Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2022/0142(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0018/2023

Testi mressqa :

A9-0018/2023

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/02/2023 - 8.7

Testi adottati :

P9_TA(2023)0035

Testi adottati
PDF 145kWORD 51k
It-Tlieta, 14 ta' Frar 2023 - Strasburgu
Ftehim ta' Sħubija Volontarja UE-Guyana: l-infurzar tal-liġi fis-settur forestali, it-tmexxija u lkummerċ ta' prodotti tal-injam lejn l-UE
P9_TA(2023)0035A9-0018/2023

Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2023 dwar il-proposta għal abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Kooperattiva tal-Guyana dwar l-infurzar tal-liġi fis-settur forestali, it-tmexxija u l-kummerċ ta' prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea (09272/2022 - C9-0432/2022 – 2022/0142M(NLE))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Mejju 2022 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Kooperattiva tal-Guyana dwar l-infurzar tal-liġi fis-settur forestali, it-tmexxija u l-kummerċ ta' prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea (COM(2022)0200),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Kooperattiva tal-Guyana dwar l-infurzar tal-liġi fis-settur forestali, it-tmexxija u l-kummerċ ta' prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea (09272/2022),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim ta' Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Kooperattiva tal-Guyana dwar l-infurzar tal-liġi fis-settur forestali, it-tmexxija u l-kummerċ ta' prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea (09271/2022),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(3), l-ewwel subparagrafu, l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, l-Artikolu 218(6), l-ewwel subparagrafu, punt (a)(v), u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C9-0432/2022),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 2173/2005 tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta' skema ta' liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta' injam fil-Komunità Ewropea(1) (ir-Regolament FLEGT),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam(2) (ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Jannar 2020 dwaru(3),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP21) f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015 (il-Ftehim ta' Pariġi),

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2020 dwar ir-rwol tal-UE fil-protezzjoni u r-restawr tal-foresti tad-dinja(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2020 li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar qafas legali tal-UE biex titwaqqaf u titreġġa' lura d-deforestazzjoni globali li l-UE hija responsabbli għaliha(5),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Mejju 2003 intitolata "L-infurzar tal-liġi, it-tmexxija u l-kummerċ fis-settur forestali (FLEGT): proposta għal pjan ta' azzjoni tal-UE "(COM(2003)0251) u l-pjan ta' ħidma 2018-2022 għall-implimentazzjoni tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2021 dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni kif ukoll l-esportazzjoni mill-Unjoni ta' ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 COM(2021)0706 final) (regolament dwar id-deforestazzjoni),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-14 ta’ Frar 2023(6) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 105(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A9-0018/2023),

A.  billi f'Novembru 2018, l-UE u l-Guyana kkonkludew negozjati dwar Ftehim ta' Sħubija Volontarja (VPA) dwar Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Tmexxija u Kummerċ (FLEGT); billi fl-10 ta' Marzu 2022, il-Guyana u l-UE qablu dwar qafas ta' implimentazzjoni konġunt aġġornat – pjan direzzjonali dettaljat għall-implimentazzjoni tal-VPA, li għandu l-għan li jtejjeb it-tmexxija tal-foresti u li jipprovdi sorveljanza għall-kummerċ tal-injam legali;

B.  billi madwar 84 % tal-art tal-Guyana hija miksija bil-foresti; billi dan jammonta għal madwar 18-il miljun ettaru; billi l-Guyana għandha t-tieni l-ogħla ħażna ta' karbonju fil-foresti per capita fid-dinja u huwa stmat li għandha 21,8 biljun tunnellata ta' diossidu tal-karbonju maħżun fil-foresti tagħha; billi madwar 13 % tal-foresti tal-Guyana huma formalment indikati bħala artijiet ta' rħula Amerindjani; billi l-ekoreġjun tal-foresti niedja tal-Guyana jkopri l-biċċa l-kbira tal-Guyana;

C.  billi mill-1996, saru sforzi ta' konservazzjoni u r-rata annwali ta' deforestazzjoni fil-Guyana kienet baxxa ħafna, b'medja ta' madwar 0,06 %;

D.  billi l-Guyana għandha wieħed mill-ogħla livelli ta' bijodiversità fid-dinja; billi huwa stmat li l-foresti tal-Guyana jospitaw madwar 8 000 speċi ta' pjanti u aktar minn 1 000 speċi ta' vertebrati terrestri; billi madwar 5 % tal-ispeċijiet kollha tal-pjanti huma kkunsidrati endemiċi għall-Guyana;

E.  billi l-estrazzjoni illegali u l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam għadhom ta' tħassib fil-Guyana, peress li ż-żewġ prattiki jagħmlu ħsara lill-foresti tal-pajjiż; billi l-biċċa l-kbira tad-deforestazzjoni fil-Guyana hija attribwita għan-nirien (50 %) u għall-estrazzjoni minerarja (41 %), kemm legali kif ukoll illegali; billi minkejja li d-deforestazzjoni kkawżata mill-bidla għall-agrikoltura tammonta biss għal madwar 5 %, din xorta tibqa' kawża ta' tħassib;

F.  billi l-attivitajiet ekonomiċi ewlenin fil-Guyana huma l-agrikoltura, l-estrazzjoni tal-boksajt u tad-deheb, l-injam, l-estrazzjoni tal-minerali u s-sajd; billi l-industrija tal-foresti tal-Guyana hija stmata li tikkontribwixxi għal inqas minn 2 % tal-PDG tagħha, ċifra li mistennija tkompli tonqos minħabba li s-settur taż-żejt mhux raffinat ilu jiżdied b'rata mgħaġġla mill-2015, meta ġew skoperti riżervi kbar taż-żejt fl-ibħra territorjali tal-Guyana;

G.  billi s-settur tal-foresti jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-tkabbir ekonomiku tal-Guyana, u jimpjega madwar 20 000 persuna, prinċipalment f'żoni rurali; billi l-foresti tal-Guyana jirrappreżentaw 2 % tal-PDG u 6 % tal-ħolqien totali tal-impjiegi; billi l-VPA jżid il-potenzjal tas-settur tal-forestrija billi joħloq impjiegi ġodda u jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli fil-pajjiż;

H.  billi l-volum ta' injam innegozjat bejn il-Guyana u l-UE huwa modest: 8 % biss tal-esportazzjonijiet tal-injam mill-Guyana ġew importati fl-Ewropa fl-2018 u madwar nofs biss minn dan il-perċentwal ġie impurtat fl-UE; billi l-akbar sieħeb kummerċjali ġenerali tal-Guyana huwa l-Istati Uniti, filwaqt li Singapore huwa t-tieni wieħed; billi l-akbar suq tal-esportazzjoni tal-injam minn dan il-pajjiż huwa r-reġjun Asja-Paċifiku; billi l-VPA jista' jiftaħ aktar opportunitajiet għall-Guyana biex tesporta lejn l-UE u swieq ġodda, u dan min-naħa tiegħu għandu jżid l-opportunitajiet ta' żvilupp tal-pajjiż;

I.  billi l-Guyana rratifikat il-Ftehim ta' Pariġi f'Mejju 2016 u kienet ħadet għadd ta' impenji relatati mal-forestrija sostenibbli fil-kontribut determinat fil-livell nazzjonali rivedut tagħha, bħall-konservazzjoni ta' 2 miljun ettaru addizzjonali ta' foresti;

J.  billi l-Guyana jeħtieġ tegħleb l-isfidi sabiex ittejjeb il-benesseri taċ-ċittadini tagħha, bħall-ġlieda kontra l-faqar, l-inugwaljanza u d-diskriminazzjoni, b'mod partikolari kontra l-persuni LGBTI u l-popli indiġeni, kif ukoll il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-polarizzazzjoni u l-vjolenza razzjali u etnika, li għadhom preokkupazzjonijiet persistenti;

K.  billi l-Guyana esprimiet impenn li tagħmel disponibbli finanzjament biex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-VPA; billi l-UE, in-Norveġja u r-Renju Unit ukoll impenjaw ruħhom li jipprovdu finanzjament addizzjonali għal dan l-għan;

L.  billi l-objettiv tal-VPA huwa li jiżgura li l-konsenji kollha tal-injam u tal-prodotti tal-injam mill-Guyana destinati għas-suq tal-UE jkunu konformi mas-Sistema ta' Garanzija tal-Legalità tal-Injam tal-Guyana (GTLAS) u b'hekk jikkwalifikaw għal liċenzja FLEGT; billi l-injam domestiku u l-injam destinat għas-swieq kollha tal-esportazzjoni se jkollhom ukoll jikkonformaw mal-GTLAS;

M.  billi l-VPA jkopri l-ħames prodotti tal-injam obbligatorji fis-sens tar-Regolament FLEGT – zkuk, injam isserrat, traversi ferrovjarji, plywood u fuljetta – kif ukoll injam ipproċessat, pickets u arbli, u xogħol tal-injam u ta' mastrudaxxa;

N.  billi skont il-proposta tal-Kummissjoni għar-regolament dwar id-deforestazzjoni, l-injam liċenzjat FLEGT importat fl-UE se jissodisfa awtomatikament ir-rekwiżit tal-legalità;

O.  billi l-VPA jipprevedi Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ u Rieżami, li se jkun responsabbli għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tiegħu;

P.  billi l-għan u l-benefiċċji mistennija tal-VPAs tal-FLEGT imorru lil hinn mill-faċilitazzjoni tal-kummerċ tal-injam legali, peress li huma mfassla wkoll biex iwasslu għal bidliet sistemiċi fit-tmexxija forestali, l-infurzar tal-liġi, it-trasparenza u l-inklużjoni ta' diversi partijiet ikkonċernati fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u l-komunitajiet indiġeni, kif ukoll l-appoġġ għall-integrazzjoni ekonomika u r-rispett għall-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli internazzjonali;

Q.  billi l-pajjiżi madwar id-dinja kollha li għandhom jew qed jimmiraw li jkollhom swieq ta' importazzjoni regolati għall-injam legali jibbenefikaw mill-kooperazzjoni; billi standards internazzjonali komuni jkunu l-aktar effettivi biex tiġi miġġielda d-deforestazzjoni u tiġi promossa s-sigurtà legali fit-tul għan-negozji u l-konsumaturi;

1.  Jappoġġa bil-qawwa l-konklużjoni tan-negozjati dwar il-VPA dwar l-FLEGT bejn l-UE u l-Guyana; jirrikonoxxi li l-VPA għandu sinifikat kbir għall-pajjiż, kif ukoll potenzjal biex jagħti spinta lir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Guyana; jemmen li n-negozjati b'suċċess ta' dan il-VPA juru l-importanza tad-delegazzjonijiet tal-UE għal pajjiżi terzi u se jiżguraw li injam maqtugħ legalment biss se jiġi importat fl-UE mill-Guyana, jippromwovu prattiki sostenibbli tal-ġestjoni tal-foresti u l-kummerċ sostenibbli f'injam prodott legalment, itejbu t-tmexxija tal-foresti, l-infurzar tal-liġi (inkluż l-obbligi fir-rigward tal-ħaddiema u tax-xogħol, is-saħħa u s-sikurezza), id-drittijiet tal-bniedem, it-trasparenza, ir-responsabbiltà u r-reżiljenza istituzzjonali fil-Guyana, iħarsu l-bijodiversità u jgħinu biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, filwaqt li jikkontribwixxu għat-titjib tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn il-Guyana u l-UE;

2.  Jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni sħiħa u l-infurzar tal-VPA se jkunu proċess twil li se jirrikjedi l-adozzjoni ta' firxa wiesgħa ta' leġiżlazzjoni, flimkien ma' kapaċità amministrattiva u għarfien espert adegwati, biex jiġu żgurati l-implimentazzjoni u l-infurzar tiegħu;

3.  Jilqa' l-livell għoli ta' involviment tal-partijiet ikkonċernati matul il-proċess ta' negozjati; jenfasizza li l-istadji ta' implimentazzjoni u monitoraġġ jirrikjedu konsultazzjonijiet ġenwini u involviment tad-diversi partijiet ikkonċernati, inkluża l-parteċipazzjoni sinifikanti tas-soċjetà ċivili, ir-rappreżentanti tan-negozju, l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u l-komunitajiet lokali u indiġeni fit-teħid ta' deċiżjonijiet biex jiġi ggarantit ir-rispett tad-drittijiet tal-pussess tal-art u l-prinċipju ta' kunsens liberu, minn qabel u infurmat; ifakkar fil-ħtieġa li tissaħħaħ it-trasparenza u li jiġu żgurati l-iżvelar pubbliku effettiv tal-informazzjoni u l-kondiviżjoni f'waqtha tad-dokumenti mal-popli lokali u indiġeni;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lid-Delegazzjoni tal-UE fil-Guyana jipprovdu biżżejjed bini ta' kapaċità kif ukoll appoġġ loġistiku u tekniku fil-qafas tal-istrumenti ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp attwali u futuri sabiex il-Guyana tkun tista' tissodisfa l-impenji previsti fil-VPA;

5.  Jilqa' l-adozzjoni reċenti tal-qafas komuni ta' implimentazzjoni u jistieden lill-Gvern tal-Guyana jsegwi approċċ konkret, marbut biż-żmien u li jista' jitkejjel;

6.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġu żviluppati sħubijiet u mekkaniżmi ta' kooperazzjoni biex jiġu indirizzati b'mod konġunt l-aspetti kollha tat-tmexxija tal-foresti, inkluż fir-rigward tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni;

7.  Jilqa' l-isforzi li għamlet il-Guyana s'issa fit-triq biex issir aktar trasparenti, u jistenna bil-ħerqa aktar kooperazzjoni pożittiva fil-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam; Jisħaq li l-governanza ħażina u l-korruzzjoni fis-settur tal-forestrija jaċċelleraw il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u d-degradazzjoni tal-foresti; jirrikonoxxi l-impenn u r-rieda politika tal-Guyana fir-rigward tal-ġestjoni tajba tal-foresti; jenfasizza li s-suċċess tal-VPA dwar l-FLEGT jiddependi wkoll mill-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni tul il-katina tal-provvista tal-injam; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Guyana jtejjeb il-ġbir tad-data biex jimplimenta aħjar is-sistema ta' traċċabbiltà u jkompli jaħdem biex iwaqqaf il-korruzzjoni mifruxa u jindirizza fatturi oħra li jwasslu għall-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u d-degradazzjoni tal-foresti, b'attenzjoni partikolari għad-dwana u awtoritajiet oħra li se jkollhom rwol ċentrali fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-VPA; jisħaq fuq il-ħtieġa li tintemm l-impunità fis-settur tal-foresti billi jiġu protetti d-difensuri tad-drittijiet ambjentali tal-bniedem u l-informaturi u billi jiġu żgurati rimedji effettivi għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa', f'dan il-kuntest, ir-ratifika mill-Guyana tal-Ftehim ta' Escazú u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi garantit rikonoxximent sħiħ tad-drittijiet tal-pussess tal-art tal-komunitajiet lokali u tal-popli indiġeni, b'mod partikolari l-komunitajiet Amerindjani, inkluż fil-kuntest tal-estrazzjoni minerarja;

8.  Jilqa' l-fatt li l-proċess ta' negozjar tal-VPA ppermetta lis-setturi jidentifikaw għanijiet u prijoritajiet kondiviżi biex jaħdmu lejn ġestjoni sostenibbli tal-foresti u kooperazzjoni kummerċjali, filwaqt li joffri opportunità importanti għall-komunitajiet biex jingħata lok għal ġestjoni parteċipattiva tal-foresti tagħhom fil-livell lokali, komunitarju u reġjonali, u anke fil-livell nazzjonali jew federali;

9.  Jenfasizza li l-VPA joħloq opportunità kbira biex tingħata spinta lill-ħolqien tal-impjiegi fis-settur tal-forestrija; jenfasizza li l-prattiki ta' ġestjoni tal-foresti u l-kummerċ tal-injam prodott legalment għandhom ikunu soċjalment u ekonomikament sostenibbli biex jiggarantixxu li n-nies involuti direttament jew indirettament ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-kummerċ;

10.  Jitlob li l-analiżi tal-ġeneru tiġi integrata fl-attivitajiet u l-proġetti kollha marbuta mal-implimentazzjoni tal-VPA; jitlob li ssir analiżi kwantitattiva u kwalitattiva, diżaggregata skont il-ġeneru, fir-rigward tad-dominju tal-art, tas-sjieda tal-assi u tal-inklużjoni finanzjarja f'setturi li sofrew impatt mill-kummerċ; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa dawn l-isforzi b'riżorsi tekniċi u umani;

11.  Jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta regolarment lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim, inkluż dwar il-ħidma tal-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ u Rieżami, bl-għan li tippermetti deċiżjoni infurmata ladarba l-att delegat li jawtorizza l-aċċettazzjoni ta' liċenzji FLEGT ikun ġie propost; jenfasizza, għalhekk, li għandhom jiġu promossi VPAs ġodda ma' sħab addizzjonali; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni eżawrjenti dwar l-impatt tal-VPA u r-regolament dwar id-deforestazzjoni futur fuq il-ħaddiema u l-produtturi żgħar fis-settur tal-foresti u setturi relatati oħra li se jintlaqtu miż-żieda fil-kontrolli u l-iċċekkjar tal-qtugħ tas-siġar għall-injam;

12.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi indirizzata d-dimensjoni reġjonali tal-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u t-trasport, l-ipproċessar u l-kummerċ tal-injam illegali tul il-katina tal-provvista; jitlob li dan jiġi inkluż fil-proċess ta' evalwazzjoni tal-VPA;

13.  Jemmen li l-UE għandha rwol importanti fit-titjib kemm tal-provvista kif ukoll tad-domanda tal-injam, sabiex tirrifjuta l-injam prodott illegalment u tgħin lill-pajjiżi esportaturi fl-isforzi tagħhom biex jiġġieldu l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u l-korruzzjoni li jirriżultaw fil-qerda tal-foresti tagħhom, it-tibdil fil-klima, u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jirrikonoxxi li l-VPAs se jkomplu jkunu qafas legali importanti kemm għall-UE kif ukoll għall-pajjiżi sħab tagħha fl-ambitu tal-proposta ġdida għal regolament dwar id-deforestazzjoni; jissottolinja li dan sar possibbli permezz tal-kooperazzjoni tajba u l-involviment tal-pajjiżi sħab ikkonċernati; jappoġġa lill-Kummissjoni fit-tfittxija għal sħab addizzjonali potenzjali għal VPAs futuri fil-qafas tal-VPAs dwar l-FLEGT;

14.  Ifakkar li l-ġestjoni u l-governanza sostenibbli u inklużivi tal-foresti huma essenzjali biex jinkisbu l-objettivi stabbiliti fl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u fil-Ftehim ta' Pariġi, partikolarment permezz ta' kontribuzzjonijiet determinati fil-livell nazzjonali; ifakkar fl-importanza tal-estrazzjoni minerarja bħala mutur ewlieni tad-deforestazzjoni tropikali, li tirriżulta f'erożjoni u kontaminazzjoni sostanzjali tal-ħamrija, żieda fil-frammentazzjoni tal-foresti u t-tniġġis tal-merkurju tax-xmajjar u tan-nixxigħat; jinnota li l-Guyana qed tespandi l-industriji tagħha taż-żejt, tal-gass u tal-minjieri; jistieden lill-Gvern tal-Guyana jieħu passi ulterjuri biex irażżan il-minjieri illegali; jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' konsistenza bejn ir-regolamentazzjoni fis-settur tal-foresti u dak fis-settur tal-minjieri; jilqa' ftehimiet ulterjuri li għandhom l-għan li jikkomplementaw il-VPA dwar l-FLEGT fir-rigward ta' kwistjonijiet ambjentali;

15.  Jenfasizza li s-suċċess tal-inizjattiva FLEGT kollha kemm hi jiddependi, fost affarijiet oħra, fuq il-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet ambjentali tal-bniedem u tal-informaturi, it-titjib tal-kapaċità tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) li jwettqu l-attivitajiet tagħhom legalment u l-garanzija ta' protezzjoni effettiva għall-art u r-rikonoxximent sħiħ tad-drittijiet konswetudinarji tal-komunitajiet lokali u tal-popli indiġeni, b'mod partikolari l-komunitajiet Amerindjani, inkluż id-dritt li jagħtu jew jirrifjutaw il-kunsens tagħhom fir-rigward ta' kwalunkwe konċessjoni tal-injam fuq l-art tagħhom bħala kwistjoni ta' ġustizzja soċjali; jisħaq li l-UE għandha tibni fuq l-għarfien tradizzjonali tal-popli indiġeni u komunitajiet lokali oħra rigward il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti; ifakkar f'dan ir-rigward fl-importanza li tiġi prevenuta l-impożizzjoni ta' kwalunkwe piż amministrattiv addizzjonali fuq l-SMEs u li tingħata assistenza legali lill-SMEs biex tiġi żgurata l-konformità tagħhom ma' ftehimiet, strumenti u dokumenti internazzjonali ġodda rigward l-ambjent;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lir-Repubblika Kooperattiva tal-Guyana.

(1) ĠU L 347, 30.12.2005, p. 1.
(2) ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23.
(3) ĠU C 270, 7.7.2021, p. 2.
(4) ĠU C 385, 22.9.2021, p. 10.
(5) ĠU C 404, 6.10.2021, p. 175.
(6) Testi adottati ta' dik id-data, P9_TA(2023)0034.

Aġġornata l-aħħar: 23 ta' Mejju 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza