Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2023/2555(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0144/2023

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 16/02/2023 - 7.7

Testi adottati :

P9_TA(2023)0055

Testi adottati
PDF 129kWORD 46k
Il-Ħamis, 16 ta' Frar 2023 - Strasburgu
It-twaqqif ta' Korp tal-Etika tal-UE indipendenti
P9_TA(2023)0055RC-B9-0144/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2023 dwar it-twaqqif ta' Korp tal-Etika indipendenti tal-UE (2023/2555(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 9, 10, 15(3) u 17(3) tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 298 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen lill-Kunsill tat-18 ta' Marzu 2022 inkluż is-segwitu tal-Kummissjoni għar-riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Settembru 2021 dwar it-tisħiħ tat-trasparenza u l-integrità fl-istituzzjonijiet tal-UE billi jiġi stabbilit korp tal-etika indipendenti tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-ittra ta' missjoni tal-1 ta' Diċembru 2019 mingħand il-President tal-Kummissjoni lil Věra Jourová, il-Viċi President nominata għall-Valuri u t-Trasparenza,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea 2019-2024, ippreżentati fis-16 ta' Lulju 2019 minn Ursula von der Leyen fil-kapaċità tagħha bħala kandidat għal President tal-Kummissjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2022 dwar is-suspetti ta' korruzzjoni mill-Qatar u l-ħtieġa usa' ta' trasparenza u responsabbiltà fl-istituzzjonijiet Ewropej(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2021 dwar it-tisħiħ tat-trasparenza u l-integrità fl-istituzzjonijiet tal-UE billi jiġi stabbilit korp tal-etika indipendenti tal-UE(2),

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta għall-Membri tal-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regoli ta' Proċedura tiegħu, b'mod partikolari l-Artikoli 2, 10, 11 u 176(1), l-Artikoli 1 sa 3, 4(6), 5 u 6 tal-Anness I, u l-Anness II,

–  wara li kkunsidra r-Regolament Nru 31 (KEE), 11 (KEEA), li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-President tal-Kummissjoni impenjat ruħha li tistabbilixxi korp tal-etika fil-linji gwida politiċi tagħha f'Lulju 2019; billi l-Viċi President tal-Kummissjoni għall-Valuri u t-Trasparenza ħadet l-istess impenn fl-ittra ta' missjoni tagħha; billi l-Parlament diġà esprima l-appoġġ tiegħu għal korp bħal dan; billi l-Kummissjoni madankollu għadha ma ressqitx proposta għal ftehim interistituzzjonali bil-ħsieb li jiġi stabbilit korp tal-etika indipendenti;

B.  billi r-rivelazzjonijiet reċenti dwar korruzzjoni ġustament żiedu l-iskrutinju pubbliku u politiku tal-istandards u l-prattiki attwali fi ħdan il-Parlament u istituzzjonijiet oħra; billi l-indipendenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet pubbliċi u r-rappreżentanti eletti tagħhom, il-Kummissarji u l-uffiċjali huma tal-ikbar importanza għat-trawwim tal-fiduċja taċ-ċittadini, li hija meħtieġa biex l-istituzzjonijiet demokratiċi jiffunzjonaw b'mod leġittimu;

C.  billi diġà jeżistu standards tal-etika fi ħdan l-istituzzjonijiet, iżda dawn huma frammentati ħafna u jiddependu għalkollox fuq approċċ ta' awtoregolamentazzjoni; billi l-ħolqien ta' korp tal-etika indipendenti jista' jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-UE u l-leġittimità demokratika tagħhom;

D.  billi d-duttrina Meroni żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tippermetti d-delega tal-kompetenzi tal-istituzzjonijiet tal-UE lil korpi esterni, inklużi kompetenzi li għadhom mhumiex eżerċitati;

1.  Itenni x-xokk profond u l-kundanna tiegħu fir-rigward tal-atti ta' korruzzjoni allegati fil-Parlament Ewropew u jiddikjara l-politika ta' tolleranza żero tiegħu għall-korruzzjoni fi kwalunkwe sura jew forma;

2.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-istabbiliment ta' korp tal-etika indipendenti, kif deskritt fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2021, sabiex terġa' tinkiseb il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tal-UE;

3.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta, sal-aħħar ta' Marzu 2023, il-proposta tagħha għat-twaqqif ta' korp tal-etika indipendenti għall-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni li jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-UE, u tiffinalizza n-negozjati dwar l-istruttura, il-governanza, l-isem, il-kompożizzjoni u s-setgħat tal-korp, u dwar kwalunkwe kwistjoni oħra li tista' tinqala', qabel il-vaganzi tas-sajf;

4.  Jinsisti li jeħtieġ li ssir distinzjoni ċara bejn atti kriminali, ksur tar-regoli istituzzjonali u mġiba mhux etika; ifakkar li l-Korp tal-Etika indipendenti għandu jaħdem biex jistabbilixxi definizzjoni komuni ta' kunflitt ta' interess għall-istituzzjonijiet tal-UE abbażi tal-ogħla standards;

5.  Iqis li l-korp tal-etika l-ġdid tal-UE għandu jiġi ddelegat lista ta' kompiti maqbula biex jipproponi u jagħti pariri dwar każijiet u regoli għall-Kummissarji, il-Membri tal-Parlament Ewropew u l-persunal tal-istituzzjonijiet parteċipanti qabel, matul u f'xi każijiet wara l-mandat jew is-servizz tagħhom f'konformità mar-regoli applikabbli; iqis li, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti tal-istandards tal-etika u l-prevedibbiltà, il-pariri għandhom ikunu vinkolanti għall-korp tal-etika indipendenti tal-UE fil-pożizzjoni tiegħu dwar l-istess kwistjoni;

6.  Ifakkar f'li l-korp għandu jkollu d-dritt li jibda investigazzjoni u li jwettaq investigazzjonijiet fuq il-post u investigazzjonijiet ibbażati fuq ir-records billi juża l-informazzjoni li jkun ġabar jew irċieva minn partijiet terzi; ifakkar f'li l-korp għandu wkoll ikollu l-possibbiltà li jivverifika l-veraċità tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji u l-assi;

7.  Jenfasizza li fil-każ Qatargate, l-NGOs allegatament intużaw bħala vetturi ta' ndħil barrani fid-demokrazija Ewropea; iħeġġeġ rieżami tar-regolamenti eżistenti bl-għan li jiżdiedu t-trasparenza u r-responsabbiltà tar-rappreżentanti ta' grupp ta' interess fl-interazzjonijiet tagħhom mal-Membri;

8.  Ifakkar il-fatt li l-proposta tiegħu tipprevedi korp magħmul minn disa' esperti tal-etika;

9.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-korp jipproteġi lill-informaturi, b'mod partikolari l-uffiċjali pubbliċi Ewropej, sabiex ikunu jistgħu jesprimu t-tħassib tagħhom dwar ksur possibbli tar-regoli mingħajr il-biża' ta' ritaljazzjoni; jirrakkomanda reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, b'mod speċjali l-Artikolu 22c tagħhom, sabiex jiġu allinjati mal-istandards tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tal-Informaturi(4); itenni t-talbiet tiegħu lill-Bureau biex sadanittant jirrevedi immedjatament ir-Regoli Interni tal-Parlament li jimplimentaw l-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal, bil-għan li jallinjahom mas-salvagwardji mogħtija fid-Direttiva dwar il-Protezzjoni tal-Informaturi;

10.  Jirrakkomanda li l-Korp tal-Etika indipendenti għandu jkollu l-possibbiltà li jinvolvi ruħu f'kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni mal-korpi rilevanti tal-UE bħall-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, l-Ombudsman Ewropew u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri, fi ħdan il-mandati rispettivi tagħhom;

11.  Jirrakkomanda li jiġu adottati perjodi ta' preklużjoni armonizzati u adegwati mill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u t-tisħiħ tal-infurzar tagħhom; jirrikonoxxi li l-fenomenu ta' "revolving doors" japplika wkoll għall-NGOs, u jħeġġeġ analiżi ulterjuri tal-kunflitti ta' interess f'dan ir-rigward; jitlob, sabiex jiġu limitati l-kunflitt ta' interess potenzjali, li ma jkunx permess li Membri tal-Parlament Ewropew jwettqu xogħlijiet jew attivitajiet imħallsa f'isem organizzazzjonijiet jew individwi koperti mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Reġistru tat-Trasparenza;

12.  Jissuġġerixxi t-tisħiħ u l-użu komplut tal-proċeduri ta' sanzjoni fil-Parlament Ewropew mingħajr dewmien, filwaqt li jsir ix-xogħol meħtieġ biex jiġi stabbilit korp tal-etika indipendenti; jindika f'dan ir-rigward l-osservazzjonijiet reċenti li għamlet l-Ombudsman Ewropew rigward il-Kumitat Konsultattiv tal-Parlament; jissottolinja li hi tissuġġerixxi li tiġi msaħħa l-indipendenza tiegħu filwaqt li jingħata setgħat biex b'mod proattiv jimmonitorja, jinvestiga u jiżgura l-konformità mar-regoli tal-etika, b'mod partikolari l-Kodiċi ta' Kondotta tal-Parlament, u li jingħata biżżejjed riżorsi;

13.  Jimpenja ruħu li jaħdem malajr kemm jista' jkun f'konformità mal-prinċipju ta' kooperazzjoni leali sabiex in-negozjati jiġu ffinalizzati sas-sajf; jistieden lill-Konferenza tal-Presidenti tiegħu taħtar in-negozjaturi tagħha u tibgħat ittra biex tiftaħ in-negozjati mal-Kummissjoni u ma' istituzzjonijiet, aġenziji u korpi oħra li huma lesti li jissieħbu;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P9_TA(2022)0448.
(2) ĠU C 117, 11.3.2022, p. 159.
(3) ĠU P 045, 14.6.1962, p. 1385.
(4) Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni, ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17.

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Mejju 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza