Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2023 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura għall-perjodu 2023-2027 (COM(2022)0057 – C9-0045/2022 – 2022/0039(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2022)0057),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 189(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9‑0045/2022),
— wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitati responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-23 ta' Novembru 2022, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A9‑0249/2022),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill annessa ma' din ir-riżoluzzjoni, li se tiġi ppubblikata fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
3. Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni, li se tiġi ppubblikata fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
4. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-14 ta’ Frar 2023 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2023/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura għall-perjodu 2023-2027
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, ir-Regolament (UE) 2023/588.)
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
Dikjarazzjoni politika konġunta dwar il-finanzjament tal-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura għall-perjodu 2023-2027
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu, mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-awtorità baġitarja fil-qafas tal-proċedura baġitarja annwali, li l-finanzjament tal-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura għall-perjodu 2023-2027 ser jiġi kopert b'mod indikattiv fis-snin 2023-2027 kif ġej:
— EUR 200 miljun mill-marġini mhux allokati mill-Intestatura 1 u l-Intestatura 5;
— EUR 1,450 miljun minn kontribuzzjonijiet mill-Intestatura 1, l-Intestatura 5 u l-Intestatura 6
Dikjarazzjoni politika konġunta dwar l-użu mill-ġdid ta' fondi diżimpenjati f'Orizzont Ewropa
Fid-Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-użu mill-ġdid ta' fondi diżimpenjati b'rabta mal-programm ta' riċerka(1), il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu li jerġgħu jagħmlu disponibbli għall-benefiċċju tal-programm ta' riċerka approprjazzjonijiet ta' impenn, li jikkorrispondu għall-ammont sa EUR 0,5 biljun (fi prezzijiet tal-2018) fil-perjodu 2021-2027 ta' diżimpenji, li jirriżulta minn nuqqas totali jew parzjali ta' implimentazzjoni ta' proġetti li jappartjenu għall-Programm Qafas "Orizzont Ewropa" jew il-predeċessur tiegħu "Orizzont 2020"(2), kif previst fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Finanzjarju.
Fid-dikjarazzjoni(3) dwar ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' April 2021 li jistabbilixxi Orizzont Ewropa - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu dwar distribuzzjoni indikattiva ta' dak l-ammont li ser ikun sa EUR 300 000 000 fi prezzijiet kostanti tal-2018 għar-raggruppament "Diġitali, Industrija u Spazju" b'mod partikolari għar-riċerka kwantistika.
Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtorità baġitarja fil-qafas tal-proċedura baġitarja annwali u għas-setgħat tal-Kummissjoni li timplimenta l-baġit, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li, fi ħdan ir-raggruppament "Diġitali, Industrija u Spazju" ta' Orizzont Ewropa, ser jiġi allokat ammont indikattiv ta' EUR 200 000 000 fi prezzijiet kostanti tal-2018 biex jiġu żgurati attivitajiet ta' riċerka dwar il-konnettività.
Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).