Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2023 dwar l-implimentazzjoni tal-PSDK ċivili u ta’ forom oħra ta’ assistenza tal-UE fir-rigward tas-sigurtà ċivili (2022/2196(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b’mod partikolari l-Kapitolu 2, it-Taqsima 2, tiegħu rigward id-dispożizzjonijiet dwar il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tas-summit tal-Kunsill Ewropew ta’ Santa Maria da Feira fid-19 u l-20 ta’ Ġunju 2000,
– wara li kkunsidra l-Objettiv Primarju Ċivili 2008 approvat mill-Kunsill Ewropew fis-17 ta’ Diċembru 2004,
– wara li kkunsidra l-Objettiv Primarju Ċivili 2008 l-ġdid approvat mill-Kunsill Ewropew fid-19 ta’ Novembru 2007,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tal-11 ta’ Diċembru 2013 bit-titolu “L-approċċ komprensiv tal-UE rigward il-konflitti u l-kriżijiet esterni” (JOIN(2013)0030),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta’ Jannar 2018 dwar l-Approċċ Integrat għal Konflitti u Kriżijiet Esterni,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2018, dwar l-istabbiliment ta’ Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Diċembru 2018 dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà tal-14 ta’ Novembru 2022,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tal-25 ta’ Novembru 2020 bit-titolu “Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru (Gender Action Plan, GAP) III – aġenda ambizzjuża għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-għoti tas-setgħa lin-nisa fl-azzjoni esterna tal-UE” (JOIN(2020)0017), l-Approċċ Strateġiku tal-UE għan-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà tal-10 ta’ Diċembru 2018 u l-Pjan ta’ Azzjoni li jakkumpanjah tal-4 ta’ Lulju 2019, u l-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tal-21 ta’ Diċembru 2021 biex tissaħħaħ il-Parteċipazzjoni tan-Nisa fil-Missjonijiet Ċivili tal-PSDK 2021-2024,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar iż-żgħażagħ fl-azzjoni esterna tal-5 ta’ Ġunju 2020,
– wara li kkunsidra l-Pjan Direzzjonali tal-Kunsill dwar it-Tibdil fil-Klima u d-Difiża tad-9 ta’ Novembru 2020,
– wara li kkunsidra l-Kunċett għal Approċċ Integrat dwar it-Tibdil fil-Klima u s-Sigurtà tal-Kunsill tal-5 ta’ Ottubru 2021,
– wara li kkunsidra t-tielet Konferenza ta’ Rieżami Annwali tal-Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK li saret fi Brussell fid-19 ta’ Novembru 2021,
– wara li kkunsidra r-raba’ u l-aħħar Konferenza ta’ Rieżami Annwali tal-Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK fis-16 ta’ Novembru 2022,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK tat-13 ta’ Diċembru 2021,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009(1) (“ir-Regolament NDICI”),
– wara li kkunsidra l-“Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża – Għal Unjoni Ewropea li tipproteġi liċ-ċittadini, il-valuri u l-interessi tagħha u tikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali”, approvata mill-Kunsill fil-21 ta’ Marzu 2022 u mill-Kunsill Ewropew fil-25 ta’ Marzu 2022,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK tat-12 ta’ Diċembru 2022,
– wara li kkunsidra r-Rapport tas-SEAE dwar l-Istudju ta’ Referenza ta’ Segwitu dwar l-Integrazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fil-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni tal-Unjoni Ewropea tat-30 ta’ Marzu 2022,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0091/2023),
A. billi mill-1999 ’l hawn l-immaniġġar ċivili ta’ kriżijiet ġie stabbilit bħala pilastru fundamentali tal-PSDK tal-UE fil-prevenzjoni tal-konflitti, fl-istabbilizzazzjoni u fil-promozzjoni ta’ paċi sostenibbli; billi għaddew 20 sena minn meta tnediet fl-2003 l-Missjoni tal-Pulizija tal-UE (EUPM) ċivili fil-Bożnija-Ħerzegovina bħala l-ewwel missjoni tal-PSDK li qatt saret; billi l-immaniġġar ċivili ta’ kriżijiet għandu l-bażi tiegħu fit-Trattati u fil-prijoritajiet ta’ Feira tal-2000; billi l-Istati Membri huma responsabbli li jipprovdu r-rekwiżiti ta’ kapaċità tal-missjonijiet, skont l-Artikolu 42 tat-TUE; billi l-UE bħalissa żżomm 12-il missjoni ċivili u, fl-20 sena ta’ maniġġar ċivili ta’ kriżijiet tagħha, nediet 24 missjoni fi tliet kontinenti differenti, li juri li d-domanda għall-immaniġġar ċivili ta’ kriżijiet kibret, anke bħala riżultat tal-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna; billi l-missjonijiet ċivili huma kruċjali fi ħdan ir-rispons usa’ tal-UE għall-isfidi tas-sigurtà permezz ta’ mezzi mhux militari u jirrikjedu taħriġ effettiv u kapaċitajiet operazzjonali biex iżommu l-pass mal-ambjent ta’ theddid li qed jevolvi għal-Lvant u n-Nofsinhar tal-Ewropa; billi l-ambjent tas-sigurtà li qed jiddeterjora u l-kriżi umanitarja fl-Unjoni Ewropea u madwarha rriżultaw f’eżiġenzi akbar għall-missjonijiet tal-PSDK, u b’hekk tefgħu pressjoni sinifikanti fuq il-baġit tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK);
B. billi wieħed mill-objettivi tal-Boxxla Strateġika tal-UE huwa li ssaħħaħ il-missjonijiet u l-operazzjonijiet ċivili u militari tal-PSDK tal-UE billi tipprovdilhom mandati aktar robusti u flessibbli, tippromwovi proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet rapidi u aktar flessibbli u tiżgura solidarjetà finanzjarja akbar; billi l-identità tal-UE tal-missjonijiet tal-PSDK issaħħaħ lill-UE bħala setgħa ċivili leġittima; billi l-UE hija impenjata li ssir fornitur tas-sigurtà aktar assertiv u deċiżiv, ippreparat aħjar biex jindirizza t-theddid u l-isfidi preżenti u futuri, u hija impenjata li tiddefendi l-ordni tas-sigurtà Ewropea u globali flimkien mas-sħab tagħha; billi l-PSDK ċivili hija strument uniku għall-UE biex tirreaġixxi għall-kriżijiet l-aktar urġenti b’mezzi ċivili; billi l-aċċess tal-PSDK kemm għall-ippjanar, għar-riżorsi kif ukoll għal-loġistika jagħtiha l-potenzjal li ssir il-faċilitatur primarju tal-immaniġġar ċivili ta’ kriżijiet matul l-emerġenzi u billi għandha tintuża bħala ċentru ta’ prattika tar-reżiljenza u l-irkupru tas-soċjetà fil-konfront ta’ diżastri kemm ikkawżati mill-bniedem kif ukoll dawk naturali; billi għandha tippermetti lill-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK jadattaw malajr għal theddid u sfidi ġodda, u żżid l-effikaċja tagħhom, anke fid-dawl tal-kuntest il-ġdid tas-sigurtà u l-preżenza dejjem tikber tal-kompetituri strateġiċi tagħna f’teatri operazzjonali; billi fil-kuntest ġeopolitiku attwali, hija meħtieġa b’mod urġenti PSDK ċivili aktar effettiva; billi l-UE u l-Istati Membri qablu li jsaħħu l-PSDK ċivili permezz ta’ Patt ġdid li jippermetti skjerament aktar mgħaġġel, anke f’ambjenti kumplessi;
C. billi l-Kunsill ta’ Gothenburg tal-2001 iddeċieda li jintroduċi 200 imħallef u prosekutur, grupp ta’ esperti fil-qasam tal-amministrazzjoni ċivili u timijiet tal-protezzjoni ċivili ta’ mhux aktar minn 2 000 persuna; billi l-Objettiv Primarju Ċivili (CHG) tal-2010 żied 285 espert dwar l-analiżi tal-konflitti, il-ġustizzja tranżizzjonali u d-djalogu, kif ukoll il-ħolqien ta’ Timijiet ta’ Rispons Ċivili (CRT), grupp ta’ esperti magħmul minn 100 persuna;
D. billi PSDK ċivili tikkontribwixxi għall-Approċċ Integrat għal Konflitti u Kriżijiet f’oqsma bħall-attivitajiet tal-pulizija, l-istat tad-dritt, l-amministrazzjoni ċivili, ir-riforma tas-settur tas-sigurtà (SSR) u l-monitoraġġ f’konformità mal-Artikoli 42 u 43 tat-TUE, u hija akkumpanjata minn miżuri komplementari implimentati fil-kuntest tal-istrument “Ewropa Globali” tal-UE, u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali;
E. billi l-adozzjoni tal-Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK fl-2018 irrappreżentat pass sinifikanti ’l quddiem fit-tisħiħ tal-kapaċità tal-immaniġġar ċivili ta’ kriżijiet tal-UE u fiż-żieda tas-sjieda, tar-responsabbiltà u tal-kontribut ta’ riżorsi min-naħa tal-Istati Membri; billi l-Istati Membri jeħtieġu livell ogħla ta’ impenn politiku u tekniku u ta’ riżorsi umani u ekonomiċi biex jilħqu l-objettivi miftiehma li għad iridu jiġu ssodisfati u biex iżidu l-leġittimità ta’ dawn il-missjonijiet;
F. billi l-kompiti ċivili tal-PSDK, matul is-snin, twessgħu biex jinkludu, fost l-oħrajn, il-ġustizzja tranżizzjonali, il-medjazzjoni, id-djalogu u l-analiżi tal-konflitti, l-appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ riformi b’pariri prattiċi, taħriġ u tagħmir, u billi jridu jadattaw ruħhom, mingħajr dewmien, għal sfidi ġodda u emerġenti bħat-theddid ibridu, inklużi l-attakki ċibernetiċi, l-istrumentalizzazzjoni tal-migrazzjoni, l-indħil barrani, l-influwenza u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni, it-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni, is-sigurtà marittima, il-kriminalità organizzata u l-protezzjoni tal-wirt kulturali; billi l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK tal-UE huma fil-mira wkoll tat-theddid ibridu, inkluża d-diżinformazzjoni, li jpoġġi f’riskju l-effettività tagħhom biex jistabbilizzaw il-pajjiż li jiġu introdotti fih; billi t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali jaffettwaw serjament l-ambjent operattiv tal-immaniġġar ta’ kriżijiet u jirrikjedu aktar attenzjoni fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-missjonijiet ċivili;
G. billi ħafna żoni milquta minn konflitti għandhom popolazzjoni kbira ta’ żgħażagħ; billi ż-żgħażagħ għandhom ikunu involuti b’mod attiv fil-ħolqien ta’ paċi u sigurtà sostenibbli, filwaqt li jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tal-konflitti u l-konsolidazzjoni tal-paċi, inkluża l-promozzjoni tal-istat tad-dritt, il-ġustizzja u r-rikonċiljazzjoni; billi l-UE hija impenjata li tippromwovi d-drittijiet tat-tfal fl-azzjoni esterna tagħha, iżda dan l-impenn għadu mhux qed jiġi implimentat fil-kuntest tal-PSDK;
H. billi l-UE hija impenjata li tqiegħed l-aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà fiċ-ċentru tal-PESK tagħha u l-Istati Membri huma impenjati li jippromwovu rappreżentanza aħjar tan-nisa fil-missjonijiet tal-PSDK, iżda l-Patt dwar id-dimensjoni ċivili tal-PSDK tal-2018 jonqos milli jistabbilixxi mira konkreta għar-rappreżentanza tan-nisa f’missjonijiet ċivili u ma jagħmel l-ebda referenza għall-parità bejn il-ġeneri;
I. billi r-rappreżentanza tan-nisa fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK baqgħet l-istess matul il-perjodu ta’ ħames snin bejn l-2015 u l-2020; billi fl-istrutturi ċivili tal-Kwartieri Ġenerali (id-Direttorat għall-Approċċ Integrat għas-Sigurtà u l-Paċi (ISPD), id-Direttorat tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża (SECDEFPOL) u l-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC)), in-nisa jikkostitwixxu madwar 50 % tal-persunal kollu, iżda għadhom sottorappreżentati f’pożizzjonijiet maniġerjali (30 %);
J. billi mill-2017 ’l hawn, sessjoni ta’ taħriġ ta’ qabel l-iskjerament li tinvolvi d-drittijiet tal-bniedem u l-elementi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri saret obbligatorja għall-persunal kollu; billi aktar minn terz minn dawk li wieġbu stħarriġ għar-Rapport tas-SEAE dwar l-Istudju ta’ Referenza ta’ Segwitu dwar l-Integrazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fil-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni tal-Unjoni Ewropea ma ngħatawx sessjoni bħal din,
K. billi l-Istati Membri mistennija jadottaw, sa Mejju 2023, Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK ġdid sabiex ikomplu bl-isforzi lejn missjonijiet tal-PSDK ċivili aktar effikaċi u kapaċi, u jqisu ż-żieda fl-isfidi tas-sigurtà b’mod partikolari fil-livell globali; billi x-xenarju ġeopolitiku li qed jinbidel u l-ambjent tas-sigurtà li qed jinbidel, inklużi l-konflitti madwar l-Unjoni Ewropea u fit-territorju Ewropew, kif ukoll il-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna, id-diżinformazzjoni, it-terroriżmu u t-theddid ibridu u malizzjuż, jirrikjedu impenn sħiħ sabiex tissaħħaħ il-PSDK ċivili permezz ta’ Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK ġdid;
Tisħiħ tal-viżjoni strateġika tal-immaniġġar ċivili ta’ kriżijiet
1. Jisħaq fuq il-fatt li l-immaniġġar ċivili ta’ kriżijiet min-naħa tal-UE jagħti kontributi importanti għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali u jiżvolġi rwol fundamentali fl-implimentazzjoni tal-Approċċ Integrat għal Konflitti u Kriżijiet Esterni;
2. Ifakkar li l-immaniġġar ta’ kriżijiet jinsab fil-qalba tal-PSDK tal-UE, b’mod partikolari permezz tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet militari u ċivili tagħha; ifakkar li konklużjoni ewlenija li ħarġet mill-analiżi tat-theddid tal-2020 kienet il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE li tirreaġixxi malajr għall-kriżijiet u li ssaħħaħ it-tħejjija ġenerali tagħha; jissottolinja, għalhekk, l-importanza tal-kompiti fdati lill-persunal li jservi f’missjonijiet ċivili tal-PSDK, li għall-Istati Membri jimplika l-ħtieġa li jipprovdu profili rilevanti biex iżidu l-kontribuzzjonijiet nazzjonali għall-missjonijiet ċivili tal-PSDK, u għas-SEAE jimplika l-implimentazzjoni ta’ politika attenta tar-riżorsi umani; jinnota li l-UE għandha wkoll rwol ewlieni biex tipprovdi impjiegi għall-persunal internazzjonali u lokali;
3. Jistieden lill-Istati Membri jużaw il-Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK il-ġdid biex isaħħu l-viżjoni strateġika tagħhom tal-immaniġġar ċivili ta’ kriżijiet billi jiċċaraw ir-rwol, l-effikaċja u l-valur miżjud tal-PSDK ċivili, u billi jiddefinixxu livell ta’ ambizzjoni kondiviż għall-immaniġġar ċivili ta’ kriżijiet;
4. Ifakkar li l-analiżi tat-theddid qabel l-adozzjoni tal-Boxxla Strateġika fl-2022 kienet sforz uniku biex tiġi aġġornata d-duttrina tas-sigurtà u d-difiża tal-UE; jistieden lill-Istati Membri u lis-SEAE jisfruttaw l-analiżi fid-diskussjonijiet tagħhom dwar il-futur tal-immaniġġar ċivili ta’ kriżijiet u l-użu previst tal-istrument ċivili tal-PSDK;
5. Jemmen li l-kompiti tradizzjonali tal-PSDK ċivili, bħall-attivitajiet tal-pulizija, l-istat tad-dritt, l-amministrazzjoni ċivili, l-SSR, il-monitoraġġ, id-diżarm u d-demobilizzazzjoni jibqgħu aktar rilevanti minn qatt qabel biex jistabbilizzaw u jimmodernizzaw is-setturi tas-sigurtà u tal-ġustizzja; jissottolinja l-bżonn li jitkomplew l-aġġornament u l-espansjoni tal-kompiti fil-qafas tal-Approċċ Integrat u tat-Trattati, fid-dawl tar-riskji u t-theddid il-ġodda li nibtu u li b’hekk wasslu għal ambjent ġdid tas-sigurtà; jisħaq fuq il-bżonn li jiġu integrati u msaħħa l-kwistjonijiet trasversali, b’mod partikolari:
(a)
is-sigurtà tal-persuni;
(b)
il-bżonnijiet tas-sigurtà u s-sjieda tal-gvernijiet ospitanti u l-popolazzjonijiet lokali;
(c)
is-sensittività għall-ġeneru, l-ugwaljanza u l-aġenda dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà;
(d)
l-aġenda għaż-żgħażagħ, il-paċi u s-sigurtà, it-tfal u l-konflitti armati;
(e)
il-medjazzjoni, id-djalogu u r-rikonċiljazzjoni;
(f)
involviment sinifikattiv mas-soċjetà ċivili;
(g)
ir-rabta bejn is-sigurtà u l-klima;
(h)
l-interazzjoni ċivili-militari, billi jiġu promossi l-istat tad-dritt u l-obbligu ta’ rendikont, inkluż billi jissaħħu l-katina tal-ġustizzja u l-kapaċitajiet ta’ rispons b’mod effettiv għall-isfidi tas-sigurtà;
(i)
l-aspetti ċivili tad-diżarm, id-demobilizzazzjoni u r-reintegrazzjoni;
(j)
il-ġlieda kontra l-korruzzjoni;
(k)
il-monitoraġġ u l-ġlieda kontra l-kampanji ta’ diżinformazzjoni;
(l)
il-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali;
6. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu integrati b’mod aktar proattiv il-kunċetti tas-sigurtà tal-bniedem, il-ħtiġijiet tas-sigurtà tal-popolazzjoni lokali, is-sensittività għall-ġeneru, is-sorveljanza parlamentari, it-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont tas-settur tas-sigurtà lokali fil-mandat u l-operazzjonijiet tal-missjoni;
7. Jenfasizza li s-suċċess tal-missjonijiet ċivili tal-PSDK jiddependi ħafna fuq il-ftuħ għall-perspettivi u s-sjieda tal-pajjiż ospitanti; iħeġġeġ l-użu ta’ approċċi mfassla apposta, l-involviment attiv tal-gvern ospitanti u l-kooperazzjoni miegħu, is-soċjetà ċivili u l-popolazzjoni lokali; jisħaq, għalhekk, fuq l-importanza tas-sjieda lokali matul l-implimentazzjoni tal-mandat tal-missjoni, mit-tfassil sal-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-persunal tal-missjonijiet ċivili tal-PSDK jibni relazzjonijiet ibbażati fuq il-fiduċja mal-gvernijiet ospitanti, mas-soċjetà ċivili u mal-popolazzjonijiet lokali, u dan jirrikjedi għarfien tas-sitwazzjoni, fehim kulturali u għarfien tal-lingwi lokali; jilqa’ l-linji gwida operattivi tas-SEAE għall-involviment proattiv tas-soċjetà ċivili fil-missjonijiet tal-PSDK; ifakkar li l-missjonijiet ċivili jridu jagħtu attenzjoni speċjali lid-dinamika tal-konflitti, lill-proċessi robusti ta’ valutazzjoni tar-riskju u ta’ mitigazzjoni tar-riskju, u jridu jinkludu aktar monitoraġġ u evalwazzjoni bbażati fuq l-impatt tal-interventi tal-PSDK, kif ukoll aktar mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni u feedback; jirrakkomanda li jiġu stabbiliti kanali formali, informali u anonimi li jkunu sikuri u siguri għall-feedback tal-missjoni u l-ilmenti mis-soċjetà ċivili, sabiex jgħinu lill-UE tiżviluppa fehim aħjar tal-effikaċja tal-operazzjonijiet tagħha;
8. Jinnota li f’xi każijiet, is-suċċess tal-missjonijiet ċivili tal-PSDK huwa pperikolat minħabba l-fatt li l-gvernijiet ospitanti jonqsu milli jissodisfaw l-impenji ta’ riforma tagħhom; jitlob, għalhekk, għal kooperazzjoni intensifikata mal-pajjiżi ospitanti u attenzjoni ugwali għat-taħriġ u r-riformi istituzzjonali; jitlob li l-approċċ integrat tal-UE, li jinkludi l-missjonijiet ċivili tal-PSDK, l-għajnuna għall-iżvilupp u dik għall-assistenza, jintuża biex jipprovdi l-ingranaġġ meħtieġ għall-missjonijiet ċivili tal-PSDK biex il-gvernijiet ospitanti jinżammu fit-triq it-tajba ħalli jissodisfaw l-impenji tagħhom u jaderixxu mal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-importanza tal-missjonijiet ċivili tal-PSDK li jikkoordinaw ma’ sħab internazzjonali oħra involuti f’attivitajiet simili fil-pajjiż ospitanti; jinnota li l-missjonijiet ċivili tal-PSDK spiss isiru f’pajjiżi u reġjuni kkontestati minn atturi statali u mhux statali li jkunu lesti jimminaw il-kapaċità u l-kredibbiltà tal-UE bħala fornitur tas-sigurtà; jenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-impenji kollha tal-UE jridu jkunu kredibbli f’għajnejn il-popolazzjonijiet u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u jibnu fuq kooperazzjoni mill-qrib u onesta man-nazzjonijiet ospitanti, u jridu jżommu komunikazzjoni frekwenti bejn il-persunal tal-missjonijiet, l-awtoritajiet nazzjonali u l-popolazzjoni usa’; jitlob, għalhekk, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsaħħu l-komunikazzjoni strateġika tagħhom dwar l-immaniġġar ċivili ta’ kriżijiet, sabiex jiksbu appoġġ politiku fi ħdan l-UE u f’pajjiżi fejn isiru l-missjonijiet, jipprovdu komunikazzjoni strateġika mfassla apposta għal kull missjoni, jenfasizzaw l-objettivi u l-valuri tal-missjoni u l-benefiċċji għall-popolazzjoni lokali, kif ukoll jappoġġaw reklutaġġ aktar effettiv ta’ persunal kwalifikat għal missjonijiet ċivili tal-PSDK, inklużi nisa;
9. Jemmen li l-PSDK ċivili għandha tkun parti minn strateġija politika usa’ li tindirizza l-kawżi ewlenin tal-konflitt, inkluż it-tibdil fil-klima; ifakkar li l-missjonijiet għandhom jiġu infurmati permezz ta’ analiżijiet tal-konflitti sensittivi għall-klima u jitlob l-integrazzjoni ulterjuri tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali fl-immaniġġar ċivili ta’ kriżijiet; jisħaq li r-rabta bejn il-klima u s-sigurtà trid tiġi inkluża fil-Patt 2.0, filwaqt li jiġi spjegat b’mod ċar kif tista’ tiġi operazzjonalizzata fil-kuntest tal-immaniġġar ċivili ta’ kriżijiet; itenni t-talba tal-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu ta’ Diċembru 2022, biex il-missjonijiet u l-operazzjonijiet jieħdu passi konkreti biex inaqqsu l-impronta ambjentali tagħhom bl-għan li tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050, f’konformità mal-għanijiet stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew;
10. Jisħaq fuq l-importanza li jiġu vvalutati l-isforzi ċivili tal-PSDK f’oqsma speċifiċi, b’mod partikolari l-indirizzar tal-isfidi tas-sigurtà ġodda u emerġenti bħall-istrumentalizzazzjoni tal-migrazzjoni, is-sigurtà marittima u l-kriminalità organizzata; jiddispjaċih dwar in-nuqqasijiet prevalenti fil-kapaċità tal-UE li tantiċipa u tidentifika theddid ibridu, b’mod partikolari l-manipulazzjoni tal-informazzjoni, li jaffettwaw direttament is-suċċess tal-missjonijiet ċivili tal-PSDK; jilqa’, f’dan ir-rigward, id-deċiżjoni li jiġi żviluppat sett ta’ għodod ibridu tal-UE għal rispons koordinat għall-kampanji ibridi; jilqa’, barra minn hekk, il-komunikazzjoni konġunta dwar politika tal-UE dwar iċ-ċiberdifiża, u jinnota l-importanza tar-reżiljenza ċibernetika għall-missjonijiet tal-PSDK, filwaqt li jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati aktar il-politika u l-kapaċitajiet taċ-ċiberdifiża tal-UE, inkluż l-istabbiliment ta’ timijiet ta’ rispons rapidu ċibernetiku u l-espansjoni tagħhom lejn l-appoġġ tal-missjonijiet ċivili tal-PSDK; itenni l-ħtieġa urġenti li jiġu żviluppati l-kapaċitajiet ta’ komunikazzjoni strateġika tagħhom, inklużi sistemi ta’ komunikazzjoni siguri abbażi tal-programm ta’ konnettività sigura tal-UE, kif ukoll li tiġi inkluża pjattaforma komuni għall-kondiviżjoni tal-għarfien bejn is-CPCC u l-operazzjonijiet fil-qasam, bl-użu tal-innovazzjoni teknoloġika, filwaqt li jissaħħu s-sensibilizzazzjoni ċibernetika u r-reżiljenza tal-missjonijiet tal-PSDK; jitlob li tissaħħaħ ir-reżiljenza ċibernetika tal-istrutturi ġenerali tas-CPCC u tal-missjonijiet tal-PSDK;
11. Jitlob li l-Istati Membri u s-SEAE jindirizzaw it-theddid konsistenti u li qed jikber għall-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali u jiġġieldu l-kuntrabandu ta’ artefatti kulturali, speċjalment f’żoni ta’ konflitt;
12. Jitlob li l-Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK il-ġdid jintuża biex jaħdem aktar għall-parteċipazzjoni sħiħa, ugwali u sinifikanti tan-nisa fil-PSDK ċivili; jenfasizza l-kontribut sinifikanti tan-nisa għas-suċċess tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK u bħala mutur tal-kredibbiltà tal-UE bħala proponent tad-drittijiet ugwali għall-irġiel u n-nisa madwar id-dinja; ifakkar fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru (GAP) III (2020-2024), li jirrikjedi l-integrazzjoni sistematika ta’ perspettiva tal-ġeneru fil-politiki u l-azzjonijiet esterni kollha tal-UE, inkluża l-PSDK; jitlob li l-Istati Membri u s-SEAE jippromwovu żieda fl-għadd ta’ nisa fl-operazzjonijiet tal-PSDK, inkluż, bħala l-ewwel pass, biex ikollhom l-għan li jżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa għal tal-anqas 40 % fil-missjonijiet kollha, u sal-2024 fil-livelli kollha; jirrakkomanda li l-Istati Membri japprovaw l-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni tas-CPCC biex isaħħu l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-missjonijiet ċivili tal-PSDK għall-2021-2024; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom biex gradwalment jiksbu parità bejn il-ġeneri fil-ħatriet ta’ kapijiet ta’ missjoni u pożizzjonijiet ta’ tmexxija għolja oħrajn; iħeġġeġ il-kooperazzjoni mill-qrib tagħhom mal-atturi tas-soċjetà ċivili lokali biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jintegraw il-perspettiva tal-ġeneri fejn possibbli;
13. Jitlob li jkun hemm operazzjonalizzazzjoni effettiva tal-protezzjoni tat-tfal u tat-tfal fl-aġenda dwar il-konflitti armati, kif ukoll l-aġenda għaż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà, fl-immaniġġar ċivili ta’ kriżijiet, biex iż-żgħażagħ jiġu involuti b’mod attiv fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ missjonijiet u operazzjonijiet, u biex jiġi applikat approċċ għall-analiżi tal-konflitti li jkun sensittiv għaż-żgħażagħ;
14. Jisħaq fuq il-fatt li l-antiċipazzjoni tal-bidliet futuri fil-kuntest tas-sigurtà hija fundamentali biex jiġi żgurat li l-immaniġġar ċivili ta’ kriżijiet jilħaq l-objettivi strateġiċi tiegħu; jitlob li l-Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK il-ġdid jimplimenta ppjanar aktar ibbażat fuq ix-xenarju, prospettiva strateġika u analiżi tal-konflitti kif ukoll sistema ta’ twissija bikrija għat-teħid ta’ deċiżjonijiet relatat mal-missjonijiet u mal-mandati;
15. Jistieden lis-CPCC, lill-EUMCC u lill-Persunal Militari tal-UE jiżviluppaw mudell li jiġġenera u jikkondividi kampanja tal-aħjar prattiki u/jew kunċetti tal-ippjanar tal-missjonijiet li jiġu kondiviżi fl-aktar stadju bikri possibbli, mas-sħab vitali għas-suċċess tal-kampanja;
16. Jistieden lis-CPCC u lill-Kapaċità Militari tal-UE tal-Ippjanar u t-Tmexxija (MPCC) jenfasizzaw l-edukazzjoni ċivili-militari professjonali tal-persunal kollu fil-missjonijiet tal-PSDK billi jużaw il-Kulleġġ Ewropew ta’ Sigurtà u ta’ Difiża biex jgħinu jsawru l-għarfien espert tal-professjonisti ċivili u tad-difiża ħalli jiġi żgurat li l-persunal tal-PSDK ikun jista’ jirrikonoxxi u jirrispondi aħjar għall-kumplessità tal-isfidi tas-sigurtà evidenti fil-pajjiżi ta’ skjerament tagħhom;
17. Jistieden lis-SEAE, lill-MPCC, lis-CPCC u lill-kwartieri ġenerali tal-PSDK irawmu kultura ġdida ta’ fehim bejn is-sħab ċivili u militari bbażata fuq relazzjonijiet istituzzjonali mtejba u sensibilizzazzjoni u valutazzjoni kondiviżi fi sforz biex jiżviluppaw qafas ta’ ppjanar u kultura komprensivi;
18. Iħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiżviluppaw pjan konkret dwar il-mod kif jiġi implimentat l-approċċ integrat u jiżguraw li l-istrumenti rilevanti kollha tal-UE u tal-Istati Membri (PSDK Militari, Ewropa Globali u l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni) jiġu applikati b’mod koerenti u jwasslu b’mod aktar effiċjenti għall-ilħuq tal-objettivi ġenerali tal-UE; jitlob li jsiru aktar sforzi biex tiġi ġestita t-tranżizzjoni bejn l-istrumenti politiċi u tekniċi differenti tal-UE;
19. Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni, inkluża koordinazzjoni aktar mill-qrib dwar il-mandati ma’ sħab bħan-NU, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u n-NATO, biex jiġu indirizzati t-theddid u l-isfidi attwali u futuri għas-sigurtà;
20. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jistiednu u jinvolvu lill-pajjiżi kandidati tal-UE fuq bażi ta’ każ b’każ biex jikkontribwixxu u jieħdu sehem f’missjonijiet ċivili tal-PSDK; jitlob assistenza għall-pajjiżi interessati sabiex jitħarrġu u jitħejjew għal tali parteċipazzjoni; ifakkar, f’dan ir-rigward, il-valur miżjud li s-sħubijiet ma’ pajjiżi terzi jistgħu jagħtu lill-missjonijiet ċivili tal-PSDK; jilqa’ l-appoġġ minn pajjiżi terzi fir-rigward tal-Ukrajna u jfakkar li pajjiżi bħan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Awstralja, l-Iżvizzera, l-Istati Uniti, il-Kanada, New Zealand u r-Renju Unit jistgħu wkoll iġibu riżorsi politiċi u finanzjarji konsiderevoli għall-missjonijiet ċivili tal-PSDK; jistieden lill-Kummissjoni terġa’ żżur il-qafas tagħha għal ftehimiet ta’ parteċipazzjoni ma’ pajjiżi terzi sħab, peress li, mill-2010 ’l hawn, l-għadd ta’ esperti sekondati minn pajjiżi terzi naqas minn 200 għal 10;
Implimentazzjoni tal-Patt
21. Jieħu nota tar-riżultati li kiseb il-Patt tal-2018 biex jinvolvi lill-Istati Membri fl-iżvilupp tal-Pjanijiet Nazzjonali ta’ Implimentazzjoni tagħhom, inkluż permezz ta’ djalogu strutturat u tal-iskambju tal-aħjar prattiki u tat-tagħlimiet meħuda, u billi jkomplu jiġu żviluppati permezz ta’ proċessi ta’ kapaċità strutturati u regolari li jrid jintlaħaq qbil dwarhom, u billi jitħeġġu l-kooperazzjoni reġjonali u l-azzjonijiet konġunti bejn l-Istati Membri;
22. Jappoġġja inizjattivi mmirati lejn l-iżvilupp ta’ strument ta’ taħriġ u tagħmir għal missjonijiet ċivili sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE li tappoġġa pajjiżi terzi u twieġeb għall-aspettattivi u l-ħtiġijiet konkreti tagħhom; jitlob, għalhekk, li dawn l-isforzi jitkomplew, li jiġu ffissati aktar miri numeriċi u li jiġu stabbiliti skadenzi għall-azzjonijiet kollha, inkluż billi jiġu identifikati l-entitajiet responsabbli;
23. Jissottolinja l-isfidi li l-missjonijiet ċivili tal-PSDK jiffaċċjaw, bħad-disponibbiltà tal-kapaċitajiet u tar-riżorsi, ir-reattività, in-nuqqas ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni, proċessi deċiżjonali aktar rapidi u missjonijiet aktar skalabbli, adattabbli, modulari u mandati aktar ċari, u li dawn diġà kienu ġew enfasizzati fl-ewwel Patt, li wassal għal żieda fl-enfasi fuq il-PSDK ċivili, iżda mhux għall-operattività sħiħa u għaż-żieda korrispondenti fil-parteċipazzjoni u fis-sjieda tal-Istati Membri, li jeħtieġu li jiġu indirizzati b’urġenza fil-Patt il-ġdid dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK;
24. Jieħu nota tal-għadd ta’ missjonijiet ċivili tal-PSDK li ilhom għaddejjin, li jenfasizza l-ħtieġa għal objettivi definiti sew, kemm politiċi kif ukoll operattivi, u għal strateġiji ta’ ħruġ u l-evalwazzjoni tagħhom; jappella għall-introduzzjoni ta’ strateġiji ta’ ħruġ għall-missjonijiet ċivili, b’metriċi biex jitkejjel is-suċċess tagħhom, li jippermettu l-għeluq aktar rapidu tal-missjonijiet meta l-objettivi operattivi u politiċi jkunu ġew issodisfati u anke meta ma jkunux ġew issodisfati, jew meta ma jkunx għadu possibbli li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet ta’ sigurtà u dawk politiċi jew strateġiċi rilevanti fil-pajjiż ta’ stabbiliment; jappella, għalhekk, għal diskussjoni politika sinċiera dwar l-għeluq ta’ missjonijiet li ma joħolqux l-impatt mixtieq, li jirriskja li jilleġittimizza n-nuqqas ta’ progress fil-pajjiż ospitanti;
25. Jinnota li l-uniċi valutazzjonijiet tal-missjonijiet ċivili tal-PSDK fis-seħħ bħalissa huma r-Rieżamijiet Strateġiċi li jikkontribwixxu għat-tiġdid, l-adattament u l-għeluq tal-missjoni; jisħaq fuq l-importanza li jiġu żviluppati u stabbiliti sistema u metodoloġija li jivvalutaw il-prestazzjoni tal-missjonijiet, l-effikaċja tagħhom u l-ġestjoni finanzjarja tagħhom; jisħaq, f’dan ir-rigward, fuq l-importanza ta’ mekkaniżmu imparzjali u indipendenti li jevalwa l-impatt tal-missjonijiet; jilqa’ d-dokument ta’ għażliet dwar l-evalwazzjoni ppreżentat mis-SEAE għal dan l-għan; ifakkar li l-evalwazzjoni tal-missjonijiet ċivili tal-PSDK u l-effikaċja tagħhom irid ikollhom riżorsi adegwati u li l-evalwazzjonijiet sistematiċi għandhom jikkontribwixxu għat-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi kemm dwar missjonijiet attwali kif ukoll dawk futuri;
26. Jilqa’ l-linji gwida operattivi tas-CPCC tas-SEAE biex jiġu pprovduti l-għodod għall-missjonijiet ċivili tal-PSDK ħalli jkunu proattivi fl-involviment tagħhom mal-atturi tas-soċjetà ċivili bħala sħab kruċjali fil-livelli u fl-istadji kollha tal-proċessi; jilqa’ l-linji gwida operattivi tas-SEAE dwar l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem, u jappella għall-implimentazzjoni effettiva tagħhom, b’mod partikolari, billi jiġu stabbiliti proċeduri interni ċari għall-ġestjoni tar-riskji relatati mad-drittijiet tal-bniedem assoċjati mal-appoġġ tas-settur tas-sigurtà;
Tisħiħ u twettiq tal-kapaċitajiet li jikkorrispondu għal-livell ta’ ambizzjoni tal-Patt
27. Jistieden lis-SEAE jiżviluppa, flimkien mas-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni u l-Istati Membri, Proċess ta’ Żvilupp tal-Kapaċitajiet ċivili strutturat u regolari biex jivvaluta d-disponibbiltajiet tal-ħtiġijiet ta’ kapaċità tal-Istati Membri, jiżviluppa rekwiżiti, iwettaq analiżi tal-lakuni u jirrevedi perjodikament il-progress; iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà jesplora l-possibbiltà li jipprovdi inċentivi finanzjarji biex jappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom għall-iżvilupp ta’ kapaċitajiet, kif indikat fil-Patt Ċivili tal-2018, filwaqt li fl-istess ħin ifakkar lill-Istati Membri biex iżommu impenn fil-Patt il-ġdid biex jiżviluppaw il-firxa sħiħa ta’ kapaċitajiet meħtieġa biex jitwettqu u jiġu sostnuti missjonijiet ta’ maniġġar ċivili ta’ kriżijiet;
28. Jiddeplora l-fatt li minkejja li huma wieħed mill-impenji ewlenin fil-Patt, il-missjonijiet ċivili tal-PSDK ibatu persistentement mill-fatt li l-Istati Membri mhux qed iwettqu l-wegħdiet tagħhom biex ifornu biżżejjed persunal, b’10 Stati Membri li bħalissa 78 % tal-persunal issekondat u 17-il Stat Membru qed ifornu 22 % biss; jistieden lill-Istati Membri jżommu impenn fil-Patt il-ġdid biex flimkien iżidu l-għadd u s-sehem tal-persunal issekondat fil-missjonijiet kollha u fil-livelli kollha, filwaqt li jimmiraw li jipprovdu persunal issekondat biex jimla 100 % tal-pożizzjonijiet operattivi kollha u mill-inqas 60 % tal-persunal issekondat għal pożizzjonijiet mhux operattivi; jistieden lill-Istati Membri jarmonizzaw l-issekondar tagħhom tal-persunal sabiex jitnaqqas l-impatt li jfixkel taċ-ċaqliq mhux koordinat tal-persunal fil-missjonijiet kollha; jistieden ukoll lill-Istati Membri jiżguraw li l-persunal issekondat jiġi ppremjat għall-parteċipazzjoni tiegħu fil-missjonijiet tal-UE permezz ta’ politiki rigward l-iżvilupp tal-karriera; jistieden lis-SEAE jirrieżamina s-sitwazzjoni attwali u jistabbilixxi indikaturi għall-Istati Membri li jkejlu id-dawran tal-persunal u r-rati ta’ okkupazzjoni ta’ postijiet tax-xogħol abbażi tal-kategorija tal-impjiegi u t-tip ta’ impjieg;
29. Jisħaq fuq il-bżonn li jiġu riformati l-politika u s-sistema ta’ mmaniġġar tar-riżorsi umani, u li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet ta’ xogħol fil-missjonijiet ċivili tal-PSDK jikkontribwixxu għal ambjent aktar sikur u aktar inklużiv, partikolarment għan-nisa; jilqa’ l-isforzi tas-SEAE biex jindirizza l-punti dgħajfa fl-appoġġ mogħti lill-persunal fil-missjonijiet, inkluża r-reviżjoni tal-Kodiċi ta’ Kondotta, b’attenzjoni partikolari fuq il-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, u biex jiġi żviluppat mudell għall-ġenerazzjoni u l-kondiviżjoni ta’ kampanji tal-aħjar prattiki u/jew kunċetti tal-ippjanar tal-missjonijiet; jisħaq fuq il-ħtieġa li jitwaqqaf network ta’ Kunsillieri Kunfidenzjali; jappella għal proċess formalizzat, sinifikattiv u sistematiku ta’ konsultazzjoni ma’ rappreżentanti tal-persunal li jservi f’missjonijiet ta’ sigurtà ċivili tal-UE; jistieden lis-SEAE jeżamina modi kif inaqqas id-dawran tal-persunal u r-rati ta’ postijiet battala, inkluż fost affarijiet oħra, billi jestendi l-ħin tal-iskjerament;
30. Jiddeplora r-riżorsi limitati għad-dispożizzjoni tas-SEAE fil-qasam tal-PSDK ċivili fuq livell ġenerali, inkluża s-CPCC, li bħalissa tagħti appoġġ lil 12-il missjoni ta’ 2 200 membru tal-persunal permezz ta’ 110 persuni; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-iżvilupp rapidu tas-CPCC f’kwartieri ġenerali operattivi totalment funzjonali, billi jiżguraw li tkun mgħammra bil-fondi, bil-persunal u bl-għarfien espert neċessarji għad-dispożizzjoni tagħha; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-MPCC tippjana u tmexxi l-missjonijiet militari kollha b’katina ċara ta’ kmand u li tingħata l-persunal, il-fondi u l-infrastruttura meħtieġa; jisħaq fuq il-bżonn li jiżdiedu l-koordinazzjoni u l-interazzjoni fil-livell tal-UE u jiżdiedu l-komplementarjetà u s-sinerġiji mal-PSDK militari, filwaqt li jinżammu separati l-ktajjen tal-kmand ċivili u militari;
31. Jisħaq fuq il-fatt li t-taħriġ huwa fundamentali għall-effikaċja li, min-naħa tagħha, hija essenzjali għas-suċċess tal-missjonijiet ċivili tal-PSDK; jitlob li ssir valutazzjoni komprensiva tal-arkitettura ġenerali tal-PSDK ċivili f’dak li hu taħriġ bil-għan li jiġu identifikati l-bżonnijiet, il-lakuni u s-sovrapożizzjonijiet fit-taħriġ fi ħdan l-Istati Membri ħalli titjieb u tkun armonizzata l-Politika tal-UE dwar it-Taħriġ għall-PSDK, b’mod partikolari b’enfasi fuq il-bżonnijiet tal-popolazzjonijiet lokali; jemmen li l-elementi u l-kunċetti ewlenin tad-drittijiet tal-bniedem u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri għandhom jiġu inklużi b’mod sistematiku fit-taħriġ ta’ qabel l-iskjerament u dak ta’ induzzjoni; ifakkar li t-taħriġ għall-missjonijiet ċivili tal-PSDK jeħtieġ li jgħammar lill-persunal bl-għarfien, il-fehim, il-ħiliet u l-attitudni meħtieġa f’ambjenti kulturali kumplessi, inkluż fir-rigward tal-ħtiġijiet tal-popolazzjonijiet lokali, u għalhekk għandu jinkludi sessjonijiet dwar id-dritt umanitarju internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-kooperazzjoni ċivili-militari, is-sigurtà tal-bniedem, is-sensittività għall-konflitti, l-antirazziżmu u l-komunikazzjoni interkulturali;
32. Jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lis-CPCC u lill-MPCC jadattaw aħjar għall-bini ta’ gruppi ta’ ħidma bejn l-aġenziji, bl-użu ta’ eżerċizzji u taħriġ biex jgħinu fl-iżvilupp tal-aħjar prattika, il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji u r-relazzjonijiet personali robusti bejn il-funzjonijiet li huma kritiċi għal sħubijiet ċivili-militari effettivi f’postijiet bħall-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant;
33. Jisħaq fuq l-importanza li tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni avversa mmirata lejn il-missjonijiet ċivili tal-PSDK; jappella wkoll għal taħriġ imsaħħaħ għall-persunal tal-missjonijiet biex jantiċipa, jidentifika u jindirizza theddid ibridu, b’mod partikolari l-manipulazzjoni tal-informazzjoni; jinnota żieda fil-kooperazzjoni bejn StratCom tas-SEAE u l-missjonijiet tal-UE biex jiġġieldu l-operazzjonijiet ta’ diżinformazzjoni mmirati lejhom; jitlob li din il-kooperazzjoni tinvolvi l-missjonijiet kollha tal-UE barra mill-pajjiż u tiżgura l-forniment ta’ persunal imħarreġ sew f’kull missjoni, responsabbli għall-monitoraġġ u r-rappurtar tad-diżinformazzjoni u għall-ġlieda kontriha fejn possibbli; iqis li l-istrateġija ta’ diżinformazzjoni fuq skala kbira għandha tiġi miġġielda permezz ta’ pjan ta’ azzjoni komprensiv, effiċjenti u kkoordinat tas-SEAE u tal-UE, bl-appoġġ attiv tal-missjonijiet u tad-delegazzjonijiet;
34. Jappella għall-implimentazzjoni ta’ bini ta’ kapaċità u taħriġ sostenibbli u fit-tul, fejn possibbli u fejn meħtieġ, bħal programmi ta’ taħriġ lil min iħarreġ, sabiex jiġu żgurati l-vijabbiltà u s-suċċess fit-tul tal-missjonijiet; jitlob li l-mandati tal-missjoni tal-PSDK jinkludu kompiti ta’ konsulenza u taħriġ għat-trattament ta’ teknoloġiji emerġenti;
35. Ifakkar li l-ġestjoni tal-għarfien hija kruċjali, u tifforma parti essenzjali mill-operazzjonalizzazzjoni tal-Approċċ Integrat; jisħaq fuq l-importanza li tiġi żviluppata arkitettura tal-ġestjoni tal-għarfien biex jinżamm l-għarfien espert, jitrawmu l-aħjar prattiki u jinsiltu tagħlimiet, b’mod aktar sistematiku, kif ukoll biex titħeġġeġ kultura tal-apprendiment fost il-membri tal-persunal li jaħdmu fil-missjonijiet ċivili tal-PSDK kif ukoll fost dawk li jaħdmu fuqhom; jieħu nota pożittiva tal-isforzi attwali fis-SEAE u s-CPCC għal dan l-għan; jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw l-istabbiliment tal-ġestjoni tal-għarfien u esperti tal-evalwazzjoni dedikati fil-qasam u fis-CPCC;
L-għoti ta’ attenzjoni mġedda u ffukata lill-missjonijiet attwali
36. Jilqa’ r-reviżjoni tal-mandat tal-Missjoni ta’ Konsulenza tal-UE fl-Ukrajna, biex jiġu implimentati kompiti ġodda li jappoġġaw lill-Ukrajna fid-dawl tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja; ifakkar li appoġġ qawwi għas-sigurtà ċivili lill-Ukrajna se jkun strumentali għar-rikostruzzjoni tagħha u t-triq lejn is-sħubija fl-UE; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jżidu l-appoġġ tagħhom għall-iżvilupp tal-kapaċità ċivili fl-Ukrajna, inkluż il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-istabbiliment ta’ sistema effettiva tal-istat tad-dritt u t-tisħiħ tar-reżiljenza ċibernetika u ibrida; ifaħħar il-ħidma u l-preżenza fiżika fit-territorju tal-Ukrajna tad-79 membru tal-persunal tal-missjoni ċivili tal-UE (EUAM) fl-Ukrajna; iħeġġeġ lill-missjoni tkompli l-ħidma tagħha b’appoġġ għall-Ukrajna fid-dokumentazzjoni u l-investigazzjoni tad-delitti tal-gwerra; jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tan-negozjati ta’ adeżjoni mal-Ukrajna, timpenja ruħha malajr kemm jista’ jkun ma’ EUAM Ukraine biex tibni fuq l-esperjenza tagħha dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà, is-sħubija fit-tul tagħha mal-awtoritajiet Ukreni u l-preżenza qawwija tagħha fuq il-post; jissottolinja l-appoġġ rilevanti li l-missjoni qed iġġib fil-qasam tal-investigazzjonijiet kriminali;
37. Jilqa’ l-iskjerament rapidu tal-osservaturi tal-Georgia tal-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea (EUMM) mal-fruntiera Armenja-Ażerbajġan bħala miżura ta’ stabbilizzazzjoni importanti biex jitnaqqsu t-tensjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi; iħeġġeġ lis-SEAE jesplora possibbiltajiet għal aktar kooperazzjoni bejn il-missjonijiet ċivili tal-PSDK fuq linji simili; iqis dan bħala eżempju pożittiv ta’ mandati modulari u skalabbli, kif ġie promoss fil-Boxxla Strateġika, li jistgħu jissaħħu aktar bl-użu ta’ għodod ta’ rispons rapidu bħal Timijiet Speċjalizzati u Esperti Viżitaturi; jisħaq li l-innovazzjonijiet kollha bħal dawn u l-flessibbiltà mtejba jridu jkunu bbażati fuq approċċ integrat bis-sħiħ fl-azzjonijiet ta’ rispons għall-kriżijiet, sabiex jiġi massimizzat l-impatt fuq il-post u jiġi żgurat l-użu effiċjenti tal-baġits;
38. Jilqa’ l-istabbiliment reċenti tal-Missjoni ċivili tal-Unjoni Ewropea fl-Armenja (EUMA) bl-għan li tikkontribwixxi għall-istabbiltà fiż-żoni tal-fruntiera tal-Armenja, li tibni l-fiduċja fuq il-post, u li tiżgura ambjent li jwassal għal sforzi ta’ normalizzazzjoni bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan; jitlob li l-missjoni tikkontribwixxi għal kwalunkwe djalogu u inizjattiva li jwasslu għal aktar paċi u sigurtà fir-reġjun; jistieden lill-awtoritajiet Ażerbajġani jippermettu lill-EUMA aċċess għall-Kuritur ta’ Lachin sabiex jivvalutaw is-sitwazzjoni fuq il-post u jikkontribwixxu għar-riżoluzzjoni tagħha;
39. Jirrikonoxxi li l-appoġġ kritiku tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt (EULEX) fil-Kosovo reċentement ikkontribwixxa biex jitnaqqsu t-tensjonijiet u terġa’ tinkiseb il-fiduċja fit-Tramuntana tal-Kosovo; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jkomplu jappoġġaw il-missjoni billi jimmobilizzaw u jibagħtu Unitajiet tal-Pulizija Formati li huma tant meħtieġa fuq il-post;
40. Jisħaq fuq l-importanza tal-EUAM fl-Iraq, il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri (EUBAM) f’Rafah, il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS) attwalment skjerata fir-reġjun tal-Lvant Nofsani; jappella għas-sinerġiji kollha possibbli bejn iż-żewġ missjonijiet skjerati fil-Palestina;
41. Jesprimi tħassib dwar l-iżviluppi politiċi u ta’ sigurtà fil-Libja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Libjani jiffaċilitaw il-ħidma tal-EUBAM fil-Libja fl-implimentazzjoni tal-mandat tagħha u fl-ambitu funzjonali kollu tagħha;
42. Jesprimi apprezzament għall-kisba tal-ħames Missjonijiet ċivili tal-PSDK fl-Afrika u jappella għall-implimentazzjoni kontinwa tal-mandati tagħhom; jistieden lis-SEAE jikkunsidra l-għażliet kollha li jikkonċernaw il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Bini tal-Kapaċità fil-Mali (EUCAP Sahel Mali) u l-Missjoni Konsultattiva tal-UE fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUAM RCA), minħabba d-deterjorament tas-sitwazzjoni politika u tas-sigurtà, inkluża dik ta’ deċiżjoni biex dawn jintemmu; jinnota bi tħassib l-iżviluppi tas-sigurtà fis-Saħel u fil-Golf tal-Guinea; jiddenunzja l-preżenza dejjem akbar tal-Grupp Wagner appoġġat mill-Kremlin fir-reġjun u l-istrateġija tiegħu li għandha l-għan li timmonopolizza l-assi tal-pajjiżi fejn huwa bbażat il-Grupp, għad-detriment tal-popolazzjoni, u jiddenunzja l-atroċitajiet imwettqa kontra l-popolazzjoni lokali; jappella għall-ħolqien ta’ network ta’ konsulenti tas-sigurtà fi ħdan il-missjonijiet tal-PSDK fil-pajjiżi Afrikani li huma lesti li jikkooperaw mal-UE fir-rigward ta’ kwistjonijiet militari u ta’ sigurtà;
43. Ifakkar fil-miri ambizzjużi stabbiliti għal 5 000 pulizija fil-Kunsill ta’ Feira tal-2000 u jirrikonoxxi l-valur tal-Għanijiet Primarji Ċivili (CHG) miftiehma mill-2008 ’l quddiem; jappella għat-twettiq urġenti ta’ dawn l-għanijiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità ta’ reazzjoni rapida u l-użu ta’ formazzjonijiet multinazzjonali fil-kuntest tal-Artikolu 44 tat-TUE; jissottolinja l-importanza li jiġu implimentati bis-sħiħ l-objettivi stabbiliti fil-Boxxla Strateġika għall-PSDK ċivili (fost l-oħrajn li jkunu jistgħu jiġu skjerati 200 espert fi żmien 30 jum) billi jibnu fuq l-isforzi reċenti tal-UE li taġixxi b’mod aktar aġli, reattiv u kkoordinat; f’dan il-kuntest, jilqa’ t-teħid ta’ deċiżjonijiet rapidu dwar il-Kapaċità ta’ Monitoraġġ tal-UE fl-Armenja u t-tnedija tagħha; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu modifikati l-proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, inkluż l-eżami ta’ bidla lejn votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata għal ċerti aspetti tal-missjonijiet; jisħaq fuq il-ħtieġa li jinħolqu pjanijiet ta’ kontinġenza għal kull missjoni ċivili tal-PSDK f’koordinazzjoni mal-MPCC, is-CPCC u l-Kapaċità ta’ Skjerament Rapidu b’antiċipazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ emerġenza potenzjali fejn tista’ tkun meħtieġa l-Kapaċità ta’ Skjerament Rapidu;
Żieda fil-finanzjamenti biex ikunu jikkorrispondu għall-ambizzjonijiet
44. Jissottolinja li l-baġit tal-PESK għall-missjonijiet ċivili tal-PSDK żdied biss marġinalment mill-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2014-2020 għall-QFP 2021-2027 (minn punt ta’ tluq ta’ bejn wieħed u ieħor EUR 350 miljun fis-sena), filwaqt li, fl-istess ħin, l-għadd u l-kompiti tal-missjonijiet żdiedu, l-ambjent tas-sigurtà sar aktar impenjattiv, l-operazzjonijiet saru jqumu aktar flus, l-inflazzjoni għoliet u n-numru ta’ persunal kuntrattwali żdied, u b’hekk jillimitaw il-potenzjal li jitwessgħu l-mandati tal-missjonijiet attwali jew possibbilment jiġu stabbiliti missjonijiet ġodda bħala reazzjoni għall-bżonnijiet urġenti ta’ sigurtà; jitlob ukoll li tinbidel l-istruttura tal-baġit tal-PESK u li tiġi ġġenerata linja baġitarja waħda għal kull missjoni ċivili tal-PSDK, sabiex ikun hemm skrutinju aħjar u aktar trasparenza;
45. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat baġit tal-PESK aktar robust u realistiku li jaqbel mal-ħtiġijiet tal-missjonijiet ċivili tal-PSDK ġodda u ta’ dawk li għaddejjin bħalissa; jappella għal żieda sostanzjali fil-finanzjament għall-baġit tal-PESK, filwaqt li fl-istess ħin jiġi żgurat l-użu effiċjenti tal-fondi allokati għall-missjonijiet ċivili tal-PSDK, sabiex jiġi żgurat li dawn jirrispondu b’mod effettiv għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi u avvenimenti mhux previsti, u biex jiġi identifikat b’mod attiv fejn proġetti u programmi komplementari jistgħu jiġu ffinanzjati minn baġits rilevanti oħra tal-UE, filwaqt li tiġi żgurata ġestjoni finanzjarja tajba u l-prijoritizzazzjoni bir-reqqa tar-riżorsi eżistenti;
46. Jemmen li hemm bżonn li tiġi stabbilita politika soda dwar it-tagħmir u s-servizzi meħtieġa mill-pajjiżi sħab fejn isiru l-missjonijiet ċivili tal-PSDK; jitlob li tiġi stabbilita linja baġitarja ddedikata tal-PESK fi ħdan baġit tal-PESK miżjud b’mod ġenerali, jew “faċilità ta’ appoġġ ċivili”, biex il-pajjiżi sħab jiġu pprovduti bit-tagħmir u s-servizzi li jtejbu l-kapaċitajiet ċivili tagħhom;
47. Jilqa’ l-fatt li minħabba s-sitwazzjoni ġeopolitika instabbli ħafna li teżisti bħalissa u r-ritorn tal-gwerra fl-Ewropa, reċentement l-infiq tal-UE fuq id-difiża żdied b’mod konsiderevoli, iżda jiddispjaċih għall-fatt li l-finanzjament għall-PSDK ċivili ma żdiedx;
48. Jistieden lis-SEAE u lis-servizzi tal-Kummissjoni jippreżentaw previżjonijiet baġitarji pluriennali, valutazzjoni tal-attivitajiet li għaddejjin u stimi ċari tar-rati ta’ assorbiment tal-missjonijiet; jissottolinja l-fatt li tali miżuri huma meħtieġa biex jgħinu ħalli jitħejjew id-deċiżjonijiet maħsuba biex jiġu deklassifikati l-attivitajiet mhux effikaċi, iżidu l-effikaċja u l-flessibbiltà permezz ta’ mandati ċari u jipprovdu strateġiji ta’ tranżizzjoni u ta’ ħruġ definiti b’mod ċar; ifakkar li l-ippjanar operattiv u finanzjarju tal-missjonijiet għandu jimxi id f’id mill-bidu nett; jitlob li jkun hemm impenji tanġibbli mill-Istati Membri dwar il-kontribut tal-persunal fl-istadji inizjali tal-approvazzjoni ta’ missjoni;
49. Jitlob li l-Boxxla Strateġika l-ġdida tipprovdi lill-missjonijiet tal-PSDK bl-ambizzjoni politika u strateġika, il-kapaċitajiet u r-riżorsi meħtieġa biex jiġġeneraw bidla pożittiva; jafferma mill-ġdid l-għan tal-Boxxla Strateġika li tagħti impatt pożittiv fir-rigward tal-ħeffa u r-robustezza ta’ risponsi komuni għal konflitti globali;
50. Jissottolinja r-rwol fundamentali tal-Parlament bħala awtorità baġitarja u fl-iskrutinju tal-PSDK, inklużi l-missjonijiet ċivili tal-PSDK; jappella, għalhekk, għal involviment akbar tal-Parlament Ewropew fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-missjonijiet ċivili tal-PSDK; jinsisti bil-qawwa li jingħata l-informazzjoni kollha neċessarja biex jaqdi r-responsabbiltajiet tiegħu f’konformità mat-Trattati u fil-konfront taċ-ċittadini tiegħu; ifakkar, f’dan ir-rigward, li l-għoti attwali ta’ informazzjoni mhuwiex adegwat biex il-Parlament Ewropew jeżerċita r-responsabbiltajiet tiegħu u sakemm issir ir-reviżjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali tal-2002 dwar l-aċċess tal-Parlament għall-informazzjoni fil-qasam tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża;
o o o
51. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.