Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2023/2588(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0171/2023

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 16/03/2023 - 8.2

Testi adottati :

P9_TA(2023)0084

Testi adottati
PDF 128kWORD 45k
Il-Ħamis, 16 ta' Marzu 2023 - Strasburgu
It-Tuneżija: l-attakki reċenti kontra l-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni u kontra t-trade unions, b'mod partikolari l-każ tal-ġurnalist Noureddine Boutar
P9_TA(2023)0084RC-B9-0171/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Marzu 2023 dwar l-attakki reċenti fit-Tuneżija kontra l-libertà ta’ espressjoni u ta’ assoċjazzjoni u kontra t-trade unions, b’mod partikolari l-każ tal-ġurnalist Noureddine Boutar (2023/2588(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-President Saied ilu jmexxi waħdu lill-pajjiż mill-25 ta’ Lulju 2021, u keċċa l-gvern, u xolja l-Assemblea, il-Kostituzzjoni tal-2014, l-Awtorità Għolja Indipendenti għall-Elezzjonijiet, il-Kunsill Ġudizzjarju Għoli, il-kunsilli muniċipali kollha u 57 imħallef;

B.  billi fit-13 ta’ Frar 2023 l-unitajiet kontra t-terroriżmu arrestaw lill-ġurnalist Noureddine Boutar, direttur tal-akbar stazzjon tar-radju indipendenti tat-Tuneżija, għal raġunijiet politikament motivati u fuq allegazzjonijiet bla bażi, flimkien ma’ xi tnax-il vuċi tal-oppożizzjoni, inklużi Chaima Issa, Issam Chebbi, Ghazi Chaouachi, Khayam Turki u Jaouhar Ben Mbarek; billi qorti militari kkundannat lill-ġurnalist Salah Attia għal tliet xhur ħabs u qorti kontra t-terroriżmu kkundannat lill-ġurnalist Khalifa Gasmi għal sena ħabs; billi fl-24 ta’ Frar 2023, il-pulizija wettqet rejd fil-bini tal-gazzetta OneTN; billi l-ġurnalisti arrestati ġew akkużati li huma “terroristi” u “tradituri”;

C.  billi għadd ta’ digrieti presidenzjali dgħajfu lill-istituzzjonijiet demokratiċi, lid-drittijiet u l-libertajiet, inkluż id-Digriet-Liġi dwar iċ-Ċiberkriminalità Nru 54, u imponew sentenzi ta’ ħames snin ħabs għat-tixrid ta’ aħbarijiet foloz;

D.  billi l-migranti sub-Saħarjani ġew akkużati b’mod falz li fittxew li jissostitwixxu demografikament lit-Tuneżini, u sussegwentement ġew attakkati;

E.  billi fil-31 ta’ Jannar 2023 ir-rappreżentant tat-trade unions Anis Kaabi ġie arrestat, billi aktar minn 36 trejdjunjonist ġew imħarrka talli strajkjaw, billi fit-23 ta’ Frar 2023 is-Segretarju Ġenerali tal-ETUC Esther Lynch tkeċċiet mit-Tuneżija, u billi unions minn sitt pajjiżi tal-UE ma tħallewx jidħlu fil-pajjiż;

F.  billi l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-NGOs allegatament jipprevedi li l-NGOs jeħtiġilhom jiksbu l-approvazzjoni minn qabel mill-gvern kif ukoll l-approvazzjoni tal-Bank Ċentrali għall-finanzjament barrani;

1.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Tuneżini jeħilsu minnufih lil Noureddine Boutar u lill-oħrajn kollha li ġew detenuti arbitrarjament, inklużi ġurnalisti, imħallfin, avukati, attivisti politiċi u trejdjunjonisti bħal Anis Kaabi, u jirrispettaw il-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni, kif ukoll id-drittijiet tat-trade unions u tal-ħaddiema, f’konformità mal-Kostituzzjoni tat-Tuneżija u t-trattati internazzjonali, inklużi l-konvenzjonijiet tal-ILO; jikkundanna t-tkeċċija ta’ Esther Lynch, Segretarju Ġenerali tal-KETU, u l-kriminalizzazzjoni tas-solidarjetà tat-trade unions internazzjonali, bħala attakk sfaċċat fuq l-UGTT u t-trejdjunjoniżmu globali;

2.  Jistieden lill-Gvern Tuneżin jiżgura d-djalogu soċjali, jirrispetta l-ftehimiet kollettivi u jieħu azzjoni biex jindirizza l-kriżi tal-għoli tal-ħajja;

3.  Jinsab ferm imħasseb dwar ix-xejra awtoritarja tal-President Saied u dwar l-istrumentalizzazzjoni tiegħu tas-sitwazzjoni soċjoekonomika terribbli tat-Tuneżija biex ireġġa’ lura t-tranżizzjoni demokratika storika tal-pajjiż; jappella, għalhekk, sabiex tintemm ir-ripressjoni li għaddejja kontra s-soċjetà ċivili;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex minnufih jintegraw mill-ġdid lill-imħallfin li tkeċċew b’mod arbitrarju, jirrevokaw il-miżuri kollha li jdgħajfu l-indipendenza ġudizzjarja, u jtemmu l-użu tal-qrati militari għall-prosekuzzjoni tal-persuni ċivili; jiddeplora r-rifjut tal-awtoritajiet li jikkonformaw mal-ordni tal-qorti amministrattiva li jintegraw mill-ġdid lil 49 imħallef;

5.  Iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Istati Membri biex pubblikament jiddenunzjaw id-deterjorament drastiku tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja li programmi speċifiċi ta’ appoġġ tal-UE għall-Ministeri tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni għandhom jiġu sospiżi; jistieden lid-Delegazzjoni u lill-Istati Membri tal-UE jimmonitorjaw il-proċessi politiċi u jassitu għalihom, kif ukoll jinvolvu ruħhom fi djalogu regolari mas-soċjetà ċivili;

6.  Ifakkar li l-preservazzjoni tal-istituzzjonijiet rappreżentattivi hija fundamentali għall-iżvilupp tal-pajjiż; jesprimi tħassib serju dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-NGOs; jissottolinja l-importanza ta’ djalogu nazzjonali inklużiv u ta’ soċjetà ċivili ħielsa u b’saħħitha, inkluż il-Kwartett ta’ Djalogu Nazzjonali rebbieħ tal-Premju Nobel, b’mod partikolari l-UGTT;

7.  Jikkundanna bil-qawwa d-diskors razzist tal-President Saied kontra l-migranti sub-Saħarjani u l-attakki sussegwenti; jistieden lill-awtoritajiet jikkonformaw mal-liġijiet internazzjonali u nazzjonali, b’mod partikolari l-liġi 50-2018 kontra d-diskriminazzjoni razzjali;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President tat-Tuneżija, lill-Gvern tat-Tuneżija u lill-Assemblea ta' Tuneż. ir-Rappreżentanti tal-Poplu.

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' Marzu 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza