Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2022/0047(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0031/2023

Testi mressqa :

A9-0031/2023

Dibattiti :

PV 14/03/2023 - 3
CRE 14/03/2023 - 3

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2023 - 7.10
CRE 14/03/2023 - 7.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
PV 09/11/2023 - 5.10

Testi adottati :

P9_TA(2023)0069
P9_TA(2023)0385

Testi adottati
PDF 542kWORD 157k
It-Tlieta, 14 ta' Marzu 2023 - Strasburgu
L-Att dwar id-Data
P9_TA(2023)0069A9-0031/2023
Test
 Test konsolidat

Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fl-14 ta' Marzu 2023 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli armonizzati dwar l-aċċess ġust għad-data u l-użu tagħha (L-Att dwar id-Data) (COM(2022)0068 – C9-0051/2022 – 2022/0047(COD))(1)
EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW(2)
għall-proposta tal-Kummissjoni
---------------------------------------------------------
2022/0047(COD)

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Emenda 1

(1) Il-każ ġie mgħoddi lura għan-negozjati interistituzzjonali lill-kumitat responsabbli, skont l-Artikolu 59(4), ir-raba' subparagrafu (A9-0031/2023).
(2)* Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.


Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar regoli armonizzati dwar l-aċċess ġust għad-data u l-użu tagħha
(L-Att dwar id-Data)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni(2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)  F'dawn l-aħħar snin, it-teknoloġiji xprunati mid-data kellhom effetti trasformattivi fuq is-setturi kollha tal-ekonomija. Il-proliferazzjoni fi prodotti konnessi mal-internet ▌b'mod partikolari żiedet il-volum u l-valur potenzjali tad-data għall-konsumaturi, għan-negozji u għas-soċjetà. Data ta' kwalità għolja u interoperabbli minn oqsma differenti żżid il-kompetittività u l-innovazzjoni u tiżgura tkabbir ekonomiku sostenibbli. L-istess sett ta' data jista' potenzjalment jintuża u jintuża mill-ġdid għal varjetà ta' skopijiet u sa grad mhux limitat, mingħajr ebda telf fil-kwalità jew fil-kwantità tiegħu.

(2)  F'kuntest fejn l-Unjoni Ewropea għandha pożizzjoni kompetittiva globali fil-manifattura u hija minn ta' quddiem fis-software industrijali u fir-robotika, l-ostakli għall-kondiviżjoni tad-data jipprevjenu allokazzjoni ottimali tad-data għall-benefiċċju tas-soċjetà. Dawn l-ostakli jinkludu nuqqas ta' inċentivi għad-detenturi tad-data biex jidħlu b'mod volontarju fi ftehimiet dwar il-kondiviżjoni tad-data, inċertezza dwar id-drittijiet u l-obbligi fir-rigward tad-data, il-valur ekonomiku tas-settijiet ta' data, il-kostijiet tal-ikkuntrattar u tal-implimentazzjoni tal-interfaċċi tekniċi, il-livell għoli ta' frammentazzjoni tal-informazzjoni f'silos tad-data, ġestjoni ħażina tal-metadata, in-nuqqas ta' standards għall-interoperabbiltà semantika u teknika, il-konġestjonijiet li jimpedixxu l-aċċess għad-data, in-nuqqas ta' prattiki komuni ta' kondiviżjoni tad-data u l-abbuż ta' żbilanċi kuntrattwali fir-rigward tal-aċċess u l-użu tad-data.

(3)  F'setturi kkaratterizzati mill-preżenza ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (SMEs), ta' spiss ikun hemm nuqqas ta' kapaċitajiet u ħiliet diġitali għall-ġbir, għall-analiżi u għall-użu tad-data, u l-aċċess huwa spiss ristrett fejn attur wieħed iżommha fis-sistema jew minħabba nuqqas ta' interoperabbiltà bejn id-data, bejn is-servizzi tad-data jew bejn il-fruntieri.

(4)  Sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-ekonomija diġitali, tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern li tista' tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u biex jitneħħew l-ostakli għal suq intern tad-data li jiffunzjona tajjeb, jeħtieġ li jiġi stabbilit qafas armonizzat li jispeċifika min ▌huwa intitolat juża data aċċessibbli miġbura, miksuba jew inkella ġġenerata minn prodotti konnessi jew minn servizzi relatati, taħt liema kundizzjonijiet u fuq liema bażi. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jadottawx jew ma jżommux rekwiżiti nazzjonali addizzjonali dwar dawk il-kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, dment li dan ma jkunx previst espliċitament f'dan ir-Regolament, peress li dan jaffettwa l-applikazzjoni diretta u uniformi ta' dan ir-Regolament.

(5)  Dan ir-Regolament jiżgura li l-manifatturi ta' prodotti konnessi u l-fornituri ta' servizzi relatati jiddisinjaw il-prodotti u s-servizzi b'mod li l-utenti ta' prodott konness jew ta' servizz relatat fl-Unjoni jkunu jistgħu jaċċessaw, fil-ħin, id-data aċċessibbli mill-prodott jew iġġenerata matul il-forniment ta' servizz relatat u li dawk l-utenti jkunu jistgħu jużaw id-data, inkluż billi jikkondividuha ma' partijiet terzi tal-għażla tagħhom. Jimponi l-obbligu fuq id-detenturi tad-data li jagħmlu d-data disponibbli għall-utenti u għar-riċevituri tad-data nnominati mill-utenti ▌. Jiżgura wkoll li d-detenturi tad-data jagħmlu d-data disponibbli għar-riċevituri tad-data fl-Unjoni taħt termini ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji u b'mod trasparenti. Ir-regoli tal-liġi privata huma kruċjali fil-qafas ġenerali tal-kondiviżjoni tad-data. Għalhekk, dan ir-Regolament jadatta r-regoli tal-liġi kuntrattwali u jipprevjeni l-isfruttament ta' żbilanċi kuntrattwali li jxekklu l-aċċess ġust għad-data u l-użu tagħha ▌. Dan ir-Regolament jiżgura wkoll li d-detenturi tad-data jagħmlu data disponibbli lill-korpi tas-settur pubbliku tal-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet, l-aġenziji jew il-korpi tal-Unjoni, fejn ikun hemm ħtieġa eċċezzjonali ▌. Barra minn hekk, dan ir-Regolament ifittex li jiffaċilita l-qlib bejn is-servizzi tal-ipproċessar tad-data u li jsaħħaħ l-interoperabbiltà tal-mekkaniżmi u s-servizzi tal-kondiviżjoni tad-data u tad-data fl-Unjoni. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jiġix interpretat bħala li jirrikonoxxi jew li joħloq xi bażi ġuridika biex id-detenturi tad-data jżommu, ikollhom aċċess għal jew jipproċessaw id-data, jew bħala li jagħti xi dritt ġdid lil detentur tad-data biex juża d-data aċċessata minn prodott konness jew iġġenerata matul il-forniment ta' servizz relatat. Minflok, huwa jirrikonoxxi li l-utenti jistgħu jaqblu li jagħtu aċċess u permessi ta' użu għal data aċċessata minn prodotti konnessi jew iġġenerata matul il-forniment ta' servizzi relatati lid-detenturi tad-data, li spiss jistgħu jkunu manifatturi, u li jistgħu jaqblu mal-utent b'mod kuntrattwali li jwettqu servizz relatat wieħed jew aktar.

(6)  Il-ġenerazzjoni tad-data hija funzjoni tad-disinn tal-manifattur ta' prodott konness, b'mod partikolari l-inklużjoni ta' sensuri u ta' software għall-ipproċessar fl-apparat, tal-azzjonijiet tal-utent u, skont il-modalitajiet operattivi, tal-forniment ta' servizz relatat wieħed jew aktar. Ħafna prodotti konnessi, pereżempju fis-setturi tal-infrastruttura ċivili, tal-produzzjoni tal-enerġija jew tat-trasport, qed jirreġistraw data dwar l-ambjent jew l-interazzjoni tagħhom ma' elementi oħra ta' dik l-infrastruttura mingħajr ebda azzjoni mill-utent jew minn xi parti terza. Tali data spiss tista' tkun ta' natura mhux personali u tkun siewja għall-utent jew għall-partijiet terzi, li jistgħu jużawha biex itejbu l-operazzjonijiet tagħhom, il-funzjonament ġenerali ta' network jew sistema jew billi jagħmluha disponibbli għal oħrajn. Dan iwassal għal mistoqsijiet ta' ġustizzja fl-ekonomija diġitali, minħabba li d-data aċċessata minn prodotti konnessi jew iġġenerata matul il-forniment ta' servizzi relatati hija input importanti għas-servizzi ta' wara l-bejgħ, anċillari u oħrajn. Sabiex jitwettqu l-benefiċċji ekonomiċi importanti tad-data ▌għall-ekonomija u għas-soċjetà, approċċ ġenerali għall-assenjazzjoni tad-drittijiet tal-aċċess u tal-użu tad-data huwa preferibbli għall-għoti ta' drittijiet esklużivi ta' aċċess u ta' użu. Madankollu, huwa importanti wkoll li l-kondiviżjoni tad-data bbażata fuq ftehimiet volontarji tkompli tiżviluppa sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tat-tkabbir tal-valur xprunat mid-data tal-kumpaniji Ewropej.

(7)  Id-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali huwa ssalvagwardjat b'mod partikolari fl-ambitu tar-Regolamenti (UE) 2016/679(3) u ▌ (UE) 2018/1725(4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5) tipproteġi wkoll il-ħajja privata u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet, inkluż billi tipprovdi kundizzjonijiet għal kwalunkwe ħżin ta' data personali u mhux personali fit-tagħmir terminali u għall-aċċess għaliha minn dan it-tagħmir. Dawn l-istrumenti jipprovdu l-bażi għall-ipproċessar tad-data sostenibbli u responsabbli, inkluż fejn is-settijiet ta' data jinkludu taħlita ta' data personali u mhux personali. Dan ir-Regolament jikkomplementa u huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza, b'mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE. Jenħtieġ li l-ebda dispożizzjoni ta' dan ir-Regolament ma tiġi applikata jew interpretata b'tali mod li jitnaqqas jew jiġi limitat id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali jew id-dritt għall-privatezza u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jinftehimx bħala li joħloq bażi ġuridika ġdida għall-ipproċessar tad-data personali għal kwalunkwe waħda mill-attivitajiet regolati, jew li jemenda r-rekwiżiti ta' informazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679. Fil-każ ta' kunflitt bejn dan ir-Regolament u l-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali jew il-liġi nazzjonali adottata f'konformità ma' tali liġi tal-Unjoni, jenħtieġ li tipprevali l-liġi rilevanti tal-Unjoni jew dik nazzjonalifil-qasam tal-protezzjoni tad-data.

(8)  Il-prinċipji tal-minimizzazzjoni tad-data u tal-protezzjoni tad-data skont id-disinn u b'mod awtomatiku huma essenzjali meta l-ipproċessar jinvolvi riskji sinifikanti għad-drittijiet fundamentali tal-individwi. Filwaqt li jitqies l-ogħla livell ta' żvilupp tekniku, il-partijiet kollha għall-kondiviżjoni tad-data, inkluż meta l-kondiviżjoni taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzazzjonali biex jipproteġu dawn id-drittijiet. Tali miżuri jinkludu mhux biss il-psewdonimizzazzjoni u l-kriptaġġ, iżda anki l-użu ta' teknoloġija dejjem aktar disponibbli li tippermetti li l-algoritmi jiġu applikati għad-data u jippermettu li jinkiseb għarfien siewi mingħajr it-trażmissjoni bejn il-partijiet jew l-ikkopjar bla bżonn tad-data mhux ipproċessata jew strutturata.

(9)  Dan ir-Regolament jikkomplementa u huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Unjoni li għandu l-għan li jippromwovi l-interessi tal-konsumaturi u li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, biex jipproteġi s-saħħa, is-sikurezza u l-interessi ekonomiċi tagħhom, b'mod partikolari d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7) u d-Direttiva 93/13/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8).

(10)  Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-atti legali tal-Unjoni li jipprevedu l-kondiviżjoni ta', l-aċċess għal u l-użu ta' data għall-finijiet ta' prevenzjoni, investigazzjoni, identifikazzjoni jew prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, jew għal finijiet doganali u ta' tassazzjoni, irrispettivament mill-bażi ġuridika fl-ambitu tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li abbażi tagħha ġew adottati. Tali atti jinkludu r-Regolament (UE) 2021/784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2021 dwar l-indirizzar tad-disseminazzjoni ta' kontenut terroristiku online, il-[proposti dwar evidenza elettronika [COM(2018) 225 u 226] ladarba jiġu adottati], il-[Proposta għal] Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Suq Intern għas-Servizzi Diġitali (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE, kif ukoll il-kooperazzjoni internazzjonali f'dan il-kuntest b'mod partikolari abbażi tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa 2001 dwar iċ-Ċiberkriminalità ("Konvenzjoni ta' Budapest"). Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri fir-rigward ta' attivitajiet li jikkonċernaw is-sigurtà pubblika, id-difiża u s-sigurtà nazzjonali f'konformità mad-dritt tal-Unjoni, u attivitajiet mid-dwana dwar il-ġestjoni tar-riskju u b'mod ġenerali, il-verifika tal-konformità mal-Kodiċi Doganali mill-operaturi ekonomiċi.

(11)  Id-dritt tal-Unjoni li jistabbilixxi rekwiżiti fiżiċi ta' disinn u ta' data għall-prodotti li jridu jiġu introdotti fis-suq tal-Unjoni jenħtieġ li ma jiġix affettwat lil hinn mill-obbligi tal-Artikolu 3(1) ta' dan ir-Regolament.

(12)  Dan ir-Regolament jikkomplementa u huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Unjoni li għandu l-għan li jistabbilixxi rekwiżiti ta' aċċessibbiltà għal ċerti prodotti u servizzi, b'mod partikolari d-Direttiva 2019/882(9).

(13)  Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri fir-rigward ta' attivitajiet li jikkonċernaw is-sigurtà pubblika, id-difiża u s-sigurtà nazzjonali f'konformità mad-dritt tal-Unjoni, u attivitajiet mid-dwana dwar il-ġestjoni tar-riskju u b'mod ġenerali, il-verifika tal-konformità mal-Kodiċi Doganali mill-operaturi ekonomiċi.

(13a)   Dan ir-Regolament għandu wkoll l-għan li jsaħħaħ il-pożizzjoni u l-mudelli kummerċjali ta' partijiet terzi, pereżempju l-fornituri, permezz ta' approċċ orizzontali. Biex jitqiesu s-sitwazzjoni u l-kumplessità speċifiċi tas-settur rispettiv, jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi segwit minn leġiżlazzjoni settorjali, pereżempju l-ispazju tad-data dwar il-mobbiltà. Dik il-leġiżlazzjoni tista' tistabbilixxi aktar regoli dwar id-dritt tal-fornituri għal aċċess imtejjeb jew dirett għad-data mill-komponenti intelliġenti tagħhom stess għal kwistjonijiet bħall-monitoraġġ tal-kwalità, l-iżvilupp tal-prodotti jew it-titjib tas-sikurezza u tiċċara r-rwol tal-fornituri tal-komponenti b'rabta mal-prodotti konnessi.

(13b)   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-atti legali tal-Unjoni u nazzjonali li jipprevedu l-protezzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, inklużi d-Direttivi 2001/29/KE(10), 2004/48/KE(11), u (UE) 2019/790(12) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(14)  Il-prodotti fiżiċi li jiksbu, li jiġġeneraw jew li jiġbru, permezz tal-komponenti tagħhom, data dwar il-prestazzjoni, l-użu jew l-ambjent tagħhom u li jistgħu jikkomunikaw dik id-data permezz ta' servizz ta' komunikazzjoni elettronika, konnessjoni fiżika, jew fuq l-apparat (spiss imsejjaħ l-internet tal-oġġetti) jenħtieġ li jkunu koperti minn dan ir-Regolament bl-eċċezzjoni tal-prototipi. Is-servizzi ta' komunikazzjoni elettronika jinkludu networks tat-telefonija bbażati fuq l-art, networks tat-televiżjoni bil-kejbil, networks bis-satellita u networks ta' komunikazzjoni fil-qrib. Tali prodotti konnessi jinstabu fl-aspetti kollha tal-ekonomija u tas-soċjetà, inkluż fl-infrastruttura privata, ċivili jew kummerċjali, f'vetturi, vapuri, inġenji tal-ajru, tagħmir tad-dar u oġġetti tal-konsumatur, apparat mediku u tas-saħħa, jew makkinarju agrikolu u industrijali jew faċilitajiet ta' produzzjoni u trażmissjoni tal-enerġija. Id-data miksuba, iġġenerata jew miġbura minn prodott konness li tkun aċċessibbli għal kwalunkwe detentur tad-data jew riċevitur tad-data jenħtieġ li tkun dejjem aċċessibbli għas-sid tal-prodott, jew għal parti terza li s-sid tal-prodott ikun ittrasferilha ċerti drittijiet għall-prodott abbażi ta' kuntratt ta' kiri jew lokazzjoni. Is-sid jew tali parti terza jenħtieġ li ssir referenza għalihom bħala l-utent għall-fini ta' dan ir-Regolament. Dawk id-drittijiet ta' aċċess jenħtieġ li bl-ebda mod ma jbiddlu jew ifixklu d-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data, li jistgħu jkunu qed jinteraġixxu mal-prodott konness, għal data personali ġġenerata mill-prodott. L-għażliet tad-disinn tal-manifatturi, it-talbiet tal-utenti u, fejn rilevanti, il-leġiżlazzjoni settorjali biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u l-objettivi speċifiċi għas-settur, jew id-deċiżjonijiet antitrust, jenħtieġ li jiddeterminaw liema data prodott konness ikun kapaċi jagħmel aċċessibbli għal kwalunkwe detentur tad-data jew riċevitur tad-data fil-punt tal-bejgħ. Dan ir-Regolament japplika għal prodotti introdotti fis-suq fl-Unjoni u għalhekk ma japplikax għal prodotti fl-istadju ta' żvilupp bħall-prototipi.

(15)  B'kuntrast għal dan, il-kontenut, jew data miksuba, iġġenerata jew aċċessata mill-prodott konness jew trażmessa lilu għall-fini ta' ħżin jew ipproċessar f'isem partijiet terzi, bħal fil-każ ta' servers jew infrastruttura ta' cloud, fost l-oħrajn għall-użu minn servizz online jenħtieġ li ma jkunux koperti b'dan ir-Regolament.

(16)  Huwa meħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti regoli li japplikaw għal servizzi relatati li huma inkorporati jew huma interkonnessi ma' prodott konness b'tali mod li n-nuqqas tas-servizz jipprevjeni lill-prodott milli jwettaq waħda jew aktar mill-funzjonijiet tiegħu, u li jinvolvu t-trasferiment ta' data bejn il-prodott konness u l-fornitur tas-servizzi relatati. Meta fornitur ta' servizz relatat jaċċedi għal data minn prodott konness jew ikollu aċċess għal data ġġenerata matul il-forniment tas-servizz relatat u jkollu d-dritt li juża data mhux personali, f'konformità mal-Artikolu 4(6), jenħtieġ li jitqies bħala detentur tad-data għad-data li jkun aċċeda għaliha mill-prodott jew iġġenerata matul il-forniment tas-servizz relatat. Tali servizzi relatati jistgħu jkunu parti mill-bejgħ. Dawn is-servizzi relatati jistgħu huma stess jiġġeneraw data ta' valur lill-utent indipendentement mill-kapaċitajiet ta' ġbir ta' data tal-prodott konness li miegħu jkunu interkonnessi. Tali data tista' tirrappreżenta d-diġitalizzazzjoni tal-azzjonijiet u l-avvenimenti tal-utenti u jenħtieġ li tkun aċċessibbli kif xieraq għall-utent. Tali data hija potenzjalment siewja għall-utent u tappoġġa l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta' servizzi diġitali u oħrajn li jipproteġu l-ambjent, is-saħħa u l-ekonomija ċirkolari, inkluż b'mod partikolari permezz tal-iffaċilitar tal-manutenzjoni u t-tiswija tal-prodotti inkwistjoni jew l-iżvilupp ta' prodotti jew servizzi. L-informazzjoni derivata jew inferita minn data mhux personali minn detentur tad-data jew minn riċevitur tad-data wara li tkun ġiet aċċessata mill-prodott konness, għajr f'dik iġġenerata matul il-forniment ta' servizz relatat, jenħtieġ li ma titqiesx li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika wkoll għal servizz relatat li mhux fornut mill-bejjiegħ, mill-kerrej jew mil-lokatur innifsu, iżda li jiġi fornut, skont il-kuntratt ta' bejgħ, kiri jew lokazzjoni, minn parti terza. F'każ ta' dubju dwar jekk il-forniment ta' servizz relatat huwiex meħtieġ biex tinżamm l-operazzjoni funzjonali tal-prodott konness, jew jekk il-forniment ta' servizz jifformax parti mill-kuntratt ta' bejgħ, kiri jew lokazzjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament ikun japplika. La l-provvista tal-enerġija u lanqas il-provvista tal-konnettività jridu jiġu interpretati bħala servizzi relatati fl-ambitu ta' dan ir-Regolament.

(17)  Id-data aċċessata minn prodott konness jew iġġenerata matul il-forniment ta' servizz relatat tinkludi data rreġistrata intenzjonalment mill-utent. Tali data tinkludi wkoll data ġġenerata bħala prodott sekondarju tal-azzjoni tal-utent, bħad-data dijanjostika, u mingħajr ebda azzjoni mill-utent, bħal data dwar l-ambjent jew l-interazzjonijiet tal-prodott konness, inkluż meta l-prodott ikun fil-"modalità standby", u data rreġistrata matul perjodi meta l-prodott ikun mitfi. Tali data jenħtieġ li tinkludi data fil-forma u fil-format li fihom tiġi aċċessata mill-prodott, u tiġi kkompilata f'format li jinftiehem, strutturat, komunement użat u li jinqara minn magna u inkluża l-metadata rilevanti, iżda ma tkunx tappartjeni għal data li tirriżulta minn żieda ta' valur permezz ta' proċess ta' software li jikkalkula data derivattiva fejn tali proċess ta' software ▌jkun soġġett għal sigrieti kummerċjali u drittijiet ta' proprjetà intellettwali. Meta d-data tiġi aċċessata f'format kriptat, jenħtieġ li l-utent jingħatawlu l-mezzi neċessarji kollha biex tali data tiġi dekriptata u ssir aċċessibbli.

(17a)   Iridu jsiru aktar sforzi biex jiġu kkonsolidati l-ekonomija tad-data u l-governanza tad-data. B'mod partikolari, iż-żieda u l-appoġġ tal-litteriżmu fid-data huma essenzjali sabiex l-utenti u n-negozji jkunu konxji u motivati biex joffru u jipprovdu aċċess għad-data tagħhom f'konformità mar-regoli legali rilevanti. Dan huwa abbażi ta' soċjetà tad-data sostenibbli. It-tixrid ta' miżuri ta' litteriżmu fid-data jimplika t-tnaqqis tal-inugwaljanzi diġitali, jikkontribwixxi għat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, u fl-aħħar mill-aħħar isostni l-konsolidazzjoni u l-perkors tal-innovazzjoni tal-ekonomija tad-data fl-Unjoni. Sabiex jinkisbu opportunitajiet ta' impjieg ta' kwalità għolja, l-akkwist u l-iżvilupp ta' ħiliet ta' litteriżmu fid-data, li jippermettu l-kisba ta' kompetenzi diġitali miċ-ċittadini u l-ħaddiema, jenħtieġ li jiġu żgurati speċjalment fil-każ ta' impjegati minn negozji ġodda u SMEs.

(18)  L-utent ta' prodott konness jenħtieġ li jinftiehem bħala l-persuna ġuridika jew fiżika, bħal negozju, konsumatur jew korp tas-settur pubbliku li jkun akkwista l-prodott konness jew jirċievi servizzi relatati, jew li s-sid tal-prodott konness ikun ittrasferielu, abbażi ta' ftehim ta' kiri jew ta' lokazzjoni, drittijiet temporanji biex juża l-prodott konness jew jirċievi servizzi relatati. Tali utent iġorr ir-riskji u jgawdi l-benefiċċji tal-użu tal-prodott konness u jenħtieġ li ▌għalhekk ▌ikun intitolat li jikseb benefiċċju mid-data aċċessata mill-prodott konness u ġġenerata matul il-forniment ta' kwalunkwe servizz relatat.

(18a)   "Litteriżmu fid-data" tirreferi għal ħiliet, għarfien u fehim li jippermettu lill-utenti, lill-konsumaturi u lin-negozji, b'mod partikolari lill-kumpaniji ta' daqs medju, żgħar u mikro, jiksbu għarfien dwar il-valur potenzjali tad-data li ġġeneraw, li jipproduċu u li jikkondividu, fil-kuntest tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom stabbiliti f'dan ir-Regolament u f'regolamenti oħra tal-Unjoni relatati mad-data. Il-litteriżmu fid-data jenħtieġ li jmur lil hinn mill-apprendiment dwar l-għodod u t-teknoloġiji u mill-għan li jgħammar liċ-ċittadini u lin-negozji bil-kapaċità li jibbenefikaw minn suq tad-data ġust. Għalhekk huwa meħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, jippromwovu l-iżvilupp tal-litteriżmu fid-data, fis-setturi kollha tas-soċjetà, għaċ-ċittadini ta' kull età, inklużi n-nisa u l-bniet. Konsegwentement, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jenħtieġ li jallokaw aktar investimenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ biex il-litteriżmu fid-data jinfirex, u jiżguraw li l-progress f'dak ir-rigward jiġi segwit mill-qrib. Għaldaqstant, in-negozji jenħtieġ li jippromwovu wkoll għodod u jieħdu miżuri biex jiżguraw il-ħiliet tal-litteriżmu fid-data tal-persunal tagħhom li jittratta l-aċċess u l-użu tad-data u t-trasferimenti tad-data, u fejn applikabbli, ta' persuni oħra li jipproċessaw id-data f'isimhom, filwaqt li jqisu l-għarfien tekniku, l-esperjenza, l-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom u jikkunsidraw l-utenti jew il-gruppi ta' utenti li minnhom tiġi prodotta jew iġġenerata d-data.

(19)  Fil-prattika, mhux id-data kollha ġġenerata minn prodotti konnessi jew servizzi relatati hija faċilment aċċessibbli għall-utenti tagħhom, u spiss ikun hemm possibbiltajiet limitati għall-portabbiltà tad-data ġġenerata minn prodotti konnessi mal-internet ▌. L-utenti ma jkunux jistgħu jiksbu d-data meħtieġa biex jagħmlu użu mill-fornituri ta' servizzi ta' tiswija u servizzi oħra, u n-negozji ma jkunux jistgħu jniedu servizzi innovattivi, aktar effiċjenti u konvenjenti. F'ħafna setturi, il-manifatturi spiss ikunu jistgħu jiddeterminaw, permezz tal-kontroll tagħhom tad-disinn tekniku tal-prodott jew tas-servizzi relatati, liema data tiġi ġġenerata u kif tista' tiġi aċċessata, anki jekk ma jkollhom l-ebda dritt legali għad-data. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-prodotti konnessi jkunu ddisinjati u manifatturati u li s-servizzi relatati jiġu pprovduti b'tali mod li d-data ġġenerata mill-użu tagħhom tkun dejjem faċilment aċċessibbli għall-utent, mingħajr ħlas f'format li jinftiehem, strutturat, komunement użat u li jinqara minn magna, inkluż għall-fini tal-irkupru, l-użu jew il-kondiviżjoni tad-data. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor mid-dritt tal-Unjoni jew tal-Istati Membri jew minn deċiżjonijiet rilevanti dwar l-antitrust, tali data jenħtieġ li tkun aċċessibbli fil-livell tal-ipproċessar, inkluż permezz ta' software inkorporat fil-prodott konness, li l-għażla tad-disinn tal-manifattur tippermetti qabel il-bejgħ lill-utent. Id-data jenħtieġ li tkun disponibbli fil-forma li fiha tkun aċċessibbli mill-prodott u jsirulha biss l-adattamenti minimi neċessarji biex tkun tista' tintuża minn parti terza, inkluża l-metadata relatata neċessarja għall-interpretazzjoni u l-użu tad-data. Dan jirrikjedi t-tneħħija tal-ostakli tekniċi biex jiġi żgurat li l-utenti, fejn ikun teknikament possibbli, ikollhom aċċess dirett f'ħin reali għad-data tagħhom mingħajr proċeduri ta' verifika individwali estensivi. Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-partijiet terzi għad-data meħtieġa, huwa meħtieġ ukoll aċċess kosteffettiv għal għodod tas-software. Fejn aġġornamenti jew tibdil sussegwenti tal-prodott konness, mill-manifattur jew minn parti oħra, iwasslu għal data aċċessibbli addizzjonali jew restrizzjoni ta' data inizjalment aċċessibbli, tali bidliet jenħtieġ li jiġu kkomunikati lill-utent fil-kuntest tal-aġġornament jew tat-tibdil. Dan ir-Regolament ma jistabbilix obbligu li tinħażen data separatament fl-unità tal-computing ċentrali ta' prodott fejn dan ikun sproporzjonat fir-rigward tal-użu mistenni. Dan ma jipprevjenix lil manifattur jew detentur tad-data milli jiftiehem b'mod volontarju mal-utent dwar dan l-adattament.

(20)  F'każijiet ta' koproprjetà tal-prodott konness u ta' servizzi relatati pprovduti, fejn diversi persuni jew entitajiet ikollhom prodott jew ikunu parti fi ftehim ta' lokazzjoni jew kiri, id-disinn tal-prodott konness jew tas-servizz relatat jew l-interfaċċa rilevanti jenħtieġ li jippermetti lill-persuni kollha jkollhom aċċess għad-data li jiġġeneraw. L-utenti ta' prodotti konnessi li jiġġeneraw id-data tipikament jirrikjedu li jiġi stabbilit kont tal-utent. Dan jippermetti l-identifikazzjoni tal-utent minn detentur tad-data, li jista' jkun il-manifattur kif ukoll mezz ta' komunikazzjoni biex jiġu eżerċitati u pproċessati t-talbiet għall-aċċess għad-data. Għall-finijiet ta' identifikazzjoni u awtentikazzjoni, il-manifatturi u l-fornituri ta' servizzi relatati jenħtieġ li jippermettu lill-utenti jużaw Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, maħruġa skont ir-Regolament (UE) 910/2014(13). Il-manifatturi jew id-disinjaturi ta' prodott li tipikament jintuża minn diversi persuni jenħtieġ li jistabbilixxu l-mekkaniżmu meħtieġ li jippermetti kontijiet tal-utenti separati għal persuni individwali, fejn rilevanti, jew il-possibbiltà li diversi persuni jużaw l-istess kont tal-utent. Jenħtieġ li jingħata aċċess lill-utent malli jkun hemm mekkaniżmi sempliċi ta' talba li jagħtu eżekuzzjoni awtomatika, li ma jeħtiġux eżami jew approvazzjoni minn manifattur jew minn detentur tad-data. Dan ifisser li d-data jenħtieġ li ssir disponibbli biss meta l-utent fil-fatt ikun irid dan. Meta l-eżekuzzjoni awtomatizzata tat-talba għal aċċess għad-data ma tkunx possibbli, pereżempju, permezz ta' kont tal-utent jew permezz ta' applikazzjoni mobbli li takkumpanja pprovduta mal-prodott jew mas-servizz, il-manifattur jenħtieġ li jinforma lill-utent dwar kif tista' tiġi aċċessata d-data. Jenħtieġ li l-kontijiet tal-utent jippermettu lill-utenti jirrevokaw il-kunsens għall-ipproċessar u l-kondiviżjoni tad-data, kif ukoll li jitolbu t-tħassir tad-data ġġenerata permezz tal-użu tal-prodott konness, b'mod partikolari f'każijiet fejn l-utenti tal-prodott biħsiebhom jittrasferixxu s-sjieda tal-prodott lil parti oħra.

(21)  Il-prodotti jistgħu jkunu ddisinjati biex jagħmlu ċerta data disponibbli direttament minn ħażna ta' data fuq l-apparat jew minn server remot li lilu tiġi kkomunikata d-data. L-aċċess għall-ħażna tad-data fuq l-apparat jista' jiġi ffaċilitat permezz ta' networks taż-żona lokali bbażati fuq il-kejbil jew bla fili konnessi ma' servizz ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ma' network mobbli. Is-server jista' jkun il-kapaċità ta' server lokali tal-manifattur stess jew dik ta' parti terza jew ta' ▌cloud. Il-proċessuri tad-data kif definiti fir-Regolament (UE) 2016/679 ma jitqisux awtomatikament li jaġixxu bħala detenturi tad-data, sakemm ma jkunux inkarigati speċifikament mill-kontrollur tad-data. Dawn jistgħu jkunu ddisinjati biex jippermettu lill-utent jew lil parti terza jipproċessaw id-data dwar il-prodott jew dwar istanza tal-computing tal-manifattur.

(22)  L-assistenti virtwali għandhom rwol dejjem akbar fid-diġitalizzazzjoni tal-ambjenti tal-konsumatur u professjonali u jservu bħala interfaċċa faċli għall-użu biex jintwera l-kontenut, jiksbu l-informazzjoni, jew jattivaw oġġetti fiżiċi konnessi mal-internet ▌. L-assistenti virtwali jistgħu jaġixxu bħala portal uniku, pereżempju, f'ambjent domestiku intelliġenti u jirreġistraw ammonti sinifikanti ta' data rilevanti dwar kif l-utenti jinteraġixxu ma' prodotti konnessi mal-internet ▌, inklużi dawk manifatturati minn partijiet oħra u jistgħu jissostitwixxu l-użu ta' interfaċċi pprovduti mill-manifattur bħal skrins tattili jew apps ta' smart phone. L-utent jista' jkun jixtieq jagħmel disponibbli tali data ma' manifatturi ta' partijiet terzi u jippermetti servizzi ġodda ta' dar intelliġenti. Tali assistenti virtwali jenħtieġ li jkunu koperti mid-dritt ta' aċċess għad-data previst f'dan ir-Regolament anki fir-rigward tad-data rreġistrata qabel l-attivazzjoni tal-assistent virtwali mill-kelma ta' attivazzjoni u d-data ġġenerata meta utent jinteraġixxi ma' prodott konness permezz ta' assistent virtwali pprovdut minn entità għajr il-manifattur tal-prodott konness.

(23)  Qabel ma jiġi konkluż kuntratt għax-xiri ta' prodott konness, jenħtieġ li l-manifattur jew, fejn rilevanti, il-bejjiegħ, jipprovdi informazzjoni ċara u suffiċjenti lill-utent fir-rigward tad-data li hija aċċessibbli mill-prodott konness, inklużi t-tip, il-format, il-frekwenza tal-kampjunar u l-volum stmat ta' data aċċessibbli. Jenħtieġ li din tinkludi informazzjoni dwar strutturi tad-data, formats tad-data, vokabularji, skemi ta' klassifikazzjoni, tassonomiji u listi ta' kodiċijiet, fejn disponibbli, kif ukoll informazzjoni dwar kif id-data tista' tinħażen, tiġi rkuprata jew aċċessata, inkluż il-forniment ta' kits għall-iżvilupp tas-software jew interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet, flimkien mat-termini tal-użu u d-deskrizzjonijiet tal-kwalità tas-servizz tagħhom. Dan l-obbligu jipprovdi trasparenza fuq id-data ġġenerata aċċessibbli u jsaħħaħ l-aċċess faċli għall-utent. L-obbligu ta' trasparenza jista' jiġi ssodisfat minn detentur tad-data pereżempju billi jinżamm lokalizzatur uniformi tar-riżorsi (URL) stabbli fuq il-web, li jista' jiġi distribwit bħala web link jew kodiċi QR, li jindika l-informazzjoni rilevanti. Tali URL jista' jiġi pprovdut mill-manifattur jew, fejn rilevanti, mill-bejjiegħ, lill-utent qabel jiġi konkluż il-kuntratt għax-xiri ta' prodott konness. Fi kwalunkwe każ, jeħtieġ li jkun possibbli għall-utent li jaħżen l-informazzjoni b'mod li jkun aċċessibbli għal referenza futura u li jippermetti r-riproduzzjoni mhux mibdula tal-informazzjoni maħżuna. Dan l-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni ma jaffettwax l-obbligu għall-kontrollur li jipprovdi informazzjoni lis-suġġett tad-data skont l-Artikoli 12, 13 u 14 tar-Regolament (UE) 2016/679.

(23a)   Jenħtieġ li s-servizzi relatati jiġu pprovduti b'tali mod li d-data ġġenerata matul il-forniment tagħhom, li tirrappreżenta d-diġitalizzazzjoni tal-azzjonijiet jew l-avvenimenti tal-utenti, tkun, b'mod awtomatiku, faċli u sikur u, fejn rilevanti u teknikament fattibbli, aċċessibbli direttament għall-utent mingħajr ħlas, f'format strutturat, komunement użat u li jinqara minn magna, flimkien mal-metadata rilevanti meħtieġa biex tiġi interpretata u użata. L-informazzjoni derivata jew inferita minn din id-data permezz ta' algoritmi proprjetarji kumplessi, b'mod partikolari fejn tikkombina l-output ta' diversi sensuri fil-prodott konness, jenħtieġ li ma titqiesx fl-ambitu ta' obbligu ta' detentur tad-data li jikkondividi d-data ma' utenti jew riċevituri tad-data, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor. Qabel ma jikkonkludi ftehim ma' utent dwar il-forniment ta' servizz relatat, li jinvolvi l-aċċess tal-fornitur għal data mill-prodott konness, bi qbil mal-Artikolu 4(6) ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-fornitur jiftiehem mal-utent dwar in-natura, il-volum, il-frekwenza tal-ġbir u l-format tad-data aċċessata mill-fornitur ta' servizzi relatati mill-prodott konness, kif ukoll in-natura u l-volum stmat ta' data ġġenerata matul il-forniment tas-servizz relatat u, fejn rilevanti, il-modalitajiet għall-utent li jaċċessa jew jirkupra tali data, inkluż il-perjodu li matulu jenħtieġ li tinħażen.

(24)  Dan ir-Regolament jimponi l-obbligu fuq id-detenturi tad-data li jagħmlu d-data disponibbli f'ċerti ċirkostanzi. Sa fejn tiġi pproċessata data personali, detentur tad-data jenħtieġ li jkun kontrollur skont ir-Regolament (UE) 2016/679. Meta l-utenti jkunu suġġetti tad-data, id-detenturi tad-data jenħtieġ li jkunu obbligati jipprovdulhom aċċess għad-data tagħhom u li jagħmlu d-data disponibbli għal partijiet terzi tal-għażla tal-utent f'konformità ma' dan ir-Regolament. Madankollu, dan ir-Regolament ma joħloqx bażi ġuridika fl-ambitu tar-Regolament (UE) 2016/679 biex id-detenturi tad-data jipprovdu aċċess għal data personali jew jagħmluha disponibbli għal parti terza meta mitluba minn utent li ma jkunx suġġett tad-data u jenħtieġ li ma jinftihemx li jikkonferixxi xi dritt ġdid fuq id-detenturi tad-data biex jużaw data aċċessata mill-prodott konness jew iġġenerata matul il-forniment ta' servizz relatat. Dan japplika b'mod partikolari meta l-manifattur ikun detentur tad-data. F'dak il-każ, il-bażi għall-manifattur biex juża data mhux personali jenħtieġ li tkun ftehim kuntrattwali bejn il-manifattur u l-utent. Dan il-ftehim jista' jkun parti mill-ftehim ta' bejgħ relatat mal-prodott konness. Jenħtieġ li l-utent jingħata opportunità raġonevoli li jirrifjuta dan il-ftehim. Jekk utent jagħżel li jirrifjuta t-termini u l-kundizzjonijiet kuntrattwali, jenħtieġ li dan ma jipprevjenix lill-utent milli juża l-prodott rilevanti tas-servizz, sakemm il-prodott tas-servizz ma jkunx jista' jaħdem mingħajr ma l-utent jaċċetta t-termini kuntrattwali. Kwalunkwe terminu kuntrattwali fil-ftehim li jistipula li detentur tad-data jista' juża d-data ġġenerata mill-utent ta' prodott jew servizz relatat jenħtieġ li jkun trasparenti għall-utent, inkluż fir-rigward tal-għan li għalih detentur tad-data jkun biħsiebu juża d-data. Dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jipprevjenix kundizzjonijiet kuntrattwali, li l-effett tagħhom huwa li jeskludu jew li jillimitaw l-użu tad-data, jew ċerti kategoriji tagħha, minn detentur tad-data. Dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jipprevjenix ukoll rekwiżiti regolatorji speċifiċi għas-settur fl-ambitu tad-dritt tal-Unjoni, jew il-dritt nazzjonali kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, li jeskludu jew jillimitaw l-użu ta' ċerta data minn detentur tad-data għal raġunijiet ta' politika pubblika definiti sew.

(24a)   Bħalissa huwa spiss diffiċli għan-negozji li jiġġustifikaw il-kostijiet tal-persunal jew tal-computing li huma meħtieġa għat-tħejjija ta' settijiet ta' data mhux personali jew ta' prodotti ta' data u joffruhom lil kontropartijiet potenzjali permezz ta' swieq tad-data, inklużi servizzi ta' intermedjazzjoni tad-data, kif definiti fir-Regolament (UE) 2022/868 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(14). Għalhekk, ostaklu sostanzjali għall-kondiviżjoni tad-data mhux personali min-negozji jirriżulta min-nuqqas ta' prevedibbiltà tar-redditi ekonomiċi mill-investiment fil-manutenzjoni u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' settijiet ta' data jew prodotti ta' data. Sabiex ikun permess il-ħolqien ta' swieq likwidi, effiċjenti u ġusti għad-data mhux personali fl-Unjoni, irid jiġi ċċarat liema parti għandha d-dritt li toffri tali data f'suq. Għalhekk, jenħtieġ li l-utenti jkollhom id-dritt li jikkondividu data mhux personali mar-riċevituri tad-data għal finijiet kummerċjali u mhux kummerċjali. Tali kondiviżjoni tad-data tista' titwettaq b'mod dirett mill-utent, fuq it-talba tal-utent, permezz ta' detentur tad-data jew permezz ta' servizzi ta' intermedjazzjoni tad-data. Is-servizzi ta' intermedjazzjoni tad-data, kif irregolati mir-Regolament (UE) 2022/868 jistgħu jiffaċilitaw ekonomija tad-data billi jistabbilixxu relazzjonijiet kummerċjali bejn l-utenti, ir-riċevituri tad-data u l-partijiet terzi u jistgħu jappoġġaw lill-utenti fl-eżerċizzju tad-dritt tagħhom li jużaw id-data, bħall-iżgurar tal-anonimizzazzjoni xierqa tad-data jew l-aggregazzjoni tal-aċċess għad-data minn bosta utenti individwali. Sabiex jiġu protetti l-inċentivi biex l-utenti jimmonetizzaw id-data mhux personali mill-prodotti konnessi li jippossjedu, jenħtieġ li d-detenturi tad-data jkunu kapaċi biss jimmonetizzaw settijiet ta' data aggregata minn bosta utenti u jenħtieġ li ma jipprovdux data mhux personali aċċessata minnhom mill-prodott konness lil partijiet terzi għal finijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali, għajr l-issodisfar tal-obbligi kuntrattwali tagħhom fil-konfront tal-utent. Fl-istess ħin, meta d-detenturi tad-data jkunu qablu b'mod kuntrattwali mal-utenti dwar id-dritt li jużaw tali data, jenħtieġ li jkunu liberi li jużawha għal firxa wiesgħa ta' għanijiet, inkluż it-titjib tal-funzjonament tal-prodott konness jew tas-servizzi relatati, l-iżvilupp ta' prodotti jew servizzi ġodda jew l-arrikkiment jew il-manipulazzjoni tagħha b'data oħra, inkluż bl-għan li s-sett ta' data li jirriżulta jkun disponibbli għal partijiet terzi, sakemm tali sett ta' data derivata ma jippermettix l-identifikazzjoni tal-elementi tad-data speċifiċi aċċessati mid-detentur tad-data mill-prodott konness, jew jippermetti lil parti terza tikseb dawk l-elementi tad-data mis-sett ta' data mingħajr sforz sinifikanti.

(24b)   Fejn il-prodotti jiġġeneraw id-data, li tkun derivata jew inferita minn data oħra ġġenerata mill-prodott konness permezz ta' algoritmi proprjetarji u kumplessi, inklużi dawk li huma parti minn software proprjetarju, skont it-tifsira tad-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(15), tali data jenħtieġ li titqies li ma taqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u, konsegwentement, li mhijiex soġġetta għall-obbligu għal detentur tad-data li jagħmilha disponibbli għal utent jew riċevitur tad-data, sakemm ma jkunx hemm ftehim mod ieħor bejn l-utent u d-detentur tad-data. Jenħtieġ li tali data tinkludi b'mod partikolari informazzjoni derivata permezz ta' fużjoni tas-sensuri, inferenza jew derivazzjoni tad-data minn diversi sensuri, miġbura fil-prodott konness, bl-użu ta' algoritmi proprjetarji kumplessi. Madankollu, id-data inferita jew derivata mill-ipproċessar ta' data mhux ipproċessata miġbura minn sensur wieħed jew grupp konness ta' sensuri, għall-fini li d-data miġbura tkun tinftiehem għal każijiet ta' użu usa' billi tiġi determinata kwantità jew kwalità fiżika jew il-bidla fi kwantità fiżika, bħat-temperatura, il-pressjoni, ir-rata tal-fluss, il-pH, il-livell tal-likwidu, il-pożizzjoni, l-aċċelerazzjoni jew il-veloċità, jenħtieġ li tiġi inkluża fl-obbligu għad-detenturi tad-data li jagħmlu d-data disponibbli għall-utenti u r-riċevituri tad-data. Jenħtieġ li l-leġiżlazzjoni settorjali tiddefinixxi wkoll id-data aċċessibbli abbażi tal-ispeċifiċitajiet tas-settur.

(24c)   Bħala prinċipju, biex jitrawwem il-ħolqien ta' swieq likwidi, ġusti u effiċjenti għal data mhux personali, l-utenti ta' prodotti konnessi jenħtieġ li jkunu jistgħu jikkondividu d-data ma' oħrajn, inkluż għal skopijiet kummerċjali, bi sforz legali u tekniku minimu. Qabel ma jikkondividi d-data, jenħtieġ li utent ikun jista' jikkondividi d-data b'livell għoli ta' ċertezza li ma jiffaċċax konsegwenzi legali negattivi wara li d-data tkun ġiet kondiviża. Għalhekk, fejn data tkun eskluża mill-obbligu ta' detentur tad-data li jagħmilha disponibbli għall-utenti jew ir-riċevituri tad-data, l-iskop ta' tali data jenħtieġ li jiġi speċifikat fil-ftehim kuntrattwali bejn l-utent u d-detentur tad-data għall-forniment ta' servizz relatat f'format li jinftiehem u ċar, b'mod li l-utenti jistgħu jiddeterminaw faċilment liema data hija disponibbli għalihom għall-kondiviżjoni ma' riċevituri tad-data jew partijiet terzi mingħajr obbligi addizzjonali biex tali data tiġi protetta.

(24d)   Hemm ħafna raġunijiet għaliex ċerta data ġġenerata mill-użu ta' prodott għadha inaċċessibbli għal detentur tad-data u konsegwentement ma tkunx taqa' taħt l-obbligi ta' kondiviżjoni tal-Kapitolu II. Id-data tista' tkun volatili ferm (valuri rreġistrati bi frekwenza għolja) u tista' tiġi overwritten jew minnufih jew malajr. Tista' tinġabar biss għall-attivazzjoni ta' funzjoni speċifika ħafna, bħat-tħaddim tal-wajpers tal-windscreen jew tal-fanali ta' quddiem, u bħalissa m'hemm ebda każ ta' użu u d-disinn tal-prodott ma jipprevedix li tali data tinħażen fil-prodott fid-dawl tal-kost relatat mal-ħżin ta' tali data, li s-sensur tal-qbid tad-data jiġi konness ma' komponent tal-computing ċentrali li minnu d-data tista' tiġi esportata u l-kostijiet tal-konnettività għat-trażmissjoni tad-data meta l-volumi jkunu konsiderevoli. F'dan ir-rigward, jenħtieġ li r-regolamenti speċifiċi għas-settur jispeċifikaw aktar ir-rilevanza ta' data aċċessibbli skont l-ispeċifiċitajiet tagħha sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà mill-inqas ta' data li hija essenzjali għat-tiswija jew il-manutenzjoni tal-prodotti konnessi u s-servizzi relatati.

(25)  F'setturi kkaratterizzati mill-konċentrazzjoni ta' għadd żgħir ta' manifatturi jew fornituri ta' servizzi relatati li jfornu lill-utenti finali, il-kapaċità tal-utenti li jinnegozjaw għall-aċċess għal data trasferita mill-prodott konness jew iġġenerata matul il-provvista ta' servizzi relatati hija limitata minħabba s-setgħa ta' negozjar tal-manifattur jew tal-fornitur tas-servizz relatat. F'ċirkostanzi bħal dawn, il-ftehimiet kuntrattwali jistgħu ma jkunux biżżejjed biex jintlaħaq l-objettiv tal-għoti tas-setgħa lill-utenti. Id-data għandha t-tendenza li tibqa' taħt il-kontroll tal-manifatturi jew tal-fornituri ta' servizzi relatati, u b'hekk ikun diffiċli għall-utenti li jiksbu valur mid-data ġġenerata mit-tagħmir li jippossjedu. Konsegwentement, hemm potenzjal limitat għal negozji iżgħar innovattivi biex joffru soluzzjonijiet ibbażati fuq id-data b'mod kompetittiv u għal ekonomija tad-data diversa fl-Ewropa. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibni fuq l-iżviluppi reċenti f'setturi speċifiċi, bħall-Kodiċi ta' Kondotta dwar il-kondiviżjoni tad-data agrikola permezz ta' ftehim kuntrattwali. Il-leġiżlazzjoni settorjali tista' titressaq 'il quddiem biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet, it-tħassib rigward is-sigurtà u l-objettivi speċifiċi għas-settur. Barra minn hekk, id-detenturi tad-data jenħtieġ li ma jużaw l-ebda data aċċessata minnhom mill-prodott konness jew iġġenerat matul il-forniment ta' servizzi relatati sabiex jiksbu għarfien dwar is-sitwazzjoni ekonomika tal-utent jew l-assi jew il-metodi ta' produzzjoni tiegħu jew l-użu bi kwalunkwe mod ieħor li jista' jimmina l-pożizzjoni kummerċjali tal-utent fis-swieq li huwa attiv fihom. Dan, pereżempju, jinvolvi l-użu ta' għarfien dwar il-prestazzjoni ġenerali ta' negozju jew ta' azjenda agrikola f'negozjati kuntrattwali mal-utent dwar l-akkwist potenzjali tal-prodotti tal-utent jew tal-prodotti agrikoli għad-detriment tal-utent, jew, pereżempju, l-użu ta' tali informazzjoni biex titma' f'bażijiet tad-data akbar dwar ċerti swieq fl-aggregat (eż. bażijiet tad-data dwar ir-rendiment tal-għelejjel għall-istaġun tal-ħsad li jmiss) peress li tali użu jista' jaffettwa lill-utent negattivament b'mod indirett. L-utent jenħtieġ li jingħata l-interfaċċa teknika meħtieġa għall-ġestjoni tal-permessi, preferibbilment b'għażliet ta' permess granulari (bħal "permess ta' darba" jew "permess waqt l-użu ta' din l-applikazzjoni jew dan is-servizz"), inkluża l-għażla li jiġi rtirat il-permess.

(26)  F'kuntratti bejn detentur tad-data u konsumatur bħala utent ta' prodotti konnessi jew servizz relatat li jiġġenera data, japplika d-dritt tal-UE dwar il-konsumatur, jiġifieri d-Direttiva 2005/29/KE, li tapplika kontra prattiċi kummerċjali żleali, u d-Direttiva 93/13/KEE li tapplika għat-termini tal-kuntratt biex jiġi żgurat li konsumatur ma jkunx soġġett għal termini kuntrattwali inġusti. Għal termini kuntrattwali inġusti imposti unilateralment ▌dan ir-Regolament jiddisponi li tali termini inġusti jenħtieġ li ma jkunux vinkolanti fuq dik l-intrapriża.

(27)  Id-detenturi tad-data jistgħu jitolbu identifikazzjoni xierqa tal-utent biex jivverifikaw l-intitolament tal-utent li jaċċessa d-data. Fil-każ ta' data personali pproċessata minn proċessur f'isem il-kontrollur, id-detenturi tad-data jenħtieġ li jiżguraw li t-talba għal aċċess tiġi riċevuta u ttrattata mill-proċessur.

(28)  L-utent jenħtieġ li jkun liberu li juża d-data għal kwalunkwe skop legali. Dan jinkludi l-forniment tad-data li l-utent ikun irċieva huwa u jeżerċita d-dritt skont dan ir-Regolament lil riċevitur tad-data li joffri servizz ta' wara l-bejgħ li jista' jkun f'kompetizzjoni ma' servizz ipprovdut minn detentur tad-data, jew li jagħti struzzjonijiet lid-detentur tad-data biex jagħmel dan. Jenħtieġ li t-talba tkun valida wkoll irrispettivament minn jekk it-talba titressaqx mill-utent jew minn parti terza awtorizzata li taġixxi f'isem l-utent, bħal servizz ta' intermedjazzjoni tad-data awtorizzat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2022/868. Id-detenturi tad-data jenħtieġ li jiżguraw li d-data magħmula disponibbli għal riċevitur tad-data tkun eżatta, kompleta, affidabbli, rilevanti u aġġornata daqs id-data li d-detentur tad-data nnifsu jista' jkun jew jista' jkun intitolat li jaċċessa mill-użu tal-prodott konness jew tas-servizz relatat. Kwalunkwe sigriet kummerċjali jew dritt ta' proprjetà intellettwali jenħtieġ li jiġi rrispettat bis-sħiħ fit-trattament tad-data. Huwa importanti li jiġu ppreservati l-inċentivi għall-investiment fi prodotti b'funzjonalitajiet ibbażati fuq l-użu ta' data minn sensuri mibnija f'dak il-prodott. L-għan ta' dan ir-Regolament jenħtieġ li għalhekk jinftiehem li jrawwem l-iżvilupp ta' prodotti ġodda u innovattivi jew ta' servizzi relatati, jistimula l-innovazzjoni fuq is-swieq ta' wara l-bejgħ, iżda jistimula wkoll l-iżvilupp ta' servizzi kompletament ġodda li jagħmlu użu mid-data, inkluż abbażi ta' data minn varjetà ta' prodotti jew servizzi relatati. Fl-istess ħin, għandu l-għan li jevita li jdgħajjef l-inċentivi ta' investiment għat-tip ta' prodott li minnu tinkiseb id-data, pereżempju, bl-użu ta' data għall-iżvilupp ta' prodott li jikkompeti miegħu. Skopijiet legali oħra f'dan il-kuntest jinkludu d-dekompilazzjoni, meta permessa skont id-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(16) bħala mezz legali ta' skoperta indipendenti ta' għarfien espert jew informazzjoni, sakemm din ma twassalx għal kompetizzjoni inġusta u hija mingħajr preġudizzju għall-obbligu li ma jiġix żviluppat prodott li jikkompeti bl-użu tad-data riċevuta skont dan ir-Regolament. Dan jista' jkun il-każ għall-iskopijiet ta' tiswija, estensjoni tal-ħajja ta' prodott jew il-forniment ta' servizzi ta' wara l-bejgħ għal prodotti konnessi meta l-manifattur jew il-fornitur ta' servizzi relatati jkun temm il-produzzjoni jew il-forniment tagħhom.

(28a)   Dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġi interpretat b'mod li jippreserva l-protezzjoni mogħtija lis-sigrieti kummerċjali skont id-Direttiva (UE) 2016/943. Għal dak il-għan, id-detenturi tad-data jenħtieġ li jkunu jistgħu jirrikjedu li l-utent, jew partijiet terzi tal-għażla tal-utent, jippreservaw il-kunfidenzjalità tad-data meqjusa bħala sigrieti kummerċjali. Is-sigrieti kummerċjali jenħtieġ li jiġu identifikati qabel id-divulgazzjoni. Madankollu, id-detenturi tad-data ma jistgħux jimminaw id-dritt tal-utenti li jitolbu aċċess u użu tad-data f'konformità ma' dan ir-Regolament abbażi ta' ċerta data li titqies bħala sigrieti kummerċjali mid-detentur tad-data. Id-detentur tad-data, jew id-detentur tas-sigrieti kummerċjali meta ma jkunx id-detentur tad-data, jenħtieġ li jkollu l-possibbiltà li jaqbel mal-utent, jew ma' partijiet terzi tal-għażla tal-utent, dwar miżuri xierqa biex tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità tagħhom, inkluż bl-użu ta' mudelli ta' termini kuntrattwali, ftehimiet ta' kunfidenzjalità, protokolli ta' aċċess stretti, standards tekniċi u l-applikazzjoni ta' kodiċijiet ta' kondotta. F'każijiet meta l-utent jew partijiet terzi tal-għażla tal-utent jonqsu milli jimplimentaw dawk il-miżuri jew jimminaw il-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali, id-detentur tad-data jenħtieġ li jkun jista' jissospendi l-kondiviżjoni tad-data identifikata bħala sigrieti kummerċjali, sakemm isir rieżami mill-koordinatur tad-data tal-Istat Membru. F'każijiet bħal dawn, jenħtieġ li d-detentur tad-data jinnotifika minnufih lill-koordinatur tad-data tal-Istat Membru li fih ikun stabbilit id-detentur tad-data, skont l-Artikolu 31 ta' dan ir-Regolament, li jkun issospenda l-kondiviżjoni tad-data u jidentifika liema miżuri ma ġewx implimentati jew liema sigrieti kummerċjali kellhom il-kunfidenzjalità tagħhom imminata. Fejn l-utent, jew parti terza tal-għażla tal-utent, tkun tixtieq tikkontesta d-deċiżjoni tad-detentur tad-data li jissospendi l-kondiviżjoni tad-data, il-koordinatur tad-data jenħtieġ li jiddeċiedi, f'perjodu ta' żmien raġonevoli, jekk il-kondiviżjoni tad-data għandhiex titkompla jew le, u jekk iva, jindika taħt liema kundizzjonijiet. Il-Kummissjoni, assistita mill-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data, jenħtieġ li tiżviluppa mudelli ta' termini kuntrattwali, u jenħtieġ li tkun tista' tiżviluppa standards tekniċi. Il-Kummissjoni, assistita mill-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni, tista' tinkoraġġixxi wkoll l-istabbiliment ta' kodiċijiet ta' kondotta b'rabta mar-rispett tas-sigrieti kummerċjali jew tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali fit-trattament tad-data, sabiex tgħin fl-ilħuq tal-għan ta' dan ir-Regolament.

(29)  Riċevitur tad-data li d-data tkun magħmula disponibbli għalih jista' jkun persuna fiżika jew ġuridika, intrapriża, organizzazzjoni ta' riċerka jew organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ jew intermedjarju, inkluż servizzi ta' intermedjazzjoni tad-data jew organizzazzjonijiet ta' altruwiżmu fir-rigward tad-data kif definiti fir-Regolament (UE) 2022/868. Meta jagħmlu d-data disponibbli għal riċevitur tad-data, id-detenturi tad-data jenħtieġ li ma jabbużawx mill-pożizzjoni tagħhom biex ifittxu vantaġġ kompetittiv fis-swieq fejn detentur tad-data u riċevitur tad-data jistgħu jkunu f'kompetizzjoni diretta. Għalhekk, id-detenturi tad-data jenħtieġ li ma jużaw l-ebda data aċċessata mill-prodott konness jew iġġenerata matul il-forniment ta' servizz relatat sabiex jiksbu għarfien dwar is-sitwazzjoni ekonomika tal-parti terza jew l-assi jew il-metodi ta' produzzjoni tagħha jew l-użu bi kwalunkwe mod ieħor li jista' jimmina l-pożizzjoni kummerċjali tal-parti terza fis-swieq li hija attiva fihom. Jenħtieġ li l-utent ikollu d-dritt jikkondividi data mhux personali ma' partijiet terzi għal skopijiet kummerċjali. Malli jintlaħaq ftehim mal-utent, u soġġett għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li r-riċevituri tad-data jkunu jistgħu jittrasferixxu d-drittijiet ta' aċċess għad-data mogħtija mill-utent lil partijiet terzi, inkluż bi skambju għal kumpens. Is-servizzi ta' intermedjazzjoni tad-data [kif irregolati bir-Regolament (UE) 2022/868] jistgħu jappoġġaw lill-utenti jew ir-riċevituri tad-data fl-istabbiliment ta' relazzjoni kummerċjali għal kwalunkwe skop legali abbażi ta' data li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Jistgħu jkollhom rwol strumentali fl-aggregazzjoni tal-aċċess għad-data minn għadd kbir ta' utenti tad-data potenzjali individwali biex ikunu jistgħu jiġu ffaċilitati l-analiżi tal-big data jew it-tagħlim awtomatiku, dment li tali utenti jibqa' jkollhom kontroll sħiħ dwar jekk jikkontribwux id-data tagħhom għal tali aggregazzjoni u t-termini kummerċjali li taħthom se tintuża d-data tagħhom.

(30)  L-użu ta' prodott jew ta' servizz relatat jista', b'mod partikolari meta l-utent ikun persuna fiżika, jiġġenera data relatata ma' persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (is-suġġett tad-data). L-ipproċessar ta' tali data huwa suġġett għar-regoli stabbiliti skont ir-Regolament (UE) 2016/679, inkluż fejn data personali u mhux personali f'sett ta' data tkun marbuta b'mod inseparabbli(17). Is-suġġett tad-data jista' jkun l-utent jew persuna fiżika oħra. Id-data personali tista' tintalab biss minn kontrollur jew minn suġġett tad-data. Utent li huwa s-suġġett tad-data huwa taħt ċerti ċirkostanzi intitolat skont ir-Regolament (UE) 2016/679 li jaċċessa data personali dwarhom, u tali drittijiet mhumiex affettwati minn dan ir-Regolament. Skont dan ir-Regolament, l-utent li jkun persuna fiżika huwa intitolat ukoll li jaċċessa d-data kollha ġġenerata mill-prodott, personali u mhux personali. Meta l-utent ma jkunx is-suġġett tad-data iżda intrapriża, inkluż negozjant uniku, u mhux f'każijiet ta' użu kondiviż tal-unitajiet domestiċi tal-prodott, l-utent ikun kontrollur skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2016/679. Għaldaqstant, tali utent bħala kontrollur li jkollu l-ħsieb li jitlob data personali ġġenerata bl-użu ta' prodott jew servizz relatat, huwa meħtieġ li jkollu bażi ġuridika għall-ipproċessar tad-data skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2016/679, bħall-kunsens tas-suġġett tad-data jew l-interess leġittimu. Jenħtieġ li dan l-utent jiżgura li s-suġġett tad-data jkun infurmat kif xieraq bl-għanijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi għall-ipproċessar ta' dik id-data, u kif is-suġġett tad-data jista' jeżerċita b'mod effettiv id-drittijiet tiegħu. Meta d-detentur tad-data u l-utent ikunu kontrolluri konġunti skont it-tifsira tal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2016/679, dawn ikunu meħtieġa jiddeterminaw, b'mod trasparenti permezz ta' arranġament bejniethom, ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom għall-konformità ma' dak ir-Regolament. Jenħtieġ li jkun mifhum li tali utent, ladarba d-data tkun saret disponibbli, jista' min-naħa tiegħu jsir detentur tad-data, jekk jissodisfa l-kriterji skont dan ir-Regolament u b'hekk isir soġġett għall-obbligi li d-data ssir disponibbli skont dan ir-Regolament.

(31)  Id-data aċċessata minn prodott konness jew iġġenerata matul il-forniment ta' servizz relatat jenħtieġ li ssir disponibbli biss għal parti terza fuq talba tal-utent. Għaldaqstant, dan ir-Regolament jikkomplementa d-dritt previst fl-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2016/679. Dak l-Artikolu jipprevedi dritt għas-suġġetti tad-data li jirċievu data personali dwarhom f'format strutturat, komunement użat u li jinqara minn magna, u li jittrasferixxu dik id-data lil kontrolluri oħrajn, fejn dik id-data tiġi pproċessata abbażi tal-Artikolu 6(1)(a), jew l-Artikolu 9(2)(a), jew ta' kuntratt skont l-Artikolu 6(1)(b). Is-suġġetti tad-data għandhom ukoll id-dritt li jkollhom id-data personali trażmessa direttament minn kontrollur għal kontrollur ieħor, iżda biss fejn dan ikun teknikament fattibbli. L-Artikolu 20 jispeċifika li tappartjeni għad-data pprovduta mis-suġġett tad-data iżda ma jispeċifikax jekk din teħtieġx imġiba attiva min-naħa tas-suġġett tad-data jew jekk tapplikax ukoll għal sitwazzjonijiet fejn prodott jew servizz relatat mid-disinn tiegħu josserva l-imġiba ta' suġġett tad-data jew informazzjoni oħra fir-rigward ta' suġġett tad-data b'mod passiv. Id-dritt skont dan ir-Regolament jikkomplementa d-dritt li d-data personali tiġi rċevuta u trasferita skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2016/679 b'diversi modi. Dan jagħti lill-utenti d-dritt li jaċċessaw u li jagħmlu disponibbli għal riċevitur tad-data kwalunkwe data aċċessata mill-prodott konness jew iġġenerata matul il-forniment ta' servizz relatat, irrispettivament min-natura tagħha bħala data personali, mid-distinzjoni bejn data pprovduta b'mod attiv jew osservata b'mod passiv, u irrispettivament mill-bażi ġuridika tal-ipproċessar. Għall-kuntrarju tal-obbligi tekniċi previsti fl-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2016/679, dan ir-Regolament jagħti mandat u jiżgura l-fattibbiltà teknika ta' aċċess ta' parti terza għat-tipi kollha ta' data li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu, kemm jekk personali kif ukoll jekk mhux personali. Jippermetti wkoll lid-detenturi tad-data jistabbilixxu kumpens raġonevoli li jrid jiġi ssodisfat mir-riċevituri tad-data, iżda mhux mill-utent, għal kwalunkwe kost imġarrab fl-għoti ta' aċċess dirett għad-data ġġenerata mill-prodott tal-utent. Jekk detentur tad-data u parti terza ma jkunux jistgħu jaqblu dwar termini għal tali aċċess dirett, is-suġġett tad-data jenħtieġ li ma jixxekkel bl-ebda mod milli jeżerċita d-drittijiet inklużi fir-Regolament (UE) 2016/679, inkluż id-dritt għall-portabbiltà tad-data, billi jfittex rimedji f'konformità ma' dak ir-Regolament. Irid jinftiehem, f'dan il-kuntest li, f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679, ftehim kuntrattwali ma jippermettix l-ipproċessar ta' kategoriji speċjali ta' data personali mid-detenturi tad-data jew mir-riċevitur tad-data.

(32)  L-aċċess għal kwalunkwe data maħżuna fit-tagħmir terminali u aċċessata minnu huwa soġġett għad-Direttiva 2002/58/KE u jeħtieġ il-kunsens tal-abbonat jew tal-utent skont it-tifsira ta' dik id-Direttiva sakemm ma jkunx strettament meħtieġ għall-forniment ta' servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni espliċitament mitlub mill-utent jew abbonat (jew għall-iskop uniku tat-trażmissjoni ta' komunikazzjoni). Id-Direttiva 2002/58/KE ("id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika") (u r-Regolament propost dwar il-Privatezza Elettronika) jipproteġu l-integrità tat-tagħmir terminali tal-utent fir-rigward tal-użu tal-kapaċitajiet ta' pproċessar u ħżin u l-ġbir tal-informazzjoni. It-tagħmir tal-internet tal-oġġetti jitqies bħala tagħmir terminali jekk ikun direttament jew indirettament konness ma' network pubbliku ta' komunikazzjonijiet.

(33)  Sabiex jiġi evitat l-isfruttament tal-utenti, ir-riċevituri tad-data li lilhom tkun saret disponibbli d-data fuq talba tal-utent jenħtieġ li jipproċessaw biss id-data għall-finijiet miftiehma mal-utent u ma jikkondividux din id-data ma' parti terza oħra mingħajr ma l-utent jiġi infurmat b'mod mhux ekwivoku fi żmien debitu u mingħajr ma jkollu l-qbil espliċitu tiegħu dwar tali kondiviżjoni.

(34)  Jenħtieġ li r-riċevituri tad-data jkollhom aċċess biss għal informazzjoni addizzjonali li tkun meħtieġa għall-forniment tas-servizz mitlub mill-utent. Wara li jkun irċieva aċċess għad-data, ir-riċevitur tad-data jenħtieġ li jipproċessa din id-data esklussivament għall-finijiet miftiehma mal-utent, mingħajr interferenza mid-detentur tad-data. Jenħtieġ li jkun daqstant faċli għall-utent li jirrifjuta jew li jwaqqaf l-aċċess mir-riċevitur tad-data għad-data kif inhu għall-utent li jawtorizza l-aċċess. Riċevitur tad-data jew detentur tad-data jenħtieġ li ma jagħmilx l-eżerċizzju tad-drittijiet jew l-għażliet diffiċli bla bżonn inkluż billi joffri għażliet lill-utenti b'mod li ma jkunx newtrali, jew jisforza, jinganna jew jimmanipula lill-utent b'xi mod, jew billi jimminimizza jew ifixkel l-awtonomija, it-teħid ta' deċiżjonijiet jew l-għażliet tal-utent, inkluż permezz ta' interfaċċa diġitali jew parti minnha, inklużi l-istruttura, id-disinn, il-funzjoni jew il-mod kif taħdem tagħha, mal-utent. F'dan il-kuntest, partijiet terzi jew detenturi tad-data jenħtieġ li ma jibbażawx fuq l-hekk imsejħa dark patterns fit-tfassil tal-interfaċċi diġitali tagħhom. Dark patterns huma t-tekniki tad-disinn li jixprunaw jew iqarrqu lill-konsumaturi biex deċiżjonijiet li għandhom konsegwenzi negattivi għalihom. Dawn it-tekniki manipulattivi jistgħu jintużaw biex jipperswadu lill-utenti, b'mod partikolari lill-konsumaturi vulnerabbli, biex jinvolvu ruħhom f'imġiba mhux mixtieqa, u biex l-utenti jiġu mqarrqa billi jiġu mbuttati jieħdu deċiżjonijiet dwar tranżazzjonijiet ta' divulgazzjoni tad-data jew biex it-teħid ta' deċiżjonijiet tal-utenti tas-servizz jiġi preġudikat b'mod li jimminimizza u jfixkel l-awtonomija, it-teħid ta' deċiżjonijiet u l-għażla tagħhom. Prattiki kummerċjali komuni u leġittimi li huma konformi mad-dritt tal-Unjoni jenħtieġ li minnhom infushom ma jitqisux li jikkostitwixxu dark patterns. Partijiet terzi u detenturi tad-data jenħtieġ li jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont id-dritt rilevanti tal-Unjoni, inklużi r-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2005/29/KE, id-Direttiva 2011/83/UE, id-Direttiva 2000/31/KE u d-Direttiva 98/6/KE.

(35)  Id-detenturi tad-data u r-riċevituri tad-data jenħtieġ ukoll li jżommu lura milli jużaw id-data għat-tfassil ta' profil ta' individwi sakemm dawn l-attivitajiet ta' pproċessar ma jkunux strettament meħtieġa biex jipprovdu s-servizz mitlub mill-utent. Ir-rekwiżit li titħassar id-data personali meta ma tibqax meħtieġa għall-iskop miftiehem mal-utent jikkomplementa d-dritt għal tħassir tas-suġġett tad-data skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2016/679. Meta riċevitur tad-data jkun fornitur ta' servizz tal-intermedjazzjoni tad-data skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2022/868, japplikaw is-salvagwardji għas-suġġett tad-data previsti minn dak ir-Regolament. Il-parti terza tista' tuża d-data biex tiżviluppa prodott ġdid u innovattiv jew servizz relatat iżda mhux biex tiżviluppa prodott li jikkompeti miegħu.

(36)  Negozji ġodda, SMEs u kumpaniji minn setturi tradizzjonali b'kapaċitajiet diġitali inqas żviluppati jsibu diffikultà biex jiksbu aċċess għad-data rilevanti. Dan ir-Regolament għandu l-għan li jiffaċilita l-aċċess għad-data għal dawn l-entitajiet, filwaqt li jiżgura li l-obbligi korrispondenti jiġu koperti b'mod kemm jista' jkun proporzjonat biex jiġi evitat li jintlaħqu żżejjed. Fl-istess ħin, tfaċċaw għadd żgħir ta' kumpaniji kbar ħafna b'saħħa ekonomika konsiderevoli fl-ekonomija diġitali permezz tal-akkumulazzjoni u l-aggregazzjoni ta' volumi kbar ta' data u l-infrastruttura teknoloġika għall-monetizzazzjoni tagħhom. Dawn il-kumpaniji jinkludu impriżi li jipprovdu servizzi ta' pjattaforma ewlenija li jikkontrollaw ekosistemi ta' pjattaformi sħaħ fl-ekonomija diġitali u li l-operaturi tas-suq eżistenti jew ġodda ma jistgħux jikkontestaw. Ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(18) għandu l-għan li jirrimedja dawn l-ineffiċjenzi u l-iżbilanċi billi jippermetti lill-Kummissjoni taħtar fornitur bħala "gatekeeper", u timponi għadd ta' obbligi fuq gatekeepers maħtura bħal dawn, inkluża projbizzjoni li ċerta data tiġi kkombinata mingħajr kunsens, u obbligu li jiġu żgurati drittijiet effettivi għall-portabbiltà tad-data skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2016/679. B'mod konsistenti mar-Regolament (UE) 2022/1925, u minħabba l-kapaċità li ma hemmx bħalha ta' dawn il-kumpaniji li jiksbu d-data, ma jkunx hemm bżonn li jintlaħaq l-objettiv ta' dan ir-Regolament, u għalhekk ikun sproporzjonat fir-rigward tad-detenturi tad-data li jkunu soġġetti għal tali obbligi, biex jinkludu tali impriżi tal-gatekeeper bħala benefiċjarji tad-dritt għall-aċċess għad-data. Dan ifisser li impriża li tipprovdi servizzi ta' pjattaforma ewlenija li tkun ġiet maħtura bħala gatekeeper ma tistax titlob jew tingħata aċċess għad-data tal-utenti ġġenerata bl-użu ta' prodott jew servizz relatat jew minn assistent virtwali abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II ta' dan ir-Regolament. Impriża li tipprovdi servizzi ta' pjattaforma ewlenija maħtura bħala gatekeeper skont ir-Regolament (UE) 2022/1925 jenħtieġ li tinftiehem li tinkludi l-entitajiet ġuridiċi kollha ta' grupp ta' kumpaniji fejn entità ġuridika waħda tipprovdi servizz ta' pjattaforma ewlenija. Barra minn hekk, partijiet terzi li għalihom id-data tkun disponibbli fuq talba tal-utent ma jistgħux jagħmlu d-data disponibbli għal gatekeeper maħtur. Pereżempju, il-parti terza ma tistax tissottokuntratta l-forniment ta' servizz lil gatekeeper. Madankollu, dan ma jżommx lil partijiet terzi milli jużaw servizzi tal-ipproċessar tad-data offruti minn gatekeeper maħtur. Din l-esklużjoni ta' gatekeepers maħtura mill-ambitu tad-dritt ta' aċċess skont dan ir-Regolament ma timpedix lil dawn il-kumpaniji milli jiksbu data permezz ta' mezzi legali oħra.

(37)  L-intrapriżi mikro u żgħar jenħtieġ li jkunu esklużi mill-obbligi tal-Kapitolu II. Madankollu, dan mhuwiex il-każ fejn intrapriża mikro jew żgħira tiġi sottokuntrattata għall-manifattura jew għad-disinn ta' prodott. F'sitwazzjonijiet bħal dawn, l-intrapriża, li tkun issottokuntrattat lill-mikrointrapriża jew lill-intrapriża żgħira, tkun tista' tikkumpensa b'mod xieraq lis-sottokuntrattur. Madankollu, intrapriża mikro jew żgħira tista' tkun soġġetta għar-rekwiżiti stabbiliti minn dan ir-Regolament bħala detentur tad-data, meta ma tkunx il-manifattur tal-prodott jew fornitur ta' servizzi relatati.

(38)  Dan ir-Regolament fih regoli ▌, kull meta detentur tad-data jkun obbligat bil-liġi li jagħmel id-data disponibbli għal riċevitur tad-data. Tali aċċess jenħtieġ li jkun ibbażat fuq kundizzjonijiet ġusti, raġonevoli, nondiskriminatorji u trasparenti biex tiġi żgurata l-konsistenza tal-prattiki tal-kondiviżjoni tad-data fis-suq intern, inkluż bejn is-setturi, u biex jiġu mħeġġa u promossi prattiki ġusti tal-kondiviżjoni tad-data anki f'oqsma fejn ma jiġi pprovdut l-ebda dritt għall-aċċess għad-data. Dawn ir-regoli ġenerali dwar l-aċċess ma japplikawx għall-obbligi li d-data ssir disponibbli skont ir-Regolament (UE) 2016/679. Il-kondiviżjoni volontarja tad-data tibqa' mhux affettwata minn dawn ir-regoli.

(39)  Abbażi tal-prinċipju tal-libertà kuntrattwali, il-partijiet jenħtieġ li jibqgħu liberi li jinnegozjaw il-kundizzjonijiet preċiżi biex id-data ssir disponibbli fil-kuntratti tagħhom, fil-qafas tar-regoli ġenerali ta' aċċess biex id-data ssir disponibbli.

(40)  Sabiex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet għall-aċċess obbligatorju għad-data jkunu ġusti għaż-żewġ partijiet, ir-regoli ġenerali dwar id-drittijiet ta' aċċess għad-data jenħtieġ li jirreferu għar-regola dwar l-evitar ta' termini kuntrattwali inġusti.

(41)  Kwalunkwe ftehim konkluż biex id-data ssir disponibbli jenħtieġ li ma jiddiskriminax bejn kategoriji komparabbli ta' riċevituri tad-data, irrispettivament jekk ikunux kumpaniji kbar jew intrapriżi mikro, żgħar jew ta' daqs medju. Sabiex jikkumpensa għan-nuqqas ta' informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta' kuntratti differenti, li jagħmilha diffiċli għar-riċevitur tad-data li jivvaluta jekk it-termini biex jagħmel id-data disponibbli humiex nondiskriminatorji, jenħtieġ li tkun ir-responsabbiltà tad-detenturi tad-data li juru li terminu kuntrattwali mhux diskriminatorju. Il-Kummissjoni, filwaqt li tinvolvi lill-partijiet ikkonċernati affettwati kollha, jenħtieġ li tistabbilixxi linji gwida prattiċi dwar x'jikkostitwixxi termini nondiskriminatorji. Ma tkunx diskriminazzjoni illegali, fejn detentur tad-data juża termini kuntrattwali differenti biex jagħmel id-data disponibbli ▌, jekk dawk id-differenzi jkunu ġġustifikati minn raġunijiet oġġettivi. Dawn l-obbligi huma mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2016/679.

(42)  Sabiex jinċentiva l-investiment kontinwu fil-ġenerazzjoni u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' data siewja, inklużi investimenti f'għodod tekniċi rilevanti, dan ir-Regolament fih il-prinċipju li d-detenturi tad-data jistgħu jitolbu kumpens raġonevoli meta jkunu legalment obbligati li jagħmlu d-data disponibbli għar-riċevitur tad-data f'relazzjonijiet bejn in-negozji. Dawn id-dispożizzjonijiet jenħtieġ li ma jinftehmux bħala li qed iħallsu għad-data nnifisha, iżda biex jippermettu lid-detenturi tad-data jiġu kkumpensati b'mod raġonevoli talli jagħmlu d-data disponibbli jew, fil-każ ta' intrapriżi mikro, żgħar jew ta' daqs medju u ta' organizzazzjonijiet tar-riċerka li jużaw id-data mingħajr skop ta' qligħ, għall-kostijiet diretti mġarrba u għall-investiment meħtieġ biex id-data ssir disponibbli. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżviluppa gwida li tispeċifika dak li jikkwalifika bħala kumpens raġonevoli fl-ekonomija tad-data.

(42a)   Tali kumpens raġonevoli jinkludi, l-ewwel nett, il-kostijiet imġarrba u, ħlief għall-intrapriżi mikro u żgħar, l-investiment meħtieġ biex id-data ssir disponibbli. Dawn il-kostijiet jistgħu jkunu kostijiet tekniċi, bħall-kostijiet meħtieġa għar-riproduzzjoni, id-disseminazzjoni permezz ta' mezzi elettroniċi u l-ħżin tad-data, iżda mhux għall-ġbir jew il-produzzjoni tad-data. Tali kostijiet tekniċi jistgħu jinkludu wkoll il-kostijiet għall-ipproċessar li jkun meħtieġ biex id-data ssir disponibbli. Il-kostijiet relatati mat-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data jistgħu jinkludu wkoll il-kostijiet tal-faċilitazzjoni ta' talbiet konkreti ta' kondiviżjoni tad-data. Dawn jistgħu jvarjaw ukoll skont l-arranġamenti li jsiru biex id-data ssir disponibbli. Arranġamenti fit-tul bejn id-detenturi tad-data u r-riċevituri tad-data, pereżempju permezz ta' mudell ta' abbonament jew l-użu ta' kuntratti intelliġenti, jistgħu jnaqqsu l-kostijiet fi tranżazzjonijiet regolari jew ripetittivi f'relazzjoni kummerċjali. Il-kostijiet relatati mat-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data jew huma speċifiċi għal talba partikolari jew huma kondiviżi ma' talbiet oħra. Fil-każ ta' dan tal-aħħar, jenħtieġ li riċevitur tad-data wieħed ma jħallasx il-kostijiet kollha biex id-data ssir disponibbli. Kumpens raġonevoli jista' jinkludi wkoll marġni, ħlief għall-intrapriżi mikro u żgħar. Tali marġni jista' jvarja skont fatturi relatati mad-data stess, bħall-volum, il-format jew in-natura tad-data, jew fuq il-provvista tad-data u d-domanda għaliha. Jista' jqis il-kostijiet għall-ġbir tad-data. Għalhekk, il-marġni jista' jonqos meta d-detentur tad-data jkun ġabar id-data għan-negozju tiegħu stess mingħajr investimenti sinifikanti jew jista' jiżdied meta l-investimenti fil-ġbir tad-data għall-għanijiet tan-negozju tad-detentur tad-data jkunu għoljin. Il-marġni jista' jiddependi wkoll fuq l-użu ta' segwitu tad-data mir-riċevitur tad-data. Jista' jkun limitat jew saħansitra eskluż f'sitwazzjonijiet fejn l-użu tad-data mir-riċevitur tad-data ma jaffettwax l-attivitajiet proprji tad-detentur tad-data. Il-fatt li d-data tkun iġġenerata b'mod konġunt minn prodott konness ta' proprjetà tal-utent jista' jnaqqas ukoll l-ammont tal-kumpens meta mqabbel ma' sitwazzjonijiet oħra fejn id-data tkun iġġenerata mid-detentur tad-data pereżempju matul il-forniment ta' servizz relatat.

(43)  F'każijiet ġustifikati debitament, inkluż il-ħtieġa li jiġu ssalvagwardjati l-parteċipazzjoni tal-konsumatur u l-kompetizzjoni jew li tiġi promossa l-innovazzjoni f'ċerti swieq, id-dritt tal-Unjoni jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-dritt tal-Unjoni jistgħu jimponu kumpens regolat biex isiru disponibbli tipi speċifiċi ta' data.

(44)  Biex jipproteġi lill-intrapriżi mikro, żgħar jew ta' daqs medju minn piżijiet ekonomiċi eċċessivi li jagħmluha kummerċjalment diffiċli wisq biex jiġu żviluppati u mmexxija mudelli kummerċjali innovattivi, il-kumpens biex id-data ssir disponibbli li jrid jitħallas minnhom jenħtieġ li ma jkunx jaqbeż il-kost dirett biex id-data ssir disponibbli u tkun nondiskriminatorja. Jenħtieġ li l-istess reġim japplika għal dawk l-organizzazzjonijiet ta' riċerka li jużaw id-data mingħajr skop ta' qligħ.

(45)  Il-kostijiet diretti biex id-data ssir disponibbli huma l-kostijiet meħtieġa għar-riproduzzjoni, għad-disseminazzjoni permezz ta' mezzi elettroniċi u għall-ħżin tad-data iżda mhux għall-ġbir jew għall-produzzjoni tad-data. Il-kostijiet diretti biex id-data ssir disponibbli jenħtieġ li jkunu limitati għas-sehem attribwibbli għat-talbiet individwali, filwaqt li jitqies li l-interfaċċi tekniċi meħtieġa jew is-software relatat u l-konnettività se jkollhom jiġu stabbiliti b'mod permanenti mid-detentur tad-data. Arranġamenti fit-tul bejn id-detenturi tad-data u r-riċevituri tad-data, pereżempju permezz ta' mudell ta' abbonament, jistgħu jnaqqsu l-kostijiet marbuta mat-tqegħid tad-data għad-dispożizzjoni fi tranżazzjonijiet regolari jew ripetittivi f'relazzjoni kummerċjali. Id-detentur tad-data, jekk ma jkunx SME, jenħtieġ li jipprovdi b'mod attiv il-kalkolu li juri li l-prezz tiegħu huwa bbażat fuq il-kost, meta jkun jaf, jew kellu jkun jaf, li l-kontroparti tiegħu hija SME. Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li jiddikjara li huwa obbligat li jipprovdi d-data lil SME bil-prezz tal-kost u li huwa obbligat jipprovdi informazzjoni dettaljata meta jkun mitlub.

(46)  Mhuwiex meħtieġ li jsir intervent fil-każ ta' kondiviżjoni tad-data bejn kumpaniji kbar, jew meta d-detentur tad-data jkun intrapriża żgħira jew medja u r-riċevitur tad-data jkun kumpanija kbira. F'każijiet bħal dawn, il-kumpaniji jitqiesu li huma kapaċi jinnegozjaw kwalunkwe kumpens jekk dan ikun raġonevoli, filwaqt li jitqiesu fatturi bħall-volum, il-format, in-natura, jew il-provvista tad-data u d-domanda għad-data kif ukoll il-kostijiet għall-ġbir u t-tqegħid tad-data għad-dispożizzjoni tar-riċevitur tad-data. Fil-każ ta' użu ħażin jew divulgazzjoni ta' data, jenħtieġ li r-riċevitur tad-data jkun responsabbli għad-danni lill-parti li tkun ġarrbithom u jenħtieġ li jikkonforma mingħajr dewmien bla bżonn mat-talbiet tad-detentur tad-data.

(47)  It-trasparenza hija prinċipju importanti biex jiġi żgurat li l-kumpens mitlub minn detentur tad-data jkun raġonevoli, jew, jekk ir-riċevitur tad-data jkun SME, li l-kumpens ma jaqbiżx il-kostijiet direttament relatati mat-tqegħid tad-data għad-dispożizzjoni tar-riċevitur tad-data u huwa attribwibbli għat-talba individwali. Sabiex ir-riċevituri tad-data jitqiegħdu fil-pożizzjoni li jivvalutaw u li jivverifikaw li l-kumpens jikkonforma mar-rekwiżiti skont dan ir-Regolament, id-detentur tad-data jenħtieġ li jipprovdi lir-riċevitur tad-data bl-informazzjoni għall-kalkolu tal-kumpens bi grad suffiċjenti ta' dettall.

(48)  L-iżgurar tal-aċċess għal modi alternattivi ta' soluzzjoni ta' tilwim nazzjonali u transfruntier li jinħoloq b'rabta mat-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data jenħtieġ li jkun ta' benefiċċju għad-detenturi tad-data u għar-riċevituri tad-data u għalhekk tissaħħaħ il-fiduċja fil-kondiviżjoni tad-data. F'każijiet fejn il-partijiet ma jkunux jistgħu jaqblu dwar termini ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji biex jagħmlu d-data disponibbli, il-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim jenħtieġ li joffru soluzzjoni sempliċi, rapida u bi prezz baxx lill-partijiet.

(49)  Biex jiġi evitat li żewġ korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim jew aktar jitqabbdu għall-istess tilwima, b'mod partikolari f'ambjent transfruntier, jenħtieġ li korp għas-soluzzjoni tat-tilwim ikun jista' jirrifjuta talba għal soluzzjoni ta' tilwima li tkun diġà tressqet quddiem korp ieħor għas-soluzzjoni tat-tilwim jew quddiem qorti jew tribunal ta' Stat Membru.

(50)  Il-partijiet għall-proċedimenti ta' soluzzjoni tat-tilwim jenħtieġ li ma jitwaqqfux milli jeżerċitaw id-drittijiet fundamentali tagħhom għal rimedju effettiv u għal proċess ġust. Għalhekk, id-deċiżjoni li tiġi ppreżentata tilwima quddiem korp għas-soluzzjoni tat-tilwim jenħtieġ li ma ċċaħħadx lil dawk il-partijiet mid-dritt tagħhom li jfittxu rimedju quddiem qorti jew tribunal ta' Stat Membru. Il-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim jenħtieġ li jagħmlu r-rapporti annwali tal-attività disponibbli għall-pubbliku.

(51)  Meta parti waħda tkun f'pożizzjoni ta' negozjar aktar b'saħħitha, hemm riskju li dik il-parti tkun tista' tisfrutta tali pożizzjoni għad-detriment tal-parti kontraenti l-oħra meta tinnegozja l-aċċess għad-data u tagħmel l-aċċess għad-data kummerċjalment inqas vijabbli u xi drabi ekonomikament projbittiv. Tali żbilanċi kuntrattwali jagħmlu ħsara lill-intrapriżi ▌mingħajr kapaċità sinifikanti li jinnegozjaw il-kundizzjonijiet għall-aċċess għad-data, li jista' ma jkollhom l-ebda għażla oħra għajr li jaċċettaw termini kuntrattwali tat-tip "dawn jew xejn". Għalhekk, jenħtieġ li t-termini kuntrattwali inġusti li jirregolaw l-aċċess għad-data u l-użu tagħha jew ir-responsabbiltà u r-rimedji għall-ksur jew għat-terminazzjoni ta' obbligi relatati mad-data ma jkunux vinkolanti fuq intrapriżi mikro, żgħar jew ta' daqs medju meta jkunu ġew imposti unilateralment fuqhom.

(52)  Ir-regoli dwar it-termini kuntrattwali jenħtieġ li jqisu l-prinċipju tal-libertà kuntrattwali bħala kunċett essenzjali fir-relazzjonijiet minn negozju għal negozju. ▌ . Dan jikkonċerna sitwazzjonijiet ta' "dawn jew xejn" fejn parti waħda tforni ċertu terminu kuntrattwali u l-intrapriża l-oħra ma tistax tinfluwenza l-kontenut ta' dak it-terminu minkejja tentattiv biex tinnegozjah. Terminu kuntrattwali li huwa sempliċiment ipprovdut minn parti waħda u aċċettat mill-intrapriża l-oħra jew terminu li jiġi negozjat u sussegwentement miftiehem b'mod emendat bejn il-partijiet kontraenti jenħtieġ li ma jitqiesx bħala impost unilateralment. Il-ftehimiet kuntrattwali kollha jenħtieġ li jkunu konformi ma' prinċipji Ġusti, Raġonevoli u Mhux Diskriminatorji (FRAND).

(53)  Barra minn hekk, ir-regoli dwar termini kuntrattwali inġusti jenħtieġ li japplikaw biss għal dawk l-elementi ta' kuntratt li huma relatati mat-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data, jiġifieri termini kuntrattwali dwar l-aċċess għad-data u l-użu tagħha kif ukoll responsabbiltà jew rimedji għall-ksur u t-terminazzjoni ta' obbligi relatati mad-data. Partijiet oħra tal-istess kuntratt, mhux relatati mat-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data, jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għat-test tal-inġustizzja stabbilit f'dan ir-Regolament.

(54)  Il-kriterji biex jiġu identifikati termini kuntrattwali inġusti jenħtieġ li jiġu applikati biss għal termini kuntrattwali eċċessivi, fejn tiġi abbużata pożizzjoni ta' negozjar aktar b'saħħitha. Il-maġġoranza l-kbira tat-termini kuntrattwali li huma kummerċjalment aktar favorevoli għal parti waħda milli għal oħra, inklużi dawk li huma normali f'kuntratti minn negozju għal negozju, huma espressjoni normali tal-prinċipju tal-libertà kuntrattwali u ▌jibqgħu japplikaw.

(55)  Jekk terminu kuntrattwali ma jkunx inkluż fil-lista ta' termini li dejjem jitqiesu inġusti jew li huma preżunti inġusti, tapplika d-dispożizzjoni ġenerali dwar in-nuqqas ta' ġustizzja. F'dan ir-rigward, it-termini elenkati bħala termini inġusti jenħtieġ li jservu bħala kejl biex tiġi interpretata d-dispożizzjoni ġenerali ta' nuqqas ta' ġustizzja. Fl-aħħar nett, il-mudelli tat-termini kuntrattwali għall-kuntratti ta' kondiviżjoni tad-data minn negozju għal negozju li jridu jiġu żviluppati u rakkomandati mill-Kummissjoni jistgħu jkunu utli wkoll għall-partijiet kummerċjali meta jinnegozjaw il-kuntratti.

(56)  F'sitwazzjonijiet ta' ħtieġa eċċezzjonali, jista' jkun meħtieġ li l-korpi tas-settur pubbliku jew l-istituzzjonijiet, l-aġenziji jew il-korpi tal-Unjoni jużaw id-data miżmuma minn intrapriża jew li qed tiġbor attwalment jew li kisbet, ġabret jew inkella ġġenerat preċedentement u li għadha żżomm fil-mument tat-talba, biex iwieġbu għal emerġenzi pubbliċi jew f'każijiet eċċezzjonali oħra. Organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka u organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka jistgħu jkunu organizzati wkoll bħala korpi tas-settur pubbliku jew korpi regolati mid-dritt pubbliku. Biex jiġi limitat il-piż fuq in-negozji, l-intrapriżi mikro u żgħar jenħtieġ li jiġu eżentati mill-obbligu li jipprovdu data lill-korpi tas-settur pubbliku u lill-istituzzjonijiet, lill-aġenziji jew lill-korpi tal-Unjoni f'sitwazzjonijiet ta' ħtieġa eċċezzjonali.

(57)  F'każ ta' emerġenzi pubbliċi, bħal emerġenzi tas-saħħa pubblika, emerġenzi li jirriżultaw minn degradazzjoni ambjentali u diżastri naturali kbar inklużi dawk aggravati mit-tibdil fil-klima, kif ukoll diżastri kbar ikkawżati mill-bniedem, bħal inċidenti kbar taċ-ċibersigurtà, l-interess pubbliku li jirriżulta mill-użu tad-data jisboq l-interessi tad-detenturi tad-data li jeħilsu liberament mid-data li jkollhom, soġġett għall-kundizzjonijiet u salvagwardji oħra stabbiliti f'dan ir-Regolament jew f'liġi tal-Unjoni jew nazzjonali oħra. F'każ bħal dan, id-detenturi tad-data jenħtieġ li jiġu obbligati jagħmlu d-data disponibbli għall-korpi tas-settur pubbliku jew għall-istituzzjonijiet, għall-aġenziji jew għall-korpi tal-Unjoni fuq talba tagħhom. L-eżistenza ta' emerġenza pubblika hija determinata skont il-proċeduri rispettivi fl-Istati Membri jew ta' organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti.

(58)  Tista' tirriżulta wkoll ħtieġa eċċezzjonali minn sitwazzjonijiet li ma jkunux ta' emerġenza meta korp tas-settur pubbliku jista' juri li d-data tkun meħtieġa għall-issodisfar ta' kompitu speċifiku fl-interess pubbliku li kien previst b'mod espliċitu u definit mid-dritt nazzjonali, bħall-prevenzjoni ta', jew l-assistenza tal-irkupru minn, emerġenza pubblika. Tali talba tista' ssir biss meta l-korp tas-settur pubbliku jew l-istituzzjoni, l-aġenzija jew il-korp tal-Unjoni jkunu identifikaw data speċifika li ma tkunx disponibbli u biss jekk ikunu eżawrew it-tliet mezzi alternattivi kollha li ġejjin biex jiksbu d-data: jitolbu d-data permezz ta' ftehimiet volontarji; jixtru d-data fis-suq jew iserrħu fuq obbligi eżistenti biex id-data ssir disponibbli.

(59)  Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma japplikax għal arranġamenti volontarji għall-iskambju ta' data mhux personali bejn entitajiet privati u pubbliċi, u lanqas jissostitwihom. ▌ Ir-rekwiżiti għall-aċċess għad-data biex tiġi vverifikata l-konformità mar-regoli applikabbli, inkluż f'każijiet fejn il-korpi tas-settur pubbliku jassenjaw il-kompitu tal-verifika tal-konformità lil entitajiet għajr il-korpi tas-settur pubbliku, jenħtieġ ukoll li ma jiġux affettwati minn dan ir-Regolament.

(60)  Għall-eżerċitar tal-kompiti tagħhom fl-oqsma tal-prevenzjoni, tal-investigazzjoni, tad-detezzjoni jew tal-prosekuzzjoni ta' reati kriminali u amministrattivi, l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali u amministrattivi, kif ukoll il-ġbir ta' data għal finijiet ta' tassazzjoni jew doganali, korpi tas-settur pubbliku u istituzzjonijiet aġenziji u korpi tal-Unjoni, jenħtieġ li jibbażaw fuq is-setgħat tagħhom skont il-leġiżlazzjoni settorjali. Għaldaqstant, dan ir-Regolament ma jaffettwax l-istrumenti għall-kondiviżjoni, l-aċċess u l-użu tad-data f'dawk l-oqsma.

(61)  Biex id-data mid-detenturi tad-data tkun magħmula disponibbli, f'każijiet ta' ħtiġijiet eċċezzjonali, huwa meħtieġ qafas proporzjonat, limitat u prevedibbli fil-livell tal-Unjoni, għall-korpi tas-settur pubbliku u għall-istituzzjonijiet, għall-aġenziji jew għall-korpi tal-Unjoni kemm biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali kif ukoll biex jiġu mminimizzati l-piżijiet amministrattivi mqiegħda fuq in-negozji. Għal dan il-għan, it-talbiet għad-data minn korpi tas-settur pubbliku u minn istituzzjonijiet, aġenziji u korpi tal-Unjoni lid-detenturi tad-data jenħtieġ li jkunu bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali, u jenħtieġ li jkunu speċifiċi, trasparenti u proporzjonati f'termini tal-ambitu tal-kontenut tagħhom u tal-granularità tagħhom. L-għan tat-talba u l-użu maħsub tad-data mitluba jenħtieġ li jkunu speċifiċi u spjegati b'mod ċar, filwaqt li jippermettu flessibbiltà xierqa għall-entità rikjedenti biex twettaq il-kompiti tagħha fl-interess pubbliku. It-talba jenħtieġ li tirrispetta wkoll l-interessi leġittimi tan-negozji li lilhom issir it-talba. Il-piż fuq id-detenturi tad-data jenħtieġ li jiġi minimizzat billi l-entitajiet rikjedenti jiġu obbligati jirrispettaw il-prinċipju ta' darba biss, li jipprevjeni li tintalab aktar minn darba l-istess data minn aktar minn korp wieħed tas-settur pubbliku jew istituzzjoni, aġenzija jew korp tal-Unjoni fejn dik id-data tkun meħtieġa bħala tweġiba għal emerġenza pubblika. Biex tiġi żgurata t-trasparenza u koordinazzjoni xierqa, jenħtieġ li t-talbiet għad-data li jsiru minn korpi tas-settur pubbliku u minn istituzzjonijiet, aġenziji jew korpi tal-Unjoni jiġu kkomunikati mingħajr dewmien żejjed mill-entità li titlob id-data lill-koordinatur tad-data ta' dak l-Istat Membru li jiżgura li dawk it-talbiet jiġu inklużi f'lista disponibbli pubblikament online tat-talbiet kollha ġġustifikati minn ħtieġa eċċezzjonali.

(62)  L-objettiv tal-obbligu li tiġi pprovduta d-data huwa li jiġi żgurat li l-korpi tas-settur pubbliku u l-istituzzjonijiet, l-aġenziji jew il-korpi tal-Unjoni jkollhom l-għarfien meħtieġ biex jirrispondu għal, jipprevjenu jew jirkupraw minn emerġenzi pubbliċi jew biex iżommu l-kapaċità li jwettqu kompiti speċifiċi pprovduti b'mod espliċitu mil-liġi. Id-data miksuba minn dawk l-entitajiet tista' tkun kummerċjalment sensittiva. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2022/868, kif ukoll id-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(19) ma japplikawx għad-data magħmula disponibbli skont dan ir-Regolament u jenħtieġ li ma titqiesx bħala data miftuħa disponibbli għall-użu mill-ġdid minn partijiet terzi. Madankollu, dan ma għandux jaffettwa l-applikabbiltà tad-Direttiva (UE) 2019/1024 għall-użu mill-ġdid ta' statistika uffiċjali li għall-produzzjoni tagħha ntużat id-data miksuba skont dan ir-Regolament, dment li l-użu mill-ġdid ma jinkludix id-data sottostanti. Barra minn hekk, jenħtieġ li ma taffettwax il-possibbiltà li d-data tiġi kondiviża għat-twettiq tar-riċerka jew għall-kompilazzjoni tal-istatistika uffiċjali, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament. Fejn ikunu permessi mid-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali, jenħtieġ li l-korpi tas-settur pubbliku jitħallew ukoll jiskambjaw data miksuba skont dan ir-Regolament ma' korpi oħra tas-settur pubbliku biex jindirizzaw il-ħtiġijiet eċċezzjonali li għalihom tkun intalbet id-data dment li d-detentur tad-data jiġi infurmat fi żmien debitu u l-korpi kollha jirrispettaw l-istess regoli dwar it-trasparenza bħar-rikjedent oriġinali tad-data u dment li tiġi żgurata l-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali u tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali.

(63)  Id-detenturi tad-data jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jew jitolbu modifika tat-talba magħmula minn korp tas-settur pubbliku jew minn istituzzjoni, aġenzija u korp tal-Unjoni jew it-tħassir tagħha f'perjodu ta' 5 ijiem jew 15-il jum tax-xogħol skont in-natura tal-ħtieġa eċċezzjonali invokata fit-talba. F'każ ta' talbiet motivati minn emerġenza pubblika, jenħtieġ li jkun hemm raġuni ġustifikata biex id-data ma tkunx disponibbli jekk ikun jista' jintwera li t-talba hija simili jew identika għal talba ppreżentata qabel għall-istess għan minn korp ieħor tas-settur pubbliku jew minn istituzzjoni, aġenzija jew korp oħrajn tal-Unjoni jew jekk id-detentur tad-data bħalissa mhux qed jiġbor jew ma jkunx diġà ġabar, kiseb jew ġġenera b'mod ieħor id-data mitluba u ma tkunx fil-pussess tiegħu fil-mument tat-talba. Detentur tad-data li jirrifjuta t-talba jew li jfittex il-modifika tagħha jenħtieġ li jikkomunika l-ġustifikazzjoni sottostanti għar-rifjut tat-talba lill-korp tas-settur pubbliku jew lill-istituzzjoni, lill-aġenzija jew lill-korp tal-Unjoni li jitolbu d-data. F'każ li d-drittijiet tal-bażi tad-data sui generis skont id-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(20) japplikaw fir-rigward tas-settijiet ta' data mitluba, id-detenturi tad-data jenħtieġ li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b'mod li ma jipprevjenix lill-korp tas-settur pubbliku u lill-istituzzjonijiet, l-aġenziji jew il-korpi tal-Unjoni, milli jiksbu d-data, jew milli jikkondividuha, f'konformità ma' dan ir-Regolament.

(65)  Id-data magħmula disponibbli għall-korpi tas-settur pubbliku u għall-istituzzjonijiet, għall-aġenziji u għall-korpi tal-Unjoni abbażi ta' ħtieġa eċċezzjonali jenħtieġ li tintuża biss għall-fini li għalih tkun intalbet ▌. Id-data jenħtieġ li tinqered ladarba ma tibqax meħtieġa għall-iskop iddikjarat fit-talba, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, u d-detentur tad-data jenħtieġ li jiġi infurmat b'dan. Il-korpi tas-settur pubbliku u l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-Unjoni jenħtieġ li jiżguraw, inkluż permezz tal-applikazzjoni ta' miżuri ta' sigurtà proporzjonati, fejn applikabbli f'konformità mad-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali, li kwalunkwe natura protetta tad-data tiġi ppreservata u li jiġi evitat aċċess mhux awtorizzat.

(66)  Meta d-data pprovduta mid-detenturi tad-data terġa' tintuża, il-korpi tas-settur pubbliku u l-istituzzjonijiet, l-aġenziji jew il-korpi tal-Unjoni jenħtieġ li jirrispettaw kemm il-leġiżlazzjoni applikabbli eżistenti kif ukoll l-obbligi kuntrattwali li għalihom huwa soġġett id-detentur tad-data. Meta d-divulgazzjoni tas-sigrieti kummerċjali tad-detentur tad-data lil korpi tas-settur pubbliku jew lil istituzzjonijiet, aġenziji jew korpi tal-Unjoni tkun strettament meħtieġa biex jiġi ssodisfat l-għan li għalih tkun intalbet id-data, jenħtieġ li l-kunfidenzjalità ta' tali divulgazzjoni tiġi żgurata minn qabel lid-detentur tad-data jew lid-detentur tas-sigriet kummerċjali, inkluż, kif xieraq, bl-użu ta' mudelli ta' klawżoli kuntrattwali, standards tekniċi u l-applikazzjoni ta' kodiċijiet ta' kondotta. F'każijiet fejn il-korp tas-settur pubbliku jew l-istituzzjoni, l-aġenzija jew il-korp tal-Unjoni jew il-partijiet terzi li rċevew id-data biex iwettqu l-kompiti li jkunu ġew esternalizzati lilhom, jonqsu milli jimplimentaw dawk il-miżuri jew jimminaw il-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali, jenħtieġ li d-detentur tad-data jkun jista' jissospendi l-kondiviżjoni tad-data identifikata bħala sigrieti kummerċjali. Tali deċiżjoni biex tiġi sospiża l-kondiviżjoni tad-data tista' tiġi kkontestata mill-korp tas-settur pubbliku jew mill-istituzzjoni, l-aġenzija jew il-korp tal-Unjoni jew mill-partijiet terzi li lilhom tkun ġiet trażmessa d-data u soġġetta għal rieżami mill-koordinatur tad-data tal-Istat Membru.

(67)  Meta s-salvagwardja ta' oġġett pubbliku sinifikanti tkun f'riskju, bħal fil-każ ta' rispons għal emerġenzi pubbliċi, il-korp tas-settur pubbliku jew l-istituzzjoni, l-aġenzija jew il-korp tal-Unjoni jenħtieġ li ma jkunux mistennija jikkumpensaw lill-intrapriżi għad-data miksuba dment li t-talba tkun limitata fiż-żmien u l-ambitu, u proporzjonata għall-istat tal-emerġenza pubblika. L-emerġenzi pubbliċi huma avvenimenti rari u mhux l-emerġenzi kollha bħal dawn jeħtieġu l-użu ta' data miżmuma minn intrapriżi. Għalhekk, l-attivitajiet kummerċjali tad-detenturi tad-data x'aktarx li ma jiġux affettwati b'mod negattiv bħala konsegwenza tal-fatt li l-korpi tas-settur pubbliku jew l-istituzzjonijiet, l-aġenziji jew il-korpi tal-Unjoni jirrikorru għal dan ir-Regolament. Madankollu, peress li każijiet ta' ħtieġa eċċezzjonali għajr ir-rispons għal emerġenza pubblika jistgħu jkunu aktar frekwenti, inklużi każijiet ta' prevenzjoni jew ta' rkupru minn emerġenza pubblika, id-detenturi tad-data jenħtieġ li f'każijiet bħal dawn ikunu intitolati għal kumpens raġonevoli. Dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jaffettwax l-arranġamenti eżistenti tal-Unjoni jew nazzjonali li fihom id-data hija kondiviża mingħajr ħlas, jew ma jipprevjenix lill-korpi tas-settur pubbliku, l-istituzzjonijiet, l-aġenziji jew il-korpi tal-Unjoni, u d-detenturi tad-data milli jidħlu fi ftehimiet volontarji għall-kondiviżjoni tad-data mingħajr ħlas.

(68)  Il-korp tas-settur pubbliku jew l-istituzzjoni, l-aġenzija jew il-korp tal-Unjoni jistgħu jikkondividu d-data li jkunu kisbu skont it-talba ma' entitajiet jew ma' persuni oħrajn meta dan ikun meħtieġ biex jitwettqu attivitajiet ta' riċerka xjentifika jew attivitajiet analitiċi li ma jkunux jistgħu jwettqu huma stess dment li dawk l-attivitajiet ikunu strettament meħtieġa biex jirrispondu għall-ħtieġa ta' emerġenza. Jenħtieġ li jinfurmaw lid-detentur tad-data b'tali kondiviżjoni fil-ħin. Tali data tista' wkoll tiġi kondiviża taħt l-istess ċirkostanzi mal-istituti nazzjonali tal-istatistika u mal-Eurostat għall-kompilazzjoni tal-istatistika uffiċjali. Madankollu, tali attivitajiet ta' riċerka jenħtieġ li jkunu kompatibbli mal-għan li għalih tkun intalbet id-data u d-detentur tad-data jenħtieġ li jiġi infurmat bil-kondiviżjoni ulterjuri tad-data li jkun ipprovda. Individwi li jwettqu riċerka jew organizzazzjonijiet ta' riċerka li magħhom tista' tiġi kondiviża din id-data jenħtieġ li jaġixxu jew mingħajr skop ta' qligħ jew fil-kuntest ta' missjoni ta' interess pubbliku rikonoxxuta mill-Istat. Organizzazzjonijiet li l-impriżi kummerċjali jew pubbliċi jkollhom influwenza deċiżiva fuqhom li tippermetti lil dawn l-impriżi jeżerċitaw kontroll minħabba sitwazzjonijiet strutturali, li jistgħu jirriżultaw f'aċċess preferenzjali għar-riżultati tar-riċerka, jenħtieġ li ma jitqisux bħala organizzazzjonijiet ta' riċerka għall-fini ta' dan ir-Regolament.

(69)  Il-kapaċità għall-klijenti tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data, inkluż is-servizzi tal-cloud u tal-edge, li jaqilbu minn servizz tal-ipproċessar tad-data għal ieħor, filwaqt li jevitaw perjodu ta' qtugħ tas-servizz, jew li jużaw is-servizzi ta' diversi fornituri fl-istess ħin mingħajr kostijiet bla bżonn għat-trasferiment tad-data, hija kundizzjoni ewlenija għal suq aktar kompetittiv b'inqas ostakli għad-dħul għal fornituri ta' servizzi ġodda, u biex tiġi żgurata aktar reżiljenza għall-utenti ta' dawn is-servizzi. Il-garanziji għal qlib effettiv jenħtieġ li jinkludu klijenti li jibbenefikaw minn offerti fuq skala kbira bla ħlas, sabiex dan ma jirriżultax f'sitwazzjoni ta' intrappolament għall-klijenti. L-iffaċilitar ta' approċċ b'diversi servizzi tal-cloud għal klijenti tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data jista' jikkontribwixxi wkoll għaż-żieda fir-reżiljenza operazzjonali diġitali tagħhom, kif ġie rikonoxxut għall-istituzzjonijiet tas-servizzi finanzjarji fl-Att dwar ir-Reżiljenza Operazzjonali Diġitali (DORA).

(69a)   L-imposti tal-qlib huma imposti li l-fornituri tal-cloud computing jimponu fuq il-klijenti tagħhom għall-proċess tal-qlib. Tipikament, dawk l-imposti huma maħsuba biex jgħaddu l-kostijiet, li l-fornitur tas-sors jaf iġarrab minħabba l-proċess tal-qlib, lill-klijent li jkun jixtieq jaqleb. Eżempji ta' imposti komuni tal-qlib huma l-kostijiet relatati mat-trasferiment ta' data minn fornitur għall-ieħor jew għal sistema fuq il-post ("tariffi tal-ħruġ tad-data") jew il-kostijiet imġarrba għal azzjonijiet ta' appoġġ speċifiċi matul il-proċess tal-qlib. Tariffi tal-ħruġ tad-data għoljin bla bżonn u imposti mhux iġġustifikati oħrajn mhux relatati mal-kostijiet attwali tal-qlib, iżommu lill-klijenti milli jaqilbu, jirrestrinġu l-flussi ħielsa tad-data, għandhom il-potenzjal li jillimitaw il-kompetizzjoni u jikkawżaw effetti ta' intrappolament għall-klijenti tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data, billi jnaqqsu l-inċentivi biex jagħżlu fornitur tas-servizz differenti jew addizzjonali. Bħala riżultat tal-obbligi l-ġodda previsti f'dan ir-Regolament, il-fornitur tas-sors tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data jista' jesternalizza ċerti kompiti u jinnumera mill-ġdid entitajiet terzi sabiex jikkonforma ma' dawk l-obbligi. Il-klijent jenħtieġ li ma jġarrabx il-kostijiet li jirriżultaw mill-esternalizzazzjoni tas-servizzi konklużi mill-fornitur tas-sors tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data matul il-proċess tal-qlib u tali kostijiet jenħtieġ li jitqiesu bħala mhux ġustifikati. Xejn fl-Att dwar id-Data ma jipprevjeni lil klijent milli jħallas lil entitajiet terzi għall-appoġġ fil-proċess tal-migrazzjoni. Il-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data tas-sors jitfgħu l-imposti tal-ħruġ tad-data fuq il-klijenti meta dawn ikunu lesti joħorġu d-data tagħhom minn network ta' fornitur tal-cloud lejn post estern, speċjalment meta jaqilbu minn fornitur wieħed għal fornitur tad-destinazzjoni wieħed jew aktar, biex jirrilokaw id-data tagħhom minn post wieħed għal ieħor filwaqt li jużaw l-istess fornitur tas-servizzi tal-cloud. Għalhekk, sabiex titrawwem il-kompetizzjoni, l-irtirar gradwali tal-imposti assoċjati mas-servizzi tal-ipproċessar tad-data tal-qlib jenħtieġ li jinkludi b'mod speċifiku l-irtirar ta' tariffi tal-ħruġ tad-data li jintalbu lil klijent mis-servizz tal-ipproċessar tad-data.

(70)  Ir-Regolament (UE) 2018/1807 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jinkoraġġixxi lill-fornituri ta' servizzi ta' pproċessar tad-data jiżviluppaw u jimplimentaw b'mod effettiv kodiċijiet ta' kondotta awtoregolatorji li jkopru l-aħjar prattiki għal, fost l-oħrajn, l-iffaċilitar tal-qlib ta' fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data u l-portabbiltà tad-data. Minħabba l-użu limitat tal-oqfsa awtoregolatorji żviluppati b'rispons għal dan, u n-nuqqas ta' disponibbiltà ġenerali ta' standards u ta' interfaċċi miftuħa, huwa meħtieġ li jiġi adottat sett ta' obbligi regolatorji minimi fuq il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data biex jiġu eliminati ostakli kuntrattwali, kummerċjali, organizzazzjonali, ekonomiċi u tekniċi, li mhumiex limitati għal veloċità mfixkla b'mod intenzjonat tat-trasferiment tad-data mal-ħruġ tal-klijent, li jfixklu l-qlib effettiv bejn is-servizzi tal-ipproċessar tad-data.

(71)  Is-servizzi tal-ipproċessar tad-data jenħtieġ li jkopru s-servizzi li jippermettu aċċess tan-network minn kullimkien u on-demand għal grupp kondiviż konfigurabbli, skalabbli u elastiku ta' riżorsi tal-computing ▌distribwiti. Dawk ir-riżorsi tal-computing jinkludu riżorsi bħal networks, servers jew infrastruttura virtwali jew fiżika oħra, ▌software, inklużi għodod għall-iżvilupp tas-software, il-ħżin, l-applikazzjonijiet u s-servizzi. Il-mudelli tal-implimentazzjoni tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data jenħtieġ li jinkludu cloud privat u pubbliku. Jenħtieġ li tali mudelli ta' servizzi u ta' implimentazzjoni jkunu l-istess bħal dawk definiti fl-istandards internazzjonali. Il-kapaċità tal-klijent tas-servizz tal-ipproċessar tad-data li unilateralment jipprovdi awtoforniment tal-kapaċitajiet tal-computing, bħall-ħin tas-server jew il-ħżin tan-network, mingħajr ebda interazzjoni umana mill-fornitur tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data tista' tiġi deskritta bħala waħda li tkun teħtieġ sforz ta' ġestjoni minima u li tkun tinvolvi interazzjoni minima bejn il-fornitur u l-klijent. It-terminu "minn kullimkien" jintuża biex jiddeskrivi li l-kapaċitajiet tal-computing ikunu pprovduti fuq in-network u jiġu aċċessati permezz ta' mekkaniżmi li jippromwovu l-użu ta' pjattaformi ta' terminals ħfief jew tqal eteroġeni (minn web browsers għal apparat portabbli u stazzjonijiet tax-xogħol). It-terminu "skalabbli" jirreferi għal riżorsi tal-computing li jiġu allokati b'mod flessibbli mill-fornitur tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data, irrispettivament mil-post ġeografiku fejn ikunu jinsabu r-riżorsi, sabiex jiġu ġestiti l-fluttwazzjonijiet li jkun hemm domanda għalihom. It-terminu "▌ elastiku" jintuża biex jiddeskrivi dawk ir-riżorsi tal-computing li jiġu pprovduti u li jiġu rilaxxati skont id-domanda sabiex iżidu u jnaqqsu malajr ir-riżorsi disponibbli skont l-ammont ta' xogħol. It-terminu "grupp kondiviż" jintuża biex jiddeskrivi dawk ir-riżorsi tal-computing li jiġu pprovduti lil diversi utenti li jikkondividu aċċess komuni għas-servizz, iżda fejn l-ipproċessar isir b'mod separat għal kull utent, għalkemm is-servizz jiġi pprovdut mill-istess tagħmir elettroniku. It-terminu "distribwit" jintuża biex jiddeskrivi dawk ir-riżorsi tal-computing li jinsabu fuq kompjuters jew apparati differenti mqabbda ma' network u li jikkomunikaw u li jikkoordinaw bejniethom billi jgħaddu l-messaġġi. It-terminu "distribwit ħafna" jintuża biex jiddeskrivi s-servizzi tal-ipproċessar tad-data li jinvolvu l-ipproċessar tad-data eqreb ta' fejn tkun qed tiġi ġġenerata jew miġbura d-data, pereżempju f'apparat tal-ipproċessar tad-data konness. Edge computing, li huwa forma ta' pproċessar ta' data distribwit ħafna, huwa mistenni li jiġġenera mudelli kummerċjali ġodda u mudelli ta' kunsinna ta' servizzi tal-cloud, li jenħtieġ li jkunu miftuħin u interoperabbli sa mill-bidu nett. Servizzi diġitali meqjusa bħala pjattaforma online kif definit fil-punt (i) tal-Artikolu 3 tal-[Att dwar is-Servizzi Diġitali] u servizz tal-kontenut online kif definit fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament (EU) 2017/1128 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(21) jenħtieġ li ma jitqisux bħala "servizzi tal-ipproċessar tad-data" skont it-tifsira ta' dan ir-Regolament.

(71a)   Is-servizzi tal-ipproċessar tad-data jaqgħu f'wieħed jew aktar mit-tliet mudelli li ġejjin tal-kunsinna ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data: IaaS (infrastruttura bħala servizz), PaaS (pjattaforma bħala servizz) u SaaS (software bħala servizz). Dawk il-mudelli tal-kunsinna ta' servizzi jirrappreżentaw taħlita speċifika u ppakkjata minn qabel ta' riżorsi tal-IT offruti minn fornitur ta' servizz tal-ipproċessar tad-data. Tliet mudelli bażiċi ta' kunsinna ta' cloud huma ulterjorment ikkompletati minn varjazzjonijiet emerġenti, kull wieħed magħmul minn taħlita distinta ta' riżorsi tal-IT, bħal "Ħżin bħala Servizz" u "Bażi tad-Data bħala Servizz". Għall-fini ta' dan ir-Regolament, is-servizzi tal-ipproċessar tad-data jistgħu jiġu kkategorizzati f'multipliċità aktar granulari u mhux eżawrjenti ta' "servizzi ekwivalenti" differenti, jiġifieri settijiet ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data li jikkondividu l-istess objettiv primarju u funzjonalitajiet ewlenin kif ukoll l-istess tip ta' mudelli tal-ipproċessar tad-data, li mhumiex relatati mal-karatteristiċi operazzjonali tas-servizz. Bħala eżempju, żewġ bażijiet tad-data jistgħu jidhru li għandhom l-istess objettiv primarju, iżda wara li jitqiesu l-mudell tal-ipproċessar tad-data, il-mudell ta' distribuzzjoni u l-każ ta' użu fil-mira tagħhom, tali bażijiet tad-data jenħtieġ li jaqgħu f'subkategorija aktar granulari ta' servizzi ekwivalenti. Servizzi ekwivalenti jista' jkollhom karatteristiċi differenti u konkorrenti bħall-prestazzjoni, is-sigurtà, ir-reżiljenza, u l-kwalità tas-servizz.

(71b)   L-estrazzjoni tad-data li tappartjeni lill-klijent mill-fornitur tas-sors tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data tibqa' waħda mill-isfidi li timpedixxi r-restawr tal-funzjonalitajiet tas-servizz fl-infrastruttura tal-fornitur tad-destinazzjoni. Sabiex tiġi ppjanata kif xieraq l-istrateġija ta' ħruġ, jiġu evitati kompiti bla bżonn u ta' piż u jiġi żgurat li l-klijent ma jitlef l-ebda data tiegħu bħala konsegwenza tal-proċess tal-qlib, il-fornitur tas-sors tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data jenħtieġ li jinkludi fil-kuntratt l-informazzjoni obbligatorja dwar il-kamp ta' applikazzjoni tad-data li tista' tiġi esportata mill-klijent ladarba jiddeċiedi li jaqleb għal servizz differenti, jaqleb għal fornitur ieħor ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jew imur għal infrastruttura tal-ICT fuq il-post. Il-portata tad-data esportabbli jenħtieġ li tinkludi bħala minimu d-data tal-input u tal-output, inklużi l-formati tad-data rilevanti, l-istrutturi tad-data u l-metadata ġġenerata jew koġenerata direttament jew indirettament mill-użu tal-klijent tas-servizz tal-ipproċessar tad-data, u li tista' tiġi assenjata b'mod ċar lill-klijent. Id-data esportabbli jenħtieġ li teskludi kwalunkwe servizz tal-ipproċessar tad-data, jew l-assi jew id-data ta' parti terza protetta mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew li tikkostitwixxi sigriet kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali, bħal data relatata mal-integrità u s-sigurtà tas-servizz ipprovdut mis-servizz tal-ipproċessar tad-data, u jenħtieġ li teskludi wkoll id-data użata mill-fornitur biex jopera, iżomm u jtejjeb is-servizz.

(72)  Dan ir-Regolament għandu l-għan li jiffaċilita l-qlib bejn is-servizzi tal-ipproċessar tad-data, li jinkludi l-kundizzjonijiet u l-azzjonijiet rilevanti kollha li huma meħtieġa biex klijent jittermina ftehim kuntrattwali ta' servizz tal-ipproċessar tad-data, biex jikkonkludi kuntratt ġdid wieħed jew aktar minn wieħed ma' fornituri differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, biex l-assi diġitali kollha tiegħu jiġu trasferiti (ported), inkluż id-data, lill-fornituri l-oħrajn ikkonċernati u biex ikompli jużahom fl-ambjent il-ġdid u jibbenefika mill-ekwivalenza funzjonali. Jenħtieġ li jiġi nnotat li s-servizzi tal-ipproċessar tad-data kkonċernati huma dawk fejn l-ipproċessar tad-data, kif definit skont ir-Regolament, jifforma parti min-negozju ewlieni ta' fornitur. L-assi diġitali jirreferu għall-elementi f'format diġitali li għalihom il-klijent għandu d-dritt għall-użu, inkluż id-data, l-applikazzjonijiet, il-magni virtwali u manifestazzjonijiet oħrajn ta' teknoloġiji ta' virtwalizzazzjoni, bħall-kontejners. Il-qlib huwa operazzjoni mmexxija mill-klijent li tikkonsisti minn tliet passi ewlenin, jiġifieri (i) l-estrazzjoni tad-data, i.e. it-tniżżil tad-data minn ekosistema tal-fornitur tas-sors; (ii) it-trasformazzjoni, meta d-data tkun strutturata b'tali mod li ma tkunx taqbel mal-iskema tal-post fil-mira; u (iii) l-illowdjar tad-data f'post tad-destinazzjoni ġdid. F'sitwazzjoni speċifika deskritta f'dan ir-Regolament, is-separazzjoni ta' servizz partikolari mill-kuntratt u t-trasferiment tiegħu għal fornitur ieħor jenħtieġ li jitqiesu wkoll bħala qlib. Il-proċess tal-qlib kultant jiġi ġestit f'isem il-klijent minn entità terza. Għaldaqstant, jenħtieġ li d-drittijiet u l-obbligi kollha tal-klijent stabbiliti b'dan ir-Regolament, inkluż l-obbligu ta' kollaborazzjoni in bona fide, jinftiehmu li japplikaw għal tali entità terza f'dawk iċ-ċirkostanzi. Il-fornituri tas-servizzi tal-cloud computing u l-klijenti għandhom livelli differenti ta' responsabbiltajiet, skont il-passi tal-proċess imsemmi. Pereżempju, il-fornitur tas-sors tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data huwa responsabbli biex jagħmel estrazzjoni tad-data f'format li jinqara minn magna, iżda huma l-klijent u l-fornitur tad-destinazzjoni li se jtellgħu d-data fl-ambjent il-ġdid, sakemm ma jkunx inkiseb servizz ta' tranżizzjoni professjonali speċifiku. L-ostakli għall-qlib huma ta' natura differenti, skont liema pass tal-proċess tal-qlib huwa msemmi. Ekwivalenza funzjonali tfisser il-possibbiltà li jiġi stabbilit mill-ġdid, abbażi tad-data tal-klijent, livell minimu ta' funzjonalità ta' servizz fl-ambjent ta' servizz tal-ipproċessar tad-data ġdid wara l-qlib, fejn is-servizz tad-destinazzjoni jagħti eżitu komparabbli b'rispons għall-istess input għal funzjonalità kondiviża pprovduta lill-klijent skont il-ftehim kuntrattwali. Servizzi differenti jistgħu jiksbu ekwivalenza funzjonali biss għall-funzjonalitajiet ewlenin kondiviżi, fejn kemm il-fornituri tas-servizz tas-sors kif ukoll tad-destinazzjoni joffru b'mod indipendenti l-istess funzjonalitajiet ewlenin. Dan ir-Regolament ma jistabbilix obbligu li tiġi ffaċilitata ekwivalenza funzjonali għas-servizzi tal-ipproċessar tad-data tal-mudelli ta' kunsinna ta' PaaS u/jew SaaS. Il-metadata rilevanti, iġġenerata mill-użu min-naħa tal-klijent ta' servizz, jenħtieġ li tkun portabbli wkoll skont id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament dwar il-qlib u taqa' taħt id-definizzjoni tad-data esportabbli. Is-servizzi tal-ipproċessar tad-data jintużaw fost is-setturi u jvarjaw fil-kumplessità u fit-tip ta' servizz. Din hija kunsiderazzjoni importanti fir-rigward tal-proċess tat-trasferiment u l-iskedi ta' żmien.

(72a)   Huwa meħtieġ approċċ regolatorju ambizzjuż u li jispira l-innovazzjoni fir-rigward tal-interoperabbiltà, sabiex jingħeleb l-intrappolament tal-bejjiegħa, li jimmina l-kompetizzjoni u l-iżvilupp ta' servizzi ġodda. L-interoperabbiltà bejn servizzi ekwivalenti tal-ipproċessar tad-data tinvolvi interfaċċi u saffi multipli ta' infrastruttura u software u rarament tkun limitata għal test binarju li jista' jinkiseb jew le. Minflok, il-bini ta' tali interoperabbiltà huwa soġġett għal analiżi tal-kostijiet imqabbla mal-benefiċċji li hija meħtieġa biex jiġi stabbilit jekk huwiex utli li jinkisbu riżultati raġonevolment prevedibbli. L-ISO/IEC 19941:2017 huwa referenza importanti biex jintlaħqu l-objettivi ta' dan ir-Regolament, peress li fih kunsiderazzjonijiet tekniċi li jiċċaraw il-kumplessità ta' proċess bħal dan.

(73)  Meta l-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data min-naħa tagħhom ikunu klijenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data pprovduti minn fornitur terz, dawn jibbenefikaw minn qlib aktar effettiv huma stess, filwaqt li fl-istess ħin ikunu marbuta b'mod invarjabbli mill-obbligi ta' dan ir-Regolament għal dak li jappartjeni għall-offerti ta' servizz tagħhom stess.

(74)  Jenħtieġ li l-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jkunu meħtieġa ma jimponux l-ostakli rilevanti kollha u jneħħuhom u joffru l-assistenza u l-appoġġ kollu fil-kapaċità tagħhom u b'mod proporzjonat għall-obbligi rispettivi tagħhom li huma meħtieġa biex il-proċess tal-qlib jirnexxi u jkun sikur u effettiv. Dan ir-Regolament ma jirrikjedix li l-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data jiżviluppaw kategoriji ġodda ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, inkluż fi ħdan jew abbażi tal-infrastruttura tal-IT ta' fornituri differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data biex jiggarantixxu l-ekwivalenza funzjonali f'ambjent għajr is-sistemi tagħhom stess. Fornitur tas-sors ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data ma għandu l-ebda aċċess u għarfien dwar l-ambjent tal-fornitur tad-destinazzjoni tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data u jenħtieġ li ma jkunx obbligat jibni mill-ġdid is-servizz tal-klijent, skont ir-rekwiżiti ta' ekwivalenza funzjonali, fl-infrastruttura tal-fornitur tad-destinazzjoni. Minflok, il-fornitur tas-sors jenħtieġ li jieħu l-miżuri raġonevoli kollha fil-kapaċità tiegħu biex jiffaċilita l-proċess għall-kisba tal-ekwivalenza funzjonali billi jipprovdi kapaċitajiet, informazzjoni adegwata, dokumentazzjoni, appoġġ tekniku u, fejn xieraq, l-għodod meħtieġa. L-informazzjoni li trid tiġi pprovduta mill-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data lill-klijent jenħtieġ li tappoġġa l-iżvilupp tal-istrateġija ta' ħruġ tal-klijent u jenħtieġ li tinkludi proċeduri għall-bidu tal-qlib mis-servizz tal-cloud computing, il-formati tad-data li jinqraw minn magna li d-data tal-utent tista' tiġi esportata lejhom, l-għodod, inkluż mill-inqas interfaċċa waħda standard miftuħa tat-trasferibbiltà tal-interfaċċa, prevista biex tesporta d-data, informazzjoni dwar restrizzjonijiet u limitazzjonijiet tekniċi magħrufa li jistgħu jħallu impatt fuq il-proċess tal-qlib u l-ħin stmat meħtieġ biex jitlesta l-proċess tal-qlib. Il-kuntratt bil-miktub li jistabbilixxi d-drittijiet tal-klijent u l-obbligi tal-fornitur tas-servizzi tal-cloud computing jenħtieġ li jkopri biss l-informazzjoni li tkun disponibbli għall-fornitur tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data fil-mument li fih jitfassal il-kuntratt. Id-drittijiet eżistenti relatati mat-terminazzjoni ta' kuntratti, inklużi dawk introdotti bir-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva (UE) 2019/770 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(22) jenħtieġ li ma jiġux affettwati. Kwalunkwe perjodu obbligatorju skont dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jaffettwax il-konformità ma' skedi ta' żmien speċifikati skont il-leġiżlazzjoni settorjali. Il-Kapitolu VI ta' dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jinftihemx bħala li jipprevjeni fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data milli jipprovdi lill-klijenti tiegħu servizzi, karatteristiċi u funzjonalitajiet ġodda u mtejba jew milli jikkompeti ma' fornituri oħra ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data fuq dik il-bażi.

(75)  Biex jiġi ffaċilitat il-qlib bejn is-servizzi tal-ipproċessar tad-data, il-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data jenħtieġ li jikkunsidraw l-użu ta' għodod ta' implimentazzjoni u/jew ta' konformità, b'mod partikolari dawk ippubblikati mill-Kummissjoni fil-forma ta' ktieb tar-regoli relatat mas-servizzi ta' cloud. B'mod partikolari, klawżoli kuntrattwali standard huma ta' benefiċċju biex iżidu l-fiduċja fis-servizzi tal-ipproċessar tad-data, biex tinħoloq relazzjoni aktar ibbilanċjata bejn l-utenti u l-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data u biex tittejjeb iċ-ċertezza legali dwar il-kundizzjonijiet li japplikaw għall-qlib għal servizzi oħra tal-ipproċessar tad-data. F'dan id-dawl, l-utenti u l-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jenħtieġ li jikkunsidraw l-użu ta' klawżoli kuntrattwali standard żviluppati minn korpi jew minn gruppi ta' esperti rilevanti stabbiliti skont id-dritt tal-Unjoni.

(75a)   Sabiex jiġi ffaċilitat il-qlib bejn is-servizzi tal-cloud computing, il-partijiet kollha involuti, inklużi l-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data kemm tas-sors kif ukoll tad-destinazzjoni, jenħtieġ li jikkollaboraw in bona fide bil-ħsieb li jippermettu proċess effettiv ta' qlib u t-trasferiment sigur u f'waqtu tad-data meħtieġa f'format komunement użat u li jinqara minn magna, u permezz ta' interfaċċa standard miftuħa tal-portabbiltà tad-data, u jiġi evitat tfixkil fis-servizz.

(75b)   Is-servizzi tal-ipproċessar tad-data li jikkonċernaw is-servizzi li jkunu mibdula sostanzjalment biex jiffaċilitaw il-ħtieġa ta' klijent (magħmula għall-klijent), jew is-servizzi tal-ipproċessar tad-data li joperaw fuq bażi ta' prova jew li jfornu biss servizz ta' ttestjar u ta' evalwazzjoni għall-offerti ta' prodotti kummerċjali, jenħtieġ li jkunu eżentati minn uħud mill-obbligi applikabbli għall-qlib bejn servizzi tal-ipproċessar tad-data.

(75c)   Mingħajr preġudizzju għad-dritt tagħhom li jieħdu azzjoni quddiem qorti, il-klijenti jenħtieġ li jkollhom aċċess għal korpi ċċertifikati għar-riżoluzzjoni tat-tilwim biex isolvu tilwim relatat mal-qlib bejn fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data.

(76)  L-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards miftuħa tal-interoperabbiltà u l-portabbiltà żviluppati f'konformità mal-paragrafi 3 u 4 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(23) fil-qasam tal-interoperabbiltà u l-portabbiltà jippermettu ambjent tal-cloud b'bosta bejjiegħa, li huwa rekwiżit ewlieni għall-innovazzjoni miftuħa fl-ekonomija Ewropea tad-data. Peress li l-proċessi xprunati mis-suq ma wrewx il-kapaċità li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet jew standards tekniċi li jiffaċilitaw l-interoperabbiltà u l-portabbiltà effettiva tal-cloud fil-livelli ta' PaaS ▌u SaaS ▌, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista', fejn teknikament fattibbli, abbażi ta' dan ir-Regolament u f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, titlob lill-korpi Ewropej tal-istandardizzazzjoni jiżviluppaw tali standards għal servizzi ekwivalenti fejn dawn l-istandards għadhom ma jeżistux. Minbarra dan, il-Kummissjoni se tħeġġeġ lill-partijiet fis-suq biex jiżviluppaw speċifikazzjonijiet rilevanti tal-interoperabbiltà u l-portabbiltà miftuħa. Wara li tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati u tikkunsidra l-istandards internazzjonali u Ewropej rilevanti u l-inizjattivi awtoregolatorji, il-Kummissjoni, permezz ta' atti delegati, tista' tobbliga l-użu ta' standards Ewropej għall-interoperabbiltà u l-portabbiltà jew speċifikazzjonijiet miftuħa tal-interoperabbiltà u l-portabbiltà għal servizzi ekwivalenti speċifiċi ▌permezz ta' referenza f'repożitorju ċentrali tal-istandards tal-Unjoni għall-interoperabbiltà tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data. Il-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data jenħtieġ li jiżguraw il-kompatibbiltà ma' dawk l-istandards għall-interoperabbiltà u l-ispeċifikazzjonijiet tal-portabbiltà, billi jqisu n-natura, is-sigurtà u l-integrità tad-data li jospitaw. L-istandards Ewropej għall-interoperabbiltà u l-portabbiltà tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data u l-ispeċifikazzjonijiet miftuħa tal-interoperabbiltà jiġu referenzjati biss jekk ikunu konformi mal-kriterji speċifikati f'dan ir-Regolament, li għandhom l-istess tifsira bħar-rekwiżiti fil-paragrafi 3 u 4 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 u l-aspetti tal-interoperabbiltà definiti skont l-ISO/IEC 19941:2017.

(77)  Pajjiżi terzi jistgħu jadottaw liġijiet, regolamenti u atti legali oħra li għandhom l-għan li jittrasferixxu jew li jipprovdu aċċess governattiv direttament għal data mhux personali li tkun tinsab barra mill-fruntieri tagħhom, inkluż fl-Unjoni. Sentenzi ta' qrati jew tribunali jew deċiżjonijiet ta' awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi, inkluż awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi f'pajjiżi terzi li jeħtieġu tali trasferiment jew aċċess għal data mhux personali jenħtieġ li jkunu infurzabbli meta jkunu bbażati fuq ftehim internazzjonali, bħal trattat ta' assistenza legali reċiproka, fis-seħħ bejn il-pajjiż terz rikjedenti u l-Unjoni jew Stat Membru. F'każijiet oħra, jistgħu jinqalgħu sitwazzjonijiet fejn talba għat-trasferiment jew għall-għoti ta' aċċess għal data mhux personali li tirriżulta minn liġi ta' pajjiż terz tkun f'kunflitt mal-obbligu li tiġi protetta tali data skont id-dritt tal-Unjoni jew skont il-liġi nazzjonali, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-individwu, bħad-dritt għas-sigurtà u d-dritt għal rimedju effettiv, jew l-interessi fundamentali ta' Stat Membru relatati mas-sigurtà jew mad-difiża nazzjonali, kif ukoll il-protezzjoni ta' data kummerċjalment sensittiva, inkluż il-protezzjoni ta' sigrieti kummerċjali, u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u inkluż l-impenji kuntrattwali tagħha rigward il-kunfidenzjalità f'konformità ma' tali liġi. Fin-nuqqas ta' ftehimiet internazzjonali li jirregolaw kwistjonijiet bħal dawn, it-trasferiment jew l-aċċess jenħtieġ li jkun permess biss jekk jiġi verifikat li s-sistema legali tal-pajjiż terz teħtieġ li r-raġunijiet u l-proporzjonalità tad-deċiżjoni jkunu stabbiliti, li l-ordni tal-qorti jew id-deċiżjoni tkun speċifika fin-natura tagħha, u li l-oġġezzjoni motivata tad-destinatarju tkun soġġetta għal rieżami minn qorti kompetenti fil-pajjiż terz, li għandha s-setgħa li tqis debitament l-interessi ġuridiċi rilevanti tal-fornitur ta' tali data. Kull fejn possibbli skont it-termini tat-talba għal aċċess għad-data tal-awtorità tal-pajjiż terz, jenħtieġ li l-fornitur tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data jkun jista' jinforma lill-klijent li d-data tiegħu tkun meħtieġa, sabiex jivverifika l-preżenza ta' kunflitt potenzjali ta' tali aċċess mar-regoli tal-Unjoni jew nazzjonali, bħal dawk dwar il-protezzjoni ta' data kummerċjalment sensittiva, inkluż il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali u tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u tal-intrapriżi kuntrattwali fir-rigward tal-kunfidenzjalità.

(78)  Biex titrawwem aktar fiduċja fid-data, huwa importanti li s-salvagwardji fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni, is-settur pubbliku u n-negozji jiġu implimentati sa fejn ikun possibbli biex jiġi żgurat il-kontroll fuq id-data tagħhom. Barra minn hekk, id-dritt, il-valuri u l-istandards tal-Unjoni jenħtieġ li jiġu rispettati f'termini ta' (iżda mhux limitati għal) sigurtà, protezzjoni tad-data u privatezza, u protezzjoni tal-konsumatur. Sabiex jiġi evitat l-aċċess illegali għal data mhux personali, jenħtieġ li l-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data soġġetti għal dan l-istrument, bħal servizzi cloud u edge, jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha biex jipprevjenu l-aċċess għas-sistemi fejn tinħażen data mhux personali, inkluż, fejn rilevanti, permezz tal-kriptaġġ tad-data, is-sottomissjoni frekwenti għall-awditi, l-aderenza vverifikata mal-iskemi ta' ċertifikazzjoni rilevanti ta' riassigurazzjoni tas-sigurtà, u l-modifika tal-politiki korporattivi.

(79)  L-istandardizzazzjoni, u l-interoperabbiltà semantika u sintattika jenħtieġ li jkollhom rwol ewlieni biex jipprovdu soluzzjonijiet tekniċi li jippermettu l-portabbiltà u l-interoperabbiltà. Sabiex tiġi ffaċilitata l-konformità mar-rekwiżiti għall-interoperabbiltà fi ħdan l-ispazji Ewropej komuni tad-data li huma speċifiċi għall-iskop jew għas-settur jew transsettorjali, jenħtieġ li jiġu żviluppati oqfsa interoperabbli ta' standards u prattiki komuni għall-kondiviżjoni jew l-ipproċessar konġunt tad-data għal, fost affarijiet oħra, l-iżvilupp ta' prodotti u servizzi ġodda, ir-riċerka xjentifika jew inizjattivi tas-soċjetà ċivili. Dan ir-Regolament jistabbilixxi ċerti rekwiżiti essenzjali għall-interoperabbiltà. Il-parteċipanti fi ħdan l-ispazji tad-data, li huma entitajiet li jiffaċilitaw jew li jinvolvu ruħhom fil-kondiviżjoni tad-data fi ħdan l-ispazji Ewropej komuni tad-data, inklużi d-detenturi tad-data, jenħtieġ li jikkonformaw ma' dawk ir-rekwiżiti. Il-konformità ma' dawk ir-regoli tista' sseħħ billi jiġu osservati r-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament, jew billi jiġu adattati għal standards diġà eżistenti permezz ta' preżunzjoni ta' konformità. Sabiex tiġi ffaċilitata l-konformità mar-rekwiżiti għall-interoperabbiltà, huwa meħtieġ li tiġi prevista preżunzjoni ta' konformità għal soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà li jissodisfaw standards armonizzati jew partijiet minnhom f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 ▌. L-istandards jenħtieġ li jiġu żviluppati b'mod miftuħ, newtrali fir-rigward tat-teknoloġija u inklużiv f'konformità mal-Kapitolu II tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012. Filwaqt li tqis, fejn rilevanti, il-pożizzjonijiet adottati mill-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data skont l-Artikolu 30, il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2022/868, il-Kummissjoni jenħtieġ li tadotta speċifikazzjonijiet komuni f'oqsma fejn ma jeżisti l-ebda standard armonizzat jew fejn tali standards ma jkunux biżżejjed biex ikomplu jtejbu l-interoperabbiltà għall-ispazji komuni Ewropej tad-data, l-interfaċċi tal-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet, il-qlib tal-cloud kif ukoll il-kuntratti intelliġenti. Barra minn hekk, jistgħu jibqgħu jiġu adottati speċifikazzjonijiet komuni fis-setturi differenti, f'konformità mad-dritt settorjali tal-Unjoni jew nazzjonali, abbażi tal-ħtiġijiet speċifiċi ta' dawk is-setturi. L-istrutturi u l-mudelli tad-data li jistgħu jerġgħu jintużaw (fil-forma ta' vokabularji ewlenin), ontoloġiji, profil tal-applikazzjoni tal-metadata, data ta' referenza fil-forma ta' vokabularju ewlieni, tassonomiji, listi tal-kodiċijiet, tabelli tal-awtorità, teżawri jistgħu jkunu wkoll parti mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà semantika. Barra minn hekk, wara li tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati u tieħu kont tal-istandards internazzjonali u Ewropej rilevanti u l-inizjattivi awtoregolatorji, fejn rilevanti, il-pożizzjonijiet adottati mill-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data, kif imsemmi fl-Artikolu 30, il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2022/868, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista' tadotta speċifikazzjonijiet komuni f'oqsma fejn ma jkun jeżisti ebda standard armonizzat u tawtorizza l-iżvilupp ta' standards armonizzati għall-portabbiltà u għall-interoperabbiltà tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data. Il-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data jenħtieġ li jibni fuq inizjattivi Ewropej u globali eżistenti għall-interoperabbiltà transsettorjali tad-data. B'mod partikolari, il-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data jenħtieġ li jistudja l-potenzjal tal-qafas tal-identità diġitali tal-oġġetti kif stabbilit mir-Regolament (UE) 910/2014 u s-sistemi għall-identifikazzjoni ta' entitajiet legali bħall-GLEIF għal dak il-għan.

(79a)   Sabiex tittejjeb aktar il-koordinazzjoni fl-infurzar ta' dan ir-Regolament, il-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data jenħtieġ li jippromwovi l-iskambju ta' informazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti, kif ukoll jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt dan ir-Regolament li jaqgħu fil-kompetenzi tal-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2022/868. Sottogrupp għall-involviment tal-partijiet ikkonċernati msemmi fl-Artikolu 29(2), il-punt (c), ta' dak ir-Regolament jenħtieġ li jipparteċipa fil-konsultazzjoni fuq bażi kontinwa.

(80)  Biex tiġi promossa l-interoperabbiltà ta' kuntratti intelliġenti f'applikazzjonijiet għall-kondiviżjoni tad-data, jista' jkun meħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti essenzjali għal kuntratti intelliġenti għal professjonisti li joħolqu kuntratti intelliġenti għal oħrajn jew li jintegraw tali kuntratti intelliġenti f'applikazzjonijiet li jappoġġaw l-implimentazzjoni ta' ftehimiet għall-kondiviżjoni tad-data. Pereżempju, kuntratti intelliġenti jenħtieġ li jiggarantixxu li l-kundizzjonijiet għall-kondiviżjoni tad-data jiġu rispettati. Jenħtieġ li jiġu promossi programmi speċifiċi ta' taħriġ dwar kuntratti intelliġenti għan-negozji, b'mod partikolari l-SMEs.

(81)  Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effiċjenti ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri jenħtieġ li jaħtru awtorità kompetenti waħda jew aktar u tallokalhom biżżejjed riżorsi. Jekk Stat Membru jaħtar aktar minn awtorità kompetenti waħda, jenħtieġ li jaħtar ukoll awtorità kompetenti ta' koordinazzjoni. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jikkooperaw ma' xulxin b'mod effettiv u f'waqtu, f'konformità mal-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba u assistenza reċiproka biex jiġu żgurati l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi ta' dan ir-Regolament. L-awtoritajiet responsabbli għas-superviżjoni tal-konformità mal-protezzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont il-leġiżlazzjoni settorjali jenħtieġ li jkollhom ir-responsabbiltà għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament fl-oqsma ta' kompetenza tagħhom. L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jikkooperaw fuq talba tal-awtoritajiet fi ħdan il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data.

(81a)   Sabiex tittejjeb aktar il-koordinazzjoni fl-infurzar ta' dan ir-Regolament, il-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data jenħtieġ li jrawwem l-iskambju reċiproku ta' informazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti kif ukoll jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt dan ir-Regolament b'enfasi fuq il-kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenzi tal-bord f'konformità mal-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2022/868.

(82)  Sabiex jinfurzaw id-drittijiet tagħhom skont dan ir-Regolament, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi jenħtieġ li jkunu intitolati jfittxu rimedju għall-ksur tad-drittijiet tagħhom skont dan ir-Regolament billi jressqu lmenti lill-koordinatur tad-data, lil awtoritajiet kompetenti rilevanti oħra u quddiem il-qrati. Jenħtieġ li dawk l-awtoritajiet ikunu obbligati jikkooperaw biex jiżguraw li l-ilment jiġi ttrattat u solvut kif xieraq, malajr u b'mod effettiv. Sabiex isir użu mill-mekkaniżmu tan-network ta' kooperazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumatur u biex ikunu jistgħu jsiru azzjonijiet rappreżentattivi, dan ir-Regolament jemenda l-Annessi tar-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(24) u d-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(25).

(83)  L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-ksur tal-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament jiġi ssanzjonat b'penali. Meta jagħmlu dan, jenħtieġ li jqisu n-natura, il-gravità, ir-rikorrenza u t-tul ta' żmien tal-ksur fid-dawl tal-interess pubbliku inkwistjoni, l-ambitu u t-tip ta' attivitajiet imwettqa, kif ukoll il-kapaċità ekonomika tal-kontraventur. Jenħtieġ li jqisu jekk il-kontraventur jonqos b'mod sistematiku jew rikorrenti milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu li jirriżultaw minn dan ir-Regolament. Sabiex tgħin lill-intrapriżi jfasslu u jinnegozjaw kuntratti, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżviluppa u tirrakkomanda termini kuntrattwali mhux obbligatorji għal kuntratti ta' kondiviżjoni tad-data bejn in-negozji, fejn meħtieġ filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet f'setturi speċifiċi u l-prattiki eżistenti b'mekkaniżmi volontarji ta' kondiviżjoni tad-data. Dawn il-mudelli ta' termini kuntrattwali jenħtieġ li jkunu primarjament għodda prattika biex jgħinu b'mod partikolari lill-intrapriżi ż-żgħar jikkonkludu kuntratt. Meta jintużaw b'mod wiesa' u b'mod integrali, dawn il-mudelli ta' termini kuntrattwali jenħtieġ li jkollhom ukoll l-effett ta' benefiċċju li jinfluwenzaw it-tfassil ta' kuntratti dwar l-aċċess għal u l-użu ta' data u għalhekk iwasslu b'mod usa' lejn relazzjonijiet kuntrattwali aktar ġusti meta jaċċessaw u jikkondividu d-data.

(84)  Sabiex jiġi eliminat ir-riskju li d-detenturi tal-bażijiet tad-data li fihom data miksuba jew iġġenerata permezz ta' komponenti fiżiċi, bħal sensuri, ta' prodott konness u servizz relatat, jiġifieri data ġġenerata mill-magni, jinvokaw id-dritt sui generis skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9/KE, dan ir-Regolament jiċċara li d-dritt sui generis ma japplikax għal tali bażijiet tad-data peress li r-rekwiżiti għall-protezzjoni ta' investiment sostanzjali fil-kisba, fil-verifika jew fil-preżentazzjoni tad-data kif previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE ma jkunux ġew issodisfati. Dak ma jaffettwax l-applikazzjoni possibbli tad-dritt sui generis skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9/KE għal bażijiet tad-data li fihom data li taqa' barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament dment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti għall-protezzjoni f'konformità mal-Artikolu 7(1) ta' dik id-Direttiva.

(85)  Sabiex jitqiesu l-aspetti tekniċi tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data, is-setgħa li jiġu adottati atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-issupplementar ta' dan ir-Regolament biex jiġi introdott mekkaniżmu ta' monitoraġġ dwar it-tariffi tal-qlib imposti mill-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data fis-suq, biex jiġu speċifikati ulterjorment ir-rekwiżiti essenzjali għall-parteċipanti tal-ispazji tad-data li joffru data jew servizzi ta' data lil parteċipanti oħra, u l-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data dwar l-interoperabbiltà u biex tiġi ppubblikata r-referenza tal-ispeċifikazzjonijiet miftuħa tal-interoperabbiltà u l-istandards Ewropej għall-interoperabbiltà tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, anke fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016(26). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(86)  Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tal-issupplementar ta' dan ir-Regolament biex tadotta speċifikazzjonijiet komuni biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tal-ispazji komuni Ewropej tad-data u l-kondiviżjoni tad-data, il-qlib bejn is-servizzi tal-ipproċessar tad-data, l-interoperabbiltà ta' kuntratti intelliġenti kif ukoll għal mezzi tekniċi, bħall-interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet, biex tkun tista' ssir it-trażmissjoni tad-data bejn il-partijiet inkluż dik kontinwa jew f'ħin reali u għall-vokabularji ewlenin tal-interoperabbiltà semantika, u biex jiġu adottati speċifikazzjonijiet komuni għall-kuntratti intelliġenti. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(27).

(87)  Dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jaffettwax dispożizzjonijiet speċifiċi ta' atti tal-Unjoni adottati fil-qasam tal-kondiviżjoni tad-data bejn in-negozji, bejn in-negozji u l-konsumaturi u bejn in-negozji u l-korpi tas-settur pubbliku li ġew adottati qabel id-data tal-adozzjoni ta' dan ir-Regolament. Biex jiġu żgurati l-konsistenza u l-funzjonament bla xkiel tas-suq intern, il-Kummissjoni jenħtieġ li, fejn rilevanti, tevalwa s-sitwazzjoni fir-rigward tar-relazzjoni bejn dan ir-Regolament u l-atti adottati qabel id-data tal-adozzjoni ta' dan ir-Regolament li jirregolaw il-kondiviżjoni tad-data, sabiex tiġi vvalutata l-ħtieġa għall-allinjament ta' dawk id-dispożizzjonijiet speċifiċi ma' dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ikun mingħajr preġudizzju għar-regoli li jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi għal setturi jew oqsma individwali ta' interess pubbliku. Tali regoli jistgħu jinkludu rekwiżiti addizzjonali dwar aspetti tekniċi tal-aċċess għad-data, bħall-interfaċċi għall-aċċess għad-data, jew kif jista' jiġi pprovdut aċċess għad-data, pereżempju direttament mill-prodott jew permezz ta' servizzi ta' intermedjazzjoni tad-data. Tali regoli jistgħu jinkludu wkoll limiti fuq id-drittijiet tad-detenturi tad-data biex jaċċessaw jew jużaw id-data tal-utenti, jew aspetti oħra lil hinn mill-aċċess u l-użu tad-data, bħall-aspetti ta' governanza. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ikun ukoll mingħajr preġudizzju għal regoli aktar speċifiċi fil-kuntest tal-iżvilupp ta' spazji komuni Ewropej tad-data.

(88)  Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jaffettwax l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni, u b'mod partikolari l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat. Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jintużawx biex jirrestrinġu l-kompetizzjoni b'mod li jmur kontra t-Trattat.

(89)  Sabiex l-atturi ekonomiċi jkunu jistgħu jadattaw għar-regoli l-ġodda stipulati f'dan ir-Regolament, u jagħmlu l-arranġamenti tekniċi meħtieġa, jenħtieġ li dawn japplikaw minn 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament. Huwa biss meta d-detentur tad-data u l-manifattur ikunu l-istess entità li l-obbligi relatati mal-forniment ta' servizzi relatati pprovduti għall-prodotti konnessi diġà introdotti fis-suq fl-aħħar ħames snin mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li japplikaw b'mod retroattiv. Tali obbligi jenħtieġ li jiġu ssodisfati biss meta l-fornitur ta' servizzi relatati jkun jista' jimplimenta b'mod remot mekkaniżmi li jissodisfaw ir-rekwiżiti skont l-Artikolu 1 u biss meta l-implimentazzjoni ta' tali mekkaniżmi ma' tqegħidx piż sproporzjonat fuq il-manifattur.

(90)  Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġew ikkonsultati f'konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 u taw opinjoni konġunta fi [XX XX 2022],

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli armonizzati dwar:

(a)   id-disinn ta' prodotti konnessi biex jippermettu aċċess għal data ġġenerata minn prodott konness jew iġġenerata matul il-forniment ta'servizzi relatati lill-utent ta' dak il-prodott;

(b)   id-detenturi tad-data li jagħmlu disponibbli d-data li aċċessaw minn prodott konness jew iġġenerata matul il-forniment ta' servizz relatat lis-suġġetti tad-data, lill-utenti jew lir-riċevituri tad-data, fuq talba tal-utent jew tas-suġġett tad-data;

(c)   termini kuntrattwali ġusti għall-ftehimiet dwar kondiviżjoni tad-data;

(d)   it-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data għall-korpi tas-settur pubbliku jew l-istituzzjonijiet, l-aġenziji jew il-korpi tal-Unjoni, fejn ikun hemm ħtieġa eċċezzjonali fl-interess pubbliku;

(e)   l-iffaċilitar tal-qlib bejn is-servizzi tal-ipproċessar tad-data;

(f)   l-introduzzjoni ta' salvagwardji kontra l-aċċess illegali internazzjonali governattiv għal data mhux personali; u

(g)   il-previżjoni tal-iżvilupp ta' standards ta' interoperabbiltà u speċifikazzjonijiet komuni għad-data li għandha tiġi ttrasferita u użata.

1a.   Dan ir-Regolament ikopri data personali u mhux personali, inklużi t-tipi ta' data li ġejjin jew fil-kuntesti li ġejjin:

(a)   il-Kapitolu II japplika għal data aċċessibbli miksuba, miġbura jew inkella ġġenerata minn prodotti konnessi jew iġġenerata matul il-forniment ta' servizzi relatati;

(b)   il-Kapitolu III japplika għal kwalunkwe data tas-settur privat soġġetta għal obbligi statutorji ta' kondiviżjoni tad-data;

(c)   il-Kapitolu IV japplika għal kwalunkwe data tas-settur privat aċċessata u użata abbażi ta' ftehimiet kuntrattwali bejn in-negozji;

(d)   il-Kapitolu V japplika għal kwalunkwe data mhux personali tas-settur privat;

(e)   il-Kapitolu VI japplika għal kwalunkwe data u servizz pproċessati mis-servizzi tal-ipproċessar tad-data;

(f)   il-Kapitolu VII japplika għal kwalunkwe data mhux personali miżmuma fl-Unjoni mill-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data.

2.  Dan ir-Regolament japplika għal:

(a)  manifatturi ta' prodotti konnessi u fornituri ta' servizzi relatati introdotti fis-suq fl-Unjoni irrispettivament mill-post ta' stabbiliment tagħhom u l-utenti ta' tali prodotti konnessi jew servizzi relatati, jew fil-każ ta' data personali, persuni fiżiċi identifikati jew identifikabbli li d-data miksuba, miġbura, jew iġġenerata mill-użu hija relatata magħhom;

(b)  utenti ta' prodotti konnessi jew servizzi relatati fl-Unjoni u detenturi tad-data, irrispettivament mill-post ta' stabbiliment tagħhom, li jagħmlu d-data disponibbli għar-riċevituri tad-data fl-Unjoni jew, fil-każ ta' data personali, persuni fiżiċi identifikati jew identifikabbli li d-data miksuba, miġbura, jew iġġenerata mill-użu hija relatata magħhom;

(c)  riċevituri tad-data fl-Unjoni li għalihom tkun disponibbli d-data;

(d)  korpi tas-settur pubbliku ta' Stat Membru u istituzzjonijiet, aġenziji jew korpi tal-Unjoni li jitolbu lid-detenturi tad-data jagħmlu d-data disponibbli meta jkun hemm ħtieġa eċċezzjonali għal dik id-data għat-twettiq ta' kompitu speċifiku mwettaq fl-interess pubbliku u d-detenturi tad-data li jipprovdu dik id-data bi tweġiba għal talba bħal din;

(e)  fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, irrispettivament mill-post ta' stabbiliment tagħhom, li joffru tali servizzi lill-klijenti fl-Unjoni.

3.  Il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali, il-privatezza u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u l-integrità tat-tagħmir terminali għandha tapplika għal kwalunkwe data personali pproċessata b'rabta mad-drittijiet u mal-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament. Il-kisba, il-ġbir, jew il-ġenerazzjoni ta' data personali permezz tal-użu ta' prodott jew servizz relatat għandhom jirrikjedu bażi ġuridika skont il-liġi dwar il-protezzjoni tad-data. Dan ir-Regolament ma jikkostitwix bażi ġuridika għall-ipproċessar ta' data personali. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza, b'mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679, ir-Regolament (UE) 2018/1725, u d-Direttiva 2002/58/KE, inklużi r-regoli li jikkonċernaw is-setgħat u l-kompetenzi tal-awtoritajiet superviżorji. Fil-każ ta' kunflitt bejn dan ir-Regolament u l-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali jew il-privatezza jew il-liġi nazzjonali adottata f'konformità ma' tali liġi tal-Unjoni, għandha tipprevali l-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data personali jew il-privatezza. Sa fejn huma kkonċernati d-drittijiet stabbiliti fil-Kapitolu II ta' dan ir-Regolament, u meta l-utenti jkunu s-suġġetti tad-data ta' data personali, soġġetti għad-drittijiet u l-obbligi skont dak il-Kapitolu, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom jikkomplementaw u jippreċiżaw id-dritt tal-portabbiltà tad-data skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2016/679. L-ebda dispożizzjoni ta' dan ir-Regolament ma għandha tiġi applikata jew interpretata b'tali mod li jitnaqqas jew jiġi limitat id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali jew id-dritt għall-privatezza u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet.

4.  Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-atti legali tal-Unjoni u dawk nazzjonali li jipprevedu l-kondiviżjoni, l-aċċess u l-użu ta' data għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-identifikazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew amministrattivi jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali jew amministrattivi, inkluż ir-Regolament (UE) 2021/784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(28) u [l-proposti dwar l-evidenza elettronika [COM(2018) 225 u 226] ladarba jiġu adottati, u l-kooperazzjoni internazzjonali f'dak il-qasam. Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-ġbir, il-kondiviżjoni, l-aċċess għal u l-użu ta' data skont id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu u r-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferiment ta' fondi. Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-kompetenzi tal-Istati Membri fir-rigward ta' attivitajiet li jikkonċernaw is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurtà nazzjonali, l-amministrazzjoni doganali u tat-taxxa u s-saħħa pubblika u s-sikurezza taċ-ċittadini f'konformità mal-liġi tal-Unjoni. Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal data miġbura jew iġġenerata fil-kuntest ta' attivitajiet relatati mad-difiża jew minn prodotti jew servizzi tad-difiża jew minn prodotti jew servizzi implimentati u użati għal skopijiet ta' difiża.

4a.   Dan ir-Regolament jikkomplementa u ma jaffettwax l-applikabbiltà tal-liġi tal-Unjoni li għandu l-għan li jippromwovi l-interessi tal-konsumaturi u li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, biex jipproteġi s-saħħa, is-sikurezza u l-interessi ekonomiċi tagħhom, inklużi d-Direttivi 2005/29/KE, 2011/83/UE u 93/13/KEE.

4b.   Id-detenturi tad-data ma għandhomx ikunu obbligati jipprovdu aċċess għad-data lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp barra l-Unjoni, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali li timplimenta l-liġi tal-Unjoni.

4c.   L-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament ma għandhomx jipprekludu l-kondiviżjoni ta' data mhux personali reċiproka, legali u volontarja bejn l-utenti, id-detenturi tad-data u r-riċevituri tad-data, miftiehma fil-kuntratti.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)  "data" tfisser kwalunkwe rappreżentazzjoni diġitali ta' atti, fatti jew informazzjoni u kwalunkwe kompilazzjoni ta' tali atti, fatti jew informazzjoni, inkluż fil-forma ta' reġistrazzjoni awdjo, viżiva jew awdjoviżiva; kontenut, jew data miksuba, iġġenerata jew miġbura mill-prodott konness jew trażmessa lilu f'isem oħrajn għall-fini ta' ħażna jew ipproċessar, ma għandhomx ikunu koperti minn dan ir-Regolament.

(1a)   "data personali" tfisser data personali kif definita fl-Artikolu 4, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(1b)   "data mhux personali" tfisser data għajr data personali;

(1c)   "kunsens" tfisser kunsens kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (11), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(1d)   "suġġett tad-data" tfisser suġġett tad-data kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(1e)   "utent tad-data" tfisser persuna fiżika jew ġuridika li jkollha aċċess legali għal ċerta data personali jew mhux personali u li jkollha d-dritt tuża dik id-data għal skopijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali;

(2)  "prodott konness" tfisser oġġett ▌, li jikseb, jiġġenera jew jiġbor, data aċċessibbli dwar l-użu jew l-ambjent tiegħu, u li jkun jista' jikkomunika data permezz ta' servizz ta' komunikazzjoni elettronika, konnessjoni fiżika jew aċċess fuq l-apparat u li l-funzjoni primarja tiegħu ma tkunx il-ħżin, l-ipproċessar jew it-trażmissjoni tad-data f'isem oħrajn;

(3)  "servizz relatat" tfisser servizz diġitali, inkluż software, iżda esklużi servizzi ta' komunikazzjoni elettronika, li huwa ▌interkonness ma' prodott b'tali mod li n-nuqqas tiegħu jipprevjeni lill-prodott milli jwettaq waħda jew aktar mill-funzjonijiet tiegħu, u li jinvolvi l-aċċess tad-data mill-prodott konness mill-fornitur jew is-servizz;

(4)  "assistenti virtwali" tfisser software li jista' jipproċessa d-domandi, il-kompiti jew il-mistoqsijiet, inkluż dawk abbażi ta' awdjo, input bil-miktub, ġesti jew movimenti, u abbażi ta' dawk id-domandi, il-kompiti jew il-mistoqsijiet, jipprovdi aċċess għal servizzi oħra jew jikkontrolla l-funzjonijiet tal-prodotti;

(4a)   "konsumatur" tfisser kwalunkwe persuna fiżika li tkun qed taġixxi għal finijiet li jkunu lil hinn mill-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni ta' dik il-persuna;

(5)  "utent" tfisser persuna fiżika jew ġuridika li jkollha s-sjieda ta' prodott konness jew tirċievi servizz relatat jew li lilha is-sid ta' prodott konness ikun ittrasferixxa, abbażi ta' ftehim ta' kiri jew lokazzjoni, drittijiet temporanji biex tuża prodott jew tirċievi servizzi relatati u, fejn il-prodott konness jew is-servizz relatati jinvolvi l-ipproċessar tad-data personali, is-suġġett tad-data;

(6)  "detentur tad-data" tfisser persuna ġuridika jew fiżika li aċċessat data mill-prodott konness jew iġġenerat data matul il-forniment ta' servizz relatat u li għandha d-dritt miftiehem kuntrattwalment li tuża tali data, u l-obbligu, f'konformità ma' dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli tal-Unjoni jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta l-liġi tal-Unjoni li tagħmel ċerta data disponibbli għall-utent jew għal riċevitur tad-data;

(7)  "riċevitur tad-data" tfisser persuna ġuridika jew fiżika ▌minbarra l-utent ta' prodott konness jew servizz relatat, li detentur tad-data jagħmel id-data aċċessata minn prodott konness jew iġġenerata matul il-forniment ta' servizz relatat disponibbli lilha ▌wara talba espliċita mill-utent ▌jew f'konformità ma' obbligu ġuridiku skont il-liġi tal-Unjoni jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta l-liġi tal-Unjoni;

(8)  "intrapriża" tfisser persuna fiżika jew ġuridika li fir-rigward ta' kuntratti u prattiki koperti minn dan ir-Regolament tkun qed taġixxi għal finijiet li huma relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni ta' dik il-persuna;

(9)  "korp tas-settur pubbliku" tfisser awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali tal-Istati Membri u korpi regolati mil-liġi pubblika tal-Istati Membri, jew assoċjazzjonijiet iffurmati minn tali awtorità waħda jew aktar jew minn tali korp wieħed jew aktar;

(10)  "emerġenza pubblika" tfisser sitwazzjoni eċċezzjonali, limitata fiż-żmien bħal emerġenzi tas-saħħa pubblika, emerġenzi li jirriżultaw minn diżastri naturali, kif ukoll diżastri kbar ħafna kkaġunati mill-bniedem, inklużi inċidenti kbar ħafna ta' cibersigurtà, li taffettwa b'mod negattiv il-popolazzjoni tal-Unjoni, ta' Stat Membru jew ta' parti minnu, b'riskju ta' riperkussjonijiet serji u dejjiema fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien jew fuq l-istabbiltà ekonomika, l-istabbiltà finanzjarja, jew id-degradazzjoni sostanzjali u immedjata tal-assi ekonomiċi fl-Unjoni jew fl-Istat(i) Membru/i rilevanti u li hija determinata u ddikjarata uffiċjalment skont il-proċeduri rilevanti fl-ambitu tal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali;

(10a)   "statistika uffiċjali" tfisser "statistika Ewropea" skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 223/2009(29);

(11)  "ipproċessar" tfisser kwalunkwe operazzjoni jew sett ta' operazzjonijiet li jitwettqu fuq data jew fuq settijiet ta' data f'format elettroniku, sew jekk b'mezzi awtomatizzati, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħżin, l-adattament jew it-tibdil, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, id-divulgazzjoni permezz ta' trażmissjoni, id-disseminazzjoni jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni, l-allinjament jew il-kombinament, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

(12)  "servizz tal-ipproċessar tad-data" tfisser servizz diġitali għajr servizz tal-kontenut online kif definit fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) 2017/1128, ipprovdut lil klijent, li jippermetti amministrazzjoni fuq talba u aċċess remot wiesa' għal grupp skalabbli u elastiku ta' riżorsi informatiċi li jistgħu jiġu kondiviżi ta' natura ċentralizzata, distribwita jew distribwita ħafna;

(13)  "tip ta' servizz" tfisser sett ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data li jaqsmu l-istess objettiv primarju u mudell bażiku ta' servizz tal-ipproċessar tad-data;

(14)  "ekwivalenza funzjonali" tfisser iż-żamma ta' livell minimu ta' funzjonalità fl-ambjent ta' servizz ġdid tal-ipproċessar tad-data wara l-proċess tal-qlib, sa tali punt li, b'reazzjoni għal azzjoni ta' input mill-utent dwar l-elementi ewlenin tas-servizz, is-servizz tad-destinazzjoni jagħti l-istess output fl-istess prestazzjoni u bl-istess livell ta' sigurtà, reżiljenza operazzjonali u kwalità tas-servizz bħas-servizz oriġinarju fil-mument tat-terminazzjoni tal-kuntratt;

(15)  "standards miftuħa ▌" tfisser speċifikazzjonijiet tekniċi ▌li huma orjentati lejn il-prestazzjoni biex tinkiseb l-interoperabbiltà bejn is-servizzi tal-ipproċessar tad-data u li huma adottati permezz ta' proċess inklużiv, kollaborattiv, ibbażat fuq il-kunsens u trasparenti li minnu ma jistgħux jiġu esklużi partijiet interessati u dawk materjalment affettwati;

(18)  "speċifikazzjonijiet komuni" tfisser dokument, għajr standard, li jkun fih soluzzjonijiet tekniċi li jipprovdu mezz għall-konformità ma' ċerti rekwiżiti u obbligi stabbiliti skont dan ir-Regolament;

(19)  "interoperabbiltà" tfisser il-kapaċità ta' żewġ servizzi jew aktar ibbażati fuq id-data, inklużi spazji tad-data jew networks ta' komunikazzjoni, sistemi, prodotti, applikazzjonijiet jew komponenti għall-ipproċessar, għall-iskambju u għall-użu tad-data sabiex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom b'mod preċiż, effettiv u konsistenti;

(19a)   "portabbiltà" tfisser il-kapaċità ta' klijent li jċaqlaq data importata jew iġġenerata direttament li tista' tiġi assenjata b'mod ċar lill-klijent bejn is-sistema tiegħu stess u s-servizzi tal-cloud, u bejn is-servizzi tal-cloud ta' fornituri differenti tas-servizz tal-cloud;

(20)  "standard armonizzat" tfisser standard armonizzat kif definit fl-Artikolu 2(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

(20a)   "spazji komuni Ewropej tad-data" tfisser oqfsa interoperabbli speċifiċi għall-iskop jew għas-settur jew transsettorjali ta' standards u prattiki komuni biex tiġi kondiviża jew ipproċessata b'mod konġunt data, fost oħrajn, għall-iżvilupp ta' prodotti u servizzi ġodda, inizjattivi ta' riċerka xjentifika jew tas-soċjetà ċivili.

(20b)   "metadata" tfisser deskrizzjoni strutturata tal-kontenut tal-użu tad-data li tiffaċilita s-sejbien jew l-użu ta' dik id-data;

(20c)   "servizz ta' intermedjazzjoni ta' data" tfisser servizz ta' intermedjazzjoni tad-data kif imsemmi fil-punt (8) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2022/868;

(20d)   "altruwiżmu fir-rigward tad-data" tfisser il-kondiviżjoni volontarja tad-data kif definit fl-Artikolu 2(16) tar-Regolament (UE) 2022/868;

(20e)   "sigriet kummerċjali" tfisser informazzjoni li tissodisfa r-rekwiżiti kollha tal-Artikolu 2(1), tad-Direttiva (UE) 2016/943.

(20f)   "detentur tas-sigriet kummerċjali" għandha tinftiehem bħala detentur tas-sigriet kummerċjali kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (2), tad-Direttiva (UE) 2016/943;

KAPITOLU II

KONDIVIŻJONI TAD-DATA BEJN NEGOZJU U KONSUMATUR U BEJN NEGOZJU U NEGOZJU

Artikolu 3

Obbligu li d-data aċċessata minn prodotti konnessi jew iġġenerati matul il-forniment ta' servizzi relatati ssir aċċessibbli lill-utent.

1.  Il-prodotti konnessi għandhom jitfasslu u jiġu manifatturati b'tali mod li d-data li jiġbru, jiġġeneraw jew b'xi mod ieħor jiksbu, li tkun aċċessibbli għad-detenturi tad-data jew għar-riċevituri tad-data tkun, awtomatikament b'xejn għall-utent, u aċċessibbli faċilment, b'mod sikur u, fejn rilevanti u teknikament fattibbli, aċċessibbli direttament għalih, f'format komplet, strutturat, użat komunement u li jinqara minn magna. Id-data għandha tkun disponibbli fil-forma li fih tkun inġabret, inkisbet jew ġiet iġġenerata mill-prodott konness, u jsiriluha biss l-adattamenti minimi neċessarji biex tkun tista' tintuża minn parti terza, u dan jinkludi l-metadata relatata neċessarja għall-interpretazzjoni u l-użu tad-data. L-informazzjoni derivata jew inferita minn din id-data permezz ta' algoritmi proprjetarji kumplessi, b'mod partikolari fejn tikkombina l-output ta' diversi sensuri fil-prodott konness, ma għandhiex titqies fl-ambitu tal-obbligu ta' detentur tad-data li jikkondividi d-data ma' utenti jew riċevituri tad-data, sakemm ma ġiex miftiehem mod ieħor mill-utent u d-detentur tad-data. Fil-każ fejn l-utent ikun suġġett tad-data, il-prodotti konnessi għandhom joffru l-possibbiltà li jiġu eżerċitati direttament id-drittijiet tas-suġġetti tad-data, meta dan ikun teknikament fattibbli. Il-prodotti konnessi għandhom jitfasslu u jiġu mmanifatturati b'tali mod li suġġett tad-data, irrispettivament mit-titolu legali tagħhom fuq il-prodott konness, jiġi offrut il-possibbiltà li juża l-prodotti koperti minn dan ir-Regolament bl-inqas mod intrużiv possibbli għall-privatezza. Ir-rekwiżiti stabbiliti fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu sodisfatti mingħajr ma tiġi ristretta l-funzjonalità tal-prodott konness u tas-servizzi relatati u f'konformità mar-rekwiżiti fil-qasam tas-sigurtà tad-data kif stabbilit mil-liġi tal-Unjoni.

1a.   Id-detenturi tad-data jistgħu jirrifjutaw talba għal data jekk l-aċċess għad-data jkun ristrett bil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali.

2.  Qabel ma jiġi konkluż kuntratt għax-xiri ta' prodott konness, il-manifattur jew, fejn rilevanti, il-bejjiegħ għandu jipprovdi mill-inqas ▌l-informazzjoni li ġejja lill-utent, b’mod sempliċi, u f’format ċar u li jinftiehem:

(a)  it-tip ta' data, il-format, il-frekwenza tal-kampjunar, il-kapaċità ta' ħżin fuq l-apparat, u l-volum stmat ta' data aċċessibbli li l-prodott konness huwa kapaċi jiġbor, jiġġenera jew b'xi mod ieħor jikseb;

(b)  jekk il-prodott konness huwiex kapaċi jiġġenera data b'mod kontinwu u f'ħin reali;

(ba)   jekk id-data hijiex se tinħażen fuq l-apparat jew fuq server remot, inkluż il-perjodu li matulu dik se tinħażen;

(c)  kif l-utent jista' jaċċessa bla ħlas, u, rilevanti, jirkupra u jitlob it-tħassir ta' dik id-data;

(ca)   Il-mezzi tekniċi għall-aċċess għad-data, bħal Kits għall-Iżvilupp tas-Software jew interfaċċi għall-ipprogrammar ta' applikazzjonijiet, u l-kundizzjonijiet tal-użu u l-kwalità tas-servizz tagħhom għandhom ikunu deskritti biżżejjed biex jippermettu l-iżvilupp ta' tali mezzi ta' aċċess.

(cb)   jekk detentur tad-data huwiex id-detentur ta' sigrieti kummerċjali jew ta' drittijiet ta' proprjetà intellettwali oħra li jinsabu fid-data li x'aktarx tiġi aċċessata permezz tal-prodott konness jew iġġenerata matul il-forniment ta' servizz relatat, u, jekk le, l-identità tad-detentur tas-sigriet kummerċjali, bħall-isem kummerċjali tiegħu u l-indirizz ġeografiku li fih huwa stabbilit;

2a.   Is-servizzi relatati għandhom jiġu pprovduti b'tali mod li d-data ġġenerata matul il-forniment tagħhom, li tikkorrispondi għad-diġitalizzazzjoni tal-azzjonijiet jew l-avvenimenti tal-utenti, tkun b'xejn għall-utent u, b'mod awtomatiku, tkun aċċessibbli faċilment u b'mod sikur u, fejn rilevanti u teknikament fattibbli, aċċessibbli direttament għall-utent, f'format strutturat, komunement użat u li jinqara minn magna, flimkien mal-metadata rilevanti meħtieġa biex din tiġi interpretata u użata.

2b.   Qabel ma l-utent jikkonkludi ftehim ma' fornitur ta' servizzi relatati, li permezz tiegħu l-fornitur ikollu aċċess għad-data tal-prodott konness matul il-forniment ta' tali servizzi, f'konformità mal-Artikolu 4(6) ta' dan ir-Regolament, il-ftehim għandu jindirizza:

(a)   in-natura, il-volum, il-frekwenza tal-ġbir u l-format tad-data aċċessata mill-fornitur ta' servizzi relatati mill-prodott konness u, fejn rilevanti, il-modalitajiet għall-utent biex jaċċessa jew jirkupra tali data, inkluż il-perjodu li matulu din għandha tinħażen;

(b)   in-natura u l-volum stmat tad-data ġġenerata matul il-forniment tas-servizz relatat, kif ukoll il-modalitajiet għall-utent biex jaċċessa jew jirkupra tali data;

(c)   opzjonijiet ta' kunsens granulari u sinifikanti għall-ipproċessar tad-data, fis-sens tal-Artikolu 4(11) tar-Regolament (UE) 2016/679;

(d)   jekk il-fornitur tas-servizzi li jipprovdi s-servizz relatat, fir-rwol tiegħu bħala detentur tad-data, għandux l-intenzjoni li juża d-data aċċessata mill-prodott konness innifsu jew jippermettix parti terza waħda jew aktar jużaw id-data għall-iskopijiet miftiehma mal-utent;

(e)   l-isem kummerċjali tal-fornitur tas-servizz relatat, l-identifikatur tal-entità ġuridika tiegħu, id-dettalji ta' kuntatt tiegħu u l-indirizz ġeografiku fejn huwa stabbilit; u fejn applikabbli, partijiet oħra tal-ipproċessar tad-data;

(f)   fejn rilevanti, il-mezzi ta' komunikazzjoni li jippermettu lill-utent jikkuntattja lill-fornitur malajr u jikkomunika mal-persunal tiegħu b'mod effiċjenti;

(g)   kif l-utent jista' jitlob li d-data tiġi kondiviża ma' riċevitur tad-data, u, fejn rilevanti, jirtira l-kunsens għall-kondiviżjoni tad-data;

(h)   jekk detentur tad-data huwiex id-detentur ta' sigrieti kummerċjali jew ta' drittijiet ta' proprjetà intellettwali oħra li jinsabu fid-data li x'aktarx tiġi aċċessata permezz tal-prodott konness jew iġġenerata matul il-forniment tas-servizz relatat, u, jekk le, l-identità tad-detentur tas-sigriet kummerċjali, bħall-isem kummerċjali tiegħu, l-identifikatur tal-entità ġuridika tiegħu u l-indirizz ġeografiku li fih huwa stabbilit;

(i)   kif l-utent jista' jiġġestixxi l-permessi biex jippermetti l-użu tad-data, fejn possibbli b'opzjonijiet ta' permessi granulari, u inkluża l-opzjoni li jirtira l-permessi lil detentur tad-data għall-użu tad-data tal-utent, lill-partijiet terzi nnominati minn detentur tad-data, jew li jeskludi l-indirizzi ġeografiċi;

(j)   it-tul tal-perjodu tal-ftehim bejn l-utent u l-fornitur tas-servizz relatat, kif ukoll il-modalitajiet biex jiġi tterminat tali ftehim qabel iż-żmien. kif ukoll il-perjodu minimu li għalih is-servizz relatat huwa ggarantit li jirċievi aġġornamenti dwar is-sigurtà u l-funzjonalità;

(k)   id-dritt tal-utent li jissottometti lment li jallega ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu mal-koordinatur tad-data msemmi fl-Artikolu 31.

Artikolu 3a

Il-Litteriżmu fid-Data

1.   Meta jimplimentaw dan ir-Regolament, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jippromwovu miżuri u għodod għall-iżvilupp ta' litteriżmu fid-data, mas-setturi kollha u jqisu l-ħtiġijiet differenti tal-gruppi ta' utenti, konsumaturi u negozji, inkluż permezz ta' programmi ta' edukazzjoni u taħriġ, taħriġ ta' ħiliet u taħriġ mill-ġdid ta' ħiliet u filwaqt li jiżguraw bilanċ xieraq bejn il-ġeneri u l-età, biex jippermettu soċjetà u suq tad-data ġusti.

Artikolu 4

Id-drittijiet u l-obbligi tal-utenti u d-detenturi tad-data li jaċċessaw, jużaw u jrendu disponibbli d-data aċċessata minn prodotti konnessi jew iġġenerata waqt il-forniment ta' servizzi relatati

1.  Meta d-data ma tkunx tista' tiġi aċċessata direttament mill-utent mill-prodott, id-detenturi tad-data għandhom jagħmlu disponibbli għall-utent kull data aċċessata minnhom permezz ta' prodotti konnessi jew iġġenerata waqt il-forniment ta' servizz relatat, mingħajr dewmien żejjed, b'mod faċli u sikur u b'format komplet. strutturat, komunement użat u li jista' jinqara minn magna, mingħajr ħlas u, fejn rilevanti u teknikament fattibbli, kontinwament u f'ħin reali, u anki jrendu disponibbli kull data personali derivata minn tali data, b'mod konformi mal-Artikolu 15 tar-Regolament 2016/679(UE), flimkien mal-metadata rilevanti. Id-data għandha tiġi pprovduta fil-forma li fiha tkun ġiet aċċessata mill-prodott konness jew iġġenerata mis-servizz relatata u jsiriluha biss l-adattamenti minimi neċessarji biex tkun tista' tintuża minn parti terza, u dan jinkludi l-metadata relatata neċessarja għall-interpretazzjoni u l-użu tad-data. L-informazzjoni derivata jew inferita minn din id-data permezz ta' algoritmi proprjetarji kumplessi, b'mod partikolari fejn tikkombina l-output ta' diversi sensuri fil-prodott konness, ma għandhiex titqies fl-ambitu ta' obbligu ta' detentur tad-data li jikkondividi d-data ma' utenti jew riċevituri tad-data, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-utent u d-detentur tad-data. Kwalunkwe talba għal aċċess għad-data lil detentur tad-data għandha ssir abbażi ta' talba sempliċi permezz ta' mezzi elettroniċi fejn ikun teknikament fattibbli u, fejn xieraq, tindika t-tip, in-natura jew l-ambitu tad-data mitluba.

1a.   Id-detenturi tad-data jistgħu jirrifjutaw talba għal data jekk l-aċċess għad-data jkun projbit mil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali.

1b.   L-utenti u d-detenturi tad-data jistgħu jaqblu kuntrattwalment dwar ir-restrizzjoni jew il-projbizzjoni tal-aċċess, l-użu jew il-kondiviżjoni ulterjuri tad-data, u dan jista' jippreġudika s-sigurtà tal-prodott kif stabbilit mil-liġi. Kull parti tista' tirreferi l-każ lill-koordinatur tad-data, biex jivvaluta jekk tali restrizzjoni hijiex ġustifikata, b'mod partikolari fid-dawl ta' effett negattiv serju fuq is-saħħa, is-sikurezza jew is-sigurtà tal-bnedmin. L-awtoritajiet kompetenti settorjali se jingħataw il-possibbiltà li jipprovdu għarfien espert tekniku f'dan il-kuntest.

1c.   Meta jkun konformi mad-dispożizzjonijiet kollha stabbiliti f'dan ir-Regolament, u t-termini u l-kundizzjonijiet miftiehma fil-ftehim kuntrattwali bejn il-partijiet, detentur tad-data ma għandux ikun responsabbli fil-konfront tal-utent għal kwalunkwe dannu li jirriżulta mid-data magħmula disponibbli, dment li d-detentur tad-data jkun ipproċessa d-data legalment b'mod konformi mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali u jkun ikkonforma mar-rekwiżiti rilevanti fil-qasam taċ-ċibersigurtà u fejn applikabbli, mal-miżuri tekniċi u organizzattivi intiżi sabiex tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità tad-data kondiviża. Meta jkun konformi ma' dan ir-Regolament, utent, li legalment jagħmel disponibbli data aċċessata mill-prodott konness jew riċevuta wara talba fis-sens tal-Artikolu 4(1) lil parti terza, jew riċevitur tad-data, li jkun qed jikkondividi legalment data magħmula disponibbli għalih minn detentur tad-data, lil parti terza, ma għandux ikun responsabbli għal dannu li jirriżulta mill-kondiviżjoni ta' tali data, dment li l-utent jew ir-riċevitur tad-data jkun ipproċessa d-data f'konformità mal-liġijiet tal-Unjoni u dawk nazzjonali u jkun ikkonforma mar-rekwiżiti rilevanti fil-qasam taċ-ċibersigurtà u fejn applikabbli, mal-miżuri tekniċi u organizzattivi intiżi sabiex tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità tad-data kondiviża.

1d.   Id-detenturi tad-data ma għandhomx irendu l-eżerċizzju tad-drittijiet jew l-għażliet tal-utenti indebitament diffiċli, pereżempju billi joffru għażliet lill-utenti b'mod mhux newtrali jew billi jimminaw jew jippreġudikaw l-awtonomija, il-proċess deċiżjonali jew l-għażliet liberi tal-utent permezz tal-istruttura, id-disinn, il-funzjoni jew il-funzjonament ta' interfaċċa tal-utent jew parti minnha.

2.  Id-detenturi tad-data ma għandhomx jirrikjedu li l-utent jipprovdi kwalunkwe informazzjoni lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex tiġi vverifikata l-kwalità bħala utent skont il-paragrafu 1. Id-detenturi tad-data ma għandhom iżommu l-ebda informazzjoni dwar l-aċċess tal-utent għad-data mitluba lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-eżekuzzjoni tajba tat-talba għall-aċċess tal-utent u għas-sigurtà u għall-manutenzjoni tal-infrastruttura tad-data. Fejn l-identifikazzjoni hija legalment meħtieġa, id-detenturi tad-data għandhom jippermettu l-possibbiltà għall-utenti li jidentifikaw u jawtentikaw ruħhom permezz tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, skont ir-Regolament (UE) Nru 910/2014.

3.  Is-sigrieti kummerċjali għandhom jiġu ppreservati u għandhom jiġu ddivulgati biss dment li jittieħdu minn qabel il-miżuri speċifiċi kollha meħtieġa skont id-Direttiva UE 2016/943 biex tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward ta' partijiet terzi. Id-detentur tad-data jew id-detentur tas-sigriet kummerċjali jekk ma jkunx fl-istess ħin id-detentur tad-data, għandu jidentifika d-data li hija protetta bħala sigrieti kummerċjali u jista' jaqbel mal-utent dwar kwalunkwe miżura teknika u organizzattiva biex jippreservaw il-kunfidenzjalità tad-data kondiviża, b'mod partikolari fir-rigward ta' partijiet terzi, kif ukoll dwar dispożizzjonijiet fil-qasam tar-responsabbiltà. Tali miżuri tekniċi u organizzattivi jinkludu, kif xieraq, mudelli ta' termini kuntrattwali, ftehimiet ta' kunfidenzjalità, protokolli ta' aċċess stretti, standards tekniċi u l-applikazzjoni ta' kodiċijiet ta' kondotta. F'każijiet fejn l-utent jonqos milli jimplimenta dawk il-miżuri jew jimmina l-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali, id-detentur tad-data għandu jkun jista' jissospendi l-kondiviżjoni tad-data identifikata bħala sigrieti kummerċjali. F'każijiet bħal dawn, id-detentur tad-data jeħtieġlu jinnotifika minnufih lill-koordinatur tad-data tal-Istat Membru li fih ikun stabbilit id-detentur tad-data, skont l-Artikolu 31 ta' dan ir-Regolament, li jkun issospenda l-kondiviżjoni tad-data u jidentifika liema miżuri ma ġewx implimentati jew liema sigrieti kummerċjali kellhom il-kunfidenzjalità tagħhom imminata. Meta l-utent ikun jixtieq jikkontesta d-deċiżjoni tad-detentur tad-data li jissospendi l-kondiviżjoni tad-data, il-koordinatur tad-data għandu jiddeċiedi, f'perjodu ta' żmien raġonevoli, jekk il-kondiviżjoni tad-data għandhiex titkompla jew le, u jekk iva, jindika f'liema kundizzjonijiet.

4.  L-utent ma għandux juża data miksuba skont talba msemmija fil-paragrafu 1 biex jiżviluppa prodott li jikkompeti direttament mal-prodott, li minnu toriġina d-data u ma għandux juża tali data biex jikseb għarfien dwar is-sitwazzjoni ekonomika, l-assi u l-metodi ta' produzzjoni tal-manifattur.

4a.   Il-parti terza ma għandhiex tuża mezzi ta' ġegħil jew tieħu vantaġġ mil-lakuni fl-infrastruttura teknika ta' detentur tad-data mfassla għall-protezzjoni tad-data sabiex tikseb aċċess għad-data.

4b.   L-utenti għandhom id-dritt li jew jikkondividu direttament, permezz ta' detentur tad-data jew permezz ta' fornituri ta' servizzi ta' intermedjazzjoni tad-data kif stabbiliti fir-Regolament (UE) 2022/868, data mhux personali aċċessata mill-prodott konness jew miksuba insegwitu ta' talba prevista fil-paragrafu 1 lil kwalunkwe riċevitur tad-data għal finijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali. Il-kondiviżjoni tad-data bejn utent u riċevitur tad-data għandha ssir permezz ta' ftehimiet kuntrattwali; id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV dwar termini ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-ftehimiet kuntrattwali bejn l-utenti u r-riċevituri tad-data.

5.  Meta l-utent ma jkunx suġġett tad-data, kwalunkwe data personali ġġenerata bl-użu ta' prodott jew servizz relatat għandha ssir disponibbli biss mid-detentur tad-data għall-utent jekk il-kundizzjonijiet u r-regoli kollha pprovduti mil-liġi applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tad-data jiġu osservati, b'mod partikolari meta jkun hemm bażi ġuridika valida skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/679 u, fejn rilevanti, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2016/679 u l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58/KE ikunu ssodisfati.

6.  Id-detenturi tad-data għandhom jużaw biss kwalunkwe data mhux personali aċċessata minn prodott konness jew iġġenerata matul il-forniment ta' servizz relatat abbażi ta' ftehim kuntrattwali mal-utent. Id-detentur tad-data ma għandux jagħmel l-użu tal-prodott jew tas-servizz relatat dipendenti fuq jekk l-utent iħallihx jipproċessa data mhux meħtieġa għall-funzjonalità tal-prodott jew il-forniment tas-servizz relatat. Id-detentur tad-data għandu jħassar id-data meta din ma tibqax meħtieġa għall-iskop miftiehem kuntrattwalment. Id-detenturi tad-data u l-utenti ma għandhomx jużaw tali data miksuba, miġbura jew iġġenerata mill-użu tal-prodott jew tas-servizz relatat biex jiksbu intuwitu dwar is-sitwazzjoni ekonomika, assi u metodi ta' produzzjoni ta' jew l-użu tal-prodott jew servizz relatat mill-parti l-oħra li jista' jimmina l-pożizzjoni kummerċjali tal-parti l-oħra fis-swieq li fihom huwa attiv l-utent.

6a.   Id-detenturi tad-data ma għandhomx jagħmlu disponibbli data mhux personali aċċessata minnhom mill-prodott konness, previst fl-Artikolu 3(2), il-punt a, lill-partijiet terzi għal finijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali għajr l-issodisfar tal-obbligi kuntrattwali tagħhom lejn l-utent. Fejn rilevanti, id-detenturi tad-data għandhom jorbtu kuntrattwalment lil partijiet terzi biex ma jikkondividux aktar id-data li jirċievu mingħandhom.

6b.   Meta l-ftehim kuntrattwali bejn l-utent u detentur tad-data jippermetti l-użu ta' data mhux personali aċċessata minnhom mill-prodott konness, previst fl-Artikolu 3(2a), il-punt (a) id-detentur tad-data għandu jkun jista' juża dik id-data għal kwalunkwe wieħed mill-iskopijiet li ġejjin:

(a)   it-titjib tal-funzjonament tal-prodott konness jew tas-servizzi relatati;

(b)   l-iżvilupp ta' prodotti jew servizzi ġodda;

(c)   l-arrikkiment jew il-manipulazzjoni tagħha jew l-aggregazzjoni tagħha ma' data oħra, anki bl-għan li s-sett ta' data li jirriżulta jsir disponibbli għal partijiet terzi, dment li tali sett ta' data derivata ma jippermettix l-identifikazzjoni tal-entrati ta' data speċifiċi trażmessi lid-detentur tad-data mill-prodott konness, jew jippermetti lil parti terza tikseb dawk l-entrati ta' data mis-sett ta' data.

6c.   L-utenti, f'relazzjonijiet bejn negozju u ieħor, għandhom id-dritt li jagħmlu d-data disponibbli għar-riċevituri tad-data jew għad-detenturi tad-data taħt kwalunkwe kundizzjoni kuntrattwali legali, anki billi jaqblu li jillimitaw jew jirrestrinġu l-kondiviżjoni ulterjuri ta' tali data, u li jiġu kkumpensati b'mod proporzjonat talli rrinunzjaw għad-dritt tagħhom li jużaw jew jikkondividu tali data b'mod legali. Ir-riċevituri tad-data jew id-detenturi tad-data ma għandhomx jagħmlu l-offerta ta' servizzi relatati, jew it-termini kummerċjali tagħha, inkluż l-ipprezzar, kontinġenti fuq tali ftehim mill-utent, jew iġiegħlu, iqarrqu jew jimmanipulaw b'xi mod lill-utent biex jagħmel disponibbli d-data b'tali kundizzjonijiet kuntrattwali.

Artikolu 5

Dritt tal-utent li jikkondividi data ma' partijiet terzi

1.  Fuq talba minn utent, jew minn parti li taġixxi f'isem utent, bħal servizz ta' intermedjazzjoni tad-data awtorizzat fis-sens tar-Regolament (EU) 2022/868, id-detenturi tad-data għandhom jagħmlu disponibbli d-data aċċessata minnhom permezz ta' prodotti konnessi jew iġġenerata waqt il-forniment ta' servizz relatat lil parti terza, mingħajr dewmien żejjed, b'mod faċli u sikur u b'format komplet. strutturat, komunement użat u li jista' jinqara minn magna, mingħajr ħlas għall-utent, tal-istess kwalità, kif inhi disponibbli għad-detentur tad-data u, fejn rilevanti u teknikament fattibbli, kontinwament u f'ħin reali. Meta l-utent ikun suġġett tad-data, id-data personali għandha tiġi pproċessata għall-finijiet speċifikati mis-suġġett tad-data, bħal dawn li ġejjin:

(a)   il-forniment ta' servizzi ta' wara l-bejgħ, bħall-manutenzjoni u t-tiswija tal-prodott, inklużi servizzi ta' wara l-bejgħ f'kompetizzjoni ma' prodott konness jew servizz ipprovdut minn detentur tad-data;

(b)   l-iffaċilitar tal-utent li jaġġorna s-software tal-prodott konness jew tas-servizzi relatati b'mod partikolari biex jissolvu problemi ta' sigurtà u ta' użu;

(c)   servizzi speċifiċi ta' intermedjazzjoni tad-data rikonoxxuti fl-Unjoni jew servizzi speċifiċi pprovduti minn organizzazzjonijiet għall-altruwiżmu fir-rigward tad-data rikonoxxuti fl-Unjoni skont il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti tal-Kapitoli III u IV tar-Regolament (UE) 2022/868.

Id-data għandha tiġi produta fil-forma tagħha kif aċċessata mill-prodott u jsirulha biss l-adattamenti minimi neċessarji biex tkun tista' tintuża minn parti terza, inkluża l-metadata relatata neċessarja għall-interpretazzjoni u l-użu tad-data. L-informazzjoni derivata jew inferita minn din id-data permezz ta' algoritmi proprjetarji kumplessi, b'mod partikolari fejn tikkombina l-output ta' diversi sensuri fil-prodott konness, ma għandhiex titqies fl-ambitu ta' obbligu ta' detentur tad-data li jikkondividi d-data ma' utenti jew riċevituri tad-data, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-utent u d-detentur tad-data.

1a.   Id-dritt previst mill-paragrafu 1 ma għandux japplika għal data li tirriżulta mill-użu ta' prodott jew servizz relatat fil-kuntest tal-ittestjar ta' prodotti, sustanzi jew proċessi ġodda oħra li jkunu għadhom ma tqiegħdux fis-suq sakemm l-użu minn parti terza ma jkunx permess mill-ftehim mal-intrapriża li magħha l-utent ftiehem li juża wieħed mill-prodotti tiegħu għall-ittestjar ta' prodotti, sustanzi jew proċessi ġodda oħra.

2.  Kwalunkwe impriża li tipprovdi servizzi ta' pjattaforma ewlenija li għalihom wieħed jew aktar minn dawn is-servizzi ġew maħtura bħala gatekeeper, skont l-Artikolu […] tar-Regolament (UE) 2022/1925, ma għandhiex tkun riċevitur tad-data eliġibbli skont dan l-Artikolu u għalhekk ma għandhiex:

(a)  tħajjar jew tinċentiva kummerċjalment utent bi kwalunkwe mod, inkluż billi tipprovdi kumpens monetarju jew kwalunkwe kumpens ieħor, biex tagħmel id-data disponibbli għal wieħed mis-servizzi tiegħu li l-utent ikun kiseb wara talba skont l-Artikolu 4(1);

(b)  tfittex jew tinċentiva kummerċjalment utent biex jitlob lid-detentur tad-data jagħmel id-data disponibbli għal wieħed mis-servizzi tiegħu skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu;

(c)  tirċievi data minn utent li l-utent ikun kiseb wara talba skont l-Artikolu 4(1).

3.  L-utent jew ir-riċevitur tad-data ma għandhomx ikunu meħtieġa jipprovdu kwalunkwe informazzjoni lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex tiġi vverifikata l-kwalità bħala utent jew bħala r-riċevitur tad-data skont il-paragrafu 1. Id-detenturi tad-data ma għandhom iżommu l-ebda informazzjoni dwar l-aċċess tar-riċevitur tad-data għad-data mitluba lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-eżekuzzjoni tajba tat-talba għal aċċess tar-riċevitur tad-data u għas-sigurtà u l-manutenzjoni tal-infrastruttura tad-data.

4.  Ir-riċevitur tad-data ma għandux juża mezzi ta' ġegħil jew jieħu vantaġġ mil-lakuni evidenti fl-infrastruttura teknika ta' detentur tad-data mfassla għall-protezzjoni tad-data sabiex tikseb aċċess għad-data.

5.  Id-detentur tad-data ma għandu juża l-ebda data mhux personali miksuba, miġbura jew iġġenerata mill-użu tal-prodott jew tas-servizz relatat biex jikseb għarfien dwar is-sitwazzjoni ekonomika, l-assi u l-metodi ta' produzzjoni tal-parti terza jew l-użu minnha li jistgħu jimminaw il-pożizzjoni kummerċjali tal-parti terza fis-swieq li fihom hija attiva l-parti terza, sakemm il-parti terza ma tkunx tat il-kunsens espliċitu tagħha għal tali użu u jkollha l-possibbiltà teknika li tirtira faċilment dak il-kunsens fi kwalunkwe ħin.

6.  F'każ ta' suġġett tad-data li ma jkunx l-utent li qiegħed jitlob aċċess, kwalunkwe data personali miksuba, miġbura, jew iġġenerata bl-użu tiegħu ta' prodott jew servizz relatat, u d-data derivata u inferita minn dak l-użu, għandha ssir disponibbli biss mid-detentur tad-data lill-parti terza meta jkun hemm bażi ġuridika valida skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/679 u fejn rilevanti, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2016/679 u l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58/KE jkunu ssodisfati.

7.  Kwalunkwe nuqqas min-naħa tad-detentur tad-data u tal-parti terza milli jaqbel fuq arranġamenti għat-trażmissjoni tad-data ma għandux ifixkel, jipprevjeni jew jinterferixxi mal-eżerċitar tad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont ir-Regolament (UE) 2016/679 u, b'mod partikolari, mad-dritt għall-portabbiltà tad-data skont l-Artikolu 20 ta' dak ir-Regolament.

8.  Is-sigrieti kummerċjali għandhom jiġu ddivulgati biss lil partijiet terzi sa fejn ikunu strettament meħtieġa biex jissodisfaw l-iskop tat-talba miftiehma bejn l-utent u l-parti terza u l-miżuri kollha speċifiċi meħtieġa miftiehma bejn id-detentur tad-data, jew bejn id-detentur tas-sigrieti kummerċjali jekk dan ma jkunx simultanjament id-detentur tad-data, u l-parti terza jittieħdu qabel id-divulgazzjoni mill-parti terza biex tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità tas-sigriet kummerċjali. F'każ bħal dan, id-detentur tad-data jew id-detentur tas-sigriet kummerċjali, għandu jidentifika d-data li hija protetta bħala sigrieti kummerċjali u l-miżuri tekniċi u organizzattivi għall-preservazzjoni tal-kunfidenzjalità tagħhom, kif ukoll dispożizzjonijiet fil-qasam tar-responsabbiltà. Tali miżuri tekniċi u organizzattivi għandhom jiġu speċifikati fil-ftehim bejn id-detentur tad-data jew tas-sigriet kummerċjali u l-parti terza, inkluż, kif xieraq permezz ta' termini kuntrattwali mudell, protokolli ta' aċċess stretti, ftehimiet kunfidenzjali, standards tekniċi u l-applikazzjoni ta' kodiċijiet ta' kondotta. F'każijiet fejn il-parti terza tonqos milli timplimenta dawk il-miżuri jew timmina l-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali, id-detentur tad-data għandu jkun jista' jissospendi l-kondiviżjoni tad-data identifikata bħala sigrieti kummerċjali. F'każijiet bħal dawn, id-detentur tad-data jeħtieġlu jinnotifika minnufih lill-koordinatur tad-data tal-Istat Membru li fih ikun stabbilit id-detentur tad-data, skont l-Artikolu 31, li jkun issospenda l-kondiviżjoni tad-data u jidentifika liema miżuri ma ġewx implimentati jew liema sigrieti kummerċjali kellhom il-kunfidenzjalità tagħhom imminata. Meta l-parti terza tkun tixtieq tikkontesta d-deċiżjoni tad-detentur tad-data li jissospendi l-kondiviżjoni tad-data, il-koordinatur tad-data għandu jiddeċiedi, f'perjodu ta' żmien raġonevoli, jekk il-kondiviżjoni tad-data għandhiex titkompla jew le, u jekk iva, jindika f'liema kundizzjonijiet.

9.  Id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 ma għandux jaffettwa b'mod ħażin id-drittijiet ta' suġġetti tad-data ta' oħrajn skont il-liġi applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tad-data.

Artikolu 6

Obbligi ta' riċevituri tad-data li jirċievu data fuq talba tal-utent

1.  Riċevitur tad-data għandu jipproċessa data li titqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu skont l-Artikolu 5 biss għall-finijiet u skont il-kundizzjonijiet miftiehma mal-utent, u meta jkun hemm konformità mal-kundizzjonijiet u mar-regoli kollha pprovduti mil-liġi applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tad-data, b'mod partikolari meta jkun hemm bażi ġuridika valida skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 u, meta rilevanti, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2016/679 u tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58/KE jkunu ssodisfati, u soġġett għad-drittijiet tas-suġġett tad-data sa fejn hija kkonċernata d-data personali. Ir-riċevituri tad-data għandu jħassar id-data meta din ma tibqax meħtieġa għall-iskop miftiehem, sakemm ma jkunx ġie miftiehem mod ieħor mal-utent.

2.  Ir-riċevitur tad-data ma għandux:

(a)  jagħmel l-eżerċitar tad-drittijiet jew l-għażliet tal-utenti indebitament diffiċli anki billi joffri għażliet lill-utenti b'mod mhux newtrali, jew iġiegħel, iqarraq jew jimmanipula bi kwalunkwe mod lill-utent, jew billi jimmina jew jippreġudika l-awtonomija, it-teħid ta' deċiżjonijiet jew l-għażliet tal-utent, inkluż permezz ta' interfaċċa diġitali mal-utent jew parti minnha, inklużi l-istruttura, id-disinn, il-funzjoni jew il-funzjonament tagħha;

(b)  juża d-data li jirċievi għat-tfassil tal-profil tal-persuni fiżiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 4, il-punt (4) tar-Regolament (UE) 2016/679, ħlief b'mod konformi ma' dak ir-Regolament;

(c)  jagħmel id-data ▌li jirċievi disponibbli għal parti terza oħra mingħajr ma tagħmel lill-utent konxju b'mod ċar u faċilment aċċessibbli u mingħajr ma tfittex il-permess kuntrattwali espliċitu tagħha mill-utent;

(d)  jagħmel id-data li jirċievi disponibbli għal impriża li tipprovdi servizzi ta' pjattaforma ewlenija, li għaliha, wieħed jew aktar minn dawn is-servizzi jkunu ġew maħtura bħala gwardjan skont l-Artikolu 3 tar-[Regolament (UE) 2022/1925 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali)];

(e)  juża d-data li jirċievi biex tiżviluppa prodott li jikkompeti mal-prodott li minnu toriġina d-data aċċessata jew tikkondividi d-data ma' parti terza oħra għal dak il-għan; ir-riċevituri tad-data ma għandhomx ukoll jużaw kwalunkwe data mhux personali ġġenerata mill-użu tal-prodott jew tas-servizz relatat biex jiksbu informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ekonomika, assi u metodi ta' produzzjoni jew użu mid-detentur tad-data li tista' timmina l-pożizzjoni kummerċjali tad-detentur tad-data fis-swieq li fihom huwa attiv id-detentur tad-data.

(ea)   juża d-data li jirċievi b'mod li jħalli impatt negattiv fuq is-sigurtà tal-prodott jew tas-servizz(i) relatat(i)

(eb)   fejn rilevanti, jinjora l-miżuri speċifiċi miftiehma mad-detentur tad-data jew mad-detentur tas-sigrieti kummerċjali skont l-Artikolu 5(8) ta' dan ir-Regolament u jikser il-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali;

(ec)   juża d-data biex ifixkel l-informazzjoni sensittiva dwar il-protezzjoni tal-infrastruttura kritika skont it-tifsira tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2008/114/KE.

2a.   Il-parti terza għandha r-responsabbiltà li tiżgura s-sigurtà u l-protezzjoni tad-data li tirċievi mingħand id-detentur tad-data.

Artikolu 7

L-ambitu tal-obbligi ta' kondiviżjoni tad-data bejn in-negozji u l-konsumaturi u bejn negozju u negozju

1.  L-obbligi ta' dan il-Kapitolu ma għandhomx japplikaw għall-intrapriżi li jikkwalifikaw bħala intrapriżi mikro jew żgħar, kif definit fl-Artikolu 2 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE, sakemm dawk l-intrapriżi ma jkollhomx intrapriżi sħab jew intrapriżi relatati kif definit fl-Artikolu 3 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE li ma jikkwalifikawx bħala intrapriżi mikro jew żgħar u fejn intrapriża mikro jew żgħira ma tkunx sottokuntrattata biex timmanifattura jew tiddiżinja prodott jew tipprovdi servizz relatat.

2.  Meta dan ir-Regolament jirreferi għal prodotti jew għal servizzi relatati, tali referenza għandha tinftiehem ukoll li tinkludi assistenti virtwali, dment li dawn jintużaw għall-aċċess jew għall-kontroll ta' prodott jew ta' servizz relatat.

KAPITOLU III

OBBLIGI GĦAD-DETENTURI TAD-DATA LEGALMENT OBBLIGATI LI JAGĦMLU D-DATA DISPONIBBLI

Artikolu 8

Il-kundizzjonijiet li taħthom id-detenturi tad-data jagħmlu d-data disponibbli għar-riċevituri tad-data ▌

1.  Meta detentur tad-data jkun obbligat li jagħmel id-data disponibbli għal riċevitur tad-data skont l-Artikolu 5 jew skont dritt ieħor tal-Unjoni jew skont leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-dritt tal-Unjoni, huwa għandu jiftiehem ma' riċevitur tad-data fuq l-modiltajiet li bihom jagħmel id-data disponibbli u għandu jagħmel dan skont termini ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji u b'mod trasparenti f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu u l-Kapitolu IV.

2.  ▌Terminu kuntrattwali li jikkonċerna l-aċċess għal u l-użu tad-data jew ir-responsabbiltà u r-rimedji għall-ksur jew għat-terminazzjoni ta' obbligi relatati mad-data ma għandux ikun vinkolanti jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13 jew jekk jeskludi l-applikazzjoni ta', jidderoga minn jew ivarja l-effett tad-drittijiet tal-utent skont il-Kapitolu II.

3.  Detentur tad-data ma għandux jiddiskrimina, fir-rigward tal-modalitajiet tal-kondiviżjoni tad-data, bejn kategoriji komparabbli ta' riċevituri tad-data, inklużi intrapriżi sħab jew intrapriżi relatati, kif definit fl-Artikolu 3 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE, tad-detentur tad-data, meta jagħmel id-data disponibbli. Meta riċevitur tad-data jkollu motivi raġjonevoli biex iqis li l-kundizzjonijiet li taħthom id-data tkun saret disponibbli għalih huma diskriminatorji, id-detentur tad-data għandu, mingħajr dewmien żejjed, jipprovdi lid-detentur tad-data bl-evidenza li turi li ma kien hemm l-ebda diskriminazzjoni.

5.  Id-detenturi tad-data u r-riċevituri tad-data ma għandhomx ikunu meħtieġa jipprovdu kwalunkwe informazzjoni lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex tiġi vverifikata l-konformità mat-termini kuntrattwali miftiehma biex id-data tkun magħmula disponibbli jew mal-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament jew dritt applikabbli ieħor tal-Unjoni jew leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-dritt tal-Unjoni.

5a.   Id-detenturi tad-data u r-riċevituri tad-data għandhom jieħdu l-miżuri legali, organizzattivi u tekniċi kollha meħtieġa biex jiżguraw is-sigurtà u l-integrità tat-trasferimenti tad-data.

6.  Sakemm ma jkunx previst mod ieħor mid-dritt tal-Unjoni, inkluż l-Artikoli 4(3), 5(8) u 6 ta' dan ir-Regolament, jew mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-dritt tal-Unjoni, obbligu li d-data tkun magħmula disponibbli għal riċevitur tad-data ma għandux jobbliga d-divulgazzjoni ta' sigrieti kummerċjali skont it-tifsira tad-Direttiva (UE) 2016/943.

Artikolu 9

Kumpens biex id-data tkun magħmula disponibbli

1.  Kwalunkwe kumpens miftiehem bejn detentur tad-data u riċevitur tad-data biex id-data ssir disponibbli f'relazzjonijiet bejn negozju u negozju għandu jkun nondiskriminatorju u raġonevoli. Detentur tad-data, riċevitur tad-data jew parti terza ma għandhomx jimponu direttament jew indirettament fuq il-konsumaturi jew is-suġġetti tad-data tariffa, kumpens jew kostijiet għall-kondiviżjoni tad-data jew għall-aċċess għaliha.

2.  Meta r-riċevitur tad-data jkun organizzazzjoni ta' riċerka bla skop ta' lukru jew SME, kif definit fl-Artikolu 2 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE, dment li dawk l-intrapriżi ma jkollhomx intrapriżi sħab jew intrapriżi assoċjati kif definiti fl-Artikolu 3 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE li ma jikkwalifikawx bħala SME, kwalunkwe kumpens miftiehem ma għandux jaqbeż il-kostijiet direttament relatati mal-għemil tad-data disponibbli għar-riċevitur tad-data u li huma attribwibbli għat-talba. L-Artikolu 8(3) għandu japplika kif xieraq. Fil-każ ta' SME, id-detentur tad-data għandu jinforma b'mod attiv dwar l-obbligu li tiġi provduta d-data preferibbilment abbażi ta' mudell ibbażat fuq il-kostijiet.

2a.   Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa linji gwida biex tiddetermina l-kriterji għall-kategoriji tal-ispejjeż relatati mat-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data, li għandhom ikunu l-bażi għall-għoti ta' kumpens skont il-paragrafu 1.

3.  Dan l-Artikolu ma għandux jipprekludi dritt ieħor tal-Unjoni jew leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-dritt tal-Unjoni milli teskludi l-kumpens għall-għemil disponibbli tad-data jew għall-provvediment għal kumpens aktar baxx.

4.  Id-detentur tad-data għandu jipprovdi lir-riċevitur tad-data b'informazzjoni li tistabbilixxi l-bażi għall-kalkolu tal-kumpens f'dettall suffiċjenti sabiex ir-riċevitur tad-data jkun jista' jivverifika li r-rekwiżiti tal-paragrafu 1 u, fejn applikabbli, tal-paragrafu 2 jiġu ssodisfati.

Artikolu 10

Soluzzjoni tat-tilwim

1.  L-utenti, d-detenturi tad-data u r-riċevituri tad-data għandu jkollhom aċċess għall-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim, iċċertifikati f'konformità mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, biex isolvu tilwim fir-rigward tas-sodisfar tal-obbligi tad-detenturi tad-data li jagħmlu d-data disponibbli għar-riċevitur tad-data, fuq talba tal-utent, id-determinazzjoni ta' termini ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji u fir-rigward tal-mod trasparenti kif id-data ssir disponibbli skont l-Artikoli 8, 9 u 13.

2.  L-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim għandu, fuq talba ta' dak il-korp, jiċċertifika l-korp, fejn il-korp ikun wera li jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)  ikun imparzjali u indipendenti, u joħroġ id-deċiżjonijiet tiegħu f'konformità ma' regoli ta' proċeduri ċari u ġusti;

(b)  ikollu l-għarfien espert meħtieġ fir-rigward tad-determinazzjoni ta' termini ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji u l-mod trasparenti kif id-data tkun magħmula disponibbli, li jippermetti lill-korp jiddetermina b'mod effettiv dawk it-termini;

(c)  ikun faċilment aċċessibbli permezz tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni elettronika;

(d)  ikun kapaċi jippreżenta d-deċiżjonijiet tiegħu b'mod rapidu, effiċjenti u kosteffettiv u b'mill-inqas lingwa waħda uffiċjali tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-korp.

Jekk l-ebda korp għas-soluzzjoni tat-tilwim ma jkun iċċertifikat fi Stat Membru sa [data tal-applikazzjoni tar-Regolament], dak l-Istat Membru għandu jistabbilixxi u jiċċertifika korp għas-soluzzjoni tat-tilwim li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) sa (d) ta' dan il-paragrafu.

3.  L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim iċċertifikati skont il-paragrafu 2. Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista ta' dawk il-korpi fuq sit web iddedikat u żżommha aġġornata.

4.  Il-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim għandhom jagħmlu t-tariffi, jew il-mekkaniżmi użati biex jiġu ddeterminati t-tariffi, magħrufa lill-partijiet ikkonċernati qabel ma dawk il-partijiet jitolbu deċiżjoni.

5.  Il-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim għandhom jirrifjutaw li jittrattaw talba biex isolvu tilwima li tkun diġà tressqet quddiem korp ieħor għas-soluzzjoni tat-tilwim jew quddiem qorti jew tribunal ta' Stat Membru.

6.  Il-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim għandhom jagħtu lill-partijiet il-possibbiltà, f'perjodu ta' żmien raġonevoli, li jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar kwistjonijiet li dawk il-partijiet ikunu ressqu quddiem dawk il-korpi. F'dak il-kuntest, il-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim għandhom jipprovdu lil dawk il-partijiet is-sottomissjonijiet tal-parti l-oħra u kwalunkwe dikjarazzjoni magħmula mill-esperti. Dawk il-korpi għandhom jagħtu lill-partijiet il-possibbiltà li jikkummentaw dwar dawk is-sottomissjonijiet u d-dikjarazzjonijiet.

7.  Il-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim għandhom joħorġu d-deċiżjoni tagħhom dwar kwistjonijiet riferuti lilhom mhux aktar tard minn 90 jum wara li tkun saret it-talba għal deċiżjoni. Dawk id-deċiżjonijiet għandhom ikunu bil-miktub jew fuq mezz durabbli u għandhom ikunu appoġġati minn dikjarazzjoni tar-raġunijiet li jappoġġaw id-deċiżjoni.

7a.   Il-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim għandhom jagħmlu r-rapporti annwali tal-attività disponibbli għall-pubbliku. Kull rapport annwali għandu jinkludi b'mod partikolari l-informazzjoni ġejja:

(a)   l-għadd ta' tilwim riċevuti;

(b)   aggragazzjoni tal-eżiti ta' dak it-tilwim;

(c)   iż-żmien medju meħtieġ għas-soluzzjoni tat-tilwim;

(d)   ir-raġunijiet l-aktar komuni li jwasslu għal tilwim bejn il-partijiet.

7b.   Sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni u l-aħjar prattiki, il-korp pubbliku għas-soluzzjoni tat-tilwim jista' jiddeċiedi li jinkludi rakkomandazzjonijiet dwar kif tali problemi jistgħu jiġu evitati jew solvuti.

8.  Id-deċiżjoni tal-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim għandha tkun vinkolanti biss fuq il-partijiet jekk il-partijiet ikunu taw kunsens espliċitu għan-natura vinkolanti tagħha qabel il-bidu tal-proċedimenti għas-soluzzjoni tat-tilwim.

9.  Dan l-Artikolu ma jaffettwax id-dritt tal-partijiet li jfittxu rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal ta' Stat Membru.

Artikolu 11

Miżuri tekniċi ta' protezzjoni u dispożizzjonijiet dwar l-użu jew id-divulgazzjoni mhux awtorizzati tad-data

1.  Id-detentur tad-data jista' japplika miżuri ta' protezzjoni tekniċi xierqa, inklużi l-kuntratti intelliġenti u l-kriptaġġ, biex jipprevjeni divulgazzjoni u aċċess mhux awtorizzati għad-data, inkluża l-metadata, u biex jiżgura l-konformità mal-Artikoli 4, 5, 6, 8, 9 u 10, kif ukoll mat-termini kuntrattwali miftiehma biex id-data tkun magħmula disponibbli. Tali miżuri ta' protezzjoni tekniċi la għandhom jiddiskriminaw bejn ir-riċevituri tad-data u lanqas ma jistakolaw id-dritt tal-utent li b'mod effettiv jikseb kopja, jirkupra, juża jew jaċċessa data jew jipprovdi data lil partijiet terzi skont l-Artikolu 5 jew kwalunkwe dritt ta' parti terza skont id-dritt tal-Unjoni jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-dritt tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 8(1). Meta utent jew detentur tad-data jipprovdi evidenza rilevanti tanġibbli għal użu illegali jew divulgazzjoni mhux awtorizzati lil parti terza mir-riċevitur tad-data, ir-riċevitur tad-data għandu, fuq talba tal-utent jew tad-detentur tad-data, jipprovdi informazzjoni dwar kif intużat id-data, jew ma' min ġiet kondiviża.

2.  Fejn riċevitur tad-data li, għall-finijiet tal-kisba tad-data, ipprovda informazzjoni ▌falza lid-detentur tad-data, uża mezzi qarrieqa jew koerċittivi jew abbuża minn lakuni evidenti fl-infrastruttura teknika tad-detentur tad-data mfassla biex tipproteġi d-data, uża d-data magħmula disponibbli għal skopijiet mhux awtorizzati, inkluż l-iżvilupp ta' prodott f'kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 6(2)(e) jew iddivulga illegalment data lil parti oħra, ir-riċevitur tad-data għandu jkun responsabbli għad-danni kkawżati lill-parti li ssofri minħabba l-użu żbaljat jew d-divulgazzjoni ta' tali data u għandu mingħajr dewmien żejjed, jikkonforma mat-talbiet tad-detentur tad-data jew tad-detentur ta' sigriet kummerċjali meta ma jkunux l-istess persuna legali biex:

(a)  iħassar d-data magħmula disponibbli ▌u kwalunkwe kopja tagħha;

(b)  itemm il-produzzjoni, l-offerta, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta' oġġetti, data derivattiva jew servizzi prodotti abbażi tal-għarfien miksub permezz ta' tali data, jew l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew il-ħżin ta' oġġetti li jiksru l-liġi għal dawk l-għanijiet, u jeqred kwalunkwe oġġett li jikser il-liġi.

(ba)   jinforma lill-utent bi kwalunkwe użu jew divulgazzjoni mhux awtorizzati tad-data kif ukoll bil-miżuri meħuda biex dan jintemm.

(bb)   tinnotifika lid-detentur tad-data dwar id-divulgazzjoni ta' tali data.

2a.   L-utent għandu jgawdi l-istess prerogattivi bħad-detentur tad-data, u r-riċevitur tad-data u għandu jkollu l-istess obbligi bħal dawk iddikjarati fil-paragrafu 2 meta r-riċevitur tad-data jkun kiser l-Artikolu 6(2)(a) u (b).

Artikolu 12

L-ambitu tal-obbligi għad-detenturi tad-data obbligati legalment li jagħmlu d-data disponibbli

1.  Dan il-Kapitolu għandu japplika meta detentur tad-data jkun obbligat skont l-Artikolu 5, jew skont id-dritt tal-Unjoni jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-dritt tal-Unjoni, li jagħmel id-data disponibbli għal riċevitur tad-data.

2.  Kwalunkwe terminu kuntrattwali fi ftehim dwar il-kondiviżjoni tad-data li, għad-detriment ta' parti waħda, jew, fejn applikabbli, għad-detriment tal-utent, jeskludi l-applikazzjoni ta' dan il-Kapitolu, jidderoga minnu, jew ivarja l-effett tiegħu, għandu jkun null.

2a.   Kwalunkwe terminu kuntrattwali fi ftehim dwar il-kondiviżjoni tad-data bejn id-detenturi tad-data u r-riċevituri tad-data li, għad-detriment tas-suġġetti tad-data, jipperikola l-applikazzjoni tad-drittijiet tagħhom għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data, jidderoga minnu, jew ivarja l-effett tiegħu, għandu jkun null.

3.  Dan il-Kapitolu għandu japplika biss fir-rigward tal-obbligi li d-data tkun magħmula disponibbli skont id-dritt tal-Unjoni jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-dritt tal-Unjoni, li jidħlu fis-seħħ wara [data tal-applikazzjoni tar-Regolament].

KAPITOLU IV

TERMINI INĠUSTI RELATATI MAL-AĊĊESS GĦAD-DATA U L-UŻU BEJN L-INTRAPRIŻI

Artikolu 13

Termini kuntrattwali inġusti imposti unilateralment fuq intrapriża ▌

1.  Terminu kuntrattwali, dwar l-aċċess għal u l-użu ta' data jew ir-responsabbiltà u r-rimedji għall-ksur jew it-terminazzjoni ta' obbligi relatati mad-data li jkunu ġew imposti unilateralment minn intrapriża fuq intrapriża oħra ma għandux ikun vinkolanti fuq l-intrapriża tal-aħħar, ir-riċevitur tad-data jew l-utent tad-data, respettivament, jekk ikun inġust.

1a.   Terminu kuntrattwali ma għandux jitqies inġust meta jirriżulta mil-liġi applikabbli tal-Unjoni.

2.  Terminu kuntrattwali huwa inġust jekk ikun ta' tali natura li oġġettivament ifixkel il-kapaċità tal-parti li fuqha jkun ġie impost it-terminu unilateralment li jipproteġi l-interess kummerċjali leġittimu tiegħu fid-data inkwistjoni jew jekk l-użu tiegħu jiddevja b'mod kbir minn prattika kummerċjali tajba fl-aċċess u fl-użu tad-data, għall-kuntrarju ta' negozjar bona fide u ġust jew jekk joħloq żbilanċ sinifikanti bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt.

3.  Terminu kuntrattwali huwa inġust għall-finijiet ta' dan l-Artikolu jekk l-għan jew l-effett tiegħu jkun li:

(a)  jeskludi jew jillimita r-responsabbiltà tal-parti li imponiet unilateralment it-terminu għal atti intenzjonali jew għal negliġenza serja;

(b)  jeskludi r-rimedji disponibbli għall-parti li fuqha ġie impost it-terminu unilateralment fil-każ ta' nuqqas ta' eżekuzzjoni ta' obbligi kuntrattwali jew ir-responsabbiltà tal-parti li imponiet it-terminu unilateralment fil-każ ta' ksur ta' dawk l-obbligi;

(c)  jagħti lill-parti li imponiet it-terminu unilateralment, id-dritt esklużiv li tiddetermina jekk id-data pprovduta hijiex konformi mal-kuntratt jew li tinterpreta kwalunkwe terminu tal-kuntratt.

4.  Terminu kuntrattwali huwa preżunt inġust għall-finijiet ta' dan l-Artikolu jekk l-għan jew l-effett tiegħu jkun li:

(a)  jillimita b'mod mhux xieraq ir-rimedji fil-każ ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligi kuntrattwali jew ir-responsabbiltà fil-każ ta' ksur ta' dawk l-obbligi;

(b)  jippermetti lill-parti li imponiet unilateralment it-terminu għall-aċċess u għall-użu ta' data tal-parti kontraenti l-oħra b'mod li jkun ta' detriment sinifikanti għall-interessi leġittimi tal-parti kontraenti l-oħra, anki meta tali data jkun fiha data kummerċjalment sensittiva jew tkun protetta minn sigrieti kummerċjali jew minn drittijiet ta' proprjetà intellettwali, mingħajr il-kunsens minn qabel tal-partijiet rilevanti;

(c)  jipprevjeni lill-parti li t-terminu jkun ġie impost fuqha unilateralment milli tuża d-data kkontribwita jew iġġenerata minn dik il-parti matul il-perjodu tal-kuntratt, jew li tillimita l-użu ta' tali data sal-punt li dik il-parti ma tkunx intitolata li tuża, tiġbor, taċċessa jew tikkontrolla tali data jew tisfrutta l-valur ta' tali data b'mod proporzjonat;

(ca)   jimponi l-għażla unilaterali tal-ġurisdizzjoni kompetenti jew il-ħlas tal-ispiża relatata mal-proċedura;

(cb)   jipprevjeni lill-parti li t-terminu jkun ġie impost fuqha unilateralment milli ttemm il-ftehim f'perjodu raġonevoli ta' żmien.

(d)  jipprevjeni lill-parti li t-terminu jkun ġie impost fuqha unilateralment milli tikseb kopja tad-data kkontribwita jew iġġenerata minn dik il-parti matul il-perjodu tal-kuntratt jew f'perjodu raġonevoli wara t-terminazzjoni tiegħu;

(e)  jippermetti lill-parti li imponiet it-terminu unilateralment biex tvarja sostanzjalment il-prezz bil-quddiem pagabbli skont il-kuntratt, jew kwalunkwe kundizzjoni sostanzjali oħra dwar id-data li għandha tiġi kondiviża, mingħajr id-dritt tal-parti l-oħra li ttemm il-kuntratt, jew jippermetti lill-parti li imponiet unilateralment it-terminu biex ittemm il-kuntratt b'avviż qasir b'mod mhux raġonevoli, filwaqt li jitqiesu l-possibbiltajiet raġonevoli tal-parti kontraenti l-oħra li taqleb għal servizz alternattiv u komparabbli u d-dannu finanzjarju kkawżat minn tali terminazzjoni, ħlief fejn ikun hemm raġunijiet serji biex tagħmel dan.

5.  Terminu kuntrattwali għandu jitqies bħala impost unilateralment skont it-tifsira ta' dan l-Artikolu jekk ikun ġie fornut minn parti kontraenti waħda u l-parti kontraenti l-oħra ma setgħetx tinfluwenza l-kontenut tiegħu minkejja tentattiv biex dan jiġi nnegozjat. Il-parti kontraenti li pprovdiet terminu kuntrattwali għandha l-oneru li tagħti provi li dak it-terminu ma ġiex impost unilateralment.

6.  Meta t-terminu kuntrattwali inġust ikun jista' jkun magħmul indipendenti mit-termini li jifdal tal-kuntratt, dawk it-termini li jifdal għandhom jibqgħu vinkolanti.

6a.   Il-parti li pprovdiet il-klawżola kkontestata ma tistax targumenta li t-terminu huwa terminu inġust.

7.  Dan l-Artikolu ma japplikax għal termini kuntrattwali li jiddefinixxu s-suġġett ewlieni tal-kuntratt jew m'għandux għal termini kuntrattwali li jiddeterminaw il-prezz li għandu jitħallas.

8.  Il-partijiet għal kuntratt kopert mill-paragrafu 1 ma għandhomx jeskludi l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, jidderogaw minnu, jew ivarjaw l-effetti tiegħu.

8a.   Dan l-Artikolu għandu japplika għall-kuntratti ġodda kollha wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament ... [. In-negozji għandhom jingħataw tliet snin wara dik id-data biex jirrevedu l-obbligi kuntrattwali eżistenti li huma soġġetti għal dan ir-Regolament.

8b.   Minħabba r-rapidità tal-innovazzjonijiet fis-swieq, il-lista ta' termini kuntrattwali inġusti fl-Artikolu 13 għandha tiġi riveduta regolarment mill-Kummissjoni Ewropea u tiġi adattata għal prattiki kummerċjali ġodda skont il-bżonn.

KAPITOLU V

ID-DISPONIBBILTÀ TAD-DATA GĦALL-KORPI TAS-SETTUR PUBBLIKU U GĦALL-ISTITUZZJONIJIET, L-AĠENZIJI JEW IL-KORPI TAL-UNJONI ABBAŻI TA' ĦTIEĠA EĊĊEZZJONALI

Artikolu 14

Obbligu li d-data ssir disponibbli abbażi ta' ħtieġa eċċezzjonali

1.  Fuq talba debitament ġustifikata u limitata fiż-żmien, detentur tad-data li jkun persuna ġuridika għandu jagħmel id-data disponibbli għal korp tas-settur pubbliku jew għal istituzzjoni, aġenzija jew korp tal-Unjoni li juri ħtieġa eċċezzjonali li juża d-data mitluba.

2.  Dan il-Kapitolu ma għandux japplika għall-intrapriżi żgħar u mikro kif definiti fl-Artikolu 2 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE.

2a.   Dan il-Kapitolu ma għandux jipprekludi arranġamenti volontarji bejn in-negozji u l-entitajiet tas-settur pubbliku u l-istituzzjonijiet, l-aġenziji jew il-korpi tal-unjoni għall-kondiviżjoni tad-data għall-fini tal-għoti ta' servizzi pubbliċi, inkluż għal ħtiġijiet eċċezzjonali jekk stipulati fil-kuntratti tagħhom.

Artikolu 15

Ħtieġa eċċezzjonali li juża d-data

Ħtieġa eċċezzjonali li juża d-data mhux personali skont it-tifsira ta' dan il-Kapitolu għandha tkun limitata fiż-żmien u l-ambitu u titqies li teżisti biss fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)  meta d-data mitluba tkun meħtieġa sabiex tiġi indirizzata ▌emerġenza pubblika;

(b)  f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, meta l-korp tas-settur pubbliku jew l-istituzzjoni, l-aġenzija jew il-korp tal-Unjoni jkun qed jaġixxi abbażi tal-liġi tal-UE jew dik nazzjonali u jkun identifika data speċifika, li ma tkunx disponibbli għalih u li tkun meħtieġa biex iwettaq kompitu speċifiku fl-interess pubbliku previst b'mod espliċitu mil-liġi, bħall-prevenzjoni u l-irkupru minn emerġenza pubblika, u li għaliha l-korp tas-settur pubbliku jew l-istituzzjoni, l-aġenzija jew il-korp tal-Unjoni, l-aġenzija jew korp tal-Unjoni ma seta' b'xejn jikseb kwalunkwe elementi minn dawn li ġejjin: ftehimiet volontarji; billi jixtru d-data fis-suq jew iserrħu fuq l-obbligi eżistenti biex id-data ssir disponibbli.

Artikolu 15a

Punt uniku għat-trattament tat-talbiet ta' korpi tas-settur pubbliku

1.   Il-koordinatur tad-data maħtur skont l-Artikolu 31 għandu jkun responsabbli għall-koordinazzjoni tat-talbiet fis-sens tal-Artikolu 14(1) mill-korpi settorjali tal-Istat Membru kkonċernat, sabiex jiġi żgurat li t-talbiet jissodisfaw ir-rekwiżit stabbiliti f'dan il-Kapitolu u għandu jittrażmettihom lid-detentur tad-data. Huwa għandu jevita talbiet multipli minn korpi differenti tas-settur pubbliku fit-territorju tagħhom lill-istess detentur tad-data.

2.   L-Istati Membri għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda skont l-Artikolu 14(1).

3.   Meta l-korpi tas-settur pubbliku jew l-istituzzjonijiet, l-aġenziji jew il-korpi tal-Unjoni jirrikjedu data mill-istess detentur tad-data f'aktar minn Stat Membru wieħed abbażi ta' ħtieġa eċċezzjonali prevista fl-Artikolu 14(1), l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw f'konformità mal-Artikolu 22 biex jikkoordinaw it-talbiet tagħhom fejn ikun meħtieġ li jiġi minimizzat il-piż amministrattiv fuq id-detenturi tad-data.

4.   Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa mudell għat-talbiet skont l-Artikolu 17.

Artikolu 16

Ir-relazzjoni ma' obbligi oħra biex id-data ssir disponibbli għall-korpi tas-settur pubbliku u għall-istituzzjonijiet, għall-aġenziji u għall-korpi tal-Unjoni

1.  Dan il-Kapitolu ma għandux jaffettwa l-obbligi stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali għall-finijiet tar-rapportar, il-konformità mat-talbiet għal informazzjoni jew il-wiri jew il-verifika tal-konformità mal-obbligi legali.

2.  Dan il-Kapitolu ma għandux japplika għall-korpi tas-settur pubbliku u istituzzjonijiet, aġenziji u korpi tal-Unjoni li jwettqu attivitajiet għall-prevenzjoni, għall-investigazzjoni, għall-individwazzjoni jew għall-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew amministrattivi jew għall-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, jew għall-amministrazzjoni doganali jew tat-tassazzjoni. Dan il-Kapitolu ma jaffettwax il-liġi applikabbli tal-Unjoni u dik nazzjonali dwar il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejba jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew amministrattivi jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali jew amministrattivi, jew għall-amministrazzjoni doganali jew tat-tassazzjoni.

2a.   L-intrapriżi li jidħlu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan il-Kapitolu għandhom jinfurmaw lill-utenti tagħhom dwar il-possibbiltà li d-data tista' tiġi kondiviża fil-każ ta' ċirkustanzi eċċezzjonali.

Artikolu 17

Talbiet għal data li trid tkun magħmula disponibbli

1.  F'talba għal data skont l-Artikolu 14(1), korp tas-settur pubbliku jew istituzzjoni, aġenzija jew korp tal-Unjoni għandu:

(a)  jifformula t-talba għal data fl-ambitu tal-kompetenzi tiegħu u jispeċifika liema settijiet ta' data huma meħtieġa;

(b)  juri l-ħtieġa eċċezzjonali li għaliha tintalab id-data u l-konformità mal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15;

(c)  jispjega l-iskop tat-talba, l-użu maħsub tad-data mitluba, u t-tul ta' dak l-użu;

(ca)   jispeċifika, jekk possibbli, meta d-data hija mistennija li titħassar mill-partijiet kollha li għandhom aċċess għaliha;

(cb)   jiġġustifika l-għażla tad-detentur tad-data li lilu tkun indirizzata t-talba;

(cc)   jispeċifika kwalunkwe korp tas-settur pubbliku, istituzzjoni, aġenzija jew korpi tal-Unjoni oħra u l-partijiet terzi li magħhom se tiġi kondiviża d-data mitluba;

(cd)   jiddivulga l-identità tal-parti terza msemmija fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, u fl-Artikolu 21 ta' dan ir-Regolament.

(ce)   japplika l-miżuri ta' sigurtà tal-ICT rilevanti kollha li jikkonċernaw it-trasferiment u l-ħżin tad-data;

(d)  jiddikjara l-bażi ġuridika għat-talba tad-data;

(da)   jispeċifika l-limiti ġeografiċi li japplikaw għat-talba għad-data;

(e)  jispeċifika l-iskadenza sa meta d-data għandha ssir disponibbli u l-perjodu li fih id-detentur tad-data jista' jitlob lill-korp tas-settur pubbliku, lill-istituzzjoni, lill-aġenzija jew lill-korp tal-Unjoni biex jimmodifika jew jirtira t-talba;

(ea)   jissottometti dikjarazzjoni dwar it-trattament legali u sigur tad-data mitluba, inkluża l-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali;

(eb)   jiżguraw li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data ma jpoġġix lid-detentur tad-data f'sitwazzjoni li tikser il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali jew titfa' r-responsabbiltà fuq id-detentur tad-data għal kwalunkwe ksur jew dannu li jirriżulta mill-aċċess għad-data li jkun intalab minn korp tas-settur pubbliku jew istituzzjoni, aġenzija jew korp tal-Unjoni.

2.  Talba għal data magħmula skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha:

(a)  issir bil-miktub u tiġi espressa b'lingwaġġ ċar, konċiż u sempliċi li jinftiehem mid-detentur tad-data;

(aa)   titressaq tramite l-awtorità kompetenti;

(ab)   tkun speċifika fir-rigward tat-tip ta' data mitluba u tikkorrispondi għal data li d-detentur tad-data bħalissa qed għandu disponibbli fil-ħin tat-talba,

(b)  tkun iġġustifikata u proporzjonali għall-ħtieġa eċċezzjonali, f'termini tal-granularità u l-volum tad-data mitluba u l-frekwenza tal-aċċess tad-data mitluba;

(c)  tirrispetta l-għanijiet leġittimi tad-detentur tad-data, filwaqt li tqis il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali u l-kost u l-isforz meħtieġa biex id-data ssir disponibbli. Fejn applikabbli, speċifika l-miżuri li għandhom jittieħdu skont l-Artikolu 19(2) biex tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali, inkluż, skont kif ikun xieraq, permezz tal-użu ta' mudell ta' termini kuntrattwali, standards tekniċi u kodiċijiet ta' kondotta;

(d)  tikkonċerna biss data mhux personali;

(e)  tinforma lid-detentur tad-data dwar il-penali li għandhom jiġu imposti skont l-Artikolu 33 minn koordinatur tad-data msemmi fl-Artikolu 31 fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mat-talba;

(f)  tiġi trażmessa lill-koordinatur tad-data msemmi fl-Artikolu 31, li għandu jagħmel it-talba disponibbli għall-pubbliku online mingħajr dewmien żejjed. il-koordinatur tad-data jista' jinforma lill-korp tas-settur pubbliku jew lill-istituzzjoni, l-aġenzija jew il-korp tal-Unjoni jekk id-detentur tad-data jkunx diġà pprovda d-data mitluba b'rispons għal talba sottomessa qabel għall-istess skop minn korp tas-settur pubbliku jew istituzzjoni, aġenzija jew korp tal-Unjoni oħrajn.

3.  Korp tas-settur pubbliku jew istituzzjoni, aġenzija jew korp tal-Unjoni ma għandux jagħmel id-data miksuba skont dan il-Kapitolu disponibbli għall-użu mill-ġdid skont it-tifsira tad-Direttiva (UE) 2019/1024 u r-Regolament (UE) 2022/868. Id-Direttiva (UE) 2019/1024 u r-Regolament (UE) 2022/868 ma għandhomx japplikaw għad-data miżmuma mill-korpi tas-settur pubbliku miksuba skont dan il-Kapitolu.

4.  Il-paragrafu 3 ma jipprekludix lil korp tas-settur pubbliku jew lil istituzzjoni, lil aġenzija jew lil korp tal-Unjoni milli jiskambja data miksuba skont dan il-Kapitolu ma' korp ieħor tas-settur pubbliku, istituzzjoni, aġenzija jew korp tal-Unjoni, sabiex itemm il-kompiti fl-Artikolu 15 li kienu ġew inklużi fit-talba skont il-paragrafu 1(cc), jew li jagħmel id-data disponibbli għal parti terza f'każijiet fejn ikun esternalizza, permezz ta' ftehim disponibbli għall-pubbliku, spezzjonijiet tekniċi jew funzjonijiet oħra lil din il-parti terza. Huwa għandu jorbot lill-parti terza kuntrattwalment biex ma tużax id-data għal kwalunkwe skop ieħor u ma tikkondividix din id-data ma' partijiet terzi oħra. Meta korp tas-settur pubbliku jew istituzzjoni, aġenzija jew korp tal-Unjoni jittrażmetti jew jagħmel id-data disponibbli skont dan il-paragrafu, huwa għandu jinnotifika lid-detentur tad-data li mingħandu tkun waslet id-data mingħajr dewmien żejjed. Fi żmien 5 ijiem tax-xogħol minn dik in-notifika, id-detentur tad-data għandu jkollu d-dritt li jippreżenta oġġezzjoni motivata għal tali trażmissjoni jew li jagħmel id-data disponibbli. Fil-każ ta' rifjut tal-oġġeżżjoni motivata mill-korp tas-settur pubbliku, id-detentur tad-data jista' jressaq il-kwistjoni quddiem l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 31. Il-korpi tas-settur pubbliku, l-istituzzjonijiet, l-aġenziji jew il-korpi tal-Unjoni u partijiet terzi riċeventi għandhom jissodisfaw l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 19.

Id-data miksuba skont dan il-kapitolu għandha tintuża biss għall-iskop speċifikat fit-talba. Il-korpi tas-settur pubbliku, l-istituzzjonijiet, l-aġenziji jew il-korpi tal-Unjoni għandhom jorbtu kuntrattwalment lill-partijiet terzi li magħhom ikunu qablu li jikkondividu d-data skont il-paragrafu 4 li ma jużawx id-data għal kwalunkwe skop ieħor u li ma jaqsmuhiex ma' partijiet oħra.

Artikolu 18

Il-konformità mat-talbiet għad-data

1.  Detentur ta' data li jirċievi talba għal aċċess għad-data skont dan il-Kapitolu għandu jagħmel id-data disponibbli għall-korp tas-settur pubbliku jew istituzzjoni, aġenzija jew korp tal-Unjoni rikjedenti jagħmel disponibbli, it also meaning mingħajr dewmien żejjed, filwaqt li jqis il-provvista taż-żmien għall-miżuri tekniċi, organizzattivi u legali meħtieġa.

2.  Mingħajr preġudizzju għall-ħtiġijiet speċifiċi rigward id-disponibbiltà tad-data definiti fil-leġiżlazzjoni settorjali, id-detentur tad-data jista' jirrifjuta jew ifittex il-modifika tat-talba fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara li jirċievi talba għad-data meħtieġa bħala tweġiba għal emerġenza pubblika u fi żmien 30-il jum tax-xogħol f'każijiet oħra ta' ħtieġa eċċezzjonali, għal waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(a)  id-data ma tkunx disponibbli għad-detentur tad-data fil-mument tat-talba;

(aa)   sakemm il-miżuri ta' sigurtà li jikkonċernaw it-trasferiment, il-ħżin u ż-żamma tal-kunfidenzjalità ma jkunux biżżejjed;

(ab)   talba simili tkun ġiet sottomessa qabel għall-istess għan minn korp ieħor tas-settur pubbliku jew minn istituzzjoni, aġenzija jew korp tal-Unjoni u d-detentur tad-data ma jkunx ġie nnotifikat bil-qerda tad-data skont l-Artikolu 19(1)(c);

(b)  it-talba ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 17(1) u (2).

4.  Jekk id-detentur tad-data jiddeċiedi li jirrifjuta t-talba jew li jfittex il-modifika tagħha f'konformità mal-paragrafu 3, huwa għandu jindika l-identità tal-korp tas-settur pubbliku jew tal-aġenzija jew tal-korp tal-istituzzjoni tal-Unjoni li preċedentement ikunu ppreżentaw talba għall-istess għan.

5.  Meta l-konformità mat-talba biex id-data tkun magħmula disponibbli għal korp tas-settur pubbliku jew għal istituzzjoni, aġenzija jew korp tal-Unjoni teħtieġ id-divulgazzjoni ta' data personali, id-detentur tad-data għandu ▌jipsewdonimizza d-data personali li għandha ssir disponibbli.

6.  Meta l-korp tas-settur pubbliku jew l-istituzzjoni, l-aġenzija jew il-korp tal-Unjoni jkun jixtieq jikkontesta r-rifjut tad-detentur tad-data li jipprovdi d-data mitluba, jew li jfittex modifika tat-talba, jew meta d-detentur tad-data jkun jixtieq jikkontesta t-talba, il-kwistjoni tista' titressaq quddiem il-koordinatur tad-data msemmi fl-Artikolu 31, mingħajr preġudizzju għad-dritt li titressaq tilwima quddiem qorti ċivili jew amministrattiva, skont il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali applikabbli.

Artikolu 19

L-obbligi tal-korpi tas-settur pubbliku u tal-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-Unjoni

1.  Korp tas-settur pubbliku jew istituzzjoni, aġenzija jew korp tal-Unjoni li jkun irċieva data wara talba magħmula skont l-Artikolu 14 u organizzazzjonijiet tal-istatistika jew tar-riċerka li tirċievi data skont talba magħmula taħt l-Artikolu 21(1) għandu:

(b)  jimplimenta, sa fejn ikun meħtieġ l-ipproċessar ta' data personali, miżuri tekniċi u organizzazzjonali li jissalvagwardjaw id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data u jiggarantixxu livell għoli ta' sigurtà u jipprevjenu d-divulgazzjoni mhux awtorizzata tad-data;

(ba)   jimplimenta l-miżuri tekniċi u organizzattivi neċessarji għall-ġestjoni tar-riskji ċibernetiċi li jistgħu jaffettwaw il-kunfidenzjalità, l-integrità jew id-disponibbiltà tad-data mitluba;

(bb)   jinnotifika lid-detentur tad-data li mingħandu jkun irċieva d-data dwar kwalunkwe inċident taċ-ċibersigurtà li jaffettwa l-kunfidenzjalità, l-integrità, jew id-disponibbiltà tad-data riċevuta malajr kemm jista' jkun iżda mhux aktar tard minn 72 siegħa wara li jkun iddetermina li l-inċident ikun seħħ mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' rapportar previsti fir-Regolament (UE) XXX/XXXX (EUIBAL) u d-Direttiva (UE) 2022/2555. Dawk l-entitajiet għandhom ikunu responsabbli għad-danni minħabba ksur taċ-ċibersigurtà jekk ma jkunux implimentaw il-miżuri previsti fil-paragrafu 1(ba);

(c)  iħassar id-data hekk kif din ma tibqax meħtieġa għall-iskop iddikjarat u jinforma mingħajr dewmien żejjed lid-detentur tad-data li d-data tħassret.

1a.   Korp tas-settur pubbliku, istituzzjoni, aġenzija, korp tal-Unjoni, jew parti terza li jirċievu data taħt dan il-Kapitolu ma għandhomx:

(a)   jużaw id-data biex jiżviluppaw prodott jew servizz li jikkompeti mal-prodott jew is-servizz jew itejbu prodott jew servizz eżistenti li minnu toriġina d-data aċċessata;

(b)   jiksbu informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ekonomika, l-assi u l-metodi ta' produzzjoni jew operazzjoni tad-detentur tad-data, jew jaqsmu d-data ma' parti terza oħra għal dak il-għan; jew

(c)   jikkondividu d-data ma' parti terza oħra għal kwalunkwe wieħed minn dawk l-iskopijiet.

2.  Id-divulgazzjoni ta' sigrieti kummerċjali ▌lil korp tas-settur pubbliku jew lil istituzzjoni, aġenzija jew korp tal-Unjoni għandha tkun meħtieġa biss sal-punt fejn ikun strettament meħtieġ biex jintlaħaq l-iskop tat-talba prevista fl-Artikolu 15. F'każ bħal dan, id-detentur tad-data għandu jidentifika d-data li tkun protetta bħala sigrieti kummerċjali. Il-korp tas-settur pubbliku jew l-istituzzjoni, l-aġenzija jew il-korp tal-Unjoni għandhom jieħdu bil-quddiem il-miżuri tekniċi u organizzattivi kollha meħtieġa u xierqa miftiehma mad-detentur tad-data jew mad-detentur tas-sigrieti kummerċjali jekk dawn ma jkunux simultanjament l-istess persuna ġuridika, biex jippreservaw il-kunfidenzjalità ta' dawk is-sigrieti kummerċjali inkluż, skont kif ikun xieraq, permezz tal-użu ta' mudell tat-termini kuntrattwali, standards tekniċi u l-applikazzjoni ta' kodiċijiet ta' kondotta.

2a.   Meta korp tas-settur pubbliku jew istituzzjoni, aġenzija jew korp tal-Unjoni jittrażmettu jew jagħmlu d-data disponibbli għal partijiet terzi biex iwettqu l-kompiti li jkunu ġew esternalizzati lilhom bħala riżultat tal-esternalizzazzjoni ta' spezzjonijiet tekniċi jew funzjonijiet oħra skont l-Artikolu 17(4), is-sigrieti kummerċjali kif identifikati mid-detentur tad-data, għandhom jiġu ddivulgati biss sal-punt li jkunu strettament meħtieġa għall-parti terza biex twettaq il-kompiti li jkunu ġew esternalizzati u dment li l-miżuri speċifiċi neċessarji kollha miftiehma bejn id-detentur tad-data u l-parti terza jittieħdu minn qabel, inklużi miżuri tekniċi u organizzattivi biex tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità ta' dawk is-sigrieti kummerċjali, inkluż, skont kif ikun xieraq, permezz tal-użu ta' termini kuntrattwali mudell, standards tekniċi u l-applikazzjoni ta' kodiċijiet ta' kondotta.

2b.   F'każijiet meta l-korp tas-settur pubbliku jew l-istituzzjoni, l-aġenzija jew il-korp tal-Unjoni li jkunu ssottomettew it-talba għad-data jew il-parti terza li għaliha tkun saret disponibbli d-data skont l-Artikolu 17(4) jonqsu milli jimplimentaw dawk il-miżuri jew jimminaw il-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali, id-detentur tad-data għandu jkun jista' jissospendi l-kondiviżjoni tad-data identifikata bħala sigrieti kummerċjali. F'każijiet bħal dawn, id-detentur tad-data għandu jinnotifika minnufih lill-koordinatur tad-data tal-Istat Membru li fih ikun stabbilit id-detentur tad-data, skont l-Artikolu 31, li jkun issospenda l-kondiviżjoni tad-data u jidentifika liema miżuri ma ġewx implimentati jew liema sigrieti kummerċjali kellhom il-kunfidenzjalità tagħhom imminata. Meta l-korp tas-settur pubbliku jew l-istituzzjoni, l-aġenzija jew il-korp tal-Unjoni jew il-parti terza jkunu jixtiequ jikkontestaw id-deċiżjoni tad-detentur tad-data li jissospendi l-kondiviżjoni tad-data, il-koordinatur tad-data għandu jiddeċiedi, f'perjodu ta' żmien raġonevoli, jekk il-kondiviżjoni tad-data għandhiex titkompla jew le, u jekk iva, jindika skont liema kundizzjonijiet.

2c.   Korp tas-settur pubbliku jew istituzzjoni, aġenzija jew korp tal-Unjoni għandhom ikunu responsabbli għas-sigurtà tad-data li jirċievu.

2d.   Korp tas-settur pubbliku jew istituzzjoni, aġenzija jew korp tal-Unjoni għandhom jinnotifikaw lid-detentur tad-data f'każ ta' ksur tas-sigurtà malajr kemm jista' jkun, iżda mhux aktar tard minn 48 siegħa wara.

Artikolu 20

Kumpens f'każijiet ta' ħtieġa eċċezzjonali

1.  Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-liġi tal-UE jew dik nazzjonali, id-data magħmula disponibbli biex twieġeb għal emerġenza pubblika skont l-Artikolu 15(a), għandha tiġi pprovduta mingħajr ħlas. Il-korp tas-settur pubbliku jew l-istituzzjoni, l-aġenzija jew il-korp tal-Unjoni li jkunu rċevew data għandhom jagħtu rikonoxximent pubbliku lid-detenturi tad-data, jekk meħtieġ mid-detentur tad-data.

2.  Id-detentur tad-data għandu jkun intitolat għal renumerazzjoni ġusta talli jagħmel id-data disponibbli f'konformità ma' talba magħmula skont l-Artikolu 15, punt b, u tali kumpens għandu mill-inqas ikopri l-ispejjeż tekniċi u organizzazzjonali mġarrba għall-konformità mat-talba inkluż, fejn applikabbli, l-ispejjeż tal-anonimizzazzjoni u tal-adattament tekniku, flimkien ma' marġni raġonevoli. Fuq talba tal-korp tas-settur pubbliku jew tal-istituzzjoni, tal-aġenzija jew tal-korp tal-Unjoni li jitlob id-data, id-detentur tad-data għandu jipprovdi informazzjoni abbażi tal-kalkolu tal-kostijiet u tal-marġni raġonevoli.

2a.   Fejn il-korp tas-settur pubbliku jew l-istituzzjoni, l-aġenzija jew il-korp tal-Unjoni jixtiequ jikkontestaw il-livell ta' renumerazzjoni mitlub mid-detentur tad-data, il-kwistjoni għandha tinġieb għall-attenzjoni tal-koordinatur tad-data msemmija fl-Artikolu 31 tal-Istat Membru fejn id-detenturi tad-data jkunu stabbiliti.

Artikolu 21

Il-kontribut tal-organizzazzjonijiet tar-riċerka jew tal-korpi tal-istatistika fil-kuntest ta' ħtiġijiet eċċezzjonali

1.  Korp tas-settur pubbliku jew istituzzjoni, aġenzija jew korp tal-Unjoni għandu jkun intitolat jikkondividi d-data riċevuta taħt dan il-Kapitolu ma' individwi jew ma' organizzazzjonijiet bil-ħsieb li jwettaq riċerka xjentifika jew analitika meħtieġa biex jiġi sodisfatt l-iskop li għalih tkun intalbet id-data, jew ma' istituti nazzjonali tal-istatistika, mal-membri tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u mal-Eurostat għall-kompilazzjoni tal-istatistika uffiċjali.

2.  L-individwi jew l-organizzazzjonijiet li jirċievu d-data skont il-paragrafu 1 għandhom jaġixxu esklussivament fuq bażi mhux għall-profitt jew fil-kuntest ta' missjoni ta' interess pubbliku rikonoxxuta fil-liġi tal-Unjoni jew tal-Istati Membri. Dawn ma għandhomx jinkludu organizzazzjonijiet li l-impriżi kummerċjali jkollhom influwenza sinifikanti fuqhom jew li jistgħu jirriżultaw f'aċċess preferenzjali għar-riżultati tar-riċerka.

3.  Individwi jew organizzazzjonijiet li jirċievu d-data skont il-paragrafu 1 għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(3) u tal-Artikolu 19.

4.  Meta korp tas-settur pubbliku jew istituzzjoni, aġenzija jew korp tal-Unjoni għandu l-ħsieb jittrażmetti jew jagħmel id-data disponibbli skont il-paragrafu 1, huwa għandu jinnotifika lid-detentur tad-data li mingħandu tkun waslet id-data. Dik in-notifika għandha tinkludi l-identità u d-dettalji ta' kuntatt ta' individwi jew organizzazzjonijiet li jirċievu d-data, l-għan tat-trażmissjoni jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data u l-perjodu li fih id-data se tintuża mill-entità riċeventi. Fi żmien 5 ijiem tax-xogħol minn dik in-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, id-detentur tad-data għandu jkollu d-dritt jippreżenta oġġezzjoni motivata għal tali trażmissjoni jew tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data. Fil-każ ta' rifjut tal-oġġezzjoni mill-korp tas-settur pubbliku, istituzzjoni, aġenzija jew korp tal-Unjoni, id-detentur tad-data jista' jressaq l-oġġezzjoni motivata quddiem l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 31.

Artikolu 22

L-assistenza reċiproka u l-kooperazzjoni transfruntiera

1.  Il-korpi tas-settur pubbliku u l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-Unjoni għandhom jikkooperaw u jassistu lil xulxin, biex jimplimentaw dan il-Kapitolu b'mod konsistenti.

2.  Kwalunkwe data skambjata fil-kuntest tal-assistenza mitluba u pprovduta skont il-paragrafu 1 ma għandhiex tintuża b'mod li ma jkunx kompatibbli mal-iskop li għalih tkun intalbet.

3.  Meta korp tas-settur pubbliku jkun biħsiebu jitlob data mingħand detentur tad-data stabbilit fi Stat Membru ieħor, huwa għandu l-ewwel jinnotifika lill-koordinatur tad-data ta' dak l-Istat Membru kif imsemmi fl-Artikolu 31, b'dik l-intenzjoni. Dan ir-rekwiżit għandu japplika wkoll għal talbiet mill-istituzzjonijiet, mill-aġenziji u mill-korpi tal-Unjoni. It-talba għandha tiġi evalwata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit id-detentur tad-data.

4.  Wara li tkun ġiet innotifikata skont il-paragrafu 3, il-koordinatur tad-data għandu jagħti pariri lill-korp tas-settur pubbliku rikjedenti dwar il-ħtieġa, jekk ikun hemm, li jikkoopera mal-korpi tas-settur pubbliku tal-Istat Membru li fih huwa stabbilit id-detentur tad-data, bil-għan li jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq id-detentur tad-data f'konformità mat-talba. Il-korp tas-settur pubbliku rikjedenti għandu jqis il-parir tal-koordinatur tad-data rilevanti.

KAPITOLU VI

IL-QLIB BEJN IS-SERVIZZI TAL-IPPROĊESSAR TAD-DATA

Artikolu 22a

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.   "servizz tal-ipproċessar tad-data" tfisser servizz diġitali li jiffaċilita aċċess univerali u fuq talba għan-network għal grupp kondiviż ta' riżorsi informatiċi konfigurabbli, skalabbli u elastiċi ta' natura ċentralizzata, distribwita jew distribwita ħafna, ipprovdut lil klijent, li jista' jiġi fornut malajr u rilaxxat bi sforz minimu ta' ġestjoni jew interazzjoni mal-fornitur tas-servizz;

2.   "fuq il-post" tfisser infrastruttura tal-ICT u riżorsi tal-informatika mikrija jew proprjetà tal-klijent, li jinsabu fiċ-ċentru tad-data tiegħu stess u operati mill-klijent jew minn parti terza;

3.   "servizz ekwivalenti" tfisser sett ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data li jikkondividu l-istess objettiv primarju u mudell ta' servizz tal-ipproċessar tad-data;

4.   "portabbiltà tad-data tas-servizz tal-ipproċessar tad-data" tfisser il-kapaċità tas-servizz tal-cloud li jiċċaqlaq u jadatta d-data tiegħu li tista' tiġi esportata bejn is-servizzi tal-ipproċessar tad-data tal-klijent, inkluż f'mudelli ta' skjerament differenti;

5.   "qlib" tfisser il-proċess fejn klijent ta' servizz tal-ipproċessar tad-data jinbidel mill-użu ta' servizz wieħed tal-ipproċessar tad-data għall-użu tat-tieni servizz ekwivalenti jew servizz ieħor offrut minn fornitur differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, inkluż permezz tal-estrazzjoni, it-trasformazzjoni u t-tlugħ tad-data, bl-involviment tal-fornitur sors tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data, il-klijent u l-fornitur tad-destinazzjoni tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data;

6.   "data li tista' tiġi esportata" tfisser id-data tal-input u l-output, inkluża l-metadata, iġġenerata direttament jew indirettament, jew koġenerata, mill-użu tas-servizz tal-ipproċessar tad-data, minbarra kwalunkwe assi jew data tal-fornitur tas-servizz tal-ipproċessar tad-data jew ta' parti terza protetti mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew li jikkostitwixxu sigriet kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali.

7.   "ekwivalenza funzjonali" tfisser il-possibbiltà li jiġi stabbilit mill-ġdid, abbażi tad-data tal-klijent, livell minimu ta' funzjonalità fl-ambjent ta' servizz tal-ipproċessar tad-data ġdid wara l-proċess tal-bdil, fejn is-servizz tad-destinazzjoni jagħti eżitu komparabbli għall-istess input għal funzjonalità kondiviża pprovduta lill-klijent skont il-ftehim kuntrattwali;

8.   "tariffi ta' ħruġ" tirreferi għat-tariffi tat-trasferiment tad-data imposti fuq il-klijenti ta' fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għall-estrazzjoni tad-data tagħhom permezz tan-network mill-infrastruttura tal-ICT ta' fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data.

Artikolu 23

It-tneħħija tal-ostakli għall-qlib effettiv bejn il-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data

1.  Il-fornituri ta' servizz tal-ipproċessar tad-data għandhom, fil-kapaċità tagħhom, jieħdu l-miżuri previsti fl-Artikoli 24, 24a, 24b, 25 u 26 biex jippermettu lill-klijenti jaqilbu għal servizz tal-ipproċessar tad-data ieħor, li jkopri s-servizz ekwivalenti ▌, li huwa pprovdut minn fornitur differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jew, fejn rilevanti, jużaw diversi fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data fl-istess ħin. B'mod partikolari, il-fornituri tas-servizz tal-ipproċessar tad-data m'għandhomx jimponu u għandhom ineħħu l-ostakli kummerċjali, tekniċi, kuntrattwali u organizzazzjonali, li jimpedixxu lill-klijenti milli:

(a)  jtemmu, wara perjodu massimu ta' avviż ta' 60 jum kalendarju, il-ftehim kuntrattwali tas-servizz, sakemm ma jkunx miftiehem perjodu ta' notifika alternattiv b'mod reċiproku u espliċitu bejn il-klijent u l-fornitur fejn iż-żewġ partijiet ikunu jistgħu jinfluwenzaw b'mod ugwali l-kontenut tal-ftehim kuntrattwali;

(b)  jikkonkludu ftehimiet kuntrattwali ġodda ma' fornitur differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data li s-servizz ekwivalenti;

(c)  jittrasferixxu d-data tal-klijent li tista' tiġi esportata, l-applikazzjonijiet u assi diġitali oħra lil fornitur ieħor ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jew lil infrastruttura ICT fil-post, inkluż wara li jkun ibbenefika minn offerta b'livell bla ħlas;

(d)  jiksbu l-ekwivalenza funzjonali fl-użu tas-servizz il-ġdid fl-ambjent tal-IT tal-fornitur jew tal-fornituri differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data li jkopru ▌servizz ekwivalenti, f'konformità mal-Artikolu 26.

2.  Il-paragrafu 1 għandu japplika biss għall-ostakli li huma relatati mas-servizzi, mal-ftehimiet kuntrattwali jew mal-prattiki kummerċjali pprovduti mill-fornitur sors tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data.

Artikolu 24

Termini kuntrattwali dwar il-qlib bejn il-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data

1.  Id-drittijiet tal-klijent u l-obbligi tal-fornitur ta' servizz tal-ipproċessar tad-data fir-rigward tal-qlib bejn il-fornituri ta' tali servizzi jew, fejn applikabbli, għal infrastruttura ICT fuq il-post għandhom jiġu stabbiliti b'mod ċar f'kuntratt bil-miktub li tkun disponibbli għall-klijenti b'mod faċli li jintuża qabel l-iffirmar tal-kuntratt. Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2019/770, il-fornitur tas-servizz tal-ipproċessar tad-data għandu jiżgura li dak l-kuntratt jinkludi mill-inqas dan li ġej:

(a)  klawżoli li jippermettu lill-klijent, fuq talba, li jaqleb għal servizz tal-ipproċessar tad-data offrut minn fornitur ieħor ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jew li jittrasferixxi d-data li tista' tiġi esportata ▌, l-applikazzjonijiet u l-assi diġitali kollha għal infrastruttura ICT fuq il-post mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn perjodu ta' tranżizzjoni massimu obbligatorju ta' 90 jum kalendarju, li matulu l-fornitur tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu:

(i)  jassisti b'mod raġonevoli tul il-proċess tal-qlib kollu u jiffaċilitah;

(ii)  jaġixxi bl-attenzjoni dovuta biex iżomm il-kontinwità kummerċjali u livell għoli ta' sigurtà tas-servizz u, jqis ukoll il-progress fil-proċess tal-qlib, jiżgura, kemm jista' jkun, kontinwità fil-forniment tal-funzjonijiet jew tas-servizzi rilevanti fi ħdan il-kapaċità tal-fornitur sors tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data u skont l-obbligi kuntrattwali.

(iia)   jipprovdi informazzjoni ċara dwar ir-riskji magħrufa għall-kontinwità fil-forniment tal-funzjonijiet jew tas-servizzi rispettivi min-naħa tal-fornitur sors tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data.

(aa)   lista ta' servizzi addizzjonali li l-klijenti jistgħu jiksbu biex jiffaċilitaw il-proċess tal-qlib, bħat-test tal-proċess tal-qlib;

(ab)   obbligu fuq il-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data biex jappoġġa l-iżvilupp tal-istrateġija ta' ħruġ tal-klijent rilevanti għas-servizzi kkuntrattati, inkluż billi jipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha;

(b)  speċifikazzjoni dettaljata tal-kategoriji kollha tad-data u tal-applikazzjoni li huma portabbli matul il-proċess tal-qlib, inkluż, bħala minimu, id-data kollha li tista' tiġi esportata;

(c)  perjodu minimu għall-irkupru tad-data ta' mill-inqas 30 jum kalendarju, li jibda wara t-terminazzjoni tal-perjodu ta' tranżizzjoni li kien miftiehem bejn il-klijent u l-fornitur tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data, f'konformità mal-paragrafu 1(a) u l-paragrafu 2;

(ca)   obbligu fuq il-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data li jħassar id-data esportabbli kollha tal-klijent preċedenti wara l-iskadenza tal-perjodu stabbilit fil-paragrafu 1, il-punt (c), ta' dan l-Artikolu;

2.  Meta l-perjodu ta' tranżizzjoni obbligatorju kif definit fil-paragrafu 1(a) u (c) ta' dan l-Artikolu jkun teknikament mhux fattibbli, il-fornitur tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jinnotifika lill-klijent fi żmien 14-il jum tax-xogħol wara li tkun saret it-talba għall-qlib, u għandu jimmotiva debitament in-nuqqas ta' fattibbiltà teknika u jindika perjodu ta' tranżizzjoni alternattiv, li ma jistax jaqbeż id-9 xhur. F'konformità mal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, ▌għandha tiġi żgurata kontinwità sħiħa tas-servizz matul il-perjodu ta' tranżizzjoni alternattiv kollu kontra imposti mnaqqsa, li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 25(2). Il-klijent għandu jżomm id-dritt li jestendi dak il-perjodu, jekk ikun meħtieġ, qabel jew matul il-proċess tal-qlib;

Artikolu 24a

Obbligu ta' informazzjoni tal-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data tad-destinazzjoni

Il-fornitur tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data tad-destinazzjoni għandu jipprovdi lill-klijent b'informazzjoni dwar il-proċeduri disponibbli għall-bdil u l-portabbiltà għas-servizz tal-ipproċessar tad-data meta dan ikun destinazzjoni tal-portabbiltà, inkluża informazzjoni dwar il-metodi u l-formati disponibbli tal-portabbiltà kif ukoll ir-restrizzjonijiet u l-limitazzjonijiet tekniċi li huma magħrufa mill-fornitur tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data tad-destinazzjoni.

Artikolu 24b

Obbligu ta' bona fide

Il-partijiet kollha involuti, inklużi l-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data tad-destinazzjoni, għandhom jikkollaboraw in bona fide biex jagħmlu l-proċess tal-qlib effettiv, jippermettu t-trasferiment f'waqtu tad-data meħtieġa u jżommu l-kontinwità tas-servizz.

Artikolu 25

Irtirar gradwali tal-imposti tal-qlib

1.  Minn [id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament] 'il quddiem, il-fornituri tas-servizzi tal-cloud computing ma għandhom jimponu l-ebda imposta fuq il-klijenti li huma konsumaturi għall-proċess tal-qlib.

2.  Minn [data X, id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament] sa [data X+3snin], il-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data jistgħu jimponu imposti mnaqqsa fuq il-klijenti fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn in-negozji għall-proċess tal-qlib, b'referenza partikolari għat-tariffi tal-ħruġ.

2a.   Minn [3 snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament] 'il quddiem, il-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data ma għandhom jimponu l-ebda imposta għall-proċess tal-qlib.

3.  L-imposti msemmija fil-paragrafu 2 ma għandhomx jaqbżu l-kostijiet imġarrba mill-fornitur tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data li huma direttament marbuta mal-proċess tal-qlib ikkonċernat u għandhom ikunu marbuta mal-operazzjonijiet obbligatorji li l-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data jridu jwettqu bħala parti mill-proċess tal-qlib.

3a.   It-tariffi u l-imposti standard tal-abbonamenti jew tas-servizzi għal xogħol ta' servizzi ta' tranżizzjoni professjonali mwettaq mill-fornitur tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data fuq talba tal-klijent għal appoġġ fil-proċess tal-qlib ma għandhomx jitqiesu bħala imposti tal-qlib għall-finijiet ta' dan l-Artikolu.

3b.   Qabel ma jidħol fi ftehim kuntrattwali ma' klijent, il-fornitur tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jipprovdi informazzjoni ċara lill-klijent li tiddeskrivi l-imposti fuq il-klijent għall-proċess tal-qlib skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, kif ukoll it-tariffi u l-imposti msemmija fil-paragrafu 3a ta' dan l-Artikolu, u, fejn rilevanti, għandu jipprovdi informazzjoni dwar is-servizzi li jinvolvu qlib kumpless ħafna jew għali jew li għalih hu impossibbli li jsir mingħajr interferenza sinifikanti fid-data, fl-applikazzjoni jew fl-arkitettura tas-servizz. Fejn applikabbli, il-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku għall-klijenti permezz ta' taqsima ddedikata tas-sit web tagħhom jew bi kwalunkwe mod ieħor faċilment aċċessibbli.

4.  Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 38 biex tissupplimenta dan ir-Regolament sabiex tintroduċi mekkaniżmu ta' monitoraġġ għall-Kummissjoni biex timmonitorja l-imposti tal-qlib imposti mill-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data fis-suq, biex tiżgura li l-irtirar u t-tnaqqis tal-imposti tal-qlib kif deskritt fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu jintlaħaq f'konformità mal-iskadenza prevista f'dawk il-paragrafi.

Artikolu 26

Aspetti tekniċi tal-qlib

1.  Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data li jikkonċernaw riżorsi tal-informatika skalabbli u elastiċi limitati għal elementi infrastrutturali bħal servers, networks u r-riżorsi virtwali meħtieġa għall-operat tal-infrastruttura, iżda li ma jipprovdux aċċess għas-servizzi operatorji, software u applikazzjonijiet li jinħażnu, ipproċessati mod ieħor, jew użati fuq dawk l-elementi infrastrutturali, għandhom jieħdu miżuri raġonevoli fi ħdan is-setgħa tagħhom biex jagħmulha possibbli li l-klijent, wara li jaqleb għal servizz li jkopri l-istess tip ta' servizz offrut minn fornitur differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, jikseb ekwivalenza funzjonali fl-użu tas-servizz il-ġdid, sakemm dik l-ekwivalenza funzjonali tkun stabbilita mill-fornitur ta' destinazzjoni tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data. Il-fornitur sors tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jiffaċilita l-proċess billi jipprovdi kapaċitajiet, informazzjoni adegwata, dokumentazzjoni, appoġġ tekniku u, fejn xieraq, l-għodod meħtieġa.

2.  Il-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data ▌, inklużi l-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data tad-destinazzjoni, għandhom jagħmlu l-interfaċċi miftuħa disponibbli pubblikament u mingħajr ħlas sabiex jiffaċilitaw il-qlib bejn dawk is-servizzi u l-portabbiltà u tal-interoperabbiltà tad-data. F'konformità mal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, dawk is-servizzi għandhom jagħmluha possibbli wkoll li servizz speċifiku, fejn ma jkun hemm l-ebda ostaklu kbir, ikun jista' jiġi diżaggregat mill-kuntratt u jkun disponibbli għall-bdil b'mod interoperabbli.

3.  ▌Il-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data għandhom jiżguraw il-kompatibbiltà mal-ispeċifikazzjonijiet miftuħa tal-interoperabbiltà u l-portabbiltà jew mal-istandards Ewropej għall-interoperabbiltà li huma identifikati f'konformità mal-Artikolu 29(5) ▌.

3a.   Il-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data li għalihom ġiet ippubblikata speċifikazzjoni miftuħa ġdida tal-interoperabbiltà u l-portabbiltà jew standard Ewropew fir-repożitorju msemmi fl-Artikolu 29(5) għandu jkollhom id-dritt għal tranżizzjoni ta' sena għall-konformità mal-obbligu msemmi fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

4.  Meta l-ispeċifikazzjonijiet miftuħa tal-interoperabbiltà u l-portabbiltà jew l-istandards Ewropej imsemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu ma jkunux jeżistu għas-servizz ekwivalenti ▌kkonċernat, il-fornitur tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu, fuq talba tal-klijent, meta jkun teknikament fattibbli, jesporta d-data kollha li tista' tiġi esportata f'format strutturat, użat b'mod komuni u li jinqara minn magna kif indikat lill-klijent f'konformità mal-istrateġija tal-ħruġ imsemmija fl-Artikolu 24(1)(ab), sakemm ma jkunx aċċettat format ieħor mill-klijent.

4a.   Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data ma għandhomx ikunu meħtieġa jiżviluppaw teknoloġiji jew servizzi ġodda, jiżvelaw jew jittrasferixxu data jew teknoloġija proprjetarja jew kunfidenzjali lil klijent jew lil fornitur ieħor ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jew jikkompromettu s-sigurtà u l-integrità tas-servizz tal-klijent jew tal-fornitur;

Artikolu 26a

Eżenzjonijiet għal ċerti servizzi tal-ipproċessar tad-data

1.   L-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 23(1), punt (d) u l-Artikoli 25 u 26 ma għandhomx japplikaw għal servizzi tal-ipproċessar tad-data li nbnew apposta.

2.   L-obbligi stabbiliti f'dan il-Kapitolu ma għandhomx japplikaw għal servizzi tal-ipproċessar tad-data pprovduti mingħajr ħlas, li joperaw fuq bażi ta' prova jew jipprovdu biss servizz ta' ttestjar u evalwazzjoni għall-offerti ta' prodotti kummerċjali.

Artikolu 26b

Soluzzjoni tat-tilwim

1.   Il-klijenti għandu jkollhom aċċess għall-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim, iċċertifikati f'konformità mal-Artikolu 10(2), biex isolvu t-tilwim b'rabta mal-ksur tad-drittijiet tal-klijenti u l-obbligi tal-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data fir-rigward tal-qlib bejn il-fornituri ta' tali servizzi. Il-klijent għandu jkollu d-dritt li jippermetti lil parti terza ssegwi l-pretensjonijiet legali tagħha f'ismu.

2.   L-Artikolu 10(3) sa (9) għandhom japplikaw għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn il-klijenti u l-fornituri tas-servizz tal-ipproċessar tad-data b'rabta mal-qlib bejn il-fornituri ta' tali servizzi.

KAPITOLU VII

SALVAGWARDJI TAD-DATA MHUX PERSONALI F'KUNTESTI INTERNAZZJONALI

Artikolu 27

Aċċess u trasferiment internazzjonali

1.  Il-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data għandhom jieħdu l-miżuri tekniċi, ġuridiċi u organizzazzjonali ▌kollha, inkluż arranġamenti kuntrattwali, sabiex jevitaw it-trasferiment internazzjonali u l-aċċess tal-gvernijiet ta' pajjiżi terzi għal tali data mhux personali miżmuma fl-Unjoni fejn tali trasferiment jew aċċess jikser id-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 jew 3.

2.  Kwalunkwe deċiżjoni jew sentenza ta' qorti jew tribunal u kwalunkwe deċiżjoni ta' awtorità amministrattiva ta' pajjiż terz li tirrikjedi li fornitur ta' servizzi ta' pproċessar tad-data jittrasferixxi minn jew jagħti aċċess għal data mhux personali li tidħol fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, miżmuma fl-Unjoni, għandha tiġi rikonoxxuta jew infurzabbli biss bi kwalunkwe mod jekk tkun ibbażata fuq ftehim internazzjonali, bħal trattat dwar l-assistenza legali reċiproka, fis-seħħ bejn il-pajjiż terz rikjedenti u l-Unjoni jew kwalunkwe ftehim bħal dan bejn il-pajjiż terz rikjedenti u Stat Membru.

3.  Fin-nuqqas ta' tali ftehim internazzjonali, meta detentur tad-data jew fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jkun id-destinatarju ta' deċiżjoni ta' qorti jew tribunal jew deċiżjoni ta' awtorità amministrattiva ta' pajjiż terz li tittrasferixxi minn jew li tagħti aċċess għal data mhux personali li tidħol fl-ambitu ta' dan ir-Regolament miżmuma fl-Unjoni, u l-konformità ma' tali deċiżjoni toħloq ir-riskju li d-destinatarju jitqiegħed f'kunflitt mad-dritt tal-Unjoni jew mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti, it-trasferiment għal jew l-aċċess għal tali data minn dik l-awtorità ta' pajjiż terz għandu jseħħ biss wara rieżami mill-korpi jew awtoritajiet kompetenti rilevanti, skont dan ir-Regolament biex jiġi vvalutat jekk, minbarra d-dispożizzjonijiet ta' kwalunkwe liġi nazzjonali jew tal-Unjoni rilevanti, ġewx issodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)  fejn is-sistema ta' pajjiż terz teħtieġ li jiġu stabbiliti r-raġunijiet u l-proporzjonalità tad-deċiżjoni jew tas-sentenza, u tirrikjedi li tali deċiżjoni jew sentenza, skont il-każ, tkun ta' natura speċifika, pereżempju billi tiġi stabbilita rabta suffiċjenti ma' ċerti persuni suspettati, jew ksur;

(b)  l-oġġezzjoni motivata tad-destinatarju tkun soġġetta għal rieżami minn qorti kompetenti jew minn tribunal fil-pajjiż terz; and

(c)  l-qorti jew it-tribunal kompetenti li jagħti d-deċiżjoni jew is-sentenza jew li jirrieżamina d-deċiżjoni ta' awtorità amministrattiva għandu s-setgħa skont il-liġi ta' dak il-pajjiż li jqis kif xieraq l-interessi legali rilevanti tal-fornitur tad-data protetta mid-dritt tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti.

Id-destinatarju tad-deċiżjoni jista' jitlob l-opinjoni tal-Kummissjoni, tal-koordinatur tad-data, skont dan ir-Regolament, jew korpi jew awtoritajiet kompetenti rilevanti sabiex jiddetermina jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfati, b'mod partikolari meta jqis li d-deċiżjoni tista' tkun relatata ma' sigrieti kummerċjali jew data kummerċjalment sensittiva oħra kif ukoll mal-kontenut protett mid-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, jew tista' taffettwa l-interessi nazzjonali ta' sigurtà jew ta' difiża tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha. Jekk id-destinatarju ma jkunx irċieva tweġiba fi żmien xahar, jew jekk l-opinjoni tal-awtoritajiet kompetenti tikkonkludi li l-kundizzjonijiet ma ġewx issodisfati, id-destinatarju għandu jirrifjuta t-talba għal trasferiment jew aċċess abbażi ta' dawk ir-raġunijiet.

Il-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data stabbilit fir-Regolament (UE) 2022/868 u msemmi fl-Artikolu 31a ta' dan ir-Regolament għandu jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fl-iżvilupp ta' linji gwida dwar il-valutazzjoni ta' jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfati.

4.  Jekk il-kundizzjonijiet fil-paragrafu 2 jew 3 jiġu ssodisfati, il-fornitur tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jipprovdi l-ammont minimu ta' data permissibbli bi tweġiba għal talba, abbażi ta' interpretazzjoni raġonevoli tagħha mill-korp jew l-awtorità kompetenti rilevanti.

4a.   Meta l-fornitur tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data jkollu raġuni biex jemmen li t-trasferiment ta' data mhux personali jew l-aċċess għaliha jista' jwassal għar-riskju ta' identifikazzjoni mill-ġdid ta' data mhux personali, jew anonimizzata, il-fornitur għandu jitlob lill-korpi jew lill-awtoritajiet rilevanti kompetenti skont il-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data għall-awtorizzazzjoni qabel jittrasferixxi jew jagħti aċċess għad-data.

5.  Il-fornitur tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jinforma lid-detentur tad-data dwar l-eżistenza ta' talba minn awtorità amministrattiva f'pajjiż terz biex taċċessa d-data tiegħu qabel ma jikkonforma mat-talba tagħha, ħlief f'każijiet fejn it-talba sservi skopijiet ta' infurzar tal-liġi u sakemm dan ikun meħtieġ biex tiġi ppreservata l-effettività tal-attività tal-infurzar tal-liġi.

KAPITOLU VIII

INTEROPERABBILTÀ

Artikolu 28

Rekwiżiti essenzjali dwar l-interoperabbiltà tal-ispazji tad-data

1.  Il-parteċipanti tal-ispazji tad-data li joffru data jew servizzi ta' data lil parteċipanti oħra, għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali li ġejjin biex tiġi ffaċilitata l-interoperabbiltà tad-data, tal-mekkaniżmi u tas-servizzi tal-kondiviżjoni tad-data:

(a)  il-kontenut tas-sett tad-data, ir-restrizzjonijiet fuq l-użu, il-liċenzji, il-metodoloġija tal-ġbir tad-data, il-kwalità tad-data u l-inċertezza għandhom ikunu deskritti f'format li jista' jinqara minn magna biex jippermettu lir-riċevitur isib, jaċċessa u juża d-data;

(b)  l-istrutturi tad-data, il-formati tad-data, il-vokabularji, l-iskemi ta' klassifikazzjoni, it-tassonomiji u l-listi tal-kodiċijiet għandhom jiġu deskritti b'mod disponibbli pubblikament u konsistenti;

(c)  il-mezzi tekniċi għall-aċċess għad-data, bħall-interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet, u t-termini tal-użu u l-kwalità tas-servizz tagħhom għandhom jiġu deskritti b'mod suffiċjenti biex jippermettu l-aċċess u t-trażmissjoni awtomatiċi tad-data bejn il-partijiet, inkluż kontinwament jew f'ħin reali ▌f'format li jinqara minn magna, fejn dan huwa teknikament fattibbli u ma jostakolax il-funzjonament tajjeb tal-prodott;

(d)  għandhom jiġu pprovduti l-mezzi li jippermettu l-interoperabbiltà ta' kuntratti ▌għall-kondiviżjoni ta' data fi ħdan is-servizzi u l-attivitajiet tagħhom.

Dawn ir-rekwiżiti jista' jkollhom natura ġenerika jew jistgħu jkunu jikkonċernaw setturi speċifiċi, filwaqt li jqisu bis-sħiħ l-interrelazzjoni mar-rekwiżiti li jkunu ġejjin minn leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni jew minn leġiżlazzjoni settorjali nazzjonali.

2.  Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, wara li tikkonsulta lill-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-qasam tad-Data skont l-Artikolu 29 u l-Artikolu 30, il-punti (f) u (h), tar-Regolament (UE) 2022/868 u f'konformità mal-Artikolu 38 ta' dan ir-Regolament, biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika ulterjorment ir-rekwiżiti essenzjali msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

3.  Il-parteċipanti tal-ispazji tad-data li joffru data jew servizzi ta' data lil parteċipanti oħra tal-ispazji tad-data li jissodisfaw l-istandards armonizzati jew partijiet minnhom ippubblikati b'referenza f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu preżunti li huma f'konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fil-paragrafu 1 ▌, sa fejn dawk l-istandards ikopru dawk ir-rekwiżiti.

3a.   Il-parteċipanti fl spazju td-d data partikolari għandhom jaqblu dwar ir-regoli li bihom ir-responsabbiltajiet rigward dawn ir-rekwiżiti jiġu definiti bejn il-parteċipanti.

4.  Il-Kummissjoni tista', f'konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, titlob lil organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni waħda jew aktar biex tabbozza standards armonizzati li jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u jkunu żviluppati b'mod miftuħ, trasparenti, teknoloġikament newtrali u inklużiv u mmexxija mill-industrija, b'mod konformi mal-Kapitolu II tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni, fejn rilevanti, l-istandards internazzjonali fis-seħħ, prattiki tajba, normi, speċifikazzjonijiet tekniċi u normi open source rilevanti kif ukoll il-ħtiġijiet tal-SMEs.

5.  Il-Kummissjoni tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tadotta speċifikazzjonijiet komuni, fejn ma jkunux jeżistu standards armonizzati msemmija fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu jew jekk tqis li l-istandards armonizzati rilevanti ma humiex biżżejjed biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, fejn meħtieġ. Qabel ma tadotta dawk l-atti ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tfittex parir mingħand u tqis il-pożizzjonijiet rilevanti adottati mill-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data, kif imsemmi fl-Artikolu 30, punt (f) tar-Regolament (UE) 2022/868 u għandha tiġi adottata skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 39(2).

6.  Il-Kummissjoni tista' tadotta linji gwida proposti mill-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data f'konformità mal-Artikoli 30, punt (h) tar-Regolament (UE) Nru 2022/868 li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet tal-interoperabbiltà għall-funzjonament ta' spazji komuni Ewropej tad-data, bħal mudelli arkitettoniċi u standards tekniċi li jimplimentaw regoli u arranġamenti ġuridiċi bejn il-partijiet li jrawmu l-kondiviżjoni tad-data, bħal fir-rigward tad-drittijiet għall-aċċess u t-traduzzjoni teknika tal-kunsens jew tal-permess.

Artikolu 29

L-interoperabbiltà u l-portabbiltà għas-servizzi tal-ipproċessar tad-data

1.  L-ispeċifikazzjonijiet miftuħa tal-interoperabbiltà u tal-portabbiltà u l-istandards Ewropej għall-interoperabbiltà u l-portabbiltà tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data għandhom:

(a)  meta teknikament fattibbli, ikollhom il-prestazzjoni tagħhom orjentata lejn il-kisba tal-interoperabbiltà u l-portabbiltà bejn servizzi differenti tal-ipproċessar tad-data li jkopru servizzi ekwivalenti;

(b)  itejbu l-portabbiltà tal-assi diġitali bejn servizzi differenti tal-ipproċessar tad-data li jkopru servizzi ekwivalenti;

(c)  jiffaċilitaw, fejn ikun teknikament fattibbli, ekwivalenza funzjonali bejn servizzi tal-ipproċessar tad-data msemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 26 li jkopru servizzi ekwivalenti;

(ca)   ma jkollhomx impatt negattiv fuq is-sigurtà u l-integrità tas-servizzi u tad-data;

(cb)   jitfasslu b'tali mod li jippermettu avvanzi tekniċi u l-inklużjoni ta' funzjonijiet u innovazzjoni ġodda fis-servizzi tal-ipproċessar tad-data.

2.  L-ispeċifikazzjonijiet miftuħa tal-interoperabbiltà u tal-portabbiltà u l-istandards Ewropej għall-interoperabbiltà u l-portabbiltà tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data għandhom jindirizzaw:

(a)  l-aspetti tal-interoperabbiltà tal-cloud tal-interoperabbiltà tat-trasport, l-interoperabbiltà sintattika, l-interoperabbiltà tad-data semantika, l-interoperabbiltà tal-imġiba u l-interoperabbiltà tal-politika;

(b)  l-aspetti tal-portabbiltà tad-data fuq il-cloud tal-portabbiltà sintattika tad-data, il-portabbiltà semantika tad-data u l-portabbiltà tal-politika dwar id-data;

(c)  l-aspetti tal-applikazzjoni tal-cloud tal-portabbiltà sintattika tal-applikazzjoni, il-portabbiltà tal-istruzzjoni tal-applikazzjoni, il-portabbiltà tal-metadata tal-applikazzjoni, il-portabbiltà tal-imġiba tal-applikazzjoni u l-portabbiltà tal-politika tal-applikazzjoni.

3.  L-ispeċifikazzjonijiet miftuħa tal-interoperabbiltà u tal-portabbiltà għandhom jikkonformaw mal-paragrafi 3 u 4 tal-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

3a.   L-ispeċifikazzjonijiet miftuħa tal-interoperabbiltà u tal-portabbiltà u l-istandards Ewropej ma għandhomx ifixklu s-suq tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data jew jillimitaw l-iżvilupp ta' kwalunkwe teknoloġija jew soluzzjoni ġdida li tikkompeti u innovattiva jew kwalunkwe teknoloġija jew soluzzjoni li tkun ibbażata fuqhom.

4.  Wara li tqis l-istandards internazzjonali u Ewropej u l-inizjattivi awtoregolatorji rilevanti, il-Kummissjoni tista', f'konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, titlob lil organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni waħda jew lil iktar minn organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni waħda biex jabbozzaw standards Ewropej applikabbli għal servizzi ekwivalenti speċifiċi tal-ipproċessar tad-data. L-istandardizzazzjoni għandha tqis il-ħtiġijiet tal-SMEs.

5.  Għall-finijiet tal-Artikolu 26(3) ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-qasam tad-Data skont l-Artikolu 29 u l-Artikolu 30, il-punti (f) u (h), tar-Regolament (UE) 2022/868, tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, li jissupplementaw dan ir-Regolament, f'konformità mal-Artikolu 38 ta' dan ir-Regolament,, tippubblika r-referenza tal-istandards miftuħa għall-interoperabbiltà u l-portabbiltà tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data fir-repożitorju ċentrali tal-istandards tal-Unjoni għall-interoperabbiltà u l-portabbiltà tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data, żviluppati mill-organizzazzjonijiet ta' standardizzazzjoni rilevanti jew organizzazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, fejn dawn jissodisfaw il-kriterji speċifikati fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 30

Rekwiżiti essenzjali rigward il-kuntratti intelliġenti għall-kondiviżjoni tad-data

Il-parti li toffri kuntratt intelliġenti ▌fil-kuntest ta' ftehim biex id-data tkun disponibbli għandha tikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali li ġejjin:

(a)  robustezza u kontroll tal-aċċess: tiżgura li l-kuntratt intelliġenti jkun tfassal biex joffri mekkaniżmi rigorużi ta' kontroll tal-aċċess u grad għoli ħafna ta' robustezza biex jiġu evitati żbalji funzjonali u biex jiflaħ għall-manipulazzjoni minn partijiet terzi;

(b)  terminazzjoni u interruzzjoni sikuri: tiżgura li jeżisti mekkaniżmu biex tintemm l-eżekuzzjoni kontinwata tat-tranżazzjonijiet: il-kuntratt intelliġenti għandu jinkludi funzjonijiet interni li jistgħu jerġgħu jistabbilixxu jew jagħtu struzzjonijiet lill-kuntratt sabiex iwaqqaf jew jinterrompi l-operazzjoni sabiex jiġu evitati eżekuzzjonijiet (aċċidentali) futuri; f'dan ir-rigward, il-kundizzjonijiet li taħthom kuntratt intelliġenti jista' jiġi ssettjat mill-ġdid jew jingħata struzzjonijiet biex jitwaqqaf jew jiġi interrott, għandhom ikunu definiti b'mod ċar u trasparenti. Speċjalment, għandu jiġi vvalutat taħt liema kundizzjonijiet it-terminazzjoni jew l-interruzzjoni mhux kunsenswali għandhom ikunu permissibbli;

(ba)   ekwivalenza: kuntratt intelliġenti għandu joffri l-istess livell ta' protezzjoni u ċertezza legali bħal kwalunkwe kuntratt ieħor iġġenerat b'mezzi differenti.

(bb)   protezzjoni tal-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali: tiżgura li kuntratt intelliġenti jkun tfassal biex jiżgura l-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali, f'konformità ma' dan ir-Regolament.

KAPITOLU IX

IMPLIMENTAZZJONI U INFURZAR

Artikolu 31

Koordinatur tad-data

1.  Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità ta' koordinazzjoni indipendenti kompetenti ("koordinatur tad-data") bħala responsabbli għall-applikazzjoni u l-infurzar ta' dan ir-Regolament, għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet fdati lil dak l-Istat Membru, biex taġixxi bħala l-punt uniku ta' kuntatt lejn il-Kummissjoni, fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u biex tirrappreżenta lill-Istat Membru fil-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data, kif imsemmi fl-Artikolu 31a.

1a.   L-awtoritajiet superviżorji indipendenti responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 għandhom ikunu responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament sa fejn hija kkonċernata l-protezzjoni tad-data personali. Il-Kapitoli VI u VII tar-Regolament (UE) 2016/679 għandhom japplikaw mutatis mutandis. Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jkun responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament sa fejn jikkonċerna l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni. Meta rilevanti, l-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2018/1725 għandu japplika mutatis mutandis. Il-kompiti u s-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji għandhom jiġu eżerċitati fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali.

2.  Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-koordinatur tad-data għandu jiżgura l-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li huma responsabbli għall-monitoraġġ ta' atti legali oħra tal-Unjoni jew nazzjonali fil-qasam tad-data u s-servizzi ta' komunikazzjoni elettronika, jiġifieri:

(b)  għal kwistjonijiet speċifiċi settorjali ta' aċċess ta' data relatati mal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-kompetenza tal-awtoritajiet settorjali għandha tiġi rispettata mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-kunflitt tal-kompetenzi;

(c)  l-awtorità nazzjonali kompetenti responsabbli għall-applikazzjoni u għall-infurzar tal-Kapitolu VI ta' dan ir-Regolament għandu jkollha esperjenza fil-qasam tas-servizzi tad-data u tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kompiti u s-setgħat tal-koordinatur tad-data jkunu definiti b'mod ċar u jinkludu:

(a)  il-promozzjoni ta' sensibilizzazzjoni fost l-utenti u l-entitajiet li jaqgħu fl-ambitu ta' dan ir-Regolament dwar id-drittijiet u l-obbligi skont dan ir-Regolament;

(b)  it-trattament ta' lmenti relatati ma' allegati vjolazzjonijiet ta' dan ir-Regolament u l-proċess deċiżjonali dwarhom, u investigazzjoni, sa fejn ikun xieraq, tas-suġġett tal-ilment u l-informar regolari lill-ilmentatur dwar il-progress u l-eżitu tal-investigazzjoni f'perjodu ta' żmien raġonevoli, b'mod partikolari jekk tkun meħtieġa aktar investigazzjoni jew koordinazzjoni ma' awtorità superviżorja oħra;

(c)  it-twettiq ta' investigazzjonijiet fi kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, inkluż abbażi ta' informazzjoni rċevuta minn awtorità superviżorja jew minn awtorità pubblika oħra;

(d)  L-impożizzjoni ta' penali finanzjarji effettivi, proporzjonali u dissważivi li jistgħu jinkludu penali perjodiċi u penali b'effett retroattiv, jew il-bidu ta' proċedimenti ġudizzjarji għall-impożizzjoni ta' multi;

(e)  il-monitoraġġ tal-iżviluppi teknoloġiċi u kummerċjali ta' rilevanza għat-tqegħid għad-dispożizzjoni u għall-użu tad-data bil-ħsieb li dan ir-Regolament jiġi infurzat aħjar;

(f)  il-kooperazzjoni mal-koordinaturi tad-data ta' Stati Membri oħra biex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti, rapida u effettiva ta' dan ir-Regolament, inkluż l-iskambju tal-informazzjoni rilevanti kollha b'mezzi elettroniċi, mingħajr dewmien żejjed;

(fa)   il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti kollha skont liġi oħra tal-Unjoni, u mal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data biex jiġi żgurat li l-obbligi ta' dan ir-Regolament jiġu infurzati b'mod koerenti ma' liġi oħra tal-Unjoni;

(g)  l-iżgurar tad-disponibbiltà pubblika online tat-talbiet għall-aċċess għad-data magħmula mill-korpi tas-settur pubbliku fil-każ ta' emerġenzi pubbliċi skont il-Kapitolu V;

(h)  il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti kollha biex jiġi żgurat li l-obbligi tal-Kapitolu VI jiġu infurzati b'mod konsistenti ma' leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni u mal-awtoregolamentazzjoni applikabbli għall-fornituri ta' servizz tal-ipproċessar tad-data;

(i)  l-iżgurar li l-imposti għall-qlib bejn il-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data jiġu rtirati f'konformità mal-Artikolu 25.

4.  Meta Stat Membru jaħtar aktar minn awtorità kompetenti waħda, il-koordinaturi tad-data għandhom, fl-eżerċitar tal-kompiti u s-setgħat assenjati lilhom mill-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, jikkooperaw ma' xulxin u mal-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data, inkluż, kif xieraq, mal-awtorità superviżorja responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 u mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, biex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament. F'każijiet bħal dawn, l-Istati Membri rilevanti għandhom jaħtru awtorità kompetenti ta' koordinazzjoni.

5.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-isem tal-koordinaturi tad-data maħtura u l-kompiti u s-setgħat rispettivi tagħhom u, fejn applikabbli, l-isem tal-awtorità kompetenti ta' koordinazzjoni lill-Kummissjoni u lill-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data. Il-Kummissjoni għandha żżomm reġistru pubbliku ta' dawk l-awtoritajiet.

6.  Meta jwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom f'konformità ma' dan ir-Regolament, il-koordinaturi tad-data għandhom b'mod indipendenti u imparzjali jibqgħu ħielsa minn kwalunkwe influwenza esterna, kemm diretta kif ukoll indiretta, u la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet minn kwalunkwe awtorità pubblika oħra jew minn kwalunkwe parti privata.

7.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-koordinatur tad-data jingħata biżżejjed riżorsi umani u tekniċi, għarfien espert, il-bini u l-infrastruttura meħtieġa għall-prestazzjoni effettiva biex iwettaq b'mod adegwat il-kompiti tiegħu f'konformità ma' dan ir-Regolament.

7a.   Entitajiet li jaqgħu fl-ambitu ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru fejn hija stabbilita l-entità.

7b.   Utent, detentur tad-data jew riċevitur tad-data li jkun persuna ġuridika u li ma jkunx stabbilit fl-Unjoni, iżda li jkun soġġett għall-obbligi previsti f'dan ir-Regolament, għandu jaħtar rappreżentant legali f'wieħed mill-Istati Membri li fih ikunu stabbiliti l-kontropartijiet rilevanti tiegħu.

7c.   L-awtoritajiet kompetenti f'dan ir-Regolament għandu jkollhom is-setgħa li jitolbu mill-utenti, id-detenturi tad-data jew ir-riċevituri tad-data, li jkunu persuni ġuridiċi, jew ir-rappreżentanti legali tagħhom, l-informazzjoni kollha li hija meħtieġa biex jivverifikaw il-konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Kwalunkwe talba għal informazzjoni għandha tkun proporzjonata għat-twettiq tal-kompitu u għandha tkun motivata.

7d.   Meta utent, detentur tad-data jew riċevitur tad-data, li jkun persuna ġuridika u mhux stabbilita fl-Unjoni jonqos milli jaħtar rappreżentant legali jew ir-rappreżentant legali jonqos, fuq talba tal-awtorità kompetenti, milli jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa li b'mod komprensiv turi l-konformità ma' dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti għandu jkollha s-setgħa li tipposponi l-bidu jew tissospendi l-forniment ta' servizzi relatati mid-detenturi tad-data jew talbiet għal aċċess għad-data minn detenturi tad-data, ifformulati minn utenti jew riċevituri tad-data, li jkunu persuni ġuridiċi, sakemm jinħatar ir-rappreżentant legali jew tiġi pprovduta l-informazzjoni meħtieġa.

Artikolu 31a

Assistenza reċiproka

1.   Il-koordinaturi tad-data u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw mill-qrib u jagħtu assistenza reċiproka lil xulxin sabiex dan ir-Regolament jiġi applikat b'mod konsistenti u effiċjenti. L-assistenza reċiproka għandha tinkludi, b'mod partikolari, l-iskambju tal-informazzjoni kollha skont dan l-Artikolu b'mezzi elettroniċi u d-dmir tal-Koordinatur tad-Data tal-Istat Membru kkonċernat li jinforma lill-awtoritajiet kompetenti kollha u lill-Kummissjoni bil-ftuħ ta' investigazzjoni.

2.   Għall-finijiet ta' investigazzjoni, il-koordinatur tad-data tal-istabbiliment jista' jitlob lil koordinaturi tad-data oħra jipprovdu informazzjoni speċifika fil-pussess tagħhom jew jeżerċitaw is-setgħat investigattivi tagħhom fir-rigward ta' informazzjoni speċifika lokalizzata fl-Istat Membru tagħhom. Meta jkun xieraq, il-koordinatur tad-data li jirċievi t-talba jista' jinvolvi awtoritajiet kompetenti oħra jew awtoritajiet pubbliċi oħra tal-Istat Membru inkwistjoni.

3.   Il-koordinatur tad-data li jirċievi t-talba skont il-paragrafu 2 għandu jissodisfa tali talba u jinforma lill-awtorità kompetenti tal-istabbiliment bl-azzjoni meħuda, mingħajr dewmien żejjed.

4.   Il-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data għandu jippromwovi l-iskambju ta' informazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti, kif ukoll jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fil-kwistjonijiet kollha li jaqgħu taħt dan ir-Regolament li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Bord b'mod konformi mal-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2022/868 Il-koordinaturi tad-data għandhom jirrappreżentaw lill-Istati Membri fil-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2022/868.

Artikolu 32

Dritt li jiġi ppreżentat ilment quddiem koordinatur tad-data

1.  Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju ieħor, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi għandu jkollhom id-dritt li jippreżentaw ilment, individwalment jew ▌kollettivament, mal-koordinatur tad-data rilevanti fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tagħhom, post tax-xogħol jew stabbiliment jekk iqisu li d-drittijiet tagħhom skont dan ir-Regolament ikunu nkisru. Tali lment jista' jirriżulta mis-sospensjoni tal-kondiviżjoni tad-data identifikata bħala sigrieti kummerċjali, wara li tasal in-notifika mid-detentur tad-data skont l-Artikoli 4(3), 5(8) jew 19(2b).

2.  Il-koordinatur tad-data li lilha jkun ġie ppreżentat l-ilment għandha tinforma lill-ilmentatur skont il-liġi nazzjonali dwar il-progress tal-proċedimenti u dwar id-deċiżjoni meħuda.

3.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mill-bidu tal-proċess biex jimmaniġġaw u jsolvu l-ilmenti b'mod effettiv u f'waqtu, inkluż billi jistabbilixxu skadenzi raġonevoli għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet formali, jiżguraw l-ugwaljanza tal-partijiet, jiżguraw id-dritt li jinstemgħu minn min jagħmel l-ilment u jagħtu aċċess għall-fajl matul il-proċess kollu, u billi jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti kollha b'mezzi elettroniċi, mingħajr dewmien żejjed. Din il-kooperazzjoni ma għandhiex taffettwa l-mekkaniżmu ta' kooperazzjoni speċifiku previst fil-Kapitoli VI u VII tar-Regolament (UE) 2016/679.

Artikolu 32a

Rappreżentanza

1.   Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2020/1828 jew għal kwalunkwe tip ieħor ta' rappreżentanza fil-liġi nazzjonali, l-utenti, id-detenturi tad-data u r-riċevituri tad-data għandu jkollhom mill-inqas id-dritt li jagħtu mandat lil korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni biex jeżerċitaw id-drittijiet ikkonferiti minn dan ir-Regolament f'isimhom, dment li l-korp, l-organizzazzjoni jew l-assoċjazzjoni tkun tissodisfa kull kundizzjoni li ġejja:

(a)   ikunu joperaw mhux għall-profitt;

(b)   ikunu twaqqfu kif xieraq f'konformità mal-liġi ta' Stat Membru;

(c)   l-objettivi statutorji tagħhom ikunu jinkludu interess leġittimu li tkun żgurata konformità ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 32b

Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra awtorità kompetenti

1.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju ieħor, kull utent, detentur tad-data u riċevitur tad-data għandu jkollu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni legalment vinkolanti ta' awtorità kompetenti li tikkonċernah.

2.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju ieħor, kull utent għandu jkollu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fejn awtorità kompetenti ma tittrattax ilment jew ma tinformax lill-utent, lid-detentur tad-data u lir-riċevitur tad-data fi żmien tliet xhur dwar il-progress jew l-eżitu tal-ilment imressaq skont l-Artikolu 32.

3.   Proċedimenti kontra awtorità kompetenti għandhom jitressqu quddiem il-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali, il-post tax-xogħol jew l-istabbiliment tal-utent jew l-organizzazzjoni rappreżentattiva tiegħu.

4.   Fejn jitressqu proċedimenti kontra deċiżjoni ta' awtorità kompetenti li kienet preċeduta minn opinjoni jew deċiżjoni tal-Bord fil-mekkaniżmu ta' konsistenza, l-awtorità superviżorja għandha tibgħat dik l-opinjoni jew id-deċiżjoni lill-qorti.

Artikolu 32c

Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv

1.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju disponibbli, inkluż taħt id-Direttiva (UE) 2020/1828 u d-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja skont l-Artikolu 32b, kull utent, detentur tad-data u riċevitur tad-data għandu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fejn jikkunsidraw li nkisru d-drittijiet tagħhom previsti f'dan ir-Regolament b'riżultat tan-nuqqas ta' konformità ma' dan ir-Regolament.

2.   Proċedimenti kontra detentur tad-data, parti terza jew riċevitur tad-data għandhom jitressqu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn l-utent ikollu r-residenza abitwali, il-post jew ix-xogħol jew l-istabbiliment tiegħu.

Artikolu 33

Penali

1.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għal ksur ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati, u dissważivi.

1a.   L-Istati Membri għandhom iqisu l-kriterji mhux eżawrjenti li ġejjin għall-impożizzjoni ta' penali għall-ksur ta' dan ir-Regolament:

(a)   in-natura, il-gravità, l-iskala u t-tul ta' żmien tal-ksur;

(b)   kwalunkwe azzjoni meħuda mill-parti li tkun wettqet il-ksur biex ittaffi jew tirrimedja l-ħsara kkawżata mill-ksur;

(c)   kwalunkwe ksur preċedenti mill-parti li tkun wettqet il-ksur;

(d)   il-benefiċċji finanzjarji miksuba jew it-telf evitat mill-parti li wettqet il-ksur minħabba l-ksur, sakemm tali benefiċċji jew telf jistgħu jiġu stabbiliti b'mod affidabbli;

(e)   kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti ieħor applikabbli għaċ-ċirkostanzi tal-każ.

2.  L-Istati Membri għandhom, sad-[data stipulata tar-Regolament] jinnotifikaw lill-Kummissjoni, il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data b'dawn ir-regoli u dwar dawn il-miżuri u għandhom jinnotifikawhom mingħajr dewmien b'kull emenda sussegwenti li taffettwahom. Il-Kummissjoni għandha taġġorna regolarment u żżomm reġistru pubbliku faċilment aċċessibbli ta' dawk il-miżuri.

3.  Għal ksur tal-obbligi stabbiliti fil-Kapitolu II, III u V tar-Regolament, l-awtoritajiet superviżorji msemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2016/679 jistgħu, fl-ambitu tal-kompetenza tagħhom, jimponu multi amministrattivi f'konformità mal-Artikolu 83 tar-Regolament (UE) 2016/679 u sal-ammont imsemmi fl-Artikolu 83(5) ta' dak ir-Regolament.

4.  Għal ksur tal-obbligi stabbiliti fil-Kapitolu V ta' dan ir-Regolament, l-awtorità superviżorja msemmija fl-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tista' timponi multi amministrattivi, fl-ambitu tal-kompetenza tagħha f'konformità mal-Artikolu 66 tar-Regolament (UE) 2018/1725 u sal-ammont imsemmi fl-Artikolu 66(3) ta' dak ir-Regolament.

Artikolu 34

Mudelli tat-termini kuntrattwali

Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa u tirrakkomanda mudelli ta' termini kuntrattwali mhux vinkolanti dwar l-aċċess għad-data u l-użu tagħha u klawżoli kuntrattwali standard għall-kuntratti tal-cloud computing ibbażati fuq prinċipji ekwi, raġonevoli u nondiskriminatorji (FRAND) biex tgħin lill-partijiet fl-abbozzar u fin-negozjar ta' kuntratti bi drittijiet u b'obbligi kuntrattwali bbilanċjati. Tali mudelli ta' termini kuntrattwali għandhom jindirizzaw mill-inqas l-elementi li ġejjin:

(a)   id-dritt għal terminazzjoni bikrija tal-kuntratt u l-kundizzjonijiet għall-kumpens fil-każ ta' terminazzjoni bikrija;

(b)   il-politiki dwar iż-żamma u l-ħażna tad-data;

(c)   il-leġġibbiltà tad-data għall-utent, inkluża informazzjoni dwar il-metadata u d-dekriptaġġ.

(d)   il-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali f'konformità ma' dan ir-Regolament.

Il-mudell tat-termini kuntrattwali msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi ppubblikat u għandu jkun disponibbli mingħajr ħlas f'format elettroniku li jista' jintuża faċilment.

KAPITOLU X

INAPPLIKABBILTÀ TAD-DRITT SUI GENERIS SKONT ID-DIRETTIVA 96/9/KE GĦAL BAŻIJIET TAD-DATA LI JKUN FIHOM ĊERTA DATA

Artikolu 35

Bażijiet tad-data li jkun fihom ċerta data

▌Id-dritt sui generis previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9/KE ma japplikax għal bażijiet tad-data li jkun fihom data miksuba minn prodott jew servizz relatat jew iġġenerata mill-użu tiegħu li titħol fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

KAPITOLU XI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 36

Emenda għar-Regolament (UE) Nru 2017/2394

  Fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 2017/2394 jiżdied il-punt li ġej:"

"29. [Ir-Regolament (UE) XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [l-Att dwar id-Data]]."

"

Artikolu 37

Emenda għad-Direttiva (UE) 2020/1828

  Fl-Anness tad-Direttiva (UE) 2020/1828, jiżdied il-punt li ġej:"

"67. [Ir-Regolament (UE) XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [l-Att dwar id-Data]]"

"

Artikolu 38

Eżerċizzju tad-delega

1.  Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikoli 25(4), 28(2), u 29(5) għandha tiġi mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien indeterminat minn […].

3.  Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 25(4), 28(2) u 29(5) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.  Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016.

5.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.  Att delegat adottat skont l-Artikoli 25(4), 28(2) u 29(5) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għalih fi żmien xahrejn minn meta jkunu ġew mgħarrfin bih jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu għarrfu lill-Kummissjoni li ma humiex se joġġezzjonaw għalih. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 39

Proċedura ta' Kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 40

Atti legali oħra tal-Unjoni li jirregolaw id-drittijiet u l-obbligi dwar l-aċċess u l-użu tad-data

1.  L-obbligi speċifiċi għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' data bejn in-negozji, bejn in-negozji u l-konsumaturi, u fuq bażi eċċezzjonali bejn in-negozji u l-korpi pubbliċi, fl-atti legali tal-Unjoni li daħlu fis-seħħ fi [xx XXX xxx] jew qabel, u l-atti delegati jew ta' implimentazzjoni bbażati fuqhom, għandhom jibqgħu mhux affettwati.

2.  Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tispeċifika, fid-dawl tal-ħtiġijiet ta' settur, spazju komuni Ewropew tad-data, jew qasam ta' interess pubbliku, rekwiżiti ulterjuri, b'mod partikolari fir-rigward ta':

(a)  l-aspetti tekniċi tal-kondiviżjoni tad-data;

(b)  l-limiti fuq id-drittijiet tad-detenturi tad-data li jaċċessaw jew jużaw ċerta data pprovduta mill-utenti;

(c)  l-aspetti li jmorru lil hinn mill-aċċess u l-użu tad-data.

Artikolu 41

Evalwazzjoni u rieżami

1.   Sa [sentejn wara d-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament], il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta' dan ir-Regolament u tippreżenta rapport dwar is-sejbiet ewlenin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kif ukoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Dik l-evalwazzjoni għandha tivvaluta b'mod partikolari:

(-a)   l-użu tad-data mill-utenti, detenturi tad-data, riċevituri tad-data u partijiet terzi, l-iżvilupp tal-prattiki ta' monetizzazzjoni fl-ekonomija Ewropea tad-data kif ukoll l-iżvilupp tal-arranġamenti għall-kondiviżjoni tad-data, inkluża d-dinamika kompetittiva fl-ispazji tad-data u s-servizzi tal-intermedjazzjoni tad-data;

(-aa)   l-effetti tal-obbligi tekniċi u amministrattivi għall-konformità ma' dan ir-Regolament, b'mod partikolari mal-Kapitolu II tiegħu fuq il-parteċipanti tal-industrija, anki fid-dawl tal-eżenzjonijiet għall-SMEs;

(a)  l-kategoriji jew tipi oħra ta' data li jridu jkunu magħmulin aċċessibbli;

(b)  l-esklużjoni ta' ċerti kategoriji ta' intrapriżi bħala benefiċjarji skont l-Artikolu 5;

(ba)   jekk id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament relatati mas-sigrieti kummerċjali jiżgurawx ir-rispett għas-sigrieti kummerċjali filwaqt li ma jfixklux l-aċċess għad-data u l-kondiviżjoni tagħha; b'mod partikolari, l-evalwazzjoni għandha tivvaluta jekk u kif il-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali hija żgurata fil-prattika minkejja d-divulgazzjoni tagħhom kemm fil-kuntest tal-kondiviżjoni tad-data ma' partijiet terzi kif ukoll fil-kuntest tal-kondiviżjoni tad-data min-negozji għall-gvern. Din il-valutazzjoni għandha titwettaq f'relazzjoni mill-qrib mar-rapport ta' evalwazzjoni dwar id-Direttiva (UE) 2016/943 mistenni sad-9 ta' Ġunju 2026 skont l-Artikolu 18(3) tad-Direttiva stess.

(c)  sitwazzjonijiet oħra li għandhom jitqiesu bħala ħtiġijiet eċċezzjonali għall-finijiet tal-Artikolu 15;

(d)  bidliet fil-prattiki kuntrattwali tal-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data u jekk dan jirriżultax f'konformità suffiċjenti mal-Artikolu 24;

(e)  tnaqqis fl-imposti, imposti mill-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data għall-proċess tal-qlib, f'konformità mal-irtirar gradwali tal-imposti tal-qlib skont l-Artikolu 25;

(ea)   l-interazzjoni bejn dan ir-Regolament u liġijiet rilevanti oħra tal-Unjoni biex tiġi vvalutata kwalunkwe regolamentazzjoni konfliġġenti, regolamentazzjoni żejda jew lakuna leġiżlattiva li jista' jkun hemm;

(eb)   il-kontribut ta' dan ir-Regolament biex tiġi żgurata l-attrazzjoni ekonomika tal-ġbir u l-użu ta' settijiet ta' data ta' kwalità għolja minn kumpaniji tal-Unjoni;

(ec)   il-kontribut ta' dan ir-Regolament għall-innovazzjoni u għall-promozzjoni tal-iżvilupp ta' negozji ġodda u SMEs ta' teknoloġija avvanzata, kif ukoll biex jippermetti l-aċċess għall-utenti Ewropej għal servizzi tal-kompjuter l-aktar avvanzati;

(ed)   l-applikazzjoni u l-funzjonament tal-Artikolu 27 dwar l-aċċess u t-trasferiment internazzjonali tad-data.

1a.   Fuq il-bażi ta' dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha, fejn xieraq, tippreżenta proposta leġiżlattiva lill-Parlament u lill-Kunsill biex temenda dan ir-Regolament.

Artikolu 42

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika minn 18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament ▌.

L-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(1) għandhom japplikaw retroattivament għas-servizzi relatati mqiegħda fis-suq f'perjodu ta' 5 snin qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u biss meta l-fornitur ta' servizz relatat ikun jista' juża mekkaniżmi remoti biex jiżgura t-twettiq tar-rekwiżiti skont l-Artikolu 4(1) u biss meta l-użu ta' tali mekkaniżmi ma jpoġġix piż sproporzjonat fuq il-manifattur jew fuq il-fornitur ta' servizzi relatati.

Magħmul fi,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1)1 ĠU C 365, 23.9.2022, p. 18.
(2)2 ĠU C 375, 30.9.2022, p. 112
(3) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(4) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(5) Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).
(6)3 Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22).
(7)4 Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(8)5 Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta' April 1993 dwar klawżoli inġusti f'kuntratti mal-konsumatur. Id-Direttiva (UE) 2019/2161 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2019 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttivi 98/6/KE, 2005/29/KE u 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar aħjar u mmodernizzar tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur.
(9)6 Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).
(10) Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10).
(11) Id-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45).
(12) Id-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92).
(13) Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).
(14) Ir-Regolament (UE) 2022/868 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2022 dwar il-governanza Ewropea tad-data u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724 (Att dwar il-Governanza tad-Data) (ĠU L 152, 3.6.2022, p. 1).
(15) Id-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-protezzjoni legali ta' programmi tal-kompjuter (ĠU L 111, 5.5.2009, p. 16).
(16) Id-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta' konoxxenza u ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU L 157, 15.6.2016, p. 1).
(17)8 ĠU L 303, 28.11.2018, p. 59.
(18) Ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali). (ĠU L 265, 12.10.2022, p. 1)
(19)9 Id-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 56).
(20)10 Id-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta' databases (ĠU L 77, 27.3.1996, p. 20).
(21) Ir-Regolament (UE) 2017/1128 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar l-iżgurar tal-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut online fis-suq intern (ĠU L 168, 30.6.2017, p. 1).
(22)11 Id-Direttiva (UE) 2019/770 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta' kontenut diġitali u ta' servizzi diġitali (ĠU L 136, 22.5.2019, p. 1).
(23) Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).
(24)12 Ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 345, 27.12.2017, p. 1).
(25)13 Id-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2020 dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 409, 4.12.2020, p. 1).
(26)14 ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(27)15 Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(28)16 Ir-Regolament (UE) 2021/784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2021 dwar l-indirizzar tad-disseminazzjoni ta' kontenut terroristiku online (ĠU L 172, 17.5.2021, p. 79).
(29) Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta' data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Settembru 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza