Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' April 2023 dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fl-UE – id-Direttiva Orizzontali kontra d-Diskriminazzjoni li ilha mistennija (2023/2582(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3 u 6 tiegħu,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 10 u 19 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ("il-Karta"), b'mod partikolari l-Artikoli 20, 21 u 23 tagħha,
– wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2008 għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali lil hinn mis-suq tax-xogħol, irrispettivament mill-età, id-diżabilità, l-orjentazzjoni sesswali jew it-twemmin reliġjuż ("id-Direttiva Orizzontali kontra d-Diskriminazzjoni"),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità(1) ("id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali"),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(2) ("id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi"),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas 2008/913/ĠAI tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali(3),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/692 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' April 2021 li jistabbilixxi l-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri(4),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2021 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità 2021-2030 "(COM(2021)0101), u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità, ratifikata mill-UE u l-Istati Membri kollha tagħha,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija ta' Ugwaljanza tal-LGBTIQ għall-2020-2025" (COM(2020)0698),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Settembru 2020 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Pjan ta' azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu 2020-2025" (il-pjan ta' azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu) (COM(2020)0565),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2020 intitolata "Unjoni tal-Ugwaljanza: Strateġija ta' Ugwaljanza Bejn il-Ġeneri għall-2020-2025" (COM(2020)0152),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' April 2019 bit-titolu "Teħid ta' deċiżjonijiet aktar effiċjenti fil-politika soċjali: Identifikazzjoni ta' oqsma għal pass imtejjeb għal votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata" (COM(2019)0186),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tad-19 ta' Marzu 2021 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità ("id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali") u tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol ("id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi") (COM(2021)0139),
– wara li kkunsidra l-linji gwida dwar it-titjib tal-ġbir u l-użu ta' data dwar l-ugwaljanza mfassla mis-Sottogrupp dwar id-Data dwar l-Ugwaljanza tal-Grupp ta' Livell Għoli tal-Kummissjoni dwar in-Nondiskriminazzjoni, l-Ugwaljanza u d-Diversità fl-2018 u ppubblikati fl-2021,
– wara li kkunsidra t-trattati u l-istrumenti tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b'mod partikolari d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità,
– wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet u r-rapporti tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kummissarju Għoli għall-Minoranzi Nazzjonali u korpi oħra tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, b'mod partikolari l-Artikolu 14 u l-Protokoll Nru 12 tagħha, li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni,
– wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet, ir-rapporti u r-riżoluzzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza, il-Kumitat ta' Tmexxija kontra d-Diskriminazzjoni, id-Diversità u l-Inklużjoni, l-Assemblea Parlamentari, il-Kummissjoni ta' Venezja u korpi oħra tal-Kunsill tal-Ewropa,
– wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inkluż it-tielet prinċipju tiegħu ta' opportunitajiet ugwali u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2021 dwar "Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali" (COM(2021)0102),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2022 lejn drittijiet ugwali għall-persuni b'diżabilità(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Novembru 2022 dwar il-ġustizzja razzjali, in-nondiskriminazzjoni u l-ġlieda kontra r-razziżmu fl-UE(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2021 dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ fl-UE(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2021 dwar il-proklamazzjoni tal-UE bħala Żona ta' Libertà LGBTIQ(8),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar il-ħtieġa ta' konfigurazzjoni speċifika tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri(9),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016(10) u tas-7 ta' Ottubru 2020 dwar l-istabbiliment ta' Mekkaniżmu tal-UE għad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali(11),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-protesti kontra r-razziżmu wara l-mewt ta' George Floyd(12),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri(13);
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2019 dwar id-drittijiet fundamentali tal-persuni ta' dixxendenza Afrikana fl-Ewropa(14),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2019 dwar il-ħtieġa li jissaħħaħ il-Qafas Strateġiku tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Inklużjoni tar-Rom wara l-2020 u li tiġi intensifikata l-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu(15),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-2 ta' April 2009 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali(16),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE,
– wara li kkunsidra d-dibattitu tas-sessjoni plenarja tiegħu fi Strasburgu bit-titolu "Immexxu 'l quddiem id-Direttiva orizzontali kontra d-Diskriminazzjoni", li sar fit-22 ta' Ottubru 2019,
– wara li kkunsidra r-rapporti u l-istħarriġ tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), b'mod partikolari r-rapport tagħha bit-titlu "Ugwaljanza fl-UE: 20 sena wara l-implimentazzjoni inizjali tad-Direttivi dwar l-Ugwaljanza"(17),
– wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fl-UE – id-Direttiva Orizzontali kontra d-Diskriminazzjoni li ilha mistennija (O-000010/2023 – B9-0013/23 and O-000011/2023 – B9-0014/23),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 136(5) u l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi d-dritt għan-nondiskriminazzjoni huwa dritt fundamentali minqux fil-Karta u fit-Trattati u jrid jiġi rrispettat bis-sħiħ; billi l-UE tipprojbixxi d-diskriminazzjoni;
B. billi l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni huwa wieħed mill-valuri komuni tal-Unjoni Ewropea, kif imsemmi fl-Artikolu 2 tat-TUE; billi skont l-Artikolu 10 tat-TFUE, l-Unjoni trid timmira li tiġġieled id-diskriminazzjoni fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet tagħha; billi l-Artikolu 20 tal-Karta jasserixxi li kulħadd huwa ugwali f'għajnejn il-liġi u billi l-Artikolu 21, barra minn hekk, jipprojbixxi d-diskriminazzjoni għal firxa ta' raġunijiet;
C. billi kull persuna fl-UE għandha d-dritt ugwali li ssir membru sħiħ u attiv tas-soċjetà u li tiġi ttrattata b'mod ugwali f'għajnejn il-liġi;
D. billi hemm lakuni konsiderevoli fil-protezzjoni mogħtija mill-qafas tal-UE kontra d-diskriminazzjoni; billi din il-frammentazzjoni twassal għal ġerarkija artifiċjali ta' raġunijiet, li tillimita l-wisa' u l-kamp ta' applikazzjoni tal-protezzjoni fil-livell tal-UE kontra d-diskriminazzjoni fuq ix-xogħol u barra mix-xogħol; billi filwaqt li r-raġunijiet tal-ġeneru u l-oriġini razzjali jew etnika huma protetti sa ċertu punt, ir-raġunijiet ta' reliġjon jew twemmin, diżabilità, età u orjentazzjoni sesswali ma jingħatawx l-istess livell ta' protezzjoni;
E. billi fl-2008 il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal direttiva orizzontali kontra d-diskriminazzjoni (COM(2008)0426) li kopriet għadd kbir ta' oqsma, bħall-edukazzjoni, il-protezzjoni soċjali u l-aċċess għal prodotti u servizzi u l-provvista tagħhom; billi l-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu f' April 2009; billi l-Kunsill qatt ma adotta pożizzjoni wara aktar minn 15-il sena; billi minkejja appelli ripetuti mill-Parlament, il-proposta tibqa' mblukkata fil-Kunsill;
F. billi xi Stati Membri kienu qed jimblukkaw il-progress konkret dwar dan il-fajl speċifiku fil-Kunsill;
G. billi d-diskriminazzjoni qed tiżdied madwar l-UE; billi n-nuqqas ta' ġbir ta' data ta' ugwaljanza komparabbli u diżaggregata mill-Istati Membri u n-nuqqas ta' rappurtar ta' każijiet jipprevjeni d-diskriminazzjoni milli tiġi dokumentata kif suppost; billi wieħed minn kull ħames persuni fl-UE jesperjenza diskriminazzjoni jew fastidju għal raġunijiet differenti jew għal taħlita ta' raġunijiet(18);
H. billi l-QĠUE u l-QEDB żviluppaw ġurisprudenza estensiva fil-qasam tat-trattament ugwali u l-antidiskriminazzjoni minn meta l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta għal direttiva orizzontali kontra d-diskriminazzjoni fl-2008; billi l-ġurisprudenza tal-QĠUE u tal-QEDB iċċarat diversi kwistjonijiet ta' interpretazzjoni tal-qafas tal-UE kontra d-diskriminazzjoni u għalhekk tipprovdi gwida utli għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali;
I. billi n-nuqqas ta' implimentazzjoni tal-qafas tal-UE kontra d-diskriminazzjoni u l-QĠUE u l-ġurisprudenza tal-QEDB mill-Istati Membri huwa tħassib kontinwu li ma jistax jiġi injorat;
J. billi l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni hija inkonsistenti fl-Istati Membri kollha u dan wera li għandu impatt negattiv fuq l-individwi u s-soċjetà in ġenerali;
1. Jiddispjaċih ħafna li d-direttiva orizzontali kontra d-diskriminazzjoni ilha mblukkata fil-Kunsill mill-2008; itenni t-talbiet preċedenti tiegħu lill-Kunsill biex jiżblokka b'mod urġenti d-direttiva orizzontali kontra d-diskriminazzjoni wara 15-il sena ta' nuqqas ta' azzjoni; jissottolinja li dan jeħtieġ li jintlaħaq sal-aħħar ta' din is-sena u li l-Parlament jinsab lest li jadottah qabel tmiem din il-leġiżlatura parlamentari;
2. Ifakkar li t-Trattati tal-UE u l-Karta jħaddnu l-mandat u r-responsabbiltà tal-UE biex tiġġieled id-diskriminazzjoni u tippromwovi trattament ugwali għal kulħadd;
3. Jissottolinja li skont l-aħħar rapport ta' progress dwar id-direttiva orizzontali kontra d-diskriminazzjoni, żewġ delegazzjonijiet żammew riżervi ġenerali, tnejn żammew riżervi ta' skrutinju parlamentari u d-delegazzjonijiet kollha żammew riżervi ta' skrutinju ġenerali; jissottolinja li l-kwistjonijiet fil-qalba tad-diskussjonijiet fil-Kunsill jinkludu d-dispożizzjonijiet dwar id-diżabilità, u b'mod partikolari l-possibbiltà li tiġi offruta lill-Istati Membri estensjoni eċċessivament twila tal-perjodu ta' traspożizzjoni fir-rigward tal-obbligu tagħhom li jipprovdu akkomodazzjoni raġonevoli; jiddeplora l-fatt li minkejja l-ħtieġa ċara u urġenti li tittieħed azzjoni biex tiġi miġġielda b'mod orizzontali d-diskriminazzjoni fil-livell tal-UE, sal-lum ma sar l-ebda progress tanġibbli;
4. Jiddeplora l-fatt li l-Kunsill injora talbiet numerużi u insistenti biex jiġi żblokkat il-fajl, kif ukoll rakkomandazzjonijiet mill-Parlament, u jħeġġeġ lill-Kunsill jintegrahom fil-mandat tiegħu u jieħu l-azzjonijiet kollha xierqa biex jiġġieled id-diskriminazzjoni fl-UE;
5. Jistieden lill-presidenzi tal-Kunsill li jmiss biex jikkunsidraw bis-serjetà li jistabbilixxu konfigurazzjoni tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri biex jiffaċilitaw diskussjonijiet ta' livell għoli dwar dawn il-kwistjonijiet u jippermettu diskussjonijiet ministerjali xierqa dwar it-test ta' din id-direttiva; jiddeplora l-fatt li l-unanimità hija meħtieġa fil-Kunsill skont l-Artikolu 19 tat-TFUE u jitlob li tiġi attivata l-klawżola passerelle;
6. Jenfasizza l-fatt li l-adozzjoni tad-direttiva orizzontali kontra d-diskriminazzjoni toffri qafas komprensiv u kruċjali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fil-livell tal-UE u tneħħi l-lakuna attwali fil-qafas tal-UE kontra d-diskriminazzjoni, li tiżgura protezzjoni barra s-suq tax-xogħol; jissottolinja l-ħtieġa urġenti li jiġi adottat approċċ orizzontali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni sabiex titneħħa l-ġerarkija artifiċjali attwali ta' raġunijiet protetti, u b'hekk tingħata protezzjoni għal kulħadd;
7. Jiddeplora n-nuqqas kontinwu ta' implimentazzjoni tal-qafas tal-UE kontra d-diskriminazzjoni mill-Istati Membri; jinsab imħasseb li dan għandu impatt negattiv fuq l-individwi u fuq is-soċjetà kollha(19); iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u korretta tal-qafas attwali tal-UE kontra d-diskriminazzjoni;
8. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-monitoraġġ tagħha tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu li r-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt għandu jitwessa' fil-kamp ta' applikazzjoni biex jinkludi l-valuri kollha fl-Artikolu 2 tat-TUE, inkluż it-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tuża b'mod proattiv l-għodod kollha disponibbli biex tinforza l-liġi tal-UE f'dan il-qasam, inkluż billi tniedi u tavvanza proċeduri ta' ksur kontra l-Istati Membri;
9. Jitlob li l-Istati Membri jikkonformaw b'mod urġenti mal-ġurisprudenza tal-QĠUE u tal-QEDB u li l-Kummissjoni tissorvelja l-implimentazzjoni tagħha, b'mod partikolari fil-qasam tat-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjonijiet f'każijiet ta' nuqqas ta' konformità;
10. Jesprimi tħassib serju dwar l-għarfien insuffiċjenti u n-nuqqas ta' implimentazzjoni tal-Karta fil-livell nazzjonali, kif enfasizzat mill-FRA; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi biex tippromwovi l-Karta u l-implimentazzjoni korretta tagħha, kif ukoll il-qafas tal-UE kontra d-diskriminazzjoni u l-ġurisprudenza rilevanti tal-QĠUE u l-QEDB, fl-Istati Membri;
11. Jinsab imħasseb li, skont il-FRA, il-proċessi u s-sistemi attwali għar-rappurtar tal-esperjenzi ta' diskriminazzjoni spiss ikunu ineffettivi u mhux dejjem jgħinu lill-vittmi tad-diskriminazzjoni biex ifittxu rimedju u aċċess għall-ġustizzja; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jindirizzaw din is-sitwazzjoni, li tiżgura li ċ-ċittadini Ewropej kollha jħossu li jistgħu jiżvelaw b'mod sikur kwalunkwe każ ta' diskriminazzjoni li setgħu jiffaċċjaw;
12. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippromwovu l-ġbir u l-użu ta' data dwar l-ugwaljanza skont il-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali; jenfasizza l-fatt li l-ġbir obbligatorju ta' data ta' ugwaljanza komparabbli u diżaggregata huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li d-diskriminazzjoni tkun iddokumentata b'mod adegwat filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ id-dritt fundamentali għall-privatezza, il-protezzjoni tad-data personali u l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE u dik nazzjonali;
13. Jiddispjaċih dwar ix-xejriet ta' tħassib profond fir-rigward tat-trattament ugwali f'diversi Stati Membri, li ġew enfasizzati wkoll mill-FRA(20); jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib ir-reazzjoni attwali dejjem tikber kontra d-drittijiet fundamentali u ż-żieda fid-diskriminazzjoni madwar l-UE; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tesplora l-mezzi kollha possibbli biex tegħleb l-imblokk politiku dwar id-direttiva orizzontali kontra d-diskriminazzjoni u tiġġieled il-forom kollha ta' diskriminazzjoni fl-UE b'determinazzjoni ugwali;
14. Iqis li kwalunkwe aġġornament tal-proposta għal direttiva orizzontali kontra d-diskriminazzjoni mill-Kummissjoni jrid jibni fuq il-pożizzjoni tal-Parlament, jindirizza d-diskriminazzjoni intersezzjonali u jipprojbixxi espliċitament id-diskriminazzjoni għal kwalunkwe taħlita ta' raġunijiet elenkati fil-Karta;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.