l-Ewroreġjuni, l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ u l-assoċjazzjonijiet fil-promozzjoni tal-interess kollettiv u fil-qasam tal-kooperazzjoni transfruntiera; jistieden lill-Kummissjoni tibda valutazzjoni fil-fond ta' Strateġiji makroreġjonali, bl-għan li tevalwa il-koerenza tagħhom mal-prijoritajiet ambjentali u diġitali mġedda tal-UE;

14.  Jirrimarka li, minkejja l-isforzi li saru, għadhom jeżistu diversi ostakli amministrattivi, legali u lingwistiċi, u dawn ifixklu t-tkabbir sostenibbli, l-iżvilupp soċjoekonomiku u l-koeżjoni bejn u fi ħdan ir-reġjuni tal-fruntieri;

15.  Jinnota li l-biċċa l-kbira tal-ostakli li jxekklu l-kooperazzjoni transfruntiera huma ta' natura legali, li jirriżultaw minn liġijiet nazzjonali diverġenti jew liġijiet ġenerali tal-UE; ifakkar, għalhekk, li fl-2018 il-Kummissjoni ħarġet proposta għal regolament dwar mekkaniżmu transfruntier Ewropew (ECBM) (COM(2018)0373);

16.  Jirrimarka li l-aċċess għas-servizzi pubbliċi huwa kruċjali għall-popolazzjoni ta' 150 miljun ruħ taż-żoni transfruntiera interni, u ta' spiss jiġi mxekkel minn bosta ostakli legali u amministrattivi; Jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmassimizzaw l-isforzi tagħhom biex ineħħu dawn l-ostakli, speċjalment meta jkunu relatati mas-servizzi tas-saħħa, it-trasport, l-edukazzjoni, il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol u l-ambjent;

17.  Jissottolinja li l-ECBM, kif propost mill-Kummissjoni, kien jikkontribwixxi biex jelimina aktar minn 50 % ta' dawn l-ostakli, b'mod partikolari fir-rigward tan-nuqqas ta' trasport pubbliku transfruntier u l-aċċess limitat għas-servizzi tal-impjieg, tal-edukazzjoni, tal-kultura u tad-divertiment; jiddeplora, f'dan ir-rigward, l-iffriżar mill-Kunsill tal-proċess leġiżlattiv relatat mal-ECBM; ifakkar li dan il-mekkaniżmu għandu l-għan li jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni transfruntiera fuq proġetti konġunti f'oqsma differenti (infrastruttura, kura tas-saħħa, xogħol, eċċ.) billi jippermetti lil wieħed minnhom japplika d-dispożizzjonijiet legali tal-Istat Membru ġar jekk l-applikazzjoni tal-liġijiet proprji tiegħu tippreżenta ostakli legali;

18.  Jinnota li l-proposta tal-ECBM kienet appoġġjata minn maġġoranza kbira fil-Parlament fi Frar 2019, u matul id-dibattitu fil-plenarja wara l-mistoqsija orali lill-Kunsill f'Ottubru 2021; ifakkar li l-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari dwar dan ir-regolament kienet tinkludi formulazzjonijiet speċifiċi li kienu jiżguraw l-applikazzjoni volontarja tiegħu, u b'hekk itaffi t-tħassib tal-Istati Membri;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni temenda l-proposta attwali filwaqt li tqis il-konklużjonijiet tas-servizzi legali tal-Kunsill u tal-Parlament, bil-ħsieb li tfittex bilanċ bejn il-pożizzjonijiet rispettivi tal-koleġiżlaturi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li din il-proposta tqis it-tisħiħ tar-reġjuni transfruntiera, billi jiġi antiċipat id-dannu li jista' jiġi previst fir-reġjuni li se jkunu milquta l-iktar mill-konsegwenzi tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna; jitlob lill-Kummissjoni terġa' tibda n-negozjati mal-Istati Membri sabiex tikseb mill-aktar fis l-approvazzjoni ta' sistema biex jingħelbu l-ostakli legali jew amministrattivi fil-fruntieri, bil-għan li tiffaċilita l-ħajja ta' dawk li jgħixu fir-reġjuni transfruntieri;

20.  Jilqa' l-adozzjoni tal-proġett pilota Cross-Border Crisis Response Integrated Initiative (CB-CRII), li għandu l-għan li jsaħħaħ ir-reżiljenza tar-reġjuni tal-fruntieri għal kriżijiet futuri; iħeġġeġ lid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Politika Reġjonali u Urbana jimplimenta l-proġett(20);

21.  Jissottolinja li, b'mod parallel mal-ħsara kkawżata mill-COVID-19, u b'mod partikolari mal-għeluq tal-fruntieri li ġabet magħha il-pandemija, ir-reġjuni tal-fruntieri qed jiffaċċjaw il-konsegwenzi tal-Brexit, li qed joħolqu ostakli ġodda għall-kummerċ ħieles u tfixkil serju għall-kummerċ transfruntier bejn l-Unjoni u r-Renju Unit, u b'hekk qed jaggravaw is-sitwazzjoni tal-intrapriżi u tan-negozji fir-reġjuni tal-fruntieri; jilqa' f'dan ir-rigward il-ftehim milħuq dwar ir-Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit (BAR) biex jingħata appoġġ finanzjarju u legali lill-Istati Membri u lir-reġjuni affettwati mill-Brexit;

Servizzi pubbliċi transfruntieri ulterjuri u ta' kwalità aħjar;

22.  Jinnota b'interess li l-konsultazzjoni pubblika reċenti tal-Kummissjoni dwar it-tneħħija tal-ostakli fil-fruntieri (2020) żvelat li d-diffikultajiet ewlenin għan-nies li jgħixu f'reġjuni tal-fruntieri kienu, fost l-oħrajn, in-nuqqas ta' servizzi tat-trasport pubbliku transfruntiera affidabbli, in-nuqqas ta' servizzi diġitali u l-interoperabbiltà transfruntiera limitata tagħhom, l-ostakli direttament dovuti għad-differenzi fil-lingwa u l-ostakli relatati mal-proċessi leġiżlattivi, u d-disparitajiet ekonomiċi;

23.  Jinnota li l-attrazzjoni taż-żoni transfruntiera għall-għajxien u l-investiment tiddependi ħafna fuq il-kwalità tal-ħajja, id-disponibbiltà ta' servizzi pubbliċi u kummerċjali għaċ-ċittadini u n-negozji u l-kwalità tat-trasport – kundizzjonijiet li jistgħu jintlaħqu u jinżammu biss permezz ta' kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll man-negozji fuq kull naħa tal-fruntiera;

24.  Jisħaq fuq ir-rwol kruċjali li l-investimenti f'servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja għandhom fuq il-bini tar-reżiljenza soċjali u l-indirizzar tal-kriżijiet ekonomiċi, tas-saħħa u soċjali;

25.  Jirrimarka li l-introduzzjoni ta' servizzi pubbliċi transfruntiera aħjar ittejjeb mhux biss il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini transfruntiera iżda tagħmel il-valur għall-flus ta' dawn is-servizzi kosteffettiv;

26.  Jissottolinja li l-koordinazzjoni tas-servizzi tat-trasport fir-reġjuni tal-fruntieri tibqa' insuffiċjenti, parzjalment minħabba konnessjonijiet neqsin jew mhux aktar użati, ħaġa li tfixkel il-mobilità u l-opportunitajiet ta' żvilupp transfruntier; jissottolinja wkoll li l-iżvilupp tal-infrastrutturi tat-trasport transfruntier sostenibbli huwa mxekkel mill-kumplessità tad-dispożizzjonijiet legali u amministrattivi;

27.  Jissottolinja li l-ħolqien ta' infrastruttura tat-trasport transfruntier addizzjonali, filwaqt li jkun jiswa l-flus u ta' sfida ambjentali, jista' mhux dejjem ikun l-aħjar soluzzjoni u għalhekk jenfasizza l-potenzjal ta’ miżuri mhux vinkolanti biex tingħata spinta lill-konnessjonijiet tat-trasport transkonfinali, bħal koordinazzjoni aħjar tal-iskedi tat-trasport pubbliku, ippjanar inklużiv u l-użu ta' innovazzjonijiet imfassla apposta minn awtoritajiet lokali u reġjonali transfruntiera li għandhom biżżejjed awtonomija biex jilħqu għanijiet komuni; jenfasizza li l-iżvilupp ta' infrastruttura tat-trasport pubbliku ġdida għandu jkun konformi mar-rekwiżiti ta' sostenibbiltà u kosteffiċjenza; jappella għalhekk għall-allokazzjoni f'waqtha tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta biex jiġi żgurat rwol attiv tar-reġjuni tal-fruntieri fl-ilħuq tal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

28.  Jenfasizza r-rwol tal-politika ta' koeżjoni fl-indirizzar tal-isfidi ewlenin li qed iħabbat wiċċu magħhom is-settur tat-trasport tal-Unjoni, inkluż l-iżvilupp ta' Żona Unika Ewropea tat-Trasport li tiffunzjona tajjeb, li tgħaqqad l-Ewropa permezz ta' networks tal-infrastruttura tat-trasport moderni, multimodali u sikuri u l-bidla lejn mobilità b'emissjonijiet baxxi, fost l-oħrajn permezz tal-appoġġ għat-tlestija tal-konnessjonijiet ferrovjarji transfruntiera żgħar neqsin, u b'hekk tikkontribwixxi għall-integrazzjoni Ewropea tar-reġjuni tal-fruntieri;

29.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu qafas legali aktar solidu u aktar ċar sabiex itejbu l-kwalità u l-effiċjenza tas-servizzi pubbliċi; jissottolinja f'dan ir-rigward li l-immappjar tal-konnessjonijiet neqsin fis-settur ferrovjarju, imħejji mill-Kummissjoni, jikkostitwixxi għodda ewlenija li tippermetti li nimxu 'l quddiem f'din id-direzzjoni;

30.  Jissottolinja l-ħtieġa li jissawwar legat politiku effikaċi għas-Sena Ewropea tal-Ferroviji, speċjalment fir-reġjuni transfruntieri; jirrimarka li d-dimensjoni Ewropea u transfruntiera tal-ferroviji tqarreb liċ-ċittadini lejn xulxin, tippermettilhom jesploraw l-Unjoni fid-diversità kollha tagħha u trawwem il-koeżjoni soċjoekonomika u territorjali, b'mod partikolari, billi tiżgura konnettività aħjar fi ħdan l-Ewropa u maż-żoni periferiċi, anke permezz ta' konnessjonijiet reġjonali transfruntieri; jilqa' l-istabbiliment ta' sħubijiet għall-iżvilupp ta' servizzi komuni, inkluża l-integrazzjoni tal-iskedi u tal-biljetti, f'xi reġjuni transfruntiera; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġja inizjattivi ta' dan it-tip, u jitlob lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi t-trasport tar-roti fuq il-ferroviji transfruntiera;

31.  Jappella għal aktar diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi u politiki ta' interoperabbiltà msaħħa biex jiġi żgurat li s-servizzi pubbliċi diġitali jkunu interoperabbli u transfruntiera b'mod awtomatiku; jenfasizza l-importanza tal-appoġġ għall-innovazzjoni diġitali fost is-servizzi pubbliċi u l-kumpaniji fir-reġjuni transfruntiera u jilqa' f'dan ir-rigward il-Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali Ewropej (EDIH);

Swieq tax-xogħol transfruntieri dinamiċi;

32.  Jilqa' d-diversi miżuri importanti li ttieħdu biex jiġu indirizzati l-asimmetriji soċjoekonomiċi fil-fruntieri; jiddispjaċih, madankollu, dwar in-nuqqas ta' evalwazzjonijiet speċifiċi u ta' statistika komparattiva biex tinkiseb ħarsa ġenerali tas-sitwazzjoni soċjoekonomika tal-SMEs transfruntiera, ħaġa li hija aktar ta' dispjaċir minħabba l-fatt li l-SMEs jirrappreżentaw 67 % tal-impjiegi totali u kważi 60 % tal-valur miżjud tal-Unjoni;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi fil-fond taċ-ċirkostanzi soċjoekonomiċi tal-SMEs transfruntiera, filwaqt li tiġbor valutazzjonijiet speċifiċi u statistika komparattiva;

34.  Jirrimarka li, skont it-tmien rapport dwar il-koeżjoni tal-Kummissjoni(21), l-indikaturi tal-Interreg juru li 68 % biss tal-miri tal-2023 għall-mobilità tal-ħaddiema transfruntiera kienu ntlaħqu sa tmiem l-2020, filwaqt li f'oqsma oħra l-miri kienu ntlaħqu sa 495 %; iħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu fuq din it-triq sabiex jilħqu l-miri tal-2023;

35.  Jirrikonoxxi l-importanza għall-Istati Membri li jiżguraw id-dħul mit-taxxi, is-sistemi tas-sigurtà soċjali, kif ukoll id-diversità tat-taxxi nazzjonali; jappoġġja u jimpenja ruħu li jimmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-pakkett tat-taxxa tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2020 biex tiġi żgurata tassazzjoni ġusta, effikaċi, sostenibbli u li tirrispetta l-ambjent diġitali;

36.  Jissottolinja, madankollu, li fin-nuqqas ta' provvista adegwata ta' impjiegi jew opportunitajiet ekonomiċi oħra u meta jitqies il-livell baxx ta' salarji, il-forza tax-xogħol b'livell tajjeb ta' edukazzjoni għandha t-tendenza li temigra lejn reġjuni fejn hemm numru adegwat ta' opportunitajiet u b'hekk tagħmel is-sitwazzjoni f'żoni remoti tal-fruntieri saħansitra aktar diffiċli;

37.  Jemmen li l-politika ta' koeżjoni għandha tkun aktar orjentata lejn l-investiment fin-nies billi l-ekonomiji tar-reġjuni tal-fruntieri jistgħu jingħataw spinta permezz ta' ġabra effettiva ta' investimenti fl-innovazzjoni, fil-kapital uman, fil-governanza tajba u fil-kapaċità istituzzjonali;

38.  Jemmen li r-reġjuni tal-fruntiera li jesperjenzaw sfidi partikolari għandhom jirċievu appoġġ imfassal apposta (eż. permezz ta' sinerġiji akbar bejn il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Soċjali Ewropew Plus u l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni) għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġiji fit-tul ibbażati fuq diversifikazzjoni ekonomika, u politiki ta' taħriġ mill-ġdid u taħriġ mill-ġdid għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja;

39.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jipparteċipaw bis-sħiħ fl-isforzi tal-Kummissjoni biex tinkiseb iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, li, f'sinerġija mal-aġenda għall-ħiliet għall-Ewropa u ż-Żona tar-Riċerka, se tiżgura aċċess għal edukazzjoni u taħriġ immirati fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera, billi tipprovdi servizzi edukattivi komuni, billi tiżgura r-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, tal-ħiliet u l-kwalifiki u billi tinkoraġġixxi l-apprendistat;

40.  Iħeġġeġ l-avvanz tal-programmi għall-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni tal-fruntieri tal-UE fil-fruntieri esterni tal-Unjoni u r-reġjuni tal-fruntieri tal-pajjiżi ġirien; jirrikonoxxi l-isfidi ta' din il-kooperazzjoni minħabba d-differenzi regolatorji bejn dawn ir-reġjuni; jikkunsidra din il-kooperazzjoni bħala għodda importanti għall-avvanz tal-politika ta' tkabbir tal-UE; jenfasizza li l-promozzjoni tal-kooperazzjoni transfruntiera bejn ir-reġjuni ġirien tista' tikkontribwixxi b'mod kruċjali biex jiġu ffaċċjati sfidi kbar li jaffettwaw lill-Unjoni (eż. l-iżgurar ta' futur sostenibbli għall-Mediterran, il-Baħar Baltiku u baċini marittimi oħra; l-iżgurar ta' futur sostenibbli għall-Alpi, il-Pirinej, il-Karpazji u firxiet oħra ta' muntanji; u l-iżgurar ta' futur sostenibbli għall-baċini tax-xmajjar il-kbar bħar-Renu, id-Danubju u l-Meuse);

41.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw, b'urġenza, implimentazzjoni u infurzar xierqa tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE fir-rigward tad-drittijiet tal-ħaddiema transfruntiera u fruntaliera, itejbu l-kundizzjonijiet tal-impjieg, tax-xogħol u tas-saħħa u s-sikurezza tagħhom, u biex jindirizzaw il-ħtieġa li jiġi rrivedut il-qafas leġiżlattiv eżistenti inkluż ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali(22) sabiex tissaħħaħ il-portabbiltà tad-dritt u tiġi żgurata koordinazzjoni adegwata tas-sigurtà soċjali, jirrieżaminaw ir-rwol tal-aġenziji tax-xogħol temporanju, tal-aġenziji ta' reklutaġġ, intermedjarji u sottokuntratturi oħrajn bil-ħsieb li jiġu identifikati nuqqasijiet ta' protezzjoni fid-dawl tal-prinċipju ta' trattament ugwali; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jirrikonoxxu r-realtà u d-diffikultajiet assoċjati maż-żieda fit-telexogħol, jiggarantixxu li dawk li jaħdmu bit-telexogħol mill-pajjiż ta' residenza tagħhom ikollhom aċċess għal drittijiet tas-sigurtà soċjali, drittijiet tax-xogħol u reġimi fiskali, u ċertezza fir-rigward tal-awtorità responsabbli għall-kopertura tagħhom;

42.  Jirrikonoxxi li rikonoxximent aktar rapidu u aktar komprensiv ta' diplomi u kwalifiki oħra miksuba wara t-taħriġ, kura tas-saħħa mtejba, espansjoni tat-trasport lokali u fuq distanzi twal u aċċess aħjar għall-informazzjoni dwar postijiet tax-xogħol battala huma meħtieġa fir-reġjuni tal-fruntiera; jissottolinja l-ħtieġa ta' żieda fil-fondi biex tiġi ffaċilitata koordinazzjoni aħjar bejn is-sistemi legali u amministrattivi nazzjonali ġirien, speċjalment fir-rigward tal-iskambju ta' informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-ħaddiema u l-ġbir ta' data dwar il-ħaddiema transfruntiera, sabiex jitnaqqsu l-lakuni fil-prattiki nazzjonali, jinkiseb aċċess aħjar għall-informazzjoni disponibbli, u jinħoloq suq intern tax-xogħol prevedibbli u aċċessibbli; jisħaq li dawn il-problemi joħolqu theddida saħansitra akbar għall-ħaddiema transfruntiera li ġejjin minn u lejn pajjiżi mhux tal-UE;

43.  Jemmen li d-diġitalizzazzjoni tipprovdi opportunità bla preċedent biex tiġi ffaċilitata l-mobilità tal-forza tax-xogħol filwaqt li l-konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-UE ssir aktar veloċi u aktar faċli biex tiġi kkontrollata; jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, tressaq proposta leġiżlattiva għal dokument Ewropew tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema mobbli u ċ-ċittadini mhux tal-UE kollha li huma koperti mir-regoli tal-UE dwar il-mobilità intra-UE mingħajr aktar dewmien, li jipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali u lis-sħab soċjali rilevanti bi strument li jiżgura identifikazzjoni effettiva, traċċabbiltà, aggregazzjoni u portabbiltà tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali u jtejjeb l-infurzar tar-regoli tal-UE dwar il-mobilità tax-xogħol u l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali fis-suq tax-xogħol b'mod ġust u effettiv sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fl-UE;

44.  Jirrimarka li bħalissa ma jeżistix rikonoxximent reċiproku tal-istatus tad-diżabilità bejn l-Istati Membri tal-UE, u dan joħloq diffikultà għall-persuni b'diżabilità, minħabba li l-karta tad-diżabilità nazzjonali tagħhom jaf ma tiġix rikonoxxuta fi Istati Membri oħra; iqis li dan in-nuqqas joħloq limitazzjoni, speċjalment għall-ħaddiema u l-istudenti fruntaliera b'diżabilità billi jikkomprometti d-dritt tagħhom għal servizzi adegwati; jirrikonoxxi l-valur tal-karta tad-diżabilità tal-UE li tippermetti rikonoxximent reċiproku tal-istatus tad-diżabilità fl-Istati Membri kollha li qed jipparteċipaw fil-proġett bħalissa; jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni se tipproponi l-ħolqien ta' karta tad-diżabilità Ewropea sal-aħħar tal-2023 sabiex din tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri kollha;

Ir-reġjuni tal-fruntieri għall-Patt Ekoloġiku Ewropew

45.  Jirrimarka li diġà jeżisti qafas legali importanti tal-Unjoni, inklużi d-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats u d-Direttiva Qafas tal-Unjoni Ewropea dwar l-Ilma(23), kif ukoll l-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2030, li jridu jiġu implimentati b'mod sħiħ, sistematiku u konġunt mill-Istati Membri fir-reġjuni transfruntieri; jirrimarka li n-natura, il-klima, id-diżastri naturali u l-mard ma jiqfux fil-fruntieri nazzjonali u jappella għal protezzjoni koordinata u koerenti ta' siti ta' Natura 2000 biex jiġu żgurati miżuri ta' implimentazzjoni aktar integrati; iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-Istati Membri jersqu lejn grad ogħla ta' armonizzazzjoni u koordinazzjoni fl-applikazzjoni ta' dawn id-Direttivi u ta' Direttivi oħrajn; jissottolinja li l-ippjanar u l-ġestjoni tar-riskju tad-diżastri huwa dominju li fih il-kooperazzjoni transfruntiera hija fundamentali; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib il-komponent relatat maż-żoni transfruntiera tal-istrateġiji nazzjonali jew reġjonali għall-adattament għat-tibdil fil-klima billi tipprovdi azzjonijiet speċifiċi biex jiġu inkoraġġuti risposti adegwati;

46.  Jirrimarka li t-tibdil fil-klima għandu wkoll impatt serju fuq ir-reġjuni tal-fruntiera, inkluż billi jobbligahom jiżviluppaw miżuri preventivi transkonfinali komuni mfassla apposta għad-diżastri naturali; ifakkar li l-katastrofi naturali li seħħew fl-2021 affettwaw diversi reġjuni tal-fruntieri fil-Belġju, fi Franza, fil-Lussemburgu, fin-Netherlands, u fil-Ġermanja; jenfasizza l-obbligu għall-Istati Membri fl-ambitu tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili biex iwettqu fuq bażi regolari valutazzjonijiet tar-riskju u analiżijiet ta' xenarji ta' diżastru li jkopru kooperazzjoni transfruntiera kif ukoll jirrappurtaw dwar riskji ewlenin li jkollhom impatt transfruntier; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar il-ġestjoni tar-riskju ta' diżastri, bil-ħsieb ukoll li jittejbu s-sistemi ta' twissija bikrija fir-reġjuni tal-fruntiera; jilqa' f'dan ir-rigward il-proġetti tal-Interreg Rhine-Meuse dwar is-sikurezza pubblika, il-ġbir tad-data, il-ġestjoni transfruntiera tax-xmajjar u l-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tal-ippjanar spazjali għat-tnaqqis tar-riskju tal-għargħar;

47.  Iqis li fiduċja reċiproka, rieda politika u approċċ flessibbli fost il-partijiet ikkonċernati f'diversi livelli, li jinkludu s-soċjetà ċivili, huma vitali biex jingħelbu l-ostakli u tingħata spinta lit-tkabbir u l-iżvilupp sostenibbli fir-reġjuni tal-fruntieri; jappella, għaldaqstant, għal koordinazzjoni aħjar u djalogu u l-iskambju ulterjuri tal-aħjar prattiki fost l-awtoritajiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu din il-kooperazzjoni; jistieden lill-Istati Membri, barra minn hekk, jiżguraw l-awtonomija funzjonali u finanzjarja adegwata tal-awtoritajiet lokali u reġjonali rispettivi; jisħaq barra minn hekk li r-reġjuni tal-fruntieri kollha jeħtiġilhom ikollhom rwol deċiżiv fl-indirizzar tal-sfidi marbuta mat-tibdil fil-klima, permezz ta' azzjonijiet koordinati mar-reġjuni tal-madwar tagħhom;

48.  Jinnota li r-reġjuni tal-fruntieri jibbenefikaw ftit wisq mill-użu ta' miżuri tal-ekonomija ċirkolari, tal-enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza enerġetika; jistieden lill-Kummissjoni tibni fuq l-avvanzi regolatorji li diġà saru u tiffinanzja sehem akbar ta' proġetti transfruntiera, tal-produzzjoni u tal-kondiviżjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u mill-ħżin; iqis li huwa meħtieġ li jsir l-aħjar użu mill-opportunitajiet ta' kooperazzjoni eżistenti fi ħdan il-qafas legali applikabbli tal-UE u jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-koordinament fir-reġjuni transfruntiera sabiex jimplimentaw l-istrateġija tal-UE għall-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija; jenfasizza l-potenzjal taż-żoni tal-fruntieri inqas abitati biex jiżviluppaw ekonomiji sostenibbli u ekoloġika u b'hekk joħolqu valur miżjud għall-iżvilupp lokali permezz tal-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi ġodda;

49.  Jissottolinja li l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri ġirien se tikkostwixxi element ċentrali fil-kisba tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u jistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet eżistenti għall-kooperazzjoni fl-ambitu tal-qafas legali applikabbli tal-UE;

o
o   o

50.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Parlamenti nazzjonali u reġjonali tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.
(2) ĠU L 288, 6.11.2007, p. 27.
(3) ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7.
(4) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(5) ĠU C 207, 30.6.2017, p. 19.
(6) ĠU C 28, 27.1.2020, p. 40.
(7) ĠU C 433, 23.12.2019, p. 24.
(8) https://ec.europa.eu/regional_policy/en/newsroom/consultations/border-2020/
(9) ĠU L 437, 28.12.2020, p. 108.
(10) ĠU C 106, 26.3.2021, p. 12.
(11) ĠU L 231, 30.6.2021, p. 60.
(12) ĠU L 231, 30.6.2021, p. 94.
(13) https://www.ipcc.ch/report/sixth-assessment-report-working-group-i/ https://www.ipcc.ch/report/ar6/wg1/downloads/report/IPCC_AR6_WGI_Full_Report.pdf.
(14) ĠU L 357, 8.10.2021, p. 1.
(15) ĠU C 440, 29.10.2021, p. 6.
(16) Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana, Brustia, G., Dellagiacoma, A., Cordes, C., et al., More and better cross-border public services: obstacles and solutions to cross-border cooperation in the EU (Iktar servizzi pubbliċi transfruntiera u aħjar: ostakli u soluzzjonijiet għall-kooperazzjoni transfruntiera fl-UE, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2021, https://data.europa.eu/doi/10.2776/912236
(17) Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana, Brustia, G., Dellagiacoma, A., Cordes, C., et al., Vibrant cross-border labour markets: obstacles and solutions to cross-border cooperation in the EU (Swieq tax-xogħol transfruntiera vibranti: ostakli u soluzzjonijiet għall-kooperazzjoni transfruntiera fl-UE, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2021, https://data.europa.eu/doi/10.2776/094950
(18) Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana, Brustia, G., Dellagiacoma, A., Cordes, C., et al., "Border regions for the European Green Deal: obstacles and solutions to cross-border cooperation in the EU" (Reġjuni tal-fruntiera għall-Patt Ekoloġiku Ewropew: ostakli u soluzzjonijiet għall-kooperazzjoni transfruntiera fl-UE", Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2021, https://data.europa.eu/doi/10.2776/475773
(19) Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana, Brustia, G., Dellagiacoma, A., Cordes, C., et al., B-solutions, solving border obstacles: a compendium 2020-2021, (B-solutions, insolvu l-ostakli fil-fruntieri: kompendju 2020-2021), Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2021, https://data.europa.eu/doi/10.2776/625110
(20) https://www.europarl.europa.eu/cmsdata/214920/budg2021-doc6-tab-mt.pdf
(21) Il-Kummissjoni Ewropea, Il-Koeżjoni fl-Ewropa lejn l-2050 - It-tmien rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, id-9 ta' Frar 2022.
(22) Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1).
(23) Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).


L-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej ***I
PDF 285kWORD 81k
Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fil-15 ta' Settembru 2022 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (riformulazzjoni) (COM(2021)0734 – C9-0432/2021 – 2021/0375(COD))(1)
P9_TA(2022)0328A9-0223/2022

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja – riformulazzjoni)

Test propost mill-Kummissjoni   Emenda
Emenda 1
Proposta għal regolament
Premessa 2a (ġdida)
(2a)   L-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistabbilixxi l-prinċipju tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, li skontu l-Unjoni għandha tfittex li telimina l-inugwaljanzi tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-attivitajiet kollha tagħha.
Emenda 2
Proposta għal regolament
Premessa 3a (ġdida)
(3a)   L-Artikolu 21 tal-Karta jistabbilixxi d-dritt għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-oqsma kollha.
Emenda 3
Proposta għal regolament
Premessa 12a (ġdida)
(12a)  Jenħtieġ li jiġu rikonoxxuti livelli differenzjati ta' affiljazzjoni u kategorija ta' sħab tar-riċerka għall-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, sabiex ikun hemm aktar flessibbiltà u biex tiġi ffaċilitata l-libertà tar-riċerka.
Emenda 4
Proposta għal regolament
Premessa 23
(23)  Jenħtieġ li l-istatus ġuridiku Ewropew mogħti lill-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet affiljati magħhom jagħtihom kapaċità u għarfien ġuridiċi fl-Istati Membri kollha. Tali kapaċità u għarfien ġuridiċi ma jagħtuhomx il-jedd li jinnominaw kandidati fl-elezzjonijiet nazzjonali jew elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Kull tali jedd jew jedd simili jibqa' fil-kompetenza tal-Istati Membri.
(23)  Jenħtieġ li l-istatus ġuridiku Ewropew mogħti lill-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet affiljati magħhom jagħtihom kapaċità u għarfien ġuridiċi fl-Istati Membri kollha. Tali kapaċità u għarfien ġuridiċi ma jagħtuhomx il-jedd li jinnominaw kandidati fl-elezzjonijiet nazzjonali jew fil-kostitwenzi nazzjonali jew reġjonali fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Kull tali jedd jew jedd simili jibqa' fil-kompetenza tal-Istati Membri.
Emenda 144
Proposta għal regolament
Premessa 30
(30)  Jenħtieġ li l-partiti politiċi Ewropej u l-partiti membri tagħhom imexxu bl-eżempju billi jagħlqu d-diskrepanza bejn il-ġeneri fid-dominju politiku Meta jixtiequ jibbenefikaw mill-fondi tal-UE jenħtieġ li l-partiti politiċi jkollhom regoli interni li jippromwovu l-bilanċ bejn il-ġeneri u jenħtieġ li jkunu trasparenti rigward il-bilanċ bejn il-ġeneri tal-partiti membri tagħhom. Jenħtieġ li l-partiti politiċi Ewropej jipprovdu evidenza tal-politika interna tagħhom dwar il-bilanċ bejn il-ġeneri u dwar kif il-ġeneri huma rrappreżentati fil-partiti membri tagħhom fir-rigward tal-kandidati u l-Membri tagħhom fil-Parlament Ewropew. Il-partiti politiċi Ewropej huma wkoll imħeġġa biex jipprovdu informazzjoni dwar il-membri politiċi tagħhom rigward l-inklużività u r-r-rappreżentanza tal-minoritajiet.
(30)  Jenħtieġ li l-partiti politiċi Ewropej, il-partiti membri tagħhom u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej imexxu bl-eżempju billi jagħlqu d-diskrepanza bejn il-ġeneri fid-dominju politiku. Jekk jixtiequ jibbenefikaw mill-fondi tal-UE, jenħtieġ li l-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej ikollhom regoli interni li jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inkluż pjan ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri u protokoll biex jiġu evitati, identifikati u miġġielda l-fastidju sesswali u l-fastidju abbażi tal-ġeneru. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-partiti politiċi Ewropej ikunu trasparenti rigward il-bilanċ bejn il-ġeneri tal-partiti membri tagħhom u jenħtieġ li jipprovdu evidenza dwar kif il-ġeneri huma rrappreżentati fil-partiti membri tagħhom fir-rigward tal-kandidati u l-Membri tagħhom fil-Parlament Ewropew. Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jenħtieġ li jipprovdu wkoll evidenza dwar il-politika interna tagħhom dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri permezz ta' rapport annwali. Il-partiti politiċi Ewropej huma wkoll imħeġġa biex jipprovdu informazzjoni dwar il-membri politiċi tagħhom rigward l-inklużività u r-r-rappreżentanza tal-minoritajiet.
Emenda 5
Proposta għal regolament
Premessa 38
(38)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 jirrikonoxxi żewġ kategoriji biss ta' dħul għall-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej mill-baġit tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri kontribuzzjoniet minn membri u donazzjonijiet. Għadd ta' sorsi ta' dħul iġġenerati minn attivitajiet ekonomiċi proprji (bħall-bejgħ ta' pubblikazzjonijiet jew dħul mill-konferenzi) jaqgħu barra mill-ambitu ta' dawn iż-żewġ kategoriji, u joħolqu problemi ta' kontabilitstika u trasparenza. Għalhekk, jenħtieġ li tinħoloq it-tielet kategorija ta' dħul ("riżorsi proprji"). Jenħtieġ li l-proporzjon ta' riżorsi proprji fil-baġit totali ta' partit politiku jew fondazzjoni politika Ewropej jiġi limitat għal 5 % biex jiġi evitat li dan il-proporzjon ikollu dimensjoni eċċessiva fil-baġit globali ta' dawn l-entitajiet.
(38)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 jirrikonoxxi żewġ kategoriji biss ta' dħul għall-partiti poliċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej apparti mill-kontribuzzjonijiet mill-baġit tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri kontribuzzjoniet jew tariffi ta' assoċjazzjoni minn membri u donazzjonijiet. Għadd ta' sorsi ta' dħul iġġenerati minn attivitajiet ekonomiċi proprji (bħall-bejgħ ta' pubblikazzjonijiet jew dħul mill-konferenzi jew mill-workshops) jaqgħu barra mill-ambitu ta' dawk iż-żewġ kategoriji, u joħolqu problemi ta' kontabilitstika u trasparenza. Għalhekk, jenħtieġ li tinħoloq it-tielet kategorija ta' dħul ("riżorsi proprji anċillari"). Jenħtieġ li l-proporzjon ta' riżorsi proprji anċillari fil-baġit totali ta' partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jiġi limitat għal 10 % tal-ammont iġġenerat mill-kontribuzzjonijiet u t-tariffi ta' assoċjazzjoni biex jibqa' proporzjonat għall-baġit globali ta' dawn l-entitajiet.
Emenda 6
Proposta għal regolament
Premessa 39
(39)  Sabiex ikunu jistgħu jilħqu lill-membri u lill-kostitwenzi tagħhom madwar l-Unjoni, jenħtieġ li l-partiti politiċi Ewropej ikollhom id-dritt li jużaw il-finanzjament tagħhom għal kampanji politiċi transfruntieri. L-iffinanzjar u l-limitar tal-ispejjeż tal-elezzjoni għall-partiti u l-kandidati f'dawn il-kampanji jenħtieġ li jkunu rregolati bir-regoli applikabbli f'kull Stat Membru.
(39)  Sabiex ikunu jistgħu jilħqu lill-membri u lill-kostitwenzi tagħhom madwar l-Unjoni, jenħtieġ li l-partiti politiċi Ewropej ikollhom id-dritt li jużaw il-finanzjament tagħhom għal kampanji politiċi transfruntieri, bħal kampanji referendarji u kampanji mwettqa fil-kuntest tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, anki billi jistabbilixu u jippromwovu listi l-istabbiliment ta' listi għall-Unjoni kollha għal dawn l-elezzjonijiet. L-iffinanzjar u l-limitar tal-ispejjeż tal-elezzjoni għall-partiti u l-kandidati f'dawn il-kampanji jenħtieġ li jkunu rregolati bir-regoli applikabbli f'kull Stat Membru.
Emenda 7
Proposta għal regolament
Premessa 41
(41)  Jenħtieġ li l-partiti politiċi Ewropej ma jiffinanzjawx, direttament jew indirettament, partiti politiċi oħra u, b'mod partikolari, partiti jew kandidati nazzjonali. Jenħtieġ li l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej ma jiffinanzjawx, direttament jew indirettament, partiti politiċi jew kandidati Ewropej jew nazzjonali. Madankollu, jenħtieġ li l-projbizzjoni ta' finanzjament indirett ma tkunx ta' ostakolu għall-partiti politiċi Ewropej milli pubblikament jappoġġaw lill-partiti membri tagħhom fl-Unjoni u jiddjalogaw magħhom, jew milli jagħtu appoġġ lil attivitajiet politiċi fl-interess komuni, sabiex ikunu jistgħu jaqdu l-missjoni tagħhom skont l-Artikolu 10(4) TUE. Barra minn hekk, il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom jenħtieġ li jiffinanzjaw biss attivitajiet fil-kuntest tal-kampanji referendarji nazzjonalimeta dawn ikunu jikkonċernaw l-implimentazzjoni tat-TUE u t-TFUE. Dawn il-prinċipji jirriflettu d-Dikjarazzjoni Nru 11 dwar l-Artikolu 191 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea annessa mal-Att Finali tat-Trattat ta' Nizza.
(41)  Jenħtieġ li l-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej ma jużawx il-finanzjament riċevut mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-finanzjament dirett jew indirett ta' entitajiet politiċi oħra u, b'mod partikolari, partiti jew kandidati nazzjonali. Madankollu, jenħtieġ li l-projbizzjoni ta' finanzjament indirett ma tkunx ta' ostakolu għall-partiti politiċi Ewropej jew il-fondazzjonijiet politiċi Ewropej milli pubblikament jappoġġaw lill-partiti membri jew lill-organizzazzjonijiet membri tagħhom fl-Unjoni u jiddjalogaw magħhom dwar kwistjonijiet ta' rilevanza għall-Unjoni, milli jappoġġaw attivitajiet politiċi fl-interess komuni, jew milli jinvolvu ruħhom f'attivitajiet edukattivi, sabiex ikunu jistgħu jaqdu l-missjoni tagħhom skont l-Artikolu 10(4) TUE u jsaħħu d-demos Ewropew. Il-projbizzjoni ta' finanzjament indirett jenħtieġ li ma tipprevjenix lir-rappreżentanti jew persunal ta' partiti politiċi, jew ta' persuni potenzjalment politikament attivi milli jipparteċipaw f'avvenimenti ta' fondazzjonijiet politiċi Ewropej. Madankollu, jenħtieġ li l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej ma jinvolvux ruħhom fit-taħriġ ta' kandidati politiċi fis-6 xhur qabel l-elezzjonijiet nazzjonali jew dawk Ewropej. Barra minn hekk, il-partiti politiċi Ewropej jenħtieġ li jiffinanzjaw biss attivitajiet fil-kuntest tal-kampanji referendarji nazzjonali meta dawn ikunu jikkonċernaw kwistjonijiet relatati b'mod dirett mal-Unjoni. Dawn il-prinċipji jirriflettu d-Dikjarazzjoni Nru 11 dwar l-Artikolu 191 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea annessa mal-Att Finali tat-Trattat ta' Nizza.
Emenda 8
Proposta għal regolament
Premessa 50
(50)  Jenħtieġ li jiġi stabbilit repożitorju komuni għad-divulgazzjonijiet tal-partiti politiċi Ewropej. Minħabba r-rwol speċifiku tagħha fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Awtorità tistabbilixxi u tiġġestixxi dan ir-repożitorju bħala parti mir-Reġistru għall-partiti politiċi Ewropej. Jenħtieġ li l-informazzjoni li tinsab fir-repożitorju l-Partiti Politiċi Ewropej jittrażmettuha lill-Awtorità bl-użu ta' format standard u tista' tkun awtomatizzata. Fir-repożitorju tal-Awtorità jenħtieġ li l-partiti politiċi Ewropej jipprovdu informazzjoni biex il-kuntest usa' tar-reklamar politiku u l-għanijiet tiegħu ikunu jistgħu jinftiehmu. L-informazzjoni dwar l-ammont allokat għar-reklamar politiku fil-kuntest ta' kampanja speċifika li għandha tiġi inkluża fir-repożitorju tista' tkun ibbażata fuq allokazzjoni stmata ta' finanzjament. L-ammonti li għandhom jissemmew fir-repożitorju jinkludu donazzjonijiet għal skopijiet jew benefiċċji speċifiċi in natura.
(50)  Jenħtieġ li jiġi stabbilit repożitorju komuni għad-divulgazzjonijiet tal-partiti politiċi Ewropej. Minħabba r-rwol speċifiku tagħha fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Awtorità tistabbilixxi u tiġġestixxi dan ir-repożitorju bħala parti mir-Reġistru għall-partiti politiċi Ewropej. Jenħtieġ li l-informazzjoni li tinsab fir-repożitorju l-Partiti Politiċi Ewropej jittrażmettuha lill-Awtorità bl-użu ta' format standard u tista' tkun awtomatizzata. Fir-repożitorju tal-Awtorità jenħtieġ li l-partiti politiċi Ewropej jipprovdu informazzjoni biex il-kuntest usa' u l-objettivi tar-reklamar politiku jkunu jistgħu jinftiehmu miċ-ċittadini. L-informazzjoni dwar l-ammont allokat għar-reklamar politiku fil-kuntest ta' kampanja speċifika li għandha tiġi inkluża fir-repożitorju tista' tkun ibbażata fuq stima realistika ta' finanzjament u l-ammonti reali, ladarba jkunu magħrufa. L-ammonti li għandhom jissemmew fir-repożitorju jinkludu donazzjonijiet għal skopijiet speċifiċi, benefiċċji in natura, kontribuzzjonijiet, tariffi ta' assoċjazzjoni u riżorsi proprji anċillari.
Emenda 9
Proposta għal regolament
Premessa 61
(61)  Sabiex jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li kull Stat Membru jaħtar punti singoli ta' kuntatt inkarigati mill-koordinazzjoni fil-livell Ewropew. Jenħtieġ li dawn il-punti ta' kuntatt ikollhom biżżejjed riżorsi biex ikunu jistgħu jiggarantixxu koordinazzjoni effikaċi, inkluż dwar kwistjonijiet relatati mal-monitoraġġ tar-reklamar politiku,
(61)  Sabiex jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li kull Stat Membru jaħtar punti singoli ta' kuntatt inkarigati mill-koordinazzjoni fil-livell Ewropew. Jenħtieġ li dawn il-punti ta' kuntatt ikollhom biżżejjed riżorsi biex ikunu jistgħu jiggarantixxu koordinazzjoni effikaċi, inkluż dwar kwistjonijiet relatati mal-monitoraġġ tar-reklamar politiku. L-Awtorità jenħtieġ li b'mod regolari tlaqqa' l-punti uniċi ta' kuntatt maħtura mill-Istati Membri għall-iskambju tal-aħjar prattiki dwar kwistjonijiet ta' tħassib komuni.
Emenda 10
Proposta għal regolament
Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt 1 – punt b
(b)  tkun rikonoxxuta mill-ordinament ġuridiku ta' mill-inqas wieħed mill-Istati Membri jew stabbilita f'konformità miegħu;
(b)  tkun rikonoxxuta mill-ordinament ġuridiku ta' mill-inqas wieħed mill-Istati Membri jew ta' pajjiż terz li jappartjeni għall-Kunsill tal-Ewropa u li jiddisponi mid-dritt sħiħ tiegħu ta' rappreżentanza fih, jew tkun stabbilita f'konformità miegħu;
Emenda 11
Proposta għal regolament
Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt 3
(3)  “partit politiku Ewropew” tfisser “alleanza politika” li ssegwi għanijiet politiċi , ikollha l-għan li ssegwi dawn l-għanijiet madwar l-Unjoni, u tkun irreġistrata mal-Awtorità għall-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej imsemmija fl-Artikolu 7 f'konformità ma' dan ir-Regolament;
(3)  “partit politiku Ewropew” tfisser alleanza politika li ssegwi għanijiet politiċi, li jkollha l-għan li ssegwi dawn l-għanijiet madwar l-Unjoni, u li l-maġġoranza tal-membri tagħha huma rikonoxxuti, jew stabbiliti, b'mod konformi mal-ordinament ġuridiku ta' mill-inqas Stat Membu wieħed, u għandha s-sede tagħha fl-Unjoni Ewropea, u li tkun irreġistrata mal-Awtorità għall-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej imsemmija fl-Artikolu 7 f'konformità ma' dan ir-Regolament;
Emenda 12
Proposta għal regolament
Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt 7
(7)  “donazzjoni” tfisser kwalunkwe offerta ta' flus, kwalunkwe offerta in natura, il-forniment taħt il-valur tas-suq ta' kwalunkwe prodotti, servizzi (inkluż self) jew xogħlijiet, jew kwalunkwe tranżazzjoni oħra li tikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku għall-partit politiku Ewropew jew għall-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati, bl-eċċezzjoni ta' kontribuzzjonijiet mill-membri u l-attivitajiet politiċi tas-soltu li jsiru fuq bażi volontarja minn individwi;
(7)  “donazzjoni” tfisser kwalunkwe ħlas, kwalunkwe offerta in natura, il-forniment taħt il-valur tas-suq ta' kwalunkwe prodott, servizz (inkluż self) jew xogħol, jew kwalunkwe tranżazzjoni oħra li tikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku għall-partit politiku Ewropew jew għall-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati, bl-eċċezzjoni ta' kontribuzzjonijiet, tariffi ta' assoċjazzjoni, riżorsi proprji anċillari u l-attivitajiet politiċi tas-soltu li jsiru fuq bażi volontarja minn individwi;
Emenda 13
Proposta għal regolament
Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt 8
(8)  “kontribuzzjoni mill-membri” tfisser kwalunkwe ħlas fi flus, inklużi ħlasijiet ta' sħubija, jew kwalunkwe kontribuzzjoni in natura, jew il-forniment taħt il-valur tas-suq ta' kwalunkwe prodotti, servizzi (inklużi selfiet) jew xogħlijiet, u kwalunkwe tranżazzjoni oħra li tikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku għall-partit politiku Ewropew jew għall-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati, meta mogħtija lil dak il-partit politiku Ewropew jew lil dik il-fondazzjoni politika Ewropea minn xi wieħed mill-membri tagħhom, bl-eċċezzjoni tal-attivitajiet politiċi tas-soltu li jsiru fuq bażi volontarja minn membri individwali;
(8)  “kontribuzzjoni” tfisser kwalunkwe ħlas, ħlief meta jkun indikat b'mod ċar li l-kontribuzzjoni ġejja mill-baġit ġeneral tal-Unjoni Ewropea, inklużi ħlasijiet ta' sħubija, jew kwalunkwe kontribuzzjoni in natura, jew il-forniment taħt il-valur tas-suq ta' kwalunkwe prodott, servizz (inklużi self) jew xogħol, u kwalunkwe tranżazzjoni oħra li tikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku għall-partit politiku Ewropew jew għall-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati, meta mogħtija lil dak il-partit politiku Ewropew jew lil dik il-fondazzjoni politika Ewropea minn xi wieħed mill-membri tagħhom li għandu s-sede jew il-post ta' residenza tiegħu ġewwa l-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-attivitajiet politiċi tas-soltu li jsiru fuq bażi volontarja minn membri individwali;
Emenda 14
Proposta għal regolament
Artikolu 2– paragrafu 1 – punt 8a (ġdid)
(8 a)  “tariffi ta' assoċjazzjoni” tfisser kwalunkwe pagament ipprovdut lill-partit politiku Ewropew jew lill-fondazzjoni politika Ewropea minn wieħed mill-partiti membri tagħhom jew mill-organizzazzjonijiet membri tagħhom, li għandu s-sede tiegħu f'pajjiż terz li jappartjeni għall-Kunsill tal-Ewropa u li jiddisponi mid-dritt sħiħ tiegħu ta' rappreżentanza fih.
Emenda 15
Proposta għal regolament
Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt 9
(9)  “riżorsi proprji” tfisser dħul iġġenerat minn attivitajiet ekonomiċi proprji, bħal ħlasijiet ta' attendenza għall-konferenzi u bejgħ ta' pubblikazzjonijiet;
(9)  “riżorsi proprji anċillari” tfisser dħul iġġenerat minn attivitajiet ekonomiċi proprji, bħal minn attivitajiet konġunti ma' enetitajiet politiċi oħra, bejgħ ta' pubblikazzjonijiet, ħlasijiet ta' parteċipazzjoni għal konferenzi jew sessjonijiet ta' ħidma jew attivitajiet oħra direttament marbuta ma' attivitajiet politiċi;
Emenda 16
Proposta għal regolament
Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt 10
(10)  “finanzjament indirett” tfisser finanzjament li minnu l-partit membru jibbenefika minn vantaġġ politiku, anki meta ma jiġux trasferiti fondi direttament; dan jenħtieġ li jinkludi każi li jippermettu lill-partit membru jevita spejjeż li altrimenti jkollu jħallas għal attivitajiet, li mhumiex attivitajiet politiċi fl-interess komuni, organizzati għall-benefiċċju tiegħu u tiegħu biss;
(10)  “finanzjament indirett” tfisser finanzjament li minnu l-partit membru jibbenefika minn vantaġġ politiku, anki meta ma jiġux trasferiti fondi direttament; dan jenħtieġ li jinkludi każi li jippermettu lill-partit membru jevita spejjeż li altrimenti jkollu jħallas għal attivitajiet, li mhumiex attivitajiet konġunti ma' entitajiet politiċi oħra kofinanzjati sa fejn dawn jikkonċernaw kwistjonijiet ta' rilevanza għall-oqsma ta' attivitajiet tal-Unjoni, organizzati għall-benefiċċju tiegħu u tiegħu biss;
Emenda 17
Proposta għal regolament
Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt 16
(16)  “reklamar politiku” tfisser reklamar fis-sens tal-Artikolu 2, il-punt (2), tar-Regolament (UE) 2022/xx [dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku];
(16)  “reklamar politiku” tfisser “reklamar” kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (2), tar-Regolament (UE) 2022/xx [dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku];
Emenda 18
Proposta għal regolament
Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt 17
(17)  “reklam politiku” tfisser reklam fis-sens tal-Artikolu 2, il-punt (3), tar-Regolament (UE) 2022/xx [dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku];
(17)  “reklam politiku” tfisser “reklam” kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (3), tar-Regolament (UE) 2022/xx [dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku];
Emenda 19
Proposta għal regolament
Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt 18
(18)  “servizzi ta' reklamar politiku” tfisser servizzi fis-sens tal-Artikolu 2, il-punt (5), tar-Regolament 2022/xx [dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku].
(18)  “servizzi ta' reklamar politiku” tfisser “servizzi” kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (5), tar-Regolament 2022/xx [dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku].
Emenda 20
Proposta għal regolament
Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt d
(d)  tosserva, b'mod partikolari fil-programm u fl-attivitajiet tagħha, il-valuri li fuqhom hija mibnija l-Unjoni kif espressi fl-Artikolu 2 TUE, jiġifieri r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Tipprovdi dikjarazzjoni bil-miktub permezz tal-modulu fl-Anness I ;
(d)  tosserva, b'mod partikolari fil-programm u fl-attivitajiet tagħha, il-valuri li fuqhom hija mibnija l-Unjoni kif espressi fl-Artikolu 2 TUE, jiġifieri r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza u l-istat tad-dritt kif ukoll ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, u tipprovdi dikjarazzjoni bil-miktub f'dak is-sens fil-forma tal-modulu fl-Anness I;
Emenda 21
Proposta għal regolament
Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt e
(e)  tiżgura wkoll li l-partiti membri tagħha li jkollhom is-sede tagħhom fl-Unjoni josservaw il-valuri espressi fl-Artikolu 2 TUE u li l-partiti membri tagħha li jkollhom is-sede tagħhom barra mill-Unjoni josservaw valuri ekwivalenti. Tipprovdi dikjarazzjoni bil-miktub permezz tal-modulu fl-Anness I;
(e)  tiżgura li l-partiti membri tagħha li għandhom is-sede tagħhom fl-Unjoni josservaw il-valuri espressi fl-Artikolu 2 TUE u li l-partiti membri tagħha li għandhom is-sede tagħhom f'pajjiż terz li jappartjeni għall-Kunsill tal-Ewropa u li jiddisponi mid-dritt sħiħ ta' rappreżentanza fih josservaw valuri ekwivalenti, u tipprovdi dikjarazzjoni bil-miktub f'dak is-sens fil-forma tal-modulu fl-Anness I;
Emenda 22
Proposta għal regolament
Artikolu 3 – paragrafu 2 – punt c
(c)  tosserva , b'mod partikolari fil-programm u fl-attivitajiet tagħha, il-valuri li fuqhom hija mibnija l-Unjoni kif espressi fl-Artikolu 2 TUE, jiġifieri r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Tipprovdi dikjarazzjoni bil-miktub permezz tal-modulu fl-Anness I ;
(c)  tosserva, b'mod partikolari fil-programm u fl-attivitajiet tagħha, il-valuri li fuqhom hija mibnija l-Unjoni kif espressi fl-Artikolu 2 TUE, jiġifieri r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, u tipprovdi dikjarazzjoni bil-miktub f'dak is-sens fil-forma tal-modulu fl-Anness I;
Emenda 23
Proposta għal regolament
Artikolu 3 – paragrafu 2 – punt d
(d)  tiżgura wkoll li l-organizzazzjonijiet membri tagħha li għandhom is-sede tagħhom fl-Unjoni josservaw il-valuri espressi fl-Artikolu 2 TUE u li l-organizzazzjonijiet membri tagħha li għandhom is-sede tagħhom barra mill-Unjoni josservaw valuri ekwivalenti. Tipprovdi dikjarazzjoni bil-miktub permezz tal-modulu fl-Anness I;
(d)  tiżgura li l-organizzazzjonijiet membri tagħha li għandhom is-sede tagħhom fl-Unjoni josservaw il-valuri espressi fl-Artikolu 2 TUE u li l-organizzazzjonijiet membri tagħha li għandhom is-sede tagħhom f'pajjiż terz li jappartjeni għall-Kunsill tal-Ewropa u li jiddisponi mid-dritt sħiħ ta' rappreżentanza fih josservaw valuri ekwivalenti, u tipprovdi dikjarazzjoni bil-miktub f'dak is-sens fil-forma tal-modulu fl-Anness I;
Emenda 24
Proposta għal regolament
Artikolu 4 – paragrafu 1 – punt i
(i)  rekwiżit li l-partiti membri juru l-logo tal-partit politiku Ewropew b'mod viżibbli b'mod ċar u faċli għall-utent, li jispeċifika li dan għandu jitqiegħed fil-parti fuq tal-ewwel paġna tas-sit web tal-partit membru u b'mod ugwalment viżibbli bħal-logo tal-partit membru stess;
imħassar
Emenda 131
Proposta għal regolament
Artikolu 4 – paragrafu 1 – punt j
j)  in-normi interni li dwar il-bilanċ bejn il-ġeneri.
j)  ir-regoli interni proprji dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.
Emenda 26
Proposta għal regolament
Artikolu 4a (ġdid)
Artikolu 4a
Obbligi ta' trasparenza fir-rigward tal-użu tal-logos, il-pubblikazzjoni tal-programm politiku u l-bilanċ bejn il-ġeneri
1.  Kull partit politiku Ewropew għandu jiżgura li l-partiti membri jippubblikaw fuq is-siti web tagħhom il-programm politiku u l-logo tal-partit politiku Ewropew. Il-logo tal-partit politiku Ewropew għandu jintwera fil-parti ta' fuq tal-paġna ta' quddiem tas-sit web tal-partit membru, b'mod viżibbli b'mod ċar.
2.  Kull partit politiku Ewropew u l-partiti membri tiegħu għandhom jippubblikaw fuq is-siti web tagħhom informazzjoni dwar il-bilanċ bejn il-ġeneri fost il-kandidati fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li jsiru wara ...[data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament], flimkien ma' informazzjoni aġġornata dwar ir-rappreżentanza tal-ġeneri fost il-Membri tal-Parlament Ewropew tagħhom. Kull partit politiku Ewropew għandu jiżgura li l-partiti membri tiegħu jippubblikaw tali informazzjoni dwar il-kandidati rispettivi tagħhom fl-elezzjonijiet Ewropej u dwar il-Membri tal-Parlament Ewropew tagħhom fuq is-siti web tagħhom.
Emenda 27
Proposta għal regolament
Artikolu 5 – paragrafu 2
2.  Fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mill-ewwel diffużjoni, kull partit politiku Ewropew għandu jittrażmetti lill-Awtorità informazzjoni dwar kull riklam politiku li jisponsorja jew jippubblika direttament biex jippermetti li l-kuntest usa' tar-reklamar politiku u l-għanijiet tiegħu jinftiehmu miċ-ċittadini. Din l-informazzjoni għandha tinkludi mill-inqas l-informazzjoni elenkata fil-punt 1 tal-Anness II.
2.  Kull partit politiku Ewropew għandu jittrażmetti lill-Awtorità informazzjoni dwar kull riklam politiku li jisponsorja jew jippubblika direttament biex jippermetti li l-kuntest usa' u l-objettivi tar-reklam politiku jinftiehmu miċ-ċittadini. Din l-informazzjoni għandha tinkludi mill-inqas l-informazzjoni elenkata fil-punt 1 tal-Anness II. L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta lill-Awtorità f'forma li hija faċilment aċċessibbli u li tuża lingwaġġ sempliċi.
Emenda 28
Proposta għal regolament
Artikolu 5 – paragrafu 3
3.  L-awtorità għandha tippubblika minnufih l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 fir-repożitorju previst fl-Artikolu 8. L-informazzjoni għandha tiġi ppreżentata f'forma li tkun faċilment aċċessibbli, viżibbli b'mod ċar u faċli għall-utent, u li tuża lingwaġġ sempliċi.
3.  L-Awtorità għandha tippubblika l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 fir-repożitorju previst fl-Artikolu 8 mingħajr dewmien żejjed.
Emenda 29
Proposta għal regolament
Artikolu 5 – paragrafu 6
6.  L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità regolatorja nazzjonali waħda jew aktar li jkollha l-kompetenza li tissorvelja l-konformità mal-paragrafi 1, 2 u 4 u tinnotifika lill-Awtorità b'dan. Tali awtoritajiet jew korpi regolatorji nazzjonali għandhom iħaddmu s-setgħat tagħhom b'mod imparzjali u trasparenti u jkunu legalment distinti mill-gvern u funzjonalment indipendenti mill-gvernijiet rispettivi tagħhom u minn kull korp pubbliku jew privat ieħor. L-Awtorità għandha tippubblika fis-sit web tagħha lista tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri u żżommha aġġornata. Id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu suġġetti għal rimedji legali effikaċi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, b'talba ta' kwalunkwe parti interessata, jista' jitfittex rimedju xieraq li jirrikjedi li l-Partit Politiku Ewropew itemm kull ksur tal-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 1, 2 jew 4.
imħassar
Emenda 133
Proposta għal regolament
Artikolu 6 – paragrafu 1 – punt ia (ġdid)
(ia)  ir-regoli interni proprji dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.
Emenda 134
Proposta għal regolament
Artikolu 6a (ġdid)
Artikolu 6a
Rekwiżiti għar-regoli dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri
1.  Il-korpi governattivi kolleġġjali tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom jilħqu bilanċ bejn il-ġeneri.
2.  Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom jadottaw pjan għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri li jinkludi mekkaniżmi li jiggarantixxu l-parteċipazzjoni attiva tan-nisa fid-diversità kollha tagħhom u l-partiti politiċi Ewropej għandhom jistiednu l-partiti membri tagħhom biex jagħmlu l-istess.
3.  Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandu jkollhom protokoll għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-ġlieda kontra l-fastidju sesswali u l-fastidju abbażi tal-ġeneru. Huma għandhom jiżguraw l-indipendenza u l-għarfien espert tal-esperti li jwettqu l-investigazzjonijiet u għandhom jieħdu l-miżuri xierqa fil-konfront tal-awturi ta' dawk l-atti. Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom jinkorporaw il-projbizzjoni ta' atti ta' fastidju sesswali u ta' fastidju abbażi tal-ġeneru fir-regoli interni tagħhom.
Emenda 30
Proposta għal regolament
Artikolu 7 – paragrafu 2 – subparagrafu 2
L-Awtorità għandha tiddeċiedi dwar ir-reġistrazzjoni u l-qtugħ mir-reġistru ta' partiti politiċi Ewropej u fondazzjonijiet politiċi Ewropej skont il-proċeduri u l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament. Barra minn hekk, l-Awtorità għandha b'mod regolari tivverifika li l-kundizzjonijiet tar-reġistrazzjoni stipulati fl-Artikolu 3 u d-dispożizzjonijiet ta' governanza stipulati f'konformità mal-Artikolu 4(1), il-punti (a), (b), (d), (e) u (f), u fl-Artikolu 6(1), il-punti minn (a) sa (e), u (g), ikomplu jiġu rispettati mill-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej reġistrati.
L-Awtorità għandha tiddeċiedi dwar ir-reġistrazzjoni u l-qtugħ mir-reġistru ta' partiti politiċi Ewropej u fondazzjonijiet politiċi Ewropej skont il-proċeduri u l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament. Barra minn hekk, l-Awtorità għandha b'mod regolari tivverifika li l-kundizzjonijiet tar-reġistrazzjoni stipulati fl-Artikolu 3 u d-dispożizzjonijiet ta' governanza stipulati fl-Artikolu 4(1), il-punti (a), (b), (d), (e), (f) u (h), u fl-Artikolu 6(1), il-punti minn (a) sa (e), u (g), ikomplu jiġu rispettati mill-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej reġistrati.
Emenda 31
Proposta għal regolament
Artikolu 10 – paragrafu 5
5.  Kull emenda għad-dokumenti jew l-istatuti li tiġi ppreżentata bħala parti mill-applikazzjoni ta' reġistrazzjoni f'konformità mal-Artikolu 9(2), għandha tiġi notifikata lill-Awtorità, li għandha taġġorna r-reġistrazzjoni f'konformità mal-proċeduri stipulati fl-Artikolu 18(2) u (4), mutatis mutandis.
5.  Kull emenda għad-dokumenti jew l-istatuti li tiġi ppreżentata bħala parti mill-applikazzjoni ta' reġistrazzjoni f'konformità mal-Artikolu 9(2), għandha tiġi notifikata lill-Awtorità fi żmien xahrejn. L-Awtorità għandha taġġorna r-reġistrazzjoni fid-dawl ta’ tali emendi, billi tapplika l-proċeduri stipulati fl-Artikolu 18(2) u (4), mutatis mutandis.
Emenda 32
Proposta għal regolament
Artikolu 10 – paragrafu 6
6.  Il-lista aġġornata tal-partiti membri ta' partit politiku Ewropew, annessa mal-istatuti tal-partit f'konformità mal-Artikolu 4(2), għandha tintbagħat lill-Awtorità kull sena. Kull bidla li b'konsegwenza tagħha l-partit politiku Ewropew jista' ma jibqax jissodisfa l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(1), il-punt (b), għandha tiġi kkomunikata lill-Awtorità fi żmien erba' ġimgħat minn meta ssir tali bidla.
6.  Il-lista aġġornata tal-partiti membri ta' partit politiku Ewropew, annessa mal-istatuti tal-partit f'konformità mal-Artikolu 4(2), għandha tintbagħat lill-Awtorità sat-30 ta' Settembru kull sena. Kull bidla li b'konsegwenza tagħha l-partit politiku Ewropew jista' ma jibqax jissodisfa l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(1), il-punt (b), għandha tiġi kkomunikata lill-Awtorità fi żmien erba' ġimgħat minn meta ssir tali bidla.
Emenda 33
Proposta għal regolament
Artikolu 11 – titolu
Verifika tal-konformità mal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni
Verifika tal-konformità mal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni u eżami tar-raġunijiet għat-tneħħija mir-Reġistru mill-Awtorità
Emenda 34
Proposta għal regolament
Artikolu 11 – paragrafu 1
1.  Mingħajr preġudizzju għall-proċedura stabbilita fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, l-Awtorità għandha b'mod regolari tivverifika li l-kundizzjonijiet tar-reġistrazzjoni stipulati fl-Artikolu 3, u d-dispożizzjonijiet ta' governanza stipulati fl-Artikolu 4(1), il-punti (a), (b), (d), (e) u (f), u l-Artikolu 6(1),il-punti minn (a) sa (e) u (g) , għadhom qed jiġu rispettati mill-partiti politiċi Ewropej u mill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej reġistrati.
1.  Mingħajr preġudizzju għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11a, l-Awtorità għandha b'mod regolari tivverifika li l-kundizzjonijiet tar-reġistrazzjoni stipulati fl-Artikolu 3, u d-dispożizzjonijiet ta' governanza stipulati fl-Artikolu 4(1), il-punti (a), (b), (d), (e), (f) u (h), u fl-Artikolu 6(1), il-punti minn (a) sa (e) u (g) , għadhom qed jiġu rispettati mill-partiti politiċi Ewropej u mill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej reġistrati.
Emenda 35
Proposta għal regolament
Artikolu 11 – paragrafu 2
2.  Meta l-Awtorità ssib li xi waħda mill-kundizzjonijiet tar-reġistrazzjoni jew mid-dispożizzjonijiet tal-governanza msemmija fil-paragrafu 1, bl-eċċezzjoni tal-kundizzjonijiet fl-Artikolu 3(1),il-punt d), u l-Artikolu 3(2), il-punt (c),ma għadhomx qed jiġu rrispettati, għandha tinnotifika lill-partit politiku Ewropew jew lill-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati.
2.  Fejn, wara verifika mwettqa fis-sens tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Awtorità tqis li waħda mir-raġunijiet għad-dereġistrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 19(1), il-punt (a)(i) jew (ii), tista' tapplika għal partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea, l-Awtorità għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinforma lill-partit politiku Ewropew jew lill-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati dwar dan.
Fejn l-Awtorità taf b'ċirkustanzi li jindikaw li waħda mir-raġunijiet għad-dereġistrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 19(1), il-punt (a), jew fis-sens tal-Artikolu 19(2), tista' tapplika għal partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea, l-awtorità għandha tinforma mingħajr dewmien żejjed lill-partit politiku Ewropew jew lill-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati dwar dan.
Meta jiġu infurmati partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea skont l-ewwel jew it-tieni subparagrafu, l-Awtorità għandha tistieden lill-partit politiku Ewropew jew lill-fondazzjoni politika Ewropea biex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom fi żmien xahar mill-wasla tal-informazzjoni kkonċernata.
Emenda 36
Proposta għal regolament
Artikolu 11 – paragrafu 3 – subparagrafu 1
3.  1 Il-Parlament Ewropew, b'inizjattiva proprja tiegħu jew wara talba motivata minn grupp ta' ċittadini, ippreżentata f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, jew il-Kunsill jew il-Kummissjoni jistgħu jippreżentaw talba lill-Awtorità għall-verifika tal-konformità minn partit politiku Ewropew speċifiku jew fondazzjoni politika Ewropea speċifika mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1), il-punt (d), u fl-Artikolu 3(2), il-punt (c) . F'tali każijiet, u fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 19(3), il-punt (a), l-Awtorità għandha titlob lill-kumitat ta' persuni eminenti indipendenti msemmi fl-Artikolu 14 għal opinjoni dwar is-suġġett. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fi żmien xahrejn.
3.  Fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mal-Artikolu 3(1), punt (c), (f) jew (g), l-Artikolu 3(2), punt (e), (f) jew (g), jew id-dispożizzjonijiet ta' governanza msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Awtorità għandha tagħti lill-partit politiku Ewropew jew lill-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati l-opportunità li jintroduċu l-miżuri meħtieġa biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni fil-limitu ta' żmien previst fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. L-iskadenza tista' tiġi estiża mill-Awtorità fuq talba motivata tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati jekk u sa fejn tali estensjoni tkun meħtieġa u xierqa fir-rigward tal-miżuri korrettivi previsti mill-partit politiku Ewropew jew mill-fondazzjoni politika Ewropea.
Emenda 37
Proposta għal regolament
Artikolu 11 – paragrafu 3 – subparagrafu 2
Meta l-Awtorità ssir taf b'fatti li jistgħu jqajmu dubji dwar konformità minn partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1), il-punt (d), u l-Artikolu 3(2), il-punt (c), għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bil-ħsieb li tippermetti lil kwalunkwe istituzzjoni minnhom tippreżenta talba għall-verifika kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu. Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jindikaw l-intenzjoni tagħhom fi żmien xahrejn minn meta jirċievu din l-informazzjoni.
imħassar
Emenda 38
Proposta għal regolament
Artikolu 11 – paragrafu 3 – subparagrafu 3
Il-proċeduri stipulati fl-ewwel u t-tieni subparagrafi ma għandhomx jinbdew fil-perjodu ta' xahrejn qabel l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Dan il-limitu ta' żmien ma għandux japplika fir-rigward tal-proċedura stipulata fl-Artikolu 12.
imħassar
Emenda 39
Proposta għal regolament
Artikolu 11 – paragrafu 3 – subparagrafu 4
B'kunsiderazzjoni tal-opinjoni tal-kumitat, l-Awtorità għandha tiddeċiedi jekk għandhiex taqta' mir-reġistru l-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati. Id-deċiżjoni tal-Awtorità għandha tkun motivata kif jistħoqq.
imħassar
Emenda 40
Proposta għal regolament
Artikolu 11 – paragrafu 3 – subparagrafu 5
Deċiżjoni tal-Awtorità ta' qtugħ mir-reġistru għal raġunijiet ta' nuqqas ta' rispett tal-kundizzjonijiet stipulati f l-Artikolu 3(1), il-punt (d), jew l-Artikolu 3(2), il-punt (c),tista' tiġi adottata biss f'każ ta' ksur manifest u serju ta' dawk il-kundizzjonijiet. Għandha tkun suġġetta għall-proċedura spjegata fil-paragrafu 4.
imħassar
Emenda 41
Proposta għal regolament
Artikolu 11 – paragrafu 4 – subparagrafu 1
4.  Deċiżjoni tal-Awtorità li taqta' mir-reġistru partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea għar-raġuni ta' ksur manifest u serju fir-rigward tal-konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(1), il-punt (d), jew fl-Artikolu 3(2), il-punt (c), għandha tiġi kkomunikata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fi żmien tliet xhur minn meta d-deċiżjoni tkun ġiet ikkomunikata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dan il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Awtorità li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Fil-każ li ssir oġġezzjoni mill- mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea għandhom jibqgħu reġistrati.
4.  Malli jiskadu l-perjodi msemmija fil-paragrafi 2 u 3, jew malli tirċievi kwalunkwe osservazzjoni jew informazzjoni dwar miżuri korrettivi mill-partit politiku Ewropew jew mill-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati sa dak il-perijodu, l-Awtorità għandha, mingħajr dewmien żejjed u fid-dawl ta' kwalunkwe osservazzjoni bħal din sottomessa mill-partit politiku Ewropew jew mill-fondazzjoni politika Ewropea, tivvaluta jekk xi waħda mir-raġunijiet għad-dereġistrazzjoni skont l-Artikolu 19(1), il-punt (a), jew skont l-Artikolu 19(2), tapplikax għall-partit politiku Ewropew jew għall-fondazzjoni politika Ewropea.
Emenda 42
Proposta għal regolament
Artikolu 11 – paragrafu 4 – subparagrafu 2
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għad-deċiżjoni biss għal raġunijiet relatati mal-valutazzjoni tal-konformità mal-kundizzjonijiet tar-reġistrazzjoni stipulati fl-Artikolu 3(1), il-punt (d), u l-Artikolu 3(2), il-punt (c).
imħassar
Emenda 43
Proposta għal regolament
Artikolu 11 – paragrafu 4 – subparagrafu 3
Il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati għandhom jiġu infurmati li jkunu tqajmu oġġezzjonijiet għad-deċiżjoni tal-Awtorità li taqtagħhom mir-reġistru.
imħassar
Emenda 44
Proposta għal regolament
Artikolu 11 – paragrafu 4 – subparagrafu 4
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw pożizzjoni f'konformità mar-regoli rispettivi tagħhom għat-teħid tad-deċiżjonijiet kif stabbilit f'konformità mat-Trattati. Kull oġġezzjoni għandha tkun motivata kif mistħoqq u għandha ssir pubblika.
imħassar
Emenda 45
Proposta għal regolament
Artikolu 11 – paragrafu 5
5.  Deċiżjoni tal-Awtorità li tneħħi mir-reġistru partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea, li għaliha ma tkun issemmiet ebda oġġezzjoni skont il-proċedura stipulata fil-paragrafu 4, flimkien ma' raġunijiet dettaljati għad-dereġistrazzjoni, għandha tiġi notifikata lill-partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati u tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Id-deċiżjoni għandha tieħu effett man-notifika f'konformità mal-Artikolu 297 TFUE .
imħassar
Emenda 46
Proposta għal regolament
Artikolu 11 – paragrafu 6
6.  Fondazzjoni politika Ewropea għandha awtomatikament titlef id-dritt għall-istatus tagħha bħala tali jekk il-partit politiku Ewropew li miegħu tkun affiljata jitneħħa mir-Reġistru.
imħassar
Emenda 47
Proposta għal regolament
Artikolu 11a (ġdid)
Artikolu 11a
Verifika tal-kundizzjonijiet tar-reġistrazzjoni relatati mal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni
1.  Il-Parlament Ewropew, b'inizjattiva proprja tiegħu jew wara talba motivata minn grupp ta' ċittadini, ippreżentata f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, jew il-Kunsill jew il-Kummissjoni jistgħu jippreżentaw talba lill-Awtorità biex tivverifika jekk partit politiku Ewropew speċifiku jew fondazzjoni politika Ewropea speċifika jikkonformawx mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1), il-punti (d) u (e), u fl-Artikolu 3(2), il-punti (c) u (d). F'każijiet bħal dawn, u fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 11b(2), l-Awtorità għandha tinforma lill-partit politiku Ewropew jew lill-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati mingħajr dewmien żejjed, tistedinhom jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom u tagħtihom l-opportunità li jintroduċu miżuri biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni fi żmien xahar.
Il-perijodu jista’ jiġi estiż mill-Awtorità fuq talba motivata tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati jekk estensjoni tkun meħtieġa u xierqa fir-rigward tal-miżuri korrettivi previsti mill-partit politiku Ewropew jew mill-fondazzjoni politika Ewropea.
Malli jiskadi l-perijodu msemmi fl-ewwel u t-tieni subparagrafi jew malli tirċievi kwalunkwe osservazzjoni u informazzjoni dwar miżuri korrettivi mill-partit politiku Ewropew jew mill-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati sa dak il-perijodu, l-Awtorità għandha tissottometti l-osservazzjonijiet magħmula mill-partit politiku Ewropew jew mill-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati u, fejn applikabbli, id-deskrizzjoni tal-miżuri korrettivi meħuda minn dak il-partit jew dik il-fondazzjoni lill-kumitat ta' persuni eminenti indipendenti msemmija fl-Artikolu 14, u għandha titlob lil dan il-kumitat għal opinjoni dwar is-suġġett. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fi żmien xahrejn.
Meta l-Awtorità ssir taf b'fatti li jistgħu jqajmu dubji dwar il-konformità minn partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea speċifiċi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1), il-punti (d) u (e), u l-Artikolu 3(2), il-punti (c) u (d), din għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex kwalunkwe istituzzjoni minnhom tkun tista' tippreżenta talba għall-verifika kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu. Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li jressqu talba għal verifika fi żmien xahrejn minn meta jirċievu dik l-informazzjoni.
2.  Il-proċeduri stabbiliti fil-paragrafu 1 ma għandhomx jinbdew fix-xahrejn li jippreċedu l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.
3.  L-Awtorità għandha tiddeċiedi jekk tneħħix ir-reġistrazzjoni tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati, filwaqt li tqis l-opinjoni tal-kumitat ta' persuni eminenti indipendenti msemmija fl-Artikolu 14. Id-deċiżjoni tal-Awtorità għandha tkun debitament motivata.
4.  Deċiżjoni tal-Awtorità li tneħħi mir-reġistrazzjoni minħabba raġunijiet ta' nuqqas ta' konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1), il-punt (d) jew (e), jew l-Artikolu 3(2), il-punt (c) jew (d), għandha tiġi adottata biss fil-każ ta' ksur manifest u serju ta' dawk il-kundizzjonijiet. Id-deċiżjoni għandha tkun suġġetta għall-proċedura stabbilita fil-paragrafu 5.
5.  Deċiżjoni tal-Awtorità li taqta' mir-reġistru partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea għar-raġuni ta' ksur manifest u serju tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1), il-punt (d) jew (e), jew fl-Artikolu 3(2), il-punt (c) jew (d), għandha tiġi kkomunikata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ biss jekk ma tkunx saret oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fi żmien tliet xhur minn meta d-deċiżjoni tkun ġiet ikkomunikata lilhom jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Awtorità li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Fil-każ li ssir oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea għandhom jibqgħu reġistrati.
6.  Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw biss għad-deċiżjoni tal-Awtorità għad-dereġistrazzjoni ta' partit politiku Ewropew jew ifondazzjoni politika Ewropea minħabba raġunijiet relatati mal-valutazzjoni tal-konformità mal-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 3(1), il-punt (d) jew (e), u l-Artikolu 3(2), il-punt (c) jew (d).
7.  Meta titqajjem oġġezzjoni għal deċiżjoni tal-Awtorità għad-dereġistrazzjoni ta' partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea, il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati għandhom jiġu infurmati mill-Awtorità dwar tali oġġezzjoni.
8.  Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw pożizzjoni skont ir-regoli rispettivi tagħhom dwar it-teħid ta' deċiżjonijiet stabbiliti f'konformità mat-Trattati. Kwalunkwe oġġezzjoni mqajma għal deċiżjoni tal-Awtorità għad-dereġistrazzjoni ta' partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea għandha tkun debitament motivata, u għandha ssir pubblika.
Emenda 48
Proposta għal regolament
Artikolu 11b (ġdid)
Artikolu 11b
Verifika tal-obbligi fil-liġi nazzjonali
1.  Jekk partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jonqsu milli jwettqu l-obbligi relevanti skont il-liġi nazzjonali applikabbli skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17(2) u jekk, fid-dawl tad-dritt fundamentali tal-libertà ta' assoċjazzjoni minqux fl-Artikolu 12 tal-Karta u l-ħtieġa li jiġi żgurat il-pluraliżmu tal-partiti politiċi fl-Ewropa, dak in-nuqqas ikun serju biżżejjed biex jiġġustifika d-dereġistrazzjoni tagħhom, l-Istat Membru tas-sede tal-partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jista' jindirizza lill-Awtorità talba għad-dereġistrazzjoni. Dik it-talba għandha tkun debitament motivata. B'mod partikolari, hija għandha tidentifika b'mod preċiż u eżawrjenti l-azzjonijiet illegali u r-rekwiżiti nazzjonali speċifiċi li ma ġewx osservati.
Jekk is-suġġett tat-talba tal-Istati Membri jirrigwarda esklużivament jew b'mod predominanti elementi li jaffettwaw ir-rispett tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, kif minxuqa fl-Artikolu 2 tat-TUE, l-Awtorità għandha tibda proċedura ta' verifika f'konformità mal-Artikolu 11a.
Għal kwalunkwe kwistjoni oħra, li fiha, fit-talba tiegħu skont l-ewwel subparagrafu, l-Istat Membru jikkonferma li jeżisti rimedju effettiv kontra tali talba fil-livell nazzjonali u r-rimedji kollha li jikkonċernaw tali talba jkunu ġew eżawriti, l-Awtorità għandha, wara li tisma' lir-rappreżentant tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati, tivvaluta jekk ir-raġuni għad-dereġistrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 19(1), il-punt (d), tapplikax għall-partit politiku Ewropew jew għall-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati.
2.  Jekk partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jkunu naqsu b'mod gravi milli jwettqu l-obbligi relevanti tagħhom skont il-liġi nazzjonali applikabbli skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(2), u jekk il-kwistjoni tikkonċerna b'mod esklużiv jew b'mod predominanti elementi li jaffettwaw ir-rispett għall-valuri li fuqhom hi msejsa l-Unjoni, kif minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE, l-Istat Membru kkonċernat jista' jindirizza talba lill-Awtorità f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1. L-Awtorità għandha tipproċedi bi qbil mat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1.
3.  Fi kwlaunkwe każ, l-Awtorità għandha taġixxi mingħajr dewmien żejjed. L-Awtorità għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat u lill-partit politiku Ewropew jew lill-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati dwar is-segwitu mogħti lit-talba motivata għad-dereġistrazzjoni.
Emenda 49
Proposta għal regolament
Artikolu 12 – paragrafu 2
2.  Jekk l-Awtorità hija infurmata dwar deċiżjoni ta' awtorità superviżorja nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 4 , il-punt (21),tar-Regolament (UE) 2016/679 li tikkonkludi li persuna fiżika jew ġuridika tkun kisret regoli applikabbli dwar il-protezzjoni ta' data personali u jekk minn dik id-deċiżjoni jirriżulta, jew inkella fejn altrimenti jkun hemm bażi raġonevoli biex tintlaħaq il-konklużjoni, li l-ksur ikun marbut mal-attivitajiet politiċi ta' partit politiku Ewropew jew ta' fondazzjoni politika Ewropea fil-kuntest tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, l-Awtorità għandha tirreferi l-kwistjoni lill-kumitat ta' persuni eminenti indipendenti imsemmi fl- Artikolu 14 ta' dan ir-Regolament. L-awtorità tista', jekk ikun meħtieġ, tikkoordina mal-awtorità superviżorja nazzjonali kkonċernata.
2.  L-Awtorità għandha tiġi infurmata b'kull deċiżjoni fil-livell nazzjonali ta' awtorità superviżorja kif definita fl-Artikolu 4, il-punt (21),tar-Regolament (UE) 2016/679 li tikkonkludi li persuna fiżika jew ġuridika tkun kisret regoli applikabbli dwar il-protezzjoni ta' data personali u jekk minn dik id-deċiżjoni jirriżulta, jew inkella fejn altrimenti jkun hemm bażi raġonevoli biex tintlaħaq il-konklużjoni, li l-ksur ikun marbut mal-attivitajiet politiċi ta' partit politiku Ewropew jew ta' fondazzjoni politika Ewropea fil-kuntest tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, l-Awtorità għandha tirreferi l-kwistjoni lill-kumitat ta' persuni eminenti indipendenti imsemmi fl-Artikolu 14 ta' dan ir-Regolament. L-awtorità tista', jekk ikun meħtieġ, tikkoordina mal-awtorità superviżorja kkonċernata.
Emenda 50
Proposta għal regolament
Artikolu 12 – paragrafu 4
4.  Fid-dawl tal-opinjoni tal-kumitat, l-Awtorità għandha tiddeċiedi, skont l-Artikolu 30(2), il-punt (a)(vii), jekk għandhiex timponi sanzjonijiet finanzjarji fuq il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea inkwistjoni. Id-deċiżjoni tal-Awtorità għandha tkun debitament motivata, partikolarment fir-rigward tal-opinjoni tal-kumitat, u għandha tiġi ppubblikata malajr kemm jista' jkun.
4.  Fid-dawl tal-opinjoni tal-kumitat, l-Awtorità għandha tiddeċiedi, skont l-Artikolu 30(1), il-punt (a)(vii), jekk għandhiex timponi sanzjonijiet finanzjarji fuq il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea inkwistjoni. Id-deċiżjoni tal-Awtorità għandha tkun debitament motivata, partikolarment fir-rigward tal-opinjoni tal-kumitat, u għandha tiġi ppubblikata malajr kemm jista' jkun.
Emenda 51
Proposta għal regolament
Artikolu 12 – paragrafu 5
5.  Il-proċedura stipulata f'dan l-Artikolu hija mingħajr preġudizzju għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 11.
5.  Il-proċedura stipulata f'dan l-Artikolu hija mingħajr preġudizzju għall-proċedura stipulata fl-Artikoli 11, 11a u 11b. Il-perijodu msemmi fl-Artikolu 11a(2) ma għandux japplika għall-proċedura stabbilita f'dan l-Artikolu.
Emenda 52
Proposta għal regolament
Artikolu 13 – paragrafu 1
Kull sena l-Awtorità għandha tħejji u tippubblika rapport dwar l-attività ta' reklamar politiku tal-partiti politiċi Ewropej. Dan ir-rapport għandu jinkludi sommarju fattwali tar-rapporti għas-sena ta' rappurtar rilevanti ppubblikati mill-partiti politiċi Ewropej skont l-Artikolu 5(4), kif ukoll kull deċiżjoni tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali maħtura skont l-Artikolu 5(6) jew tal-awtoritajiet superviżorji msemmija fl-Artikolu 5(7) li jirriżultalhom li partit politiku Ewropew kiser l-Artikolu 5 ta' dan ir-Regolament.
Kull sena l-Awtorità għandha tħejji u tippubblika rapport dwar l-attività ta' reklamar politiku tal-partiti politiċi Ewropej. Dan ir-rapport għandu jinkludi rapporti għas-sena ta' rappurtar rilevanti ppubblikati mill-partiti politiċi Ewropej b'mod konformi mal-Artikolu 5(4).
Emenda 53
Proposta għal regolament
Artikolu 19 – paragrafu 1
1.  Partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea għandhom jitilfu l-personalità ġuridika Ewropea tagħhom man-notifika ta' deċiżjoni skont l-Artikolu 11(5).
1.  Partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea għandhom jitilfu l-personalità ġuridika Ewropea tagħhom meta jinqatgħu mir-Reġistru b'deċiżjoni tal-Awtorità:
(a)  jekk, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11, l-Awtorità tikkonstata li:
(i)  waħda mill-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 3(1), il-punt (a), (b), (c), (f) jew (g), jew fl-Artikolu 3(2), il-punt (a), (b), (e), (f) jew (g), ma ġietx rispettata mill-partit politiku Ewropew jew mill-fondazzjoni politika Ewropea inkwistjoni;
(ii)  waħda mid-dispożizzjonijiet relatati mal-governanza stabbiliti fl-Artikolu 4(1), il-punt (a), (b), (d), (e), (f), (h), jew (i) jew fl-Artikolu 6(1), il-punti (a) sa (e) jew (g), ma ġietx rispettata mill-partit politiku Ewropew jew mill-fondazzjoni politika Ewropea inkwistjoni;
(iii)  il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea inkwistjoni huma f'waħda mis-sitwazzjonijiet ta' esklużjoni msemmija fl-Artikolu 136(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046;
(iv)  id-deċiżjoni li jiġi rreġistrat il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea inkwistjoni hija bbażata fuq informazzjoni deċiżiva għad-deċiżjoni ta' reġistrazzjoni li ma kinitx korretta jew li kienet qarrieqa jew id-deċiżjoni tkun inkisbet b'qerq;
(b)  jekk, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11a, l-Awtorità tikkonstata li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 3(1), il-punt (d) jew (e), jew l-Artikolu 3(2), il-punt (c) jew (d), li jikkonċernaw ir-rispett għall-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE, ikunu nkisru b'mod manifest u serju mill-partit politiku Ewropew inkwistjoni jew mill-partiti membri tiegħu jew mill-fondazzjoni politika Ewropea inkwistjoni jew mill-organizzazzjonijiet membri tagħha;
(c)  fuq talba tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernata; jew
(d)  fuq talba ta' Stat Membru li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 11b(1) u (3).
Emenda 54
Proposta għal regolament
Artikolu 19 – paragrafu 2
2.   Partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea għandhom jitneħħew mir-Reġistru b'deċiżjoni tal-Awtorità:
2.   Jekk l-Awtorità tiddeċiedi li tneħħi partit politiku Ewropew mir-Reġistru, hija għandha tneħħi wkoll fondazzjoni politika Ewropea affiljata miegħu mir-Reġistru.
(a)  b'konsegwenza ta' deċiżjoni adottata skont l-Artikoli 11 minn (2) sa (5);
(b)  fiċ-ċirkostanzi previsti fl-Artikolu 11(6);
(c)  fuq talba tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernata;
(d)  fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), .
Emenda 55
Proposta għal regolament
Artikolu 19 – paragrafu 3
3.   Meta partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jonqsu b'mod gravi milli jwettqu l-obbligi relevanti skont il-liġi nazzjonali applikabbli skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2), l-Istat Membru tas-sede jista' jindirizza lill-Awtorità talba għal qtugħ mir-reġistru li tkun debitament motivata, liema talba għandha tidentifika b'mod preċiż u eżawstiv l-azzjonijiet illegali u r-rekwiżiti nazzjonali speċifiċi li ma ġewx rispettati. F'każijiet bħal dawn, l-Awtorità għandha:
3.  Id-deċiżjoni tal-awtorità li tneħħi partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea mir-Reġistru għandha tiġi indirizzata, u nnotifikata, lill-partit politiku Ewropew jew lill-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati. Din id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
(a)  fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati b'mod esklużiv jew b'mod predominanti ma' elementi li jaffettwaw ir-rispett tal-valuri li fuqhom hi msejsa l-Unjoni Ewropea, kif espress fl-Artikolu 2 TUE, tniedi proċedura ta' verifika f'konformità mal-Artikolu 11(3) ta' dan ir-Regolament. Għandu japplika wkoll l-Artikolu 11(4), (5) u (6) ta' dan ir-Regolament;
(b)  fir-rigward ta' kwalunkwe kwistjoni oħra, u meta t-talba motivata tal-Istat Membru kkonċernat tikkonferma li jkunu ġew eżawriti r-rimedji nazzjonali kollha, tieħu deċiżjoni li tneħħi mir-Reġistru l-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati.
Meta partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jkunu diġà naqsu b'mod gravi milli jwettqu l-obbligi relevanti tagħhom skont il-liġi nazzjonali applikabbli skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(2), u jekk il-kwistjoni jkollha rabta b'mod esklużiv jew b'mod predominanti ma' elementi li jaffettwaw ir-rispett tal-valuri li fuqhom hi msejsa l-Unjoni Ewropea, kif espress fl-Artikolu 2 TUE, l-Istat Membru kkonċernat jista' jindirizza talba lill-Awtorità f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu. L-Awtorità għandha tipproċedi f'konformità mal-ewwel subparagrafu, il-punt (a), ta' dan il-paragrafu.
Fi kwlaunkwe każ, l-Awtorità għandha taġixxi mingħajr dewmien żejjed. L-Awtorità għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat u lill-partit politiku Ewropew jew lill-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati dwar is-segwitu mogħti lit-talba motivata għal qtugħ mir-reġistru.
Emenda 56
Proposta għal regolament
Artikolu 19 – paragrafu 4
4.  L-Awtorità għandha tiffissa d-data tal-pubblikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 wara konsultazzjoni mal-Istat Membru li fih il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea ikollhom is-sede tagħhom.
imħassar
Emenda 57
Proposta għal regolament
Artikolu 20 – paragrafu 1
1.  Partit politiku Ewropew li jkun irreġistrat skont il-kundizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti f'dan ir-Regolament, li jkun rappreżentat fil-Parlament Ewropew b'minn tal-inqas wieħed mill-membri tiegħu, u li ma jkunx f'xi waħda mis-sitwazzjonijiet ta' esklużjoni msemmija fl-Artikolu 136(1) tar- Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 jista' japplika għall-fondi mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, f'konformità mat-termini u l-kundizzjonijiet ippubblikati mill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew f'sejħa għal kontribuzzjonijiet.
1.  Partit politiku Ewropew li jkun irreġistrat skont il-kundizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti f'dan ir-Regolament, li jkun rappreżentat fil-Parlament Ewropew b'minn tal-inqas wieħed mill-membri tiegħu, u li ma jkunx f'xi waħda mis-sitwazzjonijiet ta' esklużjoni msemmija fl-Artikolu 136(1) tar- Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 jista' japplika għall-fondi mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, f'konformità mat-termini u l-kundizzjonijiet ippubblikati mill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew f'sejħa għal kontribuzzjonijiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.
Emenda 58
Proposta għal regolament
Artikolu 20 – paragrafu 3 – subparagrafu 1a (ġdid)
Sħubija diretta tal-Parlament Ewropew għandha tiġi aċċettata f'każijiet fejn Membru tal-Parlament Ewropew ma jkunx membru ta' partit nazzjonali jew reġjonali affiljat ma' partit politiku Ewropew.
Emenda 59
Proposta għal regolament
Artikolu 20 – paragrafu 5
5.  Fil-limiti stipulati fl-Artikoli 24 u 25, in-nefqa rimborsabbli permezz ta' kontribuzzjoni finanzjarja għandha tinkludi n-nefqa amministrattiva u n-nefqa marbuta mal-assistenza teknika, laqgħat, riċerka, avvenimenti transfruntieri, studji, informazzjoni u pubblikazzjonijiet, kif ukoll in-nefqa relatata mal-kampanji.
5.  Fil-limiti stipulati fl-Artikoli 24 u 25, in-nefqa rimborsabbli permezz ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għandha tinkludi n-nefqa amministrattiva u n-nefqa marbuta mal-assistenza teknika, laqgħat, riċerka, avvenimenti transfruntieri, studji, informazzjoni u pubblikazzjonijiet, kif ukoll in-nefqa relatata mal-kampanji.
Emenda 60
Proposta għal regolament
Artikolu 21 – paragrafu 1
1.  Sabiex jirċievi finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea, li jkunu jirrispettaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 20(1) jew (2), għandhom jippreżentaw applikazzjoni lill-Parlament Ewropew wara sejħa għal kontribuzzjonijiet jew proposti.
1.  Sabiex jirċievi finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea, li jkunu jirrispettaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 20(1) jew (2), għandhom jippreżentaw applikazzjoni lill-Parlament Ewropew wara sejħa għal kontribuzzjonijiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew sejħa għal proposti.
Emenda 61
Proposta għal regolament
Artikolu 21 – paragrafu 2
2.  Il-partit politiku Ewropew u l-fondazzjoni politika Ewropea għandhom, fil-mument tal-applikazzjoni tagħhom, ikunu konformi mal-obbligi mniżżla fl-Artikolu 26 Mid-data tal-applikazzjoni tagħhom sa tmiem is-sena finanzjarja jew tal-azzjoni koperti mill-kontribuzzjoni jew l-għotja, għandhom jibqgħu reġistrati fir-Reġistru u ma jistgħu jkunu s-suġġett ta' ebda waħda mis-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 30(1) u fl-Artikolu 30(2), il-punti (a) (v) sa (ix).
2.  Il-partit politiku Ewropew u l-fondazzjoni politika Ewropea għandhom, fil-mument tal-applikazzjoni tagħhom, ikunu konformi mal-obbligi mniżżla fl-Artikolu 26 Mid-data tal-applikazzjoni tagħhom sa tmiem is-sena finanzjarja jew tal-azzjoni koperti mill-kontribuzzjoni jew l-għotja mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jibqgħu reġistrati fir-Reġistru u ma jistgħu jkunu s-suġġett ta' ebda waħda mis-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 30(1) u fl-Artikolu 30(2), il-punti (a), (v) u (vi).
Emenda 62
Proposta għal regolament
Artikolu 21 – paragrafu 3
3.  Partit politiku Ewropew għandu jinkludi fl-applikazzjoni tiegħu evidenza li turi li l-partiti membri tal-UE tiegħu, bħala regola, ikunu ppubblikaw fis-siti web tagħhom, f'konformità mal-Artikolu 4(1), il-punt (i), , matul it-12-il xahar li jippreċedu d-data finali għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet, il-programm politiku u l-logo tal-partit politiku Ewropew.
imħassar
Emenda 63
Proposta għal regolament
Artikolu 21 – paragrafu 4
4.  Partit politiku Ewropew għandu jinkludi fl-applikazzjoni tiegħu evidenza li turi l-konformità tiegħu mal-Artikolu 4(1), il-punt (j), u li l-partiti membri tiegħu kontinwament ippubblikaw fis-siti web tagħhom, matul it-12-il xahar preċedenti għad-data li fiha ssir l-applikazzjoni, informazzjoni dwar ir-rappreżentanza tal-ġeneri fost il-kandidati fl-aħħar elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u dwar l-evoluzzjoni tar-rappreżentanza tal-ġeneri fost il-Membri tagħhom tal-Parlament Ewropew.
imħassar
Emenda 64
Proposta għal regolament
Artikolu 21 – paragrafu 5
5.  Partit politiku Ewropew għandu jinkludi fl-applikazzjoni tiegħu evidenza li turi li huwa konformi mal-Artikolu 5, li jżomm politika aġġornata rigward l-użu tar-reklamar politiku u li din il-politika implimentaha matul it-12-il xahar preċedenti għad-data finali biex jiġu ppreżentati l-applikazzjonijiet.
imħassar
Emenda 65
Proposta għal regolament
Artikolu 21 – paragrafu 7
7.  L-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandu jadotta deċiżjoni fi żmien tliet xhur wara l-għeluq tas-sejħa għal kontribuzzjonijiet jew tas-sejħa għal proposti, u għandu jawtorizza u jamministra l-approprjazzjonijiet korrispondenti, f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.
7.  L-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandu jadotta deċiżjoni fi żmien tliet xhur wara l-għeluq tas-sejħa għal kontribuzzjonijiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew tas-sejħa għal proposti, u għandu jawtorizza u jamministra l-approprjazzjonijiet korrispondenti, f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.
Emenda 66
Proposta għal regolament
Artikolu 23 – titolu
Donazzjonijiet, kontribuzzjonijiet u riżorsi proprji
Donazzjonijiet, kontribuzzjonijiet, tariffi ta' assoċjazzjoni u riżorsi proprji anċillari
Emenda 67
Proposta għal regolament
Artikolu 23 – paragrafu 2 – subparagrafu 1
2.  Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom, fil-mument tal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali tagħhom f'konformità mal-Artikolu 26, jibagħtu wkoll lista tad-donaturi kollha bid-donazzjonijiet rispettivi tagħhom, u jindikaw kemm in-natura kif ukoll il-valur tad-donazzjonijiet individwali. Dan il-paragrafu għandu japplika wkoll għal kontribuzzjonijiet magħmula minn partiti membri tal-partiti politiċi Ewropej u mill-organizzazzjonijiet membri tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej.
2.  Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom, fil-mument tal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali tagħhom f'konformità mal-Artikolu 26, jibagħtu wkoll lista tad-donaturi kollha bid-donazzjonijiet rispettivi tagħhom, u jindikaw kemm in-natura kif ukoll il-valur tad-donazzjonijiet individwali. Dan il-paragrafu għandu japplika wkoll għal kontribuzzjonijiet u t-tariffi ta' assoċjazzjoni magħmula minn partiti membri tal-partiti politiċi Ewropej u mill-organizzazzjonijiet membri tal-fondazzjonjiet politiċi Ewropej u għal kontribuzzjonijiet li jaqbżu l-EUR 1 500 magħmula minn membri individwali ta' partiti politiċi Ewropej u fondazzjonijiet politiċi Ewropej.
Emenda 68
Proposta għal regolament
Artikolu 23 – paragrafu 2 – subparagrafu 2
Għal donazzjonijiet minn persuni fiżiċi li l-valur tagħhom jaqbeż l-EUR 1500 u jkun anqas jew ekwivalenti għal EUR 3000, il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati għandhom jindikaw jekk id-donaturi korrispondenti jkunux taw kunsens bil-miktub minn qabel għall-pubblikazzjoni f'konformità mal-Artikolu 36(1), il-punt (e).
Għal donazzjonijiet u kontribuzzjonijiet minn persuni fiżiċi li l-valur tagħhom jaqbeż EUR 1500 u jkun anqas jew ekwivalenti għal EUR 3000, il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati għandhom jindikaw jekk il-persuni fiżiċi korrispondenti jkunux taw kunsens bil-miktub minn qabel għall-pubblikazzjoni f'konformità mal-Artikolu 36(1), il-punt (e).
Emenda 69
Proposta għal regolament
Artikolu 23 – paragrafu 3
3.  Id-donazzjonijiet riċevuti minn partiti politiċi Ewropej u minn fondazzjonijiet politiċi Ewropej u nfiq iffinanzjat minn dawn id-donazzjonijiet fi żmien sitt xhur qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew għandhom, kull ġimgħa, ikunu rrappurtati bil-miktub lill-Awtorità, u f'konformità mal-paragrafu 2.
3.  Id-donazzjonijiet riċevuti minn partiti politiċi Ewropej u minn fondazzjonijiet politiċi Ewropej fi żmien sitt xhur qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew għandhom, kull ġimgħa, ikunu rrappurtati bil-miktub lill-Awtorità, u f'konformità mal-paragrafu 2.
Emenda 70
Proposta għal regolament
Artikolu 23 – paragrafu 5 – subparagrafu 1
5.  Għad-donazzjonijiet kollha li l-valur tagħhom jaqbeż it-EUR 3000, il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom jitolbu lid-donaturi biex jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa għall-identifikazzjoni korretta tagħhom. Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom jittrażmettu l-informazzjoni li jirċievu lill-Awtorità meta din titlobha.
5.  Fir-rigward tad-donazzjonijiet kollha minn donatur wieħed b'valur annwali kumulattiv ta' aktar minn EUR 3 000, il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom jitolbu li tali donaturi jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati kif xieraq. Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom jittrażmettu l-informazzjoni li jirċievu lill-Awtorità meta din titlobha.
Emenda 71
Proposta għal regolament
Artikolu 23 – paragrafu 5 – subparagrafu 2
L-awtorità għandha tistabbilixxi formola biex tintuża għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu.
L-Awtorità għandha tistabbilixxi formola biex tintuża għall-finijiet tal-identifikazzjoni tad-donaturi msemmija fl-ewwel subparagrafu.
Emenda 72
Proposta għal regolament
Artikolu 23 – paragrafu 6 – punt a
(a)  donazzjonijiet jew kontribuzzjonijiet anomini,
(a)  donazzjonijiet, kontribuzzjonijiet jew tariffi ta' assoċjazzjoni anonimi;
Emenda 73
Proposta għal regolament
Artikolu 23 – paragrafu 6 – punt d
(d)  donazzjonijiet minn kwalunkwe entità privata bbażata f'pajjiż terz jew minn individwi minn pajjiż terz li mhumiex intitolati li jivvutaw fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.
(d)  donazzjonijiet minn kwalunkwe entità privata bbażata barra mill-Unjoni jew minn individwi barra mill-Unjoni li mhumiex intitolati li jivvutaw fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.
Emenda 74
Proposta għal regolament
Artikolu 23 – paragrafu 8
8.  L-Awtorità għandha tagħmel verifiki meta jkollha raġunijiet biex temmen li donazzjoni tkun ingħatat bi ksur ta' dan ir-Regolament. Għal dan il-għan tista' titlob informazzjoni addizzjonali mill-partit politiku Ewropew jew mill-fondazzjoni politika Ewropea u d-donaturi tagħhom.
8.  L-Awtorità għandha twettaq kontrolli meta jkollha raġunijiet biex temmen li donazzjoni tkun ġiet aċċettata bi ksur ta' dan ir-Regolament. Għal dan il-għan tista' titlob informazzjoni addizzjonali mill-partit politiku Ewropew jew mill-fondazzjoni politika Ewropea u d-donaturi tagħhom.
Emenda 75
Proposta għal regolament
Artikolu 23 – paragrafu 9
9.  Għandhom ikunu permessi kontribuzzjonijiet minn membri ta' partit politiku Ewropew li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru jew li huma ċittadini tiegħu, jew minn partiti membri li għandhom is-sede tagħhom f'pajjiż li jappartjeni għall-Kunsill tal-Ewropa . Il-valur totali tal-kontribuzzjonijiet mill-membri ma għanduxjaqbeż l-40 % tal-baġit annwali ta' partit politiku Ewropew. Il-valur tal-kontribuzzjonijiet mill-partit membri li għandhom is-sede f'pajjiż barra mill-Unjoni ma għandhomx jeċċedu l-10 % tal-kontribuzzjonijiet totali minn dawn il-membri.
9.  Il-valur totali tal-kontribuzzjonijiet lil partit politiku Ewropew ma għandux jaqbeż l-40 % tal-baġit annwali tiegħu.
Emenda 76
Proposta għal regolament
Artikolu 23 – paragrafu 9a (ġdid)
9a.  Il-valur totali tat-tariffi tal-assoċjazzjoni lil partit politiku Ewropew ma għandux jaqbeż l-20 % tal-valur totali tal-kontribuzzjonijiet lil dak il-partit. Kwalunkwe ħlas ta' tariffi ta' assoċjazzjoni jista' jsir biss fil-qafas ta' regoli u rati ġeneralment applikabbli stabbiliti mill-partit politiku Ewropew.
Emenda 77
Proposta għal regolament
Artikolu 23 – paragrafu 10 – subparagrafu 1
10.  Għandhom ikunu permessi kontribuzzjonijiet mill-membri , ta'fondazzjoni politika Ewropea li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru jew li huma ċittadini tiegħu, jew minn organizzazzjonijiet membri li għandhom is-sede tagħhom f'pajjiż li jappartjeni għall-Kunsill tal-Ewropa , u mill-partit politiku Ewropew li miegħu hi affiljata. Il-valur totali tal-kontribuzzjonijiet mill-membri ma għanduxjaqbeż l-40 % tal-baġit annwali ta' fondazzjoni politika Ewropea u ma għandux jiġi minn fondi rċevuti minn partit politiku Ewropew mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea f'konformità ma' dan ir-Regolament. Il-valur tal-kontribuzzjonijiet mill-partit membri li għandhom is-sede f'pajjiż barra mill-Unjoni ma għandhomx jeċċedu l-10 % tal-kontribuzzjonijiet totali minn dawk il-membri.
10.  Il-valur totali tal-kontribuzzjonijiet lill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej mill-membri u tal-finanzjament mill-partit politiku Ewropew li miegħu huma affiljati ma għandux jeċċedi l-40 % tal-baġit annwali ta' fondazzjoni politika Ewropea u ma għandux jiġi minn fondi rċevuti minn partit politiku Ewropew fl-ambitu ta' dan ir-Regolament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea .
Emenda 78
Proposta għal regolament
Artikolu 23 – paragrafu 10a (ġdid)
10a.  Il-valur totali tat-tariffi tal-assoċjazzjoni lil partit politiku Ewropew ma għandux jaqbeż l-20 % tal-valur totali tal-kontribuzzjonijiet lil dak il-partit.
Emenda 79
Proposta għal regolament
Artikolu 23 – paragrafu 12
12.  Kull kontribuzzjoni li mhijiex permessa skont dan ir-Regolament għandha tintbagħat lura f'konformità mal-paragrafu 7.
12.  Kull kontribuzzjoni jew tariffa ta' assoċjazzjoni li mhijiex permessa skont dan ir-Regolament għandha tintbagħat lura f'konformità mal-paragrafu 7.
Emenda 80
Proposta għal regolament
Artikolu 23 – paragrafu 13
13.  Il-valur tar-riżorsi proprji ta' partit politiku Ewropew jew ta' fondazzjoni politika Ewropea ġġenerati minn attivitajiet ekonomiċi proprji ma għandux jaqbeż il-5 % tal-baġit annwali ta' dak il-partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea.
13.  Il-valur tar-riżorsi proprji anċillari ta' partit politiku Ewropew jew ta' fondazzjoni politika Ewropea ġġenerati minn attivitajiet ekonomiċi proprji ma għandux jaqbeż il-10 % tal-ammont iġġenerat mill-kontribuzzjonijiet lil dak il-partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea u t-tarriffi ta' assoċjazzjoni tagħhom.
Emenda 81
Proposta għal regolament
Artikolu 24 – paragrafu 2
2.  Il-finanzjament ta' partiti politiċi Ewropej u ta' fondazzjonijiet politiċi Ewropej mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew minn xi sors ieħor jista' jintuża biex jiffinanzja kampanji referendarji meta dawn il-kampanji jkunu jikkonċernaw l-implimentazzjoni tat-Trattati tal-Unjoni.
2.  Il-finanzjament ta' partiti politiċi Ewropej mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew minn xi sors ieħor jista' jintuża biex jiffinanzja kampanji referendarji meta dawn il-kampanji jkunu jikkonċernaw kwistjonijiet direttament relatati mal-Unjoni Ewropea.
Emenda 82
Proposta għal regolament
Artikolu 25 – paragrafu 1
1.  Minkejja l-Artikolu 24(1) il-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew minn xi sors ieħor ma għandux jintuża għall-finanzjament dirett jew indirett ta' partiti politiċi oħra, u b'mod partikolari l-partiti nazzjonali jew il-kandidati. Dawn il-partiti politiċi nazzjonali u l-kandidati għandhom jibqgħu jiġu regolati minn regoli nazzjonali.
1.  Minkejja l-Artikolu 23(10) u l-Artikolu 24(1) il-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew minn xi sors ieħor ma għandux jintuża għall-finanzjament dirett jew indirett ta' entitajiet politiċi oħra, u b'mod partikolari l-partiti nazzjonali jew il-kandidati. Dawn il-partiti politiċi nazzjonali u l-kandidati għandhom jibqgħu jiġu regolati minn regoli nazzjonali.
Emenda 83
Proposta għal regolament
Artikolu 25 – paragrafu 2
2.  Il-finanzjament ta' fondazzjonijiet politiċi Ewropej mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew minn kwalunkwe sors ieħor ma għandux jintuża għall-ebda skop ieħor ħlief dak tal-finanzjament tal-kompiti tagħhom kif elenkati fl-Artikolu 2, il-punt (4), u biex jitħallas l-infiq marbut direttament mal-objettivi stabbiliti fl-istatuti tagħhom f'konformità mal-Artikolu 6. B'mod partikolari ma għandux jintuża għall-finanzjament dirett jew indirett ta' elezzjonijiet, ta' partiti politiċi, jew kandidati jew fondazzjonijiet oħra.
2.  Il-finanzjament ta' fondazzjonijiet politiċi Ewropej mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew minn kwalunkwe sors ieħor ma għandux jintuża għall-ebda skop ieħor ħlief dak tal-finanzjament tal-kompiti tagħhom kif elenkati fl-Artikolu 2, il-punt (4), u biex jitħallas l-infiq marbut direttament mal-objettivi stabbiliti fl-istatuti tagħhom f'konformità mal-Artikolu 6. B'mod partikolari, ma għandux jintuża għall-finanzjament dirett jew indirett ta' elezzjonijiet, partiti politiċi, jew kandidati fis-sitt xhur qabel l-elezzjonijiet nazzjonali jew Ewropej, jew ta' fondazzjonijiet oħra.
Emenda 84
Proposta għal regolament
Artikolu 26 – paragrafu 1 – subparagrafu 1 – parti introduttorja
1.  Mhux aktar tard minn sitt xhur wara tmiem is-sena finanzjarja, il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom jippreżentaw lill-Awtorità, b'kopja lill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew u lill-Punt ta' Kuntatt Nazzjonali Kompetenti tal-Istat Membru tas-sede tagħhom:
1.  Mhux aktar tard minn sitt xhur wara tmiem is-sena finanzjarja, il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom jippreżentaw lill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew, f'format miftuħ u li jinqara minn apparat, dan li ġej:
Emenda 85
Proposta għal regolament
Artikolu 26 – paragrafu 1 – subparagrafu 1 – punt c
(c)  il-lista ta' donaturi u kontributuri u d-donazzjonijiet jew kontribuzzjonijiet korrispondenti tagħhom irrappurtati f'konformità mal-Artikolu 23(2), (3) u (4).
(c)  il-lista ta' donaturi u kontributuri u d-donazzjonijiet, il-kontribuzzjonijiet jew it-tariffi ta' assoċjazzjoni korrispondenti tagħhom irrappurtati f'konformità mal-Artikolu 23(2), (3) u (4).
Emenda 86
Proposta għal regolament
Artikolu 26 – paragrafu 1 – subparagrafu 1a (ġdid)
Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom jibagħtu wkoll kopja ta' kwalunkwe preżentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu lill-Awtorità u lill-punt ta' kuntatt nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru tas-sede tagħhom. Dik l-informazzjoni għandha tiġi trażmessa f'format miftuħ u li jinqara mill-magni.
Emenda 87
Proposta għal regolament
Artikolu 27 – paragrafu 2 – subparagrafu 1
2.  L-Awtorità għandha tikkontrolla l-konformità tal-partiti politiċi Ewropej u mill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej mal-obbligi tagħhom b'dan ir-Regolament, b'mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 3, l-Artikolu 4(1), il-punti (a), (b), (d), (e) u (f), l-Artikolu 6(1), il-punti minn (a) sa (e) u (g), l-Artikolu 10(5) u (6), u l-Artikoli 23, 24 u 25.
2.  L-Awtorità għandha tikkontrolla l-konformità tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej mal-obbligi tagħhom b'dan ir-Regolament, b'mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 3, l-Artikolu 4(1), il-puntiv(a), (b), (d), (e), (f) u (h), l-Artikolu 4a, l-Artikolu 5, l-Artikolu 6(1), il-punti minn (a) sa (e) u (g), l-Artikolu 10(5) u (6), u l-Artikolu 23. F'każijiet fejn ma jkun involut l-ebda finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, hija għandha tikkontrolla wkoll il-konformità tal-partiti politiċi Ewropej mal-obbligi tagħhom fl-Artikolu 25(1).
Emenda 88
Proposta għal regolament
Artikolu 27 – paragrafu 2 – subparagrafu 2
L-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandu jikkontrolla l-konformità mill-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej tal-obbligi relatati mal-finanzjament mill-Unjoni b'dan ir-Regolament f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 . Fit-twettiq ta' dawn il-kontrolli, il-Parlament Ewropew għandu jieħu l-miżuri meħtieġa fl-oqsma tal-prevenzjoni tal-frodi u tal-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
L-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandu jikkontrolla l-konformità mill-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej mal-obbligi relatati mal-finanzjament mill-Unjoni b'dan ir-Regolament u bir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Fit-twettiq ta' dawn il-kontrolli, il-Parlament Ewropew għandu jieħu l-miżuri meħtieġa fl-oqsma tal-prevenzjoni tal-frodi u tal-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
Emenda 89
Proposta għal regolament
Artikolu 30 – paragrafu 1
1.  F'konformità mal-Artikolu 19, l-Awtorità għandha tiddeċiedi li tneħħi partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea mir-Reġistru bħala sanzjoni fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:
imħassar
(a)  meta l-partit jew il-fondazzjoni inkwistjoni jkunu f'waħda mis-sitwazzjonijiet ta' esklużjoni msemmija fl-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046;
(b)  meta jiġi stabbilit, f'konformità mal-proċeduri stipulati fl-Artikolu 11 minn (2) sa (5), li ma jkunux għadhom jissodisfaw waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(1) jew (2);
(c)  meta d-deċiżjoni għar-reġistrazzjoni tal-partit jew tal-fondazzjoni inkwistjoni tkun ibbażata fuq informazzjoni żbaljata jew żvijanti li għaliha jkun responsabbli l-applikant, jew fejn tali deċiżjoni tkun inkisbet bil-qerq;
(d)  meta talba ta' Stat Membru li jsir qtugħ mir-reġistru għal raġunijiet ta' nuqqas serju li jitwettqu l-obbligi skont il-liġi nazzjonali tkun tissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 9(3), il-punt (b).
Emenda 90
Proposta għal regolament
Artikolu 30 – paragrafu 2 – punt a – punt ii
(ii)  f'każ ta' nuqqas ta' konformità mal-impenji meħuda u l-informazzjoni mogħtija minn partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea f'konformità mal-Artikolu 4(1), il-punti (a), (b), (d), (e), (f), (i) u (j) u mal- tal-Artikolu 6(1), il-punti (a), (b), (d) u (e);
(ii)  f'każ ta' nuqqas ta' konformità mal-impenji meħuda u l-informazzjoni mogħtija minn partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea f'konformità mal-Artikolu 4(1), il-punti (a), (b), (d), (e), (f) u (h) u mal-Artikolu 6(1), il-punti (a), (b), (d) u (e);
Emenda 91
Proposta għal regolament
Artikolu 30 – paragrafu 2 – punt a – punt iia (ġdid)
(iia)  fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mal-obbligi previsti fl-Artikolu 4a(1):
Emenda 92
Proposta għal regolament
Artikolu 30 – paragrafu 2 – punt a - punt iib (ġdid)
(iib)  fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mal-obbligi previsti fl-Artikolu 4a(2);
Emenda 93
Proposta għal regolament
Artikolu 30 – paragrafu 2 – punt a – punt iic (ġdid)
(iic)  fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mal-obbligi previsti fl-Artikoli 5(1) sa (5):
Emenda 94
Proposta għal regolament
Artikolu 30 – paragrafu 2 – punt a – punt vii
(viii)  fil-każ ta' nuqqas ta' forniment ta' evidenza dwar l-użu ta' logos u l-pubblikazzjoni ta' programmi politiċi skont l-Artikolu 21(3);
imħassar
Emenda 95
Proposta għal regolament
Artikolu 30 – paragrafu 2 – punt a – punt ix
(ix)  fil-każ ta' nuqqas ta' forniment ta' evidenza dwar rappreżentanza tal-ġeneri f'konformità mal-Artikolu 21(4).
imħassar
Emenda 96
Proposta għal regolament
Artikolu 30 – paragrafu 2 – punt b – punt i
(i)  meta partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jkunu aċċettaw donazzjonijiet u kontribuzzjonijiet li ma jkunux permessi skont l-Artikolu 23(1) jew (5), ħlief jekk ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 23(7);
(i)  meta partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jkunu aċċettaw donazzjonijiet, kontribuzzjonijiet jew tariffi ta' assoċjazzjoni li ma jkunux permessi skont l-Artikolu 23(1) jew (6), ħlief jekk ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 23(7);
Emenda 97
Proposta għal regolament
Artikolu 30 – paragrafu 4 – parti introduttorja
4.  Għall-fini tal-paragrafi 2 u 3, għandhom jiġu imposti s-sanzjonijiet finanzjarji li ġejjin fuq partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea:
4.  Għall-fini tal-paragrafi 12, għandhom jiġu imposti s-sanzjonijiet finanzjarji li ġejjin fuq partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea:
Emenda 98
Proposta għal regolament
Artikolu 30 – paragrafu 4 – punt b – subparagrafu 1 – parti introduttorja
(b)  f'każijiet ta' ksur kwantifikabbli, perċentwali fiss tal-ammont tas-somom irregolari rċevuti jew mhux rappurtati f'konformità mal-iskala li ġejja, sa massimu ta' 10 % tal-baġit annwali tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati:
(b)  f'każijiet ta' ksur kwantifikabbli, perċentwali fissa tal-ammont tas-somom irregolari rċevuti jew mhux rappurtati jew tas-somom użati għal attivitajiet ta' finanzjament li huma pprojbiti fis-sens tal-Artikolu 25, skont l-iskala li ġejja, sa massimu ta' 10 % tal-baġit annwali tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati:
Emenda 99
Proposta għal regolament
Artikolu 30 – paragrafu 4 – punt b – subparagrafu 2
Għall-applikazzjoni tal-perċentwali indikati fl-ewwel subparagrafu , kull donazzjoni jew kontribuzzjoni għandha titqies b'mod separat.
Għall-applikazzjoni tal-perċentwali indikati fl-ewwel subparagrafu , kull donazzjoni, kontribuzzjoni, tariffa ta' assoċjazzjoni jew somma użata għal attivitajiet ta' finanzjament li huma projbiti fis-sens tal-Artikolu 25 għandhom jitqiesu b'mod separat.
Emenda 100
Proposta għal regolament
Artikolu 30 – paragrafu 5a (ġdid)
5a.  L-awtorità għandha tirkupra l-ammonti korrispondenti mill-partit politiku Ewropew jew mill-fondazzjoni politika Ewropea li fil-konfront tagħhom ikunu ġew imposti sanzjonijiet finanzjarji.
Emenda 101
Proposta għal regolament
Artikolu 33 – paragrafu 1
1.  Bil-għan li jkun hemm konformità mal-obbligi msemmijin fl-Artikolu 38, qabel id-deċiżjoni finali tal-Awtorità relatata ma' xi waħda mis-sanzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 30, l-Awtorità jew l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandhom jagħtu lill-partit politiku Ewropew jew lill-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati l-opportunità li jdaħħlu dawk il-miżuri meħtieġa biex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni fi żmien raġonevoli, li normalment ma għandux jaqbeż xahar. B'mod partikolari, l-Awtorità jew l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandhom jippermettu l-possibbiltà li jiġu korretti żbalji klerikali u aritmetiċi, li jingħataw dokumenti jew informazzjoni addizzjonali fejn meħtieġ jew li jiġu korreguti l-iżbalji minuri li jista' jkun hemm.
1.  Bil-għan li jkun hemm konformità mal-obbligi msemmijin fl-Artikolu 38, qabel id-deċiżjoni finali tal-Awtorità relatata ma' xi waħda mis-sanzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 30(1), punti (a)(i) sa (iv), l-Awtorità jew l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandhom jagħtu lill-partit politiku Ewropew jew lill-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati l-opportunità li jdaħħlu dawk il-miżuri meħtieġa biex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni fi żmien raġonevoli, li normalment ma għandux jaqbeż xahar. B'mod partikolari, l-Awtorità jew l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandhom jippermettu l-possibbiltà li jiġu korretti żbalji klerikali u aritmetiċi, li jingħataw dokumenti jew informazzjoni addizzjonali fejn meħtieġ jew li jiġu korreguti l-iżbalji minuri li jista' jkun hemm.
Emenda 102
Proposta għal regolament
Artikolu 33 – paragrafu 2
2.  Meta partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jonqsu milli jieħdu miżuri korrettivi fiż-żmien imsemmi fil-paragrafu 1, għandha tittieħed deċiżjoni rigward l-impożizzjoni tas-sanzjonijiet xierqa msemmija fl-Artikolu 30.
2.  Meta partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jonqsu milli jieħdu biżżejjed miżuri korrettivi fiż-żmien imsemmi fil-paragrafu 1, għandha tittieħed deċiżjoni rigward l-impożizzjoni tas-sanzjonijiet xierqa msemmija fl-Artikolu 30.
Emenda 103
Proposta għal regolament
Artikolu 33 – paragrafu 3
3.  Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(1), il-punti minn (b) sa (f) u fl-Artikolu 3(2), il-punt (c).
imħassar
Emenda 104
Proposta għal regolament
Artikolu 34 – titolu
Irkupru
It-terminazzjoni ta' deċiżjoni ta' finanzjament b'effett futur
Emenda 105
Proposta għal regolament
Artikolu 34 – paragrafu 1
1.  Fuq il-bażi ta' deċiżjoni tal-Awtorità li tneħħi partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea mir-Reġistru, l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandu jirtira jew iwaqqaf kwalunkwe deċiżjoni jew ftehim li jkunu għadhom fis-seħħ dwar il-finanzjament mill-Unjoni, ħlief fil-każ stipulat fl-Artikolu 19(2), il-punt (c), u fl-Artikolu 3(1), il-punti (b) u (f). Għandu jirkupra wkoll kwalunkwe finanzjament mill-Unjoni, inklużi kwalunkwe fondi mhux minfuqa mis-snin preċedenti.
1.  L-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandu jittermina deċiżjoni ta' finanzjament li tkun għaddejja indirizzata lil partit politiku Ewropew jew lil fondazzjoni politika Ewropea b'effett futur abbażi tar-raġunijiet li ġejjin:
(a)  deċiżjoni mill-Awtorità li tneħħi l-partit jew il-fondazzjoni mir-Reġistru, bl-eċċezzjoni ta' deċiżjoni bbażata fuq ir-raġuni għad-dereġistrazzjoni stabbilita fl-Artikolu 19(1), il-punt (a)(iv);
(b)  deċiżjoni ta' sanzjoni bbażata fuq l-Artikolu 30(1), il-punti (a)(v) u (vi).
Raġunijiet oħra għat-terminazzjoni ta' deċiżjoni ta' finanzjament b'effett futur jistgħu jiġu previsti fil-ftehim ta' kontribuzzjoni jew ta' għotja.
Emenda 106
Proposta għal regolament
Artikolu 34 – paragrafu 2
2.  1 Partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea li fuqhom tkun ġiet imposta xi sanzjoni għal kwalunkwe ksur elenkat fl-Artikolu 30(1) u l-Artikolu 30(2), il-punti (a) (v) u (vi), għandhom għal dik ir-raġuni ma jibqgħux konformi mal-Artikolu 21(2). Bħala riżultat, l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandu jittermina l-ftehim jew deċiżjoni ta' kontribuzzjoni jew ta' għotja dwar finanzjament mill-Unjoni riċevut skont dan ir-Regolament, u għandu jirkupra ammonti li jkunu tħallsu indebitament skont il-ftehim jew deċiżjoni ta' kontribuzzjoni jew ta' għotja, inkluż kwalunkwe fond mhux minfuq tal-Unjoni minn snin preċedenti. L-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandu wkoll jirkupra ammonti mħallsa indebitament skont il-ftehim jew deċiżjoni ta' kontribuzzjoni jew ta' għotja minn persuna fiżika li fir-rigward tagħha tkun ittieħdet deċiżjoni skont l-Artikolu 31, filwaqt li jqis, fejn applikabbli, ċirkostanzi eċċezzjonali relatati ma' dik il-persuna fiżika.
2.  Deċiżjoni li tiġi terminata d-deċiżjoni ta' finanzjament b'effett futur għandha tidħol fis-seħħ fil-jum speċifikat fid-deċiżjoni ta' terminazzjoni jew, jekk l-ebda jum ma jkun speċifikat fiha, fil-jum li fih id-deċiżjoni ta' terminazzjoni tiġi nnotifikata lill-partit politiku Ewropew jew lill-fondazzjoni politika Ewropea.
Fl-eventwalità ta' tali terminazzjoni, il-pagamenti mill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandhom ikunu limitati għan-nefqa rimborżabbli mġarrba mill-partit politiku Ewropew jew il-kostijiet eliġibbli mġarrba mill-fondazzjoni politika Ewropea sad-data meta d-deċiżjoni ta' terminazzjoni tidħol fis-seħħ.
Dan il-paragrafu għandu jkun applikabbli wkoll għall-każijiet imsemmija fl-Artikolu 19(2), il-punt (c),u fl-Artikolu 3(1), il-punti (b) u (f).
Emenda 107
Proposta għal regolament
Artikolu 34 – paragrafu 2a (ġdid)
2a.  It-terminazzjoni tad-deċiżjoni ta' finanzjament b'effett futur għandu jkollu l-konsegwenzi li ġejjin:
(a)  il-ftehim ta' kontribuzzjoni jew ta' għotja għandu jiġi terminat mid-data msemmija fil-paragrafu 2;
(b)  il-pagamenti mill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandhom ikunu limitati għan-nefqa rimborżabbli verament imġarrba mill-partit politiku Ewropew jew il-kostijiet eliġibbli verament imġarrba mill-fondazzjoni politika Ewropea sad-data msemmija fil-paragrafu 2;
(c)  in-nefqa jew il-kostijiet imġarrba mill-partit politiku Ewropew jew mill-fondazzjoni politika Ewropea mill-jum imsemmi fil-paragrafu 2 għandhom jiġu kkwalifikati bħala nefqa mhux rimborżabbli jew kostijiet ineliġibbli;
(d)  l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew se jirkupra l-fondi kollha tal-Unjoni mħallsa indebitament, inklużi
(i)  Fondi tal-Unjoni li ntefqu għal nefqa mhux rimborżabbli jew kostijiet ineliġibbli: u
(ii)  kwalunkwe prefinanzjament mhux użat tal-Unjoni li ma jkunx intefaq qabel id-data msemmija fil-paragrafu 2, inklużi fondi tal-Unjoni li ma ntefqux minn snin preċedenti; u
(e)  l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandu jirkupra kwalunkwe ammont imħallas indebitament minn persuna fiżika li fir-rigward tagħha tkun ittieħdet deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 31.
Emenda 108
Proposta għal regolament
Artikolu 34a (ġdid)
Artikolu 34a
L-irtirar tad-deċiżjoni ta' finanzjament b’effett retroattiv
1.  Abbażi ta' deċiżjoni, meħuda mill-Awtorità li tneħħi partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea mir-Reġistru, ibbażata fuq ir-raġuni għad-dereġistrazzjoni stabbilita fl-Artikolu 19(1), il-punt (a)(iv), l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandu jirtira d-deċiżjonijiet ta' finanzjament indirizzati lill-partit politiku Ewropew jew lill-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati b'effett retroattiv mid-data tal-adozzjoni ta' dawk id-deċiżjonijiet.
2.  L-irtirar tad-deċiżjoni b’effett retroattiv ta' finanzjament għandu jkollu l-konsegwenzi li ġejjin:
(a)  il-ftehim ta' kontribuzzjoni jew ta' għotja għandu jiġi tterminat mill-jum tan-notifika ta' dik it-terminazzjoni lill-partit politiku Ewropew jew lill-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati;
(b)  in-nefqa jew il-kostijiet kollha mġarrba mill-partit politiku Ewropew jew mill-fondazzjoni politika Ewropea għandhom jiġu kkwalifikati bħala nefqa mhux rimborżabbli jew kostijiet ineliġibbli; u
(c)  kwalunkwe ammont imħallas fil-qafas tal-ftehim ta' kontribuzzjoni jew għotja, flimkien ma' kwalunkwe fondi tal-Unjoni mhux minfuqa minn snin preċedenti, għandhom jitqiesu bħala pagamenti mhux dovuti u għandhom jiġu rkuprati skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.
Emenda 109
Proposta għal regolament
Artikolu 36 – paragrafu 1 – parti introduttorja
1.  Il-Parlament Ewropew , taħt l-awtorità tal-Uffiċjal Awtorizzanti jew taħt dik tal-Awtorità, għandu jippubblika dan li ġej fuq sit web maħluq apposta għal dan il-għan, f'format miftuħ u li jinqara minn apparat :
1.  Il-Parlament Ewropew, jew l-Awtorità, f'konformità mad-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet tagħhom, għandhom jippubblikaw f'format miftuħ li jista' jinqara minn magna fuq sit web maħluq għal dak il-għan, dan li ġej:
Emenda 110
Proposta għal regolament
Artikolu 36 – paragrafu 1 – punt f
(f)  il-kontribuzzjonijiet msemmija fl-Artikolu 23(9) u (10) u rrappurtati minn partiti politiċi Ewropej u mill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej f'konformità mal-Artikolu 23(2), inkluża l-identità tal-partiti membri jew l-organizzazzjonijiet li jkunu għamlu dawn il-kontribuzzjonijiet;
(f)  il-kontribuzzjonijiet u t-tariffi ta' assoċjazzjoni msemmija fl-Artikolu 23(9) u (10) u rrappurtati minn partiti politiċi Ewropej u mill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej f'konformità mal-Artikolu 23(2), inkluża l-identità tal-membri individwali, tal-partiti jew l-organizzazzjonijiet membri li jkunu għamlu dawk il-kontribuzzjonijiet bl-eċċezzjoni ta' kontribuzzjonijiet ta' aktar minn EUR 1 500 sa EUR 3 000 fis-sena li ġejjin minn persuni fiżiċi fejn dawk il-persuni ma jkunux taw il-kunsens tagħhom bil-miktub għal tali pubblikazzjoni.
Emenda 111
Proposta għal regolament
Artikolu 36 – paragrafu 1 – punt fa (ġdid)
(fa)  it-tariffi ta' assoċjazzjoni msemmija fl-Artikolu 23(9a) u (10a) u rrappurtati mill-partiti politiċi Ewropej u mill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej f'konformità mal-Artikolu 23(2), inkluża l-identità tal-partiti jew l-organizzazzjonijiet li jkunu għamlu dawk il-pagamenti;
Emenda 112
Proposta għal regolament
Artikolu 36 – paragrafu 1 – punt fb (ġdid)
(fb)  ir-riżorsi proprji anċillari msemmija fl-Artikolu 23(13) u rrappurtati minn partiti politiċi Ewropej u minn fondazzjonijiet politiċi Ewropej f'konformità mal-Artikolu 23(2);
Emenda 113
Proposta għal regolament
Artikolu 36 – paragrafu 2
2.  Il-Parlament Ewropew għandu jippubblika l-lista tal-persuni ġuridiċi li jkunu membri ta' partit politiku Ewropew, kif annessa mal-istatuti tal-partit f'konformità mal-Artikolu 4(2), u aġġornata f'konformità mal-Artikolu 10(6), kif ukoll in-numru globali ta' membri individwali.
2.  L-Awtorità għandha tippubblika l-lista tal-persuni ġuridiċi li jkunu membri ta' partit politiku Ewropew, kif annessa mal-istatuti tal-partit f'konformità mal-Artikolu 4(2), u aġġornata f'konformità mal-Artikolu 10(6), kif ukoll in-numru globali ta' membri individwali.
Emenda 114
Proposta għal regolament
Artikolu 37 – paragrafu 8
8.  Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, l-Istati Membri u l-entitajiet jew l-esperti indipendenti awtorizzati biex jawditjaw il-kontijiet skont dan ir-Regolament għandhom ikunu responsabbli f'konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli għal kwalunkwe dannu li jikkawżaw fl-ipproċessar tad-data personali skont dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu applikati sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-każ ta' ksur ta' dan ir-Regolament, tar-Regolament (UE) 2016/679 u tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din, u b'mod partikolari għall-użu frodulenti tad-data personali.
8.  Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, l-Istati Membri u l-entitajiet jew l-esperti indipendenti awtorizzati biex jawditjaw il-kontijiet skont dan ir-Regolament għandhom ikunu responsabbli f'konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli għal kwalunkwe dannu li jikkawżaw fl-ipproċessar tad-data personali skont dan ir-Regolament. L-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2016/679, għandhom jiżguraw li jiġu applikati sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-każ ta' ksur ta' dan ir-Regolament.
Emenda 115
Proposta għal regolament
Artikolu 44 – paragrafu 2a (ġdid)
2a.  Kwalunkwe pass u deċiżjoni proċedurali meħuda qabel mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni, l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew jew l-Awtorità f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, jew abbażi tiegħu, għandhom jibqgħu applikabbli u jiġu interpretati fid-dawl ta' dan ir-Regolament.
Emenda 117
Proposta għal regolament
Anness II – parti 2 – inċiż 5a (ġdid)
—   f'każijiet fejn jintużaw tekniki ta' mmirar, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa skont ir-Regolament (UE) 2016/679.

(1) Il-każ ġie mgħoddi lura għan-negozjati interistituzzjonali lill-kumitat responsabbli skont l-Artikolu 59(4), ir-raba' subparagrafu (A9-0223/2022).


L-implimentazzjoni tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida Aġġornata għall-Ewropa: allinjament tal-infiq mal-politika
PDF 174kWORD 63k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2022 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida Aġġornata għall-Ewropa: allinjament tal-infiq mal-politika (2022/2008(INI))
P9_TA(2022)0329A9-0214/2022

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 9, 151, 152, 153(1) u (2) tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 173 tiegħu, li jirrigwarda l-politika industrijali tal-UE u jirreferi, fost affarijiet oħra, għall-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 5(3) tiegħu u l-Protokoll Nru 2 tiegħu dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar Il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 bit-titolu "Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa" (COM(2020)0067),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020 bit-titolu "Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa" (COM(2020)0102),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020 bit-titolu "Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali" (COM(2020)0103),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2020 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari - Għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva" (COM(2020)0098),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Lulju 2020 bit-titolu "Strateġija għall-idroġenu għal Ewropa newtrali għall-klima" (COM(2020)0301),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Mejju 2021 bit-titolu "Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b'saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa", (COM(2021)0350),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Lulju 2021 bit-titolu ""Lesti għall-Mira ta' 55 %": nilħqu l-Mira Klimatika tal-UE għall-2030 fi triqitna lejn in-newtralità klimatika" (COM(2021)0550),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-19 ta' Jannar 2022 bit-titolu "Ekosistemi industrijali, awtonomija strateġika u benessri",

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni tat-2 ta' Diċembru 2021 bit-titolu "Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b'saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa"(1),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-5 ta' Mejju 2021 bit-titolu "Annual Single Market Report 2021" (Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku 2021) (SWD(2021)0351),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-5 ta' Mejju 2021 bit-titolu "Strategic dependencies and capacities" (Dipendenzi u kapaċitajiet strateġiċi) (SWD(2021)0352),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-5 ta' Mejju 2021 bit-titolu "Lejn azzar Ewropew kompetittiv u nadif" (SWD(2021)0353),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2019 tal-Grupp ta' Livell Għoli tal-Kummissjoni dwar Industriji Intensivi fl-Enerġija bit-titolu "Pjan Ġenerali għal Trasformazzjoni Kompetittiva tal-Industriji Intensivi fl-Enerġija tal-UE – li Tippermetti Ekonomija Ċirkolari Newtrali għall-Klima sal-2050",

–  wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija tal-2021 bit-titolu "Emissjonijiet żero netti sal-2050: Pjan Direzzjonali għas-Settur tal-Enerġija Globali",

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2018 dwar "Strateġija futura għall-Politika Industrijali tal-UE",

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta' Mejju 2019 dwar strateġija ta' politika industrijali futura tal-UE: viżjoni għall-2030,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2020 dwar irkupru li jmexxi 'l quddiem it-tranżizzjoni lejn industrija tal-UE aktar dinamika, reżiljenti u kompetittiva,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar li nagħmlu l-irkupru ċirkolari u ekoloġiku,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2020 dwar strateġija industrijali ġdida għall-Ewropa(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar strateġija ġdida għall-SMEs Ewropej(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Frar 2021 dwar il-pjan ta' azzjoni ġdid għall-ekonomija ċirkolari(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2021 dwar strateġija Ewropea għall-idroġenu(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2021 dwar strateġija Ewropea għall-integrazzjoni tas-sistemi tal-enerġija(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Novembru 2021 dwar strateġija Ewropea għall-materja prima kritika(9),

–  wara li kkunsidra l-ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (COP21) f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015 (il-Ftehim ta' Pariġi),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2020 bit-titolu "ŻER ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni" (COM(2020)0628),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Novembru 2020 dwar "Strateġija Farmaċewtika għall-Ewropa" (COM(2020)0761),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Jannar 2022 bit-titolu "L-istabbiliment ta' Dikjarazzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali" (COM(2022)0027),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-8 ta' April 2019 bit-titolu "Technology Infrastructures" (Infrastrutturi tat-Teknoloġija) (SWD(2019)0158),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar politika koerenti tal-UE għall-industriji kulturali u kreattivi(10),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1749 tat-28 ta' Settembru 2021 dwar l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel: minn prinċipji għal prattika – Linji gwida u eżempji għall-implimentazzjoni tagħha fit-teħid ta' deċiżjonijiet fis-settur tal-enerġija u lil hinn minnu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima tal-4 ta' April 2022 bit-titolu "Climate Change 2022: Mitigation of Climate Change" (Tibdil fil-Klima 2022: Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Industrijali, il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A9-0214/2022),

A.  billi huwa kruċjali li l-industrija tkun tista' timplimenta t-tranżizzjonijiet doppji, filwaqt li toħloq impjiegi ta' kwalità għolja u tiżgura kompetittività u l-kapaċità tagħha li tiżviluppa u tipproduċi prodotti, servizzi u proċessi ta' produzzjoni nodfa;

B.  billi l-għan tal-Istrateġija Industrijali jrid ikun ukoll li ssaħħaħ is-suq uniku u trawwem rivoluzzjonijiet teknoloġiċi sabiex tagħmel l-UE mexxej dinji fit-teknoloġiji ekoloġiċi u diġitali;

C.  billi l-proċessi industrijali u tal-manifattura jirrappreżentaw is-sinsla tas-suq tax-xogħol tal-UE u għandhom irawmu l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja;

D.  billi f'dinja ġeopolitika li qed tinbidel, it-tisħiħ tal-awtonomija strateġika u t-tnaqqis tad-dipendenzi tal-UE fuq materjali, prodotti, enerġija, kapaċitajiet ta' manifattura u teknoloġiji kritiċi huma vitali, filwaqt li tinżamm ekonomija kemm jista' jkun miftuħa u magħluqa kemm meħtieġ;

E.  billi l-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna wriet għal darb'oħra li l-UE tiddependi ħafna mill-provvista tal-enerġija minn pajjiżi terzi; billi l-UE jeħtieġ li taġġusta mill-ġdid il-politiki industrijali u tal-enerġija bl-għan li tiddiversifika s-sorsi tal-enerġija tagħha kemm jista' jkun possibbli, iżżid l-iffrankar fl-enerġija u l-miżuri tal-effiċjenza enerġetika, kif ukoll tuża volumi kbar ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u tadotta approċċ ta' ekonomija ċirkolari ħafna aktar b'saħħtu fl-industriji bbażati fuq ktajjen tal-provvista reżiljenti u sostenibbli;

F.  billi livell għoli ta' dipendenza fuq il-provvista tal-enerġija, bħal fuq ir-Russja, u prezzijiet għoljin tal-enerġija jistgħu jkunu detrimentali għall-kapaċitajiet ta' produzzjoni ta' kumpaniji Ewropej; billi d-disponibbiltà ta' materjali u komponenti tal-kapaċità tal-manifattura fl-Ewropa hija essenzjali biex tevita li tiġi sostitwita d-dipendenza enerġetika tal-UE b'dipendenza akkumulata għall-provvista ta' minerali tal-art rari, metalli oħra kritiċi, tagħmir, jew kapaċitajiet ta' manifattura;

G.  billi fl-UE nsibu istituti ta' riċerka, kumpaniji u nies tas-sengħa ewlenin fid-dinja u għandha l-potenzjal li tkun minn ta' quddiem fid-dinja fl-innovazzjoni industrijali;

H.  billi l-Kummissjoni, wara li identifikat id-dipendenzi strateġiċi tagħha fl-ekosistemi industrijali l-aktar sensittivi, ħabbret li se tipproponi miżuri konkreti sistemiċi (ekonomiċi u regolatorji) biex tnaqqas dawn id-dipendenzi, inkluż billi tassigura u tippromwovi l-produzzjoni u l-investiment fl-Ewropa;

I.  billi l-UE jeħtieġ li tindirizza r-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista, filwaqt li toħloq ekosistema tal-manifattura u tal-provvista attraenti, innovattiva ta' valur għoli, li tkun allinjata mal-għanijiet tar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż), l-innovazzjoni u l-miri klimatiċi u ambjentali tal-Ewropa;

J.  billi s-settur industrijali esperjenza tnaqqis ta' 35 % fl-emissjonijiet tas-CO2 mill-1990, u billi parti minn dan it-tnaqqis huwa dovut għar-rilokazzjonijiet tas-siti;

K.  billi l-potenzjal ekonomiku stmat biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija finali sal-2030, meta mqabbel maż-żamma tal-istatus quo, huwa ta' 23,5 % għall-industrija Ewropea(11);

L.  billi l-Kummissjoni rrikonoxxiet li aktar setturi ekonomiċi bħas-settur tas-saħħa, is-settur agroalimentari, l-industrija tal-minjieri u tal-estrazzjoni tal-materja prima u l-industrija tat-teknoloġija diġitali huma kruċjali biex tinkiseb l-awtonomija strateġika tal-UE;

M.  billi l-Kummissjoni rrikonoxxiet fl-istrateġija industrijali aġġornata ġdida li politiki tas-suq mhux sostenibbli, inkluż fl-akkwist pubbliku, jistgħu jwasslu għal konsolidazzjoni tas-suq;

1.  Jilqa' l-aġġornament tal-istrateġija industrijali; jisħaq li biex il-Patt Ekoloġiku jkun strateġija ta' tkabbir verament sostenibbli u trasformattiva, inaqqas id-dipendenzi u jżomm kundizzjonijiet ekwi għall-industrija Ewropea matul it-tranżizzjonijiet doppji, jeħtieġ li jkun akkumpanjat minn politika industrijali ambizzjuża sabiex isir mexxej kompetittiv f'emissjonijiet netti żero ta' gassijiet serra (GHG) u f'ekonomija sostenibbli, u biex joħloq sinerġiji bejn in-negozji, l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u n-negozji ġodda, u jeħtieġ li jiġi appoġġjat minn politika ambizzjuża ta' R&Ż u qafas favorevoli għall-SMEs; jisħaq li din il-ħtieġa żdiedet b'mod sinifikanti minħabba l-kriżi klimatika u enerġetika li għaddejja u l-gwerra Russa ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' miżuri ta' salvataġġ immirati għall-konsumaturi vulnerabbli fil-kuntest industrijali, b'mod partikolari l-SMEs u l-mikrointrapriżi vulnerabbli, li ġew affettwati wkoll b'mod qawwi mill-effetti tal-pandemija tal-COVID-19;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw l-impatt tal-gwerra Russa ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna fuq l-industrija Ewropea u l-kapaċitajiet tagħha f'inizjattivi u objettivi attwali u futuri, u jadottaw approċċ olistiku meta joħolqu inċentivi biex jappoġġjaw setturi industrijali strateġiċi u l-ktajjen tal-provvista tagħhom, li qed jiffaċċjaw żieda qawwija fl-ispejjeż tal-enerġija, it-trasport u l-materja prima; jirrikonoxxi li hemm bosta miżuri li jistgħu jgħinu biex jitnaqqsu dawn l-impatti, filwaqt li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra u t-tniġġis tal-arja;

3.  Jisħaq li suq uniku Ewropew li jiffunzjona huwa ta' vantaġġ biex tissaħħaħ ir-reżiljenza industrijali, l-attraenza tal-Ewropa bħala destinazzjoni ta' investiment u l-kompetittività tal-UE, kif ukoll jittejbu t-tranżizzjonijiet doppji bħala bażi għal tkabbir ġdid fis-setturi industrijali;

4.  Jissottolinja li l-UE ma tistax tkun dipendenti fuq pajjiżi li mhumiex fl-UE għal prodotti, enerġija u kapaċitajiet u teknoloġiji tal-manifattura li huma essenzjali għall-ekonomija tagħna u għas-soċjetà tagħna tal-futur; jisħaq li jeħtieġ li l-UE terġa' tikseb pożizzjoni b'saħħitha fi ktajjen ta' valur globali kruċjali u tiżgura l-provvista ta' materja prima kritika fi żminijiet ta' kriżi, anke permezz tal-użu akbar ta' mudelli tan-negozju ċirkolari; jenfasizza l-benefiċċju ta' ktajjen tal-provvista iqsar għar-reżiljenza tal-ekonomija tagħna u għall-kisba tal-ambizzjonijiet klimatiċi tal-UE;

5.  Jenfasizza l-importanza ta' kollaborazzjoni internazzjonali, sħubijiet ugwali u kummerċ globali miftuħ għall-ekonomija Ewropea, filwaqt li jinnota li wieħed mill-modi l-aktar effiċjenti biex tissaħħaħ ir-reżiljenza industrijali Ewropea u jitnaqqsu d-dipendenzi huwa li jiġu ddiversifikati l-ktajjen tal-provvista permezz ta' miżuri tal-politika kummerċjali ambizzjużi, inkluż il-kummerċ strateġiku u l-ftehimiet tal-investiment;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta mill-aktar fis possibbli perkorsi ta' tranżizzjoni ċari u bbażati fuq ix-xjenza għall-ekosistema industrijali, inkluż billi tidentifika l-ħtiġijiet għal tranżizzjoni b'suċċess f'termini ta' infrastruttura, teknoloġiji u ħiliet; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-konsistenza, il-koordinazzjoni u s-sinerġiji fl-inizjattivi, l-objettivi, il-finanzjament u l-istrumenti regolatorji kollha li se jappoġġjaw l-industrija matul it-tranżizzjonijiet; jenfasizza l-ħtieġa ta' allinjament bejn il-perkorsi tat-tranżizzjoni, il-pjanijiet direzzjonali tat-teknoloġija industrijali u l-Aġendi Strateġiċi ta' Riċerka u Innovazzjoni tas-Sħubijiet Ewropej fl-ambitu ta' Orizzont Ewropa; jitlob monitoraġġ u rappurtar annwali dwar il-kompetittività, il-progress teknoloġiku, l-impjegabbiltà u r-reżiljenza tal-ekosistemi industrijali tagħna u dwar il-progress fil-perkorsi ta' tranżizzjoni tas-setturi individwali, inkluża l-konsistenza tagħhom mal-miri klimatiċi tal-UE, sabiex l-istrumenti jkunu jistgħu jiġu adattati malajr meta jkun meħtieġ; jisħaq li l-partijiet ikkonċernati kollha fil-katina tal-valur, inklużi s-soċjetà ċivili, il-komunità akkademika, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, it-trade unions u l-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima għandhom ikunu involuti b'mod trasparenti fil-proċess tal-perkorsi ta' tranżizzjoni li jiżguraw monitoraġġ kontinwu u bbażat fuq ix-xjenza tal-progress;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija ffokata fuq it-tranżizzjoni tal-industriji l-aktar intensivi fl-enerġija li tippermettilhom jippreżervaw il-kompetittività tagħhom u fl-istess ħin jappoġġjaw awtonomija strateġika akbar, minħabba li dawn l-industriji ta' spiss huma ta' importanza strateġika;

8.  Ifakkar li l-kompetittività industrijali tal-Ewropa fil-biċċa l-kbira tiddependi mill-kapaċità tagħha li tkun innovattiva; jinnota li setgħat ekonomiċi oħra għandhom prestazzjoni aħjar fuq l-UE fl-infiq fir-R&Ż bħala perċentwal tal-PDG; itenni l-importanza ta' livell ambizzjuż ta' investiment fir-R&Ż biex tittejjeb il-pożizzjoni kompetittiva tal-UE fid-dinja; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-mira ta' 3 % tal-investimenti tal-PDG fir-R&Ż għadha ma ntlaħqitx fil-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina l-isforzi tal-Istati Membri biex ikomplu jimpenjaw ruħhom għal żieda fil-miri nazzjonali tal-investiment fir-R&Ż, b'mod partikolari biex il-finanzjament pubbliku u privat nazzjonali għall-innovazzjoni u r-riċerka industrijali jimxi lejn riċerka mmexxija mill-kurżità u ta' tħejjija teknoloġika baxxa biex tinżamm u tittejjeb il-bażi tal-għarfien li ssostni l-innovazzjoni industrijali tal-Ewropa; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-rwol li jista' jkollhom is-sħubijiet tax-xjenza miftuħa; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-investiment fir-R&Ż ikun ukoll immirat lejn il-parteċipazzjoni tal-mikrointrapriżi;

9.  Jindika l-ħtieġa li l-programmi ta' ħidma ta' Orizzont Ewropa u s-sħubijiet pubbliċi-privati jqisu ċ-ċirkostanzi l-ġodda li jirriżultaw mill-invażjoni Russa tal-Ukrajna, b'mod partikolari r-raggruppamenti 4 u 5 dwar "l-industrija, id-diġitali u l-ispazju" u dwar "il-klima, l-enerġija u l-mobilità", u li jiffukaw fuq ir-R&Ż orjentati lejn l-industrija fuq is-sostituzzjoni tal-fjuwils fossili u fuq it-tnaqqis tad-dipendenza tal-industriji tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkontribwixxi fit-tnaqqis tad-distakk fl-investiment mal-kompetituri globali għal teknoloġiji abilitanti essenzjali; jilqa', f'dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni għal Att Ewropew dwar iċ-Ċipep u l-istabbiliment tal-Alleanza Ewropea għad-Data Industrijali, Edge u Cloud; jistieden lill-Kummissjoni tagħti bidu malajr kemm jista' jkun għax-xogħol ittardjat tal-Alleanza Ewropea għall-Proċessuri Industrijali u għat-Teknoloġiji tas-Semikondutturi; jistieden lill-Kummissjoni testendi malajr dawn l-inizjattivi għal strumenti oħra ta' riċerka, żvilupp u innovazzjoni (RŻI) u għal teknoloġiji abilitanti ewlenin, bħall-batteriji, l-intelliġenza artifiċjali, iċ-ċibersigurtà, l-awtomazzjoni u r-robotika, il-bijoteknoloġija, l-edge computing, il-fotonika u l-computing kwantistiku u t-teknoloġija;

11.  Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi, inklużi ż-żieda fil-kapaċità ta' produzzjoni lokali, il-linji pilota u s-siti ta' manifattura tal-ewwel tip għat-teknoloġija avvanzata taċ-ċippa, id-disinn taċ-ċippa u tas-sistema; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-finanzjament tal-Att Ewropew dwar iċ-Ċipep ma jwassalx għal tnaqqis fil-finanzjament għal programmi relatati oħra eżistenti tal-UE; jilqa' d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja l-Att dwar iċ-Ċipep Ewropej (SWD(2022)0147); madankollu jistieden lill-Kummissjoni tipproduċi valutazzjoni tal-impatt, inkluż l-impatt ambjentali, u analiżi komprensiva tal-ħtiġijiet futuri għaċ-ċipep, il-vantaġġ kompetittiv ta' tipi differenti u l-potenzjal għall-produzzjoni taċ-ċipep fl-Ewropa;

12.  Jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Aġenda Strateġika ta' Riċerka u ta' Innovazzjoni (SRIA) tal-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin (KDT JU) minħabba li din hija aġenda kruċjali għall-awtonomija strateġika tal-Unjoni f'diversi teknoloġiji abilitanti ewlenin; jikkunsidra li l-finanzjament mill-ġdid tal-KDT JU lejn ir-riċerka speċifikament dwar iċ-ċipep primarjament għandu jsir fi ħdan il-qafas tal-SRIA eżistenti;

13.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-"Made in EU" u li titħaffef l-adozzjoni tat-teknoloġiji tal-Industrija 4.0, b'mod partikolari mill-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora bil-qawwa s-sħubija "Made in Europe" fil-programm Orizzont Ewropa u tagħmel dan billi trawwem il-kooperazzjoni tal-SMEs mal-universitajiet u mal-organizzazzjonijiet tar-riċerka u t-teknoloġija; jenfasizza li "Made in Europe" għandha tappoġġja mhux biss il-kwalità u l-innovazzjoni, iżda wkoll prodotti, proċessi u servizzi industrijali sostenibbli ħafna u soċjalment ġusti, u tippromwovi l-irkupru ta' impjiegi ta' kwalità u opportunitajiet ta' manifattura madwar l-Unjoni, sabiex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ibbilanċjat u sostenibbli tar-reġjuni kollha tal-UE;

14.  Jisħaq fuq l-importanza tal-Forum Industrijali stabbilit mill-istrateġija industrijali u jinnota li fost il-ħames task forces li nħolqu, waħda hija direttament rilevanti għas-suq uniku u tanalizza l-aspetti orizzontali tas-suq uniku u t-tneħħija ta' ostakli, filwaqt li oħra għandha enfasi speċifika fuq il-manifattura avvanzata bħala faċilitatur orizzontali għal firxa wiesgħa ta' ekosistemi;

15.  Jissottolinja l-importanza tal-ambizzjoni ta' tniġġis żero tal-Unjoni u ta' ekonomija ċirkolari integrata bis-sħiħ biex tinħoloq industrija effiċjenti u dekarbonizzata; jistieden lill-Kummissjoni twettaq analizi dwar ir-riċiklaġġ u introduzzjoni mill-ġdid fiċ-ċiklu tal-prodott; jistieden lill-Kummissjoni tagħti kunsiderazzjoni partikolari lill-opportunitajiet ta' finanzjament u ta' offerti għal proġetti ta' kumpaniji li huma mexxejja innovattivi fl-ekonomija ċirkolari, kif ukoll għall-ħtieġa li jiġi stimulat l-iżvilupp ta' swieq ewlenin; iqis li l-prevenzjoni tal-iskart u t-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u tar-riżorsi relatat mal-iskart, kif ukoll ir-riċiklaġġ b'ċirkwit magħluq f'setturi industrijali sħaħ, huma indispensabbli għal ekonomija ċirkolari; jenfasizza wkoll l-importanza tal-istandards, il-mandati għax-xiri, il-kwoti, is-sostenibbiltà u r-riparabbiltà mid-disinn filwaqt li jiġu ffaċilitati r-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid ta' materja prima (kritika) importanti, kif ukoll tal-użu mtejjeb u l-lonġevità tal-prodotti;

16.  Jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni li ħarġet gwida dwar l-akkwist pubbliku u l-isforzi tagħha fil-promozzjoni tar-reċiproċità fl-aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku; jisħaq li l-akkwist pubbliku huwa strument essenzjali għas-sigurtà nazzjonali u ekonomika, il-politika industrijali, soċjali u tas-sostenibbiltà ekoloġika u għall-appoġġ tal-adozzjoni u d-domanda għal prodotti u servizzi; jissottolinja li l-mekkaniżmi tal-akkwist pubbliku għandhom jappoġġjaw aktar it-trasformazzjoni tal-industrija tal-Ewropa billi jrawmu l-produzzjoni ta' prodotti u servizzi ekoinnovattivi, kosteffettivi u sostenibbli, u jżidu d-domanda għal materja prima sekondarja li tirriżulta mill-użu ta' proċessi tal-produzzjoni ċirkolari; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tirrieżamina r-regoli tal-akkwist pubbliku u tal-kompetizzjoni fejn meħtieġ, filwaqt li tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq uniku; ifakkar fl-importanza tal-linji gwida żviluppati mill-Kummissjoni dwar kif l-Istati Membri għandhom jinkludu għanijiet ta' prestazzjoni u kriterji ta' kwalità, kif ukoll il-kriterju tal-Aktar Offerta Ekonomika Vantaġġuża (MEAT), fil-kuntratti mogħtija; jistieden lill-Kummissjoni tissalvagwardja l-aċċess għall-SMEs u tiġġieled kontra l-kriterji tal-akkwist li jistabbilixxu rekwiżiti jew kwalifiki lil hinn mill-elementi ewlenin tas-servizz jew tal-prodotti mixtrija, sabiex l-SMEs ikollhom ċans ġust li jipparteċipaw fis-suq sostanzjali għall-akkwist pubbliku; jitlob li jkun hemm l-ogħla viġilanza fir-rigward tal-akkwist ta' infrastruttura kritika minn atturi mhux Ewropej;

17.  Ifakkar fir-rwol tal-prattiki tal-akkwist sostenibbli fil-prevenzjoni tan-nuqqasijiet tal-mediċina biex jiġu żgurati s-sigurtà tal-provvista u l-investimenti fil-manifattura; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, tappoġġja lill-Istati Membri billi tiżviluppa regoli tal-UE mmirati dwar l-akkwist tal-mediċini, skont id-direttiva attwali dwar l-akkwist pubbliku, bl-għan li jiġu żgurati s-sostenibbiltà fit-tul, il-kompetizzjoni, is-sigurtà tal-provvista u jiġu stimulati investimenti fil-manifattura;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-akkwisti konġunti mnedija matul it-tifqigħa tal-COVID-19, biex tqabbilhom mal-ftehim ta' xiri bil-quddiem, u titgħallem mil-lezzjoni miksuba biex ittejjeb din l-għodda billi tevita kwalunkwe tfixkil tas-suq intern;

19.  Jenfasizza l-importanza li l-edukazzjoni, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid jiġu inklużi fil-perkorsi ta' tranżizzjoni bħala għodod importanti fit-trasformazzjoni tal-industrija tal-UE u fl-isforzi biex tinkiseb produttività ogħla, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol tar-reġjuni fil-proċess ta' rivitalizzazzjoni ekonomika, sabiex jiġi evitat li r-reġjuni jitfaqqru; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġija għall-edukazzjoni vokazzjonali u sħubijiet bejn in-negozji u l-edukazzjoni flimkien mas-sħab soċjali, b'mod partikolari fi ħdan raggruppamenti industrijali reġjonali, biex jagħtu spinta lill-ħiliet u jtejbu l-adozzjoni ta' innovazzjonijiet lesti għas-suq mill-SMEs, u billi jistabbilixxu inċentivi għall-SMEs biex iħarrġu u jtejbu l-ħiliet tal-persunal u tal-ħaddiema tagħhom, speċjalment fil-qasam tal-ħiliet diġitali; jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn ir-R&Ż u l-industrija, speċjalment fil-forma ta' trasferimenti tat-teknoloġija lill-SMEs; jisħaq li l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-opportunitajiet indaqs u l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-intraprenditorija għandhom ikunu żgurati;

20.  Jisħaq fuq l-importanza ta' edukazzjoni proattiva u politiki tat-taħriġ li jrawmu r-reklutaġġ u ż-żamma tat-talent fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw riċerkaturi u għalliema ta' klassi dinjija fl-UE biex imexxu l-aġenda tal-edukazzjoni, tar-riċerka, tal-iżvilupp u tat-taħriġ tal-forza tax-xogħol futura u jtejbu l-kollaborazzjoni bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ, ir-riċerka u s-settur tan-negozju;

21.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri jimplimentaw il-Patt għall-Ħiliet u l-inizjattivi l-oħra tal-Unjoni li għandhom l-għan li joħolqu opportunitajiet ta' taħriġ mill-ġdid u ta' titjib tal-ħiliet għall-forza tax-xogħol, li jgħammru lill-individwi bil-ħiliet meħtieġa li jwasslu għal diversifikazzjoni professjonali u li jindirizzaw in-nuqqas ta' ħaddiema u ta' ħiliet u jħaffu t-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema u tal-persuni qiegħda, speċjalment il-ħaddiema li huma l-aktar vulnerabbli f'termini tat-tranżizzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu implimentati l-inizjattivi mmirati lejn it-tisħiħ taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u l-Ekosistemi Ewropej tal-Innovazzjoni, bil-għan li jinbena suq intern Ewropew b'saħħtu għar-riċerka u l-innovazzjoni;

22.  Jisħaq li l-ħaddiema inqas kwalifikati huma partikolarment vulnerabbli; jisħaq fuq ir-rilevanza tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta f'dan ir-rigward minkejja l-kamp ta' applikazzjoni limitat tiegħu;

23.  Jissottolinja li l-SMEs u n-negozji ġodda qed ikollhom rwol ċentrali fl-ekosistemi industrijali tal-UE, speċjalment fid-diġitalizzazzjoni tal-UE, u huma sors kritiku ta' mudelli ta' negozju u innovazzjoni ta' prodotti sostenbbli u soċjalment responsabbli; jisħaq fuq il-ħtieġa li jittejjeb l-aċċess tagħhom għall-finanzjament nazzjonali u tal-UE, b'mod partikolari f'setturi tradizzjonali fejn id-diġitalizzazzjoni għadha ma ġietx żviluppata; jesprimi dispjaċir għal-lakuna fil-finanzjament għall-intraprendituri kkawżata mill-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali jew l-oriġini; jenfasizza r-rwol tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni biex irawwem ekosistema tan-negozji ġodda u tal-investiment Ewropea li twassal għal aktar iżvilupp ta' innovazzjonijiet ta' teknoloġija profonda, ta' riskju għoli u premju għoli;

24.  Huwa tal-fehma li l-inizjattivi biex jinkiseb id-Deċennju Diġitali se jikkontribwixxu għat-trasformazzjoni diġitali tan-negozji, speċjalment l-SMEs, li għadhom lura meta mqabbla ma' kumpaniji kbar fil-ħiliet diġitali jew fid-diġitalizzazzjoni tal-operat tagħhom;

25.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-ostakli eżistenti fis-suq uniku li qed ixekklu t-tkabbir tal-SMEs u tan-negozji ġodda fl-Ewropa, kif ukoll il-ħtieġa ta' qafas legali u regolatorju mtejjeb u konsegwentement jiġu introdotti politiki favur l-SMEs;

26.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-qafas regolatorju jiġi mmodernizzat u validu għall-futur sabiex jiġu żgurati l-istabbiltà u l-prevedibbiltà regolatorja, li tiffaċilita l-innovazzjoni, l-investimenti, l-approvazzjoni ta' prodotti u servizzi innovattivi, u tippermetti t-trasformazzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet żero netti ta' gassijiet serra u tiżgura l-kompetittività tal-Ewropa u l-impjiegi ta' kwalità għolja, filwaqt li jitqiesu l-aspetti ekonomiċi, ambjentali, tal-ġeneru u soċjali; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi pjanijiet direzzjonali fil-perkorsi ta' tranżizzjoni, b'miri vinkolanti kwantitattivi u kwalitattivi, wara li tikkonkludi valutazzjoni tal-impatt, u biex tnaqqas il-piżijiet amministrattivi bla bżonn għan-negozji Ewropej, speċjalment l-SMEs; jenfasizza l-prinċipju ta' "one in, one out";

27.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattiv bla bżonn, speċjalment għall-SMEs u għan-negozji l-ġodda, filwaqt li jinżammu l-ogħla standards għall-konsumaturi, il-ħaddiema, is-saħħa u l-ħarsien tal-ambjent; jisħaq li l-Ewropa qed tesperjenza żvolta bħala riżultat tal-gwerra Russa ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna u l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk proposti leġiżlattivi ġodda jpoġġux piż regolatorju jew amministrattiv żejjed fuq il-kumpaniji;

28.  Ifakkar fir-rwol li għandha l-amministrazzjoni pubblika biex tiżgura ambjent ekonomiku favur in-negozju u tnaqqas il-piżijiet amministrattivi bla bżonn fuq l-intrapriżi, filwaqt li tiżgura l-ogħla standards ta' trasparenza u ta' sikurezza tal-ħaddiema; jemmen li l-għodod tal-gvern elettroniku, il-politiki tal-innovazzjoni diġitali u t-tisħiħ tal-ħiliet diġitali għandhom jiġu promossi fis-settur pubbliku u fost l-impjegati tiegħu;

29.  Jissottolinja d-dimensjonijiet nazzjonali u reġjonali tal-politika industrijali u r-rwol ta' strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti, b'mod partikolari f'termini ta' impjieg u żvilupp ekonomiku u industrijali tul it-territorju tal-Istati Membri; jistieden, f'dan ir-rigward, biex issir analiżi tal-kisbiet tal-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti bħala pjattaforma għal miżuri futuri fil-livell reġjonali; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' parteċipazzjoni trasparenti tal-partijiet ikkonċernati lokali kollha, inklużi s-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti tal-komunità fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta' tranżizzjoni reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi strumenti biex jiżdied l-użu ta' "Made in EU" f'livell reġjonali;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni tibni fuq ekosistemi reġjonali li jħaddnu l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti tagħhom stess, jgħinu biex jingħelbu d-disparitajiet reġjonali u jinvolvu l-amministrazzjoni pubblika, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, lix-xjenzati, lis-soċjetà ċivili u lill-industrija biex jgħaqqdu l-għarfien tagħhom u joħolqu b'mod konġunt il-kontenut, il-kuntest u l-esperjenzi ta' tagħlim;

31.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali tat-tranżizzjoni industrijali u li jiġu żviluppati miżuri adegwati li jappoġġjaw l-industrijalizzazzjoni mill-ġdid ta' reġjuni fi tranżizzjoni permezz ta' proġetti ta' investiment interreġjonali strateġiċi u permezz ta' pjanijiet għall-iżvilupp mill-ġdid għar-reġjuni vulnerabbli, speċjalment iż-żoni rurali u remoti;

32.  Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' riorjentazzjoni fundamentali tal-politika tal-enerġija Ewropea tagħna b'risposta għall-invażjoni vjolenti tar-Russja fl-Ukrajna; jitlob tnaqqis sinifikanti fid-dipendenza enerġetika tal-UE, speċjalment fuq il-gass, iż-żejt, il-faħam u l-fjuwil nukleari Russi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaċċelleraw il-kapaċitajiet ta' produzzjoni ta' enerġija sostenibbli, affordabbli, sigura u abbundanti ta' enerġija rinnovabbli u tranżitorja b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, u jżidu l-iffrankar tal-enerġija u l-miżuri tal-effiċjenza enerġetika; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja b'mod aktar effettiv l-iżvilupp ta' sorsi tal-enerġija li se jippermettu li jintlaħaq it-tkabbir tad-domanda għall-elettriku u żżid il-koordinazzjoni tal-ippjanar u l-iffinanzjar għall-infrastruttura meħtieġa, b'mod partikolari għall-elettriku, l-enerġija, il-grilji intelliġenti, l-idroġenu, is-CO2 u l-infrastruttura tat-tisħin/tkessiħ;

33.  Jisħaq li l-funzjonament xieraq tal-ekosistema industrijali Ewropea jeħtieġ provvista tal-enerġija stabbli; iwissi fuq il-konsegwenzi dannużi ta' kuntest ta' kontrazzjoni tal-enerġija għall-għodda produttiva; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' sistema ta' koordinazzjoni li tissorvelja sistematikament id-disponibbiltà tal-gass fi żminijiet ta' kriżi sabiex tiffaċilita strateġiji Ewropej komuni ħalli tiġi ttrattata l-kriżi;

34.  Jindika l-fatt li t-tisħin u t-tkessiħ tal-proċessi jibqgħu wieħed mill-aktar użi sinifikanti ta' enerġija fis-settur industrijali; jissottolinja li, biex jitħaffef it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra fl-industrija, il-potenzjali tal-effiċjenza enerġetika fit-tisħin u t-tkessiħ industrijali jeħtieġ li jiġu sfruttati bis-sħiħ; jisħaq fuq il-ħtieġa li jsir użu aħjar tas-sħana u l-kesħa mormija inevitabbli, kif ukoll raggruppamenti u simbjożi industrijali li joffru sinerġiji sinifikanti u potenzjali ta' ffrankar tal-enerġija f'ħafna setturi, inklużi t-tessuti, is-sustanzi kimiċi, l-ipproċessar tal-ikel u l-makkinarju;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha f'li tillibera l-potenzjal tal-bijoekonomija ċirkolari, fejn jintużaw riżorsi sostenibbli u rinnovabbli biex jippromwovu industriji kompetittivi u reżiljenti fuq terminu twil; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-użu tal-iskart tal-bijomassa jista' jissostitwixxi b'mod effettiv il-fjuwils fossili, filwaqt li jippermetti li titnaqqas l-impronta tas-CO2; iħeġġeġ, għalhekk, lill-awtoritajiet tal-UE, nazzjonali u lokali, jinkoraġġixxu tali approċċ ċirkolari fil-politiki kollha;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jnaqqsu ż-żmien meħtieġ biex joħorġu l-permessi b'mod sostanzjali u joħolqu proċeduri ta' awtorizzazzjoni mgħaġġla għall-infrastruttura li tappoġġja l-industrija fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari newtrali għall-klima, mingħajr preġudizzju għat-trasparenza, il-leġittimità u l-legalità tal-proċeduri eżistenti; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li jiġi żviluppat pedament tal-idroġenu fl-Ewropa, li jiġu żviluppati aktar l-interkonnessjonijiet madwar il-kontinent tagħna u li jiġi appoġġjat l-użu mifrux ta' teknoloġiji li jiffrankaw l-enerġija bħall-installazzjoni ta' faċilitajiet lokali ta' ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli effiċjenti ħafna u l-koġenerazzjoni, b'mod partikolari għall-SMEs;

37.  Itenni l-ħtieġa ta' qafas abilitanti għall-iżvilupp ta' mobilità sostenibbli u appoġġ għall-akkoppjament tas-setturi;

38.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-programmi u l-istrumenti tar-RŻI, l-infrastruttura u dawk diġitali kollha tal-UE b'mod intelliġenti u selettiv, inklużi proġetti importanti ta' interess Ewropew komuni biex jiġu mmirati l-fallimenti tas-suq, u l-alleanzi industrijali, kif ukoll l-infrastrutturi tat-teknoloġija biex jittestjaw, jivvalidaw u jtejbu s-soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda, b'mod partikolari dawk li jiżviluppaw it-teknoloġiji innovattivi rivoluzzjonarji meħtieġa għat-tranżizzjonijiet doppji, b'mod partikolari dawk relatati mal-produzzjoni tal-enerġija, il-fjuwils u t-teknoloġiji abilitanti ewlenin, u għall-implimentazzjoni ta' ekonomija ċirkolari effiċjenti, bħall-azzar nadif, l-avjazzjoni nadifa, l-fjuwils elettroniċi, il-fertilizzanti nodfa, u l-e-cracking;

39.  Jisħaq li valutazzjoni rapida ta' proġetti importanti ta' applikazzjonijiet ta' interess Ewropew komuni (IPCEI) mill-Kummissjoni hija kruċjali għar-reżiljenza tal-industrija Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi linji gwida ċari, effettivi, sempliċi u komprensivi rigward l-IPCEIs; itenni l-importanza tat-tnaqqis tar-riskju tal-finanzjament, bħal permezz ta' InvestEU jew il-Fond għall-Innovazzjoni, li huwa essenzjali għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-manifattura tal-UE f'setturi strateġiċi ewlenin, bħall-industrija solari, li jippermettulha terġa' tibni bażi ta' manifattura Ewropea solida;

40.  Jenfasizza l-potenzjal kbir tal-Kuntratti għad-Differenza tal-Karbonju (CCfDs) bħala strument vitali biex jiskatta t-tnaqqis tal-emissjonijiet u jnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili fl-industrija; iqis l-importanza tagħhom b'mod partikolari għas-setturi li diffiċli jitrażżnu, għat-titjib tat-teknoloġiji u għall-appoġġ tad-diffużjoni tagħhom fi ħdan is-setturi; jenfasizza li s-CCfDs għandhom ikunu proporzjonati, f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE, konformi mad-WTO u m'għandhomx iwasslu għal distorsjonijiet bla bżonn tas-suq intern tal-UE;

41.  Jilqa' l-analiżi tal-Kummissjoni dwar id-dipendenzi u l-kapaċitajiet strateġiċi f'konformità mal-għan ta' awtonomija strateġika; jistieden lill-Kummissjoni tiffinalizza l-pjanijiet direzzjonali tal-analiżi u t-teknoloġija industrijali mill-aktar fis possibbli u tipproponi azzjonijiet biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-prodotti kritiċi identifikati, inkluż ir-riċiklaġġ u l-azzjonijiet ta' effiċjenza fir-riżorsi, u l-provvisti, inklużi l-fornituri tal-enerġija; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat l-aċċess mhux interrott ta' tagħmir mediku u tal-kura tas-saħħa essenzjali għas-suq komuni tal-UE, wara l-esperjenza miksuba min-nuqqasijiet inizjali fil-bidu tal-pandemija tal-COVID-19; jenfasizza l-ħtieġa ta' strateġija bbażata fuq analiżi aktar fil-fond tad-dipendenzi reċiproċi sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE fil-ktajjen tal-valur kritiċi u fil-manifattura; filwaqt li tibqa' impenjata favur il-multilateraliżmu u l-kummerċ ħieles;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ olistiku tal-katina tal-valur meta tanalizza d-dipendenzi strateġiċi madwar l-14-il ekosistema industrijali kritiċi li identifikat fir-Rapport Annwali tagħha dwar is-Suq Uniku tal-2021; jirrakkomanda li dawn l-eżamijiet fil-fond jiġu estiżi għas-setturi kollha meqjusa bħala strateġiċi; jitlob lill-Kummissjoni tqis l-impatt tal-miżuri ekstraterritorjali meħuda minn pajjiżi mhux tal-UE fuq l-industriji tagħha, b'mod partikolari f'termini ta' kontrolli tal-esportazzjoni; jirrimarka li sabiex jiġi evitat li jinħolqu dipendenzi u vulnerabbiltajiet ġodda, l-Istrateġija Industrijali l-Ġdida Aġġornata għandha tkun immexxija minn riżorsi u kapaċitajiet teknoloġiċi Ewropej;

43.  Jissottolinja li r-riċiklaġġ għandu jkollu rwol kritiku fiż-żieda tal-provvista ta' materja prima u sekondarja, u b'hekk titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq importazzjonijiet minn pajjiżi mhux tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġja miżuri biex tillimita ż-żieda fid-domanda għall-materja prima primarja bħall-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari, l-appoġġ tar-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) għal sostituzzjonijiet materjali, inklużi provvisti sostenibbli fi ftehimiet kummerċjali, u permezz ta' sħubijiet għall-materja prima;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni twessa' l-ambitu tal-Osservatorju tat-Teknoloġiji Kritiċi biex jinkludi l-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar kontinwi tal-indikaturi tar-reżiljenza għall-industriji tal-UE, bħal dipendenzi reċiproċi f'teknoloġiji ewlenin, kapaċitajiet tal-manifattura, sistemi ta' twissija bikrija għal qtugħ potenzjali, dipendenzi strateġiċi u sussidji barranin f'setturi strateġiċi;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu inċentivi ad hoc għal investimenti fil-produzzjoni ta' oġġetti kritiċi, bħal mediċini essenzjali, biex tikseb l-awtonomija strateġika miftuħa tagħha, kif ukoll għall-manifattura ta' teknoloġija fid-dawl ta' kwalunkwe tip ta' kriżi, inkluża gwerra, filwaqt li jkun hemm ktajjen tal-provvista reżiljenti fit-tul;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-miżuri proposti fl-Istrateġija Farmaċewtika tal-UE jiżguraw ir-rwol tal-UE bħala innovatur fir-R&Ż, kif ukoll jiggarantixxu l-kompetittività jipprovdu provvisti affidabbli u aċċessibbli ekonomikament, aċċess għal mediċini moderni u li jkomplu jistimulaw l-innovazzjoni u l-investiment fir-R&Ż; jinnota li l-attrazzjoni ta' industrija farmaċewtika bbażata fuq ir-riċerka b'saħħitha lejn l-UE tappoġġja wkoll ir-reżiljenza tal-UE; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu appoġġjati investimenti ddedikati fir-R&I, il-manifattura tal-mediċini u l-ingredjenti attivi fl-UE u billi jinżammu faċilitajiet vibranti bbażati fuq ir-riċerka u tal-produzzjoni fit-territorju tagħha;

47.  Jinsab imħasseb ħafna dwar il-kompetizzjoni inġusta, l-investimenti u t-teħid ta' kontroll minn kumpaniji ffinanzjati mill-Istat mhux tal-UE fis-suq uniku, speċjalment f'setturi strateġiċi, bħall-provvista tal-enerġija meħtieġa biex jiġu żgurati l-indipendenza u s-sigurtà tal-enerġija tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza din l-interferenza, biex tiggarantixxi kundizzjonijiet ekwi, speċjalment għall-SMEs, biex jiġu żviluppati miżuri xierqa u legalment sodi biex tiġi evitata l-interferenza, filwaqt li, b'mod ġenerali, jiġi żgurat li l-qafas stabbilit sew tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE ma jiġix imminat u li l-kompetizzjoni ġusta tiġi promossa fost il-kumpaniji mhux tal-UE u tal-UE li joperaw fis-suq uniku tal-UE bl-istess mod;

48.  Jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni biex jiġi żgurat trattament ugwali bejn il-kumpaniji Ewropej u dawk mhux Ewropej; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi ppreservata l-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej fl-esportazzjoni fil-qafas ta' dawn il-proposti;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni, bil-ħsieb tar-rieżami li jmiss, twessa' l-kamp ta' applikazzjoni u d-definizzjonijiet tal-qafas għall-investiment barrani dirett biex tindirizza l-effett tas-sussidji barranin fuq is-sigurtà ekonomika fl-UE u tat-trasferimenti tat-teknoloġija minn kumpaniji tal-UE f'pajjiżi li mhumiex fl-UE f'setturi strateġiċi;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi t-trasferiment ta' teknoloġiji ambjentali lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni ekoloġika fuq skala globali;

51.  Jinsab imħasseb dwar id-dipendenza dejjem tikber fuq produtturi mhux tal-UE għal tagħmir tas-sigurtà f'partijiet vitali u sensittivi tas-soċjetà tagħna, bħas-sigurtà (tal-fruntiera, ċibernetika u tad-difiża); jisħaq fuq il-ħtieġa li t-teknoloġija u t-tagħmir tas-sigurtà jiġu deżinjati bħala settur strateġiku; jitlob li jkun hemm pjan ta' azzjoni biex tingħata spinta lil din l-industrija tal-UE, inkluż permezz ta' regoli adattati dwar l-akkwist pubbliku;

52.  Jenfasizza l-konklużjonijiet tar-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar id-dewmien fl-implimentazzjoni tan-networks 5G u r-riskji assoċjati mal-bejjiegħa mhux fl-UE(12); jistieden lill-Kummissjoni tistimula introduzzjoni koordinata tal-5G fl-UE u tnaqqas ir-riskji tad-dipendenzi esterni u l-interferenzi fit-teknoloġija tal-komunikazzjoni tal-5G u 6G permezz ta' appoġġ ikkoordinat biex l-atturi Ewropej ikunu jistgħu jibnu l-kapaċitajiet ta' R&Ż għas-sistemi 6G u jiżviluppaw swieq ewlenin għall-infrastruttura 5G bħala bażi għat-trasformazzjonijiet diġitali u ekoloġiċi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura livell adegwat ta' kompetittività fil-qasam tat-teknoloġiji 5G filwaqt li tiggarantixxi s-sigurtà tan-networks 5G;

53.  Jenfasizza li l-industriji u s-setturi kulturali u kreattivi huma ċentrali għall-moviment Bauhaus Ewropew Ġdid li se jkun inizjattiva kruċjali; jinnota li s-setturi kulturali u kreattivi huma l-forza li tmexxi l-innovazzjoni u l-iżvilupp fl-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa qafas ta' politika industrijali komprensiv, koerenti u fit-tul għas-setturi kulturali u kreattivi;

54.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar Att dwar id-Data u l-iżvilupp ta' inizjattiva Ewropea komuni dwar l-ispazji tad-data; jissottolinja r-rwol li l-ispazji tad-data interoperabbli, kompetittivi u madwar l-Ewropa kollha se jkollhom għal diversi setturi industrijali, inkluż l-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali, il-mobilità, l-ambjent, is-saħħa u l-manifattura intelliġenti; jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ differenzjat li jqis il-karatteristiċi ta' kull settur; jemmen li r-rwol ewlieni ta' kumpaniji mhux tal-UE jew mhux taż-Żona Ekonomika Ewropea fl-inizjattivi tal-ispazji tad-data tal-UE jista' jnaqqas l-għan li tissaħħaħ is-sovranità teknoloġika tal-UE; jisħaq fuq l-importanza tal-ekonomija tad-data u jitlob lill-Kummissjoni taċċellera l-inizjattivi kollha relatati mad-data u tappoġġja l-emerġenza ta' ekosistema tal-ispazju tad-data Ewropea bbażata fuq l-affidabbiltà, il-kompetittività u l-interoperabbiltà, u trawwem il-ħolqien ta' infrastrutturi Ewropej kondiviżi biex tiffaċilita l-użu u l-iskambju tad-data bejn is-setturi industrijali, issaħħaħ l-ekosistemi tad-data, tal-cloud u tal-edge u ssaħħaħ l-investimenti fil-komunikazzjonijiet b'veloċità għolja; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza taċ-ċertezza legali li hija essenzjali għall-kapaċità innovattiva tal-kumpaniji tal-UE;

55.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata r-reżiljenza tan-networks tal-komunikazzjoni u s-sigurtà tal-ispazji tad-data, u b'hekk jiġi inkoraġġit il-varar rapidu tan-networks tal-fibra li jistgħu jiżguraw perkorsiiet multipli u reżistenza għal attakki fiżiċi u ċibernetiċi;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li t-tranżizzjoni diġitali tagħmel użu mill-metodi l-aktar avvanzati u mill-aħjar prattiki biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, il-kumplessitajiet komputazzjonali, tiżdied l-effiċjenza enerġetika u l-effiċjenza tad-data tas-sistemi f'użu produttiv; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa ta' metodu li jinkludi valutazzjoni tas-sostenibbiltà ambjentali fit-tranżizzjoni diġitali, inkluż dwar l-użu tal-enerġija, tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-prodotti u s-sistemi;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi miżuri biex tipprevjeni s-sjieda mhux mill-UE tal-korpi notifikati tal-UE, li huma nnominati minn pajjiż tal-UE biex jivvalutaw il-konformità ta' ċerti prodotti qabel jitqiegħdu fis-suq;

58.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni għal strateġija tal-istandardizzazzjoni Ewropea li għandha l-għan li tappoġġja t-trasformazzjoni diġitali u t-tranżizzjoni ekoloġika, u jikkondividi l-ambizzjoni biex jittieħed approċċ aktar proattiv lejn l-istabbiliment tal-istrateġiji għall-istandards inkluż fil-livell internazzjonali ma' sħab kummerċjali ewlenin;

59.  Jinnota li, sabiex tinkiseb awtonomija strateġika, l-UE teħtieġ tiżviluppa l-kapaċitajiet ta' difiża tagħha; jisħaq fuq l-importanza li tiġi pprovduta direzzjoni politika u jiġu żviluppati programmi pubbliċi ambizzjużi biex jiġu appoġġjati u tingħata spinta lill-investimenti fl-industriji tal-ispazju u tad-difiża; jemmen li huwa ta' importanza kbira li jiġi operazzjonalizzat suq Ewropew tat-tagħmir tad-difiża affidabbli, modest u effiċjenti li jinkludi grad għoli ta' sovranità teknoloġika;

60.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 97, 28.2.2022, p. 43.
(2) ĠU C 270, 7.7.2021, p. 2.
(3) ĠU C 316, 6.8.2021, p. 2.
(4) ĠU C 425, 20.10.2021, p. 43.
(5) ĠU C 445, 29.10.2021, p. 2.
(6) ĠU C 465, 17.11.2021, p. 11.
(7) ĠU C 15, 12.1.2022, p. 56.
(8) ĠU C 15, 12.1.2022, p. 45.
(9) ĠU C 224, 8.6.2022, p. 22.
(10) ĠU C 238, 6.7.2018, p. 28.
(11) Rapport Speċjali 02/2022 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri: "Effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi. Iffrankar tal-enerġija, iżda hemm dgħufijiet fl-ippjanar u fl-għażla tal-proġetti" https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR22_02/SR_Energy-effic-enterpr_MT.pdf
(12) Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, "Rapport Speċjali 03/2022: Tnedija tal-5G fl-UE: dewmien fl-introduzzjoni tan-networks, u problemi ta' sigurtà jibqgħu mhux solvuti", Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2022.


Il-konsegwenzi tan-nixfiet, tan-nirien u ta' fenomeni meteoroloġiċi estremi oħra: żieda tal-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra it-tibdil fil-klima
PDF 221kWORD 74k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2022 dwar il-konsegwenzi tan-nixfiet, tan-nirien u ta' fenomeni meteoroloġiċi estremi oħra: żieda tal-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima (2022/2829(RSP))
P9_TA(2022)0330RC-B9-0384/2022

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Jannar 2020 dwar l-istess suġġett(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 ("il-Liġi Ewropea dwar il-Klima")(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 intitolata "Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna" (COM(2020)0380) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-9 ta' Ġunju 2021 dwar l-istess suġġett(4),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent" (COM(2020)0381), u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2021 dwar l-istess suġġett(5),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), u b'mod partikolari l-Ftehim ta' Pariġi tal-2015 tagħha, li daħal fis-seħħ fl-4 ta' Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-2021 dwar in-Nixfa fil-qafas tar-Rapport ta' Valutazzjoni Globali dwar it-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri (GAR) mill-Uffiċċju tan-NU għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU li ġew miftiehma fl-2015, b'mod partikolari l-għan 15,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU għall-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni (UNCCD),

–  wara li kkunsidra l-edizzjoni speċjali tal-2021 tal-Global Wetland Outlook ippubblikata mis-Segretarjat tal-Konvenzjoni dwar l-Artijiet Mistagħdra,

–  wara li kkunsidra r-rapport taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni intitolat "Drought in Europe - August 2022" (In-Nixfa fl-Ewropa - Awwissu 2022),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2021 bit-titolu "L-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Foresti għall-2030" (COM(2021)0572),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 – Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna" (COM(2020)0380),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' valutazzjoni globali tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-servizzi Ekosistemiċi ta' Mejju 2019 dwar il-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima(6),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Novembru 2021 intitolata "Strateġija tal-UE dwar il-Ħamrija għall-2030: Ingawdu l-benefiċċji ta' ħamrija b'saħħitha għan-nies, l-ikel, in-natura u l-klima" (COM(2021)0699) u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2021 dwar il-protezzjoni tal-ħamrija(7),

–  wara li kkunsidra l-Karta Ewropea dwar ir-Riżorsi tal-Ilma,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) bit-titolu "Climate Change 2022: Impacts, Adaptation and Vulnerability" (Tibdil fil-Klima 2022: Impatti, Adattament u Vulnerabbiltà),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 64/292 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-28 ta' Lulju 2010 li tirrikonoxxi d-dritt tal-bniedem għall-ilma u s-sanità,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar is-segwitu għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "Right2Water"(8),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) Nru 17/2020 intitolat "Water and agriculture: Towards sustainable solutions" (L-ilma u l-agrikoltura: lejn soluzzjonijiet sostenibbli),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Istitut Dinji tar-Riżorsi tal-21 ta' Jannar 2020 intitolat "Achieving Abundance: Understanding the Cost of a Sustainable Water Future" (Kisba tal-abbundanza: nifhmu l-ispiża ta' futur idriku sostenibbli),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-EEA tal-14 ta' Ottubru 2021 intitolat "Water resources across Europe – confronting water stress: an updated assessment", (Ir-riżorsi tal-ilma madwar l-Ewropa – niffaċċjaw l-istress idriku: valutazzjoni aġġornata),

–  wara li kkunsidra l-Kontroll tal-Idoneità tal-2019 għad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma tal-Kummissjoni, id-Direttiva dwar l-Ilma ta' Taħt l-Art, id-Direttiva dwar l-Istandards tal-Kwalità Ambjentali u d-Direttiva dwar l-Għargħar (SWD(2019)0439),

–  wara li kkunsidra r-rapporti ta' valutazzjoni u r-rapporti speċjali tal-IPCC,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Frar 2021 bit-titolu "Insawru Ewropa reżiljenti għall-klima – L-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima" (COM(2021)0082),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi(9) (ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta' Koeżjoni(10),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea(11) (FSUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi skont l-Osservatorju Ewropew tan-Nixfa, f'Awwissu 2022, 64 % tal-kontinent kien taħt twissija ta' nixfa (bi 17 % taħt twissija ta' nixfa); billi d-data preliminari tissuġġerixxi li n-nixfa attwali hija l-agħar li qatt kienet minn 500 sena 'l hawn; billi t-temperatura medja madwar l-Ewropa fl-2022 kienet l-ogħla rekord kemm f'Awwissu kif ukoll fil-perjodu Ġunju-Awwissu(12); billi huwa mbassar li l-kundizzjonijiet aktar xotti min-normal se jippersistu fix-xhur li ġejjin f'partijiet kbar tal-Ewropa, u billi l-mewġiet tas-sħana u n-nixfa jirrinforzaw lil xulxin;

B.  billi skont l-IPCC, huwa ċar li l-kriżi klimatika toħloq avvenimenti klimatiċi estremi bħall-għargħar, maltempati u sħana aktar frekwenti u aktar intensi, li jfisser li l-preċipitazzjoni u l-maltempati qed jiżdiedu, il-mewġiet tas-sħana qed jisħnu u n-nixfiet qed jitwalu u jsiru aktar gravi;

C.  billi l-kriżi klimatika diġà qed ikollha effetti drammatiċi fuq l-ekosistemi, il-popolazzjonijiet tal-bniedem u l-għajxien tan-nies; billi skont l-IPCC, il-kontinent Ewropew qed jisħon b'rata aktar mgħaġġla minn partijiet oħra tad-dinja, b'żieda fit-temperatura ta' 2  C fl-2019 meta mqabbla mal-era preindustrijali, filwaqt li ż-żieda fit-temperatura medja globali hi ta' 1.1  C; billi n-nixfa rekord ta' din is-sena hija l-aktar waħda reċenti f'sensiela ta' eventi klimatiċi estremi li qed isiru n-normalità l-ġdida u li qed jiżdiedu fil-volum u fil-kobor; billi, hekk kif iċ-ċiklu tal-ilma qed jintensifika bit-tibdil fil-klima, se jkun hemm nixfiet, maltempati u għargħar aktar frekwenti u intensi;

D.  billi hija meħtieġa azzjoni urġenti biex it-tibdil fil-klima jiġi mmitigat billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra f'konformità mal-aqwa xjenza disponibbli u flimkien ma' żieda sinifikanti fl-azzjonijiet dwar l-adattament u r-reżiljenza fis-setturi kollha sabiex jitnaqqsu u jiġu kkontrollati l-impatti fuq terminu qasir, medju u twil fuq l-ekonomija, l-ambjent u l-benesseri u s-saħħa;

E.  billi l-Istitut Dinji tar-Riżorsi sab li sitt pajjiżi tal-UE (Ċipru, il-Belġju, il-Greċja, Spanja, il-Portugall u l-Italja) jiffaċċjaw livelli għoljin ta' stress idriku, u jbassar li sal-2030 se jkun hemm distakk ta' 56 % bejn id-domanda u l-provvista globali tal-ilma rinnovabbli(13); billi l-EEA tistma li l-istress fuq l-ilma diġà jaffettwa 20 % tat-territorju Ewropew u 30 % tal-popolazzjoni tiegħu, u jistma li l-ispiża tan-nixfiet fl-Ewropa hija bejn EUR 2 biljun u EUR 9 biljun fis-sena(14);

F.  billi t-tibdil fil-klima biddel ix-xejriet tar-riħ u tat-temp tal-Ewropa b'tali mod li s-sistemi ta' pressjoni għolja jippersistu, u dan irriżulta f'perjodi twal bi ftit jew xejn xita, u wassal għal staġuni tat-tkabbir tal-għelejjel li huma aktar xotti; billi t-tira tikkontribwixxi għar-riforniment tal-ilma ta' taħt l-art, l-istruttura tal-ħamrija u l-bijota, it-temperaturi tal-ħamrija, u n-nuqqasijiet tal-ilma jwasslu għall-erożjoni tal-ħamrija u jnaqqsu l-produzzjoni tal-għelejjel fost l-oħrajn; billi l-anomaliji tat-tira għadhom ferm negattivi fil-biċċa l-kbira tal-Ewropa minħabba n-nuqqas ta' xita u l-mewġiet ta' sħana li seħħew f'dawn l-aħħar xhur, meta mqabbla ma' Ġunju 2022;

G.  billi l-previżjonijiet tar-rendiment tal-UE għall-qamħirrum, il-fażola tas-sojja u l-fjuri tal-ġirasol huma l-aktar milquta, bi tnaqqis – meta mqabbel mal-medja għal dawn l-aħħar ħames snin – li huwa stmat għal rispettivament, -16 %, -15 %, -12 %; billi għelejjel oħra x'aktarx li jiġu affettwati ħafna, speċjalment l-għalf; billi s-severità tal-impatti tan-nixfiet u tal-mewġiet tas-sħana fuq il-produzzjoni agrikola bejn wieħed u ieħor ittripplat matul dawn l-aħħar 50 sena(15); billi dawn il-livelli ta' produzzjoni aktar baxxi huma ta' tħassib partikolari minħabba l-konsegwenzi tal-kunflitt li għaddej fl-Ukrajna fuq is-suq tal-ikel u tal-għalf;

H.  billi l-prattiki agrikoli mhux sostenibbli, id-deforestazzjoni u l-urbanizzazzjoni intensiva jaggravaw kemm ir-riskju li jseħħu d-diżastri naturali, kif ukoll is-severità tagħhom;

I.  billi skont l-aħħar Atlas Dinji ta' Deżertifikazzjoni aktar minn 75 % tal-erja tal-art tad-Dinja diġà hija degradata u aktar minn 90 % tista' tiddegrada sal-2050; billi fil-livell tal-UE d-deżertifikazzjoni taffettwa 8 % tat-territorju, l-aktar fl-Ewropa tan-Nofsinhar, tal-Lvant u Ċentrali u tkopri 14-il miljun ettaru; billi 13-il Stat Membru ddikjaraw lilhom infushom affettwati mid-deżertifikazzjoni skont il-UNCCD; billi d-deżertifikazzjoni hija xprunata fost l-oħrajn mill-erożjoni tal-ħamrija, ir-ragħa żejjed u t-telf tal-kopertura tal-veġetazzjoni speċjalment is-siġar, is-salinizzazzjoni, it-telf tal-materja organika tal-ħamrija u l-bijota u d-degradazzjoni tal-bijodiversità; billi fl-2015, l-UE u l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jiksbu n-newtralità fir-rigward tad-degradazzjoni tal-art fl-UE sal-2030;

J.  billi d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (WFD)(16) tiddikjara fl-Artikolu 4(1) li "l-Istati Membri jridu jipproteġu, jiżviluppaw u jsaħħu l-korpi kollha tal-ilma ta' taħt l-art, jiżguraw bilanċ bejn estrazzjoni u charge mill-ġdid tal-ilma ta' taħt l-art, bil-mira għal ksib ta' stat tajjeb tal-ilma ta' taħt l-art mhux aktar tard minn 15-il sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva"; billi 22 sena wara, 40 % biss tal-lagi, l-estwarji, ix-xmajjar u l-ilmijiet kostali mmonitorjati jinsabu fi status ekoloġiku "tajjeb" jew "tajjeb ħafna" meħtieġ mid-WFD; billi l-kontroll tal-idoneità skont id-WFD wera li kważi 50 % tal-korpi tal-ilma huma koperti minn eżenzjoni, li mhuwiex stat sodisfaċenti; billi fil-passat ġew implimentati prattiki u miżuri ta' ġestjoni ħżiena, b'impatt devastanti fuq iż-żamma tal-ilma tal-ħamrija, bħal: l-iddrittar tax-xmajjar u/jew l-użu tal-konkrit fil-qigħan tax-xmajjar, l-intensifikazzjoni tal-użu tal-art, u t-tnixxif tal-għadajjar u tal-artijiet mistagħdra;

K.  billi l-ilma huwa komponent essenzjali fiċ-ċiklu tal-ikel; billi huwa neċessarju li l-ilmijiet ta' taħt l-art u tal-wiċċ ikunu ta' kwalità tajba u disponibbli fi kwantitajiet suffiċjenti biex tinkiseb sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa, sostenibbli u li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent kif deskritta fl-istrateġija mill-Għalqa sal-Platt; billi ilma nadif u suffiċjenti huwa essenzjali għall-implimentazzjoni u l-kisba ta' ekonomija ċirkolari reali fl-UE; billi r-Regolament dwar il-Pjanijiet Strateġiċi(17) tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) jistabbilixxi l-objettiv li jitrawwem l-iżvilupp sostenibbli u l-ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi naturali bħall-ilma, il-ħamrija u l-arja, inkluż billi titnaqqas id-dipendenza fuq is-sustanzi kimiċi;

L.  billi l-agrikoltura tiddependi fuq id-disponibbiltà tal-ilma; billi l-irrigazzjoni tgħin biex tipproteġi lill-bdiewa mill-varjabbiltà tal-klima u żżid ir-rendimenti, iżda tpoġġi wkoll pressjoni sinifikanti fuq ir-riżorsi tal-ilma; billi fl-2016 6 %(18) biss tal-art agrikola tal-UE ġiet irranġata iżda dan ammonti għal 24 % tal-astrazzjoni tal-ilma kollha tal-UE; billi skont ir-rapport speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu sostenibbli tal-ilma fl-agrikoltura, l-implimentazzjoni tal-PAK ma ġietx allinjata b'mod konsistenti mal-politika tal-UE dwar l-ilma, u n-nuqqas ta' titjib f'dan il-qasam jista' jwassal għal żieda fil-pressjoni fuq ir-riżorsi tal-ilma;

M.  billi l-PAK il-ġdida, li se tidħol fis-seħħ fl-2023, tirrestrinġi l-investimenti għat-tkabbir tal-uċuħ irrigati f'żoni fejn l-istatus tal-korpi tal-ilma huwa "inqas minn tajjeb";

N.  billi l-astrazzjoni tal-ilma minn ilma miftuħ u ilma ta' taħt l-art għax-xorb, l-industrija u l-agrikoltura, aggravata b'temperaturi estremament għoljin u nuqqas ta' xita, tfisser aktar konċentrazzjonijiet ta' sustanzi niġġiesa u nutrijenti u b'hekk inċidenzi ta' proliferazzjoni ta' algi u patoġeni tossiċi, kif esperjenzat fis-sistemi tax-xmajjar, l-estwarji u l-korpi tal-ilma tal-Ewropa, li jirriżultaw f'imwiet tal-massa tal-ilma ħelu u l-qtil tal-ħut u l-kollass tas-sajd u l-għejbien ta' għajxien; billi t-temperaturi għoljin tal-ilma jnaqqsu wkoll il-kontenut tal-ossiġenu b'impatti drammatiċi fuq il-ħut; billi t-tnaqqis tal-fluss tax-xmajjar flimkien mat-tħammil, jirrilaxxa tossini kkonċentrati li akkumulaw fis-sedimenti, b'riperkussjonijiet sinifikanti fuq il-ħajja akkwatika u s-sajd downstream;

O.  billi 60 % tal-baċini tax-xmajjar jinsabu f'reġjuni transnazzjonali, li jrendi kruċjali l-kooperazzjoni transfruntiera effettiva; billi 20 pajjiż Ewropew jiddependu minn pajjiżi oħra għal aktar minn 10 % tar-riżorsi tal-ilma tagħhom, u 75 % tar-riżorsi ta' ħames pajjiżi jaslu għandhom minn barra l-pajjiż permezz tax-xmajjar(19); billi nuqqas ta' konformità mad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi(20) fir-reġjuni tal-fruntiera jikkawża deterjorament tal-korpi tal-ilma transfruntiera, li jagħmilha impossibbli li jintlaħqu l-għanijiet tad-WFD fl-Istat Membru riċevitur; billi filwaqt li l-WFD semmiet "ekoreġjuni rilevanti", fil-prattika l-kooperazzjoni dwar l-ilma hija dgħajfa; billi minħabba l-iskarsezza tar-riżorsi, il-kumplessità idropolitika tal-baċiri kondiviżi hija mistennija li tiżdied;

P.  billi r-riżorsi tal-ilma rinnovabbli per capita naqsu bi 17 % fl-UE matul dawn l-aħħar 60 sena; billi diversi pajjiżi tal-UE kellhom jirrazzjonaw l-ilma tax-xorb f'dawn l-aħħar xhur minħabba n-nixfa, b'pereżempju, komunitajiet li qed ikollhom jiddependu fuq l-ilma tax-xorb ikkonsenjat mit-trakkijiet; billi t-tnixxijiet tal-ilma jammontaw għal 24 % tal-ilma totali kkunsmat fl-Unjoni;

Q.  billi bejn 20 u 40 % tal-ilma disponibbli fl-Ewropa jinħela minħabba, fost fatturi oħra, tnixxijiet fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-ilma, installazzjonijiet insuffiċjenti ta' teknoloġiji li jiffrankaw l-ilma, attivitajiet ta' irrigazzjoni eċċessivi u mhux meħtieġa u viti tal-ilma li jqattru;

R.  billi l-flussi annwali tax-xmajjar qed jonqsu fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Ewropa u qed jiżdiedu fit-Tramuntana u fil-Grigal tal-Ewropa; billi l-ġenerazzjoni tal-enerġija idroelettrika u s-sistemi tat-tkessiħ tal-impjanti tal-enerġija qed jiġu affettwati b'mod sever; billi l-proġett ta' Adaptive Management of Barriers in European Rivers (AMBER) (Ġestjoni Adattiva tal-Ostakli fix-Xmajjar Ewropej) wera li x-xmajjar tal-Ewropa huma mblukkati b'aktar minn miljun ostaklu, li 85 % jew aktar minnhom huma strutturi żgħar f'kundizzjoni ħażina jew inattivi; billi l-ostakli kollha għandhom impatt fuq is-saħħa tax-xmajjar u ċ-ċiklu tal-ilma, u b'hekk ibiddlu l-fluss naturali ta' xmara u jimblukkaw ir-rotot migratorji tal-ħut;

S.  billi l-livelli u l-volumi mnaqqsa tal-ilma kellhom impatti severi fis-setturi bbażati fuq l-enerġija fossili, nukleari u idro u fuq is-sistemi tat-tkessiħ; billi n-nixfa ta' dan is-sajf aggravat il-pressjonijiet severi fis-suq tal-enerġija li l-Ewropa qed tesperjenza; billi l-impatti sussegwenti jistgħu jaffettwaw aktar l-ekosistemi akkwatiċi li diġà qed jitħabtu ma' mewġiet ta' sħana;

T.  billi ħafna attivitajiet turistiċi huma dipendenti fuq ix-xmajjar; billi n-nuqqas ta' ilma attwalment jaffettwa 17 % tat-territorju tal-UE, filwaqt li s-sitwazzjoni hija aktar inkwetanti madwar il-Mediterran fejn madwar 50 % tal-popolazzjoni tgħix taħt stress idriku kostanti matul is-sajf, u ħafna attrazzjonijiet turistiċi kellhom jissospendu l-attivitajiet kummerċjali tagħhom minħabba n-nixfa;

U.  billi n-nuqqas ta' xita u l-irtirar massiv tal-ilma għall-irrigazzjoni kellhom impatt fuq it-trasport fuq ix-xmajjar, u ġġeneraw diffikultajiet fil-provvista ta' materjali tqal, b'mod partikolari fil-wied tar-Renu, u dan għandu impatt negattiv fuq ħafna setturi ta' attività; billi l-passaġġi fuq l-ilma interni Ewropej ewlenin, b'mod partikolari r-Renu, id-Danubju u l-Po, esperjenzaw livelli estremament baxxi, b'impatti fuq l-agrikoltura, l-ilma tax-xorb, l-ekosistemi u l-kummerċ;

V.  billi l-foresti huma dejjem aktar vulnerabbli għall-impatti tat-tibdil fil-klima, b'mod partikolari permezz ta' prevalenza dejjem tiżdied tan-nirien fil-foresti; billi snin ta' nixfa u degradazzjoni ħolqu kundizzjonijiet ideali biex jinfirxu n-nirien fil-foresti; billi l-Ewropa qed tesperjenza nirien fil-foresti ta' proporzjonijiet drammatiċi;

W.  billi aktar minn 5 miljun ettaru ta' foresta nħarqu fl-10 snin bejn l-2011 u l-2021, primarjament minħabba n-nixfiet; billi total ta' 500 000 ettaru ta' art inħarqu min-nirien fil-foresti li seħħew bejn l-4 ta' Ġunju u t-3 ta' Settembru 2022 biss(21), u l-kapaċitajiet ta' tifi tan-nar fil-foresti tal-UE ntużaw sal-limiti tagħhom; billi fit-territorju kollu tal-Unjoni, in-nirien fil-foresti qerdu siti ta' valur, bħal parks naturali u parks ġeoloġiċi tal-UNESCO, u dan ikkawża t-telf tal-bijodiversità, tal-għelejjel u tal-mergħat;

X.  billi n-nixfiet u l-mewġiet ta' sħana marbuta mat-tibdil fil-klima għamluha aktar diffiċli biex jiġu miġġielda n-nirien, peress li dawn il-kundizzjonijiet jagħmluha aktar faċli għan-nirien biex jinfirxu malajr u jżidu s-severità tagħhom; billi t-tibdil fil-klima se jżid il-frekwenza tan-nirien fil-foresti u l-potenzjal distruttiv tagħhom, u l-istaġun tan-nirien fil-foresti tal-Ewropa x'aktarx li jibda aktar kmieni u jispiċċa aktar tard fis-sena; billi dawn il-bidliet bla preċedent għandhom jitqiesu fil-prattiki ta' ġestjoni tan-nirien tal-Istati Membri;

Y.  billi l-foresti stabbli, imħallta, ta' etajiet u speċijiet diversi u b'bijodiversità għolja u b'kopertura kontinwa jipprovdu ħafna kobenefiċċji, b'mod partikolari l-mitigazzjoni tan-nixfa u tas-sħana; billi s-sistemi tal-agroforestrija u s-siġar inkorporati fl-agroekosistemi jipprovdu wkoll ħafna benefiċċji, inklużi l-produttività u r-reżiljenza;

Z.  billi l-mewġiet tas-sħana u n-nixfiet għandhom effett avvers fuq l-introjtu tal-bdiewa, u dan jista' jwassal għall-abbandun tal-azjendi agrikoli; billi barra minn hekk, l-abbandun tal-azjendi agrikoli jista' joħloq kundizzjonijiet li jwasslu sabiex jiġu kkawżati n-nirien fil-foresti;

AA.  billi n-Nazzjonijiet Uniti tistma li 35 % tal-artijiet mistagħdra globalment għebu mill-1970, b'rata tliet darbiet aktar mgħaġġla mill-foresti, minkejja li jipprovdu ħafna benefiċċji; billi l-artijiet mistagħdra kostali bħall-mangrovji jissekwestraw il-karbonju sa 55 darba aktar malajr mill-foresti pluvjali; billi t-torbieri, li jkopru biss 3 % tas-superfiċje tal-art tad-dinja, jistgħu jaħżnu 30 % tal-karbonju kollu bbażat fuq l-art biss meta jkunu mxarrba, u jassorbu l-ilma żejjed biex jipprevjenu l-għargħar u n-nixfiet; billi skont il-Kummissjoni, fl-UE ntilfu madwar żewġ terzi tal-artijiet mistagħdra tal-UE li kienu jeżistu 100 sena ilu;

AB.  billi l-Assemblea Ġenerali tan-NU rrikonoxxiet id-dritt għall-ilma u s-sanità bħala dritt tal-bniedem fit-28 ta' Lulju 2010; billi l-ilma tax-xorb nadif huwa essenzjali għad-drittijiet tal-bniedem kollha; billi fl-2013, 1 884 790 ċittadin iffirmaw l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej intitolata "Right2Water" dwar id-dritt għall-ilma u s-sanità; billi attwalment, miljun ċittadin tal-UE ma għandhomx aċċess għall-ilma u 8 miljuni ma għandhomx sanità;

AC.  billi n-nixfa qed taggrava l-kundizzjonijiet tal-għajxien tan-nies minħabba s-sħana u n-nuqqas ta' ilma; billi l-persuni l-aktar fil-bżonn qed jiġu affettwati b'mod sproporzjonat; billi hemm rata ta' mortalità eċċessiva fil-pajjiżi Ewropej l-aktar milquta min-nixfa; billi n-nixfa tikkawża ħsara fil-binjiet l-aktar fraġli, u b'hekk il-kwalità tal-ħajja tal-abitanti tiddeterjora;

AD.  billi n-nixfa u effetti oħra tat-tibdil fil-klima għandhom impatt fuq is-saħħa mentali u jżidu l-ansjetà, speċjalment fost iż-żgħażagħ;

AE.  billi l-baġit tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE (FSUE) mhuwiex suffiċjenti biex jingħata rispons adegwat għal diżastru naturali maġġuri u biex l-Ewropa turi solidarjetà mar-reġjuni milquta minn diżastru;

AF.  billi n-nixfiet jista' jkollhom effetti kaskata, b'telf ikkawżat min-nixfa fl-UE li jammonta għal madwar EUR 9 biljun fis-sena; billi analiżi taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka turi li l-impatt tan-nixfiet fuq l-ekonomija Ewropea jista' jammonta għal aktar minn EUR 65 biljun fis-sena sal-2100(22); billi jekk it-temperaturi globali jaqbżu l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi b'rabta mat-temperatura, in-nixfiet mistennija jseħħu darbtejn aktar spiss, u t-telf annwali assolut min-nixfiet fl-Ewropa jiżdied għal EUR 40 biljun fis-sena(23); billi l-kostijiet tan-nuqqas ta' azzjoni huma ferm akbar mill-kostijiet tal-investiment f'azzjoni klimatika ambizzjuża llum(24);

AG.  billi l-kriżi klimatika taggrava l-inugwaljanzi eżistenti; billi l-unitajiet domestiċi b'introjtu baxx u l-persuni vulnerabbli jintlaqtu partikolarment mill-kriżi klimatika u għandhom bżonn appoġġ partikolari biex jadattaw ruħhom għat-tibdil fil-klima; billi huwa meħtieġ li l-ħaddiema jiġu protetti mill-effetti avversi tal-kriżi klimatika fuq il-post tax-xogħol;

1.  Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu u s-solidarjetà profonda tiegħu mal-familji ta' dawk li sfaw vittmi tal-eventi meteoroloġiċi estremi reċenti u mal-abitanti taż-żoni devastati, u jfaħħar id-dedikazzjoni tal-ħaddiema tat-tifi tan-nar full-time u volontarji, il-ħaddiema tas-salvataġġ, l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali involuti fl-isforzi ta' sokkors, u l-membri tal-pubbliku li ppruvaw isalvaw lin-nies u jipprevjenu t-tixrid tan-nirien, ħafna drabi b'periklu għal ħajjithom stess;

2.  Jissottolinja l-importanza tal-ġestjoni sostenibbli tal-ilma biex tiġi ggarantita s-sigurtà tal-ikel u jistieden lill-Kummissjoni żżomm lura milli tipproponi leġiżlazzjoni tal-UE ulterjuri li tipperikola jew tirriskja li tipperikola s-sigurtà tal-ikel tagħna;

3.  Jemmen li dawn il-kundizzjonijiet meteoroloġiċi estremi huma sinjal tal-ħtieġa ta' azzjoni aktar ambizzjuża dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih; iqis li l-UE għandu jkollha rwol ewlieni f'dan il-proċess u li għandha ssaħħaħ l-isforzi tagħha fis-setturi kollha; ifakkar li f'konformità kemm mal-Liġi tal-UE dwar il-Klima u l-Ftehim ta' Pariġi kif ukoll mal-aqwa xjenza disponibbli, l-Unjoni Ewropea għandha żżid l-azzjoni klimatika tagħha kemm dwar il-mitigazzjoni, biex trażżan it-tisħin globali għal 1,5 °C meta mqabbel mal-livelli preindustrijali, kif ukoll dwar l-adattament biex titrawwem ir-reżiljenza; jappella biex l-UE taġġorna l-kontribut stabbilit fil-livell nazzjonali tagħha skont il-Ftehim ta' Pariġi u żżid il-mira tagħha għat-tnaqqis tal-gassijiet serra sas-27 sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC (COP27), skont l-aqwa xjenza disponibbli; jappella għall-ogħla ambizzjoni fir-rigward tal-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55 %";

4.  Jesprimi tħassib dwar is-sejbiet tar-rapport tal-2021 tal-Programm tan-NU għall-Ambjent dwar id-diskrepanza fl-emissjonijiet, b'mod partikolari l-fatt li, minkejja l-wegħdiet klimatiċi aktar ambizzjużi li saru fl-aħħar sena, l-emissjonijiet previsti jħallu lid-dinja fit-triq lejn żieda ta' 2,7 °C fit-temperatura jekk dawn il-wegħdiet nazzjonali jiġu implimentati bis-sħiħ, u dan ikollu impatti severi madwar id-dinja; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibqgħu impenjati bis-sħiħ favur il-Patt Ekoloġiku tal-UE u jżidu l-azzjoni dwar il-mitigazzjoni, l-adattament u r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima tal-UE, filwaqt li jagħtu attenzjoni speċjali lill-fenomeni meteoroloġiċi estremi;

5.  Jistenna li l-proposta tal-Kummissjoni għal liġi tal-UE dwar ir-restawr tan-natura(25) tkun opportunità biex jittejbu s-sinerġiji bejn il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-adattament, il-prevenzjoni tad-diżastri u r-restawr tan-natura; jistenna li tipprovdi qafas għar-restawr ta' ekosistemi reżiljenti għan-nixfiet, inklużi r-restawr ta' foresti ta' etajiet u speċijiet diversi u b'bijodiversità għolja u b'kopertura kontinwa, artijiet mistagħdra, kopertura ta' veġetazzjoni naturali, dinamika tal-pjanuri tal-għargħar, infiltrazzjoni naturali tal-pajsaġġ kollu, kif ukoll it-titjib tar-reżiljenza tal-baċiri tax-xmajjar;

6.  Jappoġġa l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tikkontribwixxi għal effett ta' tkessiħ ġenerali billi tistabbilixxi pjattaforma tal-UE għall-ekoloġizzazzjoni urbana; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi objettivi vinkolanti ambizzjużi u speċifiċi għall-bijodiversità urbana, is-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, l-approċċi bbażati fuq l-ekosistemi u l-infrastruttura ekoloġika, li jkunu ta' benefiċċju kemm għall-bnedmin kif ukoll għall-organiżmi selvaġġi u jikkontribwixxu għall-objettivi ġenerali fir-rigward tal-bijodiversità; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu inklużi miżuri bħal sehem minimu ta' soqfa ekoloġiċi fuq il-binjiet ġodda, appoġġ għall-biedja urbana, inkluż l-użu ta' siġar produttivi, fejn xieraq, filwaqt li jiġi żgurat li ma tintuża l-ebda pestiċida kimika u jitnaqqas l-użu tal-fertilizzanti fiż-żoni ekoloġiċi urbani tal-UE, u żieda fl-għadd ta' spazji ekoloġiċi skont l-għadd ta' abitanti;

7.  Jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità u jidentifikaw miżuri ta' restawr fuq terminu qasir, medju u twil għall-ekosistemi degradati minħabba avvenimenti meteoroloġiċi estremi; jitlob, barra minn hekk, li l-linji gwida tal-UE għall-pjanijiet ta' restawr ta' wara l-emerġenza jidentifikaw żoni ta' prijorità għall-fażijiet ta' rkupru, riabilitazzjoni u rikostruzzjoni wara diżastri kkawżati minn għargħar, nirien fil-foresti, mewġiet ta' sħana, jew nixfiet, inklużi rakkomandazzjonijiet biex tiżdied ir-reżiljenza u r-rivitalizzazzjoni tal-mezzi ta' għajxien, tal-ekonomiji u tal-ambjent affettwat;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi gwida li l-partijiet ikkonċernati jistgħu jużaw biex jagħtu spinta lir-reżiljenza għan-nixfiet kemm tan-nies kif ukoll tal-ekosistemi; jistħaq li hija meħtieġa azzjoni koordinata anke fil-livell Ewropew fil-qasam tar-riċerka u l-monitoraġġ, bejn entitajiet diġà eżistenti bħall-Osservatorju Ewropew tan-Nixfa, l-EEA, is-Servizz ta' Ġestjoni ta' Emerġenzi ta' Copernicus u partijiet ikkonċernati xierqa oħra; jisħaq li fil-qasam tal-finanzjament, għandu jiġi identifikat appoġġ finanzjarju xieraq fil-kuntest tal-PAK, il-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi reġjonali oħra;

9.  Jirrikonoxxi l-vulnerabbiltà partikolari tal-pajjiżi Mediterranji u l-importanza li jintużaw mekkaniżmi u riżorsi speċifiċi biex jiġu indirizzati r-riskji u l-effetti ta' dawn l-eventi estremi f'dawn it-territorji; jenfasizza li n-nixfa u fenomeni meteoroloġiċi oħra marbuta mal-kriżi klimatika mhux biss għandhom impatti ambjentali, iżda għandhom ukoll impatti soċjali, kulturali, ekonomiċi u politiċi, li jżidu r-riskju li l-inugwaljanzi soċjali jaggravaw;

10.  Jissottolinja l-influwenza negattiva li d-diżastri naturali għandhom fuq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE, li xxekkel l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni tal-Unjoni; ifakkar, f'dan ir-rigward, li aktar minn EUR 100 biljun f'riżorsi tal-politika ta' koeżjoni se jiġu investiti fit-tranżizzjoni tal-enerġija, id-dekarbonizzazzjoni u s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli sal-2030; jirrikonoxxi l-vulnerabbiltà partikolari tat-territorji elenkati fl-Artikolu 174 tat-TFUE, b'mod partikolari l-gżejjer u r-reġjuni muntanjużi, u fl-Artikolu 349 tat-TFUE;

11.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-istrateġija ta' adattament tal-UE; jiddispjaċih madankollu li l-istrateġija ta' adattament tonqos milli tistabbilixxi miri konkreti, li jistgħu jitkejlu u marbuta biż-żmien biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jsiru reżiljenti għall-klima u jfakkar fit-talba tal-Parlament għal miri vinkolanti u kwantifikabbli; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tipproponi qafas Ewropew komprensiv, ambizzjuż u legalment vinkolanti għall-adattament għat-tibdil fil-klima, inklużi l-għodod leġiżlattivi xierqa, b'enfasi partikolari fuq ir-reġjuni l-aktar vulnerabbli;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal b'mod urġenti valutazzjoni komprensiva tar-riskju klimatiku fl-UE kollha, filwaqt li tagħti attenzjoni speċjali lir-riskji ta' nixfiet, nirien fil-foresti, theddid għas-saħħa, vulnerabbiltajiet tal-ekosistema u l-effett fuq infrastrutturi kritiċi u hotspots tan-network, sabiex tiggwida u tipprijoritizza l-isforzi ta' adattament u reżiljenza fuq terminu qasir, medju u twil; jappella, b'mod partikolari, għat-tlestija tat-test tal-istress tal-UE għar-reżiljenza għat-tibdil fil-klima għall-infrastruttura ewlenija sas-sajf tal-2023;

13.  Jiġbed l-attenzjoni dwar il-mod kif il-kriżi klimatika taggrava l-inugwaljanzi eżistenti; jenfasizza li l-unitajiet domestiċi b'introjtu baxx u l-persuni vulnerabbli jintlaqtu partikolarment mill-kriżi klimatika u għandhom bżonn appoġġ partikolari biex jadattaw ruħhom għat-tibdil fil-klima; jilqa' l-politiki soċjali fl-Istati Membri kollha li jipproteġu lill-ħaddiema mill-effetti avversi tal-kriżi klimatika fuq il-post tax-xogħol u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jintegraw l-adattament għat-tibdil fil-klima fil-politiki tax-xogħol u soċjali tagħhom;

Protezzjoni Ċivili u Rispons f'Każ ta' Emerġenza

14.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żviluppat aktar il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili u jsir użu sħiħ minnu fir-rigward tan-nirien fil-foresti u diżastri naturali oħra; jistieden lill-Kummissjoni tiġbor u xxerred l-għarfien fost l-Istati Membri dwar kif il-foresti jiġu adattati għat-tibdil fil-klima attwali u mistenni, f'konformità mal-istrateġija l-ġdida ta' adattament tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni toħloq valutazzjonijiet u mapep tar-riskju tan-nirien fil-foresti, abbażi ta' prodotti Copernicus imtejba u data oħra ta' telerilevament, sabiex tappoġġa azzjoni preventiva; jenfasizza l-importanza li tingħata spinta lill-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili biex jiġu żgurati kapaċitajiet adegwati ta' tifi tan-nar fil-foresti fl-UE;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaċċelleraw l-istabbiliment tal-flotta permanenti l-ġdida rescEU u jħeġġiġhom jiżguraw finanzjament suffiċjenti għal dan u jespandu mill-aktar fis possibbli x-xibka ta' sikurezza staġjonali Ewropea eżistenti;

16.  Jinnota bi tħassib il-limitazzjonijiet tal-qafas attwali ta' rispons għad-diżastri fil-livell tal-UE bbażat fuq ġabra ta' riżorsi ta' rispons impenjati minn qabel mill-Istati Membri b'mod volontarju; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jesploraw il-possibbiltà li jespandu l-kapaċità u l-kompetenzi tal-UE fil-qasam tar-rispons għad-diżastri fid-dawl ta' diżastri klimatiċi dejjem aktar frekwenti u severi, b'mod partikolari permezz tal-ħolqien ta' forza permanenti tal-protezzjoni ċivili tal-UE;

17.  Jappella għal espansjoni tar-riżerva tat-tifi tan-nar volontarja attwali fl-ambitu ta' rescEU u jistieden lill-Istati Membri kollha jikkunsidraw li jpoġġu parti mill-brigati nazzjonali tagħhom għat-tifi tan-nar f'riżerva Ewropea; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta' azzjoni biex jiżdiedu l-kapaċitajiet ta' rispons tal-UE;

18.  Jappoġġa l-modernizzazzjoni tal-assi tal-protezzjoni ċivili permezz ta' akkwisti pubbliċi komuni ġodda, sabiex it-tagħmir u l-assi tal-art u tal-ajru jkunu aktar adattati għall-ġeografija tat-territorji differenti tal-UE;

19.  Jappella għat-tisħiħ tal-pożizzjonament minn qabel staġjonali tal-pumpiera f'punti kritiċi għan-nirien fil-foresti, abbażi tas-suċċess tal-programm pilota operazzjonalizzat dan is-sajf fil-Greċja;

20.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni u jappoġġaw il-ħolqien ta' ċentru Ewropew ta' eċċellenza fil-protezzjoni ċivili, b'mod partikolari biex jippromwovu t-taħriġ ta' aġenti fil-ġlieda kontra n-nirien u l-ġestjoni tal-kriżijiet, u biex jinkoraġġixxu l-iskambju tal-aħjar prattiki;

21.  Ifakkar li l-FSUE ġie emendat diversi drabi sabiex jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni tiegħu u li l-linja baġitarja 2022 għall-FSUE diġà ġiet immobilizzata bis-sħiħ minħabba ż-żieda fid-diżastri naturali; jappella għal żieda sinifikanti fil-baġit tal-FSUE li tgħin lir-reġjuni jantiċipaw u jimmitigaw l-effetti tat-tibdil fil-klima, u li l-kamp ta' applikazzjoni tal-FSUE jitwessa' sabiex ikun jista' jappoġġa wkoll restawr aktar reżiljenti għall-klima jew kostruzzjoni ta' infrastruttura pubblika u privata; jenfasizza li s-severità ta' xi diżastri naturali f'xi każijiet hija r-riżultat ta' fatturi kkawżati mill-bniedem, inkluż ippjanar spazjali mhux prudenti li jwassal għall-bini ta' akkomodazzjoni u infrastruttura fil-pjanuri tal-għargħar tax-xmajjar jew f'territorji suxxettibbli għall-uqigħ tal-art; itenni f'dan ir-rigward li r-rimborżi tal-FSUE għandhom jiffavorixxu reżiljenza u sostenibbiltà aktar b'saħħithom permezz tal-finanzjament ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq l-ekosistema (eż. riforestazzjoni, restawr tal-ħabitats u rikostruzzjoni reżiljenti għat-terremoti);

22.  Jirrimarka li huwa vitali li l-għajnuna u l-fondi jintbagħtu lir-reġjuni milquta b'mod kemm jista' jkun rapidu, faċli u flessibbli, u jissottolinja li s-sinerġiji bejn l-FSUE, il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili, il-komponent ta' adattament għat-tibdil fil-klima tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-programmi ta' kooperazzjoni territorjali huma essenzjali sabiex jinħoloq pakkett komprensiv ta' rispons u reżiljenza;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-prevenzjoni u l-indirizzar tal-konsegwenzi tan-nixfa u t-tibdil fil-klima; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi inizjattiva Ewropea dwar l-involviment ċiviku u tippromwovi inizjattivi volontarji dwar ir-rispons għad-diżastri;

Agrikoltura

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bis-sħiħ l-impatti tas-sitwazzjoni kontinwa tan-nixfa fuq il-produzzjoni tal-ikel tal-UE fis-sena attwali, u fuq il-provvisti tal-ikel għall-popolazzjoni matul ix-xitwa li ġejja; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, barra minn hekk, jikkunsidraw liema azzjonijiet korrettivi jistgħu jittieħdu u x'appoġġ jista' jingħata biex jiġi żgurat li l-produtturi primarji tal-ikel li jġarrbu telf fil-produzzjoni minħabba s-sħana u n-nixfa jkunu jistgħu jerġgħu jibdew, mingħajr dewmien, ċikli ġodda ta' produzzjoni għall-provvisti essenzjali tal-ikel;

25.  Jenfasizza l-importanza li wieħed imur lil hinn mill-miżuri fuq terminu qasir u l-mitigazzjoni tal-kriżi attwali; jissottolinja li l-UE trid tkompli tadatta s-sistemi tal-ikel tagħha sabiex tagħmilhom aktar reżiljenti fit-tul;

26.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinvestu fir-riċerka u l-innovazzjoni biex jiffaċilitaw l-introduzzjoni ta' varjetajiet u prattiki li jkunu aktar reżistenti għan-nixfa u t-tibdil fil-klima;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-pjanijiet strateġiċi nazzjonali tal-PAK jiġu implimentati bil-ħsieb li l-agrikoltura ssir aktar effiċjenti fl-użu tal-ilma bil-għan li jitnaqqas l-użu tal-ilma u tiġi promossa reżiljenti akbar għan-nixfa, filwaqt li jitnaqqsu l-pressjonijiet idromorfoloġiċi b'mod ġenerali, filwaqt li jitqiesu s-sejbiet tar-rapport speċjali tal-QEA dwar l-użu sostenibbli tal-ilma fl-agrikoltura; jilqa' l-introduzzjoni ta' ekoskemi ġodda, li għandhom jiffaċilitaw it-tranżizzjoni lejn agrikoltura aktar reżiljenti u ekoloġika;

28.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jżidu s-sehem tal-appoġġ agrikolu ddedikat għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji fl-agrikoltura u jikkunsidraw li jestendu l-użu tal-iskemi pubbliċi ta' assigurazzjoni għall-klima; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi skambji ta' prattika tajba dwar dan u dwar miżuri oħra ta' mitigazzjoni;

29.  Jistieden barra minn hekk lill-Kummissjoni tidentifika riżorsi finanzjarji biex tgħin lill-azjendi agrikoli, filwaqt li tikkumpensa għat-telf li jirriżulta minn ħsara kkawżata min-nixfa jew eventi oħra kkawżati mill-emerġenza klimatika, tinċentiva aktar reżiljenza għall-klima u sostenibbiltà u tiżgura li din il-kriżi ma tispiċċax bl-għeluq definittiv tal-azjendi agrikoli;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-ħolqien ta' stokkijiet buffer ta' għalf u oġġetti tal-ikel strateġiċi bħala mezz wieħed biex jittaffew l-aspetti l-aktar dannużi tan-nixfa, inklużi varjazzjonijiet kbar fir-rendiment minn sena għal sena, u jistieden lill-Kummissjoni tindirizza dan fil-livell internazzjonali billi ssegwi l-istabbiliment tal-ħżin tal-ikel bħala għodda waħda ta' stabbilizzazzjoni fid-dawl tal-impatti tat-tibdil fil-klima fuq l-agrikoltura u l-provvisti tal-ikel;

31.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' sistemi ta' irrigazzjoni agrikola aktar effiċjenti u mmirati, kif ukoll kapaċità ta' ħżin tal-ilma u rikalibrazzjoni ġenerali tal-ħtiġijiet tal-irrigazzjoni biex jinkiseb użu sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma; ifakkar li l-investimenti fl-irrigazzjoni u fil-kapaċità tal-ħżin tal-ilma huma appoġġati biss jekk iwasslu għal iffrankar tal-ilma; jissottolinja li l-investiment fir-restawr tal-ekosistema u fil-metodi ta' produzzjoni li jagħmlu t-tranżitu għall-agroekoloġija għandu jingħata prijorità;

32.  Jinnota d-deċiżjoni meħuda fil-qafas tar-riforma l-ġdida tal-PAK rigward l-investimenti fl-irrigazzjoni fiż-żoni fejn l-istat tal-korpi tal-ilma huwa "inqas minn tajjeb"; jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu investimenti f'dawn iż-żoni li jwasslu għall-iffrankar tal-ilma b'mod li jindirizza l-iskarsezza strutturali tal-ilma u jnaqqas l-impatti fuq l-ilmijiet;

33.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġaw l-introduzzjoni ta' sistemi ta' irrigazzjoni li ma jużawx l-ilma tal-wiċċ jew ta' taħt l-art, bħall-ħżin tal-ilma tax-xita u r-riċiklaġġ tal-ilma mormi, flimkien ma' sforzi biex jitnaqqas l-użu ġenerali tal-ilma; jitlob lill-Kummissjoni tiċċara, malajr kemm jista' jkun, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-UE dwar l-investimenti fl-irrigazzjoni fil-qafas tal-PAK sabiex tiġi eliminata kwalunkwe inċertezza; jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb il-linji gwida eżistenti għall-Istati Membri rigward l-investimenti fl-irrigazzjoni fil-qafas tal-pjanijiet strateġiċi l-ġodda tal-PAK;

34.  Jenfasizza r-rwol pożittiv li l-agroekoloġija, l-agroforestrija u s-sistemi ta' produzzjoni organika għandhom fis-salvagwardja tal-kwantità u l-kwalità tal-ilma billi jżidu l-effiċjenza u ċ-ċirkolarità fl-użu tar-riżorsi, itejbu r-reżiljenza tal-azjendi agrikoli billi jnaqqsu l-inputs u jiddiversifikaw il-produzzjoni u għalhekk iferrxu r-riskju, li huwa speċjalment importanti biex jiġi evitat it-telf totali tal-għelejjel; ifakkar li t-tħawwil ta' sisien tal-ħaxix u siġar, l-isforz biex tiġi żgurata l-kopertura tal-ħamrija, l-evitar tar-ragħa eċċessiv, it-tnaqqis tal-kompattazzjoni u l-bini ta' livelli ta' materja organika tal-ħamrija u ta' humus huma utli għall-bdiewa;

35.  Jissottolinja l-ħtieġa, fid-dawl tal-eventi klimatiċi estremi ta' dawn l-aħħar xhur, li jiġu implimentati malajr l-istrateġiji mill-għalqa sal-platt u għall-bijodiversità sabiex titwettaq ambizzjoni akbar favur settur agrikolu aktar ekoloġiku u aktar sostenibbli billi jitqiesu l-impatti klimatiċi differenzjati ta' tipi differenti ta' produzzjoni agrikola; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibqgħu impenjati bis-sħiħ favur il-Patt Ekoloġiku tal-UE u jżidu l-azzjoni dwar il-mitigazzjoni, l-adattament u r-reżiljenza fil-konfront tat-tibdil fil-klima tal-UE, filwaqt li jagħtu attenzjoni speċjali lill-fenomeni meteoroloġiċi estremi;

36.  Jissottolinja l-importanza tas-saħħa tal-ħamrija għaż-żamma u l-filtrazzjoni tal-ilma; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel iż-żamma tal-ilma u l-kapaċità tal-iffiltrar kif ukoll it-tira pilastru ewlieni tal-abbozz ta' liġi tal-UE dwar is-saħħa tal-ħamrija li se jiġi ppubblikat fl-2023; jissottolinja li t-torbieri għandhom potenzjal enormi bħala bjar tal-karbonju u għandhom rwol sinifikanti fl-iffiltrar tal-ilma u fil-mitigazzjoni tal-għargħar, tan-nixfiet u tan-nirien fil-foresti;

37.  Jappella għal objettiv tal-UE tan-newtralità tad-degradazzjoni tal-art fl-UE sal-2030 sabiex jiġi żgurat li l-mira korrispondenti fil-qafas tal-SDGs tan-NU tintlaħaq bis-sħiħ fl-UE, peress li l-UE bħalissa mhijiex fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira tal-SDG kif enfasizzat fir-rapport speċjali tal-QEA tal-2018 dwar id-deżertifikazzjoni;

38.  Jenfasizza r-responsabbiltà tal-bdiewa li jżommu r-riżorsi tal-ħamrija u tal-ilma f'kundizzjoni tajba, kif ukoll il-ħtieġa li jiżdiedu l-prattiki tas-sekwestru tal-karbonju f'art agrikola; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippromwovu dawn il-prattiki permezz ta' ekoskemi ġodda u permezz tal-iżvilupp tas-sekwestru tal-karbonju f'art agrikola, li se jkollu wkoll jintegra elementi ambjentali oħra, bħall-ġestjoni tal-ilma, sabiex jiżdiedu l-inċentivi għall-produtturi; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' ċikli tal-karbonju sostenibbli;

39.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi aċċelerat it-tnaqqis tal-kontaminazzjoni tal-ilma ta' taħt l-art u tal-ilmijiet tal-wiċċ, b'mod partikolari min-nitrati u l-pestiċidi;

40.  Jappella sabiex l-inizjattivi u l-azzjonijiet kollha relatati mal-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tan-nixfiet, l-għargħar u l-mewġiet ta' sħana u l-impatti tagħhom jintegraw bis-sħiħ il-kunsiderazzjoni tal-ambjent naturali, b'mod partikolari l-foresti, u l-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi;

Nirien fil-Foresti:

41.  Jappella għal rispons integrat għan-nirien fil-foresti sabiex il-foresti tal-UE jiġu protetti mill-qerda kkawżata minn eventi klimatiċi estremi; jissottolinja li globalment in-nirien fuq skala kbira qed jiżdiedu fl-intensità u fil-frekwenza; jinsab imħasseb dwar l-espansjoni prevista ta' żoni suxxettibbli għan-nirien u staġuni itwal b'riskju għoli ta' nirien fil-biċċa l-kbira tar-reġjuni Ewropej, b'mod partikolari f'xenarji ta' emissjonijiet għoljin; ifakkar li pajsaġġ varjat b'foresti diversi jipprovdi protezzjoni akbar jew barriera naturali kontra nirien fil-foresti fuq skala kbira u inkontrollabbli;

42.  Jisħaq li r-restawr u r-riforestazzjoni ta' foresti diversi jgħin fil-prevenzjoni u t-trażżin tan-nirien; jissottolinja l-ħtieġa ta' aktar riżorsi għall-iżvilupp ta' ġestjoni tan-nirien ibbażata fuq ix-xjenza u appoġġ għall-bini tal-kapaċità permezz ta' servizzi ta' konsulenza biex jiġu indirizzati l-effetti tat-tibdil fil-klima fil-foresti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu b'mod aħjar u jagħmlu użu mill-kunċett tal-ġestjoni integrata tan-nirien u jinnota li dan jista' jirrikjedi kapaċità regolatorja aħjar fl-Istati Membri, it-tisħiħ tas-servizzi pubbliċi u appoġġ iddedikat u kooperazzjoni akbar għall-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għad-diżastri;

43.  Jinsab imħasseb dwar ir-riskju ta' formazzjoni ta' pirokumulunimbus minn nirien fil-foresti u l-impatt negattiv fuq l-istratosfera u s-saff tal-ożonu; jappella, għalhekk, sabiex in-nirien intenzjonati u l-ħruq tas-siġar fil-foresti jitnaqqsu kemm jista' jkun;

44.  Jiġbed l-attenzjoni għall-impatti tan-nirien fil-foresti u tat-tniġġis tal-arja assoċjat fuq is-saħħa u jesprimi tħassib għat-tbassir tal-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija li jgħid li dawn il-fenomeni mistennijin jiżdiedu, anke f'xenarju ta' livell baxx ta' emissjonijiet(26); Jinnota li, bit-tisħin tal-pjaneta, mistennijin jiżdiedu n-nirien fil-foresti u t-tniġġis tal-arja assoċjat, anke f'xenarju ta' livell baxx ta' emissjonijiet, u jinnota, barra mill-effetti għal saħħet il-bniedem, li dan se jħalli impatt anke fuq l-ekosistemi, peress li s-sustanzi li jniġġsu fl-arja jiddepożitaw ruħhom mill-atmosfera għal fuq wiċċ l-art; jirrimarka dwar kif il-kriżi klimatika għandha impatt fuq il-bijodiversità u t-tnaqqis tar-reżiljenza tal-ekosistemi u l-impatti konsegwenti fuq is-saħħa pubblika, u għalhekk jinsisti fuq l-importanza ta' approċċ "Saħħa Waħda";

45.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw il-protezzjoni kontinwa tal-foresti tagħna u jipproteġu l-art mill-klassifikazzjoni mill-ġdid bħala art mhux forestali wara nirien fil-foresti, peress li dan jista' jinkoraġġixxi nirien intenzjonati bl-għan li l-art tkun tista' tintuża għal użu ieħor li ma kienx permess qabel in-nirien; jistieden lill-Kumitat tar-Reġjuni u lis-servizzi tal-Kummissjoni jiżguraw kollaborazzjoni mal-awtoritajiet lokali u jirriċerkaw l-istorja tal-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-art wara nirien fil-foresti;

46.  Jitlob li d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE dwar it-tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku(27) tiġi riveduta sabiex tinkludi eżenzjoni mit-taxxa fuq il-konsum intern fuq prodotti tal-enerġija għall-pumpiera waqt il-qadi ta' dmirijiethom;

Ilma

47.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija komprensiva tal-UE dwar l-ilma li tinkludi l-organizzazzjoni mal-Istati Membri ta' konferenza Ewropea dwar l-ilma sabiex jiġu żviluppati malajr linji gwida dwar il-ġestjoni ta' baċiri tax-xmajjar kondiviżi tranżnazzjonali, speċjalment fil-każ ta' nixfiet pluriennali, u biex tiġi żgurata prijoritizzazzjoni bbilanċjata bejn l-użi tal-ilma;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina l-iżvilupp ta' pjanijiet reġjonali jew nazzjonali komprensivi mis-sors sa l-użu aħħari tal-ilma, sabiex jiġu ttrattati t-tnixxija u l-infiltrazzjoni tal-ilma minħabba kwalità fqira jew infrastruttura miżmuma ħażin, inkluż fil-livell tal-baċin, urban u tal-azjenda agrikola, u biex tiskambja l-aħjar prattiki għal dan il-għan;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa ż-żieda fl-isforzi tal-Istati Membri biex iżidu l-użu ta' tekniki tal-użu mill-ġdid tal-ilma, teknoloġiji u prattiki ta' irrigazzjoni li jiffrankaw l-ilma, teknoloġiji ekoloġiċi tas-soqfa, doċoċ u tojlits intelliġenti fis-settur tal-ilma, inklużi l-provvista, is-sanità u l-ġestjoni tal-ilma tax-xita, u fiċ-ċikli u l-applikazzjonijiet industrijali, residenzjali u kummerċjali kollha tal-ilma; jappella sabiex tiġi emendata l-leġiżlazzjoni attwali biex jitħeġġeġ l-użu mill-ġdid tal-ilma fl-industriji li jużaw ħafna ilma filwaqt li jiġu rispettati l-kriterji ta' kwalità l-aktar stretti, kif ukoll fl-uffiċċji u fid-djar bl-użu mill-ġdid tal-ilma griż; ifakkar li l-ġestjoni tal-ilma hija ta' importanza kruċjali biex jiġu minimizzati l-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima, għall-protezzjoni tal-ilma u tas-sigurtà tal-ikel, kif ukoll il-bijodiversità u ż-żamma ta' ħamrija b'saħħitha;

50.  Jirrimarka li s-settur tal-enerġija huwa konsumatur kbir tal-ilma fl-Ewropa, li s-settur tal-ilma nnifsu jikkonsma ħafna enerġija għall-astrazzjoni, l-ippumpjar, it-tisħin, it-tkessiħ, it-tindif u d-desalinizzazzjoni tal-ilma; jindika l-impatt li l-livelli baxxi tal-ilma kellhom fuq is-settur tal-enerġija u fuq ċerti industriji; jenfasizza li effiċjenza mtejba tal-ilma jista' jkollha impatt dirett fuq it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u t-tibdil fil-klima;

51.  Jissottolinja l-ħtieġa li ċ-ċittadini jiġu involuti fil-ġestjoni tal-ilma; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiżguraw l-aċċess għall-ilma maħsub għal gruppi vulnerabbli u emarġinati f'konformità mad-Direttiva u jieħdu azzjoni ulterjuri biex jiżguraw il-provvista tal-ilma tal-vit; ifakkar fl-obbligi tal-istati li jiżguraw id-dritt tal-bniedem għall-ilma tax-xorb, b'mod partikolari matul il-mewġiet ta' sħana u l-perjodi ta' nixfa, li jinvolvi, pereżempju, l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' parteċipazzjoni, inkluża l-implimentazzjoni ta' Kunsens Liberu, Minn Qabel u Infurmat (FPIC) għall-infrastruttura tal-enerġija u l-industriji estrattivi fuq skala kbira; jisħaq fuq l-importanza tar-rikonoxximent sistematiku tad-drittijiet konswetudinarji għall-ilma tax-xorb u l-għoti ta' rimedji ġustizzjabbli (permezz ta' mekkaniżmu tal-ilmenti) għal każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

52.  Jissottolinja l-importanza tal-prevenzjoni tal-ispekulazzjoni fuq l-ilma sabiex jiġu żgurati aċċess ġust u ġestjoni tajba tar-riżorsi; jappella għal projbizzjoni fuq il-kummerċ tal-ilma bħala komodità fis-swieq finanzjarji;

Dimensjoni Internazzjonali u Soċjali

53.  Jisħaq li madwar l-Ewropa ħafna nies jgħixu f'akkomodazzjoni antikwata u żdingata u f'kundizzjonijiet tal-għajxien xejn sodisfaċenti u dawn jagħmluhom aktar vulnerabbli għall-effetti tat-temp estrem; ifakkar li l-aċċess għal akkomodazzjoni adegwata huwa dritt fundamentali; jappella għall-adozzjoni rapida ta' fond soċjali għall-klima ambizzjuż sabiex jiġu appoġġjati l-aktar gruppi żvantaġġati, b'mod partikolari biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika tad-djar tagħhom u jiġu dekarbonizzati s-sistemi tat-tisħin u t-tkessiħ tagħhom, inkluż permezz tal-integrazzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, u dan jippermettilhom inaqqsu l-kontijiet tal-enerġija tagħhom u jtejbu wkoll il-kwalità tal-ħajja tagħhom;

54.  Jissottolinja l-ħtieġa urġenti li tiżdied l-azzjoni globali, kemm biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra kif ukoll biex tissaħħaħ il-kapaċità ta' adattament, tissaħħaħ ir-reżiljenza u titnaqqas il-vulnerabbiltà għat-tibdil fil-klima, kif enfasizzat fil-Patt Klimatiku ta' Glasgow, adottat fl-2022; jappella sabiex l-UE jkollha rwol attiv fit-tkomplija tal-proċess tad-definizzjoni ta' għan globali fil-qasam tal-adattament u biex jiġi żgurat li jintlaħaq l-għan relatat mal-finanzjament internazzjonali għall-klima, inkluż billi jiġi żgurat bilanċ bejn il-finanzjament għall-mitigazzjoni u dak għall-adattament; jistieden, barra minn hekk, lill-UE tipparteċipa b'mod attiv fil-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri biex tieħu azzjonijiet konkreti biex tipproteġi, mir-riskji ta' diżastri naturali, il-kisbiet fl-iżvilupp;

55.  Ifakkar li s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema hija kompetenza tal-UE u li f'konformità mad-Direttiva 89/391/KEE(28), il-ħaddiema għandhom ikunu protetti minn kwalunkwe riskju, inkluż minn riskji ġodda; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa u b'urġenza r-riskji ġodda tat-tibdil fil-klima fuq is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali sabiex tipproteġi aħjar lill-ħaddiema minn esponiment għal temperaturi għoljin, radjazzjoni uv naturali u perikli oħra relatati għas-sikurezza, b'mod partikolari fis-setturi tal-kostruzzjoni, tal-agrikoltura u tas-servizzi pubbliċi; jirrimarka li rwoli differenzjati skont il-ġeneru jikkawżaw ukoll vulnerabbiltajiet għall-effetti tat-tibdil fil-klima differenzjati bejn in-nisa u l-irġiel, u li l-impatti tat-tibdil fil-klima jaggravaw l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri;

56.  Ifakkar fil-ħtieġa li l-Istati Membri jaħdmu lejn approċċ ta' "Viżjoni Żero" għall-imwiet relatati max-xogħol f'konformità mal-qafas strateġiku tal-UE 2021-2027 dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol; jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati s-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali tal-ħaddiema kollha li jintervjenu f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, inklużi l-pumpiera, li huma partikolarment esposti għall-karċinoġeni matul xogħolhom; jisħaq fuq l-importanza li jiġi inkluż taħriġ regolari dwar is-sikurezza u l-ġestjoni tar-riskju għal dawk li jintervjenu f'emerġenza, kif ukoll li jiġu pprovduti tagħmir u materjali protettivi xierqa fl-istrateġiji nazzjonali tal-Istati Membri fil-qasam tas-sikurezza u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri;

57.  Jesprimi l-kondoljanzi profondi tiegħu lill-poplu tal-Pakistan, li sofra mill-impatti fatali tal-kriżi klimatika, u jirrikonoxxi li l-Pakistan jikkontribwixxi ftit li xejn għall-kriżi klimatika; jinnota li l-UE allokat EUR 1,8 miljun inizjali f'assistenza umanitarja għall-vittmi tal-għargħar, iżda jirrikonoxxi li dan mhuwiex proporzjonat mal-indirizzar xieraq tal-ħtiġijiet tan-nies u l-komunitajiet milquta;

58.  Jisħaq fuq l-importanza li jsir progress fl-implimentazzjoni sħiħa tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli; jilqa' d-dikjarazzjoni ministerjali adottata dan is-sajf fil-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, li tinnota li n-nixfiet u l-għargħar huma sfidi ta' dimensjoni globali li jinħassu l-aktar mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif ukoll min-nies f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, speċjalment il-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali; ifakkar lill-pajjiżi żviluppati dwar il-ħtieġa li juru solidarjetà mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u b'mod partikolari ma' dawk l-aktar vulnerabbli;

59.  Ifakkar li l-2021-2030 huwa d-Deċennju tan-NU dwar ir-Restawr tal-Ekosistema u jistenna li r-restawr tan-natura jkun il-karatteristika ewlenija ta' dan id-deċennju fl-UE; jinkoraġġixxi lill-partijiet kollha għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika jimplimentaw b'mod urġenti miżuri għar-restawr tan-natura fit-territorji tagħhom;

60.  Jinnota li l-pajjiżi madwar id-dinja ntlaqtu wkoll minn nixfiet rekord serji, inkluża nixfa rekord fiċ-Ċina; jappella għal kooperazzjoni aktar mill-qrib mas-sħab internazzjonali dwar il-kwistjoni tan-nixfiet, in-nirien fil-foresti u impatti oħra tat-tibdil fil-klima; jistieden lill-UE tistinka favur djalogu msaħħaħ f'dan il-qasam, inkluż fil-COP27, sabiex isir skambju tal-għarfien u biex il-ġestjoni tan-nixfa tittejjeb b'mod reċiproku;

61.  Jisħaq li s-sistemi ta' twissija bikrija huma kritiċi għall-adattament effettiv, b'mod partikolari fir-rigward tan-nirien fil-foresti u l-għargħar, iżda mhumiex disponibbli għal parti kbira tad-dinja; jappoġġa l-inizjattiva ta' servizzi ta' twissija bikrija tal-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija u jittama li din tiġi implimentata malajr sabiex jiġu salvati kemm jista' jkun ħajjiet malajr kemm jista' jkun mill-impatti tal-kriżi klimatika; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jikkondividu t-teknoloġija tas-sistema ta' twissija bikrija;

62.  Jissottolinja li skont in-NU, in-nixfa fil-Qarn tal-Afrika poġġiet 22 miljun persuna fir-riskju li jmutu bil-ġuħ; jinnota li l-problemi bl-aċċess għall-ikel u l-ġuħ f'pajjiżi barra mill-UE qed jiġu aggravati mill-kriżi klimatika, kif ukoll mill-forzi ġeopolitiċi; jistieden lill-UE tagħti prijorità lill-politiki dwar is-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni koerenti u bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem; jindika kif il-kriżi klimatika qed taggrava l-kriżijiet umanitarji madwar id-dinja, b'mod partikolari fl-Afganistan, fejn in-nixfa hija fattur li jikkontribwixxi biex 20 miljun Afgan jiġu mċaħħda mill-ikel;

63.  Jisħaq li l-UE għandha tkun lesta għal spostamenti kkawżati mill-klima u jirrikonoxxi l-ħtieġa li jittieħdu miżuri adegwati sabiex jiġu protetti d-drittijiet tal-bniedem ta' popolazzjonijiet mhedda mill-effetti tat-tibdil fil-klima; iqis li tali spostament għandu jiġi indirizzat fil-livell internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkooperaw dwar l-iżvilupp ta' qafas internazzjonali biex jiġu indirizzati l-ispostament u l-migrazzjoni kkawżati mill-klima kemm fil-fora internazzjonali kif ukoll fl-azzjoni esterna tal-UE; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jappoġġaw lill-persuni li ġew spostati minħabba t-tibdil fil-klima u li ma għadhomx jistgħu jgħixu fil-postijiet ta' residenza tagħhom; jissottolinja li l-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU ddeċieda li l-istati jridu jqisu l-impatti tal-kriżi klimatika fuq id-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż ta' oriġini meta jikkunsidraw id-deportazzjoni tal-applikanti għall-ażil;

64.  Jappella sabiex jiżdiedu l-investimenti fl-edukazzjoni u li tiżdied is-sensibilizzazzjoni għaċ-ċittadini Ewropej dwar id-diżastri naturali; jitlob li l-Jum Internazzjonali għat-Tnaqqis tad-Diżastri Naturali jiġi promoss b'inizjattivi viżibbli tal-UE;

o
o   o

65.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 232, 16.6.2021, p. 28.
(2) ĠU C 270, 7.7.2021, p. 2.
(3) ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1.
(4) ĠU C 67, 8.2.2022, p. 25.
(5) ĠU C 184, 5.5.2022, p. 2.
(6) ĠU C 445, 29.10.2021, p. 156.
(7) ĠU C 506, 15.12.2021, p. 38.
(8) ĠU C 316, 22.9.2017, p. 99.
(9) ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159.
(10) ĠU L 231, 30.6.2021, p. 60.
(11) ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3.
(12) Is-Servizz dwar it-Tibdil fil-Klima ta' Copernicus, "Surface air temperature for August 2022" (It-Temperatura tal-Arja fis-Superfiċje għal Awwissu).
(13) L-Istitut Dinji tar-Riżorsi, "Achieving abundance: understanding the cost of a sustainable water future" (Kisba tal-abbundanza: nifhmu l-ispiża ta' futur idriku sostenibbli), 21 ta' Jannar 2020.
(14) L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, "Water resources across Europe – confronting water stress: an updated assessment", (Ir-riżorsi tal-ilma madwar l-Ewropa – niffaċċjaw l-istress idriku: valutazzjoni aġġornata), 14 ta' Ottubru 2021.
(15) Mekonen, Zelalem A. et al, "Wildfire exacerbates high-latitude soil carbon losses from climate warming", Environment Research Letters, (Nirien fil-foresti jiggravaw it-telf tal-karbonju fil-ħamrija b'latitudni għolja kkawżat mit-tisħin tal-klima", Ittri ta' Riċerka Ambjentali), Vol. 17, Nru 9, Settembru 2022.
(16) Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).
(17) Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1).
(18) Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, "Special Report 20/2021: Sustainable water use in agriculture: CAP funds more likely to promote greater rather than more efficient water use", 2021. (Rapport Speċjali Nru 20/2021: l-użu sostenibbli tal-ilma fl-agrikoltura: il-fondi tal-PAK aktarx jippromwovu użu akbar tal-ilma milli użu aktar effiċjenti tal-ilma", 2021).
(19) Baranyai, G., "Transboundary water governance in the European Union: the (unresolved) allocation question", (Il-governanza transfruntiera tal-ilma fl-Unjoni Ewropea: il-kwistjoni tal-allokazzjoni (mhux solvuta), Ġurnal Uffiċjali tal-Kunsill Dinji tal-Ilma, Vol. 21, Nru 3, 2019.
(20) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta' Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (ĠU L 135, 30.5.1991, p. 40).
(21) Servizz ta' Monitoraġġ tal-Atmosfera ta' Copernicus, "Europe's summer wildfire emissions highest in 15 years" (L-ogħla emissjonijiet min-nirien fil-foresti tas-sajf fl-Ewropa fi 15-il sena), is-6 ta' Settembru 2022.
(22) Aħbarijiet taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, "Global warming could more than double costs caused by drought in Europe, study finds" (Studju jsib li t-tisħin globali jista' jirdoppja u iżjed il-kostijiet ikkawżati min-nixfa fl-Ewropa), l-10 ta' Mejju 2021.
(23) Sejbiet taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka dwar il-projezzjoni tal-impatti ekonomiċi tat-tibdil fil-klima fis-setturi tal-UE abbażi ta' analiżi minn isfel għal fuq.
(24) Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Settembru 2020 intitolata "It-tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030: Ninvestu f'futur newtrali għall-klima għall-benefiċċju tal-popli tagħna" (COM(2020)0562).
(25) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Ġunju 2022 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-restawr tan-natura (COM(2022)0304).
(26) Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija, "WMO Air Quality and Climate Bulletin highlights impacts of wildfires" (Il-Bulettin tad-WMO dwar il-Kwalità tal-Arja u l-Klima jenfasizza l-impatti tan-nirien fil-foresti), 7 ta' Settembru 2022.
(27) Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51).
(28) Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol, (ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1).


Is-sitwazzjoni fl-Istrett tat-Tajwan
PDF 141kWORD 50k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2022 dwar is-sitwazzjoni fl-Istrett tat-Tajwan (2022/2822(RSP))
P9_TA(2022)0331RC-B9-0389/2022

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2021 lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà rigward ir-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni UE-Tajwan(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2022 dwar l-UE u l-isfidi tas-sigurtà fl-Indo-Paċifiku(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2022 dwar l-istrateġija Indo-Paċifika fil-qasam tal-kummerċ u tal-investiment(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2021 dwar strateġija UE-Ċina ġdida(4),

–  wara li kkunsidra s-summit UE-Ċina tal-1 ta' April 2022,

–  wara li kkunsidra l-politika ta' "Ċina Waħda" tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' April 2021 dwar strateġija tal-UE għall-kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-16 ta' Settembru 2021 dwar l-istrateġija tal-UE għall-kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku (JOIN(2021)0024),

–  wara li kkunsidra l-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża adottata mill-Kunsill fil-21 ta' Marzu 2022,

–  wara li kkunsidra l-Kunċett Strateġiku tan-NATO tal-2022,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-1 ta' Diċembru 2021 dwar il-Portal Globali (JOIN(2021)0030),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-ministri għall-affarijiet barranin tal-G7 tat-3 ta' Awwissu 2022 dwar il-preservazzjoni tal-paċi u l-istabbiltà fl-Istrett tat-Tajwan,

–  wara li kkunsidra d-diskors tal-VP/RGħ Josep Borrell fid-29 Forum Reġjonali tal-ASEAN fil-5 ta' Awwissu 2022,

–  wara li kkunsidra d-Djalogu Strateġiku Trilaterali bejn l-Istati Uniti, l-Awstralja u l-Ġappun tal-5 ta' Awwissu 2022,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg, tal-4 ta' Awwissu 2022,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE u t-Tajwan huma sħab li jaqsmu l-istess fehma u li jikkondividu l-valuri komuni tal-libertà, tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt; billi l-UE tkompli żżomm il-pożizzjoni ta' prinċipju tagħha favur politika ta' "Ċina Waħda";

B.  billi bejn l-4 u l-10 ta' Awwissu 2022, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (RPĊ) eskalat l-intimidazzjoni militari tagħha li ilha għaddejja kontra t-Tajwan għal livell mingħajr preċedent wara ż-żjara tat-2 u t-3 ta' Awwissu 2022 mill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti Nancy Pelosi, u varat eżerċizzji militari fuq skala kbira bl-użu ta' munizzjon reali f'seba' żoni deżinjati madwar it-Tajwan; billi l-eżerċizzji inkludew l-użu ta' xejn inqas minn 11-il missila ballistika li minnhom mill-inqas ħamsa għaddew minn fuq it-Tajwan; billi dawn l-eżerċizzji militari kkostitwew imblokk virtwali tal-ispazju marittimu u tal-ajru tat-Tajwan;

C.  billi ħamsa mill-missili ballistiċi tar-RPĊ niżlu fiż-żona ekonomika esklussiva Ġappuniża (ŻEE);

D.  billi l-eżerċizzji militari fuq skala sħiħa kienu akkumpanjati minn attakki ċibernetiċi intensi kontra l-awtoritajiet Tajwaniżi u s-settur privat; billi l-belliġerenza militari kontinwa tar-RPĊ toħloq theddida serja għall-istatus quo u tista' twassal għal eskalazzjoni perikoluża, anke mhux intenzjonata, b'impatt serju fuq l-istabbiltà u l-paċi globali, inkluż għall-UE;

E.  billi r-RPĊ tidher li qed tfittex li tkompli l-azzjonijiet aggressivi żżejjed tagħha b'mod indefinit, u qed tipprova ddgħajjef l-istatus quo fl-Istrett tat-Tajwan;

F.  billi mill-2019 'l hawn, ir-RPĊ daħlet fiż-żona ta' identifikazzjoni tad-difiża tal-ajru (ADIZ) Tajwaniża b'aktar regolarità; billi r-RPĊ qed taġixxi b'mod aggressiv f'żoni vasti tal-Indo-Paċifiku u qed teżerċita gradi differenti ta' koerċizzjoni militari jew ekonomika, li wasslu għal tilwim ma' ġirien bħall-Ġappun, l-Indja, il-Filippini u l-Awstralja;

G.  billi b'reazzjoni għall-provokazzjonijiet imġedda mir-RPĊ, it-Tajwan ħabbar li se jżid il-baġit militari tiegħu b'13,9 % sena wara sena, għal rekord ta' TWD 586,3 biljun (EUR 19,5 biljun);

H.  billi l-Awstralja u l-Ġappun, flimkien mal-Istati Uniti, esprimew f'dikjarazzjoni konġunta "tħassib dwar l-azzjonijiet reċenti [tar-RPĊ] li jaffettwaw serjament il-paċi u l-istabbiltà internazzjonali" u ħeġġew lir-RPĊ "twaqqaf immedjatament l-eżerċizzji militari"; billi l-ministri għall-affarijiet barranin tal-G7 ikkritikaw fid-dettall l-azzjonijiet aggressivi tar-RPĊ;

I.  billi wara ż-żjara tad-delegazzjoni tal-Kungress tal-Istati Uniti mmexxija mill-Ispeaker Pelosi, ir-RPĊ issospendiet it-taħditiet u l-kooperazzjoni mal-Istati Uniti fi tmien oqsma differenti, inklużi d-djalogi dwar kwistjonijiet militari u t-tibdil fil-klima;

J.  billi f'dawn l-aħħar snin it-Tajwan laqa' għadd kbir ta' żjarat minn leġiżlaturi, inklużi dawk mill-Istati Membri tal-UE u Viċi President wieħed tal-Parlament Ewropew; billi tali żjarat fil-qafas tad-diplomazija parlamentari huma prattika komuni fid-demokraziji;

K.  billi fid-9 ta' Ottubru 2021, il-President Xi Jinping wiegħed li jwettaq ir-"riunifikazzjoni" mat-Tajwan permezz ta' mezzi allegatament paċifiċi, iżda ddikjara b'mod falz li l-akbar ostaklu għaliha kienet l-hekk imsejħa forza ta' "indipendenza tat-Tajwan"; billi din ir-retorika mhijiex appoġġata mill-azzjonijiet tar-RPĊ; billi d-diplomatiċi tar-RPĊ saħansitra heddew bl-hekk imsejħa "edukazzjoni mill-ġdid" tat-Tajwaniżi wara r-"riunifikazzjoni";

L.  billi l-white paper tar-RPĊ li ġiet ippubblikata dan l-aħħar bit-titolu "Il-Kwistjoni tat-Tajwan u r-Riunifikazzjoni taċ-Ċina fl-Era l-Ġdida" neħħiet ir-riassigurazzjonijiet preċedenti offruti lit-Tajwan dwar l-istatus futur tiegħu wara r-"riunifikazzjoni", bħall-fatt li ma jkunux stazzjonati t-truppi tar-RPĊ jew li jintbagħat persunal amministrattiv fuq il-gżira;

M.  billi r-RPĊ imponiet sanzjonijiet ekonomiċi u pressjoni massivi fuq il-Litwanja wara li qablet mal-ftuħ ta' Uffiċċju ta' Rappreżentanza Tajwaniż fil-Litwanja, kif ukoll pjanijiet biex tiftaħ uffiċċju ta' rappreżentanza tal-kummerċ Litwan f'Taipei; billi l-Parlament isostni bil-qawwa d-dritt tal-Istati Membri kollha tal-UE li jsegwu tali relazzjonijiet mat-Tajwan;

N.  billi t-Tajwan allinja ruħu mas-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja u billi kemm l-awtoritajiet Tajwaniżi kif ukoll il-poplu tiegħu għamlu donazzjonijiet sinifikanti lir-rifuġjati Ukreni;

O.  billi t-Tajwan jinsab f'pożizzjoni strateġika f'termini ta' kummerċ; billi l-Istrett tat-Tajwan huwa r-rotta primarja għall-vapuri li jivvjaġġaw miċ-Ċina, il-Ġappun, il-Korea t'Isfel u t-Tajwan lejn l-Ewropa; billi l-UE tibqa' l-akbar sors ta' investiment dirett barrani (FDI) fit-Tajwan; billi hemm potenzjal konsiderevoli biex jiżdied l-FDI tat-Tajwan fl-UE; billi t-Tajwan jiddomina s-swieq tal-manifattura tas-semikondutturi, peress li l-produtturi tiegħu jimmanifatturaw madwar 50 % tal-produzzjoni dinjija tas-semikondutturi; billi l-istrateġija Indo-Paċifika tal-UE targumenta favur żieda fil-kooperazzjoni mat-Tajwan fil-qasam tal-kummerċ u tal-investiment u tippromwovi l-istabbilizzazzjoni tat-tensjonijiet fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar u fl-Istrett tat-Tajwan;

P.  billi, fis-Summit UE-Ċina tal-1 ta' April 2022, l-UE fakkret fir-responsabbiltà tar-RPĊ, kemm bħala attur globali kif ukoll bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li taħdem għall-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun u b'mod partikolari fl-Istrett tat-Tajwan;

Q.  billi l-UE impenjat ruħha li tuża kull mezz disponibbli biex tinkoraġġixxi inizjattivi bl-għan li jippromwovu d-djalogu, il-kooperazzjoni u l-bini tal-fiduċja maż-żewġ naħat tal-Istrett tat-Tajwan; billi dawn l-iżviluppi l-ġodda saħħew il-ħtieġa urġenti li l-impenn tal-UE jikkontribwixxi għat-tnaqqis tat-tensjonijiet reġjonali bħala fattur ta' instabbiltà;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-eżerċizzji militari tar-RPĊ li bdew fl-Istrett tat-Tajwan fit-2 ta' Awwissu 2022 u li laħqu livell bla preċedent ta' intensità, u jistieden lill-Gvern tar-RPĊ joqgħod lura minn kwalunkwe miżura li tista' tiddestabbilizza l-Istrett tat-Tajwan u s-sigurtà reġjonali;

2.  Jissottolinja li l-istatus quo fl-Istrett tat-Tajwan ma jridx jinbidel b'mod unilaterali u jinsisti fuq l-oppożizzjoni għall-użu tal-forza jew għal kwalunkwe theddid li tintuża;

3.  Itenni l-impenn tal-komunità internazzjonali li żżomm l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, il-paċi u l-istabbiltà fl-Istrett tat-Tajwan u fir-reġjun; itenni l-impenn tal-UE għall-politika ta' "Ċina Waħda" bħala l-pedament politiku tar-relazzjonijiet UE-Ċina; ifakkar li l-istrateġija UE-Ċina tenfasizza li relazzjonijiet kostruttivi bejn iż-żewġ naħat tal-Istrett huma parti mill-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà fir-reġjun kollu tal-Asja u l-Paċifiku u li l-UE tappoġġa inizjattivi mmirati lejn id-djalogu u l-bini tal-fiduċja; huwa konvint li l-azzjonijiet provokattivi tar-RPĊ kontra t-Tajwan u fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar għandu jkollhom konsegwenzi għar-relazzjonijiet UE-Ċina, u li għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà ta' ppjanar ta' kontinġenza;

4.  Jesprimi s-solidarjetà soda tiegħu mal-poplu tat-Tajwan; jifraħ lill-awtoritajiet tat-Tajwan u lill-mexxejja politiċi għar-reazzjoni mrażżna u responsabbli tagħhom għall-provokazzjonijiet tar-RPĊ;

5.  Jissottolinja li, fil-gżira demokratika tat-Tajwan, huwa f'idejn il-poplu li jiddeċiedi kif jixtieq jgħix;

6.  Itenni l-importanza li jiġi rispettat id-dritt internazzjonali, b'mod partikolari l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) u d-dispożizzjonijiet tagħha dwar l-obbligu li t-tilwim jissolva b'mezzi paċifiċi, u dwar iż-żamma tal-libertà tan-navigazzjoni u t-titjiriet li jgħaddu minn fuq il-pajjiż;

7.  Jilqa' l-mod ċar li bih l-Istati Membri tal-UE kif ukoll sħab ewlenin fir-reġjun ikkundannaw l-eżerċizzji militari tar-RPĊ, u jissottolinja li l-unità tagħna hija kruċjali sabiex tiġi skoraġġuta kwalunkwe aggressjoni mir-RPĊ u jinżammu l-paċi u l-istabbiltà fl-Istrett tat-Tajwan;

8.  Jinsab imħasseb għall-aħħar dwar il-missili ballistiċi li ġew sparati fuq it-Tajwan, li niżlu fiż-żona ekonomika esklużiva tal-Ġappun, li jheddu l-istabbiltà tar-reġjun u s-sigurtà nazzjonali tal-Ġappun; jilqa' l-kelliem tal-istqarrijiet tal-Gvern Ġappuniż li jappella għal djalogu ġenwin biex jissolvew il-kwistjonijiet li jikkonċernaw lit-Tajwan b'mod paċifiku; jesprimi s-simpatija tiegħu u joffri l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-Ġappun, u jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa li d-demokraziji fir-reġjun ikomplu jappoġġaw lit-Tajwan fid-dawl tat-theddid militari tar-RPĊ, peress li l-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun huma fl-interess ta' kulħadd;

9.  Iħeġġeġ lir-RPĊ twaqqaf minnufih l-azzjonijiet u l-intrużjonijiet kollha fiż-żona ta' identifikazzjoni għad-difiża tal-ajru tat-Tajwan u twaqqaf il-ksur tal-ispazju tal-ajru fuq il-gżejjer periferiċi tat-Tajwan, jerġgħu jistabbilixxu bis-sħiħ ir-rispett sħiħ tal-linja medjana tal-Istrett tat-Tajwan, u twaqqaf it-tattiki militari f'żona griża l-oħra kollha, inklużi kampanji ċibernetiċi u ta' diżinformazzjoni;

10.  Jikkundanna d-deċiżjoni tar-RPĊ li tissospendi diversi djalogi politiċi mal-Istati Uniti, inkluż dwar kwistjonijiet klimatiċi u ta' sigurtà, u jħeġġeġ lit-tmexxija tar-RPĊ terġa' lura għal standards diplomatiċi sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' kalkoli żbaljati u żbalji li jista' jkollhom konsegwenzi katastrofiċi;

11.  Jirrifjuta bil-qawwa l-koerċizzjoni ekonomika tar-RPĊ kontra t-Tajwan u demokraziji oħra fir-reġjun tagħha, kif ukoll kontra l-Istati Membri tal-UE, u jissottolinja li prattiki bħal dawn mhumiex biss illegali skont ir-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, iżda għandhom ukoll effett devastanti fuq ir-reputazzjoni tar-RPĊ madwar id-dinja u jwasslu għal aktar telf ta' fiduċja fir-RPĊ bħala sieħba;

12.  Jitlob li l-UE tassumi rwol aktar b'saħħtu fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Istrett tat-Tajwan u l-Indo-Paċifiku b'mod ġenerali, f'konformità mal-istrateġija Indo-Paċifika tagħha stess; jappella għall-approfondiment ulterjuri tar-relazzjonijiet strateġiċi tagħna ma' sħab tal-istess fehma fir-reġjun, b'mod partikolari l-Ġappun u l-Awstralja;

13.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jżidu l-preżenza ekonomika u diplomatika tagħhom fir-reġjun Indo-Paċifiku kollu, inkluż fit-Tajwan, u jfakkar li ċ-ċentru ta' gravità strateġiku u ekonomiku tad-dinja qed jiċċaqlaq lejn dan ir-reġjun, u li l-UE għalhekk għandha interess ċar li ssawwar approċċ ċar u kredibbli fil-livell tal-UE għall-Indo-Paċifiku;

14.  Jistieden għal darb'oħra lill-UE ssaħħaħ is-sħubija eżistenti mat-Tajwan sabiex tippromwovi valuri u prinċipji komuni, inkluż billi tfittex ftehim reżiljenti dwar il-katina tal-provvista u ftehim bilaterali ta' investiment (BIA), li jgħinu fil-protezzjoni tal-interessi tal-UE kollha kemm hi u tal-Istati Membri tagħha;

15.  Jilqa' l-pjanijiet imħabbra reċentement mil-Litwanja biex tiftaħ uffiċċju ta' rappreżentanza tal-kummerċ f'Taipei fil-ħarifa tal-2022; jistieden Stati Membri oħra li għadhom ma fetħux uffiċċju kummerċjali fit-Tajwan biex isegwu dan l-eżempju u jsaħħu r-relazzjonijiet politiċi tagħhom mat-Tajwan; jistieden lir-RPĊ tirrevoka s-sanzjonijiet mhux ġustifikati tagħha kontra uffiċjali Litwani; jikkundanna r-restrizzjonijiet kummerċjali tar-RPĊ;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tbiddel l-isem tal-Uffiċċju Ekonomiku u Kummerċjali Ewropew f'Taipei sabiex jirrifletti l-ambitu wiesa' tar-rabtiet tagħna;

17.  Jisħaq fuq kemm it-Tajwan huwa kruċjali għall-katina tal-provvista globali fis-setturi ewlenin tat-teknoloġija avvanzata, b'mod partikolari s-semikondutturi, u jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jiżviluppaw strateġija għar-reżiljenza u jibdew jaħdmu mingħajr dewmien fuq ftehim reżiljenti tal-katina tal-provvista mat-Tajwan bl-għan li jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet rispettivi b'mod ta' benefiċċju reċiproku u li għandu l-għan li jissalvagwardja s-sigurtà tat-Tajwan billi jsaħħaħ it-"tarka tas-siliċju" tiegħu;

18.  Jinkoraġġixxi aktar interazzjoni ekonomika, xjentifika, kulturali u politika bejn l-UE u t-Tajwan, inkluż fl-aktar livelli għolja possibbli, sabiex tiġi riflessa bis-sħiħ il-kooperazzjoni dinamika, multidimensjonali u mill-qrib bejn l-UE u t-Tajwan bħala sħab tal-istess fehma;

19.  Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jikkunsidraw proġetti ta' konnettività mal-istati gżejjer tal-Paċifiku u koinvestiment f'sħubijiet bejn il-Global Gateway tal-UE u u l-Politika l-ġdida tat-Tajwan għan-Nofsinhar bl-għan li jitrawmu relazzjonijiet kummerċjali u politiċi kif ukoll l-istabbiltà fir-reġjun Indo-Paċifiku;

20.  Itenni l-istedina preċedenti tiegħu lill-Kummissjoni biex tniedi, mingħajr dewmien, valutazzjoni tal-impatt, konsultazzjoni pubblika u eżerċizzju dwar l-ambitu rigward Ftehim Bilaterali ta' Investiment mal-awtoritajiet Tajwaniżi bi tħejjija għan-negozjati biex jiġu approfonditi r-rabtiet ekonomiċi bilaterali;

21.  Jirrakkomanda approfondiment ulterjuri tal-kooperazzjoni bejn l-UE u t-Tajwan biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni strutturali dwar il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-indħil barrani; jirrakkomanda li jiġi stazzjonat uffiċjal ta' kollegament fl-Uffiċċju Ekonomiku u Kummerċjali Ewropew biex jikkoordina l-isforzi konġunti dwar l-indirizzar tad-diżinformazzjoni u l-indħil;

22.  Jirrikonoxxi li l-azzjonijiet ta' appoġġ, bħaż-żjarat parlamentari, huma ta' valur u jemmen li dawn jistgħu jikkontribwixxu għad-deterrenza jekk ikunu akkumpanjati minn kooperazzjoni sostantiva f'oqsma oħra; jissottolinja l-intenzjoni tiegħu li jibgħat delegazzjonijiet parlamentari uffiċjali fit-Tajwan fil-futur; jilqa' l-fatt li stedina uffiċjali għal żjara fil-Parlament Ewropew ġiet estiża għall-Yuan Leġiżlattiv tat-Tajwan matul iż-żjara reċenti tal-Viċi President tal-Parlament Ewropew Beer fit-Tajwan; biħsiebu jsegwi azzjonijiet bħall-organizzazzjoni ta' ġimgħa parlamentari UE-Tajwan;

23.  Ifaħħar l-impenn tat-Tajwan li jżomm mal-Ukrajna quddiem l-aggressjoni brutali u mhux ġustifikata tar-Russja;

24.  Ifakkar fl-importanza li jissaħħaħ id-djalogu UE-Tajwan billi jiġu approfonditi r-relazzjonijiet mal-atturi lokali, inkluża s-soċjetà ċivili, u jsiru skambi ma' organizzazzjonijiet tal-media Tajwaniżi, u jisħaq li skambju msaħħaħ bħal dan se jgħin biex itejjeb il-profil u l-viżibbiltà tal-UE fit-Tajwan u jikkontribwixxi għall-isforzi konġunti biex flimkien jindirizzaw it-theddida ta' diżinformazzjoni li ż-żewġ naħat qed jiffaċċjaw dejjem aktar;

25.  Isostni bis-saħħa l-parteċipazzjoni sinifikanti tat-Tajwan bħala osservatur fil-laqgħat, fil-mekkaniżmi u fl-attivitajiet tal-korpi internazzjonali, fosthom l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali (Interpol) u l-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima;

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-gvernijiet u lil-leġizlaturi tat-Tajwan, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, l-Istati Uniti, il-Ġappun, il-Korea t'Isfel, l-Awstralja, l-Indja, il-Filippini, ir-Russja u l-Ukrajna, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 184, 5.5.2022, p. 170.
(2) Testi adottati, P9_TA(2022)0224
(3) Testi adottati, P9_TA(2022)0276.
(4) ĠU C 117, 11.3.2022, p. 40.

Avviż legali - Politika tal-privatezza