Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2023/2587(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0170/2023

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 16/03/2023 - 8.1
CRE 16/03/2023 - 8.1

Testi adottati :

P9_TA(2023)0083

Testi adottati
PDF 122kWORD 44k
Il-Ħamis, 16 ta' Marzu 2023 - Strasburgu
L-Iran: b'mod partikolari l-avvelenament ta' mijiet ta' tfal tal-iskola bniet
P9_TA(2023)0083RC-B9-0170/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Marzu 2023 dwar l-Iran, b’mod partikolari l-avvelenament ta’ mijiet ta’ tfal tal-iskola bniet (2023/2587(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

A.  billi n-nisa u l-bniet fl-Iran mexxew protesti paċifiċi fuq skala kbira li fihom esiġew id-demokrazija u talbu li d-diskriminazzjoni sistemika kontra n-nisa tinġieb fit-tmiem;

B.  billi l-protesti nbdew min-nisa li talbu l-obbligu ta’ rendikont għall-mewt ta’ Mahsa Jina Amini u talbu t-tmiem tal-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra n-nisa fl-Iran, b’mod partikolari fil-forma ta’ impożizzjoni tal-velu;

C.  billi eluf ta’ bniet u ta’ nisa madwar l-Iran ġew attakkati b’sustanzi kimiċi tossiċi minn Novembru 2022 ’l hawn, u dan impedixxa lill-bniet milli jattendu l-iskola; billi Fatemeh Rezaei, tifla ta’ 11-il sena, mietet wara li allegatament ġiet avvelenata bil-gass fl-iskola tagħha;

D.  billi dan qed iseħħ fi żmien meta r-repressjoni kontra n-nisa li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà hija eħrex minn qatt qabel;

1.  Jikkundanna, bl-aktar mod qawwi, dan it-tentattiv atroċi biex in-nisa u l-bniet fl-Iran jiġu msikkta; jesprimi s-solidarjetà profonda tiegħu mal-istudenti Iranjani avvelenati fl-inċidenti u mal-familji tagħhom;

2.  Jikkundanna għal darb’oħra l-politiki tar-reġim immirati kontra n-nisa u kontra l-bniet u jsostni mill-ġdid l-appoġġ assolut tiegħu għat-talba tan-nisa u tal-bniet Iranjani li tiġi abolita kull diskriminazzjoni sistemika;

3.  Iħeġġeġ lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU jinkariga lill-Missjoni Internazzjonali Indipendenti ta’ Ġbir ta’ Informazzjoni (IIFFM) b’investigazzjoni indipendenti dwar l-avvelenamenti tat-tfal tal-iskola bniet u jitlob li dawk responsabbli jagħtu rendikont ta’ għemilhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jagħtu aċċess sħiħ lill-IIFFM tan-NU u lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran;

4.  Ifakkar li r-Repubblika Iżlamika tal-Iran għandha responsabbiltà sħiħa għad-dritt fundamentali tan-nisa u tal-bniet Iranjani għall-edukazzjoni u jfakkar li, jekk il-bniet jiġu mċaħħda mill-edukazzjoni, dan ikollu impatt devastanti fuq il-futur tagħhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jiggarantixxu li l-bniet ikollhom aċċess mhux diskriminatorju għall-edukazzjoni u jħeġġiġhom jirrevokaw kwalunkwe leġiżlazzjoni li tiddiskrimina kontra l-bniet u kontra n-nisa;

5.  Jikkundanna l-fatt li r-reġim ilu xhur sħaħ jonqos milli jieħu azzjoni dwar rapporti kredibbli ta’ attakki tossiċi sistematiċi kontra t-tfal tal-iskola bniet u joħnoq tali rapporti deliberatament;

6.  Jiddenunzja kwalunkwe proċediment legali politikament motivat kontra dawk li jirrapportaw dwar l-avvelenamenti, b’mod partikolari Ali Pourtabatabaei; jinsisti li d-drittijiet tal-Iranjani għal-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda paċifika u l-libertà tal-midja jridu jiġu rispettati; jitlob li dawk kollha miżmuma l-ħabs jew imħarrka talli eżerċitaw id-drittijiet fundamentali tagħhom jinħelsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet u li jitwaqqgħu l-akkużi kollha kontrihom;

7.  Jistieden għal darb’oħra lill-Kunsill isejjaħ il-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika organizzazzjoni terroristika u jespandi l-lista tas-sanzjonijiet tal-UE, inkluż fl-ambitu tal-mekkaniżmi ta’ sanzjonijiet tad-Drittijiet tal-Bniedem Globali tal-UE, b’tali mod li tkopri lil dawk kollha responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, fosthom il-Mexxej Suprem Ali Khamenei, il-President Ebrahim Raisi u l-Prosekutur Ġenerali Mohammad Jafar Montazeri;

8.  Jistieden għal darb’oħra lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ tekniku u ta’ kapaċità għas-soċjetà ċivili Iranjana; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmluha aktar faċli biex dawk li għandhom bżonn jitilqu mill-Iran, b’mod partikolari n-nisa u l-bniet, jinħarġulhom viżi, jingħataw ażil u jirċievu għotjiet ta’ emerġenza;

9.  Jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej jirriflettu dwar il-moviment ta’ protesta tan-nisa Iranjani, li għandu għeruq profondi, u jirrikonoxxi li dan il-moviment imur lil hinn mid-difiża tad-drittijiet tan-nisa, billi jippromwovi stat demokratiku fl-Iran minflok teokrazija vjolenti u reazzjonarja;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-VP/RGħ, lill-Assemblea Konsultattiva Iżlamika u lill-Uffiċċju tal-Mexxej Suprem tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Settembru 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza