Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2023/2558(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0126/2023

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 16/02/2023 - 7.8
CRE 16/02/2023 - 7.8

Testi adottati :

P9_TA(2023)0056

Testi adottati
PDF 155kWORD 54k
Il-Ħamis, 16 ta' Frar 2023 - Strasburgu
Sena wara l-invażjoni u l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna
P9_TA(2023)0056RC-B9-0126/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2023 dwar sena wara l-invażjoni u l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna (2023/2558(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukrajna u dwar ir-Russja, b'mod partikolari mindu seħħet l-eskalazzjoni tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna fi Frar 2022,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra(1), u ż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna, iffirmat fl-2014,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-NU, il-Konvenzjonijiet ta' The Hague, il-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-protokolli addizzjonali tagħhom, u l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-applikazzjoni tal-Ukrajna għas-sħubija fl-UE tat-28 ta' Frar 2022, u l-għoti sussegwenti ta' status ta' kandidat mill-Kunsill Ewropew fit-23 ta' Ġunju 2022, abbażi ta' valutazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni u f'konformità mal-fehmiet espressi mill-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta wara l-24 Summit bejn l-UE u l-Ukrajna tat-3 ta' Frar 2023,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-9 ta' Frar 2023,

–  wara li kkunsidra d-diskors tal-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy waqt iż-żjara tiegħu fil-Parlament nhar id-9 ta' Frar 2023,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-Russja ilha twettaq gwerra ta' aggressjoni illegali, mhux ipprovokata u mhux iġġustifikata kontra l-Ukrajna mill-24 ta' Frar 2022; billi din il-gwerra ta' aggressjoni tikkostitwixxi ksur sfaċċat u flagranti tal-Karta tan-NU u tal-prinċipji fundamentali tal-liġi internazzjonali; billi l-Ukrajna ġarrbet aggressjonijiet Russi minn mindu faqqgħu l-protesti, f'Novembru 2013, kontra d-deċiżjoni tal-President ta' dak iż-żmien li jissospendi l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna; billi l-aġir tar-Russja fl-Ukrajna matul is-sena li għaddiet għadu jhedded il-paċi u s-sigurtà fl-Ewropa u madwar id-dinja;

B.  billi l-forzi tar-Russja wettqu attakki indiskriminati kontra żoni residenzjali u infrastruttura ċivili; billi eluf ta' ċivili, inklużi mijiet ta' tfal, diġà nqatlu u ħafna aktar sfaw ittorturati, iffastidjati, attakkati sesswalment, maħtufa jew spostati b'mod furzat; billi din l-imġiba inumana mill-forzi Russi u mill-proxies tagħhom turi diżrispett totali lejn il-liġi umanitarja internazzjonali; billi fit-30 ta' Settembru 2022, ir-Russja ddikjarat unilateralment l-annessjoni tagħha tal-oblasts Ukreni parzjalment okkupati mir-Russja ta' Donetsk, Kherson, Luhansk u Zaporizhzhia, apparti l-annessjoni preċedenti tagħha tal-peniżola tal-Krimea; billi t-tentattiv tar-Russja li twettaq tindif etniku f'partijiet okkupati tal-Ukrajna inkluda atroċitajiet tal-massa; billi r-Russja għandha l-għan li teqred l-identità nazzjonali tal-Ukrajna u tħassar il-kultura Ukrena u l-eżistenza ta' stat Ukren;

C.  billi miljuni ta' Ukreni ġew spostati ġewwa u barra l-Ukrajna, wara li ħarbu mill-aggressjoni tar-Russja; billi l-aggressjoni kontinwa tar-Russja kontra l-Ukrajna se tkompli ġġiegħel lill-persuni jaħarbu minn djarhom; billi d-delitti tal-gwerra tar-Russja se jħallu ġenerazzjoni ta' tfal Ukreni trawmatizzati u miljuni ta' ċivili u persunal militari Ukreni li jeħtieġu trattament għal dannu mentali, dipressjoni, ansjetà u disturb minn stress postrawmatiku;

D.  billi l-liberazzjoni tat-territorji Ukreni wasslet għall-iskoperta ta' evidenza kbira ħafna ta' ksur strutturali u mifrux tad-drittijiet tal-bniedem u delitti tal-gwerra mwettqa mill-forzi Russi u l-proxies tagħhom, bħal eżekuzzjonijiet sommarji u dfin f'oqbra tal-massa, stupru u forom oħra ta' vjolenza sesswali, tortura, l-użu ta' ċivili bħala tarki umani, l-ispostament furzat ta' ċivili (inklużi tfal) lejn ir-Russja, il-qerda tal-ekosistemi, l-użu ta' armi splussivi b'effetti fuq firxa wiesgħa, inklużi munizzjonijiet dispersivi illegali f'żoni b'popolazzjoni densa, u l-qerda mmirata ta' infrastruttura ċivili, inklużi sptarijiet, djar u skejjel;

E.  billi n-nisa u l-bniet huma partikolarment f'riskju matul kriżijiet umanitarji u ta' spostament, peress li jkomplu jkunu b'mod sproporzjonat vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru;

F.  billi l-imblokk Russu tal-esportazzjonijiet taċ-ċereali tal-Ukrajna matul l-aħħar sena ħoloq ir-riskju ta' karestija għal ħafna miljuni ta' persuni ġewwa u barra l-Ukrajna, u b'hekk ifakkarna fil-Holodomor;

G.  billi l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja turi l-attitudni kolonjali tagħha lejn il-ġirien tagħha; billi sakemm ir-Russja tibqa' stat imperjali, se tkompli bl-isforzi tagħha biex tkompli tkun theddida dejjem imminenti ta' aggressjoni fil-kontinent Ewropew; billi bosta atturi internazzjonali rrikonoxxew lir-Russja bħala sponsor statali tat-terroriżmu u stat li juża mezzi ta' terroriżmu, u issa dan għandu jiġi segwit b'miżuri konkreti;

H.  billi l-Ukrajna issa hija kandidat rikonoxxut għal sħubija fl-Unjoni Ewropea u rċeviet appoġġ enormi fl-oqsma kollha mill-UE, inkluż appoġġ militari mingħajr preċedent; billi minn Frar 2022, l-assistenza globali mwiegħda lill-Ukrajna mill-UE, l-Istati Membri tagħha u l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej tammonta għal mill-inqas EUR 67 biljun, inkluża l-assistenza militari;

I.  billi minkejja l-aggressjoni Russa u s-sitwazzjoni soċjoekonomika prekarja, il-Gvern tal-Ukrajna rnexxielu jikseb xi suċċessi fir-riformi kontinwi tiegħu ta' deċentralizzazzjoni u demokratizzazzjoni;

J.  billi l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja hija l-akbar kunflitt militari fil-kontinent Ewropew minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija u tirrifletti l-kunflitt dejjem jikber bejn l-awtoritarjaniżmu u d-demokrazija;

1.  Itenni s-solidarjetà soda tiegħu mal-poplu u l-mexxejja tal-Ukrajna u l-appoġġ tiegħu għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment;

2.  Itenni l-kundanna l-aktar qawwija tiegħu tal-gwerra ta' aggressjoni illegali, mhux ipprovokata u mhux iġġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna, kif ukoll tal-involviment tar-reġim fil-Belarussja; jitlob li r-Russja u l-forzi proxy tagħha jwaqqfu l-azzjonijiet militari kollha, b'mod partikolari l-attakki tagħhom kontra ż-żoni residenzjali u l-infrastruttura ċivili, u jitlob li r-Russja tirtira l-forzi militari, l-proxies u t-tagħmir militari kollha mit-territorju kollu tal-Ukrajna rikonoxxut fuq livell internazzjonali, li ttemm id-deportazzjonijiet furzati taċ-ċivili Ukreni u teħles lill-Ukreni detenuti;

3.  Ifaħħar lill-poplu kuraġġuż tal-Ukrajna, rebbieħ leġittimu tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb 2023, li qed jiddefendi b'kuraġġ lil pajjiżu, u lis-sovranità, lill-indipendenza u lill-integrità territorjali tiegħu, filwaqt li jiddefendi wkoll il-libertà, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-valuri Ewropej kontra reġim brutali li qed ifittex li jimmina d-demokrazija tagħna u jdgħajjef u jifred lill-Unjoni tagħna;

4.  Jesprimi l-kondoljanzi profondi tiegħu lill-familji u lill-maħbubin tad-difensuri kuraġġużi li ssagrifikaw ħajjithom fid-difiża tal-Ukrajna, tal-poplu, tal-libertà u tad-demokrazija tagħha; jitlob appoġġ kontinwu u akbar mill-UE u l-Istati Membri tagħha għat-trattament u r-riabilitazzjoni tad-difensuri midruba tal-Ukrajna;

5.  Jiddikjara d-determinazzjoni tiegħu li jikkontribwixxi għaż-żamma tal-ispirtu ta' reżiljenza u fiduċja tal-poplu Ukren f'futur aħjar li fih il-paċi tirrenja fl-Ukrajna u fl-Ewropa, fejn l-ebda parti mit-territorju Ukren ma jkun taħt okkupazzjoni Russa u fejn iċ-ċittadini Ukreni jew ċittadini oħra ma jħossuhomx mhedda jew taħt attakk minħabba x-xewqa tagħhom li jgħixu fil-paċi, is-sigurtà u l-prosperità u b'rispett għall-valuri u l-prinċipji Ewropej;

6.  Ifaħħar is-solidarjetà li wrew iċ-ċittadini tal-UE, is-soċjetà ċivili, l-Istati Membri u l-UE nnifisha lejn l-Ukrajna u l-poplu tagħha; jappoġġa l-estensjoni kontinwa tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja(2) għal persuni li qed jaħarbu mill-Ukrajna bħala konsegwenza tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna;

7.  Jemmen li l-eżitu tal-gwerra u l-pożizzjoni meħuda mill-komunità internazzjonali se jkollhom rwol kruċjali fl-azzjoni futura minn reġimi awtoritarji oħra, li qed josservaw mill-qrib l-andament tal-gwerra;

8.  Jissottolinja li l-objettiv ewlieni għall-Ukrajna huwa li tirbaħ il-gwerra kontra r-Russja, mifhuma bħala l-kapaċità tagħha li tkeċċi lill-forzi kollha Russi, lill-proxies u lill-alleati tagħha barra mit-territorju rikonoxxut internazzjonalment tal-Ukrajna; iqis li dan l-objettiv jista' jintlaħaq biss permezz tal-provvista kontinwa, sostnuta u li qed tiżdied b'mod kostanti tat-tipi kollha ta' armi lill-Ukrajna, mingħajr eċċezzjoni;

9.  Jitlob li r-Russja tieqaf tikser jew thedded b'mod permanenti s-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Ukrajna u ta' pajjiżi ġirien oħra; jisħaq li l-aggressjoni Russa mhijiex limitata għall-Ukrajna, peress li għandha impatt detrimentali fuq is-sigurtà u l-ekonomija għall-pajjiżi kollha tas-Sħubija tal-Lvant tal-UE, b'mod partikolari r-Repubblika tal-Moldova, li kontinwament qed tiffaċċja rikatt politiku Russu, theddid għas-sigurtà u provokazzjonijiet immirati biex jiddestabbilizzaw il-gvern u jimminaw id-demokrazija u li jheddu li jxekklu t-triq Ewropea tal-pajjiż; jieħu nota tad-dikjarazzjoni reċenti tal-President tar-Repubblika tal-Moldova Maia Sandu dwar ir-riskju ta' kolp ta' stat fil-pajjiż; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jappoġġaw lir-Repubblika tal-Moldova, peress li l-vulnerabbiltajiet tagħha jistgħu jdgħajfu r-reżiljenza tal-Ukrajna u jaffettwaw is-sigurtà tal-Ewropa; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu s-solidarjetà u l-kooperazzjoni fil-qafas tal-Inizjattiva tas-Sħubija tal-Lvant tal-UE, billi jużaw ir-riżorsi kollha meħtieġa biex jirrispondu b'mod adegwat għat-theddid emerġenti u jiżguraw l-istabbiltà u l-prosperità tar-reġjun;

10.  Jissottolinja li l-President Putin, mexxejja Russi oħra u l-alleati Belarussi tagħhom li ppjanaw u taw l-ordnijiet rilevanti biex tinbeda din il-gwerra ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna jridu jinżammu responsabbli għad-delitt ta' aggressjoni li wettqu; jinsisti wkoll li dawk il-kompliċi li qed jgħinu lir-reġim Russu jridu wkoll jinżammu responsabbli għar-rwol tagħhom fil-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja;

11.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u lill-Istati Membri biex jappoġġaw ir-responsabbiltà għad-delitti mwettqa matul il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, speċjalment id-delitt ta' aggressjoni, id-delitti tal-gwerra, id-delitti kontra l-umanità u l-allegat ġenoċidju; itenni, għalhekk, l-appell tiegħu lill-Kummissjoni, lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri biex jaħdmu flimkien mal-Ukrajna u mal-komunità internazzjonali dwar il-ħolqien ta' tribunal speċjali għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reat ta' aggressjoni mwettaq kontra l-Ukrajna mill-mexxejja tar-Russja u l-alleati tagħhom;

12.  Jistieden lill-VP/RGħ, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri u lis-servizzi diplomatiċi tagħhom ikomplu jaħdmu kemm jista' jkun mill-qrib u b'mod intensiv mas-sħab internazzjonali biex tiżdied l-għaqda tal-komunità internazzjonali fil-kundanna u l-ġlieda kontra l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja u fl-istabbiliment ta' responsabbiltà għad-delitti tal-gwerra, id-delitti kontra l-umanità u d-delitt ta' aggressjoni; itenni s-sostenn sħiħ tiegħu għall-ħidma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali fl-għajnuna tagħha biex tintemm l-impunità għall-awturi tal-aktar delitti serji ta' tħassib għall-komunità internazzjonali;

13.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli, l-użu tal-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru bħala arma tal-gwerra u jisħaq li dan jikkostitwixxi delitt tal-gwerra; jitlob li l-UE u l-pajjiżi ospitanti tan-nisa u l-bniet li ħarbu mill-Ukrajna jiggarantixxu l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, b'mod partikolari l-kontraċezzjoni ta' emerġenza, inkluż għas-superstiti tal-istupru, u jappoġġaw il-forniment ta' dawn is-servizzi fl-Ukrajna;

14.  Jissottolinja l-ħtieġa kontinwa li tiġi pprovduta għajnuna umanitarja lill-Ukrajna, kif ukoll li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-miljuni ta' persuni spostati mill-Ukrajna u fi ħdanha, b'mod partikolari dawk li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli; itenni li r-rilokazzjoni u d-deportazzjoni furzati kontinwi tat-tfal Ukreni, inklużi dawk minn istituzzjonijiet, lejn ir-Russja u l-adozzjoni furzata tagħhom mill-familji Russi jiksru l-liġi Ukrena u internazzjonali; jissottolinja li t-trasferiment furzat tat-tfal ta' grupp għal grupp ieħor jikkostitwixxi d-delitt ta' ġenoċidju, skont l-Artikolu II tal-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju; jistieden lill-komunità internazzjonali, f'dan ir-rigward, tappoġġa l-isforzi tal-awtoritajiet Ukreni biex jiġbru, jiddokumentaw u jippreservaw l-evidenza tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq matul il-gwerra Russa kontra l-Ukrajna;

15.  Jilqa' u japprova bis-sħiħ id-dikjarazzjoni tal-President Zelenskyy fid-diskors tiegħu lill-Parlament Ewropew li "Din hija l-Ewropa tagħna. Dawn huma r-regoli tagħna. Dan huwa l-istil ta' ħajja tagħna. U għall-Ukrajna, hija triq kif naslu lura d-dar"; jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu għas-sħubija tal-Ukrajna fl-Unjoni Ewropea; itenni t-talba tiegħu għal interazzjoni innovattiva, komplementari u flessibbli bejn il-ħidma li għaddejja bħalissa fuq l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni fis-seħħ u l-proċess ta' negozjati tal-adeżjoni, u b'hekk l-Ukrajna tkun tista' tiġi integrata b'mod gradwali fis-suq uniku tal-UE u fil-programmi settorjali, inkluż l-aċċess għall-fondi tal-UE fl-oqsma rispettivi, ħalli ċ-ċittadini Ukreni jkunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji tal-adeżjoni tul il-proċess kollu u mhux biss mat-tlestija tiegħu;

16.  Jissottolinja li l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja biddlet is-sitwazzjoni ġeopolitika fl-Ewropa b'mod fundamentali, u b'hekk jeħtieġ li jittieħdu deċiżjonijiet politiċi, tas-sigurtà u finanzjarji ambizzjużi, kuraġġużi u komprensivi mill-UE; itenni, f'dan il-kuntest, l-appoġġ tiegħu għad-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jagħti status ta' kandidat tal-UE lill-Ukrajna; jistieden lill-Ukrajna, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jaħdmu biex jibdew in-negozjati tal-adeżjoni din is-sena; jemmen li s-sħubija tal-Ukrajna fl-UE tirrappreżenta investiment ġeostrateġiku f'Ewropa magħquda u b'saħħitha u li dan ifisser li turi tmexxija, determinazzjoni u viżjoni;

17.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jagħti lill-Ukrajna l-istatus ta' pajjiż kandidat għall-adeżjoni mal-UE; jissottolinja li l-adeżjoni mal-UE trid isseħħ f'konformità mal-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, abbażi tar-rispett għall-proċeduri rilevanti u bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfati l-kriterji stabbiliti, b'mod partikolari l-hekk imsejħa kriterji ta' Copenhagen għas-sħubija fl-UE, u tibqa' proċess ibbażat fuq il-mertu li jirrikjedi l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi rilevanti, b'mod partikolari fl-oqsma tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, ekonomija tas-suq u l-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE; jistieden lill-Gvern tal-Ukrajna jkompli jsaħħaħ l-awtonomija lokali, riforma li ngħatat appoġġ nazzjonali u internazzjonali sinifikanti, u jintegra s-suċċess tar-riforma ta' deċentralizzazzjoni fl-arkitettura ġenerali tal-proċessi ta' tiswija, irkupru u rikostruzzjoni tal-Ukrajna;

18.  Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-għoti ta' għajnuna militari lill-Ukrajna sakemm ikun meħtieġ; jirrikonoxxi l-isforzi li saru mill-Istati Membri fl-għoti, u mill-VP/RGħ fil-koordinazzjoni, tal-appoġġ militari biex l-Ukrajna tkun tista' teżerċita d-dritt leġittimu tagħha li tiddefendi lilha nnifisha kontra l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja; itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex madankollu jżidu u jaċċelleraw b'mod sostanzjali l-appoġġ militari tagħhom bil-ħsieb li mhux biss jippermettu lill-Ukrajna tiddefendi ruħha kontra l-attakki Russi, iżda wkoll li jippermettulha terġa' tikseb kontroll sħiħ fuq it-territorju kollu tagħha rikonoxxut internazzjonalment; jistieden lill-Istati Membri, lill-Istati Uniti, lir-Renju Unit u lill-Kanada jwettqu malajr il-wegħda tagħhom li jipprovdu lill-Ukrajna b'tankijiet tal-gwerra moderni; jissottolinja l-importanza li jinżammu koordinazzjoni u għaqda mill-qrib fost l-alleati tal-Ukrajna dwar l-analiżi ta' talbiet kritiċi mill-awtoritajiet Ukreni għal armi tqal u sistemi avvanzati ta' difiża tal-ajru; jitlob li tingħata kunsiderazzjoni serja biex l-Ukrajna tiġi pprovduta b'inġenji tal-ajru tal-ġlied, ħelikopters u sistemi ta' missili xierqa tal-Punent u biex jiżdiedu b'mod sostanzjali l-konsenji ta' munizzjon;

19.  Jistieden lill-Kunsill iżomm il-politika ta' sanzjonijiet tiegħu kontra r-Russja u l-Belarussja, filwaqt li jimmonitorja, jirrevedi u jsaħħaħ l-effikaċja u l-impatt tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni rapida u l-infurzar strett tas-sanzjonijiet eżistenti kollha; jistieden lill-Kunsill jadotta l-10 pakkett ta' sanzjonijiet tiegħu sal-aħħar ta' Frar 2023, iwessa' b'mod sostanzjali l-kamp ta' applikazzjoni tas-sanzjonijiet, b'mod partikolari dawk dwar l-ekonomija u s-settur tal-enerġija billi jipprojbixxi l-importazzjonijiet ta' fjuwils fossili, uranju u djamanti Russi, u dawk kontra persuni u entitajiet, u jissanzjona lill-persuni kollha assoċjati mal-hekk imsejjaħ Grupp Wagner u gruppi armati, milizzji u proxies oħra ffinanzjati mir-Russja, inklużi dawk attivi fit-territorji okkupati tal-Ukrajna; u biex il-pipelines Nord Stream 1 u 2 jiġu abbandunati kompletament sabiex il-magna tal-gwerra ta' Putin ma tibqax tiġi ffinanzjata bi flus l-UE; jistieden lill-Istati Membri kollha jibqgħu magħqudin fir-rispons tagħhom għall-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u jistieden lill-pajjiżi kandidati u lill-pajjiżi kandidati potenzjali kollha għal sħubija fl-UE jallinjaw ruħhom mal-politika ta' sanzjonijiet tal-UE;

20.  Jitlob lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt dwar l-effikaċja tas-sanzjonijiet fuq l-isforz tal-gwerra Russu u fuq iċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet; ifakkar li l-ksur ta' miżuri restrittivi ġie miżjud mal-lista tal-UE ta' reati kriminali;

21.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jieħdu azzjoni ulterjuri biex ikomplu l-iżolament internazzjonali tal-Federazzjoni Russa, inkluż fir-rigward tas-sħubija tar-Russja f'organizzazzjonijiet u korpi internazzjonali bħall-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti;

22.  Jinsab imħasseb ħafna dwar rapporti li diversi pajjiżi terzi qed jikkollaboraw mar-Russja biex jgħinuha tevita s-sanzjonijiet, inklużi rapporti li l-Iran u l-Korea ta' Fuq kienu kontinwament qegħdin ifornu tagħmir militari lir-Russja u li kumpaniji pubbliċi Ċiniżi tas-settur tad-difiża qed jittrasportaw tagħmir b'użu doppju, tagħmir tan-navigazzjoni, partijiet tat-teknoloġija tal-imblukkar u tal-inġenji tal-ajru tal-ġlied lir-Russja u rapporti ta' attivitajiet ta' "shadow tanker", u jitlob lill-Kummissjoni tiggarantixxi li l-ebda importazzjoni tal-gass minn pajjiżi terzi, bħall-Ażerbajġan, ma tista' tkun qed taħbi l-gass Russu taħt sanzjonijiet Ewropej; jitlob li l-UE, l-Istati Membri u l-alleati tagħhom isaħħu l-effikaċja tas-sanzjonijiet diġà imposti, jieħdu passi urġenti biex jimblukkaw kwalunkwe tentattiv biex jevitaw dawn is-sanzjonijiet u jaħdmu fuq mekkaniżmu ta' sanzjonijiet sekondarji li jagħlaq kwalunkwe lakuna; jikkundanna lil dawk il-pajjiżi li qed jgħinu lir-Russja tevita l-effetti tas-sanzjonijiet imposti u jitlob lill-UE biex b'mod rigoruż tressaq quddiem il-ġustizzja kumpaniji, assoċjazzjonijiet u individwi li jipparteċipaw fl-evitar tas-sanzjonijiet;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-koleġiżlaturi jikkompletaw ir-reġim legali li jippermetti l-konfiska tal-assi Russi ffriżati mill-UE u l-użu tagħhom biex jiġu indirizzati d-diversi konsegwenzi tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, inklużi r-rikostruzzjoni tal-pajjiż u l-kumpens għall-vittmi tal-aggressjoni tar-Russja; jissottolinja l-konvinzjoni tiegħu li ladarba tintemm il-gwerra, ir-Russja trid tkun obbligata tħallas ir-reparazzjonijiet imposti fuqha biex tiżgura li tagħti kontribut sostanzjali għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna;

24.  Itenni l-kundanna tiegħu tad-deċiżjoni reċenti tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (KOI) li jippermetti lill-atleti Russi u Belarussi jikkompetu fil-kwalifiki għall-Olimpjadi ta' Pariġi tal-2024 taħt bandiera newtrali, li jmur kontra l-iżolament multidimensjonali ta' dawk il-pajjiżi u li se jintuża miż-żewġ reġimi għal finijiet ta' propaganda; jistieden lill-Istati Membri u lill-komunità internazzjonali jeżerċitaw pressjoni fuq il-KOI biex jerġa' lura minn din id-deċiżjoni, li tħammar wiċċ id-dinja internazzjonali tal-isport, u biex jadottaw pożizzjoni simili fuq kwalunkwe avveniment sportiv, kulturali jew xjentifiku ieħor;

25.  Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġaw b'mod attiv l-isforzi diplomatiċi li saru mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA), li pproponiet l-istabbiliment ta' żona ta' protezzjoni tas-sikurezza u s-sigurtà nukleari madwar l-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta' Zaporizhzhia tal-Ukrajna; jisħaq fuq l-importanza li tiġi ppreservata l-integrità tal-infrastruttura u li jiġi żgurat aċċess faċli għas-siti nukleari għall-missjoni tal-IAEA; jitlob lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri tal-UE jipprojbixxu lil Rosatom mill-investimenti kontinwi fl-infrastruttura kritika fl-UE u biex jitwaqqfu l-attivitajiet kollha tagħha fl-UE;

26.  Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jestendu l-opportunitajiet għar-rappreżentanti eletti u l-uffiċjali Ukreni biex jistudjaw u josservaw il-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE; jitlob li jiġu varati proċeduri biex tiġi stabbilita l-Akkademja tas-Sħubija tal-Lvant għall-Amministrazzjoni Pubblika;

27.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu b'mod strateġiku u proattiv biex jiġġieldu t-theddid ibridu u jipprevjenu l-indħil tar-Russja fil-proċess politiku, f'dak elettorali u fi proċessi demokratiċi oħra fl-Ukrajna u fl-UE, b'mod partikolari l-atti malizzjużi li jkollhom l-għan li jimmanipulaw l-opinjoni pubblika u jdgħajfu l-integrazzjoni Ewropea; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu r-reżiljenza kontra d-diżinformazzjoni u l-kampanji fixkiela mfassla biex idgħajfu l-proċessi demokratiċi u joħolqu diviżjonijiet fl-Ukrajna u fl-UE u biex inaqqsu d-distakk billi jiżguraw li l-kumpaniji tax-xandir u l-istazzjonijiet tat-televiżjoni Ewropej ma jipprovdux servizzi lil xi stazzjonijiet televiżivi Russi sanzjonati u lanqas ma jikkontribwixxu għat-tixrid ta' kontenut ta' diżinformazzjoni Russu;

28.  Jistieden lill-Assemblea Ġenerali tan-NU żżomm il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq l-aġenda tagħha u jistieden lis-sħab tal-UE madwar id-dinja jkomplu jipprovdu appoġġ politiku u umanitarju lill-Ukrajna peress li tiddefendi l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tagħha; jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jżidu l-involviment tagħhom ma' mexxejja dinjija minn reġjuni oħra fir-rigward tal-appoġġ għall-Ukrajna u jsaħħu l-pressjoni internazzjonali fuq ir-reġim Russu;

29.  Jesprimi l-gratitudni tiegħu lejn il-pajjiżi li wrew għaqda, solidarjetà u appoġġ bla preċedent għall-Ukrajna sa mill-ewwel sigħat tal-gwerra u li għadhom jagħmlu dan;

30.  Jesprimi s-solidarjetà u l-appoġġ tiegħu għan-nies kuraġġużi fir-Russja u fil-Belarussja li qed jipprotestaw kontra l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; jitlob b'insistenza li l-Istati Membri tal-UE jipproteġu u jagħtu ażil lir-Russi u lill-Belarussi li qed jiġu ppersegwitati talli tkellmu kontra l-gwerra jew talli pprotestaw kontriha, kif ukoll lid-diżerturi Russi u Belarussi u lil dawk li joġġezzjonaw minħabba raġunijiet ta' kuxjenza;

31.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Verkhovna Rada tal-Ukrajna, kif ukoll lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, u lill-awtoritajiet Russi u Belarussi.

(1) ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3.
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta' Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta' influss bil-massa ta' persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta' dawn (ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12).

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Mejju 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza