Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2022/2982(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0101/2023

Testi mressqa :

B9-0101/2023

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2023)0059

Testi adottati
PDF 180kWORD 60k
Il-Ħamis, 16 ta' Frar 2023 - Strasburgu
Id-disponibbiltà tal-fertilizzanti fl-UE
P9_TA(2023)0059B9-0101/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2023 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-iżgurar tad-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-fertilizzanti (2022/2982(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2022 bit-titolu "L-iżgurar tad-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-fertilizzanti" (COM(2022)0590),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2022 dwar il-ħtieġa ta' pjan ta' azzjoni urġenti tal-UE biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel kemm fl-UE kif ukoll barra l-UE fid-dawl tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2021 dwar Strateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Frar 2021 dwar il-Pjan ta' Azzjoni ġdid għall-Ekonomija Ċirkolari(3)

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Qafas Temporanju ta' Kriżi għall-miżuri ta' Għajnuna mill-Istat biex jappoġġjaw l-ekonomija wara l-aggressjoni kontra l-Ukrajna mir-Russja"(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Marzu 2022 dwar is-salvagwardja tas-sigurtà tal-ikel u t-tisħiħ tar-reżiljenza tas-sistemi tal-ikel (COM(2022)0133),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Lulju 2022 bit-titolu "Niffrankaw il-gass għal xitwa sikura" (COM(2022)0360),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Strateġija 'Mill-Għalqa sal-Platt' għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent" (COM(2020)0381),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2022/1854 tas-6 ta' Ottubru 2022 dwar intervent ta' emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 li jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta' prodotti fertilizzanti tal-UE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1069/2009 u (KE) Nru 1107/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003(7),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli(8) ("id-Direttiva dwar in-Nitrati"),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-4 ta' Jannar 2023 bit-titolu "Drivers of food security" (Xpruni għas-sigurtà tal-ikel) (SWD(2023)0004),

–  wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka bit-titolu "Technical proposals for the safe use of processed manure above the threshold established for Nitrate Vulnerable Zones by the Nitrates Directive" (Proposti tekniċi għall-użu sikur ta' demel ipproċessat 'il fuq mil-limitu stabbilit għaż-Żoni Vulnerabbli għan-Nitrati mid-Direttiva dwar in-Nitrati (91/676/KEE))(9),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-iżgurar tad-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-fertilizzanti (O-000001/2023 – B9‑0010/2023),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 136(5) u l-Artikol 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali,

A.  billi l-fertilizzanti u l-ġestjoni tan-nutrijenti huma essenzjali biex tiġi żgurata produzzjoni suffiċjenti u ta' kwalità tal-ikel, u għandhom rwol kritiku fir-rigward tas-sigurtà globali tal-ikel; billi n-nuqqas ta' fertilizzanti tal-lum jista' jaffettwa l-għelejjel ta' għada;

B.  billi l-produzzjoni u l-kost tal-fertilizzanti minerali jiddependu fil-biċċa l-kbira mid-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-gass naturali, filwaqt li jammontaw għal sa 2,1 % tal-emissjonijiet globali ta' gassijiet serra(10); billi l-produzzjoni ta' komponenti ta' fertilizzant bħan-nitroġenu u l-ammonijaka tirrikjedi kwantitajiet kbar ta' gass naturali; billi l-gass jirrappreżenta madwar 80 % tal-kostijiet tal-produzzjoni tal-fertilizzanti;

C.  billi l-limiti planetarji għall-flussi bijoġeokimiċi taċ-ċiklu tan-nitroġenu (3,3 darbiet) u ċ-ċiklu tal-fosforu (darbtejn) inqabżu fl-UE(11);

D.  billi, bħala riżultat tal-invażjoni illegali fl-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa fl-24 ta' Frar 2022, kriżi globali tal-fertilizzanti minerali u tal-enerġija qed thedded is-sigurtà globali tal-ikel u qed tgħolli l-prezzijiet tal-ikel, li potenzjalment jista' jkollhom impatt profond fuq il-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli madwar id-dinja, li huma dipendenti ħafna mill-aċċess għal ikel bi prezz raġonevoli u nutrittiv;

E.  billi, storikament, proporzjon kbir tal-gass naturali użat għall-produzzjoni tal-fertilizzanti fl-UE ġie mill-Federazzjoni Russa; billi l-Federazzjoni Russa hija l-fornitur ewlieni dinji tal-fertilizzanti u l-komponenti ewlenin tagħhom; billi r-Russja abbużat mid-dominanza tagħha fil-provvisti tal-gass u l-fertilizzanti bħala arma politika; billi l-livell għoli kontinwu ta' użu ta' fertilizzanti minerali jirriskja li jħeġġeġ l-isforzi tal-gwerra Russi u jappoġġja reġimi awtokratiċi oħra;

F.  billi l-inflazzjoni qed ikollha impatt kbir fuq is-settur agrikolu Ewropew, b'mod partikolari peress li qed tpoġġi pressjoni serja fuq il-baġit attwali tal-politika agrikola komuni (PAK);

G.  billi għadd kbir ta' manifatturi Ewropej tal-fertilizzanti minerali naqqsu l-operazzjonijiet tagħhom jew waqqfu l-produzzjoni għalkollox, l-aktar minħabba ż-żieda fil-kostijiet tal-gass naturali, iżda wkoll minħabba t-tassazzjoni u l-kompetizzjoni minn pajjiżi inqas burokratiċi, li wasslu għal nuqqasijiet, żidiet fil-prezzijiet tal-fertilizzanti u rendimenti aktar baxxi li jirriżultaw mill-inabbiltà tal-bdiewa li jkollhom aċċess għall-fertilizzanti li jeħtieġu sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-produzzjoni tagħhom u, fl-aħħar mill-aħħar, ikollhom impatt fuq id-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-ikel;

H.  billi l-akbar manifatturi tal-fertilizzanti fid-dinja qed jagħmlu profitti rekord(12);

I.  billi l-bdiewa issa qed jiffaċċjaw il-kwistjoni ta' kemm jistgħu jirriskjaw fid-deċiżjonijiet tagħhom dwar iż-żrigħ u l-produzzjoni, jew saħansitra qed jiffaċċjaw id-deċiżjoni li jwaqqfu l-attività agrikola tagħhom għalkollox, peress li l-prezzijiet tal-fertilizzanti kienu volatili ħafna u matul l-aħħar sentejn għolew għal livelli li qatt ma dehru qabel fl-Ewropa, u b'hekk kellhom impatt fuq il-livell tal-introjtu tal-bdiewa u saħansitra fuq il-ġestjoni tal-azjendi agrikoli; billi d-disponibbiltà tal-materja prima għall-produzzjoni tal-fertilizzanti mhijiex garantita, u dan jista' jikkawża nuqqasijiet għall-azjendi agrikoli matul l-istaġun tat-tkabbir;

J.  billi ż-żieda fil-kostijiet tal-input agrikolu kienet fattur ewlieni fil-prezzijiet għoljin tal-prodotti bażiċi tal-ikel matul dawn l-aħħar sentejn; billi l-prezzijiet futuri attwalment mistennija taċ-ċereali għall-ħsad tal-2023 jistgħu ma jirriflettux il-kostijiet tal-input attwali u, b'riżultat ta' dan, ir-redditi jistgħu jkunu inqas mill-kost tal-produzzjoni; billi f'xi Stati Membri, b'mod partikolari dawk qrib il-gwerra fl-Ukrajna, il-prezz tal-bejgħ diġà ma kopriex il-kostijiet tal-produzzjoni; billi bħala riżultat tal-investiment fil-fertilizzanti filwaqt li l-prezzijiet għadhom għoljin, il-bdiewa qed jiffaċċjaw riskju minħabba l-possibbiltà li l-prezzijiet tal-fertilizzanti jonqsu b'mod sinifikanti fuq terminu qasir;

K.  billi minħabba ż-żieda fir-rekwiżiti ta' likwidità u l-volatilità tas-suq tal-fertilizzanti, ħafna negozjanti żgħar mhumiex f'pożizzjoni li jirriskjaw li jidħlu fis-suq, u dan qed inaqqas il-kompetittività; billi l-Kummissjoni għandha tieħu miżuri biex ittaffi dan ir-riskju sabiex tippermetti kompetizzjoni akbar;

L.  billi l-istrateġija mill-għalqa sal-platt għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent stabbiliet il-mira ta' tnaqqis ta' mill-inqas 50 % fit-telf tan-nutrijenti, filwaqt li jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda deterjorament fil-fertilità tal-ħamrija; billi l-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2021 dwar l-istrateġija, laqa' din il-mira, filwaqt li insista wkoll fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda deterjorament fil-fertilità tal-ħamrija; billi l-ilħuq ta' din il-mira se jnaqqas l-użu tal-fertilizzanti b'mill-inqas 20 % sal-2030;

M.  billi l-kriżi attwali fid-disponibbiltà tal-fertilizzanti minerali tissottolinja r-rwol fundamentali li għandhom il-bhejjem fil-bilanċ tal-agrikoltura Ewropea għaż-żamma tal-produzzjoni tal-għelejjel billi jissostitwixxu u jikkomplementaw il-fertilizzanti minerali; billi għad hemm ħafna sorsi ta' nutrijenti organiċi li bħalissa mhumiex utilizzati bis-sħiħ, bħad-demel tal-bhejjem, id-diġestat, il-frass u l-ħama tad-drenaġġ; billi l-ipproċessar ta' nutrijenti organiċi għal prodotti fertilizzanti organiċi jista' jkollu rwol importanti fl-ilħuq tal-għanijiet tal-istrateġija mill-għalqa sal-platt u l-objettivi klimatiċi tal-Unjoni;

N.  billi skont l-Indikatur Ikkombinat tan-Nixfa, inklużi l-ewwel 10 jiem ta' Awwissu 2022, 47 % tal-Ewropa kienet f'kundizzjonijiet ta' twissija ta' nixfa severa u 17 % f'kundizzjonijiet ta' twissija; billi r-reġjuni milquta min-nixfa fir-rebbiegħa tal-2022 kienu dawk bil-kundizzjonijiet li l-aktar sejrin għall-agħar(13);

O.  billi l-implimentazzjoni tan-nitroġenu rkuprat mid-demel (RENURE) bħala parti mis-sistemi ta' ġestjoni tad-demel tippermetti progress lejn ekonomija aktar ċirkolari u effiċjenza akbar fir-riżorsi fis-sistema tal-ikel tal-UE;

P.  billi ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni stess żviluppa kriterji għall-użu sikur ta' demel ipproċessat 'il fuq mil-limitu stabbilit għaż-Żoni Vulnerabbli għan-Nitrati mid-Direttiva dwar in-Nitrati;

1.  Jenfasizza ż-żieda b'149 % fil-prezz irrapportata għall-fertilizzanti tan-nitroġenu f'Settembru 2022 u jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-fertilizzanti u l-ambizzjoni tagħha li tiżgura d-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-fertilizzanti, bi prezzijiet raġonevoli, biex tiġi żgurata r-reżiljenza tas-settur agrikolu tal-UE;

2.  Jissottolinja li d-disponibbiltà tat-tipi kollha ta' fertilizzanti u l-produzzjoni tal-fertilizzanti hija essenzjali għall-provvista tal-ikel għaċ-ċittadini tal-UE u għas-sigurtà globali tal-ikel, kif ukoll biex tiġi żgurata l-fertilità tal-ħamrija u jiġi evitat it-tnaqqis tal-ħamrija; jinnota li l-produzzjoni tal-fertilizzanti hija essenzjali wkoll għall-produzzjoni tal-AdBlue għas-settur tat-trasport u tas-CO2 għall-industrija tal-ikel; jesprimi tħassib dwar iż-żieda bla preċedent fil-prezzijiet tal-fertilizzanti tan-nitroġenu, li l-prezzijiet għoljin tal-gass naturali u l-aċċess interrott għall-provvisti tal-gass kienu wkoll fattur li jikkontribwixxi għalihom, u jisħaq li dan jista' jkollu impatt sinifikanti fuq l-kostijiet tal-produzzjoni agrikola u l-kompetittività tas-settur agrikolu tal-UE;

3.  Jisħaq li d-disponibbiltà limitata ta' fertilizzanti fl-2022 wasslet għat-tnaqqis tar-riżervi residwi tal-fertilizzanti fil-ħamrija, li jista' jkollu impatt sinifikanti fuq il-produzzjoni Ewropea tal-ikel fl-2023;

4.  Iqis li l-miżuri stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha huma bidu tajjeb, b'mod partikolari permezz ta' rispons immedjat għall-kriżi tal-fertilizzanti, iżda għadhom 'il bogħod milli jkunu biżżejjed biex jindirizzaw id-distorsjonijiet fis-swieq tal-fertilizzanti u jiżguraw awtonomija strateġika fuq terminu twil fir-rigward tal-fertilizzanti; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija fuq terminu twil tal-UE dwar il-fertilizzanti u tippreżenta strateġija sostenibbli fuq terminu twil tal-UE dwar in-nutrijenti tal-ħamrija sa Ġunju 2023; jitlob li tittieħed azzjoni olistika minnufih biex jiġu evitati dipendenzi ġodda fuq il-fertilizzanti importati jew l-importazzjonijiet tal-enerġija u tal-vetturi tal-enerġija, u tiġi żgurata s-sigurtà globali tal-ikel billi tiġi promossa l-produzzjoni sostenibbli tal-ikel li tirrispetta l-ambjent u li tkun adattata għat-tibdil fil-klima, filwaqt li jitqies il-kuntest ekonomiku u soċjali reġjonali, Ewropew u globali;

5.  Jisħaq li hemm bżonn ta' soluzzjonijiet fuq terminu twil fil-livell tal-UE, b'mod partikolari biex tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni ekonomika bejn is-setturi agrikoli tal-Istati Membri;

6.  Ifakkar li anke n-nuqqas ta' disponibbiltà ta' fertilizzanti fuq terminu qasir jew in-nuqqas ta' affordabbiltà jistgħu jipperikolaw il-kultivazzjoni f'waqtha tal-għelejjel b'impatt negattiv fuq l-introjtu tal-bdiewa; ifakkar ukoll li dan jista' jikkontribwixxi għall-insigurtà tal-ikel;

7.  Jisħaq fuq l-effett li ż-żieda fil-kostijiet tal-input qed ikollha fuq l-agrikoltura tal-UE u jenfasizza li l-bdiewa minn reġjuni oħra bħar-Russja u l-Amerika t'Isfel għandhom aċċess għal kost ferm aktar baxx tal-fertilizzanti u b'hekk dan idgħajjef il-kompetittività tal-bdiewa tal-UE;

Azzjonijiet fuq terminu qasir

8.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jikkunsidraw li jagħmlu użu mir-riżerva agrikola għas-sena finanzjarja 2023 biex jipprovdu assistenza immedjata lill-bdiewa fid-dawl tal-kostijiet tal-fertilizzanti li qed jiżdiedu b'mod esponenzjali u ż-żieda konsegwenti fil-kostijiet tal-produzzjoni;

9.  Jisħaq, madankollu, li l-użu tar-riżerva għall-kriżijiet mhuwiex rispons finanzjarju suffiċjenti biex jiġu indirizzati l-isfidi u li huwa meħtieġ rispons aktar robust biex tiġi indirizzata l-kriżi attwali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw appoġġ għall-bdiewa sakemm is-suq jistabbilizza ruħu u sakemm isiru disponibbli alternattivi għall-fertilizzanti minerali; jinnota li tnaqqis konsekuttiv fil-baġit tal-PAK, flimkien ma' pressjonijiet inflazzjonarji, komplew inaqqsu l-vijabbiltà tal-bdiewa tal-UE;

10.  Jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità, f'dan il-kuntest, lill-aċċess kontinwu u mingħajr interruzzjoni għall-gass naturali u l-elettriku bi prezzijiet raġonevoli għall-fertilizzanti u l-produzzjoni relatata tal-AdBlue u tas-CO2 fil-pjanijiet ta' emerġenza nazzjonali tagħhom, bil-ħsieb li jiġu żgurati s-sigurtà tal-ikel fuq terminu twil, il-kompetittività fis-suq globali u settur tat-trasport li jiffunzjona;

11.  Jibża' li l-appoġġ għall-bdiewa u l-produtturi tal-fertilizzanti permezz tal-Qafas Temporanju ta' Għajnuna mill-Istat għall-kriżijiet jista' joħloq riskju ta' rinazzjonalizzazzjoni, frammentazzjoni u kompetizzjoni bejn swieq differenti u fost il-bdiewa individwali; jisħaq li l-miżuri komuni jridu jiġu ffavoriti u jissottolinja l-ħtieġa ta' kundizzjonijiet ekwi u distribuzzjoni ġusta tal-provvista madwar l-Unjoni;

12.  Ifakkar, f'dan il-kuntest, li r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali jista' jagħmilha possibbli li jissaħħaħ il-baġit tal-PAK u li jitqies l-impatt sever li l-inflazzjoni kellha fuq il-kostijiet tal-input u l-introjtu tal-azjendi agrikoli; iħeġġeġ lill-UE tfittex sorsi alternattivi ta' finanzjament barra mill-PAK, tiżviluppa l-miżuri rilevanti biex tiżgura l-affordabbiltà u d-disponibbiltà tal-fertilizzanti fl-UE, u ttaffi l-impatt ekonomiku tad-defiċit tal-fertilizzanti;

13.  Ifakkar lill-Istati Membri dwar il-possibbiltà li jiżviluppaw, fil-qafas tal-pjanijiet strateġiċi tal-PAK tagħhom, ekoskemi speċifiċi biex jippromwovu l-fertilizzazzjoni organika jew l-iżvilupp akbar ta' livelli ottimali ta' pH tal-ħamrija, li jkunu jirrikjedu inqas użu ta' fertilizzanti u jirriżultaw fl-użu massimu ta' provvisti limitati, jew interventi settorjali fil-kapitolu ta' "setturi oħra", li jistgħu jinkludu, fost affarijiet oħra, miżuri biex jiġi stimulat l-iżvilupp ta' alternattivi għall-fertilizzazzjoni minerali, jiġu appoġġjati approċċi konġunti u kooperattivi għal xenarji ta' nuqqas, u jiġu applikati l-innovazzjoni u t-teknoloġija ħalli jitnaqqas l-użu tal-fertilizzanti;

14.  Jirrikonoxxi u jagħti appoġġ differenzjali lir-rwol li għandhom il-kooperattivi agroalimentari, minħabba l-kapaċità loġistika, organizzattiva u ekonomika tagħhom li jippromwovu proġetti lokali tal-manifattura tal-fertilizzanti, kemm mill-bhejjem kif ukoll mill-alternattivi għall-fertilizzanti mill-fjuwils fossili;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri fl-identifikazzjoni ta' soluzzjonijiet għall-użu effiċjenti tal-pjanijiet strateġiċi tal-PAK biex jgħinu fl-indirizzar tas-sitwazzjoni tal-fertilizzanti; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrevedu, meta meħtieġ, il-pjanijiet strateġiċi nazzjonali tal-PAK tagħhom biex jagħlqu l-lakuni sabiex jottimizzaw u jnaqqsu l-użu tal-fertilizzanti u t-telf tan-nutrijenti, jinċentivaw is-sostituzzjoni u l-komplementazzjoni tal-fertilizzanti minerali b'nutrijenti minn sorsi organiċi u jħaffu miżuri xierqa ta' fertilizzazzjoni, sabiex tiġi żgurata l-fertilità tal-ħamrija u r-rendimenti ottimali, filwaqt li tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju f'reġjuni bi standards ta' produzzjoni inferjuri; jenfasizza li dawn ir-reviżjonijiet għandhom isiru f'waqthom, dment li l-kwantità u l-kwalità tal-produzzjoni ma jitnaqqsux, u ma għandhomx jitqiesu bħala emenda għall-pjanijiet strateġiċi nazzjonali tal-PAK tagħhom, li hija permessa biss darba fis-sena; jenfasizza l-benefiċċji ċari li tista' toffri n-newba tal-għelejjel bil-legumi bħala miżura ta' fertilizzazzjoni f'dan il-kuntest, minħabba l-kapaċità tagħha għall-fissazzjoni tan-nitrati, u b'hekk tnaqqas il-ħtieġa ta' inputs fertilizzanti; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri kollha jippermettu lill-bdiewa tagħhom jibbenefikaw mill-għażla li jużaw l-għelejjel tat-titwiq fil-kuntest tal-Kundizzjonijiet Agrikoli u Ambjentali Tajbin fil-PAK;

16.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tar-Regolament (UE) 2019/1009 adottat reċentement, li rreveda r-regoli dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti fertilizzanti tal-UE u li jippermetti l-ftuħ tas-suq uniku tal-UE għal fertilizzanti organiċi u mill-bijoskart billi jagħtihom aċċess għall-markatura CE;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna d-definizzjoni ta' demel tal-bhejjem fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni billi tagħmel distinzjoni ċara bejn id-demel ipproċessat u dak mhux ipproċessat sabiex tirregolahom kif xieraq fid-dawl tal-kompożizzjonijiet u r-riskji differenti tagħhom f'termini ta' tniġġis;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tiġbor evidenza xjentifika dwar l-effetti tad-demel iffermentat u nutrijenti organiċi pproċessati oħra f'termini ta' benefiċċji klimatiċi u r-riskju ta' tniġġis tal-ilma; jistieden lill-Kummissjoni tisfrutta l-benefiċċji għall-ambjent mill-użu tad-demel iffermentat u ta' nutrijenti organiċi pproċessati oħra, jekk dan jiġi pprovat xjentifikament, billi tippromwovi l-użu tagħhom u possibbilment tadatta l-leġiżlazzjoni;

19.  Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Komunikazzjoni ma sservitx biex tiffaċilita l-użu ta' alternattivi organiċi għall-fertilizzanti kimiċi, bħall-RENURE, id-diġestat mill-bijoskart miksub mid-diġestjoni anaerobika tal-effluwenti tal-bhejjem, u kwalunkwe strument effettiv u vverifikat ieħor, li jista' jintuża kemm fl-agrikoltura kif ukoll fis-settur tal-bhejjem, u jitlob li l-Anness III tad-Direttiva dwar in-Nitrati jiġi emendat għal dan l-għan, filwaqt li jkomplu jiġu rrispettati l-prinċipji tal-effiċjenza u s-sikurezza; jitlob, sadanittant, fid-dawl tal-kriżi attwali, deroga temporanja, peress li l-prodotti RENURE u d-diġestat għandhom il-potenzjal li jissostitwixxu l-fertilizzanti kimiċi mingħajr ma jirriżultaw f'emissjonijiet, telf ta' nitroġenu jew produzzjoni ta' demel addizzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi, mingħajr aktar dewmien, u l-aktar tard fil-pjan ta' azzjoni integrat li jmiss tagħha għall-ġestjoni tan-nutrijenti (INMAP), miżuri leġiżlattivi biex timplimenta l-applikazzjoni legali u sikura tal-kriterji kif żviluppati miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka ħalli tippermetti l-użu sikur tal-RENURE 'l fuq mil-limiti stabbiliti għaż-Żoni Vulnerabbli għan-Nitrati mid-Direttiva dwar in-Nitrati;

20.  Jinnota li l-użu tal-frass bħala fertilizzant jista' jkollu rwol importanti biex jintlaħqu r-rekwiżiti tan-nutrijenti tal-ħamrija; jistieden lill-Kummissjoni, f'dak ir-rigward, tinċentiva l-użu tal-frass billi tneħħi malajr kemm jista' jkun il-piżijiet leġiżlattivi u amministrattivi bla bżonn;

21.  Jisħaq li kwalunkwe dewmien fir-rikonoxximent tal-użu mill-ġdid tan-nutrijenti mid-demel ipproċessat fl-istess kundizzjonijiet bħall-fertilizzanti kimiċi jdewwem in-nuqqas ta' kundizzjonijiet ekwi bejn il-prodotti fertilizzanti b'karatteristiċi ugwali;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jestendu s-sospensjoni temporanja tad-dazji fuq l-importazzjoni għall-fertilizzanti minerali kollha, ħlief għal dawk li joriġinaw mir-Russja jew mill-Belarussja, sabiex tiżdied id-disponibbiltà tal-fertilizzanti għall-bdiewa u b'hekk ikun hemm effett ta' stabbilizzazzjoni fuq il-prezzijiet, u biex is-suq Ewropew isir aktar dinamiku billi tittejjeb il-loġistika u jitnaqqas il-piż amministrattiv; jissottolinja li l-UE la għandha tissostitwixxi dipendenza partikolari b'oħra, din id-darba b'fertilizzanti importati, u lanqas ma għandha tipperikola l-bidla lejn industrija Ewropea tal-fertilizzanti b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, li tirriżulta f'żieda sinifikanti fl-emissjonijiet tas-CO2 globalment, li timpedixxi l-għanijiet klimatiċi ta' Pariġi;

23.  Jitlob il-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' appoġġ għan-negozjanti biex jiġġestixxu r-riskju tax-xiri ta' fertilizzant bl-ingrossa; jinnota l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-kummerċjanti jkunu jistgħu jidħlu fis-suq b'riskju mnaqqas permezz ta' sistema ta' xiri bil-quddiem li tipproteġihom milli jakkumulaw livelli mhux sostenibbli ta' dejn;

24.  Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Kummissjoni ma ressqitx valutazzjoni tal-impatt tal-konsegwenzi tat-tnaqqis tat-telf tan-nutrijenti b'mill-inqas 50 % sal-2030 u jitlob azzjoni immedjata biex dan jiġi rrimedjat;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li tfassal regoli għall-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' xiri konġunt għall-fertilizzanti fil-livell tal-UE;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill itejbu l-funzjonament tas-suq Ewropew għall-fertilizzanti billi jnaqqsu l-ostakli loġistiċi tiegħu u jiżguraw bilanċ, b'mod partikolari fir-rigward tal-importazzjonijiet, inaqqsu l-piż amministrattiv fuq l-importazzjonijiet u l-kummerċ tal-fertilizzanti, u jiffaċilitaw ix-xiri u l-ħżin barra l-istaġun mid-distributuri u l-bdiewa;

27.  Jirrikonoxxi l-ħtiġijiet akbar ta' likwidità tan-negozjanti u l-ħtieġa li jsir disponibbli finanzjament permezz tal-Bank Ċentrali Ewropew biex jiġi ffaċilitat is-self u x-xiri bil-quddiem tal-fertilizzanti;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tibni alleanzi strateġiċi ma' sħab affidabbli biex tiffaċilita l-akkwist ta' fertilizzanti fuq terminu medju;

29.  Jisħaq li l-manipulazzjoni tas-suq qed taffettwa l-provvisti tal-fertilizzanti u għandha l-potenzjal li taffettwa l-ikkuntrattar bil-quddiem taċ-ċereali u l-għalf, u b'hekk twassal għal inflazzjoni ulterjuri tal-prezzijiet tal-ikel għall-konsumaturi;

Azzjoni fuq terminu medju u twil

30.  Jieħu nota tal-fatt li l-materja prima għall-fertilizzanti minerali, il-gass naturali, il-fosforu u l-potassju fil-biċċa l-kbira toriġina barra mill-UE, spiss minn reġimi awtokratiċi, u l-awtosuffiċjenza fir-rigward tal-fertilizzanti minerali mhijiex realistika fuq terminu qasir jew saħansitra medju; jitlob, għalhekk, enfasi akbar fuq miżuri fuq terminu medju u twil, inklużi investimenti u mudelli ta' negozju ġodda, li jnaqqsu jew jeliminaw id-dipendenzi fuq l-importazzjoni potenzjalment dannużi u, b'mod partikolari, jevitaw il-ħolqien ta' dipendenzi ġodda bħal dawn, iżidu l-awtonomija strateġika tal-UE fil-fertilizzanti, b'mod partikolari billi jiddekarbonizzaw u jintroduċu sorsi ta' enerġija rinnovabbli użati għall-produzzjoni ta' fertilizzanti ekoloġiċi, billi jagħtu aċċess aħjar għall-fertilizzanti u n-nutrijenti organiċi minn flussi ta' skart riċiklat, u jżidu ċ-ċirkolarità tal-biedja, u b'hekk isaħħu r-reżiljenza tas-settur agrikolu tal-UE;

31.  Jiddikjara li l-Mekkaniżmu ta' Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri (CBAM) il-ġdid tal-UE għandu l-objettiv importanti li jipprevjeni r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, li għandu jiġi kkombinat ma' objettivi oħra tal-UE bħall-iżgurar tas-sigurtà tal-ikel;

32.  Jitlob azzjoni immedjata, inkluż l-iżgurar ta' regolamenti u finanzjament xierqa, biex l-industrija tal-fertilizzanti eżistenti tal-UE tkun tista' tiddekarbonizza b'mod effettiv u urġenti l-proċessi ta' produzzjoni, bl-għan li tintemm id-dipendenza fuq il-gass naturali, filwaqt li jiġu fornuti fertilizzanti rinnovabbli, ħielsa mill-fjuwils fossili u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju lill-bdiewa tal-UE;

33.  Jinnota li l-gass Russu, użat fil-produzzjoni tal-fertilizzanti, jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-gwerra fl-Ukrajna; jitlob, għalhekk, li jiġu allokati malajr kemm jista' jkun riżorsi suffiċjenti biex tintemm id-dipendenza fuq dan il-gass;

34.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jitħaffef il-proċess ta' dekarbonizzazzjoni u żieda fis-sostenibbiltà u r-reżiljenza tal-industrija tal-fertilizzanti tan-nitroġenu bl-użu ta' enerġiji ħielsa mill-fjuwils fossili, b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u rinnovabbli u nutrijenti riċiklati għall-produzzjoni tal-fertilizzanti, b'mod partikolari n-nitroġenu mill-ikkompostjar tad-demel, sabiex titnaqqas id-dipendenza fuq il-gass naturali; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tagħmel proposti ġodda biex tagħti spinta lill-użu ta' impjanti tal-bijogass fuq skala żgħira u medja biex jipproduċu fertilizzanti u enerġija madwar l-Ewropa kollha u b'enfasi reġjonali strateġika, sabiex tappoġġja lill-bdiewa ħalli joħolqu katina tal-valur sostenibbli tal-UE li tnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq pajjiżi terzi; jinnota li ż-żieda fl-għadd ta' impjanti tad-diġestjoni anaerobika fl-agrikoltura, li l-għan strateġiku ewlieni tagħhom huwa l-produzzjoni tal-bijometan u tad-diġestat, ma għandhiex isseħħ biss għad-detriment tal-finanzjament tal-PAK;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri ta' politika fuq terminu medju u twil biex tippermetti l-użu tal-prodotti RENURE, billi tikklassifikahom bħala sostituti għall-fertilizzanti kimiċi bbażati fuq kriterji xjentifiċi, bħala opportunità għall-bdiewa biex inaqqsu d-dipendenza tagħhom fuq fertilizzanti kimiċi u jżidu ċ-ċirkolarità fl-azjendi agrikoli permezz tal-valorizzazzjoni tar-residwi bħad-demel;

36.  Jinnota l-potenzjal tal-enerġija eolika lil hinn mill-kosta tal-Ewropa li tiġġenera l-elettriku għall-produzzjoni tal-idroġenu u l-ammonijaka; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-fattibbiltà ta' mudell integrat għall-produzzjoni tal-ammonijaka kemm bħala fjuwil sostenibbli għat-trasport marittimu kif ukoll bħala sors sostenibbli ta' fertilizzanti;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta valutazzjoni tal-impatt, li tanalizza b'mod komprensiv il-provvista ta' nutrijenti għall-biedja tal-UE minn fertilizzanti minerali, organominerali u organiċi, b'enfasi fuq l-iżgurar tal-objettiv fuq terminu twil tal-awtosuffiċjenza fil-provvista tan-nutrijenti;

38.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati terminals tal-gass naturali likwifikat li jibqgħu validi fil-futur biex jiġi ffaċilitat l-ġestjoni tal-idroġenu kif ukoll tal-ammonijaka;

39.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li tittejjeb l-effiċjenza tal-fertilizzazzjoni u tal-użu tan-nutrijenti mill-bdiewa billi jiġu inċentivati s-sostenibbiltà u l-ottimizzazzjoni, b'mod partikolari permezz tal-aċċess għal pariri tekniċi mfassla apposta, id-diġitalizzazzjoni, l-innovazzjoni, il-biedja ta' preċiżjoni u l-għodod għall-ġestjoni tan-nutrijenti li jippermettu prattiki tal-biedja mtejba, kif ukoll billi jiġu prijoritizzati u appoġġjati l-prattiki agroekoloġiċi; jinsisti li huwa meħtieġ sforz finanzjarju biex dan jinkiseb;

40.  Jirrikonoxxi l-avvanzi miksuba fis-sostituzzjoni tal-fertilizzanti artifiċjali permezz tal-metodi agroekoloġiċi żviluppati u moderni użati fil-biedja ta' kuljum f'azjendi innovattivi; jitlob it-tixrid ta' dawn il-prattiki permezz ta' servizzi ta' konsulenza, skambji bejn il-bdiewa u l-iskejjel;

41.  Jitlob enfasi akbar fuq l-ekonomija ċirkolari u l-agroekoloġija u b'hekk enfasi akbar fuq ir-riċerka, fil-qafas tal-programmi ta' riċerka tal-UE, fuq l-iżvilupp ta' innovazzjonijiet, inkluż billi jitħaffef l-użu tal-RENURE u billi jiġu appoġġjati l-iskoperta mill-ġdid, it-tixrid u l-kondiviżjoni, speċjalment permezz ta' skejjel tal-biedja u servizzi konsultattivi, ta' għarfien, metodi u innovazzjonijiet agroekoloġiċi, sabiex jiġu żviluppati fertilizzanti ġodda jew alternattivi oħra u titrawwem biedja ta' preċiżjoni;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tiġbor u tikkondividi informazzjoni u esperjenzi mill-Istati Membri dwar prattiki bħall-ottimizzazzjoni tal-użu tal-fertilizzanti, ir-riċiklaġġ tan-nutrijenti u l-użu ta' nutrijenti alternattivi, filwaqt li tqis ukoll l-ostakli li jiffaċċjaw dawn l-alternattivi meta jiżdied l-użu tagħhom, u tagħti dettalji dwar kif jistgħu jingħelbu dawn id-diffikultajiet; iħeġġeġ l-implimentazzjoni u t-titjib tal-Għodda għas-Sostenibbiltà tal-Azjendi Agrikoli għan-Nutrijenti (FaST) fil-livell tal-Istati Membri biex il-bdiewa tal-UE jingħataw pariri personalizzati u preċiżi dwar il-ġestjoni tan-nutrijenti, inklużi r-rekwiżiti tal-fertilizzanti; jappoġġja, f'dan ir-rigward, l-użu ta' għodod ta' appoġġ għad-deċiżjonijiet diġitali, b'mod partikolari f'ambjenti kollettivi u kooperattivi, biex jingħelbu l-limitazzjonijiet tad-daqs żgħir tal-azjendi agrikoli;

43.  Jinnota l-opportunità sinifikanti biex titnaqqas id-dipendenza kollettiva tal-Unjoni fuq il-fertilizzanti kimiċi permezz tal-użu aktar effettiv tad-demel organiku prodott mill-bhejjem, tal-għelejjel li jassimilaw in-nitroġenu bħax-xnien u tat-tekniki għall-ġestjoni tan-nutrijenti; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja finanzjarjament l-użu u l-iżvilupp ta' dawn il-miżuri;

44.  Jirrikonoxxi li d-demel organiku prodott mill-bhejjem huwa komponent kritiku fit-tranżizzjoni lejn sistemi tal-ikel aktar sostenibbli u għandu rwol ewlieni f'ħafna sistemi tal-biedja organika;

45.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiddiversifika s-sorsi tal-fertilizzanti u tidentifika depożiti minerali ġodda fl-UE, u tespandi b'mod sostenibbli dawk eżistenti, sabiex titnaqqas id-dipendenza fuq is-swieq barranin u tiġi stimulata awtosuffiċjenza akbar; jenfasizza li l-UE jeħtiġilha tiżviluppa l-provvista ta' fertilizzanti organiċi u tekniki agroekoloġiċi fuq terminu twil biex tnaqqas id-dipendenza fuq il-fertilizzanti tan-nitroġenu;

46.  Jitlob l-adozzjoni rapida ta' leġiżlazzjoni dwar tekniki ġodda ta' tnissil tal-pjanti, inkluż b'mod partikolari tekniki ġenomiċi ġodda, li se jżidu r-rendimenti tal-għelejjel mingħajr ma jżidu l-ħtieġa ta' fertilizzanti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw ir-riċerka u l-iżvilupp ta' tekniki ġodda ta' tnissil tal-pjanti, inklużi tekniki ġenomiċi ġodda;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq rieżami tal-kapaċitajiet kollha ta' produzzjoni ta' fertilizzanti mhux użati fl-UE u tiddetermina fejn tista' tkun possibbli aktar kapaċità ta' produzzjoni;

48.  Jappoġġja l-manifattura ta' fertilizzanti ekoloġiċi bl-użu ta' riżorsi lokali u enerġija rinnovabbli, bħall-ammonijaka ekoloġika;

49.  Jirrakkomanda, l-użu ta' għelejjel leguminużi biex tinżamm u tittejjeb il-kwalità tal-ħamrija, mingħajr ma jiġi pperikolat l-għan tas-sigurtà tal-ikel, u jitlob żieda fil-kultivazzjoni tal-għelejjel leguminużi fil-livell tal-UE sabiex jiżdiedu l-bijodiversità u l-iffissar tan-nitroġenu; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija Ewropea dwar il-proteini fi żmien debitu, b'enfasi qawwija fuq l-għelejjel leguminużi għal prattiki tal-biedja mtejba;

50.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi appoġġjat l-ittestjar tal-ħamrija u tal-mikroelement fil-livell tal-azjendi agrikoli; jisħaq li tali għarfien jippermetti lill-bdiewa jippjanaw azzjonijiet aktar effiċjenti ta' fertilizzazzjoni, ta' kultivazzjoni u ta' ġestjoni tal-ħamrija, kif ukoll jipprovdi l-bażi għal programm sostenibbli tan-newba tal-għelejjel; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi inizjattiva "ittestja l-ħamrija tiegħek mingħajr ħlas", kif imħabbar fl-istrateġija tal-UE dwar il-ħamrija għall-2030, u għal appoġġ tekniku u finanzjarju fil-forma ta' ekoskema jew miżura tat-tieni pilastru;

51.  Jenfasizza l-importanza tan-newba tal-għelejjel għall-fertilità tal-ħamrija;

52.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jingħata aktar appoġġ finanzjarju lill-bdiewa fl-użu tal-ġir, tax-xnien u medda ta' diversi speċijiet biex jgħinu fl-indirizzar tad-dipendenza kollettiva tagħna fuq il-fertilizzanti u jintlaħqu l-miri tal-istrateġija mill-għalqa sal-platt;

53.  Jinkoraġġixxi ż-żieda fl-użu tal-bijostimulanti biex tiġi ottimizzata l-fertilizzazzjoni billi jittejbu l-assorbiment u l-effiċjenza tan-nutrijenti, tissaħħaħ it-tolleranza tal-għelejjel tal-pjanti għall-istress abijotiku kkawżat mill-impatti tat-tibdil fil-klima bħan-nixfa u t-temperaturi estremi, u tittejjeb il-prestazzjoni tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tinvesti fl-għarfien espert u l-għadd ta' esperti għad-dispożizzjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u ttejjeb il-veloċità li biha jistgħu jiġu vvalutati u approvati bijostimulanti ġodda;

54.  Jirrikonoxxi li l-biedja organika hija inqas esposta għal żidiet fil-prezzijiet, iżda sakemm issir it-tranżizzjoni lejn l-użu ta' tipi sostenibbli ta' fertilizzanti, l-industrija tal-fertilizzanti fl-UE jeħtiġilha jkollha aċċess għall-importazzjonijiet meħtieġa, inkluż il-gass, biex tipproduċi fertilizzanti fl-UE stess u tiżgura li l-prospetti għall-ħsad tal-UE ma jiġux ipperikolati; jistieden lill-Kummissjoni tħaffef il-miżuri stabbiliti fil-komunikazzjoni tagħha biex tindirizza r-riskji u l-vulnerabbiltajiet identifikati permezz tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Tħejjija u Rispons għall-Kriżijiet tas-Sigurtà tal-Ikel;

55.  Jinkoraġġixxi, barra minn hekk, l-użu tal-kompost u emendi oħra tal-ħamrija biex jittejbu s-saħħa tal-ħamrija u l-fertilizzazzjoni, filwaqt li jingħata kontribut għall-ġlieda kontra n-nixfa, u jitqiesu l-proprjetajiet tal-ħżin tal-ilma ta' dawn il-prodotti;

56.  Jinnota li l-ossidu nitruż jirrappreżenta porzjon sinifikanti tal-emissjonijiet agrikoli tal-UE u għalhekk jitlob l-użu u l-prijoritizzazzjoni ta' fertilizzanti mingħajr emissjonijiet ta' ossidu nitruż;

57.  Jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni tal-INMAP; jirrakkomanda r-rikonoxximent tal-importanza ta' nutrizzjoni bbilanċjata tal-għelejjel għal ħamrija f'saħħitha u produzzjoni tal-ikel tajba għas-saħħa u tfittxija imparzjali għal flussi sekondarji rikki fin-nutrijenti u sorsi tal-enerġija alternattivi, filwaqt li jiġi promoss l-użu tal-bijoskart sikur u tal-prodotti sekondarji tal-annimali kollha; jisħaq li l-INMAP għandu jiffoka fuq it-titjib tal-effiċjenza fl-użu tan-nutrijenti, jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' fertilizzanti ekoloġiċi u jottimizza l-użu ta' fertilizzanti minerali u organiċi permezz tal-biedja ta' preċiżjoni, l-ippjanar tal-ġestjoni tan-nutrijenti u ħżin u trasport imtejba, filwaqt li ma jimponix piżijiet addizzjonali bla bżonn fuq il-bdiewa, filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ il-limiti regolatorji u jieħu prekawzjonijiet kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi;

58.  Jinnota li l-iskart uman bħalissa jirrappreżenta wieħed miċ-ċrieki ewlenin mhux magħluqa fiċ-ċiklu tan-nutrijenti, peress li n-nutrijenti mid-drenaġġ fil-biċċa l-kbira ma jiġux irritornati fil-ħamrija agrikola; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tinċentiva tekniki li jgħinu fl-irkupru tan-nutrijenti mill-ħama tad-drenaġġ, inkluż billi tintroduċi kriterji għat-tmiem tal-istadju tal-iskart għal materjali li jistgħu jiġu rkuprati minn impjanti tat-trattament tad-drenaġġ, u billi tiżviluppa kriterji għall-applikazzjoni sikura tagħhom għall-ħamrija agrikola;

59.  Jitlob li l-preżenza tal-bhejjem fil-biċċa l-kbira tat-territorji ssir objettiv fuq terminu twil tal-politiki agrikoli; jemmen li disponibbiltà aktar uniformi ta' fertilizzanti organiċi għandha tkun parti mill-istrateġija tal-UE għall-agrikoltura tagħha;

60.  Jitlob li ssir analiżi tal-possibbiltà ta' estensjoni tal-flessibbiltà reġjonali fil-qafas tad-Direttiva dwar in-Nitrati, filwaqt li jitqies l-objettiv tat-tnaqqis tat-tniġġis; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-adozzjoni ta' regoli dwar baġit ibbilanċjat tan-nitroġenu għal kull azjenda u eżenzjonijiet mil-limitu ta' 170 kg ta' nitroġenu għal kull ettaru fis-sena għall-fertilizzanti organiċi u prodotti ekwivalenti, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet differenti fi Stati Membri u reġjuni speċifiċi b'kundizzjonijiet klimatiċi favorevoli, u filwaqt li jitqies ukoll l-użu effiċjenti tal-fertilizzanti, l-ottimizzazzjoni tal-fertilizzazzjoni, l-użu tal-bijoskart u sorsi ta' nutrijenti sekondarji, u l-użu tal-bijostimulanti;

61.  Jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' trasparenza fis-suq tal-fertilizzanti u jiffavorixxi azzjoni ulterjuri biex jittejbu t-trasparenza u l-informazzjoni pubblika, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak globali, f'dan is-suq u fir-rigward tal-materja prima użata għall-produzzjoni tal-fertilizzanti; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib il-profitti eċċessivi tal-manifatturi globali tal-fertilizzanti u, jekk ikun meħtieġ, tinvestiga akkordji u pożizzjonijiet dominanti fis-suq, teżamina l-possibbiltajiet ta' taxxi fuq profitti straordinarji mhux mistennija u tagħmel proposti f'dan ir-rigward sabiex tiġi miġġielda l-kompetizzjoni inġusta; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi osservatorju tas-suq iddedikat għall-monitoraġġ tal-provvista internazzjonali u domestika u l-istokkijiet tal-fertilizzanti, u biex jitnaqqas l-impatt tal-ispekulazzjoni fuq is-suq;

62.  Jieħu nota tal-fatt li s-sehem medjan tal-enerġija u tal-fertilizzanti tal-kostijiet totali tal-input madwar l-Istati Membri u s-snin tal-UE huwa ta' 8 % u 6 % rispettivament, iżda hemm varjazzjoni konsiderevoli fl-ishma tal-kostijiet madwar il-pajjiżi u s-snin(14); iqis, għalhekk, li huwa kemm f'waqtu kif ukoll xieraq li jitħaffef il-proċess ta' konverġenza esterna biex il-bdiewa jingħataw is-setgħa biex ilaħħqu mal-isfidi attwali fl-Istati Membri fejn dan il-proċess għadu ma tlestiex;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni tħejji strateġija globali li għandha l-għan li tnaqqas ir-rwol dominanti tal-Federazzjoni Russa fis-swieq globali tal-fertilizzanti u tal-ikel, b'mod partikolari fil-viċinat immedjat tal-UE, filwaqt li tenfasizza l-ħtieġa li d-dinja ssir indipendenti mill-esportazzjonijiet Russi, u li toħloq opportunitajiet għal fertilizzanti u ikel rinnovabbli, ħielsa mill-fjuwils fossili u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fil-viċinat tal-UE u fid-dinja;

64.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis l-istudji tal-impatt imwettqa miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka li jwissu dwar l-effetti negattivi fuq il-produzzjoni u s-sigurtà tal-ikel li r-restrizzjoni tal-użu tal-fertilizzanti jista' jkollha fuq terminu qasir, mingħajr ma jkun hemm alternattivi kummerċjali vijabbli għall-bdiewa;

o
o   o

65.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

(1) ĠU C 361, 20.9.2022, p. 2.
(2) ĠU C 184, 5.5.2022, p. 2.
(3) ĠU C 465, 17.11.2021, p. 11.
(4) ĠU C 426, 9.11.2022, p. 1.
(5) ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1.
(6) ĠU L 261 I, 7.10.2022, p. 1.
(7) ĠU L 170, 25.6.2019, p. 1.
(8) ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1.
(9) Huygens, D., Orveillon, G., Lugato, E., Tavazzi, S., Comero, S., Jones, A., Gawlik, B. u Saveyn, H., "Technical proposals for the safe use of processed manure above the threshold established for Nitrate Vulnerable Zones by the Nitrates Directive" (Proposti tekniċi għall-użu sikur ta' demel ipproċessat 'il fuq mil-limitu stabbilit għaż-Żoni Vulnerabbli għan-Nitrati mid-Direttiva dwar in-Nitrati (91/676/KEE)), Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, Lussemburgu, 2020.
(10) https://www.nature.com/articles/s41598-022-18773-w.
(11) https://commission.europa.eu/publications/analysis-main-drivers-food-security_en, p 26.
(12) https://grain.org/system/articles/pdfs/000/006/903/original/The%20Fertiliser%20 Trap%20En glish%20-%20Embargoed%208th%20November%202022.pdf ?1667838216.
(13) https://edo.jrc.ec.europa.eu/documents/news/GDO-EDODroughtNews202208_Europe.pdf.
(14) https://commission.europa.eu/publications/analysis-main-drivers-food-security_en.

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Mejju 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza