Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 15 ta' Diċembru 2022 - Strasburgu
It-trażżin mill-gvern Ċiniż tal-protesti paċifiċi madwar ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
 It-trażżin mill-ġunta militari ta' dimostrazzjonijiet paċifiċi fiċ-Chad
 Il-każ tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Abdulhadi Al-Khawaja fil-Bahrain
 Suspetti ta' korruzzjoni mill-Qatar u l-ħtieġa usa' ta' trasparenza u responsabbiltà fl-istituzzjonijiet Ewropej
 90 sena wara l-Holodomor: ir-rikonoxximent tal-qtil tal-massa bil-ġuħ bħala ġenoċidju
 It-titjib tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027
 Deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-2021

It-trażżin mill-gvern Ċiniż tal-protesti paċifiċi madwar ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
PDF 149kWORD 54k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2022 dwar it-trażżin mill-gvern Ċiniż tal-protesti paċifiċi madwar ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (2022/2992(RSP))
P9_TA(2022)0445RC-B9-0563/2022

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina, b'mod partikolari dawk tad-9 ta' Ġunju 2022 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xinjiang, inklużi x-Xinjiang police files(1), tal-20 ta' Jannar 2022 dwar il-ksur tal-libertajiet fundamentali f'Hong Kong(2), tas-16 ta' Settembru 2021 dwar strateġija UE-Ċina ġdida(3), tal-20 ta' Mejju 2021 dwar il-kontrosanzjonijiet Ċiniżi fuq entitajiet tal-UE, Membri tal-PE u Deputati nazzjonali(4), tal-21 ta' Jannar 2021 dwar ir-repressjoni tal-oppożizzjoni demokratika f'Hong Kong(5), tat-12 ta' Settembru 2018 dwar il-qagħda tar-relazzjonijiet UE-Ċina(6) u tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar ir-relazzjonijiet UE-Ċina(7),

–  wara li kkunsidra s-Summit UE-Ċina li sar fl-1 ta' April 2022,

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklużivi tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti dwar ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong taċ-Ċina u r-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Macao taċ-Ċina dwar l-implimentazzjoni tagħhom tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, adottat fis-27 ta' Lulju 2022,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika tal-1984 u d-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Portugiża tal-1987,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-12 ta' Marzu 2019 bit-titolu "UE-Ċina: Perspettiva strateġika" (JOIN(2019)0005),

–  wara li kkunsidra l-Premju Sakharov 2019 mogħti lil Ilham Tohti, ekonomista Ujgur li qed jiġġieled paċifikament għad-drittijiet tal-minoranza Ujgura fiċ-Ċina,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE tal-5 ta' Diċembru 2022 li testendi l-miżuri meħuda skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1998 tas-7 ta' Diċembru 2020 dwar miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem(8),

–  wara li kkunsidra r-rimarki tal-President tal-Kunsill Charles Michel wara l-laqgħa mal-President Ċiniż Xi Jinping fl-1 ta' Diċembru 2022,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tat-2 ta' Diċembru 2022 bit-titolu "EU-U.S.: Consultations between the U.S. Deputy Secretary of State Wendy Sherman and European External Action Service Secretary General Stefano Sannino" (UE-Stati Uniti: Konsultazzjonijiet bejn il-Viċi Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti Wendy Sherman u s-Segretarju Ġenerali tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna Stefano Sannino),

–  wara li kkunsidra l-11-il Djalogu Strateġiku UE-Ċina tat-28 ta' Settembru 2021 bejn il-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) Josep Borrell u l-Kunsillier tal-Istat Ċiniż/il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Wang Yi,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 35 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li jistipula li ċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jeħtiġilhom igawdu l-libertà ta' espressjoni, tal-istampa, ta' assemblea, ta' assoċjazzjoni, ta' parteċipazzjoni f'kortej u ta' dimostrazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966, li qatt ma ġie ratifikat miċ-Ċina minkejja li ffirmatu fl-1998,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024 u l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar ix-Xinjiang mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem ippubblikat fil-31 ta' Awwissu 2022,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt għandhom ikunu fil-qalba tar-relazzjonijiet tal-UE maċ-Ċina, f'konformità mal-impenn tal-UE li tiddefendi dawn il-valuri fl-azzjoni esterna tagħha u mal-impenn taċ-Ċina li taderixxi għalihom fl-iżvilupp u l-kooperazzjoni internazzjonali tagħha stess;

B.  billi mill-2020 iċ-Ċina segwiet politika stretta ħafna ta' żero COVID li tinkludi ttestjar tal-massa u lockdowns ad hoc u fit-tul li jillimitaw serjament il-libertà u d-drittijiet tan-nies;

C.  billi dawn ir-restrizzjonijiet severi wasslu għal lockdowns frekwenti u fit-tul, rekwiżiti ta' ttestjar massivi u sistematiċi u kwarantina, u limitazzjonijiet sproporzjonati u severi għal-libertà ta' moviment fiċ-Ċina; billi dawn ir-restrizzjonijiet wasslu wkoll għal nuqqas ta' provvista ta' oġġetti essenzjali, inkluż l-ikel, aċċess limitat għall-kura tas-saħħa u żieda fil-qgħad fost iż-żgħażagħ fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina;

D.  billi fil-jiem u l-ġimgħat qabel ma faqqgħu l-protesti mifruxa, kien hemm livelli għoljin ta' tensjoni f'xi fabbriki, bħall-fabbriki Foxconn, minn fejn għadd kbir ta' ħaddiema ħarbu sabiex jevitaw il-lockdowns radikali u totali tal-fabbriki wara tifqigħat tal-COVID fis-siti ta' produzzjoni u bi protesta kontra n-nuqqas ta' ħlas rikorrenti ta' bonusijiet matul il-lockdowns; billi l-protesti fil-fabbriki saru vjolenti u l-vidjows fuq il-media soċjali ġabu ħaddiema jissawtu mill-pulizija;

E.  billi minħabba l-infurzar strett tal-lockdowns, binjiet sħaħ, inkluż il-ħruġ ta' emerġenza, xi drabi ngħalqu; billi fl-24 ta' Novembru 2022 ħadet in-nar binja residenzjali f'Urumqi, Xinjiang, belt fejn kien hemm lockdown kontinwu għal aktar minn 100 jum, u li fiha mill-inqas għaxar persuni tilfu ħajjithom; billi sorsi lokali u għadd kbir ta' posts fuq il-media soċjali indikaw għadd ferm ogħla ta' mwiet(9) sa 40 vittma; billi r-residenti ta' din il-binja allegatament kienu msakkra fl-appartamenti tagħhom u l-ħaddiema tat-tifi tan-nar waslu tard, probabbilment minħabba r-restrizzjonijiet imposti taħt il-politika ta' żero COVID;

F.  billi fis-26 ta' Novembru 2022, għall-ewwel darba mill-protesti fi Pjazza Tiananmen fl-1989, in-nies ħarġu fit-toroq f'Beijing, f'Shanghai u fi bliet u muniċipalitajiet Ċiniżi ewlenin oħra u allegatament f'aktar minn 100 università biex jipprotestaw kontra l-politika taċ-Ċina ta' żero COVID u jiddenunzjaw il-ħakma awtoritarja tal-Partit Komunista Ċiniż; billi d-dimostranti malajr għażlu karta vojta bħala simbolu biex jesprimu r-rabja tagħhom għat-trażżin tal-libertà ta' espressjoni;

G.  billi l-pulizija, wara li għall-ewwel bdiet trażżan, malajr bdiet tofroq il-folol u twettaq arresti mifruxa f'diversi bliet; billi f'Shanghai, pereżempju, il-pulizija użaw pepper spray biex ikeċċu madwar 300 dimostrant li kienu nġabru; billi l-posts dwar il-protesta fuq il-pjattaformi tal-media soċjali taċ-Ċina tħassru minnufih fi sforz biex titrażżan il-kritika; billi l-media tal-istat Ċiniż s'issa sempliċement evitat li tirrapporta l-protesti;

H.  billi xi dimostranti qed jitolbu li l-President Xi Jinping jirriżenja, u dan jikkostitwixxi sfida bla preċedent għat-tmexxija attwali tal-pajjiż;

I.  billi n-nisa kienu fuq quddiem nett ta' dawn il-protesti; billi d-drittijiet tan-nisa fiċ-Ċina kienu qed jiddeterjoraw f'dawn l-aħħar snin; billi l-istudji wrew li l-lockdowns iżidu r-riskju ta' vjolenza domestika abbażi tal-ġeneru;

J.  billi saru rapporti ta' preżenza u interventi qawwija tal-pulizija li wasslu għal bosta arresti ta' dimostranti paċifiċi; billi, skont diversi organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, l-awtoritajiet interferixxew ukoll mad-dritt tad-dimostranti għal rappreżentanza legali, b'xi avukati jiġu mwissija mill-awtoritajiet lokali biex ma jiħdux f'idejhom każijiet;

K.  billi l-Artikolu 35 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jiddikjara li "ċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jgawdu l-libertà ta' espressjoni, tal-istampa, ta' assemblea, ta' assoċjazzjoni, ta' parteċipazzjoni f'kortej u ta' dimostrazzjoni"; billi l-libertajiet minquxa f'dan l-Artikolu qed jinkisru b'mod kostanti;

L.  billi, minn mindu ħa l-poter il-President Xi Jinping f'Marzu 2013, is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina marret għall-agħar drastikament; billi l-Gvern Ċiniż żied l-ostilità tiegħu kontra d-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; billi s-sorveljanza u l-monitoraġġ illegali tal-massa taċ-Ċina fuq iċ-ċittadini tagħha ġew estiżi;

M.  billi, f'dawn l-aħħar snin, l-awtoritajiet Ċiniżi għamlu ċ-ċensura online aktar ristretta, b'mod partikolari minn mindu faqqgħet il-COVID-19; billi l-awtoritajiet u l-pulizija Ċiniżi immuntaw waħda mis-sistemi ta' sorveljanza l-aktar sofistikati tad-dinja billi kisbu aċċess għal software u teknoloġija b'saħħithom għar-rikonoxximent tal-wiċċ sabiex jirrestrinġu b'mod strett il-libertajiet fundamentali b'mod ġeneralizzat, jew saħansitra jiksru b'mod massiv id-drittijiet tal-bniedem; billi hemm tħassib li minħabba dawn it-teknoloġiji ta' sorveljanza tal-massa u ta' rikonoxximent tal-wiċċ, l-apparat tas-sigurtà se jħarrek lid-dimostranti aktar tard;

N.  billi, skont rapporti reċenti, l-awtoritajiet Ċiniżi implimentaw l-ogħla livell ta' "rispons ta' emerġenza" ta' ċensura tal-media fil-kuntest tal-protesti li faqqgħu reċentement; billi l-pjattaformi tal-media soċjali kellhom rwol attiv u strumentali fit-tixrid tal-kontenut fil-pajjiż kollu; billi l-forzi tas-sigurtà waqqfu wkoll liċ-ċittadini fit-triq, spezzjonaw l-apparat elettroniku tagħhom u ġiegħluhom iħassru ċerti applikazzjonijiet, kontenut u ritratti relatati mal-protesti; billi, wara li faqqgħu l-protesti, l-awtoritajiet Ċiniżi minnufih bdew jintraċċaw, fuq skala massiva, applikazzjonijiet tal-messaġġi, data tal-media soċjali u tal-mowbajls li huma jqisu suspettużi, kif ukoll l-użu ta' networks privati virtwali, sabiex jidentifikaw, jintimidaw u jagħtu fastidju lil persuni li allegatament jorganizzaw u jipparteċipaw fil-protesti;

O.  billi, f'dawn l-aħħar snin, l-awtoritajiet Ċiniżi neħħew gruppi tas-soċjetà ċivili u tefgħu il-ħabs ħafna attivisti indipendenti, u b'hekk sar estremament diffiċli li jsiru protesti fuq skala kbira; billi, f'dawn l-aħħar xhur, seħħew protesti sporadiċi b'rispons għall-politika tal-COVID-19, it-tbatija ekonomika, iċ-ċensura u s-setgħat mifruxa tal-President Xi, fiċ-Ċina u minn ċittadini Ċiniżi barra mill-pajjiż;

P.  billi ċ-Ċina hija involuta f'repressjoni u sorveljanza transfruntiera permezz ta' diversi attivitajiet li jvarjaw minn spjunaġġ, attakki ċibernetiċi, attakki fiżiċi u l-ħruġ ta' Avviżi Ħomor permezz tal-Interpol għal "għases tal-pulizija barra mill-pajjiż" fit-territorju tal-UE;

Q.  billi, f'mossa kkoordinata fuq livell nazzjonali, l-istudenti ntbagħtu lura d-dar minn universitajiet xahar qabel iż-żmien sabiex ma jitħallewx ikomplu jipparteċipaw fi protesti organizzati;

R.  billi xi diplomatiċi Ċiniżi huma involuti fi vjolenza u theddid fil-konfront ta' studenti u avversarji Ċiniżi barra mill-pajjiż, u talbu li "jirreżistu milli joħolqu distorsjonijiet u jiskreditaw il-politiki taċ-Ċina għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-epidemiji";

S.  billi ċ-Ċina qed issegwi l-persekuzzjoni sistemika tal-poplu Ujgur u ta' minoranzi etniċi oħra, ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, attivisti soċjali, gruppi reliġjużi, ġurnalisti u dimostranti kontra l-inġustizzji, u qed trażżan dejjem aktar l-ilħna kollha li ma jaqblux u dawk tal-oppożizzjoni; billi t-telf ta' ħajjiet fin-nar ta' Urumqi jżid traġedja oħra mal-atroċitajiet tad-drittijiet tal-bniedem li qed iseħħu fir-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang;

1.  Jikkundanna bil-qawwa r-reazzjoni mmexxija mill-Gvern Ċiniż għall-protesti paċifiċi u l-persekuzzjoni tad-dimostranti paċifiċi madwar ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-vittmi tan-nar ta' Urumqi u l-membri tal-familja tagħhom u jinsab f'solidarjetà magħhom; jistieden lill-Gvern Ċiniż biex ikun trasparenti dwar in-numru ta' vittmi u ċ-ċirkostanzi li fihom mietu; jitlob investigazzjoni fil-pront, effikaċi u bir-reqqa tan-nar ta' Urumqi;

2.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu taċ-Ċina fil-ġlieda tiegħu għal-libertajiet fundamentali; jikkundanna l-persekuzzjoni tad-dimostranti paċifiċi; iħeġġeġ lill-forzi tal-pulizija kollha jirreaġixxu f'konformità mal-istandards internazzjonali, inklużi l-Prinċipji Bażiċi tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Użu tal-Forza u tal-Armi tan-Nar mill-Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi;

3.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, inkluż fil-kuntest tal-politika tagħha ta' żero COVID;

4.  Jinnota li l-vittmi kollha tan-nar ta' Urumqi huma ta' etniċità Ujgura(10), u b'hekk ġiet approfondita t-tbatija ta' dan il-grupp etniku li safa vittma ta' atroċitajiet sistematiċi tad-drittijiet tal-bniedem li qed iseħħu fir-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang, li l-Parlament Ewropew irrikonoxxa li jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità u li jirrappreżentaw riskju serju ta' ġenoċidju(11);

5.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-fatt li l-libertà ta' espressjoni, il-libertà ta' għaqda u l-libertà tal-istampa u tal-midja soċjali huma ristretti ħafna fiċ-Ċina; jistieden lill-Gvern Ċiniż jiżgura l-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni, ta' għaqda, tal-istampa u tal-midja, kif minqux fil-Kostituzzjoni Ċiniża u fid-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

6.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakk vjolenti u d-detenzjoni ta' ġurnalist barrani li kien qed ikopri dawn il-protesti; ifakkar li l-libertà tal-istampa hija prinċipju fundamentali u pilastru essenzjali ta' kwalunkwe demokrazija; jistieden liċ-Ċina tiżgura li l-ġurnalisti kollha jkunu jistgħu jwettqu xogħolhom liberament u mingħajr impedimenti jew biża' ta' rappreżalji, kif previst mil-liġi Ċiniża; jisħaq li għandha tiġi żgurata l-libertà tal-istampa u tal-midja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi biex ma jibqgħux jostakolaw, jagħtu fastidju u jintimidaw lil avukati u professjonisti legali, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u oħrajn li jesprimu b'mod miftuħ tħassib dwar id-dimostranti jew li jiddefendu d-dritt għal protesta paċifika;

7.  Iħeġġeġ liċ-Ċina ttemm minnufih is-soppressjoni u l-intimidazzjoni tad-dimostranti paċifiċi u tiggarantixxi d-drittijiet fundamentali għal kulħadd; jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jeħilsu minnufih lid-dimostranti kollha detenuti b'mod inġust; jitlob li d-data kollha miġbura reċentement dwar dimostranti paċifiċi titħassar u ma tintużax fi kwalunkwe każ futur; jitlob li l-membri tal-familja ta' dawk kollha mċaħħda mil-libertà jiġu nnotifikati dwar fejn jinsabu u dwar l-akkużi miġjuba kontrihom;

8.  Jirrikonoxxi l-isfida tat-tfassil ta' politika dwar il-COVID-19 bil-bilanċ ġust bejn il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet; ifakkar fl-importanza tal-proporzjonalità; jinnota t-tneħħija reċenti ta' wħud mill-aktar restrizzjonijiet oppressivi tal-COVID-19 fiċ-Ċina;

9.  Jinnota l-fatt li l-moviment ta' protesta għaqqad persuni minn sfondi differenti ħafna u seħħ madwar il-pajjiż kollu; jenfasizza l-fatt notevoli li s-solidarjetà interetnika ġiet espressa mal-vittmi tan-nar fix-Xinjiang, peress li l-popolazzjoni tal-Han taċ-Ċina qabel ma rreaġixxietx b'mod sinifikanti għad-destin terribbli tal-Ujguri matul l-aħħar sitt snin;

10.  Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi u lokali jtemmu r-repressjoni tal-Ujguri u jfakkar li l-Ujguri fir-reġjun ġew soġġetti għal sorveljanza intensa, xogħol furzat, sterilizzazzjonijiet involontarji u miżuri ta' prevenzjoni tat-twelid, fost abbużi oħra tad-drittijiet, li jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità u jirrappreżentaw riskju serju ta' ġenoċidju; jilqa', f'dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni li tipprojbixxi prodotti magħmula bl-użu ta' xogħol furzat milli jidħlu fis-suq tal-UE;

11.  Jikkundanna bil-qawwa l-użu estensiv tas-sorveljanza tal-massa u ċ-ċensura attwali tan-networks soċjali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jtemmu dan il-ksur tad-drittijiet fundamentali għall-privatezza u l-libertà ta' espressjoni u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni fuq in-networks soċjali;

12.  Jikkundanna l-fatt li l-kumpaniji tat-teknoloġija Ċiniżi TikTok u Tencent qed jaħdmu mal-Gvern Ċiniż biex jiġbru evidenza dwar l-identità tad-dimostranti biex ikunu jistgħu jiġu arrestati u qed jiċċensuraw l-internet; jistieden lill-fondi tal-pensjoni Ewropej biex jiżvestu minn kumpaniji Ċiniżi li jimminaw id-drittijiet tal-bniedem;

13.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-imġiba ta' Apple Inc. fiċ-Ċina matul il-protesti, peress li effettivament ħadmet id f'id mal-Partit Komunista Ċiniż biex trażżan it-tixrid tal-filmati tal-protesti paċifiċi kontra l-lockdown billi ddiżattivat il-funzjoni AirDrop fuq l-apparat tagħha fiċ-Ċina; jinnota li din il-funzjoni kienet ippermettiet lid-dimostranti jikkondividu l-filmati u jorganizzaw il-protesti mingħajr l-użu tal-Wi-Fi, li huwa taħt is-sorveljanza u l-kontroll kostanti tal-Partit Komunista Ċiniż; jisħaq li l-fatt li kumpaniji jistgħu jinżammu ostaġġi mill-Partit Komunista Ċiniż u jippermettu ksur bla ħniena tad-drittijiet tal-bniedem għandu jservi ta' twissija għall-gvernijiet tal-Punent biex iressqu leġiżlazzjoni li tħeġġeġ lill-kumpaniji tal-Punent jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex jittrasferixxu l-produzzjoni miċ-Ċina;

14.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-awtoritajiet Ċiniżi ma ppermettewx lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Michelle Bachelet, matul iż-żjara tagħha fiċ-Ċina, milli jkollha aċċess sħiħ għall-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili u għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jippermettu l-istess aċċess liberu, sinifikanti u mingħajr xkiel lil ġurnalisti indipendenti, osservaturi internazzjonali u korpi investigattivi, inklużi, b'mod partikolari, lid-detenturi tal-mandat tal-Proċeduri Speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem; jappoġġa l-appell ta' 50 espert tad-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti biex jiġi stabbilit mandat speċjali fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU għall-monitoraġġ u r-rappurtar dwar il-kundizzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, inkluż f'Hong Kong; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jaħdmu ma' sħab tal-istess fehma lejn l-istabbiliment ta' mekkaniżmu investigattiv fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU biex jimmonitorjaw, jivvalutaw u jirrapportaw pubblikament dwar ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem madwar iċ-Ċina;

15.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jipprovdu protezzjoni u appoġġ lill-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fiċ-Ċina, b'mod partikolari billi jilħqu lill-awtoritajiet lokali u nazzjonali u japplikaw bis-sħiħ il-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u politiki rilevanti oħra tal-UE, inkluż il-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija; jilqa' t-tkomplija tad-djalogu bilaterali stabbilit bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar iċ-Ċina, b'mod partikolari d-dikjarazzjoni li "l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea qatt ma kienu daqshekk allinjati mal-prospetti strateġiċi tagħna";

16.  Jistieden lill-UE u lil organizzazzjonijiet internazzjonali oħra jimmonitorjaw u jivvalutaw kif ir-reazzjonijiet taċ-Ċina għal dawn il-protesti jallinjaw mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u mal-obbligi tagħha skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-importanza li d-Delegazzjoni tal-UE f'Beijing tkompli timmonitorja d-detenzjoni ta' dimostranti paċifiċi u kwalunkwe proċess ta' dawk li qed jiġu mħarrka talli eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta' għaqda paċifika u espressjoni, bl-applikazzjoni sħiħa tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u politiki rilevanti oħra tal-UE;

17.  Jistieden lir-Rappreżentant Għoli u Viċi President Josep Borrell isegwi, b'passi konkreti, id-diskussjonijiet reċenti tal-Kunsill Ewropew billi jintensifika d-diskussjonijiet fil-livell tal-ministri għall-affarijiet barranin tal-Istati Membri; jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jistabbilixxu diskussjoni permanenti dwar iċ-Ċina fl-ambitu tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Asja u l-Oċeanja; jilqa' d-deċiżjoni li s-sanzjonijiet jiġu estiżi b'reazzjoni għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xinjiang sat-8 ta' Diċembru 2023; itenni t-talba tiegħu għal sanzjonijiet addizzjonali tal-UE mmirati lejn uffiċjali u entitajiet Ċiniżi responsabbli għal delitti kontra l-umanità; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-UE jikkunsidraw il-prosekuzzjoni ta' uffiċjali Ċiniżi meqjusa responsabbli għal delitti kontra l-umanità, abbażi tal-prinċipju ta' ġuriżdizzjoni universali;

18.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar ir-rivelazzjonijiet reċenti rigward il-preżenza ta' għases tal-pulizija Ċiniżi barra mill-pajjiż f'bosta Stati Membri tal-UE u madwar id-dinja; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-aġenziji nazzjonali tal-infurzar tal-liġi jiżguraw, bħala kwistjoni ta' urġenza, koordinazzjoni tajba sabiex jitfgħu dawl fuq dawn il-prattiki, jieħdu azzjoni xierqa u jagħlqu l-għases tal-pulizija kollha Ċiniżi barra mill-pajjiż; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, f'koordinazzjoni ma' sħab tal-istess fehma, jidentifikaw u jagħlqu kwalunkwe triq li tiffaċilita l-kampanji ta' repressjoni tranżnazzjonali taċ-Ċina, b'mod partikolari kontra membri tad-dijaspora tagħha;

19.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jtemmu l-ftehimiet kollha tagħhom dwar l-estradizzjoni maċ-Ċina u ma' Hong Kong; iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jeżerċitaw kawtela meta jikkooperaw f'fora internazzjonali dwar l-infurzar tad-dritt bħall-Interpol u l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità; jistieden ukoll lill-Istati Membri jiżguraw kif xieraq is-sigurtà tar-rifuġjati Ċiniżi taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom sabiex jevitaw li jinqabdu jew li jiġu "persważi li jirritornaw" jew imħajra jidħlu f'pajjiż mhux tal-UE li minnu jkunu jistgħu jiġu ripatrijati faċilment lejn iċ-Ċina;

20.  Jistieden lill-membri kollha tal-komunità internazzjonali u lill-partijiet ikkonċernati kollha jindirizzaw il-kwistjoni tal-libertà ta' espressjoni meta jinvolvu ruħhom mar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina; jilqa' l-fatt li l-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel qajjem il-kwistjoni tal-protesti ma' Xi Jinping; jitlob li jkun hemm rieda mingħajr kundizzjonijiet biex jerġa' jibda d-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina, li ilu ma jsir għal aktar minn tliet snin; jinnota wkoll li l-mexxejja Ewropej kollha għandhom jikkomunikaw b'mod ċar lill-awtoritajiet Ċiniżi d-determinazzjoni tal-UE li tirreaġixxi għal eskalazzjoni tar-repressjoni kontra d-dimostranti billi titqajjem il-kwistjoni fl-organizzazzjonijiet internazzjonali u possibbilment jiġu imposti sanzjonijiet addizzjonali, jekk ikun meħtieġ;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u lill-ambaxxaturi kollha tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fl-Istati Membri tal-UE.

(1) Testi adottati, P9_TA(2022)0237.
(2) ĠU C 336, 2.9.2022, p. 2.
(3) ĠU C 117, 11.3.2022, p. 40.
(4) ĠU C 15, 12.1.2022, p. 170.
(5) ĠU C 456, 10.11.2021, p. 242.
(6) ĠU C 433, 23.12.2019, p. 103.
(7) ĠU C 399, 24.11.2017, p. 92.
(8) ĠU L 410 I, 7.12.2020, p. 1.
(9) https://edition.cnn.com/2022/12/01/china/china-protests-urumqi-fire-deaths-covid-dst-intl-hnk/index.html.
(10) https://www.rfa.org/english/news/uyghur/urumqi-fire-12022022172846.html.
(11) Testi adottati, P9_TA(2022)0237.


It-trażżin mill-ġunta militari ta' dimostrazzjonijiet paċifiċi fiċ-Chad
PDF 142kWORD 50k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2022 dwar it-trażżin mill-ġunta militari ta' dimostrazzjonijiet paċifiċi fiċ-Chad (2022/2993(RSP))
P9_TA(2022)0446RC-B9-0575/2022

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tal-20 ta' Mejju 2021 dwar is-sitwazzjoni fiċ-Chad(1) u tas-16 ta' Settembru 2020 dwar il-kooperazzjoni UE-Afrika fil-qasam tas-sigurtà fir-reġjun tas-Saħel, fil-Punent tal-Afrika u fil-Qarn tal-Afrika(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-20 ta' April 2021 dwar il-mewt tal-President Idriss Déby Itno,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-19 ta' Ottubru 2022 tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għaċ-Chad,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-20 ta' April 2021 dwar iċ-Chad,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni fiċ-Chad tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana, li saret mid-29 ta' April sas-6 ta' Mejju 2021,

–  wara li kkunsidra t-Task Force Konġunta Multinazzjonali (MNJTF) kontra l-Boko Haram, li ngħatat mandat mill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana u li hija appoġġata mill-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika tal-UE,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2359 (2017) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-iskjerament tal-Forza Konġunta tal-G5 tas-Saħel (FC-G5S),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-membri tal-Kunsill Ewropew mal-Istati Membri tal-G5 tas-Saħel tat-28 ta' April 2020 dwar is-sigurtà, l-istabbiltà u l-iżvilupp tas-Saħel,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' April 2021 dwar l-istrateġija integrata tal-Unjoni Ewropea fis-Saħel, li affermaw mill-ġdid l-importanza ta' sħubija soda u fit-tul bejn l-UE u s-Saħel,

–  wara li kkunsidra l-Programm Indikattiv Nazzjonali tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp 2014-2020 għaċ-Chad,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni taċ-Chad,

–  wara li kkunsidra l-ftehim ta' sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000(3) (il-Ftehim ta' Cotonou),

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, li ġiet adottata fis-27 ta' Ġunju 1981 u li daħlet fis-seħħ fil-21 ta' Ottubru 1986,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza, adottata fit-30 ta' Jannar 2007,

–  wara li kkunsidra l-Karta ta' Tranżizzjoni riveduta taċ-Chad,

–  wara li kkunsidra l-Indiċi tat-Terroriżmu Globali tal-2019,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, wara l-mewt tal-ex President Idriss Déby Itno f'April 2021, iċ-Chad tmexxa minn ibnu, Mahamat Idriss Déby Itno; billi l-Kunsill Militari ta' Tranżizzjoni (TMC) preċedentement kien issospenda l-kostituzzjoni u xolja l-gvern u l-assemblea nazzjonali;

B.  billi t-TMC wiegħed li jorganizza elezzjonijiet demokratiċi fi żmien 18-il xahar minn meta jieħu l-poter; billi fl-1 ta' Ottubru 2022, ġew adottati formalment miżuri mid-djalogu nazzjonali, li ħabbar li l-elezzjonijiet kienu se jiġu posposti b'sentejn oħra; billi l-Unjoni Afrikana stabbiliet kundizzjonijiet, inkluż ir-rifjut ta' kwalunkwe proroga tal-kalendarju ta' tranżizzjoni oriġinali ta' 18-il xahar, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

C.  billi d-djalogu nazzjonali ġie organizzat biex jiġi stabbilit l-proċess ta' tranżizzjoni; billi mhux il-gruppi tal-oppożizzjoni kollha ħadu sehem f'dan il-proċess; billi d-djalogu kkonkluda b'rakkomandazzjonijiet biex il-proċess ta' tranżizzjoni jiġi pospost u biex ħadd ma jiġi eskluż, b'mod partikolari l-president attwali, milli jikkontesta elezzjonijiet futuri;

D.  billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili taċ-Chad fasslu pjan tranżizzjonali biex il-kriżi tintemm; billi ċerti organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili taċ-Chad irrakkomandaw li l-appoġġ internazzjonali għandu jieħu l-forma ta' mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni bl-għan li jerġa' jiddaħħal l-ordni kostituzzjonali u li jiġi appoġġat il-pjan ta' tranżizzjoni;

E.  billi, bejn it-13 ta' Marzu u t-8 ta' Awwissu 2022, 53 moviment militari politiku, li minnhom 6 biss kienu ġenwini, issejħu għal laqgħa f'Doha mill-Gvern taċ-Chad biex jinnegozjaw ftehim ta' paċi;

F.  billi t-TMC sejjaħ għal laqgħa fi N'Djamena lil iktar minn 1 300 delegat, li minnhom kważi kollha tqabbdu direttament mill-gvern biex jattendu l-hekk imsejjaħ Djalogu Nazzjonali Inklużiv u Sovran;

G.  billi dawn iż-żewġ eventi kienu bbojkottjati mill-partiti politiċi l-aktar importanti, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-gruppi politiċi militari veri;

H.  billi fl-20 ta' Ottubru 2022, eluf ta' nies ipprotestaw fiċ-Chad kollu biex jitolbu ritorn immedjat għal tmexxija demokratika; billi, fid-19 ta' Ottubru 2022, b'antiċipazzjoni ta' dan, il-ministru tas-sigurtà pubblika pprojbixxa d-dimostrazzjonijiet kollha fil-pajjiż; billi, b'reazzjoni għall-protesti, il-pulizija sparat munizzjon attiv u gass tad-dmugħ lejn id-dimostranti paċifiċi fi trażżin kontinwu u mifrux fil-pajjiż kollu;

I.  billi l-awtoritajiet ħabbru wkoll is-sospensjoni temporanja tal-attivitajiet ta' seba' gruppi politiċi; billi ddekretaw ukoll li l-attivitajiet ta' gruppi ewlenin tal-oppożizzjoni u tal-koalizzjoni tas-soċjetà ċivili "Wakit Tamma" kellhom jiġu pprojbiti fil-pajjiż kollu; billi diversi bliet u kwartieri ġarrbu restrizzjonijiet tal-internet;

J.  billi fl-4 ta' Novembru 2022, fil-laqgħa tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura, ir-rapporteur Sébastien Touzé indika li bejn 50 u 150 ruħ mietu, bejn 150 u 184 ruħ sparixxew, 1 369 ruħ ġew arrestati, u bejn 600 u 1 100 ruħ ġew ittieħdu fil-ħabs ta' sigurtà għolja ta' Koro Toro fid-deżert, madwar 600 kilometru mill-kapitali, b'riżultat tal-protesti kontra l-gvern;

K.  billi 400 minn dawk li ġew detenuti kollha kemm huma ingħataw sentenza f'erbat ijiem, fin-nuqqas ta' avukat difensur; billi fil-5 ta' Diċembru 2022, 262 dimostrant detenut ingħataw sentenza ta' massimu ta' tliet snin ħabs, 80 ingħataw sentenzi sospiżi u 59 inħelsu;

L.  billi l-proċessi saru mingħajr ebda trasparenza jew informazzjoni pubblika disponibbli; billi d-dimostranti ġew imċaħħda mill-aċċess għall-ġustizzja; billi l-Assoċjazzjoni tal-Avukati taċ-Chad sejħet il-proċess "parodija tal-ġustizzja" u appellat kontra d-deċiżjoni tal-qorti, u billi l-avukati tagħha, għaldaqstant, ibbojkottjaw il-proċess;

M.  billi l-Kumitat tan-NU kontra t-Tortura kkonkluda fl-osservazzjoni tiegħu li l-prevalenza ta' vjolenza fil-ħabs, inklużi atti vjolenti mwettqa minn persunal tal-ħabs kontra detenuti, kienet allarmanti u talab li l-awtoritajiet tal-istat iwettqu investigazzjonijiet dwar l-imwiet kollha f'kustodja u dwar l-allegazzjonijiet kollha relatati ma' atti ta' tortura u trattament ħażin minn persunal tal-ħabs;

N.  billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-reġjun tas-Saħel iddeterjorat b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin, u dan ħoloq theddida serja għas-sigurtà reġjonali u internazzjonali; billi l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-qtil tal-massa huma mifruxa u ż-żieda fl-insigurtà tal-ikel, il-korruzzjoni, il-faqar estrem u l-għargħar komplew iżidu l-insigurtà; billi fl-2019 iż-żona tas-Saħel kellha l-aktar żieda rapida fl-attività estremista vjolenti ta' kwalunkwe reġjun;

O.  billi, fl-istrateġija integrata tagħha fis-Saħel, adottata mill-Kunsill fis-16 ta' April 2021, l-UE impenjat ruħha li tappoġġa mumenti ewlenin għad-demokrazija fir-reġjun, li tagħti attenzjoni politika speċifika lill-isforzi fl-oqsma tal-governanza u l-istat tad-dritt u li tkompli tappella biex il-forzi tas-sigurtà interna jkollhom rwol aktar ċentrali fit-tisħiħ tal-fiduċja bejn il-poplu u l-istat;

P.  billi skont in-NU, iċ-Chad laqa' aktar minn 577 000 rifuġjat minn, fost l-oħrajn, id-Darfur, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, in-Niġerja u l-Kamerun, minbarra li kellu 381 000 ruħ spostati internament; billi l-istabbiltà taċ-Chad hija kruċjali għas-Saħel u għall-Afrika ta' Fuq u tal-Lvant;

Q.  billi ċ-Chad jinsab f'reġjun strateġiku u qed iħabbat wiċċu ma' sfidi serji ta' sigurtà minħabba li l-pajjiż jinsab qrib fortizzi militanti reġjonali, b'mod partikolari madwar ir-reġjun tal-Lag Chad fejn joperaw l-Istat Iżlamiku tal-Provinċja tal-Afrika tal-Punent u Boko Haram, grupp militanti Iżlamiku bbażat fin-Niġerja; billi ċ-Chad għandu rwol ewlieni fl-isforzi reġjonali għaż-żamma tal-paċi bħala parti mill-forza konġunta tal-G5 tas-Saħel kif ukoll mill-MNJTF;

1.  Jiddeplora l-vjolenza fatali u r-repressjoni mwettqa kontra d-dimostranti favur id-demokrazija fil-protesti ta' Ottubru 2022, u jiddispjaċih ħafna għat-telf ta' ħajjiet; itenni l-kundanna tiegħu għall-kolp ta' stat militari mwettaq fl-20 ta' April 2021 mit-TMC u għas-sospensjoni tal-Kostituzzjoni taċ-Chad u x-xoljiment sussegwenti tal-assemblea nazzjonali u tal-gvern;

2.  Jikkundanna r-restrizzjoni tad-dritt fundamentali tal-protesta u l-użu tal-vjolenza kontra d-dimostranti u s-soċjetà ċivili fiċ-Chad; jiddispjaċih ħafna li dawn il-miżuri meħuda mill-gvern jirriskjaw li jimminaw il-proċess li għaddej bħalissa lejn il-kisba tad-demokrazija; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jirrispettaw bis-sħiħ l-impenji nazzjonali u internazzjonali tal-pajjiż, b'mod partikolari d-dritt għal-libertà tal-għaqda paċifika u għal-libertà tal-assoċjazzjoni, u d-dritt għall-integrità fiżika;

3.  Jitlob il-ftuħ ta' investigazzjoni indipendenti u imparzjali min-NU u l-Unjoni Afrikana dwar il-vjolenza rrappurtata, inklużi rapporti ta' tortura fil-ħabsijiet taċ-Chad, sabiex l-awturi ta' vjolenza kontra individwi u s-soċjetà ċivili jiffaċċjaw il-ġustizzja; jitlob li dawk responsabbli għall-vjolenza u l-qtil jinżammu responsabbli u jħeġġeġ lill-awtoritajiet taċ-Chad jiżguraw li l-militar, il-ġendarmi u l-pulizija taċ-Chad ikunu mħarrġa fil-Kodiċi ta' Kondotta tan-NU għall-Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi u l-Prinċipji Bażiċi dwar l-Użu tal-Forza u tal-Armi tan-Nar mill-Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi, u li jimxu miegħu;

4.  Jikkundanna l-prosekuzzjoni ta' dimostranti favur id-demokrazija fi proċessi tal-massa li naqsu milli jaderixxu mal-istandards internazzjonali dwar it-trasparenza u l-aċċess għall-ġustizzja; jitlob li s-sentenzi jiġu annullati u li d-dimostranti jinħelsu;

5.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-gvern jiżgura li dawk kollha li ġew akkużati wara l-protesti tal-20 ta' Ottubru 2022 jkollhom aċċess sħiħ għall-protezzjoni legali; jissottolinja li l-UE se ssegwi mill-qrib ħafna l-kontinwazzjoni tal-proċedimenti legali u li l-eżitu se jkun ukoll fattur determinanti ewlieni tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u ċ-Chad;

6.  Jiddispjaċih ħafna li r-reġim naqas li jirrispetta l-impenn tiegħu favur tranżizzjoni demokratika; itenni l-importanza li jkun hemm ritorn rapidu għall-ordni kostituzzjonali u tranżizzjoni marbuta biż-żmien immexxija minn persuni ċivili li tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, filwaqt li jfakkar li l-impenn sinifikanti mal-atturi ċivili u politiċi kollha huwa essenzjali sabiex jiġu ggarantiti l-kredibbiltà u l-leġittimità tal-proċess li għaddej bħalissa;

7.  Jitlob b'urġenza li jiġu organizzati elezzjonijiet leġiżlattivi u presidenzjali trasparenti, inklużivi u kredibbli ġodda malajr kemm jista' jkun, li jkunu jirrispettaw bis-sħiħ il-kostituzzjoni nazzjonali u l-istandards elettorali internazzjonali, inkluż billi jipprevedu l-parteċipazzjoni sħiħa tal-partiti tal-oppożizzjoni; jinnota l-importanza ta' kummissjoni elettorali nazzjonali indipendenti u trasparenti u tal-kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali f'dan ir-rigward; jiddispjaċih ħafna dwar in-nuqqas ta' rispett min-naħa tal-awtoritajiet fil-gvern għad-direttiva ċara tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana bbażata fuq il-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza u għall-impenn pubbliku preċedenti tat-TMC li l-mexxejja tiegħu ma jkunux kandidati fl-elezzjonijiet li ġejjin;

8.  Ifakkar li tranżizzjoni u riforma demokratiċi ġenwini għandhom jitmexxew minn persuni ċivili u jippermettu l-involviment sħiħ u attiv tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-partiti tal-oppożizzjoni, in-nisa u ż-żgħażagħ, u l-istampa ħielsa, li jeħtiġilhom jkunu jistgħu joperaw mingħajr biża' ta' vjolenza, intimidazzjoni jew restrizzjonijiet;

9.  Jiddeplora l-vjolenza kontinwa u l-attakki terroristiċi li għadhom qed iseħħu fiċ-Chad; itenni t-tħassib tiegħu dwar il-kriżi mtawla fil-pajjiż u s-sitwazzjoni volatili tas-sigurtà fit-Tramuntana, u jikkundanna bil-qawwa l-ksur ripetut tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali u dak umanitarju;

10.  Jistieden lill-gvern ifittex l-appoġġ tal-medjaturi nazzjonali u internazzjonali, tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-Unjoni Afrikana, tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għas-Saħel, tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika Ċentrali u ta' organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn, sabiex jegħleb l-istaġnar attwali u jmexxi 'l quddiem id-djalogu nazzjonali u l-proċess ta' tranżizzjoni demokratika;

11.  Jinsab imħasseb ferm dwar il-livelli għoljin kontinwi ta' korruzzjoni u ta' impunità fiċ-Chad; jinnota li n-nuqqas li tiġi indirizzata l-impunità għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jikkontribwixxi biex dawn l-abbużi jkomplu u biex il-fiduċja pubblika fl-istituzzjonijiet tal-istat tiddgħajjef;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ tagħhom għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi indipendenti, għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u għal-media indipendenti attiva fiċ-Chad, inkluż permezz tal-finanzjament u l-appoġġ għal dawk li jeħtieġu protezzjoni;

13.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jqajmu dan it-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-awtoritajiet taċ-Chad, jipprovdu appoġġ tekniku liċ-Chad matul il-perjodu ta' tranżizzjoni, u jikkunsidraw il-ftuħ ta' proċedura skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, li tista' twassal, bħala l-aħħar alternattiva, għas-sospensjoni tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE maċ-Chad sakemm jerġa' jiġi stabbilit l-ordni kostituzzjonali leġittimu;

14.  Ifakkar li t-tibdil fil-klima, in-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel, it-tkabbir tal-popolazzjoni, l-isfruttament tar-riżorsi naturali, il-faqar u n-nuqqas ta' opportunitajiet edukattivi u ekonomiċi huma l-kawżi ewlenin li jixprunaw l-instabbiltà, il-vjolenza u r-reklutaġġ tat-terroristi fis-Saħel kollu; jenfasizza li l-koordinazzjoni tas-sigurtà, l-iżvilupp, l-assistenza umanitarja u ta' appoġġ għad-demokrazija hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat żvilupp sostenibbli dejjiemi fir-reġjun kollu;

15.  Jinnota li l-kooperazzjoni u l-inizjattivi reġjonali inklużi l-Unjoni Afrikana u l-grupp G5 tas-Saħel huma kruċjali għall-appoġġ ta' strateġija mmexxija mill-Afrika biex jiġu indirizzati t-terroriżmu u l-instabbiltà fis-Saħel; jissottolinja l-appoġġ tiegħu għall-Faċilità Ewropea għall-Paċi u l-kooperazzjoni tagħha mal-MNJTF;

16.  Jilqa' r-reġjonalizzazzjoni tal-preżenza tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni fir-reġjun tas-Saħel, li għandha l-għan li ssaħħaħ l-approċċ reġjonali tal-ħidma tal-UE fir-reġjun sabiex tappoġġa l-kooperazzjoni transfruntiera fis-Saħel u fost l-istrutturi ta' kooperazzjoni reġjonali, u ssaħħaħ il-kapaċitajiet nazzjonali tal-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimplimentaw malajr il-proposta ta' inizjattiva ta' Tim Ewropa għaċ-Chad dwar il-governanza, id-demokratizzazzjoni, il-paċi u s-sigurtà;

17.  Jistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali jirrispondu b'mod urġenti għas-sitwazzjoni umanitarja li tirriżulta mis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Chad u jipprovdu lill-pajjiż l-assistenza meħtieġa biex jindirizza malajr il-ħtiġijiet urġenti tiegħu għall-protezzjoni tal-persuni spostati internament u tar-rifuġjati;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana u l-istituzzjonijiet tagħha, u lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali taċ-Chad.

(1) ĠU C 15, 12.1.2022, p. 166.
(2) ĠU C 385, 22.9.2021, p. 24.
(3) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.


Il-każ tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Abdulhadi Al-Khawaja fil-Bahrain
PDF 142kWORD 51k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2022 dwar il-każ tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Abdulhadi Al-Khawaja fil-Bahrain (2022/2994(RSP))
P9_TA(2022)0447RC-B9-0558/2022

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bahrain,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Novembru 2011 tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Indipendenti tal-Bahrain (BICI),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-22 ta' Settembru 2022 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem dwar Abdulhadi Al-Khawaja, id-difensur tad-drittijiet tal-bniedem li ntbagħat il-ħabs,

–  wara li kkunsidra l-intervent tad-Danimarka waqt il-51 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem li talbet il-ħelsien tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Abdulhadi Al-Khawaja, u wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet l-aktar reċenti tal-Ministeru Daniż għall-Affarijiet Barranin, b'mod partikolari dawk tad-29 ta' Settembru 2022 u tas-7 ta' Novembru 2022,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Bahrain iffirmat fl-10 ta' Frar 2022,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni tat-18 ta' Mejju 2022 bit-titolu "Sħubija strateġika mal-pajjiżi tal-Golf" (JOIN(2022)0013) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2022 dwarha,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, dwar il-piena tal-mewt, dwar it-tortura, dwar il-libertà tal-espressjoni, dwar id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi u dwar il-libertà tal-espressjoni online u offline,

–  wara li kkunsidra l-Eżami Perjodiku Universali tan-NU dwar il-Bahrain tas-7 ta' Novembru 2022,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2021 li jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-tranżitu u t-trasferiment ta' oġġetti b'użu doppju (riformulazzjoni)(1)("ir-Regolament dwar l-Użu Doppju"), u r-riformulazzjonijiet preċedenti, b'mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 1232/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-tranżitu ta' oġġetti b'użu doppju(2),

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra u l-Karta Għarbija tad-Drittijiet tal-Bniedem, li kollha ġew irratifikati mill-Bahrain,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi d-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Abdulhadi Al-Khawaja, ċittadin Daniż-Bahraini, kofundatur taċ-Ċentru tal-Bahrain għad-Drittijiet tal-Bniedem u ċ-Ċentru tal-Golf għad-Drittijiet tal-Bniedem, u rebbieħ tal-Premju Martin Ennals tal-2022, bħalissa wasal fit-tmiem tal-11-il sena tiegħu l-ħabs u qed jiskonta sentenza ta' għomor il-ħabs talli kellu rwol ewlieni fil-protesti li appellaw għar-riformi demokratiċi matul ir-rewwixta popolari tal-2011 fil-Bahrain;

B.  billi wara l-arrest tiegħu, Abdulhadi Al-Khawaja ġie msawwat, ittorturat u kkundannat fi proċess inġust li ma kienx konformi mad-dritt kriminali Bahraini jew mal-istandards minimi internazzjonali għal proċessi ġusti; billi Al-Khawaja ġie kkundannat fuq akkużi foloz relatati mal-"finanzjament tat-terroriżmu u l-parteċipazzjoni fit-terroriżmu biex iwaqqa' l-gvern u ma' spjunaġġ għal pajjiż barrani";

C.  billi f'Lulju 2012, il-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja kkonkluda li l-arrest ta' Al-Khawaja kien arbitrarju, peress li rriżulta mill-eżerċizzju tiegħu tad-drittijiet fundamentali tal-libertà tal-espressjoni, ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni, u appella għall-ħelsien tiegħu;

D.  billi Abdulhadi Al-Khawaja qed jerġa' jisfa vittma ta' fastidju ġudizzjarju permezz ta' għadd ta' proċessi addizzjonali, separati; billi fit-28 ta' Novembru 2022, it-Tieni Qorti Kriminali Inferjuri fil-Bahrain ikkundannat lil Abdulhadi Al-Khawaja fuq akkużi kriminali addizzjonali talli allegatament kisser siġġu fil-ħabs u insulta verbalment uffiċjal tal-pulizija talli rrifjuta li jħallih jagħmel telefonata lill-familja tiegħu; billi Abdulhadi Al-Khawaja ġie mċaħħad mid-dritt li jattendi s-smigħ tal-qorti u d-dritt għal rappreżentanza legali, minkejja ordni tal-qorti ffirmata mill-President tat-Tieni Qorti Kriminali Inferjuri li tagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għar-Riformazzjoni u r-Riabilitazzjoni biex lill-konvenut jagħtih aċċess għal prokura; billi dan kien ksur tad-dritt tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem għal proċess ġust u għal avukat;

E.  billi Abdulhadi Al-Khawaja huwa ċittadin tar-Renju tad-Danimarka u ilu mġiegħel jgħix separat mill-familja tiegħu mill-2011;

F.  billi bħala konsegwenza diretta tal-priġunerija u tat-tortura kif ukoll tal-fatt li ġie mċaħħad minn aċċess għall-kura medika Abdulhadi Al-Khawaja jbati minn għadd ta' problemi tas-saħħa kroniċi u deġenerattivi, inklużi uġigħ estrem f'dahru u vista batuta, u jeħtieġ attenzjoni medika urġenti; billi l-istrajks tal-ġuħ multipli li Al-Khawaja wettaq biex jipprotesta kontra t-trattament ħażin tiegħu aggravaw l-istat tas-saħħa tiegħu; billi l-awtoritajiet tal-ħabs ilhom iċaħħduh minn trattament mediku adegwat;

G.  billi dawn l-akkużi l-ġodda seħħew wara promozzjoni estensiva dwar il-każ ta' Abdulhadi Al-Khawaja kemm fil-livell tan-NU kif ukoll f'dak tal-UE, inkluża l-enfasi dwar il-każ f'Settembru 2022 fir-rapport annwali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar ir-rappreżalji, f'Ottubru 2022 fid-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Bahrain u f'Novembru 2022 fl-Eżami Perjodiku Universali tan-NU tal-Bahrain; billi għal aktar minn għaxar snin il-gvern Daniż iddependa fuq id-diplomazija privata mal-gvern Bahraini biex jiżgura l-ħelsien ta' Al-Khawaja mingħajr ma ġiet issodisfata d-domanda tiegħu;

H.  billi l-gvern tal-Bahrain qed ikompli jrażżan b'mod qawwi d-drittijiet għal-libertà tal-espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-avukati, il-ġurnalisti u l-attivisti politiċi jiġu pproċessati b'mod sever u jisfaw vittmi ta' arrest, theddid ta' priġunerija jew tortura, intimidazzjoni, projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u revoka taċ-ċittadinanza; billi l-awtoritajiet Bahraini arrestaw, żammew f'detenzjoni, interrogaw u pproċessaw lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-attivisti politiċi;

I.  billi Abdulhadi Al-Khawaja huwa wieħed minn diversi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li qed jesperjenzaw priġunerija arbitrarja fit-tul fil-Bahrain; billi priġunieri politiċi oħra li bħalissa jinsabu l-ħabs fil-Bahrain jinkludu mexxejja politiċi tal-oppożizzjoni ta' profil għoli, attivisti, bloggers u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ikkundannati għal għomorhom il-ħabs għar-rwoli tagħhom fil-protesti tal-2011 favur id-demokrazija; billi d-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Naji Fateel ġie arrestat f'Mejju 2013 u ngħata sentenza ta' 15-il sena ħabs f'Mejju 2014; billi Naji Fateel ġie ttorturat, inżamm f'detenzjoni f'iżolament, ġie pprojbit milli jirċievi telefonati u żjarat mill-familja u mill-avukat tiegħu u nżamm f'reklużjoni; billi d-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Dr Abduljalil Al-Singace ġie arrestat f'Awwissu 2010, inħeles għal żmien qasir ta' 21 ġurnata bejn Frar u Marzu tal-2011, reġa' ġie arrestat fis-17 ta' Marzu 2011 u ngħata sentenza ta' għomor il-ħabs f'Ġunju 2011; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem Bahraini u l-membri tal-familji tagħhom jiffaċċjaw fastidju, intimidazzjoni u prosekuzzjoni; billi xi wħud spiċċaw f'eżilju u ħafna minnhom tneħħitilhom iċ-ċittadinanza b'mod arbitrarju; billi Nabeel Rajab, wieħed mill-aktar difensuri Bahraini prominenti tad-drittijiet tal-bniedem, inħeles mill-ħabs fid-9 ta' Ġunju 2020 biex jiskonta l-bqija tas-sentenza ta' ħames snin tiegħu skont il-liġi dwar is-sanzjonijiet alternattivi;

J.  billi skont rapporti, l-awtoritajiet Bahraini żiedu r-repressjoni kontra l-attività online u tal-midja soċjali u pproċessaw lill-kritiċi għal espressjoni paċifika; billi r-rapporti jiddikjaraw li l-pandemija tal-COVID-19 intużat bħala pretest biex tiġi limitata aktar il-libertà tal-espressjoni fir-Renju;

K.  billi 26 persuna bħalissa jinsabu kkundannati għall-mewt fil-Bahrain u kollha qed jiffaċċjaw eżekuzzjoni imminenti, wara li eżawrew ir-rimedji legali kollha;

L.  billi, skont il-gazzetta The Guardian u Amnesty International, is-sorveljanza diġitali fil-Bahrain żdiedet b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin, bl-interċettazzjoni ta' messaġġi testwali, spezzjonijiet approfonditi tal-pakketti u sorveljanza tal-midja soċjali u tat-telefonati bis-software Pegasus tal-NSO; billi hemm kumpaniji Ewropej fost dawk li fornew lill-awtoritajiet Bahraini b'teknoloġiji ta' interċettazzjoni; billi l-Bahrain juża t-teknoloġija ta' sorveljanza biex jinterċetta l-komunikazzjonijiet tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, u dan jirriżulta fl-arrest tagħhom;

M.  billi l-kontrolli tal-esportazzjoni fuq it-teknoloġija ta' sorveljanza ġew adottati fir-reviżjoni tal-2011 tar-Regolament (KE) Nru 428/2009; billi r-riformulazzjoni tal-2021 ta' dan ir-Regolament ġiet adottata biex issaħħaħ aktar dawn il-miżuri;

N.  billi l-Unjoni Ewropea u l-Bahrain organizzaw is-sitt Djalogu tagħhom dwar id-Drittijiet tal-Bniedem f'Manama fis-27 ta' Ottubru 2022; billi d-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ikopri firxa wiesgħa ta' suġġetti, bħal-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni, l-istat tad-dritt, inklużi d-dritt għal proċess ġust u l-piena tal-mewt, id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-drittijiet tax-xogħol u l-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin;

1.  Iħeġġeġ lill-Bahrain jeħles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lil Abdulhadi Al-Khawaja; jenfasizza li għandhom jinħelsu l-priġunieri minħabba twemmin kollha tiegħu, inklużi Dr Abduljalil Al-Singace, Naji Fateel, Abdulwahab Hussain, Ali Hajee, Sheikh Ali Salman u Hassan Mshaima, li ġew detenuti u kkundannati sempliċement talli eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni; jitlob li jaqgħu l-akkużi kollha kontrihom; jilqa' r-rilaxx ta' Nabeel Rajab fl-2020 skont il-liġi dwar is-sanzjonijiet alternattivi, iżda jħeġġeġ lill-awtoritajiet Bahraini jirrevokaw il-projbizzjoni tiegħu li jivvjaġġa;

2.  Jesprimi l-konsternazzjoni tiegħu għat-trattament ta' Abdulhadi Al-Khawaja u ta' detenuti politiċi oħra; itenni l-kundanna qawwija tiegħu tal-fastidju ġudizzjarju, l-intimidazzjoni, it-tortura u n-nuqqas ta' proċess dovut li hu u detenuti politiċi oħra, kif ukoll il-familji tagħhom, għadhom jiffaċċjaw; jesiġi li l-awtoritajiet Bahraini jirrispettaw l-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u jtemmu l-użu tat-tortura u trattament ħażin ieħor, kif ukoll li, fi kwalunkwe każ fil-qorti, ma tintuża l-ebda dikjarazzjoni magħmula taħt tortura bħala evidenza; jistieden lill-awtoritajiet Bahraini jindirizzaw il-kultura ta' impunità billi jinvestigaw l-allegazzjonijiet kollha ta' tortura, iżommu lill-awturi ta' reat responsabbli u jiżguraw mekkaniżmi effettivi għall-vittmi biex jirċievu l-ġustizzja u r-restituzzjoni, inkluż fil-każ ta' Al-Khawaja;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet Bahraini jiggarantixxu proċess ġust u dovut u jitlob li d-drittijiet tad-detenuti jiġu rispettati, inklużi dawk ta' Abdulhadi Al-Khawaja; jistieden lill-Bahrain jiżgura li l-prinċipji bażiċi dwar it-trattament tal-priġunieri jiġu implimentati bis-sħiħ; jissottolinja li d-drittijiet tal-priġunieri jeħtieġ li jiġu ggarantiti f'kull mument, inkluża l-kapaċità tagħhom li jirċievu kura medika adegwata u aċċess sħiħ għall-familji tagħhom u għall-avukati tal-għażla tagħhom stess; jistieden lill-Bahrain jirrevedi l-indipendenza u l-effettività tal-korpi interni li jimmonitorjaw l-abbużi mill-persunal tas-sigurtà u tal-ħabsijiet, inklużi l-Ombudsman tiegħu, l-Unità tal-Investigazzjonijiet Speċjali u l-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Priġunieri u d-Detenuti;

4.  Jistieden lill-Bahrain jirrestawra ċ-ċittadinanza Bahraini lill-kważi 300 individwu li tneħħitilhom;

5.  Jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu li l-awtoritajiet Bahraini qed ikomplu jiksru u jillimitaw id-drittijiet u l-libertajiet tal-popolazzjoni, b'mod partikolari d-dritt tal-individwi għal protesti paċifiċi, il-libertà tal-espressjoni u l-libertà diġitali kemm online kif ukoll offline; jistieden lill-awtoritajiet Bahraini jiggarantixxu spazju sikur għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-midja indipendenti u jiżguraw li d-dritt għal-libertà tal-espressjoni jkun jista' jiġi eżerċitat; jikkundanna l-użu ripetut tal-liġijiet kontra t-terroriżmu min-naħa tal-Bahrain biex irażżan il-libertà tal-kelma;

6.  Jiddeplora t-tneħħija fl-2017 tal-moratorju de facto ta' seba' snin fuq l-eżekuzzjonijiet; jafferma mill-ġdid l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-piena tal-mewt; itenni l-appell tiegħu lill-Majestà Tiegħu Sheikh Hamad bin Isa Al Khalifa biex jerġa' jintroduċi moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet bil-ħsieb li titneħħa l-piena tal-mewt u biex jeħles minnufih lil Mohamed Ramadan, Husain Ali Moosa, Maher Abbas al-Khabbaz, Salman Isa Ali Salman, Hussein Abdullah Khalil Ebrahim, Mohammad Radhi Abdulla Hassan, Sayed Ahmed Fuad Abbas Isa Ahmed Al-Abar, Hussein Ali Mahdi Jasim Mohamed, Hussein Ebrahim Ali Hussein Marzooq, Moosa Abdallah Moosa Jafaar, Hussain Abdullah Marhoon Rashid u lil Zuhair Ebrahim Jasim Abdullah;

7.  Jistieden lill-Gvern tal-Bahrain jikkoopera bis-sħiħ mal-korpi tan-NU u jestendi stedina permanenti lill-Proċeduri Speċjali kollha tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u jikkoopera magħhom b'mod proattiv; jistieden lill-Gvern tal-Bahrain jippermetti lill-uffiċjali tal-UE, lill-osservaturi indipendenti u lill-gruppi tad-drittijiet tal-bniedem iżuru l-ħabsijiet Bahraini;

8.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Josep Borrell (VP/RGħ), lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-uffiċjali kollha tal-UE jżuru l-Bahrain, kif ukoll lill-Istati Membri tal-UE, b'mod partikolari l-Gvern tad-Danimarka, ikomplu jqajmu l-każ ta' Abdulhadi Al-Khawaja u tad-difensuri l-oħra kollha tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż kemm pubblikament kif ukoll privatament u jitolbu l-ħelsien tagħhom mingħajr kundizzjonijiet;

9.  Iħeġġeġ lill-uffiċjali kollha tal-UE u lir-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE li jkunu qed iżuru l-Bahrain biex iżuru l-ħabsijiet u jiltaqgħu mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jitolbu b'mod espliċitu li jżuru lil Abdulhadi Al-Khawaja, Naji Fateel u Dr Abduljalil Al-Singace; jiddeplora bil-qawwa l-fatt li l-familja ta' Al-Khawaja ngħatat il-permess li żżuru darba waħda biss f'dawn l-aħħar sentejn; iħeġġeġ lill-Bahrain, għalhekk, jirrispetta d-drittijiet għall-aċċess għall-familji kollha tal-priġunieri;

10.  Jistieden lill-VP/RGħ, lis-SEAE, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jqajmu b'mod sistematiku tħassib dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bahrain u jqajmu każijiet b'mod bilaterali u fil-fora internazzjonali kollha, inkluż il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU kif ukoll fil-kuntest tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Bahrain;

11.  Jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE f'Riyadh u l-missjonijiet diplomatiċi kollha tal-Istati Membri li jkopru l-Bahrain jattendu seduti ta' smigħ futuri dwar Abdulhadi Al-Khawaja u jimmonitorjaw l-iżviluppi f'dawn is-seduti ta' smigħ;

12.  Jistieden lill-UE u l-Istati Membri jżidu l-protezzjoni u l-appoġġ tagħhom għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-priġunieri minħabba twemmin f'Bahrain, inkluż permezz ta' għotjiet ta' emerġenza;

13.  Jikkundanna bil-qawwa l-użu tat-teknoloġija ta' sorveljanza kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem Bahraini; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinfurzaw b'mod strett ir-Regolament aġġornat dwar l-Użu Doppju li jinkludi b'mod komprensiv it-teknoloġija użata għas-sorveljanza, u jipprevjenu lill-kumpaniji milli jesportaw, ibigħu, jaġġornaw jew iżommu teknoloġija ta' sorveljanza li tista' tintuża biex trażżan l-ilħna paċifiċi tal-oppożizzjoni fil-Bahrain; jiddeplora l-fatt li kumpaniji Ewropej instabu li kisru d-drittijiet tal-bniedem billi biegħu teknoloġija b'użu doppju;

14.  Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jsaħħu d-djalogu mal-Bahrain dwar id-drittijiet tal-bniedem; jemmen li l-ħelsien ta' Abdulhadi Al-Khawaja u tad-difensuri l-oħra kollha tad-drittijiet tal-bniedem ikun pass importanti biex jittejbu r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Bahrain;

15.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi kwalunkwe influwenza indebita fuq il-ħidma tal-Parlament Ewropew, kemm direttament minn pajjiżi barranin jew indirettament permezz ta' NGOs ikkontrollati mill-gvern; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE jkomplu jsaħħu r-Reġistru tat-Trasparenza billi jadottaw regoli aktar stretti u jistabbilixxu kumitat indipendenti tal-etika għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE; ifakkar fir-rakkomandazzjonijiet tar-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2022 dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni(3), b'mod partikolari dwar kif jista' jissaħħaħ ir-rispons tal-UE għall-indħil barrani fil-proċessi demokratiku tal-UE; jistieden lis-SEAE jfassal studju dwar il-prevalenza u l-influwenza ta' atturi statali malizzjużi fl-istituzzjonijiet Ewropej kif ukoll f'think thanks, universitajiet, organizzazzjonijiet reliġjużi u istituzzjonijiet tal-media Ewropej;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju tal-Bahrain u lill-membri tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf.

(1) ĠU L 206, 11.6.2021, p. 1.
(2) ĠU L 326, 8.12.2011, p. 26.
(3) ĠU C 347, 9.9.2022, p. 61.


Suspetti ta' korruzzjoni mill-Qatar u l-ħtieġa usa' ta' trasparenza u responsabbiltà fl-istituzzjonijiet Ewropej
PDF 132kWORD 47k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2022 dwar is-suspetti ta' korruzzjoni mill-Qatar u l-ħtieġa usa' ta' trasparenza u responsabbiltà fl-istituzzjonijiet Ewropej (2022/3012(RSP))
P9_TA(2022)0448RC-B9-0581/2022

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tas-27 ta' April 2021 dwar il-konklużjoni ta' ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar Reġistru Obbligatorju ta' Trasparenza(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2021 dwar it-tisħiħ tat-trasparenza u l-integrità fl-istituzzjonijiet tal-UE billi jiġi stabbilit korp tal-etika indipendenti tal-UE(2),

–  wara li kkunsidra l-prinċipju ġuridiku tal-preżunzjoni tal-innoċenza;

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2022 dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 11 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-uffiċċju tal-prosekutur federali Belġjan beda investigazzjoni li għadha għaddejja dwar allegazzjonijiet ta' ħasil tal-flus, korruzzjoni u parteċipazzjoni f'organizzazzjoni kriminali; billi mid-9 ta' Diċembru 2022 saru diversi arresti u perkwiżizzjonijiet fi Brussell, li rrigwardaw Membri attwali u ex Membri tal-Parlament Ewropew, kif ukoll il-persunal,

B.  billi diversi suspettati diġà ġew akkużati b'ħasil tal-flus, korruzzjoni u parteċipazzjoni f'organizzazzjoni kriminali; billi l-forzi tal-pulizija ssekwestraw somom konsidervoli ta' flus fil-pussess ta' persuni suspettati wara li saru perkwiżizzjonijiet f'darhom;

C.  billi l-fiduċja fl-integrità tal-Parlament u fl-istat tad-dritt hija tal-ogħla importanza għall-funzjonament tad-demokrazija Ewropea; billi huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-proċessi demokratiċi ma jinħatfux minn interessi privati u esterni u li d-drittijiet taċ-ċittadini jiġu rispettati bis-sħiħ;

D.  billi l-kapaċità tar-rappreżentanti tal-gruppi ta' interess li jinfluwenzaw il-proċess deċiżjonali fil-Parlament bis-saħħa ta' argumenti hija element essenzjali tad-demokrazija Ewropea; billi, mill-banda l-oħra, il-mezzi mhux xierqa biex issir tali influwenza, it-tixħim u reati oħra huma inaċċettabbli;

E.  billi l-Parlament espona l-pożizzjoni tiegħu u talab li jiġi stabbilit korp tal-etika ambizzjuż fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2021;

F.  billi d-Direttiva (UE) 2019/1937(4) tipproteġi lill-informaturi meta, f'ċirkostanzi speċifiċi, jiżvelaw għemil ħażin direttament u pubblikament;

G.  billi r-reġistru tat-trasparenza huwa element ċentrali tal-qafas etiku u tat-trasparenza tal-istituzzjonijiet tal-UE;

H.  billi l-organizzazzjoni mhux governattiva "Fight Impunity" sa issa għadha ma ġietx irreġistrata fir-reġistru tat-trasparenza;

1.  Jinsab ixxukkjat bl-allegati atti ta' korruzzjoni, ħasil tal-flus u parteċipazzjoni f'organizzazzjoni kriminali min-naħa ta' Membri, ex Membri u persunal tal-Parlament Ewropew, bi skambju għal influwenza fuq id-deċiżjonijiet tal-Parlament, u jesprimi tħassib serju dwar tali atti; jappoġġa l-kooperazzjoni sħiħa tal-Parlament mal-investigazzjoni kriminali li għaddejja bħalissa; jinnota bi tħassib li l-mekkaniżmi interni ta' monitoraġġ u ta' twissija tal-istituzzjonijiet tal-UE naqsu b'mod drammatiku milli jidentifikaw il-korruzzjoni li kienet għaddejja;

2.  Jiddenunzja bl-aktar mod qawwi l-allegati tentattivi tal-Qatar li jinfluwenza l-Membri, l-ex Membri u l-persunal tal-Parlament Ewropew permezz ta' atti ta' korruzzjoni, li jikkostitwixxu ndħil barrani gravi fil-proċessi demokratiċi tal-UE;

3.  Jissottolinja li l-gravità u l-kobor tal-investigazzjonijiet li għaddejjin jirrikjedu li l-Parlament u l-istituzzjonijiet tal-UE jirreaġixxu b'unità inekwivokabbli u b'determinazzjoni soda;

4.  Jiddeplora b'mod qawwi l-fatt li d-deċiżjonijiet adottati mill-kumitati u mill-assemblea plenarja dwar il-Qatar x'aktarx li nbidlu minħabba l-korruzzjoni u l-influwenza mhux xierqa, inkluża r-riżoluzzjoni adottata fl-24 ta' Novembru 2022 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA fil-Qatar; jiddeplora li dan wassal għal nuqqas ta' ambizzjoni fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem tal-eluf ta' ħaddiema migranti li mietu f'siti ta' kostruzzjoni u tal-mijiet ta' eluf ta' persuni li d-drittijiet fundamentali tagħhom qed jiġu injorati fil-Qatar;

5.  Jitlob li jitwaqqaf kumitat speċjali inkarigat mill-identifikazzjoni ta' nuqqasijiet potenzjali fir-regoli tal-Parlament Ewropew fil-qasam tat-trasparenza, l-integrità u l-korruzzjoni u mill-formulazzjoni ta' proposti għal riforma, abbażi tax-xogħol tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u tal-aħjar prattiki f'parlamenti oħrajn;

6.  Jimpenja ruħu li jwaqqaf kumitat ta' inkjesta, skont l-Artikolu 226 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, wara l-eżitu tal-investigazzjonijiet kriminali u ta' eventwali proċedimenti ġudizzjarji, bil-għan li jinvestiga każijiet ta' korruzzjoni u azzjonijiet mhux xierqa min-naħa ta' pajjiżi terzi li jippruvaw jixtru influwenza fil-Parlament Ewropew;

7.  Jinsab imħasseb bil-kunflitti ta' interess potenzjali li jikkawżaw ix-xogħlijiet sekondarji tal-Membri, speċjalment meta jkunu maniġers, membri ta' bordijiet tad-diretturi jew ta' bordijiet konsultattivi jew konsulenti ta' banek, kumpaniji multinazzjonali jew kumpaniji kkwotati fil-borża;

8.  Jilqa' pożittivament it-tmiem qabel iż-żmien tal-kariga ta' Viċi President tal-Membru Eva Kaili, kif previst mill-Artikolu 21 tar-Regoli ta' Proċedura;

9.  Jitlob li Viċi President iddedikat jiġi inkarigat mill-integrità u mill-ġlieda kontra l-korruzzjoni u mill-indħil barrani fil-Parlament;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta biex jiġi stabbilit korp tal-etika mill-aktar fis possibbli, konformement mar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-16 ta' Settembru 2021;

11.  Jipproponi li jiddaħħal perjodu ta' preklużjoni għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew bil-għan li jiġu evitati l-effetti negattivi tal-hekk imsejjaħ fenomenu tar-"revolving doors";

12.  Jitlob evalwazzjoni bir-reqqa u titjib tal-leġġibbiltà tal-attivitajiet leġiżlattivi tal-Membri, b'mod partikolari billi jsiru magħrufa l-impronti leġiżlattivi tat-testi u tal-emendi proposti;

13.  Jimpenja ruħu li jiżgura t-trasparenza totali tal-ammont eżatt tal-introjtu aċċessorju tal-Membri tal-PE u jipprojbixxi kwalunkwe finanzjament estern tal-persunal tal-Membri u tal-gruppi; jimpenja ruħu li jistabbilixxi projbizzjoni fil-livell tal-UE fuq donazzjonijiet minn pajjiżi terzi lill-Membri u lill-partiti politiċi, sabiex jingħalqu l-lakuni fl-Istati Membri; jitlob li l-Kummissjoni tressaq b'urġenza proposta f'dan ir-rigward;

14.  Jitlob b'urġenza li l-kards ta' aċċess tar-rappreżentanti tal-interessi tal-Qatar jiġu sospiżi, konformement mal-Artikolu 123 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, sa meta l-investigazzjonijiet ġudizzjarji jagħtu informazzjoni u kjarifiki rilevanti;

15.  Jemmen li r-reġistru tat-trasparenza tal-UE għandu jissaħħaħ billi jiżdidulu l-baġit u n-numru ta' membri tal-persunal, bil-għan li jkun jista' jivverifika b'aktar reqqa l-informazzjoni mogħtija mill-applikanti u mir-reġistranti; jemmen barra minn hekk li l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu għandu jitwessa' biex jinkludi r-rappreżentanti ta' pajjiżi terzi;

16.  Jenfasizza li, bħala prerekwiżit, biex il-gruppi ta' ħbiberija jkomplu jeżistu fil-Parlament iridu jiġu rregolati u ssorveljati kif xieraq; jagħti istruzzjonijiet lill-Kwesturi biex jimplimentaw ir-regoli eżistenti u jiżviluppaw u jżommu reġistru aċċessibbli u aġġornat tal-gruppi u tad-dikjarazzjonijiet ta' ħbiberija;

17.  Jitlob li r-reġistru tat-trasparenza jsir obbligatorju;

18.  Jitlob li r-reġistru tat-trasparenza jiġi estiż għall-ex Membri;

19.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jadottaw b'urġenza miżuri biex jintroduċu l-prattika ta' "perjodi ta' preklużjoni" minimi għall-uffiċjali ta' livell għoli tal-UE u għall-ex Membri sabiex jiġi evitat il-fenomenu tar-"revolving doors";

20.  Jirrakkomanda reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, speċjalment tal-Artikolu 22(c) tagħhom, bil-għan li jiġi allinjat mal-istandards tad-Direttiva dwar l-Informaturi; jistieden, fil-frattemp, lill-Bureau jirrevedi immedjatament ir-regoli interni dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal, bil-għan li jkunu allinjati mas-salvagwardji mogħtija fid-Direttiva dwar l-Informaturi;

21.  Jenfasizza r-rwol tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), tal-Europol u tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jitlob li l-kapaċitajiet tal-UPPE u tal-OLAF jissaħħu aktar, kif ukoll il-kooperazzjoni ta' bejniethom; jitlob regoli komuni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni applikabbli għall-membri u għall-persunal tal-korpi tal-UE;

22.  Jemmen li l-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-assi min-naħa tal-Membri fil-bidu u fit-tmiem ta' kull mandat tkun toffri salvagwardji addizzjonali kontra l-korruzzjoni, skont l-eżempju ta' ħafna Stati Membri; jemmen li d-dikjarazzjoni tal-assi tista' tkun aċċessibbli biss għall-awtoritajiet kompetenti biex ikunu jistgħu jivverifikaw jekk l-assi ddikjarati humiex kompatibbli mal-introjti ddikjarati fil-każ li joħorġu allegazzjonijiet fondati, u dan ikun jagħmel diffiċli ħafna l-infiq tar-rikavat illegali;

23.  Jissospendi x-xogħlijiet kollha fuq il-fajls leġiżlattivi relatati mal-Qatar, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-liberalizzazzjoni tal-viżi u mal-ftehim mal-Qatar fis-settur tal-avjazzjoni, u maż-żjarat ippjanati, sakemm l-allegazzjonijiet ikunu ġew ikkonfermati jew miċħuda;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Gvern u lill-Assemblea Konsultattiva tal-Qatar.

(1) ĠU C 506, 15.12.2021, p. 127.
(2) ĠU C 117, 11.3.2022, p. 159.
(3) ĠU C 347, 9.9.2022, p. 61.
(4) Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).


90 sena wara l-Holodomor: ir-rikonoxximent tal-qtil tal-massa bil-ġuħ bħala ġenoċidju
PDF 119kWORD 47k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2022 dwar id-90 sena wara l-Holodomor: ir-rikonoxximent tal-qtil tal-massa bil-ġuħ bħala ġenoċidju (2022/3001(RSP))
P9_TA(2022)0449RC-B9-0559/2022

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukrajna u r-Russja, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar il-kommemorazzjoni tal-Holodomor, il-karestija artifiċjali tal-Ukrajna (1932-1933)(1),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u trattati u strumenti oħra tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti dwar l-anniversarji tal-Holodomor adottati fis-sessjonijiet plenarji tal-Assemblea Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Verkhovna Rada tal-Ukrajna tal-2003 li tiddikjara l-karestija intenzjonata bħala att ta' ġenoċidju, il-Liġi Ukrena tat-28 ta' Novembru 2006 dwar il- "Holodomor fl-Ukrajna tal-1932 u l-1933" u l-appell mill-Verkhovna Rada tal-Ukrajna fis-16 ta' Novembru 2022 lill-parlamenti tad-dinja dwar ir-rikonoxximent tal-Holodomor tal-1932 u l-1933 bħala ġenoċidju tal-poplu Ukren,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Konvenzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju tikkriminalizza numru ta' atti mwettqa bil-ħsieb li jinqered, b'mod sħiħ jew parzjalment, grupp nazzjonali, etniku, razzjali jew reliġjuż: il-qtil ta' membri tal-grupp, il-kawża ta' ħsara fiżika jew mentali serja lill-membri tal-grupp, l-impożizzjoni b'mod intenzjonali ta' kundizzjonijiet tal-ħajja maħsuba li jġibu magħhom qerda fiżika sħiħa jew parzjali, l-impożizzjoni ta' miżuri maħsuba biex jimpedixxu t-twelid fi ħdan il-grupp, u t-trasferiment furzat tat-tfal tal-grupp lejn grupp ieħor;

B.  billi l-karestija tal-Holodomor tal-1932 u l-1933, li kkawżat il-mewt ta' miljuni ta' Ukreni, kienet ippjanata b'mod ċiniku u implimentata b'mod krudili mir-reġim Sovjetiku sabiex idaħħal bil-forza l-politika ta' kollettivizzazzjoni tal-agrikoltura tal-Unjoni Sovjetika u sabiex irażżan l-poplu Ukren u l-identità nazzjonali tiegħu; billi metodi krudili simili ntużaw mir-reġim Sovjetiku f'partijiet oħra tal-Unjoni Sovjetika, b'mod partikolari fil-Każakistan, il-Belarussja, il-Kawkasu tat-Tramuntana u bnadi oħra; billi s-soppressjoni tal-identità Ukrena twettqet ukoll permezz tar-renju ta' terrur kontra dawk li għandhom l-identità kulturali Ukrena;

C.  billi l-evidenza turi li r-reġim Sovjetiku kkonfiska b'mod intenzjonat il-ħsad taċ-ċereali u għalaq il-fruntieri biex jipprevjeni lill-Ukreni milli jaħarbu mill-karestija; billi fl-1932 u l-1933 l-Unjoni Sovjetika esportat ċereali mit-territorju tal-Ukrajna waqt li n-nies kienu qed imutu bil-ġuħ; billi l-qtil ta' Ukreni fil-biċċa l-kbira tagħhom rurali spiss kien ikun akkumpanjat minn propaganda li titfa t-tort fuq ir-raħħala u tpenġihom bħala ħatja għall-karestija;

D.  billi l-gwerra Russa ta' aggressjoni li għaddejja kontra l-Ukrajna, il-qerda tal-infrastruttura tal-enerġija u agrikola tagħha, l-imblukkar tal-esportazzjoni taċ-ċereali Ukreni u s-serq ta' miljuni ta' tunnellati ta' ċereali mir-Russja ikkawżaw mill-ġdid biża' ta' karestija artifiċjali fuq skala kbira, speċjalment fin-Nofsinhar Globali, li jiddependi fuq iċ-ċereali affordabbli tal-Ukrajna;

E.  billi d-delitti Sovjetiċi ma rċevewx evalwazzjoni legali u morali ċara mill-komunità internazzjonali; billi l-ħabi ta' fatti inkriminanti u l-glorifikazzjoni tar-reġim totalitarju Sovjetiku u l-qawmien mill-ġdid tal-kult tal-personalità ta' Stalin fir-Russja, laħqu l-qofol tagħhom billi r-Russja tal-lum hija sponsor statali tat-terroriżmu u stat li juża mezzi terroristiċi, u f'ripetizzjoni ta' delitti orribbli kontra l-poplu Ukren fi żminijietna, bħall-"Kholodomor" li għaddej bħalissa, it-tentattiv tar-Russja li tħalli l-poplu Ukren imut ffriżat permezz tal-qerda mmirata tal-infrastruttura tal-enerġija ċivili tal-Ukrajna matul ix-xitwa;

F.  billi sa Diċembru 2022 il-parlamenti jew istituzzjonijiet rappreżentattivi oħra fil-livell tal-istat ta' aktar minn 20 pajjiż kienu rrikonoxxew lill-Holodomor bħala ġenoċidju jew bħala reat kontra l-poplu Ukren u kontra l-umanità;

G.  billi l-2022 u l-2023 jimmarkaw d-90 anniversarju tal-Holodomor;

1.  Jirrikonoxxi l-Holodomor, il-karestija artifiċjali tal-1932 u l-1933 fl-Ukrajna, ikkawżat minn politika intenzjonata tar-reġim Sovjetiku, bħala ġenoċidju hekk kif ġie kommess bil-ħsieb li jeqred grupp ta' nies billi ġegħilhom jgħixu f'kundizzjonijiet ta' ħajja kkalkulati biex jikkawżaw il-qerda fiżika tiegħu;

2.  Ifakkar lill-vittmi kollha tal-Holodomor u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Ukren li sofra f'din it-traġedja, b'mod partikolari s-superstiti li baqa' tal-Holodomor u l-familji tagħhom; jonora lil dawk li mietu bħala konsegwenza ta' dawn id-delitti mwettqa minn reġim totalitarju Sovjetiku;

3.  Jikkundanna bil-qawwa dawn l-atti ġenoċidali tar-reġim totalitarju Sovjetiku, li rriżultaw fil-mewt ta' miljuni ta' Ukreni u għamlu ħsara sinifikanti lill-pedamenti tas-soċjetà Ukrena;

4.  Jistieden lill-pajjiżi kollha, b'mod partikolari lill-Federazzjoni Russa u l-pajjiżi l-oħra li nħolqu wara x-xoljiment tal-Unjoni Sovjetika, biex jiftħu l-arkivji tagħhom dwar il-karestija artifiċjali tal-1932 u l-1933 fl-Ukrajna;

5.  Jistieden lill-pajjiżi u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali kollha li għadhom ma rrikonoxxewx lill-Holodomor bħala ġenoċidju biex jagħmlu dan mingħajr dewmien; jistieden lill-Federazzjoni Russa, bħala s-suċċessur primarju tal-Unjoni Sovjetika, tirrikonoxxi uffiċjalment lill-Holodomor u tiskuża ruħha għal dawk id-delitti;

6.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-pajjiżi terzi jippromwovu s-sensibilizzazzjoni dwar dawn l-avvenimenti u reati oħra mwettqa mir-reġim Sovjetiku billi jinkorporaw l-għarfien storiku dwarhom fil-programmi edukattivi u ta' riċerka sabiex jippruvaw jipprevjenu traġedji simili fil-futur;

7.  Jiddeplora l-fatt li d-90 anniversarju tal-Holodomor qed iseħħ filwaqt li r-Russja qed tkompli bil-gwerra ta' aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, qed tikser is-sovranità u l-integrità territorjali ta' dak il-pajjiż u qed tfittex li teqred l-Ukrajna bħala Stat nazzjon u l-identità u l-kultura tal-poplu tagħha; jikkundanna, barra minn hekk, il-fatt li l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna ħolqot kriżi globali tal-ikel, fejn ir-Russja qerdet u serqet mill-ħażniet taċ-ċereali tal-Ukrajna u kompliet tagħmilha diffiċli għall-Ukrajna biex tesporta ċ-ċereali lejn il-pajjiżi l-aktar fil-bżonn;

8.  Jikkundanna l-manipulazzjoni tar-reġim Russu attwali tal-memorja storika għall-fini tas-sopravivenza tar-reġim; itenni, f'dan ir-rigward, il-kundanna tiegħu għall-għeluq furzat mill-awtoritajiet Russi tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet ċivili - l-International Memorial Society u taċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem "Memorial" - att li enfasizza l-ideoloġija reviżjonista tar-reġim Russu attwali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, lill-istituzzjonijiet pubbliċi u privati, u lis-soċjetà ċivili kollha jiddenunzjaw attivament u jiċħdu t-tentattivi kollha maħsuba biex jgħawġu l-fatti storiċi jew jimmanipulaw l-opinjoni pubblika fl-Ewropa permezz ta' narrattivi storiċi foloz li jiġu vvintati u mxerrda biex jappoġġaw l-ideoloġija u s-sopravivenza tar-reġimi kriminali; jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u lill-Istati Membri jappoġġaw lill-akkademja u lis-soċjetà ċivili fid-dokumentazzjoni, fir-riċerka u fl-edukazzjoni dwar ir-ripressjoni politika u d-delitti totalitarji fl-Unjoni Sovjetika;

9.  Jikkundanna, bl-aktar mod qawwi, il-forom kollha ta' totalitarjaniżmu; jiddispjaċih li r-reati mwettqa mir-reġim totalitarju Sovjetiku għadhom ma ġewx evalwati mill-perspettiva tad-dritt internazzjonali, li l-awturi ta' dawn id-delitti ma tressqux quddiem il-ġustizzja u li dawn id-delitti qatt ma ġew ikkundannati b'mod ċar mill-komunità internazzjonali; jitlob valutazzjoni komprensiva, storika u legali tar-reġim Sovjetiku u dibattitu pubbliku trasparenti dwar ir-reati tiegħu, li huwa ta' importanza kbira għall-bini ta' storja u tifkira Ewropej komuni u b'hekk tissaħħaħ ukoll ir-reżiljenza tas-soċjetajiet tagħna għat-theddid modern għad-demokrazija; itenni li valutazzjoni tar-reġim Sovjetiku u ta' dibattitu pubbliku trasparenti dwar ir-reati tiegħu huwa l-aktar importanti għar-Russja nnifisha, bil-għan li tiżdied is-sensibilizzazzjoni pubblika, tinbena r-reżiljenza kontra d-diżinformazzjoni u n-narrattivi storiċi mgħawġa u tipprevjeni li reati simili jiġu ripetuti;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lis-servizzi responsabbli tal-Parlament Ewropew biex minnufih jittraduċu din ir-riżoluzzjoni għar-Russu u għall-Ukren;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Verkhovna Rada, lill-President u lill-Gvern tal-Ukrajna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

(1) ĠU C 15 E, 21.1.2010, p. 78.


It-titjib tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027
PDF 326kWORD 75k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2022 dwar it-titjib tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027: baġit tal-UE reżiljenti u adegwat għal sfidi ġodda (2022/2046(INI))
P9_TA(2022)0450A9-0281/2022

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 311, 312 u 323 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tal-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027(1) (Regolament QFP), u d-dikjarazzjonijiet konġunti maqbula bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni f'dan il-kuntest(2), kif ukoll id-dikjarazzjonijiet unilaterali relatati(3),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta' Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom(4),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda(5) (FII),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(7) (ir-Regolament Finanzjarju),

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2023, adottat fit-23 ta' Novembru 2022(8),

–  wara li kkunsidra l-proposta tas-16 ta' Mejju 2022 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (COM(2022)0223),

–  wara li kkunsidra l-proposta tat-22 ta' April 2022 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (COM(2022)0184),

–  wara li kkunsidra l-Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali tat-13 ta' Diċembru 2017(9) u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2021 dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ottubru 2022 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2023(10),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit li ġie adottat fit-8 ta' Settembru 2022, u approvat fis-sessjoni parzjali tal-Parlament tat-12 sal-15 ta' Settembru 2022,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2022 dwar il-proposta tal-2021 għal reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ġunju 2022 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2022 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022 - il-finanzjament tal-ispejjeż ta' akkoljenza tan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tad-19 ta' Mejju 2022 dwar il-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tal-gwerra Russa fl-Ukrajna għall-UE - it-tisħiħ tal-kapaċità tal-UE li taġixxi(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Novembru 2021 dwar ir-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju fid-dawl tad-dħul fis-seħħ tal-qafas finanzjarju pluriennali tal-2021-2027(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2021 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022(15),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar l-abbozz tar-regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021 sa 2027(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Lulju 2020 dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew tas-17-21 ta' Lulju 2020(17),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2019 bit-titolu "qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 u r-riżorsi proprji: wasal iż-żmien li nissodisfaw l-aspettattivi taċ-ċittadini"(18),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2018 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 – Il-pożizzjoni tal-Parlament bil-ħsieb ta' ftehim(19),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta' Ġunju 2022,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-31 ta' Mejju 2022,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta' Marzu 2022,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Versailles tal-11 ta' Marzu 2022 wara l-laqgħa informali tal-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Ottubru 2022 bit-titolu "Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2023" (COM(2022)0548),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Awwissu 2022 tal-Bank Dinji, tal-Gvern tal-Ukrajna, u tal-Kummissjoni, bit-titolu "Ukraine Rapid Damage and Needs Assessment" (Il-Valutazzjoni Rapida tad-Danni u l-Ħtiġijiet tal-Ukrajna),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Mejju 2022 dwar l-għajnuna lill-Ukrajna u r-rikostruzzjoni tagħha (COM(2022)0233),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa ppreżentati fid-9 ta' Mejju 2022,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali 09/2021 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu "L-infiq fuq il-klima fil-baġit tal-UE għall-perjodu 2014-2020 - Mhuwiex għoli daqskemm ġie rrappurtat",

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali 22/2021 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bl-isem "Finanzi sostenibbli: Jeħtieġ li l-UE tieħu azzjoni aktar konsistenti biex il-finanzjament jiġi dirett mill-ġdid lejn investiment sostenibbli",

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali 10/2021 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri "L-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-baġit tal-UE: wasal iż-żmien li l-kliem jissarraf f'azzjoni",

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra r-Regola 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, il-Kumitat għall-Iżvilupp, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni fil-forma tal-emendi tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittri mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0281/2022),

A.  billi, skont l-Artikolu 311 TFUE, l-Unjoni jeħtiġilha tipprovdi għaliha nnifisha l-mezzi meħtieġa sabiex tilħaq l-objettivi tagħha u twettaq b'suċċess il-politiki tagħha; billi l-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) jistabbilixxi l-prijoritajiet baġitarji tal-Unjoni għal seba' snin u jipprovdi riżorsi finanzjarji għall-politiki, il-programmi u l-ħtiġijiet tagħha; billi l-QFP huwa ristrett mil-limitu massimu tar-Riżorsi Proprji;

B.  billi, wara l-adozzjoni tal-QFP attwali f'Diċembru 2020, il-kuntest politiku, ekonomiku u soċjali inbidel ħafna, ibda mill-iskala bla preċedent u konsegwenzi drammatiċi tal-pandemija tal-COVID-19, li għadha ma spiċċatx;

C.  billi l-invażjoni Russa mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Ukrajna wasslet għal kriżi umanitarja kbira u skattat xokk ekonomiku u soċjali enormi ta' tul ta' żmien inċert mad-dinja kollha; billi l-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern iddeskrivew il-gwerra bħala "bidla tettonika fl-istorja Ewropea" u l-Kummissjoni qalet li "l-ħtiġijiet mhux previsti maħluqa mill-gwerra fl-Ewropa huma ferm lil hinn mill-mezzi disponibbli fil-qafas finanzjarju pluriennali attwali", u għalhekk hemm bżonn ta' sorsi ġodda ta' finanzjament;

D.  billi l-Unjoni u l-poplu tagħha appoġġaw lill-Ukrajna mill-bidu nett tal-gwerra, u wrew solidarjetà mal-Ukreni fil-ġlieda tagħhom biex jiddefendu d-demokrazija kontra l-awtoritarjaniżmu, offrew kenn lil aktar minn 8 miljun Ukren u taw protezzjoni temporanja lil 4 miljun ruħ; billi l-UE, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej ipprovdew lill-Ukrajna b'aktar minn EUR 19-il biljun f'assistenza; billi, minbarra l-għajnuna umanitarja u militari, l-Unjoni appoġġat lill-Ukrajna fl-oqsma tas-saħħa, l-enerġija u l-agrikoltura u ffaċilitat il-kummerċ, b'mod partikolari billi stabbiliet korsiji ta' solidarjetà biex tgħin lill-Ukrajna tesporta prodotti agrikoli; billi se tkun meħtieġa aktar assistenza biex jiġu sostnuti s-servizzi bażiċi u l-infrastruttura essenzjali fil-pajjiż;

E.  billi 21,9 % tal-popolazzjoni tal-UE jinsabu f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali; billi m'hemmx dubju li l-faqar enerġetiku se jmur għall-agħar bħala konsegwenza tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna; billi l-kombinazzjoni ta' prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew u l-inflazzjoni li qed tiżdied qed twassal għal kriżi fl-għoli tal-ħajja, qed thedded is-sopravivenza tan-negozji, speċjalment l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), u qed timbotta aktar nies lejn il-faqar;

F.  billi n-nies ġustament jistennew li l-Unjoni u l-baġit tagħha jirrispondu fil-pront u b'mod effettiv għall-ħtiġijiet kif jevolvu u jipprovdulhom l-appoġġ meħtieġ, speċjalment fi żminijiet ta' kriżi;

G.  billi l-baġit tal-Unjoni għandu, u jrid jibqa' jkollu, rwol ċentrali fit-twettiq tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, inkluż billi jwassal għas-suċċess tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali għal kulħadd, iwitti t-triq lejn in-newtralità klimatika sal-2050, irawwem l-irkupru inklużiv u soċjali, jippromwovi t-tkabbir sostenibbli u inklużiv, isaħħaħ il-kompetittività, l-innovazzjoni, l-awtonomija strateġika, is-sigurtà tal-enerġija u l-indipendenza enerġetika, jipprovdi appoġġ għall-gruppi vulnerabbli u l-SMEs, irawwem l-iżvilupp sostenibbli biex ma jħalli lil ħadd lura u jiżgura koeżjoni u konverġenza 'l fuq, jiżgura Unjoni Ewropea tas-Saħħa iktar robusta wara l-kriżi tal-COVID-19, jissalvagwardja u jippromwovi l-istat tad-dritt, il-valuri Ewropej, id-drittijiet fundamentali u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-Unjoni u lil hinn minnha, jikkontribwixxi għal opportunitajiet ikbar għal kulħadd u jiżgura Unjoni iktar b'saħħitha għal niesha li tkun kapaċi twettaq ir-responsabbiltajiet globali tagħha u tindirizza l-kriżi klimatika u dik tal-bijodiversità u l-konsegwenzi tagħhom;

H.  billi, fil-programm ta' ħidma tagħha għall-2023, il-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi sensiela ta' inizjattivi ta' politika ġodda b'implikazzjonijiet baġitarji potenzjalment sinifikanti, b'mod partikolari, il-Bank Ewropew tal-Idroġenu propost, il-Pakkett ta' Għajnuna għall-SMEs u l-Fond Ewropew għas-Sovranità;

I.  billi l-effett konġunt ta' kriżijiet multipli, il-limiti massimi tal-QFP baxxi u r-regoli onerużi li jirregolaw l-adozzjoni jew ir-reviżjoni tal-QFP, wasslu għal "galassja" ta' strumenti ad hoc li huma barra mill-baġit tal-UE, kif ukoll użu ikbar ta' dħul assenjat estern li mhux soġġett għall-proċedura tal-baġit, speċjalment fil-każ tan-Next Generation EU; billi l-proċedura baġitarja biss teħtieġ l-involviment sħiħ tal-Parlament u tiżgura li jkun jista' jeżerċita skrutinju fuq il-baġit; billi ż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit għandu jkollhom rwoli ugwali kif stabbilit fit-TFUE; billi l-Parlament għandu jkollu rwol sħiħ f'dan l-ambjent baġitarju ġdid sabiex jiżgura akkontabbiltà u trasparenza demokratika għall-bqija tal-QFP attwali;

J.  billi l-FII jistabbilixxi arranġamenti speċifiċi għall-kooperazzjoni u d-djalogu bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar suġġetti tal-baġit; billi għandhom jittieħdu iktar passi li jtejbu t-trasparenza, l-akkontabbiltà u d-disponibbiltà ta' informazzjoni fuq l-infiq kollu b'appoġġ għat-tfassil tal-politika tal-UE;

K.  billi, f'konformità mad-dikjarazzjoni unilaterali tagħha bħala parti mill-ftehim ta' Diċembru 2020 dwar il-QFP 2021–2027, il-Kummissjoni inkludiet fil-programm ta' ħidma tagħha għall-2023 impenn li twettaq rieżami tal-QFP fit-tieni trimestru tal-2023, li jista' jinkludi reviżjoni;

L.  billi l-pożizzjoni tal-Parlament dwar ir-riżorsi proprji ser tkun stabbilita f'riżoluzzjoni li jmiss;

Sfidi u xokkijiet ġodda li jiżvelaw nuqqasijiet fil-QPF attwali

1.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi reviżjoni tal-QFP attwali ffukata primarjament fuq l-indirizzar tal-konsegwenzi tal-gwerra kontra l-Ukrajna u l-għoti ta' flessibbiltà adegwata lill-Unjoni biex tirrispondi għall-kriżijiet;

2.  Jissottolinja li hemm kunsens ċar bejn l-istituzzjonijiet tal-UE li, wara l-invażjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Ukrajna, l-UE għandha tipprovdi l-iktar assistenza umanitarja, soċjali, ekonomika u finanzjarja b'saħħitha lill-Ukrajna, filwaqt li tindirizza l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali severi tal-kriżi fl-Unjoni u tipprovdi l-appoġġ neċessarju lil-dawk kollha affettwati; jissottolinja, f'dan il-kuntest, l-għanijiet konġunti tal-Unjoni li twettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew, it-tranżizzjoni diġitali u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li tintensifika l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tad-difiża, li ttejjeb l-awtonomija strateġika u l-indipendenza enerġetika u s-sigurtà tal-enerġija tagħha, li tnaqqas il-faqar enerġetiku, li tiżgura s-sigurtà globali tal-ikel, u li tindirizza l-isfidi kkawżati mill-inflazzjoni għolja;

3.  Jissottolinja li Unjoni b'saħħitha mibnija fuq is-solidarjetà u l-kooperazzjoni u li kapaċi tiffaċċja l-isfidi attwali u ttaffi l-impatt tal-kriżi tal-għoli tal-ħajja għan-nies u n-negozji teħtieġ soluzzjonijiet madwar l-UE kollha biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-Istati Membri kollha fil-kapaċità tagħhom li jappoġġaw lin-nies u lin-negozji, u b'hekk tiġi ppreservata l-integrità tas-suq intern u tiġi evitata l-frammentazzjoni jew id-distorsjoni tiegħu; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' proġetti transfruntiera li huma fundamentali fil-bini ta' Unjoni sovrana, strateġika u awtonoma;

4.  Jenfasizza li, mill-inqas fuq żmien qasir, hemm bżonn ta' għajnuna umanitarja fuq skala kbira fl-Ukrajna u appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri li qed jirċievu u jgħinu lin-nies li qed jaħarbu mill-kunflitt sabiex l-impatt tal-gwerra kontra l-Ukrajna jkun indirizzat; ifakkar li l-programmi rilevanti ma ġewx ipprovduti bir-riżorsi li din is-sitwazzjoni bla preċedent teħtieġ; iqis, barra minn hekk, li, fit-tul, l-Unjoni għandu jkollha rwol ewlieni fir-rikostruzzjoni tal-Ukrajna, permezz ta' approċċ ta' "bini mill-ġdid aħjar", ladarba tintemm il-gwerra, filwaqt li jiġu żgurati governanza tajba, rispett għall-istat tad-dritt u ġestjoni finanzjarja tajba; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta r-rwol li l-baġit tal-UE għandu jkollu fl-isforzi ta' rikostruzzjoni internazzjonali;

5.  Jilqa' d-deċiżjoni li l-Ukrajna u l-Moldova jingħataw status ta' pajjiż kandidat; jenfasizza li din id-deċiżjoni ġġib magħha impenn fit-tul finanzjarju u baġitarju għall-appoġġ tar-riformi neċessarji – u approċċ ta' politika kkoordinat – biex jiġu appoġġati r-rikostruzzjoni, l-irkupru u r-riformi meħtieġa li huma speċifiċi għal kull pajjiż, kif kien il-każ ma' pajjiżi kandidati oħra;

6.  Jiddispjaċih li inizjattivi essenzjali ta' politika ġodda mfassla wara l-adozzjoni tal-QFP attwali ġabu magħhom proposti biex jew xi flejjes ma jintużawx għall-programmi, il-politiki u l-objettivi miftiehma tal-UE, jew biex jintużaw għal skop differenti fi ħdanhom; iqis li r-riallokazzjonijiet rikorrenti mhumiex mod vijabbli biex jiffinanzjaw il-prijoritajiet tal-Unjoni u li jikkostitwixxu bidla de facto għall-QFP maqbul;

7.  Jirrimarka dwar l-użu estensiv tal-istrumenti speċjali fl-ewwel sentejn tal-QFP; jinnota li l-Istrument ta' Flessibbiltà kien mobilizzat għall-infiq taħt l-Intestatura 6 (Il-Viċinat u d-Dinja) fl-2022 u għandu jiġi mobilizzat għall-infiq sinifikanti taħt l-istess intestatura u l-Intestatura 2b (Reżiljenza u Valuri) u l-Intestatura 5 (Sigurtà u Difiża) fl-2023; jirrimarka li, taħt il-proposta dwar id-difiża ta' Lulju 2022(20), iktar approprjazzjonijiet għandhom ikunu mobilizzati permezz ta' strumenti speċjali fl-2024;

8.  Jenfasizza li r-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza (SEAR) kienet kważi eżawrita fl-2021 u kienet użata kompletament fl-2022 wara li pprovdiet kombinazzjoni ta' għajnuna umanitarja u appoġġ lil Stati Membri għall-indirizzar ta' diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem; jirrimarka li l-estensjoni tal-ambitu tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) biex jinkludi emerġenzi ta' saħħa pubblika, flimkien maż-żieda fl-iskala u l-frekwenza tad-diżastri naturali, il-kriżi umanitarja fl-Ukrajna u b'konsegwenza l-wasla ta' numri kbar ta' rifuġjati fl-UE, poġġew lis-SEAR taħt pressjoni estrema; jistenna, barra minn hekk, li l-konsegwenzi drammatiċi tan-nirien bla preċedent fis-sajf tal-2022, li ġew wara l-għargħar u n-nirien kbar tas-sajf tal-2021, se jeħtieġu appoġġ finanzjarju sinifikanti, inkluż mis-SEAR;

9.  Ifakkar li l-QFP jiżdied kull sena fuq bażi ta' deflatur ta' 2 % applikat fuq il-prezzijiet tal-2018; jissottolinja li l-prezzijiet tal-enerġija li dejjem qed jogħlew u l-volatilità estrema tas-suq tal-enerġija kkawżati prinċipalment mid-deċiżjoni tar-Russja li taqta' l-provvisti tal-gass qed jixprunaw l-inflazzjoni li dejjem qed tikber, u qed iħallu impatti severi fuq in-nies u n-negozji; hu mħasseb ferm li tali livelli għolja mhux mistennija ta' inflazzjoni qed ippoġġu lill-QFP taħt pressjoni kbira, inaqqsu ulterjorment il-kapaċità ta' akkwist u jagħsru l-kapaċità operazzjonali u amministrattiva f'kuntest fejn il-livell ġenerali hu diġà inqas minn dak ta' QFP preċedenti f'termini tas-sehem mill-Introjtu Gross Nazzjonali (IGN) tal-UE; jisħaq li, fil-prattika, dan ifisser li inqas proġetti u azzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jiġu ffinanzjati, b'hekk jiġu affettwati b'mod negattiv il-benefiċjarji u l-kapaċità tal-Unjoni li twettaq l-objettivi politiċi tagħha;

10.  Barra minn hekk ifakkar li, minkejja t-talbiet tal-Parlament li l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru jitqiegħed 'il fuq mil-limiti massimi, l-ispejjeż tar-rifinanzjament tiegħu jitħallsu sal-limiti tal-QFP, u b'hekk hemm iktar pressjoni fuq il-QFP u jiġi pperikolat il-finanzjament tal-programmi diġà miftiehma, speċjalment f'kuntest fejn ir-rati tal-interessi qed jogħlew u l-ispejjeż għas-self taħt in-Next Generation EU qed jiżdiedu; jirrimarka, f’dak ir-rigward, dwar iż-żieda mhux diskrezzjonali fl-approprjazzjonijiet tal-linja EURI ta' EUR 280 miljun fil-baġit adottat għas-sena finanzjarja 2023 meta mqabbel mal-abbozz ta' baġit tal-Kummissjoni, u b'hekk tieħu mill-Istrument ta' Marġini Uniku, u tnaqqas il-kapaċità tal-baġit li jirreaġixxi għall-ħtiġijiet emerġenti;

11.  Josserva t-talbiet kontinwi għall-baġit tal-UE biex iservi bħala garanzija għal assistenza makrofinanzjarja (AMF) addizzjonali, b'mod partikolari għall-pajjiżi affettwati mill-gwerra; jilqa' l-appoġġ vitali tal-Unjoni permezz tal-AMF; jissottolinja li, fil-każ ta' inadempjenza jew irtirar ta' garanziji nazzjonali, il-baġit tal-UE fl-aħħar mill-aħħar jissottoskrivi s-self kollu tal-AMF u għalhekk iġorr obbligazzjonijiet kontinġenti sinifikanti u imprevedibbli b'mod inerenti;

12.  Jenfasizza, għalhekk, li l-QFP attwali diġà ġie mġebbed sal-limiti tiegħu inqas minn sentejn wara l-adozzjoni tiegħu, sitwazzjoni aggravata mill-avvenimenti imprevedibbli tal-2022; jirrimarka li sempliċiment mhux mgħammar biżżejjed, f'termini ta' daqs, struttura jew regoli, biex jirrispondi malajr u b'mod effettiv għal għadd kbir ta' kriżijiet ta' din l-iskala u lanqas biex jiffinanzja b'mod adegwat l-ambizzjonijiet tal-politika tal-UE konġunti ġodda u l-implimentazzjoni rapida tas-soluzzjonijiet meħtieġa mifruxa mal-UE; jinsab imħasseb ħafna li l-QFP attwali jħalli lill-Unjoni mhux mgħammra biżżejjed biex tirrispondi għal kwalunkwe kriżi u ħtiġijiet futuri potenzjali u biex tissodisfa r-rwol strateġiku tagħha fix-xena internazzjonali;

13.  Jikkonkludi li hemm bżonn ċar ta' reviżjoni urġenti tal-QFP u li l-approċċ ta' żamma tal-istatus quo mhux se jkun bl-ebda mod suffiċjenti biex jindirizza l-firxa ta' sfidi li hemm u jista' għalhekk jimmina l-kunfidenza fl-Unjoni;

L-indirizzar tad-diskrepanzi fil-finanzjament – iktar kapaċità finanzjarja b'iktar trasparenza u akkontabbiltà demokratika

14.  Jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex mhux biss twettaq rieżami fil-fond dwar il-funzjonament tal-QFP attwali, iżda li tipproċedi wkoll bi proposta leġiżlattiva għal reviżjoni komprensiva u ambizzjuża tar-regolament tal-QFP u l-anness tiegħu mill-iktar fis possibbli u mhux iktar tard mill-ewwel trimestru tal-2023; jisħaq li r-reviżjoni tal-QFP ma tridx twassal għal xi reviżjoni 'l isfel tal-pakketti nazzjonali jew programmi tal-UE allokati minn qabel;

15.  Jemmen bis-sħiħ li r-reviżjoni trid tindirizza l-ħtiġijiet dejjem jiżdiedu u l-eżawriment tal-mezzi disponibbli fl-ambitu tal-QFP biex l-Unjoni tipprovdi s-soluzzjonijiet meħtieġa; jinsisti, barra minn hekk, li r-reviżjoni trid tirrimedja l-iktar nuqqasijiet serji fil-funzjonament tal-QFP, tipprovdi finanzjament ġdid għal prijoritajiet politiċi ġodda u tattrezza lill-Unjoni bl-għodod meħtieġa biex tiffaċċja l-isfidi u l-kriżijiet li ġejjin b'mod effettiv;

16.  Jisħaq fuq il-bżonn għal QFP ikbar biex jiżgura baġit tal-UE iktar b'saħħtu u iktar aġli li jilħaq l-istandards l-iktar għolja tat-trasparenza u tal-akkontabbiltà demokratika; jitlob, għalhekk, żieda fil-limiti massimi tal-QFP, kif ukoll żieda fil-flessibbiltà baġitarja u t-tfassil mill-ġdid tagħha;

17.  Jinsab lest biex jieħu sehem f'negozjati sħaħ mal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-QFP, billi jibni fuq il-prattiki tal-passat u l-FII, li permezz tagħhom l-istituzzjonijiet impenjaw ruħhom biex isibu arranġamenti speċifiċi għall-kooperazzjoni u d-djalogu matul il-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta' reviżjoni sostanzjali tal-QFP;

18.  Jinsisti li l-prinċipju tal-unità, li permezz tiegħu l-entrati kollha tad-dħul u n-nefqa tal-Unjoni jidhru fil-baġit, hu kemm rekwiżit tat-Trattat kif ukoll prekondizzjoni bażika għall-akkontabbiltà, il-leġittimità demokratika u t-trasparenza tal-finanzi pubbliċi tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa ta' kontroll parlamentari akbar b'mod sinifikanti fuq l-infiq kollu tal-UE, inklużi l-istrumenti mhux baġitarji, il-fondi, u l-attivitajiet komuni ta' teħid u għoti b'self; itenni li l-istrumenti l-ġodda kollha għandhom ikunu taħt il-kompetenza tal-awtorità tal-baġit;

19.  Jissottolinja, f'dan il-kuntest, li r-reviżjoni tal-QFP għandha timxi id f'id mar-reviżjoni li għaddejja tar-Regolament Finanzjarju, li għandha tinkorpora direttament il-bidliet meħtieġa fir-regoli li jirregolaw it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE; iqis, għalhekk, li huwa meħtieġ li jitwessa' l-ambitu tal-proposta tar-reviżjoni mmirata tar-Regolament Finanzjarju, sabiex jiġu indirizzati l-aspetti kollha rilevanti;

20.  Jissottolinja l-importanza tal-prinċipji orizzontali li jirfdu l-QFP u l-politiki relatati kollha tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tat-twettiq tal-miri tal-Unjoni dwar il-klima u l-bijodiversità u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jinsisti li r-reviżjoni trid iżżomm dawn il-prinċipji fil-qalba tal-QFP u twettaq l-impenn tal-Unjoni li tiżgura rkupru ekwu, reżiljenti, sostenibbli u soċjalment ġust għal kulħadd, inkluża l-implimentazzjoni tal-qafas rivedut tal-2030 għall-miri klimatiċi, ambjentali u għall-enerġija tal-Unjoni bl-objettiv li l-UE ssir newtrali għall-klima sal-2050;

21.  Jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni li ilu jħaddan li l-inizjattivi, l-objettivi jew l-kompiti politiċi ġodda ffinanzjati permezz tal-baġit tal-UE jridu jiġu ffinanzjati bi flus ġodda addizzjonali u mhux permezz ta' riallokazzjonijiet għad-detriment ta' programmi jew politiċi tal-Unjoni li kienu stabbiliti sew u preeżistenti miftiehma mil-leġiżlatur;

Intestatura 1: Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali;

22.  Jitlob żieda fil-limitu massimu tal-Intestatura 1 abbażi li l-marġnijiet mhumiex biżżejjed biex jakkomodaw il-ħtiġijiet akbar u minħabba li jopponi l-użu ta' pakketti ta' programmi miftiehma għall-finanzjament ta' inizjattivi ġodda;

23.  Jenfasizza li ħafna mill-ambizzjonijiet politiċi stabbiliti dan l-aħħar – notevolment fl-oqsma tal-enerġija u tal-awtonomija strateġika u industrijali – u l-inizjattivi ġodda minn Jannar 2021 (Att Ewropew dwar iċ-Ċipep, Konnettività Sigura, Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f'Każ ta' Emerġenza tas-Saħħa, il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida) għandhom jinvolvu infiq addizzjonali taħt l-Intestatura 1;

24.  Jenfasizza r-rwol ewlieni li għandu l-finanzjament fl-ambitu ta' Orizzont Ewropa, Ewropa Diġitali, il-Programm tas-Suq Uniku u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) biex tiġi stimulata l-innovazzjoni, jiġu appoġġati n-negozji u jiġu xprunati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali;

25.  Jistenna bil-ħerqa l-proposta tal-Kummissjoni għall-Fond Ewropew ta' Sovranità l-ġdid maħsub biex jiżgura l-awtonomija strateġika tal-Unjoni u jnaqqas id-dipendenza fuq pajjiżi mhux tal-UE f'setturi ewlenin; iqis li huwa essenzjali li l-proposta twieġeb għall-ħtiġijiet reali, li tkun ibbażata fuq valutazzjoni ċara tal-kostijiet u d-diskrepanzi fl-investiment u li tipprovdi flus ġodda; jinsisti li kwalunkwe fond ġdid bħal dan għandu jiġi stabbilit skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u jiġi inkorporat fl-ambitu tal-QFP, biex b'hekk tiġi żgurata s-sorveljanza sħiħa tal-Parlament; iqis li l-limiti massimi tal-QFP għandhom jiġu aġġustati biex jakkomodaw il-Fond;

Intestatura 2a: Koeżjoni

26.  Jitlob li l-finanzjament miftiehem taħt l-Intestatura 2a ma jiddgħajjifx u li jinżamm għall-iskop maħsub tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk huwiex biżżejjed li jwieġeb għall-ħtiġijiet emerġenti fil-politika ta' koeżjoni;

27.  Jissottolinja li l-flessibbiltà temporanja u ta' terminu qasir introdotta fil-fondi tal-politika ta' koeżjoni permezz tas-sensiela ta' proposti tal-Azzjoni ta' Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (CARE) għenu lill-Istati Membri biex jitrattaw b'mod mgħaġġel l-impatt tal-gwerra kontra l-Ukrajna, b'segwitu mill-mudell tal-Inizjattivi ta' Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus (CRII u CRII+), li ppermettew lill-UE taġixxi fil-bidu tal-pandemija tal-COVID-19;

28.  Jilqa' l-ambizzjoni tal-Unjoni li żżid l-isforzi tagħha biex tiġġieled ir-rati allarmanti tal-faqar fost it-tfal u biex tikkontribwixxi għall-qerda tal-faqar fost it-tfal permezz tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal li nħolqot reċentement; iwissi, madankollu, li l-kriżijiet attwali aggravaw u se jkomplu jaggravaw is-sitwazzjoni attwali li qed tiddeterjora għat-tfal fil-faqar jew f'riskju ta' faqar, u se jkollhom konsegwenzi dejjiema; itenni t-talba tiegħu biex jiżdied b'mod urġenti l-finanzjament tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal b'baġit iddedikat ta' mill-inqas EUR 20 biljun għall-perjodu 2021-2027 u jinsisti li dan il-baġit iddedikat isir parti mill-QFP rivedut u mill-FSE+ imsaħħaħ; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex tipprovdi r-riżorsi disponibbli kollha għall-implimentazzjoni b'mod effettiv tal-Garanzija għat-Tfal, inklużi l-FSE+, ir-ReactEU u l-RRF, u jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ minnhom;

29.  Jisħaq li, filwaqt li l-miżuri ta' rispons għall-kriżi huma neċessarji u utli, il-politika ta' koeżjoni mhix għodda ta' rispons għall-kriżi; hu mħasseb li l-politika ta' koeżjoni qed tintuża dejjem iktar biex issaħħaħ politiki oħra u biex tagħmel tajjeb għal insuffiċjenzi fil-flessibbiltà tal-baġit jew mekkaniżmi ta' rispons għall-kriżi fil-QFP; huwa tal-opinjoni li l-possibbiltà eżistenti ta' trasferimenti mill-fondi tal-politika ta' koeżjoni għal programmi oħra sa 5 % tal-allokazzjoni inizjali tipprevedi flessibbiltà suffiċjenti;

30.  Jisħaq li r-reviżjoni tal-QFP ma tridx twassal għal xi reviżjoni 'l isfel tal-pakketti nazzjonali allokati minn qabel; jenfasizza li l-ftehim dwar il-QFP għall-2021-2027 u l-pakkett tal-politika ta' koeżjoni ġie adottat tard, u li flimkien mal-kriżi tal-COVID-19 dan wassal għal bidu bil-mod tal-proċess tal-ipprogrammar u t-tfixkil ta' proġetti, iżda mhux minħabba l-politika fiha nnifisha; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi ta' simplifikazzjoni amministrattiva; jissottolinja li l-bidu tardiv bl-ebda mod ma jqajjem dubji dwar ir-rwol ċentrali u l-valur miżjud tal-politika ta' koeżjoni bħala politika essenzjali tal-investiment tal-Unjoni u l-istrument ta' konverġenza;

Intestatura 2b: Reżiljenza u Valuri

31.  Jitlob li l-linja baġitarja ddedikata għall-ħlas lura tal-kostijiet tas-self tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru titneħħa mill-Intestatura 2b u titqiegħed barra mill-intestaturi, u li dawk il-kostijiet jingħaddu lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP;

32.  Jiddispjaċih li l-kostijiet tas-self tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru u l-ħlas lura tad-dejn huma inklużi bħala linja baġitarja taħt l-Intestatura 2b għall-perjodu 2021-2027, flimkien ma' programmi emblematiċi bħall-Erasmus+, l-UE għas-Saħħa, Ewropa Kreattiva u ċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri;

33.  Jisħaq li l-kostijiet tal-imgħax u l-ħlas lura tad-dejn jiddependu fuq żviluppi tas-suq, mhumiex infiq diskrezzjonali, ma jsegwux il-loġika ta' limiti fuq l-infiq u ma għandhom qatt jikkompetu mal-programmi ta' nfiq; ifakkar li kwalunkwe attivazzjoni tal-Istrument għall-Appoġġ ta' Emerġenza tiddependi wkoll fuq id-disponibbiltà ta' marġni mhux allokat taħt il-limitu massimu ta' din l-intestatura; jinnota bi tħassib ir-rati tal-imgħax li qed jiżdiedu b'mod qawwi qed jaffettwaw lill-emittenti sovrani; iwissi li l-kostijiet tal-finanzjament dan l-aħħar żdiedu b'mod sinifikanti minħabba l-kundizzjonijiet diffiċli tas-suq, u li hemm inċertezza konsiderevoli f'dak li jirrigwarda r-rati tal-imgħax fit-tul; jinsisti, għalhekk, li l-istatus quo jippreżenta riskji sinifikanti għall-infiq tal-programm u għall-kapaċità tal-QFP li twieġeb għall-ħtiġijiet emerġenti;

34.  Jisħaq fuq l-importanza vitali tal-programm l-UE għas-Saħħa u tal-programmi tal-Unjoni dwar l-edukazzjoni, il-kultura, iż-żgħażagħ u l-valuri fl-appoġġ tas-setturi rilevanti wara l-pandemija u l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni; jenfasizza li l-Fond Soċjali Ewropew+ huwa wieħed mill-muturi ewlenin għat-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-Unjoni; jiddispjaċih li Erasmus+, bħala programm b'domanda relattivament stabbli minn sena għal sena, għandu profil finanzjarju kkonċentrat ħafna fl-aħħar tal-perjodu fil-QFP attwali;

Intestatura 3: Riżorsi Naturali u Ambjent

35.  Jitlob li l-limitu massimu tal-Intestatura 3 jiġi aġġustat malajr kemm jista' jkun sabiex jakkomoda bis-sħiħ il-Fond Soċjali għall-Klima, filwaqt li l-finanzjament miftiehem taħt l-Intestatura 3 ma għandux jiddgħajjef u għandu jinżamm għall-iskop maħsub tiegħu;

36.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-Fond Soċjali għall-Klima jrid jiġi inkorporat bis-sħiħ fil-baġit tal-UE u fi ħdan il-QFP, mingħajr ma jkollu impatt negattiv fuq programmi u fondi oħra taħt din l-intestatura, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu l-importanza li jiġu żgurati s-sigurtà tal-ikel u t-twettiq tal-Patt Ekoloġiku; ifakkar lill-fergħa l-oħra tal-awtorità tal-baġit fl-obbligu tagħha li tirrispetta l-unità tal-baġit;

37.  Jenfasizza l-importanza tal-politika agrikola komuni (PAK) fl-għoti ta' appoġġ affidabbli lill-bdiewa biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-ikel; ifakkar li l-kapaċità tal-bdiewa li jifilħu għall-pressjoni tal-inflazzjoni u ż-żieda fil-prezzijiet tal-input filwaqt li jitwettaq dan l-objettiv hija affettwata mill-varjazzjonijiet fil-pagamenti tal-PAK; jissottolinja li l-bdiewa fuq skala żgħira u l-bdiewa żgħażagħ huma partikolarment vulnerabbli u affettwati minn opportunitajiet limitati ta' investiment; jenfasizza r-rwol ewlieni tal-programm LIFE fl-appoġġ tal-azzjoni klimatika, il-konservazzjoni tan-natura u l-protezzjoni ambjentali;

Intestatura 4: Migrazzjoni u Ġestjoni tal-Fruntieri

38.  Jitlob li l-limitu massimu tal-Intestatura 4 jogħla biex jirrifletti r-realtà attwali u l-bżonnijiet reali ta' ffinanzjar tal-politiki u l-programmi dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni u tal-fruntieri tal-Unjoni;

39.  Jenfasizza li l-gwerra kontra l-Ukrajna u d-deċiżjoni sussegwenti li tiskatta d-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja se jinvolvu impenn finanzjarju aktar fit-tul biex jiġu appoġġati l-Istati Membri, filwaqt li jsiru talbiet mhux mistennija fuq il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF), l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u għall-Viżi (BMVI) u jinħolqu responsabbiltajiet addizzjonali għall-aġenziji deċentralizzati fl-Intestatura 4; barra minn hekk, jesprimi tħassib li proposti suċċessivi tal-Kummissjoni għal estensjonijiet tal-mandat tal-aġenzija qed inaqqru mill-pakkett finanzjarju tal-BMVI;

Intestatura 5: Sigurtà u Difiża

40.  Jitlob li jiżdied il-limitu massimu tal-Intestatura 5;

41.  Jappella għal reviżjoni rapida tal-QFP biex jiżdiedu l-istrumenti tad-difiża tal-UE bħall-Fond Ewropew għad-Difiża, il-mobbiltà militari u l-mekkaniżmi ta' akkwist konġunt futuri għad-difiża tal-UE, jiġifieri l-Att dwar it-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża permezz tal-Akkwist Komuni u l-Programm Ewropew għall-Investiment fil-Qasam tad-Difiża, dment li dawn isaħħu l-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża tal-UE u jiżguraw valur miżjud Ewropew;

42.  Jinnota, fid-dawl tal-kuntest ġeopolitiku ferm differenti, il-proposta tal-Kummissjoni għal tisħiħ tal-industrija tad-difiża Ewropea permezz ta' Att dwar l-Akkwist Komuni għall-perjodu 2022–2024 u l-intenzjoni tagħha li tressaq proposta għal Programm Ewropew ta' Investiment fil-Qasam tad-Difiża għall-perjodu ta' wara, imfassal biex jintroduċi akkwist konġunt u ġestjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tal-kapaċitajiet militari; jenfasizza li l-infiq neċessarju biex jiżdiedu l-kooperazzjoni u l-investiment fid-difiża ma jistgħux ikunu koperti biss fil-limitu massimu tal-Intestatura 5; jissottolinja l-ħtieġa ta' investiment biex tissaħħaħ il-politika ta' sigurtà u tiġi ffinanzjata l-innovazzjoni teknoloġika f'xenarju ta' sigurtà li qed jevolvi b'mod kostanti;

Intestatura 6: Il-Viċinat u d-Dinja

43.  Jitlob li jiżdied il-limitu massimu tal-Intestatura 6 biex jiġu koperti bis-sħiħ il-ħtiġijiet attwali u futuri previsti fl-azzjoni esterna tal-Unjoni u biex tinħoloq kapaċità suffiċjenti ta' rispons għall-kriżijiet u l-ħtiġijiet emerġenti;

44.  Jikkundanna l-fatt li, anke qabel il-gwerra kontra l-Ukrajna, il-fondi disponibbli taħt l-Intestatura 6 kienu inadegwati ħafna u minn dak iż-żmien il-pressjoni fuq din l-intestatura żdiedet sostanzjalment; jissottolinja li l-iffinanzjar kontinwu għall-bżonnijiet tar-rifuġjati mis-Sirja, l-Iraq u pajjiżi oħra ma kinux inklużi fin-negozjati tal-QFP jew tal-baġits tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI)-Ewropa Globali u għalhekk misshom kienu ffinanzjati minn approprjazzjonijiet ġodda b'żieda li tikkorrispondi taħt il-limitu massimu tal-Intestatura 6, aktar milli minn riallokazzjonijiet;

45.  Jinnota d-deterjorament rapidu tal-kuntest internazzjonali mill-bidu tal-QFP, kemm fil-pajjiżi ġirien u lil hinn, bħala riżultat tal-kriżijiet tal-ikel, tal-enerġija, tal-klima u ekonomika, li żiedu b'mod drammatiku l-pressjoni fuq l-Intestatura 6; jinnota li, minbarra r-rikors ripetut għall-Istrument ta' Flessibbiltà, ir-riżerva tal-NDICI-Ewropa Globali tnaqqset malajr ħafna u ntużat lil hinn mill-iskop ewlieni tagħha li twieġeb għall-isfidi u l-prijoritajiet emerġenti, b'mod partikolari għall-proviżjonament tal-AMF; iqis li rispons imsaħħaħ għall-kriżijiet huwa essenzjali minħabba l-għadd kbir ta' sfidi globali;

46.  Jissottolinja li l-għajnuna umanitarja taħt l-Intestatura 6 ġiet imġebbda sal-limiti tagħha, u teħtieġ rinforzi ripetuti; jinsisti li l-finanzjament imsaħħaħ għall-għajnuna umanitarja u l-pilastru ta' rispons rapidu tal-NDICI-Ewropa Globali huma essenzjali jekk l-Unjoni trid mhux biss tipprovdi assistenza lill-Ukrajna, iżda wkoll tiżgura appoġġ għall-komunitajiet u r-reġjuni fil-bżonn u twettaq l-ambizzjoni tagħha li tkun donatur umanitarju ewlieni; jissottolinja li l-bżonnijiet addizzjonali fl-Ukrajna ma jridux iwasslu biex ikunu devjati flus minn reġjuni ġeografiċi oħra fil-bżonn, b'mod partikolari mill-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar, jew minn prijoritajiet tematiċi;

47.  Jissottolinja l-importanza li jingħata aktar appoġġ lill-Ukrajna permezz tal-AMF; jenfasizza li hija meħtieġa rata ferm ogħla ta' proviżjonament mill-istandard ta' 9 % għal self lill-Ukrajna minħabba r-riskju akbar ta' inadempjenza; jieħu nota, f'dan il-kuntest, tal-proposti tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2022(21); jissottolinja li t-triq 'il quddiem hija bidla minn approċċ ad hoc għal approċċ strutturali;

48.  Jissottolinja li d-deċiżjoni li l-Ukrajna u l-Moldova jingħataw status ta' pajjiż kandidat se tfisser li jingħata appoġġ fl-ambitu tal-Istrument ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) minflok l-NDICI-Ewropa Globali, li potenzjalment hemm il-ħtieġa ta' reviżjoni tal-bażi ġuridika rilevanti; jinsisti fuq il-ħtieġa li jinżamm l-appoġġ għal pajjiżi kandidati oħra, b'mod partikolari fil-Balkani tal-Punent, fil-livell attwali tiegħu;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Unjoni tissodisfa l-impenji internazzjonali tagħha dwar il-klima u b'mod partikolari tipprovdi finanzjament internazzjonali għall-klima u finanzjament għall-programmi rilevanti fl-ambitu tal-NDICI-Ewropa Globali;

Intestatura 7: Amministrazzjoni Pubblika Ewropea

50.  Jitlob li l-infiq taħt l-Intestatura 7 għandu jkun stabbilit f'livell li jiggarantixxi li l-UE jkollha amministrazzjoni effettiva u effiċjenti;

51.  Jinsisti li jiġu allokati biżżejjed mezzi lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-aġenziji tal-Unjoni biex jiġu żgurati l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi tal-leġiżlazzjoni u l-politiki kollha tal-Unjoni f'konformità mal-kompiti li qed jevolvu; ifakkar fl-importanza li jingħataw riżorsi xierqa għal qafas imsaħħaħ taċ-ċibersigurtà għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni;

52.  Jappella għall-adozzjoni mgħaġġla tar-reviżjoni mmirata tar-Regolament Finanzjarju fir-rigward tal-immaniġġjar ta' imgħax ta' inadempjenza għall-ħlas lura tard ta' multi tal-kompetizzjoni mħassra jew imnaqqsa, sabiex tkun evitata l-pressjoni fuq l-infiq taħt l-Intestatura 7; jirrimarka li l-Parlament iddeċieda dwar il-pożizzjoni tiegħu u jinsab lest li jinnegozja; iħeġġeġ lill-Kunsill jittratta din il-proposta bi prijorità u jidħol f'negozjati mal-Parlament;

Approprjazzjonijiet ta' Pagament

53.  Ifakkar li l-approprjazzjonijiet ta' pagament jgħaddu direttament minn impenji u, għalhekk, li kwalunkwe żieda fil-limiti massimi għal impenji taħt kull intestatura għandha tkun akkumpanjata minn żieda proporzjonata fil-limitu massimu tal-pagamenti għall-istess snin jew dawk sussegwenti;

54.  Jinnota d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-programm u jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi tar-riskju tal-impatt potenzjali fuq il-limitu massimu tal-pagamenti bħala parti mir-rieżami u tagħmel il-proposti meħtieġa fir-reviżjoni tal-QFP bl-għan li tiġi evitata kriżi tal-pagamenti li taffettwa serjament lill-benefiċjarji tal-baġit tal-UE;

55.  Iwissi, barra minn hekk, dwar l-użu tad-dħul assenjat estern soġġett għall-fluttwazzjonijiet tas-suq bħala sostitut għall-approprjazzjonijiet fl-ambitu tal-QFP u r-riskju li dan jista' joħloq biex jitħallsu l-pagamenti;

Ir-riżorsi proprji

56.  Jirrimarka li l-QFP u r-riżorsi proprji huma interkonnessi; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-bżonn ta' dħul sostenibbli u reżiljenti għall-baġit tal-UE; ifakkar li, fil-FII legalment vinkolanti, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni impenjaw ruħhom għal pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda suffiċjenti biex tal-inqas ikopru r-ripagament tad-dejn tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru;

57.  Itenni l-pożizzjoni li ilu jħaddan li r-riforma tar-riżorsi proprji hija meħtieġa biex tallinja aħjar in-naħa tad-dħul tal-baġit tal-UE mal-prijoritajiet ta' politika usa' tal-UE; jistenna, għalhekk, il-kamp ta' applikazzjoni, it-tfassil u l-kompożizzjoni tal-basket ta' riżorsi proprji ġodda mhux biss biex jiġu żgurati flussi ta' introjtu addizzjonali, iżda wkoll biex jiġu indirizzati kwistjonijiet urġenti ta' politika f'ambjent ekonomiku kkaratterizzat minn inflazzjoni u prezzijiet għoljin tal-enerġija;

58.  Jistieden lill-Kunsill jagħmel progress rapidu bil-proposti ta' Diċembru 2021 għal riżorsi proprji ġodda; jissottolinja li, f'konformità mal-pjan direzzjonali, riżorsi proprji ġodda li jirriżultaw mill-proposti dwar is-Sistema riformata għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet u l-Mekkaniżmu ta' Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri suppost li jiġu introdotti fl-1 ta' Jannar 2023; jisħaq li r-riżorsa proprja l-ġdida bbażata fuq il-Pilastru I tal-Qafas Inklużiv tal-OECD/G20, għandha tiġi introdotta wkoll sal-istess data;

59.  Jistenna bil-ħerqa l-proposti tal-Kummissjoni għat-tieni lott ta' riżorsi proprji ġodda dovuti fit-tielet trimestru tal-2023; jesprimi l-fiduċja tiegħu li azzjoni rapida u determinata għar-riforma tar-riżorsi proprji se tiżgura b'mod partikolari l-klassifikazzjoni tal-kreditu b'saħħitha tal-UE, li tibqa' sine qua non minħabba d-diversi sfidi; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni, minħabba ż-żieda fil-ħtiġijiet ta' finanzjament, biex tirrifletti lil hinn mill-FII u biex teżamina l-ħtieġa li tipproponi aktar riżorsi proprji ġodda, innovattivi u ġenwini;

Flessibbiltà u rispons għall-kriżijiet fil-baġit tal-UE: minn risponsi ad hoc għal tħejjija sistemika u fit-tul

60.  Jenfasizza li l-baġit tal-UE jrid ikun mgħammar bil-flessibbiltà u l-"ispazju" baġitarju meħtieġa biex ikun jista' jirreaġixxi għall-kriżijiet u jadatta għall-ħtiġijiet emerġenti u li qed jikbru; jissottolinja l-ħtieġa għal bidla radikali fir-rispons għall-kriżijiet u l-istrumenti ta' flessibbiltà biex jiġi żgurat li dawn ikunu tad-daqs meħtieġ, ikunu jistgħu jiġu attivati malajr u jibqgħu fl-ambitu sħiħ taż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit;

61.  Iqis li ż-żieda qawwija fl-inflazzjoni u l-effetti sekondarji tagħha fuq il-kapaċità tal-akkwist tal-baġit tal-UE komplew jillimitaw l-ispazju meħtieġ u kellhom impatt fuq il-programmi li jiffinanzja; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-kamp ta' applikazzjoni għall-introduzzjoni ta' mekkaniżmu ta' aġġustament temporanju biex tidderoga mid-deflatur awtomatiku ta' 2 % fil-każ ta' xokkijiet fl-inflazzjoni;

62.  Jinsisti li l-approprjazzjonijiet diżimpenjati għandhom jibqgħu fil-baġit tal-UE u għandhom jiġu impenjati mill-awtorità tal-baġit permezz tal-proċedura baġitarja annwali; jissottolinja l-bżonn għal bidliet korrispondenti għar-Regolament Finanzjarju; jirrimarka li l-livell ta' diżimpenji tar-riċerka waħdu kien sostanzjali fil-parti bikrija tal-QFP attwali; jenfasizza li se tinkiseb flessibbiltà baġitarja addizzjonali billi jinżammu d-diżimpenji fil-baġit;

63.  Ifakkar li l-istrumenti speċjali jaqgħu barra mil-limiti massimi tal-QFP, biex b'hekk jiżguraw grad ta' flessibbiltà u l-kapaċità għar-rispons għall-kriżijiet, u li huma mobilizzati biss wara deċiżjoni mill-awtorità tal-baġit; jirrimarka l-użu estensiv tal-istrumenti speċjali fl-ewwel sentejn tal-QFP;

64.  Jikkunsidra li l-istrumenti speċjali huma kostretti kemm bl-iskarsezza tar-riżorsi kif ukoll bir-riġidità tad-disinn, b'hekk titnaqqas il-kapaċità tagħhom biex iservu bħala għodda effettiva ta' rispons għall-kriżi; jisħaq, għalhekk, li r-reviżjoni hi imperattiva biex jitwessa' l-potenzjal tal-proviżjonijiet eżistenti tal-flessibbiltà; jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni li r-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza u l-FSUE jingħaqdu flimkien fil-QFP attwali, liema deċiżjoni wasslet għal nuqqasijiet serji, u li jitnaqqas il-finanzjament kumplessiv disponibbli bejn wieħed u ieħor bin-nofs;

65.  Jitlob li l-approprjazzjonijiet annwali għall-Istrument ta' Flessibbiltà jiżdiedu minn EUR 915 miljun għal EUR 2 biljun; jitlob, barra minn hekk, biex is-SEAR tinqasam f'żewġ fergħat – ir-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza u l-FSUE – u biex l-approprjazzjonijiet annwali jiżdiedu minn EUR 1,2 biljun għas-SEAR globalment, għal EUR 1 biljun għal kull fergħa fil-prezzijiet tal-2018; iqis li dan se jipprovdi riżorsi addizzjonali vitali biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet attwali u emerġenti, b'mod partikolari fid-dawl tal-intensifikazzjoni u l-multiplikazzjoni ta' avvenimenti tat-temp estrem u minħabba s-sitwazzjoni umanitarja globali;

66.  Jitlob li kemm il-limitu massimu annwali fl-approprjazzjonijiet ta' impenn kif ukoll f'approprjazzjonijiet ta' pagament għal rikors għall-Istrument ta' Marġini Uniku jiġi eliminat;

67.  Jenfasizza iktar li l-istrumenti speċjali varji huma soġġetti għal regoli ta' trasferiment differenti u jitlob li dawn ir-regoli jiġu armonizzati sabiex ikunu jistgħu jintużaw ammonti sas-sena n+3 għall-istrumenti speċjali kollha, biex b'hekk joħolqu flessibbiltà addizzjonali; jinsisti li ammonti li jiskadu wara s-sena n+3 jerġgħu jsiru disponibbli fl-ambitu tal-Istrument ta' Flessibbiltà jew l-Istrument ta' Marġini Uniku;

68.  Jinsisti li, lil hinn minn rinfurzar ta' strumenti speċjali li jeżistu, hu neċessarju li jkun stabbilit strument speċjali permanenti addizzjonali barra l-limiti massimi tal-QFP sabiex il-baġit tal-UE jkun jista' jadatta ruħu aħjar u jirreaġixxi malajr għal kriżijiet u għall-effetti soċjali u ekonomiċi tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li dan l-istrument komuni għall-kriżijiet ikun jista' jiġi attivat b'mod effettiv u malajr skont il-ħtiġijiet;

69.  Jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni hi waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Unjoni, għandha objettivi fit-tul għall-investiment konnessi mal-aġenda strateġika tal-UE, b'mod partikolari l-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Aġenda Diġitali, u ma għandhiex tintuża biex tipprovdi finanzjament għal politiki oħra;

Valutazzjoni ta' karatteristiċi ġodda fil-QFP attwali u preparazzjoni tal-bażi għall-QFP ta'wara l-2027 b'appoġġ għal baġit tal-UE iktar reżiljenti

70.  Jirrimarka li l-QFP attwali u l-FII jinkorporaw għadd ta' karatteristiċi ġodda mhux fil-perjodi ta' programmazzjoni preċedenti li għandhom jiġu eżaminati bir-reqqa bħala parti mill-analiżi u r-reviżjoni ta' nofs it-terminu;

71.  Iqis li l-istruttura l-ġdida tal-QFP bl-intestaturi tal-infiq tal-grupp skont ir-raggruppament tal-politika hija aktar sempliċi u tiffaċilita l-ġestjoni baġitarja fi ħdan il-Kummissjoni; jemmen li n-nomenklatura – b'għadd imnaqqas ta' linji baġitarji u xi drabi linja waħda li tkopri programm ta' nfiq wiesa' kif inhu l-każ għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi – hija nieqsa mill-granularità u t-trasparenza meħtieġa u tillimita b'mod sinifikanti s-sorveljanza u d-deċiżjonijiet xierqa mill-awtoritajiet baġitarji; jistenna li l-Kummissjoni tirrieżamina l-bidliet fl-istruttura u n-nomenklatura qabel il-perjodu tal-QFP il-ġdid;

72.  Jilqa' l-impatt pożittiv tar-Regolament fuq reġim ġenerali ta' kundizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-UE u jemmen li diġà aġixxa bħala deterrent effettiv kontra l-ksur tal-istat tad-dritt fl-użu tal-fondi tal-UE; jenfasizza r-rabta ċara bejn ir-rispett għall-istat tad-dritt u l-implimentazzjoni effiċjenti tal-baġit tal-UE u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura infurzar robust tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità; jinnota li kwalunkwe titjib tal-QFP 2021–2027 għandu jkollu l-għan li jsaħħaħ il-protezzjoni tal-istat tad-dritt u l-interessi finanzjarji tal-Unjoni; jinsisti, barra minn hekk, fuq l-obbligu ta' konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea meta jiġi implimentat il-baġit tal-UE;

73.  Itenni l-ħtieġa għal aktar trasparenza fl-infiq tal-UE u jitlob l-introduzzjoni ta' bażi tad-data interoperabbli unika obbligatorja li tippermetti l-monitoraġġ tal-benefiċjarji diretti u finali tal-fondi tal-UE f'format li jinqara mill-magni u b'hekk tipprovdi ħarsa ġenerali ċara tar-riċevituri kollha tal-finanzjament tal-UE; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-riformulazzjoni tar-Regolament Finanzjarju tas-16 ta' Mejju 2022 bħala punt tat-tluq xieraq għall-ħolqien ta' sistema diġitali interoperabbli għal skopijiet ta' awditjar u kontroll; jinnota li l-Kummissjoni pproponiet li dawn il-bidliet jidħlu fis-seħħ fil-QFP ta' wara l-2027; jissottolinja, madankollu, li tranżizzjoni iktar ambizzjuża hija fattibbli u mixtieqa; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li l-informazzjoni ssir aktar faċilment aċċessibbli għall-pubbliku;

74.  Ifakkar fil-miri relatati mal-klima u l-bijodiversità stabbiliti fil-FII; ifakkar lill-Kummissjoni fl-obbligu tagħha skont il-FII li tqis b'mod regolari l-progress tal-isforzi tal-integrazzjoni tal-klima u teżamina jekk il-miri jkunux intlaħqu jew ikunux fit-triq it-tajba; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni tal-prinċipju "la tagħmilx ħsara sinifikanti" u tieħu miżuri korrettivi meħtieġa jekk u meta jkun meħtieġ;

75.  Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' titjib sinifikanti tal-metodoloġiji tal-integrazzjoni tal-klima u tal-bijodiversità u l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-infiq fuq il-klima u l-bijodiversità huwa ġenwinament addizzjonali meta jingħadd għall-miri ta' nfiq minimu rispettivi, f'konformità mal-proposti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u tal-Parlament;

76.  Jistenna impenji finanzjarji aktar ambizzjużi fil-QFP attwali u li jmiss f'konformità mal-impenn globali tal-UE li tindirizza t-tibdil fil-klima u twaqqaf it-telf tal-bijodiversità; jistenna li l-impenji u l-wegħdiet kollha dwar il-finanzjament internazzjonali għall-klima jkunu ppjanati bis-sħiħ f'konformità man-negozjati globali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jintlaħqu l-miri miftiehma għall-integrazzjoni tal-bijodiversità għall-2026 u l-2027; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta kif il-miri tal-klima u tal-bijodiversità jistgħu jiġu integrati aħjar fil-QFP ta' wara l-2027 sabiex jiġi żgurat li l-Unjoni twettaq l-impenji tagħha;

77.  Itenni li l-programmi għandhom jiġu implimentati b'mod li jippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fit-twettiq tal-objettivi tagħhom; jilqa', f'dan ir-rigward, il-ħidma tal-Kummissjoni fuq klassifikazzjoni ġdida biex jitkejjel l-impatt fuq il-ġeneri tal-infiq tal-Unjoni; iqis li l-klassifikazzjoni għandha tipprovdi rappreżentazzjoni preċiża u komprensiva tal-impatt tal-programmi fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jitlob li l-klassifikazzjoni tiġi estiża għall-programmi kollha tal-QFP u li tiġi integrata aħjar fil-qafas tal-QFP; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa ta' ġbir u analiżi sistematiċi ta' data diżaggregata skont il-ġeneru; jistenna li r-rappurtar kollu rilevanti għall-ġeneru jkun abbażi tal-volumi u mhux l-għadd ta' azzjonijiet;

78.  Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti fil-programmi rilevanti kollha tal-QFP skont il-FII u għalhekk tiżviluppa metodoloġija robusta biex issegwi l-infiq relatat mal-SDGs u dak soċjali fi ħdan il-baġit tal-UE;

79.  Ifakkar li l-QFP attwali kien akkumpanjat min-Next Generation EU, strument bla preċedent biex tingħata spinta lill-irkupru wara l-pandemija; iqis li dan l-istrument s'issa kien ta' suċċess u għandu jiġi implimentat bis-sħiħ;

80.  Iqis li l-Unjoni qed tiżvolġi rwol dejjem aktar importanti fl-għoti ta' appoġġ għall-protezzjoni tal-impjiegi u l-kumpens tal-introjtu f'sitwazzjonijiet ta' kriżi u fl-iżgurar ta' tranżizzjoni ġusta lejn soċjetà newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju; jissottolinja, f'dan il-kuntest, ir-rwol strumentali tal-Istrument Ewropew għal Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta' Qgħad f'Emerġenza (SURE) fl-għoti ta' appoġġ għall-iskemi ta' xogħol temporanju u għall-ħaddiema fl-Istati Membri u fil-mitigazzjoni tar-riskji tal-qgħad; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt ta' SURE u kif dan jista' jinbena għal azzjoni futura tal-Unjoni fil-kuntest tal-kriżijiet soċjali;

81.  Jirrimarka li ħafna mill-bżonnijiet tal-infiq riċenti, f'oqsma bħall-irkupru ekonomiku u soċjali, il-politiki relatati mat-tibdil fil-klima u l-iffinanzjar fir-rigward tal-kriżi tal-Ukrajna, ma jsegwux il-loġika tradizzjonali tal-predittività tal-investiment fuq tul ta' żmien medju; iqis il-Fond Soċjali għall-Klima u l-infiq għad-difiża, ir-rispons għall-kriżi u l-intervent f'emerġenzi bħala każijiet fejn hemm raġuni ċara għall-azzjoni tal-UE; jistenna li din ix-xejra lejn tip ta' infiq iktar diversifikat tkompli hekk kif isir progress fl-ambitu u l-approfondiment tal-kooperazzjoni tal-UE; jissottolinja, għalhekk, il-bżonn għal QFP mibni sew u li jista' jadatta ruħu sabiex id-disinn tal-baġit tal-UE jippermetti l-UE tassumi kompiti u funzjonijiet ġodda mingħajr ma tiddevja riżorsi lil hinn mill-programmi u l-prijoritajiet miftiehma;

82.  Jissottolinja li ħafna min-nuqqasijiet u l-insuffiċjenzi fil-QFP attwali huma inerenti fil-loġika u d-disinn tiegħu, fejn il-prevedibbiltà tal-infiq twassal għal deċiżjonijiet dwar struttura u ammonti u trażżan il-flessibbiltà;

83.  Jiddispjaċih dwar it-tnaqqis gradwali tal-baġit tal-UE bħala perċentwal tal-introjtu nazzjonali gross (ING) tal-UE u l-enfasi eċċessiva fuq il-limitazzjoni tal-infiq globali għal madwar 1 % tal-ING tal-UE; iqis li dan impedixxa lill-Unjoni milli twettaq l-ambizzjonijiet miftiehma tagħha u ċaħħadha mill-kapaċità li tirrispondi għall-kriżijiet u għall-ħtiġijiet emerġenti filwaqt li tiżgura l-akkontabbiltà demokratika;

84.  Jinsisti li s-suċċessur tal-QFP attwali għandu jkun mgħammar biex jindirizza b'mod totali u flessibbli l-firxa ta' prijoritajiet tal-politika u l-bżonnijiet tal-infiq u biex jiżgura r-reżiljenza fil-każ ta' kriżijiet; iqis li ż-żieda tal-limitu massimu tar-riżorsi proprji toħloq l-"ispazju" baġitarju biex jirreaġixxi għall-kriżijiet u l-ħtiġijiet emerġenti, filwaqt li xorta tiggarantixxi l-prevedibbiltà tal-infiq; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tirrevedi l-arkitettura sħiħa tal-QFP, inkluż it-tul tal-perjodi ta' programmazzjoni, bħala parti minn riflessjoni aktar fit-tul dwar il-baġit tal-UE ta' wara l-2027 fid-dawl tal-ħtiġijiet ta' nfiq li qed jevolvu;

85.  Jiddeplora l-fatt li, wara l-introduzzjoni meħtieġa tan-Next Generation EU u SURE, il-Kummissjoni ripetutament ipproponiet l-użu ta' strumenti barra mill-baġit, b'mod partikolari fl-ambitu tal-Artikolu 122 TFUE, li ma jirrikjedux sorveljanza mill-Parlament u b'hekk jimminaw it-trasparenza u l-akkontabbiltà tal-infiq pubbliku; jikkunsidra, f'dan ir-rigward, li dibattitu plenarju annwali fil-Parlament dwar il-finanzi kollha tal-UE, inkluż strumenti barra l-baġit, ikun pass importanti biex tiżdied it-trasparenza u l-akkontabbiltà;

86.  Biħsiebu jimmonitorja mill-qrib ħafna l-implimentazzjoni tal-ftehim dwar l-iskrutinju baġitarju ta' proposti ġodda bbażati fuq l-Artikolu 122 TFUE, li kien parti mill-ftehim tal-QFP; ifakkar li proposti bħal dawn spiss jinvolvu implikazzjonijiet baġitarji sinifikanti li jista' jkollhom impatt fuq l-iżvilupp tan-nefqa tal-UE; huwa determinat li jiżgura li l-Parlament ikollu rwol xieraq u jkun involut f'dan il-proċess bħala fergħa waħda ugwali tal-awtorità tal-baġit;

87.  Jisħaq li x-xejra lejn iktar użu ta' dħul assenjat estern mhix soluzzjoni sodisfaċenti skont ir-regoli attwali, peress li ddgħajjef ir-rwol tal-awtorità tal-baġit (il-Parlament u l-Kunsill), u b'hekk timmina l-iskrutinju demokratiku u tnaqqis tat-trasparenza tal-finanzi tal-UE; jeżiġi soluzzjonijiet legalment sodi li jippermettu żidiet immirati, ta' darba u bbażati fuq il-bżonnijiet li jkollhom l-istess vantaġġi tad-dħul allokat (jiġifieri mhux magħdud mal-limiti massimi), iżda li jkunu fl-istess ħin soġġetti għall-kontroll sħiħ tal-awtorità tal-baġit; ifakkar fl-impenn tiegħu għall-prinċipju tal-universalità;

88.  Jenfasizza li r-reviżjoni li għaddejja tar-Regolament Finanzjarju għandha tadatta r-regoli li jirregolaw l-istrumenti tal-baġit għaċ-ċirkostanzi attwali, fejn id-dħul assenjat estern, operazzjonijiet ta' self u għotja ta' self, fondi fiduċjarji u strumenti taħt l-Artikolu 122 TFUE qed jintużaw b'iktar frekwenza minkejja li ta' spiss jaqbżu l-metodu Komunitarju u b'hekk l-iskrutinju tal-awtorità tal-baġit u għalhekk inaqqsu t-traċċabbiltà tal-fondi u l-akkontabbiltà;

89.  Jirrimarka, b'mod partikolari, dwar id-dikjarazzjoni għall-valutazzjoni mill-ġdid tad-dħul assenjat estern u d-dispożizzjonijiet dwar is-self u l-għoti tas-self fir-Regolament Finanzjarju li kien maqbul fin-negozjati tal-QFP; jikkunsidra li d-dħul assenjat estern, kif ukoll l-assi u l-obbligazzjonijiet relatati mal-operazzjonijiet ta' self u tal-għoti tas-self, għandhom jiffurmaw parti integrali mill-baġit tal-UE u jkunu adottati mill-awtorità tal-baġit bħala parti minn dak il-baġit;

90.  Itenni t-talba li ilu jagħmel li l-istrumenti kollha tal-UE li jkopru l-infiq fil-livell tal-UE, inklużi l-fondi fiduċjarji, jiġu inkorporati bis-sħiħ fil-baġit skont it-Trattat, biex b'hekk jiġu żgurati t-trasparenza, il-kontroll demokratiku sħiħ u l-protezzjoni tal-finanzi pubbliċi u l-interessi finanzjarji tal-UE; jinsisti, madankollu, li l-integrazzjoni ta' dawn l-istrumenti fil-baġit tal-UE ma għandhiex tirriżulta fi tnaqqis tal-finanzjament tal-politiki u tal-programmi l-oħra tal-UE;

91.  Jenfasizza l-Fond għall-Modernizzazzjoni u l-Fond għall-Innovazzjoni (Fond ta' Investiment favur il-Klima) bħala każijiet prominenti f'dan il-kuntest; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-inklużjoni sħiħa tagħhom fil-QFP ta' wara l-2027 bl-aġġustament kważi awtomatiku rilevanti tal-limiti massimi;

92.  Jissottolinja li r-rekwiżit ta' unanimità għall-adozzjoni tar-Regolament QFP jimpedixxi d-deċiżjonijiet meħtieġa fil-proċess ta' reviżjoni; jistieden lill-Kummissjoni tibni fuq il-ħidma tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa fil-baġit, iqis, f'konformità mal-proposti tal-Konferenza, li l-proċedura leġiżlattiva ordinarja għandha tapplika għall-adozzjoni tar-Regolament QFP u għad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji sabiex il-Parlament jikseb il-prerogattivi baġitarji sħaħ li jgawdu l-parlamenti nazzjonali; jemmen, barra minn hekk, li t-tfassil tal-QFP għandu jkun proċess minn isfel għal fuq ibbażat fuq l-involviment estensiv tal-partijiet ikkonċernati;

93.  Ifakkar li l-klawżola "passerelle" stabbilita fl-Artikolu 312(2) tat-TFUE tippermetti l-adozzjoni tar-Regolament QFP b'maġġoranza kwalifikata u jistieden lill-Kunsill Ewropew jattivaha biex tħaffef it-teħid tad-deċiżjonijiet;

o
o   o

94.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11.
(2) ĠU C 444 I, 22.12.2020, p. 1.
(3) ĠU C 445, 29.10.2021, p. 252.
(4) ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1.
(5) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.
(6) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 1.
(7) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(8) Testi adottati, P9_TA(2022)0403.
(9) ĠU C 428, 13.12.2017, p. 10.
(10) Testi adottati, P9_TA(2022)0366.
(11) Testi adottati, P9_TA(2022)0309.
(12) Testi adottati, P9_TA(2022)0254.
(13) Testi adottati, P9_TA(2022)0219.
(14) ĠU C 224, 8.6.2022, p. 37.
(15) ĠU C 184, 5.5.2022, p. 179.
(16) ĠU C 445, 29.10.2021, p. 240.
(17) ĠU C 371, 15.9.2021, p. 110.
(18) ĠU C 202, 28.5.2021, p. 31.
(19) ĠU C 363, 28.10.2020, p. 179.
(20) Proposta tad-19 ta' Lulju 2022 għal regolament dwar l-istabbiliment tal-Att dwar it-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża permezz tal-Akkwist Komuni (COM(2022)0349).
(21) COM(2022)0595, COM(2022)0596, COM(2022)0597.


Deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-2021
PDF 186kWORD 62k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2022 dwar ir-riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul is-sena 2021 (2022/2024(INI))
P9_TA(2022)0451A9-0271/2022

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 20, 24 u 227 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jirriflettu l-importanza li t-Trattat jattribwixxi lid-dritt taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE li jiġbdu l-attenzjoni tal-Parlament għall-preokkupazzjonijiet tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 228 tat-TFUE dwar ir-rwol u l-funzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 44 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-‘Karta’) dwar id-dritt li titressaq petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tat-TFUE fir-rigward tal-proċedura ta' ksur u, b'mod partikolari, l-Artikoli 258 u 260 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2022 dwar l-involviment maċ-ċittadini: id-dritt ta' petizzjoni, id-dritt ta' referenza għall-Ombudsman Ewropew u l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 u l-Artikolu 227(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A9-0271/2022),

A.  billi r-rapport annwali dwar ir-riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandu l-għan li jippreżenta analiżi tal-petizzjonijiet li waslu fl-2021, ir-relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet l-oħra u li jippreżenta stampa vera tal-objettivi milħuqa matul is-sena 2021;

B.  billi fl-2021, il-Parlament irċieva 1 392 petizzjoni, li jirrappreżentaw madwar nofs l-għadd li wasal fl-2013 (2 891) u fl-2014 (2 715), meta l-għadd totali ta' petizzjonijiet li waslu laħaq l-ogħla livell tiegħu; billi l-għadd ta' petizzjonijiet imressqa fl-2021 jirrappreżenta ukoll tnaqqis ta' 11,5 % meta mqabbla mal-1 573 petizzjoni mressqa fl-2020 u żieda żgħira ta' 2,5 % meta mqabbla mal-1 357 petizzjoni mressqa fl-2019;

C.  billi fl-2021, l-għadd ta' utenti li appoġġjaw petizzjoni waħda jew aktar fuq il-Portal Web għall-Petizzjonijiet tal-Parlament kien 209 272, li jirrappreżenta żieda konsiderevoli ħafna mit-48 882 utent irreġistrati fl-2020; billi l-għadd ta' klikks b'appoġġ għall-petizzjonijiet ukoll żdied fl-2021, biex laħaq total ta' 217 876 (żieda mill-55 129 klikk fl-2020); billi l-petizzjoni Nru 0549/2021, imressqa minn Adriana Muresan, bi 22 735 firma, dwar l-allegati kundizzjonijiet ħżiena ta' sikurezza fil-parkeġġi tal-karozzi għat-trakkijiet u għall-vetturi kummerċjali fin-network Ewropew tat-toroq tirrappreżenta għadd rekord ta' firem konġunti għal petizzjoni fl-2021;

D.  billi l-għadd kbir ta' petizzjonijiet li jesprimu t-tħassib taċ-ċittadini dwar is-saħħa pubblika u l-emerġenzi soċjoekonomiċi, it-tilqim, u l-implimentazzjoni taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, li rriżulta mill-persistenza tal-pandemija tal-COVID-19, ikkontribwixxew b'mod sinifikanti għaż-żieda fl-għadd ta' petizzjonijiet irreġistrati fl-2021 dwar dan is-suġġett meta mqabbla mas-sena preċedenti; billi 17,3 % tal-petizzjonijiet li waslu fl-2021 kienu relatati mal-pandemija tal-COVID-19;

E.  billi l-għadd ta' petizzjonijiet li waslu fl-2021 li talbu l-konformità sħiħa mad-dritt ambjentali tal-UE, kif ukoll għal miżuri effettivi u rapidi, f'konformità mal-prinċipju ta' prekawzjoni, bil-għan li jiġu protetti l-ekosistemi u l-ħabitats li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni żdied b'mod sinifikanti, u laħqu total ta' 327 (23,5 %);

F.  billi l-għadd kbir ta' petizzjonijiet ippreżentati fl-2021 juri li, anke fit-tieni sena tal-pandemija, iċ-ċittadini poġġew fiduċja sinifikanti fil-Parlament, billi għażlu li jindirizzaw it-tħassib u l-ilmenti tagħhom direttament lir-rappreżentanti tagħhom eletti fil-livell tal-UE, li huma qiesu bħala s-sors tat-teħid tad-deċiżjonijiet; billi l-Parlament jeħtieġlu jagħmel l-almu tiegħu biex jiġġustifika din il-fiduċja;

G.  billi, madankollu, l-għadd totali ta' petizzjonijiet għadu baxx meta mqabbel mal-popolazzjoni totali tal-UE, u dan juri li għad iridu jsiru aktar sforzi biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini dwar id-dritt tagħhom ta' petizzjoni, biex jiġi promoss aktar dan l-istrument u biex tiżdied ir-rappreżentanza ġeografika tal-petizzjonijiet imressqa għal kull Stat Membru, jew biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar l-utilità possibbli tal-petizzjonijiet bħala mezz biex tinġibed l-attenzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri għal kwistjonijiet li jaffettwaw u jikkonċernaw direttament liċ-ċittadini; billi, fl-eżerċizzju tad-dritt ta' petizzjoni, iċ-ċittadini jistennew li l-istituzzjonijiet tal-UE jirrispondu fil-ħin u jipprovdu valur miżjud biex tinstab soluzzjoni għall-problemi tagħhom; billi n-nuqqas ta' azzjoni fil-livell tal-Unjoni biex tiġi żgurata l-protezzjoni sħiħa tad-drittijiet taċ-ċittadini li jirriżultaw mid-dritt tal-UE x'aktarx li jirriżulta fi skuntentizza fil-konfront tal-Unjoni;

H.  billi l-kriterji għall-ammissibbiltà tal-petizzjonijiet huma stabbiliti fl-Artikolu 227 tat-TFUE u fl-Artikolu 226 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, li jirrikjedu li l-petizzjonijiet iridu jitressqu minn ċittadin tal-UE jew minn persuna fiżika jew ġuridika li tkun residenti jew li jkollha uffiċċju rreġistrat fi Stat Membru, individwalment jew f'assoċjazzjoni ma' oħrajn, dwar kwistjonijiet li jaqgħu fl-oqsma tal-attività tal-UE u li jaffettwaw direttament lill-petizzjonanti, b'interpretazzjoni wiesgħa ħafna ta' din l-aħħar kundizzjoni;

I.  billi, mill-1 392 petizzjoni mressqa fl-2021, 368 ġew iddikjarati inammissibbli u 17 ġew irtirati; billi l-perċentwal relattivament għoli (26,5 %) ta' petizzjonijiet inammissibbli fl-2021 juri li għad hemm nuqqas kbir ta' ċarezza dwar il-kamp ta' applikazzjoni tal-oqsma tal-attività tal-Unjoni; billi biex tiġi rimedjata din is-sitwazzjoni, il-komunikazzjoni maċ-ċittadini jeħtieġ li titħeġġeġ u tittejjeb;

J.   billi kull petizzjoni tiġi kkunsidrata u eżaminata bir-reqqa, b'mod effiċjenti u trasparenti;

K.   billi l-petizzjonanti għandhom it-tendenza li jkunu ċittadini li jimpenjaw ruħhom favur is-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali u t-titjib u l-benesseri tal-ġejjieni tas-soċjetajiet tagħna; billi l-esperjenza ta' dawn iċ-ċittadini fir-rigward ta' kif jiġu pproċessati l-petizzjonijiet tagħhom hija influwenti ħafna fid-determinazzjoni tal-perċezzjoni tagħhom dwar l-istituzzjonijiet tal-UE u r-rispett għad-dritt ta' petizzjoni kif minqux fid-dritt tal-UE;

L.  billi d-dritt li titressaq petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew huwa wieħed mid-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE, u huwa stabbilit fit-Trattati u fil-Karta; billi d-dritt ta' petizzjoni jipprovdi liċ-ċittadini u r-residenti tal-UE mekkaniżmu miftuħ, demokratiku u trasparenti biex jindirizzaw lir-rappreżentanti eletti tagħhom direttament; billi għalhekk huwa essenzjali li jittejjeb ir-rispett għal dan id-dritt u l-implimentazzjoni tiegħu fil-ħin sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jipparteċipaw b'mod aktar attiv u effettiv fil-ħajja tal-Unjoni; billi, permezz tal-petizzjonijiet, iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jilmentaw dwar każijiet ta' nuqqas ta' implimentazzjoni tad-dritt tal-UE u jgħinu biex jiġi identifikat ksur tad-dritt tal-UE;

M.  billi l-Parlament Ewropew huwa l-unika istituzzjoni tal-UE eletta direttament miċ-ċittadini tal-UE; billi d-dritt ta' petizzjoni joffri lill-Parlament, kif ukoll lil istituzzjonijiet oħra tal-UE, b'mod partikolari l-Kummissjoni, minħabba r-rwol tagħha li tiżgura l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-UE fl-Unjoni kollha, l-opportunità li jsaħħu r-rispons tagħhom għall-ilmenti u t-tħassib relatati mar-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-UE u l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE fl-Istati Membri; billi għalhekk il-petizzjonijiet huma sors utli ta' informazzjoni dwar istanzi ta' applikazzjoni skorretta jew ta' ksur tad-dritt tal-UE, u għaldaqstant jippermettu lill-Parlament u lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE jivvalutaw it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE, kif ukoll dwar in-nuqqasijiet u l-lakuni fid-dritt attwali tal-UE, u l-impatt tiegħu fuq id-drittijiet taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE; billi l-petizzjonijiet imressqa għandhom jindikaw lill-istituzzjonijiet tal-UE l-oqsma fejn huma meħtieġa sforz u azzjoni kbar fil-livell tal-UE għat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE;

N.  billi l-Parlament ilu fuq quddiem nett tal-iżvilupp tal-proċess tal-petizzjonijiet fuq livell internazzjonali u għad għandu l-aktar proċess tal-petizzjonijiet miftuħ u trasparenti fl-Ewropa, li jippermetti lil għadd sinifikanti ta' petizzjonanti jipparteċipaw bis-sħiħ fl-attivitajiet tiegħu;

O.   billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa fl-aħjar pożizzjoni biex juri liċ-ċittadini dak li l-Unjoni Ewropea qed tagħmel għalihom u liema soluzzjonijiet tista' tipprovdi fil-livell Ewropew, nazzjonali jew lokali;

P.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jeżamina u jittratta bir-reqqa kull petizzjoni mressqa quddiem il-Parlament; billi kull petizzjonant għandu d-dritt li l-petizzjoni tiegħu tiġi ttrattata b'mod imparzjali u ekwu f'konformità sħiħa mad-dritt għal amministrazzjoni tajba minqux fl-Artikolu 41 tal-Karta; billi kull petizzjonant għandu d-dritt li jirċievi tweġiba li tinfurmah bid-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà u l-azzjonijiet ta' segwitu meħuda mill-kumitat fi żmien raġonevoli, u dan bil-lingwa tiegħu stess jew b'dik użata fil-petizzjoni; billi kull petizzjonant jista' jitlob li l-petizzjoni tiegħu terġa' tinfetaħ abbażi ta' żviluppi rilevanti ġodda;

Q.   billi l-Parlament diġà rrikonoxxa li r-rifjut tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni dwar kwistjonijiet imqajma f'petizzjonijiet individwali jikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet attwali tat-Trattati tal-UE relatati mad-dritt ta' petizzjoni, peress li dan id-dritt mhuwiex limitat għal kwistjonijiet ta' importanza strateġika jew li jirriflettu problemi strutturali; billi l-Kummissjoni għadha qed timplimenta l-approċċ strateġiku tagħha fit-trattament tal-petizzjonijiet abbażi tal-Komunikazzjoni tagħha tal-2017 bit-titolu "Id-Dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta' applikazzjoni aħjar"(2), minkejja t-talba tal-Parlament biex il-Kummissjoni tirrevedih fil-ħin;

R.   billi l-Kummissjoni qed tonqos milli tipprovdi informazzjoni komprensiva lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar il-miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi meħuda b'segwitu ta' petizzjonijiet li waslu, kif ukoll dwar proċeduri ta' ksur relatati mal-petizzjonijiet; billi ma hemm l-ebda reġistru pubbliku li jorbot il-petizzjonijiet mal-azzjonijiet ta' segwitu kollha meħuda dwarhom;

S.  billi l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet huma bbażati fuq il-kontribut tal-petizzjonanti; billi l-informazzjoni ppreżentata mill-petizzjonanti fil-petizzjonijiet tagħhom u fil-laqgħat tal-kumitat, flimkien mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni u t-tweġibiet tal-Istati Membri u ta' korpi oħra, huma kruċjali għall-ħidma tal-kumitat; billi l-petizzjonijiet ammissibbli jipprovdu wkoll kontribut siewi għall-ħidma tal-kumitati parlamentari l-oħra, peress li jintbagħtu mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet lil kumitati oħra għal opinjoni jew għal skopijiet ta' informazzjoni; billi, għaldaqstant, il-petizzjonijiet għandhom importanza kbira fil-proċess leġiżlattiv, peress li jipprovdu lil kumitati parlamentari oħrajn b'informazzjoni utli u diretta għall-ħidma leġiżlattiva tagħhom fl-oqsma rispettivi tagħhom;

T.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jagħti importanza kbira lill-eżaminazzjoni u d-diskussjoni pubblika tal-petizzjonijiet fil-laqgħat tiegħu; billi l-petizzjonanti għandhom id-dritt li jippreżentaw il-petizzjonijiet tagħhom u spiss jitkellmu waqt id-diskussjoni, u b'hekk jikkontribwixxu b'mod attiv għall-ħidma tal-kumitat; billi fl-2021, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet organizza 12-il laqgħa tal-kumitat, li fihom ġew diskussi 159 petizzjoni b'113-il petizzjonant preżenti b'mod remot u l-biċċa l-kbira tagħhom ipparteċipaw b'mod attiv billi intervjenew fil-laqgħa; billi l-għadd kemxejn ogħla ta' petizzjonijiet diskussi fil-laqgħat fl-2021 meta mqabbel mal-2020 jista' jiġi spjegat miż-żieda ta' perjodi ta' żmien għal-laqgħat tal-kumitat, iżda dejjem bil-faċilitajiet limitati ta' interpretazzjoni bħala konsegwenza tal-miżuri ta' prekawzjoni tal-Parlament fil-kuntest tal-persistenza tal-pandemija;

U.  billi s-suġġetti ta' tħassib ewlenin li tqajmu fil-petizzjonijiet imressqa fl-2021 kienu relatati mad-drittijiet fundamentali (partikolarment l-impatt tal-miżuri ta' emerġenza tal-COVID-19 fuq l-istat tad-dritt u d-demokrazija, fuq l-aċċess għall-edukazzjoni waqt il-lockdowns, il-libertà tal-moviment u d-dritt għax-xogħol, kif ukoll għad-drittijiet LGBTIQ+ fl-Unjoni), is-saħħa (partikolarment kwistjonijiet dwar l-aċċess għall-kura tas-saħħa, dwar il-kriżi tas-saħħa pubblika li rriżultat mill-persistenza tal-pandemija, li kienu jvarjaw mill-protezzjoni tas-saħħa taċ-ċittadini, inklużi l-politika tat-tilqim, sal-użu, l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE fl-Istati Membri u l-allegata diskriminazzjoni bejn persuni mlaqqma u dawk mhux imlaqqma), l-ambjent (l-aktar li jikkonċerna l-attivitajiet minerarji u l-impatt tagħhom fuq l-ambjent, il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, il-vjolenza kontra l-informaturi ambjentali, it-titjib possibbli tal-koeżistenza bejn in-nies u karnivori kbar, ir-rimi illeċitu tal-iskart, is-sikurezza nukleari, it-tniġġis tal-arja, il-parks eoliċi, il-blokki difettużi tal-majka u d-deterjorament tal-ekosistemi naturali), id-drittijiet tal-minoranzi u d-diskriminazzjoni (inklużi d-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali jew lingwistiċi), l-edukazzjoni (partikolarment kwistjonijiet relatati ma' aċċess diskriminatorju għall-edukazzjoni jew mar-riformi nazzjonali kkontestati tal-liġi dwar l-edukazzjoni), in-nuqqas ta' sikurezza fiż-żoni ta' parkeġġ tat-trakkijiet, is-sitwazzjoni tal-istudenti tal-UE fir-Renju Unit wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Erasmus+, u l-impjiegi (partikolarment kwistjonijiet relatati mat-trattament nazzjonali tal-kuntratti tax-xogħol), minbarra ħafna oqsma oħra ta' attività;

V.   billi meta jadotta l-aġenda tal-laqgħat tiegħu, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet jagħti attenzjoni lill-petizzjonijiet u s-suġġetti b'rilevanza sinifikanti għad-diskussjoni fil-livell tal-UE u l-ħtieġa li tinżamm kopertura ġeografika ekwa tas-suġġetti skont il-petizzjonijiet li waslu;

W.  billi 78,6 % (1 094) tal-petizzjonijiet li waslu fl-2021 tressqu permezz tal-Portal Web għall-Petizzjonijiet tal-Parlament, niżlu ftit minn 79,7 % (1 254 petizzjoni) fl-2020, u b'hekk ġie kkonfermat li l-Portal Web għall-Petizzjonijiet sar bil-bosta l-aktar mezz użat biex iċ-ċittadini jressqu l-petizzjonijiet lill-Parlament;

X.  billi fl-2021, l-aktar objettiv importanti tal-Portal Web għall-Petizzjonijiet (Portal PETI) intlaħaq b'mod sħiħ, peress li l-portal kien online u operattiv għal aktar minn 99,9 % tal-ħin; billi l-petizzjonijiet kollha tħejjew u ġew ippubblikati fil-ħin, fi żmien ftit jiem mill-adozzjoni tagħhom, u t-talbiet interni u esterni kollha għal appoġġ rigward l-użu u l-kontenut tal-portal PETI ġew imwieġba b'suċċess, fil-ħin u fil-lingwi kollha; billi l-verżjoni 2.4 tal-Portal Web għall-Petizzjonijiet ġiet skjerata u saret talba biex jinbeda chatbox tal-intelliġenza artifiċjali għall-Portal Web għall-Petizzjonijiet;

Y.  billi fl-2021, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet għamel żjara waħda ta' ġbir ta' informazzjoni; billi t-tieni żjara ta' ġbir ta' informazzjoni, skedata għal Diċembru, ġiet posposta b'riżultat tad-deċiżjoni li ttieħdet meta tqieset iż-żieda fit-tixrid tal-COVID-19 u biex jiġu mminimizzati r-riskji għas-saħħa tal-Membri u l-persunal tal-Parlament;

Z.  billi skont ir-Regoli ta' Proċedura, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa responsabbli għar-relazzjonijiet mal-Ombudsman Ewropew, li jinvestiga l-ilmenti dwar amministrazzjoni ħażina fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE; billi l-Ombudsman Ewropew attwali, Emily O'Reilly, ippreżentat ir-rapport annwali tagħha għall-2020 lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-laqgħa tiegħu tal-14 ta' Lulju 2021;

AA.  billi l-Kummissjoni, bħala gwardjan tat-Trattati, għandha rwol essenzjali fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-informazzjoni pprovduta mill-petizzjonanti hija utli biex jiġu skoperti ksur jew applikazzjoni ħażina tad-dritt Ewropew;

AB.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa membru tan-Network Ewropew tal-Ombudsmen, li jinkludi wkoll l-Ombudsman Ewropew, l-ombudsmen nazzjonali u reġjonali u korpi simili fl-Istati Membri, il-pajjiżi kandidati u pajjiżi oħra taż-Żona Ekonomika Ewropea, u li għandu l-għan li jippromwovi l-iskambju ta' informazzjoni dwar id-dritt u l-politika tal-UE, u li jikkondividi l-aħjar prattiki;

AC.  billi t-titjib tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-garanzija tal-protezzjoni sħiħa tad-drittijiet taċ-ċittadini li jirriżultaw mid-dritt tal-UE huma elementi ewlenin biex l-UE titqarreb lejn iċ-ċittadini tagħha; billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet adotta r-rapport dwar l-involviment maċ-ċittadini: id-dritt ta' petizzjoni, id-dritt ta' referenza għall-Ombudsman Ewropew u l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej(3), b'enfasi fuq is-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom, il-kampanji ta' komunikazzjoni biex tinġibed l-attenzjoni dwar il-mekkaniżmi parteċipattivi eżistenti, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet oħrajn u l-kumitati parlamentari l-oħra, u l-involviment ċiviku taż-żgħażagħ, li jikkonkludu li l-Kummissjoni jeħtiġilha tirrevedi l-approċċ strateġiku attwali tagħha fit-trattament tal-petizzjonijiet, peress li dan wassal biex ma jiġux ittrattati, fost l-oħrajn, kwistjonijiet li jikkonċernaw ksur serju tad-dritt tal-UE li huwa ta' detriment għall-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini; billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet iqis li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) hija strument importanti ħafna tad-demokrazija parteċipattiva, li għandu jissaħħaħ biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jinvolvu ruħhom b'mod aktar attiv u dirett fit-tfassil tal-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni;

1.  Jenfasizza r-rwol fundamentali tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE billi jiżgura li t-tħassib u l-ilmenti tal-petizzjonanti jiġu eżaminati fil-ħin u b'mod effettiv, xieraq u mhux diskriminatorju, u li l-petizzjonanti jiġu infurmati bl-azzjonijiet meħuda u l-progress li sar fil-konfront tal-petizzjonijiet tagħhom, u li dawn jiġu riżolti permezz ta' proċess ta' petizzjonijiet miftuħ, demokratiku u trasparenti;

2.  Ifakkar li, fl-2021, kien hemm differenzi konsiderevoli fl-għadd ta' petizzjonijiet imressqa lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet mis-27 Stat Membru, u l-biċċa l-kbira tal-petizzjonijiet kienu jikkonċernaw lil Spanja (17 %), segwiti mill-Ġermanja (9,7 %), l-Italja (9,2 %), il-Greċja (5,9 %), ir-Rumanija (4,1 %), il-Polonja (4 %) u Franza (2,6 %); jirrimarka li l-għadd ta' petizzjonijiet li jikkonċernaw il-bqija tal-Istati Membri kien inqas minn 2 % għal kull Stat Membru;

3.   Jisħaq li l-petizzjonanti spiss jindirizzaw lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar suġġetti li huma urġenti għalihom; jissottolinja li f'sitwazzjonijiet bħal dawn, dewmien fit-trattament tal-petizzjonijiet ftit li xejn jipprovdi valur lill-petizzjonanti; jemmen li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandu jieħu azzjoni biex jeħles ix-xogħol b'lura tal-petizzjonijiet miftuħa; jistieden lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet jirrevedi l-metodi ta' ħidma tiegħu, sabiex jiżgura li l-petizzjonijiet kollha jiġu ttrattati b'sett ta' kriterji konsistenti u trasparenti li jiggarantixxi proċess fil-ħin u effettiv;

4.   Huwa tal-fehma li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa ugwalment disponibbli għaċ-ċittadini u r-residenti fis-27 Stat Membru kollha u li t-trattament tal-petizzjonijiet għandu jkun ġeografikament ibbilanċjat; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-Parlament għandu jżid l-isforzi tiegħu biex jippromwovi r-rwol u l-ħidma tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu u s-sensibilizzazzjoni fost iċ-ċittadini kollha tal-UE dwar il-possibbiltà li jindirizzaw petizzjoni lill-Parlament; jenfasizza li meta jadotta l-aġenda tiegħu għal-laqgħat, seduti ta' smigħ u missjonijiet, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet jeħtieġlu jsegwi l-linji gwida u l-kriterji oġġettivi tiegħu, bħall-kontribut ta' petizzjonijiet magħżula għad-dibattitu attwali tal-UE u l-kopertura ġeografika bbilanċjata tagħhom skont il-petizzjonijiet li waslu; jenfasizza li l-attività tal-Kumitat trid dejjem ikollha l-għan li twieġeb għall-kwistjoni li taffettwa direttament lill-petizzjonant; ifakkar, f'dan il-kuntest, fid-dimensjoni Ewropea ħafna tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet li r-rwol tiegħu huwa li jittratta petizzjonijiet dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt l-oqsma ta' attività tal-Unjoni Ewropea, kif minqux fit-TFUE; għal dan l-għan, jemmen li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandu responsabbiltà speċjali li jirrispetta din id-dimensjoni Ewropea fir-rigward tal-petizzjonanti u lejn id-dinja ta' barra, u li l-Membri kollha tiegħu fl-azzjonijiet u l-kunsiderazzjonijiet tagħhom għandhom dejjem ikunu ggwidati mir-responsabbiltà istituzzjonali Ewropea aktar milli mill-interessi politiċi nazzjonali; ifakkar li l-ftehimiet bejn il-gruppi politiċi rrappreżentati fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet huma essenzjali biex jipprovdu rispons ibbilanċjat u li jinftiehem lill-petizzjonanti;

5.  Itenni l-importanza ta' dibattitu pubbliku kontinwu dwar l-oqsma tal-attività tal-Unjoni sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jiġu infurmati korrettament dwar il-kamp ta' applikazzjoni tal-kompetenzi tal-Unjoni u l-livelli differenti ta' teħid ta' deċiżjonijiet; jitlob, f'dan ir-rigward, li jsiru kampanji ta' sensibilizzazzjoni usa', permezz tal-involviment attiv tas-servizzi tal-komunikazzjoni, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll nazzjonali, biex jgħinu jżidu l-għarfien taċ-ċittadini dwar id-dritt tagħhom ta' petizzjoni, kif ukoll il-kamp ta' applikazzjoni tar-responsabbiltajiet tal-Unjoni u l-kompetenzi tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet bil-għan li jitnaqqas l-għadd ta' petizzjonijiet inammissibbli u nirrispondu aħjar għat-tħassib taċ-ċittadini; jissottolinja li jeħtieġ li jsiru sforzi addizzjonali biex issir sensibilizzazzjoni dwar id-dritt ta' petizzjonijiet f'dawk l-Istati Membri tal-UE li minnhom jitressqu proporzjonalment inqas petizzjonijiet;

6.   Iqis li huwa ta' importanza kbira li l-Kummissjoni tirrevedi l-approċċ strateġiku tagħha dwar it-trattament tal-petizzjonijiet attwalment ibbażat fuq il-Komunikazzjoni tagħha tal-2017 bit-titolu "Id-Dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta' applikazzjoni aħjar" sabiex jiġu adottati regoli ċari u tiġi stabbilita proċedura amministrattiva biex jiġu ttrattati l-petizzjonijiet ammissibbli, filwaqt li jiġi żgurat segwitu adegwat, inkluż dwar kwistjonijiet imqajma f'petizzjonijiet individwali, li spiss jiddenunzjaw il-ksur tad-dritt tal-UE li jaffettwa għadd kbir ta' ċittadini jew jenfasizzaw aktar l-allegat ksur tad-dritt tal-UE dwar l-istess suġġett ta' proċeduri ta' ksur li għaddejjin;

7.  Jirrimarka li l-petizzjonijiet jikkostitwixxu opportunità unika għall-Parlament u għall-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE biex jingħaqdu b'mod dirett maċ-ċittadini tal-UE u jżommu djalogu regolari magħhom, b'mod partikolari f'każijiet fejn ikunu affettwati mill-applikazzjoni ħażina jew il-ksur tad-dritt tal-UE, kif ukoll minn nuqqasijiet jew lakuni fid-dritt attwali tal-UE; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' kooperazzjoni msaħħa bejn l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE u l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali dwar l-inkjesti li jirrigwardaw l-impatt u l-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE u l-konformità miegħu; jemmen li tali kooperazzjoni hija kruċjali biex jiġi indirizzat u solvut it-tħassib taċ-ċittadini dwar l-applikazzjoni u l-effettività tad-dritt tal-UE u tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-leġittimità demokratika u r-responsabbiltà tal-Unjoni; jitlob għall-parteċipazzjoni aktar attiva tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-laqgħat tal-kumitat u għal rispons fil-ħin u dettaljat għat-talbiet għal kjarifika jew informazzjoni mibgħuta mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali;

8.   Jitlob it-twaqqif ta' għodda interistituzzjonali tal-IT b'punt uniku ta' servizz bejn il-Kummissjoni u l-Parlament biex tiġi kondiviża pubblikament l-informazzjoni kollha disponibbli dwar l-azzjonijiet ta' segwitu kollha li jittieħdu dwar il-petizzjonijiet, inkluża informazzjoni dwar il-proċeduri tal-EU Pilot u l-proċeduri ta' ksur, il-proposti leġiżlattivi, ir-reġistrazzjonijiet tal-laqgħat tal-Kumitat li matulhom tiġi diskussa petizzjoni, it-tweġibiet tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-kumitati permanenti tal-Parlament, u dwar kwalunkwe azzjoni mhux leġiżlattiva relatata oħra.

9.  Ifakkar li l-petizzjonijiet jikkontribwixxu b'mod konsiderevoli għar-rwol tal-Kummissjoni bħala gwardjan tat-Trattati billi jipprovdu liċ-ċittadini opportunità addizzjonali li jinnotifikaw l-allegat ksur tad-dritt tal-UE; jisħaq li mezzi aktar strutturati ta' kollaborazzjoni u kooperazzjoni msaħħa bejn il-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-Kummissjoni permezz ta' tweġibiet fil-ħin u dettaljati mill-Kummissjoni, li jkunu bbażati fuq eżami bir-reqqa tal-kwistjonijiet imqajma fil-petizzjonijiet, huma essenzjali biex jiġi żgurat it-trattament b'suċċess tal-petizzjonijiet: jissottolinja li l-Kummissjoni għandha tkun involuta b'mod aktar attiv sabiex tagħti rispons preċiż għat-talbiet u l-ilmenti tal-petizzjonijiet; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tipprovdi lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet b'informazzjoni regolari u aġġornata dwar l-iżviluppi u s-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-proċedimenti ta' ksur li tnedew abbażi tal-petizzjonijiet li waslu, u biex tiżgura li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jikseb aċċess għad-dokumenti rilevanti tal-Kummissjoni dwar il-ksur u l-proċeduri tal-EU Pilot; jiddeplora, f'dan il-kuntest, in-nuqqas ta' segwitu sistematiku fil-komunikazzjonijiet mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; iqis li ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament u l-Kummissjoni dwar it-trattament tal-petizzjonijiet jista' jkun it-triq' il quddiem sabiex jiġi żgurat it-trattament trasparenti u effiċjenti tal-petizzjonijiet;

10.   Ifakkar li l-bażi tad-data e-Peti hija għodda interna importanti li tippermetti lill-membri tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet jaċċessaw l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex isegwu s-sitwazzjoni attwali ta' kull petizzjoni individwali u jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati fir-rigward tat-tkomplija tat-trattament jew l-għeluq possibbli tal-petizzjonijiet; għal dan l-għan, il-bażi tad-data e-Peti għandha tiġi aġġornata regolarment u, jekk ikun possibbli, tintrabat mal-lista ta' ksur tal-Kummissjoni;

11.  Jissottolinja li għandha tingħata aktar attenzjoni lill-adozzjoni ta' att leġiżlattiv Ewropew li jistabbilixxi r-rikonoxximent tad-drittijiet tal-LGBTIQ+;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta aktar fil-ħin jekk l-awtoritajiet nazzjonali humiex qed jieħdu l-miżuri meħtieġa, jekk għadhom m'għamlux dan, biex jirrispondu b'mod effettiv għat-tħassib taċ-ċittadini kif espress fil-petizzjonijiet tagħhom fejn iseħħu każijiet ta' nuqqas ta' konformità mad-dritt tal-UE, li huwa ta' detriment għall-protezzjoni sħiħa tad-drittijiet taċ-ċittadini u r-residenti fl-UE, u tniedi proċeduri ta' ksur fejn meħtieġ; jemmen bis-sħiħ li azzjoni rapida mill-Kummissjoni kontra l-ksur tad-dritt tal-UE hija kruċjali biex jiġi evitat li dan il-ksur isir ta' natura sistemika;

13.   Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb is-sistema tagħha għall-ġbir ta' informazzjoni dwar il-petizzjonijiet u tinkludi fir-rapport annwali tagħha dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE referenza diretta għall-petizzjonijiet, b'enfasi ċara, fost l-oħrajn, fuq ir-rabta bejn il-petizzjonijiet, il-proċeduri ta' ksur, l-atti leġiżlattivi tal-UE jew kwalunkwe att legali ieħor tal-UE;

14.   Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li tiġi evitata kwalunkwe inkonsistenza jew nuqqas ta' omoġeneità fit-trattament tal-petizzjonijiet sabiex tiġi garantita l-implimentazzjoni korretta tad-dritt ta' petizzjoni;

15.   Jissottolinja li l-petizzjonijiet jistgħu jitqiesu wkoll bħala għodda strateġika biex jiġu skattati inizjattivi leġiżlattivi tal-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 225 tat-TFUE, u b'hekk jgħinu biex jiġi indirizzat kwalunkwe nuqqas fid-dritt attwali tal-UE li jkun ta' detriment għad-drittijiet taċ-ċittadini;

16.  Ifakkar li l-kooperazzjoni mal-kumitati l-oħra fil-Parlament hija essenzjali biex il-petizzjonijiet jiġu ttrattati b'mod preċiż u komprensiv; jinnota li fl-2021 il-kumitati l-oħra ntbagħtulhom 82 petizzjoni għal opinjoni u 534 għal skopijiet ta' informazzjoni; jilqa' l-fatt li waslu 46 opinjoni u 176 konferma li l-petizzjonijiet ittieħdu inkunsiderazzjoni fil-ħidma tagħhom minn kumitati oħra; jinnota li s-seduti ta' smigħ pubbliċi organizzati b'mod konġunt ma' kumitati parlamentari oħra jiffaċilitaw eżami bir-reqqa tal-petizzjonijiet; ifakkar li l-petizzjonanti jiġu infurmati meta tittieħed deċiżjoni li tintalab l-opinjoni ta' kumitati oħrajn biex jiġu ttrattati l-petizzjonijiet tagħhom; jistieden lill-kumitati parlamentari jżidu l-isforzi tagħhom biex jikkontribwixxu b'mod attiv għall-eżaminazzjoni tal-petizzjonijiet – billi jagħtu prova tal-għarfien espert tagħhom – u b'hekk jippermettu lill-Parlament iwieġeb aktar malajr u b'mod aktar komprensiv għat-tħassib taċ-ċittadini;

17.  Jemmen li n-network tal-petizzjonijiet huwa għodda utli biex jiġi ffaċilitat is-segwitu għall-petizzjonijiet fil-ħidma parlamentari u leġiżlattiva; jemmen ukoll li dan in-network għandu jsaħħaħ id-djalogu u l-kollaborazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni; jinsab fiduċjuż li laqgħat regolari tan-network tal-petizzjonijiet huma kruċjali għall-iżgurar ta' aktar viżibbiltà għall-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-kumitati parlamentari l-oħrajn permezz tal-iskambju tal-informazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiċi fost il-membri tan-network;

18.  Jissottolinja li matul iż-żieda ta' perjodi ta' żmien għal-laqgħat tal-kumitat fl-2021, b'adattament għas-sitwazzjoni kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet esprima l-pożizzjoni tiegħu dwar kwistjonijiet importanti mqajma fil-petizzjonijiet billi adotta, fost oħrajn, ir-rapport tiegħu tad-9 ta' Novembru 2021 dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul l-2020(4), iż-żewġ rapporti tiegħu tas-26 ta' Jannar 2021 dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2019 (5) u tat-2 ta' Diċembru 2021 dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2020 (6), ir-rapport tiegħu tas-27 ta' Jannar 2021 dwar l-involviment maċ-ċittadini: id-dritt ta' petizzjoni, id-dritt ta' referenza għall-Ombudsman Ewropew u l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej(7), u l-opinjoni tiegħu tat-27 ta' Mejju 2021 dwar ir-Rapport tal-2020 tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt (8); japprezza l-ħidma tajba ħafna tas-segretarjat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi żmien meta l-kundizzjonijiet tax-xogħol baqgħu kumplessi;

19.  Jiġbed l-attenzjoni għall-għadd kbir ta' petizzjonijiet dwar il-COVID-19 li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet eżamina u wieġeb fl-2021; jisħaq li l-biċċa l-kbira ta' dawn il-petizzjonijiet appellaw għall-protezzjoni tas-saħħa taċ-ċittadini kontra l-konsegwenzi tal-virus, inklużi kwistjonijiet dwar il-politika tat-tilqim u d-diskriminazzjoni allegata bejn persuni mlaqqma u dawk mhux imlaqqma, kif ukoll għall-valutazzjoni tal-ġestjoni tal-kriżi tas-saħħa fl-Istati Membri;

20.   Jiddispjaċih ħafna dwar in-nuqqas tal-Kummissjoni li tiżvela d-dettalji kollha tal-kuntratti ffirmati mal-kumpaniji farmaċewtiċi dwar il-vaċċini kontra l-COVID-19 bi ksur tad-dritt taċ-ċittadini għall-informazzjoni; jinsab imħasseb serjament dwar l-amministrazzjoni ħażina mill-Kummissjoni relatata mar-rifjut tagħha li tagħti aċċess pubbliku għal dokumenti li jikkonċernaw 1,5 miljun maskra medika li l-Kummissjoni xtrat fi stadju bikri fil-pandemija tal-COVID-19 u li ma ssodisfawx l-istandards ta' kwalità meħtieġa(9);

21.  Jinnota li, flimkien mad-drittijiet fundamentali u l-ambjent, is-saħħa kienet wieħed mill-oqsma prinċipali li qajjem tħassib għall-petizzjonanti fl-2021, filwaqt li jirrikonoxxi li t-tħassib relatat mas-saħħa fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 kien fiċ-ċentru tal-ħidma tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; jenfasizza l-attenzjoni mogħtija mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-konsegwenzi tal-COVID-19 f'termini tal-politika tas-suq intern (partikolarment kwistjonijiet relatati mar-restrizzjonijiet nazzjonali fuq l-ivvjaġġar u l-impatt tagħhom fuq il-libertà tal-moviment tal-persuni ġewwa u barra l-UE); jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għas-seduta ta' smigħ pubbliku li saret mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet flimkien mal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu fl-14 ta' Lulju 2021 bit-titolu "Kif nistgħu ntejbu d-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru matul il-kriżi tal-COVID-19? Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004’(10), sabiex jiġi vvalutat kemm effettivament ġie applikat ir-Regolament dwar il-Kumpens għat-Titjiriet matul il-pandemija tal-COVID-19 u jekk il-qafas legali tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri kienx adegwat biex tiġi indirizzata tali kriżi;

22.   Jiġbed l-attenzjoni għall-għadd kbir ta' petizzjonijiet li jallegaw ksur tal-Karta; jirrimarka r-riżultat limitat tal-petizzjonijiet imsemmija hawn fuq minħabba l-limitazzjoni effettiva tal-kamp ta' applikazzjoni tal-Karta, kif deskritt fl-Artikolu 51 tagħha; ifakkar li l-aspettattivi tal-biċċa l-kbira tal-petizzjonanti fir-rigward tad-drittijiet mogħtija lilhom mill-Karta huma għoljin u jmorru ferm lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni attwali tagħhom; itenni t-talba tiegħu biex jiġi kkunsidrat it-twessigħ tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 51 lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew li jitħassar għalkollox, kif iddikjarat f'riżoluzzjonijiet preċedenti(11);

23.  Jiġbed l-attenzjoni għall-għadd sinifikanti ta' petizzjonijiet diskussi dwar aspetti varji tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-familji qawsalla fl-UE, b'mod partikolari l-pożizzjonijiet differenti dwar il-moviment liberu u d-drittijiet ta' rikonoxximent reċiproku tal-familji tal-LGBTIQ+ fl-UE; ifakkar fil-workshop tat-22 ta' Marzu 2021 dwar id-drittijiet tal-LGBTI+ fl-UE, li żamm il-Kumitat għall-Petizzjonijiet biex jiddiskuti s-sitwazzjoni tal-persuni LGBTIQ+, biex jeżamina l-istrateġija l-ġdida dwar l-ugwaljanza tal-LGBTIQ ippreżentata mill-Kummissjoni, u biex tiġi indirizzata l-problema rrappreżentata mill-ostakoli għall-moviment liberu tal-familji qawsalla; jiġbed l-attenzjoni għar-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-15 ta' Lulju 2021 dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ fl-UE(12), fejn jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri konkreti biex tiżgura l-protezzjoni għall-familji tal-LGBTIQ+ f'konformità mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-każijiet ta' Coman u Hamilton, Maruko, Römer u Hay(13), u s-sentenza Taddeucci u McCall(14) tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

24.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-petizzjonijiet relatati mad-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali baqgħu fuq l-aġenda tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, speċjalment fl-oqsma tal-prattiki diskriminatorji li jikkonċernaw id-dritt tagħhom għall-edukazzjoni bil-lingwa materna tagħhom, id-drittijiet lingwistiċi jew kulturali, u drittijiet oħra bħad-dritt għall-proprjetà, kif spjegat f'petizzjonijiet dwar każijiet ta' konfiska u restituzzjoni ta' art f'xi Stati Membri;

25.  Jinnota li fl-2021 il-kwistjonijiet ambjentali baqgħu qasam ta' tħassib serju għall-petizzjonanti; jesprimi dispjaċir għall-fatt li r-regoli ambjentali mhux dejjem jiġu implimentati b'mod korrett fl-Istati Membri, kif deskritt f'bosta petizzjonijiet li jressqu lmenti dwar it-tniġġis tal-arja, l-istat ta' konservazzjoni tal-karnivori kbar u l-impatt tagħhom fuq l-attivitajiet tal-bniedem, il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, l-attakki fuq attivisti ambjentali, ir-rimi illeċitu ta' skart tal-plastik, id-deterjorament tal-ekosistemi naturali, is-sikurezza nukleari u l-alterazzjoni tal-bijodiversità, u kkonfermati wkoll mill-proċeduri tal-EU Pilot u l-proċeduri ta' ksur imnedija mill-Kummissjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-ħidma importanti mwettqa mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet biex jenfasizza l-impatt tal-attivitajiet minerarji fuq l-ambjent, kif jidher mill-għadd ta' petizzjonijiet li waslu dwar dan is-suġġett; jiġbed l-attenzjoni għas-seduta ta' smigħ pubbliku tat-2 ta' Diċembru 2021 dwar l-impatti ambjentali u soċjali tal-attività minerarja fl-UE, li saret mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet f'assoċjazzjoni mal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, sabiex jinkiseb għarfien xjentifiku dwar diversi aspetti, fosthom il-leġiżlazzjoni dwar il-minjieri, l-istandards tas-sikurezza, l-impatti soċjali u ambjentali tal-minjieri, iċ-ċittadinanza ambjentali, il-parteċipazzjoni pubblika u t-trasparenza fis-settur tal-minjieri; jisħaq li l-Kummissjoni għandha tinvestiga bħala kwistjoni ta' prijorità l-każijiet ta' traspożizzjoni u implimentazzjoni inkorretti tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE sabiex tindirizza b'mod effiċjenti t-tħassib tal-petizzjonanti; jissuġġerixxi li l-Istati Membri jagħtu prijorità lill-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' prekawzjoni u tal-prinċipju "la tagħmilx ħsara" meta jikkunsidraw l-awtorizzazzjoni ta' proġetti li jkollhom impatt fuq l-ambjent;

26.   Jisħaq li l-prattiki illeċiti ddenunzjati fil-petizzjonijiet bħar-rimi tal-iskart f'miżbliet illegali, il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u l-kummerċ illegali tal-injam, il-qerda tal-ekosistemi, jew il-qtil u t-traffikar illeċitu ta' speċijiet protetti skont id-Direttiva tal-UE dwar il-Ħabitats jikkostitwixxu ksur serju tad-dritt tal-UE u jikkostitwixxu reati ambjentali; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-Kummissjoni għandha ssaħħaħ l-għodod għall-ġlieda kontra l-kriminalità ambjentali fil-livell tal-UE biex tinvestiga u tipproċessa b'mod effiċjenti tali reati u tressaq lit-trasgressuri quddiem il-ġustizzja;

27.  Jiġbed l-attenzjoni għas-seduta ta' smigħ konġunta tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel tal-25 ta' Frar 2021 dwar il-ġestjoni tal-plastik u l-iskart fl-ekonomija ċirkolari, li ffukat fuq l-implimentazzjoni tal-qafas leġiżlattiv attwali dwar l-iskart tal-plastik, li jindirizza l-isfidi ewlenin li jiltaqgħu magħhom l-Istati Membri kif ukoll jenfasizza l-opportunitajiet li l-qafas legali jipprovdi bil-ħsieb li jitnaqqas l-impatt tal-plastik fl-ambjent madwar l-Ewropa;

28.  Jisħaq fuq l-importanza li jintlaħqu l-aspettattivi taċ-ċittadini tal-UE rigward il-protezzjoni tal-ambjent, u b'mod partikolari li tittieħed azzjoni fil-qasam tal-politika tal-ilma biex jitnaqqsu t-tniġġis u r-residwi perikolużi ta' sustanzi kimiċi; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għar-riżoluzzjoni tat-23 ta' Marzu 2021 dwar ir-residwi kimiċi fil-Baħar Baltiku, abbażi tal-Petizzjonijiet 1328/2019 u 0406/2020(15); jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-kwistjoni tal-munizzjon mormi fl-ibħra Ewropej tiġi inkluża fil-programmi orizzontali sabiex tippermetti s-sottomissjoni ta' proġetti li jkopru reġjuni affettwati mill-istess problema u tiffaċilita l-iskambju tal-esperjenzi u tal-aħjar prattiki;

29.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, jiżguraw l-implimentazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam ambjentali;

30.   Jiġbed l-attenzjoni għas-smigħ konġunt tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tas-16 ta' Ġunju 2021 dwar it-trattament ġust u ugwali tal-bdiewa madwar l-Unjoni Ewropea, li ffoka fuq ir-riforma tal-politika agrikola komuni, ir-regoli l-ġodda tal-UE għall-pagamenti diretti u l-iżvilupp rurali wara l-2022;

31.  Ifakkar li l-Unjoni jeħtiġilha tiggarantixxi liċ-ċittadini d-dritt li jipparteċipaw b'mod attiv fl-attivitajiet demokratiċi tal-Unjoni Ewropea fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni sabiex tiġi evitata kwalunkwe forma ta' diskriminazzjoni u jiġi promoss il-multilingwiżmu; iħeġġeġ f'dan is-sens lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jagħmlu użu mill-akbar numru possibbli ta' lingwi uffiċjali u biex jimplimentaw il-politiki tal-multilingwiżmu tagħhom b'mod koerenti;

32.  Jissottolinja l-ħidma tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet b'rabta ma' petizzjonijiet relatati ma' allegati kundizzjonijiet ħżiena ta' sikurezza fil-faċilitajiet ta' parkeġġ għat-trakkijiet u l-vetturi kummerċjali fuq in-network tat-toroq Ewropew, fir-rigward ta' attakki fuq trasportaturi f'żoni ta' parkeġġ tat-trakkijiet; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għall-mozzjoni għal riżoluzzjoni adottata mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fis-6 ta' Ottubru 2021 dwar is-sikurezza tal-parkeġġi għat-trakkijiet fl-UE(16); Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu u jiżviluppaw kooperazzjoni tal-pulizija li tinvolvi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha biex jipprevjenu, jikxfu u jinvestigaw reati kriminali fit-toroq u fiż-żoni tal-parkeġġ; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti segwitu lil din ir-riżoluzzjoni b'azzjonijiet konkreti u ssaħħaħ il-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet ta' sikurezza fiż-żoni ta' parkeġġ tat-trakkijiet;

33.  Jisħaq fuq il-kontribut importanti mogħti mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità, kif muri mit-trattament tiegħu ta' għadd ta' petizzjonijiet dwar dan is-suġġett sensittiv; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-7 ta' Ottubru 2021 dwar il-protezzjoni tal-persuni b'diżabilità permezz tal-petizzjonijiet: tagħlimiet meħuda(17), li ġiet adottata mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-14 ta' Lulju 2021; ifakkar fil-workshop tad-9 ta' Novembru 2021 bit-titolu "Id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità – L-implimentazzjoni tal-Osservazzjonijiet Konklużivi tal-Kumitat tas-CRPD tal-2015 mill-UE u l-Istrateġija tad-Diżabilità 2021-2030", li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet kellu biex jiffoka fuq l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni u dwar kif dan ġie indirizzat u solvut b'mod partikolari permezz ta' strateġiji tad-diżabilità;

34.  Jilqa' r-rwol ta' protezzjoni speċifiku li jiżvolġi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi ħdan l-UE fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità; jiġbed l-attenzjoni għall-ħidma kontinwa importanti tal-kumitat b'rabta ma' petizzjonijiet li jikkonċernaw kwistjonijiet relatati mad-diżabilità; jinnota li l-għadd ta' petizzjonijiet dwar id-diżabilità naqas fl-2021 meta mqabbel mas-sena preċedenti; jisħaq li l-aċċessibbiltà u l-mobbiltà fl-ispazji pubbliċi, id-diskriminazzjoni, l-inklużjoni u l-aċċess għall-edukazzjoni u l-impjieg għadhom fost l-isfidi prinċipali li jħabbtu wiċċhom magħhom il-persuni b'diżabilità;

35.  Ifakkar li r-relazzjonijiet mal-Ombudsman Ewropew huma fost ir-responsabbiltajiet li r-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament jagħtu lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet; jilqa' l-kooperazzjoni kostruttiva tal-Parlament mal-Ombudsman Ewropew, kif ukoll l-involviment tiegħu fin-Network Ewropew tal-Ombudsmen; jirrikonoxxi l-kontributi regolari tal-Ombudsman Ewropew għall-ħidma tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul is-sena; jemmen bis-sħiħ li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni jeħtiġilhom jiżguraw li jingħata segwitu konsistenti u effikaċi għar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman; jappoġġja bil-qawwa l-ħidma tal-Ombudsman dwar iż-żamma tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-UE, li inkludiet 214-il inkjesta fl-2021; itenni t-talbiet tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq proposta għal reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, kif adottat f'riżoluzzjonijiet preċedenti; jisħaq li kwalunkwe reviżjoni bħal din trid issaħħaħ it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont billi tippromwovi prattika amministrattiva tajba(18);

36.  Jisħaq li l-IĊE hija strument importanti għaċ-ċittadinanza attiva u għall-parteċipazzjoni pubblika; jilqa' d-diskussjoni f'diversi laqgħat bħala petizzjonijiet ta' xi IĊE li ma rnexxewx, li taw liċ-ċittadini l-opportunità li jesponu l-ideat tagħhom u jagħmlu dibattitu kostruttiv, kif ukoll iffaċilitaw il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tal-UE fil-proċess demokratiku tal-Unjoni; jinnota l-għadd sinifikanti ta' IĊE ġodda rreġistrati mill-Kummissjoni fl-2021, li juri li ċ-ċittadini qed jaħtfu l-opportunità li jużaw strumenti partiċipattivi biex isemmgħu leħinhom fil-proċessi ta' tfassil ta' politika u tal-liġijiet; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha aħjar maċ-ċittadini u tagħti segwitu adegwat lill-IĊE ta' suċċess, inkluż permezz ta' proposti leġiżlattivi;

37.   Jissottolinja li għandhom jiġu garantiti sforzi ta' komunikazzjoni addizzjonali biex tiżdied il-viżibbiltà tal-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-Istati Membri kollha tal-UE, speċjalment il-viżibbiltà tal-missjonijiet uffiċjali tiegħu;

38.  Jissottolinja li l-Portal Web għall-Petizzjonijiet huwa għodda essenzjali biex jiġi żgurat proċess tal-petizzjonijiet mingħajr intoppi, effiċjenti u trasparenti; jilqa', f'dan ir-rigward, it-titjib fir-rigward tal-protezzjoni tad-data u l-elementi ta' sigurtà li għamlu l-portal aktar faċli biex jintuża u sigur għaċ-ċittadini; jisħaq fuq il-ħtieġa li jridu jitkomplew l-isforzi biex il-portal isir aktar aċċessibbli u magħruf għaċ-ċittadini, inkluż għall-persuni b'diżabilità; iqis li l-Portal Web għall-Petizzjonijiet irid jipprovdi deskrizzjonijiet qosra b'lingwaġġ ċar u sempliċi tal-istrumenti parteċipattivi kollha tal-UE, u b'hekk jgħin lill-utenti jidentifikaw l-aktar mezz xieraq u jnaqqas l-għadd ta' petizzjonijiet inammissibbli; jappoġġja l-ħolqien ta' portal diġitali uniku li permezz tiegħu ċ-ċittadini jkunu jistgħu jiksbu aċċess għall-proċeduri kollha marbuta mal-petizzjonijiet u jsibu informazzjoni dwarhom;

39.  Jinnota li filwaqt li hemm żieda ċara fl-għadd ta' persuni li jappoġġjaw petizzjoni waħda jew aktar, ħafna petizzjonanti esprimew tħassib dwar il-kumplessità tal-proċeduri li għandhom jitlestew fuq il-Portal Web għall-Petizzjonijiet tal-Parlament sabiex juru appoġġ ċar għal petizzjoni;

40.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-kumitati għall-petizzjonijiet tal-Istati Membri, lill-ombudsmen nazzjonali jew lill-entitajiet simili kompetenti.

(1) ĠU C 347, 9.9.2022, p. 110.
(2) ĠU C 18, 19.1.2017, p. 10.
(3) Adottata bħala riżoluzzjoni mill-Parlament fid-9 ta' Marzu 2022. ĠU C 347, 9.9.2022, p. 110.
(4) Adottata bħala riżoluzzjoni mill-Parlament fis-16 ta' Diċembru 2021 (ĠU C 251, 30.6.2022, p. 96).
(5) Adottata mill-Parlament fil-11 ta' Marzu 2021 bħala riżoluzzjoni dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew – Rapport Annwali 2019 (ĠU C 474, 24.11.2021, p. 82).
(6) Adottata mill-Parlament fis-16 ta' Frar 2022 bħala riżoluzzjoni fuq ir-rapport annwali rigward l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2020 (ĠU C 342, 6.9.2022, p. 58).
(7) Adottata bħala riżoluzzjoni mill-Parlament fid-9 ta' Marzu 2022 (ĠU C 347, 9.9.2022, p. 110).
(8) Opinjoni PE689.805 fil-proċedura 2021/2025(INI), adottata bħala riżoluzzjoni mill-Parlament fl-24 ta' Ġunju 2021 (ĠU C 81, 18.2.2022, p. 27).
(9) L-Ombudsman Ewropew, Każ 790/2021/MIG.
(10) Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet (ĠU L 46, 17.2.2004, p. 1).
(11) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2012) (ĠU C 285, 29.8.2017, p. 112).
(12) Adottata bħala riżoluzzjoni mill-Parlament fl-14 ta' Settembru 2021 (ĠU C 117, 11.3.2022, p. 2).
(13) Is-Sentenza tal-5 ta' Ġunju 2018, Coman, C-673/16, ECLI:EU:C:2018:385; Is-Sentenza tal-1 ta' April 2008, Maruko, C-267/06, ECLI:EU:C:2008:179; Is-Sentenza tal-10 ta' Mejju 2011, Römer, C-147/08, ECLI:EU:C:2011:286; Is-Sentenza tas-7 ta' Frar 2014, Hay, C-267/12, ECLI:EU:C:2013:823.
(14) Taddeucci u McCall vs l-Italja, Nru 51361/09.
(15) Adottata bħala riżoluzzjoni mill-Parlament fis-27 ta' April 2021. ĠU C 506, 15.12.2021, p. 9.
(16) Adottata bħala riżoluzzjoni mill-Parlament fil-25 ta' Novembru 2021. ĠU C 224, 8.6.2022, p. 95.
(17) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ottubru 2021 dwar il-protezzjoni tal-persuni b'diżabilità permezz tal-petizzjonijiet: tagħlimiet meħuda (petizzjonijiet Nru 2582/2013, 2551/2014, 0074/2015, 0098/2015, 1140/2015, 1305/2015, 1394/2015, 0172/2016, 0857/2016, 1056/2016, 1147/2016, 0535/2017, 1077/2017, 0356/2018, 0367/2018, 0371/2018, 0530/2018, 0724/2018, 0808/2018, 0959/2018, 0756/2019, 0758/2019, 0954/2019, 1124/2019, 1170/2019, 1262/2019, 0294/2020, 0470/2020, 0527/2020, 0608/2020, 0768/2020, 0988/2020, 1052/2020, 1139/2020, 1205/2020, 1299/2020 u 0103/2021 u oħrajn). ĠU C 132, 24.3.2022, p. 129.
(18) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2021 dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-2020 ĠU C 251, 30.6.2022, p. 96.

Avviż legali - Politika tal-privatezza