Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2023 dwar is-segwitu mogħti lill-miżuri mitluba mill-Parlament biex tissaħħaħ l-integrità tal-istituzzjonijiet Ewropej (2023/2571(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-miżuri għat-tisħiħ tal-integrità, l-indipendenza u r-responsabbiltà adottati mill-Konferenza tal-Presidenti tiegħu fit-8 ta' Frar 2023,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2022 dwar is-suspetti ta' korruzzjoni mill-Qatar u l-ħtieġa usa' ta' trasparenza u responsabbiltà fl-istituzzjonijiet Ewropej(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2021 dwar it-tisħiħ tat-trasparenza u l-integrità fl-istituzzjonijiet tal-UE billi jiġi stabbilit korp tal-etika indipendenti tal-UE(2),
– wara li kkunsidra d-diskors tal-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen dwar l-Istat tal-Unjoni 2022 tal-14 ta' Settembru 2022 u l-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni tal-2023,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tas-27 ta' April 2021 dwar il-konklużjoni ta' ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar reġistru obbligatorju ta' trasparenza(3),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tal-20 ta' Mejju 2021 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar Reġistru Obbligatorju ta' Trasparenza(4),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Settembru 2005 li tadotta l-istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew (2005/684/KE, Euratom)(5),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 11 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-Kodiċi ta' Kondotta għall-Membri tal-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-investigazzjonijiet li għaddejjin immexxija mill-awtoritajiet Belġjani kixfu suspetti sostanzjati ta' korruzzjoni, ħasil tal-flus u parteċipazzjoni f'organizzazzjoni kriminali li tinvolvi tliet Membri tal-Parlament Ewropew u ex Membru wieħed, kif ukoll persunal ieħor, b'mod partikolari mill-Marokk u mill-Qatar, kif ukoll minn stati oħra;
B. billi fil-15 ta' Diċembru 2022 il-Parlament Ewropew adotta b'maġġoranza kbira r-riżoluzzjoni tiegħu dwar suspetti ta' korruzzjoni mill-Qatar u l-ħtieġa usa' ta' trasparenza u responsabbiltà fl-istituzzjonijiet Ewropej billi r-riżoluzzjoni appellat biex jiġu adottati għadd ta' miżuri urġenti biex jissaħħu l-integrità, it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet tal-UE;
C. billi l-President tal-Parlament Ewropew ippreżentat abbozz ta' proposti dwar ir-riforma tar-regoli tal-etika tal-Parlament li ġew approvati f'laqgħa tal-Konferenza tal-Presidenti fil-bidu ta' Jannar 2023;
D. billi t-trasparenza u r-responsabbiltà huma prekundizzjoni għall-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tal-UE u billi, għalhekk, il-korruzzjoni tikkostitwixxi attakk serju fuq id-demokrazija Ewropea; billi r-rivelazzjonijiet reċenti wasslu għal interess pubbliku akbar fil-miżuri fis-seħħ biex jiġu garantiti t-trasparenza, l-indipendenza u r-responsabbiltà tal-Membri tal-Parlament Ewropew u fil-miżuri ta' istituzzjonijiet oħra f'dan il-qasam; billi l-fiduċja pubblika fil-Parlament Ewropew ġiet mheżża minn allegazzjonijiet ta' korruzzjoni minn interessi barranin;
E. billi huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-proċessi demokratiċi ma jinħatfux minn interessi privati u esterni u li d-drittijiet taċ-ċittadini jiġu rispettati bis-sħiħ; billi l-istituzzjonijiet tal-UE u l-uffiċjali tagħhom jeħtiġilhom jipproteġu l-integrità tal-prinċipji u l-valuri demokratiċi tal-UE;
F. billi l-mekkaniżmi interni ta' monitoraġġ u ta' twissija tal-istituzzjonijiet tal-UE naqsu b'mod drammatiku milli jindividwaw il-korruzzjoni u l-interferenza li kienu għaddejja; billi s-salvagwardji u l-mekkaniżmi ta' sanzjonijiet eżistenti wrew li mhumiex effettivi biex jiskoraġġixxu l-imġiba kriminali msemmija hawn fuq;
1. Itenni x-xokk u l-kundanna qawwija tiegħu għall-allegazzjonijiet reċenti ta' korruzzjoni fil-konfront ta' Membri attwali u preċedenti tal-Parlament Ewropew u jsostni mill-ġdid il-politika ta' tolleranza żero tiegħu dwar il-korruzzjoni fi kwalunkwe forma u fi kwalunkwe livell; jinsisti li kobor tal-investigazzjonijiet li għaddejjin jirrikjedi li l-Parlament u l-istituzzjonijiet tal-UE jirreaġixxu b'unità inekwivokabbli u b'determinazzjoni soda, b'mod interistituzzjonali u mhux partiġġjan u billi jieħdu miżuri qawwija u immedjati;
2. Jinnota li qatt ma ġiet imposta penali finanzjarja waħda għall-ksur tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-Membri minkejja li mill-inqas 26 każ ta' ksur dokumentat fir-rapporti annwali tal-Kumitat Konsultattiv dwar l-Imġiba tal-Membri; iqis li huwa tal-akbar importanza li jiġi żgurat li r-regoli attwali dwar it-trasparenza u r-responsabbiltà jiġu implimentati bis-sħiħ, inklużi sanzjonijiet finanzjarji għal każijiet ta' ksur tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Membri tal-Parlament Ewropew; jitlob rieżami tal-lista ta' attivitajiet sanzjonabbli għall-Membri sabiex dan jgħin fit-titjib tal-konformità mal-obbligi u r-responsabbiltajiet tagħhom, inkluża reviżjoni tal-Artikolu 176 tar-Regoli ta' Proċedura tal-PE, biex jiġi stabbilit qafas b'saħħtu u viżibbli li jkun infurzabbli u dissważiv;
3. Jinnota li l-liġijiet huma essenzjali biex jiġu miġġielda l-korruzzjoni u l-imġiba kriminali, iżda waħedhom ma jistgħux jipprevjenu mġiba kriminali min-naħa ta' Membri individwali, ex Membri, membri tal-persunal jew uffiċjali individwali tal-Parlament Ewropew jew tal-istituzzjonijiet l-oħra Ewropej; jinsisti fuq il-bżonn li jiġu individwati u magħluqa l-lakuni potenzjali fir-regoli u fil-proċeduri tal-istituzzjonijiet li jaġevolaw imġiba illegali;
4. Jinnota li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE għandhom fis-seħħ mekkaniżmi biex jindirizzaw it-trasparenza u r-responsabbiltà; jenfasizza li dawn il-mekkaniżmi u l-għodda eżistenti jeħtieġ li jkunu rieżaminati u riveduti fejn xieraq, anke bil-ħsieb li tiġi individwata l-vulnerabbiltà għall-indħil barrani;
5. Jinnota li fil-każ tal-Membri u l-ex Membri li jinsabu taħt investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi allegatament intużaw bħala vetturi ta' ndħil barrani fil-parlamentariżmu Ewropew; iħeġġeġ rieżami tar-regoli eżistenti bil-għan li tiżdied it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-NGOs, b'mod partikolari b'rabta mal-governanza, il-baġit, l-influwenza barranija u l-persuni li għandhom kontroll sinifikanti; jissottolinja li l-NGOs li jirċievu flus minn partijiet terzi li r-reġistrazzjoni tagħhom fir-Reġistru ta' Trasparenza mhux meħtieġa jeħtieġ jiddivulgaw is-sorsi ta' finanzjament tagħhom billi jispeċifikaw l-istess informazzjoni bħar-reġistranti regolari kollha; jitlob li jekk din l-informazzjoni ma tiġix iddivulgata, kwalunkwe finanzjament pubbliku tal-UE lill-NGO inkwistjoni għandu jiġi ffriżat minnufih; jitlob skrinjar finanzjarju preventiv komprensiv tal-NGOs qabel ma jiġu elenkati fir-Reġistru ta' Trasparenza tal-UE, il-pubblikazzjoni tal-ftehimiet kuntrattwali bejn il-Kummissjoni u l-NGOs u definizzjoni ċara tal-organizzazzjonijiet nongovernattivi li jistgħu jirreġistraw fir-Reġistru ta' Trasparenza u huma eliġibbli biex jirċievu finanzjament tal-UE;
6. Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-proposti li ressaq biex jissaħħu t-trasparenza, l-integrità u r-responsabbiltà, kif stabbilit fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2022;
7. Jinnota li l-proposti inizjali mmirati lejn it-tisħiħ tal-integrità, l-indipendenza u r-responsabbiltà mressqa mill-President tal-Parlament Ewropew fit-8 ta' Frar 2023 huma l-ewwel pass meħtieġ biex tittieħed azzjoni dwar il-ħtieġa urġenti li l-istituzzjoni tiżgura r-responsabbiltà, it-trasparenza u l-integrità tal-istituzzjonijiet tal-UE; jinnota li l-pjan adottat mill-Konferenza tal-Presidenti jkopri xi miżuri vvutati mill-Parlament f'Diċembru 2022 u ma jeskludix il-kunsiderazzjoni ta' miżuri oħra bħala parti minn proċess ta' riforma usa'; jimpenja ruħu li jkompli bil-miżuri kollha adottati fir-riżoluzzjoni ta' Diċembru u jtenni l-ambizzjoni tiegħu li jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiggarantixxi r-responsabbiltà, it-trasparenza u l-integrità tal-istituzzjonijiet tal-UE; jimpenja ruħu, minn issa 'l quddiem, għal proċess miftuħ u trasparenti sabiex juri lill-pubbliku impenn qawwi favur ir-riforma u jikseb lura l-fiduċja taċ-ċittadini;
8. Jappella għall-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri u t-talbiet kollha adottati fir-riżoluzzjoni ta' Diċembru mingħajr dewmien; jappella biex jittieħdu miżuri addizzjonali u aktar estensivi, b'mod partikolari dwar il-protezzjoni, il-monitoraġġ, ir-rapportar u s-sorveljanza tal-informaturi; jappella sabiex id-deċiżjonijiet u d-deliberazzjonijiet fir-rigward tat-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità jittieħdu bħala parti mil-laqgħat pubbliċi, biex b'hekk jiġu żgurati r-responsabbiltà u s-sorveljanza bħala kwistjoni ta' prinċipju, sakemm kwistjoni leġittima u urġenti ma tkunx tirrikjedi kunfidenzjalità;
9. Jafda lill-Kumitat Speċjali dwar l-Indħil Barrani fil-Proċessi Demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-Diżinformazzjoni, u t-Tisħiħ tal-Integrità, tat-Trasparenza u tar-Responsabbiltà fil-Parlament Ewropew (INGE 2) bil-kompitu li jidentifika difetti potenzjali fir-regoli tal-Parlament u li jagħmel proposti għal riformi, f'konformità mar-Riżoluzzjoni ta' Diċembru, filwaqt li jibni fuq il-ħidma tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u b'kooperazzjoni miegħu, u l-aħjar prattiki f'parlamenti oħra;
10. Itenni, b'mod partikolari, l-appell tiegħu lill-Kummissjoni, li ilu żmien li sar, biex tressaq proposta sabiex jiġi stabbilit korp tal-etika indipendenti u effettiv, malajr kemm jista' jkun, f'konformità mar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-16 ta' Settembru 2021; jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni għadha ma għamlitx tali proposta, minkejja l-inklużjoni tagħha mill-President tal-Kummissjoni fl-ittra ta' missjoni tal-Kummissarju Věra Jourovà fl-2019, u jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-pjan ta' azzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew ma jinkludi l-ebda miżura biex il-proċess ikun aktar rapidu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq il-proposta tagħha biex jiġi stabbilit korp tal-etika indipendenti sa mhux aktar tard minn Marzu 2023, f'konformità mar-riżoluzzjoni tal-Parlament ta' Frar 2022 dwar l-istabbiliment ta' korp tal-etika indipendenti;
11. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-miżuri adottati ma jinkludux proposti għal riforma kredibbli tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-kondotta tal-Membri; jimpenja ruħu li jirriforma l-Kumitat Konsultattiv f'konformità mal-proposta tiegħu għal korp tal-etika indipendenti, sakemm il-korp tal-etika indipendenti tal-UE jkun jista' jassumi r-rwol attwali tal-Kumitat Konsultattiv, u b'hekk ikun jista' jiskrutinizza l-Membri fuq inizjattiva tiegħu stess, jippermetti li jitqajmu lmenti sostanzjati minn kulħadd, jintroduċi kontrolli proattivi tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-Membri u jiżgura sistema aktar effettiva u trasparenti ta' sanzjonijiet aktar stretti kontra l-Membri u l-ex Membri;
12. Jirrakkomanda skrutinju addizzjonali għall-assistenti parlamentari u l-persunal li jaħdem fuq oqsma ta' politika sensittivi, b'mod partikolari fl-affarijiet barranin, is-sigurtà u d-difiża; huwa tal-fehma li l-membri tal-persunal li jaħdmu f'dawn l-oqsma jistgħu jitqiesu bħala persuni politikament esposti skont id-definizzjoni fid-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus; huwa tal-fehma li l-vjaġġi mħallsa minn pajjiżi terzi għandhom ikunu soġġetti għal approvazzjoni minn qabel minn korp iddedikat tal-Parlament;
13. Iqis li hija essenzjali l-introduzzjoni ta' "perjodu ta' preklużjoni" għall-Membri għal perjodu ta' sitt xhur immedjatament wara t-tmiem tal-mandati rispettivi tagħhom u jemmen li l-perjodu għandu jiġi definit billi jitqiesu regoli applikabbli pereżempju għal ex Kummissarji meta jassumu attivitajiet ta' lobbying relatati mal-Parlament Ewropew;
14. Jimpenja ruħu li jiggarantixxi riżorsi adegwati għas-segretarjat tar-Reġistru ta' Trasparenza biex jiżgura li l-informazzjoni marbuta mal-attivitajiet ta' lobbying tal-gruppi ta' interess, tal-lobbies u tal-NGOs tkun tista' tiġi vverifikata għall-preċiżjoni tagħha u li l-lobbying isir aktar trasparenti.
15. Jappella għall-interdizzjoni tal-Membri milli jwettqu attivitajiet paralleli bi ħlas li jistgħu joħolqu kunflitt ta’ interess mal-mandat tagħhom;
16. Jilqa' l-miżuri adottati biex tiżdied it-trasparenza tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji mill-Membri, li jirrikjedu aktar informazzjoni dwar l-impjiegi mal-ġenb u l-attivitajiet esterni tal-Membri, inkluż l-ammont eżatt tal-introjtu li jaqilgħu mal-ġenb u l-klijenti li f'isimhom jaħdmu għall-ħlas; itenni l-appell tiegħu biex jiġu kkunsidrati salvagwardji addizzjonali kontra l-korruzzjoni, bħal dikjarazzjoni tal-assi mill-Membri fil-bidu u fit-tmiem ta' kull mandat;
17. Jappella għall-estenzjoni tal-obbligu li japplika għall-Membri, għall-assistenti parlamentari akkreditati u l-persunal li jkunu qed jaħdmu fuq riżoluzzjonijiet jew rapporti speċifiċi, jew f'sitwazzjonijiet fejn il-Membri jkollhom rwol attiv u ċar u influwenza immedjata fl-evoluzzjoni ta' fajls speċifiċi, li jiddikjaraw il-laqgħat skedati kollha mar-rappreżentanti diplomatiċi ta' pajjiżi terzi u partijiet terzi koperti mill-ambitu tar-Reġistru ta' Trasparenza, ħlief f'każijiet speċifiċi bħal meta l-identifikazzjoni bl-isem ta' individwu jew organizzazzjoni timmina l-protezzjoni tal-ħajja jew l-integrità ta' kwalunkwe individwu, meta raġunijiet konvinċenti oħra ta' interess pubbliku jkunu jeħtieġu l-kunfidenzjalità, għal laqgħat ma' persuni fiżiċi li jaġixxu f'kapaċità strettament personali u mhux f'assoċjazzjoni ma' oħrajn, jew għal laqgħat spontanji jew laqgħat ta' natura purament privata jew soċjali;
18. Jinnota li fir-riżoluzzjoni tiegħu ta' Diċembru, il-Parlament appella għal reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, b'mod partikolari tal-Artikolu 22(c) tagħhom, sabiex dan jiġi allinjat mal-istandards tad-Direttiva dwar l-Informaturi; itenni din it-talba u jappella, barra minn hekk, għar-reviżjoni tar-regoli dwar l-informaturi applikabbli għall-assistenti;
19. Jilqa' l-miżuri adottati fir-rigward tar-rappreżentanti tal-Qatar wara r-rivelazzjonijiet; itenni, madankollu, it-tħassib profond tiegħu dwar l-allegazzjonijiet ta' tixħim mill-awtoritajiet Marokkini u jappella għall-implimentazzjoni tal-istess miżuri għar-rappreżentanti tal-Marokk; itenni l-impenn tiegħu li jiġu investigati u indirizzati bis-sħiħ il-każijiet ta' korruzzjoni li jinvolvu pajjiżi li jfittxu li jakkwistaw l-influwenza fil-Parlament Ewropew;
20. Itenni bl-akbar determinazzjoni li l-Parlament Ewropew għandu jkompli jitkellem kontra l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
21. Jiddeplora l-użu tal-iskandlu tal-korruzzjoni biex titnieda kampanja ta' malafama żgwidata kontra organizzazzjonijiet mhux governattivi u tinxtered miżinformazzjoni dwar in-nuqqas ta' trasparenza tal-finanzjament tagħhom; itenni l-appoġġ sod tiegħu għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jitkellmu favur id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent b'rispett sħiħ tar-regoli dwar it-trasparenza u l-integrità tal-istituzzjonijiet Ewropej;
22. Jemmen li l-qafas etiku eżistenti għall-Kummissarji irid jiġi estiż bil-għan li jingħalqu l-lakuni leġiżlattivi eżistenti bħall-assenza ta' statut tal-Kummissarji; jissottolinja li dan il-proċess huwa marbut mill-qrib mal-iskrutinju u s-sorveljanza parlamentari; huwa tal-fehma, għalhekk, li kwalunkwe statut tal-Kummissarji bħal dan irid jitfassal f'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal statut tal-Kummissarji bħala parti mill-pakkett dwar id-difiża tad-demokrazija Ewropea;
23. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jikkooperaw mal-Parlament biex jaħdmu favur it-twettiq tar-riformi meħtieġa biex jiżguraw il-prevenzjoni u t-tħejjija għat-tisħiħ tat-trasparenza u r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet tal-UE u jiġġieldu kontra l-korruzzjoni;
24. Jappoġġja azzjoni urġenti biex jiġu implimentati l-miżuri kollha diġà approvati mill-Parlament; jistieden lill-Kumitat INGE 2 u lill-korpi l-oħra responsabbli tal-Parlament jirrevedu r-regoli dwar l-etika malajr kemm jista' jkun, u mhux aktar tard mis-sajf, u jappella għal valutazzjoni pubblika tal-progress li jkun sar fi żmien sitt xhur;
25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Bureau tal-Parlament Ewropew.