Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2022/2151(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0051/2023

Testi mressqa :

A9-0051/2023

Dibattiti :

PV 14/03/2023 - 9
CRE 14/03/2023 - 9

Votazzjonijiet :

PV 15/03/2023 - 7.7
CRE 15/03/2023 - 7.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2023)0079

Testi adottati
PDF 186kWORD 64k
L-Erbgħa, 15 ta' Marzu 2023 - Strasburgu
Is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: prijoritajiet soċjali u tal-impjieg għall-2023
P9_TA(2023)0079A9-0051/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2023 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: prijoritajiet soċjali u tal-impjieg għall-2023 (2022/2151(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 9 u 149 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2022 dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2023 (COM(2022)0780),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2022 għal Rapport Konġunt tal-Kummissjoni u tal-Kunsill dwar l-Impjiegi (COM(2022)0783),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2022 għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro (COM(2022)0782),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2022 bit-titolu "Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2023" (COM(2022)0781),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2022 dwar l-Abbozz ta' Pjanijiet Baġitarji għall-2023: Valutazzjoni Ġenerali (COM(2022)0900),

–  wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR), ipproklamat mill-Kunsill, mill-Parlament u mill-Kummissjoni f'Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2022 dwar l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE (COM(2022)0583),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol ta' Novembru 2021 dwar Labour Shortages and Surpluses (In-nuqqas u l-eċċess ta' ħaddiema),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A9-0051/2023),

A.  billi r-rapport konġunt dwar l-impjiegi għall-2023 isaħħaħ l-enfasi fuq l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU, l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u l-EPSR, f'konformità mal-impenji tal-Pjan ta' Azzjoni tal-EPSR ta' Marzu 2021 u mad-Dikjarazzjoni ta' Porto mill-Mexxejja tal-UE tat-8 ta' Mejju 2021; billi l-implimentazzjoni tiegħu għandha ssaħħaħ l-ispinta tal-Unjoni lejn tranżizzjoni ekoloġika, diġitali u ġusta u tikkontribwixxi għall-kisba ta' konverġenza soċjali u ekonomika 'l fuq; billi ħafna valutazzjonijiet tas-Semestru Ewropew imwettqa mill-Kummissjoni jissuġġerixxu li l-livell ta' konformità mar-rakkomandazzjonijiet tiegħu kien baxx, parzjalment minħabba l-infurzabbiltà limitata tiegħu, inkluż fi kwistjonijiet ta' politika soċjali;

B.  billi stħarriġ tal-Eurofound(1) juri li għadhom qed jiġu rrapportati sfidi tal-għoli tal-ħajja fl-Istati Membri kollha tal-UE, fejn 48 % tar-rispondenti qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-ħajja; billi l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna kkawżat kriżijiet umanitarji, enerġetiċi u ekonomiċi fl-UE u aggravat l-inugwaljanzi eżistenti; billi l-azzjonijiet skont l-EPSR jgħinu biex jinħolqu opportunitajiet ta' impjiegi ta' kwalità għolja u sistemi ta' protezzjoni soċjali ġusti, u dan huwa kruċjali għat-titjib tar-reżiljenza futura;

C.  billi, filwaqt li l-qgħad fl-UE baqa' stabbli b'rata ta' 6 % f'Awwissu 2022, il-kumpaniji tal-UE qed jitħabtu biex isibu l-impjegati bil-ħiliet meħtieġa; billi d-disponibbiltà ta' persunal imħarreġ u maniġers b'esperjenza hija l-aktar problema importanti għal kwart tal-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) tal-UE, li min-naħa tagħhom jirrappreżentaw 99 % tan-negozji kollha tal-UE(2);

D.  billi stħarriġ tal-Ewrobarometru wera li l-inugwaljanzi soċjali huma l-aktar tħassib serju tan-nies fl-UE u dawn l-inugwaljanzi ġew aggravati bil-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19 kif ukoll bi problemi strutturali oħra; billi l-inugwaljanzi għoljin fl-introjtu jista' jkollhom effetti ta' ħsara fuq it-tkabbir ekonomiku u jimminaw il-koeżjoni soċjali; billi ż-żieda kontinwa tal-għoli tal-ħajja u l-inflazzjoni eżaġerata, stimulati minn żidiet enormi fil-prezz tal-enerġija, tal-fjuwil, tal-ikel u tal-oġġetti essenzjali madwar l-Ewropa, qed joħolqu kriżi ekonomika u soċjali; billi anke qabel il-pandemija, 78 % tan-nies fl-UE xtaqu li l-gvernijiet nazzjonali tagħhom jagħmlu aktar biex inaqqsu l-inugwaljanzi fl-introjtu(3); billi r-rieżami li jmiss tal-qafas ta' governanza ekonomika jirrappreżenta opportunità unika biex jiġi appoġġat l-investiment soċjali;

E.  billi l-faqar, inkluż il-faqar fost dawk li jaħdmu, għadu sfida għal ħafna Stati Membri; billi l-ħaddiema b'kuntratti temporanji jiffaċċjaw riskju ħafna ogħla ta' faqar fost dawk li jaħdmu milli dawk b'kuntratti permanenti; billi l-faqar fost dawk li jaħdmu tela' minn 8,5 % fl-2010 għal 9 % fl-2019 fl-UE iżda baqa' stabbli bejn l-2020 u l-2021 minħabba l-intervent ta' politika rapidu matul il-pandemija; billi l-faqar fost dawk li jaħdmu għandu jiġi mmonitorjat mill-qrib, b'mod speċjali fid-dawl tal-impatt negattiv reċenti tal-inflazzjoni fuq il-pagi reali; billi l-livelli tal-pagi reali għadhom taħt il-livell tas-sena tal-kriżi 2009 f'ħafna pajjiżi tal-UE; billi l-gruppi vulnerabbli u l-ħaddiema b'introjtu baxx qed jintlaqtu l-aktar, iżda l-istandards tal-għajxien tal-klassi medja wkoll qed jiddeterjoraw b'rata mgħaġġla;

F.  billi għall-persuni f'impjieg, ir-riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali fl-UE kien ta' 11,1 % fl-2021; billi aktar minn 8 % tan-nies għadhom jiddedikaw aktar minn 40 % tal-introjtu disponibbli tagħhom għall-akkomodazzjoni, u ftit li xejn sar progress fit-tnaqqis tan-numru ta' persuni mingħajr dar madwar l-Istati Membri tal-UE; billi s-sistemi ta' protezzjoni soċjali jinsabu taħt pressjoni kbira biex jimmitigaw l-impatt soċjali tal-kriżi u jiżguraw kundizzjonijiet ta' għajxien deċenti għal kulħadd kif ukoll aċċess għal servizzi essenzjali bħas-saħħa, l-edukazzjoni u l-akkomodazzjoni; billi s-servizzi soċjali f'xi Stati Membri għadhom żviluppati b'mod mhux uniformi u mhux ugwali madwar l-UE, u jiffaċċjaw nuqqas ta' finanzjament u nuqqas ta' standards ta' kwalità;

G.  billi t-tibdil fil-klima u l-qerda ambjentali aggravaw l-inugwaljanzi peress li jaffettwaw b'mod sproporzjonat lill-foqra u lill-gruppi l-aktar vulnerabbli; billi patt ekoloġiku ffukat fuq l-investimenti biex issir it-tranżizzjoni lejn ekonomija dekarbonizzata u newtrali għall-klima, għandu jmur id f'id mal-investiment fin-nies li ma jifilħux għall-bidla; billi jeħtieġ li jiġi żgurat futur sostenibbli għal kulħadd;

H.  billi, skont l-aħħar rapport tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC), it-tibdil fil-klima, it-tisħin globali u t-telf tal-bijodiversità qed jaċċelleraw b'mod esponenzjali, kif muri bl-avvenimenti estremi u drammatiċi tat-temp reċenti madwar id-dinja; billi n-nies fl-Ewropa qed iħossu l-effetti tal-kriżi klimatika u l-avvenimenti estremi tat-temp ikkawżati mit-tibdil fil-klima dejjem b'aktar intensità; billi l-miri tad-dekarbonizzazzjoni tal-2030 żdiedu biex tintlaħaq in-newtralità karbonika sal-2050; billi ż-żieda fl-isforzi ta' mitigazzjoni u adattament qed twassal għal trasformazzjoni profonda tal-ekonomiji u s-swieq tax-xogħol Ewropej u nazzjonali;

I.  billi l-inflazzjoni għolja madwar l-UE, b'żidiet rapidi fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel, qed tpoġġi piż fuq l-unitajiet domestiċi u l-SMEs, u qed tolqot lill-persuni l-aktar vulnerabbli u bl-inqas introjtu; billi ż-żidiet rapidi fil-prezzijiet u l-kundizzjonijiet tas-suq tal-enerġija qed jaggravaw il-faqar enerġetiku, li għalih kienu diġà esposti aktar minn 50 miljun ruħ fl-UE fl-2019, qabel il-bidu tal-pandemija; billi skont il-projezzjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) l-inflazzjoni se tibqa' għolja fl-2023 ('il fuq mill-mira tiegħu ta' 2 %) u l-BĊE mistenni jkompli jgħolli r-rati tal-imgħax fix-xhur li ġejjin; billi l-kriżi tal-għoli tal-ħajja u d-distorsjonijiet fis-suq tal-akkomodazzjoni, bħaż-żieda fil-finanzjalizzazzjoni, għandhom implikazzjonijiet negattivi fuq l-aċċessibbiltà tal-prezzijiet tal-akkomodazzjoni, bir-riskju li tkompli tiżdied il-problema ta' persuni mingħajr dar;

J.  billi l-UE teħtieġ strateġija industrijali li tagħmel il-bażi industrijali tagħha aktar reżiljenti, soċjalment effettiva u sostenibbli mill-aspett ambjentali; billi tranżizzjoni soċjalment ġusta u l-futur tal-industrija jeħtieġu investiment pubbliku enormi; billi tali strateġija hija kruċjali biex jiġi żgurat ir-rispett tal-objettivi klimatiċi, b'mod partikolari l-Ftehim ta' Pariġi; billi l-istrateġija industrijali tal-UE trid timxi id f'id ma' strateġija tax-xogħol; billi kwalunkwe mudell ta' produzzjoni ġust u sostenibbli għandu jpoġġi lill-ħaddiema u lit-trade unions, kif ukoll l-interessi u l-għarfien espert dejjiemi tal-ħaddiema, proprju fil-qalba tal-iżvilupp tiegħu biex jiżgura l-funzjonament demokratiku tiegħu;

K.  billi, jekk tkun regolata tajjeb, l-ekonomija diġitali l-ġdida, inkluża l-intelliġenza artifiċjali (IA), għandha l-potenzjal li tkun ta' benefiċċju għas-soċjetà kollha kemm hi billi ttejjeb il-kwalità tal-ħajja u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, u tippreserva l-impjiegi u fl-istess ħin toħloq opportunitajiet ġodda ta' impjiegi ta' kwalità, filwaqt li trawwem il-prosperità u tiffaċilita t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli, robusta u reżiljenti;

L.  billi skont l-Eurofound, 20 % tal-impjiegi fl-Ewropa kienu ta' "kwalità ħażina" fl-2017, u dan poġġa s-saħħa fiżika jew mentali tal-ħaddiema f'riskju akbar; billi skont l-OECD, l-inċertezza finanzjarja u n-nuqqas ta' sigurtà tal-impjiegi huma fatturi ta' riskju assoċjati ma' saħħa mentali ħażina; billi l-investiment f'impjiegi fit-tul ta' kwalità huwa essenzjali għall-ġlieda kontra s-saħħa mentali ħażina fost il-ħaddiema;

M.  billi l-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat il-ħtieġa ta' aktar viġilanza u investiment fl-Istati Membri kollha biex jiġi żgurat li jkunu mħejjija b'mod adegwat biex jindirizzaw kriżijiet tas-saħħa futuri u jkunu jistgħu wkoll jippreservaw il-kwalità tal-kura għall-mard u l-kundizzjonijiet l-oħra kollha; billi għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet tal-gruppi vulnerabbli;

N.  billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandhom ikunu fil-qalba tal-istrateġija annwali għat-tkabbir sostenibbli tal-2023;

O.  billi l-ħaddiema tas-sengħa, l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja huma ta' importanza ewlenija biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni sostenibbli u ġusta tal-ekonomija Ewropea; billi l-programmi ta' titjib tal-ħiliet, ta' taħriġ mill-ġdid u ta' taħriġ għandhom ikunu disponibbli għall-ħaddiema kollha, inklużi dawk b'diżabilità, u għandhom ikunu adattati wkoll għall-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tal-ħaddiema;

P.  billi l-ħaddiema għandhom id-dritt għal livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tagħhom, b'post tax-xogħol aċċessibbli u ambjent li jikkonforma mal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-istandards dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali u jikkontribwixxi għaliha;

1.  Jenfasizza l-fatt li l-azzjoni politika rapida u kkoordinata tal-UE matul il-pandemija tal-COVID-19 immitigat l-iskossi ekonomiċi u pproteġiet lill-popolazzjoni mill-aktar konsegwenzi negattivi tal-kriżi; jemmen li, għalkemm il-konsegwenzi mill-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna joħolqu sfidi ekonomiċi, soċjali u ġeopolitiċi multipli ġodda għall-ekonomija u s-soċjetà tal-UE, sfidi soċjali oħra li ilhom aktar fit-tul, bħall-faqar, l-esklużjoni soċjali, l-emerġenzi klimatiċi u tal-bijodiversità u l-inugwaljanzi qed ikomplu jikbru u jridu jiġu indirizzati wkoll;

2.  Japprova l-ambizzjoni tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri li jikkoordinaw aktar mill-qrib ir-risponsi politiċi tal-UE biex jimmitigaw il-piż fuq terminu qasir tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija u tal-ikel, l-inflazzjoni, it-tfixkil fil-katina tal-provvista, inkluż in-nuqqas ta' mediċini, iż-żieda fil-livelli tad-dejn u ż-żieda fil-kostijiet tas-self, inkluż is-self ipotekarju, għall-unitajiet domestiċi u n-negozji Ewropej, speċjalment l-SMEs u l-imprendituri; jinsisti li l-Unjoni Ewropea teħtieġ mudell tal-enerġija li jiżgura aċċess universali għal sorsi tal-enerġija dekarbonizzati u li jtemm il-faqar enerġetiku; jenfasizza l-fatt li l-investiment soċjali huwa essenzjali biex jingħata lok għal żvilupp sostenibbli fuq terminu medju u twil u li s-sistemi ta' benesseri nazzjonali għandhom funzjoni essenzjali ta' stabbilizzazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa ta' Fond tal-UE għas-Sovranità sabiex jiġi żgurat, fost affarijiet oħra, li l-Istati Membri kollha jkollhom il-flessibbiltà biex jindirizzaw l-isfidi soċjali, klimatiċi u ambjentali;

3.  Jisħaq li wħud mill-għanijiet ta' tkabbir ekonomiku sostenibbli jridu jkunu li tiġi żgurata trasformazzjoni soċjoekoloġika inklużiva tal-ekonomiji tagħna, jiġu evitati l-iżbilanċi soċjali, ekonomiċi u ambjentali billi jiġi miġġieled il-faqar, jitnaqqsu l-inugwaljanzi, u jinħolqu impjiegi deċenti b'pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati, filwaqt li jiġi żgurat l-allinjament mal-SDGs u l-EPSR;

4.  Jinsab imħasseb li 21,7 % tal-popolazzjoni tal-UE tinsab f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali, fejn in-nisa u l-adulti żgħażagħ huma aktar suxxettibbli li jkunu f'riskju; jinnota li l-mira ewlenija li l-faqar jitnaqqas bi 15-il miljun persuna mhux se tintlaħaq mingħajr ma jiġu indirizzati dawk l-aktar vulnerabbli; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jiżviluppaw modi mmirati ta' appoġġ għall-persuni qiegħda fit-tul u dawk mingħajr dar, kif ukoll il-persuni li jħabbtu wiċċhom ma' diversi ostakli u forom ta' diskriminazzjoni; jisħaq li huwa meħtieġ introjtu minimu adegwat biex in-nies jinħarġu mill-faqar; jissottolinja li l-problema tal-persuni mingħajr dar hija waħda mill-aktar forom estremi ta' esklużjoni soċjali u li l-Pjattaforma Ewropea għall-ġlieda kontra l-kondizzjoni ta' persuni mingħajr dar hija għodda essenzjali bl-objettiv finali li ttemm il-problema tal-persuni mingħajr dar sal-2030; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw strateġiji nazzjonali ambizzjużi, b'finanzjament nazzjonali u tal-UE adegwat, ibbażati fuq il-prinċipju tal-akkomodazzjoni l-ewwel biex jippromwovu l-prevenzjoni tal-problema ta' persuni mingħajr dar u jipprovdu aċċess għal akkomodazzjoni adegwata, sikura u affordabbli għal kulħadd; jisħaq li l-kriżi tal-għoli tal-ħajja tagħmel l-implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal, tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ Imsaħħa u tal-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità fil-livell nazzjonali saħansitra aktar importanti; jistieden lill-Kummissjoni tkun aktar attiva fil-ġlieda kontra l-faqar, speċjalment il-faqar fost it-tfal u l-faqar fost dawk li jaħdmu; jistieden lill-Kummissjoni tistinka favur monitoraġġ dettaljat tal-implimentazzjoni tal-Garanzija għat-Tfal fl-Istati Membri kollha;

5.  Jisħaq li s-servizzi pubbliċi ta' kwalità u ffinanzjati sew, inklużi s-servizzi soċjali, jikkontribwixxu għal valuri demokratiċi ewlenin bħar-rispett għad-drittijiet fundamentali u tal-bniedem u għandhom rwol kruċjali biex jingħelbu l-kriżijiet; iwissi li l-persuni vulnerabbli mingħajr ebda aċċess jew b'aċċess limitat għal servizzi soċjali mmirati jsofru wkoll impatt negattiv fuq l-aċċess tagħhom għal servizzi pubbliċi importanti oħra, bħall-kura tas-saħħa jew it-taħriġ; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibbiltà ta' reviżjoni tal-Qafas ta' Kwalità tal-UE għas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali biex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri biex itejbu l-aċċess għal servizzi essenzjali ta' kwalità tajba, b'mod partikolari l-akkomodazzjoni, l-enerġija, it-trasport, l-ilma, is-sanità, is-servizzi finanzjarji u l-komunikazzjoni diġitali; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tinkludi kunsiderazzjonijiet soċjali b'mod aktar effettiv fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u twessa' l-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament Ġenerali ta' Eżenzjoni ta' Kategorija fir-reviżjoni li jmiss tiegħu sabiex jikkontribwixxi għal aċċess aħjar għal oġġetti u servizzi essenzjali u għall-kwalità aħjar tagħhom;

6.  Jissottolinja l-ħtieġa tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fis-Semestru Ewropew għal investiment f'benefiċċju adegwat kontra d-diżabilitajiet li jkun kompatibbli ma' forom oħra ta' introjtu, biex jitnaqqas ir-riskju ta' faqar li jħabbtu wiċċhom miegħu l-persuni b'diżabilità;

7.  Jemmen li l-politiki tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jridu jkunu ankrati u integrati fil-fażijiet kollha tal-governanza ekonomika; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza soċjali fir-relazzjonijiet tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw il-femminilizzazzjoni tal-faqar fil-forom kollha tiegħu, b'mod partikolari billi jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol f'setturi femminilizzati; jitlob it-tisħiħ ta' politiki sensittivi għall-ġeneru fil-livell tal-UE, peress li dan huwa essenzjali biex jiġi żgurat li l-impatt tal-kriżi tal-għoli tal-ħajja ma jwessax l-inugwaljanza bejn il-ġeneri;

8.  Jitlob proċess ta' Semestru Ewropew aktar demokratiku, fejn il-Parlament ikun involut mill-qrib, b'mod partikolari fl-istabbiliment tal-prijoritajiet tal-politika ekonomika u soċjali; iqis li proċess rivedut tas-Semestru Ewropew għandu jsegwi l-proċedura leġiżlattiva ordinarja u għalhekk ikun miftiehem bejn il-Kunsill u l-Parlament; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa arkitettura ta' governanza ekonomika fl-UE bbażata fuq is-solidarjetà, l-integrazzjoni, il-ġustizzja soċjali u l-konverġenza, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja, inkluża sistema edukattiva pubblika għal kulħadd, impjiegi ta' kwalità u żvilupp sostenibbli;

9.  Jinsab imħasseb dwar l-effetti serji soċjali u fuq l-impjiegi tal-kriżi attwali, b'mod speċjali għaż-żgħażagħ; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li kull żagħżugħ u żagħżugħa fl-Ewropa jkollhom aċċess għall-edukazzjoni, għal traineeships imħallsa u għas-suq tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jagħtu prijorità lill-ġlieda kontra l-qgħad; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-Istrument Ewropew għal Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta' Qgħad f'Emerġenza (SURE) biex jingħata appoġġ lil skemi ta' xogħol b'ħinijiet iqsar, lill-introjtu tal-ħaddiema u lil ħaddiema li, kieku, jingħataw is-sensja temporanjament minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, fost kawżi oħrajn, kif ukoll biex jiġu mmitigati l-iskossi asimetriċi;

10.  Jappoġġa bidla lejn mudell ta' tkabbir sostenibbli, inklużiv u reżiljenti, li jappoġġa l-konverġenza soċjali 'l fuq u li jsaħħaħ l-iżvilupp sostenibbli u r-reżiljenza tal-ekonomija u tas-soċjetajiet tal-UE; jilqa' l-progress li sar dis-sena lejn l-implimentazzjoni sħiħa tal-EPSR, iżda għadu qed jistenna li jara implimentazzjoni sħiħa, inkluż tal-miri ewlenin rilevanti tiegħu għall-2030, protokoll ta' progress soċjali u l-promozzjoni ta' investimenti orjentati lejn il-futur iffokati fuq it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali ġusti, b'dimensjoni soċjali b'saħħitha, inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li l-inizjattivi ta' finanzjament tal-UE futuri li jappoġġaw l-industrija u s-sovranità jiżguraw tkabbir fit-tul sostenibbli kif ukoll progress soċjali; iqis essenzjali li l-aspetti rilevanti li ġejjin jiġu integrati fi kwalunkwe strument ta' finanzjament futur:

   il-ġustizzja soċjali bħala prinċipju gwida sabiex l-UE ssir aktar reżiljenti għat-theddid dejjem jiżdied għas-saħħa u l-benesseri,
   enfasi qawwija fuq il-ħaddiema, b'tali mod li l-investimenti għandhom joħolqu impjiegi ta' kwalità tajba biex jelevaw il-klassijiet baxxi u medji u joħolqu benefiċċji tanġibbli għall-ħaddiema u l-komunitajiet li spiss jiġu injorati u jitħallew jibqgħu lura,
   ġustizzja ambjentali biex tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tal-proġetti sabiex ikunu ta' benefiċċju għall-komunitajiet żvantaġġati li jintlaqtu b'mod sproporzjonat min-nuqqas ta' investiment fl-infrastruttura kritika, it-tniġġis u t-tibdil fil-klima;

12.  Jieħu nota tal-proċess rivedut tas-Semestru Ewropew, b'kamp ta' applikazzjoni usa' u sorveljanza multilaterali msaħħa sabiex jiġu żgurati s-sostenibbiltà u l-investimenti ewlenin filwaqt li tiġi żgurata l-istabbiltà fiskali u jitqiesu r-riformi u l-investimenti permezz tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (NRRPs), it-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn enerġija nadifa permezz ta' REPowerEU u l-SDGs tan-NU; iqis li r-regoli fiskali Ewropej għandhom jippermettu l-finanzjament u l-investiment pubbliku meħtieġa tat-tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija mingħajr emissjonijiet tal-karbonju, kif ukoll l-implimentazzjoni xierqa tal-prinċipji tal-EPSR; jisħaq li għalkemm hemm bżonn li jitnaqqas id-dejn pubbliku f'perjodu ta' żmien raġonevoli, l-Istati Membri iżgħar jew aktar midjuna jeħtieġu perkorsi ta' aġġustament individwali aktar flessibbli li jippermettulhom biżżejjed spazju fiskali biex iwettqu l-investimenti u r-riformi meħtieġa għal tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali soċjalment ġusti b'mod li ħadd ma jitħalla jibqa' lura; ifakkar lill-Istati Membri fl-impenn tagħhom li jwettqu riformi u jagħmlu investimenti li jikkontribwixxu għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv, itaffu l-impatt soċjali u ekonomiku tal-kriżi, b'mod partikolari fuq il-gruppi vulnerabbli, u jikkontribwixxu wkoll għall-implimentazzjoni tal-EPSR permezz tal-NRRPs tagħhom; jenfasizza l-impenn tagħhom li jkomplu jsegwu din l-implimentazzjoni fil-livell tal-UE u dak nazzjonali sabiex inaqqsu l-inugwaljanzi, jiddefendu l-pagi deċenti, jiġġieldu l-esklużjoni soċjali u l-faqar, filwaqt li jiġi segwit l-objettiv tal-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal u jiġu indirizzati r-riskji ta' esklużjoni soċjali, sabiex jitrawmu l-konverġenza ekonomika u soċjali 'l fuq u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja;

13.  Ifakkar li s-Semestru Ewropew għandu jintegra iktar il-prinċipji tal-EPSR, inkluż il-prinċipju Nru 11 dwar il-kura tat-tfal u l-appoġġ għat-tfal; jenfasizza li d-disponibbiltà ta' servizzi b'xejn u ta' kwalità bħall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, l-edukazzjoni, is-saħħa, kif ukoll l-aċċess għal akkomodazzjoni adegwata u nutrizzjoni tajba għas-saħħa hija kundizzjoni neċessarja biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs u jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali; jinnota li l-indirizzar tal-faqar fost it-tfal jirrikjedi miżuri komprensivi u integrati ffinanzjati b'mod xieraq, flimkien mal-implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal fil-livell nazzjonali; itenni t-talba tiegħu għal żieda fil-finanzjament tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal b'baġit iddedikat ta' mill-inqas EUR 20 biljun u biex l-Istati Membri jallokaw mill-inqas 5 % tal-fondi tal-FSE+ tagħhom għall-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal u għall-promozzjoni tal-benesseri tat-tfal;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu d-dimensjoni soċjali tas-Semestru Ewropew u l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b'mod speċjali fid-dawl tar-rieżami tal-governanza ekonomika u d-diżattivazzjoni li ġejja tal-klawżola liberatorja; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-preżentazzjoni ta' strument għal qafas ta' konverġenza soċjali, biex jiġu mmonitorjati r-riskji ta' konverġenza soċjali, jiġi evitat li azzjonijiet politiċi jew skossi ekonomiċi oħra jkollhom effetti kollaterali soċjali negattivi fuq il-konverġenza soċjali 'l fuq, jiġu identifikati l-intoppi potenzjali għall-implimentazzjoni xierqa tal-EPSR u jiġu stabbiliti miri soċjali; jemmen li r-riskji ta' diverġenza soċjali għandhom jiġu inklużi fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u jitqiesu meta jkunu qed jiġu definiti mogħdijiet ta' aġġustament fiskali;

15.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' investiment pubbliku u privat biex jissaħħaħ il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u jiġu appoġġati l-SMEs; jissottolinja l-importanza li jiġu żviluppati l-ħiliet u l-kwalifiki xierqa fil-forza tax-xogħol biex tkun tista' tiġi ssodisfata d-domanda għal ħaddiema tas-sengħa matul it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali; ikompli jappoġġa lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni tal-impjegaturi u l-ħaddiema Ewropej billi trawwem u tħeġġeġ proċessi ta' djalogu soċjali u kopertura ta' negozjar kollettiv; jilqa' l-inklużjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, tad-dispożizzjonijiet ta' djalogu soċjali u negozjar kollettiv fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż 2020-2021; jiddispjaċih li, filwaqt li d-djalogu soċjali ġie inkluż fi 15-il rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż (CSR) fl-2020, dan jidher biss f'żewġ CSRs fl-2022; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi n-negozjar kollettiv, id-demokrazija fuq il-post tax-xogħol, u d-djalogu soċjali matul is-Semestru Ewropew, u b'mod speċifiku fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, sabiex jiġu żgurati pagi diċenti permezz tan-negozjar kollettiv;

16.  Jisħaq fuq l-importanza ta' valutazzjoni aħjar tal-impatt distributtiv ta' politiki u riformi eżistenti u ġodda mmonitorjati permezz tal-proċess tas-Semestru Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi rekwiżiti ta' valutazzjoni tal-impatt distributtiv għall-programmi nazzjonali ta' riforma (PNR); jirrimarka li l-konsolidazzjoni fiskali tista' tkun ġusta u sostenibbli biss jekk l-impatt distributtiv tan-nefqa riallokata jew taċ-ċaqliq fid-dħul ikun ikkalibrat sew u jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi soċjali, ekonomiċi u reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi metodoloġija u għanijiet ċari f'termini ta' ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità; ifakkar lill-Istati Membri fir-rekwiżiti li jinkludu fil-PNR spjegazzjoni ta' kif il-miżuri mistennija jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd u l-integrazzjoni ta' dawk l-objettivi;

17.  Iqis li t-tabella ta' valutazzjoni soċjali riveduta tista' ma tkoprix b'mod adegwat l-20 prinċipju tal-EPSR; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni tikkunsidra reviżjoni u titjib ulterjuri tat-tabella ta' valutazzjoni soċjali, bl-inklużjoni ta' indikaturi rilevanti, pereżempju b'rabta mal-benesseri soċjali, u diżaggregazzjoni tad-data skont fatturi differenti, bħall-ġeneru, l-età u l-introjtu, biex jiġu identifikati d-diverġenzi soċjali u l-impatt tal-politiki fuq gruppi differenti, b'mod partikolari dawk f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, permezz ta' valutazzjoni dinamika; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jiġu inklużi indikaturi li jirriflettu bis-sħiħ ix-xejriet u l-kawżi tal-inugwaljanza, bħal indikaturi dwar opportunitajiet indaqs, impjieg ta' kwalità tajba, distribuzzjoni tal-ġid, aċċess universali għal servizzi pubbliċi ta' kwalità tajba, inklużi l-enerġija, l-ilma u s-sanità, pensjonijiet adegwati, ir-rata ta' persuni mingħajr dar, skemi ta' introjtu minimu, mard okkupazzjonali (inklużi kundizzjonijiet tas-saħħa mentali) u benefiċċji tal-qgħad, kif ukoll indikaturi li jkejlu l-impatt soċjali tad-degradazzjoni ambjentali u t-tibdil fil-klima; ifakkar lill-Kummissjoni li l-indikatur "fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali" ma jaqbadx il-kawżi usa' u aktar kumplessi tal-inugwaljanzi;

18.  Jieħu nota tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi orjentazzjonijiet għar-reviżjoni tal-qafas ta' governanza ekonomika biex tissaħħaħ is-sostenibbiltà tad-dejn u jittejjeb it-tkabbir sostenibbli u inklużiv permezz tal-investiment u r-riformi; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta liema nefqa u investiment huma meħtieġa biex jintlaħqu objettivi soċjoekonomiċi fit-tul u li huma meħtieġa biex ikun hemm konformità mal-istadji importanti tal-NRRP; jemmen li s-sistemi fiskali għandhom jitfasslu b'tali mod li jnaqqsu l-inugwaljanzi, jippromwovu l-ġustizzja u jipproteġu lill-unitajiet domestiċi, u għandhom ikunu bbilanċjati sabiex is-sistemi jsiru aktar ġusti u aktar effiċjenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri effettivi biex jiġġieldu l-evitar u l-frodi tat-taxxa bħala mezz importanti biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi ekonomiċi u jitjieb il-ġbir tad-dħul mit-taxxi fl-Istati Membri; ifakkar li rata tat-taxxa minima effettiva għal kumpaniji multinazzjonali kbar fl-Unjoni Ewropea tista' tikkontribwixxi biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tad-dumping fiskali u tiżgura li l-korporazzjonijiet kollha jħallsu s-sehem ġust tagħhom ta' taxxa fuq il-profitti ġġenerati mill-attivitajiet tagħhom fl-UE;

19.  Jinsab imħasseb dwar ix-xenarju ekonomiku attwali, it-tbassir għall-futur qrib u l-impatt li ż-żidiet fil-pagi taħt l-inflazzjoni jista' jkollhom fuq l-istandards tal-għajxien fl-UE; iqis li ż-żieda fil-kapaċità tal-akkwist hija wieħed mill-modi biex jiġi żgurat irkupru ekonomiku ulterjuri, iżda li b'mod ġenerali t-tkabbir fil-pagi mhux se jlaħħaq mal-inflazzjoni matul is-sena li ġejja, b'tali mod li l-ħaddiema se tonqsilhom il-kapaċità tal-akkwist; ifakkar li l-pagi deċenti huma għodda essenzjali li tgħin lill-unitajiet domestiċi jlaħħqu maż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija; jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu kontra l-atti kompetittivi bbażati fuq pagi baxxi u standards tal-kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena, u jimplimentaw malajr id-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Pagi Minimi(4), sabiex, kif inhu rrakkomandat, il-pagi minimi jiżdiedu għal mill-inqas 60 % tas-salarju medjan gross ta' pajjiż jew 50 % tal-medja grossa; jistieden lill-Kummissjoni taħdem biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien u timmonitorja s-sitwazzjoni tal-pagi minimi u tiżgura li s-salarji baxxi, u b'mod partikolari l-pagi minimi, jirriflettu l-għoli tal-ħajja li qed jiżdied; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw pagi minimi adegwati, bl-għan li jinkiseb standard tal-għajxien deċenti, jitnaqqas il-faqar fost il-ħaddiema u jiġu promossi l-koeżjoni soċjali u l-konverġenza soċjali 'l fuq, filwaqt li titnaqqas id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri; jisħaq li, sabiex jiġi estiż is-sehem tal-unitajiet domestiċi fil-faxxa tal-introjtu medju, dawn l-isforzi għandhom jiġu kkombinati ma' politiki li jwessgħu l-kopertura tan-negozjar kollettiv u jagħtu spinta lir-rati ta' sħubija fit-trade unions;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta r-reviżjoni possibbli tad-direttiva Ewropea dwar l-akkwist pubbliku sabiex issaħħaħ il-kopertura tan-negozjar kollettiv billi ġġiegħel lill-kumpaniji jikkonformaw mal-ftehimiet ta' negozjar kollettiv, inkluż it-tisħiħ tal-klawżola soċjali, u tiffavorixxi lill-kumpaniji li jirrispettaw id-drittijiet tax-xogħol u dawk soċjali, filwaqt li teskludi mis-sejħiet għall-offerti lil dawk il-kumpaniji li jkunu ġew issanzjonati minħabba l-involviment tagħhom fi prattiki ta' union-busting;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw pagi deċenti u impjiegi ta' kwalità, kif ukoll kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u jippromwovu saħħa fiżika u mentali tajba, b'mod partikolari permezz tas-sikurezza okkupazzjonali; ifakkar, f'dan il-kuntest, fl-importanza tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u d-dritt għall-iskonnessjoni, b'mod speċjali issa li l-linji bejn l-ambjenti professjonali u dawk privati qed isiru dejjem inqas ċari bl-iżvilupp tat-telexogħol; jilqa' l-ftehim bejn il-Kunsill u l-Parlament dwar id-direttiva dwar it-trasparenza fil-pagi(5) u jitlob l-implimentazzjoni rapida tagħha; jistieden lill-Istati Membri jivvalutaw ix-xogħol ta' valur ugwali skont kriterji newtrali għall-ġeneru oġġettivi;

22.  Jilqa' l-ftehim dwar l-adozzjoni tal-Fond Soċjali għall-Klima bħala punt ta' tluq ambizzjuż biex jiġi indirizzat l-impatt li l-estensjoni tal-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għas-setturi tal-bini u tat-trasport bit-triq se jkollha fuq il-mikrointrapriżi, l-utenti tat-trasport u l-unitajiet domestiċi vulnerabbli; jissottolinja li l-objettiv ġenerali huwa li jikkontribwixxi għal tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika fejn ħadd ma jitħalla jibqa' lura; jitlob aktar għodda biex jiġu indirizzati l-impatt mhux ugwali tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali fuq gruppi ta' introjtu differenti kif ukoll il-konsegwenzi soċjali tat-trasformazzjoni tas-soċjetajiet tagħna lejn in-newtralità klimatika; jenfasizza l-urġenza li jiġu adottati strumenti li jippermettu lill-partijiet kollha tas-soċjetà jgawdu l-benefiċċji ta' ekonomija newtrali għall-klima, u li jipproteġu lill-mikrointrapriżi, lill-utenti tat-trasport u lill-unitajiet domestiċi vulnerabbli kemm mill-impatt tat-tibdil fil-klima kif ukoll min dak tat-tniġġis; jinsisti li l-politiki u l-objettivi soċjali u ambjentali jridu jiġu integrati fuq bażi ugwali ma' dawk ekonomiċi; huwa konvint, f'dan ir-rigward, li l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir huwa skadut u la joffri l-flessibbiltà u lanqas l-arkitettura meħtieġa biex jiġi stabbilit qafas ġdid għall-governanza tal-iżvilupp sostenibbli u l-progress soċjali fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni tissalvagwardja d-dritt għas-saħħa u għal ambjent tajjeb għas-saħħa fil-livell tal-UE, peress li dan id-dritt huwa essenzjali kemm biex jiġi żgurat it-twettiq tal-biċċa l-kbira tad-drittijiet fundamentali l-oħrajn kif ukoll biex tinkiseb tranżizzjoni inklużiva;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibnu fuq il-Fond Soċjali għall-Klima u jistabbilixxu s-sisien għall-iżvilupp ta' skemi ta' protezzjoni soċjali ekoloġiċi fil-livell nazzjonali bl-appoġġ tal-UE, sabiex issaħħu r-reżiljenza soċjali kontra l-impatti tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali billi jindirizzaw l-effetti sekondarji tal-politiki ekoloġiċi fuq l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tal-għajxien u jiżguraw li l-komunitajiet milquta jkunu ppreparati bis-sħiħ għal suq tax-xogħol ġdid; jirrimarka li għal dawn l-iskemi jistgħu jiġu kkunsidrati l-aspetti li ġejjin:

   (a) protezzjoni tas-saħħa soċjali għall-persuni milquta minn avvenimenti assoċjati mat-tibdil fil-klima;
   (b) protezzjoni tal-qgħad ikkomplementata minn politiki tax-xogħol attivi għall-ħaddiema li jitilfu s-sigħat tax-xogħol jew l-impjieg tagħhom minħabba kundizzjonijiet klimatiċi estremi jew avvenimenti relatati, jew li jingħataw is-sensja minħabba l-għeluq tal-industriji b'intensità qawwija ta' karbonju;
   (c) programmi ta' xogħlijiet pubbliċi li jipprovdu appoġġ fi flus jew in natura u jikkontribwixxu għar-riabilitazzjoni tal-assi u tal-infrastruttura filwaqt li jtejbu l-ħiliet u l-impjegabbiltà tal-ħaddiema u jiżguraw li jkollhom l-għodod biex jintegraw ruħhom fi swieq tax-xogħol lokali jew ġodda;
   (d) benefiċċji ta' assistenza soċjali għall-persuni milquta minn skossi klimatiċi, li jappoġġaw l-introjtu u s-sigurtà alimentari tagħhom;
   (e) skemi ta' garanzija tal-impjiegi u taħriġ jew riorjentazzjoni professjonali li joħolqu opportunitajiet ġodda għall-ħaddiema u l-komunitajiet li ma jistgħux jibqgħu jaqilgħu l-għajxien tagħhom permezz tal-attivitajiet preċedenti tagħhom minħabba miżuri ta' protezzjoni ambjentali u li jiżguraw li jkunu għadhom jistgħu jiġu inklużi fis-suq tax-xogħol;
   (f) strateġiji ta' żvilupp tal-ħiliet u ta' antiċipazzjoni bl-objettivi li jtejbu l-ħiliet ġeneriċi, settorjali u speċifiċi għall-okkupazzjoni għall-ekonomija ekoloġika;
   (g) skemi ta' finanzjament li jappoġġaw lill-unitajiet domestiċi fir-rinnovazzjonijiet favur l-effiċjenza fl-enerġija sabiex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku;

24.  Jisħaq li l-appoġġ għall-SMEs, inkluż it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi bla bżonn, huwa essenzjali sabiex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jadattaw bis-sħiħ l-attivitajiet tagħhom għat-tranżizzjoni ekoloġika u jżommu l-forza tax-xogħol tagħhom, speċjalment fil-każ ta' negozji ġodda, filwaqt li jiġu ssalvagwardjati l-ogħla livelli ta' protezzjoni tal-ħaddiema u tal-ambjent, u tingħata għajnuna lill-impjegaturi Ewropej biex jinvestu fit-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità;

25.  Jissottolinja l-piż regolatorju fuq l-impjegaturi tal-UE u l-impatt negattiv possibbli tiegħu fuq il-kompetittività, it-tkabbir u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità; ikompli jappoġġa l-prinċipju ta’“One In, One Out” u jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar aktar ambizzjuża, li għandha twassal għal tnaqqis tal-piż regolatorju għall-impjegaturi tal-UE;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi direttiva biex tirregola l-kundizzjonijiet tat-telexogħol fl-UE kollha u tiżgura kundizzjonijiet deċenti tax-xogħol u tal-impjieg fl-ekonomija diġitali; iqis li d-dritt għall-iskonnessjoni huwa essenzjali biex jiġi żgurat il-benesseri mentali tal-impjegati u ta' dawk li jaħdmu għal rashom, speċjalment il-ħaddiema nisa u l-ħaddiema f'forom mhux standard ta' xogħol, u għandu jiġi kkomplementat minn direttiva dwar ir-riskji psikosoċjali u l-benesseri fuq il-post tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi, f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali, direttiva dwar l-istandards u l-kundizzjonijiet minimi biex jiġi żgurat li l-ħaddiema kollha jkunu jistgħu jeżerċitaw b'mod effettiv id-dritt tagħhom ta' skonnessjoni; jenfasizza li l-inizjattiva li ġejja tal-Kummissjoni dwar "approċċ komprensiv għas-saħħa mentali" li għandha tiġi ppubblikata f'Ġunju hija opportunità tajba biex jiġu mnedija dawn id-direttivi;

27.  Jenfasizza li, f'sitwazzjoni meta l-popolazzjoni fl-età tax-xogħol qed tiċkien, huwa essenzjali li jkun hemm politiki li jġibu aktar nies fis-suq tax-xogħol; jemmen li l-integrazzjoni tal-migranti fis-suq tax-xogħol se jkollha impatt pożittiv fuq il-provvista tax-xogħol, se tnaqqas in-nuqqasijiet tal-ħaddiema, u se tappoġġa rati ogħla ta' impjieg(6); jinnota, madankollu, li l-ħaddiema migranti għadhom qed jesperjenzaw trattament mhux ugwali u sfruttament tal-ħaddiema; jisħaq li l-ħaddiema migranti kollha għandhom ikunu protetti kontra l-isfruttament, inkluż, billi jiġi ggarantit l-aċċess effettiv tagħhom għall-ġustizzja u r-rimedju; iqis li dan għandu jiġi kkombinat ma' politiki oħra li jippermettu ħajja tax-xogħol aktar b'saħħitha, itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, u jadattaw aħjar is-swieq tax-xogħol għall-ħtiġijiet li jinbidlu tal-ħaddiema tul ħajjithom;

28.  Jitlob l-inklużjoni aħjar tal-gruppi vulnerabbli fis-Semestru Ewropew, l-implimentazzjoni ta' miżuri li jappoġġaw l-impjieg taż-żgħażagħ u tal-anzjani, u opportunitajiet aħjar għall-persuni b'diżabilità, kif ukoll għodod effiċjenti li jipprevjenu d-diskriminazzjoni; jisħaq fuq l-importanza ta' miżuri għall-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi inkluż it-tagħlim tal-lingwi bħala l-bażi għall-komunikazzjoni fl-oqsma kollha tal-operat tan-negozju, li jippermettu l-parteċipazzjoni fit-taħriġ vokazzjonali u t-taħriġ mill-ġdid biex jiġu żviluppati l-kompetenzi rilevanti;

29.  Jisħaq li l-impjegaturi jeħtieġ li jrawmu r-rabtiet interġenerazzjonali fi ħdan il-kumpaniji u t-tagħlim interġenerazzjonali bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani, u viċi versa; jissottolinja li forza tax-xogħol akbar fl-età tista' tgħin lil negozju jiżviluppa prodotti u servizzi ġodda biex jadatta għall-ħtiġijiet ta' soċjetà li qed tixjieħ b'mod iktar kreattiv u produttiv; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu inċentivi biex jinkoraġġixxu t-trasferiment tal-għarfien bejn il-ġenerazzjonijiet u miżuri speċifiċi li jiffaċilitaw l-impjieg taż-żgħażagħ u t-tranżizzjoni ta' qabel l-irtirar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-impatti possibbli fuq iż-żgħażagħ fil-valutazzjonijiet tal-politiki, f'konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ;

30.  Jinsab imħasseb dwar in-numru għoli ta' persuni li jitilqu kmieni mill-iskola, minħabba li dawn jinsabu f'riskju li jispiċċaw qiegħda u jkomplu jsaħħu ċ-ċiklu tal-faqar ġenerazzjonali, peress li, fl-2021, 11,4 % taż-żgħażagħ irġiel u 7,9 % taż-żgħażagħ nisa fl-UE telqu kmieni mill-edukazzjoni jew mit-taħriġ; jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina, flimkien mal-Istati Membri, mas-soċjetà ċivili u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet xierqa biex it-tfal u ż-żgħażagħ jibqgħu jmorru l-iskola; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-aċċess għaż-żgħażagħ għal traineeships u apprendistati mħallsa, ta' kwalità u inklużivi; jinsisti li ż-żgħażagħ jiksbu l-ewwel esperjenza ta' xogħol adegwata u ta' kwalità, u jingħataw opportunitajiet ta' titjib tal-ħiliet u kwalifiki jew kredenzjali ġodda; jikkundanna l-prattika ta' traineeships mhux imħallsa bħala forma ta' sfruttament tal-ħaddiema żgħażagħ, u ksur tad-drittijiet tagħhom, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, b'kollaborazzjoni mal-Parlament, u b'rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, itemmu t-traineeships mhux imħallsa u jipproponu qafas legali komuni biex tkun żgurata remunerazzjoni ġusta għat-traineeships u l-apprendistati sabiex jiġu evitati l-prattiki ta' sfruttament; jikkundanna l-prattika ta' kuntratti ta' żero sigħat u jistieden lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ lill-impjegaturi li jipprovdu traineeships u apprendistati liż-żgħażagħ b'diżabilità; jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina l-istrumenti Ewropej eżistenti bħall-Qafas ta' Kwalità għat-Traineeships u l-Qafas Ewropew għal Apprendistati ta' Kwalità u Effettivi u tinkludi kriterji ta' kwalità għall-offerti magħmula liż-żgħażagħ, inklużi l-prinċipju ta' remunerazzjoni ġusta għat-trainees u l-interns, l-aċċess għall-protezzjoni soċjali, l-impjiegi sostenibbli u d-drittijiet soċjali;

31.  Jinsab imħasseb dwar id-diskrepanzi bejn l-analiżi u r-rakkomandazzjonijiet taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) dwar il-politika tal-ħiliet u l-politiki implimentati fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, li jistgħu jkunu qed jikkawżaw ineffiċjenzi; jiġbed l-attenzjoni għall-evidenza stipulata fir-rapporti tas-Cedefop dwar l-użu insuffiċjenti tal-ħiliet, il-kwalifiki eċċessivi, id-domandi baxxi tal-ħiliet u l-kumplessità limitata f'ħafna impjiegi Ewropej u l-livell relattivament modest ta' domandi tal-ħiliet diġitali fl-Ewropa, peress li dan jista' jfixkel it-tranżizzjoni diġitali u jkollu impatt fuq il-kompetittività tal-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposti u tikkoordina azzjonijiet politiċi li jikkontribwixxu biex jiżdied in-numru ta' impjiegi aktar kumplessi diġitalment u tiffaċilita t-tfassil ta' inċentivi li jagħtu spinta lit-titjib fil-ħiliet diġitali tal-ħaddiema; inklużi t-taħriġ u l-edukazzjoni tul il-ħajja; jenfasizza li tali inizjattivi għandhom ikunu mmirati wkoll lejn il-minoranzi u l-gruppi vulnerabbli biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-suq tax-xogħol għal kulħadd peress li 45 % tal-forza tax-xogħol tal-UE jemmnu li jeħtieġu għarfien u ħiliet ġodda minħabba t-teknoloġiji diġitali ġodda fuq il-post tax-xogħol tagħhom;

32.  Ifakkar li l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità tajba u l-implimentazzjoni ta' strateġiji ta' żamma huma l-aħjar mod biex tiġi attirata forza tax-xogħol tas-sengħa u biex l-impjegaturi jiġu inċentivati ħalli jinvestu fil-ħaddiema tagħhom; jenfasizza li r-rapporti tas-Cedefop jenfasizzaw li d-diffikultajiet ta' reklutaġġ (inklużi dawk dovuti għall-ispariġġ fil-ħiliet) jirriflettu wkoll sa punt konsiderevoli kwalità ħażina tal-impjiegi, nuqqas ta' politika tar-riżorsi umani orjentata lejn in-nies u opportunitajiet ta' tfassil tax-xogħol mhux sfruttati; jistieden lill-Kummissjoni tikkontribwixxi għall-indirizzar tad-differenzi fil-kompetenzi li jeżistu fl-Ewropa u tirrevedi l-politiki tagħha ta' tiġdid u titjib tal-ħiliet fid-dawl tas-sejbiet tas-Cedefop; jenfasizza l-ħtieġa akuta ta' aktar appoġġ għat-taħriġ tul il-ħajja u r-riorjentazzjoni professjonali f'konformità mal-mira tal-2030 li mill-inqas 60 % tal-adulti kollha jsegwu taħriġ kull sena;

33.  Jisħaq li l-antiċipazzjoni tas-suq tax-xogħol iwasslu għal ekonomiji iktar reżiljenti, u dan jirrikjedi politiki attivi tas-suq tax-xogħol, inklużi t-titjib u t-tiġdid tal-ħiliet tal-ħaddiema, kif ukoll sistemi ta' protezzjoni soċjali b'saħħithom; jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' ħaddiema rapportat f'ħafna okkupazzjonijiet, b'mod partikolari dawk relatati mal-kwalifiki tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, l-arti u l-matematika (STEM), mal-edukazzjoni u mal-kura tas-saħħa; jisħaq kemm fuq il-ħtieġa li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, peress li dan jgħin ukoll biex jittaffew in-nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol, kif ukoll fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-programmi edukattivi tal-UE, filwaqt li jiġu appoġġati l-isforzi tal-impjegati u tal-għalliema biex iħarrġu l-ħiliet it-tajba;

34.  Jitlob li l-istrateġija ekoloġika industrijali tal-UE tiżgura li l-impjiegi tal-futur mhux biss ikunu ekoloġiċi, iżda fuq kollox ikunu deċenti, imħallsa tajjeb, u bbażati fuq kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin, b'saħħa u sikurezza okkupazzjonali, protezzjoni soċjali robusta u ugwaljanza bejn il-ġeneri; jitlob ukoll li tiżgura li n-nies ikunu remunerati b'mod adegwat f'konformità mal-kwalifiki u l-kompetenzi ċċertifikati tagħhom; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi biex titrawwem konverġenza soċjali u ekonomika kif ukoll biex jiġi evitat distakk dejjem akbar fl-appoġġ u l-investiment pubbliku minħabba l-kapaċitajiet fiskali differenti tal-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu tajjeb mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, u fondi u pjattaformi rilevanti oħra tal-UE, sabiex jiżguraw li l-impjiegi li qed jiġu eliminati b'mod gradwali b'riżultat tat-tranżizzjoni ekoloġika jiġu sostitwiti b'impjiegi ta' kwalità fl-istess oqsma; jenfasizza, f'dan is-sens, il-potenzjal tal-ekonomija ċirkolari kif ukoll ir-rwol li l-proċessi ta' akkwist pubbliku għandu jkollhom fil-promozzjoni tan-negozjar kollettiv u ta' kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin; jisħaq li politika ekoloġika industrijali tal-UE tista' ssir wieħed mis-sorsi ewlenin ta' ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa fis-snin li ġejjin, kemm fis-setturi emerġenti kif ukoll f'dawk tradizzjonali, b'riflessjoni tal-fatt li l-attivitajiet ekonomiċi sostenibbli jirrikjedu ħafna iktar ħaddiema mill-attivitajiet li jissostitwixxu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-pjan industrijali tal-UE jikseb tranżizzjoni ġusta u objettivi li jinkludu l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità b'kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u paga tajba, il-promozzjoni tan-negozjar kollettiv u l-aderenza mal-ftehimiet kollettivi;

35.  Ifakkar fir-rwol kruċjali tas-sħab soċjali Ewropej, nazzjonali u settorjali fl-antiċipazzjoni tat-tibdil; jenfasizza l-ħtieġa li t-trade unions u r-rappreżentanti tal-ħaddiema jiġu infurmati u kkonsultati mill-qrib fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, sabiex jiġu żgurati tranżizzjonijiet ġusti; jistieden lill-Istati Membri jikkonsultaw lis-sħab soċjali matul it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali (programmi nazzjonali ta' riforma pjanijiet ta' stabbiltà/konverġenza jew pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza); jisħaq fuq ir-rwol kritiku tan-negozjar kollettiv biex jiġu żgurati l-ogħla standards ta' saħħa u sikurezza okkupazzjonali, l-iżviluppi tal-ħiliet rilevanti u l-antiċipazzjoni strateġika tat-tibdil; jisħaq li d-drittijiet tal-bniedem Ewropej u internazzjonali jiggarantixxu li l-ħaddiema kollha jkollhom id-dritt li jorganizzaw, jiffurmaw u jissieħbu ma' trade union, jinvolvu ruħhom f'negozjar kollettiv, jieħdu azzjoni kollettiva biex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u jgawdu l-protezzjoni fl-ambitu tal-ftehimiet kollettivi; jistieden lill-Istati Membri jneħħu kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali li tfixkel in-negozjar kollettiv, inkluż billi jiżguraw l-aċċess tat-trade unions għall-postijiet tax-xogħol għall-fini ta' organizzazzjoni, kondiviżjoni ta' informazzjoni u konsultazzjoni, sabiex tissaħħaħ ir-rappreżentanza tal-ħaddiema;

36.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Eurofound, The cost-of-living crisis and energy poverty in the EU: Social impact and policy responses – Background paper (Il-kriżi tal-għoli tal-ħajja u l-faqar enerġetiku fl-UE: Impatt soċjali u risponsi ta' politika – Dokument ta' sfond), 2022.
(2) Eurostat, Key Figures on European Businesses (Ċifri ewlenin dwar in-negozji Ewropej), Edizzjoni 2022, p. 10.
(3) Ewropa Soċjali: Stħarriġ tal-Ewrobarometru juri li l-Ewropej jappoġġaw politiki soċjali aktar b'saħħithom u aktar infiq soċjali.
(4) Id-Direttiva (UE) 2022/2041 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 275, 25.10.2022, p. 33).
(5) Il-proposta għal Direttiva għat-tisħiħ tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa permezz ta' trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi ta' infurzar (COM(2021)0093).
(6) https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Migrant_integration_statistics.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Settembru 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza