Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2022/2037(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0022/2023

Testi mressqa :

A9-0022/2023

Dibattiti :

PV 15/02/2023 - 15
CRE 15/02/2023 - 15

Votazzjonijiet :

PV 16/02/2023 - 7.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2023)0057

Testi adottati
PDF 175kWORD 58k
Il-Ħamis, 16 ta' Frar 2023 - Strasburgu
Bank Ċentrali Ewropew - rapport annwali 2022
P9_TA(2023)0057A9-0022/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2023 dwar ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għas-sena 2022 (2022/2037(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għas-sena 2021,

–  wara li kkunsidra l-feedback tat-28 ta' April 2022 tal-BĊE dwar il-kontribut tal-Parlament Ewropew mogħti bħala parti mir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-Rapport Annwali tal-BĊE għas-sena 2020,

–  wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni tal-BĊE tal-4 ta' Lulju 2022 dwar il-klima biex it-tibdil fil-klima jiġi inkorporat aktar fl-operazzjonijiet tal-politika monetarja tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-projezzjonijiet makroekonomiċi tal-persunal tal-BĊE tat-8 ta' Settembru 2022 għaż-żona tal-euro,

–  wara li kkunsidra l-istima rapida tal-Eurostat tat-30 ta' Settembru 2022,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tat-test tal-istress tar-riskju klimatiku tal-BĊE tat-8 ta' Lulju 2022,

–  wara li kkunsidra t-tbassir ekonomiku għas-Sajf 2022 tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra l-Perspettiva Ekonomika Dinjija tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) tal-2022,

–  wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-Ewrobarometru ta' Ġunju-Lulju 2022,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar il-bilanċ bejn is-sessi fin-nomini fis-settur tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi adottat fl-ambitu tal-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 123(1), 125, 127(1) u (2), 130, 282(2) u 284(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-djalogi monetarji mal-President tal-BĊE, Christine Lagarde, tas-7 ta' Frar, tal-20 ta' Ġunju, tas-26 ta' Settembru u tat-28 ta' Novembru 2022,

–  wara li kkunsidra l-approvazzjoni mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE tal-Istrument għall-Protezzjoni tat-Trażmissjoni fil-21 ta' Lulju 2022;

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-politika monetarja tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE biex jgħolli r-rati tal-imgħax tal-BĊE f'Lulju, Settembru, Novembru u Diċembru 2022,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-BĊE tad-29 ta' Settembru 2022 dwar il-progress li sar matul il-fażi ta' investigazzjoni ta' euro diġitali,

–  wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2022 dwar il-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tal-gwerra Russa fl-Ukrajna għall-UE – it-tisħiħ tal-kapaċità tal-UE li taġixxi(2);

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3 u 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 142(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0022/2023),

A.  billi skont il-projezzjonijiet tal-linja bażi tal-BĊE ta' Settembru 2022, it-tkabbir ekonomiku se jonqos minn 3,1 % fl-2022 għal 0,9 % fl-2023, qabel ma jirkupra għal 1,9 % fl-2024 fix-xenarju tal-linja bażi; billi ċerti suppożizzjonijiet fundamentali ta' dak it-tbassir diġà m'għadhomx validi; billi l-prospettiva għall-attività taż-żona tal-euro hija eteroġenja ħafna fost il-pajjiżi u mdawra bi grad għoli ta' inċertezza, relatata mal-iżvilupp tal-gwerra fl-Ukrajna u l-kriżi tal-enerġija, b'għadd ta' previżjonijiet indipendenti li jipprevedu reċessjoni;

B.  billi l-gwerra ta' aggressjoni mhux provokata, immorali u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna laqtet b'mod sever il-kunfidenza, ikkawżat żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel u, flimkien ma' tfixkil ieħor min-naħa tal-provvista fiċ-Ċina, aggravat il-pressjonijiet eżistenti fuq il-katina tal-provvista;

C.  billi l-objettiv primarju tal-BĊE huwa li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet, li ddefinixxa bħala inflazzjoni ta' 2 % fuq terminu medju;

D.  billi skont il-projezzjonijiet tal-BĊE ta' Settembru 2022, l-inflazzjoni globali (headline) mistennija li tonqos minn 8,1 % fl-2022 għal 5,5 % fl-2023 u 2,3 % fl-2024; billi r-rata ta' 2,3 % għadha ftit ogħla mir-rata fil-mira tal-BĊE;

E.  billi skont il-Eurostat ir-rata tal-qgħad f'Lulju 2021 kienet ta' 6 % fl-UE u 6,6 % fiż-żona tal-euro, mifruxa b'mod irregolari madwar l-UE u fi ħdan l-Istati Membri, u r-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u n-nisa baqgħu ferm ogħla (14 % fl-UE u 14,2 % fiż-żona tal-euro); billi r-rata għolja tal-qgħad fost iż-żgħażagħ għadha kwistjoni serja li trid tiġi indirizzata fl-UE;

F.  billi l-BĊE, filwaqt li jaġixxi skont il-mandat tiegħu, impenja ruħu li jikkontribwixxi għall-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi; billi t-tibdil fil-klima jista' jfixkel l-effikaċja tal-politika monetarja, jaffettwa t-tkabbir u jżid l-instabbiltà tal-prezzijiet u dik makroekonomika;

G.  billi l-funzjonament tal-mekkaniżmu ta' trażmissjoni tal-politika monetarja huwa prekundizzjoni biex il-BĊE jkun jista' jwettaq il-mandat tiegħu ta' stabbiltà tal-prezzijiet;

H.  billi l-valur estern tal-euro meta mqabbel mad-dollaru Amerikan iddeterjora b'mod sinifikanti matul l-aħħar ftit xhur; billi l-enerġija u d-derivattivi tal-enerġija huma nnegozjati bid-dollaru Amerikan u d-deprezzament tar-rata tal-kambju tal-euro meta mqabbel mad-dollaru jkompli jikkontribwixxi għall-inflazzjoni;

I.  billi skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru ta' Ġunju-Lulju 2022, l-appoġġ pubbliku għall-unjoni ekonomika u monetarja Ewropea b'munita unika, jiġifieri l-euro, jinsab fl-ogħla livell li qatt kien, bi 80 % fiż-żona tal-euro u 72 % fl-UE kollha kemm hi;

J.  billi l-BĊE huwa responsabbli quddiem il-Parlament Ewropew bħala l-istituzzjoni li tirrappreżenta liċ-ċittadini tal-UE;

Ħarsa ġenerali

1.  Jinsab imħasseb ħafna dwar il-gwerra ta' aggressjoni Russa mhux provokata fuq l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet serji, imprevedibbli u fit-tul tagħha għall-ekonomija u s-soċjetà Ewropej, speċjalment għall-gruppi l-aktar esposti u vulnerabbli, bħall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) u unitajiet domestiċi b'introjtu aktar baxx;

2.  Jenfasizza li kriżijiet bla preċedent jitolbu deċiżjonijiet bla preċedent, innovattivi u kuraġġużi dwar il-politika monetarja;

3.  Jifhem l-inċertezza u l-ambjent kumpless li jmexxu l-politika monetarja 'l quddiem; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-livelli storikament għoljin ta' inflazzjoni; jilqa' d-determinazzjoni tal-BĊE li jkun lest jieħu azzjoni meta jkun hemm bżonn biex jissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja;

4.  Ifakkar li l-mandat primarju tal-BĊE huwa li jiżgura l-istabbiltà tal-prezzijiet;

5.  Jirrikonoxxi li l-BĊE jista' jnaqqas il-prezzijiet billi jnaqqas b'mod qawwi d-domanda aggregata permezz tal-għodod tal-politika monetarja tiegħu, filwaqt li jirrikonoxxi li dan iżid ir-riskju ta' impatt negattiv fuq it-tkabbir u l-impjiegi;

6.  Jinnota li l-inflazzjoni attwali hija prinċipalment xprunata mill-provvista, b'mod partikolari mill-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel, li issa qed iħallu impatt fuq l-inflazzjoni bażi;

7.  Jinnota wkoll li l-għodod tradizzjonali tal-politika monetarja għandhom influwenza limitata fl-indirizzar tal-inflazzjoni li hija prinċipalment xprunata mill-provvista;

8.  Jenfasizza li l-indipendenza statutorja tal-BĊE, kif stabbilita fit-Trattati, hija prerekwiżit għalih biex iwettaq il-mandat tiegħu;

9.  Jilqa' l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja maż-żona tal-euro bħala l-20 pajjiż membru tagħha minn Jannar 2023;

10.  Jinnota li l-politiki fiskali u monetarji saħħew lil xulxin matul il-pandemija, bl-istituzzjonijiet kollha tal-UE u l-Istati Membri jaħdmu flimkien fi ħdan il-mandati tagħhom, u b'hekk jipprevjenu ripetizzjoni tal-esperjenza matul il-kriżi finanzjarja tal-2008 u jfakkar fit-tagħlimiet meħuda mill-kawżi tagħha u r-rispons għaliha; jisħaq li ż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet illum tirrikjedi koordinazzjoni saħansitra aktar mill-qrib tal-politiki fiskali u monetarji, peress li biex jiġu indirizzati x-xokkijiet min-naħa tal-provvista hemm il-ħtieġa ta' reżiljenza akbar tal-katina tal-provvista u riformi enerġetiċi, inkluż bidla lejn aktar sorsi rinnovabbli u qafas ta' investiment aktar prevedibbli; jaqbel mat-twissija tal-President Lagarde li, "huwa essenzjali li l-appoġġ fiskali użat biex jipproteġi ... lill-unitajiet domestiċi mill-impatt ta' prezzijiet ogħla jkun temporanju u mmirat. Dan jillimita r-riskju li jiġu stimulati pressjonijiet inflazzjonarji, u b'hekk jiffaċilita l-kompitu tal-politika monetarja li tiżgura l-istabbiltà tal-prezzijiet, u jikkontribwixxi għall-ħarsien tas-sostenibbiltà tad-dejn"(3);

11.  Jilqa' d-dikjarazzjoni tal-President Lagarde li l-kriżi ġeopolitika attwali tirrikjedi progress fl-integrazzjoni fiskali tal-UE; jilqa' l-appoġġ dejjiemi tal-BĊE għat-tlestija rapida tal-unjoni bankarja, u jisħaq fuq ir-riskji kkawżati minn dewmien serju; jinnota l-appoġġ tal-BĊE għall-istabbiliment ta' skema Ewropea ta' assigurazzjoni tad-depożiti sħiħa; jirrikonoxxi li l-kondiviżjoni tar-riskju u t-tnaqqis tar-riskju huma interkonnessi u li l-iskemi ta' protezzjoni istituzzjonali għandhom rwol ewlieni fil-protezzjoni u l-istabbilizzar tal-istituzzjonijiet membri; jilqa' l-progress li sar s'issa fit-tnaqqis tas-self improduttiv;

12.  Jistieden lill-BĊE jkompli jimmonitorja l-iżviluppi u jippubblika informazzjoni dwar ir-rwol internazzjonali tal-euro fuq bażi regolari; jissottolinja li t-tisħiħ tar-rwol tal-euro jirrikjedi li tkun approfondita u kompluta l-unjoni ekonomika u monetarja Ewropea sabiex titnaqqas il-vulnerabbiltà attwali u perċepita taż-żona tal-euro għall-iskossi makroekonomiċi; jinnota li l-fatt li l-euro jsir aktar attraenti bħala munita ta' riżerva se jkompli jsaħħaħ l-użu internazzjonali tiegħu u jżid il-kapaċità tal-UE li tfassal il-pożizzjoni politika tagħha b'mod indipendenti, li hu element ewlieni fis-salvagwardja tas-sovranità ekonomika Ewropea;

Il-politika monetarja

13.  Jinsab allarmat li l-inflazzjoni taż-żona tal-euro laħqet livelli rekord b'inflazzjoni medja għall-2022 ta' 8,4 %; jisħaq li l-inflazzjoni globali (headline) telgħet għal rekord ta' 10,6 % f'Ottubru 2022 u niżlet għal 9,2 % sa Diċembru 2022; jisħaq li l-enerġija hija bil-bosta l-aktar fattur sinifikanti tal-inflazzjoni (40,8 %), segwita mill-prezzijiet tal-ikel (11,8 %); jinnota li l-BĊE jipprevedi inflazzjoni globali (headline) ta' 6,3 % fl-2023, 3,4 % fl-2024 u 2,3 % fl-2025, b'żieda fir-riskji l-aktar minħabba tfixkil fil-provvista tal-enerġija u l-ikel; jinnota li l-inflazzjoni bħalissa hija ħafna ogħla mir-rata fil-mira tal-BĊE ta' 2 %; jinnota li l-inflazzjoni bażi bħalissa hija ta' 5,2 %; ifakkar li l-mandat primarju tal-BĊE huwa li jiżgura l-istabbiltà tal-prezzijiet;

14.  Ifakkar li r-rieżami tal-istrateġija tal-BĊE kkonferma mill-ġdid l-orjentazzjoni tal-mira tal-inflazzjoni, filwaqt li stabbilixxa mira tal-inflazzjoni simetrika ta' 2 % fuq terminu medju; jistieden lill-BĊE jimmira b'mod leali lejn l-inflazzjoni f'dan il-perjodu fuq terminu medju, inkluż matul iż-żmien attwali ta' kriżi; jistieden lill-BĊE jiddefinixxi l-kunċett ta' "terminu medju";

15.  Jieħu nota tad-deċiżjonijiet reċenti dwar il-politika monetarja tal-BĊE li jgħollu r-rati b'50 punt bażi f'Lulju, b'75 punt bażi f'Settembru, b'75 punt bażi f'Novembru, b'50 punt bażi f'Diċembru 2022 u b'50 punt bażi fi Frar 2023; jinnota li r-rata tal-imgħax attwali hija ta' 3,0 %; jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-President Lagarde li l-BĊE beħsiebu "jgħolli aktar ir-rati tal-imgħax matul id-diversi laqgħat li jmiss sakemm l-inflazzjoni tkun niżlet għal-livell fil-mira tiegħu"; jinnota li r-rati tal-imgħax nominali għadhom taħt ir-rata newtrali;

16.  Jinnota li l-BĊE għandu għodod għad-dispożizzjoni tiegħu bl-għan li jnaqqas id-domanda aggregata sabiex inaqqas l-inflazzjoni għal-livell fil-mira tiegħu fuq terminu medju; jinsab imħasseb dwar l-implikazzjonijiet ta' tali deċiżjonijiet ta' politika għat-tkabbir u l-impjiegi, li għandhom jiġu indirizzati mill-valutazzjoni tal-proporzjonalità; jistieden lill-BĊE jirrifletti dwar aġġustament aktar ibbilanċjat u gradwali tal-politika, minħabba l-livell għoli ta' inċertezza; jappella għal aktar ġustifikazzjoni ta' kwalunkwe deċiżjoni futura dwar ir-rata ta' politika;

17.  Ifakkar li l-aggressjoni Russja fl-Ukrajna u d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili importati huma responsabbli għal ħafna miż-żieda sostanzjali reċenti fil-prezzijiet, filwaqt li l-inflazzjoni globali (headline) tirrifletti ż-żieda qawwija fil-prezzijiet taż-żejt u tal-gass; jinnota li l-inflazzjoni attwali hija prinċipalment xprunata mill-provvista; jinnota wkoll li l-għodod tradizzjonali tal-politika monetarja għandhom influwenza limitata fl-indirizzar tal-inflazzjoni li hija prinċipalment xprunata mill-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel; jilqa' r-rikonoxximent ripetut tal-BĊE li ż-żieda fir-rati tal-imgħax mhux se tbaxxi l-prezzijiet tal-enerġija jew taffettwa l-inflazzjoni fuq terminu qasir;

18.  Jinsab imħasseb serjament dwar ir-riskju ta' frammentazzjoni minħabba d-diverġenzi fil-livelli ta' inflazzjoni fost il-pajjiżi taż-żona tal-euro, minn 25,2 % fl-Estonja għal 6,6 % fi Franza f'Awwissu 2022; jemmen li dan jipperikola l-uniċità tal-politika monetarja tal-BĊE u tat-trażmissjoni tiegħu;

19.  Jinsab imħasseb li "dan l-aħħar il-profitti kienu kontributur ewlieni għall-inflazzjoni domestika totali, ogħla mill-kontribuzzjoni storika tagħhom", kif innotat Isabel Schnabel, membru tal-Bord Eżekuttiv(4); jistieden lill-BĊE jippubblika regolarment data dwar il-kontribut tal-profitti għall-inflazzjoni; jinnota li l-politika monetarja mhijiex ir-risposta t-tajba għal dan il-kontributur għall-inflazzjoni, jiġifieri s-saħħa eċċessiva fis-suq, li hija indirizzata aħjar minn politiki oħra;

20.  Jistieden lill-BĊE jiżviluppa strateġija ta' komunikazzjoni kredibbli sostnuta b'azzjoni rapida u tanġibbli biex jissenjala liċ-ċittadini Ewropej li l-inflazzjoni se tinżel matul it-terminu medju; jinsab imħasseb ferm li l-aspettattivi tal-konsumaturi dwar l-inflazzjoni matul it-12-il xahar li ġejjin u l-aspettattiva medjana għall-inflazzjoni matul it-tliet snin li ġejjin huma konsiderevolment ogħla mil-livell fil-mira ta' 5,0 % u 2,9 % rispettivament(5); jinnota bi tħassib li dan jagħti ħjiel li l-aspettattivi dwar l-inflazzjoni mhux se jibqgħu ankrati; jinnota li l-influwenzar tal-aspettattivi dwar l-inflazzjoni jitqies bħala waħda mir-raġunijiet ewlenin għaż-żidiet fir-rati mill-BĊE; jistieden lill-BĊE jkompli jeżamina r-rwol tal-aspettattivi dwar l-inflazzjoni u kif dawn huma influwenzati mit-tħabbir u l-azzjoni tal-BĊE;

21.  Jinnota n-nuqqas ta' kunsens akkademiku dwar ir-rwol tal-aspettattivi dwar l-inflazzjoni fir-riżultati tal-inflazzjoni;

22.  Jinsab partikolarment imħasseb li t-tnaqqis reċenti fir-rata tal-kambju tal-euro mad-dollaru Amerikan sar kontributur ewlieni għall-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija; josserva li t-tnaqqis reċenti tal-euro kontra d-dollaru Amerikan huwa għalhekk kontributur għall-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija minħabba li d-derivattivi tal-enerġija huma nnegozjati f'dollari Amerikani;

23.  jinnota li l-FMI, fil-Perspettiva Ekonomika Dinjija tiegħu tal-2022, ikkonkluda li r-riskji ta' spiral ta' pagi huma limitati; jinnota li swieq tax-xogħol reżiljenti u ċertu livell ta' rkupru b'kumpens għal telf tal-kapaċità tal-akkwist x'aktarx li jikkontribwixxu għal tkabbir fil-pagi b'saħħtu; jistieden lill-BĊE jimmonitorja dan ir-riskju mill-qrib ħafna;

24.  Jinsab imħasseb dwar id-dipendenza kontinwa tal-BĊE fuq aġenziji privati tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għall-klassifikazzjonijiet tal-bonds sovrani fil-qafas kollaterali tiegħu; itenni t-talba tiegħu lill-BĊE biex itemm din id-dipendenza;

25.  Jisħaq li trażmissjoni uniformi tal-politika monetarja hija vitali għall-kisba tal-mandat tal-BĊE għall-istabbiltà tal-prezzijiet; jissottolinja li d-diverġenza eċċessiva fir-rendimenti sovrani tagħmel il-kundizzjonijiet tal-kreditu inkonsistenti mat-trażmissjoni uniformi tal-politika monetarja; jinnota d-deċiżjoni tal-BĊE tal-15 ta' Ġunju 2022 li japplika flessibbiltà fl-investimenti mill-ġdid ta' tifdijiet li huma dovuti fl-ambitu tal-programm ta' xiri ta' emerġenza fil-każ ta' pandemija; jinnota t-tnedija tal-Istrument għall-Protezzjoni tat-Trażmissjoni biex jappoġġa t-trażmissjoni effettiva tal-politika monetarja fiż-żona tal-euro kollha;

26.  Jinnota li l-kombinazzjoni ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament immirati fuq żmien itwal u rħas (TLTROs) u rati tal-imgħax ogħla ħolqu r-riskju li jippermettu lill-banek Ewropej jaqilgħu biljuni fi profitt żejjed; jilqa' d-deċiżjoni tal-BĊE fil-laqgħa tiegħu ta' Ottubru, li tipprevjeni dan l-arbitraġġ;

27.  Jinkwieta dwar in-nuqqas ta' koordinazzjoni tal-politika monetarja fost il-banek ċentrali ewlenin madwar id-dinja; jinkwieta wkoll li żieda simultanja fir-rata taċ-ċiklu madwar id-dinja se twassal għal issikkar bla preċedent tal-kundizzjonijiet tal-politika monetarja; jistieden lill-BĊE jibda djalogu internazzjonali ma' banek ċentrali oħra;

Objettivi sekondarji

28.  Ifakkar li matul id-djalogu monetarju ta' Novembru 2021, il-President tal-BĊE qalet li "bħala parti mill-objettivi sekondarji, ovvjament għandna l-iżvilupp ekonomiku, għandna r-rispett għall-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, eċċ. Huwa ċar li dawn għandhom jitqiesu, b'mod partikolari jekk dawk l-objettivi sekondarji jiġu ddikjarati b'mod ċar ħafna mill-istituzzjonijiet l-oħra, u b'mod partikolari mill-Parlament Ewropew"; jissuġġerixxi li jittieħed vantaġġ minn din ir-riżoluzzjoni biex jingħata kontribut lill-BĊE dwar l-objettivi sekondarji(6);

29.  Ifakkar li, mingħajr preġudizzju għall-objettiv ta' stabbiltà fil-prezzijiet, it-TFUE jirrikjedi li l-BĊE jappoġġa l-politiki ekonomiċi ġenerali tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 3 tat-TUE; jindika li hemm ġerarkija ċara bejn l-objettivi tal-BĊE;

30.  Jinnota li l-politiki monetarji tal-BĊE mmirati lejn it-twettiq tal-mandat primarju tiegħu huma soġġetti għal valutazzjoni tal-proporzjonalità; jinnota li l-valutazzjoni tal-proporzjonalità tqis l-impatt tal-miżuri tal-politika monetarja fuq l-ekonomija usa' u l-politiki ekonomiċi, indirizzati f'din it-taqsima; jisħaq li, meta jiffaċċja għażla bejn settijiet differenti ta' politiki li jwasslu b'mod ugwali għall-istabbiltà tal-prezzijiet, il-BĊE se jagħżel dawk li jappoġġaw bl-aħjar mod il-politiki ekonomiċi ġenerali tal-UE(7);

31.  Jistieden lill-BĊE jiddedika kapitlu speċifiku fir-rapport annwali tiegħu biex jispjega kif interpreta l-objettivi sekondarji tiegħu u kif aġixxa fuqhom, kif ukoll biex jippreżenta l-effetti tal-politika monetarja tiegħu fuq il-politiki ekonomiċi ġenerali tal-UE;

32.  Iqis li livelli għoljin ta' tkabbir soċjalment, ambjentalment u ekonomikament sostenibbli u ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna li timmira lejn livell massimu ta' impjiegi huma għanijiet ekonomiċi ewlenin; ifakkar fl-importanza tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; jisħaq li dawn l-objettivi jintlaħqu l-aħjar meta s-suq ħieles jopera f'ambjent makroekonomiku stabbli bbażat fuq livelli ta' prezzijiet prevedibbli;

33.  Jissottolinja r-rwol ċentrali tal-SMEs għall-ekonomija tal-UE u l-konverġenza ekonomika u soċjali, għall-impjiegi u għall-implimentazzjoni tat-tranżizzjonijiet doppji (diġitali u klimatika);

34.  Jissuġġerixxi li bħala parti mill-valutazzjoni tal-proporzjonalità tiegħu, il-BĊE għandu jqis li l-ispejjeż tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja tiegħu ma għandhomx jiġġarrbu b'mod sproporzjonat mill-istrati ta' introjtu aktar baxx u mill-gruppi l-aktar vulnerabbli u għandu jivvaluta l-impatt tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja tiegħu fuq dawn il-gruppi, filwaqt li jżomm f'moħħu li l-ġid u l-inugwaljanza fl-introjtu jaffettwaw b'mod negattiv l-effettività tat-trażmissjoni tal-politika monetarja(8);

35.  Jistieden lill-BĊE, bħala istituzzjoni indipendenti, iżomm lura milli jieħu deċiżjonijiet politikament motivati fit-twettiq tal-mandat tiegħu;

Azzjoni kontra t-tibdil fil-klima

36.  Jinnota li l-istabbiltà tal-prezzijiet u ambjent makroekonomiku stabbli huma meħtieġa biex jitħeġġeġ l-investiment ekoloġiku u jgħinu, fost affarijiet oħra, biex jinħolqu l-kundizzjonijiet it-tajba għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi; jistieden lill-BĊE jivvaluta sa liema punt it-tibdil fil-klima jaffettwa l-kapaċità tiegħu li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet;

37.  Ifakkar li l-BĊE, bħala istituzzjoni tal-UE, huwa marbut bl-impenji tal-UE fl-ambitu tal-Ftehim ta' Pariġi;

38.  Jinnota d-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv li jieħu passi ulterjuri biex jinkludi kunsiderazzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima fil-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema;

39.  Jinnota li l-kunċett tan-newtralità tas-suq huwa relatat mal-prinċipju ta' "ekonomija ta' suq miftuħ b'kompetizzjoni libera"; jistieden lill-BĊE, filwaqt li jirrispetta l-indipendenza tiegħu, jindirizza l-fallimenti tas-suq u jiżgura l-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi fuq perjodu ta' żmien twil, filwaqt li jibqa' kemm jista' jkun apolitiku, u jirrispetta l-prinċipju tan-newtralità tas-suq; jinnota li, f'diversi każijiet, il-BĊE diġà ddevja min-newtralità tas-suq; jenfasizza li tali deċiżjonijiet ma jridux isiru għad-detriment tal-kisba tal-objettiv primarju tal-BĊE;

40.  Jinnota t-tħabbira tal-BĊE li jiddekarbonizza l-parteċipazzjonijiet ta' bonds korporattivi tiegħu billi "jaqleb" il-portafoll tiegħu; jisħaq li l-programmi ta' xiri ta' assi tal-BĊE jikkostitwixxu politika monetarja mhux konvenzjonali li għandha titfittex biss f'ċirkostanzi ekonomiċi bla preċedent; jisħaq, barra minn hekk, li dawn l-azjendi huma prodott sekondarju tal-ġlieda tal-passat kontra l-inflazzjoni baxxa u l-fatt li jsiru l-investimenti mhuwiex l-objettiv tal-politika monetarja;

41.  Jinnota, barra minn hekk, it-tħabbira dwar l-ekoloġizzazzjoni tal-qafas kollaterali tal-BĊE, li se tgħin biex jitnaqqas ir-riskju finanzjarju fuq il-karta tal-bilanċ tal-BĊE;

42.  Jilqa' t-tħabbira tal-BĊE li se jkompli jsaħħaħ l-għodod u l-kapaċitajiet tal-valutazzjoni tar-riskju tal-Eurosistema sabiex jiġu inklużi aħjar ir-riskji relatati mal-klima u l-ambjent, bħal permezz tas-sistemi ta' valutazzjoni tal-kreditu interni tagħhom; jilqa' b'mod partikolari l-involviment tal-BĊE mal-aġenziji tal-klassifikazzjoni biex tiżdied it-trasparenza dwar kif jinkorporaw ir-riskji klimatiċi fil-klassifikazzjonijiet tagħhom u l-ambizzjoni tagħhom rigward ir-rekwiżiti ta' divulgazzjoni dwar ir-riskji klimatiċi;

43.  Jilqa' l-pjan ta' azzjoni tal-BĊE u l-pjan direzzjonali dettaljat tiegħu ta' azzjonijiet relatati mat-tibdil fil-klima biex il-kunsiderazzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima jkomplu jiġu inkorporati aktar fil-qafas u l-mudelli ta' politika tiegħu;

44.  Jilqa' t-test tal-istress tar-riskju klimatiku tal-BĊE żviluppat biex jivvaluta r-reżiljenza tal-banek u l-korporazzjonijiet fil-konfront ta' riskju ta' tranżizzjoni klimatika; josserva li r-riżultati ppubblikati fit-8 ta' Lulju 2022 juru li l-maġġoranza tal-banek ma għandhomx oqfsa robusti għall-ittestjar tal-istress tar-riskju klimatiku u ma għandhomx id-data rilevanti; jistieden lill-BĊE jipprovdi gwida fattibbli u jnaqqas il-burokrazija; jinnota li s-superviżjoni bankarja għandha tkun ibbażata fuq ir-riskju u mhux iggwidata minn kunsiderazzjonijiet sekondarji; jistieden lill-banek iżidu l-isforzi tagħhom biex ikejlu u jimmaniġġjaw ir-riskju klimatiku;

45.  Jenfasizza l-kisba tal-BĊE biex inaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju tiegħu stess b'10,7 % bejn l-2020 u l-2021;

It-trasparenza, ir-responsabbiltà, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u aspetti oħra

46.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-arranġamenti ta' responsabbiltà u trasparenza tal-BĊE jissaħħu aktar; jinnota li filwaqt li l-BĊE kabbar is-sett ta' għodod u l-objettivi tiegħu lil hinn mill-istabbiltà fil-prezzijiet, il-prattiki ta' responsabbiltà tiegħu evolvew biss parzjalment; jistenna bil-ħerqa l-formalizzazzjoni, bil-miktub, tal-prattiki attwali ta' responsabbiltà bejn il-BĊE u l-Parlament Ewropew; itenni t-talba tiegħu lill-BĊE biex isaħħaħ ir-responsabbiltà tiegħu fil-konfront tal-Parlament Ewropew;

47.  Jilqa' l-feedback sostanzjali u dettaljat mogħti mill-BĊE rigward ir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar ir-Rapport Annwali tal-BĊE għas-sena 2020; jistieden lill-BĊE jkompli b'dan l-impenn favur ir-responsabbiltà u jibqa' jippubblika l-feedback bil-miktub tiegħu għar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament dwar ir-rapport annwali tal-BĊE kull sena;

48.  Jistieden lill-BĊE jirrapporta aħjar dwar il-pożizzjonijiet meħuda mill-BĊE fil-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja, inkluż bil-miktub;

49.  Jilqa' l-politika l-ġdida ta' komunikazzjoni tal-BĊE, li tinkludi modi aktar aċċessibbli biex tispjega u tippreżenta deċiżjonijiet ta' politika tal-BĊE liċ-ċittadini u lill-partijiet ikkonċernati;

50.  Jilqa' l-attenzjoni li l-BĊE jagħti lir-riskji ta' attakki ċibernetiċi; iħeġġeġ lill-BĊE jżomm din l-attenzjoni, speċjalment fid-dawl tal-kuntest ġeopolitiku;

51.  Jistieden lill-BĊE jintensifika l-monitoraġġ tiegħu tal-iżvilupp tal-kriptovaluti u r-riskji relatati f'termini ta' ċibersigurtà, ħasil tal-flus, finanzjament tat-terroriżmu u attivitajiet kriminali oħra relatati mal-anonimità pprovduta mill-kriptoassi; jinnota f'dan il-kuntest id-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar is-Swieq fil-Kriptoassi;

52.  Jiddispjaċih li żewġ membri biss tal-Bord Eżekuttiv u tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE huma nisa; itenni li n-nomini għall‑Bord Eżekuttiv għandhom ikunu bbilanċjati bejn il-ġeneri, b'listi mqassra ppreżentati lill-Parlament; jiddispjaċih ħafna li minflok ma pprovdew listi mqassra ta' kandidati, l-Istati Membri reċentement innominaw għadd ta' kandidati ugwali għan-numru ta' pożizzjonijiet vakanti; ifakkar li l-Parlament qabel impenja ruħu li ma jikkunsidrax listi mqassra li ma jirrispettawx il-prinċipju tal-bilanċ bejn il-ġeneri, f'konformità mar-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-bilanċ bejn il-ġeneri fin-nomini tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE; jistieden lill-Istati Membri taż-żona tal-euro jagħmlu l-parti tagħhom u jinkorporaw bis-sħiħ il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-proċessi tal-ħatra tagħhom sabiex jiżguraw opportunitajiet indaqs għall-ġeneri kollha għall-pożizzjoni ta' gvernatur tal-banek ċentrali nazzjonali tagħhom;

53.  Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-iżbilanċ bejn il-ġeneri jippersisti wkoll fl-istruttura organizzattiva tal-BĊE, b'mod partikolari fis-sehem tan-nisa fil-karigi maniġerjali għoljin; jinnota li l-aħħar statistika disponibbli f'din id-data hija mill-2019, u tindika li s-sehem tan-nisa fil-pożizzjonijiet maniġerjali kollha tal-BĊE żdied għal 30,3 % u fil-pożizzjonijiet maniġerjali superjuri tiegħu żdied għal 30,8 %; jilqa' l-istrateġija l-ġdida tal-BĊE biex jittejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri, inkluż l-objettiv li jiżdied is-sehem tan-nisa għal bejn 40 % u 51 % sal-2026; jistieden lill-BĊE jirrapporta dwar il-progress f'dan il-qasam bħala parti mir-rapport annwali tiegħu;

54.  Jappoġġa l-għan tal-BĊE li jżid ir-rappreżentanza tan-nisa billi jħeġġeġ lin-nisa javvanzaw f'dan il-qasam; jilqa', għalhekk, inizjattivi bħall-Borża ta' Studju dwar in-Nisa fl-Ekonomija tal-BĊE;

55.  Jieħu nota tar-regoli tal-persunal tal-BĊE dwar kunflitti ta' interess potenzjali u jinkoraġġixxi l-applikazzjoni ambizzjuża tagħhom; jieħu nota, barra minn hekk, tar-rieżami li għaddej tal-qafas tal-etika tiegħu; jenfasizza d-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew tas-26 ta' Ottubru 2022 li toħroġ rakkomandazzjonijiet f'dan ir-rigward, b'mod partikolari fuq ir-"revolving doors" fil-BĊE, wara każ reċenti ta' ċaqliq ta' ekonomista anzjan lejn bank ta' investiment Amerikan(9); jistieden lill-BĊE jestendi l-perjodu ta' preklużjoni għal-livelli superjuri ta' salarji anke għall-impjegati f'faxex ta' salarji aktar baxxi;

56.  Jistieden lill-BĊE jiżviluppa strateġija dwar kif jiġu ttrattati l-lobbisti u jżid it-trasparenza tal-kuntatti fil-livell tal-persunal lil hinn mill-Kunsill Governattiv;

57.  Jilqa' l-fatt li l-għadd ta' karti tal-flus tal-euro foloz fl-2021 naqas għal-livell l-aktar baxx tiegħu mill-2003 (12-il parti għal kull miljun); jistieden lill-BĊE jtejjeb il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-kooperazzjoni tiegħu mal-Europol, l-Interpol u l-Kummissjoni biex jintlaħaq dan l-għan; jistieden lill-BĊE, mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Istati Membri, joħloq sistema biex jimmonitorja aħjar it-tranżazzjonijiet kbar bil-għan li jiġġieled il-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa u l-finanzjament tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata;

58.  Jilqa' l-progress tal-BĊE fil-proġett tal-euro diġitali, u jilqa' d-djalogu mal-Parlament f'dan ir-rigward; jistenna bil-ħerqa t-tmiem tal-fażi ta' investigazzjoni ta' 24 xahar dwar proġett tal-euro diġitali u d-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv dwar il-bidu tal-proċess tat-tnedija tal-euro diġitali, ladarba tkun ipprovduta l-bażi legali għal dan mill-koleġiżlaturi abbażi tal-proposta futura mill-Kummissjoni;

59.  Jenfasizza l-benefiċċji mistennija bħal titjib fl-effiċjenza u żieda fl-inklużjoni finanzjarja; jaqbel mal-BĊE li euro diġitali se jkollu jissodisfa firxa ta' rekwiżiti minimi inklużi r-robustezza, is-sikurezza, l-effiċjenza u l-protezzjoni tal-privatezza; jisħaq li euro diġitali jista' jikkomplementa, iżda ma għandux jissostitwixxi l-flus kontanti bħala mezz ta' pagament;

60.  Jistieden lill-BĊE jikkunsidra kif xieraq ir-riskji għas-settur bankarju u s-self ġenerali lill-ekonomija reali meta jfassal l-euro diġitali;

61.  Jiddispjaċih ħafna dwar id-deċiżjoni tal-BĊE li jinvolvi lil Amazon fl-ittestjar ta' interfaċċi prototipi għal euro diġitali; jisħaq li din il-kumpanija hija kompetitur potenzjali f'dan il-qasam u għalhekk ma għandhiex titqiegħed f'tali pożizzjoni, speċjalment peress li ma tirċievi l-ebda kumpens monetarju għal din l-assenjazzjoni; jisħaq, barra minn hekk, li l-esternalizzazzjoni tal-infrastruttura diġitali tal-euro lil kumpanija tat-teknoloġija tal-Istati Uniti ddgħajjef l-awtonomija strateġika tal-UE;

62.  Jappella li jissaħħaħ aktar il-qafas intern tal-BĊE dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta, li jinġieb f'konformità mad-Direttiva tal-UE dwar l-Informaturi(10);

63.  Jissuġġerixxi l-istabbiliment ta' uffiċċju ta' evalwazzjoni indipendenti mmudellat fuq dak tal-FMI, li jkun jista' jwettaq evalwazzjonijiet tal-politiki tal-BĊE u jwettaq valutazzjonijiet tal-impatt ta' għażliet ta' politika differenti, mingħajr ma jikser l-indipendenza tal-BĊE;

o
o   o

64.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 23, 21.1.2021, p. 105.
(2) ĠU C 479, 16.12.2022, p. 75.
(3) Rimarki introduttorji għad-djalogu monetarju tas-26 ta' Settembru 2022: https://www.ecb.europa.eu/press/key/date/2022/html/ecb.sp220926_1~0bd6fcc86c.mt.html.
(4) Id-diskors ta' Isabel Schnabel dwar il-globalizzazzjoni tal-inflazzjoni: https://www.ecb.europa.eu/press/key/date/2022/html/ecb.sp220511_1~e9ba02e127.mt.html.
(5) https://www.ecb.europa.eu/press/pr/date/2023/html/ecb.pr230112~6cfbeda491.mt.html.
(6) Paġna 15 tat-traskrizzjoni tad-djalogu monetarju ta' Novembru 2021: https://www.ecb.europa.eu/press/key/date/2021/html/ecb.sp211115_annex_1~d1ef2075bb.en.pdf.
(7) https://www.ecb.europa.eu/press/key/date/2022/html/ecb.sp220324~61c5afb6b9.en.html.
(8) https://www.bis.org/publ/othp50.htm.
(9) https://www.ombudsman.europa.eu/mt/decision/mt/162341.
(10) Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Mejju 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza