Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Marzu 2023 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Anna Júlia Donáth (2022/2208(IMM))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Anna Júlia Donáth, imressqa fil-21 ta’ Ottubru 2022 mill-Qorti Distrettwali ta’ Kecskemét fl-Ungerija b’rabta mal-proċedimenti kriminali miġjuba kontriha permezz ta’ att tal-akkuża privata pendenti quddiem il-Qorti Distrettwali ta’ Kecskemét, u mħabbra fis-seduta plenarja fl-24 ta’ Novembru 2022,
– wara li kkunsidra l-fatt li Anna Júlia Donáth irrinunzjat għad-dritt tagħha li tinstema’ f’konformità mal-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta’ Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b’suffraġju universali dirett,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 4(2) tal-Liġi Fundamentali tal-Ungerija, l-Artikoli 10(2) u 12(1) tal-Att LVII tal-2004 dwar l-Istatus tal-Membri tal-Parlament Ewropew tal-Ungerija u l-Artikolu 74 tal-Att XXXVI tal-2012 dwar l-Assemblea Nazzjonali tal-Ungerija,
– wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta’ Ottubru 2008, fid-19 ta’ Marzu 2010, fis-6 ta’ Settembru 2011, fis-17 ta’ Jannar 2013 u fid-19 ta’ Diċembru 2019(1),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u 9 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0071/2023),
A. billi fil-21 ta’ Ottubru 2022, il-Qorti Distrettwali ta’ Kecskemét, l-Ungerija, ressqet talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta’ Anna Júlia Donáth, Membru tal-Parlament Ewropew eletta fl-Ungerija, fil-kuntest tal-proċedimenti kriminali għall-malafama miġjuba kontriha permezz ta’ att tal-akkuża privata; billi t-talba tinkludi talba preċedenti għat-tneħħija tal-immunità ta’ Anna Júlia Donáth mill-istess Qorti Distrettwali, dik li saret fit-28 ta’ Ġunju 2022, li, madankollu, jidher li qatt ma waslet għand il-Parlament Ewropew;
B. billi fl-20 ta’ Jannar 2022, dikjarazzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv ta’ Momentum Mozgalom Párt (il-Partit tal-Moviment Momentum) li tirreferi għas-sospensjoni tas-sħubija tar-rikorrent fil-partit, li tallega li din is-sospensjoni seħħet wara sensiela ta’ episodji ta’ ksur etiku mir-rikorrent, ġiet ippubblikata fil-gazzetta online tal-partit u fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu; billi jidher li, bejn il-21 ta’ Novembru 2021 u d-29 ta’ Mejju 2022, Anna Júlia Donáth kienet qiegħda sservi bħala president tal-Kumitat Eżekuttiv ta’ Momentum Mozgalom Párt;
C. billi fil-31 ta’ Jannar 2022, ir-rikorrent ressaq azzjoni privata quddiem il-Qorti Distrettwali ta’ Kecskemét kontra Anna Júlia Donáth, fil-kapaċità tagħha bħala president tal-Kumitat Eżekuttiv ta’ Momentum Mozgalom Párt, fejn sostna r-reat statutarju ta’ malafama fil-pubbliku, skont l-Artikolu 226(2)(b) tal-Att C tal-2012 rigward il-Kodiċi Kriminali tal-Ungerija; billi skont l-Artikolu 231(2) tal-Kodiċi Kriminali tal-Ungerija, dan ir-reat jista’ jiġi kkastigat biss fil-kuntest ta’ azzjoni privata;
D. billi l-għan tal-immunità parlamentari huwa li tipproteġi lill-Parlament u lill-Membri tiegħu minn proċedimenti ġudizzjarji relatati ma’ attivitajiet imwettqa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari u li ma jistgħux jiġu separati minn tali dmirijiet;
E. billi l-allegat reat ma jikkostitwixxi ebda opinjoni espressa jew vot mitfugħ dwar il-prestazzjoni ta’ Anna Júlia Donáth fil-qadi ta’ dmirijietha bħala Membru tal-Parlament Ewropew skont it-tifsira tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea; billi l-allegat reat minflok jikkonċerna attivitajiet ta’ natura nazzjonali, imwettqa fil-kapaċità tagħha bħala president tal-partit nazzjonali tagħha;
F. billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament tagħhom u, fit-territorju ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta’ detenzjoni jew minn proċedimenti ġudizzjarji; billi l-immunità ma tistax tintalab meta Membru jinqabad fil-fatt ta’ reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta’ xi wieħed mill-Membri tiegħu;
G. billi skont l-Artikolu 4(2) tal-Liġi Fundamentali tal-Ungerija, il-membri tal-Parlament Ungeriz għandhom ikunu intitolati għall-immunità; billi, skont l-Artikolu 10(2) tal-Att LVII tal-2004 dwar l-Istatus Legali tal-Membri tal-Parlament Ewropew tal-Ungerija, il-Membri tal-Parlament Ewropew huma intitolati jgawdu l-istess immunità bħall-membri tal-Parlament Ungeriż, u billi skont l-Artikolu 12(1) tal-istess att, id-deċiżjoni li tiġi sospiża l-immunità ta’ Membru tal-Parlament Ewropew għandha taqa’ fil-kompetenza tal-Parlament Ewropew; billi skont l-Artikolu 74(1) tal-Att XXXVI tal-2012 dwar l-Assemblea Nazzjonali Ungeriża, il-proċedimenti kriminali jistgħu jinbdew kontra membru biss jekk ikun hemm kunsens minn qabel min-naħa tal-Assemblea Nazzjonali;
H. billi, f’dan il-każ, il-Parlament ma sab l-ebda evidenza ta’ fumus persecutionis, jiġifieri elementi fattwali li jindikaw li l-intenzjoni wara l-proċediment ġudizzjarju tista’ tkun li ssir ħsara lill-attività politika ta’ Membru fil-kapaċità tagħha bħala Membru lill-Parlament Ewropew;
I. billi huwa l-Parlament waħdu li jiddeċiedi, f’każ partikolari, jekk ineħħix l-immunità jew le; billi l-Parlament jista’ b’mod raġonevoli jqis il-pożizzjoni tal-Membru sabiex jiddeċiedi jekk ineħħix l-immunità tiegħu jew tagħha jew le(2); billi Anna Júlia Donáth stqarret li ma ssib ebda oġġezzjoni għat-tneħħija tal-immunità parlamentari tagħha;
J. billi, minn naħa, il-Parlament ma jistax jitqies bħala qorti u, min-naħa l-oħra, il-Membru ma jistax, fil-kuntest ta’ proċedura għat-tneħħija tal-immunità, jitqies bħala “akkużat”(3);
1. Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta’ Anna Júlia Donáth;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tal-Ungerija u lil Anna Júlia Donáth.
Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies, C-502/19, ECLI:EU:C:2019:1115.