Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/2231(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0037/2023

Testi mressqa :

A9-0037/2023

Dibattiti :

PV 14/03/2023 - 21
CRE 14/03/2023 - 21

Votazzjonijiet :

PV 15/03/2023 - 7.10
CRE 15/03/2023 - 7.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2023)0082

Testi adottati
PDF 210kWORD 71k
L-Erbgħa, 15 ta' Marzu 2023 - Strasburgu
Ir-relazzjonijiet UE-Ażerbajġan
P9_TA(2023)0082A9-0037/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2023 dwar ir-relazzjonijiet UE-Ażerbajġan (2021/2231(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, irratifikata mill-Ażerbajġan fl-2002,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra tal-1984,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet nri 882 tat-30 ta' April 1993, 853 tad-29 ta' Lulju 1993, 874 tal-14 ta' Ottubru 1993 u 884 tat-12 ta' Novembru 1993, tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna, partikolarment ES-11/1 u ES-11/2 ta' Marzu 2022, ES-11/3 ta' April 2022 u ES-11/4 ta' Ottubru 2022,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) tas-7 ta' Diċembru 2021,

–  wara li kkunsidra l-attivitajiet tal-Kopresidenti tal-Grupp ta' Minsk tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tas-16 ta' Frar 2006 dwar il-wirt kulturali fl-Ażerbajġan(1), tal-20 ta' Mejju 2021 dwar il-priġunieri tal-gwerra wara l-kunflitt l-aktar reċenti bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan(2), tas-17 ta' Frar 2022 dwar l-implimentazzjoni tal-politika estera u ta' sigurtà komuni – rapport annwali 2021(3), tal-10 ta' Marzu 2022 dwar il-qerda tal-wirt kulturali fin-Nagorno-Karabakh(4) u tat-8 ta' Ġunju 2022 dwar is-sigurtà fiż-żona tas-Sħubija tal-Lvant u r-rwol tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni(5), u tad-19 ta' Jannar 2023 dwar il-konsegwenzi umanitarji tal-imblokk fin-Nagorno-Karabakh(6),

–  wara li kkunsidra d-Digrieti tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tat-22 ta' Frar 2023 dwar l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali (L-Armenja vs L-Ażerbajġan u L-Ażerbajġan vs L-Armenja),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' sħubija u kooperazzjoni tat-22 ta' April 1996 bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u r-Repubblika tal-Ażerbajġan mill-parti l-oħra(7),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni Nru 1/2018 tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni UE-Ażerbajġan, tat-28 ta' Settembru 2018, dwar il-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Ażerbajġan(8),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2018 lill-Kunsill, il-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar il-Ftehim Komprensiv UE-Ażerbajġan(9),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017(10),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, tat-18 ta' Marzu 2020, bit-titolu "Il-politika tas-Sħubija tal-Lvant lil hinn mill-2020: It-Tisħiħ tar-Reżiljenza – Sħubija tal-Lvant li tikseb riżultati għal kulħadd" (JOIN(2020)0007),

–  wara li kkunsidra l-Kunsill ta' Kooperazzjoni UE-Ażerbajġan tad-19 ta' Lulju 2022 u d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tal-Kummissjoni, tal-14 ta' Lulju 2022, bit-titolu "Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Kooperazzjoni mal-Ażerbajġan" (SWD(2022)0197),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni konġunta tal-Kummissjoni ta' Venezja u tad-Direttorat Ġenerali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Istat tad-Dritt (DGI) tal-Kunsill tal-Ewropa rigward il-Liġi dwar il-Media, approvata mill-Kummissjoni ta' Venezja fil-131 sessjoni plenarja tagħha fis-17-18 ta' Ġunju 2022,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2022 dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni(11),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel tal-14 ta' Diċembru 2021 u tas-6 ta' April 2022 u l-istqarrijiet għall-istampa tiegħu tat-22 ta' Mejju 2022 u tal-31 ta' Awwissu 2022 wara l-laqgħa trilaterali mal-President Ilham Aliyev u mal-Prim Ministru Nikol Pashinyan, u tas-6 ta' Ottubru 2022 wara l-laqgħa kwadrilaterali bejn il-President Aliyev, il-Prim Ministru Pashinyan, il-President Macron u l-President Michel,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, f'isem l-Unjoni Ewropea, tad-19 ta' Novembru 2020 dwar in-Nagorno-Karabakh,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa wara ż-żjara tagħha fl-Ażerbajġan mit-8 sat-12 ta' Lulju 2019(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2019 dwar l-Ażerbajġan, b'mod partikolari l-każ ta' Mehman Huseynov(13) u riżoluzzjonijiet oħra dwar l-Ażerbajġan, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni interim tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, grupp Mammadli kontra l-Ażerbajġan, tat-22 ta' Settembru 2022,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Korp ta' Investigazzjoni Indipendenti dwar l-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni fi ħdan l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tal-15 ta' April 2018,

–  wara li kkunsidra d-digriet tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) dwar l-Applikazzjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali(L-Armenja vs L-Ażerbajġan) tas-7 ta' Diċembru 2021,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza tal-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari r-rapport ta' monitoraġġ tal-2016 dwar l-Ażerbajġan,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (APKE) intitolat "Alleged violations of the rights of LGBTI people in the Southern Caucasus"(14) (Allegat ksur tad-drittijiet tal-persuni LGBTI fil-Kawkasu tan-Nofsinhar),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni dwar l-Ażerbajġan tal-Kumitat Konsultattiv tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali, ippubblikata fl-4 ta' Frar 2019,

–  wara li kkunsidra r-rapport "Freedom in the World" tal-2022 u r-rapport "Nations in Transit" tal-2022 ta' Freedom House,

–  wara li kkunsidra l-programm indikattiv pluriennali (2021-2027) tal-Kummissjoni għall-Ażerbajġan,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tat-2 ta' Lulju 2021 intitolat "Irkupru, reżiljenza u riforma: il-prijoritajiet tas-Sħubija tal-Lvant wara l-2020" (SWD(2021)0186),

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil dwar Sħubija Strateġika fil-qasam tal-enerġija ffirmat mill-UE u mill-Ażerbajġan fit-18 ta' Lulju 2022,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-8 ta' Ġunju 2016 intitolata "Lejn strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali" (JOIN(2016)0029),

–  wara li kkunsidra d-djalogi bilaterali u regolari f'livell għoli bejn l-UE u l-Ażerbajġan dwar is-sigurtà, l-enerġija u t-trasport,

–  wara li kkunsidra l-Indiċi tas-Sħubija tal-Lvant tal-2021,

–  wara li kkunsidra l-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment ippubblikat fit-2 ta' Lulju 2021,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0037/2023),

A.  billi għal aktar minn 30 sena u għadu għaddej, il-kunflitt tan-Nagorno-Karabakh kif ukoll il-gwerra bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan irriżultaw f’għexieren ta' eluf ta' vittmi, qerda enormi anki ta' siti kulturali u reliġjużi u l-ispostament ta' mijiet ta' eluf ta' persuni;

B.  billi l-konfronti militari letali bejn l-Ażerbajġan u l-Armenja għadhom qegħdin ifaqqgħu perjodikament; billi d-dikjarazzjoni ta' waqfien mill-ġlied tad-9 ta' Novembru 2020, introdotta wara l-gwerra ta' 44 ġurnata mibdija li beda l-Ażerbajġan fl-2020, ma ġietx implimentata bis-sħiħ; billi, barra minn hekk, il-waqfien mill-ġlied inkiser diversi drabi, fatt li kkawża mijiet ta' vittmi u l-okkupazzjoni tat-territorju sovran Armen fin-naħa tal-Lvant u tax-Xlokk tal-pajjiż min-naħa tat-truppi tal-Ażerbajġan; billi minn Diċembru 2022, it-traffiku ċivili bejn l-Armenja u n-Nagorno-Karabakh fil-kuritur ta' Lachin ġie mblukkat u dan iħalli impatt negattiv fuq il-konsenji ta' ikel u ta' provvisti essenzjali oħra lir-reġjun;

C.  billi b'segwitu għall-ġlied ta' Settembru 2022, nibtu allegazzjonijiet skont liema ħafna priġunieri tal-gwerra Armeni ġew sottoposti għal abbużi fiżiċi u atti ta' umiljazzjoni; billi nibtu allegazzjonijiet oħra dwar każijiet ta' tortura u abbużi oħra min-naħa tal-forzi tal-Ażerbajġan kontra ċivili Armeni, inklużi l-persuni anzjani, kif ukoll każ ta' eżekuzzjoni ekstraġudizzjarja li sar fil-bidu tal-2021; billi nibtu wkoll allegazzjonijiet marbuta ma' mill-inqas, bejn wieħed u ieħor, 12-il eżekuzzjoni ekstraġudizzjarja oħra ta' truppi u ċivili Armeni li saru fl-2020 u fil-bidu tal-2021;

D.  billi l-forzi taż-żamma tal-paċi Russi stazzjonati fir-reġjun la riedu u lanqas setgħu jipprevjenu attakki ulterjuri mill-Ażerbajġan u l-preżenza tagħhom naqset b'mod kostanti, speċjalment wara li bdiet l-gwerra ta' aggressjoni kriminali Russa kontra l-Ukrajna;

E.  billi l-gwerra ta' aggressjoni Russa fil-konfront tal-Ukrajna kellha implikazzjonijiet għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u kompliet tikkomplika s-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-reġjun;

F.  billi l-UE impenjat ruħha li tippromwovi b'mod attiv reġjun tal-Kawkasu tan-Nofsinhar sigur, stabbli, paċifiku u prosperu, b'rabtiet ekonomiċi, politiċi u kulturali b'saħħithom mal-UE; billi l-UE lesta tiżvolġi rwol attiv bħala sieħba kummerċjali affidabbli u medjatur onest biex jintlaħaq ftehim ta' paċi sostenibbli bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan, abbażi tal-azzjoni tagħha fil-promozzjoni tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

G.  billi l-UE ssostni r-riżoluzzjoni paċifika ta' eventwali kunflitti reġjonali mhux riżolti bis-saħħa ta' mezzi diplomatiċi;

H.  billi l-laqgħat ta' livell għoli saru Brussell bejn il-President Aliyev u l-Prim Ministru Pashinyan, bil-medjazzjoni tal-President Charles Michel, li bis-saħħa tagħhom ittieħdu impenji;

I.  billi b'segwitu għal-laqgħa kwadrilaterali bejn il-President Aliyev, il-Prim Ministru Pashinyan, il-President Macron u l-President Michel fis-6 ta' Ottubru 2022 fi Praga, l-UE bagħtet kapaċità temporanja ta' monitoraġġ fuq ix-xaqliba Armena tal-konfini internazzjonali mal-Ażerbajġan, bl-objettiv li jsiru monitoraġġ, analiżi u rapportar dwar is-sitwazzjoni fir-reġjun;

J.  billi f'Marzu 2022 l-Ażerbajġan ippropona ħames prinċipji fundamentali għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-Ażerbajġan u l-Armenja, fosthom ir-rikonoxximent reċiproku tal-integrità territorjali, l-invjolabbiltà tal-fruntieri u l-indipendenza politika, il-konferma reċiproka tal-assenza ta' rivendikazzjonijiet territorjali fil-konfront ta' xulxin, l-obbligu ta' astensjoni mit-theddid għas-sigurtà nazzjonali ta' xulxin, id-delimitazzjoni u d-demarkazzjoni tal-konfini tal-Istat bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan u l-ftuħ għat-traffiku tal-infrastrutturi tat-trasport; billi l-Armenja qablet b'mod preliminari ma' tali prinċipji, u sussegwentement irrispondiet bi prinċipji ulterjuri, fosthom is-sigurtà u d-drittijiet tal-popolazzjoni ta' oriġini etnika Armena fin-Nagorno-Karabakh, id-determinazzjoni tal-istatus definittiv tar-reġjun, ir-ritorn tad-detenuti u r-ripristinu tal-komunikazzjonijiet;

K.  billi normalizzazzjoni sostenibbli tar-relazzjonijiet bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan u bażi għal paċi ġusta u dejjiema jirrikjedu li jieqfu l-vjolenzi kollha, li l-kawżi profondi kollha tal-kunflitt jiġu indirizzati u li l-ftehimiet stipulati miż-żewġ partijiet jiġu implimentati bis-sħiħ bil-għan li jiġi żgurat l-iżvilupp taż-żewġ pajjiżi; billi tali għan jista' jintlaħaq biss jekk l-awtoritajiet tal-Armenja u tal-Ażerbajġan jiggarantixxu l-koeżistenza paċifika, is-sigurtà u r-rispett tad-drittiijiet tal-minoranzi;

L.  billi l-kunflitti armati bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan ħallew impatt katastrofiku fuq il-patrimonju kulturali, reliġjuż u storiku tar-reġjun kollu kemm hu;

M.  billi, fid-digriet tal-QIĠ tas-7 ta' Diċembru 2021 saru allegazzjonijiet gravi rigward l-involviment tal-awtoritajiet tal-Ażerbajġan fil-qerda ta' ċimiterji, knejjes u monumenti storiċi fin-Nagorno-Karabakh; billi skont dan id-digriet l-Armenja għandha l-obbligu li tieħu l-miżuri kollha neċessarji biex tipprevjeni l-inċitament għall-mibegħda razzjali u l-promozzjoni tagħha mmirata lejn il-persuni ta' oriġini nazzjonali jew etnika tal-Ażerbajġan;

N.  billi s-sitwazzjoni f'termini ta' rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali fl-Ażerbajġan għadha negattiva ħafna u għandna titjieb qabel ma l-UE tkompli ssaħħaħ is-sħubija politika u enerġetika tagħha mal-pajjiż;

O.  billi l-UE u l-Ażerbajġan qablu b'mod konġunt, permezz tal-Ftehim ta' sħubija u kooperazzjoni tal-1996, fuq il-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-demokrazija u tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-partijiet ħadu l-impenn li jikkooperaw għar-rispett u għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari għal dawk tal-minoranzi;

P.  billi, b'diżrispett tal-Kostituzzjoni tal-Ażerbajġan, li tipprevedi l-libertà ta' għaqda paċifika u l-libertà ta' assoċjazzjoni, l-awtoritajiet tal-Ażerbajġan jillimitaw b'mod kostanti u gravi tali libertajiet, b'hekk joħolqu kundizzjonijiet li jwasslu de facto għal projbizzjoni tal-libertà ta' għaqda; billi fl-Ażerbajġan l-ispazju għad-dispożizzjoni tal-attiviżmu indipendenti, tal-ġurnaliżmu kritiku u tal-attività tal-oppożizzjoni politika ġie limitat b'mod gravi; billi bosta attivisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti ġew arrestati u impriġunati skont liġijiet u regolamenti li jillimitaw l-attivitajiet tal-gruppi indipendenti;

Q.  billi fl-Ażerbajġan għadha ma teżistix ġudikatura indipendenti u l-indħil fix-xogħol u fl-indipendenza tal-avukati huwa pervażiv; billi t-trattament ħażin waqt id-detenzjoni mill-pulizija huwa mifrux sew, allegatament għal finijiet ta' estorsjoni ta' konfessjonijiet, filwaqt li lid-detenuti jiġihom miċħud l-aċċess għall-familja, għal avukati indipendenti u għal kura medika indipendenti; billi l-awtoritajiet ġeneralment jiċħdu l-ilmenti ta' tortura u trattament ħażin ieħor waqt id-detenzjoni u dawn il-prattiki jkomplu jsiru b'impunità;

R.  billi l-awtoritajiet tal-Ażerbajġan qed jillimitaw kontinwament il-pluralità tal-media u l-libertà ta' espressjoni; billi l-oppożituri politiċi tal-Gvern, l-attivisti għad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti huma suġġetti għal diskors ta' mibegħda u vjolenza mmotivata minn raġunijiet politiċi u huma impriġunati b'mod arbitrarju; billi dawn il-każijiet mhumiex investigati biżżejjed; billi f'Lulju 2021, il-proġett ta' ġurnaliżmu investigattiv dwar il-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni (Organized Crime and Corruption Reporting Project) irrapporta li l-ġurnalisti tal-Ażerbajġan huma fil-mira tal-istrument ta' software ta' spjunaġġ Pegasus tal-NSO;

S.  billi l-Indiċi Rainbow Europe tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Persuni Leżbjani u Gay juri li l-Ażerbajġan għandu l-agħar defiċit ta' leġiżlazzjoni u politiki maħsuba biex jipproteġu lill-persuni LGBTIQ, u jikklassifikawh fl-aħħar post fost il-pajjiżi kollha tal-Kunsill tal-Ewropa; billi d-diskors u r-reati ta' mibegħda fil-konfront tal-persuni LGBTIQ fl-Ażerbajġan jippersistu u, minħabba nuqqas ta' fiduċja fl-awtoritajiet inkarigati mill-infurzar tal-liġi u n-nuqqas ta' azzjoni min-naħa tagħhom, normalment la jiġu rrapportati u lanqas ikkastigati; billi fl-2022 l-APKE adottat riżoluzzjoni dwar il-ksur tad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ fil-Kawkasu tan-Nofsinhar u ppreżentat għadd ta' talbiet lill-awtoritajiet biex jirriformaw il-leġiżlazzjoni ħalli jiġi indirizzat dan il-ksur;

T.  billi l-Ażerbajġan ma rrispettax l-obbligu ta' diliġenza dovuta biex jipprevjeni, jinvestiga u jikkastiga l-vjolenza fuq in-nisa u jagħti miżuri ġuridiċi effikaċi għal dan il-għan; billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru għadha pervażiva iżda qajla tiġi rrapportata fl-Ażerbajġan; billi r-rati ta' femminiċidju żdiedu u l-femminiċidju spiss huwa premeditat mill-membri tal-familja; billi għad hemm lakuni gravi fir-risposta uffiċjali għall-femminiċidju, fosthom in-nuqqas ta' protezzjoni u l-possibbiltà ta' rikors għall-appoġġ għall-vittmi li rnexxielhom jibqgħu ħajjin;

U.  billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa huma sistematikament fil-mira, u suġġetti għalihom, ta' theddid, koerċizzjoni, swat mill-pulizija, vjolazzjoni tad-dritt għall-privatezza tagħhom u kampanji ta' malafama speċifiċi għal raġunijiet ta' ġeneru maħsuba biex jiskreditawhom u jsikktuhom; billi l-ġurnalisti nisa u l-operaturi nisa l-oħra tal-media jħabbtu wiċċhom ma' perikli speċifiċi marbuta mal-ġeneru, fosthom abbużi, theddid, intimidazzjonijiet, fastidju sessisti, misoġini u degradanti kif ukoll aggressjonijiet u vjolenzi sesswali;

V.  billi l-korruzzjoni għadha mifruxa sewwa fl-Ażerbajġan; billi rapport tal-Korp ta' Investigazzjoni Indipendenti dwar l-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni fi ħdan l-APKE tal-15 ta' April 2018 stabbilixxa li għadd ta' ex parlamentari tal-APKE ... aġixxew b'mod kuntrarju għall-kodiċi ta' kondotta tal-AKPE u li ċerti membri attwali u ex membri tal-APKE daħlu f'attività ta' korruzzjoni favur l-Ażerbajġan;

W.  billi l-Kawkasu tan-Nofsinhar jokkupa pożizzjoni strateġika fis-suq globali tal-enerġija u l-Ażerbajġan huwa fornitur strateġiku tal-enerġija (speċjalment ta' żejt u gass) tal-UE; billi f'dan ir-rwol tiegħu qed jikseb dejjem aktar importanza fid-dawl tal-bżonn tal-UE li tiddiversifika l-provvisti tal-enerġija tagħha;

X.  billi l-UE ssostni integrazzjoni ekonomika akbar mal-Ażerbajġan permezz tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) u l-inizjattiva tas-Sħubija tal-Lvant; billi l-UE hija s-sieħba kummerċjali ewlenija tal-Ażerbajġan u tappoġġa l-adeżjoni tal-pajjiż mad-WTO kif ukoll id-diversifikazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tal-Ażerbajġan;

Y.  billi huwa neċessarju li tiġi żgurata konnettività bejn l-Ewropa u l-Asja li tevita li tgħaddi mit-territorju Russu; billi l-Ażerbajġan jokkupa pożizzjoni strateġika għall-promozzjoni tal-konnettività Ewro-Asjatika; billi l-UE għandha interess qawwi li tiżviluppa kurituri kummerċjali u enerġetiċi effiċjenti bjen l-Ewropa u l-Asja, kif intwera mill-konferenza dwar il-konnettività bejn l-UE u l-Asja Ċentrali li saret Samarkanda fit-18 ta' Novembru 2022;

Z.  billi ilhom għaddejjin mill-2017 in-negozjati dwar ftehim ta' sħubija ġdid bejn l-UE u l-Ażerbajġan; billi l-ftehim il-ġdid bejn l-UE u l-Ażerbajġan għandu jippromwovi l-interessi tal-UE fir-reġjun kif ukoll jippromwovi d-drittijiet tal-bniedem, l-istandards u l-prinċipji demokratiċi, it-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku;

Riżoluzzjoni tal-kunflitti u normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet Armenja-Ażerbajġan

1.  Iqis li l-kunflitt armat bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan fuq in-Nagorno-Karabakh, li matul is-snin ikkawża qerda u tbatija enormi, ostakola b'mod konsiderevoli l-iżvilupp u l-istabbiltà tar-reġjun tal-Kawkasu tan-Nofsinhar kollu kemm hu u għandu riperkussjonijiet fuq l-istabbiltà Ewropea f'sens usa'; jinsab konvint li paċi sostenibbli bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan ma tistax tinkiseb bil-mezzi militari u bit-theddid tal-użu tal-forza, iżda teħtieġ soluzzjoni politika komprensiva f'konformità mad-dritt internazzjonali, inklużi l-prinċipji minquxa fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, fl-Att Finali ta' Helsinki tal-OSKE tal-1975, b'mod partikolari t-tliet prinċipji tan-nonrikors għall-użu tal-forza, tal-integrità territorjali u tal-awtodeterminazzjoni, u l-Prinċipji Bażiċi tal-2009 tal-Grupp ta' Minsk tal-OSKE, kif ukoll il-ftehimiet li laħqu l-partijiet, fosthom id-Dikjarazzjoni ta' Alma-Ata tal-1991; jafferma mill-ġdid li, biex ikun effikaċi, trattat ta' paċi komprensiv irid jinkludi dispożizzjonijiet li jiggarantixxu l-integrità tat-territorju sovran Armen, id-drittijiet u s-sigurtà tal-popolazzjoni Armena residenti fin-Nagorno-Karabakh u f'żoni oħra li huma teatru ta' kunflitti u r-ritorn rapidu u sikur fi djarhom tar-rifuġjati u tal-persuni spostati internament kollha; jistieden lill-komunità internazzjonali tibqa' involuta f'dan il-kunflitt, li jirrigwarda l-istabbiltà u s-sigurtà tar-reġjun kollu kemm hu;

2.  Jilqa' pożittivament il-bosta passi li għamlu l-mexxejja tal-Armenja u tal-Ażerbajġan biex jegħlbu d-diverġenzi tagħhom u jilħqu paċi dejjiema u sostenibbli fir-reġjun u jfaħħar l-impenn kostanti tagħhom fin-negozjati li għaddejjin; jiddenunzja, f’dan ir-rigward, l-imġiba tal-mexxejja tal-Ażerbajġan li ddgħajjef dawn l-isforzi, b’mod partikolari permezz ta’ theddid espliċitu ta’ attakki ulterjuri, ksur frekwenti tal-fruntieri, pretensjonijiet territorjali dwar l-hekk imsejjaħ Ażerbajġan tal-Punent, jew it-tixrid ta’ diskors ta’ mibegħda kontra l-popolazzjoni Armena, speċjalment fl-ambitu tal-edukazzjoni; jistieden lill-mexxejja tal-Ażerbajġan iwaqqfu din l-imġiba, u biex iż-żewġ partijiet ma jitilfux ir-ritmu li qabdu, jaqblu fuq progress konkret u jiżguraw ambjent sigur, protett u prosperu għall-ġid tal-popolazzjonijiet etniċi kollha li jgħixu fir-reġjun;

3.  Jikkundanna bil-qawwa l-aggressjoni militari reċenti fuq skala kbira min-naħa tal-Ażerbajġan f'Settembru 2022 kontra bosta objettivi fit-territorju sovran tal-Armenja, li kkostitwixxa ksur gravi tad-dikjarazzjoni tal-waqfien mill-ġlied ta' Novembru 2020 u kkontradixxa impenji preċedenti, inklużi dawk meħuda fil-qafas tat-taħditiet bil-medjazzjoni tal-UE; jikkundanna l-inkursjonijiet militari li saru lil hinn mill-konfini mhux delimitati minn Mejju 2021; iħeġġeġ ir-ritorn tal-forzi kollha għall-pożizzjonijiet inizjali tagħhom; jikkundanna kwalunkwe tentattiv li jiġi mminat il-proċess ta' paċi u jħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-kunflitt jastjenu minn użu ulterjuri tal-forza; itenni li l-integrità territorjali tal-Armenja u tal-Ażerbajġan trid tiġi rispettata bis-sħiħ mill-partijiet kollha; jissottolinja d-disponibbiltà tal-UE li tkun involuta b'mod aktar attiv fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti fit-tul tar-reġjun; jinsab imħasseb bis-serjetà dwar l-imblokk attwali tal-kuritur ta' Lachin; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan jiżguraw il-libertà u s-sigurtà tal-moviment tul il-kuritur kif preskritt mid-dikjarazzjoni trilaterali tad-9 ta' Novembru 2020; jisħaq fuq l-obbligi tal-Ażerbajġan skont id-digriet tal-QIĠ tat-22 ta' Frar 2023, li jirrikjedi li l-Ażerbajġan jieħu l-miżuri kollha għad-dispożizzjoni tiegħu biex jiżgura l-moviment mingħajr xkiel tal-persuni, tal-vetturi u tal-merkanzija tul il-kuritur ta' Lachin fiż-żewġ direzzjonijiet; jistieden lill-Armenja u lill-Ażerbajġan jindirizzaw il-punti ta' tħassib kollha relatati mal-funzjonament tal-kuritur ta' Lachin permezz tad-djalogu u tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet involuti kollha; jilqa’ pożittivament il-laqgħa reċenti li saret bejn delegazzjoni uffiċjali tal-Ażerbajġan u residenti Armeni tan-Nagorno-Karabakh biex jiddiskutu affarijiet inklużi kwistjonijiet relatati mal-ftuħ mill-ġdid tal-kuritur ta’ Lachin; jistieden lill-Kunsill li, jekk l-ordni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Frar 2023 ma tiġix implimentata immedjatament, jimponi sanzjonijiet immirati kontra uffiċjali tal-gvern tal-Ażerbajġan;

4.  Iħeġġeġ lill-Armenja u lill-Ażerbajġan jimplimentaw b'mod sħiħ id-dikjarazzjoni tripartitika dwar il-waqfien mill-ġlied tad-9 ta' Novembru 2020 fl-aspetti kollha tagħha; jisħaq fuq il-bżonn li jitmexxew 'il quddiem id-diskussjonijiet dwar it-trattat ta' paċi futur u li jiġu indirizzati l-kawżi profondi tal-kunflitt u li l-partijiet jastjenu minn kwalunkwe pass li jista' jwassal biex it-tensjonijiet ikomplu jiħraxu; jinsisti fuq il-bżonn urġenti li l-partijiet jastjenu minn kwalunkwe retorika jew azzjoni ostili li jistgħu jiġu perċepiti bħala inċitament għall-mibegħda jew vjolenza vera u proprja jew bħala turija ta' appoġġ għall-impunità, jew minn azzjonijiet li jirriskjaw li jikkompromettu l-isforzi maħsuba li jistabbilixxu u jippromwovu atmosfera li tiffavorixxi l-fiduċja, ir-rikonċiljazzjoni, il-kooperazzjoni u l-paċi sostenibbli, inklużi l-kuntatti interpersonali; jenfasizza l-bżonn urġenti ta' żieda u ta' kredibbiltà tal-miżuri li jsaħħu l-fiduċja bil-għan li jiġu miġġielda l-polarizzazzjoni, in-nuqqas ta' fiduċja, id-diskors ta' mibegħda u retorika xewwiexa oħra; huwa tal-fehma li l-konsegwenzi ta' dawn l-ostilitajiet u tal-preżenza tal-forzi taż-żamma tal-paċi Russi qed ikollhom effetti anki fuq l-iżviluppi politiċi fir-reġjun; jesprimi tħassib dwar il-preżenza tal-hekk imsejħa forzi taż-żamma tal-paċi Russi u dwar l-impatt potenzjali tagħhom fuq l-iżviluppi politiċi fil-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-futur tal-programm ta' riformi tar-reġjun;

5.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Ażerbajġan għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Armenja, inkluża l-proposta f'Marzu 2022 ta' ħames prinċipji, u jistieden liż-żewġ partijiet isibu soluzzjoni fattibbli biex ikun hemm kollegament bejn ir-reġjun tan-Nakhchivan mal-bqija tal-Ażerbajġan; ifakkar fl-impenn tal-Armenja li tirtira l-forzi armati tagħha u tiggarantixxi s-sikurezza ta' kollegamenti tat-trasport bejn ir-reġjuni tal-Punent tar-Repubblika tal-Ażerbajġan u r-Repubblika Awtonoma tan-Nakhchivan, bil-għan li jiġi żgurat moviment mingħajr ostakli ta' ċittadini, vetturi u merkanzija fiż-żewġ direzzjonijiet; jinnota bi tħassib il-livell baxx ta' preċiżjoni tal-mapep għad-dispożizzjoni relatati mal-mini tal-art; jistieden lill-Kummissjoni timmobilizza l-assistenza favur l-operazzjonijiet ta' tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji fin-Nagorno-Karabakh;

6.  Jistieden lill-Armenja u lill-Ażerbajġan jilħqu paċi u rikonċiljazzjoni dejjiema billi joħolqu mekkaniżmu ta' ġustizzja ta' tranżizzjoni bħala pass fid-direzzjoni tat-tisħiħ tal-fiduċja ħalli jiġu rikonoxxuti s-sofferenzi taż-żewġ naħat u jaħdmu għar-rikonċiljazzjoni abbażi ta' valutazzjoni tal-fatti li ġraw matul il-kunflitt armat, li beda fl-1988; jirrakkomanda li l-UE tappoġġa u tgħin tiffaċilita din il-ħidma f'kollaborazzjoni ma' organi oħrajn bħan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tal-Ewropa, l-OSKE, il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (KISA) u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħrajn;

7.  Ifakkar li l-atteġġjament passiv tal-UE matul u immedjatament wara l-gwerra tal-2020 tat lill-atturi reġjonali l-oħra, bħar-Russja, l-Iran u t-Türkiye, l-opportunità li jkomplu jeżerċitaw l-influwenza tagħhom fir-reġjun; ifakkar li diplomazija Ewropea preventiva aktar attiva setgħet timpedixxi riżultat bħal dan;

8.  Jenfasizza li mill-invażjoni Russa fuq skala kbira tal-Ukrajna fi Frar 2022, il-kuntest fir-reġjun tal-Kawkasu nbidel billi l-kredibbiltà u l-kapaċità tar-Russja bħala intermedjarju u medjatur onest ġew danneġġjati; jissottolinja li r-Russja tiżvolġi rwol diżonest u dannuż fir-reġjun u ma għandha l-ebda interess li ssib soluzzjoni paċifika għall-kunflitt tan-Nagorno-Karabakh inkwantu l-prolungament tiegħu jagħti lil Moska poter importanti li tinfluwenza kemm lill-Armenja kif ukoll lill-Ażerbajġan; iwissi għaldaqstant kontra kwalunkwe ftehim strateġiku mar-Russja, li għandha tiġi ttrattata bħala parja internazzjonali minn mindu bdiet l-invażjoni tal-Ukrajna;

9.  Jikkundanna r-rwol espansjonistiku u destabbilizzanti tat-Türkiye fil-Kawkasu tan-Nofsinhar, anki permezz tal-fatt li bagħtet merċenarji Sirjani jiġġieldu fuq in-naħa tal-Ażerbajġan kontra l-Armenja fit-tieni gwerra tan-Nagorno-Karabakh fl-2020; jemmen li, biex it-Türkiye tkun tista' tiżvolġi rwol kostruttiv fir-reġjun, imissha tikkunsidra mill-ġdid l-appoġġ inkundizzjonat tagħha lill-Ażerbajġan u tieħu passi konkreti lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Armenja;

10.  Jappoġġa bil-qawwa, għaldaqstant, l-inizjattiva tal-President Charles Michel li jikkonvoka u jimmedja laqgħat bilaterali bejn il-mexxejja tal-Armenja u tal-Ażerbajġan u jinkoraġġixxi l-ħidma fil-post tar-rappreżentant speċjali tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia;

11.  Jistieden lill-VP/RGħ u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jintensifikaw l-isforzi biex jerġgħu jagħtu l-ħajja u jikkontribwixxu b'mod effikaċi għar-riżoluzzjoni paċifika ta' dan il-kunflitt, anki permezz tal-appoġġ għall-miżuri ta' stabbilizzazzjoni, riabilitazzjoni wara l-kunflitt, rikostruzzjoni u tisħiħ tal-fiduċja;

12.  Iħeġġeġ lill-gvernijiet taż-żewġ pajjiżi jimpenjaw ruħhom b'mod sħiħ biex jabbozzaw trattat ta' paċi komprensiv u reċiprokament aċċettabbli li jkun jindirizza d-drittijiet u s-sigurtà tal-popolazzjoni kollha tan-Nagorno-Karabakh, ir-ritorn tal-persuni spostati internament u tar-rifuġjati u l-protezzjoni tal-patrimonju kulturali, reliġjuż u storiku; jilqa' pożittivament, f'dan ir-rigward, il-laqgħat tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin taż-żewġ pajjiżi fit-30 ta' Settembru 2022 f'Ġinevra u fit-8 ta' Novembru 2022 f'Washington D.C.; jisħaq li għandha tinstab soluzzjoni ġuridika fattibbli rigward id-drittijiet u s-sigurtà tal-popolazzjoni tan-Nagorno-Karabakh bil-għan li tiġi garantita riżoluzzjoni dejjiema tal-kunflitt;

13.  Jistieden lill-Ażerbajġan jiżgura s-sikurezza u r-rispett tad-drittijiet tal-minoranzi kollha tar-reġjun tan-Nagorno-Karabakh, inkwantu dan huwa rekwiżiti preliminari essenzjali biex jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għar-riabilitazzjoni wara l-kunflitt u għar-rikonċiljazzjoni reali;

14.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-twaqqif tal-kummissjonijiet għad-delimitazzjoni tal-fruntieri tal-Ażerbajġan u tal-Armenja u jieħu nota tal-progress li sar fir-rigward tal-proċess tad-delimitazzjoni tal-fruntieri; jisħaq fuq l-importanza li jiġu organizzati laqgħat aktar regolari tal-kummissjonijiet tal-fruntieri bil-għan li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet kollha marbuta mal-fruntieri, titjieb is-sitwazzjoni tas-sigurtà u jsir progress fil-qasam tad-delimitazzjoni; jitlob li l-proċess ta' delimitazzjoni jiġi ffaċilitat fil-livell internazzjonali mill-UE bil-għan li jiġu żgurati l-kredibbiltà, l-ekwità u s-sostenibbiltà;

15.  Jilqa' pożittivament il-ħidma tal-Kapaċità ta' Monitoraġġ tal-UE fl-Armenja, li lestiet l-attivitajiet tagħha fid-19 ta' Diċembru 2022; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li fl-20 ta' Frar 2023 intbagħtet missjoni ċivili tal-UE fl-Armenja, fl-ambitu tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, matul ix-xaqliba Armena tal-konfini internazzjonali mal-Ażerbajġan biex tikkontribwixxi għall-istabbilità fiż-żona tal-fruntieri tal-Armenja, issaħħaħ u tippromwovi l-fiduċja, issaħħaħ ir-reżiljenza u tistabbilixxi djalogu bejn iż-żewġ naħat; jilqa' b'sodisfazzjon id-disponibbiltà tal-Armenja li taġevola l-missjoni fuq it-territorju tagħha u jistieden lill-Ażerbajġan jippermetti l-preżenza ta' osservaturi tal-UE anki fuq ix-xaqliba tiegħu tal-konfini;

16.  Jilqa' pożittivament l-assistenza umanitarja li tat l-UE lill-popolazzjoni milquta mill-kunflitt fin-Nagorno-Karabakh u fil-madwar tiegħu u r-rwol ta' tmexxija tagħha biex tagħti l-assistenza tagħha għall-operazzjonijiet tat-tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji fiż-żoni milquta mill-kunflitt; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura finanzjamenti u assistenza addizzjonali għall-isforzi tat-tneħħija tal-mini, inklużi t-tagħmir, it-taħriġ u l-edukazzjoni dwar ir-riskju; jitlob li jkun hemm aktar kooperazzjoni fil-qasam tat-tneħħija tal-mini ma' esperti tal-Istati Membri u organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs); jitlob lill-Armenja tforni mapep preċiżi tal-mini tal-art fir-reġjuni deokkupati tal-Ażerbajġan;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-assistenza tal-UE lill-persuni fil-bżonn, anki fin-Nagorno-Karabakh, taġevola l-implimentazzjoni ta' miżuri aktar ambizzjużi għat-tisħiħ tal-fiduċja, tippromwovi d-djalogu interreliġjuż u interetniku, tipproteġi d-drittijiet tal-minoranzi u tintensifika l-kuntatti interpersonali bejn iċ-ċittadini fuq iż-żewġ naħat tal-konfini bil-għan li titfa' s-sisien għal koeżistenza sostenibbli u paċifika; jitlob li jinstabu soluzzjonijiet reċiprokament aċċettabbli għar-ritorn bla periklu tal-popolazzjonijiet spostati;

18.  Jitlob li lill-organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali, b'mod partikolari n-Nazzjonijiet Uniti, jingħata l-aċċess għan-Nagorno-Karabakh u jfakkar li attwalment l-aċċess għar-reġjun huwa permess biss lill-KISA, u dan mhuwiex biżżejjed biex issir valutazzjoni preċiża tal-kundizzjonijiet u tal-bżonnijiet tal-popolazzjoni residenti hemm;

19.  Għadu mħasseb bid-destin tal-priġunieri Armeni, kemm militari kif ukoll ċivili, li kienu jinsabu f'detenzjoni matul l-kunflitt kif ukoll warajh u li għadhom miżmuma mill-Ażerbajġan u jilqa' favorevolment il-ħelsien ta' wħud minnhom; ifakkar li kemm l-Armenja kif ukoll l-Ażerbajġan huma partijiet tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra (III) relatata mat-Trattament tal-Priġunieri tal-Gwerra, li tistabbilixxi li l-priġunieri tal-gwerra għandhom jiġu ttrattati dejjem b'mod uman u meħlusa u rimpatrijati mingħajr dewmien u mingħajr kundizzjonijiet wara li jieqfu l-ostilitajiet attivi; jistieden lin-naħat kollha jiċċaraw id-destin u l-post fejn jinsabu l-persuni li għebu u jittrattaw il-katavri b'dinjità; jitlob il-ħelsien minnufih u mingħajr kundizzjonijiet tad-detenuti kollha li fadal, inklużi dawk li nqabdu matul il-konfronti militari reċenti, u li jiġu ttrattati f'konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali;

20.  Jinsab ixxukkjat bil-filmati li fihom jidhru xeni ta' tortura, mutilazzjoni u qtil ta' suldat Armena u ta' priġunieri tal-gwerra Armeni diżarmati min-naħa tal-forzi armati tal-Ażerbajġan u jikkundanna l-fatt li dawn il-filmati nxterdu pubblikament; jitlob li ssir investigazzjoni totali u imparzjali tal-filmati biex jiġu identifikati l-persuni responsabbli u biex dawn jagħtu kont ta' għemilhom; jikkundanna l-każijiet kollha ta' tortura u għajbien furzat, inklużi dawk imwettqa f'kunflitt armat, kif ukoll it-trattament ħażin u l-profanazzjoni tal-katavri; jisħaq fuq il-fatt li dawn l-atti jiksru l-konvenzjonijiet tal-Ġinevra li ġew ratifikati mill-Ażerbajġan u jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra;

21.  Jiddeplora l-ftuħ tal-hekk imsejjaħ Park tat-Trofej ta' Baku, inawgurat fit-12 ta' April 2021, inkwantu jimmina t-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan; jieħu nota tad-deċiżjoni biex jitneħħew il-figuri tax-xema' diżumanizzanti u l-elmi mill-Park tat-Trofej wara l-protesti internazzjonali u l-azzjoni legali ppreżentata mill-Armenja lill-QIĠ;

22.  Jinsisti fuq il-fatt li ż-żewġ Stati għandhom l-obbligu internazzjonali li jwettqu investigazzjonijiet indipendenti, fil-pront, pubbliċi u effikaċi u jħarrku l-allegazzjonijiet kredibbli kollha relatati ma' ksur gravi tal-konvenzjonijiet ta' Ġinevra u ksur ieħor tad-dritt internazzjonali u mad-delitti tal-gwerra, bil-għan li jiġi żgurat li dawk responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom u l-vittmi jingħataw id-dritt għal rimedju;

23.  Jiddeplora l-qerda tal-patrimonju kulturali, reliġjuż u storiku tal-Armenja u tal-Ażerbajġan mill-bidu tal-kunflitt tan-Nagorno-Karabakh; jitlob li l-Ażerbajġan u l-Armenja jastjenu milli jkomplu jeqirdu u jalteraw dan il-patrimonju u jiggarantixxu f'dan ir-rigward li ma jkunx hemm impedimenti liċ-ċittadini biex jeżerċitaw id-dritt għal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin; iħeġġeġ liż-żewġ pajjiżi jimpenjaw sinċerament ruħhom biex jippreservaw, jipproteġu u jippromwovu din id-diversità rikka tkun xi tkun l-oriġini tagħha u mingħajr approprjazzjoni indebita jew klassifikazzjoni żbaljata; jagħmel appell għar-responsabbiltà rigward ir-reati kollha ta' qerda u alterazzjoni u għall-konservazzjoni u għar-restawr, konformement mal-istandards u mal-indikazzjonijiet tal-UNESCO, tas-siti li ġarrbu danni, kif ukoll involviment akbar tal-komunità internazzjonali fil-konservazzjoni tal-patrimonju kulturali, reliġjuż u storiku tar-reġjun; jistieden lill-Armenja u lill-Ażerbajġan jippermettu u jaġevolaw b'urġenza missjoni tal-UNESCO fiż-żewġ pajjiżi mingħajr kundizzjonijiet preliminari;

24.  Jissottolinja f'dan ir-rigward l-obbligi tal-Ażerbajġan u tal-Armenja skont id-deċiżjoni tal-QIĠ tas-7 ta' Diċembru 2021 dwar l-applikazzjoni ta' miżuri urġenti li jimponu lill-Ażerbajġan jipprevjeni u jikkastiga l-atti ta' vandaliżmu u profanazzjoni li jolqtu l-patrimonju kulturali Armen, fosthom, bħala eżempju, knejjes u postijiet oħra ta' qima, monumenti, imfakar, ċimiterji u artifatti; jinsisti fuq il-fatt li l-Ażerbajġan u l-Armenja jirrispettaw bis-sħiħ il-Konvenzjoni Internazzjonali tal-UNESCO għall-Protezzjoni tal-Beni Kulturali f'każ ta' Kunflitt Armat tal-1954, imsejħa b'mod komuni l-Konvenzjoni ta' The Hague tal-1945, li tobbliga lill-partijiet jastjenu minn kull att ta' ostilità fir-rigward tal-beni kulturali;

25.  Jinkoraġġixxi aktar kuntatti bilaterali bejn l-awtoritajiet politiċi tal-Armenja u tal-Ażerbajġan kif ukoll inizjattivi li jippromwovu l-kuntatti interpersonali bejn iż-żewġ pajjiżi, speċjalment fil-livell tas-soċjetà ċivili, tal-universitajiet, tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u tal-NGOs; jisħaq fuq il-bżonn li ssir konsultazzjoni u kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari dwar kwistjonijiet relatati mar-riżoluzzjoni tal-kunflitti, mal-konsolidament tal-paċi u mar-rikonċiljazzjoni u mal-assistenza umanitarja, kif ukoll l-importanza għal dawn l-organizzazzjonijiet li jkollhom finanzjamenti sostenibbli u l-libertà li jagħmlu xogħolhom mingħajr restrizzjonijiet; jistieden għaldaqstant lill-Kummissjoni ssostni lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Armenja u fl-Ażerbajġan li jikkontribwixxu tassew għar-rikonċiljazzjoni;

26.  Jenfasizza l-effett speċifiku tal-kunflitt fuq in-nisa u l-gruppi emarġinati, inkluża ż-żieda fil-vjolenza domestika fil-perjodu wara l-gwerra reċenti, kif ukoll l-esklużjoni tan-nisa mill-proċess ta' paċi uffiċjali; jistieden lill-Gvern tal-Ażerbajġan u lill-medjaturi internazzjonali jneħħu l-ostakli għall-parteċipazzjoni tan-nisa fis-setturi kollha u jinkludu sistematikament fil-konsultazzjonijiet kollha lill-esperti nisa u lid-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem;

27.  Ifakkar li l-PEV tissottolinja l-bżonn li jissaħħu r-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi ġirien u tippromwovi l-kooperazzjoni reġjonali;

Drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali

28.  Ifakkar li l-Ftehim ta' sħubija u kooperazzjoni tal-1996 bejn l-UE u l-Ażerbajġan huwa bbażat fuq ir-rispett tad-demokrazija, tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem u dawn inkisru sistematikament fl-Ażerbajġan; jisħaq fuq il-fatt li l-azzjoni esterna tal-UE, inklużi l-ftehimiet tagħha mal-pajjiżi terzi, għandha tissejjes fuq il-valuri fundamentali tal-UE, b'mod partikolar r-rispett tad-demokrazija, tal-stat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-bżonn li kwalunkwe kooperazzjoni ulterjuri bejn l-UE u l-Ażerbajġan tkun subordinata għall-progress effettiv u tanġibbli tal-pajjiż lejn ir-rispett tal-istandards internazzjonali u tal-impenji internazzjonali, b'mod partikolari dawk relatati mad-demokrazija, mad-drittijiet tal-bniedem, mal-istat tad-dritt u mal-libertajiet fundamentali, speċjalment il-libertà ta' espressjoni u assoċjazzjoni, il-governanza tajba, id-drittijiet tal-minoranzi, il-libertà tal-media u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

29.  Jinnota n-natura multikulturali u multireliġjuż tal-Ażerbajġan u jistieden għalhekk lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jiżguraw it-trattament mhux diskriminatorju tal-minoranzi nazzjonali u jkomplu b'mod attiv bl-investigazzjonijiet u bil-kundanni għal reati mmotivati mill-mibegħda bi sfond reliġjuż u tal-ġeneru jew għal raġunijiet etniċi; jistieden lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan jiżguraw li l-gruppi minoritarji kollha jirċievu edukazzjoni bil-lingwi nazzjonali tagħhom u jgawdu minn opportunitajiet indaqs, rappreżentanza adegwata fil-ħajja politika u kulturali, fil-mezzi ta' informazzjoni pubbliċi u fl-amministrazzjoni; jistieden lill-Ażerbajġan jipproteġi u jippromwovi l-patrimonju kulturali tanġibbli u mhux tanġibbli, il-lingwi u t-tradizzjonijiet tal-minoranzi nazzjonali tiegħu;

30.  Jenfasizza l-osservazzjonijiet konklużivi dwar l-għaxar, il-ħdax u t-tnax-il rapport dwar l-Ażerbajġan tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali tat-30 ta' Awwissu 2022, li fihom ġie espress tħassib dwar l-inċitament għall-mibegħda razzjali u t-tixrid ta' sterjotipi razzisti fil-konfront ta' persuni ta' oriġini nazzjonali jew etnika Armena, fuq l-internet u l-media soċjali, kif ukoll minn personalitajiet pubbliċi u uffiċjali tal-gvern, u dwar in-nuqqas ta' informazzjoni dettaljata rigward l-investigazzjonijiet, il-prosekuzzjonijiet, il-kundanni u s-sanzjonijiet ta' tali atti;

31.  Jistieden lill-Gvern u lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan jiddefendu b'urġenza l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem u jastjenu minn kwalunkwe applikazzjoni inġustifikata tad-dritt kriminali biex jillimitaw tali drittijiet u libertajiet; jesprimi tħassib kbir għall-fatt li l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fundamentali fl-Ażerbajġan isegwu mudell sistemiku u mifrux u jolqot id-drittijiet taċ-ċittadini għal-libertà u għas-sigurtà;

32.  Jiddispjaċih bil-kbir bis-sitwazzjoni attwali tal-libertà tal-media fl-Ażerbajġan; jesprimi tħassib dwar il-liġi l-ġdida dwar il-media adottata f'Diċembru 2021 li effettivament tipprojbixxi kull forma ta' ġurnaliżmu indipendenti u l-ħidma tal-ġurnalisti eżiljati tal-Ażerbajġan; jissottolinja l-importanza fundamentali tal-libertà ta' espressjoni u tal-libertà tal-media fis-soċjetajiet demokratiċi; jistieden lill-Ażerbajġan iżid l-isforzi tiegħu biex jippermetti ambjent indipendenti u pluralistiku tal-media f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet inklużi fl-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja tas-17 u t-18 ta' Ġunju 2022; iħeġġeġ lill-Ażerbajġan iwaqqaf il-vessazzjonijiet fil-konfront ta' bloggers, ġurnalisti u organizzazzjonijiet fil-qasam tal-media, li jiġu suġġetti għal detenzjoni jew priġunerija fuq il-bażi ta' akkużi varji, u jiżgura li jgawdu minn ambjent ta' xogħol bla periklu; jistieden lill-Ażerbajġan jeħles il-ġurnalisti u l-bloggers kollha attwalment detenuti talli esprimew l-opinjoni tagħhom;

33.  Jistieden lill-Gvern tal-Ażerbajġan jiddepenalizza l-malafama u jimplimenta r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti u ta' operaturi oħra tal-media;

34.  Jikkundanna ċ-ċensura tal-aċċess għall-informazzjoni fl-Ażerbajġan u jistieden lill-awtoritajiet itejbu l-aċċess għall-internet u l-kopertura tal-komunikazzjonijiet; jistieden lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan jallinjaw mal-istandards Ewropej il-leġiżlazzjoni u l-prassi li jaffettwaw il-libertà ta' aċċess għall-internet;

35.  Jirrakkomanda lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ u l-kooperazzjoni tagħhom fil-konfront tas-soċjetà ċivili u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari għal dak li għandu x'jaqsam mar-restrizzjonijiet għal xogħolhom; jistieden lill-Gvern tal-Ażerbajġan jistabbilixxi djalogu politiku regolari u approfondit mas-soċjetà ċivili bil-għan li jinkoraġġixxi riformi ambizzjużi u kondiviżi b'mod wiesa' maħsuba biex l-istituzzjonijiet isiru aktar demokratiċi u indipendenti, jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-media u jiżviluppaw kuntest regolatorju li fih is-soċjetà ċivili tkun tista' topera mingħajr indħil indebitu;

36.  Jikkundanna bil-qawwa l-persekuzzjoni u r-repressjoni, kemm f'livell intern kif ukoll barra mill-pajjiż, ta' attivisti politiċi, ġurnalisti, studenti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi dawk arrestati talli għamlu appelli pubbliċi għall-paċi matul il-ġlied ta' Settembru 2022, permezz ta' intimidazzjonijiet, arresti, torturi, detenzjonijiet, kampanji ta' malafama, serq ta' persuni, projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar mingħajr ma jiġu infurmati dawk fil-mira tagħhom u azzjonijiet legali; iħeġġeġ lill-Ażerbajġan iwaqqaf dawn il-prattiki u jeħles lill-priġunieri politiċi u lill-priġunieri minħabba twemmin kollha li bħalissa miżmuma f'detenzjoni; jiddispjaċih bil-fatt li l-Ażerbajġan ma kkonformax ruħu b'mod sħiħ mad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-Ażerbajġan jimplimenta b'mod sħiħ dawn id-deċiżjonijiet u jelimina l-għadd akkumulat ta' kawżi li għadhom ma ġewx implimentati; iħeġġeġ lill-Ażerbajġan ikompli jadotta l-miżuri neċessarji kollha biex jimpedixxi l-applikazzjoni arbitrarja tal-leġiżlazzjoni tiegħu għal motivi politiċi; itenni l-pożizzjoni tiegħu skont liema il-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha huwa kundizzjoni indispensabbli għal ftehim ta' sħubija ġdid bjen l-UE u l-Ażerbajġan;

37.  Jistieden lill-Kunsill teżamina l-possibbiltà ta' sanzjonijiet individwali mmirati fl-ambitu tar-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem fil-konfront ta' uffiċjali tal-Ażerbajġan li kkommettew ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, bħall-uffiċjali inkarigati mill-infurzar tal-liġi, b'mod partikolari fid-dawl tal-vjolenza mifruxa tal-pulizija kontra attivisti politiċi, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti;

38.  Jistieden lid-delegazzjoni tal-UE u lir-rappreżentanzi tal-Istati Membri tagħha fl-Ażerbajġan iżidu l-appoġġ tagħhom għall-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u, jekk ikun il-każ, jaġevolaw il-ħruġ ta' viżi ta' emerġenza u jagħtu kenn temporanju fl-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Ażerbajġan jirratifika l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat tan-Nazzjonijiet Uniti;

39.  Jikkundanna bil-qawwa l-intimidazzjonijiet, it-theddid ta' mewt u t-tentattivi ta' omiċidju fil-konfront ta' oppożituri tal-Gvern tal-Ażerbajġan, anki fil-pajjiżi Ewropej, u fil-konfront ta' ċittadini tal-Ażerbajġan li ngħataw ażil politiku mill-Istati Membri, bħal Mahammad Mirzali fi Franza; jenfasizza li għall-Istati Membri l-prevenzjoni ta' kwalunkwe att ta' ritaljazzjoni fuq it-territorju tagħhom hija kwistjoni ta' demokrazija, drittijiet tal-bniedem, sigurtà u sovranità; jinsisti biex l-Europol issegwi mill-qrib il-kwistjoni;

40.  Jinsisti li l-Ażerbajġan jiżgura d-dritt għall-għaqda paċifika u jistieden lill-pajjiż ma jibqax jimpedixxi l-marċ tal-Jum Internazzjonali tal-Mara;

41.  Jisħaq fuq l-importanza tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tar-rappreżentanza tan-nisa fil-livelli kollha tal-ħajja soċjali u politika; jistieden lill-Gvern tal-Ażerbajġan jirratifika l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika, jadotta l-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali dwar ir-riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, jimplimenta l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2022-2025 tal-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti u jadotta u jimplimenta l-politiki maħsuba biex jiġġieldu l-vjolenza domestika u abbażi tal-ġeneru; jinsisti bil-qawwa li l-awtoritajiet tal-Ażerbajġan jagħmlu investigazzjoni fil-pront, imparzjali u effikaċi fuq kull każ irrapportat ta' vjolenza, diskriminazzjoni u fastidju fil-konfront tan-nisa u jiġġieldu l-impunità; jistieden lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan iwaqqfu l-fastidju sistematiku fil-konfront tad-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ġurnalisti nisa u tal-operaturi nisa l-oħra tal-media u jwaqqfu l-kampanji ta' malafama, id-detenzjoni u l-ksur arbitrarju u illeċitu tal-ħajja privata, tal-korrispondenza u ta' komunikazzjonijiet privati oħra speċifiċi għal raġunijiet ta' ġeneru;

42.  Ifakkar li l-pożizzjoni tal-Parlament kienet ċara rigward in-nondiskriminazzjoni fil-konfront tal-persuni LGBTIQ, il-protezzjoni tagħhom kontra d-diskriminazzjoni fid-dritt u fil-prattika u l-prosekuzzjoni tal-atti kollha ta' abbuż, diskors ta' mibegħda u vjolenza fiżika mwettqa fil-konfront tagħhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan jadottaw leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni li żżid l-orjentament sesswali, l-identità u l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi sesswali bħala raġunijiet illegali ta' diskriminazzjoni; iħeġġeġ lill-Ażerbajġan jadotta proċedimenti ċivili, amministrattivi u/jew kriminali biex jipproteġu lill-persuni mid-diskors u mir-reati ta' mibegħda; jistieden lill-awtoritajiet jirriformaw il-leġiżlazzjoni kriminali billi jiżdiedu r-raġunijiet imsemmijin hawn fuq bħala ċirkostanzi aggravanti u jiġġieldu l-vjolenza ispirata mill-fobija fil-konfront tal-persuni LGBTIQ; itenni l-appell tal-APKE lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan biex jinvestigaw il-każijiet ta' arrest illegali ta' persuni LGBTIQ u jipprevjenu u u jiġġieldu l-vjolenza tal-pulizija kontra dawn il-persuni;

43.  Jikkundanna d-diżinformazzjoni li ġejja mill-Ażerbajġan kontra l-Punent, b'mod partikolari wara l-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna; josserva li n-narrattivi użati kontra l-Punent huma riprodotti bl-eżatt mill-propaganda Russa, inklużi l-attakki għad-drittijiet LGBTIQ jew l-allegat theddid għall-valuri tradizzjonali;

44.  Jesprimi dispjaċir kbir għall-inkapaċità tal-Ażerbajġan li jimplimenta b'mod sħiħ il-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali, irratifikata mill-pajjiż, fatt li jikser l-impenn tal-Ażerbajġan li jħares id-drittijiet tal-minoranzi etniċi bħal-Leżgi, it-Talixi, l-Armeni u l-Kurdi;

45.  Jistieden lill-Ażerbajġan jelimina r-restrizzjonijiet attwali, itaffi l-piż amministrattiv fuq l-NGOs u jbiddel il-leġiżlazzjoni restrittiva dwar ir-reġistrazzjoni, l-operat u l-finanzjament tal-NGOs; jistieden lill-Ażerbajġan jelimina wkoll ir-restrizzjonijiet fuq il-komunitajiet reliġjużi, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mar-reġistrazzjoni u mal-finanzjament tagħhom; jistieden lill-Ażerbajġan jelimina r-restrizzjonijiet leġiżlattivi attwali għall-istituzzjonijiet donaturi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali li jappoġġaw il-ħidma tas-soċjetà ċivili; jistieden lill-Kummissjoni tħaffef l-isforzi tagħha fl-Ażerbajġan biex tneħħi r-restrizzjonijiet għall-attivitajiet tas-soċjetà ċivili, trawwem l-adozzjoni ta' liġijiet ġodda u tipprevedi aktar involviment tal-NGOs indipendenti fil-proġetti ffinanzjati mill-UE u fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' sħubija u kooperazzjoni;

46.  Huwa ferm imħasseb bil-fatt li l-abbozz ta' liġi dwar il-partiti politiċi jista' jkompli jillimita l-libertà ta' assoċjazzjoni taċ-ċittadini tal-Ażerbajġan, b'hekk issir aktar diffiċli r-reġistrazzjoni tal-partiti politiċi; iħeġġeġ lill-Ażerbajġan jirriforma l-qafas ġuridiku elettorali tiegħu biex ikun allinjat mal-istandards u mal-obbligi internazzjonali, jiggarantixxi d-drittijiet u l-libertajiet kostituzzjonalment protetti u jindirizza r-rakkomandazzjonijiet pendenti tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Kummissjoni ta' Venezja; jitlob li l-elezzjonijiet isiru f'konformità mal-istandards internazzjonali u fir-rispett tal-impenji tal-Ażerbajġan bħala Stat parteċipanti fl-OSKE;

Governanza tajba, ġustizzja, stat tad-dritt u ġlieda kontra l-korruzzjoni

47.  Huwa mħasseb bin-nuqqas persistenti ta' indipendenza, imparzjalità u effikaċja tal-ġudikatura kif ukoll bin-nuqqas ta' trasparenza fid-deċiżjonijiet tagħha u bin-nuqqasijiet proċedurali sistemiċi; iħeġġeġ lill-Ażerbajġan jirriforma s-servizzi ġudizzjarji u tal-prosekuzzjoni bil-għan li tiġi żgurata l-indipendenza totali tal-ġudikatura, inkluż tal-Kunsill Ġudizzjarju u Legali, li ma għandux ikollu interventi mill-aġenziji inkarigati mill-infurzar tal-liġi bil-għan li tiżdied il-fiduċja tan-nies fis-sistema ġudizzjarja; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-Ażerbajġan iwaqqaf ir-restrizzjonijiet tal-aċċess għall-Kamra tal-Avukati min-naħa tal-avukati impenjati f'każijiet marbuta mad-drittijiet tal-bniedem u ma jibqax juża l-proċeduri dixxiplinari bħala mezz biex jeżerċita pressjonijiet fuq tali avukati; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jallinjaw il-Kodiċi ta' Kondotta mal-istandards internazzjonali dwar il-libertà ta' espressjoni; jistieden lill-Ażerbajġan jiżgura u jinforza d-dritt għas-servizzi legali fornuti minn avukati indipendenti; jieħu nota tal-miżuri meħuda biex tissaħħaħ l-indipendenza ġudizzjarja f'konformità mad-Digriet Presidenzjali tat-3 ta' April 2019 dwar l-approfondiment tar-riformi tas-sistema ġudizzjarja u ġuridika, inklużi l-azzjonijiet leġiżlattivi u amministrattivi implimentati biex jiżguraw l-indipendenza tal-ġudikatura u tal-imħallfin; jinkoraġġixxi lill-Ażerbajġan ikompli l-isforzi tiegħu biex jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni fir-rigward tat-tisħiħ tal-indipendenza ġudizzjarja;

48.  Jiddispjaċih bil-progress limitat li sar mill-Ażerbajġan fil-prevenzjoni tal-korruzzjoni u fil-ġlieda kontriha; jieħu nota tal-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali komprensiv għat-Tisħiħ tal-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni, immirat biex jikkonsolida u jsaħħaħ l-isforzi tal-awtoritajiet kontra l-korruzzjoni; jistieden lill-Ażerbajġan jindirizza n-nuqqas ta' sistema effikaċi ta' dikjarazzjoni tal-assi għall-membri tal-parlament, għall-imħallfin u għall-prosekuturi biex jissaħħaħ ir-rwol tal-ġudikatura fi ħdan il-Kunsill Ġudizzjarju u Legali u tiġi eliminata l-influwenza indebita tal-gvern fl-Uffiċċju tal-Prosekutur; jiddispjaċih li l-Ażerbajġan ma għandux sistema ta' finanzi pubbliċi trasparenti, anki f'dak li għandu x'jaqsam mal-akkwist u mas-sejħa għall-offerti;

49.  Jikkundanna l-attivitajiet ta' ħtif mill-elit tal-Ażerbajġan f'diversi organizzazzjonijiet internazzjonali maħsuba biex idgħajfu l-kritika internazzjonali tar-reġim, b'mod partikolari fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, kif juri l-każ ta' ċerti membri attwali u preċedenti tal-APKE li kienu daħlu f'attività ta' korruzzjoni favur l-Ażerbajġan;

Sigurtà u sfidi ġeopolitiċi

50.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-appoġġ uffiċjali min-naħa tal-Ażerbajġan favur l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna kif ukoll l-għajnuna umanitarja li ta lill-Ukrajna matul il-gwerra li għaddejja; huwa, madankollu, imħasseb immens għad-Dikjarazzjoni dwar l-Alleanza bejn ir-Repubblika tal-Ażerbajġan u l-Federazzjoni Russa ffirmata fi Frar 2022 f'Moska; jieħu nota, barra minn hekk, tan-nuqqas ta' appoġġ min-naħa tal-Ażerbajġan għar-riżoluzzjonijiet ivvutati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u jħeġġeġ lill-Ażerbajġan jiżgura li ma jkunx hemm ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet kontra r-Russja;

51.  Jesprimi tħassib għall-azzjonijiet destabbilizzanti u terroristiċi fil-Kawkasu tan-Nofsinhar; jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe att ta' terroriżmu; jilqa' pożittivament il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-Ażerbajġan u jappoġġa bis-sħiħ l-approfondiment ulterjuri tal-kooperazzjoni kontra t-terroriżmu; jitlob, b'mod partikolari, kooperazzjoni aktar qawwija fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u kontra r-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu Iżlamiku;

52.  Jikkundanna l-użu mifrux enormi u illegali tas-software ta' sorveljanza Pegasus tal-grupp NSO u taċ-ċibersigurtà ta' repressjoni użata mill-Ażerbajġan fil-konfront ta' ġurnalisti, bloggers, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, avukati u politiċi u jistieden lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan jastjenu mill-użu ta' tali software; jerġa' jħeġġeġ, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tfassal lista ta' software ta' sorveljanza illeċiti u taġġornaha kontinwament; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jużaw din il-lista biex jiżguraw li ssir diliġenza dovuta sħiħa fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u kontroll idoneu tal-esportazzjonijiet ta' teknoloġiji ta' sorveljanza u assistenza teknika Ewropej u tal-importazzjonijiet lejn l-Istati Membri li joħolqu riskju ċar għall-istat tad-dritt; itenni l-appell tiegħu biex jinħoloq Citizen Lab Ewropew magħmul minn ġurnalisti, esperti tad-drittijiet tal-bniedem u esperti ta' inġinerija inversa tal-malware, li jkun jaħdem biex jaqbad u jikxef l-użu illegali ta' software għal finijiet ta' sorveljanza illeċita;

53.  Ifakkar ir-rwol importanti ta' koordinament li żvolġa l-Ażerbajġan fl-organizzazzjonijiet multilaterali fir-rigward tal-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19;

54.  Jikkundanna bil-qawwa l-eżerċizzji militari tal-Iran tul il-konfini bejn l-Ażerbajġan u l-Iran ibbażati fuq xenarji aggressivi; jistieden lir-Repubblika Iżlamika tal-Iran twaqqaf kwalunkwe provokazzjoni u tirrispetta l-integrità territorjali u s-sovranità tal-Ażerbajġan;

Enerġija, kummerċ, ambjent, kooperazzjoni ekonomika u konnettività

55.  Jieħu nota tat-tlestija tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar bejn l-Ażerbajġan u l-Ewropa u tal-ewwel darba li ntbagħat il-gass f'Diċembru 2020; jirrikonoxxi r-rwol strateġiku li jiżvolġi l-Ażerbajġan bħala fornitur ta' enerġija mill-fjuwils fossili lill-UE u jilqa' pożittivament id-disponibbiltà tiegħu li jikkontribwixxi saħansitra aktar għall-objettivi tal-UE f'termini ta' sigurtà u diversifikazzjoni tal-provvista ta' enerġija u ta' newtralità klimatika, kif definit fil-Patt Ekoloġiku Ewropew; jiddispjaċih bil-fatt li l-ambizzjoni tal-Ażerbajġan li jkun sieħeb strateġiku fis-settur tal-energija ma timxix id f'id mal-isforzi tiegħu fil-qasam tar-riformi demokratiċi u r-rispett tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni ssostni l-investimenti barranin min-naħa ta' sħab internazzjonali, maħsuba biex iżidu l-konnettività bejn l-UE u l-Ażerbajġan; jitlob lill-Kummissjoni tiggarantixxi li l-ebda importazzjoni ta' gass minn pajjiżi terzi tkun fir-realtà taħbi l-gass Russu suġġett għas-sanzjonijiet Ewropej; jistieden lill-Ażerbajġan jimplimenta r-riformi f'konformità mal-impenji internazzjonali li ħa l-pajjiż;

56.  Jieħu nota tal-Memorandum ta' Qbil il-ġdid bejn l-UE u l-Ażerbajġan dwar Sħubija Strateġika fis-Settur tal-Enerġija ffirmat f'Baku fit-18 ta' Lulju 2022 mill-President Aliyev u mill-President tal-Kummissjoni von der Leyen, li jitfa' s-sisien għal kooperazzjoni futura fil-qasam tal-enerġija ekoloġika li jinkludi l-impenn li tirdoppja l-kapaċità tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar biex iwassal kull sena lill-UE mill-inqas 20 biljun metru kubu gass sal-2027; jiddispjaċih, madankollu, li l-memorandum jikkonċentraw biss fuq il-kooperazzjoni fis-settur tal-enerġija u mhuwa suġġett għall-ebda kundizzjonalità; jilqa' b'sodisfazzjon il-parteċipazzjoni tal-Ażerbajġan fil-programm EU4Energy u jħeġġeġ lill-pajjiż jagħmel aktar progress fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika;

57.  Jenfasizza l-potenzjal tal-Ażerbajġan bħala produttur u esportatur futur ta' enerġija rinnovabbli, b'mod partikolari l-enerġija eolica offshore u l-idroġenu ekoloġiku u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ażerbajġan f'dan il-qasam bħala appoġġ għall-isforzi tal-Ażerbajġan biex jevolvi minn fornitur ta' żejt u gass naturali għal sieħeb tal-enerġija rinnovabbli tal-UE; jenfasizza li l-użu tal-fjuwil fossili xejn mhu se jagħmel ħlief jaggrava l-emerġenza klimatika li qegħdin ngħixu fiha; jisħaq fuq il-fatt li l-UE għandha tinvesti fl-enerġija rinnovabbli bil-għan li tirrispetta l-impenn tagħha għall-klima; jistieden lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan jieħdu miżuri kruċjali biex iħaffu l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli u jżidu l-effiċjenza enerġetika;

58.  Jistieden lill-Ażerbajġan jsaħħaħ aktar l-impenn tiegħu fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u fil-ħarsien tal-ambjent; jinkoraġġixxi lill-Ażerbajġan iżid l-objettivi tiegħu li jnaqqas l-emissjonijiet fl-ambitu tal-kontribut stabbilit fil-livell nazzjonali u jimpenja ruħu bis-serjetà biex inaqqas l-emissjonijiet;

59.  Jieħu nota tal-progress li sar fin-negozjati dwar ftehim bilaterali komprensiv ġdid bejn l-UE u l-Ażerbajġan u jistieden lill-partijiet tan-negozjati jikkunsidraw, fil-ftehim il-ġdid, kooperazzjoni msaħħa barra mis-settur tal-enerġija; jinsisti li għandha tingħata prijorità lid-drittijiet tal-bniedem, lid-demokrazija u lill-governanza tajba; jinkoraġġixxi li jkun hemm aktar kooperazzjoni interparlamentari bejn l-UE u l-Ażerbajġan b'aġenda wiesgħa ta' kwistjonijiet ta' interess reċiproku; jissottolinja li l-governanza tajba u r-rispett tad-dritt u tal-istandards internazzjonali huma fundamentali biex tintlaħaq paċi dejjiema mal-ġirien tal-Ażerbajġan u fir-reġjun f'sens usa';

60.  Jilqa' pożittivament il-flussi kummerċjali konsiderevoli bejn l-UE u l-Ażerbajġan u l-livell għoli ta' investimenti tal-UE fl-Ażerbajġan; jissottolinja li l-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment għas-Sħubija tal-Lvant jista' jimmobilizza sa EUR 2 biljun f'investimenti addizzjonali biex tiġi żviluppata ekonomija dinamika u reżiljenti, li se toffri benefiċċji tanġibbli lill-popolazzjoni tal-Ażerbajġan u ssostni it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali tal-pajjiż; jistieden lill-UE tkompli tappoġġa l-iżvilupp reġjonali fl-Ażerbajġan, inklużi l-iżvilupp rurali, l-agrikoltura u s-sikurezza tal-ikel u jilqa' pożittivament l-inizjattivi emblematiċi mmirati biex joffru appoġġ lis-sostenibbiltà ekonomika u lir-reżiljenza fl-Ażerbajġan; jieħu nota tal-potenzjal għal kooperazzjoni futura mal-investituri u mal-kumpaniji Ewropej fil-kuntest tal-proġetti ta' riabilitazzjoni u rikostruzzjoni fl-Ażerbajġan;

61.  Jiddispjaċih li l-Ażerbajġan għamel progress minimu fl-isforzi biex jelimina l-agħar forom ta' tħaddim tat-tfal, sfruttament sesswali u tallaba furzati;

62.  Jinnota li l-iżblokk tat-trasport reġjonali u tal-infrastrutturi ta' kollegament se jagħti opportunità importanti ta' żvilupp soċjoekonomiku fil-Kawkasu tan-Nofsinhar; jisħaq fuq il-fatt li dan għandu jsir fir-rispett sħiħ tas-sovranità tal-pajjiżi kollha tar-reġjun u abbażi tal-prinċipju ta' reċiproċità; jissottolinja li, bħala parti tad-dikjarazzjoni trilaterali ta' waqfien mill-ġlied ta' Novembru 2020, l-Armenja u l-Ażerbajġan qablu li jiżblukkaw l-kollegamenti bejn ir-reġjuni tal-Punent tar-Repubblika tal-Ażerbajġan u r-Repubblika Awtonoma tal-Nakhichevan u li l-kollegamenti bejn l-Armenja u n-Nagorno-Karabakh jsiru fis-sigurtà;

63.  Jilqa' pożittivament l-inizjattiva li tiġi stabbilita pjattaforma reġjonali ġdida għall-Ażerbajġan, il-Georgia u l-Armenja u jistieden lill-UE tappoġġa l-kooperazzjoni reġjonali bil-għan li jiġu promossi l-paċi, is-sigurtà u l-prosperità fir-reġjun;

64.  Jirrikonoxxi l-pożizzjoni ġeografika strateġika tal-Ażerbajġan bħala l-bieb potenzjali bejn l-Ewropa u l-Asja Ċentrali u lil hinn, fi ħdan l-hekk imsejjaħ "Kuritur tan-Nofs" (Middle Corridor), li se jeħtieġ l-investimenti u l-finanzjamenti tal-UE biex isir totalment operattiv; jissottolinja li l-"Kuritur tan-Nofs" jista' jiżvolġi rwol importanti fit-tiftix ta' alternattivi għar-rotot kummerċjali li jgħaddu mir-Russja;

65.  Iħeġġeġ għalhekk lill-UE tappoġġa lill-Ażerbajġan u lill-pajjiżi ġirien fl-isforzi tagħhom biex jistabbilixxu kollegamenti trans-Kaspiċi u trans-Kawkasiċi u żżomm relazzjonijiet mill-qrib mal-Ażerbajġan u mal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali bil-għan li tiżviluppa proġetti ta' konnettività bejn l-Ewropa, il-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-Asja Ċentrali; jitlob li jsir progress deċiżiv fl-istudju dwar il-bini tal-Pipeline tal-Gass Trans-Kaspiku, li jkun jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u għad-diversifikazzjoni tal-fornituri, tas-sorsi u tar-rotot lejn l-Unjoni Ewropea, b'hekk jiġi evitat it-tranżitu mit-territorju Russu; jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-iskambji bilaterali fil-qafas tad-Djalogu fil-Livell Għoli dwar it-Trasport;

66.  Jistieden lill-Gvern tal-Ażerbajġan jagħmel użu aħjar tal-programmi u tal-proġetti disponibbli fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant, b'mod partikolari dawk li jippromwovu l-kuntatti interpersonali bejn l-UE u l-Ażerbajġan, bħal ivvjaġġar aktar faċli u skambji akkademiċi;

o
o   o

67.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà kif ukoll lill-Gvern tal-Ażerbajġan.

(1) ĠU C 290 E, 29.11.2006, p. 421.
(2) ĠU C 15, 12.1.2022, p. 156.
(3) ĠU C 342, 6.9.2022, p. 148.
(4) ĠU C 347, 9.9.2022, p. 198.
(5) ĠU C 493, 27.12.2022, p. 70.
(6) Testi adottati, P9_TA(2023)0012.
(7) ĠU L 246, 17.9.1999, p. 3.
(8) ĠU L 265, 24.10.2018, p. 18.
(9) ĠU C 118, 8.4.2020, p. 158.
(10) ĠU C 356, 4.10.2018, p. 130.
(11) ĠU C 347, 9.9.2022, p. 61.
(12) https://rm.coe.int/report-on-the-visit-to-azerbaijan-from-8-to-12-july-2019-by-dunja-mija/168098e108
(13) ĠU C 411, 27.11.2020, p. 107.
(14) https://pace.coe.int/en/files/29711/html

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Settembru 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza