Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' April 2023 dwar l-isfidi li r-Repubblika tal-Moldova trid tiffaċċja (2023/2595(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika tal-Moldova, l-Ukrajna u r-Russja,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra(1), li jinkludi Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva u li daħal fis-seħħ fl-intier tiegħu fl-1 ta' Lulju 2016,
– wara li kkunsidra l-applikazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova għas-sħubija fl-UE tat-3 ta' Marzu 2022, u l-għoti sussegwenti ta' status ta' kandidat mill-Kunsill Ewropew fit-23 ta' Ġunju 2022, abbażi ta' valutazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni u f'konformità mal-fehmiet espressi mill-Parlament,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ġunju 2022 dwar l-applikazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea (COM(2022)0406), il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2022 dwar l-applikazzjonijiet għas-sħubija tal-Ukrajna, tar-Repubblika tal-Moldova u tal-Georgia, ir-rapport analitiku tal-Kummissjoni tal-1 ta' Frar 2023 dwar l-allinjament tal-Moldova mal-acquis tal-UE (SWD(2023)0032), u r-Rapport ta' Implimentazzjoni tal-Assoċjazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Repubblika tal-Moldova tas-6 ta' Frar 2023 (SWD(2023)0041),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' Marzu 2023,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta wara s-seba' Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Moldova tas-7 ta' Frar 2023 u d-dikjarazzjoni finali tat-13-il Kumitat Parlamentari ta' Assoċjazzjoni UE-Moldova tat-23 ta' Marzu 2023,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Helsinki u l-Karta ta' Pariġi għal Ewropa Ġdida,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-Repubblika tal-Moldova kkundannat il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna mill-bidu nett u appoġġjat l-integrità territorjali tal-Ukrajna; billi r-Repubblika tal-Moldova ġiet affettwata b'mod sproporzjonat mill-gwerra, peress li kellha tlaħħaq ma' influss ta' aktar minn 700 000 rifuġjat Ukren – proporzjonalment aktar minn kwalunkwe pajjiż ieħor – b'aktar minn 100 000 minnhom għadhom fil-pajjiż, filwaqt li l-ekonomija Moldovana ġiet affettwata serjament mill-kummerċ mitluf, tnaqqis fl-investiment barrani, u żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u tat-trasport; billi l-Federazzjoni Russa, f'kooperazzjoni ma' atturi domestiċi sponsorjati mir-Russja, xprunat u utilizzat l-inċertezza ekonomika li rriżultat biex tiddeleġittimizza l-politiki pro-Ewropej tal-Gvern Moldovan u trawwem oppożizzjoni għalihom;
B. billi r-Russja użat l-esportazzjonijiet tal-gass tagħha bħala għodda biex tagħmel pressjoni fuq il-Gvern tal-Moldova, inkluż fuq l-orjentazzjoni pro-Ewropea tiegħu, billi ħolqot artifiċjalment kriżi tal-provvista tal-gass fl-2021 u l-2022; billi l-użu tal-enerġija mir-Russja bħala arma kompla jesponi l-fraġilità tas-settur tal-enerġija tal-Moldova, filwaqt li l-konnessjonijiet tal-pajjiż mas-swieq u l-mekkaniżmi tal-gass u tal-elettriku tal-UE għenuh jegħleb il-kriżi; billi l-prezzijiet għolja tal-enerġija wasslu għal żieda ta' 30 % fl-inflazzjoni u l-output ekonomiku tal-Moldova naqas b'5,9 % sena wara sena f'termini reali fl-2022; billi filwaqt li r-Repubblika tal-Moldova ddiversifikat il-provvisti tal-gass naturali tagħha lil hinn mir-Russja, il-provvista tal-elettriku tagħha tibqa' fil-biċċa l-kbira dipendenti fuq l-impjant tal-enerġija ta' Cuciurgan li huwa proprjetà Russa fir-reġjun Transnistrijan;
C. billi fil-bidu tas-snin disgħin, ir-Russja kienet parteċipant dirett fil-Gwerra tat-Transnistrija kontra l-Istat tal-Moldova u minn dak iż-żmien kompliet tisponsorja r-reġjun tat-Transnistrija okkupat de facto, fejn sal-lum huwa stmat li għadha żżomm 1 500 suldat Russu; billi fit-22 ta' Ġunju 2018, l-Assemblea Ġenerali tan-NU ħeġġet lill-Federazzjoni Russa tlesti, mingħajr kundizzjonijiet u mingħajr aktar dewmien, l-irtirar ordnat tal-forzi u tal-armamenti tagħha mit-territorju tar-Repubblika tal-Moldova; billi l-maħżen ta' Cobasna, li jinsab fir-reġjun tat-Transnistrija viċin il-fruntiera bejn l-Ukrajna u l-Moldova, fih madwar 22 000 tunnellata ta' munizzjon u tagħmir militari mill-era Sovjetika ssorveljati mill-Grupp Operazzjonali tal-Forzi Russi; billi, minkejja l-impenji li saru fl-1999 u għal darb'oħra fl-2021, il-Federazzjoni Russa naqset milli tiżgura l-qerda sħiħa ta' dawn l-armi u l-irtirar tat-truppi tagħha stazzjonati illegalment;
D. billi fil-21 ta' Frar 2023, il-President tal-Federazzjoni Russa, Vladimir Putin, irrevoka d-digriet tiegħu tas-7 ta' Mejju 2012 dwar miżuri biex tiġi implimentata l-politika barranija tal-Federazzjoni Russa, li, fost affarijiet oħra, impenjat lir-Russja biex tfittex modi kif issolvi l-kwistjoni separatista "bbażata fuq ir-rispett għas-sovranità, l-integrità territorjali u l-istatus newtrali tar-Repubblika tal-Moldova fid-determinazzjoni tal-istatus speċjali tat-Transnistrija";
E. billi l-Federazzjoni Russa ilha tuża l-provokazzjoni, id-diżinformazzjoni, l-attakki ċibernetiċi u mezzi ibridi oħra biex timmina l-istabbiltà u s-sovranità tar-Repubblika tal-Moldova; billi f'dawn l-aħħar snin, ir-Repubblika tal-Moldova kienet qed tiffaċċja żieda fid-diżinformazzjoni minn sorsi u mezzi tal-media Russi u pro-Russi; billi l-attivitajiet sovversivi tar-Russja fl-ispazju tal-informazzjoni tal-Moldova jfittxu wkoll li jimminaw l-appoġġ popolari mifrux għall-Ukreni spostati temporanjament u għall-Unjoni Ewropea, jorbtu l-forzi Ukreni fil-fruntiera tan-Nofsinhar, u jrawmu d-destabilizzazzjoni; billi miżuri attivi oħra previsti mir-Russja jinkludu l-istabbiliment u l-promozzjoni ta' organizzazzjonijiet ta' faċċata moħbija bħala NGOs u "ċentri kulturali", jistabbilixxu kostitwenzi politiċi u soċjetali b'saħħithom favur ir-Russja, bir-Repubblika tal-Moldova terġa' lura lejn stat ta' dipendenza fuq l-idrokarburi Russi, u teħid ta' passi li jistgħu jirriżultaw f'eskalazzjoni armata fir-reġjun tat-Transnistrija okkupa tar-Repubblika tal-Moldova; billi uffiċjali Russi sostnew ripetutament u b'mod falz li l-popolazzjoni li titkellem ir-Russu fir-Repubblika tal-Moldova hija oppressa;
F. billi l-missili Russi mmirati lejn l-Ukrajna taru fuq it-territorju tar-Repubblika tal-Moldova f'diversi okkażjonijiet, bi ksur ċar tas-sovranità tal-Moldova, u f'diversi okkażjonijiet fdalijiet tal-missili Russi waqgħu fit-territorju tal-Moldova, u kkawżaw ħsara u pperikolaw il-ħajja tal-popolazzjoni ċivili; billi s-sorveljanza tal-ajru u d-difiża tal-Moldova għandhom bżonn urġenti ta' investiment u modernizzazzjoni u l-Gvern Moldovan talab lis-sħab tal-Punent tiegħu għal sistemi ta' difiża tal-ajru;
G. billi fid-9 ta' Frar 2023, il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy informa lill-Kunsill Ewropew li l-Ukrajna kienet interċettat pjan tas-servizz sigriet Russu biex teqred is-sistema demokratika fir-Repubblika tal-Moldova u tistabbilixxi kontroll tal-pajjiż; billi dan ġie kkonfermat aktar tard mill-President tar-Repubblika tal-Moldova, Maia Sandu, li ddikjarat li l-pajjiż kien irċieva intelligence li tissuġġerixxi li r-Russja kienet qed tippjana biex twaqqa' b'mod vjolenti t-tmexxija pro-Ewropea tal-pajjiż;
H. billi r-Russja qed tuża oligarki u forzi politiċi interni, pro-Russi, bħall-partit Șor, biex tiddestabilizza s-sitwazzjoni politika fil-pajjiż; billi l-Partit Șor allegatament irrekluta b'mod attiv, organizza l-loġistika, u abbuża mill-pożizzjoni ekonomika vulnerabbli taċ-ċittadini billi pprovda inċentivi finanzjarji għall-parteċipazzjoni fi protesti kontra l-gvern minn Awwissu 2022; billi l-mexxej tal-partit Șor, Ilan Șor, ħarab mir-Repubblika tal-Moldova fl-2019 wara li nstab ħati ta' ħasil ta' flus u approprjazzjoni indebita fi skandlu ta' frodi bankarja li rriżultat fl-ekwivalenti ta' USD 1 biljun li nġibed mis-sistema bankarja tal-Moldova; billi fit-13 ta' April 2023 il-Qorti tal-Appell ta' Chisinau kkundannat lil Ilan Șor għal 15-il sena ħabs fuq akkużi ta' korruzzjoni fil-każ ta' frodi bankarja; billi l-prosekuturi tal-Moldova qed ifittxu l-estradizzjoni tiegħu minn Iżrael u ħarrku wkoll lill-partit tiegħu li rċieva finanzjament illegali;
I. billi l-Gvern Moldovan stieden lill-UE timponi sanzjonijiet fuq l-oligarka maħrub Ilan Șor, li jakkużah li għen lir-Russja tagħmel gwerra ibrida kontra l-gvern ta' Chisinau billi xerred inkwiet soċjali; billi l-oligarki Ilan Șor u Vladimir Plahotniuc ġew sanzjonati mill-Istati Uniti u r-Renju Unit għall-involviment tagħhom fil-frodi bankarja ta' USD 1 biljun u skemi illeċiti oħra;
J. billi d-demokrazija tar-Repubblika tal-Moldova wriet ir-reżiljenza tagħha quddiem id-diżinformazzjoni u l-propaganda Russa matul it-tibdil reċenti tal-gvern minkejja ż-żieda fl-attività sovversiva Russa u sponsorjata mir-Russja; billi minkejja dawn it-tentattivi kollha ta' destabbilizzazzjoni, il-poplu u t-tmexxija Moldovani baqgħu determinati li jsegwu t-triq pro-Ewropea li għażlu;
K. billi r-Repubblika tal-Moldova ssottomettiet l-applikazzjoni tagħha biex tissieħeb fl-UE fit-3 ta' Marzu 2022, li tixhed id-determinazzjoni tal-awtoritajiet Moldovani u ċ-ċittadini tagħha biex javvanzaw l-integrazzjoni Ewropea tal-Moldova; billi r-Repubblika tal-Moldova issa hija pajjiż kandidat għas-sħubija fl-UE;
L. billi l-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova beda proċess ta' riforma politika, ġudizzjarja u istituzzjonali ambizzjuż u wera d-determinazzjoni li jwettaq id-disa' passi identifikati fl-opinjoni tal-Kummissjoni biex jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti għall-bidu ta' negozjati ta' adeżjoni; billi l-implimentazzjoni tal-ftehimiet eżistenti tal-Gvern Moldovan turi l-impenn tiegħu lejn kooperazzjoni eqreb mal-Unjoni u l-integrazzjoni fiha; billi l-adeżjoni mal-UE tibqa' proċess ibbażat fuq il-mertu bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfati kriterji u kundizzjonijiet stabbiliti;
M. billi r-Repubblika tal-Moldova hija sieħeb importanti u stmat tal-UE u r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Moldova intensifikaw matul is-sena li għaddiet, ibbażati fuq impenn reċiproku biex isaħħu l-assoċjazzjoni politika tagħhom u japprofondixxu l-integrazzjoni ekonomika tagħhom; billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2022 dwar it-tkabbir u l-proċess ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni poġġew enfasi fuq l-approfondiment ulterjuri tal-kooperazzjoni settorjali tal-UE mal-Moldova u l-integrazzjoni tagħha fis-suq uniku tal-UE; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha pprovdew appoġġ politiku, ekonomiku u umanitarju sinifikanti lir-Repubblika tal-Moldova, u kienu impenjati b'mod attiv fil-promozzjoni tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u r-riformi fil-pajjiż; billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' Marzu 2023 affermaw mill-ġdid id-determinazzjoni tal-UE li tkompli tipprovdi l-appoġġ rilevanti kollu lir-Repubblika tal-Moldova u inkarigaw lill-Kummissjoni biex tippreżenta pakkett ta' appoġġ qabel il-laqgħa tagħha li jmiss; billi pakkett ta' appoġġ ambizzjuż u komprensiv huwa essenzjali kemm għall-ġlieda kontra l-attivitajiet destabilizzanti minn atturi esterni kif ukoll għas-sostenn tat-triq tal-adeżjoni tal-pajjiż;
N. billi l-Unjoni pprovdiet lir-Repubblika tal-Moldova EUR 1,09 biljun f'self u għotjiet minn Ottubru 2021 biex issaħħaħ ir-reżiljenza tagħha, inkluż appoġġ baġitarju, assistenza makrofinanzjarja, għajnuna umanitarja u assistenza taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili u l-Pjattaforma ta' Appoġġ għall-Moldova; billi t-tieni pagament ta' EUR 105 miljun f'assistenza makrofinanzjarja li kien imwiegħed f'Novembru 2022 għadu ma tħallasx; billi l-Kunsill adotta miżuri ta' assistenza li jiswew EUR 7 miljun fl-2021 u EUR 40 miljun fl-2022 f'aktar assistenza militari mhux letali taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF); billi l-Missjoni tal-UE ta' Assistenza fil-Fruntieri (EUBAM) tappoġġja l-isforzi tal-Moldova u tal-Ukrajna biex jimmaniġġjaw b'mod effettiv il-fruntiera komuni tagħhom;
O. billi r-Repubblika tal-Moldova se tospita s-Summit li jmiss tal-Komunità Politika Ewropea f'Chisinau, u b'hekk turi l-pożizzjoni pro-Ewropea ambizzjuża u riżoluta tagħha;
P. billi r-Repubblika tal-Moldova għelbet l-imblukkar loġistiku sostanzjali fil-fruntiera tagħha mal-Ukrajna billi skjerat aktar persunal tal-gwardji tal-fruntiera speċjalizzati;
1. Jinsab f'solidarjetà mal-poplu tar-Repubblika tal-Moldova matul dan il-perjodu diffiċli u jtenni l-appoġġ sod tiegħu għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova; jikkundanna bil-qawwa t-tentattivi ripetuti tar-Russja li tiddestabbilizza r-Repubblika tal-Moldova, il-gvern u s-soċjetà tagħha, li inkludew l-użu ta' mezzi ibridi, l-użu tal-provvisti tal-enerġija bħala armi, il-ksur ripetut tal-ispazju tal-ajru tagħha, il-kampanji ta' diżinformazzjoni u l-protesti organizzati, kif ukoll it-theddida tal-użu tal-forza; jistieden lill-awtoritajiet Russi jirrispettaw l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova, iwaqqfu l-provokazzjoni u t-tentattivi tagħhom biex jiddestabilizzaw il-pajjiż, jirtiraw il-forzi militari tagħhom mir-reġjun Transnistrijan tar-Repubblika tal-Moldova, jiżguraw l-evakwazzjoni sikura jew il-qerda sħiħa tal-munizzjon u t-tagħmir kollu fil-maħżen ta' Cobsana taħt is-sorveljanza internazzjonali u jappoġġjaw riżoluzzjoni paċifika u sostenibbli tal-kunflitt Transnistrijan, f'konformità mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali u fi ħdan il-fruntieri tar-Repubblika tal-Moldova rikonoxxuti internazzjonalment;
2. Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni fir-Repubblika tal-Moldova, u jieħdu azzjoni biex jiġġieldu l-użu ta' mezzi ibridi mill-Federazzjoni Russa; jappella lill-UE żżid l-appoġġ tagħha lir-Repubblika tal-Moldova, inkluż billi tipprovdi aktar riżorsi tekniċi, assistenza finanzjarja u tagħrif espert fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, l-attakki ċibernetiċi u attakki ibridi oħra; jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jtejbu l-komunikazzjoni strateġika dwar l-UE fir-Repubblika tal-Moldova; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jappoġġjaw l-indipendenza tal-media fir-Repubblika tal-Moldova, kif ukoll l-isforzi biex jiżdiedu l-litteriżmu tal-media fis-soċjetà kollha u l-ħiliet ta' analiżi kritika sabiex titjieb il-kapaċità tal-popolazzjoni biex tidentifika d-diżinformazzjoni;
3. Jilqa' t-tmexxija u l-kuraġġ politiku tal-President Maia Sandu, kif ukoll id-determinazzjoni u r-responsabbiltà li bihom l-awtoritajiet Moldovani rnexxielhom jikxfu u jiġġieldu t-tentattivi appoġġjati mir-Russi biex jiddestabilizzaw il-gvern; Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE jivvalutaw bir-reqqa l-miżuri ta' appoġġ eżistenti, filwaqt li jqisu r-riskji akbar għas-sigurtà għar-Repubblika tal-Moldova u l-ħtieġa li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-istituzzjonijiet tal-Istat, tal-forzi armati u tas-soċjetà tal-Moldova kontra tentattivi esterni ta' destabbilizzazzjoni u provokazzjoni; jilqa' l-proposta tal-Presidenza Żvediża biex tiġi stabbilita missjoni ċivili fil-Moldova fl-ambitu tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (Missjoni ta' Sħubija tal-UE fil-Moldova – EUPM Moldova) biex tipprovdi appoġġ fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, t-theddid ċibernetiku u ibridu; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu u jniedu malajr missjoni ċivili ambizzjuża tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni tal-UE u għalhekk jagħtu prijorità lit-tnedija tal-missjoni fil-Kunsill Affarijiet Barranin tat-22 ta' Mejju 2023, u biex jallokaw persunal u finanzjament xieraq għal din il-missjoni;
4. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex ikomplu jsaħħu l-kooperazzjoni mar-Repubblika tal-Moldova biex itejbu r-reżiljenza tal-pajjiż għal theddid ibridu, inkluż permezz tal-iżvilupp konġunt ta' strateġija biex jissalvagwardjaw l-ambjent ta' integrità u sigurtà tal-elezzjonijiet lokali tal-2023, l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2024 u elezzjonijiet parlamentari tal-2025, biex jappoġġjaw il-ħidma tal-ġurnalisti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li qed ifittxu li jiġġieldu d-diżinformazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet Moldovani jsaħħu l-komunikazzjonijiet strateġiċi mal-popolazzjoni Moldovana, inkluż fir-reġjun tat-Transnistrija tar-Repubblika tal-Moldova; jistieden ukoll lill-pjattaformi tal-media soċjali jiżviluppaw, jadattaw u jimplimentaw miżuri speċifiċi ta' moderazzjoni tal-kontenut online sensittivi għall-kuntest tad-diżinformazzjoni fir-Repubblika tal-Moldova;
5. Jilqa' l-kundanna ċara tal-awtoritajiet Moldovani tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u jilqa' l-wegħda tal-gvern li jallinja mal-miżuri restrittivi tal-UE kontra r-Russja; jistieden lill-Kummissjoni tassisti lill-Moldova fl-implimentazzjoni ta' dawn is-sanzjonijiet u tipprovdi appoġġ biex ittaffi kwalunkwe konsegwenza negattiva; ifaħħar is-solidarjetà kontinwa tal-Moldova man-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna minħabba l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja, u d-deċiżjoni reċenti li tagħtihom protezzjoni temporanja f'konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tagħti appoġġ umanitarju permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili, appoġġ għall-ġestjoni tal-fruntieri permezz tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) u l-EUBAM rilokata, u appoġġ għat-trasferiment ta' persuni lejn Stati Membri tal-UE fil-kuntest tal-Pjattaforma ta' Solidarjetà; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-Moldova biex iqisu l-ħtiġijiet speċjali tat-tfal rifuġjati mill-Ukrajna li bħalissa qed jgħixu fil-Moldova u biex jiġu stabbiliti programmi ta' appoġġ għan-nisa rifuġjati, b'mod partikolari dawk li jeħtieġu appoġġ speċjalizzat għall-vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, u jiżguraw aċċess għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva;
6. Jenfasizza r-rwol tar-Repubblika tal-Moldova bħala fornitur tas-sigurtà reġjonali, b'mod partikolari mill-bidu tal-invażjoni sħiħa tal-Ukrajna mir-Russja; jilqa' ż-żieda fl-appoġġ tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi għar-Repubblika tal-Moldova fl-2022 biex tgħin fl-immodernizzar tal-Forzi Armati tal-Moldova; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kontribuzzjonijiet li tirċievi r-Repubblika tal-Moldova mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi, permezz ta' allokazzjonijiet annwali fit-tul u prevedibbli, li, fost affarijiet oħra, jippermettu lill-Moldova ttejjeb is-sorveljanza tal-ajru u d-difiża tal-ajru tagħha, u b'hekk tiżdied ukoll is-sigurtà tal-UE fil-fruntieri tal-UE;
7. Japprova l-ħidma kontinwa taħt id-Djalogu Politiku u ta' Sigurtà ta' Livell Għoli bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni dwar il-politika barranija u ta' sigurtà, jitqajmu kwistjonijiet rilevanti ta' tħassib għas-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali u jiġu diskussi l-possibbiltajiet għal koordinazzjoni mill-qrib u għal miżuri effettivi ta' assistenza u appoġġ; jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova fil-Missjoni ta' Taħriġ tal-UE fil-Mali u l-intenzjoni tagħha li tikkontribwixxi għall-Missjoni ta' Taħriġ tal-UE fis-Somalja u EUFOR ALTHEA fil-Bożnja-Ħerzegovina, kif ukoll biex tintensifika l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-theddid ibridu;
8. Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jwessgħu l-kamp ta' applikazzjoni tar-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem biex jinkludi bħala reat punibbli atti ta' korruzzjoni li jimminaw is-sigurtà, l-istabbiltà, l-ordni kostituzzjonali u l-istituzzjonijiet demokratiċi ta' pajjiż; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jistabbilixxu sanzjonijiet immedjati kontra dawk li jippruvaw jiddestabbilizzaw ir-Repubblika tal-Moldova, jimminaw is-sigurtà, l-istabbiltà u l-ordni kostituzzjonali tagħha jew jikkorrompu l-istituzzjonijiet politiċi u ekonomiċi tagħha; jappella lill-UE, f'dan il-kuntest, tissanzjona lill-oligarki maħruba Ilan Șor u Vladimir Plahotniuc personalment u, fejn xieraq, tissanzjona n-negozji u l-organizzazzjonijiet politiċi tagħhom; jistieden lill-istati u t-territorji ospitanti rispettivi biex jestradixxu lil Ilan Șor u lil Vladimir Plahotniuc biex jitressqu l-Qorti fir-Repubblika tal-Moldova;
9. Jafferma mill-ġdid l-impenn sħiħ tiegħu għas-sħubija tar-Repubblika tal-Moldova fl-Unjoni Ewropea; jemmen li din se tirrappreżenta investiment ġeostrateġiku f'Ewropa magħquda u b'saħħitha; jirrikonoxxi l-progress tal-gvern f'termini ta' riformi u livell ta' allinjament mal-acquis tal-UE u jinkoraġġih iżid il-ħidma lejn l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u ż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva; iħeġġeġ lill-mexxejja tal-UE u tal-Istati Membri jkomplu jinvestu fi djalogu politiku mar-Repubblika tal-Moldova u jżuru l-pajjiż ukoll, inkluż bħala mod kif juru l-impenn tal-UE għall-futur Ewropew tal-Moldova; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi kriterji u punti ta' riferiment ċari, li jistgħu jitkejlu u huma konsistenti mad-disa' passi identifikati biex ir-Repubblika tal-Moldova tavvanza lejn is-sħubija fl-UE;
10. Jilqa' l-isforzi konsiderevoli tal-awtoritajiet Moldovani biex javvanzaw l-aġenda ta' riforma u d-determinazzjoni tagħhom li jissodisfaw id-disa' passi identifikati fl-opinjoni tal-Kummissjoni, minkejja l-pressjoni tar-Russja u l-kriżijiet ikkawżati mill-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; iħeġġeġ lir-Repubblika tal-Moldova tkompli b'determinazzjoni bl-aġenda ta' riforma tagħha dwar id-demokrazija u l-istat tad-dritt; iħeġġeġ lill-gvern jaħdem mal-partijiet ikkonċernati kollha biex tinkiseb riforma profonda, sostenibbli u komprensiva tal-ġustizzja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-UE u tal-Kummissjoni ta' Venezja; ifaħħar il-passi deċiżivi meħuda mill-gvern biex itejjeb il-funzjonament tal-ġudikatura, inkluż il-progress miksub fil-proċedura ta' skrutinju minn qabel għal membri ġodda tal-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura (KSM) u tal-Kunsill Superjuri tal-Prosekuturi; iħeġġeġ lill-atturi rilevanti kollha, b'mod partikolari l-Assemblea Ġenerali tal-Imħallfin, jiżguraw li l-pożizzjonijiet li fadal fil-KSM jimtlew malajr u f'konformità mal-istandards għoljin stabbiliti għall-integrità tal-membri tiegħu; jilqa' l-miżuri meħuda fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni bħall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-proċess in absentia u l-progress tal-prosekuzzjoni f'għadd ta' każijiet ta' profil għoli kontra l-korruzzjoni jew dawk relatati mal-frodi bankarja ta' biljun dollaru Amerikan; jistieden lill-awtoritajiet tal-Moldova jkomplu u jsaħħu aktar l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu l-korruzzjoni, b'mod partikolari billi jiċċaraw il-mandati tal-istituzzjonijiet speċjalizzati kontra l-korruzzjoni tal-pajjiż u billi jsaħħu l-effettività taċ-Ċentru Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni u l-Awtorità Nazzjonali għall-Integrità; ifakkar fl-importanza li jiġi stabbilit rekord kredibbli ta' prosekuzzjonijiet u kundanni għal korruzzjoni fuq il-bażi ta' investigazzjonijiet proattivi u effiċjenti bħala kwistjoni tal-akbar prijorità;
11. Iħeġġeġ l-isforzi tal-Moldova biex tindirizza l-kriminalità internazzjonali u transnazzjonali organizzata u serja; jistieden lill-Kummissjoni tagħti spinta lill-assistenza lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tal-Moldova biex tipprevjeni dawn it-tipi ta' reati kriminali; jilqa' l-kooperazzjoni msaħħa tar-Repubblika tal-Moldova mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill isaħħu l-preżenza ta' dawn l-istituzzjonijiet fil-Moldova; jilqa' l-kooperazzjoni mill-qrib fil-qafas taċ-Ċentru ta' Appoġġ tal-UE għas-Sigurtà Interna u l-Ġestjoni tal-Fruntieri fil-Moldova u jappella għat-tisħiħ taċ-Ċentru ta' Appoġġ tal-UE, inkluż billi jinħatru u jinżammu punti ta' kuntatt fl-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE u billi tiġi pprovduta assistenza finanzjarja addizzjonali tal-UE għall-attivitajiet operazzjonali tiegħu; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-appoġġ tagħhom lill-Ministeru għall-Affarijiet Interni tal-Moldova u jtejbu l-kooperazzjoni mar-Repubblika tal-Moldova dwar l-iskambju ta' informazzjoni klassifikata;
12. Jilqa' l-impenn tar-Repubblika tal-Moldova li żżid l-isforzi tagħha biex tikkonforma mar-rekwiżit ta' "deoligarkizzazzjoni" stabbilit fl-opinjoni tal-Kummissjoni; jilqa' l-abbozz ta' liġi dwar id-"deoligarkizzazzjoni", il-leġiżlazzjoni dwar is-sjieda tal-media u l-adozzjoni tal-istrateġija l-ġdida dwar il-ġestjoni tal-proprjetà tal-istat, l-intrapriżi tal-istat u l-entitajiet b'kapital tal-istat 2022-2030; madankollu, iħeġġeġ lill-awtoritajiet jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja għall-adozzjoni ta' approċċ sistemiku għat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u l-leġiżlazzjoni relatati mal-prevenzjoni ta' monopolji, il-politika tal-kompetizzjoni, il-partiti politiċi, l-elezzjonijiet, it-tassazzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiċċara l-proċess ta' "deoligarkizzazzjoni" deskritt fid-disa' passi;
13. Itenni t-talba tiegħu għal interazzjoni innovattiva, komplementari u flessibbli bejn l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-proċess ta' negozjar ta' adeżjoni, li tippermetti l-integrazzjoni gradwali tar-Repubblika tal-Moldova fis-suq uniku tal-UE, ibbażata fuq pjan ta' azzjoni prijoritarju u programmi settorjali rilevanti u li tipprovdi aċċess għall-fondi rilevanti tal-UE, li jippermetti liċ-ċittadini tal-Moldova jibbenefikaw mill-benefiċċji tal-adeżjoni matul il-proċess kollu u mhux biss meta dan ikun tlesta;
14. Jissottolinja l-importanza li jiġi avvanzat il-proċess ta' riforma tal-pajjiż sabiex jittejbu l-istandards tal-għajxien tal-popolazzjoni, speċjalment ta' dawk il-gruppi tal-popolazzjoni li huma aktar vulnerabbli u dawk fir-reġjuni, u biex il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ jiġu pprovduti bi prospetti attraenti għall-ħajja u x-xogħol fil-pajjiż; ifakkar ukoll fil-ħtieġa li l-Moldova tirrispetta l-impenji tagħha biex ittejjeb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tiġġieled il-vjolenza kontra n-nisa, kif innotat fid-disa' passi identifikati fl-opinjoni tal-Kummissjoni;
15. Jistenna bil-ħerqa li r-Repubblika tal-Moldova twettaq id-disa' passi identifikati fl-opinjoni tal-Kummissjoni u fil-valutazzjoni tal-Kummissjoni bħala parti mill-pakkett tat-tkabbir tal-2023; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill Ewropew biex jibdew negozjati ta' adeżjoni mal-UE sa tmiem l-2023, malli jiġu ssodisfati d-disa' passi;
16. Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw l-integrazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova billi jinkorporaw il-pajjiż fil-programmi, l-istrumenti u l-aġenziji tal-UE bħall-programm tas-suq uniku tal-UE, il-programm Ewropa Diġitali, il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, il-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC), DiscoverEU, il-programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali u oħrajn, kif ukoll isaħħu l-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova fi programmi li diġà ssieħbet fihom, bħall-Erasmus Mundus;
17. Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex ikomplu jipprovdu appoġġ politiku, ekonomiku u umanitarju lir-Repubblika tal-Moldova, inkluż permezz tal-Pjattaforma ta' Appoġġ għall-Moldova mnedija fl-2022, u biex jippromwovu l-istat tad-dritt, id-demokrazija, u r-riformi fil-pajjiż; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex iżidu l-assistenza finanzjarja u teknika biex jappoġġjaw proċess ta' integrazzjoni tal-UE mgħaġġel u effettiv għar-Repubblika tal-Moldova u jappella li tingħata assistenza finanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova fil-forma ta' appoġġ baġitarju dirett b'mod partikolari; jappella li jingħataw aġġornamenti politiċi lir-Repubblika tal-Moldova qabel u wara l-laqgħat tal-Kunsill, f'konformità mal-prattika attwali għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent;
18. Jirrikonoxxi l-importanza tal-pakkett ta' appoġġ komprensiv tal-UE, li mmobilizza aktar minn EUR 1.09 biljun f'self u għotjiet minn Ottubru 2021 biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-Moldova; jilqa' l-ħruġ ta' għotja ta' EUR 10 miljun mill-Kummissjoni fil-5 ta' April 2023, bħala parti mit-tieni pagament tal-assistenza makrofinanzjarja (AMF) li għaddejja lir-Repubblika tal-Moldova, b'valur totali ta' EUR 150 miljun, li hu jistenna li tinħareġ b'mod sħiħ mingħajr dewmien; jistenna li l-ħlas ta' EUR 40 miljun oħra f'self se jsegwi fil-bidu ta' Mejju 2023; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ malajr il-EUR 105 miljun f'appoġġ baġitarju mħabbar f'Novembru 2022 sabiex issaħħaħ l-isforzi ta' stabbilizzazzjoni makroekonomika u finanzjarja tal-Moldova; jilqa' ż-żieda addizzjonali ta' EUR 145 miljun fl-AMF proposta mill-Kummissjoni u jikkonferma li hu lest li jappoġġja din il-miżura; jappella għall-adozzjoni rapida tal-proposta sabiex il-fondi jkunu jistgħu jitħallsu matul l-2023;
19. Jistieden lill-Kummissjoni tħejji l-pakkett ta' appoġġ għar-Repubblika tal-Moldova mitlub mill-Kunsill Ewropew fit-23 ta' Marzu 2023 mhux aktar tard mil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tad-29 ta' Ġunju 2023, sabiex issaħħaħ ir-reżiljenza, is-sigurtà, l-ekonomija u l-provvisti tal-enerġija tal-pajjiż u tappoġġja t-triq tal-adeżjoni tiegħu lejn l-UE;
20. Jisħaq fuq l-importanza li r-Repubblika tal-Moldova tingħata aċċess għall-istrumenti finanzjarji ta' qabel l-adeżjoni tal-UE kemm jista' jkun kmieni; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta biex tirrevedi r-Regolament tal-IPA III(2) kif xieraq hekk kif ikun fattibbli, inkluża proposta biex jiżdied b'mod suffiċjenti l-baġit ġenerali tal-IPA III; jisħaq fuq is-sinifikat li jiġu żgurati sinerġiji bejn il-programmi tal-UE u riżorsi addizzjonali pprovduti mill-UE u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, l-Istati Membri, u donaturi oħra;
21. Jilqa' l-miżuri temporanji ta' liberalizzazzjoni biex tiġi appoġġjata l-ekonomija tal-Moldova billi tingħata kwoti annwali ta' tariffi mingħajr dazju biex tegħleb it-telf tas-swieq tal-esportazzjoni tagħha fir-Russja, il-Belarussja u l-Ukrajna; jappella lill-UE tieħu passi rapidi u sinifikanti lejn il-liberalizzazzjoni permanenti tal-kwoti tar-rati tariffarji tagħha sabiex tiżgura l-prevedibbiltà u żżid l-attrazzjoni tal-pajjiż fuq terminu medju u twil għall-investituri, kif mitlub mill-Gvern tal-Moldova; jinnota li, peress li l-agrikoltura hija settur ekonomiku ewlieni għar-Repubblika tal-Moldova, il-miżuri msemmija hawn fuq għandhom ikunu akkumpanjati wkoll minn appoġġ għas-sostenibbiltà tal-produzzjoni agrikola tal-Moldova; jappella lill-UE, minħabba l-istruttura tal-ekonomija żgħira tar-Repubblika tal-Moldova u abbażi ta' valutazzjonijiet pożittivi tal-awditjar, biex tippermetti wkoll l-importazzjoni ta' prodotti Moldovani addizzjonali ta' oriġini mill-annimali u biex tinkludi lill-bdiewa Moldovani fil-mekkaniżmu ta' kumpens għall-produtturi affettwati mit-tfixkil tas-suq li jirriżulta mill-gwerra fl-Ukrajna;
22. Jikkundanna r-rikatt tal-enerġija kontinwu tar-Russja u jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tar-Repubblika tal-Moldova biex iżżid is-sigurtà tal-enerġija tagħha billi tiddiversifika s-sorsi tal-provvista, tnaqqas il-konsum u tixtri l-enerġija fis-suq Ewropew, tiżviluppa infrastruttura ta' interkonnettività (eż. il-linji tal-elettriku b'vultaġġ għoli Isaccea-Vulcănești u Suceava-Bălți), kif ukoll għall-protezzjoni tal-Moldova taċ-ċittadini tagħha permezz ta' pjan ta' kumpens għall-aktar gruppi vulnerabbli permezz tal-Fond għall-Vulnerabbiltà tal-Enerġija; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jappoġġjaw lir-Repubblika tal-Moldova fil-kisba tal-indipendenza enerġetika, inkluż billi jżidu l-kapaċità ta' ġenerazzjoni, il-konnettività, id-diversifikazzjoni tagħha, jattiraw l-investiment f'sorsi ta' enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika, filwaqt li jiżguraw is-sostenibbiltà ambjentali u jistinkaw lejn in-newtralità karbonika, f'konformità mal-prijoritajiet strateġiċi tal-Moldova; iħeġġeġ lill-UE tuża finanzjament ta' emerġenza biex issaħħaħ il-konnessjoni tar-Repubblika tal-Moldova man-network tal-elettriku tal-UE u tnaqqas id-dipendenza fuq l-enerġija prodotta fir-reġjun Transnistrijan; jissottolinja n-natura kritika tal-kontribuzzjonijiet tal-UE u tas-sħab biex jittaffa l-impatt tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq il-prezzijiet tal-enerġija tal-Moldova u jappella li tingħata aktar assistenza kif meħtieġ; iħeġġeġ lill-Moldova tagħmel użu sħiħ mill-mekkaniżmu konġunt tax-xiri tal-gass permezz tal-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE biex tiżgura s-sigurtà tal-provvista tagħha u l-aċċess għal enerġija affordabbli; jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE jassistu lir-Repubblika tal-Moldova f'dan l-isforz;
23. Jappella lill-UE u lill-istituzzjonijiet tagħha jappoġġjaw l-isforzi tar-Repubblika tal-Moldova biex timmodernizza s-sistema ta' pagament tagħha sabiex tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-integrazzjoni fiż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro (SEPA) u biex jieħdu l-passi meħtieġa biex jilħqu l-objettiv li jabolixxu t-tariffi tar-roaming bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-UE, billi jibdew billi jestendu r-reġim "roaming daqslikieku f'pajjiżek" għar-Repubblika tal-Moldova;
24. Jilqa' l-estensjoni tal-Ftehim bejn l-UE u l-Moldova dwar il-Liberalizzazzjoni tat-Trasport tal-Merkanzija bit-Triq sat-30 ta' Ġunju 2024, li se tippermetti lill-Moldova tagħmel użu sħiħ minn rotot alternattivi ta' esportazzjoni biex tappoġġja l-ekonomija tagħha; jilqa' l-involviment tal-Moldova fil-ħidma tal-Komunità tat-Trasport u jinkoraġġixxi aktar kooperazzjoni sabiex titwitta t-triq għas-sħubija sħiħa tal-Moldova fit-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport kif ukoll it-twaqqif ta' uffiċċju tar-Rappreżentant tal-Komunità tat-Trasport f'Chisinau; jistieden lis-Segretarjat Komunitarju tat-Trasport jappoġġja l-iżvilupp ta' pjan ta' azzjoni għat-traspożizzjoni tal-acquis tat-trasport tal-UE fil-leġiżlazzjoni nazzjonali;
25. Jappella lill-UE biex tkompli tappoġġja r-riabilitazzjoni u l-aġġornamenti tal-infrastruttura ferrovjarja fir-Repubblika tal-Moldova, kif ukoll il-port ta' Giurgiulești, bħala parti minn soluzzjoni għal tħassib reġjonali u globali dwar is-sigurtà tal-ikel u bħala mod ta' appoġġ għall-ekonomiji tar-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna;
26. Jilqa' l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Moldova mal-programm l-UE għas-Saħħa u jistieden lill-Kummissjoni toffri appoġġ addizzjonali lill-Moldova għat-tnedija u l-implimentazzjoni tal-programm;
27. Iħeġġeġ l-organizzazzjoni ta' laqgħat parlamentari bilaterali bejn il-parlamenti tal-Istati Membri u l-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova, kif ukoll bejn il-Kummissjoni u l-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova, u jirrakkomanda li jiġu kkunsidrati modi biex jitmexxa 'l quddiem il-mument li fih l-osservaturi mir-Repubblika tal-Moldova jistgħu jieħdu s-siġġijiet tagħhom fil-Parlament Ewropew, bħal billi jorbtuh mal-għeluq tan-negozjati dwar clusters speċifiċi; jesprimi r-rieda tiegħu li jikkontribwixxi għall-appoġġ u t-tisħiħ tad-demokrazija parlamentari fir-Repubblika tal-Moldova, inkluż permezz tad-Djalogu Jean Monnet, meta jkun xieraq għall-kuntest domestiku tagħha;
28. Ifakkar li l-konsolidazzjoni tal-kapaċità amministrattiva tar-Repubblika tal-Moldova hija rekwiżit ewlieni stabbilit fl-opinjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ġunju 2022; jieħu nota tal-impatt tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq il-baġit strett u l-kapaċitajiet amministrattivi tar-Repubblika tal-Moldova; jistieden lill-awtoritajiet Moldovani, f'dan ir-rigward, ikomplu bl-isforzi tagħhom biex iżidu l-kwalità u l-kapaċità tal-persunal tal-amministrazzjoni pubblika li jaħdem fuq l-adeżjoni mal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissekonda uffiċjali tal-UE fil-ministeri Moldovani; jistieden lill-Kummissjoni, minħabba l-isfidi u l-istatus tar-Repubblika tal-Moldova bħala pajjiż kandidat tal-UE, tkompli żżid il-kapaċità tal-persunal tagħha li tittratta u tappoġġja l-proċess ta' adeżjoni għar-Repubblika tal-Moldova, kemm fi Brussell kif ukoll f'Chisinau, u tistabbilixxi unità ddedikata għar-Repubblika tal-Moldova fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għall-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir (DĠ NEAR);
29. Jisħaq li l-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-parteċipazzjoni tagħha fi proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet se jkunu l-pedament ta' kwalunkwe implimentazzjoni b'suċċess tar-riformi meħtieġa biex ir-Repubblika tal-Moldova titqarreb lejn l-UE; jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ tagħhom lis-soċjetà ċivili fir-Repubblika tal-Moldova;
30. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova u lill-Federazzjoni Russa.
Ir-Regolament (UE) 2021/1529 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Settembru 2021 li jistabbilixxi l-Istrument għall-assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA III) (ĠU L 330, 20.9.2021, p. 1).