Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2023 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2018/842 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta' Pariġi (COM(2021)0555 – C9-0321/2021 – 2021/0200(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2021)0555),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9‑0321/2021),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-8 ta' Diċembru 2021(1),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-28 ta’ April 2022(2),
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-21 ta’ Diċembru 2022, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A9-0163/2022),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt(3);
2. Jieħu nota tad-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fit-8 ta’ Ġunju 2022 (ĠU C 493, 27.12.2022, p. 202).
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-14 ta' Marzu 2023 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2023/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2018/842 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta' Pariġi, u r-Regolament (UE) 2018/1999
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġislattiv finali, ir-Regolament (UE) 2023/857.)
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fl-okkażjoni tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2023/857(1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2018/842 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u r-Regolament (UE) 2018/1999
Fir-rapport tagħha skont l-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) 2018/1999 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll aspetti relatati mal-aċċess għall-ġustizzja fl-Istati Membri tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 10 ta’ dak ir-Regolament u tqis dik il-valutazzjoni kif xieraq fi kwalunkwe proposta leġiżlattiva sussegwenti possibbli.